IL-KTIEB TAL-PROFETA ĦAGGAJ
1. It-tempju jinbena mill-ġdid
[Ħag:1:1] Fit-tieni sena tas-sultan Dariju, fis-sitt xahar, fl-ewwel tax-xahar,
il-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, kellem lill Żerubbabel bin Sijaltijel,
gvernatur ta' Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u qalilhom:
[Ħag:1:2] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: 'Dan il-poplu jgħid: It-tempju
tal-Mulej għad ma wasallux iż-żmien li jinbena mill-ġdid!' "
[Ħag:1:3] U l-Mulej tkellem permezz tal-profeta Ħaggaj u qal: [Ħag:1:4] "Jaqaw
għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar
għadha ħerba?" [Ħag:1:5] U issa dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: "Ġibu quddiem
għajnejkom minn xiex għaddejtu! [Ħag:1:6] Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu,
u m'hemmx li tiskru; lbistu, u m'hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed
ħlasu f'but imtaqqab."
[Ħag:1:7] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċiti: "Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex
għaddejtu! [Ħag:1:8] Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien
nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha," jgħid il-Mulej. [Ħag:1:9] "Stennejtu li
jkollkom ħafna, u ara, ftit kellkom; u meta ħżintuh fi djarkom, jiena nfaħt u
tajjarthulkom. Għaliex? Oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċiti: Għax hi dari li hi
ħerba, waqt li intom kull wieħed minnkom iħaffef lejn daru. [Ħag:1:10] Kien
għalhekk li fuqkom ngħalqu s-smewwiet u ma tawx nida, u l-art ċaħditilkom
il-frott. [Ħag:1:11] U jien sejjaħt in-nixfa fuq l-art, fuq il-muntanji, fuq
il-qamħ, fuq l-inbid ġdid, fuq iż-żejt, fuq dak li trodd l-art, fuq il-bnedmin u
fuq il-bhejjem, fuq kull ma jmissu l-idejn."
[Ħag:1:12] Mbagħad Żerubbabel bin Sijaltijel, u Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis
il-kbir, u l-bqija tal-poplu kollu, semgħu s-sejħa tal-Mulej, Alla tagħhom, u l-kliem
tal-profeta Ħaggaj, kif bagħtu l-Mulej, Alla tagħhom. U l-poplu beża' mill-Mulej.
[Ħag:1:13] U Ħaggaj, il-messaġġier tal-Mulej, wassal lill-poplu l-messaġġ
tal-Mulej u qalilhom: "Jiena magħkom, oraklu tal-Mulej." [Ħag:1:14] U l-Mulej
qajjem l-ispirtu ta' Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta' Ġuda, u l-ispirtu
ta' Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u l-ispirtu tal-bqija tal-poplu
kollu, u ġew u qabdu x-xogħol fid-dar tal-Mulej ta' l-eżerċti, Alla tagħhom,
[Ħag:1:15] fl-erbgħa u għoxrin jum tas-sitt xahar.
2. Il-glorja tat-tempju
[Ħag:2:1] Fit-tieni sena tas-sultan Dariju, fis-seba' xahar, fil-wieħed u
għoxrin tax-xahar, ġiet il-kelma tal-Mulej permezz ta' Ħaggaj, il-profeta, u
qallu: [Ħag:2:2] "Isa, mur kellem lil Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta'
Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u lill-bqija tal-poplu, u
għidilhom: [Ħag:2:3] Min għad baqa' fostkom li ra dan it-tempju fil-glorja li
kellu qabel? U issa kif qegħdin tarawh? F'għajnejkom m'hux forsi qisu xejn?
[Ħag:2:4] Imma issa qawwi qalbek, Żerubbabel, oraklu tal-Mulej, qawwi qalbek,
Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir; qawwi qalbek, poplu tal-pajjiż, oraklu
tal-Mulej. Aqbdu aħdmu, għax jiena magħkom, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. Il-kelma
li biha ntrabbat magħkom fi ħruġkom mill-Eġittu, [Ħag:2:5] u l-ispirtu tiegħi,
jibqgħu f'nofskom: la tibżgħux!" [Ħag:2:6] Għax hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti:
"Dalwaqt, ftit ieħor biss, u jiena nheżheż is-smewwiet u l-baħar u l-blat,
[Ħag:2:7] u nqanqal il-ġnus kollha, u l-ġid kollu tal-popli jiġi kollu hawn, u
nimla dan it-tempju bil-glorja," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti. [Ħag:2:8] "Tiegħi
l-fidda u tiegħi d-deheb, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. [Ħag:2:9] Il-glorja ta'
l-aħħar ta' dan it-tempju tkun akbar minn ta' qabel," jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti,
"u f'dan il-post jiena nagħti s-sliem," oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.
