IL-KTIEB TA’ KOĦČLET
1. Kollox frugħa
[Koħ:1:1] Kliem Koħčlet bin David, sultan f'Ġerusalemm.
[Koħ:1:2] O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħčlet.
O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!
[Koħ:1:3] Xi qligħ għandu l-bniedem mit-taħbit tiegħu kollu, li jġarrab taħt ix-xemx?
Xejn ġdid
[Koħ:1:4] Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi, imma l-art tibqa' għal dejjem.
[Koħ:1:5] Ix-xemx titla', ix-xemx tinżel, u tgħaġġel lejn mnejn titla'.
[Koħ:1:6] Jonfoħ ir-riħ lejn in-nofsinhar, u lejn it-tramuntana jdur, u jerġa'
lura lejn it-tidwir tiegħu.
[Koħ:1:7] Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar
bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, 'l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru.
[Koħ:1:8] Kollox fih it-taħbit tiegħu, u dan il-bniedem ma jasalx li jfissru;
l-għajn ma tixbax tara, u ma timtela qatt bis-smigħ il-widna.
[Koħ:1:9] Dak li ġa sar hu dak li għad isir, li ġara huwa dak li għad jiġri;
xejn ġdid m'hemm taħt ix-xemx.
[Koħ:1:10] Hemm xi ħaġa li fuqha tista' tgħid: "Ara din ħaġa ġdida?" Le, din
diġŕ kienet fiż-żminijiet qabilna.
[Koħ:1:11] La dak li sar qabilna ma niftakru, lanqas jiftakru dak li jsir
warajna.
Il-frugħa ta' l-għerf
[Koħ:1:12] Jien Koħčlet, kont Ġerusalemm, nsaltan fuq Iżrael.
[Koħ:1:13] U tajt ruħi biex infittex u nistħarreġ bl-għerf dak kollu li jsir
taħt is-sema. Biċċa xogħol iebsa din li Alla ta 'l ulied il-bniedem biex jedhew
fiha.
[Koħ:1:14] Rajt l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara x'sibt: kollox
frugħa u ġiri wara r-riħ.
[Koħ:1:15] L-imgħawweġ ma tistax tiddrittah, u n-nieqes ma tistax issib tarfu.
[Koħ:1:16] Għedt bejni u bejn ruħi: "Ara, jien kbirt u geddist l-għerf, għaddejt
lil ta' qabli kollha f'Ġerusalemm; sirt midħla sewwa ta' l-għerf u x-xjenza."
[Koħ:1:17] Xħin imbagħad inxħett nistħarreġ l-għerf u x-xjenza, il-bluha u n-nuqqas
ta' moħħ, għaraft li dan ukoll hu ġiri wara r-riħ. [Koħ:1:18] Għax il-kotra ta'
l-għerf iġġib ħafna tħassib, u aktar ma taf aktar għandek biex titnikket.
2. Il-frugħa ta' xewqat u ta' għemil il-bniedem
[Koħ:2:1] Għedt lili nnifsi: "Ejja, mela, ħa nippruvak bl-hena u ndewwqek
il-pjaċir." Iżda hemm hi: frugħa mill-ġdid. [Koħ:2:2] "Dan id-daħk?" għedt jien,
"hu ġenn, u l-pjaċir x'ġid iħalli?
[Koħ:2:3] Qtajtha li nferraħ lil ġismi bl-inbid u, waqt li nżomm ħsiebi fl-għerf,
nieħu li nista' mill-ferħ tal-boloh ħa nara jekk hux hawn l-hena tal-bniedem,
f'dak kollu li jagħmlu l-bnedmin taħt is-sema tul il-jiem magħduda ta' ħajjithom.
[Koħ:2:4] Ndħalt għal opri kbar: bnejt għalija palazzi, [Koħ:2:5] ħawwilt dwieli,
għamilt ġonna u oqsma, ħawwilt fihom siġar tal-frott ta' kull xorta; [Koħ:2:6]
għamilt vaski bl-ilma biex minnhom insaqqi s-siġar tal-mixtla. [Koħ:2:7] Ksibt
ilsiera rġiel u nisa, oħrajn twilduli d-dar; mrieħel ukoll kelli bil-kotra,
iżjed minn dawk li saltnu qabli f'Ġerusalemm, għerfi wkoll baqa' miegħi.
[Koħ:2:8] Geddist ukoll deheb u fidda u teżori ta' slaten u ta' provinċji.
Ħassilt għannejja rġiel u nisa, għadd kbir ta' kortiġjani u kull ma jgħaxxaq
qalb il-bniedem. [Koħ:2:9] Lħaqt kobor u stagħnejt; u għaddejt lil dawk kollha
li saltnu qabli f'Ġerusalemm, u għerfi wkoll baqa' miegħi. [Koħ:2:10] Kull ma
riedu għajnejja ma' ċħadthulhomx, mill-ebda pjaċir ma ħallejt nieqsa lil qalbi.
Għax qalbi kienet titgħaxxaq b'kull taħbit, u dan hu l-ħlas għat-taħbit tiegħi
kollu.
[Koħ:2:11] U mbagħad dort nara l-opri li għamilt u kemm tħabatt biex għamilthom.
