IL-KTIEB TA' RUT
Fl-art ta' Mowab
[Rt:1:1] Fi żmien meta kienu jaħkmu l-imħallfin , kien hemm l-għaks fil-pajjiż.
Kien hemm raġel minn Betlehem ta' Ġuda li mar joqgħod fl-inħawi ta' Mowab, hu,
martu u ż-żewġ uliedu. [Rt:1:2] Ir-raġel kien jismu Elimelek, martu Nagħomi, u
ż-żewġ uliedu Maħlon u Kiljon, Efratin minn Betlehem ta' Ġuda. Marru joqogħdu
fl-inħawi ta' Mowab. [Rt:1:3] Ġara li miet Elimelek, żewġ Nagħomi, u baqgħu hi u
ż-żewġ uliedha. [Rt:1:4] U dawn ħadu b'nisa tagħhom tnejn mill-Mowabin: waħda
jisimha Għorfa, u l-oħra Rut; u qagħdu hemm għal xi għaxar snin.
[Rt:1:5] U mietu ż-żewġ irgiel Maħlon u Kiljon; u l-mara baqgħet weħidha
mingħajr iż-żewġ uliedha u żewġha. [Rt:1:6] Qamet hi u n-nisa ta' wliedha biex
jerġgħu lura mill-inħawi ta' Mowab, għax kienu semgħu f'Mowab li l-Mulej kien
ħaseb fil-poplu tiegħu, u pprovdielhom il-ħobż. [Rt:1:7] U ħarġet minn fejn
kienet hi u ż-żewġ nisa ta' wliedha, u qabdu t-triq biex jerġgħu lura lejn l-art
ta' Ġuda. [Rt:1:8] U Nagħomi qalet liż-żewġ nisa: “Itilqu, erġgħu lura kull
waħda f'dar ommha, u jalla jagħmel ħniena magħkom il-Mulej, kif intom għamiltu
mal-mejtin u miegħi. [Rt:1:9] U jagħtikom il-Mulej li ssibu l-mistrieħ, kull
waħda f'dar żewġha.” U bisithom it-tnejn, u għollew leħinhom u bkew.
[Rt:1:10] Iżda huma qalulha: “Aħna niġu lura miegħek għand niesek.” [Rt:1:11] U
Nagħomi wieġbet: “Erġgħu lura, uliedi. Għala tridu tiġu miegħi? Għandi jien,
jaqaw, ulied f'ġufi biex ikunu żwieġkom? [Rt:1:12] Erġgħu lura, uliedi. Jien
xjeħt wisq biex nerġa' niżżewweġ. Kieku ngħid li għad fadalli tama, u llejla
stess niżżewweġ u niled it-tfal, [Rt:1:13] jaqaw se tistennewhom sakemm jikbru?
Se toqogħdu intom mingħajr ma tiżżewwġu? Le, uliedi, għax għandi mrar kbir
minħabba fikom; tassew li laħqitni id il-Mulej.” [Rt:1:14] U huma għollew
leħinhom u reġgħu bkew. Għorfa bieset lil omm żewġha, imma Rut baqgħet imqabbda
magħha.
Nagħomi u Rut f'Betlehem
[Rt:1:15] Nagħomi qaltilha: “Il-kunjata reġgħet lura għand niesha u l-allat
tagħha. Mur lura mal-kunjata.” [Rt:1:16] U Rut wieġbet: “Iġġagħalnix nitilqek u
nerġa' lura minnek; fejn tmur int, immur jien; fejn toqgħod int, noqgħod jien;
niesek, niesi; Alla tiegħek, Alla tiegħi; [Rt:1:17] fejn tmut int, immut jien; u
hemm nindifen. Dan jagħmilli, u aktar, il-Mulej, jekk ma tkunx il-mewt li
tifridna.” [Rt:1:18] U Nagħomi rat kif webbset rasha biex tmur magħha, u ma
kellmithiex iżjed. [Rt:1:19] U telqu t-tnejn sakemm waslu Betlehem. Kif waslu
Betlehem qamet għagħa waħda mal-belt kollha, għax qalu: “Din hi Nagħomi?”
[Rt:1:20] U hi qaltilhom: “Issejjħulix Nagħomi: sejjħuli Mâra, għax bl-imrar
imlieni Alla li jista' kollox. [Rt:1:21] Mimlija tlaqt minn hawn u b'xejn
reġġagħni lura l-Mulej. Għala ssejjħuli Nagħomi, meta l-Mulej ċekkinni, u
għakkisni Xaddaj?”
[Rt: 1:22] U hekk reġgħet lura Nagħomi u Rut il-Mowabija, mart binha, magħha,
mill-inħawi ta' Mowab. Kien żmien il-ħsad tax-xgħir meta waslu Betlehem.
