IL-KTIEB TA’ NEĦEMIJA
1. Il-missjoni ta' Neħemija fil-Lhudija
[Neħ:1:1] Il-ġrajja ta' Neħemija bin Ħakalija. Fix-xahar ta' Kaslew tas-sena
għoxrin, meta jien kont fiċ-ċittadella ta' Susa, [Neħ:1:2] wasal għandi Ħanani,
wieħed minn ħuti, flimkien ma' xi nies ta' Ġuda. Jien staqsejthom għal-Lhud li
kienu ħelsuha, għal dawk li kien fadal wara l-eżilju, u għal Ġerusalemm.
[Neħ:1:3] U huma weġbuni: "Dawk li kien fadal wara l-eżilju hemmhekk,
fil-provinċja, jinsabu ħażin ħafna u fil-għajb. Is-swar ta' Ġerusalemm għadhom
imħarbta, u l-bibien tagħhom maħruqa bin-nar." [Neħ:1:4] Kif smajt dan il-kliem,
nxħett bilqiegħda nibki, u nitniehed għal jiem sħaħ, u bqajt sajjem nitlob lil
Alla tas-smewwiet.
[Neħ:1:5] Jien tlabt: "O Mulej, Alla tas-smewwiet, Int Alla kbir u tal-biża',
Int iżżomm il-patt u turi ħniena ma' dawk li jħobbuk u jħarsu l-preċetti tiegħek.
[Neħ:1:6] Agħti widen u żomm għajnejk miftuħa ħa tisma' t-talba li jien,
il-qaddej tiegħek, qiegħed nagħmillek illum, billejl u binhar, għal ulied Iżrael,
il-qaddejja tiegħek. Nistqarr id-dnubiet li għamlu wlied Iżrael kontrik; jien
ukoll u dar missieri dnibna. [Neħ:1:7] Mxejna ħażin ħafna miegħek, u ma
ħarisniex il-preċetti, il-kmandamenti, u d-digrieti li tajt lil Mosè, il-qaddej
tiegħek. [Neħ:1:8] Ftakar fil-kelma li kont tajt lil Mosè, il-qaddej tiegħek,
meta għedtlu: 'Jekk intom tiksruhom, jien inxerridkom fost il-ġnus, [Neħ:1:9]
imma jekk terġgħu lura lejja u tħarsu l-preċetti tiegħi, u tagħmlu skond ma
jgħidulkom, mqar jekk l-imxerrdin tagħkom ikunu fi truf is-smewwiet, jien
niġborhom u nġibhom fil-post li għażilt biex jgħammar ismi fih.' [Neħ:1:10] Dawn
huma l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, li int fdejt bil-qawwa kbira tiegħek
u bi driegħek setgħan. [Neħ:1:11] Nitolbok, Mulej, agħti widen għat-talba
tal-qaddej tiegħek u għat-talba tal-qaddejja tiegħek, li jixtiequ jagħtu ġieħ
lil ismek. Ibgħat ir-riżq fuq il-qaddej tiegħek illum, u agħtih li jingħoġob
minn dan ir-raġel." Issa jien kont il-kuppier tas-sultan.
2. [Neħ:2:1] Fix-xahar ta' Nisan tas-sena għoxrin tas-saltna ta' Artasersi,
is-sultan kellu l-inbid quddiemu, u jien ħadt l-inbid u newwilthulu. Qatt ma
kont wiċċi mqarras quddiemu. [Neħ:2:2] U hu qalli: "Għaliex int wiċċek imqarras?
Marid m'intix: għalhekk dan tiegħek m'huwiex ħlief swied il-qalb." Mbagħad jien
bżajt ħafna; [Neħ:2:3] imma weġibt lis-sultan; "Sultan, jalla tgħix għal dejjem!
Għax m'għandix inqarras wiċċi meta l-belt fejn hemm l-oqbra ta' missirijieti hi
ħerba waħda u l-bibien tagħha maħruqa bin-nar?" [Neħ:2:4] Qalli mbagħad
is-sultan: "X'inhu li qiegħed titlobni?" Jien tlabt lil Alla tas-smewwiet,
[Neħ:2:5] u weġibt lis-sultan: "Jekk is-sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa u jekk
il-qaddej tiegħek jogħġob lis-sultan, nixtieq li tibgħatni f'art Ġuda, fil-belt
fejn hemm l-oqbra ta' missirijieti, ħalli nerġa' nibniha." [Neħ:2:6] Mbagħad,
bis-sultana bilqiegħda maġenbu, is-sultan staqsieni: "Kemm iddum il-mawra
tiegħek? Kemm iddum ma terġa' lura?" U meta jien tajtu ż-żmien, is-sultan għoġbu
jibgħatni. [Neħ:2:7] Jien għalhekk għedt lis-sultan: "Jekk is-sultan jogħġbu, ħa
jagħtini ittri għall-gvernaturi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat, biex iħalluni
ngħaddi minn naħa għall-oħra sa ma nasal f'art Ġuda. [Neħ:2:8] Ħa jagħtini wkoll
ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresti tas-sultan, biex jagħtini injam
għat-travi fid-daħliet tal-fortizza li tħares it-tempju, tas-swar tal-belt, u
tad-dar fejn se noqgħod." U s-sultan tani dan kollu, għax id Alla tiegħi kienet
ħanina miegħi.
[Neħ:2:9] Mbagħad mort għand il-gvernaturi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat, u
tajthom l-ittri tas-sultan. Is-sultan bagħat miegħi fizzjali ta' l-eżerċtu u
kavallerija.
[Neħ:2:10] Mela jisimgħu b'dan Sanballat il-Ħoroni u Tobija, l-uffiċjal Għammoni,
u qabdithom diqa kbira għax kien ġie wieħed li ried jagħmel il-ġid lil ulied
Iżrael.
Neħemija jibni s-swar ta' Ġerusalemm
[Neħ:2:11] Mort imbagħad Ġerusalemm, u meta kont ili hemm tlitt ijiem [Neħ:2:12]
qomt billejl ma' ftit irġiel oħra, imma ma wrejt lil ħadd x'kien nebbaħni
nagħmel Alla tiegħi għal Ġerusalemm. Lanqas bhima ma kelli miegħi, ħlief dik li
kont riekeb fuqha. [Neħ:2:13] Ħriġt billejl minn Bieb il-Wied għan-naħa ta'
Għajn id-Dragun u lejn Bieb id-Demel, u flejt is-swar imħarbta ta' Ġerusalemm u
l-bibien tagħha maħruqa bin-nar. [Neħ:2:14] Qsamt imbagħad għal Bieb il-Għajn u
lejn il-Menqgħa tas-sultan, u hemm ma kienx hemm post fejn setgħet taqsam
il-bhima li kelli taħti. [Neħ:2:15] Tlajt il-wied billejl u flejt is-swar;
mbagħad ġejt mill-ġdid f'Bieb il-Wied, u rġajt lura. [Neħ:2:16] L-uffiċjali
Persjani ma ntebħux fejn kont mort u x'kont qed nagħmel; u jien s'issa kont
għadni m'għarraft b'xejn lil-Lhud, lill-qassisin, lill-kbarat, lill-uffiċjali
Persjani, u 'l-oħrajn li kellhom jagħmlu din il-biċċa xogħol miegħi. [Neħ:2:17]
Mbagħad għedtilhom: "Qegħdin taraw kemm hi ħażina l-qagħda li ninsabu fiha:
Ġerusalemm hi ħerba waħda u l-bibien tagħha huma maħruqa bin-nar. Ejjew nibnu s-swar
ta' Ġerusalemm, u ma nibqgħux iktar f'dan l-għajb." [Neħ:2:18] Meta mbagħad
għedtilhom kemm kienet ħanina id Alla tiegħi miegħi, u x'kien qalli s-sultan,
qaluli: "Inqumu u nibnuhom!" U huma għamlu l-qalb għal din il-biċċa xogħol ta'
fejda.
[Neħ:2:19] Meta semgħu Sanballat il-Ħoroni, Tobija, l-uffiċjal Għammoni, u Gesem,
l-Għarbi, bdew jiddieħku bina u jżebilħuna. U qalulna: "X'inhu dan li qed
tagħmlu? Jaqaw se tqumu kontra s-sultan?" [Neħ:2:20] Imma jien bgħatt ngħidilhom:
"Hu Alla tas-smewwiet li jibagħtilna r-riżq, għax aħna qaddejja tiegħu. Aħna
nqumu ħa nibnu, imma intom f'Ġerusalemm ma jkollkomx sehem, dritt, jew tifkira."
3. Il-bini tas-swar ta' Ġerusalemm
[Neħ:3:1] Mbagħad qamu Eljasib, il-qassis il- kbir, u ħutu l-qassisin u bnew
Bieb in-Nagħaġ, u qegħdulu t-travi u l-bibien tiegħu. Bnew ukoll sat-Torri
tal-Mija u sat-Torri ta' Ħananel. [Neħ:3:2] Lil hinn minnhom bnew in-nies ta'
Ġeriko, u lil hinn minn dawn bena Żakkur bin Imri. [Neħ:3:3] Bieb il-Ħut bnewh
ulied Ħassena; qegħdulu t-travi u l-bibien tiegħu, u l-lukketti u l-istaneg
tiegħu. [Neħ:3:4] Lil hinn minnhom sewwieh Meremot bin Urija, bin Kos. Lil hinn
minn dan sewwieh Mesullam bin Berekija, bin Meseżabel. Lil hinn minn dawn
sewwieh Sadok bin Bagħna. [Neħ:3:5] Lil hinn minn dan sewwewh in-nies ta'
Tekugħa, imma l-kbarat tagħhom ma meddewx għonqhom għax-xogħol tal-Mulej tagħhom.
[Neħ:3:6] Il-Bieb il-Qadim sewwewh Ġojada bin Paseħa u Mesullam bin Besodija;
qiegħdu t-travi u l-bibien tiegħu, u l-lukketti u l-istaneg. [Neħ:3:7] Lil hinn
minnhom għamlu tiswijiet Melatija il-Gibgħoni u Ġadon il-Meronoti, u nies minn
Gibgħon u Misfa, li kienu jaqgħu taħt l-awtorità tal-Gvernatur ta' l-inħawi n-naħa
l-oħra ta' l-Ewfrat. [Neħ:3:8] Lil hinn minnhom sewwieh Għużżijel bin Ħarħaja,
wieħed minn dawk li jaħdmu d-deheb. Lil hinn minnu sewwieh Ħananija, wieħed minn
dawk li jħalltu l-fwejjaħ. Hekk dawn bnew is-sur ta' Ġerusalemm sal-Ħajt
il-Wiesa'. [Neħ:3:9] Lil hinn minnhom sewwieh Refaja bin Ħur, il-kap ta' nofs
id-distrett ta' Ġerusalemm. [Neħ:3:10] Ġedajja bin Ħarumaf sewwa lil hinn minnu,
jiġifieri biswit id-dar tiegħu. Lil hinn minnu sewwieh Ħattus bin Ħasabnija.
