L-EVANĠELJU TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU SKONT SAN LUQA
1. Dedika lil Teofilu
[Lq:1:1] Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni
f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, [Lq:1:2] kif għaddewhom lilna dawk
li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma. [Lq:1:3]
Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif
dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa
b'ħaġa, [Lq:1:4] biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.
It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista
[Lq:1:5] Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija,
mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron.
[Lq:1:6] It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn
skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. [Lq:1:7] Ulied ma kellhomx,
għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.
[Lq:1:8] Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla,
għax kien imissha t-taqsima tiegħu, [Lq:1:9] u, skond id-drawwa tal-liturġija,
ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.
[Lq:1:10] Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda
titlob barra.
[Lq:1:11] U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta' l-artal ta' l-inċens.
[Lq:1:12] Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu. [Lq:1:13] Imma l-anġlu
qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta
se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. [Lq:1:14] Din tkun għalik ħaġa li
tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.
[Lq:1:15] Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb
qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. [Lq:1:16] Huwa jreġġa' lil
ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, [Lq:1:17] u hu ġej qabel
il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex iraġġa' l-qlub
tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom
għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej." [Lq:1:18]
Imma Żakkarija qal lill-anġlu: "Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u
marti mdaħħla fiż-żmien!" [Lq:1:19] Wieġeb l-anġlu u qallu: "Jiena Gabrijel, li
qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba.
[Lq:1:20] U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt,
ara, int tibqa' mbikkem u ma tkunx tista' titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull
ma ħabbartlek."
[Lq:1:21] Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd
stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. [Lq:1:22] Meta mbagħad ħareġ, ma
setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom
bis-sinjali, u baqa' mbikkem. [Lq:1:23] Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien
tas-servizz tiegħu, raġa' lura lejn id-dar.
[Lq:1:24] Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur
sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: [Lq:1:25] "Hekk għamel
miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!"
It-taħbira tat-twelid ta' Ġesù Kristu
[Lq:1:26] Mbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt
tal-Galilija. jisimha Nazaret, [Lq:1:27] għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu
Ġużeppi mid-dar ta' David. Dix-xebba kien jisimha Marija. [Lq:1:28] L-anġlu
daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek."
[Lq:1:29] Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn
ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima. [Lq:1:30] Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax,
Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. [Lq:1:31] Ara, inti se tnissel
fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. [Lq:1:32] Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ
Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru [Lq:1:33] u
jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu."
[Lq:1:34] Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?"
[Lq:1:35] Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta'
l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun
qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. [Lq:1:36] Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi
xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha
kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, [Lq:1:37] għax għal Alla ma hemm xejn li
ma jistax isir." [Lq:1:38] Mbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja
tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Iż-żjara ta' Marija lil Eliżabetta
[Lq:1:39] F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt
tal-Lhudija. [Lq:1:40] Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.
[Lq:1:41] Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet
fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; [Lq:1:42] u nfexxet
f'għajta kbira u qalet: "Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf
tiegħek! [Lq:1:43] U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?
[Lq:1:44] Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija
li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. [Lq:1:45] Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ
kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!"
Innu ta' tifħir lil Alla minn Marija
[Lq:1:46] Mbagħad qalet Marija:
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
[Lq:1:47] u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi, [Lq:1:48] għax hu
xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
[Lq:1:49] għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
[Lq:1:50] Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
[Lq:1:51] Hu wera l-qawwa ta' driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.
[Lq:1:52] Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
[Lq:1:53] Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.
[Lq:1:54] Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
[Lq:1:55] bħalma wiegħed lil missirijietna,
b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."
[Lq:1:56] Marija baqgħet ma' Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura
lejn darha.
It-twelid ta' Ġwanni l-Battista
[Lq:1:57] Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. [Lq:1:58]
Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu
magħha. [Lq:1:59] Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni
lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, [Lq:1:60] imma qabżet ommu u
qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu." [Lq:1:61] Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu
hekk fost qrabatek!" [Lq:1:62] Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru
x'ried isemmih, [Lq:1:63] u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu
huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb. [Lq:1:64] Dak il-ħin stess Żakkarija
nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. [Lq:1:65] U
l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet
kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija, [Lq:1:66] u kull min kien jismagħhom
kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id
il-Mulej kienet miegħu.
Il-profezija ta' Żakkarija
[Lq:1:67] U Żakkarija, missieru, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:
[Lq:1:68] "Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael,
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
[Lq:1:69] u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni
f'dar David qaddej tiegħu,
[Lq:1:70] bħalma wiegħed fl-imgħoddi
b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
[Lq:1:71] biex isalvana mill-għedewwa tagħna,
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
[Lq:1:72] B'hekk juri ħniena ma' missirijietna
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
[Lq:1:73] fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:
li jagħtina l-grazzja
[Lq:1:74] li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża',
tul ħajjitna kollha,
[Lq:1:75] bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.
[Lq:1:76] U int, tfajjel,
tissejjaħ profeta ta' l-aktar Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej
biex tħejjilu triqatu
[Lq:1:77] u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni
Permezz tal-maħfra ta' dnubiethom,
[Lq:1:78] mogħtija mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna,
li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;
[Lq:1:79] u jdawwal lil min jinsab
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,
u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem."
[Lq:1:80] It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix fid-deżert sa dakinhar
li ħareġ quddiem Iżrael.
2. It-twelid ta' Ġesù Kristu
(Mt 1, 18-25)
[Lq:2:1] F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja
kollha. [Lq:2:2] Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur
tas-Sirja. [Lq:2:3] U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
[Lq:2:4] Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nazaret, u tala' l-Lhudija,
fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David
- [Lq:2:5] biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila.
[Lq:2:6] Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles,
[Lq:2:7] u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma
kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Ir-rgħajja u l-anġli
[Lq:2:8] F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla
tagħhom billejl. [Lq:2:9] U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej
iddiet madwarhom, u qabadhom biża' kbir. [Lq:2:10] Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux,
għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu.
[Lq:2:11] Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija,
il-Mulej. [Lq:2:12] U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u
mimduda f'maxtura." [Lq:2:13] F'daqqa waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta'
qtajja' tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
[Lq:2:14] "Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!"
[Lq:2:15] Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu
lil xulxin: "Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej."
[Lq:2:16] Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija
mimduda f'maxtura. [Lq:2:17] Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal
lilhom dwar dik it-tarbija, [Lq:2:18] u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb
b'dak li qalulhom ir-rgħajja. [Lq:2:19] Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż
f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. [Lq:2:20]
Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu
raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
[Lq:2:21] Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni,
semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Il-preżentazzjoni ta' Ġesù fit-tempju
[Lq:2:22] Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi
ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, [Lq:2:23] kif hemm
miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat
lill-Mulej,' [Lq:2:24] u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,'
kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
[Lq:2:25] F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li
kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. [Lq:2:26] L-Ispirtu
s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.
[Lq:2:27] Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu
bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, [Lq:2:28] huwa
laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
[Lq:2:29] "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skond kelmtek,
[Lq:2:30] għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek
[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,
[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."
[Lq:2:33] Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu.
[Lq:2:34] Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien
ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, [Lq:2:35] - u inti wkoll, sejf
jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."
[Lq:2:36] Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta'
Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin
miżżewwġa, [Lq:2:37] u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma
kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.
[Lq:2:38] Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq
it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.
[Lq:2:39] Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu
lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nazaret. [Lq:2:40] U t-tifel baqa'
jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu.
It-tfajjel Ġesù fit-tempju
[Lq:2:41] Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa
ta' l-Għid. [Lq:2:42] Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta'
dik il-festa. [Lq:2:43] Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma
t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. [Lq:2:44]
Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum
mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, [Lq:2:45] ma sabuhx, u
għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
[Lq:2:46] Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema,
jismagħhom u jistaqsihom; [Lq:2:47] u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen
u t-tweġibiet tiegħu. [Lq:2:48] Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan
għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk
b'qalbna maqsuma!" [Lq:2:49] U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni?
Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" [Lq:2:50] Iżda kliemu
ma fehmuhx. [Lq:2:51] Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom.
U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. [Lq:2:52] U hekk Ġesù baqa'
jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
3. Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista
(Mt 3,1-12; Mk 1, 1-8; Ġw 1, 19-28)
[Lq:3:1] Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta' Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien
gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta' l-artijiet
ta' l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta' Abileni, [Lq:3:2] fiż-żmien
meta l-uffiċċju ta' qassis il-kbir kien f'idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej
ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. [Lq:3:3] U ġie fl-inħawi kollha ta'
madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet,
[Lq:3:4] kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta' Isaija:
‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
[Lq:3:5] Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
[Lq:3:6] U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta' Alla.'
[Lq:3:7] In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom, u huwa
kien jgħidilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x'għandkom tagħmlu biex
taħarbu l-korla li ġejja? [Lq:3:8] Mela uru frott li jixraq lill-indiema, u
toqogħdux tgħidu lilkom infuskom: 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax
ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham.'
[Lq:3:9] Il-mannara ġa qiegħda ma' għerq is-siġra, u għalhekk kull siġra li ma
tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar." [Lq:3:10] In-nies kienu
jistaqsuh u jgħidulu: "Mela x'għandna nagħmlu?" [Lq:3:11] U huwa kien iweġibhom:
"Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol
jagħmel l-istess." [Lq:3:12] Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu:
"Mgħallem, x'għandna nagħmlu aħna?" [Lq:3:13] U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil
ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu." [Lq:3:14] Staqsewh ukoll
xi suldati u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu lil
ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom."
[Lq:3:15] Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu
nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. [Lq:3:16] Għalhekk Ġwanni qabad u
qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa
minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom
bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. [Lq:3:17] Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa
u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex."
[Lq:3:18] U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
[Lq:3:19] Iżda meta widdeb lil Erodi t-tetrarka billi kien qed jgħix ma' Erodja,
mart ħuh, u minħabba l-ħażen kollu li kien għamel, [Lq:3:20] Erodi kompla jżid
ma' ħtijietu u għalaq lil Ġwanni fil-ħabs.
Il-magħmudija ta' Ġesù
(Mt 3, 13-17; Mk 1, 9-11)
[Lq:3:21] Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt
li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, [Lq:3:22] u niżel l-Ispirtu s-Santu
u deher fuqu fis-sura ta' ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: "Inti Ibni l-għażiż;
fik sibt l-għaxqa tiegħi."
L-antenati ta' Ġesù Kristu
(Mt 1, 1-17 )
[Lq:3:23] Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies
kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli, [Lq:3:24] bin Mattat, bin Levi,
bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi, [Lq:3:25] bin Mattatija, bin Għamos, bin
Naħum, bin Ħesli, bin Naggaj, [Lq:3:26] bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi,
bin Ġożè, bin Ġoda, [Lq:3:27] bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel,
bin Neri, [Lq:3:28] bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadan, bin Għer,
[Lq:3:29] bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi, [Lq:3:30]
bin Simgħon, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim, [Lq:3:31] bin Melija,
bin Menna, bin Mattata, bin Natan, bin David, [Lq:3:32] bin Ġesse, bin Għobed,
bin Bogħaż, bin Sala, bin Naħson, [Lq:3:33] bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni,
bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda, [Lq:3:34] bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham,
bin Teraħ, bin Naħor, [Lq:3:35] bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin
Selaħ, [Lq:3:36] bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek,
[Lq:3:37] bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan,
[Lq:3:38] bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla.
4. It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert
(Mt 4, 1-11; Mk 1, 12-13)
[Lq:4:1] Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu
fid-deżert. [Lq:4:2] Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul
dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ.
[Lq:4:3] U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż."
[Lq:4:4] Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.' "
[Lq:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha
f'daqqa. [Lq:4:6] Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja
tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. [Lq:4:7]
Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun." [Lq:4:8] Ġesù
wieġbu u qallu: "Hemm miktub,
‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima,
u lilu biss taqdi.’ ”
[Lq:4:9] Mbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u
qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. [Lq:4:10] Għax hemm
miktub li
‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom
biex jieħdu ħsiebek sewwa,’
[Lq:4:11] u li
fuq idejhom jerfgħuk,
ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ”
[Lq:4:12] Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.' "
[Lq:4:13] Mbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma
wasal il-waqt.
Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija
(Mt 4, 12-17; Mk 1, 14-15)
[Lq:4:14] Ġesù, bil-qawwa ta' l-Ispirtu, reġa' mar il-Galilija; u l-fama tiegħu
xterdet ma' dawk l-inħawi kollha, [Lq:4:15] għax hu kien jgħallem fis-sinagogi
tagħhom fost it-tifħir ta' kulħadd.
In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù
(Mk 13, 53-38; Mt 6, 1-6)
[Lq:4:16] U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien
imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. [Lq:4:17] Tawh f'idejh il-ktieb
ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
[Lq:4:18] 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
nrodd il-ħelsien lill-maħqurin
[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’
[Lq:4:20] Mbagħad raġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad
bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. [Lq:4:21] U beda
jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu." [Lq:4:22] U lkoll
laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u
bdew jgħidu: "Dan m'huwiex bin Ġużeppi?" [Lq:4:23] Iżda hu qalilhom: "Żgur li se
tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek : dak kollu li
smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." [Lq:4:24] U żied
jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu.
