L-EVANĠELJU TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU SKONT SAN MARK


Kapitlu Numru 1       

Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista

(Mt 3, 1-12; Lq 3, 3-18; Ġw 1, 19-28)

[Mk:1:1] Il-Bidu ta' l-Evanġelju ta' Ġesù Kristu l-Iben ta' Alla. [Mk:1:2] Bħalma hu miktub fil-ktieb ta' Isaija l-profeta,

‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr
tiegħi biex iħejji triqtek.
[Mk:1:3] Leħen ta' wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,’

[Mk:1:4] hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. [Mk:1:5] U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta' Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.

[Mk:1:6] Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. [Mk:1:7] U kien ixandar u jgħid: "Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. [Mk:1:8] Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu."

Il-magħmudija ta' Ġesù
(Mt 3, 13-17; Lq 3, 21-22)

[Mk:1:9] U ġara li f'dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. [Mk:1:10] U minnufih hu u tiela' mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; [Mk:1:11] u mis-smewwiet instama' leħen: "Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."

It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert
(Mt 4, 1-11; Lq 4, 1-13)

[Mk:1:12] Mbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert. [Mk:1:13] U baqa' fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.

Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija
(Mt 4, 12-17; Lq 4, 14-15)

[Mk:1:14] Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta' Alla [Mk:1:15] u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta' Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju."

Ġesù jsejjaħ erba' sajjieda
(Mt 4, 18-20; Lq 5, 1-11)

[Mk:1:16] Waqt li kien għaddej ma' xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u 'l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. [Mk:1:17] U Ġesù qalilhom: "Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin." [Mk:1:18] U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

[Mk:1:19] Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta' Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, [Mk:1:20] u minnufih sejjħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

Ġesù jfejjaq raġel li kellu spirtu ħażin
(Lq 4, 31-37)

[Mk:1:21] U daħlu Kafarnahum. Malajr, f'jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. [Mk:1:22] In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. [Mk:1:23] Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin [Mk:1:24] u qabad jgħajjat u jgħid: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: 'Il-Qaddis ta' Alla'." [Mk:1:25] Imma Ġesù kkmandah: "Iskot," qallu,"u oħroġ minnu." [Mk:1:26] Mbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu. [Mk:1:27] U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: "Dan x'inhu? X'tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!" [Mk:1:28] U l-fama tiegħu malajr xterdet ma' l-inħawi kollha tal-Galilija.

Ġesù jfejjaq ħafna nies
(Mt 8,14-15; Lq 4, 38-39)

[Mk:1:29] Ħarġu mis-sinagoga u baqa' sejjer ma' Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. [Mk:1:30] Issa omm il-mara ta' Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. [Mk:1:31] Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
[Mk:1:32] Fil-għaxija, mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. [Mk:1:33] U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. [Mk:1:34] U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta' mard, u ħareġ għadd kbir ta' xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

Ġesù jmur jippriedka
(Lq 4, 42-44)

[Mk:1:35] L-għada fil-għodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f'post imwarrab u qagħad hemm jitlob. [Mk:1:36] Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. [Mk:1:37] Kif sabuh, qalulu: "Kulħadd jistaqsi għalik." [Mk:1:38] U qalilhom: "Ejjew immorru band'oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt." [Mk:1:39] U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.

Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż
(Mt 8, 2-4; Lq 5, 12-16)

[Mk:1:40] Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Jekk trid, tista' tfejjaqni." [Mk:1:41] Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid, kun imnaddaf." [Mk:1:42] U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. [Mk:1:43] U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr [Mk:1:44] u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta' xhieda." [Mk:1:45] Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma' kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f'ebda belt ma sata' iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa' barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
 


Kapitlu Numru 2       

Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
(Mt 9, 1-8; Lq 5, 17-26)

[Mk:2:1] Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar. [Mk:2:2] U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma. [Mk:2:3] U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. [Mk:2:4] Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta' fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. [Mk:2:5] Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Ibni, dnubietek maħfura." [Mk:2:6] Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f'qalbhom bdew jgħidu: [Mk:2:7] "Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?" [Mk:2:8] Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x'kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom? [Mk:2:9] X'inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, 'Dnubietek maħfura', jew tgħidlu, 'Qum u aqbad friexek u imxi'? [Mk:2:10] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," qal lill-mifluġ, [Mk:2:11] "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." [Mk:2:12] Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ 'il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: "Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom."
Is-sejħa ta' Levi
(Mt 9, 9-13; Lq 5, 27-32)

[Mk:2:13] Raġa' ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. [Mk:2:14] Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta' Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi. "Ejja warajja," qallu. Dak qam u mar warajh. [Mk:2:15] U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. [Mk:2:16] Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: "Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?" [Mk:2:17] Ġesù semagħhom u qalilhom: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin."

Mistoqsija fuq is-sawm
(Mt 9, 14-17; Lq 5, 33-39)

[Mk:2:18] Darba waħda d-dixxipli ta' Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: "Għaliex id-dixxipli ta' Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?" [Mk:2:19] Qalilhom Ġesù: "Huwa l-ħbieb ta' l-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom m'humiex se jsumu. [Mk:2:20] Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar. [Mk:2:21] Ħadd ma jraqqa' mantar qadim b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber. [Mk:2:22] U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa' d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f'damiġġani ġodda!"

Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
(Mt 12, 1-8; Lq 6, 1-5)

[Mk:2:23] Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul. [Mk:2:24] U l-Fariżej staqsewh: "Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?" [Mk:2:25] U hu qalilhom: "Qatt ma qrajtu x'għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu, [Mk:2:26] kif daħal fid-dar ta' Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista' jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?" [Mk:2:27] U qalilhom: "Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt. [Mk:2:28] Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid."
 


Kapitlu Numru 3       

Ir-raġel b'idu niexfa
(Mt 12, 9-14; Lq 6, 6-11)

[Mk:3:1] Raġa' daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. [Mk:3:2] U qagħdu jgħassulu jekk ifejjqux f'jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. [Mk:3:3] Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum, ejja fin-nofs." [Mk:3:4] Mbagħad staqsa lilhom: "X'jiswa li tagħmel nhar ta' Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?" Iżda huma baqgħu siekta. [Mk:3:5] U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, mnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta' qalbhom, u qal lir-raġel: "Midd idek." Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f'saħħitha. [Mk:3:6] U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu ma' l-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.

Kotra kbira f'xatt il-baħar
(Mt 12, 15-16)

[Mk:3:7] Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija, [Mk:3:8] minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta' Tir u Sidon, kotra kbira ta' nies, li semgħu b'kull ma kien għamel, marru ħdejh. [Mk:3:9] Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu; [Mk:3:10] għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh. [Mk:3:11] U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajjtu: "Int l-Iben ta' Alla!" [Mk:3:12] Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.

