IL-KTIEB TAL-PROFETA ĠEREMIJA
1. Dħul
[Ġer:1:1] Il-kliem ta' Ġeremija bin Ħilkija, mill-qassisin li kienu f'Għanatot, 
fl-art ta' Benjamin. [Ġer:1:2] Il-kelma tal-Mulej ġietu fi żmien Ġosija bin Amon, 
sultan ta' Ġuda, fis-sena tlittax tas-saltna tiegħu; [Ġer:1:3] ġietu wkoll fi 
żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, sa tmiem is-sena ħdax tas-saltna ta' 
Sedekija bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, sa meta n-nies ta' Ġerusalemm ġew eżiljati, 
fil-ħames xahar.
Is-sejħa ta' Ġeremija
[Ġer:1:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: 
[Ġer:1:5] "Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; 
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek. 
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus." 
[Ġer:1:6] Jien weġibt: 
"Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir." 
[Ġer:1:7] U l-Mulej weġibni: "Tgħidx, 'Għadni żgħir'. 
Inti tmur kull fejn nibagħtek, 
u tgħid kull ma nordnalek. 
[Ġer:1:8] La tibżax minnhom, għax jien miegħek 
biex neħilsek," 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:1:9] U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi, u qalli l-Mulej: "Ara, qegħedtlek 
kliemi fuq fommok. [Ġer:1:10] Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, 
biex taqla' u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel." 
[Ġer:1:11] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "X'inti tara, Ġeremija?" Jien 
weġibt: "Qiegħed nara fergħa ta' lewża." [Ġer:1:12] U l-Mulej weġibni: "Sewwa 
rajt, għax jien inħabrek biex kelmti sseħħ." 
[Ġer:1:13] U reġgħet ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: "X'inti tara?" U jien 
weġibt: "Qiegħed nara borma tagħli, u d-dehra tagħha min-naħa tat-tramuntana." 
[Ġer:1:14] U l-Mulej weġibni: "Mit-tramuntana tfur il-ħsara fuq dawk kollha li 
jgħammru f'din l-art, [Ġer:1:15] għax, ara, jien se nsejjaħ is-saltniet kollha 
tat-tramuntana, oraklu tal-Mulej. 
U jiġu u kull wieħed minnhom iwaqqaf it-tron tiegħu 
quddiem il-bibien ta' Ġerusalemm, 
u quddiem is-swar tagħha dawramejt, 
u quddiem il-bliet kollha ta' Ġuda. 
[Ġer:1:16] Jien se nagħmel ħaqq kontriehom 
għall-ħażen kollu tagħhom, għaliex huma telquni 
u ħarqu l-inċens lil allat oħra, 
u taw qima lil għemil idejhom. 
[Ġer:1:17] U int ħażżem ġenbejk, 
qum u għidilhom kull ma nordnalek. 
La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien 
quddiemhom. 
[Ġer:1:18] Arani llum se nagħmel minnek belt 
fortizza, 
kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż, 
kontra l-pajjiż kollu, 
kontra s-slaten ta' Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu, 
kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż. 
[Ġer:1:19] Huma jeħduha kontrik, imma ma 
jagħmlulek xejn,
għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej, 
biex neħilsek minnhom."
2. L-infedeltā ta' Iżrael
[Ġer:2:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Ġer:2:2] "Mur u għajjat 
f'widnejn Ġerusalemm, u għidilha: 
'Dan jgħid il-Mulej: ftakart fil-ħlewwa ta' żgħożitek, fl-imħabba ta' l-għerusija 
tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert, f'art mhux miżrugħa. 
[Ġer:2:3] Iżrael kien ikkonsagrat lill-Mulej, l-ewwel frott tiegħu; dawk kollha 
li kienu jieklu minnu, kienu jiġbdu fuqhom il-kastig: 
il-ħsara kienet taqa' fuqhom," oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:2:4] Isimgħu l-kelma tal-Mulej, dar Ġakobb, u intom il-familji kollha tad-dar 
ta' Iżrael. 
[Ġer:2:5] Dan jgħid il-Mulej: 
"X'nuqqas sabu fija missirijietkom biex tbiegħdu 
minni, 
u mxew wara l-frugħa, u saru huma stess frugħa? 
[Ġer:2:6] Ma qalux: 'Fejn hu l-Mulej 
li tellagħna mill-art ta' l-Eġittu, 
li mexxiena fid-deżert, 
minn art niexfa u maħruqa, 
minn art għatxana u mudlama, 
minn art li minnha ħadd ma jgħaddi, 
u fiha ma jgħammar ħadd? 
[Ġer:2:7] Jien ġibtkom f'art qisha ġnien, 
biex tieklu l-frott tagħha 
u dduqu l-benna tagħha. 
Imma ġejtu u tebbajtuli arti, 
waqqajtuli l-wirt tiegħi f'għajb. 
[Ġer:2:8] Il-qassisin ma staqsewx: 'Fejn hu l-Mulej?' 
L-għorrief tal-liġi ma għarfunix; 
ir-rgħajja dinbu kontrija; 
il-profeti ħabbru f'isem Bagħal, 
u marru wara ħwejjeġ fiergħa. 
[Ġer:2:9] Għaliex inżid nitlewwem magħkom, 
oraklu tal-Mulej, 
u ma' wlied uliedkom. 
[Ġer:2:10] Baħħru sal-gżejjer ta' Kittim, 
ibagħtu staqsu f'Kedar, 
u araw jekk qatt saritx ħaġa bħal din.
[Ġer:2:11] Hemm xi ġens li qatt biddel l-allat tiegħu? 
- U dawn m'humiex allat! 
Iżda poplu tiegħi bidel il-glorja tiegħu max-xejn! 
[Ġer:2:12] Stagħġbu smewwiet b'dan, 
tkexkxu fuq li tkexkxu, oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:2:13] Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu 
tiegħi: 
telqu lili, l-għajn ta' l-ilma ġieri, 
biex ħaffru bjar għalihom, 
bjar miksura li ma jżommux ilma. 
[Ġer:2:14] Jaqaw Iżrael xi lsir jew qaddej imwieled
fid-dar?
Għaliex, mela, waqa' priża, 
[Ġer:2:15] li għaliha jgargru frieħ l-iljuni, 
u jsemmgħu leħenhom? 
Artu għamluhielu ħerba, 
blietu ħarquhomlu, u sfaw bla nies. 
[Ġer:2:16] Saħansitra ulied Nof u Taħfanħes
iqaxxrulek rasek. 
[Ġer:2:17] Forsi dan ma ġralekx 
għax tlaqt lill-Mulej Alla tiegħek, 
meta kien qiegħed imexxik fit-triq? 
[Ġer:2:18] U issa għalfejn trid tieħu triq l-Eġittu, 
biex tixrob l-ilma tan-Nil? 
Għalfejn trid taqbad triq l-Assirja, 
biex tixrob l-ilma ta' l-Ewfrat? 
[Ġer:2:19] Il-ħażen tiegħek, il-kastig tiegħek; 
u ċċanfrek l-infedeltā tiegħek.
Kun af u ara kemm hu ħażin u morr, 
li int tlaqt il-Mulej Alla tiegħek; 
li ma għandekx aktar twerwir minni, 
oraklu ta' Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti. 
[Ġer:2:20] Ilu żmien issa li int kissirt il-madmad 
tiegħek, 
u ħallejt l-irbit tiegħek, 
u għedt: 'Ma nagħtix qima.' 
Għax tassew, fuq kull għolja mdaqqsa, taħt 
kull siġra ħadra, 
inti mteddejt u żnejt, 
[Ġer:2:21] għad li kont ħawwiltek bħala dielja tajba, 
bħala żarġun mill-aħjar. 
Kif inbdiltli f'siġra ħażina, dielja bagħlija? 
[Ġer:2:22] U jekk titnaddaf bis-soder u b'ħafna lissija,
quddiemi tibqa' t-tebgħa ta' dnubietek, 
oraklu ta' Sidi l-Mulej. 
[Ġer:2:23] Kif tista' tgħid: 'Jien ma tħammiġtx, 
ma ġrejtx wara l-Bagħalim'? 
ra, il-passi tiegħek fil-wied: 
agħraf x'għamilt! 
Ġemla ħafifa sserrep triqatha! 
[Ġer:2:24] Ħmara selvaġġa mdorrija fid-deżert 
b'leblieba fuqha xxomm ir-riħ; 
min se jżommha fis-saħna tagħha? 
Min ifittixha ma jitħabatx biex isibha: 
malajr issibha fix-xahar tagħha! 
[Ġer:2:25] Ħares riġlejk mill-ħafa, u griżmejk
mill-għatx! 
Imm'int tgħid: 'Ma jimpurtax! 
Jien il-barranin inħobb u warajhom irrid immur!" 
[Ġer:2:26] Bħalma jirgħex il-ħalliel meta jaqbduh, 
hekk għad jiregħxu dar Iżrael: 
huma, is-slaten tagħhom u prinċpijiethom, 
il-qassisin u l-profeti tagħhom. 
[Ġer:2:27] Lil biċċa għuda jgħidulha: 'Int missieri!' 
u lill-ġebla: 'Int wilidtni! 
Għax huma tawni daharhom, 
u ma tawnix wiċċhom! 
Imma fi żmien hemmhom jgħajjtu: 
'Qum u salvana!' 
Ġer:2:28] Fejn huma l-allat li int għamilt? 
Ħa jqumu jekk għandhom ħila 
jsalvawk fi żmien hemmek! 
Għax daqs għadd blietek, allatek, ja Ġuda! 
[Ġer:2:29] "Għaliex toħduha miegħi? 
Lkoll qomtu kontrija, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:2:30] Għalxejn jien drabt 'l uliedek, 
it-tagħlima ma ħaduhiex; 
ix-xabla tagħkom stess qerditilkom il-profeti, 
bħalma jeqred l-iljun il-priża. 
[Ġer:2:31] Ja nisel li intom, araw il-kelma tal-Mulej. 
Jaqaw kont jien xi deżert għal Iżrael? 
Jew xi art mgħargħra fid-dlam? 
Għax il-poplu tiegħi qalu: 
'Issa ħlisna, għandek aktar ma niġux.' 
[Ġer:2:32] Forsi x-xbejba tinsa l-ġawhra tagħha? 
jew l-għarusa l-faxxa tagħha? 
Imma l-poplu tiegħi nsieni 
għal żmien bla qjies. 
[Ġer:2:33] Kemm taf issibha triqtek, 
int u tfittex l-imħabba? 
Saħansitra lin-nisa ħżiena 
għandek ħila tgħallem triqtek. 
[Ġer:2:34] Sa fil-kefef ta' lbiesek 
jinsab id-demm ta' nies bla ħtija, 
minkejja li ma qbadthomx jisirqu. 
[Ġer:2:35] Mbagħad tgħid: 'Jiena bla ħtija! 
Iva, il-korla tiegħu tbiegħdet minni.' 
Arani, se nġibek għall-ħaqq, 
talli int għedt: 'Ma dnibtx.' 
[Ġer:2:36] Ah! Kemm waqajt fil-baxx 
biex biddilt triqtek! 
Quddiem l-Eġittu wkoll għad tħammar wiċċek, 
bħalma tħammart quddiem l-Assirja! 
[Ġer:2:37] Minn hemm ukoll b'idejk fuq rasek 
għad terġa' lura, 
għax il-Mulej rema 'l dawk 
li fihom qegħedt it-tama tiegħek; 
fihom ir-riżq ma ssibx.
3. [Ġer:3:1] "Jekk raġel ikeċċi 'l martu, 
u din titbiegħed minnu, 
u ssir il-mara ta' raġel ieħor, 
jaqaw l-ewwel wieħed se jerġa' lura lejha? 
M'hijiex forsi mtebbgħa din l-art? 
Int li żnejt ma' ħafna ħbieb, 
għandek il-ħila terġa' għal għandi? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:3:2] Erfa' għajnejk lejn l-għoljiet għerja, u ħares: 
fejn ma tbahradtx? 
Fit-toroq kont tkun bilqiegħda tistenniehom, 
bħal Għarbi fid-deżert. 
Int ċappast l-art biż-żína u l-ħażen tiegħek. 
[Ġer:3:3] Għalhekk inżammet ix-xita, 
u xita mwaħħra naqset ukoll. 
Ġbinek, ġbin ta' mara żienja, 
u l-mistħija ma ridthiex. 
[Ġer:3:4] Mhux issa wkoll issejjaħli: 'Missier! 
Int il-ħabib ta' żgħożiti! 
[Ġer:3:5] Se tibqa' mgħaddab għal dejjem u 
mmasħan sa l-aħħar?' 
Hekk titkellem, imma tibqa' tagħmel ħażen kemm
tiflaħ."
Ġuda, il-mara infidila
[Ġer:3:6] U l-Mulej kellimni fi żmien is-sultan Ġosija: "Rajt x'għamlet Iżrael 
ta' rasha iebsa? Marret fuq kull muntanja għolja u qagħdet tiżni taħt kull siġra 
ħadra. [Ġer:3:7] U jien għedt:'Wara dan kollu li għamlet għad terġa' lura għal 
għandi.' Imma hi ma reġgħetx lura, u rat dan kollu oħtha Ġuda, l-infidila. 
[Ġer:3:8] Rat li, minħabba l-adulterji kollha li waqgħet fihom Iżrael ta' rasha 
iebsa, jien bgħattha 'l barra u tajtha l-kitba tad-divorzju. Madankollu oħtha, 
Ġuda l-infidila, ma beżgħetx; telqet u żniet hi wkoll. [Ġer:3:9] Miġbuda minn 
żinitha ħammġet l-art u żniet mal-ġebel u l-għewied. [Ġer:3:10] U wara dan kollu 
Ġuda l-infidila ma reġgħetx lura lejja minn qalbha, imma taparsi," oraklu 
tal-Mulej.
Sejħa għall-konverżjoni
[Ġer:3:11] U l-Mulej qalli: "Iżrael, ta' rasha iebsa, ġusta aktar minn Ġuda l-infidila! 
[Ġer:3:12] Mur u xandar dan il-kliem lejn it-tramuntana u għid: 
'Erġa' lura, ja Iżrael ta' rasha iebsa, oraklu tal-Mulej. 
Ma nħarisx aktar b'wiċċ imqarras lejk, 
għax jien ħanin, 
oraklu tal-Mulej. 
Ma nżommx il-korla għal dejjem.
[Ġer:3:13] Agħraf biss ħżunitek, 
għax int qomt kontra l-Mulej, Alla tiegħek, 
xerridt imħabbtek mal-barranin 
taħt kull siġra tħaddar,
u minn kliemi ma ridtx tisma'! 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:3:14] Erġgħu lura, ulied ribelli, oraklu tal-Mulej, għax jiena Sidkom. U 
neħodkom, wieħed minn belt u tnejn minn kull familja, u ndaħħalkom f'Sijon. 
[Ġer:3:15] U nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u l-għaqal. 
[Ġer:3:16] Meta intom toktru u tnisslu fuq l-art f'dawk il-jiem, oraklu 
tal-Mulej, ħadd ma jitkellem aktar fuq l-arka tal-patt tal-Mulej, ma jaħsibx 
aktar fuqha, u ma jiftakarx fiha, ma jibkuhiex, u ma jagħmlux oħra. [Ġer:3:17] 
F'dak iż-żmien isejjħu 'l Ġerusalemm: 'It-tron tal-Mulej', u jinġabru fiha l-ġnus 
kollha għal isem il-Mulej, u ma jimxux aktar ma' l-ebusija ta' qalbhom il-ħażina.
[Ġer:3:18] Dak iż-żmien tmur dar Ġuda f'dar Iżrael, u flimkien jiġu mill-art 
tat-tramuntana fl-art li jien tajt b'wirt lill missirijiethom. 
[Ġer:3:19] U jien għedt: 'Kemm nixtieq inqiegħdek 
fost uliedi, 
u nagħtik art li tgħaxxaq, 
l-isbaħ fost l-isbaħ wirt tal-ġnus.' 
Jien għedt: 'Missier issejjaħli, u minn warajja 
ma twarrabx.'
[Ġer:3:20] Iżda bħalma mara tqarraq b'seħibha, 
hekk intom, dar Iżrael, qarraqtu bija, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:3:21] Fuq l-għoljiet għerja jinstama' leħen, 
leħen il-biki u l-krib ta' wlied Iżrael, 
għax għawwġu triqithom, 
nsew lill-Mulej Alla tagħhom. 
[Ġer:3:22] Erġgħu lura, ulied ribelli, 
jiena nfejjaqkom mill-ħsara tat-telfa tagħkom.' 
'Arana ġejjin għandek, 
għax int il-Mulej Alla tagħna! 
[Ġer:3:23] Tassew qerq huma l-għoljiet, 
u t-tbahrid fuq il-muntanji. 
Tassew, fil-Mulej Alla tagħna 
hemm is-salvazzjoni ta' Iżrael. 
[Ġer:3:24] L-għajb ta' l-allat sa minn żgħożitna 
kiel il-frott ta' xogħol missirijietna: 
l-imrieħel tagħhom u l-baqar tagħhom, 
is-subjien tagħhom u l-bniet tagħhom. 
[Ġer:3:25] Ħa nimteddu fl-għajb tagħna, u ninksew 
bil-mistħija, 
għax dnibna kontra l-Mulej Alla tagħna, 
aħna u missirijietna, sa minn żgħożitna sa llum. 
Ma smajniex minn kelmet il-Mulej, Alla tagħna.'
4. [Ġer:4:1] Jekk trid terġa' lura, Iżrael, 
oraklu tal-Mulej, 
erġa' ejja għandi. 
Jekk inti twarrab qżiżijietek minn quddiemi, 
ma jkollokx għalfejn titbiegħed minni; 
[Ġer:4:2] u jekk taħlef: 'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej'
il-veritā, bis-sewwa u bil-ġustizzja, 
mbagħad jitbierku bih il-ġnus u bih jiftaħru. 
[Ġer:4:3] Għax dan jgħid il-Mulej lin-nies ta' Ġuda u lil Ġerusalemm: 
'Aħdmu r-raba' mitluq, u tiżirgħux qalb l-għollieq. 
[Ġer:4:4] Inħatnu għall-Mulej, neħħu l-ħliefa ħażina ta' qalbkom, nies ta' Ġuda, 
u intom li tgħammru f'Ġerusalemm li ma toħroġx qillti bħan-nar, u tħeġġeġ bla ma 
jitfiha ħadd, minħabba l-ħażen ta' għemilkom.'
Il-qerried mit-tramuntana: il-Kaldin
[Ġer:4:5] Ħabbru f'Ġuda, semmgħu f'Ġerusalemm, 
u għidu: 
Doqqu t-tromba fil-pajjiż, 
għajjtu b'kemm għandkom ħila u għidu, 
'Inġabru ħalli nidħlu fi bliet bis-swat.'
[Ġer:4:6] Għollu bandiera lejn Sijon, 
fittxu l-kenn, la titnikkrux, 
għax se nġib il-ħsara mit-tramuntana, 
u qerda kbira. 
[Ġer:4:7] Qabeż l-iljun mill-masġar tiegħu, 
qam il-qerried tal-ġnus u ħareġ mill-bejta tiegħu, 
biex minn artek jagħmel ħerba, 
jiġġarrfu blietek u jisfaw bla nies. 
[Ġer:4:8] Għalhekk tħażżmu bix-xkejjer, 
ibku u ixhru, 
għax il-qilla ta' għadab il-Mulej 
ma warrbitx minn fuqna. 
[Ġer:4:9] U jiġri dakinhar, 
oraklu tal-Mulej, 
jaqta' qalbu s-sultan, 
jaqtgħu qalbhom il-prinċpijiet, 
jibqgħu miblugħa l-qassisin
u mistagħġba l-profeti. 
[Ġer:4:10] Jien għedt: "Ah! Sidi Mulej! 
Mela inti dħakt b'dan il-poplu u b'Ġerusalemm,
meta int għedtilhom: 'Sliem ikollkom', 
waqt li nifditna sa ruħna x-xabla!" 
[Ġer:4:11] Dak iż-żmien għad jgħidu lil dan il-poplu 
u 'l Ġerusalemm: 
"Riħ jikwi ġej mill-għoljiet tad-deżert, 
lejn bint il-poplu tiegħi, 
mhux biex iderri, lanqas biex inaddaf. 
[Ġer:4:12] Riħ qawwi jqum għall-kelma tiegħi; 
u issa jien ukoll inlissnilkom is-sentenza." 
[Ġer:4:13] Arah tiela' bħas-sħab, 
bħar-riefnu l-imriekeb tiegħu; 
eħfef mill-ajkli ż-żwiemel tiegħu. 
Jaħasra għalina għax mitlufin. 
[Ġer:4:14] Naddaf, Ġerusalemm, 'il qalbek 
mill-ħażen, 
biex tkun tista' ssalva. 
Kemm se jdumu jbejjtu f'qalbek 
il-ħsibijiet mgħawwġa tiegħek? 
[Ġer:4:15] Għax hemm leħen iħabbar minn Dan, 
u jxandar il-ħsara mill-għoljiet ta' Efrajm.
[Ġer:4:16] Għidu lill-ġnus, araw, ħabbru dwar 
Ġerusalemm:
"Minn art imbiegħda ġejjin jaħbtu għalik, 
jgħajjtu kontra l-ibliet ta' Ġuda; 
[Ġer:4:17] għax bħal għases ir-raba' 
dawwruha minn kull naħa 
għax qamet kontra tiegħi," 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:4:18] Mġibtek u għemilek għamlulek dan: 
dan hu l-qligħ tal-ħażen tiegħek, kollu mrar; 
u nifidlek sa ġo qalbek. 
[Ġer:4:19] Ajma l-ġewwieni, il-ġewwieni tiegħi!
Ajma l-għeruq ta' qalbi! 
Qalbi tħabbat qawwi, 
u niskot ma nistax. 
Għax leħen it-tromba smajt, 
is-sejħa għall-gwerra. 
[Ġer:4:20] Qerda fuq qerda jħabbru. 
L-art kollha ħerba, 
f'waqt wieħed l-għerejjex tiegħi tħarbtu, 
f'tebqa ta' għajn it-tined tiegħi. 
[Ġer:4:21] Kemm se ndum nara l-istendard, 
nisma' leħen it-tromba? 
[Ġer:4:22] "Tassew bla moħħ il-poplu tiegħi, 
lili ma jagħrfunix; 
ulied boloh, ulied bla għaqal huma; 
il-ħażen jinqalgħu biex jagħmluh; 
jagħmlu t-tajjeb ma jafux."
[Ġer:4:23] Ħarist lejn il-pajjiż, 
u arah, taħwid u baħħ; 
lejn is-smewwiet, 
u ma kienx hemm dawl. 
[Ġer:4:24] Ħarist lejn l-iġbla, 
u arahom jitheżhżu, 
u l-għoljiet kollha jitriegħdu, 
[Ġer:4:25] Ħarist, u ara, ebda bniedem ma kien
hemm, 
u t-tjur tas-sema kollha ħarbu. 
[Ġer:4:26] Ħarist, u arah ir-raba' jsir deżert, 
u blietha kollha jiġġarrfu, 
quddiem il-Mulej, 
quddiem is-saħna ta' għadbu. 
[Ġer:4:27] Għax dan qal il-Mulej: 
"Ħerba l-art kollha ssir, 
imma għalkollox ma neqridhiex. 
[Ġer:4:28] Għalhekk titnikket l-art, 
u jiddallmu s-smewwiet fil-għoli, 
għax jien tkellimt, u qtajtha, 
ma nitbiddilx, ma nerġax lura." 
[Ġer:4:29] Mill-għajat tar-rikkieba u l-arċieri, 
taħrab kull belt, 
jinħbew fl-imsaġar, 
u jixxabbtu mal-blat. 
Kull belt mitluqa, 
m'hemm ħadd li jgħammar fihom. 
[Ġer:4:30] U int imħarbta x'se tagħmel? 
Mqar jekk tilbes l-iskarlatt, 
tiżżejjen bid-deheb, tkabbar għajnejk biż-żebgħa, 
għal xejn tiżżejjen! 
Ħbiebek stmerrewk, 
lil ħajtek qegħdin ifittxu. 
[Ġer:4:31] Iva, qiegħed nisma' l-krib ta' mara fil-ħlas, 
l-għajta ta' mara fl-ewwel ħlas, 
l-għajta ta' bint Sijon b'nifisha maqtugħ, 
tgħolli dirgħajha: "Jaħasra għalija! 
Mifnija qalbi quddiem il-qattiela."
5. Il-korruzzjoni tal-poplu
[Ġer:5:1] Duru mat-triqat ta' Ġerusalemm, 
araw u ifhmu. 
Fittxu fl-imsieraħ tagħha, 
araw jekk issibux bniedem, 
jekk hemmx min jagħmel is-sewwa, 
li jfittex li jkun fidil, u jien naħfrilha. 
[Ġer:5:2] Mqar jekk jgħidu: "Daqskemm hu ħaj 
il-Mulej," 
xorta waħda jaħilfu fil-falz. 
[Ġer:5:3] O Mulej, jaqaw għajnejk mhux is-sewwa
jfittxu? 
Iva sawwatthom u ma ħassew xejn; 
fnejthom u t-tagħlima ma ħaduhiex. 
Webbsu wiċċhom aktar mill-blat, 
u ma riedu jerġgħu lura b'xejn. 
[Ġer:5:4] U jiena ħsibt: 
'Huma l-baxxi biss li tbellhu, 
għax ma għarfux triq il-Mulej, 
id-dritt ta' Alla tagħhom. 
[Ġer:5:5] Ħa ndur lejn l-għoljin 
u nkellem lilhom. 
Għax huma jafu triq il-Mulej, 
id-dritt ta' Alla tagħhom.' 
Imma huma lkoll kissru l-madmad, 
qattgħu l-irbit. 
[Ġer:5:6] Għalhekk jidrobhom l-iljun mill-foresta; 
jeqridhom il-lupu mid-deżert; 
jissajjalhom il-ljupard madwar bliethom, 
lil kull min joħroġ minnhom jiżbranah; 
għax kotru żżejjed dnubiethom, 
u rashom webbsu fit-tixwix tagħhom.
[Ġer:5:7] "Għax għandi naħfirlek dan? 
Telquni wliedek, 
u bdew jaħilfu b'min m'hux Alla. 
Tmajthom u żnew, 
u bi ħġarhom marru f'dar iż-żienja. 
[Ġer:5:8] Saru bħal fħal mitmugħa u mlebilba, 
kulħadd jingħi għal mart għajru. 
[Ġer:5:9] Għal dan kollu ma nikkastigahomx? 
Oraklu tal-Mulej. 
Minn poplu bħal dan ma nitħallasx? 
[Ġer:5:10] Itilgħu għall-indani tagħha, 
ħarbtuhom, iżda mhux għalkollox; 
aqilgħu ż-żraġen tagħha, 
għax m'humiex tal-Mulej. 
[Ġer:5:11] Għax qamu bil-kbir kontrija, 
dar Iżrael u dar Ġuda," 
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:5:12] Gibbdu lill-Mulej u qalu: 
"M'hu xejn! 
Ebda ħsara ma tilħaqna, 
xabla u ġuħ ma narawhomx." 
[Ġer:5:13] Riħ huma l-profeti, 
kelma fihom m'hemmx. 
Dan għad jiġrilhom!" 
[Ġer:5:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej, 
Alla ta' l-eżerċti: 
"Talli għedtu dal-kliem, 
arani, se nagħmel nar minn kelmti fuq xufftejk, 
u minn dan il-poplu l-ħatab biex jikkunsmah.
[Ġer:5:15] Arawni, se nġib fuqkom, Dar Iżrael, 
ġens mill-bogħod, 
oraklu tal-Mulej, 
ġens li jibqa', ġens li ilu, 
ġens li int ma tafx ilsienu, 
u ma tifhimx li jgħid. 
[Ġer:5:16] Qabar miftuħ il-barżakka tiegħu, 
kollu nies qalbiena. 
[Ġer:5:17] U jikollok il-ħsad u l-ħobż, 
jikollok is-subjien u l-bniet, 
jikollok l-imrieħel u l-baqar 
jikollok id-dwieli u t-tin. 
Jeqirdulek bix-xabla l-ibliet imdawwra 
li fihom int qegħedt tamietek. 
[Ġer:5:18] "Imma lanqas f'dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ma neqridkom 
għalkollox. [Ġer:5:19] U meta jistaqsu: 'Għaliex il-Mulej Alla tagħna għamlilna 
dan kollu,' int tweġibhom: 'Bħalma intom tlaqtuni u qdejtu allat barranin 
f'artkom, hekk issa intom taqdu l-barranin f'art m'hijiex tagħkom.' "
L-agħma spiritwali
[Ġer:5:20] Ħabbru dan f'dar Ġakobb, 
u semmgħuh f'Ġuda, u għidu: 
[Ġer:5:21] "Isimgħu dan, ja poplu iblah u bla moħħ! 
Għandhom għajnejn u ma jarawx; 
għandhom widnejn u ma jisimgħux. 
[Ġer:5:22] Ma tibżgħux minni, oraklu tal-Mulej, 
ma titregħdux quddiem wiċċi? 
Jien li għamilt ir-ramel b'tarf il-baħar, 
barriera għal dejjem li ma jaqbiżhiex; 
jitqanqlu l-imwieġ bla ma jegħlbuha 
u jgargru l-ħalel bla ma jaqbżuha. 
[Ġer:5:23] Imma dan poplu stinat, ma jismax, 
tawni daharhom u telquni. 
[Ġer:5:24] Ma qalux f'qalbhom: 
'Ħa nibżgħu mill-Mulej, Alla tagħna, 
li jagħtina x-xita f'waqtha, 
l-ewwel xita u dik ta' l-aħħar; 
li waqqfilna l-ġimgħat tal-ħsad u ħarishomlna.' 
[Ġer:5:25] Dan kollu begħduhulkom dnubietkom,
ħżunijietkom ċaħħdukom minn dan il-ġid.
[Ġer:5:26] Għax hemm il-ħżiena fost il-poplu tiegħi, 
jissajjaw bħal nassâb, 
u jqiegħdu n-nassa u n-nies jaqbdu. 
[Ġer:5:27] Bħal qafas bl-għasafar mimli, 
hekk djarhom mimlija serq. 
Għalhekk kibru u stagħnew; 
[Ġer:5:28] simnu u tlibbsu sabiħ. 
Issa għamlu ż-żejjed ħażen; 
ma jagħmlux il-ħaqq, 
id-dritt ta' l-iltim jisħqu, 
u l-kawża tal-fqar ma jaqtgħux. 
[Ġer:5:29] U għal dan kollu ma nikkastigahomx? 
Oraklu tal-Mulej. 
U minn poplu bħal dan ma nitħallasx? 
[Ġer:5:30] Ħwejjeġ li jkexkxu u jwerwru ġraw fil-pajjiż:
[Ġer:5:31] Il-profeti jħabbru l-gideb, 
u l-qassisin imexxu skond kapriċċihom, 
u l-poplu tiegħi hekk iħobb!
X'se tagħmlu meta t-tmiem jasal?
6. L-għadu wara l-bieb
[Ġer:6:1] Oħorġu għall-kenn lil ulied Benjamin, 
minn nofs Ġerusalemm! 
Doqqu t-tromba f'Tekugħa, 
u fuq Bet-kerem tellgħu sinjal, 
għax ġejja l-ħsara mit-tramuntana, 
u l-qerda kbira riesqa. 
[Ġer:6:2] Neqridha 'l Bint Sijon, 
ix-xbejba mħejjma u sabiħa. 
[Ġer:6:3] Jiġu r-rgħajja għaliha bl-imrieħel tagħhom; 
kontrieha jwaqqfu l-għerejjex dawramejt, 
kull wieħed jirgħa fil-qasam tiegħu. 
[Ġer:6:4] "Tħejju għall-battalja kontrieha, 
qumu u nitilgħu f'nofsinhar. 
Jaħasra għalina, il-jum riesaq lejn tmiemu; 
u d-dellijiet ta' filgħaxija twalu. 
[Ġer:6:5] Qumu u nitilgħu billejl 
u neqirdulha l-palazzi!" 
[Ġer:6:6] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Qaċċtu s-siġar tagħha; 
tellgħu ħajt madwar Ġerusalemm. 
Din il-belt mogħtija għall-kastig; 
fiha m'hemmx ħlief moħqrija. 
[Ġer:6:7] Bħalma bir ifawwar ilmijietu, 
hekk hi tfawwar ħżunietha. 
Ma tismax fiha ħlief: 'Vjolenza u moħqrija 
quddiemi ma nilmaħx ħlief mard u ġrieħi.' 
[Ġer:6:8] Tgħallem Ġerusalemm, 
li ma tmurx qalbi titbiegħed minnek; 
li ma nagħmilx minnek ħerba, 
art li ma jgħammar fiha ħadd." 
[Ġer:6:9] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Laqqtu, laqqtu bħallikieku minn dielja, 
il-fdal ta' Iżrael, 
midd idejk fuq il-friegħi bħal min jiġbor l-għeneb." 
[Ġer:6:10] Lil min se nkellem? 
Lil min inwiddeb li jismagħni? 
Bla ħtin widnejhom, 
u ma jistgħux jisimgħu. 
Araw, il-kelma tal-Mulej żebliħ għalihom, 
gost biha ma jeħdux! 
[Ġer:6:11] Jien nixgħel b'għadab il-Mulej, 
ma niflaħx aktar! 
"Ferrgħu fuq it-tfal fit-triq, 
u fuq iż-żgħażagħ miġbura flimkien, 
għax ir-raġel u l-mara jinħatfu f'salt, 
ix-xiħ u l-mimli bl-għomor. 
[Ġer:6:12] U djarhom jaqgħu f'idejn il-barranin 
bir-raba' u n-nisa tagħhom f'daqqa. 
Għax immidd idejja 
fuq in-nies ta' dal-pajjiż," 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:6:13] Miż-żgħir sal-kbir, 
lkoll ħsiebhom fis-serq, 
mill-profeta sal-qassis, 
lkoll mogħtija għall-qerq. 
[Ġer:6:14] U jippretendu li jdewwu l-ġerħa 
tal-poplu tiegħi 
bħallikieku xejn u jgħidu: 
"Sliem, Sliem" u m'huwa sliem xejn. 
[Ġer:6:15] Forsi stħaw meta għamlu l-qżiżijiet? 
Ma stħaw xejn; 
lanqas biss jafu jiħmaru. 
Għalhekk għad jaqgħu ma' dawk li diġā waqgħu, 
jiġġarrfu f'jum kastighom, 
jgħid il-Mulej. 
[Ġer:6:16] Dan jgħid il-Mulej: 
"Ieqfu fit-toroq u ħarsu, 
staqsu għall-mogħdijiet ta' dari, 
fejn hi t-triq it-tajba u aqbdu lilha, 
u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!" 
Imma huma wieġbu: 'Fiha ma nimxux.' 
[Ġer:6:17] Jien qegħedt fuqhom l-għassies u għedtilhom:
Agħtu widen għal leħen it-tromba.' 
U huma wieġbu: 'Ma rridux nagħtu widen.' 
[Ġer:6:18] Għalhekk ħa jisimgħu l-ġnus, 
u tifhem il-ġemgħa x'se jiġri fosthom. 
[Ġer:6:19] Isma', art! 
Arani, se nġib fuq dan il-poplu ħsara, 
frott ta' fehmiethom. 
Għax ma tawx widen għal kliemi 
u l-liġi tiegħi ċaħduha. 
[Ġer:6:20] X'jiswieli l-inċens ġej minn Saba? 
U l-kannella tfuħ minn art imbiegħda? 
Is-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom ma jogħġbunix, 
u l-vittmi tagħkom ma jgħaxxqunix. 
[Ġer:6:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 
'Arawni: jien se nqiegħed it-tfixkil għal dan il-poplu, 
biex fih jitfixklu żgur, 
il-missirijiet u wliedhom flimkien, 
il-ġar u sieħbu jinqerdu.' 
[Ġer:6:22] Dan jgħid il-Mulej. 
Araw! għad jiġi poplu mit-tramuntana, 
u ġens kbir jitqanqal minn truf l-art. 
[Ġer:6:23] Il-qaws u l-lanza jaqbdu, 
qalila u bla ħniena huma; 
ħosshom ikarwat bħal baħar, 
riekba fuq iż-żwiemel, 
lesti għat-taqtigħa 
kontrik, Bint Sijon. 
[Ġer:6:24] Smajna bil-fama tagħhom, 
u idejna ntelqu, 
u qabditna d-diqa, 
u l-uġigħ ta' mara fil-ħlas. 
[Ġer:6:25] Toħorġux fir-raba', 
tmorrux fit-triq, 
għax hemm ix-xabla ta' l-għadu, 
u t-twerwir ma' kullimkien. 
[Ġer:6:26] Bint il-poplu tiegħi, ilbes ix-xkora, 
u tqalleb fl-irmied. 
Agħmel il-luttu bħallikieku għal iben waħdieni, 
ibki bl-imrar; 
għax għal għarrieda fuqna 
ġej il-qerried. 
[Ġer:6:27] Jien qegħedtlek bħal ġarrâb fost il-poplu 
tiegħi, 
biex int tistħarreġ u ġġarrab imġibthom, 
[Ġer:6:28] lkoll kemm huma ribelli fuq li ribelli, 
mhux ħlief ixerrdu l-qlajja'. 
Ram u ħadid, lkoll imħassra. 
[Ġer:6:29] Jonfoħ bil-qawwa l-minfaħ, 
u r-ram jintemm bin-nar; 
xejn ma jiswa t-tidwib, 
il-ħżiena ma tnaqqewx. 
[Ġer:6:30] 'Fidda mormija' jsejjħulhom, 
għax irmiehom il-Mulej.
7. It-tama fiergħa fit-tempju
[Ġer:7:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:7:2] "Mur oqgħod f'bieb 
it-tempju tal-Mulej u hemmhekk xandar din il-kelma u għid: 'Isimgħu l-kelma 
tal-Mulej, nies kollha ta' Ġuda, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex 
tinxteħtu taduraw il-Mulej. [Ġer:7:3] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' 
Iżrael: Tejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u jiena nħallikom tgħixu f'dan 
il-post. [Ġer:7:4] Isserrħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: hawn hu t-tempju 
tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej. [Ġer:7:5] Għax jekk tassew 
ittejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn 
bniedem u sieħbu, [Ġer:7:6] jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma 
xxerrdux demm bla ħtija f'dan il-post, u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara 
għalikom stess, [Ġer:7:7] jiena nħallikom tgħixu f'dan il-post, fl-art li tajt 
lil missirijietkom minn dejjem għal dejjem.
[Ġer:7:8] "Imma intom isserrħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; [Ġer:7:9] 
tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żína, taħilfu fil-falz, taħarqu l-inċens quddiem 
Bagħal, tmorru wara allat oħra li ma tafuhomx, [Ġer:7:10] u mbagħad tiġu u 
tieqfu quddiemi f'din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, u tgħidu: 'Aħna salvi,' mhux 
ħlief biex tissuktaw f'dawn l-għemejjel mistkerrha kollha. [Ġer:7:11] Huwa din 
id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f'għajnejkom? Araw, dan 
rajtu jiena nnifsi, oraklu tal-Mulej.
