IL-KTIEB TAL-ĠENESI
1. Il-ħolqien tas-sema u l-art
[Ġen:1:1] Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: [Ġen:1:2] u kienet l-art taħwid u
baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu
ta' Alla.
[Ġen:1:3] U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl.” U d-dawl sar. [Ġen:1:4] U ra Alla d-dawl
li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. [Ġen:1:5] U d-dawl Alla semmieh
jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.
[Ġen:1:6] U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f'nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn
ilma.” [Ġen:1:7] U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta' taħt il-medda mill-ilma
ta' fuq il-medda. U hekk sar. [Ġen:1:8] U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u
sebaħ - It-tieni jum.
[Ġen:1:9] U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta' taħt is-sema u
jidher l-inxif.” U hekk sar. [Ġen:1:10] U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa ta'
l-ilma sejjħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. [Ġen:1:11] U qal Alla:
“Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott
biż-żerriegħa ġo fih skond għamliethom, fuq l-art.” U hekk sar. [Ġen:1:12] U
nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skond għamlietu u siġar
jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skond għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb.
[Ġen:1:13] U dalam u sebaħ - It-tielet jum.
[Ġen:1:14] U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum
mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin.
[Ġen:1:15] U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawwlu l-art.” U hekk
sar. [Ġen:1:16] U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex
trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. [Ġen:1:17] U
Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, [Ġen:1:18] u jrieġu l-jum
u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. [Ġen:1:19] U dalam
u sebaħ - Ir-raba' jum.
[Ġen:1:20] U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b'kotra ta' ħlejjaq ħajjin u jittajjru t-tjur
fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet.” [Ġen:1:21] U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali
kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skond ġenshom, u t-tajr
bil-gwienaħ skond ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. [Ġen:1:22] U berikhom Alla
u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma ta' l-ibħra; u joktor it-tajr fuq
l-art.” [Ġen:1:23] U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.
[Ġen:1:24] U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skond ġenshom: bhejjem
tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skond ġenshom.” U hekk sar.
[Ġen:1:25] U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skond ġenshom, u l-bhejjem tad-dar
skond ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skond ġenshom. U ra
Alla li kien tajjeb.
[Ġen:1:26] U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u
jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr ta' l-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u
fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art.”
[Ġen:1:27] U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu
fuq xbihat Alla ħalqu,
raġel u mara ħalaqhom.
[Ġen:1:28] U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha;
u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li
jitkaxkru fuq l-art.”
[Ġen:1:29] U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel
iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa:
dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. [Ġen:1:30] U lill-bhejjem kollha
selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li
fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom.” U
hekk sar. [Ġen:1:31] U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien
tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ - Is-sitt jum.
2. Il-ħolqien tas-sema u l-art
[Ġen:2:1] U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. [Ġen:2:2] U
fis-seba' jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba'
jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel. [Ġen:2:3] U bierek Alla s-seba' jum u
qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien.
[Ġen:2:4] Dan hu nisel is-sema u l-art fil-ħolqien tagħhom.
Il-bniedem fl-Għeden
[Ġen:2:4b] Meta Alla ħalaq l-art u s-sema; [Ġen:2:5] meta kien għad ma hemm ebda
xitla tar-raba' fuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba' ma kien għadu nibet - għax
il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex
jaħdem l-art, [Ġen:2:6] minkejja l-ilma tiela' mill-art li sata' jsaqqi l-wiċċ
kollu ta' l-art - [Ġen:2:7] il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta' l-art u
nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.
[Ġen:2:8] U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed
hemm il-bniedem li kien sawwar. [Ġen:2:9] U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar
kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f'nofs il-ġnien
u s-siġra ta' tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.
[Ġen:2:10] U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden u ssaqqi l-ġnien; u minn hemm
kienet tinqasam f'erbat irjus. [Ġen:2:11] L-ewwel waħda kien jisimha Pison, hi
li ddur ma' l-art kollha ta' Ħawila, fejn hemm id-deheb - [Ġen:2:12] u d-deheb
ta' din l-art hu sabiħ, u hemm ukoll gomma tfuħ u ħaġar ta' l-oniċi. [Ġen:2:13]
U t-tieni kien jisimha Gihon, li ddur ma' l-art kollha ta' Kus. [Ġen:2:14] U t-tielet
kien jisimha Tiġri, li kienet tgħaddi n-naħa tal-lvant ta' l-Assirja; u r-raba'
xmara kienet l-Ewfrat.
[Ġen:2:15] U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien ta' l-Għeden biex
jaħdmu u jħarsu. [Ġen:2:16] U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu:
“Mis-siġar kollha tal-ġnien tista' tiekol, [Ġen:2:17] imma mis-siġra ta' tagħrif
it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li
tmut.”
[Ġen:2:18] U l-Mulej Alla qal: “M'hux sewwa li l-bniedem jibqa' waħdu. Ħa
nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.” [Ġen:2:19] U l-Mulej Alla sawwar mill-art
annimali selvaġġi u t-tajr kollu ta' l-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex
jara xi jsemmihom; u skond ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak
ikun isimha.
[Ġen:2:20] U l-bniedem ta isem lil kull bhima u 'l kull tajra ta' l-ajru, u 'l
kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.
[Ġen:2:21] U l-Mulej Alla tefa' nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U
ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. [Ġen:2:22] U l-Mulej Alla
sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f'mara u ġiebha lill-bniedem.
[Ġen:2:23] Mbagħad il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi
għadma minn għadmi,
u laħam minn laħmi,
għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel
ittieħdet hi.”
[Ġen:2:24] Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma'
martu u jsiru ġisem wieħed. [Ġen:2:25] U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu,
u ma kinux jistħu minn xulxin.
3. Il-waqgħa tal-bniedem
[Ġen:3:1] U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi
kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom:
'La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien'?” [Ġen:3:2] U l-mara wieġbet lis-serp:
“Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f'nofs
il-ġnien, [Ġen:3:3] Alla qalilna: 'La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh,
inkella tmutu.’ ” [Ġen:3:4] U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux.
[Ġen:3:5] Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u
ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” [Ġen:3:6] U l-mara rat li s-siġra
kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajjrek biex tikseb id-dehen;
u ħadet mill-frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġħa, li kien magħha, u
kiel. [Ġen:3:7] U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu
weraq tat-tin, u għamlu iħżma. [Ġen:3:8] U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja
fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb
is-siġar tal-ġnien.
Il-ġudizzju u l-piena
[Ġen:3:9] U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?” [Ġen:3:10] U
dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.” U
staqsieh: [Ġen:3:11] “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien
ordnajtlek li ma tikolx minnha?” [Ġen:3:12] U wieġeb Adam: “Il-mara li inti
tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” [Ġen:3:13] U l-Mulej Alla
qal lill-mara: “X'inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija,
u jien kilt.” [Ġen:3:14] U l-Mulej Alla qal lis-serp:
“Talli għamilt dan, misħut int
fost il-bhejjem kollha
u fost l-annimali selvaġġi.
Għal żaqqek titkaxkar,
u t-trab ta' l-art tiekol
il-jiem kollha ta' ħajtek.
[Ġen:3:15] U jien inqajjem mibegħda
bejnek u bejn il-mara,
bejn nislek u nisilha,
u hu jisħaqlek rasek
u int tisħaqlu għarqubu.”
[Ġen:3:16] U lill-mara qalilha:
“Inkattarlek sewwa wgigħ it-tqala tiegħek,
u bl-ugigħ tiled it-tfal;
lejn żewġek tiġbdek xewqtek,
u jaħkem fuqek hu.”
[Ġen:3:17] U lil Adam qallu:
“Talli inti smajt minn kelmet martek,
u kilt mis-siġra li ordnajtlek
ma tikolx minnha u għidtlek:
'La tikolx minnha,'
misħuta l-art minħabba fik;
bit-taħbit tiekol minnha,
il-jiem kollha ta' ħajtek.
[Ġen:3:18] Xewk u għolliq tnibbitlek,
u int tiekol il-ħaxix selvaġġ.
[Ġen:3:19] Bl-għaraq ta' ġbinek tiekol ħobżok,
sakemm terga' lura lejn l-art,
għax minnha int meħud.
Għax trab int,
u fit-trab terġa' tmur.”
[Ġen:3:20] U Adam semma lil martu Eva għax hi kienet omm il-ħajjin kollha.
[Ġen:3:21] U l-Mulej Alla għamel lil Adam u 'l martu ħwejjeġ tal-ġild u
libbishomlhom.
Il-bniedem imkeċċi mill-Għeden
[Ġen:3:22] U qal il-Mulej Alla: “Ara issa l-bniedem sar bħal wieħed minna,
jagħraf it-tajjeb u l-ħażin; u issa xi jkun jekk imur imidd idejh u jieħu wkoll
mis-siġra tal-ħajja, u jiekol, u jibqa' ħaj għal dejjem?” [Ġen:3:23] Għalhekk
il-Mulej Alla keċċieh 'il barra mill-ġnien ta' l-Għeden biex jaħdem l-art li
minnha kien ittieħed. [Ġen:3:24] U ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa
tal-lvant tal-ġnien ta' l-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq
għas-siġra tal-ħajja.
4. Kajjin u Abel
[Ġen:4:1] U Adam għaraf lil martu Eva, u din tqalet u wildet lil Kajjin, għax
qalet: “Għamilt bniedem mal-Mulej.” [Ġen:4:2] U mbagħad wildet lil ħuh Abel.
[Ġen:4:3] Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott ta' l-art
lill-Mulej; [Ġen:4:4] u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u
mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu. [Ġen:4:5] Imma
lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx; u Kajjin għalhekk saħan sewwa u
wiċċu tqarras. [Ġen:4:6] U l-Mulej qal lil Kajjin: “Għala sħant u għala għaddast
rasek? [Ġen:4:7] Jaqaw m'hux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfa' rasek?
Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu
xewqan għalik, imma inti tista' trażżnu.”
[Ġen:4:8] U Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ħa mmorru fir-raba’.” U kif kienu fir-raba'
Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu. [Ġen:4:9] U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu
ħuk Abel?” U hu wieġbu: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta' ħija?” [Ġen:4:10] U l-Mulej
wieġbu: “X'għamilt! Leħen id-demm ta' ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art.
[Ġen:4:11] U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta' ħuk
minn idejk. [Ġen:4:12] Meta int taħdem l-art ma tagħtikx aktar ġidha. Int tibqa'
tiġġerra maħrub 'l hemm u 'l hawn fl-art.” [Ġen:4:13] U Kajjin qal lill-Mulej:
“Il-kastig tiegħi kbir wisq biex nerfgħu. [Ġen:4:14] Ara, int keċċejtni llum
minn wiċċ l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek; u nibqa' niġġerra maħrub
'l hemm u 'l hawn fuq l-art; u kull min isibni joqtolni.” [Ġen:4:15] U l-Mulej
wieġbu: “M'hux hekk! Kull min joqtol lil Kajjin iħallas seba' darbiet.” U l-Mulej
għamel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux. [Ġen:4:16] U Kajjin
ħareġ minn quddiem il-Mulej u mar jgħammar f'art Nod, fuq il-lvant ta' l-Għeden.
In-nisel ta' Kajjin
[Ġen:4:17] Kajjin għaraf lil martu, u din tqalet u wildet lil Ħenok; u hu beda
jibni belt u semmieha Ħenok b'isem ibnu. [Ġen:4:18] U lil Ħenok twelidlu Għirad,
u Għirad wiled lil Meħujjel, u Meħujjel wiled lil Metusajel, u Metusajel wiled
lil Lamek. [Ġen:4:19] U Lamek ħa żewġ nisa: waħda kien jisimha Għada u l-oħra
Silla. [Ġen:4:20] Għada wildet lil Ġabal, li kien missier dawk li jgħixu fl-għerejjex
u jrabbu l-imrieħel. [Ġen:4:21] U ħuh kien jismu Ġubal, li kien missier dawk li
jdoqqu ċ-ċetra u l-flawt. [Ġen:4:22] U Silla wkoll wildet lil Tubal-Kajn, li
kien ħaddied, jaħdem l-għodod tal-bronż u l-ħadid. U oħt Tubal-Kajn kienet
Nagħma.
[Ġen:4:23] U Lamek qal lin-nisa tiegħu:
“Għada u Silla isimgħu leħni;
nisa ta' Lamek, agħtu widen għal kliemi.
Qtilt raġel għax ġeraħni,
u żagħżugħ għax benġilni.
[Ġen:4:24] Għax seba' darbiet jitħallas Kajjin,
imma Lamek sebgħa u sebgħin darba.”
It-twelid ta' Set
[Ġen:4:25] U Adam għaraf lil martu u wildet tifel u semmietu Set, għax qalet:
“Għax Alla tani nisel ieħor flok Abel, li qatlu Kajjin.”
[Ġen:4:26] U 'l Set ukoll twelidlu iben u semmieh Enos; mbagħad bdew isejjħu
isem il-Mulej.
5. In-nisel ta' Adam
[Ġen:5:1] Dan hu ktieb in-nisel ta' Adam. Meta ħalaq Alla l-bniedem, fi xbieha
ta' Alla għamlu; [Ġen:5:2] raġel u mara ħalaqhom. U berikhom u semmiehom bnedmin
nhar il-ħolqien tagħhom.
[Ġen:5:3] U Adam kellu mija u tletin sena meta wiled iben fix-xbieha u s-sura
tiegħu, u semmieh Set. [Ġen:5:4] U wara li wiled lil Set, Adam għex tmien mitt
sena oħra, u wiled subjien u bniet. [Ġen:5:5] U kienu l-jiem kollha li għex Adam
disa' mija u tletin sena; u mbagħad miet.
[Ġen:5:6] U Set kellu mija u ħames snin meta wiled lil Enos. [Ġen:5:7] U wara li
wiled lil Enos, Set għex tmien mija u seba' snin oħra, u wiled subjien u bniet.
[Ġen:5:8] U kienu l-jiem kollha li għex Set disa' mija u tnax-il sena; u mbagħad
miet.
[Ġen:5:9] U Enos kellu disgħin sena meta wiled lil Kenan. [Ġen:5:10] U wara li
wiled lil Kenan, Enos għex tmien mija u ħmistax-il sena oħra, u wiled subjien u
bniet. [Ġen:5:11] U kienu l-jiem kollha li għex Enos disa' mija u ħames snin; u
mbagħad miet.
[Ġen:5:12] U Kenan kellu sebgħin sena meta wiled lil Maħalel. [Ġen:5:13] U wara
li wiled lil Maħalel, Kenan għex tmien mija u erbgħin sena oħra, u wiled subjien
u bniet. [Ġen:5:14] U kienu l-jiem kollha li għex Kenan disa' mija u għaxar snin;
u mbagħad miet.
[Ġen:5:15] U Maħlalel kellu ħamsa u sittin sena meta wiled lil Ġared. [Ġen:5:16]
U wara li wiled lil Ġared, Maħlalel għex tmien mija u tletin oħra, u wiled
subjien u bniet. [Ġen:5:17] U kienu l-jiem kollha li għex Maħlalel tmien mija u
ħamsa u disgħin sena; u mbagħad miet.
[Ġen:5:18] U Ġared kellu mija u tnejn u sittin sena meta wiled lil Ħenok.
[Ġen:5:19] U wara li wiled lil Ħenok, għex tmien mitt sena oħra, u wiled subjien
u bniet. [Ġen:5:20] U kienu l-jiem kollha li għex Ġared disa' mija u tnejn u
sittin sena; u mbagħad miet.
[Ġen:5:21] U Ħenok kellu ħamsa u sittin sena meta wiled lil Matusala. [Ġen:5:22]
U Ħenok kien jimxi ma' Alla. U wara li wiled lil Matusala għex tliet mitt sena
oħra, u wiled subjien u bniet. [Ġen:5:23] U kienu l-jiem kollha li għex Ħenok
tliet mija u ħamsa u sittin sena. [Ġen:5:24] U Ħenok kien jimxi sewwa ma' Alla;
u ma deherx aktar, għax ħadu Alla.
[Ġen:5:25] U Matusala kellu mija u sebgħa u tmenin sena meta wiled lil Lamek.
[Ġen:5:26] U għex Matusala wara li wiled lil Lamek seba' mija u tnejn u tmenin
sena, u wiled subjien u bniet. [Ġen:5:27] U kienu l-jiem kollha li għex Matusala
disa' mija u disgħa u sittin sena; u mbagħad miet. [Ġen:5:28] U Lamek kellu mija
u tnejn u tmenin sena meta wiled iben. [Ġen:5:29] U semmieh Noè għax qal: “Dan
għad iserraħna mit-taħbit tagħna u mix-xogħol iebes ta' idejna minħabba l-art
misħuta mill-Mulej.” [Ġen:5:30] U wara li wiled lil Noè għex ħames mija u ħamsa
u disgħin sena oħra, u wiled subjien u bniet. [Ġen:5:31] U kienu l-jiem kollha
li għex Lamek seba' mija sebgħa u sebgħin sena u mbagħad miet. [Ġen:5:32] U Noè
kellu ħames mitt sena u wiled lil Sem, lil Ħam u lil Ġafet.
6. Il-ħażen jikber fuq l-art
[Ġen:6:1] U ġara li meta l-bnedmin bdew joktru fuq l-art u tweldulhom il-bniet,
[Ġen:6:2] raw ulied Alla li l-bniet tal-bnedmin kienu ħelwin, u 'l dawk li
għoġbuhom ħaduhom b'nisa tagħhom.
[Ġen:6:3] U l-Mulej qal: “Ma tibqax ruħi aktar fil-bniedem għal dejjem, għax,
laħam hu; u jkunu jiemu ta' mija u għoxrin sena.”
[Ġen:6:4] Kien hemm il-ġġanti dak iż-żmien - u wara wkoll - meta wlied Alla
resqu lejn il-bniet tal-bnedmin, u huma wildulhom. Dawk kienu n-nies kbar
imsemmija sa mill-qedem. [Ġen:6:5] U l-Mulej ra li l-ħażen tal-bniedem kien
kiber fuq l-art; u f'qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.
[Ġen:6:6] U l-Mulej sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art; u sewwed qalbu.
[Ġen:6:7] U l-Mulej qal: “Nqaċċat minn wiċċ l-art il-bniedem li jien ħlaqt,
mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru fl-art sat-tjur ta' l-ajru,
għax jien sogħbien li għamilthom.”
[Ġen:6:8] U Noè sab ħniena quddiem il-Mulej.
Id-dilluvju
[Ġen:6:9] Dan hu n-nisel ta' Noè. Noè kien bniedem ġust u kien perfett fost in-nies
ta' żmienu; kien jimxi sewwa ma' Alla. [Ġen:6:10] Lil Noè tweldulu: Sem, Ħam u
Ġafet. [Ġen:6:11] U l-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza.
[Ġen:6:12] U Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa
ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-art.
[Ġen:6:13] U l-Mulej qal lil Noè: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax
imtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn
wiċċ l-art. [Ġen:6:14] Agħmel għalik arka mill-injam taċ-ċipress; qassamha fi
kmamar u idlikha minn barra u minn ġewwa bil-qatran. [Ġen:6:15] U tagħmilha hekk:
tliet mitt driegħ tul, ħamsin driegħ wisa' u tletin driegħ għoli. [Ġen:6:16] L-arka
agħmlilha saqaf u kompliha driegħ 'il fuq. Il-bieb ta' l-arka tqiegħdu fil-ġenb.
Tagħmilha wkoll bi tliet gverti: t'isfel, tan-nofs u t-tielet ta' fuq.
[Ġen:6:17] Għax arani, jiena se nibgħat dilluvju ilma fuq l-art biex neqred kull
ħliqa li fiha nifs il-ħajja taħt is-smewwiet u kull ma jinsab fl-art jinqered.
[Ġen:6:18] U jien nagħmel patt miegħek: int tidħol fl-arka, int u wliedek,
martek u n-nisa ta' wliedek miegħek. [Ġen:6:19] Mill-ħlejjaq ħajjin kollha, minn
kull xorta ta' annimali, tnejn minn kull xorta, iddaħħal fl-arka biex jibqgħu
jgħixu miegħek, u jkunu raġel u mara. [Ġen:6:20] Jidħlu wkoll miegħek minn kull
xorta ta' għasafar skond ġenshom, bil-bhejjem skond ġenshom, mill-annimali li
jitkaxkru fl-art skond ġenshom, tnejn minn kull xorta jidħlu biex jgħixu miegħek.
[Ġen:6:21] U inti tieħu miegħek minn kull xorta ta' ikel, li jista' jittiekel, u
aħżnu miegħek, u jkun l-għajxien tiegħek u tagħhom.”
[Ġen:6:22] U hekk għamel Noè, għamel kull ma ordnalu Alla.
7. Id-dħul fl-arka
[Ġen:7:1] U l-Mulej qal lil Noè: “Idħol int, u darek kollha fl-arka, għax
quddiemi jiena lilek sibt ġust fost in-nies ta' dan iż-żmien. [Ġen:7:2] Mill-bhejjem
kollha safjin daħħal miegħek seba' pari, kull par ir-raġel u l-mara tiegħu. U
mill-bhejjem li m'humiex safjin par wieħed, ir-raġel u l-mara. [Ġen:7:3] U
mit-tjur ta' l-ajru wkoll daħħal seba' pari, kull par ir-raġel u l-mara, biex
jibqa' nisel fuq l-art kollha. [Ġen:7:4] Għax minn hawn u sebat ijiem oħra se
nibgħat xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u neqred mill-wiċċ kollu
ta' l-art kull ħliqa li jien għamilt.” [Ġen:7:5] U Noè għamel skond ma ordnalu
l-Mulej.
[Ġen:7:6] U Noè kellu sitt mitt sena meta d-dilluvju għarraq l-art. [Ġen:7:7] U
dahal Noè u miegħu wliedu, martu, u n-nisa ta' wliedu, fl-arka, minħabba l-ilma
tad-dilluvju. [Ġen:7:8] Mill-bhejjem safjin u mill-bhejjem m'humiex safjin, u
mit-tjur u minn kull ma jitkaxkar fl-art, [Ġen:7:9] daħlu tnejn tnejn, ir-raġel
u l-mara, fl-arka ma' Noè, kif kien ordna Alla lil Noè. [Ġen:7:10] U malli
għaddew is-sebat ijiem beda nieżel l-ilma tad-dilluvju fuq l-art.
Id-dilluvju
[Ġen:7:11] Fis-sitt mitt sena ta' għomor Noè, fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum
tax-xahar, f'dan il-jum infaqgħu l-għejun tal-qiegħ il-kbir u nfetħu bwieb is-smewwiet.
[Ġen:7:12] U baqgħet nieżla x-xita fuq l-art għal erbgħin jum u erbgħin lejl.
[Ġen:7:13] Sewwasew f'dan il-jum daħlu fl-arka Noè u Sem, Ħam u Ġafet, ulied Noè,
u l-mara ta' Noè, u t-tliet nisa ta' wliedu magħhom; [Ġen:7:14] huma u l-annimali
kollha skond ġenshom, u l-bhejjem skond ġenshom u kull ma jitkaxkar fl-art skond
ġensu u kull tajra skond ġensha, u kull xorta ta' għasafar. [Ġen:7:15] Daħlu fl-arka
ma' Noè, tnejn tnejn minn kull laħam li kien fih nifs il-ħajja. [Ġen:7:16] U
dawk li daħlu ġew, raġel u mara, minn kull ġens; daħlu bħalma kien ordnalu Alla.
U l-Mulej sakkar warajh.
[Ġen:7:17] U d-dilluvju baqa' sejjer fuq l-art għal erbgħin jum; u l-ilmijiet
bdew joktru u jgħollu l-arka, u din għoliet 'il fuq minn wiċċ l-art. [Ġen:7:18]
U l-ilmijiet tqawwew u kotru ħafna fuq l-art, u l-arka kienet tgħum f'wiċċ l-ilma.
[Ġen:7:19] U tqawwew bis-sħiħ l-ilmijiet fuq l-art, u għattew il-muntanji
għoljin kollha taħt is-sema. [Ġen:7:20] Ħmistax-il driegħ 'il fuq għola l-ilma u
tgħattew il-muntanji. [Ġen:7:21] U mietu l-ħlejjaq ħajjin kollha li jgħixu fuq
l-art, tjur, bhejjem tad-dar, annimali selvaġġi, kull ma jitkaxkar ma' l-art, u
l-bnedmin kollha. [Ġen:7:22] Kull ma kellu nifs il-ħajja f'imnifsejh, kull ma
kien jgħix fl-inxif, miet. [Ġen:7:23] U qered il-ħlejjaq kollha minn wiċċ l-art:
mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru sat-tajr ta' l-ajru, kollha
nqerdu minn wiċċ l-art, u baqa' biss Noè u dawk li kienu miegħu fl-arka.
[Ġen:7:24] U l-ilmijiet baqgħu jgħarrqu l-art għal mija u ħamsin jum.
8. Il-ħruġ mill-arka
[Ġen:8:1] Imma Alla ftakar f'Noè, fl-annimali selvaġġi u l-bhejjem kollha miegħu
fl-arka; u Alla qajjem riħ fuq l-art, u l-ilmijiet bdew jonqsu. [Ġen:8:2] U
ngħalqu l-għejun tal-qiegħ u bwieb is-smewwiet, u waqfet ix-xita mis-smewwiet.
[Ġen:8:3] U l-ilmijiet bdew rieġgħa lura minn fuq l-art, u baqgħu sejrin lura
sakemm naqsu għalkollox wara mija u ħamsin jum. [Ġen:8:4] U waqfet l-arka
fis-seba' xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, fuq il-muntanja ta' Ararat.
[Ġen:8:5] U l-ilmijiet baqgħu sejrin lura u jonqsu sa l-għaxar xahar; u fl-għaxar
xahar, fl-ewwel tax-xahar, dehru l-qċaċet tal-muntanji.
[Ġen:8:6] U wara erbgħin jum Noè fetaħ it-tieqa ta' l-arka li kien għamel.
[Ġen:8:7] U telaq iċ-ċawlun, u dan ħareġ u baqa' ġej u sejjer sakemm nixef l-ilma
minn fuq l-art. [Ġen:8:8] U Noè bagħat il-ħamiema minn ħdejh biex jara jekk
naqasx l-ilma minn fuq wiċċ l-art. [Ġen:8:9] U l-ħamiema ma sabitx fejn isserraħ
qiegħ riġilha, u reġgħet lura għal għandu fl-arka, għax l-ilma kien għadu fuq
wiċċ l-art kollha. U Noè ħareġ idu u qabadha u daħħalha miegħu fl-arka.
[Ġen:8:10] U stenna sebat ijiem oħra u reġa' bagħat il-ħamiema mill-arka.
[Ġen:8:11] U l-ħamiema reġgħet lura fil-għaxija b'werqa friska taż-żebbuġ
f'munqarha. U Noè ntebaħ li l-ilmijiet kienu naqsu minn fuq wiċċ l-art.
[Ġen:8:12] U stenna sebat ijiem oħra, u bagħat il-ħamiema, u din ma reġgħetx
lura iżjed għandu. [Ġen:8:13] Fis-sena sitt mija u wieħed, fl-ewwel xahar, fl-ewwel
jum tax-xahar, nixef għalkollox l-ilma minn fuq wiċċ l-art. U Noè bexxaq l-għatu
ta' l-arka, u ħares, u ra li wiċċ l-art kien nixef.
[Ġen:8:14] U fit-tieni xahar, fis-sbatax-il jum tax-xahar, nixfet l-art.
[Ġen:8:15] U Alla kellem lil Noè u qallu: [Ġen:8:16] “Oħroġ mill-arka, int u
martek, uliedek u n-nisa tagħhom miegħek. [Ġen:8:17] U kull ħliqa ħajja li hemm
miegħek, minn kull ġens, tjur u bhejjem, u kull ma jitkaxkar fuq l-art; oħroġhom
miegħek ħalli jixterdu ma' l-art, u jnisslu u joktru fl-art.” [Ġen:8:18] U Noè
ħareġ b'uliedu u martu, u n-nisa ta' wliedu miegħu. [Ġen:8:19] Ħarġu wkoll mill-arka
l-bhejjem kollha, il-ħniex, it-tjur u kull ma jitkaxkar fl-art, skond in-nisel
tagħhom.
Il-wegħda ta' Alla
[Ġen:8:20] U Noè bena artal lill-Mulej , u ħa minn kull annimal safi u mit-tajr
safi, u offra sagrifiċċju tal-ħruq fuq l-artal. [Ġen:8:21] U l-Mulej xamm
ir-riħa ħelwa u għoġbitu; u l-Mulej qal f'qalbu: “Ma nerġax iżjed nisħet l-art
minħabba l-bniedem, għax qalb il-bniedem miġbuda għall-ħażen sa minn ċkunitu, u
ma nerġax iżjed naħbat għall-ħlejjaq ħajjin kollha bħalma għamilt.
[Ġen:8:22] Sakemm iddum l-art,
żrigħ u ħsad,
bard u għomma,
sajf u xitwa, lejl u nhar,
ma jonqsu qatt.”
9. Il-barka fuq Noè
[Ġen:9:1] U Alla bierek lil Noè u lil uliedu, u qalilhom: “Nisslu u oktru u
imlew l-art. [Ġen:9:2] U jkun il-biża' tagħkom fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art, u
fuq it-tajr kollu ta' l-ajru, u fuq kull ma jitkaxkar fl-art u fuq il-ħut kollu
tal-baħar; u jitriegħdu quddiemkom; f'idejkom nerħihom. [Ġen:9:3] Kull ma hu ħaj
u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar, kollu nagħtikom.
[Ġen:9:4] Imma l-laħam b'demmu go fih, li hu ħajtu, la tikluhx. [Ġen:9:5] U jien
nitlob kont ta' demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand
kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta' bniedem ieħor bħalu.
[Ġen:9:6] Kull min ixerred demm ta' bniedem,
minn bniedem ieħor jixxerred demmu.
Għax skond ix-xbieha tiegħu,
ħalqu Alla lill-bniedem.
[Ġen:9:7] U intom nisslu u oktru;
xterdu ma' l-art u oktru fuqha.”
Il-patt ma' Noè
[Ġen:9:8] U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: [Ġen:9:9]
“Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma' nisilkom warajkom;
[Ġen:9:10] ma' kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma'
kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka.
[Ġen:9:11] Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda
laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex
iħarbat l-art.”
[Ġen:9:12] U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed
nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom,
għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. [Ġen:9:13] Nqiegħed il-qaws tiegħi
fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. [Ġen:9:14] Meta nigma' s-sħab
fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, [Ġen:9:15] jien niftakar fil-patt bejni
u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f'kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju
biex jeqred kull laħam ħaj. [Ġen:9:16] U meta l-qawsalla tfeġġ fis-sħab, jien
inħares lejha u niftakar fil-patt għal dejjem bejn Alla u bejn kull ħliqa ħajja
fost il-laħam li hemm fuq l-art.” [Ġen:9:17] U Alla qal lil Noè: “Dan hu s-sinjal
tal-patt li jien għamilt bejni u bejn kull laħam li hemm fuq l-art.”
[Ġen:9:18] U wlied Noè li ħarġu mill-arka kienu: Sem, Ħam u Ġafet; u Ħam kien
missier Kangħan. [Ġen:9:19] Dawn it-tlieta kienu wlied Noè; u minn dawn imtliet
l-art kollha.
Is-saħta ta' Kangħan u l-barka ta' Sem
[Ġen:9:20] Noè beda jagħmilha ta' bidwi u ħawwel id-dwieli. [Ġen:9:21] U xorob
l-inbid u siker, u nkixef f'nofs l-għarix tiegħu. [Ġen:9:22] U Ħam, missier
Kangħan, ra l-għera ta' missieru, u mar jgħid liż-żewġ ħutu li kienu barra.
[Ġen:9:23] U Sem u Ġafet qabdu l-mantar, qegħduh fuq spallejhom it-tnejn, u
marru waranijiet u għattew l-għera ta' missierhom; u billi wiċċhom kien iħares
lura ma rawx l-għera ta' missierhom. [Ġen:9:24] U meta Noè stenbaħ mis-sakra
tiegħu, sar jaf x'kien għamillu ibnu ż-żgħir. [Ġen:9:25] U qal:
“Misħut Kangħan:
qaddej fost il-qaddejja
jkun ta' ħutu.
[Ġen:9:26] Mbierek il-Mulej, Alla ta' Sem,
u jkun Kangħan il-qaddej tiegħu.
[Ġen:9:27] Iwassa' Alla lil Ġafet,
u jgħammar dan fl-għerejjex ta' Sem,
u Kangħan ikun il-qaddej tiegħu.”
[Ġen:9:28] U Noè għex tliet mija u ħamsin sena oħra wara d-dilluvju. [Ġen:9:29]
U għomor Noè laħaq id-disa' mija u ħamsin sena; u mbagħad miet.
10. Nisel Noè
[Ġen:10:1] U dan hu n-nisel ta' wlied Noè: Sem, Ħam u Ġafet, u tweldulhom ulied
wara d-dilluvju.
Ulied Ġafet
[Ġen:10:2] U wlied Ġafet kienu: Gomer, Magog, Madaj, Ġawan, Tubal, Mesek u Tiras.
[Ġen:10:3] Ulied Gomer kienu: Askenaż, Rifat u Togarma. [Ġen:10:4] Ulied Ġawan
kienu: Elisa, Tarsis, il-Kittin u r-Rodanin. [Ġen:10:5] Minnhom ħarġu l-popli
tax-xtajtiet tal-ġnus. Dawn kienu wlied Ġafet f'artijiethom, kull wieħed skond
ilsienu, u skond il-familji tagħhom fi ġnushom.
Ulied Ħam
[Ġen:10:6] U wlied Ħam kienu: Kus, Misrajm, Put u Kangħan. [Ġen:10:7] Ulied Kus
kienu: Seba, Ħawila, Sabta, Ragħma u Sabteka; u wlied Ragħma kienu Seba u Dedan.