[Neħ:3:11] Malkija bin Ħarim sewwa biċċa oħra flimkien ma' Ħassub bin
Paħat-mowab sat-Torri ta' l-Ifran. [Neħ:3:12] Lil hinn minnhom sewwieh Sallum
bin Ħalloħes, kap ta' nofs id-distrett ta' Ġerusalemm, flimkien ma' wliedu bniet.
[Neħ:3:13] Bieb il-Wied sewwewh Ħanun u nies ta' Żanuħa; dawn bnew id-daħla,
qiegħdu l-bibien, il-lukketti, u l-istaneg tagħhom. Bnew ukoll tul ta' elf
driegħ fil-ħajt sa Bieb id-Demel. [Neħ:3:14] Bieb id-Demel sewwieh Malkija bin
Rekab, il-kap tad-distrett ta' Bet-ħakkerem; bnieh u qiegħed il-bibien
bil-lukketti u l-istaneg tagħhom. [Neħ:3:15] Bieb il-Għajn sewwieh Sallum bin
Kolħożi, kap tad-distrett ta' Misfa; bena d-daħla u saqqafha, u qiegħed
il-bibien bil-lukketti u l-istaneg tagħhom. Bena wkoll il-ħajt tal-Menqgħa ta'
Birket Ħassela ħdejn Ġnien is-Sultan sat-taraġ li jinżel mill-belt ta' David.
[Neħ:3:16] Lil hinn minnu Neħemija bin Għażbuk, kap ta' nofs id-distrett ta'
Bet-sur, sewwa sa quddiem l-oqbra ta' David, sa quddiem il-Menqgħa Għaxaja, u sa
Dar il-Qalbenin. [Neħ:3:17] Warajh il-Leviti komplew it-tiswija: Reħum bin Bani.
Lil hinn minnu sewwieh għad-distrett tiegħu Ħasabija, kap ta' nofs id-distrett
ta' Kegħila. [Neħ:3:18] Lil hinn minnhom sewwewh ħuthom: Bawwaj Bin Ħenadad, kap
ta' nofs id-distrett ta' Kegħila, sewwa biċċa; [Neħ:3:19] ħdejh Għeser bin Ġożwè,
kap ta' Misfa, sewwa biċċa oħra, minn biswit l-Għolja ta' l-Armerija fir-rokna;
[Neħ:3:20] ħdejh sewwa biċċa oħra Bàruk bin Żabbaj mir-rokna sad-daħla ta' dar
Eljasib, il-qassis il-kbir; [Neħ:3:21] u ħdejh sewwa biċċa oħra Meremot bin
Urija, bin Ħakkos, mid-daħla ta' dar Eljasib sat-tarf tagħha.
[Neħ:3:22] Lil hinn minn dan sewwewh il-qassisin li kienu joqogħdu fid-distrett.
[Neħ:3:23] Benjamin u Ħassub sewwew quddiem id-dar tagħhom. Lil hinn minnhom
Għażarija bin Magħxija, bin Għananija, sewwa maġenb id-dar tiegħu. [Neħ:3:24]
Lil hinn minnu sewwa biċċa oħra Binnuwi bin Ħenadad, minn dar Għażarija
sal-kantuniera sa ħdejn it-Torri. [Neħ:3:25] Palal bin Użaj sewwa minn biswit
il-kantuniera u t-Torri li hemm ħiereġ 'il barra mill-palazz ta' fuq tas-sultan
fil-wesgħa tal-ħabs. Lil hinn minnu sewwieh Pedaja bin Pargħos. [Neħ:3:26] U l-ilsiera
tat-tempju li kienu joqogħdu fuq l-Għofel sewwew minn biswit Bieb l-Ilma, in-naħa
tal-Lvant u tat-torri, li hemm ħiereġ 'il barra. [Neħ:3:27] Lil hinn minnu
sewwew biċċa oħra n-nies ta' Tekugħa, minn quddiem it-Torri l-Kbir li hemm
ħiereġ 'il barra sal-ħajt ta' l-Għofel.
[Neħ:3:28] Fuq Bieb iż-Żwiemel sewwewh il-qassisin; kull wieħed minnhom sewwa
quddiem id-dar tiegħu. [Neħ:3:29] Lil hinn minnhom Sadok bin Immer sewwa quddiem
id-dar tiegħu; u lil hinn minnu sewwieh Semajja bin Sekanija, l-għassies ta'
Bieb il-Lvant. [Neħ:3:30] Lil hinn minnu sewwew biċċa oħra Ħananija bin Selemija
u Ħanun, is-sitt iben ta' Salaf. Lil hinn minn dawn Mesullam bin Berekija sewwa
biswit il-kamra tiegħu. [Neħ:3:31] Lil hinn minnu Malkija, wieħed minn dawk li
jaħdmu d-deheb, sewwa sa dar l-ilsiera tat-tempju u l-bejjiegħa, biswit Bieb l-Għassa,
sa l-għorfa tal-kantuniera. [Neħ:3:32] U bejn l-għorfa tal-kantuniera u Bieb in-
Nagħaġ sewwewh dawk li jaħdmu d-deheb u l-bejjiegħa.
Ir-relazzjoni ta' l-għedewwa tal-Lhud
[Neħ:3:33] Kif sama' Sanballat li aħna konna qegħdin nibnu s-swar saħan u għadab
mhux ftit; u qabad jiddieħek bil-Lhud. [Neħ:3:34] Mela tkellem quddiem ħutu u l-eżerċtu
tas-Samarija, u qal: "X'inhuma jagħmlu dawk il-Lhud bla saħħa? Jaqaw se
jħalluhom jagħmlu dan? Jaqaw se joffru s-sagrifiċċji u jlestu kollox f'ġurnata?
Jaqaw se jerġgħu jġibu lura minn gozz trab il-ġebel li ġie maħruq?" [Neħ:3:35]
Kien hemm maġenbu Tobija l-Għammoni, u dan qal: "Ħalluhom jibnu li jridu! Dak
il-ħajt tal-ġebel biżżejjed jaħbat għalih volpi biex jagħmlu ħerba?" [Neħ:3:36]
Isma', o Alla, kif qegħdin iwaqqgħuna għaċ-ċajt. Raġġa' lura fuq rashom
iż-żebliħ tagħhom, u agħmel li jkunu mwaqqgħin huma għaż-żebliħ f'art il-jasar.
[Neħ:3:37] Il-ħażen tagħhom taħbihx, u d-dnub tagħhom tħassrux minn quddiemek,
għax huma offendewk quddiem dawk li kienu qegħdin jibnu."
[Neħ:3:38] U aħna bqajna sejrin nibnu s-swar, u billi l-poplu kien kollu ħeġġa
għax-xogħol, ma domniex ma tellajna l-ħitan kollha sa nofshom.
4. [Neħ:4:1] Kif Sanballat, Tobija, l-Għarab, l-Għammonin u l-Asdodin semgħu li
t-tiswijiet tas-swar kienu mexjin 'il quddiem, u li l-ħitan imkissra kienu bdew
jagħqdu, saħnu sewwa. [Neħ:4:2] Ftiehmu għalhekk bejniethom li jitilgħu jaħbtu
għal Ġerusalemm biex iħawwduna. [Neħ:4:3] Imma aħna tlabna 'l Alla tagħna, u
konna għassa tagħhom lejl u nhar. [Neħ:4:4] Madankollu, in-nies f'Ġuda bdiet
tgħid:
"Is-saħħa tar-reffiegħa ddgħajjfet,
it-trab kotran bla qjies;
U aħna ma għandniex ħila
biex nibnu s-swar."
[Neħ:4:5] L-għedewwa tagħna qalu: "Ma jkunux jafu, u ma jintebħu b'xejn sakemm
immorru f'nofshom, noqtluhom u nwaqqfuhom minn dak li qegħdin jagħmlu".
[Neħ:4:6] Ġew imbagħad għandna xi Lhud li kienu joqogħdu ħdejhom, u minn kull
fejn ġew qalulna x'kien qiegħed jiġri. Meta kienu kellmuna xi għaxar darbiet
[Neħ:4:7] aħna qgħadna fin-naħiet t'isfel wara l-ħajt fejn dan kien miftuħ, u
jien qassamt il-poplu skond il-familji bix-xwabel, il-lanez u l-qwas tagħhom.
[Neħ:4:8] U mort nara. U mbagħad qomt, u lill-kbarat, lill-uffiċjali u
lill-bqija tan-nies għedtilhom: "Tibżgħux minnhom! Ftakru li l-Mulej hu kbir u
tal-biża'. Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom, subjien u bniet, għan-nisa
tagħkom, u għal djarkom." [Neħ:4:9] Meta mbagħad l-għedewwa tagħna semgħu li
aħna konna sirna nafu b'kollox, u li Alla kien ġieb fix-xejn il-pjan tagħhom,
lkoll kemm aħna rġajna lura lejn is-swar, kulħadd għal xogħlu.
[Neħ:4:10] Imma minn dakinhar nofs il-qaddejja tiegħi kienu jaħdmu, u n-nofs l-ieħor
kienu jkunu mal-kapijiet wara kull dar ta' Ġuda armati bil-lanez, bit-tarki,
bil-qwas, u bil-kurazzi. [Neħ:4:11] Dawk li kienu qed jibnu s-swar u dawk li
kienu jġorru t-tagħbijiet, kienu jkunu armati; b'id waħda kienu jkunu fuq ix-xogħol,
u bl-oħra fuq ix-xabla. [Neħ:4:12] Il-bennejja kienu jibnu, kull wieħed minnhom
imħażżem bix-xabla ma' qaddu. U jien kien ikolli maġenbi t-trumbettier.
[Neħ:4:13] U lill-kapijiet, lill-uffiċjali, u lill-bqija tal-poplu, jien
għedtilhom: "Din hi biċċa xogħol ġmielha u mifruxa u aħna ninsabu mxerrdin fuq
is-swar 'il bogħod wieħed minn ieħor. [Neħ:4:14] Ingħaqdu magħna għalhekk fil-post
fejn tisimgħu d-daqq tat-tromba, u Alla tagħna jiġġieled għalina." [Neħ:4:15] U
hekk, filwaqt li nofsna kienu joqogħdu bil-lanez, aħna konna nagħmlu x-xogħol
tagħna minn sbiħ il-jum sa ma jfeġġu l-kwiekeb. [Neħ:4:16] Dak iż-żmien
lill-poplu għedtlu wkoll: "Kull wieħed minnkom jgħaddi l-lejl mal-qaddej tiegħu
f'Ġerusalemm, u hekk tagħmlulna l-għassa billejl u x-xogħol binhar." [Neħ:4:17]
U la jien, la ħuti, la l-qaddejja tiegħi, u lanqas l-għases, li kienu warajja,
ma konna nneħħu ħwejjiġna minn fuqna, u kull wieħed minna kien ikollu l-lanza
f'idu l-leminija.
5. Id-diffikultajiet soċjali ta' Neħemija
[Neħ:5:1] Kien hemm ħafna tgergir fost il-poplu, l-aktar fost in-nisa, kontra
ħuthom il-Lhud. [Neħ:5:2] Kien hemm min kien jgħid: "Aħna tajna b'rahan lil
uliedna, subjien u bniet, ħa jagħtuna qamħ x'nieklu biex ngħixu." [Neħ:5:3]
Oħrajn kienu qegħdin jgħidu: "Ir-raba' tagħna, l-għelieqi tad-dwieli tagħna, u
d-djar tagħna, aħna tajniehom b'rahan biex jagħtuna qamħ fi żmien il-ġuħ."
