L-ITTRA TA' SAN ĠAKBU
1. Tislima
[Ġak:1:1] Ġakbu, qaddej ta' Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù
mxerrda mad-dinja: sliem.
Fidi u għerf
[Ġak:1:2] Ħuti, għoddu kollox b'ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma' kull xorta ta'
tiġrib, [Ġak:1:3] għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel
is-sabar. [Ġak:1:4] Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu
perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn. [Ġak:1:5] Jekk xi ħadd minnkom
jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b'id miftuħa u bla
ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. [Ġak:1:6] Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma
jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u
mqalleb bir-riħ. [Ġak:1:7] Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla' xi
ħaġa mingħand il-Mulej; [Ġak:1:8] hu bniedem mifxul fih innifsu, u m'huwiex żgur
mit-triq li jagħżel.
Faqar u għana
[Ġak:1:9] Ħa jiftaħar ħuna l-fqir li Alla għollieh, [Ġak:1:10] u l-għani
jiftaħar fl-umiljazzjoni tiegħu. Għax dan jgħib bħal ward ir-raba'; [Ġak:1:11]
titla' x-xemx tisreġ u bis-sħana tnixxef il-ħaxix, u l-fjur tiegħu jaqa' u s-sbuħija
ta' surtu tgħib; hekk ukoll jiġrilu l-għani f'kull ma jmidd għonqu għalih.
Taħbit u tiġrib
[Ġak:1:12] Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib,
jaqla' l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. [Ġak:1:13]
Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: "Alla qiegħed iġarrabni" għax
Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas m'hu se jġarrab lil ħadd.
[Ġak:1:14] Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu
stess. [Ġak:1:15] Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub,
meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.
[Ġak:1:16] La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. [Ġak:1:17] Kull ħaġa tajba li
tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn
tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir. [Ġak:1:18] Għax
ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq
tiegħu.
Nisimgħu l-kelma u nagħmluha
[Ġak:1:19] Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex
jisma', tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla. [Ġak:1:20] Għax bniedem
inkurlat ma jagħmilx il-ġustizzja ta' Alla. [Ġak:1:21] Neħħu għalhekk minn
fuqkom kull ma hu mniġġes u kull fdal ta' ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma
mħawwla fikom, li tista' ssalvalkom ruħkom.
[Ġak:1:22] Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk
tqarrqu bikom infuskom. [Ġak:1:23] Għax jekk xi ħadd jisma' l-kelma u ma
jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f'mera l-wiċċ li bih twieled: [Ġak:1:24]
jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien. [Ġak:1:25] Imma dak li
jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed
li jisma' biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil
tiegħu.
[Ġak:1:26] Jekk xi ħadd jidhirlu li hu reliġjuż, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq
b'qalbu, fiergħa hi r-reliġjon tiegħu. [Ġak:1:27] Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon
ġenwiena u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u
żżomm ruħek bla tinġis 'il bogħod mid-dinja.
2. Ma nħarsux lejn l-uċuħ
[Ġak:2:1] Ħuti, tħalltux il-fidi f'Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien
lejn l-uċuħ. [Ġak:2:2] Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket
tad-deheb f'subgħajh u bi lbies ilellex, mbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes
imċerċer, [Ġak:2:3] u intom idduru ma' dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: "Int
oqgħod komdu bilqiegħda" waqt li lill-fqir tgħidulu: "Int oqgħod bil-wieqfa",
jew "Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta' riġlejja", [Ġak:2:4] ma jidhrilkomx li
tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?
[Ġak:2:5] Isimgħu, ħuti għeżież: m'hux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja
biex jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li
jħobbuh? [Ġak:2:6] Imma intom lill-fqir inqastuh mill-ġieħ. M'humiex l-għonja li
jaħqrukom? M'humiex huma li jkaxkrukom lejn il-qrati? [Ġak:2:7] M'humiex huma li
jżebilħu dak l-isem ta' ġieħ li ġie msejjaħ fuqkom? [Ġak:2:8] Jekk tħarsu
bir-reqqa l-aqwa liġi, skond ma hemm fl-Iskrittura: "Ħobb lil għajrek bħalek
innifsek", intom tkunu tagħmlu sewwa; [Ġak:2:9] imma jekk tħarsu lejn l-uċuħ,
tidinbu, u l-Liġi tixlikom bħala nies li tkunu ksirtuha. [Ġak:2:10] Għax min
il-Liġi jħarisha kollha imma jiksirha f'ħaġa waħda biss, ikun ħati ta' kollox.
[Ġak:2:11] Għax dak li qal: "La tagħmilx adulterju", qal ukoll: "La toqtolx."
Mela jekk inti ma tagħmilx adulterju, imma toqtol, il-Liġi tkun ksirtha.