[Ġen:10:8] Kus wiled lil Nimrod, li kien l-ewwel wieħed setgħan fl-art.
[Ġen:10:9] Kien kaċċatur qalbieni f'għajnejn il-Mulej: u għalhekk kienu jgħidu:
“Bħal Nimrod kaċċatur qalbieni f'għajnejn il-Mulej.” [Ġen:10:10] U l-bidu
tas-saltna tiegħu kienu: Babel, Erek, Akkad, Kalni, fl-art ta' Singħar.
[Ġen:10:11] Minn din l-art mar l-Assirja u bena 'l Ninwè, 'l Reħobot-għir, u 'l
Kalaħ, [Ġen:10:12] u 'l Resen, bejn Ninwè u Kalaħ; u din kienet il-belt il-kbira.
[Ġen:10:13] Misrajm wiled lil-Ludim, lill-Għanamin, lil-Leħabin, lin-Naftuħin,
[Ġen:10:14] lill-Patrusin, lill-Kasluħin, li minnhom ħarġu l-Filistin u l-Kafturin.
[Ġen:10:15] U Kangħan wiled lil Sidon, ibnu l-kbir, lil Ħet, [Ġen:10:16]
lill-Ġebusin, lill-Amurrin u lill-Girgasin, [Ġen:10:17] lill-Ħiwwin,
lill-Għarakin, lis-Sinin, [Ġen:10:18] lill-Arwadin, lis-Semarin, lill-Ħamatin. U
wara nfirdu l-familji tal-Kangħanin. [Ġen:10:19] U l-medda ta' art il-Kangħanin
kienet tibda minn Sidon u tibqa' sejra lejn Gerar sa Gaża, mbagħad tieħu lejn
Sodoma u Gomorra, u lejn Edom u Sebojim sa Lasa.
[Ġen:10:20] Dawk kienu wlied Ħam skond il-familji tagħhom, lsienhom, artijiethom
u ġnushom.
Ulied Sem
[Ġen:10:21] U 'l Sem tweldulu t-tfal lilu wkoll. Hu missier l-ulied kollha ta'
Għeber, u kien hu l-kbir ta' Ġafet. [Ġen:10:22] Ulied Sem kienu: Għelam, Assur,
Arfaksad, Lud u Aram. [Ġen:10:23] Ulied Aram kienu: Għus, Ħul, Geter u Mas.
[Ġen:10:24] Arfaksad wiled lil Selaħ, u Selaħ wiled lil Għeber. [Ġen:10:25] Lil
Għeber tweldulu żewġt itfal, wieħed kien jismu Peleg, għax fi żmienu tqassmet
l-art, u isem ħuh kien Ġoktan.
[Ġen:10:26] U Ġoktan wiled lil Almodad, lil Salef, lil Ħasarmawt, lil Ġeraħ,
[Ġen:10:27] lil Ħedoram, lil Użal, lil Dikla, [Ġen:10:28] lil Għobal, lil
Abimajel, lil Seba, [Ġen:10:29] lil Ofir, lil Ħawila, lil Ġobab. Dawn kollha
wlied Ġoktan. [Ġen:10:30] U l-art fejn kienu jgħammru kienet tieħu minn Mesa
lejn Sefar sal-muntanji tal-lvant.
[Ġen:10:31] Dawn kienu wlied Sem skond il-familji tagħhom, lsienhom, artijiethom
u ġnushom. [Ġen:10:32] Dawn kienu l-familji ta' wlied Noè skond in-nisel tagħhom,
fi ġnushom; u minnhom ħarġu l-ġnus ta' fuq l-art wara d-dilluvju.
11. It-torri ta' Babel
[Ġen:11:1] U l-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed. [Ġen:11:2] Meta
l-bnedmin telqu mil-lvant sabu wita f'art Singħar u baqgħu hemm. [Ġen:11:3] U
qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu
jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn. [Ġen:11:4] U reġgħu qalu: “Ejjew
nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu
isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu ta' l-art.”
[Ġen:11:5] U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin.
[Ġen:11:6] U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll.
U dan għadu l-bidu ta' xogħolhom; issa kull ma jiġihom f'rashom xejn ma
jaqtgħalhom qalbhom! [Ġen:11:7] Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli
ma jifhmux ilsien xulxin.”
[Ġen:11:8] U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu
mill-bini tal-belt. [Ġen:11:9] Għalhekk bdew isejjħulha Babel, għax hemm ħawwad
il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu ta' l-art.
Il-familja ta' Sem
[Ġen:11:10] Dan hu nisel Sem. Sem kellu mitt sena meta wiled lil Arfaksad,
sentejn wara d-dilluvju. [Ġen:11:11] U wara li wiled lil Arfaksad, Sem għex
ħames mitt sena oħra, u wiled subjien u bniet.
[Ġen:11:12] U Arfaksad kellu ħamsa u tletin sena meta wiled lil Selaħ.
[Ġen:11:13] U wara li wiled lil Selaħ, Arfaksad għex erba' mija u tliet snin
oħra, u wiled subjien u bniet.
[Ġen:11:14] U Selaħ kellu tletin sena meta wiled lil Għeber. [Ġen:11:15] U wara
li wiled lil Għeber, Selaħ għex erba' mija u tliet snin oħra, u wiled subjien u
bniet.
[Ġen:11:16] U Għeber kellu erbgħa u tletin sena meta wiled lil Peleg;
[Ġen:11:17] u wara li wiled lil Peleg, Għeber għex erba' mija u tletin sena oħra,
u wiled subjien u bniet. [Ġen:11:18] U Peleg kellu tletin sena meta wiled lil
Regħu: [Ġen:11:19] u wara li wiled lil Regħu, Peleg għex mitejn u disa' snin
oħra, u wiled subjien u bniet.
[Ġen:11:20] U Regħu kellu tnejn u tletin sena meta wiled lil Xerug; [Ġen:11:21]
u wara li wiled lil Xerug, Regħu għex mitejn u seba' snin oħra, u wiled subjien
u bniet. [Ġen:11:22] U Xerug kellu tletin sena meta wiled lil Naħor; [Ġen:11:23]
u wara li wiled lil Naħor, Xerug għex mitejn sena oħra, u wiled subjien u bniet.
[Ġen:11:24] U Naħor kellu disgħa u għoxrin sena meta wiled lil Teraħ;
[Ġen:11:25] u wara li wiled lil Teraħ, Naħor għex mija u dsatax-il sena oħra; u
wiled subjien u bniet.
[Ġen:11:26] Teraħ kellu sebgħin sena meta wiled lil Abram, lil Naħor, u lil
Ħaran.
Il-familja ta' Abram
[Ġen:11:27] Dan hu nisel Teraħ: Teraħ wiled lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran. U
Ħaran wiled lil Lot. [Ġen:11:28] Ħaran miet qabel Teraħ missieru, f'art twelidu,
f'Ur tal-Kaldin. [Ġen:11:29] Abram u Naħor iżżewwġu; mart Abram kien jisimha
Saraj; u mart Naħor Milka bint Ħaran, missier Milka u Giska. [Ġen:11:30] Saraj
kienet sterili, u ma kellhiex tfal. [Ġen:11:31] U Teraħ qabad lil ibnu Abram,
lil Lot bin Ħaran, jiġifieri bin ibnu, il-kunjata Saraj, mart ibnu Abram, u
telaq bihom minn Ur tal-Kaldin lejn l-art ta' Kangħan; u waslu Ħaran u baqgħu
hemm.
[Ġen:11:32] U għomor Teraħ kien laħaq il-mitejn u ħames snin; u Teraħ miet
f'Ħaran.
12. Is-sejha ta' Abram
[Ġen:12:1] U l-Mulej qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,
u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. [Ġen:12:2] U jien nagħmlek ġens
kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. [Ġen:12:3] Jien inbierek
lil min ibierkek, u nisħt lil min jisħtek. [Ġen:12:4] U jitbierku bik it-tribujiet
kollha ta' l-art.” U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U
Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. [Ġen:12:5] U ħa miegħu
Abram 'il Saraj martu, u 'l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies
li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta' Kangħan, u waslu f'art
Kangħan.
[Ġen:12:6] U Abram qasam l-art sas-santwarju ta' Sikem, sal-balluta ta' Mori; u
dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art. [Ġen:12:7] U l-Mulej deher lil Abram
u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art.” U hemm bena artal lill-Mulej, li
kien deherlu. [Ġen:12:8] Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-lvant
ta' Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b'Betel fuq il-punent u Għaj fuq
il-lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej. [Ġen:12:9] U
Abram baqa' sejjer, miexi, miexi lejn il-Negeb.
Abram fl-Eġittu
[Ġen:12:10] U waqa' l-ġuħ fuq l-art, u Abram niżel l-Eġittu biex jgħammar hemm
bħala frustier; għax il-ġuħ kien għafas sew. [Ġen:12:11] U malli kien qorob biex
jidħol l-Eġittu, qal lil Saraj, martu: “Ara, jien naf li int mara sabiħa
fil-għajn; [Ġen:12:12] u issa meta jarawk l-Eġizzjani jgħidu: 'Martu din!' u
joqtlu lili, u jħallu lilek ħajja. [Ġen:12:13] Għid, mela, li inti oħti, biex
jien ikolli r-riżq bik, u ħajti tibqa' sħiħa minħabba fik.”
[Ġen:12:14] U ġara li malli Abram daħal l-Eġittu, l-Eġizzjani raw li l-mara
kienet sabiħa ħafna: [Ġen:12:15] rawha wkoll il-fizzjali tal-Fargħun u faħħruha
quddiem il-Fargħun; u ħaduha fil-palazz tal-Fargħun. [Ġen:12:16] U Abram kellu
r-riżq minħabba fiha, għax kellu mrieħel u baqar, ħmir u qaddejja rġiel u nisa,
u ħmir nisa u iġmla. [Ġen:12:17] Imma l-Mulej darab lill-Fargħun u 'l daru
b'kastigi kbar minħabba Saraj, il-mara ta' Abram. [Ġen:12:18] U l-Fargħun sejjaħ
lil Abram u qallu “X'inhu dan li għamiltli? Għala ma wrejtnix li din hi martek?
[Ġen:12:19] Għala għedtli: 'Din oħti' u jien ħadtha b'marti? Issa, mela, hawn hi
martek, ħudha u itlaq.” [Ġen:12:20] U l-Fargħun ta l-ordnijiet dwaru lil xi
rġiel, u dawn qabbduh it-triq, lilu u 'l martu, b'kull ma kellu.
13. Abram u Lot jinfirdu
[Ġen:13:1] U Abram tala' mill-Eġittu, hu u martu, b'kull ma kellu, u Lot miegħu
lejn in-Negeb. [Ġen:13:2] U Abram stagħna ħafna b'imrieħel, fidda u deheb.
[Ġen:13:3] U raġa’ lura fuq triqtu min-Negeb sa Betel, sal-post fejn qabel kellu
l-għarix bejn Betel u Għaj, [Ġen:13:4] sa fejn l-artal li kien għamel qabel; u
hemm sejjaħ isem il-Mulej.
[Ġen:13:5] U Lot ukoll, li kien ġie ma' Abram, kellu mrieħel, baqar u għerejjex.
[Ġen:13:6] U l-art ma kinitx tiflaħ għalihom li jgħammru flimkien, għax ġidhom
kien kbir u ma setgħux jgħammru flimkien. [Ġen:13:7] U kien hemm tilwima bejn
ir-rgħajja ta' l-imrieħel ta' Abram u bejn ir-rgħajja ta' l-imrieħel ta' Lot. U
l-Kangħanin u l-Periżżin kienu għadhom jgħammru l-art. [Ġen:13:8] U Abram qal
lil Lot: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-rgħajja tiegħi u
r-rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. [Ġen:13:9] M'hix l-art kollha quddiemek?
Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin,
u jekk tiġbed lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug.”
[Ġen:13:10] U Lot rafa' għajnejh, u ra li l-inħawi kollha madwar il-Ġordan kien
kollu raba' saqwi - qabel ma - Mulej qered lil Sodoma u 'l Gomorra - bħall-ġnien
tal-Mulej u bħall- art ta' l-Eġittu sa ħdejn Sogħar. [Ġen:13:11] U Lot għażel l-inħawi
kollha madwar il-Ġordan u telaq lejn il-lvant; u hekk tbiegħdu minn xulxin.
[Ġen:13:12] Abram baqa' jgħammar fl-art ta' Kangħan u Lot beda jgħammar ibliet
tal-wied u waqqaf l-għerejjex sa Sodoma. [Ġen:13:13] Imma n-nies ta' Sodoma
kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem il-Mulej.
[Ġen:13:14] U l-Mulej kellem lil Abram wara li Lot kien tbiegħed minnu: “Arfa'
għajnejk u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-tramuntana u n-nofsinhar,
lejn il-lvant u l-punent; [Ġen:13:15] l-art kollha li qiegħed tara, lilek
nagħtiha u lil nislek għal dejjem. [Ġen:13:16] U nagħmel lil nislek bħat-trab ta'
l-art. Jekk xi ħadd jista' jgħodd it-trab ta' l-art, lil nislek ukoll ikun jista'
jgħodd. [Ġen:13:17] Qum u aqsam l-art minn tulha u mill-wisa' tagħha, għax lilek
se nagħtiha.” [Ġen:13:18] U rafa' Abram l-għarix u mar jgħammar ħdejn il-balluta
ta' Mamri, li hemm f'Ħebron. U bena hemm artal lill-Mulej.
14. l-Invażjoni tas-slaten tal-lvant
[Ġen:14:1] Ġara li fi żmien Amrafel sultan ta' Singħar, Arjok sultan ta' Ellasar,
Kedorlagħomer sultan ta' Għelam, u Tidgħal sultan ta' Gojim, [Ġen:14:2] dawn is-slaten
għamlu gwerra kontra Bera sultan ta' Sodoma u Birsa sultan Gomorra, Sinab sultan
ta' Adma u Semeber sultan ta' Sebojim, u s-sultan ta' Bela, li hi Sogħar.
[Ġen:14:3] Dawn kollha nġemgħu fil-wied ta' Siddim, li hu l-Baħar il-Mielaħ.
[Ġen:14:4] Għal tnax-il sena kienu jaqdu lil Kedorlagħomer, u fit-tlettax-il
sena rvillaw. [Ġen:14:5] Fl-erbatax-il sena ġie Kedorlagħomer bis-slaten li
kellu miegħu u ħabtu għar-Refajin f'Għastarot-karnajm u għaż-Żużin f'Ħam, u
għall-Emin f'Sawekirjatajm, [Ġen:14:6] u għall-Ħorin fuq il-muntanji tagħhom ta'
Segħir sa El-faran, ħdejn id-deżert. [Ġen:14:7] U reġgħu lura lejn Għajnmisfat,
li hi Kades, u ħabtu għall-art ta' l-Għamalakin, u wkoll għall-Amurrin li kienu
jgħammru f'Ħasson-tamar.
[Ġen:14:8] U ħarġu s-sultan ta' Sodoma, u s-sultan ta' Gomorra, u s-sultan ta'
Adma, u s-sultan ta' Sebojim, u s-sultan ta' Bela, li hi Sogħar, u tqassmu
għall-battalja kontrihom fil-wied ta' Siddim, [Ġen:14:9] jiġifieri kontra
Kedorlagħomer sultan ta' Għelam, u Tidgħal sultan ta' Gojim, u Amrafel sultan ta'
Singħar, u Arjok sultan ta' Ellasar, erba' slaten kontra ħamsa. [Ġen:14:10] Il-wied
ta' Siddim kien miżgħud bil-bjar tal-qatran , u huma u jaħarbu, is-slaten ta'
Sodoma u Gomorra waqgħu fihom, u l-bqija ħarbu lejn il-muntanji. [Ġen:14:11] U
l-għadu qabad il-ġid kollu ta' Sodoma u Gomorra u l-ikel tagħhom kollu, u telqu.
[Ġen:14:12] Huma u sejrin ħadu lil Lot ukoll, bin hu Abram, b'ġidu kollu, għax
hu kien joqgħod f'Sodoma.
Abram isalva lil Lot
[Ġen:14:13] U ġie wieħed mill-maħrubin u ta l-aħbar lil Abram, l-Għebrew, li
kien joqgħod ħdejn il-ballut ta' Mamri, l-Amurri, hu Eskol u hu Għaner; għax
dawn kienu mseħbin b'patt ma' Abram. [Ġen:14:14] Malli Abram sema' li 'l ħuh
kienu ħaduh ilsir, ħareġ bin-nies imħarrġa tiegħu, nies imwielda f'daru, tliet
mija u tmintax-il ruħ, u għamel għal warajhom sa Dan. [Ġen:14:15] Hemm qassam
in-nies tiegħu billejl, hu u l-qaddejja tiegħu, u baqa' jiġri warajhom sa Ħoba,
fuq it-tramuntana ta' Damasku, [Ġen:14:16] u ħa lura l-ġid kollu; ġieb lura lil
Lot, ħuh, u l-ġid tiegħu, in-nisa u n-nies l-oħra.
Melkisedek jilqa' lil Abram
[Ġen:14:17] U ħareġ is-sultan ta' Sodoma jiltaqa' miegħu hu u ġej lura
mit-taqtigħa ma' Kedorlagħomer u s-slaten li kienu miegħu lejn il-wied ta' Sawi,
li hu Wied is-Sultan. [Ġen:14:18] U Melkisedek, sultan ta' Salem, li kien qassis
ta' El-għeljon, Alla l-għoli, ħareġ bil-ħobż u l-inbid. [Ġen:14:19] U bierku u
qallu:
“Mbierek Abram minn El-għeljon,
li għamel is-sema u l-art.
[Ġen:14:20] U mbierek El-għeljon
li reħa f'idek l-għedewwa tiegħek.”
[Ġen:14:21] U s-sultan ta' Sodoma qal lil Abram: “Agħtini n-nies, u l-ġid żommu
għalik.” [Ġen:14:22] U Abram wieġeb lis-sultan ta' Sodoma: “Ngħolli jdejja lejn
il-Mulej, El-għeljon, li għamel is-sema u l-art, [Ġen:14:23] u naħlef li la
ħajta u anqas qafla ta' qorq, xejn ma nieħu minn kull ma hu tiegħek biex ma
tgħidx: 'Jien għanejt lil Abram.' [Ġen:14:24] Xejn ma nieħu ħlief dak li kielu
ż-żgħażagħ u sehem in-nies li ġew miegħi: Għaner, Eskol u Mamri. Dawn jieħdu
sehemhom.”
15. Il-patt bejn Alla u Abram
[Ġen:15:1] Wara dawn il-ġrajja ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f'dehra u qallu:
“La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna.” [Ġen:15:2] U
Abram qallu: “Sidi Mulej, x'se tagħtini, għax se nibqa' bla tfal, u l-werriet ta'
dari se jkun Eligħeżer ta' Damasku.” [Ġen:15:3] U Abram żied jgħid: “Ara, int
lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni.”
[Ġen:15:4] U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma
wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.” [Ġen:15:5] U ħarġu barra u
qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila
tgħoddhom.” U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek.”
[Ġen:15:6] U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b'ġustizzja. [Ġen:15:7] U qallu:
“Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b'wirt.”
[Ġen:15:8] U qallu Abram: “Ja Sidi Mulej, kif inkun naf li se niritha?”
[Ġen:15:9] U wieġbu: “Ħudli għoġla ta' tliet snin, mogħża ta' tliet snin, muntun
ta' tliet snin, gamiema u ħamiema.” [Ġen:15:10] U ħadlu dawn kollha, u qasamhom
min-nofs, u kull nofs qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx.
[Ġen:15:11] U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram
gerrixhom lura.
[Ġen:15:12] Hi u nieżla x-xemx waqa' fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża'
u dalma kbira. [Ġen:15:13] U l-Mulej qal lil Abram: “Frustier għad jgħammar
nislek f'art li ma tkunx tiegħu. Hemm iħaddmuhom u jgħakksuhom għal erba' mitt
sena. Imma l-ġens li huma jaqdu nagħmel ħaqq minnu jien. [Ġen:15:14] U wara dan
joħorġu b'ġid kbir. [Ġen:15:15] Int mur bis-sliema għand missirijietek u
tindifen meta tkun xjeħt sewwa. [Ġen:15:16] U fir-raba' nisel jerġgħu lura
hawnhekk, għax il-ħażen ta' l-Amurrin s'issa għadu ma laħaqx l-aqwa tiegħu.”
[Ġen:15:17] Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar
iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam. [Ġen:15:18] Dakinhar il-Mulej għamel
patt ma' Abram u qallu: “Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara ta' l-Eġittu
sax-xmara l-kbira, ix-xmara ta' l-Ewfrat, [Ġen:15:19] l-art tal-Kenin u
tal-Keneżin, tal-Kadmunin [Ġen:15:20] u tal-Ħittin, tal-Periżżin u tar-Refajin,
[Ġen:15:21] ta' l-Amurrin u tal-Kangħanin, tal-Girgasin u tal-Ġebusin.”
16. Saraj u Ħagar
[Ġen:16:1] U Saraj, mart Abram, ma wilditlux tfal; u kellha qaddejja Eġizzjana
jisimha Ħagar. [Ġen:16:2] U Saraj qalet lil Abram: “Ara, il-Mulej ma tanix li
niled. Ersaq lejn il-qaddejja tiegħi, forsi jkolli tfal minnha.” U Abram sama'
minn kliem Saraj. [Ġen:16:3] U Saraj mart Abram qabdet lil Ħagar, il-qaddejja
Eġizzjana tagħha, għaxar snin wara li Abram kien ilu jgħammar f'Kangħan, u tatha
lil Abram żewġha b'martu. [Ġen:16:4] U Abram resaq lejn Ħagar, u din tqalet, u
malli ntebħet li tqalet, lil sidtha ma stmathiex aktar.
[Ġen:16:5] U Saraj qalet lil Abram: “Int taħti għal għajbi! Jiena tajtek
il-qaddejja tiegħi fi ħdanek, u issa, għax rat li tqalet, m'hijiex tistmani
aktar. Ħa jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek!” [Ġen:16:6] U Abram wieġeb lil
Saraj: “Ara l-qaddejja tiegħek f'idejk, agħmlilha li jidhirlek li hu sewwa.” U
Saraj għakksitha, u l-oħra ħarbet minn quddiem għajnejha.
[Ġen:16:7] U sabha l-anġlu tal-Mulej ħdejn għajn ta' l-ilma fid-deżert, l-għajn
li hemm fit-triq ta' Sur. [Ġen:16:8] U qalilha: “Ħagar, qaddejja ta' Saraj,
mnejn ġejja, u fejn int sejra?” U hi wieġbet: “Jiena ħrabt minn quddiem sidti
Saraj.” [Ġen:16:9] U weġibha l-anġlu tal-Mulej: “Erġa' lura lejn sidtek, u
oqgħod għaliha.” [Ġen:16:10] U żied jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Jien inkattar
fuq li nkattar lil nislek, u ma jingħaddx għall-kotra.” [Ġen:16:11] U kompla
jgħidilha l-anġlu tal-Mulej:
“Arak, int tqila u tiled iben,
u ssejjaħlu Ismagħel.
Għax il-Mulej sama' b'hemmek.
[Ġen:16:12] U hu jkun bniedem bħal ħmar selvaġġ,
idu kontra kulħadd,
u id kulħadd kontrih,
u kontra ħutu kollha jgħammar.”
[Ġen:16:13] Mbagħad hi semmiet il-Mulej li kien kellimha: “Int El-roj, Alla li
tħalli 'l min jarak.” Għax qalet: “Ma rajtux jien, u bqajt ħajja wara li rajtu?”
[Ġen:16:14] U għalhekk sejjħet dak il-bir, Bir-laħaj-roj, il-bir li hemm bejn
Kades u Bered. [Ġen:16:15] U Ħagar wildet iben lil Abram, u Abram semma t-tifel
li wilditlu Ħagar Ismagħel. [Ġen:16:16] U Abram kellu sitta u tmenin sena meta
Ħagar wilditlu lil Ismagħel.
17. Il-patt taċ-ċirkonċiżjoni
[Ġen:17:1] U Abram kellu disgħa u disgħin sena meta deherlu l-Mulej u qallu:
“Jien El-Xaddaj. Imxi quddiemi u kun perfett. [Ġen:17:2] U jien nagħmel patt
bejni u bejnek, u nkattrek fuq li nkattrek.”
[Ġen:17:3] U Abram inxteħet wiċċu fl-art, u Alla kellmu u qallu: [Ġen:17:4]
“Hawn jien. Ara l-patt tiegħi miegħek: Int tkun missier ta' ħafna ġnus.
[Ġen:17:5] U ma tissejjaħx aktar Abram, imma Abraham ikun ismek, għax missier
ħafna ġnus nagħmel minnek. [Ġen:17:6] U jiena nkattrek fuq li nkattrek, u
nagħmel minnek ġnus sħaħ, u slaten joħorġu minnek. [Ġen:17:7] U jien nagħmel
il-patt tiegħi bejni u bejnek, bejni u bejn nislek warajk skond
il-ġenerazzjonijiet tagħhom, patt għal dejjem, li nkun Alla tiegħek u ta' nislek
għal dejjem warajk. [Ġen:17:8] U jien nagħti lilek u lil nislek l-art fejn int
frustier, l-art kollha ta' Kangħan, biex tkun tiegħek għal dejjem, u jiena nkun
Alla tagħhom.”
[Ġen:17:9] U Alla żied jgħid lil Abraham:
“U int iżżomm il-patt tiegħi,
int u nislek warajk,
skond il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”
[Ġen:17:10] Dan hu l-patt li għandkom tħarsu bejni u bejnkom, u bejni u bejn
nislek warajk għal dejjem: aħtnu kull raġel fostkom. [Ġen:17:11] Intom tkun
maħtuna fil-laħam ta' ġisimkom, u dan ikun sinjal bejni u bejnkom. [Ġen:17:12]
Jinħaten kull tifel tagħkom ta' tmint ijiem fil-ġenerazzjonijiet tagħkom, sew
jekk ikun imwieled f'darek, sew il-mixtri bil-flus mingħand il-barrani li ma
jkunx min-nisel tiegħek. [Ġen:17:13] Jinħaten sew dak li jkun imwieled f'darek,
sew dak li jkun mixtri bi flusek. U l-patt tiegħi jkun minqux f'laħamkom b'patt
għal dejjem. [Ġen:17:14] U r-raġel li ma jinħatinx f'ġismu, jiġifieri li ma
jinqatagħlux il-laħam ta' ġismu, jinqata' dan ir-raġel mill-bqija tal-poplu
tiegħu, għax ikun kiser il-patt tiegħi.”
Il-wegħda lil Saraj
[Ġen:17:15] U Alla żied jgħid lil Abraham: “Saraj martek, ma jkunx jisimha aktar
Saraj, imma Sara jkun isimha. [Ġen:17:16] Għax jiena nberikha u minnha wkoll
nagħti lilek iben. U jien inberikha u tkun omm ta' popli li minnha joħorġu
slaten ta' ġnus.” [Ġen:17:17] U nxteħet għal wiċċu fl-art Abraham u daħak, u qal
f'qalbu: “Huwa wieħed ta' mitt sena jitweldulu t-tfal? U Sara mara ta' disgħin
sena tista' tiled?”
[Ġen:17:18] U Abraham qal lil Alla: “Jalla Ismagħel ikun taħt għajnejk.”
[Ġen:17:19] U Alla wieġbu: “Le! Sara, martek, tilidlek iben u ssemmih Iżakk, u
jien nagħmel il-patt tiegħi miegħu għal dejjem, u ma' nislu warajh. [Ġen:17:20]
Dwar Ismagħel, smajtek. Ara, jiena nbierku, nkattru u nkabbru ħafna ħafna. Ikun
il-missier ta' tnax-il prinċep; u nagħmel minnu ġens kbir. [Ġen:17:21] Imma l-patt
tiegħi nagħmlu ma' Iżakk, li għad tilidlek Sara bħal dan iż-żmien sena oħra.”
[Ġen:17:22] U Alla temm jitkellem miegħu, u tala' minn quddiem Abraham.
[Ġen:17:23] U Abraham qabad lil Ismagħel, ibnu, u lil kull min kien twieled
f'daru, u 'l kull min kien xtrah bil-flus, kull raġel fost in-nies ta' dar
Abraham; u ħatinhom fil-laħam ta' ġisimhom dak in-nhar stess kif kien qallu Alla.
[Ġen:17:24] U Abraham kellu disgħa u disgħin sena meta nħaten fil-laħam ta'
ġismu. [Ġen:17:25] Ibnu Ismagħel kellu tlettax-il sena meta nħaten fil-laħam ta'
ġismu. [Ġen:17:26] Dak in-nhar stess inħatnu Abraham u Ismagħel ibnu.
[Ġen:17:27] U l-irġiel kollha ta' daru, dawk li twieldu f'daru, u dawk li kienu
mixtrija bil-flus mingħand il-barrani, nħatnu miegħu.
18. Abraham u t-tliet anġli
[Ġen:18:1] U l-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta' Mamri; u hu kien
fil-bieb ta' l-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. [Ġen:18:2] U rafa' għajnejh u
ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom
mill-bieb ta' l-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. [Ġen:18:3] U qal:
“Sidi, jekk jien sibt ħniena f'għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej
tiegħek. [Ġen:18:4] Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra,
[Ġen:18:5] sakemm inġibilkom ġidma ħobż, biex titrejjqu, mbagħad tibqgħu sejrin
- għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom.” U huma qalulu: “Tajjeb,
agħmel kif għedt.”
[Ġen:18:6] U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti
tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar.” [Ġen:18:7] U Abraham mar jiġri
ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih.
[Ġen:18:8] U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom
quddiemhom. U hu baqa' bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu.
[Ġen:18:9] U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?" U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix.”
[Ġen:18:10] U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara
martek ikollha iben.” U Sara kienet qiegħda tissamma' minn bieb l-għarix, u hu
kien warajh. [Ġen:18:11] Abraham u Sara kienu xjuħ imdaħħla fiż-żmien, u kienet
waqfitilha l-imxija tan-nisa. [Ġen:18:12] U Sara daħket f'qalbha u qalet: “Wara
li dbilt u sidi diġà xjieħ sa jkolli l-pjaċir?” [Ġen:18:13] U l-Mulej qal lil
Abraham: “Għala daħket Sara u qalet: 'Tgħid minnu li sa niled, meta jien xjaħt?'
[Ġen:18:14] Hemm xi ħaġa iebsa ż-żejjed għall-Mulej? Bħal dan iż-żmien sena
nerġa' niġi għandek, u Sara jkollha iben.” [Ġen:18:15] U Sara ċaħdet u qalet:
“Ma dħaktx.” Għax beżgħet. U hu qalilha: “Le, dħakt żgur.”
[Ġen:18:16] U l-irġiel qamu minn hemm, u dawwru wiċċhom lejn Sodoma; u Abraham
mar magħhom biex iqabbadhom it-triq. [Ġen:18:17] U l-Mulej qal: “Se nibqa' naħbi
x'se nagħmel minn Abraham? [Ġen:18:18] Għax Abraham għad ikun ġens kbir u qawwi,
u bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art. [Ġen:18:19] Jiena ħtartu sabiex iwissi
lil uliedu u lil daru warajh biex iżommu fit-triq tal-Mulej u jagħmlu l-ħaqq u
s-sewwa, u b'hekk il-Mulej iġib fuq Abraham kull ma wiegħdu.” [Ġen:18:20] U l-Mulej
qal: “Hemm l-għajta qawwija ta' Sodoma u Gomorra u t-toqol kbir ta' dnubhom.
[Ġen:18:21] U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skond l-għajta
tagħhom li waslet għandi. Jekk le, nkun naf.”
[Ġen:18:22] Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej
baqa' wieqaf quddiem Abraham. [Ġen:18:23] U Abraham resaq lejn il-Mulej u
staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? [Ġen:18:24] U jekk hemm ħamsin
bniedem ġust f'nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx
lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f'nofsha? [Ġen:18:25] Ma jkun qatt li
inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin
tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef ta' l-art kollha, li ma
tagħmilx ġustizzja.” [Ġen:18:26] U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin
bniedem ġust f'nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom.”
[Ġen:18:27] U wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej,
għalkemm jien trab u rmied. [Ġen:18:28] U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin
ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?” U wieġbu l-Mulej: “Ma
neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin.” [Ġen:18:29] Imma Abraham kompla
jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin.” U wieġbu: “Ma nagħmilx
dan, minħabba l-erbgħin.” [Ġen:18:30] U qallu: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’
nitkellem: u jekk jinstabu tletin?” U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib
hemm tletin.” [Ġen:18:31] U raġa' qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U
jekk jinstabu hemm għoxrin?” U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin.”
[Ġen:18:32] U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa' nitkellem darba oħra biss:
U jekk jinstabu hemm għaxra?” U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.”
[Ġen:18:33] U malli l-Mulej temm jitkellem ma' Abraham, il-Mulej telaq, u
Abraham raġa' lura lejn daru.
19. L-anġli fid-dar ta' Lot
[Ġen:19:1] U ż-żewġ anġli waslu Sodoma fil-għaxija; u Lot kien qiegħed fil-bieb
ta' Sodoma. Malli Lot rahom qam u mar jilqagħhom, u nxteħet wiċċu fl-art
quddiemhom. [Ġen:19:2] U qalilhom: “Ara, sidien tiegħi, jekk jogħġobkom, duru
lejn id-dar tal-qaddej tagħkom; għaddu l-lejl hemm, aħslu riġlejkom u mbagħad
bakkru u morru għal triqtkom.” U qalulu: “Le! ngħaddu l-lejl fil-misraħ.”
