IL-KTIEB TA ESTER
A. Il-ħolma ta' Mordekaj
[Est:A:1] Kienet it-tieni sena tas-saltna ta' Assweru l-Kbir, fl-ewwel jum ta'
Nisan, meta Mordekaj bin Ġajir, bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù ta' Benjamin,
ħolom ħolma. [Est:A:2] Dan kien Lhudi joqgħod fiċ-ċittadella ta' Susa, iservi
fil-palazz tas-sultan, [Est:A:3] wieħed mill-eżiljati, li Nabukodonosor,
is-sultan ta' Babilonja, kien ħa fil-jasar minn Ġerusalemm flimkien ma' Ġekonija,
sultan ta' Ġuda.
[Est:A:4] Il-ħolma kienet din: Deherlu li kien qiegħed jisma' ħsejjes u storbju,
ragħad u theżhiż, taqliba sħiħa fuq l-art. [Est:A:5] Mbagħad tfaċċaw żewġ
draguni kbar, it-tnejn lesti biex jaqbdu f'xulxin. L-għajta tagħhom kienet
twerwrek. [Est:A:6] Ma' din il-għajta l-ġnus kollha lestew ruħhom għall-gwerra
kontra l-ġens tal-ġusti. [Est:A:7] Kien jum id-dlam u s-swied, hemm u diqa,
għawġ u taħwid kbir fuq l-art. [Est:A:8] Il-ġens tal-ġusti tħawwad, u ħakmu biża'
kbir minħabba l-għawġ li kien hemm lest għalihom, u lestew ruħhom għall-mewt.
[Est:A:9] Sejjħu lil Alla, u ma' l-għajta tagħhom ħarġet bħal minn nixxiegħa
żgħira xmara kbira, kotra ta' l-ilma. [Est:A:10] Feġġ is-sebħ u telgħet ix-xemx,
u l-imsejknin qamu u belgħu l-kbarat.
[Est:A:11] Kif għaddietlu l-ħolma u kien ra x'ried jagħmel Alla, Mordekaj
stenbaħ. Żamm kollox f'moħħu u sa billejl baqa' jfittex li, hekk jew hekk,
jifhimha.
Konfoffa kontra s-sultan
[Est:A:12] Darba Mordekaj kien rieqed fil-palazz maż-żewġ uffiċjali tas-sultan,
Gabata u Tarra, għassiesa tal-bieb. [Est:A:13] Semagħhom jitkellmu bejniethom, u
fittex li jitkixxef x'kellhom f'rashom, u sar jaf li kienu qegħdin jaħsbu kif
imiddu idejhom fuq is-sultan Assweru. Mbagħad mar jgħarraf lis-sultan b'dan
kollu. [Est:A:14] Is-sultan stħarreġ liż-żewġ uffiċjali, u dawn stqarrew dnubhom,
u tawhom il-mewt.
[Est:A:15] Is-sultan kiteb kollox b'tifkira; hekk ukoll Mordekaj niżżel dawn
il-ġrajja. [Est:A:16] Is-sultan imbagħad daħħlu jservi fil-palazz, u tah
ir-rigali biex ipattilu għal din l-imġiba.
[Est:A:17] Imma kien hemm Ħaman bin Ħammedata, l-Agagi, li kellu pożizzjoni
għolja quddiem is-sultan. Dan kien ifittex li jagħmel id-deni lil Mordekaj u
lill-poplu tiegħu minħabba ż-żewġ uffiċjali tas-sultan.
1. Il-festa tas-sultan Assweru
[Est:1:1] Kien fi żmien Assweru - dak Assweru li kien isaltan fuq mija u sebgħa
u għoxrin provinċja mill-Indja sa l-Etjopja. [Est:1:2] Dik il-ħabta s-sultan
Assweru kien fuq it-tron tas-saltna tiegħu fiċ-ċittadella ta' Susa. [Est:1:3]
Fit-tielet sena tas-saltna għamel festa għall-kbarat u l-ministri,
għall-fizzjali tal-Persja u l-Medja, għall-kbarat u gvernaturi tal-provinċji li
kienu madwaru. [Est:1:4] Uriehom il-ġid u l-kobor ta' saltnatu, il-lussu u l-glorja
tal-maestà tiegħu. Il-festi damu mija u tmenin jum.
[Est:1:5] Meta għaddew dawn il-jiem is-sultan għamel pranzu għall-poplu kollu,
mill-kbir saż-żgħir, li kien joqgħod fiċ-ċittadella ta' Susa; il-pranzu sar
fil-bitħa tal-ġnien tal-palazz tas-sultan, u dam sejjer sebat ijiem. [Est:1:6]
Kien hemm purtieri bojod u vjola mdendla bi ħbula ta' l-għażel u l-porpra
b'ħoloq tal-fidda ma' kolonni tar-rħam. Poġġew divani rrakkmati bid-deheb u l-fidda
fuq paviment iċċangat bil-mużajk tal-porfir, rħam, madriperla, u ħaġar imżewwaq.
[Est:1:7] Bdew iservu x-xorb f'koppi tad-deheb ta' kull għamla. Is-sultan
imbagħad, ta' sultan li kien, tahom inbid bix-xaba'. [Est:1:8] Kollox skond
il-liġi, u ħadd ma kien iġiegħel lil ħadd; għax is-sultan lis-servi tal-palazz
ordnalhom li jagħmlu ma' kull wieħed kif ikun jogħġbu.
[Est:1:9] Is-sultana Vasti wkoll għamlet pranzu għan-nisa fil-palazz tas-sultan
Assweru.
Assweru jwarrab lil Vasti
[Est:1:10] Fis-seba' jum, meta ħass qalbu ferħana bl-inbid, is-sultan ordna lil
Meħuman, lil Biżta, lil Ħarbuna, lil Bigta, lil Abgata, lil Żetar, lil Karkas,
is-seba' uffiċjali li kienu jservu s-sultan Assweru, [Est:1:11] li jġibulu lis-sultana
Vasti quddiemu bil-kuruna ta' sultana fuqha biex juri ġmielha lill-popli u
lill-kbarat, għax kienet tassew sabiħa fl-għajn. [Est:1:12] Iżda s-sultana Vasti
ma riditx tiġi u tobdi l-ordni tas-sultan, li wasslulha l-uffiċjali. Is-sultan
inkorla bis-sħiħ u nxtegħel bil-qilla.
[Est:1:13] Mbagħad sejjaħ lill-għorrief, dawk li kienu jagħrfu ż-żminijiet -
għax din kienet id-drawwa tas-sultan, li jieħu l-parir ta' dawk li kienu jafu l-liġi
u l-ħaqq. [Est:1:14] L-eqreb lejh kienu Karsena, Setar, Admata, Tarsis, Meres,
Marsena, Memukan, is-seba' prinċpijiet tal-Persja u l-Medja, li kienu jaraw wiċċ
is-sultan u kellhom l-ewwel postijiet fis-saltna. [Est:1:15] Mbagħad staqsiehom:
"X'titlob il-liġi li jsir mis-sultana Vasti talli ma għamlitx skond ma kkmanda
s-sultan Assweru permezz ta' l-uffiċjali?"
[Est:1:16] Wieġeb Memukan quddiem is-sultan u l-prinċpijiet: "Is-sultana Vasti
naqset u għamlet id-deni mhux biss lis-sultan, iżda lill-prinċpijiet kollha, u
l-popli kollha li jinsabu fil-provinċji tas-sultan Assweru. [Est:1:17] Żgur li
toħroġ l-aħbar x'għamlet is-sultana, u tasal għand in-nisa, u issa lkoll kemm
huma ma jistmawx aktar lil żwieġhom, u jgħidu: 'Is-sultan Assweru ordna li jġibu
lil Vasti quddiemu, u din ma ġietx.' [Est:1:18] U llum stess in-nisa tal-kbarat
tal-Persja u l-Medja, li semgħu b'din l-imġiba tas-sultana, imorru jgħiduha
lill-prinċpijiet tas-sultan, u jkun hawn biżżejjed stmerrija u ġlied. [Est:1:19]
Mela, jekk jogħġob lis-sultan, ħa joħroġ digriet tas-saltna mingħandu, u
jitniżżel fil-liġijiet tal-Persja u tal-Medja, digriet li ma jitħassarx, li
Vasti ma tersaqx aktar quddiem is-sultan Assweru, u postha ta' sultana s-sultan
jagħtih lil xi oħra aħjar minnha. [Est:1:20] U meta dan id-digriet tas-sultan
jisimgħu bih ma' l-imperu kollu - imperu kbir tassew - in-nisa kollha, mill-kbira
saż-żgħira, jibdew jirrispettaw lil żwieġhom."