[Ġer:7:12] "Morru fil-post li kelli f'Silo, fejn fil-bidu qegħedt ismi jgħammar 
fih, araw x'għamiltilha minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Iżrael! [Ġer:7:13] U 
issa, għax għamiltu dawn l-għemejjel kollha, oraklu tal-Mulej, u ma ridtux 
tisimgħu meta ħabrikt biex inkellimkom, u ma weġibtux meta sejjaħtilkom, 
[Ġer:7:14] jiena se nagħmel ma' dan is-santwarju li jien tajt lilkom u lil 
missirijietkom, li fuqu ssejjaħ ismi, u li bih isserrħu raskom, dak li għamilt 
f'Silo. [Ġer:7:15] Nkeċċikom minn quddiemi, kif keċċejt lil ħutkom, in-nisel 
kollu ta' Efrajm.
L-abbużi fit-tempju
[Ġer:7:16] "U int titlobx għal dan il-poplu, tgħollix leħnek u titlobx għalihom; 
tidħolx għalihom quddiemi, għax ma nisimgħekx. [Ġer:7:17] Ma tarax x'inhuma 
jagħmlu fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm? [Ġer:7:18] It-tfal jiġbru 
l-ħatab, il-missirijiet iqabbdu n-nar, u n-nisa jagħġnu biex jagħmlu l-ftajjar 
għas-sultana tas-sema, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni. 
[Ġer:7:19] Huwa lili li jinku, oraklu tal-Mulej, jew lilhom infushom qegħdin 
jinku, għall-mistħija tagħhom? [Ġer:7:20] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: 
'Araw, il-qilla tiegħi u l-għadab tiegħi jissawwbu fuq dan is-santwarju, fuq 
in-nies u fuq il-bhejjem, fuq is-siġar tar-raba', u fuq il-frott ta' l-art: 
jixgħel u ħadd ma jitfih.' " 
[Ġer:7:21] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Żidu l-vittmi 
maħruqa u s-sagrifiċċji, kulu wkoll laħamhom. [Ġer:7:22] Dwar sagrifiċċji u 
vittmi, jien ma għedt xejn lil missirijietkom u lanqas ma ordnajtilhom xejn 
dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu. [Ġer:7:23] Dan hu l-kmand li tajt 
lill-poplu tiegħi u għedtilhom: 'Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, 
u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, 
għall-ġid tagħkom.' [Ġer:7:24] Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; mxew skond 
il-fehmiet tagħhom, skond l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flok 'il 
quddiem. [Ġer:7:25] Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sa llum, 
bgħattilhom il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li 
nibgħathomlkom. [Ġer:7:26] B'danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, 
anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom. [Ġer:7:27] U int 
tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejjħilhom, iżda ma jweġbukx. 
[Ġer:7:28] Inti tgħidilhom: 'Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla 
tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom.' 
[Ġer:7:29] Aqta' xagħrek u armih! 
Għolli leħnek u okrob fuq l-għoljiet! 
Għax rema l-Mulej u nesa 
n-nisel li għaddbu.
Kastig tal-biża'
[Ġer:7:30] "Għax għamlu l-ħażen f'għajnejja wlied Ġuda, oraklu tal-Mulej. 
Qiegħdu l-allat moqżieża fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi biex ikasbruha. 
[Ġer:7:31] U bnew is-santwarju ta' Tofet li hemm fil-wied ta' Ben Ħinnom, u hemm 
ħarqu 'l uliedhom subjien u bniet, ħaġa li jiena ma qabbadthomx, u lanqas qatt 
ma ġiet f'rasi. [Ġer:7:32] Għalhekk, araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, ma 
jissejjaħx aktar Tofet jew Wied Ben Ħinnom imma Wied il-Qatla. Għad jidfnu 
f'Tofet, għax ma jkunx hemm post ieħor. [Ġer:7:33] U l-iġsma mejta ta' dan 
il-poplu jkunu ikel għat-tajr ta' l-ajru u għall-bhejjem ta' l-art, u ma jkunx 
hemm min igerrixhom. [Ġer:7:34] U jien insikket fl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq 
ta' Ġerusalemm għajat il-ferħ u għajat l-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, 
għax ħerba ssir mill-pajjiż.
8. [Ġer:8:1] "Dakinhar, oraklu tal-Mulej, jaqilgħu mill-oqbra l-għadam 
tas-slaten ta' Ġuda, u l-għadam tal-prinċpijiet, u l-għadam tal-qassisin, u 
l-għadam tal-profeti, u l-għadam tan-nies ta' Ġerusalemm, [Ġer:8:2] u jperrċuh 
għax-xemx u l-qamar u l-qtajja' kollha tas-smewwiet, li huma ħabbewhom u qdewhom 
u marru warajhom, u ħadu l-parir tagħhom u qimuhom. Ma jiġbruhomx, u ma 
jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel f'wiċċ l-art. [Ġer:8:3] Mbagħad jippreferu 
l-mewt mill-ħajja n-nies li jibqgħu ħajjin minn dan in-nisel ħażin fil-pajjiżi 
kollha kull fejn għad inxerridhom, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti.
Ma jridux jafu
[Ġer:8:4] "Inti tgħidilhom, dan jgħid il-Mulej: 
Jaqaw jekk xi ħadd jaqa', ma jerġax iqum? 
Jew jekk jitlef triqtu, ma jerġax lura? 
[Ġer:8:5] Għaliex, mela, dan il-poplu ntilef 
b'telfa għal dejjem? 
Żammew sħiħ fil-qerq, 
ma jridux jerġgħu lura. 
[Ġer:8:6] Jien qgħadt attent u smajt, 
u huma jgħidu dak li m'hux sewwa. 
M'hemmx bniedem niedem minn ħżunitu
u jgħid: 'X'għamilt?' 
Lkoll qabdu l-ġirja tagħhom, 
bħal żiemel imlebbet għat-taqtigħa. 
[Ġer:8:7] Mqar il-laqlâq ta' l-ajru 
jagħraf żmienu; 
il-gamiema, il-ħuttafa, u l-għarnuq 
iħarsu ż-żmien tal-passa tagħhom. 
Imma l-poplu tiegħi ma jagħrafx id-dritt tal-Mulej. 
[Ġer:8:8] Kif tistgħu tgħidu: 'Aħna għorrief 
u l-liġi tal-Mulej magħna?' 
Għax tassew gidba għamlet minnha 
il-pinna giddieba ta' l-iskribi. 
[Ġer:8:9] L-għorrief jitħawwdu, 
jitħabblu u jinqabdu. 
Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej, 
u issa x'għerf baqgħalhom?
Korruzzjoni kullimkien
[Ġer:8:10] "Għalhekk jien nerħi lin-nisa tagħhom 
f'idejn ħaddieħor, 
ir-raba' tagħhom lil sidien oħra; 
għax miż-żgħir sal-kbir, 
kollha għatxana għas-serq; 
mill-profeta sal-qassis 
kollhom qerq f'għemilhom. 
[Ġer:8:11] Idewwu l-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi 
bħallikieku xejn u jgħidu: 
"Sliem, Sliem," u sliem m'hemmx! 
[Ġer:8:12] Imisshom jistħu bil-qżież li għamlu; 
imma huma ma jistħux 
u anqas wiċċhom ma jafu jħammru. 
Għalhekk għad jaqgħu 
ma' dawk li diġā waqgħu; 
jiġġarrfu f'jum kastighom, 
jgħid il-Mulej. 
[Ġer:8:13] Għalkollox intemmhom, 
oraklu tal-Mulej, 
ma jibqax għeneb fid-dielja, 
lanqas tin fit-tina, 
sal-weraq jidbiel, 
u nibagħtilhom min jgħaffiġhom. 
[Ġer:8:14] "Għalfejn qegħdin hawn aħna? 
Ħa ninġabru u nidħlu fl-ibliet armati, 
u nintemmu hemm. 
Għax il-Mulej, Alla tagħna, 
se jeqridna! 
Se jisqina ilma avvelenat, 
għax dnibna kontra l-Mulej. 
[Ġer:8:15] Stennejna s-sliem, 
imma ma sibna ebda riżq; 
is-siegħa tal-fejqan,
imma ma sibniex ħlief twerwir! 
[Ġer:8:16] Minn Dan jinstema' l-infiħ lehġien;
taż-żwiemel tiegħu 
iż-żehir tal-qawwijin tiegħu 
titriegħed l-art kollha kemm hi. 
Jiġu u jibilgħu l-art b'kull ma fiha, 
lill-belt u n-nies li jgħammru fiha. 
[Ġer:8:17] Għax, arawni, sriep velenużi 
se nitlaq f'nofskom, 
li ebda seħer ma jagħmel bihom, 
u għad jigdmukom," 
oraklu tal-Mulej.
L-għali tal-Profeta
[Ġer:8:18] M'hemmx fejqan għall-għali tiegħi, 
qalbi nfniet! 
[Ġer:8:19] Isimgħu! L-għajta mbikkija ta' bint
il-poplu tiegħi, 
l-għajta minn art imbiegħda! 
"Ma għadux il-Mulej f'Sijon? 
M'għadux hemm is-sultan tagħha?" 
Għaliex inkewni bl-idoli tagħhom, 
bil-frugħat tal-barranin? 
[Ġer:8:20] "Għadda żmien il-ħsad, 
intemm is-sajf, 
u aħna għadna ma ħlisniex." 
[Ġer:8:21] Minħabba l-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi 
jien miġruħ. 
Qabadni swied il-qalb, 
qabadni t-tkexkix. 
[Ġer:8:22] M'hemmx aktar balzmu f'Gilgħad? 
Ebda tabib ma hemm? 
Għaliex, mela, ma għalqitx 
il-ġerħa ta' bint il-poplu tiegħi? 
[Ġer:8:23] M'hux li kien xi ħadd jagħmel minn rasi 
għajn ta' ilma, 
u min għajnejja nixxiegħa ta' dmugħ, 
ħa nibki lejl u nhar
il-maqtulin ta' bint il-poplu tiegħi!
9. Poplu mħassar
[Ġer:9:1] M'hux li kont insib fejn nistkenn fid-deżert,ħa nħalli l-poplu tiegħi, 
u nitbiegħed minnhom. 
Għax ilkoll kemm huma adulteri, 
qatgħa ta' nies ribelli. 
[Ġer:9:2] U għamlu minn ilsienhom qaws miġbud. 
Il-qerq, u mhux is-sewwa, 
isaltan fil-pajjiż. 
Għax minn ħażen għal ħażen għaddejjin, 
u bija ma jridux jafu, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:9:3] Oqogħdu attenti minn xulxin ilkoll; 
u ħadd ma għandu jafda f'ħuh. 
Għax l-aħwa jaqilgħu lill-aħwa 'l barra, 
u kull ħabib sejjer iqassas.
[Ġer:9:4] Wieħed iqarraq bl-ieħor 
u s-sewwa ma jgħiduh qatt, 
għax ilsienhom darrewh fi kliem il-gideb. 
Għejew jidinbu, u ma jridu jindmu qatt. 
[Ġer:9:5] Qalb il-qerq l-għamara tiegħek, 
oraklu tal-Mulej, 
u fil-qerq ma jridux jagħrfuni. 
[Ġer:9:6] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Arani, jien indewwibhom u nġarrabhom. 
Nista' nagħmel mod ieħor 
ma' bint il-poplu tiegħi? 
[Ġer:9:7] Lsienhom vleġġa misnuna, 
ħlief qerq fommhom ma jlissinx. 
"Sliem!" jgħid lill-għajru, 
u f'qalbu jlestilu n-nasba. 
[Ġer:9:8] U m'għandix nikkastigahom għal dan
kollu?
Oraklu tal-Mulej. 
U minn poplu bħal dan 
m'għandix nitħallas?" 
[Ġer:9:9] Ngħolli leħen ta' biki u tinwiħ 
għall-muntanji, 
għanja tal-mewt għall-mergħat tad-deżert. 
Għax maħruqa huma, 
u ħadd ma jgħaddi aktar minnhom, 
u ma jisimgħux aktar leħen l-imrieħel; 
mit-tajra ta' l-ajru sal-bhejjem, 
kollha ħarbu u telqu. 
[Ġer:9:10] U nagħmel gozz ġebel minn Ġerusalemm, 
u bejta tax-xakalli; 
u ħerba mill-ibliet ta' Ġuda 
u ħadd ma jgħammar fihom. 
[Ġer:9:11] Min hu l-għaref li jifhem dan? 
U jgħid x'qallu fomm il-Mulej: 
Għaliex l-art tħarbtet 
u nħarqet bħad-deżert, 
u ma jista' jgħaddi minnha ħadd? 
[Ġer:9:12] U l-Mulej wieġeb: "Għax telqu l-liġi tiegħi, li jien qegħedt 
quddiemhom, u ma semgħux minn kliemi, u ma mxewx fuqu, [Ġer:9:13] u marru wara 
l-ebusija ta' qalbhom u wara l-Bagħalim, bħalma għallmuhom missirijiethom."
[Ġer:9:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Arawni, 
se nitmagħhom l-absint u nisqihom l-ilma avvelenat. [Ġer:9:15] Nxerridhom qalb 
ġnus li, la huma u lanqas missirijiethom, qatt ma kienu jafu bihom; u nitlaq 
għal warajhom ix-xabla sa ma teqridhom." 
[Ġer:9:16] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Qisu li ssejjħu lill-bekkejja biex jiġu; 
ibagħtu l-aħjar fosthom 
ħa jgħaġġlu jiġu, 
[Ġer:9:17] u jfittxu jgħannulna għanja ta' tinwiħ. 
Ħa jgelgel minn għajnejna d-dmugħ, 
u minn xfarhom inixxi l-ilma! 
[Ġer:9:18] Għax leħen it-tinwiħ 
jinstama' minn Sijon: 
'Ah! X'rovina ġietna, 
x'għajb għalina. 
Ikollna nitilqu artna, 
u nħallu 'l djarna.' 
[Ġer:9:19] Iva, isimgħu, nisa, kelmet il-Mulej, 
ħa jilqgħu widnejkom kelmet fommu; 
għallmuha lil bnietkom it-tinwiħa, 
u kull waħda lil seħbitha l-għanja tal-mewt.
[Ġer:9:20] 'Għax telgħet il-mewt mit-twieqi 
u daħlet fil-palazzi tagħna. 
Qerdet it-tarbija fit-triq, 
u ż-żgħażagħ fl-imsieraħ.' 
[Ġer:9:21] Tkellem: 'Dan jgħid il-Mulej: 
L-iġsma tan-nies maqtula 
bħad-demel fuq wiċċ ir-raba', 
u bħal għamra wara l-ħassad 
bla ma ħadd jiġborha.' " 
[Ġer:9:22] Dan jgħid il-Mulej: 
"Ma għandux jiftaħar l-għaref b'għerfu, 
u anqas ma għandu jiftaħar il-qalbieni bi qlubitu; 
m'għandux jiftaħar l-għani b'ġidu. 
[Ġer:9:23] Imma min irid jiftaħar, 
b'dan għandu jiftaħar: 
li għandu d-dehen biex jagħrafni, 
għax jien hu l-Mulej, 
li nagħmel it-tjieba, il-ħaqq, 
u s-sewwa fuq l-art, 
għax b'dawn nitgħaxxaq, 
oraklu tal-Mulej.
Iċ-ċirkonċiżjoni weħidha ma tiswa xejn
[Ġer:9:24] Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien inħallas lil dawk 
li huma maħtunin biss f'ġisimhom: [Ġer:9:25] lill-Eġittu, lil Ġuda, lil Edom, 
lill-Għammonin, lill-Mowabin, u lil dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom, u 
jgħammru fid-deżert. Għax dawn il-ġnus, għad-dar ta' Iżrael, lkoll huma bla ħtin 
f'qalbhom.
10. Il-bluha ta' l-idolatrija
[Ġer:10:1] Isimgħu, dar Iżrael, il-kelma li 
jgħidilkom il-Mulej. 
[Ġer:10:2] Dan jgħid il-Mulej: 
"Drawwiet il-ġnus la titgħallmux, 
u la tibżgħux mis-sinjali tas-smewwiet, 
il-ġnus jitbeżżgħu minnhom. 
[Ġer:10:3] Għax ir-reliġjon tal-popli hija frugħa, 
għuda maqtugħa minn ġol-bosk, 
xogħol idejn l-imgħallem bl-iskalpell. 
[Ġer:10:4] Iżejjinha bid-deheb u l-fidda, 
iwaħħluha bl-imsiemer u l-martell, 
biex ma titħarrikx. 
[Ġer:10:5] Bħan-nuffara f'għalqa ħjar, 
l-idoli ma jitkellmux. 
Trid terfagħhom, għax ma jimxux. 
La tibżgħux minnhom, 
għax deni ma jagħmlux, 
u riżq ma fihom xejn." 
[Ġer:10:6] Ħadd m'hu bħalek, Mulej, 
int kbir, 
u kbir ismek f'qawwitu! 
[Ġer:10:7] Min ma jibżax minnek, 
Sultan tal-ġnus? 
Hekk jistħoqqlok; 
għax fost l-għorrief kollha tal-ġnus, 
u f'saltniethom kollha, 
m'hemm ħadd bħalek. 
[Ġer:10:8] Nies boloh u bla moħħ; 
tagħlim fieragħ, biċċa għuda. 
[Ġer:10:9] Fidda maħduma miġjuba minn Tarsis, 
u deheb minn Ofir. 
Xogħol l-imgħallem u idejn l-arġentier, 
mlibbsa l-vjola u l-iskarlatt; 
kollox xogħol in-nies tas-sengħa. 
[Ġer:10:10] Imma l-Mulej tassew hu Alla: 
Alla ħaj u sultan ta' dejjem. 
Għall-għadab tiegħu titriegħed l-art, 
u għall-qilla tiegħu l-ġnus ma jifilħux. 
[Ġer:10:11] Hekk għandkom tgħidulhom: "L-allat li ma għamlux is-smewwiet u l-art 
għad jgħibu minn fuq l-art u minn taħt is-smewwiet." 
[Ġer:10:12] Bil-ħila tiegħu għamel l-art, 
u d-dinja sejjes b'għerfu, 
u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet. 
[Ġer:10:13] Iriegħed leħnu, jitqanqlu l-ilmijiet 
tas-smewwiet; 
itella' s-sħab minn truf l-art, 
iberraq biex tagħmel ix-xita; 
u minn ħażnietu jitlaq l-irjieħ. 
[Ġer:10:14] Jiblieh kull bniedem u jitlef dehnu; 
l-arġentier jistħi mill-idolu tiegħu, 
għax gidba hi x-xbieha mdewwba, 
u fihom nifs ma hemmx. 
[Ġer:10:15] Frugħa huma, xogħol ta' xejn, 
fi żmien ħlashom għad jintemmu. 
[Ġer:10:16] Mhux hekk sehem Ġakobb, 
Hu li għamel kull ma hu, 
u t-tribų ta' Iżrael il-wirt tiegħu,
"Jaħweh ta' l-eżerċti" jismu.
Lesti għall-eżilju
[Ġer:10:17] Iġbor mill-art is-sorra tiegħek, 
int, belt assedjata. 
[Ġer:10:18] Għax dan jgħid il-Mulej: 
"Arani, din id-darba nkeċċi 'l barra bħal bi żbandola, 
in-nies li jgħammru fil-pajjiż; 
nross fuqhom biex isibuni." 
[Ġer:10:19] Ħasra għalija! Jien imġarraf, 
il-ġerħa tiegħi bla fejqan. 
Imma jien għedt: 'Din il-marda tiegħi, 
ikolli nitqanna biha." 
[Ġer:10:20] Għarixi tħarbat, 
tqattgħu l-ħbula tiegħi. 
Uliedi tbiegħdu minni, 
u m'għadhomx iżjed. 
Ma fadalx min itellagħli għarixi, 
u jifrixli t-tined. 
[Ġer:10:21] Iva! Ir-rgħajja tilfu rashom, 
u l-Mulej ma fittxewhx. 
Għalhekk ma kellhomx riżq, 
u xterdu l-imrieħel tagħhom. 
[Ġer:10:22] Nstama' ħoss riesaq, 
u għagħa kbira minn art it-tramuntana, 
biex jagħmlu mill-ibliet ta' Ġuda ħerba, 
bejta tax-xakalli.
Talba ta' Ġeremija
[Ġer:10:23] Jien naf, Mulej, 
triq il-bniedem m'hijiex f'idejh, 
anqas min jimxi ma jista' 
jiddirieġi l-passi tiegħu. 
[Ġer:10:24] Għakkisni Mulej, imma bil-qjies,
mhux f'għadbek, 
inkella ġġibni fix-xejn. 
[Ġer:10:25] Ferragħ għadbek fuq il-ġnus li ma
jagħrfukx, 
fuq ir-razez li ismek ma jsejjħux. 
Għax huma belgħu lil Ġakobb, u kkunsmawh 
u għamartu ħarbtuhielu.
11. Il-ksur tal-Patt
[Ġer:11:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:11:2] 
"Isimgħu l-kelma ta' dan il-patt u ħabbruha lin-nies ta' Ġuda u lil dawk li 
jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:11:3] Għidilhom: Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' 
Iżrael: Misħut il-bniedem li ma jismax minn kliem dan il-patt, [Ġer:11:4] li 
jien ordnajt lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, 
mill-forġa tal-ħadid, u għedtilhom: Isimgħu minn kliemi u għamlu skond ma 
kkmandajtkom, u tkunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħkom, [Ġer:11:5] biex 
jien inżomm il-ħalfa li ħlift lil missirijietkom li nagħtihom art tnixxi ħalib u 
għasel, bħalma taraw illum." U jien weġibt u għedt: "Iva, Mulej."
[Ġer:11:6] U l-Mulej qalli: "Xandar dan il-kliem kollu fl-ibliet ta' Ġuda u 
fit-toroq ta' Ġerusalemm u għidilhom: 'Isimgħu l-kliem ta' dan il-patt u 
agħmluh. [Ġer:11:7] Għax jien widdibt fuq li widdibt lil missirijietkom dakinhar 
li tellajthom mill-art ta' l-Eġittu sa llum stess u għedtilhom: 'Isimgħu minn 
kliemi!' [Ġer:11:8] Imma huma ma semgħux, u lanqas taw widen; u kull wieħed 
minnhom ġieb ruħu skond l-ebusija ta' qalbu l-ħażina u ġibt fuqhom it-tehdid 
kollu ta' dan il-patt, widdibthom li jħarsuh, u huma ma ħarsuhx." 
[Ġer:11:9] U l-Mulej qalli: "Saret konfoffa qalb in-nies ta' Ġuda u dawk li 
jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:11:10] Reġgħu lura għall-ħażen ta' missirijiethom 
ta' l-imgħoddi, li ma ridux jisimgħu kliemi, u marru wara allat oħra biex 
iservuhom. Id-dar ta' Iżrael u d-dar ta' Ġuda kisru l-patt li jien għamilt ma' 
missirijiethom. 
[Ġer:11:11] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 'Arawni se nġib fuqhom ħsara, li ma 
jkunux jistgħu jaħarbuha; għad jgħajjtuli, imma jien ma nismagħhomx. [Ġer:11:12] 
U jmorru l-ibliet ta' Ġuda u dawk li jgħammru f'Ġerusalemm u jgħajjtu 'l-allat 
li soltu jmorru jaħarqulhom l-inċens; imma f'jum hemmhom ma jsalvawhomx. 
[Ġer:11:13] Għaliex daqs kemm huma blietek, daqshekk ieħor huma allatek, Ġuda; u 
daqs kemm huma triqat Ġerusalemm, daqshekk ieħor huma l-artali li tellajtu lil 
dak l-għajb, biex taħirqu l-inċens lil Bagħal.
[Ġer:11:14] U int la titlobx għal dan il-poplu u tgħollix leħnek u titlobx 
għalihom, għax jien ma nismax meta jsejjħuli fi żmien hemmhom. 
[Ġer:11:15] X'tistenna l-maħbuba tiegħi f'dari, 
meta għamlet daqshekk ħażen? 
Jaqaw il-wegħdi u l-laħam ikkonsagrat 
se jbiegħdu minnek il-ħsara,
biex int tkun tista' titferraħ, 
malli tisma' bl-invażjoni l-kbira? 
[Ġer:11:16] "Żebbuġa tħaddar imżejjna bi frott sabiħ," 
semmiek il-Mulej. 
Imma issa se jagħtiha n-nar, 
u jinxfu l-friegħi tagħha. 
[Ġer:11:17] U l-Mulej ta' l-eżerċti li ħawwlek ħabbar il-ħsara għalik minħabba 
l-ħażen ta' dar Iżrael u dar Ġuda, il-ħażen li għamlu biex jinkuni bl-inċens li 
ħarqu lil Bagħal.
Komplott kontra Ġeremija
[Ġer:11:18] Il-Mulej għarrafni, u jien sirt naf; inti wrejtni l-għemejjel 
tagħhom. [Ġer:11:19] U jien bħal ħaruf ġwejjed meħud għall-qatla, ma kontx naf 
li kienu jgħaddu kontrija u jgħidu: "Ħa noqtlu s-siġra bil-frott tagħha; 
nqaċċtuh mill-art tal-ħajjin, u ismu ma jiftakruhx aktar." 
[Ġer:11:20] Int, Mulej ta' l-eżerċti, mħallef ġust li tifli l-qalb u l-moħħ, 
ħallini nara l-vendetta tiegħek minnhom, għaliex f'idejk irħejt il-kawża tiegħi!
[Ġer:11:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej lin-nies ta' Għanatot li jfittxulek 
ħajtek u jgħidu: "La tħabbarx aktar f'isem il-Mulej, li ma tmutx b'idejna." 
[Ġer:11:22] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: "Arani, se nħallashom! 
Il-fjur tagħhom imutu bix-xabla, uliedhom, subjien u bniet, imutu bil-ġuħ. 
[Ġer:11:23] Ħadd ma jifdal minnhom, għax inġib l-hemm fuq in-nies ta' Għanatot 
fis-sena tal-kastig tagħhom."
12. L-ilmenti tal-Profeta
[Ġer:12:1] Ikollok raġun int, Mulej, meta niddiskuti
miegħek;
imma rrid inħaqqaqha miegħek: 
Għaliex il-ħżiena jgawdu r-riżq, 
u l-ħatjin kollha jgħixu fis-sliem? 
[Ġer:12:2] Tħawwilhom u jniżżlu l-għeruq, 
jikbru u jagħmlu l-frott. 
Int qrib fuq fommhom, 
mma 'l bogħod minn qalbhom. 
[Ġer:12:3] Int, Mulej, tafni u tarani, 
u tiflili qalbi. 
Iġbidhom bħal nagħaġ għall-mewt, 
żommhom għall-qatla. 
[Ġer:12:4] Kemm se ddum tinkedd l-art, 
u l-ħaxix jinxef fir-raba'? 
Minħabba l-ħażen ta' min jgħammar fiha, 
imutu l-bhejjem u t-tjur. 
Għax huma jgħidu: "Ma jarax l-imġiba tagħna."
[Ġer:12:5] "Jekk tegħja tiġri ma' rġiel jiġru, 
kif se ttellaq maż-żwiemel? 
Jekk int tintreħa f'art is-sliem, 
x'se tagħmel fil-masġar tal-Ġordan? 
[Ġer:12:6] Mqar ħutek, dar missierek, 
dawn ukoll iqarrqu bik; 
dawn ukoll jgħajjtu warajk bis-sħiħ, 
tafdahomx meta jkellmuk bi kliem sabiħ. 
[Ġer:12:7] Ħallejt 'il dari, tlaqt 'il wirti, 
ħallejt l-għaxqa ta' qalbi f'idejn l-għedewwa tagħha. 
[Ġer:12:8] Għax wirti sar għalija bħal iljun fil-masġar: 
għolla leħnu għalija u jien għalhekk nobogħdu. 
[Ġer:12:9] Għasfur ta' lewn imżewwaq hu wirti għalija,
mdawwar mill-isqra minn kullimkien! 
Ejjew inġemgħu, bhejjem kollha tax-xagħri, 
ejjew għall-ikla! 
[Ġer:12:10] Ħafna rgħajja ħarbtu l-għalqa tad-dwieli 
tiegħi,
għaffġu fuq il-wirt tiegħi, 
għamlu ħerba li twaħħax l-għalqa, 
li kienet l-għaxqa tiegħi. 
[Ġer:12:11] Ħartuha u għamluha tbikkik quddiemi; 
il-pajjiż kollu sar ħerba u ħadd ma jimpurtah.
[Ġer:12:12] Fuq l-għoljiet għerja kollha tad-deżert 
ġew il-qerrieda, 
għax il-Mulej għandu sejf qerriedi; 
minn tarf sa tarf ta' l-art 
ma hemmx sliem għal ebda ħaj. 
[Ġer:12:13] Żergħu l-qamħ u ħasdu x-xewk; 
tħabtu għal xejn; jistħu mill-ħsad tagħhom, 
minħabba l-qilla ta' għadab il-Mulej." 
[Ġer:12:14] Dan jgħid il-Mulej kontra l-ġirien ħżiena tiegħi, li messew il-wirt 
li jien tajt lill-poplu tiegħi Iżrael: "Arawni, se naqlagħhom minn arthom u 
d-dar ta' Ġuda se naqlagħha minn nofshom. [Ġer:12:15] Mbagħad jiġri li wara li 
nkun qlajthom nerġa' nħenn għalihom, nreġġagħhom lura 'l kull wieħed lejn wirtu, 
lil kull wieħed lejn artu. [Ġer:12:16] U jiġri li jekk jitgħallmu sewwa 
d-drawwiet tal-poplu tiegħi u jaħilfu b'ismi, daqskemm hu ħaj il-Mulej, bħalma 
għallmu l-poplu tiegħi jaħlef b'Bagħal, huma jitrawwmu f'nofs il-poplu tiegħi. 
[Ġer:12:17] Imma jekk ma jisimgħux, naqla' 'l dan il-poplu, naqilgħu u neqirdu," 
oraklu tal-Mulej.
13. Ix-xbieha tal-ħżiem
[Ġer:13:1] Dan qalli l-Mulej: "Mur u ixtri ħżiem ta' l-għażel għal qaddek, u 
dawwru ma' ġenbejk bla ma xxarrbu bl-ilma." [Ġer:13:2] U jien mort nixtri 
l-ħżiem bħalma qalli l-Mulej, u dawwartu ma' ġenbejja. [Ġer:13:3] Għat-tieni 
darba kellimni l-Mulej u qalli: [Ġer:13:4] "Aqbad il-ħżiem li xtrajt, li hemm 
ma' ġenbejk; qum, mur ħdejn ix-xmara Ewfrat, u aħbih hemm f'xaqq ta' blata." 
[Ġer:13:5] U jien mort ħbejtu ħdejn l-Ewfrat, kif qalli l-Mulej. [Ġer:13:6] Wara 
ħafna żmien il-Mulej raġa' kellimni u qalli: "Qum, mur ħdejn l-Ewfrat, u ħu minn 
hemm il-ħżiem li jien ikkmandajtek taħbi hemm." [Ġer:13:7] U mort ħdejn 
l-Ewfrat, ħaffirt, u ġbart il-ħżiem minn fejn kont ħbejtu. U l-ħżiem sibtu 
mherri u ma jiswa għal xejn. [Ġer:13:8] U l-Mulej raġa' kellimni u qalli. 
[Ġer:13:9] "Dan jgħid il-Mulej: Hekk inxejjen il-kburija ta' Ġuda u l-kburija 
bla qjies ta' Ġerusalemm. [Ġer:13:10] Dan il-poplu ħażin, li ma jridx jisma' 
kliemi, li jrid bilfors jimxi ma' l-ebusija ta' qalbu, u mar jaqdi allat oħra u 
nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom, dan il-poplu jiġrilu bħal dan il-ħżiem li ma 
jiswa għal xejn. [Ġer:13:11] Għax bħalma bniedem jorbot il-ħżiem ma' ġenbejh, 
hekk jien irbatt miegħi d-dar kollha ta' Iżrael, u d-dar kollha ta' Ġuda, jgħid 
il-Mulej, biex tkun għalija poplu, isem, foħrija, sebħ; imma ma semgħux."
Ix-xbieha tal-ġarra
[Ġer:13:12] "U int għidilhom ukoll dan il-kliem: 'Dan jgħid il-Mulej Alla ta' 
Iżrael: Kull ġarra timtela bl-inbid.' U huma jweġbuk: 'Ma nafux li kull ġarra 
timtela bl-inbid?' [Ġer:13:13] U int tweġibhom: 'Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se 
nimla bis-sokor in-nies kollha li jgħammru f'din l-art, u s-slaten li qegħdin 
fuq it-tron ta' David u l-qassisin u l-profeti, u n-nies kollha ta' Ġerusalemm. 
[Ġer:13:14] Nħabbathom il-wieħed ma' l-ieħor, il-missirijiet ma' l-ulied, u 
nkissirhom f'salt wieħed, oraklu tal-Mulej, ma nitħassarhomx, ma nħossx 
għalihom, ma nħennx għalihom hekk li ma neqridhomx.' "
Sejħa għall-indiema
[Ġer:13:15] Isimgħu u agħtu widen, la titkabbrux, 
għax il-Mulej tkellem. 
[Ġer:13:16] Agħtu glorja lill-Mulej, 
qabel ma jidlam
u qabel ma jitfixklu riġlejkom 
fuq il-muntanji bejn dawl u dlam. 
Intom tistennew id-dawl, 
imma hu jibdlu fis-swied, 
sa ma jagħmlu dlam. 
[Ġer:13:17] Jekk intom ma tisimgħux, 
nibki mqar bil-moħbi minħabba kburitkom. 
Għajnejnna jiddemmgħu u jxerrdu d-dmugħ, 
għax eżiljaw il-merħla tal-Mulej.
Tehdid ta' eżilju
[Ġer:13:18] Għid lis-sultan u lir-reġina-omm: 
"Inżlu u oqogħdu 'l isfel, 
għax waqgħet minn fuq raskom, 
il-kuruna tal-glorja tagħkom." 
[Ġer:13:19] L-ibliet ta' nofsinhar magħluqa, 
ma hemmx min jiftaħ. 
Ġuda kollu eżiljat, 
eżiljat għalkollox.
L-għajb ta' Ġerusalemm
[Ġer:13:20] Għollu għajnejkom u araw 
min ġej mit-tramuntana. 
Fejn hi l-merħla li ngħatat lilek,
in-nagħaġ sbieħ tiegħek? 
[Ġer:13:21] Xi tgħid meta jqegħdulek fuqek 
b'ħakkiema, 
dawk li int stess darrejt għal miegħek? 
Ma jaqbdekx uġigħ ta' mara fil-ħlas? 
[Ġer:13:22] Int tgħid f'qalbek: 
'Għaliex ġrali dan?" 
Minħabba l-kobor tal-ħażen tiegħek, 
refgħulek djulek u għarqbejk kixfulek. 
[Ġer:13:23] Jaqaw ibiddel ġildu l-Kusi; 
jew il-ljupard tbajjietu? 
Daqshekk ieħor tistgħu tagħmlu t-tajjeb, 
mdorrijin kif intom fil-ħażen. 
[Ġer:13:24] Nxerridhom bħall-karfa 
mtajjra mir-riħ tad-deżert. 
[Ġer:13:25] Din hi xortik, is-sehem li jmissek minni, 
oraklu tal-Mulej. 
Għax inti nsejtni, 
u ttamajt fil-gideb. 
[Ġer:13:26] U jien ukoll nerfagħlek 
djulek fuq wiċċek, 
biex b'hekk għawarek jidher. 
[Ġer:13:27] Jien rajt qżiżijietek: 
l-adulterji u t-tnegħim tiegħek, 
l-għajb taż-żína tiegħek 
fuq l-għoljiet fil-beraħ. 
Gwaj għalik Ġerusalemm! 
Ma titnaddaf qatt! 
Kemm se ddum hekk?
14. In-nixfa
[Ġer:14:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija minħabba n-nixfa: 
[Ġer:14:2] "Ġuda bil-vistu, 
u bwiebha bla ħajja. 
Niesha lkoll mixħuta fl-art, 
u għajta ta' diqa tielgħa minn Ġerusalemm. 
[Ġer:14:3] Il-kbarat bagħtu l-qaddejja għall-ilma, 
marru sal-ġwiebi, imma ilma ma sabux. 
Jerġgħu lura bil-ġarar battala. 
Mtlew bil-mistħija; 
nfixlu u għattew rashom. 
[Ġer:14:4] Ix-xogħol tar-raba' waqaf, 
għax xita ma kienx hemm fil-pajjiż. 
Il-bdiewa mtlew bil-mistħija, 
regħxu u għattew rashom. 
[Ġer:14:5] Għax imqar l-għażżiela wildet fir-raba', 
u telqet il-wild waħdu, 
għax ħdura ma kienx hemm. 
[Ġer:14:6] Il-ħmir selvaġġi waqfu fuq il-blat, 
jilhġu għan-nifs bħax-xakalli, 
b'għajnejhom mejta, 
għax ma kienx hemm ħaxix. 
[Ġer:14:7] Mqar jekk ħtijietna jixhdu kontrina, 
Mulej, minħabba ismek qum, 
għax ħafna huma ir-ribelljonijiet tagħna, 
kontrik aħna dnibna. 
[Ġer:14:8] Tama ta' Iżrael, 
Salvatur tiegħu fi żmien il-bżonn! 
Għala qisek barrani fl-art, 
jew vjaġġatur wieqaf għal-lejl. 
[Ġer:14:9] Għala qisek bniedem mibluh, 
bħal wieħed qalbieni ma jistax jgħin? 
Imma inti f'nofsna Mulej,
u fuqna jissejjaħ ismek.
La titlaqniex! 
[Ġer:14:10] Dan jgħid il-Mulej dwar dan il-poplu: 
'Iħobbu jiġġerrew 'l hemm u 'l hawn, 
f'riġlejhom ma għandhomx kwiet. 
Għalhekk il-Mulej ma għoġbuhx. 
Issa jiftakar fi ħżunithom, 
u jħallashom ta' dnubiethom." 
[Ġer:14:11] U l-Mulej qalli: "Titlobx għall-ġid ta' dan il-poplu. [Ġer:14:12] 
Jekk isumu ma nismax it-talb tagħhom, u mqar jekk joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq 
u jagħmlu l-offerti, ma nilqagħhomx, għax bi ħsiebni neqridhom bix-xabla, 
bil-ġuħ u bil-pesta." 
[Ġer:14:13] U jien għedtlu: "Ah! Sidi l-Mulej, ara l-profeti qegħdin jgħidulhom: 
'Ma tarawx ix-xabla, u ma jkollkomx il-ġuħ, għax sliem sħiħ nagħtikom f'dan 
il-pajjiż."
