IL-KTIEB TAL-IMĦALLFIN
1. Il-poplu ta' Iżrael fl-Art Imwiegħda: fin-nofsinhar ta' Kangħan
[Mħ:1:1] Ġara li wara l-mewt ta' Ġożwè wlied Iżrael ikkonsultaw lill-Mulej u
staqsewh: “Min minna se jitla' l-ewwel biex jitqabad mal-Kangħanin?” [Mħ:1:2] U
l-Mulej wieġeb: “Ħa jitla' Ġuda. Araw, jiena rħejt l-art f'idejh.” [Mħ:1:3] U
Ġuda qal lil Simgħon ħuh: “Itla' miegħi fl-art li messitni biex nitqabdu mal-Kangħanin,
u mbagħad jien niġi miegħek fl-art li messitek.” U Simgħon mar miegħu. [Mħ:1:4]
U Ġuda tala' għalihom, u l-Mulej reħa f'idejh il-Kangħanin u l-Periżżin; f'Beżek
qerdu għaxart elef ruħ. [Mħ:1:5] U ltaqgħu ma' Adonibeżek f'Beżek, u ħabtu
għalih u darbu l-Kangħanin u l-Periżżin. [Mħ:1:6] Adonibeżek ħarab, imma għamlu
għal warajh u qabduh, u qatgħulu s-swaba' l-kbar ta' idejh u saqajh. [Mħ:1:7] U
Adonibeżek qal: “Sebgħin sultan, bis-swaba' l-kbar ta' idejhom u saqajhom
maqtugħa, kienu jlaqqtu l-loqom taħt il-mejda tiegħi. Bħalma għamilt jien, hekk
raddli Alla!” Ħaduh Ġerusalemm u miet hemm. [Mħ:1:8] Ulied Ġuda ħabtu għal
Ġerusalemm, u rebħuha u għaddewha minn xifer ix-xabla, u l-belt tawha n-nar.
[Mħ:1:9] Mbagħad niżlu wlied Ġuda jitqabdu mal-Kangħanin li kienu jgħammru
fil-muntanji, fin-Negeb u fis-Sefela. [Mħ:1:10] U Ġuda mar jeħodha mal-Kangħanin
li kienu jgħammru f'Ħebron - Ħebron qabel kien jisimha Kirjat-arba - u qatlu lil
Sesaj u 'l Aħiman u lil Talmaj. [Mħ:1:11] U minn hemm mar għan-nies ta' Debir -
Debir qabel kien jisimha Kirjat-sefer. [Mħ:1:12] U Kaleb qal: “Min jaħbat għal
Kirjat-sefer u jeħodha nagħtih lil binti Għaksa b'martu.” [Mħ:1:13] U ħadha
Għotnijel bin Kenaż, ħu Kaleb, li kien iżgħar minnu; u dan tah lil bintu Għaksa
b'martu. [Mħ:1:14] Hi u sejra ġagħlitu jitlob għalqa lil missierha; qabżet minn
fuq il-ħmar u Kaleb staqsieha: “Xi gralek?” [Mħ:1:15] U hi wieġbet: “Agħtini xi
rigal, għax art fin-Negeb kull ma tajtni. Agħtini għall-inqas għejun ta' l-ilma.”
U Kaleb taha l-għejun ta' fuq u l-għejun ta' isfel. [Mħ:1:16] Ulied il-Keni,
ħaten Mosè, telgħu minn belt it-tamar ma' wlied Ġuda lejn id-deżert ta' Ġuda
fin-Negeb ta' Għarad, u għammru hemm ma' dak il-poplu.
[Mħ:1:17] U Ġuda telaq ma' Simgħon, ħuh, qatlu l-Kangħanin li kienu jgħammru
f'Sefat u qerduha, u semmew il-belt Ħorma. [Mħ:1:18] Ġuda ħa wkoll lil Gaża
bl-inħawi tagħha, u lil Askalon bl-inħawi tagħha, u 'l Għekron bl-inħawi tagħha.
[Mħ:1:19] U l-Mulej kien ma' Ġuda u ħadu l-muntanji, imma ma setgħux ikeċċu n-nies
li kienu jgħammru fil-wita għax kellhom il-karrijiet tal-ħadid. [Mħ:1:20] U ta
Ħebron lil Kaleb bħalma kien ordna Mosè, u keċċa minn hemm it-tliet ulied
ta’ Għanak. [Mħ:1:21] Ulied Benjamin ma rnexxilhomx ikeċċu lill-Ġebusin minn
Ġerusalemm, u l-Ġebusin għadhom f'Ġerusalemm flimkien ma' wlied Benjamin sa llum.
F'nofs Kangħan
[Mħ:1:22] Id-dar ta' Ġużeppi telgħet, u ħabtu għal Betel, u l-Mulej kien magħhom.
[Mħ:1:23] Dar Ġużeppi bagħtu jitkixxfu dwar Betel – din il-belt kien jisimha Luż.
[Mħ:1:24] L-ispjuni raw raġel ħiereġ mill-belt, u qalulu: “Urina mnejn tidħol
fil-belt, u nimxu tajjeb miegħek.” [Mħ:1:25] U wriehom id-dħul tal-belt, u
għaddewha minn xifer ix-xabla, u r-raġel u 'l niesu telquhom ilkoll. [Mħ:1:26] U
dak ir-raġel mar fl-art tal-Ħittin, u bena belt u semmieha Luż; u dan għadu
isimha sa llum. [Mħ:1:27] Manassi ma rnexxilux ikeċċi 'l barra n-nies ta' Betsan
u l-irħula tagħha, ta' Tagħnak u l-irħula tagħha, u lanqas in-nies ta' Dor u l-irħula
tagħha, in-nies ta' Iblegħam u l-irħula tagħha, u n-nies ta' Megiddu u l-irħula
tagħha; u l-Kangħanin riedu bilfors jibqgħu jgħammru f'din l-art. [Mħ:1:28] Meta
mbagħad Iżrael issaħħaħ, ġagħlu l-Kangħanin jaħdmulhom bilfors, iżda ma
rnexxilhomx ikeċċuhom għalkollox. [Mħ:1:29] U Efrajm ma rnexxilux jaqla' 'l
barra l-Kangħanin li kienu jgħammru f'Geżer, u l-Kangħanin baqgħu jgħammru
magħhom f'Geżer.
Fit-tramuntana ta' Kangħan
[Mħ:1:30] Żebulun ma qalax 'il barra n-nies ta' Kitron u 'l dawk li jgħammru
f'Naħalol, u l-Kangħanin baqgħu jgħammru magħhom, imma kienu mġagħla jaħdmu
bilfors.
[Mħ:1:31] Aser ma rnexxilux ikeċċi 'l barra n-nies ta' Għakku u anqas in-nies ta'
Sidon u Aħlab, u Akżib, u Ħelba, u Afik u Reħob. [Mħ:1:32] U l-Aserin baqgħu
jgħammru f'nofs il-Kangħanin, li kienu f'dik l-art, għax ma keċċewhomx.
[Mħ:1:33] Naftali ma rnexxilux ikeċċi 'l barra n-nies ta' Bet-xemex u n-nies ta'
Bet-għanat, u baqa' jgħammar f'nofs il-Kangħanin li kienu jgħammru f'dik l-art.
Imma n-nies ta' Bet-xemex u n-nies ta' Bet-għanat kienu jaħdmulhom bilfors.
[Mħ:1:34] L-Amurrin għalqu lil ulied Dan fuq il-muntanji għax ma ħallewhomx
jinżlu fil-wita. [Mħ:1:35] L-Amurrin baqgħu jgħammru fuq il-muntanja Ħeres,
f'Ajjalon u f'Sagħalbim; imma meta ssaħħet il-qawwa tat-tribù ta' Ġużeppi
ġagħluhom jaħdmulhom bilfors. [Mħ:1:36] L-art ta' l-Amurrin kienet tibda
mit-telgħa ta' Akrabbim 'il fuq minn Sela.
2. L-oraklu f'Bokim
[Mħ:2:1] U l-Anġlu tal-Mulej tala' minn Gilgal għal Bokim u qal: “Jien
tellajtkom mill-Eġittu, u wassaltkom fl-art li kont wegħedt lil missirijietkom,
u għedt: 'Ma nħassar qatt il-patt li għamilt magħkom, [Mħ:2:2] u intom min-naħa
tagħkom ma tagħmlu ebda patt man-nies ta' din l-art u għandkom tkissru l-artali
tagħhom.' Imma intom ma smajtux minn kliemi, u araw x'għamiltu! [Mħ:2:3] U issa
ngħidilkom: 'Ma nkeċċihomx minn quddiemkom, u jibqgħu ma' ġniebkom u allathom
ikunulkom ta' xibka.’ ” [Mħ:2:4] U ġara li malli l-Anġlu tal-Mulej temm jgħid
dan il-kliem lil ulied Iżrael kollu, il-poplu għolla leħnu u bdew jibku.
[Mħ:2:5] U semmew dak il-post Bokim u hemm offrew sagrifiċċju lill-Mulej.
L-infedeltà tal-poplu ta' Iżrael
[Mħ:2:6] Ġożwè bagħat il-poplu f'daru u wlied Iżrael marru, kulħadd fl-art li
messitu biex jeħodha f'idejh. [Mħ:2:7] U l-poplu serva lill-Mulej il-jiem kollha
ta' Ġożwè u l-jiem kollha tax-xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè, u li kienu raw
kull ma kien għamel il-Mulej, l-opri kbar kollha li għamel għal Iżrael. [Mħ:2:8]
U miet Ġożwè bin Nun, il-qaddej tal-Mulej, fl-għomor ta' mija u għaxar snin.
[Mħ:2:9] U difnuh fl-art li messitu f'Timnat-ħeres, fil-muntanji ta' Efrajm, fuq
it-tramuntana tal-muntanja Gagħas. [Mħ:2:10] U dik il-ġenerazzjoni kollha nġabru
ma' missirijiethom; u mbagħad telgħet ġenerazzjoni oħra warajhom, li ma kinitx
taf il-Mulej u anqas x'għamel il-Mulej għal Iżrael.
[Mħ:2:11] U wlied Iżrael għamlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej u servew lill-allat
Bagħalim. [Mħ:2:12] Telqu l-Mulej, Alla ta' missirijiethom, li ħariġhom mill-art
ta' l-Eġittu, u marru wara allat oħra minn fost l-allat tal-ġnus ta' madwarhom,
u bdew jadurawhom; u inkurlaw lill-Mulej. [Mħ:2:13] U telqu lill-Mulej u servew
lil Bagħal u lil Għastarot. [Mħ:2:14] U xegħlet il-korla tal-Mulej għal Iżrael,
u telaqhom f'idejn il-ħallelin li serquhom, u biegħhom f'idejn l-għedewwa
tagħhom ta' madwarhom, hekk li ma setgħux iżjed jieqfu lill-għedewwa tagħhom.
[Mħ:2:15] Kull meta kienu joħorġu għat-taqbid id il-Mulej kienet kontrihom
bħalma kien qal il-Mulej, u kif kien ħalfilhom il-Mulej; u kellhom dwejjaq kbar.
[Mħ:2:16] U l-Mulej kien iqajjem l-imħallfin, u dawn kienu jsalvawhom minn id
il-ħallelin. [Mħ:2:17] Imma anqas mill-imħallfin tagħhom ma semgħu; anzi żnew
wara allat oħra u adurawhom. Malajr warrbu mit-triq li mxew fiha missirijiethom,
li semgħu l-liġijiet tal-Mulej, ħaġa li huma ma għamluhiex. [Mħ:2:18] U kull
meta l-Mulej kien iqajjmilhom l-imħallfin, il-Mulej kien ikun ma' l-imħallef u
kien isalvahom minn id l-għedewwa tagħhom sakemm kien idum ħaj l-imħallef; għax
kien il-Mulej iħenn għall-krib tagħhom minħabba dawk li kienu jaħqruhom u
jgħakksuhom. [Mħ:2:19] Iżda meta kien imut l-imħallef, kienu jerġgħu jitħassru,
u jsiru agħar minn missirijiethom, u jmorru wara allat oħra biex jaqduhom u
jadurawhom; qatt ma nqatgħu mill-għemejjel ħżiena tagħhom u mill-ebusija ta'
rashom.
[Mħ:2:20] U l-korla tal-Mulej xegħlet kontra Iżrael u qal: “Talli dan il-poplu
kiser il-patt tiegħi li ordnajt lil missirijiethom u ma semgħux minn kliemi,
[Mħ:2:21] jien ma nibqa' nkeċċi lil ħadd iżjed minn quddiemhom, mill-ġnus li
ħalla Ġożwè meta miet. [Mħ:2:22] Bihom jien inġarrab lil Iżrael, u nara jekk
iżommux jew le fit-triq tal-Mulej u jimxu fiha, bħalma żammew missirijiethom.”
[Mħ:2:23] U l-Mulej ħalla lil dawk il-ġnus u ma qeridhomx malajr, u ma telaqhomx
f'idejn Ġożwè.
3. L-infedeltà tal-poplu ta' Iżrael
[Mħ:3:1] U dawn huma l-ġnus li l-Mulej ħalla biex bihom iġarrab lil Iżrael, lil
dawk kollha li ma kinux jafu bit-taqbid li kien sar qabel għal Kangħan. [Mħ:3:2]
L-għan tiegħu kien biss li l-ġenerazzjonijiet ta' wlied Iżrael jitgħallmu
jitqabdu, għallinqas dawk li qatt ma kienu ġarrbu t-taqbid. [Mħ:3:3] Dawn kienu:
Il-ħames prinċpijiet tal-Filistin, il-Kangħanin kollha, is-Sidonin u l-Ħiwwin,
li kienu jgħammru fil- muntanji tal-Libanu mill-muntanja ta' Bagħal-ħermon sad-daħla
ta' Ħamat. [Mħ:3:4] U dan kien biex iġarrab bihom lil Iżrael, u jara jisimgħux
l-ordnijiet li l-Mulej kien ordna lil missirijiethom permezz ta' Mosè. [Mħ:3:5]
Hekk ulied Iżrael kienu jgħammru f'nofs il-Kangħanin, il-Ħittin, l-Amurrin,
il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin. [Mħ:3:6] U kienu jiżżewwġu n-nisa tagħhom, u
lil uliedhom subjien kienu jżewwġulhom il-bniet tagħhom; u kienu jservu l-allat
tagħhom.
L-imħallef Għotnijel
[Mħ:3:7] Ulied Iżrael għamlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej, nsew il-Mulej, Alla
tagħhom, u marru jservu lill-Bagħalim u x-xbihat ta' l-Asera. [Mħ:3:8] Il-Mulej
xegħel bil-korla għal Iżrael u biegħhom f'idejn Kusan-risgħatajm, sultan ta'
Aram-naħarajm, u wlied Iżrael damu mjassra taħt Kusan-risgħatajm għal tmien snin
sħaħ.
[Mħ:3:9] Mbagħad ulied Iżrael għajjtu lill-Mulej u l-Mulej qajjem salvatur lil
ulied Iżrael, li ħelishom, Għotnijel bin Kenaż, ħu Kaleb, iżgħar minnu.
[Mħ:3:10] U l-ispirtu tal-Mulej kien fuqu, u sar imħallef fuq Iżrael, u ħareġ
għall-gwerra, u l-Mulej reħa f'idejh lil Kusan-risgħatajm, sultan ta' Aram.
Għotnijel kien qawwi wisq għal Kusan-risgħatajm. [Mħ:3:11] U l-art strieħet għal
erbgħin sena; u Għotnijel bin Kenaż miet.
L-imħallef Eħud
[Mħ:3:12] U wlied Iżrael issuktaw jagħmlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej u l-Mulej
saħħaħ lil Għeglon, sultan ta' Mowab, kontra Iżrael għax dawn għamlu l-ħażen
f'għajnejn il-Mulej. [Mħ:3:13] Għeglon ġabar miegħu l-Għammonin u l-Għamalekin,
u ħareġ jaħbat għal Iżrael, u ħa f'idejh Belt it-Tamar. [Mħ:3:14] U wlied Iżrael
qdew lil Għeglon, sultan ta' Mowab, għal tmintax-il sena.
[Mħ:3:15] U wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej, u l-Mulej qajjmilhom salvatur, lil
Eħud bin Gera, raġel xellugi mit-tribù ta' Benjamin. U wlied Iżrael bagħtuh bit-tribut
f'idu għand Għeglon, sultan ta' Mowab. [Mħ:3:16] U Eħud għamel sejf b'żewġt
ixfar, twil driegħ, u rabtu mal-ħżiem minn taħt il-ħwejjeġ fuq ġenbu tal-lemin.
