IL-KTIEB TAL-APOKALISSI
1. Dħul
[Apk:1:1] Ir-Rivelazzjoni ta' Ġesų Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf
lill-qaddejja tiegħu b'dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-anġlu
tiegħu jfissirha lill-qaddej tiegħu Ġwanni, [Apk:1:2] li kien xhud tal-kelma ta'
Alla u tax-xhieda mogħtija minn Ġesų Kristu, u ta' kull ma ra b'għajnejh.
[Apk:1:3] Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta' din il-profezija u
jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!
Lill-knejjes ta l-Asja
Tislima
[Apk:1:4] Ġwanni, lis-seba' knejjes li hemm fl-Asja: grazzja lilkom u sliem
mingħand Dak li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, u min-naħa tas-seba' spirti
li qegħdin quddiem it-tron tiegħu, [Apk:1:5] u mingħand Ġesų Kristu, ix-xhud
fidil, il-Kbir fost il-mejtin, il-Prinċep tas-slaten tad-dinja.
Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta' demmu, [Apk:1:6] u
li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa
għal dejjem ta' dejjem. Amen.
[Apk:1:7] Arawh, ġej fis-sħab,
u l-għajnejn kollha jarawh,
ukoll dawk li kienu nifduh;
u r-razez kollha ta' l-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba
fih. Iva. Amen.
[Apk:1:8] "Jiena huwa l-Alfa u l-Omega", jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien,
u li għad irid jiġi, Dak li jista' kollox.
Il-bidu tad-dehriet
[Apk:1:9] Jiena, Ġwanni, ħukom u sieħeb tagħkom fit-taħbit u fis-saltna u
fis-sabar ma' Ġesų, jien sibt ruħi fil-gżira jisimha Patmos minħabba l-Kelma ta'
Alla u x-xhieda ta' Ġesų. [Apk:1:10] Darba, f'jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ
fl-Ispirtu, u minn warajja smajt leħen qawwi, bħal ta' tromba, [Apk:1:11]
jgħidli: "Kull ma tara niżżlu fi ktieb u ibagħtu lis-seba' knejjes, lil dik ta'
Efesu, ta' Żmirna, ta' Pergamu, ta' Tjatira, ta' Sardi, ta' Filadelfja u ta'
Laodiċija."
[Apk:1:12] U jiena dort biex nara min kien qiegħed ikellimni; u, kif dort, rajt
seba' kandelabri tad-deheb, [Apk:1:13] u f'nofs il-kandelabri kien hemm wieħed
qisu Iben ta' bniedem, liebes libsa twila sa wiċċ saqajh, b'sidru mħażżem bi
ħżiem tad-deheb; [Apk:1:14] rasu u xuxtu bajda bħas-suf, ileqqu daqs is-silġ, u
għajnejh kienu ġamra nar; [Apk:1:15] kellu saqajh donnhom tal-metall ileqq
imsoffi ġo forġa, u leħnu bħall-ħoss ta' ħafna ilmijiet; [Apk:1:16] f'idu l-leminija
kellu seba' kwiekeb, u minn fommu kienet ħierġa xabla misnuna miż-żewġ naħat;
wiċċu kien jiddi bħax-xemx fl-eqqel tagħha.
[Apk:1:17] Jien, kif rajtu, waqajt qisni mejjet f'riġlejh. Iżda hu ressaq idu l-leminija
fuqi u qalli: "Tibżax; jien hu l-Ewwel u l-Aħħar, [Apk:1:18] jiena l-Ħaj; jien
kont mejjet, u ara, jien issa ħaj għal dejjem ta' dejjem, u għandi jinsabu l-imfietaħ
tal-Mewt u ta' Post il-Mejtin. [Apk:1:19] Ikteb kull ma tara, kemm il-ħwejjeġ li
hawn issa u kemm dawk li se jiġru 'l quddiem. [Apk:1:20] Dwar il-misteru moħbi
fis-seba' kwiekeb li rajtli f'idi l-leminija u fis-seba' kandelabri tad-deheb,
kun af li s-seba' kwiekeb huma s-seba' anġli tas-seba' knejjes, u s-seba'
kandelabri huma s-seba' knejjes.
2. Lill-knisja ta' Efesu
[Apk:2:1] "Lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Efesu iktiblu hekk: 'Dan jgħidlek Dak
li għandu s-seba' kwiekeb f'idu l-leminija: Dak li jimxi fost is-seba'
kandelabri tad-deheb: [Apk:2:2] Jiena naf l-opri tiegħek, u l-keded li tieħu, u
s-sabar tiegħek, naf li int lill-ħżiena ma tiflaħx għalihom, u li ġa stħarriġt
lil dawk li jriduha ta' appostli bla ma huma, u sibthom qarrieqa. [Apk:2:3] Naf
li stabart u ġarrabt ħafna minħabba f'ismi, u għadek ma għejejtx.
[Apk:2:4] Imma kontra tiegħek għandi li inti ħallejt dik l-imħabba li kont urejt
fil-bidu. [Apk:2:5] Mela issa ġib quddiem għajnejk fiex waqajt, indem, u erġa'
aqbad l-opri tiegħek tal-bidu. Għax inkella niġik u nneħħilek il-kandelabru
tiegħek minn postu, jekk ma tindimx. [Apk:2:6] Iżda favur tiegħek għandek li
inti tobgħod l-opri tad-dixxipli ta' Nikola, bħalma nobgħodhom jiena wkoll.
[Apk:2:7] Min għandu widnejn, ħa jisma' xi jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.
Lir-rebbieħ nagħtih jiekol mis-siġra tal-Ħajja li hemm fil-Ġenna ta' Alla.'
Lill-knisja ta' Żmirna
[Apk:2:8] "U lill-anġlu tal-knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: 'Dan jgħidlek
Dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u raġa' ħaj: [Apk:2:9] Jiena naf it-taħbit
u l-faqar tiegħek, għad li inti għani; u naf kemm jinfamawk dawk li jgħidu li
huma Lhud mingħajr ma huma, meta huma sinagoga tax-Xitan. [Apk:2:10] Tibżax minn
dak li se jkollok issofri; ara, id-Demonju se jixħet 'il xi wħud minnkom
fil-ħabs biex iġarrabkom, u intom tgħaddu minn għaxart ijiem ta' taħbit. Ibqa'
fidil sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja. [Apk:2:11] Min għandu
widnejn, ħa jisma' x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes. Lir-rebbieħ ebda ħsara ma hi
se tagħmillu t-tieni mewt.'
Lill-knisja ta' Pergamu
[Apk:2:12] "U lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Pergamu iktiblu hekk: 'Dan
jgħidlek Dak li għandu x-xabla misnuna miż-żewġ naħat: [Apk:2:13] Jiena naf fejn
int qiegħed; qiegħed fejn hemm it-tron tax-Xitan. Imma għadek iżżomm sħiħ ma'
ismi u ma ċħadtx il-fidi tiegħek fija, anqas f'dawk il-jiem li fihom Antipa, ix-xhud
fidil tiegħi, qatluh hemm fostkom, fejn joqgħod ix-Xitan.
[Apk:2:14] 'Madankollu għandi xi ftit ħwejjeġ kontra tiegħek, jiġifieri li
hemmhekk inti għandek xi wħud li qegħdin iżommu mat-tagħlim ta' Balgħam, dak li
kien għallem lil Balak kif jiskandalizza lil ulied Iżrael billi jieklu ikel
issagrifikat lill-idoli u jaqgħu fiż-żína. [Apk:2:15] Barra minn dan, għandek
ukoll min qiegħed iżomm it-tagħlim tad-dixxipli ta' Nikola. [Apk:2:16] Isa,
indem; inkella niġi bla telf ta' żmien, u naħbat għalihom bix-xabla ta' fommi.
[Apk:2:17] 'Min għandu widnejn, ħa jisma' x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.
Lir-rebbieħ nagħtih mill-manna l-moħbija, u nagħtih ukoll ċagħka bajda, b'isem
ġdid minqux fuqha li ħadd ma jkun jafu ħlief min jirċeviha.'
Lill-knisja ta' Tjatira
[Apk:2:18] "U lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Tjatira iktiblu hekk: 'Dan
jgħidlek l-Iben ta' Alla, dak li għandu għajnejh bħal ġamra nar u saqajh qishom
metall ileqq: [Apk:2:19] Jiena naf l-opri tiegħek, l-imħabba u l-fidi tiegħek,
is-servizz u s-sabar tiegħek, naf kemm l-opri tiegħek ta' l-aħħar huma aħjar
minn dawk tal-bidu.
[Apk:2:20] Iżda kontra tiegħek għandi li int lil Ġeżabel, il-mara li tridha ta'
profetissa, qiegħed tħalliha tgħallem u tqarraq bil-qaddejja tiegħi billi
tħajjarhom jaqgħu fiż-żína u jieklu ikel issagrifikat lill-idoli. [Apk:2:21]
Jien tajtha żmien biex tindem, iżda ma riditx terġa' lura miż-żína tagħha.
[Apk:2:22] Ara, lilha se nixħetha marida ġo sodda, u 'l dawk li waqgħu fiż-żína
magħha nibgħat fuqhom taħbit kbir jekk ma jerġgħux lura mill-għemejjel tagħha.
[Apk:2:23] U lil uliedha noqtolhomlha, ħalli jkunu jafu l-knejjes kollha li
jiena hu dak li jifli l-ġewwieni u l-qalb u li jagħti lil kull wieħed minnkom
skond ma ħaqqu għall-opri tiegħu. [Apk:2:24] U lilkom l-oħrajn li tinsabu
f'Tjatira, intom li ma qgħadtux għal dan it-tagħlim u li ma ridtux tafu bit-tagħlim
moħbi fil-fond tax-Xitan, kif isejjħulhom huma, lilkom ngħidilkom li fuqkom
m'iniex se nixħet piż ieħor. [Apk:2:25] Biss, stabru b'dak li ġa għandkom, sa ma
niġi jien. [Apk:2:26] Mbagħad lir-rebbieħ, lil dak li jħares sa l-aħħar l-opri
tiegħi, nagħtih setgħa fuq il-ġnus, [Apk:2:27] biex imexxihom b'xettru tal-ħadid
bħal min ifarrak il-bwieqi tal-fuħħar, l-istess kif jien ukoll ħadt is-setgħa
mingħand Missieri; [Apk:2:28] u nagħtih ukoll il-Kewkba ta' filgħodu.
[Apk:2:29] 'Min għandu widnejn, ħa jisma' x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.'
3. Lill-knisja ta' Sardi
[Apk:3:1] "U lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Sardi iktiblu hekk: 'Dan jgħidlek
Dak li għandu s-seba' spirti ta' Alla u s-seba' kwiekeb: Jiena naf l-opri
tiegħek, inti għandek fama li inti ħaj, iżda int mejjet. [Apk:3:2] Stenbaħ u
tħeġġeġ f'dak li għad għandek imma li wasal biex jinqeridlek, għax l-opri
tiegħek ma sibthomx perfetti f'għajnejn Alla tiegħi.
