IL-KRIEB TAL-EŻODU


Ulied Iżrael fl-Eġittu

[Eż:1:1] Dawn huma l-ismijiet ta' wlied Iżrael li ġew l-Eġittu ma' Ġakobb, kull wieħed bil-familja tiegħu: [Eż:1:2] Ruben, Simgħon, Levi u Ġuda; [Eż:1:3] Issakar, Żebulun u Benjamin; [Eż:1:4] Dan u Naftali, Gad u Aser. [Eż:1:5] Dawk kollha li tnisslu minn Ġakobb kienu sebgħin ruħ. [Eż:1:6] Ġużeppi kien diġà l-Eġittu. Ġużeppi u ħutu kollha u dik il-ġenerazzjoni kollha mietu. [Eż:1:7] Imma wlied Iżrael nisslu, żdiedu u kotru, u saru qawwija ħafna u l-art imtliet bihom.

[Eż:1:8] U laħaq sultan ġdid fl-Eġittu, li ma kienx jaf lil Ġużeppi, [Eż:1:9] u qal lill-poplu tiegħu: “Araw, il-poplu ta' wlied Iżrael kiber ħafna u sar aqwa minna. [Eż:1:10] Ejjew nimxu bil-għaqal miegħu, li ma jikbirx aktar u tqum xi gwerra, jingħaqad ma' l-għedewwa tagħna, jaħbat għalina, u jitlaq 'il barra mill-pajjiż”. [Eż:1:11] U għamlu mgħallmin tax-xogħol fuqhom, biex jgħakksuhom b'xogħol iebes. U hekk lill-Fargħun bnewlu l-ibliet ta' l-imħażen: Pitom u Ragħmses. [Eż:1:12] Imma aktar ma kienu jgħakksuhom, aktar kienu joktru u jixterdu; u l-Eġizzjani bdew jitbeżżgħu minn ulied Iżrael; [Eż:1:13] u ġiegħlu lil ulied Iżrael jaħdmu iebes. [Eż:1:14] Mlewlhom ħajjithom bl-imrar u bix-xogħol iebes fit-tafal u l-madum, u bix-xogħol fir-raba'; f'kull xogħol li kienu jqabbduhom, kienu jħaddmuhom bl-aħrax.

L-ordni tal-Fargħun lill-qwiebel

[Eż:1:15] Is-sultan ta' l-Eġittu sejjaħ lill-qwiebel Għebrej, waħda jisimha Sifra u l-oħra Pugħa, u qalilhom: [Eż:1:16] “Meta twelldu lin-nisa Għebrej, ħarsu u araw xi tkun it-tarbija; jekk ikun tifel oqtluh, jekk tkun tifla ħalluha tgħix.” [Eż:1:17] Il-qwiebel beżgħu minn Alla, u ma għamlux kif qalilhom is-sultan ta' l-Eġittu, imma ħallew is-subjien ħajjin. [Eż:1:18] Għalhekk is-sultan ta' l-Eġittu sejjaħ lill-qwiebel u staqsiehom: “Għala għamiltu hekk, u ħallejtu lis-subjien ħajjin?” [Eż:1:19] U l-qwiebel wieġbu lill-Fargħun: “In-nisa Għebrej m'humiex bħan-nisa Eġizzjani; billi huma b'saħħithom ikunu ħelsu qabel ma tasal għandhom il-qabla.” [Eż:1:20] Għalhekk Alla għamel il-ġid mal-ġwiebel. U l-poplu baqa' joktor u jissaħħaħ ħafna. [Eż:1:21] U Alla ta familji lill-qwiebel talli beżgħu minnu.

[Eż:1:22] Il-Fargħun imbagħad ordna lin-nies kollha tiegħu, u qalilhom: “Ixħtu fix-xmara s-subjien li jitwieldu u ħallu l-bniet kollha jgħixu.”

2. It-twelid ta' Mosè

[Eż:2:1] Kien hemm raġel mit-tribù ta' Levi, li ħa b'martu lil waħda min-nisel ta' Levi. [Eż:2:2] Il-mara tqalet u wildet iben; billi rat li kien tifel sabiħ, żammitu moħbi għal tliet xhur. [Eż:2:3] Meta ma setgħetx taħbih aktar, ħadet qoffa tal-papiru, dilkitha bil-qatran u ż-żift, qiegħdet it-tifel fiha, u qegħditha qalb is-simar f'xatt ix-xmara Nil. [Eż:2:4] Oħtu qagħdet ftit 'il bogħod biex tara x'se jiġrilu.

[Eż:2:5] Niżlet bint il-Fargħun biex tgħum fin-Nil, waqt li l-qaddejja tagħha kienu jitlajjaw fuq xatt ix-xmara. Hi lemħet il-qoffa f'nofs is-simar, u bagħtet qaddejja ġġibhielha. [Eż:2:6] Malli fetħitha, rat it-tarbija; u t-tifel kien qiegħed jibki. Tħassritu u qalet: “Dan hu wieħed minn ulied l-Għebrej.” [Eż:2:7] U oħt it-tarbija qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insejjaħlek waħda mill-imreddgħa ta' l-Għebrej biex treddagħlek it-tarbija?” [Eż:2:8] U bint il-Fargħun wieġbet: “Mur!” U x-xbejba marret u sejjħet lil omm it-tarbija. [Eż:2:9] U qaltilha bint il-Fargħun: “Ħu 'l din it-tarbija u reddagħhieli, u jiena nħallsek kemm ikun ħaqqek.” U l-mara ħadet it-tarbija u reddgħetha. [Eż:2:10] Meta t-tifel kiber, ħaditu għand bint il-Fargħun, li kienet tqisu tagħha, u semmietu Mosè, “għax,” qalet, “salvajtu mill-ilma.”

Mosè f'Midjan

[Eż:2:11] Darba waħda Mosè, meta kiber, mar ħdejn ħutu u ra x-xogħol iebes tagħhom, u lemaħ lil wieħed Eġizzjan isawwat lil wieħed mill-Għebrej ħutu. [Eż:2:12] Dar u ħares madwaru, ra li ma kien hemm ħadd, qatel l-Eġizzjan u difnu fir-ramel. [Eż:2:13] L-għada raġa' ħareġ u ra żewġt irġiel Għebrej jiġġieldu; u qal lill-ħati: “Għala qiegħed taħbat għal sieħbek?” [Eż:2:14] U dan wieġbu: “Min qiegħdek kap u mħallef fuqna? Jaqaw trid toqtolni bħalma qtilt l-Eġizzjan?” Mosè beża' u qal: “Mela jafu b'din il-ħaġa.” [Eż:2:15] Malli l-Fargħun sama b'dan, fittex lil Mosè biex joqtlu; imma Mosè ħarab u mar fl-art ta' Midjan. Hemm qagħad bilqiegħda ħdejn bir.

[Eż:2:16] Il-qassis ta' Midjan kellu sebat ibniet; u dawn ġew jimlew l-ilma u mlew il-ħwat biex jisqu l-merħla ta' missierhom. [Eż:2:17] Kif waslu r-rgħajja warrbuhom, imma Mosè qam u qabeż għalihom u sqielhom il-merħla tagħhom. [Eż:2:18] Meta x-xebbiet marru għand missierhom, li kien jismu Regħwel, staqsiehom: “Kemm ġejtu kmieni llum? Għaliex?” [Eż:2:19] U huma weġbuh: “Wieħed Eġizzjan ħelisna minn idejn ir-rgħajja u mlielna hu wkoll u sqielna n-nagħaġ.” [Eż:2:20] Missierhom staqsiehom: “Fejn hu? Għaliex ħallejtuh hemm lil dan ir-raġel? Sejjħulu biex jiekol biċċa ħobż magħna.” [Eż:2:21] Mosè għoġbu li joqgħod ma' dak ir-raġel; u dan tah lil bintu Siffora b'martu. [Eż:2:22] Din kellha tifel u semmietu Gersum; “għax,” qal Mosè, “jien stranġier f'art barranija.”

[Eż:2:23] Għadda ż-żmien u miet is-sultan ta' l-Eġittu; u wlied Iżrael bdew jitniehdu taħt il-jasar u jgħajjtu. L-għajat tagħhom mill-jasar wasal sa għand Alla. [Eż:2:24] U Alla sama' l-krib tagħhom u ftakar fil-patt tiegħu ma' Abraham, ma' Iżakk u ma' Ġakobb. [Eż:2:25] Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f'liema stat kienu.

3. Alla jsejjaħ lil Mosè

[Eż:3:1] Mosè kien jirgħa l-merħla ta' ħatnu Ġetru, qassis ta' Midjan, u ħa l-merħla 'l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta' Alla. [Eż:3:2] Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f'ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. [Eż:3:3] Mosè qal: “Ħa nersaq u nara din id-dehra ta' l-għaġeb għala m'hux jinħaraq l-għollieq.” [Eż:3:4] Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!” U Mosè wieġeb: “Hawn jien!” [Eż:3:5] U l-Mulej qallu: “La tersaqx 'l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa.” [Eż:3:6] U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta' missirijietek: Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk u Alla ta' Ġakobb.” Mosè għatta wiċċu, għax beża' jħares lejn Alla.

[Eż:3:7] U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. [Eż:3:8] Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f'art tajba u wiesgħa, f'art tnixxi ħalib u għasel, art il-Kangħanin u l-Ħittin, l-Amurrin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin. [Eż:3:9] U issa, ara, il-karba ta' wlied Iżrael waslet sa għandi, u rajt ukoll it-tgħakkis li bih qegħdin jgħakksuhom l-Eġizzjani. [Eż:3:10] Ejja, mela, ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-poplu tiegħi, mill-Eġittu.” [Eż:3:11] Mosè wieġeb lil Alla: “Min jien biex immur quddiem il-Fargħun u noħroġ lil ulied Iżrael mill-Eġittu?” U Alla wieġbu: [Eż:3:12] “Jiena nkun miegħek, u dan ikun is-sinjal li jien bgħattek: meta tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom tqimu lil Alla fuq din il-muntanja.”

L-Isem ta' Alla

[Eż:3:13] Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” [Eż:3:14] Alla wieġbu: “JIEN LI JIEN.” U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael, 'JIENA-HU bagħatni għandkom.’ ” [Eż:3:15] U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: 'Jahweh, Alla ta' missirijietkom, Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, Alla ta' Ġakobb, bagħatni għandkom.' Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel. [Eż:3:16] Mur u iġbor ix-xjuħ ta' Iżrael u għidilhom: 'Il-Mulej, Alla ta' Missirijietkom, Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, Alla ta' Ġakobb, deherli u qalli: Ħsibt fikom u x'qegħdin jagħmlulkom fl-Eġittu Eż:3:17] Jien inwegħedkom li ntellagħkom mit-tbatija ta' l-Eġittu, f'art il-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, f'art tnixxi ħalib u għasel.' [Eż:3:18] Huma jisimgħu kliemek, u int u x-xjuħ ta' Iżrael tmorru għand is-sultan ta' l-Eġittu u tgħidulu: 'Il-Mulej, Alla ta' l-Għebrej, ltaqa' magħna. U issa, nitolbuk, ħallina nitbiegħdu tlitt ijiem mixi fid-deżert biex hemm noffru sagrifiċċji lill-Mulej Alla tagħna.' [Eż:3:19] Jien naf li s-sultan ta' l-Eġittu ma jħallikomx toħorġu mingħajr ma jkun imġiegħel b'saħħa. [Eż:3:20] Għalhekk jiena mmidd idejja u nolqot lill-Eġittu bl-għeġubijiet li nagħmel fih; wara dan il-Fargħun iħallikom tmorru. [Eż:3:21] U jien nagħmel mod li dan il-poplu jkollu r-rispett ta' l-Eġizzjani, u meta titilqu ma titilqux b'idejkom vojta, [Eż:3:22] iżda kull mara titlob lill-ġâra tagħha, u 'l dik li tgħammar f'darha, ħwejjeġ tal-fidda u deheb, u lbiesi, u intom tlibbsuhom lil uliedkom subjien u bniet; u hekk intom tneżżgħu lill-Eġizzjani.”

4. Mosè u s-setgħa tal-mirakli

[Eż:4:1] U Mosè wieġeb: “Ara, ma jemmnunix, u anqas jisimgħu minn kliemi, u jgħidu: 'Il-Mulej ma deherlikx.' [Eż:4:2] Il-Mulej wieġbu: “X'għandek f'idejk?” u Mosè wieġeb: “Ħatar.” [Eż:4:3] U hu qallu: “Ixħtu fl-art.” U hu xeħtu fl-art, u sar serp; u Mosè ħarab minnu. [Eż:4:4] U l-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek, u aqbdu minn denbu” - u medd idu u qabdu, u sar ħatar f'idu - [Eż:4:5] “Sabiex jemmnu li deherlek il-Mulej, Alla ta' missirijiethom, Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, Alla ta' Ġakobb.” [Eż:4:6] Il-Mulej raġa’ qallu: “Daħħal idek f'ħobbok.” U hu daħħal idu f’ħobbu; u meta ħariġha sabha mimlija lebra, bajda bħas-silġ. [Eż:4:7] U Alla qallu: “Erġa' daħħal idek f'ħobbok.” Għalhekk raġa’ daħħal idu f'ħobbu, u meta ħariġha reġgħet għal li kienet bħall-bqija ta' ġismu. [Eż:4:8] “Jekk ma jemmnukx,” Alla qallu, “jew ma jagħtux kas ta' l-ewwel sinjal, jistgħu jemmnu fit-tieni sinjal. [Eż:4:9] Jekk imbagħad ma jemmnux lanqas dawn iż-żewġ sinjali u lanqas jisimgħu minn kliemek, int ħu ftit mill-ilma tan-Nil u sawwbu fuq l-art niexfa; u l-ilma li int tieħu min-Nil isir demm fuq l-art.”

[Eż:4:10] Iżda Mosè qal lill-Mulej: “Jaħasra, Sidi, ma ninqalax biex nitkellem jien, la qabel u lanqas issa li int kellimt lill-qaddej tiegħek; jien tqil f'fommi u f'ilsieni.” [Eż:4:11] Il-Mulej wieġbu: “Min għamel fomm il-bniedem? Min għamel l-imbikkem, it-trux, u l-agħma u 'l min jara? M'hux jien, il-Mulej? [Eż:4:12] Mela issa mur, u jien inkun ma' fommok u ngħallmek x'għandek tgħid.” [Eż:4:13] Mbagħad Mosè wieġeb: “Jaħasra, Mulej, ibgħat, nitolbok lil xi ħaddieħor!” [Eż:4:14] Il-Mulej xegħel bil-qilla kontra Mosè u qallu: “M'hemmx ħuk Aron, il-Levita? Naf li hu jitkellem tajjeb; u hu joħroġ jiltaqa' miegħek, u kif jarak qalbu timtela bil-ferħ. [Eż:4:15] U int titkellem miegħu u tqegħedlu l-kliem f'fommu, u jien inkun ma' fommok u ma' fommu, u ngħallimkom x'għandkom tagħmlu. [Eż:4:16] Hu jkellem għalik in-nies, ikun għalik ta' fomm, u int tkun għalih ta' Alla. [Eż:4:17] U int tieħu f'idejk dan il-ħatar, li bih tagħmel is-sinjali.”

Mosè jmur lura l-Eġittu

[Eż:4:18] Mosè raġa’ mar għand Ġetru, ħatnu, u qallu: “Ħallini mmur għand niesi l-Eġittu u nara għadhomx ħajjin.” U Ġetru qal lil Mosè: “Mur bis-sliem.” [Eż:4:19] U l-Mulej qal lil Mosè f'Midjan: “Mur lura l-Eġittu; għax in-nies li kienu jfittxulek ħajtek mietu lkoll.” [Eż:4:20] Għalhekk Mosè ħa 'l martu u 'l uliedu, u rikkibhom fuq il-ħmar u raġa’ mar lejn l-art ta' l-Eġittu; u ħa f'idu l-ħatar ta' Alla.

[Eż:4:21] U l-Mulej qal lil Mosè: “Meta int tmur lura l-Eġittu, qis li tagħmel quddiem il-Fargħun il-mirakli li jien tajtek is-setgħa li tagħmel; iżda jien inwebbislu qalbu, u ma jħallix il-poplu jitlaq. [Eż:4:22] U int tgħid lill-Fargħun: 'Dan jgħid il-Mulej: Iżrael hu ibni l-kbir, [Eż:4:23] u jien ngħidlek: Ibgħat lil ibni biex iqimni; jekk int ma tridx tibagħtu, arani, jien sa noqtol 'l ibnek il-kbir.’ ”

[Eż:4:24] Fit-triq, meta waqaf għal-lejl, il-Mulej iltaqa' miegħu u ried joqtlu. [Eż:4:25] Mbagħad Siffora ħadet biċċa żnied u ħatnet lil binha biha, u messet riġlejn Mosè u qalet: “Għarus id-demm int għalija!” [Eż:4:26] U l-Mulej telqu. Siffora minħabba ċ-ċirkonċiżjoni qalet: “Għarus id-demm int.”

[Eż:4:27] Il-Mulej qal lil Aron: “Oħroġ fid-deżert biex tiltaqa' ma' Mosè.” U hu ħareġ u ltaqa' miegħu ħdejn il-muntanja ta' Alla u biesu. [Eż:4:28] U Mosè qallu kull ma kien qallu l-Mulej li kien bagħtu, u bis-sinjali li kien ordnalu jagħmel. [Eż:4:29] Mbagħad Mosè u Aron marru u ġemgħu x-xjuħ kollha tal-poplu ta' Iżrael. [Eż:4:30] U Aron qalilhom il-kliem kollu li l-Mulej kien qal lil Mosè, u għamel is-sinjali quddiem il-poplu. [Eż:4:31] Il-poplu emmen, u meta semgħu li Alla żar il-poplu ta' Iżrael u li hu ra t-tbatija tagħhom, baxxew rashom iqimu lil Alla.

5. Mosè u Aron quddiem il-Fargħun

[Eż:5:1] Mbagħad Mosè u Aron marru għand il-Fargħun u qalulu: “Hekk jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Ħalli l-poplu tiegħi jitlaq, u jagħmilli festa fid-deżert.’ ” [Eż:5:2] Iżda l-Fargħun wieġeb: “Min hu l-Mulej, biex jien nisma' minn kliemu u nħalli lil Iżrael jitlaq? Il-Mulej ma nafx min hu, u 'l Iżrael ma nħallihx jitlaq.” [Eż:5:3] U huma weġbuh: “Alla ta' l-Għebrej ġie quddiemna. Ħa mmorru tlitt ijiem mixi fid-deżert u noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej Alla tagħna, li ma jmurx jaħbat għalina bil-pesta jew bis-sejf.” [Eż:5:4] Is-sultan ta' l-Eġittu weġibhom: “Mosè u Aron, għaliex qegħdin tisfrattaw in-nies minn fuq xogħolhom? Morru fuq xogħolkom.” [Eż:5:5] U l-Fargħun qalilhom ukoll: “Araw, il-poplu ta' din l-art kiber; u intom qegħdin twaqqfuhom mix-xogħol.” [Eż:5:6] Dak in-nhar il-Fargħun ordna lil dawk li jieħdu ħsieb ix-xogħol u 'l dawk ta' fuq il-ħaddiema u qalilhom: [Eż:5:7] “Tagħtux aktar tiben bħal qabel lin-nies biex jagħmlu l-madum; ħa jmorru huma jlaqqtu t-tiben. [Eż:5:8] Iżda agħtuhom madum x'jagħmlu daqs kemm kienu jagħmlu qabel, tnaqqsulhom xejn, għax ma għandhomx x'jagħmlu; għalhekk qegħdin jgħajjtu u jgħidu: 'Ħa mmorru u noffru s-sagrifiċċji lil Alla tagħna.' [Eż:5:9] Lil dawn in-nies agħtuhom xogħol iebes ħalli jaħdmu u ma jagħtux widen għal kliem il-gideb.”

[Eż:5:10] Għalhekk l-argużini u dawk ta' fuq il-ħaddiema marru u qalulhom: “Hekk qal il-Fargħun: 'Ma nagħtikomx aktar tiben. [Eż:5:11] Morru intom u laqqtu t-tiben minn fejn issibuh, iżda x-xogħol ma għandu jonqos b'xejn.’ ” [Eż:5:12] U l-poplu xtered ma' l-art kollha ta' l-Eġittu biex jiġbor il-ħuxlief flok it-tiben. [Eż:5:13] U l-argużini kienu jgħidulhom: “Agħmlu x-xogħol li għandkom tagħmlu kull jum, fil-jum tiegħu, bħal meta kellkom it-tiben.” [Eż:5:14] U 'l dawk ta' fuq il-ħaddiema minn ulied Iżrael, li għamlulhom fuqhom l-argużini tal-Fargħun, kienu jsawwtuhom u jgħidulhom: “Għaliex ma temmejtux ix-xogħol tal-madum li kellkom tagħmlu bħas-soltu, la lbieraħ u lanqas illum?” [Eż:5:15] U dawk ta' fuq il-ħaddiema minn ulied Iżrael marru jilmintaw quddiem il-Fargħun u jgħidulu: “Għaliex qiegħed tagħmel hekk lill-qaddejja tiegħek? [Eż:5:16] Ma jagħtux tiben, lilna l-qaddejja tiegħek, u mbagħad jgħidulna: 'Agħmlu l-madum.' Arahom imbagħad isawwtu lill-qaddejja tiegħek. Il-ħtija hi ta' niesek.” [Eż:5:17] Imma hu weġibhom: “Intom għażżiena, ma għandkomx x'tagħmlu. Għalhekk qegħdin tgħidu: 'Ħa mmorru u noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej.' [Eż:5:18] Issa fittxu morru aħdmu, tiben ma jagħtukomx, imma x-xogħol tal-madum tridu tagħmluh.” [Eż:5:19] Dawk ta' fuq il-ħaddiema minn ulied Iżrael raw li qegħdin ħażin meta qalulhom: “Ma għandkom bl-ebda mod tnaqqsu mill-madum li għandkom tagħmlu kull jum minn jum għal ieħor.” [Eż:5:20] Meta ħarġu mingħand il-Fargħun iltaqgħu ma' Mosè u Aron jistennewhom u qalulhom: [Eż:5:21] “Il-Mulej jixħet għajnejh fuqkom u jagħmel ħaqq. Minħabba fikom il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu ma jistgħux iġerrhuna iżjed; tajtuhom xabla f'idejhom biex joqtluna.”

Il-kastigi ta' l-Eġittu

[Eż:5:22] Mosè raġa’ għand il-Mulej u qallu: “Sidi, għaliex għamilt id-deni lil dan il-poplu? Għaliex bgħattni? [Eż:5:23] Minn mindu mort inkellem lill-Fargħun f'ismek, lil dan il-poplu għamillu iżjed ħsara u int ma ħlist bl-ebda mod il-poplu tiegħek!”

6. Il-kastigi ta' l-Eġittu

[Eż:6:1] U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Issa tara x'nagħmel lill-Fargħun, għax bis-saħħa jkollu jibgħathom, u bis-saħħa jkeċċihom 'il barra minn pajjiżu.”

[Eż:6:2] U raġa’ kellem lil Mosè u qallu: “Jiena Jahweh. [Eż:6:3] Jien dhert lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb bħala El-Xaddaj. Imma ismi Jahweh ma għarrafthulhomx. [Eż:6:4] Jien għamilt ukoll il-patt tiegħi magħhom, li nagħtihom l-art ta' Kangħan, l-art fejn kienu jiġġerrew fiha bħala barranin. [Eż:6:5] U issa wkoll smajt il-krib ta' wlied Iżrael, miżmuma b'ilsiera mill-Eġizzjani, u ftakart fil-patt tiegħi. [Eż:6:6] Għalhekk għid lil ulied Iżrael: 'Jiena Jahweh, u jien noħroġkom minn taħt il-madmad ta' l-Eġittu u neħliskom mill-jasar tagħkom, u nifdikom bis-saħħa ta' driegħi u nagħmel ħaqq minnhom b'għemejjel kbar. [Eż:6:7] Jien naħtarkom u neħodkom biex tkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħkom, u tkunu tafu li jien Jahweh, il-Mulej, Alla tagħkom, li ħeliskom minn taħt il-madmad ta' l-Eġittu. [Eż:6:8] U nwassalkom fl-art li jien b'idi merfugħa ħlift li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk, lil Ġakobb, u li nagħtiha lilkom biex tirtuha. Jien hu Jahweh.’ ” [Eż:6:9] U Mosè kellem hekk lil ulied Iżrael u ma semgħux minnu minħabba l-qtigħ il-qalb u l-kefrija tal-jasar.

[Eż:6:10]Il-Mulej kellem li Mosè u qallu: [Eż:6:11] “Mur kellem lill-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, biex iħalli 'l ulied Iżrael jitilqu minn artu.” [Eż:6:12] U Mosè tkellem quddiem il-Mulej u qal: “Ara, ulied Iżrael ma semgħux minni, se jisma' minni l-Fargħun, jien li ma għandix xufftejja maħtuna?” [Eż:6:13] U l-Mulej kellem lil Mosè u 'l Aron dwar ulied Iżrael u l-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u ordnalhom biex joħorġu 'l ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu.

In-nisel ta' Iżrael

[Eż:6:14] Dawn huma l-kapijiet ta' djar missirijiethom: ulied Ruben, l-iben il-kbir ta' Iżrael: Ħenok u Pallu, Ħesron u Karmi; dawn huma l-familji ta' Ruben. [Eż:6:15] Ulied Simgħon: Ġamwel u Ġamin u Aħod, u Ġakin u Soħar, u Sawl bin il-Kangħanija. Dawn huma l-familji ta' Simgħon. [Eż:6:16] U dawn huma l-ismijiet ta' wlied Levi skond in-nisel tagħhom: Gersum u Keħat u Merari; u Levi għex mija u sebgħa u tletin sena. [Eż:6:17] Ulied Gersum: Libni u Semgħi bil-familji tagħhom. [Eż:6:18] U ulied Keħat: Għamram u Isħar u Ħebron u Għużżijel. Keħat għex mija u tlieta u tletin sena. [Eż:6:19] Ulied Merari: Maħli u Musi. Dawn huma l-familji ta' Levi skond in-nisel tagħhom. [Eż:6:20] Għamram iżżewweġ lil Ġokebed, lil oħt missieru, u wilditlu lil Aron u 'l Mosè. Għamram għex mija u sebgħa u tletin sena. [Eż:6:21] Ulied Isħar: Koraħ u Nefeg u Żikri. [Eż:6:22] Ulied Għużżijel: Misael u Elisafan, u Sitri. [Eż:6:23] Aron iżżewweġ lil Elisaba, bint Għamminadab, oħt Naħson, u wilditlu 'l Nadab, 'l Abiħu, 'l Elgħażar, u 'l Itamar. [Eż:6:24] Ulied Koraħ: Assir u Elkana u Abijasaf; dawn huma l-familji tal-Koraħin. [Eż:6:25] Elgħażar, bin Aron, iżżewweġ lil waħda mill-bniet ta' Putijel, u wilditlu 'l Fineħas. Dawn huma l-kapijiet tal-familji ta' missirijiet il-Leviti, skond il-familji tagħhom.