[Mħ:3:17] U mar joffri t-tribut lil Għeglon, sultan ta' Mowab; u Għeglon kien
raġel smin ħafna. [Mħ:3:18] U ġara li malli temm joffri t-tribut, Eħud bagħat
in-nies li kienu jġorruh. [Mħ:3:19] U hu raġa’ lura minn ħdejn l-idoli li hemm
ħdejn Gilgal u qallu: “Għandi kelma moħbija xi ngħidlek, Sultan.” Is-sultan
ordna s-skiet u dawk li kienu preżenti ħdejh ħarġu 'l barra. [Mħ:3:20] Eħud
resaq lejh, u hu kien waħdu fl-għorfa friska li kellu fuq, u Eħud qallu: “Għandi
kelma minn Alla għalik,” u s-sultan qam minn fuq is-siġġu. [Mħ:3:21] Eħud
imbagħad ħareġ idu x-xellugija, silet is-sejf minn ma' ġenbu tal-lemin, u
daħħalhulu f'żaqqu. [Mħ:3:22] U daħal saħansitra l-manku max-xafra, u x-xaħam
għalaq fuq ix-xafra, għax ma kienx silet lura s-sejf minn żaqqu u ħmieġu ħareġ
barra. [Mħ:3:23] Mbagħad Eħud ħareġ fis-setaħ, u għalaq il-bieb ta' l-għorfa ta'
fuq, u sakkar warajh. [Mħ:3:24] U hu ħareġ; u l-qaddejja tas-sultan, meta raw
il-bieb ta' l-għorfa msakkar qalu: “Għandu mnejn qiegħed jaqdi l-bżonnijiet
tiegħu fl-għorfa friska.” [Mħ:3:25] U qagħdu jistennew sa ma bdew jitħassbu; u
billi hu baqa' ma fetaħx il-bieb ta' l-għorfa, qabdu l-muftieħ u fetħu, u sabu
hemm lil sidhom mixħut mejjet fl-art. [Mħ:3:26] Eħud laħaq ħarab sakemm huma
qagħdu jitħassbu, għadda 'l hemm mill-idoli, u wasal bis-sliema f'Segħira.
[Mħ:3:27] Malli wasal hemm daqq il-kornu minn fuq il-muntanji ta' Efrajm, u
wlied Iżrael niżlu flimkien miegħu minn fuq il-muntanji, u hu quddiemnett.
[Mħ:3:28] Hu qalilhom: “Imxu warajja għax il-Mulej reħa f'idejkom il-Mowabin, l-għedewwa
tagħkom.” U niżlu warajh, u ħadu f'idejhom il-mogħdijiet tal-Ġordan lejn Mowab,
u ma ħallew lil ħadd jgħaddi. [Mħ:3:29] U qatlu dakinhar madwar għaxart elef ruħ
mill-Mowabin, kollha nies b'saħħithom u ta' ħila, u ebda bniedem ma salva.
[Mħ:3:30] U Mowab dakinhar waqgħet f'idejn Iżrael, u l-art strieħet għal tmenin
sena.
L-imħallef Samgar
[Mħ:3:31] Wara Eħud kien hemm Samgar bin Għanat, u dan darab sitt mitt raġel
mill-Filistin b'niggiesa tal-baqar, u hekk ħeles hu wkoll lil Iżrael.
4. Debora u Barak
[Mħ:4:1] Wara li miet Eħud, ulied Iżrael reġgħu għamlu l-ħażen f'għajnejn
il-Mulej, [Mħ:4:2] u l-Mulej biegħhom f'id Ġabin, sultan ta' Kangħan, li kien
isaltan f'Ħasor; u l-kmandant ta' l-eżerċtu tiegħu kien Sisera, li kien joqgħod
f'Ħaroset tal-ġnus. [Mħ:4:3] U wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej, għax dan
is-sultan kellu disa' mitt karru tal-ħadid, u kien ilu jgħakkes lil ulied Iżrael
għal għoxrin sena sħaħ.
[Mħ:4:4] Dik il-ħabta kien hemm Debora, mara profeta u mart Lappidot; kienet
imħallef f'Iżrael. [Mħ:4:5] Kienet toqgħod taħt it-tamra ta' Debora, bejn Rama u
Betel, fuq il-muntanji ta' Efrajm, u wlied Iżrael kienu jitilgħu biex
tagħmlilhom il-ħaqq bejniethom. [Mħ:4:6] U bagħtet issejjaħ lil Barak bin
Abinogħam, minn Kedes ta' Naftali, u qaltlu: “Il-Mulej, Alla ta' Iżrael, ta din
l-ordni: 'Mur u hu għaxart elef raġel minn ulied Naftali u minn ulied Żebulun, u
erħilha bihom lejn il-muntanja tat-Tabor. [Mħ:4:7] U jien inġiblek ħdejn il-wied
ta' Kison lil Sisera, il-kmandant ta' l-eżerċtu ta' Ġabin, bil-karrijiet u l-kotra
tiegħu, u nerħih f'idejk.’ ” [Mħ:4:8] U Barak weġibha: “Jekk int tiġi miegħi,
jien immur; jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.” [Mħ:4:9] U Debora wieġbet: “Jien
niġi miegħek; imma ma jkollokx glorja fit-triq li se taqbad, għaliex b'id ta'
mara se jbigħ il-Mulej lil Sisera.” U qamet Debora u marret ma' Barak f'Kedes.
[Mħ:4:10] Barak, mbagħad, ġabar lil Żebulun u lil Naftali f'Kedes u telgħu
miegħu għaxart elef raġel, u telgħet ukoll miegħu Debora.
[Mħ:4:11] Ħeber il-Keni kien infired mill-Kenin, minn ulied Ħobab, ħaten Mosè, u
waqqaf it-tined tiegħu ħdejn il-Balluta f'Sagħnannin ħdejn Kedes.
[Mħ:4:12] U 'l Sisera wasslulu l-aħbar li Barak bin Abinogħam kien tala' fuq
il-muntanja tat-Tabor. [Mħ:4:13] U Sisera ġabar il-karrijiet kollha tiegħu, disa'
mitt karru tal-ħadid, u n-nies kollha li kellu miegħu minn Ħaroset-ħaggojjim
sal-wied ta' Kison. [Mħ:4:14] U Debora qalet lil Barak: “Qum għax dan hu l-jum
li fih il-Mulej reħa f'idejk lil Sisera. Il-Mulej se joħroġ quddiemek.” U Barak
niżel mill-muntanja tat-Tabor b'għaxart elef raġel warajh. [Mħ:4:15] U l-Mulej
ħarbat lil Sisera, u l-karrijiet tiegħu, u l-kotra kollha għaddiehom minn xifer
ix-xabla quddiem Barak. U Sisera niżel mill-karru, u ħarab bil-mixi. [Mħ:4:16] U
Barak għamel għal wara l-karrijiet, u wara l-eżerċtu sa Ħaroset-ħaggojjim; u
waqa' l-eżerċtu kollu ta' Sisera b'xifer ix-xabla, u anqas wieħed ma baqa'
minnhom.
[Mħ:4:17] U Sisera ħarab bil-mixi lejn it-tinda ta' Gagħel, il-mara ta' Ħeber
il-Keni, għax kien hemm il-paċi bejn Ġabin, is-sultan ta' Ħasor, u bejn id-dar
ta' Ħeber il-Keni. [Mħ:4:18] U Ġagħel ħarġet tilqa' lil Sisera u qaltlu: “Idħol
hawn, Sidi, idħol għandi. La tibżax.” U daħal għandha fl-għarix, u għattietu
b'tapit. [Mħ:4:19] U hu qalilha: “Isqini daqsxejn ilma, għax bini l-għatx.”
Fetħet żaqq ħalib, u sqietu, u għattietu. [Mħ:4:20] U hu qalilha: “Oqgħod
fil-bieb ta' l-għarix, u jekk jiġi xi ħadd, u jistaqsik u jgħidlek jekk hawnx xi
ħadd, għidlu: 'Ma hawnx.’ ”
[Mħ:4:21] Mbagħad Gagħel, il-mara ta' Ħeber, ħadet kunjard tat-tined, qabdet
martell f'idha, u resqet ħdejh inkiss inkiss, u sammret il-kunjard ġo ngħasu u
nifdithulu sa l-art. U hu kien għajjien u rieqed fil-fond, u baqa' mejjet hemm.
[Mħ:4:22] U hemm hu Barak ġej jigri wara Sisera. Gagħel ħarġet tilqgħu u qaltlu:
“Ejja, u ara r-raġel li int qiegħed tfittex.” U daħal għandha, u hemm kien
Sisera mejjet fl-art, u l-kunjard f'ngħasu.
[Mħ:4:23] U hekk dakinhar Alla ġieb fix-xejn lil Ġabin, sultan ta' Kangħan,
quddiem ulied Iżrael. [Mħ:4:24] U id ulied Iżrael baqgħet dejjem tagħfas fuq
Ġabin, sultan ta' Kangħan, sakemm qerdu għalkollox lil Ġabin, sultan ta' Kangħan.
5. L-għanja ta' Debora
[Mħ:5:1] Mbagħad Debora u Barak bin Abinogħam dakinhar għannew din l-għanja:
[Mħ:5:2] “Talli l-mexxejja ta' Iżrael,
bi dlielhom maħlula;
talli l-poplu minn rajh ta ruħu;
bierku lil Jahweh! [Mħ:5:3]
Isimgħu, Slaten! agħtu widen, kbarat!
Jien lil Jahweh,
jien ngħanni,
ndoqq lil Jahweh, Alla ta' Iżrael.
[Mħ:5:4] Jahweh, int u ħiereġ minn Segħir,
int u tiela' minn Edom,
triegħdet l-art,
u nħallu s-smewwiet,
tqattar l-ilma mis-sħab,
[Mħ:5:5] theżhżu l-iġbla quddiem Jahweh,
ġebel Sinaj,
quddiem Jahweh, Alla ta' Iżrael.
[Mħ:5:6] Fi żmien Samgar bin Għanat,
fi żmien Gagħel,
waqfu l-karwani,
u fl-imwarrab terrqu n-nies;
[Mħ:5:7] ħemdu l-irħula f'Iżrael, ħemdu,
sa ma qomt jien, Debora,
sa ma qomt jien, omm f'Iżrael!
[Mħ:5:8] Allat ġodda ħatru,
u ġo bliethom ġiethom l-gwerra.
Tarka f'Iżrael ma kinitx tidher,
u lanqas lanza f'erbgħin elf f'Iżrael.
[Mħ:5:9] Minn qalbi ndur lejn il-kbarat ta' Iżrael,
lejkom li tajtu ruħkom lill-poplu:
Bierku lil Jahweh!
[Mħ:5:10] Intom riekba fuq il-ħmir xehbiena,
intom mixħuta fuq it-twapet,
intom miexja fit-triq, għannu lkoll!
[Mħ:5:11] Isma' l-għannejja ħdejn il-bjar,
hemm itennu r-rebħiet ta' Jahweh,
ir-rebħiet tiegħu b'riżq Iżrael.
Sal-bibien niżel il-poplu ta' Jahweh.
[Mħ:5:12] Stenbaħ! Stenbaħ, Debora!
Stenbaħ! Stenbaħ, għanni għanja!
Qum, Barak, agħżel il-priġunieri,
bin Abinogħam!
[Mħ:5:13] Mbagħad niżlu l-bqija tan-nobbli,
il-poplu ta' Jahweh niżel għalih
bil-qawwijin.
[Mħ:5:14] Minn Efrajm niżlu fil-wied,
warajk fost niesek, Benjamin.
Minn Makir niżlu l-mexxejja,
u minn Żebulun in-nies b'ħatar il-kmand;
[Mħ:5:15] u l-kbarat ta' Issakar ma' Debora.
Issakar żamm sħiħ ma' Barak,
u lejn il-wied irħielha.
Fost il-familji ta' Ruben,
firdiet kbar ta' fehmiet il-qalb.
[Mħ:5:16] Għala bqajt fl-imqawel?
Għala bqajt tisma' tisfir ir-rgħajja?
Fost il-familji ta' Ruben,
firdiet kbar ta' fehmiet il-qalb.
[Mħ:5:17] Gilgħad baqa' 'l hemm mill-Ġordan.
U int, Dan, għala bqajt 'il bogħod ħdejn l-igfien?
Aser qagħad jitlajja fuq xatt il-Baħar,
u ħdejn il-qaliet tiegħu baqa'.
[Mħ:5:18] Żebulun sal-mewt ma jibżax għal ħajtu,
flimkien ma' Naftali fuq il-wita fil-għoli.
[Mħ:5:19] Ġew is-slaten, u bdew jitqabdu;
tqabdu mbagħad is-slaten ta' Kangħan,
f'Tagħnak ħdejn l-ilma ta' Megiddu;
ebda priża ta' fidda ma ħadu.
[Mħ:5:20] Sa l-kwiekeb tqabdu mis-smewwiet,
il-kwiekeb minn triqathom tqabdu ma' Sisera.
[Mħ:5:21] Ġarrhom il-wied ta' Kison,
wied qalbieni, il-wied ta' Kison!
Agħmel il-ħila, imbotta 'l quddiem, ruħ tiegħi!
[Mħ:5:22] Mbagħad ħabbtu dwiefer iż-żwiemel,
u lebbtu fuq li lebbtu l-ġerrejja tiegħu.
[Mħ:5:23] Isħtu lil Meroż, għajjat l-anġlu tal-Mulej
Isħtu, isħtuh lil min jgħammar fih.
Ma għenux lil Jahweh,
ebda għajnuna ma taw lil Jahweh u l-qalbenin.
[Mħ:5:24] Mbierka fost in-nisa Gagħel,
il-mara ta' Ħeber il-Keni,
fost in-nisa ta' l-għerejjex imbierka.
[Mħ:5:25] Ilma talabha, u l-ħalib tatu;
f'bieqja tal-kbarat newwlitlu l-baqta.
[Mħ:5:26] Meddet idejha għall-kunjard,
u lemintha għall-martell tal-ħaddiem.
Darbet lil Sisera, u r-ras saħqitlu;
nifditlu ngħasu u saħqithulu.
[Mħ:5:27] F'riġlejha miel, u waqa', u nxteħet fl-art;
'il fejn miel, hemm waqa', u mejjet baqa'.
[Mħ:5:28] Mit-tieqa xirfet u għajjtet,
Omm Sisera, mit-tieqa mxebbka:
'X'kien iddawwar ma ġie l-mirkeb tiegħu?
X'kien mitnikkra l-imriekeb tiegħu?'
[Mħ:5:29] Wieġbet l-egħref fost il-kbarat tan-nisa tagħha,
u hi stess kellha t-tweġiba tagħha:
[Mħ:5:30] 'Humiex ifittxu jaqsmu l-priża?
Lil kull raġel, tfajla jew tnejn;
priża ta' xaqaq bil-kulur u r-rakkmu,
żewġ xaqaq bil-kulur u r-rakkmu,
għal għonq Sisera?'
[Mħ:5:31] Hekk jintemmu l-għedewwa tiegħek, Jahweh!
Imma dawk li jħobbuk,
bħal ħruġ ix-xemx fil-qawwa tagħha!”
U hekk il-pajjiz kellu mistrieħ għal erbgħin sena.
6. Il-ħbit tal-Midjanin
[Mħ:6:1] U wlied Iżrael reġgħu għamlu l-ħażen f'għajnejn il-Mulej, u l-Mulej
telaqhom f'idejn il-Midjanin għal seba' snin. [Mħ:6:2] U id Midjan tqalet sewwa
fuq Iżrael. Minħabba Midjan ulied Iżrael kellhom imorru joqogħdu fil-ħofor
fil-muntanji, fl-għerien u l-fortizzi fuq l-għoljiet. [Mħ:6:3] U kull meta l-Iżraelin
kienu jiżirgħu, kienu jitilgħu l-Midjanin u l-Għamalekin u n-nies tal-lvant u
jagħmlu għalihom. [Mħ:6:4] U jwaqqfu t-tined tagħhom ħdejhom, u jeqirdu l-uċuħ
tar-raba' sa ħdejn Gaża, u ma jħallu xejn għall-għajxien ta' Iżrael, u la
mrieħel, u la baqar u la ħmir. [Mħ:6:5] Kienu jiġu bl-imrieħel tagħhom,
bit-tined tagħhom kotrana daqs il-gradijiet, u iġmla bla għadd, u kienu jiġu
jħarbtu l-art kollha.
[Mħ:6:6] Iżrael kien mgħakkes sewwa minn Midjan, u wlied Iżrael għajjtu
lill-Mulej. [Mħ:6:7] Meta wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej minħabba Midjan,
[Mħ:6:8] il-Mulej bagħat wieħed profeta lil ulied Iżrael, u qalilhom: “Dan hu li
jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Jiena tellajtkom mill-Eġittu u ħriġtkom minn
art il-jasar, [Mħ:6:9] u ħlistkom minn idejn l-Eġizzjani, u minn idejn dawk
kollha li kienu jaħqrukom, u keċċejthom minn quddiemkom, u tajtkom arthom.
[Mħ:6:10] U għedtilkom: 'Jiena hu l-Mulej, Alla tagħkom. La tqimux l-allat ta'
l-Amurrin li intom qegħdin tgħammru f'arthom, imma intom ma smajtux minn kliemi.’
