IL-KTIEB TAN-NUMRI
1. Iċ-ċensiment tal-poplu
[Num:1:1] Il-Mulej kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj, fit-tinda tal-laqgħa,
fl-ewwel jum tat-tieni xahar, fit-tieni sena mill-ħruġ tagħhom mill-art ta' l-Eġittu
u qallu: [Num:1:2] “Għoddu l-ġemgħa kollha ta' Iżrael skond il-familji u d-djar
ta' missirijietkom, u għoddu l-irġiel kollha, wieħed wieħed, b'isimhom,
[Num:1:3] minn għoxrin sena 'l fuq, 'il dawk kollha fost Iżrael tajbin
għall-gwerra. Tgħodduhom qatgħa qatgħa, int u Aron. [Num:1:4] Magħkom ikun hemm
ukoll wieħed minn kull tribù, li jkun il-kap ta' dar missirijietu.
[Num:1:5] “ Dawn huma l-ismijiet ta' l-irġiel li joqogħdu magħkom: Elisur bin
Sedewr mit-tribù ta' Ruben; [Num:1:6] Selumjel bin Surisaddaj mit-tribù ta'
Simgħon; [Num:1:7] Naħson bin Għamminadab mit-tribù ta' Ġuda; [Num:1:8] Natanjel
bin Sugħar mit-tribù ta' Issakar; [Num:1:9] Elijab bin Ħelon mit-tribù ta'
Żebulun; [Num:1:10] Elisama bin Għammiħud mit-tribù ta' Efrajm u Gamaljel bin
Pedaħsur mit-tribù ta' Manassi, ulied Ġużeppi; [Num:1:11] Abidan bin Gidegħoni
mit-tribù ta' Benjamin; [Num:1:12] Aħigħeżer bin Għammisaddaj mit-tribù ta' Dan;
[Num:1:13] Paggħijel bin Għokran mit-tribù ta' Aser; [Num:1:14] Eljasaf bin
Degħwel mit-tribù ta' Gad; [Num:1:15] Aħira bin Għenan mit-tribù ta' Naftali.”
[Num:1:16] Dawn kienu l-magħżulin fost il-ġemgħa, il-prinċpijiet tat-tribujiet
ta' missirijiethom, il-kapijiet ta' l-eluf ta' Iżrael.
[Num:1:17] Mosè u Aron ħadu lil dawn in-nies li semmew b'isimhom, [Num:1:18] u
sejjħu lill-ġemgħa kollha fl-ewwel jum tat-tieni xahar, u għaddew u kitbu
b'isimhom lil dawk kollha li kellhom minn għoxrin sena 'l fuq, wieħed wieħed,
skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom. [Num:1:19] Għaddhom Mosè fid-deżert
tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej.
[Num:1:20] Għaddew in-nisel ta' Ruben, l-iben il-kbir ta' Iżrael: il-lista tat-tribù
ta' Ruben magħduda wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom,
bl-isem ta' kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:21]
kienet tgħodd sitta u erbgħin elf u ħames mitt ruħ.
[Num:1:22] Għaddew in-nisel ta' Simgħon: magħduda wieħed wieħed, skond
il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull raġel minn għoxrin sena
'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:23] kienet tgħodd disgħa u ħamsin elf u
tliet mitt ruħ.
[Num:1:24] Għaddew in-nisel ta' Gad: il-lista tat-tribù ta' Gad, magħduda wieħed
wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull raġel
minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:25] kienet tgħodd ħamsa u
erbgħin elf u sitt mija u ħamsin ruħ.
[Num:1:26] Għaddew in-nisel ta' Ġuda: il-lista tat-tribù ta' Ġuda, magħduda
wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull
raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:27] kienet tgħodd
erbgħa u sebgħin elf u sitt mitt ruħ.
[Num:1:28] Għaddew in-nisel ta' Issakar: il-lista tat-tribù ta' Issakar,
magħduda wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta'
kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:29] kienet
tgħodd erbgħa u ħamsin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:1:30] Għaddew in-nisel ta' Żebulun: il-lista tat-tribù ta' Żebulun,
magħduda wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta'
kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:31] kienet
tgħodd sebgħa u ħamsin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:1:32] Għaddew in-nisel ta' Ġużeppi: il-lista tat-tribù ta' Efrajm, magħduda
wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull
raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:33] kienet tgħodd
erbgħin elf u ħames mitt ruħ; [Num:1:34] u l-lista tat-tribù ta' Manassi,
magħduda wieħed wieħed skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta'
kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:35] kienet
tgħodd tnejn u tletin elf u mitejn ruħ.
[Num:1:36] Għaddew in-nisel ta' Benjamin: il-lista tat-tribù ta' Benjamin,
magħduda wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta'
kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:37] kienet
tgħodd ħamsa u tletin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:1:38] Għaddew in-nisel ta' Dan: il-lista tat-tribù ta' Dan, magħduda wieħed
wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull raġel
minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:39] kienet tgħodd tnejn u
sittin elf u seba' mitt ruħ.
[Num:1:40] Għaddew in-nisel ta' Aser: it-tribù ta' Aser, magħduda wieħed wieħed,
skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta' kull raġel minn
għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:41] kienet tgħodd wieħed u
erbgħin elf u ħames mitt ruħ.
[Num:1:42] Għaddew it-tribù ta' Naftali: il-lista tat-tribù ta' Naftali,
magħduda wieħed wieħed, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom, bl-isem ta'
kull raġel minn għoxrin sena 'l fuq, tajjeb għall-gwerra, [Num:1:43] kienet
tgħodd tlieta u ħamsin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:1:44] Dawn kienu l-listi li għamlu Mosè u Aron u t-tnax-il prinċep ta'
Iżrael, wieħed għal kull dar. [Num:1:45] L-għadd kollu ta' wlied Iżrael
magħdudin skond id-djar ta' missirijiethom, l-irġiel minn għoxrin sena 'l fuq,
tajbin għall-gwerra, [Num:1:46] kien jilħaq sitt mija u tlitt elef, ħames mija u
ħamsin ruħ.
Is-servizz tal-Leviti
[Num:1:47] Il-Leviti ma għaddewhomx magħhom skond id-djar ta' missirijiethom,
[Num:1:48] għax il-Mulej kien kellem lil Mosè u qallu: [Num:1:49] “Biss it-tribù
ta' Levi tagħmilx lista tiegħu u tgħoddux ma' wlied Iżrael. [Num:1:50] Ħalli fi
ħsieb il-Leviti t-tabernaklu tax-xhieda miktuba, u t-tagħmir kollu tiegħu, u
kull ma hemm fih. Huma jġorru t-tabernaklu u t-tagħmir tiegħu kollu; iservu fit-tabernaklu
u jwaqqfu t-tined tagħhom madwar it-tabernaklu. [Num:1:51] Kull meta jenħtieġ
iġorru t-tabernaklu, għandhom iħottuh il-Leviti; u meta jkun jenħtieġ iwaqqfu t-tabernaklu,
jarmawh il-Leviti; kull profan li jersaq jagħtuh il-mewt.
[Num:1:52] “Ulied Iżrael iwaqqfu l-kampijiet tagħhom, kulħadd f'postu, kulħadd
taħt l-istendard tiegħu, qatgħa qatgħa. [Num:1:53] Iżda l-Leviti jwaqqfu t-tined
tagħhom madwar it-tabernaklu tax-xhieda miktuba biex ma tiġri ebda ħsara lil
ulied Iżrael, u l-Leviti jgħassu mat-tabernaklu tax-xhieda miktuba .”
[Num:1:54] Ulied Iżrael għamlu kull ma ordna l-Mulej lil Mosè, kollox kif kien
ordnalu.
2. It-tqassim tal-kamp
[Num:2:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Num:2:2] “Kulħadd
taħt l-istendard tiegħu, u l-arma ta' dar missirijiethom. Ulied Iżrael għandhom
iwaqqfu l-kamp tagħhom madwar it-tinda tal-laqgħa. [Num:2:3] In-naħa tal-lvant
ikun hemm l-istendard ta' Ġuda skond il-qtajja' tagħhom, u l-kap tagħhom ikun
Naħson bin Għamminadab. [Num:2:4] Il-qatgħa tiegħu tkun tgħodd erbgħa u sebgħin
elf u sitt mitt ruħ.
[Num:2:5] “Ħdejn it-tribù ta' Ġuda jkun hemm it-tribù ta' Issakar, u l-kap
tagħhom ikun Natanjel bin Sugħar. [Num:2:6] Il-qatgħa tagħhom tkun ta' erbgħa u
ħamsin elf u erba' mija. [Num:2:7] It-tribù ta' Żebulun u l-kap tagħhom Elijab
bin Ħelon. [Num:2:8] Il-qatgħa tiegħu tkun tgħodd sebgħa u ħamsin elf u erba'
mija. [Num:2:9] Il-kamp ta' Ġuda, magħdud skond il-qtajja' tiegħu, ikun fih
b'kollox mija u sitta u tmenin elf u erba' mija. Dawn jimxu quddiem.
[Num:2:10] “Fuq in-naħa tan-nofsinhar ikun hemm l-istendard tal-kamp ta' Ruben
skond il-qtajja' tagħhom. Il-kap tagħhom ikun Elisur bin Sedewr; [Num:2:11]
il-qatgħa tagħhom ikun fiha sitta u erbgħin elf u ħames mija. [Num:2:12] Ħdejhom
ikun hemm it-tribù ta' Simgħon, u l-kap tagħhom Salamjel bin Surisaddaj.
[Num:2:13] Il-qatgħa tagħhom ikun fiha disgħa u ħamsin elf u tliet mija.
[Num:2:14] It-tribù ta' Gad bil-kap tiegħu Eljasaf bin Regħwel. [Num:2:15] Il-qatgħa
tagħhom ikun fiha ħamsa u erbgħin elf u sitt mija u ħamsin. [Num:2:16] Il-kamp
ta' Ruben ikun fih b'kollox mija u wieħed u ħamsin elf u erba' mija u ħamsin ruħ
skond il-qtajja' tagħhom. Dawn jimxu t-tieni.
[Num:2:17] “Mbagħad jimxi t-tabernaklu tal-laqgħa, bil-kamp tal-Leviti f'nofs
il-kampijiet l-oħra, kif ikunu mqassmin fil-kamp kollu. Kulħadd fit-taqsima
tiegħu taħt l-istendard tiegħu.
[Num:2:18] “Fuq in-naħa tal-punent ikun hemm it-tribù ta' Efrajm skond il-qatgħa
tagħhom. Il-kap tagħhom ikun Elisama bin Għammiħud. [Num:2:19] Il-qtajja'
tagħhom ikun fihom erbgħin elf u ħames mija.
[Num:2:20] “Ħdejhom ikun hemm it-tribù ta' Manassi, u l-kap tagħhom ikun
Gamaljel bin Pedaħsur, [Num:2:21] u l-qtajja' tagħhom ikun fihom tnejn u tletin
elf u mitejn. [Num:2:22] It-tribù ta' Benjamin u l-kap tagħhom Abidan bin
Gidegħoni [Num:2:23] u l-qtajja' tagħhom ħamsa u tletin elf u erba' mija.
[Num:2:24] Il-kamp ta' Efrajm ikun jgħodd mija u tmint elef u mitt ruħ skond
il-qtajja' tagħhom. Dawn jimxu t-tielet.
[Num:2:25] “Lejn it-tramuntana mbagħad ikun hemm it-tribù ta' Dan skond
il-qtajja' tagħhom, u l-kap tagħhom Aħigħeżer bin Għammisaddaj. [Num:2:26] Il-qtajja'
tagħhom ikun fihom tnejn u sittin elf u seba' mija. [Num:2:27] Ħdejhom ikun hemm
il-kamp ta' Aser u l-kap tagħhom ikun Paggħijel bin Għokran. [Num:2:28] Il-qatgħa
tagħhom ikun fiha wieħed u erbgħin elf u ħames mija. [Num:2:29] Mbagħad it-tribù
ta' Naftali u l-kap tagħhom Aħira bin Għenan, [Num:2:30] u l-qatgħa tagħhom ikun
fiha tlieta u ħamsin elf u erba' mija. [Num:2:31] Il-qtajja' tal-kamp ta' Dan
mija u sebgħa u ħamsin elf u sitt mija. Dawn jimxu l-aħħar taħt l-istendard
tagħhom.”
[Num:2:32] Dan hu l-għadd ta' wlied Iżrael skond id-djar ta' missirijiethom. Il-kamp
kollu skond il-qtajja' tagħhom kien fih sitt mija u tlitt elef ħames mija u
ħamsin ruħ. [Num:2:33] Il-Leviti ma kinux magħduda ma' wlied Iżrael, kif kien
ordna l-Mulej lil Mosè. [Num:2:34] U wlied Iżrael għamlu skond ma l-Mulej ordna
lil Mosè. Hekk kienu jikkampjaw u hekk jimxu, kulħadd taħt l-istendard tiegħu
skond il-familja u dar missirijietu.
3. Ulied Aron u dmirijiethom
[Num:3:1] Dawn kienu l-ġenerazzjonijiet ta' Aron u Mosè, meta l-Mulej kellem lil
Mosè fuq il-muntanja Sinaj. [Num:3:2] L-ismijiet ta' wlied Aron kienu dawn:
Nadab, il-kbir, Abiħu, Elgħażar u Itamar, [Num:3:3] l-ismijiet ta' wlied Aron,
li kienu midlukin u kkonsagrati biex iservu ta' qassisin. [Num:3:4] Imma Nadab u
Abiħu mietu quddiem il-Mulej meta offrewlu nar profan fid-deżert ta' Sinaj; dawn
tfal ma kellhomx. Għalhekk kienu jservu ta' qassisin Elgħażar u Itamar taħt
għajnejn Aron missierhom.
[Num:3:5] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:3:6] “Ressaq it-tribù ta' Levi
biex iservu lil Aron, il-qassis. [Num:3:7] U jieħdu ħsieb kull ma jeħtieġlu u
kull ma jkun hemm bżonn għal-laqgħa quddiem it-tinda tal-laqgħa, fis-servizz li
għandu jsir fit-tabernaklu. [Num:3:8] Jieħdu ħsieb it-tagħmir tat-tinda
tal-laqgħa u ta' kull ma jenħtieġ għal ulied Iżrael fis-servizz fit-tabernaklu.
[Num:3:9] U inti tagħti l-Leviti lil Aron u lil uliedu: tagħtihomlu minn fost
ulied Iżrael għalkollox. [Num:3:10] U 'l Aron u 'l uliedu tagħżilhom biex iservu
ta' qassisin, u jekk xi profan ieħor jindaħal, ikun ħaqqu l-mewt.”
[Num:3:11] U kellem il-Mulej lil Mosè u qallu: [Num:3:12] “Arani, jien għażilt
lil-Leviti minn fost ulied Iżrael minflok l-ewwel tifel imwieled minn kull mara
fost ulied Iżrael. Hekk il-Leviti jkunu tiegħi. [Num:3:13] Għaliex tiegħi sar
kull tifel, li jitwieled l-ewwel minn kull mara, dak in-nhar li jien qridt l-ulied
il-kbar fl-art ta' l-Eġittu. Jien ikkonsagrajt għalija kull ma jitwieled l-ewwel
fost Iżrael, sew bniedem sew bhima.
“Tiegħi jkunu: Jiena l-Mulej.”
[Num:3:14] U l-Mulej kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u qallu: [Num:3:15]
“Għodd lil ulied Levi skond il-familji tagħhom, skond djar missirijiethom; għodd
l-irġiel kollha minn xahar 'il fuq.” [Num:3:16] U Mosè għaddhom skond ma qallu u
kkmandah il-Mulej.
[Num:3:17] Dawn kienu wlied Levi b'isimhom: Gersun, Keħat u Merari.
[Num:3:18] Ulied Gersun, skond il-familji tagħhom kienu: Libni u Simgħi.
[Num:3:19] Ulied Keħat skond il-familji tagħhom kienu: Għamram u Isħir, Ħebron u
Għużżijel.
[Num:3:20] Ulied Merari skond il-familji tagħhom: Maħli u Musi. Dawn kienu l-familji
ta' Levi skond id-djar ta' missirijiethom. [Num:3:21] Minn Gersun kienet ġejja
l-familja ta' Libni u l-familja ta' Simgħi. Dawn huma l-familji tal-Gersunin,
[Num:3:22] u l-għadd ta' rġiel fosthom minn xahar 'il fuq kien sebat elef u
ħames mija. [Num:3:23] Il-familji tal-Gersunin kellhom il-kamp tagħhom in-naħa
tal-punent wara t-tabernaklu; [Num:3:24] u l-kap tad-dar tal-Gersunin kien
Eljasaf bin Lajel. [Num:3:25] Fis-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa kellhom
jieħdu ħsieb tat-tabernaklu, u t-tinda, u l-purtiera tal-bieb tat-tinda
tal-laqgħa, u [Num:3:26] d-drapp tal-bitħa, u l-purtiera fi dħul il-bitħa madwar
it-tinda, u l-artal, u l-bqija tat-tagħmir kollu għas-servizz tiegħu.
[Num:3:27] Il-familji ġejjin minn Keħat kienu: il-familja ta' l-Għamramin, u l-familja
ta' l-Isħarin, u l-familja tal- Ħebronin, u l-familja ta' l-Għużżijelin. Dawn
huma l-familji tal-Keħatin. [Num:3:28] L-għadd ta' l-irġiel minn xahar 'il fuq:
tmint elef u sitt mija. Kellhom jieħdu ħsieb il-post qaddis.
[Num:3:29] Il-familji ta' wlied Keħat kellhom il-kamp ħdejn it-tabernaklu n-naħa
ta' nofsinhar. [Num:3:30] U l-kap tad-dar ta' Keħat kien Elisafan bin Għużżijel.
[Num:3:31] Kellhom jieħdu ħsieb l-arka, u l-mejda, u l-imnara, u l-artal, u t-tagħmir
għas-servizz fis-santwarju, u l-velu, u kull ma kien meħtieġ għalih.
[Num:3:32] Il-kap fuq il-kapijiet l-oħra kollha tat-tribù ta' Levi kien Elgħażar
bin Aron, il-qassis, li kien magħżul fuq dawk kollha li kellhom jieħdu ħsieb is-santwarju.
[Num:3:33] Il-familji ta' Merari kienu: il-familja ta' Maħli u l-familja ta'
Musi. Dawn huma l-familji ta' Merari. [Num:3:34] L-għadd ta' l-irġiel minn xahar
'il fuq kien ta' sitt elef u mitejn. [Num:3:35] U l-kap tal-familja ta' Merari
kien Surjel bin Abiħajil; u kellhom il-kamp ħdejn it-tabernaklu fuq in-naħa tat-tramuntana.
[Num:3:36] Ulied Merari kellhom jieħdu ħsieb it-twavel tat-tinda, u t-traversi,
u l-pilastri, u l-imqagħad tagħhom, u t-tagħmir kollu tagħhom u kull ma kien
jenħtieġ, [Num:3:37] il-pilastri tal-bitħa u l-imqagħad kollha tagħhom, l-imsiemer
u l-ventijiet tagħhom.
[Num:3:38] Mosè u Aron u wliedu kellhom il-kamp tagħhom u t-tabernaklu fuq in-naħa
tal-lvant. Kellhom jieħdu ħsieb is-santwarju u ħsieb ulied Iżrael. Il-bniedem
profan li kien jersaq 'l hemm kien ikun ħaqqu l-mewt.
[Num:3:39] Il-Leviti, li għaddew Mosè u Aron, skond l-ordni tal-Mulej, familja
familja, l-irġiel kollha minn xahar 'il fuq, kienu jlaħħqu l-għadd ta' tnejn u
għoxrin elf ruħ.
Għadd l-imweldin l-ewwel
[Num:3:40] U l-Mulej qal lil Mosè: “Għodd l-imweldin l-ewwel kollha fost l-irġiel
ta' wlied Iżrael minn xahar 'il fuq, u hu l-għadd kollu ta' ismijiethom.
[Num:3:41] Ħu għalija - Jiena l-Mulej - il-Leviti minflok l-imweldin l-ewwel ta'
wlied Iżrael; u l-bhejjem tal-Leviti minflok l-imweldin l-ewwel tal-bhejjem ta'
wlied Iżrael.” [Num:3:42] Mosè għadd l-imweldin l-ewwel ta' wlied Iżrael skond
ma ordnalu l-Mulej. [Num:3:43] U l-irġiel kollha mweldin l-ewwel, minn xahar 'il
fuq, magħduda b'isimhom, kienu tnejn u għoxrin elf u mitejn u tlieta u sebgħin
ruħ.
[Num:3:44] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:3:45] “Ħu l-Leviti minflok l-imweldin
l-ewwel ta' wlied Iżrael, u l-bhejjem tal-Leviti minflok il-bhejjem tagħhom. Il-Leviti
jkunu tiegħi: Jiena l-Mulej. [Num:3:46] U bi prezz għall-fidwa tal-mitejn u
tlieta u sebgħin imwieled l-ewwel ta' wlied Iżrael, li jibqgħu żejda fuq l-għadd
tal-Leviti, [Num:3:47] ħu ħames xwiekel għal kull ras - ix-xekel ikun ta'
għoxrin uqija daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju. [Num:3:48] Int tagħti dawn
il-flus lil Aron u lil uliedu b'fidwa ta' dawk li baqgħu żejda.”
[Num:3:49] U Mosè ħa l-flus tal-fidwa ta' dawk li baqgħu żejda wara l-fidwa
tal-Leviti. [Num:3:50] Mill-imweldin l-ewwel ta' wlied Iżrael ha s-somma ta' elf
tliet mija u ħamsa u sittin xekel, daqskemm jiswa xekel tas-santwarju.
[Num:3:51] U Mosè ta l-flus ta' dawk li kienu mifdija lil Aron u wliedu, skond
ma ordnalu l-Mulej.
4. Dmirijiet oħra tal-Leviti
[Num:4:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:4:2] “Għodd lil ulied Keħat,
minn fost ulied Levi, skond il-familji tagħhom u d-djar ta' missirijiethom,
[Num:4:3] l-irġiel kollha bejn it-tletin u l-ħamsin sena, biex jagħtu s-servizz
tagħhom fit-tinda tal-laqgħa.
Ulied Keħat
[Num:4:4] “U dan hu s-servizz ta' wlied Keħat fit-tinda tal-laqgħa fil-ħwejjeġ
l-aktar qaddisa. [Num:4:5] Kull meta jkun se jiċċaqlaq il-kamp, jidħlu Aron u
wliedu, u jniżżlu l-velu, u jkebbu fih l-arka tax-xhieda miktuba, [Num:4:6] u
jqiegħdu fuqha għata tal-ġild tad-denfil u fuq dan biċċa drapp kollu vjola,
mbagħad idaħħlu l-lasti f'posthom. [Num:4:7] Jifirxu biċċa drapp vjola fuq
il-mejda tal-ħobż tal-preżenza u jqiegħdu fuqha l-platti, l-imgħaref, il-kwies u
l-bwieqi għat-tiswib tal-libazzjonijiet; u fuqha jkun hemm il-ħobż tal-preżenza
għal dejjem. [Num:4:8] U fuq kollox jifirxu biċċa drapp aħmar skarlatt, u
jkebbuha b'għata tal-ġild tad-denfil, u jpoġġu l-lasti f'posthom. [Num:4:9]
Jieħdu biċċa drapp vjola u jgħattu biha l-imnara, l-imsiebaħ, l-imqassijiet, u
l-bwieqi tagħha, u l-għodda kollha taż-żejt, meħtieġa għas-servizz tagħha;
[Num:4:10] ikebbuha bit-tagħmir kollu tagħha f'għata tal-ġild tad-denfil.
[Num:4:11] U jifirxu wkoll fuq l-artal tad-deheb biċċa drapp vjola, u jkebbuh
fil-ġild tad-denfil, u jqiegħdu l-lasti tiegħu f'posthom.
[Num:4:12] “Jieħdu t-tagħmir kollu tas-servizz fis-santwarju, u jkebbuh f'biċċa
drapp vjola, jgħattuh bil-ġild tad-denfil, u jqegħduh fuq il-lasti tal-ġarr.
[Num:4:13] U jnaddfu l-artal mill-irmied, u jixħtu fuqu biċċa drapp tal-porpra,
[Num:4:14] u jqiegħdu fuqu t-tagħmir kollu tiegħu għas-servizz, it-twaġen
għall-ġamar, l-imqassijiet, il-pwali, il-bwieqi u t-tagħmir kollu ta' l-artal, u
jgħattu kollox b'biċċa ġild tad-denfil u jqiegħdu l-lasti f'posthom.
[Num:4:15] “Meta Aron u wliedu jkunu għattew is-santwarju u t-tagħmir kollu
tas-santwarju, meta jkun se jiċċaqlaq il-kamp, jersqu wlied Keħat, u jerfgħuhom,
bla ma jmissuhom, inkella jmutu. Dan li kellhom jagħmlu wlied Keħat, fil-ġarr
tat-tinda tal-laqgħa.
[Num:4:16] “Elgħażar bin Aron, il-qassis, għandu jieħu ħsieb iż-żejt
għall-mixegħla, l-inċens ifuħ, l-offerta ta' kuljum, u ż-żejt tal-konsagrazzjoni;
għandu jieħu ħsieb it-tabernaklu kollu, u kull ma kien hemm fih, bis-santwarju u
t-tagħmir kollu tiegħu.”
[Num:4:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u 'l Aron u qalilhom: [Num:4:18] “Tħallux
li n-nisel tal-familji tal-Keħatin jintemm minn nofs il-Leviti. [Num:4:19] Imma
biex jibqgħu ħajjin u ma jmutux meta jersqu lejn l-aktar ħwejjeġ qaddisa,
agħmlilhom hekk: L-ewwel jidħol Aron u wliedu, u lil kull wieħed jagħtuh ix-xogħol
tiegħu u jgħidulu x'għandu jġorr. [Num:4:20] Il-Keħatin stess ma għandhomx
jidħlu u jaraw, mqar għal waqt wieħed biss, is-santwarju: inkella jmutu.”
Ulied Gersun
[Num:4:21] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:4:22] “Għodd lil ulied Gersun
skond djar missirijiethom u l-familji tagħhom. [Num:4:23] Għodd lil dawk kollha
minn tletin sena 'l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz
fit-tinda tal-laqgħa. [Num:4:24] Dan li għandhom jagħmlu l-familji tal-Gersunin
fis-servizz u fil-ġarr: [Num:4:25] iġorru d-drapp tat-tabernaklu u t-tinda
tal-laqgħa, l-għata tal-ġild tad-denfil mifrux fuqu, il-velu fi dħul it-tinda
tal-laqgħat; [Num:4:26] id-drapp tal-bitħa, u l-purtiera tal-bieb tal-bitħa ta'
madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ventijiet, u t-tagħmir kollu għas-servizz
tagħhom; u jagħmlulhom kull ma jkun jenħtieġ.
[Num:4:27] “Is-servizz kollu tal-Gersunin, x'għandhom iġorru u x'għandhom
jagħmlu, ikun kollu taħt il-ħarsien ta' Aron u wliedu; intom tgħidulhom
x'għandhom jerfgħu biċċa biċċa. [Num:4:28] Dan hu xogħol il-familji ta' wlied
Gersun fit-tinda tal-laqgħa: taħt il-ħarsien ta' Itamar bin Aron, il-qassis.