U ara x'sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-riħ, imma ebda qligħ ma hemm taħt ix-xemx.
[Koħ:2:12] U dawwart ħsiebi fuq l-għerf ħa nqabblu mal-ġenn u l-bluha; għax x'se
jagħmel dak li jiġi wara s-sultan? Dak li diġŕ għamel ta' qablu. [Koħ:2:13] U
rajt dan: l-għaref għandu vantaġġ fuq l-iblah daqskemm għandu d-dawl fuq id-dlam.
[Koħ:2:14] Għax, l-għaref għajnejh f'wiċċu, iżda l-iblah jimxi fid-dlam. Kollox
sew! Imma jien naf ukoll li t-tnejn se tmisshom l-istess xorti.
[Koħ:2:15] "Kos!?" għedt f'qalbi, "ix-xorti ta' l-iblah se tkun ukoll xortija;
x'jiswieli, mela, li sirt għaref?" Għalhekk ngħid f'qalbi li dan kollu frugħa,
[Koħ:2:16] għax la ta' l-għaref u lanqas ta' l-iblah, ma ssaddad it-tifkira;
jgħaddu ftit jiem u t-tnejn ikunu ntesew. Jaħasra għall-għaref kif imut
bħall-iblah!
[Koħ:2:17] Bdejt, għalhekk, nistmerr il-ħajja għax kollox kien idejjaqni minn
dak li jsir taħt ix-xemx. Kollox frugħa u ġiri wara r-riħ. [Koħ:2:18] Stmerrejt
ukoll ix-xogħol kollu taħt ix-xemx li fih tħabatt u li jkolli nħallih għal min
jiġi warajja. [Koħ:2:19] U dan min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun xi jkun
hu jsir is-sid ta' xogħli kollu, li fih ħlejt saħħti u għaqli taħt ix-xemx. Dan
ukoll hu frugħa. [Koħ:2:20] Bdejt allura nitħassar it-taħbit kollu li ħadt taħt
ix-xemx. [Koħ:2:21] Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u
b'suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih. Dan
ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar. [Koħ:2:22] Għax x'se jmissu l-bniedem mit-taħbit
u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx? [Koħ:2:23] Għomru kollu jbati u jinħaqar
bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu. Dan ukoll hu frugħa.
[Koħ:2:24] M'hemmx aħjar għall-bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-frott
ta' xogħlu. Imma fhimt li dan ukoll minn id Alla ġej, [Koħ:2:25] għax min jista'
jiekol u jgawdi ħlief bis-saħħa tiegħu? [Koħ:2:26] U tabilħaqq, lil min hu sewwa
quddiemu Alla jagħtih għerf, xjenza u hena, imma lill-midneb jagħtih it-taħbit
li jgeddes u jiġma' biex imbagħad jgħaddih lil min jogħġob lil Alla.
3. Kollox żmienu
[Koħ:3:1] Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema:
[Koħ:3:2] Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li
taħsad l-imħawwel;
[Koħ:3:3] żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li
tibni;
[Koħ:3:4] żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen;
[Koħ:3:5] żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien
li tiċċaħħad mit-tagħniq;
[Koħ:3:6] żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa', u żmien li tarmi;
[Koħ:3:7] żmien li tqatta', u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li
titkellem;
[Koħ:3:8] żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi.
[Koħ:3:9] Xi qligħ għandu l-bniedem mix-xogħol li jagħmel?
Biex tkun ferħan
[Koħ:3:10] Jiena rajt ix-xogħol li Alla ta lil ulied il-bniedem biex ikollhom
fiex jedhew. [Koħ:3:11] Kollox għamel tajjeb f'waqtu; nissel ukoll sens ta' l-imgħoddi
u l-ġejjieni f'moħħ il-bniedem, iżda bla ma dawn jirnexxilhom jikxfu x'jagħmel
Alla mill-bidu sat-tmiem. [Koħ:3:12] Hekk fhimt li għall-bnedmin m'hemmx aħjar
milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f'ħajjithom. [Koħ:3:13] Għax li wieħed
jiekol u jixrob u jduq mill-frott ta' xogħlu, dan ukoll hu don ta' Alla.
[Koħ:3:14] Jien naf li kull ma jagħmel Alla jibqa' għal dejjem; la jista' wieħed
iżid miegħu u lanqas inaqqas minnu. Alla għamel hekk biex inissel fil-bniedem
il-biża' tiegħu. [Koħ:3:15] Dak li hu issa, diġŕ kien; u dak li għad ikun diġŕ
kien qabel, għax l-imgħoddi Alla jerġa' jġibu.
Il-frugħa tal-ħajja
[Koħ:3:16] Ħaġ'oħra lmaħt taħt ix-xemx: fejn għandu jkun hemm il-ħaqq hemm l-inġustizzja,
fejn għandu jkun hemm is-sewwa hemm il-ħażen. [Koħ:3:17] U għedt f'qalbi: "Il-ġust
u l-ħażin Alla jagħmel ħaqq minnhom, għax kull ħaġa għandha waqtha u kull għemil
hemm ħaqq għalih." [Koħ:3:18] Għall-bnedmin għedt dan ġo fija: "Alla jrid
iġarrabhom biex juri li huma nfushom bħall-bhejjem. [Koħ:3:19] Dak li jiġri
lill-bniedem jiġri lill-bhima, għax it-tnejn tmiem wieħed għandhom; bħalma tmut
il-bhima jmut ukoll il-bniedem, għax l-istess hu nifs il-ħajja li hemm fihom
ilkoll. Xejn m'hu aħjar il-bniedem mill-bhima, ladarba kollox hu frugħa.
