IL-KTIEB TAL-LEVITIKU
1. Is-sagrifiċċji tal-ħruq
[Lev:1:1] U l-Mulej sejjaħ lil Mosè u kellmu mit-tinda tal-laqgħa u qallu: 
[Lev:1:2] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 'Meta xi ħadd minnkom ikun irid 
jagħmel offerta lill-Mulej, jagħmilha mill-bhejjem, mill-baqar jew min-nagħaġ 
tagħkom. [Lev:1:3] Jekk tkun vittma mill-baqar għas-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta 
għandha tkun ta' raġel u bla difett; u jġibha quddiem il-bieb tat-tinda 
tal-laqgħa, u hekk jogħġob lill-Mulej. [Lev:1:4] Mbagħad iqiegħed idu fuq ras 
il-vittma u tkun milqugħa għall-espjazzjoni tiegħu; [Lev:1:5] joqtol l-għoġol 
quddiem il-Mulej, u l-qassisin ulied Aron joffru d-demm, u jxerrduh madwar l-artal, 
li qiegħed biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:1:6] Wara jqaxxar il-vittma 
u jqattagħha bċejjeċ, [Lev:1:7] u wlied Aron il-qassis iqabbdu n-nar fuq l-artal 
u jixħtu l-ħatab fuq in-nar. [Lev:1:8] Il-qassisin ulied Aron jirranġaw 
il-bċejjeċ, ir-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal; [Lev:1:9] 
il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma; u wieħed mill-qassisin jaħraq kollox 
b'sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej.
[Lev:1:10] “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq tkun mill-imrieħel - xi 
ħaruf jew mogħża - għandu joffri raġel u bla difett. [Lev:1:11] U joqtlu fuq in-naħa 
tat-tramuntana ta' l-artal, quddiem il-Mulej; u l-qassisin, ulied Aron, ixerrdu 
d-demm madwar l-artal. [Lev:1:12] Mbagħad iqattgħu bċejjeċ, u l-qassis 
jirranġahom flimkien mar-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal. 
[Lev:1:13] Mbagħad il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma, u l-qassis joffri u 
jaħraq kollox fuq l-artal. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem 
il-Mulej.
[Lev:1:14] “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju lill-Mulej tkun mit-tjur, joffri 
gamiem jew ħamiem. [Lev:1:15] Il-qassis imbagħad iressaqha fuq l-artal, jilwilha 
rasha biex jaħraqha fuq l-artal, u jagħsrilha demmha mal-ġnub ta' l-artal; 
[Lev:1:16] u mbagħad ineħħilha l-ħawsla b'ta' ġo fiha, u jitfa' kollox maġenb l-artal 
in-naħa tal-lvant fejn ikun hemm l-irmied, [Lev:1:17] jiksrilha ġwejnħajha 
mingħajr ma jaqlagħhomlha, u l-qassis jaħraqha fuq il-ħatab u n-nar ta' fuq l-artal. 
Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej.” 
2. Offerti tal-qmuħ
[Lev:2:1] “Meta xi ħadd irid jagħmel offerta tal-qmuħ lill-Mulej, għandu joffri 
s-smid; u jsawwab fuqha ż-żejt, u jixħet fuqha l-inċens. [Lev:2:2] Iġibha għand 
il-qassisin ulied Aron, u l-qassis jieħu daqs qabda ta' id smid biż-żejt u l-inċens, 
u jaħraqha b'tifkira fuq l-artal, ħruq b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Lev:2:3] 
Il-bqija ta' l-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa l-aktar qaddisa 
minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.
[Lev:2:4] “Jekk tkun trid toffri offerta maħbuża fuq il-kenur, din għandha tkun 
ta' ftajjar ażżmi tas-smid miblula fiż-żejt, jew ftajjar irqaq ażżmi midlukin 
biż-żejt.
[Lev:2:5] “Jekk l-offerta tiegħek tkun imsajjra fit-taġen, għandha tkun bis-smid 
u miblula fiż-żejt u bla ħmira. [Lev:2:6] Agħmilha ftiet, u sawwab fuqha ż-żejt; 
għax hi offerta tal-qmuħ.
[Lev:2:7] “Jekk l-offerta tiegħek tkun offerta msajjra f'borma, agħmilha 
tas-smid biż-żejt. [Lev:2:8] U ġib l-offerta li tkun lestejt lill-Mulej, u 
agħtiha lill-qassis, biex iressaqha fuq l-artal. [Lev:2:9] Mbagħad il-qassis 
jerfa' biċċa minnha b'tifkira, u jaħraqha fuq l-artal, ħruq b'riħa tfuħ quddiem 
il-Mulej. [Lev:2:10] Il-bqija ta' l-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa 
l-aktar qaddisa minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.
[Lev:2:11] “Kull offerta li tagħmlu lill-Mulej ma għandkomx tagħmluha bil-ħmira; 
għax ma għandekx taħraq ħmira jew għasel quddiem il-Mulej. [Lev:2:12] Tistgħu 
toffruhom lill-Mulej bħala offerta tal-bikri, imma ma jkunux maħruqa b'riħa tfuħ. 
[Lev:2:13] Kull offerta li toffri ixħtilha l-melħ u tħallix barra mill-offerta 
tiegħek il-melħ tal-patt ta' Alla tiegħek; ma' kull offerta tiegħek offri l-melħ. 
[Lev:2:14] U kull meta tagħmel offerta tal-bikri lill-Mulej, offri sbul inkaljat 
bin-nar, qamħ ġdid misħuq b'offerta tal-bikri. [Lev:2:15] Int issawwab iż-żejt 
fuqha, u tixħet fuqha l-inċens. Din hi offerta tal-qamħ. [Lev:2:16] Il-qassis 
imbagħad jaħraq b'tifkira biċċa mill-qamħ misħuq u miż-żejt bl-inċens b'kollox; 
din hi offerta bin-nar lill-Mulej. 
3. Sagrifiċċji tas-sliem
[Lev:3:1] “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem, jekk l-offerta tkun mill-baqar, 
għandu joffriha bla difett, raġel jew mara, quddiem il-Mulej. [Lev:3:2] Iqiegħed 
idu fuq ras il-vittma, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u l-qassisin, 
ulied Aron, ixerrdu d-demm madwar l-artal. [Lev:3:3] Hu joffri mill-vittma 
tas-sliem biex jinħaraq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam 
kollu ta' fuq il-ġewwieni, [Lev:3:4] iż-żewġ kilwiet, u x-xaħam ta' fuqhom ta' 
mal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied, li tinqala' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:5] U 
wlied Aron imbagħad jaħarquh fuq il-vittma ta' fuq il-ħatab, li jkun hemm fuq 
in-nar; ħruq ta' riħa tfuħ lill-Mulej.
[Lev:3:6] “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem mill-imrieħel lill-Mulej, 
l-offerta, raġel jew mara, għandha tkun bla difett. [Lev:3:7] Jekk l-offerta 
tkun ta' ħaruf, iġibu quddiem il-Mulej, [Lev:3:8] iqiegħed idu fuq ras il-vittma 
u joqtlu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron ixerrdu d-demm madwar l-artal. 
[Lev:3:9] Mill-vittma tas-sliem jagħti għall-ħruq lill-Mulej: xaħamha, id-denb 
sħiħ, li jaqtgħu minn ħdejn is-sinsla, u x-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam 
kollu ta' fuq il-ġewwieni, [Lev:3:10] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' fuqhom ta' 
mal-ġenbejn, it-tebqa tal-fwied, li tinqala' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:11] 
Mbagħad il-qassis jaħraq kollox fuq l-artal bħala ikel maħruq lill-Mulej.
[Lev:3:12] “Jekk xi ħadd joffri mogħża, iġibha quddiem il-Mulej; [Lev:3:13] 
iqiegħed idu fuq rasha, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron 
ixerrdu d-demm tagħha madwar l-artal. [Lev:3:14] U joffri minnha bħala offerta 
tiegħu għall-ħruq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni, u x-xaħam kollu 
ta' fuq il-ġewwieni [Lev:3:15] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' mal-ġenbejn, u t-tebqa 
tal-fwied li tinqata' minn ħdejn il-kliewi. [Lev:3:16] Mbagħad il-qassis 
jaħraqhom fuq l-artal, ikel maħruq ta' riħa tfuħ. Ix-xaħam kollu jmiss 
lill-Mulej.
[Lev:3:17] “Din hi liġi għal dejjem minn ġenerazzjoni għal oħra, tkun fejn tkun 
tgħammar. La tiekol ebda xaħam u ebda demm.” 
4. Sagrifiċċji tal-purifikazzjoni
[Lev:4:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:4:2] “Kellem lil ulied Iżrael u 
għidilhom: Meta xi ħadd bla ma jrid jikser xi waħda mil-liġijiet kollha 
tal-Mulej u jagħmel xi ħaġa li ma għandux jagħmel, [Lev:4:3] jekk il-midneb ikun 
il-qassis il-midluk u jkun ġieb il-ħtija fuq il-poplu, joffri lill-Mulej 
għall-ħtija li jkun għamel għoġol bla difett.
[Lev:4:4] “Iġib l-għoġol fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej, u jmidd 
idu fuq ras l-għoġol u joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. [Lev:4:5] U l-qassis 
il-midluk jieħu mid-demm ta' l-għoġol u jieħdu fit-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:6] 
Mbagħad il-qassis ibill sebgħu fid-demm u jroxx id- demm seba' darbiet quddiem 
il-Mulej lejn il-velu tas- santwarju. [Lev:4:7] U l-qassis iqiegħed ftit demm 
fuq qrun l-artal ta' l-inċens ifuħ, li qiegħed quddiem il-Mulej, fit-tinda 
tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm ta' l-għoġol ixerrdu taħt l-artal tas-sagrifiċċju 
li hemm quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:8] U x-xaħam kollu ta' l-għoġol 
tal-ħtija ineħħih minnu; ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta' fuq 
il-ġewwieni, [Lev:4:9] u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta' fuqhom ta' mal-ġenbejn u 
t-tebqa tal-fwied, li jaqlagħha minn mal-kliewi, [Lev:4:10] bħalma jneħħuhom 
mill-għoġol tas-sagrifiċċju tas-sliem; u l-qassis imbagħad jaħraqhom fuq l-artal 
tas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:4:11] U l- ġild ta' l-għoġol, u laħmu kollu, 
b'rasu u saqajh, bil-ġewwieni u l-ħmieġ, [Lev:4:12] l-għoġol kollu jeħduh barra 
l-kamp, f'post nadif fejn jarmu l-irmied, u jaħarquhom fuq il-ħatab bin-nar. 
Jaħarqu kollox fejn jintrema l-irmied.
[Lev:4:13] “Jekk il-ġemgħa kollha ta' Iżrael tidneb bla ma tintebaħ billi tkun 
għamlet xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandux isir, u dan jibqa' moħbi 
għal għajnejn il-ġemgħa, xorta ssir ħatja; [Lev:4:14] u malli jsiru jafu 
bil-ħtija li jkunu waqgħu fiha, il-ġemgħa kollha għandha toffri għoġol 
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u jġibuh quddiem il-bieb tat-tinda 
tal-laqgħa.
[Lev:4:15] “Ix-xjuħ tal-ġemgħa jmiddu idejhom fuq ras l-għoġol quddiem il-Mulej, 
u wieħed minnhom joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. [Lev:4:16] U l-qassis 
il-midluk jieħu mid-demm ta' l-għoġol fit-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:17] Mbagħad 
il-qassis ibill sebgħu fid-demm, u jroxxu seba' darbiet quddiem il-Mulej lejn 
il-velu. [Lev:4:18] Iqiegħed ukoll ftit demm fuq qrun l-artal li hemm quddiem 
il-Mulej fit-tinda tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riglejn l-artal 
tas-sagrifiċċju li jinsab quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:4:19] 
Mbagħad jieħu x-xaħam tiegħu kollu u jaħarqu fuq l-artal; [Lev:4:20] u jagħmel 
mill-għoġol, bħalma jagħmel mill-għoġol tal-purifikazzjoni; hekk jagħmel minnu; 
hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għalihom u jaqilgħu l-maħfra. [Lev:4:21] U 
jieħu l-għoġol 'il barra mill-kamp u jaħarquh bħalma jaħarqu l-għoġol l-ieħor. 
Dan hu s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tal-ġemgħa.
[Lev:4:22] “Jekk xi wieħed mill-kapijiet jidneb u jagħmel bla ma jrid xi ħaġa li 
l-Mulej, Alla tiegħu, ordna li ma għandhiex issir, u hekk jaqa' fid-dnub, 
[Lev:4:23] malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel, jagħmel offerta ta' bodbod 
bla difett. [Lev:4:24] Imidd idu fuq ras il-bodbod u joqtlu fejn joqtlu l-vittmi 
quddiem il-Mulej. Dan hu sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. [Lev:4:25] Il-qassis 
imbagħad jieħu ftit mid-demm tal-vittma b'sebgħu u jqiegħdu fuq il-qrun ta' l-artal 
tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riglejn l-artal tas-sagrifiċċju. 
[Lev:4:26] U x-xaħam kollu tiegħu jaħarqu fuq l-artal bħax-xaħam tal-vittma 
tas-sliem. U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun, u 
jaqlagħlu l-maħfra.
[Lev:4:27] “Jekk xi ħadd mill-poplu jidneb bla ma jintebaħ u jagħmel xi ħaġa 
minn dak li l-Mulej ordna li ma għandhiex issir, u jaqa' fid-dnub, [Lev:4:28] 
malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel iġib offerta ta' mogħża, bla nuqqas, bi 
tpattija għad-dnub li jkun għamel. [Lev:4:29] Mbagħad imidd idu fuq ras 
il-vittma għall-espjazzjoni u joqtolha fil-post tas-sagrifiċċju. [Lev:4:30] Il-qassis 
jieħu ftit mid-demm b'sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun ta' l-artal tas-sagrifiċċju, 
u jxerred id-demm f'riglejn l-artal. [Lev:4:31] U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma 
jaqla' x-xaħam mill-vittma tas-sliem, u l-qassis jaħarqu fuq l-artal b'riħa tfuħ 
lill-Mulej, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun, u 
jaqlagħlu l-maħfra.
[Lev:4:32] “Jekk iġib ħaruf b'offerta biex ipatti għall-ħtija, iġibu mara bla 
difett; [Lev:4:33] u jmidd idu fuq ras il-vittma għall-espjazzjoni, u joqtolha 
b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni fejn joqtlu l-vittmi għas-sagrifiċċju. 
[Lev:4:34] U l-qassis jieħu ftit mid-demm b'sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun ta' 
l-artal tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f'riġlejn l-artal. 
[Lev:4:35] U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma jaqla' x-xaħam mill-vittma tas-sliem, 
u l-qassis jaħarqu fuq il-vittmi maħruqa lill-Mulej fuq l-artal; u hekk 
il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun għamlu, u jaqlagħlu l-maħfra.
5. Sagrifiċċji oħra
[Lev:5:1] “Wieħed li jkun imġegħel jaħlef bħala xhud, u ma jgħidx dak li ra jew 
li jkun jaf, jidneb u jpatti għal dnubu. [Lev:5:2] Wieħed li jmiss xi ħaġa 
mniġġsa, bħalma hu ġisem mejjet ta' annimal tad-dar jew selvaġġ imniġġes, jew ta' 
xi ħanex imniġġes, bla ma jintebaħ, [Lev:5:3] jew jekk imiss xi nġiesa 
tal-bniedem, li jista' jitniġġes biha, bla ma jintebaħ, malli jsir jaf jaqa' 
fil-ħtija. [Lev:5:4] Wieħed li jaħlef bla ma jaħsibha, għall-ġid jew għad-deni, 
f'kull ħaġa li wieħed jista' jaħlef bla ma jintebaħ, malli jintebaħ jaqa' 
fil-ħtija ta' kull waħda minn dawn il-ħwejjeġ.
[Lev:5:5] “Kull meta xi ħadd ikun ħati ta' waħda minn dawn il-ħwejjeġ, jistqarr 
fiex dineb; [Lev:5:6] u jġib vittma għar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub 
li jkun għamel; mara mill-merħla tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, bħala sagrifiċċju 
għall-purifikazzjoni, u l-qassis jaqlagħlu l-maħfra tal-ħtija tiegħu.
[Lev:5:7] “Imma jekk ma jkunx jista' jagħti mill-merħla, iġib bħala vittma 
għar-riparazzjoni żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet lill-Mulej, waħda 
għall-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:5:8] Iġibhom 
lill-qassis biex l-ewwel joffri l-vittma tal-purifikazzjoni; jilwilha rasha minn 
ħdejn għonqha, bla ma jaqtagħha [Lev:5:9] u jroxx id-demm tal-vittma 
tal-purifikazzjoni mal-ġnub ta' l-artal u jagħsru f'riġlejn l-artal; dan hu s-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni. [Lev:5:10] Il-vittma l-oħra joffriħa b'sagrifiċċju tal-ħruq, 
skond ir-rit. Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta' dak li jkun 
għamlu u jaqlagħlu l-maħfra.
[Lev:5:11] “Jekk imbagħad anqas ma jkun jiflaħ jagħti żewġ gamimiet jew żewġ 
ħamimiet, iġib offerta bi tpattija għad-dnub mill-għaxra waħda ta' efa smid 
għall-purifikazzjoni, bla ma jitfa' fuqu żejt jew inċens, għax din hi offerta 
tal-purifikazzjoni. [Lev:5:12] Jagħtiha lill-qassis, u l-qassis jieħu minnha 
b'mimli idu b'tifkira, u jaħraqha fuq l-artal fuq l-offerti bin-nar lill-Mulej; 
din hi offerta tal-purifikazzjoni. [Lev:5:13] Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni 
għad-dnub ta' dak li jkun naqas f'xi waħda minn dawn il-ħwejjeġ, u jaqlagħlu l-maħfra. 
Dak li jibqa' mill-vittma jmiss lill-qassis bħal fl-offerta tal-qmuħ.”
Is-sagrifiċċji tar-riparazzjoni
[Lev:5:14] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:5:15] “Wieħed li jidneb bla ma 
jintebaħ u jonqos fl-obbligi tiegħu mqaddsa lejn il-Mulej, joffri b'riparazzjoni 
muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa b'kemm-il xekel tal-fidda tistmah 
int, skond ix-xekel tas-santwarju. Din hi offerta tal-purifikazzjoni. [Lev:5:16] 
U hekk ipatti għall-ħsara li jkun għamel lis-santwarju, u miegħu jżid waħda 
mill-ħamsa ta' kemm tkun stmajtu. Jagħtih lill-qassis u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni 
bl-offerta tal-muntun tar-riparazzjoni, u jaqlagħlu l-maħfra.
[Lev:5:17] “Jekk xi ħadd jaqa' fid-dnub, u jagħmel xi ħaġa minn dak li l-Mulej 
ordna li ma għandkomx tagħmlu, bla ma jintebaħ, għandu jpatti u jħallas għal 
dnubu. [Lev:5:18] Iġib lill-qassis muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa 
skond ma tistmah int, bħala offerta għar-riparazzjoni, u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni 
għal dak li jkun għamel id-dnub bla ma jrid u ma ntebaħx, u hekk jaqlagħlu l-maħfra. 
[Lev:5:19] Din hi offerta ta' riparazzjoni; għax kien ħati tassew ta' dnub 
quddiem il-Mulej.”