[Eż:6:26] Dawn huma Aron u Mosè li l-Mulej qalilhom: “Oħorġu lil ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu bil-qtajja' tagħhom.” [Eż:6:27] Kienu huma li tkellmu quddiem il-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, biex joħorġu lil ulied Iżrael mill-Eġittu: Mosè u Aron.

[Eż:6:28] Dakinhar li l-Mulej kellem lil Mosè fl-art ta' l-Eġittu, [Eż:6:29] il-Mulej qal lil Mosè: “Jiena Jahweh: għid lill-Fargħun kull ma jien se ngħidlek.” [Eż:6:30] U Mosè wieġeb quddiem il-Mulej: “Hawn jien, jien m'għandix xufftejja maħtuna, u kif jisma' minni l-Fargħun?”

7. In-nisel ta' Iżrael

[Eż:7:1] U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Arani, jien nagħmlek qisek Alla għall-Fargħun; u Aron ħuk ikun il-profeta tiegħek. [Eż:7:2] Int tgħidlu kull ma nordnalek jien, u Aron ħuk ikellem lill-Fargħun biex jibgħat lil ulied Iżrael minn artu. [Eż:7:3] U jien inwebbes qalb il-Fargħun, u għalkemm nagħmel kotra ta' sinjali u mirakli fl-art ta' l-Eġittu, [Eż:7:4] b'dan kollu l-Fargħun ma jismax minnkom. U mmidd idejja fuq l-Eġittu u noħroġ il-qtajja' tal-poplu tiegħi, 'l ulied Iżrael, mill-art ta' l-Eġittu, u nagħmel ħaqq minnhom b'kastigi kbar. [Eż:7:5] U l-Eġizzjani mbagħad jagħrfu li jien il-Mulej, meta mmidd idejja fuq l-Eġittu, u noħroġ lil ulied Iżrael minn ġo nofshom.” [Eż:7:6] U hekk għamlu Mosè u Aron, għamlu kif ordnalhom il-Mulej. [Eż:7:7] U Mosè kellu tmenin sena u Aron tlieta u tmenin meta kellmu lill-Fargħun.

Il-ħatar isir serp

[Eż:7:8] U l-Mulej kellem lil Mosè u 'l Aron u qalilhom: [Eż:7:9] ̋Meta l-Fargħun ikellimkom u jgħidilkom: 'Agħmlu xi miraklu', inti għid lil Aron: 'Ħu l-ħatar tiegħek, u ixħtu fl-art quddiem il-Fargħun. Dan isir serp.’ ” [Eż:7:10] U Mosè u Aron marru quddiem il-Fargħun u għamlu hekk kif kien ordnalhom il-Mulej: Aron xeħet il-ħatar tiegħu quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu, u dan sar serp. [Eż:7:11] Mbagħad il-Fargħun sejjaħ l-għorrief u s-saħħara; u huma wkoll, is-saħħara ta' l-Eġittu, għamlu hekk bis-sħarijiet tagħhom. [Eż:7:12] Kull wieħed xeħet il-ħatar tiegħu, u dawn saru sriep. Imma l-ħatar ta' Aron bala' l-oħtra tagħhom. [Eż:7:13] Il-qalb tal-Fargħun twebbset u ma samax minnhom, kif kien qal il-Mulej.

L-ilma jsir demm

[Eż:7:14] U l-Mulej qal lil Mosè: “Qalb il-Fargħun twebbset, u ma jridx jitlaq il-poplu. [Eż:7:15] Mur għand il-Fargħun fil-għodu, hu u ħiereġ lejn ix-xmara, u oqgħod stennieh ħdejn ix-xatt biex tkellmu, u ħu f'idejk il-ħatar li kien inbidel f'serp. [Eż:7:16] U int għidlu: 'Il-Mulej, Alla ta' l-Għebrej, bagħatni għandek ngħidlek: Itlaq il-poplu tiegħi biex jagħtini qima fid-deżert, u int s'issa ma smajtx. Dan jgħid il-Mulej: [Eż:7:17] 'B'dan tagħraf li jien il-Mulej: Arani se nagħti b'dan il-ħatar fuq l-ilma tan-Nil u dan isir demm, [Eż:7:18] u jmut il-ħut li hemm fin-Nil, u tinten in-Nil u l-Eġizzjani jiddardru jixorbu minnha.’ ” [Eż:7:19] U l-Mulej kellem lil Mosè: “Għid lil Aron: 'Ħu l-ħatar tiegħek u midd idek fuq l-ilmijiet ta' l-Eġittu, fuq ix-xmajjar tagħhom, fuq is-swieqi tagħhom, fuq l-għadajjar u l-ġwiebi kollha ta' l-ilma tagħhom, u dawn isiru demm. U jkun hemm id-demm ma' l-art kollha ta' l-Eġittu, sew fil-ġarar ta' l-għuda sew fil-ġarar tal-ġebel.’ ”

[Eż:7:20] U għamlu hekk Mosè u Aron, kif ordnalhom il-Mulej. Aron rafa' idu u ta daqqa fuq l-ilma tan-Nil quddiem il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu. U l-ilma kollu li hemm fin-Nil sar demm. [Eż:7:21] U l-ħut li hemm fix-xmara miet, u nitnet in-Nil u l-Eġizzjani ma setgħux jixorbu mill-ilma tan-Nil. U kien hemm id-demm ma' l-art kollha ta' l-Eġittu. [Eż:7:22] U s-saħħara Eġizzjani għamlu hekk ukoll bis-sħarijiet tagħhom. U qalb il-Fargħun twebbset u ma tahomx widen, bħalma kien qalilhom il-Mulej. [Eż:7:23] Il-Fargħun dar u raġa’ lura f'daru, u fuq dan anqas biss qagħad jaħseb. [Eż:7:24] U l-Eġizzjani ħaffru madwar ix-xmara għall-ilma x'jixorbu, għaliex ma setgħux jixorbu mill-ilma tax-xmara.

Iż-żrinġijiet

[Eż:7:25] Għaddew sebat ijiem minn meta l-Mulej ħabat għax-xmara. [Eż:7:26] Mbagħad il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Mur għand il-Fargħun, u għidlu: 'Dan qal il-Mulej: Ibgħat il-poplu tiegħi biex jagħtini qima. [Eż:7:27] U jekk inti ma tridx tibgħathom, arani, jien sa nimlielkom l-art kollha biż-żrinġijiet. [Eż:7:28] Ix-xmara Nil tiżgħed biż-żrinġijiet, u jitilgħu u jidħlu f'darek, fil-kamra ta' soddtok, fuq friexek, fid-dar tal-qaddejja tiegħek u tal-poplu tiegħek; u fil-fran u fil-lniebi tiegħek. [Eż:7:29] Iż-żrinġijiet jitilgħu għalik, għall-poplu tiegħek u għall-qaddejja tiegħek kollha.’ ”

8. Iż-żrinġijiet

[Eż:8:1] Il-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil Aron: 'Midd idek bil-ħatar fuq ix-xmajjar, fuq is-swieqi u fuq l-għadajjar u tella' ż-żrinġijiet għal fuq l-art ta' l-Eġittu.’ ” [Eż:8:2] Aron medd idu fuq l-ilmijiet ta' l-Eġittu; u tella' ż-żringijiet u dawn ksew l-art ta' l-Eġittu. [Eż:8:3] U s-saħħara bis-sħarijiet tagħhom tellgħu huma wkoll iż-żrinġijiet għal fuq l-art ta' l-Eġittu.

[Eż:8:4] Mbagħad il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Itolbu lill-Mulej ineħħi ż-żrinġijiet minn dari, minn fost il-poplu tiegħi, u jien nibgħat lill-poplu biex joffri s-sagrifiċċji lill-Mulej.” [Eż:8:5] U Mosè wieġeb lill-Fargħun: “Meta jogħġbok, għidli meta tridni nitlob għalik u għall-qaddejja tiegħek u għall-poplu tiegħek, biex jinqerdu ż-żrinġijiet minnek u minn darek u mill-qaddejja tiegħek, u jibqgħu biss fin-Nil.” [Eż:8:6] U l-Fargħun wieġeb: “Għada.” U Mosè wieġeb: “Kif għedt isir, biex tkun taf li ħadd m'hemm bħall-Mulej, Alla tagħna. [Eż:8:7] Iż-żrinġijiet jitbiegħdu minnek, u minn darek, u mill-qaddejja tiegħek, u jibqgħu biss fin-Nil.” [Eż:8:8] U Mosè u Aron ħarġu minn quddiem il-Fargħun; u Mosè għajjat u sejjaħ lill-Mulej minħabba ż-żrinġijiet kif kien ftiehem mal-Fargħun. [Eż:8:9] Il-Mulej għamel kif talbu Mosè u mietu ż-żrinġijiet fid-djar, fl-irħula u fir-raba'. [Eż:8:10] U ġabruhom gods gods, u l-art nitnet. [Eż:8:11] Meta l-Fargħun ra li l-art ħadet ir-ruħ qalbu twebbset u ma tahomx widen, kif kien qalilhom il-Mulej.

In-nemus

[Eż:8:12] U l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil Aron, 'Ħu u midd il-ħatar tiegħek u olqot bih it-trab ta' l-art u jinbidel f'nemus fl-art kollha ta' l-Eġittu.' ” [Eż:8:13] U għamlu hekk; Aron midd idu bil-ħatar u laqat it-trab ta' l-art u sar nemus fuq in-nies u l-bhejjem, għax it-trab ta' l-art sar nemus fl-art kollha ta' l-Eġittu. [Eż:8:14] U s-saħħara għamlu l-istess bis-sħarijiet tagħhom biex joħorġu n-nemus mit-trab, iżda ma setgħux. In-nemus kien fuq in-nies u l-bhejjem. [Eż:8:15] U s-saħħara qalu lill-Fargħun: “Is-sebgħa ta' Alla dan!”. Iżda qalb il-Fargħun twebbset u ma tahomx widen, bħalma kien qalilhom il-Mulej.

Id-dubbien

[Eż:8:16] U l-Mulej qal lil Mosè: “Qum fil-għodu kmieni u mur quddiem il-Fargħun, ara, hu joħroġ lejn ix-xmara u inti għidlu: 'Dan jgħid il-Mulej: Ibgħat il-poplu tiegħi biex jagħtini qima. [Eż:8:17] Għax jekk ma tibgħatx il-poplu tiegħi, arani, se nibgħatlek id-dubbien, lilek u lill-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek u fid-djar tiegħek; u jimtlew id-djar ta' l-Eġittu bid-dubbien u wkoll l-art li huma fuqha. [Eż:8:18] Dakinhar nifred l-art ta' Gosen, li fiha qiegħed jgħix il-poplu tiegħi, sabiex hemm ma jkunx hemm dubbien, biex tkun taf li jien il-Mulej f'nofs l-art. [Eż:8:19] U jien nagħmel għażla bejn il-poplu tiegħi u bejn il-poplu tiegħek; u dan is-sinjal iseħħ għada. ' ” [Eż:8:20] U hekk għamel il-Mulej; u daħlu qtajja' ta' dubbien fid-dar tal-Fargħun, fid-djar tal-qaddejja tiegħu, u fl-art kollha ta' l-Eġittu, u tħassret l-art minħabba d-dubbien.

[Eż:8:21] Il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u 'l Aron u qalilhom: “Morru u offru sagrifiċċji lil Alla tagħkom fil-pajjiż.” [Eż:8:22] U Mosè wieġeb: “M'hux sewwa li nagħmlu dan, għaliex ma togħġobx lill-Eġizzjani li aħna noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħna. U jekk aħna noffru xi ħaġa quddiemhom, li jistkerrhu l-Eġizzjani, ma jħaġġruniex? [Eż:8:23] Ħalli mmorru tlitt ijiem 'il bogħod fid- deżert, u noffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħna, kif jgħidilna hu.” [Eż:8:24] U l-Fargħun wieġeb: “Jiena se nħallikom tmorru u intom toffru s-sagrifiċċji lill-Mulej, Alla tagħkom, fid-deżert. Biss tmorrux 'il bogħod wisq, u itolbu għalija.” [Eż:8:25] U Mosè wieġeb: “Arani, jien ħiereġ minn quddiemek u nitlob lill-Mulej għalik biex id-dubbien jitlaq lill-Fargħun u l-qaddejja tiegħu u l-poplu tiegħu, għada stess. Biss il-Fargħun ma għandux ikompli jqarraq bina, billi ma jħallix il-poplu jitlaq u jmur joffri s-sagrifiċċji lill-Mulej.” [Eż:8:26] U Mosè ħareġ minn quddiem il-Fargħun u talab lill-Mulej. [Eż:8:27] U l-Mulej għamel kull ma qallu Mosè, u d-dubbien warrab mingħand il-Fargħun, u l-qaddejja tiegħu, u minn fuq il-poplu; u lanqas waħda ma baqgħet. [Eż:8:28] Iżda qalb il-Fargħun reġgħet twebbset din id-darba wkoll, u ma telaqx il-poplu.

9. Il-pesta

[Eż:9:1] Il-Mulej kellem lil Mosè: “Mur għand il-Fargħun u għidlu: 'Hekk jgħid il-Mulej, Alla ta' l-Għebrej: Itlaq lill-poplu tiegħi ħalli jagħtini qima. [Eż:9:2] Għaliex jekk inti ma tridx titlaqhom u tibqa' żżommhom, [Eż:9:3] id il-Mulej tinżel fuqek u ġġiblek pesta qalila fuq l-imrieħel tiegħek li hemm fir-raba', u ż-żwiemel, il-ħmir, l-iġmla, il-baqar u n-nagħaġ. [Eż:9:4] Imma l-Mulej jagħmel għażla bejn l-imrieħel ta' Iżrael u l-imrieħel ta' l-Eġittu, u xejn ma jmut minn dak li hu ta' wlied Iżrael.’ ” [Eż:9:5] U l-Mulej għażel iż-żmien u qal: “Għada l-Mulej jagħmel dan fl-art.” [Eż:9:6] U l-għada l-Mulej għamel dan. U mietu l-imrieħel kollha ta' l-Eġittu, u mill-imrieħel ta' wlied Iżrael ma miet ħadd. [Eż:9:7] U l-Fargħun bagħat jara; u, ara, ma kienet mietet anqas waħda mill-imrieħel ta' Iżrael. Imma qalb il-Fargħun twebbset, u ma telaqx il-poplu.

L-infafet

[Eż:9:8] U l-Mulej qal lil Mosè u 'l Aron: “Ħudu daqs ponn irmied tal-kenur, u ħalli Mosè jtajjru lejn is-sema quddiem il-Fargħun, [Eż:9:9] u jsir għabra għal fuq l-art kollha ta' l-Eġittu, u jġib dbabar li jintefħu fi nfafet fuq in-nies u l-bhejjem kollha fl-art ta' l-Eġittu.” [Eż:9:10] U ħadu l-irmied tal-kenur, u marru quddiem il-Fargħun, u Mosè tajjru lejn is-sema; u sar dbabar li jintefħu fi nfafet fuq in-nies u l-bhejjem. [Eż:9:11] U s-saħħara ma setgħux jieqfu quddiem Mosè minħabba d-dbabar; għax id-dbabar kienu fuq is-saħħara u fuq l-Eġizzjani kollha. [Eż:9:12] Iżda l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, u ma tahomx widen, kif kien qalilhom il-Mulej.

Is-silġ

[Eż:9:13] U l-Mulej qal lil Mosè: “Qum fil-għodu kmieni u mur quddiem il-Fargħun u għidlu: 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-Għebrej: Itlaq lill-poplu tiegħi biex jagħtini qima. [Eż:9:14] Din id-darba nerħi fuqek is-swat tiegħi kollu, fuq il-qaddejja tiegħek, u fuq il-poplu tiegħek kollu, biex tkun taf li m'hawnx bħali fl-art kollha. [Eż:9:15] Għax kieku s'issa middejt idi, u lqatt lilek u lill-poplu tiegħek bil-pesta, kont tkun diġà meqrud mill-art. [Eż:9:16] Imma għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-qawwa tiegħi u ismi jixxandar ma' l-art kollha. [Eż:9:17] U int għadek imkabbar mal-poplu tiegħi, u ma tħallihomx jitilqu. [Eż:9:18] Hawn issa, arani, se nibgħat għada bħalissa xita ta' silġ bil-qliel, li bħalha qatt ma kien hawn fl-Eġittu minn mindu twaqqaf sa llum. [Eż:9:19] Għalhekk issa ibgħat u iġbor għall-kenn l-imrieħel u kull ma għandek fir-raba', għax ix-xita tas-silġ se tilħaq lil kull bniedem u bhima li jkunu barra fir-raba' u ma jinġabrux id-dar, u jmutu.’ ” [Eż:9:20] U mbagħad il-qaddejja tal-Fargħun, li kienu jibżgħu mill-kelma tal-Mulej, ġabru malajr il-qaddejja u l-imrieħel tagħhom fi djarhom. [Eż:9:21] Imma dawk li ma tawx widen għall-kelma tal-Mulej, ħallew il-qaddejja u l-imrieħel tagħhom fir-raba'.

[Eż:9:22] U l-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek lejn is-sema u jinżel silġ fuq l-art kollha ta' l-Eġittu, fuq in-nies, fuq il-bhejjem u fuq il-ħaxix kollu tar-raba' fl-art ta' l-Eġittu. [Eż:9:23] U Mosè għolla l-ħatar tiegħu lejn is-sema u l-Mulej bagħat ragħad u silġ, u nar iżiġġ lejn l-art, u xita ta' silġ fuq l-art ta' l-Eġittu. [Eż:9:24] Niżel is-silġ, in-nar żiġġ f'nofs is-silġ, kienet tempesta kbira li bħalha qatt ma kien hemm minn mindu l-Eġittu sar poplu. [Eż:9:25] Is-silġ laqat l-art kollha ta' l-Eġittu u ħarbat kull ma kien hemm fir-raba', min-nies sal-bhejjem u l-ħaxix kollu tar-raba' u s-siġar kollha tar-raba', kissirhom is-silġ. [Eż:9:26] Biss fl-art ta' Gosen, fejn kien hemm ulied Iżrael, ma kienx hemm silġ.

[Eż:9:27] Il-Fargħun bagħat għal Mosè u Aron, u qalilhom: “Din id-darba għandi ħtija. Il-Mulej għandu raġun, u jien u l-poplu tiegħi huma l-ħatja. [Eż:9:28] Itolbu lill-Mulej, għax kien hawn biżżejjed ragħad ta' Alla u silġ; jien nitlaqkom u ma toqogħdux aktar hawn.” [Eż:9:29] U Mosè wieġbu: “Malli noħroġ mill-belt ngħolli idejja lejn il-Mulej; ir-ragħad jieqaf, u s-silġ ma jinżilx aktar, biex tkun taf li l-art hi tal-Mulej. [Eż:9:30] Iżda jien naf li int u l-qaddejja tiegħek għadkom ma tibżgħux mill-Mulej Alla.” [Eż:9:31] Il-kittien u x-xgħir tħarbtu, għaliex ix-xgħir kien bis-sbul u l-kittien kien bl-inwar. [Eż:9:32] Imma l-qamħ u l-ġulbiena ma ġralhom xejn, għax dawn isiru fl-aħħar.

[Eż:9:33] Mosè telaq minn quddiem il-Fargħun, u ħareġ mill-belt, u għolla idejh lejn il-Mulej, u waqaf ir-ragħad; u s-silġ u x-xita ma niżlux aktar fuq l-art. [Eż:9:34] Malli l-Fargħun ra li x-xita u r-ragħad u s-silġ waqfu, kompla jidneb u webbes qalbu, hu u l-qaddejja tiegħu. [Eż:9:35] U qalb il-Fargħun twebbset, u ma telaqx lil ulied Iżrael - kif kien qal il-Mulej permezz ta' Mosè.

10. Il-ġradijiet

[Eż:10:1] Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur għand il-Fargħun, għax jien webbistlu qalbu u qalb il-qaddejja tiegħu, biex nagħmel dawn is-sinjali tiegħi f'nofshom, [Eż:10:2] u biex ixxandar u ssamma' f'widnejn ibnek u wlied ibnek li jien qgħadt nitliegħeb bl-Eġizzjani, u s-sinjali li jien għamilt ġo nofshom, sabiex tkun tafu li jien il-Mulej.”

[Eż:10:3] U Mosè u Aron marru għand il-Fargħun u qalulu: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' l-Għebrej: 'Kemm se ddum ma tbaxxi rasek quddiemi? Itlaq lill-poplu tiegħi biex iqimni. [Eż:10:4] Jekk inti tibqa' ma tridx tibgħat lill-poplu tiegħi, arani, għada nġib il-ġradijiet fl-art ta' pajjiżek. [Eż:10:5] U huma jiksu wiċċ l-art, u ħadd ma jkun jista' jaraha, u jieklu minn dak li ħallielkom is-silġ, u jieklu kull siġra li tikbrilkom fir-raba' . [Eż:10:6] U jimlewlek djarek u d-djar tal-qaddejja tiegħek u d-dar ta' kull Eġizzjan; ħaġa li qatt ma raw missirijietek, u missier missirijietek minn mindu ilkom fuq l-art sa llum.’ ” U Mosè dawwar wiċċu u ħareġ minn quddiem il-Fargħun.

[Eż:10:7] U l-qaddejja tal-Fargħun qalulu: “Kemm se jdum ifixkilna dan il-bniedem? Itlaq l-irġiel ħa jmorru jagħtu qima lill-Mulej Alla tagħhom. Għadek ma fhimtx li l-Eġittu se jsir ħerba?” [Eż:10:8] U Mosè u Aron reġgħu lura għand il-Fargħun u qalilhom: “Morru agħtu qima lill-Mulej tagħkom. Imma min huma dawk li sejrin?” [Eż:10:9] U Mosè wieġeb: “Aħna sejrin biż-żgħażagħ u x-xjuħ tagħna, b'uliedna, bis-subjien u l-bniet tagħna, bin-nagħaġ u l-baqar tagħna. Għax għalina din hi l-festa tal-Mulej.” [Eż:10:10] U hu weġibhom: “Hekk ikun! Daqs kemm hu l-Mulej magħkom, ma nitlaqx lilkom u liż-żgħar tagħkom. ħsieb ħażin għandkom f'raskom! [Eż:10:11] M'hux hekk, jitilqu biss l-irġiel u jagħtu qima lill-Mulej, għax dan li intom tridu.” U keċċewhom minn quddiem il-Fargħun.

[Eż:10:12] U l-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq l-art ta' l-Eġittu biex jiġu l-ġradijiet fuq l-art ta' l-Eġittu, u jieklu l-ħaxix kollu ta' l-art, u kull ma ħalla sħiħ is-silġ.” [Eż:10:13] U Mosè medd il-ħatar tiegħu fuq l-art ta' l-Eġittu; il-Mulej qajjem riħ mix-xlokk il-jum u l-lejl kollu, mas-sebħ ir-riħ mix-xlokk kien ġieb il-ġradijiet. [Eż:10:14] U l-ġradijiet telgħu fuq l-art ta' l-Eġittu, u strieħu fuq ir-raba' kollu ta' l-Eġittu, kotra kbira ħafna, li bħalha qatt ma kien hemm qabel, u anqas ikun hemm wara. [Eż:10:15] U ksew wiċċ l-art kollha. L-art iddallmet bihom, u kielu l-ħaxix kollu ta' l-art, u l-frott tas-siġar kollha li kien ħalla s-silġ, u ma baqax werqa ħadra mis-siġar u mill-ħaxix tar-raba' fl-art kollha ta' l-Eġittu. [Eż:10:16] Il-Fargħun bagħat malajr għal Mosè u Aron u qalilhom: “Dnibt kontra l-Mulej, Alla tagħkom, u kontra tagħkom. [Eż:10:17] U issa aħfruli dnubi għal din id-darba, u itolbu lill-Mulej, Alla tagħkom, li jwarrab minn quddiemi din il-qerda.” [Eż:10:18] U telqu minn quddiem il-Fargħun u talbu lill-Mulej, [Eż:10:19] u l-Mulej qajjem riħ qawwi mill-baħar u rafa' l-ġradijiet, u ġarrhom għal Baħar il-Qasab; u ma baqax ġrad wieħed fl-art kollha ta' l-Eġittu. [Eż:10:20] U webbes il-Mulej qalb il-Fargħun; u dan lil ulied Iżrael ma telaqhomx.

Id-dlam

[Eż:10:21] U l-Mulej qal lil Mosè: “Erfa' idek lejn is-sema, ħa taqa' dalma fuq l-Eġittu, dalma li tmissha b'idejk.” [Eż:10:22] U Mosè għolla idu lejn is-sema, u sar dlam ċappa, fl-art kollha ta' l-Eġittu għal tlitt ijiem. [Eż:10:23] Ma kinux jaraw wieħed lil ieħor, u ħadd ma qam għal tlitt ijiem sħaħ minħabba d-dlam. U fejn kienu joqogħdu wlied Iżrael kien hemm id-dawl. [Eż:10:24] U l-Fargħun bagħat għal Mosè u qallu: “Morru agħtu qima lill-Mulej. Biss in-nagħaġ u l-baqar tagħkom ħalluhom warajkom, ħudu magħkom 'l uliedkom biss.” [Eż:10:25] U Mosè wieġeb: “Int ikollok tagħtina wkoll f'idejna vittmi għas-sagrifiċċji u l-offerti, biex noffruhom lill-Mulej, Alla tagħna. [Eż:10:26] L-imrieħel tagħna wkoll għandhom jiġu magħna; ma għandu jibqa' anqas difer wieħed, għax minnhom irridu nieħdu biex nagħtu qima lill-Mulej; u aħna ma nafux biex se nqimu lill-Mulej qabel ma naslu hemm.” [Eż:10:27] Imma l-Mulej webbes qalb il-Fargħun u ma riedx jitlaqhom. [Eż:10:28] U l-Fargħun qallu: “Itlaq minn quddiemi. Qis li ma tiġix iżjed tara 'l wiċċi, għax dak in-nhar li tara 'l wiċċi tmut.” [Eż:10:29] U Mosè wieġeb: “Kif għedt int. Wiċċek aktar ma narahx.”

11. Tħabbira ta' l-aħħar kastig

[Eż:11:1] U l-Mulej qal lil Mosè: “Baqagħli kastig ieħor x'inġib fuq il-Fargħun u l-Eġittu, u wara dan jibgħatkom minn hawn. U meta jħallikom tmorru, ikeċċikom minn hawn għalkollox. [Eż:11:2] Kellem mela lin-nies u għidilhom biex jitolbu, kull raġel mingħand ħabibu, u kull mara mingħand il-ġara, ħwejjeġ tad-deheb u ħwejjeġ tal-fidda.” [Eż:11:3] U l-Mulej għamel li l-poplu jsib l-appoġġ ta' l-Eġizzjani. U Mosè wkoll kiber ħafna fl-art ta' l-Eġittu, sew f'għajnejn il-qaddejja tal-Fargħun, sew f'għajnejn il-poplu.

