IL-KTIEB TA’ ESDRA
1. L-eżiljati jerġgħu lura ( 538 QK )
[Esd:1:1] Fl-ewwel sena ta' Ċiru, sultan tal- Persja, biex iseħħ dak li kien qal
il-Mulej minn fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, biex
joħroġ proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li tgħid:
[Esd:1:2] "Hekk jgħid Ċiru s-sultan tal-Persja: 'Il-Mulej, Alla tas-smewwiet,
tani s-saltniet kollha ta' l-art, u qabbadni nibnilu tempju f'Ġerusalemm, belt
ta' Ġuda. [Esd:1:3] Kull min hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, ħa jkun
miegħu Alla tiegħu! Ħa jitla' Ġerusalemm, belt ta' Ġuda, u jibni t-tempju
tal-Mulej, Alla ta' Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm. [Esd:1:4] U kull min
fadal mill-poplu tiegħu, qiegħed fejn qiegħed, ħa jgħinuh in-nies tal-post
b'fidda, deheb, ġid, bhejjem, u offerti oħra minn rajhom lit-tempju ta' Alla, li
hemm f'Ġerusalemm."
[Esd:1:5] Il-kapijiet ta' djar missirijiethom ta' Ġuda u ta' Benjamin,
il-qassisin u l-Leviti, u dawk kollha li Alla qanqalhom, qamu għalhekk biex
jitilgħu Ġerusalemm ħa jibnu t-tempju tal-Mulej hemmhekk. [Esd:1:6] Barra kull
xorta ta' offerti li għamlu minn rajhom, dawk kollha li kienu joqogħdu madwarhom
tawhom ukoll kull xorta ta' offerti ta' fidda u deheb, ġid u bhejjem, u offerti
ta' valur kbir.
[Esd:1:7] U s-sultan Ċiru ħareġ l-oġġetti tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor
kien ġieb minn Ġerusalemm biex qegħedhom fit-tempju ta' l-allat tiegħu.
[Esd:1:8] Ħariġhom Ċiru, sultan tal-Persja, permezz ta' Mitredat, it-teżorier, u
dan għaddhom quddiem Sesbassar, il-prinċep ta' Ġuda. [Esd:1:9] Din hi l-lista
tagħhom: tletin bieqja tad-deheb, elf bieqja tal-fidda, disgħa u għoxrin ċensier,
[Esd:1:10] tletin reċipjent tad-deheb, erba' mija u għaxar reċipjenti tal-fidda
ta' xorta oħra, elf reċipjent ieħor. [Esd:1:11] Ir-reċipjenti tad-deheb u
tal-fidda kienu ħamest elef u erba' mija. Sesbassar ħa miegħu dan kollu meta
talla' lill-eżiljati minn Babilonja lejn Ġerusalemm.
2. Il-lista ta' l-eżiljati li reġgħu lura
[Esd:2:1] Dawn huma n-nies tal-provinċja li telgħu mill-jasar ta' l-eżilju.
Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, kien eżiljahom fil-Babilonja; huma reġgħu
lura Ġerusalemm u Ġuda, kulħadd lejn il-belt tiegħu. [Esd:2:2] Dawn ġew ma'
Żerubbabel, Ġożwè, Neħemija, Xeraja, Regħlaja, Mordekaj, Bilsan, Misfar, Bigwaj,
Reħum, u Bagħana.
L-għadd ta’ nies li reġgħu lura kienu hekk: [Esd:2:3] Ulied Pargħos kienu elfejn,
mija u tnejn u sebgħin; [Esd:2:4] ulied Sefatija, tliet mija u tnejn u sebgħin;
[Esd:2:5] ulied Araħ, seba' mija u ħamsa u sebgħin; [Esd:2:6] ulied Paħat-mowab,
jiġifieri ulied Ġożwè u Ġowab, elfejn, tmien mija u tnax; [Esd:2:7] ulied Għalam,
elf, mitejn u erbgħa u ħamsin; [Esd:2:8] ulied Żattu, disa' mija u ħamsa u
erbgħin; [Esd:2:9] ulied Żakkaj, seba' mija u sittin; [Esd:2:10] ulied Bani,
sitt mija u tnejn u erbgħin; [Esd:2:11] ulied Bebaj, sitt mija u tlieta u
għoxrin; [Esd:2:12] ulied Għażgad, elf, mitejn u tnejn u għoxrin; [Esd:2:13]
ulied Adonikam sitt mija u sitta u sittin; [Esd:2:14] ulied Bigwaj, elfejn,
sitta u ħamsin; [Esd:2:15] ulied Għadin, erba' mija u erbgħa u ħamsin;
[Esd:2:16] ulied Ater, jiġifieri ulied Ħeżekija, tmienja u disgħin; [Esd:2:17]
ulied Besaj, tliet mija u tlieta u għoxrin; [Esd:2:18] ulied Ġoraħ, mija u tnax;
[Esd:2:19] ulied Ħasum, mitejn u tlieta u għoxrin; [Esd:2:20] ulied Gibbar,
ħamsa u disgħin; [Esd:2:21] ulied Betlehem kienu mija u tlieta u għoxrin;
[Esd:2:22] in-nies ta' Netufa, sitta u ħamsin, [Esd:2:23] in-nies ta' Għanatot,
mija u tmienja u għoxrin; [Esd:2:24] ulied Bet-għażmawet, tnejn u erbgħin;
[Esd:2:25] ulied Kirjat-ġegħarim, Kefira u Birot, seba' mija u tlieta u erbgħin;
[Esd:2:26] ulied Rama u Geba, sitt mija u wieħed u għoxrin; [Esd:2:27] in-nies
ta' Mikmas, mija u tnejn u għoxrin, [Esd:2:28] in-nies ta' Betel u Għaj, mitejn
u tlieta u għoxrin; [Esd:2:29] ulied Nebu kienu tnejn u ħamsin; [Esd:2:30] ulied
Magbis, mija u sitta u ħamsin; [Esd:2:31] ulied Għelam l-ieħor, elf, mitejn u
erbgħa u ħamsin; [Esd:2:32] ulied Ħarim, tliet mija u għoxrin; [Esd:2:33] ulied
Lod, Ħadid u Onu, seba' mija u ħamsa u għoxrin; [Esd:2:34] ulied Ġeriko, tliet
mija u ħamsa u erbgħin; [Esd:2:35] ulied Sena kienu tlitt elef, sitt mija u
tletin.
[Esd:2:36] Il-qassisin: ulied Ġedajja, mid-dar ta' Ġożwè, kienu disa' mija u
tlieta u sebgħin; [Esd:2:37] ulied Immer, elf u tnejn u ħamsin; [Esd:2:38] ulied
Pasħur, elf, mitejn u sebgħa u erbgħin; [Esd:2:39] ulied Ħarim, elf u sbatax.
[Esd:2:40] Il-Leviti: ulied Ġożwè u Kadmijel, ulied Ħodawija, kienu erbgħa u
sebgħin.
[Esd:2:41] Il-kantanti: ulied Asaf kienu mija u tmienja u għoxrin.
[Esd:2:42] Il-purtinara tat-tempju: ulied Sallum, ulied Ater, ulied Talmon,
ulied Għakkub, ulied Ħatita, ulied Sobaj, lkoll flimkien kienu jgħoddu mija u
disgħa u tletin.