[Apk:3:3] Isa, ftakar f'dak li rċevejt u smajt, ħarsu sewwa, u indem. Għax jekk
ma tistenbaħx, niġik bħal ħalliel, bla ma tkun taf is-siegħa li fiha niġik.
[Apk:3:4] Madankollu f'Sardi għandek ftit uħud li ma tebbgħux ilbieshom; huma
għad jimxu miegħi lebsin l-abjad, għax jistħoqqilhom. [Apk:3:5] Hekk ukoll
ir-rebbieħ, għad ixidd fuqu lbies abjad; u jiena mhux talli ma nħassarlux ismu
minn ktieb il-ħajja, imma nistqarrlu ismu quddiem Missieri u quddiem l-anġli
tiegħu.
[Apk:3:6] Min għandu widnejn, ħa jisma' x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.'
Lill-knisja ta' Filadelfja
[Apk:3:7] "U lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Filadelfja iktiblu hekk: 'Dan
jgħidlek il-Qaddis, il-Veru li għandu l-muftieħ ta' David, li jiftaħ u ħadd ma
jagħlaq, jagħlaq u ħadd ma jiftaħ: [Apk:3:8] Jiena naf l-opri tiegħek; ara,
ftaħtlek quddiemek bieb li ħadd ma jista' jagħlqu; għax għad li l-ħila tiegħek
hija dgħajfa, naf li l-kelma tiegħi ħaristha u ismi ma ċħadthulix. [Apk:3:9] Ara,
lil xi wħud mis-sinagoga tax-Xitan - li jriduha ta' Lhud iżda m'humiex ħlief
giddieba! - ara, jiena se nġagħalhom jiġu jinxteħtu quddiemek f'riġlejk, ħa
jkunu jafu li jiena lilek ħabbejtek.
[Apk:3:10] Talli int ħarist it-tagħlim tiegħi dwar is-sabar, jiena wkoll inħares
lilek mis-siegħa tat-tiġrib li ġejja fuq id-dinja kollha biex iġġarrab lil kull
min jgħammar fl-art. [Apk:3:11] Dalwaqt niġi; żomm sħiħ f'dak li għandek, biex
ħadd ma jeħodlok il-kuruna tiegħek. [Apk:3:12] Ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-Tempju
ta' Alla tiegħi, minn fejn qatt iżjed ma joħroġ u fuqu nonqox isem Alla tiegħi,
isem il-Belt ta' Alla tiegħi, Ġerusalemm il-ġdida li nieżla mis-sema mingħand
Alla tiegħi, u l-isem il-ġdid tiegħi.
[Apk:3:13] 'Min għandu widnejn, ħa jisma x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.'
Lill-knisja ta' Laodiċija
[Apk:3:14] U lill-anġlu tal-knisja li hemm f'Laodiċija iktiblu hekk: 'Dan
jgħidlek l-Amen, ix-Xhud fidil u veru, minnu l-bidu tal-Ħolqien ta' Alla:
[Apk:3:15] Jiena naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun.
M'hux li kont jew kiesaħ jew sħun! [Apk:3:16] U hekk, ladarba inti biered, u la
sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi.
[Apk:3:17] Int tgħid, "Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn", bla ma
taf li l-imsejken huwa int, ta' min jitħassrek, fqir, agħma u għeri. [Apk:3:18]
Jiena nagħtik parir biex tiġi tixtri mingħandi deheb imsoffi bin-nar, ħalli
tistagħna; u lbies abjad, ħalli jkollok x'tilbes u tgħatti l-għajb ta' l-għera
tiegħek; u wkoll ungwent, ħalli tidlek għajnejk u tkun tista' tara. [Apk:3:19]
Lil dawk li nħobb, jiena nwiddibhom u nrażżanhom. Mela tħeġġeġ u indem.
[Apk:3:20] Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u
jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.
[Apk:3:21] Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess
kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu.
[Apk:3:22] 'Min għandu widnejn, ħa jisma' x'jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.' "
4. Alla jitlaq fidejn il-Ħaruf il-maħturin tad-dinja: Liturġija fis-Sema
[Apk:4:1] Wara dan ħarist, u ara rajt bieb miftuħ fis-sema; u l-leħen ta' qabel,
li kont ġa smajtu jkellimni qisu tromba, qalli:
[Apk:4:2] Itla hawn, ħa nurik xgħandu jiġri wara dan. Minnufih ħassejtni
merfugħ fl-Ispirtu, u rajt tron imwaqqaf fis-sema, u wieħed bilqiegħda fuq it-tron.
[Apk:4:3] U d-dehra ta' dak li kien bilqiegħda kienet qisha dehra ta' ħaġra
tal-ġaspru u tal-kornalina, u madwar it-tron qawsalla donnha żmerald. [Apk:4:4]
Madwar it-tron, erbgħa u għoxrin siġġu, u fuqhom, bilqiegħda, erbgħa u għoxrin
Xiħ, lebsin l-abjad, b'kuruna tad-deheb fuq rashom. [Apk:4:5] Mit-tron rajt
ħerġin beraq u ħsejjes u ragħad, u seba' torċi mixgħula quddiemu, li huma s-seba'
spirti ta' Alla. [Apk:4:6] Quddiem it-tron rajt ukoll bħal baħar tal-ħġieġ, qisu
kristall, u f'nofs it-tron u madwaru erba' Ħlejjaq Ħajjin, kollhom għajnejn minn
quddiem u minn wara; [Apk:4:7] l-ewwel Ħliqa Ħajja donnha ljun, it-tieni Ħliqa
Ħajja qisha għoġol, it-tielet Ħliqa Ħajja b'wiċċ ta' bniedem, u r-raba' Ħliqa
donnha ajkla ttir. [Apk:4:8] U l-erba' Ħlejjaq Ħajjin, kull waħda minnhom b'sitt
ġwienaħ, rajthom kollhom għajnejn, kemm madwarhom u kemm minn ġewwa, lejl u nhar
ma jieqfu qatt itennu:
"Qaddis, Qaddis, Qaddis
il-Mulej, Alla li jista' kollox,
li kien, u li hu, u li ġej."
[Apk:4:9] U kull darba li l-Ħlejjaq Ħajjin jagħtu glorja u ġieħ u radd il-ħajr
lil dak li qiegħed fuq it-tron, u li hu għal dejjem ta' dejjem, [Apk:4:10] l-erbgħa
u għoxrin Xiħ jinxteħtu quddiem dak li qiegħed fuq it-tron, jagħtu qima lilu li
jgħix għal dejjem ta' dejjem, iqiegħdu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron, u
jgħidu:
[Apk:4:11] "Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna,
li tilqa' l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa,
għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha,
u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek."
5. Il-Ktieb u l-Ħaruf
[Apk:5:1] Mbagħad lil dak li kien bilqiegħda fuq it-tron rajtlu f'idu l-leminija
ktieb miktub minn ġewwa u minn barra, magħluq b'seba' siġilli. [Apk:5:2] U rajt
anġlu, ta' saħħa kbira, qiegħed ixandar b'leħen jgħajjat: "Min hu li jistħoqqlu
jiftaħ il-ktieb u jikser is-siġilli li għandu?" [Apk:5:3] U ħadd, la fis-sema u
la fl-art u lanqas taħt l-art, ma kellu l-ħila jiftaħ il-ktieb u jara x'fih.
[Apk:5:4] U jiena nfexxejt f'bikja kbira, għax ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu
jiftaħ il-ktieb u jara x'fih. [Apk:5:5] Mbagħad wieħed mix-Xjuħ qalli: "Tibki
xejn; ara, l-Iljun tat-tribų ta' Ġuda, ir-Rimja ta' David, ħareġ rebbieħ, u se
jiftaħ il-ktieb u s-seba' siġilli li għandu."
[Apk:5:6] Mbagħad, bejn it-tron u l-erba' Ħlejjaq Ħajjin u f'nofs ix-Xjuħ rajt
li kien hemm Ħaruf, wieqaf, bħal maqtul, b'sebat iqrun u seba' għajnejn, li huma
s-seba' spirti ta' Alla mibgħutin fuq l-art kollha. [Apk:5:7] U l-Ħaruf resaq
jieħu l-ktieb mill-id il-leminija ta' dak li qiegħed fuq it-tron; [Apk:5:8] u
kif ħa l-ktieb, marru jinxteħtu quddiem il-Ħaruf l-erba' Ħlejjaq Ħajjin, u wkoll
l-erbgħa u għoxrin Xiħ; kull wieħed minnhom kellu ċetra u xi bwieqi tad-deheb
mimlija bl-inċens, li huma t-talb tal-qaddisin. [Apk:5:9] U bdew jgħannu għanja
ġdida u jgħidu:
"Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb,
u tiftaħ is-siġilli tiegħu,
għax int kont maqtul,
u b'demmek ksibt għal Alla
bnedmin minn kull tribų u lsien,
minn kull poplu u ġens,
[Apk:5:10] u għamilthom għal Alla tagħna
Saltna u Qassisin,
li għad isaltnu fuq l-art." [Apk:5:11] Mbagħad ħarist, u minn
madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt leħen ta ħafna
anġli, li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta' eluf, u eluf ta'
eluf, [Apk:5:12] jgħidu b'leħen qawwi:
"Jistħoqqlu l-Ħaruf li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa u
l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir."
[Apk:5:13] U fis-sema, fuq l-art, taħt l-art, u fil-baħar u l-ħlejjaq kollha li
fihom, smajthom jgħidu:
"Lil dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ
u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta' dejjem."
[Apk:5:14] L-erba' Ħlejjaq Ħajjin bdew iwieġbu: "Amen!" filwaqt li x-Xjuħ
inxteħtu jagħtu qima.
6. Il-Ħaruf jikser is-seba' siġilli
[Apk:6:1] Mbagħad il-Ħaruf fetaħ l-ewwel wieħed mis-seba' siġilli u jien ħarist
u smajt wieħed mill-erba' Ħlejjaq Ħajjin jgħid b'leħen ta' ragħda: "Ejja."
[Apk:6:2] U jien ħarist, u ara, ġie żiemel abjad, u dak li kien riekeb fuqu
kellu qaws, u ngħatatlu kuruna; u ħareġ hu, rebbieħ, biex ikompli jirbaħ.
[Apk:6:3] U wara li fetaħ it-tieni siġill, smajt it-tieni wieħed mill-Ħlejjaq
Ħajjin jgħid: "Ejja!" [Apk:6:4] U ħareġ żiemel ieħor, ta' lewn aħmar nar, u lil
dak li kien riekeb fuqu ngħatatlu s-setgħa li jeqred il-paċi minn fuq wiċċ
l-art, ħalli b'hekk il-bnedmin jitqatlu bejniethom; u għalhekk ingħatatlu xabla
kbira.
[Apk:6:5] Wara li l-Ħaruf fetaħ it-tielet siġill, smajt it-tielet wieħed mill-Ħlejjaq
Ħajjin jgħid: "Ejja!" U jien ħarist, u ara, ġie żiemel iswed, u r-rikkieb tiegħu
kellu miżien f'idu. [Apk:6:6] Mbagħad f'nofs l-erba' Ħlejjaq Ħajjin smajt bħal
leħen jgħid: "Siegħ qamħ bigħu dinar; tliet sigħan xgħir dinar ukoll; imma ż-żejt
u l-inbid la tmisshomx."