[Ġen:19:3] U hu baqa' jissikkahom, u huma lwew lejn daru u marru għandu. U
lestielhom ikla, ħmielhom ħobż bla ħmira, u kielu. [Ġen:19:4] Qabel ma raqdu,
in-nies tal-belt, in-nies ta' Sodoma, miż-żgħir sal-kbir, il-poplu kollu minn
kull naħa, dawwru d-dar. [Ġen:19:5] U sejjħu lil Lot u qalulu: “Fejn huma n-nies
li daħlu għandek illejla? Oħroġhomlna, ħalli ninqdew bihom.” [Ġen:19:6] Lot
ħareġ għalihom ħdejn il-bieb, u għalaq il-bieb warajh. [Ġen:19:7] U mbagħad
qalilhom: “Le, ħuti, tagħmlux id-deni. [Ġen:19:8] Araw, jien għandi żewġt ibniet
li għadu ma għarafhom ħadd, ħa noħroġhomlkom it-tnejn u għamlulhom kull ma
jogħġobkom f'għajnejkom. Imma lil dawn l-irġiel la tagħmlulhom xejn, la darba
daħlu għall-kenn tas-saqaf tiegħi.” [Ġen:19:9] Imma huma qalulu: “Warrab minn
hawn.” U bdew jgħidu: “Dan ġie frustier f'nofsna, u issa jrid jagħmilha ta'
mħallef! Nagħmlulek agħar minnhom.” U ħebbu għal Lot b'kemm kellhom saħħa, u
kienu għoddhom kissru l-bieb. [Ġen:19:10] Imma l-irġiel meddew idejhom, u daħħlu
lil Lot fid-dar, u sakkru l-bieb. [Ġen:19:11] U l-irġiel li kienu ħdejn il-bieb
għamewhom ilkoll, miż-żgħir sal-kbir, u dawn għejew ifittxu l-bieb. [Ġen:19:12]
U l-irġiel qalu lil Lot: “Lil min fadallek aktar? Ħatnek, uliedek, subjien u
bniet, u kull ma għandek fil-belt, oħroġhom minn dan il-post. [Ġen:19:13] Għax
aħna se neqirdu dan il-post, għax l-għajta tagħhom kbira waslet quddiem il-Mulej
u għalhekk bagħatna l-Mulej biex neqirduha.” [Ġen:19:14] U ħareġ Lot u qal
liż-żewġt irġiel, li kienu żżewwġu liż-żewġt ibniet tiegħu: “Qumu, oħorġu minn
hawn, għax il-Mulej se jeqred il-belt.” Imma ħtienu dehrilhom li qiegħed
jiċċajta.
[Ġen:19:15] Malli beda jisbaħ, l-anġli bdew jgħaġġlu lil Lot u jgħidulu: “Qum,
aqbad lil martek u ż-żewġt ibniet tiegħek, li hawn miegħek, li ma tinqeridx
fil-kastig tal-belt.” [Ġen:19:16] U beda jitnikker; imma l-irġiel qabduh minn
idu, lilu, lil martu u ż-żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-ħniena tal-Mulej għalih;
u ħarġuh, u wassluh 'il barra mill-belt. [Ġen:19:17] U malli ħarġuhom 'il barra
qalulhom: “Aħrab, għax hemm ħajtek fin-nofs. La tħarisx warajk u anqas tieqaf
imkien f'dawn l-inħawi. Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx.” [Ġen:19:18] U
Lot qalilhom: “Le, Sidi. [Ġen:19:19] Ara, s'issa sab ħniena f'għajnejk il-qaddej
tiegħek, u kbira l-ħniena li wrejt miegħi biex salvajtli ħajti. Imma jiena ma
nistax naħrab lejn l-għoljiet bla ma tilħaqni l-ħsara u mmut. [Ġen:19:20] Ara,
hawn din il-belt fil-qrib, ħa nistkenn hemm, belt żgħira hi. Ħalli naħrab u
nistkenn hemm - m'hix belt żgħira? - u nsalva ħajti.” [Ġen:19:21] U wieġbu: “Ara
jien se naqtagħlek xewqtek f'din il-ħaġa wkoll; m'iniex se neqred il-belt li
għedtli. [Ġen:19:22] Fittex aħrab hemmhekk, għax ma nista' nagħmel xejn qabel ma
tasal hemm.” Għalhekk semmew dik il-belt Sogħar.
Il-qerda ta' Sodoma u Gomorra
[Ġen:19:23] U x-xemx kienet tielgħa fuq l-art, meta Lot wasal Sogħar.
[Ġen:19:24] U l-Mulej bagħat ix-xita fuq Sodoma u Gomorra, xita ta' kubrit u nar
mis-smewwiet mingħand il-Mulej. [Ġen:19:25] U qered dawk l-ibliet u l-inħawi
kollha ta' madwarhom, u 'l kull min kien jgħammar fihom, u l-ħdura kollha ta'
l-art. [Ġen:19:26] U l-mara ta' Lot ħarset lura, minn warajh, u saret plier
tal-melħ.
[Ġen:19:27] U Abraham qam fil-għodu kmieni u rħielha lejn il-post fejn kien
qagħad quddiem il-Mulej. [Ġen:19:28] U ħares lejn Sodoma u Gomorra, u fuq l-art
kollha ta' madwarhom, u ra li kien tiela' duħħan mill-art, bħad-duħħan ta' forn.
[Ġen:19:29] Meta Alla qered l-ibliet tal-wita, Alla ftakar f'Abraham u ħareġ lil
Lot minn nofs il-qerda, meta qered l-ibliet, li fihom kien jgħammar Lot.
Nisel il-Mowabin u l-Għammonin
[Ġen:19:30] U Lot tala' minn Sogħar, u mar jgħammar fuq l-għoljiet maż-żewġ
uliedu bniet, għax baża' jgħammar f'Sogħar. U kienu jgħixu f'għar, hu u ż-żewġt
ibniet tiegħu. [Ġen:19:31] U l-kbira qalet liż-żgħira: “Missierna xjieħ, u ma
hawn ebda raġel biex jersaq lejna skond id-drawwa ta' l-art kollha. [Ġen:19:32]
Ejja nisqu l-inbid lil missierna u norqdu miegħu, u nżommu n-nisel ħaj minn
missierna.” [Ġen:19:33] U sqew l-inbid lil missierhom dak il-lejl stess, u l-kbira
resqet lejh, u mteddet ma' missierha, u dan ma ntebaħx biha, la meta mteddet u
lanqas meta qamet. [Ġen:19:34] U l-għada l-kbira qalet liż-żgħira: “Ara, jien
imteddejt ma' missieri l-lejl l-ieħor, ħa nisquh l-inbid illejla wkoll, u mur
inti mtedd miegħu, u hekk inżommu n-nisel ħaj minn missierna.” [Ġen:19:35] U dak
il-lejl ukoll sqew l-inbid lil missierhom, u ż-żgħira qamet u marret imteddet
miegħu, u hu ma ntebaħx biha, la meta raqdet u lanqas meta qamet. [Ġen:19:36] U
ż-żewġt ibniet ta' Lot tqalu minn missierhom. [Ġen:19:37] U l-kbira wildet iben
u semmietu Mowab - missier il-Mowabin sa llum. [Ġen:19:38] U ż-żgħira wkoll
wildet iben u semmietu Bin-għammi - missier l-Għammonin sa llum.
20. Abraham f'Gerar
[Ġen:20:1] U Abraham telaq minn hemm lejn in-Negeb, u baqa' jgħammar bejn Kades
u Sur; u baqa' bħal frustier f'Gerar. [Ġen:20:2] U Abraham kien jgħid dwar Sara,
martu: “Din oħti.” U Abimelek sultan ta' Gerar bagħat jieħu lil Sara b'martu.
[Ġen:20:3] U Alla ġie billejl fil-ħolm għand Abimelek u qallu: “Arak, int se
tmut minħabba l-mara li ħadt, għax hi miżżewwġa.” [Ġen:20:4] Imma Abimelek kien
għadu ma resaqx lejha, u għalhekk qallu: “Int teqred ukoll in-nies sewwa?
[Ġen:20:5] M'hux hu qalli 'Din hi oħti', u hi stess qalet: 'Dan hu ħija'? B'qalb
safja u b'idejn indaf għamilt dan.” [Ġen:20:6] U Alla wieġbu fil-ħolma: “Jiena
wkoll naf li b'qalb safja għamilt dan, u jien ukoll żammejtek 'il bogħod milli
tidneb kontrija. Għalhekk jien ma ħallejtekx tersaq lejha. [Ġen:20:7] Issa, mela,
rodd lura l-mara lil dan ir-raġel, għax hu profeta, u hu jitlob għalik, u int
tgħix. U jekk ma troddhiex lura, kun af li tmut żgur, int u min għandek.”
[Ġen:20:8] U Abimelek qam fil-għodu kmieni, u sejjaħ il-qaddejja tiegħu kollha,
u qal dan kollu quddiemhom li jisimgħuh; u dawn in-nies beżgħu ħafna. [Ġen:20:9]
U Abimelek sejjaħ lil Abraham u qallu: “X'għamiltilna? Fiex inqastek biex ġibt
fuqi u fuq saltnati din il-ħtija kbira? Għamiltli ħwejjeġ li ma għandhomx isiru.”
[Ġen:20:10] U kompla jgħid Abimelek lil Abraham: “X'kellek f'rasek biex għamilt
dan?” [Ġen:20:11] U Abraham wieġeb: ”Għax jien għedt: 'M'hawnx biża' ta' Alla
hawnhekk; għandu mnejn joqtluni minħabba marti.' [Ġen:20:12] U fis-sewwa din hi
oħti, għax bint missieri hi, imma m'hijiex bint ommi, u saret marti. [Ġen:20:13]
U meta Alla ġagħalni noħroġ minn dar missieri jien għedtilha: 'Agħmilli dan
il-favur li kull fejn immorru tgħid fuqi li int oħti.’ ”
[Ġen:20:14] Mbagħad Abimelek ħa nagħaġ u baqar u lsiera, rġiel u nisa, u tahom
lil Abraham, u raddlu lura 'l Sara, martu, [Ġen:20:15] u Abimelek qallu: “Ara,
hawn arti quddiemek, oqgħod fejn jogħġbok.” [Ġen:20:16] U lil Sara qalilha:
“Ara, jien lil ħuk tajtu elf biċċa tal-fidda. Dawn iservu ta' għamad f'għajnejn
dawk kollha li għandek miegħek, u hekk int igġustifikata quddiem kulħadd.”
[Ġen:20:17] U Abraham talab lil Alla; u Alla fejjaq lil Abimelek, u lil martu u
'l qaddejja tiegħu, u dawn wildu. [Ġen:20:18] Għax il-Mulej kien għalaq kull ġuf
f'dar Abimelek minħabba l-biċċa ta' Sara, mart Abraham.
21. It-twelid ta' Iżakk
[Ġen:21:1] U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li
kien wegħedha. [Ġen:21:2] U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu,
fiż-żmien li kien qallu Alla. [Ġen:21:3] U Abraham semma 'l ibnu li twelidlu, li
kienet wilditlu Sara, Iżakk. [Ġen:21:4] U Abraham ħaten lil Iżakk meta kellu
tmint ijiem, bħalma kien ordnalu Alla. [Ġen:21:5] U Abraham kellu mitt sena meta
twelidlu ibnu Iżakk. [Ġen:21:6] U Sara qalet:
“Ġiebli t-tbissima Alla;
kull min jisma' jitbissimli.”
[Ġen:21:7] U żiedet tgħid:
“Min kellu jgħidlu lil Abraham,
li Sara kellha t-tfal!
Għax wilidtlu iben fi xjuħitu.”
It-tkeċċija ta' Ħaġar u Ismagħel
[Ġen:21:8] U t-tarbija kibret, u nfatmet. U Abraham għamel ikla kbira f'jum
il-ftim ta' Iżakk. [Ġen:21:9] U Sara lemħet lil bin Ħaġar, l-Eġizzjana, dak li
kienet wildet lil Abraham, jilgħab ma' Iżakk binha. [Ġen:21:10] U qalet lil
Abraham: “Keċċihom 'il barra, lil din il-qaddejja u 'l binha. Għax ma għandux
bin din il-qaddejja jaqsam il-wirt ma' ibni Iżakk.” [Ġen:21:11] U din il-ħaġa ma
għoġbot xejn lil Abraham minħabba ibnu. [Ġen:21:12] U Alla qal lil Abraham: La
tinkwetax għaż-żagħżugħ u għall-qaddejja; kull ma qaltlek Sara, isma' minn
kliemha, għax b'Iżakk jissemma nislek. [Ġen:21:13] U bin il-qaddejja wkoll,
nagħmel minnu ġens, għax hu nislek.”
[Ġen:21:14] U Abraham bakkar fil-għodu, qabad il-ħobż u żaqq ilma, u tahom lil
Ħagar, qegħedhomlha fuq spallejha, u bagħatha bit-tifel magħha. U telqet
tiġġerra fid-deżert ta' Birsaba. [Ġen:21:15] Meta ntemm l-ilma taż-żaqq telqet
it-tifel taħt waħda mis-siġar, [Ġen:21:16] u marret toqgħod biswitu daqs tefgħa
ta' qaws 'il bogħod, għax qalet: “Ma rridx narah imut.” U kif kienet bilqiegħda
biswitu, għolliet leħenha u bkiet.
[Ġen:21:17] U Alla sama' leħen it-tifel, u l-anġlu ta' Alla sejjaħ lil Ħagar
mis-sema, u qalilha: “X'għandek Ħagar? La tibżax. Alla sama' leħen it-tifel,
minn fejn hu qiegħed. [Ġen:21:18] Qum. Aqbad it-tifel, u agħmel il-qalb bih,
għax jien sa nagħmlu ġens kbir.” [Ġen:21:19] Mbagħad Alla fetħilha għajnejha u
rat bir ilma. U marret u mliet iż-żaqq bl-ilma u sqiet it-tifel. [Ġen:21:20] U
Alla kien maż-żagħżugħ, u dan kiber, u kien jgħammar fid-deżert, u kien jinqala'
għall-qaws. [Ġen:21:21] Kien jgħammar fid-deżert ta' Faran. U ommu kisbitlu mara
mill-Eġittu.
Il-ftehim bejn Abimelek u Abraham
[Ġen:21:22] U ġara li dak iż-żmien Abimelek u Fikol, il-kmandant ta' l-eżerċtu
tiegħu, kellmu lil Abraham u qalulu: ”Alla miegħek f'kull ma tagħmel.
[Ġen:21:23] Mela issa: Aħlifli hawn b'Alla li int ma tqarraqx la bija u lanqas
b'uliedi jew b'nisli; bħalma jiena mxejt sewwa miegħek, hekk inti issa tagħmel
miegħi u ma' arti, li int qiegħed tgħix fiha bħala frustier.” [Ġen:21:24] U
Abraham wieġeb: “Naħliflek.”
[Ġen:21:25] Imma Abraham tlewwem ma' Abimelek minħabba bir ilma, li kienu
serqulu l-qaddejja ta' Abimelek. [Ġen:21:26] U Abimelek qallu: “Ma nafx min
għamel ħaġa bħal din. U anqas int ma għarraftni, u jiena ma smajtx ħlief illum.”
[Ġen:21:27] U Abraham ħa nagħġa u baqra, u tahom lil Abimelek u t-tnejn għamlu
patt bejniethom. [Ġen:21:28] U Abraham warrab għalihom sebat iħrief mill-merħla.
[Ġen:21:29] U Abimelek qal lil Abraham: “X'inhuma dawn is-sebat iħrief, li int
warrabt għalihom?” [Ġen:21:30] U hu wieġbu: “Dawn is-sebat iħrief li tieħu minn
idejja, ikunu ta' xhieda li jien ħaffirt dan il-bir.” [Ġen:21:31] Għalhekk semma
dak il-post Birsaba, għax hemm ħalfu huma t-tnejn. [Ġen:21:32] U għamlu patt
f'Birsaba. U Abimelek u Fikol, il-kmandant ta' l-eżerċtu tiegħu, qamu minn hemm
u reġgħu lura lejn art il-Filistin. [Ġen:21:33] U Abraham ħawwel tamarisk
f'Birsaba, u hemm sejjaħ isem il-Mulej, El-għolam, Alla ta' dejjem. [Ġen:21:34]
U baqa' jgħammar hemm għal ħafna żmien bħala frustier f'art il-Filistin.
22. Il-prova ta' Abraham
[Ġen:22:1] U wara dawn il-ġrajja Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu:
“Abraham!” U hu wieġbu: “Hawn jien!” [Ġen:22:2] U qallu: “Aqbad lil ibnek
il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta' Morija, u hemm
offrih b'sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek.”
[Ġen:22:3] U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja
tiegħu, u lil Iżakk. Qatta' l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq
lejn il-post li qallu bih Alla.
[Ġen:22:4] Fit-tielet jum Abraham rafa' għajnejh, u lemaħ il-post mill-bogħod.
[Ġen:22:5] U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u
ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom.” [Ġen:22:6] U
Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f'idejh in-nar
u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien.
[Ġen:22:7] U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!” u dak wieġbu: “Hawn jien,
ibni.” U Iżakk wieġbu: “Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf
għas-sagrifiċċju tal-ħruq?” [Ġen:22:8] U Abraham wieġbu: “Alla jaħseb hu
għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni.” U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.
[Ġen:22:9] U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u
firex il-ħatab fuqu, u rabat lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab.
[Ġen:22:10] U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.
[Ġen:22:11] U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham,
Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien.” U qallu: [Ġen:22:12] “La tmiddx idek fuq
iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża' minn Alla, u ma
ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni.”
[Ġen:22:13] U Abraham rafa' għajnejh, ta ħarsa madwaru, u ra muntun warajh
maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham mar u qabad il-muntun, u offrieh
b'sagrifiċċju tal-ħruq minflok ibnu. [Ġen:22:14] U Abraham semma dak il-post:
“Jahweh-jire, jiġifieri, il-Mulej jipprovdi,” kif għadu jingħad sa llum: “Fuq
il-muntanja Jahweh-jire, il-Mulej jipprovdi.”
[Ġen:22:15] U għat-tieni darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet
[Ġen:22:16] u qallu: “Naħlef fuq ruħi - oraklu tal-Mulej - la darba int għamilt
ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni, [Ġen:22:17] jien
imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel
f'xatt il-baħar; u nislek għad jiret bwieb l-għedewwa tiegħu. [Ġen:22:18] U
jitbierku b'nislek il-ġnus kollha ta' l-art talli smajt minn kelmti.”
[Ġen:22:19] U Abraham raġa’ lura ħdejn il-qaddejja tiegħu, u qabdu u telqu
flimkien lejn Birsaba. U Abraham baqa' jgħammar f'Birsaba.
[Ġen:22:20] Wara dawn il-ġrajja ħabbru lil Abraham u qalulu: “Ara, lil ħuk Naħor
ukoll, Milka wilditlu t-tfal: [Ġen:22:21] lil Għus, il-kbir; u 'l Buż ħuh; u 'l
Kemwel, Aram, [Ġen:22:22] u 'l Kesed, u 'l Ħażu, u 'l Pildas, u 'l Ġedlaf, u 'l
Betwel.” [Ġen:22:23] U Betwel wiled 'il Rebekka. Dawn it-tmienja wildithom Milka
lil Naħor, ħu Abraham.
[Ġen:22:24] U l-konkubina tiegħu, li kien jisimha Rewma, wilditlu wkoll 'il
Tebaħ, 'il Gaħam, 'il Taħas u 'l Magħka.
23. Il-mewt u d-difna ta' Sara
[Ġen:23:1] U Sara laħqet l-għomor ta' mija u sebgħa u għoxrin sena. Dawn kienu
s-snin ta' ħajjet Sara. [Ġen:23:2] U mietet Sara f'Kirjat-arba, li hi Ħebron,
fl-art ta' Kangħan. Abraham daħal jagħmel il-vistu għal Sara u jibkiha.
[Ġen:23:3] Mbagħad Abraham qam minn quddiem il-mejta, u mar ikellem lil ulied
Ħet u qalilhom: [Ġen:23:4] “Jien qiegħed ngħix magħkom, ta' barrani u frustier.
Agħtuni li jkolli qabar magħkom, u nidfen il-mejta tiegħi minn quddiemi. ”
[Ġen:23:5] U wlied Ħet wieġbu lil Abraham u qalulu: [Ġen:23:6] “Ismagħna, sidi,
int prinċep minn Alla fostna. Fl-aħjar ta' l-oqbra tagħna idfen il-mejta tiegħek.
Ħadd minna ma hu se jiċħadlek li tidfen il-mejta tiegħek f'qabru.”
[Ġen:23:7] Imma Abraham qam, nxteħet wiċċu fl-art quddiem in-nies tal-pajjiż,
quddiem ulied Ħet. [Ġen:23:8] U kellimhom u qalilhom: “Jekk intom tixtiequ minn
qalbkom li tidfnu l-mejta tiegħi minn quddiemi, isimgħuni, u idħlu għalija
quddiem Għefron bin Soħar, [Ġen:23:9] ħa jagħtini l-għar tiegħu fl-għalqa tiegħu
ta' Makfela. Jagħtihieli b'kemm tiswa flus hawn quddiemkom, biex tkun tiegħi u
nagħmel qabar." [Ġen:23:10] U Għefron kien qiegħed f'nofs ulied Ħet. Wieġeb
Għefron il-Ħitti lil Abraham li jisimgħuh il-Ħittin, li kienu deħlin mill-bieb
ta' beltu, u qallu: [Ġen:23:11] “Le, Sidi, ismagħni. L-għalqa nagħtihielek, u l-għar
li hemm fiha nagħtihulek ukoll, nagħtihielek taħt għajnejn il-poplu tiegħi, u
idfen il-mejta tiegħek.”
[Ġen:23:12] U Abraham inxteħet wiċċu fl-art quddiem in-nies tal-pajjiż,
[Ġen:23:13] u kellem lil Għefron li jisimgħuh in-nies tal-pajjiż u qallu: “Li
kont tismagħni int ukoll! Jien lest inħallas il-flus ta' l-għalqa. Ħudhom
mingħandi, u jien nidfen il-mejta tiegħi fiha.” [Ġen:23:14] U Għefron wieġeb lil
Abraham u qallu: [Ġen:23:15] “Ismagħni, Sidi, l-art tiswa erba' mitt xekel
tal-fidda; x'inhi din is-somma bejni u bejnek? Mur idfen il-mejta tiegħek.”
[Ġen:23:16] U Abraham sama' minn Għefron; u wiżen Abraham lil Għefron il-fidda
li kien qallu hekk li jisimgħuh ulied Ħet; erba' mitt xekel tal-fidda li jiġru
f'idejn in-neguzjanti.
[Ġen:23:17] Hekk l-għalqa ta' Għefron, li tinsab f'Makfela, biswit Mamri, l-għalqa
u l-għar li hemm fiha, u s-siġar kollha li hemm fl-għalqa madwarha kollu,
[Ġen:23:18] għaddiet f'idejn Abraham b'xiri li sar taħt għajnejn ulied Ħet,
quddiem dawk kollha li kienu deħlin mill-bieb tal-belt tiegħu.
[Ġen:23:19] Wara dan, mbagħad, Abraham difen lil Sara, martu, fl-għar ta' l-għalqa
ta' Makfela biswit Mamri, li hi Ħebron, fl-art ta' Kangħan. [Ġen:23:20] U
għaddiet l-għalqa bl-għar li kien hemm fiha minn idejn ulied Ħet għal idejn
Abraham, biex tkun tiegħu bħala post għad-dfin.
24. Iż-żwieġ ta' Iżakk u Rebekka
[Ġen:24:1] Abraham kien xjieħ u mdaħħal fiż-żmien, u l-Mulej kien bierku
f'kollox. [Ġen:24:2] U Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ f'daru, li kien
jeħodlu ħsieb ta' kull ma kellu: “Agħmel idek taħt kuxxtejja, [Ġen:24:3] u
nġagħlek taħlifli bil-Mulej Alla tas-sema u l-art, li ma tiħux mara għal ibni
mill-bniet tal-Kangħanin, li jien qiegħed ngħammar f'nofshom. [Ġen:24:4] Imma
tmur f'arti, u għand niesi, u hu minn hemm mara għal ibni Iżakk.”
[Ġen:24:5] U l-qaddej wieġbu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tigi miegħi, f'din
l-art, ikolli nerġa' nieħu lil ibnek fl-art li minnha int ħriġt?” U Abraham
wieġbu: [Ġen:24:6] “Qis li ma tiħux lil ibni hemmhekk. [Ġen:24:7] Il-Mulej, Alla
fis-smewwiet, li ħadni minn dar missieri u minn art twelidi, u li kellimni u
ħalifli u qalli: 'Lil nislek nagħti din l-art,' jibgħat l-anġlu tiegħu quddiemek
u int tieħu mara għal ibni minn hemm. [Ġen:24:8] U jekk il-mara ma tkunx trid
tiġi miegħek, int tkun maħlul minn din il-ħalfa tiegħi. Biss lil ibni teħdux
hemmhekk.” [Ġen:24:9] U l-qaddej għamel idu taħt kuxxtejn Abraham sidu u ħaliflu
fuq dan il-kliem.
[Ġen:24:10] U l-qaddej ħa għaxar iġmla mill-iġmla ta' sidu, u l-aħjar mill-ġid
ta' sidu f'idejh; qam u telaq lejn Aram-naħarajm, lejn il-belt ta' Naħor.
[Ġen:24:11] U serraħ l-iġmla barra l-belt ħdejn bir ta' l-ilma għall-ħabta ta'
filgħaxija meta n-nisa joħorġu jimlew l-ilma. [Ġen:24:12] U qal: “Mulej, Alla ta'
sidi Abraham, agħtini r-riżq illum, nitolbok, u uri t-tjieba ma' sidi Abraham.
[Ġen:24:13] Hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn ta' l-ilma u l-bniet tan-nies tal-belt
ħerġin jimlew l-ilma. [Ġen:24:14] Agħmel li ż-żagħżugħa li ngħidilha: 'Niżżel
il-qolla tiegħek biex nixrob,' u tgħidli: 'Ixrob int, u jien nisqi l-iġmla
tiegħek ukoll,' tkun hi li int tkun għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk. Minn dan
inkun naf li int urejt it-tjieba ma' sidi.”
[Ġen:24:15] U ġara li qabel ma temm jitkellem, hemm hi, Rebekka, li kienet
twieldet lil Betwel bin Milka, mart Naħor, hu Abraham, ħierġa biex timla l-ilma,
bil-qolla fuq spallitha. [Ġen:24:16] U ż-żagħżugħa kienet sabiħa ħafna fil-għajn,
xebba li ebda raġel ma kien għadu għarafha; u niżlet fl-għajn u mliet il-qolla
tagħha, u telgħet. [Ġen:24:17] U l-qaddej mar jiġri jilqagħha u qalilha: “Jekk
jogħġbok, ħallini nixrob qatra ilma mill-qolla tiegħek.” [Ġen:24:18] U hi qaltlu:
“Ixrob, sidi,” u niżżlet minnufih il-qolla f'idha, u sqietu. [Ġen:24:19] Malli
temmet tisqih qaltlu: “Ħa nimla wkoll għall-iġmla tiegħek, sakemm jixorbu sa
jixbgħu.” [Ġen:24:20] U minnufih ferrgħet il-qolla fil-ħawt, u reġgħet ġriet
lejn il-bir biex timla, u mliet għall-iġmla kollha. [Ġen:24:21] U r-raġel baqa'
jħares lejha sieket biex jara jekk il-Mulej taħx ir-riżq fi triqtu jew le.
[Ġen:24:22] U malli l-iġmla xebgħu jixorbu r-raġel ħa ħolqa tad-deheb tiżen nofs
xekel, u żewġ brazzuletti għal idejha jiżnu għaxar xwiekel deheb, [Ġen:24:23] U
staqsieha: “Bint min int? Għidli, jekk jogħġbok, jekk hemmx post għalina f'dar
missierek biex ngħaddu l-lejl.” [Ġen:24:24] U hi weġbitu: “Jien bint Betwel bin
Milka, li wildet lil Naħor.” [Ġen:24:25] U żiedet tgħidlu: “Għandna t-tiben u
ħafna għalf, u post ukoll fejn tgħaddu l-lejl.” [Ġen:24:26] U r-raġel niżżel
wiċċu fl-art u qiem lill-Mulej, u [Ġen:24:27] qal: “Mbierek il-Mulej, Alla ta'
sidi Abraham, li ma warrabx it-tjieba u l-fedeltà tiegħu minn ma' sidi Abraham!
U lili, mexxieni l-Mulej fi triqti lejn dar ħu sidi.”
[Ġen:24:28] U ż-żagħżugħa marret tiġri tgħarraf lil dar ommha b'dawn il-ħwejjeġ.
[Ġen:24:29] Rebekka kellha ħuha jismu Laban, u dan Laban mar jiġri 'l barra għal
ħdejn ir-raġel ħdejn l-għajn. [Ġen:24:30] U malli ra l-ħolqa u l-brazzuletti fuq
idejn oħtu u malli sama' kliem Rebekka oħtu tgħid: “Dan qalli r-raġel,” mar
ħdejn ir-raġel u sabu wieqaf bl-iġmla ħdejn l-għajn. [Ġen:24:31] U qallu: “Idħol
ġewwa, mbierek mill-Mulej! Għala bqajt barra? Jien lestejt id-dar u l-post
għall-iġmla.” [Ġen:24:32] U r-raġel daħal id-dar; u Laban ħatt l-iġmla, u tahom
it-tiben u l-għalf. U tah l-ilma biex jaħsel riġlejh, u riġlejn in-nies li kellu
miegħu. [Ġen:24:33] U qegħdulu quddiemu biex jiekol, iżda hu qal: “Ma nikolx,
qabel ma ngħid li għandi ngħid.” U qallu: “Tkellem.”
[Ġen:24:34] U hu qal: “Jien il-qaddej ta' Abraham. [Ġen:24:35] Il-Mulej bierek
bis-sħiħ lil sidi u kabbru. Tah imrieħel u baqar, fidda u deheb, rġiel u nisa
lsiera, u iġmla u ħmir. [Ġen:24:36] U Sara mart sidi wildet iben lil sidi fi
xjuħitha, u tah kull ma għandu. [Ġen:24:37] U sidi ġagħalni naħliflu u qalli:
“La tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li qiegħed ngħammar f'arthom,
[Ġen:24:38] Imma mur dar missieri, u għand qrabati, u ħu mara għal ibni minn
hemm. [Ġen:24:39] U jien għedt lil sidi: 'U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi
miegħi?'
[Ġen:24:40] U hu weġibni: 'Il-Mulej, li jien imxejt quddiemu, jibgħat l-anġlu
tiegħu miegħek u jagħtik ir-riżq fi triqtek u tieħu mara lil ibni minn niesi u
dar missieri. [Ġen:24:41] Mbagħad tkun maħlul mill-ħalfa tiegħi, meta tkun mort
għand qrabati; u mqar jekk ma jagħtuhilekx, tkun maħlul mill-ħalfa.' [Ġen:24:42]
U llum wasalt ħdejn l-għajn u għedt: 'Mulej, Alla ta' sidi Abraham, jekk int
issa se tagħtini r-riżq fit-triq li qbadt, [Ġen:24:43] hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn
ta' l-ilma, iż-żagħżugħa li toħroġ timla l-ilma u ngħidilha: 'Isqini qatra ilma
mill-qolla tiegħek,' [Ġen:24:44] u hi tgħidli: 'Ixrob int u jien nimla
għall-iġmla tiegħek ukoll,' ħa tkun hi l-mara li l-Mulej għażel għal bin sidi.'
[Ġen:24:45] Kont għadni lanqas temmejt kliemi f'qalbi, li ma ħarġitx Rebekka
bil-qolla fuq spallitha u niżlet lejn l-għajn u mliet l-ilma. U jien għedtilha:
'Agħtini nixrob, jekk jogħġbok.' [Ġen:24:46] U minnufih niżżlet il-qolla minn
fuqha u qaltli: 'Ixrob, u nisqi l-iġmla tiegħek ukoll.' U jiena xrobt u hi sqiet
l-iġmla wkoll.
[Ġen:24:47] “Mbagħad jien staqsejtha: 'Bint min int?' u hi wieġbet: 'Bint Betwel
bin Naħor, li wilditlu Milka', u jien qegħedtilha l-ħolqa f'imneħirha u l-brazzuletti
f'dirgħajha. [Ġen:24:48] Mbagħad nżilt wiċċi fl-art, u qimt lill-Mulej; u berikt
lill-Mulej, Alla ta' sidi Abraham, li mexxieni fit-triq it-tajba biex nieħu bint
hu sidi għal ibnu. [Ġen:24:49] Issa jekk intom tridu turu t-tjieba u tagħmlu s-sewwa
ma' sidi, għiduli: jekk le għiduli wkoll, sabiex indur lejn il-lemin jew lejn
ix-xellug.”
[Ġen:24:50] U weġbuh Laban u Betwel u qalulu: “Mill-Mulej ġejja din il-ħaġa. Ma
nistgħux ngħidulek tajjeb jew ħażin. [Ġen:24:51] Hawn hi Rebekka quddiemek,
ħudha u mur; u tkun hi l-mara għal bin sidek bħalma qal il-Mulej.” [Ġen:24:52] U
malli l-qaddej ta' Abraham sama' kliemhom, niżel wiċċu fl-art u qiem lill-Mulej.
[Ġen:24:53] U mbagħad il-qaddej ħareġ ħwejjeġ tal-fidda u ħwejjeġ tad-deheb, u
lbiesi, u tahom lil Rebekka. U ta wkoll ħwejjeġ jiswew lil ħuha u lil ommha.
[Ġen:24:54] U kielu u xorbu, hu u n-nies li kellu miegħu; u raqdu u qamu
fil-għodu kmieni, u hu qalilhom: “Ħalluni mmur għal għand sidi.”
[Ġen:24:55] U ħuha u ommha qalulu: “Ħa toqgħod iż-żagħżugħa għal ftit, mqar
għaxart ijiem; mbagħad titlaq.” [Ġen:24:56] Imma hu qalilhom: “La ddewwmunix, la
darba l-Mulej ta r-riżq lil triqti, ibagħtuni ħa mmur għand sidi.” [Ġen:24:57] U
huma weġbuh: “Ħa nsejjħu liż-żagħżugħa, u nsaqsuha xi tgħid.” [Ġen:24:58] U
sejjħu lil Rebekka u staqsewha: “Trid tmur ma' dan ir-raġel?” u wieġbet: “Immur.”