Ġesù jagħżel it-Tnax
(Mt 10, 1-4; Lq 5, 12-16)

[Mk:3:13] Tela' fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, [Mk:3:14] u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw, [Mk:3:15] u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten. [Mk:3:16] Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta' Pietru, [Mk:3:17] u Ġakbu ta' Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta' Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad, [Mk:3:18] u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta' Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani, [Mk:3:19] u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.

Ġesù u Begħelżebul
(Mt 12, 22-32; Lq 11, 14-23; 12, 10)

[Mk:3:20] Mbagħad mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. [Mk:3:21] Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.

[Mk:3:22] Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: "Dan għandu fih lil Begħelżebul," u wkoll, "Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten." [Mk:3:23] Hu sejjħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: "Kif jista' x-Xitan ikeċċi x-Xitan? [Mk:3:24] Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. [Mk:3:25] U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. [Mk:3:26] Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista' jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. [Mk:3:27] Ħadd ma jista' jidħol fid-dar ta' wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. [Mk:3:28] Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. [Mk:3:29] Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa' ħati għal dejjem." [Mk:3:30] Għax kienu qalu: "Għandu fih spirtu ħażin."

Omm Ġesù u ħutu
(Mt 12, 46-50; Lq 8,19-21)

[Mk:3:31] Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejjħulu. [Mk:3:32] Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. "Ara", qalulu, "ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk." [Mk:3:33] U hu weġibhom: "Min huma ommi u ħuti?" [Mk:3:34] Mbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: "Dawn, ara, huma ommi u ħuti. [Mk:3:35] Kull min jagħmel ir-rieda ta' Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi."

Kapitlu Numru 4       

Il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13, 1-9; Lq 8, 4-8)

[Mk:4:1] Raġa' beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla' bilqiegħda f'dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. [Mk:4:2] U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom:

[Mk:4:3] "Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra'. [Mk:4:4] Ġara li hu u jiżra', xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. [Mk:4:5] Oħrajn waqgħu f'art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; [Mk:4:6] meta mbagħad telgħet ix-xemx, nħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. [Mk:4:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. [Mk:4:8] Oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija." [Mk:4:9] U qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"

L-għala Ġesù tkellem bil-parabboli
(Mt 13,10-15 ; Lq 8, 9-10)

[Mk:4:10] Meta kien waħdu, dawk ta' madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. [Mk:4:11] U hu qalilhom: "Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta' Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, [Mk:4:12] ħalli ‘jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jibdlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra’."

Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13, 18-23; Lq 8, 11-15)

[Mk:4:13] "Din il-parabbola m'intomx tifhmuha?" qalilhom. "Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? [Mk:4:14] Dak li l-bidwi jiżra' hija l-kelma. [Mk:4:15] Dawk ta' matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f'qalbhom. [Mk:4:16] Dawk li jinżergħu f'art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, [Mk:4:17] imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu. [Mk:4:18] L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma, [Mk:4:19] iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid ta' l-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. [Mk:4:20] Dawk imbagħad li jinżergħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija."

Il-parabbola tal-musbieħ

[Mk:4:21] U qalilhom: "Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt is-siegħ jew taħt is-sodda? M'hux fuq l-imnara jqegħduh? [Mk:4:22] Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. [Mk:4:23] Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"

[Mk:4:24] U qalilhom: "Oqogħdu attenti x'tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll. [Mk:4:25] Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu."

Il-parabbola taż-żerriegħa li tinbet weħidha

[Mk:4:26] U qal: "Is-Saltna ta' Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. [Mk:4:27] Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. [Mk:4:28] L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, mbagħad is-sbula, mbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. [Mk:4:29] U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad."

Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda
(Mt 13, 31-32; Lq 13, 18-19)

[Mk:4:30] U qal: "Ma' xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta' Alla, jew b'liema parabbola nfissruha? [Mk:4:31] Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara' fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; [Mk:4:32] imma wara li tinżara' tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar ta' l-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha."

L-użu tal-parabboli
(Mt 13, 34-35)

[Mk:4:33] B'ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, [Mk:4:34] u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Ġesù jsikket it-tempesta
(Mt 8, 18, 23-27; Lq 8, 22-25)

[Mk:4:35] Dakinhar, xħin sar filgħaxija qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor." [Mk:4:36] Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. [Mk:4:37] U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela' għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. [Mk:4:38] Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, dan qisu m'hu xejn għalik li aħna se nintilfu?" [Mk:4:39] Mbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: "Iskot! Biżżejjed!" U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.

[Mk:4:40] U qalilhom: "Dal-biża' kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?" [Mk:4:41] U qabadhom biża' kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?"

Kapitlu Numru 5       

Ġesù jfejjaq raġel imxajtan f'Ġerasa
(Mt 8,28-34; Lq 8, 26-39)

[Mk:5:1] Waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal- Gerasin. [Mk:5:2] Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. [Mk:5:3] Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista' jżommu marbut, anqas b'katina, [Mk:5:4] għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. [Mk:5:5] Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta' ġismu biż-żrar. [Mk:5:6] Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, nxteħet fl-art quddiemu, [Mk:5:7] u għajjat b'leħen qawwi u qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!" [Mk:5:8] Għax kien qallu: "Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!" [Mk:5:9] Mbagħad staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun jisimni," wieġbu, "għax aħna ħafna." [Mk:5:10] U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż. [Mk:5:11] Mela kien hemm merħla kbira ta' qżieqeż tirgħa mal-ġenb ta' l-għolja, [Mk:5:12] u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: "Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom." [Mk:5:13] U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta' madwar elfejn ras, nxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. [Mk:5:14] Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x'ġara. [Mk:5:15] Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f'sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża'. [Mk:5:16] In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x'kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. [Mk:5:17] Mbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom. [Mk:5:18] Kif kien tiela' fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa' miegħu. [Mk:5:19] Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: "Mur inġabar id-dar ma' niesek, u għidilhom kull ma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik." [Mk:5:20] Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.

Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt
(Mt 9, 18-26; Lq 8, 40-56)

[Mk:5:21] Wara li Ġesù raġa' qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta' nies. [Mk:5:22] U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, nxteħet f'riġlejh, [Mk:5:23] u talbu ħafna u qallu: "Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix." [Mk:5:24] U Ġesù telaq miegħu, b'kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

[Mk:5:25] U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. [Mk:5:26] Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. [Mk:5:27] Meta semgħet b'Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, [Mk:5:28] għax qalet: "Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejjqa." [Mk:5:29] F'daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. [Mk:5:30] Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: "Min messli l-mantar?" [Mk:5:31] Id-dixxipli tiegħu qalulu: "Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?" [Mk:5:32] Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. [Mk:5:33] Mbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża' għax għarfet x'kien ġralha, resqet, nxteħtet f'riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. [Mk:5:34] "Binti," qalilha, "il-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek."

