L-EVANĠELJU TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU SKONT SAN ĠWANN
1. Il-Verb sar bniedem
[Ġw:1:1] Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma' Alla,
u l-Verb kien Alla.
[Ġw:1:2] Hu kien fil-bidu ma' Alla.
[Ġw:1:3] Kollox bih sar,
u xejn ma sar mingħajru;
kull ma sar [Ġw:1:4] kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
[Ġw:1:5] Id-dawl jiddi fid-dlam,
imma d-dlam ma għelbux.
[Ġw:1:6] Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
jismu Ġwanni.
[Ġw:1:7] Dan ġie bħala xhud,
biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
[Ġw:1:8] Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
[Ġw:1:9] dak id-dawl veru,
li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
[Ġw:1:10] Kien fid-dinja,
u d-dinja saret bih,
imma d-dinja ma għarfitux.
[Ġw:1:11] Ġie f'daru,
u niesu ma laqgħuhx.
[Ġw:1:12] Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,
dawk li jemmnu f'ismu,
[Ġw:1:13] li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas
mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.
[Ġw:1:14] U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
[Ġw:1:15] Ġwanni ta xhieda fuqu
meta għajjat u qal:
"Dan hu li għalih għedtilkom,
'Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,
għax kien minn qabli.' "
[Ġw:1:16] Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
grazzja fuq grazzja.
[Ġw:1:17] Alla ta l-Liġi permezz ta' Mosè
imma l-grazzja u l-verità
seħħu permezz ta' Ġesù Kristu.
[Ġw:1:18] Lil Alla għadu ħadd ma rah;
imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta' Alla,
li hu fi ħdan il-Missier.
Ix-xhieda ta' Ġwanni l-Battista
(Mt 3, 1-12; Mk 1, 1-8; Lq 3, 1-18)
[Ġw:1:19] Ix-xhieda ta' Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta' Ġerusalemm bagħtu
għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, "Int min int?", [Ġw:1:20] hu stqarr
bla ma ċaħad: "Jien m'iniex il-Messija." [Ġw:1:21] Huma reġgħu staqsewh: "Mela
min int? Elija?" "M'iniex," qalilhom. "Int il-Profeta?" "Le," weġibhom.
[Ġw:1:22] Mbagħad qalulu: "Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li
bagħtuna. Min tgħid li int?" [Ġw:1:23] U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija:
“Jiena leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert.
‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
Ġw:1:24] Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. [Ġw:1:25] Huma
staqsewh: "Mela kif qiegħed tgħammed la m'intix il-Messija, u la Elija u lanqas
il-Profeta?" [Ġw:1:26] "Jiena ngħammed bl-ilma," weġibhom Ġwanni, "imma
f'nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, [Ġw:1:27] u li ġej warajja; jiena
anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu." [Ġw:1:28] Dan ġara
f'Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Ħaruf ta' Alla
[Ġw:1:29] L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: "Araw il-Ħaruf ta' Alla,
li jneħħi d-dnub tad-dinja. [Ġw:1:30] Dan hu li għalih għedtilkom, 'Warajja ġej
bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.' [Ġw:1:31] Anqas jien stess ma kont
nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael."
[Ġw:1:32] U Ġwanni xehed għalih u qal: "Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema
bħal ħamiema u joqgħod fuqu. [Ġw:1:33] Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma
dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, 'Fuq min tara l-Ispirtu jinżel
u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.' [Ġw:1:34] Dan rajtu
b'għajnejja, u għalhekk xhedt, 'Dan hu l-Iben ta' Alla.' "
L-ewwel dixxipli
[Ġw:1:35] L-għada Ġwanni raġa' kien hemm ma' tnejn mid-dixxipli tiegħu.
[Ġw:1:36] Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: "Araw il-Ħaruf ta'
Alla." [Ġw:1:37] Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
[Ġw:1:38] Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: "Xi tridu?" Iżda huma
staqsewh: "Fejn toqgħod, Rabbi?" - li tfisser Mgħallem. [Ġw:1:39] Hu weġibhom: "Ejjew
u taraw." U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu.
Kien ħabta ta' l-għaxar siegħa. [Ġw:1:40] Wieħed mit-tnejn li semgħu x'kien qal
Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. [Ġw:1:41] L-ewwel ma għamel
mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: "Sibna l-Messija" - li tfisser Kristu. [Ġw:1:42]
U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti
tissejjaħ Kefa" - jew Pietru.
Ġesù jsejjaħ lil Filippu u 'l Natanjel
[Ġw:1:43] L-għada Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u
qallu: "Ejja warajja." [Ġw:1:44] Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta' Indrì u
Pietru. [Ġw:1:45] Filippu sab lil Natanjel u qallu: "Sibna lil dak li fuqu kitbu
Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi."
[Ġw:1:46] Qallu Natanjel: "Tista' toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?" "Ejja u
ara," wieġbu Filippu. [Ġw:1:47] Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih:
"Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq
fih." [Ġw:1:48] Natanjel staqsieh: "Kif sirt tafni?" U Ġesù wieġbu: "Rajtek taħt
is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu." [Ġw:1:49] "Rabbi," qallu Natanjel,
"int l-Iben ta' Alla, inti s-sultan ta' Iżrael!" [Ġw:1:50] Ġesù wieġbu: "Qiegħed
temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar
minn dawn!" [Ġw:1:51] U żied jgħidlu: "Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema
miftuħ u l-anġli ta' Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem."
2. It-tieġ f'Kana
[Ġw:2:1] Mbagħad fit-tielet jum sar tieġ f'Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet
hemm. [Ġw:2:2] Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli
tiegħu. [Ġw:2:3] Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: "Ma
għandhomx inbid." [Ġw:2:4] U Ġesù qalilha: "X'hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa
tiegħi għadha ma waslitx." [Ġw:2:5] Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: "Agħmlu kull
ma jgħidilkom hu." [Ġw:2:6] Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, mqiegħda hemm
għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa' xi mitt jew mija
u għoxrin litru. [Ġw:2:7] Ġesù qal lill-qaddejja: "Imlew il-ġarar bl-ilma." U
dawk imlewhom sax-xifer. [Ġw:2:8] Mbagħad qalilhom: "Issa ħudu minnu u newwluh
lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda." U huma marru jagħtuhulu. [Ġw:2:9] Hu
daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja
li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus [Ġw:2:10] u qallu: "Kulħadd l-inbid
it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas
tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa." [Ġw:2:11] Dan li għamel
Ġesù f'Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja
tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. [Ġw:2:12] Wara dan, niżel Kafarnahum, hu,
ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, iżda ma qagħdux hemm għal ħafna żmien.
Il-qdusija tat-tempju
(Mt 21, 12-13; Mk 11, 15-17; Lq 19, 45-46)
[Ġw:2:13] Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela' Ġerusalemm. [Ġw:2:14] Fit-tempju
sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf
il-flus. [Ġw:2:15] Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll 'il barra
mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta' dawk li kienu
jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. [Ġw:2:16] U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom:
"Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!" [Ġw:2:17]
Id-dixxipli ftakru f'dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, "Il-ħeġġa għal darek
fnietni.' [Ġw:2:18] Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: "X'sinjal se turina li inti
tista' tagħmel dan?" [Ġw:2:19] Ġesù weġibhom: "Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt
ijiem nerġa' ntellgħu." [Ġw:2:20] Għalhekk il-Lhud qalulu: "Dan it-tempju ħa
sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?" [Ġw:2:21]
Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. [Ġw:2:22] Meta mbagħad qam mill-imwiet,
id-dixxipli tiegħu ftakru f'dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem
li kien qal Ġesù.
Ġesù jaf lil kulħadd
[Ġw:2:23] Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid, kien hemm ħafna li
emmnu f'ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. [Ġw:2:24] Imma Ġesù, min-naħa
tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd [Ġw:2:25] u ma kellux
bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x'hemm
fil-bniedem.
3. Ġesù u Nikodemu
[Ġw:3:1] Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat
tal-Lhud. [Ġw:3:2] Dan ġie għand Ġesù billejl u qallu: "Rabbi, aħna nafu li inti
Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista' jagħmel is-sinjali li qiegħed
tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu." [Ġw:3:3] Ġesù wieġbu: "Tassew tassew
ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta' Alla."
[Ġw:3:4] Qallu Nikodemu: "Kif jista' wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista'
forsi jerġa' jidħol f'ġuf ommu u jitwieled?" [Ġw:3:5] Wieġbu Ġesù: "Tassew
tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax
jidħol fis-Saltna ta' Alla. [Ġw:3:6] Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak
li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. [Ġw:3:7] La tistagħġibx jekk jiena għedtlek
li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. [Ġw:3:8] Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma'
ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min
jitwieled mill-Ispirtu." [Ġw:3:9] "Kif qatt jista' jkun dan?" raġa' qallu
Nikodemu. [Ġw:3:10] U Ġesù qallu: "Inti mgħallem f'Iżrael u dan ma tafux?
[Ġw:3:11] Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u
qegħdin nagħtu xhieda ta' dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex.
[Ġw:3:12] Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ ta' l-art,
kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? [Ġw:3:13] Ħadd ma
tela' s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. [Ġw:3:14] U kif Mosè rafa'
s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, [Ġw:3:15] biex
kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta' dejjem. [Ġw:3:16] Għax Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda
jkollu l-ħajja ta' dejjem. [Ġw:3:17] Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja
biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. [Ġw:3:18]
Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat,
għax ma emminx fl-isem ta' l-Iben il-waħdieni ta' Alla. [Ġw:3:19] U l-ġudizzju
huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl,
għax l-għemil tagħhom kien ħażin. [Ġw:3:20] Għax kull min jagħmel il-ħażen
jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. [Ġw:3:21]
Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu."
Ġesù u Ġwanni l-Battista
[Ġw:3:22] Wara dan, Ġesù ġie mad-dixxipli tiegħu fl-art tal-Lhudija, u baqa'
hemm magħhom jgħammed. [Ġw:3:23] Ġwanni wkoll kien qiegħed jgħammed f'Għajnun,
qrib Salim, għax f'dik in-naħa kien hemm ħafna ilma; u n-nies kienet tiġi biex
titgħammed. [Ġw:3:24] Sa issa lil Ġwanni kienu għadhom ma tefgħuhx fil-ħabs.
[Ġw:3:25] Ġara mela li d-dixxipli ta' Ġwanni tlewwmu ma' wieħed Lhudi fuq ir-rit
tal-purifikazzjoni, [Ġw:3:26] u ġew għand Ġwanni jgħidulu: "Rabbi, kien hemm
raġel miegħek in-naħa l-oħra tal-Ġordan, dak li int xhedt għalih. Issa, ara, hu
qiegħed jgħammed, u kulħadd sejjer għandu." [Ġw:3:27] Ġwanni weġibhom: "Ħadd ma
jista' jirċievi xi ħaġa jekk ma tingħatalux mis-sema. [Ġw:3:28] Intom stess
tistgħu tixhdu li jiena għedtilkom li 'jien m'iniex il-Messija,' imma biss li 'jien
kont mibgħut qablu.' [Ġw:3:29] Dak li għandu l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib
ta' l-għarus, li jkun ħdejh u jisimgħu, jifraħ ħafna meta jisma' leħen l-għarus.
U dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet. [Ġw:3:30] Jenħtieġ jikber hu u niċkien
jiena."
Dak li hu ġej minn fuq
[Ġw:3:31] "Dak li hu ġej minn fuq hu fuq kulħadd; min hu mill-art hu ta' l-art u
jgħid ħwejjeġ ta' l-art; dak li hu ġej mis-sema hu fuq kulħadd [Ġw:3:32] u
jixhed dak li ra u sama'; imma x-xhieda tiegħu ħadd ma jilqagħha [Ġw:3:33] Min
ikun laqa' x-xhieda tiegħu jkun wettaq li Alla hu l-verità. [Ġw:3:34] Għax dak
li bagħtu Alla jgħid il-kliem ta' Alla, għax Alla ma jagħtix l-Ispirtu bil-kejl.
[Ġw:3:35] Il-Missier iħobb lill-Iben, u ħalla kollox f'idejh. [Ġw:3:36] Min
jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta'dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma
jarax il-ħajja, imma tibqa' fuqu l-korla ta' Alla."