[Eż:11:4] U Mosè qal: “Dan jgħid il-Mulej: Għal xi nofs il-lejl, illejla jien noħroġ f'nofs l-Eġizzjani, [Eż:11:5] u jmut l-iben il-kbir fid-djar ta' l-Eġizzjani, mill-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir ta' l-ilsira, li ddawwar il-mitħna; u kull ferħ ta' l-ewwel tal-bhejjem. [Eż:11:6] U jkun hemm twerżiqa waħda kbira fl-art kollha ta' l-Eġittu, li bħalha la qatt kien hawn, u anqas ikun hawn. [Eż:11:7] U kontra wlied Iżrael lanqas kelb ma jinbaħ, la kontra n-nies u lanqas kontra l-bhejjem; biex tkunu tafu li l-Mulej għamel għażla bejn l-Eġizzjani u bejn ulied Iżrael. [Eż:11:8] U dawn il-qaddejja tiegħek kollha jinżlu u jmilu quddiemi u jgħidu: 'Oħroġ int u l-poplu kollu li jimxi warajk!' Mbagħad wara dan noħroġ jien.” U Mosè ħareġ b'saħna minn quddiem il-Fargħun.

[Eż:11:9] U l-Mulej qal lil Mosè: “Il-Fargħun ma jagħtikomx widen, biex l-għeġubijiet kbar tiegħi jitkattru fl-Eġittu.”

[Eż:11:10] U Mosè u Aron għamlu dawn l-għeġubijiet kollha quddiem il-Fargħun. Imma l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, u dan ma telaqx lil ulied Iżrael mill-art tiegħu.

12. Iċ-ċelebrazzjoni ta' l-Għid

[Eż:12:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art ta' l-Eġittu, u qalilhom: [Eż:12:2] “Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. [Eż:12:3] Kellem lill-ġemgħa kollha ta' Iżrael, u għidilhom: Fl-għaxra ta' dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. [Eż:12:4] Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skond in-numru tan-nies; skond kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf. [Eż:12:5] Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta' dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. [Eż:12:6] Intom iżżommuh sa l-erbatax ta' dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta' dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. [Eż:12:7] Mbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. [Eż:12:8] F'dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b'ħobż bla ħmira, u b'ħaxix morr. [Eż:12:9] Tieklu xejn minnu nej jew mgħolli fl-ilma, imma mixwi: rasu, riġlejh, u l-ġewwieni. [Eż:12:10] U tħallu xejn għal filgħodu; kull ma jibqa' għal filgħodu aħarquh. [Eż:12:11] U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f'riglejkom u l-ħatar f'idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej. [Eż:12:12] Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art ta' l-Eġittu u nidrob 'il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art ta' l-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha ta' l-Eġittu: Jien, Jahweh.

[Eż:12:13] Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa' għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art ta' l-Eġittu. [Eż:12:14] Dak il-jum ikun għalikom jum ta' tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin. [Eż:12:15] Għal sebat ijiem tieklu ħobż ażżmu. Fl-ewwel jiem twarrbu l-ħobż bil-ħmira minn djarkom. Għax kull min jiekol ħobż bil-ħmira, mill-ewwel jum sas-seba' jum, ikun maqtugħ minn Iżrael. [Eż:12:16] Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa, u laqgħa mqaddsa oħra fis-seba' jum. F'dawk il-jumejn ma jsir ebda xogħol; tistgħu tlestu dak biss li wieħed irid biex jiekol. [Eż:12:17] U tħarsu żmien l-ażżmi għax sewwasew dak in-nhar ħriġtu l-qtajja' tagħkom mill-Eġittu. U intom tħarsu dan il-jum minn nisel għal nisel, u din hi liġi għal dejjem. [Eż:12:18] Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar fil-għaxija, tieklu ħobż bla ħmira, u hekk tibqgħu tieklu sal-wieħed u għoxrin tax-xahar fil-għaxija. [Eż:12:19] Għal sebat ijiem ma għandu jkun hemm ebda ħobż bil-ħmira fi djarkom. Għaliex kull min jiekol ħobż bil-ħmira, dan ikun maqtugħ mill-ġemgħa ta' Iżrael, sewwa l-barrani, sewwa dak li jkun imwieled fl-art. [Eż:12:20] Tieklu xejn bil-ħmira, kulu l-ażżmu fl-għamajjar kollha tagħkom.”

L-ikla ta' l-Għid

[Eż:12:21] U Mosè sejjaħ lix-xjuħ kollha ta' Iżrael u qalilhom: “Aqbdu u ħudu ħaruf għal kull familja tagħkom, u oqtlu l-ħaruf ta' l-Għid. [Eż:12:22] Ħudu qabda żuf u billuh fid-demm fil-bieqja u ċappsu l-blata u l-ġnub tal-bieb bid-demm ta' ġol-bieqja. Ħadd minnkom ma joħroġ mill-bieb ta' daru 'l barra qabel filgħodu. [Eż:12:23] Għax il-Mulej se jgħaddi biex jidrob l-Eġizzjani; imma meta jara d-demm mal-blata u l-ġnub tal-bieb, il-Mulej jaqbeż lil bwiebkom u ma jħallix lill-qerried jidħol jidrobkom fi djarkom. [Eż:12:24] Intom iżżommu dan b'liġi għalikom u għal uliedkom għal dejjem. [Eż:12:25] U meta tidħlu fl-art li l-Mulej għad jagħtikom, bħalma wiegħed, żommu din id-drawwa. [Eż:12:26] Meta mbagħad uliedkom jistaqsukom: 'X'inhi din id-drawwa?' [Eż:12:27] intom tweġbuhom: 'Dan hu s-sagrifiċċju ta' l-Għid tal-Mogħdija tal-Mulej, meta hu baqa' għaddej minn nofs id-djar ta' wlied Iżrael fl-Eġittu meta darab lill-Eġizzjani, iżda ħeles lil djarna.’ ” Miel il-poplu u ta qima b'wiċċu fl-art.

[Eż:12:28] U wlied Iżrael marru lejn darhom u hekk għamlu: għamlu bħalma Alla kkmanda lil Mosè u lil Aron.

Il-qerda ta' l-ulied il-kbar

[Eż:12:29] Ġara li f'nofs il-lejl il-Mulej darab 'l ulied il-kbar fl-art ta' l-Eġittu, mit-tifel il-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir ta' l-ilsir ġewwa l-ħabs, u kull ferħ ta' l-ewwel tal-bhejjem. [Eż:12:30] U l-Fargħun qam billejl, hu u l-qaddejja tiegħu, u l-Eġizzjani kollha, u telgħet twerżiqa waħda kbira mill-Eġittu, għax ma kienx hemm dar li ma kienx hemm xi mejjet fiha. [Eż:12:31] Mbagħad sejjaħ lil Mosè u 'l Aron billejl u qalilhom: “Qumu u oħorġu 'l barra minn nofs il-poplu tiegħi, intom u wlied Iżrael; morru u aqdu lill-Mulej, kif għedtu. [Eż:12:32] L-imrieħel u l-baqar tagħkom ħuduhom kif għedtu. Morru u bierku lili wkoll.” [Eż:12:33] L-Eġizzjani bdew isusu fuq il-poplu, ħalli jfittxu jitilqu mill-pajjiż, għaliex qalu: “Se mmutu lkoll!” [Eż:12:34] U l-poplu ħa l-għaġna bla ħmira, u l-lniebi misrura fl-imnatar fuq spallejhom. [Eż:12:35] U wlied Iżrael għamlu kif qalilhom Mosè u talbu mingħand l-Eġizzjani ħwejjeġ tal-fidda u tad-deheb, u lbiesi. [Eż:12:36] U l-Mulej għamel li l-poplu jsib l-appoġġ ta' l-Eġizzjani u tawhom kull ma talbuhom, u hekk neżżgħu lill-Eġizzjani.

It-tluq mill-Eġittu

[Eż:12:37] U wlied Iżrael telqu minn Ragħmses għal Sukkot, madwar sitt mitt elf raġel bil-mixi barra t-tfal. [Eż:12:38] U telgħet magħhom kotra kbira ta' nies, u nagħaġ, u baqar u mrieħel kbar ħafna. [Eż:12:39] U sajjru mill-għaġna li kienu ħarġu mill-Eġittu ftajjar ażżmi, għax ma kellhomx ħmira, billi keċċewhom mill-Eġittu u ma setgħux joqogħdu jitnikkru u anqas iġibu x'jieklu magħhom. [Eż:12:40] Ulied Iżrael damu jgħammru fl-Eġittu għal erba' mija u tletin sena. [Eż:12:41] U wara dawn l-erba' mija u tletin sena, dak in-nhar stess li għalqu, ħarġu l-qtajja' kollha tal-Mulej mill-Eġittu. [Eż:12:42] Kienet lejla ta' sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu; għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta' sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel.

Il-liġi ta' l-Għid

[Eż:12:43] U l-Mulej qal lil Mosè u 'l Aron: “Din hi l-liġi ta' l-Għid: l-ebda barrani ma jista' jiekol mill-ħaruf ta' l-Għid: [Eż:12:44] imma l-ilsir li int tixtri bil-flus jista' jiekol minnu wara li tagħmillu ċ-ċirkonċiżjoni. [Eż:12:45] Ebda frustier li jkun għandek jew qaddej mikri ma jista' jiekol minnu. [Eż:12:46] Għandu jittiekel f'dar waħda; la toħorġux laħam minnu 'l barra mid-dar, u la tkissrulu ebda għadma minnu. [Eż:12:47] Il-ġemgħa kollha ta' Iżrael għandha żżomm din il-liġi. [Eż:12:48] U meta xi ħadd barrani jkun għandkom u jrid jagħmel l-Għid magħkom, kull raġel li jkollu miegħu jieħu ċ-ċirkonċiżjoni, u mbagħad jersaq għall-Għid tal-Mulej, u hekk ikun bħal wieħed li twieled fil-pajjiż; ebda bniedem bla ċirkonċiżjoni ma jista' jieħu sehem fih. [Eż:12:49] Liġi waħda jkun hemm sew għal min jitwieled fil-pajjiż, sew għal min ikun jgħammar f'nofskom.”

[Eż:12:50] U hekk għamel il-poplu kollu ta' Iżrael; kif il-Mulej ordna lil Mosè u lil Aron. [Eż:12:51] U ġara li dak in-nhar stess il-Mulej ħareġ lil ulied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu bil-qtajja' kollha tagħhom.

13. Il-liġi dwar l-ulied il-kbar

[Eż:13:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Eż:13:2] “Ikkonsagrali l-frott kollu tal-bikri, lil kull min jitwieled l-ewwel mill-ġuf minn fost ulied Iżrael, fin-nies u fil-bhejjem, għax tiegħi hu.”

Il-festa ta' l-Ażżmi

[Eż:13:3] U Mosè qal lill-poplu: “Ftakru f'dan il-jum, li fih ħriġtu mill-Eġittu, minn dar il-jasar. B'id qawwija ħariġkom il-Mulej minn hemm. Ma jittiekel xejn bil-ħmira. [Eż:13:4] Illum intom ħierġa fix-xahar ta' Abib. [Eż:13:5] U l-Mulej iwassalkom fl-art tal-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, l-art li hu ħalef lil missirijietkom li jagħtihielek, art tnixxi ħalib u għasel; għalhekk ibqgħu ħarsu din id-drawwa f'dan ix-xahar. [Eż:13:6] Għal sebat ijiem int tiekol ħobż ażżmu u fis-seba' jum tagħmel festa lill-Mulej. [Eż:13:7] Ħobż ażżmu għandu jittiekel f'dawn is-sebat ijiem u ma għandu jidher ebda ħobż bil-ħmira għandek, u ebda ħmira fil-wesgħa kollha ta' artek. [Eż:13:8] U dak in-nhar għandek tgħid lil ibnek: 'Dan nagħmlu talli għamel il-Mulej miegħi, meta ħariġni mill-Eġittu.' [Eż:13:9] U din tkun għalik sinjal fuq idek, u tifkira bejn għajnejk, biex il-liġi tal-Mulej tkun fuq fommok; għax il-Mulej kellu juri l-qawwa ta' driegħu biex ħarġek mill-Eġittu. [Eż:13:10] Int iżżomm din il-liġi fi żmienha, minn sena għal sena.

L-offerta ta' l-ewwel wild

[Eż:13:11] “U wara li l-Mulej iġibek fl-art tal-Kangħanin kif ħalef lilek u lil missirijietek, u jagħtihielek, [Eż:13:12] inti twarrab għall-Mulej kull ma jitwieled l-ewwel minn mara. Il-frieħ ta' l-ewwel, rġiel, ikunu tal-Mulej. [Eż:13:13] Kull l-ewwel ferħ ta' kull ħmar int tifdih b'ħaruf, u jekk ma tifdihx iksirlu għonqu. Inti tifdi kull l-ewwel iben minn uliedek. [Eż:13:14] U jekk 'il quddiem ibnek għad jistaqsik: 'X'ifisser dan?' int tgħidlu: 'Il-Mulej ħariġna mill-Eġittu, mill-art tal-jasar, bil-qawwa ta' driegħu. [Eż:13:15] U meta l-Fargħun b'xejn ma ried jitlaqna, il-Mulej qatel kull imwieled l-ewwel fl-art ta' l-Eġittu, l-imwieled l-ewwel sew tal-bnedmin, sew tal-bhejjem. Għalhekk jien noffri b'sagrifiċċju lill-Mulej kull raġel li jitwieled l-ewwel, u kull l-ewwel wild ta' wliedi nifdih.' [Eż:13:16] U dan ikun b'sinjal fuq idek u mdendel bejn għajnejk; għaliex il-Mulej bil-qawwa ta' driegħu ħarġek mill-art ta' l-Eġittu.”

Lejn Baħar il-Qasab

[Eż:13:17] Meta l-Fargħun ħalla l-poplu jitlaq, Alla ma għaddihomx mit-triq li taqsam l-art tal-Filistin, għalkemm kienet qrib. Alla qal: “Inkella l-poplu jindem malli jiltaqa' ma' taqbida, u jerġa' lura lejn l-Eġittu.” [Eż:13:18] Imma Alla dawwar il-poplu għat-triq fid-deżert lejn Baħar il-Qasab, u l-poplu ħareġ mill-art ta' l-Eġittu, u telgħu wlied Iżrael, mqassmin għall-ġlied, mill-art ta' l-Eġittu. [Eż:13:19] U Mosè ħa miegħu l-għadam ta' Ġużeppi, għaliex Ġużeppi kien ġiegħel lil ulied Iżrael jaħilfu li jagħmlu dan meta qalilhom: “Alla għad iżurkom, u intom għandkom iġġorru għadmi magħkom minn hawnhekk.” [Eż:13:20] U telqu minn Sukkot, u waqfu f'Etam, f'tarf id-deżert. [Eż:13:21] U l-Mulej binhar kien jimxi quddiemhom f'kolonna ta' sħab biex jurihom it-triq u billejl f'kolonna tan-nar biex jagħtihom id-dawl, u b'hekk setgħu jimxu billejl u binhar. [Eż:13:22] U l-kolonna tas-sħab binhar u l-kolonna tan-nar billejl ma kinitx tgħib minn quddiem il-poplu.

14. Lejn Baħar il-Qasab

[Eż:14:1] Mbagħad il-Mulej kellem lil Mosè: [Eż:14:2] “Għid lil ulied Iżrael jerġgħu lura u jieqfu quddiem Piħaħirot, bejn Migdol u bejn il-baħar, quddiem Bagħal-sefon; twaqqfu l-kamp biswitu sewwa, ħdejn il-baħar. [Eż:14:3] Il-Fargħun jgħid għal ulied Iżrael: 'Ntilfu fl-art u għalaqhom minn kull naħa fid-deżert.' [Eż:14:4] U jien inwebbes qalb il-Fargħun, u jiġi għal warajkom, u jien nuri l-glorja tiegħi fuq il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu, u jkunu jafu l-Eġizzjani li jien il-Mulej.” U hekk għamlu.

[Eż:14:5] Meta lis-sultan ta' l-Eġittu qalulu li kienu ħarbu, il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu biddlu fehemthom dwar il-poplu u qalu: “X'morna għamilna u bgħatna lil Iżrael biex issa ma jaħdmilniex iżjed.” [Eż:14:6] U ħejja l-karru tiegħu, u ħa l-poplu tiegħu miegħu. [Eż:14:7] U ħa sitt mitt karru magħżula u l-karrijiet kollha ta' l-Eġizzjani b'fizzjali fuqhom ilkoll. [Eż:14:8] U l-Mulej webbes qalb il-Fargħun, sultan ta' l-Eġittu, u dan għamel għal wara wlied Iżrael huma u sejrin b'rashom merfugħa. [Eż:14:9] U ħarġu għalihom l-Eġizzjani bil-kavallerija tal-Fargħun - żwiemel, karrijiet u rikkieba bl-eżerċtu kollu - u laħquhom ħdejn il-baħar fejn kienu waqqfu l-kamp, ħdejn Piħaħirot, biswit Bagħal-sefon. [Eż:14:10] Meta l-Fargħun kien qorob lejhom, ulied Iżrael refgħu għajnejhom u raw l-Eġizzjani resqin lejhom. Ulied Iżrael qabadhom biża' kbir u sejjħu lill-Mulej. [Eż:14:11] U mbagħad qalu lil Mosè: “Jaqaw ma kienx hemm oqbra fl-Eġittu biex ħriġtna mmutu fid-deżert? X'għamiltilna, biex ħriġtna mill-Eġittu? [Eż:14:12] Ma għednilekx aħna fl-Eġittu: 'Ħallik minna, ħallina naħdmu għall-Eġizzjani?' Aħjar naħdmu fl-Eġittu milli mmutu fid-deżert!” [Eż:14:13] Mosè wieġeb lill-poplu: “La tibżgħux! Żommu sħiħ, u taraw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej. L-Eġizzjani, li qegħdin taraw illum, ma tarawhom qatt aktar. [Eż:14:14] Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom.” [Eż:14:15] Il-Mulej qal lil Mosè: “Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu t-tined tagħhom u jitilqu. [Eż:14:16] U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, mbagħad, jaqsmu fin-niexef f'nofs il-baħar. [Eż:14:17] U ara, jiena nwebbes il-qalb ta' l-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. [Eż:14:18] U mbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.” [Eż:14:19] U mbagħad l-anġlu ta' Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta' Iżrael, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta' sħab minn quddiemhom marret qagħdet warajhom, u ġiet bejn it-tined ta' l-Eġizzjani u t-tined ta' Iżrael. [Eż:14:20] Kien hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom seta' jersaq wieħed lejn l-ieħor. [Eż:14:21] Mosè medd idu fuq il-baħar, u l-Mulej reġġa' lura l-baħar b'riħ qawwi mil-lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.

Jaqsmu l-baħar

[Eż:14:22] U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef f'nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. [Eż:14:23] L-Eġizzjani marru warajhom, u daħlu f'nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun, il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. [Eż:14:24] Fis-sahra ta' filgħodu, il-Mulej minn gol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined ta' l-Eġizzjani, u ħarbathom. [Eż:14:25] U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu jmexxuhom. U mbagħad l-Eġizzjani bdew jgħajjtu: “Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!”

[Eż:14:26] Il-Mulej qal lil Mosè: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa' lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet u r-rikkieba tagħhom.” [Eż:14:27] U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma' sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu, sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f'nofs l-ilma. [Eż:14:28] L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba ta' l-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas wieħed ma baqa' minnhom. [Eż:14:29] U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f'nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

[Eż:14:30] Dak in-nhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. [Eż:14:31] Ra Iżrael kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa ta' driegħu. U beża' l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej u f'Mosè, il-qaddej tiegħu.

15. L-għanja ta' Mosè

[Eż:15:1] U mbagħad Mosè, flimkien ma' wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu:

“Ngħanni lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
[Eż:15:2] Qawwieti u għanjieti l-Mulej:
għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta' missieri, u lilu ngħolli!
[Eż:15:3] Il-Mulej gwerrier, Jahweh ismu!
[Eż:15:4] L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom
fil-baħar;
l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu f'Baħar il-Qasab
għarraqhom!
[Eż:15:5] Belagħhom l-irdum, bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.
[Eż:15:6] Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu.
[Eż:15:7] Bil-kobor ta' sebħek ixxejjen 'il min iqum
għalik.
L-għadab tiegħek terħih jiblagħhom bħat-tiben.
[Eż:15:8] Man-nifs ta' għadbek inġemgħu l-ilmijiet;
bħal gzuz twaqqfu l-gliegel;
għaqdu fil-qalba tal-baħar l-imwieġ.
[Eż:15:9] U l-għadu qal: 'Niġri għal warajhom u
nilħaqhom;
naħtaf il-priża u xewqti naqta';
nislet is-sejf u idi teqridhom.'
[Eż:15:10] Nfaħt b'nifsek, u l-baħar għattiehom.
U għerqu bħaċ-ċomb fil-qawwa tal-baħar.
[Eż:15:11] Min hu bħalek, Mulej, fost l-allat?
Min hu bħalek? Int kbir fil-qdusija, tal-biża' fit-tifħir, int li
tagħmel l-għeġubijiet.
[Eż:15:12] Meddejt lemintek,u belgħethom l-art.
[Eż:15:13] Bi tjubitek mexxejt dan il-poplu li int fdejt;
b'ħiltek mexxejtu lejn l-għamara qaddisa tiegħek.
[Eż:15:14] Semgħu l-ġnus u triegħdu:
uġigħ qabadhom il-Filistin,
[Eż:15:15] tħawwdu l-kbarat ta' Edom,
qabdithom rogħda l-qawwijin ta' Mowab,
dabu bil-biża' n-nies kollha ta' Kangħan.
[Eż:15:16] Ħa jaqgħu fuqhom biża' u tregħid;
għall-kobor ta' driegħek
jitbikkmu bħal ġebla;
sa ma jgħaddi l-poplu tiegħek, Mulej;
sa ma jgħaddi dan il-poplu li int ksibt għalik.
[Eż:15:17] Twassalhom u tħawwilhom
fuq il-muntanja, il-wirt tiegħek;
l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;
il-maqdes, ja Sidi, li ħejjew idejk.
[Eż:15:18] Il-Mulej isaltan għal dejjem ta' dejjem.”

L-għanja ta' Mirjam

[Eż:15:19] Malli ż-żwiemel tal-Fargħun bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu niżlu fl-ilma, il-Mulej reġġa' lura għal fuqhom l-ilma tal-baħar, u wlied Iżrael għaddew fin-niexef f'nofs il-baħar. [Eż:15:20] U Mirjam, il-profetessa, oħt Mosè u Aron, qabdet it-tanbur f'idejha u ħarġu n-nisa warajha bit-tnabar u ż-żfin. [Eż:15:21] U Mirjam kienet tweġibhom:

“Għannu lill-Mulej, għax tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieb fil-baħar waddabhom.”

Fid-deżert ta' Sur

[Eż:15:22] Mbagħad Mosè mexxa lil Iżrael minn Baħar il-Qasab, u ħarġu lejn id-deżert ta' Sur; u damu miexja fid-deżert tlitt ijiem u ma sabux ilma. [Eż:15:23] Waslu f'Mâra u ma setgħux jixorbu l-ilma minn Mâra għax kien morr. Għalhekk semmewha 'Mâra'. [Eż:15:24] U l-poplu beda jgemgem għal Mosè u jgħid: “X'se nixorbu?” [Eż:15:25] U Mosè sejjaħ lill-Mulej; u l-Mulej urieh biċċa għuda u xeħitha fl-ilma, u l-ilma sar ħelu. Hemm tahom liġi u ordni, u hemm ġarrabhom. [Eż:15:26] U qalilhom: “Jekk tisma' sewwa l-leħen tal-Mulej Alla tiegħek, u tagħmel dak li hu tajjeb f'għajnejh, u tagħti widen għat-twissijiet tiegħu u tħares kull liġi tiegħu, l-ebda marda milli biha lqatt lill-Eġizzjani ma nġib fuqek, għax jien il-Mulej li nfejjqek.”

[Eż:15:27] U waslu f'Elim fejn kien hemm tnax-il għajn ta' l-ilma u sebgħin siġra tat-tamar, u waqqfu hemm it-tined ħdejn l-ilma.

16. Fid-deżert ta' Sin

[Eż:16:1] Minn Elim, il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael refgħu t-tined tagħhom u, fil-ħmistax-il jum tat-tieni xahar minn ħruġhom mill-art ta' l-Eġittu, waslu fid-deżert ta' Sin, li jinsab bejn Elim u s-Sinaj. [Eż:16:2] Fid-deżert, il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael bdew igergru kontra Mosè u Aron. [Eż:16:3] Ulied Iżrael qalulhom: “M'hux li mitna b'id il-Mulej fl-art ta' l-Eġittu, meta konna ħdejn il-borom tal-laħam u konna nieklu ħobż bix-xaba'! Ħriġtuna f'dan id-deżert biex toqtlu bil-guħ din il-ġemgħa kollha!” [Eż:16:4] Il-Mulej imbagħad qal lil Mosè: “Ara, se nibagħtilkom xita ta' ħobż mis-sema. Il-poplu kollu joħroġ u jiġbor minn jum għal ieħor kemm ikun jenħtieġ għall-ġurnata, biex hekk inġarrabhom u nara jimxux mal-liġi tiegħi jew le. [Eż:16:5] Fis-sitt jum, mbagħad, meta jkunu jħejju x'se jieħdu magħhom, iqisu li jkun darbtejn aktar minn dak li jiġbru kuljum.”

[Eż:16:6] U Mosè u Aron qalu lil ulied Iżrael kollha: “Fil-għaxija tkunu tafu li l-Mulej ħariġkom mill-art ta' l-Eġittu. [Eż:16:7] U għada fil-għodu taraw il-glorja tal-Mulej, għax hu sama' t-tgemgim tagħkom kontra l-Mulej. Aħna x'aħna biex tgergru kontra tagħna?” [Eż:16:8] U qal Mosè: “Il-Mulej jagħtikom fil-għaxija laħam x'tieklu, u fil-għodu ħobż biex tixbgħu, għax il-Mulej sama' t-tgergir tagħkom li intom gemgimtu kontra tiegħu - għaliex aħna x'aħna? Mhux kontrina gergirtu, imma kontra l-Mulej.”