[Neħ:5:4] Kien hemm ukoll min kien jgħid: "Aħna kellna nissellfu l-flus biex
inħallsu t-taxxa tas-sultan fuq ir-raba' tagħna u l-għelieqi tagħna. [Neħ:5:5]
Jaqaw laħamna m'hux bħal laħam ħutna? Uliedna m'hux bħal uliedhom? Araw, se
jkollna nitfgħu fil-jasar is-subjien u l-bniet tagħna biex jaħdmu għal ħaddieħor!
Xi wħud mill-bniet tagħna diġà mjassrin, u ma għandniex aktar jedd fuqhom, u r-raba'
tagħna, l-għelieqi tad-dwieli tagħna qegħdin f'idejn ħaddieħor."
[Neħ:5:6] Għadabt bl-ikrah meta smajt dan il-kliem, u dawn l-ilmenti. [Neħ:5:7]
Tħassibt ħafna, imma mbagħad ċanfart lill-kapijiet u lill-uffiċjali u għedtilhom:
"Kull wieħed minnkom qiegħed jitlob l-imgħax minn fuq ħutu!" U laqqajt ġemgħa
kbira kontra tagħhom. [Neħ:5:8] U għedtilhom: "Meta konna nistgħu, aħna dejjem
fdejna 'l ħutna Lhud mibjugħa lill-ġnus, imma intom qegħdin tbigħu lil ħutkom
biex ħaddieħor ibigħhom lura lilna." U huma baqgħu siekta, u ma sabux xi jwieġbu.
[Neħ:5:9] Għedtilhom ukoll: "Dak li qed tagħmlu m'huwiex sewwa! Jaqaw
m'għandkomx timxu fil-biża' ta' Alla tagħna biex ma tiġux fil-għajb quddiem
il-ġnus għedewwa tagħna? [Neħ:5:10] Jien ukoll, ħuti u l-qaddejja tiegħi,
slifniehom flus u qamħ; imma issa ejjew inwaqqfu dan il-qligħ. [Neħ:5:11]
Roddulhom lura, nitlobkom, ir-raba' tagħhom, l-għelieqi tad-dwieli u taż-żebbuġ
tagħhom, u djarhom, u wieħed fil-mija tal-flus, tal-qamħ, u ta' l-inbid ġdid u
ż-żejt ġdid, li għandkom tieħdu mingħandhom." [Neħ:5:12] U huma weġbuni: "Nroddulhom
lura, u ma nitolbuhom xejn lura. Nagħmlu kif għedtilna int." Mbagħad sejjaħt
il-qassisin, u ġagħalthom jaħilfu li jagħmlu hekk. [Neħ:5:13] U jien farfart
il-bwiet tal-libsa tiegħi, u għedtilhom: "Hekk Alla għad ifarfar 'il barra minn
daru u minn ġidu lil kull min ma jżommx kelmtu, u jkun hekk imfarfar u battâl."
U l-ġemgħa kollha wieġbet: "Amen." U faħħret lill-Mulej. U l-poplu għamel skond
ma kien wiegħed.
L-amministrazzjoni ta' Neħemija
[Neħ:5:14] Minn dakinhar li s-sultan ordnali li nkun il-gvernatur fl-art ta'
Ġuda, jiġifieri mis-sena għoxrin sas-sena tnejn u tletin tas-saltna ta'
Artasersi, għal tnax-il sena sħaħ, jien u ħuti ma kilniex mill-ikel li jmiss
lill-gvernatur. [Neħ:5:15] Il-gvernaturi li kien hemm qabli, madankollu, kienu
għabbew il-poplu b'piż tqil; kienu jieħdu kuljum mingħandu erbgħin xekel
tal-fidda għall-ikel. Saħansitra l-ministri tagħhom kienu jgħakksu l-poplu. Imma
jien m'għamiltx hekk, għax kont nibża' minn Alla. [Neħ:5:16] Meta kien qiegħed
isir ix-xogħol fuq is-swar, jien sewwejt magħhom u ma xtrajtx għelieqi. U l-qaddejja
tiegħi kollha kienu jinġabru hemm biex jaħdmu.
[Neħ:5:17] Il-Lhud u l-uffiċjali, b'kollox mija u ħamsin ruħ, u dawk li ġew
għandna mingħand il-ġnus ta' madwarna, kienu jieklu minn fuq il-mejda tiegħi.
[Neħ:5:18] Kienu jlestuli kuljum għoġol, sitt nagħġiet, u xi tajr, u kull
għaxart ijiem kien ikun hemm ħafna nbid ta' kull xorta. Barra minn dan jien ma
fittixtx li nieħu l-ikel li jmiss lill-gvernatur, għax il-poplu kien isibha bi
tqila li jagħtih dan. [Neħ:5:19] Dak kollu li għamilt ma' dan il-poplu, ibqa'
ftakru, Mulej, għall-ġid tiegħi.
6. It-tnassis kontra Neħemija
[Neħ:6:1] Mela jisimgħu Sanballat, Tobija, Gesem, l-Għarbi, u l-bqija ta' l-għedewwa
tagħna, li kont bnejt is-swar u ma kienx fadal tiċrit fihom, għalkemm kont
għadni ma qegħedtx il-bibien fid-daħliet. [Neħ:6:2] U bagħtu jgħiduli Sanballat
u Gesem: "Ejja niltaqgħu flimkien f'Kefirim, fil-wita ta' Onu." Il-ħsieb tagħhom
kien li jagħmluli d-deni. [Neħ:6:3] Jien għalhekk bgħatt messaġġiera jgħidulhom:
"Għandi biċċa xogħol ġmielha x'nagħmel; għalhekk ma nistax ninżel niltaqa'
magħkom għax għandi nitlaq kollox u jieqaf ix-xogħol biex ninżel għandkom?"
[Neħ:6:4] Imma huma bagħtu jgħiduli l-istess ħaġa erba' darbiet u jien dejjem
bgħattilhom l-istess tweġiba. [Neħ:6:5] U għall-ħames darba Sanballat bagħat
għandi, bħal qabel, il-qaddej tiegħu. Dan kellu f'idu ittra miftuħa, [Neħ:6:6]
li fiha kien hemm miktub hekk: "Qegħdin jingħadu xi xnigħat fost il-ġnus. Gesem
qiegħed jgħid li int u l-Lhud għandkom il-ħsieb li tirvellaw, u għalhekk qegħdin
tibnu s-swar. Skond ma qiegħed jingħad, int trid tkun is-sultan tagħhom,
[Neħ:6:7] u wasalt biex qegħedt profeti li jħabbru fuqek f'Ġerusalemm u jgħidu:
'Għandna sultan f'Ġuda!' Issa s-sultan jisma' b'dan kollu. Ejja għalhekk ħa
nitħaddtu bejnietna." [Neħ:6:8] Imma jien bgħatt ngħidlu: "Dak li qed tgħid
m'huwiex minnu! Qlajtu int minn żniedek!" [Neħ:6:9] Għax kollha kemm huma riedu
jbeżżgħuna meta qalu: "Idejhom ma jkunux jifilħu għal dan ix-xogħol, u ma
jispiċċawhx." Imma jien issa aktar għamilt il-qalb.
[Neħ:6:10] Jien imbagħad mort id-dar ta' Semajja bin Delaja, bin Meħetabel, fejn
kien joqgħod magħluq. U hu qalli: "Ejja niltaqgħu fid-dar ta' Alla, fil-qalba
tat-tempju, u nagħlqu warajna l-bibien tat-tempju, għax ġejjin joqtluk. Ġejjin
joqtluk billejl."
[Neħ:6:11] Imma jien weġibtu: "U raġel bħali se jaħrab? Jew min hu bħali jista'
jidħol fit-tempju u jibqa' ħaj? Le, ma mmurx!" [Neħ:6:12] Għax, ara, jien fhimt
li ma kienx mibgħut minn Alla, imma kien kellimni bħallikieku kien imnebbaħ,
għax Tobija u Sanballat kienu xtrawh. [Neħ:6:13] Hu kien ġie mħallas biex
ibeżżagħni, ħa nagħmel dak li qalli, u nidneb; u hekk ikolli isem ħażin magħhom,
u jkollhom fuqiex iċanfruni. [Neħ:6:14] Ftakar, Alla tiegħi, f'Tobija u
f'Sanballat minħabba f'dak li għamlu. Ftakar ukoll f'Nogħadija, il-profetissa, u
fil-bqija tal-profeti, li kienu qegħdin ibeżżgħuni.
[Neħ:6:15] Is-swar tlestew fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar ta' Elul, fi żmien
tnejn u ħamsin ġurnata. [Neħ:6:16] U meta semgħu b'dan l-għedewwa tagħna kollha
u rawh il-ġnus li kienu joqogħdu madwarna, intebħu li kienu waqgħu fl-istima
tagħhom stess; u saru jafu li dan ix-xogħol kien sar bl-għajnuna ta' Alla tagħna.
[Neħ:6:17] Saħansitra f'dawk il-jiem il-kbarat ta' Ġuda bagħtu ħafna ittri lil
Tobija, u Tobija bagħtilhom ħafna wkoll. [Neħ:6:18] Ħafna f'Ġuda kienu konfoffa
waħda miegħu billi hu kien jiġi r-raġel ta' bint Sekanija bin Araħ, u ibnu
Ġeħoħanan kien iżżewweġ lil bint Mesullam bin Berekija. [Neħ:6:19] Kienu
saħansitra jitkellmu quddiemi fuq it-tajjeb tiegħu, u kliemi kienu jwassluhulu.
U Tobija kien jibgħat ittri biex ibeżżagħni.
7. It-tnassis kontra Neħemija
[Neħ:7:1] Meta konna bnejna s-swar, jien kont qegħedt il-bibien u ħtart
il-purtinara, il-kantanti u l-Leviti. [Neħ:7:2] Biex jamministraw lil Ġerusalemm,
qegħedt lil ħija Ħanani u lill-kap tal-fortizza Ħananija, billi dan kien jidher
raġel ta' kelmtu u jibża' minn Alla iktar minn ħafna oħrajn. [Neħ:7:3] U
għedtilhom: "Ma jinfetħux il-bibien ta' Ġerusalemm qabel ma tibda tisreġ ix-xemx,
u malli tieqaf is-sħana l-bibien żommuhom magħluqa u sakkruhom bl-istaneg.
Għases qiegħdu 'l dawk li joqogħdu Ġerusalemm; qiegħdu 'l kull wieħed fil-post
fejn għandu joqgħod għassa, kulħadd quddiem id-dar tiegħu."