[Mk:5:35] Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: "Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?" [Mk:5:36] Iżda Ġesù sama' x'kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: "Tibżax, biss inti emmen." [Mk:5:37] U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. [Mk:5:38] Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. [Mk:5:39] Daħal, u qalilhom: "Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla m'hijiex mejta, imma rieqda." [Mk:5:40] U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll 'il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. [Mk:5:41] Qabdilha idha, u qalilha: "Talitha, qum!" jiġifieri: "Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!" [Mk:5:42] Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. [Mk:5:43] U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

Kapitlu Numru 6       

In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù
(Mt 13,56-58; Lq 4, 16-30)

[Mk:6:1] Telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. [Mk:6:2] Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: "Mnejn kisbu dan kollu? U x'inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b'idejh? [Mk:6:3] Dan m'huwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet m'humiex hawn magħna?" U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. [Mk:6:4] Qalilhom Ġesù: "Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f'pajjiżu u fost qrabatu u f'daru stess." [Mk:6:5] U hemmhekk ma sata' jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; [Mk:6:6] u baqa' mistagħġeb bin-nuqqas ta' fidi tagħhom.

Il-missjoni tat-Tnax
(Mt 10, 1, 14; Lq 9, 1-6)

[Mk:6:7] U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. [Mk:6:8] U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; [Mk:6:9] imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. [Mk:6:10] Qalilhom: "Fejn tidħlu f'xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. [Mk:6:11] U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom." [Mk:6:12] Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; [Mk:6:13] u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

Il-qtil ta' Ġwanni l-Battista
(Mt 14, 1-2; Lq 9, 7-9)

[Mk:6:14] Is-sultan Erodi sama' bih, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: "Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f'hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu fih." [Mk:6:15] Imma oħrajn bdew jgħidu: "Dan Elija." U oħrajn: "Profeta, bħal wieħed mill-profeti l-oħra." [Mk:6:16] Iżda Erodi, meta sama' bih, qal: "Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt."

[Mk:6:17] Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. [Mk:6:18] Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: "Ma tistax iżżommha int il-mara ta' ħuk." [Mk:6:19] Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista', [Mk:6:20] għax Erodi, li kien jaf x'raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża' minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa' mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

[Mk:6:21] Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. [Mk:6:22] Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: "Itlobni kull ma trid, u jien nagħtik kull ma titlobni." [Mk:6:23] U qalilha u ħalfilha: "Titlobni x'titlobni kollox nagħtik, mqar nofs is-saltna tiegħi." [Mk:6:24] Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: "Tgħid x'nitolbu?" "Ras Ġwanni l-Battista," weġbitha dik. [Mk:6:25] Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: "Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt." [Mk:6:26] Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa' lura mill-kelma li taha. [Mk:6:27] Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta' madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; [Mk:6:28] mbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. [Mk:6:29] Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b'dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.

Ġesù jitma' ħamest elef ruħ
(Mt 14, 13-21; Lq 9, 10-17; Ġw 6, 1-13)

[Mk:6 :30] L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. [Mk:6 :31] U hu qalilhom: "Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu
ftit." Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. [Mk:6 :32] Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, [Mk:6 :33] imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru 'l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

[Mk:6 :34] Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. [Mk:6 :35] Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: "Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. [Mk:6 :36] Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu." [Mk:6 :37] Iżda hu weġibhom: " Agħtuhom intom x’jieklu." Qalulu: "U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?" [Mk:6 :38] Mbagħad staqsiehom: " Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw." Meta saru jafu, qalulu: " Ħamsa, u żewġ ħutiet." [Mk:6 :39] Mbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. [Mk:6 :40] U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. [Mk:6 :41] Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewwluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll. [Mk:6 :42] U kulħadd kiel u xaba’. [Mk:6 :43] U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; [Mk:6 :44] u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!

Ġesù jimxi fuq l-ilma
(Mt 14, 22-33; Ġw 6, 16-21)

[Mk:6:45] Minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. [Mk:6:46] Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala' fuq l-għoljiet biex jitlob. [Mk:6:47] Xħin sar filgħaxija d-dgħajsa kienet għadha f'nofs il-baħar, u hu waħdu l-art. [Mk:6:48] Kif rahom jitħabtu jaqdfu, għax kellhom ir-riħ għal wiċċhom, għal xi r-raba' sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar, u ried jgħaddihom. [Mk:6:49] Huma rawh miexi fuq il-baħar u stħajjluh xi fantażma, u qabdu jgħajjtu, [Mk:6:50] għax ilkoll tbeżżgħu kif rawh. Iżda hu minnufih kellimhom: "Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn." [Mk:6:51] Mbagħad tala' ħdejhom fid-dgħajsa, u r-riħ waqaf. U komplew tnixxfu fihom infushom bil-għaġeb, [Mk:6:52] għax il-miraklu tal-ħobż ma kinux fehmuh, imma moħħhom kien magħluq.

Ġesù jfejjaq il-morda f'Ġennesaret
(Mt 14, 34-36)

[Mk:6:53] Wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f'Ġennesaret u rabtu d-dgħajsa max-xatt. [Mk:6:54] Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh [Mk:6:55] u marru jiġru ma' dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed. [Mk:6:56] Kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.

Kapitlu Numru 7       

It-tradizzjonijiet ta' l-antenati
(Mt 15, 1-9)

[Mk:7:1] Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh, [Mk:7:2] u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b'idejhom m'humiex indaf, jiġifieri m'humiex maħsulin. [Mk:7:3] Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta' missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; [Mk:7:4] hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. [Mk:7:5] Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: "Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjoni ta' missirijiethom, imma jieklu b'idejhom m'humiex indaf?" [Mk:7:6] Iżda hu weġibhom: "Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta' wiċċ b'ieħor, bħalma hu miktub,

‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,
imma qalbhom hija ′l bogħod minni.
[Mk:7:7] Fiergħa hi l-qima li jagħtuni;
jgħallmu duttrina
li m’hijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’

[Mk:7:8] Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta' Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin." [Mk:7:9] U qalilhom: "Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta' Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. [Mk:7:10] Mosè qal, 'Weġġaħ lil missierek u 'l ommok' u 'min iżeblaħ lil missieru jew 'l ommu għandu jieħu l-mewt'. [Mk:7:11] Imma intom tgħidu: Jekk wieħed jgħid lil missieru jew 'l ommu, 'Il-ġid li għandi, li jista' jkun ta' għajnuna għalik, huwa Qorban' - (jiġifieri, offerta)' [Mk:7:12] intom mbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu, [Mk:7:13] u hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta' Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu."