Ulied Merari
[Num:4:29] “Għodd ukoll lil ulied Merari skond il-familji u djar missirijiethom;
[Num:4:30] tgħodd l-irġiel kollha minn tletin sena'l fuq sal-ħamsin, tajbin
għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa. [Num:4:31] U dan hu
x-xogħol tagħhom fil-ġarr u s-servizz fit-tinda tal-laqgħa; it-tavlar tat-tinda,
it-traversi, il-pilastri, l-imqagħad tagħhom; [Num:4:32] il-pilastri tal-bitħa
dawramejt bl-imqagħad tagħhom, l-imsiemer u l-ventijiet u t-tagħmir kollu
tagħhom għall-ħtiġiet tagħhom. Tgħidilhom b'isimhom il-ħwejjeġ kollha li
għandhom jieħdu ħsieb iġorru.
[Num:4:33] “Dan hu x-xogħol tal-familji ta' wlied Merari skond is-servizz
tagħhom fit-tinda tal-laqgħa, taħt il-ħarsien ta' Itamar bin Aron, il-qassis.”
Iċ-ċensiment tal-Leviti
[Num:4:34] Għaddew Mosè u Aron u l-prinċpijiet kollha tal-ġemgħa l-ulied
tal-Keħatin, skond il-familji u d-djar ta' missirijiethom; [Num:4:35] għaddew
lill-irġiel kollha minn tletin sena 'l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex
jidħlu jservu fit-tinda tal-laqgħa [Num:4:36] U l-għadd tagħhom skond il-familji
tagħhom kien ilaħħaq elfejn seba' mija u ħamsin ruħ. [Num:4:37] Dan hu l-għadd
tal-familji tal-Keħatin, li jservu fit-tinda tal-laqgħa, li għaddew Mosè u Aron
skond ma qalilhom il-Mulej permezz ta' Mosè.
[Num:4:38] U l-għadd ta' wlied Gersun skond il-familji tagħhom u djar
missirijiethom, [Num:4:39] minn tletin sena 'l fuq sal-ħamsin, tajbin
għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa, [Num:4:40] dan l-għadd
tagħhom skond il-familji tagħhom u djar missirijiethom kien elfejn u sitt mija u
tletin ruħ. [Num:4:41] Dan hu l-għadd tal-familji ta' Gersun, ta' dawk kollha li
jservu fit-tinda tal-laqgħa, li għaddew Mosè u Aron skond ma qalilhom il-Mulej.
[Num:4:42] U l-għadd tagħhom, ta' Merari, skond il-familji tagħhom u djar
missirijiethom, [Num:4:43] dawk kollha minn tletin sena 'l fuq sal-ħamsin,
tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa, [Num:4:44] l-għadd
tagħhom skond il-familji tagħhom kien tlett elef u mitejn ruħ. [Num:4:45] Dan hu
l-għadd ta' wlied Merari, li għaddew Mosè u Aron skond ma kien qalilhom il-Mulej
permezz ta' Mosè.
[Num:4:46] L-għadd kollu tal-Leviti li għaddew Mosè u Aron u l-prinċpijiet ta'
Iżrael, tal-Leviti skond il-familji tagħhom u djar missirijiethom, [Num:4:47]
minn tletin sena 'l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, ta' dawk kollha li
kellhom jersqu għax-xogħol tas-servizz jew għax-xogħol tal-ġarr tat-tinda
tal-laqgħa, [Num:4:48] l-għadd kien ilaħħaq tmint elef ħames mija u tmenin ruħ.
[Num:4:49] Ngħaddu minn Mosè skond ma kien ordna l-Mulej, wieħed wieħed skond
is-servizz u t-tagħbija tiegħu; ngħaddu minnu skond ma kien ordnalu l-Mulej.
5. Liġijiet oħra
[Num:5:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:5:2] “Għid lil ulied Iżrael
biex iwarrbu mill-kamp lil kull min għandu l-ġdiem, xi nxija jew tniġġes
minħabba xi mejjet. [Num:5:3] Warrab sew l-irġiel sew in-nisa, u oħroġhom 'il
barra mill-kamp, li ma jitniġġsux il-kampijiet li jiena ngħammar fosthom.”
[Num:5:4] U wlied Iżrael għamlu hekk, u bagħtuhom 'il barra mill-kamp, kif ordna
l-Mulej lil Mosè: hekk għamlu wlied Iżrael.
[Num:5:5] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:5:6] “Għid lil ulied Iżrael:
Raġel jew mara li jagħmel xi dnub ta' bniedem u jiksirha mal-Mulej, ikun ħati.
[Num:5:7] Jistqarr id-dnub li jkun għamel, iħallas għad-deni kollu u jżid miegħu
mill-ħamsa waħda u jagħtiha lil min hu jkun għamel id-deni. [Num:5:8] U jekk ma
jkollu dan ir-raġel l-ebda qarib bid-dritt tal-fidwa, biex jitħallas tal-ħsara,
ħlas il-ħsara jingħata lill-Mulej u jkun tal-qassis, barra mill-muntun tat-tpattija,
li bih ipatti għalih, u mbagħad jitlob il-maħfra. [Num:5:9] U kull offerta minn
kull ħaġa qaddisa mingħand ulied Iżrael, li jġibu lill-qassis, din tkun tiegħu.
[Num:5:10] Dak li wieħed joffri jkun tiegħu; imma dak li jingħata lill-qassis,
ikun tal-qassis.”
Il-prova ta' l-għira bl-ilma morr
[Num:5:11] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:5:12] “Kellem lil ulied
Iżrael u għidilhom: Jekk xi ħadd, li martu tiżbalja u tittradih [Num:5:13] billi
xi ħaddieħor ikollu x'jaqsam magħha, u jibqa' kollox mistur minn għajnejn żewġha,
u ma kien hemm ebda xhud kontriha, għax tkun tniġġset bil-moħbi, u ma nqabditx
fl-iżball; [Num:5:14] u mbagħad żewġha tiġih l-għira u jgħir għal martu, sew
jekk tkun tassew tniġġset sew jekk le, [Num:5:15] għandu jġibha quddiem
il-qassis. Iġib miegħu b'offerta għaliha, mill-għaxra waħda ta' efa xgħir, bla
ma jsawwab fuqha ebda żejt u anqas jixħet fuqha inċens, għax din hi offerta ta'
l-għira, offerta ta' tifkira, offerta biex tfakkar id-dnub.
[Num:5:16] “Il-qassis imbagħad iressaq il-mara u jqegħedha quddiem il-Mulej.
[Num:5:17] Jieħu mbagħad mill-ilma mqaddes f'bieqja tal-fuħħar u mit-trab ta'
l-art tat-tinda u jħalltu ma' l-ilma. [Num:5:18] Il-qassis imbagħad iġib u
jqiegħed il-mara quddiem il-Mulej, u jikxfilha rasha, u jagħtiha f'idejha l-offerta
tat-tifkira, l-offerta ta' l-għira; u f'id il-qassis jibqa' l-ilma morr
tas-saħta.
[Num:5:19] “Il-qassis imbagħad iġegħelha taħlef u jgħidilha: 'Jekk int ebda
raġel ma kellu x'jaqsam miegħek, u int ma tniġġistx, u ma twarrbatx minn żewġek,
dan l-ilma tas-saħta ma jagħmillek xejn. [Num:5:20] Jekk int tbegħedt minn
żewġek u tniġġist, u xi raġel ieħor minbarra żewġek qagħad miegħek'; [Num:5:21]
hawn il-qassis igiegħel lill-mara taħlef dan il-ġurament ta' saħta u jgħidilha:
'Jagħmel minnek il-Mulej eżempju fis-saħta u l-ħalfa f'nofs il-poplu tiegħek,
billi jwaqqagħlek kuxxtejk u jneffaħlek żaqqek. [Num:5:22] Ħa jidħol dan l-ilma
tas-saħta fil-ġewwieni tiegħek u jwaqqagħlek kuxxtejk u jneffaħlek żaqqek.' U l-mara
twieġeb: 'Amen. Amen.'
[Num:5:23] “Mbagħad il-qassis jikteb dawn is-saħtiet fuq folja, u jħassar
il-kitba fl-ilma morr, [Num:5:24] biex imbagħad jisqi l-mara l-ilma morr
tas-saħta u l-ilma jidħol fiha. [Num:5:25] Il-qassis jieħu minn id il-mara l-offerta
ta' l-għira, u jxejjirha quddiem il-Mulej u jressaqha fuq l-artal. [Num:5:26] U
l-qassis jieħu biċċa mill-offerta ta' tifkira u jaħraqha fuq l-artal; mbagħad
jisqi 'l-mara l-ilma. [Num:5:27] Jekk wara li jkun sqieha l-ilma, hija tkun
tniġġset u naqset lil żewġha, jidħol fiha l-ilma tas-saħta bl-imrar tiegħu kollu,
tintefaħ żaqqha u jaqgħu kuxxtejha; u l-mara tkun saħta fost il-poplu tagħha.
[Num:5:28] Imma jekk ma tkunx tniġġset, u tkun safja, ma jiġrilha xejn u jibqa'
jkollha tfal.
[Num:5:29] “Din hi l-liġi fil-każ ta' l-għira; sew jekk il-mara, li tkun taħt
is-setgħa ta' żewġha, titbiegħed minnu u titniġġes, [Num:5:30] u sew jekk
ir-raġel li ġietu l-għira u għer għal martu, iġibha quddiem il-Mulej, u l-qassis
jagħmlilha kull ma titlob din il-liġi. [Num:5:31] Hekk ir-raġel ma jieħu ebda
ħtija, imma l-mara titgħabba bil-piż ta' dnubha.”
6. Il-liġi tan-Nażrin
[Num:6:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:6:2] “Kellem lil ulied Iżrael
u għidilhom: Meta xi ħadd, raġel jew mara, jidħol għall-wegħda ta' nażir, billi
jagħti ruħu lill-Mulej, [Num:6:3] għandu jiċċaħħad mill-inbid u xorb qawwi; ma
jixrobx ħall ta' l-inbid jew ħall ta' xorb qawwi; anqas ma għandu jixrob l-għasir
ta' l-għeneb, anqas jiekol għeneb frisk jew imqadded.
[Num:6:4] “Kemm iddum il-wegħda ta' nażir, ma jiekol xejn minn dak li jsir mid-dielja,
jew li għandu mill-inbid, ibda mill-għeneb qares sal-qxur tiegħu.
[Num:6:5] “Kemm iddum il-wegħda ebda xafra ma għandha tgħaddi minn fuq rasu,
sakemm ma jintemmux il-jiem tal-konsagrazzjoni tiegħu lill-Mulej; iżomm ruħu
qaddis lill-Mulej, u jħalli dliel xagħru jikbru. [Num:6:6] Ma jersaq lejn ebda
mejjet, sakemm ikun ikkonsagrat lill-Mulej. [Num:6:7] Ma jitniġġisx la f'mewt
missieru, la f'mewt ommu, la f'mewt ħuh jew oħtu, għax ikollu fuq rasu l-wegħda
ta' nażir. [Num:6:8] Sakemm iddum il-wegħda ta' nażir, hu jkun ikkonsagrat
lill-Mulej.
[Num:6:9] “Jekk xi ħadd jaqa' mejjet ħdejh, u jmiss miegħu, u jniġġislu rasu ta'
nażir, hu għandu jqaxxar rasu f'jum il-purifikazzjoni tiegħu, iqaxxarha fis-seba'
jum. [Num:6:10] Fit-tmien jum, mbagħad, iġib żewġ gamimiet jew żewġt ifrieħ
tal-ħamiem għand il-qassis ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; [Num:6:11] u l-qassis
joffri wieħed għall-ħtija, u l-ieħor b'sagrifiċċju tal-ħruq, u jpattilu
għall-ħtija li jkun għamel minħabba l-mejjet, u dak in-nhar jikkonsagralu rasu
mill-ġdid. [Num:6:12] Jerġa' jikkonsagra ruħu lill-Mulej, u jtenni jiem
il-wegħda, u jġib ħaruf tas-sena b'sagrifiċċju għar-riparazzjoni; iż-żmien ta'
qabel ma jgħoddx, għax ikun kiser il-wegħda.
[Num:6:13] “Din hi l-liġi tan-nażir: Dak in-nhar li jintemm iż-żmien
tal-konsagrazzjoni tiegħu, jersaq lejn bieb it-tinda tal-laqgħa, [Num:6:14] u
jġib miegħu b'offerta lill-Mulej: ħaruf tas-sena bla difett bħala sagrifiċċju
tal-ħruq, u ħarufa tas-sena bla difett bħala sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u
muntun bla difett għas-sagrifiċċju tas-sliem; [Num:6:15] iġib ukoll qoffa ħobż
ażżmu, qoffa ħobż miblul fiż-żejt, u ftajjar ażżmi midluka biż-żejt, bl-offerta
tal-qmuħ u l-libazzjonijiet tagħhom. [Num:6:16] U l-qassis iressaqhom quddiem
il-Mulej, u joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq.
[Num:6:17] U hu joffri l-muntun b'sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej flimkien mal-qoffa
ta' l-ażżmu, u l-qassis joffri l-qmuħ u l-libazzjonijiet. [Num:6:18] In-nażir
imbagħad iqaxxar ir-ras ikkonsagrata tiegħu ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa,
jieħu x-xagħar ta' rasu kkonsagrat, u jixħtu fin-nar li jkun hemm jaqbad taħt
il-vittma tas-sagrifiċċju tas-sliem. [Num:6:19] U l-qassis jieħu l-ispalla
tal-muntun, meta tkun misjura, ftira ażżma mill-qoffa, u oħra ażżma rqiqa u
jqegħedhom f'idejn in-nażir, wara li jkun qarweż xagħru kkonsagrat. [Num:6:20]
Mbagħad il-qassis ixejjirhom u joffrihom lill-Mulej; is-sider u s-sieq li jkunu
offruti huma ħwejjeġ qaddisa li jmissu lill-qassis. Mbagħad in-nażir ikun jista'
jixrob l-inbid.
[Num:6:21] “Din hi l-liġi għan-nażir li jkun għamel il-wegħda. L-offerta tiegħu
lill-Mulej tkun skond il-wegħda ta' nażir, barra l-offerta li jkun jista'
jagħmel minn rajh. Għandu jagħmel skond il-liġi tal-konsagrazzjoni tiegħu bħala
nażir, u skond il-wegħda li jkun għamel.”
Il-barka tal-qassisin
[Num:6:22] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:6:23] “Kellem lil Aron u 'l
uliedu u għidilhom: 'Meta tbierku 'l ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom:
[Num:6:24] Ibierkek il-Mulej u jħarsek! [Num:6:25] Jixħet il-Mulej id-dija ta'
wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! [Num:6:26] Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u
jagħtik is-sliem!' [Num:6:27] Hekk huma jsejjħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena
nberikhom.”
7. Il-konsagrazzjoni ta' l-artal
[Num:7:1] Dakinhar li Mosè waqqaf it-tabernaklu, dilku u kkonsagrah, bit-tagħmir
kollu tiegħu, dilek u kkonsagra wkoll l-artal u t-tagħmir kollu tiegħu.
[Num:7:2] Il-prinċpijiet ta' Iżrael, il-kapijiet tal-familji ta' missirijiethom
- jiġifieri l-prinċpijiet tat-tribujiet, li ħadu ħsieb l-għadd tal-poplu -
ressqu [Num:7:3] u ġiebu l-offerti tagħhom quddiem il-Mulej: sitt karrijiet
mgħottija u tnax-il baqra: karru għal kull żewġ prinċpijiet, u baqra għal kull
wieħed, u ġibuhom quddiem it-tabernaklu.
[Num:7:4] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:7:5] “Ħudhom mingħandhom, biex
iservu għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u qassamhom lil-Leviti, lil kull
wieħed skond ix-xogħol tiegħu.”
[Num:7:6] U Mosè ħa l-karrijiet u l-baqar, u tahom lil-Leviti. [Num:7:7] Żewġ
karrijiet u erba' baqriet tahom lil ulied Gersun skond is-servizz tagħhom;
[Num:7:8] u erba' karrijiet u tmien baqriet tahom lil ulied Merari, skond is-servizz
tagħhom taħt it-tmexxija ta' Itamar bin Aron, il-qassis. [Num:7:9] U lil ulied
Keħat ma tahom xejn, għaliex huma kellhom jieħdu ħsieb it-tagħmir ikkonsagrat, u
jerfgħu kollox fuq spallejhom.
L-offerti tal-prinċpijiet
[Num:7:10] Meta kien midluk u kkonsagrat l-artal tas-sagrifiċċju, il-prinċpijiet
ġiebu l-offerta tagħhom; u ġiebu l-prinċpijiet l-għotja tagħhom quddiem l-artal.
[Num:7:11] U l-Mulej qal lil Mosè: “Il-prinċpijiet iressqu l-offerti tagħhom,
wieħed kull jum, għall-konsagrazzjoni ta' l-artal.”
[Num:7:12] Fl-ewwel jum ressaq l-offerta tiegħu Naħson bin Għamminadab mit-tribù
ta' Ġuda. [Num:7:13] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil
tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:14] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:15] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:16] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:17] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta
ta' Naħson bin Għamminadab.
[Num:7:18] Fit-tieni jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' Issakar, Natanjel
bin Sugħar. [Num:7:19] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil
tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:20] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:21] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:22] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:23] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Natanjel bin Sugħar.
[Num:7:24] Fit-tielet jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Żebulun,
Elijab bin Ħelon. [Num:7:25] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:26] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:27] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas- sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:28] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:29] u għas-sagrifiċċju tas-sliem;
żewġ baqriet, ħames imtaten, u ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din
kienet l-offerta ta' Elijab bin Ħelon.
[Num:7:30] Fir-raba' jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Ruben,
Elisur bin Sedewr. [Num:7:31] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqs kemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:32] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:33] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is- sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:34] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:35] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Elisur bin Sedewr.
[Num:7:36] Fil-ħames jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Simgħon,
Selumjel bin Surisaddaj. [Num:7:37] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin
xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju,
it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:38]
bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:39] għoġol,
muntun, ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:40] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:41] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Selumjel bin Surisaddaj.
[Num:7:42] Fis-sitt jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Gad, Eljasaf
bin Degħwel. [Num:7:43] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil
tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:44] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ;
[Num:7:45] għoġol, muntun, ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq;
[Num:7:46] bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:47] u
għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest
iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta' Eljasaf bin Degħwel.
[Num:7:48] Fis-seba' jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Efrajm,
Elisama bin Ġħammiħud. [Num:7:49] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:50] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:51] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:52] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:53] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Elisama bin Ġħammiħud.
[Num:7:54] Fit-tmien jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Manassi,
Gamaljel bin Pedaħsur. [Num:7:55] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:56] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:57] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:58] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:59] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Gamaljel bin Pedaħsur.
[Num:7:60] Fid-disa' jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Benjamin,
Abidan bin Gidegħoni. [Num:7:61] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:62] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:63] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:64] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:65] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Abidan bin Gidegħoni.
[Num:7:66] Fl-għaxar jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Dan,
Aħigħeżer bin Għammisaddaj. [Num:7:67] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin
xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju,
it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:68]
bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:69] għoġol,
muntun, ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:70] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:71] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Aħigħeżer bin Għammisaddaj. [Num:7:72] Fil-ħdax-il jum ressaq l-offerta
tiegħu l-prinċep ta' wlied Aser, Paggħijel bin Għokran. [Num:7:73] Ġieb platt
tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel
daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat
biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; [Num:7:74] bieqja tad-deheb tiżen għaxar
xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:75] għoġol, muntun, ħaruf ta' dik is-sena
għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:76] bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni;
[Num:7:77] u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames
bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta' Paggħijel bin Għokran.
[Num:7:78] Fit-tnax-il jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta' wlied Naftali,
Aħira bin Għenan. [Num:7:79] Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel;
baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju; it-tnejn
mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ: [Num:7:80] bieqja
tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; [Num:7:81] għoġol, muntun,
ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Num:7:82] bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:83] u għas-sagrifiċċju tas-sliem:
żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet
l-offerta ta' Aħira bin Għenan.
[Num:7:84] Dawn kienu l-offerti tal-prinċpijiet ta' Iżrael dak in-nhar li
kkonsagraw l-artal u żanżnuh; tnax-il platt tal-fidda, tnax-il baċil tal-fidda,
u tnax-il bieqja tad-deheb; [Num:7:85] kull platt tal-fidda kien jiżen mija u
tletin xekel; il-baċili tal-fidda kienu jiżnu sebgħin xekel kull wieħed; dawn
il-fided kollha kienu jiżnu elfejn u erba' mitt xekel tas-santwarju, [Num:7:86]
tnax-il bieqja tad-deheb mimlija bl-inċens ifuħ jiżnu għaxar xwiekel il-waħda
daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, b'kollox mija u għoxrin xekel; [Num:7:87]
baqar għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kien hemm: tnax-il għoġol, tnax-il
muntun, tnax-il ħaruf tas-sena bl-offerta tagħhom, tnax-il bodbod
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; [Num:7:88] baqar għas-sagrifiċċju tas-sliem,
erbgħa u għoxrin għoġol, sittin muntun, sittin bodbod u sittin ħaruf tas-sena.
Dawn kienu l-offerti meta kien ikkonsagrat l-artal u żżanżan. [Num:7:89] Meta
Mosè kien jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jitkellem mal-Mulej kien jisma' l-leħen
jitkellem minn fuq l-għatu ta' l-arka tax-xhieda miktuba, minn bejn il-kerubini;
u hekk kien ikellmu.
8. L-offerti tal-prinċpijiet
[Num:8:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:8:2] “Kellem lil Aron u għidlu:
Meta ttella' l-imsiebaħ, qis li s-seba' msiebaħ ikunu jiddu għal quddiem l-imnara.”
[Num:8:3] U Aron għamel hekk: tella' l-imsiebaħ u qegħedhom iħarsu lejn in-naħa
ta' quddiem ta' l-imnara kif ordna l-Mulej lil Mosè. [Num:8:4] L-imnara kienet
tad-deheb battut, il-bastun u l-friegħi kollox battut. Mosè għamel l-imnara fuq
il-mudell li wrieh il-Mulej.
[Num:8:5] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:8:6] “Ħu l-Leviti minn fost
ulied Iżrael, u naddafhom. [Num:8:7] U hekk għandek tagħmlilhom int u tnaddafhom:
roxx fuqhom l-ilma għall-purifikazzjoni mill-ħtija; u jgħaddi l-mus tal-leħja
minn fuq ġisimhom kollu, u jaħslu ħwejjiġhom u hekk ikunu ndaf. [Num:8:8]
Mbagħad jieħdu għoġol bl-offerta tal-qmuħ miegħu tas-smid imħallat biż-żejt, u
ħu għoġol ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Num:8:9] Ressaq imbagħad
il-Leviti quddiem it-tinda tal-laqgħa, u laqqa' l-miġemgħa kollha ta' wlied
Iżrael.
[Num:8:10] “U tressaq il-Leviti quddiem il-Mulej u wlied Iżrael iqiegħdu idejhom
fuq il-Leviti. [Num:8:11] U jressaq Aron, bħala offerta minn fost ulied Iżrael,
lil-Leviti quddiem il-Mulej, biex jibqgħu jagħmlu s-servizz tal-Mulej.
[Num:8:12] Il-Leviti jqiegħdu idejhom fuq ras l-għoġiela, mbagħad offrihom
wieħed sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u ieħor sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej
għall-maħfra tal-Leviti. [Num:8:13] Mbagħad tqiegħed il-Leviti quddiem Aron u
wliedu, u toffrihom u tressaqhom bħala offerta quddiem il-Mulej. [Num:8:14] U
hekk tagħżel il-Leviti minn fost ulied Iżrael, u l-Leviti jkunu tiegħi.
[Num:8:15] “U wara dan kollu l-Leviti jidħlu biex iservu fit-tinda tal-laqgħa.
Hekk inti tnaddafhom u tressaqhom bħala offerta, [Num:8:16] għaliex huma
mogħtija lili minn fost ulied Iżrael, minflok kull min jitwieled l-ewwel minn
mara; kull l-ewwel wild minn ulied Iżrael ħadtu jien għalija. [Num:8:17] Għax
tiegħi hu l-ewwel wild ta' wlied Iżrael, kemm jekk ikun bniedem, kemm bhima;
minn mindu qtilt l-ewwel ulied fl-art ta' l-Eġittu jien ikkonsagrajthom għalija;
[Num:8:18] u ħadt lil-Leviti minflok l-ulied ta' l-ewwel minn fost ulied Iżrael.
[Num:8:19] U tajt il-Leviti lil Aron u lil uliedu minn fost ulied Iżrael biex
iservu minflok ulied Iżrael fit-tinda tal-laqgħa, u jitolbu għall-maħfra ta'
wlied Iżrael; u ħadd ma jkun hemm minn ulied Iżrael li jindarab hu u jersaq lejn
is- santwarju.”
[Num:8:20] U Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha ta' Iżrael hekk għamlu mal-Leviti
skond ma ordnalhom jagħmlu magħhom il-Mulej. [Num:8:21] Il-Leviti nħaslu bl-ilma
tal-purifikazzjoni, ħaslu ħwejjiġhom, u Aron offriehom lill-Mulej u talab
il-maħfra għalihom biex inaddafhom.
[Num:8:22] Mbagħad il-Leviti daħlu biex jagħmlu s-servizz tagħhom fit-tinda
tal-laqgħa ħdejn Aron u wliedu. Mosè għamel magħhom skond ma ordnalu l-Mulej
dwar il-Leviti.
[Num:8:23] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:8:24] “Din hi l-liġi
tal-Leviti; minn ħamsa u għoxrin sena 'l fuq jidħlu għax-xogħol fis-servizz
tat-tinda tal-laqgħa; [Num:8:25] u mal-ħamsin sena jieqfu mix-xogħol fis-servizz
u ma jaħdmux aktar. [Num:8:26] Jista' wieħed jgħin lil ħutu huma u jagħmlu
l-għassa fit-tinda tal-laqgħa, imma ma jagħmilx xogħol. Hekk għandek tqassam
ix-xogħol tal-Leviti.”
9. Il-festa ta' l-Għid fis-Sinaj
[Num:9:1] Fit-tieni sena mill-ħruġ tagħhom mill-Eġittu, fl-ewwel xahar, kellem
il-Mulej lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u qallu: [Num:9:2] “Jagħmlu wlied Iżrael
l-Għid fi żmienu. [Num:9:3] Tagħmluh f'ħinu, fl-erbatax ta' dan ix-xahar bejn
inżul ix-xemx u d-dlam, tagħmluh skond il-liġijiet u r-riti tiegħu.” [Num:9:4]
Mosè qal lil ulied Iżrael biex jagħmlu l-Għid. [Num:9:5] U għamlu l-Għid
fl-erbatax ta' l-ewwel xahar, bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fid-deżert tas-Sinaj,
skond ma ordna l-Mulej lil Mosè; hekk għamlu wlied Iżrael.
[Num:9:6] Kien hemm xi nies li kienu mniġġsa minħabba bniedem mejjet, u ma
setgħux jagħmlu l-Għid dak in-nhar, u resqu ħdejn Mosè u Aron f'dak il-jum.