2. Rut fl-għalqa ta' Bogħaż
[Rt:2:1] Nagħomi kellha wieħed jiġi minnha min-naħa ta' żewġha; kien bniedem
għani ħafna, mill-familja ta' Elimelek u kien jismu Bogħaż.
[Rt:2:2] U Rut, il-Mowabija, qalet lil Nagħomi: “Ħa mmur fir-raba', u nlaqqat
is-sbul minn wara min juri ħniena miegħi.” U Nagħomi weġbitha: “Mur binti.”
[Rt:2:3] U marret tlaqqat fir-raba' minn wara l-ħassada. U messitha għalqa minn
ta' Bogħaż, li kien wieħed mill-familja ta' Elimelek.
[Rt:2:4] U ara, Bogħaż ġie minn Betlehem u sellem lill-ħassada: “Il-Mulej
magħkom.” U huma qalulu: “Ibierkek il-Mulej.” [Rt:2:5] U Bogħaż qal lill-qaddej
tiegħu, li kien fuq il-ħassada: “Ta' min hi din it-tifla?” [Rt:2:6] U wieġeb
il-qaddej li kien fuq il-ħassada u qallu: “Tifla Mowabija, li ġiet ma' Nagħomi
mill-inħawi ta' Mowab. [Rt:2:7] U staqsietni: 'Nista' nlaqqat u niġbor minn bejn
il-qatet tal-ħassada?' U ġiet u baqgħet hawn mis-sebħ sa issa, u anqas marret
id-dar tistrieħ.” [Rt:2:8] U Bogħaż qal lil Rut: “Ara, qiegħda tisma', binti?
Tmurx tlaqqat f'għalqa oħra. U lanqas ma għandek twarrab minn hawn: ibqa' mal-ħaddiema
bniet tiegħi. [Rt:2:9] Żomm għajnejk fuq l-għalqa li jkunu jaħsdu, u imxi
warajhom. Ara, wissejt lill-ħaddiema biex ma jmissukx. Meta jieħdok l-għatx mur
ħdejn il-ġarar, u ixrob mnejn jixorbu l-ħaddiema.” [Rt:2:10] U niżlet wiċċha
fl-art u qaltlu: “Kif sibt ħniena f'għajnejk u ħarist lejja, jien, li jien mara
barranija?” [Rt:2:11] U wieġeb Bogħaż: “Qaluli b'kull ma għamilt mal-kunjata
wara l-mewt ta' żewġek; ħallejt lil missierek u lil ommok u lil art twelidek, u
tlaqt għal għand poplu li int xejn ma kont tafu qabel. [Rt:2:12] Il-Mulej
iħallsek ta' għemilek. Ħlasek ikun sħiħ mingħand il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li
int ġejt tistkenn taħt ġwenħajh.”
[Rt:2:13] Rut wieġbet: “Jalla nsib ħniena f'għajnejk, Sidi, għax int farraġtni u
kellimt il-qalb tal-qaddejja tiegħek, għalkemm jien m'iniex daqs waħda mill-qaddejja
tiegħek.”
[Rt:2:14] F'ħin l-ikel Bogħaż qalilha: “Ersaq 'l hawn, u kul biċċa ħobż, u bill
il-ftiet tiegħek fil-ħall.” U hi qagħdet bilqiegħda ħdejn il-ħassada. Hu taha
qamħ inkaljat, u hi kielet, xebgħet, u fadlilha.
[Rt:2:15] U qamet biex tkompli tlaqqat. Bogħaż wissa lill-ħaddiema tiegħu u
qalilhom: “Ħalluha tlaqqat bejn il-qatet ukoll, u la tgerrxuhiex. [Rt:2:16] Anzi
ħallu wkoll jaqa' s-sbul mill-qatet biex tlaqqtu hi, u tlumuhiex.” [Rt:2:17] U
damet tlaqqat fir-raba' sa filgħaxija. Meta, mbagħad, daqqet is-sbul li kienet
laqqtet, sabet li kellha daqs efa xgħir. [Rt:2:18] Ġabritu u marret lejn il-belt,
u wriet lill-kunjata dak li kienet laqqtet; ħarġet li kien fadlilha meta kielet
u xebgħet, u tathulha.
[Rt:2:19] Il-kunjata staqsietha: “Fejn mort tlaqqat il-qamħ illum? Fejn ħdimt?
Mbierek minn ħa ħsiebek.” U Rut għarrfet lill-kunjata ma' min kienet ħadmet u
qaltilha: “Ir-raġel li ħdimt miegħu llum jismu Bogħaż.” [Rt:2:20] U Nagħomi
wieġbet lil mart binha: “Mbierek hu mill-Mulej, li ma warrabx il-ħniena tiegħu
la mill-ħajjin u lanqas mill-mejtin.” U Nagħomi ssuktat tgħidilha: “Dak ir-raġel
hu qaribna, u hu li għandu d-dritt tal-fidwa fuqna.”