[Koħ:3:20] Lejn l-istess post imorru t-tnejn; lkoll mit-trab saru, u lkoll lejn
it-trab jerġgħu jmorru. [Koħ:3:21] U min jaf jekk nifs il-ħajja tal-bniedem
jitlax 'il fuq, u nifs il-ħajja tal-bhima jinżilx 'l isfel lejn l-art?"
[Koħ:3:22] Minn hawn nara li m'hemmx aħjar għall-bniedem milli jgawdi xogħol
idejh, għax dan hu kull ma jmissu. U min jista' jġibu jara dak li jsir warajh?
4. Kemm għawġ fid-dinja
[Koħ:4:1] Mbagħad dort biex nara l-moħqrijiet kollha li jsiru taħt ix-xemx. Rajt
il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha
jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom. [Koħ:4:2] Għalhekk il-mejtin li diġŕ
ħallewna qisthom hienja aktar mill-ħajjin li għadhom magħna; [Koħ:4:3] imma
hieni aktar mit-tnejn min għadu ma twelidx u ma rax b'għajnejh l-għemejjel
ħżiena li jsiru taħt ix-xemx.
[Koħ:4:4] Rajt ukoll li t-taħbit kollu u l-ħerqa għax-xogħol m'humiex ħlief
għira ta' wieħed għal ieħor. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ. [Koħ:4:5] L-iblah
jorbot idejh u jherri ġismu.
[Koħ:4:6] Aħjar id waħda mimlija u fil-mistrieħ, milli tnejn imfawwra u fit-taħbit,
u l-ġiri wara r-riħ.
[Koħ:4:7] Rġajt ħarist u rajt frugħa oħra taħt ix-xemx: [Koħ:4:8] wieħed waħdu,
bla tfal u bla aħwa, u b'danakollu qatt ma jehda mit-taħbit u lanqas ma jixbgħu
għajnejh bil-għana. U ma jiġihx li jistaqsi: "Għal min qiegħed nitħabat u
niċċaħħad mill-ġid?" M'huwiex ukoll frugħa dan, u xogħol bla fejda?
[Koħ:4:9] Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda akbar ikollu
xogħolhom. [Koħ:4:10] Jekk jaqa' wieħed, l-ieħor jista' jqajjmu, imma miskin hu
min hu waħdu, għax m'għandux min iqajjmu. [Koħ:4:11] Jekk tnejn jorqdu flimkien
jistgħu jissaħħnu; imma min hu waħdu kif jista' jisħon? [Koħ:4:12] Jekk xi ħadd
jaħbat għal wieħed minnhom, it-tnejn flimkien jistgħu jrażżnuh; imma min hu
waħdu ma jagħmel xejn ma' min iħebb għalih; għax ħabel bi tlieta m'hux lakemm
jinqata'.
[Koħ:4:13] Aħjar żagħżugħ fqir u għaqli minn sultan xiħ u iblah, li ma jridx
jilqa' parir, [Koħ:4:14] għax dak mill-ħabs jista' joħroġ u jilħaq sultan,
għalkemm twieled fqir meta kien isaltan l-ieħor. [Koħ:4:15] Rajt il-ħajjin
kollha li jgħixu hawn taħt ix-xemx iżommu maż-żagħżugħ li laħaq sultan floku;
[Koħ:4:16] ma tgħoddhiex il-kotra li sar mexxej tagħha; imma ma jifirħux bih
dawk li jiġu warajhom. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.
Dmirijiet lejn Alla
[Koħ:4:17] Qis il-pass li tagħmel inti u tersaq lejn id-dar ta' Alla. Li tersaq
biex tisma' hi ħaġa aqwa mill-offerta tas-sagrifiċċju tal-boloh, li anqas biss
jafu x'qegħdin jagħmlu ħażin.
5. [Koħ:5:1] Tiftaħx fommok kif ġieb u laħaq, u tiddeċiedi xejn addoċċ quddiem
Alla, għax Alla fis-sema qiegħed u inti fuq l-art; ħa jkun, mela, ftit il-kliem
tiegħek. [Koħ:5:2] Għax, mill-ħafna tħassib jiġi l-ħolm ikrah, u mill-ħafna
tpaċpiċ il-kliem bla għaqal.
[Koħ:5:3] Jekk tagħmel xi wegħda 'l Alla ddumx ma ttemmha, għax Alla ma jiħux
pjaċir bil-boloh. Dak li twiegħed qis li tagħmlu. [Koħ:5:4] Aħjar ma twiegħed
xejn milli ma żżommx dak li twiegħed. [Koħ:5:5] Tħallix ilsienek iwaqqgħek
fil-ħtija u mbagħad tmur quddiem il-qassis tgħidlu: "Dan kien nuqqas ta' ħsieb".