[Num:9:7] U dawn in-nies qalulu: “Aħna mniġġsa minħabba bniedem mejjet. Għaliex
għandna nkunu mċaħħdin milli noffru s-sagrifiċċju lill-Mulej f'waqtu ma' wlied
Iżrael?” [Num:9:8] U Mosè weġibhom: “Stennew biex nara x'jordna l-Mulej
dwarkom.” [Num:9:9] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:9:10] “Kellem lil
ulied Iżrael u għidilhom: Kull min ikun imniġġes minħabba mejjet jew ikun fi
vjaġġ 'il bogħod, intom jew ta' warajkom, għandu jagħmel l-Għid f'ġieħ il-Mulej.
[Num:9:11] Jagħmlu fit-tieni xahar, f'inżul ix-xemx, jieklu bil-ħobż ażżmu u
l-ħaxix morr. [Num:9:12] Ma jħallu xejn għal filgħodu, u ma jiksru ebda għadma
minnu. Jagħmlu kollox skond ir-rit ta' l-Għid. [Num:9:13] Iżda min ikun safi, u
ma jkunx fi vjaġġ 'il bogħod, u jibqa' ma jagħmilx l-Għid, jinqata' minn ma'
niesu għax ma jkunx ressaq l-offerta lill-Mulej f'waqtha; dan il-bniedem
jitgħabba bil-piż tal-ħtija tiegħu. [Num:9:14] Il-barrani li jkun jgħix magħkom,
jekk ikun irid, jagħmel l-Għid f'ġieħ il-Mulej skond ir-rit ta' l-Għid. Liġi
waħda, sew għall-barrani, sew għal wieħed mill-pajjiż.”
Is-sħaba tan-nar
[Num:9:15] Dak in-nhar li waqqfu t-tabernaklu, sħaba ksiet it-tinda tax-xhieda
miktuba, u fil-għaxija waqfet fuq it-tinda qisha nar sa fil-għodu. [Num:9:16] U
kienet dejjem hekk: binhar kienet tgħattiha sħaba, u billejl kienet tidher
bħan-nar. [Num:9:17] Kull meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tinda, minnufih
ulied Iżrael kienu jitilqu, u fejn kienet isserraħ is-sħaba, hemm kienu jieqfu
wlied Iżrael. [Num:9:18] Ulied Iżrael, mela, kienu jimxu meta jordnalhom
il-Mulej, u jieqfu meta jgħidilhom il-Mulej. U kemm kienet iddum wieqfa s-sħaba
fuq it-tinda, daqshekk ieħor kienu jdumu wieqfa. [Num:9:19] Sakemm is-sħaba
kienet iddum fuq it-tinda, ulied Iżrael kienu jħarsu l-liġi tal-Mulej, u ma
jiċċaqilqux. [Num:9:20] Ġieli s-sħaba kienet iddum fuq it-tinda għal ftit jiem;
skond ma kien jgħidilhom il-Mulej kienu jieqfu, u skond ma kien jordnalhom
il-Mulej kienu jimxu. [Num:9:21] Ximindaqqiet kien jiġri li s-sħaba kienet iddum
wieqfa minn filgħaxija sa filgħodu; kienet togħla fil-għodu, u huma kienu
jiċċaqilqu; jew inkella ġieli kienet tieqaf jum u lejl, mbagħad kienet terġa'
togħla, u huma kienu jiċċaqilqu. [Num:9:22] Mqar jekk is-sħaba kienet iddum
wieqfa fuq it-tinda jumejn, xahar, jew sena, kienu jieqfu wkoll ulied Iżrael, u
ma kinux jiċċaqilqu; imma meta kienet tintrefa' kienu jitilqu. [Num:9:23]
Għall-kelma tal-Mulej kienu jieqfu, u għall-kelma tiegħu kienu jiċċaqilqu; kienu
jħarsu t-twissijiet tal-Mulej li kien jagħtihom permezz ta' Mosè.
10. It-trombi tal-fidda
[Num:10:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:10:2] “Agħmel żewġ trombi
tal-fidda, tagħmilhom tal-metall battut, bihom issejjaħ il-ġemgħa, u biex
jerfgħu l-kamp. [Num:10:3] Meta ddoqquhom it-tnejn, tinġema' quddiemek il-ġemgħa
kollha ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; [Num:10:4] u meta ddoqqu b'waħda
jinġemgħu ħdejk il-prinċpijiet, il-kapijiet ta' l-eluf ta' Iżrael. [Num:10:5]
Meta ddoqquhom u jżarżru, jerfgħu l-kamp dawk tan-naħa tal-lvant; [Num:10:6]
meta ddoqquhom għat-tieni darba jerfgħu l-kamp dawk tan-naħa tan-nofsinhar. Mela
d-daqq biż-żarżir ikun sinjal biex titilqu, [Num:10:7] u d-daqq bla żarżir biex
tlaqqgħu l-ġemgħa.
[Num:10:8] “Idoqqu t-trombi wlied Aron, il-qassisin, u din tkun għalikom liġi
għal dejjem minn nisel għal nisel. [Num:10:9] Meta toħorġu għall-gwerra
f'pajjiżkom kontra l-għadu li jaħbat għalikom, iddoqqu t-trombi biż-żarżir, u
l-Mulej, Alla tagħkom, jiftakar fikom, u jeħliskom mill-għedewwa tagħkom.
[Num:10:10] U fil-jiem tal-ferħ u l-laqgħat tagħkom, fil-festi ta' l-ewwel
tax-xahar, iddoqqu t-trombi intom u toffru s-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom, u
toffru s-sagrifiċċji tas-sliem, u Alla tagħkom jiftakar fikom. Jiena l-Mulej,
Alla tagħkom.”
It-tluq mis-Sinaj
[Num:10:11] Fit-tieni sena, fit-tieni xahar, fl-għoxrin tax-xahar, is-sħaba
għoliet minn fuq it-tinda tax-xhieda miktuba. [Num:10:12] Ulied Iżrael telqu
għal triqthom mid-deżert tas-Sinaj, u s-sħaba waqfet fid-deżert ta' Faran.
[Num:10:13] Bdew jitilqu skond ma qalilhom il-Mulej permezz ta' Mosè.
[Num:10:14] L-ewwel ma refgħu l-istendard kienu wlied Ġuda bil-qtajja' tagħhom.
Il-kap tal-qatgħa tagħhom kien Naħson bin Għamminadab; [Num:10:15] fuq il-qatgħa
ta' wlied Issakar kien hemm Natanjel bin Sugħar; [Num:10:16] fuq il-qatgħa
tat-tribù ta' Żebulun kien hemm Elijab bin Ħelon. [Num:10:17] U żarmaw
it-tabernaklu, refgħuh u telqu bih ulied Gersun u wlied Merari. [Num:10:18]
Telaq imbagħad l-istendard tal-kamp ta' Ruben, skond il-qtajja' tagħhom, u kien
hemm kap tal-qatgħa tagħhom Elisur bin Sedewr. [Num:10:19] U fuq it-tribù ta'
wlied Simgħon kien hemm Salamjel bin Surisaddaj. [Num:10:20] U fuq il-qatgħa
tat-tribù ta' wlied Gad kien hemm Eljasaf bin Degħwel. [Num:10:21] Warajhom
telqu l-Keħatin iġorru t-tagħmir imqaddes, b'mod li sa ma jaslu l-oħrajn ikunu
waqqfu t-tabernaklu.
[Num:10:22] Mbagħad refgħu l-istendard ulied Efrajm skond il-qtajja' tagħhom; u
fuq il-qatgħa tagħhom kien hemm Elisama bin Ġħammiħud. [Num:10:23] U fuq
it-tribù ta' wlied Manassi kien hemm Gamaljel bin Pedaħsur. [Num:10:24] U fuq
il-qatgħa tat-tribù ta' Benjamin kien hemm Abidan bin Gidegħoni.
[Num:10:25] Mbagħad wara l-kampijiet kollha mexa l-istendard tal-kamp ta' wlied
Dan bil-qtajja' kollha tagħhom, u fuq il-qatgħa tagħhom kien hemm Aħigħeżer bin
Għammisaddaj. [Num:10:26] Fuq il-qatgħa tat-tribù ta' wlied Aser kien hemm
Paggħijel bin Għokran. [Num:10:27] U fuq il-qatgħa tat-tribù ta' wlied Naftali
kien hemm Aħira bin Għenan. [Num:10:28] U mxew ulied Iżrael skond dan it-taqsim
bil-qtajja' kollha tagħhom.
[Num:10:29] U Mosè kellem lil Ħobab bin Regħwel, ħatnu l-Midjanita, u qallu:
“Aħna se nitilqu lejn il-post li l-Mulej qalilna: 'Nagħtihulkom'. Ejja magħna u
aħna nagħmlulek il-ġid għax il-Mulej wiegħed ir-riżq lil Iżrael.” [Num:10:30] U
wieġeb: “Le, ma niġix, iżda mmur lejn pajjiżi u art twelidi.” [Num:10:31] U Mosè
qallu: “La titlaqniex, għax inti taf fejn nistgħu nieqfu fid-deżert, u tkun
għalina ta' gwida. [Num:10:32] U jekk tiġi magħna, aħna naqsmu miegħek il-ġid
kollu li l-Mulej jagħmel magħna.”
[Num:10:33] Mbagħad telqu minn ħdejn il-muntanja tal-Mulej, u damu miexja tlitt
ijiem, u l-arka tal-patt tal-Mulej telqet tlitt ijiem mixi qabilhom biex
issibilhom post għall-kamp. [Num:10:34] U s-sħaba tal-Mulej kienet fuqhom binhar
kull meta kienu jitilqu mill-kamp.
[Num:10:35] Kull meta kienet tiċċaqlaq l-arka Mosè kien jgħid:
“Qum, Jahweh,
u jixterdu l-għedewwa tiegħek!
u jaħirbu minn quddiemek
dawk li jobogħduk!”
[Num:10:36] U meta kienet tieqaf: “Strieħ, Mulej,
fost l-eluf
u l-eluf ta' Iżrael.”
11. It-tgemgim tal-poplu
[Num:11:1] Ġara li l-poplu beda jgemgem u jsemma' l-ilmenti tiegħu lill-Mulej. U
l-Mulej semagħhom, u xegħel bil-qilla, u bagħtilhom in-nar, u ħarqilhom it-truf
tal-kamp. [Num:11:2] U l-poplu għajjat lil Mosè, u dan talab għalihom
lill-Mulej, u n-nar intefa. [Num:11:3] U dak il-post semmewh Tabgħera għax qabad
ġo nofshom nar il-Mulej.
Il-manna
[Num:11:4] U dik il-qabda nies li kienet magħhom kienet mikluba għall-ikel, u
wlied Iżrael ukoll bdew jibku u jgħidu: “Min se jitmagħna l-laħam? [Num:11:5]
Niftakru l-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b'xejn; il-ħjar, il-bettieħ, il-kurrat,
il-basal, u t-tewm. [Num:11:6] U issa bil-ġuħ; għajnejna ma jarawx ħlief
il-manna.” [Num:11:7] U l-manna kienet tixbaħ iż-żerriegħa tal-kożbor, u lewn
ir-raża. [Num:11:8] Il-poplu kien jixtered jiġborha, u jlaqqtuha, u mbagħad
jitħnuha bil-mitħna, jew jisħquha fil-mehrież. Kienu jsajjruha fil-borma u
jagħmluha ftajjar; u t-togħma tagħha kienet bħal ta' l-għaġina maħduma biż-żejt.
[Num:11:9] U meta billejl kienet taqa' n-nida fuq il-kamp, kienet taqa' magħha
l-manna wkoll.
[Num:11:10] Mosè sama' l-poplu jibki, familja familja, kulħadd f'bieb it-tinda
tiegħu. Il-Mulej xegħel b'qilla kbira, u Mosè inkwieta. [Num:11:11] U Mosè
staqsa lill-Mulej: “Għala inkwetajt il-qaddej tiegħek? Jaqaw ma sibtx grazzja
quddiemek, biex għabbejtni bil-piż ta' dan il-poplu? [Num:11:12] Forsi jien ġibt
f'ġufi dan il-poplu kollu? Forsi wellidtu jien biex tgħidli: Ġorru fi ħdanek
bħalma l-imraddgħa ġġorr tarbija fi ħdanha, sakemm twasslu fl-art li int ħlift
li tagħtiha lil missirijiethom? [Num:11:13] Mnejn se nġib jien il-laħam biex
nagħtih lill-poplu kollu, li qegħdin jibkuli u jgħiduli: 'Agħtina laħam
x'nieklu.' [Num:11:14] Ma niflaħx jien waħdi l-piż ta' dan il-poplu kollu; tqil
wisq għalija! [Num:11:15] Jekk int se timxi hekk miegħi, oqtolni, jekk sibt
grazzja quddiemek, u ma narax id-deni tiegħi.”
[Num:11:16] U l-Mulej qal lil Mosè: “Iġborli sebgħin mill-anzjani ta' Iżrael li
int taf li huma xjuħ u għandhom il-ħila li jiggvernaw, u laqqagħhom fit-tinda
tal-laqgħa, u hemm joqogħdu miegħek. [Num:11:17] U jien ninżel u nitkellem
miegħek hemmhekk, u nieħu mill-ispirtu li hemm fik, u nqiegħdu fihom, u huma
jaqsmu miegħek il-piż ta' dan il-poplu, u ma terfgħux int waħdek.
[Num:11:18] “Mbagħad tgħid lill-poplu: Tqaddsu għall-għada, u intom tieklu
l-laħam, għaliex il-biki tagħkom wasal f'widnejn il-Mulej meta intom għedtu: Min
se jitmagħna l-laħam? Kemm konna sewwa fl-Eġittu! Il-Mulej se jagħtikom laħam
x'tieklu. [Num:11:19] Ma jkollkomx x'tieklu għal jum wieħed, anqas għal jumejn,
anqas għal ħamsa, anqas għal għaxra, u anqas għal għoxrin biss, [Num:11:20] imma
għal xahar sħiħ, sakemm joħroġ minn imnifsejkom u jdardarkom, għax stmellejtu
lill-Mulej li qiegħed f'nofskom, u bkejtu quddiemu u għedtu: 'Għalfejn ħariġna
mill-Eġittu?’ ”
[Num:11:21] U Mosè wieġeb: “Sitt mitt elf raġel fih dan il-poplu li jien ġo
nofsu! U inti tgħidli, 'Agħtihom jieklu l-laħam għal xahar sħiħ!' [Num:11:22] Se
jkun biżżejjed għalihom jekk noqtlu n-nagħaġ u l-baqar? Jekk niġbru l-ħut kollu
tal-baħar ikun biżżejjed?” [Num:11:23] U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Jaqaw ma
tlaħħaqx id il-Mulej; issa tara jekk isseħħlekx il-kelma tiegħi.” [Num:11:24] U
Mosè ħareġ, u kellem lill-poplu u qalilhom kliem il-Mulej, u ġabar is-sebgħin
raġel mill-anzjani tal-poplu u qegħedhom madwar it-tinda. [Num:11:25] Il-Mulej
niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih, u tah
lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew
jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx. [Num:11:26] Issa fil-kamp kien baqa' żewġt
irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk
dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew
jipprofetizzaw fil-kamp. [Num:11:27] Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b'dan
lil Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp.” [Num:11:28]
U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta' Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè,
tħallihomx aktar.” [Num:11:29] Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba
fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed
fuqhom l-ispirtu tiegħu!” [Num:11:30] Mbagħad Mosè nġabar fil-kamp, hu u x-xjuħ
ta' Iżrael.
[Num:11:31] U l-Mulej qajjem riħ, li ġarr quddiemu s-summien mill-baħar lejn
il-kamp u xerridhom mal-kamp fuq medda ta' jum mixi minn naħa u medda ta' jum
mixi min-naħa l-oħra, dawramejt, f'għoli ta' dirgħajn minn fuq wiċċ l-art.
[Num:11:32] U l-poplu għadda l-jum sħiħ u l-lejl kollu u l-għada kollu jiġbor
is-summien, u l-inqas li wieħed ġabar kien għaxart igzuz. Mbagħad ferrxuhom
madwar il-kamp.
[Num:11:33] Kien għad għandhom il-laħam bejn snienhom, u anqas kienu għadhom
kiluh, meta l-Mulej inkorla għall-poplu u laqtu b'qerda kbira. [Num:11:34] U
semmew dak il-post: Kibrotħattawa, għaliex hemm difnu 'l dawk li mietu
bil-klubija li kellhom għall-ikel. [Num:11:35] Mbagħad il-poplu telaq minn
Kibrotħattawa għal Ħaserot u waqaf hemm.
12. Mirjam u Aron kontra Mosè
[Num:12:1] Mirjam u Aron gergru kontra Mosè minħabba l-mara minn Kus, għax kien
ħa b'martu waħda minn Kus. [Num:12:2] U huma qalu: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss
kellem? Ma kellimx lilna wkoll?” U l-Mulej semagħhom.
[Num:12:3] Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ
l-art. [Num:12:4] U l-Mulej minnufih qal lil Mosè, lil Aron u lil Mirjam:
“Oħorġu t-tlieta li intom lejn it-tinda tal-laqgħa.” U ħarġu t-tlieta li kienu.
[Num:12:5] U niżel il-Mulej fil-kolonna tas-sħab, u qagħad fil-bieb tat-tinda u
sejjaħ lil Aron u lil Mirjam, u resqu t-tnejn, [Num:12:6] u qalilhom:
“Isimgħu kliemi:
Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta,
Jiena l-Mulej nidhirlu f'viżjoni,
u nkellmu fil-ħolm.
[Num:12:7] Mhux hekk ma' Mosè il-qaddej tiegħi,
il-bniedem li fdajtlu dari.
[Num:12:8] Jien inkellmu wiċċ imbwiċċ;
inkellmu mhux bix-xbihat
imma bid-dieher;
u jara s-sura tal-Mulej.
Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra Mosѐ, il-qaddej tiegħi?”
[Num:12:9] U l-Mulej xegħel bil-qilla għalihom, u telaq.
[Num:12:10] Kienet għadha anqas biss telgħet is-sħaba minn fuq it-tinda, meta
Mirjam inksiet bil-ġdiem, bajda bħas-silġ; Aron ħares lejn Mirjam, u raha kollha
ġdiem. U Aron qal lil Mosè: [Num:12:11] “Nitolbok, ja sidi, la tħalliniex
nitgħabbew bil-piż tad-dnub, li aħna tbellahna biex għamilna. [Num:12:12]
Tħallihiex qisha xi ħaġa mwielda mejta minn ġuf ommha, b'ġisimha nofsu
mittiekel.”
[Num:12:13] U Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “O Alla nitolbok, fejjaqha.”
[Num:12:14] U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Li kieku missierha beżqilha f'wiċċha, ma
kinetx tibqa' mriegħxa bil-mistħija għal sebat ijiem? Mela ħalli tingħalaq għal
sebat ijiem barra l-kamp, mbagħad terġgħu tilqgħuha f'nofskom.” [Num:12:15]
Għalhekk Mirjam ingħalqet barra l-kamp għal sebat ijiem, u l-poplu ma ċċaqlaqx
qabel ma reġgħet inġiebet lura.
[Num:12:16] Mbagħad il-poplu telaq minn Ħaserot u waqqfu l-kamp fid-deżert ta'
Faran.
13. L-ispiji f'art Kangħan
[Num:13:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:13:2] “Ibgħat xi rġiel
jitkixxfu l-art ta' Kangħan li jien se nagħti lil ulied Iżrael. Ibgħat wieħed
minn kull tribù ta' missirijiethom. Lkoll mill-kapijiet fosthom.” [Num:13:3] U
Mosè bagħathom mid-deżert ta' Faran, skond ma qallu l-Mulej, kollha nies li
kienu kapijiet ta' wlied Iżrael. [Num:13:4] Dawn kienu ismijiethom:
Sammugħha bin Żakkur mit-tribù ta’ Ruben; [Num:13:5] Safat bin Ħori mit-tribù
ta' Simgħon; [Num:13:6] Kaleb bin Ġefunni mit-tribù ta' Ġuda: [Num:13:7] Igal
bin Ġużeppi mit-tribù ta' Issakar; [Num:13:8] Ħosegħa bin Nun mit-tribù ta'
Efrajm; [Num:13:9] Palti bin Rafu mit-tribù ta' Benjamin; [Num:13:10] Gaddijel
bin Sudi mit-tribù ta' Żebulun; [Num:13:11] Gaddi bin Susi mit-tribù ta' Manassi
minn nisel Ġużeppi; [Num:13:12] Għammijel bin Gemalli mit-tribù ta' Dan;
[Num:13:13] Settur bin Mikiel mit-tribù ta' Aser; [Num:13:14] Naħbi bin Vofsi
mit-tribù ta' Naftali; [Num:13:15] Gewel bin Maki mit-tribù ta' Gad.
[Num:13:16] Dawn huma l-ismijiet ta' dawk li Mosè bagħat jitkixxfu l-art; u lil
Ħosegħa bin Nun, Mosè semmieh Ġożwѐ.
[Num:13:17] Mosè bagħathom jitkixxfu l-art ta' Kangħan u qalilhom: “Itilgħu
min-Negeb, u itilgħu qalb l-għoljiet. [Num:13:18] Araw l-art x'inhi u n-nies li
jgħammru fiha; jekk humiex f'saħħithom jew dgħajfa; jekk humiex ftit jew ħafna;
[Num:13:19] jekk l-art li jgħammru hijiex art tajba jew ħażina; u liema huma
l-ibliet li jgħixu fihom; humiex miftuħa jew magħluqa bis-swar; [Num:13:20] jekk
l-art hijiex għammiela jew ħawlija; fihiex siġar jew le. Agħmlu l-ħila u ħudu
mill-frott ta' l-art.” Kien żmien il-bikri ta' l-għeneb.
[Num:13:21] U telgħu u tkixxfu l-art, mid-deżert ta' Sin sa Reħob, in-naħa
tad-daħla ta' Ħamat. [Num:13:22] Telgħu min-Negeb u waslu sa Ħebron, fejn kienu
Aħiman, Sesaj, Talmaj, ulied Għanak. Ħebron kienet inbniet seba' snin qabel
Sogħan fl-Eġittu. [Num:13:23] Meta waslu fil-wied ta' Eskol, qatgħu minn hemm
fergħa b'għanqud għeneb, u refgħuh fuq lasta bejn tnejn; qatgħu wkoll ir-rummien
u t-tin. [Num:13:24] U l-post sejjħulu Naħal-eskol, b'tifkira ta' l-għanqud li
qatgħu minn hemm ulied Iżrael.
[Num:13:25] Reġgħu lura mit-tkixxif ta' l-art wara erbgħin jum. [Num:13:26]
Malli waslu marru għand Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha ta' Iżrael fid-deżert ta'
Faran f'Kades. U qalulhom b'kollox, lilhom u lill-ġemgħa kollha ta' Iżrael, u
wrewhom il-frott ta' l-art. [Num:13:27] Irrakkuntawlu kull ma raw, u qalu:
“Morna fl-art li intom bgħattuna nitkixxfu, u tassew tnixxi ħalib u għasel; u
dan hu l-frott tagħha; [Num:13:28] iżda n-nies li joqogħdu fiha huma nies ta'
saħħa, u l-ibliet magħluqa bis-swar u kbar ħafna. Hemm rajna 'l ulied Għanak;
[Num:13:29] l-Għamalekin li jgħammru fin-Negeb; il-Ħittin, il-Ġebusin, l-Amurrin
li jgħammru fuq l-għoljiet; u l-Kangħanin li jgħammru n-naħa tal-baħar u
max-xtut tal-Ġordan.”
[Num:13:30] Kaleb sikket il-poplu quddiem Mosè u qalilhom: “Infittxu nitilgħu, u
neħduha f'idejna. Nistgħu nirbħuha għax nifilħu għaliha.” [Num:13:31] U l-irġiel
li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux naħbtu għal poplu jiflaħ aktar minna.”
[Num:13:32] U xerrdu xniegħa ħażina fuq l-art li marru jitkixxfu lil ulied
Iżrael, u qalulhom: “L-art, li dħalna fiha biex nitkixxfuha, tibla' lil kull min
imur jgħammar fiha, u l-popli kollha li rajna f'nofsha huma razza ta' nies twal.
[Num:13:33] Hemm rajna l-ġganti [ulied Għanak ġejjin mill-ġganti] u ħassejna
ruħna bħal gradijiet u hekk deherna aħna f'għajnejhom.”
14. Ir-rewwixta
[Num:14:1] U l-ġemgħa kollha ta' Iżrael refgħet leħinha u nfexxet tgħajjat; u
l-poplu għadda dak il-lejl jibki.
[Num:14:2] L-Iżraelin kollha gemgmu kontra Mosè u Aron, u l-miġemgħa kollha
qaltilhom: “M'hux li mitna fl-art ta' l-Eġittu! Jew f'dan id-deżert! [Num:14:3]
Għalfejn se jdaħħalna l-Mulej f'dan il-pajjiż, biex ninqerdu bix-xabla? In-nisa
tagħna u wliedna se jeħduhomlna bi priża. Ma jkunx aħjar għalina li nerġgħu lura
lejn l-Eġittu?” [Num:14:4] U qalu lil xulxin: “Nagħżlu mexxej, u nerġgħu lura
lejn l-Eġittu!”
[Num:14:5] Mbagħad Mosè u Aron intefgħu wiċċhom fl-art quddiem il-miġemgħa
kollha ta' wlied Iżrael.
[Num:14:6] U Gożwè bin Nun, u Kaleb bin Ġefunni, li kienu fost dawk li marru
jitkixxfu l-pajjiż, ċarrtu ħwejjiġhom, [Num:14:7] u kellmu lill-miġemgħa kollha
ta' wlied Iżraelu qalulhom: [Num:14:8] “Il-pajjiż, li aħna morna nitkixxfuh, hu
art tajba bil-bosta. Jekk jiffavorina l-Mulej żgur li jdaħħalna f'din l-art, u
jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel. [Num:14:9] Biss la teħduhiex
kontra l-Mulej, u la tibżgħux mill-poplu tal-pajjiż, għax bħall-ħobż nikluhom,
ħilithom tħallihom. Il-Mulej magħna, la tibżgħux minnhom.”
Il-korla tal-Mulej
[Num:14:10] Imma l-ġemgħa kollha wieġbet billi riedet tħaġġarhom. Iżda l-glorja
tal-Mulej dehret fuq it-tinda tal-laqgħa quddiem ulied Iżrael kollha.
[Num:14:11] U l-Mulej qal lil Mosè: “Kemm se jdum jeħodha kontra tiegħi dan
il-poplu! Kemm se jdumu ma jafdawx fija, minkejja s-sinjali li għamilt
f'nofshom? [Num:14:12] Nidrobhom bil-pesta; noħroġhom mill-wirt, u nagħmel
minnek ġens kbir u b'saħħtu aktar minnhom.”
[Num:14:13] U Mosè qal lill-Mulej: “Jekk jisimgħu b'dan l-Eġizzjani, xi jgħidu
wara li int ħriġt lil dan il-poplu bil-qawwa tiegħek minn ġo nofshom?
[Num:14:14] U n-nies ukoll, li jgħammru f'din l-art, semgħu li inti qiegħed
f'nofs dan il-poplu, li jarak wiċċ imbwiċċ u li s-sħaba tiegħek qiegħda fuqu, u
li inti timxi quddiemu f'kolonna ta' sħab binhar u f'kolonna tan-nar billejl.