”
Is-sejħa ta' Gidgħon
[Mħ:6:11] L-anġlu tal-Mulej ġie u qagħad taħt il-balluta li hemm f'Għofra, li hi
ta' Ġowas l-Abigħeżri; u ibnu Gidgħon kien qiegħed jidres il-qamħ fil-magħsar
biex jeħilsu mill-aktar fis mill-Midjanin. [Mħ:6:12] U deherlu l-anġlu tal-Mulej
u qallu: “Il-Mulej miegħek, raġel qalbieni!” [Mħ:6:13] U Gidgħon qallu: “Imma
għidli, Sidi, jekk il-Mulej magħna għaliex ġralna dan kollu? Fejn huma l-opri l-kbar
li kienu jgħidulna bihom missirijietna, u qalulna: 'Ma tellagħniex mill-Eġittu
l-Mulej?' U issa għala l-Mulej telaqna u rħiena f'idejn il-Midjanin?” [Mħ:6:14]
Il-Mulej dar lejh u qallu: “Mur u eħles b'din il-qawwa tiegħek lil Iżrael mill-ħakma
ta' idejn Midjan. M'hux jien bgħattek?” [Mħ:6:15] U Gidgħon wieġbu: “Iddew, Sidi,
biex se neħles lil Iżrael? Ara, il-familja tiegħi hi l-inqas waħda fit-tribù ta'
Manassi, u jien iż-żgħir f'dar missieri.” [Mħ:6:16] U l-Mulej wieġbu: “Jiena
nkun miegħek! Int tidrob il-Midjanin, bħallikieku kienu raġel wieħed.” [Mħ:6:17]
U wieġbu: “Jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, agħmilli sinjal li inti qiegħed
tkellimni. [Mħ:6:18] Twarrabx minn hawn sa ma nerġa’ niġi ħdejk u nġib l-offerta
tiegħi u noffrihielek.” U dak wieġbu: “Jien noqgħod hawn sa ma tiġi.”
[Mħ:6:19] U Gidgħon mar u ħejja gidi u ħa efa dqiq u għamilha ftajjar bla ħmira;
il-laħam qiegħdu f'qoffa u l-meraq qiegħdu f'borma, u ġibhomlu quddiemu taħt
il-balluta. [Mħ:6:20] U l-anġlu tal-Mulej qallu: “Ħu l-laħam u l-ftajjar, u
qegħedhom fuq din il-blata u sawwab il-meraq.” U hekk għamel. [Mħ:6:21] Mbagħad
l-anġlu tal-Mulej medd tarf il-ħatar, li kellu f'idu, u mess bih il-laħam u l-ftajjar,
u ħareġ in-nar mill-blata, u ħaraq il-laħam u l-ftajjar, u l-anġlu tal-Mulej
għab minn quddiemu. [Mħ:6:22] U Gidgħon ra li kien l-anġlu tal-Mulej u qal: “Ah,
Sidi Mulej! Rajt jien l-anġlu tal-Mulej wiċċ imbwiċċ.” [Mħ:6:23] U l-Mulej qallu:
“Sliem għalik, la tibżax! M'intix se tmut.” [Mħ:6:24] Gidgħon imbagħad bena
artal lill-Mulej u sejjaħlu: 'Jahweh - sliem.' Għadu hemm sa llum f'Għofra ta'
l-Abigħeżrin.
[Mħ:6:25] U ġara li dak il-lejl qallu l-Mulej: “Ħu għoġol milli għandu missierek,
it-tieni għoġol ta' seba' snin, u ħott l-artal ta' Bagħal, li għandu missierek,
u qaċċat ix-xbieha ta' l-Asera ta' ħdejh. [Mħ:6:26] U ibni artal kif għandu jkun
lill-Mulej, Alla tiegħek, fuq ras din l-għolja, u mbagħad tieħu t-tieni għoġol,
u toffrih maħruq bil-ħatab ta' l-Asera li tkun qaċċatt.”
[Mħ:6:27] Gidgħon ħa għaxart irġiel mill-qaddejja tiegħu, u għamel kif qallu l-Mulej.
Iżda billi beża' minn dar missieru u n-nies tal-belt jagħmel dan binhar, għamlu
billejl. [Mħ:6:28] Kif qamu fil-għodu n-nies tal-belt sabu l-artal ta' Bagħal
imġarraf u l-Asera ta' ħdejh imqaċċta, u t-tieni għoġol issagrifikat fuq l-artal
li kien bena. [Mħ:6:29] U bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Min għamel dan?” U
staqsew, u fittxew, u qalu: “Gidgħon bin Ġowas għamel dan.” [Mħ:6:30] U n-nies
tal-belt qalu lil Ġowas: “Oħroġ lil ibnek ħa noqtluh, talli ġarraf l-artal ta'
Bagħal u qaċċat l-Asera li kienet ħdejh.” [Mħ:6:31] U Ġowas wieġeb lil dawk li
kienu preżenti madwaru: “Tridu intom taqbżu għal Bagħal? Intom se tgħinuh? Min
jaqbeż għalih, sa filgħodu jkun mejjet. Jekk Bagħal hu alla tassew, jiddefendi
ruħu hu, talli ġarrfulu l-artal tiegħu.” [Mħ:6:32] U dakinhar semmew lil Gidgħon,
‘Ġerub-bagħal', jiġifieri 'ħa jeħodha kontrih Bagħal', għax kien ġarraf l-artal
ta' Bagħal.
L-invażjoni tal-Midjanin
[Mħ:6:33] Il-Midjanin ilkoll u l-Għamalekin u n-nies tal-lvant inġabru, u
ngħaqdu flimkien, u qasmu l-Ġordan, u waqqfu l-kamp fil-wita ta' Giżragħel.
[Mħ:6:34] U l-ispirtu tal-Mulej ħataf lil Gidgħon, u dan daqq it-tromba, u
nġemgħu l-Abigħeżrin għal warajh. [Mħ:6:35] Bagħat ukoll messaġġiera għand
Manassi, u dawn inġabru wkoll għal warajh; u messaġġiera oħra għand Aser u
Żebulun u Naftali, u telgħu għal magħhom. [Mħ:6:36] U Gidgħon qal lil Alla:
“Jekk inti se ssalva lil Iżrael permezz tiegħi kif għedtli, [Mħ:6:37] arani,
jien se nqiegħed din il-geżża suf fuq l-andar, jekk in-nida taqa' fuqha weħidha,
u l-art tibqa' niexfa madwarha, jien inkun naf li int se teħles lil Iżrael
permezz tiegħi kif għedtli.” [Mħ:6:38] U hekk ġara. L-għada bakkar, u għasar
il-ġeżża, u ħarġet minnha daqs bieqja nida. [Mħ:6:39] U Gidgħon qal lil Alla:
“La tisħonx għalija! Ħa nitkellem u nġarrbek darba oħra biss: Ħa jkun hemm l-inxief
fuq il-ġeżża weħidha u n-nida fuq l-art.” [Mħ:6:40] U Alla għamel hekk matul
il-lejl; u kien hemm l-inxief fuq il-ġeżża weħidha u nida fuq l-art kollha.
7. L-għażla tal-gwerriera
[Mħ:7:1] U Ġerub-bagħal, jiġifieri Gidgħon, u n-nies tiegħu, qamu fil-għodu
kmieni, u waqqfu l-kamp ħdejn Għajn-ħarod; u l-kamp tal-Midjanin kien lejn it-tramuntana
ta' Gidgħon, fil-wita ħdejn l-għolja Mori.
[Mħ:7:2] U l-Mulej qal lil Gidgħon: “Għandek nies wisq miegħek biex nerħi
lill-Midjanin f'idejhom; Iżrael jibda jiftaħar minn fuqi u jgħid: 'Idi salvatni'.
[Mħ:7:3] Għalhekk issa kellem lin-nies u xandar li jisimgħuk u għidilhom: 'Min
jibża' u jitwerwer jerġa’ lura.' U reġgħu lura mill-kotra tnejn u għoxrin elf, u
baqgħu għaxart elef ruħ. [Mħ:7:4] U l-Mulej raġa’ qal lil Gidgħon: “Għad fadal
wisq nies; niżżilhom ħdejn l-ilma, u hemm nagħmillek l-għażla; u 'l min ngħidlek:
'Dan jiġi miegħek', dan jiġi miegħek, u 'l kull min ngħidlek: 'Dan ma jiġix
miegħek', dan ma jiġix miegħek.”
[Mħ:7:5] U niżżel in-nies ħdejn l-ilma. U l-Mulej qal lil Gidgħon: “Kull min
jilgħaq l-ilma bi lsienu bħalma jilagħqu l-klieb, qiegħdu għalih; u kull min
jinżel għarkubbtejh biex jixrob qiegħdu għalih.” [Mħ:7:6] U l-għadd ta' dawk li
lagħqu l-ilma minn idejhom ma' fommhom kienu ta' tliet mitt ruħ, u l-bqija tan-nies
niżlu għarkubbtejhom biex jixorbu l-ilma.
[Mħ:7:7] U l-Mulej qal lil Gidgħon: “Bit-tliet mitt raġel li lagħqu l-ilma, jien
insalvakom u nerħi lill-Midjanin f'idejk, u n-nies l-oħra kulħadd imur f'postu.”
[Mħ:7:8] Mbagħad in-nies kollha ħadu l-ġarar f'idejhom u t-trombi tagħhom, u l-Iżraelin
l-oħra bagħathom, kulħadd fl-għarix tiegħu, u ħa miegħu t-tliet mitt raġel. Il-kamp
tal-Midjanin kien taħtu fil-wita.
Il-ħolma u r-rebħa ta' Gidgħon
[Mħ:7:9] Dak il-lejl il-Mulej qallu: “Qum u inżel fil-kamp, għax irħejtu f'idejk.
[Mħ:7:10] U jekk tibża' tinżel int, inżel int u Pura, il-qaddej tiegħek,
fil-kamp. [Mħ:7:11] Issamma' xi jkunu jgħidu, mbagħad tagħmel il-ħila, u tinżel
fil-kamp.” U niżel hu u Pura, il-qaddej tiegħu, sa ħdejn l-għases tal-kamp.
[Mħ:7:12] U l-Midjanin u l-Għamalekin u n-nies tal-lvant kienu kollha mifruxa
fil-wita, kotrana bħall-gradijiet, u l-iġmla tagħhom daqs ir-ramel f'xatt
il-Baħar.
[Mħ:7:13] Wasal Gidgħon u sama' wieħed jirrakkonta ħolma lil sieħbu u jgħidlu:
“Ara, ħlomt ħolma: rajt bħal ħobża tonda tax-xgħir titgerbeb fil-kamp ta' Midjan,
ġiet ħdejn għarix, laqtitu u waqqgħetu, u qalbitu ta' taħt fuq, u l-għarix waqa'
fl-art.” [Mħ:7:14] U sieħbu wieġeb, u qallu: “Din m'hijiex ħaġa oħra ħlief ix-xabla
ta' Gidgħon bin Ġowas, l-Iżraeli. Alla tah f'idejh lill-Midjanin u l-kamp kollu.”
[Mħ:7:15] Ġara li malli sama' l-ħolma u t-tifsira tagħha, Gidgħon niżel wiċċu
fl-art u raġa’ lura lejn il-kamp ta' Iżrael, u qal: “Qumu, għax il-Mulej reħa
f'idejkom il-kamp tal-Midjanin.” [Mħ:7:16] Mbagħad qassam it-tliet mitt raġel fi
tliet taqsimiet; tahom tromba kull wieħed, u ġarar vojta, u torċi f'nofs
il-ġarar. [Mħ:7:17] U qalilhom: “Ħarsu lejja u agħmlu bħali: Jiena mmur f'tarf
il-kamp, u kif nagħmel jien, agħmlu intom. [Mħ:7:18] Malli ndoqq it-tromba, jien
u dawk li jkunu miegħi, doqqu wkoll intom it-trombi madwar il-kamp kollu u
għajjtu: 'Għall-Mulej u għal Gidgħon!’ ”
[Mħ:7:19] U Gidgħon flimkien mal-mitt raġel li kellu miegħu wasal sa tarf
il-kamp fil-bidu ta' l-għassa tan-nofs; kienu għadhom kemm qiegħdu l-għases meta
daqqew it-trombi u kissru l-ġarar li kellhom f'idejhom, [Mħ:7:20] u t-tliet
taqsimiet daqqew it-trombi u kissru l-ġarar, u qabdu f'idhom ix-xellugija t-torċi
u f'idhom il-leminija t-trombi biex idoqqu, u għajjtu: “Xabla għall-Mulej u għal
Gidgħon!” [Mħ:7:21] U huma baqgħu kulħadd f'postu madwar il-kamp; u l-kamp kollu
kien kollu ġiri u għajat, u n-nies kollha ħarbu. [Mħ:7:22] It-tliet mitt raġel
baqgħu jdoqqu t-trombi, u l-Mulej dawwar ix-xabla ta' kull wieħed mill-Midjanin
lejn sieħbu mal-kamp kollu; u ħarab il-kamp kollu sa Bet-sitta lejn Serera sa
xatt Abel-meħola ħdejn Tabbat.
[Mħ:7:23] U minn Naftali u Aser u minn Manassi kollu nġemgħu n-nies ta' Iżrael,
u għamlu għal wara l-Midjanin. [Mħ:7:24] U Gidgħon bagħat messaġġiera mal-muntanji
kollha ta' Efrajm jgħidilhom: “Inżlu biex tilqgħu lill-Midjanin; aqtgħulhom
il-mogħdijiet tax-xmara matul il-Ġordan sa Bet-bara.” U nġemgħu n-nies ta'
Efrajm kollha, u ħadu f'idejhom il-mogħdijiet tax-xmara matul il-Ġordan sa Bet-bara.
[Mħ:7:25] U qabdu ż-żewġ prinċpijiet ta' Midjan, Għoreb u Żeb. U qatlu lil
Għoreb fuq il-blata ta' Għoreb, u lil Żeb ħdejn il-magħsar ta' Żeb, u baqgħu
sejrin għal wara l-Midjanin; u ġiebu l-irjus ta' Għoreb u Żeb lil Gidgħon 'l
hemm mill-Ġordan.
8. Wara t-taqtigħa
[Mħ:8:1] U n-nies ta' Efrajm qalulu: “Għaliex għamiltilna hekk, li ma
sejjaħtilniex meta mort titqabad mal-Midjanin?” U tlewwmu miegħu bl-aħrax.
[Mħ:8:2] U weġibhom: “X'għamilt jien ħdejkom? M'hux aħjar għanqud żgħir ta'
Efrajm mill-ġabra sħiħa ta' Abigħeżer? [Mħ:8:3] F'idejkom reħa Alla l-prinċpijiet
ta' Midjan, Għoreb u Żeb; xi stajt nagħmel jien aqwa milli għamiltu intom?” U
birdet is-saħna li kellhom għalih malli qalilhom dan il-kliem. [Mħ:8:4] Gidgħon
wasal ħdejn il-Ġordan, u qasam, hu u t-tliet mitt raġel li kellu miegħu,
għajjenin u bil-ġuħ. [Mħ:8:5] U qal lin-nies ta' Sukkot: “Iddew, agħtu ftajjar
tal-ħobż lin-nies li għandi miegħi, għaliex huma għajjenin, u jien qiegħed niġri
wara Żebaħ u Salmunna, slaten ta' Midjan.” [Mħ:8:6] U l-kapijiet ta' Sukkot
wieġbu: “Jaqaw idejn Żebaħ u Salmunna f'idejk, biex nagħtu l-ħobż lill-qtajja'
tiegħek?” [Mħ:8:7] U Gidgħon wieġeb: “Tajjeb! Meta l-Mulej jagħtini f'idejja lil
Żebaħ u lil Salmunna, nidres ġisimkom bix-xewk u bl-għollieq tax-xagħri.”
[Mħ:8:8] U tala' minn hemm għal Penuwel u qalilhom l-istess; u n-nies ta'
Penuwel wieġbu l-istess bħan-nies ta' Sukkot. [Mħ:8:9] U hu wieġeb l-istess
lin-nies ta' Penuwel u qalilhom: “Meta nerġa’ lura bis-sliem, nġarraf dan it-torri.”
[Mħ:8:10] Żebaħ u Salmunna kienu f'Karkor bil-kamp tagħhom, b'xi ħmistax-il elf
raġel; dan kull ma kien baqa' mill-kamp kollu ta' wlied il-lvant, li minnhom
kienu waqgħu xi mija u għoxrin elf raġel kapaċi jħaddmu x-xabla.
[Mħ:8:11] Gidgħon tala' u qabad it-triq tan-nies li jgħammru fit-tined, fuq in-naħa
tal-lvant ta' Noba u Gogħba, u ħarbat il-kamp, meta n-nies ma kellhom ebda ħsieb
ta' xejn. [Mħ:8:12] Żebaħ u Salmunna ħarbu, u hu għamel għal warajhom, u qabad
f'idejh lil dawn iż-żewġ slaten tal-Midjanin, Żebaħ u Salmunna, u ħarbat il-kamp
kollu.
[Mħ:8:13] Gidgħon bin Ġowas raġa’ lura mit-taqbida mit-telgħa ta' Ħeres.
[Mħ:8:14] U qabad żagħżugħ min-nies ta' Sukkot u staqsieh; u dan kitiblu l-ismijiet
tal-kapijiet u x-xjuħ ta' Sukkot, sebgħa u sebgħin raġel. [Mħ:8:15] U mar għand
in-nies ta' Sukkot u qalilhom: “Hawn huma Żebaħ u Salmunna li għajjartuni bihom
u staqsejtuni: 'Għandek forsi f'idejk 'il Żebaħ u Salmunna biex nagħtuk il-ħobż
għal niesek għajjenin?’ ” [Mħ:8:16] U qabad il-kbarat tal-belt; u ħa x-xewk u l-għollieq
mix-xagħri, u dires bihom in-nies ta' Sukkot. [Mħ:8:17] U ġarraf it-torri ta'
Penuwel u qatel in-nies tal-belt.
[Mħ:8:18] U lil Żebaħ u Salmunna qalilhom: “Kif kienu n-nies li qtiltu f'Tabor?”