[Lev:5:20] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:5:21] “Jekk xi ħadd jidneb u 
jonqos lill-Mulej billi jiċħad lil għajru xi oġġett merfugħ, mirhun jew misruq, 
jew iqarraq bih b'mod jew ieħor, [Lev:5:22] jew inkella jsib xi oġġett mitluf, u 
jiċħdu minnu, jew jaħlef fil-falz f'xi ħaġa minn kull ma jista' jidneb biha, 
[Lev:5:23] jekk jagħmel dan, jidneb u jkun ħati. U għandu jrodd l-oġġett li jkun 
seraq jew kiseb bil-qerq, jew li kien merfugħ għandu, jew mitluf u sabu hu, 
[Lev:5:24] u kull ħaġa li jkun ħalef fil-falz għaliha; għandu jroddu kollu kemm 
hu, u jżid miegħu waħda mill-ħamsa ta' kemm tkun stmajtu, u jagħtih lil sidu dak 
in-nhar li joffri l-offerta tar-riparazzjoni. [Lev:5:25] U jġib għand il-qassis, 
bħala offerta tar-riparazzjoni lill-Mulej, muntun bla difett mill-merħla, skond 
ma tistmah int għar-riparazzjoni, [Lev:5:26] u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni 
għalih quddiem il-Mulej, u jinħafirlu kull ma jkun għamel u sar ħati minħabba 
fih.”
6. Is-sagrifiċċju ta' kuljum
[Lev:6:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:2] “Ordna lil Aron u lil 
uliedu, u għidilhom: Din hi l-liġi tas-sagrifiċċju tal-ħruq; il-vittma tinħaraq 
il-lejl kollu fuq maġmar fuq l-artal sas-sebħ u n-nar ta' l-artal jibqa' mqabbad 
fih. [Lev:6:3] U l-qassis jilbes il-libsa tiegħu ta' l-għażel u l-qalziet ta' l-għażel 
fuq il-laħam, ineħħi l-irmied tal-vittma maħruqa bin-nar fuq l-artal, u jqiegħdu 
ħdejn l-artal. [Lev:6:4] Mbagħad jinża' l-ħwejjeġ li jkollu fuqu, u jilbes 
oħrajn u joħroġ l-irmied minn nofs il-kamp f'post nadif. [Lev:6:5] In-nar ta' 
fuq l-artal għandu jibqa' mqabbad fuqu mingħajr qatt ma jintefa; u l-qassis kull 
filgħodu jaħraq il-ħatab fuqu, u jqiegħed fuqu l-vittma u jaħraq fuqu x-xaħam 
tas-sagrifiċċju tas-sliem. [Lev:6:6] In-nar fuq l-artal għandu jibqa' jħeġġeġ 
għal dejjem u ma għandu jintefa qatt.
L-offerta tal-qmuħ 
[Lev:6:7] “Din hi l-liġi ta' l-offerta tal-qmuħ; ulied Aron iressqu l-offerta 
quddiem il-Mulej; quddiem l-artal. [Lev:6:8] Il-qassis jerfa' minnha qabda smid 
biż-żejt u l-inċens ta' fuq l-offerta, u jaħraq kollox fuq l-artal, ħruq b'riħa 
tfuħ b'tifkira quddiem il-Mulej.
[Lev:6:9] “Il-fdal ta' l-offerta tal-qmuħ jikluh Aron u wliedu; jikluh bla ħmira 
f'post qaddis, u jikluh fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:6:10] Ma jsajjruhx 
bil-ħmira. Nagħtihulhom b'sehemhom mill-offerti maħruqin lili; hi ħaġa mill-aktar 
qaddisa, bħall-vittma tal-purifikazzjoni u tar-riparazzjoni.
[Lev:6:11] “Jista' jiekol minnha kull raġel fost ulied Aron. Dan hu dritt 
tagħhom għal dejjem, minn nisel għal nisel, fuq kull offerta li tinħaraq quddiem 
il-Mulej; kull ma jmiss magħhom jitqaddes.”
L-offerta tal-konsagrazzjoni
[Lev:6:12] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:13] “Din hi l-offerta li 
Aron u wliedu għandhom iressqu quddiem il-Mulej f'jum il-konsagrazzjoni tagħhom: 
waħda minn għaxra ta' efa smid, bħala offerta ta' kuljum, nofsha fil-għodu u 
nofsha fil-għaxija. [Lev:6:14] Tħejjiha fit-taġen biż-żejt; igġibha mħallta 
sewwa, u toffriha misjura ftiet ftiet, b'riħa tfuħ quddiem il-Mulej. [Lev:6:15] 
U joffriha l-qassis, li jkun ikkonsagrat flok Aron minn fost uliedu. Din hi liġi 
għal dejjem: tinħaraq għall-Mulej; tinħaraq għalkollox. [Lev:6:16] Kull offerta 
ta' qassis tinħaraq kollha kemm tkun; ma jittiekel xejn minnha.”
Is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni
[Lev:6:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:6:18] “Kellem lil Aron u lil 
uliedu: Din hi l-liġi dwar il-vittma tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni: 
joqtluha fejn joqtlu l-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, quddiem il-Mulej; ħaġa 
mill-aktar qaddisa. [Lev:6:19] Jikolha l-qassis li jkun qatilha; jikolha f'post 
qaddis fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:6:20] Kull ma jmiss ma' laħamha jkun 
qaddis, u jekk joqtor id-demm fuq il-ħwejjeġ, fejn joqtor fuqu jinħasel f'post 
sagru. [Lev:6:21] Il-borma tal-fuħħar li tkun mgħollija fiha, titkisser; jekk 
tkun mgħollija f'borma tal-bronż, din għandha tingħorok u titlaħlaħ bl-ilma. 
[Lev:6:22] Kull raġel fil-familja tal-qassisin jista' jiekol minnha; hi ħaġa 
mill-aktar qaddisa. [Lev:6:23] Imma kull vittma tas-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni, li jieħdu minn demmha fit-tinda tal-laqgħa għall-espjazzjoni 
fil-maqdes, ma jittiekel xejn minnha, imma għandha tinħaraq fin-nar.
7. Is-sagrifiċċju tar-riparazzjoni
[Lev:7:1] “Din hi l-liġi għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: ħaġa mill-aktar 
qaddisa. [Lev:7:2] Il-vittma tas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni joqtluha fejn 
joqtlu dik tas-sagrifiċċju tal-ħruq u demmha jxerrduh madwar l-artal. [Lev:7:3] 
U joffru minnha x-xaħam kollu tagħha, jiġifieri, id-denb, ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni, 
[Lev:7:4] iż-żewġ kilwiet bix-xaħam ta' madwarhom in-naħa tal-ġenbejn, u t-tebqa 
tal-fwied li jaqlagħha minn ħdejn il-kliewi. [Lev:7:5] Il-qassis jaħraqhom fuq 
l-artal, ħruq lill-Mulej, sagrifiċċju ta' riparazzjoni. [Lev:7:6] Kull raġel 
mill-qassisin jista' jiekol minnu u jiekol fil-post qaddis, ħaġa mill-aktar 
qaddisa. [Lev:7:7] Liġi waħda hemm kemm għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kemm 
għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: tkun tal-qassis li biha jkun għamel l-espjazzjoni; 
[Lev:7:8] u l-qassis li jkun offra s-sagrifiċċju tal-ħruq ta' xi ħadd jieħu l-ġild 
tal-vittma; din tkun tiegħu. [Lev:7:9] Kull offerta tal-qmuħ imsajjra fil-kenur 
jew fil-borma jew fit-taġen tkun tal-qassis li joffriha. [Lev:7:10] U kull 
offerta tal-qmuħ miblula fiż-żejt jew xotta, tkun ta' wlied Aron kollha, kull 
wieħed daqs l-ieħor.
Is-sagrifiċċju tas-sliem
[Lev:7:11] “Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tas-sliem li wieħed joffri 
lill-Mulej. [Lev:7:12] Jekk joffriha b'radd il-ħajr, mal-vittma ta' radd il-ħajr 
joffri wkoll ftajjar ażżmi miblula fiż-żejt, u ftajjar ażżmi rqaq midluka 
biż-żejt. [Lev:7:13] Flimkien ma' l-offerta tas-sagrifiċċju tas-sliem ta' radd 
il-ħajr wieħed għandu joffri ftajjar bil-ħmira. [Lev:7:14] Minn kull xorta ta' 
offerta għandu jagħti sehem bħala offerta lill-Mulej; din tmiss lill-qassis li 
jkun xerred id-demm tal-vittma tas-sliem. [Lev:7:15] Il-laħam imbagħad 
tas-sagrifiċċju ta' radd il-ħajr jittiekel dak in-nhar stess li ssir l-offerta; 
ma jitħalla xejn sa filgħodu. [Lev:7:16] Jekk wieħed jagħmel l-offerta b'wegħda 
jew minn rajh, il-vittma tista' tittiekel dak in-nhar stess li joffriha, u l-għada 
jista' jittiekel li jkun fadal; [Lev:7:17] u dak li jkun baqa' mil-laħam 
tas-sagrifiċċju sat-tielet jum, jaħarqu fin-nar. [Lev:7:18] Jekk fit-tielet jum 
jiekol il-laħam li jkun fadal mill-vittma tas-sliem, min joffriha ma jkunx 
jogħġobni; ma jkun jgħoddlu xejn, għax tkun ħaġa moqżieża, u min jiekol minnha 
jitgħabba bil-piż ta' dnubu. [Lev:7:19] Il-laħam li jmiss ma' xi ħaġa mniġġsa ma 
għandux jittiekel, imma jinħaraq fin-nar; u mil-laħam jista' jiekol kull min 
ikun safi. [Lev:7:20] Min jiekol mil-laħam tal-vittma tas-sagrifiċċju tas-sliem 
offert lill-Mulej u jkun imniġġes, ikun maqtugħ minn niesu. [Lev:7:21] Min, 
mbagħad, imiss ma' xi ħaġa mniġġsa - bniedem, bhima, ħanex moqżież - u jiekol 
mil-laħam tas-sagrifiċċju tas-sliem offert lill-Mulej, ikun maqtugħ minn niesu.”
[Lev:7:22] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:7:23] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: [Lev:7:24] La tiklux mix-xaħam ta' ebda gendus, nagħġa, jew 
mogħża. Tistgħu tagħmlu li jkollkom bżonn bix-xaħam ta' bhima mejta jew żbranata, 
imma ma għandkomx tikluh. [Lev:7:25] Kull min jiekol mix-xaħam ta' bhima, li 
minnha jkun offra xi biċċa biex tinħaraq quddiem il-Mulej, ikun maqtugħ minn 
niesu. [Lev:7:26] Ebda demm ma tieklu kull fejn tgħammru, ikun xi jkun, tat-tajr 
jew tal-bhejjem. [Lev:7:27] Kull min jiekol minn xi demm ikun maqtugħ minn niesu.”
[Lev:7:28] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:7:29] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Min joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, iġib l-offerta 
tiegħu lill-Mulej mill-vittma tiegħu tas-sliem. [Lev:7:30] B'idu stess iġib 
x'għandu jaħraq lill-Mulej; iġib ix-xaħam mas-sidra, u s-sidra jxejjirha quddiem 
il-Mulej. [Lev:7:31] Mbagħad il-qassis jaħraq ix-xaħam fuq l-artal, u s-sidra 
tibqa' għal Aron u wliedu; [Lev:7:32] tagħtu wkoll is-sieq il-leminija bħala 
offerta lill-qassis mill-vittmi tagħkom tas-sliem; [Lev:7:33] din is-sieq 
il-leminija tmiss b'sehmu lil bin Aron li jkun offra d-demm u x-xaħam tal-vittma 
tas-sliem. [Lev:7:34] Għax is-sidra li jxejjer u s-sieq li jxejjer, jien ħadthom 
mingħand ulied Iżrael fuq is-sagrifiċċji tagħhom tas-sliem u tajthom lil Aron 
il-qassis u lil uliedu, bi dritt għal dejjem mingħand ulied Iżrael.
[Lev:7:35] “Dan hu s-sehem mill-vittmi l-maħruqa lill-Mulej, u ddedikati għal 
Aron u wliedu dak in-nhar li kienu ppreżentati biex iservu ta' qassisin quddiem 
il-Mulej. [Lev:7:36] Dan hu li ordna l-Mulej dak in-nhar li kkonsagrahom, li 
jagħtuhom ulied Iżrael bi dritt għal dejjem minn nisel għal nisel.”
[Lev:7:37] Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta tal-qmuħ, is-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tar-riparazzjoni, is-sagrifiċċju 
tal-konsagrazzjoni u s-sagrifiċċju tas-sliem, [Lev:7:38] skond ma ordna l-Mulej 
minn fuq il-muntanja tas-Sinaj, dak in-nhar li ordna lil ulied Iżrael li jagħmlu 
l-offerti tagħhom lill-Mulej fid-deżert tas-Sinaj.
8. Il-konsagrazzjoni tal-qassisin
[Lev:8:1] U l-Mulej kellem lil Mosè: [Lev:8:2] “Ħu lil Aron u 'l uliedu, l-ilbies, 
iż-żejt tal-konsagrazzjoni, il-gendus għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u ż-żewġ 
imtaten, u l-qoffa tal-ħobż ażżmu. [Lev:8:3] Laqqa' l-ġemgħa kollha ħdejn 
il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.”
[Lev:8:4] U Mosè għamel bħalma ordnalu l-Mulej, u nġabret il-ġemgħa kollha 
fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:8:5] U Mosè qal lill-ġemgħa: “Dan hu li 
ordna l-Mulej li jsir.” [Lev:8:6] U ressaq Mosè lil Aron, u 'l uliedu u ħasilhom 
bl-ilma. [Lev:8:7] U qegħedlu fuqu t-tonka, ħażżmu bit-terħa, u libbsu l-mantar 
fuqha, u qegħedlu fuqu l-efod u rabtu bil-faxxa tiegħu minsuġa bis-sengħa u 
xiddhulu. [Lev:8:8] U qegħedlu wkoll fuqu l-pettoral, u fil-pettoral qegħedlu l-Urim 
u t-Tummim. [Lev:8:9] Qegħedlu fuq rasu t-turbant, u fuq it-turbant, fuq quddiem, 
l-istrixxa tad-deheb u l-kuruna mqaddsa skond l-ordni li ta Alla lil Mosè.
[Lev:8:10] U Mosè ħa ż-żejt tal-konsagrazzjoni u dilek it-tabernaklu u kull ma 
kien fih u kkonsagrahom. [Lev:8:11] Mbagħad raxx minnu seba' darbiet fuq l-artal 
u t-tagħmir kollu tiegħu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu. [Lev:8:12] U sawwab 
iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq ras Aron, u dilku u kkonsagrah. [Lev:8:13] 
Mbagħad Mosè ressaq lil ulied Aron u libbishom it-tonka, ħażżimhom bit-terħa, u 
xiddilhom it-turbant, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.
[Lev:8:14] Mbagħad ressaq il-gendus tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u Aron u 
wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-gendus. [Lev:8:15] U Mosè qatlu, u ħa d-demm, 
u qiegħed minnu b'sebgħu fuq qrun l-artal, dawramejt, u hekk saffa l-artal; u 
xerred id-demm f'riġlejn l-artal, u kkonsagrah billi għamel l-espjazzjoni għalih. 
[Lev:8:16] Ħa mbagħad ix-xaħam kollu ta' madwar il-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, 
u ż-żewġ kilwiet b'xaħamhom, u ħaraq kollox fuq l-artal. [Lev:8:17] U l-gendus u 
l-ġild tiegħu, laħmu u ħmieġu, ħaraqhom kollha barra mill-kamp, kif kien ordna 
l-Mulej lil Mosè.
[Lev:8:18] Ġieb imbagħad il-muntun tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u Aron u wliedu 
qiegħdu idejhom fuq rasu; [Lev:8:19] u Mosè qatlu u xerred demmu fuq l-artal 
dawramejt. [Lev:8:20] Mbagħad qattgħu fi bċejjeċ u Mosè ħaraq rasu, il-bċejjeċ u 
x-xaħam. [Lev:8:21] U ħasel il-ġewwieni u s-saqajn bl-ilma; u Mosè ħaraq 
il-muntun kollu fuq l-artal b'sagrifiċċju tal-ħruq b'riħa tfuħ, vittma maħruqa 
lill-Mulej, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.
[Lev:8:22] Mbagħad ġieb it-tieni muntun, il-muntun tal-konsagrazzjoni, u Aron u 
wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-muntun. [Lev:8:23] U Mosè qatlu u ħa minn 
demmu u qiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta' Aron u fuq is-saba' l-kbir 
ta' idu l-leminija u fuq is-saba' l-kbir ta' siequ l-leminija. [Lev:8:24] 
Mbagħad ressaq ukoll lil ulied Aron; u Mosè qiegħed mid-demm fuq tarf widinthom 
il-leminija, fuq is-saba' l-kbir ta' idhom il-leminija, fuq is-saba' l-kbir ta' 
sieqhom il-leminija; u mbagħad xerred id-demm fuq l-artal dawramejt.
[Lev:8:25] Mbagħad ħa x-xaħam, id-denb u x-xaħam kollu ta' fuq il-ġewwieni, u t-tebqa 
tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam tagħhom, u s-sieq il-leminija; [Lev:8:26] 
Mbagħad mill-qoffa tal-ħobż ażżmu ta' quddiem il-Mulej ħa ftira ażżma, ftira 
oħra tal-ħobż biż-żejt, u oħra rqiqa, u qegħedhom fuq ix-xaħam u fuq is-sieq 
il-leminija. [Lev:8:27] U qiegħed kollox f'idejn Aron u f'idejn uliedu, u 
xejjruhom quddiem il-Mulej. [Lev:8:28] U mbagħad Mosè ħadhom minn idejhom, u 
ħaraqhom fuq l-artal fuq il-vittma tal-ħruq. Dan hu sagrifiċċju 
tal-konsagrazzjoni, b'riħa tfuħ, sagrifiċċju maħruq lill- Mulej.
[Lev:8:29] U ħa Mosè s-sidra tal-muntun u xejjirha quddiem il-Mulej. Dan hu 
sehem Mosè mill-muntun tal-konsagrazzjoni kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. 
[Lev:8:30] Mosè ħa wkoll miż-żejt tal-konsagrazzjoni, u mid-demm li kien hemm 
fuq l-artal, u raxxu fuq Aron u lbiesu, u fuq uliedu u lbieshom, u hekk 
ikkonsagrahom, lilhom u lil ilbieshom.
[Lev:8:31] U Mosè qal lil Aron u lil uliedu: “Sajjru l-laħam ħdejn bieb it-tinda 
tal-laqgħa, u hekk kuluh bil-ħobż li hemm fil-qoffa tal-konsagrazzjoni bħalma 
ordnali l-Mulej u qalli: 'Jikluh Aron u wliedu.' [Lev:8:32] U l-laħam u l-ħobż 
li jifdal aħraqhom bin-nar. [Lev:8:33] U għal sebat ijiem toħorġux mill-bieb 
tat-tinda tal-laqgħa, sakemm jgħaddu l-jiem tal-konsagrazzjoni tagħkom; għaliex 
sebat ijiem iddum il-konsagrazzjoni tagħkom. [Lev:8:34] Il-Mulej ordna li jsir 
bħalma sar illum għall-espjazzjoni tagħkom. [Lev:8:35] Għal sebat ijiem intom 
toqogħdu billejl u binhar fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa tħarsu l-ordnijiet 
tal-Mulej, biex ma tmutux; għax hekk ordnali.” [Lev:8:36] U Aron u wliedu għamlu 
kull ma ordnalhom il-Mulej permezz ta' Mosè. 
9. L-ewwel sagrifiċċju ta' Aron
[Lev:9:1] Fit-tmien jum Mosè sejjaħ lil Aron u 'l uliedu u x-xjuħ ta' Iżrael. 
[Lev:9:2] U qal lil Aron: “Ħu għoġol mill-merħla għas-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni u muntun għas-sagrifiċċju tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u 
offrihom quddiem il-Mulej. [Lev:9:3] U int kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 
Ħudu bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, għoġol u ħaruf, it-tnejn 
tas-sena u bla difett, għas-sagrifiċċju tal-ħruq; [Lev:9:4] u gendus u muntun 
għas-sagrifiċċju tas-sliem biex toqtluhom quddiem il-Mulej; u offerta tal-qmuħ 
miblula fiż-żejt; għax illum sa jidhrilkom il-Mulej.”
