IL-KTIEB TAL-PROFETA MALAKIJA
1. Oraklu. Il-kelma tal-Mulej lil Iżrael permezz ta' Malakija.
L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael
[Mal:1:2] "Ħabbejtkom," jgħid il-Mulej. "Imma intom tgħidu: 'Fiex ħabbejtna?'
Jaqaw Għesaw m'hux ħu Ġakobb? Oraklu tal-Mulej. Madankollu jien lil Ġakobb
ħabbejtu; [Mal:1:3] imma lil Għesaw bgħadtu, u l-muntanji tiegħu għamilthomlu
xagħra, u l-art li wiret ħallejthielu għax-xakalli tad-deżert."
[Mal:1:4] Jekk Edom jgħid: "Aħna tfarrakna, imma dak li ġġarraf nerġgħu nibnuh,"
dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Huma jibnu, u jiena nħott! U jibdew
isejjħulhom 'Art il-ħażen' u 'Il-poplu li l-Mulej hu dejjem inkurlat għalih'.
[Mal:1:5] U mbagħad għajnejkom jaraw, u tgħidu: 'Kbir il-Mulej, aktar lil hemm
minn trufijiet Iżrael!'
Ċanfira lill-qassisin
[Mal:1:6] "L-iben iweġġaħ lil missieru, u l-qaddej lil sidu. Jekk mela jiena
missier, fejn hu t-tweġġiħ tiegħi? U jekk jiena Sid, fejn hu l-biża' minni?
Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti lilkom, qassisin li żżebilħu ismi. Imma intom
tgħidu: 'Fiex żeblaħnieh Ismek?' [Mal:1:7] Billi fuq l-artal tiegħi toffru ikel
imniġġes. Imma intom tgħidu: 'Biex niġġisnieh?' Billi intom mingħalikom li l-mejda
tal-Mulej jista' wieħed imaqdarha. [Mal:1:8] U jekk toffru vittma għamja, dan
m'hu xejn ħażin? U jekk toffru vittma magħtuba jew marida, m'hu xejn ħażin dan?
Mur, isa, offriha lill-gvernatur tiegħek: se jieħu gost bik. Jilqgħek tajjeb?"
Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:1:9] U issa morru itolbu lil Alla biex iħenn għalina. Jekk dan iseħħ min-naħa
tagħkom, taħsbu intom li se jilqagħkom tajjeb? Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:1:10] "M'hux li fostkom kien hemm xi ħadd li jsakkar il-bibien ħalli ma
tkebbsux nar għal xejn fuq l-artal tiegħi! M'għandix pjaċir bikom," jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti," u minn idejkom ma nilqax offerti. [Mal:1:11] Għax minn
tlugħ ix-xemx sa nżulha kbir hu Ismi fost il-ġnus, u kullimkien isir lil Ismi
sagrifiċċju bl-inċens u offerta safja, għax kbir hu Ismi fost il-ġnus," jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:1:12] "Imma intom tipprofanawh meta tgħidu li l-mejda
tas-Sid hija mniġġsa u l-ikel ta' fuqha hu ta' min imaqdru. [Mal:1:13] U intom
tgħidu: 'Ara, xi dwejjaq!', u taqbdu tonfħu," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
Intom iġġibu vittmi misruqa u dak li hu magħtub u dak li hu marid, u dan iġġibuh
bħala offerta. U jien se nilqagħha minn idejkom?" Jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:1:14] Misħut il-wiċċ b'ieħor li fil-merħla tiegħu għandu bhima raġel u
jwiegħdu lil Alla, u mbagħad lis-Sid joffrilu b'sagrifiċċju dak li hu difettuż.
"Għax jien Sultan kbir," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti," u Ismi ta' min jibża'
minnu fost il-ġnus."
2. [Mal:2:1] "U issa għalikom, qassisin, huwa dan il- kmandament: [Mal:2:2] Jekk
intom ma tisimgħux, u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi," jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti, "jiena nibgħat fuqkom is-saħta, u nisħet il-barkiet
tagħkom. Anzi ġa sħetthomlkom, għax intom dan ma tfittxuhx minn qalbkom.