[Ġen:24:59] Mbagħad bagħtu lil Rebekka oħthom u l-imraddgħa tagħha, u l-qaddej
ta' Abraham u n-nies tiegħu.
[Ġen:24:60] U bierku lil Rebekka u qalulha:
“Inti oħtna, jalla tkun
eluf fuq eluf;
u jiret nislek
bwieb l-għedewwa tiegħu!”
[Ġen:24:61] U qamet Rebekka u l-qaddejja tagħha u rikbu fuq l-iġmla u telqu mar-raġel.
U l-qaddej ħa lil Rebekka u telaq. [Ġen:24:62] U Iżakk kien mar Bir-laħaj-roj,
għax kien joqgħod fl-art tan-Negeb. [Ġen:24:63] U Iżakk kien ħareġ jistrieħ fir-raba'
għall-ħabta ta' filgħaxija, u rafa' għajnejh, u ħares, u ra l-iġmla resqin.
[Ġen:24:64] U Rebekka refgħet għajnejha u rat lil Iżakk, u niżlet minn fuq
il-ġemel. [Ġen:24:65] U qalet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel li ġej fir-raba'
jiltaqa' magħna?” u weġibha l-qaddej: “Dak sidi.” U qabdet l-istar u tgħattiet
bih. [Ġen:24:66] U l-qaddej qal lil Iżakk kull ma kien għamel. [Ġen:24:67] U
Iżakk daħħalha fl-għarix ta' Sara ommu, u ħa 'l Rebekka u saret martu u ħabbha;
u hekk tfarraġ Iżakk wara l-mewt ta' ommu.
25. L-aħħar jiem ta' Abraham
[Ġen:25:1] U Abraham kompla ħa mara oħra, li kien jisimha Ketura. [Ġen:25:2] U
din wilditlu 'l Żimran, 'il Ġoksan, 'il Medan, 'il Midjan, 'il Isbak, u 'l Suwah.
[Ġen:25:3] Ġoksan wiled 'il Seba, u 'l Dedan. Ulied Dedan kienu l-Assurin,
il-Letusin, u l-Lewmin. [Ġen:25:4] Ulied Midjan kienu Għefa, Għefer, Ħanok,
Abida u Eldagħa. Dawn kollha kienu wlied Ketura.
[Ġen:25:5] Abraham ta ġidu kollu lil Iżakk; [Ġen:25:6] u lil ulied il-konkubini
tiegħu tahom xi rigali, u meta kien għadu ħaj bagħathom 'il bogħod minn ibnu
Iżakk lejn il-lvant, fl-art tal-lvant.
[Ġen:25:7] U dawn huma s-snin ta' ħajjet Abraham; għex mija u ħamsa u sebgħin
sena. [Ġen:25:8] U Abraham ħa l-aħħar nifs u miet, wara xjuħija sewwa, xiħ mimli
bil-għomor, u nġabar ma' niesu. [Ġen:25:9] U difnuh Iżakk u Ismagħel uliedu fl-għar
ta' Makfela, fl-għalqa ta' Għefron bin Soħar il-Ħitti, li hemm biswit Mamri,
[Ġen:25:10] l-għalqa li kien xtara Abraham mingħand ulied Het. Hemm kienu
midfuna Abraham u Sara martu.
[Ġen:25:11] U wara l-mewt ta' Abraham, Alla bierek lil Iżakk ibnu, u Iżakk mar
joqgħod f'Bir-laħaj-roj.
Nisel Ismagħel
[Ġen:25:12] U dan hu nisel Ismagħel bin Abraham, li kienet wilditlu Ħaġar l-Eġizzjania,
il-qaddejja ta' Sara. [Ġen:25:13] U dawn huma l-ismijiet ta' wlied Ismagħel,
b'isimhom skond twelidhom: Nebajot, il-kbir; Kedar, Adbel, Mibsam, [Ġen:25:14]
Misma, Duma, Massa, [Ġen:25:15] Ħadad, Tema, Ġetur, Nafis u Kedma. [Ġen:25:16]
Dawn huma wlied Ismagħel u ismijiethom fl-irħula tagħhom u fl-għerejjex tagħhom,
tnax-il prinċep tat-tribujiet tagħhom. [Ġen:25:17] U dawn huma s-snin ta' ħajjet
Ismagħel: mija u sebgħa u tletin sena. U ħa l-aħħar nifs u miet, u ngħaqad ma'
niesu.
[Ġen:25:18] U għammru minn Ħawila sa Sur, li tinsab biswit l-Eġittu, fit-triq
lejn l-Assirja, u kull wieħed minnhom baqa' jeħodha kontra ħutu.
Il-familja ta' Iżakk
[Ġen:25:19] U dan hu n-nisel ta' Iżakk bin Abraham. Abraham wiled lil Iżakk.
[Ġen:25:20] U Iżakk kellu erbgħin sena meta ha b'martu lil Rebekka, bint Betwel
l-Arami minn Fiddien-aram, oħt Laban l-Arami. [Ġen:25:21] U Iżakk talab
lill-Mulej għal martu għax kienet sterili u l-Mulej sama' talbu, u Rebekka martu
tqalet. [Ġen:25:22] U t-trabi kienu jissaraw bejniethom f'ġufha; u hi qalet:
“Jekk inhu hekk, x'se jkun minni?” U marret tistħarreġ lill-Mulej. [Ġen:25:23] U
l-Mulej qalilha:
“Hemm żewġ ġnus f'ġufek,
u żewġ popli jinfirdu minn ġewwinik;
u poplu jegħleb poplu ieħor,
u l-kbir jaqdi liż-żgħir.”
[Ġen:25:24] U ż-żmien għall-ħlas għalqilha, u nstabu żewġ tewmin f'ġufha.
[Ġen:25:25] U twieled l-ewwel wieħed, ħamrani, u kellu bħal mantar tas-suf fuq
ġismu kollu, u semmewh Għesaw. [Ġen:25:26] U wara dan twieled ħuh, b'idu mqabbda
ma' għarqub Għesaw, u semmewh Ġakobb. U Iżakk kellu sittin sena meta tweldulu
dawn.
Ġakobb u Għesaw
[Ġen:25:27] U t-tfal kibru, u Għesaw kien kaċċatur tas-sengħa, raġel tar-raba'
imma Ġakobb kien raġel kwiet, jgħix fl-għerejjex. [Ġen:25:28] U Iżakk kien iħobb
lil Għesaw, għax il-kaċċa kienet togħġbu, u Rebekka kienet tħobb lil Ġakobb.
[Ġen:25:29] U Ġakobb kien qiegħed isajjar it-tisjir, u Għesaw daħal għajjien
mir-raba'. [Ġen:25:30] U Għesaw qal lil Ġakobb: “Ħallini niekol, jekk jogħġbok,
minn dan l-ikel ħamrani għax jien għajjien. (Għalhekk bdew isejjħulu Edom).
[Ġen:25:31] U Ġakobb qallu: “Begħli llum il-primoġenitura tiegħek.” [Ġen:25:32]
U Għesaw wieġbu: “Arani, jien se mmut. X'nagħmel biha din il-primoġenitura?”
[Ġen:25:33] U Ġakobb qallu: “Aħlifli issa.” U ħaliflu, u b'hekk biegħ
il-primoġenitura lil Ġakobb. [Ġen:25:34] U Ġakobb ta lil Għesaw ħobż u għads, u
dan kiel u xorob, qam u telaq. Il-primoġenitura Għesaw ma stmaha xejn.
26. Iżakk f'Gerar
[Ġen:26:1] U ġara li waqa' l-ġuħ fuq il-pajjiż - barra dak li kien hemm qabel fi
żmien Abraham. U Iżakk mar għand Abimelek, sultan tal-Filistin f'Gerar.
[Ġen:26:2] U deherlu l-Mulej u qallu: “La tinżilx l-Eġittu; oqgħod fl-art li se
ngħidlek. [Ġen:26:3] Oqgħod frustier f'din l-art, u jien inkun miegħek u
nbierkek. Għax lilek u lil nislek nagħti dawn l-artijiet kollha, u jien intemm
il-ħalfa li ħlift lil Abraham missierek. [Ġen:26:4] U jien inkattar lil nislek
bħall-kwiekeb tas-sema u lil nislek nagħtih dawn l-artijiet kollha. U jitbierku
f'nislek il-ġnus kollha ta' l-art, [Ġen:26:5] għax Abraham sama' minn kliemi u
l-ordnijiet, it-twissijiet, il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi.”
[Ġen:26:6] U Iżakk baqa' jgħammar f'Gerar. [Ġen:26:7] U meta n-nies tal-post
kienu jistaqsuh dwar martu, kien jgħidilhom: “Din oħti,” għax kien jibża'
jgħidilhom: “Marti,” li ma kinux joqtluh in-nies tal-post minħabba Rebekka,
billi kienet sabiħa fil-għajn. [Ġen:26:8] Ġara imma li kien ilu hemm żmien twil,
u Abimelek, sultan tal-Filistin, ħareġ fit-tieqa, u ra lil Iżakk iżiegħel
b'martu Rebekka. [Ġen:26:9] U Abimelek sejjaħ lil Iżakk u qallu: “Mela dik
martek! Kif għedtilna: 'Din oħti?' U Iżakk wieġbu: “Għax għedt: 'Inkella mmut
minħabba fiha’.” [Ġen:26:10] U Abimelek qallu: “Dan x'għamiltilna? Bħallikieku
xejn xi ħadd min-nies sata' raqad ma' martek, u kont iġġib il-ħtija fuqna.”
[Ġen:26:11] U Abimelek wissa l-poplu kollu u qalilhom: “Min imiss lil dan
ir-raġel jew lil martu jagħtuh il-mewt.”
[Ġen:26:12] U Iżakk żara' f'dik l-art, u dik is-sena ġabar mitt darba iżjed,
għax il-Mulej bierku. [Ġen:26:13] U dan il-bniedem kiber, u baqa' jikber, sakemm
kiber sewwa. [Ġen:26:14] U kellu mrieħel tan-nagħaġ u mrieħel tal-baqar u ħafna
qaddejja. Għalhekk il-Filistin bdew jgħiru għalih. [Ġen:26:15] (U l-bjar kollha
li kienu ħaffru l-qaddejja ta' missieru, fi żmien Abraham, missieru, għalquhom
il-Filistin u mlewhom bit-trab). [Ġen:26:16] U Abimelek qal lil Iżakk: “Itlaq
minn magħna, għax int tqawwejt wisq iżjed minna.”
Iżakk jitlewwem ma' Abimelek
[Ġen:26:17] U Iżakk telaq minn hemm u waqqaf l-għarix f'Wied Gerar u baqa'
jgħammar hemm. [Ġen:26:18] (U Iżakk raġa’ ħammel il-bjar ta' l-ilma li kienu
ħaffru fi żmien Abraham, missieru, u li kienu għalquhom il-Filistin wara li kien
miet Abraham, u semmiehom bl-ismijiet li kien semmiehom bihom missieru).
[Ġen:26:19] U l-qaddejja ta' Iżakk ħaffru, u sabu hemm bir bl-ilma ġieri.
[Ġen:26:20] U r-rgħajja ta' Gerar tlewwmu mar-rgħajja ta' Iżakk, u qalulhom:
“Dan l-ilma tagħna.” U semma l-bir, Esek, tlewwim, għax hemm tlewwmu miegħu.
[Ġen:26:21] U reġgħu ħaffru bir ieħor, u tlewwmu fuqu wkoll; u semmieh Xitna,
mibegħda. [Ġen:26:22] Għalhekk telaq minn hemm, u ħaffer bir ieħor u ma ġġildux
għalih, u semmieh Reħobot, wisa', għax qal: “Issa l-Mulej wessgħalna, u issa
noktru fl-art.”
[Ġen:26:23] U minn hemm tala' Birsaba. [Ġen:26:24] U deherlu l-Mulej billejl
stess u qallu: “Jiena Alla ta' Abraham, missierek. La tibżax, għax jiena miegħek,
u jiena nbierkek, u nkattar nislek minħabba Abraham, missierek, il-qaddej tiegħi.”
[Ġen:26:25] U hemm bena artal u sejjaħ isem il-Mulej, u hemm waqqaf l-għarix
tiegħu. U l-qaddejja ta' Iżakk ħaffru bir hemmhekk.
[Ġen:26:26] Mbagħad Abimelek mar għandu minn Gerar u miegħu kellu lil Aħużżat,
ħabibu, u Fikol, il-kmandant ta' l-eżerċtu tiegħu.
[Ġen:26:27] U Iżakk qalilhom: “Għalfejn ġejtu għandi? Intom bgħadtuni, u
keċċejtuni 'l bogħod minnkom.” [Ġen:26:28] U huma qalulu: “Aħna rajna sewwa li
l-Mulej miegħek, u għedna: “Ħa naħilfu lil xulxin, aħna u int, u nagħmlu patt
miegħek [Ġen:26:29] li ma tagħmlilna ebda deni, bħalma aħna qatt ma missejniek u
bħalma aħna dejjem għamilnielek il-ġid, u bgħatniek bis-sliem. Għax int issa
mbierek mill-Mulej.”
[Ġen:26:30] U hu għamlilhom ikla, u kielu u xorbu. [Ġen:26:31] U qamu kmieni
fil-għodu u ħalfu lil xulxin, u Iżakk qabbadhom it-triq u huma telqu minn ħdejh
bis-sliem. [Ġen:26:32] Dak in-nhar stess ġew il-qaddejja ta' Iżakk, u ħabbrulu
fuq il-bir li kienu qegħdin iħaffru u qalulu: “Sibna l-ilma.” [Ġen:26:33] U
semma l-bir Siba; għalhekk il-belt għadu jisimha Birsaba sa llum.
Iż-żwieġ ta' Għesaw
[Ġen:26:34] Meta Għesaw kellu erbgħin sena, ħa b'martu lil Ġuditta bint Beri l-Ħitti,
u lil Baxemat bint Elon il-Ħitti. [Ġen:26:35] U dawn kienu ta' mrar għal qalb
Iżakk u Rebekka.
27. Il-barka
[Ġen:27:1] Meta Iżakk kien xjieħ u għajnejh kienu ċċajprulu tant li ma kienx
baqa' jara, sejjaħ lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu: “Ibni.” U dan wieġbu: “Hawn
jien.” [Ġen:27:2] U qallu: “Hawn jien, xjeħt, u ma nafx meta se mmut. [Ġen:27:3]
Issa aqbad it-tagħmir tiegħek, il-ħorġa u l-qaws tiegħek, u mur fir-raba' u
aqbadli l-kaċċa; [Ġen:27:4] u mbagħad agħmilli ikla tajba kif inħobb jien, u
ġibhieli ħalli nikolha u nbierkek qabel ma mmut.”
[Ġen:27:5] Rebekka kienet qiegħda tissamma' meta Iżakk kien qiegħed ikellem lil
Għesaw, ibnu. U Għesaw telaq lejn ir-raba' għall-kaċċa, u jġib xi ħaġa d-dar.
[Ġen:27:6] Imma Rebekka kellmet lil Ġakobb binha u qaltlu: “Ara, jien smajt lil
missierek ikellem lil Għesaw ħuk u jgħidlu: [Ġen:27:7] 'Gibli l-kaċċa u agħmilli
ikla tajba ħa nikolha, u mbagħad inbierkek quddiem il-Mulej qabel ma mmut.'
[Ġen:27:8] Issa ibni, isma' minn kliemi f'dan li se nordnalek. [Ġen:27:9] Mur
il-merħla u ġibli żewġ gidjien sbieħ minn hemm u mbagħad jien insajjarhom tajjeb
kif iħobb missierek. [Ġen:27:10] U int teħodhom lil missierek, u hu jiekol; u
mbagħad ibierkek qabel ma jmut.” [Ġen:27:11] U Ġakobb qal lil Rebekka ommu:
“Ara, Għesaw ħija hu raġel muswaf, u jien raġel b'gilda mielsa. [Ġen:27:12] Jekk
missieri jmissni u jien nidher li nkun qarraqt bih, niġbed fuqi saħta flok barka.”
[Ġen:27:13] U ommu qaltlu: “Is-saħta tiegħek fuqi, ibni. Isma' kliemi u mur
ġibhomli.”
[Ġen:27:14] U Ġakobb mar jaqbad il-gidjien u ġiebhom lil ommu; u din sajjret
ikla kif kien iħobb missieru. [Ġen:27:15] U Rebekka ħadet l-aħjar ilbies ta'
Għesaw binha l-kbir, li kienu għandha d-dar, u libbsithom lil Ġakobb, binha ż-żgħir.
[Ġen:27:16] U ksietlu idejh u l-artab ta' għonqu bil-glud tal-gidjien.
[Ġen:27:17] U hi tat f'idejn Ġakobb, binha, l-ikel tajjeb u l-ħobż. [Ġen:27:18]
U hu mar ħdejn missieru u qallu: “Missier.” U dan wieġbu: “Hawn jien. Min inti,
ibni?” [Ġen:27:19] U Ġakobb wieġeb lil missieru: “Jiena Għesaw, il-kbir tiegħek.
Għamilt kif għidtli. Qum, isa, u kul mill-kaċċa tiegħi, biex imbagħad int
tberikni.” [Ġen:27:20] U Iżakk qal lil ibnu: “Kif inhi din li sibtha hekk malajr?”
U hu wieġbu: “Għax il-Mulej ġibhieli quddiemi.” [Ġen:27:21] U Iżakk qal lil
Ġakobb. “Ersaq 'l hawn, ħa mmissek, ibni, u nara jekk intix ibni Għesaw jew le.”
[Ġen:27:22] U Ġakobb resaq lejn missieru Iżakk u dan messu u qal: “Il-leħen,
leħen Ġakobb, imma l-idejn, idejn Għesaw.” [Ġen:27:23] U ma għarfux, għax idejh
kienu qishom l-idejn muswafa ta' ħuh Għesaw; u bierku. [Ġen:27:24] U staqsieh:
“Inti tassew ibni Għesaw U hu wieġbu: “Jien hu.” [Ġen:27:25] U qallu: “Newwilli,
mela, ħalli niekol mill-kaċċa ta' ibni, biex inbierkek.” U newwillu l-ikel, u
kiel, u ġieblu l-inbid, u xorob. [Ġen:27:26] U Iżakk missieru qallu: “Ersaq 'l
hawn u busni, ibni.” [Ġen:27:27] U hu resaq u biesu. Iżakk xammem ir-riħa ta'
lbiesu, u bierku u qallu:
“Ara, riħet ibni, bħar-riħa ta' għalqa,
mbierka mill-Mulej!
[Ġen:27:28] Jagħtik Alla min-nida
tas-smewwiet,
u mill-frott ta' l-art,
kotra ta' qamħ u nbid.
[Ġen:27:29] Lilek għad jaqdu l-ġnus,
u quddiemek imilu l-popli.
Int tkun l-aqwa fost ħutek,
u quddiemek imilu wlied ommok.
Misħut minn jisħtek,
mbierek min ibierkek.”
[Ġen:27:30] Malli Iżakk temm ibierek lil Ġakobb, u Ġakobb kien għadu bilkemm
ħareġ minn quddiem Iżakk missieru, wasal Għesaw lura mill-kaċċa.
[Ġen:27:31] U lesta hu wkoll ikel tajjeb, u ġiebu lil missieru u qallu: “Ħa jqum
missieri, u jiekol mill-kaċċa ta' ibnu, biex imbagħad tberikni.”
[Ġen:27:32] U Iżakk, missieru, qallu: “Min int?” U dak wieġbu: “Jien hu ibnek
il-kbir Għesaw.” [Ġen:27:33] U Iżakk qabditu rogħda kbira sewwa, u qallu: “Min
kien mela, dak li mar u qabad il-kaċċa, u ġibhieli, u jiena kilt minn kollox
qabel ġejt int, u beriktu, u issa jibqa' mbierek?”
[Ġen:27:34] Malli Għesaw sama' kliem missieru Iżakk, għajjat għajta kbira kollha
mrar, u qal lil missieru: “Missier, bierek lili wkoll.” [Ġen:27:35] U dan qallu:
“Ġie ħuk bil-qerq u ħa l-barka tiegħek.” [Ġen:27:36] U dak qallu: “Għalhekk mela
jismu Ġakobb? Darbtejn qalagħni 'l barra: l-ewwel ħadli l-primoġenitura, u issa
ħadli l-barka tiegħi.” U kompla jgħidlu: “U lili ma rfajtlix barka?” [Ġen:27:37]
U Iżakk wieġeb u qal lil Għesaw: “Ara jien qegħedtu sidek u qegħedtlu 'l ħutu
kollha qaddejja tiegħu, u għanejtu b'qamħ u nbid. U lilek issa x'nista'
nagħmillek ibni?” [Ġen:27:38] U Għesaw qal lil missieru: “Mela barka waħda biss
għandek, missier? Bierek lili wkoll, missier.” U Għesaw għolla karba u nfexx
jibki. [Ġen:27:39] U Iżakk missieru wieġbu u qallu:
“Ara, bla frott ta' l-art tkun għamartek,
u 'l bogħod min-nida mill-għoli.
[Ġen:27:40] Int tgħix fuq sejfek,
u 'l ħuk għad taqdi.
U meta tiġi biex tarfa' rasek,
int tkisser il-madmad tiegħu
minn fuq għonqok u tfarfru minn fuqek.”
[Ġen:27:41] U Għesaw beda jobgħod lil Ġakobb minħabba l-barka, li biha bierku
missieru. U qal f'qalbu Għesaw: “Jaslu jiem il-vistu ta' missieri, mbagħad
noqtol 'il Ġakobb, ħija.”
[Ġen:27:42] U 'l Rebekka ħabbrulha kliem Għesaw, binha l-kbir. U bagħtet
issejjaħ lil Ġakobb, binha ż-żgħir, u qaltlu: “Ara, Għesaw ħuk, għandu f'rasu li
jitħallas minnek u joqtlok. [Ġen:27:43] Imma isma' minn kliemi. Qum u aħrab
għand ħija Laban f'Ħaran. [Ġen:27:44] U ibqa' miegħu għal ftit taż-żmien sakemm
tgħaddi s-saħna ta' ħuk, [Ġen:27:45] u jitbiegħed minnek - għadab ta' ħuk, u
jinsa x'għamiltlu int. Mbagħad nibgħat għalik minn hemm. Għaliex għandi
nitlifkom it-tnejn f'jum wieħed?”
[Ġen:27:46] U Rebekka qalet lil Iżakk: “Iddejjaqt minn ħajti minħabba l-bniet ta'
Ħet. Jekk Ġakobb jiżżewweġ xi waħda mill-bniet ta' Ħet bħal dawn, xi mara minn
din l-art, xi tkun tiswieli ħajti?”
28. Il-barka
[Ġen:28:1] U Iżakk sejjaħ lil Ġakobb u bierku, ordnalu u qallu: “La tiħux mara
mill-bniet ta' Kangħan. [Ġen:28:2] Qum u mur Fiddien-aram fid-dar ta' Betwel,
missier ommok, u ħu mara minn hemm, minn fost il-bniet ta' Laban, ħu ommok.
[Ġen:28:3] U El-Xaddaj ibierkek, ikattrek u jkabbrek, u ssir ġemgħa ta' ġnus.
[Ġen:28:4] U jagħtik il-barka ta' Abraham, lilek u lil nislek miegħek, biex
tiret l-art fejn int frustier, li Alla ta lil Abraham.” [Ġen:28:5] U Iżakk
bagħat lil Ġakobb, u dan telaq lejn Fiddien-aram għand Laban bin Betwel l-Arami,
ħu Rebekka, omm Ġakobb u Għesaw.
[Ġen:28:6] U Għesaw ra li Iżakk bierek lil Ġakobb, u li bagħtu f'Fiddien-aram
biex jieħu mara minn hemm, u meta kien ibierku ordnalu u qallu: “La tiħux mara
minn fost il-bniet ta' Kangħan.” [Ġen:28:7] U Ġakobb sama' minn missieru u ommu,
u mar Fiddien-aram. [Ġen:28:8] U ra wkoll Għesaw li l-bniet ta' Kangħan kienu
jidhru koroh f'għajnejn Iżakk missieru. [Ġen:28:9] Għalhekk Għesaw mar għand
Ismagħel, u, barra n-nisa li diġà kellu, ħa b'martu lil Maħalat, bint Ismagħel
bin Abraham, oħt Nebajot.
Il-ħolma ta' Ġakobb
[Ġen:28:10] U Ġakobb ħareġ minn Birsaba u telaq lejn Ħaran. [Ġen:28:11] U wasal
f'post sagru, u waqaf biex jgħaddi l-lejl, għax ix-xemx kienet niżlet, u ħa
waħda mill-ħaġar li kien hemm u għamilha mħadda għal rasu, u raqad f'dak il-post
sagru. [Ġen:28:12] U ħolom, u ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu
fis-sema; u beda jara l-anġli telgħin u niżlin miegħu. [Ġen:28:13] U lemaħ
il-Mulej wieqaf ħdejh, u dan qallu: “Jien il-Mulej, Alla ta' Abraham, missierek,
u Alla ta' Iżakk. L-art li int rieqed fuqha lilek nagħtiha u lil nislek.
[Ġen:28:14] U jkun nislek bħat-trab ta' l-art, u int għad tinfirex lejn
il-punent u lejn il-lvant, lejn it-tramuntana u lejn in-nofsinhar u jitbierku
bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha ta' l-art. [Ġen:28:15] Arani, jien
miegħek u nħarsek kull fejn tmur, u nerġa' nġibek f'din l-art, għax jien ma
nitilqekx qabel ma ntemm kull ma għedtlek.”
[Ġen:28:16] Mbagħad stenbah Ġakobb mir-raqda tiegħu u qal: “Tassew hawn Alla
f'dan il-post, u jien ma ntbaħtx.” [Ġen:28:17] U beża' u qal: “Kemm hu tal-biża'
dan il-post sagru. Dan m'hux ħlief dar Alla, u dan bieb is-smewwiet!”
[Ġen:28:18] U Ġakobb qam kmieni fil-għodu, u ħa l-ħagra li kien qiegħed taħt
rasu, u waqqafha bħala plier, u sawwab iż-żejt fuq rasha. [Ġen:28:19] U semma
dak il-post Betel, dar Alla, waqt li qabel il-belt kien jisimha Luz. [Ġen:28:20]
U Ġakobb għamel wegħda u qal: “Jekk Alla jkun miegħi, u jħarisni fit-triq li
jien qbadt, u jipprovdili ħobż x'niekol u lbies x'nilbes, [Ġen:28:21] u nerġa’
lura bis-sliema lejn dar missieri, Alla tiegħi jkun il-Mulej. [Ġen:28:22] U din
il-ħaġra, li jien waqqaft bħala plier, tkun Dar Alla, u minn kull ma tagħtini,
nagħtik l-għexur.”
29. Il-ħolma ta' Ġakobb
[Ġen:29:1] Mbagħad Ġakobb iċċaqlaq, u telaq lejn art in-nies tal-lvant.
[Ġen:29:2] U ħares, u lemaħ bir f'għalqa, u kien hemm tliet imrieħel nagħaġ
mimduda ħdejh; għax minn dak il-bir kienu jisqu l-imrieħel; imma l-blata fuq
il-ħerża tal-bir kienet kbira wisq. [Ġen:29:3] U kienu jinġabru hemm l-imrieħel
kollha, u mbagħad jaqilbu l-blata minn fuq ix-xifer tal-bir, u jisqu l-imrieħel,
u jerġgħu jqiegħdu l-blata f'postha fuq xifer il-bir.
[Ġen:29:4] U Ġakobb qalilhom: “L-aħwa tiegħi, minn fejn intom?” U huma weġbuh:
“Minn Ħaran aħna!” [Ġen:29:5] U staqsiehom: “Tafu intom lil Laban bin Naħor?” U
huma weġbuh: “Nafuh.” [Ġen:29:6] U qalilhom: “Jinsab tajjeb?̏ U qalulu: “Tajjeb.
Ara, bintu Rakel ġejja bil-merħla!” [Ġen:29:7] U qalilhom: “Araw il-jum għadu
fl-aqwa tiegħu, m'hux ħin li jingabru l-imrieħel. Isqu n-nagħaġ, u morru
irgħuhom.” [Ġen:29:8] U huma qalulu: “Ma nistgħux qabel ma jinġabru l-imrieħel
kollha, u jaqilbu l-blata minn fuq il-ħerża tal-bir, u mbagħad nisqu l-imrieħel.”
[Ġen:29:9] Kien għadu jitkellem magħhom, meta Rakel waslet bin-nagħaġ ta'
missierha, għax kienet rgħajja. [Ġen:29:10] U malli Ġakobb ra lil Rakel bint
Laban, ħu ommu, u l-imrieħel ta' Laban, ħu ommu, Ġakobb resaq u qaleb il-blata
minn fuq il-ħerża tal-bir, u seqa l-merħla ta' Laban, ħu ommu. [Ġen:29:11] U
Ġakobb bies lil Rakel, u għolla leħnu u beka. [Ġen:29:12] U Ġakobb għarraf lil
Rakel li hu kien hu missierha u bin Rebekka. U hi telqet tiġri tagħti l-aħbar
lil missierha. [Ġen:29:13] U ġara li malli Laban sama' bl-aħbar ta' Ġakobb bin
oħtu, mar jiġri jilqgħu, għannqu u biesu, u ħadu d-dar tiegħu. U Ġakobb beda
jgħid lil Laban dawn il-ħwejjeġ kollha. [Ġen:29:14] U Laban qallu: “Tassew int
għadmi u laħmi.”
Iż-żwieġ ta' Ġakobb
[Ġen:29:15] Kien ilu xahar joqgħod miegħu, meta Laban qal lil Ġakobb: “Għax int
ħija, se taħdimli b'xejn? Għidli x'għandu jkun ħlasek.” [Ġen:29:16] U Laban
kellu żewġt ibniet: il-kbira kien jisimha Lija, u ż-żgħira Rakel. [Ġen:29:17]
Għajnejn Lija kienu mitfija, imma Rakel kien fiha mara sabiħa f'suritha u ħelwa
fl-għajn. [Ġen:29:18] U Ġakobb ħabb lil Rakel u qal lil Laban: “Naħdimlek għal
seba' snin għal Rakel, bintek iż-żgħira.” [Ġen:29:19] U Laban wieġbu: “Aħjar
nagħtiha lilek milli lil ħaddieħor. Mela oqgħod miegħi.” [Ġen:29:20] U Ġakobb
baqa' għal seba' snin jaħdem għal Rakel; u kienu qishom għalih ftit jiem, daqs
kemm kien iħobbha.
[Ġen:29:21] U Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti, għax għalaq iż-żmien, ħa
nersaq lejha.” [Ġen:29:22] U Laban ġabar in-nies kollha tal-post u għamel ikla.
[Ġen:29:23] Fil-għaxija, mbagħad, qabad lil bintu Lija, u ħadha għand Ġakobb, u
dan resaq lejha. [Ġen:29:24] U Laban ta l-qaddejja tiegħu Żilfa lil bintu Lija
bħala qaddejja tagħha. [Ġen:29:25] Fil-għodu, mbagħad, Ġakobb ra li kienet Lija
u qal lil Laban: “X'inhu dan li għamiltli? Għal Rakel qgħadt naħdem miegħek.
Għala qarraqt bija?” [Ġen:29:26] U Laban wieġbu: “Għax f'dawn l-inħawi ma
jagħmlux hekk, li jagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. [Ġen:29:27] Temm il-ġimgħa ma'
din, u nagħtik lil dik ukoll, bi ħlas tax-xogħol li tagħmilli għal seba' snin
oħra.”
[Ġen:29:28] U Ġakobb għamel hekk: temm il-ġimgħa ma' dik, u l-ieħor tah lil
bintu Rakel b'martu. [Ġen:29:29] U Laban ta 'l Bilħa, il-qaddejja tiegħu, lil
bintu Rakel, b'qaddejja tagħha. [Ġen:29:30] U Ġakobb resaq ukoll lejn Rakel; u
kien iħobb lil Rakel aktar minn Lija. U baqa' jaħdem miegħu għal seba' snin oħra.
[Ġen:29:31] U l-Mulej ra li Ġakobb lil Lija ma kienx iġibha, għalhekk fetħilha
ġufha; iżda Rakel baqgħet bla tfal. [Ġen:29:32] U Lija tqalet u wildet iben u
semmietu Ruben, għax qalet: “Għax ra l-Mulej hemmi, u issa żewġi jibda jħobbni.”
[Ġen:29:33] U reġgħet tqalet, u wildet iben u qalet: “Sama' l-Mulej li m'iniex
miġjuba, u tani 'l dan ukoll.” U semmietu Simgħon. [Ġen:29:34] U reġgħet tqalet,
u wildet iben u qalet: “Din id-darba jinġibed żewġi lejja, għax wilidtlu tlitt
itfal.” Għalhekk semmietu Levi. [Ġen:29:35] U reġgħet tqalet u wildet iben u
qalet: “Issa din id-darba nfaħħar lill-Mulej.” Għalhekk semmietu Ġuda. U ma
wilditx iżjed.
30. Ulied Żilfa u Bilħa
[Ġen:30:1] U Rakel rat li ma wilditx tfal lil Ġakobb, u bdiet tgħir għal oħtha.
U qalet lil Ġakobb: “Agħtini t-tfal, għax se mmut.” [Ġen:30:2] U xegħel Ġakobb
bl-għadab għal Rakel u qalilha: “Jaqaw jien flok Alla, li ċaħħdek minn frott
il-ġuf?” [Ġen:30:3] U hi wieġbet: “Ara, hemm il-qaddejja tiegħi Bilħa, ersaq
lejha, biex tiled fuq ħoġri, u jkolli t-tfal minnha jien ukoll.” [Ġen:30:4] U
tatu lill-qaddejja tagħha Bilħa b'martu, u Ġakobb resaq lejha. [Ġen:30:5] U
Bilħa tqalet u wildet tifel lil Ġakobb. [Ġen:30:6] U Rakel qalet: “Alla għamel
ħaqq miegħi u sama' leħni, u tani iben.” Għalhekk semmietu Dan. [Ġen:30:7] U
Bilħa, il-qaddejja ta' Rakel, reġgħet tqalet u wildet għat-tieni darba tifel lil
Ġakobb. [Ġen:30:8] U Rakel qalet: “Ġlieda kbira ġġelidt ma' oħti, u rbaħt.” U
għalhekk semmietu Naftali.