[Esd:2:43] L-ilsiera tat-tempju: ulied Siħa, ulied Ħaxufa, ulied Tabgħot,
[Esd:2:44] ulied Keros, ulied Sigħaħa, ulied Padon, [Esd:2:45] ulied Lebana,
ulied Ħagaba, ulied Għakkub, [Esd:2:46] ulied Ħagab, ulied Salmaj, ulied Ħanan,
[Esd:2:47] ulied Giddel, ulied Gaħar, ulied Raja, [Esd:2:48] ulied Resin, ulied
Nekoda, ulied Ġażżim, [Esd:2:49] ulied Għużża, ulied Paseħa, ulied Besaj,
[Esd:2:50] ulied Asna, ulied Megħunim, ulied Nefusin, [Esd:2:51] ulied Bakbuk,
ulied Ħakufa, ulied Ħarħur, [Esd:2:52] ulied Baslut, ulied Meħida, ulied Ħarsa,
[Esd:2:53] ulied Barkos, ulied Sisera, ulied Tamaħ, [Esd:2:54] ulied Nesijaħ,
ulied Ħatifa.
[Esd:2:55] Ulied il-qaddejja ta' Salamun: ulied Sotaj, ulied Ħassoferet, ulied
Peruda, [Esd:2:56] ulied Ġagħala, ulied Darkon, ulied Giddel; [Esd:2:57] ulied
Sefatija, ulied Ħattil, ulied Pokret-ħasbajim, ulied Ami. [Esd:2:58] L-ilsiera
tat-tempju u wlied il-qaddejja ta' Salamun ilkoll flimkien kienu jġibu tliet
mija u tnejn u disgħin.
[Esd:2:59] Kien hemm dawk li telgħu minn Tel-melaħ, Tel-ħarsa, Kerub, Addan, u
Immer, mingħajr ma setgħu jgħidu liema kienet dar missierhom u x'kien in-nisel
tagħhom, jekk kinux minn Iżrael jew le. [Esd:2:60] Dawn kienu: ulied Delaja,
ulied Tobija, u wlied Nekoda, b'kollox sitt mija u tnejn u ħamsin. [Esd:2:61]
Minn ulied il-qassisin kien hemm ulied Ħabajja, ulied Ħakkos, ulied Barżillaj,
li kien ħa b'martu waħda mill-bniet ta' Barżillaj il-Gilgħadi, u beda jissejjaħ
b'isimhom. [Esd:2:62] Dawn fittxew isimhom fir-reġistri ta' l-arblu tar-razza,
imma ma sabuhx; għalhekk ġew imneħħija minn mal-qassisin għax imniġġsa.
[Esd:2:63] U l-gvernatur qalilhom biex ma jiklux mill-ikel qaddis sa ma jkun
hemm qassis li jikkonsulta lil Alla bl-Urim u t-Tummim.
[Esd:2:64] Il-ġemgħa kollha f'daqqa kienet ta' tnejn u erbgħin elf, tliet mija u
sittin ruħ. [Esd:2:65] Dawn barra l-qaddejja tagħhom, rġiel u nisa, li kienu
sebat elef, tliet mija u sebgħa u tletin, u barra l-kantanti tagħhom, rġiel u
nisa, li kienu mitejn. [Esd:2:66] Iż-żwiemel tagħhom kienu jgħoddu seba' mija u
sitta u tletin; il-bgħula tagħhom, mitejn u ħamsa u erbgħin; [Esd:2:67] l-iġmla
tagħhom, erba' mija u ħamsa u tletin; u l-ħmir tagħhom sitt elef, seba' mija u
għoxrin.
[Esd:2:68] U meta xi wħud mill-kapijiet tal-familji waslu ħdejn it-tempju
tal-Mulej f'Ġerusalemm, minn rajhom għamlu offerti lit-tempju ta' Alla ħalli
jerġa' jitla' fil-post fejn kien qabel. [Esd:2:69] Skond ma kienu jistgħu, taw
lit-teżor li kienu qegħdin jiġbru għall-bini, wieħed u sittin elf darik tad-deheb,
ħamest elef mina tal-fidda, u mitt libsa tal-qassisin.
Esd:2:70] U l-qassisin, il-Leviti u biċċa mill-poplu, qagħdu Ġerusalemm, imma l-kantanti,
il-purtinara tat-tempju, u l-ilsiera tat-tempju, marru joqogħdu fl-ibliet
tagħhom. L-Iżraelin kollha marru joqogħdu fl-ibliet tagħhom.
3. Jerġa' jibda l-kult
[Esd:3:1] Ulied Iżrael kienu fl-ibliet tagħhom, imma meta wasal is-seba' xahar
iltaqgħu lkoll Ġerusalemm, [Esd:3:2] u qamu Ġożwè bin Ġosadak u ħutu l-qassisin,
u Żerubbabel bin Sijaltijel u ħutu, u bnew l-artal ta' Alla ta' Iżrael biex
joffru fuqu sagrifiċċji tal-ħruq skond kif hemm miktub fil-liġi ta' Mosè,
il-bniedem ta' Alla. [Esd:3:3] Għalkemm kienu jibżgħu mill-ġnus ta' l-artijiet
ta' madwarhom, waqqfu l-artal fuq is-sisien li kellu qabel, u offrew fuqu
bhejjem għall-ħruq b'sagrifiċċju lill-Mulej fil-għodu u fil-għaxija. [Esd:3:4] U
għamlu l-festa ta' l-Għerejjex skond kif inhu miktub. Minn jum għall-ieħor,
kienu jaħarqu bhejjem sħaħ b'sagrifiċċju; l-għadd tas-sagrifiċċji kien dak
preskritt għal kull jum mil-Liġi. [Esd:3:5] Wara dan offrew sagrifiċċji ma
jaqtgħu xejn, sagrifiċċji ta' nhar il-qamar ġdid u sagrifiċċji taż-żminijiet
qaddisa tal-Mulej. Kien hemm ukoll min, minn rajh, offra sagrifiċċju lill-Mulej.
[Esd:3:6] Mill-ewwel jum tas-seba' xahar bdew joffru bhejjem għall-ħruq
b'sagrifiċċju lill-Mulej, imma s-sisien tat-tempju kienu għadhom ma tqegħdux.
Il-bini tat-tempju ( 535 QK )
[Esd:3:7] Mbagħad taw il-flus lill-bennejja u lill-mastrudaxxi. Taw ukoll ikel,
xorb u żejt lin-nies ta' Tir u Sidon, biex iġibu bil-baħar injam taċ-ċedru mil-Libanu
sa Ġaffa skond il-permess li kien tahom Ċiru, sultan tal-Persja. [Esd:3:8] Fit-tieni
xahar tat-tieni sena minn mindu kienu ġew f'dar Alla f'Ġerusalemm, Żerubbabel
bin Sijaltijel, Ġożwè bin Ġosadak, il-bqija ta' ħuthom il-qassisin, il-Leviti, u
dawk kollha li kienu ġew Ġerusalemm mill-eżilju, bdew ix-xogħol, u qabbdu l-Leviti
minn għoxrin sena 'l fuq biex jieħdu ħsieb ix-xogħol fuq it-tempju tal-Mulej.
[Esd:3:9] U qamu flimkien Ġożwè u wliedu u ħutu, Kadmijel u wliedu, ulied Ġuda,
ulied Ħenadad u wliedhom u ħuthom il-Leviti, biex imexxu l-ħaddiema fil-bini
tat-tempju ta' Alla. [Esd:3:10] Meta l-bennejja qiegħdu s-sisien tat-tempju
tal-Mulej, il-qassisin, libsin l-ilbies sagru, resqu bit-trombi, u l-Leviti,
ulied Asaf, resqu biċ-ċimbali, biex ifaħħru lill-Mulej skond l-ordnijiet ta'
David, sultan ta' Iżrael. [Esd:3:11] U kantaw għanjiet ta' tifħir u ta' radd
il-ħajr lill-Mulej "għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu" għal
Iżrael. U l-poplu kollu għajjat għajta kbira ta' tifħir lill-Mulej, għax kienu
tqiegħdu s-sisien tat-tempju tal-Mulej [Esd:3:12] Ħafna mill-qassisin, mil-Leviti,
u mill-kapijiet tad-djar ta' missirijiethom u x-xjuħ, li kienu raw it-tempju li
kien hemm qabel, bkew b'leħen għoli meta tqiegħdu s-sisien il-ġodda tat-tempju
tal-Mulej; imma ħafna oħrajn għajjtu għajat kbir ta' ferħ. [Esd:3:13] Għalhekk
ħadd ma sata' jagħraf l-għajat ta' ferħ mill-għajat ta' biki tal-poplu; il-poplu
kien qiegħed jgħajjat għajat kbir, u leħnu kien jinstama' mill-bogħod.