[Lev:9:5] U ħadu kull ma ordnalhom Mosè quddiem it-tinda tal-laqgħa; u resqet 
il-ġemgħa kollha u qagħdu bilwieqfa quddiem il-Mulej. [Lev:9:6] U Mosè qal: “Dan 
hu li ordnalkom tagħmlu l-Mulej, biex tidhrilkom il-glorja tal-Mulej.” [Lev:9:7] 
U Mosè mbagħad qal lil Aron: “Ersaq lejn l-artal u offri s-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni tiegħek, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħek, u agħmel 
espjazzjoni għalik u l-familja tiegħek; mbagħad offri s-sagrifiċċju tal-poplu, u 
agħmel espjazzjoni għalihom, bħalma wissa l-Mulej.” [Lev:9:8] U Aron resaq lejn 
l-artal, u qatel l-għoġol tal-purifikazzjoni tiegħu. [Lev:9:9] U wlied Aron 
newwlulu d-demm, u bill sebgħu fid-demm u qiegħed minnu fuq qrun l-artal, u d-demm 
xerrdu ma' riġlejn l-artal; [Lev:9:10] ix-xaħam u l-kliewi, u t-tebqa tal-fwied 
tal-vittma tal-purifikazzjoni, ħaraqhom fuq l-artal, kif kien ordna l-Mulej lil 
Mosè. [Lev:9:11] U l-laħam u l-ġild ħaraqhom bin-nar barra l-kamp. [Lev:9:12] 
Mbagħad qatel il-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u wlied Aron newwlulu d-demm, 
u xerrdu fuq l-artal dawramejt. [Lev:9:13] Newwlulu wkoll il-vittma 
għas-sagrifiċċju tal-ħruq imqattgħa bċejjeċ, u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal. 
[Lev:9:14] Mbagħad ħasel il-ġewwieni u s-saqajn, u ħaraqhom mal-vittma fuq l-artal.
[Lev:9:15] U offra l-offerta tal-poplu, u ħa l-bodbod tal-purifikazzjoni 
tal-poplu, u qatlu u offrieh sagrifiċċju għall-purifikazzjoni bħal qabel. 
[Lev:9:16] U mbagħad offra s-sagrifiċċju tal-ħruq, kollox skond ir-rit. 
[Lev:9:17] Offra wkoll l-offerta tal-qmuħ, u ħa qabda ta' id minnha u ħaraqha 
fuq l-artal, minn barra s-sagrifiċċju ta' filgħodu. [Lev:9:18] Qatel imbagħad 
il-gendus u l-muntun b'sagrifiċċju tas-sliem tal-poplu, u wlied Aron newwlulu d-demm 
u xerrdu fuq l-artal dawramejt; [Lev:9:19] u x-xaħam tal-gendus u tal-muntun, 
id-denb, ix-xaħam ta' madwar il-ġewwieni, u l-kliewi u t-tebqa tal-fwied; 
[Lev:9:20] u qiegħdu x-xaħam fuq is-sidriet, u ħaraq ix-xaħam fuq l-artal. 
[Lev:9:21] Imma s-sidriet u s-sieq tal-lemin Aron xejjirhom quddiem il-Mulej 
skond ma kien ordnalu l-Mulej.
[Lev:9:22] Mbagħad Aron għolla idejh fuq il-poplu u berikhom; u wara li temm 
joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq u s-sagrifiċċju 
tas-sliem, niżel. [Lev:9:23] U Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa; u ħarġu u 
bierku l-poplu; u dehret il-glorja tal-Mulej lill-poplu kollu. [Lev:9:24] U 
ħareġ nar minn quddiem il-Mulej u kkonsma li kien hemm fuq l-artal; il-vittma 
tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u x-xaħam; u l-poplu rah, u nfexx jgħajjat bil-ferħ, u 
nxteħet wiċċu fl-art. 
10. Nadab u Abiħu kkastigati
[Lev:10:1] Ulied Aron, Nadab u Abiħu, ħadu ċensier kull wieħed, kebbsu n-nar u 
xeħtu fih l-inċens, u offrewh quddiem il-Mulej, nar profan li l-Mulej ma kienx 
ordnalhom. [Lev:10:2] U minnufih ħareġ nar minn quddiem il-Mulej, u kkunsmahom, 
u mietu quddiem il-Mulej.
[Lev:10:3] U Mosè qal lil Aron: “Dan hu kliem il-Mulej meta tkellem u qal: Jien 
nuri qdusiti f'min joqrob lejja; u rrid nitweġġaħ quddiem il-poplu kollu.” U 
Aron baqa' mbikkem.
[Lev:10:4] Mosè sejjaħ lil Misael u lil Elsafan, ulied Għużżijel, iz-ziju ta' 
Aron, u qalilhom: “Ersqu 'l hawn u ħudu lill-kuġini tagħkom minn quddiem il-post 
qaddis 'il barra mill-kamp.” [Lev:10:5] U resqu u ħaduhom bit-tonok b'kollox 'il 
barra mill-kamp kif qalilhom Mosè. [Lev:10:6] Mbagħad Mosè qal lil Aron u lil 
Elgħażar u lil Itamar, uliedu: “La tħabblux xagħar raskom, la ċċarrtux 
ħwejjiġkom, li ma tmutux u tiġbdu l-korla fuq il-ġemgħa kollha. Imma nieskom u 
l-poplu kollu ta' Iżrael jistgħu jagħmlu l-vistu għall-qerda bin-nar li għamel 
l-Mulej. [Lev:10:7] La twarrbux minn ħdejn it-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux; 
għax intom għandkom fuqkom iż-żejt tal-konsagrazzjoni tal-Mulej.” U għamlu kif 
qalilhom Mosè.
Id-dmirijiet tal-qassisin
[Lev:10:8] U l-Mulej kellem lil Aron u qallu: [Lev:10:9] “Nbid u xorb li jsakkar 
la tixrobx, int u wliedek miegħek, meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa, li ma 
tmutux. Din hi liġi għall-ġenerazzjonijiet kollha, [Lev:10:10] biex b'hekk 
tagħżlu bejn is-sagru u l-profan, u bejn l-imniġġes u s-safi; [Lev:10:11] u biex 
tgħallmu lil ulied Iżrael il-liġijiet kollha li tahom il-Mulej permezz ta' Mosè.”
[Lev:10:12] U Mosè kellem lil Aron, u lil uliedu li kienu baqgħu, Elgħażar u 
Itamar: “Ħudu l-offerta tal-qmuħ li baqa' mis-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej u 
kuluha bla ħmira ħdejn l-artal, għax ħaġa mill-aktar qaddisa hi. [Lev:10:13] 
Kuluha f'post imqaddes, għax bi dritt tmiss lilek, u lil uliedek, minn kull 
offerta maħruqa lill-Mulej, għax jien hekk kont ikkmandat. [Lev:10:14] Għandkom 
tieklu wkoll f'post qaddis is-sidra mxejjra u s-sieq merfugħa b'offerta, int u 
wliedek subjien u bniet, għax imissu lilek u lil uliedek bi dritt fuq kull 
sagrifiċċju tas-sliem ta' wlied Iżrael. [Lev:10:15] Is-sieq merfugħa u s-sidra 
mxejjra b'offerta u x-xaħam għall-ħruq, iġibuhom biex ixejjruhom quddiem 
il-Mulej, u mbagħad jibqgħu għalik u għal uliedek bi dritt għal dejjem skond ma 
ordna l-Mulej.”
[Lev:10:16] U Mosè fittex sewwa, u sab li l-bodbod tal-purifikazzjoni kien 
maħruq. Nkorla għal Elgħażar u għal Itamar, ulied Aron li kienu baqgħu, u 
qalilhom: [Lev:10:17] “Għaliex ma kiltux il-vittma tal-purifikazzjoni fil-post 
imqaddes? Din hi ħaġa mill-aktar qaddisa, mogħtija lilkom biex titgħabba 
bil-ħtijiet tal-ġemgħa b'espjazzjoni għalihom quddiem il-Mulej. [Lev:10:18] Ara, 
demmha ma nġibuhx 'il ġewwanett fis-santwarju; kellkom tikluha fil-post qaddis, 
bħalma ordnajtilkom jien.” [Lev:10:19] Aron imbagħad qal lil Mosè: “Ara, illum 
offrew is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq quddiem 
il-Mulej, u ġrali dan kollu; wara dan li ġrali, kieku llum kilt mill-vittma 
tal-purifikazzjoni, jaqaw kien dan sa jogħġob lill-Mulej?”
[Lev:10:20] U meta Mosè sama' dan kollu, deherlu li kien kollox sewwa. 
11. Is-safa u t-tinġis ta' l-ikel
[Lev:11:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:11:2] “Kellmu 
lil ulied Iżrael u għidulhom: Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu mill-bhejjem 
kollha ta' fuq l-art; [Lev:11:3] kull bhima bid-dwiefer, bid-difer maqsum u 
tixtarr, tistgħu tieklu minnha. [Lev:11:4] Imma minn dawk li jixtarru, jew 
difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-ġemel, għax dan jixtarr, imma ma 
għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; [Lev:11:5] il-fenek tax-xagħri, 
għax dan jixtarr, iżda m'għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; 
[Lev:11:6] il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu 
mniġġes; [Lev:11:7] il-ħanżir, għax għandu difrejh maqsumin, imma ma jixtarrx, 
għalikom hu mniġġes. [Lev:11:8] Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom 
mejjet, għax għalikom huma mniġġsin.
[Lev:11:9] “Minn kull ma jgħix fl-ilma, dan li tistgħu tieklu: tistgħu tieklu 
minn kull ma għandu l-ġwienaħ u l-qxur, fl-ilma tal-baħar jew tax-xmajjar. 
[Lev:11:10] Kull ma hu bla ġwienaħ u bla qxur, fil-baħar jew fix-xmajjar, kull 
ma jitħarrek fl-ilma u kull annimal li jgħix fl-ilma, hu qżież għalikom. 
[Lev:11:11] Moqżieża jkunu għalikom, tiklux minn laħamhom u għandkom tistkerrħu 
ġisimhom mejjet. [Lev:11:12] Kull ma hu bla ġwienaħ u bla qxur fl-ilma, hu qżież 
għalikom.
[Lev:11:13] “Mit-tjur dawn għandkom tistkerrħu, u ma għandkomx tieklu minnhom, 
għax moqżieża: l-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda, [Lev:11:14] l-astur, kull 
xorta ta' bies, [Lev:11:15] kull xorta ta' ċawlun, [Lev:11:16] in-nagħma, 
il-kokka, il-barbaġann, is-seqer skond ġenshom, [Lev:11:17] il-barbaġann, 
il-margun, iż-żinna, [Lev:11:18] il-kwakk, il-pellikan, it-tiġieġa tal-baħar, 
[Lev:11:19] il-laqlâq, kull xorta ta' russett, id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett 
il-lejl. [Lev:11:20] Kull insett li jtir u jimxi, id-dud kollu li jtir u jimxi 
fuq erba' saqajn, ikun għalikom ħaġa moqżieża.
[Lev:11:21] “Minn dawn tistgħu tieklu, mid-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba' 
saqajn u għandhom 'il fuq minn riġlejhom żewġ saqajn biex jaqbżu bihom fuq 
l-art. [Lev:11:22] Minnhom tistgħu tieklu l-gradi ta' kull xorta: il-grad b'rasu 
kbira, il-grad aħdar, il-grad tad-deżert, u s-sarsur. [Lev:11:23] Kull dud ieħor 
li jtir u għandu erba' saqajn ikun moqżież għalikom. [Lev:11:24] Minn dawn 
titniġġsu; min imiss ġisimhom mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija; [Lev:11:25] 
kull min jerfa' xi wieħed minnhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jibqa' mniġġes 
sa filgħaxija.
[Lev:11:26] “Kull bhima li għandha d-dwiefer mhux maqsuma u ma tixtarrx, tkun 
għalikom imniġġsa; kull min imissha jitniġġes. [Lev:11:27] Kull ma jimxi fuq 
qiegħ saqajh minn fost il-bhejjem li jimxu fuq erba' saqajn, ikun għalikom 
imniġġes u kull min imiss ġismu mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:28] 
Min jerfa' ġisimhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jkun imniġġes sa filgħaxija; 
[Lev:11:29] għax dawn il-bhejjem kollha mniġġsin.
“U minn fost l-annimali li jitkaxkru fl-art dawn huma kollha mniġġsin: 
il-ballottra, il-far u kull ġens ta’ gremxul; [Lev:11:30] il-wiżgħa, 
il-kamaleonti, il-gremxul, ix-xaħmet l-art u t-talpa. [Lev:11:31] Minn fost l-annimali 
kollha li jitkaxkru fl-art, dawn huma kollha mniġġsa għalikom; min jersaq lejhom 
meta jmutu jkun imniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:32] U jekk xi wieħed minnhom 
jaqa' mejjet fuq xi ħaġa ta' l-injam, jew drapp, jew ġild, jew saqqu, jew xi 
għodda li biha wieħed jaħdem, jitfgħuha fl-ilma u tkun imniġġsa sa filgħaxija; 
mbagħad tindaf. [Lev:11:33] Jekk imbagħad jaqa' f'xi ġarra tal-fuħħar, jitniġġes 
kull ma jkun hemm fiha, u l-ġarra tkissruha. [Lev:11:34] Jekk ikun fiha l-ilma u 
jaqa' fuq xi ikel, dan ukoll jitniġġes; kull ma jista' jinxtorob li jkun fih, 
jitniġġes. [Lev:11:35] Kull ħaġa li jaqa' fuqha xi mejjet minnhom titniġġes; 
il-forn u l-kenur tfarrkuhom, għax huma jkunu mniġġsin; u mniġġsin ikunu 
għalikom. [Lev:11:36] L-għejun u l-bjar bl-ilma jibqgħu safja, iżda min imiss 
il-mejjet jitniġġes. [Lev:11:37] Jekk jaqa' xi wieħed minnhom fuq iż-żerriegħa 
taż-żrigħ, din tibqa' safja. [Lev:11:38] Imma jekk iż-żerriegħa tixxarrab 
bl-ilma, u jaqa' fuqha xi mejjet minnhom, din tkun imniġġsa għalikom. 
[Lev:11:39] Jekk tmut xi bhima li tistgħu tieklu minnha, min imiss ġisimha 
mejjet jitniġġes sa filgħaxija. [Lev:11:40] Min jiekol minn ġisimha mejjet, 
għandu jaħsel ħwejġu u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.
[Lev:11:41] 'Kull annimal li jitkaxkar fl-art ikun qżież għalikom; la tiklux 
minnu. [Lev:11:42] Kull ma jimxi fuq żaqqu, u kull ma jimxi fuq erba' saqajn u 
aktar, imma jitkaxkar fl-art, la tiklux minnu, għax qżież għalikom. [Lev:11:43] 
La tiċċappsu b'ebda ħanex u titniggsux bihom, għax titniġġsu intom ukoll.
[Lev:11:44] “Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu 
qaddisin, għax jien qaddis, u ma għandkom titniġġsu b'ebda ħanex li jitkaxkar 
fl-art. [Lev:11:45] Għax jien il-Mulej, li tellajtkom mill-art ta' l-Eġittu biex 
inkun Alla tagħkom u intom tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”
[Lev:11:46] Din hi l-liġi fuq il-bhejjem u t-tjur, u kull ħaġa ħajja li żżiġġ 
fl-ilma, u kull ma jitkaxkar fl-art, [Lev:11:47] biex tagħżlu bejn l-imniġġes u 
s-safi, u bejn il-bhejjem tajba għall-ikel u dawk li ma għandhomx jittieklu. 
12. L-inġiesa tal-ħlas
[Lev:12:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:12:2] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: 'Meta mara titqal u tiled tifel tibqa' mniġġsa għal sebat 
ijiem, bħal meta tkun imniġġsa fi żmienha. [Lev:12:3] U fit-tmien jum tinħaten 
it-tarbija; [Lev:12:4] u l-omm iddum tlieta u tletin jum oħra biex tissaffa minn 
demmha; ma tmiss xejn li hu mqaddes, u ma tidħolx fis-santwarju, sakemm ma 
jgħaddix żmien it-tisfija tagħha. [Lev:12:5] U jekk tiled tifla, iddum imniġġsa 
għal ġimagħtejn, bħal meta tkun fi żmienha, u sitta u sittin jum ieħor biex 
tissaffa minn demmha. [Lev:12:6] U meta jgħaddi żmien it-tisfija tagħha, għal 
tifel jew għal tifla, igġib ħaruf ta' dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u 
beċċun ta' ħamiema jew gamiema għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u tagħtihom 
lill-qassis quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:12:7] U joffrihom quddiem 
il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa mit-tnixxija ta' demmha.
“Din hi l-liġi għall-mara li tiled tifel jew tifla. [Lev:12:8] U jekk hi ma 
tlaħħaqx biex tagħti ħaruf, tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen tal-ħamiem, 
wieħed għall-ħruq u l-ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u hekk 
il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa.” 
13. Il-mard tal-ġilda
[Lev:13:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:13:2] “Meta xi 
ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa 
tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin. 
[Lev:13:3] Il-qassis imbagħad jara l-ġerħa tal-ġilda tal-ġisem, u, jekk ix-xagħar 
ta' ħdejn il-ġerħa jkun bjad u l-ġerħa tkun 'l isfel mill-ġilda, din tkun ġerħa 
tal-ġdiem, u l-qassis jarah sewwa, u jiddikjarah imniġġes. [Lev:13:4] Imma jekk 
it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda, iżda mhux 'l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ma 
jkunx bjad, il-qassis jagħlaq il-miġruħ għal sebat ijiem. [Lev:13:5] U jerġa' l-qassis 
jarah fis-seba' jum, u jekk isib li l-ġerħa baqgħet kif kienet, u ma nfexxetx 
fil-ġilda, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem oħra. [Lev:13:6] Mbagħad jerġa' 
jarah fis-seba' jum, u jekk isib li l-ġerħa ntfiet u ma nfexxetx fil-ġilda, 
jiddikjarah nadif għax tkun bużżieqa. U jaħsel ħwejġu u jindaf. [Lev:13:7] Imma 
jekk il-bużżieqa tinfexx fil-ġilda, wara li jkun rah il-qassis u għaddieh 
b'nadif, jerġa' jidher quddiem il-qassis. [Lev:13:8] Jarah il-qassis, u jekk 
jara li l-ġerħa nfexxet fil-ġilda, jiddikjarah b'imniġġes, għax ikun ġdiem.
[Lev:13:9] “Meta wieħed ikollu l-ġerħa tal-ġdiem, iġibuh quddiem il-qassis. 
[Lev:13:10] Mbagħad jarah il-qassis, u jekk ikun hemm qoxra bajda fil-ġilda, u 
bix-xagħar ġo fiha abjad, u l-fdal ta' laħam ħaj, [Lev:13:11] dan ikun ġdiem li 
jkun ilu fil-ġilda ta' ġismu, u l-qassis jiddikjarah b'imniġġes; imma ma 
jagħlqux, għax ikun imniġġes. [Lev:13:12] Jekk imbagħad il-ġdiem jixtered 
mal-ġilda, u jiksi l-ġilda kollha tal-marid, minn rasu sa saqajh, kull fejn 
jista' jara l-qassis, [Lev:13:13] il-qassis jarah, u jekk il-ġdiem ikun jiksi 
l-ġilda kollha ta' ġismu, jiddikjara l-marid nadif; għax ikun bjad għalkollox, u 
hu nadif. [Lev:13:14] Imma jekk jitfaċċa l-laħam il-ħaj, ikun imniġġes. 