[Est:1:21] Dan il-kliem għoġob lis-sultan u lill-prinċpijiet, u s-sultan għamel
dak li qallu Memukan. [Est:1:22] U bagħat ittri lill-provinċji kollha, kull
provinċja skond il-kitba tagħha, u lil kull poplu skond l-ilsien tiegħu, li kull
raġel għandu jkun kmand f'daru u jitkellem kif jiġih f'ilsienu.
2. Tfittxija għal xebba sabiħa
[Est:2:1] Wara dawn il-ġrajja, xħin għaddietlu l-korla, is-sultan Assweru ftakar
f'Vasti, x'kienet għamlet u x'kien iddeċieda kontriha hu. [Est:2:2] Il-ministri
ta' madwaru qalulu: "Ħa jfittxu tfajliet verġni u sbieħ fl-għajn. [Est:2:3] Ħa
jibgħat is-sultan uffiċjali ma' l-ibliet ta' l-imperu kollu, u jġibu lil kull
tfajla verġni u sabiħa fl-għajn; mbagħad jiġbruhom fil-ħarem tan-nisa f'Susa,
iċ-ċittadella, u jħalluhom f'idejn Ħegaj, l-uffiċjal tas-sultan, l-inkarigat
min-nisa, u jipprovdulhom il-fwejjaħ. [Est:2:4] It-tfajla, mbagħad, li tkun
togħġob lis-sultan, issaltan flok Vasti." Dan il-kliem għoġob lis-sultan, u
għamel hekk.
[Est:2:5] Fiċ-ċittadella ta' Susa kien hemm raġel Lhudi jismu Mordekaj bin Ġajir,
bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù ta' Benjamin. [Est:2:6] Dan kien meħud fl-eżilju
minn Ġerusalemm, flimkien mas-sultan Ġekonija, sultan ta' Ġuda, u ma' dawk
kollha li kien ħa miegħu Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja. [Est:2:7] Dan kien
qiegħed irabbi lil Ħadassa, li hi Ester, bint zijuh, għax la kellha omm u lanqas
missier. It-tfajla kienet sabiħa fis-sura tagħha u ġmielha kien jolqot l-għajn;
meta mietu missierha u ommha, Mordekaj ħadha b'bintu.
[Est:2:8] Meta nstemgħet l-ordni tas-sultan u d-digriet kien imxandar, u ġiebu
ħafna tfajliet fiċ-ċittadella ta' Susa, u rħewlhom f'idejn Ħegaj, ħadu wkoll lil
Ester f'dar is-sultan f'idejn Ħegaj, l-inkarigat min-nisa. [Est:2:9] It-tfajla
għoġbitu u ħa grazzja magħha. Fittex taha l-fwejjaħ u r-razzjon ta' l-ikel; u
taha wkoll seba' tfajliet magħżula mill-palazz tas-sultan, u qiegħed lilha u t-tfajliet
tagħha fl-aħjar taqsima tal-ħarem tan-nisa.
[Est:2:10] Ester ma wrietx la ġensha u lanqas il-familja tagħha, għax Mordekaj
wissieha biex ma turi xejn. [Est:2:11] U Mordekaj kuljum kien joqgħod jitlajja
biswit il-bitħa tal-ħarem tan-nisa ħa jkun jaf kif kienet sejra Ester, u x'kien
se jsir minnha.
[Est:2:12] It-tfajliet kienu jidħlu ħdejn is-sultan Assweru, kull waħda meta
kien imissha, wara preparazzjoni ta' tnax-il xahar kif kien preskritt għan-nisa
mqassam b'dan il-mod; sitt xhur kienu jindilku biż-żejt tal-mirra u sitt xhur
bil-fwejjaħ u bl-ingwent għan-nisa. [Est:2:13] U meta t-tfajla kienet tiġi biex
toħroġ b'dan il-mod mill-ħarem tan-nisa għall-palazz tas-sultan kienet tista'
tieħu magħha kull ma kienet titlob. [Est:2:14] Kienet tidħol fil-għaxija, u
terġa' lura l-għada fil-għodu lejn ħarem ieħor tan-nisa, taħt il-ħarsien ta' l-uffiċjal
tas-sultan, Sagħasgaż, l-inkarigat mill-konkubini; ma kinitx tmur iżjed għand
is-sultan jekk ma tkunx għoġbitu u ma tkunx imsejjħa b'isimha.
Ester sultana
[Est:2:15] U meta mess lil Ester, bint Abiħajl, iz-ziju ta' Mordekaj, li ħadha
bħala bintu, biex tmur għand is-sultan, ma fittxet xejn iżjed ħlief dak li
qalilha Ħegaj, l-uffiċjal tas-sultan, l-inkarigat min-nisa; u Ester saħħret
għajnejn kull min raha.
[Est:2:16] Lil Ester ħaduha għand is-sultan Assweru, fil-palazz tas-sultan, fl-għaxar
xahar, fix-xahar ta' Tebet, fis-seba' sena ta' saltnatu. [Est:2:17] Is-sultan
ħabb lil Ester fuq in-nisa l-oħra kollha; u hi sabet fih grazzja u mħabba aktar
mix-xebbiet l-oħra, u qegħdilha l-kuruna tas-saltna f'rasha, u għamilha sultana
flok Vasti.
[Est:2:18] Mbagħad is-sultan għamel pranzu lill-prinċpijiet u l-ministri tiegħu
kollha, pranzu f'ġieħ Ester; ta wkoll festa lill-provinċji kollha, u qassam
rigali ta' sultan li kien.
[Est:2:19] Meta kienu qegħdin iressqu xebbiet oħra, Mordekaj kien joqgħod ħdejn
il-bieb tal-palazz. [Est:2:20] Ester ma wrietx, la l-familja u lanqas il-poplu
tagħha, kif kien wissieha Mordekaj; għax hi baqgħet tagħmel skond ma kien
jordnalha Mordekaj, bħal meta kienet miegħu.
[Est:2:21] F'dawk il-jiem Mordekaj kien qiegħed ħdejn il-bieb tal-palazz; Bigtan
u Teres, uffiċjali tas-sultan u għassiesa tal-bieb, kienu nkurlati u riedu
jmiddu idejhom fuq is-sultan Assweru. [Est:2:22] Mordekaj sar jaf b'din il-biċċa
u għarraf lis-sultana Ester, u Ester qalet lis-sultan f'isem Mordekaj.
[Est:2:23] Meta tkixxfu din il-biċċa u sabu li kien hekk, għallquhom ma' siġra,
u niżżlu kollox fil-ktieb tal-ġrajja ta' żmien is-sultan.
3. Ħaman jikkonfoffa kontra l-Lhud
[Est:3:1] Wara dawn il-ġrajja s-sultan Assweru għolla fid-dinjità lil Ħaman bin
Ħammedata, l-Agagi, għollieh fil-grad u qiegħed is-siġġu tiegħu 'l fuq
mit-tronijiet tal-prinċpijiet sħabu kollha. [Est:3:2] U l-uffiċjali kollha li
kienu jservu fil-palazz tas-sultan kienu jinżlu għarkubbtejhom u jbaxxu rashom
fl-art quddiem Ħaman, għax din kienet l-ordni tas-sultan.
[Est:3:3] Imma Mordekaj ma riedx jinżel għarkubbtejh u jbaxxi rasu fl-art
quddiemu. U l-uffiċjali tal-palazz tas-sultan, li kienu fil-bieb, qalu lil
Mordekaj: "Għala int ma tobdix il-kmand tas-sultan?" [Est:3:4] U baqgħu jgħidulu
hekk minn jum għal ieħor, u hu ma samax minnhom; fl-aħħar għarrfu lil Ħaman ħa
jaraw jekk din il-biċċa ta' Mordekaj tistax tibqa' għaddejja lixxa, billi hu
kien qalilhom li hu Lhudi. [Est:3:5] U meta Ħaman ra li Mordekaj la kien jinżel
għarbukktejh u lanqas ibaxxi rasu fl-art quddiemu, xegħel bil-korla.
[Est:3:6] Deherlu li ma kienx biżżejjed li jmidd idu fuq Mordekaj waħdu; u billi
qalulu li kien Lhudi, Ħaman fittex li jeqred il-Lhud kollha, il-poplu kollu ta'
Mordekaj, mill-imperu ta' Assweru.