[Ġer:14:14] U l-Mulej qalli: "Il-gideb ħabbru f'ismi l-profeti, ma bgħatthomx, 
ma kkmandajthomx, ma kellimthomx. Viżjonijiet foloz, sħarijiet u tbatbit, u 
l-ħolma, ta' moħħhom, dan ħabbrulkom." 
[Ġer:14:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: "Il-Profeti li qegħdin iħabbru f'ismi 
bla ma jien bgħatthom, u qegħdin jgħidu: 'Xabla u ġuħ ma jkunu qatt f'dan 
il-pajjiż,' dawn il-profeti bix-xabla u bil-ġuħ għad jintemmu. [Ġer:14:16] U 
n-nies li huma qegħdin iħabbrulhom, ikunu minxura ma' l-art fit-toroq ta' 
Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u x-xabla; u ma jkun hemm ħadd min jidfen lilhom, 
lin-nisa tagħhom, lil uliedhom, subjien u bniet. Ħżunithom, fuqhom inferragħha.
[Ġer:14:17] "U int għidilhom dan il-kliem: 
'Għajnejja jxerrdu d-dmugħ, 
lejl u nhar bla heda, 
għax ix-xebba, bint il-poplu tiegħi, 
ħadet daqqa kbira u tfarrket, 
ġerħa bla fejqan ġarrbet. 
[Ġer:14:18] Jekk noħroġ fir-raba', 
hemm insib il-mejtin bix-xabla. 
Jekk nidħol fil-belt, nsib il-mifnija bil-ġuħ, 
għax imqar il-profeta u l-qassis 
jiġġerrew mitlufin fil-pajjiż.' " 
[Ġer:14:19] Tlaqt int 'il Ġuda għalkollox? 
Stmellejt int 'il Sijon?
Għaliex sawwattna bla ma hemm fejqan għalina? 
Stennejna s-sliem u ma għandna ebda riżq;
żmien il-fejqan, u arana mwerwra. 
[Ġer:14:20] Aħna nafu, Mulej, bi dnubietna, 
bil-ħażen ta' missirijietna, 
għax dnibna kontrik. 
[Ġer:14:21] Minħabba f'ismek tiċħadniex, 
tkasbarx it-tron tal-glorja tiegħek, 
ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna. 
[Ġer:14:22] Hemm xi ħadd fost l-allat 
fiergħa tal-ġnus, 
li jista' jibgħat ix-xita? 
Jew jistgħu jagħtu weħidhom is-smewwiet 
gliegel ta' ilma? 
M'hux inti l-Mulej, Alla tagħna? 
Fik it-tama tagħna, 
għax int għamilt dan kollu."
15. It-tweġiba tal-Mulej
[Ġer:15:1] Il-Mulej qalli: "Mqar jekk jiġu quddiemi Mosč u Samwel, m'hijiex se 
ddur qalbi lejn dan il-poplu. Keċċihom minn quddiemi, ħa jitilqu 'l barra! 
[Ġer:15:2] U jekk jistaqsuk Fejn se mmorru?, għidilhom: Dan jgħid il-Mulej: 
'Min tmissu l-mewt, għall-mewt; 
Min tmissu x-xabla, għax-xabla; 
Min imissu l-ġuħ, għall-ġuħ; 
Min imissu l-jasar, għall-jasar.' 
[Ġer:15:3] "Jiena rfajtilhom erba' kastigi, oraklu tal-Mulej, ix-xabla biex 
toqtolhom, il-klieb biex ikaxkruhom, it-tajr ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art 
biex jikluhom u jeqirduhom. [Ġer:15:4] U nagħmel minnhom waħx għas-saltniet 
kollha ta' l-art, minħabba Manassi bin Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, għal kull ma 
għamel f'Ġerusalemm."
It-traġedja ta' Ġerusalemm
[Ġer:15:5] "Min se jħenn għalik Ġerusalemm? 
Min se jsewwed qalbu għalik?
Min se jdur u jistaqsik kif inti, 
x'minnek, intix fis-sliem? 
[Ġer:15:6] Int ċħadtni, oraklu tal-Mulej, 
int inġbidt lura u tlaqt. 
U jien erfajt idejja fuqek, 
u ġibtek fix-xejn, 
għax ma flaħtx iżjed inħenn għalik. 
[Ġer:15:7] Derrejthom bil-midra fi bwieb l-art, 
neżżajthom mit-tfal, u qridt il-poplu tiegħi, 
imma huma ma darux minn triqathom. 
[Ġer:15:8] Tkattru r-romol tagħhom aktar mir-ramel 
tal-baħar;
jien ġibt fuq omm iż-żagħżugħ, 
il-qerried f'nofsinhar; 
u niżżilt fuqhom għal għarrieda 
diqa u tnehid. 
[Ġer:15:9] L-omm ta' seba' wlied infniet, 
nifisha nqata'. 
Ix-xemx tagħha niżlet, 
meta kien għadu l-jum, 
stħat u tħawwdet. 
U 'l min fadal minnhom nerħih għax-xabla 
quddiem l-għedewwa tagħhom," 
oraklu tal-Mulej.
L-ilmenti ta' Ġeremija
[Ġer:15:10] Msejken jien, omm! Għaliex ulidtni 
bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu? 
Jien la slift u lanqas issellift, 
u madankollu kulħadd jisħetni'? 
[Ġer:15:11] Jgħid il-Mulej,
"Tassew, qdejtek tajjeb! 
Tassew, ħbatt l-għedewwa għalik, 
fi żmien il-hemm, fi żmien id-dwejjaq! 
[Ġer:15:12] Jista' l-ħadid ifarrak il-ħadid u l-bronż
tat-tramuntana? 
[Ġer:15:13] Ġidek u t-teżori tiegħek nagħti bi priża, 
mhux bi ħlas, 
għal dnubietek kollha fit-territorju kollu tiegħek. 
[Ġer:15:14] U nibagħtek fost l-għedewwa tiegħek 
f'art li int ma tafx 
għaliex xegħel in-nar tal-korla tiegħi 
u fuqkom iħeġġeġ. 
[Ġer:15:15] Mulej, dan int tafu. 
Ftakar fija u ejja żurni; 
tħallas minn dawk li jiġru warajja. 
Tħallinix ninqered minħabba sabrek. 
Kun af li minħabba fik qgħadt għat-tagħjir. 
[Ġer:15:16] Jien sibt kliemek, u kiltu; 
u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta' qalbi; 
għax ismek issejjaħ fuqi, 
Mulej, Alla ta' l-eżerċti.
[Ġer:15:17] Jien ma mortx fost iż-żufjettużi, 
ma fraħtx magħhom; 
jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek 
għax inti mlejtni bil-korla. 
[Ġer:15:18] Għaliex għandi nibqa' mnikket għal
dejjem, 
u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt? 
Se ssir int għalija 
bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef?" 
[Ġer:15:19] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 
"Jekk iddur lejja, 
nreġġgħek lejja biex tieqaf quddiemi; 
jekk tagħżel dak li jiswa minn dak li ma jiswiex, 
int tkun bħal fommi. 
Jerġgħu lura huma lejk, 
u mhux int terġa' lura lejhom. 
[Ġer:15:20] Nagħmlek sur qawwi tal-bronż 
kontra dan il-poplu; 
huma jaħbtu għalik, 
iżda ma jkunux jifilħu għalik; 
għax jiena miegħek, 
biex neħilsek u nsalvak, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:15:21] Neħilsek mill-qawwa tal-ħżiena, 
u nifdik minn id it-tiranni."
16. Il-ħajja tal-profeta twiddiba għall-poplu
[Ġer:16:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:16:2] "La tiżżewwiġx, u ma 
jkollokx la subjien u lanqas bniet f'dan il-pajjiż. [Ġer:16:3] Għax dan jgħid 
il-Mulej għas-subjien u l-bniet li jitwieldu f'dan il-post, u dwar ommijiethom 
li jilduhom u għal missirijiethom li jnissluhom f'dan il-pajjiż: [Ġer:16:4] Għad 
imutu mifnija bil-mard, u ma jibkuhomx, ma jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel 
f'wiċċ ir-raba'. Jintemmu bix-xabla u bil-ġuħ, u l-iġsma tagħhom ikunu ikel 
għat-tajr ta' l-ajru u l-bhejjem ta' l-art. 
[Ġer:16:5] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'La tmurx f'dar il-vistu, la tmurx 
tibkihom, la tħennx għalihom, għax jien warrabt il-ħbiberija tiegħi, oraklu 
tal-Mulej, it-tjieba tiegħi u l-ħniena tiegħi minn dan il-poplu. 
[Ġer:16:6] "U jmutu l-kbar u ż-żgħar f'dan il-pajjiż; u ma jidfnuhomx, ma 
jibkuhomx, u ħadd ma jqatta' ġismu u lanqas iqarweż rasu għalihom. [Ġer:16:7] 
Lanqas ħadd ma jaqsam il-ħobż ma' min hu mnikket biex ifarrġuh minħabba 
l-mejjet. Lanqas ma jisquh il-kus tal-faraġ għall-mewt ta' missieru jew ommu. 
[Ġer:16:8] U la tmurx f'dar il-festa biex toqgħod magħhom tiekol u tixrob. 
[Ġer:16:9] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni! 
Quddiem għajnejkom u fi żmienkom se nsikket f'dan il-post għajat il-ferħ u 
għajat il-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa. 
[Ġer:16:10] "Jiġri li int tgħarraf 'il dan il-poplu b'dan il-kliem u huma 
jgħidulek: 'Għaliex il-Mulej iħabbrilna din il-ħsara kbira kollha? X'inhija 
ħżunitna? X'inhuwa dnubna li għamilna kontra l-Mulej, Alla tagħna? 
[Ġer:16:11] "U inti tweġibhom: 'Għaliex missirijietkom ħallewni, oraklu 
tal-Mulej, u marru wara allat oħra, u qdewhom u nxteħtu wiċċhom fl-art 
quddiemhom, u lili abbandunawni, u l-liġi tiegħi ma ħarsuhiex. [Ġer:16:12] U 
intom imbagħad għamiltu agħar minn missirijietkom, u, arakom, kull wieħed 
minnkom mexa wara l-ebusija ta' qalbu ħażina u ma semax minni. [Ġer:16:13] 
Għalhekk inkeċċikom 'il barra minn din l-art f'art oħra li la intom u la 
missirijietkom ma tafuha, u hemm taqdu allat oħra, lejl u nhar, għax jien ma 
nurix ħniena magħkom.
Il-wegħda tas-salvazzjoni
[Ġer:16:14] "Għalhekk għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta ma jgħidux aktar: 
'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella' lil ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu', 
[Ġer:16:15] imma daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella' lil ulied Iżrael mill-art 
tat-tramuntana u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.' Għax jiena 
nreġġagħhom lura fl-art li kont tajt lil missirijiethom.
Kastig doppju
[Ġer:16:16] "Arawni! Jien nibgħat ħafna sajjieda, oraklu tal-Mulej, u 
jistaduhom. Mbagħad nibgħat ħafna kaċċaturi, u jmorru għalihom fuq kull muntanja 
u fuq kull għolja u f'kull xaqq blat. [Ġer:16:17] Għax għajnejja fuq triqathom 
kollha u huma ma jistgħux jinħbew minn quddiemi, u lanqas jinsatar dnubhom minn 
quddiem għajnejja. [Ġer:16:18] Qabelxejn inħallashom id-doppju għal ħżunithom u 
dnubhom, talli niġġsuli arti bil-bluhat moqżieża, u mlew 'il wirti bl-għemejjel 
mistkerrha tagħhom."
Il-konverżjoni tal-ġnus
[Ġer:16:19] Mulej, qawwa tiegħi, fortizza tiegħi! 
kenn tiegħi f'jum l-hemm! 
Għandek għad jiġu l-ġnus, 
minn truf l-art u jgħidlu: 
"Gideb biss wirtu missirijietna, 
frugħa bla ebda fejda. 
[Ġer:16:20] Jista' l-bniedem jagħmel allat għalih 
dawk li m'humiex allat?" 
[Ġer:16:21] Għalhekk għad nurihom jien, 
nurihom din id-darba, 
idi u l-qawwa tiegħi, 
u jkunu jafu li ismi hu Jaħweh!"
17. L-idolatrija d-dnub ta' Ġuda
[Ġer:17:1] "Id-dnub ta' Ġuda miktub 
b'pinna tal-bronż, 
u b'ponta tad-djamant minqux 
fuq it-tavla ta' qalbhom, 
u fuq il-qrun ta' l-artali tagħhom. 
[Ġer:17:2] Biex jiftakru wliedhom fl-artali tagħhom, 
u fl-artali tax-xbihat ta' l-Asera, u s-siġar 
iħaddru fuq l-għoljiet għolja 
[Ġer:17:3] u l-muntanji fil-wita. 
Ġidek u t-teżori tiegħek kollha 
nagħtihom bi priża, 
għad-dnub li għamilt fuq għoljietek 
mal-medda kollha ta' artek! 
[Ġer:17:4] U inti minn jeddek terħi l-wirt li tajtek, 
u nġiegħlek taqdi lill-għedewwa tiegħek 
f'art li int ma tafx biha. 
Għax in-nar tal-korla tiegħi intom xgħeltu, 
u jibqa' mqabbad għal dejjem." 
[Ġer:17:5] Dan jgħid il-Mulej: 
"Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, 
li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, 
u titbiegħed qalbu mill-Mulej. 
[Ġer:17:6] Ikun bħal siġra ta' l-għargħar fix-xagħri, 
li ma tara ebda ġid ġej, 
li tgħammar f'art tikwi fid-deżert, 
art mielħa fejn ħadd ma jgħammar. 
[Ġer:17:7] Mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, 
u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. 
[Ġer:17:8] Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawwla, 
b'għeruqha mxenxla lejn il-wied; 
ma tibżax meta tiġi s-sħana, 
il-weraq tagħha jibqa' jħaddar; 
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, 
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott. 
[Ġer:17:9] Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq 
u mħassra. Min jifhimha? 
[Ġer:17:10] Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb 
u ngħarbel il-ġewwieni, 
biex nagħti 'l kull wieħed skond imġibtu, 
skond ma jkun jistħoqq għemilu."
Alla, it-tama ta' Iżrael
[Ġer:17:11] Bħal-ħaġla li tfaqqas il-bajd 
li ma tbidx hi; 
hekk min jaħżen il-ġid, 
imma mhux bis-sewwa; 
f'għomru jkollu jħallih, 
u fl-aħħar ta' ħajtu jitqies bħall-iblah. 
[Ġer:17:12] Tron ta' glorja, fl-għoli sa mill-bidu, 
hu l-post tal-maqdes tagħna. 
[Ġer:17:13] It-tama ta' Iżrael int, Mulej, 
kull min jabbandunak jitħawwad. 
Dawk li jitbiegħdu minnu 
fit-trab jinkitbu, 
għax telqu l-Mulej, l-għajn ta' l-ilma ġieri. 
[Ġer:17:14] Fejjaqni int, Mulej, u jien infiq, 
salvani, u jien inkun salv, 
għax int il-ftaħir tiegħi. 
[Ġer:17:15] Ara x'qegħdin jgħiduli huma: 
'Fejn hi l-kelma tal-Mulej? 
Ħa sseħħ!' 
[Ġer:17:16] Jien ma qgħadtx inross fuqek għad-deni, 
u jum l-hemm qatt ma xtaqtu. 
Int taf x'ħareġ minn fommi, 
kollox qiegħed quddiemek. 
[Ġer:17:17] Tkunx waħx għalija, 
int il-kenn tiegħi fi żmien l-hemm. 
[Ġer:17:18] Ħa jitħawwdu dawk li jsusu warajja, 
u ma nitħawwadx jien! 
Ħa jitbeżżgħu huma, 
u ma nitbeżżax jien! 
Niżżel fuqhom Jum id-deni, 
u kissirhom għal darba tnejn.
Il-ħarsien tas-Sibt 
[Ġer:17:19] "Dan qalli l-Mulej: 'Mur u oqgħod quddiem il-Bieb ta' Benjamin mnejn 
jidħlu u joħorġu s-slaten ta' Ġuda u f'kull bieb ieħor ta' Ġerusalemm. 
[Ġer:17:20] U għidilhom: 'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, slaten ta' Ġuda u Ġuda 
kollha u intom ilkoll li tgħammru f'Ġerusalemm u tgħaddu minn dawn il-bwieb.
[Ġer:17:21] "Dan jgħid il-Mulej: 'Qisu, b'riżq ħajjitkom, qisu li ma ġġorru ebda 
tagħbija nhar ta' Sibt u ddaħħluha minn bwieb Ġerusalemm. [Ġer:17:22] La 
toħorġux tagħbijiet minn djarkom f'jum is-Sibt, u ma tagħmlu ebda xogħol, imma 
qaddsu jum is-Sibt, bħalma jien ordnajt lil missirijietkom." 
[Ġer:17:23] "Imma huma ma ridux jisimgħu u lanqas jagħtu widen, anzi webbsu 
rashom biex ma jisimgħux u ma jeħdux it-tagħlima. 
[Ġer:17:24] "Jekk intom tassew tisimgħu minni, oraklu tal-Mulej, u ma ddaħħlu 
ebda tagħbija minn bwieb dil-belt f'jum is-Sibt, u tqaddsu jum is-Sibt, u ma 
tagħmlu ebda xogħol fih, [Ġer:17:25] jibqgħu jidħlu minn bwieb din il-belt 
rekbin fuq il-karrijiet u ż-żwiemel is-slaten u l-prinċpijiet, li joqogħdu fuq 
it-tron ta' David, huma u n-nies ta' Ġuda u n-nies li jgħammru f'Ġerusalemm. 
Il-belt tkun mgħammra għal dejjem. [Ġer:17:26] U jiġu mill-bliet ta' Ġuda, u 
mill-inħawi ta' madwar Ġerusalemm, u mill-art ta' Benjamin, u mis-Sefela u 
mill-muntanji u min-nofsinhar u jġibu magħhom sagrifiċċji tal-ħruq, sagrifiċċji 
oħra, offerti tal-qmuħ u inċens, u joffru sagrifiċċji ta' radd il-ħajr f'dar 
il-Mulej. 
[Ġer:17:27] "Imma jekk ma tisimgħux minni li tqaddsu jum is-Sibt u li ma ġġorrux 
tagħbijiet u ma tidħlux minn bwieb Ġerusalemm f'jum is-Sibt, jiena nqabbad nar 
f'dawn il-bwieb, li jibla' l-palazzi ta' Ġerusalemm, nar li ma jintefiex."
18. Il-fuħħari u t-tafal
[Ġer:18:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:18:2] 
"Qum u inżel għand il-fuħħari: u hemm jiena nsemmgħek kliemi." [Ġer:18:3] Jiena 
nżilt għand il-fuħħari, u sibtu qiegħed jaħdem fuq ir-rota. [Ġer:18:4] U hekk 
kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f'idejn 
il-fuħħari, dan raġa' għamel oħra minnha kif għoġob lilu. [Ġer:18:5] Mbagħad 
il-Mulej kellimni u qalli: [Ġer:18:6] "Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom 
bħal dan il-fuħħari?" Oraklu tal-Mulej. 
Bħalma hu t-tafal fidejn il-fuħħari, hekk intom fidejja, dar Iżrael. 
[Ġer:18:7] Hekk jien xi drabi naqtagħha li poplu jew saltna naqlagħha, nġarrafha 
u neqridha; [Ġer:18:8] jekk imbagħad dan il-ġens jindem mill-ħażen li kontrieh 
inkun tkellimt, jiena nindem mill-ħsara li nkun qtajt li nagħmillu. 
[Ġer:18:9] "Drabi oħra naqtagħha li poplu jew saltna nibniha u nħawwilha; 
[Ġer:18:10] jekk imbagħad dan il-poplu jagħmel il-ħażen li ma jogħġobnix billi 
ma jismax kliemi, jiena nindem mill-ġid li nkun qtajt li nagħmillu. 
[Ġer:18:11] "Issa mur kellem lin-nies ta' Ġuda u n-nies li jgħammru f'Ġerusalemm 
u għidilhom: Dan jgħid il-Mulej, 'Arawni, jien qiegħed inħejji ħsara għalikom u 
nfassal pjan kontrikom. Erġgħu lura, kull wieħed minn triqtu l-ħażina. Sewwu 
triqatkom u għemilkom!' 
[Ġer:18:12] "U huma jwieġbu: 'Kollu ta' xejn! Skond fehmietna rridu nimxu, u 
kull wieħed jimxi skond l-ebusija ta' qalbu l-ħażina.' "
Ġuda żnaturat
[Ġer:18:13] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 
Stħarrġu fost il-ġnus. 
Min qatt sama' bi ħwejjeġ bħal dawn? 
Għemil li jkexkex 
għamlet ix-xbejba ta' Iżrael! 
[Ġer:18:14] Jaqaw jgħib mill-għoli tal-blat, 
is-silġ tal-Libanu? 
Jinxfu forsi l-ilmijiet kiesħa 
li jgelglu 'l isfel mill-muntanji? 
[Ġer:18:15] Imma l-poplu tiegħi nsieni, 
u marru joffru l-inċens lix-xejn. 
Fixkluhom fi triqathom, 
il-mogħdijiet ta' dari, 
biex qabdu s-sqaqien,
u mhux it-triq imbattma. 
[Ġer:18:16] Biex għamlu ħerba minn arthom, 
ħaġa taż-żuffjett għal dejjem. 
Kull min jgħaddi jistagħġeb, 
u jħarrek rasu. 
[Ġer:18:17] Bħalma jagħmel ir-riħ mil-lvant, 
jien inxerridhom quddiem l-għedewwa. 
Nagħtihom dahri minflok wiċċi, 
f'jum qerdithom!"
Il-komplott kontra l-Profeta
[Ġer:18:18] L-għedewwa tiegħi qalu: "Ejjew nonsbu nasba lil Ġeremija, għax 
il-liġi ma tonqosx lill-qassis, lanqas l-għaqal lill-għaref, jew il-kelma 
lill-profeta. Ejjew noqtluh bi lsienna, u ma nagħtux aktar kas ta' kliemu." 
[Ġer:18:19] Agħtini widen, Mulej, 
isma' kliem dawk li huma kontrija. 
[Ġer:18:20] Jaqaw il-ġid jitħallas bid-deni? 
Għax huma ħaffru ħofra għal ħajti. 
Ftakar kif jien waqaft quddiemek, 
biex nitkellem għall-ġid tagħhom, 
biex twarrab il-korla tiegħek minn fuqhom. 
[Ġer:18:21] Għalhekk erħi 'l uliedhom għall-ġuħ, 
u itlaqhom f'idejn ix-xabla, 
u jkunu bla tfal 
u romol in-nisa tagħhom. 
Ħa jmutu l-irġiel tagħhom bil-pesta, 
u ż-żgħażagħ tagħhom midruba 
bix-xabla fit-taqbida. 
[Ġer:18:22] Ħa jinstama' t-twerżiq minn djarhom, 
meta għal għarrieda tibgħat fuqhom il-ħallelin. 
Għax ħaffru ħofra biex jaqbduni, 
u nasbu trabokk għal riġlejja. 
[Ġer:18:23] U inti taf, Mulej, 
fehmiethom kollha biex joqtluni; 
la taħfrilhomx ħżunithom, 
u la tħassarx 'il dnubhom minn quddiemek. 
Ħa jsabbtuhom ma' l-art quddiemek; 
agħmel għalihom 
fi żmien il-korla tiegħek!
19. Il-ġarra tal-fuħħar simbolu tal-poplu midneb 
[Ġer:19:1] Dan qal il-Mulej lil Ġeremija "Mur ixtri ġarra tal-fuħħar u ħu lil xi 
wħud mill-anzjani tal-poplu u mill-anzjani tal-qassisin, [Ġer:19:2] u mur oħroġ 
fil-wied ta' Benħinnom li hemm biswit Bieb ix-Xaqquf, u hemm xandar il-kliem li 
se ngħidlek. [Ġer:19:3] Inti tgħid: 'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom slaten ta' 
Ġuda u nies ta' Ġerusalemm. Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 
Arawni se nġib il-ħsara fuq dan il-post, li kull min jisma' biha jżarżru 
widnejh. [Ġer:19:4] Għax huma telquni u pprofanaw dan il-post billi ħarqu 
l-inċens lill-allat barranin li, la huma, la missirijiethom, u lanqas is-slaten 
ta' Ġuda ma kienu jafu bihom. Mlew dan il-post bid-demm ta' l-innoċenti. 
[Ġer:19:5] Bnew is-santwarji ta' Bagħal, biex jaħarqu bin-nar lil uliedhom 
b'sagrifiċċji tal-ħruq lil Bagħal. Ħwejjeġ bħal dawn jien qatt ma kkmandajthom 
jagħmlu, lanqas biss semmejthom, u qatt ma għaddewli minn moħħi. 
[Ġer:19:6] 'Għalhekk għad jasal żmien, oraklu tal-Mulej, li dan il-post ma 
jissejjaħx aktar 'Tofet' jew 'Wied Ben-ħinnom', imma 'Wied il-Qatla'. [Ġer:19:7] 
U hawn f'dan il-post jien inġib fix-xejn fehmiet Ġuda u Ġerusalemm, u 
nwaqqagħhom bix-xabla quddiem l-għedewwa tagħhom, u b'id dawk li jkunu 
jfittxulhom ħajjithom, u nħalli l-iġsma tagħhom għall-ikel tat-tjur ta' l-ajru u 
l-bhejjem ta' l-art. [Ġer:19:8] U nagħmel ħerba minn din il-belt u post 
għaż-żufjett; u kull min jgħaddi minnha jibqa' mistagħġeb biha u jsaffrilha 
minħabba l-ġrieħi tagħha. [Ġer:19:9] Nġagħalhom jieklu laħam subjienhom u laħam 
bniethom, għax għad jieklu laħam xulxin fi żmien l-assedju u d-diqa li għad 
iġibu fuqhom l-għedewwa u dawk li għad ifittxulhom ħajjithom.' 
[Ġer:19:10] "Inti mbagħad tkisser il-ġarra quddiem in-nies li jiġu miegħek, 
[Ġer:19:11] u tgħidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Hekk għad inkisser 
dan il-poplu u din il-belt, bħalma titkisser ġarra tal-fuħħar, bla ma tkun 
tista' tissewwa. U f'Tofet għad jidfnu għax ma jkunx hemm post ieħor fejn. 
[Ġer:19:12] Dan nagħmel lil dan il-post, oraklu tal-Mulej, u lil min jgħammar 
fih, u lil din il-belt nagħmilha bħal Tofet. [Ġer:19:13] U djar Ġerusalemm u 
djar is-slaten ta' Ġuda jitniġġsu bħal Tofet, id-djar kollha li fuq bjuthom 
kienu jaħarqu l-inċens lill-eżerċti kollha tas-smewwiet u jsawwbu libazzjonijiet 
lill-allat barranin.' " 
[Ġer:19:14] U Ġeremija telaq minn Tofet, fejn il-Mulej kien bagħtu jħabbar, u 
mar fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej u qal lill-poplu kollu: [Ġer:19:15] "Dan 
jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni, jien se nġib fuq din 
il-belt u fuq l-ibliet li jagħmlu minnha l-ħsara kollha li jien ħabbartilha, 
għax huma webbsu rashom, biex ma jisimgħux kliemi. ' "
20. Ġeremija mixħut fil-ħabs
[Ġer:20:1] U Pasħur bin Immer, il-qassis, kap ta' l-għassiesa fit-tempju 
tal-Mulej, sama' lil Ġeremija jħabbar dan kollu. [Ġer:20:2] U Pasħur sawwat lil 
Ġeremija l-profeta, u tefgħu fiċ-ċipp li hemm fil-bieb l-għoli ta' Benjamin, 
fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:20:3] U l-għada Pasħur ħareġ lil Ġeremija miċ-ċipp, u 
Ġeremija qallu: "Il-Mulej ma jsemmikx iżjed Pasħur, imma Biża'-minn-kull-naħa.' 
[Ġer:20:4] Għax dan jgħid il-Mulej: 'Arani se nagħmlek waħx għalik innifsek u 
għal ħbiebek kollha; għad jaqgħu mejta bix-xabla ta' l-għedewwa tagħhom, u int 
tarahom b'għajnejk. Jien nitlaq lil Ġuda kollu f'idejn is-sultan ta' Babilonja, 
u hu jitturufnahom f'Babilonja, u jidrobhom bix-xabla. [Ġer:20:5] U nerħi l-ġid 
kollu ta' din il-belt, u l-qligħ kollu tagħha, u l-ħwejjeġ prezzjużi kollha 
tagħha, u t-teżori kollha tas-sultan ta' Ġuda, kollox nerħi f'idejn l-għedewwa 
tagħhom; għad jisirquhom, jeħduhom u jġorruhom f'Babilonja. [Ġer:20:6] U inti, 
Pasħur, u kull min jgħammar f'darek, tmorru fil-jasar; tmur f'Babilonja, u hemm 
tmut u hemm tindifen, int u ħbiebek kollha, li lilhom kont tħabbar il-gideb.' "
Il-karba tal-Profeta
[Ġer:20:7] Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt: 
kont aqwa minni, u għelibtni. 
Jien sirt id-daħka ta' kuljum, 
kulħadd jiddieħak bija.
[Ġer:20:8] Kull meta niġi biex nitkellem, 
jien ngħajjat, 
u nxandar, 'Moħqrija u ħsara!' 
Il-kelma tal-Mulej saret għalija 
tagħjir u tmaqdir kuljum. 
[Ġer:20:9] U jien għedt: 'Ma nsemmihx aktar, 
ma nitkellimx aktar f'ismu.' 
Iżda f'qalbi hemm bħal nar jaqbad, 
magħluq f'għadmi. 
Għejejt inżommu magħluq ġo fija, 
ma niflaħx aktar għalih. 
[Ġer:20:10] Ma nismax ħlief taqsis il-kotra; 
biża' madwari kollu! 
"Ixluh! Ħa nixluh!" 
Jgħajjtu saħansitra ħbiebi kollha, 
jfittxu l-qerda tiegħi: 
"Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh, 
ta' kollox nitħallsu minnu!"
[Ġer:20:11] Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni, 
għalhekk dawk li jagħmlu għalija 
jogħtru, ma jagħmlu xejn, 
jitħawwdu bis-sħiħ, 
għax ħsiebhom ma jseħħx; 
għajb għalihom li ma jintesa qatt. 
[Ġer:20:12] Int, Mulej ta' l-eżerċti, li ġġarrab il-ġust, 
li tara l-ġewwieni u l-qalb, 
ħallini nara l-vendetta tiegħek kontriehom, 
għax f'idejk ħallejt il-kawża tiegħi. 
[Ġer:20:13] Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej, 
għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena. 
[Ġer:20:14] Saħta fuq il-jum li fih twelidt, 
ebda barka fuq il-jum li fih wilditni ommi! 
[Ġer:20:15] Saħta fuq ir-raġel li ħabbar lil missieri,
u qallu:
"Twelidlek tifel," 
u mlieħ il-ferħ. 
[Ġer:20:16] Ħa jkun dar-raġel bħall-ibliet, 
li ġarrafhom il-Mulej bla ma sogħob bih; 
ħa jisma' l-għajat fil-għodu u t-twerżiq f'nofsinhar.
[Ġer:20:17] Għax ma tanix il-mewt f'ġuf ommi? 
Kienet tkun ommi l-qabar tiegħi 
u jibqa' ġufha bit-tqala għal dejjem. 
[Ġer:20:18] Għaliex ħriġt mill-ġuf, 
biex nara t-taħbit u t-tbatija, 
u ntemm jiemi fl-għajb?
21. Ix-xorti ta' Sedekija u Ġerusalemm
[Ġer:21:1] Il-kelma li waslet lil Ġeremija mingħand il-Mulej meta s-sultan 
Sedekija bagħatlu lil Pasħur bin Malkija, u 'l Sefanija bin Magħxija l-qassis, 
jitolbuh: [Ġer:21:2] "Stħarreġ il-Mulej għalina, għax Nabukodonosor sar sultan 
ta' Babilonja, ħabat għalina; għandu mnejn il-Mulej iġib ruħu magħna skond 
l-għemejjel tiegħu ta' l-għaġeb u dan jitbiegħed minna." 
[Ġer:21:3] U Ġeremija weġibhom: "Dan għandkom tgħidu lil Sedekija: [Ġer:21:4] 
'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Arawni, sa ndawwar l-armi li għandkom 
f'idejkom, li bihom qegħdin titqabdu mas-sultan ta' Babilonja, u l-Kaldin li 
qegħdin jassedjawkom minn barra s-swar, u niġborhom f'nofs din il-belt. 
[Ġer:21:5] Jiena stess nitqabad kontrikom b'id merfugħa u bi driegħi qawwi, 
b'għadab, b'saħna u b'qilla kbira. [Ġer:21:6] U nidrob lil min jgħammar f'din 
il-belt, kemm in-nies u kemm il-bhejjem; imutu b'pesta kbira. [Ġer:21:7] U 
mbagħad, oraklu tal-Mulej, jien nitlaq f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' 
Babilonja, u f'idejn l-għedewwa tagħhom, u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom 
ħajjithom, lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u l-qaddejja tiegħu u l-poplu u 'l min 
jeħles f'din il-belt mill-pesta, mix-xabla u mill-ġuħ, u hu jgħaddihom minn 
xifer ix-xabla; la jitħassarhom, la jħoss għalihom, u lanqas iħenn għalihom.'
[Ġer:21:8] "U lil dan il-poplu għandek tgħidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se 
nqiegħed quddiemkom it-triq tal-ħajja u t-triq tal-mewt. [Ġer:21:9] In-nies li 
jifdal f'din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta; u min joħroġ u 
jagħti ruħu lill-Kaldin li qegħdin jassedjawkom jgħix, u jkollu ħajtu bħala 
priża. [Ġer:21:10] Għax jien dawwart wiċċi fuq din il-belt għad-deni u mhux 
għall-ġid, oraklu tal-Mulej, għad tingħata f'idejn is-sultan ta' Babilonja u dan 
jagħtiha n-nar u jaħraqha.' 
[Ġer:21:11]  U lid-dar tas-sultan ta' Ġuda għidilha: 
'Isimgħu l-kelma tal-Mulej, 
[Ġer:21:12] dar David, dan jgħid il-Mulej: 
Agħmlu ħaqq sa minn filgħodu, 
eħilsu l-maħqur minn id min jgħakksu, 
li ma tikbisx qillti bħan-nar, 
u tibqa' tħeġġeġ bla ma ħadd jitfiha, 
minħabba l-ħażen ta' għemilkom. 
[Ġer:21:13] Arani kontrik, int li tgħammar fil-wied, 
blata tal-wita, oraklu tal-Mulej. 
Intom li tgħidu: 'Min qatt se jinżel għalina, 
u min qatt se jidħol ġo djarna?' 
[Ġer:21:14] U jien inħallaskom 
skond il-frott ta' għemilkom, 
oraklu tal-Mulej, 
u nkebbes in-nar fil-masġar tagħha, 
u jibla' l-inħawi kollha ta' madwarha! ' 
22. Oraklu kontra s-slaten ta' Ġuda
[Ġer:22:1] Dan qalli l-Mulej: 'Inżel id-dar tas-sultan ta' Ġuda u hemm ħabbar 
dan il-kliem. [Ġer:22:2] Għidlu: 'Isma' l-kelma tal-Mulej, sultan ta' Ġuda, int 
li qiegħed fuq it-tron ta' David; int u l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, li 
jgħaddu minn dawn il-bwieb. 
[Ġer:22:3] "Dan jgħid il-Mulej: 'Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa u eħilsu l-maħqur minn 
id l-oppressuri u l-barrani, l-iltim u l-armla la tgħakksuhomx, la tagħmlulhomx 
vjolenza. La xxerrdux demm l-innoċenti f'dan il-post. 
[Ġer:22:4] 'Għax jekk intom tassew tħarsu dan il-kliem, jibqgħu jidħlu minn dan 
il-bieb is-slaten, li qegħdin fuq it-tron ta' David, rekbin fuq il-karrijiet u 
fuq iż-żwiemel, huma u l-qaddejja u l-poplu tagħhom. [Ġer:22:5] Imma jekk ma 
tisimgħux dan il-kliem, naħlef bija nnifsi, oraklu tal-Mulej, issir ħerba minn 
din id-dar. 
[Ġer:22:6] Għax dan jgħid il-Mulej għad-dar tas-sultan ta' Ġuda: 
'Bħal Gilgħad int għalija, 
bħall-quċċata tal-Libanu, 
imma nagħmel minnek deżert,
belt bla nies. 
[Ġer:22:7] Nħejji għalik nies qerrieda, 
kull wieħed bl-armi tiegħu, 
u jqaċċtu l-aħjar taċ-ċedri tiegħek 
u jwaddbu kollox fin-nar. 
[Ġer:22:8] 'U minn din il-belt għad jgħaddu kotra ta' ġnus u jistaqsu lil 
xulxin: 'Għala l-Mulej għamlilha hekk lil din il-belt kbira?' [Ġer:22:9] u 
jweġbuhom: 'Għaliex abbandunaw il-patt tal-Mulej, Alla tagħhom, u niżlu wiċċhom 
fl-art quddiem allat oħra u qdewhom.' "
Is-sultan Sallum
[Ġer:22:10] La tibkux il-mejjet, 
la tnewwħux għalih, 
imma ibku sewwa għal min hu sejjer, 
għax ma jerġa' lura qatt, 
u lanqas qatt ma jara art twelidu. 
[Ġer:22:11] Għax dan jgħid il-Mulej lil Sallum bin Ġosija, sultan ta Ġuda, li 
kien isaltan flok Ġosija missieru, u ħareġ minn dan il-post: "M'hux se jerġa' 
lura hawn, qatt iżjed. [Ġer:22:12] Għax fil-post fejn eżiljawh, priġunier hemm 
għad imur. U din l-art ma jaraha qatt iżjed."
Ġeħojakim
[Ġer:22:13] Gwaj għal min jibni daru fuq il-ħażen, 
u l-kmamar ta' fuq bl-inġustizzja; 
li jħaddem lil għajru għal xejn, 
u ta' xogħlu ma jħallsux; 
[Ġer:22:14] li jgħid: 'Ħa nibni dar għalija kbira, 
bi kmamar fuq imrewwħa sewwa'; 
li jiftaħ fiha twieqi kbar, 
jiksiha biċ-ċedru u 
jiżbogħha bl-aħmar. 
[Ġer:22:15] Taħseb int li qiegħed issaltan, 
għax miklub għaċ-ċedru? 
Jaqaw missierek ma kienx jiekol u jixrob? 
Ma kienx jagħmel il-ħaqq u s-sewwa, 
u kellu r-riżq?
[Ġer:22:16] Kien jagħmel il-ħaqq mal-magħkus, 
u kellu r-riżq 
u mal-fqir; 
M'hux dan ifisser tagħraf lili? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:22:17] Ma għandekx għajnejn u qalb 
ħlief għall-qligħ tiegħek diżonest, 
u għat-tixrid ta' demm in-nies bla ħtija, 
u għat-taqriq u t-tagħkis ta' ħaddieħor. 