X'inhu li jtabba' lill-bniedem
(Mt 15, 10-20)

[Mk:7:14] Raġa' sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: "Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! [Mk:7:15] Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba' lill-bniedem."

[Mk:7:17] Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. [Mk:7:18] U hu qalilhom: "Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista' jtabba' lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, [Mk:7:19] la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?" B'hekk wera li l-ikel kollu hu safi. [Mk:7:20] U qalilhom: "Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba' lill-bniedem. [Mk:7:21] Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, [Mk:7:22] adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. [Mk:7:23] Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba' lill-bniedem."

Il-fidi tal-mara Sirofeniċja
(Mt 15, 21-28)

[Mk:7:24] Minn hemmhekk telaq u mar fl-inħawi tal-belt ta' Tir. Daħal joqgħod f'dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba, [Mk:7:25] għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f'riġlejh. [Mk:7:26] Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha. [Mk:7:27] U hu qalilha: "L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax m'hux sewwa tieħu l-ħobż ta' l-ulied u tixħtu lill-ġriewi." [Mk:7:28] Iżda hi weġbitu u qaltlu: "Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal." [Mk:7:29] Mbagħad qalilha: "Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek." [Mk:7:30] U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.

Ġesù jfejjaq trux u mbikkem

[Mk:7:31] Raġa' telaq mill-inħawi tal-belt ta' Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. [Mk:7:32] U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. [Mk:7:33] Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f'widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. [Mk:7:34] Mbagħad refa' għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: "Effata," jiġifieri, "Infetaħ!" [Mk:7:35] U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta' lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa. [Mk:7:36] Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. [Mk:7:37] U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: "Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin."

Kapitlu Numru 8       

Ġesù jitma' erbat elef
(Mt 15, 32-39)

[Mk:8:1] F'dawk il-jiem, reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x'jieklu, sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: [Mk:8:2] "Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x'jieklu. [Mk:8:3] Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod." [Mk:8:4] Id-dixxipli tiegħu weġbuh: "F'deżert bħal dan minn fejn jista' wieħed ixabba' lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?" [Mk:8:5] Hu staqsiehom: "Xi kemm għandkom ħobż?" Qalulu: "Sebgħa." [Mk:8:6] Mbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba' ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewwluhom lin-nies, u huma newwluhomlhom. [Mk:8:7] U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewwlu dawn ukoll. [Mk:8:8] U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal, sebat iqfief! [Mk:8:9] U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! [Mk:8:10] Mbagħad bagħathom. U minnufih tala' fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta' Dalmanuta.

Il-Fariżej jitolbu sinjal mis-sema
(Mt 16, 1-4)

[Mk:8:11] Ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha miegħu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema. [Mk:8:12] Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: "Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel." [Mk:8:13] U telaqhom, raġa' tala' fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.

Il-ħmira tal-Fariżej u ta' Erodi
(Mt 16, 5-12)

[Mk:8:14] U nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. [Mk:8:15] Hu wissiehom u qalilhom: "Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta' Erodi!" [Mk:8:16] Huma bdew jgħidu bejniethom: "Dan għax m'għandniex ħobż." [Mk:8:17] Ġesù induna u qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż. Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X'ebusija ta' ras għandkom? [Mk:8:18] Għandkom għajnejn u ma tarawx? Għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux [Mk:8:19] meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?" Qalulu: "Tnax." [Mk:8:20] "Meta qassamt is-seba' ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?" Qalulu: "Sebgħa." [Mk:8:21] "U għadkom ma fhimtux?" qalilhom.

Ġesù jfejjaq raġel agħma f'Betsajda

[Mk:8:22] Waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. [Mk:8:23] Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f'għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: "Qiegħed tara xi ħaġa?" [Mk:8:24] Dak ħares 'il fuq u qal: "Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin." [Mk:8:25] Mbagħad raġa' qegħedlu idejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. [Mk:8:26] Bagħtu lura lejn daru, u qallu: "Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal."

Stqarrija tal-fidi minn Pietru
(Mt 16, 13-20; Lq 9, 18-21)

[Mk:8:27] Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta' Ċesarija ta' Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: "Min jgħidu n-nies li jien?" [Mk:8:28] Weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti." [Mk:8:29] "Imma intom," staqsiehom, "intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija." [Mk:8:30] Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma' ħadd fuqu.

L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 16, 21-23; Lq 9, 22)

[Mk:8:31] U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa' jqum. [Mk:8:32] Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. [Mk:8:33] Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: "Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m'intix taħseb fil-ħwejjeġ ta' Alla, imma f'dawk tal-bnedmin!"

[Mk:8:34] Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja. [Mk:8:35] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u ta' l-Evanġelju, isalvaha. [Mk:8:36] Għax x'jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? [Mk:8:37] Xi prezz jista' jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? [Mk:8:38] Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb ta' llum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta' Missieru flimkien ma' l-anġli mqaddsa."

Kapitlu Numru 9       

[Mk:9:1] Qalilhom ukoll: "Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta' Alla, mogħnija bil-qawwa."

It-Trasfigurazzjoni
(Mt 17, 1-8; Lq 9, 28-36)

[Mk:9:2] Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. [Mk:9:3] Lbiesu sar abjad u jgħammex b'dija ta' l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista' jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. [Mk:9:4] U dehrilhom Elija ma' Mosè, jitkellmu ma' Ġesù. [Mk:9:5] Qabad Pietru u qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." [Mk:9:6] Dan qalu għax ma kienx jaf x'jaqbad jgħid bil-biża' kbir li waqa' fuqhom. [Mk:9:7] Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu." [Mk:9:8] Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

[Mk:9:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. [Mk:9:10] Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x'kien ifisser 'tqum mill-imwiet'. [Mk:9:11] Staqsewh u qalulu: "Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?" [Mk:9:12] "Tassew," weġibhom, "l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa' jqiegħed kollox f'postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? [Mk:9:13] Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu."

Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan
(Mt 17,14-21; Lq 9, 37-42)

[Mk:9:14] Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b'kotra kbira ta' nies madwarhom, u xi kittieba jitlewwmu magħhom. [Mk:9:15] In-nies, kif rawh, lkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. [Mk:9:16] U hu staqsiehom: "Fuqiex qegħdin titlewwmu magħhom?" [Mk:9:17] U wieħed mill-kotra qallu: "Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. [Mk:9:18] U kull fejn jaħkmu jsabbtu ma' l-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila." [Mk:9:19] "Ja nies bla fidi" qalilhom Ġesù, "kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi." [Mk:9:20] U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu 'l hawn u 'l hemm bir-ragħwa f'ħalqu. [Mk:9:21] "Xi kemm ilu jagħtih hekk?" staqsa Ġesù lil missieru."Minn ċkunitu," qallu, [Mk:9:22] "u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista' tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!" [Mk:9:23] "Jekk tista'!" qallu Ġesù. "Kollox jista' jkun għal min jemmen!" [Mk:9:24] Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: "Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!" [Mk:9:25] Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: "Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!" [Mk:9:26] U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: "Miet!" [Mk:9:27] Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh. [Mk:9:28] Meta mbagħad Ġesù raġa' daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: "Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?" [Mk:9:29] "Spirtu bħal dak," qalilhom, "ma jista' jitkeċċa b'xejn ħlief bit-talb."

