L-ITTRA LILL-GALATIN
1. Tislima
[Gal:1:1] Pawlu, appostlu, mhux mill-bnedmin jew permezz tal-bniedem, iżda
permezz ta' Ġesù Kristu u ta' Alla l-Missier li qajjmu mill-imwiet, [Gal:1:2] u
l-aħwa kollha li hawn miegħi, lill-knejjes tal-Galazja, [Gal:1:3] grazzja u
sliem lilkom mingħand Alla Missierna u mingħand Sidna Ġesù Kristu, [Gal:1:4] li
ta lilu nnifsu għal dnubietna, biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tallum,
skond ir-rieda ta' Alla u Missierna; [Gal:1:5] lilu l-glorja għal dejjem ta'
dejjem. Amen.
Ma hemmx Evanġelju ieħor
[Gal:1:6] Jiena nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħedtu minn min
sejjħilkom fil-grazzja ta' Kristu u dortu lejn Evanġelju ieħor; [Gal:1:7] mhux
għax hemm xi Evanġelju ieħor, imma hemm xi wħud li qegħdin iħawwdukom u jridu
jaqilbu l-Evanġelju ta' Kristu. [Gal:1:8] Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu
mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li m'huwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun
misħut! [Gal:1:9] Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa; jekk xi ħadd
iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut!
[Gal:1:10] Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex
li jkun iġibni Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont
għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta' Kristu.
L-Evanġelju ta' Pawlu
[Gal:1:11] Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien m'huwiex
Evanġelju tal-bnedmin. [Gal:1:12] Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu
jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.
[Gal:1:13] Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija,
kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta' Alla u nfittex li nħarbatha;
[Gal:1:14] u kemm kont 'il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi
aktar minn sħabi kollha ta' mpari, mġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta'
missirijieti. [Gal:1:15] Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li
sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, [Gal:1:16] għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex
inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand
bnedmin tad-demm u l-laħam, [Gal:1:17] bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li
kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.
[Gal:1:18] Mbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt
miegħu ħmistax-il ġurnata; [Gal:1:19] mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd;
iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej. [Gal:1:20] (F'dan li qiegħed niktbilkom, nixhed
quddiem Alla, m'iniex nigdeb). [Gal:1:21] Mbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u
taċ-Ċiliċja. [Gal:1:22] Il-knejjes ta' Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma
raw wiċċi; [Gal:1:23] kienu semgħu biss in-nies jgħidu li: "dak li darba kien
jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred;
[Gal:1:24] u huma faħħru lil Alla minħabba fija.
2. L-appostli jilqgħu lil Pawlu
[Gal:2:1] Wara erbatax-il sena rġajt tlajt Ġerusalemm flimkien ma' Barnaba u
ħadt miegħi lil Titu wkoll. [Gal:2:2] Tlajt hemmhekk wara li kelli rivelazzjoni;
u jiena qegħedt quddiemhom, lill-mexxejja ewlenin weħidhom, u wrejthom l-Evanġelju
li qiegħed inxandar fost il-ġnus, biex ma nkunx ġrejt jew qiegħed niġri għalxejn.
[Gal:2:3] Madankollu anqas Titu li kien miegħi, hu li hu Grieg, ma kien
imġiegħel li jkun ċirkonċiż. [Gal:2:4] Iżda minħabba f'xi wħud li riedu jiżżattu,
aħwa foloz li ndaħlu bla jedd biex jissindikaw il-libertà tagħna li għandna fi
Kristu Ġesù ħalli jitfgħuna fil-jasar... [Gal:2:5] lilhom anqas għal waqt wieħed
biss ma rħejnielhom iwaqqgħuna għalihom, ħalli b'hekk il-verità ta' l-Evanġelju
tibqa' sħiħa għalikom. [Gal:2:6] Min-naħa tagħhom, il-mexxejja - kienu x'kienu,
lili xejn ma jimpurtani; Alla lejn wiċċ ħadd ma jħares - dawk li kellhom isem,
ma żiduli xejn ġdid lili; [Gal:2:7] anzi, għall-kuntrarju, meta raw li lili kien
fdat ix-xandir ta' l-Evanġelju fost il-Ġentili bħalma kien lil Pietru fost
il-Lhud - [Gal:2:8] għax Dak li ħadem b'Pietru u għamlu appostlu għal fost
il-Lhud ħadem ukoll bija għal fost il-Ġentili - [Gal:2:9] meta għarfu l-grazzja
li kienet mogħtija lili, Ġakbu, Kefa u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala l-kolonni,
taw lili u 'l Barnaba l-id il-leminija tagħhom b'sinjal ta' l-għaqda ta'
bejnietna, biex aħna naħdmu fost il-Ġentili u huma fost il-Lhud; [Gal:2:10]
talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt
nagħmilha minn qalbi.