[Ġak:2:12] Hekk għandkom titkellmu u hekk għandkom iġġibu ruħkom, bħallikieku
wasaltu biex isir ħaqq minnkom taħt liġi ta' ħelsien. [Ġak:2:13] Għax il-ħaqq
ikun bla ħniena għal min ma jurix ħniena; u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq.
Fidi u opri
[Ġak:2:14] X'jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil
tiegħu? Jaqaw tista' ssalvah din il-fidi? [Ġak:2:15] Jekk ħuk jew oħtok ma
jkollhomx x'jilbsu u jonqoshom l-ikel ta' kuljum, [Ġak:2:16] u wieħed minnkom
jgħidilhom: "Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu", bla ma jagħtihom dak li
hu meħtieġ għall-ġisem, dan x'jiswa? [Ġak:2:17] Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun
weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.
[Ġak:2:18] Imma xi ħadd jista' jgħid: "Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil."
Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil
tiegħi. [Ġak:2:19] Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten
ukoll jemmnuh, u jitriegħdu. [Ġak:2:20] Imma kif ma tridx taf, iblah li int, li
l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa? [Ġak:2:21] Jaqaw Abraham missierna mhux
mill-għemil kien iġġustifikat meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal? [Ġak:2:22]
B'hekk tara kif il-fidi ħadmet id f'id ma' l-għemil tiegħu, u kif bil-ħila ta'
l-għemil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha [Ġak:2:23] u seħħet l-Iskrittura li tgħid:
"Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah" u għalhekk huwa msejjaħ ħabib
ta' Alla. [Ġak:2:24] Taraw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux
bil-fidi biss. [Ġak:2:25] Hekk ukoll Raħab iż-żienja; jaqaw mhux bl-għemil
kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera u bagħtithom minn triq oħra?
[Ġak:2:26] Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi
mingħajr għemil.
3. Nrażżnu lsienna
[Ġak:3:1] Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu
nkunu ġġudikati b'reqqa akbar. [Ġak:3:2] Aħna lkoll niżbaljaw, u ta' sikwit;
jekk xi ħadd ma jiżbaljax f'dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu
kollu. [Ġak:3:3] Aħna nqiegħdu l-ilġiem f'ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih
immexxu ġisimhom kollu. [Ġak:3:4] Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu
kbar u jimxu ma' l-irjieħ qawwija, naqra ta' tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier.
[Ġak:3:5] Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista'
jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar.
Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa; [Ġak:3:6] u l-ilsien huwa nar,
huwa dinja ta' ħażen fost il-membri ta' ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u
jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern. [Ġak:3:7] Kull xorta
ta' bhejjem u għasafar, kull xorta ta' bhejjem li jitkaxkru ma' l-art u ta' ħut,
dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. [Ġak:3:8] Iżda ħadd ma għandu ħila
jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt.
[Ġak:3:9] Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin
xbieha ta' Alla. [Ġak:3:10] Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan
m'għandux ikun, ħuti. [Ġak:3:11] Jaqaw jista' jnixxi ilma ħelu u ilma salmastru
mill-istess għajn? [Ġak:3:12] U, ħuti, tista' s-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ?
Tista' d-dielja tagħmel it-tin? L-ilma mielaħ ma jsirx ilma ħelu.
L-għerf tas-sema u l-għerf ta' l-art
[Ġak:3:13] Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Mela ħa juri bl-imġiba tajba
tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija. [Ġak:3:14] Imma jekk intom għandkom l-għira
u l-imrar f'qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b'hekk ma tiftaħrux u tigdbu
kontra l-verità. [Ġak:3:15] Dan m'hux l-għerf li ġej mis-sema, imma l-għerf ta'
din l-art, tal-ġisem u tax-xitan. [Ġak:3:16] Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied,
hemm issib it-taqlib u kull xorta ta' ħażen. [Ġak:3:17] L-għerf li ġej mis-sema,
qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u
l-ħlewwa; huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuħ u bla qerq.
[Ġak:3:18] Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott
tal-ġustizzja.
4. Il-ħbiberija mad-dinja
[Ġak:4:1] Mnejn hu ġej il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan,
mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f'ġisimkom? [Ġak:4:2] Tixtiequ, u ma ssibu
xejn; mbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; mbagħad tiġġieldu u
titqabdu. Ma għandkom xejn għax ma titolbux. [Ġak:4:3] Titolbu, u ma tiksbux,
għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar. [Ġak:4:4] Nies
adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta' Alla? Min mela jrid
isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta' Alla. [Ġak:4:5] Taħsbu li għalxejn l-Iskrittura
tgħid: "L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b'imħabba għajjura"? [Ġak:4:6] Hu
jagħti grazzja akbar minn hekk: għalhekk l-Iskrittura tgħid li
“Alla jieqaf lill-kburi
u jagħti l-grazzja lill-umli.”