U huma weġbuh: “Jixbħu lilek; kull wieħed donnu bin sultan.” [Mħ:8:19] U hu
qalilhom: “Kienu ħuti, ulied ommi. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma kontx noqtolkom,
kieku ħallejtuhom ħajjin.” [Mħ:8:20] U dar fuq ibnu l-kbir Ġeter u qallu: “Qum u
oqtolhom.” Imma ż-żagħżugħ ma silitx ix-xabla għax baża', billi kien għadu tfal.
[Mħ:8:21] U Żebaħ u Salmunna qalulu: “Qum, u nxteħet fuqna int, għax int għandek
saħħa ta' raġel.” U qam Gidgħon u qatel lil Żebaħ u lil Salmunna, u ħa l-oqmra
li kienu ma' għonq l-iġmla tagħhom.
L-aħħar jiem ta' Gidgħon
[Mħ:8:22] U n-nies ta' Iżrael qalu lil Gidgħon: “Saltan fuqna, int u ibnek, u
bin ibnek, għax int salvajtna minn id il-Midjanin.” [Mħ:8:23] U weġibhom Gidgħon:
“Ma nsaltanx fuqkom, la jien u lanqas ibni; il-Mulej isaltan fuqkom.” [Mħ:8:24]
U ssokta jgħidilhom Gidgħon: “Ħaġa waħda nitlobkom: agħtuni kull wieħed il-ħoloq
li ħadtu mill-priża” - għax kellhom kull wieħed ħoloq tad-deheb, billi l-għedewwa
kienu Ismagħelin. [Mħ:8:25] U qalulu: “Nagħtuhomlok.” U firxu mantar, u xeħtu
fuqu kull wieħed il-ħoloq li kellu mill-priża. [Mħ:8:26] U l-piż ta' dawn
il-ħoloq tad-deheb li talab kien ta' elf u seba' mitt xekel, barra l-oqmra, l-imsielet,
l-ilbies tal-porpra, li kienu fuq is-slaten ta' Midjan, u l-ħnienaq ta' madwar
għonq l-iġmla tagħhom. [Mħ:8:27] U Gidgħon għamel efod u qiegħdu fil-belt tiegħu
ta' Għofra; u l-poplu ta' Iżrael kollu żena hemm ma' l-allat, u kienet nassa
għal Gidgħon u daru.
[Mħ:8:28] Hekk il-Midjanin għakksuhom ulied Iżrael, u ma setgħux jerfgħu rashom
aktar, u l-art strieħet għal erbgħin sena sakemm baqa' ħaj Gidgħon.
[Mħ:8:29] Ġerub-bagħal bin Ġowas mar u għammar f'daru. [Mħ:8:30] Gidgħon kellu
sebgħin tifel li tnisslu minnu, għax kien iżżewweġ ħafna nisa. [Mħ:8:31] Waħda
konkubina tiegħu, li kienet toqgħod f'Sikem, wilditlu iben hi wkoll, u semmieh
Abimelek. [Mħ:8:32] U Gidgħon bin Ġowas miet meta kien xjieħ sewwa, u difnuh
fil-qabar ta' Ġowas missieru f'Għofra ta' Abigħeżer.
[Mħ:8:33] U ġara li malli miet Gidgħon ulied Iżrael reġgħu żnew ma' l-allat
Bagħalim u għażlu b'alla tagħhom lil Bagħal-berit; [Mħ:8:34] ma ftakrux aktar
fil-Mulej Alla tagħhom, li kien ħelishom minn id l-għedewwa tagħhom ta'
madwarhom. [Mħ:8:35] U ma wrewx imħabba lejn dar Ġerub-bagħal, Gidgħon,
għall-ġid kollu li kien għamel ma' Iżrael.
9. Abimelek sultan
[Mħ:9:1] Abimelek bin Ġerub-bagħal mar Sikem, għand ħut ommu, u kellem lilhom u
l-familja kollha ta' dar missier ommu, u qalilhom: [Mħ:9:2] “Għidu f'widnejn
il-kbarat kollha ta' Sikem: 'X'inhu l-aħjar għalikom, li jaħkmu fuqkom sebgħin
raġel, ilkoll ulied Ġerub-bagħal, jew li jaħkem fuqhom bniedem wieħed? Ftakru li
laħamkom u għadamkom jien.” [Mħ:9:3] U ħut ommu tkellmu f'widnejn in-nies ta'
Sikem dan il-kliem kollu, u qalbhom inġibdet lejn Abimelek, għax qalu: “Ħuna hu.”
[Mħ:9:4] U tawh sebgħin biċċa tal-fidda mit-tempju ta' Bagħal-berit, u bihom
kera nies ta' xejn u bla kont, u marru warajh.
[Mħ:9:5] U mar f'dar missieru f'Għofra, u qatel lil ħutu wlied Ġerub-bagħal,
sebgħin wieħed, fuq ħaġra waħda; u baqa' wieħed, Ġotam, l-iben iż-żgħir ta'
Ġerub-bagħal, għax kien inħeba. [Mħ:9:6] Mbagħad inġabru l-kbarat kollha ta'
Sikem u Bet-millu, u qabdu u għamlu lil Abimelek sultan ħdejn il-balluta li hemm
f'Sikem.
[Mħ:9:7] Meta għarrfuh b'dan, Ġotam mar u qagħad fuq il-quċċata tal-muntanja
Gariżim, u għolla leħnu u sejjħilhom u qalilhom:
“Isimgħu, nies ta' Sikem!
Hekk Alla jisma' lilkom.
[Mħ:9:8] Darba marru s-siġar
biex jidilku sultan fuqhom.
U qalu liż-żebbuġa:
'saltan fuqna.'
[Mħ:9:9] U ż-żebbuġa weġbithom:
'Għandi nħalli jiena żejti,
li bih jitweġgħu l-allat u l-bnedmin,
biex immur niddandan fuq is-siġar?'
[Mħ:9:10] U s-siġar qalu lit-tina:
'Ejja int, u saltan fuqna.'
[Mħ:9:11] U t-tina weġbithom:
'Għandi nħalli jien il-ħlewwa,
u l-frott bnin tiegħi,
u mmur niddandan fuq is-siġar?'
[Mħ:9:12] U s-siġar qalu lid-dielja:
'Ejja int, u saltan fuqna.'
[Mħ:9:13] U d-dielja weġbithom:
'Għandi nħalli jien l-inbid tiegħi,
li jferraħ l-allat u l-bnedmin,
u mmur niddandan fuq is-siġar?'
[Mħ:9:14] U s-siġar kollha qalu lill-għollieq:
'Ejja int, u saltan fuqna.'
[Mħ:9:15] U l-għollieq qal lis-siġar:
'Jekk intom tassew tridu
tidilkuni sultan fuqkom,
ejjew stkennu taħt delli.
Jekk le, joħroġ nar mill-għollieq
u jibla' ċ-ċedri tal-Libanu.'
[Mħ:9:16] U issa, taħsbu li għamiltu l-ħaqq u s-sewwa meta għamiltu lil Abimelek
sultan fuqkom? Taħsbu li għamiltu l-ġid ma' Ġerub-bagħal u ma' daru? Taħsbu li
għamiltu miegħu skond ma għamel hu, [Mħ:9:17] meta missieri tqabad għalikom, u
tarraf ħajtu, u ħeliskom minn id il-Midjanin? [Mħ:9:18] Intom illum qomtu kontra
dar missieri u qtiltu lil uliedu - sebgħin wieħed fuq ħaġra waħda - u għamiltu
lil Abimelek, bin il-konkubina tiegħu, fuq in-nies ta' Sikem, għax hu ħukom.
[Mħ:9:19] Jekk għamiltu l-ħaqq u s-sewwa ma' Ġerub-bagħal u ma' daru llum,
ifirħu b'Abimelek u hu jifraħ bikom. [Mħ:9:20] Imma jekk le, ħa joħroġ nar minn
Abimelek u jibla' n-nies ta' Sikem u Bet-millu; u mbagħad joħroġ nar min-nies ta'
Sikem u Bet-millu, u jibla' lil Abimelek.”
[Mħ:9:21] Mbagħad Ġotam ħarab, u għab u mar Bir u baqa' hemm minħabba ħuh
Abimelek.
Rvell f'Sikem
[Mħ:9:22] Tliet snin kien ilu Abimelek jaħkem ta' prinċep fuq Iżrael. [Mħ:9:23]
U Alla bagħat spirtu ħażin bejn Abimelek u bejn in-nies ta' Sikem; u n-nies ta'
Sikem qamu kontra Abimelek, [Mħ:9:24] biex b'hekk titħallas il-qatla tas-sebgħin
tifel ta' Ġerub-bagħal, u demmhom jaqa' fuq Abimelek ħuhom, li kien qatilhom, u
fuq in-nies ta' Sikem li għenuh biex qatel lil ħutu. [Mħ:9:25] U n-nies ta'
Sikem qegħdulu nies moħbija fuq il-qċaċet ta' l-għoljiet, u dawn kienu jisirqu
lil kull min jgħaddi mit-triq minn dawn l-inħawi; u hekk l-aħbar waslet għand
Abimelek.
[Mħ:9:26] U ġie Ġagħal bin Għebed, u ħutu, u għaddew minn Sikem; u n-nies ta'
Sikem fdaw ruħhom f'idejh. [Mħ:9:27] Ħarġu fir-raba', qatgħu l-għeneb mid-dwieli
tagħhom, u għaffġuh fil-magħsar, u għamlu festa; u marru f'dar alla tagħhom u
kielu u xorbu, u seħtu lil Abimelek.
[Mħ:9:28] U Ġagħal bin Għebed qal: “Min hu Abimelek? Min hu Sikem, biex aħna
naqduh? Ma kienx dan bin Ġerub-bagħal u dan Żebul, qaddej tiegħu, jaqdu lin-nies
ta' Ħamor, missier Sikem? Għala għandna naqduhom aħna? [Mħ:9:29] Li kelli dawn
in-nies f'idejja kont inneħħi lil Abimelek u ngħidlu: 'Iġbor in-nies tiegħek u
oħroġ u ġġieled.’ ”
[Mħ:9:30] U Żebul, il-kap tal-belt, sama' bi kliem Ġagħal bin Għebed, u xegħel
bil-korla. [Mħ:9:31] U bagħat messaġġiera għand Abimelek f'Aruma jgħidulu: “Ara,
Ġagħal bin Għebed u ħutu ġew Sikem, u bdew ixewwxu n-nies tal-belt kontra
tiegħek. [Mħ:9:32] Qum mela billejl, int u niesek li għandek miegħek, u għasses
fir-raba'; [Mħ:9:33] u fil-għodu kmieni ma' tlugħ ix-xemx aħbat għall-belt, u
malli joħorġu għalik, hu u n-nies li għandu miegħu, agħmillu li jiġi għal idejk.”
[Mħ:9:34] U qam Abimelek u n-nies li kellu miegħu billejl u qagħdu għassa ħdejn
Sikem f'erba' qatgħat. [Mħ:9:35] U ħareġ Ġagħal bin Għebed u qagħad fid-daħla ta'
bieb il-belt, u Abimelek u n-nies li kellu miegħu qamu mill-moħba. [Mħ:9:36]
Malli Ġagħal ra n-nies qal lil Żebul: “Ara hemm in-nies nieżla mill-għoljiet.” U
Żebul wieġbu: “Dell l-għoljiet qiegħed taħsbu nies.” [Mħ:9:37] U Ġagħal issokta
jgħid: “Ara hemm in-nies nieżla minn nofs l-art, qatgħa minnhom ġejja mit-triq
tal-Balluta tas-Saħħara.” [Mħ:9:38] U Żebul qallu: “Fejn hu l-ftaħir tiegħek
meta għedt: 'Min hu Abimelek biex naqduh?’ M'hux dawn huma n-nies li int maqdart?
Oħroġ issa u tqabad miegħu.”
[Mħ:9:39] U Ġagħal ħareġ quddiem in-nies ta' Sikem u tqabad ma' Abimelek.
[Mħ:9:40] Abimelek għamel għal warajh u Ġagħal ħarab minn quddiemu, u ħafna nies
waqgħu maqtula sa ħdejn id-daħla ta' bieb il-belt. [Mħ:9:41] U Abimelek raġa’
lura f'Aruma, u Żebul keċċa lil Ġagħal u 'l niesu, u ma ħallihomx joqogħdu
f'Sikem.
Il-qerda ta' Sikem
[Mħ:9:42] L-għada l-poplu ħareġ fir-raba'; u 'l Abimelek qalulu b'dan. [Mħ:9:43]
U ġabar in-nies tiegħu, u qassamhom fi tliet qatgħat, u qagħad moħbi fir-raba'.
Malli ra n-nies ħierġa mill-belt, qam għalihom u farrakhom. [Mħ:9:44] Abimelek u
l-qatgħa li kellu miegħu tqassmu u qagħdu fid-daħla ta' bieb il-belt, u ż-żewġ
qatgħat l-oħra nxteħtu fuq dawk kollha li kienu fir-raba' u farrkuhom. [Mħ:9:45]
U Abimelek baqa' jitqabad fil-belt dak il-jum kollu, u ħa l-belt u qatel in-nies
li kien hemm fiha; ġarraf il-belt u xerred il-melħ fuqha.
[Mħ:9:46] U n-nies tat-torri ta' Sikem semgħu b'dan, u marru jistkennu fil-kamra
taħt l-art fit-tempju ta' El-berit. [Mħ:9:47] U 'l Abimelek qalulu li n-nies
tat-torri ta' Sikem marru jinġemgħu hemmhekk. [Mħ:9:48] U Abimelek tala' fuq l-għolja
ta' Salmon, hu u n-nies kollha li kellu miegħu; u Abimelek ħa mannara f'idu u
qaċċat fergħa minn siġra, refagħha u qegħedha fuq spalltu, u qal lin-nies li
kellu miegħu: “Fittxu agħmlu dak li rajtuni nagħmel.” [Mħ:9:49] U n-nies kollha
qaċċtu fergħa kull wieħed, u marru wara Abimelek, u xeħtuhom ħdejn il-kamra taħt
l-art u tawha n-nar bihom, u hekk mietu n-nies kollha tat-torri ta' Sikem,
madwar elf ruħ, nisa u rġiel.
L-aħħar jum ta' Abimelek
[Mħ:9:50] Abimelek imbagħad mar Tebes, dawwarha u ħadha f'idejh. [Mħ:9:51]
F'nofs il-belt kien hemm torri qawwi, u marru jinħbew fih in-nies kollha tal-belt,
nisa u rġiel; sakkru warajhom u telgħu fuq is-saqaf tat-torri. [Mħ:9:52]
Abimelek erħielha lejn it-torri, u ħabat għalih, u resaq lejn il-bieb biex
jagħtih in-nar. [Mħ:9:53] Imma waħda mara waddbet ħaġra ta' fuq ta' mitħna għal
fuq ras Abimelek, u kissritlu rasu. [Mħ:9:54] U sejjaħ iż-żagħżugħ li kien
iġorrlu l-armi u qallu: “Islet ix-xabla u oqtolni, li ma jgħidux li qatlitni
mara.” U ż-żagħżugħ nifdu u miet.
[Mħ:9:55] U l-Iżraelin raw li Abimelek miet, u kulħadd mar lejn daru. [Mħ:9:56]
U hekk Alla radd lil Abimelek il-ħażin kollu li kien għamel lil missieru meta
qatel is-sebgħin ħutu. [Mħ:9:57] U Alla radd ukoll fuqhom il-ħażin kollu li
kienu għamlu n-nies ta' Sikem, u laħqithom is-saħta ta' Ġotam bin Ġerub-bagħal.
10. L-imħallfin Tola' u Ġajjir
[Mħ:10:1] Wara Abimelek qam biex isalva lil Iżrael Tola' bin Puwa, bin Dodu,
minn Issakar; u kien joqgħod f'Samir fl-għoljiet ta' Efrajm. [Mħ:10:2] U dan
għamel il-ħaqq f'Iżrael għal tlieta u għoxrin sena; u meta miet difnuh f'Samir.
[Mħ:10:3] Warajh tfaċċa Ġajjir minn Gilgħad, u dam jagħmel il-ħaqq f'Iżrael għal
tnejn u għoxrin sena. [Mħ:10:4] Kellu tletin tifel li kienu jirkbu l-felu u
kellhom tletin belt fl-art ta' Gilgħad, li għadhom jgħidulhom Ħawwot-Ġajjir sa
llum. [Mħ:10:5] Meta miet difnuh f'Kamon.
L-Iżraelin jerġgħu jidinbu
[Mħ:10:6] U wlied Iżrael reġgħu għamlu l-ħażen f'għajnejn il-Mulej, u aduraw
lill-allat Bagħalim u Għastarot, u lill-allat ta' Aram, u lill-allat ta' Sidon,
u lill-allat ta' Mowab, u lill-allat ta' wlied Għammon, u lill-allat
tal-Filistin, u ħallew lill-Mulej u ma baqgħux jadurawh aktar. [Mħ:10:7] U
xegħlet il-qilla tal-Mulej kontra Iżrael, u biegħhom f'idejn il-Filistin u
f'idejn ulied Għammon. [Mħ:10:8] U dik is-sena kissru u għakksu lil ulied Iżrael;
u għal tmintax-il sena sħaħ ħakmu lil ulied Iżrael, li kienu jgħammru 'l hemm
mill-Ġordan fl-art ta' l-Amurrin, li hemm f'Gilgħad. [Mħ:10:9] U wlied Għammon
qasmu l-Ġordan biex jitqabdu wkoll ma' Ġuda u Benjamin u d-dar ta' Efrajm, u
ssikkaw lil Iżrael għall-aħħar. [Mħ:10:10] U wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej, u
qalu: “Dnibna kontrik, ħallejna lil Alla tagħna, u morna naduraw lill-allat
Bagħalim.” [Mħ:10:11] U l-Mulej qal lil ulied Iżrael: “Ma ħaqrukomx, forsi, l-Eġizzjani,
u l-Amurrin, u l-Għammonin, u l-Filistin, [Mħ:10:12] u s-Sidonin, u l-Għamalekin,
u l-Midjanin? U meta għajjattuli, ma salvajtkomx jien minn taħt idejhom?