[Ġer:22:18] Għalhekk dan jgħid il-Mulej 
lil Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda; 
"Ma jitnehdux għalih u jgħidu: 
'Jaħasra ħija!' jew 'Jaħasra oħti!' 
Ma jitnehdux għalih u jgħidu: 
'Jaħasra sidi!' jew 'Jaħasra l-kobor tiegħu!' 
[Ġer:22:19] Difna ta' ħmar jidfnuh, 
barra bwieb Ġerusalemm 
għad ikaxkruh u jarmuh."
Ġerusalemm Imħarbta
[Ġer:22:20] Itla' fuq il-Libanu u għajjat, 
u għolli leħnek f'Basan; 
għajjat minn Għabarim, 
għax ħbiebek ilkoll inqerdu. 
[Ġer:22:21] Kellimtek meta int kont fir-riżq, 
u int għedt: "Ma rridx nisma' ". 
Din kienet triqtek sa minn żgħożitek, 
għax qatt ma smajt minn kliemi. 
[Ġer:22:22] Ir-rgħajja tiegħek kollha jġorrhom ir-riħ, 
u ħbiebek kollha jmorru fil-jasar. 
Mbagħad tistħi u titħawwad, 
minħabba l-ħażen kollu tiegħek. 
[Ġer:22:23] U int li tgħammar fil-Libanu, 
int li tbejjet fiċ-ċedri, 
kemm għad trid tokrob,
meta jaqbdek l-uġigħ, 
l-uġigħ u t-tkagħwiġ ta' mara fil-ħlas.
Ġekonija
[Ġer:22:24] Daqs kemm jien ħaj, oraklu tal-Mulej, mqar kieku Konija bin 
Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, kien iċ-ċurkett tas-siġill f'idi l-leminija, minn 
hemm kont naqilgħek. [Ġer:22:25] Nitilqek f'idejn dawk li qegħdin ifittxulek 
ħajtek; f'idejn dawk li int tibża' minnhom u f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' 
Babilonja, u f'idejn il-Kaldin. [Ġer:22:26] U jien inwaddab lilek u lil ommok li 
wilditek, f'art oħra li intom ma twelidtux fiha, u hemm tmutu. [Ġer:22:27] U 
l-art, li jixtiequ jerġgħu lura fiha, qatt iżjed ma' jerġgħu lura fiha. 
[Ġer:22:28] X'inhu Konija? 
Xi biċċa fuħħar għar-rimi u għat-tkissir? 
Xi ħaġa ma togħġob lil ħadd? 
Għala hu u nislu mkeċċija, 
mitfugħa f'art li biha ma jafux? 
[Ġer:22:29] O art, art, art, 
isimgħu l-kelma tal-Mulej. 
[Ġer:22:30] Dan jgħid il-Mulej: 
"Iktbu 'l dan ir-raġel 
bħallikieku bla tfal, 
bniedem bla riżq f'ħajtu. 
Għax ħadd minn nislu ma jirnexxilu 
jsib post fuq it-tron ta' David,
u jerġa' jsaltan fuq Ġuda."
23. Is-saltna Messjanika
[Ġer:23:1] "Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu 
l-merħla tal-mergħa tiegħi, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:2] Għalhekk dan jgħid il-Mulej, 
Alla ta' Iżrael, lir-rgħajja, 
li jirgħu l-poplu tiegħi: 
'Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, 
gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. 
Arawni, se naħseb fikom jien 
minħabba l-ħażen ta' għemilkom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:3] U jiena niġbor il-fdal tal-nagħaġ tiegħi 
mill-artijiet kollha li xerridthom fihom, 
u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom, 
u jnisslu u joktru. 
[Ġer:23:4] U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, 
u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; 
u ħadd minnhom ma jonqos, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:5] Araw, għad jasal żmien, 
oraklu tal-Mulej, 
meta nqajjem lil David rimja ġusta, 
li jsaltan ta' sultan, 
u jmexxi bil-għaqal 
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. 
[Ġer:23:6] Fi żmienu Ġuda jkun salv,
U Iżrael jgħammar fiż-żgur. 
U dan hu l-isem li jsejjħulu: 
'Il-Mulej is-Sewwa tagħna.' 
[Ġer:23:7] Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem, 
oraklu tal-Mulej, 
meta ma jgħidux iżjed 
'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, 
li tella' 'l ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu' 
[Ġer:23:8] imma: 'Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, 
li tella' u ħareġ in-nisel ta' dar Iżrael 
mill-art tat-tramuntana, 
u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.' 
Mbagħad jistgħu jgħammru f'arthom."
Orakli kontra l-Profeti
[Ġer:23:9] Għall-profeti: 
Qalbi nqasmet ġewwa fija; 
għadmi kollu mkexkex; 
sirt qisni bniedem fis-sakra, 
bħal raġel ħadu l-inbid, 
minħabba l-Mulej, 
u minħabba l-kliem imqaddes tiegħu. 
[Ġer:23:10] Għax il-pajjiż miżgħud bl-adulterji; 
minħabba fihom l-art tbikkik, 
u l-mergħat fid-deżert nixfu. 
U l-ġiri tagħhom kollu ħażin, 
u saħħithom l-inġustizzja. 
[Ġer:23:11] Għax imqar il-profeta u l-qassis, 
lkoll midgħajja. 
Saħansitra f'dari sibt ħżunithom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:12] Għalhekk triqthom tkunilhom 
mogħdija kollha żliq, 
fid-dlam jinxteħtu fiha u jogħtru, 
għax inġib fuqhom il-ħsara 
fis-sena ta' kastighom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:13] U fost il-profeti ta' Samarija 
rajt ukoll ħwejjeġ li jdardruk: 
iħabbru f'isem Bagħal, 
u jqarrqu b'Iżrael il-poplu tiegħi. 
[Ġer:23:14] Fost il-profeti ta' Ġerusalemm, mbagħad, 
rajt ħwejjeġ ikexkxuk:
adulterji u mġiba giddieba; 
isaħħu id il-ħżiena, biex ħadd minnhom 
ma jerġa' lura minn ħżunitu. 
Lkoll għalija qishom Sodoma, 
u n-nies tagħha bħal Gomorra. 
[Ġer:23:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti kontra l-profeti: 
"Arawni, sa nitmagħhom l-absint,
u nisqihom l-ilma avvelenat, 
għax mingħand il-profeti ta' Ġerusalemm 
xtered il-ħażen ma' l-art kollha." 
[Ġer:23:16] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"La tisimgħux kliem li jħabbrulkom il-profeti 
biex jimlewlkom moħħkom bil-frugħat. 
Jgħidulkom li jiġihom f'qalbhom, 
u mhux li jiġihom minn fomm il-Mulej. 
[Ġer:23:17] Qegħdin jgħidulhom lil dawk li jistmerru 
l-kelma tal-Mulej: 
'Ikollkom is-sliem,' 
u lil dawk li jagħmlu li jiġihom f'moħħhom 
jgħidulhom: 'Ebda deni m'hu se jilħaqkom!" 
[Ġer:23:18] Min minnhom qagħad fil-kunsill 
tal-Mulej, 
u ra u sama' kelmtu? 
Min ta widen għal kelmtu biex isemmagħha? 
[Ġer:23:19] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej! 
Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija, 
li se tfaqqa' fuq ras il-ħżiena. 
[Ġer:23:20] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura, 
qabel ma tkun għamlet u temmet 
ħsieb moħħu. 
Fl-aħħar jiem tifhmuh sewwa. 
[Ġer:23:21] Ma bgħatthomx jien dawn il-profeti, 
għalkemm huma marru jiġru! 
Ma kellimthomx, 
għalkemm huma marru jħabbru. 
[Ġer:23:22] Kieku qagħdu fil-kunsill tiegħi, 
kienu jsemmgħu kelmti lill-poplu tiegħi, 
u jreġġgħuhom lura minn triqathom, 
u mill-ħażen ta' għemilhom.
Il-ħolm u l-qerq tal-profeti foloz
[Ġer:23:23] "Jaqaw jien Alla fil-qrib biss, 
oraklu tal-Mulej, 
m'hux ukoll Alla fil-bogħod? 
[Ġer:23:24] Jista' bniedem jistaħba fil-moħbiet, 
u jien ma narahx? 
Oraklu tal-Mulej. 
Ma nimliex jiena 
s-sema u l-art? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:25] "Jien smajt x'qalu l-profeti li jħabbru l-gideb f'ismi u jgħidulhom: 
'Kelli ħolma! Kelli ħolma!' [Ġer:23:26] Kemm se jdum sejjer dan? Jaqaw jien 
f'qalb il-profeti li jħabbru l-gideb, li jħabbru t-thewdin ta' moħħhom? 
[Ġer:23:27] Jaħsbu li bil-ħolm tagħhom, li jgħidu wieħed lil ieħor, se jnessu 
ismi lill-poplu, bħalma nsew ismi missirijiethom minħabba Bagħal? [Ġer:23:28] 
Ħalli l-profeta li jkollu xi ħolma, jirrakkonta l-ħolm, u min ikollu l-kelma 
tiegħi, ħa jxandarha bis-sewwa.
X'għandu x'jaqsam it-tiben mal-qamħ? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:29] Jaqaw m'hijiex kelmti bħan-nar, 
jew bħal imterqa tfarrak il-blat? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:30] "Għalhekk jiena kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jisirqu 
kliemi mingħand xulxin. [Ġer:23:31] Arawni, jien kontra l-profeti, Oraklu 
tal-Mulej, li jħaddmu lsienhom u jxandru l-orakli. [Ġer:23:32] Arawni, jien 
kontra l-profeti li jħabbru ħolm giddieb, oraklu tal-Mulej, jirrakkuntaw u 
jqarrqu bil-poplu tiegħi bil-gideb u l-ftaħir fieragħ tagħhom. Jien ma 
bgħatthomx u lanqas ordnajtilhom xejn, u m'huma jagħmlu ebda ġid lil dan 
il-poplu, oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:23:33] "Meta jistaqsik dan il-poplu, jew xi profeta jew xi qassis, u 
jgħidlek: 'X'inhu l-oraklu tal-Mulej?' int għandek twieġeb: 'Intom it-toqol 
tal-Mulej! Għalhekk jiena rmejtkom, jgħid il-Mulej.' 
[Ġer:23:34] "U jekk xi profeta jew xi qassis jew xi ħadd mill-poplu jsemmi 
'l-oraklu tal-Mulej', jien nikkastiga 'l dak il-bniedem u l-familja tiegħu.
[Ġer:23:35] "Hekk għandkom tistaqsu wieħed lil ieħor bejnietkom: 'X'wieġeb 
il-Mulej?' jew 'X'qal il-Mulej?' [Ġer:23:36] Imma l-oraklu tal-Mulej m'għandkomx 
issemmuh aktar, għaliex għal dak li jkun, l-oraklu jkun kliemu stess. Intom 
qegħdin tgħawwġu l-kliem ta' Alla l-ħaj, il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla tagħna.
[Ġer:23:37] Hekk għandkom tistaqsu lill-profeta: 'X'wieġeb il-Mulej?' jew 'X'qal 
il-Mulej?' [Ġer:23:38] Imma jekk tibqgħu tgħidu 'l-oraklu tal-Mulej', allura dan 
jgħid il-Mulej: 'Talli intom bqajtu tgħidu din il-kelma: 'oraklu tal-Mulej', 
meta jien għedtilkom biex ma tgħidux: 'oraklu tal-Mulej', [Ġer:23:39] arawni, 
jien se nerfagħkom bħal toqol u nwaddabkom 'il barra minn quddiemi, lilkom u 
lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom, [Ġer:23:40] inniżżel għajb fuqkom 
għal dejjem u mistħija għal dejjem li qatt ma jintesew.' "
24. Il-qfief bit-tin
[Ġer:24:1] Il-Mulej urieni żewġt iqfief mimlija tin, quddiem it-tempju 
tal-Mulej, wara li Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, ħa fl-eżilju minn 
Ġerusalemm lil Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, u l-prinċpijiet ta' 
Ġuda, u n-nies tas-sengħa u l-ħaddieda, u ħadhom f'Babilonja. 
[Ġer:24:2] Qoffa waħda kien fiha tin tajjeb ħafna, bħat-tin tal-bikri, u l-qoffa 
l-oħra kien fiha tin ħażin ħafna, li ma kontx tista' tieklu minħabba ħżunitu.
[Ġer:24:3] U l-Mulej qalli: "X'inti tara, Ġeremija?" U jien weġibt: "Tin! It-tin 
it-tajjeb, tajjeb tassew; u t-tin il-ħażin, ħażin tassew, u ma tistax tieklu 
minħabba ħżunitu." 
[Ġer:24:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:24:5] "Dan jgħid il-Mulej, 
Alla ta' Iżrael: Bħal dan it-tin tajjeb, jien nitgħaxxaq bl-itturufnati ta' 
Ġuda, li jien bgħatthom minn dan il-pajjiż fl-art tal-Kaldin. [Ġer:24:6] Nixħet 
għajnejja fuqhom għall-ġid tagħhom, u nreġġagħhom lura f'din l-art, u nibnihom 
mill-ġdid u ma nħotthomx; nħawwilhom u ma naqlagħhomx. [Ġer:24:7] Nagħtihom qalb 
li tagħrafni; għax jien il-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla 
tagħhom, meta jerġgħu lura lejja b'qalbhom kollha. 
[Ġer:24:8] "U bħat-tin il-ħażin li ma tistax tieklu minħabba ħżunitu, hekk jgħid 
il-Mulej, hekk nagħmel ma' Sedekija, sultan ta' Ġuda, u mal-prinċpijiet, ma' min 
fadal mill-poplu ta' Ġerusalemm, li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż, u dawk li marru 
jgħammru fl-Eġittu. [Ġer:24:9] Jien nagħmel minnhom waħx għas-saltniet kollha 
ta' l-art, għajb u taqbil, daħk u saħta għall-pajjiżi kollha li fihom inkun 
xerridthom. [Ġer:24:10] U nibgħat f'nofshom ix-xabla, il-ġuħ, il-pesta, sakemm 
ma ntemmhomx mill-art li jien tajt lilhom u lil missirijiethom."
25. Sebgħin sena eżilju
[Ġer:25:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija, għall-poplu kollu ta' Ġuda, fir-raba' 
sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, l-ewwel sena ta' Nabukodonosor, 
sultan ta' Babilonja - [Ġer:25:2] il-kelma li xandar Ġeremija lill-poplu kollu 
ta' Ġuda u n-nies kollha li jgħammru f'Ġerusalemm u qalilhom: 
[Ġer:25:3] "Mis-sena tlittax ta' Ġosija bin Amon, sultan ta' Ġuda, sa dan il-jum 
għaddew issa tlieta u għoxrin sena minn meta ġietni l-kelma tal-Mulej, u jien 
kellimtkom bla heda u intom ma smajtux. [Ġer:25:4] U l-Mulej bagħtilkom 
il-qaddejja tiegħu, il-profeti, bla heda bagħathomlkom, imma intom ma smajtux 
minnhom, u anqas tajtu widen biex tisimgħu. [Ġer:25:5] Dawn kienu jgħidulkom: 
'Erġgħu lura, kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħażen ta' għemilkom, 
u tibqgħu fl-art li l-Mulej ta lilkom u lil missirijietkom minn dejjem u għal 
dejjem. [Ġer:25:6] Tmorrux wara allat oħra, taqduhomx, tadurawhomx; u la 
tinkunix b'għemil idejkom, u jien ma nagħmlilkomx ħsara.' [Ġer:25:7] Imma intom 
ma smajtux minni, oraklu tal-Mulej, biex inkejtuni b'għemil idejkom bi ħsara 
għalikom stess." 
[Ġer:25:8] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 'Talli ma smajtux kelmti, 
[Ġer:25:9] arawni, se nibgħat inġib il-ġnus kollha tat-tramuntana, oraklu 
tal-Mulej, u Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi, u nġibhom 
kontra din l-art u kontra min jgħammar fiha u kontra dawn il-ġnus kollha ta' 
madwarha u nitlaqhom għall-qerda, u nagħmel minnhom waħx, daħk u tħarbit għal 
dejjem. [Ġer:25:10] Nsikket minn nofshom għajat il-ferħ u għajat il-hena, leħen 
l-għarus u leħen l-għarusa, il-ħoss tal-mitħna u d-dawl tal-musbieħ. [Ġer:25:11] 
U din l-art kollha tkun ħerba u xagħra; u għal sebgħin sena jibqgħu dawn il-ġnus 
iservu lis-sultan ta' Babilonja. [Ġer:25:12] U jiġri, mbagħad, li malli jintemmu 
s-sebgħin sena, jien nikkastiga għal dnubhom is-sultan u l-poplu ta' Babilonja, 
oraklu tal-Mulej, u l-art tal-Kaldin, u nagħmel minnha tħarbit għal dejjem. 
[Ġer:25:13] "U jien nagħmel li jseħħ kliemi li jien lissint kontra tagħha, kull 
ma hu miktub f'dan il-ktieb, li Ġeremija ħabbar kontra l-ġnus kollha. 
[Ġer:25:14] Għax għad jaħkmu fuqhom ħafna ġnus u slaten kbar u jien inħallashom 
skond xogħolhom u għemil idejhom.' "
It-tazza ta' għadab il-Mulej
[Ġer:25:15] Dan qalli l-Mulej, Alla ta' Iżrael: "Ħu minn idejja din it-tazza 
nbid, nbid ibaqbaq, u isqiha lill-ġnus li se nibagħtek għandhom. [Ġer:25:16] U 
huma jixorbu, jitbandlu u jitilfu moħħhom minħabba x-xabla li se nibgħat 
f'nofshom."
[Ġer:25:17] U jien ħadt it-tazza minn idejn il-Mulej, u sqejtha lill-ġnus kollha 
li għandhom bagħatni l-Mulej: [Ġer:25:18] Ġerusalemm u l-ibliet kollha ta' Ġuda, 
bis-slaten tagħha, u l-prinċpijiet tagħha, biex nagħmel minnhom ħerba u deżert, 
daħk u saħta bħalma huma llum; [Ġer:25:19] il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u 
l-qaddejja, u l-prinċpijiet tiegħu, u l-poplu tiegħu kollu; [Ġer:25:20] u 
t-taħlit ta' popli u s-slaten kollha ta' art Għus; u s-slaten kollha ta' art 
il-Filistin: Askalon, Gaża, Għekron u l-fdal ta' Asdod; [Ġer:25:21] Edom u Mowab 
u wlied Għammon; [Ġer:25:22] u s-slaten kollha ta' Tir, u s-slaten kollha ta' 
Sidon, fil-qrib u s-slaten tal-gżejjer 'il hinn mill-baħar; [Ġer:25:23] u Dedan, 
u Tema u Buż u 'l dawk kollha li jqaxxru d-dawra ta' rashom; [Ġer:25:24] u 
s-slaten kollha ta' l-Għarab u s-slaten kollha tal-popli mħallta li jgħammru 
fid-deżert; [Ġer:25:25] u s-slaten kollha ta' Żimri u s-slaten kollha ta' Għelam 
u s-slaten kollha tal-Medja; [Ġer:25:26] u s-slaten kollha tat-tramuntana, 
fil-qrib u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet kollha fuq wiċċ l-art. 
U wara dawn kollha jixrob is-sultan ta' Sesak. 
[Ġer:25:27] "U int tgħidilhom: Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' 
Iżrael: 'Ixorbu, iskru, tqallgħu, sa ma taqgħu fl-art u ma tqumux iżjed quddiem 
ix-xabla li se nibgħat f'nofskom.' [Ġer:25:28] U jekk jirruftaw jieħdu t-tazza 
minn idejk biex jixorbuha, għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
Tixorbuha żgur! [Ġer:25:29] Għax arawni, jien se nġib il-ħsara, u se nibda 
mill-belt li fuqha sejjaħ ismi. U taħsbu intom li se teħilsuha? Ma teħilsuhiex, 
għax jien se nsejjaħ ix-xabla għal fuq kull min jgħammar fl-art, oraklu 
tal-Mulej ta' l-eżerċti. 
[Ġer:25:30] "U int ħabbrilhom dan kollu u għidilhom: 
'Il-Mulej għad jgħajjat mill-għoli; 
mill-għamara mqaddsa tiegħu jgħolli leħnu; 
jgħajjat bil-qawwi għal fuq il-mergħa tiegħu; 
għajat bħal ta' l-għassara jgħajjat, 
għal kull min jgħammar fl-art. 
[Ġer:25:31] Dan l-għajat jasal sa truf l-art; 
għax għandu xi jgħid il-Mulej mal-ġnus, 
u se jagħmel ħaqq minn kull bniedem, 
u l-ħżiena se jerħilhom għax-xabla,' " 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:25:32] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Araw! Il-ħsara tgħaddi minn ġens għal ġens, 
u riefnu kbir se jqum minn truf l-art. 
[Ġer:25:33] U jkunu l-maqtulin mill-Mulej dakinhar,
mxerrda minn tarf sa tarf ta' l-art. 
Ma jibkuhomx, ma jiġbruhomx, ma jidfnuhomx; 
u jsiru demel fuq wiċċ l-art. 
[Ġer:25:34] Werżqu, rgħajja, u għajjtu, 
tmiegħku fit-trab, mexxejja tal-merħla, 
jiemkom magħduda għall-qatla, 
bħall-aħjar imtaten għad taqgħu mejta. 
[Ġer:25:35] U ma jkunx hemm kenn għar-rgħajja, 
u anqas ħelsien għall-mexxejja tal-merħla. 
[Ġer:25:36] Jidwi l-għajat tar-rgħajja, 
u t-twerżiq tal-mexxejja tal-merħla, 
għax iħarbat il-Mulej il-mergħat tagħhom; 
[Ġer:25:37] u tħarbtu l-oqsma ħiemda 
minħabba s-saħna tal-korla tal-Mulej. 
[Ġer:25:38] L-iljun iħalli l-bejta tiegħu, 
għax arthom saret ħerba, 
minħabba x-xabla qerrieda, 
u s-saħna ta' l-għadab tiegħu."
26. Id-diskors ta' Ġeremija u l-arrest tal-Profeta
[Ġer:26:1] Fil-bidu tas-saltna ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, ġietni 
l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:26:2] "Hekk jgħid il-Mulej: 'Mur u oqgħod 
fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, kellem lill-ibliet kollha ta' Ġuda, li jiġu biex 
iqimu fit-tempju tal-Mulej; għidilhom il-kliem kollu li ordnajtlek tgħidilhom, 
bla ma tħalli kelma waħda biss. [Ġer:26:3] Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu 
lura kull wieħed minnhom minn triqtu l-ħażina, u jiena nindem mill-ħsara li bi 
ħsiebni nagħmlilhom minħabba l-ħażen ta' għemilhom. 
[Ġer:26:4] "Għidilhom: 'Dan jgħid il-Mulej: Jekk intom ma tisimgħux minni biex 
timxu fuq il-liġi tiegħi li tajtkom, [Ġer:26:5] jiġifieri, biex tisimgħu l-kliem 
tal-qaddejja tiegħi l-profeti li jiena bla heda bgħattilkom, imma li intom ma 
smajtux minnhom, [Ġer:26:6] jiena nagħmel minn dan it-tempju ħerba bħal Silo, u 
lil din il-belt nagħmel minnha wirja ta' saħta għall-ġnus kollha tad-dinja.' "
[Ġer:26:7] Il-qassisin, il-profeti u l-poplu kollu semgħu lil Ġeremija jgħid dan 
il-kliem fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:26:8] Malli Ġeremija temm jgħid kull ma 
l-Mulej kien ordnalu jgħid lill-poplu kollu, il-qassisin u l-profeti u l-poplu 
kollu, qabduh u bdew jgħajjtu: "Ħaqqu l-mewt. [Ġer:26:9] L-għala ħabbart f'isem 
il-Mulej u għedt li bħal Silo għad jiġrilu dan it-tempju, u li din il-belt għad 
issir ħerba bla nies?" U l-poplu kollu nġabar madwar Ġeremija fit-tempju 
tal-Mulej.
[Ġer:26:10] Il-kapijiet ta' Ġuda semgħu b'dan kollu, u telgħu mill-palazz 
tas-sultan fit-tempju tal-Mulej u ħadu posthom fid-daħla tal-bieb il-ġdid 
tat-tempju tal-Mulej.
[Ġer:26:11] Il-qassisin u l-profeti kellmu lill-kapijiet u lill-poplu kollu, u 
qalulhom: "Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt, għax ħabbar kontra din il-belt, kif 
smajtuh b'widnejkom intom stess." 
[Ġer:26:12] Iżda Ġeremija qal lill-qassisin u lill-poplu kollu: "Il-Mulej 
bagħatni nħabbar kontra dan it-tempju u l-belt il-ħwejjeġ kollha li smajtu. 
[Ġer:26:13] Issa, mela, sewwu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u agħtu widen 
għas-sejħa tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-Mulej jindem mid-deni li qal kontra 
tagħkom. [Ġer:26:14] Ngħid għalija, arawni, ninsab f'idejkom: agħmlu bija dak li 
jidhrilkom tajjeb u sewwa. [Ġer:26:15] Imma kunu afu li, jekk intom toqtluni, 
tiċċappsu b'demm bla ħtija, intom u din il-belt u min jgħammar fiha, għax hu 
tassew il-Mulej li bagħatni għandkom biex insemmgħalkom f'widnejkom dawn il- 
ħwejjeġ kollha." 
[Ġer:26:16] Mbagħad il-kapijiet u l-poplu kollu qalu lill-qassisin u l-profeti: 
"Dan ir-raġel ma ħaqqu xejn il-mewt għax hu kellimna f'isem il-Mulej Alla 
tagħna." 
[Ġer:26:17] U qamu xi wħud mill-anzjani tal-pajjiż u kellmu lill-ġemgħa kollha 
tal-poplu u qalulhom: [Ġer:26:18] "Mika l-Morasti li kien ħabbar fi żmien 
Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, kien kellem lill-poplu kollu ta' Ġuda u qalilhom: 
'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
Sijon bħal għalqa għad tinħarat, 
u borġ ġebel għad issir Ġerusalemm, 
u l-għolja tat-tempju masġar għoli ssir.' 
[Ġer:26:19] "Forsi Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, u l-poplu qatgħuhielu għall-mewt? 
Forsi ma beżgħux mill-Mulej u talbuh il-ħniena tal-Mulej u l-Mulej nidem 
mill-ħsara li kien heddidhom biha? Imma aħna se nagħmlu d-dnub kbir bi ħsara 
għalina stess." 
[Ġer:26:20] U kien hemm bniedem ieħor, li kien ħabbar f'isem il-Mulej, Urija bin 
Semajja minn Kirjat-jegħarim. U ħabbar kontra din il-belt u kontra din l-art bi 
kliem ta' Ġeremija. [Ġer:26:21] U sama' kliemu s-sultan Ġeħojakim, u l-qalbiena 
tiegħu, u l-prinċpijiet kollha, u s-sultan fittex li joqtlu, imma, malli Urija 
sama', beża', ħarab u mar jistkenn l-Eġittu. [Ġer:26:22] U s-sultan Ġeħojakim 
bagħat xi nies l-Eġittu, Elnatan bin Għakbor u oħrajn miegħu. [Ġer:26:23] U 
ħarġu lil Urija mill-Eġittu u ġibuh quddiem is-sultan Ġeħojakim. Dan qatlu 
bix-xabla u xeħet 'il ġismu mejjet fil-midfna ta' wlied il-poplu. 
[Ġer:26:24] Iżda id Aħikam bin Safan, kienet ma' Ġeremija biex ma jitilquhx 
f'idejn il-poplu u joqtluh.
27. Il-madmad ta' Babilonja
[Ġer:27:1] Fil-bidu tas-saltna ta' Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, ġiet din il-kelma 
lil Ġeremija mingħand il-Mulej: [Ġer:27:2] "Dan qalli l-Mulej: Agħmel ħbula u 
madmad, u qegħedhom fuq għonqok. [Ġer:27:3] U ibgħathom b'messaġġ lis-sultan ta' 
Edom u s-sultan ta' Mowab, u s-sultan ta' wlied Għammon, u s-sultan ta' Tir, u 
s-sultan ta' Sidon, mal-messaġġiera li ġew Ġerusalemm għand Sedekija, sultan ta' 
Ġuda. [Ġer:27:4] U ordnalhom dal-messaġġ għal sidienhom: 'Dan jgħid il-Mulej ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, dan għandkom tgħidu lis-sidien tagħkom: [Ġer:27:5] 
Jien huwa li għamilt l-art, il-bniedem u l-bhejjem, li jinsabu fuq wiċċ l-art, 
bil-qawwa kbira tiegħi u bi driegħi merfugħ, u nagħtiha lil min jogħġobni. 
[Ġer:27:6] U issa jien tajt dawn l-artijiet kollha f'idejn Nabukodonosor, sultan 
ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi; u sal-bhejjem tax-xagħri tajtu biex jaqduh. 
[Ġer:27:7] U l-ġnus kollha għad jaqdu lilu, u lil ibnu u 'l bin ibnu, sakemm 
jasal żmien pajjiżu wkoll; meta jaħkmuh ħafna slaten qawwija. [Ġer:27:8] U jiġri 
li xi ġens jew xi saltna ma taqdihx lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u 
ma tmiddx għonqha għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja, jien nikkastiga 'l dan 
il-ġens jew saltna bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta, oraklu tal-Mulej, sa ma 
ntemmhom b'idejh. 
[Ġer:27:9] "Mela intom tisimgħux mill-profeti tagħkom, mill-bassara tagħkom, 
mill-ħalliema tagħkom, mill-ħabbara tagħkom u mis-saħħara tagħkom, li qegħdin 
jgħidulkom dan il-kliem: Ma taqdux is-sultan ta' Babilonja. [Ġer:27:10] Għax dan 
kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom biex ibegħdukom minn artkom, għax jien 
inxerridkom, u intom tinqerdu.
[Ġer:27:11] "Imma l-ġens li jmidd għonqu għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja u 
jaqdih, jien inħallih bi kwietu f'artu, oraklu tal-Mulej, biex jaħdimha u 
jgħammar fiha."
[Ġer:27:12] U lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, kellimtu u għedtlu dan kollu: 
"Middu għonqkom għall-madmad tas-sultan ta' Babilonja u aqduh, lilu u l-poplu 
tiegħu, u tgħixu. [Ġer:27:13] Għaliex għandkom tmutu, inti u l-poplu tiegħek, 
bix-xabla u bil-ġuħ u bil-pesta bħalma hedded il-Mulej lil dak il-poplu li ma 
jaqdix lis-sultan ta' Babilonja? 
[Ġer:27:14] "La tisimgħux mill-kliem tal-profeti li qegħdin jgħidulkom: 'Le, ma 
taqdux is-sultan ta' Babilonja', għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. 
[Ġer:27:15] Għax jien ma bgħatthomx, oraklu tal-Mulej, u qegħdin iħabbru l-gideb 
f'ismi biex jiena jkolli nxerridkom u tinqerdu intom u l-profeti li qegħdin 
iħabbrulkom." 
[Ġer:27:16] U lill-qassisin u lil dan il-poplu kollu kellimthom u għedtilhom: 
"Dan jgħid il-Mulej: La tisimgħux l-għajdut tal-profeti tagħkom li qegħdin 
iħabbrulkom u jgħidulkom: 'Araw it-tagħmir tal-Mulej, dalwaqt jiġi lura minn 
Babilonja', għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. [Ġer:27:17] La 
tagħtuhomx widen! Aqdu lis-sultan ta' Babilonja u tgħixu. Għaliex għandha din 
il-belt issir ħerba? [Ġer:27:18] Jekk inhuma tassew profeti u għandhom il-kelma 
tal-Mulej magħhom, ħalli jitolbu lill-Mulej ta' l-eżerċti biex it-tagħmir li 
għad baqa' fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda u f'Ġerusalemm 
ma jmorrux f'Babilonja. 
[Ġer:27:19] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti dwar il-kolonni u l-ħawt 
tal-bronż u l-imqagħad u l-bqija tat-tagħmir li għad baqa' f'din il-belt, 
[Ġer:27:20] li ma ħax Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, meta ħa lil Ġekonija 
bin Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, minn Ġerusalemm għal Babilonja, u l-kbarat 
kollha ta' Ġuda u Ġerusalemm fl-eżilju. 
[Ġer:27:21] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, dwar 
it-tagħmir li għad fadal fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda u 
Ġerusalemm: [Ġer:27:22] 'Kollox għad jittieħed f'Babilonja u hemm jibqgħu 
saż-żmien meta nfittixhom jien, oraklu tal-Mulej, u ntellagħhom u nġibhom lura 
f'dan il-post.' "
28. Ġeremija u Ħananija l-profeta falz
[Ġer:28:1] F'dik is-sena, fil-bidu tas-saltna ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, 
fil-ħames xahar tar-raba' sena, Ħananija bin Għażżur, profeta minn Gibgħon, ġie 
fit-tempju tal-Mulej, u taħt għajnejn il-qassisin u l-poplu kollu qalli: 
[Ġer:28:2] "Hekk jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Jien kissirt 
il-madmad tas-sultan ta' Babilonja. [Ġer:28:3] Sa sentejn oħra, nġib lura f'dan 
il-post it-tagħmir kollu tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor, is-sultan ta' 
Babilonja, ħa minn dan il-post u ġarru fil-Babilonja. [Ġer:28:4] u nraġġa' lura 
wkoll lejn dan il-post lil Ġekonija bin Ġeħojakim, is-sultan ta' Ġuda, u wkoll 
l-itturufnati kollha ta' Ġuda li marru f'Babilonja, oraklu tal-Mulej, għax se 
nkisser il-madmad ta' Babilonja." 
[Ġer:28:5] Mbagħad il-profeta Ġeremija wieġeb lil Ħananija l-profeta taħt 
għajnejn il-qassisin u taħt għajnejn il-poplu kollu, li kienu qegħdin fit-tempju 
tal-Mulej; [Ġer:28:6] u l-profeta Ġeremija qallu: "Sewwa! Jalla l-Mulej jagħmel 
hekk! Jalla l-Mulej jagħmel li jseħħ dak li għadek kemm ħabbart, u jġib lura 
f'dan il-post it-tagħmir tat-tempju tal-Mulej u l-itturufnati kollha minn 
Babilonja. [Ġer:28:7] Madankollu nitolbok tisma' dan li se ngħidlek f'widnejk u 
f'widnejn il-poplu kollu. [Ġer:28:8] Il-profeti li ġew qabli u qablek, sa minn 
żmien ilu, ħabbru gwerra, ġuħ u pesta għal ħafna pajjiżi u saltniet kbar. 
[Ġer:28:9] Imma l-profeta li jħabbar is-sliem ma jingħarafx li hu profeta 
mibgħut tassew mill-Mulej, jekk mhux meta sseħħ il-ħaġa li l-profeta jkun 
ħabbar." 
[Ġer:28:10] Mbagħad il-profeta Ħananija qabad il-madmad minn fuq għonq 
il-profeta Ġeremija u kissru, [Ġer:28:11] u qal Ħannanija quddiem il-poplu 
kollu: "Hekk jgħid il-Mulej: Sa sentejn oħra, hekk se nkisser minn fuq għonq 
il-ġnus kollha l-madmad ta' Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja."
U l-profeta Ġeremija qabad triqtu u telaq.
[Ġer:28:12] Wara li Ħananija, il-profeta, kien kisser il-madmad minn fuq għonq 
il-profeta Ġeremija, il-Mulej kellem lil Ġeremija u qallu: [Ġer:28:13] "Mur 
kellem lil Ħananija u għidlu: Hekk jgħid il-Mulej: 'Int kissirt madmad 
tal-ħatab, iżda minfloku għad ikollok madmad tal-ħadid.' [Ġer:28:14] Għax hekk 
jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Madmad tal-ħadid inqiegħed fuq 
għonq dawn il-ġnus kollha, ħalli jaqgħu lsiera ta' Nabukodonosor, is-sultan ta' 
Babilonja, u jaqduh; għax jien tajtu saħansitra l-bhejjem tax-xagħri.' " 
[Ġer:28:15] Il-profeta Ġeremija qal lil Ħananija l-profeta: "Ħananija, ismagħni, 
nitolbok: ma kienx il-Mulej li bagħtek, imma int ġagħalt lil dan il-poplu 
jittama f'gidba. [Ġer:28:16] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 'Ara, se nqaċċtek minn 
fuq wiċċ l-art, u inti tmut dis-sena stess għax bit-taħbir tiegħek ridt ixxewwex 
kontra l-Mulej!" 
[Ġer:28:17] Ħananija l-profeta miet fis-seba' xahar ta' dik is-sena stess.
29. Ittra lill-itturufnati
[Ġer:29:1] Dan hu l-kliem ta' l-ittra li bagħat Ġeremija l-profeta minn 
Ġerusalemm lill-bqija ta' l-anzjani fl-eżilju u lill-qassisin u lill-profeti u 
lill-poplu kollu, li kien ħadhom Nabukodonosor fl-eżilju f'Babilonja minn 
Ġerusalemm, [Ġer:29:2] wara li kienu ħarġu Ġekonija, is-sultan, u r-reġina-omm u 
l-ewnuki u l-prinċpijiet ta' Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa u l-ħaddieda. 
[Ġer:29:3] L-ittra ntbagħtet permezz ta' Elgħaxa bin Safan, u Ġemarija bin 
Ħilkija, li kien bagħathom Sedekija, sultan ta' Ġuda, lil Nabukodonosor, sultan 
ta' Babilonja, f'Babilonja. L-ittra kienet tgħid hekk: 
[Ġer:29:4] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, lill-itturufnati 
li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: [Ġer:29:5] 'Ibnu djar u 
għammru fihom; ħawwlu ġonna u kulu frotthom; [Ġer:29:6] iżżewwġu n-nisa u nisslu 
subjien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewwġu lill-bniet tagħkom, biex 
jildu subjien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd. 
[Ġer:29:7] 'Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej 
għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom.'
[Ġer:29:8] "Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Tħalluhomx 
iqarrqu bikom il-profeti li hemm f'nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen 
għall-ħolm li qegħdin joħolmu. [Ġer:29:9] Għax m'hux veru li f'ismi qegħdin 
iħabbrulkom; jien ma bgħatthomx,' oraklu tal-Mulej.
[Ġer:29:10] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'Malli jgħaddu s-sebgħin sena minn fuq 
Babilonja, jien inżurkom u ntemm il-wegħda t-tajba li nreġġagħkom lura lejn dan 
il-post. [Ġer:29:11] Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, 
pjanijiet ta' ġid u mhux ta' ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. 