[Koħ:5:6] Għaliex trid bi kliemek iġġiegħel 'l Alla jinkorla u jġib fix-xejn dak
li għamlu idejk? Għax fejn joktor il-ħolm, joktor il-kliem fieragħ. Inti, mela,
ibża' minn Alla.
[Koħ:5:7] Jekk f'xi qasam tal-pajjiż tara l-fqir jinħaqar u d-dritt u l-ħaqq
mirfusa, m'għandekx tistagħġeb b'dan, għax kull uffiċjal hemm wieħed ogħla
għassa tiegħu, u fuqhom it-tnejn hemm ieħor ogħla minnhom. [Koħ:5:8] Dak li
tagħti l-art hu għal kulħadd, imma huwa s-sultan li jinqeda l-ewwel mir-raba'.
Il-frugħa ta' l-għana
[Koħ:5:9] Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus, u min iħobb l-għana ma jixbax
bil-qligħ. Dan ukoll hu frugħa. [Koħ:5:10] Jekk joktor il-ġid joktru wkoll dawk
li jberbquh, u x'jibqagħlu s-sid ħlief li jarah biss b'għajnejh? [Koħ:5:11] Il-ħaddiem,
jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xaba' ma
jħallihx jieħu nagħsa.
[Koħ:5:12] Rajt gwaj ieħor taħt ix-xemx: il-ġid li sid jerfa' jisfagħlu ta'
ħsara. [Koħ:5:13] Imur ħażin f'xi negozji u ġidu jintilef; mbagħad ikollu iben u
dan ma jsib xejn f'idu. [Koħ:5:14] Għeri jkun ħareġ minn ġuf ommu, u għeri, kif
ġie, jerġa' lura, bla ma jkun ġabar xejn x'jieħu miegħu mit-taħbit tiegħu.
[Koħ:5:15] Jaqaw mhux ukoll gwaj ikrah li wieħed jerġa' jitlaq bħalma jkun ġie?
X'jiswielu la jitħabat għar-riħ, [Koħ:5:16] la jiemu kollha fid-dlam jgħaddihom
qalb ħafna għali, mard u inkwiet.
[Koħ:5:17] Ara, mela, x'sibt li hemm tajjeb u jaqbel għall-bniedem: li jiekol u
jixrob u jgawdi l-frott ta' kull taħbit li jġarrab taħt ix-xemx tul l-għomor li
Alla jisilfu: għax dan hu li jmissu. [Koħ:5:18] U kull min Alla tah ġid u għana
u setgħa li jgawdihom, ħa jieħu sehem u jifraħ b'xogħlu, għax dan ukoll hu don
ta' Alla. [Koħ:5:19] Hekk ma joqgħodx jitħasseb wisq fuq għomru meta Alla jżommu
medhi bil-ferħ ta' qalbu.
6. [Koħ:6:1] Hemm gwaj ieħor li rajt taħt ix-xemx u dan jifni ħafna lill-bniedem.
[Koħ:6:2] Lil wieħed Alla tah għana, ġid u unuri, hekk li xejn ma jonqsu minn
dak li tixtieq qalbu; u mbagħad ma jħallihx igawdih hu, iżda ieħor barrani
jgawdih. Dan ukoll frugħa u gwaj tassew kiefer.
[Koħ:6:3] Li kellu bniedem inissel mitt tifel u jgħix għal bosta snin u jtawwal
għomru, jekk qalbu ma timteliex b'dan il-ġid u ma jkollux qabar fejn jindifen,
jien ngħid: "Aħjar minnu frott il-ġuf li twieled mejjet; [Koħ:6:4] għax għalkemm
ġie għal xejn u jmur fid-dlam fejn jibqa' mistur ismu, [Koħ:6:5] għalkemm ma rax
ix-xemx, u lanqas jaf biha, dan għandu mistrieħ akbar mill-ieħor. [Koħ:6:6] U li
kellu l-għani jgħix elfejn sena u ma jkollux tgawdija minn ġidu, mhux fl-istess
post imur bħall-imwieled mejjet?"
[Koħ:6:7] It-taħbit tal-bniedem hu kollu għal żaqqu, u b'danakollu qatt m'hi
xebgħana qalbu.
[Koħ:6:8] U x'għandu aħjar l-għaref mill-iblah, jew il-fqir li jaf imur tajjeb
mal-ħajjin? [Koħ:6:9] Aħjar tara b'għajnejk milli ssiefer bil-ħsieb. Imma dan
ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.
[Koħ:6:10] Kull ma jeżisti diġŕ magħruf minn ismu; għalhekk nafu x'inhu l-bniedem.
Ma jistax dan iħaqqaqha ma' min hu aqwa minnu.
[Koħ:6:11] Aktar ma jkun hemm kliem, akbar tkun il-frugħa; mbagħad x’se jieħu l-bniedem
minn dan kollu? [Koħ:6:12] Min jaf x'inhu tajjeb għall-bniedem f'ħajtu, tul
il-ġranet magħduda tal-ħajja fiergħa tiegħu li hu jqatta' bħal dell? Min jista'
jurih lill-bniedem x'għad isir warajh taħt ix-xemx?
7. Tippretendix tkun taf aktar milli hu meħtieġ
[Koħ:7:1] Aħjar fama tajba miż-żejt prezzjuż, aħjar jum il-mewt minn jum it-twelid.