Nies ġodda jinġiebu Ġerusalemm
[Neħ:7:4] Il-belt kienet kbira u l-medda tagħha kienet ġmielha, imma n-nies li
kienu jgħixu fiha kienu ftit, u djar mibnija ma kienx hemm. [Neħ:7:5] Alla
mbagħad nebbaħni, u jien ġbart il-kbarat, l-uffiċjali, u l-poplu, biex
nagħmlilhom ċensiment skond l-arblu tar-razza, u sibt il-ktieb taċ-ċensiment ta'
dawk li kienu telgħu qabel mill-eżilju. Fih sibt miktub hekk:
[Neħ:7:6] "Dawn huma n-nies tal-provinċja li telgħu mill-jasar ta' l-eżilju fejn
kien ħadhom Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja; huma reġgħu lura f'Ġerusalemm u
f'Ġuda, kull wieħed minnhom reġa' lura f'beltu. [Neħ:7:7] Dawn ġew lura ma'
Żerubbabel, Ġożwè, Neħemija, Għażarija, Ragħamija, Naħamani, Mardokaj, Bilsan,
Misferet, Bigwaj, Neħum, u Bagħna.
In-numru ta’ l-irġiel tal-poplu ta’ Iżrael kien dan: [Neħ:7:8] ulied Pargħos
kienu elfejn, mija u tnejn u sebgħin; [Neħ:7:9] ulied Sefatija, tliet mija u
tnejn u sebgħin; [Neħ:7:10] ulied Araħ, sitt mija u tnejn u ħamsin; [Neħ:7:11]
ulied Paħat-mowab, jiġifieri ulied Ġożwè u Ġowab, elfejn, tmien mija u tmintax;
[Neħ:7:12] ulied Għelam, elf, mitejn u erbgħa u ħamsin; [Neħ:7:13] ulied Żattu,
tmien mija u ħamsa u erbgħin; [Neħ:7:14] ulied Żakkaj, seba' mija u sittin;
[Neħ:7:15] ulied Binnuwi, sitt mija u tmienja u erbgħin; [Neħ:7:16] ulied Bebaj,
sitt mija u tmienja u għoxrin; [Neħ:7:17] ulied Għażgad, elfejn, tliet mija u
tnejn u għoxrin; [Neħ:7:18] ulied Adonikam, sitt mija u sebgħa u sittin;
[Neħ:7:19] ulied Bigwaj, elfejn u sebgħa u sittin; [Neħ:7:20] ulied Għadin, sitt
mija u ħamsa u ħamsin; [Neħ:7:21] ulied Ater, jiġifieri ulied Ħeżekija, tmienja
u disgħin; [Neħ:7:22] ulied Ħasum, tliet mija u tmienja u għoxrin; [Neħ:7:23]
ulied Besaj, tliet mija u erbgħa u għoxrin; [Neħ:7:24] ulied Ħarif, mija u tnax;
[Neħ:7:25] ulied Gibgħon kienu ħamsa u disgħin; [Neħ:7:26] in-nies ta' Betlehem
u Netufa, mija u tmienja u tmenin; [Neħ:7:27] in-nies ta' Għanatot, mija u
tmienja u għoxrin; [Neħ:7:28] in-nies ta' Bet-għażmawet, tnejn u erbgħin;
[Neħ:7:29] in-nies ta' Kirjat-ġegħarim, Kefira, u Birot, seba' mija u tlieta u
erbgħin; [Neħ:7:30] in-nies ta' Rama u Geba, sitt mija u wieħed u għoxrin;
[Neħ:7:31] in-nies ta' Mikmas, mija u tnejn u għoxrin; [Neħ:7:32] in-nies ta'
Betel u Għaj, mija u tlieta u għoxrin; [Neħ:7:33] in-nies ta' Nebu l-oħra, tnejn
u ħamsin; [Neħ:7:34] ulied Għelam l-ieħor, elf, mitejn u erbgħa u ħamsin;
[Neħ:7:35] ulied Ħarim, tliet mija u għoxrin; [Neħ:7:36] in-nies ta' Ġeriko,
tliet mija u ħamsa u erbgħin; [Neħ:7:37] in-nies ta' Lod, Ħadid, u Onu, seba'
mija u wieħed u għoxrin; [Neħ:7:38] u n-nies ta' Sena, tlitt elef, disa' mija u
tletin.
[Neħ:7:39] Il-qassisin kienu: wlied Ġedajja, jiġifieri l-membri tal-familja ta'
Ġożwè, disa' mija u tlieta u sebgħin; [Neħ:7:40] ulied Immer, elf u tnejn u
ħamsin; [Neħ:7:41] ulied Pasħur, elf, mitejn u sebgħa u erbgħin; [Neħ:7:42]
ulied Ħarim, elf u sbatax.
[Neħ:7:43] Il-Leviti kienu wlied Ġożwè, jiġifieri ulied Kadmijel, u wlied
Ħodewa, b'kollox erbgħa u sebgħin.
[Neħ:7:44] Il-kantanti, ulied Asaf, kienu mija u tmienja u erbgħin.
[Neħ:7:45] Il-purtinara tat-tempju kienu wlied Sallum, ulied Ater, ulied Talmon,
ulied Għakkub, ulied Ħatita, u wlied Sobaj, b'kollox mija u tmienja u tletin.
[Neħ:7:46] L-ilsiera tat-tempju kienu wlied Siħa, ulied Ħasufa, ulied Tabgħot,
[Neħ:7:47] ulied Keros, ulied Sigħa, ulied Padon, [Neħ:7:48] ulied Lebana, ulied
Ħagaba, ulied Salmaj, [Neħ:7:49] ulied Ħanan, ulied Giddel, ulied Gaħar,
[Neħ:7:50] ulied Raja, ulied Resin, ulied Nekoda, [Neħ:7:51] ulied Gażżam, ulied
Għużża, ulied Paseħa, [Neħ:7:52] ulied Besaj, ulied Megħunin, ulied Nefisesin,
[Neħ:7:53] ulied Bakbuk, ulied Ħakufa, ulied Ħarħur, [Neħ:7:54] ulied Baslit,
ulied Meħida, ulied Ħarsa, [Neħ:7:55] ulied Barkos, ulied Sisera, ulied Tamaħ,
[Neħ:7:56] ulied Nesijaħ, u wlied Ħatifa.
[Neħ:7:57] Ulied il-qaddejja ta' Salamun kienu wlied Sotaj, ulied Soferet, ulied
Perida, [Neħ:7:58] ulied Ġagħla, ulied Darkon, ulied Giddel, [Neħ:7:59] ulied
Sefatija, ulied Ħattil, ulied Pokret-ħasbajim, u wlied Amon. [Neħ:7:60]
L-ilsiera tat-tempju u wlied il-qaddejja ta' Salamun, kienu jgħoddu tliet mija u
tnejn u disgħin b'kollox.
[Neħ:7:61] Dawn imbagħad telgħu minn Tel-melaħ, Tel-ħarsa, Kerub, Addon, u
Immer, u mingħajr ma setgħu juru liema kienet dar missirijiethom u liema kien
in-nisel tagħhom jew jekk kinux minn Iżrael: [Neħ:7:62] ulied Delaja, ulied
Tobija, ulied Nekoda, b'kollox sitt mija u tnejn u erbgħin. [Neħ:7:63] Minn fost
il-qassisin kien hemm ulied Ħabaja, ulied Ħakkos, ulied Barżillaj, li kien
iżżewweġ waħda mill-bniet ta' Barżillaj, il-Gilgħadi, u beda jissejjaħ
b'isimhom. [Neħ:7:64] Dawn fittxew ir-reġistri ta' l-arblu tar-razza tagħhom,
imma ma sabuhomx; u għalhekk tneħħew minn fost il-qassisin. [Neħ:7:65] U
l-gvernatur qalilhom biex ma jiklux mill-ikel ikkonsagrat sa ma jinsab qassis
bl-Urim u t-Tummim.
[Neħ:7:66] Il-ġemgħa kollha f'daqqa kienet tgħodd tnejn u erbgħin elf, tliet
mija u sittin. [Neħ:7:67] Dan mingħajr il-qaddejja tagħhom irġiel u nisa, li
kienu jgħoddu sebat elef, tliet mija u sebgħa u tletin, u mingħajr il-kantanti
tagħhom, rġiel u nisa, li b'kollox kienu mitejn u ħamsa u erbgħin. [Neħ:7:68]
L-iġmla kienu erba' mija u ħamsa u tletin, il-ħmir sitt elef, seba' mija u
għoxrin.
[Neħ:7:69] Uħud mill-kapijiet tal-familji taw offerti, biex ikun jista' jsir
ix-xogħol. Il-gvernatur ta lit-teżor elf darik tad-deheb, ħamsin bieqja, u ħames
mija u tletin libsa tal-qassisin. [Neħ:7:70] Xi wħud mill-kapijiet tal-familji
taw lit-teżor, li kien qiegħed jiġbor għax-xogħol, għoxrin elf darik tad-deheb u
elfejn u mitejn mina tal-fidda. [Neħ:7:71] Dak li ta l-bqija tal-poplu kien
ilaħħaq għoxrin elf darik tad-deheb, elfejn mina tal-fidda, u sebgħa u sittin
libsa tal-qassisin.
[Neħ:7:72] U l-qassisin, il-Leviti, l-għases tal-bibien tat-tempju, il-kantanti,
xi wħud mill-poplu, u l-ilsiera tat-tempju, u Iżrael kollu, marru joqogħdu
fl-ibliet tagħhom.
8. Il-qari tal-Liġi u l-festa ta' l-Għerejjex
[Neħ:8:1] Ulied Iżrael kienu fl-ibliet tagħhom imma meta wasal is-seba' xahar
il-poplu kollu nġabar flimkien fil-misraħ ta' quddiem Bieb l-Ilma, u talbu lil
Esdra l-iskriba biex iġib il-Ktieb tal-Liġi ta' Mosè li l-Mulej kien ta lil
Iżrael. [Neħ:8:2] Kien l-ewwel tas-seba' xahar mela, u Esdra l-qassis ġieb
il-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li
kienu jifhmu dak li jisimgħu. [Neħ:8:3] U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu
quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ
li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma' l-qari tal-Ktieb
tal-Liġi. [Neħ:8:4] Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk ta' l-injam, li kienu
waqqfu għall-okkażjoni; fuq il-lemin tiegħu kien hemm weqfin ħdejh Mattitija,
Sema, Għanajja, Urija, Ħilkija, Magħxija; u fuq ix-xellug Pedaja, Misael,
Malkija, Ħasum, Ħasabbana, Żakkarija, u Mesullam.
[Neħ:8:5] Mbagħad Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien
fil-għoli 'l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa.
[Neħ:8:6] U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b'idejh
merfugħin 'il fuq wieġeb: "Amen, amen." U nxteħtu għarkubbtejhom b'wiċċhom ma'
l-art jagħtu qima lill-Mulej. [Neħ:8:7] Ġożwè, Bani, Serebija, Ġamin, Għakkub,
Sabtaj, Ħodija, Magħxija, Kelita, Għażarija, Ġożabad, Ħanan, Pelaja, u l-Leviti,
qagħdu jgħallmu l-Liġi lill-poplu, u l-poplu baqa' wieqaf fejn kien. [Neħ:8:8]
Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b'mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari.