Pawlu jċanfar lil Pietru
[Gal:2:11] Meta Kefa ġie Antjokja, jiena waqaftlu f'wiċċu, għaliex kellu tort.
[Gal:2:12] Għax qabel ma waslu xi wħud mingħand Ġakbu, hu kien qiegħed jiekol
mal-Ġentili; iżda mbagħad lil dawn beda jaħrabhom u jitwarrab minnhom meta waslu
dawk, għaliex baża' mil-Lhud ċirkonċiżi. [Gal:2:13] Il-Lhud l-oħra bdew jimxu
bl-uċuħ bħalu, u saħansitra Barnaba ħalla ruħu jitħajjar minnhom fil-wiri ta'
ħaġa b'oħra. [Gal:2:14] Imma meta rajt li ma kinux miexja sewwa skond il-verità
ta' l-Evanġelju, jiena għedt lil Kefa quddiem kulħadd: "Jekk inti, li int Lhudi,
qed iġġib ruħek bħall-Ġentili u mhux ta' Lhudi li int, kif qiegħed iġġiegħel
il-Ġentili jġibu ruħhom ta' Lhud?"
Lhud u Ġentili jsalvaw bil-fidi
[Gal:2:15] Aħna, Lhud minn twelidna u mhux midinbin mill-Ġentili, [Gal:2:16]
aħna li nafu li l-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-Liġi imma bil-fidi
f'Ġesù Kristu, aħna wkoll emminna f'Ġesù Kristu, sabiex inkunu ġġustifikati
bil-fidi fi Kristu u mhux bl-opri tal-Liġi, għaliex bl-opri tal-Liġi ebda
bniedem ma jkun iġġustifikat. [Gal:2:17] Jekk aħna, li nfittxu l-ġustifikazzjoni
permezz ta' Kristu, aħna stess midinbin ukoll, allura Kristu qaddej tad-dnub? Ma
jkun qatt! [Gal:2:18] Għax jekk jiena nerġa' nibni dak li nkun ħattejt, nkun qed
nagħti prova li jiena ħati.
[Gal:2:19] Imma jien permezz tal-Liġi mitt għal-Liġi biex ngħix għal Alla;
issallabt ma' Kristu. [Gal:2:20] Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija
Kristu. Il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta'
Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. [Gal:2:21] M'iniex inġib fix-xejn
il-grazzja ta' Alla; għax kieku l-ġustifikazzjoni kellha tiġi mil-Liġi, Kristu
kien ikun miet għal xejn.
3. Jew il-Liġi jew il-fidi
[Gal:3:1] Ja Galatin bla moħħ, min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu
tpinġa msallab quddiem għajnejkom! [Gal:3:2] Dan biss irrid naf minn għandkom:
l-Ispirtu rċevejtuh mill-opri tal-Liġi jew mis-smigħ tal-fidi? [Gal:3:3]
Daqshekk intom boloh? Bdejtu bl-ispirtu u issa sa tkomplu bil-ġisem? [Gal:3:4]
Batejtu dan kollu għal xejn, jekk tassew għal xejn? [Gal:3:5] Meta Alla
jagħtikom l-Ispirtu u juri s-setgħa tiegħu permezz tagħkom, dan isir bis-saħħa
ta' l-opri tal-Liġi jew bis-smigħ tal-fidi? [Gal:3:6] Hemm miktub : "Hekk
Abraham emmen lil Alla, u dan kien magħdud lilu għall-ġustifikazzjoni."
[Gal:3:7] Kunu afu mela, li dawk li jemmnu, dawk huma wlied Abraham. [Gal:3:8] U
l-Iskrittura, li rat sa minn qabel li Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili permezz
tal-fidi, ħabbret minn qabel lil Abraham: 'Fik jitbierku l-ġnus kollha'.
[Gal:3:9] Għalhekk dawk li jemmnu jitbierku ma' Abraham li kien jemmen.
[Gal:3:10] Imma dawk kollha li jgħixu bl-opri tal-Liġi huma taħt is-saħta. Għax
hemm miktub: 'Misħut kull min ma joqgħodx għall-ħwejjeġ kollha li hemm imniżżla
fil-ktieb tal-Liġi u ma jagħmilhomx'. [Gal:3:11] U li ħadd permezz tal-Liġi ma
hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar, ladarba 'il-ġust jgħix bil-fidi';
[Gal:3:12] issa l-Liġi m'hijiex ġejja mill-fidi, imma 'min jagħmel dawn
il-ħwejjeġ jgħix bihom.' [Gal:3:13] Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar
hu nnifsu saħta għalina, għax hemm miktub: 'Misħut min ikun imdendel ma' l-għuda,'
[Gal:3:14] biex fi Kristu Ġesù l-barka ta' Abraham tilħaq il-ġnus kollha, u biex
permezz tal-fidi aħna nilqgħu l-wegħda ta' l-Ispirtu.