[Num:14:15] Jekk int toqtolhom f'daqqa bħal bniedem wieħed, il-ġnus li semgħu
b'aħbarek jgħidu: [Num:14:16] 'Il-Mulej ma għandux ħila jwassal lil dan il-poplu
fl-art li wegħedhom, u għalhekk qeridhom fid-deżert.' [Num:14:17] U issa, Sidi,
ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek bħalma tkellimt u għedt: [Num:14:18]
'Il-Mulej tqil biex jinkorla, u kbir fit-tjieba; jaħfer il-ħażen u d-dnub,
għalkemm ma jħallihx bla kastig, u jikkastiga dnub il-missirijiet f'uliedhom
sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni.' [Num:14:19] Aħfer, mela, nitolbok, il-ħażen
ta' dan il-poplu, skond il-kobor tat-tjieba tiegħek, bħalma ssaportejtu
mill-Eġittu sa hawn.”
Il-kastig
[Num:14:20] Il-Mulej wieġbu: “Jien naħfer skond kliemek. [Num:14:21] Imma daqs
kemm hu minnu li jien ħaj u l-art timtela bil-glorja tal-Mulej, [Num:14:22]
daqshekk ieħor in-nies kollha li raw il-glorja tiegħi u s-sinjali li għamilt
fl-Eġittu u d-deżert, u li għaxar darbiet ġarrbuni u ma semgħux kliemi,
[Num:14:23] ħadd minn dawk kollha li ħaduha kontra tiegħi ma jara l-art li jien
wegħedt lil missirijiethom; [Num:14:24] imma l-qaddej tiegħi Kaleb, li kellu
spirtu ieħor fih minn dak tal-poplu tiegħu, u mexa għalkollox warajja, nwasslu
fl-art li mar fiha u jiritha n-nisel tiegħu. [Num:14:25] Ħalli jibqgħu jgħammru
fil-wied l-Għamalekin u l-Kangħanin; imma għada intom dawwru wiċċkom u erġgħu
lura lejn id-deżert mit-triq tal-Baħar tal-Qasab.”
[Num:14:26] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Num:14:27] “Kemm
se ddum din il-ġemgħa ħażina tgemgem kontrija? Jien smajt it-tgemgim ta' wlied
Iżrael kontra tiegħi. [Num:14:28] Għidilhom: “Daqs kemm jien ħaj - l-oraklu
tal-Mulej - nagħmlilkom kif għedtuli f'widnejja. [Num:14:29] F'dan id-deżert
jaqgħu l-katavri tagħkom, intom ilkoll li kontu magħdudin minn għoxrin sena 'l
fuq, li gemgimtu kontra tiegħi. [Num:14:30] Ma tidħlux fl-art li jien erfajt idi
u ħlift li nserraħkom fiha, ħlief Kaleb bin Ġefunni u Ġożwè bin Nun. [Num:14:31]
U t-tfal iż-żgħar tagħkom, li intom ħsibtu li se jeħodhomlkom ħaddieħor bi
priża, ndaħħalhom fl-art li intom stmellejtuha, u jgawduha huma. [Num:14:32] U
l-iġsma tagħkom jaqgħu mejta f'dan id-deżert. [Num:14:33] U wliedkom jibqgħu
jiġġerrew fid-deżert għal erbgħin sena, u jħallsu l-ħtija ta' l-infedeltà
tagħkom sakemm jintemmu l-katavri tagħkom fid-deżert. [Num:14:34] Iġġorru fuq
spallejkom il-kastig ta' ħtijietkom għal erbgħin sena, sena għal kull jum li
domtu titkixxfu l-art. Hekk tkunu tafu li stmellejtkom. [Num:14:35] Jiena,
il-Mulej, tkellimt: hekk nagħmel lil din iċ-ċorma nies ħżiena li ftiehmu kontra
tiegħi. Jintemmu fid-deżert, u hemm imutu.”
[Num:14:36] U l-irġiel li Mosè kien bagħat jitkixxfu l-art, u meta reġgħu lura
xewwxu l-ġemgħa kollha kontrih billi xerrdu xniegħa kontra din l-art,
[Num:14:37] dawn l-irġiel li ħarġu x-xniegħa ħażina fuq l-art, mietu midruba
quddiem il-Mulej. [Num:14:38] Minn fost in-nies li marru jitkixxfu l-art baqgħu
ħajjin biss Gożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunni.
It-telfa ta' Iżrael
[Num:14:39] Mosè għarraf b'dan kollu lil ulied Iżrael, u l-poplu għela
għall-aħħar. [Num:14:40] U qamu fil-għodu kmieni, u telgħu fuq il-quċċata
tal-muntanja, u bdew jgħidu: “Hawn aħna, dnibna; nitilgħu lejn il-post li
l-Mulej qalilna.” [Num:14:41] U Mosè qalilhom: “Għala se tiksru l-ordni
tal-Mulej? Xejn ma jiswielkom. [Num:14:42] Titilgħux, għaliex il-Mulej m'hux
f'nofskom, li ma jmorrux jegħlbukom l-għedewwa tagħkom. [Num:14:43] Għaliex hemm
l-Għamalekin u l-Kangħanin kontra tagħkom, u jeqirdukom bix-xabla għax intom
erġajtu lura mill-Mulej, u issa l-Mulej m'hux magħkom.”
[Num:14:44] Iżda huma webbsu rashom u baqgħu telgħin fuq il-muntanja; imma
l-arka tal-patt tal-Mulej u Mosè ma ċċaqilqux mill-kamp. [Num:14:45] U niżlu
l-Għamalekin u l-Kangħanin li kienu joqogħdu fuq il-muntanja, darbuhom u
farrkuhom sa Ħorma.
15. L-offerti u s-sagrifiċċji
[Num:15:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:15:2] “Kellem lil ulied Iżrael
u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li se nagħtikom biex toqogħdu fiha, [Num:15:3]
intom tagħmlu offerti bil-ħruq quddiem il-Mulej; sagrifiċċju tal-ħruq, jew
sagrifiċċju b'wegħda jew xi offerta minn rajkom jew fil-festi tagħkom; meta
toffru sagrifiċċju, b'riħa tfuħ, mill-baqar jew min-nagħaġ, [Num:15:4] min
iressaq l-offerta quddiem il-Mulej għandu joffri l-għaxar waħda ta' efa smid
imħallat bi kwart ta' ħinn żejt. [Num:15:5] Meta toffri sagrifiċċju tal-ħruq jew
sagrifiċċju ieħor iżżid kwart ta' ħinn inbid għal-libazzjoni ma' kull ħaruf;
[Num:15:6] u ma' kull muntun toffri tnejn minn għaxra ta' smid imħallat ma'
waħda minn tlieta ta' ħinn żejt; [Num:15:7] u żżid waħda minn tlieta ta' ħinn
inbid għal-libazzjoni. Hekk toffri riħa li tgħaxxaq quddiem il-Mulej.
[Num:15:8] “Meta toffri xi għoġol għas-sagrifiċċju tal-ħruq, jew sagrifiċċju
ieħor b'wegħda, jew sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, [Num:15:9] ma' l-għoġol
tagħmel offerta ta' tlieta minn għaxra ta' efa ta' smid imħallat b'nofs ħinn
żejt, [Num:15:10] u magħha toffri wkoll nofs ħinn inbid għal-libazzjoni. Dan hu
sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa li tgħaxxaq lill-Mulej.
[Num:15:11] “Hekk għandkom tagħmlu għal kull gendus, għal kull muntun, għal kull
ħaruf, u għal kull gidi. [Num:15:12] Ikunu kemm ikunu l-vittmi li toffru, hekk
għandkom tagħmlu ma' kull waħda minnhom. [Num:15:13] Hekk għandu jagħmel kull
min hu mill-pajjiż kull meta joffri xi sagrifiċċju b'riħa li tgħaxxaq
lill-Mulej. [Num:15:14] Il-barrani li jkun jgħammar f'nofskom jew xi ħaddieħor
li jkun qiegħed f'nofskom matul iż-żminijiet, u jkun irid joffri sagrifiċċju
tal-ħruq b'riħa li tgħaxxaq lill-Mulej, għandu jagħmel kif tagħmlu intom.
[Num:15:15] “Liġi waħda għall-ġemgħa kollha tagħkom u għall-barrani; liġi għal
dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom, sew għalikom sew għall-barrani, li
jkun fostkom quddiem il-Mulej. [Num:15:16] Liġi waħda u preċett wieħed għalikom
u l-barrani li jkun jgħammar f'nofskom.”
[Num:15:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:15:18] “Kellem lil ulied
Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se ndaħħalkom fiha [Num:15:19] u
tieklu minn ħobż l-art, terfgħu offerta lill-Mulej. [Num:15:20] Mill-ewwel ta'
l-għaġna tagħkom terfgħu ftira, meta terfgħu l-offerta mill-andar. [Num:15:21]
Mill-ewwel ta' l-għaġna tagħkom terfgħu u toffru lill-Mulej fil-ġenerazzjonijiet
kollha tagħkom.
Offerta għad-dnub b'aljenazzjoni
[Num:15:22] “U jekk bla ma tridu ma tħarsux dawn il-liġijiet li l-Mulej ordna
lil Mosè - [Num:15:23] kull ma ordnalkom il-Mulej permezz ta' Mosè - minn
dakinhar li kkmandakom il-Mulej u l-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom, [Num:15:24]
jekk il-ġemgħa tkun naqset bla ma riedet, toffri l-miġemgħa kollha għoġol
b'sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa li togħġob lill-Mulej, b'offerta u l-libazzjoni
tiegħu skond ir-rit, u bodbod b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Num:15:25] U
l-qassis jitlob maħfra għall-miġemgħa kollha ta' wlied Iżrael, u jkollhom
il-maħfra, għax dinbu bla ma riedu, u huma ressqu l-offerta tagħhom tal-ħruq
quddiem il-Mulej, u sagrifiċċju tal-purifikazzjoni quddiem il-Mulej biex ipattu
għall-aljenazzjoni tagħhom. [Num:15:26] U hekk taqla' l-maħfra l-miġemgħa kollha
ta' wlied Iżrael, u l-barrani, li jista' jkun hemm f'nofsha, għax kienet
aljenazzjoni tal-poplu kollu.
[Num:15:27] “Jekk wieħed biss ikun naqas bla ma ried, dan għandu joffri mogħża
ta' sena għall-purifikazzjoni. [Num:15:28] U l-qassis jitlob il-maħfra għal min
ikun dineb bla ma ried quddiem il-Mulej, biex jaqla' l-maħfra, u hekk tinħafirlu
l-ħtija. [Num:15:29] Liġi waħda jkollkom għal min jidneb bla ma jintebaħ, sew
jekk ikun mill-pajjiż minn fost ulied Iżrael, sew jekk ikun barrani f'nofskom.
[Num:15:30] “Imma jekk xi ħadd mill-pajjiż, jew barrani, jagħmel xi ħaġa apposta
b'wiċċu minn quddiem, dan jinqata' minn fost niesu, għax ikun żeblaħ lill-Mulej.
[Num:15:31] Għax ikun maqdar il-kelma tal-Mulej u kiser il-liġi tiegħu, dan
il-bniedem ikun imwarrab; u l-ħtija tkun tiegħu.”
Ksur il-liġi tas-Sibt
[Num:15:32] Ġara li kienu wlied Iżrael fid-deżert, u sabu raġel li kien qiegħed
jiġbor il-ħatab f'jum is-Sibt. [Num:15:33] U dawk li sabuh jiġbor il-ħatab ġibuh
quddiem Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha. [Num:15:34] U qegħdulu l-għassa miegħu,
għax kienu għadhom ma qatgħuhiex x'se jagħmlu bih. [Num:15:35] U l-Mulej qal lil
Mosè: “Dan ir-raġel jagħtuh il-mewt; tħaġġru l-ġemgħa kollha barra l-kamp.”
[Num:15:36] U ħarġuh barra l-kamp u l-ġemgħa kollha ħaġġritu u miet, kif ordna
l-Mulej lil Mosè.
Il-ġmiemen
[Num:15:37] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:15:38] “Kellem lil ulied
Iżrael u għidilhom li mil-lum 'il quddiem idendlu ġmiemen fi truf l-imnatar
tagħhom, u jdendluhom mal-ponot tal-mantar b'qafla kaħla. [Num:15:39] U dawn
il-ġmiemen iservu biex malli tarawhom tiftakru fil-liġijiet kollha tal-Mulej, u
tħarsuhom, u ma tintilfux wara qlubkom, u għajnejkom ma jiġbdukomx għaż-żína.
[Num:15:40] Hekk tiftakru u tagħmlu l-kmandamenti u tkunu mqaddsin għal Alla
tagħkom. [Num:15:41] “Jiena l-Mulej, Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art ta'
l-Eġittu biex inkun Alla tagħkom. Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”
16. Ir-rewwixta ta' Koraħ
[Num:16:1] Koraħ bin Ishar, bin Keħat, bin Levi, u Datan u Abiram, ulied Elijab,
u On bin Pelet, ulied Ruben, [Num:16:2] qamu kontra Mosè u magħhom kellhom
mitejn u ħamsin ruħ oħra minn ulied Iżrael, mill-prinċpijiet tal-ġemgħa, li
kienu jissejjħu għal-laqgħat, kollha nies magħrufa. [Num:16:3] U nġabru kontra
Mosè u Aron, u qalulhom: “Għandkom biżżejjed fuq spallejkom: Il-ġemgħa kollha
huma kkonsagrati u f'nofshom hemm il-Mulej. Għaliex togħlew fuq il-ġemgħa
tal-Mulej?”
[Num:16:4] Kif sama' dan Mosè ntafa' wiċċu fl-art, [Num:16:5] u kellem lil Koraħ
u 'l sħabu, u qalilhom: “Għada l-Mulej jgħarrafna min hu tiegħu, u min hu
l-bniedem ikkonsagrat, li l-Mulej iridu ħdejh, u lil min ikun għażlu għalih
iressqu lejh. [Num:16:6] Dan għandkom tagħmlu, inti, Koraħ u sħabek ilkoll: ħudu
ċ-ċnieser, [Num:16:7] u għada poġġu n-nar fihom u fuqu itfgħu l-inċens quddiem
il-Mulej; u l-bniedem li jagħżel il-Mulej, dak ikun l-ikkonsagrat. Qegħdin
tippretendu ż-żejjed, ulied Levi!”
[Num:16:8] U Mosè qal ukoll lil Koraħ: “Isimgħuni wlied Levi: [Num:16:9] Forsi
kienet xi ħaġa żgħira għalikom li Alla ta' Iżrael għażilkom mill-ġemgħa ta'
Iżrael, biex iressaqkom lejh biex isservu fit-tabernaklu tal-Mulej, u tkunu
l-ministri tal-ġemgħa biex taqduha? [Num:16:10] U għax ressaqkom lejh, lilek u
miegħek lil ħutek, ulied Levi, l-oħra lkoll, issa qegħdin tfittxu wkoll
is-saċerdozju? [Num:16:11] Għalhekk int u l-klikka tiegħek għamiltu konfoffa
kontra l-Mulej? U x'inhu Aron biex tgergru kontra tiegħu?”
[Num:16:12] U Mosè bagħat isejjaħ lil Datan u 'l Abiram, ulied Eljab, u wieġbu:
“Ma nitilgħux. [Num:16:13] M'hux biżżejjed tellajtna minn art tnixxi ħalib u
għasel biex ġibtna mmutu f'dan id-deżert, trid issa wkoll taħkem fuqna?
[Num:16:14] Int ma ġibtniex f'art tnixxi ħalib u għasel, lanqas raba' jew xi
qasam dwieli li jkunu tagħna ma tajtna. Taħseb li se taqla' għajnejn dawn
in-nies? Aħna ma niġux.”
[Num:16:15] U Mosè inkorla bis-sħiħ u qal lill-Mulej: “Tagħtix kas ta' l-offerta
tagħhom. Lanqas ħmar wieħed ma ħadt mingħandhom, u ma għamilt deni lil ħadd
minnhom.”
[Num:16:16] U Mosè qal lil Koraħ: “Int u l-klikka tiegħek, ejjew għada quddiem
il-Mulej ma' Aron. [Num:16:17] Ħudu ċensier, wieħed kull wieħed, poġġu l-inċens,
u ressqu quddiem il-Mulej il-mitejn u ħamsin ċensier, wieħed wieħed, int u Aron,
kulħadd biċ-ċensier tiegħu.” [Num:16:18] U kull wieħed ħa ċ-ċensier tiegħu,
poġġew in-nar fihom, u sawwbu l-inċens, u qagħdu bilwieqfa quddiem it-tinda
tal-laqgħa ma' Mosè u Aron.
[Num:16:19] U warajhom Koraħ ġabar il-ġemgħa kollha fi dħul it-tinda tal-laqgħa;
u dehret il-glorja tal-Mulej quddiem il-ġemgħa kollha.
[Num:16:20] U l-Mulej kellem lil Mosè u 'l Aron, u qalilhom: [Num:16:21] “Warrbu
minn nofs din il-ġemgħa, ħa neqridhom ilkoll f'salt wieħed.” [Num:16:22] U
ntefgħu għal wiċċhom fl-art u qalu: “Alla, Alla ta' ruħ il-ħajjin kollha,
bniedem wieħed biss dineb, u tagħdab int kontra l-ġemgħa kollha?”
[Num:16:23] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:16:24] “Kellem lill-ġemgħa u
għidilhom: Warrbu minn madwar it-tined ta' Koraħ, Datan u Abiram.”
[Num:16:25] Mosè qam u mar lejn Datan u Abiram; u warajh marru l-anzjani ta'
Iżrael. [Num:16:26] Mbagħad kellem lill-ġemgħa u qalilhom: “Tbiegħdu mit-tined
ta' dawn in-nies ħżiena, u tmissu xejn minn tagħhom, biex ma tinbarmux
fid-dnubiet tagħhom.” [Num:16:27] U tbiegħdu minn madwar it-tined ta' Koraħ,
Datan u Abiram: u Datan u Abiram ħarġu u qagħdu bilwieqfa fil-bieb tat-tined
tagħhom bin-nisa u t-tfal u t-trabi tagħhom. [Num:16:28] U Mosè qal: “Issa minn
dan tkunu tafu li l-Mulej bagħatni biex nagħmel kull ma għamilt, u ma għamilt
xejn minn rajja. [Num:16:29] Jekk dawn imutu bħalma jmut kull bniedem, u jekk
tmisshom ix-xorti li tmiss lil kull bniedem, ma jkunx bagħatni l-Mulej.
[Num:16:30] Imma jekk il-Mulej jagħmel xi ħaġa ta' l-għaġeb, u tinfetaħ l-art u
tiftaħ l-art fommha, u tibla' lilhom u kull ma għandhom, u jinżlu ħajjin f'qiegħ
l-art, tkunu tafu li dawn in-nies ħaduha kontra l-Mulej.”
[Num:16:31] U ġara li kif temm jgħid dan il-kliem [Num:16:32] inqasmet l-art
taħthom, fetħet fommha, u belgħet lilhom u l-familji tagħhom u n-nies kollha li
kienu ma' Koraħ b'ġidhom b'kollox. [Num:16:33] U niżlu ħajjin huma u kull ma
kellhom f'qiegħ l-art, ngħalqet l-art fuqhom, u nqerdu minn nofs il-ġemgħa.
[Num:16:34] U l-Iżraelin kollha li kienu madwarhom ma' l-għajta tagħhom ħarbu
għax qalu: “Li ma tmurx tiblagħna l-art magħhom.” [Num:16:35] U ħareġ nar
mingħand il-Mulej u qered il-mitejn u ħamsin raġel li kienu offrew l-inċens.
17. Ir-rewwixta ta' Koraħ
[Num:17:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:17:2] “Għid lil Elgħażar bin
Aron, il-qassis, biex jieħu ċ-ċnieser minn ġon-nar, u jarmi n-nar li hemm fihom,
għaliex huma kkonsagrati. [Num:17:3] U ċ-ċnieser ta' dawn in-nies li dinbu bi
ħsara għalihom, intom tagħmluhom pjanċi tal-battut biex jiksu l-artal bihom,
għax dawn kienu offerti lill-Mulej, u huma kkonsagrati, u hekk jibqgħu sinjal
għal ulied Iżrael.”
[Num:17:4] U Elgħażar, il-qassis, ħa ċ-ċnieser tal-bronż li kienu offrew in-nies
li nharqu, u huma għamluhom pjanċi biex jiksu l-artal bihom, [Num:17:5] u hekk
ulied Iżrael jiftakru li ma għandu jersaq ebda profan, li m'hux min-nisel ta'
Aron, biex jaħraq l-inċens quddiem il-Mulej, li ma jmurx jiġrilu bħal Koraħ u
sħabu, bħalma ordna l-Mulej permezz ta' Mosè.
It-tixwixa tal-poplu
[Num:17:6] L-għada l-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael bdew igemgmu kontra Mosè u
Aron u jgħidu: “Intom qtiltu l-poplu tal-Mulej.” [Num:17:7] U l-ġemgħa kollha
nġabret kontra Mosè u Aron, u dawn dawwru wiċċhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u
minnufih ksietha s-sħaba u dehret il-glorja tal-Mulej. [Num:17:8] U ġew Mosè u
Aron quddiem it-tinda tal-laqgħa, [Num:17:9] u l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
[Num:17:10] “Warrbu minn nofs din il-ġemgħa ħalli jien neqridhom f'salt wieħed.”
U huma nxteħtu għal wiċċhom fl-art.
[Num:17:11] U Mosè qal lil Aron: “Aqbad iċ-ċensier, u poġġi fih in-nar
mill-artal, ixħet l-inċens, u mur malajr lejn il-ġemgħa, u itlob maħfra
għalihom, għaliex ħarġet il-qilla tal-Mulej, u beda l-flaġell.”
[Num:17:12] U Aron ha ċ-ċensier bħalma qallu Mosè, mar f'nofs il-ġemgħa, u ra li
l-flaġell kien diġà beda f'nofs il-poplu. Mbagħad xeħet l-inċens, u talab maħfra
għall-poplu. [Num:17:13] U hu waqaf bejn il-mejtin u l-ħajjin, sakemm intemm
il-flaġell. [Num:17:14] U ġara li l-mejtin b'dan il-flaġell laħqu l-erbatax-il
elf u seba' mija, minbarra dawk li kienu mietu qabel minħabba Koraħ. [Num:17:15]
U malli waqaf il-flaġell Aron raġa' lura ħdejn Mosè, ħdejn il-bieb tat-tinda
tal-laqgħa.
Il-ħatar ta' Aron
[Num:17:16] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:17:17] “Kellem lil ulied
Iżrael, u ħu ħatar minn kull dar, wieħed minn kull prinċep ta' tribù, tnax-il
wieħed b'kollox; u kull wieħed jikteb ismu fuqu. [Num:17:18] Isem Aron tiktbu
fuq il-ħatar ta' Levi, għax ikollhom ħatar wieħed għal kull prinċep ta' tribù.
[Num:17:19] U tqegħedhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem ix-xhieda fejn jiena
niltaqa' magħkom. [Num:17:20] U jiġri li l-ħatar tal-bniedem li jien naħtar,
iwarrad, u hekk insikket it-tgemgim ta' madwari, li wlied Iżrael qegħdin igemgmu
kontra tagħkom.”
[Num:17:21] U Mosè kellem lil ulied Iżrael, u l-prinċpijiet tagħhom tawh ilkoll
ħatar għal kull prinċep ta' tribù, skond id-djar tagħhom, tnax-il ħatar
b'kollox; u l-ħatar ta' Aron kien f'nofshom. [Num:17:22] U Mosè qiegħed l-oħtra
quddiem il-Mulej fit-tinda tax-xhieda miktuba. [Num:17:23] U ġara li l-għada
Mosè daħal fit-tinda tal-laqgħa, u hemm hu l-ħatar ta' Aron tat-tribù ta' Levi
kien ħareġ ir-rimi, fetaħ iż-żahar u għamel lewż misjur. [Num:17:24] Mosè
mbagħad ħareġ l-oħtra kollha minn quddiem il-Mulej, u ġiebhom quddiem ulied
Iżrael, u rawhom, u kull wieħed ħa l-ħatar tiegħu.
[Num:17:25] U l-Mulej qal lil Mosè: “Erġa' qiegħed il-ħatar ta' Aron quddiem
ix-xhieda miktuba biex iżżommu bħala sinjal għal dawk li jmieru, u hekk jieqaf
it-tgemgim tagħhom kontra tiegħi u ma jmutux.” [Num:17:26] U Mosè għamel kif
ordnalu l-Mulej, u hekk għamel.
[Num:17:27] U wlied Iżrael qalu lil Mosè: “Aħna se mmutu, ninqerdu, u nintemmu
lkoll. [Num:17:28] Għax kull min jersaq lejn it-tinda tal-Mulej imut. Jaqaw
għandna mmutu lkoll?”
18. L-obbliġi u d-drittijiet tal-Leviti
[Num:18:1] U l-Mulej qal lil Aron: “Int u wliedek, u dar missierek, terfgħu
l-piż tad-dnubiet fis-santwarju; u int u wliedek miegħek terfgħu l-piż
tad-dnubiet tas-saċerdozju tagħkom. [Num:18:2] U 'l ħutek ukoll mit-tribù ta'
Levi, mit-tribù ta' missierek, tressaqhom miegħek biex jaqduk meta int u wliedek
tkunu quddiem it-tinda tax-xhieda miktuba. [Num:18:3] U jaqduk u jservuk f'dak
kollu li għandu x'jaqsam mat-tinda, iżda m'għandhomx jersqu lejn il-ħwejjeġ
ikkonsagrati jew lejn l-artal, inkella jmutu, huma u intom magħhom. [Num:18:4]
Iservu lilek, u jservu f'dak kollu li għandu x'jaqsam mat-tinda tal-laqgħa,
fis-servizz kollu li għandu x'jaqsam mat-tinda, u ebda profan m'għandu jersaq
ħdejkom. [Num:18:5] Tieħdu ħsieb is-santwarju, u s-servizz ta' l-artal, u ma
jkunx hemm aktar għadab kontra wlied Iżrael. [Num:18:6] U, arawni, jiena ħadt
il-Leviti ħutkom minn fost ulied Iżrael, li tawhom lilkom bħala offerta
lill-Mulej biex iservu fit-tinda tal-laqgħa. [Num:18:7] Int u wliedek miegħek
tagħmlu d-dmirijiet tagħkom ta' qassisin f'kull ma għandu x'jaqsam ma' l-artal u
'l ġewwa mill-velu; dan is-servizz hu rigal li nagħtihulkom mas-saċerdozju
tagħkom, u l-profan li jersaq ikun ħaqqu l-mewt.”
[Num:18:8] U l-Mulej kellem lil Aron: “Arani, jien nagħtik li tieħu ħsieb kull
ma joffruli; kull ma jikkonsagraw ulied Iżrael, nagħtih lilek minħabba
l-konsagrazzjoni tiegħek, u lil uliedek bi dritt għal dejjem. [Num:18:9] Dan hu
li jmissek mill-bċejjeċ l-aktar qaddisa mhux maħruqa: kull ma jagħtu b'offerta u
kull sagrifiċċju għall-purifikazzjoni u kull sagrifiċċju ta' radd il-ħajr, li
jrodduli bħala ħaġa qaddisa, ikun tiegħek u ta' wliedek. [Num:18:10] Tikluh
f'post l-aktar qaddis, u jieklu minnu l-irġiel kollha; tkun ħaġa qaddisa għalik.