[Eż:16:9] Mosè, mbagħad, qal lil Aron: “Għid lill-ġemgħa kollha ta' Iżrael: 'Ersqu quddiem il-Mulej għax sama' t-tgergir tagħkom.’ ” [Eż:16:10] U kif Aron kien ikellem lill-ġemgħa kollha ta' Iżrael, u ħarsu lejn id-deżert, hemm hi, il-glorja tal-Mulej dehret fi sħaba. [Eż:16:11] U l-Mulej kellem lil Mosè: [Eż:16:12] “Jien smajt it-tgergir ta' wlied Iżrael. Kellimhom u għidilhom: 'Fil-għaxija tieklu l-laħam u fil-għodu tixbgħu bil-ħobż. U tkunu tafu li jiena l-Mulej, Alla tagħkom.’ ”

[Eż:16:13] U ġara li fil-għaxija dehret qatgħa summien tittajjar fl-għoli u għattiet it-tined kollha, u fil-għodu kien hemm wiċċ nida madwar it-tined. [Eż:16:14] Meta din in-nida għabet, fuq wiċċ id-deżert kien hemm xi ħaġa rqiqa qisha ġlata fuq l-art. [Eż:16:15] Malli wlied Iżrael raw dan, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Man-hu?” - Għax ma għarfux x'inhu. Mosè qalilhom: “Dan hu l-ikel li l-Mulej takom biex tieklu.” [Eż:16:16] Dan hu li l-Mulej ordnalkom: “Kull wieħed minnkom jiġbor minnha daqs kemm jista' jiekol; tieħdu daqs siegħ kull wieħed skond in-numru tan-nies li kull wieħed minnkom ikollu fit-tinda.” [Eż:16:17] U wlied Iżrael għamlu hekk, u ġabru min ftit u min ħafna. [Eż:16:18] Meta mbagħad kejjlu bis-siegħ, min kellu ħafna ma kellux iż-żejjed; u min kellu ftit ma kellux in-nieqes. Kulħadd ġabar kemm kellu bżonn. [Eż:16:19] U Mosè qalilhom: “Ħadd ma għandu jħalli minnu għal filgħodu.” [Eż:16:20] Iżda ma semgħux minn Mosè. Xi wħud minnhom ħallew għal filgħodu, u ddewwdilhom u tħassar, u Mosè għadab għalihom. [Eż:16:21] U kienu jiġbru minnu kull filgħodu, kulħadd skond kemm kien jiekol. Malli kienet tisħon ix-xemx, kien idub.

[Eż:16:22] U fis-sitt jum kienu jiġbru ħobż għal darbtejn, żewġ sigħan għal kull wieħed. Il-kapijiet tal-ġemgħa ġew jgħidu b'dan lil Mosè. [Eż:16:23] U hu weġibhom: “Dan qal il-Mulej: 'Għada jum il-mistrieħ kbir, mistrieħ imqaddes lill-Mulej: Dak li għandkom taħmu, aħmuh; u dak li għandkom issajjru, sajjruh; u dak li jifdal, erfgħuh għal filgħodu.’ ” Għalhekk refgħuh sa filgħodu [Eż:16:24] kif wissiehom Mosè, u la tħassar u anqas iddewwed. [Eż:16:25] U Mosè qalilhom: “Kuluh illum, għax illum hu jum il-mistrieħ għall-Mulej. Illum ma ssibuhx fir-raba'. [Eż:16:26] Għal sitt ijiem tiġbru minnu, iżda fis-seba' jum, jum il-mistrieħ, ma jkunx hemm ġbir fih.” [Eż:16:27] U ġara li fis-seba' jum xi whud mill-poplu ħarġu jiġbru, u ma sabu xejn. [Eż:16:28] U l-Mulej qal lil Mosè: “Kemm se ddumu ma tħarsu l-kmandamenti u l-liġi tiegħi? [Eż:16:29] Araw, il-Mulej takom il-mistrieħ is-Sibt; għalhekk fis-sitt jum jagħtikom ikel għal jumejn; u intom oqogħdu kull wieħed f'postu, u ma joħroġ ħadd jiġbor minnu fis-seba' jum.” [Eż:16:30] U l-poplu kien jistrieħ fis-seba' jum.

[Eż:16:31] U dar Iżrael semmiet dan l-ikel: 'Manna'; kienet qisha bhal żerriegħa bajda tal-kożbor, u t-togħma tagħha kienet bħal ftira bl-għasel. [Eż:16:32] U Mosè qal: “Dan li jikkmandakom il-Mulej: 'Imlew siegħ minnu u terfgħuh għall-ġenerazzjonijiet ta' warajkom biex jaraw il-ħobż li kont nitmagħkom fid-deżert meta ħriġtkom mill-Eġittu.' ” [Eż:16:33] U Mosè qal lil Aron: “Ħu ġarra u qiegħed fiha daqs siegħ manna, u qegħedha quddiem il-Mulej biex iżżommha għall-ġenerazzjonijiet ta' warajkom.” [Eż:16:34] U skond ma ordna l-Mulej lil Mosè, hekk Aron qegħedha fl-arka tax-xhieda biex tintrefa' hemm.

[Eż:16:35] U wlied Iżrael kienu jieklu l-manna għal erbgħin sena sakemm waslu f'art imgħammra; u baqgħu jieklu minnha sat-trufijiet ta' l-art ta' Kangħan. [Eż:16:36] Għomer, jew siegħ, hu l-waħda minn għaxra ta' kejl ta' efa.

17. L-ilma mill-blat

[Eż:17:1] Il-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael telqu fid-deżert ta' Sin, jimxu u jieqfu skond ma jgħidilhom il-Mulej; u waqfu f'Rafidim. Hemmhekk ma kienx hemm ilma x'jixorbu. [Eż:17:2] Il-poplu ħadha kontra Mosè u qalulu: “Agħtina ilma x'nixorbu!” Mosè weġibhom: “Għaliex teħduha miegħi u ġġarrbu lill-Mulej!” [Eż:17:3] Hemmhekk il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol lilna, 'l uliedna u 'l-bhejjem tagħna bil-għatx? [Eż:17:4] Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X'se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni.” [Eż:17:5] Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem il-poplu, u hu miegħek xi whud mix-xjuħ ta' Iżrael; hu f'idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara tan-Nil, u mur. [Eż:17:6] Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat f'Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu.” U Mosè għamel hekk quddiem ix-xjuħ ta' Iżrael. [Eż:17:7] U l-post semmewh: 'Massa u Meriba', għax hemm tlewwmu wlied Iżrael u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?”

Rebħa fuq l-Għamalekin

[Eż:17:8] Il-poplu ta' Għamalek qam u tqabad ma' Iżrael f'Rafidim. [Eż:17:9] Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżel irġiel u mur tqabad ma' Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata ta' l-għolja, bil-ħatar ta' Alla f'idi.” [Eż:17:10] Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad ma' l-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata ta' l-għolja. [Eż:17:11] Kull meta Mosè kien jerfa' idejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. [Eż:17:12] Meta idejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. [Eż:17:13] U Gożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b'xifer ix-xabla.

[Eż:17:14] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ikteb dan b'tifkira fi ktieb u aqrah f'widnejn Ġożwè, li jien neqred għalkollox it-tifkira ta' Għamalek minn taħt is-sema.” [Eż:17:15] U Mosè bena artal u semmieh: “Jahweh Nissi” [Eż:17:16] għax qal: “Talli refgħu idhom għall-istandard tal-Mulej, il-Mulej jitqabad ma' Għamalek minn nisel għal nisel.”

18. Il-laqgħa ma' Ġetru

[Eż:18:1] Ġetru, il-qassis ta' Midjan, ħaten Mosè, sama' b'kull ma għamel Alla ma' Mosè u Iżrael, il-poplu tiegħu: kif ħareġ lil Iżrael mill-Eġittu. [Eż:18:2] Ġetru, ħaten Mosè, kien ħa lura lil Siffora, li Mosè kien bagħatha lura [Eż:18:3] flimkien maż-żewġ uliedha li kien jisimhom, wieħed Gersum, (għax qal: “kont barrani f'art barranija") [Eż:18:4] u l-ieħor Eligħeżer [għax qal: “Alla ta' missieri l-għajnuna tiegħi, għax ħelisni mis-sejf tal-Fargħuni”). [Eż:18:5] U Ġetru, ħaten Mosè, ġie flimkien ma' mart Mosè u wliedu għand ħatnu, fid-deżert ħdejn il-muntanja ta' Alla fejn kien waqqaf it-tined. [Eż:18:6] Xi ħadd qal lil Mosè: “Hawn Ġetru, ħatnek, ġie ħdejk, u martek u ż-żewġ uliedha magħha.” [Eż:18:7] U Mosè ħareġ jiltaqa' ma' ħatnu u martu; sellimlu u biesu, u bdew jistaqsu wieħed lill-ieħor hux tajjeb, u daħlu fit-tinda. [Eż:18:8] U Mosè qal lil ħatnu kull ma kien għamel il-Mulej lill-Fargħun u lill-Eġizzjani minħabba Iżrael, u t-taħbit kollu li għadda minnu Iżrael fit-triq, u kif ħelishom il-Mulej. [Eż:18:9] U Ġetru feraħ għall-ġid kollu li għamel il-Mulej lil Iżrael: li ħelsu minn id l-Eġizzjani.

[Eż:18:10] U Ġetru qal: “Mbierek il-Mulej li ħeliskom minn id l-Eġizzjani u minn id il-Fargħun. [Eż:18:11] Issa naf li l-Mulej hu akbar mill-allat kollha, għaliex meta tkabbru magħkom, għelibhom.” [Eż:18:12] U Ġetru, ħaten Mosè, offra offerti u vittmi lil Alla; u Aron u x-xjuħ kollha ta' Iżrael ġew biex jieklu l-ħobż ma' ħaten Mosè quddiem Alla.

Il-parir ta' Ġetru

[Eż:18:13] L-għada Mosè qagħad jagħmel il-ħaqq lill-poplu u l-poplu qagħad quddiem Mosè minn filgħodu sa filgħaxija. [Eż:18:14] U Ġetru ra kull ma kien qiegħed jagħmel Mosè lill-poplu, u qallu: “X'inhu dan li qiegħed tagħmel lill-poplu? Għaliex qiegħed bilqiegħda waħdek u l-poplu wieqaf quddiemek minn filgħodu sa filgħaxija?” [Eż:18:15] U Mosè qal lil ħatnu: “Għaliex il-poplu jiġi għandi jaraw xi jgħid Alla. [Eż:18:16] U meta jkollhom xi ħaġa jiġu għandi biex nagħmel ħaqq bejn bniedem u ieħor. U ngħallimhom id-deċiżjonijiet u t-twissijiet ta' Alla.” [Eż:18:17] U Ġetru, ħaten Mosè, wieġbu: “M'hux sewwa kif qiegħed tagħmel. [Eż:18:18] Tinkedd int u jinkedd il-poplu li hawn miegħek. Għax dan ix-xogħol hu wisq għalik, u int ma tistax tagħmlu waħdek. [Eż:18:19] Issa isma' milli se ngħidlek. Nagħtik parir, u Alla jkun miegħek! Int tidher għall-poplu quddiem Alla, u tressaq quddiemu kull ma jinqala'. [Eż:18:20] Għallimhom id-deċiżjonijiet u t-twissijiet, u għarrafhom it-triq li minnha għandhom jgħaddu, u x'għandhom jagħmlu. [Eż:18:21] U int tagħżel nies ta' ħila mill-poplu, nies li jibżgħu minn Alla, nies ta' fiduċja u jobogħdu r-regħba; u qegħedhom kapijiet ta' l-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal- ħamsinijiet, u kapijiet ta' l-għaxriet. [Eż:18:22] Dawn jagħmlu l-ħaqq lill-poplu f'kull żmien; u meta jkun hemm xi ħaġa kbira jġibuha quddiemek; u kull ħaġa żgħira jiġġudikawha huma. Hekk jeħfieflek ix-xogħol, u huma jerfgħu l-piż miegħek. [Eż:18:23] Jekk tagħmel dan - u Alla hekk jikkmandak - iżżomm sħiħ int, u dan il-poplu jasal bis-sliem f'postu.”

[Eż:18:24] Mosè sama' minn kliem ħatnu u għamel kull ma qallu: [Eż:18:25] għażel nies ta' ħila mill-poplu ta' Iżrael kollu, u qegħedhom kapijiet fuq il-poplu, kapijiet ta' l-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet u kapijiet ta' l-għaxriet. [Eż:18:26] U dawn kienu jagħmlu l-ħaqq lill-poplu ż-żmien kollu. Il-kwistjonijiet iebsa kienu jġibuhom quddiem Mosè, u kull ħaġa żgħira kienu jiġġudikawha huma.

[Eż:18:27] Mosè mbagħad ħalla lil ħatnu jitlaq, u dan mar lejn pajjiżu.

19. Fid-deżert tas-Sinaj

[Eż:19:1] Fit-tielet xahar mill-ħruġ ta' wlied Iżrael mill-art ta' l-Eġittu, dak in-nhar stess, waslu fid-deżert tas-Sinaj. [Eż:19:2] Wara li refgħu t-tined, minn Rafidim waslu fid-deżert tas-Sinaj u waqqfu t-tined fid-deżert. Iżrael waqqaf it-tined hemm, biswit il-muntanja.

[Eż:19:3] Mosè tala' ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael: [Eż:19:4] 'Rajtu intom x'għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ ta' l-ajkli u ressaqtkom lejja. [Eż:19:5] Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi. [Eż:19:6] Intom tkunu għalija saltna ta' qassisin u ġens qaddis.' Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael.” [Eż:19:7] Mbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej. [Eż:19:8] U l-poplu kollu wieġeb b'leħen wieħed u qalu: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.” U Mosè ressaq kliem il-poplu quddiem il-Mulej. [Eż:19:9] Il-Mulej qal lil Mosè: “Ara, jiena ġej lejk fi sħaba sewda, ħalli l-poplu jismagħni nitkellem miegħek u jemmen fik ukoll għal dejjem.” U Mosè qal lill-Mulej kliem il-poplu.

[Eż:19:10] Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur ħdejn il-poplu u kkonsagrahom illum u għada; jaħslu ħwejjiġhom [Eż:19:11] u jħejju ruħhom għat-tielet jum, għax fit-tielet jum il-Mulej jinżel fuq il-muntanja tas-Sinaj quddiem għajnejn il-poplu kollu. [Eż:19:12] Ifred in-nies minn kull naħa tal-muntanja u għidilhom: 'Qisu li ma titilgħux fuq il-muntanja jew tmissu trufijietha; min imiss il-muntanja jmut żgur; [Eż:19:13] ebda id ma tmissu, iżda jħaġġruh jew jinfduh bis-sejf; ħadd ma jibqa' ħaj, la bhima u lanqas bniedem.' Meta ddoqq it-tromba jitilgħu lejn il-muntanja.” [Eż:19:14] U Mosè niżel minn fuq il-muntanja għal ħdejn il-poplu u kkonsagrah, u huma ħaslu ħwejjiġhom. [Eż:19:15] U qalilhom: “Lestu ruħkom għat-tielet jum; sadattant tersqux lejn in-nisa tagħkom.”

Id-dehra ta' Alla

[Eż:19:16] Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Nstama' wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp. [Eż:19:17] Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma' Alla; u waqfu f'riġlejn il-muntanja. [Eż:19:18] Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda tiela' 'l fuq bħad-duħħan ta' forn, u l-muntanja kienet titħeżħeż kollha. [Eż:19:19] Kull ma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Mbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b'ragħda. [Eż:19:20] U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla' fuq il-quċċata tal-muntanja. U Mosè tala'. [Eż:19:21] U l-Mulej qal lil Mosè: “Inżel u wissi lill-poplu biex ma jersaqx lejn il-Mulej u jħarsu, u jmutu ħafna minnhom. [Eż:19:22] U l-qassisin ukoll, li jersqu lejn il-Mulej, għandhom jikkonsagraw ruħhom, li ma jaħbatx għalihom il-Mulej.” [Eż:19:23] U Mosè qal lill-Mulej: “Il-poplu ma jistax jitla' fuq il-muntanja tas-Sinaj, għax inti stess ordnajtilna u għedtilna: 'Agħmel barrikata madwar il-muntanja u kkonsagraha.’ ” [Eż:19:24] U l-Mulej qallu: “Mur, inżel u erġa' itla', int u Aron miegħek. Imma lill-qassisin u l-poplu tħallihomx jersqu u jitilgħu ħdejn il-Mulej, għax inkella jaħbat għalihom.” [Eż:19:25] U Mosè niżel ħdejn il-poplu u kellimhom.

20. L-għaxar kmandamenti

[Eż:20:1] Alla kellimhom u qalilhom dan kollu:

[Eż:20:2] “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar.

[Eż:20:3] “Ma jkollokx allat oħra għajri. [Eż:20:4] La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta' ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. [Eż:20:5] La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; [Eż:20:6] imma nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi.

[Eż:20:7] “La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.

[Eż:20:8] “Ftakar f'jum is-Sibt u qaddsu. [Eż:20:9] Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; [Eż:20:10] imma s-seba' jum hu jum il-mistrieħ f'ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. [Eż:20:11] Għax f'sitt ijiem il-Mulej għamel s-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba' jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba' jum u qaddsu.

[Eż:20:12] “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

[Eż:20:13] “La toqtolx.
[Eż:20:14] “La tagħmilx adulterju.
[Eż:20:15] ̋ “La tisraqx.
[Eż:20:16] “La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

[Eż:20:17] “La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta' għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.”

[Eż:20:18] Il-poplu kollu sama' r-ragħad u ra l-beraq, u sama' l-leħen tat-tromba u ra l-muntanja ddahħan. U l-poplu beda jitriegħed u jitbeżża', u qagħad 'il bogħod. [Eż:20:19] Mbagħad qalu lil Mosè: “Kellimna int, u nisimgħuk; imma ma jkellimniex Alla, li ma mmutux!” [Eż:20:20] U Mosè qal lill-poplu: “La tibżgħux! Għax biex iġarrabkom ġie Alla, biex il-biża' tiegħu jkun dejjem quddiemkom ħalli ma tidinbux.”

L-artal tas-sagrifiċċju

[Eż:20:21] Il-poplu qagħad 'il bogħod, u Mosè resaq lejn is-sħaba mudlama li fiha kien hemm Alla. [Eż:20:22] U l-Mulej qal lil Mosè: “Dan għid lil ulied Iżrael: 'Intom rajtu li jien kellimtkom mis-sema. [Eż:20:23] La tagħmlux ħdejja allat tal-fidda u la tagħmlux allat tad-deheb; la tagħmluhomx. [Eż:20:24] Intom tibnu artal mit-tajn ta' l-art u toffru fuqu s-sagrifiċċji tagħkom tal-ħruq u tas-sliem; in-nagħaġ u l-baqar tagħkom. F'kull post li fih irrid infakkar ismi, niġi u nbierkek. [Eż:20:25] Jekk tagħmilli artal tal-ġebel, la tagħmlux tal-ġebel minġur, għax jekk inti tmidd l-għodda fuqu, jitniġġes. [Eż:20:26] U titlax bit-taraġ fuq l-artal tiegħi, biex ma tikxifx l-għera tiegħek fuqu.’ ”

21. Il-liġi dwar l-ilsiera

[Eż:21:1] “Dawn huma d-digrieti li int tqegħdilhom quddiemhom: [Eż:21:2] Meta tixtri lsir Għebrew, jibqa' jaħdimlek għal sitt snin u fis-seba' sena joħroġ ħieles b'xejn. [Eż:21:3] Jekk jiġi waħdu, joħroġ waħdu; jekk miżżewweġ, toħroġ miegħu martu wkoll. [Eż:21:4] Jekk sidu jkun tah mara, u din tkun wilditlu subjien jew bniet, uliedha jkunu ta' sidha, u hu joħroġ waħdu. [Eż:21:5] Jekk l-ilsir jgħid: 'Jien inħobb lil sidi, lil marti, u lil uliedi, ma noħroġx ħieles,' [Eż:21:6] sidu jieħdu quddiem Alla, u jġibu ħdejn il-bieb jew mal-ġenb tal-bieb, u hemm itaqqablu widintu b'xifa, u jibqa' lsir tiegħu għal dejjem.

[Eż:21:7] “Jekk wieħed ibigħ lil bintu b'ilsira, din ma toħroġx bħalma joħorġu l-ilsiera rġiel. [Eż:21:8] Jekk ma togħġobx lil sidha, li jkun għażilha għalih, iħalliha tinfeda. Ma jistax ibigħha lil nies barranin, għax ma jkunx mexa sewwa magħha. [Eż:21:9] Jekk ikun għażilha għal ibnu, għandu jqisha b'bintu. [Eż:21:10] Jekk jiżżewweġ mara oħra, ma għandux inaqqsilha minn ikilha, lbiesha, jew id-dritt tagħha ta' mara miżżewwġa. [Eż:21:11] U jekk ma jagħmilx dawn it-tliet ħwejjeġ magħha, tkun tista' titlaq 'il barra bla ħlas ta' flus.

Il-liġi dwar il-qtil

[Eż:21:12] “Min jidrob bniedem, u dan imut, ikun ħaqqu l-mewt. [Eż:21:13] Iżda jekk hu ma jkunx nasablu, imma Alla jkun erħieh f'idejh, jien nagħżillek post fejn jista' jaħrab. [Eż:21:14] Iżda jekk bniedem jonsob lil għajru biex iqarraq bih u joqtlu, tieħdu minn ħdejn l-artal tiegħi għall-mewt. [Eż:21:15] Min jaħbat għal missieru jew ommu, ikun ħaqqu l-mewt. [Eż:21:16] Min jisraq bniedem, sew jekk ibigħu, sew jekk iżommu f'idejh, ikun ħaqqu l-mewt. [Eż:21:17] Min jisħet lil missieru jew lil ommu, ikun ħaqqu l-mewt.

Il-liġi dwar il-ġlied

[Eż:21:18] “Meta tnejn min-nies jitlewwmu, u wieħed minnhom jaħbat għall-ieħor bil-ponn jew b'xi ġebla, u dan ma jmutx, iżda jinxteħet fis-sodda, [Eż:21:19] jekk imbagħad iqum u joħroġ jimxi barra bil-bastun, dak li jkun darbu ma jeħel xejn, iżda jħallsu sakemm ikun qagħad id-dar, u sakemm ikun fieq għalkollox.

[Eż:21:20] “Meta xi ħadd jidrob lill-ilsir - jew lill-ilsira tiegħu - bil-bastun, u dan imut taħt id-daqqa, ikun ikkastigat. [Eż:21:21] Jekk imbagħad l-ilsir jibqa' ħaj għal jum jew tnejn, sidu ma jkunx ikkastigat, għax hu flusu.

[Eż:21:22] “Jekk żewġt irġiel jiġġieldu, u jolqtu mara tqila, u din tiled qabel il-waqt, u ma jiġrilha xejn aktar, il-ħati jkollu jħallas skond ma jitolbu żewġha, u jħallas skond ma jaqtgħu l-imħallfin. [Eż:21:23] Iżda jekk tigrilha xi ħsara oħra, int tħallas ħajja b'ħajja, [Eż:21:24] għajn b'għajn, sinna b'sinna, id b'id, riġel b'riġel, [Eż:21:25] dabra b'dabra, ġerħa b'ġerħa, tbenġila bi tbenġila.

[Eż:21:26] “Jekk xi ħadd jidrob għajn l-ilsir – jew l-ilsira tiegħu - u jeqridhielu, għandu jitilqu ħieles bi tpattija ta' għajnu. [Eż:21:27] Jekk ikisser is-sinna ta' l-ilsir - jew l-ilsira tiegħu - jitilqu ħieles bi tpattija għas-sinna tiegħu.

Il-liġi dwar il-bhejjem

[Eż:21:28] “Meta gendus jagħti bir-ras lil xi raġel - jew mara - u dan imut, jitħaġġar il-gendus u laħmu ma jittikilx; imma sidu ma jkun ħati ta' xejn. [Eż:21:29] Iżda jekk il-gendus kien jagħti bir-ras minn qabel u sidu kien imwissi, u dan ma ħax ħsiebu u r-raġel - jew mara - imut, jitħaġġar il-gendus, u sidu jingħata l-mewt. [Eż:21:30] Imma jekk iwaħħluh xi flus, jifdi lil ħajtu b'kemm iwaħħluh. [Eż:21:31] Jekk il-gendus jagħti bir-ras lill-iben - jew lill-bint - jagħmlulu skond din il-liġi. [Eż:21:32] Jekk jagħti bir-ras lil xi lsir - jew ilsira - sidu jagħti tletin biċċa tal-fidda lil sid l-ilsir u l-gendus jitħaġġar.

[Eż:21:33] “Jekk xi ħadd jiftaħ jew iħaffer xi bir u ma jgħattihx, u jaqa' fih xi gendus jew ħmar, [Eż:21:34] sid il-bir jagħmel tajjeb lil sidu, u jpattilu b'kemm jiswa flus, imma l-bhima mejta tkun tiegħu.

[Eż:21:35] “Jekk il-gendus ta' xi ħadd jaħbat għal gendus ta' xi ħaddieħor, u dan imut, ibigħu l-gendus l-ħaj u jaqsmu flusu, u wkoll il-gendus il-mejjet. [Eż:21:36] Jekk kienu jafu li l-gendus kien jagħti bir-ras minn qabel, u sidu ma ħax ħsiebu, dan għandu jpatti gendus b'gendus, u l-bhima l-mejta tkun tiegħu. [Eż:21:37] Meta xi ħadd jisraq gendus - jew nagħġa - u joqtlu jew ibigħu, ipatti b’ħames baqriet għall-gendus, u b'erba' nagħġiet għan-nagħġa.

22. Il-liġi dwar il-propjetà

[Eż:22:1] “Jekk il-ħalliel jinqabad huwa u jiftaħ, u jaħbtu għalih u joqtluh, ħadd ma jkun ħati ta' ħajtu. [Eż:22:2] Jekk jinqabad meta tkun diġà telgħet ix-xemx, min joqtlu jkun ħati ta' ħajtu. Hu għandu jrodd, u, jekk ma jkollux biex, jinbiegħ biex ipatti għal dak li jkun seraq. [Eż:22:3] Jekk il-bhima misruqa - gendus, ħmar, nagħġa - isibuha għandu, u tkun għadha ħajja, irodd id-doppju.

[Eż:22:4] “Jekk xi ħadd jagħmel ħsara fl-għalqa jew fil-qasam tad-dwieli ta' xi ħaddieħor billi jitlaq il-merħla tiegħu tirgħa fl-għalqa ta' ħaddieħor, irodd mill-aħjar wiċċ ta' l-għalqa jew tad-dwieli tiegħu.

[Eż:22:5] “Jekk jaqbad in-nar u jilħaq l-għolliq u jinħarqu l-qatet tal-qamħ jew iż-żara', jew l-għalqa taqbad, ipatti għall-ħsara min ikun ta n-nar.

[Eż:22:6] “Jekk xi ħadd jagħti lil xi ħaddieħor flus jew ħwejjeġ biex iżommhomlu u jisirquhomlu minn daru, jekk isibu l-ħalliel, dan irodd id-doppju. [Eż:22:7] Jekk ma jsibux il-ħalliel, sid id-dar jinġieb quddiem Alla, biex juri jekk ikunx medd idejh fuq ħwejjeġ għajru. [Eż:22:8] Għal kull ħsara li ssir lil gendus, ħmar, nagħġa, libsa, jew kull ħaġa oħra mitlufa, li minnha xi ħadd jgħid: 'Din tiegħi', il-kwistjoni tagħhom it-tnejn iressquha quddiem Alla; lil min Alla jagħtih il-ħtija, irodd id-doppju lil għajru.