[Mħ:10:13] Imma intom ħallejtuni, u mortu taduraw allat oħra; għalhekk ma
nsalvakomx aktar. [Mħ:10:14] Morru u sejjħu lill-allat li intom għażiltu, u
jsalvawkom huma fi żmien l-hemm tagħkom.” [Mħ:10:15] U wlied Iżrael wieġbu
lill-Mulej: “Dnibna. Agħmel magħna dak kollu li int jidhirlek li hu tajjeb. Biss
eħlisna llum.” [Mħ:10:16] U huma warrbu l-allat barranin minn ġo nofshom, u bdew
jaduraw lill-Mulej; u hu ma felaħx aktar għat-tbatija ta' Iżrael.
Ġeftaħ imħallef
[Mħ:10:17] U nġabru wlied Għammon u waqqfu l-kamp f'Gilgħad; u wlied Iżrael
ingemgħu u waqqfu l-kamp f'Misfa. [Mħ:10:18] U n-nies ta' Gilgħad u l-kapijiet
tagħhom bdew jgħidu lil xulxin: “Min jibda l-ewwel jitqabad ma' l-Għammonin,
ikun hu l-kap ta' dawk kollha li jgħammru f'Gilgħad!”
11. Ġeftaħ imħallef
[Mħ:11:1] Ġeftaħ il-Gilgħadi kien bniedem qalbieni u b'saħħtu; kien bin mara
żienja. Missieru kien Gilgħad, [Mħ:11:2] li kellu l-mara li wilditlu wlied; meta
kibru wlied din il-mara keċċew lil Ġeftaħ u qalulu: “Int ma jkollokx wirt f'dar
missierna, għax int bin mara oħra.” [Mħ:11:3] Għalhekk Ġeftaħ ħarab 'il bogħod
minn ħutu u mar jgħix f'art Tob; hemm inġabru madwar Ġeftaħ qatta rġiel ta' xejn,
u kienu joħorġu miegħu għal xi serqa.
[Mħ:11:4] Ġara maż-żmien li l-Għammonin ħabtu għal Iżrael. [Mħ:11:5] U meta l-Għammonin
bdew il-ġlied, ix-xjuħ ta' Gilgħad marru jġibu lil Ġeftaħ mill-art ta' Tob.
[Mħ:11:6] U qalu lil Ġeftaħ: “Ejja, u kun il-kap tagħna biex nitqabdu ma' l-Għammonin.”
[Mħ:11:7] U Ġeftaħ wieġeb lix-xjuħ ta' Gilgħad: “M'hux intom bgħadtuni u
keċċejtuni minn dar missieri? Għala ġejtu għalija issa li sibtu ruħkom magħfusa?”
[Mħ:11:8] U x-xjuħ ta' Gilgħad wieġbu lil Ġeftaħ: “Sewwasew għalhekk aħna dorna
lejk: ejja magħna, u tqabad ma' wlied Għammon, u tkun kap tagħna u ta' kull min
jgħammar f'Gilgħad.” [Mħ:11:9] U Ġeftaħ wieġeb lix-xjuħ ta' Gilgħad: “Jekk intom
se treġġgħuni lura biex nitqabad ma' l-Għammonin, u l-Mulej jerħihom f'idejja,
nkun jien il-kap tagħkom.” [Mħ:11:10] U x-xjuħ ta' Gilgħad wieġbu lil Ġeftaħ:
“Hawn il-Mulej bejnietna xhud tagħna; nagħmlu skond kliemek.”
[Mħ:11:11] U Ġeftaħ ta' Gilgħad mar max-xjuħ ta' Gilgħad u l-poplu ta' Gilgħad
għamluh kap tagħhom u mexxej; u Ġeftaħ tenna kliemu kollu quddiem il-Mulej
f'Misfa.
Ġeftaħ u l-Għammonin
[Mħ:11:12] Mbagħad Ġeftaħ bagħat messaġġiera lis-sultan ta' wlied Għammon
jgħidulu: “X'hemm bejni u bejnek biex ġejt taħbat għalija f'arti?” [Mħ:11:13] U
s-sultan ta' wlied Għammon wieġeb lill-messaġġiera ta' Ġeftaħ: “Għaliex Iżrael
ħadli arti meta telgħu mill-Eġittu, mix-xmara Arnon sal-Ġabbok, u sal-Ġordan; u
issa, roddhieli lura bis-sliem.” [Mħ:11:14] Imma Ġeftaħ raġa’ bagħat messaġġiera
għand is-sultan ta' wlied Għammon [Mħ:11:15] u qallu: “Dan jgħid Ġeftaħ, 'Iżrael
ma ħax, la l-art ta' Mowab u anqas l-art ta' wlied Għammon. [Mħ:11:16] Meta
Iżrael tala' mill-Eġittu qasam id-deżert sal-Baħar tal-Qasab, u wasal f'Kades.
[Mħ:11:17] Minn hawn Iżrael bagħat messaġġiera għand is-sultan ta' Edom u qalulu:
“Jekk jogħġbok, ħallina ngħaddu minn artek, u s-sultan ta' Edom ma riedx jisma'.
Bagħat ukoll għand is-sultan ta' Mowab, u anqas dan ma ried. Għalhekk Iżrael
baqa' f'Kades. [Mħ:11:18] Mbagħad għadda mid-deżert, dar ma' l-art ta' Edom u
ma' l-art ta' Mowab u waqqfu l-kamp in-naħa l-oħra ta' l-Arnon mingħajr ma qasmu
l-fruntiera ta' Mowab - għax l-Arnon kienet il-fruntiera ta' Mowab. [Mħ:11:19] U
Iżrael bagħat messaġġiera għand Siħon, is-sultan ta' l-Amurrin, sultan ta'
Ħesbon, u qalulu: 'Ħallina ngħaddu minn artek sa ma naslu f'postna.' [Mħ:11:20]
Imma Siħon ma ħalliex lil Iżrael jaqsam il-fruntiera tiegħu; u ġabar Siħon in-nies
tiegħu, u waqqfu l-kamp f'Ġaħas, u tqabdu ma' Iżrael. [Mħ:11:21] U l-Mulej, Alla
ta' Iżrael, reħa f'idejn Iżrael lil Siħon u n-nies tiegħu kollha u qatluhom; u
Iżrael ħa f'idejh l-art kollha ta' l-Amurrin, li kienu jgħammru f'din l-art.
[Mħ:11:22] U ħadu f'idejhom l-art kollha ta' l-Amurrin mill-Arnon sal-Ġabbok, u
mid-deżert sal-Ġordan. [Mħ:11:23] U issa l-Mulej, Alla ta' Iżrael, keċċa
lill-Amurrin minn quddiem Iżrael, il-poplu tiegħu; se tkeċċihom int? [Mħ:11:24]
Jaqaw dak li tak tiret Kemos, alla tiegħek, m'hux int tirtu? U dak li tana l-Mulej,
Alla tagħna, milli sibna quddiemna, m'hux aħna nirtuh? [Mħ:11:25] U issa forsi
int aħjar minn Balak bin Siffur, is-sultan ta' Mowab? Forsi ħadha ma' Iżrael jew
tqabad miegħu? [Mħ:11:26] Iżrael ilu jgħammar f'Ħesbon u l-irħula tagħha, u
f'Għarogħer u l-irħula tagħha, u l-ibliet kollha fuq ix-xtut ta' l-Arnon għal
tliet mitt sena, għala ma ħlistuhomx f'dan iż-żmien kollu? [Mħ:11:27] Jien ma
offendejtekx, imma int qiegħed timxi miegħi ħażin, li taħbat għalija. Ħa jagħmel
ħaqq illum bejn ulied Iżrael u bejn ulied Għammon, l-imħallef li hu l-Mulej!”
[Mħ:11:28] U s-sultan ta' l-Għammonin ma samax mill-kliem li bagħat jgħidlu
Ġeftaħ.
Il-wegħda ta' Ġeftaħ
[Mħ:11:29] U ġara li l-ispirtu tal-Mulej ġie fuq Ġeftaħ, li għadda minn Gilgħad
u Manassi għal Misfa ta' Gilgħad u baqa' sejjer lejn ulied Għammon. [Mħ:11:30] U
Ġeftaħ għamel wegħda lill-Mulej u qal: “Jekk inti terħi f'idejja lil ulied
Għammon, [Mħ:11:31] min joħroġ jilqagħni l-ewwel minn bieb dari, meta nerġa’
lura bis-sliem minn quddiem l-Għammonin, ikun tal-Mulej u noffrihulu
b'sagrifiċċju tal-ħruq.”
[Mħ:11:32] U Ġeftaħ għadda lejn l-Għammonin biex jaħbat għalihom, u l-Mulej
irħiehom f'idejh. [Mħ:11:33] U kissirhom minn Għarogħer sa tasal sa Minnit -
għoxrin belt b'kollox - u sa Abel-Keramin f'taqtigħa kbira sewwa. U hekk ulied
Iżrael kaxkru lil ulied Għammon minn quddiemhom. [Mħ:11:34] U Ġeftaħ mar Misfa
lejn daru, u hemm jilmaħ lil bintu ħierġa tilqgħu bit-tnabar u ż-żfin; kienet
bint waħdanija tiegħu u ma kellux ħliefha, la subjien u lanqas bniet. [Mħ:11:35]
U malli raha ċarrat ħwejġu, u beda jgħajjat u jgħid: “Jaħasra binti? Int
ħawwadtni sewwa, int l-inkwiet tiegħi. Tajt kelma lill-Mulej, u ma nistax nerġa’
lura minnha!” [Mħ:11:36] U hi weġbitu: “Missier, int ftaħt fommok quddiem
il-Mulej, agħmel minni skond ma ħareġ minn fommok, la darba l-Mulej tak li
titħallas mill-għedewwa tiegħek, ulied Għammon.” [Mħ:11:37] U ssuktat tgħid lil
missierha: “Dan biss nitolbok tagħtini: ħallini mmur niġġerra għal xahrejn fuq
l-għoljiet nibki xbubiti, jiena u sħabi.” [Mħ:11:38] U hu qalilha: “Mur.” U
ħallieha tmur għal xahrejn; u marret, hi u sħabha, u bkiet xbubitha tiġġerra fuq
l-għoljiet. [Mħ:11:39] U fi tmiem ix-xahrejn reġgħet lura għand missierha u dan
għamel minnha li kien wiegħed; u hi ma kienet għarfet ebda raġel. U daħlet
drawwa f'Iżrael: [Mħ:11:40] minn sena għal sena joħorġu l-bniet ta' Iżrael jibku
'l bint Ġeftaħ il-Gilgħadi għal erbat ijiem.
12. Ġeftaħ u l-Efrajmin
[Mħ:12:1] U nġabru l-Efrajmin u għaddew għal Safon, u qalu lil Ġeftaħ: “Għala
mort taħbat għall-Għammonin u ma sejjaħtilniex biex niġu miegħek? Naħarqulek
darek fuqek.” [Mħ:12:2] U Ġeftaħ weġibhom: “Kelli xi ngħid sewwa ma' wlied
Għammon, jien u niesi. Sejjaħtilkom u intom ma ġejtux teħilsuni minn idejhom.
[Mħ:12:3] Meta rajt li ħadd ma ġie jgħinni, qegħedt ħajti f'idejja, u mort
għall-Għammonin; u l-Mulej irħiehom f'idejja. Għaliex mela tlajtu għalija llum
biex teħduha miegħi?” [Mħ:12:4] Ġeftaħ imbagħad sejjaħ l-irġiel kollha ta'
Gilgħad u ħabtu għall-Efrajmin, u l-irġiel ta' Gilgħad tawhom xebgħa – għax
l-Efrajmin kienu qalulhom: “Intom il-Gilgħadin, nies maħruba minn Efrajm, f'nofs
Efrajm, u f'nofs Manassi” - [Mħ:12:5] Il-Gilgħadin ħatfu l-mogħdijiet tal-Ġordan
lejn Efrajm u meta xi ħadd maħrub mill-Efrajmin kien jgħid: “Ħa ngħaddi,”
l-irġiel ta' Gilgħad kienu jistaqsuh: “Int raġel minn Efrajm?”; jekk kien
iwieġeb: “Le”, kienu jgħidulu: [Mħ:12:6] “Għid mela 'xibbolet'; u kien jgħid:
'sibbolet!' għax ma kienx ikun jista' jgħidha sewwa, huma kienu jaqbduh u
joqtluh ħdejn il-mogħdijiet tal-Ġordan. U f'dak iż-żmien mietu tnejn u erbgħin
elf raġel minn Efrajm.
[Mħ:12:7] U dam jaħkem Ġeftaħ lil Iżrael sitt snin. U meta miet Ġeftaħ
il-Gilgħadi, difnuh fil-belt tiegħu ta' Gilgħad.
L-imħallfin Ibsan, Elon u Għabdon
[Mħ:12:8] Warajh ħakem lil Iżrael Ibsan minn Betlehem. [Mħ:12:9] U kellu tletin
tifel, u żewweġ tletin tifla barra mid-dar, u ġieb tletin tifla barranija għal
uliedu. Ħakem fuq Iżrael għal seba' snin. [Mħ:12:10] Meta Ibsan miet, difnuh
f'Betlehem.
[Mħ:12:11] Warajh ħakem fuq Iżrael Elon mit-tribù ta' Żebulun. Dan ħakem għal
għaxar snin. [Mħ:12:12] Meta Elon mit-tribù ta' Żebulun miet, difnuh f'Ajjalon
fl-art ta' Żebulun.
[Mħ:12:13] Warajh ħakem fuq Iżrael Għabdon bin Ħilel minn Pirgħatun għal tmien
snin. [Mħ:12:14] Kellu erbgħin tifel u tletin ulied uliedu, li kienu jirkbu fuq
sebgħin felu. Ħakem fuq Iżrael għal tmien snin. [Mħ:12:15] Meta Għabdon bin
Ħillel minn Pirgħatun miet, difnuh f'Pirgħatun, fl-art ta' Efrajm fl-għoljiet
ta' l-Għamalekin.
13. It-twelid ta' Sansun
[Mħ:13:1] U wlied Iżrael baqgħu jagħmlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u l-Mulej
telaqhom f'idejn il-Filistin għal erbgħin sena. [Mħ:13:2] U kien hemm raġel minn
Sorgħa mit-tribù ta' Dan, jismu Manuħa, u martu kienet sterili, u ma kellhiex
tfal. [Mħ:13:3] U deher l-anġlu tal-Mulej lill-mara u qalilha: “Ara, int sterili
u ma għandekx tfal, imma int se titqal u tiled iben. [Mħ:13:4] Issa qis li ma
tixrobx inbid, u anqas xorb li jsakkar, u tiekol xejn imniġġes. [Mħ:13:5] Għax,
ara, int se titqal u tiled iben, u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax
it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu, u hu jibda jeħles lil
Iżrael minn id il- Filistin.” U l-mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja
raġel ta’ Alla, wiċċu wiċċ ta’ anġlu ta’ Alla, wiċċ li jbeżżgħek tarah. Ma
staqsejtux mnejn ġie, u lanqas hu ma qalli ismu. [Mħ:13:7] U qalli, 'Ara, inti
titqal u tiled iben, u issa tixrobx inbid jew xorb li jsakkar, u tiekol xejn
imniġġes, għax it-tifel ikun nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf ommu sakemm
imut.”
[Mħ:13:8] Mbagħad Manuħa talab lill-Mulej u qal: “Iddew, Sidi, ħa jerġa’ jiġi
għandna r-raġel ta' Alla, li bgħattilna, u jurina x'għandna nagħmlu bit-tifel li
se jitweldilna.” [Mħ:13:9] U Alla sama' t-talba ta' Manuħa, u l-anġlu ta' Alla
raġa’ ġie ħdejn il-mara waqt li kienet bilqiegħda fl-għalqa, u żewġha Manuħa ma
kienx magħha. [Mħ:13:10] Il-mara marret tiġri tgħid lil żewġha, u qaltlu: “Ara,
raġa’ deherli r-raġel li kien deherli dakinhar.” [Mħ:13:11] U Manuħa mar wara
martu u resaq lejn ir-raġel u qallu: “Int dak ir-raġel li kellimt lil marti?” U
hu wieġbu: “Jiena hu.”