[Apk:6:7] Meta l-Ħaruf fetaħ ir-raba' siġill, smajt leħen ir-raba' Ħliqa Ħajja
jgħid: "Ejja!" [Apk:6:8] Ħarist, u ara, ġie żiemel ta' lewn aħdar jagħti fl-isfar,
u r-rikkieb tiegħu kien jismu "Mewt" u Post il-Mejtin miexi warajh. U lilhom
ingħatat is-setgħa fuq waħda mill-erba' taqsimiet tad-dinja, biex joqtlu n-nies
bix-xabla, bil-ġuħ, bil-pesta u bil-bhejjem selvaġġi ta' l-art.
[Apk:6:9] Meta mbagħad fetaħ il-ħames siġill, rajt taħt l-artal l-erwieħ ta'
dawk li kienu qatluhom minħabba l-Kelma ta' Alla, u minħabba x-xhieda li kienu
taw; [Apk:6:10] u għollew leħenhom u qalu: "Sid Qaddis u Veru, kemm se ddum ma
tagħmel ħaqq u titħallas ta' demmna minn dawk li jgħammru fl-art?" [Apk:6:11] U
lil kull wieħed minnhom ingħatatlu libsa twila bajda, u qalulhom jistennew ftit
ieħor sa ma jintemm l-għadd tal-qaddejja sħabhom u ta' ħuthom li bħalhom kienu
se joqtluhom.
[Apk:6:12] U fetaħ is-sitt siġill. Jien ħarist, u sar terremot kbir; ix-xemx
saret sewda faħma, il-qamar sar kollu qisu demm, [Apk:6:13] u l-kwiekeb tas-sema
bdew jaqgħu fuq l-art bħalma siġra tat-tin tarmi l-frott nej tagħha meta
jħabbatha riefnu qawwi. [Apk:6:14] Is-sema ma deherx aktar, kif jiġrilu ktieb
meta jitkebbeb, u kull muntanja u gżira tħarrku minn fejn kienu. [Apk:6:15]
Mbagħad is-slaten ta' l-art, il-kapijiet, il-mexxejja l-kbar, l-għonja, is-setgħana
u l-lsiera u l-ħielsa kollha, marru jinħbew fl-għerien u qalb il-blat
tal-muntanji, [Apk:6:16] u bdew jgħidu lill-muntanji u lill-blat: "Ordmuna u
aħbuna minn wiċċ dak li hemm bilqiegħda fuq it-tron u mill-korla tal-Ħaruf,
[Apk:6:17] għax wasal il-Jum il-Kbir tal-korla tagħhom! U min jiflaħ iżomm?"
7. Alla jħares il-qaddejja tiegħu
[Apk:7:1] Wara dan rajt erba' anġli wieqfa fl-erba' rkejjen ta' l-art, iżommu l-erbat
irjieħ ta' l-art biex ebda riħ ma jonfoħ, la fuq l-art u la fuq il-baħar u fuq
ebda siġra. [Apk:7:2] U rajt anġlu ieħor tiela' bis-siġill ta' Alla l-ħaj min-naħa
tal-lvant, u b'leħen għoli għajjat lill-erba' anġli li lilhom kienet ingħatat
is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u lill-baħar, [Apk:7:3] u qalilhom: "Tagħmlulhomx
ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill
fuq il-ġbin tal-qaddejja ta' Alla tagħna." [Apk:7:4] Mbagħad smajt x'kien l-għadd
ta' l-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillati, minn kull tribų ta'
wlied Iżrael.
[Apk:7:5] Mit-tribų ta' Ġuda ġew issiġillati
tnax-il elf;
tnax-il elf mit-tribų ta' Ruben;
tnax-il elf mit-tribų ta' Gad;
[Apk:7:6] tnax-il elf mit-tribų ta' Aser;
tnax-il elf mit-tribų ta' Neftali;
tnax-il elf mit-tribų ta' Manassi;
[Apk:7:7] tnax-il elf mit-tribų ta' Simgħon;
tnax-il elf mit-tribų ta' Levi;
tnax-il elf mit-tribų ta' Issakar;
[Apk:7:8] tnax-il elf mit-tribų ta' Żebulun;
tnax-il elf mit-tribų ta' Ġużeppi;
tnax-il elf ġew issiġillati mit-tribų ta' Benjamin.
Il-maħturin rebbieħa fis-sema
[Apk:7:9] Wara dan ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista'
jgħoddha, minn kull ġens u tribų, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron
u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f'idejhom.
[Apk:7:10] U għollew leħenhom u bdew jgħidu:
"Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-
Ħaruf."
[Apk:7:11] L-anġli kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar ix-Xjuħ u l-erba'
Ħlejjaq Ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art quddiem it-tron jagħtu qima lil Alla
[Apk:7:12] u jgħidu:
"Amen. It-tifħir u l-glorja,
l-għerf, ir-radd ta' ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla
tagħna, għal dejjem ta' dejjem! Amen."
[Apk:7:13] Mbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: "Dawn li għandhom l-ilbiesi
twal bojod fuqhom min huma, u minfejn ġejjin?" [Apk:7:14] "Inti taf, sinjur",
għedtlu jien. Mbagħad qalli: "Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi
tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.
[Apk:7:15] Għalhekk jinsabu quddiem it-tron
ta' Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq
it-tron
jeħodhom jgħammru taħt il-kenn tiegħu.
[Apk:7:16] Ma jbatux aktar ġuħ,
anqas għatx ma jagħmel bihom aktar;
ix-xemx ma taħkimhomx,
u anqas ebda għomma,
[Apk:7:17] ladarba l-Ħaruf, li hemm f'nofs it-tron,
ikun ir-ragħaj tagħhom;
u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet ta' l-għejun tal-ħajja. U Alla
jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom."
8. Is-seba' siġill: it-talb tal-qaddisin
[Apk:8:1] U meta l-Ħaruf fetaħ is-seba' siġill, fis-sema waqa' skiet għal madwar
nofs siegħa.
[Apk:8:2] Mbagħad rajt illi lis-seba' anġli li qegħdin quddiem Alla ngħatawlhom
seba' trombi.
[Apk:8:3] U ġie anġlu ieħor, b'ċensier tad-deheb, u qagħad ħdejn artal; u tawh
ħafna inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb ta'
quddiem it-tron. [Apk:8:4] U d-duħħan ta' l-inċens tela' mat-talb tal-qaddisin
minn id l-anġlu quddiem Alla. [Apk:8:5] L-anġlu mbagħad ħa ċ-ċensier, mlieh bin-nar
ta' l-artal, u waddbu għal fuq l-art; u beda jinstema' r-ragħad b'ħafna tkarwit
u beraq, u l-art theżhżet.
L-ewwel erba' trombi
[Apk:8:6] Mbagħad is-seba' anġli li kellhom is-seba' trombi tħejjew biex
idoqquhom.
[Apk:8:7] U daqq it-tromba l-ewwel wieħed. U fuq l-art beda nieżel silġ u nar
b'taħlita ta' dmija, u nħarqet waħda minn kull tlieta ta' l-art, nħarqet waħda
minn kull tlieta tas-siġar, u nħarqet il-ħdura kollha tal-ħxejjex.
[Apk:8:8] It-tieni anġlu daqq it-tromba. U waqgħet ġol-baħar bħal muntanja kbira
ta' nar iħeġġeġ, u waħda minn kull tlieta tal-baħar saret demm, [Apk:8:9] mietu
waħda minn kull tlieta tal-ħlejjaq ħajjin li hemm fil-baħar, u nqered ġifen minn
kull tlieta.
[Apk:8:10] U daqq it-tromba t-tielet anġlu. U mis-sema waqgħet kewkba kbira
tħeġġeġ qisha torċa, li xteħtet fuq waħda minn kull tlieta tax-xmajjar u fuq l-għejun
ta' l-ilmijiet.
[Apk:8:11] Issa l-kewkba kien jisimha "Absint".
U waħda minn kull tlieta ta' l-ilmijiet saret imrar ta' l-għaġeb, u, billi l-ilmijiet
imraru, mietu bihom ħafna nies.
[Apk:8:12] U r-raba' anġlu daqq it-tromba. U waqgħet waħda minn tlieta tax-xemx
u waħda minn tlieta tal-qamar, u wkoll kewkba minn kull tlieta, hekk li waħda
minn kull tlieta minnhom iddallmet; id-dawl ma deherx aktar f'waħda minn tlieta
tal-ħin ta' binhar, u hekk ukoll ġralu l-lejl.
[Apk:8:13] Mbagħad ħarist, u smajt leħen qawwi ta' ajkla tittajjar fl-għoli
tas-sema u tgħajjat: "Jaħasra, jaħasra, u ħasra għalihom dawk li jgħammru fl-art
meta jinstemgħu l-bqija tat-trombi li se jdoqqu t-tliet anġli l-oħra!"
9. Il-ħames tromba
[Apk:9:1] U daqq it-tromba l-ħames anġlu. U rajt kewkba li kienet waqgħet
mis-sema fuq l-art, u ngħatalha l-muftieħ tal-bir bla qiegħ. [Apk:9:2] U hi
fetħet il-bir bla qiegħ, u minn ġo fih telgħet daħna, qisha d-daħna ta' forġa li
ma bħalha, hekk li biha x-xemx u l-ajru ddallmu. [Apk:9:3] U minn ġod-daħna
tferrxu ġradijiet fuq l-art, u lilhom ingħatat setgħa bħal dik li għandhom l-iskorpjuni
ta' l-art. [Apk:9:4] U wissewhom biex ma jagħmlu ħsara lil ebda ħaxixa ta'
l-art, lil ebda ħdura jew siġra, imma biss lil dawk il-bnedmin li ma għandhomx
fuq ġbinhom il-marka tas-siġill ta' Alla. [Apk:9:5] Ordnawlhom, iżda, mhux li
joqtluhom, imma li joqogħdu jaħqruhom għal ħames xhur, b'moħqrija bħal dik li
jġibu l-iskorpjuni fuq il-bnedmin meta jigdmuhom. [Apk:9:6] F'dawk il-jiem
il-bnedmin jibdew ifittxu l-mewt bla ma jsibuha; u jixtiequ l-mewt u l-mewt
taħrab minnhom!
[Apk:9:7] Is-sura tal-ġradijiet tixbah lil dik ta' żwiemel imħejjija
għat-taqbida; għandhom fuq rashom bħal kuruni qishom tad-deheb, l-uċuħ tagħhom
bħall-uċuħ tal-bnedmin, [Apk:9:8] xuxithom bħal xuxet in-nisa, snienhom bħal ta'
l-iljuni, [Apk:9:9] il-qoxra ta' sidirhom qisha kurazza tal-ħadid, u l-ħoss ta'
ġwenħajhom tistħajjlu l-ħoss ta' ħafna karrijiet biż-żwiemel imlebbtin
għall-gwerra. [Apk:9:10] Kellhom denbhom bħal ta' l-iskorpjuni, għamla ta' mqass,
u sewwasew fih kienet is-setgħa tagħhom li jaħqru l-bnedmin għal ħames xhur.