[Ġer:29:12] Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, [Ġer:29:13] 
tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b'qalbkom kollha, [Ġer:29:14] issibuni, 
oraklu tal-Mulej, u jiena nbiddel xortikom u niġborkom minn fost il-ġnus u 
mill-artijiet kollha li xerridtkom fihom, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħkom lura 
lejn il-post li tturufnajtkom minnu.' " 
[Ġer:29:15] "Billi intom għedtu: 'Qajjmilna l-Mulej profeti f'Babilonja', 
[Ġer:29:16] dan jgħid il-Mulej lis-sultan li qiegħed fuq it-tron ta' David u 
l-poplu kollu, li jgħammar f'din il-belt, ħutkom li ma ħarġux magħkom 
itturufnati. [Ġer:29:17] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Arawni, se nibgħat 
f'nofshom ix-xabla, il-ġuħ u l-pesta, u nagħmilhom bħat-tin imħassar li ma 
tiklux, tant kemm hu ħażin. [Ġer:29:18] U nsus għal warajhom bix-xabla, bil-ġuħ 
u bil-pesta u nagħmel minnhom waħx għas-salniet kollha ta' l-art, saħta, 
tkexkix, daħk u għajb għall-ġnus kollha li fosthom inxerridhom, [Ġer:29:19] 
minħabba li ma semgħux kliemi, oraklu tal-Mulej, li jien bgħattilhom bla heda 
permezz tal-qaddejja tiegħi, il-profeti. [Ġer:29:20] Intom, imma, isimgħu 
l-kelma tal-Mulej, intom l-itturufnati kollha, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm 
f'Babilonja. 
[Ġer:29:21] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti Alla ta' Iżrael dwar Aħab bin 
Kolaja u dwar Sedekija bin Magħxija, li qegħdin iħabbrulkom il-gideb f'ismi: 
Arawni, se nerħihom f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u joqtolhom 
quddiemkom. [Ġer:29:22] U mħabba fihom tintuża dis-saħta mill-itturufnati ta' 
Ġuda fil-Babilonja: 'Jalla l-Mulej jagħmillek bħalma għamel ma' Sedekija u ma' 
Aħab, li s-sultan ta' Babilonja xwiehom ħajjin bin-nar. [Ġer:29:23] Għax huma 
għamlu ħwejjeġ moqżieża f'Iżrael: żnew man-nisa ta' għajrhom u xandru kliem 
il-gideb f'ismi li jien ma kkmandajthomx. Jien nafu u nixhdu, oraklu tal-Mulej.'
[Ġer:29:24] "U lil Semajja, in-Neħelami, għidlu: [Ġer:29:25] 'Dan jgħid il-Mulej 
ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Int bgħatt f'ismek ittra lill-poplu kollu li 
jgħammar f'Ġerusalemm, u lil Sefanija bin Magħxija, il-qassis, u lill-qassisin 
kollha u għedtilhom: [Ġer:29:26] 'Il-Mulej għamlek qassis minflok Ġeħojada, 
il-qassis, biex ikun hemm min jieħu ħsieb f'dar il-Mulej ta' kull bniedem miġnun 
li jħabbar, u torbtu, u tixħtu l-ħabs. [Ġer:29:27] Għaliex mela ma ċanfartx lil 
Ġeremija minn Għanatot, li qiegħed iħabbar fostkom? [Ġer:29:28] Għax bagħat 
jgħidilna f'Babilonja: 'Il-biċċa ġejja fit-tul. Ibnu djar u għammru fihom, 
xettlu ġonna u kulu frotthom.' " 
[Ġer:29:29] Sefanija, il-qassis, qara din l-ittra lil Ġeremija. [Ġer:29:30] U 
ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:29:31] "Ibgħat għid 
lill-itturufnati kollha dan li ġej: 'Dan jgħid il-Mulej għal Semajja, 
in-Neħelami. Talli ħabbrilkom Semajja bla ma jien bgħattu u ġagħalkom tittamaw 
f'gidba, [Ġer:29:32] għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani, jien se nieħu ħsieb 
Semajja, in-Neħelami, u nislu: ma jibqagħlu 'l ħadd minnhom li jgħammar f'nofs 
dan il-poplu biex jara l-ġid li jien se nagħmel lill-poplu tiegħi, oraklu 
tal-Mulej, għax hu xandar it-tixwix kontra l-Mulej."
30. Is-salvazzjoni ta' Iżrael
[Ġer:30:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:30:2] "Dan jgħid 
il-Mulej Alla ta' Iżrael: ikteb fi ktieb il-kliem kollu li għedtlek. [Ġer:30:3] 
Għax, araw, ġejjin jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien inbiddel ix-xorti tal-poplu 
tiegħi, Iżrael u Ġuda, jgħid il-Mulej, u nreġġagħhom lura lejn l-art li jien 
tajt lil missirijiethom biex tkun tagħhom." 
[Ġer:30:4] Dan huwa l-kliem li qal il-Mulej għal Iżrael u għal Ġuda: 
[Ġer:30:5] Dan jgħid il-Mulej: 
"Smajna għajta tkexkxek, 
għajta ta' biża', u mhux ta' sliem! 
Ġer:30:6] Stħarrġu u taraw, 
jekk raġel jistax jiled. 
Għala mela rajt l-irġiel b'saħħithom, 
kollha b'idejhom fuq ġenbejhom, 
bħal mara fil-ħlas? 
Għala l-uċuħ kollha sfaru? 
[Ġer:30:7] Ah! Għax kbir hu dak il-Jum, 
u m'hemmx bħalu! 
Żmien ta' diqa jkun għal Ġakobb, 
imma minnu joħroġ salv. 
[Ġer:30:8] "U f'dak il-Jum, oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti, nkisser il-madmad 
tiegħu minn fuq għonqu u nżarrat l-irbit tiegħu, u ma jżommuhx aktar b'ilsir 
il-barranin. [Ġer:30:9] Huma jservu lill-Mulej Alla tagħhom u lil David, 
is-sultan tagħhom, li jien għad inqajjmilhom. 
[Ġer:30:10] U int, Ġakobb il-qaddej tiegħi, la tibżax, 
oraklu tal-Mulej, 
u int Iżrael la titrigħedx. 
Għax, arani, jien se neħilsek 
minn pajjiż 'il bogħod; 
u lil nislek minn art jasarhom; 
u jerġa' lura Ġakobb, u jgħix fis-sliem, 
u jkun fil-kwiet bla biża' ta' xejn. 
[Ġer:30:11] Għax jiena miegħek, 
oraklu tal-Mulej, 
biex insalvak. 
Għax nagħmel straġi mill-ġnus kollha, 
li f'nofshom jien xerridtek. 
Imma minnek ma nagħmilx straġi. 
Nikkastigak skond ma ħaqqek; 
b'xejn ma nħallikx żgur. 
[Ġer:30:12] Għax dan jgħid il-Mulej: Ma hemmx 
fejqan għalik; 
il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex. 
[Ġer:30:13] Ma hemmx min jieħu f'idejh il-kawża 
tiegħek; 
għal ġerħitek m'għandekx duwa u fejqan. 
[Ġer:30:14] Ħbiebek kollha nsewk, m'humiex ifittxuk. 
Għax minħabba l-kotra ta' dnubietek 
sawwattek bħallikieku kont l-għadu tiegħek, 
widdibtek bl-aħrax, 
għax kibru qatigħ ħtijietek. 
[Ġer:30:15] Għalfejn tgħajjat bil-ġerħa tiegħek? 
Ma tfiqx mit-tbenġil tiegħek; 
minħabba l-kotra ta' dnubietek; 
għax kibru ħtijietek 
jien ġibt dan fuqek.
[Ġer:30:16] Għalhekk dawk kollha li belgħuk, 
għad jibilgħuhom; 
u l-għedewwa tiegħek ilkoll, 
għad jispiċċaw fl-eżilju. 
Dawk li neżżgħuk 
għad ineżżgħuhom; 
u dawk li għamlu minnek priża, 
għad nagħmel minnhom priża jien. 
[Ġer:30:17] U nagħlaqlek ġerħatek, 
u nfejjqek mit-tbenġil tiegħek, 
oraklu tal-Mulej. 
Għax sejjħulek: "L-abbandunata", 
"Dik Sijon, ħadd jfittixha", 
[Ġer:30:18] hekk jgħid il-Mulej: 
Araw, se nbiddel ix-xorti ta' tined Ġakobb, 
se nħenn għall-għerejjex tiegħu: 
il-belt tinbena fuq l-għolja tagħha; 
jerġa' jitla' l-palazz fejn kien, 
[Ġer:30:19] u minnhom joħroġ għana ta' radd il-ħajr 
u għana ta' ferħ. 
Nkattarhom, u ma jkunux ftit; 
nkabbarhom u ma jiċkinux. 
[Ġer:30:20] U wliedhom ikunu bħal qabel, 
u quddiemi tinġabar ġemgħathom. 
Jien nikkastiga l-għakkiesa tagħhom. 
[Ġer:30:21] U l-prinċep tagħhom ikun wieħed 
minnhom; 
u l-mexxej tagħhom joħroġ minn nofshom. 
Jien inressqu lejja u hu jersaq lejja; 
għax min se jissogra jersaq lejja minn rajh? 
Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:30:22] U intom tkunu l-poplu tiegħi, 
u jien inkun l-Alla tagħkom. 
[Ġer:30:23] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej! 
Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija, 
li se tfaqqa' fuq ras il-ħżiena. 
[Ġer:30:24] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,
qabel ma tkun għamlet u temmet 
ħsieb moħħu. 
Fl-aħħar jiem għad tifhmuh sewwa."
31. Ir-restawrazzjoni tal-Poplu ta' Iżrael
[Ġer:31:1] "F'dak iż-żmien, oraklu tal-Mulej, jien inkun Alla tat-tribujiet 
kollha ta' Iżrael, u huma jkunu l-poplu tiegħi."
[Ġer:31:2] Dan jgħid il-Mulej: "Il-poplu li ħeles mis-sejf sab ħniena 
fid-deżert: Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu." 
[Ġer:31:3] Mill-bogħod il-Mulej deherlu: "Bi mħabba ta' dejjem ħabbejtek, 
għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik. [Ġer:31:4] Jien nerġa' nwaqqfek fuq 
riġlejk, o xebba ta' Iżrael, u inti tieqaf. Terġa' tiżżejjen bit-tnabar tiegħek, 
u toħroġ tiżfen ferrieħa. [Ġer:31:5] Terġa' tħawwel id-dwieli fuq il-muntanji 
tas-Samarija; il-bdiewa tiegħek iħawwlu u jiġbru l-ewwel frott. [Ġer:31:6] Għax 
jasal jum meta fuq il-muntanja ta' Efrajm l-għassiesa jgħajjtu u jgħidu: 'Qumu, 
ejjew nitilgħu Sijon għand il-Mulej, Alla tagħna.' " 
[Ġer:31:7] Għax dan jgħid il-Mulej: "Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu 
lill-ewlieni fost il-ġnus. Xandru, faħħru u niedu: 'Il-Mulej salva l-poplu 
tiegħu, il-fdal ta' Iżrael.' [Ġer:31:8] Arani, se nġibhom minn art 
it-tramuntana, niġborhom minn truf l-art, lkoll kemm huma, l-għomja u z-zopop, 
in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas: kotra kbira terġa' lura hawn. [Ġer:31:9] 
Jiġu bil-biki, imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura. Immexxihom lejn l-ilma 
ġieri, minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux. Għax jien missier għal Iżrael, 
u Efrajm hu ibni l-kbir. 
[Ġer:31:10] "Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej, 
xandruha 'l bogħod fil-gżejjer: 
għidu: 'Dak li xerred lil Iżrael jiġbru, 
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.' 
[Ġer:31:11] Għax il-Mulej feda lil Ġakobb, 
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu. 
[Ġer:31:12] Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta' Sijon, 
u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej; 
minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt, 
u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar; 
u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb, 
ma jkunux iżjed mifnija. 
[Ġer:31:13] "Mbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin, 
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ; 
u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f'hena, 
nfarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom. 
[Ġer:31:14] Il-qassisin nimliehom bl-abbundanza, 
u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu," 
oraklu tal-Mulej.
Ir-restawrazzjoni ta' Efrajm
[Ġer:31:15] Dan jgħid il-Mulej; "Nstama' leħen f'Rama, lfiq u biki kollu mrar, 
Rakel titbekka għal uliedha, ma tridx taf b'sabar, għax iżjed m'humiex." 
[Ġer:31:16] Dan jgħid il-Mulej: "Żomm leħnek 'il bogħod mill-biki, għajnejk 'il 
bogħod mid-dmugħ, għax hemm ħlas għal taħbitek, oraklu tal-Mulej, għax huma għad 
jerġgħu lura minn pajjiż l-għadu. [Ġer:31:17] Hemm tama għall-ġejjieni, oraklu 
tal-Mulej, uliedek għad jerġgħu lejn arthom. 
[Ġer:31:18] "Jien smajt tajjeb lil Efrajm jitkarrab: 'Inti kkastigajtni, u jien 
ħadt il-kastig bħal għoġol bla taħriġ. Reġġagħni lura u jien nerġa' lura, għax 
inti l-Mulej Alla tiegħi. [Ġer:31:19] Wara li tbigħedt u ndimt, wara li 
tgħallimt, jien ħabbatt fuq wirki. Jien stħajt u tħawwadt, għax inġib fuqi 
l-għajb ta' żgħożiti.' 
[Ġer:31:20] Jaqaw Efrajm l-iben għażiż! Jaqaw it-tfajjel ta' l-għaxqa tiegħi? 
Għax kull meta nitkellem kontrieh, jien niftakar aktar fih. Għalhekk ġewwenija 
mqanqla għalih; u żgur li nħenn għalih, oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:31:21] "Waqqaf għalik il-plieri, qiegħed għalik is-sinjali, moħħok hemm fuq 
il-mogħdija, it-triq li minnha għaddejt. Erġa' lura, xbejba ta' Iżrael, erġa' 
lura lejn blietek. [Ġer:31:22] Kemm se ddum ittalla' u tniżżel, ja bint 
xewwiexa? Il-Mulej ħalaq ħaġa ġdida fl-art: il-mara ddawwar ir-raġel."
Ir-restawrazzjoni ta' Ġuda
[Ġer:31:23] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Meta jien inkun 
biddiltilhom xortihom fl-art ta' Ġuda u fi blietha, għad jerġgħu jgħidu dan 
il-kliem: 'Jalla jbierkek il-Mulej, għamara tas-sewwa, għolja qaddisa!' 
[Ġer:31:24] U għad jgħammru fiha Ġuda u blietha, il-bdiewa u dawk li jiġġerrew 
bl-imrieħel. 
[Ġer:31:25] "Għax jien naħji kull ruħ mifnija, u nxabba' kull ruħ għajjiena. 
[Ġer:31:26] Għalhekk stenbaħt u ħarist, u ngħasi ħassejtu ħelu. 
[Ġer:31:27] "Araw, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien niżra' d-dar ta' 
Iżrael, u d-dar ta' Ġuda, b'żerriegħa tal-bniedem u b'żerriegħa tal-bhejjem. 
[Ġer:31:28] U jiġri li bħalma għassist fuqhom biex naqla' u nkisser, biex 
inġarraf u neqred, biex nagħmel il-ħsara, hekk ngħasses fuqhom biex nibni u 
nħawwel, oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:31:29] "F'dawk il-jiem ma jgħidux iżjed: 'il-missirijiet kielu l-għeneb 
qares, u ddarrsu snien l-ulied.' [Ġer:31:30] Iżda kull wieħed imut għal dnubu; 
kull min jiekol l-għeneb qares, jiddarrsu snienu."
Il-patt il-ġdid
[Ġer:31:31] "Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt 
ġdid ma' dar Iżrael u dar Ġuda; [Ġer:31:32] mhux bħall-patt li għamilt ma' 
missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta' 
l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:31:33] "Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma' dar Iżrael wara dawk 
il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f'qalbhom; 
u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. [Ġer:31:34] Ma jgħallmux 
iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: 'Agħraf il-Mulej', għaliex ilkoll 
kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien 
naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx." 
[Ġer:31:35] Dan jgħid il-Mulej, 
li għamel ix-xemx għad-dawl binhar, 
il-qamar u l-kwiekeb b'liġijiethom 
għad-dawl billejl; 
li jqanqal il-baħar u jgargru mwieġu, 
Jaħweh ta' l-eżerċti ismu: 
[Ġer:31:36] "Daqskemm qatt jistgħu jitwarrbu minn 
quddiemi 
dawn il-liġijiet, oraklu tal-Mulej, 
daqshekk nisel Iżrael jieqaf milli jkun 
għal dejjem poplu quddiemi." 
[Ġer:31:37] Dan jgħid il-Mulej: 
"Jekk is-smewwiet fl-għoli jistgħu jitkejjlu, 
u jinkixfu s-sisien tad-dinja minn taħt, 
jien inwarrab in-nisel kollu ta' Iżrael, 
għal kull ma għamlu," 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:31:38] "Araw, għad jiġu l-jiem, oraklu tal-Mulej, meta l-belt terġa' 
tinbena għall-Mulej, mit-torri ta' Ħananel sa Bieb ix-Xewka. [Ġer:31:39] U 
l-ħabel tal-kejl iwassal aktar 'il quddiem dritt sa l-għolja ta' Gareb u mbagħad 
idur lejn Gogħa. [Ġer:31:40] U l-wied kollu tal-katavri u l-irmied, u r-raba' 
kollu sal-wied ta' Kedron sax-xewka ta' Bieb iż-Żwiemel fuq il-lvant ikunu 
kkonsagrati lill-Mulej, u ma jkunu qatt iżjed imġarrfa jew meqruda."
32. Ġeremija jixtri għalqa
[Ġer:32:1] Il-kelma li ġiet 'il Ġeremija mingħand il-Mulej fl-għaxar sena ta' 
Sedekija, sultan ta' Ġuda, it-tmintax-il sena ta' Nabukodonosor. [Ġer:32:2] 
F'dak iż-żmien l-eżerċtu tas-sultan ta' Babilonja kien qiegħed jassedja 'l 
Ġerusalemm, u Ġeremija kien magħluq fil-bitħa ta' l-għassa li kien hemm 
fil-palazz tas-sultan ta' Ġuda. [Ġer:32:3] Kien għalqu Sedekija u qallu: 
"Għaliex qiegħed tħabbar u tgħid: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani, sa nitlaq din 
il-belt f'idejn is-sultan ta' Babilonja, u hu jaħtafha. [Ġer:32:4] U Sedekija, 
sultan ta' Ġuda, ma jeħlishiex minn idejn il-Kaldin, għax se jkun mitluq żgur 
f'idejn is-sultan ta' Babilonja. Għad jitkellmu fomm għal fomm u jaraw lil 
xulxin wiċċ imb wiċċ. [Ġer:32:5] U Sedekija jiħduh f'Babilonja u jibqa' hemm sa 
ma nieħu ħsiebu jien, oraklu tal-Mulej. Għax jekk intom titqabdu mal-Kaldin, 
m'intom se tagħmlu xejn.'?"
[Ġer:32:6] U Ġeremija qal: "Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:32:7] Ara! 
Ħanamel bin Sallun, zijuk, ġej għandek biex jgħidlek: 'Ixtri għalik l-għalqa 
tiegħi li hemm f'Għanatot, għax int għandek id-dritt li tixtriha u tifdiha.' "
[Ġer:32:8] U ġie għandi Ħanamel, bin zijuwi, bħalma kien qalli l-Mulej, 
fil-bitħa ta' l-għassa u qalli: "Ixtri l-għalqa tiegħi li hemm f'Għanatot li 
tiġi fl-art ta' Benjamin, għax int għandek id-dritt tal-propjetā u tifdiha. 
Ixtriha!" U għaraft li kienet il-kelma tal-Mulej. 
[Ġer:32:9] U xtrajt l-għalqa mingħand Ħanamel, bin zijuwi, li kienet f'Għanatot, 
u wiżintlu l-flus, sbatax-il xekel tal-fidda. 
[Ġer:32:10] U mbagħad ktibt il-kuntratt u ssiġillajtu, sejjaħt ix-xhieda u 
wiżint il-flus fil-miżien. [Ġer:32:11] U ħadt il-kitba tax-xiri ssiġillata li 
kien fiha l-ftehim u l-kundizzjonijiet, u l-kopja miftuħa. [Ġer:32:12] U tajt 
dan il-kuntratt tax-xiri lil Bāruk bin Nerija, bin Maħseja, quddiem Ħanamel bin 
zijuwi, u quddiem ix-xhieda, li kienu ffirmaw dan il-kuntratt tax-xiri, u 
quddiem il-Lhud kollha li kienu qegħdin fil-bitħa ta' l-għassa. [Ġer:32:13] U 
ordnajt lil Bāruk quddiemhom u għedtlu: [Ġer:32:14] "Dan jgħid il-Mulej ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Ħu dawn il-kitbiet, dan il-kuntratt tax-xiri, 
il-kopja ssiġillata u l-kopja l-miftuħa, u qegħedhom f'ġarra tal-fuħħar biex 
jibqgħu sħaħ għal ħafna żmien. [Ġer:32:15] Għax dan jgħid il-Mulej ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Għad jerġgħu jinxtraw djar, raba' u oqsma 
tad-dwieli f'dan il-pajjiż.' "
It-talba ta' Ġeremija
[Ġer:32:16] U wara li tajt il-kuntratt tax-xiri lil Bāruk bin Nerija, tlabt 
lill-Mulej u għedtlu: [Ġer:32:17] "O Sidi, Mulej, ara, int għamilt is-smewwiet u 
l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bi driegħek merfugħ, xejn m'hu impossibli 
għalik! [Ġer:32:18] Inti tagħmel il-ħniena għal elf ġenerazzjoni u tħallas 
il-ħażen tal-missirijiet f'ħoġor uliedhom warajhom. Int Alla kbir u qawwi, 
Jaħweh ta' l-eżerċti ismek! [Ġer:32:19] Kbir fl-għaqal u setgħan fl-għemil, 
għajnejk miftuħa fuq it-triqat kollha tal-bnedmin biex tagħti lil kulħadd skond 
imġibtu u skond frott għemilu. [Ġer:32:20] Int għamilt sinjali u għeġubijiet 
fl-art ta' l-Eġittu, u sa issa int għamilt isem fost Iżrael u l-bnedmin kollha, 
kif inhu llum. [Ġer:32:21] Int ħriġt il-poplu tiegħek Iżrael mill-art ta' 
l-Eġittu b'sinjali u għeġubijiet, u b'id qawwija u bi driegħek merfugħ, u 
b'biża' kbir. [Ġer:32:22] U inti tajthom din l-art li kont wegħedt u ħlift lil 
missirijiethom, li tagħtihom art tnixxi ħalib u għasel. [Ġer:32:23] U daħlu 
fiha, u ħaduha f'idejhom, imma ma semgħux minn kliemek, u ma mxewx skond il-liġi 
tiegħek, u kull ma int ordnajtilhom li jagħmlu ma għamluhx, u int ġibt fuqhom 
din il-ħsara kollha. [Ġer:32:24] Ara, issa r-rampi laħqu biex jieħdu l-belt, u 
l-belt tingħata f'idejn il-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għaliha, minħabba x-xabla, 
il-ġuħ u l-pesta. Kull ma ħabbartilna int, qiegħed iseħħ. [Ġer:32:25] U inti, 
Sidi l-Mulej, għedtli: 'Ixtri għalik l-għalqa bil-flus, sejjaħ ix-xhieda', għax 
il-belt se tingħata f'idejn il-Kaldin!"
It-tweġiba ta' Alla
[Ġer:32:26] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:32:27] "Arani! 
Jien il-Mulej, Alla tal-bnedmin kollha: hemm xi ħaġa li ma tistax tkun għalija? 
[Ġer:32:28] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani! Jien se nitlaq il-belt f'idejn 
il-Kaldin u f'idejn Nabukodonosor, is-sultan ta' Babilonja, u jaħtfuha. 
[Ġer:32:29] U jiġu l-Kaldin jaħbtu għal din il-belt, jagħtuha n-nar, u jaħarqu 
l-inċens lil Bagħal, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni. 
[Ġer:32:30] "Għax wlied Iżrael u wlied Ġuda m'għamlux ħlief ħażen taħt għajnejja 
sa minn żgħożithom; tassew, ulied Iżrael m'għamlux ħlief inkewni b'għemil 
idejhom, oraklu tal-Mulej. [Ġer:32:31] Għax din il-belt sa minn mindu bnewha sa 
llum kienet il-kaġun ta' l-għadab u l-qilla tiegħi; għalhekk issa jkolli 
niknisha minn quddiemi [Ġer:32:32] minħabba l-ħażen kollu ta' wlied Iżrael u 
wlied Ġuda li għamlu biex jinkuni, huma, is-slaten tagħhom, il-prinċpijiet 
tagħhom, il-qassisin tagħhom, il-profeti tagħhom u n-nies ta' Ġuda u dawk li 
jgħammru f'Ġerusalemm. [Ġer:32:33] Huma dawwru wiċċhom minni u tawni daharhom. 
Jien għallimthom bla heda, imma huma ma semgħux, u ma kinux lesti jieħdu 
l-korrezzjoni. [Ġer:32:34] Anzi waslu saħansitra li jwaqqfu l-qżież ta' l-idoli 
tagħhom fid-dar fejn jissejjaħ ismi, u jniġġsuha. [Ġer:32:35] U bnew 
is-santwarji ta' Bagħal f'wied Ben Ħinnom biex jgħaddu min-nar lis-subjien u 
bniet tagħhom f'ġieħ Molok, ħaġa li jien ma ordnajthilhomx; qatt ma għaddieli 
minn moħħi li nagħmel ħaġa mistmella bħal din, li nwaqqa' fid-dnub lil Ġuda. 
[Ġer:32:36] "Issa għalhekk: Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael, dwar din 
il-belt, li intom qegħdin tgħidu li 'se tintreħa f'idejn is-sultan ta' Babilonja 
bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta': [Ġer:32:37] Arawni, jien niġborhom 
mill-artijiet kollha li fihom xerridthom fl-għadab tiegħi, fis-saħna u l-qilla 
kbira tiegħi, u nġibhom lura f'dan il-post, u nagħmel li jgħammru fiż-żgur 
b'moħħhom mistrieħ. [Ġer:32:38] U huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun Alla 
tagħhom. [Ġer:32:39] U nagħtihom qalb waħda u nqabbadhom triq waħda, biex dejjem 
ikollhom il-biża' tiegħi għall-ġid tagħhom u ta' wliedhom warajhom. [Ġer:32:40] 
U nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma niqafx milli nagħmlilhom il-ġid. U 
nqiegħed il-biża' tiegħi f'qalbhom, biex ma jitbegħdux minni. [Ġer:32:41] 
L-għaxqa tiegħi tkun li nagħmlilhom il-ġid u nħawwilhom f'din l-art fis-sewwa, 
b'qalbi kollha u b'ruħi kollha. 
[Ġer:32:42] "Għax dan jgħid il-Mulej: 'Kif ġibt fuq dan il-poplu din il-ħsara 
kollha, hekk issa għad inġib fuqhom il-ġid kollu li jien wegħedthom. [Ġer:32:43] 
U jibqa' jinxtara r-raba' f'din l-art li intom qegħdin tgħidu li 'se ssir ħerba, 
bla nies u bla bhejjem, u tingħata f'idejn il-Kaldin'. [Ġer:32:44] Jinxtara 
r-raba' bil-flus, jinkitbu l-kuntratti, jissiġillawhom u jissejjħu x-xhieda 
fl-art ta' Benjamin u fl-inħawi ta' Ġerusalemm, fl-ibliet ta' Ġuda u fl-ibliet 
tal-muntanji, u fl-ibliet tas-Sefela u fl-ibliet tan-Negeb, għax jien għad 
inbiddlilhom xortihom,' oraklu tal-Mulej."
33. Ir-restawrazzjoni ta' Ġerusalemm
[Ġer:33:1] U ġiet il-kelma tal-Mulej għat-tieni darba lil Ġeremija, meta kien 
għadu magħluq fil-bitħa ta' l-għassa u qallu: [Ġer:33:2] "Dan jgħid il-Mulej, li 
għamel l-art, sawwarha u wettaqha, Jaħweh ismu: [Ġer:33:3] 'Sejjaħli u jien 
inwieġbek u ngħidlek bi ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ mistura li int ma toħlomhomx.' 
[Ġer:33:4] "Għax dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, dwar id-djar ta' din 
il-belt u d-djar tas-sultan ta' Ġuda mġarrfin minħabba l-assedju u x-xabla. 
[Ġer:33:5] Il-Kaldin ġejjin biex jissieltu u jimlewhom bl-iġsma mejta ta' nies 
li jien drabt fl-għadab u l-qilla tas-saħna tiegħi. Jien ħbejt wiċċi minn din 
il-belt minħabba l-ħażen kollu tagħhom. 
[Ġer:33:6] "Arawni, jien se nagħlqilhom il-ġerħa; ndewwihom u nfejjaqhom, u 
nurihom il-kotra tas-sliem sħiħ għal dejjem. [Ġer:33:7] U jien inbiddel ix-xorti 
ta' Ġuda u x-xorti ta' Iżrael, u nibnihom bħalma kienu fil-bidu. [Ġer:33:8] U 
nnaddafhom mill-ħażen kollu tagħhom li bih offendewni u naħfrilhom dnubiethom 
kollha li bihom offendewni u qamu kontrija. [Ġer:33:9] U din il-belt tkun 
għalija ferħ, tifħir, u glorja fost il-popli ta' l-art, li għad jisimgħu bil-ġid 
li nkun għamilt magħhom. U dawn għad jitbeżżgħu u jitriegħdu minħabba l-ġid 
kollu u s-sliem li għad nagħmlilhom. 
[Ġer:33:10] "Dan jgħid il-Mulej: F'dan il-post li intom qegħdin tgħidu: 'Sar 
ħerba, bla nies li jgħixu fihom u bla bhejjem', u bl-ibliet ta' Ġuda u fit-toroq 
ta' Ġerusalemm, mħarbtin, bla nies u bla bhejjem, għad jinstema' [Ġer:33:11] 
l-għajat ta' ferħ u l-għajat ta' hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, l-għana 
ta' dawk li jgħidu: 'Faħħru lill-Mulej ta' l-eżerċti, għax tajjeb il-Mulej, u 
l-ħniena tiegħu għal dejjem', huma u jġibu f'dar il-Mulej l-offerti ta' radd 
il-ħajr; għax jien inbiddel ix-xorti tal-pajjiż bħalma kien fil-bidu, jgħid 
il-Mulej. 
[Ġer:33:12] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: Għad ikun hawn f'dan il-post, 
mħarbat, bla nies u bla bhejjem, u fl-ibliet kollha tiegħu, mergħat fejn 
ir-rgħajja jserrħu l-imrieħel tagħhom. [Ġer:33:13] Fl-ibliet kollha 
tal-muntanji, fl-ibliet tas-Sefela, fl-ibliet tan-Negeb, fl-art ta' Benjamin u 
fl-inħawi ta' madwar Ġerusalemm, fl-ibliet ta' Ġuda, għad jgħaddu l-imrieħel 
minn taħt idejn min jgħoddhom, jgħid il-Mulej."
Restawrazzjoni tal-monarkija
[Ġer:33:14] "Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Iżrael u 
dar Ġuda l-ġid li wegħedthom. [Ġer:33:15] F'dawk il-jiem u f'dak iż-żmien 
intalla' min-nisel ta' David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u 
s-sewwa fil-pajjiż. [Ġer:33:16] F'dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm 
tgħammar b'moħħha mistrieħ, u għalhekk isejjħulha: 'Il-Mulej is-sewwa tagħna.'
[Ġer:33:17] "Għax dan jgħid il-Mulej; 'Ma jonqos qatt bniedem min-nisel ta' 
David biex joqgħod fuq it-tron ta' dar Iżrael. [Ġer:33:18] U ma jonqosx bniedem 
min-nisel tal-qassisin ta' Levi minn quddiemi biex joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq 
u jaħraq l-offerti u jagħmel is-sagrifiċċji kull jum.' " 
[Ġer:33:19] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:20] "Dan 
jgħid il-Mulej: Jistax jinkiser il-patt tiegħi mal-jum u l-patt tiegħi mal-lejl, 
b'mod li ma jkunx hemm jum jew lejl f'waqthom? [Ġer:33:21] Daqshekk ieħor jista' 
jinkiser il-patt tiegħi ma' David, il-qaddej tiegħi, u ma jkun hemm ħadd minn 
uliedu li jsaltan fuq it-tron tiegħu, u mal-Leviti, il-qassisin, qaddejja 
tiegħi. [Ġer:33:22] Għax daqs kemm huma l-qtajja' tas-smewwiet li ma jingħaddux 
u r-ramel tal-baħar li ma jitkejjilx, daqshekk ieħor għad inkattar nisel David u 
l-Leviti jservuni." 
[Ġer:33:23] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:24] "Ma 
rajtx x'inhu jgħid dan il-poplu: 'Il-Mulej warrab iż-żewġ tribujiet li kien 
għażel?' Hekk qegħdin imaqdru l-poplu tiegħi u ma jqisuhx aktar nazzjon 
f'għajnejhom. 
[Ġer:33:25] "Dan jgħid il-Mulej: 'Irid ma jkunx hemm aktar patt bejni u bejn 
il-jum u l-lejl, irid ma nżommx il-liġijiet tas-sema u l-art, [Ġer:33:26] biex 
tassew inwarrab nisel Ġakobb u David il-qaddej tiegħi u ma nagħżilx aktar 
min-nisel tiegħu nies li jsaltnu fuq nisel Abraham, Iżakk u Ġakobb. Għax jien 
għad inbiddlilhom xortihom u nħenn għalihom.' "
34. Ġeremija jwiddeb lil Sedekija
[Ġer:34:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej, meta Nabukodonosor, 
sultan ta' Babilonja, l-eżerċtu tiegħu kollu, is-saltniet kollha ta' l-art taħt 
il-ħakma ta'idejh, u l-popli kollha kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u 
l-ibliet tagħha, u qallu: [Ġer:34:2] "Dan jgħid il-Mulej Alla ta' Iżrael: mur u 
kellem lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u għidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani se 
nerħi din il-belt f'idejn is-sultan ta' Babilonja, u dan jaħraqha bin-nar. 
[Ġer:34:3] U int ma teħlishiex minn idejh, għax jaqbduk żgur u jerħuk f'idejh, u 
s-sultan ta' Babilonja tarah wiċċ imbwiċċ, u hu jkellmek minn fomm għal fomm. U 
int tmur Babilonja. 
[Ġer:34:4] "Imma isma' l-kelma tal-Mulej, inti Sedekija, sultan ta' Ġuda; għax 
dan jgħidlek il-Mulej: Int ma tmutx bix-xabla! [Ġer:34:5] Tmut fis-sliem, u 
bħalma ħarqu l-bħur għal missirijietek li kienu qablek sa mill-bidu, hekk għad 
jaħarqu l-bħur għalik u jitniehdu għalik: 'Jaħasra, sidi!' Għax jien għedt din 
il-kelma." Oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:34:6] U kellem il-profeta Ġeremija lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u qallu 
dan il-kliem kollu f'Ġerusalemm, [Ġer:34:7] meta l-eżerċti tas-sultan ta' 
Babilonja kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u għall-bqija kollha ta' l-ibliet 
ta' Ġuda - Lakis u Għażeka - għax dawn biss kien għad fadal mill-ibliet 
iffortifikati kollha ta' Ġuda.
It-tradiment ta' l-għonja
[Ġer:34:8] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li s-sultan 
Sedekija kien għamel patt mal-poplu li kien f'Ġerusalemm, meta kien nidielhom 
il-ħelsien, [Ġer:34:9] jiġifieri, li kulħadd jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu Lhudi 
u kull wieħed l-ilsira tiegħu Lhudija, u b'hekk ħadd aktar ma jżomm fil-jasar 
lil ħutu Lhud. [Ġer:34:10] U l-prinċpijiet u l-poplu li kienu daħlu f'dan 
il-patt li kull wieħed jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira 
tiegħu, sabiex ma jżommhomx aktar fil-jasar, semgħu u bagħtuhom ħielsa. 
[Ġer:34:11] Imma mbagħad reġgħu lura minn kelmthom u reġgħu ħadu lura dawn 
l-ilsiera, rġiel u nisa, li kienu bagħtuhom ħielsa, u għamlu minnhom ilsiera, 
rġiel u nisa, mill-ġdid.
Kastig għal kulħadd
[Ġer:34:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:34:13] "Dan 
jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Jien kont dħalt f'patt ma' missirijietkom 
dakinhar li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar, u għedtilhom: 
[Ġer:34:14] 'Fi tmiem is-seba' snin int għandek tibgħat ħieles lil ħuk Lhudi, li 
jkun inbiegħ lilek; hu jaħdimlek għal sitt snin, mbagħad tibagħtu ħieles minn 
miegħek!' Imma missirijietkom ma semgħux minni u anqas tawni widen. 
[Ġer:34:15] "Intom illum indimtu, u għamiltu s-sewwa f'għajnejja, u nidejtu 
l-ħelsien kull wieħed lil għajru, u għamiltu patt quddiemi fid-dar li fuqha 
jissejjaħ ismi. [Ġer:34:16] Imma issa rġajtu lura minn kelmtkom, u kasbartu 
ismi; rġajtu ħadtu lura kull wieħed l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira 
tiegħu, li kontu bgħattuhom ħielsa b'rajhom f'idejhom u ġegħeltuhom iservukom 
ta' lsiera, rġiel u nisa. 
[Ġer:34:17] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Intom ma smajtux minni li tniedu 
l-ħelsien, kull wieħed lil ħuh u kull wieħed li għajru. Arawni, issa nnidilkom 
il-ħelsien, oraklu tal-Mulej. Nerħikom għax-xabla, għall-pesta, u għall-ġuħ, u 
nagħmel minnkom waħx għas-saltniet kollha ta' l-art. [Ġer:34:18] U dawk li kisru 
l-patt tiegħi, li ma żammewx il-kelma tal-patt li għamlu quddiemi, nagħmlilhom 
bħall-għoġol, li qasmu fi tnejn, u għaddew minn bejn il-bċejjeċ tiegħu. 
[Ġer:34:19] "U l-prinċpijiet ta' Ġuda, u l-prinċpijiet ta' Ġerusalemm, 
l-uffiċjali u l-qassisin, u l-poplu kollu ta' l-art, li għaddew minn bejn 
il-bċejjeċ ta' l-għoġol, [Ġer:34:20] lil dawn kollha se nerħihom f'idejn 
l-għedewwa tagħhom, u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u l-iġsma 
mejta tagħhom ikunu ikel għat-tajr ta' l-ajru, u l-bhejjem ta' l-art. 
[Ġer:34:21] Lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu nerħihom 
f'idejn l-għedewwa tagħhom u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u 
f'idejn l-eżerċtu tas- sultan ta' Babilonja, li qegħdin jitbiegħdu minnkom. 
[Ġer:34:22] "Arawni, se nagħti ordni, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħhom lura għal 
din il-belt, jaħbtu għaliha, jaqbduha f'idejhom, u jaħarquha bin-nar. L-ibliet 
ta' Ġuda ħerba nagħmel minnhom u ħadd ma jgħammar fihom."
35. Ir-Rekabin
[Ġer:35:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej fi żmien Ġeħojakim 
bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, u qallu: [Ġer:35:2] Mur fid-dar tar-Rekabin, 
kellimhom u ġibhom f'dar il-Mulej f'waħda mill-kmamar, u isqihom l-inbid.