[Eż:22:9] “Jekk xi ħadd jagħti lil xi ħaddieħor ħmar, gendus, nagħġa jew xi bhima oħra, biex iżommhielu u din tmut, tweġġa' jew jaħtfuha bla ma ħadd ikun ra xejn, jaħilfu t-tnejn quddiem il-Mulej; [Eż:22:10] tinqata' bejniethom b'ħalfa quddiem il-Mulej li ma middx idu fuq ħwejjeġ sieħbu; u s-sid joqgħod fuq il-ġurament u l-ieħor ma jrodd xejn. [Eż:22:11] Jekk jisirquha mingħandu, irodd lil sidha. [Eż:22:12] Jekk imbagħad iqattgħuha l-bhejjem, u jġibha b'xhieda, ma jrodd xejn għall-bhima mqattgħa bċejjeċ.

[Eż:22:13] “Jekk xi ħadd jissellef bhima mingħand xi ħadd, u din tweġġa' jew tmut, u sidha ma jkunx magħha, għandu jrodd daqs kemm tiswa. [Eż:22:14] Jekk sidha jkun magħha, ma jħallas xejn. Jekk ikun mikri jħallas mill-paga tiegħu.

Il-liġi dwar il-persuni

[Eż:22:15] “Jekk xi raġel iqarraq b'xebba li ma tkunx imgħarrsa, u jorqod magħha, iħallas għaliha, u jeħodha b'martu. [Eż:22:16] Jekk missierha ma jkunx irid jagħtihielu, iħallas daqs kemm tiswa d-dota ta' xebba.

[Eż:22:17] “Saħħara, tħallihiex tgħix.

[Eż:22:18] “Kull min jorqod ma' bhima, ikun ħaqqu l-mewt.
[Eż:22:19] “Kull min joffri sagrifiċċji lill-allat, ħlief lill-Mulej, ikun meqrud.

[Eż:22:20] “La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art ta' l-Eġittu. [Eż:22:21] La taħqrux l-armla jew l-iltim, [Eż:22:22] għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; [Eż:22:23] u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.

[Eż:22:24] “Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax. [Eż:22:25] Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b'raħan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx; [Eż:22:26] għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta' ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin.

[Eż:22:27] “La tidgħix b'Alla u anqas ma għandek tisħet lill-kap ta' niesek.

[Eż:22:28] “La tiddawwarx biex toffri mill-ħsad u l-għasir tiegħek.

“L-ewwel fost uliedek int tagħtih lili. [Eż:22:29] L-istess tagħmel mill-baqar u min-nagħaġ tiegħek; il-ferħ żommu sebat ijiem ma' ommu, iżda fit-tmien jum tagħtih lili.

[Eż:22:30] “Intom tkunu nies ikkonsagrati lili, la tiklux il-laħam ta' bhima mqattgħa fir-raba'; imma ixħtuh lill-klieb.

23. Il-ħaqq u s-sewwa

[Eż:23:1] “La taqlax xniegħa giddieba; la tagħtix idek lil bniedem ħażin biex tixhed bil-qerq. [Eż:23:2] La tmurx mal-kotra biex tagħmel id-deni; u f'tilwima tixhidx skond il-kotra, biex ma tgħawwiġx is-sewwa. [Eż:23:3] U anqas ma għandek tħares lejn wiċċ il-fqir fit-tilwim tiegħu.

[Eż:23:4] “Jekk int issib il-gendus jew il-ħmar mitluf ta' min jobogħdok, roddhulu lura. [Eż:23:5] Jekk tara l-ħmar ta' min jobogħdok mixħut fl-art taħt it-tagħbija, tibqax għaddej bla ma tgħinu; imma għinu biex iqajjmu.

[Eż:23:6] “La tgħawwiġx il-ġustizzja li tmiss lill-fqir fil-kawża tiegħu. [Eż:23:7] Żomm ruħek 'il bogħod minn kliem il-gideb; u la toqtolx lil min hu sewwa u bla ħtija; għax jien ma neħlishiex lill-ħati. [Eż:23:8] La teħux rigali, għax ir-rigali jagħmu n-nies b'għajnejhom miftuħa, u jgħawwġu l-kawża tan-nies sewwa.

[Eż:23:9] “Taħqarx il-barrani; int taf xi jħoss il-barrani, għax barrani int kont fl-art ta' l-Eġittu.

Is-seba' sena u l-festa

[Eż:23:10] “Għal sitt snin int tiżra' l-art tiegħek, u tiġbor l-uċuh tagħha, [Eż:23:11] imma fis-seba' sena tħalliha tistrieħ; ħalliha biex jieklu l-fqar tal-poplu tiegħek; u l-fdal jikluh il-bhejjem tax-xagħri. Hekk ukoll agħmel bid-dwieli u ż-żebbuġ tiegħek.

[Eż:23:12] “Għal sitt ijiem tagħmel ix-xogħol tiegħek; u fis-seba' jum tistrieħ, biex jistrieħu l-gendus u l-ħmar tiegħek, u bin il-qaddejja tiegħek u l-barrani jieħdu r-ruħ. [Eż:23:13] Qisu li tħarsu kull ma għedtilkom, u ssemmux isem allat oħra; ma għandux jinstema' isimhom fuq fommok.

[Eż:23:14] “Tliet darbiet fis-sena tagħmilli festa. [Eż:23:15] Int tħares il-festa ta' l-ażżmi. Għal sebat ijiem tiekol il-ħobż ażżmu, kif jien ordnajtlek fiż-żmien li għedtlek, fix-xahar ta' Abib, għax fih int ħriġt mill-Eġittu. Ħadd ma għandu jidher quddiemi b'idu f'idu. Int tħares il-festa tal-ħsad, l-ewwel frott ta' xogħlok u ta' dak li tiżra' fir-raba' tiegħek. [Eż:23:16] Tagħmel il-festa tal-ġabra fi ħruġ is-sena, meta tiġbor mir-raba' l-frott ta' xogħlok. [Eż:23:17] Tliet darbiet fis-sena jidher kull raġel fostkom quddiem il-Mulej, is-Sid.

[Eż:23:18] “La toffrix id-demm tal-vittmi tiegħek b'ħobż bil-ħmira; iżżommx ix-xaħam tal-vittmi tal-festa tiegħi sa filgħodu.

[Eż:23:19] “Int iġġib il-bikri tal-frott ta' l-art tiegħek f'dar il-Mulej Alla tiegħek. La tgħallix il-gidi f'ħalib ommu.

L-anġlu protettur

[Eż:23:20] “Arani, se nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-triq u jwasslek fil-post li jien ħejjejtlek. [Eż:23:21] Qis li tagħtih wiċċ u tisma' kliemu; la tmerihx; għax ma jaħfrilkomx dnubietkom; għax hu jkellimkom f'ismi. [Eż:23:22] Jekk tisma' sewwa minn kliemu, u tagħmel kull ma ngħidlek, jien inkun l-għadu ta' l-għedewwa tiegħek, u neħodha ma' min jeħodha miegħek.

[Eż:23:23] “L-anġlu tiegħi jimxi quddiemek u jwasslek għand l-Amurrin u l-Ħittin, il-Periżżin u l-Kangħanin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, u jiena neqridhom. [Eż:23:24] Tadurawx l-allat tagħhom u la taqduhomx; u la tagħmlux kif jagħmlu huma, imma int eqridhom u kisser il-plieri tal-ġebel tagħhom. [Eż:23:25] U intom tqimu l-Mulej, Alla tagħkom, u hu jbierek il-ħobż u l-ilma tiegħek; u nwarrab il-mard minn nofsok. [Eż:23:26] Ma jkunx hemm f'nofsok mara bla tfal, jew li tiled qabel iż-żmien. [Eż:23:27] Il-biża' tiegħi nibgħat quddiemek; u nħawwad in-nies, li int tasal għandhom; u nġiegħel l-għedewwa tiegħek idawwru daharhom lejk. [Eż:23:28] Jien nibgħat iż-żnażan quddiemek, u jkeċċu l-Ħiwwin, il-Kangħanin u l-Ħittin minn quddiemek. [Eż:23:29] Ma nkeċċihomx minn quddiemek f'sena, inkella l-art issir ħerba u l-bhejjem tax-xagħri joktru kontra tiegħek. [Eż:23:30] Bil-ftit il-ftit inkeċċihom minn quddiemek, sakemm int toktor u tkun tista' tieħu l-art f'idejk. [Eż:23:31] U l-fruntieri tiegħek nagħmilhomlok minn Baħar il-Qasab sal-baħar tal-Filistin, u mid-deżert sax-xmara ta' l-Ewfrat; għax jien nitlaq in-nies ta' l-art f'idejk, u int tkeċċihom minn quddiemek. [Eż:23:32] Ma tagħmel ebda patt magħhom, u anqas ma' allathom. [Eż:23:33] Ma għandhomx jgħammru fl-art tiegħek, li ma tmurx titħajjar tidneb kontrija u tqim l-allat tagħhom, għax ikun ta' ħsara għalik.”

24. Il-patt tas-Sinaj

[Eż:24:1] Il-Mulej qal lil Mosè: “Itla' ħdejn il-Mulej, int u Aron, Nadab u Abiħu, flimkien ma' sebgħin mix-xjuħ ta' Iżrael; agħtu qima mill-bogħod; [Eż:24:2] mbagħad Mosè jersaq waħdu lejn il-Mulej; imma l-oħrajn ma jersqux, u anqas il-poplu ma għandu jitla' miegħu.”

[Eż:24:3] Mosè niżel jgħid lill-poplu kull ma qallu l-Mulej u kull ma ordnalu. Il-poplu wieġeb b'leħen wieħed u qal: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh.” [Eż:24:4] Mosè kiteb il-kliem kollu tal-Mulej, u fil-għodu qam, bena artal taħt il-muntanja, u waqqaf tnax-il plier għat-tnax-il tribù ta' Iżrael. [Eż:24:5] Mbagħad bagħat xi żgħażagħ minn ulied Iżrael biex joffru sagrifiċċji u joqtlu għoġiela bħala sagrifiċċji tas-sliem lill-Mulej. [Eż:24:6] Mosè ħa nofs id-demm u qiegħdu fi bwieqi, u xerred in-nofs l-ieħor fuq l-artal. [Eż:24:7] Mbagħad ħa l-ktieb tal-patt, u qara minnu hekk li seta' jisimgħu l-poplu. U huma qalu: “Kull ma qalilna l-Mulej nagħmluh, u nisimgħu minnu.” [Eż:24:8] Mosè mbagħad ħa d-demm u, hu u jroxxu fuq il-poplu, qal: “Hawn hu d-demm tal-patt li l-Mulej għamel magħkom skond dan il-kliem kollu.” [Eż:24:9] U telgħu Mosè u Aron, Nadab u Abiħu, u s-sebgħin mix-xjuħ ta' Iżrael. [Eż:24:10] U huma raw 'l Alla ta' Iżrael: taħt riġlejh kien hemm bħal ċangatura tas-saffiri, safja daqs is-sema nnifsu. [Eż:24:11] Lejn il-kbarat ta' wlied Iżrael huwa ma meddx idu. U huma raw 'l Alla; u kielu u xorbu. [Eż:24:12] Il-Mulej qal lil Mosè: “Itla' ħdejja fuq il-muntanja, u stenna hemm u nagħtik it-twavel tal-ġebel, bil-liġi u l-kmandamenti, li jien ktibt fuqhom għat-tagħlim tagħhom.” [Eż:24:13] Għalhekk Mosè qam mal-qaddej tiegħu Ġożwè, u Mosè tala' fuq il-muntanja ta' Alla. [Eż:24:14] U lix-xjuħ qalilhom: “Stennewna hawnhekk, sakemm nerġgħu lura ħdejkom; u, araw, Aron u Ħur qegħdin magħkom, min ikollu xi ħaġa, ħa jmur għandhom.”

[Eż:24:15] Mosè tala' fuq il-muntanja u s-sħaba ksiet il-muntanja. [Eż:24:16] Il-glorja tal-Mulej strieħet fuq il-muntanja tas-Sinaj, u s-sħaba ksietha għal sitt ijiem; u fis-seba' jum il-Mulej sejjaħ lil Mosè minn ġo nofs is-sħaba. [Eż:24:17] Id-dehra tal-glorja tal-Mulej f'għajnejn ulied Iżrael kienet tixbaħ lil ħuġġieġa nar iħeġġeġ fuq il-quċċata tal-muntanja. [Eż:24:18] U Mosè daħal fis-sħaba u tala' fuq il-muntanja u baqa' fuq il-muntanja erbgħin jum u erbgħin lejl.

25. L-offerti għat-tabernaklu

[Eż:25:1] U l-Mulej qal lil Mosè: [Eż:25:2] “Kellem lil ulied Iżrael, biex iġibuli offerta; int tirċievi din l-offerta mingħand kull min jagħti minn rajh. [Eż:25:3] U din hi l-offerta li tirċievi mingħandhom: deheb, fidda, u bronż; [Eż:25:4] ħjut vjola, porpra u skarlatt, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, [Eż:25:5] ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tad-denfil, injam tal-gażżi, [Eż:25:6] żejt għall-imnariet, ħwawar għaż-żejt tal-konsagrazzjoni, ħwawar għall-inċens, [Eż:25:7] ħaġar ta' l-oniċi, ħaġar għat-tqegħid fl-efod u l-pettorali. [Eż:25:8] U jagħmluli santwarju, biex ngħammar ġo nofshom; [Eż:25:9] tagħmluh skond il-mudell tat-tinda u l-għamara tagħha li se nurik.
L-arka

[Eż:25:10] “Jagħmlu arka tal-gażżi; żewġt idriegħ u nofs it-tul, driegħ u nofs il-wisa', u driegħ u nofs l-għoli tagħha. [Eż:25:11] Tiksiha b'deheb fin, minn ġewwa u minn barra, u n-naħa ta' fuq tagħmlilha dawra tad-deheb. [Eż:25:12] U ddewweb id-deheb u tagħmlilha erba' ħolqiet, u tqegħedhomlha fuq fl-erba' saqajn, żewġ ħolqiet f'naħa, u tnejn oħra n-naħa l-oħra. [Eż:25:13] Tagħmel ukoll żewġ lasti tal-gażżi, u tiksihom bid-deheb, [Eż:25:14] u ddaħħal il-lasti fil-ħolqiet fil-ġnub ta' l-arka, biex iġorruha bihom. [Eż:25:15] Il-lasti ma tneħħihomx minnha, iżda jibqgħu dejjem fil-ħoloq ta' l-arka. [Eż:25:16] U fl-arka tqiegħed ix-xhieda miktuba li se nagħtik.

[Eż:25:17] “Agħmlilha għatu tad-deheb fin, żewġt idriegħ u nofs twil, u driegħ u nofs wiesa'. [Eż:25:18] Tagħmlilha żewġ kerubini tad-deheb mastizz, u tqegħedhom wieħed kull naħa fiż-żewġt itruf ta' l-għatu. [Eż:25:19] Tqiegħed kerubini, wieħed f'tarf, u l-ieħor f'tarf ieħor; kull kerubin biċċa waħda ma' l-għatu. [Eż:25:20] Il-kerubini jkunu bil-ġwienaħ miftuħa 'l fuq u jgħattu bi ġwenħajhom l-għatu, u jħarsu lejn xulxin. [Eż:25:21] U tqiegħed l-għatu fuq wiċċ l-arka, u fl-arka tqiegħed ix-xhieda miktuba li se nagħtik. [Eż:25:22] Hemm jien niltaqa' miegħek, u nkellmek minn fuq l-għatu, minn bejn żewġ kerubini, li jkunu fuq l-għatu ta' l-arka tax-xhieda miktuba, nagħtik liġijiet għal ulied Iżrael.

Il-mejda

[Eż:25:23] “Agħmel mejda ta' l-injam tal-gażżi, twila żewġt idriegħ, u wiesgħa driegħ, u għolja driegħ u nofs; [Eż:25:24] iksiha bid-deheb fin, u għamlilha kuruna tad-deheb madwarha. [Eż:25:25] Agħmlilha wkoll tilar madwarha għoli erbat iswaba', u kuruna tad-deheb madwar it-tilar. [Eż:25:26] Agħmlilha erba' ħoloq tad-deheb u waħħal dawn il-ħoloq ma' l-erba' rkejjen ta' l-erba' saqajn tagħha. [Eż:25:27] Il-ħoloq għandhom jitwaħħlu qrib il-bastun, biex fihom jidħlu l-lasti biex jerfgħu l-mejda bihom. [Eż:25:28] Agħmel il-lasti ta' l-injam tal-gażżi, u iksihom bid-deheb; dawn iservu biex terfgħu l-mejda. [Eż:25:29] U int tagħmel għaliha platti, mgħaref, kwies u bwieqi għat-tiswib tal-libazzjonijiet; tagħmilhom tad-deheb fin, [Eż:25:30] u fuqha tqiegħed quddiemi għal dejjem il-ħobż tal-preżenza.

L-imnara

[Eż:25:31] “Int tagħmel ukoll imnara tad-deheb fin; tagħmilha tad-deheb mastizz: is-sieq u l-bastun tagħha, bil-ġewż u ż-żibeġ u ż-żahar, ikunu biċċa waħda magħha. [Eż:25:32] Joħorgu sitt friegħi mill-ġnub tagħha, tliet friegħi minn naħa u tliet friegħi min-naħa l-oħra. [Eż:25:33] Ikun hemm tliet ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq, fuq fergħa; tliet ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq, fuq il-fergħa l-oħra; u hekk l-istess is-sitt friegħi kollha ħerġin mill-imnara. [Eż:25:34] Fl-imnara jkun hemm erba' ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq, u jkun hemm ġewżiet biċċa waħda magħha taħt is-sitt friegħi ħierġa minnha, [Eż:25:35] u żibġa taħt żewġ friegħi tagħha; żibġa taħt żewġ friegħi oħra; u żibġa taħt l-aħħar żewġ friegħi tagħha; hekk għas-sitt friegħi ħerġin mill-imnara. [Eż:25:36] Il-ġewżiet u l-friegħi jkunu biċċa waħda magħha; kollox biċċa waħda tad-deheb mastizz fin. [Eż:25:37] Agħmel seba' msiebaħ għaliha u qegħedhom fuqha biex jixegħlu madwarha. [Eż:25:38] L-imqassijiet u l-bwieqi għaliha jkunu tad-deheb fin. [Eż:25:39] L-imnara bil-bċejjeċ tagħha tkun ta' talent deheb fin. [Eż:25:40] Qis li tagħmilha fuq il-mudell li int rajt fuq il-muntanja.

26. It-tabernaklu

[Eż:26:1] “U tagħmel it-tabernaklu b'għaxar purtieri, tagħmilhom ta' l-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt; bil-kerubini minsuġin fihom, xogħol tas-sengħa. [Eż:26:2] Kull purtiera tkun tmienja u għoxrin driegħ twila, u erbat idriegħ wiesgħa, kollha daqs wieħed. [Eż:26:3] Ħames purtieri minnhom ikunu mgħaqqdin flimkien waħda ma' l-oħra u l-ħamsa l-oħra jkunu mgħaqqdin flimkien waħda ma' l-oħra. [Eż:26:4] U tagħmel qfieli vjola fil-keffa tal-purtiera ta' barra ta' sett minnhom, u hekk ukoll tagħmel fil-keffa tal-purtiera ta' barra tas-sett l-ieħor. [Eż:26:5] Tagħmel ħamsin qafla f'purtiera waħda, u ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera tat-tieni sett; il-qfieli jkunu jaqblu waħda ma' l-oħra. [Eż:26:6] U tagħmel ħamsin ħolqa tad-deheb, u tgħaqqad il-purtieri kollha flimkien waħda ma' l-oħra; u hekk it-tabernaklu jkun ħaġa waħda.

[Eż:26:7] “Tagħmel ukoll purtieri tax-xagħar tal-mogħoż għat-tinda tat-tabernaklu; tagħmel ħdax minnhom. [Eż:26:8] Kull purtiera tkun ta' tletin driegħ tul, u l-wisa' tagħha erbat idriegħ; il-ħdax-il purtiera jkunu daqs wieħed. [Eż:26:9] Ħames purtieri minnhom tgħaqqadhom flimkien, u hekk ukoll is-sitta l-oħra, u titwi s-sitt waħda għal quddiem it-tinda. [Eż:26:10] Tagħmel ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera ta' barra f'sett, u ħamsin qafla oħra fil-keffa tal-purtiera ta' barra tas-sett l-ieħor. [Eż:26:11] Tagħmel ukoll ħamsin ħolqa tal-bronż; u ddaħħal dawn il-ħoloq fil-qfieli; u tgħaqqad it-tinda b'mod li ssir ħaġa waħda.

[Eż:26:12] “Il-biċċa li jifdal mill-purtieri tat-tinda, nofs il-purtiera li tibqa', tiddendel għal wara t-tabernaklu. [Eż:26:13] U d-driegħ f'naħa u d-driegħ fin-naħa l-oħra, li jifdal mit-tul tal-purtieri tat-tinda, jiddendlu mal-ġnub tat-tabernaklu, f'kull naħa, biex jgħattuh. [Eż:26:14] U tagħmel ukoll għata għal fuq it-tinda mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, u għata tad-denfil għal fuq kollox.

It-tavlar tat-tabernaklu

[Eż:26:15] “U tagħmel twavel wieqfa tal-gażżi għat-tabernaklu, [Eż:26:16] kull waħda twila għaxart idriegħ, u driegħ u nofs wiesgħa; [Eż:26:17] ikun hemm żewġ minċotti f'kull tavla, biex tgħaqqadhom ma' xulxin. Tagħmel l-istess bit-twavel kollha tat-tabernaklu. [Eż:26:18] Qassam it-twavel tat-tabernaklu b'dan il-mod: għoxrin tavla n-naħa ta' isfel, iħarsu lejn in- nofsinhar; [Eż:26:19] tagħmel erbgħin maqgħad tal-fidda taħt l-għoxrin tavla, tnejn għal waħda għaż-żewġ minċotti tagħha u żewġ imqagħad għal taħt l-oħra għaż-żewġ minċotti tagħha. [Eż:26:20] Fuq it-tieni naħa, li tħares lejn it-tramuntana, għoxrin tavla oħra, [Eż:26:21] bl-erbgħin maqgħad tal-fidda tagħhom, tnejn taħt waħda u tnejn taħt l-oħra. [Eż:26:22] Fuq in-naħa ta' wara li tħares lejn il-punent, tagħmel sitt twavel. [Eż:26:23] Tagħmel żewġt itwavel ukoll għall-kantunieri n-naħa ta' wara. [Eż:26:24] Dawn ikunu magħqudin min-naħa ta' isfel ma' xulxin, u mir-ras jidħlu f'ħolqa waħda. Agħmel l-istess għat-tnejn; dawn iservu għaż-żewġ kantunieri. [Eż:26:25] Ikun hemm tmien twavel bil-maqgħad tagħhom tal-fidda, sittax-il maqgħad b'kollox, żewġ imqagħad taħt tavla, u żewġ imqagħad taħt l-oħra.

[Eż:26:26] “Agħmel traversi tal-gażżi: ħamsa għat-twavel ta' naħa, [Eż:26:27] u ħamsa għan-naħa l-oħra tat-tabernaklu; ħamsa oħra għan-naħa ta' wara tat-tabernaklu li tħares lejn il-punent. [Eż:26:28] U t-traversa tan-nofs, f'nofs l-għoli tat-twavel, tgħaddi minn tarf għall-ieħor. [Eż:26:29] Iksi t-twavel bid-deheb, agħmel ħoloq tad-deheb biex iżommu t-traversi, u iksi t-traversi bid-deheb.

[Eż:26:30] “Twaqqaf it-tabernaklu skond il-mudell li rajt fuq il-muntanja.

Il-velu

[Eż:26:31] “Tagħmel velu ta' l-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, b'kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa. [Eż:26:32] Dendlu b'ganċijiet tad-deheb ma' l-erba' kolonni tal-gażżi miksija bid-deheb, fuq erba' mqagħad tal-fidda. [Eż:26:33] U int iddendel il-velu ma' l-anelli u ddaħħal l-arka tax-xhieda miktuba 'l ġewwa mill-velu. Il-velu għalikom ikun mifred bejn il-post qaddis u l-post il-qaddis. [Eż:26:34] Tqiegħed l-għatu fuq l-arka tax-xhieda miktuba fil-post il-qaddis. [Eż:26:35] 'Il barra mill-velu tqiegħed il-mejda n-naħa tat-tramuntana: u l-imnara n-naħa tan-nofsinhar tat-tabernaklu biswit il-mejda.

[Eż:26:36] “Fid-dħul tat-tabernaklu tagħmel purtiera ta' l-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ. [Eż:26:37] Tagħmel ħames kolonni tal-gażżi miksija bid-deheb għall-velu, agħmlilhom ganċijiet tad-deheb, u ħames imqagħad tal-bronż.

27. L-artal tas-sagrifiċċju

[Eż:27:1] “Tagħmel l-artal tal-gażżi, ħamest idriegħ tul, u ħamsa wisa'; l-artal ikun kwadru, tlitt idriegħ għoli. [Eż:27:2] Tagħmillu qarn f'kull kantuniera, miksi bil-bronż, biċċa waħda miegħu. [Eż:27:3] Tagħmillu l-ħwat għall-irmied, pwali, bwieqi, mqassijiet u twaġen; dawn il-ħwejjeġ kollha tagħmilhom tal-bronż. [Eż:27:4] Tagħmillu gradilja maħduma bħal xibka tal-bronż; fl-erba' kantunieri tax-xibka tagħmel erba' ħoloq tal-bronż. [Eż:27:5] Tqegħedha taħt il-ħanek ta' l-artal b'mod li x-xibka tasal sa nofs l-għoli ta' l-artal. [Eż:27:6] Tagħmel erba' lasti għall-artal, lasti tal-gażżi, miksija bil-bronż; [Eż:27:7] u tgħaddihom minn ġol-ħoloq, b'mod li l-lasti jkunu fuq iż-żewġ naħat ta' l-artal meta jġorruh. [Eż:27:8] Tagħmlu tat-twavel u vojt minn ġewwa, kif urejtek fuq il-muntanja.