4. Is-Samaritani jfixklu l-bini tat-tempju
[Esd:4:1] Mela semgħu l-għedewwa ta' Ġuda u Benjamin li dawk li ġew mill-eżilju
kienu qed jibnu tempju lill-Mulej, Alla ta' Iżrael; [Esd:4:2] u resqu fuq
Żerubbabel u l-kapijiet tad-djar ta' missirijiethom u qalulhom: "Ħa nibnu
magħkom it-tempju tal-Mulej, għax aħna wkoll inqimu lil Alla tagħkom, imma
għadna ma offrejna l-ebda sagrifiċċju minn mindu Esar-ħaddun, sultan ta' l-Assirja,
ġiebna hawnhekk." [Esd:4:3] U weġbuhom Żerubbabel, Ġożwè u l-bqija tal-kapijiet
tad-djar ta' missirijiethom ta' Iżrael: "M'hux sewwa li aħna u intom nibnu
flimkien it-tempju ta' Alla tagħna. Aħna t-tempju lill-Mulej, Alla ta' Iżrael,
nibnuh weħidna, għax hekk ordnalna Ċiru, is-sultan tal-Persja." [Esd:4:4]
Mbagħad in-nies ta' l-art bdew jaqtgħu qalb in-nies ta' Ġuda u jissikkawhom biex
ma jkomplux jibnu t-tempju. [Esd:4:5] U krew xi nies kontrihom biex bil-parir
tagħhom iġibu fix-xejn il-pjan tan-nies ta' Ġuda. Dan dam sejjer minn żmien Ċiru,
sultan tal-Persja, sa żmien Darju, sultan tal-Persja.
[Esd:4:6] Meta kien isaltan Assweru, sewwasew fil-bidu tas-saltna tiegħu, kitbu
lis-sultan biex jixlu lin-nies ta' Ġuda u Ġerusalemm. [Esd:4:7] Fi żmien
Artasersi, mbagħad, Bislam, Mitredat, Tabel, u l-bqija ta' sħabhom, kitbu ittra
lis-sultan tal-Persja; din l-ittra kienet miktuba bl-Aramajk u mfissra mill-Aramajk.
[Esd:4:8] Reħum, il-kmandant, u Simsaj, is-segretarju, kitbu ittra kontra
Ġerusalemm lil Artasersi, is-sultan. [Esd:4:9] L-ittra mbagħad intbagħtet minn
Reħum, il-kmandant, Simsaj, is-segretarju, u l-bqija ta' sħabhom: l-imħallfin,
il-gvernaturi, l-uffiċjali, il-Persjani, in-nies ta' Uruk u ta' Babilonja, in-nies
ta' Susa, jiġifieri l-Għelamin, [Esd:4:10] il-bqija tal-ġnus li kien ġieb
il-kbir u nobbli Osnaffar, u qegħedhom fl-ibliet tas-Samarija, u fil-bqija ta'
l-ibliet in-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat.
[Esd:4:11] Din hija l-kopja ta' l-ittra li bagħtu:
"Lil Artasersi, is-sultan: mill-qaddejja tiegħek, in-nies li joqogħdu n-naħa l-oħra
ta' l-Ewfrat.
[Esd:4:12] "Is-sultan għandu jkun jaf li l-Lhud, li telgħu minn ħdejk biex jiġu
Ġerusalemm, reġgħu qegħdin jibnu din il-belt mill-agħar li qatt ma toqgħod għal
ħadd. Dalwaqt jispiċċaw jibnu l-ħitan, u qegħdin isewwu s-sisien tagħha.
[Esd:4:13] Is-sultan għandu jkun jaf ukoll li, jekk din il-belt terġa' tinbena u
jilħaq jispiċċa x-xogħol fuq il-ħitan tagħha, ma jħallsux iktar tribut, taxxa, u
ħaraġ, u dan jagħmel ħsara għat-teżor tas-sultan. [Esd:4:14] Billi aħna nieklu
mill-ikel tal-palazz, m'hux sewwa li aħna noqogħdu naraw unur is-sultan imżeblaħ;
għalhekk qegħdin nibagħtu ngħarrfu lis-sultan b'kollox. [Esd:4:15] Ħa jsir
tiftix, mela, fil-kotba fejn missirijietek kienu jżommu t-tifkiriet tagħhom.
Hemmhekk għandek issib li din il-belt ma toqgħod għal ħadd, iżżeblaħ is-slaten u
l-provinċji, u minn żminijiet tal-qedem kien hemm dejjem min ixewwex fiha.
Għalhekk din il-belt kienu qerduha. [Esd:4:16] Aħna rridu ngħarrfu lis-sultan li,
jekk din il-belt terġa' tinbena u jilħaq jispiċċa x-xogħol fuq il-ħitan tagħha,
l-artijiet li hemm in-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat ma jibqgħux tiegħek."
[Esd:4:17] U s-sultan bagħat din it-tweġiba:
"Lil Reħum, il-kmandant, lil Simsaj, is-segretarju, lill-bqija ta' sħabhom li
joqogħdu s-Samarija, u lill-bqija ta' dawk li joqogħdu n-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat:
is-sliem!
[Esd:4:18] "L-ittra li bgħattulna nqrat u tfissritli quddiemi. [Esd:4:19]
Mbagħad jien tajt ordni, u sar tiftix u nstab li din il-belt minn dejjem qamet
kontra s-slaten, u kien hemm rewwixti u tixwix fiha. [Esd:4:20] U kien hemm
slaten setgħana f'Ġerusalemm li kienu jaħkmu wkoll fuq l-inħawi kollha tan-naħa
l-oħra ta' l-Ewfrat; kienu jiġbru wkoll taxxa, tribut, u ħaraġ. [Esd:4:21] Oħroġ
għalhekk digriet biex twaqqaf lil dawn in-nies. Din il-belt m'għandhiex terġa'
tinbena sa ma noħroġ digriet ieħor. [Esd:4:22] Oqgħod attent li ma tonqosx li
tagħmel dan. Għaliex għandu jibqa' jikber id-deni, u jkun imżeblaħ is-sultan?"
[Esd:4:23] Kif il-kopja ta' l-ittra tas-sultan Artasersi nqrat lil Reħum,
il-kmandant, lil Simsaj, is-segretarju, u lill-bqija ta' sħabhom, dawn telqu
jgħaġġlu għal għand il-Lhud ta' Ġerusalemm u bis-saħħa u l-forza waqqfuhom mix-
xogħol li kienu qegħdin jagħmlu. [Esd:4:24] Hekk waqaf ix-xogħol tal-bini tat-tempju
ta' Alla f' Ġerusalemm, u dam wieqaf sat-tieni sena tas-saltna ta' Darju, sultan
tal-Persja.
5. Il-bini tat-tempju ( 520-515 QK )
[Esd:5:1] Ħarġu mbagħad il-profeta Ħaggaj u l-profeta Żakkarija bin Għiddu
jħabbru kontra l-Lhud li kien hemm f'Ġuda u f'Ġerusalemm f'isem Alla ta' Iżrael,
li kien magħhom. [Esd:5:2] U meta Żerubbabel bin Sijaltijel u Ġożwè bin Ġosadak
qabdu jibnu t-tempju ta' Alla f'Ġerusalemm, il-profeti ta' Alla kienu magħhom
jagħmlulhom il-qalb. [Esd:5:3] F'dak iż-żmien ġew għandhom Tattenaj,
il-gvernatur ta' l-inħawi n-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat, Setar-bożnaj, u sħabhom, u
staqsewhom: "Min takom il-permess tibnu dan il-tempju u ttellgħu dan il-bini?"