4. Ġesù u s-Samaritana
[Ġw:4:1] Il-Fariżej semgħu li Ġesù kien qiegħed jiġbor u jgħammed dixxipli iżjed
minn Ġwanni. U Ġesù sar jaf b'dan, [Ġw:4:2] għalkemm hu nnifsu ma kienx jgħammed,
imma d-dixxipli tiegħu; [Ġw:4:3] għalhekk telaq mil-Lhudija u raġa' mar
fil-Galilija. [Ġw:4:4] U kellu jgħaddi mis-Samarija. [Ġw:4:5] Ġie f'belt
tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu
Ġużeppi, [Ġw:4:6] fejn kien hemm ukoll il-bir ta' Ġakobb. Kien għall-ħabta
tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn
il-bir. [Ġw:4:7] U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. "Agħtini nixrob,"
qalilha Ġesù. [Ġw:4:8] Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x'jieklu.
[Ġw:4:9] Il-mara mis-Samarija qaltlu: "Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana,
biex nagħtik tixrob?" Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani.
[Ġw:4:10] Ġesù weġibha: "Kieku kont taf id-don ta' Alla u min hu dak li qiegħed
jgħidlek, 'Agħtini nixrob,' kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj."
[Ġw:4:11] Qaltlu l-mara: "Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla
ma għandek u l-bir huwa fond? [Ġw:4:12] Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li
tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?" [Ġw:4:13]
Weġibha Ġesù: "Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa' jagħtih l-għatx; [Ġw:4:14]
imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma
li nagħtih jien isir fih għajn ta' l-ilma li jwassal sal-ħajja ta' dejjem."
[Ġw:4:15] Qaltlu l-mara: "Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx,
u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma."
[Ġw:4:16] Qalilha Ġesù: "Mur sejjaħ lil żewġek u erġa' ejja hawn." [Ġw:4:17]
Weġbitu l-mara: "Ma għandix żewġi." Qalilha Ġesù: "Sewwa għedt, 'ma għandix
żewġi.' [Ġw:4:18] Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek
bħalissa m'huwiex żewġek. Sewwa weġibt!" [Ġw:4:19] Qaltlu l-mara: "Int profeta,
Sinjur, milli qiegħda nara. [Ġw:4:20] Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq
din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla
jinsab f'Ġerusalemm." [Ġw:4:21] Qalilha Ġesù: "Emminni, mara, jiġi żmien meta
mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f'Ġerusalemm. [Ġw:4:22]
Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni
ġejja mil-Lhud. [Ġw:4:23] Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew
jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità. Għax il-Missier ukoll,
nies bħal dawn ifittex li jadurawh. [Ġw:4:24] Alla huwa spirtu, u dawk li
jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità." [Ġw:4:25] Qaltlu l-mara: "Jiena
naf li ġej il-Messija, - dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna."
[Ġw:4:26] Qalilha Ġesù: "Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek."
[Ġw:4:27] Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma' mara;
iżda ħadd minnhom ma staqsieh, 'Xi trid?', jew, 'Għax qiegħed titkellem magħha?'
[Ġw:4:28] Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet
lin-nies: [Ġw:4:29] "Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan
il-Messija?" [Ġw:4:30] U nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
[Ġw:4:31] Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: "Rabbi, kul!"
[Ġw:4:32] Iżda hu qalilhom: "Jien għandi ikel x'niekol li intom ma tafux bih."
[Ġw:4:33] Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: "Jaqaw ġie xi ħadd u
ġieblu x'jiekol?" [Ġw:4:34] Qalilhom Ġesù: "L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda
ta' min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. [Ġw:4:35] Intom ma
tgħidux li baqa' erba'xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x'ngħidilkom jien: erfgħu
għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! [Ġw:4:36] Ġa l-ħassad
qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta' dejjem, biex min jiżra'
jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. [Ġw:4:37] F'dan taraw kemm sewwa jingħad li
wieħed jiżra' u l-ieħor jaħsad. [Ġw:4:38] Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma
tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex
tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom."
[Ġw:4:39] Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f'Ġesù fuq ix-xhieda
li tathom dik il-mara meta qaltilhom: 'Qalli kull ma għamilt,' [Ġw:4:40] tant,
li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa' magħhom, u hu qagħad
hemm jumejn. [Ġw:4:41] Mbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, [Ġw:4:42] u
lill-mara qalulha: "issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna
wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja."
Ġesù jfejjaq bin uffiċjal
[Ġw:4:43] Wara dawk il-jumejn Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija; [Ġw:4:44]
għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f'pajjiżu. [Ġw:4:45] Mela meta
wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kull ma kien għamel
f'Ġerusalemm f'jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa. [Ġw:4:46]
U raġa' ġie f'Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa
f'Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid. [Ġw:4:47]
Meta sama' li mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel
u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar. [Ġw:4:48] U Ġesù qallu: "Jekk ma
tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!" [Ġw:4:49] Qallu l-uffiċjal: "Inżel
Mulej, qabel ma jmutli t-tifel!" [Ġw:4:50] Qallu Ġesù: "Mur, ibnek ħaj."
Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq. [Ġw:4:51] Huwa u nieżel, iltaqgħu
miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: "Ibnek ħaj." [Ġw:4:52] Hu staqsiehom xħin
kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: "Ilbieraħ fis-seba' siegħa
telqu d-deni." [Ġw:4:53] Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu:
'Ibnek jgħix,' u emmen hu u l-familja kollha tiegħu. [Ġw:4:54] Dan kien sinjal
ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.
5. Fejqan ta' wieħed marid f'Betzata
[Ġw:5:1] Wara dan, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela' Ġerusalemm. [Ġw:5:2]
F'Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b'ħames loġoġ, li
bil-Lhudi jgħidulu Betzata. [Ġw:5:3] F'dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta'
morda, għomja, zopop u mifluġin. [Ġw:5:5] U kien hemm raġel li kien ilu tmienja
u tletin sena marid. [Ġw:5:6] Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu
marid dak iż-żmien kollu qallu: "Trid tfiq?" [Ġw:5:7] "Sinjur," wieġbu l-marid,
"ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun
sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli." [Ġw:5:8] Qallu Ġesù: "Qum, aqbad friexek u
imxi!" [Ġw:5:9] Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi.
Dak inhar inzerta kien is-Sibt. [Ġw:5:10] Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien
fieq: "Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!" [Ġw:5:11] Iżda hu weġibhom:
"Dak li fejjaqni qalli, 'Aqbad friexek u imxi.' " [Ġw:5:12] Huma staqsewh: "Min
hu dan il-bniedem li qallek, 'Aqbad u imxi'?" [Ġw:5:13] Iżda l-imfejjaq ma kienx
jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies.
[Ġw:5:14] Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: "Ara, issa fiqt, qis li ma
tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar." [Ġw:5:15] Ir-raġel telaq u mar
għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejjqu. [Ġw:5:16] Għalhekk
il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f'jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.
[Ġw:5:17] Imma Ġesù qalilhom: "Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien
ukoll." [Ġw:5:18] U minħabba f'hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu
li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien
jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.
Is-setgħa ta' l-Iben
[Ġw:5:19] Ġesù qabad u qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa
ma jista' jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax
il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu. [Ġw:5:20] Għax
il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn
dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu. [Ġw:5:21] Għax bħalma l-Missier
iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil
dawk li jrid hu. [Ġw:5:22] Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla
f'idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu, [Ġw:5:23] biex kulħadd jagħti ġieħ
lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas
ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu. [Ġw:5:24] Tassew tassew ngħidilkom li min
jisma' kelmti u jemmen f'min bagħatni għandu l-ħajja ta' dejjem, u ma jsirx ħaqq
minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja. [Ġw:5:25] Tassew tassew ngħidilkom li
tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen ta' l-Iben ta' Alla, u
dawk li jisimgħuh jgħixu. [Ġw:5:26] Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih
innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu, [Ġw:5:27] u tah
ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem. [Ġw:5:28] Tistagħġbux
b'dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [Ġw:5:29] u
joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu
għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.
Xhieda għal Ġesù
[Ġw:5:30] "Jiena ma nista' nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li
nisma', u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda
tiegħi, imma r-rieda ta' min bagħatni. [Ġw:5:31] Kieku jien kelli nagħti xhieda
fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. [Ġw:5:32] Hemm ħaddieħor li
jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.
[Ġw:5:33] Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità.
[Ġw:5:34] Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta' bniedem, imma qiegħed
ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom. [Ġw:5:35] Għax dak kien musbieħ jixgħel
u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. [Ġw:5:36] Iżda jien
għandi xhieda akbar minn dik ta' Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex
intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu
għalija li kien il-Missier li bagħatni. [Ġw:5:37] U dak li jagħti xhieda fuqi
huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas
rajtu l-bixra ta' wiċċu; [Ġw:5:38] u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom
m'intomx temmnu lil dak li huwa bagħat. [Ġw:5:39] Intom tistudjaw l-Iskrittura,
għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta' dejjem; din tagħti xhieda għalija;
[Ġw:5:40] u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.
[Ġw:5:41] "Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, [Ġw:5:42] imma jiena lilkom
nafkom, naf li l-imħabba ta' Alla ma tinsabx fikom. [Ġw:5:43] Jien ġejt f'isem
Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f'ismu stess, intom tilqgħuh.
[Ġw:5:44] Imma kif jista' jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand
xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu? [Ġw:5:45]
Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li
jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. [Ġw:5:46] Għax kieku kontu
temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. [Ġw:5:47] Imma
jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?"
6. Ġesù jitma' ħamest elef
(Mt 14, 13-21; Mk 6, 30-44; Lq 9, 10-17)
[Ġw:6:1] Wara dan, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta'
Tiberija. [Ġw:6:2] Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel
bil-fejqan tal-morda. [Ġw:6:3] Ġesù tela' lejn l-għoljiet u qagħad hemm
bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. [Ġw:6:4] Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
[Ġw:6:5] Ġesù rafa' għajnejh, lemaħ kotra ta' nies ġejja lejh, u qal lil Filippu:
"Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x'jieklu?" [Ġw:6:6] Dan qalulu biex
jippruvah, għaliex hu kien jaf x'sejjer jagħmel. [Ġw:6:7] Filippu wieġbu: "Mitejn
dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit."
[Ġw:6:8] Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:[Ġw:6:9] "Hawn
tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn
x'inhuma għal daqshekk nies?" [Ġw:6:10] "Qiegħdu n-nies bilqiegħda," qal Ġesù.
Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel,
qagħdu bilqiegħda. [Ġw:6:11] Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil
dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried.
[Ġw:6:12] Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Iġbru l-loqom li baqa',
biex xejn ma jinħela." [Ġw:6:13] Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom
li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
[Ġw:6:14] Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu:
"Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!" [Ġw:6:15] Imma Ġesù, meta
ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa' warrab
waħdu lejn l-għoljiet.
Ġesù jimxi fuq il-baħar
(Mt 14, 22-33; Mk 6, 45-52)
[Ġw:6:16] Xħin sar filgħaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar,
[Ġw:6:17] rikbu dgħajsa u ġibdu għax-xatt l-ieħor tal-baħar, lejn Kafarnahum.
Kien ġa dalam, u Ġesù kien għadu ma ġiex jilħaqhom. [Ġw:6:18] Il-baħar kien qam
sewwa, għax kien qiegħed jonfoħ riħ qawwi. [Ġw:6:19] Mela wara li kienu qadfu xi
ħamsa u għoxrin jew tletin stadju, raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar riesaq lejn
id-dgħajsa, u beżgħu. [Ġw:6:20] Imma hu qalilhom: "Jiena hu, la tibżgħux."
[Ġw:6:21] Għalhekk riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, iżda minnufih id-dgħajsa
messet l-art fejn kienu sejrin.
Ġesù hu l-ħobż tal-ħajja
[Ġw:6:22] L-għada, in-nies li kienu għadhom in-naħa l-oħra tal-baħar raw li
hemmhekk ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda u li Ġesù ma kienx tela' fiha mad-dixxipli
tiegħu, imma li d-dixxipli kienu marru weħidhom. [Ġw:6:23] Mela waslu xi
dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien
radd il-ħajr. [Ġw:6:24] Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u
lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum
ifittxu lil Ġesù.
[Ġw:6:25] U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: "Rabbi, meta ġejt hawn?"
[Ġw:6:26] Ġesù weġibhom: "Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux
għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. [Ġw:6:27] Tħabtu mhux
għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa' għall-ħajja ta' dejjem, dak li
Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu."
[Ġw:6:28] Mbagħad staqsewh: "X'għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta' Alla?"
[Ġw:6:29] Weġibhom Ġesù: "L-opra ta' Alla hija din: li intom temmnu f'dak li
huwa bagħat." [Ġw:6:30] Qalulu: "X'sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk?