[Mħ:13:12] U Manuħa qallu: “Issa meta jseħħ kliemek, x'għandu jħares u jagħmel
it-tifel?” [Mħ:13:13] U l-anġlu tal-Mulej qal lil Manuħa: “Il-mara għandha
tiċċaħħad minn kull ma għedtilha, [Mħ:13:14] li ma tiekol xejn milli joħroġ
mid-dwieli; nbid u xorb isakkar; u ma tiekol xejn imniġġes, imma għandha tħares
kull ma ordnajtilha.” [Mħ:13:15] U Manuħa qal lill-anġlu tal-Mulej; “Ħallina
nżommuk magħna u nsajjrulek gidi.” [Mħ:13:16] U l-anġlu tal-Mulej qal lil
Manuħa: “Jekk iżżommuni magħkom, ma nikolx minn ħobżok; jekk trid tagħmel
sagrifiċċju tal-ħruq, offrih lill-Mulej.” Manuħa ma ntebaħx li kien l-anġlu
tal-Mulej. [Mħ:13:17] Mbagħad staqsa lill-anġlu tal-Mulej: “X'jismek? Għax meta
sseħħ kelmtek, aħna nkunu rridu nagħtuk ġieħ.” [Mħ:13:18] U l-anġlu tal-Mulej
wieġeb: “Għala tistaqsini x'jisimni? Hu isem misterjuż!”
[Mħ:13:19] U Manuħa ħa gidi bl-offerta tiegħu u offrieh b'sagrifiċċju fuq ġebla
lill-Mulej, li jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb. U waqt li Manuħa u martu kienu
jħarsu, [Mħ:13:20] il-fjamma tan-nar telgħet mill-artal lejn is-sema, u l-anġlu
tal-Mulej tala' fil-fjamma ta' l-artal. Meta Manuħa u martu raw dan, waqgħu
wiċċhom fl-art. [Mħ:13:21] U l-anġlu tal-Mulej ma baqax jidher aktar lil Manuħa
u lil martu. Mbagħad Manuħa għaraf li kien l-anġlu tal-Mulej.
[Mħ:13:22] U Manuħa qal lil martu: “Immutu żgur, għax rajna lil Alla.”
[Mħ:13:23] U martu wieġbet: “Li kieku ried il-Mulej joqtolna ma kienx jilqa'
s-sagrifiċċju u l-offerta minn idejna, u jurina u jsemmagħna dan kollu.”
[Mħ:13:24] U l-mara wildet iben u semmietu Sansun, u t-tifel kiber u l-Mulej
bierku. [Mħ:13:25] It-tifel kiber f'Maħane-dan, bejn Sorgħa u Estawl, u
l-ispirtu tal-Mulej beda jaħdem ġewwa fih.
14. Iż-żwieġ ta' Sansun
[Mħ:14:1] U Sansun niżel f'Timna, u hemm xeħet għajnejh fuq mara mill-bniet
tal-Filistin. [Mħ:14:2] U raġa’ tala', u għarraf lil missieru u 'l ommu, u
qalilhom: “Rajt mara f'Timna mill-bniet tal-Filistin, u issa rridkom teħduhieli
b'marti.” [Mħ:14:3] U missieru u ommu weġbuh: “Ma hemmx mara fost il-bniet ta'
ħutek u fost il-poplu kollu tiegħek, biex int tmur tieħu mara minn fost
il-Filistin bla ħtin?” U Sansun wieġeb lil missieru: “Ħudli lilha, għax dik
togħġobni.” [Mħ:14:4] U missieru u ommu ma kinux jafu li dan kien ġej
mill-Mulej, għax kien qiegħed ifittex jeħodha mal-Filistin, billi dak iż-żmien
il-Filistin kienu jaħkmu fuq Iżrael.
[Mħ:14:5] U Sansun u missieru u ommu niżlu f'Timna; u xħin waslu fl-oqsma
tad-dwieli ta' Timna, Sansun jilmaħ ferħ ta' ljun jgħajjat riesaq lejh.
[Mħ:14:6] L-ispirtu tal-Mulej ħakem lil Sansun u dan tertqu bħalma wieħed
itertaq gidi; ma kellu xejn f'idu, u lil missieru u lil ommu ma wriehom xejn
x'kien għamel. [Mħ:14:7] U Sansun niżel u kellem lill-mara, u din għoġbitu.
[Mħ:14:8] Meta raġa’ lura biex jeħodha, lewa biex jara l-ġisem mejjet ta'
l-iljun, u jsib ferħ naħal u għasel. [Mħ:14:9] Ħa minnu f'idejh, u baqa' sejjer
jiekol fit-triq, u laħaq 'il missieru u 'l ommu, u tahom minnu u kielu; iżda ma
qalilhomx li l-għasel ħadu mill-ġisem mejjet ta' l-iljun.
[Mħ:14:10] Missieru mar jara l-mara, u hemm Sansun għamel festa, bħalma kienu
jagħmlu ż-żgħażagħ. [Mħ:14:11] U ġara li malli rawh għażlu tletin żagħżugħ biex
joqogħdu miegħu. [Mħ:14:12] U Sansun qalilhom: “Ħa ngħidilkom ħaġa moħġaġa, jekk
tfissruhieli sewwa matul is-sebat ijiem tal-festa u ssibuha, nagħtikom tletin
qmis ta' l-għażel u tletin tibdila ħwejjeġ. [Mħ:14:13] U jekk ma jirnexxilkomx
tgħiduhieli tagħtuni intom tletin biċċa għażel u tletin tibdila ħwejjeġ.” U huma
weġbuh: “Għidilna l-ħaġa moħġaġa, u aħna nisimgħuha.” [Mħ:14:14] U hu qalilhom:
“L-ikel ħareġ mill-wikkiel,
u mill-qawwi ħarġet il-ħlewwa.”
U fit-tlitt ijiem ma rnexxilhomx ifissru l-ħaġa moħġaġa. [Mħ:14:15] U ġara li
fis-seba' jum qalu lill-mara ta' Sansun: “Żiegħel b'żewġek ħalli jgħidilna
x'inhi, inkella naħarqu lilek u lil dar missierek. Għalhekk stedintuna, biex
tfaqqruna? Hux hekk?”
[Mħ:14:16] U mart Sansun bdiet tibki quddiemu u tgħidlu: “Int tobgħodni, u ma
tħobbnix. Int għedt ħaġa moħġaġa lil ulied il-poplu tiegħi, u lili ma
fissirthilix.” U hu weġibha: “Jekk jien ma fissirthiex lil ommi u lil missieri,
se nfissirha lilek?” [Mħ:14:17] U damet tibki quddiemu għas-sebat ijiem li damet
il-festa. Fis-seba' jum fissirhielha għax dejjqitu, u hi mbagħad fissritha lil
ulied il-poplu tagħha. [Mħ:14:18] U fis-seba' jum, qabel inżul ix-xemx, in-nies
tal-belt qalulu:
“X'inhu ħelu aktar mill-għasel?
min hu b'saħħtu aktar mill-iljun?”
U hu weġibhom:
Li ma ħrattux bl-għoġla tiegħi,
ma kontux tikxfu l-moħġaġa tiegħi.”
[Mħ:14:19] L-ispirtu tal-Mulej ġie fuqu, u Sansun niżel f'Askalon, u qatel
tletin raġel minnhom, neżżagħhom minn ħwejjiġhom, u ta t-tibdiliet lil dawk li
fissrulu l-ħaġa moħġaġa; mbagħad saħan bl-għadab u raġa’ tala' f'dar missieru.
[Mħ:14:20] U l-mara ta' Sansun tawha lil wieħed minn ħbiebu, li kien miegħu.
15. Sansun jitħallas mill-Filistin
[Mħ:15:1] U ġara li wara xi żmien, f'jiem il-ħsad tal-qamħ, Sansun mar iżur lil
martu, u ħa gidi miegħu u qal: “Ħa nidħol ħdejn marti fl-għorfa.” Imma missierha
ma ħalliehx jidħol [Mħ:15:2] u qallu: “Ħsibt u għedt li int stmellejtha, u
għalhekk tajtha lil wieħed minn sħabek. Oħtha ż-żgħira m'hijiex isbaħ minnha? Ħu
lilha flokha.” [Mħ:15:3] Imma Sansun weġibhom: “Din id-darba ma jlumunix
il-Filistin għall-ħsara kbira li nagħmlilhom.”
[Mħ:15:4] Sansun mar u qabad tliet mitt xakall, u ħa l-ħatab għan-nar, rabathom
denb ma' denb, u qiegħed ħatba bejn kull żewġt idnub. [Mħ:15:5] Mbagħad ta n-nar
lill-ħatab u telaq ix-xakalli qalb iż-żara' tal-Filistin, u hekk ħaraq il-qatet
taż-żara' miġbur, iż-żara' wieqaf, u d-dwieli u ż-żebbuġ.
[Mħ:15:6] U l-Filistin qalu: “Min għamel dan?” U wieġbu: “Sansun, ħaten
it-Timni, għax dan ħadlu 'l martu u taha lil sieħbu.” U l-Filistin telgħu, u
qabdu lilha u lil missierha, u tawhom in-nar. [Mħ:15:7] U Sansun qalilhom: “Jekk
tagħmlu hekk, nitħallas minnkom, mbagħad nistrieħ.” [Mħ:15:8] U tahom xebgħa
saqajn fuq wirkhom u għamel ħerba minnhom. Mbagħad niżel u qagħad f'għar
fil-blat f'Għetam.
[Mħ:15:9] Mbagħad il-Filistin telgħu u waqqfu l-kamp f'Ġuda u tferrxu sa Leħi.
[Mħ:15:10] U n-nies ta' Ġuda staqsewhom: “Għala tlajtu għalina?” U dawk wieġbu:
“Biex norbtu lil Sansun, u nagħmlulu dak li għamel lilna.” [Mħ:15:11] U niżlu
tlitt elef ruħ minn Ġuda lejn l-għar fil-blat ta' Għetam u qalu lil Sansun: “Int
ma tafx li aħna taħt il-ħakma tal-Filistin? Għaliex għamiltilna hekk?” U hu
weġibhom: “Bħalma għamlu lili, jien għamilt lilhom.” [Mħ:15:12] U huma qalulu:
“Aħna ġejna biex norbtuk, u nerħuk f'idejn il-Filistin.” U Sansun weġibhom:
“Aħilfuli li ma toqtlunix.” [Mħ:15:13] U huma wegħduh u qalulu: “Le! Norbtuk u
nerħuk f'idejhom, imma ma noqtlukx.” U rabtuh b'żewġ ħbula ġodda, u tellgħuh
mill-għar fil-blat. [Mħ:15:14] Malli wasal f'Leħi, il-Filistin ħarġu jilqgħuh u
jgħajjtu; imma lilu ħakmu l-ispirtu tal-Mulej, u l-ħbula li kellu ma' dirgħajh
saru bħal ħajt tal-kittien maħruq bin-nar, u l-irbit inħall minn idejh;
[Mħ:15:15] u hu sab xedaq tari ta' ħmar, medd idu, qabdu u darab bih elf raġel.
[Mħ:15:16] U Sansun beda jgħanni:
“B'xedaq ta' ħmar jien slaħthom;
gzuz ma' gzuz għamilthom,
b'xedaq ta' ħmar elf raġel drabt.”
[Mħ:15:17] Xħin temm jgħanni, rema x-xedaq tal-ħmar minn idu, u bdew isejjħu dak
il-post Ramat-Leħi. [Mħ:15:18] Mbagħad ħadu għatx kbir, sejjaħ lill-Mulej u
qallu: “Int tajtna b'id il-qaddej tiegħek din ir-rebħa kbira, se tħallini issa
mmut bil-għatx, u naqa' f'idejn in-nies bla ħtin?” [Mħ:15:19] U Alla xaqq
il-blata tal-ħofra ta' Leħi, u ħareġ minnha l-ilma; u hu xorob, ħa r-ruħ u
staħja. Għalhekk semmewha Għajn-kori, li għadha f'Leħi sa llum.
[Mħ:15:20] U Sansun ħakem fuq Iżrael fi żmien il-Filistin għal għoxrin sena.
16. Sansun f'Gaża
[Mħ:16:1] U Sansun mar Gaża, u hemm ra mara żienja u daħal għandha. [Mħ:16:2] U
marru qalu lin-nies ta' Gaża: “Sansun ġie hawn!” Dawwruh u qagħdulu għassa
l-lejl kollu fil-bieb tal-belt, u baqgħu siekta l-lejl kollu u qalu: “Nħalluh
sakemm jisbaħ, mbagħad noqtluh.” [Mħ:16:3] U Sansun baqa' rieqed sa nofs
il-lejl; f'nofs il-lejl qam, qabad il-battenti tal-bieb tal-belt u ż-żewġ
waqqafiet, qalagħhom bl-istanga b'kollox, għabbiehom fuq spallejh, u tala' bihom
fuq il-quċċata ta' l-għolja biswit Ħebron.
Sansun u Dalila
[Mħ:16:4] Ġara li wara dan Sansun ħabb mara mill-wied ta' Sorek, jisimha Dalila.
[Mħ:16:5] Il-kapijiet tal-Filistin marru għandha u qalulha: “Żiegħel bih u ara
mnejn ġejja s-saħħa kbira li għandu, u tkixxfilna biex inkunu nistgħu norbtuh u
nrażżnuh. Nagħtuk kull wieħed minna elf u mitt xekel tal-fidda.”
[Mħ:16:6] U Dalila staqsiet lil Sansun: “Għidli mnejn hi ġejja din is-saħħa
kbira tiegħek, u biex jistgħu jrażżnuk?” [Mħ:16:7] U Sansun weġibha: “Jekk
jorbtuni b'seba' ħbula tan-nerv friski u mhux nexfin, nsir bla saħħa u nkun bħal
kull bniedem ieħor.”
[Mħ:16:8] U l-kapijiet tal-Filistin bagħtulha seba' ħbula tan-nerv friski, mhux
nexfin, u rabtitu bihom. [Mħ:16:9] U kellha l-għases moħbija fil-kamra u qaltlu:
“Il-Filistin fuqek, Sansun!” U hu qatta' l-irbit bħalma titqatta' l-ftila ta'
l-istoppa malli tħoss in-nar, u l-qawwa tiegħu ma għarfux mnejn kienet ġejja.
[Mħ:16:10] U Dalila qalet lil Sansun: “Ara, dħakt bija u gdibtli. Issa għidli
biex jistgħu jorbtuk.” [Mħ:16:11] U hu weġibha: “Jekk jorbtuni bi ħbula ġodda li
qatt ma sar xogħol bihom, nsir bla saħħa u nkun bħan-nies l-oħra.”
[Mħ:16:12] Dalila mbagħad ħadet ħbula ġodda, u rabtitu bihom u qaltlu:
“Il-Filistin fuqek, Sansun!” Imma hu qattagħhom minn dirgħajh bħal ħajta.
[Mħ:16:13] U Dalila reġgħet qalet lil Sansun: “S'issa dħakt bija u gdibtli.
Għidli biex jistgħu jorbtuk.” U hu weġibha: “Jekk tinseġ is-seba' nokkli ta'
rasi mal-medd tan-newl, u tħabbathom bl-għuda, nsir bla saħħa, u nsir bniedem
bħall-oħrajn. [Mħ:16:14] U hi raqqditu u nisġitlu s-seba' nokkli ta' rasu
mal-medd, u ħabbtithom bl-għuda u qaltlu: “Il-Filistin fuqek, Sansun!” U hu
stenbaħ mir-raqda, u qala' l-musmar tan-newl u l-medd b'kollox.
[Mħ:16:15] U reġgħet qaltlu: “Kif tgħidli: 'Nħobbok', meta int ma tiftaħx qalbek
miegħi? Tliet darbiet dħakt bija, u ma għedtlix fiex inhi l-qawwa tiegħek.”
[Mħ:16:16] U billi dejjqitu bi kliemha u ta' kuljum baqgħet issus warajh,
iddejjaq għall-mewt. [Mħ:16:17] U fetaħ qalbu magħha għalkollox u qalilha: “Qatt
ma għadda mus minn fuq rasi, għax jien nażir ikkonsagrat lil Alla sa minn ġuf
ommi. Jekk inqaxxar xagħri, il-qawwa tiegħi tgħib għalkollox, u nsir bla saħħa
bħal kull bniedem ieħor.”
[Mħ:16:18] Malli ntebħet li fetaħ qalbu magħha għalkollox, Dalila bagħtet
issejjaħ lill-Filistin u tgħidilhom: “Itilgħu, għax din id-darba fetaħli qalbu
għalkollox.” U telgħu għandha l-kapijiet tal-Filistin u ġiebu l-flus magħhom.
[Mħ:16:19] U raqqditu fuq irkubbtejha u sejjħet raġel u dan qarwiżlu s-seba'
nokkliet ta' rasu; u beda jitmantar sakemm marritlu saħħtu minn fuqu. [Mħ:16:20]
U għajjtet: “Il-Filistin fuqek, Sansun.” Dan stenbaħ min-ngħas u qal: “Noħroġ
bħal dari u neħles.” Ma kienx jaf li l-Mulej kien warrab minnu. [Mħ:16:21] U
qabduh il-Filistin, u qalgħulu għajnejh; u niżżluh Gaża, u rabtuh bis-sniesel
tal-bronż, u għalquh idawwar il-mitħna fil-ħabs. [Mħ:16:22] U xagħru raġa’ beda
jikber wara li qarwżuh.
Il-mewt ta' Sansun
[Mħ:16:23] U l-kapijiet tal-Filistin inġemgħu biex jagħmlu festa u joffru
sagrifiċċju kbir lil alla tagħhom Dagon, u qalu:
“Tana f'idejna alla tagħna
lil Sansun, il-għadu tagħna.”
[Mħ:16:24] Malli l-poplu ra lil Sansun bdew ifaħħru lill-alla tagħhom u jgħidu:
“Tana f'idejna alla tagħna
l-għadu tagħna;
u 'l min ħarbtilna artna,
u kattar il-mejtin tagħna.”