[Lq:4:25] Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien
Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir
fil-pajjiż kollu; [Lq:4:26] madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija,
imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. [Lq:4:27] U kien hemm bosta
lebbrużi f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq
ħlief Nagħman tas-Sirja." [Lq:4:28] Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela
bil-korla; [Lq:4:29] qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta'
rdum ta' l-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn
hemm fuq għal isfel. [Lq:4:30] Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.
Ir-raġel bi spirtu ħażin
(Mt 1, 21-28)
[Lq:4:31] Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f'jum is-Sibt qagħad jgħallem
lin-nies, [Lq:4:32] li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors
tiegħu kien ta' wieħed li għandu s-setgħa.
[Lq:4:33] U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta' xitan imniġġes,
u qabad jgħajjat b'leħen għoli: [Lq:4:34] "Ah! x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta'
Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta' Alla!" [Lq:4:35]
Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: "Iskot, u oħroġ minnu!" Mbagħad l-ispirtu
xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. [Lq:4:36] U kulħadd stagħġeb,
u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: "Dan xi kliem hu? Għax hu jordna
b'setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu!" [Lq:4:37] U l-fama tiegħu
xterdet ma' kullimkien f'dawk l-inħawi kollha.
Ġesù jfejjaq ħafna nies
(Mt 8, 14-17; Mk 1, 29-34)
[Lq:4:38] Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta'
Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. [Lq:4:39] Resaq fuqha, ordna
lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom. [Lq:4:40] Hija
u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x'kien il-mard tagħhom,
ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom.
[Lq:4:41] Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajjtu u jgħidu: "Inti
Bin Alla!" Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu
jafu li hu l-Messija.
Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka
(Mk 1, 35-39)
[Lq:4:42] Meta sebaħ, ħareġ u mar f'post imwarrab.
In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom.
[Lq:4:43] Iżda hu qalilhom: "Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla
lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut." [Lq:4:44] U kien
jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija.
5. Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli
(Mt 4, 18-22; Mk 1, 16-20)
[Lq:5:1] Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma' l-kelma ta' Alla. Hu kien
qiegħed f'xatt l-għadira ta' Ġennesaret. [Lq:5:2] U ra żewġ dgħajjes qegħdin
max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.
[Lq:5:3] Tela' fuq waħda minnhom, li kienet ta' Xmun, u talbu jaqla' kemmxejn 'il
barra mill-art; mbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa.
[Lq:5:4] Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: "Aqdef 'il barra fil-fond, u
kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd." [Lq:5:5] Wieġbu Xmun u qallu: "Mgħallem,
għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa
nkala x-xbiek." [Lq:5:6] Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta' ħut li x-xbiek
tagħhom kien għoddu nqasam. [Lq:5:7] Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu
fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk
li għal ftit ma għerqux.
[Lq:5:8] Xmun Pietru, kif ra dan, nxteħet f'riġlejn Ġesù u qallu: "Tbiegħed
minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!" [Lq:5:9] Għax baqgħu tassew
mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li
qabdu. [Lq:5:10] U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu
sħab Xmun. Mbagħad Ġesù qal lil Xmun: "Tibżax; minn issa 'l quddiem tkun taqbad
in-nies." [Lq:5:11] Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma' l-art, telqu kollox u
marru warajh.
Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż
(Mt 8, 1-4; Mk 1, 40-45)
[Lq:5:12] Darba kien qiegħed f'belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra;
kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: "Mulej,
jekk trid, tista' tfejjaqni." [Lq:5:13] Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Iva,
irrid; kun imfejjaq," u minnufih il-lebbra marritlu. [Lq:5:14] Ġesù widdbu u
qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel
offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti
fiqt." [Lq:5:15] Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta' nies
kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. [Lq:5:16] Iżda hu
kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
(Mt 9, 1-8; Mk 2, 1-12)
[Lq:5:17] Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda
madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha
tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex
ifejjaq. [Lq:5:18] U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew
ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, [Lq:5:19] iżda minħabba l-folla
ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh
bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù. [Lq:5:20]
Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura." [Lq:5:21] Il-kittieba
u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex
jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla
waħdu?" [Lq:5:22] Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin
taħsbu hekk f'qalbkom : [Lq:5:23] X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew
tgħid 'Qum u imxi'? [Lq:5:24] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa
jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad
friexek u mur lejn darek." [Lq:5:25] U dak minnufih qam quddiemhom, qabad
il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. [Lq:5:26] U
lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu:
"Rajna ħwejjeġ ta' l-għaġeb illum!"
Is-sejħa ta' Levi
(Mt 9, 9-13; Mk 2, 13-17)
[Lq:5:27] Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda
quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: "Ejja warajja." [Lq:5:28] Dak telaq kollox,
qam u mar warajh. [Lq:5:29] Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f'daru stess, u
kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta' pubblikani u nies oħra. [Lq:5:30]
Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom:
"Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?" [Lq:5:31] U Ġesù
weġibhom: "Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda.
[Lq:5:32] Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema."
Mistoqsija fuq is-sawm
(Mt 9, 14-17; Mk 2, 18-22)
[Lq:5:33] Iżda huma qalulu: "Id-dixxipli ta' Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu
jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!" [Lq:5:34] U
Ġesù qalilhom: "Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb ta' l-għarus isumu sakemm l-għarus
ikun għadu magħhom? [Lq:5:35] Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom
minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar." [Lq:5:36] Qalilhom ukoll parabbola: "Ħadd
ma jaqta' biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa' waħda qadima, għax
inkella mhux biss ikun qatta' l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma
tkun taqbel mal-qadima. [Lq:5:37] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani
qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa' d-damiġġani, u jixtered hu u
jintilfu d-damiġġani. [Lq:5:38] Iżda nbid ġdid iqegħduh f'damiġġani ġodda.
[Lq:5:39] U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim,
għax jgħidlek, 'Il-qadim tajjeb!' "
6. Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
(Mt 12, 1-8; Mk 2, 23-28)
[Lq:6:1] Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli
tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b'idejhom u jikluh. [Lq:6:2] Xi wħud mill-Fariżej
qalulhom: "Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?" [Lq:6:3]
Qabeż Ġesù u weġibhom: "Anqas dan ma qrajtu, x'għamel David meta ħadu l-ġuħ,
huwa u dawk li kienu miegħu? [Lq:6:4] Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta' Alla u ħa
l-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu
miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista' jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!"
[Lq:6:5] U qalilhom: "Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll."
Ir-raġel b'idu niexfa
(Mt 12, 9-14; Mk 3, 1-6)
[Lq:6:6] F'Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li
kellu idu l-leminija niexfa. [Lq:6:7] Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih
biex jaraw jekk ifejjaqx f'jum is-Sibt, ħalli b'hekk isibu fuqiex jixluh.
[Lq:6:8] Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum,
u oħroġ fin-nofs." Dak qam u ħareġ fin-nofs. [Lq:6:9] U qalilhom Ġesù: "Ħa
nistaqsikom ħaġa: X'jiswa nhar ta' Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni?
Issalva ħajja jew teqridha?" [Lq:6:10] U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u
qal lir-raġel: "Midd idek." Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u
sħiħa. [Lq:6:11] Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x'se
jagħmlu b'Ġesù.
Ġesù jagħżel it-Tnax
(Mt 10, 1-4; Mk 3, 13-19)
[Lq:6:12] Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda
l-lejl fit-talb lil Alla. [Lq:6:13] Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u
minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: [Lq:6:14] Xmun, li semmieh Pietru, u
ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, [Lq:6:15] Mattew, Tumas, Ġakbu ta'
Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, [Lq:6:16] Ġuda ta' Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad
ittradieh.
Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar
(Mt 4, 23-25; Mk 3, 7-12)
[Lq:6:17] Mbagħad niżel magħhom u waqaf f'wita, flimkien ma' kotra kbira ta'
dixxipli u folla kbira ta' nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta
ta' Tir u Sidon. [Lq:6:18] Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard
tagħhom. Min kien imħabbat ill-ispirti mniġġsa kien ifiq; [Lq:6:19] u l-kotra
kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.
Hena veru u hena qarrieq
(Mt 5, 1-12)
[Lq:6:20] Ġesù rafa' għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
Ħenjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna t’Alla.
[Lq:6:21] Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.
Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.
[Lq:6:22] Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom,
jaqtgħukom minn magħhom, jgħajjrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa
ħażina. [Lq:6:23] Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw,
ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom ill-profeti.
[Lq:6:24] Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.
[Lq:6:25] Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ.
Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.
[Lq:6:26] Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu
missirijiethom lill-profeti foloz!
L-imħabba ta' l-għedewwa
(Mt 5, 38-48; 7, 12a)
[Lq:6:27] "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa
tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, [Lq:6:28] bierku lil min jisħetkom,
itolbu għal min iżeblaħkom. [Lq:6:29] Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda,
dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas
il-libsa ma għandek tiċħadlu. [Lq:6:30] Agħti lil kull min jitolbok; u min
jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. [Lq:6:31] Kif tridu li l-bnedmin
jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. [Lq:6:32] Jekk intom tħobbu lil
min iħobbkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min
iħobbhom. [Lq:6:33] U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas
jista' jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. [Lq:6:34] U jekk
tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista' jkollkom?
Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor
mingħandhom. [Lq:6:35] Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu
bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli,
li hu tajjeb ma' l-ingrati u l-ħżiena. [Lq:6:36] Ħennu, bħalma hu ħanin
Missierkom.
Tiġġudikawx
(Mt 7, 1-5)
[Lq:6:37] "Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux
ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; Lq:6:38] agħtu, u jingħatalkom. Kejl
tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f'ħoġorkom; għax bl-istess
kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom." Lq:6:39] Qalilhom parabbola: "Jista'
agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Lq:6:40] Id-dixxiplu
m'huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir
bħall-imgħallem tiegħu. [Lq:6:41] Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax it-travu
li għandek f'għajnek int? [Lq:6:42] Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi, ejja
nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta m'intix tara t-travu li għandek
f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli
mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.
Is-siġra tingħaraf mill-frott
(Mt 7, 16-20; 12, 34b-35)
[Lq:6:43] "Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra
ħażina li tagħmel frott tajjeb. [Lq:6:44] Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf.
Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-ħolliq. [Lq:6:45] Il-bniedem
tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor
ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
Sisien tajba u sisien ħżiena
(Mt 7, 24-27)
[Lq:6:46] "Għaliex issejjħuli, 'Mulej,' u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?
[Lq:6:47] Kull min jiġi għandi u jisma' kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa
ngħidilkom lil min jixbah. [Lq:6:48] Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer
fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita
bil-qliel, il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax
jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb. [Lq:6:49] Iżda min jisma' kliemi u ma
jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr
ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet,
u saret ħerba kbira minn dik id-dar!"
7. Ġesù jfejjaq qaddej ta' ċenturjun
(Mt 8, 5-13; Ġw 4, 46-54)
[Lq:7:1] Meta spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum.
[Lq:7:2] U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien
marid u wasal fl-aħħar. [Lq:7:3] Iċ-ċenturjun sama' b'Ġesù u bagħatlu xi wħud
mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. [Lq:7:4] Dawk marru
quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b'ħerqa kbira u jgħidulu: "Jixraqlu li tagħmillu
dan, [Lq:7:5] għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga."
[Lq:7:6] Ġesù mar magħhom, u ma kienx 'il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun
bagħat jgħidlu ma' xi ħbieb: "Sinjur, toqgħodx tinqala', għax jien ma
jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; [Lq:7:7] għalhekk ħassejt li anqas
kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b'kelma, u l-qaddej
tiegħi jfiq. [Lq:7:8] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u
jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, 'Mur,' u
jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja,' u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, 'Agħmel dan,' u
jagħmlu." [Lq:7:9] Ġesù baqa' mistagħġeb bih meta sama' dan; dar lejn in-nies li
kienu miexja warajh u qalilhom: "Ngħidilkom li anqas f'Iżrael ma sibt fidi bħal
din!" [Lq:7:10] Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej
qawwi u sħiħ.
Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta' Najn mill-mewt
[Lq:7:11] Wara dan imbagħad mar f'belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli
tiegħu u kotra kbira ta' nies. [Lq:7:12] Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu
qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha
kien hemm għadd ġmielu ta' nies mill-belt. [Lq:7:13] Kif raha l-Mulej tħassarha.
"Tibkix," qalilha. [Lq:7:14] Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin
jerfgħuh waqfu. U hu qal: "Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!" [Lq:7:15] U
l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. [Lq:7:16] In-nies
kollha tkexkxu bil-biża', u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Profeta kbir
qam fostna" u, "Alla żar il-poplu tiegħu." [Lq:7:17] U dan il-kliem li qalu
xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.