[Neħ:8:9] Mbagħad il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu
qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: "Dan hu jum qaddis,
ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!" Għax il-poplu kollu
kien infexx jibki meta sama' kliem il-Liġi. [Neħ:8:10] U żiedu jgħidulhom:
"Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn
ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewwdux
qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom." [Neħ:8:11] U l-Leviti komplew
iqawwu qalb il-poplu u jgħidulu: "Isktu! Dan hu jum qaddis. La ssewwdux
qalbkom." [Neħ:8:12] Mbagħad il-poplu kollu telaq biex jiekol u jixrob, u
jibgħat jaqsam ma' ħaddieħor, u biex jagħmel festa b'ferħ kbir, għax kien fehem
dak kollu li kienu għallmuh.
[Neħ:8:13] Fit-tnejn tax-xahar, mbagħad, ltaqgħu għand Esdra l-iskriba,
il-kapijiet tal-familji tal-poplu kollu, il-qassisin, u l-Leviti, biex jistudjaw
kliem il-Liġi. [Neħ:8:14] U sabu miktub fil-Liġi li l-Mulej kien ordna permezz
ta' Mosè li nhar il-festa tas-seba' xahar ulied Iżrael għandhom jgħammru
fl-għerejjex, [Neħ:8:15] u li għandhom isemmgħu u jwasslu leħenhom fl-ibliet
kollha u f'Ġerusalemm, u jgħidu: "Oħorġu lejn il-muntanji, u ġibu friegħi
taż-żebbuġ, friegħi ta' l-arżnu, friegħi tar-riħan, friegħi tal-palm, u friegħi
ta' siġar li jagħmlu ħafna weraq, ħa tibnu għerejjex skond ma hu miktub."
[Neħ:8:16] U l-poplu kollu ħareġ u ġieb il-friegħi, u kulħadd bena għerejjex:
fuq il-bjut, fil-btieħi, fil-btieħi tat-tempju ta' Alla, fil-misraħ ta' quddiem
Bieb l-Ilma, u fil-misraħ ta' quddiem Bieb Efrajm. [Neħ:8:17] Il-ġemgħa kollha
li kienet reġgħet lura mill-eżilju bniet għerejjex, u għammret fihom; ulied
Iżrael ma kinux għamlu dan sa minn żmien Ġożwè bin Nun sa dakinhar. U kien hemm
ferħ kbir.
[Neħ:8:18] U Esdra kien jaqra kuljum mill-Ktieb tal-Liġi ta' Alla, mill-ewwel
jum sa l-aħħar jum taċ-ċelebrazzjonijiet. Għamlu festa għal sebat ijiem, u
fit-tmien jum iltaqgħu flimkien skond ma hu preskritt.
9. L-istqarrija tad-dnubniet
[Neħ:9:1] Fl-erbgħa u għoxrin ta' dak ix-xahar iltaqgħu ulied Iżrael lebsin
l-ixkejjer u bit-trab fuq rashom biex jagħmlu sawma. [Neħ:9:2] U nisel Iżrael
infired minn ulied il-barranin, u qamu u stqarrew dnubiethom u l-ħażen ta'
missirijiethom. [Neħ:9:3] Qamu bilwieqfa fejn kienu u qraw mill-Ktieb tal-Liġi
tal-Mulej Alla tagħhom għal kwart ta' jum, u għal tliet sigħat oħra stqarrew
dnubiethom, u taw qima lill-Mulej Alla tagħhom. [Neħ:9:4] Telgħu fuq il-palk
il-Leviti Ġożwè, Bani, Kadmijel, Sebanija, Bunni, Serebija u Kenani, u sejjħu
b'leħen għoli lill-Mulej, Alla tagħhom. [Neħ:9:5] U l-Leviti Ġożwè, Kadmijel,
Bani, Ħasabnija, Serebija, Ħodija, Sebanija u Petaħija qalu:
Qumu u bierku lill-Mulej Alla tagħkom għal dejjem ta' dejjem.
Ħa jbierku fuq kull barka oħra,
u tifħir ieħor l-isem glorjuż u għoli tiegħek.
[Neħ:9:6] Int waħdek il-Mulej
int għamilt is-smewwiet, is-smewwiet tas-smewwiet,
u l-eżerċti kollha tagħhom,
u l-art u kull ma fiha,
l-ibħra u kull ma fihom.
Int iżżommhom ħajja, '
lilek iqimu l-eżerċti tas-smewwiet.
[Neħ:9:7] Int il-Mulej Alla, li għażilt lil Abram,
ħriġtu minn Ur tal-Kaldin, u bdiltlu ismu f'Abraham,
[Neħ:9:8] Sibtu fidil lejk
u għamilt patt miegħu,
li tagħti lin-nisel tiegħu,
art il-Kangħanin, il-Ħittin, l-Amurrin,
il-Periżżin, il-Ġebusin, u l-Girgasin.
U Int żammejt kelmtek għax int ġust.
[Neħ:9:9] "Int rajt il-miżerja ta' missirijietna fl-Eġittu,
u tajt widen għall-għajta tagħhom meta kienu ħdejn Baħar il-Qasab.
[Neħ:9:10] U għamilt sinjali u għeġubijiet kontra
l-Fargħun, il-qaddejja tiegħu kollha, u nies artu,
għax int kont taf li kienu tkabbru ma' missirijietna,
u dakinhar għamilt għalik isem li għadu jissemma sa llum.
[Neħ:9:11] U l-baħar fraqt quddiemhom,
u f'mogħdija niexfa qasmu f'nofs ta' baħar,
imma lil dawk li kienu miexja wrajhom,
fil-qiegħ niżżilthom,
bħallikieku ġebla f'ilmiet qawwija.
[Neħ:9:12] B'kolonna ta' sħab mexxejthom matul il-jum,
u b'kolonna ta' nar matul il-lejl,
biex idawwlilhom it-triq li kellhom jgħaddu minnha.
[Neħ:9:13] U int inżilt fuq il-muntanja tas-Sinaj,
u tkellimt magħhom mis-smewwiet,
u tajthom digrieti ġusti, liġijiet ta' min jorbot fuqhom,
kmandamenti u preċetti tajbin.
[Neħ:9:14] Qaddist is-Sibt u għarrafthom bih,
u permezz ta' Mosè l-qaddej tiegħek tajthom preċetti, kmandamenti, u liġi.
[Neħ:9:15] Tajthom ħobż mis-sema biex jaqtgħu l-ġuħ,
ħriġtilhom ilma mill-blata biex jaqtgħu l-għatx,
u għedtilhom biex imorru jirtu l-art,
li b'idejk merfugħa ħlift li tagħtihom.
[Neħ:9:16] "Imma huma u missirijietna tkabbru u webbsu rashom,
u ma tawx widen għall-preċetti tiegħek.
[Neħ:9:17] Ma riedu jisimgħu b'xejn,
u ma ftakrux fl-għeġubijiet li inti kont għamilt magħhom;
u baqgħu rashom iebsa.
Anzi waħħlu f'rashom li jerġgħu lura lejn il-jasar tagħhom fl-Eġittu.
Imma int Alla taħfer, ħafif biex tħenn,
bil-mod biex tagħdab, imma tħenn ħafna,
għalhekk int ma tlaqthomx weħidhom.
[Neħ:9:18] Saħansitra meta għamlu għoġol tal-metall imdewweb, u qalu:
'Dan hu Alla tagħkom li ħariġkom mill-Eġittu,'
u għamlu dnubiet kbar.
[Neħ:9:19] Int, fit-tjieba kbira tiegħek, ma tlaqthomx weħidhom fid-deżert;
il-kolonna ta' sħab ma warrbitx minn magħhom matul il- jum,
imma baqgħet turihom it-triq,
u l-kolonna tan-nar baqgħet iddawwlilhom billejl it-triq li kienu mexjin fiha.
[Neħ:9:20] Biex jgħallimhom tajthom l-ispirtu tajjeb tiegħek,
ma ċħadtilhomx li jieklu l-manna tiegħek,
u tajthom ilma biex jaqtgħu għatxhom.
[Neħ:9:21] Għal erbgħin sena tajthom kull ma kienu jeħtieġu fid-deżert,
u ma kien jonqoshom xejn.
L-ilbies tagħhom ma therriex,
u riġlejhom ma ntefħux.
[Neħ:9:22] Tajthom ukoll saltniet u popli,
u ffissajtilhom il-fruntieri tagħhom.
Ħadu f'idejhom art Siħon, sultan ta' Ħesbon, u art Għog, sultan ta' Basan.
[Neħ:9:23] Kattart 'l uliedhom daqs il-kwiekeb tas-sema,
u wassalthom sa l-art li kont wegħedt lil missirijiethom li għad jiġu fiha biex
jeħduha f'idejhom.
[Neħ:9:24] U wliedhom ġew, u ħadu f'idejhom l-art; u baxxejt quddiemhom u
tajthom f'idejhom lil dawk li kienu joqogħdu fil-pajjiż - il-Kangħanin -
is-slaten ta' l-art u n-nies tagħha, biex jagħmlu bihom dak li kien jogħġobhom.
[Neħ:9:25] Ħadu f'idejhom bliet bis-swar u art għammiela,
u wirtu djar mimlija b'kull xorta ta' ħwejjeġ tajba,
bjar imħaffra minn ħaddieħor, għelieqi tad-dwieli u ż-żebbuġ,
u siġar li jagħmlu ħafna frott.
U kielu u xebgħu, simnu u thennew,
għax int kont tajjeb ħafna magħhom.
[Neħ:9:26] "Imma huma lilek iddisprezzaw, u qamu kontra tiegħek;
il-liġi tiegħek tefgħuha wara spallejhom, u qatlu l-profeti tiegħek,
għax ħaduha magħhom, biex ireġġgħuhom lura lejk.
Huma baqgħu jidinbu bl-ikrah.
[Neħ:9:27] Tajthom f'idejn l-għedewwa tagħhom u għakksuhom;
imma fi żmien id-dwejjaq tagħhom sejjħu lilek,
u int, mis-smewwiet, smajthom,
u bgħattilhom feddejja skond il-ħniena kbira tiegħek,
u dawn fdewhom minn idejn l-għedewwa tagħhom.
[Neħ:9:28] Imma kif kienu jsibu l-mistrieħ, kienu jerġgħu bħal qabel,
u jagħmlu dak li hu ħażin quddiemek.
Int kont titlaqhom f'idejn l-għedewwa tagħhom,
u dawn kienu jaħkmu fuqhom.
Imma mbagħad kienu jerġgħu lura, u jsejjħu lilek,
u int mis-smewwiet kont tismagħhom.
Kemm-il darba ħlisthom skond il-ħniena tiegħek.
[Neħ:9:29] U ħadtha magħhom biex treġġagħhom lura għal-Liġi tiegħek,
imma huma tkabbru,
u ma tawx widen għall-kmandamenti tiegħek,
u dinbu meta ma qagħdux għall-ġudizzju tiegħek.
Jekk wieħed joqgħod għall-ġudizzji tiegħek ikollu l-ħajja permezz tagħhom,
imma huma ma ridux jerfgħu l-piż tagħhom,
u webbsu rashom, u ma ridux jisimgħu.
[Neħ:9:30] Int stabart bihom għal ħafna snin,
u ħadtha magħhom permezz tal-profeti tiegħek, li kellhom l-ispirtu tiegħek,
imma huma ma tawx widen.
Int għalhekk tlaqthom f'idejn il-ġnus barranin.