[Est:3:7] F'Nisan, l-ewwel xahar tas-sena, fit-tnax-il sena tas-saltna ta'
Assweru, tefgħu l-Pur, jiġifieri tefgħu x-xorti, quddiem Ħaman għall-jum u
għax-xahar, biex hekk jagħżlu x-xahar u l-jum għall-qerda tal-Lhud, il-poplu ta'
Mordekaj, f'jum wieħed, mis-saltna ta' Assweru; u x-xorti waqgħet fuq il-jum
tlittax ta' Adar, it-tnax-il xahar.
[Est:3:8] Ħaman imbagħad qal lis-sultan Assweru: "Fost il-popli kollha
tal-provinċji ta' l-imperu tiegħek hemm imxerred u mferrex poplu; il-liġi
tagħhom ma taqbel xejn ma' tal-popli l-oħra; u huma ma jħarsux il-liġi tas-sultan.
Ma jaqbillux is-sultan li jħallihom jgħixu. [Est:3:9] Jekk jogħġob lis-sultan ħa
jkun miktub digriet biex neqirduhom, u jien ngħaddi għaxart elef talent
tal-fidda f'idejn l-amministraturi biex iqegħduhom fit-teżor tas-sultan."
[Est:3:10] U s-sultan qala' ċ-ċurkett minn sebgħu u tah lil Ħaman bin Ħammedata,
l-Agagi, l-għadu tal-Lhud, [Est:3:11] u qallu: "Il-flus tajthomlok, u l-poplu
wkoll, biex tagħmel minnu kull ma jogħġbok."
[Est:3:12] Fit-tlittax ta' l-ewwel xahar kienu msejjħa l-kittieba tas-sultan, u
kitbu kull ma ordnalhom Ħaman lis-satrapi tas-sultan u lill-gvernaturi ta' kull
provinċja u lill-prinċpijiet ta' kull poplu, lil kull provinċja bil-kitba tagħha,
u lil kull poplu b'ilsienu. Kollox kien miktub f'isem is-sultan Assweru u
ssiġillat biċ-ċurkett tiegħu.
[Est:3:13] Mbagħad bagħtu dawn l-ittri permezz tal-kurrieri lil kull provinċja
tas-sultan sabiex f'jum wieħed, fit-tlittax tat-tnax-il xahar, ix-xahar ta'
Adar, jeqirdu, joqtlu u jġibu fix-xejn il-Lhud kollha, kbar u żgħar, nisa u
rġiel, u jeħdulhom ħwejjiġhom.
B. Id-digriet kontra l-Lhud
[Est:B:1] Din hi kopja tad-digriet: "Assweru, is-sultan il-kbir, lill-gvernaturi
tal-mija u sebgħa u għoxrin provinċja, mill-Indja sa l-Etjopja, u lill-uffiċjali
ta' taħthom, jikteb dan li ġej:
[Est:B:2] "Jiena, imperatur ta' ħafna popli u padrun tad-dinja kollha, irrid -
bla ma nitkabbar bis-setgħa tiegħi, imma dejjem bi gvern moderat u ġust -
niżgura lis-sudditi tiegħi ħajja bla inkwiet, u filwaqt li niżgura l-kwiet fl-imperu
u kulħadd ikun jista' jivvjaġġa minn tarf għal ieħor, niżgura s-sliem li l-bnedmin
kollha jixtiequ.
[Est:B:3] "Jien stħarriġt lill-kunsillieri tiegħi kif jista' jseħħ dan. Weġibni
Ħaman - bniedem li jgħaddi 'l kulħadd fostna għal għerfu, li qatt ma jbiddel
il-fehma tiegħu, kif jaf kulħadd, u msemmi għall-fedeltà tiegħu, it-tieni
fil-ġieħ fis-saltna tagħna - [Est:B:4] għarrafna li fost il-popli kollha tad-dinja
hemm poplu ta' intern ħażin, b'liġijiet kuntrarji għal dawk ta' popli oħra, u li
ma jagħtix kas tal-liġijiet tas-sultan, b'mod li qegħdin ifixklu s-seħħ ta' dik
l-għaqda li aħna, bla ma jlumna ħadd, qegħdin inħabirku għaliha.
[Est:B:5] "Billi fhimna li dan il-poplu biss baqa' u għadu dejjem kontra l-bnedmin
kollha, billi jgħix ħajja għalih waħdu skond liġijiet strambi u għandu f'qalbu
sentimenti kontra l-interessi tagħna, u jagħmel mill-agħar kemm jista' biex
ifixkel is-saħħa ta' l-imperu;
[Est:B:6] "Aħna għalhekk nordnaw li dawk kollha li ssibuhom imniżżla fl-ittra ta'
Ħaman - it-tieni missier tagħna u l-inkarigat mill-gvern ta' l-imperu - lkoll
kemm huma, bin-nisa u t-tfal b'kollox, bla ħniena u bla ħasra, jeqirduhom
bix-xabla l-għedewwa tagħhom, fl-erbatax ta' Adar, it-tnax-il xahar ta' din is-sena,
[Est:B:7] hekk f'jum wieħed l-għedewwa ta' lbieraħ u ta' llum jinżlu fid-dlam ta'
l-abbissi, u l-imperu tagħna jkun fis-sod u bla tfixkil ta' xejn għal li ġej."
3. [Est:3:14] Kopja ta' dan id-digriet, li kellu jitnieda fil-provinċji kollha,
kellha tintbagħat lill-popli kollha biex ilestu ruħhom għal dak il-jum.
[Est:3:15] Il-kurriera telqu minnufih skond l-ordni tas-sultan.
Id-digriet kien imniedi wkoll fiċ-ċittadella ta' Susa; il-belt ta' Susa nqalbet
ta' taħt fuq, imma s-sultan u Ħaman qagħdu jixorbu.
4. Mordekaj jitlob l-għajnuna ta' Ester
[Est:4:1] Malli Mordekaj sar jaf b'dak li kien għaddej, ċarrat ħwejġu u libes
ilbies tax-xkejjer, xeħet l-irmied fuq rasu, u ħareġ f'nofs il-belt u beda
jgħajjat għajat kbir ta' qsim il-qalb. [Est:4:2] Wasal sa quddiem il-bieb
tal-palazz tas-sultan, għax ħadd ma kien jista' jgħaddi 'l ġewwa mill-bieb
tal-palazz b'ilbies tax-xkejjer.
[Est:4:3] Fil-provinċji kollha, kull fejn wasal id-digriet tas-sultan u l-liġi
tiegħu, kien hemm vistu kbir, sawm u biki u tinwiħ fost il-Lhud; ħafna kienu
jorqdu fuq ix-xkejjer u l-irmied.
[Est:4:4] It-tfajliet u l-uffiċjali, li kienu jservu lil Ester, ġew u qalulha; u
s-sultana nħasdet sewwa. Mbagħad bagħtet ħwejjeġ lil Mordekaj biex jilbishom u
jneħħi minn fuqu l-ilbies tax-xkejjer, iżda huwa ma ħadhomx. [Est:4:5] Ester
sejjħet lil Ħatak, wieħed mill-uffiċjali tas-sultan, li kien iserviha, u
ordnatlu li jitkixxef fuq Mordekaj u jara x'ġara, u għaliex dan. [Est:4:6] U
Ħatak mar ħdejn Mordekaj fil-pjazza tal-belt quddiem il-bieb tal-palazz tas-sultan.
[Est:4:7] Mordekaj għarrfu b'kull ma ġralu, u bis-somma sħiħa ta' flus li Ħaman
wiegħed li jixħet fit-teżor tas-sultan biex ikun jista' jeqred il-Lhud.
[Est:4:8] Tah ukoll kopja tal-liġi li xxandret f'Susa biex jeqridhom, ħalli
taqraha Ester, u jfehemha u jipperswadiha tidħol għand is-sultan, u titlob
ħniena u taqbeż għall-poplu tagħha: "Għidilha: 'Ftakar fi żmien hemmek, meta
kont nieħu ħsiebek jien, għax Ħaman, li jiġi wara s-sultan, kellmu kontrina biex
jeqridna. Itlob lill-Mulej, u idħol għalina u kellem lis-sultan u eħlisna mill-mewt.'