[Esd:5:4] U staqsewhom ukoll: "X'jisimhom dawk in-nies li qed itellgħu dan
il-bini?” [Esd:5:5] Imma Alla tagħhom kien b'għajnejh fuq il-kapijiet tal-Lhud.
U ħadd ma sata' jwaqqafhom qabel ma ntbagħat rapport lil Darju u mbagħad waslet
it-tweġiba mingħandu fuq din il-kwistjoni.
[Esd:5:6] Din hi l-kopja ta' ittra li Tattenaj, gvernatur ta' l-inħawi tan-naħa
l-oħra ta' l-Ewfrat, Setar-bożnaj, u sħabhom l-uffiċjali tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat,
bagħtu lis-sultan Darju. [Esd:5:7] Bagħtulu ittra, fejn kitbulu hekk:
"Lil Darju s-sultan: Kull sliem! [Esd:5:8] Is-sultan għandu jkun jaf li aħna
morna fil-provinċja tal-Lhudija, fit-tempju ta' Alla l-kbir. Dan qiegħed jinbena
b'ġebel kbir, u qiegħed jitqiegħed injam mal-ħitan tiegħu. Dan ix-xogħol qegħdin
jagħmluh b'reqqa kbira, u dawk li qed jagħmluh qegħdin imexxuh 'il quddiem sewwa.
[Esd:5:9] Aħna kellimna lill-kapijiet, u staqsejniehom, 'Min takom il-permess
tibnu dan it-tempju u ttellgħu dan il-bini?' [Esd:5:10] Tlabniehom ukoll l-ismijiet
ta' dawk responsabbli biex nibagħtu ngħarrfuk; ridna niktbu l-ismijiet ta' dawk
li qegħdin imexxu kollox.
[Esd:5:11] "U huma weġbuna b'dan il-kliem: 'Aħna l-qaddejja ta' Alla tas-sema u
l-art, u qegħdin nibnu t-tempju li kien diġà mibni minn żmien ilu ħafna; kien
sultan kbir ta' Iżrael li bnieh u lestieh. [Esd:5:12] Imma missirijietna nkurlaw
lil Alla tas-smewwiet u hu tahom f'idejn Nabukodonosor, il-Kaldew, sultan
tal-Babilonja li kien qered it-tempju u ħa l-poplu fl-eżilju. [Esd:5:13] Imma
fl-ewwel sena ta' Ċiru, sultan tal-Babilonja, dan ħareġ digriet biex nerġgħu
nibnu dan it-tempju ta' Alla.
[Esd:5:14] Saħansitra l-oġġetti tad-deheb u tal-fidda tat-tempju ta' Alla li
Nabukodonosor kien ħareġ mit-tempju ta' Ġerusalemm biex ħadhom fit-tempju
tal-Babilonja; dawn is-sultan Ċiru ħariġhom mit-tempju tal-Babilonja, u tahom
lil wieħed jismu Sesbassar, li kien ħatru gvernatur. [Esd:5:15] U qallu: 'Ħu
dawn l-oġġetti; itlaq u ħudhom miegħek għat-tempju ta' Ġerusalemm, u t-tempju ta'
Alla għandu jinbena fil-post fejn kien qabel.' [Esd:5:16] Dan Sesbassar ġie, u
qiegħed is-sisien tat-tempju ta' Alla f'Ġerusalemm, u ilhom minn dakinhar jibnuh,
imma għadhom ma lestewhx. [Esd:5:17] U issa, jekk is-sultan jogħġbu, ħa jsir
tiftix fl-arkivji li s-sultan għandu hemmhekk, fil-Babilonja, biex naraw jekk
hemmx xi proklama li kien ħareġ is-sultan Ċiru biex jinbena dan it-tempju ta'
Alla f'Ġerusalemm. Jekk jogħġbu, mbagħad, is-sultan jibgħat jgħarrafna fuq din
il-kwistjoni."
6. [Esd:6:1] Mbagħad, fuq ordni tas-sultan Darju, fittxew fl-arkivji fejn
jintrefgħu d-dokumenti fil-Babilonja. [Esd:6:2] U sabu romblu f'Ekbatana,
il-fortizza li hemm fil-provinċja tal-Medi; fih kien hemm miktub hekk:
"B'tifkira
[Esd:6:3] "Fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu s-sultan Ċiru ħareġ proklama fuq it-tempju
ta' Alla f'Ġerusalemm:
It-tempju għandu jerġa’ jinbena bħala post fejn isiru sagrifiċċju u jinġiebu
vittmi għall-ħruq. L-għoli tiegħu ikun sittin driegħ u l-wisa’ sittin driegħ
[Esd:6:4] bi tliet filati ġebel kbir u filata injam. L-ispejjeż tiegħu jitħallsu
mit-teżor tas-sultan. [Esd:6:5] Barra minn hekk, jingħataw lura l-oġġetti tad-deheb
u tal-fidda tat-tempju ta' Alla li Nabukodonosor kien ħareġ mit-tempju ta'
Ġerusalemm u ġarr miegħu lejn Babilonja. Dawn jittieħdu fit-tempju ta'
Ġerusalemm, u kull oġġett jitqiegħed lura f'postu. Għandkom tqiegħdu kollox fit-tempju
ta' Alla.'
[Esd:6:6] "Issa int, Tattenaj, gvernatur ta' l-inħawi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat,
int, Setar-bożnaj, u sħabkom l-uffiċjali ta' l-inħawi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat:
żommu ruħkom 'il bogħod minn hemm. [Esd:6:7] Ħallu x-xogħol fuq dan it-tempju ta'
Alla jibqa' miexi; ħallu l-gvernatur u l-kapijiet tal-Lhud jibnu dan it-tempju
ta' Alla fil-post li kellu qabel. [Esd:6:8] U nordna b'digriet: Dan hu li
għandkom tagħmlu għall-kapijiet tal-Lhud għall-bini ta' dan it-tempju ta' Alla:
l-ispejjeż għandhom jitħallsu lil dawn in-nies bla waqfien mit-taxxi tan-naħa l-oħra
ta' l-Ewfrat, li huma propjetà tas-sultan. [Esd:6:9] U dak kollu li hu meħtieġ
għas-sagrifiċċji lil Alla tas-smewwiet - għoġiela, mtaten, ħrief, qamħ, melħ,
nbid, u żejt - għandu jibqa' jingħata lilhom bla waqfien minn jum għall-ieħor
skond ma jitolbu l-qassisin ta' Ġerusalemm. [Esd:6:10] Hekk, dawn joffru
sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla tas-smewwiet, u jitolbu għas-sultan, u għal
uliedu biex Alla jagħtihom ħajja twila. [Esd:6:11] U nordna wkoll b'digriet li,
jekk xi ħadd ibiddel din l-ordni għandhom idendluh ma' arblu li jkunu qalgħu
mid-dar tiegħu stess u jagħmlu miżbla minn daru. [Esd:6:12] Jalla dak Alla li
għażel dak il-post biex ismu jgħammar fih, jeqred lil kull sultan jew poplu li
jerfa' idejh u jbiddel jew jeqred dan it-tempju ta' Alla f'Ġerusalemm. Jien,
Darju, nordna dan b'digriet. Ħa jkun obdut kollu kemm hu."
[Esd:6:13] Mbagħad Tattenaj, il-gvernatur ta' l-inħawi tan-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat,
Setar-bożnaj, u sħabhom, għamlu kull ma kien bagħat jgħidilhom is-sultan Darju.