It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 17, 22-23; Lq 9, 43-45)

[Mk:9:30] Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, [Mk:9:31] għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: "Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt." [Mk:9:32] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet
(Mt 18, 1-5; Lq 9, 46-48)

[Mk:9:33] Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: "X'kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?" [Mk:9:34] Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. [Mk:9:35] Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta' kulħadd." [Mk:9:36] U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: [Mk:9:37] "Kull min jilqa' wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' mhux lili, imma lil dak li bagħatni."

Min m'huwiex kontra Ġesù
(Mt 10, 42; Lq 9, 49-50)

[Mk:9:38] "Mgħallem, qallu Ġwanni, "wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f'ismek u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna." [Mk:9:39] Imma Ġesù qal: "La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f'ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. [Mk:9:40] Għax min m'huwiex kontra tagħna, huwa magħna.

[Mk:9:41] "Min jagħtikom tazza ilma x'tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu."

L-iskandlu
(Mt 18, 6-9; Lq 17, 1-2)

[Mk:9:42] "Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. [Mk:9:43] U jekk idek hija għalik okkażjoni ta' dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'id waħda fil-ħajja, milli li tmur b'idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. [Mk:9:45] U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta' dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b'riġlejk it-tnejn fl-infern. [Mk:9:47] U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'għajn waħda fis-Saltna ta' Alla milli tinxteħet b'għajnejk it-tnejn fl-infern, [Mk:9:48] fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex. [Mk:9:49] Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar.

[Mk:9:50] "Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta', biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom."

Kapitlu Numru 10       

Id-divorzju
(Mt 19, 1-9; Lq 16, 18)

[Mk:10:1] Telaq minn hemmhekk u mar fl-art tal-Lhudija u 'l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, raġa' qabad jgħallimhom. [Mk:10:2] Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. [Mk:10:3] Weġibhom u qal: "X'ordnalkom Mosè?" [Mk:10:4] Qalulu: "Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha. "[Mk:10:5] Mbagħad weġibhom Ġesù: "Minħabba l-ebusija ta' qalbkom kitbilkom dan l-ordni. [Mk:10:6] Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. [Mk:10:7] Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu, [Mk:10:8] u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. [Mk:10:9] Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem." [Mk:10:10] Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, [Mk:10:11] u hu qalilhom: "Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju kontra l-ewwel waħda; [Mk:10:12] u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta' adulterju."

Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar
(Mt 19, 13-15; Lq 18, 15-17)

[Mk:10:13] Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. [Mk:10:14] Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: "Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla. [Mk:10:15] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha." [Mk:10:16] Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Ir-raġel għani
(Mt 19, 16-22; Lq 18, 18-23)

[Mk:10:17] Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" [Mk:10:18] "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù, "ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. [Mk:10:19] Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u 'l ommok." [Mk:10:20] U dak wieġbu u qallu: "Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti." [Mk:10:21] Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba u qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja." [Mk:10:22] Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b'qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

[Mk:10:23] Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla! [Mk:10:24] Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa' qalilhom: "Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta' Alla! [Mk:10:25] Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!" [Mk:10:26] Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Mela min jista' jsalva?" [Mk:10:27] Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista' jkun." [Mk:10:28] Qabeż Pietru u qallu: "Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk." [Mk:10:29] Qallu Ġesù: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, [Mk:10:30] ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f'din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subjien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma' persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej. [Mk:10:31] U ħafna li huma ta' l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta' l-aħħar jiġu l-ewwel."

It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 20, 17-19; Lq 18, 31-33)

[Mk:10:32] Kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin. Raġa' sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x'kien se jgħaddi minn għalih: [Mk:10:33] "Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f'idejn il-pagani; [Mk:10:34] dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt."

It-talba ta' Ġakbu u Ġwanni
(Mt 20, 20-28)

[Mk:10:35] Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: "Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna." [Mk:10:36] "Xi triduni nagħmlilkom?" staqsiehom. [Mk:10:37] U huma weġbuh: "Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek." [Mk:10:38] Imma Ġesù qalilhom: "Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?" [Mk:10:39] "Għandha," qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: "Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; [Mk:10:40] imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m'hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija."

[Mk:10:41] L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. [Mk:10:42] Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. [Mk:10:43] Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, [Mk:10:44] u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta' kulħadd. [Mk:10:45] Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra."

Ġesù jfejjaq lil Bartimew l-agħma
(Mt 20, 29-34; Lq 18, 35-43)

[Mk:10:46] U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma' kotra kbira ta' nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. [Mk:10:47] Dan, meta sama' li kien Ġesù ta' Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!" [Mk:10:48] Kien hemm ħafna li bdew jgħajjtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" [Mk:10:49] Ġesù waqaf u qal: "Sejjħulu." Huma sejjħu l-agħma u qalulu: "Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek." [Mk:10:50] Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. [Mk:10:51] U Ġesù kellmu u qallu: "Xi tridni nagħmillek?" "Li nerġa' nara, Rabbuni," wieġbu l-agħma. [Mk:10:52] "Mur," qallu Ġesù, "il-fidi tiegħek fejjqitek." U minnufih raġa' beda jara, u baqa' miexi warajh fit-triq.

Kapitlu Numru 11       

Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm
(Mt 21, 1-11; Lq 19, 28-40; Ġw 12,12-16)

[Mk:11:1] Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu [Mk:11:2] u qalilhom: "Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. [Mk:11:3] Jekk xi ħadd jistaqsikom, 'Dan kif qegħdin tagħmluh?' għidulu, 'Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa' jibagħtu hawn.' " [Mk:11:4] Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh. [Mk:11:5] Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: "X'intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?" [Mk:11:6] Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu. [Mk:11:7] Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu. [Mk:11:8] U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi. [Mk:11:9] U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajjtu: "Hosanna! Mbierek min ġej f’isem il-Mulej! [Mk:11:10] Mbierka s-Saltna li ġejja ta' David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!" [Mk:11:11] Daħal Ġerusalemm u baqa' sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax.