"
[Est:4:9] Ħatak mar u għarraf lil Ester b'kull ma qallu Mordekaj. [Est:4:10]
Ester imbagħad wieġbet lil Ħatak u qaltlu x'għandu jgħid lil Mordekaj:
[Est:4:11] "Il-qaddejja tas-sultan" qaltlu,"u l-poplu kollu tal-provinċji kollha
tas-sultan jafu li kull mara jew raġel li jersaq lejn is-sultan fil-bitħa ta'
ġewwa bla ma jkun imsejjaħ, kastig wieħed hemm għalih: il-mewt, barra 'l min
is-sultan imissu bix-xettru tad-deheb biex jibqa' ħaj. U jien għal dawn l-aħħar
tletin jum is-sultan ma sejjaħlix biex nersaq lejh."
[Est:4:12] U għarrfu lil Mordekaj bil-kliem ta' Ester. [Est:4:13] U Mordekaj
qalilhom biex iwasslu din it-tweġiba lil Ester: "La taħsibx li għax qiegħda
fil-palazz tas-sultan int waħdek se tkun l-ixxurtjata minn fost il-Lhud l-oħra
kollha, li se teħlisha. [Est:4:14] Jekk int iżżomm is-skiet f'waqt bħal dan,
il-Lhud għajnuna u ħelsien jiġuhom minn ximkien ieħor, imma int u dar missierek
tintemmu. Min jaf jekk hux għal mument bħal dan li int ilħaqt sultana?"
[Est:4:15] U Ester qaltilhom iwasslu din it-tweġiba lil Mordekaj: [Est:4:16] "Mur
u iġbor il-Lhud kollha ta' Susa, u sumu għalija, la tiklux u la tixorbux għal
tlitt ijiem, lejl u nhar, u hekk ukoll insumu jien u t-tfajliet ta' madwari.
Mbagħad nidħol għand is-sultan, għalkemm mhux skond il-liġi, u jekk immut, immut."
[Est:4:17] Mordekaj mar u għamel bħalma ordnatlu Ester.
Ċ. It-talba ta' Mordekaj
[Est:Ċ:1] Mordekaj ftakar fl-għemejjel kollha tal-Mulej u talab u qal: [Est:Ċ:2]
"Mulej! Mulej! Sultan li tista' kollox, kollox fis-setgħa tiegħek, u ħadd ma
hemm li jista' jiqaflek jekk int trid issalva lil Iżrael.
[Est:Ċ:3] "Int għamilt is-sema u l-art u l-ħwejjeġ kollha ta' l-għaġeb li hawn
taħt is-sema; [Est:Ċ:4] u int Sid il-ħlejjaq kollha. Ħadd ma hemm li jista'
jiqaflek, lilek, li inti s-Sid ta' kollox.
[Est:Ċ:5] "Int kollox taf, Mulej. Int taf li jekk ma nżiltx wiċċi fl-art quddiem
Ħaman, il-kburi, dan ma għamiltux b'insolenza, b'suppervja, jew b'xewqa ta' ġieħ;
[Est:Ċ:6] anzi jien kont lest minn qalbi li nbuslu qiegħ riġlejh biex insalva
lil Iżrael.
[Est:Ċ:7] "Jien għamilt dan għaliex jien ma nqisx il-glorja tal-bniedem ogħla
mill-glorja ta' Alla, u ma ninżel qatt quddiem ħadd ħliefek, li inti Sidi. Dan
ma nagħmlux b'suppervja.
[Est:Ċ:8] "Issa, Mulej, Alla u Sultan, Alla ta' Abraham, eħlisha lill-poplu
tiegħek, għaliex l-għedewwa tagħna xeħtu għajnejhom fuqna biex iġibuna fix-xejn,
u jridu jeqirdu l-wirt li kien tiegħek minn dejjem. [Est:Ċ:9] La tistmerrx
il-poplu tiegħek, li int fdejt għalik stess mill-art ta' l-Eġittu. [Est:Ċ:10]
Isma' t-talba tiegħi, u ħenn għall-wirt tiegħek; biddel l-hemm tagħna f'ferħ,
biex ngħixu u nfaħħru l-isem tiegħek. Mulej, issikkitx il-fomm ta' min ifaħħrek."
[Est:Ċ:11] U Iżrael ilkoll għajjtu b'kemm kellhom saħħa, għax kellhom il-mewt
quddiem għajnejhom.
It-talba ta' Ester
[Est:Ċ:12] U s-sultana Ester ukoll, qabadha biża' għall-mewt, u fittxet il-kenn
tal-Mulej. [Est:Ċ:13] Neżgħet il-ġmiel ta' lbiesha u libset l-ilbies tan-niket u
l-hemm; flok b'ungwenti prezzjużi ksiet rasha bl-irmied u l-ħmieġ; għakkset kemm
felħet lil ġisimha, u fejn qabel kienet tħobb iżżejjnu, issa għattietu bid-dliel
ta' xagħarha mħabbel.
[Est:Ċ:14] Mbagħad talbet lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, u qaltlu: "Mulejja, int
waħdek is-Sultan tagħna. Għinni għax jien waħdi, u m'għandi ebda kenn ieħor
ħliefek, [Est:Ċ:15] u bħalissa għaddejja minn periklu kbir.
[Est:Ċ:16] "Sa minn ċkuniti, fi ħdan il-familja ta' missirijieti, jien kont
nisma' li int, Mulej, għażilt lil Iżrael minn fost il-ġnus kollha, u 'l
missirijietna minn fost l-antenati tagħhom biex ikunu l-wirt tiegħek għal dejjem,
u għamilt magħhom skond ma wegħedthom.
[Est:Ċ:17] "U aħna issa dnibna quddiemek, u int tlaqtna f'idejn l-għedewwa
tagħna, [Est:Ċ:18] għax aħna tajna l-glorja lill-allat tagħhom. Int ġust, Mulej!
[Est:Ċ:19] "Iżda huma issa m'humiex kuntenti bl-imrar tal-jasar tagħna, ftiehmu
ma' l-allat tagħhom [Est:Ċ:20] li jħassru s-sentenza li int lissint b'fommok
biex jeqirdu l-wirt tiegħek, u jagħlqu fomm dawk li jfaħħruk, jeqirdu l-ġmiel
tat-tempju u l-artal tiegħek, [Est:Ċ:21] u jiftħu fomm il-ġnus biex ifaħħru l-frugħat
ta' l-allat tagħhom, u jqimu għal dejjem sultan tad-demm u l-laħam.
[Est:Ċ:22] "Titlaqx, Mulej, ix-xettru tiegħek f'idejn ix-xejn; tħallihomx
jifirħu bil-qerda tagħna, imma dawwar il-fehma tagħhom kontra tagħhom stess, u
agħmel eżempju minn dak li beda l-ewwel jeħodha kontra tagħna.
[Est:Ċ:23] "Ftakar fina Mulej, uri ruħek fi żmien l-hemm tagħna u qawwili qalbi,
Sultan fuq l-allat, u setgħan fuq kull setgħa. [Est:Ċ:24] Qegħedli kliem f'waqtu
fuq fommi għal quddiem l-iljun, u dawwarlu qalbu u mlihielu b'mibegħda għal dak
li ħadha kontra tagħna biex isib tmiemu, hu u kull min jaħsibha bħalu.
[Est:Ċ:25] "Iżda lilna eħlisna bil-qawwa ta' idejk u għinni, lili, li jiena
waħdi u ma għandi lil ħadd ħliefek, Mulej.
[Est:Ċ:26] "Int kollox taf, u taf tajjeb li jien nistmell il-glorja tal-ħżiena,
nistkerrah il-friex ta' min m'hux Lhudi u kull barrani.
[Est:Ċ:27] "Int taf kif jien sfurzata; kemm nobgħod is-simbolu tal-kobor tiegħi
li jkolli nilbes f'rasi kull meta nidher quddiem in-nies. Stkerrahtha bħal biċċa
ċarruta maħmuġa, u ma nilbishiex meta nkun waħdi.
[Est:Ċ:28] "Il-qaddejja tiegħek qatt ma kielet mill-mejda ta' Ħaman, u qatt ma
stmajt il-pranzijiet tas-sultan, u qatt ma xrobt mill-inbid offrut lill-allat.
[Est:Ċ:29] U minn mindu sibt ruħi hawn sa llum, qatt ma ferħet il-qaddejja
tiegħek ħlief bik, Mulej, Alla ta' Abraham.
[Est:Ċ:30] "Alla li għandek setgħa fuq kollox, isma' l-għajta ta' dawk li qatgħu
jieshom, u eħlisna minn idejn il-ħżiena. Eħlisni mill-biża' tiegħi."