[Ġer:35:3] Jiena għalhekk ħadt lil Ġażanija bin Ġeremija, bin Ħabassinija, u 'l 
ħuh, u 'l uliedu kollha, u d-dar kollha tar-Rekabin, [Ġer:35:4] u daħħalthom 
fid-dar tal-Mulej fil-kamra ta' wlied Ħanan bin Igdalija, bniedem ta' Alla, li 
kien qrib il-kamra tal-prinċpijiet fuq il-kamra ta' Magħxija bin Sallum, 
Għassies l-Għatba. 
[Ġer:35:5] U jien qegħedt quddiem il-familja tar- Rekabin tazzi u kwies mimlijin 
bl-inbid u għedtilhom: Ixorbu l-inbid. [Ġer:35:6] U huma qaluli: "Ma nixorbux 
inbid! Għax Ġeħonadab bin Rekab ordnalna u qalilna: La tixorbu qatt inbid, la 
intom u lanqas uliedkom. [Ġer:35:7] Tibnux djar, u tiżirgħux żerriegħa, 
ixxettlux dwieli, u ma jkollkom anqas waħda, għaliex intom tgħixu fit-tined 
għomorkom kollu, biex tgħixu għal ħafna żmien fuq wiċċ l-art li intom fiha nies 
stranġiera. [Ġer:35:8] Aħna smajna mill-kelma ta' Ġeħonadab bin Rekab, 
missierna, u qgħadna għal kull ma ordnalna, jiġifieri li ma nixorbux inbid 
ħajjitna kollha, aħna, niesna, in-nisa tagħna, is-subjien u l-bniet tagħna; 
[Ġer:35:9] li ma nibnux djar biex ngħammru fihom u li ma jkollniex dwieli, raba' 
jew għelieqi għaż-żrigħ. [Ġer:35:10] Aħna ngħixu fit-tined u smajna u għamilna 
kull ma ordnalna Ġeħonadab, missierna. [Ġer:35:11] Meta, mbagħad, Nabukodonosor, 
sultan ta' Babilonja, tela' għall-pajjiż għedna: Ejjew ħa mmorru Ġerusalemm biex 
neħilsu mill-eżerċtu tal-Kaldin u mill-eżerċtu ta' l-Aramin; u hekk bqajna 
ngħammru f'Ġerusalemm."
Id-diżubbidjenza ta' Ġuda
[Ġer:35:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:35:13] "Dan 
jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael, mur u għid lin-nies ta' Ġuda u 
n-nies li joqogħdu Ġerusalemm: 'Ma teħdux intom it-tagħlima u tisimgħu minn 
kliemi? Oraklu tal-Mulej.' 
[Ġer:35:14] "Kliem Ġeħonadab bin Rekab seħħ, li bih ordna lil uliedu li ma 
jixorbux inbid; u huma ma xorbuhx sa llum, għax qagħdu għall-ordni ta' 
missierhom. U jiena kellimtkom fuq li kellimtkom bla heda, u intom ma smajtux 
minni. [Ġer:35:15] U jien bgħattilkom fuq li bgħattilkom bla heda l-qaddejja 
tiegħi l-profeti biex jgħidulkom: 'Erġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, 
u tejjbu għemilkom, u la tmorrux wara allat oħra biex isservuhom, u hekk tkunu 
tistgħu tgħammru fl-art li tajt lilkom u lil missirijietkom; u intom la tajtuni 
widen u lanqas smajtu minni. 
[Ġer:35:16] "Għax tassew żammew ulied Ġeħonadab bin Rekab, l-ordni li tahom 
missierhom, imma minni dan il-poplu ma semax. [Ġer:35:17] Għalhekk dan jgħid 
il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Arawni, se nġib fuq Ġuda u fuq 
in-nies li jgħammru f'Ġerusalemm il-ħsara kollha li semmejtilhom għax jien 
kellimthom u huma ma semgħux, sejjaħtilhom u huma ma weġbux.' " 
[Ġer:35:18] U kellem Ġeremija lid-dar tar-Rekabin: "Dan jgħid il-Mulej ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Talli intom obdejtu l-ordni ta' Ġeħonadab 
missierkom, u ħaristu l-preċetti tiegħu, u għamiltu kollox skond ma ordnalkom, 
[Ġer:35:19] għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Ma 
jonqos qatt li xi ħadd min-nisel ta' Ġeħonadab bin Rekab ikun dejjem quddiemi.' 
"
36. Il-Profeta jikteb l-orakli tiegħu
[Ġer:36:1] U ġara li fir-raba' sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, 
ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:36:2] "Ħu romblu 
tal-kitba, u ikteb fuqu l-kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, 
u dwar il-ġnus kollha minn mindu kellimtek fi żmien Ġosija sa dan il-jum. 
[Ġer:36:3] Għandu mnejn id-dar ta' Ġuda, meta jisimgħu bil-ħsara li għandi 
f'rasi li nagħmlilhom, jerġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u jien 
naħfrilhom ħżunithom u dnubiethom." 
[Ġer:36:4] U Ġeremija sejjaħ lil Bāruk bin Nerija, u Bāruk beda jikteb minn fomm 
Ġeremija l-kliem kollu tal-Mulej, li l-Mulej kien qallu, fuq ir-romblu 
tal-kitba.
Il-qari ta' l-orakli fit-tempju
[Ġer:36:5] U Ġeremija ordna lil Bāruk u qallu: "Miżmum kif jien, ma nistax immur 
f'dar il-Mulej. [Ġer:36:6] Mur int u aqra mill-ktieb kull ma ktibt minn fommi, 
il-kliem tal-Mulej, f'widnejn il-poplu, f'dar il-Mulej, f'jum ta' sawm. Aqrah 
ukoll f'widnejn in-nies ta' Ġuda li jiġu minn blietha. [Ġer:36:7] Għandu mnejn 
it-talb tagħhom jasal sa quddiem il-Mulej, u jerġgħu, kull wieħed minnhom, lura 
minn triqtu l-ħażina għax kbira hija l-korla u s-saħna tal-Mulej li bihom hedded 
lil dan il-poplu. 
[Ġer:36:8] U Bāruk bin Nerija għamel kollox skond ma ordnalu Ġeremija, 
il-profeta, u qara mill-ktieb il-kliem tal-Mulej f'dar il-Mulej. 
[Ġer:36:9] Ġara li fil-ħames sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, 
fid-disa' xahar, nidew sawma quddiem il-Mulej għan-nies ta' Ġerusalemm, u 
għall-poplu kollu ta' l-ibliet ta' Ġuda, li kien tela' Ġerusalemm.
[Ġer:36:10] U Bāruk qara mill-ktieb f'widnejn il-poplu kollu l-kliem ta' 
Ġeremija f'dar il-Mulej, fil-kamra ta' Ġemarija bin Safan, il-kittieb, fil-bitħa 
ta' fuq, fid-daħla ta' Bieb il-Ġdid ta' dar il-Mulej.
Il-qari fil-kamra ta' l-iskriba
[Ġer:36:11] U sama' Mikija bin Ġemarija, bin Safan, il-kliem kollu tal-Mulej 
minn fuq il-ktieb. [Ġer:36:12] U niżel fil-palazz tas-sultan, fil-kamra 
tal-kittieb, u kienu hemm il-prinċpijiet kollha: Elisama, il-kittieb, u Delaja 
bin Samajja, Elnatan bin Għakbor, u Ġemarija bin Safan, u Sedekija bin Ħananija 
u l-prinċpijiet l-oħra kollha. [Ġer:36:13] U Mikija għarrafhom bil-kliem kollu 
li kien sama' meta Bāruk kien qiegħed jaqra mill-ktieb f'widnejn il-poplu.
[Ġer:36:14] Mbagħad il-ġemgħa tal-prinċpijiet bagħtu lil Ġeħudi bin Netanija, 
bin Selemija, bin Kusi, għand Bāruk biex jgħidlu: "Aqbad f'idejk il-ktieb li 
kont taqra minn fuqu f'widnejn il-poplu, u ejja." U Bāruk bin Nerija qabad 
il-ktieb f'idejh u mar għandhom. [Ġer:36:15] U qalulu: "Oqgħod bilqiegħda u aqra 
minnu li nisimgħuk." U Bāruk beda jaqra li jisimgħuh. [Ġer:36:16] U ġara li 
malli semgħu dan il-kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil 
Bāruk: "Ikollna ngħarrfu lis-sultan b'dan kollu." 
[Ġer:36:17] U Bāruk bdew jistħarrġuh u staqsewh: "Għidilna, jekk jogħġbok, kif 
ktibt dan il-kliem? Minn fommu?" [Ġer:36:18] U Bāruk weġibhom: "Hu beda jgħidli 
dan il-kliem b'fommu, u jiena kont nikteb bil-linka fuq dan il-ktieb." 
[Ġer:36:19] U l-prinċpijiet wieġbu lil Bāruk: "Mur u nħeba, int u Ġeremija, u 
ħadd m'għandu jkun jaf fejn intom."
Is-sultan jaħraq il-ktieb
[Ġer:36:20] Huma mbagħad marru għand is-sultan, f'daru, fil-kamra tiegħu, wara 
li ħallew ir-romblu fil-kamra ta' Elisama l-kittieb, u għarrfu lis-sultan b'kull 
ma kien ġara. 
[Ġer:36:21] U s-sultan bagħat lil Ġeħudi jġib il-ktieb, u dan ħadu mill-kamra 
ta' Elisama l-kittieb. U Ġeħudi beda jaqrah f'widnejn is-sultan u f'widnejn 
il-prinċpijiet li kienu ħdejn is-sultan. [Ġer:36:22] Is-sultan kien qiegħed 
fil-palazz tax-xitwa; kien id-disa' xahar, u quddiemu kien hemm kenur imkebbes. 
[Ġer:36:23] U ġara li kull meta Ġeħudi kien jaqra tlieta jew erba' kolonni, 
is-sultan kien iqattagħhom b'mus ta' l-iskriba, iwaddabhom fin-nar fil-kenur, 
sakemm il-ktieb kollu ntemm fin-nar li kien hemm fil-kenur. [Ġer:36:24] U ma 
beżgħux, u anqas ċarrtu ħwejjiġhom, la s-sultan u lanqas il-qaddejja tiegħu li 
kienu semgħu dan il-kliem kollu. [Ġer:36:25] Għalkemm Elnatan, Delaja, u 
Ġemarija għafsu fuq is-sultan biex ma jaħraqx il-ktieb, hu ma semax minnhom. 
[Ġer:36:26] Anzi s-sultan ordna lil Ġeraħmijel, bin is-sultan, u lil Xeraja bin 
Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel, li jaqbdu lil Bāruk, il-kittieb, u lil 
Ġeremija l-profeta; imma l-Mulej kien ħbiehom.
It-tieni edizzjoni tal-ktieb
[Ġer:36:27] U wara li s-sultan kien ħaraq il-ktieb u l-kliem li kien kiteb Bāruk 
minn fomm Ġeremija, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:36:28] 
"Erġa' ħu romblu ieħor u ikteb fuqu l-kliem kollu ta' qabel li kien hemm 
fil-ktieb ta' qabel, li ħaraq Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda. [Ġer:36:29] U 
lis-sultan Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda, tgħidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Int ħraqt 
dan il-ktieb u għedt: Għala ktibt fuqu u għedt: Għad jiġi s-sultan ta' Babilonja 
u jħarbat dan il-pajjiż u jeqred minnu bnedmin u bhejjem? [Ġer:36:30] Għalhekk 
dan jgħid il-Mulej dwar Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda: ma jkollu 'l ħadd minn nislu 
li joqgħod fuq it-tron ta' David, u l-katavru tiegħu jintrema barra għas-sħana 
binhar u għall-ksieħ billejl. [Ġer:36:31] Jiena nikkastiga lilu u lil nislu, u 
l-qaddejja tiegħu għal ħżunithom, u nġib fuqhom u fuq min jgħammar f'Ġerusalemm 
u fuq in-nies ta' Ġuda, il-ħsara kollha li heddidthom biha, u ma semgħux." 
[Ġer:36:32] U Ġeremija ħa romblu ieħor u tah lil Bāruk bin Nerija, il-kittieb, u 
kiteb fuqu minn fomm Ġeremija l-kliem kollu li kien hemm fil-ktieb li kien ħaraq 
fin-nar Ġeħojakim, sultan ta' Ġuda; u żied magħhom ħafna kliem ieħor bħal dan.
37. Sedekija u l-Profeta
[Ġer:37:1] Kien isaltan is-sultan Sedekija bin Ġosija minflok Konija bin 
Ġeħojakim, li kien għamlu sultan fuq l-art ta' Ġuda Nabukodonosor is-sultan ta' 
Babilonja. [Ġer:37:2] U ma semgħux minn kliem il-Mulej, li kien qalilhom permezz 
ta' Ġeremija, la hu, la l-qaddejja tiegħu u lanqas il-poplu tal-pajjiż. 
[Ġer:37:3] U bagħat is-sultan Sedekija lil Ġeħukal bin Selemija u 'l Sefanija 
bin Magħxija, il-qassis, għand Ġeremija l-profeta biex jgħidulu: "Itlob għalina 
l-Mulej, Alla tagħna." [Ġer:37:4] U l-profeta Ġeremija kien dieħel u ħiereġ 
f'nofs il-poplu, għax kien għadhom ma tefgħuhx il-ħabs. [Ġer:37:5] L-eżerċtu 
tal-Fargħun kien ħareġ mill-Eġittu, u malli semgħu b'din l-aħbar, il-Kaldin, li 
kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm, qabdu u telqu minn madwar Ġerusalemm. 
[Ġer:37:6] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija l-profeta u qallu: [Ġer:37:7] 
"Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Dan għandkom tgħidulu lis-sultan ta' Ġuda, 
li bagħatkom għandi tistħarrġuni: Ara l-eżerċtu tal-Fargħun, li ħareġ biex 
jgħinkom, se jerġa' lura lejn pajjiżu fl-Eġittu; [Ġer:37:8] u l-Kaldin jerġgħu 
lura biex jaħbtu għal din il-belt, u jaħtfuha, u jagħtuha n-nar." 
[Ġer:37:9] Dan jgħid il-Mulej: "La titqarrqux u tgħidu: 'Jitilqu żgur minn 
madwarna l-Kaldin', għax ma jitilqux. [Ġer:37:10] Lanqas jekk tkissru l-eżerċtu 
kollu tal-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għalikom, u jibqa' minnhom biss miġruħin, 
kull wieħed fit-tinda tiegħu, dawn iqumu u 'l din il-belt jagħtuha n-nar." 
[Ġer:37:11] Ġara, mbagħad, li malli l-Kaldin refgħu l-kamp minn madwar 
Ġerusalemm minħabba l-eżerċtu tal-Fargħun, [Ġer:37:12] Ġeremija ħareġ minn 
Ġerusalemm biex imur fl-art ta' Benjamin ħalli jaqsam il-wirt ma' niesu. 
[Ġer:37:13] U kif Ġeremija kien fil-Bieb ta' Benjamin, u kien hemm il-kap ta' 
l-għassa jismu Irija bin Selemija, bin Ħananija, u dan waqqaf lil Ġeremija 
l-profeta u qallu: "Int sejjer mal-Kaldin!" [Ġer:37:14] U Ġeremija qallu: "M'hux 
veru. M'iniex sejjer għand il-Kaldin." Imma dan ma emmnux. Mbagħad Irija qabad 
lil Ġeremija u ħadu għand il-prinċpijiet. [Ġer:37:15] Dawn xegħlu għal Ġeremija, 
u ħabtu għalih, u xeħtuh fil-ħabs fid-dar ta' Ġonatan, il-kittieb, li kienu 
għamluha ħabs. [Ġer:37:16] U lil Ġeremija niżżluh f'ġiebja bil- ħnejjiet, u dam 
hemm għal ħafna żmien.
[Ġer:37:17] U s-sultan Sedekija bagħat iġibu u beda jistħarrġu f'daru bil-moħbi 
u jgħidlu: "Hemm xi kelma mingħand il-Mulej?" U Ġeremija kien iwieġeb: "Hemm," u 
qallu: "Int tkun mogħti f'idejn is-sultan ta' Babilonja." 
[Ġer:37:18] U Ġeremija qal ukoll lis-sultan Sedekija: "Fiex inqast jien kontra 
tiegħek, jew kontra dan il-poplu, biex xħettuni l-ħabs? [Ġer:37:19] U fejn huma 
l-profeti tagħkom li kienu jħabbrulkom u jgħidulkom: 'Ma jiġix is-sultan ta' 
Babilonja għalikom u għal dan il-pajjiż?' [Ġer:37:20] Issa ismagħni, jekk 
jogħġbok, sultan sidi; ħa tasal għandek it-talba tiegħi; terġax tibgħatni f'dar 
Ġonatan il-kittieb, li ma mmutx hemm." [Ġer:37:21] Is-sultan Sedekija ta ordni, 
u lil Ġeremija għalquh fil-bitħa ta' l-għassa; u kienu jagħtuh ħobża kuljum 
mit-triq tal-furnara, sakemm kien għad fadal ħobż fil-belt. U Ġeremija baqa' 
fil-bitħa ta' l-għassa.
38.Ġeremija mixħut f'bir
[Ġer:38:1] U Sefatija bin Mattan, u Gedalija bin Pasħur, u Ġukal bin Selemija u 
Pasħur bin Malakija semgħu l-kliem li Ġeremija kien jgħid lill-poplu kollu: 
[Ġer:38:2] "Dan jgħid il-Mulej: 'Min jibqa' f'din il-belt għad imut bix-xabla, 
bil-ġuħ u bil-pesta. U min joħroġ għal mal-Kaldin jgħix u jikseb ħajtu daqs li 
kieku kienet priża, imma jibqa' ħaj. [Ġer:38:3] Dan jgħid il-Mulej: 'Żgur li din 
il-belt tingħata f'idejn l-eżerċtu tas-sultan ta' Babilonja u dan jaħtafha 
f'idejh.' " 
[Ġer:38:4] Il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: "Ħalli jiġi maqtul 
dal-bniedem, għax b'dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta' qalb 
is-suldati li fadal f'din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal 
dan m'huwiex ifittex il-ġid ta' dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu." 
[Ġer:38:5] U s-sultan Sedekija qalilhom: "Araw, f'idejkom, hu! Għax is-sultan ma 
jista' jagħmel xejn magħkom!" [Ġer:38:6] U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir 
ta' Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa ta' l-għassa; mbagħad lil 
Ġeremija niżżluh bil-ħbula f'dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u 
Ġeremija għodos fil-ħama.
Għebed-melek italla' lill-profeta mill-bir
[Ġer:38:7] Għebed-melek, il-Kusi, fizzjal, kien qiegħed fil-palazz tas-sultan 
meta sama' li kienu tefgħu lil Ġeremija fil-bir. Issa s-sultan kien bilqiegħda 
ħdejn il-Bieb ta' Benjamin. [Ġer:38:8] Għebed-melek ħareġ mill-palazz 
tas-sultan, mar ikellmu u qallu: [Ġer:38:9] "Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu 
ruħhom ħażin f'kull ma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u 
dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt." 
[Ġer:38:10] Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: "Ħu 
miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella' lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, 
qabel ma jmut." 
[Ġer:38:11] U Għebed-melek ħa dawn it-tlieta min-nies miegħu, u mar fil-palazz 
tas-sultan fil-maħżen tal-ħwejjeġ, u minn hemm ħa xi ċraret qodma u lbiesi 
mqattgħin, u niżżilhom bil-ħbula fil-bir lil Ġeremija.
[Ġer:38:12] U Għebed-melek, il-Kusi, qal lil Ġeremija: "Isa, qiegħed dawn 
iċ-ċraret qodma taħt abtek minn taħt il-ħbula." U hekk għamel Ġeremija. 
[Ġer:38:13] U ġibdu lil Ġeremija bil-ħbula u tellgħuh mill-bir. U baqa' Ġeremija 
fil-bitħa ta' l-għassa. 
[Ġer:38:14] Is-sultan Sedekija bagħat iġib għandu lil Ġeremija, il-profeta, 
fit-tielet daħla li hemm f'dar il-Mulej, u s-sultan qal lil Ġeremija: "Se 
nistaqsik ħaġa, u taħbili ebda kelma." [Ġer:38:15] U Ġeremija wieġeb lil 
Sedekija: "Forsi ma tagħtinix il-mewt jekk ngħidlek? U jekk nagħtik parir se 
tisma' minni?" [Ġer:38:16] U s-sultan Sedekija ħalef lil Ġeremija bil-moħbi u 
qallu: "Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li ħalqilna din il-ħajja, ma noqtlokx u ma 
nagħtikx f'idejn in-nies li qegħdin ifittxulek ħajtek."
Ġeremija jwiddeb lil Sedekija
[Ġer:38:17] U Ġeremija qal lil Sedekija: "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 'Jekk int toħroġ għal għand il-fizzjali tas-sultan 
ta' Babilonja, ħajtek tkun salva u din il-belt ma jagħtuhiex in-nar, u tibqa' 
ħaj, int u darek. [Ġer:38:18] Imma jekk ma toħroġx tilqa' l-fizzjali tas-sultan 
ta' Babilonja, jien nitlaq din il-belt f'idejh il-Kaldin u jagħtuha n-nar, u int 
ma teħlishiex minn idejhom. ' " 
[Ġer:38:19] U s-sultan Sedekija qal lil Ġeremija: "Jiena nibża' mil-Lhud li 
qalbu għal mal-Kaldin, li ma jmorrux jagħtuni f'idejhom u jżebilħuni." 
[Ġer:38:20] U Ġeremija wieġeb: Ma jitilqukx! Isma' mill-kelma tal-Mulej li jien 
qiegħed ngħidlek, u jkollok ir-riżq u ħajtek tibqa' salva. [Ġer:38:21] Jekk int 
ma tridx toħroġ, dan hu li wrieni l-Mulej: [Ġer:38:22] Ara, in-nisa kollha li 
jibqgħu f'dar is-sultan ta' Ġuda joħorġuhom għal għand il-fizzjali tas-sultan 
ta' Babilonja, u l-istess nisa jgħidulek: 'Qarrqu bik u għelbuk il-ħbieb li int 
kont tafda fihom; issa li riġlek għodos fit-tajn, huma reġgħu lura minnek.' 
[Ġer:38:23] U n-nisa kollha tiegħek, u wliedek, joħorġuhom għal għand il-Kaldin, 
u int ma teħlishiex minn taħt idejhom; għad jaqbdek f'idejh is-sultan ta' 
Babilonja, u din il-belt jagħtuha n-nar." 
[Ġer:38:24] U Sedekija qal lil Ġeremija: "Qis li ma jkun jaf ħadd b'dan 
il-kliem, li ma tmutx. [Ġer:38:25] Jekk il-prinċpijiet jisimgħu li jien tkellimt 
miegħek u jiġu għandek u jistaqsuk: 'X'għedt lis-sultan? Taħbilna xejn, inkella 
noqtluk. Is-sultan x'qallek?', [Ġer:38:26] għidilhom: 'Ressaqt it-talba tiegħi 
quddiem is-sultan, biex ma jerġax jibgħatni fid-dar ta' Ġonatan, biex immut 
hemm.' " 
[Ġer:38:27] U l-prinċpijiet marru għand Ġeremija u staqsewh, u hu weġibhom 
sewwasew kif ordnalu s-sultan, u ħallewh bi kwietu, għaliex it-taħdita 
bejniethom ma kinitx instemgħet. [Ġer:38:28] U Ġeremija baqa' fil-bitħa ta' 
l-għassa sa dakinhar li nqabdet Ġerusalemm.
39. Il-waqgħa u l-qerda ta' Ġerusalemm
[Ġer:39:1] Fid-disa' sena ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, fl-għaxar xahar, ġie 
Nabukodonosor sultan ta' Babilonja, u l-eżerċtu tiegħu għal Ġerusalemm u 
assedjaha; [Ġer:39:2] u fil-ħdax-il sena ta' Sedekija, fir-raba' xahar, 
fid-disa' jum tax-xahar, saret tiċrita fis-swar tal-belt.
[Ġer:39:3] Meta ttieħdet Ġerusalemm daħlu fiha l-prinċpijiet kollha tas-sultan 
ta' Babilonja u qagħdu fil-Bieb tan-Nofs: Nergalsarser, prinċep ta' Simmagir, 
il-fizzjal il-kbir, u Nebusażban, fizzjal għoli, u l-bqija tal-prinċpijiet 
l-oħra kollha tas-sultan ta' Babilonja. 
[Ġer:39:4] U ġara li malli rawhom Sedekija, sultan ta' Ġuda, u n-nies kollha ta' 
l-eżerċtu, ħarbu u ħarġu billejl mill-belt, mit-triq ta' ġnien is-sultan, 
mill-bieb ta' bejn iż-żewġ ħitan, u qabdu t-triq ta' l-Għaraba. 
[Ġer:39:5] Imma l-eżerċtu tal-Kaldin telqulha għal warajhom, u laħqu 'l Sedekija 
fix-xagħri ta' Ġeriko, qabduh u tellgħuh quddiem Nabukodonosor, sultan ta' 
Babilonja, f'Ribla, fl-art ta' Ħamat fejn is-sultan qatagħlu s-sentenza.
[Ġer:39:6] U s-sultan ta' Babilonja qatel lil ulied Sedekija f'Ribla taħt 
għajnejh, u qatel ukoll is-sultan ta' Babilonja l-kbarat kollha ta' Ġuda. 
[Ġer:39:7] Mbagħad 'il Sedekija qalagħlu għajnejh, u rabtu bil-ktajjen biex 
jieħdu lejn Babilonja. 
[Ġer:39:8] U l-palazz tas-sultan u d-djar tal-poplu, il-Kaldin tawhom in-nar, u 
s-swar ta' Ġerusalemm ġarrfuhom. [Ġer:39:9] U l-bqija tal-poplu, li kien fadal 
fil-belt, u dawk li kienu ċedew, u l-bqija tal-poplu li kien fadal, Nebużaradan, 
kmandant ta' l-għases, ħadhom fl-eżilju f'Babilonja. [Ġer:39:10] U Nebużaradan, 
il-kmandant ta' l-għases, ħalla fl-art ta' Ġuda l-fqar tal-poplu, li ma kellhom 
xejn, u dakinhar tahom oqsma tad-dwieli u raba'. 
[Ġer:39:11] Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, lil Nebużaradan, kmandant ta' 
l-għases, dwar Ġeremija kien ordnalu u qallu: [Ġer:39:12] "Ħudu u żommu taħt 
għajnejk, u tagħmillu ebda ħsara, imma agħmel miegħu kif jgħidlek hu." 
[Ġer:39:13] Għalhekk Nebużaradan, kmandant ta' l-għases, u Nebużardan, fizzjal 
għoli, u Nergalsareser, il-fizzjal il-kbir, u l-prinċpijiet kollha tas-sultan 
ta' Babilonja [Ġer:39:14] bagħtu jġibu lil Ġeremija mill-bitħa ta' l-għassa u 
tawh f'idejn Gedalija bin Aħikam, bin Safan, biex joħorġu u jieħdu f'daru u 
jibqa' f'nofs il-poplu. 
[Ġer:39:15] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija, meta kien għadu fil-bitħa 
ta' l-għassa, u qallu: [Ġer:39:16] "Mur u għid lil Għebed-melek, il-Kusi: 'Dan 
jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arani, sa ntemm kliemi fuq din 
il-belt għall-ħsara tagħha u mhux għar-riżq, u dan se jseħħ taħt għajnejk stess. 
[Ġer:39:17] Imma jien dakinhar neħilsek, oraklu tal-Mulej, u ma tingħatax 
f'idejn dawk in-nies li minnhom qiegħed tibża'. [Ġer:39:18] Għax insalvak żgur, 
ma taqax taħt ix-xabla, tkun għalik ħajtek bi priża, talli int ittamajt fija, 
oraklu tal-Mulej.' "
40. Ġeremija meħlus
[Ġer:40:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li Nebużaradan, 
kmandant ta' l-għases, bagħtu ħieles minn Rama, għax kien sabu marbut 
bil-ktajjen f'nofs l-eżiljati minn Ġerusalemm u Ġuda, li kienu sejrin fl-eżilju 
fil-Babilonja. 
[Ġer:40:2] U l-kmandant ta' l-għases qabad lil Ġeremija u qallu: "Il-Mulej Alla 
tiegħek kien ħabbar din il-ħsara fuq dan il-post. [Ġer:40:3] U l-Mulej ġiebha u 
temm kull ma kien ħabbar għax intom dnibtu kontra l-Mulej; u ma smajtux minn 
kelmtu, u għalhekk ġralkom dan kollu. [Ġer:40:4] U issa, arani, jiena neħilsek 
mill-ktajjen li għandek ma' idejk. Jekk jogħġbok tiġi Babilonja, ejja, u jien 
inżomm għajnejja fuqek; jekk ma jogħġbokx tiġi miegħi Babilonja, oqgħod hawn. 
Ara, l-art kollha quddiemek, ara fejn jogħġbok u jaqbillek tmur, u mur hemm. 
[Ġer:40:5] Jekk le, erġa' lura u mur oqgħod ma' Gedalija bin Aħikam, bin Safan, 
li s-sultan ta' Babilonja għamlu gvernatur fuq l-ibliet ta' Ġuda, u oqgħod 
miegħu f'nofs il-poplu, jonkella mur fejn jidhirlek l-aħjar li għandek tmur." U 
l-kmandant ta' l-għases tah l-ikel u rigal, u bagħtu. 
[Ġer:40:6] U Ġeremija mar għand Gedalija bin Aħikam f'Misfa, u baqa' miegħu 
f'nofs il-poplu li kien baqa' fil-pajjiż.
Gedalija gvernatur tal-pajjiż
[Ġer:40:7] Il-fizzjali ta' l-eżerċtu li kienu mxerrdin fil-kampanja semgħu, huma 
u n-nies tagħhom, li s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed lil Gedalija bin 
Aħikam, gvernatur fuq il-pajjiż, u fdalu f'idejh l-irġiel, in-nisa, it-tfal u 
l-fqar tal-pajjiż, li ma kinux ħaduhom fl-eżilju f'Babilonja. [Ġer:40:8] U ġew 
għand Gedalija, f'Mifsa: Ismagħel bin Netanija, u Ġoħanan u Ġonatat ulied 
Kareħa, u Xeraja bin Tanħumet, u wlied Għefaj in-Netufi, u Ġeżanija bin Magħka, 
huma u n-nies tagħhom. 
[Ġer:40:9] U Gedalija bin Aħikam, bin Safan, ħalfilhom, lilhom u lin-nies 
tagħhom, u qalilhom: "La tibżgħux isservu lill-Kaldin: oqogħdu fil-pajjiż u 
servu lis-sultan ta' Babilonja, u jkollkom ir-riżq. [Ġer:40:10] U jiena qiegħed 
f'Misfa biex nidher quddiem il-Kaldin li jiġu għandna. U intom, mela, iġbru 
l-inbid, il-frott u ż-żejt, aħżnuhom fil-ġarar, u oqogħdu fl-ibliet li ħadtu 
f'idejkom." 
[Ġer:40:11] U l-Lhud kollha li kienu f'Mowab, u fost ulied Għammon, u f'Edom u 
fl-artijiet l-oħra kollha, semgħu li s-sultan ta' Babilonja kien ħalla xi fdal 
f'Ġuda, u li kien qiegħed fuqhom lil Gedalija bin Aħikam, bin Safan. [Ġer:40:12] 
Dawn il-Lhud kollha reġgħu lura minn kull art li fihom kienu mxerrda, u ġew 
fl-art ta' Ġuda, għand Gedalija f'Misfa, u ġabru kotra kbira ta' nbid u frott.
[Ġer:40:13] Ġeħonan bin Kareħa u l-kapijiet ta' l-eżerċtu, li kienu 
fil-kampanja, marru għand Gedalija f'Misfa [Ġer:40:14] u qalulu: "Għandek tkun 
taf li Bagħlis, is-sultan ta' wlied Għammon, bagħat lil Ismagħel bin Netanija, 
biex joqtlok." Imma Gedalija bin Aħikam ma emminhomx.
[Ġer:40:15] Ġeħonan bin Kareħa kellem bil-moħbi lil Gedalija f'Misfa u qallu: 
"Ħalli mmur u noqtol lil Ismagħel bin Netanija, bla ma ħadd ikun jaf. Għala 
għandu jneħħilek ħajtek, u hekk jixxerrdu l-Lhud kollha li nġabru madwarek, u 
jinqered dak li fadal minn Ġuda?" [Ġer:40:16] Imma Gedalija bin Aħikam wieġeb 
lil Ġoħanan bin Kareħa: "La tagħmilx din il-ħaġa għax din hi gidba li qiegħed 
tgħid fuq Ismagħel."
41. Il-qtil ta' Gedalija
[Ġer:41:1] U ġara li, fis-seba' xahar, ġie Ismagħel bin Netanija, bin Elisama, 
minn nisel is-slaten u l-kbarat tas-sultan, u għaxra min-nies miegħu, għand 
Gedalija bin Aħikma, f'Misfa, u lkoll flimkien kielu l-ħobż f'Mifsa. [Ġer:41:2] 
U Ismagħel bin Netanija ma' l-għaxra min-nies li kellu miegħu qamu għal Gedalija 
bin Aħikam, bin Safan, li s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq 
il-pajjiż, darbuh bix-xabla, u qatluh.
[Ġer:41:3] U Ismagħel qatel ukoll il-Lhud kollha li kienu ma' Gedalija f'Mifsa, 
u lill-Kaldin li nzertaw hemm, suldati wkoll.
[Ġer:41:4] U ġara li fit-tieni jum wara l-qtil ta' Gedalija - u ħadd ma kien 
għadu jaf - [Ġer:41:5] ġew xi nies minn Sikem, minn Silo u minn Samarija; kienu 
tmenin raġel, bil-leħja mqaxxra, u b'ilbieshom imċarrat, u b'ġisimhom imqatta', 
b'offerti u inċens f'idejhom biex jeħduhom f'dar il-Mulej. 
[Ġer:41:6] U Ismagħel bin Netanija ħareġ jilqagħhom minn Misfa; huma kienu 
resqin u jibku. Malli laħaqhom qalilhom: "Ejjew għand Gedalija bin Aħikam!" 
[Ġer:41:7] U ġara li malli daħlu f'nofs il-belt, Ismagħel bin Netanija u n-nies 
li kellu miegħu qatluhom, u xeħtuhom ġo ġiebja; kienet il-ġiebja kbira. 
[Ġer:41:8] Fosthom kien hemm għaxart irġiel, u dawn qalu lil Ismagħel: "La 
toqtolniex, għax għandna moħbija fir-raba' ħażniet ta' qamħ, xgħir, żejt u 
għasel." U hu waqaf u ma qatilhomx ma' ħuthom. [Ġer:41:9] U l-ġiebja, li fiha 
Ismagħel xeħet l-iġsma mejta tan-nies li qatel, kienet il-ġiebja l-kbira li kien 
ħaffer s-sultan Asa minħabba Bagħsa, sultan ta' Iżrael. Din il-ġiebja Ismagħel 
bin Netanija mlieha bil-maqtulin. 
[Ġer:41:10] Ismagħel imbagħad qabad b'ilsiera n-nies li kien fadal mill-poplu, 
li kien hemm f'Misfa - il-bniet tas-sultan u l-bqija tal-poplu li kien f'Mifsa, 
li Nabużaradan, kmandant ta' l-għases, kien ħalla f'idejn Gedalija bin Aħikam.
Ismagħel bin Netalija qabadhom bilsiera u telaq biex jgħaddi għal għand ulied 
Għammon.
Ġoħanan iħarbat lil Ismagħel
[Ġer:41:11] Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjal tan-nies armati li kellu miegħu, 
semgħu bil-ħsara kollha li kien għamel Ismagħel bin Netanija. [Ġer:41:12] Ġabru 
n-nies kollha tagħhom, u marru jaħbtu għal Ismagħel bin Netanija, u sabuh ħdejn 
l-għadira l-kbira ta' Gibgħon. [Ġer:41:13] Ġara li malli n-nies li kienu ma' 
Ismagħel raw lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu miegħu, 
ferħu. [Ġer:41:14] U n-nies kollha, li Ismagħel kien qabad b'ilsiera minn Misfa, 
daru u telqu għal ma' Ġoħanan bin Kareħa. 
[Ġer:41:15] Imma Ismagħel bin Netanija, bi tmienja min-nies li kellu miegħu, 
ħarab minn idejn Ġoħanan, u mar għal għand ulied Għammon. 
[Ġer:41:16] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu li kellu 
miegħu, ħadu taħt idejhom il-bqija tan-nies li Ismagħel bin Netanija kien ħa 
b'ilsiera minn Misfa wara l-qtil ta' Gedalija bin Aħikam, rġiel, nies 
tal-gwerra, nisa, tfal, uffiċjali - li Ġoħanan kien ġieb lura minn ħdejn 
Gibgħon. [Ġer:41:17] U telqu u waqfu f'Gerut-kimħam, li taħbat maġenb Betlehem, 
biex jibqgħu sejrin l-Eġittu [Ġer:41:18] minħabba l-Kaldin; għax bdew jibżgħu 
minnhom billi Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam, li 
s-sultan ta' Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq il-pajjiż.
42. Il-parir ta' Ġeremija
[Ġer:42:1] Mbagħad il-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu u Ġoħanan bin Kareħa, 
Ġeżanija bin Ħosajja u l-poplu kollu, miż-żgħir sal-kbir, resqu lejn [Ġer:42:2] 
Ġeremija l-profeta u qalulu: "Ilqa' t-talba tagħna! Idħol għalina u għal dan 
il-fdal quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, għax, kif tista' tara b'għajnejk, ftit 
bqajna mill-kotra li konna. [Ġer:42:3] Jalla jurina l-Mulej, Alla tiegħek, 
it-triq li għandna naqbdu, u x'għandna nagħmlu." 
[Ġer:42:4] U Ġeremija, il-profeta, qalilhom: "Smajtkom u hawn jien se nitlob 
lill-Mulej Alla tagħkom kif għedtuli u kull ma jweġibkom il-Mulej ngħidulkom; 
ebda kelma ma naħbilkom." [Ġer:42:5] U huma qalu lil Ġeremija: "Ħa jkun xhud 
sinċier u fidil il-Mulej kontrina jekk ma nagħmlux kollox skond ma jibagħtek 
tgħidilna l-Mulej. [Ġer:42:6] Tajjeb u ħażin, aħna noqogħodu għall-kelma 
tal-Mulej, Alla tagħna, li għandu qegħdin nibagħtuk, sabiex ikollna r-riżq, għax 
inkunu smajna minn kelmet il-Mulej, Alla tagħna." 