Il-messaġġiera ta' Ġwanni l-Battista
(Mt 11, 2-19)
[Lq:7:18] Id-dixxipli ta' Ġwanni marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn
minnhom maġenbu, [Lq:7:19] u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: "Inti huwa
dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" [Lq:7:20] Kif dawk it-tnejn
waslu ħdejh qalulu: "Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti
huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" [Lq:7:21] Dak il-ħin
stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u
lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. [Lq:7:22] Mbagħad wieġeb u qalilhom:
"Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin
jerġgħu jaraw, z-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin
iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. [Lq:7:23] Hieni hu
min ma jitfixkilx minħabba fija!"
[Lq:7:24] Xħin il-messaġġiera ta' Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq
Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? [Lq:7:25] Imma
intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu
fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom! [Lq:7:26] Mela għalfejn ħriġtu?
Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. [Lq:7:27]
Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jien nibgħat qablek messaġġier
tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek’.
[Lq:7:28] Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U
b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta' Alla hu akbar minnu." [Lq:7:29] Meta
semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta' Alla,
billi tgħammdu bil-magħmudija ta' Ġwanni. [Lq:7:30] Imma l-Fariżej u l-għorrief
tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba ma laqgħux
il-magħmudija ta' Ġwanni.
[Lq:7:31] “Ma' min, mela, se nxebbahhom in-nies ta' dan iż-żmien? Lil min
jixbhu? [Lq:7:32] Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajjtu lil
xulxin u jgħidu,
'Daqqejnielkom il-flawt
u ma żfintux,
għannejnielkom għanja ta' niket
u ma ħabbattux fuq sidirkom!'
[Lq:7:33] Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob
inbid, u intom tgħidu li 'għandu fih xitan'. [Lq:7:34] Ġie Bin il-bniedem,
jiekol u jixrob, u tgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib
tal-pubblikani u l-midinbin!' [Lq:7:35] Imma l-ulied ta' Alla kollha taw raġun
lill-għerf tiegħu."
Ġesù għand Xmun il-Fariżew
[Lq:7:36] Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal
għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. [Lq:7:37] Issa fil-belt kien hemm midinba
magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet
vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ; [Lq:7:38] u marret qagħdet warajh ħdejn
riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha; mbagħad
bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. [Lq:7:39] Kif ra hekk il-Fariżew li
stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u
x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!" [Lq:7:40] Imma
Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek." "Għid, mgħallem," qallu
dak. [Lq:7:41] "Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus;
wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. [Lq:7:42] Minn fejn
iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu
l-iżjed?" [Lq:7:43] Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu
l-iżjed." "Ħsibtha tajjeb" qallu Ġesù. [Lq:7:44] Mbagħad dar lejn il-mara u qal
lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja
ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha.
[Lq:7:45] Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.
[Lq:7:46] Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ.
[Lq:7:47] Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet
ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb." [Lq:7:48] Mbagħad qal lilha:
"Dnubietek maħfura." [Lq:7:49] Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu
fihom infushom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?" [Lq:7:50] Iżda hu qal
lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem."
8. In-nisa twajba li marru wara Ġesù
[Lq:8:1] Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar
l-Evanġelju tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax [Lq:8:2] u xi nisa li kien
fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta'
Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten, [Lq:8:3] Ġwanna, mart Ħuża,
prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.
Il-parabbola taż-żerriegħ
[Lq:8:4] Nġemgħet kotra kbira ta' nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu
qalilhom din il-parabbola: [Lq:8:5] "Wieħed bidwi ħareġ jiżra' ż-żerriegħa li
kellu. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar
ta' l-ajru naqqruhom kollha. [Lq:8:6] Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u
nixfu, għax tira ma kellhomx. [Lq:8:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk
kiber magħhom u ħonoqhom. [Lq:8:8] Oħrajn waqgħu f'art tajba, u nibtu u għamlu
l-frott kull waħda mija." Kif qal dan, rafa' leħnu u qal: "Min għandu widnejn
biex jisma', ħa jisma'!"
L-iskop tal-parabboli
(Mt 13, 10-17; Mk 4, 10-12)
[Lq:8:9] Id-dixxipli tiegħu staqsewh x'kienet dik il-parabbola. [Lq:8:10] U hu
qalilhom: "Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta' Alla, iżda
lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13, 18-23; Mk 4, 13-20)
[Lq:8:11] "Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta' Alla.
[Lq:8:12] Dawk ta' matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-Xitan
u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. [Lq:8:13]
Dawk ta' fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ,
iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom
it-tiġrib jitilqu. [Lq:8:14] Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu,
iżda aktar 'il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja
joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. [Lq:8:15] Imma dawk li jaqgħu f'art tajba
huma dawk li jisimgħu l-kelma b'qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu
l-frott billi jżommu sħiħ.
Il-parabbola tal-musbieħ
(Mk 4, 21-22)
[Lq:8:16] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b'għatu jew iqiegħdu taħt sodda,
imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl. [Lq:8:17]
Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx
jingħaraf u jinġieb għad-dawl. [Lq:8:18] Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax
min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li
għandu."
Omm Ġesù u ħutu
(Mt 12, 46-50; Mk 3, 31-35)
[Lq:8:19] Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla.
[Lq:8:20] Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk."
[Lq:8:21] Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla
u jagħmlu li jgħid Hu."
Ġesù jsikket it-tempesta
(Mt 8, 18, 23-27; Mk 4, 35-41)
[Lq:8:22] Darba fost l-oħrajn tela' fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u
qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta' l-għadira." U qadfu 'l barra.
[Lq:8:23] Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira,
d-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f'qagħda mwiegħra. [Lq:8:24]
Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!" Hu
qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma.
[Lq:8:25] U qal lid-dixxipli: "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qabadhom il-biża', u
mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra
lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!"
Fejqan ta' raġel bi spirtu mniġġes
(Mt 8, 28-34; Mk 5, 1-20)
[Lq:8:26] Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin li tiġi biswit il-Galilija.
[Lq:8:27] Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan.
Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb
l-oqbra. [Lq:8:28] Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, nxteħet quddiemu u b'leħen
qawwi qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok,
taħqarnix!" [Lq:8:29] Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu mniġġes biex joħroġ
minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh
bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan
kien jimbuttah lejn id-deżert. [Lq:8:30] Ġesù staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun,"
qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih. [Lq:8:31] beda jitolbu biex ma
jordnalhomx imorru fl-abbissi.
[Lq:8:32] Mela kien hemm merħla kbira ta' ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u
l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom. [Lq:8:33] U
x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal
ġo l-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet. [Lq:8:34] Ir-rgħajja, meta raw
x'ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet. [Lq:8:35] In-nies
ħarġu jaraw x'ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu
x-xjaten sabuh bilqiegħda f'riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f'sikktu; u qabadhom
il-biża'. [Lq:8:36] In-nies li raw x'ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq lil dak li
kien maħkum mix-xitan. [Lq:8:37] Mbagħad in-nies kollha ta' l-inħawi ta' Gerasa
bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża' kbir kien waqa'
fuqhom. U hu tela' fuq id-dgħajsa u reġa' lura. [Lq:8:38] Ir-raġel li minnu
kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa' miegħu, iżda hu bagħtu u qallu: [Lq:8:39]
"Erġa' lura lejn id-dar u għarraf kull ma għamel Alla miegħek." Dak telaq u
xandar mal-belt kollha kull ma kien għamel miegħu Ġesù.
Bint Ġajru mqajjma mill-mewt u l-mara mfejjqa
(Mt 9, 18-26; Mk 5, 21-43)
[Lq:8:40] Meta raġa' lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed
jistennieh. [Lq:8:41] U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga,
nxteħet f'riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu, [Lq:8:42] għax kienet
qiegħda tmutlu bintu, tifla ta' xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha.
Huwa u sejjer in-nies bdew irossu fuqu. [Lq:8:43] U kien hemm mara, li kienet
ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu
fit-tobba u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha; [Lq:8:44] resqet lejn Ġesù
minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm
waqfitilha. [Lq:8:45] U Ġesù qal: "Min messni?" Kulħadd ċaħad li kien messu, u
Pietru qallu: "Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek."
[Lq:8:46] Imma Ġesù qal: "Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet
minni." [Lq:8:47] Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b'rogħda
fuqha, nxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u
kif fieqet minnufih. [Lq:8:48] U hu qalilha: "Binti, il-fidi tiegħek salvatek;
mur bis-sliema."
[Lq:8:49] Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u
qallu: "Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem." [Lq:8:50] Iżda Ġesù, meta
sama' dan, qal lill-kap: "Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq." [Lq:8:51] Wasal
id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u 'l Ġwanni u 'l
Ġakbu, u lil missier it-tifla u 'l ommha. [Lq:8:52] Kulħadd kien qiegħed jibkiha
u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: "Tibkux, għax m'hijiex mejta,
imma rieqda." [Lq:8:53] U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet.
[Lq:8:54] Imma hu qabdilha idha u b'leħen qawwi qalilha: "Tifla, qum?" [Lq:8:55]
U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol.
[Lq:8:56] Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma
jgħidu lil ħadd b'li ġara.
9. Il-missjoni tat-Tnax
(Mt 10, 5-15; Mk 6, 7-13)
[Lq:9:1] Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u
li jfejjqu l-mard [Lq:9:2] U bagħathom ixandru s-Saltna ta' Alla u jfejjqu
l-morda. [Lq:9:3] U qalilhom: "Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la
ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. [Lq:9:4] Jekk
tidħlu f'xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. [Lq:9:5] Jekk ma
jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma'
riġlejkom bħala xhieda kontrihom." [Lq:9:6] Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula
jxandru l-Evanġelju u jfejjqu l-morda kullimkien.
Erodi mħasseb
(Mt 14, 1-12; Mk 6, 14-29)
[Lq:9:7] Dawn il-ġrajja kollha waslu f'widnejn Erodi t-tetrarka u beda
jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet,
[Lq:9:8] waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti
ta' l-imgħoddi. [Lq:9:9] Iżda Erodi qal: "Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu
dan li fuqu qiegħed nisma' dan kollu?" U beda jfittex li jarah.
Ġesù jitma' ħamest elef
(Mt 14, 13-21; Mk 6, 14-29; Ġw 6, 1-13)
[Lq:9:10] L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x'kienu għamlu; mbagħad
ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. [Lq:9:11] Imma
l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna
ta' Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. [Lq:9:12] Il-jum kien
wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: "Ibgħathom in-nies ħa jmorru
fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax
hawnhekk qegħdin f'post imwarrab." [Lq:9:13] Iżda hu qalilhom: "Agħtuhom intom
x'jieklu." Qalulu: "Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk
għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!"
[Lq:9:14] Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu:
"Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin." [Lq:9:15] Hekk għamlu, u qiegħdu lil
kulħadd bilqiegħda. [Lq:9:16] Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa'
għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewwluhom
lin-nies. [Lq:9:17] U kulħadd kiel u xaba' u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal
ġabruhom fi tnax-il qoffa.
Pietru jistqarr il-fidi f'Ġesù
(Mt 16, 13-20; Mk 8, 27-39)
[Lq:9:18] Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli
tiegħu, u hu staqsiehom: "Min jgħidu n-nies li jien?" [Lq:9:19] Huma weġbuh u
qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti
ta' l-imgħoddi." [Lq:9:20] Qalilhom: "Imma intom min tgħidu li jien?" Qabeż
Pietru u qallu: "Inti l-Messija ta' Alla."
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 16, 20-28; Mk 8, 30-9, 1)
[Lq:9:21] Mbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b'dan.
[Lq:9:22] U qalilhom: "Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u
l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum." [Lq:9:23]
Darba qal lil kulħadd: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu
nnifsu, jerfa' salibu kuljum, u jimxi warajja. [Lq:9:24] Għax min irid isalva
ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. [Lq:9:25]
Għax x'jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew
jinqered? [Lq:9:26] Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem
ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u ta' l-anġli
mqaddsa. [Lq:9:27] Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma
jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta' Alla."
It-Trasfigurazzjoni
(Mt 17, 1-9; Mk 8, 2-10)
[Lq:9:28] Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil
Ġwanni u 'l Ġakbu, u tala' fuq il-muntanja biex jitlob. [Lq:9:29] U ġara li huwa
u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li
tgħammex. [Lq:9:30] U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija,
[Lq:9:31] li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta' ħajtu li kellu jseħħ
f'Ġerusalemm. [Lq:9:32] Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu
mqajjmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.
[Lq:9:33] Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù:
"Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik,
waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Ma kienx jaf x'inhu jgħid. [Lq:9:34] Waqt
li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu
fis-sħaba. [Lq:9:35] U minn ġos-sħaba nstama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni
l-maħtur, lilu isimgħu." [Lq:9:36] Malli nstama' l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu.
Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li
kienu raw.
Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan
(Mt 17, 14-18; Mk 9, 14-27)
[Lq:9:37] L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna
nies. [Lq:9:38] U wieħed raġel mill-folla rafa' leħnu u qallu: "Mgħallem,
nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi. [Lq:9:39] Ara, l-ispirtu
jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu ma' l-art kollu ragħwa, u jħallih
imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu. [Lq:9:40] Tlabt lid-dixxipli
tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux." [Lq:9:41] Wieġeb Ġesù u qal: "Ja
nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek
hawn." [Lq:9:42] Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu ma' l-art. Imma
Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġes, fejjaq lit-tifel, u raġa' tah lil
missieru. [Lq:9:43] U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor li ma
bħalu ta' Alla.