[Apk:9:11] U fuqhom kellhom bħala sultan tagħhom l-anġlu tal-bir bla qiegħ, li
ismu bil-Lhudi hu Abaddon, u bil-Grieg Apolljon.
[Apk:9:12] Il-ħasra ta' l-ewwel għaddiet. Ara ġejjin it-tnejn
l-oħra warajha.
Is-sitt tromba
[Apk:9:13] Is-sitt anġlu daqq it-tromba. U mill-erba' rkejjen ta' l-artal tad-deheb
ta' quddiem Alla smajt leħen [Apk:9:14] jgħid lis-sitt anġlu li kellu t-tromba:
"Mur ħoll l-erba' anġli li hemm marbutin fix-xmara l-kbira ta' l-Ewfrat."
[Apk:9:15] U nħallu l-erba' anġli li kienu mħejjija għas-siegħa u l-jum u x-xahar
u s-sena, biex joqtlu wieħed minn kull tlieta minn fost il-bnedmin. [Apk:9:16]
L-eżerċtu tal-ġellieda kien jgħodd mitejn miljun, kif smajt min jgħid.
[Apk:9:17] Fid-dehra li kelli, iż-żwiemel u r-rikkieba tagħhom rajthom hekk:
il-kurazzi tagħhom kienu minn lewn in-nar u l-ġjaċint u l-kubrit; l-irjus
taż-żwiemel kienu qishom irjus ta' ljun; nar, duħħan u kubrit li kienu ħerġin
minn fommhom. [Apk:9:18] B'dawn it-tliet flaġelli, jiġifieri n-nar u d-duħħan u
l-kubrit li kienu ħerġin minn fommhom, nqered bniedem minn kull tlieta,
[Apk:9:19] għax il-qawwa taż-żwiemel kienet tinsab f'fommhom u f'denbhom; għax
denbhom kien qisu serp bir-ras, u bih bdew jagħmluha l-ħsara.
[Apk:9:20] U l-bqija tal-bnedmin li ma nqerdux b'dawn il-flaġelli ma reġgħux
lura mill-għemejjel ta' idejhom u anqas ma waqfu milli jinxteħtu jqimu d-demonji
u l-idoli tad-deheb u tal-fidda, tal-bronż, tal-ġebel u ta' l-injam, li la
jistgħu jaraw, la jisimgħu u lanqas jimxu; [Apk:9:21] anqas ma nidmu mill-qtil u
mis-seħer, miż-żína u mis-serq tagħhom.
10. Il-kastig ta' l-aħħar ġej
[Apk:10:1] U rajt anġlu ieħor ta' saħħa kbira nieżel mis-sema, bi sħaba madwaru,
qawsalla fuq rasu, wiċċu qisu x-xemx, saqajh donnhom kolonni tan-nar, [Apk:10:2]
bi ktejjeb miftuħ f'idu. U hu serraħ siequ l-leminija fuq il-baħar u x-xellugija
fuq l-art, [Apk:10:3] u fetaħ jgħajjat b'leħen qawwi kif jgħajjat iljun, u wara
li samma' l-għajta tiegħu, il-ħoss tas-seba' ragħdiet beda jfaqqa'. [Apk:10:4]
Wara li nstama' l-ħoss tas-seba' ragħdiet jien kont se naqbad nikteb, imma smajt
leħen ġej mis-sema jgħid: "Kull ma qalu s-seba' ragħdiet ħallih moħbi, tniżżlux
fil-kitba." [Apk:10:5] Mbagħad l-anġlu, li kont rajtu wieqaf fuq il-baħar u fuq
l-art, rafa' idu l-leminija lejn is-sema, [Apk:10:6] u ħalef b'dak li hu ħaj
għal dejjem ta' dejjem, li ħalaq is-smewwiet b'kull ma fihom, u d-dinja b'kull
ma fiha, u l-baħar b'kull ma fih; ħalef li ma hemmx aktar dewmien, [Apk:10:7]
imma li meta jinstama' s-seba' anġlu, li kellu jdoqq it-tromba tiegħu, ikun
mitmum il-misteru ta' Alla, li kien ħabbar lill-qaddejja tiegħu l-profeti.
Il-profeta jibla' l-ktieb
[Apk:10:8] Mbagħad il-leħen li kont smajt mis-sema raġa' kellimni u qalli: "Mur
ħu l-ktieb il-miftuħ li hemm f'id l-anġlu wieqaf fuq il-baħar u fuq l-art".
[Apk:10:9] U mort ħdejn l-anġlu u għedtlu jagħtini l-ktejjeb. U qalli: "Ħu, u
ibilgħu, u jsirlek imrar ġo fik, imma ġo ħalqek jiġik ħelu għasel." [Apk:10:10]
Jien ħadt il-ktejjeb minn id l-anġlu u blajtu, u ġo ħalqi ħassejtu ħelu għasel;
iżda meta kiltu, mlieni bl-imrar ġo fija. [Apk:10:11] Mbagħad qaluli: "Int
għandek terġa' tħabbar dwar ħafna popli u ġnus, u ilsna u slaten."
11. Iż-żewġ xhieda
[Apk:11:1] Tawni qasba tal-qjies, donna għasluġ, u qaluli: "Qum, u ħu l-qisien
tat-tempju ta' Alla u ta' l-artal u ta' dawk li qegħdin jagħtu qima fih.
[Apk:11:2] Il-bitħa ta' barra tat-tempju ħalliha, tiħux qisien tagħha, għax dik
ingħatat lill-ġnus, u huma se jdumu tnejn u erbgħin xahar jirfsu fuq il-Belt
Imqaddsa. [Apk:11:3] Imma liż-żewġ xhieda tiegħi nagħtihom li, bl-ilbies tax-xkejjer
fuqhom, iħabbru għal elf, mitejn u sittin jum."
[Apk:11:4] Dawn huma ż-żewġ siġriet taż-żebbuġ u ż-żewġ kandelabri wieqfa
quddiem is-Sid ta' l-art. [Apk:11:5] Jekk xi ħadd jaqbad biex jagħmlilhom ħsara,
joħroġ nar minn fommhom li jibla' l-għedewwa tagħhom. Jekk xi ħadd ikun irid
jagħmlilhom ħsara, hekk ikollu jinqered. [Apk:11:6] Huma għandhom is-setgħa
jagħlqu s-sema biex ma tagħmilx xita matul il-jiem li fihom ikunu qegħdin
iħabbru; għandhom is-setgħa fuq l-ilmijiet biex ibiddluhom f'demm, u li, kull
meta jridu, jidorbu l-art b'kull kastig. [Apk:11:7] U meta jkunu taw ix-xhieda
tagħhom, il-Bhima, li titla' mill-bir bla qiegħ, tagħmlilhom gwerra, tirbaħhom u
toqtolhom. [Apk:11:8] U l-ġisem mejjet tagħhom iħalluh fil-pjazza tal-Belt
il-Kbira, li jsejjħulha b'tixbiha Sodoma u Eġittu, hemm fejn ukoll il-Mulej
tagħhom kien imsallab. [Apk:11:9] Xi wħud mill-popli, mit-tribų, mill-ilsna u
mill-ġnus joqogħdu għal tlitt ijiem u nofs iħarsu lejn il-ġisem mejjet tagħhom,
u ma jħallux li l-iġsma mejta tagħhom jindifnu f'qabar. [Apk:11:10] U dawk li
jkunu jgħammru fuq l-art jifirħu u jithennew minħabba fihom, u jagħtu rigali lil
xulxin, għax dawn iż-żewġ profeti kienu jaħqru lil min jgħammar fuq l-art.
[Apk:11:11] Imma wara tlitt ijiem u nofs daħal fihom spirtu ta' ħajja, ġej minn
Alla, u huma waqfu fuq riġlejhom, u biża' kbir waqa' fuq dawk li kienu qegħdin
iħarsu lejhom. [Apk:11:12] U semgħu leħen qawwi mis-sema jgħidilhom: "Itilgħu
hawn." U huma telgħu lejn is-sema fi sħaba, u l-għedewwa tagħhom baqgħu jħarsu
lejhom. [Apk:11:13] U f'dik is-siegħa saret theżhiża kbira ta' l-art, u ġġarrfet
waħda mill-għaxra tal-Belt; nqerdu f'dik it-theżhiża sebat elef ruħ, u l-bqija
twerwru u taw glorja lil Alla tas-sema.
Is-seba' tromba
[Apk:11:14] It-tieni ħasra għaddiet; u ara, tasal minnufih it-tielet ħasra.
[Apk:11:15] Is-seba' anġlu daqq it-tromba; u ilħna qawwija nstemgħu fis-sema
jgħidu:
"Is-saltna tad-dinja saret ta' Sidna
u tal-Messija tiegħu,
u hu se jsaltan għal dejjem ta' dejjem."
[Apk:11:16] U l-erbgħa u għoxrin Xiħ, li kienu bilqiegħda fuq is-siġġijiet
tagħhom quddiem Alla, nxteħtu għal wiċċhom jagħtu qima lil Alla [Apk:11:17] u
qalu:
"Niżżuk ħajr, Mulej, Alla li tista' kollox,
li int u li kont,
talli ħadt il-qawwa l-kbira tiegħek
u bdejt issaltan.
[Apk:11:18] Il-ġnus imtlew bil-korla,
imma l-korla tiegħek ġiet
u wasal iż-żmien li jsir ħaqq mill-mejtin
u jingħata l-ħlas mistħoqq,
lill-qaddejja tiegħek il-profeti,
lill-qaddisin u 'l dawk li jibżgħu minn ismek,
kemm iż-żgħar u kemm il-kbar,
u jinqerdu dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja."
[Apk:11:19] U nfetaħ it-tempju ta' Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-Arka
tal-Patt tiegħu fit-tempju tiegħu. Mbagħad beda jberraq u kien hemm ħafna
ħsejjes u ragħad u theżhiż u silġ oħxon.
12. Id-dehra tal-mara u d-dragun
[Apk:12:1] U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt
riġlejha, u b'kuruna ta' tnax-il kewkba fuq rasha.
[Apk:12:2] Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati
biex teħles. [Apk:12:3] Mbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir
minn lewn in-nar, b'sebat irjus u għaxart iqrun, u b'seba' dijademi fuq irjusu.
[Apk:12:4] U b'denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom
lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif
tiled lil binha jibilgħu. [Apk:12:5] U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid
jirgħa l-ġnus b'xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem
it-tron tiegħu. [Apk:12:6] U l-Mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha
post imħejji minn Alla, biex hemm jitimgħuha għal elf, mitejn u sittin jum.
[Apk:12:7] Mbagħad qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun.
U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, [Apk:12:8] iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u
ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. [Apk:12:9] U kien imwaddab id-Dragun
il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja
kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.