[Ġer:42:7] Meta kienu għaddew għaxart ijiem ġiet il-kelma tal-Mulej lil 
Ġeremija. [Ġer:42:8] U dan sejjaħ lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali ta' 
l-eżerċtu li kienu miegħu, u l-poplu kollu, mill-kbir saż-żgħir, [Ġer:42:9] u 
qalilhom: "Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li intom bgħattuni għandu biex 
nitolbu għalikom. [Ġer:42:10] Jekk intom tibqgħu tgħammru f'dan il-pajjiż, jien 
nibnikom mill-ġdid u ma nħottkomx; nħawwilkom u ma naqlagħkomx, għax jien indimt 
mill-ħsara li għamiltilkom. [Ġer:42:11] La tibżgħux mis-sultan ta' Babilonja li 
minnu intom imbeżżgħin. La tibżgħux minnu, oraklu tal-Mulej, għax jien magħkom 
biex insalvakom u neħliskom minn idejh. [Ġer:42:12] U nqanqlu għall-ħniena 
lejkom u jħenn għalikom, u jħallikom tgħammru f'artkom. [Ġer:42:13] Imma jekk 
tgħidu ma ngħammrux f'dan il-pajjiż, u hekk ma tisimgħux minn kliem il-Mulej, 
Alla tagħkom, [Ġer:42:14] u tibdew tgħidu: 'Le, mmorru fl-art ta' l-Eġittu fejn 
ma narawx gwerer, lanqas nisimgħu d-daqq tat-tromba, u ma mmutux bil-ġuħ 
minħabba nuqqas ta' ikel, u hemm ngħammru', [Ġer:42:15] issa, mela isimgħu 
l-kelma tal-Mulej, intom il-fdal ta' Ġuda: Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, 
Alla ta' Iżrael: 'Jekk intom tal-fehma soda li tmorru l-Eġittu, u tmorru biex 
tgħixu hemm, [Ġer:42:16] ix-xabla li minnha qegħdin tibżgħu, tilħaqkom hemm 
fl-art ta' l-Eġittu, u l-ġuħ li minnu qegħdin titkexkxu jaqbad magħkom hemm 
fl-Eġittu, u hemm tmutu. [Ġer:42:17] In-nies kollha li għandhom il-fehma li 
jmorru l-Eġittu biex jgħixu hemm, hemm imutu bix-xabla, bil-ġuħ, bil-pesta u 
ħadd minnhom ma jibqa' ħaj jew jeħles mill-ħsara li jien inġib fuqhom.' 
[Ġer:42:18] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Bħalma 
l-għadab u s-saħna tiegħi ferrajthom fuq in-nies li kienu jgħammru f'Ġerusalemm, 
hekk is-saħna tiegħi titferragħ fuqkom jekk tmorru l-Eġittu. Intom issiru dagħa 
u waħx, saħta u għajb, u ma taraw qatt iżjed dan il-post.' 
[Ġer:42:19] "Il-Mulej kellimkom, lilkom il-fdal ta' Ġuda: 'La tmorrux l-Eġittu. 
Intom tafu ben tajjeb li jien xhud kontrikom illum. [Ġer:42:20] Għax intom 
lgħabtu b'ħajjitkom meta intom bgħattuni għand il-Mulej Alla tagħkom u għedtuli: 
'Itlob lill-Mulej, Alla tagħna, għalina u kull ma jgħid il-Mulej, Alla tagħna, 
ħabbarhulna u aħna nagħmluh.' [Ġer:42:21] Jien ħabbarthulkom illum, u ma smajtux 
minn kliem il-Mulej, Alla tagħkom, u minn dak kollu li bagħatni ngħidilkom. 
[Ġer:42:22] Mela issa kunu afu sewwa li bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta għad 
tmutu fil-pajjiż, fejn ħsibtu li tmorru tgħixu."
43. Il-ħarba lejn l-Eġittu
[Ġer:43:1] U ġara li malli Ġeremija temm jgħid lill-poplu kollu l-kliem kollu 
tal-Mulej Alla tagħhom, dan il-kliem kollu li l-Mulej Alla tagħhom bagħtu 
jgħidilhom [Ġer:43:2] Għażarija bin Ħosagħaja, Ġoħanan bin Kareħa, u n-nies 
kollha, kburin u xewwiexa, qalu lil Ġeremija: "Int qiegħed tigdbilna! Ma 
bagħtikx il-Mulej, Alla tagħna, tgħidilna: 'La tmorrux l-Eġittu biex tgħammru 
hemm.' [Ġer:43:3] Bāruk bin Nerija qiegħed jgħawwik għalina biex jerħina f'idejn 
il-Kaldin ħalli joqtluna jew jeħduna fl-eżilju f'Babilonja." 
[Ġer:43:4] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu, u l-poplu 
kollu ma semgħux minn kelmet il-Mulej biex joqogħdu fl-art ta' Ġuda. [Ġer:43:5] 
Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta' l-eżerċtu, qabdu l-fdal ta' Ġuda, li 
kienu ġew lura minn fost il-ġnus li xterdu fihom biex jgħammru fl-art ta' Ġuda, 
[Ġer:43:6] rġiel, nisa, tfal, il-bniet tas-sultan u n-nies kollha, li 
Nebużaradan, il-kmandant ta' l-għases, kien ħalla ma' Gedalija bin Aħikam, bin 
Safan, u 'l Ġeremija, il-profeta, u 'l Bāruk bin Nerija; [Ġer:43:7] u marru 
fl-art ta' l-Eġittu, għax ma semgħux minn kelmet il-Mulej, u waslu sa fl-inħawi 
ta' Taħfanħes.
Nabukodonosor u l-Eġittu
[Ġer:43:8] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija f'Taħfanħes u qallu: 
[Ġer:43:9] "Ħu f'idejk ġebel kbir u waħħlu fit-tajn fil-misraħ ta' ħdejn bieb 
id-dar tal-Fargħun f'Taħfanħes, taħt għajnejn il-Lhud [Ġer:43:10] u għidilhom: 
'Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arawni, jien se nibgħat 
inġib lil Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, il-qaddej tiegħi. U hu jqiegħed 
it-tron tiegħu fuq dan il-ġebel li int waħħalt u jifrex il-baldakkin tiegħu 
fuqu. [Ġer:43:11] U jiġi, u jaħbat għall-art ta' l-Eġittu; u min hu għall-mewt, 
għall-mewt; min hu għall-eżilju, għall-eżilju; u min hu għax-xabla, għax-xabla.
[Ġer:43:12] 'U t-tempji ta' l-allat ta' l-Eġittu jagħtihom in-nar u jaħraqhom; 
iġorrhom fl-eżilju; u jifli l-art ta' l-Eġittu, bħalma jifli r-ragħaj mantaru, u 
joħroġ minn hemm rebbieħ. [Ġer:43:13] U jkisser il-plieri ta' Belt ix-Xemx, li 
hemm fl-art ta' l-Eġittu; u d-djar ta' l-allat ta' l-Eġittu jagħtihom in-nar u 
jaħraqhom.' "
44. L-aħħar parir tal-Profeta
[Ġer:44:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija għal-Lhud li kienu jgħammru fl-art ta' 
l-Eġittu u joqogħdu f'Migdol, f'Taħfanħes, f'Nof, u fl-art ta' Patros u 
qalilhom: [Ġer:44:2] "Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Intom 
rajtu l-ħsara kollha li jiena ġibt fuq Ġerusalemm u fuq l-ibliet kollha ta' 
Ġuda. Arawhom, illum saru ħerba u ħadd ma hemm jgħammar fihom. [Ġer:44:3] 
Minħabba l-ħażen tagħhom li għamlu biex jinkuni u jinkurlawni billi marru 
jaħarqu l-inċens u jservu allat oħra, li ma kinux jafu bihom, la huma u la 
intom, u lanqas missirijiethom. 
[Ġer:44:4] "U jien kont nibagħtilkom bla heda l-qaddejja tiegħi l-profeti biex 
jgħidulkom: 'Isaw, tagħmlux dawn il-ħwejjeġ moqżieża li jien nistkerrah.' 
[Ġer:44:5] Imma ma semgħux u lanqas taw widen biex jerġgħu lura minn ħżunithom, 
u ma joffrux aktar inċens lil allat oħra. [Ġer:44:6] U xegħlu s-saħna u l-għadab 
tiegħi; xegħlu fuq l-ibliet ta' Ġuda u fuq it- toroq ta' Ġerusalemm, u saret 
minnhom ħerba u xagħra kif għandhom sa llum. 
[Ġer:44:7] "U issa dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 
għala qegħdin tagħmlu din il-ħsara kbira lilkom infuskom, billi teqirdu minn 
nofs Ġuda rġiel u nisa, tfal u trabi, u m'hu se jibqa' ħadd minnkom? [Ġer:44:8] 
Għala qegħdin tinkuni b'għemil idejkom u taħarqu l-inċens lil allat oħra fl-art 
ta' l-Eġittu fejn intom ġejtu tgħammru, biex se tinqerdu, u se tkunu saħta u 
għajb fost il-ġnus kollha ta' l-art. [Ġer:44:9] Jaqaw insejtu l-ħażen ta' 
missirijietkom, u l-ħażen tas-slaten ta' Ġuda, u l-ħażen tan-nisa tagħhom, u 
l-ħażen tagħkom u tan-nisa tagħkom, li għamlu fl-art ta' Ġuda u fit-toroq ta' 
Ġerusalemm. [Ġer:44:10] Sa llum għadhom ma nidmux, ma beżgħux, u ma mxewx skond 
il-liġi tiegħi u l-preċetti li jien qegħedt quddiemkom u quddiem missirijietkom.
[Ġer:44:11] "Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Arawni, 
se ndawwar wiċċi għal fuqkom biex nagħmlilkom il-ħsara u biex neqred 'il Ġuda 
kollu. [Ġer:44:12] U naqbad il-fdal ta' Ġuda li dawwru wiċċhom biex imorru lejn 
l-Eġittu u jgħammru hemm. Għad jintemmu lkoll fl-art ta' l-Eġittu; u jmutu 
bix-xabla u bil-ġuħ; jintemmu miż-żgħir sal-kbir; imutu bix-xabla u bil-ġuħ; u 
jsiru dagħa u waħx, saħta u għajb. [Ġer:44:13] U għad nikkastiga lil kull min 
jgħammar fl-art ta' l-Eġittu, bħalma kkastigajt lil Ġerusalemm bix-xabla, 
bil-ġuħ u bil-pesta. [Ġer:44:14] U ma jkun hemm ħadd li jeħles jew jaħrab 
mill-fdal ta' Ġuda, li ġew jgħammru fl-art ta' l-Eġittu bit-tama li jmorru lura 
lejn l-art ta' Ġuda, li għaliha mxennqin li jerġgħu lura fiha u jgħammru hemm. 
Ma jerġgħux lura, ħlief xi maħrubin." 
[Ġer:44:15] U wieġbu lil Ġeremija l-irġiel kollha, li kienu jafu li n-nisa 
tagħhom kienu qegħdin jaħarqu l-inċens lil allat oħra, u n-nisa kollha li kienu 
miġbura f'ġemgħa kbira, u l-poplu kollu li kien jgħammar fl-art ta' l-Eġittu 
f'Patros u qalulu: [Ġer:44:16] "Dak li għedtilna f'isem il-Mulej, m'aħniex se 
nisimgħu minnek. [Ġer:44:17] Għax aħna rridu nagħmlu dak li ħareġ minn fommna, u 
naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha libazzjonijiet bħalma 
konna nagħmlu, aħna u missirijietna, is-slaten u l-prinċpijiet tagħna, fl-ibliet 
ta' Ġuda u fit-toroq ta' Ġerusalemm; u għalhekk konna mxebbgħin bil-ħobż, konna 
qegħdin tajjeb, u ħsara ma rajniex. [Ġer:44:18] Imma minn mindu waqafna milli 
naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha l-libazzjonijiet, 
naqasna kollox, u ntemmejna bix-xabla u l-pesta." [Ġer:44:19] U n-nisa qalulu: 
"U meta aħna konna naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u noffrulha 
l-libazzjonijiet jew meta konna nagħmlulha l-kagħak xbieha tagħha u sawwabnielha 
l-libazzjonijiet, jaqaw dan konna nagħmluh bla ma kienu jriduna żwieġna?" 
[Ġer:44:20] U Ġeremija wieġeb lill-poplu kollu, rġiel u nisa, il-kotra kollha, 
li kienu wieġbu b'dan il-mod u qalilhom: [Ġer:44:21] "Jaqaw il-Mulej ma 
jiftakarx u ma jiġihx f'moħħu l-inċens li intom kontu taħarqu fl-ibliet ta' Ġuda 
u fit-toroq ta' Ġerusalemm, intom u missirijietkom, is-slaten u l-prinċpijiet 
tagħkom u l-poplu tal-pajjiż? [Ġer:44:22] Il-Mulej ma felaħx iżjed iġerragħkom 
minħabba l-ħażen ta' għemilkom u l-qżiżijiet li kontu tagħmlu; għalhekk artkom 
saret ħerba, u xagħri, u saħta bla ma ħadd joqgħod fiha, kif inhi llum. 
[Ġer:44:23] Għax intom ħraqtu l-inċens, u dnibtu kontra l-Mulej, u ma smajtux 
minn kliem il-Mulej, u ma mxejtux skond il-liġi, il-preċetti u d-digrieti 
tiegħu; għalhekk laħqitkom din il-ħsara kollha, kif inhi llum." 
[Ġer:44:24] U Ġeremija qal lill-poplu kollu, l-aktar lin-nisa: "Isimgħu l-kelma 
tal-Mulej, intom in-nies ta' Ġuda, lkoll kemm intom, li qegħdin fl-art ta' 
l-Eġittu: [Ġer:44:25] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: Intom u 
n-nisa tagħkom tgħiduh b'fommkom u tagħmluh b'idejkom, u tgħidu: 'Aħna rridu 
ntemmu l-wegħdiet tagħna, rridu li naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u 
li nsawwbulha l-libazzjonijiet.' Żommu l-għewiedi tagħkom u sawwbu 
l-libazzjonijiet tagħkom." 
[Ġer:44:26] Imma isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom ilkoll, nies ta' Ġuda li 
qegħdin tgħammru fl-Eġittu: 'Arawni, jien naħlef b'ismi l-kbir, jgħid il-Mulej, 
li qatt iżjed, bl-ebda fomm ta' ħadd min-nies ta' Ġuda, ma jissemma ismi u 
jgħidu: 'Daqskemm hu ħaj il-Mulej' fl-art kollha ta' l-Eġittu.' [Ġer:44:27] 
Arawni, jien nixħet għajnejja fuqhom għad-deni u mhux għall-ġid tagħhom. U sa 
l-inqas wieħed minn Ġuda li hemm fl-art ta' l-Eġittu jintemmu bix-xabla u 
bil-ġuħ. [Ġer:44:28] U dawk li jeħilsuha mix-xabla u jerġgħu lura mill-art ta' 
l-Eġittu lejn l-art ta' Ġuda, ikunu ftit fl-għadd. U jkunu jafu l-fdal ta' Ġuda, 
li ġew biex jgħammru fl-Eġittu, il-kelma ta' min isseħħ, tiegħi jew tagħhom.'
[Ġer:44:29] "Dan ikunilkom ta' sinjal, oraklu tal-Mulej, li ser nikkastigakom 
f'dan il-pajjiż, sabiex tkunu tafu li t-tehdid tiegħi kontrikom iseħħ żgur. 
[Ġer:44:30] "Dan jgħid il-Mulej: 'Arani, se nerħi lill-Fargħun Ħofra, sultan ta' 
l-Eġittu, f'idejn l-għedewwa tiegħu u f'idejn dawk li qegħdin ifittxulu ħajtu 
bħalma jien erħejt lil Sedekija, sultan ta' Ġuda, f'idejn Nabukodonosor, sultan 
ta' Babilonja, l-għadu tiegħu li kien qiegħed ifittixlu ħajtu."
45. Kelma lil Bāruk
[Ġer:45:1] Il-kelma li qal Ġeremija, il-profeta, lil Bāruk bin Nerija, meta dan 
kiteb fi ktieb dan il-kliem minn fomm Ġeremija fir-raba' sena tas-sultan 
Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda, u qallu: [Ġer:45:2] "Dan jgħid il-Mulej, 
Alla ta' Iżrael lilek, Bāruk. [Ġer:45:3] Inti tgħid: 'Jaħasra għalija, li 
qiegħed iżidli l-Mulej l-għali man-niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma 
nistax insib mistrieħ.' [Ġer:45:4] Hekk tgħidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Arani, dak 
li jiena bnejt, nħottu, u dak li jiena ħawwilt, naqilgħu, jiġifieri l-art 
kollha. [Ġer:45:5] Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx, għax, 
arani, se nġib il-ħsara fuq kull bniedem, oraklu tal-Mulej, imma lilek 
inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-gwerra, kull fejn tmur."
46. L-orakli kontra l-ġnus
[Ġer:46:1] Il-Kelma tal-Mulej dwar il-ġnus li ġiet lil Ġeremija l-profeta.
Oraklu għall-Eġittu
[Ġer:46:2] Għall-Eġittu. Dwar l-eżerċtu tal-Fargħun Neko, sultan ta' l-Eġittu li 
kien biswit ix-xmara Ewfrat ħdejn Karkemis u li kissru Nabukodonosor, sultan ta' 
Babilonja, fir-raba' sena ta' Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta' Ġuda: 
[Ġer:46:3] "Ħejju t-tarka l-kbira u ż-żgħira, 
u ersqu għat-taqtigħa. 
[Ġer:46:4] Xiddu ż-żwiemel, u irkbu, 
intom rikkieba! 
Ħudu postkom bl-elmu f'raskom, 
sinnu l-lanez, 
ilbsu l-kurazzi. 
[Ġer:46:5] X'qiegħed nara? 
Reġgħu lura kollha mwerwrin; 
il-qalbiena tagħhom imkissra, 
maħruba u mitlufa, ma jħarsux lura, 
biża' ma' kullimkien, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:46:6] Ma jaħrabx il-ħafif, 
u l-qalbieni ma jeħlishiex. 
Lejn it-tramuntana, ħdejn xatt l-Ewfrat, 
jitfixklu u jaqgħu. 
[Ġer:46:7] Min hu tiela' bħan-Nil, 
bħal xmajjar ilmijietu mqanqla. 
[Ġer:46:8] L-Eġittu tiela' bħan-Nil, 
b'ilmijietu mqanqla bħal xmajjar, 
u hu jgħid: 'Jien nitla', 
ngħatti l-art, 
u neqred il-belt u lil min jgħammar fiha.' 
[Ġer:46:9] Itilgħu, żwiemel, 
lebbtu 'l quddiem, mriekeb! 
Oħorġu, qalbiena! 
Nies minn Kus u Put, intom li taqbdu t-tarka, 
nies minn Lud, li tħaddmu l-qaws. 
[Ġer:46:10] Dak il-Jum għal Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti, 
Jum il-vendetta, 
ħa jitħallas mill-għedewwa tiegħu. 
Ix-xabla għad tibla', għad tixba' 
u tisker f'demmhom: 
tassew sagrifiċċju għal Sidi l-Mulej, 
fl-inħawi tat-tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat. 
[Ġer:46:11] Itla' f'Gilgħad, u ħu l-balzmu, 
xbejba bint l-Eġittu. 
Għalxejn tkattar id-dwiet, 
m'hemmx fejqan għalik. 
[Ġer:46:12] Il-ġnus semgħu b'għajbek,
u l-karba tiegħek dwiet ma' l-art, 
għax qalbieni jitfixkel f'qalbieni ieħor, 
u t-tnejn flimkien jaqgħu fl-art."
Oraklu għal Nabukodonosor
[Ġer:46:13] Il-kelma li l-Mulej qal lill-profeta Ġeremija, meta Nabukodonosor, 
sultan ta' Babilonja, ġie biex jaħbat għall-art ta' l-Eġittu: 
[Ġer:46:14] "Ħabbru fl-Eġittu, 
u semmgħuh f'Migdol, 
xandruh f'Nof u Taħfanħes. 
Għidulu: 'Qum fuq tiegħek u ħejji ruħek, 
għax ix-xabla qiegħda tibla' kollox madwarek. 
[Ġer:46:15] Għaliex ħarab Afi? 
Għaliex il-gendus tiegħek ma waqafx? 
Għax il-Mulej xeħtu ma' l-art. 
[Ġer:46:16] Il-kotra tiegħek tfixklet u waqgħet, 
u bdew jgħidu lil xulxin: 
'Qum, ħa mmorru lura ma' niesna, 
u f'art twelidna, 
'il bogħod mix-xabla qerrieda.' 
[Ġer:46:17] Agħtu dan l-isem lill-Fargħun, 
sultan ta' l-Eġittu: 
'Ħsejjes waħdu, ħalla ż-żmien jgħaddi!' 
[Ġer:46:18] Daqs kemm jien ħaj, 
oraklu tas-Sultan, 
Jaħweh ta' l-eżerċti ismu, 
bħat-Tabor fost il-muntanji għad jiġi, 
bħall-Karmel fuq il-baħar. 
[Ġer:46:19] Lesti s-soror għall-eżilju, 
xbejba, li tgħammar f'bint l-Eġittu. 
Għax Nof ħerba għad issir, 
rmied, mingħajr ħadd ma jgħammar fiha. 
[Ġer:46:20] Erħa sabiħa l-Eġittu, 
xidja mit-tramuntana ġiet fuqu. 
[Ġer:46:21] Sa l-mikrija li għandu f'nofsu 
qishom għoġiela għas-simna. 
Saħansitra huma 
daru u ħarbu lura, 
u ma żammewx iebes; 
għax jum it-telfien waslilhom, 
is-siegħa ta' kastighom. 
[Ġer:46:22] Leħnu bħal serp isaffar, 
għax ġejjin bil-qawwa ta' l-eżerċtu; 
bl-imnajjar ġejjin għalih, 
bħal dawk li jqaċċtu s-siġar. 
[Ġer:46:23] Iqaċċtulu l-masġar tiegħu, 
oraklu tal-Mulej, 
għalkemm ma tgħaddix minnu, 
għax kotrana huma aktar mill-ġradijiet, 
ma jingħaddux. 
[Ġer:46:24] Bint l-Eġittu ġiet fl-għajb, 
mitluqa f'idejn poplu tat-tramuntana."
Oraklu għal Iżrael
[Ġer:46:25] Il-kelma tal-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: "Arawni! Jien 
nikkastiga lil Amon ta' No, l-Eġittu, lill-allat tiegħu u s-slaten tiegħu, u 
lill-Fargħun, u 'l dawk li jafdaw fih. [Ġer:46:26] U nerħihom f'idejn dawk li 
jfittxulhom ħajjithom, u f'idejn Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, u f'idejn 
il-qaddejja tiegħu, u wara dan l-Eġittu jitgħammar bħal fi żmien il-qedem, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:46:27] "U int la tibżax, Ġakobb, 
il-qaddej tiegħi;
u la titwerwirx, o Iżrael; 
għax, arani, jien insalvak mill-bogħod, 
u lil nislek minn art l-eżilju tagħhom. 
Ġakobb jerġa' lura u jgħix fil-kwiet, 
fiż-żgur, bla ħadd ma jbeżżgħu. 
[Ġer:46:28] Int, Ġakobb il-qaddej tiegħi, 
la tibżax, 
oraklu tal-Mulej, 
għax miegħek jien; 
jien neqred il-ġnus kollha, 
li fosthom jien xerridtek; 
imma minnek ma nagħmilx qerda; 
nikkastigak kemm jistħoqqlok, 
bla kastig għalkollox ma nħallikx."
47. Oraklu għall-Filistja
[Ġer:47:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lill-profeta Ġeremija għall-Filistin, 
qabel ma l-Fargħun kien ħabat għal Gaża: 
[Ġer:47:2] "Dan jgħid il-Mulej: 
Araw, l-ilmijiet telgħin mit-tramuntana 
u se jsiru xmara mfawwra. 
Se jgħarrqu l-art u kull ma fiha, 
il-belt u n-nies li jgħixu fiha. 
Jgħajjtu n-nies u jwerżqu, 
dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż. 
[Ġer:47:3] Għat-tqawqib taż-żwiemel qawwija tiegħu; 
għall-ħsejjes kbar tal-karrijiet, 
u l-irbumbjar tar-roti tiegħu, 
il-missirijiet ma jdurux lejn uliedhom 
minħabba t-telqa ta' idejhom. 
[Ġer:47:4] Għax wasal jum il-qerda 
tal-Filistin ilkoll kemm huma,
biex jinqered għal Tir u għal Sidon, 
kull min għad fadal jgħinhom. 
Għax il-Mulej se jeqred il-Filistin, 
il-bqija tal-gżira ta' Kaftor. 
[Ġer:47:5] Qriegħet Gaża, 
ntemmet Askalon. 
Int Asdod, fdal l-Għanakin, 
kemm se ddum tqatta' ġismek? 
[Ġer:47:6] Ah, ix-xabla tal-Mulej, 
kemm se ddum ma tieqaf? 
Erġa' idħol f'għantek, 
strieħ u iskot! 
[Ġer:47:7] Kif tista' tieqaf 
jekk jikkmandaha l-Mulej? 
Askalon u x-xtajta tal-baħar, 
għal hemm hu bagħatha?
48. Oraklu għal Mowab
[Ġer:48:1] Għal Mowab: dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 
"Gwaj għal Nebu, saret ħerba, 
waqgħet fl-għajb, nqabdet Kirjatajm; 
mgħajjba u mirbuħa l-fortizza. 
[Ġer:48:2] Ma għadhiex aktar il-foħrija ta' Mowab, 
f'Ħesbon ifasslu l-ħażen kontrieh: 
"Ejjew ħa neqirduh minn fost il-ġnus.' 
U int ukoll, Madmčn, għad isikktuk; 
għal warajk għad tiġri x-xabla. 
[Ġer:48:3] Isma' l-għajat minn Ħoronajm! 
Ħerba u tkissir bil-kbir! 
[Ġer:48:4] Tfarrak Mowab, 
l-għajat jinstama' sa minn Segor. 
[Ġer:48:5] Għax it-telgħa ta' Luħit 
imbikkija jitilgħuha. 
Għax fin-niżla ta' Ħoronajm 
jisimgħu l-għajta tal-qerda. 
[Ġer:48:6] Aħarbu! Salvaw ħajjitkom, 
kunu bħal ħmar selvaġġ fix-xagħri. 
[Ġer:48:7] Għax int qegħedt it-tama tiegħek 
fix-xogħol ta'idejk u t-teżori tiegħek, 
int ukoll għad jaqbduk. 
U Kemos jitlaq għall-eżilju 
bil-qassisin u l-prinċpijiet tiegħu. 
[Ġer:48:8] U l-qerried jilħaq 'il kull belt, 
u ebda belt ma teħlisha; 
jitħarbat il-wied, 
tinqered il-wita, 
bħalma qal il-Mulej. 
[Ġer:48:9] Agħti l-ġwienaħ lil Mowab ħalli jtir,
għax blietu jsiru ħerba, 
u ħadd aktar ma jgħammar fihom. 
[Ġer:48:10] Misħut il-bniedem li jagħmel xogħol
il-Mulej b'nofs kedda; 
U misħut hu min iżomm ix-xabla 'l bogħod
mid-demm. 
[Ġer:48:11] Mowab kien bi kwietu sa minn żgħożitu, 
u mistrieħ fil-bittija 
u qatt ma tferragħ minn ġarra għal ġarra, 
u fl-eżilju qatt ma mar. 
Għalhekk dejjem baqgħetlu t-togħma tiegħu, 
u r-riħa tiegħu qatt ma nbidlet. 
[Ġer:48:12] Għalhekk arahom ġejjin jiem, 
oraklu tal-Mulej, 
meta nibgħat nies li jqallbu l-ġarar, 
u jqallbuh, u jferrgħu l-ġarar kollha tiegħu, 
u jitħnu l-qolol tagħhom. 
[Ġer:48:13] U Mowab għad jistħi minn Kemos 
bħalma stħaw dar Iżrael 
minn Betel, it-tama tagħhom. 
[Ġer:48:14] Kif tistgħu tgħidu: 
'Qalbiena aħna u rġiel ta' ħila għall-ġlied'? 
[Ġer:48:15] Il-qerried ta' Mowab u blietu tela', 
u l-aħjar taż-żgħażagħ tiegħu niżlu għall-qatla, 
oraklu tas-Sultan, 
Jaħweh ta' l-eżerċti ismu. 
[Ġer:48:16] Għoddha waslet il-qerda ta' Mowab, 
ġejja bl-għaġla l-ħsara tiegħu. 
[Ġer:48:17] Ibkuh intom ilkoll ġirien madwaru, 
u intom li tafu b'ismu u għidu: 
'Kif tkisser ix-xettru setgħan, 
ix-xettru glorjuż!" 
[Ġer:48:18] Inżel mill-glorja tiegħek, 
oqgħod fuq l-art niexfa, 
int li tgħammar f'Dibon, 
għax il-qerried ta' Mowab tela' għalik, 
ħa jġarraf il-fortizzi tiegħek. 
[Ġer:48:19] Oħroġ fit-triq u ħares, 
int li tgħammar f'Għarogħer. 
Stħarreġ il-maħrub u l-meħlus; 
staqsieh: 'X'inhu li ġara?' 
[Ġer:48:20] Mowab waqqgħuh fl-għajb, 
għax tfarrak. 
Ixhru u għajjtu, 
xandruha ma' xtut l-Arnon 
li tkisser Mowab. 
[Ġer:48:21] Wasal il-ħaqq fuq art il-wita; 
fuq Ħolon u fuq Ġaħsa, u fuq Mefagħat, 
[Ġer:48:22] fuq Dibon u fuq Nebu, 
u fuq Bet-diblatajm; 
[Ġer:48:23] fuq Kirjatajm, u fuq Bet-gamul, 
u fuq Bel-megħon; 
[Ġer:48:24] fuq Kirjot u fuq Bosra, 
u fuq kull belt ta' art Mowab, 
tal-qrib u tal-bogħod. 
[Ġer:48:25] Il-qawwa ta' Mowab tfarrket 
u driegħu tkisser, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:48:26] Sakkruh għax tkabbar quddiem il-Mulej; 
ħa jitmiegħek fit-taqligħ tiegħu,
ħa jaqa' għaż-żufjett. 
[Ġer:48:27] Ma waqqajtx lil Iżrael għaż-żufjett? 
Kien jaqaw maqbud fost il-ħallelin, 
biex kull meta kont titkellem fuqu, 
ixxejjer rasek? 
[Ġer:48:28] Ħallu l-ibliet 
u morru għammru fil-blat, 
intom li tgħammru f'Mowab. 
Kunu bħall-ħamiema,
li tbejjet f'xifer l-irdum. 
[Ġer:48:29] Smajna bil-kburija ta' Mowab, 
mkabbar bil-bosta: 
kemm tgħolla, tkabbar u żżarġan! 
Kemm intefħet qalbu! 
[Ġer:48:30] Jien naf tajjeb kburitu, 
oraklu tal-Mulej, 
bi ftaħiru fil-vojt, 
b'għemilu fieragħ. 
[Ġer:48:31] Għalhekk jien nixher għal Mowab, 
għal Mowab kollu ngħajjat, 
għan-nies ta' Kir-ħeres jien nibki. 
[Ġer:48:32] Nibkik aktar minn Ġagħżer, 
ja dielja ta' Sibma! 
Feragħtek waslu 'l hemm mill-baħar, 
laħqu sa Ġagħżer. 
Fuq il-frott u l-ġabra ta' l-għeneb tiegħek 
se jinxteħet il-qerried.
[Ġer:48:33] Għelbu l-ferħ u l-hena, 
mill-art għammiela ta' Mowab. 
Jien nixxift l-inbid mill-magħsar, 
l-għassar ma jagħsarx aktar; 
l-għana ferrieħ m'għadux għana ta' ferħ. 
[Ġer:48:34] L-għajat ta' Ħesbon jasal sa Elgħali, 
sa Ġaħas tasal l-għajta tagħhom,
minn Sogħar jinstama' l-għajat tagħhom, 
sa Ħoronajm u Għeglat-selisija, 
saħansitra l-ilmijiet ta' Nimrin nixfu. 
[Ġer:48:35] Jiena ntemm minn Mowab, 
oraklu tal-Mulej, 
lil min joffri s-sagrifiċċji fuq l-għoljiet, 
u jaħraq l-inċens lill-allat tiegħu. 
[Ġer:48:36] Għalhekk qalbi tokrob bħall-flawt għal 
Mowab;
tingħi qalbi bħall-flawt 
għan-nies ta' Kir-ħeres; 
għax il-qligħ li għamlu mar fix-xejn. 
[Ġer:48:37] Kull ras tqarwżet, kull leħja tqaxxret; 
u idejhom kollha mqattgħin, 
u l-ġenbejn miksija bix-xkora. 
[Ġer:48:38] Fuq il-bjut kollha ta' Mowab, 
u fil-pjazez kollha, 
kullimkien biki, 
għax jien kissirt 'il Mowab bħal ġarra li ma
togħġobnix, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:48:39] "Kif tfarrak! Xi jwerżqu! 
Kif dawwar dahru Mowab kollu għajb; 
Mowab waqa' għaż-żufjett, 
u sar waħx u twerwir għall-ġirien madwaru. 
[Ġer:48:40] Għax dan jgħid il-Mulej: 
"Araw, bħal ajkla jittajjar, 
u jifrex ġwenħajh għal fuq Mowab. 
[Ġer:48:41] Jinqabdu l-ibliet, 
jintrebħu l-fortizzi. 
F'dak il-jum qalb il-qalbiena ta' Mowab, 
tkun bħal qalb mara fil-ħlas. 
[Ġer:48:42] Ma jibqax poplu Mowab, jinqered, 
għax tkabbar kontra l-Mulej. 
[Ġer:48:43] Għalik li tgħammar f'Mowab 
m'hemmx ħlief biża', ħofra u nassa, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:48:44] Min jaħrab mill-biża' 
jaqa' fil-ħofra; 
u min jitla' mill-ħofra 
jinqabad fin-nassa. 
Jien inġib dan kollu fuq Mowab 
fis-sena ta' kastighom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:48:45] Għad-dell ta' Ħesbon jistrieħu 
bla saħħa l-maħrubin; 
imma nar joħroġ minn Ħesbon,
u ilsna tan-nar mill-palazz ta' Siħon, 
u jibilgħu ġbin Mowab 
u l-qorriegħa tan-nies imkabbra. 
[Ġer:48:46] Gwaj għalik Mowab, 
ntemm il-poplu ta' Kemos, 
għax is-subjien tiegħek ittieħdu fil-jasar, 
u bnietek fl-eżilju. 
[Ġer:48:47] Imma jien inbiddel ix-xorti ta' Mowab, 
fl-aħħar jiem," 
oraklu tal-Mulej. 
Sa hawn il-ġudizzju fuq Mowab.
49. Oraklu għal Għammon
[Ġer:49:1] Għal ulied Għammon dan jgħid il-Mulej: 
"Ma għandux forsi wliedu Iżrael? 
Ma għandux forsi werrieta? 
Mela għaliex Milkom wiret lil Gad, 
u l-poplu tiegħu jgħammar fi blietu? 
[Ġer:49:2] Għalhekk, araw, għad jiġu jiem, 
oraklu tal-Mulej, 
meta jien insamma' l-għajta tal-gwerra 
għal Rabba ta' wlied Għammon, 
u ssir borġ ħerba, 
u blietha n-nar jaħraqhom, 
u Iżrael jiret lil min kien wirtu, 
il-kelma tal-Mulej. 
[Ġer:49:3] Għajjat, Ħesbon, għax wasal il-qerried! 
Werżqu, bniet ta' Rabba. 
Tħażżmu bix-xkejjer, u ibku, 
morru ġġerrew b'ġildkom imqatta'. 
Għax Mikom sejjer fl-eżilju, 
bil-qassisin u l-kbarat miegħu. 
[Ġer:49:4] X'int tiftaħar bil-widien għammiela, 
tfajla infidila! 
Qalbek qawwija bil-ħażniet tiegħek tgħid: 
'Min se jiġi għalija?' 
[Ġer:49:5] Arani se nġib fuqek il-biża', 
oraklu ta' Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti, 
minn kull naħa ta' madwarek. 
Isuqukom 'il barra 
kulħadd għal rasu, 
u ma jkun hemm ħadd li jiġbor il-maħrubin. 
[Ġer:49:6] Imma mbagħad inraġġa' lura 
x-xorti ta' wlied Għammon," 
oraklu tal-Mulej.
Oraklu għal Edom
[Ġer:49:7] U lil Edom dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Forsi m'hemmx aktar għerf f'Teman? 
Jaqaw għab l-għaqal mid-dehnin? 
Ntemm l-għerf tagħhom? 
[Ġer:49:8] Aħarbu, erġgħu lura, 
morru inħbew fil-qiegħ, 
intom li tgħammru f'Dedan. 
Għax se nġib fuq Għesaw il-qerda tiegħu 
fi żmien kastigu. 
[Ġer:49:9] Jekk l-għassara jiġu għandek, 
jaqaw ma jħallux xi fdal warajhom? 
Jekk billejl jiġu l-ħallelin, 
jaqaw ma jeqirdux biss kemm ikollhom bżonn?
[Ġer:49:10] Hekk jien innażża' lil Għesaw, 
nikxiflu l-moħbiet tiegħu, 
bla ma jkun jista' jinħeba. 
Jinqerdu nislu, u ħutu, u ġirienu, 
u hu ma jibqax iżjed. 
[Ġer:49:11] Ħalli l-iltiema tiegħek, 
u jien ngħajjixhom 
u ħalli r-romol tiegħek jafdaw fija." 
[Ġer:49:12] Għax dan jgħid il-Mulej: 
"Araw, jekk dawk li ma kellhomx jixorbu l-kalċi issa jkollhom jixorbuh, jaqaw se 
tibqa' int bla kastig? Int ma teħlishiex, għax ikollok tixrob żgur! [Ġer:49:13] 
Għax jien ħlift bija nnifsi, oraklu tal-Mulej, li Bosra ssir ħerba, għajb, waħx, 
saħta, u blietha jkunu kollha ħerba għal dejjem." 
[Ġer:49:14] Jien smajt aħbar mingħand il-Mulej, 
messaġġ intbagħat lill-ġnus: 
"Inġabru u morru għaliha 
u ħejju ruħkom għat-taqtigħa! 
[Ġer:49:15] Arani, se nċekknek fost il-ġnus, 
nagħmlek għajb fost il-bnedmin. 
[Ġer:49:16] Il-biża' li kont iġġib qarraq bik, il-kburija ta' qalbek, 
int li tgħammar fi xquq il-blat, 
tixxabbat ma' l-ogħla qċaċet. 
Mqar jekk tagħmel il-bejta tiegħek 
ogħla minn dik ta' l-ajkla, 
jien inniżżlek minn hemm, 
oraklu tal -Mulej. 
[Ġer:49:17] Edom għad issir waħx. Kull min jgħaddi minnha jibqa' mistagħġeb u 
bla nifs għall-ġerħiet li ġarrbet. [Ġer:49:18] Bħal meta ġġarrfu Sodoma u 
Gomorra u l-ġirien tagħhom, jgħid il-Mulej, ħadd iżjed ma jgħammar hemm, ebda 
bniedem ma jmur joqgħod fiha. 