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 17, 22-23; Mk 9, 30-32)
Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien qiegħed jagħmel,
Ġesù qal id-dixxipli tiegħu: [Lq:9:44] "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn
il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin." [Lq:9:45]
Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn
minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla
(Mt 18, 1-5; Mk 9, 33-37)
[Lq:9:46] Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. [Lq:9:47]
Ġesù għaraf x'kellhom f'moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu,
[Lq:9:48] u qalilhom: "Min jilqa' lil dan it-tifel żgħir minħabba f'ismi, ikun
jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li bagħatni. Għax min hu
l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir."
Min m'huwiex kontra tagħkom hu magħkom
(Mt 9, 38-40)
[Lq:9:49] Qabeż Ġwanni u qallu: "Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f'ismek,
u ridna nżommuh, għax hu m'huwiex wieħed minn tagħna." [Lq:9:50] Imma Ġesù
qallu: "La żżommuhx, għax min m'huwiex kontra tagħkom, huwa magħkom."
Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù
[Lq:9:51] Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b'rieda
sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. [Lq:9:52] U bagħat xi messaġġiera qablu li,
huma u sejrin, daħlu f'raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. [Lq:9:53]
Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. [Lq:9:54] Meta raw
dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: "Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel
mis-sema u jeqridhom?" [Lq:9:55] Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. [Lq:9:56] U
marru f'raħal ieħor.
X'jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu
(Mt 8, 18-22)
[Lq:9:57] Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: "Tmur fejn tmur,
jiena niġi warajk." [Lq:9:58] U qallu Ġesù: "Il-volpijiet għandhom l-għerien
tagħhom u l-għasafar ta' l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn
imidd rasu." [Lq:9:59] Lil wieħed ieħor qallu: "Imxi warajja." Iżda dak wieġbu:
"Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri." [Lq:9:60] Iżda hu wieġbu: "Ħalli
l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta' Alla."
[Lq:9:61] U ieħor ukoll qallu: "Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini
nsellem lil tad-dar." [Lq:9:62] Qallu Ġesù: "Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u
jħares lura m'huwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla."
10. Il-missjoni tat-72 dixxiplu
[Lq:10:1] Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn
qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu. [Lq:10:2] U qalilhom: "Il-ħsad
huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat
ħaddiema għall-ħsad tiegħu. [Lq:10:3] Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief
qalb l-ilpup. [Lq:10:4] Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u
fit-triq issellmu lil ħadd. [Lq:10:5] Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu,
'Is-sliem lil din id-dar.' [Lq:10:6] U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem,
jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura
għandkom. [Lq:10:7] Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom
huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra.
[Lq:10:8] F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom
quddiemkom; [Lq:10:9] fejjqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom,
'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' [Lq:10:10] Imma l-belt li fiha tidħlu u ma
jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, [Lq:10:11] 'Sa t-trab ta' beltkom
infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta'
Alla waslet.' [Lq:10:12] Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli
għal dik il-belt.
Saħta fuq il-bliet li ma nidmux
(Mt 11, 20-24)
[Lq:10:13] "Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli
li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u
qagħdu fuq ir-rmied. [Lq:10:14] Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon
milli għalikom. [Lq:10:15] U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa
ġol-qiegħ għad tinxteħet! [Lq:10:16] Min jisma' lilkom ikun jisma' lili, u min
iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li
bagħatni."
It-72 jerġgħu lura għand Ġesù
[Lq:10:17] It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten
ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek!" [Lq:10:18] U hu qalilhom: "Iva, jien
kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema. [Lq:10:19] Araw, tajtkom
is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu u
ebda ħsara ma jagħmlulkom. [Lq:10:20] Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti
joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet."
Il-ferħ ta' Ġesù
(Mt 11, 25-27; Mk 13, 16-17)
[Lq:10:21] F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal:
"Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil
min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek
hekk għoġbok. [Lq:10:22] Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma
jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u
dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu." [Lq:10:23] Mbagħad dar lejn id-dixxipli u
qal lilhom weħidhom: "Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom.
[Lq:10:24] Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li
qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma
semgħuhx!"
Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb
[Lq:10:25] Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh:
"Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?" [Lq:10:26] Qallu Ġesù:
"Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" [Lq:10:27] U dak wieġeb: "Int
għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha,
bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek
innifsek." [Lq:10:28] "Sewwa weġibt," qallu Ġesù, "agħmel hekk u tgħix."
[Lq:10:29] Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: "U l-proxxmu tiegħi
min hu?" [Lq:10:30] U Ġesù raġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko
minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u
telqu, u ħallewh nofsu mejjet. [Lq:10:31] Nzerta kien nieżel qassis minn dik
it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. [Lq:10:32] Hekk ukoll wieħed
levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. [Lq:10:33]
Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.
[Lq:10:34] Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u
mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu. [Lq:10:35]
L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, "Ħu ħsiebu; jekk
tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.' [Lq:10:36] Minn
dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa'
f'idejn il-ħallelin?" [Lq:10:37] "Min ħenn għalih," wieġbu dak. "Mur," qallu
Ġesù, "u agħmel hekk int ukoll."
Ġesù jżur lil Marta u Marija
[Lq:10:38] Huma u sejrin, daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha
Marta. [Lq:10:39] Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda
f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. [Lq:10:40] Iżda Marta kienet
moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Mbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, m'intix
tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi
ħaġa miegħi!" [Lq:10:41] Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta Marta! Inti taħseb
wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; [Lq:10:42] imma waħda hi meħtieġa. U Marija
għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."
11. Tagħlim fuq it-talb
(Mt 6, 9-15; 7, 7-11)
[Lq:11:1] Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed
mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll
għallem lid-dixxipli tiegħu." [Lq:11:2] U qalilhom: "Meta titolbu, għidu,
'Missier, jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
[Lq:11:3] Ħobżna ta' kuljum agħtina kuljum.
[Lq:11:4] U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min
hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib.' "
[Lq:11:5] Qalilhom ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl
u jgħidlu, 'Ħabib, islifni tliet ħobżiet, [Lq:11:6] għax ġie għandi wieħed ħabib
tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.' [Lq:11:7] U l-ieħor iwieġbu minn
ġewwa u jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda
miegħi; ma nistax inqum nagħtik.' [Lq:11:8] Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx
jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ
sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: [Lq:11:9] Itolbu u jingħatalkom, fittxu u
ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. [Lq:11:10] Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex,
isib; u min iħabbat, jiftħulu. [Lq:11:11] Min hu dak il-missier fostkom li, jekk
ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? [Lq:11:12] Inkella jekk jitolbu
bajda jagħtih skorpjun? [Lq:11:13] Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu
tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti
spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!"
Ġesù u Begħelżebul
(Mt 12, 22-30; Mk 3, 20-27)
[Lq:11:14] Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ,
l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. [Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu:
"Bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten."
[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. [Lq:11:17]
Iżda hu ntebaħ x'kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha
nfisha ssir ħerba, u taqa' dar fuq oħra. [Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu
kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li
jien bis-saħħa ta' Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. [Lq:11:19] Imma jekk jiena
qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta' min
ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. [Lq:11:20] Iżda jekk
jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom
is-Saltna ta' Alla. [Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses
il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. [Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu
jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u
jqassam il-priża tiegħu. [Lq:11:23] Min m'huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u
min ma jiġborx miegħi, ixerred.
L-ispirtu mniġġes iħabbat lill-bniedem
(Mt 12, 43-45)
[Lq:11:24] "Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u
jfittex il-mistrieħ f'art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, 'Mela nerġa'
lura lejn dari mnejn ħriġt.' [Lq:11:25] U x'ħin jiġi, isibha miknusa u kollox
f'postu. [Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu
joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta'
qabel."
L-hena veru
[Lq:11:27] Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb
il-folla u qaltlu: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!" [Lq:11:28] Iżda
hu qalilha: "Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta'
Alla u jħarsuha!"
Nisel ħażin irid sinjal
(Mt 12, 38-42; Mk 8, 12)
[Lq:11:29] Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: "Nisel ħażin huwa
dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta'
Ġona. [Lq:11:30] Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta' Ninwè, hekk isir Bin
il-bniedem għal dan in-nisel. [Lq:11:31] F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar
għad tqum man-nies ta' dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta'
l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn
Salamun! [Lq:11:32] F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu ma' dan in-nisel
u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw li
hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!
Id-dawl tal-bniedem
(Mt 5, 15; 6, 22-23; Mk 4, 21)
[Lq:11:33] "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt
il-modd, iżda fuq l-imnara, biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl.
[Lq:11:34] Il-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem
ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun
mudlam. [Lq:11:35] Mela ara jekk id-dawl li għandek fik huwiex dlam! [Lq:11:36]
Jekk ġismek hu kollu mdawwal tajjeb u ma fih imkien mudlam, ikun jiddi kollu
kemm hu bħal meta musbieħ idawwlek bid-dija tiegħu."
Ġesù jikkundanna lill-Fariżej u lill-għorrief tal-Liġi
(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 20, 45-47)
[Lq:11:37] Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal
għandu u qagħad bilqiegħda. [Lq:11:38] Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel
xejn ma nħasilx skond ir-riti ta' qabel l-ikel. [Lq:11:39] U l-Mulej qallu: "U
issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn
ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. [Lq:11:40] Kemm intom bla moħħ! Min
għamel in-naħa ta' barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta' ġewwa? [Lq:11:41] Mela
agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif.
[Lq:11:42] Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq
in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta' ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi
ġustizzja u mħabba ta' Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu,
mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. [Lq:11:43] Ħażin għalikom intom il-Fariżej!
Intom tħobbu s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez.
[Lq:11:44] Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi
minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom."
[Lq:11:45] Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: "Mgħallem, b'dan li
qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll!" [Lq:11:46] Qallu Ġesù: "Ħażin
għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b'tagħbijiet li
bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b'saba' wieħed ma tmissuhom.
[Lq:11:47] Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu
missirijietkom, [Lq:11:48] u b'hekk tagħtu xhieda ta' kull ma għamlu
missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom
l-oqbra. [Lq:11:49] Kien għalhekk li l-Għerf ta' Alla qal, 'Jien nibagħtilhom
profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.'
[Lq:11:50] U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta' demm il-profeti kollha li
nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, [Lq:11:51] ibda mid-demm ta' Abel sad-demm
ta' Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan
in-nisel ikollu jagħti kont! [Lq:11:52] Ħażin għalikom intom l-għorrief
tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta' l-għerf, biex mbagħad intom stess ma
dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!" [Lq:11:53] Meta Ġesù ħareġ minn
hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b'mistoqsijiet fuq ħafna
ħwejjeġ [Lq:11:54] u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.
12. Twissija fuq il-wiċċ b'ieħor
[Lq:12:1] Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin.
U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: "Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira
tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b'ieħor tagħhom. [Lq:12:2] Xejn ma hu mgħotti
li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. [Lq:12:3] Għalhekk,
kull ma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama' fid-dawl, u kull ma tkunu tkellimtu
fil-widnejn, fil-kmamar ta' ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.
Minn min għandkom tibżgħu
(Mt 10, 28-31)
[Lq:12:4] "Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u
mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. [Lq:12:5] Ħa nurikom jien minn min
għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa
jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. [Lq:12:6] Ħames għasafar
tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem
Alla. [Lq:12:7] U intom, sa x-xagħar ta' raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu,
għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.
Id-dixxiplu jistqarr li hu ma' Ġesù
(Mt 10, 32-33; 12, 32)
[Lq:12:8] "U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi,
Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta' Alla. [Lq:12:9]
Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta'
Alla. [Lq:12:10] U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda
min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. [Lq:12:11] Meta jeħdukom quddiem
is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin
twieġbu jew x'sejrin tgħidu, [Lq:12:12] għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak
il-ħin stess x'għandkom tgħidu."
Il-parabbola ta' l-għani iblah
[Lq:12:13] Xi ħadd mill-folla qallu: "Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt
miegħi." [Lq:12:14] "Ħabib," wieġbu Ġesù, "min qegħedni mħallef fuqkom, jew
qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?" [Lq:12:15] Mbagħad qal lin-nies: "Iftħu
għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu
bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu." [Lq:12:16] U qalilhom
parabbola: "Wieħed raġel għani ġabar kotra ta' frott mir-raba' tiegħu.
[Lq:12:17] U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, 'X'se nagħmel? Għax dan
il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! [Lq:12:18] Ara x'nagħmel,' qal, 'inħott
l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu
li għandi. [Lq:12:19] Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta'
ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!" [Lq:12:20] Iżda qallu
Alla, 'Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li
ħejjejt għalik, ta' min ikunu?' [Lq:12:21] Hekk jiġrilu min jiġma' l-ġid għalih
innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla."