[Apk:12:10] U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid:
"Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,
u s-Saltna ta' Alla tagħna,
u s-setgħa tal-Messija tiegħu,
għax twaddab 'il barra dak li jixli 'l ħutna,
li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.
[Apk:12:11] U huma ħarġu rebbieħa fuqu
permezz tad-demm tal-Ħaruf
u bis-saħħa tal-kelma li xehdu,
u ma għożżewx ħajjithom,
minkejja saħansitra l-mewt.
[Apk:12:12] Għalhekk ifirħu, smewwiet,
u intom li tgħammru fihom.
Ħażin għalikom, art u baħar,
għax fikom niżel id-Demonju,
b'korla kbira fuqu,
għax jaf li żmien ftit baqagħlu."
[Apk:12:13] Meta d-Dragun ra li safa mwaddab għal fuq l-art, huwa telaq għal
wara l-Mara li wildet it-Tifel. [Apk:12:14] Iżda lill-Mara tawha ż-żewġ ġwienaħ
ta' l-Ajkla l-kbira biex ittir lejn il-post tagħha fid-deżert, fejn għandha tkun
mitmugħa għal żmien, għal żewġ żminijiet, u għal nofs żmien, 'il bogħod mis-Serp.
[Apk:12:15] U s-Serp minn ħalqu xeħet wara l-Mara bħal xmara ta' ilma biex
iġorrha miegħu; [Apk:12:16] imma l-art għenet il-Mara; l-art fetħet ħalqha u
xorbot ix-xmara li d-Dragun kien xeħet minn ħalqu. [Apk:12:17] U d-Dragun imtela
bil-korla għall-Mara, u mar biex jagħmel gwerra mal-bqija ta' nisilha, ma' dawk
li jħarsu l-preċetti ta' Alla u li għandhom ix-xhieda ta' Ġesų. [Apk:12:18] U
waqaf fuq ir-ramel tal-baħar.
13. Id-Dragun jgħaddi l-qawwa tiegħu lill-Bhima
[Apk:13:1] U rajt tielgħa mill-baħar Bhima, li kellha għaxart iqrun u sebat
irjus, b'għaxar dijademi fuq qrunha u isem midgħi fuq irjusha. [Apk:13:2] Il-Bhima
li rajt kienet qisha pantera, riġlejha bħal ta' ors, ħalqha donnu ħalq ta' ljun.
Id-Dragun taha l-qawwa tiegħu u t-tron tiegħu u setgħa kbira. [Apk:13:3] Waħda
mill-irjus tagħha kienet qisha midruba għall-mewt, imma din il-ġerħa għall-mewt
kienet imfejjqa. U d-dinja kollha baqgħet mistagħġba bil-Bhima, [Apk:13:4] u
nxteħtu jagħtu qima lid-Dragun talli għadda s-setgħa tiegħu lill-Bhima, u qiemu
l-Bhima, u qalu: "Min hu bħall-Bhima, u min għandu ħila jitqabad magħha?"
[Apk:13:5] U ngħatalha fomm li jgħid kliem ta' kburija u ta' dagħa, u tawha
wkoll setgħa biex tħaddimha għal tnejn u erbgħin xahar. [Apk:13:6] U fetħet
fommha biex tidgħi kontra Alla, dagħa b'ismu u bil-post fejn jgħammar, b'dawk li
jgħammru fis-sema. [Apk:13:7] U ngħatalha li tagħmel gwerra lill-qaddisin u
tegħlibhom; tawha wkoll setgħa fuq kull tribų u kull poplu, kull ilsien u kull
ġens. [Apk:13:8] U nxteħtu jqimuha dawk kollha li jgħammru fuq l-art, li sa
mit-twaqqif tad-dinja isimhom m'huwiex imniżżel fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf
il-maqtul.
[Apk:13:9] Ħa jisma' min għandu widnejn:
[Apk:13:10] Min għandu jinqabad ilsir,
fil-jasar imur;
u min għandu jmut bis-sejf,
bis-sejf imut.
Fdan qiegħed is-sabar u l-fidi tal-qaddisin.
Il-qaddejja l-ħżiena tal-Bhima
[Apk:13:11] Mbagħad rajt tielgħa mill-art bhima oħra, li kellha żewġt iqrun bħal
ta' ħaruf, u kienet titkellem bħal dragun. [Apk:13:12] Hija tħaddem is-setgħa
kollha tal-Bhima quddiemha stess, u ġġiegħel l-art u 'l dawk li jgħammru fiha
jinxteħtu jqimu l-Bhima ta' qabel, li l-ġerħa tagħha għall-mewt kienet tfejjqet.
[Apk:13:13] U hija tagħmel sinjali kbar, hekk li saħansitra tniżżel nar mis-sema
fuq l-art quddiem il-bnedmin. [Apk:13:14] U tawha s-setgħa li tagħmel is-sinjali
quddiem il-Bhima u bihom hija tqarraq bin-nies ta' l-art, u tgħidilhom isawwru
xbieha lill-Bhima li kienet qalgħet id-daqqa ta' sejf u baqgħet ħajja.
[Apk:13:15] U tawha wkoll is-setgħa li tagħti spirtu ta' ħajja lix-xbieha
tal-Bhima biex hi wkoll titkellem u twassal għall-mewt lil min ma jinxteħetx
iqim ix-xbieha tal-Bhima. [Apk:13:16] Hija ġġiegħel lil kulħadd, iż-żgħar u l-kbar,
l-għonja u l-foqra, il-ħielsa u l-ilsiera, kulħadd issirlu marka fuq idu l-leminija
jew fuq ġbinu, [Apk:13:17] biex ħadd ma jkun jista' jixtri jew ibigħ jekk ma
jkollux fuqu l-marka ta' isem il-Bhima jew tan-numru ta' isimha. [Apk:13:18]
Hawn qiegħed l-għerf: min għandu moħħu, ħa jobsor x'inhu n-numru tal-Bhima, għax
numru ta' bniedem hu. U n-numru tagħha hu sitt mija u sitta u sittin.
14. Sħab il-Ħaruf
[Apk:14:1] Mbagħad ħarist u rajt il-Ħaruf, wieqaf fuq il-muntanja Sijon, u
miegħu mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ, li kellhom ismu u isem Missieru miktub
fuq ġbinhom. [Apk:14:2] U smajt leħen mis-sema, qisu ħoss ta' ħafna ilmijiet,
donnu tkarwit ta' ragħad; u l-leħen li smajt kien bħal dak ta' kitarristi jdoqqu
ċ-ċetri tagħhom. [Apk:14:3] Kienu jgħannu għanja ġdida quddiem it-tron u quddiem
l-erba' Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ. U ħadd ma seta' jitgħallimha dik l-għanja,
ħlief il-mija u erbgħa u erbgħin elf, il-mifdija mill-art. [Apk:14:4] Dawn huma
li ma tniġġsux man-nisa, għax huma verġni; huma li jimxu wara l-Ħaruf kull fejn
imur; huma kienu mifdija minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u
għall-Ħaruf, [Apk:14:5] u minn fommhom qatt ma ħarġet gidba; bla tebgħa huma.
It-tliet anġli li jħabbru l-Ġudizzju
[Apk:14:6] Mbagħad rajt anġlu ieħor jittajjar fl-għoli tas-sema, bl-Evanġelju ta'
dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribų, lsien u
poplu; [Apk:14:7] u b'leħen qawwi beda jgħid: "Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja,
għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu, u nxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-sema
u l-art u l-baħar u l-għejun ta' l-ilmijiet."
[Apk:14:8] U anġlu ieħor, it-tieni wieħed, ġie warajh jgħid: "Iġġarrfet,
iġġarrfet Babilonja l-Kbira, dik li sqiet il-ġnus kollha bl-inbid ibaqbaq
taż-żína tagħha."
[Apk:14:9] U anġlu ieħor, it-tielet wieħed, ġie warajhom jgħid b'leħen qawwi:
"Min jinxteħet iqim il-Bhima u x-xbieha tagħha u jieħu l-marka fuq ġbinu jew fuq
idu, [Apk:14:10] hu wkoll jixrob mill-inbid tal-korla ta' Alla li hemm imferragħ
safi fit-tazza tal-qilla tiegħu, u jinħaqar b'nar u kubrit quddiem l-anġli
qaddisin u quddiem il-Ħaruf. [Apk:14:11] U d-duħħan tat-tbatija tagħhom jitla'
għal dejjem ta' dejjem; u ma jkollhomx mistrieħ, la billejl u lanqas binhar,
dawk li jinxteħtu jqimu l-Bhima u x-xbieha tagħha u min jieħu l-marka ta' isimha."
[Apk:14:12] F'dan qiegħed is-sabar tal-qaddisin, ta' dawk li jħarsu l-preċetti
ta' Alla u l-fidi f'Ġesų.
[Apk:14:13] Mbagħad smajt leħen mis-sema jgħid: "Ikteb: Hienja minn issa l-mejtin
li jmutu fil-Mulej. Iva, jgħid l-Ispirtu, huma jistrieħu mit-taħbit kollu
tagħhom, għax l-għemejjel tagħhom imorru magħhom."
Il-ħsad u l-ġbir tal-ġnus ta' l-art
[Apk:14:14] Ħarist, u rajt sħaba bajda, u fuq is-sħaba kien hemm bilqiegħda
wieħed donnu Iben ta' bniedem, b'kuruna tad-deheb fuq rasu u minġel misnun f'idu.
[Apk:14:15] U mit-tempju ħareġ anġlu ieħor jgħajjat b'leħen qawwi lil dak li
kien bilqiegħda fuq is-sħaba: "Midd il-minġel tiegħek u aħsad, għax waslet is-siegħa
biex taħsad, għax il-ħsad ta' l-art misjur sewwa." [Apk:14:16] U dak li kien
bilqiegħda fuq is-sħaba xejjer il-minġel tiegħu, u l-art sarilha l-ħsad.
[Apk:14:17] U mbagħad mit-tempju li hemm fis-sema ħareġ anġlu ieħor, li kellu hu
wkoll minġel misnun. [Apk:14:18] U anġlu ieħor, li kellu s-setgħa fuq in-nar,
ħareġ minn ħdejn l-artal u għajjat b'leħen qawwi lil dak li kellu l-minġel
misnun u qallu: "Midd int il-minġel il-misnun, u iġbor l-għenieqed tad-dielja ta'
l-art, għax l-għeneb tagħha sar." [Apk:14:19] U l-anġlu xejjer il-minġel tiegħu
lejn l-art, qata' l-għenieqed tad-dielja ta' l-art, u xeħethom fil-magħsra l-kbira
tal-korla ta' Alla; [Apk:14:20] mbagħad bdew jisħqu l-għeneb fil-magħsra barra
l-belt, u mill-magħsra ħareġ demm hekk li laħaq sal-ħadid ta' l-ilġiem
taż-żwiemel f'wesgħa ta' elf u sitt mitt stadju.
15. Il-martri jgħannu l-kantiku ta' Mosč
[Apk:15:1] Mbagħad fis-sema rajt sinjal ieħor, kbir u ta' l-għaġeb: seba' anġli
li kellhom seba' kastigi, dawk ta' l-aħħar, li bihom kellha tintemm il-korla ta'
Alla.