X'sejjer tagħmel? [Ġw:6:31] Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm
miktub, 'Tahom jieklu ħobż mis-sema.' " [Ġw:6:32] Weġibhom Ġesù: "Tassew tassew
ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż
tassew mis-sema; [Ġw:6:33] għaliex il-ħobż ta' Alla huwa dak li jinżel mis-sema
u jagħti l-ħajja lid-dinja."
[Ġw:6:34] "Sinjur," qalulu huma, "agħtina dejjem minn dan il-ħobż." [Ġw:6:35]
Weġibhom Ġesù: "Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ,
u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx. [Ġw:6:36] Imma jiena ġa għedtilkom li,
għalkemm rajtuni, ma emmintux. [Ġw:6:37] Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu
għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx 'il barra; [Ġw:6:38] għax jiena nżilt
mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta' min bagħatni.
[Ġw:6:39] Issa r-rieda ta' min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn
dak kollu li tani, iżda li nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. [Ġw:6:40] Din hi
tabilħaqq ir-rieda ta' Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu
l-ħajja ta' dejjem u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum."
[Ġw:6:41] Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, 'Jiena hu l-ħobż li niżel
mis-sema.' [Ġw:6:42] U bdew jgħidu: "Dan m'huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru
u 'l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, 'Jiena nżilt mis-sema'?"
[Ġw:6:43] Ġesù weġibhom: "Toqogħdux tgorru bejnietkom. [Ġw:6:44] Ħadd ma jista'
jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu
mill-imwiet fl-aħħar jum. [Ġw:6:45] Hemm miktub fil-Profeti, 'U kulħadd ikun
mgħallem minn Alla.' Mela kull min jisma' lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi
għandi. [Ġw:6:46] Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn
Alla; hu dan li ra lill-Missier. [Ġw:6:47] Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen
għandu l-ħajja ta' dejjem. [Ġw:6:48] Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. [Ġw:6:49]
Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; [Ġw:6:50] dan hu l-ħobż nieżel
mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. [Ġw:6:51] Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li
niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż
li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja."
[Ġw:6:52] Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan
jagħtina ġismu biex nikluh?" [Ġw:6:53] Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew
ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma
jkollkomx il-ħajja fikom. [Ġw:6:54] Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu
l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. [Ġw:6:55] Għax
ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. [Ġw:6:56] Min jiekol ġismi u
jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih. [Ġw:6:57] Bħalma bagħatni l-Missier, li hu
ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.
[Ġw:6:58] Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu
missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem." [Ġw:6:59] Dan
qalu huwa u jgħallem fis-sinagoga, f'Kafarnahum.
Il-kliem tal-ħajja ta' dejjem
[Ġw:6:60] Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: "Iebes dan il-kliem! Min
jiflaħ jisimgħu?" [Ġw:6:61] Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin
igergru fuq hekk, u qalilhom: "Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? [Ġw:6:62] Mela
xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela' fejn kien qabel?
[Ġw:6:63] Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem
li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. [Ġw:6:64] Iżda hemm xi wħud fostkom li
ma jemmnux." Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u
min kien dak li kellu jittradih. [Ġw:6:65] U ssokta jgħidilhom: "Kien għalhekk
li jiena għedtilkom li ħadd ma jista' jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li
jiġi." [Ġw:6:66] Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux
imorru warajh. [Ġw:6:67] Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: "Tridux titilqu intom
ukoll?" [Ġw:6:68] Wieġbu Xmun Pietru: "Mulej, għand min immorru? Inti għandek
il-kliem tal-ħajja ta' dejjem, [Ġw:6:69] u aħna emminna u għarafna li inti
l-Qaddis ta' Alla." [Ġw:6:70] Qalilhom Ġesù: "M'hux jien kont li għażiltkom
lilkom it-Tnax? U madankollu wieħed minnkom huwa xitan." [Ġw:6:71] Kien qiegħed
jgħid għal Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota, għax kien hu li kellu jittradih, hu,
wieħed mit-Tnax.
7. In-nuqqas ta' fidi mill-qraba ta' Ġesù
[Ġw:7:1] Wara dan, Ġesù baqa' jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur
fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. [Ġw:7:2] Kienet
qorbot għal-Lhud il-festa ta' l-Għerejjex, [Ġw:7:3] u ħutu qalulu: "Itlaq minn
hawn u mur il-Lhudija, biex id-dixxipli tiegħek ukoll jaraw l-għemejjel li
qiegħed tagħmel. [Ġw:7:4] Għax ħadd ma jagħmel xejn bil-moħbi jekk irid ikun
magħruf minn kulħadd. Ladarba qiegħed tagħmel dan kollu, uri ruħek lid-dinja."
[Ġw:7:5] Għax anqas ħutu ma emmnu fih. [Ġw:7:6] Għalhekk Ġesù qalilhom: "Għalija
għadu ma wasalx iż-żmien, imma ż-żmien tagħkom dejjem f'idejkom. [Ġw:7:7]
Id-dinja lilkom ma tistax tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax jiena nixhed
kontra tagħha li kull ma tagħmel hu ħażin. [Ġw:7:8] Itilgħu intom għall-festa,
imma jiena ma nitlax għaliha din il-festa, għax iż-żmien tiegħi għadu ma
għalaqlix." [Ġw:7:9] Wara li qalilhom dan, baqa' fil-Galilija.
Fil-festa ta' l-Għerejjex
[Ġw:7:10] Imma wara li ħutu telgħu għall-festa tela' hu wkoll, mhux bid-dieher,
imma bil-moħbi. [Ġw:7:11] Fil-festa l-Lhud bdew ifittxuh u jgħidu: "Dan fejn
hu?" [Ġw:7:12] Fost il-poplu kien hemm ħafna għajdut fuqu; min beda jgħid li
kien raġel tajjeb, u min qal li ma kienx imma li kien qed iqarraq bin-nies.
[Ġw:7:13] Madankollu ħadd ma kien jitkellem fuqu bil-miftuħ, għax kienu jibżgħu
mil-Lhud.
[Ġw:7:14] Il-festa kienet ġa f'nofsha meta Ġesù tela' fit-tempju u qabad
jgħallem. [Ġw:7:15] Il-Lhud stagħġbu bih u qalu: "Dan kif jaf daqshekk bla ma
tgħallem?" [Ġw:7:16] Qabeż Ġesù u qalilhom: "It-tagħlim tiegħi m'huwiex tiegħi,
imma ta' dak li bagħatni. [Ġw:7:17] Min irid jagħmel ir-rieda tiegħu jaf jekk
dan it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex ngħid xi ħaġa minn tiegħi.
[Ġw:7:18] Min jgħid xi ħaġa minn moħħu jkun qiegħed ifittex il-glorja tiegħu
nnifsu. Iżda min ifittex il-glorja ta' min ikun bagħtu, dan ikun jgħid is-sewwa,
u fih ma jkun hemm ebda qerq. [Ġw:7:19] Il-Liġi mhux Mosè tahielkom? U
madankollu ħadd minnkom ma jħares il-Liġi. Għaliex qegħdin tfittxu li toqtluni?"
[Ġw:7:20] Qalulu n-nies: "Int għandek xitan fik! Min qiegħed ifittex li
joqtlok?" [Ġw:7:21] Weġibhom Ġesù: "Ħaġa waħda għamilt, u lkoll stagħġibtu biha.
[Ġw:7:22] Mosè takom iċ-ċirkonċiżjoni - għalkemm din ma kinitx ġejja minn Mosè,
imma mill-patrijarki - u intom, lil dak li jkun, iċ-ċirkonċiżjoni tagħmluhielu
f'jum is-Sibt. [Ġw:7:23] Mela jekk intom, lil dak li jkun, tagħmlulu
ċ-ċirkonċiżjoni f'jum is-Sibt biex ma tinkisirx il-Liġi ta' Mosè, kif se teħduha
kontra tiegħi għax f'jum is-Sibt fejjaqt bniedem kollu kemm hu? [Ġw:7:24]
Tagħmlux il-ħaqq fuq dak li taraw b'għajnejkom imma agħmluh skond is-sewwa!"
Dan hu l-Messija
[Ġw:7:25] Xi wħud min-nies ta' Ġerusalemm qalu: "Dan m'huwiex dak li qegħdin
ifittxuh biex joqtluh? [Ġw:7:26] Araw, b'wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u
ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija?
[Ġw:7:27] Imma dan nafu minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf
minn fejn ikun ġej." [Ġw:7:28] Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u
qal: "Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja,
imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. [Ġw:7:29] Jiena
nafu, għax jien minn għandu ġej, u kien hu li bagħatni." [Ġw:7:30] Huma fittxew
jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet
għadha ma waslitx. [Ġw:7:31] Ħafna nies emmnu fih u qalu: "Meta jiġi l-Messija
se jagħmel sinjali aktar milli qiegħed jagħmel dan?"
L-għases mibgħuta biex jaqbdu lil Ġesù
[Ġw:7:32] Il-Fariżej semgħu x'kienu qegħdin jgħidu fuqu n-nies, u huma u
l-qassisin il-kbar bagħtu xi għases biex jaqbduh. [Ġw:7:33] Ġesù qal: "Ftit
ieħor baqagħli magħkom, u mbagħad nerġa' mmur għand min bagħatni. [Ġw:7:34] Għad
tfittxuni u ma ssibunix, u ma tkunux tistgħu tiġu fejn inkun jien." [Ġw:7:35]
Il-Lhud bejniethom bdew jgħidu: "Mela fejn sejjer dan, biex m'aħniex se nsibuh?
Jaqaw sejjer għand dawk li huma mxerrda fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi?
[Ġw:7:36] Dan xi kliem hu li qal, 'Għad tfittxuni u ma ssibunix,' u 'Ma tkunux
tistgħu tiġu fejn inkun jien'?"
Xmajjar ta' ilma ħaj
[Ġw:7:37] Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen
għoli: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. [Ġw:7:38] Kif tgħid
l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj." [Ġw:7:39]
Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu
kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.
Il-fehmiet tan-nies fuq Ġesù
[Ġw:7:40] Meta xi wħud semgħu kliemu qalu: "Tassew dan hu l-Profeta." [Ġw:7:41]
Oħrajn qalu: "Dan hu l-Messija." Iżda xi wħud qalu: "Mela l-Messija għandu jiġi
mill-Galilija? [Ġw:7:42] Ma tgħidx l-Iskrittura li l-Messija għandu jiġi
min-nisel ta' David u minn Betlehem, ir-raħal minn fejn kien David?" [Ġw:7:43]
Hekk in-nies ma qablux bejniethom minħabba fih. [Ġw:7:44] Xi wħud minnhom riedu
jaqbduh, iżda ħadd ma medd idejh fuqu.
In-nuqqas ta' fidi tal-kapijiet
[Ġw:7:45] L-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn
qalulhom: "Dan kif ma ġibtuhx magħkom? [Ġw:7:46] L-għases qalulhom: "Qatt ħadd
ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!" [Ġw:7:47] Qabżu l-Fariżej u qalulhom: "Intom
ukoll tqarraqtu? [Ġw:7:48] Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih?
[Ġw:7:49] Imma dawn x'qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!" [Ġw:7:50]
Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u
qalilhom: [Ġw:7:51] "Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma
tisma' lilu stess ħalli tkun taf x'inhu jagħmel?" [Ġw:7:52] U huma qalulu:
"M'intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda
profeta ma jqum mill-Galilija!" [Ġw:7:53] U wieħed wieħed telqu lejn djarhom.
8. Il-mara li nqabdet fl-adulterju
[Ġw:8:1] Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. [Ġw:8:2] Imma l-għada qabel
is-sebħ raġa' mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda
jgħallimhom. [Ġw:8:3] Mbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara
li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs [Ġw:8:4] u qalulu:
"Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. [Ġw:8:5] Issa fil-Liġi
tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?"
[Ġw:8:6] Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù
tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b'sebgħu fit-trab. [Ġw:8:7] Billi dawk baqgħu
jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: "Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel
ġebla." [Ġw:8:8] U raġa' tbaxxa jikteb fit-trab. [Ġw:8:9] Kif semgħuh jgħid dan,
qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, u Ġesù baqa' waħdu mal-mara,
wieqfa fin-nofs. [Ġw:8:10] Qam dritt u qalilha: "Dawk fejnhom, mara? Ħadd
minnhom ma kkundannak?" [Ġw:8:11] "Ħadd, Sinjur," qaltlu."Mela anqas jien ma
nikkundannak," qalilha Ġesù. "Mur, u mil-llum 'il quddiem tidnibx iżjed."