Is-siġra tat-tin misħuta
(Mt 21, 18-19)

[Mk:11:12] L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. [Mk:11:13] Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu m'huwiex żmienu. [Mk:11:14] U qalilha: "Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!" U d-dixxipli tiegħu semgħuh.

Il-qdusija tat-tempju
(Mt 21, 12-17; Lq 19, 45-48; Ġw 2, 14-16)

[Mk:11:15] U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta' dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, [Mk:11:16] u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b'xi ħaġa jaqsam mit-tempju. [Mk:11:17] U beda jgħallimhom u jgħidilhom: "Ma hemmx miktub li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!" [Mk:11:18] Dan wasal f'widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x'jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu. [Mk:11:19] Fil-għaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt.

Tagħlima mis-siġra mnixxfa
(Mt 21, 20-22)

[Mk:11:20] Fil-għodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq. [Mk:11:21] Pietru ftakar, u qallu: "Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet!" [Mk:11:22] U Ġesù wieġeb u qalilhom: "Emmnu f'Alla. [Mk:11:23] Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, 'Intrefa' u nxteħet il-baħar', bla ma joqgħod jitħasseb f'qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. [Mk:11:24] Għalhekk ngħidilkom: kull ma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. [Mk:11:25] U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom."

Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù
(Mt 21,23-27; Lq 20, 1-8)

[Mk:11:27] Mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ [Mk:11:28] u staqsewh: "Int b'liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?" [Mk:11:29] "Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien" qalilhom Ġesù, "weġbuni għaliha, u ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. [Mk:11:30] Il-magħmudija ta' Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni." [Mk:11:31] Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema', jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintuhx?' [Mk:11:32] Mela ngħidulu 'Mill-bnedmin'?" Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. [Mk:11:33] Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: "Ma nafux." U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."

Kapitlu Numru 12       

Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa
(Mt 21, 33-46; Lq 20, 9-19)

[Mk:12:1] U beda jkellimhom bil-parabboli: "Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella' ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f'art oħra.’ [Mk:12:2] Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott ta' l-għalqa. [Mk:12:3] Iżda huma qabduh, sawwtuh, u bagħtuh lura idu f'idu. [Mk:12:4] Raġa' bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. [Mk:12:5] Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawwtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom. [Mk:12:6] Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. 'Minn ibni jistħu,' qal. [Mk:12:7] Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa' fuqna.' [Mk:12:8] Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa. [Mk:12:9] X'jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. [Mk:12:10] Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu,

‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka :
[Mk:12:11] bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan ;
ħaġa ta’ l–għaġeb f’għajnejna’?"

[Mk:12:12] Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.

Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi
(Mt 22, 15-22; Lq 20, 20-26)

[Mk:12:13] Mbagħad bagħtulu xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f'xi kelma. [Mk:12:14] Ġew u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b'ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? [Mk:12:15] Għandna jew ma għandniex inħallsuha?" Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b'ieħor tagħhom, u qalilhom: "Għaliex tridu tinbxuni? Newwluli dinar ħa narah." [Mk:12:16] Newwlulu dinar, u hu staqsiehom: "Ta' min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?" Qalulu: "Ta' Ċesari!" [Mk:12:17] Qalilhom imbagħad Ġesù: "Agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." U stagħġbu ħafna bih.

Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet
(Mt 22, 23-33; Lq 20, 27-40)

[Mk:12:18] Mela resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija: [Mk:12:19] "Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh. [Mk:12:20] Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal. [Mk:12:21] It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, [Mk:12:22] u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. [Mk:12:23] Issa fil-qawmien ta' l-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha." [Mk:12:24] Qalilhom Ġesù: "U mhux għalhekk tiżbaljaw intom? Għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta' Alla! [Mk:12:25] Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewwġu u lanqas iżewwġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. [Mk:12:26] Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta' Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: Jiena Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb? [Mk:12:27] Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar."

Il-kmandament il-kbir
(Mt 22, 34-40; Lq 10, 25-28)

[Mk:12:28] Wieħed mill-kittieba semagħhom jitlewwmu bejniethom, u, meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: "Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?" [Mk:12:29] Ġesù wieġbu: "L-ewwel wieħed huwa dan: Isma' Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, [Mk:12:30] u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, b'moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. [Mk:12:31] U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn." [Mk:12:32] Qallu l-kittieb: "Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. [Mk:12:33] Iva, li tħobb lilu b'qalbek kollha, b'moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha." [Mk:12:34] Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: "M'intix 'il bogħod mis-Saltna ta' Alla." U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Messija Sid David
(Mt 22, 41-46; Lq 20, 41-44)

[Mk:12:35] Darba, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: "Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David! [Mk:12:36] David stess, mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal,

‘Il-Mulej qal lil Sidi :
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek
taħt riġlejk.’

[Mk:12:37] Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?" U dik il-kotra kbira ta' nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.

Ġesù jikkundanna l-ipokrisija tal-kittieba
(Mt 23, 6-36; Lq 11, 37-54; 20, 45-47)

[Mk:12:38] Hu u jgħallimhom qal ukoll: "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, [Mk:12:39] u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta' quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; [Mk:12:40] iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa."

L-offerta ta' l-armla
(Lq 21, 1-4)

[Mk:12:41] Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. [Mk:12:42] Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. [Mk:12:43] Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. [Mk:12:44] Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix."


Kapitlu Numru 13       

Ġesù jħabbar it-tiġrif tat-tempju
(Mt 24, 1-3; Lq 21, 5-7)

[Mk:13:1] Hu u ħiereġ mit-tempju, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Ara, Mgħallem, x'ġebel dan, x'bini!" [Mk:13:2] Qallu Ġesù: "Qiegħed tarah dan il-bini kollu? Ma tibqax ġebla fuq oħra, li ma tiġġarrafx."

Il-bidu tat-tbatijiet
(Mt 24, 3-14; Lq 21, 7-19)

[Mk:13:3] Kif kien qiegħed fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, biswit it-tempju, Pietru, Ġakbu, Ġwanni u Indrì resqu jistaqsuh għalihom waħedhom: [Mk:13:4] "Għidilna dan meta għad jiġri u x'se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal!"

[Mk:13:5] Beda mbagħad Ġesù jgħidilhom: "Araw li ħadd ma jqarraq bikom. [Mk:13:6] Għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu', u jqarrqu b'ħafna nies. [Mk:13:7] Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u xnigħat ta' gwerer, xejn titħawwdu. Dan jeħtieġ li jiġri, imma jkun għadu m'huwiex it-tmiem. [Mk:13:8] Għax għad iqumu ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżheż f'ħafna bnadi, u jkun hawn ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.

[Mk:13:9] Oqogħdu attenti! Għad jagħtukom f'idejn il-qrati, isawwtukom fis-sinagogi, u titilgħu quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom. [Mk:13:10] Għax l-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.