[Ġen:30:9] U Lija rat li waqfet mit-twelid u qabdet lil Żilfa, il-qaddejja
tagħha, u tatha lil Ġakobb b'martu. [Ġen:30:10] U Żilfa, il-qaddejja ta' Lija,
wildet tifel lil Ġakobb. [Ġen:30:11] U Lija qalet: “B'xortija.” U semmietu Gad.
[Ġen:30:12] U Żilfa, il-qaddejja ta' Lija, wildet għat-tieni darba lil Ġakobb.
[Ġen:30:13] U Lija qalet: “Ferħana issa! Għax in-nisa jifirħuli.” U semmietu
Aser.
[Ġen:30:14] U Ruben, fi żmien il-ħsad tal-qamħ, mar fir-raba' u sab xi
mandragoli, u ħadhom lil ommu Lija. U Rakel qalet lil Lija: “Agħtini mill-mandragoli
ta' ibnek.” [Ġen:30:15] U hi qaltilha: “M'hux biżżejjed li ħadtli 'l żewġi, trid
issa teħodli wkoll il-mandragoli ta' ibni?” U Rakel wieġbet: “Mela llejla jista'
jorqod miegħek bi ħlas għall-mandragoli tiegħek.”
[Ġen:30:16] U Ġakobb, hu u ġej lura mir-raba', marret tilqgħu Lija u qaltlu:
“Ersaq lejja, għax xtrajtek bil-mandragoli ta' ibni.” U dak il-lejl raqad magħha.
[Ġen:30:17] U Alla sama' lil Lija, u hi tqalet u wildet għall-ħames darba tifel
lil Ġakobb. [Ġen:30:18] U Lija qalet: “Alla ħallasni talli tajt il-qaddejja
tiegħi lil żewġi.” U semmietu Issakar. [Ġen:30:19] U Lija reġgħet tqalet u
wildet tifel għas-sitt darba lil Ġakobb. [Ġen:30:20] U Lija qalet: “Alla tani
dota tajba, issa żewġi jibqa' miegħi għax wellidtlu sitt subjien.” U semmietu
Żebulun. [Ġen:30:21] Mbagħad wildet tifla, u semmietha Dina.
[Ġen:30:22] U Alla ftakar f'Rakel u semagħha u fetħilha ġufha. [Ġen:30:23] U
tqalet u wildet tifel, u qalet: “Neħħieli għajbi minn fuqi Alla!” [Ġen:30:24] U
semmietu Ġużeppi, għax qalet: “Jalla l-Mulej iżidli tifel ieħor.”
Ġakobb jilgħab lil Laban
[Ġen:30:25] Meta Rakel wildet lil Ġużeppi, Ġakobb qal lil Laban: “Ħallini mmur
lejn pajjiżi u lejn arti. [Ġen:30:26] Agħtini n-nisa tiegħi u lil uliedi, għax
jien ħdimtlek għalihom, u nitlaq. Għax int taf bix-xogħol li ħdimtlek.”
[Ġen:30:27] U Laban qallu: “Jekk jien sibt għajn tajba fik, bit-teħbir indunajt
li l-Mulej berikni minħabba fik.” [Ġen:30:28] U ssokta jgħidlu: “Għidli x'inhu
ħlasek, u nagħtihulek.”
[Ġen:30:29] U Ġakobb qallu: “Inti taf kemm ħdimtlek u kif saret il-merħla
tiegħek miegħi. [Ġen:30:30] Il-ftit li kellek qabel ġejt jien, issa kotor
bil-bosta u l-Mulej bierkek mindu ġejt jien. Meta se nibda naħdem jien għal dari
wkoll?” [Ġen:30:31] U Laban qallu: “Xi tridni nagħtik?” U Ġakobb wieġeb:
“Tagħtini xejn. Jekk inti tagħmilli li se ngħidlek, jien nerġa' nirgħa l-merħla
tiegħek u nħarisha. [Ġen:30:32] Jien ngħaddi llum qalb il-merħla tiegħek kollha,
u int warrab minnha kull nagħġa mnaqqxa u mtabbgħa, u kull nagħġa sewda minn
fost il-ħrief u kull ma hu mtabba' u mnaqqax minn fost il-mogħoż; u dan ikun
ħlasi. [Ġen:30:33] U għada pitgħada meta tiġi biex tħallasni, jixhed għalija s-sewwa
tiegħi. Kull ma jkun għandi li ma jkunx imnaqqax u mtabba' fost il-mogħoż u
iswed fost il-ħrief, ikun qisu misruq.” [Ġen:30:34] U Laban wieġeb: “Tajjeb!
Ikun kif għedt int.”
[Ġen:30:35] U dak in-nhar Laban warrab fil-ġenb il-bdabad imżewwqa u mtabbgħa u
kull mogħża mnaqqxa u mtabbgħa - kull ma kien fih l-abjad - u kull ma kien iswed
fost il-ħrief. U telaqhom f'idejn uliedu. [Ġen:30:36] U mbagħad tbiegħed minnu
tlitt ijiem mixi. U Ġakobb baqa' jirgħa l-merħla l-bajda li kien baqa'.
[Ġen:30:37] U Ġakobb ħa friegħi tal-luq, tal-lewż u tad-dolf u għamel fihom
strixxi bojod billi qaxxarhom u kixef l-abjad tal-friegħi. [Ġen:30:38] Mbagħad
qiegħed il-friegħi li kien qaxxar fil-ħwat u l-misqjiet ta' l-ilma għal quddiem
l-imrieħel li kienu jigu jixorbu hemm; u l-imrieħel kienu jisħnu huma u jixorbu.
[Ġen:30:39] U saħnu l-imrieħel quddiem il-friegħi u wildu friegħ imżewwqa,
mnaqqxa u mtabbgħa.
[Ġen:30:40] U l-ħrief Ġakobb firidhom għalihom u dawwar wiċċ in-nagħaġ lejn kull
ma kien imżewwaq u iswed fil-merħla ta' Laban. U hekk rawwem imrieħel għalih
waħdu, u ma ħallathomx mal-merħla ta' Laban. [Ġen:30:41] U ġara li kull meta
kienu jisħnu n-nagħaġ b'saħħithom, Ġakobb kien iqiegħed il-friegħi fil-ħwat
quddiem għajnejhom biex jisħnu huma u jħarsu lejn il-friegħi. [Ġen:30:42] Imma
quddiem in-nagħaġ dgħajfa ma kienx iqegħedhom. U hekk id-dgħajfa kienu jkunu ta'
Laban u dawk b'saħħithom ta' Ġakobb. [Ġen:30:43] U r-raġel far b'ġid kbir ħafna
u kellu mrieħel kbar, qaddejja rġiel u nisa, iġmla u ħmir.
31. Ġakobb jaħseb biex jaħrab
[Ġen:31:1] U Ġakobb sama' x'kienu qegħdin jgħidu wlied Laban: “Ġakobb ħadilna
kull ma għandu missierna, [Ġen:31:2] għax dan il-ġid kollu għamlu minn ħwejjeġ
missierna.” U Ġakobb beda jara li wiċċ Laban ma kienx għadu miegħu bħal qabel.
[Ġen:31:3] U l-Mulej qal lil Ġakobb: “Erġa' lura lejn art missirijietek u art
twelidek, u jien inkun miegħek.” [Ġen:31:4] U Ġakobb bagħat isejjaħ lil Rakel u
lil Lija mill-għalqa ħdejn il-merħla tiegħu. [Ġen:31:5] U qalilhom: “Jien
qiegħed nara li wiċċ missierkom ma għadux miegħi bħal qabel. Imma Alla ta'
missieri kien dejjem miegħi. [Ġen:31:6] U intom tafu li jien ħdimt għal
missierkom b'ħilti kollha; [Ġen:31:7] imma missierkom qarraq bija u biddilli
ħlasi għaxar darbiet, iżda Alla ma ħalliehx jagħmilli d-deni. Ġen:31:8] Jekk
kien jgħidli: ‘L-imnaqqxa jkunu ħlasek,’ l-imrieħel kienu jildu mnaqqxa u jekk
jgħidli: ‘L-imżewwqa jkunu ħlasek,’ l-imrieħel kollha kienu jildu mżewwqa.
[Ġen:31:9] U Alla kien jieħu mill-merħla ta' missierkom, u jagħtihom lili.
[Ġen:31:10] U ġara li fi żmien is-saħna ta' l-imrieħel, jien erfajt għajnejja
fil-ħolm u rajt l-imtaten jitilgħu fuq in-nagħaġ li kienu mżewwqa, mnaqqxa u
mtektka. [Ġen:31:11] U l-anġlu ta' Alla sejjaħli fil-ħolm: ‘Ġakobb!’U jien
weġibt: ‘Hawn jien.’ [Ġen:31:12] U qalli: 'Erfa' għajnejk u ara l-imtaten kollha
li telgħin fuq in-nagħaġ huma mżewwqa, mnaqqxa u mtektka, għax jien rajt kull ma
għamillek Laban. [Ġen:31:13] Jiena Alla ta' Betel, fejn int dlikt plier u
għamiltli wegħda. Qum issa, oħroġ minn din l-art u erġa' lura lejn art twelidek.’
”
[Ġen:31:14] U Rakel u Lija weġbuh u qalulu: “Baqgħalna xi sehem jew wirt f'dar
missierna? [Ġen:31:15] M’aħniex qisna barranin għalih? Ma begħniex u kiel ukoll
flusna? [Ġen:31:16] Il-ġid li Alla ħa mingħand missierna tagħna hu u ta' wliedna.
Mela issa kull ma ordnalek Alla, agħmlu.”
[Ġen:31:17] U Ġakobb qam u rikkeb lil uliedu u lin-nisa tiegħu fuq l-iġmla.
[Ġen:31:18] U saq l-imrieħel kollha, u l-ġid kollu li kien kiseb - il-bhejjem
kollha li kien rawwem f'Fiddien-aram - biex imur għand Iżakk missieru fl-art ta'
Kangħan.
[Ġen:31:19] Laban kien mar i[iżż in-nagħaġ meta Rakel serqet it-terafim, l-idoli
ta' missierha. [Ġen:31:20] U Ġakobb ħeba u qarraq b'Laban l-Arami, għax ma
qallux li kien se jaħrab. [Ġen:31:21] U ħarab b'kull ma kellu, u qam u qasam ix-xmara
u dawwar wiċċu lejn il-muntanji ta' Gilgħad. [Ġen:31:22] Fit-tielet jum Laban
waslitlu l-aħbar li Ġakobb kien ħarab. [Ġen:31:23] U hu ħa 'l qrabatu miegħu u
għamel għal warajh għal sebat ijiem mixi u laħqu fuq l-għoljiet ta' Gilgħad.
[Ġen:31:24] U Alla ġie għand Laban l-Arami fil-ħolm billejl u qallu: “Qis li ma
tkellimx lil Ġakobb, la tajjeb u la ħażin.” [Ġen:31:25] U Laban laħaq lil Ġakobb.
Dan kien waqqaf il-kamp tiegħu fuq l-għoljiet, u Laban bi qrabatu miegħu waqqaf
il-kamp tiegħu fuq l-għoljiet ta' Gilgħad.
[Ġen:31:26] U Laban qal lil Ġakobb: “X'għamilt biex ħbejtli u qarraqt bija, u
ħadtli l-bniet tiegħi qishom priġunieri tal-gwerra? [Ġen:31:27] Għala ħrabt
bil-moħbi, u qarraqt bija, u ma għedtlix biex jien kont inqabbdek it-triq
bil-ferħ u l-għana, bid-daqq tat-tnabar u taċ-ċetra. [Ġen:31:28] Lanqas
ħallejtni biss inbus is-subjien u l-bniet tiegħi. Mxejt tassew ta' iblaħ!
[Ġen:31:29] Jien nista' nagħmlilkom il-ħsara, imma Alla ta' missierkom kellimni
dan il-lejl u qalli: 'Qis li ma tgħid xejn lil Ġakobb, la tajjeb u la ħażin.'
[Ġen:31:30] U issa saħħa li tlaqt, la darba int daqshekk miġbud lejn dar
missierek, għala sraqtli l-allat tiegħi?” [Ġen:31:31] U Ġakobb wieġeb lil Laban:
“Għax bżajt u għedt li ma tmurx teħodli bilfors il-bniet tiegħek. [Ġen:31:32]
Għand min issib l-allat tiegħek ma jibqax ħaj. Hawn quddiem qrabatna, fittex
x'għandi tiegħek u ħudu.” Ġakobb ma kienx jaf li Rakel kienet serqithom.
[Ġen:31:33] U Laban daħal fl-għarix ta' Ġakobb, fl-għarix ta' Lija u fl-għerejjex
taż-żewġ qaddejja, u ma sab xejn; u ħareġ mill-għarix ta' Lija, u daħal fl-għarix
ta' Rakel. [Ġen:31:34] U Rakel qabdet it-terafim u ħbiethom fis-sarġ tal-ġemel,
u qagħdet bilqiegħda fuqhom; u Laban teftef ma' l-għarix kollu, u ma sab xejn.
[Ġen:31:35] U hi qalet lil missierha: “Ma jeħodhiex bi kbira sidi, li ma nistax
inqum quddiemek, għax bħalissa għandi l-imxija tan-nisa.” U hu fittex, u t-terafim
ma sabhomx. [Ġen:31:36] U xegħel Ġakobb bil-għadab, u ħadha ma' Laban; wieġbu u
qal lil Laban: “Fiex inqastek? X'inhu dnubi, biex ġejt sħun sħun għal warajja?
[Ġen:31:37] Teftift ħwejgi kollha, u x'sibt minn ħwejjeġ darek? Qegħedhom hawn
quddiem ħuti u ħutek, ħa jagħmlu ħaqq bejnietna t-tnejn. [Ġen:31:38] F'dawn l-għoxrin
sena li ili miegħek in-nagħaġ u l-mogħoż tiegħek qatt ma korrew fi ħlashom, u
jien mill-imtaten tiegħek qatt ma kiltlek. [Ġen:31:39] Bhima żbranata qatt ma
ġibtlek lura; jien kont nagħmel tajjeb għaliha, lili kont tfittex għal kull ma
kien jinsteraq billejl jew binhar. [Ġen:31:40] Binhar kienet tkiddni s-sħana, u
billejl il-ksieħ, u n-ngħas kien itir minn għajnejja. [Ġen:31:41] Għoxrin sena
ili f'darek; għal erbatax-il sena ħdimtlek għaż-żewġ bnietek, u sitt snin
għall-imrieħel tiegħek, u għaxar darbiet biddiltli ħlasi. [Ġen:31:42] Li ma
kienx miegħi Alla ta' missieri, Alla ta' Abraham, u Alla, il-Biża' ta' Iżakk,
kieku issa kont tibgħatni b'idi f'idi. Alla ra hemmi u xogħol idejja, u l-lejl
li għadda ta s-sentenza.”
[Ġen:31:43] U Laban wieġeb lil Ġakobb u qallu: “Dawn il-bniet huma bnieti; u
dawn is-subjien huma wliedi, l-imrieħel huma mrieħel tiegħi, u kull ma inti
qiegħed tara hu tiegħi. X'nista' nagħmel illum għal dawn il-bniet u l-ulied li
huma wildu? [Ġen:31:44] Issa, ejja nagħmlu patt bejni u bejnek, u jkun xhud
bejni u bejnek.”
[Ġen:31:45] U Ġakobb qabad blata, u waqqafha bħala plier. [Ġen:31:46] U Ġakobb
qal lil niesu: “Iġbru l-ħaġar.” U ġabru l-ħaġar u għamluh borġ; u għamlu ikla
ħdejn il-borġ. [Ġen:31:47] Laban sejjaħlu: Ġegar-xaħduta, imma Ġakobb sejjaħlu
Galgħed. [Ġen:31:48] U Laban qal: “Dan il-borġ ikun xhud bejni u bejnek illum,”
u għalhekk sejjaħlu: Galgħed; [Ġen:31:49] u l-plier sejjaħlu Misfa, għassa, għax
qal ukoll: “Ha jgħasses il-Mulej bejni u bejnek, meta nitwarrbu minn xulxin.
[Ġen:31:50] Jekk inti tgħakkes lil bnieti, jew tieħu nisa oħra barra wliedi,
għalkemm ma hawn ħadd magħna jarana, Alla xhud bejni u bejnek.”
[Ġen:31:51] U żied jgħid Laban lil Ġakobb: “Ara dan il-borġ u ara dan il-plier
li jien waqqaft bejni u bejnek. [Ġen:31:52] Xhud dan il-borġ u xhud dan il-plier,
li jien ma ngħaddix lejk 'l hemm minn dan il-borġ, u li int ma tgħaddix lejja 'l
hawn minn dan il-borġ u dan il-plier, biex nagħmlu deni lil xulxin. [Ġen:31:53]
Alla ta' Abraham u Alla ta' Naħor u Alla ta' missierhom jagħmlu ħaqq bejnna,” u
ħalef Ġakobb b'Alla, il-Biża' ta' missieru Iżakk. [Ġen:31:54] U offra Ġakobb
sagrifiċċju fuq il-muntanja, u stieden lil qrabatu biex jieklu; u huma kielu u
għaddew il-lejl fuq il-muntanja.
32.[Ġen:32:1] Fil-għodu kmieni, Laban bies is-subjien u l-bniet tiegħu, berikhom
u dar lura lejn artu.
Ġakobb f'Kangħan
[Ġen:32:2] Ġakobb kien sejjer għal triqtu meta ġew għal fuqu l-anġli ta' Alla.
[Ġen:32:3] Xhin Ġakobb rahom qal: “Dan hu l-eżerċtu ta' Alla.” U semma l-post:
Maħanajm, kamp. [Ġen:32:4] Mbagħad Ġakobb bagħat qablu messaġġiera għand ħuh
Għesaw, lejn l-art ta' Xegħir fl-inħawi ta' Edom. [Ġen:32:5] U ordnalhom u
qalilhom: “Hekk tgħidulu lil sidi Għesaw: 'Dan jgħid il-qaddej tiegħek Ġakobb:
Kont qiegħed ma' Laban u bqajt sa issa. [Ġen:32:6] Għandi baqar, ħmir, mrieħel,
qaddejja, rġiel u nisa, u qiegħed nibgħat ngħarraf lil sidi biex insib ħniena
f'għajnejk.’ ”
[Ġen:32:7] U l-messaġġiera reġgħu lura għand Ġakobb u qalulu: “Aħna morna għand
ħuk Għesaw, u hu ġej jiltaqa' miegħek b'erba' mitt ruħ miegħu.” [Ġen:32:8]
Ġakobb beda jibża' u għamel f'qalbu. U qassam in-nies li kellu miegħu, l-imrieħel,
il-baqar u l-iġmla f'żewġ kampijiet. [Ġen:32:9] Għax qal: “Jekk Għesaw jaħbat
għal wieħed, għallanqas jeħlisha l-ieħor.” [Ġen:32:10] U Ġakobb qal: “Alla ta'
missieri Abraham, Alla ta' missieri Iżakk, int il-Mulej li għedtli: 'Erġa' lura
lejn artek u lejn niesek, u jien nagħtik ir-riżq.' [Ġen:32:11] Ma kinux
jistħoqquli t-tjieba u l-fedeltà kollha tiegħek, li wrejt mal-qaddej tiegħek;
jien qsamt dan il-Ġordan bil-ħatar tiegħi biss, imma issa sirt żewġ kampijiet.
[Ġen:32:12] Eħlisni issa minn idejn Għesaw, għax qiegħed nibża' minnu, li ma
jiġix u joqtol lili, 'l omm u 'l uliedha. [Ġen:32:13] Issa int għedtli: 'Jien
nagħtik riżq kbir u nagħmel lil nislek bħar-ramel tal-baħar, li ma jingħaddx
għall-kotra.’ ”
[Ġen:32:14] U dak il-lejl għaddieh hemm. Mbagħad qabad minn dak li ġie f'idejh
biex jagħtih rigal lil ħuh Għesaw: [Ġen:32:15] mitejn mogħża u għoxrin bodbod,
mitejn nagħġa u għoxrin muntun, [Ġen:32:16] tletin ġemel ireddgħu bil-friegħ
magħhom, tletin baqra u għoxrin barri, għoxrin ħmara u għaxart iħmir irġiel.
[Ġen:32:17] U tahom f'idejn il-qaddejja tiegħu, merħla merħla, kull waħda
għaliha u qalilhom: “Għaddu qabli u ħallu l-wisa' bejn merħla u oħra.”
[Ġen:32:18] U lill-ewwel wieħed ordnalu u qallu: “Meta jiltaqa' miegħek ħija
Għesaw u jistaqsik u jgħidlek: 'Ta' min intom? Fejn sejrin? Ta' min huma dawn li
hawn quddiemek?' [Ġen:32:19] Int wieġbu: 'Tal-qaddej tiegħek Ġakobb, rigal
mibgħut lil sidi Għesaw, u hu ġej warajna.’ ” [Ġen:32:20] U ordna wkoll lit-tieni
wieħed, lit-tielet u lil dawk li kienu miexja wara l-imrieħel u qalilhom: “Hekk
tgħidu l-istess kliem lil Għesaw meta tiltaqgħu miegħu. [Ġen:32:21] Tgħidulu: 'Ara,
l-qaddej tiegħek Ġakobb ġej warajna.’ ” Għax qal: “Nrattablu wiċċu bir-rigal li
sejjer qabli; ħalli mbagħad wara dan nara 'l wiċċu, għandu mnejn jerfagħli 'l
wiċċi.” [Ġen:32:22] U r-rigal għadda qablu; u hu għadda dak il-lejl fil-kamp.
Ġakobb u l-anġlu ta' Alla
[Ġen:32:23] U qam dak il-lejl stess, u qabad in-nisa tiegħu, u ż-żewġ qaddejja
tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Ġabbok. [Ġen:32:24] Qabadhom u
għaddiehom ix-xmara b'kull ma kellu. [Ġen:32:25] Mbagħad Ġakobb baqa' waħdu, u
ġie raġel u baqa' jissara miegħu sa ma beda jisbaħ. [Ġen:32:26] U meta ra li ma
setax għalih, messlu l-għaksa ta' koxxtu, u l-għaksa ta' koxxt Ġakobb tfekket,
hu u jissara miegħu.
[Ġen:32:27] Mbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu:
“Ma nħallikx jekk ma tberiknix.” U dan staqsieh: [Ġen:32:28] “Inti x'jismek?” “Ġakobb,”
wieġbu. U dak qallu: [Ġen:32:29] “Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael,
għax int issarajt ma' Alla u mal-bnedmin, u rbaħt.”
[Ġen:32:30] Staqsieh Ġakobb u qal: “Għidli x'jismek,” u wieġbu: “Għaliex
tistaqsini ismi?” U bierku hemmhekk. [Ġen:32:31] Għalhekk Ġakobb sejjaħ dak il-post
Penuwel, għax qal: “Rajt lil Alla wiċċ imbwiċċ, u ħajti ħelsitha.”
[Ġen:32:32] U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn Penuwel, izappap fuq koxxtu.
[Ġen:32:33] Għalhekk sa llum ulied Iżrael ma jiklux in-nerv tal-koxxa li hemm
fl-għaksa tal-koxxa, għax Alla qabad lil Ġakobb mill-għerq ta' l-għaksa ta'
koxxtu.
33. Il-laqgħa bejn Ġakobb u Għesaw
[Ġen:33:1] U Ġakobb rafa' għajnejh, ħares u ra lil Għesaw riesaq b'erba' mitt
ruħ miegħu; għalhekk qassam lil uliedu bejn Lija, Rakel u ż-żewġ qaddejja nisa.
[Ġen:33:2] U qiegħed il-qaddejja b'uliedhom quddiem, mbagħad lil Lija b'uliedha,
u fl-aħħar lil Rakel ma' Ġużeppi. [Ġen:33:3] U hu għadda qabilhom, u nxteħet
wiċċu fl-art għal seba' darbiet, sakemm wasal ħdejn ħuh. [Ġen:33:4] Imma Għesaw
mar jiġri jilqgħu u jgħannqu, u ntefa' fuq għonqu u biesu, u bkew it-tnejn.
[Ġen:33:5] U refa' għajnejh, u ra n-nisa u t-tfal u staqsieh: “Min huma dawn li
għandek miegħek?” U hu wieġbu: “L-ulied li Alla l-ħanin ta lill-qaddej tiegħek.”
[Ġen:33:6] U resqu lejh il-qaddejja nisa, huma u wliedhom, u nxteħtu wiċċhom
fl-art quddiemu. [Ġen:33:7] Resqet ukoll Lija b'uliedha, u nxteħtet wiċċha
fl-art; u fl-aħħar resqu Ġużeppi u Rakel, u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.
[Ġen:33:8] U Għesaw qallu: “Xi trid tgħid b'din il-qatgħa ta' nies kollha li
ltqajt magħha?” U Ġakobb wieġbu: “Biex insib il-ħniena f'għajnejk, sidi.”
[Ġen:33:9] U Għesaw qallu: “Jien għandi biżżejjed, ħija; ħa jibqa' għandek dak
li hu tiegħek.” [Ġen:33:10] Imma Ġakobb qallu: “Le, nitolbok, jekk jien sibt
il-ħniena f'għajnejk, ilqa' dan ir-rigal tiegħi minn idi, għax għalhekk jien
ridt nara 'l wiċċek, bħallikieku rajt wiċċ Alla, u int ilqajtni tajjeb.
[Ġen:33:11] Ħu, jekk jogħġbok, il-barka tiegħi li ġibtlek, għax Alla ħenn
għalija u jien għandi minn kollox.” U baqa' jissikka fuqu, u Għesaw ħa r-rigal.
[Ġen:33:12] U qallu: “Ħa nerfgħu l-kamp u nitilqu, u jien nimxi qablek.”
[Ġen:33:13] U Ġakobb wieġeb: “Sidi, inti taf li t-tfal huma dgħajfa, u jien
għandi fuqi l-piż ta' l-imrieħel u l-baqar ireddgħu, u jekk jinkeddu għal jum
wieħed biss, imutu l-imrieħel kollha. [Ġen:33:14] Ħa jgħaddi sidi qabel
il-qaddej tiegħu, u jien nimxi bil-mod il-mod, skond il-pass tal-bhejjem li
għandi quddiemi u l-pass tat-tfal, sakemm nilħaq lil sidi f'Xegħir.” [Ġen:33:15]
U Għesaw qallu: “Mela ħa nħalli miegħek xi ftit min-nies li għandi miegħi.” Imma
Ġakobb wieġeb: “Dan għalfejn? Jalla nsib ħniena f'għajnejn sidi!” [Ġen:33:16] U
dak in-nhar Għesaw qabad triqtu lura lejn Xegħir.
Ġakobb f'Sikem
[Ġen:33:17] U Ġakobb rafa' l-kamp u rħielha lejn Sukkot, u bena hemm dar u
mqawel għall-imrieħel tiegħu. Għalhekk semma l-post Sukkot. [Ġen:33:18] U Ġakobb
wasal qawwi u sħiħ f'Sikem, li hemm fl-art ta' Kangħan, meta ġie minn
Fiddien-aram, u waqqaf il-kamp tiegħu biswit il-belt. [Ġen:33:19] U xtara b'mitt
biċċa flus dik il-biċċa ta' l-għalqa, fejn kien waqqaf il-kamp tiegħu, mingħand
ulied Ħamor, missier Sikem. [Ġen:33:20] U waqqaf artal u semmieh El-eloħe-iżrael.
34. It-tkasbir ta' Dina
[Ġen:34:1] U Dina, bint Lija, li kienet wilditha lil Ġakobb, ħarġet tara n-nies
ta' dik l-art. [Ġen:34:2] U raha Sikem, bin Ħamor il-Ħiwwi, li kien prinċep ta'
dak il-post, u ħadha u raqad magħha u kasbarha. [Ġen:34:3] U nġibdet qalbu lejn
Dina bint Ġakobb; u ż-żagħżugħ lit-tifla ħabbha u beda jkellimha bil-ħlewwa, u
qalilha kliem li laqtilha qalbha. [Ġen:34:4] Mbagħad Sikem kellem lil missieru
Ħamor u qallu: “Ħudli b'marti 'l din it-tifla.” [Ġen:34:5] U Ġakobb sama' li
tebbgħu lil bintu Dina, waqt li wliedu kienu fir-raba' bil-merħla tiegħu; imma
Ġakobb baqa' sieket sakemm ġew. [Ġen:34:6] U Ħamor, missier Sikem, ħareġ ikellem
lil Ġakobb. [Ġen:34:7] Meta wlied Ġakobb ġew lura mir-raba' u semgħu, għadbu u
xegħlu b'qilla kbira, għax Sikem kien mexa ħażin ma' Iżrael, meta raqad ma' bint
Ġakobb - ħaġa li ma għandhiex issir. [Ġen:34:8] U Ħamor kellimhom u qalilhom:
“Ibni Sikem qalbu ntrabtet ma' bintkom, żewwġuhielu u tħalltu magħna; [Ġen:34:9]
agħtuna l-bniet tagħkom, u ħudu għalikom il-bniet tagħna. [Ġen:34:10] Oqogħdu
magħna; f'idejkom l-art, għammru fiha, inneguzjaw u iksbu l-art fiha.”
[Ġen:34:11] Mbagħad Sikem qal lil missierha u 'l ħutha: “Jekk jien sibt ħniena
f'għajnejkom, kull ma tgħiduli nagħtihulkom. [Ġen:34:12] Mqar jekk iżżiduli l-ħlas
u r-rigal, jien nagħtikom kemm tgħiduli, imma agħtuni t-tifla b’marti.”
[Ġen:34:13] U wlied Ġakobb wieġbu u qarrqu b'Sikem u b’Ħamor missieru, għax kien
tabba' 'l oħthom Dina. [Ġen:34:14] U qalulhom: “Ma nistgħux nagħmlu ħaġa bħal
din, li nagħtu lil oħtna lil wieħed mhux maħtun, dan ikun għajb għalina.
[Ġen:34:15] Hekk biss naqtgħulkom xewqitkom: jekk issiru bħalna, u kull raġel
fostkom jinħaten. [Ġen:34:16] Mbagħad nagħtukom il-bniet tagħna u aħna nieħdu l-bniet
tagħkom; u ngħammru magħkom u nsiru poplu wieħed. [Ġen:34:17] Jekk ma tisimgħux
minna u ma tinħatnux, naqbdu t-tifla tagħna u nitilqu.”
[Ġen:34:18] Dan kliemhom għoġobhom, lil Ħamor u 'l Sikem bin Ħamor. [Ġen:34:19]
U ż-żagħżugħ ma ddawwarx ma għamel din il-ħaġa, għax kien iħobb tassew lil bint
Ġakobb, u hu kien l-iktar miġjub f'dar missieru.
[Ġen:34:20] U Ħamor u ibnu Sikem marru ħdejn il-bieb tal-belt tagħhom biex
ikellmu n-nies tal-belt u jgħidulhom: [Ġen:34:21] “Dawn in-nies huma ħbieb
tagħna; ħa jgħammru f'din l-art u jinneguzjaw fiha. Hemm wisa' biżżejjed
għalihom fl-art kull fejn iddur. Ħa nieħdu l-bniet tagħhom b'nisa tagħna u
lilhom nagħtuhom il-bniet tagħna. [Ġen:34:22] Imma dawn in-nies ħaġa waħda
jitolbu mingħandna biex jgħammru magħna, u nsiru poplu wieħed: jiġifieri li kull
raġel fostna jinħaten, bħalma huma maħtunin huma. [Ġen:34:23] L-imrieħel tagħhom,
il-ġid tagħhom, u l-bhejjem tagħhom ma jkunux kollha tagħna? Ħa naqtgħulhom
xewqithom, u jgħammru magħna.” [Ġen:34:24] U 'l Ħamor u 'l Sikem tawhom widen
dawk kollha li kienu ħerġin mill-bieb tal-belt, u nħatnu l-irġiel kollha li
kienu ħerġin minn bieb il-belt.
[Ġen:34:25] U ġara li fit-tielet jum, kif kienu għadhom miġruħa, Simgħon u Levi,
ħut Dina, kull wieħed bix-xabla tiegħu, daħlu l-belt b'qalbhom qawwija u qatlu
l-irġiel kollha. [Ġen:34:26] U 'l Ħamor u 'l ibnu Sikem għaddewhom minn xifer
is-sejf, u ħarġu 'l Dina minn dar Sikem u telqu 'l barra. [Ġen:34:27] Mbagħad
ulied Ġakobb intefgħu fuq il-maqtulin u serqu l-belt, għax kienu tebbgħulhom lil
oħthom. [Ġen:34:28] U ħadu l-imrieħel u l-baqar li kellhom, il-ħmir tagħhom u
kull ma kien hemm fil-belt u kull ma kien hemm fir-raba'. [Ġen:34:29] Ħadulhom
ġidhom kollu, u ħadu f'idejhom it-tfal tagħhom u n-nisa tagħhom, b'kull ma kien
hemm ġewwa d-dar.
[Ġen:34:30] U Ġakobb qal lil Simgħon u lil Levi; “Ħawwadtuni u bgħadtuni man-nies
ta' din l-art, il-Kangħanin u l-Periżżin; in-nies tiegħi huma ftit; jekk
jingħaqdu kontrija, u jaħbtu għalija, ninqered jien u dari.” [Ġen:34:31] U huma
weġbuh: “Forsi kellhom jimxu ma' oħtna bħallikieku ma' xi mara żienja?”