[Koħ:7:2] Aħjar tmur f'dar il-vistu milli f'dar fejn hemm festa; għax hemm
il-ħaj iġib f'moħħu kif dak hu tmiem il-bniedem.
[Koħ:7:3] Aħjar wiċċ imnikket milli daħkan, għax b'niket il-wiċċ titjieb il-qalb.
[Koħ:7:4] Qalb l-għorrief tkun f'dar il-vistu, u qalb il-boloh f'dar il-ferħ.
[Koħ:7:5] Aħjar tisma' ċ-ċanfir ta' l-għaref, milli tisma' l-għana tal-boloh:
[Koħ:7:6] għax bħaċ-ċaqċiq tax-xewk jaqbad taħt il-borma, hekk id-daħka ta' l-iblah.
Imma dan ukoll hu frugħa, [Koħ:7:7] għax il-moħqrija tħawwad moħħ l-għaref, u r-rigali
jħassrulu qalbu.
[Koħ:7:8] Aħjar ittemm ħaġa milli tibdieha, aħjar tistabar milli titkabbar.
[Koħ:7:9] Tħallix il-korla tikbes malajr f'qalbek, għax f'qalb il-boloh tbejjet
il-korla.
[Koħ:7:10] Tistaqsix: "Kif inhi li ż-żminijiet ta' dari kienu aħjar minn ta'
llum?"
M'hix ta' għaref mistoqsija bħal din.
[Koħ:7:11] Tajjeb l-għerf flimkien mal-ġid, u jiswa għal min jara dawl ix-xemx.
[Koħ:7:12] Fih kenn l-għerf u fihom kenn il-flus; imma aħjar l-għerf għax
iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.
[Koħ:7:13] Ħares lejn għemil Alla: jista' xi ħadd jiddritta dak li Hu għamel
mgħawweġ? [Koħ:7:14] F'jum ir-riżq fittex gawdi u f'jum l-għawġ oqgħod aħseb: l-għawġ
u r-riżq qassamhom Alla biex il-bniedem xejn ma jikxef dwar il-ġejjieni tiegħu.
[Koħ:7:15] Minn kollox rajt matul il-ħajja fiergħa tiegħi: mill-ġust li jmut
minkejja tjubitu sal-ħażin li jtawwal għomru minkejja ħżunitu. [Koħ:7:16] La
għandek tkun ġust iżżejjed u lanqas għaref bil-bosta. Għalfejn toqgħod tinfena?
[Koħ:7:17] Tkunx ħażin iżżejjed u tagħtihiex għall-bluha. Għala trid tmut qabel
jasallek il-waqt? [Koħ:7:18] Tajjeb iżżomm din it-twissija bla ma titlaq
lill-oħra, għax min jibża' minn Alla jmur tajjeb mat-tnejn.
[Koħ:7:19] L-għerf jagħti qawwa lill-għaref aktar minn għaxra bis-setgħa fil-belt.
[Koħ:7:20] B'danakollu ma ssibx bniedem ġust fid-dinja li jagħmel is-sewwa bla
ma jaqa' f'xi ħtija. [Koħ:7:21] Ħaġ'oħra: tagħtix widen għall-għajdut kollu tan-nies
li ma tmurx tisma' l-qaddej tiegħek jidgħilek ħażin fuqek, [Koħ:7:22] għax
qalbek stess tgħidlek li kemm-il darba int ukoll dgħajt lil ħaddieħor.
[Koħ:7:23] Dan kollu ġarrabtu bl-għerf għax għedt: "Irrid nifhmu". Imma kemm
għadni lura! [Koħ:7:24] Kull ma jeżisti qiegħed fil-bogħod, u kull ma hu fil-fond,
hu fil-fond ħafna. Min jista' jilħqu?
[Koħ:7:25] Imma rġajt qtajtha li nikseb tagħrif u ngħarblu sewwa ħa nsib l-għerf
u r-raġuni għala l-ħażen hu nuqqas ta' għaqal u l-bluha ġenn. [Koħ:7:26] U nsib
dan: li aktar morra mill-mewt hi l-mara; hi nassa minn fuq s'isfel, qalbha xibka
u dirgħajha ktajjen. Min jogħġob 'l Alla jaħrab minnha, iżda l-midneb jibqa'
maqbud minnha.
[Koħ:7:27] "Ara x'sibt, " jgħid Koħčlet "wara li flejt ħaġa b'ħaġa biex insib
tarf il-problema [Koħ:7:28] u għadni nfittex u ma sibtux: raġel f'elf sibtu,
iżda mara fost in-nisa ma sibtx waħda" [Koħ:7:29] Ara dan biss sibt: li Alla
għamel il-bniedem dritt, iżda huma jfittxu tagħwiġ bla għadd.
8. Il-bniedem għaref
[Koħ:8:1] Min hu bħall-għaref li jaf iħoll problema?
L-għerf idawwal wiċċ il-bniedem u jneħħilu ebusitu.
[Koħ:8:2] Ħares l-ordni tas-sultan ukoll minħabba l-ħalfa quddiem Alla.