[Num:18:11] U jkun tiegħek dan ukoll: nagħtik kull ma jittieħed mill-offerti
tagħhom, minn kull ma jgħollu b'offerta wlied Iżrael quddiemi, nagħtih lilek u
lil uliedek, subjien u bniet, bi dritt għal dejjem; jista' jiekol minnu kull min
ikun safi f'darek. [Num:18:12] Nagħtik l-aħjar taż-żejt, ta' l-inbid, tal-qamħ,
tal-bikri li jagħtu lill-Mulej. [Num:18:13] Il-frott ta' l-ewwel ta' l-art
tagħhom li jġibu lill-Mulej, ikun tiegħek; jista' jiekol minnhom kull min ikun
safi f'darek. [Num:18:14] Kull ħaġa f'Iżrael, li tkun iddedikata lil Alla, tkun
għalik.
[Num:18:15] “Kull xorta ta' l-ewwel wild ta' mara li joffru wlied Iżrael
lill-Mulej, kemm tal-bnedmin, kemm tal-bhejjem, ikunu tiegħek. Iżda qis li
jinfeda l-ewwel tal-bnedmin, u l-ewwel tal-bhima mniġġsa. [Num:18:16] Int
tirċievi l-flus tal-fidwa, wara xahar mit-twelid, bil-ħlas ta' ħames xwiekel
tal-fidda daqs kemm jiswa xekel tas-santwarju, li jsarraf għoxrin gera.
[Num:18:17] Imma l-ewwel wild tal-baqar, tan-nagħaġ u tal-mogħoż tħallihomx
jifduh, għax dawn huma sagri. Int ixxerred demmhom fuq l-artal, u taħraq
xaħamhom bin-nar b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Num:18:18] Laħamhom ikun
tiegħek, is-sidra tat-tixjir u s-sieq tal-lemin ikunu tiegħek. [Num:18:19]
L-offerti tal-ħwejjeġ sagri li wlied Iżrael joffru lill-Mulej, nagħtihom lilek,
u lil uliedek, subjien u bniet, bi dritt għal dejjem. Dan hu patt għal dejjem,
li ma jitħassarx bejnek u bejn il-Mulej u bejn uliedek ukoll.”
Il-Mulej sehem Aron u l-Leviti
[Num:18:20] U l-Mulej qal lil Aron: “Int ma jkollok ebda wirt f'arthom u ma
jkollok ebda sehem minnha f'nofshom. Jien sehmek u wirtek f'nofs ulied Iżrael.
[Num:18:21] “Lil ulied Levi tajthom b'wirt l-għexur kollha ta' Iżrael, bi ħlas
għax-xogħol li għandhom fis-servizz fit-tinda tal-laqgħa. [Num:18:22] U hekk
ulied Iżrael ma jersqux iżjed lejn it-tinda tal-laqgħa, li ma jaqgħux taħt
il-piena tal-mewt. [Num:18:23] Imiss lil-Leviti li jservu fit-tinda tal-laqgħa,
u huma jkunu responsabbli għaliha; liġi għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom li
għad jiġu; u ma jkollhom ebda wirt. [Num:18:24] Għalhekk jien tajt lil ulied
Levi d-dritt għall-għexur li joffru wlied Iżrael lill-Mulej; għalhekk
għedtilhom: Ma jkollhomx wirt f'nofs ulied Iżrael.”
[Num:18:25] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:18:26] “Kellem lil-Leviti u
għidilhom: Meta tirċievu l-għexur mingħand ulied Iżrael, li jien tajtkom
id-dritt li tieħdu mingħandhom b'wirtkom, erfgħu minnu offerta lill-Mulej,
l-għexur ta' l-għexur. [Num:18:27] L-offerta tagħkom titqies bħallikieku kienet
tal-qamħ ġej dritt mill-andar u bħall-għasir ġej dritt mill-magħsar. [Num:18:28]
Hekk tagħmlu intom ukoll l-offerta tagħkom lill-Mulej mill-għexur li tirċievu
mingħand ulied Iżrael, u din l-offerta lill-Mulej tagħtuha lil Aron, il-qassis.
[Num:18:29] Minn kull ħaġa li joffrulkom, intom għandkom terfgħu offerta
lill-Mulej, l-aħjar mill-aħjar tagħha, u tikkonsagrawha. [Num:18:30] U għidilhom
ukoll: Meta terfgħu l-aħjar ta' l-offerta, din titqisilkom bħallikieku ġejja
dritt
mill-andar jew mill-magħsar. [Num:18:31] Tistgħu tikluha kullimkien, intom u
nieskom, għax hi l-ħlas għas-servizz tagħkom fit-tinda tal-laqgħa. [Num:18:32]
Meta tagħtu l-aħjar ta' l-offerti li tirċievu, ma taqgħux fid-dnub, u ma
tkasbrux l-offerti sagri ta' wlied Iżrael, u ma tmutux.”
19. Il-purifikazzjoni ta' l-imniġġes
[Num:19:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Num:19:2] “Dan hu
l-kmandament tal-liġi li ordna l-Mulej, u qal: Kellem lil ulied Iżrael u
għidilhom iġibulek baqra ħamra, qawwija u sħiħa, bla ebda difett, li qatt ma
refgħet il-madmad. [Num:19:3] Intom tagħtuha lil Elgħażar, il-qassis, u dan
joħroġha barra l-kamp, u hemm joqtluha quddiemu. [Num:19:4] Elgħażar, il-qassis,
mbagħad ibill sebgħu f'demmha, u jroxxu fuq in-naħa tat-tinda tal-laqgħa għal
seba' darbiet. [Num:19:5] Mbagħad jaħarqu l-baqra quddiem għajnejh: il-ġild,
il-laħam, id-demm, u l-ħmieġ tagħha.
[Num:19:6] Il-qassis jaqbad injama taċ-ċedru, żuf, u ħajt aħmar skarlatt, u
jixħethom ġol-ħuġġieġa tal-baqra. [Num:19:7] Mbagħad il-qassis jaħsel ħwejġu u
ġismu bl-ilma, u wara jidħol fil-kamp, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.
[Num:19:8] U min ikun ħaraq il-baqra jaħsel ħwejġu u ġismu bl-ilma, u jibqa'
mniġġes sa filgħaxija.
[Num:19:9] “Mbagħad xi ħadd li jkun nadif jiġbor l-irmied tal-baqra, u jieħdu
barra l-kamp f'post nadif, u jerfgħuh għall-ġemgħa ta' wlied Iżrael biex jagħmlu
l-ilma għall-purifikazzjoni ritwali, għax dan hu sagrifiċċju
għall-purifikazzjoni. [Num:19:10] Min ikun ġabar l-irmied tal-baqra jaħsel
ħwejġu, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. Din tkun il-liġi għal dejjem għal ulied
Iżrael, u għall-barrani li jgħammar f'nofshom.
[Num:19:11] “Kull min imiss ġisem ta' bniedem mejjet, jibqa' mniġġes għal sebat
ijiem; [Num:19:12] jitnaddaf b'dak l-ilma fit-tielet u s-seba' jum, u jkun
nadif, u jekk ma jitnaddafx fit-tielet u s-seba' jum, ma jkunx nadif.
[Num:19:13] “Min imiss katavru - il-ġisem ta' bniedem mejjet - u ma jitnaddafx,
iniġġes l-għamara tal-Mulej u dan il-bniedem ikun maqtugħ minn Iżrael, għax
l-ilma tal-purifikazzjoni ma jkunx issawwab fuqu, u jibqa' mniġġes, għax
l-inġiesa tibqa' fuqu.
[Num:19:14] “Din hi l-liġi għal meta bniedem imut fit-tinda: kull min jidħol
fl-għarix u kull ma jkun hemm fl-għarix ikun imniġġes għal sebat ijiem.
[Num:19:15] Kull reċipjent miftuħ, bla għatu marbut fuqu, ikun imniġġes.
[Num:19:16] U kull min imiss fil-beraħ tar-raba' lil xi ħadd maqtul bis-sejf jew
li miet waħdu, xi għadam ta' bniedem jew xi qabar, ikun imniġġes għal sebat
ijiem.
[Num:19:17] “U jieħdu għal dan l-imniġġes mill-irmied tal-vittma maħruqa
għall-purifikazzjoni u fuqha jsawwbu ilma ġieri f'xi ħaġa tal-fuħħar.
[Num:19:18] Mbagħad xi ħadd nadif jieħu ż-żuf f'idejh, ibillu fl-ilma, u jroxxu
fuq l-għarix, u t-tagħmir kollu fih, u n-nies li jkunu fih, u fuq dak li jkun
miss xi għadam, jew xi wieħed maqtul, jew xi mejjet li jkun miet waħdu, jew xi
qabar. [Num:19:19] Il-bniedem nadif iroxx fuq l-imniġġes fit-tielet u fis-seba'
jum, u meta jkun naddfu fis-seba' jum, dan jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u
fil-għaxija jkun nadif. [Num:19:20] Il-bniedem li jkun tniġġes u ma tnaddafx
ikun maqtugħ mill-ġemgħa, għax ikun niġġes is-santwarju tal-Mulej, għax ma
jkunux sawwbu fuqu l-ilma tal-purifikazzjoni, u għalhekk baqa' mniġġes.
[Num:19:21] Din tkun liġi għal dejjem għalihom: dak li jkun sawwab l-ilma
tal-purifikazzjoni jaħsel ħwejġu, u min ikun miss l-ilma tal-purifikazzjoni
jibqa' mniġġes sa filgħaxija; [Num:19:22] u kull ma jmiss il-bniedem imniġġes
ikun imniġġes, u l-bniedem li jkun missu jibqa' mniġġes sa filgħaxija.
20. Ulied Iżrael jeħduha kontra l-Mulej
[Num:20:1] U l-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael waslu fid-deżert ta' Sin fl-ewwel
xahar, u l-poplu waqaf f'Kades; u mietet Mirjam u difnuha hemm.
[Num:20:2] Billi ma kienx hemm ilma għall-poplu, nġabru kontra Mosè u Aron.
[Num:20:3] Il-poplu ħadha ma' Mosè u qalulu: “M'hux li mitna meta nqerdu ħutna
quddiem il-Mulej. [Num:20:4] Għala ġibtu l-poplu tal-Mulej f'dan id-deżert, biex
immutu hawn aħna u l-bhejjem tagħna? [Num:20:5] Għala tellajtuna mill-Eġittu
biex ġibtuna f'post mill-agħar bħal dan, fejn ma jikber xejn, la qmuħ, la tin,
la dwieli, la rummien; u lanqas ma fih ilma tax-xorb.”
[Num:20:6] U Mosè u Aron telqu minn quddiem il-ġemgħa tal-poplu u marru ħdejn
il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, nxteħtu wiċċhom fl-art u dehritilhom il-glorja
tal-Mulej.
[Num:20:7] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:20:8] “Ħu l-ħatar, u iġbor
il-ġemgħa, int u ħuk Aron, u kellmu quddiemhom lill-blata, u din tagħti l-ilma
tagħha; u hekk int toħorġilhom l-ilma mill-blata, u tisqi lill-ġemgħa u
l-bhejjem tagħhom.”
[Num:20:9] U Mosè ħa l-ħatar minn quddiem il-Mulej, kif kien ordnalu.
[Num:20:10] U flimkien ma' Aron ġabar il-ġemgħa quddiem il-blata, u Mosè
qalilhom: “Isimgħuni, ja xewwiexa! Aħna se noħorgulkom l-ilma minn din
il-blata?” [Num:20:11] U Mosè għolla idu, u ħabbat darbtejn fuq il-blata
bil-ħatar u bdew ħerġin gliegel ta' ilma, u xorbu l-ġemgħa u l-bhejjem kollha.
[Num:20:12] U l-Mulej qal lil Mosè u lil Aron: “Għax intom ma emmintux fija, u
ma ħaristulix qdusiti quddiem Iżrael, intom ma ddaħħlux lil din il-ġemgħa fl-art
li se nagħtihom.”
[Num:20:13] Dawn huma l-ilmijiet ta' Meriba, fejn ulied Iżrael ħaduha mal-Mulej,
u hemm tahom prova ta' qdusitu.
L-Edomin ma jħalluhomx jgħaddu
[Num:20:14] Mosè bagħat messaġġiera minn Kades, jgħidu lis-sultan ta' Edom: 'Dan
jgħidlek ħuk Iżrael: Int taf bl-hemm kollu li sibna ruħna fih. [Num:20:15]
Missirijietna niżlu l-Eġittu, u baqgħu fl-Eġittu għal ħafna żmien, u l-Eġizzjani
ħaqruna, lilna u 'l missirijietna. [Num:20:16] Għajjatna lill-Mulej, u sama'
leħinna, u bagħat anġlu, u ħariġna mill-Eġittu. U hawn aħna f'Kades, belt f'tarf
artek. [Num:20:17] Ħa ngħaddu minn artek; ma ngħaddux mir-raba', lanqas
mill-oqsma tad-dwieli, u lanqas ma nixorbu l-ilma tal-bjar. Ngħaddu mit-triq
tas-sultan, bla ma nilwu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, sakemm naqsmu artek.”
[Num:20:18] U Edom weġibhom: “Ma tgħaddux minn għandi, inkella noħroġ għalikom
bix-xabla.” [Num:20:19] U wlied Iżrael qalulu: “Nitilgħu mit-triq ewlenija; u
jekk nixorbu mill-ilma tiegħek, jien u l-bhejjem tiegħi, nħallsek tiegħu. Kemm
ngħaddi bil-mixi.” [Num:20:20] U wieġeb: “Ma tgħaddix.” U ħareġ Edom jilqagħhom
b'forza qawwija u kotra ta' nies. [Num:20:21] Hekk Edom ma riedx iħalli lil
Iżrael jaqsam l-art tiegħu, u Iżrael qabad triq oħra 'l bogħod minnu.
Il-mewt ta' Aron
[Num:20:22] U wlied Iżrael refgħu l-kamp minn Kades, u l-ġemgħa kollha waslu
ħdejn il-muntanja Ħor. [Num:20:23] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron ħdejn
il-muntanja Ħor, f'tarf art Edom u qalilhom: [Num:20:24] “Aron se jinġabar ma'
niesu, għax m'hux dieħel fl-art li tajt lil ulied Iżrael, għax intom merejtu
kliemi ħdejn l-ilma ta' Meriba. [Num:20:25] Ħu lil Aron u lil Elgħażar ibnu, u
tellagħhom fuq il-muntanja Ħor, [Num:20:26] neżża' lil Aron minn ilbiesu, u
libbishom lil Elgħażar, ibnu; u jinġabar Aron ma' niesu, u jmut hemm.”
[Num:20:27] U Mosè għamel kif ordnalu l-Mulej. U telgħu fuq il-muntanja Ħor
quddiem il-ġemgħa kollha.
Num:20:28] U neżża' Mosè lil Aron minn ilbiesu u libbishom lil Elgħażar ibnu; u
Aron miet hemm fuq il-quċċata tal-muntanja, u Mosè u Elgħażar niżlu minn fuq
il-muntanja. [Num:20:29] U l-ġemgħa kollha rat li miet Aron, u l-familja kollha
ta' Iżrael bkietu għal tletin jum.
21. Rebħa fuq il-Kangħanin
[Num:21:1] Is-sultan Għarad tal-Kangħanin, li kien joqgħod fin-Negeb, sama' li
Iżrael kien ġej mit-triq ta' Atarim; ħareġ jissielet miegħu, u qabad lil xi whud
minnhom priġunieri. [Num:21:2] U Iżrael għamel wegħda lill-Mulej u qal: “Jekk
tagħtini f'idejja dan il-poplu, neqred l-ibliet tagħhom.” [Num:21:3] U l-Mulej
sama' t-talba ta' Iżrael, u tahom f'idejhom il-Kangħanin. U qered lilhom u lil
bliethom, u bdew isejjħu dak il-post: Ħorma.
Is-serp tal-bronż
[Num:21:4] U telqu minn ħdejn il-muntanja Ħor mat-triq tal-Baħar tal-Qasab biex
jeħduha bid-dawra ma' l-art ta' Edom, imma l-poplu ddejjaq jimxi,
[Num:21:5] u beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna
mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? M'hawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna
b'dan l-ikel ħafif.”
[Num:21:6] U l-Mulej bagħat sriep velenużi f'nofs il-poplu u bdew jigdmuhom; u
mietu ħafna mill-poplu ta' Iżrael. [Num:21:7] U l-poplu mar għand Mosè, u
qalulu: “Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej
ħa jwarrab is-sriep minn fostna.” U Mosè mar jitlob għall-poplu.
[Num:21:8] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Agħmel serp tal-bronż velenuż, u
arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.”
[Num:21:9] U Mosè għamel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard. U ġara li kull
min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix.
Ir-rebħa fuq Siħon
[Num:21:10] U wlied Iżrael telqu minn hemm u waqfu f'Obot; [Num:21:11] u telqu
minn Obot u waqqfu l-kamp f'Għijje-għabarim fid-deżert li jiġi biswit Mowab,
in-naħa ta' tlugħ ix-xemx. [Num:21:12] Minn hemm reġgħu ċċaqilqu, u waqqfu
l-kamp f'wied Żared. [Num:21:13] Telqu minn hawn, u waqqfu l-kamp in-naħa l-oħra
tax-xmara Arnon, fid-deżert, li ġejja mill-art ta' l-Amurrin; għax l-Arnon hi
f'tarf Mowab, bejn Mowab u l-Amurrin. [Num:21:14] Għalhekk jingħad fi Ktieb
il-Gwerer tal-Mulej:
“Waħeb f'Sufa u l-widien ta' l-Arnon.
[Num:21:15] u x-xaqliba tal-widien,
li tieħu lejn l-għamajjar ta' Għar,
u tmiss ma' truf Mowab.”
[Num:21:16] Minn hemm telqu lejn Bir; dan hu l-bir fejn il-Mulej qal lil Mosè:
“Iġbor il-poplu flimkien u nagħtihom l-ilma.” [Num:21:17] Mbagħad Iżrael għannew
din l-għanja:
“Fawwar ja bir! Għannulu!
[Num:21:18] Bir li ħaffruh l-prinċpijiet.
U fetħuh il-kbarat tal-poplu
bix-xettru u l-bsaten tagħhom.”
U mid-deżert marru Mattamna, [Num:21:19] u minn Mattana sa Naħlijel, u minn
Naħlijel għal Bamot, [Num:21:20] u minn Bamot għall-wied li hemm fir-raba' ta'
Mowab taħt il-quċċata tal-muntanja ta' Pisga li tħares lejn id-deżert.
[Num:21:21] Iżrael bagħat messaġġiera jgħidu lil Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin;
[Num:21:22] “Ħa naqsam mill-art tiegħek. Ma ngħaddux mir-raba' jew l-oqsma
tad-dwieli; ma nixorbux mill-ilma tal-bjar. Ngħaddu mit-triq tas-sultan sakemm
naqsmu l-fruntieri tiegħek.”
[Num:21:23] Imma Siħon ma riedx iħalli lil Iżrael jaqsam il-fruntieri tiegħu; u
ġabar il-poplu tiegħu kollu, u ħareġ jaħbat għal Iżrael fid-deżert, u kif wasal
f'Gaħas ħabat għal Iżrael. [Num:21:24] Imma Iżrael qeridhom b'xifer ix-xabla, u
ħadlu artu, mill-Arnon sal-Ġabbok sa l-art ta' l-Għammonin; għax Ġagħżer kienet
fuq il-fruntiera tal-Għammonin.
[Num:21:25] U Iżrael ħa dawk l-ibliet kollha, u għammar fl-ibliet kollha ta'
l-Amurrin, f'Ħesbon, u fl-irħula kollha tagħha. [Num:21:26] Għax Ħesbon hi
l-belt ta' Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin. Dan kien għamel gwerra lis-sultan ta'
Mowab ta' qablu, u ħadlu minn idejh l-art kollha tiegħu sa l-Arnon.
[Num:21:27] Għalhekk jgħannu l-għannejja:
“Ejjew Ħesbon!
Tinbena u titla' mill-ġdid il-belt ta' Siħon.
[Num:21:28] Ħareġ in-nar minn Ħesbon,
ilsna tan-nar mill-belt ta' Siħon.
U kielu Għar-mowab;
u ħarbtu l-għoljiet ta' l-Arnon.
[Num:21:29] Ħażin għalik Mowab,
int mitluf ġens ta' Kemos.
Telaq 'l ulied maħrubin,
u l-bniet tiegħu mjassrin
f'idejn Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin.
[Num:21:30] Minn Ħesbon sa Dibon kollox meqrud,
kollox qridna minn Nofa,
bin-nar sa Medeba!”
[Num:21:31] U Iżrael beda jgħammar fl-art ta' l-Amurrin.
Ir-rebħa fuq Għog
[Num:21:32] U Mosè bagħat xi rġiel jitkixxfu l-belt ta' Ġagħżer; u Iżrael qabdu
l-irħula tagħha, u keċċew l-Amurrin li kienu jgħammru hemm. [Num:21:33] Mbagħad
daru u telgħu għat-triq ta' Basan; u ħareġ għalihom Għog, is-sultan ta' Basan,
hu u l-poplu tiegħu kollu, biex jitqabad magħhom f'Edregħi.
[Num:21:34] U l-Mulej qal lil Mosè: “Tibżgħux minnu għax f'idejk nerħih, lilu u
l-poplu kollu tiegħu, u 'l artu; u tagħmillu bħalma għamilt lil Siħon, is-sultan
ta' l-Amurrin, li kien joqgħod f'Ħesbon.” [Num:21:35] U ħabtu għalih, u għal
uliedu, u għall-poplu kollu tiegħu, sakemm ma kien baqagħlu ebda wieħed; u
ħadulu artu.
22. Balgħam is-saħħâr
[Num:22:1] U wlied Iżrael telqu u waqqfu l-kamp fil-wita ta' Mowab, in-naħa
l-oħra tal-Ġordan, biswit Ġeriko.
[Num:22:2] Balak bin Siffur ra kull ma kien għamel Iżrael lill-Amurrin,
[Num:22:3] u Mowab beża' quddiem dik il-kotra ta' poplu; u Mowab twerwer quddiem
ulied Iżrael. [Num:22:4] U Mowab qal lix-xjuħ ta' Midjan: “Issa din il-kotra
tibla' l-inħawi kollha ta' madwarna, bħalma l-gendus jibla' l-ħdura tar- raba'.”
Balak bin Siffur dik il-ħabta kien sultan ta’ Mowab. [Num:22:5] U bagħat
messaġġiera għand Balgħam bin Begħor f'Petor, li qiegħda fl-art ta' wlied
Għammaw, ħdejn ix-xmara, isejjħulu u jgħidulu: “Ara! Poplu ħareġ mill-Eġittu, u
kesa l-art, u diġà qiegħed jgħammar qrib tiegħi, [Num:22:6] u issa ejja u isħet
lil dan il-poplu, għax jiflaħ aktar minni, biex jien inkun nista' nkissru u
nkeċċih 'il barra mill-art. Jien naf li kull ma tbierek int, ikun imbierek, u
kull ma tisħet int, ikun misħut.”
[Num:22:7] U x-xjuħ ta' Mowab u x-xjuħ ta' Midjan marru bil-ħlas tal-magħmul
f'idejhom. U ġew għand Balgħam, u qalulu kull ma qalilhom Balak. [Num:22:8] U
qalilhom: “Għaddu l-lejl hawnhekk, u jien inweġibkom skond ma jgħidli l-Mulej. U
l-prinċpijiet ta' Mowab qagħdu ma' Balgħam.”
[Num:22:9] U Alla ġie għand Balgħam u qallu: “Min huma dawn in-nies li hawn
għandek?” [Num:22:10] U Balgħam wieġeb lil Alla: “Balak bin Siffur, is-sultan
ta' Mowab, bagħat jgħidli: [Num:22:11] Ara! Hawn hu l-poplu li ħareġ mill-Eġittu
u kesa wiċċ l-art. Ejja malajr u isħethuli ħalli nkun nista' niġġilidlu u
nkeċċih.”
[Num:22:12] U Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom, tisħetx lil dak il-poplu,
għax hu mbierek.” [Num:22:13] U Balgħam qam fil-għodu u qal lill-prinċpijiet ta'
Balak: “Morru lejn pajjiżkom, għax il-Mulej ma jridx iħallini niġi magħkom.”
[Num:22:14] U l-prinċpijiet ta' Mowab qamu u marru għand Balak, u qalulu:
“Balgħam ma jridx jiġi magħna.” [Num:22:15] U Balak raġa' bagħat prinċpijiet
aktar u ogħla minnhom. [Num:22:16] U ġew għand Balgħam u qalulu: “Dan jgħid
Balak bin Siffur: Tħallix xi jżommok milli tiġi għandi. [Num:22:17] Nimliek
bil-ġid, u nagħmel kull ma tgħidli. Ejja isħetli 'l dan il-poplu.”
[Num:22:18] U Balgħam wieġeb u qal lill-qaddejja ta' Balak: “Mqar jekk Balak
jagħtini l-fidda u d-deheb b'kemm tasa' daru, jien ma stajtx nikser il-kelma
tal-Mulej Alla tiegħi, u nagħmel xi ħaġa, la kbira u la żgħira. [Num:22:19] Imma
għaddu l-lejl intom ukoll, u nara xi jgħidli aktar il-Mulej.” [Num:22:20] U Alla
ġie għand Balgħam billejl u qallu: “La darba ġew dawn in-nies ifittxuk, qum u
mur magħhom, iżda qis li tagħmel biss dak li ngħidlek jien.” [Num:22:21] U
Balgħam qam fil-għodu, xedd il-ħmara tiegħu, u telaq mal-prinċpijiet ta' Mowab.
[Num:22:22] Il-Mulej inkorla għaliex mar; u l-anġlu tal-Mulej waqaf quddiemu u
għalaqlu t-triq. Balgħam kien riekeb fuq il-ħmara, u miegħu kellu żewġ qaddejja.
[Num:22:23] Kif il-ħmara rat l-anġlu tal-Mulej wieqaf fit-triq bix-xabla misluta
f'idu, lwiet mit-triq u marret fir-raba'. Balgħam beda jsawwatha biex jerġa'
jġibha fit-triq. [Num:22:24] U l-anġlu tal-Mulej qagħad f'mogħdija dejqa bejn
id-dwieli, bejn żewġ ħitan, wieħed f'naħa u l-ieħor f'oħra.
[Num:22:25] U l-ħmara rat l-anġlu tal-Mulej u trasset mal-ħajt, u rasset riġel
Balgħam mal-ħajt, u dan raġa' beda jsawwatha. [Num:22:26] U l-anġlu tal-Mulej
raġa' qabiżhom u waqaf f'post dejjaq li ma kienx hemm mogħdija 'l fejn tilwi, la
lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. [Num:22:27] U l-ħmara rat l-anġlu
tal-Mulej u għotrot taħt Balgħam; u Balgħam inkorla għaliha u raġa' beda
jagħtiha bil-ħatar.