Mistoqsija lill-qassisin
[Ħag:2:10] Fid-disa' xahar tat-tieni sena ta' Dariju, fl-erbgħa u għoxrin tax-xahar,
ġiet il-kelma tal-Mulej lill-profeta Ħaggaj u qallu: [Ħag:2:11] "Dan jgħid
il-Mulej ta' l-eżerċti: Mur staqsi lill-qassisin huma x'jidhrilhom skond il-liġi
u għidilhom: [Ħag:2:12] Jekk wieħed jerfa' djul il-libsa tiegħu biex iġorr laħam
imqaddes fih, u mbagħad b'dak id-djul il-libsa jmiss il-ħobż, jew xi tisjir, jew
l-inbid, jew iż-żejt, jew kull xorta ta' ikel, dan jitqaddes?" U wieġbu l-qassisin
u qalu: "Le." [Ħag:2:13] Raġa' Ħaggaj qalilhom: "Jekk wieħed jitniġġes għax ikun
messs ġisem mejjet, u mbagħad imiss xi ħaġa minn dawn, din titniġġes?" U wieġbu
l-qassisin u qalu: "Titniġġes." [Ħag:2:14] U qabad Ħaggaj u qal: "Hekk hu dan
il-poplu, u hekk hu dan il-ġens quddiemi, oraklu tal-Mulej, u hekk hi kull ħaġa
li jagħmlu b'idejhom. U kull ma joffru hemm huwa mniġġes.
Wegħda ta' żmien aħjar għar-raba'
[Ħag:2:15] "U issa ġibu quddiem għajnejkom, mil-lum 'il quddiem: qabel ma
tqiegħdet ġebla fuq ġebla fis-santwarju tal-Mulej, [Ħag:2:16] x'kontu intom?
Wieħed kien jiġi għal munzell ta' għoxrin qatta, u jsib għaxra; kien jiġi fuq
il-magħsar biex jimla ħamsin bettija, u jsib għal għoxrin. [Ħag:2:17] Il-ħidma
ta' idejkom jiena kollha ħassarthielkom bir-riħ mil-lvant u bis-sadid, u
bis-silġ. Iżda ma kienx hemm li terġgħu lura lejja, oraklu tal-Mulej. [Ħag:2:18]
U issa ġibu quddiem għajnejkom, mil-lum 'il quddiem, il-jum erbgħa u għoxrin
tad-disa' xahar, mill-jum li fih tqiegħdu s-sisien tas-santwarju tal-Mulej: ġibu
quddiem għajnejkom [Ħag:2:19] jekk għadx baqa' qamħ fil-maħżen, u jekk id-dielja
u t-tina u r-rummiena u ż-żebbuġa għadhomx jagħmlu frott! Mil-lum stess jiena
nibda nbierek."
Wegħda lil Żerubbabel
[Ħag:2:20] Fl-erbgħa u għoxrin tax-xahar għat-tieni darba l-Mulej kellem lil
Ħaggaj u qallu: [Ħag:2:21] "Kellem lil Żerubbabel, gvernatur ta' Ġuda, u għidlu:
Jiena se nheżeż is-smewwiet u l-art, [Ħag:2:22] naqleb it-tron tas-saltniet u
neqred il-qawwa tas-slaten tal-ġnus, naqleb il-karru u r-rikkieb tiegħu u jaqgħu
ż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom, kull wieħed bis-sejf ta' sieħbu. [Ħag:2:23]
F'dak il-jum, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, jien nieħu lilek, Żerubbabel bin
Sijaltijel, qaddej tiegħi, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, u nagħmlek bħal
siġill, għax lilek għażilt." Oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.