[Rt:2:21] Rut, il-Mowabija, qaltilha wkoll: “U qalli wkoll: Ibqa' mal-qaddejja
bniet tiegħi sakemm itemmu l-ħsad kollu tiegħi.” [Rt:2:22] U Nagħomi qalet lil
Rut, mart binha: “Aħjar, binti, tmur mal-qaddejja bniet tiegħu, biex ma jaħqrukx
f'xi għalqa oħra.” [Rt:2:23] U Rut baqgħet mal-qaddejja ta' Bogħaż, sakemm
intemm ħsad ix-xgħir u ħsad il-qamħ; u f'dan iż-żmien kienet toqgħod mal-kunjata.
3. Il-parir ta' Nagħomi
[Rt: 3:1] U Nagħomi, il-kunjata, qalet lil Rut: “Binti, ma jidhirlekx li għandi
nfittex li tinġabar għall-ġid tiegħek stess? [Rt: 3:2] U issa, forsi Bogħaż mhux
qaribna, dak li int kont mat-tfajliet tiegħu? Ara llejla hu jkun iderri l-andar
tax-xgħir. [Rt:3:3] Mur inħasel, indilek bil-fwieħa, xidd fuqek l-aħjar ilbies,
u mur l-andar. Tħallihx jagħrfek, sakemm ma jkunx kiel u xorob. [Rt:3:4] Meta
mbagħad jimtedd, sib il-post fejn ikun mimdud, mur ħdejh, ikxiflu n-naħa ta'
riġlejh, u mtedd hemm. Mbagħad hu jgħidlek x'għandek tagħmel.”
[Rt: 3:5] Rut weġbitha: “Kull ma tgħidli, nagħmlu.” [Rt:3:6] U niżlet l-andar, u
għamlet kull ma wissietha l-kunjata. [Rt:3:7] Bogħaż kiel u xorob, u ħassu
ferħan, u mar jimtedd f'tarf il-munzell tax-xgħir.
U Rut resqet ħdejh, inkiss inkiss, u kixfitlu n-naħa ta’ riġlejh, u mteddet hemm.
[Rt:3:8] Ġara li f'nofs ta' lejl ħass bħal tkexkixa bard, dar fuq ġenbu, lemaħ
mara mimduda ħdejn riġlejh, [Rt:3:9] u staqsieha: “Min int?” U hi wieġbet:
“Jiena Rut, il-qaddejja tiegħek. Ixħet djul mantarek fuq il-qaddejja tiegħek,
għax int għandek il-jedd tal-fidwa.”
[Rt:3:10] Bogħaż weġibha: “Mbierka, binti, mill-Mulej! Din tjubitek ta' l-aħħar,
aħjar mill-oħra ta' qabel, għax int ma mortx tiġri wara ż-żgħażagħ, la għonja u
lanqas foqra. [Rt:3:11] U issa, binti, la tibżax. Jien nagħmel miegħek kull ma
tgħidli, għax niesi kollha fil-bieb tal-belt jafu li int mara sewwa. [Rt:3:12]
Tassew li għandi l-jedd tal-fidwa, iżda hemm wieħed eqreb minni. [Rt:3:13]
Għaddi l-lejl hawn: għada fil-għodu, jekk irid jifdik hu, tajjeb, ħa jifdik;
jekk ma jogħġbux jifdik, nifdik jien. Ħaj il-Mulej! Ibqa' rieqda hawn sa
filgħodu.”
[Rt:3:14] Rut baqgħet rieqda n-naħa ta' riġlejh sa filgħodu. U qamet Rut kmieni
qabel ma bniedem jista' jagħraf ieħor, għax Bogħaż qal: “Ma jmurx xi ħadd ikun
jaf li ġiet mara l-andar.” [Rt:3:15] U mbagħad qalilha: “Ġib il-mantar ta' fuqek
u żommu tajjeb.” Hi żammitu tajjeb, u hu kejjlilha sitt tikjiliet xgħir;
għabbihomlha, u rħitilha lejn il-belt.
[Rt:3:16] Meta waslet id-dar il-kunjata staqsietha: “X'minnek, binti?” U Rut
għarrfitha b'kull ma kien għamel magħha r-raġel [Rt:3:17] u qaltilha: “Tani sitt
tikjiliet xgħir u qalli: 'Ma tmurx b'idek f'idek għand il-kunjata.” [Rt:3:18] U
Nagħomi wieġbet: “Stenna, binti, sakemm tara kif se tintemm il-biċċa, għax ma
jsibx sabar qabel ma jirranġa kollox illum.”