Il-bitħa

[Eż:27:9] “Tagħmel bitħa madwar it-tabernaklu; fuq in-naħa tan-nofsinhar ikollha purtieri wieqfa, għażel minsuġ fin, tul mitt driegħ għal naħa waħda; [Eż:27:10] u l-pilastri jkunu għoxrin u l-għoxrin maqgħad tagħhom tal-bronż, imma l-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex tagħhom ikunu tal-fidda. [Eż:27:11] U l-istess fuq in-naħa tat-tramuntana jkun hemm ma' tulha kollu purtieri wieqfa mitt driegħ tul, b'għoxrin pilastru u għoxrin maqgħad tal-bronż, imma l-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex ikunu tal-fidda. [Eż:27:12] Għall-wisa' tal-bitħa n-naħa tal-punent ikun hemm purtiera mdendla tul ħamsin driegħ b'għaxar pilastri u għaxar imqagħad għalihom. [Eż:27:13] Il-wisa' tal-bitħa n-naħa ta' quddiem lejn il-lvant ikun ħamsin driegħ: [Eż:27:14] b'purtiera ta' ħmistax-il driegħ fuq naħa, bi tliet pilastri bl-imqagħad tagħhom, [Eż:27:15] u b'purtiera ta' ħmistax-il driegħ fuq in-naħa l-oħra tal-bieb bi tliet pilastri bl-imqagħad tagħhom. [Eż:27:16] Għall-bieb tal-bitħa jkun hemm purtiera għoxrin driegħ wiesgħa ta' l-għażel fin, minsuġa bil-vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ; ikollha erba' pilastri u erba' mqagħad. [Eż:27:17] Il-pilastri madwar il-bitħa jkunu miksija bil-fidda; il-ganċijiet ikunu wkoll tal-fidda, u l-imqagħad tal-bronż. [Eż:27:18] It-tul tal-bitħa jkun mitt driegħ, il-wisa' ħamsin, u l-għoli ħamest idriegħ, bi drapp imdendel ta' l-għażel fin, u l-imqagħad tal-bronż. [Eż:27:19] It-tagħmir kollu tat-tabernaklu għal kull ma jenħtieġ u l-imrabat kollha tiegħu u l-imrabat tal-bitħa jkunu kollha tal-bronż.

Żejt għall-imnara

[Eż:27:20] “Int tordna lil ulied Iżrael biex iġibulek żejt taż-żebbuġ misħuq fin għall-imnara, biex iżżomm l-imsiebaħ mixgħula għal dejjem. [Eż:27:21] U Aron u wliedu jqegħduha 'l barra mill-velu ta' quddiem it-tinda tax-xhieda miktuba u jżommuha mixgħula minn filgħaxija sa filgħodu quddiem il-Mulej.

“Din tkun liġi li għandha titħares għal dejjem mill-poplu ta’ Izrael minn ġenerazzjoni għal oħra.


28. L-ilbies tal-qassisin

[Eż:28:1] “Ressaq lejk lil ħuk Aron u lil uliedu, minn fost il-poplu ta' Iżrael, biex jaqduni bħala qassisin, Aron u wlied Aron, Nadab u Abiħu, Elgħazar u Itamar. [Eż:28:2] U int tagħmel ilbies imqaddes għal Aron, ħuk, għall-ġieħ u għall-ġmiel tiegħu. [Eż:28:3] Kellem lil dawk kollha li għandhom il-ħila, u li jien żejjint bl-ispirtu ta' l-għerf, biex jagħmlu l-ilbies ta' Aron, biex tikkonsagrah qassis tiegħi. [Eż:28:4] Dan hu l-ilbies li għandhom jagħmlu: pettorali, efod, mantar, tonka ċċangjata, turbant u terħa. Jagħmlu lbies sagru għal Aron ħuk u wliedu biex jaqduni bħala qassisin; [Eż:28:5] u jieħdu biex jaħdmuhom deheb u ħajt vjola, porpra u skarlatt u għażel fin.

L-efod

[Eż:28:6] “Jagħmlu l-efod mid-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin, xogħol tas-sengħa. [Eż:28:7] Ikollu żewġ biċċiet għal fuq l-ispallejn, mwaħħla miż-żewġt itruf biex jinqafel minn fuq. [Eż:28:8] U l-faxxa li żżommu f'postu tkun ta' l-istess xogħol tad-deheb u vjola, porpra u skarlatt, u għażel minsuġ fin. [Eż:28:9] Ħu żewġ ħaġriet ta' l-oniċi, u onqox fihom l-ismijiet ta' wlied Iżrael, [Eż:28:10] sitta fuq waħda u sitta fuq l-oħra, skond l-ordni ta' twelidhom. [Eż:28:11] Bħalma l-arġentier jonqox iċ-ċrieket, hekk int tonqox l-ismijiet ta' wlied Iżrael fiż-żewġ ħaġriet. Mbagħad ħithom u agħlaqhom f'dawra deheb, [Eż:28:12] u waħħalhom fuq iż-żewġ bċejjeċ ta' l-efod, ġawhar għat-tifkira ta' wlied Iżrael; u Aron iġib fuq spallejh l-ismijiet tagħhom b'tifkira quddiem il-Mulej. [Eż:28:13] U tagħmel dwawar tad-deheb, [Eż:28:14] u żewġ lazzijiet tad-deheb fin, mibrum bħal ħbula, u twaħħal dawn iż-żewġ lazzijiet mibruma mad-dwawar.

Il-pettoral

[Eż:28:15] “U tagħmel il-pettoral tal-ġudizzju, xogħol tas-sengħa bħall-efod, tagħmlu tad-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel minsuġ fin. [Eż:28:16] Ikun kwadru u mitwi, twil xiber b'xiber wisa'. [Eż:28:17] U waħħal fih erba' indani ta' ħaġar prezzjuż: l-ewwel indana: sardju, topazju u żmerald; [Eż:28:18] it-tieni indana: rubin, saffir u djamant; [Eż:28:19] it-tielet indana: ġjaċint, agta u ametist, [Eż:28:20] ir-raba' indana: krisoltu, oniċi u djaspru. Agħlaqhom fi dwawar tad-deheb. [Eż:28:21] Ikun hemm tnax-il ħaġra daqs l-ismijiet ta' wlied Iżrael, mnaqqxa bħaċ-ċrieket, kull waħda b'isimha skond it-tnax-il tribù. [Eż:28:22] Għall-pettoral agħmel lazzijiet tad-deheb fin mibruma bħal ħbula; [Eż:28:23] u agħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb, u qegħedhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral. [Eż:28:24] U daħħal iż-żewġ lazzijiet tad-deheb fiż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral. [Eż:28:25] U ż-żewġt itruf taż-żewġ lazzijiet orbothom maż-żewġ dwawar u qegħedhom fuq il-biċċa ta' l-efod minn quddiem. [Eż:28:26] Agħmel żewġ ħolqiet oħra tad-deheb u qegħedhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa ta' ġewwa li tmiss ma' l-efod. [Eż:28:27] U agħmel żewġ ħolqiet oħra tad-deheb, u waħħalhom minn quddiem fit-tarf t'isfel ta' waħda mill-bċejjeċ ta' l-efod, fir-rabta tiegħu 'l fuq mill-faxxa ta' l-efod. [Eż:28:28] U jorbtu l-pettoral mill-ħoloq tiegħu mal-ħoloq ta' l-efod b'kurdiċella vjola, b'mod li jiġi fuq il-faxxa ta' l-efod, u li l-pettoral ma jinħallx minn fuq l-efod.

[Eż:28:29] “Hekk Aron iġib fuq qalbu l-ismijiet ta' wlied Iżrael fil-pettoral tal-ġudizzju meta jidħol fil-post qaddis, u jġibhom b'tifkira għal dejjem quddiem il-Mulej. [Eż:28:30] Fil-pettoral tal-ġudizzju int tqiegħed l-Urim u t-Tummim. U jkunu fuq qalb Aron meta jidħol quddiem il-Mulej; hekk Aron iġib fuq qalbu dawn is-sinjali tal-ġudizzju fuq Iżrael quddiem il-Mulej għal dejjem.

Il-libsa ta' l-efod

[Eż:28:31] “Agħmel ukoll il-libsa ta' l-efod kollha vjola. [Eż:28:32] F'nofsha tagħmlilha skullatura għar-ras. Agħmel tberfila minsuġa madwar il-fetħa, bħal skullatura ta' qmis biex ma tiċċarratx. [Eż:28:33] Mal-keffa tagħha ddendel bħal rummien vjola, porpra u skarlatt, bi ġlieġel tad-deheb dawramejt. [Eż:28:34] Ġolġol tad-deheb u rummiena, ġolġol tad-deheb u rummiena, mal-keffa tal-libsa, id-dawra kollha. [Eż:28:35] U jilbisha Aron kull meta jkun jagħmel is-servizz tiegħu; u l-ħoss tagħha jinstama' meta jidħol fis-santwarju quddiem il-Mulej, u meta joħroġ; u hekk ma jmutx.

[Eż:28:36] “U agħmel strixxa tad-deheb fin, u onqox bħal inċiżjoni fuq ċurkett, 'Qaddis lill-Mulej', [Eż:28:37] u tħitha b'kurdiċella vjola mat-turbant in-naħa ta' quddiem. [Eż:28:38] Tkun fuq ġbin Aron, u Aron jieħu fuq spallejh il-ħtijiet li jsiru fir-riti li bihom ulied Iżrael joffru d-doni mqaddsa tagħhom; tkun fuq ġbinu, biex jogħġbu lill-Mulej.

[Eż:28:39] “Agħmel it-tonka ċċangjata ta' l-għażel u t-turbant ta' l-għażel fin, u tagħmel terħa ta' l-insiġ.

[Eż:28:40] “Agħmel tonok għal ulied Aron u agħmlilhom trieħi u turbant għas-sebħ u l-ġmiel tagħhom. [Eż:28:41] U libbishom lil Aron ħuk, u lil uliedu miegħu; idlikhom u kkonsagralhom idejhom; u hekk tikkonsagrahom biex ikunu qassisin tiegħi. [Eż:28:42] U int agħmlilhom qliezet ta' l-għażel, biex jgħattu l-għera tagħhom, minn qaddhom sa rkubbtejhom. [Eż:28:43] U jilbsuhom Aron u wliedu, meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa ta' Alla jew xħin jersqu lejn l-artal biex iservu fis-santwarju; biex ma jkollhom ebda ħtija u ma jmutux. Din hi l-liġi għalih u għal nislu għal dejjem.

29. Il-konsagrazzjoni tal-qassisin

[Eż:29:1] “Dan hu r-rit li għandek iżżomm biex tikkonsagrahom, u jservuni bħala qassisin. Ħu għoġol u żewġ imtaten bla difett. [Eż:29:2] Ħu ħobż ażżmu u ftajjar bla ħmira miblula fiż-żejt, u ftajjar irqaq midluka biż-żejt, u agħmilhom mid-dqiq tal-qamħ. [Eż:29:3] U qegħedhom f'qoffa waħda, u ġibhom fil-qoffa, u ġib ukoll l-għoġol u l-imtaten. [Eż:29:4] Ressaq lil Aron u 'l uliedu ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u aħsilhom bl-ilma. [Eż:29:5] Ħu l-ilbiesi u libbes lil Aron bit-tonka u l-libsa ta' l-efod, l-efod, u l-pettoral, u ħażżmu bil-faxxa ta' l-efod, [Eż:29:6] u qegħedlu t-turbant fuq rasu u qiegħed il-kuruna mqaddsa fuq it-turbant. [Eż:29:7] U ħu ż-żejt għad-dlik u sawwabhulu fuq rasu u kkonsagrah.

[Eż:29:8] “Mbagħad ressaq lil uliedu; libbishom it-tonok; [Eż:29:9] ħażżimhom bit-trieħi, u xiddilhom it-turbant; u saċerdozju jkun tagħhom b'liġi għal dejjem. Hekk int tagħmel qassisin lil Aron u lil uliedu.

[Eż:29:10] “Mbagħad ġib l-għoġol ħdejn it-tinda tal-laqgħa, u huma jqiegħdu idejhom fuq rasu. [Eż:29:11] U int oqtol l-għoġol quddiem il-Mulej, ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Eż:29:12] Ħu ftit mid-demm ta' l-għoġol, u qiegħdu fuq qrun l-artal b'subgħajk; u l-bqija tad-demm sawwbu kollu f'riġlejn l-artal. [Eż:29:13] Ħu x-xaħam li jiksi l-ġewwieni u t-tebqa tal-fwied u ż-żewġ kilwiet b'xaħamhom, u aħraqhom fuq l-artal. [Eż:29:14] Imma l-laħam ta' l-għoġol, il-ġild u l-ħmieġ tiegħu aħraqhom barra l-kamp. Dan hu sagrifiċċju tal-purifikazzjoni.

[Eż:29:15] “Mbagħad ħu wieħed mill-imtaten, u Aron u wliedu jqiegħdu idejhom fuq ras il-muntun. [Eż:29:16] Oqtol il-muntun, iġbor id-demm tiegħu, u xerrdu fuq l-artal madwaru kollu. [Eż:29:17] Mbagħad qatta' l-muntun bċejjeċ, aħsel il-ġewwieni u s-saqajn tiegħu, u qegħedhom fuq il-bċejjeċ u r-ras; [Eż:29:18] u mbagħad aħraq il-muntun kollu fuq l-artal. Sagrifiċċju tal-ħruq ifuħ quddiem il-Mulej, hu, sagrifiċċju bin-nar quddiem il-Mulej.

[Eż:29:19] “Ħu l-muntun l-ieħor; u Aron u wliedu jqiegħdu idejhom fuqu; [Eż:29:20] u int oqtol il-muntun u ħu ftit minn demmu u miss bih tarf il-widna l-leminija ta' Aron u tarf il-widna l-leminija ta' wliedu, u fuq subagħhom il-kbir ta' idhom il-leminija, u subagħhom il-kbir ta' sieqhom il-leminija, u xerred il-bqija tad-demm taħt l-artal madwaru kollu. [Eż:29:21] Mbagħad tieħu ftit mid-demm li jkun hemm fuq l-artal u miż-żejt tal-konsagrazzjoni, u roxx minnu fuq Aron u fuq ilbiesu, u fuq uliedu u lbieshom. Hekk hu u lbiesu jkunu kkonsagrati, u wliedu u lbies uliedu wkoll miegħu.

[Eż:29:22] “Mbagħad ħu x-xaħam tal-muntun, u d-denb, u x-xaħam li jiksi l-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, u ż-żewġ kliewi b'xaħamhom, u s-sieq il-leminija, - għax dan hu l-muntun tal-konsagrazzjoni tal-qassisin; [Eż:29:23] ħu ħobża u ftira biż-żejt u ftira oħra rqiqa mill-qoffa ta' l-ażżmu li qiegħed quddiem il-Mulej. [Eż:29:24] Qiegħed dan kollu f'idejn Aron u idejn uliedu, u jgħolluhom u jxejjruhom quddiem il-Mulej. [Eż:29:25] Mbagħad ħu kollox minn idejhom u aħraqhom fuq l-artal flimkien mas-sagrifiċċju tal-ħruq, sagrifiċċju jfuħ quddiem il-Mulej, sagrifiċċju tan-nar quddiem il-Mulej.

[Eż:29:26] “Ħu s-sidra tal-muntun tal-konsagrazzjoni ta' Aron u għolliha u xejjirha quddiem il-Mulej; u dan ikun sehmek. [Eż:29:27] Hekk tqaddes is-sidra li tkun xejjirt u offrejt; u s-sieq tal-muntun tal-konsagrazzjoni li int għollejt u offrejt, u li tmiss lill-qassisin, lil Aron u 'l uliedu; [Eż:29:28] tmiss lilhom, lil Aron u wliedu bi dritt għal dejjem, bħala offerta mill-poplu ta' Iżrael. Dan ikun sehem il-qassisin mill-offerti tas-sliem li joffri l-poplu ta' Iżrael. Din hi l-offerta tagħhom lill-Mulej. [Eż:29:29] ̋L-ilbies ikkonsagrat ta' Aron, ikun għal uliedu warajh, jilbsuh meta jkunu midluka u kkonsagrati. [Eż:29:30] Ibnu, li jkun qassis floku, jilbishom għal sebat ijiem kull meta jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jagħmel is-servizz fis-santwarju.

[Eż:29:31] “Int ħu l-muntun tal-konsagrazzjoni u għalli laħmu f'post qaddis. [Eż:29:32] U Aron u wliedu jieklu l-laħam tal-muntun u l-ħobż li jkun hemm fil-qoffa ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. [Eż:29:33] Jieklu dak kollu li bih saret it-tpattija għall-ħatra u l-konsagrazzjoni tagħhom; ebda profan ma jista' jiekol minnu, għax dan ikel qaddis. [Eż:29:34] Jekk imbagħad jibqa' sa filgħodu xi fdal mil-laħam offert għall-ħatra jew mill-ħobż offert, int għandek taħarqu bin-nar, m'għandux jittiekel, għax ħaġa qaddisa.

[Eż:29:35] “Dan int tagħmel ma' Aron u wliedu, skond ma ordnajtlek; sebat ijiem idum ir-rit tal-konsagrazzjoni. [Eż:29:36] Int offri għoġol kuljum b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni għall-espjazzjoni. Int ukoll toffri sagrifiċċju tal-purifikazzjoni għall-artal meta tiġi biex tagħmel għalik ir-rit ta' l-espjazzjoni, u tidilku u tikkonsagrah. [Eż:29:37] Sebat ijiem idum ir-rit ta' l-espjazzjoni għall-artal; u l-artal isir ħaġa mill-aktar qaddisa, u kull min imiss miegħu jitqaddes.

Is-sagrifiċċju ta' kuljum

[Eż:29:38] “Dan hu li għandek toffri għal dejjem fuq l-artal: żewġt iħrief ta' dik is-sena kuljum; [Eż:29:39] ħaruf fil-għodu u ieħor fil-għaxija. [Eż:29:40] Ma' l-ewwel wieħed toffri daqs siegħ dqiq fin ma' tlitt infas taż-żebbuġ misħuq; u sawwab tlitt infas inbid. [Eż:29:41] Int toffri l-ħaruf l-ieħor fil-għaxija, u bħal fil-għodu toffri miegħu d-dqiq u t-tiswib taż-żejt u l-inbid - offerta tfuħ, offerta bin-nar lill-Mulej. [Eż:29:42] Din tkun sagrifiċċju tal-ħruq għal dejjem minn ġenerazzjoni għal oħra tagħkom quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, fejn niltaqa' miegħek biex hemm inkellmek. [Eż:29:43] Hemm niltaqa' mal-poplu ta' Iżrael, u tkunu mqaddsa bil-glorja tiegħi. [Eż:29:44] Jien nikkonsagra t-tinda tal-laqgħa u l-artal; u nikkonsagra wkoll lil Aron u lil uliedu biex ikunu qassisin ħa jservuni.

[Eż:29:45] “Jien ngħammar f'nofs ulied Iżrael, u jien inkun Alla tagħhom, [Eż:29:46] u huma jkunu jafu li jien il-Mulej, Alla tagħhom, li ħriġthom mill-art ta' l-Eġittu biex ngħammar f'nofshom. Jien il-Mulej Alla tagħhom.

30. L-artal ta' l-inċens

[Eż:30:1] “Int tagħmel l-artal biex taħraq l-inċens fuqu, tagħmlu ta' l-injam tal-gażżi, [Eż:30:2] u jkun kwadru: driegħ tul, u driegħ wisa'; u żewġt idriegħ għoli, bil-qrun ħerġin minnu. [Eż:30:3] U int tiksih bid-deheb fin: il-wiċċ, il-ġnub dawramejt, u l-qrun. U tagħmillu kuruna tad-deheb madwaru. [Eż:30:4] Tagħmillu żewġ ħolqiet tad-deheb; tqegħedhom taħt il-kuruna fuq żewġ naħat, u jkunu jservu biex jidħlu fihom il-lasti biex iġorruh bihom. [Eż:30:5] Dawn il-lasti tagħmilhom mill-injam tal-gażżi, u tiksihom bid-deheb. [Eż:30:6] Mbagħad tqiegħdu quddiem il-velu biswit l-arka tax-xhieda miktuba fejn jien niltaqa' miegħek. [Eż:30:7] Aron jaħraq l-inċens ifuħ fuqu; jaħarqu kull filgħodu meta jidħol biex inaddaf u jlesti l-imsiebaħ; [Eż:30:8] u jaħarqu wkoll fil-għaxija xħin iqiegħed l-imsiebaħ. Hekk ikun hemm dejjem inċens jaħraq quddiem il-Mulej, minn ġenerazzjoni għal oħra. [Eż:30:9] Toffrux fuqu inċens profan, lanqas sagrifiċċju tal-ħruq, jew xi offerta tal-qamħ; u ssawwab xejn fuqu. [Eż:30:10] Aron jagħmel ir-rit ta' l-espjazzjoni fuq qrunu darba fis-sena; jagħmel ir-rit ta' l-espjazzjoni darba fis-sena bid-demm tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni matul il-ġenerazzjonijiet kollha; rit mill-aktar qaddis għall-Mulej.”

L-offerta għat-tabernaklu

[Eż:30:11] U l-Mulej qal lil Mosè: [Eż:30:12] “Meta tiġi biex tgħodd lil ulied Iżrael, kull wieħed, malli tgħoddu, jagħti xi ħaġa lill-Mulej għall-fidwa tiegħu nnifsu, li ma jkun hemm ebda mard fostkom waqt l-għadd. [Eż:30:13] Kull min ikun magħdud iħallas dan: nofs xekel skond ix-xwiekel tas-santwarju - xekel ta' għoxrin gera - u nofs xekel bħala offerta lill-Mulej. [Eż:30:14] Kull wieħed li jgħaddi mal- magħdudin, minn għoxrin sena 'l fuq, iħallas it-taxxa tal-Mulej. [Eż:30:15] Ħadd, la sinjur u anqas fqir, ma għandu jħallas aktar jew inqas minn nofs xekel għall-fidwa tiegħu nnifsu meta jagħmlu l-offerta tal-Mulej. [Eż:30:16] Il-flus tal-fidwa li tiġbor mingħand il-poplu jmorru għall-ħtiġiet tat-tinda tal-laqgħa; hekk din l-offerta sservi biex tfakkar il-Mulej f'ulied Iżrael, għall-fidwa tagħkom infuskom.”

Il-ħawt tal-bronż

[Eż:30:17] Il-Mulej qal lil Mosè: [Eż:30:18] “Int tagħmel ukoll ħawt tal-bronż, bil-maqgħad tal-bronż, għall-ħasil. Tqiegħdu bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u timlieh bl-ilma. [Eż:30:19] Fih Aron u wliedu jaħslu idejhom u riġlejhom. [Eż:30:20] Kull meta jidħlu fit-tinda, jew kull meta jersqu jservu ħdejn l-artal u joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, huma għandhom jinħaslu bl-ilma, inkella jmutu. [Eż:30:21] Jaħslu jdejhom u riġlejhom, inkella jmutu; din hi liġi għal dejjem għalihom, għalih u għal nislu minn ġenerazzjoni għal oħra.”

Iż-żejt tal-konsagrazzjoni

[Eż:30:22] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Eż:30:23] “Ħu mill-aħjar ħwawar; ħames mitt xekel ta' mirra safja; daqs nofsha kannella tfuħ, jiġifieri, mitejn u ħamsin xekel; mitejn u ħamsin xekel oħra qasab tal-fwieħa; [Eż:30:24] ħames mitt xekel kassja skond ix-xekel tas-santwarju; u ħinn żejt taż-żebbug. [Eż:30:25] B'dawn kollha tagħmel iż-żejt għad-dlik imqaddes; fwieħa maħduma bis-sengħa ta' fewwieħ; ikun żejt ikkonsagrat għall-unzjonijiet. [Eż:30:26] Bih int tidlek it-tinda tal-laqgħa u l-arka tax-xhieda miktuba; [Eż:30:27] il-mejda u t-tagħmir kollu tagħha; l-imnara u l-bċejjeċ tagħha kollha; l-artal ta' l-inċens; [Eż:30:28] u l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq bit-tagħmir kollu tiegħu; u l-ħawt u l-maqgħad tiegħu. [Eż:30:29] Int tikkonsagrahom biex ikunu ħwejjeġ mill-aktar qaddisa; u kull ma jmiss magħhom jitqaddes. [Eż:30:30] Int tidlek lil Aron u wliedu, u tikkonsagrahom biex iservuni ta' qassisin. [Eż:30:31] Int tgħid lill-poplu ta' Iżrael: 'Dan ikun għalija ż-żejt qaddis tal-konsagrazzjoni, minn nisel għal nisel tagħkom. [Eż:30:32] Ma għandux jissawwab fuq ġisem il-bniedem, u tagħmilx taħlita oħra bħalha; għax hu kkonsagrat u għandu jkun qaddis għalikom. [Eż:30:33] Min jagħmel taħlita bħalha, jew min isawwbu fuq xi wieħed profan, jinqata' minn niesu.’ ”

L-inċens

[Eż:30:34] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ħu daqs wieħed minn dawn il-ħwawar: stakti, bebbux ifuħ, galbanu, u inċens ifuħ. [Eż:30:35] Agħmel minnhom inċens ifuħ, mħallat bil-melħ, taħlita bħal tal-fewwieħ, safja u qaddisa. [Eż:30:36] Isħaq ftit minnu fi trab irqiq, u qiegħed ftit minnu quddiem ix-xhieda miktuba fit-tinda tal-laqgħa, fejn jien niltaqa' miegħek: tkun għalikom ħaġa mill-aktar qaddisa. [Eż:30:37] U dan l-inċens li int tagħmel skond din it-taħlita, tagħmlux bħalu; għalikom tkun ħaġa kkonsagrata lill-Mulej. [Eż:30:38] Min jagħmel bħalha biex jitfewwaħ biha, jinqata' minn niesu.”
31. In-nies tas-sengħa

[Eż:31:1] U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Eż:31:2] “Ara, jien sejjaħt b'ismu lil Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta' Ġuda; [Eż:31:3] u mlejtu bl-ispirtu ta' Alla, b'ħila u b'dehen, bl-għerf u bis-sengħa f'kull xogħol; [Eż:31:4] biex ifassal u jimmudella, u jaħdem fid-deheb, fil-fidda u fil-bronż; [Eż:31:5] jonqox il-ħaġar għat-tqegħid u jaħdem l-injam għal kull xogħol.

[Eż:31:6] “Ara jien għażilt għal miegħu lil Oħolijab, bin Aħisamak, mit-tribù ta' Dan; u tajt il-ħila lin-nies kapaċi biex jagħmlu kull ma kkmandajtek; [Eż:31:7] it-tinda tal-laqgħa, l-arka tax-xhieda miktuba u l-għatu tagħha, u t-tagħmir kollu tat-tinda; [Eż:31:8] il-mejda bit-tagħmir tagħha, l-imnara s-safja u l-bċejjeċ tagħha; l-artal ta' l-inċens, [Eż:31:9] l-artal tas-sagrifiċċji maħruqa bit-tagħmir tiegħu; il-ħawt bil-maqgħad tiegħu; [Eż:31:10] l-ilbies tas-servizz u l-ilbies sagru ta' Aron, il-qassis; lbies uliedu, biex iservu ta' qassisin; [Eż:31:11] iż-żejt tal-konsagrazzjoni, l-inċens ifuħ għall-post qaddis; kollox għandhom jagħmlu kif ordnajtlek.”

Il-ħarsien tas-Sibt

[Eż:31:12] U l-Mulej qal lil Mosè: [Eż:31:13] “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: 'Fuq kollox ħarsu s-Sibtijiet tiegħi. Għax dan hu s-sinjal bejni u bejnkom, minn ġenerazzjoni għal oħra, li jien il-Mulej li nqaddiskom. [Eż:31:14] Tħarsu s-Sibt, għax hu qaddis għalikom. Min jiksru jmut żgur, għax min jagħmel xi xogħol fih jinqata' minn niesu. [Eż:31:15] Int taħdem għal sitt ijiem, imma s-seba' jum hu s-Sibt tal-mistrieħ, jum qaddis għall-Mulej; kull min jaħdem f'jum is-Sibt, ikun ħaqqu l-mewt. [Eż:31:16] Ulied Iżrael għandhom iħarsu s-Sibt, iħarsuh minn ġenerazzjoni għal oħra, bħala patt għal dejjem. [Eż:31:17] Ikun sinjal għal dejjem bejni u bejn ulied Iżrael, għaliex f'sitt ijiem għamel il-Mulej is-smewwiet u l-art, u fis-seba' jum waqaf mix-xogħol u strieħ.”