[Lev:13:15] Malli l-qassis jara l-laħam il-ħaj, jiddikjarah imniġġes; għaliex 
il-laħam il-ħaj, sinjal tal-ġdiem, hu mniġġes. [Lev:13:16] Jekk imma l-laħam 
il-ħaj jgħib, u l-marid jerġa' jibjad, għandu jmur għand il-qassis; [Lev:13:17] 
jekk il-qassis, meta jarah, isib li bjad, jiddikjarah nadif, u jkun imnaddaf.
[Lev:13:18] “Wieħed li jkollu fil-ġilda ta' ġismu nuffata, u jfiq minnha, 
[Lev:13:19] imma mbagħad flok in-nuffata titfaċċa qoxra bajda, jew tebgħa bajda 
tagħti fl-aħmar, għandu jidher quddiem il-qassis. [Lev:13:20] U malli jarah 
il-qassis u jsib li tkun 'l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ikun bjad, jiddikjarah 
imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem, li faqqset fin-nuffata. [Lev:13:21] Imma 
jekk il-qassis jaraha, u ma jsibx xagħar abjad, u ma tkunx 'l isfel mill-ġilda, 
imma tkun bjadet, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem, [Lev:13:22] u mbagħad, 
jekk it-tebgħa tinfirex mal-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun 
ġerħa tal-ġdiem. [Lev:13:23] Imma jekk it-tebgħa tibqa' fejn kienet bla ma 
tinfirex, tkun l-għeluq tan-nuffata u għalhekk il-qassis jiddikjarah nadif.
[Lev:13:24] “Jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar fil-ġilda, u l-għeluq tal-ħarqa 
jsir tebgħa bajda tagħti fl-aħmar jew bajda, [Lev:13:25] jaraha l-qassis, u jekk 
ix-xagħar fit-tebgħa jkun bjad u t-tebgħa tidher 'l isfel mill-ġilda, tkun ġdiem 
imfaqqas fil-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem.
[Lev:13:26] “Imma jekk jaraha l-qassis, u ma jkunx hemm fit-tebgħa xagħar abjad, 
u ma tkunx 'l isfel mill-ġilda, u lewnha jkun tefa, il-qassis jagħlqu għal sebat 
ijiem. [Lev:13:27] Mbagħad il-qassis jarah fis-seba' jum, u jekk tkun infirxet 
fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 
[Lev:13:28] Imma jekk it-tebgħa tibqa' kif kienet u ma tkunx infirxet mal-ġilda, 
u tilfet lewnha, tkun il-fdal tal-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah nadif, għax tkun 
l-għeluq tal-ħarqa.
[Lev:13:29] “Jekk mara jew raġel ikollu f'rasu, jew fi lħitu, ġerħa, [Lev:13:30] 
għandu jaraha l-qassis, u jekk jara li tkun 'l isfel mill-ġilda, u bix-xagħar 
safrani u skars, il-qassis jiddikjarah imniġġes; għax ikollu l-falza, il-ġdiem 
tar-ras jew tal-leħja. [Lev:13:31] Imma jekk il-qassis jara l-ġerħa tal-falza, u 
ma tkunx tidher li tkun 'l isfel mill-ġilda, u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, 
il-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem. [Lev:13:32] U mbagħad 
jara l-ġerħa fis-seba' jum, u, jekk il-falza ma tkunx ġriet, u ma jkunx fiha 
xagħar iswed u ma tidhirx 'l isfel mill-ġilda, [Lev:13:33] il-marid jitqarweż - 
imma mhux fejn tkun il-falza - u l-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat 
ijiem oħra. [Lev:13:34] Mbagħad il-qassis jerġa' jara l-falza fis-seba' jum, u 
jekk il-falza ma tkunx ġriet mal-ġilda, u ma tidhirx 'l isfel mill-ġilda, 
il-qassis jiddikjarah nadif; u dak jaħsel ħwejġu u jkun nadif. [Lev:13:35] Imma 
jekk il-falza, wara li jkun iddikjaraha nadifa, tiġri mal- ġilda, [Lev:13:36] 
jerġa’ jarah il-qassis, u jekk il-falza tkun ġriet mal-ġilda, ma għandux 
għalfejn il-qassis jara jekk ix-xagħar ikunx safrani; għax ikun imniġġes. 
[Lev:13:37] Jekk imbagħad jara li l-falza waqfet u tela' x-xagħar iswed, 
il-marid ikun imfejjaq u nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif.
[Lev:13:38] “Raġel jew mara li jkollhom il-ġilda ta' ġisimhom bi tbajja' bojod, 
[Lev:13:39] jarahom il-qassis u jekk jarahom bojod u mitfija, ikun ħżież 
imfaqqas fil-ġilda; il-marid ikun nadif.
[Lev:13:40] “Min jitlef ix-xagħar ta' rasu, ikun qargħi, imma jkun nadif. 
[Lev:13:41] Jekk jaqagħlu minn fuq ġbinu, ikun fartas minn quddiem, imma nadif. 
[Lev:13:42] Iżda jekk ikollu fil-qurriegħa bla xagħar jew ġbinu bla xagħar, 
ġerħa bajda tagħti fl-aħmar, dan ikun ġdiem imfaqqas fil-qurriegħa jew ġbinu. 
[Lev:13:43] Għandu jarah il-qassis, u jekk jara li l-qoxra tal-ġerħa 
fil-qurriegħa jew fil-ġbin tkun bajda tagħti fl-aħmar, bħalma jidher fil-ġdiem 
tal-ġilda ta' ġismu, [Lev:13:44] dan ikun bniedem imgiddem għalkollox u mniġġes, 
u l-qassis għandu jiddikjarah imġiddem; għax il-ġerħa tkun fir-ras.
[Lev:13:45] “Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu 
mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: 'Mniġġes! Mniġġes!' [Lev:13:46] 
Kemm idum marid ikun miżmum b'imniġġes li hu, u jgħix waħdu f'postu barra 
mill-kamp.
It-tinġis ta' l-ilbies
[Lev:13:47] “Meta biċċa lbies tibda tnawwar, sew jekk tkun tas-suf sew ta' 
l-għażel, [Lev:13:48] fil-medd jew fit-togħma, jew biċċa ġild jew xi ħaġa oħra 
tal-ġild, [Lev:13:49] jekk il-biċċa l-marida tkun ħadranija jew ħamranija, sew 
ilbies sew ġild, fil-medd jew fit-togħma, jew f'kull ħaġa oħra tal-ġild, din 
tkun tebgħa tat-tinwir u għandu jaraha l-qassis. [Lev:13:50] Meta jkun raha 
l-qassis, dan għandu jagħlaq il-biċċa mċappsa għal sebat ijiem; [Lev:13:51] 
mbagħad jerġa’ jaraha fis-seba' jum, u jekk jara li t-tebgħa fl-ilbies xterdet, 
sew fil-medd sew fit-togħma, sew fil-ġild jew f'kull ħaġa oħra tal-ġild, din 
tkun tinwir li jġib il-ħsara; din hi mniġġsa. [Lev:13:52] U jaħraq il-biċċa 
mniġġsa, sew fil-medd sew fit-togħma, kemm tas-suf kemm ta' l-għażel, u kull 
ħaġa oħra tal-ġild li tkun imċappsa; għax dan ikun tinwir li jġib il-ħsara u 
għalhekk għandha tinqered bin-nar. [Lev:13:53] Imma jekk il-qassis jaraha u jsib 
li t-tinwir ma xteridx fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, jew f'kull ħaġa oħra 
tal-ġild, [Lev:13:54] jordna li jaħslu l-biċċa mċappsa, u jagħlaqha għal sebat 
ijiem oħra. [Lev:13:55] Mbagħad il-qassis jerġa' jara t-tinwir wara li jkunu 
ħasluha, u jekk jara li fl-għajn it-tinwir ma tbiddilx, għalkemm ma jkunx 
xtered, tkun imniġġsa, u għandek taħraqha fin-nar, sew jekk tkun imnawwra 
mis-sewwa sew mill-maqlub. [Lev:13:56] Jekk il-qassis jaraha u jsib li l-lewn 
tat-tinwir ikun tefa wara li jkunu ħasluha, jaqta' t-tebgħa mill-ilbies jew 
mill-ġild, mill-medd jew mit-togħma, u minn kull ħaġa oħra tal-ġild. [Lev:13:57] 
Imma jekk jerġa' jidher t-tinwir fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, u f'kull 
ħaġa oħra tal-ġild, ikun faqqas mill-ġdid, u għandek taħraq bin-nar it-tinwir 
kollu li jkun fiha. [Lev:13:58] Imma jekk l-ilbies, jew medd jew togħma, jew 
kull ħaġa oħra tal-ġild, taħsilhom u t-tinwir imur, erġa' aħsilhom għat-tieni 
darba u jkunu ndaf.”
[Lev:13:59] Din hi l-liġi għat-tinwir ta' l-ilbies tas-suf jew ta' l-għażel, 
tal-medd jew tat-togħma u ta' kull ħaġa oħra tal-ġild, biex ikunu ddikjarati 
ndaf jew imniġġsa. 
14. Il-purifikazzjoni ta' l-imġiddem
[Lev:14:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:14:2] “Din hi l-liġi 
għall-imġiddem meta jitnaddaf; iġibuh għand il-qassis. [Lev:14:3] U joħroġ 
il-qassis barra l-kamp u jarah. Jekk isib li l-ġerħa tal-ġdiem marret 
mill-imgiddem, [Lev:14:4] jordna li jġibu għal min se jitnaddaf żewġ għasafar 
ħajjin u safjin, għuda taċ-ċedru, biċċa ta' l-iskarlatt u żuf. [Lev:14:5] 
Mbagħad il-qassis jgħidilhom biex joqtlu wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa 
tal-fuħħar mimlija bl-ilma ġieri; [Lev:14:6] u jaqbad l-għasfur ħaj, l-għuda 
taċ-ċedru, u ż-żuf, u jbillhom - l-għasfur ħaj ukoll - fid-demm ta' l-għasfur 
maqtul fuq l-ilma ġieri. [Lev:14:7] U jroxx seba' darbiet lil min se jitnaddaf 
mill-ġdiem, u jiddikjarah li tnaddaf; u jitlaq l-għasfur ħaj fir-raba'. 
[Lev:14:8] U min ikun tnaddaf jaħsel ħwejġu, iqaxxar xagħru kollu, jinħasel 
bl-ilma, u jitnaddaf; u mbagħad jista' jidħol fil-kamp, imma jibqa' sebat ijiem 
barra mill-għarix tiegħu. [Lev:14:9] U fis-seba' jum iqaxxar ix-xagħar kollu ta' 
rasu, il-leħja, u ħuġbejn għajnejh; iqaxxar xagħru kollu, jaħsel ħwejġu, jaħsel 
ġismu bl-ilma, u hekk jitnaddaf. [Lev:14:10] Fit-tmien jum jieħu żewġ ħrief bla 
difett u ħarufa bla difett, u tas-sena, u offerta tal-qmuħ, tlieta minn għaxra 
smid miblula fiż-żejt, u log żejt. [Lev:14:11] U l-qassis li jkun inaddaf, 
flimkien mar-raġel li jkun jitnaddaf, iqegħedhom quddiem il-Mulej fid-dħul 
tat-tinda tal-laqgħa. [Lev:14:12] U l-qassis jieħu wieħed mill-ħrief, u joffrih 
bħala sagrifiċċju ta' riparazzjoni, u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom 
quddiem il-Mulej. [Lev:14:13] U joqtol il-ħaruf fejn joqtlu l-vittma 
tar-riparazzjoni u dik tal-ħruq, jiġifieri fil-post imqaddes, għaliex il-vittma 
tar-riparazzjoni, bħall-vittma tal-purifikazzjoni, tmiss lill-qassis, u hi ħaġa 
l-aktar qaddisa. [Lev:14:14] Jieħu l-qassis mid-demm tal-vittma u jqiegħdu 
f'tarf il-widna l-leminija ta' min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu 
l-leminija, u dak ta' siequ l-leminija. [Lev:14:15] Mbagħad il-qassis jieħu 
mil-log żejt, u jsawwbu fuq idu x-xellugija; [Lev:14:16] ibill sebgħu ta' idu 
l-leminija fiż-żejt li jkun f'idu x-xellugija u jroxx bih seba' darbiet quddiem 
il-Mulej. [Lev:14:17] U miż-żejt li jkun baqa' f'idu jqiegħed il-qassis fuq tarf 
il-widna l-leminija ta' min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu 
l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta' siequ l-leminija, fuq demm il-vittma 
tar-riparazzjoni; [Lev:14:18] il-bqija taż-żejt, li jibqa' f'idu, isawwbu fuq 
ras min se jitnaddaf u hekk il-qassis itemm għalih l-espjazzjoni quddiem 
il-Mulej. [Lev:14:19] Mbagħad l-istess qassis joffri s-sagrifiċċju 
tal-purifikazzjoni, biex ipatti għal dak li se jitnaddaf mill-inġiesa tiegħu, u 
mbagħad joqtol il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:14:20] Il-qassis joffri 
s-sagrifiċċju tal-ħruq u l-offerta tal-qmuħ fuq l-artal, u hekk ipatti 
għall-marid u dan jindaf.
[Lev:14:21] “Jekk ikun fqir u ma jwassalx biex jagħti daqshekk, jieħu ħaruf 
wieħed għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni biex joffrih u jxejjru 
għall-espjazzjoni għalih innifsu, waħda minn għaxra ta' smid miblul fiż-żejt 
bħala offerta tal-qmuħ u log żejt. [Lev:14:22] U żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet 
skond ma jiflaħ, waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra 
għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [Lev:14:23] U jġibhom fit-tmien jum tat-tindif tiegħu 
għand il-qassis fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej. [Lev:14:24] U 
l-qassis jieħu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni u l-log żejt, u 
jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej; [Lev:14:25] u mbagħad joqtol il-ħaruf 
tar-riparazzjoni; u l-qassis jieħu mid-demm tal-vittma tar-riparazzjoni u 
jqiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta' min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu 
l-kbir ta' idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta' siequ l-leminija. [Lev:14:26] 
Mbagħad il-qassis isawwab ftit żejt f'idu x-xellugija, [Lev:14:27] u b'sebgħu 
ta' idu l-leminija jroxx minnu seba' darbiet quddiem il-Mulej; [Lev:14:28] u 
l-qassis iqiegħed ftit miż-żejt li jkun f'idu fuq tarf il-widna l-leminija ta' 
min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta' idu l-leminija u fuq sebgħu l-kbir 
ta' siequ l-leminija f'post d-demm tal-vittma tar-riparazzjoni. [Lev:14:29] U 
ż-żejt li jibqa' f'id il-qassis isawwbu fuq ras min ikun jitnaddaf 
għall-espjazzjoni tiegħu quddiem il-Mulej. [Lev:14:30] Mbagħad miż-żewġ gamimiet 
jew mill-frieħ tal-ħamiem, [Lev:14:31] li jkun jista' jagħti, jagħti waħda 
għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq, barra 
mill-offerta tal-qmuħ; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni quddiem il-Mulej 
għal min ikun jitnaddaf.
[Lev:14:32] “Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem u ma jkollux 
biżżejjed x'jagħti meta jitnaddaf.”
Il-ġdiem tad-dar
[Lev:14:33] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: [Lev:14:34] “Meta 
tkunu dħaltu fl-art ta' Kangħan li se nagħtikom biex teħduha f'idejkom, u jien 
inkun bgħatt il-mard tal-ġdiem f'xi dar fl-art li tkun f'idejkom, [Lev:14:35] 
sid id-dar imur għand il-qassis u jgħidlu: 'Jidhirli li tfaċċa l-mard fid-dar 
tiegħi.' [Lev:14:36] Il-qassis imbagħad jordna li jbattlu d-dar minn kull ma 
jkun fiha qabel ma jmur jaraha, biex ma jitniġġisx kull ma jkun hemm fiha; 
mbagħad imur il-qassis jara d-dar. [Lev:14:37] Jekk jara l-mard fil-ħitan 
tad-dar bħal ħofor jagħtu fl-aħdar jew l-aħmar, qishom imħaffrin fil-ħajt, 
[Lev:14:38] il-qassis joħroġ 'il barra mill-bieb tad-dar, u jagħlaq id-dar għal 
sebat ijiem. [Lev:14:39] Fis-seba' jum il-qassis jerġa’ jmur, jaraha, u jekk 
isib li l-mard infirex mal-ħitan tad-dar, [Lev:14:40] il-qassis jordna li 
jaqilgħu l-ġebel li jkun fih il-mard, u jitfgħuh 'il barra mill-belt f'xi post 
imniġġes. [Lev:14:41] Mbagħad joborxu d-dar dawramejt u jitfgħu t-trab tal-brix 
barra l-belt f'post imniġġes. [Lev:14:42] Jieħdu ġebel ieħor, u jqegħduh flok 
l-ieħor, u jieħdu trab ieħor u jkaħħlu bih fid-dar.
[Lev:14:43] “Jekk wara li jkunu neħħew il-ġebel, barxuha u kaħħluha, jerġa' 
jitfaċċa l-mard u jinfirex mad-dar, [Lev:14:44] imur il-qassis jaraha, u jekk 
jara li ħareġ il-mard fid-dar, dan ikun ġdiem li jherri d-dar, u din tkun 
imniġġsa. [Lev:14:45] U jħottu d-dar u jġorru 'l barra mill-belt il-ġebel, 
l-injam, u t-trab kollu tad-dar f'post imniġġes. [Lev:14:46] Kull min jidħol 
fid-dar fiż-żmien kollu li tkun magħluqa, ikun imniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:14:47] Min jorqod jew jiekol fid-dar, ikollu jaħsel ħwejġu. [Lev:14:48] 
Imma jekk il-qassis imur, u jara sewwa, u jsib li l-marda ma nfirxitx mad-dar 
wara t-tikħil tad-dar, il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax tkun ħelset 
mill-marda. [Lev:14:49] Għall-purifikazzjoni tad-dar, jieħu żewġ għasafar, għuda 
taċ-ċedru, biċċa skarlatt, u żuf; [Lev:14:50] u joqtol wieħed mill-għasafar fuq 
xi ħaġa tal-fuħħar bl-ilma ġieri fiha; [Lev:14:51] jieħu l-għuda taċ-ċedru, u 
ż-żuf, u l-biċċa skarlatt u l-għasfur il-ħaj u jbillhom fid-demm ta' l-għasfur 
il-maqtul, u fl-ilma ġieri, u jroxx id-dar seba' darbiet. [Lev:14:52] Hekk ikun 
naddaf id-dar bid-demm ta' l-għasfur, bl-ilma ġieri, u bl-għasfur il-ħaj, u 
bl-għuda taċ-ċedru u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt. [Lev:14:53] Mbagħad jitlaq 
l-għasfur il-ħaj jittajjar 'il barra mill-belt lejn ir-raba'. U meta jkun għamel 
din l-espjazzjoni, id-dar tkun imnaddfa.”
[Lev:14:54] Din hi l-liġi għal kull mard tal-ġdiem u l-marda tal-falza, 
[Lev:14:55] il-ġdiem tal-ħwejjeġ u tad-dar, [Lev:14:56] għall-qxur, nfafet, u 
tbajja', [Lev:14:57] biex turikom meta ħaġa tkun imniġġsa, u meta tkun nadifa. U 
din hi l-liġi fil-każ tal-ġdiem. 
15. L-indafa tal-ġisem
[Lev:15:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron, u qalilhom: [Lev:15:2] “Kellmu 
lil ulied Iżrael u għidulhom: Raġel li jkollu nxija minn ġismu jkun mniġġes 
minħabba din l-inxija; [Lev:15:3] u l-inġiesa li jkollu minħabba din l-inxija, 
sew jekk tibqa' tnixxi minn ġismu sew jekk iżżomm, jibqa' mniġġes biha. 