[Esd:6:14] Il-kapijiet tal-Lhud komplew jibnu u jmexxu x-xogħol 'il quddiem
imħeġġin mill-profeta Ħaggaj u mill-profeta Żakkarija bin Għiddu. U lestew
il-bini kif ordnalhom Alla ta' Iżrael, u kif kienu ordnawlhom Ċiru, u Darju, u
Artasersi, slaten tal-Persja. [Esd:6:15] Dan it-tempju lestewh fit-tlieta tax-xahar
ta' Adar, fis-sitt sena tas-saltna tas-sultan Darju. [Esd:6:16] U wlied Iżrael,
il-qassisin, il-Leviti, u l-bqija ta' dawk li kienu ġew lura mill-eżilju,
kollhom ferħana għamlu l-festa tal-konsagrazzjoni ta' dan it-tempju. [Esd:6:17]
U għall-konsagrazzjoni ta' dan it-tempju offrew b'sagrifiċċju mitt gendus,
mitejn muntun, erba' mitt ħaruf; u għal dnubiet Iżrael kollu offrew tnax-il gidi
skond kemm kienu tribujiet ta' Iżrael. [Esd:6:18] Mbagħad qassmu l-qassisin
skond it-taqsimiet tagħhom u l-Leviti fil-ġemgħat tagħhom għas-servizz ta' Alla
f'Ġerusalemm, kif inhu miktub fil-Liġi ta' Mosè.
Il-festa ta' l-Għid ( 515 QK )
[Esd:6:19] Dawk li ġew lura mill-eżilju għamlu l-festa ta' l-Għid fl-erbatax ta'
l-ewwel xahar. [Esd:6:20] Il-qassisin u l-Leviti ssaffew flimkien, u għax kienu
safja setgħu joqtlu l-ħaruf ta' l-Għid għal dawk kollha li kienu ġew lura
mill-eżilju u għal ħuthom il-qassisin, u għalihom stess. [Esd:6:21] Mbagħad
kielu minnu wlied Iżrael li kienu ġew lura mill-Eżilju, u dawk kollha li kienu
nqatgħu mit-tinġis tan-nies ta' l-art, biex ifittxu lill-Mulej, Alla ta' Iżrael.
[Esd:6:22] U kollhom ferħana għamlu l-festa ta' l-Ażżmi għal sebat ijiem, għax
il-Mulej kien imliehom bil-ferħ u dawwar lejhom qalb is-sultan ta' l-Assirja, li
għenhom fil-bini tat-tempju ta' Alla, Alla ta' Iżrael.
7. Il-missjoni ta' Esdra
[Esd:7:1] Wara dawn il-ġrajja, meta kien qiegħed isaltan Artasersi, sultan
tal-Persja, kien hemm wieħed jismu Esdra li kien jiġi bin Xeraja, bin Għażarija,
bin Ħilkija, [Esd:7:2] bin Sallum, bin Sadok, bin Aħitub, [Esd:7:3] bin Amarija,
bin Għażarija, bin Merajot, [Esd:7:4] bin Żeraħija, bin Għużżi, bin Bukki,
[Esd:7:5] bin Abisugħa, bin Fineħas, bin Elgħażar, bin Aron, il-qassis il-kbir.
[Esd:7:6] Dan Esdra tala' minn Babilonja; kien skriba jaf tajjeb il-Liġi ta'
Mosè li kienet ġiet mogħtija mill-Mulej, Alla ta' Iżrael. Billi id il-Mulej
kienet fuqu, is-sultan kien jagħtih kull ma kien jitolbu. [Esd:7:7] Fis-seba'
sena mindu beda jsaltan Artasersi telgħu Ġerusalemm xi wħud minn ulied Iżrael,
xi qassisin, xi Leviti, xi kantanti, xi wħud mill-purtinara tat-tempju u xi
lsiera tat-tempju. [Esd:7:8] Esdra ġie Ġerusalemm fil-ħames xahar tas-seba' sena
mindu kien ilu jsaltan Artasersi. [Esd:7:9] Kien qatagħha li jitlaq minn
Babilonja fil-bidu ta' l-ewwel xahar, u wasal imbagħad fil-bidu tal-ħames xahar
Ġerusalemm għax l-id ħanina ta' Alla kienet fuqu. [Esd:7:10] Esdra kien ingħata
minn qalbu għall-istudju tal-Liġi tal-Mulej, għall-osservanza tagħha, u
għat-tagħlim tad-digrieti u l-preċetti tagħha lil Iżrael.
L-editt ta' Artasersi
[Esd:7:11] Esdra kien skriba jaf sewwa l-kliem tal-kmandamenti tal-Mulej u
tal-liġijiet tiegħu għal Iżrael.
Din hija kopja ta' l-ittra tas-sultan Artasersi lil Esdra, il-qassis u
l-iskriba, mgħallem tal-kmandamenti tal-Mulej u l-preċetti tiegħu għal Iżrael:
[Esd:7:12] "Artasersi, sultan tas-slaten, lil Esdra, qassis u skriba tal-Liġi
ta' Alla tas-smewwiet: sliem sħiħ!
[Esd:7:13] "Nordna b'digriet li jekk xi ħadd fis-saltna tiegħi mill-poplu ta'
Iżrael, mill-qassisin tiegħu, mil-Leviti tiegħu, juri xewqtu li jmur Ġerusalemm
miegħek, ħa jmur. [Esd:7:14] Jien qiegħed nibagħtek minn ħdejja flimkien ma'
seba' kunsillieri tiegħi biex, skond il-Liġi ta' Alla tiegħek li għandek f'idek,
tara fiex inhuma l-Lhud u fiex inhi Ġerusalemm. [Esd:7:15] Qiegħed nibagħtek
ukoll biex tieħu miegħek il-fidda u d-deheb, li jien qiegħed noffri flimkien
mal-kunsillieri tiegħi minn rajna lil Alla ta' Iżrael, li joqgħod f'Ġerusalemm,
[Esd:7:16] u biex tieħu miegħek ukoll il-fidda u d-deheb li tista' ssib
fil-provinċja kollha ta' Babilonja flimkien ma' l-offerti li l-poplu u
l-qassisin joffru minn rajhom għat-tempju ta' Alla f'Ġerusalemm. [Esd:7:17] Ħu
ħsieb ixtri b'dawn il-flus għoġiela, mtaten, ħrief, u offerti ta' ikel u xorb,
biex toffrihom fuq l-artal fit-tempju ta' Alla tagħkom f'Ġerusalemm. [Esd:7:18]
Bil-bqija tal-fidda u tad-deheb, agħmlu dak li jidhrilkom li hu tajjeb, int u
ħutek, skond kif jogħġob lil Alla tagħkom. [Esd:7:19] U l-oġġetti li jagħtuk
għas-servizz fit-tempju ta' Alla tagħkom, qegħedhom kollha quddiem Alla
f'Ġerusalemm. [Esd:7:20] U l-bqija tal-ħwejjeġ meħtieġa għat-tempju ta' Alla
tiegħek li int tħossok li għandek tagħti, oħroġhom mit-teżor tas-sultan.
[Esd:7:21] "Jien, Artasersi, is-sultan, nordna b'digriet lil dawk li jiġbru
għat-teżor in-naħa l-oħra ta' l-Ewfrat: Kull ma jitlobkom Esdra, il-qassis u
skriba tal-Liġi ta' Alla tas-smewwiet, għandkom tagħtuhulu bla tnikkir:
[Esd:7:22] sa mitt talent tal-fidda, sa mitt kor qamħ, sa mitt batt inbid, sa
mitt batt żejt, u melħ bla qjies. [Esd:7:23] Kull ma jordna Alla tas-smewwiet
għandu jsir sewwa għat-tempju ta' Alla tas-smewwiet, li ma jmurx jagħdab
għas-saltna tas-sultan u ta' wliedu. [Esd:7:24] Għandkom tkunu tafu wkoll li
m'huwiex permess li tgħabbu b'taxxi, tribut u ħaraġ, lil xi qassis, Levita,
kantant, lil xi ħadd mill-purtinara tat-tempju, lil xi lsir tat-tempju, jew lil
xi ħadd minn dawk li jaħdmu fit-tempju.