4. Il-bejgħ ta' l-għalqa u ż-żwieġ ta' Rut
[Rt:4:1] Bogħaż mar ħdejn bieb il-belt u qagħad hemm bilqiegħda; u għadda l-qarib
li kien semma Bogħaż. Dan qallu: “Ersaq 'l hawn, ħabib, u oqgħod bilqiegħda.”
Resaq lejh u qagħad bilqiegħda hemm. [Rt:4:2] Mbagħad Bogħaż sejjaħ għaxra mix-xjuħ
tal-belt, u qalilhom: “Oqogħdu bilqiegħda hawn” u qagħdu bilqiegħda. [Rt:4:3] U
Bogħaż qal lill-qarib: “Nagħomi, li reġgħet lura mill-inħawi ta' Mowab, se tbigħ
biċċa mill-għalqa li kellu ħuna Elimelek. [Rt:4:4] U jien għedt, ngħarrfek biha
u ngħidlek: 'Ixtriha int quddiem dawn li hawn bilqiegħda, u quddiem ix-xjuħ ta'
niesi. Jekk tifdiha, tkun fdejtha; jekk ma tifdihiex, għarrafni ħalli nkun naf.
Għax ma hemm ħadd aktar ħliefek li għandu d-dritt li jifdiha, u jien niġi warajk.”
U hu wieġeb: “Nifdiha.”
[Rt:4:5] U Bogħaż qallu: “Dak in-nhar li tixtri l-għalqa mingħand Nagħomi, int
tkun trid tieħu wkoll lil Rut il-Mowabija, mart il-mejjet, biex tqajjem isem
il-mejjet fuq wirtu.” [Rt:4:6] U l-qarib wieġeb: “Ma nistax nifdi, għax inkella
nagħmel ħsara lil wirti. Hu d-dritt li għandi jien, u ifdiha int, għax jien ma
nistax nifdiha.”
[Rt:4:7] Dik il-ħabta kienet id-drawwa f'Iżrael, li meta wieħed kien jifdi jew
jibdel xi ħaġa, biex iseħħ il-ftehim, kien jaqla' l-qorq u jagħtih lill-ieħor.
Din kienet ix-xhieda f'Iżrael. [Rt:4:8] Il-qarib imbagħad qal lil Bogħaż: “Ħudha
int,” u qala' l-qorq. [Rt:4:9] U Bogħaż qal lix-xjuħ u lin-nies kollha: “Intom
illum xhud li jien xtrajt kull ma kellu Elimelek, u kull ma kellu Kiljon, u kull
ma kellu Maħlon mingħand Nagħomi. [Rt:4:10] Nieħu wkoll b'marti lil Rut
il-Mowabija, il-mara ta' Maħlon, biex inqajjem l-isem tal-mejjet fuq il-wirt
tiegħu, u b'hekk ma jispiċċalux ismu minn fost ħutu u minn bwieb beltu. Intom
illum ilkoll xhud ta' dan.” [Rt:4:11] U n-nies kollha li kienu ħdejn il-bieb tal-belt
u x-xjuħ qalulu: “Aħna xhud. Jagħmel Alla l-mara li daħlet f'darek bħal Rakel u
bħal Lija, li t-tnejn bnew id-dar ta' Iżrael. Stagħna f'Efrata u agħmel isem
f'Betlehem. [Rt:4:12] Ħa tkun darek bħad-dar ta' Pereż li Tamar wildet lil Ġuda,
min-nisel li jagħtik il-Mulej minn din il-mara żagħżugħa.”
Rut il-bużnanna ta' David
[Rt:4:13] Bogħaż ħa lil Rut, u saret martu, u resaq lejha, u l-Mulej taha li
titqal u tiled iben. [Rt:4:14] U n-nisa bdew jgħidu lil Nagħomi: “Mbierek
il-Mulej, li ma ċaħħdekx minn qarib feddej illum; ismu jkun magħruf f'Iżrael.
[Rt:4:15] Hu jfarraġlek ruħek u jwieżnek fi xjuħitek, għaliex wilditu mart ibnek,
li tħobbok, u li għalik hi aħjar minn seba' wlied.” [Rt:4:16] U Nagħomi ħadet
it-tarbija, u qegħditha f'ħoġorha u ħaditha biex trabbiha. [Rt:4:17] U n-nisa
tawha isem u qalu: “Nagħomi tweldilha tifel.” U semmewh Għobed. Hu missier Gesse,
missier David.
[Rt:4:18] Din hi l-ġenerazzjoni ta' Pereż; Pereż nissel lil Ħesron; [Rt:4:19]
Ħesron nissel lil Ram, u Ram nissel lil Għamminadab. [Rt:4:20] Għamminadab
nissel lil Naħson, u Naħson nissel lil Salmon. [Rt:4:21] Salmon nissel lil
Bogħaż, u Bogħaż nissel lil Għobed. [Rt:4:22] U Għobed nissel lil Ġesse, u Ġesse
nissel lil David.