[Apk:15:2] U rajt bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar, u weqfin fuq il-baħar
tal-ħġieġ rajt lil dawk li kienu ħarġu rebbieħa fuq il-Bhima u fuq xbihitha u n-numru
ta' isimha; b'ċetri ta' Alla f'idejhom, [Apk:15:3] huma jgħannu l-kantiku ta'
Mosč l-qaddej ta' Alla u l-kantiku tal-Ħaruf, u jgħidu:
"Kbar u ta' l-għaġeb l-għemejjel tiegħek,
Mulej, Alla li tista' kollox;
ġusti u veri t-triqat tiegħek,
Sultan tal-ġnus.
[Apk:15:4] Min, Mulej, ma jibżax minnek
u ma jsebbaħx lil ismek?
Għax int waħdek qaddis;
il-ġnus kollha jiġu
u jinxteħtu quddiemek,
għax il-ġudizzji tiegħek intwerew."
Is-seba' kastigi tas-seba' bwieqi
[Apk:15:5] Wara dan jiena ħarist, u fis-sema nfetaħ it-Tempju, it-tinda tax-Xhieda
Miktuba, [Apk:15:6] u mit-Tempju ħarġu s-seba' anġli bis-seba' kastigi; kienu
lebsin għażel safi jgħammex l-għajnejn u mdawwrin ma' sidirhom kellhom ħżimijiet
tad-deheb. [Apk:15:7] U wieħed mill-erba' Ħlejjaq Ħajjin ta lis-seba' anġli seba'
bwieqi tad-deheb, mimlijin bil-korla ta' Alla li hu ħaj għal dejjem ta' dejjem.
[Apk:15:8] U t-Tempju mtela bid-duħħan ħiereġ mill-glorja ta' Alla u mill-qawwa
tiegħu, u ħadd ma kien jista' jidħol fit-Tempju sa ma ntemmu s-seba' kastigi
tas-seba' anġli.
16. [Apk:16:1] U smajt leħen qawwi ġej mit-Tempju u jgħid lis-seba' anġli: "Morru,
ferrgħu s-seba' bwieqi tal-korla ta' Alla fuq l-art."
[Apk:16:2] U l-ewwel wieħed mar u ferragħ il-bieqja tiegħu fuq l-art. U ġerħa
kerha u ta' wġigħ kbir ġiet fuq il-bnedmin li kellhom fuqhom il-marka tal-Bhima
u fuq dawk li nxteħtu jqimu x-xbieha tagħha.
[Apk:16:3] U t-tieni wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fuq il-baħar. U dan sar
qisu d-demm ta' wieħed mejjet, u nqerdet kull ħliqa ħajja li kien hemm fil-baħar.
[Apk:16:4] Mbagħad it-tielet wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fuq ix-xmajjar u l-għejun
ta' l-ilmijiet. U dawn saru demm.
[Apk:16:5] U smajt l-anġlu ta' l-ilmijiet jgħid:
"Ġust int, int li hu u li kien, Qaddis int,
għax għamilt ħaqq minn dawn;
[Apk:16:6] għax huma xerrdu demm il-qaddisin u l-profeti,
u lilhom tajthom demm x'jixorbu:
hekk ħaqqhom."
[Apk:16:7] U smajt l-artal jgħid:
"Iva, Mulej, Alla li tista' kollox, veri u ġusti huma l-ġudizzji
tiegħek."
[Apk:16:8] U r-raba' wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fuq ix-xemx. U ngħata lilha
li taħraq il-bnedmin bin-nar; [Apk:16:9] u l-bnedmin inħarqu bi ħruq kbir, u
bdew jidgħu bl-isem ta' Alla li għandu s-setgħa fuq dawn il-kastigi, u ma nidmux
biex jagħtuh glorja.
[Apk:16:10] Mbagħad il-ħames wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fuq it-tron
tal-Bhima. U s-saltna tagħha ddallmet, u n-nies bl-uġigħ bdew igiddmu lsienhom
bi snienhom, [Apk:16:11] u jidgħu b'Alla tas-sema minħabba l-uġigħat u l-ġerħat
tagħhom, u ma ġithomx indiema mill-għemejjel tagħhom.
[Apk:16:12] U s-sitt wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fuq ix-xmara l-kbira ta' l-Ewfrat.
U l-ilma tagħha nixef, hekk li nfetħet triq għas-slaten tal-lvant. [Apk:16:13]
Mbagħad minn fomm id-Dragun, minn fomm il-Bhima u minn fomm il-Profeta Qarrieq
rajt ħerġin tliet spirti mniġġsin qishom żrinġijiet: [Apk:16:14] għax dawn huma
spirti ta' demonji li jagħmlu sinjali li joħorġu għal għand is-slaten tad-dinja
kollha ħalli jiġbruhom għall-gwerra ta' nhar il-Jum il-kbir ta' Alla li jista'
kollox. [Apk:16:15] (Arani ġej bħal ħalliel! Hieni min jishar u jieħu ħsieb l-ilbiesi
tiegħu biex ma jimxix għarwien u jarawlu l-għera tiegħu.) [Apk:16:16] Mbagħad
jiġbruhom fil-post li bil-Lhudi jsejjħulu Ħarmagedon.
[Apk:16:17] U s-seba' wieħed ferragħ il-bieqja tiegħu fl-ajru. U mit-Tempju,
min-naħa tat-tron, ħareġ leħen qawwi jgħid: "Seħħ!" [Apk:16:18] U beda jleħħ
il-beraq, bi ħsejjes u tkarwit ta' ragħad, u sar terremot hekk kbir li bħalu
qatt ma sar kemm ilu l-bniedem fuq l-art, theżhiż bħal dak hekk kbir!
[Apk:16:19] U l-Belt il-Kbira nqasmet fi tlieta, u l-bliet tal-ġnus iġġarrfu, u
Babilonja l-Kbira ftakar fiha Alla biex jagħtiha t-tazza bl-inbid ibaqbaq
tal-qilla tiegħu. [Apk:16:20] U ħarbet kull gżira, u l-muntanji ma nstabux iżjed.
[Apk:16:21] U silġ oħxon, kull waħda tqila daqs talent, niżel mis-sema fuq
il-bnedmin, u l-bnedmin ħaduha kontra Alla minħabba fil-kastig tas-silġ għax
kbir wisq hu dan il-kastig.
17. Il-Prostituta l-Kbira u l-Bhima
[Apk:17:1] Mbagħad ġie wieħed mis-seba' anġli li kellhom is-seba' bwieqi,
kellimni u qalli: "Ejja ħa nurik il-ħaqq isir miż-Żienja l-Kbira li hi
bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet; [Apk:17:2] kien magħha li waqgħu fiż-żína s-slaten
ta' l-art, u bl-inbid taż-żína tagħha sikru dawk li jgħammru fuq l-art."
[Apk:17:3] U bil-qawwa ta' l-Ispirtu ħadni fid-deżert, u rajt Mara riekba fuq
Bhima ta' lewn aħmar dagħmieni, mimlija b'ismijiet midgħajja, li kellha sebat
irjus u għaxart iqrun. [Apk:17:4] U l-Mara kellha fuqha lbies tal-porpra u ta'
lewn aħmar skarlatt, b'tagħmira deheb fuqha u ħaġar prezzjuż u ġawhar, u b'tazza
tad-deheb f'idha, mimlija bil-qżiżijiet u l-ħmiġijiet taż-żína tagħha.
[Apk:17:5] Fuq ġbinha kellha miktub isem misterjuż: "Babilonja l-Kbira, omm in-nisa
żienja u l-qżiżijiet ta' l-art." [Apk:17:6] U rajt il-Mara fis-sakra bid-demm
tal-qaddisin u bid-demm tal-martri ta' Ġesų.
Jien tnixxift inħares lejn dan il-għaġeb kbir. [Apk:17:7] U qalli l-anġlu: "Għaliex
tistagħġeb? Se ngħidlek jien x'inhu l-misteru tal-Mara u tal-Bhima b'sebat irjus
u għaxart iqrun li qiegħda żżommha fuqha."
It-tixbiha tal-Bhima u tal-Mara Prostituta
[Apk:17:8] "Il-Bhima li int rajt, kienet, imma m'għadhiex iżjed; issa se titla'
mill-bir bla qiegħ biex tmur għall-qerda tagħha. U dawk li jgħammru fuq l-art,
li sa mit-twaqqif tad-dinja isimhom m'huwiex imniżżel fil-ktieb tal-ħajja,
jistagħġbu huma u jaraw il-Bhima, li kienet u li m'għadhiex iżjed u li għad
terġa' tidher. [Apk:17:9] Hawn jenħtieġ moħħ li jkollu l-għerf! Is-sebat irjus
huma s-seba' muntanji li fuqhom hi bilqiegħda l-Mara. U huma wkoll is-seba'
slaten. [Apk:17:10] Ħamsa minnhom waqgħu, wieħed għadu hawn, u ieħor għadu ma
ġiex, u, meta jiġi, ikollu jdum ftit. [Apk:17:11] U l-Bhima, li kienet u ma
għadhiex iżjed, hi stess hija t-tmien waħda, imma wkoll waħda mis-sebgħa, u
sejra għall-qerda tagħha. [Apk:17:12] U l-għaxart iqrun li rajt huma għaxar
slaten; huma għadhom ma ħadux is-saltna, iżda għad jieħdu s-setgħa ta' slaten
għal siegħa waħda biss flimkien mal-Bhima. [Apk:17:13] Dawn fehma waħda għandhom,
li jagħtu l-qawwa u s-setgħa tagħhom lill-Bhima. [Apk:17:14] Għad jagħmlu gwerra
lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom, għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten,
flimkien ma' dawk li huma miegħu msejjħin u magħżulin u fidili."
[Apk:17:15] U ssokta jgħidli: "L-ilmijiet li rajt, fejn hemm bilqiegħda ż-Żienja,
huma popli u folol ta' nies u ġnus u ilsna. [Apk:17:16] U l-għaxart iqrun u l-Bhima
li rajt, dawn ikollhom mibegħda għall-Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u
jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-nar. [Apk:17:17] Għax Alla
webbilhom biex jagħmlu l-fehma tiegħu, ħalli huma wkoll fehma waħda jkollhom, li
jagħtu s-saltna tagħhom lill-Bhima, sa ma l-kliem ta' Alla jkun seħħ.
[Apk:17:18] U l-Mara li rajt hija l-Belt il-Kbira, li għandha s-saltna fuq is-slaten
ta' l-art."
18. Anġlu jħabbar il-waqgħa ta' Babilonja
[Apk:18:1] Wara dan rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b'setgħa kbira, u l-art
imtliet bid-dawl tal-glorja tiegħu. [Apk:18:2] U għajjat b'leħen qawwi u qal:
"Iġġarrfet, iġġarrfet Babilonja l-Kbira,
u saret għamara tad-demonji,
saret ħabs ta' l-ispirti mniġġsin kollha,
ħabs tat-tajr imniġġes u mibgħud kollu;
[Apk:18:3] għax mill-inbid ibaqbaq taż-żína tagħha
xorbu l-ġnus kollha,
u s-slaten ta' l-art waqgħu fiż-żína
magħha, u l-merkanti ta' l-art stagħnew
bil-ħala bla rażan tagħha."