[Esd:7:25] "U int, Esdra, aħtar maġistrati u mħallfin skond l-Għerf ta' Alla
tiegħek li għandek f'idek, biex jagħmlu l-ħaqq għall-poplu kollu li hemm in-naħa
l-oħra ta' l-Ewfrat, għal kull min jaf il-Liġi ta' Alla tiegħek. Dawk li ma
jafuhiex għallimhielhom. [Esd:7:26] Jekk xi ħadd ma joqgħodx għal-Liġi ta' Alla
tiegħek, li hi l-Liġi tas-sultan ukoll, isir ħaqq sewwa minnu, kemm jekk
jaqtgħuhielu għall-mewt, kemm jekk jaqtgħuhielu li għandu jitkeċċa 'l barra, jew
li għandu jitteħidlu ġidu, jew li għandu jiġi mitfugħ il-ħabs."
Il-vjaġġ ta' Esdra minn Babilonja għal-Lhudija
[Esd:7:27] Ikun imbierek il-Mulej, Alla ta' missirijietna, li qanqal lis-sultan
biex isebbaħ it-tempju tal-Mulej f'Ġerusalemm, [Esd:7:28] li wera t-tjieba
tiegħu miegħi biex nogħġob lis-sultan, lill-kunsillieri tiegħu, u lill-ogħla
uffiċjali tas-saltna. Jien għamilt il-qalb, għax id il-Mulej, Alla tiegħi,
kienet fuqi, u ġbart madwari xi kapijiet ta' Iżrael biex intellagħhom miegħi
Ġerusalemm.
8. [Esd:8:1] Dawn huma l-kapijiet ta' djar missirijiethom, skond l-arblu
tar-razza tagħhom, li telgħu miegħi minn Babilonja meta kien qiegħed jaħkem
is-sultan Artasersi.
[Esd:8:2] Minn ulied Fineħas kien hemm Gersum; minn ulied Itamar, Danjel; minn
ulied David, Ħattus; [Esd:8:3] minn ulied Sekanija ...; minn ulied Pargħos,
Żakkarija li miegħu kien hemm irreġistrati mija u ħamsin raġel; [Esd:8:4] minn
ulied Paħat-mowab, Eljeħugħenaj bin Żeraħija, u miegħu mitejn raġel; [Esd:8:5]
minn ulied Żattu, Sekanija bin Ġaħżijel, u miegħu tliet mitt raġel; [Esd:8:6]
minn ulied Għadin, Għebed bin Ġonatan, u miegħu ħamsin raġel; [Esd:8:7] minn
ulied Għelam, Isagħija bin Għatalija, u miegħu sebgħin raġel; [Esd:8:8] minn
ulied Sefatija, Żebadija bin Mikiel, u miegħu tmenin raġel; [Esd:8:9] minn ulied
Ġowab, Għobadija bin Ġeħijel, u miegħu mitejn u tmintax-il raġel; [Esd:8:10]
minn ulied Bani, Selomit bin Ġosifija, u miegħu mija u sittin raġel; [Esd:8:11]
minn ulied Bebaj, Żakkarija bin Bebaj, u miegħu tmienja u għoxrin raġel;
[Esd:8:12] minn ulied Għażgad, Ġoħanan bin Ħakkatan, u miegħu mija u għaxart
irġiel; [Esd:8:13] minn ulied Adonikam, li kienu ta' l-aħħar, li kien jisimhom
Elifelet, Ġegħijel, u Semajja, u magħhom sittin raġel; [Esd:8:14] minn ulied
Bigwaj, Għutaj bin Żakkur, u magħhom sebgħin raġel.
[Esd:8:15] Ġbarthom ħdejn ix-xmara li tmur lejn Aħawa, u għaddejna tlitt ijiem
hemmhekk taħt it-tined. U ħarist lejn il-poplu u l-qassisin, iżda fosthom Leviti
ma sibtx. [Esd:8:16] Għalhekk bgħatt għal Eligħeżer, Arjel, Semajja, Elnatan,
Ġarib, Elnatan, Natan, Żakkarija, u Mesullam, kapijiet għaqlin. [Esd:8:17] U
bgħatthom għand Iddu, kap ta' l-inħawi ta' Kasifija, u għedtilhom x'għandhom
jgħidu lil Iddu u lil ħutu, l-ilsiera tat-tempju li kienu joqogħdu fl-inħawi ta'
Kasifija u biex iġibulna ministri għat-tempju ta' Alla tagħna. [Esd:8:18] U għax
Alla kien tajjeb magħna, ġibulna wieħed jinqala' minn ulied Naħli bin Levi, bin
Iżrael, jismu Serebija; dan ġie flimkien ma' wliedu u ħutu, b'kollox tmintax-il
ruħ. [Esd:8:19] Magħhom ġibulna wkoll minn ulied Merari, lil Ħasabija u 'l ħuh
Isagħija u 'l uliedhom, b'kollox għoxrin ruħ. [Esd:8:20] Mill-ilsiera
tat-tempju, li David kien ħatar biex jaqdu lil-Leviti, ġibulna mitejn u għoxrin
ilsir. Dawn kollha ġew irreġistrati b'isimhom.
[Esd:8:21] Hemm, mbagħad, ħdejn ix-xmara Aħawa, jien għamilt sejħa lil kulħadd
biex isum, ħa numiljaw ruħna quddiem Alla u nitolbuh jagħtina vjaġġ tajjeb,
lilna, lil uliedna u 'l ġid tagħna. [Esd:8:22] Għax jien kont stħajt nitlob
lis-sultan jagħtina eżerċtu u kavallerija biex iħarsuna mill-għedewwa matul
it-triq. Aħna konna għedna lis-sultan: "Alla tagħna hu ħanin ma' kull min idur
lejh, imma hu qalil fl-għadab tiegħu ma' kull min jitilqu." [Esd:8:23] Għalhekk,
somna u tlabna lil Alla tagħna, u hu sama' talbna.
[Esd:8:24] U għażilt tnax mill-kapijiet tal-qassisin, jiġifieri lil Serebija,
Ħasabija, u għaxra minn ħuthom, [Esd:8:25] u wiżintilhom il-fidda, id-deheb,
l-oġġetti sagri, u l-offerti li kienu taw lit-tempju ta' Alla tagħna s-sultan,
il-kunsillieri tiegħu, l-uffiċjali għolja tiegħu, u l-Iżraelin kollha li kienu
joqogħdu hemm. [Esd:8:26] Wiżintilhom f'idejhom stess sitt mija u ħamsin talent
tal-fidda, oġġetti tal-fidda jiswew mitt talent, u mitt talent tad-deheb.
[Esd:8:27] Għoxrin bieqja tad-deheb jiswew għoxrin darik, u żewġ oġġetti ta'
bronż mill-ifjen jiswew daqs id-deheb. [Esd:8:28] Jiena mbagħad għedtilhom:
"Intom ikkonsagrati lill-Mulej. Dawn huma oġġetti sagri, u l-fidda u d-deheb
huma offerti li xi wħud għamlu minn rajhom lill-Mulej, Alla ta' missirijietkom.
[Esd:8:29] Ħudu ħsiebhom għalhekk, u ħarsuhom sakemm tiġu biex tiżnuhom
fis-swali tat-tempju tal-Mulej quddiem l-ogħla qassisin u Leviti, u quddiem
il-kapijiet ta' Iżrael f'Ġerusalemm." [Esd:8:30] U l-qassisin u l-Leviti ħadu
l-fidda, id-deheb u l-oġġetti sagri li kienu wiżnu biex jeħduhom Ġerusalemm
fit-tempju ta' Alla tagħna.