Il-Liġi u l-wegħda
[Gal:3:15] Sa nitkellem ta' bniedem, ħuti: testment, għad li jkun ta' bniedem,
ħadd ma jista' jwaqqgħu jew iżid miegħu kemm-il darba jkun magħmul kif imiss.
[Gal:3:16] Issa l-wegħdiet saru lil Abraham 'u lin-nisel' tiegħu. L-Iskrittura
ma tgħidx 'u lin-nislijiet' bħalikieku kienu ħafna, iżda bħallikieku wieħed: 'lin-nisel
tiegħek', li hu Kristu. [Gal:3:17] Jien dan ngħid: Liġi, li ġiet erba' mija u
tletin sena wara, ma tistax tħassar patt, magħmul kif imiss minn Alla, b'mod li
ġġib fix-xejn il-wegħda. [Gal:3:18] Għax jekk il-wirt ġej bis-saħħa tal-Liġi,
mela ma jkunx bis-saħħa tal-wegħda; iżda kien bis-saħħa tal-wegħda li Alla ta l-grazzja
lil Abraham. [Gal:3:19] Għalfejn il-Liġi, mela? Kienet żjieda li saret minħabba
fid-dnub, sakemm ma jkunx ġie n-nisel li għalih saret il-wegħda, li kienet
imxandra mill-anġli permezz ta' medjatur. [Gal:3:20] Iżda l-medjatur m'huwiex ta'
wieħed; imma Alla hu wieħed.
M'intomx ilsiera, imma wlied
[Gal:3:21] Mela l-Liġi hi kontra l-wegħdiet ta' Alla? Ma jkun qatt! Għaliex
kieku ngħatat liġi li tista' tagħti l-ħajja, allura tassew li l-ġustifikazzjoni
kienet tkun bis-saħħa tal-Liġi. [Gal:3:22] Imma l-Iskrittura xeħtet kollox taħt
id-dnub, ħalli l-wegħda, bis-saħħa tal-fidi f'Ġesù Kristu, tingħata lil dawk li
jemmnu. [Gal:3:23] Qabel ma ġiet il-fidi, aħna konna miżmumin priġunieri taħt
il-ħarsien tal-Liġi, sa ma tiġi l-fidi li kellha tkun irrivelata. [Gal:3:24] Il-Liġi,
mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz
tal-fidi. [Gal:3:25] Issa li l-fidi ġiet, ma neħtiġux aktar min imexxina.
[Gal:3:26] Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu
Ġesù. [Gal:3:27] Intom, li intom mgħammda fi Kristu, lbistu 'l Kristu.
[Gal:3:28] Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas
ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.
[Gal:3:29] Imma jekk intom ta' Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skond
il-wegħda.
4. [Gal:4:1] Irrid ngħid li, sakemm idum iż-żmien li fih il-werriet ikun għadu
tifel, dan ma jkunx aħjar minn ilsir, għad li hu sid il-ġid kollu; [Gal:4:2]
iżda jkun taħt il-ħarsien tat-tuturi u ta' l-amministraturi, sa ma jasal
iż-żmien magħżul mill-missier. [Gal:4:3] Hekk ukoll aħna: meta konna tfal, konna
lsiera taħt l-elementi tad-dinja. [Gal:4:4] Iżda meta waslet il-milja taż-żmien,
Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-Liġi, [Gal:4:5] biex
jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta' wlied.
[Gal:4:6] U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu f'qalbna jgħajjat:
Abbà! Missier! [Gal:4:7] U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben; u jekk iben,
werriet ukoll bil-grazzja ta' Alla.
Pawlu jiftaħ qalbu
[Gal:4:8] Imma fl-imgħoddi lil Alla ma kontux tafuh u kontu taqdu lill-ħlejjaq
li m'humiex allat. [Gal:4:9] Issa lil Alla tafuh, jew aħjar, Alla jafkom; mela,
kif erġajtu lura lejn l-elementi bla saħħa u bla siwi, u tridu terġgħu taqduhom
biex tħarsu [Gal:4:10] l-jiem, ix-xhur, l-istaġuni u s-snin? [Gal:4:11] Qiegħed
nibża' li t-taħbit li tħabatt għalikom kien kollu ta' xejn.