[Neħ:9:31] Imma fil-ħniena kbira tiegħek,
int ma ġibthomx fix-xejn,
u lanqas ħallejthom weħidhom,
għax int Alla ħanin u twajjeb.
[Neħ:9:32] "U issa, O Alla tagħna, int Alla kbir, qawwi, u tal-biża',
tħares il-patt u tagħmel il-ġid,
tħarisx fuq it-tbatijiet tagħna bħallikieku kienu ħaġa ta' xejn,
it-tbatijiet li minn żmien is-slaten ta' l-Assirja sa llum ġew fuqna,
fuq is-slaten tagħna, il-kapijiet tagħna,
il-qassisin tagħna, il-profeti tagħna,
missirijietna, u l-poplu kollu.
[Neħ:9:33] Madankollu, int kont ġust f'dak kollu li ġie fuqna,
għax int żammejt kelmtek, filwaqt li aħna għamilna dak li hu ħażin.
[Neħ:9:34] Is-slaten tagħna, il-kapijiet tagħna,
il-qassisin tagħna, u missirijietna,
ma qagħdux għal-Liġi tiegħek, u ma tawx widen għall- kmandamenti u l-preċetti
tiegħek,
li kont widdibthom fuqhom.
[Neħ:9:35] Huma gawdew is-saltna tagħhom,
il-ġid kbir li għamilt magħhom,
l-art kbira u għammiela li tajthom quddiemhom;
imma lilek ma qdewkx,
u ma reġgħux lura mill-għemejjel ħżiena tagħhom.
[Neħ:9:36] Ara, aħna llum ilsiera;
l-art, li tajt lil missirijietna biex jieklu mill-frott u mill-ġid tagħha, ara,
aħna qegħdin ngħixu qisna lsiera fiha.
[Neħ:9:37] L-art tkattar l-uċuħ tagħha għas-slaten,
li qegħedtilna fuqna minħabba dnubietna;
u huma jaħkmu fuq ġisimna u fuq il-bhejjem tagħna kif jogħġobhom.
Ninsabu mdejjqin għall-aħħar."
10. Ftehim bil-miktub għar-riforma
[Neħ:10:1] Minħabba f'dan kollu għamilna ftehim bil-miktub, u qiegħdu s-siġill
tagħhom fuqu l-kapijiet tagħna, il-Leviti tagħna, u l-qassisin tagħna.
[Neħ:10:2] Dawk li ffirmawh kienu:
Neħemija l-gvernatur, bin Ħakalija, u Sedekija.
[Neħ:10:3] Xeraja, Għażarija, Ġeremija, [Neħ:10:4] Pasħur, Amarija, Malkija,
[Neħ:10:5] Ħattus, Sebanija, Malluk, [Neħ:10:6] Ħarim, Meremot, Għobadija,
[Neħ:10:7] Danjel, Ginneton, Bàruk, [Neħ:10:8] Mesullam, Abija, Mijjamin,
[Neħ:10:9] Magħżija, Bilgaj u Semajja; dawn kienu l-qassisin.
Il-Leviti kienu: Ġożwè bin Ażanija, Binnuwi, wieħed minn ulied Ħenadad, u
Kadmijel; [Neħ:10:11] ħuthom Sebanija, Ħodija, Kelita, Pelaja, Ħanan,
[Neħ:10:12] Mika, Reħob, Ħasabija, [Neħ:10:13] Żakkur, Serebija, Sebanija,
[Neħ:10:14] Ħodija, Bani u Beninu.
[Neħ:10:15] Il-kapijiet tal-poplu kienu: Pargħos, Paħat-mowab, Għelam, Żattu,
Bani, [Neħ:10:16] Bunni, Għażgad, Bebaj, [Neħ:10:17] Adonija, Bigwaj, Għadin,
[Neħ:10:18] Ater, Ħeżekija, Għażżur, [Neħ:10:19] Ħodija, Ħassum, Besaj,
[Neħ:10:20] Ħarif, Għanatot, Nebaj, [Neħ:10:21] Magfigħas, Mesullam, Ħeżir,
[Neħ:10:22] Meseżabel, Sadok, Gaddugħa, [Neħ:10:23] Pelatija, Ħanan, Għananija,
[Neħ:10:24] Ħosegħa, Ħananija, Ħasub, [Neħ:10:25] Ħalloħes, Pilħa, Sobek,
[Neħ:10:26] Reħum, Ħasabna, Magħxija, [Neħ:10:27] Aħija, Ħanan, Għanan,
[Neħ:10:28] Malluk, Ħarim, u Bagħna.
[Neħ:10:29] Il-bqija tal-poplu, il-qassisin, il-Leviti, il-purtinara,
il-kantanti, u l-ilsiera tat-tempju, kull min kien infired minn nies l-art biex
joqgħod għal-Liġi ta' Alla, in-nisa tagħhom u wliedhom, subjien u bniet, dawk
kollha li kellhom il-ħila jagħrfu u jifhmu, [Neħ:10:30] ssieħbu ma' ħuthom ogħla
minnhom, u ħadu ġurament u ħalfu li jimxu skond il-Liġi li Alla kien ta permezz
ta' Mosè, il-qaddej ta' Alla, u li jħarsu u josservaw il-kmandamenti kollha
tal-Mulej, Sidna, u d-digrieti u l-preċetti tiegħu.
[Neħ:10:31] Ħalfu li ma nagħtux il-bniet tagħna lin-nies ta' l-art biex
jiżżewwġuhom, u li ma niħdux il-bniet tagħhom għas-subjien tagħna. [Neħ:10:32] U
jekk in-nies ta' l-art iġibu xi affarijiet jew xi xorta ta' qamħ biex ibigħuhom
nhar ta' Sibt, jew f'xi jum ieħor qaddis, ma nixtruhomx mingħandhom. Naħfru
wkoll dak li jmissna u dak li għandna nieħdu darba kull seba' snin. [Neħ:10:33]
Ntrabatna wkoll b'Liġi li nagħtu terz ta' xekel fis-sena għas-servizz fit-tempju
ta' Alla tagħna; [Neħ:10:34] ħobż tal-preżenza għal quddiem il-Mulej,
għall-offerta ta' kuljum, għas-sagrifiċċju tal-ħruq li ma kien jaqta' xejn,
għas-Sibtijiet, għal jiem il-qamar ġdid, għall-festi, għall-jiem qaddisa,
għas-sagrifiċċji tal-purifikazzjoni ta' Iżrael, u għal kull ħaġa oħra li kienet
issir fit-tempju ta' Alla tagħna. [Neħ:10:35] U tellajna x-xorti, qassisin,
Leviti, u poplu, għall-offerta ta' l-injam li sena wara sena għandha tinġieb
fit-tempju ta' Alla tagħna mill-familji ta' missirijietna fi żminijiet fissi
biex tiġi maħruqa fuq l-artal tal-Mulej, Alla tagħna, kif inhu miktub fil-Liġi.
[Neħ:10:36] Ntrabatna wkoll li kull sena nġibu l-uċuħ bikrija tar-raba' tagħna u
l-frott bikri tas-siġar tagħna fit-tempju tal-Mulej, [Neħ:10:37] ukoll l-ewwel
ulied ta' wliedna u tal-bhejjem tagħna kif inhu miktub fil-Liġi. Nġibu wkoll
fit-tempju ta' Alla tagħna l-ewwel frieħ ta' l-imrieħel tal-bhejjem kbar u żgħar
tagħna għand il-qassisin li jagħtu s-servizz tagħhom fit-tempju ta' Alla tagħna.
[Neħ:10:38] U l-ewwel għaġna tagħna, l-għotjiet tagħna, il-frott tas-siġar
tagħna, u l-inbid u ż-żejt tagħna, nġibuhom lill-qassisin fil-kmamar tat-tempju
ta' Alla tagħna. L-għexur ta' l-art tagħna nagħtuhom lil-Leviti, għax huma
l-Leviti li jiġbru l-għexur ta' l-ibliet tagħna fejn naħdmu aħna.
[Neħ:10:39] Meta l-Leviti jiġbru l-għexur tagħhom għandu jkun hemm magħhom
qassis min-nisel ta' Aron. Il-Leviti, mbagħad, iġibu l-għexur ta' l-għexur
tagħhom fit-tempju ta' Alla tagħna, fl-imħażen tat-teżor, [Neħ:10:40] għax hu
fil-kmamar tat-tempju li wlied Iżrael u wlied il-Leviti jġibu l-offerti
tal-qamħ, ta' l-inbid, u taż-żejt. Hemm l-oġġetti sagri, u hemm joqogħdu
l-qassisin li jagħtu s-servizz tagħhom fit-tempju, il-purtinara u l-kantanti.
Aħna ma nitilqux it-tempju ta’ Alla tagħna.
11. Iżjed nies jiġi joqogħdu Ġerusalemm
[Neħ:11:1] Ġerusalemm kienu joqogħdu l-kapijiet tal-poplu; għalhekk il-poplu
tella' x-xorti biex wieħed minn kull għaxra minnhom iġibuh joqgħod Ġerusalemm,
il-belt qaddisa, u d-disgħa l-oħra jibqgħu fl-ibliet. [Neħ:11:2] Il-poplu bierek
l-irġiel li minn rajhom iddeċidew li joqogħdu Ġerusalemm.
[Neħ:11:3] Dawn huma l-kapijiet tal-provinċja li kienu joqogħdu Ġerusalemm.
Iżrael, il-qassisin, il-Leviti, l-ilsiera tat-tempju, u wlied il-qaddejja ta'
Salamun, kienu joqogħdu fl-ibliet ta' Ġuda, kulħadd fil-wirt tiegħu, kulħadd
fil-belt tiegħu.
Dawk li kienu joqogħdu Ġerusalemm
[Neħ:11:4] Ġerusalemm kienu joqogħdu wħud minn ulied Ġuda u oħrajn minn ulied
Benjamin.
Minn ulied Ġuda kien hemm: Għatajja, bin Għużżija, bin Żakkarija, bin Amarija,
bin Sefatija, bin Meħlalel, wieħed minn ulied Pereż; [Neħ:11:5] u Magħxija bin
Bàruk, bin Kolħożi, bin Ħażajah, bin Għadaja, bin Ġojarib, bin Żakkarija, wieħed
mis-Siloni. [Neħ:11:6] Ulied Pereż li kienu joqogħdu Ġerusalemm kienu b'kollox
erba' mija u tmienja u sittin, lkoll irġiel b'saħħithom.
[Neħ:11:7] Dawn kienu wlied Benjamin: Sallu bin Mesullam, bin Ġogħed, bin
Pedajja, bin Kolaja, bin Magħxija, bin Itjel, bin Isaija, u [Neħ:11:8] warajh
kien hemm Gabbaj, Sallaj, disa' mija u tmienja u għoxrin minn ħutu. [Neħ:11:9]
Ġoel bin Żikri kien il-kap tagħhom, u Ġuda bin Ħassenuwa kien it-tieni wieħed
fl-amministrazzjoni tal-belt.