[Lev:15:4] Kull friex li jimtedd fuqu l-marid bl-inxija jkun imniġġes, u kull 
ħaġa li joqgħod bilqiegħda fuqha tkun imniġġsa. [Lev:15:5] U kull min imiss 
friexu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' imniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:15:6] U kull min joqgħod bilqiegħda fejn ikun qagħad bilqiegħda l-marid 
bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:15:7] U min imiss il-ġisem tal-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel 
bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:8] U jekk il-marid bl-inxija 
jobżoq fuq xi ħadd safi, dan jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa' mniġġes 
sa filgħaxija. [Lev:15:9] Kull mirkeb li jirkeb fuqu l-marid bl-inxija, ikun 
imniġġes. [Lev:15:10] U kull min imiss xi ħaġa li tkun taħtu jitniġġes sa 
filgħaxija; min imbagħad iġorrha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u 
jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:11] Kull min imissu l-marid bl-inxija, u 
ma jkunx ħasel idejh bl-ilma, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' 
mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:12] Kull ħaġa tal-fuħħar li jmissha l-marid 
bl-inxija għandha titkisser, u kull ħaġa ta' l-injam titlaħlaħ bl-ilma.
[Lev:15:13] “Meta l-marid iħossu mfejjaq mill-inxija, jgħodd sebat ijiem minn 
meta jfiq, u jaħsel ħwejġu, u jaħsel ġismu bl-ilma ġieri, u jitnaddaf. 
[Lev:15:14] U fit-tmien jum jieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u 
jmur quddiem il-Mulej, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa u jagħtihom 
lill-qassis. [Lev:15:15] U l-qassis il-wieħed joffrih sagrifiċċju 
għall-purifikazzjoni, u l-ieħor sagrifiċċju tal-ħruq, u hekk il-qassis jagħmel 
espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej għall-inxija tiegħu.
[Lev:15:16] “Meta wieħed ikollu tixrid iż-żerriegħa, jaħsel ġismu kollu bl-ilma, 
u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:17] U l-biċċa ħwejjeġ jew ġild, li 
ż-żerriegħa tixxerred fuqha, jaħsilha bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:15:18] U l-mara li jersaq lejha raġel b'tixrid iż-żerriegħa, jinħaslu 
t-tnejn bl-ilma u jibqgħu mniġġsa sa filgħaxija.
[Lev:15:19] “Il-mara li jkollha l-inxija tad-demm f'ġisimha, tibqa' fi żmienha 
għal sebat ijiem, u kull min imiss magħha jibqa' mniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:15:20] U kull ma timtedd jew toqgħod fuqu meta tkun imniġġsa, jitniġġes. 
[Lev:15:21] U kull min imiss friexha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, 
u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:22] Kull min imiss xi ħaġa li fuqha tkun 
bilqiegħda, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija. 
[Lev:15:23] Jekk ikun fuq il-friex jew fuq xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda hi 
meta jmissha, jibqa' mniġġes sa filgħaxija. [Lev:15:24] Jekk imbagħad jimtedd 
magħha xi raġel, dan jitniġġes bl-inxija tagħha, u jibqa' mniġġes għal sebat 
jiem, u kull friex li jimtedd fuqu jitniġġes.
[Lev:15:25] “Il-mara li jkollha nxija ta' demm għal ħafna jiem barra minn 
żmienha, jew aktar mis-soltu, sakemm iddum din l-inxija tkun imniġġsa, bħal fi 
żmienha; [Lev:15:26] u kull friex li timtedd fuqu, kemm iddum l-inxija, ikun 
bħal fi żmienha; u kull ma toqgħod fuqu, ikun imniġġes bħall-friex fi żmienha. 
[Lev:15:27] U kull min imisshom jitniġġes, u għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel 
bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa filgħaxija.
[Lev:15:28] “Meta mbagħad tissaffa mill-inxija tagħha, tgħodd sebat ijiem, u 
wara dan tkun imnaddfa. [Lev:15:29] Fit-tmien jum tieħu żewġ gamimiet, jew par 
bċieċen tal-ħamiem, u teħodhom għand il-qassis, quddiem il-bieb tat-tinda 
tal-laqgħa. [Lev:15:30] U l-qassis joffri wieħed minnhom b'sagrifiċċju 
għall-purifikazzjoni u l-ieħor b'sagrifiċċju tal-ħruq; u hekk il-qassis jagħmel 
espjazzjoni għaliha quddiem il-Mulej għall-inġiesa ta' l-inxija tagħha.
[Lev:15:31] “Hekk inti żżomm lil ulied Iżrael 'il bogħod mit-tinġis tagħhom, u 
ma jniġġsux bl-inġiesa tagħhom l-għamara tiegħi li hemm f'nofshom, u jmutu.” 
[Lev:15:32] Din hi l-liġi għal min jitniġġes bl-inxija jew tixrid iż-żerriegħa, 
[Lev:15:33] għall-marida fi żmienha, għal min għandu l-inxija, raġel jew mara, u 
għal raġel li jimtedd ma' mara mniġġsa.” 
16. Jum l-espjazzjoni
[Lev:16:1] U l-Mulej kellem lil Mosè wara l-mewt taż-żewġ ulied ta' Aron, li 
kienu mietu huma u resqin lejn il-Mulej. [Lev:16:2] U l-Mulej qal lil Mosè: 
“Għid lil ħuk Aron, li mhux f'kull waqt u żmien jista' jidħol fis-santwarju 'l 
ġewwa mill-velu quddiem l-għatu ta' l-arka, inkella jmut; għax jien nidher fi 
sħaba fuq l-għatu. [Lev:16:3] U meta Aron jidħol fis-santwarju jagħmel hekk: 
joffri għoġol b'purifikazzjoni u muntun f'sagrifiċċju tal-ħruq; [Lev:16:4] 
jilbes tonka mqaddsa ta' l-għażel, u qalziet minn taħt fuq il-laħam, terħa ta' 
l-għażel ma' ġenbejh, u turbant ta' l-għażel fuq rasu; lbies imqaddes li jilbsu 
wara li jkun inħasel fl-ilma. [Lev:16:5] U jieħu mingħand il-ġemgħa ta' wlied 
Iżrael żewġ bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u muntun 
għas-sagrifiċċju tal-ħruq.
[Lev:16:6] “U Aron iressaq l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni, u jagħmel 
l-espjazzjoni għalih stess u għal daru. [Lev:16:7] Mbagħad jieħu ż-żewġ bdabad u 
jġibhom quddiem il-Mulej fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, [Lev:16:8] u jitfa' 
x-xorti fuq iż-żewġ bdabad, waħda għall-Mulej u l-oħra għal Għażażel. [Lev:16:9] 
U Aron imbagħad joffri l-bodbod li fuqu titla' x-xorti għall-Mulej, u joffrih 
b'sagrifiċċju ta' purifikazzjoni. [Lev:16:10] U l-bodbod għas-sagrifiċċju 
tal-ħruq, li tkun telgħetlu x-xorti għal Għażażel, iżżommuh ħaj u jġibuh quddiem 
il-Mulej, biex jagħmlu l-espjazzjoni fuqu, u mbagħad jitilqu għal għand Għażażel 
fid-deżert.
[Lev:16:11] “U mbagħad Aron joffri l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni u 
jagħmel l-espjazzjoni għalih u għal daru; u joqtol l-għoġol għall-purifikazzjoni 
tiegħu stess [Lev:16:12] u mbagħad jieħu minn fuq l-artal iċ-ċensier mimli 
bil-ġamar jaqbad minn quddiem il-Mulej, u żewġ qabdiet ta' id inċens ifuħ, 
mfarrak trab, u jidħol bih 'l hemm mill-velu. [Lev:16:13] U jixħet l-inċens ifuħ 
fin-nar quddiem il-Mulej biex sħaba tgħatti l-għatu ta' fuq l-arka tax-xhieda 
miktuba, biex ma jmutx. [Lev:16:14] U mbagħad jieħu mid-demm ta' l-għoġol, u 
jroxx b'sebgħu fuq l-għatu minn quddiem, u jroxx id-demm b'sebgħu seba' darbiet 
quddiem l-għatu.
[Lev:16:15] “Mbagħad joqtol il-bodbod tal-purifikazzjoni għall-poplu, u jidħol 
b'demmu 'l ġewwa mill-velu, u jagħmel b'demmu kif għamel bid-demm ta' l-għoġol, 
u jroxxu fuq l-għatu u quddiem l-għatu. [Lev:16:16] U hekk inaddaf is-santwarju 
mit-tinġis ta' wlied Iżrael u mill-ħtijiet ta' kull dnub tagħhom; u jagħmel 
l-istess lit-tinda tal-laqgħa, li tinsab f'nofshom, f'nofs it-tinġis tagħhom. 
[Lev:16:17] Ħadd ma għandu jkun fit-tinda tal-laqgħa minn xħin jidħol il-qassis 
biex jagħmel l-espjazzjoni sakemm joħroġ; u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess, 
għal daru, u għall-ġemgħa kollha ta' Iżrael. [Lev:16:18] U joħroġ għal ħdejn 
l-artal li hemm quddiem il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għalih, u jieħu minn 
demm l-għoġol u minn demm il-bodbod, u jqiegħed minnu fuq il-qrun ta' l-artal 
dawramejt.
[Lev:16:19] “U jroxx fuqu b'sebgħu mid-demm għal seba' darbiet, u jqaddsu u 
jnaddfu mit-tinġis ta' wlied Iżrael.
[Lev:16:20] “Malli jtemm l-espjazzjoni għas-santwarju, it-tinda tal-laqgħa u 
l-artal, iressaq il-bodbod ħaj. [Lev:16:21] U jqiegħed Aron idejh it-tnejn fuq 
ras il-bodbod ħaj, u jistqarr fuqu l-ħażen kollu ta' wlied Iżrael, id-dnubiet 
kollha tagħhom, u l-ħtijiet kollha tagħhom, u jgħaddihom għal fuq ras il-bodbod, 
u jitilqu għad-deżert permezz ta' raġel magħżul apposta. [Lev:16:22] U l-bodbod 
iġorr fuqu l-ħażen kollu f'art imwarrba u r-raġel jitlaq il-bodbod fid-deżert.
[Lev:16:23] “Aron imbagħad jidħol fit-tinda tal-laqgħa u jneħħi minn fuqu 
l-ilbies ta' l-għażel li kien liebes meta daħal fis-santwarju u jħallihom hemm. 
[Lev:16:24] Jinħasel bl-ilma fil-post imqaddes u jilbes ħwejġu, mbagħad joħroġ u 
joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħu, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tal-poplu, u 
jagħmel l-espjazzjoni għalih stess u għall-poplu. [Lev:16:25] U x-xaħam 
tal-vittma tal-purifikazzjoni jaħarqu fuq l-artal. [Lev:16:26] U dak li jkun 
telaq il-bodbod għal għand Għażażel jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u mbagħad 
jidħol fil-kamp. [Lev:16:27] L-għoġol tal-purifikazzjoni u l-bodbod 
tal-purifikazzjoni, li demmhom kien meħud għall-espjazzjoni fis-santwarju, 
jeħduhom 'il barra mill-kamp u hemm jaħarqu bin-nar il-ġlud, il-laħam u l-ħmieġ 
tagħhom; [Lev:16:28] u min jaħraqhom jaħsel ħwejġu, u jinħasel kollu bl-ilma, u 
mbagħad jidħol fil-kamp.
[Lev:16:29] “Din tkun liġi għalikom għal dejjem: fis-seba' xahar, fl-għaxra 
tax-xahar, tgħakksu ruħkom u ma tagħmlu ebda xogħol, la n-nies tal-pajjiż u 
lanqas il-barranin li jkunu jgħammru f'nofskom. [Lev:16:30] Għax f'dan il-jum 
issir l-espjazzjoni biex titnaddfu minn kull ħtija quddiem il-Mulej.
[Lev:16:31] “Ikun mistrieħ kbir għalikom u tgħakksu ruħkom: liġi għal dejjem.
[Lev:16:32] “L-espjazzjoni jagħmilha l-qassis, li jkun midluk u kkonsagrat biex 
iservi ta' qassis wara missieru; jilbes l-ilbies ta' l-għażel, l-ilbies 
ikkonsagrat, [Lev:16:33] u jagħmel l-espjazzjoni għas-santwarju, u t-tinda 
tal-laqgħa, u l-artal, u jagħmilha wkoll għall-qassisin u għall-poplu 
tal-ġemgħa.
[Lev:16:34] “Din tkun liġi għal dejjem għalikom, biex issir l-espjazzjoni għal 
ulied Iżrael u jitnaddfu minn dnubiethom darba fis-sena.”
U Mosѐ għamel skond ma kien ordnalu l-Mulej. 
17. Il-liġi tal-qdusija
[Lev:17:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:17:2] “Kellem lil Aron, u 'l 
uliedu, u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Dan hu li jordnalkom il-Mulej: 
[Lev:17:3] Kull raġel minn dar Iżrael li joqtol gendus, nagħġa, jew mogħża, 
ġewwa jew barra l-kamp, [Lev:17:4] u ma jġibhiex f'bieb it-tinda tal-laqgħa 
b'offerta lill-Mulej quddiem l-għamara tal-Mulej, ikun ħati tad-demm, għax ikun 
xerred id-demm. Dan ir-raġel ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu. [Lev:17:5] Għalhekk 
ulied Iżrael għandhom iġibu l-vittmi tagħhom, li soltu joqtlu fir-raba', u 
jeħduhom lill-Mulej quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa għand il-qassis, u 
joqtluhom u joffruhom b'sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej. [Lev:17:6] U jxerred 
il-qassis id-demm fuq l-artal tal-Mulej, biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u 
jaħraq ix-xaħam b'riħa tfuħ lill- Mulej. [Lev:17:7] U ma joqtlux aktar il-vittmi 
u joffruhom lis-satiri, li marru u żnew magħhom. Din tkun liġi għal dejjem 
għalihom u għal nisilhom.
[Lev:17:8] “Għidilhom ukoll: Kull bniedem mid-dar ta' Iżrael u mill-barranin, li 
jkunu joqogħdu f'nofskom, li jkun se joffri sagrifiċċju tal-ħruq jew xi 
sagrifiċċju ieħor, [Lev:17:9] u ma jġibux quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa 
biex joffrih lill-Mulej, dan il-bniedem ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu.
[Lev:17:10] “Kull bniedem mid-dar ta' Iżrael, jew mill-barranin, li jkunu 
joqogħdu f'nofskom, li jieklu kull xorta ta' demm, jien indawwar wiċċi kontra 
tiegħu għax ikun kiel id-demm, u naqtgħu minn nofs il-poplu tiegħu. [Lev:17:11] 
Għax ħajjet il-laħam hi fid-demm, u jien tajthulkom għal fuq l-artal biex 
tagħmlu bih l-espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-demm, li hu l-ħajja, ssir 
l-espjazzjoni. [Lev:17:12] Għalhekk għedt lil ulied Iżrael: 'Ħadd minn fostkom 
ma għandu jiekol id-demm; u anqas il-barrani li jkun jgħammar f'nofskom ma 
għandu jieklu d-demm.'
[Lev:17:13] “Kull wieħed minn ulied Iżrael u kull barrani li jgħammar f'nofskom, 
li jmur għall-kaċċa u jaqbad xi bhima selvaġġa jew tajra li tista' tittiekel, 
għandu jxerred demmha u jgħattih bit-trab; [Lev:17:14] għaliex il-ħajja 
tal-laħam hi fid-demm li hemm fih; għalhekk għedt lil ulied Iżrael: 'La tiklux 
id-demm ta' ebda laħam; għax il-ħajja ta' kull laħam hi f'demmu u min jiekol 
minnu jinqata' 'l barra.'
[Lev:17:15] “Kull bniedem, sew tal-post sew barrani, li jiekol minn bhima mejta 
jew żbranata, għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel bl-ilma, u jibqa' mniġġes sa 
filgħaxija; u mbagħad ikun nadif. [Lev:17:16] U jekk ma jaħsilx ħwejġu, u ma 
jinħasilx, ikun ħati ta' ħżunitu.” 
18. Relazzjonijiet sesswali pprojbiti
[Lev:18:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:18:2] “Kellem lil ulied Iżrael 
u għidilhom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. [Lev:18:3] La tagħmlux bħalma jagħmlu 
fl-art ta' l-Eġittu fejn kontu tgħammru, u tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art ta' 
Kangħan li se nġibkom fiha; timxux skond il-liġijiet tagħhom. [Lev:18:4] Agħmlu 
skond id-digrieti tiegħi, u ħarsu l-liġijiet tiegħi, u imxu fuqhom. Jiena 
l-Mulej Alla tagħkom. [Lev:18:5] Ħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi; 
il-bniedem li jagħmilhom ikollu l-ħajja bihom. Jiena hu l-Mulej.
[Lev:18:6] “Ħadd ma għandu jersaq lejn ebda qariba tiegħu biex jikxef l-għera 
tagħha. Jien hu l-Mulej.
[Lev:18:7] “La tikxifx l-għera ta' missierek, jew l-għera ta' ommok, għax dik hi 
ommok; la tikxfilhiex għeritha.
[Lev:18:8] “La tikxifx l-għera ta' mart missierek, għax dik hi l-għera ta' 
missierek.
[Lev:18:9] “La tikxifx l-għera ta' oħtok, bint missierek, jew bint ommok, 
mwielda d-dar jew barra.
[Lev:18:10] “ La tikxifx l-għera ta' bint ibnek, jew bint bintek, għax hi 
l-għera tiegħek.
[Lev:18:11] “La tikxifx l-għera ta' bint il-mara ta' missierek, mwielda minn 
missierek, għax hi oħtok; tikxfilhiex għeritha.
[Lev:18:12] “La tikxifx l-għera ta' oħt missierek, għax hi qariba ta' missierek.
[Lev:18:13] “La tikxifx l-għera ta' oħt ommok, għax hi qariba ta' ommok.
[Lev:18:14] “La tikxifx l-għera ta' ħu missierek, jiġifieri la tersaqx lejn 
martu, għax hi z-zija tiegħek.
[Lev:18:15] “Tikxifx l-għera ta' mart ibnek, għax hi mart ibnek; tikxifx 
għeritha.
[Lev:18:16] “La tikxifx l-għera ta' mart ħuk, għax hi l-għera ta' ħuk.
[Lev:18:17] “La tikxifx l-għera ta' mara u ta' bintha; anqas ma għandek tieħu 
bint binha, jew bint bintha, għax tikxef l-għera tagħha; għax huma qraba u tkun 
ħaġa faħxija.
[Lev:18:18] “Tiħux b'mara 'l oħt martek b'rivali tagħha, u tikxef l-għera 
tagħha, meta l-oħra tkun għadha ħajja. 
[Lev:18:19] “La tersaqx lejn mara mniġġsa fi żmienha, biex tikxef l-għera 
tagħha.
[Lev:18:20] “La timteddx mal-mara ta' għajrek, u hekk titkasbar magħha.
[Lev:18:21] “La tħalli 'l ħadd minn nislek jgħadduh min-nar f'ġieħ Molek, u hekk 
ma żżeblaħx l-isem ta' Alla tiegħek. Jiena l-Mulej.
[Lev:18:22] “La timteddx ma' raġel, bħalma timtedd ma' mara; għax hi ħaġa 
moqżieża.
[Lev:18:23] “La timtedd ma' ebda bhima biex titkasbar magħha; u lanqas mara ma 
għandha tersaq quddiem bhima biex titħallat magħha, għax hi ħaġa faħxija.
[Lev:18:24] “La titkasbru b'ebda ħaġa minn dawn, għax b'dawn il-ħwejjeġ tkasbru 
l-ġnus li jien se nkeċċihom minn quddiemkom. [Lev:18:25] Tkasbret l-art, u jien 
ikkastigajtha minħabba ħżunitha, u beżqet 'il barra lil min kien jgħammar fiha.