L-inkwiet u t-tħassib
(Mt 6, 25-34)
[Lq:12:22] Mbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Għalhekk ngħidilkom,
tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x'se tieklu, anqas għall-ġisem, x'se tilbsu.
[Lq:12:23] Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies. [Lq:12:24]
Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra' u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar
fejn jerfa', u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom!
[Lq:12:25] U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar
b'jum wieħed? [Lq:12:26] Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila
tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija? [Lq:12:27] Araw il-ġilji kif
jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja
kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. [Lq:12:28] Mela jekk Alla
jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm
aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna? [Lq:12:29] Hekk ukoll intom, toqogħdux
tfittxu x'se tieklu u x'se tixorbu, u xejn titħassbu; [Lq:12:30] dawn kollha
ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom.
[Lq:12:31] Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.
Teżori fis-sema
(Mt 6, 19-20)
[Lq:12:32] "Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom
is-Saltna! [Lq:12:33] Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom
boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma
jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. [Lq:12:34] Għax fejn hemm it-teżor tagħkom,
hemm tinsab qalbkom ukoll."
Il-qaddejja li jishru
[Lq:12:35] "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; [Lq:12:36]
kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u
jħabbat jiftħulu minnufih. [Lq:12:37] Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi
sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar
il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. [Lq:12:38] U kieku kellu jiġi fil-ħin
tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!
[Lq:12:39] Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej
il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru. [Lq:12:40] Mela kunu
lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin
il-bniedem."
Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin
(Mt 24, 45-51)
[Lq:12:41] "Mulej," qallu Pietru, "din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew
għal kulħadd?" [Lq:12:42] Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u
għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom
f'ħin l-ikel? [Lq:12:43] Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.
[Lq:12:44] Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. [Lq:12:45] Imma
nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u
jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb
u s-sokor; [Lq:12:46] sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh,
f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li
ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili. [Lq:12:47] U dak il-qaddej li jkun jaf xi
jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir
jaqla'. [Lq:12:48] Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa
li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li
jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu
mingħandu.
Firda minħabba Ġesù
(Mt 10, 34-36)
[Lq:12:49] "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!
[Lq:12:50] Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma
dan iseħħ! [Lq:12:51] Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le,
ngħidilkom, imma l-firda; [Lq:12:52] għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies
f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;
[Lq:12:53] jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm
kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart
l-iben kontra omm żewġha."
Iż-żmien jgħallem
(Mt 16, 2-3)
[Lq:12:54] Lin-nies qalilhom ukoll: "Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent,
malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. [Lq:12:55] U meta jonfoħ
ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. [Lq:12:56] Uċuħ
b'oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta' issa kif
ma tafux tfissruh?"
Irranġa ma' min jixlik
(Mt 5, 25-26)
[Lq:12:57] "U għala ma tiġġudikawx intom stess x'inhu s-sewwa? [Lq:12:58] Jekk
xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat,
ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek
quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f'idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan
imbagħad jitfgħek il-ħabs; [Lq:12:59] għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn
hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba."
13. Jekk ma tindmux, tintilfu
[Lq:13:1] Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien
ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. [Lq:13:2] U Ġesù
qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin
mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? [Lq:13:3] Le, ngħidilkom; imma jekk
ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. [Lq:13:4] Jew dawk it-tmintax-il ruħ li
fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja
min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm ? [Lq:13:5] Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu xorta waħda."
Is-siġra tat-tin bla frott
[Lq:13:6] U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla
fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. [Lq:13:7] Għalhekk qal lil dak
li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din
is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa'
tkidd l-art? [Lq:13:8] Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena,
sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. [Lq:13:9] Id-dieħla għandha mnejn
tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.' "
Il-mara mifluġa mfejjqa f'jum is-Sibt
[Lq:13:10] Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f'waħda mis-sinagogi. [Lq:13:11] U
kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha;
kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista' tieqaf dritta għalkollox. [Lq:13:12]
Kif raha Ġesù sejjħilha u qalilha: "Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek."
[Lq:13:13] U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil
Alla. [Lq:13:14] Qabeż il-kap tas-sinagoga, b'saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f'jum
is-Sibt, u qal lin-nies: "Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela
fihom ejjew biex titfejjqu, u mhux is-Sibt!" [Lq:13:15] "Uċuħ b'oħra!" wieġbu
l-Mulej, "Mhux kull wieħed minnkom f'jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar
tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? [Lq:13:16] U mela għax illum is-Sibt,
din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu
jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?" [Lq:13:17] Kif qal hekk, kull min kien
kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk
l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.
Il-parabbola tal-mustarda u tal-ħmira
(Mt 13, 31-33; Mk 4, 30-32)
[Lq:13:18] Mela qal: "Lil xiex tixbah is-Saltna ta' Alla, u ma' xiex se
nxebbhuha? [Lq:13:19] Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u
żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar ta'
l-ajru marru jbejjtu fil-friegħi tagħha."
[Lq:13:20] U reġa' qalilhom: "Ma' xiex se nxebbahha s-Saltna ta' Alla?
[Lq:13:21] Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan
dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha."
Il-bieb id-dejjaq
(Mt 7, 13-14, 21-23)
[Lq:13:22] Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f'xi bliet u rħula.
[Lq:13:23] U kien hemm wieħed qallu: "Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?" U
huwa weġibhom: [Lq:13:24] "Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif
ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. [Lq:13:25]
Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew
tħabbtu l-bieb u tgħidu, 'Mulej, iftħilna.' Iżda hu jweġibkom u jgħid, 'Ma nafx
mnejn intom.' [Lq:13:26] Mbagħad taqbdu tgħidulu, 'Kilna u xrobna miegħek aħna,
u int għallimt fil-pjazez tagħna.' [Lq:13:27] Hu jwieġeb u jgħidilkom, 'Ma nafx
mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li m'hux sewwa!'
[Lq:13:28] Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil
Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta' Alla, u intom
imkeċċija 'l barra. [Lq:13:29] U jiġu nies mil-lvant u mill-punent,
mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta' Alla.
[Lq:13:30] U araw, hawn min hu ta' l-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu
ta' l-ewwel u għad ikun l-aħħar."
Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm
(Mt 23, 37-39; Lq 19, 41-44)
[Lq:13:31] Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: "Mur, itlaq minn
hawn, għax Erodi jrid joqtlok." [Lq:13:32] U hu qalilhom: "Morru għidulu lil dak
il-volpi, 'Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u
fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. [Lq:13:33] Madankollu llum u għada u
pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta
jinqered barra minn Ġerusalemm. [Lq:13:34] Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol
il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil
uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!
[Lq:13:35] Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m'intomx se
terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, 'Mbierek min ġej f'isem il-Mulej!' "
14. Ġesù jfejjaq raġel marid
[Lq:14:1] Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex
jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. [Lq:14:2] U resaq quddiemu wieħed
marid bl-ilma. [Lq:14:3] Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u
lill-Fariżej; qalilhom: "Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f'jum is-Sibt?"
[Lq:14:4] Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejjqu u bagħtu.
[Lq:14:5] Mbagħad qalilhom: "Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f'ġiebja u
għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?" [Lq:14:6] U ma kellhomx
il-ħila jwiġbuh għal dan.
Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden
[Lq:14:7] Billi ra b'għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta'
quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: [Lq:14:8] "Meta wieħed jistiednek
għal xi festa ta' tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta' quddiem, li ma jkunx hemm xi
mistieden aqwa minnek, [Lq:14:9] u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek
jgħidlek, 'Agħti l-post lil dan', u int imbagħad, b'regħxa ta' mistħija fuqek,
ikollok tieħu l-post ta' l-aħħar. [Lq:14:10] Għall-kuntrarju, meta tkun
mistieden, mur inxteħet fil-post ta' l-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek
jgħidlek, 'Ħabib, itla’ f'post aktar 'il fuq.' U dan ikun ta' ġieħ għalik
quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. [Lq:14:11] Għax kull min
jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar." [Lq:14:12] Mbagħad qal ukoll
lil dak li kien stiednu: "Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew
lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad
jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom.
[Lq:14:13] Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin,
iz-zopop u l-għomja, [Lq:14:14] u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn
iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu
għall-ħajja!"
Il-parabbola tal-pranzu
(Mt 22, 1-10)
[Lq:14:15] Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan,
qallu: "Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta' Alla!" [Lq:14:16] Iżda hu
wieġeb: "Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. [Lq:14:17] Meta
sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex
jgħidilhom, 'Ejjew, għax ġa lest kollox.' [Lq:14:18] Imma lkoll xorta waħda bdew
isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, 'Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha;
nitolbok tagħdirni.' [Lq:14:19] Ieħor qallu, 'Xtrajt ħames żwieġ barrin, u
sejjer nara x'jagħtu; nitolbok tagħdirni.' [Lq:14:20] Ieħor qallu, 'Iżżewwiġt,
għalhekk ma nistax niġi.' [Lq:14:21] Il-qaddej raġa' lura għand sidu u qallu
kollox. Is-sinjur, b'korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, 'Ħaffef, oħroġ
fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja
uz-zopop.' [Lq:14:22] Il-qaddej imbagħad qallu, 'Sar kif ordnajt int, sinjur, u
għad hemm il-wisa'. [Lq:14:23] 'Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,' qal is-sid
lill-qaddej, 'u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. [Lq:14:24] Għax kif
ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel
tiegħi.' "
X'jeħtieġ biex tkun dixxiplu
(Mt 10, 37-38)
[Lq:14:25] Kotra kbira ta' nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom:
[Lq:14:26] "Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil
missieru u 'l ommu u lil martu u lil uliedu, 'l ħutu subjien u bniet, u
saħansitra lilu nnifsu. [Lq:14:27] Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma
jistax ikun dixxiplu tiegħi.
[Lq:14:28] "Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex
l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?
[Lq:14:29] Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista'
jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt [Lq:14:30] u jgħid, 'Dan
il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.' [Lq:14:31] Jew
liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx
l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b'għaxart elef raġel iħabbatha ma' min
ġej għalih b'għoxrin elf ruħ? [Lq:14:32] Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu
'l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.
[Lq:14:33] Hekk ukoll ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu
kollu.
[Lq:14:34] "Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu
t-togħma tiegħu? [Lq:14:35] U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel;
jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
15. Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa
(Mt 18, 12-14)
[Lq:15:1] Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.
[Lq:15:2] U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Nies
midinba jilqa' għandu dan u jiekol magħhom!" [Lq:15:3] U Ġesù qabad u qalilhom
din il-parabbola: [Lq:15:4] "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef
waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara
l-mitlufa sa ma jsibha? [Lq:15:5] U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq
spallejh, [Lq:15:6] imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u
jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.' [Lq:15:7]
Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb
wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn
ta' ndiema.
Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa
[Lq:15:8] "Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda
minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa' tfittex
bil-għaqal sa ma ssibha! [Lq:15:9] U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u
l-ġirien, u tgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet
intilfitli.' [Lq:15:10] Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli
ta' Alla għal midneb wieħed li jindem."
Il-parabbola ta' l-iben il-ħali
[Lq:15:11] Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. [Lq:15:12]
Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U
dak qassmilhom il-ġid. [Lq:15:13] Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir
sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu
kollu f'ħajja mtajjra. [Lq:15:14] Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż
waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. [Lq:15:15] U mar daħal ma' wieħed
minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer. [Lq:15:16] Kien
jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd
ma kien jagħtih. [Lq:15:17] Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma'
missieri għandhom ħobż bix-xaba' , u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! [Lq:15:18]
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra
tiegħek; [Lq:15:19] ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed
mil-lavranti tiegħek.' [Lq:15:20] Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif
kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq
għonqu u biesu. [Lq:15:21] 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra
tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' [Lq:15:22] Iżda l-missier qal
lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu
ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! [Lq:15:23] Ġibu l-għoġol l-imsemmen u
oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, [Lq:15:24] għax dan ibni kien mejjet u raġa'
qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.
[Lq:15:25] "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib
id-dar sama' daqq u żfin. [Lq:15:26] Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak
x'kien. [Lq:15:27] 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol
l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' [Lq:15:28] Hu inkorla, u ma riedx
jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. [Lq:15:29] 'Ara,' qal lil
missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku
qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! [Lq:15:30] Mbagħad
jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol
l-imsemmen!' [Lq:15:31] 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma
hu tiegħi huwa tiegħek. [Lq:15:32] Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu,
għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.' "
16. L-amministratur moħħu jilħaqlu
[Lq:16:1] Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: "Kien hemm raġel għani li kellu
amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu.
[Lq:16:2] Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, 'Dan x'inhu li qiegħed nisma' fuqek?
Agħtini kont ta' l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa' iżjed
amministratur tiegħi.' [Lq:16:3] L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, 'Issa
x'sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq?
Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. [Lq:16:4] Naf x'nagħmel, ħalli meta nitwarrab
minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.'