[Neħ:11:10] Mill-qassisin kien hemm: Ġedajja bin Ġojarib, Ġakin, [Neħ:11:11]
Xeraja bin Ħilkija, bin Mesullam, bin Sadok, bin Merajot, bin Aħitub, il-kap
tat-tempju ta' Alla, [Neħ:11:12] u ħuthom li jagħmlu s-servizz fit-tempju,
b'kollox tmien mija u tnejn u għoxrin; u Għadajja bin Ġeroħam, bin Pelalija, bin
Amsi, bin Żakkarija, bin Pasħur, bin Malkija, [Neħ:11:13] u ħutu, il-kapijiet
tal-familji, li kienu jgħoddu mitejn u tnejn u erbgħin; u Għamassaj bin
Għażarel, bin Aħżaj, bin Mesillemot, bin Immer, [Neħ:11:14] u ħuthom li kienu
jgħoddu mija u tmienja u għoxrin, lkoll irġiel b'saħħithom. Il-mexxej ta' dawn
kien Żabdijel, bin il-kbarat tal-belt.
[Neħ:11:15] Mil-Leviti kien hemm: Samajja bin Ħassub, bin Għażrikam, bin
Ħasabija, bin Bunni; [Neħ:11:16] u Sabtaj u Ġożabad, tnejn mill-kapijiet
tal-Leviti, li kienu jmexxu x-xogħol barra t-tempju ta' Alla; [Neħ:11:17] u
Mattanija bin Mika, bin Żabdi, bin Asaf, il-mexxej li kien jibda t-talb ta' radd
il-ħajr, u Bakbukija, it-tieni wieħed fost ħutu, u Għabda bin Sammugħa, bin
Galal, bin Ġedutun. [Neħ:11:18] Il-Leviti kollha li kienu joqogħdu fil-belt
qaddisa kienu mitejn u erbgħa u tmenin.
[Neħ:11:19] U l-purtinara kienu: Għakkub, Talmon, u ħuthom li kienu jieħdu ħsieb
il-bibien, b'kollox mija u tnejn u sebgħin.
Gruppi oħra
[Neħ:11:20] Il-bqija ta' Iżrael, tal-qassisin, u tal-Leviti kienu joqogħdu
fl-ibliet l-oħra ta' Ġuda, kulħadd fil-wirt tiegħu. [Neħ:11:21] Imma l-ilsiera
tat-tempju kienu joqogħdu fl-Għofel; u Siħa u Gisfa kienu l-kapijiet tagħhom.
[Neħ:11:22] Il-kap tal-Leviti f'Ġerusalemm kienu Għużżi bin Bani, bin Ħasabija,
bin Mattanija, bin Mika, wieħed minn ulied Asaf, li kienu jkantaw fis-servizz
fit-tempju ta' Alla. [Neħ:11:23] Dawn kienu marbutin b'ordni tas-sultan; kienet
toħroġ ordni għalihom b'dak li għandhom jagħmlu minn jum għal ieħor.
[Neħ:11:24] Petaħija bin Meseżabel, wieħed minn ulied Żeraħ bin Ġuda, kien
il-mibgħut tas-sultan għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal-poplu.
Dawk li kienu joqogħdu barra Ġerusalemm
[Neħ:11:25] Uħud minn ulied Ġuda kienu joqogħdu fl-irħula bir-raba' tagħhom:
F'Kirjat-arba u l-irħula tagħha, f'Dibon u l-irħula tagħha, u f'Ġekabsel u
l-irħula tagħha, [Neħ:11:26] f'Ġesugħa, f'Molada, f'Bet-pelet, [Neħ:11:27]
f'Ħasar-sugħal, f'Birsaba u l-irħula tagħha, [Neħ:11:28] f'Siklag, f'Mekuna u
l-irħula tagħha, [Neħ:11:29] f'Għajn-rimmon, f'Sorgħa, f'Ġarmut, [Neħ:11:30]
f'Żanuħa, f'Għadullam u l-irħula tagħha, f'Lakis u l-inħawi tagħha, f'Għażeka u
l-irħula tagħha. Kienu jgħammru minn Birsaba sal-Wied ta' Ħinnom.
[Neħ:11:31] Ulied Benjamin kienu jgħammru minn Geba 'l hemm, f'Mikmas, Għaj,
Betel u l-irħula tagħha, [Neħ:11:32] Għanatot, Nob, Għananija, [Neħ:11:33]
Ħażor, Rama, Gittajm, [Neħ:11:34] Ħadid, Sebogħim, Neballat, [Neħ:11:35] Lod,
Onu, Ge-ħaħarasim.
[Neħ:11:36] Fost il-Leviti kien hemm biċċa joqogħdu f'Ġuda u biċċa f'Benjamin.
12. Qassisin u Leviti li reġgħu lura ma' Żerubbabel u Ġożwè
[Neħ:12:1] Dawn huma l-qassisin u l-Leviti li telgħu mill-eżilju ma' Żerubbabel
bin Sijaltijel, u Ġożwè: Xeraja, Ġeremija, Esdra, [Neħ:12:2] Amarija, Malluk,
Ħattus, [Neħ:12:3] Sekanija, Reħum, Meremot, [Neħ:12:4] Għiddu, Ginnetoj, Abija,
[Neħ:12:5] Mijjamin, Magħdija, Bilga, [Neħ:12:6] Semajja, Ġojarib, Ġedajja,
[Neħ:12:7] Sallu, Għamok, Ħilkija, u Ġedajja. Dawn kienu l-kapijiet tal-qassisin
u ħuthom fi żmien Ġożwè.
[Neħ:12:8] Il-Leviti kienu: Ġożwè, Binnuwi, Kadmijel, Serebija, Ġuda, Mattanija
li flimkien ma' ħutu kien imexxi l-kant ta' l-innijiet; [Neħ:12:9] ħuthom
Bakbukija u Għunni kienu joqogħdu f'taqsimiet biswit tagħhom.
[Neħ:12:10] Ġożwè wiled lil Ġojakim; Ġojakim wiled lil Eljasib; Eljasib wiled
lil Ġojada; [Neħ:12:11] Ġojada wiled lil Ġonatan; Ġonatan wiled lil Gaddugħa.
Qassisin u Leviti fi żmien Ġojakim
[Neħ:12:12] Fi żmien Ġojakim, il-qassisin kapijiet tal-familji kienu: Meraja,
kien il-kap tal-familja ta' Xeraja; tal-familja ta' Ġeremija kien Ħananija;
[Neħ:12:13] tal-familja ta' Esdra, Mesullam; tal-familja ta' Aramija, Ġeħoħanan;
[Neħ:12:14] tal-familja ta' Meliki, Ġonatan; tal-familja ta' Sebanija, Ġużeppi;
[Neħ:12:15] tal-familja ta' Ħarim, Għadna; tal-familja ta' Merajot, Ħalkaj;
[Neħ:12:16] tal-familja ta' Għiddu, Żakkarija; tal-familja ta' Ginneton,
Mesullam; [Neħ:12:17] tal-familja ta' Abija, Żikri; tal-familja ta' Mijjamin
...; tal-familja ta' Mogħadija, Peltaj; [Neħ:12:18] tal-familja ta' Bilga,
Sammugħa; tal-familja ta' Semmajja, Ġeħonatan; [Neħ:12:19] tal-familja ta'
Ġeħojarib, Mattenaj; tal-familja ta' Ġedajja, Għużżi; [Neħ:12:20] tal-familja
ta' Sallaj, Kallaj; tal-familja ta' Għamok, Għeber; [Neħ:12:21] tal-familja ta'
Ħilkija, Ħasabija; tal-familja ta' Ġedajja, Netanjel.
[Neħ:12:22] Fi żmien Eljasib, Ġojada, Ġoħanan, u Gaddugħa, il-Leviti kienu ġew
irreġistrati bħala kapijiet tal-familji, filwaqt li l-qassisin kienu ġew
irreġistrati sa żmien Darju, sultan tal-Persja. [Neħ:12:23] Il-Leviti, kapijiet
tal-familji, kienu ġew irreġistrati fil-Ktieb tal-Kronaki sa żmien Ġoħanan bin
Eljasib.
[Neħ:12:24] Il-kapijiet tal-Leviti kienu: Ħasabija, Serebija, Ġożwè, Binnuwi,
Kadmijel, u ħuthom li kienu joqogħdu biswit tagħhom, ġemgħa daqs oħra, biex
ifaħħru u jiżżu ħajr skond ma kien ordna David, il-qaddej ta' Alla. [Neħ:12:25]
Mattanija, Bakbukija, Għobadija, Mesullam, Talmon, Għakkub, kienu joqogħdu
mal-bibien għassa ta' l-imħażen ta' ħdejn il-bibien. [Neħ:12:26] Dawn kienu
jgħixu fi żmien Ġojakim bin Ġożwè, bin Ġosadaj, u fi żmien Neħemija,
il-gvernatur, u Esdra, il-qassis u skriba.
Id-dedikazzjoni ta' Ġerusalemm
[Neħ:12:27] Għad-dedikazzjoni tas-swar ta' Ġerusalemm fittxew kullimkien
għal-Leviti u ġibuhom Ġerusalemm biex jiċċelebraw id-dedikazzjoni bil-ferħ,
b'tifħir, b'għana, u b'daqq taċ-ċimbali, ta' l-arpi u taċ-ċetri. [Neħ:12:28]
Nġabru wkoll il-kantanti mill-inħawi ta' madwar Ġerusalemm, mill-irħula
tan-Netufin, [Neħ:12:29] minn Bet-gilgal, u mill-inħawi ta' Geba u Għażmawet,
għax il-kantanti kienu bnew għalihom għadd ta' rħula madwar Ġerusalemm.
[Neħ:12:30] U l-qassisin u l-Leviti ppurifikaw irwieħhom, u mbagħad ippurifikaw
il-poplu, id-daħliet, u s-swar.
[Neħ:12:31] Mbagħad jien tellajt fuq is-swar il-kbarat ta' Ġuda. Waqqaft ukoll
żewġ korijiet kbar, u wieħed minnhom mexa lejn il-lemin fuq is-swar, lejn Bieb
id-Demel. [Neħ:12:32] Warajhom imxew Ħosajja u nofs il-kbarat ta' Ġuda,
[Neħ:12:33] Għażarija, Esdra, Mesullam, [Neħ:12:34] Ġuda, Benjamin, Semajja,
Ġeremija, [Neħ:12:35] u wħud mill-qassisin bit-trumbetti. Żakkarija bin Ġonatan,
bin Semajja, bin Mattanija, bin Mikija, bin Żakkur, bin Asaf, [Neħ:12:36] u ħutu
Semajja, Għażarel, Milalaj, Gilalaj, Magħaj, Netanjel, Ġuda, u Ħanani, mxew
bl-istrumenti tad-daqq ta' David, il-bniedem ta' Alla. Quddiemhom mexa Esdra
l-iskriba. [Neħ:12:37] F'Bieb il-Għajn telgħu t-taraġ ta' quddiemhom għall-belt
ta' David fejn jogħla l-ħajt, għaddew il-Palazz ta' David, u waslu f'Bieb l-Ilma
n-naħa tal-Lvant.