[Eż:31:18] Meta temm jitħaddet ma' Mosè fuq il-muntanja tas-Sinaj, il-Mulej tah it-twavel tal-ġebel miktuba bis-saba' ta' Alla.


32. L-għoġol tad-deheb

[Eż:32:1] Il-poplu, meta ra li Mosè ddawwar ma niżel minn fuq il-muntanja, nġabar madwar Aron u qallu: “Qum u agħmlilna allat li jimxu quddiemna, għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-art ta' l-Eġittu, ma nafux x'sar minnu.”

[Eż:32:2] Aron weġibhom: “Neħħu l-imsielet tad-deheb li hemm imdendlin ma' widnejn in-nisa tagħkom u ta' wliedkom, subjien u bniet, u ġibuhomli.” [Eż:32:3] U l-poplu kollu neħħa l-imsielet tad-deheb li kellhom f'widnejhom, u ġibuhom lil Aron. [Eż:32:4] U ħadhom minn idejhom, xeħethom fil-forma, u għamel għoġol tal-metal imdewweb. U qalu: “Dawn huma l-allat tiegħek, ja Iżrael, li tellgħuk mill-art ta' l-Eġittu.” [Eż:32:5] Malli ra dan Aron bena artal quddiemhom u għamel sejħa u qal: “Għada ssir festa lill-Mulej.” [Eż:32:6] U bakkru fil-għodu, offrew is-sagrifiċċji u ġiebu offerti tas-sliem. U l-poplu kollu qagħad jiekol u jixrob, u mbagħad qamu jixxalaw.

[Eż:32:7] Il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. [Eż:32:8] Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: 'Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art ta' l-Eġittu.’ ” [Eż:32:9] U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta' ras iebsa. [Eż:32:10] Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir.”

[Eż:32:11] Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b'ħila kbira u b'id qawwija, ħriġtu mill-art ta' l-Eġittu? [Eż:32:12] L-għala għandhom jgħidu l-Eġizzjani: 'Araw x'deni għamlilhom: ħariġhom biex itemmhom fil-muntanji u jeqridhom minn wiċċ l-art?' Erġa' lura mis-saħna tal-korla tiegħek, u reġġa' lura l-ħsara li trid tagħmel lill-poplu tiegħek. [Eż:32:13] Ftakar f'Abraham, f'Iżakk u f'Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: 'Nkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem.’ ” [Eż:32:14] U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

Mosè jkisser it-twavel tal-liġi

[Eż:32:15] U Mosè dar u niżel minn fuq il-muntanja biż-żewġ twavel tax-xhieda f'idejh, miktuba minn naħa u minn oħra. [Eż:32:16] It-twavel kienu xogħol Alla; u l-kitba kienet kitbet Alla, minquxa fuq it-twavel.

[Eż:32:17] Malli Ġożwè sama' l-għagħa tan-nies, qal lil Mosè: “Hemm ħoss ta' xi taqbida fil-kamp.” [Eż:32:18] U wieġbu:
“M'hux ħoss l-għajat ta' rebħa;
M'hux ħoss l-għajat ta' telfa.
Imma l-ħoss ta' għana li qiegħed nisma'.”

[Eż:32:19] Malli qorob lejn il-kamp u ra l-għoġol u ż-żfin, Mosè xegħel bil-korla, tajjar it-twavel minn idejh, u kissirhom taħt il-muntanja. [Eż:32:20] U qabad l-għoġol, li kienu għamlu, u ħarqu fin-nar; saħqu sakemm għamlu trab, u ħalltu ma' l-ilma, u sqieh lil ulied Iżrael. [Eż:32:21] U Mosè qal lil Aron: “X'għamillek dan il-poplu biex ġibt din il-ħtija kbira fuqu?” Aron wieġeb: “Tixgħelx bil-qilla, Sidi! [Eż:32:22] Int taf li dan il-poplu hu miġbud għall-ħażen. [Eż:32:23] Qaluli: 'Agħmlilna allat li jimxu quddiemna, għax dan Mosè, il-bniedem li tellagħna mill-Eġittu, ma nafux x'sar minnu.' [Eż:32:24] U jien għedtilhom: 'Min għandu xi deheb, jinżgħu u jagħtihuli.' Mbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan l-għoġol.”

Il-kastig

[Eż:32:25] Mosè ra li l-poplu kien bla rażan, għax Aron neħħielu kull rażan, b'għajb għalihom quddiem l-għedewwa tagħhom. [Eż:32:26] Mbagħad Mosè qagħad fil-bieb tal-kamp u qalilhom: “Min iżomm mal-Mulej jiġi ħdejja.” U wlied Levi kollha nġabru ħdejh. [Eż:32:27] U qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Ħa jieħu kull wieħed is-sejf tiegħu u jitħażżem bih. Aqsmu u erġgħu aqsmu l-kamp minn naħa għal oħra, minn bieb għal bieb, u oqtlu kull wieħed, mqar lil ħuh, lil ħabibu, lil ġaru.’ ” [Eż:32:28] Ulied Levi għamlu kif qalilhom Mosè. Dak in-nhar inqerdu mill-poplu tlitt elef ruħ. [Eż:32:29] Mosè qal: “Illum intom ikkonsagrajtu rwieħkom … lil ħutkom; u ġbidtu llum il-barka fuqkom.”

Mosè jitlob għall-poplu

[Eż:32:30] L-għada Mosè kellem lill-poplu u qallu: “Għamiltu dnub kbir. Issa nitla' ħdejn il-Mulej, għandi mnejn naqlgħalkom il-maħfra.” [Eż:32:31] Għalhekk Mosè raġa’ mar għand il-Mulej u qallu: “Ah! dan il-poplu għamel dnub kbir, għax għamlu alla tad-deheb. [Eż:32:32] Issa, jekk trid taħfrilhom, aħfrilhom; imma jekk ma taħfrilhomx ħassarni mill-ktieb li inti ktibt.” [Eż:32:33] Il-Mulej wieġeb lill-Mosè: “Mill-ktieb tiegħi nħassar lill-bniedem li jidneb. [Eż:32:34] Mur issa, mexxi lill-poplu għal fejn għedtlek. Ara, l-anġlu tiegħi jimxi quddiemek; iżda jasal jum meta nżurhom u nikkastigahom għal dnubiethom.” [Eż:32:35] U l-Mulej darab il-poplu talli għamel l-għoġol li kien sawwarlu Aron.


33. L-ordni għat-tluq

[Eż:33:1] Il-Mulej kellem lil Mosè: “Mur, itla' minn hawn, int u l-poplu li int tellajt mill-Eġittu, lejn l-art li jien ħlift li nagħti lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb; u għedtilhom: 'Lil nislek nagħtiha.' [Eż:33:2] Jien nibgħat l-anġlu tiegħi quddiemek u nkeċċi minn quddiemek il-Kangħanin u l-Amurrin, il-Ħittin u l-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin; [Eż:33:3] lejn art tnixxi ħalib u għasel. Jien ma nitlax f'nofskom magħkom, għax int poplu ta' ras iebsa, li ma mmurx neqirdek fit-triq.” [Eż:33:4] Il-poplu sama' din l-aħbar ħażina, sewwdu qalbhom, u ħadd ma libes ħwejjeġ sbieħ fuqu.

[Eż:33:5] U l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil ulied Iżrael: 'Intom poplu ta' ras iebsa. Jekk jiena niġi magħkom, f'waqt wieħed jien nista' neqirdek. U issa neħħi t-tiżjin kollu minn fuqek, u nkun naf x'għandi nagħmillek.' ” [Eż:33:6] U wlied Iżrael neħħew minn fuqhom it-tiżjin kollu, minn mindu ħallew il-muntanja tal-Ħoreb 'il quddiem.

[Eż:33:7] Mosè kien jieħu tinda u jwaqqafha barra l-kamp, u 'l bogħod mill-kamp, u semmieha: 'It-tinda tal-laqgħa'. Kull min kien ifittex il-Mulej, kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet barra l-kamp. [Eż:33:8] Kull meta Mosè kien joħroġ lejn it-tinda kien iqum il-poplu kollu u kull wieħed kien joqgħod wieqaf quddiem it-tinda, u jħarsu lejn Mosè sa ma jidħol fit-tinda.

[Eż:33:9] Kull meta Mosè kien jidħol fit-tinda kienet tinżel kolonna ta' sħab, u tieqaf fil-bieb, u titkellem ma' Mosè. [Eż:33:10] Il-poplu kollu kien jara din il-kolonna ta' sħab wieqfa fil-bieb tat-tinda, u kien iqum il-poplu kollu, u jmilu u jinżlu wiċċhom l-art, kulħadd quddiem il-bieb tat-tinda tiegħu.

[Eż:33:11] Il-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imbwiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu; mbagħad Mosè kien jerġa' lura lejn il-kamp; imma Ġożwè bin Nun, żagħżugħ, ma kienx joħroġ mit-tinda.

[Eż:33:12] Mosè kellem lill-Mulej u qallu: “Ara, int għedtli: 'Talla' lil dan il-poplu,' u ma għedtlix lil min se tibgħat miegħi. U int għedt: 'Jien nafek b'ismek, u int sibt ukoll ħniena f'għajnejja.' [Eż:33:13] U issa, jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, għallimni triqatek, biex nagħrfek u nsib ħniena quddiemek. Qis ukoll li dan il-ġens hu l-poplu tiegħek.”

[Eż:33:14] U l-Mulej wieġeb: “Il-preżenza tiegħi tiġi miegħek, u nserraħlek rasek.” [Eż:33:15] U qallu: “Jekk il-preżenza tiegħek ma tiġix magħna, ittellagħniex minn hawn. [Eż:33:16] Kif se nkun naf jekk sibtx ħniena quddiemek, jien u l-poplu tiegħek? M'hux għax inti timxi magħna ningħażlu, jien u l-poplu tiegħek, mill-popli l-oħra kollha li jinsabu fuq wiċċ l-art?”

[Eż:33:17] U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Jien nagħmel dan li għedtli, għax int sibt ħniena quddiemi u għaraftek b'ismek.”

[Eż:33:18] Mosè qal lill-Mulej: “Ħallini, nitolbok, nara l-glorja tiegħek.” [Eż:33:19] U l-Mulej wieġbu: “ Jiena ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-isem tiegħi 'Jahweh' quddiemek. Jiena nħenn għal min irrid inħenn, u nitħassar lil min irrid nitħassar.” [Eż:33:20] U żied jgħidlu: “Imma int ma tistax tara 'l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqa' ħaj.” [Eż:33:21] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ara, hawn post ħdejja, fejn tista' toqgħod fuq il-blata. [Eż:33:22] U hija u għaddejja l-glorja tiegħi, nqiegħdek f'xaqq il-blata, u ngħattik b'idi sakemm ngħaddi. [Eż:33:23] Mbagħad inneħħi idi, u tara dahri, għax wiċċi ma jarah ħadd.”

34. Twavel ġodda

[Eż:34:1] Il-Mulej qal lil Mosè: “Fassal żewġ twavel tal-ġebel bħal ta' qabel, u jien nikteb fuq it-twavel il-kliem li kien hemm fuq ta' qabel, u li int kissirt. [Eż:34:2] Lestihom għal filgħodu, u fil-għodu itla' fuq il-muntanja tas-Sinaj, u oqgħod hemm, u stennieni fuq il-quċċata. [Eż:34:3] Ħadd ma għandu jitla' miegħek u ebda bniedem ma għandu jidher f'ebda post tal-muntanja; lanqas ma jkun hemm jirgħu mrieħel jew baqar ħdejn il-muntanja.”

[Eż:34:4] Mosè fassal żewġ twavel tal-ġebel bħal ta' qabel, u qam fil-għodu kmieni, u tala' fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f'idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. [Eż:34:5] Mbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. [Eż:34:6] U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jahweh! Jahweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. [Eż:34:7] Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f'uliedhom u f'ulied uliedhom sat-tielet u r-raba' ġenerazzjoni.” [Eż:34:8] Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: [Eż:34:9] “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunietna u ħtijietna, u ħudna b'wirt għalik.”

Il-liġijiet tal-patt

[Eż:34:10] U qallu: “Arani, se nagħmel patt: Se nagħmel l-għeġubijiet quddiem il-poplu tiegħek, li qatt ma saru fid-dinja kollha u fost ebda ġens, u l-poplu li int f'nofsu jara l-opri tal-Mulej; għax ħwejjeġ tal-biża' dak li se nagħmel miegħek. [Eż:34:11] Ħares kull ma se nikkmandak illum. Arani se nkeċċi minn quddiemek l-Amurrin u l-Kangħanin, il-Ħittin u l-Periżżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin. [Eż:34:12] Qis li ma tidħol f'ebda patt man-nies li joqogħdu fl-art li se tidħol fiha, li ma jkunux għalik nasba ġo nofsok. [Eż:34:13] Ġarraf l-artali tagħhom; kisser il-plieri tagħhom u qaċċat ix-xbihat ta' l-Asera [Eż:34:14] Tmilx ruħek u tqim ebda alla ieħor, għax il-Mulej 'Għajjur' ismu; Alla għajjur hu.

[Eż:34:15] “Qis li ma tidħol f'ebda patt man-nies li jgħammru fl-art, biex meta jiżnu wara l-allat tagħhom, ma jistednukx għas-sagrifiċċji lill-allat tagħhom, u int tiekol mill-artali tagħhom. [Eż:34:16] U la tiħux mill-bniet tagħhom għal uliedek, inkella meta l-bniet tagħhom jiżnu wara l-allat tagħhom, iġiegħlu 'l uliedek ukoll jiżnu wara allathom.

[Eż:34:17] “Tagħmilx allat tal-metal imdewweb.

[Eż:34:18] “Ħares il-festa ta' l-Ażżmi; għal sebat ijiem tiekol ħobż ażżmu, kif jien ikkmandajtek, fiż-żmien tax-xahar ta' Abib; għax fix-xahar ta' Abib ħriġt mill-Eġittu.

[Eż:34:19] “Kull ma jitwieled l-ewwel mill-ġuf ikun tiegħi, u kull ferħ raġel ta' l-imrieħel tiegħek, għoġol jew ħaruf. [Eż:34:20] L-ewwel ferħ ta' ħmar tifdih b'nagħġa, u jekk ma tifdihx b'nagħġa, iksirlu għonqu. L-ewwel fost uliedek tifdih; u ħadd ma għandu jersaq quddiemi u jara wiċċi b'idu f'idu.

Il-ħarsien tas-Sibt

[Eż:34:21] “Għal sitt ijiem taħdem, u tistrieħ fis-seba' jum; tistrieħ ukoll fi żmien il-ħrit u fi żmien il-ħsad.

[Eż:34:22] “U tagħmel il-festa tal-Ġimgħat [Eż:34:23] Tliet darbiet fis-sena l-irġiel tiegħek jidhru quddiem is-Sid, il-Mulej, Alla ta' Iżrael. [Eż:34:24] Għaliex meta jien inkun keċċejt il-ġnus minn quddiemek u wessajt il-fruntieri tiegħek, ma jkun hemm ħadd li jixxennaq għal artek, meta titla' biex tara wiċċ il-Mulej, Alla tiegħek, tliet darbiet fis-sena.

[Eż:34:25] “La toffrix bl-ażżmu d-demm tas-sagrifiċċju tiegħi; anqas ma għandu s-sagrifiċċju ta' l-Għid jitħalla għal filgħodu. [Eż:34:26] L-aħjar tal-bikri tal-frott tar-raba' tiegħek ġibu fid-dar tal-Mulej, Alla tiegħek.

“La tgħallix il-gidi f'ħalib ommu.”

[Eż:34:27] U l-Mulej qal lil Mosè: “Ikteb dawn il-kelmiet; għax fuq dawn il-kelmiet jien għamilt patt miegħek u ma' Iżrael.” [Eż:34:28] Mosè baqa' mal-Mulej erbgħin jum u erbgħin lejl, mingħajr ma kiel ħobż jew xorob ilma. U kiteb fuq it-twavel il-kliem tal-patt, l-għaxar Kelmiet.

Wiċċ Mosè jiddi

[Eż:34:29] Ġara li, meta niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f'idu, Mosè ma kienx jaf li l-ġilda ta' wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla. [Eż:34:30] U meta Aron, u l-ulied kollha ta' Iżrael raw lil Mosè bil-ġilda ta' wiċċu tiddi, beżgħu jersqu lejh. [Eż:34:31] Iżda Mosè sejjħilhom, u resqu lejh Aron u l-kbarat kollha tal-ġemgħa, u Mosè qagħad ikellimhom. [Eż:34:32] Mbagħad resqu wkoll l-ulied kollha ta' Iżrael, u Mosè ordnalhom kull ma kien qallu l-Mulej fuq il-muntanja tas-Sinaj. [Eż:34:33] Meta Mosè temm jitkellem magħhom, għatta wiċċu b'velu. [Eż:34:34] Imma meta kien jidħol quddiem il-Mulej biex jitkellem miegħu, Mosè kien ineħħi l-velu sa ma kien joħroġ. Meta mbagħad kien joħroġ, kien jgħid lil ulied Iżrael kull ma kien ordnalu l-Mulej. [Eż:34:35] Meta wlied Iżrael kienu jħarsu lejn Mosè, kienu jarawlu l-ġilda ta' wiċċu tiddi, u Mosè kien jerġa' jqiegħed il-velu fuq wiċċu sa ma jerġa' jidħol jitkellem mal-Mulej.

35. Il-mistrieħ tas-Sibt

[Eż:35:1] Mosè laqqa' l-ġemgħa kollha ta' wlied Iżrael u qalilhom: “Dawn huma l-kmandamenti tal-Mulej biex tħarsuhom.

[Eż:35:2] “Għal sitt ijiem taħdmu u s-seba' jum ikun imqaddes għalikom; ikun mistrieħ kbir għall-Mulej. Kull min jaħdem f'dan il-jum jagħtuh il-mewt. [Eż:35:3] Tkebbsux nar fi djarkom f'jum is-Sibt.”

Il-bini tat-tabernaklu

[Eż:35:4] U Mosè kellem lill-ġemgħa kollha ta' Iżrael u qalilhom: “Dan hu l-kmandament li l-Mulej Alla kkmandakom meta qal: [Eż:35:5] Ħudu milli għandkom offerta lill-Mulej. Kull min jitħajjar jagħti minn qalbu ħa jġib l-offerti quddiem il-Mulej: deheb, fidda, u bronż; [Eż:35:6] vjola, porpra u skarlatt; għażel fin; xagħar tal-mogħoż, [Eż:35:7] ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u ġlud tad-denfil; injam tal-gażżi; [Eż:35:8] żejt għall-imnariet, ħwawar għaż-żejt tal-konsagrazzjoni u għall-inċens ifuħ; [Eż:35:9] ħaġar ta' l-oniċi u ħaġar għat-tqegħid fl-efod u l-pettoral.

[Eż:35:10] “Ħa jersqu n-nies kollha tas-sengħa li hemm fostkom u jagħmlu dak kollu li ordna l-Mulej: [Eż:35:11] it-tabernaklu, it-tinda u l-għata tagħha, l-anelli u l-imqagħad tagħha; [Eż:35:12] l-arka u l-lasti tagħha, l-għatu tagħha, u l-purtiera tal-velu; [Eż:35:13] il-mejda u l-lasti, it-tagħmir kollu tagħha, u l-ħobż tal-preżenza; [Eż:35:14] l-imnara għad-dawl u l-bċejjeċ tagħha, u l-imsiebaħ tagħha u ż-żejt għad-dawl; [Eż:35:15] u l-artal ta' l-inċens u l-lasti tiegħu, iż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-inċens ifuħ; u l-purtiera għall-bieb fi dħul it-tabernaklu; [Eż:35:16] l-artal tas-sagrifiċċju u l-gradilja tal-bronż, il-lasti tiegħu u t-tagħmir kollu tiegħu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu. [Eż:35:17] Id-drapp għall-bitħa, il-pilastri u l-imqagħad tagħhom, u l-purtiera għall-bieb tal-bitħa. [Eż:35:18] Il-minċotti tat-tabernaklu u l-ganċijiet għall-bitħa u l-ħbula tagħhom; [Eż:35:19] l-ilbies tas-servizz għas-servizz fil-post qaddis, l-ilbies sagru għal Aron, il-qassis, u l-ilbies għal uliedu għas-servizz tagħhom ta' qassisin.

L-offerti għat-tabernaklu

[Eż:35:20] U l-ġemgħa kollha ta' Iżrael telqu minn quddiem Mosè. [Eż:35:21] Kull min ħass f'qalbu u tħajjar f'ruħu, ġieb offerta lill-Mulej biex issir it-tinda tal-laqgħa u l-ħwejjeġ għas-servizz u l-ilbies sagru.

[Eż:35:22] U ġew, rġiel u nisa, dawk kollha li tħajjru jagħtu minn qalbhom u ġiebu labar u msielet u ċrieket u brazzuletti, u kull xorta ta' oggetti tad-deheb; kulħadd għamel offerta tad-deheb lill-Mulej. [Eż:35:23] Kull min imbagħad kellu vjola, jew porpra jew skarlatt, għażel fin, xagħar tal-mogħoż jew ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u ġlud tad-denfil, ġiebhom. [Eż:35:24] Kull min seta' joffri fidda jew bronż, ġiebhom bħala offerta quddiem il-Mulej; hekk ukoll kull min kellu injam tal-gażżi tajjeb għax-xogħol, ġiebu wkoll. [Eż:35:25] U n-nisa li kellhom il-ħila għażlu b'idejhom u ġiebu ħjut ta' l-għażel; vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin; [Eż:35:26] u n-nisa kollha li moħħhom kien jagħtihom għażlu x-xagħar tal-mogħoż. [Eż:35:27] U l-kbarat ġiebu ħaġar ta' l-oniċi u ħaġar għat-tqegħid fl-efod u l-pettoral; [Eż:35:28] ħwawar u żejt għad-dawl u għaż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-inċens ifuħ. [Eż:35:29] L-irġiel u n-nisa kollha ta' Iżrael, li tħajjru jagħtu minn qalbhom għax-xogħol kollu li Alla kkmanda lil Mosè jagħmel, ġiebu l-offerta minn rajhom lill-Mulej.

In-nies tas-sengħa

[Eż:35:30] U Mosè qal lill-poplu ta' Iżrael: “Araw il-Mulej sejjaħ b'isimhom 'il Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta' Ġuda, [Eż:35:31] u mlieh bl-ispirtu ta' Alla u bil-ħila, d-dehen, l-għerf, u s-sengħa [Eż:35:32] biex ifassal u jaħdem fid-deheb u fil-fidda u fil-bronż; [Eż:35:33] jonqox il-ħaġar għat-tqegħid u jaħdem l-injam u jagħmel kull xogħol ieħor tas-sengħa. [Eż:35:34] Tah id-dehen, lilu u lil Oħolijab bin Aħisamak mit-tribù ta' Dan, biex jgħallmu. [Eż:35:35] Mliehom bil-ħila li jagħmlu kull xogħol ta' nqix, u nsiġ u rakkmu bil-ħjut fil-vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin, u nsiġ imżewwaq; nies ta' ħila, kapaċi għal kull xorta ta' xogħol u kull xorta ta' tifsil.”

36. In-nies tas-sengħa

[Eż:36:1] Besalel u Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah għerf u dehen, biex jagħrfu jaħdmu kull xogħol meħtieġ għas-servizz tas-santwarju, ħadmu skond kull ma kien ordna l-Mulej. [Eż:36:2] Mosè sejjaħ lil Besalel u 'l Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah l-għerf u 'l dawk kollha li għamlu l-qalb li joffru ruħhom għax-xogħol. [Eż:36:3] U ħadu mingħand Mosè l-offerti kollha li l-poplu ta' Iżrael kien ġieb minn rajh għas-servizz tas-santwarju li kellu jsir. Imma l-poplu baqa' jġiblu offerti għodwa wara l-oħra. [Eż:36:4] U ġew in-nies tas-sengħa, li kienu jaħdmu x-xogħol tas-santwarju, kull wieħed minn fuq ix-xogħol li kien qiegħed jagħmel, [Eż:36:5] u qalu lil Mosè: “In-nies qegħdin iġibu iżjed milli jeħtieg għax-xogħol li ordnalna nagħmlu l-Mulej.” [Eż:36:6] Mbagħad Mosè ordna li jxerrdu l-kelma fil-kamp li tgħid: “Ebda raġel jew mara m'għandhom jagħmlu xejn iżjed biex joffru għas-santwarju” u l-poplu ma tħalliex iġib iżjed [Eż:36:7] għax kien hemm biżżejjed, anzi ż-żejjed, għax-xogħol li kellu jsir.

Id-drapp għat-tabernaklu

[Eż:36:8] Mbagħad in-nies tas-sengħa fost il-ħaddiema għamlu t-tabernaklu b'għaxar purtieri ta' l-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, bil-kerubini minsuġin fihom bis-sengħa. [Eż:36:9] Kull purtiera kienet tmienja u għoxrin driegħ twila u erbat idriegħ wiesgħa, kollha daqs wieħed. [Eż:36:10] U ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien waħda ma' l-oħra; u hekk ukoll il-ħamsa l-oħra għaqqadhom waħda ma' l-oħra. [Eż:36:11] U għamel qfieli vjola fil-keffa tal-purtiera ta' barra ta' sett minnhom, u hekk ukoll għamel fil-keffa tal-purtiera ta' barra tat-tieni sett. [Eż:36:12] Għamel ukoll ħamsin qafla f'purtiera waħda, u ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera tat-tieni sett; il-qfieli kienu jaqblu waħda ma' l-oħra. [Eż:36:13] Għamel ukoll ħamsin ħolqa tad-deheb, u għaqqad il-purtieri flimkien waħda ma' l-oħra bil-ħoloq, u hekk it-tabernaklu sar ħaġa waħda.

[Eż:36:14] Għamel ukoll purtieri tax-xagħar tal-mogħoż għat-tinda tat-tabernaklu; ħdax-il purtiera għamel minnhom. [Eż:36:15] Kull purtiera kienet ta' tletin driegħ tul u l-wisa' tagħha erbat idriegħ; il-ħdax-il purtiera kienu daqs wieħed. [Eż:36:16] Ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien, u hekk ukoll is-sitta l-oħra. [Eż:36:17] Mbagħad għamel ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera ta' barra f'sett, u ħamsin qafla oħra fil-keffa tal-purtiera ta' barra tas-sett l-ieħor. [Eż:36:18] Għamel ukoll ħamsin ħolqa tal-bronż biex jgħaqqad it-tinda u ssir ħaġa waħda. [Eż:36:19] Għamel ukoll għata mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u għata tad-denfil għal fuq kollox.