[Lq:16:5] U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. 'Kemm
għandek tagħtih lil sidi?' staqsa lill-ewwel wieħed. [Lq:16:6] 'Mitt barmil
żejt,' wieġbu dak. 'Oħroġ il-karti tiegħek,' qallu l-amministratur, 'oqgħod
bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.' [Lq:16:7] Lil ieħor staqsieh, 'U int, kemm
għandek tagħti?' 'Mitt xkora qamħ,' wieġbu. Qallu, 'Oħroġ il-karti tiegħek u
ikteb tmenin.' [Lq:16:8] U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli
ħadem b'rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl
ma' min hu tal-qatgħa tagħhom. [Lq:16:9] U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom
infuskom ħbieb ta' qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom
fl-għerejjex ta' dejjem. [Lq:16:10] Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil
ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll
fil-ħafna. [Lq:16:11] Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min
se jafdalkom il-ġid veru? [Lq:16:12] U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu
ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? [Lq:16:13] Ebda qaddej ma
jista' jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb
lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu
lil Alla u lill-flus."
Il-Liġi l-Qadima u l-Liġi l-Ġdida
(Mt 11, 12-13)
[Lq:16:14] Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan
kollu qabdu jiddieħku bih. [Lq:16:15] Iżda hu qalilhom: "Intom dawk li tagħmluha
ta' nies sewwa f'għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li
f'għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah. [Lq:16:16] Sa żmien
Ġwanni kien hawn il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni 'l hawn qiegħda
tixxandar is-Saltna ta' Alla, u kulħadd qiegħed jitħabat bis-sħiħ għaliha.
[Lq:16:17] Hu aktar ħafif li jgħaddu s-sema u l-art milli taqa' tikka waħda
mil-Liġi.
[Lq:16:18] "Kull min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min
jiżżewweġ waħda mibgħuta minn żewġha jagħmel adulterju."
Il-parabbola ta' l-għani u Lazzru
[Lq:16:19] "Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen;
l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. [Lq:16:20] U wieħed fqir
jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta'
daru, [Lq:16:21] bix-xewqa li jixba' b'dak li jaqa' mill-mejda ta' l-għani. Sa
l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. [Lq:16:22] Ġara li l-fqir miet, u
l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. [Lq:16:23]
Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f'Art l-Imwiet, rafa' ħarstu, u mill-bogħod
lemaħ lil Abraham, b'Lazzru fi ħdanu. [Lq:16:24] U għolla leħnu u qallu,
'Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu
fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq
f'dan in-nar.' [Lq:16:25] 'Ibni,' qallu Abraham, 'ftakar li t-tajjeb tiegħek
irċevejtu f'ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f'ħajtu. Imma issa hu
hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. [Lq:16:26] Barra minn
dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn
għal għandkom ma jkunx jista', u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.'
[Lq:16:27] Qallu l-għani, 'Mela nitolbok, missier, ibagħtu f'dar missieri,
[Lq:16:28] għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma
jmorrux huma wkoll jiġu f'dan il-post ta' tbatijiet ħorox!' [Lq:16:29] Qallu
Abraham, 'Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.' [Lq:16:30] 'Le,
missier Abraham,' qallu dak, 'imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet,
jindmu.' [Lq:16:31] Iżda wieġbu Abraham, 'Jekk ma jisimgħux lil Mosè u
l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.' "
17. Twissijiet ta' Ġesù
(Mt 18, 6-7; Mk 9, 42)
[Lq:17:1] Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Ma jistax ikun li ma jingħatawx
skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! [Lq:17:2] Ikun aktar jaqbillu
jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu
lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin. [Lq:17:3] Oqogħdu attenti!
"Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu. [Lq:17:4] U jekk
jonqsok seba' darbiet f'ġurnata, u jdur lejk seba' darbiet u jgħidlek,
'Jisgħobbija,' aħfirlu."
[Lq:17:5] L-appostli qalu lill-Mulej: "Kattar fina l-fidi." [Lq:17:6] Weġibhom
il-Mulej: "Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil
din is-siġra tat-tut, 'Inqala' u mur tħawwel fil-baħar,' u hi kienet tisma'
minnkom.
[Lq:17:7] "Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol
mill-għalqa x'se jgħidlu? 'Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? [Lq:17:8] jew,
'Lestili x'niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u
mbagħad tiekol u tixrob int?’ [Lq:17:9] Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli
jkun għamel li ordnalu? [Lq:17:10] Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu
ordnati, għidu, 'Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li
kellna nagħmlu.' "
Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi
[Lq:17:11] Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn
is-Samarija u l-Galilija. [Lq:17:12] Kif kien dieħel f'raħal, ltaqgħu miegħu
għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu 'l bogħod minnu, [Lq:17:13] għollew
leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!" [Lq:17:14] Kif rahom,
qalilhom: "Morru uru rwieħkom lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, fiequ
mill-marda tagħhom. [Lq:17:15] Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa' lura
jgħajjat u jfaħħar lil Alla, [Lq:17:16] nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u
raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. [Lq:17:17] U Ġesù qabad u qal: "M'hux
l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? [Lq:17:18] Ma kien hemm
ħadd minnhom li raġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!"
[Lq:17:19] Mbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."
Il-miġja tas-Saltna ta' Alla
[Lq:17:20] Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta' Alla, u hu
weġibhom: "Is-Saltna ta' Alla ma tiġix b'sinjali li jidhru; [Lq:17:21] lanqas
ħadd ma hu se jgħid, 'Arawha, hawn,' jew, 'Hemm', għax araw, is-Saltna ta' Alla
fostkom qiegħda." [Lq:17:22] Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Għad jiġi żmien meta
tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx.
[Lq:17:23] U jgħidulkom, 'Arawh, hawn hu,' jew, 'Arawh, hemm hu!' Tmorrux,
tiġrux warajhom. [Lq:17:24] Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor
tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. [Lq:17:25] Iżda qabel
xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.
[Lq:17:26] "U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin
il-bniedem. [Lq:17:27] Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu, sa dakinhar
li Noè daħal fl-arka; mbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll. [Lq:17:28]
L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu,
iħawwlu, jibnu, [Lq:17:29] imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla
bagħat xita ta' nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. [Lq:17:30] Hekk ikun
il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem. [Lq:17:31] F'dak il-Jum, min ikun fuq
il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll
min ikun fir-raba', iqis li ma jerġax lura. [Lq:17:32] Ftakru fil-mara ta' Lot!
[Lq:17:33] "Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha.
[Lq:17:34] Ngħidilkom li, f'dak il-lejl, tnejn ikunu f'sodda waħda: wieħed
minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; [Lq:17:35] żewġ nisa jkunu jitħnu
flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla." [Lq:17:37] Qalulu: "Fejn,
Mulej?" U hu weġibhom: "Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru."
18. Il-parabbola ta' l-imħallef u l-armla
[Lq:18:1] Mbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla
ma jaqtgħu. [Lq:18:2] Qalilhom: "Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien
jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. [Lq:18:3] F'dik il-belt kien
hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu
tiegħi.' [Lq:18:4] Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu
qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, [Lq:18:5]
imma għallinqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax
ġejja u sejra sa ma tifnini.' " [Lq:18:6] U l-Mulej qal: "Isimgħu ftit x'jgħid
l-imħallef il-ħażin. [Lq:18:7] Mbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajjtulu
lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? [Lq:18:8]
Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem
se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?"
Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan
[Lq:18:9] Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu
jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: [Lq18:10] "Żewġt irġiel,
wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. [Lq18:11]
Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li m'iniex
bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan
il-pubblikan. [Lq18:12] Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta'
kull ma ndaħħal.' [Lq18:13] Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss
ried jerfa' għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: 'O Alla,
ħenn għalija, għax jien midneb!' [Lq18:14] Ngħidilkom jien li dan, u mhux
l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min
jiċċekken, jitkabbar."
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar
(Mt 19, 13-15; Mk 10, 13-16)
[Lq:18:15] Ġibulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom. Imma d-dixxipli, kif
raw dan, qabdu jgħajjtu magħhom. [Lq:18:16] Ġesù sejjħilhom u qalilhom:
"Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom
hija s-Saltna ta' Alla. [Lq:8:17] Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla
ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha."
Il-kap li kien għani
(Mt 19, 16-30; Mk 10, 17-31)
[Lq:18:18] Wieħed kap staqsieh u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex
nikseb il-ħajja ta' dejjem?" [Lq:18:19] "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?"
qallu Ġesù, "Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu. [Lq:18:20] Inti l-kmandamenti
tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil
missierek u 'l ommok." [Lq:18:21] Dak qallu: "Jiena dan kollu ili nħarsu minn
żgħożiti." [Lq:18:22] Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: "Ħaġa waħda tonqsok:
bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: mbagħad
ejja u imxi warajja." [Lq:18:23] Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu
ħafna, għax kien tassew għani.
[Lq:18:24] Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: "Kemm hi iebsa għall-għonja li
jidħlu fis-Saltna ta' Alla! [Lq:18:25] Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn
ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!" [Lq:18:26] Dawk li
semgħuh qalulu: "Mela min jista' jsalva?" [Lq:18:27] Iżda hu weġibhom: "Dak li
ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista' jkun."
[Lq:18:28] Qallu Pietru: "Tajjeb! Aħna ħallejna kull ma kellna u ġejna warajk."
[Lq:18:29] Ġesù qalilhom: "Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba
s-Saltna ta' Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri
tagħhom jew 'l uliedhom, [Lq:18:30] ma hemm ħadd fosthom li f'din id-dinja stess
ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li
ġej."
It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt20, 17-19; Mk 10, 32-34)
[Lq:18:31] Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: "Ara, issa aħna telgħin
Ġerusalemm, u jseħħ kull ma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem. [Lq:18:32] Għax
se jagħtuh f'idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu,
[Lq:18:33] jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet."
[Lq:18:34] Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa' mistur
għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.
Ġesù jfejjaq l-agħma ta' Ġeriko
(Mt 20, 29-34; Mk 10, 46-52)
[Lq:18:35] Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda
mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. [Lq:18:36] Dan sama' l-kotra tan-nies
għaddejja u beda jistaqsi x'ġara. [Lq:18:37] U qalulu li kien għaddej Ġesù ta'
Nazaret. [Lq:18:38] Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena
minni!" [Lq:18:39] Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma
hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" [Lq:18:40] Ġesù
waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: [Lq:18:41] "Xi
tridni nagħmillek?" "Li nara, Mulej," wieġbu dak. [Lq:18:42] U Ġesù qallu: "Ara,
iva! Il-fidi tiegħek salvatek." [Lq:18:43] U minnufih beda jara, u baqa' miexi
warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.
19. Ġesù u Żakkew
[Lq:19:1] Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. [Lq:19:2] Mela jkun hemm
raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani.
[Lq:19:3] Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla,
billi kien raġel qasir. [Lq:19:4] Għalhekk mar jiġri 'l quddiem u xxabbat ma'
siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. [Lq:19:5] Ġesù,
kif wasal hemm, ħares 'il fuq u qallu: "Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum
jeħtieġli noqgħod għandek." [Lq:19:6] Dak niżel bla telf ta' żmien, u kollu
ferħan laqgħu għandu. [Lq:19:7] In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu
bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. [Lq:19:8] Imma
Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: "Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u
jekk jien qarraqt b'xi ħadd inroddlu għal erba' darbiet iżjed." [Lq:19:9] Qallu
Ġesù: "F'din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa
bin Abraham. [Lq:19:10] Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf."
Il-parabbola ta' l-għaxar miniet
[Lq:19:11] Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib
Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta' Alla kienet se tidher
minnufih. [Lq:19:12] Mela qal: "Wieħed raġel nobbli siefer f'pajjiż fil-bogħod
biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa' lura. [Lq:19:13] Sejjaħ għaxar qaddejja
tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: 'Ħaddmuhom, sa ma nerġa' niġi.'
[Lq:19:14] Issa n-nies ta' pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh
biex jgħidu, 'Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.' [Lq:19:15] Ġara li, meta ħa
s-saltna u raġa' lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom
il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x'qalgħu. [Lq:19:16] Resaq l-ewwel wieħed
u qallu, 'Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.' [Lq:19:17] Qallu,
'Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f'ħaġa tassew żgħira, ħu f'idejk
is-setgħa fuq għaxart ibliet.' [Lq:19:18] Ġie t-tieni wieħed u qallu, 'Sinjur
bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.' [Lq:19:19] Lil dan ukoll qallu, 'U int
ħu taħt idejk ħamest ibliet.' [Lq:19:20] U ġie ieħor u qallu, 'Sinjur, hawn ara
l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f'maktur. [Lq:19:21] Għax jien bżajt
minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma
żrajtx.' [Lq:19:22] Qallu, 'Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej
ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, nfittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li
ma żrajtx. [Lq:19:23] Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi
kont niġbidhom bl-imgħax?' [Lq:19:24] Mbagħad qal lil ta' madwaru, 'Ħudulu
l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.' [Lq:19:25] 'Imma, sinjur,'
qalulu, 'għandu għaxar miniet!' [Lq:19:26] 'Ngħidilkom li kull min għandu,
jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. [Lq:19:27]
Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom
hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.' "
Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm
(Mt 21, 1-11; Mk 11, 1-11; Ġw 12, 12-16)
[Lq:19:28] Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela' lejn Ġerusalemm, miexi
quddiem l-oħrajn. [Lq:19:29] U meta wasal qrib Bѐtfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja
li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu [Lq:19:30] u qalilhom:
"Morru fir-raħal ta' biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu
ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. [Lq:19:31] Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn
qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu." [Lq:19:32] Dawk li kienu
mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. [Lq:19:33] Huma u jħollu l-felu,
is-sidien tiegħu qalulhom: "Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?" [Lq:19:34] U huma
wieġbu: "Għax il-Mulej jeħtieġu."