Ġesù hu d-dawl tad-dinja
[Ġw:8:12] Mill-ġdid Ġesù qabad ikellimhom u jgħidilhom: "Jiena d-dawl tad-dinja.
Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja." [Ġw:8:13]
Qalulu l-Fariżej: "Qiegħed tixhed int għalik innifsek; mela x-xhieda tiegħek
m'hix minnha." [Ġw:8:14] Weġibhom Ġesù: "U wkoll kieku kelli nixhed jien għalija
nnifsi, ix-xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej u fejn
sejjer. Imma intom ma tafux minn fejn jien ġej jew fejn sejjer. [Ġw:8:15] Intom
il-ħaqq tagħkom tagħmluh ta' bnedmin li intom; jien ma nagħmel ħaqq minn ħadd.
[Ġw:8:16] Imma kieku kelli nagħmel ħaqq jien, il-ħaqq tiegħi kien ikun sewwa,
għax jien m'iniex waħdi, imma miegħi għandi l-Missier li bagħatni. [Ġw:8:17]
Issa fil-Liġi tagħkom hemm miktub li x-xhieda ta' tnejn tgħodd. [Ġw:8:18] Hemm
jien, li qiegħed nixhed għalija nnifsi, u hemm il-Missier li bagħatni, li hu
wkoll qiegħed jixhed għalija." [Ġw:8:19] "Missierek fejn hu?" staqsewh. Weġibhom
Ġesù: "Intom la lili ma tafu u lanqas lil Missieri. Li kieku kontu tafu lili,
kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll." [Ġw:8:20] Dan kollu Ġesù qalu fit-teżor,
huwa u jgħallem fit-tempju. U ħadd minnhom ma qabdu, għax is-siegħa tiegħu
kienet għadha ma waslitx.
Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu
[Ġw:8:21] U raġa' qalilhom: "Jiena mmur, u intom għad tfittxuni, imma għad tmutu
fid-dnub tagħkom. Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu." [Ġw:8:22] Qalu
l-Lhud: "Jaqaw se jneħħi ħajtu b'idejh dan? Għax qal li 'Fejn sejjer jien intom
ma tistgħux tiġu.' " [Ġw:8:23] Ġesù qalilhom: "Intom minn hawn isfel, u jiena
ġej minn hemm fuq. Intom nies ta' din id-dinja, imma jien m'iniex ta' din
id-dinja. [Ġw:8:24] Kif għedtilkom jien, intom tmutu fi dnubietkom. Għax jekk
intom ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom." [Ġw:8:25] "U int min int?"
staqsewh. Weġibhom Ġesù: "Dak li ili ngħidilkom sa mill-bidu. [Ġw:8:26] Għandi
ħafna xi ngħid fuqkom u x'nikkundanna fikom; iżda dak li bagħatni jgħid
il-verità, u jiena ngħid lid-dinja dak li smajt mingħandu." [Ġw:8:27] Huma ma
ntebħux li kien qiegħed ikellimhom fuq il-Missier. [Ġw:8:28] Għalhekk Ġesù
qalilhom: "Meta terfgħu 'l fuq lil Bin il-bniedem, mbagħad tagħrfu li jiena hu u
li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skond ma għallimni l-Missier.
[Ġw:8:29] U min bagħatni huwa miegħi, ma telaqnix waħdi, għax jiena dejjem
nagħmel dak li jogħġob lilu." [Ġw:8:30] Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li
emmnu fih.
Il-verità teħliskom
[Ġw:8:31] Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: "Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu
tassew dixxipli tiegħi, [Ġw:8:32] u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom."
[Ġw:8:33] Qalulu: "Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera ta' ħadd. Kif tiġi
tgħidilna li nkunu ħielsa?" [Ġw:8:34] Weġibhom Ġesù: "Tassew tassew ngħidilkom,
li kull min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub. [Ġw:8:35] U l-ilsir ma jibqax
fil-familja għal dejjem; imma l-iben għal dejjem jibqa'. [Ġw:8:36] Jekk l-Iben
jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa. [Ġw:8:37] Jiena naf li intom nisel Abraham;
madankollu qegħdin tfittxu li toqtluni, għax il-kelma tiegħi ma qabditx l-art
fikom. [Ġw:8:38] Jiena qiegħed nitkellem fuq dak li rajt għand Missieri, u intom
tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom."
Missierkom hu x-Xitan
[Ġw:8:39] Qabżu u qalulu: "Missierna hu Abraham." Qalilhom Ġesù: "Kieku kontu
wlied Abraham, kontu tagħmlu bħalma għamel Abraham. [Ġw:8:40] Iżda issa qegħdin
tfittxu li toqtlu lili, bniedem li għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla.
Dan ma għamlux Abraham. [Ġw:8:41] Intom tagħmlu bħalma jagħmel missierkom."
Qalulu: "Aħna m'aħniex ulied iż-żína! Missier wieħed għandna, lil Alla."
[Ġw:8:42] Qalilhom Ġesù: "Li kieku Alla kien missierkom, lili kontu tħobbuni,
għax jien ħriġt u ġejt mingħand Alla. Għax jien ma ġejtx minn rajja, imma kien
hu li bagħatni. Ġw:8:43] Għaliex m'intomx tifhmu x'jiena ngħid? Għax intom
kelmti ma tifilħux għaliha. [Ġw:8:44] Intom ġejjin minn missierkom, li hu
x-Xitan, u x-xewqat ta' missierkom tridu tagħmlu. U dan kien qattiel sa
mill-bidu, u qatt ma żamm mal-verità, għax il-verità ma tinsabx fih. Meta
jigdeb, ikun qiegħed jitkellem ta' li hu, għax dak giddieb u missier il-gideb.
[Ġw:8:45] Mbagħad lili, għax ngħid is-sewwa, ma temmnunix. [Ġw:8:46] Min minnkom
jipprova li jien għandi xi dnub? Jekk jiena ngħid il-verità, l-għala ma
temmnunix? [Ġw:8:47] Min hu minn Alla jisma' dak li jgħid Alla. Hu għalhekk li
intom ma tisimgħux, għax m'intomx minn Alla."
[Ġw:8:48] Qabżu l-Lhud u qalulu: "M'hux sewwa ngħidu aħna li int Samaritan u li
għandek fik Xitan?" [Ġw:8:49] Weġibhom Ġesù: "Jiena ma għandix Xitan fija, imma
nagħti ġieħ lil Missieri, u intom tgħajjruni. [Ġw:8:50] Jien ma nfittixx
il-glorja tiegħi; hemm min ifittixha u jagħmel il-ħaqq. [Ġw:8:51] Tassew tassew
ngħidilkom li min iħares il-kelma tiegħi ma jara qatt il-mewt." [Ġw:8:52] Qalulu
l-Lhud: "Issa tassew nafu li għandek Xitan fik. Abraham miet, u l-profeti wkoll;
u inti tgħid li 'Jekk xi ħadd iħares kelmti ma jduq qatt il-mewt.' [Ġw:8:53]
Jaqaw int akbar minn missierna Abraham li miet? U l-profeti wkoll mietu. Inti
x'taħseb li int?" [Ġw:8:54] Wieġeb Ġesù: "Li kieku kelli nagħti glorja lili
nnifsi, il-glorja tiegħi ma kienet tkun tiswa xejn. Imma dak li lili qiegħed
jagħtini l-glorja huwa l-Missier, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom,
[Ġw:8:55] u madankollu ma għaraftuhx. Imma jiena nafu, u kieku kelli ngħid li ma
nafux, kont inkun giddieb bħalkom. U mhux biss nafu, imma wkoll inħares il-kelma
tiegħu. [Ġw:8:56] Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara
l-jum tiegħi, u rah u feraħ." [Ġw:8:57] Qalulu l-Lhud: "Għadek anqas għalaqt
il-ħamsin u rajt lil Abraham?" [Ġw:8:58] Qalilhom Ġesù: "Tassew tassew
ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu." [Ġw:8:59] Għalhekk il-Lhud qabdu
l-ġebel biex iwaddbuhulu; imma Ġesù nħbielhom u ħareġ mit-tempju.
9. Ġesù jfejjaq raġel agħma minn twelidu
[Ġw:9:1] Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, [Ġw:9:2] u d-dixxipli
tiegħu staqsewh: "Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu
l-ġenituri tiegħu?" [Ġw:9:3] Ġesù wieġeb: "Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri
tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta' Alla jidher fih. [Ġw:9:4] Sakemm għadu
binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta' dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta
ħadd ma jkun jista' jaħdem. [Ġw:9:5] Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl
tad-dinja." [Ġw:9:6] Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek
bih għajnejn ir-raġel agħma. [Ġw:9:7] U qallu: "Mur inħasel fil-menqgħa ta'
Silwam." Din tfisser 'il-Mibgħut'. Mela dak mar, nħasel u ġie jara. [Ġw:9:8]
Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: "Dan
m'huwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?" [Ġw:9:9] Xi wħud qalu: "Iva,
hu." Oħrajn qalu: "Le, imma jixbhu." Iżda hu qalilhom: "Jiena hu." [Ġw:9:10]
Qalulu: "Mela kif infetħulek għajnejk?" [Ġw:9:11] Weġibhom: "Wieħed raġel,
jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, 'Mur fis-Silwam
u nħasel hemm.' Mort, nħsilt, u ġejt nara." [Ġw:9:12] Qalulu: "Fejn huwa dan
ir-raġel?" Qalilhom: "Ma nafx."
Il-Fariżej jistaqsu dwar il-fejqan
[Ġw:9:13] Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej.
[Ġw:9:14] Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma
inzerta kien is-Sibt. [Ġw:9:15] Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma
kif sar jara. U hu qalilhom: "Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u
issa qiegħed nara." [Ġw:9:16] Xi wħud mill-Fariżej qalu: "Dan il-bniedem
m'huwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt." Iżda oħrajn qalu: "Kif
jista' wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?" U ma qablux bejniethom.
[Ġw:9:17] U reġgħu qalu lill-agħma: "Int x'jidhirlek minnu, issa li fetaħlek
għajnejk?" Qalilhom: "Dak profeta."
[Ġw:9:18] Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu
għall-ġenituri ta' dak li sar jara, [Ġw:9:19] u staqsewhom: "Dan, li intom
qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?" [Ġw:9:20]
Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: "Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li
twieled agħma; [Ġw:9:21] imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu
min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih
innifsu." [Ġw:9:22] Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax
il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu
l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. [Ġw:9:23] Kien għalhekk li l-ġenituri
tiegħu wieġbu, 'Żmien għandu, staqsu lilu.'
[Ġw:9:24] Għal darb'oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: "Agħti
glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb." [Ġw:9:25] Dak
weġibhom: "Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa
qiegħed nara." [Ġw:9:26] Qalulu: "Imma hu x'għamillek? Kif fetaħhomlok
għajnejk?" [Ġw:9:27] U hu weġibhom: "Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu
tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?" [Ġw:9:28] U
qabdu jgħajjruh u qalulu: "Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta' Mosè dixxipli!
[Ġw:9:29] Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!"
[Ġw:9:30] Weġibhom ir-raġel u qalilhom: "Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom
ma tafux minn fejn inqala', u madankollu lili fetaħli għajnejja! [Ġw:9:31] Aħna
nafu li Alla m'hux se jisma' lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim
lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. [Ġw:9:32] Qatt fid-dinja
ma nstema' li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. [Ġw:9:33] Li kieku
dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel." [Ġw:9:34]
Mbagħad qabżu u qalulu: "Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek?"
U keċċewh 'il barra.
L-għama spiritwali
[Ġw:9:35] Ġesù sama' li keċċewh 'il barra; sabu u qallu: "Temmen inti f'Bin
il-bniedem?" [Ġw:9:36] Dak wieġeb u qallu: "Min hu, Mulej, biex nemmen fih?"
[Ġw:9:37] Qallu Ġesù: "Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed
ikellmek." [Ġw:9:38] Qallu: "Nemmen, Mulej!" U nxteħet għarkubbtejh quddiemu.
[Ġw:9:39] Mbagħad Ġesù qal: "Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma
jarax isir jara, u min jara jagħma."
[Ġw:9:40] Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u
staqsewh: "Aħna wkoll għomja?" [Ġw:9:41] Weġibhom Ġesù: "Li kieku kontu għomja,
ma kontux tkunu ħatja ta' dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, 'Aħna naraw.' Mela
d-dnub tagħkom għadu fuqkom."