[Mħ:16:25] Kif qalbhom imtliet bil-ferħ qalu: “Ħa nsejjħu lil Sansun biex
jgħaddilna ż-żmien.” U sejjħu 'l Sansun mill-ħabs, u beda jilgħab quddiemhom. U
qegħduh bejn il-plieri. [Mħ:16:26] U Sansun qal liż-żagħżugħ li kien qiegħed
iżommlu idu: “Ħallini mmiss il-plieri li fuqhom qiegħda żżomm id-dar, u nserraħ
fuqhom.” [Mħ:16:27] Id-dar kienet mimlija rġiel u nisa, u kien hemm il-kapijiet
tal-Filistin, u fuq is-setaħ xi tlitt elef raġel u mara jaraw lil Sansun
jilgħab.
[Mħ:16:28] U Sansun sejjaħ il-Mulej u qal: “Mulej, Sidi, ftakar fija! Agħtini
l-forza, mqar għal din id-darba, o Alla, u f'salt wieħed nitħallas taż-żewġ
għajnejja mill-Filistin.” [Mħ:16:29] U Sansun qabad iż-żewġ plieri tan-nofs, li
fuqhom kienet mibnija d-dar, u twieżen fuqhom, fuq waħda bil-lemin u fuq l-oħra
bix-xellug. [Mħ:16:30] U Sansun għajjat: “Ħa mmut jien mal-Filistin.” U Sansun
miel 'il quddiem fuqhom b'saħħtu kollha u ġġarrfet id-dar fuq il-kapijiet u fuq
il-poplu kollu li kien hemm fiha. U l-għadd tal-mejtin, li qatel f'mewtu, kien
akbar minn kemm kien qatel f'ħajtu.
[Mħ:16:31] U niżlu ħutu u d-dar kollha ta' missieru, u refgħuh u tellgħuh, u
difnuh bejn Sorgħa u bejn Estawl fil-qabar ta' missieru Manuħa.
Dam jaħkem fuq Iżrael għal għoxrin sena.
17. Mika u l-Levita
[Mħ:17:1] Kien hemm raġel mill-muntanji ta' Efrajm li kien jismu Mika. [Mħ:17:2]
U qal lil ommu: “Dawk l-elf u mitt xekel tal-fidda li kienu ħadulek u li int
bdejt tisħet li nisimgħek, hawn huma għandi. Kont ħadthom jien; se nroddhomlok.”
U ommu wieġbet: “Mbierek int, ibni, mill-Mulej.” [Mħ:17:3] U radd l-elf u mitt
xekel lil ommu. U ommu qalet: “Irrid nikkonsagra dawn flusi lill-Mulej, biex
issir xbieha mdewwba għal ibni.”
[Mħ:17:4] Malli radd il-flus lil ommu, din ħadet mitejn xekel, tathom
lill-arġentier li minnhom għamel xbieha mdewwba, u qegħduha f'dar Mika;
[Mħ:17:5] u hekk dan ir-raġel Mika kellu santwarju f'daru; għamel efod u
terafim, u kkonsagra 'l wieħed minn uliedu, u sarlu qassis. [Mħ:17:6] Dak
iż-żmien ma kienx hemm sultan f'Iżrael; kulħadd kien jagħmel li jogħġbu.
[Mħ:17:7] Kien hemm żagħżugħ minn Betlehem ta' Ġuda, mit-tribù ta' Ġuda, li kien
Levita, li kien frustier hemmhekk. [Mħ:17:8] Dan ir-raġel telaq mill-belt ta'
Betlehem ta' Ġuda biex ifittex fejn joqgħod bħala frustier. Hu u għaddej
mill-muntanji ta' Efrajm sab ruħu ħdejn id-dar ta' Mika. [Mħ:17:9] U Mika qallu:
“Mnejn ġej?” U hu wieġbu: “Jien Levita minn Betlehem ta' Ġuda, u qiegħed
infittex fejn noqgħod.” [Mħ:17:10] U Mika qallu: “Oqgħod miegħi, u kun għalija
missier u qassis; u jien nagħtik għaxar bċejjeċ tal-fidda fis-sena, tagħmira
ħwejjeġ u ikel biex tgħix.” [Mħ:17:11] Il-Levita aċċetta li joqgħod miegħu, u
ż-żagħżugħ kien għalih bħal wieħed minn uliedu. [Mħ:17:12] U Mika kkonsagra
lil-Levita, u ż-żagħżugħ kien għalih qassis, u qagħad f'dar Mika. [Mħ:17:13] U
Mika qal: “Issa naf li l-Mulej tani r-riżq, għax għandi qassis Levita miegħi.”
18. It-tribù ta' Dan
[Mħ:18:1] F'dak iż-żmien ukoll ma kienx hemm sultan f'Iżrael; u t-tribù ta' Dan
kien qiegħed ifittex art fejn jgħammar, għax sa dakinhar kien għadu ma messux
sehem f'nofs it-tribujiet ta' Iżrael. [Mħ:18:2] Ulied Dan għalhekk bagħtu ħamsa
min-nies mit-tribù tagħhom, rġiel ta' ħila, minn Sorgħa u Estawl, biex iduru u
jitkixxfu l-art, u qalulhom: “Morru u tkixxfu l-art.” U marru fil-muntanji ta'
Efrajm sad-dar ta' Mika u għaddew il-lejl hemm. [Mħ:18:3] Kif kienu ħdejn dar
Mika għarfu leħen iż-żagħżugħ Levita u ġibduh 'l hemm u staqsewh: “Min ġiebek
hawn?” [Mħ:18:4] U weġibhom: “Dan u dan għamilli Mika; krieni, u jien sirt
qassis tiegħu.” [Mħ:18:5] U huma qalulu: “Stħarreġ lil Alla biex inkunu nafu
jekk fit-triq li qbadna jkollniex ir-riżq?” [Mħ:18:6] U l-qassis weġibhom:
“Morru bis-sliema! F'idejn il-Mulej hi t-triq li intom mexjin fiha.”
[Mħ:18:7] U telqu l-ħamest irġiel, u waslu Lajs, u raw li l-poplu kien jgħix bla
biża' bħas-Sidonin, b'moħħhom mistrieħ; ma kien jonqoshom xejn mill-ġid ta'
l-art; u ħadd ma kien jaħkimhom bi dritt ta' wirt; u kienu 'l bogħod
mis-Sidonin, u ma kellhom x'jaqsmu xejn ma' l-Aramin. [Mħ:18:8] Mbagħad reġgħu
lura għand ħuthom f'Sorgħa u Estawl, u dawn staqsewhom: “X'minnkom ?” [Mħ:18:9]
U huma wieġbu: “Qumu, u nitilgħu għaliha! Għax aħna rajnieha li hi art tajba
ħafna! X'intom taħsbuha? La titnikkrux, fittxu itilqu u morru ħudu l-art
f'idejkom. [Mħ:18:10] Meta taslu hemm issibu nies jgħixu bla biża' f'medda kbira
ta' art. Tassew li Alla rħieha f'idejkom. Post fejn m'hemm xejn nieqes mill-ġid
li tista' tagħti l-art.”
It-tribù ta' Dan f'Lajs
[Mħ:18:11] Mbagħad telqu minn Sorgħa u Estawl mit-tribù ta' Dan sitt mitt raġel
armati għall-gwerra. [Mħ:18:12] Telgħu, u waqqfu l-kamp f'Kirjat-jegħarim
f'Ġuda; għalhekk għadhom isejjħulu Maħane-dan sa llum; u jiġi wara
Kirjat-jegħarim.
[Mħ:18:13] Minn hawn għaddew għall-muntanji ta' Efrajm, u waslu ħdejn id-dar ta'
Mika. [Mħ:18:14] Dawk il-ħamest irġiel, li kienu marru jitkixxfu l-art ta' Lajs,
kellmu lil ħuthom u qalulhom: “Tafu intom li f'dawn id-djar hemm efod, terafim,
xbieha mnaqqxa u xbieha mdewwba? Issa araw x'tagħmlu.” [Mħ:18:15] U lwew 'il dik
in-naħa, u marru fid-dar taż-żagħżugħ Levita, id-dar ta' Mika, u sellmulu ta'
ħbieb. [Mħ:18:16] U s-sitt mitt raġel minn ulied Dan armati għall-gwerra waqfu
fi dħul il-bieb. [Mħ:18:17] U l-ħamest irġiel li kienu marru jitkixxfu l-art,
daħlu fid-dar u ħadu x-xbieha mnaqqxa u l-efod u t-terafim u x-xbieha mdewwba,
waqt li l-qassis baqa' fil-bieb mas-sitt mitt raġel armati għall-gwerra.
[Mħ:18:18] Meta daħlu f'dar Mika, u ħadu x-xbieha mnaqqxa, l-efod u t-terafim, u
x-xbieha mdewwba, il-qassis qalilhom: “X'intom tagħmlu?” [Mħ:18:19] U huma
weġbuh: “Oqgħod bi kwietek! Qiegħed idek fuq fommok u ejja magħna, u kun għalina
missier u qassis. X'inhu l-aħjar għalik, tkun qassis ta' dar ta' bniedem wieħed
jew tkun qassis ta' tribù u familja sħiħa f'Iżrael?” [Mħ:18:20] U l-qassis feraħ
f'qalbu; u ħa l-efod u t-terafim u x-xbieha mnaqqxa u mar f'nofs dik il-kotra
nies. [Mħ:18:21] Mbagħad daru u telqu, u bagħtu t-tfal u l-imrieħel u ġidhom
qabilhom.
[Mħ:18:22] Malli tbiegħdu minn dar Mika, l-irġiel li kienu joqogħdu fid-djar ta'
ħdejn id-dar ta' Mika, nġemgħu u telqu għal wara wlied Dan, [Mħ:18:23] u bdew
jgħajjtulhom. Ulied Dan dawwru wiċċhom lejhom u staqsew lil Mika: “X'għandek,
biex qiegħed tgħajjat?” [Mħ:18:24] U hu weġibhom: “Ħadtuli allati, li għamilt, u
l-qassis, u tlaqtu! X'fadalli? U mbagħad tgħiduli: 'X'għandek?’ ” [Mħ:18:25] U
wlied Dan qalulu: “La ssammagħniex aktar leħnek, li ma jmorrux iħebbu għalikom
in-nies ta' ras iebsa u titlef ħajtek u ħajjet darek.”
[Mħ:18:26] U wlied Dan baqgħu sejrin fi triqthom, u Mika dawwar wiċċu u raġa’
lura lejn daru, għax ra li kienu aqwa minnu.
[Mħ:18:27] U huma ħadu kull ma kien għamel Mika, u l-qassis li kellu miegħu, u
marru Lajs, għand nies li kienu jgħixu fil-kwiet bla ħsieb ta' xejn, u
għaddewhom minn xifer ix-xabla, u l-belt ħarquha bin-nar. [Mħ:18:28] Ma kien
hemm ħadd min jgħinha, għax kienet bogħod minn Sidon, u ma kellhom x'jaqsmu xejn
ma' Aram. Kienet fil-wita ta' Bet-reħob; reġgħu bnewha mill-ġdid u għammru fiha.
[Mħ:18:29] U semmewha Dan, għal isem missierhom Dan, li kien twieled lil Iżrael.
Imma qabel, sa mill-bidu, kien jisimha Lajs.
[Mħ:18:30] U wlied Dan waqqfu xbieha, u Ġonatan bin Gersom, bin Manassi, hu u
wliedu, saru qassisin għat-tribù ta' Dan sa meta nqabdet l-art. [Mħ:18:31] U
qiegħdu għalihom ix-xbieha, li kien għamel Mika, u baqgħet hemm iż-żmien kollu
li dar Alla kienet f'Silo.
19. In-nies ta' Gibgħa
[Mħ:19:1] F'dak iż-żmien ma kienx hemm sultan f'Iżrael, u kien hemm Levita
jgħammar f'nofs il-muntanji ta' Efrajm, u ħa mara konkubina minn Betlehem ta'
Ġuda. [Mħ:19:2] Din il-konkubina żniet kontrih, telqitu u marret f'dar missierha
f'Betlehem ta' Ġuda; u kienet ilha hemm erba' xhur, [Mħ:19:3] meta żewġha qam u
mar warajha biex iżiegħel biha u jġibha lura. Kellu miegħu l-qaddej tiegħu u
żewġt iħmir. Daħħlitu f'dar missierha, u malli rah missier it-tifla feraħ bih u
mar jilqgħu. [Mħ:19:4] U ħatnu, missier it-tifla, żammu għandu, u hu qagħad
miegħu tlitt ijiem, u kielu u xorbu, u għaddew il-lejl hemmhekk.
[Mħ:19:5] Fir-raba' jum bakkru fil-għodu u qam biex jitlaq; imma missier
it-tifla qal lil ħatnu: “Ħu biċċa ħobż u stejqer, u mbagħad itlaq.” [Mħ:19:6] U
qagħdu t-tnejn bilqiegħda jieklu u jixorbu. U missier it-tifla qallu: “Nitolbok,
oqgħod hawn illejla u ferraħ qalbek.” [Mħ:19:7] Imma l-ieħor qam biex jitlaq;
iżda ħatnu baqa' jissikkah, u baqa' u għadda l-lejl hemmhekk. [Mħ:19:8] U
fil-ħames jum bakkar, u qam biex jitlaq; imma missier it-tifla qallu: “Kul xi
ħaġa qabel.” U għaddew iż-żmien sa ma daħal il-jum sewwa, u kielu flimkien.
[Mħ:19:9] Ir-raġel qam biex jitlaq hu, il-konkubina u l-qaddej tiegħu, imma
ħatnu, missier it-tifla, qallu: “Ara, il-jum wasal għal filgħaxija; oqogħdu hawn
illejla. U ferraħ qalbek, u għada tbakkru għal triqtkom u tmur lejn l-għarix
tiegħek.” [Mħ:19:10] Ir-raġel ma riedx jgħaddi l-lejl hemm; qabad u telaq u
wasal sa quddiem Ġebus, li hi Ġerusalemm; u kellu miegħu żewġt iħmir mgħobbija,
u l-konkubina.
[Mħ:19:11] Xħin qorbu lejn Ġebus, il-jum kien wasal fi tmiemu, u l-qaddej qal
lil sidu: “Ejja nduru lejn din il-belt tal-Ġebusin, u ngħaddu l-lejl hemmhekk.”
[Mħ:19:12] U sidu wieġbu: “Ma ndurux lejn belt il-barranin, li m'humiex minn
ulied Iżrael. Ħa nibqgħu sejrin sa Gibgħa.” [Mħ:19:13] U ssokta jgħid
lill-qaddej tiegħu: “Ejja naslu sa wieħed minn dawn il-postijiet u ngħaddu
l-lejl f'Gibgħa jew Rama.” [Mħ:19:14] U baqgħu sejrin sakemm laħaqhom inżul
ix-xemx, ħdejn Gibgħa ta' Benjamin. [Mħ:19:15] U lwew 'l hemm biex imorru
jgħaddu l-lejl f'Gibgħa; u daħal u waqaf fil-misraħ tal-belt, u ma kien hemm
ħadd li laqagħhom biex jgħaddu l-lejl f'daru. [Mħ:19:16] U ara, raġel xiħ kien
ġej l-għaxija minn fuq ix-xogħol fl-għalqa. Kien raġel mill-muntanji ta' Efrajm,
u kien frustier f'Gibgħa; imma n-nies tal-post kienu wlied Benjamin.
[Mħ:19:17] U rafa' għajnejh u ra r-raġel li kien għaddej mill-misraħ tal-belt, u
r-raġel ix-xiħ qallu: “Fejn sejjer? Mnejn ġej?” [Mħ:19:18] U hu wieġbu: “Ġejjin
minn Betlehem ta' Ġuda, u sejrin lejn il-qalba tal-muntanji ta' Efrajm. Jiena
minn dawk l-inħawi, u mort sa Betlehem ta' Ġuda, u issa sejjer lejn dari, u ma
hawn ħadd li jilqagħni f'daru. [Mħ:19:19] Għandi tiben u għalf għall-ħmir
tagħna, ħobż u nbid għalija, u għall-qaddejja tiegħek, u għaż-żagħżugħ
tal-qaddej tiegħek; xejn ma jonqosna.” [Mħ:19:20] U x-xiħ qallu: “Is-sliem
għalik! Naħsiblek għal kull ma teħtieġ, biss la tgħaddix il-lejl fil-misraħ.”
[Mħ:19:21] U ħadu f'daru, tah l-għalf għall-ħmir, ħaslu riġlejhom, u kielu u
xorbu.
[Mħ:19:22] Meta kienu qalbhom ferħana, xi rġiel tal-belt, nies mill-agħar,
dawwru d-dar, u bdew iħabbtu fuq il-bieb u jgħajjtu lix-xiħ, sid id-dar:
“Oħorġilna r-raġel li daħal f'darek, ħa nużawh.” [Mħ:19:23] U ħareġ ħdejhom
ix-xiħ, sid id-dar, u qalilhom: “Le, ħuti, la tagħmlux din il-bluha! La darba
dan ir-raġel daħal f'dari, la tagħmlux dan l-għajb. [Mħ:19:24] Ara, għandi 'l
binti xebba u l-mara konkubina tiegħu; noħroġhomlkom u użawhom, u għamlu bihom
li jogħġobkom, u 'l dan ir-raġel la tagħmlulux dan l-għajb.” [Mħ:19:25] Iżda
huma ma ridux jisimgħu u għalhekk ir-raġel qabad il-konkubina u ħariġhielhom
barra; u huma żebilħuha, u nfexxew fiha l-lejl kollu sa filgħodu, u malli sebaħ
telquha.