[Lq:19:35] Mbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu,
u rikkbu lil Ġesù fuqu. [Lq:19:36] Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom
fit-triq. [Lq:19:37] Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla ta' l-Għolja taż-
Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b'għajat ta' ferħ u
b'leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, [Lq:19:38] u bdew jgħidu:
" Mbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!"
[Lq:19:39] Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: "Mgħallem,
ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!" [Lq:19:40] Iżda hu weġibhom u qal: "Ngħidilkom
li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel."
[Lq:19:41] Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha [Lq:19:42] u jgħid:
"M'hux li għaraft imqar int ukoll f'dan il-jum x'inhu ta' ġid għalik! Imma issa!
Dan hu moħbi minn għajnejk! [Lq:19:43] Għax għad jiġi żmien fuqek meta
l-għedewwa tiegħek idawwruk b'rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek
minn kull naħa; [Lq:19:44] u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik
ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek!"
Il-qdusija tat-tempju
(Mt 21, 12-17; Mk 11, 15-19; Ġw 2, 13-22)
[Lq:19:45] Mbagħad daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi 'l barra l-bejjiegħa
[Lq:19:46] u jgħidilhom: "Hemm miktub, ‘Id-dar tiegħi tkun dar it-talb.’ Iżda
intom għamiltuha għar tal-ħallelin!
[Lq:19:47] U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u
l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; [Lq:19:48] iżda ma kinux jafu
x'jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.
20. Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù
(Mt 21, 23-27; Mk 11, 27-33)
[Lq:20:1] Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-tempju u jxandar
l-Evanġelju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ
[Lq:20:2] u staqsewh u qalulu: "Għidilna, int b'liema setgħa qiegħed tagħmel dan
kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?" [Lq:20:3] Hu weġibhom u qal: "Ħa
nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli, [Lq:20:4] il-magħmudija ta' Ġwanni
kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?" [Lq:20:5] Dawk bdew jirraġunaw
bejniethom u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema,' jgħidilna, 'Mela għaliex ma
emmintuhx?' [Lq:20:6] U jekk ngħidulu, 'Mill-bnedmin,' il-poplu kollu
jħaġġarna!" Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta. [Lq:20:7] Għalhekk
weġbuh li ma kinux jafu minn fejn. [Lq:20:8] U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien
ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."
Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa
(Mt 21, 33-46; Mk 12, 1-12)
[Lq:20:9] Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: "Kien hemm raġel li
ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f'art
oħra. [Lq:20:10] Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh
is-sehem li kien imissu mill-frott ta' l-għalqa. Iżda l-bdiewa sawwtuh u reġgħu
bagħtuh lura idu f'idu. [Lq:20:11] Għal darb'oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma
lil dan ukoll darbuh u xeħtuh 'il barra idu f'idu. [Lq:20:12] Għat-tielet darba
bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh 'il barra. [Lq:20:13]
'X'naqbad nagħmel?' qal sid l-għalqa; 'ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż;
nittama li minn dan jistħu' [Lq:20:14] Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu
bejniethom u jgħidu lil xulxin: 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt
tiegħu jaqa' fuqna.' [Lq:20:15] U xeħtuh 'il barra mill-għalqa tad-dwieli u
qatluh. Issa x'jagħmlilhom sid l-għalqa? [Lq:20:16] Jiġi u jeqred lil dawk
il-bdiewa, u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil ħaddieħor." "Ma jkun qatt!"
qalulu meta semgħuh jgħid hekk. [Lq:20:17] Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom:
"Mela xi jfisser dak li hemm miktub,
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka’?
[Lq:20:18] Min jaqa' fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa' tgħaffġu
taħtha." [Lq:20:19] Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom
fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien
qalha għalihom.
It-taxxi lil Ċesari
(Mt 22, 15-22; Mk 12, 13-17)
[Lq:20:20] Mbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi
nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f'xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh
f'idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità. [Lq:20:21] Dawk staqsewh u
qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares
lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi. [Lq:20:22] Sewwa
jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?" Lq:20:23] Iżda hu ntebaħ bil-ħażen
tagħhom u qalilhom: [Lq:20:24] "Uruni dinar. Il-wiċċ u l-kitba ta' min huma?"
Qalulu: "Ta' Ċesari." [Lq:20:25] Mbagħad qalilhom: "U mela agħtu lil Ċesari dak
li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." [Lq:20:26] U hekk ma
seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu
ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.
Il-qawmien mill-imwiet
(Mt 22, 23-33; Mk 12, 18-27)
[Lq:20:27] Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien
mill-imwiet, u staqsewh: [Lq:20:28] "Mgħallem," qalulu,"Mosè ħallielna miktub,
'Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ
l-armla biex inissel ulied lil ħuh.' [Lq:20:29] Issa jkun hemm sebat aħwa, u
l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. [Lq:20:30] It-tieni wieħed, [Lq:20:31] u
mbagħad it-tielet, f'kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla
ma ħallew tfal. [Lq:20:32] Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. [Lq:20:33] Issa din,
fil-qawmien ta' l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu
żżewwġuha." [Lq:20:34] Weġibhom Ġesù: "Il-bnedmin f'din id-dinja jiżżewwġu u
jżewwġu; [Lq:20:35] imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u
jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu. [Lq:20:36] Għax anqas
jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu
mill-imwiet. [Lq:20:37] U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont
tax-xitla ta' l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta' Abraham, Alla ta'
Iżakk, u Alla ta' Ġakobb. [Lq:20:38] Issa hu m'huwiex Alla tal-mejtin, iżda
tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix." [Lq:20:39] Qabżu xi wħud mill-kittieba u
qalulu: "Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid." [Lq:20:40] Għax xejn iżjed ma kellhom
il-wiċċ jistaqsuh.
Mistoqsija dwar Bin David
(Mt 22, 41-46; Mk 12, 35-37)
[Lq:20:41] Mbagħad qalilhom: "Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin
David? [Lq:20:42] Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi,
‘Il-Mulej qal lil Sidi :
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
[Lq:20:43] sa ma nkun qegħedt l-għedewwa
tiegħek taħt riġlejk.’
[Lq:20:44] Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?"
Ġesù jikkundanna l-kittieba tal-Lhud
(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 11, 37-54)
[Lq:20:45] Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma', Ġesù qal lid-dixxipli
tiegħu: [Lq:20:46] "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru
mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta' quddiem
fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, [Lq:20:47] iberbqu ġid
ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna
aktar iebsa."
21. L-offerta ta' l-armla
(Mk 12, 41-44)
[Lq:21:1] Rafa' għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor
tat-tempju. [Lq:21:2] U ra wkoll waħda armla fqira titfa' biċċtejn żgħar
tal-flus, [Lq:21:3] u qal: "Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar
minnhom ilkoll. [Lq:21:4] Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom,
imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix."
Il-qerda tat-Tempju u l-persekuzzjonijiet
(Mt 24, 1-14; Mk 13, 1-13)
[Lq:21:5] Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen
b'ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: [Lq:21:6] "Kull ma qegħdin taraw,
għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx."
[Lq:21:7] U huma staqsewh u qalulu: "Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x'se
jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?" [Lq:21:8] Qalilhom:
"Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu,' u,
'Iż-żmien wasal.' Tmorrux warajhom! [Lq:21:9] Meta tisimgħu min jitkellem fuq
gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda
t-tmiem ma jasalx minnufih." [Lq:21:10] Mbagħad qalilhom: "Għad iqum ġens kontra
ġens u saltna kontra saltna, [Lq:21:11] l-art titheżheż bil-kbir, f'ħafna bnadi
jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża' u
sinjali ta' l-għaġeb. [Lq:21:12] Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u
jippersegwitawkom, jagħtukom f'idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom
il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f'ismi. [Lq:21:13] Dan
ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. [Lq:21:14] U żommu sewwa f'moħħkom:
toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, [Lq:21:15] għax jien
nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista' jiqaflu
jew imerih. [Lq:21:16] U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u
qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, [Lq:21:17] u kulħadd isir
jobgħodkom minħabba f'ismi. [Lq:21:18] Imma xagħra waħda minn raskom ma
tintilifx. [Lq:21:19] Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Ġesù jħabbar il-qerda ta' Ġerusalemm
(Mt 24, 15-22; Mk 13, 14-19)
[Lq:21:20] "Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien
bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. [Lq:21:21] Ħa jaħarbu
mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li
jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba'; [Lq:21:22]
għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kull ma hemm miktub. [Lq:21:23]
Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm
kbir jaqa' fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. [Lq:21:24] In-nies jaqgħu
taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm
tibqa' tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.
Il-miġja ta' Bin il-bniedem
(Mt 24, 29-31; Mk 13, 24-27)
[Lq:21:25] "U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq
l-art, b'qalbhom ittaqtaq, ma jafux x'jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes
tal-baħar u ta' l-imwieġ; [Lq:21:26] in-nies ruħhom ħierġa bil-biża' billi
jobsru x'ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
[Lq:21:27] Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b'qawwa u glorja
kbira. [Lq:21:28] Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib."
Tagħlima mis-siġra tat-tin
(Mt 24, 32-35; Mk 13, 28-31)
[Lq:21:29] U qalilhom parabbola: "Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra.
[Lq:21:30] Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib.
[Lq:21:31] Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta' Alla hi
fil-qrib. [Lq:21:32] Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri
dan kollu. [Lq:21:33] Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.
Ishru
[Lq:21:34] "Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma
jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja
jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. [Lq:21:35]
Għax hu Jum li għad jaqa' bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art
kollha. [Lq:21:36] Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu
minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem."
[Lq:21:37] Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda fil-għaxija
kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl
hemmhekk. [Lq:21:38] Fil-għodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni
fit-tempju biex jisimgħu.
22.Ftehim kontra Ġesù
(Mt 26, 1-5. 14-16; Mk 14, 1-2, 10-11; Ġw 11, 45-53)
[Lq:22:1] Kienet riesqa l-festa ta' l-Ażżmi, jiġifieri l-Għid. [Lq:22:2]
Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu
l-mod kif joqtlu lil Ġesù. [Lq:22:3] Imma x-Xitan daħal f'Ġuda, jgħidulu
l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax, [Lq:22:4] u dan mar jiftiehem mal-qassisin
il-kbar u l-uffiċjali tat-tempju dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.
[Lq:22:5] Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus. [Lq:22:6] U hu
tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù
f'idejhom bil-moħbi tal-poplu.
Ġesù jħejji għall-ikla ta' l-Għid
(Mt 26, 17-25; Mk 14, 12-21)
[Lq:22:7] U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw l-ħaruf
ta' l-Għid. [Lq:22:8] Ġesù bagħat lil Pietru u 'l Ġwanni u qalilhom: "Morru
ħejjulna l-ikla ta' l-Għid ħalli nieklu l-ħaruf." [Lq:22:9] "Fejn tridna
nħejju?" staqsewh. [Lq:22:10] "Araw," qalilhom: "Intom u deħlin il-belt jiltaqa'
magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol, [Lq:22:11]
u għidu lil sid dik id-dar: 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra ta' l-ikel li
fiha nista' niekol l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli tiegħi?' [Lq:22:12] U dak
jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b'kollox. Ħejju hemmhekk." [Lq:22:13] Marru, u
sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla ta' l-Għid.
It-twaqqif ta' l-Ewkaristija
(Mt 26, 26-30; Mk 14, 22-26; 1 Kor 11, 23-25)
[Lq:22:14] Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien ma' l-appostli.
[Lq:22:15] U Ġesù qalilhom: "Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla ta' l-Għid
magħkom qabel ma nbati! [Lq:22:16] Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m'iniex se
nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta' Alla." [Lq:22:17] U
qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: "Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom.
[Lq:22:18] Għaliex, ngħidilkom, minn issa 'l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott
tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta' Alla." [Lq:22:19] Mbagħad ħa l-ħobż, radd
il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu
dan b'tifkira tiegħi." [Lq:22:20] Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan
il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, id-demm li jixxerred għalikom. [Lq:22:21]
Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. [Lq:22:22] Għax
tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak
il-bniedem li jittradih!" [Lq:22:23] Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min
minnhom kien se jagħmel dan.
Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla
[Lq:22:24] Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm
bħala l-akbar wieħed. [Lq:22:25] Imma hu qalilhom: "Fost il-pagani s-slaten
jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi.
[Lq:22:26] Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta' l-iżgħar
wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta' qaddej. [Lq:22:27] Għax min hu
l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M'hux dak li
jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta' qaddej. [Lq:22:28]
Intom, mbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi;
[Lq:22:29] u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji
għalikom, [Lq:22:30] biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f'saltnati, u
toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta' Iżrael.