[Ġak:4:7] Mela oqogħdu għar-rieda ta' Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.
[Ġak:4:8] Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Midinbin, naddfu idejkom; nies ta'
moħħ imħawwad, saffu qlubkom. [Ġak:4:9] Agħrfu l-miżerja tagħkom, ibku, u olfqu,
ħallu d-daħk tagħkom jinbidel f'niket u l-ferħ tagħkom f'diqa. [Ġak:4:10]
Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.
Ma niġġudikawx
[Ġak:4:11] Toqogħdux tqassu fuq xulxin, ħuti. Min iqassas fuq ħuh u jiġġudika
lil ħuh, ikun qiegħed iqassas fuq il-Liġi u jiġġudika l-Liġi; imma jekk inti
tiġġudika l-Liġi, ma tkunx qiegħed tagħmel dak li trid il-Liġi, imma ssir
imħallef. [Ġak:4:12] Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef:
dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred. Int min int biex tiġġudika 'l ħaddieħor?
Il-ftaħir żejjed
[Ġak:4:13] Issa ejjew, intom li tgħidu: "Illum jew għada mmorru f'din jew dik il-belt
u nqattgħu sena hemmhekk, nixtru u nbigħu u nagħmlu l-flus," [Ġak:4:14] u intom
ma tafux x'għad isir għada. Għax x'inhi ħajjitkom? Intom bħal fwar li jidher
għal ftit u mbagħad jgħib. [Ġak:4:15] Flok ma tgħidu: "Jekk il-Mulej irid,
ngħixu u nagħmlu dan jew dak," [Ġak:4:16] tiftaħru bil-frugħat tagħkom! Kull
ftaħir bħal dan huwa ħażen. [Ġak:4:17] Jekk mela xi ħadd jagħraf it-tajjeb li
għandu jagħmel u ma jagħmlux, jagħmel dnub.
5. Twissija lill-għonja
[Ġak:5:1] Ejjew issa, intom l-għonja, ibku u ixhru fuq l-għawġ li ġej fuqkom!
[Ġak:5:2] Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla. [Ġak:5:3] Id-deheb u
l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħkom għad jixhed kontra tagħkom u
jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem! [Ġak:5:4] Ara, il-ħlas
tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom - ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq
- qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta' dawk li ħasdu wasal f'widnejn
il-Mulej ta' l-eżerċti. [Ġak:5:5] Fuq l-art għextu fix-xalar u l-lussu; qgħadtu
tissemmnu għall-jum tal-qatla. [Ġak:5:6] Intom ikkundannajtu l-ġust, qtiltuh
għax ma jistax jiqfilkom!
Sabar u talb
[Ġak:5:7] Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b'sabar kbir
jistenna l-frott għażiż ta' l-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra.
[Ġak:5:8] Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.
[Ġak:5:9] Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef
qiegħed hawn, quddiem il-bieb! [Ġak:5:10] Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar,
ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f'isem il-Mulej. [Ġak:5:11] Dawk li żammew sħiħ
sa l-aħħar, araw, aħna nqisuhom bħala hienja. Smajtu bis-sabar ta' Ġob, u tafu
kif bl-għajnuna tal-Mulej hu għalaq jiem ħajtu; għax il-Mulej jaf jagħder, u hu
ħanin bil-bosta.
[Ġak:5:12] Imma fuq kollox, ħuti, la taħilfux, u la bis-sema u la bl-art, u
tieħdu ebda ġurament ieħor; iżda ħallu l-"iva" tagħkom ikun "iva" u l-"le"
tagħkom ikun "le", biex hekk ma tkunux ikkundannati.
[Ġak:5:13] Hemm xi ħadd fostkom imnikket? Ħalli dan jitlob. Hemm xi ħadd ferħan?
Ħalli jkanta s-salmi. [Ġak:5:14] Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ
lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f'isem
il-Mulej; [Ġak:5:15] it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajjmu; u
jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu. [Ġak:5:16] Stqarru wieħed lill-ieħor
in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba
tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira. [Ġak:5:17] Elija
bniedem bħalna kien: meta talab bil-ħerqa biex ma tagħmilx ix-xita, għal tliet
snin u sitt xhur sħaħ ix-xita ma għamlitx fuq l-art. [Ġak:5:18] U meta raġa'
talab, is-sema radd ix-xita u l-art għamlet il-frott.
L-aħħar kelma
[Ġak:5:19] Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u xi ħaddieħor iġibu
lura, [Ġak:5:20] dan għandu jkun jaf li min iressaq lura mit-triq il-ħażina 'l
xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta' dnubiet.