[Num:22:28] U l-Mulej fetaħ fomm il-ħmara, u din qalet lil Balgħam:
“X'għamiltlek? Diġà sawwattni tliet darbiet!” [Num:22:29] U Balgħam qal
lill-ħmara: “Għax qiegħda tgħaddi ż-żmien bija? Li kelli xabla f'idi kont
noqtlok issa stess.” [Num:22:30] U l-ħmara wieġbet lil Balgħam: “M'iniex jien
il-ħmara tiegħek, li int dejjem irkibt sa llum? Għandi forsi d-drawwa li
nagħmillek hekk ?” U wieġeb: “Le.” [Num:22:31] U l-Mulej fetaħ għajnejn Balgħam,
u ra l-anġlu tal-Mulej wieqaf fit-triq bix-xabla misluta f'idu; u baxxa rasu u
nxteħet wiċċu fl-art.
[Num:22:32] U l-anġlu tal-Mulej qallu: “Għaliex sawwatt il-ħmara s'issa tliet
darbiet? Arani, jien ħriġt biex nagħlaqlek it-triq, għax għalija t-triq li int
qbadt hi ħażina. [Num:22:33] Il-ħmara ratni u lwiet minn quddiemi tliet darbiet.
Li kieku ma lwietx, kieku bħalissa diġà qtiltek, u ħallejt lilha ħajja.”
[Num:22:34] U Balgħam wieġeb lill-anġlu tal-Mulej: “Dnibt, għaliex ma għaraftx
li int kont wieqaf fit-triq quddiemi. Issa jekk hemm xi ħaġa ħażina f'għajnejk,
nerġa' lura.” [Num:22:35] U l-anġlu tal-Mulej qal lil Balgħam: “Mur ma' dawn
in-nies, iżda għidilhom biss li ngħidlek jien.” U Balgħam mar mal-prinċpijiet
ta' Balak.
[Num:22:36] U Balak sama' li Balgħam kien wasal, u ħareġ jilqgħu fil-belt ta'
Għir-mowab li qiegħda fuq il-fruntiera ta' l-Arnon, f'tarf il-fruntiera.
[Num:22:37] U Balak qal lil Balgħam: “Ma bgħattx insejjaħlek? Għaliex ma
ġejtlix? Jaqaw ma nistax nimliek bil-ġieħ?” [Num:22:38] U Balgħam wieġeb lil
Balak: “Arani, jien ġejt għandek; nista' ngħid xi ħaġa minn rajja? Ngħid dak li
l-Mulej iqiegħed fuq xufftejja.”
[Num:22:39] U Balgħam telaq ma' Balak, u waslu Kirjat-ħusot. [Num:22:40] Balak
offra sagrifiċċji gniedes u nagħaġ, u bagħat minnhom lil Balgħam u
lill-prinċpijiet li kienu miegħu.
23. L-ewwel oraklu
[Num:23:1] U Balgħam qal lil Balak: “Ibnili hawn seba' artali, u lestili seba'
għoġiela u seba' mtaten.” [Num:23:2] U Balak għamel kif qallu Balgħam. U Balgħam
u Balak offrew għoġol u muntun fuq kull artal; [Num:23:3] u Balgħam qal lil
Balak: “Int oqgħod ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien nitbiegħed; għandu mnejn
jiġi l-Mulej jiltaqa' miegħi, u ngħidlek kull ma jurini.” U telaq lejn għolja
għerja.
[Num:23:4] U l-Mulej gie jiltaqa' miegħu, u Balgħam qallu: “Jien lestejt seba'
artali, u offrejt għoġol u muntun fuq kull artal.” [Num:23:5] U l-Mulej qiegħed
dan il-kliem fuq fomm Balgħam u qallu: “Erġa' lura lejn Balak u għidlu li
ngħidlek jien.” [Num:23:6] U raġa' mar ħdejh u sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju
tiegħu, hu u l-prinċpijiet kollha ta' Mowab, u [Num:23:7] beda jitkellem u
jgħid:
“Minn Aram ġiebni Balak,
is-Sultan ta' Mowab mill-għoljiet tal-lvant:
'Ejja u isħetli lil Ġakobb;
Ejja u idgħili lil Iżrael.'
[Num:23:8] Kif nista' nisħet lil min Alla ma seħtux?
u kif nidgħi lil min Alla ma dgħalux?
[Num:23:9] Minn fuq il-qċaċet tal-blat qiegħed narah;
nħares lejh minn fuq l-għoljiet.
Dan poplu jgħammar waħdu;
mal-ġnus ma jitħallatx.
[Num:23:10] Min għaddu trab Ġakobb,
u min jgħodd ir-ramel ta' Iżrael?
Jalla mmut bħalma jmut il-ġust,
u tmiemi jkun bħal tmiemu.”
[Num:23:11] Mbagħad Balak qal lil Balgħam: “X'għamiltli! Jien ġibtek biex
tisħetli l-għedewwa tiegħi, u issa int qiegħed tberikhom!” [Num:23:12] U wieġbu:
“M'hux il-kliem li jqegħedli l-Mulej fuq fommi għandi nqis li ngħid?”
It-tieni oraklu
[Num:23:13] U Balak qallu: “Ejja miegħi post ieħor mnejn tista' tarahom. Tarf
biss minnu tista' tara, ma tarahx kollu, u isħethuli minn hemm.” [Num:23:14]
Ħadu fil-wita ta' Sofim fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena hemm seba' artali, u
offra għoġol u muntun fuq kull artal. [Num:23:15] U qal lil Balak: “Oqgħod
wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien ikolli laqgħa hemm.” [Num:23:16] U
l-Mulej iltaqa' ma' Balgħam, u qegħedlu dan il-kliem fuq fommu, u qallu: “Erġa'
lura u mur għand Balak, u għidlu li se ngħidlek.” [Num:23:17] U ġie ħdejh, u
sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju, u l-prinċpijiet ta' Mowab miegħu. U Balak
staqsieh: “X'jgħid il-Mulej?” [Num:23:18] U Balgħam raġa' beda jitkellem u
jgħid:
“Qum Balak u isma'; agħtini widen bin Siffur.
[Num:23:19] Alla m'hux bniedem biex jigdeb;
anqas bin Adam biex jibdielu.
Forsi jgħid u ma jagħmilx?
jitkellem, u ma jżommx kelmtu?
[Num:23:20] Arani! Ordnali nbierek.
Hu bierek, u jiena ma nistax il-barka nreġġa' lura!
[Num:23:21] Ebda deni ma sab f'Ġakobb;
u ebda ħażen ma ra f'Iżrael.
Il-Mulej, Alla tiegħu, miegħu;
sultan milqugħ b'għajat ta' ferħ.
[Num:23:22] Bħalma huma l-qrun għall-gendus selvaġġ,
hekk għalihom Alla, li ħarighom mill-Eġittu
[Num:23:23] Ma hemmx seħer kontra Ġakobb;
ma hemmx magħmul kontra Iżrael.
Issa huwa l-waqt li jgħidu minn Ġakobb u Iżrael:
'Araw Alla x'għamel!'
[Num:23:24] Araw hawn poplu! Bħal iljun iqum,
bħal iljun jieqaf fuq riġlejh;
ma jistrieħx qabel ma jqarmeċ il-priża,
qabel ma jixrob demm il-maqtulin.”
[Num:23:25] U Balak qal lil Balgħam: “Tisħtu xejn. Jekk int m'intix se tisħtu,
anqas m'għandek tbierku.” [Num:23:26] U Balgħam wieġeb lil Balak: “Ma kellimtekx
u għedtlek li jien nagħmel dak li jgħidli l-Mulej?”
It-tielet oraklu
[Num:23:27] U Balak qal lil Balgħam: “Ejja nieħdok naħa oħra, għandu mnejn Alla
jogħġbu li tisħethuli minn hemm.” [Num:23:28] U Balak ħa lil Balgħam fuq
il-quċċata ta' Pegħor, li tħares lejn id-deżert. [Num:23:29] U Balgħam qal lil
Balak: “Ibnili hawn seba' artali, u lestili seba' għoġiela u seba' mtaten.”
[Num:23:30] U Balak għamel kif ordnalu Balgħam, u offra għoġol u muntun fuq kull
artal.
24. [Num:24:1] U Balgħam ra li l-Mulej kien jogħġbu jbierek lil Iżrael u ma
fittixx iżjed bħal qabel is-sħarijiet, u dawwar wiċċu lejn id-deżert. [Num:24:2]
U Balgħam rafa' għajnejh u ra lil Iżrael, mifrux fil-kamp u mqassam tribù tribù.
Mbagħad niżel l-ispirtu ta' Alla fuqu [Num:24:3] u beda jitkellem u
jgħid:
“Il-kelma ta' Balgħam bin Begħor;
l-oraklu ta' bniedem b'għajnejh miftuħa;
[Num:24:4] L-oraklu ta' wieħed jisma' kliem Alla,
u jara dehret Alla li jista' kollox,
u jaqa' fl-art u għajnejh mikxufa.
[Num:24:5] Kemm huma sbieħ l-għerejjex tiegħek,
Ġakobb,
l-għamajjar tiegħek, Iżrael.
[Num:24:6] Bħal widien jinfirxu,
bħal ġonna ma' xatt xi xmara,
bħal siġar tas-sabbâra mħawwla mill-Mulej,
bħal masġar ta' l-arżnu ħdejn l-ilma!
[Num:24:7] L-ilma jfawwar mill-bramel tiegħu,
u nislu kotran bħall-ilmijiet.
Is-sultan tiegħu ogħla minn Agag,
u s-saltna tiegħu togħla 'l fuq.
[Num:24:8] Bħalma huma l-qrun għall-gendus selvaġġ,
hekk hu Alla għalihom,
li ħariġhom mill-Eġittu.
Jibla' l-ġnus l-għedewwa tiegħu,
għadamhom jagħmlu frak,
u ġewwinihom jagħmilhom trietaq.
[Num:24:9] Jinżel u jimtedd bħal iljun,
bħal iljuna u ħadd ma jqajjmu.
Mbierek min ibierkek;
Misħut min jisħtek!”
[Num:24:10] Balak xegħel bil-korla għal Balgħam, u ħabbat idejh u qal lil
Balgħam: “Sejjaħtlek biex tisħet l-għadu tiegħi, u int beriktu għal tliet
darbiet. [Num:24:11] Mela issa, iġri lejn pajjiżek! Jien għedt, nimliek
bil-ġieħ, imma ċaħħadhulek il-Mulej.” [Num:24:12] U Balgħam wieġeb: “Ma
għedtilhomx jien lill-messaġġiera tiegħek, li int bgħattli: [Num:24:13] 'Mqar
jekk Balak jagħtini l-fidda u d-deheb b'kemm tasa' daru, ma nistax nikser
il-kelma tal-Mulej, u nagħmel minn rajja t-tajjeb jew il-ħażin? Dak li jgħidli
l-Mulej, dak ngħid jien.' [Num:24:14] Mela issa arani sejjer lejn niesi. Ejja
nurik x'se jagħmel dan il-poplu lill-poplu tiegħek għalli ġej.” [Num:24:15] U
beda jitkellem u jgħid:
“Il-kelma ta' Balgħam bin Begħor;
l-oraklu ta' bniedem b'għajnejh miftuħa;
[Num:24:16] l-oraklu ta' wieħed jisma' kliem Alla,
ta' wieħed jagħraf l-għerf ta' l-Għoli,
u jara dehriet Alla li jista' kollox,
u jaqa' fl-art u għajnejh mikxufa.
[Num:24:17] Qiegħed naraha, imma mhux għalissa;
nħares lejha, imma mhux fil-qrib.
Għad titla' kewkba minn Ġakobb ...
u jqum xettru minn Iżrael;
u jkisser ngħas Mowab,
u jeqred l-ulied kollha ta' Set.
[Num:24:18] Edom ikun wirtu;
Xegħir wirt l-għedewwa tiegħu;
Iżrael jagħmel l-għeġubijiet ta' ħila.
[Num:24:19] Jaħkem bniedem ġej minn Ġakobb,
u jeqred il-fdal minn Għir.”
[Num:24:20] U ra lil Għamalek u beda jitkellem u jgħid:
“L-ewwel fost il-ġnus hu Għamalek;
imma tmiemu jkun qerda għal dejjem.”
[Num:24:21] Ra lill-Kenin u beda jitkellem u jgħid:
“Mqar jekk tkun qawwija għamartek;
u l-bejta tiegħek tkun fil-blat,
[Num:24:22] ħerba għad isiru l-Kenin,
kemm se jdum ma ijassrek Assur?”
[Num:24:23] U raġa' beda jitkellem u jgħid:
“Oh! Min jibqa' ħaj meta Alla jagħmel dan?
[Num:24:24] Jiġu l-iġfna minn Kittin,
u jgħakksu lil Assur u lil Għeber;
u mbagħad jinqered hu wkoll.”
[Num:24:25] Balgħam qam u raġa' lura lejn pajjiżu, u Balak qabad triqtu.
25. Iżrael jadura lil Bagħal ta’ Pegħor
[Num:25:1] Iżrael kien qiegħed f'Sittim, u l-poplu tkasbar u waqa' fiż-żína
mal-bniet ta' Mowab. [Num:25:2] Kienu jistidnuhom biex joffru s-sagrifiċċji
lill-allat tagħhom, u l-poplu kien jiekol, u jadurahom. [Num:25:3] L-Iżraelin
intrabtu ma' Bagħal ta' Pegħor, u l-korla tal-Mulej xegħlet għalihom.
[Num:25:4] U l-Mulej qal lil Mosè: “Aqbad lill-kapijiet kollha tal-poplu u
għallaqhom f'ġieħ il-Mulej għad-dawl tax-xemx, u terġa' lura l-qilla tal-Mulej
minn Iżrael.”
[Num:25:5] U Mosè qal lill-imħallfin ta' Iżrael: “Oqtlu kull wieħed minnkom lil
niesu li ntrabtu ma' Bagħal ta' Pegħor.” [Num:25:6] U, ara, wieħed minn ulied
Iżrael ġieb f'nofs ħutu waħda Midjanija quddiem Mosè u quddiem għajnejn
il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael, li kienu qegħdin jibku quddiem il-bieb
tat-tinda tal-laqgħa. [Num:25:7] Malli ra dan Fineħas bin Elgħażar, bin Aron,
il-qassis, qam minn nofs il-ġemgħa u qabad lanza f'idu. [Num:25:8] U mar jiġri
wara r-raġel Iżraeli fil-kamra tas-sodda, u nifidhom it-tnejn flimkien,
lir-raġel Iżraeli u l-mara taħt żaqqha; u l-flaġell waqaf minn fost ulied
Iżrael; [Num:25:9] imma kienu diġà nqerdu erbgħa u għoxrin elf.
[Num:25:10] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:25:11] “Fineħas bin
Elgħażar, bin Aron, il-qassis, raġġa' lura l-korla tiegħi minn fuq ulied Iżrael;
xegħel bl-għira għal ġieħi fosthom, u ma qridtx lil ulied Iżrael fis-saħna ta'
l-għira tiegħi. [Num:25:12] Għalhekk għidlu: Arani! Jien nagħtih il-patt tiegħi
tas-sliem. [Num:25:13] U jkun għalih u għal nislu warajh il-patt tas-saċerdozju
għal dejjem għaliex kien għajjur għal Alla tiegħu, u patta għal ulied Iżrael.”
[Num:25:14] U l-Iżraeli, il-maqtul mal-Midjanija, kien jismu Żimri bin Salu,
prinċep ta' familja mit-tribù ta' Simgħon. [Num:25:15] U l-mara Midjanija li
qatel kien jisimha Kożbi bint Sur, il-kap ta' dar missirijietu f'Midjan.
[Num:25:16] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:25:17] “Aħbat għall-Midjanin
u oqtolhom, [Num:25:18] għax huma ħarbtu lilkom bil-qerq tagħhom u waqqgħukom
fil-ġrajja ta' Pegħor, u minħabba oħthom Kożbi, bint il-prinċep ta' Midjan, li
baqgħet mejta fi żmien il-flaġell minħabba l-grajja ta' Pegħor.”
26. Ċensiment tal-poplu
[Num:26:1] il-Mulej kellem lil Mosè u lil Elgħażar, bin Aron il-qassis, u
qalilhom: [Num:26:2] “Għoddu l-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael minn għoxrin sena
'l fuq skond id-djar ta' missirijiethom; għoddu lil dawk kollha tajbin
għall-gwerra f'Iżrael.”
[Num:26:3] U Mosè u Elgħażar il-qassis kellmuhom fil-wita ta' Mowab, ħdejn
il-Ġordan, biswit Ġeriko,u qalulhom: [Num:26:4] “Għoddu 'l dawk kollha minn
għoxrin sena 'l fuq,” skond ma kien ordna l-Mulej.
Ulied Iżrael li ħarġu mill-Eġittu kienu dawn:
[Num:26:5] Ruben, il-kbir ta' Iżrael; ulied Ruben, minn Ħanok, il-familja
tal-Ħanokin; minn Pallu, il-familja tal-Palluwin; [Num:26:6] minn Ħesron,
il-familja tal-Ħesronin; minn Karmi, il-familja tal-Karmin. [Num:26:7] Dawn huma
l-familji tar-Rubenin, li kienu jlaħħqu tlieta u erbgħin elf, seba' mija u
tletin ruħ. [Num:26:8] Ulied Pallu, Elijab; [Num:26:9] u wlied Elijab: Nemwel,
Datan u Abiram; Datan u Abiram, dawk stess li kienu magħżula mill-ġemgħa, li
qamet kontra Mosè u kontra Aron, li flimkien mal-klikka ta' Koraħ ħaduha
mal-Mulej. [Num:26:10] U fetħet l-art fommha u belgħet lilhom u 'l Koraħ, u
mietet il-klikka tagħhom, u n-nar kiel mitejn u ħamsin raġel biex ikunu ta'
eżempju. [Num:26:11] Imma wlied Koraħ ma mitux.
[Num:26:12] Ulied Simgħon skond il-familji tagħhom: minn Nemwel, il-familja
tan-Nemwelin; minn Ġamin, il-familja tal-Ġaminin; minn Ġakin, il-familja
tal-Ġakinin. [Num:26:13] Minn Żeraħ, il-familja taż-Żeraħin; minn Sawl,
il-familja tas-Sawlin. [Num:26:14] Dawn huma l-familja ta' Simgħon, tnejn u
għoxrin elf u mitejn ruħ.
[Num:26:15] Ulied Gad skond il-familji tagħhom: minn Sefun il-familja
tas-Sefunin; minn Ħaggi, il-familja tal-Ħaggin; minn Suni, il-familja tas-Sunin;
[Num:26:16] minn Ożni, il-familja ta' l-Ożnin; minn Għeri, il-familja ta'
l-Għerin; [Num:26:17] minn Arod, il-familja ta' l-Arodin; minn Areli, il-familja
ta' l-Arelin. [Num:26:18] Dawn huma l-familji ta' wlied Gad, li kienu jlaħħqu
erbgħin elf u ħames mitt ruħ.
[Num:26:19] Ulied Ġuda, Għer u Onan, mietu t-tnejn f'art Kangħan. [Num:26:20]
Ulied Ġuda skond il-familji tagħhom kienu dawn: minn Sela, il-familja ta'
Selanin; minn Pereż, il-familja tal-Periżżin; minn Żeraħ, il-familja
taż-Żeraħin; [Num:26:21] u wlied Pereż: minn Ħesron, il-familja tal-Ħesronin;
minn Ħamul, il-familja tal-Ħamulin. [Num:26:22] Dawn huma l-familji ta' Ġuda, li
kienu jlaħħqu sitta u sebgħin elf u ħamest mitt ruħ.
[Num:26:23] Ulied Issakar skond il-familji tagħhom kienu dawn: minn Tola',
il-familja tat-Tolagħin; minn Puwa, il-familja tal-Puwin; [Num:26:24] minn
Ġasub, il-familja tal-Ġasubin; minn Simron, il-familja tas-Simronin. [Num:26:25]
Dawn huma l-familji ta' Issakar, li kienu jlaħħqu erbgħa u sittin elf u tliet
mitt ruħ. [Num:26:26] Ulied Żebulun skond il-familji tagħhom kienu: minn Sared,
il-familja tas-Saredin; minn Elon, il-familja ta' l-Elonin; minn Ġaħlijel,
il-familja tal-Ġaħlijelin. [Num:26:27] Dawn huma l-familji taż-Żebulunin, li
kienu jlaħħqu sittin elf u ħames mitt ruħ.
[Num:26:28] Ulied Ġużeppi skond il-familji ta' Manassi u Efrajm. [Num:26:29]
Ulied Manassi: minn Makir, il-familja tal-Makirin; Makir wiled lil Gilgħad, u
minn Gilgħad, il-familja tal-Gilgħadin. [Num:26:30] Dawn huma wlied Gilgħad:
minn Ijjeżer, il-familja ta' l-Ijjeżerin: minn Ħelek, il-familja tal-Ħelekin;
[Num:26:31] minn Asrijel, il-familja ta' l-Asrijelin, u minn Sikem, il-familja
tas-Sikemin; [Num:26:32] minn Semida', il-familja tas-Semidagħin; minn Ħefer,
il-familja tal-Ħefrin. [Num:26:33] Selofħad bin Ħefer ma kellux tfal subjien,
imma bniet; u l-bniet ta' Selofhad kien jisimhom: Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka u
Tirsa. [Num:26:34] Dawn huma l-familji ta' Manassi, li kienu jlaħħqu tnejn u
ħamsin elf u seba' mitt ruħ.
[Num:26:35] Dawn huma wlied Efrajm skond il-familji tagħhom: minn Sutelaħ,
il-familja tas-Sutelaħin; minn Beker, il-familja tal-Bekrin; minn Taħan,
il-familja tat-Taħanin. [Num:26:36] Dawn huma wlied Sutelaħ: minn Għeran,
il-familja ta' l-Għeranin. [Num:26:37] Dawn huma l-familji ta' wlied Efrajm, li
kienu jlaħħqu tnejn u tletin elf u ħames mitt ruħ. Dawn huma wlied Ġużeppi skond
il-familji tagħhom.
[Num:26:38] Dawn huma wlied Benjamin skond il-familji tagħhom: minn Bela',
il-familja tal-Belagħin; minn Asbel, il-familja ta' l-Asbelin; minn Aħiram,
il-familja ta' l-Aħiramin; [Num:26:39] minn Sefufam, il-familja tas-Sufamin;
minn Ħufam, il-familja tal-Ħufamin. [Num:26:40] Ulied Bela' kienu Ard u Nagħman;
minn Ard, il-familja ta' l-Ardin; minn Nagħman, il-familja tan-Nagħamin.
[Num:26:41] Dawn huma wlied Benjamin, skond il-familji tagħhom, li kienu jlaħħqu
ħamsa u erbgħin elf u sitt mitt ruħ.
[Num:26:42] Dawn huma wlied Dan skond il-familji tagħhom: minn Suħam, il-familja
tas-Suħamin. Dawn huma wlied Dan skond il-familji tagħhom. [Num:26:43]
Il-familji kollha tas-Suhamin, skond l-għadd tagħhom, kienu jlaħħqu erbgħa u
sittin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:26:44] Ulied Aser skond il-familji tagħhom kienu: minn Imna, il-familja ta'
l-Imnin; minn Ġiswi, il-familja tal-Ġiswin; minn Berigħa, il-familja
tal-Berigħin. [Num:26:45] Minn ulied Berigħa: minn Ħeber, il-familja tal-Ħebrin;
minn Malkijel, il-familja tal-Malkijelin. [Num:26:46] U bint Aser kien jisimha
Xaraħ. [Num:26:47] Dawn kienu l-familji ta' wlied Aser, skond il-familji
tagħhom, li kienu jlaħħqu tlieta u ħamsin elf u erba' mitt ruħ.
[Num:26:48] Ulied Naftali skond il-familji tagħhom kienu: minn Ġaħsel,
il-familja tal-Ġaħselin; minn Guni, il-familja tal-Gunin; [Num:26:49] minn
Ġeser, il-familja tal-Ġeserin; minn Sillem, il-familja tas-Sillemin. [Num:26:50]
Dawn kienu l-familji ta' Naftali, imqassmin familja familja, li kienu jlaħħqu
ħamsa u erbgħin elf u erba' mitt ruħ. [Num:26:51] Dawn ulied Iżrael li kienu
magħdudin: b'kollox sitt mitt elf u seba' mija u tletin ruħ.
It-tqassim ta' l-art
[Num:26:52] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:26:53] “Lil dawn qassmilhom
l-art b'wirt skond l-għadd ta' ismijiethom. [Num:26:54] Kulħadd jieħu skond
in-nies magħduda tiegħu: tagħti sehem kbir lil min hu ta' għadd kbir, u sehem
żgħir lil min hu ta' għadd żgħir. [Num:26:55] Imma l-art titqassam bix-xorti, u
jirtuha skond l-ismijiet tat-tribujiet ta' missirijiethom. [Num:26:56] Bix-xorti
tqassmu l-wirt bejn il-kbir u ż-żgħir.”
L-għadd tal-Leviti
[Num:26:57] Dawn huma l-Leviti magħdudin skond il-familji tagħhom; minn Gersun,
il-familja tal-Gersunin; minn Keħat, il-familja tal-Keħatin; minn Merari,
il-familja tal-Merarin. [Num:26:58] Dawn huma l-familji ta' Levi: il-familja
tal-Libnin, il-familja tal-Ħebronin, il-familja tal-Maħlin, il-familja
tal-Musin, il-familja tal-Koraħin. Keħat wiled lil Għamram. [Num:26:59] U l-mara
ta' Għamram kien jisimha Gokebed bint Levi, u twelditlu l-Eġittu, u lil Għamram
wilditlu, lil Aron, u lil Mosè u Mirjam oħthom. [Num:26:60] Lil Aron twildulu
Nadab, Abiħu, Elgħażar u Itamar. [Num:26:61] Nadab u Abiħu mietu meta offrew nar
profan quddiem il-Mulej. [Num:26:62] Kienu jlaħħqu tlieta u għoxrin elf ruħ,
l-irġiel kollha minn xahar 'il fuq. Ma kinux magħduda ma' wlied Iżrael, għax
ebda wirt ma ngħatalhom f'nofs ulied Iżrael.
[Num:26:63] Dan hu għadd ulied Iżrael li Mosè u Elgħażar, il-qassis, għamlu
fil-wita ta' Mowab ħdejn il-Ġordan biswit Ġeriko. [Num:26:64] F'dawn il-listi ma
kien hemm ebda wieħed minn dawk li kienu għaddew Mosè u Aron, il-qassis,
fid-deżert ta' Sinaj; [Num:26:65] għax il-Mulej kien qalilhom li huma kellhom
imutu żgur fid-deżert, u anqas wieħed biss minnhom ma baqa' ħaj ħlief Kaleb bin
Ġefunni u Ġożwè bin Nun.
27. Il-wirt tan-nisa
[Num:27:1] U resqu l-bniet, ulied Selofħad bin Ħefer, bin Gilgħad, bin Makir,
bin Manassi mit-tribù ta' Manassi bin Ġużeppi, u dawn kien jisimhom: Maħla,
Nogħa, Ħogla, Milka u Tirsa. [Num:27:2] U ppreżentaw ruħhom quddiem Mosè u
quddiem Elgħażar, il-qassis, u quddiem il-kapijiet u l-ġemgħa kollha, fid-daħla
tat-tinda tal-laqgħa u qalulhom: [Num:27:3] “Missierna miet fid-deżert, u ma
kienx fost dawk li ħaduha kontra l-Mulej mal-klikka ta' Koraħ, imma miet ħtija
tiegħu; u subjien ma kellux. [Num:27:4] Għala għandu jintemm isem missierna minn
fost il-familja tiegħu billi ma kellu ebda tifel? Agħtina biċċa art bħal ħut
missierna.”