[Esd:8:31] Tlaqna mbagħad minn ħdejn ix-xmara Aħawa fit-tnax ta' l-ewwel xahar
biex immorru Ġerusalemm, u Alla tagħna żamm idu fuqna u ħelisna minn id l-għadu
u minn id kull min kien qiegħed għassa tagħna fit-triq. [Esd:8:32] U wasalna
Ġerusalemm, u qgħadna hemm tlitt ijiem. [Esd:8:33] Fir-raba' jum, mbagħad,
reġgħu wiżnu l-fidda, id-deheb u l-oġġetti sagri, fit-tempju ta' Alla tagħna
f'idejn Meremot bin Urija, il-qassis. Kien hemm miegħu Elgħasar bin Fineħas, u
kien hemm ukoll Ġożabad bin Ġożwè u Nogħadija bin Binnuwi, Leviti. [Esd:8:34]
Għaddew u wiżnu kollox, u l-piż ta' kull oġġett ġie rreġistrat f'dak iż-żmien.
[Esd:8:35] Dawk li ġew lura mill-eżilju, jiġifieri l-eżiljati, offrew bhejjem
sħaħ b'sagrifiċċju tal-ħruq lil Alla ta' Iżrael: tnax-il għoġol għal Iżrael
kollu, sitta u disgħin muntun, sebgħa u sebgħin ħaruf, u tnax-il bodbod
b'sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. Dawn kollha offrewhom b'sagrifiċċju tal-ħruq
lill-Mulej.
[Esd:8:36] Għaddew ukoll l-ordnijiet tas-sultan lill-uffiċjali tas-sultan u
lill-gvernaturi ta' l-inħawi n-naħa l-oħra tax-xmara, u dawn għenu lill-poplu u
lit-tempju ta' Alla.
9. Jinħallu ż-żwiġijiet mal-barranin
[Esd:9:1] Meta temmew jagħmlu dan kollu, resqu fuqi l-mexxejja u qaluli:
"Il-poplu ta' Iżrael, il-qassisin, u l-Leviti, m'humiex maqtugħin min-nies ta'
artijiet barranin bil-ħwejjeġ moqżieża tagħhom; m'humiex maqtugħin
mill-Kangħanin, mill-Ħittin, mill-Periżżin, mill-Ġebusin, mill-Għammonin,
mill-Mowabin, mill-Eġizzjani, u mill-Amurrin. [Esd:9:2] Għax ħadu mill-bniet
tagħhom għalihom u għal uliedhom biex iżżewwġuhom, u hekk in-nisel qaddis
tħallat man-nies ta' l-art. F'dan it-tradiment, il-mexxejja u l-kapijiet kienu
minn ta' quddiem." [Esd:9:3] Kif smajt dal-kliem, ċarratt ħwejġi u l-mantar
tiegħi, qattajt xagħri u l-leħja tiegħi, u qgħadt bilqiegħda inkwetat ħafna.
[Esd:9:4] Minħabba dan it-tradiment, ngħaqdu miegħi imbagħad dawk kollha li
jirrispettaw il-kelma ta' Alla ta' Iżrael. U jien bqajt bilqiegħda inkwetat
ħafna sas-sagrifiċċju ta' filgħaxija. [Esd:9:5] Xħin kienu qed joffru
s-sagrifiċċju ta' filgħaxija, jien qomt mill-għajb tiegħi, u bi ħwejġi u
l-mantar tiegħi mċarrtin inżilt għarkubbtejja, u ftaħt idejja lejn il-Mulej,
Alla tiegħi, [Esd:9:6] u għedt:
“Alla tiegħi, jien inħossni nistħi, u wiċċi ma jagħtinix li nerfa’ ħarsti lejk,
Alla tiegħi. Għax dnubietna tant kotru li ninsabu mgħaddsin u rasna fihom, u
ħtijietna għolew m’għala s-smewwiet. [Esd:9:7] Minn żmien missirijietna sa llum
waqajna fi ħtijiet kbar u minħabba fi dnubietna, aħna, is-slaten tagħna, u
l-qassisin tagħna, ġejna mogħtija f'idejn slaten barranin. Dawn darbuna
bix-xabla, ħaduna fl-eżilju, ħadulna ġidna, u ġejna fl-għajb li qegħdin fih
illum. [Esd:9:8] Imma issa, il-Mulej, Alla tagħna, tana grazzja għal ftit
taż-żmien, billi ħallielna fdal u tana fuqiex nafdaw, jiġifieri dan il-post
qaddis. B'hekk Alla tagħna ried iferraħna u jgħajjixna għal ftit fl-eżilju
tagħna. [Esd:9:9] Għax aħna lsiera; imma Alla tagħna ma nsiniex fl-eżilju
tagħna, għax wera l-ħniena tiegħu magħna quddiem is-slaten tal-Persja, meta tana
mill-ġdid il-ħajja ħa nerġgħu ntellgħu t-tempju ta' Alla tagħna, u nerġgħu
nibnuh mill-ħerba tiegħu u b'hekk ikollna kenn f'Ġuda u Ġerusalemm. [Esd:9:10]
Imma issa, x'nistgħu ngħidu, o Alla tagħna, jekk wara dan kollu nsejna
l-kmandamenti tiegħek? [Esd:9:11] Għax inti kkmandajtna, permezz tal-qaddejja
tiegħek il-profeti, u għedtilna 'Intom sejrin biex tieħdu taħt idejkom art
imniġġsa b'tinġis il-ġnus ta' artijiet barranin; il-ħwejjeġ moqżieża tagħhom
imlewha bi ħmieġhom minn tarf għal ieħor. [Esd:9:12] Issa, mela, il-bniet
tagħkom tagħtuhomx lis-subjien tagħhom biex jiżżewwġuhom, u l-bniet tagħhom
teħduhomx għas-subjien tagħkom. Tfittxu qatt is-sliem u l-ġid magħhom, u hekk
tkunu b'saħħitkom, tieklu mill-ġid ta' l-art, u tħalluha 'l uliedkom b'wirt għal
dejjem.'
[Esd:9:13] Wara dak kollu li għadda minn fuqna minħabba fl-għemejjel ħżiena
tagħna u fi dnubietna kbar - għalkemm int, Alla tagħna, ikkunsidrajt ħtijietna
inqas milli tabilħaqq kienu u ħallejtilna dan il-fdal - [Esd:9:14] u se nerġgħu
forsi niksru l-kmandamenti tiegħek u nitħalltu biż-żwieġ mal-ġnus li jagħmlu
ħwejjeġ moqżieża? Ma jkunx forsi l-għadab tiegħek għalina hekk kbir li teqridna,
u ma jeħlisha ħadd u ma jibqa' l-ebda fdal? [Esd:9:15] Mulej, Alla ta' Iżrael,
int ġust, għax fadal aħna li ħlisnieha llum. Ara, aħna nistqarru dnubietna
quddiemek, għax minħabba fihom ħadd ma jibqa' wieqaf quddiemek."
10. [Esd:10:1] Xħin Esdra kien qiegħed jitlob u jistqarr dnubiet il-poplu
b'wiċċu fl-art jibki quddiem it-tempju ta' Alla, nġabret madwaru ġemgħa kbira
ta' Iżraelin, rġiel, nisa u tfal, lkoll jibku kemm jifilħu. [Esd:10:2] Mbagħad
Sekanija bin Ġeħijel, mill-familja ta' Għelam, qal lil Esdra: "Aħna konna
ttradejna lil Alla tagħna, għax iżżewwiġna nisa barranin minn ulied in-nies ta'
l-art, imma minkejja dan għad hemm tama għal Iżrael. [Esd:10:3] Nagħmlu issa
patt ma' Alla tagħna, u nkeċċu n-nisa barranin kollha u 'l uliedhom skond ma
twissina int, sinjur, u dawk li jitriegħdu quddiem dak li Alla tagħna kkmanda.