D. Ester quddiem Assweru
[Est:D:1] Fit-tielet jum, meta Ester temmet it-talb tagħha, neħħiet minn fuqha
l-ilbies tal-penitenza u libset l-ilbies tal-glorja tagħha. [Est:D:2] Kif
iżżejjnet bl-ilbies ta' sultana sejjħet l-għajnuna ta' Alla, Salvatur, li jara
kollox, u ħadet żewġ qaddejja minn tagħha. [Est:D:3] Fuq waħda kienet titwieżen
kif jixraq lil mara bħalha; [Est:D:4] l-oħra kienet timxi warajha, iżżommilha l-kuda.
[Est:D:5] Kienet fl-aqwa tal-ġmiel tagħha: wiċċha aħmar nar, hieni u ħelu, iżda
qalbha tħabbat bil-biża'.
[Est:D:6] Għaddiet mill-bibien kollha u waslet quddiem is-sultan. Hu kien fuq
it-tron tiegħu, liebes l-ilbies kollu tal-glorja tiegħu, miksi kollu bid-deheb u
l-ħaġar prezzjuż, ikexkxek bil-biża'. [Est:D:7] Ħares 'il fuq - wiċċu kien
itajjar in-nar bil-glorja tiegħu - u xeħet ħarsa qalilha fuqha, u s-sultana taha
ħass ħażin, biddlet kulurha, u ntelqet fuq ras il-qaddejja miexja quddiemha.
[Est:D:8] Alla biddel qalb is-sultan u mlieha bil-ħlewwa, u bi tkexkixa fuqu
qabeż minn fuq it-tron, refagħha fuq dirgħajh, sakemm ġiet f'tagħha; u beda
jagħmlilha l-qalb bi kliem ħelu, u qalilha: [Est:D:9] "Xi ġralek, Ester? Jien
ħuk, agħmel il-qalb! [Est:D:10] M'intix se tmut, għax il-liġi tagħna qiegħda
għall-poplu; [Est:D:11] ersaq 'l hawn." [Est:D:12] U qabad ix-xettru tad-deheb,
qiegħdu fuq għonqha, biesha u qalilha: "Tkellem!"
[Est:D:13] Ester wieġbet: "Jien rajtek, sidi, bħallikieku kont anġlu ta' Alla, u
qalbi tkexkxet bil-biża' tal-glorja tiegħek. [Est:D:14] Għax int ta' l-għaġeb,
sidi, u ħarstek kollha grazzja." Kif qalet hekk, reġgħet intilfet u waqgħet
fl-art. [Est:D:15] Is-sultan inħasad, u l-qaddejja ta' madwaru fittxew
jagħmlulha l-qalb.
5. L-ewwel pranzu ta' Ester
[Est:5:1] Fit-tielet jum Ester, libset ta' sultana, u marret fil-bitħa ta' ġewwa
tal-palazz tas-sultan, u waqfet biswit id-dar tas-sultan, li kien bilqiegħda fuq
it-tron fis-sala tiegħu quddiem id-dħul tal-palazz. [Est:5:2] Malli s-sultan ra
lis-sultana Ester wieqfa fil-bitħa messitlu qalbu, u medd ix-xettru tad-deheb li
kellu f'idu lejha, u Ester resqet u messet ras ix-xettru. [Est:5:3] Mbagħad
is-sultan staqsieha: "X'għandek sultana Ester, x'inti titlob? Mqar nofs is-saltna
tiegħi, nagħtihulek."
[Est:5:4] Ester wieġbet: "Jekk jogħġob lis-sultan, ħa jiġi s-sultan u Ħaman
illum għall-pranzu li jien ħejjejt għalih." [Est:5:5] Is-sultan ordna: "Fittxu
malajr lil Ħaman biex isir kif qalet Ester. U s-sultan u Ħaman marru
għall-pranzu ta' Ester. [Est:5:6] Huma u jixorbu l-inbid, is-sultan staqsa lil
Ester: "X'inhu li qiegħda titlob, ħa nagħtihulek? X'tixtieq? Mqar nofs saltnati,
nagħtihulek."
[Est:5:7] Ester wieġbet: "Dan hu li qiegħda nitlob, u dan li nixtieq: [Est:5:8]
jekk sibt grazzja f'għajnejn is-sultan u jekk jogħġbu, ħa jagħtini li qiegħda
nitlob, u jagħmel li nixtieq; ħa jiġi għada s-sultan flimkien ma' Ħaman
għall-pranzu li se nagħmel għalihom, u għada nagħmel skond ma jgħid is-sultan."
Ħaman jiddeċiedi li joqtol lil Mordekaj
[Est:5:9] Dakinhar Ħaman ħareġ hieni u b'qalbu ferħana; kif lemaħ lil Mordekaj
f'bieb il-palazz bla ma qam u lanqas biss iċċaqlaq minn postu, Ħaman imtela
bl-għadab għalih. [Est:5:10] Imma rażżan lilu nnifsu u baqa' sejjer dritt id-dar;
u bagħat għal ħbiebu u ġiebhom flimkien ma' martu Żeres. [Est:5:11] Qalilhom
Ħaman bil-kobor ta' ġidu, il-kotra ta' wliedu, u kif onorah is-sultan u għollieh
'il fuq mill-prinċpijiet l-oħra kollha u l-qaddejja tiegħu. [Est:5:12] U kompla:
"Saħansitra s-sultana Ester lil ħadd ħliefi ma sejjħet għall-pranzu li ħejjiet
għas-sultan; u għada wkoll stednitni mas-sultan. [Est:5:13] Iżda dan xejn ma
jiswa għalija, sakemm nibqa' nara lil Mordekaj, il-Lhudi, bilqiegħda fil-bieb
tas-sultan."
[Est:5:14] U weġbuh, martu Żeres u ħbiebu lkoll: "Ħa jtellgħu forka għolja
ħamsin driegħ, u għada fil-għodu għid lis-sultan biex idendel lil Mordekaj
magħha; u mbagħad mur kuntent għall-pranzu." Ħaman dan il-parir għoġbu u ħaseb
biex iħejji l-forka.
6. Is-sultan iħallas lil Mordekaj
[Est:6:1] Dak il-lejl is-sultan ma setax jorqod; għalhekk ordna li jġibulu l-ktieb
ta' l-annali, u qagħdu jaqrawhomlu quddiemu. [Est:6:2] U sabu miktub kif
Mordekaj kien kixef lil Bigtan u Teres, iż-żewġ uffiċjali tas-sultan u għassiesa
tal-bieb, li kienu riedu jmiddu idejhom fuq is-sultan Assweru. [Est:6:3] U
s-sultan staqsa: "X'unur jew glorja kellu Mordekaj għal dan?" U l-qaddejja u l-għases
ta' madwaru weġbuh: "Xejn ma sar!"
[Est:6:4] U staqsiehom: "Min hemm fil-bitħa?" Dak il-ħin daħal Ħaman fil-bitħa
ta' barra tal-palazz tas-sultan, biex ikellmu ħalli jgħallaq lil Mordekaj mal-forka
li kien ħejjielu. [Est:6:5] U l-qaddejja tas-sultan weġbuh: "Hemm Ħaman
fil-bitħa." U s-sultan ordna li jdaħħluh. [Est:6:6] Kif daħal Ħaman, is-sultan
staqsieh: "X'għandhom jagħmlulu lill-bniedem li s-sultan ikun irid jonorah?"
Ħaman beda jgħid f'qalbu: "Lil min jista' s-sultan irid junura l-aktar ħlief
lili?" [Est:6:7] U Ħaman wieġeb: "Bniedem li s-sultan ikun jixtieq jonorah,
[Est:6:8] għandhom iġibulu libsa li jkun libes is-sultan, u żiemel li jkun rikeb
fuqu s-sultan, li tqiegħdet fuq rasu l-kuruna tas-saltna. [Est:6:9] Mbagħad
il-libsa u ż-żiemel jagħtuhom lil wieħed mill-ogħla prinċpijiet tas-sultan u dan
ilibbes il-bniedem li s-sultan ikun irid jagħtih il-ġieħ, u jrikkbu fuq
iż-żiemel, u jgħaddih mill-pjazza tal-belt, u jibdew jgħajjtu quddiemu: "Hekk
jagħmlulu l-bniedem li s-sultan ikun irid jonorah."