35. Alla jġedded il-patt ma' Ġakobb
[Ġen:35:1] U Alla qal lil Ġakobb: “Qum u itla' lejn Betel, u oqgħod hemm. Tella'
hemm artal lil Alla li deherlek, meta kont maħrub minn quddiem ħuk Għesaw.”
[Ġen:35:2] U Ġakobb qal lin-nies ta' daru u 'l kull min kien miegħu: “Warrbu
lill-allat barranin li hemm f'nofskom, tnaddfu u biddlu ħwejjiġkom. [Ġen:35:3]
Mbagħad inqumu u nitilgħu Betel, u ntellgħu hemm artal lil Alla, li weġibni meta
kont fil-hemm u baqa' miegħi fit-triq li kont qbadt.” [Ġen:35:4] U taw lil
Ġakobb l-allat kollha barranin li kellhom, u l-imsielet li kellhom f'widnejhom,
u Ġakobb radamhom taħt il-balluta ta' ħdejn Sikem.
[Ġen:35:5] Mbagħad refgħu l-kamp, u l-biża' ta' Alla waqa' fuq l-ibliet ta'
madwarhom, u ħadd ma għamel għal wara wlied Ġakobb. [Ġen:35:6] U Ġakobb wasal
Luż - li hi Betel - li hemm fl-art ta' Kangħan, hu u n-nies kollha li kellu
miegħu. [Ġen:35:7] U bena hemm artal u semma l-post: El-Betel, għax hemm kien
deherlu Alla meta ħarab minn quddiem ħuh. [Ġen:35:8] U mietet Debora, l-imraddgħa
ta' Rebekka, u difnuha 'l isfel minn Betel, taħt il-balluta u semmieha:
Allon-bakut. [Ġen:35:9] U raġa’ deher Alla lil Ġakobb, meta ġie minn
Fiddien-aram, u bierku. [Ġen:35:10] U Alla qallu : “Int jismek Ġakobb, ma
jissejjaħx iżjed ismek Ġakobb, imma Iżrael ikun ismek. ” U sejjaħlu ismu Iżrael.
[Ġen:35:11] U Alla qallu: “Jien El-Xaddaj. Nissel u oktor, għax ġens u ġemgħa ta'
ġnus jitnisslu minnek u slaten joħorġu minn ġenbejk. [Ġen:35:12] U l-art li jien
tajt lil Abraham, u lil Iżakk, lilek ukoll nagħtiha; u lil nislek nagħtihom din
l-art warajk.”
[Ġen:35:13] Mbagħad Alla tala' 'l fuq minn ħdejh, fejn kien kellmu. [Ġen:35:14]
U Ġakobb waqqaf plier fejn kien kellmu, plier tal-ġebel; u raxxax l-inbid fuqu u
sawwab iż-żejt. [Ġen:35:15] U Ġakobb semma l-post fejn kellmu Alla Betel.
It-twelid ta' Benjamin u l-mewt ta' Rakel
[Ġen:35:16] Mbagħad refgħu l-kamp, u telqu minn Betel; u meta kien għad
fadlilhom biċċa triq sewwa għal Efrata, Rakel wildet, u kellha ħlas iebes.
[Ġen:35:17] U ġara li xħin kienet qiegħda titħabat biex teħles il-qabla qaltilha:
“La tibżax, għax dan ukoll se jkunlek tifel.” [Ġen:35:18] U hi u ħierġa ruħha -
għax kienet qiegħda tmut - sejjħet ismu Benoni, iżda missieru semmieh Benjamin.
[Ġen:35:19] U Rakel mietet u difnuha fit-triq ta' Efrata, li hi Betlehem.
[Ġen:35:20] U Ġakobb waqqaf plier fuq qabarha, li hu l-plier tal-qabar ta' Rakel,
u għadu hemm sa llum. [Ġen:35:21] Iżrael rafa' l-kamp u mar waqqaf l-għarix
tiegħu 'l hemm minn Migdol-għeder. [Ġen:35:22] U meta Iżrael kien jgħammar f'dik
l-art, Ruben mar jimtedd ma' Bilħa, il-konkubina ta' missieru, u Iżrael sema'
b'dan.
Il-familja ta' Ġakobb
Ulied Iżrael kienu tnax. [Ġen:35:23] Ulied Lija: Ruben, il-kbir ta' Ġakobb,
Simgħon, Levi, Ġuda, Issakar u Żebulun.
[Ġen:35:24] Ulied Rakel: Ġużeppi u Benjamin.
[Ġen:35:25] Ulied Bilħa, il-qaddejja ta' Rakel: Dan u Naftali.
[Ġen:35:26] Ulied Żilfa, il-qaddejja ta' Lija: Gad u Aser. Dawn ulied Ġakobb li
tweldulu f'Fiddien-aram.
Il-mewt ta' Iżakk
[Ġen:35:27] U Ġakobb ġie għand missieru Iżakk f'Mamri, Kirjat-arba, jiġifieri
f'Ħebron, fejn kienu għammru Abraham u Iżakk. [Ġen:35:28] Iżakk kellu mija u
tmenin sena [Ġen:35:29] meta ħa l-aħħar nifs u miet, xiħ u mimli bil-għomor, u
nġabar ma' niesu. U difnuh uliedu Għesaw u Ġakobb.
36. In-nisel ta' Għesaw
[Ġen:36:1] Dan hu nisel Għesaw, li hu Edom. [Ġen:36:2] Għesaw ha n-nisa tiegħu
minn fost il-bniet tal-Kangħanin: Għada bint Elon il-Ħitti; Oħolibama bint Għana,
bint Sibgħun il-Ħiwwi, [Ġen:36:3] u Baxemat bint Ismagħel, oħt Nebajot.
[Ġen:36:4] Lil Għesaw Għada wildet 'l Elifaż, u Baxemat wildet lil Regħwel;
[Ġen:36:5] u Oħolibama wildet lil Ġegħus, 'il Gagħlam u 'l Koraħ. Dawn huma
wlied Għesaw, li tweldulu fl-art ta' Kangħan.
[Ġen:36:6] U Għesaw qabad in-nisa tiegħu u 'l uliedu, subjien u bniet, u l-qaddejja
kollha ta' daru, l-imrieħel u l-bhejjem kollha tiegħu, u l-ġid kollu li kien
kiseb fl-art ta' Kangħan, u telaq bihom lejn art 'il bogħod minn ħuh Ġakobb.
[Ġen:36:7] Għax ġidhom kien kbir wisq biex jgħixu flimkien, u l-art fejn kienu
joqogħdu ma kinitx tiflaħhom minħabba l-imrieħel tagħhom. [Ġen:36:8] U Għesaw
għammar fuq l-iġbla ta' Xegħir - Għesaw hu Edom.
[Ġen:36:9] Dan hu n-nisel ta' Għesaw, missier l-Edumin, fuq il-muntanji ta'
Xegħir. [Ġen:36:10] Dawn huma l-ismijiet ta' wlied Għesaw: Elifaż bin Għada,
mart Għesaw; Regħwel bin Baxemat, mart Għesaw.
[Ġen:36:11] Ulied Elifaż kienu: Teman, Omar, Sefu, Gagħtam u Kenaż. [Ġen:36:12]
U Timna, li kienet il-konkubina ta' Elifaż, bin Għesaw, wildet lil Għamalek lil
żewġha. Dawn kienu wlied Għada, mart Għesaw.
[Ġen:36:13] Ulied Regħwel kienu: Natan, Żarah, Samma u Miżża. Dawn kienu wlied
Baxemat, mart Għesaw.
[Ġen:36:14] Dawn kienu wlied Oħolibama bint Għana, bint Sibgħun, mart Għesaw li
wildet lil Għesaw, 'il Ġegħus, 'il Ġagħlam, u 'l Koraħ.
[Ġen:36:15] Dawn kienu l-kapijiet ta' wlied Għesaw: ulied Elifaż, il-kbir ta'
Għesaw, il-kap Teman, il-kap Omar, il-kap Sefu, il-kap Kenaż, [Ġen:36:16] il-kap
Koraħ, il-kap Ġagħtam, il-kap Għamalek. Dawn huma l-kapijiet ta' wlied Elifaż,
fl-art ta' Edom. Dawn kienu wlied Għada.
[Ġen:36:17] U dawn kienu wlied Regħwel bin Għesaw: il-kap Natan, il-kap Żeraħ,
il-kap Samma, il-kap Miżża. Dawn kienu l-kapijiet ta' wlied Regħwel fl-art ta'
Edom, ulied Baxemat, mart Għesaw.
[Ġen:36:18] Dawn kienu l-kapijiet ta' wlied Oħolibama, mart Għesaw: il-kap
Ġegħus, il-kap Ġagħlam u l-kap Koraħ. Dawn il-kapijiet ta' wlied Oħolibama bint
Għana, mart Għesaw.
[Ġen:36:19] Dawn kienu wlied Għesaw u l-kapijiet tagħhom - dan hu Edom.
Nisel Xegħir
[Ġen:36:20] Dawn kienu wlied Xegħir il-Ħori, li kienu jgħammru f'din l-art:
Lotan, Sobal, Sibgħon, Għana, [Ġen:36:21] Dison, Għeser, Disan. Dawn kienu l-kapijiet
tal-Ħorin, ulied Xegħir, fl-art ta' Edom.
[Ġen:36:22] Ulied Lotan kienu: Ħori, Ħeman, u oħt Lotan kienet Timna.
[Ġen:36:23] U dawn huma wlied Sobal: Għalwan, Manaħat, Għebal, Sefu, u Onam.
[Ġen:36:24] Ulied Sibgħun kienu: Ajja u Għana. Dan hu Għana, dak li sab l-għejun
ta' ilma sħun fid-deżert, hu u jirgħa l-ħmir ta' missieru Sibgħun.
[Ġen:36:25] Ulied Għana kienu: Disan u Oħolibama bint Għana.
[Ġen:36:26] Ulied Disan kienu: Ħemdan, Esban u Itran u Keran.
[Ġen:36:27] Ulied Għeser kienu: Bilħan, Żagħwan u Għakan.
[Ġen:36:28] Ulied Disan kienu: Għus u Aran.
[Ġen:36:29] Dawn kienu l-kapijiet tal-Ħorin: il-kap Lotan, il-kap Sobal, il-kap
Sibgħun, il-kap Għana, [Ġen:36:30] il-kap Dison, il-kap Għeser u l-kap Disan.
Dawn kienu l-kapijiet tal-Ħorin, skond it-tribujiet tagħhom, fl-art ta’ Xegħir.
Is-slaten ta' Edom
[Ġen:36:31] Dawn kienu s-slaten li saltnu fuq l-art ta' Edom, qabel ma beda
jsaltan sultan fuq ulied Iżrael. [Ġen:36:32] Saltan f'Edom Bela bin Begħor, u
l-belt tiegħu kien jisimha Dinħaba. [Ġen:36:33] Miet Bela, u saltan warajh Ġobab
bin Żeraħ minn Basra. [Ġen:36:34] Miet Ġobab u warajh saltan Ħusam, minn art it-Temanin.
[Ġen:36:35] Miet Ħusam, u warajh saltan Ħadad bin Bedad, li ħabat għall-Midjan
fir-raba' ta' Mowab; u l-belt tiegħu kienet Għawit. [Ġen:36:36] Miet Ħadad, u
saltan warajh Xamla, minn Maxreka. [Ġen:36:37] Miet Xamla, u warajh saltan Sawl,
minn Reħobot tax-Xmara. [Ġen:36:38] Miet Sawl, u saltan warajh Bagħal-ħanan bin
Għakbor. [Ġen:36:39] Miet Bagħal-ħanan bin Għakbor, u saltan warajh Ħadar, u
l-belt tiegħu kien jisimha Pagħu; u martu kien jisimha Meħetabel bint Matred
minn Miżahab.
[Ġen:36:40] Dawn huma l-ismijiet tal-kapijiet tat-tribujiet ta' Għesaw, kif
kienu mqassmin skond il-familji u l-għamajjar tagħhom, b'isimhom; il-kap Timna,
il-kap Għalwa, il-kap Ġetet, [Ġen:36:41] il-kap Oħolibama, il-kap Ela, il-kap
Pinon, [Ġen:36:42] il-kap Kenaż, il-kap Teman, il-kap Mibsar [Ġen:36:43] il-kap
Magdijel, il-kap Għiram.
Dawn huma l-kapijiet ta’ Edom skond l-għamajjar tagħhom fl-art li kienu ħadu.
Dan hu Għasaw, missier l-Edumin.
37. Il-ħolm ta' Ġużeppi
[Ġen:37:1] U Ġakobb kien jgħammar fl-art fejn kien jgħammar missieru bħala
frustier fl-art ta' Kangħan. [Ġen:37:2] Dan hu nisel Ġakobb:
Kellu sbatax-il sena Ġużeppi, meta kien jirgħa n-nagħaġ ma’ ħutu. Kien daqsxejn
ta’ tifel għal ħdejn ulied Bilħa u wlied Żilfa, in-nisa ta’ missieru. U Ġużeppi
wassal xniegħa ħażina fuqhom lil missierhom. [Ġen:37:3] Iżrael kien iħobb 'il
Ġużeppi aktar minn ħutu kollha, għax kien twelidlu fi xjuħitu; u għamillu libsa
twila bil-kmiem. [Ġen:37:4] U ħutu ntebħu li missierhom kien iħobbu aktar minn
ħutu kollha; u saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem.
[Ġen:37:5] U Ġużeppi ħolom ħolma u qalha lil ħutu, u dawn aktar bagħduh.
[Ġen:37:6] U qalilhom: “Isimgħu din il-ħolma li ħlomt. [Ġen:37:7] Konna qegħdin
norbtu l-qatet f'nofs l-għalqa, u, araw, il-qatta tiegħi tqum u baqgħet wieqfa,
waqt li daru magħha l-qatet tagħkom u nxteħtu fl-art quddiemha.” [Ġen:37:8] U
qalulu ħutu: “Ma nagħmlux mod li se ssaltan jew taħkem fuqna, hux?” U aktar
komplew jobogħduh minħabba l-ħolm tiegħu u kliemu.
[Ġen:37:9] U raġa’ ħolom ħolma oħra u qalha lil ħutu u qalilhom: “Erġajt ħlomt
ħolma: ix-xemx u l-qamar u ħdax-il kewkba nxteħtu fl-art quddiemi.” [Ġen:37:10]
Qalha wkoll lil missieru u lil ħutu; u missieru beda jlumu u jgħidlu: “X'inhi
din il-ħolma li ħlomt? Jaqaw sa niġu jien u ommok u ħutek ninxteħtu fl-art
quddiemek?”
[Ġen:37:11] Ħutu komplew jgħiru għalih, imma missieru żamm f'moħħu dan il-kliem.
Il-konfoffa kontra Ġużeppi
[Ġen:37:12] U ħutu marru jirgħu l-imrieħel ta' missierhom f'Sikem. [Ġen:37:13] U
Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ara ħutek qegħdin jirgħu f'Sikem, ejja ħa nibagħtek
ħdejhom.” U hu wieġbu: “Hawn jien.” [Ġen:37:14] U qallu: “Mur u ara jekk humiex
tajbin ħutek, u humiex tajbin l-imrieħel, u ejja għidli.” U bagħtu mill-wied ta'
Ħebron u mar Sikem.
[Ġen:37:15] U ltaqa' miegħu raġel, hu u jiġġerra fir-raba', u dan staqsieh u
qallu: “X'inti tfittex?” [Ġen:37:16] U wieġbu: “Lil ħuti qiegħed infittex.
Għidli, jekk jogħġbok, fejn qegħdin jirgħu?” [Ġen:37:17] U dak ir-raġel qallu:
“Telqu minn hawn, għax smajthom jgħidu: 'Ħa mmorru Dotan.’ ” U rħielha Ġużeppi
għal wara ħutu, u sabhom f'Dotan. [Ġen:37:18] U huma rawh mill-bogħod u sakemm
wasal ħdejhom ftiehmu kif joqtluh. [Ġen:37:19] U bdew jgħidu lil xulxin: “Arah,
ġej il-ħalliem! [Ġen:37:20] Issa ejjew ħa noqtluh u nixħtuh ġo xi bir, u mbagħad
ngħidu li xi bhima selvaġġa kilitu, u naraw x'jiswielu l-ħolm tiegħu.”
[Ġen:37:21] U Ruben sama' u ħelsu minn idejhom, u qalilhom: “Ma nneħħulux ħajtu.”
[Ġen:37:22] U żied jgħidilhom Ruben: “La xxerrdux demm. Ixħtuh f'dan il-bir li
hawn fid-deżert, u la tmiddux idejkom fuqu.” Dan għamlu biex jeħilsu minn
idejhom, u jroddu lil missieru. [Ġen:37:23] U ġara li malli Ġużeppi wasal ħdejn
ħutu, neżżgħuh mil-libsa li kellu fuqu, il-libsa twila bil-kmiem, u [Ġen:37:24]
qabduh u xeħtuh fil-bir. Il-bir kien battâl, mingħajr ilma.
[Ġen:37:25] Mbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu l-ħobż. Kif refgħu għajnejhom raw
karwana ta' Ismagħelin ġejja minn Gilgħad bl-iġmla tagħhom mgħobbija bid-dragant,
il-balzmu u l-lawdnu, sejrin iħottuhom l-Eġittu. [Ġen:37:26] U Ġuda qal lil ħutu:
“X'se ndaħħlu jekk noqtlu 'l ħuna u naħbu demmu? [Ġen:37:27] Ejjew inbigħuh
lill-Ismagħelin u ma mmiddux idejna fuqu, għax ħuna u laħamna hu.” U ħutu semgħu
minnu.
[Ġen:37:28] U għaddew xi neguzjanti Midjanin, u ġibdu lil Ġużeppi u tellgħuh
mill-bir, u biegħu lil Ġużeppi lill-Ismagħelin b'għoxrin biċċa tal-fidda; u 'l
Ġużeppi ħaduh l-Eġittu.
[Ġen:37:29] Meta Ruben raġa’ lura lejn il-bir, sab li Ġużeppi ma kienx għadu
hemm, u ċarrat ilbiesu. [Ġen:37:30] U raġa’ mar ħdejn ħutu u qalilhom: “It-tifel
ma għadux hemm, u issa jien fejn se naqbad immur?” [Ġen:37:31] U qabdu l-libsa
ta' Ġużeppi, qatlu gidi, u ċappsu l-libsa bid-demm. [Ġen:37:32] U bagħtu l-libsa
twila bil-kmiem u ħaduha għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Ara jekk hijiex
jew le l-libsa ta' ibnek.” [Ġen:37:33] U hu raha u qal: “Din il-libsa ta' ibni.
Xi bhima selvaġġa kiefra kilitu u Ġużeppi mqatta' bċejjeċ.” [Ġen:37:34] U Ġakobb
ċarrat ilbiesu u geżwer xkora ma' qaddu u għamel vistu għal ibnu għal żmien twil.
[Ġen:37:35] U wliedu, subjien u bniet, qamu biex ifarrġuh, imma hu ma riedx jaf
b'faraġ, u qal: “Mnikket sa ninżel taħt l-art ħdejn ibni.” U missieru bkieh!
[Ġen:37:36] Il-Midjanin bigħuh lil Putifar, uffiċjal tal-Fargħun, kap tal-koki.
38. Iż-żwieġ ta' Ġuda u wliedu
[Ġen:38:1] Ġara li f'dak iż-żmien Ġuda warrab minn ma' ħutu, u mar għand wieħed
minn Għadullam, jismu Ħira. [Ġen:38:2] U hemm Ġuda ra 'l bint wieħed Kangħani,
li kien jismu Sugħa; iżżewwiġha u resaq lejha. [Ġen:38:3] U tqalet u wildet
tifel, u semmieh Għer. [Ġen:38:4] U reġgħet tqalet u wildet tifel, u semmietu
Onan. [Ġen:38:5] U wildet mill-ġdid tifel u semmietu Sela; u meta wilditu kienet
f'Keżib.
[Ġen:38:6] U Ġuda żewweġ lil Għer, ibnu l-kbir, lil mara jisimha Tamar.
[Ġen:38:7] Għer, il-kbir ta' Ġuda, kien ħażin f'għajnejn il-Mulej, u l-Mulej
qatlu. [Ġen:38:8] U Ġuda qal lil Onan: “Ersaq lejn il-mara ta' ħuk u aqdi dmirek
ta' ħaten li int, u qajjem nisel għal ħuk. [Ġen:38:9] U Onan kien jaf li n-nisel
ma kienx se jkun tiegħu, u ġara li meta kien jersaq lejn mart ħuh, kien jarmi
fl-art, biex ma jagħtix nisel lil ħuh. [Ġen:38:10] U dak li għamel kien ħażin
f'għajnejn il-Mulej, u 'l dan qatlu wkoll.
[Ġen:38:11] Mbagħad Ġuda qal lil Tamar, mart ibnu: “Mur lura u ibqa' armla f'dar
missierek, sakemm jikber Sela ibni,” għax qal: “Li ma jmurx imut hu wkoll bħal
ħutu.” U Tamar telqet u qagħdet f'dar missierha.
Ġuda u Tamar
[Ġen:38:12] U għadda ħafna żmien u mietet bint Sugħa, il-mara ta' Ġuda, u meta
tfarraġ dan tala' ħdejn il-ġeżżieża tal-merħla tiegħu, hu u ħabibu Ħira l-Għadullami,
f'Timna. [Ġen:38:13] U meta għarrfuha u qalulha: “Ara, missier żewġek tala'
Timna jgiżż il-merħla tiegħu,” [Ġen:38:14] Tamar neħħiet minn fuqha l-ilbies ta'
armla, tgħattiet bi star, raxxet il-fwieħa, tgeżwret, u qagħdet f'daħlet Għenajm,
fit-triq ta' Timna; għax hi kienet rat li Sela kien kiber, u baqgħu ma
żewwġuhulhiex. [Ġen:38:15] U raha Ġuda u ħasibha xi mara żienja, għax hi kienet
għattiet wiċċha. [Ġen:38:16] U kiser lejha u qalilha: “Ejja, ħallini nersaq lejk,”
għax ma ntebaħx li kienet mart ibnu. U hi weġbitu: “X'tagħtini biex tersaq lejja?”
[Ġen:38:17] U hu weġibha: “Nibgħatlek ġidi mill-merħla.” U hi qaltlu: “Imma
agħtini rahan, sakemm tibgħathuli.” [Ġen:38:18] “ ̋X'rahan nista' nagħtik?”
staqsieha. U hi wieġbet: “Is-siġill tiegħek, il-qafla u l-ħatar tiegħek li
għandek f'idejk.” U tahomlha, u resaq lejha, u ħarġitlu tqila.
[Ġen:38:19] U qamet, neħħiet l-istar tagħha minn fuqha, u libset l-ilbies ta'
armla. [Ġen:38:20] U Ġuda bagħtilha l-gidi ma' ħabibu l-Għadullami, biex jieħu
r-rahan minn id il-mara; imma ma sabhiex. [Ġen:38:21] U staqsa n-nies tal-post u
qalilhom: “Fejn ħija l-mara żienja tas-santwarju, dik li tkun f'Għenajm, hawn
fit-triq?” U weġbuh: “Ma hawn l-ebda mara żienja tas-santwarju hawn.”
[Ġen:38:22] U hu raġa’ lura għand Ġuda u qallu: “Ma sibthiex, u n-nies tal-post
qalu li ma hemmx mara żienja tas-santwarju.” [Ġen:38:23] U Ġuda qallu: “Ħa
teħodhom, li ma naqgħux għaż-żufjett, jien talli bgħattilha l-gidi, u int talli
ma sibthiex.” [Ġen:38:24] U ġara li malli għaddew tliet xhur għarrfu lil Ġuda u
qalulu: “Tamar, mart ibnek, żniet, u saħansitra tqalet biż-żina tagħha.” U Ġuda
weġibhom: “Oħorġuha, u aħarquha.” [Ġen:38:25] U hi u ħierġa bagħtet tgħid lil
missier żewġha: “Mir-raġel li tiegħu huma dawn, jien tqila.” U żiedet tgħid:
“Ara tagħrafx ta' min huma dawn: is-siġill, il-qafla u l-ħatar.” [Ġen:38:26] U
Ġuda għarafhom u qal: “Għandha raġun iżjed minni, għax jien ma tajthiex lil ibni
Sela.” U ma għarafhiex iżjed.
[Ġen:38:27] U meta waslet biex tiled, kien hemm tewmin f'ġufha. [Ġen:38:28] Hi u
teħles wieħed minnhom ħareġ idu, u l-qabla rabtitlu ma' idu ħajta ħamra skura u
qalet: “Dan ħareġ l-ewwel.” [Ġen:38:29] Iżda meta raġa’ ġibed idu, qabad u ħareġ
ħuh, u hi qalet: “Għala ħriġt b'din is-saħħa kollha?” U semmietu Pereż.
[Ġen:38:30] U fl-aħħar ħareġ ħuh, li kellu l-ħajta f'idu, u semmietu Żeraħ.
39. Ġużeppi f'dar Putifar
[Ġen:39:1] U 'l Ġużeppi niżżluh l-Eġittu u Putifar, ufficjal tal-Fargħun u kap
tal-koki, raġel Eġizzjani, xtrah mingħand l-Ismagħelin, li kienu niżżluh
hemmhekk. [Ġen:39:2] U l-Mulej kien ma' Ġużeppi; għalhekk kien bniedem li kellu
r-riżq. U baqa' fid-dar ta' sidu l-Eġizzjan. [Ġen:39:3] U sidu ra li l-Mulej
kien miegħu, u kull ma kien imidd idu għalih il-Mulej kien jagħtih ir-riżq.
[Ġen:39:4] U Ġużeppi sab grazzja f'għajnejn sidu, u kien iservih, u hu qiegħdu
fuq daru kollha, u fdalu f'idejh kull ma kellu. [Ġen:39:5] U mindu qiegħdu fuq
daru u fuq kull ma kellu, bierek il-Mulej dar l-Eġizzjani minħabba Ġużeppi; u l-barka
tal-Mulej kienet fuq kull ma kellu fid-dar u fir-raba'. [Ġen:39:6] U ħalla kull
ma kellu f'idejn Ġużeppi u ma kien irid jaf b'xejn mingħandu, ħlief bil-ħobż li
hu kien jiekol.
U Ġużeppi kien ta’ sura sabiħa u wiċċu ħelu. [Ġen:39:7] U ġara li wara dan kollu,
mart sidu xeħtet għajnejha fuq Ġużeppi u qaltlu: “Mtedd miegħi.” [Ġen:39:8] U hu
ma riedx, u qal lil mart sidu: “Ara, sidi ma jrid jaf b'xejn mingħandi dwar
x'hawn fid-dar, u kull ma għandu rħieh f'idejja. [Ġen:39:9] Ħadd m'hawn fuqi
f'din id-dar, u hu ma ċcaħħadni minn xejn ħlief minnek, għax inti martu. U kif
nista' nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla.” [Ġen:39:10] U
għalkemm hi kienet tkellem hekk lil Ġużeppi jum wara l-ieħor hu qatt ma sama'
minnha li jimtedd ma' ġenbha jew li joqgħod magħha.
[Ġen:39:11] Ġara li darba waħda bħal dari Ġużeppi daħal id-dar jagħmel ix-xogħol
tiegħu u ma kien hemm ħadd min-nies tad-dar ġewwa. [Ġen:39:12] U hi qabditu minn
ħwejġu u qaltlu: “Mtedd miegħi.” U hu telaq il-libsa f'idha, ħarab u ħareġ 'il
barra. [Ġen:39:13] U ġara li, malli rat li ħalla ħwejġu f'idha u ħarab 'il barra,
[Ġen:39:14] bdiet tgħajjat in-nies ta' darha u tgħidilhom: “Araw, ġibilna raġel
Għebrew biex jgħaddi ż-żmien bina. Resaq lejja biex jimtedd miegħi, u jien
għajjatt għajta kbira. [Ġen:39:15] U hu malli semagħni ngħolli leħni u ngħajjat,
ħalla ħwejġu ħdejja, u ħarab u ħareġ 'il barra.” [Ġen:39:16] U żammet ħwejġu
ħdejha sakemm ġie sidu d-dar tiegħu. [Ġen:39:17] U hi tennietlu dan il-kliem
kollu u qaltlu: “Resaq lejja dan l-ilsir Għebrew li int ġibtilna biex jgħaddi ż-żmien
bija. [Ġen:39:18] U ġara li malli għollejt leħni u bdejt ngħajjat ħalla ħwejġu
ħdejja, ħarab, u ħareġ 'il barra.” [Ġen:39:19] U malli sidu sama' l-kliem li
qaltlu martu: “Dawn il-ħwejjeġ għamilli l-ilsir tiegħek,” xegħel bil-qilla.
[Ġen:39:20] U sidu qabad lil Ġużeppi u xeħtu l-ħabs fejn kienu magħluqa l-ħabsin
tas-sultan. U hu baqa' hemm fil-ħabs.
[Ġen:39:21] Imma l-Mulej kien ma' Ġużeppi u wera tjieba miegħu, u għamel li jsib
grazzja f'għajnejn il-kap tal-ħabs. [Ġen:39:22] U l-kap tal-ħabs ħalla f'idejn
Ġużeppi l-ħabsin kollha li kien hemm; u kull ma kien isir hemm ġew kien jagħmlu
hu. [Ġen:39:23] U l-kap tal-ħabs ma kienx jagħti kas ta' dak li kien fdat
f'idejn Ġużeppi, għax il-Mulej kien miegħu u kull ma kien jagħmel il-Mulej kien
iġibhulu 'l quddiem.
40. Ġużeppi u l-ħolm ta' sħabu
[Ġen:40:1] U wara dawn il-ġrajja l-kuppier u l-pannettier tas-sultan ta' l-Eġittu
naqsu lil sidhom is-sultan ta' l-Eġittu. [Ġen:40:2] U l-Fargħun għadab għaż-żewġ
ufficjali ewnuki tiegħu, għall-kuppier u għall-pannettier. [Ġen:40:3] U xeħithom
l-għassa fid-dar tal-kap tal-koki, fil-ħabs fejn kien magħluq Ġużeppi.
[Ġen:40:4] U l-kap tal-koki qiegħed fuqhom lil Ġużeppi u dan kien idur bihom; u
damu żmien il-ħabs. [Ġen:40:5] Il-kuppier u l-pannettier tas-sultan ta' l-Eġittu,
li kienu magħluqin il-ħabs, ħolmu ħolma huma t-tnejn f'lejl wieħed, kull wieħed
il-ħolma tiegħu u kull ħolma bit-tifsira tagħha.
[Ġen:40:6] U xħin Ġużeppi ġie ħdejhom fil-għodu rahom li kienu mħassba.
[Ġen:40:7] U staqsa lill-ufficjali tal-Fargħun li kienu miegħu l-ħabs f'dar sidu
u qalilhom: “Għala wiċċkom imqarras illum?” [Ġen:40:8] U huma weġbuh: “Ħlomna
ħolma u ma għandniex min ifissirhielna.” U Ġużeppi qalilhom: “Mhux f'idejn Alla
t-tifsir? Għiduhieli.”
Il-ħolma tal-kuppier
[Ġen:40:9] U l-kuppier qal il-ħolma tiegħu lil Ġużeppi u qallu: “Fil-ħolma
tiegħi rajt dielja quddiemi. [Ġen:40:10] U d-dielja kellha tliet friegħi, u
malli rmiet, ħarġet iż-żahar tagħha u l-għenieqed tagħha saru għeneb.
[Ġen:40:11] U kelli f'idejja l-koppa tal-Fargħun, qbadt l-għeneb, għasartu
fil-koppa tal-Fargħun u newwilt il-koppa f'id il-Fargħun.” [Ġen:40:12] U Ġużeppi
qallu: “Din hi t-tifsira: it-tliet friegħi huma tlitt ijiem. [Ġen:40:13] Tlitt
ijiem oħra, il-Fargħun jerfagħlek ġieħek u jreġġgħek lura f'postok, u int tagħti
'l Fargħun il-koppa f'idu skond id-drawwa ta' qabel, meta kont il-kuppier.
[Ġen:40:14] Imma int ftakar fija meta jkollok ir-riżq u jkollok ħniena miegħi, u
fakkar lill-Fargħun fija ħa joħroġni minn din id-dar. [Ġen:40:15] Għax jien kont
misruq minn art l-Għebrej, u lanqas hawn ma għamilt xi ħaġa biex xeħtuni f'dan
il-ħabs.”
Il-ħolma tal-pannettier
[Ġen:40:16] U l-kap tal-pannettiera ra li t-tifsira kienet tajba u qal lil
Ġużeppi: “Jien ukoll kelli ħolma u kelli tlitt iqfief għagin fuq rasi.
[Ġen:40:17] U fil-qoffa ta' fuq kien hemm kull xorta ta' ikel moħmi
għall-Fargħun; imma kiluh l-għasafar mill-qoffa li kelli fuq rasi.” [Ġen:40:18]
U Ġużeppi wieġeb u qallu: “Din hi t-tifsira: it-tlitt iqfief huma tlitt ijiem.
[Ġen:40:19] Tlitt ijiem oħra l-Fargħun ineħħilek rasek minn fuqek u jdendlek ma'
siġra u l-għasafar jiklulek laħmek minn fuqek.” [Ġen:40:20] U ġara li fit-tielet
jum, jum twelid il-Fargħun, dan għamel ikla għall-qaddejja kollha tiegħu, u rafa'
ġieħ il-kap tal-kuppieri u ġieħ il-kap tal-pannettiera f'nofs il-qaddejja tiegħu.
[Ġen:40:21] U raġa’ qiegħed il-kap tal-kuppieri f'ras il-kuppieri, biex inewwel
il-koppa f'id il-Fargħun. [Ġen:40:22] Imma l-kap tal-pannettieri għallqu, kif
kien fissrilhom Ġużeppi. [Ġen:40:23] U l-kap tal-kuppieri ma ftakarx f'Ġużeppi,
u nsieh.