[Mħ:19:26] Mas-sebħ il-mara ġiet u waqgħet fl-art ħdejn il-bieb ta' dar ir-raġel
fejn kien żewġha, u baqgħet hemm sakemm sebaħ sewwa. [Mħ:19:27] U fil-għodu qam
żewġha, u fetaħ il-bieb tad-dar, u ħareġ biex jaqbad triqtu; u jsib il-mara
konkubina tiegħu fl-art ħdejn il-bieb tad-dar b'idejha mqabbda ma' l-għatba.
[Mħ:19:28] “Qum,” qalilha, “ħa nitilqu.” Imma hi ma weġbitx. U mbagħad għabbieha
fuq il-ħmar, u r-raġel qabad u telaq lejn daru.
[Mħ:19:29] Kif wasal id-dar ħa sikkina, qabad il-konkubina u qattagħha fi
tnax-il biċċa b'għadamha b'kollox, u bagħathom fl-art kollha ta' Iżrael.
[Mħ:19:30] U kull min ra dan qal: “Qatt sa llum ma ġrat biċċa bħal din; u qatt
ħadd ma ra bħalha minn mindu telgħu wlied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu. Aħsbu
fuqha, u araw x'se tagħmlu u tkellmu.”
20. L-Iżraelin ipattuha lin-nies ta' Gibgħa
[Mħ:20:1] U wlied Iżrael ħarġu lkoll u ltaqgħet il-ġemgħa bħal bniedem wieħed,
minn Dan sa Birsaba, u minn art Gilgħad f'Misfa, quddiem il-Mulej. [Mħ:20:2] U
ħarġu fin-nofs il-kapijiet tal-poplu kollu u t-tribujiet ta' Iżrael kollha
quddiem il-ġemgħa tal-poplu ta' Alla; erba' mitt elf ruħ tal-fanterija mħarrġa
fix-xabla. [Mħ:20:3] U wlied Benjamin semgħu li wlied Iżrael telgħu Misfa, u
wlied Iżrael qalu: “Tkellmu! Kif saret din il-biċċa ħażen?” [Mħ:20:4] U r-raġel
Levita, żewġ il-mara maqtula, wieġeb u qal: “Konna wasalna, jiena u l-konkubina
tiegħi, f'Gibgħa ta' Benjamin biex ngħaddu l-lejl hemmhekk. [Mħ:20:5] U qamu
għalija n-nies ta' Gibgħa, u dawwruli d-dar billejl; lili riedu joqtluni, u
lill-konkubina tiegħi żebilħuha u mietet. [Mħ:20:6] Mbagħad jien ġbart
il-konkubina u qattajtha bċejjeċ u bgħattha fl-oqsma kollha ta' art Iżrael; għax
huma għamlu ħaġa faħxija u kerha f'Iżrael. [Mħ:20:7] Araw, hawn intom ilkoll;
tkellmu u araw x'se tagħmlu.”
[Mħ:20:8] U qam il-poplu kollu bħal bniedem wieħed u qalu: “Ħadd ma jerġa’ lura
fl-għarix tiegħu, u ħadd ma jmur lura lejn daru. [Mħ:20:9] Issa nagħmlu hekk lil
Gibgħa: ntellgħu x-xorti, u nitilgħu għaliha. [Mħ:20:10] Nieħdu minn kull tribù
ta' Iżrael għaxart irġiel minn kull mija, u mija minn kull elf, u elf minn kull
għaxart elef, biex iġibu l-ikel għall-poplu li ġie biex jagħmel ma' Gibgħa ta'
Benjamin skond ma ħaqqha għal dan il-ħażen li għamlu f'Iżrael.”
[Mħ:20:11] U nġabru kollha għalenija bħal bniedem wieħed l-irġiel ta' Iżrael
kontra l-belt. [Mħ:20:12] U t-tribujiet ta' Iżrael bagħtu nies fit-tribù kollu
ta' Benjamin jgħidulhom: “X'ħażen hu dan, li sar f'nofskom? [Mħ:20:13] Agħtuna
issa n-nies mill-agħar li hemm f'Gibgħa, u noqtluhom u nneħħu l-ħażen minn
Iżrael.” Imma wlied Benjamin ma ridux jisimgħu minn kliem ħuthom, ulied Iżrael.
[Mħ:20:14] U wlied Benjamin inġabru mill-ibliet f'Gibgħa biex joħorġu jitqabdu
ma' wlied Iżrael. [Mħ:20:15] U ntgħaddu ulied Benjamin dakinhar: mill-ibliet,
sitta u għoxrin elf raġel imħarreġ fix-xabla barra n-nies ta' Gibgħa; [Mħ:20:16]
fost dawk in-nies kollha kien hemm ukoll seba' mitt raġel magħżul, xellugin, u
kull wieħed kellu l-ħila jwaddab ġebla l-iżbandola għal xagħra, u ma jfallilux.
[Mħ:20:17] U wlied Iżrael intgħaddu wkoll: barra minn ulied Benjamin, erba' mitt
elf raġel imħarreġ fix-xabla, kull wieħed raġel tal-ġlied.
[Mħ:20:18] U qabdu u marru wlied Iżrael f'Betel u staqsew lil Alla u qalu: “Min
minna jitla' l-ewwel jitqabad ma' wlied Benjamin?” U l-Mulej wieġeb: “Ġuda
jitla' l-ewwel.”
[Mħ:20:19] Ulied Iżrael bakkru fil-għodu, u waqqfu l-kamp biswit Gibgħa.
[Mħ:20:20] In-nies ta' Iżrael ħarġu għat-taqbida ma' wlied Benjamin, u tqassmu
għall-ġlied ħdejn Gibgħa. [Mħ:20:21] U wlied Benjamin ħarġu minn Gibgħa u meddew
fl-art dakinhar tnejn u għoxrin elf raġel minn Iżrael. [Mħ:20:22] Imma l-poplu
għamel il-qalb u l-Iżraelin reġgħu tqassmu għat-taqbida fejn kienu tqassmu
fl-ewwel jum.
[Mħ:20:23] U wlied Iżrael telgħu jibku quddiem il-Mulej sa filgħaxija, u staqsew
lill-Mulej u qalu: “Għandi jien nerġa’ noħroġ nitqabad ma' wlied ħija Benjamin?”
U l-Mulej wieġeb: “Itilgħu għalih.” [Mħ:20:24] Fit-tieni jum ulied Iżrael marru
għal ulied Benjamin. [Mħ:20:25] U ħareġ jilqagħhom Benjamin minn Gibgħa
fit-tieni jum u meddew ma' l-art tmintax-il elf oħra minn ulied Iżrael, lkoll
imħarrġa fix-xabla. [Mħ:20:26] U wlied Iżrael ilkoll, u l-poplu kollu telgħu u
marru Betel, u qagħdu hemm jibku quddiem il-Mulej, u samu dak in-nhar sa
filgħaxija u offrew sagrifiċċji tal-ħruq, u sagrifiċċji tas-sliem quddiem
il-Mulej. [Mħ:20:27] U wlied Iżrael staqsew lill-Mulej - għax hemm kienet l-arka
tal-patt ta' Alla f'dak iż-żmien [Mħ:20:28] u Fineħas bin Elgħażar, bin Aron,
dik il-ħabta kien iservi quddiemha - u qalu: “Għandi jien nerġa’ noħroġ nitqabad
ma' ħija Benjamin, jew nieqaf?” U l-Mulej wieġeb: “Itilgħu, għax għada nerħih
f'idejk.” [Mħ:20:29] U Iżrael imbagħad dawwar lil Gibgħa dawramejt bl-għases
moħbija. [Mħ:20:30] U fit-tielet jum ulied Iżrael telgħu għal ulied Benjamin u
tqassmu ħdejn Gibgħa bħall-ewwel u t-tieni darba. [Mħ:20:31] U wlied Benjamin
ħarġu għall-poplu u tbiegħdu mill-belt, u bdew joqtlu mill-eżerċtu bħall-ewwel u
t-tieni darba fit-toroq li jieħdu, waħda għal Betel u l-oħra għal Gibgħa, u
fir-raba', u qatlu xi tletin raġel minn Iżrael b'kollox.
[Mħ:20:32] U wlied Benjamin qalu: “Kissirniehom bħall-ewwel darba.” U wlied
Iżrael qalu: “Ħa naħarbu, u nbegħduhom mill-belt, u nxerrduhom mat-toroq.”
[Mħ:20:33] U l-Iżraelin qamu kollha minn fejn kienu, u tqassmu f'Bagħal-tamar, u
l-għases moħbija ta' Iżrael ħarġu minn fejn kienu min-naħa tal-punent ta'
Gibgħa. [Mħ:20:34] U ġew quddiem Gibgħa għaxart elef raġel magħżula minn Iżrael
kollu; u t-taqbida ħraxet, u wlied Benjamin ma ntebħux li kienet ġejja fuqhom
ħsara kbira. [Mħ:20:35] Il-Mulej ħarbat lil ulied Benjamin quddiem Iżrael, u
dakinhar ulied Iżrael qatlu minn ulied Benjamin ħamsa u għoxrin elf u mitt ruħ,
ilkoll imħarrġa fix-xabla.
[Mħ:20:36] Ulied Benjamin intebħu li kienu mirbuħa; u l-Iżraelin taw il-wisa'
lil ulied Benjamin, għax kellhom moħħhom mistrieħ bl-għases moħbija li kienu
qiegħdu ħdejn Gibgħa. [Mħ:20:37] U l-għases moħbija ntefgħu bil-ħeffa fuq
Gibgħa, ħabtu għall-belt minn kull naħa, u għaddew il-belt kollha minn xifer
ix-xabla. [Mħ:20:38] L-Iżraelin kienu ftiehmu ma' l-għases moħbija li jtellgħu
sħaba duħħan mill-belt. [Mħ:20:39] Malli l-Iżraelin li kienu jitqabdu daru,
wlied Benjamin bdew jaħbtu għall-Iżraelin u qatlu minnhom xi tletin raġel, għax
qalu: “Iva, kissirniehom bħal fl-ewwel taqbida.” [Mħ:20:40] Imma dak il-ħin
bdiet tielgħa minn fuq il-belt sħaba duħħan; u wlied Benjamin ħarsu lura, u raw
in-nar mill-belt tiela' lejn is-sema. [Mħ:20:41] U l-Iżraelin daru u wlied
Benjamin tħawwdu għax raw li laħqithom il-ħsara; [Mħ:20:42] u daru, u ħarbu minn
quddiem Iżrael lejn id-deżert; imma l-ġlied laħaqhom, u dawk li kienu ħierġa
mill-belt daħlu ġo nofshom u bdew iqattgħuhom bċejjeċ. [Mħ:20:43] Hekk dawwru
lil ulied Benjamin, u għamlu għal warajhom u għaffġuhom taħt riglejhom minn Noħa
sa quddiem Gibgħa, in-naħa tal-lvant. [Mħ:20:44] U waqgħu mejtin tmintax-il elf
raġel minn Benjamin, kollha nies ta' ħila. [Mħ:20:45] L-oħrajn daru u ħarbu lejn
id-deżert lejn il-blat ta' Rimmon; l-Iżraelin qatlu minnhom fit-toroq ħamest
elef raġel u baqgħu jrossu fuqhom sa Gidgħon u qatlu elfejn oħra. [Mħ:20:46] U
dakinhar il-mejtin kollha ta' Benjamin laħqu l-ħamsa u għoxrin elf raġel
imħarrġa fix-xabla, kollha nies ta' ħila. [Mħ:20:47] U ħarbu lura lejn id-deżert
sitt mitt raġel, u baqgħu fil-blat ta' Rimmon għal erba' xhur. [Mħ:20:48]
Mbagħad ulied Iżrael daru għal ulied Benjamin l-oħra, u għaddew minn xifer
ix-xabla n-nies fil-belt, u l-bhejjem u kull ma sabu; u l-ibliet li sabu tawhom
in-nar.
21. Tiġdid tat-tribù ta' Benjamin
[Mħ:21:1] L-Iżraelin kienu ħalfu f'Misfa u qalu: “Ħadd minna ma jagħti 'l bintu
lil xi ħadd minn Benjamin b'martu.” [Mħ:21:2] Mbagħad il-poplu mar f'Betel, u
baqgħu hemm sa filgħaxija jibku quddiem Alla, għollew leħinhom u bkew biki kbir,
u qalu: [Mħ:21:3] “Għaliex, Mulej, Alla ta' Iżrael, ġara dan f'Iżrael, li naqset
illum tribù f'Iżrael?” [Mħ:21:4] L-għada l-poplu bakkar, u bnew hemm artal, u
offrew sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tas-sliem.
[Mħ:21:5] U wlied Iżrael qalu: “Hemm xi ħadd mit-tribujiet kollha ta' Iżrael li
ma talax għal-laqgħa quddiem il-Mulej?” Għaliex kienu ħalfu bil-kbir għal min ma
jitlax quddiem il-Mulej f'Misfa u qalu: “Nagħtuh il-mewt.” [Mħ:21:6] Ulied
Iżrael għelew għal ħuhom Benjamin u qalu: “Illum inqata' tribù minn Iżrael.
[Mħ:21:7] X'se nagħmlu lil dawk li baqgħu minnhom biex ikollhom in-nisa? Aħna
ħlifna bil-Mulej li ma nagħtuhomx mill-bniet tagħna b'nisa tagħhom.” [Mħ:21:8] U
ssuktaw jgħidu: “Min mit-tribujiet ta' Iżrael ma telax quddiem il-Mulej
f'Misfa?” U sabu li ħadd minn Ġabes-gilgħad ma kien ġie fil-kamp għal-laqgħa.
[Mħ:21:9] Għax għaddew il-poplu, u sabu li ma kien hemm ħadd minn Ġabes-gilgħad.
[Mħ:21:10] U l-ġemgħa bagħtet tnax-il elf raġel, rġiel ta' ħila, u ordnawlhom u
qalulhom: “Morru u oqtlu n-nies ta' Ġabes-gilgħad b'xifer ix-xabla, bin-nisa u
t-tfal. [Mħ:21:11] Iżda araw x'għandkom tagħmlu: Oqtlu l-irġiel kollha u n-nisa
kollha li kellhom x'jaqsmu ma' raġel, iżda x-xebbiet ħalluhom ħajjin.” U hekk
għamlu. [Mħ:21:12] U sabu fost in-nies ta' Ġabes-gilgħad erba' mitt xebba li
qatt ma kienu għarfu raġel u raqdu miegħu; u ġibuhom fil-kamp f'Silo li jinsab
f'art Kangħan. [Mħ:21:13] U l-ġemgħa kollha bagħtet l-aħbar lil ulied Benjamin
li kienu fil-blat ta' Rimmon u għamlu paċi. [Mħ:21:14] U wlied Benjamin reġgħu
lura, u l-Iżraelin tawhom in-nisa li kienu ħallew ħajjin min-nies ta'
Ġabes-gilgħad; imma ma sabulhomx biżżejjed.
[Mħ:21:15] Il-poplu għela għal Benjamin, billi l-Mulej ġieb dan il-vojt
fit-tribujiet ta' Iżrael. [Mħ:21:16] U x-xjuħ tal-ġemgħa qalu: “X'nagħmlu biex
dawk li baqgħu jkollhom in-nisa? Għax inqerdu lkoll in-nisa ta' Benjamin.”
[Mħ:21:17] U ssuktaw jgħidu: “Għandu jkun hemm werrieta għall-fdal ta' Benjamin,
biex ma jinqeridx tribù minn Iżrael. [Mħ:21:18] Aħna ma nistgħux nagħtukom nisa
mill-bniet tagħna, għax ulied Iżrael ħalfu u qalu: 'Misħut min jagħti xi mara
lil Benjamin.’ ” [Mħ:21:19] U ssuktaw jgħidu: “Ara, minn sena għal sena jkun
hemm festa lill-Mulej f'Silo,”- din qiegħda fuq it-tramuntana ta' Betel, fuq
il-lvant tat-triq li tieħu minn Betel għal Sikem, 'l isfel minn Lebona.
[Mħ:21:20] U mbagħad taw parir lil ulied Benjamin u qalulhom: “Morru u staħbew
qalb id-dwieli. [Mħ:21:21] Malli taraw il-bniet ta' Silo ħerġin biex iduru u
jiżfnu, oħorġu minn qalb id-dwieli u kull wieħed jaħtaf mara għalih mill-bniet
ta' Silo; mbagħad morru f'art Benjamin. [Mħ:21:22] Jekk missirijiethom jew
ħuthom jeħduha magħna, ngħidulhom: 'Ħennu għalihom, għax ħadd minnhom ma ħa mara
fil-gwerra. Kieku qegħdin tagħtuhomlhom intom, kontu tidinbu.’ ”
[Mħ:21:23] U hekk għamlu wlied Benjamin, u ħadu nisa miż-żeffiena li ħatfu skond
l-għadd tagħhom, u reġgħu marru lejn arthom, u bnew l-ibliet u għammru fihom.
[Mħ:21:24] U wlied Iżrael dak iż-żmien telqu, kulħadd lejn it-tribù u l-familja
tiegħu; u minn hemm kulħadd għal artu.
[Mħ:21:25] F'dak iż-żmien ma kienx hemm sultan f'Iżrael, u kulħadd kien jagħmel
li jogħġbu.