It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru
(Mt 26,31-35; Mk 14, 27-31; Ġw 13, 36-38)
[Lq:22:31] "Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f'idejh biex jgħaddikom
mill-għarbiel bħall-qamħ; [Lq:22:32] imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi
tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil
ħutek." [Lq:22:33] Qallu Xmun: "Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra
l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll." [Lq:22:34] Imma Ġesù qallu: "Ngħidlek,
Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li
inti tafni!"
Twissija ta' Ġesù
[Lq:22:35] Mbagħad qalilhom: "Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla
ħorġa u bla qorq!" "Ma naqasna xejn," weġbuh. [Lq:22:36] "Imma issa," qalilhom,
"min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma
għandux sejf, ibigħ il-libsa ta' fuqu u jixtri wieħed. [Lq:22:37] Għaliex
ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, 'li kien
magħdud mal-ħżiena'. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ." [Lq:22:38]
"Mulej," qalulu, "ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk." "Biżżejjed!" qalilhom.
Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ
(Mt 26, 36-46; Mk 14, 32-42)
[Lq:22:39] Mbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli
wkoll marru miegħu. [Lq:22:40] Kif wasal hemmhekk qalilhom: "Itolbu li ma
tidħlux fit-tiġrib." [Lq:22:41] Mbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta' ġebla,
u nxteħet għarkubbtejh jitlob [Lq:22:42] u jgħid: "Missier, jekk inti trid,
warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi."
[Lq:22:43] Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, [Lq:22:44] imma hu ħass
dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b'ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar
tad-demm iċarċar sa l-art. [Lq:22:45] Mbagħad qam mit-talb, mar ħdejn
id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta' qalb. [Lq:22:46] "Kif!"
qalilhom "Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!"
Ġesù ttradut u arrestat
(Mt 26, 47-56; Mk 14, 43-50; Ġw 18, 3-11)
[Lq:22:47] Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak
li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. [Lq:22:48]
Imma Ġesù qallu: "Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?"
[Lq:22:49] Dawk ta' madwaru, meta raw x'kien ġej, qalulu: "Mulej, tridx nagħtu
bis-sejf?" [Lq:22:50] U wieħed minnhom ta daqqa ta' sejf lill-qaddej tal-qassis
il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. [Lq:22:51] Imma Ġesù qal: "Ieqfu!
Biżżejjed!" U messlu widintu u fejjqu. [Lq:22:52] Mbagħad Ġesù qal lill-qassisin
il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: "Qiskom ħriġtu għal
xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! [Lq:22:53] Meta kont inkun magħkom
kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u
s-setgħa tad-dlamijiet!"
Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mt 26, 57-58, 69-75; Mk 14, 53-54, 66-72; Ġw 18, 12-18, 25-27)
[Lq:22:54] Mbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz
tal-qassis il-kbir. Pietru baqa' miexi warajhom mill-bogħod. [Lq:22:55] Meta
mbagħad qabbdu n-nar f'nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar
qagħad bilqiegħda f'nofshom. [Lq:22:56] Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb
in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: "Dan ukoll kien
miegħu!" [Lq:22:57] Iżda hu ċaħad u qalilha: "Mara, anqas biss nafu!" [Lq:22:58]
Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: "Int ukoll wieħed minnhom." Imma Pietru
wieġbu: "Le, sieħeb, m'iniex!" [Lq:22:59] Għaddiet xi siegħa u raġa' kien hemm
ieħor li beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan
ukoll mill-Galilija." [Lq:22:60] Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid,
sieħeb." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. [Lq:22:61] U
l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien
qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.'
[Lq:22:62] U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma.
Ġesù mżeblaħ u msawwat
(Mt 26, 67-68; Mk 14, 65)
[Lq:22:63] L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u
jsawwtuh, [Lq:22:64] u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: "Aqta' min
tahielek din id-daqqa!" [Lq:22:65] U qagħdu jgħajjruh b'ħafna kliem ieħor.
Ġesù quddiem is-Sinedriju
(Mt 26, 59-66; 27, 2; Mk 14, 55-64; 15, 1; Ġw 18, 19-24)
[Lq:22:66] Meta sebaħ, ltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin
il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. [Lq:22:67] U
qalulu: "Jekk inti l-Messija, għidilna." Iżda hu weġibhom: "Jekk ngħidilkom, ma
temmnux; [Lq:22:68] jekk nistaqsikom, ma tweġbux. [Lq:22:69] Imma minn issa 'l
quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta' Alla li jista'
kollox." [Lq:22:70] U lkoll qalulu: "Inti mela l-Iben ta' Alla?" "Intom stess
qegħdin tgħiduh," qalilhom, "Iva, jien." [Lq:22:71] "Xi ħtieġa għandna iżjed ta'
xhieda?" qalu huma,"Għax smajnieha aħna minn fommu stess!"
23. Ġesù quddiem Pilatu
(Mt 27, 1-2, 11-14; Mk 15, 1-5; Ġw 18, 28-38)
[Lq:23:1] Mbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu. [Lq:23:2] U bdew
jakkużawh u jgħidu: "Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens
tagħna, li m'huwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed
jgħid li hu l-Messija Sultan." [Lq:23:3] Pilatu staqsieh u qallu: "Inti s-sultan
tal-Lhud?" U hu wieġbu: "Inti qiegħed tgħidu." [Lq:23:4] Pilatu qal
lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: "Ebda ħtija ma nsib f'dan
il-bniedem." [Lq:23:5] Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: "Qiegħed ixewwex
lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk
stess."
Ġesù quddiem Erodi
[Lq:23:6] Kif sama' dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija,
[Lq:23:7] u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi,
bagħtu quddiemu, għax f'dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. [Lq:23:8]
Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama' fuqu kien ilu
żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal. [Lq:23:9] U għamillu
bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. [Lq:23:10] Il-qassisin il-kbar u
l-kittieba, b'saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. [Lq:23:11] Imma Erodi,
flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa
ta' kulur ilellex u raġa' bagħtu quddiem Pilatu. [Lq:23:12] Issa Erodi u Pilatu
fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.
Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mt 27, 15-26; Mk 15, 6-15; Ġw 18, 39-19,6)
[Lq:23:13] Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu.
[Lq:23:14] u qalilhom: "Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li
qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li
qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. [Lq:23:15] U anqas Erodi
ma sab, għax raġa' bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li
ħaqqu l-mewt.
[Lq:23:16] Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu." [Lq:23:18] Iżda huma qabdu
jgħajjtu lkoll f'daqqa: "Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna 'l Barabba!"
[Lq:23:19] Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet
fil-belt għax kien qatel. [Lq:23:20] Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla
leħnu u raġa' kellimhom; [Lq:23:21] iżda huma qabdu jgħajjtu aktar minnu u
jgħidu: "Sallbu! Sallbu!" [Lq:23:22] Għat-tielet darba qalilhom: "Imma dan
x'għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u
nitilqu." [Lq:23:23] Iżda huma b'ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun
imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. [Lq:23:24] Għalhekk Pilatu qatagħha
li jsir kif talbu huma. [Lq:23:25] Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li
kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.
Ġesù msallab
(Mt 27, 32-44; Mk 15, 21-32; Ġw 19, 17-27)
[Lq:23:26] Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej
lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. [Lq:23:27] Kotra
kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu
fuq sidirhom u jibkuh. [Lq:23:28] Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta'
Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. [Lq:23:29]
Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni
l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'!” [Lq:23:30] Mbagħad jibdew
jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' [Lq:23:31]
Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir
minnu meta jinxef?"
[Lq:23:32] Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt
miegħu. [Lq:23:33] Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm,
lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.
[Lq:23:34] U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu."
Mbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. [Lq:23:35] Il-poplu waqaf
hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil
oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla!"
[Lq:23:36] Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid
qares [Lq:23:37] u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!"
[Lq:23:38] Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan
tal-Lhud.'
[Lq:23:39] Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu:
"Int m'intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna." [Lq:23:40] Imma qabeż
l-ieħor, ċanfru u qallu: "Anqas minn Alla int ma tibża', int li qiegħed taħt
l-istess kundanna? [Lq:23:41] Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li
ħaqqna ta' kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin." [Lq:23:42] Mbagħad
qal: "Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek." [Lq:23:43] U Ġesù
wieġbu: "Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."
Il-mewt ta' Ġesù
(Mt 27, 45-56; Mk 15, 33-41; Ġw 19, 28-30)
[Lq:23:44] Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu
sad-disa' siegħa, [Lq:23:45] għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju
ċċarrat min-nofs. [Lq:23:46] Mbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: "Missier,
f'idejk jien nerħi ruħi." U kif qal hekk, ħarġet ruħu. [Lq:23:47] Iċ-ċenturjun,
meta ra x'ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: "Tassew li dan bniedem ġust!"
[Lq:23:48] U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn
il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. [Lq:23:49] Dawk kollha li kienu
jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa
minn meta kien għadu fil-Galilija.
Id-difna ta' Ġesù
(Mt 27, 57-61; Mk 15, 42-47; Ġw 19, 38-42)
[Lq:23:50] U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel
tajjeb u ġust, [Lq:23:51] li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f'dak li riedu u
f'dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna
ta' Alla. [Lq:23:52] Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù; [Lq:23:53]
niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih
kien għadu ma tqiegħed ħadd. [Lq:23:54] Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u
s-Sibt kien għoddu beda. [Lq:23:55] In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù
marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; [Lq:23:56]
mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh
fil-mistrieħ, skond il-preċett tal-Liġi.
24. Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet
(Mt 28, 1-10; Mk 16, 1-8; Ġw 20, 1-10)
[Lq:24:1] Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu
magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. [Lq:24:2] Huma sabu l-ġebla mgerba minn
quddiem il-qabar, [Lq:24:3] imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma
sabuhx hemm. [Lq:24:4] U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom
quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. [Lq:24:5] In-nisa, mimlijin
bil-biża', baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "L-għala qegħdin
tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? [Lq:24:6] M'huwiex hawn, imma qam.
Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, [Lq:24:7] meta qal li
jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun mislub, u
fit-tielet jum iqum mill-imwiet." [Lq:24:8] U huma ftakru kliemu. [Lq:24:9]
Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u
lill-oħrajn kollha. [Lq:24:10] Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta'
Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan
lill-appostli. [Lq:24:11] Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajjluh thewdin, u
ma emmnuhomx. [Lq:24:12] Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar;
tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li
kien ġara.
Fit-triq ta' Għemmaws
(Mk 16, 12-13)
[Lq:24:13] Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu
Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, [Lq:24:14] jitħaddtu
bejniethom fuq kull ma kien ġara. [Lq:24:15] Huma u jitħaddtu u jitkixxfu
bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. [Lq:24:16] Imma
għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. [Lq:24:17] U hu qalilhom:
"X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq
wiċċhom. [Lq:24:18] Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti
waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?"
[Lq:24:19] "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret,
li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu
kollu, [Lq:24:20] kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn
il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. [Lq:24:21] Aħna konna
nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa
għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! [Lq:24:22] Issa wkoll xi wħud min-nisa
tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar [Lq:24:23] u l-katavru tiegħu
ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.
[Lq:24:24] Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif
kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!" [Lq:24:25] Qalilhom Ġesù: "Kemm intom
boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! [Lq:24:26] U ma kellux
il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?" [Lq:24:27] U beda
minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
[Lq:24:28] Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li
hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. [Lq:24:29] Iżda huma ġegħluh jibqa'
magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex
jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. [Lq:24:30] U waqt li kien fuq
il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. [Lq:24:31]
Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.
[Lq:24:32] U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa
fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?" [Lq:24:33] Dak il-ħin
stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura
flimkien, [Lq:24:34] u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!"
[Lq:24:35] U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh
fil-qsim tal-ħobż.
Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu
(Mt 28, 16-20; Mk 16, 14-18; Ġw 20, 19-23; Atti1, 6-8)
[Lq:24:36] Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom:
"Is-sliem għalikom!" [Lq:24:37] Huma twerwru bil-biża' għax ħasbu li qegħdin
jaraw xi fantażma. [Lq:24:38] Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan
it-tħassib kollu f'qalbkom? [Lq:24:39] Araw idejja u riġlejja. Jiena hu!
Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw
li għandi jien." [Lq:24:40] Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.
[Lq:24:41] Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u
baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa ta' l-ikel hawn?" [Lq:24:42] Huma
ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, [Lq:24:43] u hu ħadha u kielha quddiemhom.
[Lq:24:44] Mbagħad qalilhom: "Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn
il-kelmiet, 'Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta' Mosè, fil-Profeti
u fis-Salmi.' "
[Lq:24:45] Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. [Lq:24:46] U
qalilhom: "Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum
mill-imwiet, [Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu
lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. [Lq:24:48] Intom xhud ta' dan.
[Lq:24:49] U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom
ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu."
It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema
(Mk 16, 19; Atti 1, 9-11)
[Lq:24:50] Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa' idejh u berikhom. [Lq:24:51]
U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema. [Lq:24:52]
Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b'ferħ kbir reġgħu lura lejn
Ġerusalemm, [Lq:24:53] u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.