Il-ħarba tal-poplu ta' Alla
[Apk:18:4] Mbagħad smajt leħen ieħor mis-sema jgħid:
"Oħorġu minnha, poplu tiegħi,
biex ma jkollkomx x'taqsmu magħha fi dnubietha,
u biex mill-kastigi tagħha
ma tiħdux sehem.
[Apk:18:5] Għax dnubietha saru munzell għoli sas-sema,
u Alla ftakar fl-għemejjel ħżiena tagħha.
[Apk:18:6] Roddulha skond ma hi stess radditilkom,
ħallsuha d-doppju għal li għamlitilkom,
ħawwrulha d-doppju fit-tazza li ħawwret hi.
[Apk:18:7] Daqskemm issebbħet u tatha għall-ħala,
daqshekk ieħor ġagħluha tbati u nikktuha,
għax hija f'qalbha tgħid:
'Jiena sultana bilqiegħda fuq it-tron,
m'iniex armla,
u tassew li n-niket ma nafx bih.'
[Apk:18:8] Għalhekk f'jum wieħed jiġuha l-kastigi tagħha:
mewt u niket u ġuħ,
u fin-nar għad tinħaraq,
għax setgħani hu l-Mulej li jagħmel
ħaqq minnha."
Lamentazzjoni fuq Ruma
[Apk:18:9] Mbagħad is-slaten ta' l-art, li kienu tawha għaż-żína u għall-ħala
magħha, jibdew jibku u jagħtu fuq sidirhom minħabba fiha meta jaraw id-duħħan
tal-ħuġġieġa tagħha, [Apk:18:10] u jieqfu 'l bogħod, kollhom biża' mit-tbatija
tagħha, u jgħidu:
"Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
Babilonja, il-belt setgħana!
Kif sarlek f'siegħa waħda l-ħaqq tiegħek!"
[Apk:18:11] Il-merkanti ta' l-art jibku u jitnikktu minħabba fiha, għax
il-biegħa tagħhom ħadd iżjed ma jkun jixtriha, [Apk:18:12] biegħa ta' deheb u
fidda, ħaġar prezzjuż u ġawhar, għażel fin, porpra, ħarir u drapp ta' l-iskarlatt,
kull xorta ta' injam ifuħ, kull xorta ta' oġġetti ta' l-avorju u ta' injam jiswa
ħafna, bronż, ħadid, rħam, [Apk:18:13] ħwawar tal-kannella u ħxejjex tal-balzmu,
fwieħa, mirra, inċens, nbid u żejt, smid u qamħ, bhejjem u nagħaġ, żwiemel u
karrijiet, lsiera u nies għall-bejgħ.
[Apk:18:14] "U tbiegħed minnek
il-frott imwaħħar li għalih kont tixxennaq,
u kull tħaxxim u tlellix intilef għalik,
u żgur li qatt iżjed ma jinstab!"
[Apk:18:15] Il-merkanti ta' dawn il-ħwejjeġ, li stagħnew minn fuqha, jieqfu 'l
bogħod, mbikkija u mnikkta, kollhom biża' mit-tbatija tagħha, [Apk:18:16] u
jgħidu:
"Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
li kienet tilbes għażel fin,
u porpra u drapp ta' l-iskarlatt,
b'tagħmir ta' deheb fuqha,
u ħaġar prezzjuż u ġawhar!
[Apk:18:17] Kif f'siegħa waħda ġie fix-xejn dan l-għana kollu."
U l-bdoti u n-nies tal-baħar, il-baħrin u dawk kollha li jaħdmu fil-baħar, waqfu
l bogħod, [Apk:18:18] u bdew jgħajjtu xħin raw id-duħħan tal-ħuġġieġa tagħha, u
qalu:
"Min kien bħall-Belt il-Kbira!"
[Apk:18:19] U xeħtu t-trab fuq rashom, u nfexxew f'biki u niket u qalu:
"Jaħasra, jaħasra, il-Belt il-Kbira,
li mill-kotra tal-ġid tagħha
stagħna kull min għandu l-iġfna fuq il-baħar!
Kif f'siegħa waħda ġiet fix-xejn!"
[Apk:18:20] Ifraħ, sema, minħabba fiha,
u intom ukoll, qaddisin u appostli u profeti,
għax Alla tħallas minnha għalikom!
[Apk:18:21] Mbagħad wieħed anġlu ta' saħħa kbira rafa' ġebla kbira tal-mitħna,
waddabha fil-baħar u qal:
"Hekk b'saħħa tintrema
Babilonja, il-Belt il-Kbira,
u ma tinstabx iżjed.
[Apk:18:22] U fik ma jinstemax iżjed
id-daqq tal-kitarristi u l-leħen ta' l-għannejja;
tad-daqqaqa tal-flawt u tat-trombi;
ebda mgħallem ta' ebda sengħa
ma jinstab iżjed ġewwa fik;
fik aktar ma tinstamax
l-għanja tal-mitħna;
[Apk:18:23] fik aktar ma jiddix
id-dawl tal-musbieħ;
l-għana ta' l-għarus u ta' l-għarusa
fik aktar ma jinstamax.
Għax il-merkanti tiegħek kienu l-kbarat ta' l-art,
u bis-seħer tiegħek tqarrqu l-ġnus kollha."
[Apk:18:24] U fiha nstab id-demm tal-profeti u tal-qaddisin u tal-maqtulin
kollha fuq l-art.
19. Għanja ta' rebħ fis-sema
[Apk:19:1] Wara dan smajt bħal leħen qawwi ta' kotra kbira fis-sema jgħidu:
"Hallelujah!
Is-Salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa ta' Alla tagħna,
[Apk:19:2] għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu;
għax għamel ħaqq miż-Żienja l-Kbira,
dik li ħassret l-art biż-żína tagħha,
u tħallas minnha
tad-demm tal-qaddejja tiegħu."
[Apk:19:3] U reġgħu qalu:
"Hallelujah!
Iva, id-duħħan tagħha tiela'
għal dejjem ta' dejjem."
[Apk:19:4] U l-erbgħa u għoxrin Xiħ u l-erba' Ħlejjaq Ħajjin inxteħtu jagħtu
qima lil Alla li qiegħed fuq it-tron, u qalu:
"Amen! Hallelujah!"
It-tieġ tal-Ħaruf
[Apk:19:5] U ġie leħen mit-tron jgħid:
"Faħħru lil Alla tagħna,
qaddejja tiegħu kollha,
u intom li tibżgħu minnu,
kemm żgħar u kemm kbar."
[Apk:19:6] U smajt bħal leħen ta' kotra kbira u bħal ħoss ta' ilmijiet kotrana u
bħal tkarwit ta' ragħad qawwi, jgħidu:
"Hallelujah!
Għax ħa s-saltna l-Mulej,
Alla tagħna li jista' kollox.
[Apk:19:7] Nifirħu u nithennew
u nagħtuh glorja,
għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf,
u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha,
[Apk:19:8] u lilha ngħata li tilbes
għażel fin jgħammex l-għajnejn -
għax l-għażel fin ifisser l-għemejjel
tajba tal-qaddisin."
[Apk:19:9] Mbagħad qalli: "Ikteb: Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda
tat-tieġ tal-Ħaruf." Qalli: "Dan hu kliem tassew ta' Alla." [Apk:19:10] U jiena
nżilt f'riġlejh quddiemu u nxtħett nagħtih qima; iżda hu qalli: "Hekk le! Jiena
qaddej bħalek u bħal ħutek li għandhom ix-xhieda ta' Ġesų. Il-qima lil Alla
tagħtiha." Għax ix-xhieda ta' Ġesų hi l-ispirtu tal-profezija.
L-ewwel taqbida kontra l-ġnus pagani: Ir-Rikkieb fuq żiemel abjad
[Apk:19:11] Mbagħad rajt is-sema miftuħ, u kien hemm żiemel abjad! Dak li kien
riekeb fuqu jissejjaħ Fidil u Veru; bil-ġustizzja hu jaqta' l-ħaqq u jagħmel
il-gwerra. [Apk:19:12] Għajnejh qishom ħuġġieġa nar, b'ħafna dijademi fuq rasu,
u b'isem miktub fuqu li ħadd ħliefu ma jafu. [Apk:19:13] Kien liebes mantell
imxarrab bid-demm, u jissejjaħ bl-isem "il-Kelma ta' Alla". [Apk:19:14] Mexjin
warajh, fuq żwiemel bojod, kien hemm l-eżerċti tas-sema, lebsin l-għażel abjad
bla nikta. [Apk:19:15] Minn fommu ħierġa xabla misnuna, biex jolqot il-ġnus, u
jmexxihom b'xettru tal-ħadid. Huwa jisħaq l-inbid ibaqbaq fil-magħsra tal-korla
ta' Alla li jista' kollox. [Apk:19:16] Fuq il-mantell u fuq koxxtu għandu miktub
isem: "Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien."
[Apk:19:17] U rajt wieħed anġlu wieqaf fuq ix-xemx, u qabad jgħajjat b'leħen
qawwi u jgħid lit-tjur kollha li jittajjru fl-għoli tas-smewwiet: "Ejjew,
inġabru flimkien għall-mejda l-kbira ta' Alla. [Apk:19:18] Ħalli tieklu laħam
is-slaten, laħam il-kaptani, laħam is-setgħana, laħam iż-żwiemel u r-rikkieba
tagħhom, il-laħam ta' kulħadd, sew ħielsa u sew ilsiera, kemm żgħar u kemm kbar."
[Apk:19:19] Mbagħad rajt il-Bhima u s-slaten kollha ta' l-art u l-eżerċti
tagħhom, miġbura flimkien biex jagħmlu gwerra lil dak li kien riekeb fuq
iż-żiemel u lill-eżerċtu tiegħu. [Apk:19:20] U l-Bhima nqabdet, u wkoll
il-Profeta Qarrieq li quddiemha kien jagħmel is-sinjali li bihom kien qarraq
b'dawk li ħadu l-marka tal-Bhima u li nxteħtu jqimu x-xbieha tagħha. U t-tnejn
twaddbu ħajjin fil-belliegħa tan-nar jaqbad tal-kubrit. [Apk:19:21] U l-bqija
sfaw maqtula bix-xabla li kienet ħarġet minn fomm dak li kien riekeb fuq
iż-żiemel, u t-tajr kollu kililhom laħamhom sa xaba'.
20. Is-Saltna ta' elf sena
[Apk:20:1] U rajt nieżel mis-sema anġlu, bil-muftieħ tal-bir bla qiegħ u katina
kbira f'idu. [Apk:20:2] U huwa qabad id-Dragun, is-Serp tal-qedem, li hu d-Demonju
u x-Xitan, u rabtu għal elf sena, [Apk:20:3] u waddbu fil-bir bla qiegħ, li
mbagħad għalqu fuqu u ssiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu
l-elf sena. Wara dawn imbagħad ikun meħtieġ li jinħall għal ftit taż-żmien.