[Num:27:5] U Mosè ġieb il-każ tagħhom quddiem il-Mulej. [Num:27:6] U l-Mulej
kellem lil Mosè u qallu: [Num:27:7] “Sewwa qalu l-bniet ta' Selofħad. Ħallihom
jirtu bħal ħut missierhom; u l-wirt ta' missierhom għaddih lilhom. [Num:27:8] U
kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 'Meta jmut xi ħadd bla ma jħalli ulied
subjien, għaddu l-wirt tiegħu lil uliedu bniet. [Num:27:9] U jekk ma jkollux
bniet, agħtu wirtu lil ħutu. [Num:27:10] U jekk ma jkollux ħutu, agħtu wirtu lil
ħut missieru. [Num:27:11] U jekk missieru ma jkollux ħutu, agħtu wirtu
lill-eqreb wieħed li jiġi minnu fil-familja tiegħu, u jirtu hu.‘ ” U din tkun
il-liġi u d-dritt kif ordna l-Mulej lil Mosè.
L-għażla ta' Ġożwè
[Num:27:12] U l-Mulej qal lil Mosè: “Itla' fuq il-muntanja ta' l-Għabarin u
ħares lejn l-art li se nagħti lil ulied Iżrael. [Num:27:13] U malli taraha, int
ukoll tinġabar ma' niesek bħalma nġabar ħuk Aron, [Num:27:14] talli ksirtuli
kliemi fid-deżert ta' Sin, meta l-ġemgħa ħaditha miegħi, u ma ħaristulix qdusiti
quddiemhom ħdejn l-ilma.” Dan hu l-ilma ta' Meriba f'Kades fid-deżert ta' Sin.
[Num:27:15] U Mosè kellem lill-Mulej u qallu: [Num:27:16] “Ħa jqiegħed il-Mulej,
Alla ta' l-erwieħ tal-ħajjin kollha, bniedem fuq il-ġemgħa; [Num:27:17] bniedem
li joħroġ u jidħol quddiemhom, u li joħroġhom u jdaħħalhom, biex ma tkunx
il-ġemgħa tal-Mulej bħal merħla bla ragħaj.”
[Num:27:18] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ħu lil Ġożwè bin Nun, bniedem ta' spirtu, u
qiegħed idek fuqu.
[Num:27:19] “Mbagħad ġibu quddiem Elgħażar il-qassis, u quddiem il-ġemgħa
kollha, u agħtih il-kmand quddiemhom. [Num:27:20] U agħtih sehem mill-awtorità
tiegħek, biex tisma' minnu l-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael. [Num:27:21] U hu
jersaq quddiem Elgħażar il-qassis, u dan jistħarreġ f'ismu xi jgħid il-ġudizzju
ta' l-Urim quddiem il-Mulej; għall-kelma tiegħu joħorġu, u għall-kelma tiegħu
jidħlu, hu u l-ulied kollha ta' Iżrael miegħu, il-ġemgħa kollha.”
[Num:27:22] U Mosè għamel kull ma ordnalu l-Mulej. U ħa lil Ġożwè u ġiebu
quddiem Elgħażar il-qassis, u quddiem il-ġemgħa kollha. [Num:27:23] U qiegħed
idejh fuqu u tah il-kmand skond ma qallu l-Mulej permezz ta' Mosè.
28. Is-sagrifiċċji
[Num:28:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:28:2] “Ordna lil ulied Iżrael
u għidilhom: Qisu li toffruli f'waqtha l-offerta li tmissni, l-ikel li għandkom
taħarqu quddiemi b'riħa tfuħ.
[Num:28:3] “U għidilhom: Dan hu s-sagrifiċċju tal-ħruq li għandkom toffru
lill-Mulej: ħrief tas-sena u bla difett, tnejn kuljum b'sagrifiċċju tal-ħruq
għal dejjem; [Num:28:4] ħaruf wieħed toffrih fil-għodu u l-ieħor toffrih
fil-għaxija, bejn dawl u dlam; [Num:28:5] offerta ta' waħda minn għaxra ta' efa
smid miblul fi kwart ta' ħinn żejt misħuq. [Num:28:6] Dan hu s-sagrifiċċju
tal-ħruq ta' dejjem li kien offrut fuq il-muntanja Sinaj b'riħa tfuħ maħruq
lill-Mulej. [Num:28:7] Issawwab fuqu kwart ta' ħinn għal kull ħaruf, u ssawwab
lill-Mulej l-inbid safi fil-post imqaddes. [Num:28:8] U t-tieni ħaruf toffrih
fil-għaxija bejn inżul ix-xemx u d-dlam bl-offerta u l-libazzjoni tiegħu, b'riħa
tfuħ lill-Mulej.
[Num:28:9] “Fil-jum tas-Sibt toffru żewġt iħrief tas-sena bla difett u tnejn
minn għaxra ta' efa smid miblula fiż-żejt bl-offerta u l-libazzjoni tiegħu.
[Num:28:10] Dan ikun is-sagrifiċċju tal-ħruq kull nhar ta' Sibt, barra
mis-sagrifiċċju tal-ħruq ta' kull jum bil-libazzjoni tiegħu.
[Num:28:11] “Kull l-ewwel tax-xahar toffru sagrifiċċju tal-ħruq quddiem
il-Mulej: żewġ għoġiela, muntun, sebat iħrief tas-sena, bla difett, [Num:28:12]
u offerta ta' tlieta minn għaxra smid miblul fiż-żejt għal kull għoġol, u
offerta ta' tnejn minn għaxra smid miblul fiż-żejt għal kull muntun; [Num:28:13]
u waħda minn għaxra ta' smid miblul fiż-żejt għal kull ħaruf; sagrifiċċju b'riħa
tfuħ maħruq lill-Mulej. [Num:28:14] Il-libazzjonijiet tagħhom ikunu ta' nofs
ħinn għal kull għoġol, u waħda minn tlieta ta' ħinn għal kull muntun, u waħda
minn erbgħa ta' ħinn ta' nbid għal kull ħaruf. Dan hu s-sagrifiċċju ta' kull
xahar, f'kull l-ewwel tax-xahar, fix-xhur kollha tas-sena. [Num:28:15] Joffru
wkoll bodbod għall-purifikazzjoni lill-Mulej, barra s-sagrifiċċju tal-ħruq
bil-libazzjoni tiegħu.
Il-festa ta' l-Għid
[Num:28:16] “Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, ikun l-Għid tal-Mulej.
[Num:28:17] Fil-ħmistax ta' dan ix-xahar issir festa, u għal sebat ijiem
jittiekel ħobż bla ħmira. [Num:28:18] L-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa; ma
tagħmlu ebda xogħol. [Num:28:19] U toffru b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej:
żewġ għoġiela, muntun u sebat iħrief tas-sena; u tqisu li jkunu bla difett.
[Num:28:20] U l-offerta tagħhom tkun smid miblul fiż-żejt, tlieta minn għaxra
ta' efa għall-għoġol, u tnejn minn għaxra għall-muntun, [Num:28:21] u waħda minn
għaxra għal kull wieħed mis-sebat iħrief, [Num:28:22] u bodbod
għall-purifikazzjoni għall-maħfra tagħkom. [Num:28:23] U dawn toffruhom minbarra
s-sagrifiċċju ta' filgħodu ta' kull jum, sagrifiċċju tal-ħruq għal dejjem.
[Num:28:24] Hekk tagħmlu kull jum għal sebat ijiem: taħarqu ikel b'riħa tfuħ
lill-Mulej, minbarra s-sagrifiċċju tal-ħruq ta' kull jum bil-libazzjoni tiegħu.
[Num:28:25] U jkollkom laqgħa mqaddsa fis-seba' jum u ma tagħmlu ebda xogħol.
Il-festa ta' Għid il-Ħamsin
[Num:28:26] “U f'jum il-bikri, meta tagħmlu offerta ġdida lill-Mulej fil-festa
tal-ġimgħat, ikollkom laqgħa mqaddsa, u ma tagħmlu ebda xogħol. [Num:28:27] U
toffru sagrifiċċju li jogħġob lill-Mulej, żewġ għoġiela, muntun u sebat iħrief
tas-sena. [Num:28:28] U offerta tas-smid mibdul fiż-żejt, tlieta minn għaxra ta'
efa għal kull għoġol, tnejn minn għaxra għall-muntun, [Num:28:29] u waħda minn
għaxra għal kull ħaruf mis-sebat iħrief. [Num:28:30] U bodbod għall-maħfra
tagħkom, [Num:28:31] minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum bl-offerta tiegħu u
bil-libazzjoni tagħhom, u qisu li jkunu bla difett.
29. Il-festi tal-Ħarifa
[Num:29:1] “Fis-seba' xahar, fl-ewwel tax-xahar, ikollkom laqgħa mqaddsa; ma
tagħmlu ebda xogħol; ikun għalikom jum iż-żarżir tat-tromba. [Num:29:2] Toffru
sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ lill-Mulej; għoġol, muntun u sebat iħrief
tas-sena bla difett; [Num:29:3] bl-offerta ta' tlieta minn għaxra ta' efa smid
miblul fiż-żejt għall-għoġol, [Num:29:4] u tnejn minn għaxra għall-muntun, u
waħda minn għaxra għal kull ħaruf mis-sebat iħrief. [Num:29:5] U bodbod
għall-purifikazzjoni tal-ħtija tagħkom, [Num:29:6] minbarra s-sagrifiċċju ta'
l-ewwel tax-xahar bl-offerta tiegħu, u s-sagrifiċċju ta' kull jum bil-libazzjoni
tiegħu maħruq lill-Mulej b'riħa tfuħ skond ir-rit tagħhom. [Num:29:7] Fl-għaxra
ta' dan is-seba' xahar ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu lilkom infuskom u ma
tagħmlu ebda xogħol; [Num:29:8] u toffru sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ
lill-Mulej; għoġol, muntun u sebat iħrief tas-sena bla difett, [Num:29:9]
bl-offerta ta' tlieta minn għaxra ta' efa smid miblul fiż-żejt għall-għoġol, u
tnejn minn għaxra għall-muntun, [Num:29:10] u waħda minn għaxra għal kull ħaruf
mis-sebat iħrief; [Num:29:11] u toffru bodbod għall-purifikazzjoni tal-ħtija,
inbarra s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni bi tpattija, u s-sagrifiċċju ta' kull
jum, bl-offerta u l-libazzjonijiet tiegħu.
[Num:29:12] “Fil-ħmistax-il jum tas-seba' xahar ikollkom laqgħa mqaddsa, u ma
tagħmlu ebda xogħol, u tagħmlu festa għal sebat ijiem lill-Mulej. [Num:29:13] U
toffru sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ lill-Mulej; tlittax-il għoġol, żewġ
imtaten u erbatax-il ħaruf tas-sena bla difett, [Num:29:14] bl-offerta ta'
tlieta minn għaxra minn efa smid miblul fiż-żejt għal kull għoġol mit-tlettax-il
għoġol; tnejn minn għaxra għal kull muntun miż-żewġ imtaten; [Num:29:15] u waħda
minn għaxra għal kull ħaruf mill-erbatax-il ħaruf. [Num:29:16] U bodbod wieħed
għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum bl-offerta u
l-libazzjoni tiegħu.
[Num:29:17] “Fit-tieni jum toffru tnax-il għoġol, żewġ imtaten, u erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett, [Num:29:18] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten, u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom;
[Num:29:19] bodbod għall-purifikazzjoni bl-offerta u l-libazzjonijiet tiegħu,
minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum bl-offerta u l-libazzjonijiet tiegħu.
[Num:29:20] “U fit-tielet jum toffru ħdax-il għoġol, żewġ imtaten u erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett, [Num:29:21] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten, għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom.
[Num:29:22] bodbod għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum
bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom.
[Num:29:23] “U fir-raba' jum toffru għaxar għoġiela, żewġ imtaten u erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett [Num:29:24] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom;
[Num:29:25] u bodbod għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum
bl-offerta u l-libazzjoni tagħhom.
[Num:29:26] “U fil-ħames jum toffru disa' għoġiela, żewġ imtaten, erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett [Num:29:27] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom;
[Num:29:28] u bodbod għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum
bl-offerta u l-libazzjoni tagħhom.
[Num:29:29] “U fis-sitt jum toffru tmien għoġiela, żewġ imtaten, erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett, [Num:29:30] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom;
[Num:29:31] u bodbod għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum
bl-offerta u l-libazzjoni tagħhom.
[Num:29:32] “U fis-seba' jum toffru seba' għoġiela, żewġ imtaten, erbatax-il
ħaruf tas-sena bla difett, [Num:29:33] bl-offerta u l-libazzjonijiet tagħhom
għall-għoġiela, għall-imtaten u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom;
[Num:29:34] u bodbod għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum
bl-offerta u l-libazzjoni tagħhom.
[Num:29:35] “Fit-tmien jum tagħmlu l-laqgħa ta' l-aħħar; ma tagħmlu ebda xogħol.
[Num:29:36] U toffru b'riħa tfuħ lill-Mulej: għoġol, muntun, sebat iħrief
tas-sena bla difett, [Num:29:37] bl-offerta u l-libazzjoni tagħhom għall-għoġol,
għall-muntun u għall-ħrief skond l-għadd u r-rit tagħhom; [Num:29:38] u bodbod
għall-purifikazzjoni, minbarra s-sagrifiċċju ta' kull jum bl-offerta u
l-libazzjoni tagħhom.
[Num:29:39] “Dawn huma s-sagrifiċċji li tagħmlu lill-Mulej fil-festi tagħkom
minbarra l-wegħdi u l-għotjiet minn rajkom, li tistgħu tagħmlu, ta' sagrifiċċji
tal-ħruq, offerti, libazzjonijiet u sagrifiċċji ta' sliem.”
30. Il-festi tal-Ħarifa
[Num:30:1] U Mosè qal lil ulied Iżrael kull ma ordnalu l-Mulej.
Il-wegħdi
[Num:30:2] U Mosè kellem lill-prinċpijiet tat-tribujiet ta' wlied Iżrael u
qalilhom: “Dan hu li ordna l-Mulej. [Num:30:3] Jekk xi ħadd jagħmel wegħda
lill-Mulej, jew jintrabat b'ġurament, m'għandux jonqos minn kelmtu, imma jagħmel
skond ma jkun ħareġ minn fommu. [Num:30:4] U l-mara li tkun għamlet wegħda u
ntrabtet meta kienet għadha xebba f'dar missierha, [Num:30:5] u missierha jisma'
bil-wegħda u bl-obbligu li bih tkun intrabtet, u ma jgħidilha xejn, il-wegħdi u
l-obbligi li bihom tkun intrabtet jibqgħu sħaħ. [Num:30:6] Imma jekk missierha
jisma' bil-wegħdi u l-obbliġi li bihom tkun intrabtet, u jħassarhom, dawn ma
jkunux jiswew aktar, u l-Mulej jaħfrilha għax missierha jkun ħassrilha.
[Num:30:7] Jekk tiżżewweġ bil-wegħdi fuqha jew b'xi kelma bla ħsieb, li biha
tkun intrabtet, [Num:30:8] u jisma' żewġha u ma jgħidilha xejn, il-wegħdi u
l-obbliġi li bihom tkun intrabtet jibqgħu sħaħ. [Num:30:9] Imma meta jisma'
żewġha u jħassrilha l-wegħda li jkollha fuqha u l-kelma bla ħsieb, il-Mulej
jaħfrilha. [Num:30:10] Il-wegħda ta' l-armla u tal-mara mifruda minn żewġha,
l-obbliġi kollha li jkunu ntrabtu bihom jibqgħu sħaħ.
[Num:30:11] “U jekk mara f'dar żewġha tagħmel xi wegħda jew tintrabat b'xi
obbligu b'ġurament, [Num:30:12] u jisma' żewġha u ma jgħid xejn, u ma
jħassarhomlhiex, il-wegħda u l-obbligu li tkun intrabtet bihom jibqgħu sħaħ.
[Num:30:13] Imma jekk żewġha, meta jisma' b'kull kelma li tkun ħarġet minn
fommha, iħassrilha l-wegħdi u l-obbligi li tkun intrabtet bihom, dawn ma jiswewx
aktar. Il-Mulej jaħfrilha, għax żewġha jkun ħassarhomlha. [Num:30:14] “Kull
wegħda u kull obbligu b'ġurament li titgħakkes b'xi ħaġa, żewġha jista'
jwettaqhom u żewġha jista' jħassarhom. [Num:30:15] Imma jekk żewġha ma jgħidilha
xejn minn jum għal ieħor, ikun wettaq il-wegħdi kollha tagħha jew l-obbliġi
kollha li bihom tkun intrabtet; iwettaqhom għax ma jkun qalilha xejn, meta sama'
bihom. [Num:30:16] U jekk iħassarhom wara li jkun sama' bihom, jitgħabba hu
bil-ħtija tagħha.”
[Num:30:17] Dawn huma l-kmandamenti li ordnalkom il-Mulej permezz ta' Mosè bejn
ir-raġel u martu, bejn il-missier u bintu, xebba f'dar missierha.
31. Il-gwerra mal-Midjanin
[Num:31:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:31:2] “Qis li titħallas
mill-Midjanin għal li għamlu lil ulied Iżrael, u mbagħad tinġabar ma' niesek.”
[Num:31:3] U Mosè kellem lill-poplu u qalilhom: “Armaw minn fostkom irġiel
għall-gwerra, u jmorru għall-Midjanin, biex jitħallas minnhom il-Mulej;
[Num:31:4] ibagħtu elf ruħ minn kull tribù.” [Num:31:5] U nġabru mit-tribù ta'
Iżrael, elf minn kull tribù, b'kollox tnax-il elf armati għall-gwerra.
[Num:31:6] U Mosè bagħathom għat-taqbid, elf ruħ minn kull tribù, lilhom u 'l
Fineħas bin Elgħażar il-qassis; bagħathom għat-taqbid, u ħadu magħhom l-oġġetti
kkonsagrati u t-trombi f'idejhom għas-sinjali tal-gwerra.
[Num:31:7] U tqabdu kontra l-Midjanin kif kien ikkmanda l-Mulej lil Mosè, u
qatlu l-irġiel kollha. [Num:31:8] U barra l-maqtulin l-oħra, qatlu wkoll
lis-slaten tal-Midjanin: Evi, Rekem, Sur, Ħur, Reba, ħames slaten ta' Midjan; u
'l Balgħam bin Begħor qatluh bix-xabla. [Num:31:9] U wlied Iżrael ħadu
prigunieri n-nisa ta' Midjan bit-tfal u l-bhejjem tagħhom kollha, bl-imrieħel u
l-ġid kollu tagħhom. [Num:31:10] U taw in-nar lill-ibliet kollha fejn kienu
jgħammru u l-irħula tagħhom. [Num:31:11] U qabdu l-priża kollha u kull ma ġabru,
nies u bhejjem, [Num:31:12] u marru quddiem Mosè u Elgħażar, il-qassis, u
l-ġemgħa ta' wlied Iżrael bil-priġunieri u l-priża u l-ġabra fil-kamp, fil-wita
ta' Mowab, li tinsab ħdejn il-Ġordan biswit Ġeriko.
[Num:31:13] Mosè u Elgħażar, il-qassis, u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa, ħarġu
jilqgħuhom barra l-kamp. [Num:31:14] Mosè inkorla għall-kmandanti ta' l-eżerċtu,
il-kapijiet ta' l-eluf, u l-kapijiet tal-mijiet li ġew lura għall-gwerra,
[Num:31:15] u qalilhom: “In-nisa kollha ħallejtuhom ħajjin? [Num:31:16] Ma kinux
huma li b'kelma minn Balgħam ġibdu lil ulied Iżrael, biex jidinbu kontra l-Mulej
fil-ġrajja ta' Pegħor, u saret dik il-qerda fil-ġemgħa tal-Mulej? [Num:31:17]
Issa oqtlu t-tfal subjien kollha; u n-nisa li kellhom x'jaqsmu ma' rġiel,
oqtluhom kollha. [Num:31:18] U żommu għalikom it-tfajliet kollha li ma kellhomx
x'jaqsmu ma' rġiel. [Num:31:19] U issa intom oqogħdu barra mill-kamp sebat
ijiem; intom ilkoll li qtiltu xi bniedem jew missejtu xi mejjet, u tissaffew
fit-tielet u s-seba' jum, intom u l-prigunieri tagħkom. [Num:31:20] U tnaddfu
l-ilbies kollu u kull oġġett tal-ġild, u kull oġġett magħmul mix-xagħar
tal-mogħoż, u kull oġġett ta' l-injam.”
[Num:31:21] U Elgħażar il-qassis, lin-nies ta' l-eżerċtu, li ġew lura
mill-gwerra, qalilhom: “Dan hu li titlob il-liġi li l-Mulej ta lil Mosè:
[Num:31:22] id-deheb, il-fidda, il-bronż, il-ħadid, l-istann, u ċ-ċomb,
[Num:31:23] kull oġġett li jiflaħ għan-nar, tgħadduh min-nar, u jissaffa wara li
jkun imnaddaf bl-ilma tal-purifikazzjoni; u dak li ma jiflaħx għan-nar għadduh
mill-ilma. [Num:31:24] U taħslu ħwejjiġkom fis-seba' jum u titnaddfu, mbagħad
tidħlu fil-kamp.”
Il-qasma tal-priża
[Num:31:25] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:31:26] “Għoddu kull ma
nqabad, nies u bhejjem, int u Elgħażar il-qassis, u l-kapijiet tal-familji
tal-ġemgħa. [Num:31:27] U qassam il-priża bejn il-gwerriera li ħarġu għat-taqbid
u l-bqija tal-ġemgħa. [Num:31:28] Erfa' bħala tribut lill-Mulej mingħand kull
gwerrier li ħareġ għat-taqbid, wieħed minn kull ħames mija min-nies, mill-baqar,
mill-ħmir, min-nagħaġ. [Num:31:29] Teħodhom min-nofs li jmisshom u tagħtihom lil
Elgħażar il-qassis, b'offerta lill-Mulej.
[Num:31:30] “Min-nofs ta' wlied Iżrael tieħu wieħed minn kull ħamsin min-nies,
mill-baqar, mill-ħmir, min-nagħaġ u mill-bhejjem kollha, u tagħtihom lil-Leviti
li jieħdu ħsieb is-servizz tat-tinda.”
[Num:31:31] U Mosè u Elgħażar għamlu kif ordnalhom il-Mulej. [Num:31:32] U
l-fdal tal-priża li kienu qabdu l-gwerriera kien: sitt mija u ħamsa u sebgħin
elf nagħġa, [Num:31:33] tnejn u sebgħin elf baqra, [Num:31:34] wieħed u sittin
elf ħmar; [Num:31:35] tnejn u tletin elf mara li qatt ma kellhom x'jaqsmu ma'
raġel.
[Num:31:36] In-nofs li mess lil dawk li kienu ħarġu jitqabdu kien ta' tliet mija
u sebgħa u tletin elf u ħames mitt nagħġa, [Num:31:37] u minnhom sitt mija u
ħamsa u sebgħin tribut lill-Mulej; [Num:31:38] sitta u tletin elf baqra, u
minnhom tnejn u sebgħin tribut lill-Mulej; [Num:31:39] tletin elf u ħames mitt
ħmar, u wieħed u sittin minnhom tribut lill-Mulej; [Num:31:40] sittax-il elf
bniedem, u tnejn u tletin minnhom tribut lill-Mulej.
[Num:31:41] U Mosè ta l-offerta tat-tribut lill-Mulej; u taha lil Elgħażar
il-qassis, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.
[Num:31:42] In-nofs li kien imiss lil ulied Iżrael, li Mosè kien qasmu min-nofs,
[Num:31:43] li kien imiss lill-gwerriera, kien ta' tliet mija u sebgħa u tletin
elf u ħames mitt nagħġa; [Num:31:44] sitta u tletin elf baqra; [Num:31:45]
tletin elf u ħames mitt ħmar; [Num:31:46] u nies sittax-il elf. [Num:31:47] Minn
dan in-nofs li kien imiss lil ulied Iżrael, Mosè ħa wieħed minn kull ħamsin
min-nies u mill-bhejjem, u tahom lil-Leviti li jservu fis-santwarju tal-Mulej,
kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.
[Num:31:48] Mbagħad il-kmandanti tal-qtajja' tal-gwerriera, il-kapijiet ta'
l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet resqu quddiem Mosè, kellmuh u qalulu: [Num:31:49]
“Aħna, il-qaddejja tiegħek, għaddejna l-gwerriera taħt il-ħakma tagħna, u ma
sibna nieqes ebda wieħed. [Num:31:50] Nagħmlu għalhekk offerta lill-Mulej,
mill-oġġetti tad-deheb li kull wieħed minna sab; brazzuletti, pendenti, ċrieket,
msielet u kullani biex naqilgħu l-maħfra quddiem il-Mulej.”
[Num:31:51] U Mosè u Elgħażar il-qassis, ħadu mingħandhom id-deheb maħdum kollu.
[Num:31:52] U d-deheb kollu li offrew lill-Mulej bi tribut, mingħand il-kapijiet
ta' l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet, kien ilaħħaq is-sittax-il elf, seba' mija u
ħamsin xekel. [Num:31:53] L-irġiel ta' l-eżerċtu ħadu kull wieħed dak li laħaq
ħataf. [Num:31:54] U Mosè u Elgħażar il-qassis, ħadu d-deheb mingħand
il-kapijiet ta' l-eluf u l-mijiet, u ħaduh fit-tinda tal-laqgħa b'tifkira għal
ulied Iżrael quddiem il-Mulej.
32. Il-qasma tat-Trasġordanja
[Num:32:1] Ulied Ruben u wlied Gad kellhom kotra kbira sewwa ta' mrieħel, u raw
li l-art ta' Ġagħżer u l-art ta' Gilgħad kienu artijiet tajba għall-imrieħel.
[Num:32:2] U wlied Gad u wlied Ruben marru jkellmu lil Mosè u Elgħażar
il-qassis, u l-kapijiet tal-ġemgħa, u qalulhom: [Num:32:3] “Għatarot, Dibon,
Ġagħżer, Nimra, Ħesbon, Elgħali, Xebam, Nebu u Begħon, [Num:32:4] artijiet li
l-Mulej ħarbathom quddiem il-ġemgħa ta' Iżrael, huma artijiet tajba
għall-imrieħel, u aħna l-qaddejja tiegħek għandna l-imrieħel.” [Num:32:5] U
qalu: “Jekk jogħġbok, agħti lilna, il-qaddejja tiegħek, din l-art biex tkun
tagħna u tgħaddiniex 'l hemm mill-Ġordan.”
[Num:32:6] U Mosè wieġeb lil ulied Gad u wlied Ruben: “Tajjeb! Mbagħad ħutkom
imorru jitqabdu u intom tibqgħu hawn? [Num:32:7] Għala tridu taqtgħu qalb ulied
Iżrael biex ma jgħaddux għall-art li tahom il-Mulej? [Num:32:8] Hekk għamlu
missirijietkom meta jien bgħatthom minn Kades-barnija biex jaraw l-art.