[Mal:2:3] Ara, jien se naqlgħalkom dirgħajkom barra u nwaddab il-ħmieġ ma'
wiċċkom, il-ħmieġ tal-festi tagħkom, u lilkom narmikom miegħu. [Mal:2:4] Mbagħad
tagħrfu li kont jien li bgħatthulkom dan il-kmandament, biex jibqa' l-patt
tiegħi ma' Levi," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:5] "Il-patt tiegħi miegħu
kien dan: il-ħajja u s-sliem, u jien tajthomlu; il-biża' minni, u hu beża' minni,
u kien kollu mistħija quddiem Ismi. [Mal:2:6] Kellu f'fommu tagħlim is-sewwa, u
ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh; bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, u ħafna
bnedmin reġġagħhom lura minn ħżunithom.
[Mal:2:7] "Għax xufftejn il-qassis għandhom iħarsu l-għerf, u n-nies minn fommu
jfittxu t-tagħlim, għax hu l-messaġġier tal-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:8] Imma
intom twarrabtu mit-triq; ġagħaltu 'l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom;
ħassartu l-patt ta' Levi," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:2:9] "Għalhekk
jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ u għat-tmaqdir tal-poplu kollu, bħalma intom ma
żammejtux triqati, u ħaristu lejn l-uċuħ fit-tagħlim tagħkom."
[Mal:2:10] M'hux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? M'hux Alla wieħed
ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt
ta' missirijietna?
2. Żwiġijiet imħallta u d-divorzju
[Mal:2:11] Ġuda mexa bil-qerq, sar ħaġa mistkerrha f'Iżrael u f'Ġerusalemm, għax
Ġuda naqas mill-ġieħ lejn is-santwarju għażiż għall-Mulej, u żżewweġ ma' bint ta'
alla stranġier. [Mal:2:12] Jalla l-Mulej, bħala xhieda u tweġiba, jaħsad
il-bniedem li jagħmel dan mit-tined ta' Ġakobb u minn dawk li jġibu offerti
lill-Mulej ta' l-eżerċti!
[Mal:2:13] Terġa' dan ukoll tagħmlu: intom tiksu l-artal tal-Mulej bid-dmugħ u
bil-biki u bit-tnehid, għax m'għadux aktar jagħti wiċċ lill-offerta tagħkom u
jilqagħha bil-qalb minn idejkom. [Mal:2:14] U intom tgħidu: "Għaliex?" Għax
bejnek u bejn il-mara ta' żgħożitek hemm xhud il-Mulej; u int qarraqt biha, għad
li hi s-sieħba tiegħek u l-mara li magħha ntrabatt. [Mal:2:15] U ma għamilhiex
l-istess Alla, li jkollha ġisem u ruħ? U xi jrid dan il-wieħed? Nisel skond Alla!
Ħarsu rwieħkom, mela, u qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara ta' żgħożitu.
[Mal:2:16] "Għax jiena d-divorzju nobogħdu," jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, "u
lil min jiksi lbiesu bil-ħażen," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. "Mela ħarsu
rwieħkom, u tkunux qarrieqa!"
Jum il-Mulej
[Mal:2:17] Dejjaqtuh il-Mulej bid-diskorsi tagħkom! Imma intom tgħidu: "Biex
dejjaqnieh?" Billi tgħidu: "Dawk kollha li jagħmlu l-ħażen huma tajbin
f'għajnejn il-Mulej, u hu fihom isib l-għaxqa", jew tgħidu: "Fejn hu Alla
tal-ġustizzja?"
3. [Mal:3:1] "Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq
quddiemi, u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu; u
l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej!" jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:3:2] Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf
meta jidher? Għax hu bħan-nar ta' wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela.
[Mal:3:3] U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda, u jnaddaf 'l ulied Levi, u
jsaffihom bħad-deheb u l-fidda, u huma jsiru għall-Mulej nies li jagħmlu l-offerta
bis-sewwa. [Mal:3:4] U tibda togħġbu lill-Mulej l-offerta ta' Ġuda u ta'
Ġerusalemm bħal dari, bħal fis-snin l-imgħoddija.