[Koħ:8:3] Tgħaġġilx titlaq minn quddiem is-sultan, u twebbisx rasek f'ħaġa
ħażina. [Koħ:8:4] Għax il-kelma tas-sultan fuq kollox qiegħda, u min se
jindaħallu f'dak li jagħmel?
[Koħ:8:5] Min jobdi l-liġi f'ebda għawġ ma jsib ruħu. Jaf tajjeb moħħ l-għaref
li hemm waqt u ħaqq: [Koħ:8:6] u tabilħaqq għal kull ħaġa hemm il-waqt u l-ħaqq,
waqt li ħsarat kbar huma mdendla fuq il-bniedem. [Koħ:8:7] Għax hu ma jafx x'se
jkun il-ġejjieni, u min jaf jgħidlu meta se jkun? [Koħ:8:8] L-ebda bniedem m'hu
sid ta' nifs ħajtu biex iżommu, u ħadd m'hu sid il-jum ta' mewtu; mit-taqbida
ħadd ma jeħlisha, lanqas il-ħażen ma jeħles lil min jagħmlu.
[Koħ:8:9] Dan kollu rajt jien u naħseb fl-għemil kollu li jsir taħt ix-xemx meta
bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara. [Koħ:8:10] Għaldaqstant jien rajt
jindifnu l-ħżiena. Dawn kienu deħlin u ħerġin is-santwarju, u mfaħħrin fil-belt
fejn kienu għamlu ħwejjeġ bħal dawn. Dan ukoll hu frugħa. [Koħ:8:11] Għax l-għemejjel
tal-ħżiena ma jeħdux minnufih il-kundanna li jkun jistħoqqilhom; għalhekk qalb
il-ħżiena titħajjar ħafna biex tagħmel id-deni; [Koħ:8:12] għax il-ħażin, mqar
jidneb mitt darba, idum jgħix ħafna. [Koħ:8:13] Iżda naf fiż-żgur li jkollhom l-hena
dawk li jibżgħu minn Alla talli jgħixu fil-biża' tiegħu; u li ma jkollux hena l-ħażin
u lanqas itawwal bħal dell jiem ħajtu għax m'għandux il-biża' ta' Alla.
[Koħ:8:14] Iżda fuq l-art tinsab frugħa oħra; hemm nies ġusti li jieħdu l-ħlas
li jmiss l-għemejjel tal-ħżiena, u hemm nies ħżiena li jieħdu l-ħlas li jmiss l-għemejjel
tal-ġusti. Jiena ngħid: "Dan ukoll hu frugħa."
[Koħ:8:15] Għalhekk jien infaħħar it-tgawdija, għax il-bniedem m'għandux hena
ieħor taħt ix-xemx ħlief li jiekol u jixrob, u jkun ferħan; ħa jkunu dawn sħabu
fit-taħbit tiegħu tul l-għomor li Alla jagħtih taħt ix-xemx.
[Koħ:8:16] Meta ntfajt biex nikseb l-għerf osservajt l-għemejjel li fihom jedha
l-bniedem fuq l-art bla ma jistrieħ, la billejl u lanqas binhar. [Koħ:8:17] Rajt
dwar l-għemil kollu ta' Alla kif il-bniedem ma jistax isib tarf ta' kull ma jsir
taħt ix-xemx; jitħabat kemm jitħabat biex ifittex, ma jasalx biex isibu; lanqas
l-għaref, li jaħseb li jaf xi ħaġa, ma jista' jsib xejn.
9. Kollox f'idejn Alla
[Koħ:9:1] Jien dan kollu qistu u fhimtu tajjeb, li l-ġusti u l-għorrief
bl-għemejjel tagħhom kollha huma f'idejn Alla; jekk hux imħabba jew mibegħda ma
jafux x'ħaqqhom. It-tnejn huma quddiemhom! [Koħ:9:2] Għax xorti waħda hemm għal
kulħadd, sew għat-tajjeb sew għall-ħażin, sew għas-safi sew għall-imniġġes, sew
għal min joffri s-sagrifiċċju, sew għal min ma joffrix, sew għall-ġust sew
għall-midneb, sew għal min jaħlef sew għal min jibża' mill-ħalf. [Koħ:9:3] U
hawn hu l-gwaj f'kull ma jiġri taħt ix-xemx, li xorti waħda hemm għal kulħadd; u
biex tkompli tagħqad, qalb il-bniedem mimlija ħażen, u l-bluha tul għomorhom
kollu tgħammar fihom, biex imbagħad imorru mal-mejtin.
[Koħ:9:4] Min għadu msieħeb mal-ħajjin fadallu tama: għax "aħjar kelb ħaj minn
iljun mejjet". [Koħ:9:5] Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin
ma jafu xejn; lanqas ħlas ma baqa' għalihom għax imqar it-tifkira tagħhom
intesiet. [Koħ:9:6] L-imħabba tagħhom, il-mibegħda u l-għira li kellhom, issa
ntemmu u l-ebda sehem ma jkollhom aktar f'dak kollu li jsir taħt ix-xemx.
[Koħ:9:7] Isa, mela, kul bil-ferħ il-ħobża tiegħek, u ixrob għal qalbek l-inbid
tiegħek, għax Alla ġa laqagħhom l-għemejjel tiegħek.