[Gal:4:12] Kunu bħali, nitlobkom, bħalma jien bħalkom, ħuti. Ħadd minnkom ma
naqasni f'xejn. [Gal:4:13] Intom tafu li meta xandartilkom l-Evanġelju
għall-ewwel darba, kien minħabba li kont marid. [Gal:4:14] Għalkemm din il-marda
f'ġismi kienet ta' prova għalikom, intom ma stmerrejtunix u anqas skartajtuni,
iżda lqajtuni bħala anġlu ta' Alla, bħala Kristu Ġesù. [Gal:4:15] Fejn hu issa
l-ferħ tagħkom? Jien xhud għalikom, li kieku kien jista' jkun kontu taqilgħu
għajnejkom u tagħtuhomli. [Gal:4:16] Sirt issa, mela, għadu tagħkom għax qiegħed
ngħidilkom il-verità? [Gal:4:17] Huma jfittxukom, iżda mhux b'fehma tajba; iridu
jifirdukom minni biex intom tfittxu lilhom. [Gal:4:18] Tajjeb li wieħed
jitqanqal għall-ġid ta' l-oħrajn dejjem, u mhux biss meta nkun magħkom jien.
[Gal:4:19] Uliedi, għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu
jissawwar fikom. [Gal:4:20] Bħalissa jien ridt kieku nkun għandkom u nbiddel
leħni, għax inħossni inkwetat minħabba fikom.
Sarah u Ħagar
[Gal:4:21] Għiduli, intom li tridu toqogħdu taħt il-Liġi! Ma tisimgħux xi tgħid
il-Liġi? [Gal:4:22] Hemm miktub li Abraham kellu żewġ ulied, wieħed mill-ilsira,
u wieħed mill-ħielsa; [Gal:4:23] imma dak li ġie mill-ilsira twieled bis-saħħa
tal-ġisem, waqt li dak li ġie mill-ħielsa twieled bis-saħħa tal-wegħda.
[Gal:4:24] Dan kollu ntqal b'tixbiha, għax dawn in-nisa jfissru żewġ pattijiet:
wieħed ġej mill-muntanja Sinaj, li tiled għall-jasar: din hija Ħagar -
[Gal:4:25] għax Ħagar hija l-muntanja Sinaj li hi fl-Għarabja - u taqbel ma'
Ġerusalemm ta' llum li għadha mjassra flimkien ma' wliedha. [Gal:4:26] Iżda
Ġerusalemm ta' fuq, li hi ommna, hi ħielsa, [Gal:4:27] għax hemm miktub:
"Ifraħ, mara bla wlied li ma tiledx,
erfa’ leħnek u għajjat bil-ferħ,
int li ma tbatix bl-uġigħ il-ħlas;
għax ulied il-mara abbandunata huma aktar kotrana
minn dawk ta’ dik li għandha ‘l żewġha."
[Gal:4:28] Issa intom, ħuti, intom ulied il-wegħda, bħal Iżakk. [Gal:4:29] Iżda
bħalma f'dak iż-żmien, dak li twieled bis-saħħa tal-ġisem ippersegwita lil dak
li twieled bis-saħħa ta' l-Ispirtu, hekk ukoll issa. [Gal:4:30] Iżda xi tgħid
l-Iskrittura? "Keċċi 'l barra 'l-ilsira u 'l binha, għax bin l-ilsira ma jaqsamx
fil-wirt ma' bin il-ħielsa." [Gal:4:31] Għalhekk, ħuti, aħna m'aħniex ulied
l-ilsira, imma wlied il-ħielsa.
5. [Gal:5:1] Kristu ħelisna biex ngħixu ta' nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux
tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.
Il-libertà tan-nisrani
[Gal:5:2] Araw, jiena, Pawlu, qiegħed ngħidilkom: jekk toqogħdu
għaċ-ċirkonċiżjoni, xejn ma jkun jiswielkom Kristu. [Gal:5:3] Jiena nistqarr
għal darb'oħra quddiem kull min qagħad għaċ-ċirkonċiżjoni, li hu marbut
għall-ħarsien tal-Liġi kollha. [Gal:5:4] Intom li tfittxu l-ġustifikazzjoni
fil-Liġi intom maqtugħa minn Kristu; intom twarrabtu mill-grazzja. [Gal:5:5]
Imma aħna t-tama tal-ġustifikazzjoni nistennewha bl-ispirtu permezz tal-fidi.
[Gal:5:6] Għaliex fi Kristu Ġesù, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma jkun
jiswa ħlief biss il-fidi li taħdem permezz ta' l-imħabba.