41. Il-ħolm tal-Fargħun
[Ġen:41:1] U ġara li wara sentejn sħaħ, ħolom il-Fargħun ukoll. Ħolom li kien
qiegħed f'xatt in-Nil, [Ġen:41:2] u telgħu min-Nil seba' baqriet sbieħ
f'surithom u smien f'laħamhom u bdew jirgħu fil-ħaxix. [Ġen:41:3] U mbagħad jara
seba' baqriet oħra telgħin min-Nil warajhom; koroh f'surithom u magħluba
f'laħamhom. U waqfu ħdejn il-baqar l-oħra ħdejn xatt in-Nil. [Ġen:41:4] U l-baqar
koroh f'surithom u magħluba f'laħamhom belgħu s-seba' baqriet sbieħ f'surithom u
smien f'laħamhom. Hawn il-Fargħun stenbaħ. [Ġen:41:5] Mbagħad raġa’ raqad, u
jara seba' sbuliet ħierġa minn fuq zokk wieħed, smien u sbieħ. [Ġen:41:6] U jara
seba' sbuliet oħra rqaq u maħruqin mir-riħ tal-lvant. [Ġen:41:7] U s-sbuliet
irqaq belgħu s-sbuliet is-smien u mimlija. U l-Fargħun stenbaħ.
[Ġen:41:8] Fil-għodu ħass ruħu mħasseb, u bagħat isejjaħ is-saħħara kollha ta'
l-Eġittu u l-għorrief kollha; u l-Fargħun qalilhom il-ħolm tiegħu, u ma kien
hemm ħadd li kellu l-ħila jfissru lill-Fargħun.
[Ġen:41:9] U l-kap tal-kuppieri kellem lill-Fargħun u qallu: “Nistqarr illum
il-ħtija tiegħi. [Ġen:41:10] Il-Fargħun kien saħan għall-qaddejja tiegħu u
xeħithom il-ħabs fid-dar tal-kap tal-koki, lili u lill-kap tal-pannettieri.
[Ġen:41:11] U ħlomna ħolma billejl, jiena u hu, kull wieħed b'tifsira għalih.
[Ġen:41:12] U magħna kien hemm żagħżugħ Għebrew, qaddej tal-kap tal-koki, u aħna
għednielu, u hu fissrilna l-ħolm tagħna, lil kull wieħed skond il-ħolma tiegħu.
[Ġen:41:13] U ġara li seħħ kollox kif kien fissrilna hu: lili l-Fargħun qegħedni
f'posti mill-ġdid, u lil sieħbi għallqu.”
[Ġen:41:14] U l-Fargħun bagħat isejjaħ lil Ġużeppi u ħarġuh malajr mill-ħabs,
qata' xagħru, biddel ħwejġu u daħal quddiem il-Fargħun. [Ġen:41:15] U l-Fargħun
qal lil Ġużeppi: “Jien ħlomt ħolma u ma hawnx min ifissirhieli. U jien smajt bik,
għax qaluli li biżżejjed tisma' ħolma biex tfissirha.”
[Ġen:41:16] U Ġużeppi wieġeb lill-Fargħun u qallu: “Mhux jien! Alla hu li
jwieġeb b'riżq il-Fargħun.” [Ġen:41:17] U l-Fargħun kellem lil Ġużeppi u qallu:
“Stħajjiltni f'ħolma qiegħed f'xatt in-Nil. [Ġen:41:18] U, ara, rajt telgħin
seba' baqriet smien f'laħamhom u sbieħ f'surithom u bdew jirgħu l-ħaxix.
[Ġen:41:19] Mbagħad rajt telgħin warajhom seba' baqriet dgħajfa, koroh wisq
f'surithom u magħluba f'laħamhom. Qatt ma rajt koroh bħalhom fl-art kollha ta'
l-Eġittu. [Ġen:41:20] U l-baqar magħluba u koroh kielu s-seba' baqriet smien ta'
l-ewwel. [Ġen:41:21] U dawn daħlu ġol-ġewwieni tagħhom, u ma kienx jidher li
daħlu fihom, għax dehrithom baqgħet kerha bħal qabel. U stenbaħt. [Ġen:41:22]
Rajt ukoll fil-ħolm seba' sbuliet telgħin fuq zokk wieħed, mimlija u sbieħ.
[Ġen:41:23] U ara, seba' sbuliet nixfin, rqaq u maħruqin mir-riħ tal-lvant,
[Ġen:41:24] u s-sbuliet nixfin belgħu s-sbuliet is-sbieħ. U jien kellimt
lis-saħħara u ma kien hemm ħadd li jaf jgħidli xejn.”
[Ġen:41:25] U Ġużeppi qal lill-Fargħun: “Kollu wieħed il-ħolm tal-Fargħun. Kull
ma se jagħmel, Alla ħabbru lill-Fargħun. [Ġen:41:26] Is-seba' baqriet sbieħ huma
seba' snin, u s-seba' sbuliet sbieħ huma seba' snin; ħolma waħda din.
[Ġen:41:27] U s-seba' baqriet magħluba u koroh li telgħu warajhom huma seba'
snin; u s-seba' sbuliet nixfin u maħruqin mir-riħ tal-lvant huma seba' snin ta'
ġuħ. [Ġen:41:28] Dan hu l-kliem li għedt lill-Fargħun: Kull ma se jagħmel Alla,
wrieh lill-Fargħun.
[Ġen:41:29] “Araw, ġejjin seba' snin ta' xaba' kbir fl-art kollha ta' l-Eġittu.
[Ġen:41:30] U warajhom jiġu seba' snin ta' ġuħ, u jintesa x-xaba' kollu fl-art
ta' l-Eġittu, u l-ġuħ itemm l-art. [Ġen:41:31] U ħadd ma jintebaħ li qatt kien
hemm ix-xaba' fl-art, minħabba l-ġuħ li jaqa' fuqha wara dan, għax tassew ikun
qalil. [Ġen:41:32] U dan li l-ħolma ttenniet għal darba tnejn ifisser li Alla
digà qatagħha, u dalwaqt Alla jtemmha. [Ġen:41:33] U issa l-Fargħun għandu
jfittex bniedem dehni u għaqli, u jqiegħdu fuq l-art ta' l-Eġittu. [Ġen:41:34]
Ħa jagħmel ukoll il-Fargħun suprintendenti fuq l-art, u jieħu minn ħamsa waħda
mill-prodotti ta' l-art ta' l-Eġittu. [Ġen:41:35] Jiġbru l-ikel ta' dawn is-snin
tax-xaba' li ġejjin, u jaħżnu fl-ibliet il-qamħ għall-ikel taħt idejn il-Fargħun
u jerfgħuh. [Ġen:41:36] U jkun dan l-ikel u tkun din il-ħażna ta' ikel
għall-pajjiż fis-seba' snin ta' ġuħ li se jaqgħu fuq l-art ta' l-Eġittu. Hekk
il-pajjiż ma jinqeridx bil-ġuħ.”
Ġużeppi gvernatur fuq l-Eġittu
[Ġen:41:37] Dan il-kliem għoġbu lill-Fargħun u l-qaddejja tiegħu. [Ġen:41:38] U
l-Fargħun qal lill-qaddejja tiegħu: “Nistgħu nsibu bniedem ieħor bħal dan li
għandu l-ispirtu ta' Alla fih?” [Ġen:41:39] U kompla jgħid lil Ġużeppi: “Wara li
Alla wriek dan kollu ma hawnx bniedem ta' dehen daqsek. [Ġen:41:40] Int tkun fuq
id-dar tiegħi u fuq il-poplu tiegħi kollu; fit-tron biss inkun jien akbar minnek.”
[Ġen:41:41] U l-Fargħun issokta jgħid lil Ġużeppi: “Ara, jien se nqiegħdek fuq
l-art kollha ta' l-Eġittu.” [Ġen:41:42] U l-Fargħun qala' s-siġill minn idu, u
qiegħdu f'id Ġużeppi, u libbsu lbies ta' l-għażel fin, u qegħedlu madwar għonqu
kullana tad-deheb. [Ġen:41:43] U rikkbu fuq it-tieni karru li kellu, u bdew
jgħajjtu quddiemu: “Abrek!” U hekk qiegħdu fuq l-art kollha ta' l-Eġittu.
[Ġen:41:44] U l-Fargħun qal lil Ġużeppi: “Jiena l-Fargħun, imma mingħajrek ħadd
ma jerfa' idu jew riġlu fl-art kollha ta' l-Eġittu.” [Ġen:41:45] U l-Fargħun
semma 'l Ġużeppi Safenat-panija; u żewwġu lil Asenat, bint Putifera, qassis ta'
On, u Ġużeppi ħareġ idur l-art ta' l-Eġittu.
Is-seħħ tal-ħolm
[Ġen:41:46] U Ġużeppi kellu tletin sena meta deher quddiem il-Fargħun, sultan ta'
l-Eġittu; u ħareġ minn quddiem il-Fargħun u mar idur l-art kollha ta' l-Eġittu.
[Ġen:41:47] U matul is-seba' snin tax-xaba', li laħqu l-art ta' l-Eġittu, l-art
għamlet frott bil-kotra. [Ġen:41:48] U ġabar Ġużeppi l-ikel kollu tas-seba' snin
tax-xaba' li ġew fuq l-Eġittu u ħażen dan l-ikel fl-ibliet, jiġifieri f'kull
belt il-frott tar-raba' ta' madwarha. [Ġen:41:49] U Ġużeppi ġabar qamħ daqs
ir-ramel tal-baħar, b'kotra hekk kbira li għeja jkejjlu, għax kien bla qjies.
[Ġen:41:50] U 'l Ġużeppi tweldulu żewġ ulied qabel ma waslet is-sena tal-ġuħ;
wildithomlu Asenat, bint Putifera, qassis ta' On. [Ġen:41:51] U Ġużeppi semma l-kbir
Manassi, għax qal: “Alla nessieni l-għawġ kollu tiegħi u d-dar kollha ta'
missieri.” [Ġen:41:52] U t-tieni semmieh Efrajm, għax qal: “Alla tani li nnissel
f'art in-niket tiegħi.”
[Ġen:41:53] U ntemmu s-seba' snin tax-xaba' li kienu ġew fuq l-Eġittu.
[Ġen:41:54] U laħqu s-seba' snin tal-ġuħ, bħalma kien qal Ġużeppi; u kien hemm
il-ġuħ fl-artijiet kollha, imma fl-art kollha ta' l-Eġittu kien hemm il-ħobż.
[Ġen:41:55] Mbagħad ġie l-ġuħ fuq l-art kollha ta' l-Eġittu, u l-poplu beda
jgħajjat lill-Fargħun għall-ħobż. U l-Fargħun beda jgħid lin-nies kollha ta' l-Eġittu:
“Morru għand Ġużeppi, u agħmlu li jgħidilkom.”
[Ġen:41:56] U kien hemm il-ġuħ fuq wiċċ l-art kollha; u Ġużeppi fetaħ l-imħażen
kollha u beda jbigħ lin-nies ta' l-Eġittu; u l-ġuħ baqa' jagħfas fuq l-art ta'
l-Eġittu. [Ġen:41:57] U kienu jiġu l-Eġittu minn kull pajjiż għand Ġużeppi biex
jixtru l-qamħ; għax il-ġuħ kien jagħfas fuq kull art.
42. Ħut Ġużeppi fl-Eġittu
[Ġen:42:1] Ġakobb ra li kien hemm il-qamħ fl-Eġittu, u qal lil uliedu: “X'intom
tħarsu lejn xulxin?” [Ġen:42:2] U ssokta jgħid: “Jiena smajt li hemm il-qamħ fl-Eġittu.
Inżlu hemm u ixtru l-qamħ għalina minn hemm, biex ngħixu u ma mmutux.”
[Ġen:42:3] U niżlu l-Eġittu għaxra minn ħut Ġużeppi jixtru l-qamħ. [Ġen:42:4]
Imma Benjamin, ħu Ġużeppi, Ġakobb ma bagħtux ma' ħutu, għax qal: “Li ma jmurx
jiġrilu bħal Ġużeppi.”
[Ġen:42:5] U waslu wlied Iżrael biex jixtru l-qamħ flimkien ma' oħrajn li kienu
ġew ukoll, għax kien hemm il-ġuħ f'art Kangħan. [Ġen:42:6] Ġużeppi kien
il-gvernatur fuq il-pajjiż; hu li kien ibigħ lin-nies kollha ta' l-art. U waslu
ħut Ġużeppi u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu. [Ġen:42:7] U Ġużeppi ra lil ħutu
u għarafhom, iżda ġieb ruħu magħhom ta' barrani, u kellimhom iebes u qalilhom:
“Minn fejn ġejjin?” U huma weġbuh: “Mill-art ta' Kangħan, biex nixtru l-ikel.”
[Ġen:42:8] U Ġużeppi kien għaraf lil ħutu, imma huma ma għarfuhx. [Ġen:42:9] U
ftakar Ġużeppi fil-ħolm li kien ħolom dwarhom u qalilhom: “Intom spjuni! Ġejtu
hawn biex titkixxfu d-dgħufija ta' l-art.” [Ġen:42:10] U huma weġbuh: “Le, sidi,
il-qaddejja tiegħek ġew jixtru l-ikel. [Ġen:42:11] Aħna lkoll ulied bniedem
wieħed. Aħna nies sewwa. M'aħniex spjuni.” [Ġen:42:12] U hu qalilhom: “Le!
Titkixxfu d-dgħufija ta' l-art ġejtu!” [Ġen:42:13] U huma weġbuh: “Aħna l-qaddejja
tiegħek tnax-il aħwa, ulied bniedem wieħed fl-art ta' Kangħan. Iż-żgħir illum
qiegħed ma' missierna, u l-ieħor ma għadux magħna.” [Ġen:42:14] Ġużeppi qalilhom:
“Għedtilkom jien: intom spjuni. [Ġen:42:15] B'dan inġarrabkom: daqs kemm hu ħaj
il-Fargħun, ma toħorġux minn hawn qabel ma jiġi hawn ħukom iż-żgħir. [Ġen:42:16]
Ibagħtu lil xi wieħed minnkom iġib lil ħukom, u intom tibqgħu l-ħabs, biex jien
inġarrab kliemkom jekk intomx fis-sewwa. Jekk le, daqs kemm hu ħaj il-Fargħun,
intom spjuni.” [Ġen:42:17] U ġabarhom il-ħabs għal tlitt ijiem. [Ġen:42:18] U
fit-tielet jum Ġużeppi qalilhom: “Agħmlu dan u tgħixu, għax jien nibża' minn
Alla. [Ġen:42:19] Jekk intom nies sewwa, wieħed minnkom jibqa' magħluq fil-ħabs
tagħkom, u intom morru ħudu l-qamħ għall-ġuħ f'darkom. [Ġen:42:20] U ġibuli 'l
ħukom iż-żgħir, mbagħad nemmen kliemkom u ma “tmutux.” U hekk għamlu.
[Ġen:42:21] U bdew jgħidu lil xulxin: Tassew aħna ħatja kontra ħuna, għax aħna
rajna d-diqa ta' qalbu; u hu u jitlobna l-ħniena ma tajniehx widen. Għalhekk ġie
fuqna dan l-għawġ.” [Ġen:42:22] U qabeż Ruben u qalilhom: “Ma kontx għedtilkom
jiena: 'la tagħmlux ħsara lit-tifel' u intom ma tajtux widen? U issa demmu jrid
jitħallas minna.” [Ġen:42:23] U huma ma ntebħux li Ġużeppi kien qiegħed
jifhimhom, għax bejniethom kien hemm l-interpretu. [Ġen:42:24] U hu tbiegħed
minnhom u beka. Mbagħad ġie lura ħdejhom u kellimhom, u ħa 'l Simgħon minn
fosthom u rabtu taħt għajnejhom.
[Ġen:42:25] U Ġużeppi ordna li jimlewlhom l-ixkejjer tagħhom bil-qamħ u li
jqiegħdu l-bċejjeċ tal-fidda ta' kull wieħed fl-ixkora tiegħu, u li jagħtuhom
ikel għat-triq. U għamlulhom hekk. [Ġen:42:26] U għabbew il-qamħ fuq il-ħmir
tagħhom u telqu minn hemm. [Ġen:42:27] U wieħed minnhom fetaħ l-ixkora tiegħu
fil-lukanda biex jagħlef il-ħmar tiegħu, u ra li flusu kienu f'wiċċ l-ixkora
tiegħu. [Ġen:42:28] U qal lil ħutu: “Tawni lura flusi, u hawn huma f'wiċċ
l-ixkora tiegħi.” U ħarġet ruħhom, u b'rogħda fuqhom bdew jgħidu lil xulxin:
“X'inhu dan li għamlilna Alla?”
[Ġen:42:29] U waslu għand missierhom Ġakobb fl-art ta' Kangħan u għarrfuh b'kull
ma ġralhom u qalulu: [Ġen:42:30] “Dak ir-raġel, is-sid ta' l-art, kellimna iebes
u ħadna bi spjuni tal-pajjiż; [Ġen:42:31] u aħna għednielu li aħna nies sewwa, u
m'aħniex spjuni. [Ġen:42:32] Aħna tnax-il aħwa, ulied missier wieħed: wieħed ma
għadux magħna u ż-żgħir illum qiegħed ma' missierna f'Kangħan. [Ġen:42:33] U
r-raġel sid l-art qalilna: 'Minn dan inkun naf jekk intomx nies sewwa: ħallu
hawn miegħi 'l wieħed minn ħutkom, ħudu l-qamħ għall-ġuħ f'darkom u morru.
[Ġen:42:34] U ġibuli hawn 'il ħukom iż-żgħir, u jien inkun naf li m'intomx
spjuni, imma nies sewwa; mbagħad jiena nroddilkom 'il ħukom lura u intom tkunu
tistgħu tiġġerrew ma' l-art kollha.’ ”
[Ġen:42:35] Ġara li meta bdew ibattlu l-ixkejjer tagħhom, kull wieħed ra l-borża
ta' flusu fl-ixkora tiegħu; raw il-boroż ta' flushom u beżgħu, huma u
missierhom. [Ġen:42:36] U Ġakobb missierhom qalilhom: “Ġibtuni bla tfal! Ġużeppi
ma għadux iżjed; Simgħon ma għadux iżjed, u issa tridu teħduli lil Benjamin.
Kellu jiġrili dan kollu!” [Ġen:42:37] U Ruben kellem lil missieru u qallu:
“Oqtolli liż-żewġ uliedi jekk ma nġibhulekx lura. Erħih f'idejja u jiena
nġibhulek lura.” [Ġen:42:38] U hu wieġbu: “Ibni ma jinżilx magħkom; għax ħuh
miet u hu baqa' waħdu. U jekk jiġrilu xi għawġ fit-triq, li sejrin fiha,
tniżżluli xjuħiti bil-għali fil-qabar.”
43. Ħut Ġużeppi għat-tieni darba fl-Eġittu
[Ġen:43:1] Il-ġuħ baqa' jagħfas fuq l-art. [Ġen:43:2] U meta temmu jieklu l-qamħ
li kienu ġiebu mill-Eġittu, missierhom qalilhom: “Erġgħu morru ixtrulna ftit
qamħ.” [Ġen:43:3] U Ġuda wieġbu u qallu: “Dak ir-raġel widdibna bis-sħiħ u
qalilna: 'Ma tarawx wiċċi jekk ma jkollkomx lil ħukom magħkom.' [Ġen:43:4] Mela,
jekk jogħġbok tibgħat lil ħuna magħna, immorru u nixtrulek il-qamħ; [Ġen:43:5]
imma jekk ma jogħġbokx, ma ninżlux. Għax dak ir-raġel qalilna: 'Ma tarawx wiċċi
jekk ma jkollkomx lil ħukom magħkom.?” [Ġen:43:6] U Iżrael qalilhom: “Għala
għamiltuli din il-ħsara, li mortu tgħidu lil dak ir-raġel li kien għad
baqgħalkom ħukom?’ [Ġen:43:7] U huma weġbuh: “Dak ir-raġel staqsiena fuq li
staqsiena fuqna u fuq il-familji tagħna u qalilna: 'Għadux ħaj missierkom?
Għandkomx xi ħukom ieħor?' U aħna weġibnieh skond dan il-kliem. Fejn konna nafu
li kien sa jgħidilna: 'Niżżlu magħkom lil ħukom’?”
[Ġen:43:8] U Ġuda ssokta jgħid lil Iżrael missieru: “Ibgħat liż-żagħżugħ miegħi,
ħa naqbdu u nitilqu, u jkollna biex ngħixu u ma mmutux, sew aħna u inti, u sew
it-tfal tagħna. [Ġen:43:9] Nagħmel tajjeb jien għalih; fittex lili għalih. Jekk
jien ma nġibhulekx, u ma nqegħedhulekx quddiemek, jien inkun ħati kontrik għal
għomri kollu. [Ġen:43:10] Għax kieku ma qgħadniex nitnikkru, kieku s'issa rġajna
morna hemmhekk darbtejn.”
[Ġen:43:11] U Iżrael missierhom weġibhom: “Jekk inhu hekk, tajjeb, agħmlu hekk:
ħudu magħkom mill-aħjar ġid ta' din l-art fil-ħoroġ tagħkom u ħudu rigal lil dak
ir-raġel; xi ftit balzmu, xi ftit għasel, dragant u lawdnu, pistaċċi u lewż.
[Ġen:43:12] Flus magħkom ħudu d-doppju u ħudu wkoll il-flus li kienu raddewlkom
f'wiċċ l-ixkejjer, li ma kienx hemm xi żball. [Ġen:43:13] U 'l ħukom ħuduh
magħkom ukoll. Aqbdu u morru lura għand dak ir-raġel. [Ġen:43:14] U El-Xaddaj
jagħmel li ssibu ħniena quddiem dak ir-raġel, u jagħtikom lura lil ħukom l-ieħor
u 'l Benjamin; u jien, jekk għandi niċċaħħad minn uliedi, ħa niċċaħħad!”
[Ġen:43:15] U huma ħadu f'idejhom dawn ir-rigali, u flus ħadu għal darba tnejn,
u 'l Benjamin; u qabdu u niżlu lejn l-Eġittu, u daħlu quddiem Ġużeppi.
[Ġen:43:16] U malli Ġużeppi ra lil Benjamin magħhom, qal lil dak li kien jieħu
ħsieb daru: “Ġib lil dawk l-irġiel id-dar, u oqtol xi bhima, u lesti kollox,
għax dawk l-irġiel illum jieklu miegħi f'nofsinhar.” [Ġen:43:17] U dak ir-raġel
għamel skond ma qallu Ġużeppi u daħħal lil dawn l-irġiel f'dar Ġużeppi.
[Ġen:43:18] U huma beżgħu għax daħħluhom f'dar Ġużeppi, u qalu: “Minħabba
l-biċċa tal-flus li reġġgħulna fl-ixkejjer tagħna l-ewwel darba daħħluna hawn,
biex jaħbtu għalina u jinxteħtu fuqna, u jeħduna lsiera, u jaqbdu l-ħmir
tagħna.” [Ġen:43:19] U resqu fuq dak li kien jieħu ħsieb id-dar ta' Ġużeppi u
kellmuh f'bieb id-dar, [Ġen:43:20] u qalulu: “Jekk jogħġbok, sidna: Aħna nżilna
l-ewwel darba nixtru l-qamħ, [Ġen:43:21] u meta konna wasalna fil-lukanda ftaħna
l-ixkejjer tagħna, u hemm sibna l-flus, kull wieħed f'wiċċ l-ixkora tiegħu,
sewwasew flusna skond ma jiżnu, u issa ġibniehom lura magħna. [Ġen:43:22] U
ġibna wkoll flus oħra magħna biex nixtru l-qamħ. Ma nafux min qiegħed il-flus
tagħna fl-ixkejjer tagħna.” [Ġen:43:23] U hu weġibhom: “Is-sliem għalikom. La
tibżgħux! Alla tagħkom u Alla ta' missirijietkom takom teżor moħbi fl-ixkejjer
tagħkom; fluskom digà waslu għandi.” U ħarġilhom lil Simgħon.
L-aħwa l-mistiedna ta' Ġużeppi
[Ġen:43:24] Mbagħad dak ir-raġel daħħal 'il dawk l-irġiel f'dar Ġużeppi; tahom
l-ilma u ħaslu riġlejhom; u tahom ukoll l-għalf għall-ħmir tagħhom.
[Ġen:43:25] U lestew ir-rigali għal meta jasal Ġużeppi f'nofsinhar, għax semgħu
li kellhom jieklu hemm. [Ġen:43:26] U Ġużeppi daħal id-dar, u huma ġibulu
r-rigali li kellhom f'idejhom id-dar u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.
[Ġen:43:27] U hu sellmilhom u staqsiehom: “Kif inhu x-xwejjaħ missierkom li
semmejtu, għadu ħaj?” [Ġen:43:28] U huma weġbuh:“Qawwi u sħiħ il-qaddej tiegħek
missierna, għadu ħaj.” U niżlu għarkubbtejhom u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.
[Ġen:43:29] U rafa' għajnejh, u ra lil Benjamin ħuh, bin ommu, u staqsiehom:
“Dan ħukom iż-żgħir li intom għedtuli?” U żied jgħid: “Alla jħenn għalik, ibni!”
[Ġen:43:30] U Ġużeppi ħass ġewwenih jitqanqlu għal ħuh, ħass li għandu jibki, u
daħal jgħaġġel fil-kamra tiegħu, u beka hemm. [Ġen:43:31] Mbagħad ħasel wiċċu u
ħareġ, żamm kemm felaħ u qal: “Ġibu l-ikel!” [Ġen:43:32] U ġibulu għalih waħdu,
u lilhom għalihom weħidhom, u lill-Eġizzjani, li jieklu miegħu, għalihom
weħidhom ukoll - għaliex l-Eġizzjani ma jistgħux jieklu ma' l-Għebrej, għax ikun
għajb għall-Eġizzjani. [Ġen:43:33] U qagħdu bilqiegħda quddiemu, wieħed wara
l-ieħor, il-kbir l-ewwel u ż-żgħir l-aħħar, skond ma kellhom snin, u l-aħwa bdew
iħarsu mistagħġba lejn xulxin. [Ġen:43:34] U refgħulhom ishma minn quddiemu, u
s-sehem ta' Benjamin kien ħames darbiet iktar mis-sehem ta' ħutu kollha. U xorbu
u ferħu miegħu.
44. Prova oħra
[Ġen:44:1] U Ġużeppi ordna 'l dak li kien jieħu ħsieb daru u qallu: “Imla
l-ixkejjer ta' dawn l-irġiel b'kemm jesgħu qamħ u qiegħed il-flus ta' kull
wieħed fl-ixkora tiegħu. [Ġen:44:2] U qiegħed il-koppa tiegħi, il-koppa
tal-fidda, f'wiċċ l-ixkora taż-żgħir flimkien mal-flus tal-qamħ tiegħu.” U dak
għamel skond ma qallu Ġużeppi.
[Ġen:44:3] Mas-sebħ fil-għodu l-irġiel bagħtuhom, lilhom u l-ħmir magħhom.
[Ġen:44:4] Ħarġu mill-belt; u, bla ma kienu għadhom tbiegħdu wisq, Ġużeppi
sejjaħ lil dak li kien jieħu ħsieb daru u qallu: “Qum u mur iġri għal wara dawk
l-irġiel, u meta tilħaqhom għidilhom: 'Għala ħallastu l-ġid bid-deni? Għaliex
sraqtuli l-koppa tal-fidda? [Ġen:44:5] M'hux minnha jixrob sidi, u biha jeħber?
Ħażin għamiltu meta għamiltu dan.' ”
[Ġen:44:6] U laħaqhom u qalilhom dan il-kliem. [Ġen:44:7] U huma weġbuh: “Għala
sidi qiegħed jitkellem hekk? Ma jkun qatt li l-qaddejja tiegħek jagħmlu xi ħaġa
bħal din. [Ġen:44:8] Hawn huma l-flus li konna sibna f'wiċċ l-ixkejjer tagħna,
ġibnihomlok mill-art ta' Kangħan, u se mmorru issa nisirqu minn dar sidek fidda
jew deheb? [Ġen:44:9] Għand min mill-qaddejja tiegħek tinstab, tingħatalu
l-mewt, u aħna nsiru l-ilsiera ta' sidi.” [Ġen:44:10] U hu wieġeb: “Mela minn
issa stess isir kif għedtu. Għand min tinstab jaqa' lsir tiegħi, u intom tkunu
ħielsa.” [Ġen:44:11] U malajr niżżel fl-art kull wieħed l-ixkora tiegħu, u kull
wieħed fetaħ l-ixkora tiegħu. [Ġen:44:12] U dak beda jfittex, beda mill-kbir u
spiċċa fiż-żgħir, u l-koppa nstabet fl-ixkora ta' Benjamin. [Ġen:44:13] U huma
ċarrtu lbieshom, u għabbew mill-ġdid kull wieħed il-ħmar tiegħu, u reġgħu lura
lejn il-belt.
[Ġen:44:14] Ġuda u ħutu waslu fid-dar ta' Ġużeppi u hu kien għadu hemm, u huma
nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu. [Ġen:44:15] U Ġużeppi qalilhom: “ X'għemil hu
dan tagħkom? Ma kontux tafu li bniedem bħali għandu l-ħila jeħber?̏ [Ġen:44:16]
U Ġuda wieġbu: “X'naqbdu ngħidu lil sidi? Kif se nitkellmu u kif se
niġġustifikaw irwieħna? Alla kixef il-ħtija tal-qaddejja tiegħek. Hawn aħna
l-ilsiera ta' sidi, aħna lkoll u dak li nstabet il-koppa għandu.” [Ġen:44:17] U
wieġeb Ġużeppi: “Ma jkun qatt minni li nagħmel dan. Il-bniedem li għandu nstabet
il-koppa, hu jkun l-ilsir tiegħi, u intom morru bis-sliem għand missierkom.”
[Ġen:44:18] U resaq lejh Ġuda u qallu: “Iddew sidi, ħa jitkellem il-qaddej
tiegħek u jgħid kelma f'widnejn sidi! La tagħdabx għall-qaddej tiegħek, għax int
bħall-Fargħun. [Ġen:44:19] Sidi kellem lill-qaddejja tiegħu u staqsiehom:
'għandkomx missier jew ħu?' [Ġen:44:20] U aħna weġibna lil sidi: 'Għandna
missier xih u tifel żgħir, bin xjuħitu. Ħuh miet u minn ta' ommu baqa' hu waħdu;
u missieru jħobbu.' [Ġen:44:21] U int għedt lill-qaddejja tiegħek: 'Niżżluhuli
hawn ħa nixħet għajnejja fuqu.' [Ġen:44:22] U aħna għedna lil sidi: 'Ma jistax
iż-żagħżugħ iħalli lil missieru; jekk jitilqu, missieru jmut.' [Ġen:44:23] U int
għedt lill-qaddejja tiegħek: “Jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom, ma tarawx
iżjed wiċċi.' [Ġen:44:24] U ġara li meta tlajna għand missieri, il-qaddej
tiegħek, ħabbarnielu kliem sidi. [Ġen:44:25] Meta mbagħad qalilna: 'Erġgħu morru
u ixtru ftit qamħ,' [Ġen:44:26] aħna għednielu: 'Ma nistgħux ninżlu hemm. Jekk
ikollna magħna ħuna ż-żgħir, ninżlu; għax ma nistgħux naraw wiċċ dak ir-raġel,
jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna.' [Ġen:44:27] U l-qaddej tiegħek missieri
qalilna: 'Intom tafu li tnejn welditli marti. [Ġen:44:28] U wieħed telaq minn
ħdejja u jien għedt: Qattgħuh, qattgħuh bċejjeċ! u s'issa ma rajtux iżjed.
[Ġen:44:29] U jekk issa teħduli lil dan ukoll minn quddiem wiċċi, u tiġrilu xi
ħsara, intom tniżżluli xjuħiti fil-qabar bl-għali.' [Ġen:44:30] U issa malli
nasal għand il-qaddej tiegħek missieri, u ż-żagħżugħ ma jkunx magħna, la darba
ħajtu marbuta ma' ħajjet it-tifel, [Ġen:44:31] jiġri li malli jintebaħ li
ż-żagħżugħ m'hux magħna, żgur li jmut, u jkunu niżżlu l-qaddejja tiegħek
ix-xjuħija tal-qaddej tiegħek missierna fil-qabar bil-għali. [Ġen:44:32] U
l-qaddej tiegħek għamel tajjeb għaż-żagħżugħ quddiem missieri u qal: 'Jekk ma
nġibhulekx, inkun ħati quddiem missieri għomri kollu.' [Ġen:44:33] U issa ħa
joqgħod il-qaddej tiegħek flok iż-żagħżugħ b'ilsir ta' sidi, u hekk iż-żagħżugħ
jitla' ma' ħutu. [Ġen:44:34] Għax x'wiċċ għandi nitla' għand missieri u
ż-żagħżugħ ma jkunx miegħi? Jalla ma narax jien l-għali li jista' jilħaq lil
missieri!”
45. Ġużeppi jurihom min hu
[Ġen:45:1] U Ġużeppi ma felaħx iżomm iżjed quddiem dawk li kienu madwaru, u
għajjat: “Oħorġu 'l kulħadd minn quddiemi.” U ma kien hemm ħadd ħdejh, meta
Ġużeppi wera ruħu lil ħutu. [Ġen:45:2] U hu għajjat u beka. U semgħuh
l-Eġizzjani u semgħuh ukoll in-nies kollha ta' dar il-Fargħun. [Ġen:45:3] U
Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena Ġużeppi! Għadu ħaj missieri?” U ħutu ma felhux
iweġbuh, għax baqgħu miblugħin quddiemu. [Ġen:45:4] U Ġużeppi qal lil ħutu:
“Ersqu lejja,” u huma resqu lejh u hu qalilhom: “Jiena Ġużeppi, ħukom li intom
begħtuni għall-Eġittu. [Ġen:45:5] U issa la tagħlux u la tinkeddux għax begħtuni
għal hawn, għax biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom.