[Lev:18:26] “Imma intom għandkom tħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi, u ma 
tagħmlu xejn minn dawn il-qżiżijiet kollha, sew min hu tal-post sew il-barranin 
f'nofskom. [Lev:18:27] Għaliex dawn il-qżiżijiet kollha għamluhom in-nies ta' 
l-art, li kien hemm qabilkom, u b'hekk tkasbret l-art. [Lev:18:28] Hekk l-art ma 
tobżoqkomx talli tkunu kasbartuha, bħalma beżqet il-ġens ta' qabilkom. 
[Lev:18:29] Kull min jagħmel minn dawn il-qżiżijiet kollha jkun maqtugħ 
mill-poplu tiegħu.
[Lev:18:30] “Ħarsu mela l-preskrizzjonijiet tiegħi biex ma teħdux id-drawwiet 
moqżieża li kellhom in-nies ta' qabilkom u titħammġu bihom.
“ Jien l-Mulej Alla tagħkom.” 
19. Preskrizzjonijiet reliġjużi u morali
[Lev:19:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:
[Lev:19:2] “Għid lill-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, 
għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:3] “ Kull wieħed għandu jweġġaħ lil ommu u 'l missieru u jħares 
is-Sibtijiet tiegħi: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:4] “La ddurux lejn l-allat foloz, u tagħmlux allat tal-metall imdewweb: 
Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:5] “Meta toffru s-sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, qisu li toffruh 
b'mod li tkunu milqugħin tajjeb. [Lev:19:6] Il-vittma tikluha dak in-nhar li 
tissagrifikawha, jew l-għada; u l-fdal minnha taħarquh bin-nar fit-tielet jum. 
[Lev:19:7] Jekk tikluha fit-tielet jum, tkun ħżienet u ma tingħoġobx. [Lev:19:8] 
Min jiekol jitgħabba bil-piż ta' dnubu, għax ikun ipprofana ħaġa mqaddsa 
tal-Mulej, u jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu.
[Lev:19:9] “Meta taħsdu l-ħsad ta' artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf 
l-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa' mill-ħsad tiegħek.
[Lev:19:10] “Ma għandekx taqta' l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx 
li jaqa' fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:11] “La tisirqux, la tgħidux kliem b'ieħor, la tqarrqux b'xulxin.
[Lev:19:12] “La taħilfux b'ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem 
Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.
[Lev:19:13] “La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri 
ma jibqax għandek sa filgħodu.
[Lev:19:14] “La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l- għama; imma 
tibża' minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej.
[Lev:19:15] “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; 
lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek 
fis-sewwa. 
[Lev:19:16] “Tmurx ixxerred qlajja' fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: 
Jiena l-Mulej.
[Lev:19:17] “La tbejjitx lil ħuk f'qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa' 
wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.
[Lev:19:18] “La titħallasx b'idejk, u la żżommx f'qalbek għal ulied niesek, imma 
ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej.
[Lev:19:19] “Ħares il-liġijiet tiegħi. Il-bhejjem tiegħek iżżewwiġhomx ma' 
bhejjem ta' ġens ieħor; l-għalqa tiegħek tiżragħhiex b'żerriegħa mħallta; u 
tilbisx ilbies b'ħajt imħallat.
[Lev:19:20] “Jekk raġel jimtedd ma' mara lsira, mgħarrsa ma' raġel ieħor, bla ma 
tkun mifdija jew meħlusa, ikkastigahom; iżda tagħtihomx il-mewt, billi l-mara ma 
tkunx ħielsa. [Lev:19:21] Ir-raġel joffri sagrifiċċju lill-Mulej b'riparazzjoni 
quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; iġib muntun b'riparazzjoni. [Lev:19:22] U 
l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bil-muntun tar-riparazzjoni quddiem il-Mulej 
għad-dnub li jkun għamel dak li jkun, u hekk jinħafirlu dnubu.
[Lev:19:23] “Meta tkunu dħaltu fl-art u ħawwiltu siġar ta' kull xorta ta' ikel, 
il-frott tagħhom ipprojbit għalikom, bħallikieku mhux maħtun, u jibqa' pprojbit 
għalikom għal tliet snin, u ma tistgħux tieklu minnu. [Lev:19:24] Fir-raba' 
sena, il-frott kollu jkun imqaddes, b'offerta f'ġieħ il-Mulej. [Lev:19:25] 
Fil-ħames sena tieklu l-frott, u hekk tiżdidilkom il-ġabra: Jiena l-Mulej Alla 
tagħkom.
[Lev:19:26] “La tiklux laħam bid-demm. La tagħmlux taħbir jew sħarijiet. 
[Lev:19:27] La taqtgħux xagħarkom dawra tond, u anqas taqtgħu truf leħjitkom.
[Lev:19:28] “Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet, u anqas tpinġu tpinġija fuqkom: 
Jiena l-Mulej.
[Lev:19:29] “La tkasbarx lil bintek billi twaqqagħha fiż-żína, u hekk ma tiżnix 
artek u timtela bil-faħx.
[Lev:19:30] “Ħares is-Sibtijiet tiegħi, u agħti ġieħ lis-santwarju tiegħi: Jiena 
l-Mulej.
[Lev:19:31] “La tmurx għand is-saħħara li jsejjħu l-erwieħ u la tfittxux lil min 
jeħber; la tiċċappsux bihom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:32] “Qum quddiem ix-xiħ, b'xagħru abjad, u agħtih qima u ibża' minn Alla 
tiegħek: Jiena l-Mulej.
[Lev:19:33] “Jekk jiġi jgħammar miegħek f'artek il-barrani, la taħqrux. 
[Lev:19:34] Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta' ġewwa; ħobbu bħalek 
innifsek, għax barranin kontu fl-art ta' l-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:19:35] “La tqarraqx fil-ħaqq, fil-qjies, fl-użin u fil-kejl. [Lev:19:36] 
Ikollkom miżien sewwa, piż sewwa, efa sewwa u ħinn sewwa.
[Lev:19:37] “Jiena l-Mulej Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art ta’ l-Eġittu. Ħarsu 
l-liġijiet kollha u d-digrieti kollha tiegħi u qisu li tagħmluhom: Jiena 
l-Mulej.”
20. Pieni u kastigi
[Lev:20:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:20:2] “Għid lil ulied Iżrael: 
Jekk xi ħadd minn ulied Iżrael, jew mill-barranin li jgħammru f'Iżrael, jagħti 
'l xi ħadd minn nislu lil Molek, jagħtuh il-mewt billi jħaġġru l-poplu. 
[Lev:20:3] U jien indur għalih, u neqirdu minn fost il-poplu tiegħu, għax ikun 
ta lil nislu lil Molek, u niġġes is-santwarju tiegħi u pprofana l-isem qaddis 
tiegħi. [Lev:20:4] U jekk il-poplu jagħlaq għajnejh għal dan il-bniedem, li jkun 
ta 'l nislu lil Molek, u ma jagħtuhx il-mewt, [Lev:20:5] nixħet jien għajnejja 
fuqu, u fuq niesu, u neqred lilu u lil kull min fost il-poplu mar warajh biex 
jiżni wara Molek.
[Lev:20:6] “Min imur għand is-saħħara li jsejjħu l-erwieħ u għand min jeħber, 
biex jiżni warajhom, ndur għalih u neqirdu minn fost il-poplu.
[Lev:20:7] “Tqaddsu, u kunu qaddisin, għax jien il-Mulej Alla tagħkom. 
[Lev:20:8] Ħarsu l-liġijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej, li jqaddiskom.
[Lev:20:9] “Il-bniedem li jidgħi lil missieru u 'l ommu jagħtuh il-mewt; ikun 
ġieb il-mewt b'idejh għax ikun dagħa lil missieru u lil ommu.
[Lev:20:10] “Il-bniedem li jiżni ma' mart għajru jagħtuhom il-mewt, liż-żieni u 
liż-żienja.
[Lev:20:11] “Ir-raġel li jimtedd ma' mart missieru, ikun kixef l-għera ta' 
missieru; joqtluhom it-tnejn; demmhom fuqhom.
[Lev:20:12] “Ir-raġel li jkun imtedd ma' mart ibnu, jagħtuhom il-mewt it-tnejn, 
għax ikunu għamlu ħaġa faħxija; demmhom fuqhom.
[Lev:20:13] “Meta raġel jimtedd ma' raġel bħalma jimtedd ma' mara, it-tnejn 
ikunu għamlu ħaġa moqżieża: jagħtuhom il-mewt; demmhom fuqhom.
[Lev:20:14] “Wieħed li jkun iżżewweġ lil mara u 'l ommha jkunu għamlu ħaġa 
moqżieża: jaħarqu lilu u lilhom, u hekk ma jkunx hemm f'nofskom dan il-qżież.
[Lev:20:15] “Wieħed li jimtedd ma' bhima jagħtuh il-mewt, u l-bhima toqtluha.
[Lev:20:16] ̋ “Mara li tersaq lejn xi bhima biex titħallat magħha, għandek 
toqtol lilha u l-bhima; għandhom imutu; demmhom fuqhom.
[Lev:20:17] “Li wieħed jiżżewweġ lil oħtu, bint missieru jew bint ommu, u hu 
jara l-għera tagħha u hi tara l-għera tiegħu, tkun ħaġa ta' għajb; jinqatgħu 
t-tnejn minn fost il-poplu, għax ikun kixef l-għera ta' oħtu, u jitgħabba 
bil-piż ta' dnubu.
[Lev:20:18] “Jekk wieħed jimtedd ma' mara fi żmienha, u jikxef l-għera tagħha, 
hu jkun kixef l-inxija tagħha, u hi kixfitlu l-inxija ta' demmha; it-tnejn 
għandhom jinqatgħu minn fost il-poplu.
[Lev:20:19] “La tikxifx l-għera ta' oħt ommok jew oħt missierek, għax tkun kxift 
l-għera ta' qrabatek; u jkollhom jitgħabbew bil-piż ta' dnubhom.
[Lev:20:20] “Raġel li jimtedd mal-mara ta' ħu missieru, ikun kixef l-għera ta' 
ħu missieru; it-tnejn jitgħabbew bil-piż ta' dnubhom, u jmutu bla wlied.
[Lev:20:21] “Min jiżżewweġ lill-mara ta' ħuh ikun għamel ħaġa moqżieża, għax 
ikun kixef l-għera ta' ħuh, u jibqa' bla wlied.”
Eżortazzjoni għall-qdusija
[Lev:20:22] “Ħarsu l-liġijiet tiegħi kollha u d-digrieti tiegħi kollha, u 
agħmluhom, li ma tobżoqkomx 'il barra l-art li fiha jien se neħodkom biex 
tgħammru fiha. [Lev:20:23] La timxux skond il-liġijiet tal-ġnus li jien se 
nkeċċi minn quddiemkom, għax dan kollu għamluh u jien stkerraħthom. [Lev:20:24] 
Imma lilkom ngħidilkom: Intom tirtu l-art tagħhom u jien nagħtihielkom biex 
tirtuha, art tnixxi ħalib u għasel; jiena l-Mulej Alla tagħkom, li għażiltkom 
minn fost il-ġnus. [Lev:20:25] U intom għandkom tagħżlu bejn il-bhejjem safja u 
l-bhejjem imniġġsa, u bejn it-tajr safi u t-tajr imniġġes. La titniġġsux bl-ebda 
bhima jew tajra jew kull ħliqa li titkaxkar fl-art, li jien għażiltilkom bħala 
mniġġsin. [Lev:20:26] U tkunu għalija qaddisin, għax qaddis jien il-Mulej, u 
għażiltkom minn fost il-popli biex tkunu tiegħi.
[Lev:20:27] “Jekk xi ħadd minn fostkom, raġel jew mara, isejjaħ l-erwieħ jew 
jeħber, għandhom jagħtuhom il-mewt billi jħaġġruhom; demmhom fuqhom.”
21. Il-qdusija tal-qassisin
[Lev:21:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lill-qassisin, ulied Aron, 
u għidilhom: Ħadd minn niesu ma għandu jitniġġes għall-mejjet, [Lev:21:2] ħlief 
għal min jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, 
għal bintu, għal ħuh. [Lev:21:3] Jista' jitniġġes ukoll għal oħtu, qariba 
tiegħu, li tkun għadha xebba, u mhux miżżewwġa. [Lev:21:4] Ir-raġel miżżewweġ ma 
għandux jitniġġes u jipprofana ruħu, minħabba nies il-mara. [Lev:21:5] Ma 
għandhomx iqaxxru rashom dawra tond, u ma jaqtgħux truf leħjithom, u ma 
jqattgħux ġisimhom. [Lev:21:6] Għandhom ikunu qaddisin lil Alla tagħhom, u ma 
jipprofanawx isem Alla tagħhom, għax huma joffru s-sagrifiċċji maħruqa, ikel lil 
Alla tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu qaddisin. [Lev:21:7] Ma jeħdux b'marthom 
mara żienja, jew mara li tilfet xbubitha, jew inkella waħda mkeċċija minn 
żewġha, għaliex hu qaddis lil Alla tiegħu; [Lev:21:8] u ta' qaddis għandek 
iżżommu, għax hu joffri l-ikel ta' Alla tiegħek. Qaddis ikun għalik, għax qaddis 
jien il-Mulej, li nqaddiskom. [Lev:21:9] U bint qassis li titkasbar biż-żína u 
bil-prostituzzjoni, tkun qiegħda tipprofana lil missierha, u għandhom jaħarquha 
bin-nar.
[Lev:21:10] “Il-qassis il-kbir fost ħutu, dak li kien imsawwab iż-żejt 
tal-konsagrazzjoni fuq rasu, u mogħtija lilu s-setgħa li jilbes l-ilbies sagru, 
ma għandux iħabbel xagħar rasu, u anqas iċarrat ilbiesu.
[Lev:21:11] “Ma għandu jersaq lejn ebda mejjet, u ma għandux jitniġġes, lanqas 
għal missieru jew ommu. [Lev:21:12] Ma għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas 
jipprofana s-santwarju ta' Alla tiegħu, għaliex għandu fuqu ż-żejt 
tal-konsagrazzjoni ta' Alla tiegħu: Jiena l-Mulej.
[Lev:21:13] “Għandu jiżżewweġ xebba. [Lev:21:14] Ma għandux jieħu armla, jew 
mara mkeċċija minn żewġha, jew waħda mkasbra biż-żína; imma għandu jieħu xebba 
minn niesu. [Lev:21:15] U ma jipprofanax lil nislu fost niesu: Jiena l-Mulej li 
nqaddsu.” 
Il-qassis għandu jkun bla tebgħa
[Lev:21:16] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:21:17] “Kellem lil Aron u 
għidlu: Ħadd minn nislek fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, li jkollu xi 
difett, ma għandu jersaq biex joffri l-ikel lil Alla. [Lev:21:18] Ħadd li jkollu 
xi difett: agħma, zopp, wiċċu sfigurat, għaġeb, [Lev:21:19] riġlu jew idu 
miksura, [Lev:21:20] ħotbi, qerqni, bil-bjada f'għajnejh, b'mard tal-ġilda, 
bil-ħakk, b'testikoli mgħaffġa. [Lev:21:21] Ħadd minn nisel Aron il-qassis, li 
jkollu xi difett bħal dan, ma għandu jersaq joffri s-sagrifiċċji maħruqa 
lill-Mulej. Min għandu xi difett ma għandux joffri l-ikel ta' Alla tiegħu. 
[Lev:21:22] Iżda jista' jiekol l-ikel ta' Alla tiegħu, ħwejjeġ qaddisa u 
mill-aktar imqaddsa. [Lev:21:23] Imma ma jidħolx 'il ġewwa mill-velu, u lanqas 
ma għandu jersaq lejn l-artal, għax għandu difett u ma għandux jipprofana 
s-santwarju tiegħi. Jiena l-Mulej li nqaddishom.” [Lev:21:24] Dan qal Mosè lil 
Aron u lil uliedu, u lil ulied Iżrael kollha. 
22. Min jgħix mill-artal
[Lev:22:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu [Lev:22:2] “Għid lil Aron u lil 
uliedu, li jżommu 'l bogħod mill-ħwejjeġ imqaddsa li wlied Iżrael jikkonsagraw 
lili, u ma jipprofanawx l-isem qaddis tiegħi: Jiena l-Mulej. [Lev:22:3] 
Għidilhom: Jekk xi ħadd minn uliedkom jersaq lejn il-ħwejjeġ qaddisa li 
jikkonsagraw ulied Iżrael lill-Mulej, meta jkun imniġġes, dan il-bniedem 
jitwarrab minn quddiemi: Jiena l-Mulej.
[Lev:22:4] “Ħadd minn nisel Aron li jkollu l-ġdiem jew xi nxija ma għandu jiekol 
mill-offerti mqaddsa sakemm ma jitnaddafx; lanqas min ikun mess xi ħaġa mniġġsa 
b'ġisem mejjet, jew li kellu tixrid iż-żerriegħa, [Lev:22:5] jew ikun mess xi 
ħanex li jniġġsu, jew xi bniedem li jista' jitniġġes minnu, tkun xi tkun 
l-inġiesa. [Lev:22:6] Min imiss xi ħaġa minn dawn jibqa' mniġġes sa filgħaxija, 
u ma jistax jiekol mill-offerti mqaddsa, jekk ma jinħasilx. [Lev:22:7] Meta tkun 
niżlet ix-xemx u jkun tnaddaf, mbagħad jiekol mill-offerti mqaddsa, għax huma 
iklu. [Lev:22:8] Bhejjem mejta jew żbranati ma jikolx, inkella jitniġġes bihom: 
Jiena l-Mulej.
[Lev:22:9] “Ħa jħarsu l-preskrizzjonijiet tiegħi, u ma jitgħabbewx bi dnubhom, u 
jmutu bih għax ikunu pprofanaw l-ikel: Jiena l-Mulej li nqaddishom.
[Lev:22:10] “L-ebda bniedem profan ma għandu jiekol mill-offerti mqaddsa, u 
lanqas ma għandu jiekol minnhom min joqgħod ma' qassis jew ħaddiem mikri. 
[Lev:22:11] Jekk qassis jixtri xi bniedem bi flusu, dan jista' jiekol minnu; 
jistgħu jieklu wkoll minn ħobżu l-imweldin f'daru. [Lev:22:12] U bint il-qassis, 
li tkun miżżewwġa lil wieħed profan, ma tistax tiekol mill-offerta qaddisa. 
[Lev:22:13] U bint il-qassis, li tkun armla jew imkeċċija, u ma jkollhiex tfal, 
u tkun reġgħet lura għand missierha, bħal meta kienet xebba, tista' tiekol minn 
ikel missierha; imma l-ebda profan ma jista' jiekol minnu.
[Lev:22:14] “Min jiekol xi ħaġa mill-ikel imqaddes bi żball, għandu jroddha 
lill-qassis b'kemm tiswa u jżid mill-ħamsa waħda. [Lev:22:15] Il-qassisin ma 
għandhomx jipprofanaw l-offerti mqaddsa li wlied Iżrael jagħmlu lill-Mulej; 
[Lev:22:16] u jgħabbuhom bid-dnub, li jkollhom iħallsu għalih, talli jkunu kielu 
l-ikel imqaddes tagħhom: Jiena l-Mulej li nqaddishom.”