[Est:6:10] U s-sultan wieġeb lil Ħaman: "Isa, mela ħu malajr il-libsa u ż-żiemel
kif għedt u agħmel hekk lil Mordekaj il-Lhudi li soltu joqgħod fil-bieb
tal-palazz. Qis li ma tħalli xejn milli għedt. [Est:6:11] U Ħaman ħa l-libsa u
ż-żiemel, u libbes lil Mordekaj, u rikkbu, u għaddieh mill-pjazza tal-belt, u
beda jgħajjat quddiemu: "Hekk jagħmlulu lill-bniedem li s-sultan ikun irid
jonorah."
[Est:6:12] U Mordekaj raġa' lura lejn il-bieb tal-palazz u Ħaman mar jiġri lejn
id-dar b'qalbu sewda u rasu mgħottija. [Est:6:13] U qal kull ma ġralu lil Żeres,
martu, u lil ħbiebu kollha. U l-għorrief tiegħu u martu Żeres qalulu: "Jekk
Mordekaj, li int bdejt iċċedi quddiemu, hu ta' nisel Lhudi, int ma tista'
tagħmel xejn miegħu; ibqa' żgur li għad titlef."
[Est:6:14] Huma u jkellmuh waslu l-uffiċjali tas-sultan, u ħaduh malajr
għall-pranzu li ħejjiet Ester.
7. Il-kundanna ta' Ħaman
[Est:7:1] Is-sultan u Ħaman marru jieklu għand Ester, is-sultana. [Est:7:2] Din
it-tieni darba wkoll, huma u jixorbu l-inbid, is-sultan staqsa lil Ester u
qalilha: "X'inhu li qiegħda titlob, sultana Ester, biex nagħtihulek? X'tixtieq?
Mqar jekk tixtieq nofs is-saltna tiegħi, nagħtihielek." [Est:7:3] U Ester,
is-sultana, wieġbet u qalet: "Jekk jien sibt grazzja quddiemek u jogħġob lis-sultan,
nixtieq u nitlob li ssalvali ħajti, u x-xewqa tiegħi hi l-ħajja tal-poplu tiegħi.
[Est:7:4] Għax jien u l-poplu tiegħi ninsabu mibjugħa biex iġibuna fix-xejn,
joqtluna u jeqirduna. Ma kontx nitkellem li kieku biss ibigħuna, rġiel u nisa,
b'ilsiera, imma dan ma joqgħodx ħdejn il-ħsara li se jagħmel l-għadu lis-sultan."
[Est:7:5] U s-sultan Assweru wieġeb lil Ester, is-sultana: "Min hu, u fejn hu
dan, li għandu l-ħila jagħmel dan?" [Est:7:6] Ester wieġbet: "In-nassies u l-għadu
tagħna, dan hu, dan il-bniedem ħażin ta' Ħaman." Ħaman baqa' mwerwer quddiem
is-sultan u s-sultana.
[Est:7:7] Is-sultan qam b'saħna minn fuq il-mejda, u mar fil-ġnien tal-palazz;
imma Ħaman baqa' hemm jitlob ħajtu lis-sultana Ester għax ra li s-sultan
qatagħha li jeqirdu. [Est:7:8] U s-sultan raġa' lura mill-ġnien għall-kamra fejn
kienu jixorbu l-inbid, u Ħaman kien mixħut fuq id-divan fejn kienet qiegħda
Ester, u s-sultan qal: "Jaqaw issa se jkasbar is-sultana wkoll, quddiemi u
f'dari?" Malli l-kelma ħarġet minn fomm is-sultan, għattew wiċċ Ħaman.
[Est:7:9] Mbagħad Ħarbuna, wieħed mill-uffiċjali ta' madwar is-sultan, qallu: "Hemm
hi l-forka wkoll li Ħaman ħejja għal Mordekaj, li tkellem għall-ġid tas-sultan,
wieqfa f'dar Ħaman, għolja ħamsin driegħ!" U s-sultan qal: "Dendluh magħha."
[Est:7:10] U dendlu lil Ħaman mal-forka li hu stess kien ħejja għal Mordekaj; u
s-sultan għaddietlu s-saħna.
8. [Est:8:1] Dakinhar is-sultan Assweru għadda lis-sultana Ester il-ġid kollu ta'
Ħaman, l-għadu tal-Lhud, u Mordekaj resaq quddiem is-sultan għax Ester għarrfitu
li jiġi minnha. [Est:8:2] Is-sultan imbagħad neħħa ċ-ċurkett li kien ħa minn
Ħaman, u tah lil Mordekaj, u Ester qiegħdet lil Mordekaj fuq il-ġid ta' Ħaman.
It-tieni digriet ta' Assweru
[Est:8:3] Ester reġgħet kellmet lis-sultan, u nxteħtet f'riġlejh, bkiet u
talbitu bil-ħniena biex isewwi l-ħsara li kien għamel Ħaman, l-Agagi, u jħassar
il-pjan li kien fassal kontra l-Lhud. [Est:8:4] U s-sultan medd ix-xettru tad-deheb
lejn Ester, u qamet u baqgħet bilwieqfa quddiem is-sultan [Est:8:5] u qaltlu: "Jekk
jogħġob lis-sultan, u jien sibt grazzja quddiemu, u jekk jidhirlu li hi ħaġa
xierqa, u jien għoġobtu, ħa toħroġ ordni biex jitreġġgħu lura l-ittri miktuba
minnu bit-tnassis ta' Ħaman bin Ħammedata, l-Agagi, għall-qerda tal-Lhud, li
joqogħdu f'kemm hemm provinċji tas-sultan. [Est:8:6] Għaliex kif nista' nibqa'
nħares bi kwieti fuq il-ħsara li waqgħet fuq il-poplu tiegħi u kif nista' nibqa'
nħares bi kwieti fuq il-qerda ta' niesi?" [Est:8:7] U s-sultan Assweru wieġeb
lis-sultana Ester u lil Mordekaj, il-Lhudi: "Ara, jien tajt il-ġid ta' Ħaman lil
Ester, u lilu għallquh mal-forka għax medd idejh fuq il-Lhud. [Est:8:8] Issa
iktbu intom f'isem is-sultan favur il-Lhud u ssiġillaw l-ittri bis-siġill tas-sultan,
għax la darba ittra tkun ħarġet f'isem is-sultan bis-siġill tas-sultan, din ma
tkunx tista' titreġġa' lura."
[Est:8:9] U sejjħu lill-iskribi tas-sultan dak il-ħin stess, fit-tielet xahar,
ix-xahar ta' Siwan, fit-tlieta u għoxrin tax-xahar, u kitbu kull ma ordna
Mordekaj lil-Lhud, lis-satrapi, u lill-gvernaturi u lill-uffiċjali ta' kull
provinċja mill-Indja sa Kus, il-mija u sebgħa u għoxrin li huma, lil kull
provinċja bil-kitba tagħha, u lil kull poplu b'ilsienu, u lil-Lhud bil-kitba u
l-ilsien tagħhom. [Est:8:10] U l-kitba saret f'isem is-sultan Assweru, u kienet
issiġillata bis-siġill tas-sultan; u l-ittri ntbagħtu permezz ta' kurrieri
biż-żwiemel tal-ġiri mrobbija fl-istalel tas-sultan, żwiemel tar-razza.
[Est:8:11] Permezz ta' dawn l-ittri s-sultan ta l-permess lil-Lhud li jinsabu
f'kull belt biex jinġabru u jiddefendu ħajjithom billi jeqirdu, joqtlu u jġibu
fix-xejn l-irġiel armati, bit-tfal u n-nisa tagħhom, ta' kull poplu u provinċja
li jaħbtu għalihom, u jaqbdulhom ġidhom bi priża; [Est:8:12] u dan f'jum wieħed
mill-provinċji kollha tas-sultan Assweru, fit-tlettax tat-tnax-il xahar,
ix-xahar ta' Adar.
[Est:8:13] U kopja ta' l-ittri li kellha tkun ipproklamata bħala liġi f'kull
provinċja, waħda waħda, kienet imxandra fost il-ġnus kollha, biex il-Lhud ilestu
ruħhom għal dak in-nhar li jitħallsu mill-għedewwa tagħhom. [Est:8:14]
Il-kurrieri telqu mgħaġġla b'ħeffa kbira, skond l-ordni tas-sultan, riekba fuq
iż-żwiemel tal-ġiri, żwiemel tas-sultan. Id-digriet kien imxandar ukoll
fiċ-ċittadella ta' Susa.