[Ġer:49:19] Ara, bħal iljun tiela' 
mill-masġar tal-Ġordan, 
għall-mergħat dejjiema, 
hekk f'tebqa t'għajn jiena nħarrbu minnu, 
u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi. 
Għax min hu bħali? 
Min se jħarrikni? 
Min hu r-ragħaj li jiqafli? 
[Ġer:49:20] Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej, 
li għamel għal Edom, 
u l-ħsieb li għandu għal dawk li 
jgħammru f'Teman. 
Iva, ikaxkrulhom sa ż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom, 
ħerba ssirilhom il-mergħa tagħhom. 
[Ġer:49:21] Titheżheż l-art għall-ħoss tal-waqgħa 
tagħhom; 
sa minn Baħar il-Qasab jinstama' twerżiqhom. 
[Ġer:49:22] Arawh! Bħal ajkla jitla' u jittajjar ħafif, 
għal fuq Bosra jifrex ġwenħajh, 
u qalb il-qalbenin ta' Edom dakinhar, 
bħal qalb mara fil-ħlas issir."
Oraklu għal Damasku
[Ġer:49:23] Dwar Damasku: 
"Mħawwda Ħamat u Arfad, 
għax aħbar ħażina semgħu; 
mqallba bħall-baħar, 
tqanqlu u m'għandhomx kwiet. 
[Ġer:49:24] Nfniet Damasku, daret biex taħrab, 
qabditha r-rogħda; 
id-diqa u l-uġigħ, 
bħal mara fil-ħlas ħakmuha. 
[Ġer:49:25] Kif telquha, belt it-tifħir, 
belt l-għaxqa! 
[Ġer:49:26] Iż-żgħażagħ tagħha 
għad jaqgħu mejta fil-pjazez tagħha, 
u jinqerdu l-gwerriera dakinhar, 
oraklu tal-Mulej ta' l-eżerċti. 
[Ġer:49:27] Nkebbes in-nar fuq swar Damasku, 
u l-palazzi ta' Benħadad jiblagħhom.
Oraklu għal Kedar
[Ġer:49:28] Għal Kedar u s-saltniet ta' Ħażor, li rebaħhom Nabukodonosor, sultan 
ta' Babilonja. 
Dan jgħid il-Mulej: 
"Qumu u itilgħu għal Kedar 
u ħarbtu n-nies tal-lvant. 
[Ġer:49:29] Ħa jeħdulhom l-għerejjex u l-imrieħel
tagħhom, 
ix-xaqaq u tagħmirhom kollu; 
ħa jaqbdulhom l-iġmla tagħhom. 
Ħa jgħajjtu minħabba fihom: 
'Biża' minn kullimkien.' 
[Ġer:49:30] Aħarbu, morru 'l bogħod, għammru
f'qiegħ l-art, 
intom li tgħammru f'Ħażor!" 
Oraklu tal-Mulej. 
Għax Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, 
għandu pjan kontrikom,
fassal ħsieb kontrikom. 
[Ġer:49:31] Qumu u itilgħu kontra ġens bi kwietu, 
li jgħammar fiż-żgur, 
oraklu tal-Mulej, 
la għandu bwieb u anqas żbarri, 
u waħdu jgħammar. 
[Ġer:49:32] U l-iġmla tiegħu jaqbduhom priża, 
u jeħdulu l-kotra ta' l-imrieħel tiegħu; 
u jien inxerred ma' kull riħ 
lil dawk li jqarwżu ngħashom. 
u minn kull naħa l-ħsara nġib fuqhom, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:49:33] Bejta tax-xakalli ssir Ħażor, 
ħerba għal dejjem. 
Ħadd ma jgħammar fiha
u ebda bniedem ma joqgħod hemm."
Oraklu għal Għelam
[Ġer:49:34] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija, il-profeta, fuq Għelam, 
fil-bidu tas-saltna ta' Sedekija, sultan ta' Ġuda, u qallu: 
[Ġer:49:35] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Arani, se nfarrak qaws Għelam, 
sies qawwietu. 
[Ġer:49:36] U nġib fuq Għelam l-erbat irjieħ 
mill-erbat itruf tas-sema, 
u nxerridhom ma' l-irjieħ kollha, 
u ma jkunx hemm ġens fejn 
ma jaslux fih il-maħrubin minn Għelam. 
[Ġer:49:37] Jien inwerwer lil Għelam quddiem 
l-għedewwa tiegħu, 
u quddiem dawk li jfittxulu ħajtu; 
u nġib fuqhom il-ħsara, 
is-saħna tal-korla tiegħi, 
oraklu tal-Mulej. 
Nibgħat warajhom ix-xabla 
sakemm inkun qridthom. 
[Ġer:49:38] U jien inqiegħed it-tron tiegħi f'Għelam, 
u nqaċċat minn hemm 
is-sultan u l-prinċpijiet, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:49:39] U jiġri fl-aħħar jiem, nraġġa' x-xorti ta' 
Għelam, 
oraklu tal-Mulej."
50. Oraklu għal Babilonja
[Ġer:50:1] Il-kelma li qal il-Mulej għal Babilonja u art il-Kaldin permezz 
tal-profeta Ġeremija: 
[Ġer:50:2] "Ħabbru lill-ġnus u xandru, 
għollu stendard u xandru, 
taħbu xejn imma għidu: 
'Babilonja ttieħdet, 
Bel mistħi, 
Merodak imħawwad, 
allatha mistħija; 
l-idoli tagħha mkissra.' 
[Ġer:50:3] Għax tiela' għaliha poplu mit-tramuntana, 
u minn artha jagħmel ħerba. 
Ma jkun hemm ħadd jgħammar fiha; 
bnedmin u bhejjem telqu u ħarbu. 
[Ġer:50:4] F'dawk il-jiem u f'dak il-waqt, 
oraklu tal-Mulej, 
ulied Iżrael flimkien ma' wlied Ġuda 
jibku huma u ġejjin, għad jiġu jfittxu 
lill-Mulej Alla tagħhom.
[Ġer:50:5] Għal Sijon jistaqsu, 
lejha jdawwru wiċċhom: 
"Ejjew nintrabtu mal-Mulej 
b'patt għal dejjem ma jintesa qatt.' 
[Ġer:50:6] Merħla nagħaġ mitlufa l-poplu tiegħi; 
ħarġuhom mit-triq ir-rgħajja tagħhom; 
rħewlhom jiġġerrew fuq l-għoljiet, 
minn muntanja għal għolja dejjem sejrin, 
sa nsew il-maqjel tagħhom. 
[Ġer:50:7] Kien jiblagħhom kull min kien isibhom, 
l-għedewwa tagħhom kienu jgħidu: 
'Aħna ma naħtu xejn għax huma dinbu kontra 
l-Mulej. 
Mergħa tas-sewwa l-Mulej, 
u t-tama ta' missirijiethom.' 
[Ġer:50:8] Aħarbu minn nofs Babilonja, 
mill-art tal-Kaldin, oħorġu 
u kunu bħall-bdabad f'ras il-merħla. 
[Ġer:50:9] Għax, arani, se nqajjem u ntella' għal 
Babilonja 
ġemgħa ta' ġnus kbar 
mill-art tat-tramuntana; 
dawn jitqassmu kontra tagħha, 
minn hemm jaħtfuha, 
il-vleġeġ tagħhom bħal ta' gwerrier tas-sengħa, 
li qatt ma jerġa' lura idu f'idu. 
[Ġer:50:10] U tkun il-kadilja priża, 
u jixbgħu dawk li jisirquha, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:50:11] Ifirħu! Aqbżu bil-ferħ! 
Intom li sraqtu 'l wirti. 
Iva! Aqbżu bħal għoġol fuq il-mergħa, 
u iżhru bħal fħal. 
[Ġer:50:12] Imma ommkom waqgħet f'mistħija kbira, 
dik li wilditkom waqqgħuha fl-għajb. 
Arawha, ġiet l-aħħar fost il-ġnus, 
saret deżert, art niexfa u xagħra. 
[Ġer:50:13] Minħabba l-għadab tal-Mulej, 
ħadd ma jgħammar fiha; 
kollha kemm hi tkun ħerba. 
Kull min jgħaddi minn ħdejn Babilonja, 
jibqa' mistagħġeb u bla nifs 
għall-ġerħiet li ġarrbet.
[Ġer:50:14] Tqassmu kontra Babilonja dawramejt, 
intom ilkoll li tiġbdu l-qaws. 
Waddbulha l-vleġeġ; tibżgħux għalihom, 
għax dinbet kontra l-Mulej. 
[Ġer:50:15] Għajjtu kontriha minn kull naħa, 
refgħet idejha, 
waqgħu torrijietha, 
ġġarrfu ħitanha. 
Tassew, il-Mulej qed jitħallas minnha, 
tħallsu minnha, 
bħalma għamlet hi, agħmlu lilha. 
[Ġer:50:16] Eqirdu minn Babilonja lil min jiżra', 
lil min jaqbad il-minġel fi żmien il-ħsad. 
Minn quddiem ix-xabla qattiela, 
idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu, 
u kulħadd jaħrab lejn artu.
Iżrael jerġa' lura lejn artu
[Ġer:50:17] Nagħġa mitlufa kien Iżrael, 
bl-iljuni jiġru warajha. 
L-ewwel belagħha s-sultan ta' l-Assirja; 
mbagħad Nabukodonosor, 
sultan ta' Babilonja, gerrmilha għadamha." 
[Ġer:50:18] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta' 
l-eżerċti, Alla ta' Iżrael: 
"Arani, se nikkastiga s-sultan ta' Babilonja u 'l artu, bħalma kkastigajt 
is-sultan ta' l-Assirja. 
[Ġer:50:19] Imma nraġġa' lura 'l Iżrael 
lejn meragħtu. 
Għad jirgħa fuq il-Karmel u f'Basan, 
u fuq il-muntanji ta' Efrajm u Gilgħad għad jixba'. 
[Ġer:50:20] F'dawk il-jiem u f'dak iż-żmien, 
oralu tal-Mulej, 
ifittxu l-ħażen ta' Iżrael, u ma jsibuhx, 
u d-dnubiet ta' Ġuda, u ma jsibuhomx, 
għax jien naħfer lil min inħalli ħaj. 
[Ġer:50:21] Itla' għall-art ta' Meratajm, 
għaliha u għal min jgħammar f'Fekod. 
Oqtol u eqred li jibqa', 
oraklu tal-Mulej, 
u agħmel kull ma ordnajtlek. 
[Ġer:50:22] Ħsejjes ta' gwerra fil-pajjiż, 
u qerda kbira. 
[Ġer:50:23] Kif tkisser u tfarrrak il-martell ta' l-art 
kollha! 
Kif saret waħx Babilonja fost il-ġnus! 
[Ġer:50:24] Nsabtlek, u int inqbadt, 
Babilonja, u int ma ntbaħtx. 
Sibtek u qbadtek, 
għax int ħadtha kontra l-Mulej. 
[Ġer:50:25] Il-Mulej fetaħ il-maħżen tiegħu, 
u ħareġ l-armi tal-korla tiegħu, 
għax għandu x'jagħmel il-Mulej 
f'art il-Kaldin. 
[Ġer:50:26] Ejjew għaliha minn truf l-art, 
u iftħu mħażen qmuħha. 
Geddsu kollox bħal munzell, 
u eqirdu kollox, li minnha ma jibqa' xejn. 
[Ġer:50:27] Oqtlu l-gniedes kollha, 
ħa jinżlu għall-biċċerija. 
Gwaj għalihom, 
għax waslilhom il-Jum, 
żmien il-kastig. 
[Ġer:50:28] Isma'! Il-maħrubin 
u l-meħlusin minn art Babilonja, 
marru jħabbru f'Sijon 
il-vendetta tal-Mulej, Alla tagħna, 
il-vendetta għat-tempju tiegħu. 
[Ġer:50:29] Sejjħu l-arċieri kontra Babilonja, 
lil dawk kollha li jiġbdu l-qaws; 
waqqfu l-kamp madwarha, 
biex ħadd ma jeħles minnha. 
Ħallsuha skond ma għamlet, 
għamlulha skond għemilha. 
Għax iżżarġnet kontra l-Mulej; 
kontra l-Qaddis ta' Iżrael. 
[Ġer:50:30] Għalhekk jaqgħu ż-żgħażagħ tagħha
mejta fil-pjazez tagħha, 
u jintemmu l-gwerriera dakinhar, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:50:31] Arani, wieqaf quddiemek, ja mżarġna, 
oraklu ta' Sidi l-Mulej ta' l-eżerċti. 
Wasal il-Jum tiegħek, 
żmien kastigek. 
[Ġer:50:32] U l-imżarġna togħtor u titgerbeb, 
u ma jkunx hemm min iqajjimha. 
Nagħti n-nar lil blietha, 
u jibla' l-inħawi kollha ta' madwarha. 
[Ġer:50:33] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
'Mgħakksin ulied Iżrael, 
u wlied Ġuda magħhom. 
Dawk kollha li ħaduhom fl-eżilju, 
jgħassu fuqhom, ma jridux jitilquhom.' 
[Ġer:50:34] Imma l-Feddej tagħhom b'saħħtu, 
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu. 
Jiddefendi l-kawża tagħhom, 
biex jikkwieta d-dinja, 
imma jħawwad in-nies ta' Babilonja. 
[Ġer:50:35] Xabla għal fuq il-Kaldin, 
oraklu tal-Mulej, 
u għal fuq in-nies ta' Babilonja; 
u għal fuq il-prinċpijiet 
u l-għorrief tagħha. 
[Ġer:50:36] Xabla għal fuq dawk li jeħbru 
ħalli jiġġennu. 
Xabla għal fuq il-gwerriera tagħha, 
ħalli jitwerwru. 
[Ġer:50:37] Xabla għal fuq iż-żwiemel 
u l-imriekeb tagħha; 
u għal fuq il-poplu mħallat 
li hemm f'nofsha; 
ħa jsiru bħan-nisa. 
Xabla għal fuq l-imħażen tagħha, 
ħa jisirquhom. 
[Ġer:50:38] Xabla għal fuq l-ilmijiet ħalli jinxfu. 
Għax art l-idoli hi, 
u jiftaħru bil-babaw. 
[Ġer:50:39] Għalhekk għad jgħammru fiha 
l-bhejjem tax-xagħri u x-xakalli, 
u hemm joqogħdu n-ngħam. 
Qatt iżjed ma tkun mgħammra, 
u aktar fiha ma joqgħod ħadd, 
minn żmien għal żmien. 
[Ġer:50:40] Bħal meta Alla qered lil Sodoma u lil
Gomorra, 
u l-ibliet tal-qrib, 
oraklu tal-Mulej, 
hekk ħadd iżjed ma jgħammar hemm, 
u ebda bniedem ma joqgħod fiha. 
[Ġer:50:41] Araw, poplu ġej mit-tramuntana, 
ġens kbir u kotra slaten 
jitqanqlu minn truf id-dinja. 
[Ġer:50:42] Il-qaws u l-vleġeġ jaqbdu; 
kiefra, nies bla ħniena, 
għajathom ikarwat bħall-baħar, 
u ż-żwiemel jirkbu. 
Lesti bħal bniedem wieħed għat-taqtigħa, 
għalik, bint Babilonja! 
[Ġer:50:43] Sama' s-sultan ta' Babilonja b'aħbarhom, 
u ntelqu idejh, 
qabditu d-diqa, 
l-uġigħ ta' mara fil-ħlas. 
[Ġer:50:44] Arah, bħal iljun tiela' 
mill-masġar tal-Ġordan, 
għall-mergħat dejjiema, 
hekk f'tebqa t'għajn jiena nħarrbu minnu, 
u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi. 
Għax min hu bħali? 
Min se jħarrikni? 
Min hu r-ragħaj li se jiqafli? 
[Ġer:50:45] Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej 
li għamel għal Babilonja, 
u l-ħsieb li għandu 
għal dawk li jgħammru f'art il-Kaldin. 
Iva, ikaxkrulhom iż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom. 
Iva, ħerba ssirilhom mergħathom. 
[Ġer:50:46] Titheżheż l-art mal-ħoss 
tal-waqgħa ta' Babilonja, 
u l-għajta tagħha tinstama' fost il-ġnus."
51. Il-kastig ta' Babilonja
[Ġer:51:1] Dan jgħid il-Mulej: 
"Arani, se nqajjem 
kontra Babilonja u kontra n-nies tal-Kaldija, 
riħ qerried. 
[Ġer:51:2] Nibgħat f'Babilonja nies derrejja; 
iderruha u jneżżgħulha artha, 
għax jinżlu għaliha minn kull naħa 
f'jum il-ħsara. 
[Ġer:51:3] Ma jiġbidx l-arċier il-qaws, 
ma jiżżarġanx bil-kurazza tiegħu! 
Taħfruhiex liż-żgħażagħ tagħha, 
eqirdulha l-eżerċtu kollu tagħha. 
[Ġer:51:4] Ħa jaqgħu mejta n-nies f'art il-Kaldin, 
u miġruħin fit-toroq tagħha. 
[Ġer:51:5] Imma Iżrael m'hijiex xi armla, anqas Ġuda, 
m'hija mitluqa minn Alla tagħhom, 
l-Mulej ta' l-eżerċti, 
minkejja li arthom mimlija dnubiet 
kontra l-Qaddis ta' Iżrael. 
[Ġer:51:6] Aħarbu minn nofs Babilonja, 
u jaħseb kulħadd għal ħajtu. 
La tinqerdux minħabba ħżunitha; 
għax hu żmien il-vendetta għall-Mulej, 
se jroddilha kull ma ħaqqha, 
[Ġer:51:7] Kalċi tad-deheb kienet Babilonja f'id
il-Mulej, 
u bih sakkar l-art kollha. 
Il-ġnus xorbu minn inbidha, 
u għalhekk bliehu l-ġnus. 
[Ġer:51:8] Għal għarrieda waqgħet 
Babilonja, tfarrket. 
Ibkuha! 
Ġibu l-balzmu għall-uġigħ tagħha, 
għandha mnejn tfiq. 
[Ġer:51:9] Konna nfejjquha 'l Babilonja, 
imma hija ma fiqitx. 
Ħalluha, immorru kulħadd lejn artu, 
għax il-ħaqq tagħha laħaq sas-sema, 
u għola sa ġos-sħab. 
[Ġer:51:10] Għax il-Mulej ħareġ is-sewwa tagħna
għad-dawl. 
Ejjew u nxandru f'Sijon, 
għemil il-Mulej Alla tagħna."
Il-Medi jitħallsu
[Ġer:51:11] "Sinnu l-vleġeġ! 
Imlew il-barżakki! 
Għax il-Mulej qajjem ruħ is-slaten tal-Medja, 
għamel il-ħsieb li 'l Babilonja jfarrakha; 
għax din hi l-vendetta tal-Mulej, 
il-vendetta għat-tempju tiegħu. 
[Ġer:51:12] Biswit il-ħitan ta' Babilonja 
għollu l-istendard, saħħu l-għases, 
qiegħdu l-għassiesa, 
onsbu n-nases. 
Għax dak li l-Mulej ħaseb, dak għamel, 
dak li kien qal għan-nies ta' Babilonja. 
[Ġer:51:13] Int li toqgħod ħdejn il-gliegel ta' l-ilma, 
li għandek teżori kbar, 
wasal tmiemek, 
waslet għall-qtugħ il-medda tiegħek. 
[Ġer:51:14] Il-Mulej ta' l-eżerċti ħalef bih innifsu:
'Nimliek bin-nies kotrana bħal ġradijiet, 
u jgħollu kontrik l-għajta tar-rebħa.' 
[Ġer:51:15] Għamel l-art bil-ħila tiegħu; 
issoda d-dinja bl-għerf tiegħu, 
u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet. 
[Ġer:51:16] Mal-ħoss ta' leħnu, 
jitqanqlu l-ilmijiet tas-sema, 
u jtella' s-sħab minn truf l-art; 
jagħmel il-beraq għax-xita, 
u mill-imħażen tiegħu joħroġ l-irjieħ. 
[Ġer:51:17] Iblah il-bniedem u bla għerf; 
l-arġentier jistħi għall-idolu tiegħu. 
Għax gidba x-xbieha mdewwba, 
ma fiha ebda ruħ.
[Ġer:51:18] Frugħat huma u xogħol taċ-ċajt; 
f'jum kastighom jintemmu lkoll. 
[Ġer:51:19] M'hux bħalhom sehem Ġakobb, 
għax hu għamel kull ma hu. 
Iżrael hu t-tribų tal-wirt tiegħu, 
Jaħweh ta' l-eżerċti jismu. 
[Ġer:51:20] Il-martell kont int għalija, 
l-għodda tal-gwerra. 
Bik kissirt il-ġnus; 
bik ħarbatt is-saltniet; 
[Ġer:51:21] bik kissirt iż-żiemel u r-rikkieb; 
bik kissirt il-mirkeb u s-sewwieq, 
[Ġer:51:22] bik kissirt ir-raġel u l-mara; 
bik kissirt ix-xiħ u t-tifel; 
bik kissirt iż-żagħżugħ u x-xebba; 
[Ġer:51:23] bik kissirt ir-ragħaj u l-merħla; 
bik kissirt il-bidwi u l-gniedes; 
bik kissirt gvernaturi u kmandanti. 
[Ġer:51:24] Lil Babilonja taħt għajnejkom inħallasha, 
lilha u n-nies kollha tal-Kaldija, 
għad-deni kollu li għamlu lil Sijon, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:51:25] Arani kontrik, muntanja qerrieda, 
oraklu tal-Mulej, 
li qridt l-art kollha. 
Jien immidd idejja għal fuqek, 
u ngerbek minn fuq il-blat, 
u nagħmel minnek muntanja nar. 
[Ġer:51:26] U minnek ma jiħdux la l-ġebla 
tax-xewka, 
u anqas ħaġar għas-sisien. 
Għax issir ħerba għal dejjem, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:51:27] Għollu stendard fuq l-art, 
doqqu l-kornu fost il-ġnus. 
Lestu l-ġnus għaliha, 
sejjħu s-saltniet kontrieha: 
Ararat, Minni u Askenaż. 
Ibagħtu kontrieha l-kittieba ta' l-eżerċti, 
tellgħu ż-żwiemel bħal ġradijiet bix-xwiek. 
[Ġer:51:28] Ħejju l-ġnus għaliha, 
is-slaten tal-Medja, 
bil-gvernaturi u l-maġistrati tagħhom 
bl-art kollha taħt ħakmithom. 
[Ġer:51:29] Titkexkex l-art u titriegħed, 
għax iseħħ ħsieb il-Mulej għal Babilonja, 
li jagħmel ħerba minn art Babilonja, 
u ħadd iżjed ma jgħammar fiha. 
[Ġer:51:30] Waqfu mill-ġlied il-qalbenin ta' Babilonja, 
u baqgħu fil-fortizzi; 
naqsithom il-qlubija u saru qishom nisa. 
Id-djar tagħha tawhom in-nar, 
tkissru l-iżbarri tagħha. 
[Ġer:51:31] Kurrier jiġri wara kurrier, 
messaġġier biex jilħaq messaġġier ieħor, 
biex jgħarraf lis-sultan ta' Babilonja, 
li beltu ttieħdet minn kullimkien. 
[Ġer:51:32] Il-mogħdijiet inqabdu, 
u l-fortizzi tawhom in-nar, 
u l-gwerriera tilfu rashom. 
[Ġer:51:33] Għax dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti, 
Alla ta' Iżrael: 
'Bint Babilonja qisha l-qiegħa 
fi żmien id-dris tagħha. 
Ftit ieħor u jaslilha jum il-ħsad.'
Babilonja ħerba
[Ġer:51:34] "Belagħni, ġiebni fix-xejn, 
Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja; 
għamel minni ġarra fiergħa. 
Belagħni bħal dragun, 
żaqqu mela bl-aħjar li kelli, 
u mbagħad irmieni 'l barra.
[Ġer:51:35] 'Ħa tilħaq 'il Babilonja 
l-moħqrija li laħqet lili u 'l qrabati,' 
jgħidu n-nies li jgħammru f'Sijon. 
'Ħa jaqa' demmi fuq in-nies, 
li jgħammru fil-Kaldija,' 
tgħid Ġerusalemm. 
[Ġer:51:36] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: 
"Arani, se niddefendi l-kawża tiegħek, 
u nitħallas għalik. 
Nnixxef il-baħar tagħha, 
u nqaxqxilha l-għejun tagħha. 
[Ġer:51:37] Babilonja ssir borġ ħerba, 
bejta għax-xakalli, 
waħx u tmaqdir, 
għax ħadd ma jkollha jgħammar fiha, 
[Ġer:51:38] Lkoll flimkien jgħajjtu bħal iljuni, 
bħal frieħ ta' ljuni jgargru. 
[Ġer:51:39] Meta jkunu fis-sħana nħejjilhom festa, 
nsakkarhom sakemm jistordu, 
u jorqdu raqda għal dejjem, 
bla ma qatt iżjed jistenbħu, 
oraklu tal-Mulej. 
[Ġer:51:40] Nniżżilhom bħall-ħrief għall-qatla 
bħall-bdabad u l-imtaten. 
[Ġer:51:41] Kif inħatfet Sesak, 
u ntrebħet il-foħrija tad-dinja! 
Kif saret Babilonja waħx fost il-popli! 
[Ġer:51:42] Babilonja tela' l-baħar għaliha! 
u għerqet taħt il-qawwa tal-ħalel tiegħu.
[Ġer:51:43] Blietha saru ħerba, 
art niexfa u xagħra, 
u ħadd ma jgħammar fihom, 
u ebda bniedem ma jgħaddi minnhom. 
[Ġer:51:44] Jien nikkastiga 'l Bel f'Babilonja, 
noħroġlu minn ħalqu kull ma bela'; 
il-ġnus ma jiġrux aktar lejh. 
Sa s-swar ukoll ta' Babilonja ġġarrfu.
Il-poplu jaħrab
[Ġer:51:45] Oħorġu minn nofsha, poplu tiegħi! 
Ħa jsalva kull wieħed ħajtu 
minn qillet il-korla tal-Mulej. 
[Ġer:51:46] Taqtgħux qalbkom u la tibżgħux 
bl-aħbar li xterdet fil-pajjiż. 
Is-sena tasal aħbar, 
u oħra s-sena ta' wara. 
Moħqrija jkun hawn fl-art, 
u tirann kontra tirann. 
[Ġer:51:47] Għalhekk għad jiġi żmien, 
meta jien niġi nżur l-idoli ta' Babilonja; 
u l-pajjiż kollu tagħha għad jistħi, 
u l-midrubin kollha jaqgħu mejta f'nofsha. 
[Ġer:51:48] U għad jgħajjtu bil-ferħ għal Babilonja 
s-sema u l-art u kull ma fihom, 
għax mit-tramuntana għad jiġu għaliha l-qerrieda, 
oraklu al-Mulej. 
[Ġer:51:49] Babilonja wkoll għad taqa', 
minħabba l-midrubin ta' Iżrael; 
bħalma waqgħu għal Babilonja 
l-midrubin tad-dinja kollha.
[Ġer:51:50] Intom li ħlistuha mix-xabla, 
itilqu, la tiqfux. 
Ftakru fil-Mulej mill-bogħod, 
u ħallu 'l Ġerusalemm tfeġġ f'qalbkom. 
[Ġer:51:51] Tħawwadna bl-għajb li smajna, 
wiċċna nkesa bil-mistħija, 
għax daħlu l-barranin 
fis-santwarju ta' dar il-Mulej. 
[Ġer:51:52] Għalhekk, araw, għad jiġu jiem, 
oraklu tal-Mulej, 
u jien nagħmel ħaqq mill-idoli tagħha, 
u f'artha kollha jokorbu l-midrubin.
[Ġer:51:53] Mqar jekk Babilonja togħla sas-smewwiet, 
u ssaħħaħ l-għoli ta' qawwietha 
mingħandi jaslulha l-qerrieda, 
oraklu tal-Mulej.
Il-qerda
[Ġer:51:54] Isimgħu! Twerżiq u għajat minn 
Babilonja, 
tkissir kbir minn art il-Kaldin! 
[Ġer:51:55] Għax il-Mulej qiegħed iħarbat lil 
Babilonja, 
u jsikket l-għajat kbir tagħha. 
Igargru l-ħalel tagħhom bħal ilmijiet kotrana 
u jidwu l-ħsejjes tagħhom ma' kullimkien. 
[Ġer:51:56] Għax wasal fuq Babilonja l-qerried; 
qabduhom il-qalbiena tagħha, 
u tkissru l-qwies tagħhom. 
Għax Alla li jħallsu hu l-Mulej, 
u jħallas fuq li jħallas. 
[Ġer:51:57] Nsakkar il-prinċpijiet u l-għorrief tagħha,
il-gvernaturi, il-kmandanti u l-gwerriera tagħha; 
jorqdu raqda għal dejjem 
u ma jistenbħu qatt minnha aktar, 
oraklu tas-Sultan, 
Jaħweh ta' l-eżerċti ismu. 
[Ġer:51:58] Dan jgħid il-Mulej ta' l-eżerċti: 
"Is-sur wiesa' ta' Babilonja jiġġarraf sal-qiegħ, 
u bibienha l-għolja n-nar jaħraqhom. 
Għax-xejn jitħabtu l-ġnus, 
u l-popli jinfnew għan-nar.
Il-messaġġ ta' Ġeremija
[Ġer:51:59] Dan hu l-messaġġ li ta Ġeremija, il-profeta, lil Xeraja bin Nerija, 
bin Maħseja, meta dan mar Babilonja ma' Sedekija, sultan ta' Ġuda, fir-raba' 
sena tas-saltna tiegħu. Xeraja kien l-uffiċjal li kien ħa ħsieb l-alloġġi. 
[Ġer:51:60] Ġeremija kiteb fi ktieb wieħed il-ħsara kollha li kellha taqa' fuq 
Babilonja: dan il-kliem kollu miktub kontra Babilonja. 
[Ġer:51:61] U Ġeremija qal lil Xeraja: "Meta tasal Babilonja qis li taqra dan 
il-kliem kollu [Ġer:51:62] u għid: 'Mulej, int għedt li trid teqred dan 
il-pajjiż u ma jkun hemm ħadd li jgħammar fih, u la nies u lanqas bhejjem, imma 
jkun ħerba għal dejjem.'
[Ġer:51:63] Meta tispiċċa taqra dan il-ktieb orbotlu ġebla miegħu u waddbu 
f'nofs l-Ewfrat [Ġer:51:64] u għid: 'Hekk għad tegħreq Babilonja u ma tqum qatt 
iżjed minħabba l-ħsara li jien inkun ġibt fuqha.' "
Sa hawn kliem Ġeremija.
52. L-assedju u l-waqgħa ta' Ġerusalemm
[Ġer:52:1] Sedekija kellu wieħed u għoxrin sena meta beda jsaltan u dam isaltan 
ħdax-il sena f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Ħamutal, bint Ġeremija minn 
Libna. [Ġer:52:2] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej bħal kull ma kien għamel 
Ġeħojakin. [Ġer:52:3] Dan ġara minħabba l-korla tal-Mulej kontra Ġerusalemm u 
Ġuda, sa ma warrabhom minn quddiem wiċċu. Sedekija qam kontra s-sultan ta' 
Babilonja. 
[Ġer:52:4] Fid-disa' sena tas-saltna tiegħu, fl-għaxar xahar, fl-għaxra 
tax-xahar, Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, tela' għal Ġerusalemm, hu u 
l-eżerċtu tiegħu kollu, u waqqfu l-kamp quddiemha, u tella' ħajt dawramejt 
magħha. [Ġer:52:5] U l-belt damet magħluqa f'assedju sal-ħdax-il sena tas-sultan 
Sedekija. [Ġer:52:6] Fir-raba' xahar, id-disgħa tax-xahar, meta l-ġuħ kien qabad 
jaħkem sewwa fuq il-belt u ma kienx hemm iżjed ħobż għan-nies tal-pajjiż, 
[Ġer:52:7] nfetħet tiċrita fis-swar tal-belt, u s-sultan, bis-suldati kollha 
miegħu ħarbu u ħarġu mill-belt billejl, u għaddew mill-bieb ta' bejn iż-żewġ 
ħitan, li kien jagħti għall-ġnien tas-sultan, u, waqt li l-Kaldin kienu jdawwru 
l-belt minn kull naħa, hu qabad it-triq ta' l-Għaraba,
[Ġer:52:8] Is-suldati Kaldin telqulha għal wara s-sultan, u laħqu 'l Sedekija 
fix-xagħri ta' Ġeriko, fejn l-eżerċtu kollu tiegħu tferrex 'il bogħod minnu. 
[Ġer:52:9] U qabdu s-sultan, u ħaduh f'Ribla, għand is-sultan ta' Babilonja 
fil-pajjiż ta' Ħamat, u dan qatagħlu s-sentenza. [Ġer:52:10] U s-sultan ta' 
Babilonja qatel 'l ulied Sedekija quddiemu stess, u qatel ukoll il-prinċpijiet 
ta' Ġuda f'Ribla. [Ġer:52:11] U lil Sedekija għamieh, rabtu bil-ktajjen, u ħadu 
Babilonja, u għalqu l-ħabs sa jiem mewtu. 
[Ġer:52:12] Fil-ħames xahar l-għaxra tax-xahar - kienet id-dsatax-il sena 
tas-sultan Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja - Nebużardan, kmandant ta' 
l-għases, wieħed minn ta' madwar is-sultan ta' Babilonja, daħal Ġerusalemm. 
[Ġer:52:13] Ħaraq it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u d-djar kbar 
kollha ta' Ġerusalemm. [Ġer:52:14] U s-suldati kollha tal-Kaldin, li kienu 
mal-kmandant ta' l-għases, ġarrfu s-swar kollha ta' madwar Ġerusalemm. 
[Ġer:52:15] U kull min kien fadal mill-poplu, li kienu baqgħu fil-belt, u dawk 
li kienu ċedew u għaddew għal mas-sultan ta' Babilonja, u l-bqija kollha 
tan-nies, Nebużardan, il-kmandant ta' l-għases ħadhom fl-eżilju. [Ġer:52:16] 
Nebużardan, il-kmandant ta' l-għases, ħalla xi wħud minn fost il-fqar tal-pajjiż 
biex jaħdmu d-dwieli u r-raba'. 
[Ġer:52:17] U l-Kaldin kissru l-kolonni tal-bronż, li kien hemm fit-tempju 
tal-Mulej, u l-maqgħad u l-vaska tal-bronż li kienet fit-tempju tal-Mulej, u 
ġarrew il-bronż tagħhom lejn Babilonja. [Ġer:52:18] U ħadu l-borom, u l-pwali, u 
l-imqassijiet, u l-bwieqi, u t-tagħmir kollu tal-bronż li kienu jinqdew bihom 
fit-tempju. [Ġer:52:19] U l-kmandant ta' l-għases ħa wkoll il-kwies, il-kwiener, 
il-baċili, il-borom, l-imnajjar, it-tazez u l-kalċijiet, u kull ma kien 
tad-deheb, b'deheb, u kull ma kien tal-fidda, b'fidda. [Ġer:52:20] U ż-żewġ 
kolonni, u l-vaska, u t-tnax-il barri tal-bronż li kienu taħtha, u l-imqagħad li 
kien għamel is-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej: il-bronż tagħhom ma kontx 
tiżnu. [Ġer:52:21] Iż-żewġ kolonni, mbagħad, kull waħda kienet tmintax-il driegħ 
għolja, u ħajta ta' tnax-il driegħ kienet id-dawra tagħhom, u l-ħxuna tagħha 
kienet ta' erba' swaba' u vojta minn ġewwa. [Ġer:52:22] Fuqha kellha kapitell 
tal-bronż, li kien għoli ħamest idriegħ, u madwar il-kapitell kien hemm girlanda 
u rummien madwaru, kollox tal-bronż; u l-istess il-kolonna l-oħra: kellha 
girlanda, iddur magħha u mżejjna bir-rummien ukoll. [Ġer:52:23] Ir-rummien kienu 
sitta u disgħin waħda maqlugħa 'l barra; b'kollox mitt rummiena madwar 
il-girlanda. 
[Ġer:52:24] Il-kmandant ta' l-għassiesa ħa wkoll lil Xeraja, il-qassis il-kbir, 
u lil Sefonija, il-qassis ta' warajh, u t-tliet għassiesa tal-bieb. [Ġer:52:25] 
U mill-belt ħa wieħed uffiċjal, li kien jieħu ħsieb in-nies tal-gwerra; u sebat 
irġiel oħra li kienu midħla tas-sultan, li kienu jinsabu l-belt; u s-segretarju 
tal-kmandant ta' l-eżerċtu, li kien idaħħal in-nies tal-pajjiż fl-eżerċtu; u 
sittin raġel tal-pajjiż li kienu nstabu f'nofs il-belt. [Ġer:52:26] Lil dawn 
ilkoll Nebużardan, il-kmandant ta' l-għases, ħadhom u ġiebhom għand is-sultan 
ta' Babilonja f'Ribla. [Ġer:52:27] U s-sultan ta' Babilonja darabhom u qatilhom 
f'Ribla fl-art ta' Ħamat. 
Hekk Ġuda ġie tturufnat il bogħod minn artu.
[Ġer:52:28] Dan hu l-poplu li eżilja Nabukodonosor: Fis-sena sebgħa, tlitt elef 
u tlieta u għoxrin minn nies Ġuda. [Ġer:52:29] Fis-sena tmintax, mbagħad, ta' 
Nabukodonosor, kienu tturufnati tmien mija u tnejn u tletin ruħ minn Ġerusalemm. 
[Ġer:52:30] Fis-sena tlieta u għoxrin ta' Nabukodonosor, Nebużardan, il-kmandant 
ta' l-għases, eżilja seba' mija u ħamsa u erbgħin minn nies Ġuda, b'kollox erbat 
elef u sitt mitt ruħ. 
[Ġer:52:31] U ġara li fis-sena sebgħa u tletin ta' l-eżilju ta' Ġeħojakin, 
sultan ta' Ġuda, fit-tnax-il xahar, fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar, Evil-merodak, 
sultan ta' Babilonja, fis-sena li laħaq sultan, rafa' ras Ġeħojakin, sultan ta' 
Ġuda, u ħarġu mill-ħabs [Ġer:52:32] U beda jkellmu bil-ħlewwa u qegħedlu t-tron 
'il fuq mit-tronijiet tas-slaten l-oħra li kienu miegħu f'Babilonja. 
[Ġer:52:33] B'hekk Ġeħojakin sata' jbiddel ħwejġu li kellu fil-ħabs, u beda 
jiekol kuljum miegħu tul għomru kollu. [Ġer:52:34] U l-ikel tiegħu ta' kuljum 
kien jingħatalu mingħand is-sultan ta' Babilonja, is-sehem ta' kuljum f'jiemu, 
tul il-jiem kollha ta' ħajtu.