[Apk:20:4] U rajt tronijiet, u fuqhom qagħdu bilqiegħda xi wħud li lilhom
ngħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħaqq. Rajt ukoll l-erwieħ ta' dawk li kienu
qatgħulhom rashom minħabba fix-xhieda ta' Ġesų u l-Kelma ta' Alla, u lil dawk li
ma kinux inxteħtu jagħtu qima lill-Bhima u lix-xbieha tagħha, u li ma ħadux
il-marka fuq ġbinhom u fuq idhom. U dawn bdew jgħixu u jsaltnu ma' Kristu għal
elf sena.
[Apk:20:5] Il-bqija tal-mejtin ma reġgħux ħadu l-ħajja sa ma jkunu ntemmu l-elf
sena. [Apk:20:6] Hieni u qaddis min għandu sehem fl-ewwel qawmien ta' l-imwiet;
it-tieni mewt ma għandha ebda setgħa fuq dawn, imma jkunu qassisin ta' Alla u ta'
Kristu, u jsaltnu miegħu matul l-elf sena.
It-tieni taqbida: Ir-rebħa fuq ix-Xitan
[Apk:20:7] U meta jintemmu l-elf sena, ix-Xitan jinħall mill-ħabs tiegħu,
[Apk:20:8] u joħroġ iqarraq bil-ġnus li jinsabu fl-erba' rkejjen ta' l-art,
jiġifieri Gog u Magog, u jiġborhom għall-gwerra f'kotra kbira daqs ir-ramel
tal-baħar. [Apk:20:9] Huma telgħu fuq il-wisa' kollu ta' l-art u dawwru l-kamp
tal-qaddisin u l-Belt l-għażiża. Imma mis-sema niżel nar u belagħhom.
[Apk:20:10] Mbagħad id-Demonju, li kien qarraq bihom, sab ruħu mwaddab
fil-belliegħa ta' nar u kubrit, fejn hemm ukoll il-Bhima u l-Profeta Qarrieq, u
jibqgħu jbatu lejl u nhar għal dejjem ta' dejjem.
Il-ġudizzju mit-tron kbir abjad, kontra l-ġnus pagani
[Apk:20:11] Rajt imbagħad tron kbir abjad u 'l dak li hu bilqiegħda fuqu. L-art
u s-sema ħarbu minn quddiemu, bla ma nstab post għalihom. [Apk:20:12] U rajt
il-mejtin, kbar u żgħar, quddiem it-tron. U nfetħu l-kotba. Nfetaħ ukoll ktieb
ieħor, dak tal-ħajja. Mbagħad il-mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom,
skond ma kienu mniżżla fil-kotba.
[Apk:20:13] Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll
il-Mewt u l-Qiegħ ta' l-art raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull
wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu. [Apk:20:14] Mbagħad
il-Mewt u Post il-Mejtin ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar - din l-għadira tan-nar
hija t-tieni mewt. [Apk:20:15] Hekk ukoll min ma nstabx imniżżel fil-ktieb
tal-ħajja, kien mixħut fil-belliegħa tan-nar.
21. Ġerusalemm: il-Belt il-qaddisa
[Apk:21:1] U rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta' qabel u l-art ta'
qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. [Apk:21:2] U l-Belt il-qaddisa,
Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal
għarusa mżejjna għall-għarus tagħha. [Apk:21:3] U smajt leħen qawwi ġej mit-tron
jgħid: "Din hi l-għamara ta' Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma
jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. [Apk:21:4] Hu
jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki
jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta' qabel."
[Apk:21:5] Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: "Ara, se nġedded kollox."
Qalli: "Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u ta' min joqgħod fuqhom."
[Apk:21:6] U qalli mbagħad: "Seħħu! Jiena l-Alfa u l-Omega, il-Bidu u t-Tmiem.
Lil min hu bil-għatx jiena nisqih b'xejn mill-għajn tal-Ħajja. [Apk:21:7] Dawn
jirithom ir-rebbieħ; u jiena nkun Alla tiegħu u hu jkun ibni. [Apk:21:8] Imma
għall-ġwejjef, għal min ma baqax fidil, għal dawk ta' ħajja mħassra,
għall-qattiela, għaż-żienja, għas-saħħara, għall-idolatri u għall-giddieba
kollha, sehemhom ikun fil-belliegħa tan-nar iħeġġeġ u tal-kubrit; din hi t-tieni
mewt."
Il-glorja ta' l-Għarusa, mart il-Ħaruf
[Apk:21:9] Mbagħad wieħed mis-seba' anġli, dawk tas-seba' bwieqi bl-aħħar seba'
kastigi, ġie jkellimni u qalli: "Ejja nurik l-Għarusa, mart il-Ħaruf."
[Apk:21:10] U ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt
il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, [Apk:21:11] bil-glorja ta'
Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs
il-kristall. [Apk:21:12] Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-l
anġlu fil-bibien li fuqhom hemm miktuba ismijiet, l-ismijiet tat-tnax-il tribų
ta' wlied Iżrael. [Apk:21:13] Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa
tal-lvant, tlieta għan-naħa tat-tramuntana, tlieta għan-naħa tan-nofsinhar, u
tlieta għan-naħa tal-punent. [Apk:21:14] U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il
pedament, li fuqhom hemm it-tnax-l isem tat-tnax-l appostlu tal-Ħaruf.
[Apk:21:15] Dak li kien qiegħed ikellimni kellu qasba tal-qjies, tad-deheb, biex
jieħu l-qisien tal-Belt u tal-bibien u l-ħajt tagħha, [Apk:21:16] belt kwadra,
tul u wisa' wieħed. U ħa l-qjies tal-Belt bil-qasba, tul ta' tnax-il elf stadju;
tul u wisa' u għoli fiha l-istess. [Apk:21:17] U ħa wkoll il-qjies tal-ħajt
tagħha, mija u erbgħa u erbgħin driegħ b'qjies ta' bniedem, jiġifieri ta' anġlu.
[Apk:21:18] Il-bini tal-ħajt huwa tal-ġaspru, u l-Belt deheb fin, ċar
bħall-ħġieġ. [Apk:21:19] Il-ħajt tal-Belt għandu pedamenti mogħnija b'kull xorta
ta' ħaġar prezzjuż: l-ewwel pedament ġaspru, it-tieni saffir, it-tielet
kalċedonju, ir-raba' żmerald, [Apk:21:20] il-ħames sardoniċi, is-sitta kornalina,
is-seba' krisolitu, it-tmienja berill, id-disa' topazju, l-għaxar krisopazju,
il-ħdax ġjaċint, u t-tnax ametist. [Apk:21:21] U t-tnax-il bieb huma tnax-il
ġawhra, kull bieb magħmul minn ġawhra waħda. Il-pjazza tal-belt hi tad-deheb
fin, tleqq qisha ħġieġa.
[Apk:21:22] Ebda tempju ma rajt fiha, għax il-Mulej hu t-tempju tagħha, Alla li
jista' kollox, u l-Ħaruf. [Apk:21:23] U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar
biex idawwluha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta' Alla, u l-musbieħ
tagħha l-Ħaruf. [Apk:21:24] Il-ġnus jimxu bid-dawl tagħha, u s-slaten ta' l-art
iġibulha l-glorja tagħhom. [Apk:21:25] Il-bibien tagħha ma jingħalqux binhar,
għax lejl hemmhekk ma jkunx hemm. [Apk:21:26] U jġibu fiha l-glorja u l-ġieħ
tal-ġnus. [Apk:21:27] Imma ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa, ħadd li jagħmel
ħwejjeġ mistkerrha, ebda ħaġa b'oħra ma tidħol, imma biss dawk li tniżżlu
fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf.
22. [Apk:22:1] Mbagħad l-anġlu wrieni x-xmara ta' l-ilma tal-Ħajja, ċara daqs
il-kristall, tgelgel mit-tron ta' Alla u tal-Ħaruf. [Apk:22:2] F'nofs il-pjazza
tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott ta'
tnax-il xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma
duwa tajba għall-ġnus.
[Apk:22:3] Ebda saħta ma jkun hemm iżjed. Fiha jkollha t-tron ta' Alla u
tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh, [Apk:22:4] jaraw wiċċu, u jkollhom ismu
fuq ġbinhom. [Apk:22:5] Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta'
musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu
għal dejjem ta' dejjem.
Il-miġja ta' Kristu
[Apk:22:6] Mbagħad qalli: "Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta' min joqgħod fuqhom:
il-Mulej stess, Alla ta' l-ispirti tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex
jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. [Apk:22:7]
Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb."
[Apk:22:8] Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha. U,
wara li smajthom u rajthom, nżilt quddiem l-anġlu li wrihomli biex nagħtih qima
f'riġlejh, [Apk:22:9] imma qalli: "Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek
il-profeti, u bħal dawk li jħarsu l-kelmiet ta' dan il-ktieb. Il-qima lil Alla
agħtiha."
[Apk:22:10] Qalli: "Il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb tagħlaqhomx
b'siġill, għax qorob iż-żmien. [Apk:22:11] Min jagħmel il-ħażen, erħilu jagħmel
iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed. Min jagħmel is-sewwa, ħa jżid
jagħmel is-sewwa; u min hu qaddis jalla jkompli jitqaddes.
[Apk:22:12] "Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli nrodd lil kull
wieħed skond ma ħaqqu għal għemilu. [Apk:22:13] Jiena l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel
u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem!
[Apk:22:14] "Hienja dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom is-setgħa fuq is-siġra
tal-Ħajja u jidħlu fil-Belt mill-bibien. [Apk:22:15] Jibqgħu barra l-klieb u s-saħħarin,
iż-żienja u l-qattiela, l-idolatri u dawk kollha li jħobbu l-qerq u jagħmluh!"
Għeluq
[Apk:22:16] "Jien, Ġesų, bgħatt l-anġlu tiegħi ħalli jixhdilkom dawn il-ħwejjeġ
dwar il-knejjes. Jiena r-Rimja tal-familja ta' David, il-Kewkba tiddi ta'
filgħodu."
[Apk:22:17] L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: "Ejja!" Min jisma', ħa jgħid: "Ejja!"
U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b'xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.
[Apk:22:18] Jiena nwissi lil kull min jisma' l-kelmiet tal-profezija ta' dan
il-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-kastigi msemmijin f'dan
il-ktieb; [Apk:22:19] u jekk xi ħadd ineħħi xi kliem milli hawn fil-ktieb ta'
din il-profezija, Alla jneħħilu s-sehem li jmissu mis-siġra tal-Ħajja u
mill-Belt il-qaddisa msemmijin f'dan il-ktieb.
[Apk:22:20] Min qiegħed jagħti xhieda ta' dawn il-ħwejjeġ jgħid: "Iva, jien
dalwaqt ġej!" Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesų!
[Apk:22:21] Il-grazzja ta' Sidna Ġesų tkun ma' kulħadd! Ammen.