10. Il-parabbola tan-nagħaġ
[Ġw:10:1] "Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ
mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. [Ġw:10:2]
Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. [Ġw:10:3] Min ikun mal-bieb
lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda
waħda b'isimhom u joħroġhom barra. [Ġw:10:4] U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu,
huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. [Ġw:10:5]
Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma
jafuhx." [Ġw:10:6] Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x'ried
jgħidilhom biha.
Ġesù r-ragħaj it-tajjeb
[Ġw:10:7] Għalhekk Ġesù raġa' qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb
tan-nagħaġ huwa jien. [Ġw:10:8] Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u
briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. [Ġw:10:9] Jiena hu l-bieb; jekk xi
ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.
[Ġw:10:10] Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena
ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra. [Ġw:10:11] Jiena r-ragħaj
it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. [Ġw:10:12]
Il-mikri, li m'huwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ m'humiex tiegħu, jara l-lupu ġej,
u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. [Ġw:10:13] Mikri
hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ. [Ġw:10:14] Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena
nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, [Ġw:10:15] bħalma
l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti
ħajti. [Ġw:10:16] Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m'humiex minn dan il-maqjel;
lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda,
ragħaj wieħed. [Ġw:10:17] Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti,
biex nerġa' neħodha. [Ġw:10:18] Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn
rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa' neħodha; din hi
l-ordni li ħadt mingħand Missieri."
[Ġw:10:19] Il-Lhud reġgħu ma qablux bejniethom dwar dan il- kliem. [Ġw:10:20]
Bosta minnhom qalu: "Dan għandu fih xitan u qiegħed jhewden; għalfejn toqogħdu
tisimgħuh?" [Ġw:10:21] Imma oħrajn qalu: "Dan m'huwiex kliem ta' wieħed li
għandu xitan fih. Mela xitan jista' jiftaħ għajnejn l-għomja?"
Il-Lhud ma jemmnux f'Ġesù
[Ġw:10:22] Mbagħad f'Ġerusalemm ħabtet il-festa tal-Konsagrazzjoni tat-tempju.
[Ġw:10:23] Kienet ix-xitwa, u Ġesù kien miexi minn naħa għal oħra tat-tempju,
fil-loġġa ta' Salamun. [Ġw:10:24] Il- Lhud daru miegħu u qalulu: "Kemm se ddum
taqlgħalna ruħna? Jekk inti l-Messija għidilna ċar u tond." [Ġw:10:25] Weġibhom
Ġesù: "Għedtilkom u intom ma temmnux. L-għemejjel li nagħmel jien f'isem
Missieri jixhdu għalija. [Ġw:10:26] Iżda intom ma temmnux għax m'intomx
min-nagħaġ tiegħi. [Ġw:10:27] In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena
nagħrafhom, u huma jimxu warajja. [Ġw:10:28] U jiena nagħtihom il-ħajja ta'
dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. [Ġw:10:29]
Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista' jaħtafhom minn id
il-Missier. [Ġw:10:30] Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda."
[Ġw:10:31] Il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex iħaġġruh. [Ġw:10:32] Imma Ġesù
qalilhom: "Kien hemm ħafna għemejjel tajba li jiena wrejtkom mingħand
il-Missier; għal liema għemil minnhom tridu tħaġġruni?" [Ġw:10:33] Weġbuh
il-Lhud: "Mhux għal xi għemil tajjeb irridu nħaġġruk, iżda minħabba d-dagħwa li
dgħajt, u għax int, li m'intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek
Alla." [Ġw:10:34] Qalilhom Ġesù: "Fil-Liġi tagħkom ma hemmx miktub, 'Jiena
għedt: Intom allat'? [Ġw:10:35] Issa jekk il-Liġi ssejjaħ allat lil dawk li
waslitilhom il-kelma ta' Alla - u l-Iskrittura ma tistax titħassar - [Ġw:10:36]
mela lili, li l-Missier ikkonsagrani u bagħatni fid-dinja, kif tgħiduli,
'Qiegħed tidgħi,' għax għedtilkom li jien Bin Alla? [Ġw:10:37] Jekk jien m'iniex
nagħmel l-għemejjel ta' Missieri, temmnunix; [Ġw:10:38] imma jekk qiegħed
nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu
u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier." [Ġw:10:39] Għal darb'oħra
fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom.
[Ġw:10:40] U raġa' mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn qabel kien hemm Ġwanni
jgħammed, u baqa' hemm. [Ġw:10:41] Kienu ħafna dawk li marru ħdejh, u qalu:
"Ġwanni ma għamel ebda sinjal, imma kollu minnu kull ma qal Ġwanni fuq dan
il-bniedem." [Ġw:10:42] U hemmhekk ħafna emmnu fih.
11. Il-mewt ta' Lazzru
[Ġw:11:1] Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta' Marija u
oħtha Marta. [Ġw:11:2] Marija kienet dik li dilket il-Mulej b'żejt ifuħ u
xxuttatlu riġlejh b'xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. [Ġw:11:3] Iż-żewġ
nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: "Mulej, ara, ħabibek marid." [Ġw:11:4] Meta sama'
l-aħbar Ġesù qal: "Din m'hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta' Alla,
biex biha tingħata glorja lill-Iben ta' Alla." [Ġw:11:5] Ġesù kien iħobbhom lil
Marta u lil oħtha u lil Lazzru. [Ġw:11:6] Meta sama' li dan marad, baqa' jumejn
oħra fejn kien, [Ġw:11:7] u mbagħad qal lid-dixxipli: "Ejjew nerġgħu mmorru
l-Lhudija." [Ġw:11:8] Qalulu d-dixxipli: "Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu
qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa' sejjer hemm?" [Ġw:11:9] Weġibhom Ġesù:
"M'hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx,
għax ikun qiegħed jara d-dawl ta' din id-dinja. [Ġw:11:10] Imma jekk jimxi
billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl." [Ġw:11:11] Qalilhom hekk, u mbagħad
issokta jgħidilhom: "Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu." [Ġw:11:12]
Qalulu d-dixxipli: "Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq." [Ġw:11:13] Iżda
Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad
ta' meta wieħed ikun bin-ngħas. [Ġw:11:14] Mbagħad qalilhom ċar u tond: "Lazzru
miet. [Ġw:11:15] U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu.
Iżda ejjew immorru sa ħdejh." [Ġw:11:16] Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu
d-dixxipli: "Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu."
Ġesù hu l-qawmien u l-ħajja
[Ġw:11:17] Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar.
[Ġw:11:18] Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju 'l hemm minnha.
[Ġw:11:19] Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba
ħuhom. [Ġw:11:20] Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu,
iżda Marija baqgħet id-dar. [Ġw:11:21] Marta qalet lil Ġesù: "Mulej, kieku kont
hawn, ħija ma kienx imut. [Ġw:11:22] Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int
titlob lil Alla, Alla jagħtihulek." [Ġw:11:23] Ġesù qalilha: "Ħuk jerġa' jqum!"
[Ġw:11:24] Qaltlu Marta: "Jiena naf li jerġa' jqum, fil-qawmien mill-imwiet
fl-aħħar jum." [Ġw:11:25] Qalilha Ġesù: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min
jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; [Ġw:11:26] u kull min jgħix u jemmen fija,
dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?" [Ġw:11:27] "Iva, Mulej," weġbitu, "Jiena
nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta' Alla, dak li ġie fid-dinja."
Ġesù jibki
[Ġw:11:28] Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien
qaltilha: "L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek." [Ġw:11:29] Dik, malli
semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. [Ġw:11:30] Ġesù kien għadu ma daħalx
fir-raħal, imma baqa' fejn kienet ġiet tiltaqa' miegħu Marta. [Ġw:11:31] Il-Lhud
li kienu d-dar ma' Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru
warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. [Ġw:11:32]
Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f'riġlejh, tgħidlu: "Mulej,
kieku kont hawn, ħija ma kienx imut." [Ġw:11:33] Ġesù, kif ra lilha tibki u
l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna.
[Ġw:11:34] "Fejn qegħedtuh?" staqsiehom. Huma weġbuh: "Mulej, ejja u ara."
[Ġw:11:35] U Ġesù beka. [Ġw:11:36] Għalhekk il-Lhud qalu: "Ara kemm kien
iħobbu!" [Ġw:11:37] Iżda xi wħud minnhom qalu: "Ma setax dan il-bniedem, li
fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?"
[Ġw:11:38] Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb' oħra u resaq lejn il-qabar. Dan
kien għar magħluq bi blata fuqu. [Ġw:11:39] Ġesù qal: "Neħħu l-blata." Marta,
oħt il-mejjet, qaltlu: "Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet."
[Ġw:11:40] Qalilha Ġesù: "Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta'
Alla?" [Ġw:11:41] Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa' għajnejh 'il fuq u qal:
"Missier, nroddlok ħajr li smajtni. [Ġw:11:42] Kont naf li inti dejjem
tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li
inti bgħattni." [Ġw:11:43] Kif qal hekk, għajjat b'leħen għoli: "Lazzru, oħroġ!"
[Ġw:11:44] U dak li kien mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur
ma' wiċċu. Ġesù qalilhom: "Ħollulu l-faxex u ħalluh imur."
Ftehim kontra Ġesù
(Mt 26, 1-5; Mk 14, 1-2; Lq 22, 1-2)
[Ġw:11:45] Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù,
emmnu fih. [Ġw:11:46] Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom
x'kien għamel Ġesù. [Ġw:11:47] Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu
s-Sinedriju u qalu: "X'sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna
sinjali. [Ġw:11:48] Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu
r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna." [Ġw:11:49] Imma
wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: "Intom
ma tafu xejn. [Ġw:11:50] Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem
wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu."
[Ġw:11:51] Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien
il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens
tiegħu, [Ġw:11:52] u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa
waħda l-ulied ta' Alla li kienu mxerrdin. [Ġw:11:53] Minn dak in-nhar 'il
quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.
[Ġw:11:54] Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f'nofs il-Lhud, imma telaq minn
hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f'belt jisimha Efrajm, u qagħad hemmhekk
mad-dixxipli tiegħu.
[Ġw:11:55] Kien wasal l-Għid tal-Lhud,u ħafna nies mill-kampanja telgħu
Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni. [Ġw:11:56] Huma fittxew
lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: "Intom x'taħsbu? Tgħid, jitla'
għall-festa?" [Ġw:11:57] Issa l-qassisin il-kbar u l-Fariżej taw ordni li, jekk
xi ħadd ikun jaf fejn qiegħed, imur jgħidilhom, biex huma jiġu jarrestawh.
12. Id-dilka ta' Ġesù f'Betanja
[Ġw:12:1] Sitt ijiem qabel il-festa ta' l-Għid Ġesù mar Betanja, fejn kien
joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. [Ġw:12:2] Hemmhekk għamlulu
ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq
il-mejda ma' Ġesù. [Ġw:12:3] Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa
ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b'xagħarha; u d-dar
imtliet bir-riħa tfuħ. [Ġw:12:4] Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu,
dak li kien se jittradih, qal:[Ġw:12:5] "Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet
mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?" [Ġw:12:6] Issa dan qalu mhux għax kien
jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien
jisraq kull ma kienu jaqilgħu. [Ġw:12:7] Qallu Ġesù: "Ħalliha, din il-fwieħa
kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. [Ġw:12:8] Il-foqra dejjem issibuhom
magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni."
Ftehim kontra Lazzru
[Ġw:12:9] Kotra kbira ta' Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux
biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem
mill-imwiet. [Ġw:12:10] Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil
Lazzru wkoll, [Ġw:12:11] għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u
jemmnu f'Ġesù.
Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm
(Mt 21,1-11; Mk11, 1-11; Lq 19, 28-40)
[Ġw:12:12] L-għada, il-folol ta' nies li kienu ġew għall-festa, kif semgħu li
Ġesù kien ġej Ġerusalemm, [Ġw:12:13] ħadu l-friegħi tal-palm u ħarġu jilqgħuh. U
bdew jgħajjtu:
“Hosanna!
Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Mbierek is-sultan ta’ Iżrael!”
[Ġw:12:14] Ġesù sab felu u rikeb fuqu, kif hemm miktub,
[Ġw:12:15] "Tibżax, bint Sijon!
Ara, ġej is-sultan tiegħek,
riekeb fuq felu ta’ ħmara.”
[Ġw:12:16] Għall-ewwel id-dixxipli tiegħu ma fehmuhomx dawn il-ħwejjeġ; iżda
meta Ġesù kien igglorifikat, mbagħad ftakru li dan kien inkiteb fuqu, u hekk
għamlulu. [Ġw:12:17] U fuq dan tat xhieda l-folla tan-nies li kienet miegħu meta
sejjaħ lil Lazzru mill-qabar u qajjmu mill-imwiet. [Ġw:12:18] Kien għalhekk
ukoll li n-nies ħarġet tilqgħu, għax semgħet li kien għamel sinjal bħal dan.