[Est:8:15] Mordekaj ħareġ minn quddiem is-sultan liebes l-ilbies ta' sultan,
kulur vjola u abjad, u b'kuruna kbira tad-deheb u mantell ta' l-għażel fin u
l-porpra; il-belt ta' Susa kienet kollha għajat u ferħ. [Est:8:16] U fuq il-Lhud
feġġ dawl u ferħ, hena u ġieħ. [Est:8:17] U f'kull provinċja u f'kull belt, kull
fejn ixxandar id-digriet u l-ordni tas-sultan, il-Lhud ferħu u thennew, kielu u
għamlu festa. U ħafna mill-ġnus saru Lhud, għax beżgħu minnhom.
E. [Est:E:1] Din hi l-kopja ta' l-ittra: "Assweru, is-sultan il-kbir,
lill-gvernaturi tal-mija u sebgħa u għoxrin provinċja mill-Indja sa l-Etjopja, u
lil dawk li huma ħbieb tagħna, sliem.
[Est:E:2] "Ħafna nies, aktar ma jkollhom unuri, ħafna drabi mogħtija bl-aqwa
ġenerożità mill-benefatturi tagħhom, aktar jitkabbru; [Est:E:3] u mhux biss
ifittxu li jagħmlu l-ħsara lis-sudditi tagħna, iżda, bla ma jkollhom il-ħila
jrieġu taħt l-abbundanza tal-ġid, imiddu idejhom biex jaħdmu kontra dawk stess
li jkunu għamlulhom il-ġid. [Est:E:4] M'hux biżżejjed jeqirdu l-gratitudni minn
fost il-bnedmin, imma wkoll li jitkabbru bil-ftaħir, bħallikieku qatt ma qalgħu
xejn, u jaħsbu li se jeħilsu mill-ġustizzja ta' Alla, li jobgħod il-ħażen u jara
dejjem kollox.
[Est:E:5] "Bosta drabi l-kliem sabiħ ta' dawk li kienu fdati biex jieħdu ħsieb
ħwejjeġ ħbiebhom, wasslu lil ħafna nies ta' awtorità li jkollhom sehem
mill-ħtija għat-tixrid ta' demm ta' nies bla ħtija, u kienu kaġun ta' ħsara li
ma tissewwiex. [Est:E:6] Qarrqu bil-gideb u ż-żegħil ta' ħżunithom ir-rieda
tajba ta' kapijiet bla ħażen.
[Est:E:7] "Intom tistgħu taraw dan mhux biss mill-istorja tal-qedem li waslet sa
żminijietna, iżda wkoll jekk tfittxu u tħarsu lejn id-delitti li saru f'dan
iż-żmien bl-għemil qarrieq ta' dawk li għandhom il-poter bla ma jixirqilhom.
[Est:E:8] "Aħna għandna naħsbu biex għal li ġej inżommu l-ordni fis-saltna u
s-sliem għal kulħadd; [Est:E:9] ndaħħlu t-tibdil meħtieġ u niżnu dejjem bl-akbar
reqqa dak li jiġi taħt għajnejna.
[Est:E:10] "Ħaman bin Ħammedata, il-Maċedoni, tabilħaqq barrani fid-demm għalina
l-Persjani u 'l bogħod ħafna mit-tjieba tagħna, [Est:E:11] konna lqajnieh fostna
bħala frustier, u ġarrab il-ħbiberija li għandna għal kull ġens, tant li
sejjaħnielu missierna, u kien stmat minn kulħadd bħala l-bniedem l-eqreb lejn
it-tron tas-sultan. [Est:E:12] Iżda hu ma kellux il-ħila jrieġi taħt il-piż
tad-dinjità tiegħu u pprova jeħdilna s-saltna u jneħħilna ħajjitna; [Est:E:13] u
b'ħafna tidwir u qerq talab li jeqred is-salvatur tagħna Mordekaj, li dejjem
għamlilna l-ġid, u lil Ester, is-sieħba bla ħażen tas-sultan tagħna, flimkien
mal-poplu tagħhom kollu. [Est:E:14] B'dan il-mod hu ħaseb li se jeħodna għal
għarrieda, u jgħaddi s-saltna tal-Persjani lill-Maċedonin.
[Est:E:15] "Issa aħna sibna li l-Lhud, li dan il-bniedem fost l-agħar nies
qatagħhielhom għall-mewt, m'humiex nies li jagħmlu l-ħażen, imma jgħixu ta'
ċittadini skond liġijiet mill-aħjar; [Est:E:16] huma wlied Alla l-għoli,
is-setgħan u l-ħaj li żamm is-saltna għalina u għall-antenati tagħna fl-aħjar
ordni.
[Est:E:17] "Għalhekk tagħmlu sewwa jekk ma toqogħdux għall-ittri li bagħtilkom
Ħaman bin Ħammedata. [Est:E:18] Għaliex dak li kien għamel dawn il-ħwejjeġ,
għallquh, lilu u l-familja tiegħu, fil-bieb ta' Susa. Alla li jmexxi kollox
ħallsu malajr kif kien jixraqlu.
[Est:E:19] "Mela intom għandkom ixxandru fil-beraħ ma' kullimkien il-kopja ta'
din l-ittra, u ħallu lil-Lhud jgħixu skond il-liġijiet tagħhom. [Est:E:20] U
għinuhom biex dak in-nhar, it-tlettax tax-xahar tnax, li huwa Adar, jiddefendu
ruħhom kontra dawk li jaħbtu għalihom f'jum l-hemm tagħhom.
[Est:E:21] "Għax Alla li jista' kollox bidlilhom dan il-jum; minn jum ta' qerda
tal-poplu magħżul, għamilhulhom jum ta' ferħ.
[Est:E:22] "Intom għandkom tħarsu bl-ikbar ferħ dan il-jum b'jum ta' tifkira,
l-aqwa fost il-festi kollha kbar tagħkom, [Est:E:23] biex issa u għal li ġej
ikollna s-sliem, aħna u l-Persjani ħbieb tagħna, iżda għal dawk li jnassu
kontrina, ikun tifkira ta' qerda.
[Est:E:24] "Kull belt jew provinċja, li ma tagħmilx dan li qegħdin ngħidu, tkun
meqruda bla ħniena bix-xabla u n-nar. Mhux biss ebda bniedem ma joqgħod fiha,
imma saħansitra jistkerrhuha l-bhejjem selvaġġi u t-tjur ta' l-ajru."
9. Ir-rebħa tal-Lhud
[Est:9:1] Fit-tlittax ta' Adar, ix-xahar tnax, il-jum li fih kellhom iseħħu
l-ordni u l-liġi tas-sultan, u l-għedewwa tal-Lhud kienu jittamaw li fih
iġibuhom taħt idejhom, dak il-jum stess ġara l-maqlub, għax il-Lhud ġiebu taħt
idejhom l-għedewwa tagħhom.
[Est:9:2] Il-Lhud inġabru fl-ibliet kollha tagħhom fil-provinċji tas-sultan
Assweru, biex imiddu idejhom fuq dawk li kienu jfittxu jagħmlulhom id-deni; u
ħadd ma sata' jeqfilhom, għax il-biża' tagħhom waqa' fuq il-popli kollha.
[Est:9:3] Il-prinċpijiet tal-provinċji, is-satrapi u l-gvernaturi, u dawk kollha
li kienu jieħdu ħsieb l-affarijiet tas-sultan, għenu lil-Lhud għax bdew jibżgħu
minn Mordekaj. [Est:9:4] Għax Mordekaj kellu setgħa kbira fil-palazz tas-sultan,
u l-fama tiegħu xterdet mal-provinċji kollha u kull ma jmur kien jitqawwa.
[Est:9:5] U l-Lhud qabdu x-xabla u għamlu ħerba mill-għedewwa tagħhom, qatluhom
u qerduhom; għamlu minnhom dak li għoġobhom.
[Est:9:6] Fiċ-ċittadella ta' Susa qatlu u qerdu ħames mitt raġel: [Est:9:7] u
qatlu 'l Parsandata, u 'l Dalfon, 'l Asfata, [Est:9:8] 'l Porata, 'l Adalija, u
'l Aridata, [Est:9:9] 'l Parmasta, 'l Arisaj, 'l Aridaj, 'l Vajżata, [Est:9:10]
u lill-għaxar ulied ta' Ħaman bin Ħammedata, l-għadu tal-Lhud. Iżda ma meddewx
idejhom fuq il-priża.