[Gal:5:7] Kontu tiġru sewwa. Min fixkilkom li ma toqogħdux għas-sewwa? [Gal:5:8]
Din il-persważjoni m'hijiex ġejja minn dak li sejjħilkom. [Gal:5:9] Daqsxejn ta'
ħmira ttalla' l-għaġna kollha. [Gal:5:10] Jien żgur minnkom fil-Mulej li ma
taħsbux mod ieħor; min qiegħed iġarrabkom, hu min hu, għad irid jieħu l-ħaqq
tiegħu. [Gal:5:11] Ngħid għalija, ħuti, jekk jien għadni nippriedka
ċ-ċirkonċiżjoni, għaliex jien ippersegwitat? Mela tħassar l-iskandlu tas-salib?
[Gal:5:12] Ħalli jqattgħu ġisimhom dawk li jħawwdukom.
[Gal:5:13] Intom imma, ħuti, intom ġejtu msejjħa għall-ħelsien; imma tinqdewx
b'dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba. [Gal:5:14]
Il-Liġi kollha tinġabar f'liġi waħda: 'Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.'
[Gal:5:15] Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma
tikkunsmawx lil xulxin!
Il-frott ta' l-Ispirtu u l-frott tal-ġisem
[Gal:5:16] Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet
tal-ġisem. [Gal:5:17] Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u
l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma
jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. [Gal:5:18] Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu,
m'intomx taħt il-liġi. [Gal:5:19] L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína,
faħx, nuqqas ta' rażan, [Gal:5:20] idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira,
korla, ambizzjoni, firda, partiti, [Gal:5:21] invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ
bħal dawn. Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma
jiritx is-saltna ta' Alla. [Gal:5:22] Il-frott ta' l-Ispirtu huma: l-imħabba,
l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, [Gal:5:23] il-ħlewwa,
ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi. [Gal:5:24] Dawk li huma ta' Kristu Ġesù
sallbu l-ġisem il-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. [Gal:5:25] Jekk ngħixu
bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu; [Gal:5:26] ma nkunux minn dawk li jfittxu
l-ftaħir fieragħ; ma nġarrbux lil xulxin; ma ngħirux għal xulxin.
6. Nerfgħu t-tagħbija ta' xulxin
[Gal:6:1] Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f'xi ħtija, intom li intom spiritwali,
widdbuh bi spirtu ta' ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll.
[Gal:6:2] Erfgħu t-tagħbija ta' xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta'
Kristu. [Gal:6:3] Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun
iqarraq bih innifsu. [Gal:6:4] Kull wieħed jgħarbel għemilu, mbagħad ikun jista'
jiftaħar bih innifsu, u mhux b'ħaddieħor. [Gal:6:5] Kull wieħed għandu
t-tagħbija tiegħu x'jerfa.' [Gal:6:6] Dak li qiegħed jitgħallem id-duttrina
għandu jaqsam ġidu ma' min jgħallmu. [Gal:6:7] Titqarrqux; Alla ma jidħak bih
ħadd. Dak li bniedem jiżra', dak huwa jaħsad. [Gal:6:8] Min jiżra' f'ġismu
jaħsad mill-ġisem it-taħsir; min jiżra' fl-ispirtu, jaħsad mill-ispirtu l-ħajja
ta' dejjem. [Gal:6:9] Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux
qalbna, naħsdu fi żmienu. [Gal:6:10] Mela, dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu
l-ġid ma' kulħadd, l-iktar ma' qrabatna fil-fidi.
L-aħħar tislija u l-firma ta' Pawlu
[Gal:6:11] Araw b'liema ittri kbar ktibtilkom b'idi stess. [Gal:6:12] Dawk li
jridu jingħoġbu fil-ġisem, dawk huma li jridukom tieħdu ċ-ċirkonċiżjoni, u dan
jagħmluh biss biex ma jkunux ippersegwitati minħabba s-salib ta' Kristu.
[Gal:6:13] Lanqas huma, li għandhom iċ-ċirkonċiżjoni, ma jħarsu l-Liġi, iżda
jridukom tieħdu ċ-ċirkonċiżjoni biex jiftaħru b'ġisimkom. [Gal:6:14] Ngħid
għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu, li
bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. [Gal:6:15] Għaliex,
biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta' siwi, ħlief il-ħolqien ġdid.
[Gal:6:16] U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom,
u wkoll fuq Iżrael ta' Alla.
[Gal:6:17] Mil-lum 'il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib
f'ġismi l-marki ta' Kristu.
[Gal:6:18] Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.