[Ġw:12:19] Imma l-Fariżej bejniethom qalu: "Qegħdin taraw kif m'intom se tagħmlu
xejn! Ara, id-dinja kollha sejra warajh!"
Waslet is-Siegħa
[Ġw:12:20] Fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi
Griegi. [Ġw:12:21] Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija,
u talbuh: "Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù." [Ġw:12:22] Filippu mar jgħid lil
Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. [Ġw:12:23] U Ġesù
weġibhom: "Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. [Ġw:12:24]
Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi
tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. [Ġw:12:25] Min iħobb lil
ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f'din id-dinja jħarisha għall-ħajja
ta' dejjem. [Ġw:12:26] Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u
fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier
jagħtih ġieħ.
[Ġw:12:27] "Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x'naqbad ngħid? Missier, eħlisni
minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. [Ġw:12:28]
Missier, agħti glorja lil ismek." Dak il-ħin instama' leħen mis-sema: "Jiena
diġà gglorifikajtu, u nerġa' nigglorifikah." [Ġw:12:29] In-nies li kienu hemm
semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: "Kellmu xi anġlu."
[Ġw:12:30] Ġesù wieġeb: "Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. [Ġw:12:31]
Il-ġudizzju ta' din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta'
din id-dinja. [Ġw:12:32] U meta nintrefa' 'l fuq mill-art, jiena niġbed
il-bnedmin kollha lejja." [Ġw:12:33] Hu qal dan biex jurihom b'liema mewt kien
sejjer imut. [Ġw:12:34] In-nies wieġbu: "Aħna smajna jingħad fil-Liġi li
l-Messija għandu jibqa' għal dejjem. Kif tiġi tgħidilna int li Bin il-bniedem
għandu jintrefa'? U dan Bin il-bniedem min hu?" [Ġw:12:35] Qalilhom Ġesù: "Ftit
ieħor baqagħlu magħkom id-dawl. Mela ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl, biex
id-dlam ma jilħaqkomx. Min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer. [Ġw:12:36]
Sakemm għandkom id-dawl, emmnu fid-dawl, biex tkunu wlied id-dawl."
Il-Lhud ma jemmnux f'Ġesù
Wara li qalilhom dan, Ġesù telaq u nħeba minnhom. [Ġw:12:37] Hu kien għamel
ħafna sinjali quddiemhom, u madankollu baqgħu ma emmnux fih, [Ġw:12:38] biex
hekk isseħħ il-kelma tal-profeta Isaija li qal,
‘Mulej, min emmen l-aħbar tagħna ?
U driegħ il-Mulej lil min intwera ?’
[Ġw:12:39] Kien għalhekk li ma setgħux jemmnu, għax kif qal ukoll Isaija,
[Ġw:12:40] "Huwa għalqilhom għajnejhom
u webbsilhom qalbhom,
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom
u jifhmu b’qalbhom u jduru lejja
u jiena nfejjaqhom.’
[Ġw:12:41] Dan qalu Isaija, għax ra l-glorja tiegħu u tkellem fuqu. [Ġw:12:42]
Imma madankollu ħafna mill-kapijiet emmnu fih wkoll, iżda minħabba l-Fariżej dan
ma stqarrewhx, biex ma jitkeċċewx 'il barra mis-sinagoga. [Ġw:12:43] Għalihom
kienet aktar għażiża l-glorja tal-bnedmin mill-glorja ta' Alla.
[Ġw:12:44] Ġesù għolla leħnu u qal: "Min jemmen fija jkun qiegħed jemmen mhux
fija imma f'min bagħatni; [Ġw:12:45] u min jara lili jkun qiegħed jara lil min
bagħatni. [Ġw:12:46] Jiena huwa d-dawl li ġejt fid-dinja biex kull min jemmen
fija ma jibqax fid-dlam. [Ġw:12:47] Min jisma' kliemi u ma jħarsux, jiena ma
nagħmilx ħaqq minnu, għax jien ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex
insalva d-dinja. [Ġw:12:48] Min imaqdar lili u ma jilqax kliemi, hemm min
jagħmel ħaqq minnu: il-kelma li jiena għedt; tkun hi li tagħmel ħaqq minnu
fl-aħħar jum. [Ġw:12:49] Għax jien ma għedt xejn minn moħħi, imma kien dak li
bagħatni, jiġifieri l-Missier, li ordnali xi ngħid u nitkellem. [Ġw:12:50] U
jiena naf li l-ordni tiegħu hija l-ħajja ta' dejjem. Dak li ngħid jien, ngħidu
kif qalli l-Missier."
13. Ġesù jaħsel saqajn id-dixxipli
[Ġw:13:1] Qabel il-festa ta' l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa
tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb
lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. [Ġw:13:2] Kienu qegħdin
għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota u daħħallu
f'rasu li jittradih. [Ġw:13:3] Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f'idejh, u
li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. [Ġw:13:4] Qam minn fuq
il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma' qaddu. [Ġw:13:5]
Mbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u
jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma' qaddu. [Ġw:13:6] Mela wasal fuq Xmun
Pietru, u dan qallu: "Int, Mulej, taħsilli saqajja?" [Ġw:13:7] Ġesù wieġbu: "Int
għalissa ma tafx x'qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar 'il quddiem." [Ġw:13:8]
Qallu Pietru: "Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!" Wieġbu Ġesù: "Jekk ma
naħsillekx saqajk, ma jkollokx x'taqsam miegħi." [Ġw:13:9] Qallu Xmun Pietru:
"Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll." [Ġw:13:10] Qallu Ġesù:
"Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu
kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll." [Ġw:13:11] Għax hu kien jaf min
kien sejjer jittradih; għalhekk qal, 'M'intomx ilkoll indaf.'
[Ġw:13:12] Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa' qagħad fuq
il-mejda; u qalilhom: "Tafu x'għamiltilkom? [Ġw:13:13] Intom issejjħuli
'l-Imgħallem' u 'il-Mulej', u tgħidu sewwa, għax hekk jien. [Ġw:13:14] Mela jekk
jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom
taħslu saqajn xulxin. [Ġw:13:15] Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt
jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll. [Ġw:13:16] Tassew tassew ngħidilkom,
l-ilsir m'huwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min
jibagħtu. [Ġw:13:17] Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.
[Ġw:13:18] Jien m'iniex ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x'nies għażilt,
imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid, 'Min kiel il-ħobż miegħi, tani
bis-sieq.' [Ġw:13:19] Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri, biex, meta
jiġri, temmnu li jiena hu. [Ġw:13:20] Tassew tassew ngħidilkom, min jilqa' lil
min nibgħat jien, ikun jilqa' lili, u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li
bagħatni."
Ġesù jħabbar it-tradiment ta' Ġuda
(Mt 26, 20-25; MK 14, 17-27; Lq 22, 21-23)
[Ġw:13:21] Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ:
"Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!" [Ġw:13:22]
Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. [Ġw:13:23]
Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda,
b'rasu ma' sider Ġesù. [Ġw:13:24] Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: "Għal
min qiegħed jgħid?" [Ġw:13:25] Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù,
staqsieh: "Min hu, Mulej?" [Ġw:13:26] Wieġbu Ġesù: "Dak li għalih se nbill din
il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu." Mbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha
lil Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota. [Ġw:13:27] Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih
ix-Xitan. Qallu Ġesù: "Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx." [Ġw:13:28] Imma ħadd
minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. [Ġw:13:29]
Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajjlu lil Ġesù jgħidlu, 'Mur ixtri dak li
neħtieġu għall-festa,' jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra. [Ġw:13:30] Dak,
wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ 'il barra. Kien billejl.
Il-kmandament il-ġdid
[Ġw:13:31] Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: "Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u
permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. [Ġw:13:32] Jekk Alla huwa gglorifikat
permezz ta' Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika
lilu, u dalwaqt jigglorifikah. [Ġw:13:33] Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom;
intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn
sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu. [Ġw:13:34] Nagħtikom kmandament ġdid, li
tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
[Ġw:13:35] Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk
ikollkom l-imħabba bejnietkom."
It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru
(Mt 26, 31-35; Mk 14, 27-31; Lq22, 31-34)
[Ġw:13:36] Qallu Xmun Pietru: "Fejn sejjer, Mulej?" U Ġesù wieġbu: "Fejn sejjer
jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard."
[Ġw:13:37] Qallu Pietru: "Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik
jiena nagħti ħajti!" [Ġw:13:38] Wieġbu Ġesù: "Inti, tagħti ħajtek għalija?
Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet
darbiet!"
14. Ġesù hu t-triq għal għand il-Missier
[Ġw:14:1] "Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f'Alla, u emmnu fija wkoll.
[Ġw:14:2] Fid-dar ta' Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont
ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. [Ġw:14:3] U meta mmur u nħejjilkom
post, nerġa' niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.
[Ġw:14:4] U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha." [Ġw:14:5] Tumas qallu:
"Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?" [Ġw:14:6]
Wieġbu Ġesù: "Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand
il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. [Ġw:14:7] Kieku għaraftu lili, kontu
tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa 'l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh."
Ġw:14:8] Qallu Filippu: "Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina."
Ġw:14:9] Ġesù wieġeb: "Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix?
Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, 'Urina l-Missier'? [Ġw:14:10] Ma
temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma
ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri
tiegħu. [Ġw:14:11] Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m'hux
għal ħaġ'oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. [Ġw:14:12] Tassew tassew
ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel
jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.
[Ġw:14:13] U jekk titolbu xi ħaġa f'ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun
igglorifikat permezz ta' Ibnu. [Ġw:14:14] Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f'ismi,
jiena nagħmilha.
Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu
[Ġw:14:15] "Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. [Ġw:14:16] U jiena nitlob
lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa' magħkom għal dejjem,
[Ġw:14:17] l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la
tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa
fikom. [Ġw:14:18] Ma nħallikomx iltiema. Nerġa' niġi għandkom. [Ġw:14:19] Ftit
ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u
intom ukoll għad tgħixu. [Ġw:14:20] F'dak il-jum intom tagħrfu li jiena
f'Missieri, u intom fija u jiena fikom. [Ġw:14:21] Min iżomm il-kmandamenti
tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll
il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi." [Ġw:14:22] Ġuda -
l-ieħor, mhux l-Iskarjota - qal lil Ġesù: "Mulej, din kif inhi li inti se turi
ruħek lilna u mhux lid-dinja?" [Ġw:14:23] Ġesù wieġbu: "Jekk xi ħadd iħobbni,
iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. [Ġw:14:24] Min
ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m'hijiex tiegħi,
imma tal-Missier li bagħatni.
[Ġw:14:25] "Għedtilkom dan meta għadni magħkom. [Ġw:14:26] Imma d-Difensur,
l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f'ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom
dak kollu li għedtilkom. [Ġw:14:27] Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom
is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom
titħawwad u anqas titbeżża'. [Ġw:14:28] Smajtu x'għedtilkom: Jiena sejjer u
nerġa' niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand
il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. [Ġw:14:29] U għedtilkom dan minn
issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu. [Ġw:14:30] M'iniex se nkellimkom
iżjed fit-tul, għax il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista'
jagħmel; [Ġw:14:31] iżda ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li
nagħmel kif ordnali l-Missier. Qumu! Ejjew nitilqu minn hawn!
15. Ġesù hu d-dielja vera
[Ġw:15:1] "Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. [Ġw:15:2] Kull fergħa fija li
ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u
jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. [Ġw:15:3] Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li
għedtilkom. [Ġw:15:4] Ibqgħu fija, u jiena nibqa' fikom. Kif il-fergħa ma tistax
tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma
tibqgħux fija. [Ġw:15:5] Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa' fija u
jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.
[Ġw:15:6] Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef;
mbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. [Ġw:15:7]
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa' fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom.
[Ġw:15:8] Din hi l-glorja ta' Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu
dixxipli tiegħi.[Ġw:15:9] Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu
fl-imħabba tiegħi. [Ġw:15:10] Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi
mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta' Missieri u qiegħed f'imħabbtu.
[Ġw:15:11]
"Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun
sħiħ. [Ġw:15:12] Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom
jien. [Ġw:15:13] Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu
għal ħbiebu. [Ġw:15:14] Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom.
[Ġw:15:15] Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x'jagħmel
sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena
għarrafthulkom. [Ġw:15:16] Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u
ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa', ħalli kull ma
titolbu lill-Missier f'ismi, huwa jagħtihulkom. [Ġw:15:17] Dan hu li qiegħed
nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.