It-tavlar tat-tabernaklu

[Eż:36:20] U għamel twavel wieqfa tal-gażżi għat- tabernaklu. [Eż:36:21] Kull waħda kienet għaxart idriegħ twila, u driegħ u nofs wiesgħa. [Eż:36:22] Kien hemm żewġ minċotti f'kull tavla, biex jgħaqqadhom ma' xulxin; u għamel l-istess bit-twavel kollha tat-tabernaklu. [Eż:36:23] U qassam it-twavel tat-tabernaklu b'dan il-mod: għoxrin tavla n-naħa t'isfel, iħarsu lejn in-nofsinhar; [Eż:36:24] u għamel erbgħin maqgħad tal-fidda taħt l-għoxrin tavla; tnejn taħt waħda għaż-żewġ minċotti tagħha, u żewġ imqagħad għal taħt l-oħra għaż-żewġ minċotti tagħha. [Eż:36:25] U fuq it-tieni naħa li tħares lejn it-tramuntana, għoxrin tavla oħra, [Eż:36:26] bl-erbgħin maqgħad tagħhom tal-fidda, tnejn taħt waħda u tnejn taħt oħra. [Eż:36:27] Fuq in-naħa ta' wara li tħares lejn il-punent għamel sitt twavel. [Eż:36:28] U għamel żewġ twavel ukoll għall-kantunieri tan-naħa ta' wara; [Eż:36:29] minn isfel kienu magħqudin ma' xulxin, u mir-ras kienu jidħlu f'ħolqa waħda; u għamel l-istess għat-tnejn: dawn kienu jservu għaż-żewġ kantunieri. [Eż:36:30] U kien hemm tmien twavel bil-maqgħad tagħhom tal-fidda, sittax-il maqgħad b'kollox, żewġ imqagħad taħt tavla, u żewġ imqagħad taħt oħra.

[Eż:36:31] U għamel traversi tal-gażżi; ħamsa għat-twavel ta' naħa, [Eż:36:32] u ħamsa għan-naħa l-oħra tat-tabernaklu; ħamsa oħra għan-naħa ta' wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-punent. [Eż:36:33] U t-traversa tan-nofs, f'nofs l-għoli tat-twavel, tgħaddi minn tarf għall-ieħor. [Eż:36:34] U kesa t-twavel bid-deheb; u għamel ħoloq tad-deheb, biex iżommu t-traversi, u kesa t-traversi bid-deheb.

Il-velu

[Eż:36:35] Għamel ukoll il-velu ta' l-għażel minsuġ fin, fil-vjola, porpra u skarlatt, b’kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa. [Eż:36:36] U għamillu erba' kolonni tal-gażżi bil-ganċijiet tagħhom tad-deheb, u erba' mqagħad tal-fidda mdewwba.

[Eż:36:37] Għamel ukoll purtiera fid-dħul tat-tabernaklu ta' l-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ. [Eż:36:38] U kesa bid-deheb il-ħames kolonni tagħhom, il-ganċijiet tagħhom, l-irjus, u l-ħoloq tagħhom. U għamel l-imqagħad tagħhom tal-bronż.


37. L-arka tal-patt

[Eż:37:1] Besalel għamel l-arka ta' l-injam tal-gażżi, żewġt idriegħ u nofs it-tul, u driegħ u nofs il-wisa', u driegħ u nofs l-għoli tagħha. [Eż:37:2] U ksieha b'deheb fin minn ġewwa u minn barra, u għamlilha dawra tad-deheb. [Eż:37:3] U dewweb id-deheb u għamlilha erba' ħolqiet għall-erba' saqajn tagħha, u żewġ ħolqiet għal naħa, u żewġ ħolqiet għal naħa oħra. [Eż:37:4] U għamel lasti tal-gażżi u ksiehom bid-deheb. [Eż:37:5] U daħħal il-lasti fil-ħolqiet fil-ġnub ta' l-arka biex iġorruha bihom. [Eż:37:6] U għamel għatu tad-deheb fin, żewġt idriegħ u nofs twil, u driegħ u nofs wiesa'. [Eż:37:7] Għamel ukoll żewġ kerubini tad-deheb, tad-deheb mastizz għamilhom, wieħed kull naħa fiż-żewġt itruf ta' l-għatu. [Eż:37:8] Il-kerubini għamilhom wieħed fuq din in-naħa, u l-ieħor in-naħa l-oħra; biċċa waħda ma' l-għatu għamel il-kerubini fuq iż-żewġ naħat. [Eż:37:9] Il-kerubini kienu bi ġwenħajhom miftuħa 'l fuq u jgħattu bi ġwenħajhom l-għatu, u jħarsu lejn xulxin, wiċċhom lejn l-għatu.

Il-mejda tal-ħobż

[Eż:37:10] Għamel ukoll il-mejda ta' l-injam tal-gażżi, żewġt idriegħ twila, u driegħ wiesgħa, u driegħ u nofs għolja. [Eż:37:11] U induraha bid-deheb fin, u għamlilha tilar għoli erbat iswaba' madwarha. [Eż:37:12] U għamel wkoll tilar dawra tond għoli erbat iswaba', u bastun tad-deheb madwar it-tilar. [Eż:37:13] U għamel erba' ħolqiet tad-deheb imdewweb u qegħedhom fl-erba' kantunieri fuq is-saqajn. [Eż:37:14] Il-ħoloq kienu ħdejn it-tilar, fejn jidħlu l-lasti, biex jerfgħuha. [Eż:37:15] Għamel il-lasti ta' l-injam tal-gażżi, u ksiehom bid-deheb, biex jerfgħu l-mejda. [Eż:37:16] Għamel imbagħad it-tagħmir għal fuq il-mejda: platti, mgħaref, kwies, u bwieqi għat-tiswib tal-libazzjonijiet, kollox tad-deheb fin.

L-imnara

[Eż:37:17] Għamel ukoll l-imnara bid-deheb mastizz fin; is-sieq u l-bastun tagħha, bil-ġewż u ż-żibeġ u ż-żahar, ħerġin minnha. [Eż:37:18] Sitt friegħi ħierġa mill-ġnub ta' l-imnara: tliet friegħi minn naħa, u tliet friegħi min-naħa l-oħra; [Eż:37:19] tliet ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq fuq l-ewwel fergħa; tliet ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq, fuq il-fergħa l-oħra; u hekk l-istess is-sitt friegħi ħerġin mill-imnara. [Eż:37:20] U fuq l-imnara għamel erba' ġewżiet f'forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibeġ u l-weraq. [Eż:37:21] Kien hemm żibġa taħt żewġ friegħi tagħha, żibġa taħt iż-żewġ friegħi l-oħra tagħha, u żibġa taħt l-aħħar żewġ friegħi tagħha, taħt is-sitt friegħi ħergin minnha. [Eż:37:22] Il-ġewżiet u l-friegħi biċċa waħda magħha; kollox biċċa waħda tad-deheb mastizz fin. [Eż:37:23] U għamel is-seba' msiebaħ tagħha, bl-imqassijiet u l-bwieqi tagħhom; kollox tad-deheb fin. [Eż:37:24] Kollox b'talent tad-deheb fin biex għamel lilha u t-tagħmir tagħha.

L-artal ta' l-inċens

[Eż:37:25] U għamel l-artal ta' l-inċens mill-injam tal-gażżi, kien kwadru: driegħ tul, u driegħ wisa', u żewġt idriegħ għoli, bil-qrun ħerġin minnu, [Eż:37:26] u ksieh bid-deheb fin: il-wiċċ, il-ġnub dawramejt, u l-qrun; u għamillu kuruna tad-deheb madwaru. [Eż:37:27] U għamillu żewġ ħolqiet tad-deheb; u qegħedhom taħt il-kuruna fuq iż-żewġ naħat, biex jidħlu fihom il-lasti biex iġorruh bihom. [Eż:37:28] Dawn il-lasti għamilhom mill-injam tal-gażżi, u ksiehom bid-deheb.

Iż-żejt tal-konsagrazzjoni

[Eż:37:29] U għamel iż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-fwieħa bil-ħwawar, xogħol il-fewwieħ.


38. L-artal tas-sagrifiċċju

[Eż:38:1] U għamel l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq mill-injam tal-gażżi. Kien kwadru ħamest idriegħ tul u ħamsa wisa', u tlitt idriegħ għoli. [Eż:38:2] U għamillu qarn f'kull kantuniera biċċa waħda miegħu, u ksieħ bil-bronż. [Eż:38:3] U għamel it-tagħmir kollu ta' l-artal: il-ħwat għall-irmied, mqassijiet, u twagen, kollox għamel tal-bronż. [Eż:38:4] Għamillu wkoll gradilja maħduma bħal xibka tal-bronż, taħt il-ħanek ta' l-artal, 'l isfel sa nofs l-għoli. [Eż:38:5] Mbagħad dewweb erba' ħolqiet m'ogħla l-erbat itruf tal-gradilja, biex jidħlu fihom il-lasti, u ksiehom bil-bronż. [Eż:38:6] U għamel il-lasti ta' l-injam tal-gażżi, u ksiehom bil-bronż. [Eż:38:7] U daħħal il-lasti fil-ħoloq fil-ġenb ta' l-artal biex iġorruh bihom. Għamlu tat-twavel u vojt minn ġewwa.

Il-ħawt tal-bronż

[Eż:38:8] U għamel ukoll il-ħawt tal-bronż bil-maqgħad tal-bronż mill-mirja li offrew in-nisa li kienu jservu fid-dħul tat-tinda tal-laqgħa.

Il-bitħa

[Eż:38:9] Mbagħad għamel il-bitħa: fuq in-naħa ta' nofsinhar, 'l isfel, kellha purtiera ta' għażel minsuġ fin, tul mitt driegħ; [Eż:38:10] għoxrin pilastru bl-għoxrin maqgħad tagħhom tal-bronż; imma l-ganċijiet tal-pilastri bil-faxex tagħhom kienu tal-fidda. [Eż:38:11] U n-naħa tat-tramuntana mitt driegħ tul, b'għoxrin pilastru, għoxrin maqgħad tal-bronż, bil-ganċijiet u l-faxex tal-pilastri tal-fidda. [Eż:38:12] U n-naħa tal-punent kien hemm ħamsin driegħ ta' purtieri; għaxar pilastri u għaxar imqagħad tagħhom, u għaxar ganċijiet għall-pilastri u l-faxex tagħhom tal-fidda. [Eż:38:13] Fuq quddiem, in-naħa tal-lvant, kien hemm ħamsin driegħ; [Eż:38:14] ħmistax-il driegħ purtieri fuq ġenb bit-tliet pilastri u t-tliet imqagħad tagħhom. [Eż:38:15] U fuq il-ġenb l-ieħor, minn naħa u minn oħra tal-bieb tal-bitħa, ħmistax-il driegħ bit-tliet pilastri u t-tliet imqagħad tagħhom. [Eż:38:16] Il-purtieri kollha ta' madwar il-bitħa kienu ta' l-għażel minsuġ fin; [Eż:38:17] l-imqagħad tal-bronż, il-ganċijiet tal-pilastri u l-faxex tagħhom tal-fidda; il-kisja ta' rjushom kienet tal-fidda, u l-pilastri kollha miksija bil-fidda. [Eż:38:18] Il-purtiera tal-bitħa kienet tad-drapp minsuġ fin u mżewwaq; vjola, porpra u skarlatt, u għażel mibrum fin; twila għoxrin driegħ u ħamsa għolja, daqs il-wisa' tal-purtieri tal-bitħa, [Eż:38:19] bl-erba' kolonni u l-erba' mqagħad tagħhom tal-bronż; bil-ganċijiet tal-fidda; u l-kisja ta' rjushom u l-faxex tagħhom tal-fidda. [Eż:38:20] L-imsiemer tat-tinda u tal-bitħa dawramejt kienu tal-fidda.

In-nefqa għat-tabernaklu

[Eż:38:21] Dan hu l-kont tat-tabernaklu, it-tinda tax-xhieda, kif kien magħmul bl-ordni ta' Mosè, permezz tal-Leviti taħt Itamar bin Aron il-qassis. [Eż:38:22] Besalel bin Uri, bin Ħur, mit-tribù ta' Ġuda, għamel kull ma kien ordna l-Mulej permezz ta' Mosè, [Eż:38:23] flimkien ma' Oħolijab bin Aħsamak, mit-tribù ta' Dan, bniedem tas-sengħa, disinjatur u nissieġ fil-vjola, fil-porpra, fl-iskarlatt fl-għażel.

[Eż:38:24] Id-deheb kollu biex saret din l-opra, ix-xogħol kollu tas-santwarju, kollu ġej mill-offerti tan-nies, laħaq disgħa u għoxrin talent u seba' mija u tletin xekel, skond ix-xekel tas-santwarju. [Eż:38:25] U l-fidda, miġbura mill-magħdudin tal-ġemgħa, laħqet mitt talent u elf u seba' mija u ħamsa u sebgħin xekel skond ix-xekel tas-santwarju: [Eż:38:26] bêka kull ras, jiġifieri nofs xekel tas-santwarju, minn kull min kien magħdud minn għoxrin sena 'l fuq, għal sitt mija u tlitt elef u ħames mija u ħamsin raġel. [Eż:38:27 Il-mitt talent tal-fidda servew għat-tidwib ta' l-imqagħad tat-tabernaklu, u ta' l-imqagħad tal-purtiera: mitt talent għal mitt maqgħad, talent għal kull maqgħad. [Eż:38:28] Elf u seba' mija u ħamsa u sebgħin xekel servewh biex jagħmel il-ganċijiet tal-pilastri u jiksi l-irjus tagħhom u jdawwarhom bil-faxex. [Eż:38:29] Il-bronż li offrew laħaq sebgħin talent u elfejn u erba' mitt xekel; [Eż:38:30] bih għamel l-imqagħad tad-dħul tat-tabernaklu tal-laqgħa, l-artal tal-bronż bil-gradilja tal-bronż; u t-tagħmir ta' l-artal; [Eż:38:31] l-imqagħad ta' madwar il-bitħa u l-imqagħad tal-bieb tal-bitħa, u l-imsiemer tat-tabernaklu, u l-imsiemer ta' madwar il-bitħa.


39. L-ilbies tal-qassisin

[Eż:39:1] Bil-vjola, mbagħad, bil-porpra u bl- iskarlatt, ħadem l-ilbies tas-servizz biex iservu fis-santwarju; għamlu lbies sagru għal Aron kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Eż:39:2] Għamel l-efod mid-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel mibrum. [Eż:39:3] Għamel id-deheb f'folji rqaq u qatagħhom fi ħjut, biex jaħdmuhom mal-vjola, l-porpra u l-iskarlatt, u l-għażel mibrum fin: xogħol ta' wieħed tas-sengħa. [Eż:39:4] Għalih għamlu wkoll bċejjeċ jinqaflu għall-ispallejn. Kienu jinqaflu wkoll fiż-żewġt itruf tiegħu.

[Eż:39:5] U għamlu l-faxxa li kienet tgħaddi minn fuqu biex iżżommu f'postu, ta' l-istess xogħol tad-deheb u l-vjola, porpra u skarlatt, u għażel minsuġ fin, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè. [Eż:39:6] Ħadmu l-ħaġar ta' l-oniċi, għalquhom fi dwawar tad-deheb, u naqqxuhom bħalma jnaqqxu ċ-ċrieket, għall-ismijiet ta' wlied Iżrael. [Eż:39:7] Qegħduhom fuq iż-żewġ bċejjeċ ta' l-efod, ġawhar għat-tifkira ta' wlied Iżrael, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè.

Il-pettoral

[Eż:39:8] U għamel il-pettoral, bħax-xogħol ta' l-efod, xogħol tad-deheb, vjola, porpra u skarlatt, u għażel fin. [Eż:39:9] Kien kwadru, mitwi fi tnejn, twil xiber u ieħor wiesa'. [Eż:39:10] Waħħlu fih erba' indani ħaġar prezzjuż: fl-ewwel indana qiegħdu: sardju, topazju u żmerald. [Eż:39:11] Fit-tieni indana: rubin, saffir u djamant. [Eż:39:12] Fit-tielet indana: ġjaċint, agta u ametist; [Eż:39:13] fir-raba' indana: krisoltu, oniċi u djaspru; u għalquhom fi dwawar tad-deheb. [Eż:39:14] U kien hemm tnax-il ħaġra skond l-għadd tat-tribujiet ta' Iżrael; u kienu bħaċ-ċrieket, kull waħda b'isem tribù ta' Iżrael imnaqqax fih. [Eż:39:15] U għamel għall-pettoral lazzijiet tad-deheb fin mibrum bħal ħbula; [Eż:39:16] u għamillu wkoll żewġ dwawar tad-deheb u żewġ ħolqiet tad-deheb; u qiegħdu ż-żewġ ħolqiet fiż-żewġt itruf tal-pettoral; [Eż:39:17] u daħħlu ż-żewġ lazzijiet tad-deheb fiż-żewġ ħolqiet fit-truf tal-pettoral. [Eż:39:18] Iż-żewġt itruf taż-żewġ lazzijiet rabtuhom maż-żewġ dwawar u qegħduhom fuq il-biċċa ta' l-efod minn quddiem. [Eż:39:19] Għamlu żewġ ħolqiet oħra tad-deheb u qegħduhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral fuq in-naħa ta' ġewwa li tmiss ma' l-efod. [Eż:39:20] U għamlu żewġ ħolqiet oħra tad-deheb, u waħħluhom minn quddiem fit-tarf t'isfel ta' waħda mill-bċejjeċ ta' l-efod fir-rabta tiegħu 'l fuq mill-faxxa ta' l-efod. [Eż:39:21] U rabtu mill-ħoloq tiegħu mal-ħoloq ta' l-efod b'kurdiċella b'mod li jiġi fuq il-faxxa ta' l-efod, u li l-pettoral ma jinħallx minn fuq l-efod, bħalma kien ordna l-Mulej.

Il-libsa ta' l-efod

[Eż:39:22] Għamlu wkoll il-libsa ta' l-efod, xogħol in-nissieġ, kollha vjola, [Eż:39:23] bl-iskullatura tal-libsa f'nofsha, bħal skullatura ta' qmis, bi tberfila madwarha biex ma tiċċarratx. [Eż:39:24] U dendlu fil-keffa tal-libsa bħal rummien vjola, porpra u skarlatt bi ħjut ta' l-għażel mibrum fin. [Eż:39:25] Għamlu wkoll ġlieġel tad-deheb fin, u dendluhom bejn ir-rummien fil-keffa tal-libsa dawramejt, f'nofs ir-rummien: [Eż:39:26] ġolġol u rummiena, ġolġol u rummiena fil-keffa tal-libsa madwarha kollu għas-servizz, bħalma kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Eż:39:27] Għamlu l-ilbiesi ta' l-għażel, xogħol in-nissieġ, għal Aron u wliedu: [Eż:39:28] it-turbant ta' l-għażel, u l-ornament tat-turbant, u l-qliezet ta' l-għażel mibrum fin, [Eż:39:29] u t-terħa ta' l-għażel mibrum, vjola, porpra u skarlatt, xogħol tar-rakkmu, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Eż:39:30] Għamlu wkoll l-istrixxa rqiqa tad-deheb fin għall-kuruna mqaddsa, u naqqxu u kitbu fuqha: 'Qaddis lill-Mulej', bħal inċiżjoni fuq ċurkett. [Eż:39:31] U rabtu magħha kurdiċella vjola biex titwaħħal mat-turbant, kif ordna l-Mulej lil Mosè.

[Eż:39:32] Hekk intemmet l-opra sħiħa tat-tabernaklu, tat-tinda tal-laqgħa; u wlied Iżrael għamlu kollox kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Eż:39:33] U ġiebu għand Mosè, it-tabernaklu, it-tinda, u t-tagħmir kollu tagħhom: il-ganċijiet, it-twavel, it-traversi, il-pilastri u l-imqagħad tiegħu; [Eż:39:34] l-għata tal-ġild tal-muntun miżbugħ aħmar; l-għata ta' ġild id-denfil, il-purtiera ta' barra; [Eż:39:35] l-arka tax-xhieda u l-lasti tagħha u l-għatu; [Eż:39:36] il-mejda u l-partijiet tagħha kollha u l-ħobż tal-preżenza; [Eż:39:37] l-imnara tad-deheb fin bl-imsiebaħ u t-tagħmir tagħhom u l-partijiet kollha tagħha u ż-żejt għall-mixegħla; [Eż:39:38] l-artal tad-deheb; iż-żejt tal-konsagrazzjoni, l-inċens ifuħ; il-purtiera tal-bieb tat-tinda; [Eż:39:39] l-artal tal-bronż u l-gradilja tiegħu tal-bronż; il-lasti u t-tagħmir tiegħu kollu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu; [Eż:39:40] id-drapp tal-bitħa, il-pilastri tagħha, l-imqagħad tagħha, il-purtiera tal-bieb tal-bitħa, il-ħbula u l-imsiemer tagħha, bit-tagħmir kollu meħtieġ għat-tabernaklu, għat-tinda tal-laqgħa; [Eż:39:41] l-ilbies għas-servizz fis-santwarju, l-ilbies ikkonsagrat għal Aron il-qassis, u l-ilbies għal uliedu biex iservu ta' qassisin.

[Eż:39:42] Kollox kif kien ordna l-Mulej lil Mosè, u hekk ulied Iżrael temmew ix-xogħol kollu. [Eż:39:43] Mosè ra x-xogħol kollu u ra li għamluh kollu kif kien ordna l-Mulej, u Mosè berikhom.

40. Mosè jwaqqaf it-tabernaklu

[Eż:40:1] Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: [Eż:40:2] “Fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar inti twaqqaf it-tabernaklu tat-tinda tal-laqgħa, [Eż:40:3] u tpoġġi hemm fih l-arka tax-xhieda miktuba u tgħatti l-arka bil-velu, [Eż:40:4] u ġġib il-mejda u t-tagħmir kollu tagħha; u ġġib l-imnara u tqegħdilha l-imsiebaħ fuqha. [Eż:40:5] U ġġib l-artal tad-deheb għall-inċens ifuħ għal quddiem l-arka tax-xhieda miktuba, u tqiegħed ukoll it-tinda fi dħul it-tabernaklu. [Eż:40:6] Inti tqiegħed l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq quddiem id-dħul tat-tabernaklu tal-laqgħa. [Eż:40:7] Tqiegħed il-ħawt bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u timlieh bl-ilma. [Eż:40:8] U tagħmel il-bitħa madwarha u ddendel il-purtiera ta' bieb il-bitħa. [Eż:40:9] Mbagħad hu ż-żejt tal-konsagrazzjoni u idlek it-tabernaklu u kull ma fih; tikkonsagrah bit-tagħmir kollu, u jsir sagru. [Eż:40:10] Tidlek ukoll l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq, bit-tagħmir kollu tiegħu. Tikkonsagra l-artal u jkun mill-aktar sagru. [Eż:40:11] Tidlek il-ħawt bil-maqgħad tiegħu, u tikkonsagrah.

[Eż:40:12] “Mbagħad tressaq lil Aron u lil uliedu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u taħsilhom bl-ilma. [Eż:40:13] Tlibbes lil Aron bl-ilbies sagru, tidilku u tikkonsagrah, biex iservini ta' qassis. [Eż:40:14] Tressaq ukoll lil uliedu u tlibbishom bit-tonok. [Eż:40:15] Tidlikhom bħalma tkun dlikt lil missierhom, biex iservuni ta' qassisin; b'din l-unzjoni tagħhom ikunu qassisin għal dejjem, għall-ġenerazzjonijiet tagħhom kollha.”

[Eż:40:16] Mosè għamel kollox kif kien ordnalu l-Mulej.

[Eż:40:17] Fl-ewwel xahar tat-tieni sena, fl-ewwel jum tax-xahar talla' t-tabernaklu. [Eż:40:18] Mosè waqqaf it-tabernaklu; poġġa l-imqagħad tiegħu, qiegħed it-twavel, waħħal it-traversi u waqqaf il-pilastri. [Eż:40:19] Firex it-tinda fuq it-tabernaklu, u qiegħed l-għata fuqu, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Eż:40:20] Ħa x-xhieda miktuba u qegħedha fl-arka; daħħal l-lasti fl-arka u qiegħed l-għatu fuq l-arka minn fuq. [Eż:40:21] Qiegħed l-arka fit-tinda; dendel il-purtiera tal-velu u għatta l-arka tax-xhieda miktuba, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè. [Eż:40:22] Mbagħad qiegħed il-mejda fit-tinda tal-laqgħa, fuq in-naħa tat-tramuntana tat-tabernaklu, 'il barra mill-velu. [Eż:40:23] Fuqha qiegħed tagħmira ħobż quddiem il-Mulej, bħalma kien ordna l-Mulej lil Mosè.

[Eż:40:24] Qiegħed ukoll l-imnara fit-tinda tal-laqgħa biswit il-mejda, in-naħa ta' nofsinhar tat-tabernaklu. [Eż:40:25] Qiegħed fuqha l-imsiebaħ quddiem il-Mulej, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. [Eż:40:26] Qiegħed ukoll l-artal tad-deheb fit-tinda tal-laqgħa, 'il barra mill-velu. [Eż:40:27] Fuqu ħaraq l-inċens ifuħ, kif il-Mulej kien ordna lil Mosè. [Eż:40:28] Dendel il-purtiera fi dħul it-tabernaklu.

[Eż:40:29] Poġġa l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq fi dħul it-tabernaklu tat-tinda tal-laqgħa u fuqu offra sagrifiċċji maħruqa u offerti, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè.

[Eż:40:30] Poġġa l-ħawt bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u mlieh bl-ilma għall-ħasil. [Eż:40:31] Nħaslu fih Mosè u Aron u wliedu, idejhom u riġlejhom. [Eż:40:32] Kull meta kienu jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew jersqu lejn l-artal kienu jinħaslu, kif il-Mulej kien ordna lil Mosè.

[Eż:40:33] Waqqaf ukoll il-bitħa madwar it-tabernaklu u l-artal; u dendel il-purtiera fil-bieb tal-bitħa.

Hekk Mosѐ temm ix-xogħol kollu.

Il-glorja tal-Mulej fuq it-tabernaklu

[Eż:40:34] Mbagħad is-sħaba ksiet it-tinda tal-laqgħa; u l-glorja tal-Mulej imliet it-tabernaklu. [Eż:40:35] Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa, għax fuqha kien hemm tistrieħ is-sħaba, u l-glorja tal-Mulej kienet timla t-tabernaklu. [Eż:40:36] Kull meta s-sħaba kienet tintrefa' minn fuq it-tabernaklu, ulied Iżrael kienu jitilqu minn fejn ikunu. [Eż:40:37] U jekk is-sħaba ma kinetx tintrefa', anqas huma ma kienu jitilqu, qabel ma tintrefa' hi.

[Eż:40:38] Binhar kien ikun hemm is-sħaba tal-Mulej tistrieħ fuq it-tabernaklu, imma bil-lejl kien ikun hemm in-nar, li kienu jarawh ulied Iżrael fil-mixi kollu tagħhom.