[Num:32:9] U telgħu sal-wied ta' Eskol, u raw l-art, u qatgħu qalb ulied Iżrael,
biex ma jidħlux fl-art li tahom il-Mulej. [Num:32:10] U xegħlet il-korla
tal-Mulej dakinhar, u ħalef u qal: [Num:32:11] 'L-irġiel, li telgħu mill-Eġittu
minn għoxrin sena 'l fuq, ma jarawx l-art li jien ħlift li nagħti lil Abraham,
'l Iżakk u 'l Ġakobb, għax ma mxewx warajja b'qalbhom kollha, [Num:32:12]
minbarra Kaleb bin Ġefunni l-Kenażi, u Ġożwè bin Nun, għax dawn imxew wara
l-Mulej b'qalbhom kollha.' [Num:32:13] U l-korla tal-Mulej xegħlet għal Iżrael,
u ħalliehom jiġġerrew fid-deżert għal erbgħin sena, sakemm inqerdet
il-ġenerazzjoni li għamlet din il-ħsara quddiem il-Mulej. [Num:32:14] U issa
qomtu intom flok missirijietkom, friegħi ta' nies midinba, biex tkomplu żżidu
s-saħna tal-qilla tal-Mulej kontra Iżrael. [Num:32:15] Għaliex jekk terġgħu lura
minn warajh, hu jibqa' jżommu fid-deżert, u intom tħarbtu dan il-poplu kollu.”
[Num:32:16] Imma huma resqu lejh u qalulu: “Nibnu hawn imqawel għall-imrieħel
tagħna u bliet għat-tfal tagħna. [Num:32:17] U aħna mbagħad naqbdu l-armi, u
nimxu qalbiena quddiem ulied Iżrael sa ma ndaħħluhom f'arthom; u t-tfal tagħna
jibqgħu fl-ibliet bis-swar minħabba n-nies li jgħammru f'dik l-art. [Num:32:18]
Ma nerġgħux lura lejn djarna qabel ma wlied Iżrael ikunu ħadu f'idejhom kulħadd
sehmu. [Num:32:19] Għaliex ma rridux nieħdu sehem magħhom 'l hemm mill-Ġordan,
meta diġà għandna sehem għalina 'l hawn mill-Ġordan in-naħa tal-lvant.”
[Num:32:20] U Mosè weġibhom: “Jekk intom tagħmlu hekk, jekk tarmaw ruħkom u
timxu quddiem il-Mulej għat-taqbid, [Num:32:21] u kull gwerrier minn fostkom
jaqsam il-Ġordan quddiem il-Mulej, u jibqa' hemm sakemm ikeċċi l-għedewwa tiegħu
minn quddiemu, [Num:32:22] u l-pajjiż kollu jċedi quddiem il-Mulej, mbagħad
intom tkunu tistgħu terġgħu lura, u tinħallu mill-obbliġi tagħkom quddiem
il-Mulej u wlied Iżrael, u din l-art tkun tagħkom quddiem il-Mulej. [Num:32:23]
U jekk ma tagħmlux hekk, tidinbu quddiem il-Mulej, u kunu afu li l-kastig ta'
dnubkom għad jilħaqkom. [Num:32:24] Ibnu għalikom bliet għat-tfal tagħkom u
mqawel għall-imrieħel tagħkom, u żommu l-wegħda li ħarġet minn fommkom.”
[Num:32:25] U wlied Gad u wlied Ruben wieġbu lil Mosè u qalulu: “Il-qaddejja
tiegħek jagħmlu kif jordna sidi. [Num:32:26] It-tfal tagħna, in-nisa tagħna,
l-imrieħel u l-bhejjem tagħna jibqgħu hawn fl-ibliet ta' Gilgħad. [Num:32:27] U
l-qaddejja tiegħek, kull min jista' jaqbad l-armi, jitilqu għat-taqbid quddiem
il-Mulej, bħalma ordna sidi.” [Num:32:28] U Mosè wissa dwarhom lil Elgħażar
il-qassis, u lil Gożwè bin Nun, u l-kapijiet tal-familji tat-tribujiet ta' wlied
Iżrael. [Num:32:29] U Mosè qalilhom: “Jekk ulied Gad u wlied Ruben, lkoll armati
għat-taqbid, jaqsmu l-Ġordan magħkom quddiem il-Mulej, u intom tirbħu l-art,
agħtuhom l-art ta' Gilgħad, u din tkun tagħhom. [Num:32:30] Imma jekk ma jaqsmux
armati għat-taqbid, ikollhom joqogħdu magħkom f'art Kangħan.”
[Num:32:31] U wlied Gad u wlied Ruben wieġbu u qalu: “Aħna nagħmlu kull ma ordna
l-Mulej lill-qaddejja tiegħek. [Num:32:32] Aħna naqsmu armati quddiem il-Mulej
għal art Kangħan, imma jibqa' għalina s-sehem tagħna 'l hawn mill-Ġordan.”
[Num:32:33] U Mosè ta lil ulied nofs it-tribù ta' Manassi, ulied Ġużeppi,
is-saltna ta' Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin, u s-saltna ta' Għog, is-sultan ta'
Basan; l-art kollha bl-ibliet u l-inħawi tagħhom.
[Num:32:34] U wlied Gad bnew Dibon, Għatarot, Għarogħer, [Num:32:35]
Għatrot-Sofan, Ġagħżer, Ġogba, [Num:32:36] Bet-nimra, u Bet-ħaran, bliet
bis-swar u mqawel għall-imrieħel.
[Num:32:37] U wlied Ruben bnew Ħebson u Elgħali, Kirjatajm, [Num:32:38] Nebu u
Bagħalmegħon, b'isimhom mibdul, u Xibma; u l-ibliet li bnew tawhom isimhom.
[Num:32:39] U wlied Makir bin Manassi, telqu lejn Gilgħad, ħaduha f'idejhom u
keċċew l-Amurrin li kienu fiha. [Num:32:40] U Mosè ta l-art ta' Gilgħad lil
Makir bin Manassi, u bdew jgħammru fiha.
[Num:32:41] U Ġajir bin Manassi telaq u ħa l-irħula tagħhom u semmiehom
Ħawwot-ġajir. [Num:32:42] U Noba telaq u ħa lil Kenat u l-inħawi tagħha u
semmieha Noba b'ismu.
33. It-triq ta' wlied Iżrael fid-deżert
[Num:33:1] Dawn huma l-postijiet fejn waqfu wlied Iżrael, li ħarġu mill-Eġittu,
mqassmin qatgħa qatgħa, taħt it-tmexxija ta' Mosè u Aron. [Num:33:2] U Mosè
kiteb il-ġrajja tat-tluq tagħhom skond kull waqfa tagħhom kif ordnalu l-Mulej.
Dan hu t-tluq u l-waqfien tagħhom; [Num:33:3] telqu minn Ragħmses fl-ewwel
xahar, fil-ħmistax ta' l-ewwel xahar; l-għada, wara ċ-ċelebrazzjoni ta' l-Għid,
ulied Iżrael ħarġu b'rashom merfugħa quddiem għajnejn l-Egizzjani; [Num:33:4]
waqt li dawn kienu qegħdin jidfnu 'l uliedhom il-kbar li l-Mulej kien laqat;
il-Mulej għamel ukoll ħaqq mill-allat tagħhom.
[Num:33:5] Telqu wlied Iżrael minn Ragħmses, u waqqfu l-kamp f'Sukkot.
[Num:33:6] Telqu minn Sukkot, u waqfu f'Etam, f'tarf id-deżert. [Num:33:7] Telqu
minn Etam, daru lejn Piħaħirot, biswit Bagħal-sefon, u waqqfu l-kamp biswit
Migdol. [Num:33:8] Telqu minn Piħaħirot u qasmu l-baħar għal ġod-deżert; mxew
għal tlitt ijiem fid-deżert ta' Etam; u waqqfu l-kamp f'Mâra. [Num:33:9] Mbagħad
telqu minn Mâra u waslu Elim, fejn kien hemm tnax-il għajn ta' l-ilma u sebgħin
siġra tat-tamar; u hemm waqqfu l-kamp. [Num:33:10] Telqu minn Elim, u waqqfu
l-kamp ħdejn il-Baħar tal-Qasab.
[Num:33:11] U telqu minn ħdejn il-Baħar tal-Qasab, u waqfu fid-deżert ta' Sin.
[Num:33:12] Telqu mid-deżert ta' Sin, u waqfu Dofka.
[Num:33:13] U telqu minn Dofka, u waqfu Alus.
[Num:33:14] U telqu minn Alus, u waqfu Refidim; u hawn ma kienx hawn ilma
għall-poplu x'jixrob.
[Num:33:15] U telqu minn Refidim, u waqfu fid-deżert tas-Sinaj.
[Num:33:16] U telqu mid-deżert tas-Sinaj, u waqfu Kibrot-ħattawa.
[Num:33:17] U telqu minn Kibrot-ħattawa, u waqfu Ħaserot.
[Num:33:18] U telqu minn Ħaserot, u waqfu Ritma.
[Num:33:19] U telqu minn Ritma, u waqfu Rimmon-pereż.
[Num:33:20] U telqu minn Rimmon-pereż, u waqqfu l-kamp Libna.
[Num:33:21] U telqu minn Libna, u waqfu Rissa.
[Num:33:22] U telqu minn Rissa, u waqfu Keħelata.
[Num:33:23] U telqu minn Keħelata, u waqfu ħdejn il-muntanja ta' Sefer.
[Num:33:24] U telqu minn ħdejn il-muntanja ta' Sefer, u waqfu Ħarada.
[Num:33:25] U telqu minn Ħarada, u waqfu Makelot.
[Num:33:26] U telqu minn Makelot, u waqfu Taħat.
[Num:33:27] U telqu minn Taħat, u waqfu Teraħ.
[Num:33:28] U telqu minn Teraħ, u waqfu Mitka.
[Num:33:29] U telqu minn Mitka, u waqfu Ħasmona.
[Num:33:30] U telqu minn Ħasmona, u waqfu Moserot.
[Num:33:31] U telqu minn Moserot, u waqfu Bene-gagħkan.
[Num:33:32] U telqu minn Bene-ġagħkan, u waqfu Ħor-ħaggidgad.
[Num:33:33] U telqu minn Ħor-ħaggidgad, u waqfu Ġotbata.
[Num:33:34] U telqu minn Ġotbata, u waqfu Għabrona.
[Num:33:35] U telqu minn Għabrona, u waqfu Għesjon-geber.
[Num:33:36] U telqu minn Għesjon-geber, u waqfu fid-deżert ta' Sin, li hu Kades.
[Num:33:37] U telqu minn Kades, u waqfu ħdejn il-muntanja tal-Ħor f'tarf l-art
ta' Edom.
[Num:33:38] Aron il-qassis tala' fuq il-muntanja tal-Ħor skond il-kelma
tal-Mulej, u miet hemm, fl-erbgħin sena mill-ħruġ ta' wlied Iżrael mill-Eġittu,
fil-ħames xahar, fl-ewwel tax-xahar. [Num:33:39] U Aron kellu mija u tlieta u
għoxrin sena meta miet fuq il-muntanja tal-Ħor.
[Num:33:40] U s-sultan ta' Arad il-Kangħani, li kien jgħammar fin-Negeb, kien
sama' li waslu wlied Iżrael.
[Num:33:41] Telqu minn ħdejn il-muntanja tal-Ħor, u waqfu Salmona.
[Num:33:42] Telqu minn Salmona, u waqfu Punun.
[Num:33:43] Telqu minn Punun, u waqfu Obot.
[Num:33:44] Telqu minn Obot, u waqfu Għijje-għabarim fi truf Mowab.
[Num:33:45] U telqu minn Għijjim, u waqfu Dibon-gad.
[Num:33:46] U telqu minn Dibon-gad, u waqfu Għalmon-diblatajm.
[Num:33:47] U telqu minn Għalmon-diblatajm u waqqfu l-kamp fuq il-muntanji ta'
Għabarim, biswit Nebu.
[Num:33:48] Telqu mill-muntanji ta' Għabarim, u waqfu fil-wita ta' Mowab, ħdejn
il-Ġordan biswit Ġeriko.
[Num:33:49] U waqfu ħdejn il-Ġordan minn Bet-gesimot sa Abel-sittim, fil-wita
ta' Mowab.
Il-qasma ta' l-art
[Num:33:50] U l-Mulej kellem lil Mosè fil-wita ta' Mowab, ħdejn il-Ġordan,
biswit Ġeriko, u qallu: [Num:33:51] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Intom
se taqsmu l-Ġordan għall-art ta' Kangħan, [Num:33:52] u tkeċċu minn quddiemkom
in-nies kollha li jgħammru hemm, u teqirdu l-idoli minquxa u x-xbihat imdewwba
kollha tagħhom, u tħottu s-santwarji kollha fuq l-għoljiet. [Num:33:53] Intom
tirtu l-art u tgħammru fiha, għax lilkom tajtkom l-art biex tirtuha. [Num:33:54]
Tqassam l-art bix-xorti bejn il-familji; il-kbar ikollhom biċċa kbira, iż-żgħar
biċċa żgħira, kull waħda tieħu l-art fejn tmissha x-xorti; ikollkom il-wirt
tagħkom skond it-tribujiet ta' missirijietkom. [Num:33:55] Jekk intom ma tkeċċux
in-nies li jgħammru fl-art minn quddiemkom, dawk li intom tħallu minnhom
ikunulkom bħal xewk f'għajnejkom u niggieża f'ġenbejkom, u jkunu l-għedewwa
tagħkom fl-art li intom tgħammru fiha. [Num:33:56] U jiġri li dak li jien ħsibt
nagħmel lilhom, nagħmlu lilkom.”
34. Il-fruntieri
[Num:34:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:34:2] “Ordna lil ulied Iżrael
u għidilhom: Intom se tidħlu fl-art ta' Kangħan, din hi l-art li se tmisskom:
l-art ta' Kangħan bil-fruntieri tagħha.
[Num:34:3] “Il-ġenb tan-nofsinhar jieħu mid-deżert ta' Sin san-naħa ta' Edom;
il-fruntiera tan-nofsinhar tibda minn tarf il-Baħar il-Mielaħ lejn il-lvant;
[Num:34:4] mbagħad tilwi għat-telgħa ta' Għakrabbim u tgħaddi minn Sin, sa ma
tasal sa Kades-barnija; minn hemm tibqa' sejra għal Ħasar-addar, u tgħaddi minn
Għasmon, u [Num:34:5] minn Għasmon iddur mal-wied ta' l-Eġittu u tasal
sal-baħar.
[Num:34:6] “Fuq il-fruntiera tal-punent ikollkom il-Baħar il-Kbir; dan ikun
il-fruntiera fuq din in-naħa.
[Num:34:7] “Il-fruntiera fuq in-naħa tat-tramuntana tkun din: mill-Baħar il-Kbir
tiġbdu lejn il-muntanja tal-Ħor; [Num:34:8] minn Ħor tiġbdu lejn id-daħla ta'
Ħemat, u l-fruntiera tibqa' sejra sa Sedad, [Num:34:9] mnejn tgħaddi lejn Żifron
u tibqa' sejra sa Ħasar-għenan. Din tkunilkom il-fruntiera tat-tramuntana.
[Num:34:10] “Għall-fruntiera fuq in-naħa tal-lvant tiġbdu linja minn
Ħasar-għenan sa Sefam; [Num:34:11] u din il-fruntiera tibqa' nieżla minn Sefam
sa Ribla fuq il-lvant ta' l-Għajn, u tibqa' nieżla u tmiss il-ġenb tal-baħar ta'
Kinneret [Num:34:12] in-naħa tal-lvant, u tibqa' nieżla mal-Ġordan sal-Baħar
il-Mielaħ; din tkun l-art tagħkom b'dawn il-fruntieri madwarha.”
[Num:34:13] U Mosè ordna lil ulied Iżrael u qalilhom: “Din hi l-art li intom
għandkom taqsmu bejnietkom bix-xorti, li l-Mulej ordna li tingħata lid-disa'
tribujiet u nofs; [Num:34:14] għaliex it-tribù ta' Ruben u t-tribù ta' wlied
Gad, skond l-għadd tal-familji tagħhom, u nofs it-tribù ta' Manassi, ħadu
sehemhom. [Num:34:15] Żewġ tribujiet u nofs diġà ħadu sehemhom in-naħa l-oħra
tal-Ġordan biswit Ġeriko, in-naħa tal-lvant.”
[Num:34:16] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:34:17] “Dawn huma l-ismijiet
tan-nies li għandhom iqassmulkom l-art: Elgħażar il-qassis, u Ġożwè bin Nun;
[Num:34:18] u tagħżlu prinċep minn kull tribù biex iqassam l-art. [Num:34:19] U
dawn huma l-ismijiet tan-nies: mit-tribù ta' Ġuda, Kaleb bin Ġefunni;
[Num:34:20] mit-tribù ta' wlied Simgħon, Samwel bin Għammiħud; [Num:34:21]
mit-tribù ta' Benjamin, Elidad bin Kislon; [Num:34:22] mit-tribù ta' wlied Dan,
il-prinċep Bukki bin Ġogli; [Num:34:23] mit-tribù ta' wlied Ġużeppi: mit-tribù
ta' wlied Manassi, il-prinċep Ħannijel bin Efod; [Num:34:24] u mit-tribù ta'
Efrajm, il-prinċep Kemwel bin Siftan; [Num:34:25] u mit-tribù ta' wlied Żebulun,
il-prinċep Elisafan bin Parnak; [Num:34:26] u mit-tribù ta' wlied Issakar,
il-prinċep Paltijel bin Għażżan; [Num:34:27] u mit-tribù ta' wlied Aser,
il-prinċep Aħiħud bin Selomi; [Num:34:28] u mit-tribù ta' wlied Neftali,
il-prinċep Pedaħel bin Għammiħud.
[Num:34:29] Dawn huma n-nies li l-Mulej ordna biex iqassmu l-art ta' Kangħan
bejn ulied Iżrael.”
35. L-ibliet tal-Leviti
[Num:35:1] U l-Mulej kellem lil Mosè fil-wita ta' Mowab ħdejn il-Ġordan, biswit
Ġeriko: [Num:35:2] “Ordna lil ulied Iżrael biex jagħtu lil-Leviti bliet minn
sehemhom, biex joqogħdu fihom, u magħhom jagħtuhom għall-mergħa l-art ta'
madwarhom. [Num:35:3] L-ibliet ikunu biex joqogħdu fihom u l-art ta' madwarhom
għall-bhejjem, għall-ġid tagħhom u bżonnijiet oħra tal-ħajja. [Num:35:4] L-art
ta' madwar l-ibliet, li tagħtu lil-Leviti mis-swar 'il barra, tkun ta' elf
driegħ dawramejt. [Num:35:5] Fuq in-naħa tal-lvant tkejjlu elfejn driegħ minn
nofs il-belt, elfejn driegħ in-naħa ta' nofsinhar, elfejn driegħ in-naħa
tat-tramuntana, u elfejn driegħ in-naħa tal-punent, bil-belt fin-nofs; din tkun
l-art għalihom madwar l-ibliet.
[Num:35:6] “L-ibliet li tagħtu lil-Leviti jkunu s-sitt ibliet tal-kenn, fejn min
joqtol jista' jistkenn fihom, u magħhom tagħtu wkoll tnejn u erbgħin oħra.
[Num:35:7] B'kollox tagħtu lil-Leviti tmienja u erbgħin belt bl-art ta'
madwarhom. [Num:35:8] U meta tiġu biex tagħtu l-ibliet lil-Leviti mill-wirt ta'
wlied Iżrael, tieħdu ħafna mingħand min għandu ħafna, u ftit minn min għandu
ftit; kulħadd jagħti mill-ibliet tiegħu skond is-sehem li jmissu.”
L-ibliet tal-kenn
[Num:35:9] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Num:35:10] “Kellem lil ulied
Iżrael u għidilhom: Intom se taqsmu għan-naħa l-oħra tal-Ġordan fl-art ta'
Kangħan. [Num:35:11] Tagħżlu xi bliet tal-kenn, fejn il-qattiel li jkun qatel
lil xi ħadd bla ma jkun irid, ikun jista' jistkenn. [Num:35:12] Dawn l-ibliet
iservu ta' kenn minħabba l-eqreb bniedem lejn il-mejjet bid-dritt tal-vendetta,
u l-qattiel ma jmutx qabel ma jressquh quddiem il-ġemgħa għall-ġudizzju.
[Num:35:13] Sitta jkunu dawn l-ibliet tal-kenn li tagħżlu: [Num:35:14] tlieta
tagħżluhom in-naħa l-oħra tal-Ġordan, u t-tlieta l-oħra fl-art ta' Kangħan,
bliet tal-kenn. [Num:35:15] Dawn is-sitt ibliet tal-kenn iservu għal ulied
Iżrael, għall-barrani u għal min jgħix f'nofskom, biex fihom jistkenn kull min
ikun qatel lil xi ħadd bla ma ried.
[Num:35:16] “Jekk ikun darbu b'xi ħaġa tal-ħadid, u dak imut, ikun ħati ta'
qtil, u jagħtuh il-mewt. [Num:35:17] Jekk ikun darbu b'ġebla ta' l-iżbandola li
biha wieħed jista' jmut, u jmut, ikun ħati ta' qtil, u l-qattiel jagħtuh
il-mewt. [Num:35:18] U jekk ikun darbu b'għuda f'idu li biha wieħed jista' jmut,
u jmut, ikun ħati ta' qtil, u l-qattiel jagħtuh il-mewt. [Num:35:19] L-eqreb
lejn il-mejjet jitħallas hu minn demmu, u joqtol lill-qattiel hu stess meta
jiltaqa' miegħu.
[Num:35:20] “Jekk xi ħadd jolqot lil xi ħaddieħor b'mibegħda, jew iwaddablu xi
ħaġa għax irid u jmut, [Num:35:21] jew jekk jidorbu b'idejh għax għadu tiegħu u
jmut, lil min darbu jagħtuh il-mewt, għax ikun ħati ta' qtil; u l-qarib
tal-mejjet li għandu l-jedd li jitħallas minn demmu, joqtlu hu meta jiltaqa'
miegħu.
[Num:35:22] “Imma jekk ikun darbu bla ħsieb, bla mibegħda, jew waddablu xi ħaġa
bla ma jkun ried: [Num:35:23] jew bla ma jkun rah tefagħlu xi ġebla li biha
seta' jmut, u jmut, mingħajr ma jkun l-għadu tiegħu jew ikun irid jagħmillu
d-deni, [Num:35:24] tagħmel ġustizzja l-ġemgħa bejn il-qattiel u qarib il-mejjet
bil-jedd tal-vendetta ta' demmu skond dawn il-liġijiet. [Num:35:25] Il-ġemgħa
teħles il-qattiel minn id qarib il-mejjet u tibagħtu lura fil-belt tal-kenn fejn
ikun stkenn, u jibqa' hemm sakemm imut il-qassis il-kbir ikkonsagrat biż-żejt
imqaddes. [Num:35:26] Imma jekk il-qattiel joħroġ minn truf il-belt tal-kenn
tiegħu, [Num:35:27] u l-qarib, li għandu l-jedd tal-vendetta, isibu barra l-belt
tal-kenn u joqtlu, dan ma jkunx ħati ta' demmu; [Num:35:28] għax il-qattiel
għandu jibqa' fil-belt tal-kenn sal-mewt tal-qassis il-kbir ikkonsagrat, u
mbagħad jista' jerġa' lura fl-art tiegħu.
[Num:35:29] “Dawn il-liġijiet għall-ġustizzja jseħħu għall-ġenerazzjonijiet
kollha u kull fejn tgħammru.
[Num:35:30] “Kull min joqtol lil xi ħadd, jagħtuh il-mewt fuq kliem ix-xhieda;
xhud wieħed ma jkunx biżżejjed biex joqtlu bniedem.
[Num:35:31] “Tiħdux flus biex teħilsu qattiel mill-mewt, għax hu jistħoqqlu
l-mewt, u għandu jmut. [Num:35:32] Lanqas ma għandkom tieħdu flus għal dak li
jkun stkenn fil-belt tal-kenn, biex jerġa' jmur f'artu qabel ma jmut il-qassis
il-kbir.
[Num:35:33] “La ttebbax l-art li intom tkunu fiha, għax id-demm itebba' l-art u
ma titnaddafx mid-demm imxerred fuqha ħlief bid-demm ta' min ikun xerrdu.
[Num:35:34] Tniġġsux l-art li tgħammru fiha għax jien ngħammar ukoll fiha: Jiena
l-Mulej li ngħammar f'nofs ulied Iżrael.”
36. Wirt in-nisa
[Num:36:1] Il-kapijiet tal-familji tal-fergħa ta' wlied Gilgħad bin Makir, bin
Manassi, waħda mill-friegħi ta' wlied Ġużeppi, resqu quddiem Mosè u quddiem
il-prinċpijiet, il-kapijiet tal-familji ta' wlied Iżrael, [Num:36:2] u qalulhom:
“Il-Mulej ordna lil sidi biex iqassam bix-xorti l-art lil ulied Iżrael, u
l-Mulej ordna wkoll lil sidi li l-wirt ta' Selofħad, ħuna, jgħaddi lil uliedu
bniet. [Num:36:3] Issa jekk jiżżewwġu lil wieħed minn xi tribù ieħor ta' wlied
Iżrael, il-ġid tagħhom jonqos mill-ġid ta' missirijietna, u jiżdied il-ġid
tat-tribù li jkunu daħlu fih, u jonqos minn dawk li missna bix-xorti. [Num:36:4]
U meta wlied Iżrael ikollhom il-ġublew, il-wirt tagħhom jiżdied mal-ġid
tat-tribù li jkunu daħlu fiha, u l-ġid tat-tribù tagħna jonqos b'sehemhom.”
[Num:36:5] Mbagħad Mosè bl-ordni tal-Mulej ordnalhom dan: “It-tribù ta' wlied
Ġużeppi għandhom raġun. [Num:36:6] Dan hu li jordna l-Mulej dwar l-ulied bniet
ta' Selofħad: Ħa jiżżewwġu lil min jogħġobhom, basta jiżżewwġu f'xi familja
tat-tribù ta' missirijiethom. [Num:36:7] Ebda wirt ta' wlied Iżrael ma jgħaddi
minn tribù għal ieħor, għaliex ulied Iżrael għandhom jibqgħu marbutin kull
wieħed mal-wirt tat-tribù ta' missirijiethom. [Num:36:8] Għalhekk kull tfajla,
li tiret xi ġid f'xi tribù ta' Iżrael, għandha tiżżewweġ f'xi familja tat-tribù
ta' missirijietha, biex ulied Iżrael jirtu kull wieħed il-ġid ta' missirijietu;
[Num:36:9] u l-proprjetà ma tgħaddix minn tribù għal ieħor, u hekk kull tribù
jibqa' marbut ma' sehmu.”
[Num:36:10] L-ulied bniet ta' Selofħad għamlu bħalma ordna Mosè. [Num:36:11] U
Maħla, Tirsa, Ħogla, Milka u Nogħa, ulied Selofħad, iżżewwġu wlied żijiethom;
[Num:36:12] iżżewwġu għand il-familji ta' Manassi bin Ġużeppi, u hekk il-wirt
tagħhom baqa' fil-familja ta' missierhom.
[Num:36:13] Dawn huma l-ordnijiet u l-liġijiet li ta lil ulied Iżrael il-Mulej
permezz ta' Mosè fil-witat ta' Mowab, ħdejn il-Ġordan biswit Ġeriko.