Id-dinja tobgħodkom
[Ġw:15:18] "Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma
bagħdet lilkom. [Ġw:15:19] Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom
bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m'intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom
mid-dinja, id-dinja tobgħodkom. [Ġw:15:20] Ftakru fil-kelma li għedtilkom:
il-qaddej m'huwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw
lilkom ukoll; jekk ħarsu l-kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll. [Ġw:15:21]
Imma dan kollu għad jagħmluhulkom minħabba f'ismi, għax huma ma jafux lil dak li
bagħatni. [Ġw:15:22] Kieku ma ġejtx u ma kellimthomx, ma kienx ikollhom ħtija;
imma issa ma għandhomx skuża ta' dnubhom. [Ġw:15:23] Min jobgħod lili, jobgħod
ukoll lil Missieri. [Ġw:15:24] Kieku ma għamiltx quddiemhom l-opri li ħadd qatt
ma għamel, ma kienx ikollhom ħtija iżda issa raw b'għajnejhom u baqgħu jobogħdu
sew lili u sew lil Missieri. [Ġw:15:25] Imma dan ġara biex isseħħ il-kelma li
hemm fil-Liġi tagħhom, 'Fuq xejn bagħduni.'
[Ġw:15:26] "Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier,
l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. [Ġw:15:27] U
intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.
16. Id-dinja tobgħodkom
[Ġw:16:1] "Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux. [Ġw:16:2] Ikeċċukom
'il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom
jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla. [Ġw:16:3] Dan jagħmluh għax la
għarfu lill-Missier u lanqas lili. [Ġw:16:4] Imma dan kollu għedthulkom biex,
meta tasal is-siegħa li jagħmlulkom dan, tiftakru li jiena għedthulkom.
Il-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu
Dan ma għedtulkomx mill-bidu, għaliex kont għadni magħkom. [Ġw:16:5] Issa sejjer
għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini, 'Fejn sejjer?' [Ġw:16:6]
Imma għax għedtilkom dan, qalbkom imtliet bin-niket. [Ġw:16:7] Madankollu,
ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx,
id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom. [Ġw:16:8] U meta
huwa jiġi, juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u
l-ġudizzju; [Ġw:16:9] id-dnub, filli huma ma jemmnux fija; [Ġw:16:10]
il-ġustizzja, filli jien sejjer għand il-Missier, u intom m'intomx se tarawni
iżjed; [Ġw:16:11] il-ġudizzju, filli l-Prinċep ta' din id-dinja huwa ġa
kkundannat.
[Ġw:16:12] "Baqagħli ħafna ħwejjeġ x'ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux
għalihom. [Ġw:16:13] Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità
kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma', u
jħabbrilkom il-ġejjieni. [Ġw:16:14] Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak
li hu tiegħi u jħabbru lilkom. [Ġw:16:15] Dak kollu li għandu l-Missier huwa
tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
In-niket tagħkom għad jitbiddel f'hena
[Ġw:16:16] "Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; mbagħad ftit ieħor u terġgħu
tarawni." [Ġw:16:17] Għalhekk xi wħud mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu
bejniethom: "X'ifisser dan li qiegħed jgħid, 'Ftit ieħor u ma tarawnix aktar;
mbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni,' u li 'Jiena sejjer għand il-Missier'?"
[Ġw:16:18] Għalhekk qalu: "X'inhu dan il-'ftit ieħor' li hu qiegħed jgħid? Ma
nafux xi jrid jgħid!" [Ġw:16:19] Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh. Għalhekk
qalilhom: "Qegħdin tistaqsu lil xulxin fuq dak li għedt, 'Ftit ieħor u ma
tarawnix aktar; mbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni'? [Ġw:16:20] Tassew tassew
ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu
n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f'hena. [Ġw:16:21] Il-mara, meta
tkun se tiled tħossha mdejjqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun
twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem
fid-dinja. [Ġw:16:22] Hekk intom, issa tħossukom imdejjqa; imma għad nerġa'
narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. [Ġw:16:23] F'dak
il-jum xejn ma tistaqsuni. Tassew tassew ngħidilkom, kull ma titolbu lil
Missieri f'ismi jagħtihulkom. [Ġw:16:24] Sa issa ma tlabtu xejn f'ismi. Itolbu u
taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
Jiena rbaħt id-dinja
[Ġw:16:25] "Dan għedthulkom bit-tixbihat. Għad tasal siegħa meta ma nkellimkomx
aktar bit-tixbihat, imma bil-miftuħ inħabbrilkom dwar il-Missier. [Ġw:16:26]
Dakinhar intom titolbu f'ismi, u ma ngħidilkomx li jien nitlob lill-Missier
għalikom, [Ġw:16:27] għax il-Missier stess iħobbkom, billi intom ħabbejtu lili u
emmintu li jiena ġejt mingħand Alla. [Ġw:16:28] Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt
fid-dinja. Se nerġa' nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier." [Ġw:16:29]
Id-dixxipli tiegħu qalulu: "Ara, issa qiegħed titkellem bil-miftuħ, u ebda
tixbiha ma inti tgħid. [Ġw:16:30] Issa nafu li int taf kollox, u ma għandekx
bżonn li wieħed jistaqsik. Għalhekk aħna nemmnu li inti ħriġt mingħand Alla."
[Ġw:16:31] Weġibhom Ġesù: "Temmnu issa? [Ġw:16:32] Ara, għad tiġi siegħa, u ġa
waslet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru, u lili tħalluni waħdi. Iżda waħdi
m'iniex, għax il-Missier huwa miegħi. [Ġw:16:33] Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom
ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb:
jiena rbaħt id-dinja!"
17. It-talba ta' Ġesù għad-dixxipli
[Ġw:17:1] Wara li qal dan, Ġesù rafa' għajnejh lejn is-sema u qal: "Missier,
waslet is-siegħa; agħti glorja lil Ibnek biex l-Iben jagħti glorja lilek,
[Ġw:17:2] bħalma int tajtu s-setgħa fuq kull bniedem biex jagħti l-ħajja ta'
dejjem lil dawk kollha li inti fdajtlu. [Ġw:17:3] Din hi l-ħajja ta' dejjem, li
jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt. [Ġw:17:4]
Jien igglorifikajt lilek fuq l-art billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel.
[Ġw:17:5] U issa, Missier, igglorifika lili għandek, bil-glorja li kelli miegħek
qabel ma kienet id-dinja.
[Ġw:17:6] "Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu
tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. [Ġw:17:7] Issa jafu li dak
kollu li tajtni ġej minnek; [Ġw:17:8] għaliex il-kliem li int tajt lili jiena
tajtu lilhom, u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek, u emmnu
li inti bgħattni. [Ġw:17:9] Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma
għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, [Ġw:17:10] u dak kollu li hu
tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi, u jien igglorifikat
permezz tagħhom. [Ġw:17:11] U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom
fid-dinja, u jiena ġej għandek. Missier qaddis, ħarishom f'ismek dawk li inti
tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. [Ġw:17:12] Kemm domt magħhom, jiena
ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd
minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. [Ġw:17:13]
Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex
huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi. [Ġw:17:14] Jiena tajthom il-kelma
tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m'humiex tad-dinja, kif jiena
m'iniex tad-dinja. [Ġw:17:15] Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li
tħarishom mill-Ħażin. [Ġw:17:16] Huma m'humiex tad-dinja bħalma jiena m'iniex
tad-dinja. [Ġw:17:17] Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi
l-verità. [Ġw:17:18] Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom
fid-dinja. [Ġw:17:19] U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu
mqaddsin permezz tal-verità.
[Ġw:17:20] "M'iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu
fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; [Ġw:17:21] nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda.
Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex
hekk id-dinja temmen li inti bgħattni. [Ġw:17:22] Il-glorja li int tajt lili
jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda: [Ġw:17:23]
jiena fihom u inti fija, biex isiru ħaġa waħda għalkollox, ħalli d-dinja tagħraf
li inti bgħattni u li ħabbejt lilhom kif ħabbejt lili. [Ġw:17:24] Missier, irrid
li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja
tiegħi, il-glorja li tajtni int, għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien
tad-dinja. [Ġw:17:25] Missier ġust, tassew li d-dinja ma għarfitekx, imma jien
għaraftek, u dawn għarfu li inti bgħattni. [Ġw:17:26] U jiena għarrafthom ismek
u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena
fihom."
18. Ġesù ttradut u arrestat
(Mt 26, 47-56; Mk 14, 43-50; Lq 22, 47-53)
[Ġw:18:1] Kif qal dan, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra
tal-Wied ta' Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu.
[Ġw:18:2] Ġuda, dak li ttradih, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar
hemm mad-dixxipli tiegħu. [Ġw:18:3] Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand
il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi.
[Ġw:18:4] Ġesù, li kien jaf b'kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: "Lil
min qegħdin tfittxu?" [Ġw:18:5] Huma weġbuh: "Lil Ġesù ta' Nazaret." U hu
qalilhom: "Jiena hu." Ġuda, dak li ttradih, kien hemm magħhom huwa wkoll.
[Ġw:18:6] Kif Ġesù qalilhom, 'Jiena hu', huma resqu lura u waqgħu ma' l-art.
[Ġw:18:7] "Lil min qegħdin tfittxu?" raġa' staqsiehom. U huma qalulu: "Lil Ġesù
ta' Nazaret." [Ġw:18:8] Ġesù weġibhom: "Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin
tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru." [Ġw:18:9] Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù
kien qal, 'Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift.' [Ġw:18:10] Xmun
Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu
barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. [Ġw:18:11] Imma Ġesù
qal lil Pietru: "Erġa' daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani
Missieri ma nixorbux?"
Ġesù quddiem il-qassis il-kbir
(Mt 26,27-58; Mk 14, 53-54; Lq 22, 54)
[Ġw:18:12] Mbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien ma' l-għases tal-Lhud,
qabdu lil Ġesù u rabtuh. [Ġw:18:13] L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien
missier il-mara ta' Kajfa, il-qassis il-kbir f'dik is-sena. [ Ġw:18:14] Kajfa
kien dak li ta parir lil-Lhud li jkun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu.
Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mt 26, 69-70; Mk 14, 66-68; Lq 22, 55-57)
[Ġw:18:15] Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien
midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir
flimkien ma' Ġesù. [Ġw:18:16] Imma Pietru baqa' barra ħdejn il-bieb. Mbagħad
id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem
lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. [Ġw:18:17] Il-qaddejja li kienet
mal-bieb qalet lil Pietru: "Int m'intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta' dan
ir-raġel?" Hu weġibha: "Le, m'iniex." [Ġw:18:18] Il-qaddejja u l-għases kienu
kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru
wkoll qagħad magħhom għas-sħana.
Il-qassis il-kbir jistaqsi lil Ġesù
(Mt 26, 59-66; Mk 14, 55-64; Lq 22, 66-71)
[Ġw:18:19] Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu.
[Ġw:18:20] Ġesù wieġbu: "Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt
dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma
għedt xejn. [Ġw:18:21] Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li
semgħuni, x'għedtilhom. Huma jafu x'għedt." [Ġw:18:22] Kif qal hekk, wieħed
mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta' ħarta lil Ġesù u qallu: "Hekk twieġbu
lill-qassis il-kbir?" [Ġw:18:23] Ġesù qallu: "Jekk jien għedt xi ħaġa m'hix
sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa' idejk fuqi?"
[Ġw:18:24] Mbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir.
Pietru jerġa' jiċħad lil Ġesù
(Mt 26, 71-75; Mk 14, 69-72; Lq 22, 58-62)
[Ġw:18:25] Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu: "Int m'intix
ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?" Imma hu ċaħad u qal: "Le m'iniex." [Ġw:18:26]
Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li
Pietru kien qatagħlu widintu, qal: "Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?"
Ġw:18:27] Pietru ċaħad għal darb'oħra; u minnufih idden is-serduk.