[Mk:13:11] "U meta jeħdukom biex jitilqukom f'idejhom, tinkwetawx ruħkom xi tkunu se tgħidu, iżda tkellmu kif tkunu mnebbħin dak il-ħin stess; għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu s-Santu. [Mk:13:12] L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. [Mk:13:13] U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. Imma min jibqa' jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.

L-hemm il-kbir
(Mt 24, 15-25; Lq 21, 20-24)

[Mk:13:14] "Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju fejn ma għandhiex tkun - ħa jifhem min jaqra! - ħa jaħarbu mbagħad lejn l-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija; [Mk:13:15] u min ikun fuq il-bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-dar; [Mk:13:16] anqas min ikun fir-raba' ma għandu jerġa' lura biex jieħu l-mantar tiegħu. [Mk:13:17] Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! [Mk:13:18] Itolbu li dan kollu ma jiġrix fix-xitwa. [Mk:13:19] Għax dawk il-jiem ikunu ta' dwejjaq li mill-bidu tad-dinja li ħalaq Alla sa llum għadu qatt ma kien hawn bħalhom u anqas ikun hawn. [Mk:13:20] U kieku dawk il-jiem il-Mulej ma qassarhomx, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin li għażel huwa qassarhom dawk il-jiem. [Mk:13:21] Jekk mela xi ħadd jgħidilkom, 'Ara, hawn hu l-Messija', jew, 'Hemm qiegħed, ara', la temmnuhx. [Mk:13:22] Għax għad jitfaċċaw ħafna messijiet foloz u profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali, u għeġubijiet biex iqarrqu, jekk jista' jkun, mqar bil-maħturin. [Mk:13:23] Għalhekk oqogħdu attenti; għedtilkom kollox minn qabel.

Il-miġja ta' Bin il-bniedem
(Mt 24, 29-31; Lq 21, 25-27)

[Mk:13:24] "Imma f'dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, [Mk:13:25] il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, [Mk:13:26] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b'qawwa kbira u bi glorja. [Mk:13:27] U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Tagħlima mis-siġra tat-tin
(Mt 24, 32-36; Lq 21, 29-33)

[Mk:13:28] "Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. [Mk:13:29] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. [Mk:13:30] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. [Mk:13:31] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

[Mk:13:32] "Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.

Ħadd ma jaf il-jum u s-siegħa
(Mt 24, 42-44; 45-51; Lq 12, 38-40)

[Mk:13:33] "Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. [Mk:13:34] Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f'idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa' jishar. [Mk:13:35] Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux fil-għaxija, jew f'nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, [Mk:13:36] li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. [Mk:13:37] U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!"

Kapitlu Numru 14       

Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù
(Mt 26, 2-5; Lq 22, 1-2; Ġw 11, 34-53)

[Mk:14:1] Kien għad baqa' jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta' moħħhom u jagħtuh il-mewt. [Mk:14:2] Għax bdew jgħidu: "Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu."

Ġesù midluk f'Betanja
(Mt 26, 6-13; Ġw 12, 1-8)

[Mk:14:3] Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f'Betanja. Daħlet mara, b'vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ ta' nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. [Mk:14:4] U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: "Dal-ħala kollu ta' fwieħa għalfejn? [Mk:14:5] Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra." U bdew jeħduha magħha. [Mk:14:6] Imma Ġesù qal: "Ħalluha; għala qegħdin iddejjquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. [Mk:14:7] Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. [Mk:14:8] Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. [Mk:14:9] Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b'tifkira tagħha."

It-tradiment ta' Ġuda
(Mt 26, 14-16; Lq 22, 3-6)

[Mk:14:10] Mbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom. [Mk:14:11] Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.

Ġesù jagħmel l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli
(Mt 26,17-25; Lq 22, 7-14, 21-23)

[Mk:14:12] Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: "Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla ta' l-Għid?" [Mk:14:13] Mbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Morru l-belt, u tiltaqgħu ma' raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, [Mk:14:14] u għidu lil sid id-dar ta' fejn tarawh dieħel, 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista' niekol l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli tiegħi?' [Mk:14:15] U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk." [Mk:14:16] U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla ta' l-Għid.

[Mk:14:17] Għall-ħin ta' filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. [Mk:14:18] U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: "Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi." [Mk:14:19] Huma bdew isewwdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: "Jaqaw jien?" [Mk:14:20] Qalilhom: "Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. [Mk:14:21] Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!"

It-twaqqif ta' l-Ewkaristija
(Mt 26, 26-29; Lq 22,15-20; 1 Kor 11, 23-25)

[Mk:14:22] Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi." [Mk:14:23] Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. [Mk:14:24] U qalilhom: "Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. [Mk:14:25] Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta' Alla."

Ġesù jħabbar iċ-ċaħda ta' Pietru
(Mt 26, 30-35; Lq 22, 31-34; Ġw 13, 36-38)

[Mk:14:26] Mbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. [Mk:14:27] U Ġesù qalilhom: "Lkoll se titħawwdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-Ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’ [Mk:14:28] Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom." [Mk:14:29] Qallu Pietru: "Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx." [Mk:14:30] Qallu Ġesù: "Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet." [Mk:14:31] Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: "Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!" U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.

Ġesù jitlob fil-Ġetsemani
(Mt 26, 36-46; Lq 22, 39-46)

[Mk:14:32] Waslu f'qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: "Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob." [Mk:14:33] U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża' u d-dwejjaq. [Mk:14:34] Qalilhom: "Nħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru." [Mk:14:35] Mexa kemmxejn 'il quddiem, nxteħet fl-art, u talab li, jekk jista' jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. [Mk:14:36] U qal: "Abbà, Missier, kollox jista' jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int." [Mk:14:37] Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: "Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! [Mk:14:38] Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef." [Mk:14:39] U raġa' mar u tenna l-istess talba. [Mk:14:40] Mill-ġdid ġie u għal darb'oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x'jaqbdu jgħidulu [Mk:14:41] Ġie għat-tielet darba u qalilhom: "Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f'idejn il-midinbin. [Mk:14:42] Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!"

Ġesù ttradut u arrestat
(MT 26, 47-56; Lq 22, 47-53; Ġw 18, 2-11)

[Mk:14:43] Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b'ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. [Mk:14:44] Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: "Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb." [Mk:14:45] Malli mbagħad wasal, baqa' sejjer fuqu u qallu, "Rabbi." U biesu. [Mk:14:46] Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. [Mk:14:47] Imma wieħed minn dawk ta' madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. [Mk:14:48] Ġesù dar fuqhom u qalilhom : "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! [Mk:14:49] Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura." [Mk:14:50] Mbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. [Mk:14:51] Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b'liżar biss fuq xejn, u qabduh; [Mk:14:52] imma hu telqilhom il-liżar f'idejhom u ħarab għeri.

Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju
(Mt 26, 57-68; Lq 22, 54, 63-71; Ġw 18, 13-24)

[Mk:14:53] Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. [Mk:14:54] Pietru kien baqa' miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. [Mk:14:55] Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. [Mk:14:56] Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. [Mk:14:57] Mbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu: [Mk:14:58] "Aħna smajnieh jgħid, 'Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!' " [Mk:14:59] Imma x-xhieda tagħhom anqas f'dan ma kienet taqbel. [Mk:14:60] Mbagħad il-qassis il-kbir qam f'nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: "Xejn ma twieġeb? X'inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?" [Mk:14:61] Iżda hu baqa' sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: "Int il-Messija, Bin l-Imbierek?" [Mk:14:62] "Jiena hu," wieġbu Ġesù, u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema." [Mk:14:63] Mbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta' fuqu u qal: "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda? [Mk:14:64] Id-dagħwa smajtuha! X'jidhrilkom?" U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt.

[Mk:14:65] Mbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: "Aqta' min!" U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.

Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mt 26, 69-75; Lq 22, 55-62; Ġw 18, 15-18, 25-27)

[Mk:14:66] Waqt li Pietru kien isfel 'il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. [Mk:14:67] Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: "Int ukoll kont ma' Ġesù ta' Nazaret." [Mk:14:68] Imma hu ċaħad u qal: "Ma nafx, m'iniex nifhem x'inti tgħid." U ħareġ 'il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden. [Mk:14:69] Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: "Dan wieħed minnhom." [Mk:14:70] U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: "Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija." [Mk:14:71] Mbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: "Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu." [Mk:14:72] Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: 'Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet.' U nfexx jibki.

Kapitlu Numru 15       

Ġesù quddiem Pilatu
(Mt 27, 1-2, 11-26; Lq 23, 1-5, 13-25; Ġw 18, 28; 19, 1, 4-16)

[Mk:15:1] Fil-għodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Mbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f'idejn Pilatu.

[Mk:15:2] Pilatu staqsieh: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġeb u qallu: "Int qiegħed tgħidu." [Mk:15:3] Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. [Mk:15:4] Iżda Pilatu raġa' staqsieh: "Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!" [Mk:15:5] Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa' mistagħġeb.

Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mt 27, 15-26; Lq 23, 13-25; Ġw 18, 38-19, 16)

[Mk:15:6] F'nhar ta' festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. [Mk:15:7] Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd.

[Mk:15:8] In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. [Mk:15:9] Qabad Pilatu u qalilhom: "Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?" [Mk:15:10] Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f'idejh minħabba l-għira. [Mk:15:11] Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewwxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. [Mk:15:12] Pilatu raġa' staqsiehom u qalilhom: "U x'nagħmel imbagħad b'dak li intom issejjħulu s-sultan tal-Lhud?" [Mk:15:13] Iżda huma nfexxew jgħajjtu mill-ġdid: "Sallbu!" [Mk:15:14] Qalilhom Pilatu: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajjtu: "Sallbu!" [Mk:15:15] Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

Is-suldati jżebilħu lil Ġesù
(Mt 27, 27-31; Ġw 19, 2-3)

[Mk:15:16] Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejjħu r-riġment kollu. [Mk:15:17] Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. [Mk:15:18] U bdew isellmulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!" [Mk:15:19] U qabdu jagħtuh b'qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkubbtejhom quddiemu biex jagħtuh qima. [Mk:15:20] Mbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.

Ġesù msallab
(Mt 27, 32-44; Lq 23, 26-43; Ġw 19, 18-24)

U ħaduh 'il barra biex isallbuh. [Mk:15:21] Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba', u ġagħluh jerfagħlu s-salib. [Mk:15:22] U wassluh f'post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. [Mk:15:23] U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. [Mk:15:24] Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. [Mk:15:25] Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. [Mk:15:26] Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: "Is-sultan tal-Lhud." [Mk:15:27] Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. [Mk:15:29] Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: "Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa' tibnih fi tlitt ijiem! [Mk:15:30] Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!" [Mk:15:31] Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! [Mk:15:32] Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta' Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!" U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.

Il-mewt ta' Ġesù
(Mt 27, 45-56; Lq 23, 44-49; Ġw 19, 28-30)

[Mk:15:33] Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa. [Mk:15:34] U fid-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi: "Eloî, Eloî, lema sabaqtani!", li jfisser: "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?" [Mk:15:35] Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!" [Mk:15:36] U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob filwaqt li qal: "Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!" [Mk:15:37] Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. [Mk:15:38] U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel. [Mk:15:39] Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: "Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!"

[Mk:15:40] Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; [Mk:15:41] dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.

Id-difna ta' Ġesù
(Mt 27,57-61; Lq 23, 50-55; Ġw 19, 38-42)

[Mk:15:42] Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, [Mk:15:43] Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta' Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. [Mk:15:44] Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. [Mk:15:45] Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta' Ġesù lil Ġużeppi, [Mk:15:46] u dan xtara liżar ta' l-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f'qabar imħaffer fil-blat; mbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. [Mk:15:47] Marija ta' Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.

Kapitlu Numru 16       

Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet
(Mt 28, 1-18; Lq 24, 1-12; Ġw 20, 1-10)

[Mk:16:1] Meta għadda s-Sibt, Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. [Mk:16:2] U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.

[Mk:16:3] U bdew jgħidu lil xulxin: "Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?" [Mk:16:4] Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. [Mk:16:5] Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. [Mk:16:6] Imma hu qalilhom: "Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta' Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m'huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. [Mk:16:7] Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom." [Mk:16:8] U huma ħarġu 'l barra u tbiegħdu b'ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża'. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.

Ġesù jidher lil Marija ta' Magdala
(Mt 28, 9-10; Ġw 20, 11-18)

[Mk:16:9] Wara li qam mill-mewt fil-għodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta' Magdala, li minnha kien keċċa seba' xjaten. [Mk:16:10] Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. [Mk:16:11] Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.

Ġesù jidher lil żewġ dixxipli
(Lq 24, 13-35)

[Mk:16:12] Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba'. [Mk:16:13] U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.

Ġesù jagħti l-missjoni lill-Appostli
(Mt 28, 16-20; Lq 24, 36-49; Ġw 20, 19-23; Atti 1, 6-8)

[Mk:16:14] Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. [Mk:16:15] U qalilhom: "Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. [Mk:16:16] Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. [Mk:16:17] U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f'ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b'ilsna ġodda, [Mk:16:18] jaqbdu s-sriep b'idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu."

It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema
(Lq 24, 50-53; Atti 1, 3-14)

[Mk:16:19] U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella' fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta' Alla. [Mk:16:20] Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.