[Koħ:9:8] Ħa jkunu f'kull żmien bojod ilbiesek, qis li l-fwieħa fuq rasek ma
tonqosx.
[Koħ:9:9] Gawdi l-ħajja ma' martek l-għażiża, il-jiem kollha ta' ħajtek fiergħa,
li Alla silfek taħt ix-xemx, għax dan hu sehmek mill-ħajja u mit-taħbit li inti
ġġarrab taħt ix-xemx.
[Koħ:9:10] Kull ma ssib x'tagħmel, agħmlu b'ħiltek kollha għax ma jkunx hemm
ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f'Art l-Imwiet fejn inti sejjer.
[Koħ:9:11] Rajt ukoll taħt ix-xemx li ma tintrebaħx mill-ħfief it-tiġrija,
lanqas mill-felħana t-taqbida. M'huwiex ta' l-għorrief il-ħobż jew ta' min
jifhem il-ġid; lanqas ta' min jinqala' s-suċċess, iżda f'kollox jidħol iż-żmien
u ċ-ċirkustanzi. [Koħ:9:12] Il-bniedem ma jafx xħin tasal sigħetu: bħall-ħut li
jidħol f'xibka qarrieqa, bħat-tajr li jinqabad fix-xbiek, hekk jinqabdu l-bnedmin
minn siegħa ħażina xħin tiġi fuqhom għal għarrieda.
[Koħ:9:13] Rajt ukoll taħt ix-xemx dan il-każ li laqatni ħafna. [Koħ:9:14] Kien
hemm belt żgħira bi ftit nies jgħammru fiha u sultan kbir mar jaħbat għaliha.
Dawwarha b'assedju u talla' madwarha torrijiet għolja. [Koħ:9:15] Mela jkun hemm
fiha raġel fqir iżda għaref, u bil-ħila ta' moħħu rnexxielu jeħles il-belt;
b'danakollu ħadd ma baqa' jiftakru 'l dak il-fqir. [Koħ:9:16] Mbagħad jien għedt:
"Tassew li l-għerf aħjar mis-saħħa; b'danakollu l-għerf tal-fqir jistmerruh u
għal kliemu ma jagħtux widen.
[Koħ:9:17] Jinstama' aħjar kliem l-għorrief imlissen bil-kalma, mill-ħafna
għajat ta' kmandant fost il-boloh.
[Koħ:9:18] Aħjar l-għerf mill-armi tal-gwerra, iżda żball wieħed jista' jgħarraq
ġid kbir.
10. L-għerf u l-bluha
[Koħ:10:1] Bħalma d-dubbien mejjet initten il-fwieħa fil-vażett, hekk il-fama
kbira ta' l-għaref tgħarraqha ftit tal-bluha. [Koħ:10:2] Qalb l-għaref issuqu
lejn il-lemin, u qalb l-iblah lejn ix-xellug. [Koħ:10:3] L-iblah ikun bla moħħ
imqar xħin jimxi fit-triq; għal kull min jara jgħid: "Dak iblah". [Koħ:10:4]
Jekk jinkorla għalik il-kap tiegħek terħix postok, għax il-kalma twitti żbalji
kbar.
[Koħ:10:5] Rajt taħt ix-xemx dan l-għawġ, l-iżball li ġej minn min għandu s-setgħa:
[Koħ:10:6] lill-boloh imlaħħqin fil-postijiet għolja; u n-nies li jinqalgħu
qiegħda fil-baxx. [Koħ:10:7] Rajt ilsiera rekbin fuq iż-żwiemel, u nobbli jimxu
fl-art bħall-ilsiera.
[Koħ:10:8] Jekk tħaffer bir tista' taqa' fih, u jekk iġġarraf ħajt jista'
jigdmek serp.
[Koħ:10:9] Jekk tqanqal il-ġebel tista' titħaxxem bih, jekk tqatta' l-ħatab
tindarab bil-laqx.
[Koħ:10:10] Jekk tixxellef il-lexxuna u ma ssinnhiex, trid tisforza aktar biex
taqta' biha; jiswa, mela, li żżomm għaqlek jaħdem.
[Koħ:10:11] Jekk is-serp jigdem qabel ma jkun imsaħħar, xejn ma jiswielu 'l min
jaf isaħħru.
[Koħ:10:12] L-għaref kliem fommu jiksiblu ġieħ, imma l-iblah ilsienu stess
jeqirdu;
[Koħ:10:13] il-bidu ta' kliemu bluha, u t-tmiem tiegħu ġenn mill-ikreh.
[Koħ:10:14] Imma l-iblah xorta jibqa' jkattar kliemu. Il-bniedem ma jafx x'għad
ikun, u xi jsir wara mewtu min jista' jgħidlu?
[Koħ:10:15] Jifnih lill-iblah it-taħbit tiegħu, għax lanqas sal-belt ma jaf imur.
[Koħ:10:16] Jaħasra għalik, o art, li s-sultan tiegħek tifel, u l-kbarat tiegħek
jisbħu jieklu.
[Koħ:10:17] Ixxurtjat int, pajjiż, li s-sultan tiegħek bin in-nobbli, u l-kbarat
tiegħek jieklu f'waqtu, kemm jeħtieġu u bla tbahrid.