[Est:9:11] Dakinhar waslet quddiem is-sultan l-aħbar tal-maqtulin fiċ-ċittadella
ta' Susa, [Est:9:12] u s-sultan qal lis-sultana Ester: "Fiċ-ċittadella ta' Susa
l-Lhud qatlu u qerdu ħames mitt ruħ, u l-għaxar ulied ta' Ħaman; x'għamlu
fil-bqija tal-provinċji ta' l-imperu tas-sultan? U issa xi trid iżjed biex
nagħtihulek? X'int tfittex aktar biex iseħħlek?"
[Est:9:13] U Ester wieġbet: "Jekk jogħġob lis-sultan, ħalli l-Lhud li hawn
f'Susa jingħatalhom għada wkoll biex jagħmlu skond il-liġi ta' llum, u ħalli
l-għaxar ulied ta' Ħaman jiddendlu ma' forka." [Est:9:14] U s-sultan ordna li
jsir hekk: u ħareġ digriet f'Susa. U l-għaxar ulied ta' Ħaman dendluhom ma'
forka.
[Est:9:15] U l-Lhud li kienu f'Susa nġabru wkoll fl-erbatax-il jum tax-xahar ta'
Adar u qatlu f'Susa tliet mitt ruħ, iżda ma meddewx idejhom fuq il-priża.
[Est:9:16] U l-bqija tal-Lhud li kienu fil-provinċji tas-sultan inġabru, u qamu
jiddefendu ħajjithom u strieħu mill-għedewwa tagħhom, u qatlu minn dawk li kienu
jobogħduhom ħamsa u sebgħin elf; iżda ma meddewx idejhom fuq il-priża.
[Est:9:17] Dan ġara fit-tlittax tax-xahar ta' Adar. L-erbatax għamlu minnu jum
il-festa u l-ferħ.
[Est:9:18] Imma l-Lhud li kienu f'Susa nġabru fit-tlittax u fl-erbatax
tax-xahar; u strieħu fil-ħmistax u għamlu minnu jum il-festa u l-ferħ.
[Est:9:19] Għalhekk il-Lhud, li jgħammru fil-kampanja, fi bliet bla swar,
jagħmlu mill-erbatax tax-xahar ta' Adar jum ta' ferħ u festa, u jum ta' btala u
dak in-nhar jibagħtu porzjonijiet ta' ikel lil xulxin.
Il-festa tal-Purim
[Est:9:20] Mordekaj kiteb dawn il-ġrajjiet kollha u bagħat ittri lil-Lhud li
jinsabu fil-provinċji kollha tas-sultan Assweru tal-qrib u tal-bogħod,
[Est:9:21] biex jordnalhom li ta' kull sena jżommu b'jiem ta' btala l-erbatax u
l-ħmistax tax-xahar ta' Adar, [Est:9:22] bħalma kienu għamlu b'dawk il-jiem li
fihom il-Lhud strieħu mill-għedewwa tagħhom, ix-xahar li nbidlilhom mill-għali
għall-ferħ, u minn jum in-niket għal jum ta' btala. F'dawn il-jiem għandhom
jagħmlu festa u jifirħu; jaqsmu l-ikel bejniethom u jagħtu sehem lill-fqar.
[Est:9:23] Il-Lhud imbagħad ħaduha drawwa li jagħmlu dak li għamlu dak in-nhar,
kif kitbilhom Mordekaj.
[Est:9:24] Ħaman bin Ħammedata, l-Agagi, u l-għadu tal-Lhud kollha kien għamel
il-fehma li jeqridhom u tafa' l-Pur, jiġifieri x-xorti, biex jifnihom u
jeqridhom. [Est:9:25] Iżda meta Ester daħlet quddiem is-sultan u dan sar jaf
bil-biċċa, is-sultan ordna bil-miktub biex jaqilbu għal fuq rasu d-deni kollu li
kien ħaseb għal-Lhud; u dendlu lilu u lil uliedu mal-forka. [Est:9:26] Għalhekk
sejjħu lil dawk il-jiem Purim mill-kelma Pur, skond ma kienet tgħid l-ittra, u
skond ma raw u kull ma ġralhom dik il-ħabta. [Est:9:27] Il-Lhud għamluha liġi,
li ma tistax titħassar, għalihom u għal nisilhom u għal kull min jingħaqad
magħhom, liġi li jibqgħu jżommu dawn il-jumejn fiż-żmien u l-mod preskritt.
[Est:9:28] Dawn il-jumejn għandhom jiftakruhom u jiċċelebrawhom minn
ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, kull familja, kull provinċja u kull belt. Dawn
il-jiem tal-Purim ma għandhomx jonqsu minn fost il-Lhud u t-tifkira tagħhom ma
titħassarx minn fost il-ġenerazzjonijiet tagħhom.
[Est:9:29] Is-sultana Ester, bint Abiħajil, flimkien ma' Mordekaj, il-Lhudi,
kitbet bil-qawwa kollha biex twettaq din it-tieni ittra tal-Purim. [Est:9:30] U
ntbagħtu ittri lil-Lhud kollha li kienu jgħammru fil-mija u sebgħa u għoxrin
provinċja ta' l-imperu ta' Assweru bi kliem ta' sliem u s-sewwa, [Est:9:31] biex
iżommu dawn il-jiem tal-Purim fi żmienhom, bħalma ordnalhom Mordekaj il-Lhudi u
s-sultana Ester, kif stabbilew għalihom infushom u għan-nisel tagħhom, b'tifkira
tas-sawm u tal-krib tagħhom. [Est:9:32] Il-kmand ta' Ester wettaq il-liġi
tal-Purim u kien miktub fi ktieb.
10. Il-festa tal-Purim
[Est:10:1] Is-sultan Assweru mbagħad għamel taxxa fuq il-pajjiżi ta' l-art u
l-gżejjer tal-baħar. [Est:10:2] U l-opri kollha l-oħra tal-ħila u l-qawwa
tiegħu, u t-tagħrif kollu tal-kobor ta' Mordekaj li bih kabbru s-sultan, jinsabu
miktuba fil-kotba tal-ġrajja tas-slaten tal-Medja u l-Persja. [Est:10:3] Għax
Mordekaj, il-Lhudi, kellu t-tieni post wara Assweru, u l-Lhud kienu
jirrispettawh u l-kotra ta' ħutu jħobbuh, għax kien ifittex il-ġid tal-poplu
tiegħu u s-sliem lin-nisel tiegħu kollu.
F. [Est:F:1] Mbagħad Mordekaj qal: "Dan kollu ġej minn Alla. [Est:F:2] Niftakar
fil-ħolma li kelli dwar dawn il-ġrajja; kollox seħħ sa l-inqas naqra; [Est:F:3]
in-nixxiegħa żgħira li saret xmara kbira u d-dawl li feġġ, ix-xemx, u l-gliegel
ta' l-ilma.
Ix-xmara hi Ester, li żżewwiġha s-sultan u għamilha sultana. [Est:F:4] Iż-żewġ
draguni huma jien u Ħaman. [Est:F:5] Il-ġnus huma dawk li ngħaqdu flimkien biex
jeqirdu isem il-Lhud. [Est:F:6] Il-poplu tiegħi hu l-poplu ta' Iżrael, li sejjħu
l-isem ta' Alla u kienu salvi. Il-Mulej salva lill-poplu tiegħu, u ħelisna minn
dan l-għawġ kollu, u Alla għamel sinjali u mirakli kbar, li qatt ma saru fost
il-ġnus.
[Est:F:7] "Għalhekk hu għamel żewġ xorti; waħda għall-poplu ta' Alla u l-oħra
għall-bqija tal-ġnus. [Est:F:8] U dawn iż-żewġ xorti ġew fis-siegħa u l-ħin
fil-jum li Alla għażel għall-ħaqq tal-ġnus kollha. [Est:F:9] Alla ftakar
fil-poplu tiegħu, għamel ġustizzja mal-wirt tiegħu, [Est:F:10] għalhekk dawn
il-jiem, l-erbatax u l-ħmistax tax-xahar ta' Adar, jiċċelebrawhom b'laqgħat ta'
ferħ u hena quddiem Alla, għal dejjem, minn nisel għal nisel tal-poplu ta'
Iżrael."
Għeluq
[Est:F:11] Fir-raba' sena tas-saltna ta' Tolemew u Kleopatra, Dositew, li kien
jgħid li kien qassis u Levita, u Tolemew, ibnu, ġiebu din l-ittra tal-Purim, u
ddikjaraw li hi ġenwina u li kien ittraduċieha Lisimaku bin Tolemew, li kien
joqgħod Ġerusalemm.