Isir kollox skond kif inhu miktub fil-Liġi. [Esd:10:4] Qum, għax din hi biċċa
tiegħek; aħna nkunu miegħek. Agħmel il-qalb u agħmel xi ħaġa." [Esd:10:5] Esdra
mbagħad qam, u ġiegħel lill-kapijiet tal-qassisin, lil-Leviti u lil Iżrael
kollu, jaħilfulu li jagħmlu skond ma kien intqal. U huma ħalfulu. [Esd:10:6]
Mbagħad Esdra qam minn quddiem it-tempju ta' Alla, u telaq lejn il-kamra ta'
Ġoħanan bin Eljasib, u għadda l-lejl hemmhekk. Imma ma missx ikel jew xorb, għax
sewwed qalbu ħafna minħabba t-tradiment ta' dawk li kienu ġew lura mill-eżilju.
[Esd:10:7] Mela, il-mexxejja tal-poplu għamlu sejħa f'Ġuda u Ġerusalemm biex
jinġabru f'Ġerusalemm dawk kollha li kienu ġew lura mill-eżilju, [Esd:10:8] u
wissew li jekk xi ħadd ma jmurx fi żmien tlitt ijiem ġidu kienu jeħduhulu u hu
kien jitkeċċa 'l barra mill-komunità ta' dawk li ġew lura mill-eżilju.
[Esd:10:9] Għalhekk, fi żmien tlitt ijiem l-irġiel kollha ta' Ġuda u Benjamin
inġabru Ġerusalemm; dan kien fl-għoxrin tad-disa' xahar. Mbagħad il-poplu kollu
nġabar fil-misraħ quddiem it-tempju ta' Alla, u kulħadd kien qiegħed jirtogħod
minħabba dak li kien qiegħed jiġri, u minħabba x-xita li kienet nieżla.
[Esd:10:10] U Esdra, il-qassis, qam u qalilhom: "Intom kontu infidili u
żżewwiġtu nisa barranin, u hekk komplejtu żidtu mad-dnubiet ta' Iżrael.
[Esd:10:11] Imma issa, roddu ħajr lill-Mulej, Alla ta' missirijietkom, u agħmlu
r-rieda tiegħu, infirdu min-nisa ta' l-art u min-nisa barranin tagħkom."
[Esd:10:12] U weġbitu l-ġemgħa kollha b'leħen għoli: "Hekk hu, nagħmlu kif qed
tgħidilna. [Esd:10:13] Imma hawn folla kbira hawnhekk, u billi hu żmien ix-xita
ma nifilħux noqogħdu barra. Dan m'huwiex xogħol ta' ġurnata jew tnejn, għax
f'din il-biċċa konna ħafna li żbaljajna. [Esd:10:14] Ħa joqogħdu l-mexxejja
tagħna minflok il-ġemgħa kollha. Kull min, mbagħad, mill-ibliet tagħna żżewweġ
mara barranija, jiġi fi żmien stabbilit flimkien max-xjuħ u l-imħallfin ta' kull
belt, sakemm inkunu reġġajna lura minn fuqna l-għadab ta' Alla għalina minħabba
dak li għamilna." [Esd:10:15] Ġonatan bin Għaxajel u Ġaħżija bin Tikwa biss ma
qablux ma' dan, u Mesullam u Sabtaj, il-Levita, żammew magħhom. [Esd:10:16] Imma
dawk li kienu ġew mill-eżilju laqgħu li jagħmlu kif kien intqal. Esdra,
il-qassis, għażel għalhekk xi wħud li kienu jiġu l-kapijiet ta' djar
missirijiethom, u 'l kull wieħed minnhom sejjaħlu b'ismu. Fl-ewwel ta' l-għaxar
xahar qagħdu bilqiegħda biex jistħarrġu dak li kien ġara, [Esd:10:17] u temmew
jistħarrġu l-irġiel li kienu żżewwġu nisa barranin fl-ewwel ta' l-ewwel xahar.
Il-lista ta' dawk li kienu żbaljaw
[Esd:10:18] Nstab li minn fost il-qassisin kien hemm uħud li kienu żżewwġu nisa
barranin. Fost ulied Ġożwè bin Ġosadak u ħutu kien hemm Magħxija, Eligħeżer,
Ġarib, u Gedalija. [Esd:10:19] Imma dawn taw il-kelma tagħhom li jibagħtu n-nisa
tagħhom; u għax kienu ħatja offrew muntun mill-merħla tagħhom għal dnubiethom.
[Esd:10:20] Fost ulied Immer kien hemm Ħanani u Żebadija. [Esd:10:21] Fost ulied
Ħarim kien hemm Magħxija, Elija, Semajja, Ġeħijel, u Għużżija; [Esd:10:22] u
fost ulied Pasħur kien hemm Eliju-għenaj, Magħxija, Ismagħel, Netanjel, Ġożabad,
u Elgħaxa.
[Esd:10:23] Fost il-Leviti kien hemm Ġożabad, Simgħi, Kelaja (jiġifieri Kelita),
Petaħija, Ġuda, u Eligħeżer.
[Esd:10:24] Fost il-kantanti kien hemm Eljasib, u fost il-purtinara tat-tempju
kien hemm Sallum, Telem, u Uri.
[Esd:10:25] Minn Iżrael, fost ulied Pargħos kien hemm Ramija, Iżżija, Malkija,
Mijjamin, Elgħażar, Malkija, u Benaja. [Esd:10:26] Fost ulied Għelam kien hemm
Mattanija, Żakkarija, Ġeħijel, Għabdi, Ġeremot, u Elija. [Esd:10:27] Fost ulied
Żattu kien hemm Eliju-għenaj, Eljasib, Mattanija, Ġeremot, Żabad, u Għażiża.
[Esd:10:28] Fost ulied Bebaj kien hemm Ġeħoħanan, Ħananija, Żabbaj, u Għattaj.
[Esd:10:29] Fost ulied Bani kien hemm Mesullam, Malluk, Għadaja, Ġasub, Sijal, u
Ġeremot. [Esd:10:30] Fost ulied Paħat-mowab kien hemm Għadna, Kelal, Benaja,
Magħxija, Mattanija, Besalel, Binnuwi, u Manassi. [Esd:10:31] Fost ulied Ħarim
kien hemm Eligħeżer, Issija, Malkija, Semajja, Simgħon, [Esd:10:32] Benjamin,
Malluk, u Semarija. [Esd:10:33] Fost ulied Ħasum kien hemm Mattenaj, Mattatta,
Żabad, Elifelet, Ġeremaj, Manassi, u Simgħi. [Esd:10:34] Fost ulied Bani kien
hemm Magħdaj, Għamram, u Uwel, [Esd:10:35] Benajja, Bedija, Keluħi, [Esd:10:36]
Wanija, Meremot, Eljasib, [Esd:10:37] Mattanija, Mattenaj, u Ġagħsu. [Esd:10:38]
Fost ulied Binnuwi kien hemm Simgħi, [Esd:10:39] Selemija, Natan, Għadajja,
[Esd:10:40] Maknadbaj, Sasaj, Saraj, [Esd:10:41] Għażarel, Selemija, Semarija,
[Esd:10:42] Sallum, Amarija, u Ġużeppi. [Esd:10:43] Fost ulied Nebu kien hemm
Ġegħijel, Mattitija, Żabad, Żebina, Ġaddaj, Ġoel, Benaja.
[Esd:10:44] Dawn kollha kienu żżewwġu nisa barranin, imma keċċewhom bit-tfal
tagħhom b'kollox.