[Koħ:10:18] Għal għażż l-għajnejn jisfronda s-saqaf; għal għażż l-idejn joqtor
l-ilma fid-dar.
[Koħ:10:19] Biex jgħadduha tajjeb iħejju l-mejda, u l-inbid iferraħhom, u l-flus
jagħmlu tajjeb għal kollox.
[Koħ:10:20] Tisħetx lis-sultan lanqas ġo qalbek, u tidgħix lis-setgħan lanqas
fis-satra ta' fejn torqod, għax l-għasafar ta' l-ajru għandhom mnejn iġorru
leħnek, u t-tjur iwasslu kliemek.
11. Agħmel it-tajjeb dment li tista'
[Koħ:11:1] Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-baħar, għax wara żmien twil jerġagħlek lura.
[Koħ:11:2] Qassmu f'sebat ishma, anzi fi tmienja, għax ma tafx xi ħsara tista'
tiġi fuq l-art. [Koħ:11:3] Jekk is-sħab ikun mgħobbi jagħmel ix-xita;
u jekk siġra taqa', lejn in-nofsinhar jew it-tramuntana, hemm fejn taqa' tibqa'.
[Koħ:11:4] Min jgħarrex għar-riħ ma jiżra' qatt, u min jagħti kas tas-sħab ma
jaħsadx.
[Koħ:11:5] Bħalma ma tafx kif jidħol nifs il-ħajja fl-għadam f'ġuf ta' mara
tqila, hekk ukoll ma tafx l-għemil ta' Alla li għamel kollox.
[Koħ:11:6] Iżra' fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek
fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn
frott tajjeb xorta waħda.
[Koħ:11:7] Ħelu tassew id-dawl, u għażiża għall-għajnejn id-dehra tax-xemx.
[Koħ:11:8] Iva, jekk il-bniedem jgħix bosta snin, ħa jgawdihom kollha, ħa
jiftakar ukoll li ħafna jkunu l-jiem mudlama; kull ma jiġi mbagħad hu kollu
frugħa.
[Koħ:11:9] Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa ta' ħajtek, u ħa tkun ferħana
qalbek f'jiem żgħożitek.
Imxi wara t-taħbit ta' qalbek, u wara l-għaxqa ta' għajnejk.
Iżda kun af li ta' dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.
[Koħ:11:10] Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib, u żomm il-ħsara 'l bogħod minn
ġismek; għax it-tfulija u ż-żgħożija buffura riħ.
12. Ix-xjuħija
[Koħ:12:1] Ftakar f'min ħalqek f'jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u
joqorbu s-snin li tgħid għalihom: "Xejn ma jogħġbuni";
[Koħ:12:2] qabel ma jiddallmu x-xemx u d-dawl, u l-qamar u l-kwiekeb, u s-sħab
jerġa' jidher wara x-xita;
[Koħ:12:3] meta dawk li jgħassu d-dar jibdew jitriegħdu, meta l-qalbenin
jitgħawwġu, u jieqfu dawk li jitħnu, għax jonqsu fl-għadd, u jiddallmu dawk li
jħarsu 'l barra mit-tieqa; [Koħ:12:4] meta l-bibien jingħalqu fuq it-triq, u l-ħoss
tal-mitħna jonqos,
u l-għana ta' l-għasfur jintefa, u kull għana jieqaf;
[Koħ:12:5] meta kull telgħa tbażża', u t-triq issir tkexkix,
meta s-siġra tal-lewż tarmi ż-żahar, u l-ġrad jitqal fil-mixi; u l-kappara
titlef gostha, għax il-bniedem imur id-dar tiegħu ta' dejjem, u l-bekkejja
jiġġerrew mat-toroq;
[Koħ:12:6] qabel ma l-ħajta tal-fidda tinqata', u l-musbieħ tad-deheb
jitfarrak; qabel ma l-ġarra fuq l-għajn tinkiser, u t-tarjola fuq il-bir
tinqasam;
[Koħ:12:7] u t-trab jerġa' jmur fl-art mnejn ġie, u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn
Alla, minn fejn ġie.
[Koħ:12:8] O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħčlet, kollox frugħa.
L-awtur ta' dan il-ktieb
[Koħ:12:9] Barra milli kien għaref, Koħčlet għallem l-għerf lill-poplu; b'ħafna
ħsieb u tiftix niseġ kotra ta' proverbji.
[Koħ:12:10] Koħčlet fittex li jsib qwiel sbieħ u li jikteb bir-reqqa kliem is-sewwa.
[Koħ:12:11] Kliem l-għorrief hu bħal xpruni, bħal puntali sodi l-ġabriet ta'
qwielhom; lkoll mogħtija minn ragħaj wieħed.
[Koħ:12:12] Aktar minn daqshekk, ibni, m'għandekx xi tridu; għax il-kotba joktru
bla heda, u l-istudju żejjed jgħajji l-ġisem.
[Koħ:12:13] Hawn hu l-qofol tad-diskors wara li nstama' kollox: "Ħobb lil Alla u
ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f'dan jinġabar il-bniedem kollu." [Koħ:12:14]
Għax Alla jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha, sa l-inqas ħaġa moħbija,
sew tajba u sew ħażina.