[Ġen:45:6] Sentejn ilu jaħkem il-ġuħ fuq l-art, u għad fadal ħames snin oħra, u
ma jkunx hemm u la ħrit u lanqas ħsad. [Ġen:45:7] U Alla bagħatni qabilkom biex
inħallilkom fdal fuq l-art, u jżomm ħaj bikom kotra kbira ta' meħlusin.
[Ġen:45:8] Mela, mhux intom bgħattuni hawn, imma Alla, u hu għamel minni missier
il-Fargħun, sid daru kollha, u gvernatur fuq l-art kollha ta' l-Eġittu.
[Ġen:45:9] Fittxu itilgħu għand missieri, u għidulu: 'Dan jgħid ibnek Ġużeppi:
'Alla għamilni sid fuq l-Eġittu kollu. Inżel ħdejja, u la titnikkirx.
[Ġen:45:10] U tgħammar f'art Gosen u tkun qribi, int u wliedek, u wlied uliedek
bl-imrieħel u l-baqar tiegħek u b'kull ma għandek. [Ġen:45:11] U hekk jien
naħsiblek għal kollox, għax għad fadal ħames snin oħra ta' ġuħ, biex ma
tiftaqarx int, darek u kull ma għandek.' [Ġen:45:12] Araw, qegħdin jaraw
għajnejkom u għajnejn Benjamin, li fommi qiegħed ikellimkom. [Ġen:45:13] U
għarrfu lil missieri bil-kobor tiegħi fl-Eġittu u b'kull ma rajtu, u fittxu
niżżlu lil missieri hawnhekk.' ” [Ġen:45:14] U nxteħet fuq għonq Benjamin u
beka; u beka Benjamin mgħannaq miegħu. [Ġen:45:15] Bies lil ħutu kollha, u beka
fuqhom. U wara dan kollu ħutu bdew jitkellmu miegħu.
[Ġen:45:16] U nstemgħet l-aħbar f'dar il-Fargħun u bdew jgħidu: “Ġew ħut
Ġużeppi.” U ferħu l-Fargħun u n-nies ta' madwaru. [Ġen:45:17] U l-Fargħun qal
lil Ġużeppi: “Għid lil ħutek: 'Agħmlu hekk: għabbu l-bhejjem tagħkom, u itilqu u
morru fl-art ta' Kangħan. [Ġen:45:18] U aqbdu lil missierkom u lil djarkom u
ejjew ħdejja, u jien nagħtikom il-ġid ta' l-art ta' l-Eġittu u intom tieklu
mill-aħjar frott ta' l-art.' [Ġen:45:19] U int ordnalhom ukoll: 'Dan agħmlu:
ħudu magħkom mill-art ta' l-Eġittu karrijiet għat-tfal u n-nisa tagħkom, u ġibu
'l missierkom u ejjew. [Ġen:45:20] U la tagħlux għal ħwejjiġkom, għax il-ġid ta'
l-Eġittu kollu huwa tagħkom.’ ”
[Ġen:45:21] U wlied Iżrael għamlu hekk. U Ġużeppi tahom karrijiet, skond l-ordni
tal-Fargħun, u ikel għat-triq. [Ġen:45:22] Tahom ukoll tibdila ħwejjeġ għal kull
wieħed, imma lil Benjamin tah tliet mitt biċċa tal-fidda u ħames tibdiliet
ħwejjeġ. [Ġen:45:23] U lil missieru bagħatlu dawn il-ħwejjeġ: għaxart iħmir
mgħobbija bil-ġid ta' l-Eġittu, u għaxart iħmir mgħobbija bil-qamħ, ħobż u ikel
għat-triq. [Ġen:45:24] Mbagħad bagħat lil ħutu, u huma u sejrin qalilhom: “Issa
toqogħdux titlewwmu fit-triq.”
[Ġen:45:25] Hekk telgħu mill-Eġittu, u ġew f'art Kangħan għand Ġakobb
missierhom. [Ġen:45:26] U tawh l-aħbar u qalulu: “Ġużeppi għadu ħaj! Saħansitra
hu l-kmand ta' l-art kollha ta' l-Eġittu!” Imma qalbu baqgħet bierda, għax ma
emminhomx. [Ġen:45:27] U qalulu kull ma kien qalilhom Ġużeppi, u meta ra
l-karrijiet kollha li kien bagħat Ġużeppi biex irikkbuh fuqhom, ħa r-ruħ Ġakobb
missierhom. [Ġen:45:28] U Iżrael qal: “Biżżejjed! Ibni Ġużeppi għadu ħaj! Ħa
mmur narah qabel ma mmut!”
46. Ġakobb imur l-Eġittu
[Ġen:46:1] U Iżrael telaq b'kull ma kellu u ġie Birsaba, u hemm offra
sagrifiċċji lil Alla ta' missieru Iżakk. [Ġen:46:2] U Alla kellem lil Iżrael
f'dehra billejl u qallu: “Ġakobb, Ġakobb," u hu wieġeb: “Hawn jien!” [Ġen:46:3]
U wieġbu: “Jiena Alla, Alla ta' missierek. La tibżax tinżel l-Eġittu, għax hemm
għad nagħmlek ġens kbir. [Ġen:46:4] Jien ninżel miegħek l-Eġittu, u jien għad
intellgħek minn hemm, u id Ġużeppi għad tagħlaqlek għajnejk.”
[Ġen:46:5] U Ġakobb telaq minn Birsaba; u wlied Iżrael rikkbu lil Ġakobb
missierhom, u ż-żgħar tagħhom, u n-nisa tagħhom fuq il-karrijiet li kien
bagħtilhom il-Fargħun biex iġorruh. [Ġen:46:6] U ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid
li rnexxielhom iħasslu fl-art ta' Kangħan, u waslu l-Eġittu, Ġakobb u miegħu
n-nisel kollu tiegħu: [Ġen:46:7] uliedu u wlied uliedu miegħu, bnietu u bniet
uliedu, u nislu kollu ġieb miegħu l-Eġittu.
In-nisel ta' Ġakobb
[Ġen:46:8] U dawn huma l-ismijiet ta' wlied Iżrael, li ġew l-Eġittu, Ġakobb u
wliedu: Il-kbir ta' Ġakobb, Ruben, [Ġen:46:9] u wlied Ruben: Ħanok, Pallu,
Ħesron u Karmi. [Ġen:46:10] Ulied Simgħon: Ġemuwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar,
Sawl bin il-Kangħanija. [Ġen:46:11] Ulied Levi: Gersun, Keħat u Merari.
[Ġen:46:12] Ulied Ġuda: Għer, Onan, Sela, Pereż, Żeraħ (Għer u Onan kienu mietu
fl-art ta' Kangħan). Ulied Pereż kienu Ħesron u Ħamul. [Ġen:46:13] Ulied
Issakar: Tola, Puwa, Ġob u Simron. [Ġen:46:14] Ulied Żebulun: Sered, Elon, u
Ġaħlijel. [Ġen:46:15] Dawn kienu wlied Lija, li wildet lil Ġakobb
f'Fiddien-aram, u bintu Dina. B'kollox uliedu, subjien u bniet, kienu tlieta u
tletin. [Ġen:46:16] U wlied Gad: Sifijun, Ħaggi, Suni, Esbon, Għeri, Arodi u
Areli. [Ġen:46:17] Ulied Aser: Imna, Iswa, Iswi, Berigħa, u oħthom Xeraħ. Ulied
Berigħa kienu: Ħeber u Malkijel. [Ġen:46:18] Dawn kienu wlied Żilfa, li Laban
kien ta lil bintu Lija; hi wildet lil dawn lil Ġakobb, sittax-il ruħ.
[Ġen:46:19] Ulied Rakel, mart Ġakobb: Ġużeppi u Benjamin. [Ġen:46:20] Lil
Ġużeppi tweldulu tfal fl-art ta' l-Eġittu, wildithomlu Asenat, bint Putifera,
il-qassis ta' On, u kienu Manassi u Efrajm. [Ġen:46:21] Ulied Benjamin: Belà,
Beker, Asbel, Gera, Nagħman, Ehi, Ros, Muffim, Ħuffim u Ard. [Ġen:46:22] Dawn
ulied Rakel, li twieldu lil Ġakobb, b'kollox erbatax-il ruħ. [Ġen:46:23] Ulied
Dan: Ħusin. [Ġen:46:24] Ulied Naftali: Ġaħsel, Guni, Ġeser u Sillem. [Ġen:46:25]
Dawn huma wlied Bilħa, li Laban kien ta lil bintu Rakel, li b'kollox wildet lil
Ġakobb seba' wlied.
[Ġen:46:26] Dawk kollha li marru l-Eġittu ma' Ġakobb, li ħarġu minn ġewwenih,
minbarra n-nisa ta' wlied Ġakobb, b'kollox sitta u sittin ruħ. [Ġen:46:27] Ulied
Ġużeppi li twildulu l-Eġittu kienu tnejn. B'kollox nies Ġakobb, li ġew l-Eġittu,
kienu sebgħin ruħ.
Ulied Iżrael fl-Eġittu
[Ġen:46:28] U Ġakobb bagħat lil Ġuda qablu għand Ġużeppi, biex jiltaqa' miegħu
f'Gosen; u huma ġew fl-art ta' Gosen. [Ġen:46:29] U Ġużeppi rama l-karru tiegħu
u mar jiltaqa' ma' Iżrael, missieru, f'Gosen. Malli deher quddiemu nxteħet fuq
għonqu u baqa' għal ħafna żmien mgħannaq miegħu u jibki. [Ġen:46:30] U Iżrael
qal lil Ġużeppi: “Ħa mmut issa li rajt 'il wiċċek, issa li naf li għadek ħaj.”
[Ġen:46:31] U Ġużeppi qal lil ħutu u lid-dar ta' missieru: “Ħa mmur u nagħti
l-aħbar lill-Fargħun, u ngħidlu, 'Ħuti u dar missieri, li kien fl-art ta'
Kangħan, ġew għandi. [Ġen:46:32] Dawn in-nies huma rgħajja, għax huma nies ta'
l-imrieħel, u ġiebu magħhom l-imrieħel u l-baqar tagħhom, u kull ma għandhom.'
[Ġen:46:33] U meta l-Fargħun isejjħilkom u jistaqsikom x'tagħmlu, [Ġen:46:34]
għidulu: 'Nies ta' l-imrieħel il-qaddejja tiegħek minn ċkunitna s'issa, aħna u
missirijietna,' biex tibqgħu tgħammru fl-art ta' Gosen, għax l-Eġizzjani
jistmerru r-rgħajja kollha ta' l-imrieħel.”
47.Ulied Iżrael fl-Eġittu
[Ġen:47:1] U Ġużeppi mar jagħti l-aħbar lill-Fargħun u qallu: “Missieri u ħuti
ġew mill-art ta' Kangħan bl-imrieħel u bil-baqar tagħhom u b'kull ma għandhom:
ġew mill-art ta' Kangħan, u hawn huma fl-art ta' Gosen.” [Ġen:47:2] U qabad
ħamsa minn ħutu u ressaqhom quddiem l-Fargħun. [Ġen:47:3] U l-Fargħun staqsa
lill-aħwa: “X'tagħmlu?” U huma wieġbu lill-Fargħun: “Rgħajja ta' l-imrieħel
il-qaddejja tiegħek, sew aħna sew missirijietna.” [Ġen:47:4] U ssuktaw jgħidu
lill-Fargħun: “Aħna ġejna ngħammru f'din l-art, għax ma hemmx mergħa
għall-imrieħel tal-qaddejja tiegħek, għax għafas il-ġuħ fuq l-art ta' Kangħan, u
issa ħa jgħammru l-qaddejja tiegħek fl-art ta' Gosen.”
[Ġen:47:5] U l-Fargħun kellem lil Ġużeppi u qallu: “Missierek u ħutek ġew
għandek. [Ġen:47:6] L-art ta' l-Eġittu quddiemek, qiegħed lil missierek u 'l
ħutek fl-aħjar naħa tal-pajjiż, ħa jgħammru fl-art ta' Gosen, u jekk taf b'xi
nies ta' ħila fosthom, agħmilhom kapijiet ta' l-imrieħel tiegħi.”
[Ġen:47:7] U Ġużeppi ħa 'l missieru, u ressqu quddiem il-Fargħun, u bierek
Ġakobb lill-Fargħun. [Ġen:47:8] U l-Fargħun staqsa lil Ġakobb: “Xi kemm jgħoddu
sninek?” [Ġen:47:9] U Ġakobb wieġeb lill-Fargħun: “L-għadd ta' snin li ilni
niġġerra huwa ta' mija u tletin sena. Ftit u ħżiena kienu jiemi u snin ħajti; u
għad ma laħqux il-jiem u s-snin ta' ħajjet missirijieti kemm damu jiġġerrew.”
[Ġen:47:10] U Ġakobb bierek lill-Fargħun u ħareġ minn quddiem il-Fargħun.
[Ġen:47:11] U Ġużeppi qiegħed lil missieru u lil ħutu, u tahom oqsma fl-art ta'
l-Eġittu, fl-aħjar tal-pajjiż, fl-art ta' Ragħmses, kif kien ordna l-Fargħun.
[Ġen:47:12] U Ġużeppi kien jagħti l-ikel lil missieru u lil ħutu u d-dar kollha
ta' missieru, skond l-għadd tat-tfal.
L-amministrazzjoni ta' Ġużeppi
[Ġen:47:13] U ma kienx hemm ħobż fl-art kollha, għax il-ġuħ kien qiegħed jagħfas
sewwa; u l-art ta' l-Eġittu u l-art ta' Kangħan kienu għoddhom intemmu bil-ġuħ.
[Ġen:47:14] U Ġużeppi ġabar il-flus kollha li kienu jinsabu fl-Eġittu u fl-art
ta' Kangħan għall-qamħ kollu li kienu jixtru, u ġiebhom fid-dar tal-Fargħun.
[Ġen:47:15] U ntemmu l-flus mill-art ta' l-Eġittu u mill-art ta' Kangħan, u
n-nies kollha ta' l-Eġittu kienu jmorru għand Ġużeppi u jgħidulu: “Agħtina
l-ħobż! Għala għandna mmutu quddiemek, la darba l-flus spiċċaw!” [Ġen:47:16] U
Ġużeppi kien iwieġeb: “Jekk fluskom spiċċawlkom ġibu l-imrieħel tagħkom, u
nagħtikom fuqhom.” [Ġen:47:17] U huma ġiebu l-imrieħel għand Ġużeppi, u hu kien
jagħtihom il-ħobż flok iż-żwiemel u l-imrieħel tan-nagħaġ, u flok l-imrieħel
tal-baqar u l-ħmir, u b'hekk f'dik is-sena qassmilhom il-ħobż b'kemm kienu
jiswew il-bhejjem tagħhom kollha.
[Ġen:47:18] U ntemmet l-ewwel sena u reġgħu ġew għandu t-tieni sena u qalulu:
“Ma nistgħux naħbu lil sidi, li l-flus intemmu u l-imrieħel u l-bhejjem għand
sidna; ma fadlilniex għal sidna ħlief ġisimna u artijietna. [Ġen:47:19] Għala
għandna mmutu quddiem għajnejk, aħna u r-raba' tagħna. Ixtrina, lilna u r-raba'
tagħna, bil-ħobż, u nkunu aħna u r-raba' tagħna lsiera tal-Fargħun. Agħtina
ż-żerriegħa biex ngħixu u ma mmutux; u r-raba' ma jsirx ħerba .”
[Ġen:47:20] Hekk Ġużeppi xtara r-raba' kollu ta' l-Eġittu għall-Fargħun; għax
l-Eġizzjani kull wieħed biegħ l-għalqa tiegħu, għax kien għafas fuqhom il-ġuħ, u
hekk l-art saret kollha tal-Fargħun. [Ġen:47:21] U 'l poplu għamlu lsir
fl-ibliet minn tarf għal ieħor ta' l-Eġittu. [Ġen:47:22] Imma l-art tal-qassisin
ma xtrahiex; għax il-qassisin kellhom sehem mingħand il-Fargħun, u kienu jieklu
sehemhom, li kien jagħtihom il-Fargħun; għalhekk ma bigħux ir-raba' tagħhom.
[Ġen:47:23] U Ġużeppi qal lill-poplu: “Araw jien xtrajt illum lilkom u r-raba'
tagħkom f'isem il-Fargħun; issa nagħtikom iż-żerriegħa u iżirgħu r-raba'.
[Ġen:47:24] Fi żmien il-ħsad imbagħad tagħtu mill-ħamsa waħda lill-Fargħun u
l-erba' qasmiet l-oħra jibqgħu għalikom, biex ikollkom x'tiżirgħu fir-raba' u
x'tieklu intom u min għandkom id-dar magħkom u t-tfal tagħkom.” [Ġen:47:25] U
huma weġbuh: “Int ħjejtna! Ħa nsibu ħniena f'għajnejn sidna, u nkunu lsiera
tal-Fargħun.” [Ġen:47:26] Hekk Ġużeppi għamilha liġi li għadha sa llum, fuq
ir-raba' ta' l-Eġittu, li jagħtu mill-ħamsa waħda lill-Fargħun. Imma l-art biss
tal-qassisin ma waqgħetx f'idejn il-Fargħun.
Il-wegħda ta' Ġużeppi
[Ġen:47:27] U Iżrael kien jgħammar fl-Eġittu fl-art ta' Gosen, u hemm kisbu
l-ġid fiha, kotru u żdiedu ħafna. [Ġen:47:28] U Ġakobb kien ilu sbatax-il sena
fl-art ta' l-Eġittu; u hekk għomor Ġakobb kien laħaq il-mija u sebgħa u erbgħin
sena. [Ġen:47:29] U meta wasal iż-żmien biex Iżrael imut, sejjaħ lil ibnu
Ġużeppi u qallu: “Jekk jien sibt grazzja f'għajnejk qiegħed idek taħt kuxxtejja,
u aħlifli li tagħmel ħniena miegħi u żżomm kelmtek; la tidfinnix fl-Eġittu.
[Ġen:47:30] Meta jien nistrieħ ma' missirijieti, ħudni 'l barra mill-Eġittu u
idfinni f'qabarhom.” U hu wieġbu: “Jien nagħmel skond kelmtek.” [Ġen:47:31] U hu
qallu: “Aħlifli.” U ħaliflu. U Iżrael intelaq fuq ras is-sodda.
48. L-aħħar xewqa ta' Ġakobb
[Ġen:48:1] U wara dawn il-ġrajja qalu lil Ġużeppi: “Ara, missierek marid.” U ħa
miegħu liż-żewġ uliedu, Manassi u Efrajm. [Ġen:48:2] U ħabbru lil Ġakobb u
qalulu: “Ara, ġie għandek ibnek Ġużeppi.” U Iżrael għamel ħiltu u qam bilqiegħda
fuq is-sodda. [Ġen:48:3] U Ġakobb qal lil Ġużeppi: “El-Xaddaj deherli f'Luż
fl-art ta' Kangħan u berikni [Ġen:48:4] u qalli: 'Arani, jien se nagħtik nisel u
nkattrek u nagħmel minnek ġemgħa ta' ġnus, u nagħti din l-art lil nislek warajk
b'wirt għal dejjem.' [Ġen:48:5] U issa ż-żewġ uliedek li twildulek fl-art ta'
l-Eġittu qabel ma ġejt jien għandek fl-Eġittu, huma tiegħi: Efrajm u Manassi
jkunu tiegħi bħal Ruben u Simgħon. [Ġen:48:6] Imma dawk li wlidt warajhom ikunu
tiegħek; u jissejjħu b'isem ħuthom fil-qasam tal-wirt. [Ġen:48:7] Meta jien kont
ġej mill-Fiddien mititli Rakel fl-art ta' Kangħan fit-triq, meta kien għad fadal
biċċa art sewwa biex nasal Efrata, u dfintha hemm fit-triq ta' Efrata, li hi
Betlehem.”
[Ġen:48:8] U Iżrael ra ż-żewġt itfal ta' Ġużeppi u staqsieh: “Min huma dawn?”
[Ġen:48:9] U Ġużeppi wieġeb lil Ġakobb: “Dawn huma wliedi li tani Alla
hawnhekk.” U qallu: “Ressaqhom lejja biex inberikhom.” [Ġen:48:10] U għajnejn
Iżrael kienu tqalu bix-xjuħija, u ma kienx jista' jara. Ressaqhomlu lejh
Ġużeppi, u hu bieshom u għannaqhom. [Ġen:48:11] U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ma
kontx nistenna li għad nara 'l wiċċek, u, ara, issa Alla wrieni lil uliedek
ukoll.” [Ġen:48:12] U Ġużeppi ħariġhom minn bejn irkubbtejn missieru, u niżel
wiċċu fl-art. [Ġen:48:13] Mbagħad Ġużeppi ħadhom it-tnejn: lil Efrajm b'idu
l-leminija lejn in-naħa tax-xellug ta' Iżrael, u lil Manassi bix-xellugija lejn
in-naħa tal-lemin ta' Iżrael, u ressaqhomlu lejh. [Ġen:48:14] U Iżrael medd idu
l-leminija u qegħedha fuq ras Efrajm, iż-żgħir, u x-xellugija qegħedha fuq ras
Manassi, b'idejh imsallbin, għax Manassi kien il-kbir, [Ġen:48:15] u bierek lil
Ġużeppi u qallu:
“Alla li mxew quddiemu missirijieti,
Abraham u Iżakk;
Alla, ir-ragħaj tiegħi,
sa minn tnissili sa llum;
[Ġen:48:16] l-anġlu li salvani minn kull għawġ,
ibierek 'il dawn iż-żgħażagħ,
u jsejjħu fuqhom ismi,
u isem missirijieti, Abraham u Iżakk,
u jitkattru bil-bosta fl-art.”
[Ġen:48:17] U Ġużeppi ra li missieru kien qiegħed idu l-leminija fuq ras Efrajm
u ma għoġbitux; u qabad id missieru biex iwarrabha minn fuq ras Efrajm għal fuq
ras Manassi. [Ġen:48:18] U Ġużeppi qal lil missieru: “Mhux hekk missier! Dan hu
l-kbir, qiegħed il-leminija tiegħek fuq rasu.” [Ġen:48:19] Imma missieru ma
riedx u qallu: “Naf, ibni, imma naf ukoll li għad ikun ġens, u jkun kbir ukoll.
Naf ukoll li ħuh iż-żgħir għad ikun akbar minnu, u n-nisel tiegħu jkun milja ta'
ġnus.” [Ġen:48:20] U berikhom dak in-nhar u qalilhom:
“Bik Iżrael għad ibierek u jgħid:
'Jagħmlek Alla bħal Efrajm Manassi.’ ”
U qiegħed lil Efrajm qabel Manassi.
[Ġen:48:21] U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ara jien se mmut, imma Alla jkun magħkom
u jreġġagħkom lura lejn art missirijietkom. [Ġen:48:22] U jien nagħtik xaqliba
ta' muntanja aktar minn ħutek, li jien kont ħadt minn idejn l-Amurrin bix-xabla
u l-qaws tiegħi.”
49. L-aħħar barka ta' Ġakobb
[Ġen:49:1] U Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom: “Inġabru ħdejja ħa nħabbrilkom
x'għandu jiġri fl-aħħar jiem:
[Ġen:49:2] Inġabru u isimgħu, ulied Ġakobb,
agħtu widen lil Iżrael missierkom.
[Ġen:49:3] Ruben, int il-kbir tiegħi,
il-qawwa tiegħi u l-bikri ta' rġuliti,
l-ogħla fil-ġieħ,
u l-ogħla fil-qawwa.
[Ġen:49:4] Mbaqbaq bħall-ilma,
ma togħliex fil-ġieħ.
Għax int tlajt fuq friex missierek,
biex kasbart is-sodda ta' martu.
[Ġen:49:5] Simgħon u Levi aħwa,
għodod il-vjolenza sjufhom.
[Ġen:49:6] Qalbi ma tagħtinix għal
laqgħathom,
u ġieħi ma nsibux f'ġemgħathom.
Għax f'għadabhom qatlu n-nies,
u b'kapriċċ qatgħu għerq il-barri.
[Ġen:49:7] Misħut għadabhom għax qalil;
misħuta l-kefrija ta' qillthom.
Nqassamhom f'Ġakobb,
u nxerridhom fost Iżrael.
[Ġen:49:8] Ġuda, int lilek ifaħħruk ħutek.
Idek fuq ras l-għedewwa tiegħek;
u quddiemek imilu wlied missierek.
[Ġen:49:9] Int ferħ ta' ljun, O Ġuda,
inti ibni mill-priża tiela'.
Bħal iljun imkennen,
mimdud bħal mart l-iljun.
Min se jqajjmek?
[Ġen:49:10] Ix-xettru minn id Ġuda ma
jitneħħiex;
u l-ħatar minn bejn riġlejh,
sakemm iġibulu l-ħaraġ,
u minnu l-ġnus jisimgħu.
[Ġen:49:11] Jorbot mad-dielja l-felu tiegħu,
u wild il-ħmara maż-żarġun.
Jaħsel fl-inbid ħwejġu, u lbiesu
f'demm il-għeneb.
[Ġen:49:12] Bl-inbid ħomor għajnejh,
u snienu bojod bil-ħalib.
[Ġen:49:13] Żebulun jgħammar f'xatt l-ibħra,
f'xatt l-iġfien jinsab,
b'ġenbu ma' Sidon.
[Ġen:49:14] Issakar ħmar imgħaddam,
mimdud qalb l-imqawel.
[Ġen:49:15] Ra l-post tajjeb għall-mistrieħ,
u l-art sabiħa.
Għat-tagħbija niżżel spallejh,
u sar ilsir tax-xogħol bilfors.
[Ġen:49:16] Dan jagħmel ħaqq minn niesu,
bħal wieħed mit-tribujiet ta' Iżrael.
[Ġen:49:17] Dan bħal serp fit-triq,
bħal lifgħa fil-mogħdija,
jigdem għarqub iż-żiemel,
u r-rikkieb jinqaleb lura.
[Ġen:49:18] Ħelsienek nistenna, O Mulej.
[Ġen:49:19] Gad, il-qtajja' jaħbtu għalik,
imma int taħbat għal għarqubhom.
[Ġen:49:20] Aser, ħobżu bnin,
u ħlewwiet is-slaten jagħti.
[Ġen:49:21] Naftali għażżiela ħielsa,
li tagħti ġmiel ta' frieħ.
[Ġen:49:22] Ġużeppi fergħa ta' siġra għammiela,
fergħa ta' siġra għammiela ħdejn għajn,
il-friegħi jiżżarġnu fuq il-ħajt.
[Ġen:49:23] Qamu għalih u waddbulu l-vleġeġ,
u ħarbtuh l-arċieri.
[Ġen:49:24] Imma l-qaws tiegħu baqa' sod,
u ħeffu dirgħajh u jdejh,
bis-saħħa tal-Qawwi ta' Ġakobb,
bl-isem tar-Ragħaj u l-Blata ta' Iżrael.
[Ġen:49:25] B'Alla ta' missierek,
- jalla jgħinek,
b'Xaddaj,
- jalla jbierkek.
B'barkiet mill-għoli tas-smewwiet,
b'barkiet l-ilmijiet mifruxa taħt l-art,
b'barkiet is-sider u l-ġuf,
[Ġen:49:26] b'barkiet tal-qmuħ u ż-żahar,
b'barkiet l-iġbla tal-qedem.
L-għaxqiet ta' l-għoljiet tal-qedem,
ħa jkunu fuq ras Ġużeppi,
fuq il-qorriegħa tal-magħżul fost ħutu.
[Ġen:49:27] Benjamin lupu tal-ħatfa,
fil-għodu jiekol il-qabda,
u fil-għaxija jqassam il-priża.”
[Ġen:49:28] Dawn huma t-tribujiet kollha ta' Iżrael, tnax b’kollox, u dan hu
kliem li qalilhom missierhom hu u jberikom: u ‘l kull wieħed bierku b’barka
għalih.
Il-mewt ta' Ġakobb
[Ġen:49:29] Mbagħad widdibhom u qalilhom: “Jiena sa ninġabar ma' niesi. Idfnuni
ma' missirijieti, fl-għar li hemm fl-għalqa ta' Għefron il-Ħitti; [Ġen:49:30]
fl-għar li hemm fl-għalqa ta' Makfela biswit Mamri fl-art ta' Kangħan, li
Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti, b'qabar tiegħu. [Ġen:49:31] Hemm
difnu lil Abraham u 'l Sara martu; hemm difnu lil Iżakk u 'l Rebekka martu, u
hemmhekk jien dfint lil Lija. [Ġen:49:32] Mingħand ulied il-Ħittin inxtrat din
l-għalqa bl-għar li hemm fiha.” [Ġen:49:33] Meta Ġakobb temm iwiddeb lil uliedu,
ġabar riġlejh fil-friex, ta l-aħħar nifs, u nġabar ma' niesu.
50. Id-difna ta' Ġakobb
[Ġen:50:1] U Ġużeppi nxteħet fuq wiċċ missieru, beka fuqu u biesu. [Ġen:50:2] U
Ġużeppi ordna lit-tobba qaddejja tiegħu jibbalzmaw lil missieru. U t-tobba
bbalzmaw lil Iżrael. [Ġen:50:3] Damu erbgħin jum sħiħ, għax daqshekk żmien kien
jieħu l-ibbalzmar. U l-Eġizzjani damu jibkuh sebgħin jum. [Ġen:50:4] U meta
ntemm żmien il-vistu, Ġużeppi mar kellem lid-dar tal-Fargħun u qalilhom: “Jekk
sibt ħniena f'għajnejkom kellmu lill-Fargħun f'widnejh u għidulu: [Ġen:50:5]
“Missieri ġagħalni naħlef u qalli: 'Ara jien se mmut! F'qabri li jien ħaffirt
għalija fl-art ta' Kangħan, hemmhekk idfinni.' Mela issa ħa nitla' hemm u nidfen
lil missieri, u nerġa' lura.” [Ġen:50:6] U l-Fargħun wieġeb: “Itla' u idfen lil
missierek kif ġagħlek taħlef.”
[Ġen:50:7] U Ġużeppi tala' jidfen lil missieru u telgħu miegħu l-qaddejja kollha
tal-Fargħun; l-anzjani kollha ta' l-art ta' l-Eġittu, [Ġen:50:8] u d-dar kollha
ta' Ġużeppi, u ħutu u dar missierhom. Ħallew biss fl-art ta' Gosen it-tfal,
l-imrieħel u l-baqar tagħhom. [Ġen:50:9] U miegħu telgħu wkoll il-karrijiet u
r-rikkieba, u kienet qatgħa tassew kbira!
[Ġen:50:10] U waslu sal-qiegħa ta' Atad, li hemm 'l hemm mill-Ġordan, u hemmhekk
bdew biki kbir u tassew qawwi, u għamel vistu ta' sebat ijiem. [Ġen:50:11] U
l-Kangħanin li kienu jgħammru fl-art fil-pajjiż raw il-vistu fil-qiegħa ta' Atad
u qalu: “Dan il-vistu kbir ta' l-Eġizzjani.” Għalhekk semmew il-post
Abel-misrajm, li hemm in-naħa l-oħra tal-Ġordan.
[Ġen:50:12] Mbagħad uliedu għamlulu kif kien ordnalhom: [Ġen:50:13] tellgħuh
fl-art ta' Kangħan u difnuh f'għar li hemm fl-għalqa ta' Makfela, li kien xtara
Abraham flimkien ma' l-għalqa mingħand Għefron il-Ħitti, biswit Mamri biex
ikollu qabar. [Ġen:50:14] U Ġużeppi wara li difen lil missieru raġa’ lura lejn
l-Eġittu, hu u ħutu u kull min kien tala' miegħu biex jidfen lil missieru.
[Ġen:50:15] U ħut Ġużeppi bdew jibżgħu għax kien miet missierhom u bdew jgħidu:
“Min jaf jekk jibdiex jobgħodna Ġużeppi, u jroddilna d-deni kollu li
għamilnielu.” [Ġen:50:16] Għalhekk bagħtu jgħidu lil Ġużeppi: “Qabel ma miet
missierek ordna u qal: [Ġen:50:17] 'Dan għidu lil Ġużeppi: Iddew aħfer id-dnub
ta' ħutek u ħtijiethom, għax ħsara għamlulek.' U issa, nitolbuk, aħfer id-dnub
tal-qaddejja ta' Alla ta' missierek.” U Ġużeppi beka huma u jkellmuh.
[Ġen:50:18] U ħutu ġew u nxteħtu wiċċhom fl-art u qalulu: “Arana, hawn aħna
lsiera tiegħek!” [Ġen:50:19] U Ġużeppi qalilhom: “La tibżgħux, jaqaw jien flok
Alla? [Ġen:50:20] Jekk intom ġibtuli fuqi d-deni, Alla bidlu fil-ġid, biex iżomm
ħajja kotra ta' ġnus, bħalma huma llum. [Ġen:50:21] U issa la tibżgħux. Jien
nagħtikom tieklu, lilkom u lit-tfal tagħkom.” Hekk farraġhom, u serrħilhom
moħħhom u laqtilhom qalbhom.
[Ġen:50:22] U Ġużeppi kien jgħammar fl-Eġittu, hu u dar missieru. U Ġużeppi
kellu mija u għaxar snin. [Ġen:50:23] U Ġużeppi ra wlied Efrajm sat-tielet
nisel, u wkoll ulied Makir bin Manassi, li twieldu fuq irkubbtejn Ġużeppi.
[Ġen:50:24] U Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena se mmut, u Alla għad iżurkom żgur u
jtellagħkom minn din l-art lejn l-art li ħalef lil Abraham, lil Iżakk u lil
Ġakobb.”
[Ġen:50:25] Mbagħad Ġużeppi ġagħal lil ulied Iżrael jaħilfu u qalilhom: “Iva,
Alla għad iżurkom żgur u intom ittellgħu għadmi minn hawn.” [Ġen:50:26] U
Ġużeppi miet ta' mija u għaxar snin; ibbalzmawh u qegħduh f'tebut l-Eġittu.