Is-sagrifiċċji
[Lev:22:17] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:22:18] “Kellem lil Aron, lil 
uliedu u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Meta wieħed minn dar Iżrael, jew 
xi barrani li jkunu f'nofs Iżrael, ikun irid jagħmel sagrifiċċju b'wegħda jew 
b'devozzjoni, bħalma meta joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq lill-Mulej, [Lev:22:19] 
biex jingħoġbu, għandhom joffru vittma li tkun raġel, bla difett, mill-baqar, 
min-nagħaġ, jew mill-mogħoż. [Lev:22:20] Kull ma jkun b'xi nuqqas toffruhx, għax 
ma jkunilkomx mogħġub. [Lev:22:21] Meta wieħed joffri sagrifiċċju tas-sliem 
lill-Mulej biex itemm xi wegħda jew b'devozzjoni, għandu joffri xi vittma 
mill-baqar, jew min-nagħaġ, bla difett, biex tingħoġob; ma għandu jkollha ebda 
nuqqas. [Lev:22:22] Għomja, mifluġin, mmankati, miġruha b'mard tal-ġilda jew 
bil-ħakk jew bil-ħżież, la toffruhomx lill-Mulej; la taħarqux minnhom fuq artal 
il-Mulej. [Lev:22:23] Toffrux gendus, jew ħaruf, kbir jew żgħir iżżejjed; tista' 
toffrih b'devozzjoni, iżda mhux b'wegħda, għax ma jingħoġobx. [Lev:22:24] Bhima 
b'testikoli mgħattnin jew misħuqin, maqlugħin jew maqtugħin, la toffrihiex 
lill-Mulej. F'artkom ma għandkomx tagħmlu dan. [Lev:22:25] Lanqas ma għandkom 
teħduhom mingħand il-barranin, u toffruhom b'ikel lil Alla tagħkom. Għax huma 
mmankati, u fihom l-għajb, u għalhekk intom ma tingħoġbux.”
[Lev:22:26] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:22:27] “Għoġol, ħaruf jew 
gidi, malli jitwieled, jibqa' sebat ijiem ma' ommu. Mit-tmien jum 'il quddiem 
jista' jkun milqugħ b'offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [Lev:22:28] 
La toqtolx baqra jew nagħġa, u l-ferħ tagħhom, fl-istess jum. [Lev:22:29] Meta 
toffru sagrifiċċju ta' radd il-ħajr lill-Mulej, qisu li toffruh b'mod li intom 
tingħoġbu quddiemu; [Lev:22:30] kuluh dak in-nhar stess, u tħallu xejn minnu 
għall-għada: Jiena l-Mulej.
[Lev:22:31] “Ħarsu l-ordnijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej.
[Lev:22:32] “Tipprofanawx l-isem qaddis tiegħi, u jien nitqaddes fost ulied 
Iżrael: Jiena l-Mulej li nqaddiskom, [Lev:22:33] li ħriġtkom mill-art ta' 
l-Eġittu, biex inkun Alla tagħkom: Jiena l-Mulej.” 
23. Il-festi: il-ħarsien tas-Sibt 
[Lev:23:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:2] "Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Il-festi tal-Mulej, li intom tniedu, il-laqgħat imqaddsa, 
dawn huma festi tiegħi. [Lev:23:3] Għal sitt ijiem tagħmel ix-xogħol tiegħek, u 
fis-seba' jum ikun is-Sibt tal-mistrieħ u l-laqgħa mqaddsa; ebda xogħol ma 
tagħmlu, għax hu l-mistrieħ tal-Mulej, kull fejn tkunu tgħammru. [Lev:23:4] Dawn 
huma l-festi tal-Mulej, il-laqgħat imqaddsa li għandkom tniedu fi żmienhom.
Il-festa ta' l-Għid
[Lev:23:5] “Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, fil-għaxija bejn ħajta dawl u 
oħra dlam, l-Għid tal-Mulej. [Lev:23:6] U fil-ħmistax-il jum ta' l-istess xahar 
issir il-festa tal-ħobż ażżmu lill-Mulej; għal sebat ijiem tieklu ħobż bla 
ħmira. [Lev:23:7] Fl-ewwel jum ikollkom il-laqgħa mqaddsa, u ma tagħmlu ebda 
xogħol. [Lev:23:8] Għal sebat ijiem toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, u 
fis-seba' jum issir laqgħa mqaddsa u ma tagħmlu ebda xogħol.”
[Lev:23:9] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:10] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom u taħsdu l-ħsad, 
ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. [Lev:23:11] U hu jxejjirha quddiem 
il-Mulej, biex togħġbuh; ixejjirha l-għada tas-Sibt. [Lev:23:12] Dak in-nhar li 
l-qassis ixejjer il-qatta tagħkom, intom toffru ħaruf, tas-sena, bla difett, 
b'sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, [Lev:23:13] bl-offerta tal-qmuħ miegħu ta' 
żewġ għexur ta' efa dqiq miblul fiż-żejt, biex jinħaraq b'riħa tfuħ lill-Mulej u 
tiswiba ta' libazzjoni ta' kwart ta' ħinn inbid. [Lev:23:14] Ħobż u qamħ 
inkaljat jew nej ma tiklux f'dan il-jum, qabel ma ġġibu l-offerta ta' Alla 
tagħkom. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu.”
Għid il-Ħamsin
[Lev:23:15] “Għoddu seba' gimgħat sħaħ mill-għada tas-Sibt, u minn meta tkunu 
offrejtu l-qatta u xejjirtuha quddiem il-Mulej. [Lev:23:16] Tgħoddu ħamsin jum 
sa l-għada tas-seba' Sibt; mbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej. 
[Lev:23:17] Minn kull fejn tgħammru ġġibu żewġ ħobżiet għat-tixjir, ta' żewġ 
għexur ta' efa dqiq moħmija bil-ħmira, bħala offerta tal-bikri lill-Mulej. 
[Lev:23:18] U toffru wkoll mal-ħobż sebat iħrief bla difett, tas-sena, u għoġol, 
u żewġ bdabad għal sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; u offerta tal-qmuħ u tiswiba 
magħhom; ħruq b'riħa tfuħ lill-Mulej. [Lev:23:19] Toffru wkoll bodbod 
b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u żewġt iħrief tas-sena b'sagrifiċċju 
tas-sliem. [Lev:23:20] U l-qassis ixejjirhom flimkien mal-ħobż tal-bikri u 
maż-żewġt iħrief, tixjira quddiem il-Mulej; u jkunu mqaddsin lill-Mulej, u 
jibqgħu għall-qassis. [Lev:23:21] Dak in-nhar stess issejjħu u jkollkom laqgħa 
mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. Liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha 
kull fejn tkunu.
[Lev:23:22] “Meta taħsdu l-ħsad ta' artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf 
l-għalqa, u la tlaqqatx li jaqa' mill-ħsad tiegħek; ħallih għall-fqir u 
għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”
L-ewwel tas-sena ċivili 
[Lev:23:23] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:24] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Fis-seba' xahar, fl-ewwel tax-xahar, ikollkom mistrieħ kbir, 
taħbira bit-trombi u laqgħa mqaddsa. [Lev:23:25] Ma tagħmlu ebda xogħol iebes, u 
toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.”
Jum l-Espjazzjoni
[Lev:23:26] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:27] “Fl-għaxra ta' dan 
is-seba' xahar ikun Jum l-Espjazzjoni; ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu 
ruhkom, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [Lev:23:28] Ma tagħmlu ebda 
xogħol dak in-nhar; għaliex hu jum l-espjazzjoni, meta ssir l-espjazzjoni 
għalikom quddiem il-Mulej Alla tagħkom. [Lev:23:29] Kull min ma jitgħakkisx dak 
in-nhar jinqata' 'l barra mill-poplu tiegħu. [Lev:23:30] U kull min jagħmel xi 
xogħol dak in-nhar neqirdu mill-poplu tiegħu. [Lev:23:31] La tagħmlu ebda 
xogħol. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu 
tgħammru. [Lev:23:32] Ikollkom il-mistrieħ tas-Sibt u titgħakksu; fid-disa' jum 
tax-xahar fil-għaxija, minn filgħaxija sa filgħaxija, tieħdu l-mistrieħ 
tagħkom.”
Il-festa ta' l-Għerejjex
[Lev:23:33] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:23:34] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Fil-ħmistax ta' dan is-seba' xahar, tagħmlu l-festa ta' 
l-Għerejjex għal sebat ijiem f'ġieħ il-Mulej.
[Lev:23:35] “Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. 
[Lev:23:36] Għal sebat ijiem toffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; fit-tmien 
jum ikollkom laqgħa mqaddsa; dak in-nhar toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; 
tkun laqgħa solenni, ma tagħmlu ebda xogħol dak in-nhar.
[Lev:23:37] “Dawn huma l-festi tal-Mulej li għandkom tniedu, u fihom tagħmlu 
l-laqgħat imqaddsa, u toffru lill-Mulej il-vittmi bin-nar; is-sagrifiċċji 
tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, sagrifiċċji u tiswib, kull ħaġa fil-jum tagħha, 
[Lev:23:38] barra mis-Sibtijiet tal-Mulej, u barra mill-għotjiet tagħkom, u 
l-wegħdiet tagħkom u l-offerti ta' devozzjoni, li tkunu tridu tagħtu lill-Mulej.
[Lev:23:39] “Fil-ħmistax tas-seba' xahar, meta tkunu ġbartu l-frott ta' l-art, 
tagħmlu l-festa tal-Mulej għal sebat ijiem, bil-mistrieħ tas-Sibt fl-ewwel u 
fit-tmien jum. [Lev:23:40] Fl-ewwel jum tieħdu l-frott ta' siġar sbieħ, friegħi 
tal-palm ... friegħi tas-siġar ħodor, żafżâf tax-xmara, u tifirħu quddiem 
il-Mulej Alla tagħkom għal sebat ijiem. [Lev:23:41] U tagħmlu festa f'ġieħ 
il-Mulej ta' sebat ijiem fis-sena. Din hi liġi għal dejjem 
għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. Tagħmluha fis-seba' xahar tas-sena. 
[Lev:23:42] Tgħammru fl-għerejjex għal sebat ijiem; kull min twieled f'Iżrael 
jgħammar fl-għarix, [Lev:23:43] biex ikunu jafu dawk li jiġu warajkom li wlied 
Iżrael kienu jgħammru fl-għerejjex meta jien ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu: 
Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” 
[Lev:23:44] U Mosè nieda l-festi tal-Mulej lil ulied Iżrael. 
24. L-imnara u l-ħobż tal-preżenza
[Lev:24:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:24:2] “Ordna lil ulied Iżrael 
iġibulek żejt pur taż-żebbuġ misħuq għall-imnara, biex tixgħel l-imsiebaħ 
kuljum. [Lev:24:3] Aron imbagħad iħejjih bl-ordni 'l barra mill-velu, quddiem 
ix-xhieda miktuba fit-tinda tal-laqgħa, minn filgħaxija sa filgħodu quddiem 
il-Mulej, kuljum; din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 
[Lev:24:4] Jieħu ħsieb kuljum l-imsiebaħ fuq l-imnara nadifa quddiem il-Mulej.
[Lev:24:5] “Ħu wkoll dqiq fin u aħbeż tnax-il ftira, b'żewġ għexur ta' efa dqiq 
il-waħda. [Lev:24:6] Qegħedhom f'żewġ ringieli, sitta kull waħda, fuq il-mejda 
tad-deheb fin quddiem il-Mulej. [Lev:24:7] Roxx inċens pur fuq ir-ringieli, u 
jkun fuq il-ħobż bħal tifkira, li tinħaraq f'ġieħ il-Mulej. [Lev:24:8] Kull nhar 
ta' Sibt iqegħduhom bl-ordni dejjem quddiem il-Mulej, patt għal dejjem għal 
ulied Iżrael. [Lev:24:9] Mbagħad ikunu ta' Aron u ta' wliedu, u jikluhom f'post 
imqaddes, għax hi ħaġa mill-aktar qaddisa li tmiss lilu bi dritt mill-offerti 
tal-ħruq lill-Mulej għal dejjem.”
Kastigi għall-midgħi bl-Isem tal-Mulej
[Lev:24:10] Kien hemm wieħed bin mara Iżraelija u raġel Eġizzjan; u dan ħareġ 
f'nofs ulied Iżrael. U ġġieldu fil-kamp bin il-mara Iżraelija u raġel minn 
Iżrael. [Lev:24:11] U bin l-Iżraelija dagħa bl-Isem u seħtu; mbagħad ġibuh 
quddiem Mosè. Ommu kien jisimha Selomit bint Dibri, mit-tribù ta' Dan. 
[Lev:24:12] U ħallewh fl-għassa, sakemm il-Mulej jurihom x'kellhom jagħmlu. 
[Lev:24:13] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Lev:24:14] “Oħroġ lil dak 
il-midgħi barra mill-kamp, u jqiegħdu idejhom fuq rasu dawk kollha li semgħuh 
jidgħi, u l-poplu kollu jħaġġru. [Lev:24:15] Mbagħad kellem lil ulied Iżrael u 
għidilhom: Kull min jisħet lil Alla tiegħu, jitgħabba bil-piż ta' dnubu, 
[Lev:24:16] u min jidgħi b'isem il-Mulej jagħtuh il-mewt, u tħaġġru l-ġemgħa 
kollha, sew jekk ikun barrani, sew jekk ikun mill-pajjiż; kull min jidgħi 
bl-Isem jagħtuh il-mewt.
[Lev:24:17] “Kull min jaħbat għal bniedem u joqtlu, jagħtuh il-mewt. [Lev:24:18] 
U kull min jaħbat għal bhima, iroddha, ħajja b'ħajja. [Lev:24:19] Min jagħmel xi 
ħsara lil għajru, jagħmlulu bħalma jkun għamel hu; [Lev:24:20] ksur bi ksur, 
għajn b'għajn, sinna b'sinna; il-ħsara li jkun għamel lil ħaddieħor, jagħmluha 
lilu. [Lev:24:21] Min joqtol bhima, iroddha; u min joqtol bniedem jagħtuh 
il-mewt. [Lev:24:22] Liġi waħda jkollkom sew għall-barrani u sew għan-nies 
mill-pajjiż; għax jiena l-Mulej Alla tagħkom.”
[Lev:24:23] U meta Mosè kellem lil ulied Iżrael, ħarġu lill-midgħi barra l-kamp, 
u ħaġġruh. Hekk għamlu wlied Iżrael, skond ma kien ordna l-Mulej lil Mosè. 
25. Is-sena tal-mistrieħ
[Lev:25:1] U l-Mulej kellem lil Mosè fuq il-muntanja Sinaj u qallu: [Lev:25:2] 
“Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom, 
ikollha l-art is-Sibt tagħha, il-mistrieħ tagħha f'ġieħ il-Mulej: [Lev:25:3] 
sitt snin tiżra' r-raba' tiegħek, u sitt snin tiżbor id-dwieli tiegħek, u tiġbor 
il-frott tagħhom. [Lev:25:4] Imma fis-seba' sena l-art ikollha l-mistrieħ 
tas-Sibt, mistrieħ f'ġieħ il-Mulej: la tiżrax ir-raba' tiegħek, la tiżborx 
id-dwieli tiegħek. [Lev:25:5] Dak li jinbet minn fdal il-ħsad tiegħek la 
tiġbrux, u l-għeneb tad-dwieli li ma tkunx żbart, la taqtgħux. Għax hi s-sena 
tal-mistrieħ tas-Sibt ta' l-art. [Lev:25:6] Imma dak li trodd l-art fil-mistrieħ 
tagħha, tistgħu tikluh; int, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-ħaddiem mikri 
tiegħek, il-barranin li jkunu miegħek, [Lev:25:7] il-bhejjem tad-dar u l-bhejjem 
selvaġġi. Kull ma trodd jista' jittiekel.
Is-sena tal-ġublew
[Lev:25:8] “Mbagħad tgħodd seba' ġimgħat ta' snin, seba' snin għal seba' 
darbiet, li jġibu disgħa u erbgħin sena. [Lev:25:9] U ddoqq it-tromba fl-għaxra 
tas-seba' xahar, f'jum l-espjazzjoni, u ssemmgħu t-trombi ma' artkom kollha. 
[Lev:25:10] Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min 
jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa' għal li 
kellu u għal ma' niesu. [Lev:25:11] Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena 
tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru 
l-għeneb mid-dwieli bla żbir. [Lev:25:12] Għax hu żmien il-ġublew, żmien li 
għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba' dak li trodd l-art.
[Lev:25:13] “F'din is-sena tal-ġublew kulħadd jerġa' lura għal li kellu. 
[Lev:25:14] Meta tbigħ lil għajrek, jew tixtri mingħandu, tagħfsux lil xulxin. 
[Lev:25:15] Skond l-għadd tas-snin mill-aħħar ġublew tixtri mingħand għajrek, 
skond is-snin ta' l-għadd ta' l-uċuħ tar-raba' tiegħek ibegħlek. [Lev:25:16] 
Aktar ma jkun fadal snin, aktar iżżid fil-ħlas; u inqas ma jkun fadal snin, 
inqas tħallas, għax għadd ta' wċuħ ikun qiegħed ibegħlek. [Lev:25:17] La 
tagħfsux wieħed lil ieħor, u ibżgħu minn Alla tagħkom, għax jien il-Mulej Alla 
tagħkom. [Lev:25:18] Agħmlu l-liġijiet u ħarsu d-digrieti tiegħi; agħmluhom, u 
tgħammru fl-art b'moħħkom mistrieħ. [Lev:25:19] U l-art trodd il-frott tagħha, u 
tieklu sa tixbgħu, u tgħammru fiha b'moħħkom mistrieħ. [Lev:25:20] Tistgħu 
tgħiduli: 'X'se nieklu fis-seba' sena? Għax, ara, la sa niżirgħu u anqas 
naħsdu.' [Lev:25:21] Imma jien ngħidilkom: 'Nibagħtilkom il-barka tiegħi 
fis-sitt sena, u troddilkom frott għal tliet snin.' [Lev:25:22] Mbagħad tiżirgħu 
fit-tmien sena, u tieklu mill-frott ta' qabel sad-disa' sena sakemm jilħaq 
il-frott tagħha.
[Lev:25:23] “L-art, mbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi 
tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi. [Lev:25:24] Imma fl-art 
kollha li tkun tagħkom, ħallu fuq l-art li tinbiegħ id-dritt tal-fidwa. 
[Lev:25:25] Jekk jiftaqar ħuk, u dan ibigħ xi sehem mir-raba' tiegħu, jekk 
imbagħad jiġi xi qarib tiegħu bid-dritt tal-fidwa, dan jista' jifdi dak li jkun 
biegħ ħuk. [Lev:25:26] U min ma jkollux qarib bid-dritt tal-fidwa, imma jkun 
faddal kemm tiswa l-fidwa tagħha, [Lev:25:27] jgħodd is-snin minn meta jkun 
biegħ, u jrodd il-bqija lil min ikun biegħ, u jerġa' għall-proprjetà tiegħu. 
[Lev:25:28] Imma jekk ma jkollux biżżejjed biex iroddlu, l-art mibjugħa tibqa' 
għand ix-xerrej sas-sena tal-ġublew, u meta jibda l-ġublew, il-bejjiegħ jerġa’ 
jieħu l-proprjetà tiegħu.
[Lev:25:29] “Meta xi ħadd ibigħ dar abitabbli f'belt bis-swar, jibqagħlu d-dritt 
tal-fidwa sa tmiem is-sena, minn mindu jkun biegħ; u jkollu żmien sena biex 
jifdiha. [Lev:25:30] U jekk id-dar ma tinfediex qabel ma tintemm is-sena sħiħa, 
id-dar li tkun f'belt bis-swar tibqa' għal dejjem għand ix-xerrej u għal ta' 
warajh, u ma toħroġx ħielsa fil-ġublew. [Lev:25:31] Id-djar li jkunu fl-irħula 
miftuħa bla swar madwarhom, jitqiesu bħar-raba' ta' l-art; ikollhom fuqhom 
id-dritt tal-fidwa u fil-ġublew joħorġu ħielsa.