Ġesù quddiem Pilatu
(Mt 27, 1-2, 11-14; Mk 15, 1-5; Lq 23, 1-5)
[Ġw:18:28] Mbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu
kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu
jagħmlu l-ikla ta' l-Għid. [Ġw:18:29] Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:
"X'akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?" [Ġw:18:30] U huma weġbuh: "Li kieku dan
ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f'idejk." [Ġw:18:31] Pilatu
qalilhom: "Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skond il-liġi tagħkom." Imma l-Lhud
qalulu: "Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd." [Ġw:18:32] Dan ġara biex iseħħ
dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. [Ġw:18:33] Pilatu raġa' daħal
fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu: "Inti s-sultan tal-Lhud?" [Ġw:18:34] Ġesù
wieġeb: "Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan
fuqi?" [Ġw:18:35] Pilatu wieġeb: "Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u
l-qassisin il-kbar li tawk f'idejja. X'għamilt?" [Ġw:18:36] Ġesù wieġeb:
"Is-saltna tiegħi m'hijiex ta' din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta' din
id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f'idejn il-Lhud;
imma tabilħaqq saltnati m'hijiex ta' hawn." [Ġw:18:37] Pilatu qallu: "Mela int
sultan?" U Ġesù wieġeb: "Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt,
u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità
jisma' leħni." [Ġw:18:38] Pilatu qallu: "U l-verità x'inhi?"
Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mt 27, 15-31; Mk 15, 6-20; Lq 23, 13-25)
Kif qal dan, raġa ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom : "Jiena ma nsib l-ebda ħtija
fih. [Ġw:18:39] Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid.
Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?" [Ġw:18:40] Hawn huma mill-ġdid bdew
jgħajjtu u jgħidu: "Mhux lil dan, imma lil Barabba." Dan Barabba kien brigant.
19. [Ġw:19:1] Mbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat.
[Ġw:19:2] Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh
mantar aħmar skur. [Ġw:19:3] U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: "Is-sliem
għalik, ja sultan tal-Lhud!" U bdew jagħtuh bil-ħarta. [Ġw:19:4] Għal darb' oħra
Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: "Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex
tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih." [Ġw:19:5] U Ġesù ħareġ hemm barra,
liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: "Arawh, hawn hu
l-bniedem!" [Ġw:19:6] X'ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajjtu u
jgħidu: "Sallbu! Sallbu!" Pilatu qalilhom: "Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib
ebda ħtija fih." [Ġw:19:7] Il-Lhud weġbuh: "Aħna għandna liġi, u skond din
il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla."
[Ġw:19:8] Meta sama' dan, Pilatu aktar baża'. [Ġw:19:9] Raġa' daħal fil-Pretorju
u qal lil Ġesù: "Int mnejn int?" Imma Ġesù ma wieġbu xejn. [Ġw:19:10] Għalhekk
Pilatu qallu: "Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u
għandi s-setgħa nsallbek?" [Ġw:19:11] Ġesù wieġbu: "Ma kien ikollok ebda setgħa
fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f'idejk għandu
ħtija akbar." [Ġw:19:12] Minn dak il-ħin 'il quddiem Pilatu beda jfittex kif
jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajjtu u jgħidu: "Jekk teħles lil dan, tiksirha
ma' Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra
Ċesari."
[Ġw:19:13] Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq
sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. [Ġw:19:14] Kien
Jum it-Tħejjija ta' l-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa. Pilatu qal lil-Lhud:
"Arawh is-sultan tagħkom!", [Ġw:19:15] Dawk infexxew jgħajjtu: "Għall-mewt!
Għall-mewt! Sallbu!" Pilatu qalilhom: "Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?" Imma
l-qassisin il-kbar weġbuh: "Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!"
[Ġw:19:16] Fl-aħħar tahulhom f'idejhom biex isallbuh.
Ġesù msallab
(Mt 27, 32-44; Mk 15, 21-32; Lq 23, 26-43)
U huma ħadu lil Ġesù. [Ġw:19:17] Ġesù rafa' s-salib u ħareġ lejn il-post
imsejjaħ 'il-Qorriegħa', bil-Lhudi Golgota. [Ġw:19:18] Hemm huma sallbuh ma'
tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. [Ġw:19:19] Pilatu għamel kitba u
waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, "Ġesù ta' Nazaret, is-sultan
tal-Lhud." [Ġw:19:20] Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu
lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg.
[Ġw:19:21] Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: "Ma
kienx imissek tikteb, 'Is-sultan tal-Lhud,' imma li 'Dan qal: Jiena sultan
tal-Lhud.' " [Ġw:19:22] Pilatu wieġeb: "Issa li ktibt ktibt!"
[Ġw:19:23] Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh
f'erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet
libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s'isfel. [Ġw:19:24] Ftiehmu
bejniethom u qalu: "Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min
tmiss jeħodha." Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,
‘Ħwejġi qasmu bejniethom,
u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.’
U dan tabilħaqq għamluh is-suldati. [Ġw:19:25] Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib
ta' Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. [Ġw:19:26]
Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil
ommu: "Mara, hawn hu ibnek." [Ġw:19:27] Mbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi
ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-mewt ta' Ġesù
(Mt 27, 45-56; Mk 15, 33-41; Lq 23, 44-49)
[Ġw:19:28] Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex
isseħħ l-Iskrittura qal: "Għandi l-għatx!" [Ġw:19:29] Kien hemm bieqja mimlija
bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma' qasba ta' l-issopu, u
ressquhielu lejn ħalqu. [Ġw:19:30] Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: "Kollox hu mitmum!"
Mbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Il-ġenb minfud ta' Ġesù
[Ġw:19:31] Billi kien Jum it-Tħejjija ta' l-Għid, il-Lhud ma ridux li f'jum
is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni
għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.
[Ġw:19:32] Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn ta' l-ewwel u tat-tieni
wieħed li kienu msallbin miegħu. [Ġw:19:33] Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw
li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. [Ġw:19:34] Madankollu wieħed mis-suldati
nifidlu ġenbu b'lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. [Ġw:19:35] Dan qiegħed
jixhdu min ra b'għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid
il-verità, biex intom ukoll temmnu. [Ġw:19:36] Għax dan ġara biex isseħħ
l-Iskrittura li tgħid,
‘Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu.’
[Ġw:19:37] U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid,
‘Huma għad iħarsu lejn dak li nifdu.’
Id-difna ta' Ġesù
(Mt 27, 57-61; Mk 15, 42-47; Lq 23, 50-56)
[Ġw:19:38] Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta' Ġesù bil-moħbi
għax kien jibża' mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta' Ġesù.
Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. [Ġw:19:39] Ġie wkoll Nikodemu, dak
li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta' morr u sabbara,
tiżen xi mitt libbra. [Ġw:19:40] Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh
bil-faxex ta' l-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.
[Ġw:19:41] Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f'dan il-ġnien kien
hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. [Ġw:19:42] Hemm qiegħdu
lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.
20. Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet
(Mt 28, 1-10; Mk 16, 1-8; Lq 24, 1-12)
[Ġw:20:1] Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u
Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.
[Ġw:20:2] Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li
kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: "Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn
qegħduh!" [Ġw:20:3] Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.
[Ġw:20:4] It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn
Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. [Ġw:20:5] Tbaxxa, u ra l-faxex ta' l-għażel
imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. [Ġw:20:6] Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru,
daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, [Ġw:20:7] u l-maktur
li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f'post
għalih. [Ġw:20:8] Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn
il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. [Ġw:20:9] Sa dak in-nhar kienu għadhom ma
fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. [Ġw:20:10] Mbagħad
id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.
Ġesù jidher lil Marija ta' Magdala
(Mk 16, 9-11)
[Ġw:20:11] Iżda Marija baqgħet 'il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda
tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, [Ġw:20:12] u rat żewġ anġli lebsin l-abjad,
bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu
qiegħdu l-ġisem ta' Ġesù. [Ġw:20:13] Huma qalulha: "Mara, għalfejn qiegħda
tibki?" Hi wieġbet: "Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh." [Ġw:20:14]
Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.
[Ġw:20:15] Ġesù qalilha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda
tfittex?" Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: "Sinjur, jekk ħadtu int minn
hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura." [Ġw:20:16] Ġesù sejjħilha:
"Marjam!" Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri Mgħallem. [Ġw:20:17]
Ġesù qalilha: "La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur
għand ħuti u għidilhom li se nitla' għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u
Alla tagħkom." [Ġw:20:18] Marija ta' Magdala marret għand id-dixxipli u tathom
l-aħbar: "Rajt lill-Mulej", u qaltilhom x'qalilha.
Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu
(Mt 28, 16-20; Mk 16, 14-18; Lq 24, 36-49)
[Ġw:20:19] Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli
kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad
f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem għalikom!" [Ġw:20:20] Kif qal hekk, uriehom
idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. [Ġw:20:21] Mbagħad Ġesù
tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien
nibgħat lilkom." [Ġw:20:22] Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu
l-Ispirtu s-Santu. [Ġw:20:23] Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u
dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."
Ġesù u Tumas
[Ġw:20:24] Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie
Ġesù. [Ġw:20:25] Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu
qalilhom: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi
fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx." [Ġw:20:26] Tmint
ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu
magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem għalikom!"
[Ġw:20:27] Mbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek
u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen." [Ġw:20:28] Wieġeb
Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!" [Ġw:20:29] Qallu Ġesù: "Emmint għax
rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu."
Għalfejn inkiteb dan il-ktieb
[Ġw:20:30] Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u
li m'humiex imniżżla f'dan il-ktieb. [Ġw:20:31] Iżda dawn inkitbu sabiex intom
temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta' Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom
il-ħajja f'ismu.
21. Ġesù jidher lil seba' dixxipli
[Ġw:21:1] Wara dan, Ġesù raġa' deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta' Tiberija.
Dehrilhom hekk: [Ġw:21:2] Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn
Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu
flimkien, [Ġw:21:3] u Xmun Pietru qalilhom: "Sejjer nistad." Qalulu: "Ħa niġu
miegħek aħna wkoll." Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
[Ġw:21:4] Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma
kinux jafu li kien Ġesù. [Ġw:21:5] Ġesù qalilhom: "Għandkom x'tieklu, ħbieb?"
"Le," weġbuh. [Ġw:21:6] Qalilhom: "Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u
ssibu." Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!
[Ġw:21:7] Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: "Il-Mulej dan!"
Għalhekk Xmun Pietru, kif sama' li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta' fuq,
għax kien għoddu għeri, u ntafa' l-baħar. [Ġw:21:8] Id-dixxipli l-oħra, billi ma
kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa
jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut. [Ġw:21:9] Kif niżlu l-art, raw li kien hemm
xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. [Ġw:21:10] Qalilhom Ġesù: "Newwlu
'l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu." [Ġw:21:11] Xmun Pietru
tala' fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b'mija u tlieta u ħamsin ħuta
kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. [Ġw:21:12] Qalilhom Ġesù:
"Ejjew, kulu." Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, 'Int min int?', għax
kienu jafu li kien il-Mulej. [Ġw:21:13] Ġesù resaq, qabad il-ħobż u
newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. [Ġw:21:14] Din kienet ġa t-tielet
darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Ġesù u Pietru
[Ġw:21:15] Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: "Xmun bin Ġwanni,
tħobbni int aktar minn dawn?" "Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok." Qallu:
"Irgħa l-ħrief tiegħi." [Ġw:21:16] Staqsieh għat-tieni darba: "Xmun bin Ġwanni,
tħobbni int?" "Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok." Qallu: "Irgħa n-nagħaġ
tiegħi." [Ġw:21:17] Għat-tielet darba staqsieh: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni?"
Pietru ħass għafsa ta' qalb għax staqsieh għat-tielet darba, 'Tħobbni?' u qallu:
"Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok." Qallu Ġesù: "Irgħa n-nagħaġ
tiegħi. [Ġw:21:18] Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem
waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor
iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!" [Ġw:21:19] Dan qalu biex ifisser b'liema
mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Mbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: "Ejja
warajja."
Ġesù u d-dixxiplu li kien iħobb
[Ġw:21:20] Pietru dar, u ra lid-dixxiplu li kien iħobb Ġesù miexi warajhom, dak
id-dixxiplu li waqt l-ikla kien imtedd fuq sider Ġesù u qallu, 'Mulej, min hu li
se jittradik?' [Ġw:21:21] Pietru, mela, kif ra lil dan, qal lil Ġesù: "U dan,
Mulej, x'se jsir minnu?" [Ġw:21:22] Ġesù qallu: "Inti x'inhi affarik jekk jiena
rridu jibqa' sa ma niġi? Int imxi warajja!" [Ġw:21:23] B'hekk ġriet ix-xniegħa
fost l-aħwa li dak id-dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu Ġesù ma qalx li ma
kienx se jmut, imma biss, 'Jekk irridu jibqa' sa ma niġi, inti x'inhi affarik?'
Ix-xhieda tad-Dixxiplu
[Ġw:21:24] Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li
kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha. [Ġw:21:25] Iżda
hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb
kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba
li kienu jinkitbu.