[Mal:3:5] "Mbagħad nersaq lejkom biex nagħmel il- ġustizzja, u nkun xhud ħafif
kontra s-saħħara, u kontra ż-żienja, u kontra min jaħlef bil-qerq, u kontra min
jaħqar il-ħaddiem fi ħlasu u l-armla u l-iltim, u kontra min iwarrab il-barrani
u ma jibżax minni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:3:6] "Għax jien, il-Mulej, ma tbiddiltx; u intom, ulied Ġuda, ma ntemmejtux.
[Mal:3:7] Sa minn żmien missirijietkom twarrabtu mill-preċetti tiegħi u ma
ħaristuhomx. Erġgħu lura lejja, u jien nerġa' lura lejkom," jgħid il-Mulej ta'
l-eżerċti. "Imma intom tgħidu: 'Fuqiex nerġgħu lura?' [Mal:3:8] Jista' bniedem
jisraq lil Alla? Madankollu intom qegħdin tisirquni. Imma intom tgħidu: 'Xi
sraqnik?' Fid-dieċmi u fl-offerti. [Mal:3:9] Misħutin intom għall-aħħar, għax
intom qegħdin tisirquni, il-poplu kollu. [Mal:3:10] Ġibuhom sħaħ id-dieċmi u l-offerti
fit-teżor, ħa jkun hemm l-ikel f'dari. U b'hekk ejjew ġarrbuni," jgħid il-Mulej
ta' l-eżerċti; "taraw jekk niftaħx għalikom it-twieqi tas-sema, u jekk insawwabx
fuqkom barka bl-abbundanza. [Mal:3:11] U minħabba fikom inċanfar il-ġrad wikkiel
biex ma jeqridilkomx il-frott ta' l-art, u biex id-dielja ma twaqqgħalkomx l-għenieqed
fl-għalqa," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Mal:3:12] "Mbagħad il-ġnus kollha
jsejjħulkom hienja, għax intom tkunu art li fiha għaxqa," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
Ir-rebħa tal-ġust f'Jum il-Mulej
[Mal:3:13] "Iebes għalija kliemkom," jgħid il-Mulej. "Imma intom tgħidu, 'X'għedna
kontrik?' [Mal:3:14] Intom tgħidu: 'Hu għal xejn li taqdi lil Alla! U x'jiswa
jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b'qalb imnikkta quddiem il-Mulej
ta' l-eżerċti? [Mal:3:15] Mela issa ħa nsejjħulhom aħna hienja n-nies kburin;
dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq, imma wkoll
meta jġarrbu 'l Alla jeħilsuha ħafif!' "
[Mal:3:16] Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta
widen u sama'; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f'dawk li jibżgħu
minnu u dawk li jafdaw f'Ismu. [Mal:3:17] "U fil-jum imħejji minni," jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti, "huma jkunu għalija teżor li ma bħalu, u nagħdirhom kif
raġel jagħder lil ibnu li jaqdih." [Mal:3:18] Mbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu
bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi 'l Alla u min ma jaqdihx.
[Mal:3:19] "Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk
kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom," jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti, "hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa.
[Mal:3:20] Imma għalikom li tibżgħu minn Ismi titla' x-xemx tal-ġustizzja,
bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-mandra.
[Mal:3:21] U tisħqu l-ħżiena, għax huma jkunu qishom irmied taħt qigħan
riġlejkom fil-jum imħejji minni," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti.
[Mal:3:22] "Ftakru fil-Liġi ta' Mosè, il-qaddej tiegħi, fil-preċetti u l-kmandamenti
li jiena fuq Ħoreb ordnajtlu għal Iżrael kollu.
[Mal:3:23] "Ara, jiena nibagħtilkom 'l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum
il-Mulej u Jum il-biża'. [Mal:3:24] U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom
u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha
tinqered."