[Neħ:12:38] It-tieni kor mexa lejn ix-xellug; jien kont fuq wara. Nofs il-poplu
mexa fuq is-swar mit-Torri ta' l-Ifran lejn il-Ħajt il-Wiesa', [Neħ:12:39]
għaddew minn fuq Bieb Efrajm, Bieb Ġesena, Bieb il-Ħut, it-Torri ta' Ħananel,
it-Torri tal-Mija, sa Bieb in-Nagħaġ, u waqfu f'Bieb il-Għassa.
[Neħ:12:40] Mbagħad iż-żewġ korijiet waqfu fit-tempju ta' Alla; jien kont hemm
ukoll flimkien ma' nofs l-uffiċjali tal-poplu. [Neħ:12:41] Kienu hemm ukoll
bit-trumbetti l-qassisin Eljakim, Magħxija, Minjamin, Mikija, Elijugħenaj,
Żakkarija, u Ħananija. [Neħ:12:42] Kien hemm ukoll Magħxija, Semajja, Elgħażar,
Għużżi, Ġeħoħanan, Malkija, Għelam, u Għeżer. Il-kantanti kantaw b'leħen sod
taħt it-tmexxija ta' Ġeżraħija. [Neħ:12:43] Dakinhar il-poplu offra sagrifiċċji
kbar, u kulħadd kien ferħan għax Alla kien imliehom b'ferħ kbir. Ferħu wkoll
in-nisa tagħhom u wliedhom, u l-għajat ta' ferħ f'Ġerusalemm kien jinstema'
mill-bogħod.
Il-proviżjon għall-ministri tal-kult
[Neħ:12:44] Dakinhar ġew maħtura xi wħud biex jieħdu ħsieb il-kmamar tat-teżor,
ta' l-offerti, tal-frott tal-bikri, u ta' l-għexur, u biex jiġbru fihom
mill-għelieqi ta' madwar l-ibliet is-sehem li kien imiss lill-qassisin u
lil-Leviti skond il-Liġi. Għax il-Lhud kienu ferħanin li kien hemm mill-ġdid
qassisin u Leviti, [Neħ:12:45] li flimkien mal-kantanti u mal-purtinara kienu
jieħdu ħsieb il-kult ta' Alla tagħhom u r-riti tal-purifikazzjoni skond kif
kienu ordnawlhom David u ibnu Salamun. [Neħ:12:46] Mill-qedem, minn żmien David
u Asaf, il-kantanti kellhom il-kapijiet tagħhom, u kienu jkantaw għana ta'
tifħir u ta' radd il-ħajr lil Alla. [Neħ:12:47] U fi żmien Żerubbabel u fi żmien
Neħemija Iżrael kollu, jum wara ieħor, kien jagħti sehem minn ġidu lill-kantanti
u lill-purtinara. Kienu jagħtu wkoll il-partijiet ikkonsagrati lil-Leviti, u
l-Leviti kienu jagħtuhom lil ulied Aron.
13. It-tkeċċija tal-barranin
[Neħ:13:1] Dakinhar inqraw quddiem il-poplu siltiet mill-Ktieb ta' Mosè u nstab
miktub fih li l-Għammonin u l-Mowabin ma għandhom qatt jidħlu fil-ġemgħa
tal-Mulej. [Neħ:13:2] Għax dawn ma laqgħux 'l ulied Iżrael b'ikel u xorb, imma
krew kontra tagħhom lil Balgħam biex jisħethom. Madankollu, Alla tagħna dawwar
is-saħta f'barka. [Neħ:13:3] Meta semgħu l-Liġi, bagħtu 'l barra minn Iżrael
il-barranin kollha.
Neħemija jkeċċi lil Tobija
[Neħ:13:4] Qabel dan kien hemm Eljasib, il-qassis li kien jieħu ħsieb il-kmamar
tat-tempju, u dan kellu wieħed jiġi minnu jismu Tobija. [Neħ:13:5] U Eljasib
irranġalu kamra kbira fejn qabel kienu jintrefgħu l-offerti, l-inċens, l-oġġetti
sagri, l-għexur tal-qamħ, nbid u żejt, li skond il-Liġi kienu jmissu lil-Leviti,
lill-kantanti, u lill-purtinara, u fejn qabel kienu jintrefgħu l-offerti
tal-qassisin. [Neħ:13:6] Meta kien qiegħed jiġri dan kollu jien ma kontx
Ġerusalemm, għax kont mort lura għand is-sultan fit-tnejn u tletin sena ta'
Artasersi, sultan ta' Babilonja, u kien wara xi żmien li jien tlabt li nħalli
lis-sultan. [Neħ:13:7] Mbagħad ġejt Ġerusalemm, u fhimt li dak li Eljasib kien
għamel għal Tobija kien ħażin, jiġifieri li rranġalu kamra fit-tempju ta' Alla.
[Neħ:13:8] Deherli li dan kien ħażin ħafna u tfajt 'il barra mill-kamra
l-għamara kollha ta' Tobija, [Neħ:13:9] u ordnajt li jiġu ppurifikati l-kmamar.
Mbagħad ħadt lura hemm l-oġġetti tat-tempju ta' Alla, l-offerti, u l-inċens.
Jerġgħu jibdew jingħataw l-għexur lil-Leviti
[Neħ:13:10] Sirt naf ukoll li ma kinux qed jingħataw offerti lil-Leviti, u
għalhekk il-Leviti u l-kantanti, li soltu kienu jagħmlu s-servizz fit-tempju,
telqu kollha lejn l-għelieqi tagħhom. [Neħ:13:11] Ħadtha ma' l-uffiċjali u
għedtilhom: "Għala ġie mitluq it-tempju ta' Alla?" Mbagħad ġbarthom, u
qegħedthom lura f'posthom. [Neħ:13:12] U l-Lhud kollha ġiebu l-għexur tal-qamħ,
ta' l-inbid, u taż-żejt fit-teżor. [Neħ:13:13] Biex jieħdu ħsieb it-teżor jien
ħtart lil Selemija, il-qassis, lil Sadok, l-iskriba, lil Padajah, wieħed
mil-Leviti, u biex jgħinhom lil Ħanan bin Żakkur, bin Mattanija. Dawn kienu
miżmumin bħala nies onesti. Xogħolhom kien li jqassmu lil ħuthom dak li kien
imisshom.
[Neħ:13:14] Minħabba f'dan kollu, ftakar fija, o Alla tiegħi, u la tħassarx
l-opra tajba li għamilt għat-tempju ta' Alla tiegħi u għas-servizz tiegħu.
Regolamenti għas-Sibt
[Neħ:13:15] F'dawk il-jiem rajt f'Ġuda min jagħsar l-inbid b'saqajh is-Sibt, min
iġorr il-qatet, min jgħabbi l-ħmir, u saħansitra min iġib Ġerusalemm is-Sibt
inbid, għeneb, tin, u kull tagħbija oħra. Dakinhar li biegħu l-affarijiet ta'
l-ikel jien widdibthom bl-aħrax. [Neħ:13:16] Kien hemm xi nies minn Tir joqogħdu
Ġerusalemm, u kienu jġibu ħut u kull xorta ta' oġġetti għall-bejgħ, u kienu
jbigħuhom nhar ta' Sibt lil-Lhud f'Ġerusalemm. [Neħ:13:17] Jien għalhekk ħadtha
mal-kbarat ta' Ġuda, u għedtilhom;"X'inhu dan il-ħażen li qegħdin tagħmlu li
tipprofanaw is-Sibt? [Neħ:13:18] Jaqaw m'hux hekk għamlu missirijietkom u Alla
tagħna ġieb din il-ħsara kollha fuqna u fuq din il-belt? U intom issa qegħdin
iżżidu l-għadab tiegħu għal Iżrael billi tipprofanaw is-Sibt?"
[Neħ:13:19] Ġara mbagħad li, kif waqa' d-dlam fuq id-daħliet ta' Ġerusalemm
qabel is-Sibt, jien tajt ordni li jissakkru l-bibien, u ordnajt li ma jinfetħux
sa ma jkun għadda s-Sibt. Lil xi qaddejja tiegħi jien qegħedthom fuq id-daħliet
biex ma jidħlux tagħbijiet nhar ta' Sibt. [Neħ:13:20] U n-neguzjanti u dawk li
kienu jbigħu kull xorta ta' oġġetti għaddew il-lejl barra Ġerusalemm għal darba
tnejn. [Neħ:13:21] Jien imbagħad ħadtha magħhom u għedtilhom: "Għala qegħdin
tgħaddu l-lejl taħt is-swar? Jekk terġgħu darb'oħra, naħbat għalikom!" U minn
dakinhar ma ġewx iktar nhar ta' Sibt. [Neħ:13:22] Mbagħad għedt lil-Leviti biex
jippurifikaw ruħhom u jmorru jgħassu l-bibien ħa jqaddsu jum is-Sibt.
Dan ukoll, Alla tiegħi, ibqa’ ftakarhuli, u ħenn għalija skond il-ħniena kbira
tiegħek.
Neħemija jħoll iż-żwiġijiet mal-barranin
[Neħ:13:23] F'dawk il-jiem rajt ukoll li l-Lhud kienu żżewwġu nisa minn Asdod,
minn Għammon, u minn Mowab, [Neħ:13:24] u li nofs uliedhom subjien kienu
jitkellmu bl-ilsien ta' Asdod, u ma kinux jafu jitkellmu bil-Lhudi. Kienu
jitkellmu l-ilsien ta' xi poplu jew ieħor. [Neħ:13:25] Jien għalhekk ħadtha
magħhom u sħetthom, ħbatt għal xi wħud minnhom, u qlajtilhom xagħarhom. Jien
imbagħad ġagħalthom jaħilfu quddiem Alla li ma jżewwġux il-bniet tagħhom ma'
subjien barranin, u li ma jiħdux nisa għalihom u għal uliedhom subjien minn fost
il-bniet tal-barranin, u għedtilhom: [Neħ:13:26] "Ma kienx forsi minħabba fihom
li dineb Salamun, sultan ta' Iżrael? Għalkemm ma kienx hemm sultan bħalu fost
ħafna ġnus, kien maħbub minn Alla tiegħu, u Alla kien qiegħdu sultan fuq Iżrael
kollu, in-nisa barranin ġagħluh jidneb. [Neħ:13:27] Taħsbu intom li aħna se
nisimgħu minnkom, u nagħmlu dan il-ħażen kbir kollu, u nidinbu kontra Alla
tagħna billi niżżewwġu nisa barranin?" [Neħ:13:28] Wieħed minn ulied Ġojada bin
Eljasib, il-Qassis il-Kbir, kien iżżewweġ lil bint Sanballat il-Ħoroni; jien
għalhekk keċċejtu minn miegħi.
[Neħ:13:29] Ftakar fihom, Alla tiegħi, talli pprofonaw is-saċerdozju u l-platt
tal-qassisin u l-Leviti.
[Neħ:13:30] Jien għalhekk naddafthom mill-barranin kollha. U qassamt ix-xogħol
lill-qassisin u l-Leviti; kull wieħed minnhom kellu x-xogħol tiegħu x'jagħmel.
[Neħ:13:31] Ħsibt ukoll għall-offerta ta' l-injam li tingħata fi żminijiet
fissi, u dwar il-frott tal-bikri.
Ftakar fija, Alla tieghi, biex ikunli ta’ ġid.