[Lev:25:32] “Imma l-ibliet tal-Leviti, u d-djar li jkollhom fihom, jibqgħalhom 
dejjem fuqhom id-dritt tal-fidwa. [Lev:25:33] Jekk xi ħadd ikun xtara dar 
mingħand il-Leviti, id-dar li tkun inbiegħet fil-belt ta' wirthom toħroġ ħielsa 
fil-ġublew, għax il-Leviti m'għandhomx proprjetà f'nofs Iżrael ħlief id-djar ta' 
bliethom. [Lev:25:34] U anqas ma għandu jinbiegħ ir-raba' ta' madwar il-bliet 
tagħhom, għax dan hu proprjetà tagħhom għal dejjem.
[Lev:25:35] ̋ “Jekk jiftaqar ħuk u jiġi b'xejn, int għandek tgħinu, bħalma tgħin 
lill-barrani jew lill-frustier; u hu jgħix miegħek. [Lev:25:36] Teħodlux imgħax, 
u anqas żjieda fuq is-self; imma ibża' minn Alla tiegħek u jgħix ħuk miegħek. 
[Lev:25:37] Tisilfux flusek bl-imgħax, u anqas tagħtih l-ikel tiegħek bi ħlas 
żejjed: [Lev:25:38] Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' 
l-Eġittu, biex nagħtikom l-art ta' Kangħan, u nkun Alla tagħkom.
[Lev:25:39] “Jekk jiftaqar ħuk miegħek u jkollu jinbiegħ lilek, la tħaddmux 
xogħol ta' lsir. [Lev:25:40] Ikun miegħek bħal ħaddiem imħallas, jew bħal 
barrani li qiegħed miegħek, u jaħdimlek sas-sena tal-ġublew. [Lev:25:41] U 
joħroġ mingħandek, hu u wliedu miegħu, u jerġa' lura lejn niesu u l-proprjetà 
ta' missirijietu. [Lev:25:42] Għax huma l-ilsiera tiegħi, li ħriġthom mill-art 
ta' l-Eġittu, u ma għandhomx jinbiegħu bħala lsiera. [Lev:25:43] La taħkmux 
bl-aħrax, imma ibża' minn Alla.
[Lev:25:44] “L-ilsiera, rġiel jew nisa, li jkollkom, tixtruhom mingħand il-ġnus 
ta' madwarkom; [Lev:25:45] u minn fost ulied il-barranin li jkunu magħkom, u 
minn nieshom li jgħammru magħkom u twieldu f'artkom tistgħu tixtru, u jkunu 
proprjetà tagħkom. [Lev:25:46] U tistgħu tħalluhom b'wirt lil uliedkom warajkom 
biex ikunu proprjetà tagħhom għal dejjem: taħdmu bihom. Imma fuq ħutkom, ulied 
Iżrael, ma għandkomx taħkmu bl-aħrax, wieħed fuq l-ieħor.
[Lev:25:47] “Jekk jistagħna l-barrani, jew il-frustier, li jkun miegħek, u 
jiddejjen miegħu ħuk, u dan jinbiegħ lill-barrani, jew lill-frustier, li jkun 
miegħek, jew lil xi ħadd minn nisel barrani, [Lev:25:48] wara li jkun inbiegħ 
jibqagħlu d-dritt tal-fidwa; ikun jista' jifdih xi ħadd minn ħutu, [Lev:25:49] 
jew zijuh, jew kuġinuh, jew xi ħaddieħor minn niesu; jew jekk jistagħna hu 
stess, jifdi lilu nnifsu. [Lev:25:50] Jibda jgħodd is-snin, hu u x-xerrej, 
mis-sena meta nbiegħ sas-sena tal-ġublew, u l-ħlas tal-bejgħ ikun skond dawn 
is-snin; ikun il-ħlas għalih daqs il-ħlas ta' ħaddiem imħallas għall-istess 
żmien. [Lev:25:51] Jekk ikun għad fadal ħafna snin, iħallas fuqhom għall-fidwa 
tiegħu mill-flus li jkun mixtri bihom. [Lev:25:52] Jekk ikun fadal ftit snin 
sal-ġublew, jgħoddhom, u fuqhom iħallas għall-fidwa tiegħu. [Lev:25:53] Ikun 
miegħu bħal ħaddiem imħallas, sena b'sena, u m'għandux jaħkmu bl-aħrax taħt 
għajnejk. [Lev:25:54] Jekk b'danakollu ma jkunx mifdi, joħroġ ħieles fis-sena 
tal-ġublew, hu u wliedu miegħu.
[Lev:25:55] “Għaliex ulied Iżrael huma lsiera tiegħi, lsiera li jien ħriġt 
mill-art ta' l-Eġittu. Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 
26. Il-barka għal min iħares il-liġi
[Lev:26:1] “Tagħmlux allat foloz, twaqqfux xbihat jew plieri; ebda ħaġra maħduma 
ma tagħmlu f'artkom biex tadurawha: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.
[Lev:26:2] “Ħarsu s-Sibtijiet imqaddsa tiegħi u weġġgħu s-santwarju tiegħi: 
Jiena l-Mulej.
[Lev:26:3] “Jekk timxu skond il-liġijiet tiegħi u tħarsu l-kmandamenti tiegħi u 
tagħmluhom, [Lev:26:4] nagħtikom ix-xita f'waqtha u l-art trodd l-uċuħ tagħha, u 
s-siġar tar-raba' l-frott tagħhom. [Lev:26:5] Għalikom id-dris jilħaq ġbir 
l-għeneb; u ġbir l-għeneb jilħaq żmien iż-żrigħ, ħobżkom sax-xaba' tieklu u 
tgħammru b'moħħkom mistrieħ f'artkom. [Lev:26:6] Nagħtikom is-sliem fl-art, u 
torqdu bla biża' ta' ħadd; neqred il-bhejjem feroċi mill-art, u x-xabla ma 
tgħaddix minn artkom. [Lev:26:7] U tagħmlu għal wara l-għedewwa tagħkom, u 
jaqgħu quddiemkom bix-xabla. [Lev:26:8] Ħamsa minnkom iħarrbu mija, u mija 
minnkom iħarrbu għaxart elef u jaqgħu quddiemkom l-għedewwa tagħkom bix-xabla. 
[Lev:26:9] Ndur lejkom, nkattarkom u nkabbarkom, u nżomm il-patt tiegħi magħkom. 
[Lev:26:10] Tieklu mill-ħażna l-qadima, u tarmu l-qadim għax jilħaq il-ġdid. 
[Lev:26:11] U nwaqqaf l-għamara tiegħi f'nofskom, u ma nistmellkomx. [Lev:26:12] 
U nitlajja f'nofskom u nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi. 
[Lev:26:13] Jiena Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art ta' l-Eġittu, biex ma tkunux 
ilsiera tagħhom, u kissirt l-irbit tal-madmad tagħkom u mexxejtkom b'raskom 
merfugħa.
Kastigi għall-ħżiena
[Lev:26:14] “Jekk ma tisimgħux minn kliemi, u ma tagħmlux dawn l-ordnijiet 
kollha, [Lev:26:15] jekk tmaqdru l-liġijiet tiegħi, u tistmellu d-digrieti 
tiegħi, u ma tagħmlux il-kmandamenti tiegħi, u tiksru l-patt tiegħi, [Lev:26:16] 
jien nagħmel l-istess magħkom u nibagħtilkom għal għarrieda biża' kbir, mard 
irqiq, u deni li jkiddulkom għajnejkom u jifnulkom ħajjitkom. Għalxejn tiżirgħu, 
għax il-miżrugħ tagħkom jikluh l-għedewwa tagħkom. [Lev:26:17] Ndawwar wiċċi 
kontrikom, u jħarbtukom l-għedewwa tagħkom, u jaħkmukom dawk li jobogħdukom, u 
taħarbu bla ma ħadd ikun ġej warajkom.
[Lev:26:18] “Jekk b'danakollu ma tisimgħux minni, nkompli nikkastigakom għal 
seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:19] U nkisser il-qawwa u 
s-suppervja tiegħek, u nagħmel smewwietek bħall-ħadid, u artek bħall-bronż. 
[Lev:26:20] Saħħtek tisfa' fix-xejn, u artek ma troddx l-uċuħ tagħha, u s-siġar 
tar-raba' ma jagħtux il-frott tagħhom. [Lev:26:21] U jekk tkomplu teħduha 
miegħi, u ma tkunux tridu tisimgħu minni, nżid id-daqqa għal seba' darbiet aktar 
minn dnubietkom. [Lev:26:22] U nitlaq f'nofskom il-bhejjem selvaġġi, u 
jneżżgħukom minn uliedkom, u jeqirdulkom il-bhejjem tagħkom, u lilkom iġibukom 
fix-xejn, u triqatkom isiru deżert. [Lev:26:23] U jekk b'danakollu ma titrażżnux 
quddiemi, u tibqgħu żżommuli iebes, [Lev:26:24] jiena wkoll inżommilkom iebes u 
nidrobkom ukoll għal seba' darbiet aktar minn dnubietkom. [Lev:26:25] U nġib 
kontrikom ix-xabla biex titħallas tal-ksur tal-patt; tinġabru fi blietkom u 
nibagħtilkom il-pesta, u tintelqu f'idejn l-għedewwa. [Lev:26:26] Naqtgħalkom 
il-ħobż li jgħajjixkom, u għaxar nisa jaħmu ħobżkom f'kenur wieħed, u 
jrodduhulkom bl-użin, u tieklu bla ma tixbgħu.
[Lev:26:27] “U jekk ma tisimgħux lanqas b'dan, u tibqgħu żżommuli iebes, 
[Lev:26:28] jien niqfilkom bil-qilla tiegħi u nikkastigakom seba' darbiet aktar 
minn dnubietkom. [Lev:26:29] U tieklu l-laħam ta' wliedkom, il-laħam tas-subjien 
u l-bniet tagħkom.
[Lev:26:30] “Is-santwarji ta' l-għoljiet tagħkom inġarrafhom, u nħott l-artali 
ta' l-inċens tagħkom, nitfa' fuqhom l-iġsma tagħkom fuq ix-xbihat imfarrka 
tagħkom, u tistmellhom ruħi. [Lev:26:31] U nagħmel minn blietkom ħerba, u neqred 
l-imqades tagħkom, u ma nxommx ir-riħa tal-bħur tagħkom. [Lev:26:32] Nagħmel 
ħerba mill-art, u jistagħġbu biha l-għedewwa tagħkom li jgħammru fiha. 
[Lev:26:33] U lilkom inxerred fost il-ġnus, u nislet ix-xabla għal warajkom, u 
artkom issir deżert u blietkom ħerba.
[Lev:26:34] “Mbagħad tifraħ l-art bis-sibtijiet tagħha, sakemm iddum imħarbta u 
intom f'art l-għedewwa tagħkom; tistrieħ l-art u titgħaxxaq bis-sibtijiet 
tagħha. [Lev:26:35] Tistrieħ kemm iddum il-ħerba, talli ma streħitx 
f'sibtijietek meta kontu tgħammru fiha intom. [Lev:26:36] Dawk li jibqa' 
minnkom, nimlielhom qalbhom b'biża' kbir f'art l-għedewwa tagħkom, u jaħarbu 
mal-ħoss taċ-ċaqliq ta' werqa, u jaħarbu bħalma jaħarbu quddiem ix-xabla, u 
jaqgħu fuq xulxin bla ma ħadd jiġri warajhom. [Lev:26:37] Jitfixklu wieħed 
f'ieħor bħal quddiem ix-xabla bla ma ħadd jiġri warajhom, u ħadd minnkom ma 
jieqaf lill-għedewwa. [Lev:26:38] Tintilfu fost il-ġnus u tiblagħkom art 
l-għedewwa tagħkom. [Lev:26:39] U dawk li jifdal minnkom jinfnew bi ħżunithom 
f'art l-għedewwa tagħkom u minħabba dnubiet missirijiethom bħalhom jintemmu.
[Lev:26:40] “Meta jistqarru dnubiethom u dnubiet missirijiethom li għamlu 
b'għemilhom kontra tiegħi, u talli baqgħu jżommuli iebes, [Lev:26:41] hekk li 
jiena wkoll kelli nżommilhom iebes, u nġibhom f'art l-għedewwa tagħhom; u meta 
titrattab il-qalb iebsa tagħhom u jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom; 
[Lev:26:42] mbagħad jien niftakar fil-patt tiegħi ma' Gakobb, u l-patt tiegħi 
ma' Iżakk; u niftakar fil-patt tiegħi ma' Abraham, u niftakar fl-art ukoll. 
[Lev:26:43] Imma qabel ikollhom iħallu l-art, u din tifraħ bis-sibtijiet tagħha 
fil-ħerba tagħha minħabba fihom, u huma jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom, 
talli warrbu l-liġijiet u stmerrew l-ordnijiet tiegħi.
[Lev:26:44] “Madankollu lanqas meta jkunu f'art l-għedewwa tagħhom ma nitlaqhom 
jew nistmerrhom; ma nasalx biex neqridhom, u nikser il-patt tiegħi magħhom: 
Jiena l-Mulej Alla tagħhom.
[Lev:26:45] “Niftakar minħabba fihom fil-patt ma' missirijiethom, li jien kont 
ħriġt l-ewwel mill-art ta' l-Eġittu taħt għajnejn il-ġnus, biex jien inkun Alla 
tagħhom: Jiena l-Mulej.”
[Lev:26:46] Dawn huma l-kmandamenti, il-preċetti u l-liġijiet li waqqaf il-Mulej 
bejnu u bejn ulied Iżrael fuq il-muntanja tas-Sinaj permezz ta' Mosè. 
27. Il-wegħdi u l-għexur
[Lev:27:1] U kellem il-Mulej lil Mosè u qallu: [Lev:27:2] “Kellem lil ulied 
Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd jagħmel wegħda lill-Mulej b'kemm tiswa ħajja 
ta' bniedem, [Lev:27:3] iqis ħamsin xekel tal-fidda skond ix-xekel tas-santwarju 
għal raġel bejn l-għoxrin u s-sittin sena; [Lev:27:4] u għal mara, tletin xekel; 
[Lev:27:5] u għal raġel bejn il-ħames snin u l-għoxrin, għoxrin xekel; u għal 
mara, għaxar xwiekel; [Lev:27:6] għal raġel minn xahar sa ħames snin, ħames 
xwiekel, u mara, tliet xwiekel tal-fidda; [Lev:27:7] u għal raġel ta' sittin 
sena u fuqhom, ħmistax-il xekel, u għal mara, għaxar xwiekel. [Lev:27:8] Jekk 
ikun fqir, u ma jiflaħx iħallas, jippreżenta ruħu quddiem il-qassis, u jara 
l-qassis kemm ikun jiswa; u l-qassis jistmah skond ma jkun jiflaħ min jagħmel 
il-wegħda. 
[Lev:27:9] “Jekk tkun bhima li tista' tingħata lill-Mulej b'sagrifiċċju, kull ma 
jingħata minnha lill-Mulej ikun ikkonsagrat. [Lev:27:10] Ma tistax tingħata ħaġa 
b'oħra, lanqas tinbidel ħaġa tajba f'waħda ħażina, u lanqas ħażina f'waħda 
tajba; jekk wieħed jibdilha, bhima b'bhima, il-waħda u l-oħra jkunu kkonsagrati. 
[Lev:27:11] Jekk tkun bhima mniġġsa li ma tistax tingħata b'offerta lill-Mulej, 
jippreżentaw il-bhima quddiem il-qassis. [Lev:27:12] U hu, tajba jew ħażina, 
jistmaha; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. [Lev:27:13] U jekk 
wieħed ikun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda ma' kemm tkun tiswa.
[Lev:27:14] “Meta wieħed jikkonsagra daru u jqaddisha lill-Mulej, jistmaha 
l-qassis, tajba jew ħażina; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. 
[Lev:27:15] U jekk min jikkonsagraha jkun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda 
mal-flus li tkun tiswa, u tkun tiegħu.
[Lev:27:16] “Jekk wieħed jikkonsagra xi ħaġa mill-wirt tar-raba' tiegħu 
lill-Mulej, inti tistmaha skond kemm tieħu żerriegħa, ħamsin xekel tal-fidda 
għal kull ħomer żerriegħa tax-xgħir. [Lev:27:17] Jekk jikkonsagra l-għalqa 
tiegħu mis-sena tal-ġublew, il-ħlas jibqa' sħiħ kif ikun. [Lev:27:18] Imma jekk 
jikkonsagraha wara s-sena tal-ġublew, il-qassis jgħoddlu l-flus skond is-snin li 
jkun baqa' għas-sena tal-ġublew; u dan jitnaqqas mill-prezz li tkun tiswa. 
[Lev:27:19] U jekk ikun irid jifdi l-għalqa li jkun ikkonsagra, iżid mill-ħamsa 
waħda ma' kemm tkun stmajtha, u tkun tiegħu. [Lev:27:20] U jekk ma jifdix 
l-għalqa u jbigħha lil ħaddieħor, ma tkunx tista' tinfeda aktar. [Lev:27:21] U 
meta toħroġ l-għalqa ħielsa fis-sena tal-ġublew, din tkun ikkonsagrata 
lill-Mulej, bħall-art li tkun imwarrba u kkonsagrata lill-Mulej, u ssir propjetà 
tal-qassis.
[Lev:27:22] “Jekk xi ħadd jikkonsagra lill-Mulej art li jkun xtara, u mhux 
mir-raba' li jkun wiret, [Lev:27:23] il-qassis jistmaha kemm tiswa sas-sena 
tal-ġublew, u jagħti kemm tkun tiswa dakinhar, u tkun ikkonsagrata lill-Mulej. 
[Lev:27:24] Fis-sena tal-ġublew l-għalqa terġa’ lura għand min ikun xtraha 
mingħandu, jiġifieri għand sid l-art. [Lev:27:25] Kull stima ssir skond ix-xekel 
tas-santwarju, għoxrin gera x-xekel.
[Lev:27:26] “Ħadd ma jista' jikkonsagra lill-Mulej l-ewwel ferħ tal-bhejjem, 
għax dan hu l-bikri tal-Mulej, sew jekk ikun tal-baqar, sew tan-nagħaġ, għax dan 
hu digà tal-Mulej. [Lev:27:27] Jekk tkun bhima mniġġsa jifdiha b'kemm tkun tiswa 
u jżid mill-ħamsa waħda ma' prezzha; u jekk ma jifdihiex tinbiegħ b'kemm 
tistmaha. [Lev:27:28] Ebda ħaġa li wieħed ikun warrab minn kull ma jkollu - 
bniedem, bhima, raba' li jkun wiret - ma tista' tinbiegħ jew tinfeda; kull ħaġa 
mwarrba tkun mill-aktar sagra lill-Mulej. [Lev:27:29] L-ebda bniedem imwarrab ma 
jista' jinfeda, iżda għandhom jagħtuh il-mewt.
[Lev:27:30] “L-għexur kollha ta' l-uċuħ ta' l-art, mill-qmuħ tar-raba' u 
mill-frott tas-siġar, huma tal-Mulej u kkonsagrati lill-Mulej. [Lev:27:31] U 
jekk wieħed ikun irid jifdi xi ħaġa minnhom, iżid mill-ħamsa waħda magħhom. 
[Lev:27:32] L-għexur tal-baqar u ta' l-imrieħel huma dawn: l-għaxar ferħ minn 
kull għaxra, li jgħaddu minn taħt il-ħatar, ikun ikkonsagrat lill-Mulej. 
[Lev:27:33] Ma joqgħodx jara jekk ikunx tajjeb jew ħażin; u ma jibdlux; u jekk 
jibdlu, it-tnejn, sew il-wieħed u sew l-ieħor, ikunu kkonsagrati lill-Mulej, u 
ma jistgħux jinfdew.”
[Lev:27:34] Dawn huma l-ordnijiet li ordna l-Mulej lil Mosè għal ulied Iżrael 
fuq il-muntanja tas-Sinaj.