IT-TIENI ITTRA LIL TIMOTJU
1. Tislima
[2Tim:1:1] Pawlu, bir-rieda ta' Alla appostlu ta' Kristu Ġesł, skond il-wegħda
tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesł, [2Tim:1:2] lil Timotju, ibni l-għażiż: grazzja,
ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesł Sidna.
Fedeltą lejn l-Evanġelju
[2Tim:1:3] Nrodd ħajr lil Alla, li lilu nqim b'kuxjenza safja bħal missirijieti,
hekk kif niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi lejl u nhar. [2Tim:1:4] Meta
niftakar fid-dmugħ tiegħek għalija, tiġini x-xewqa li narak, biex nimtela
bil-ferħ. [2Tim:1:5] Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet ta'
nanntek Lojd u mbagħad ta' ommok Ewniki, u li ma għandi ebda dubju li hi fik
ukoll. [2Tim:1:6] Minħabba f'hekk infakkrek biex tqajjem fik id-don ta' Alla, li
jinsab fik bit-tqegħid ta' idejja; [2Tim:1:7] għax Alla ma taniex spirtu ta'
biża', imma Spirtu ta' qawwa, ta' mħabba u ta' rażan.
[2Tim:1:8] Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija,
priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa
ta' Alla, [2Tim:1:9] li salvana u sejjħilna b'sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel
tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din
il-grazzja tahielna qabel iż-żmien ta' l-eternitą fi Kristu Ġesł, [2Tim:1:10]
imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesł li qered
il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz ta' l-Evanġelju, [2Tim:1:11] li
għalih jien kont magħmul predikatur, appostlu u mgħallem. [2Tim:1:12] Din hi l-kawża
li għaliha qiegħed inbati. Imma b'daqshekk ma nistħix, għax jien naf f'min
emmint, u naf sewwa li hu jista' jħares it-teżor li kien fdat f'idejja, sa ma
jasal dak il-Jum. [2Tim:1:13] Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ
li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesł. [2Tim:1:14]
Ħares bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien
fdat f'idejk.
[2Tim:1:15] Kif inti taf, dawk kollha li joqogħdu l-Asja telquni, fosthom
Figellu u Ermoġeni. [2Tim:1:16] Il-Mulej ikollu ħniena mill-familja ta'
Onesiforu, li sikwit sibtu ta' faraġ għalija: hu ma staħax mill-ktajjen tiegħi,
[2Tim:1:17] imma meta wasal Ruma fittixni bil-ħrara sa ma sabni. [2Tim:1:18] Il-Mulej
jagħtih il-grazzja li jsib ħniena quddiem il-Mulej f'dak il-Jum. Inti taf aħjar
minni kemm għenni f'Efesu.
2. Is-suldat ta' Kristu
[2Tim:2:1] Int mela, ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesł,
[2Tim:2:2] u kull ma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta'
fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn. [2Tim:2:3]
Bati inti wkoll miegħi bħala suldat tajjeb ta' Kristu Ġesł. [2Tim:2:4] Ebda
suldat taħt l-armi, jekk irid jogħġob lil min daħħlu fis-servizz, ma jindaħal
f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħajja ċivili. [2Tim:2:5] Hekk ukoll l-atleta ma
jiħux il-premju jekk ma jkunx mexa skond ir-regoli. [2Tim:2:6] Il-bidwi li
jitħabat għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-frott. [2Tim:2:7] Ifhem
x'qiegħed ngħidlek; il-Mulej jagħtik li tifhem kollox.
[2Tim:2:8] Ftakar f'Ġesł Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta' David,
skond l-Evanġelju li ħabbart jien. [2Tim:2:9] Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit
tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta' Alla m'hijiex
marbuta. [2Tim:2:10] Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta' dawk li
Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta' glorja għal dejjem
fi Kristu Ġesł. [2Tim:2:11] Din hi kelma ta' min joqgħod fuqha:
Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
[2Tim:2:12] jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu
wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
[2Tim:2:13] jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa'
jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.
Il-ħaddiem imħarreġ
[2Tim:2:14] F'dan fakkarhom u widdibhom sewwa quddiem Alla, li ma joqogħdux
jintilfu fi kwistjonijiet dwar kliem li ma jiswa għal xejn ħlief biex jagħmel
il-ħsara lil min jisimgħu. [2Tim:2:15] Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek
quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m'għandux
mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-veritą. [2Tim:2:16] Aħrab it-tpaċpiċ
fieragħ u ħażin, għax dawk li jitkellmu hekk jibqgħu sejrin mill-ħażin
għall-agħar [2Tim:2:17] u kliemhom jinfirex bħal kankrena. Minn dawn huma Imeni
u Filetu, [2Tim:2:18] li tbiegħdu mill-veritą għax qegħdin jgħidu li l-qawmien
mill-imwiet ġa sar u qegħdin iħawwdu l-fidi f'xi wħud. [2Tim:2:19] Imma s-sies
qawwi, li Alla qiegħed, iżomm sħiħ, u fuqu għandu dan is-siġill: "Il-Mulej
jagħraf dawk li huma tiegħu," u wkoll: "Ħa jitwarrab mill-ħażen kull min isejjaħ
isem il-Mulej."
[2Tim:2:20] F'dar kbira ma hemmx biss tagħmir tad-deheb u l-fidda, imma wkoll ta'
l-għuda u tal-fuħħar; u xi wħud minnhom ninqdew bihom għal għan ta' ġieħ, oħrajn
għal għan bla ġieħ. [2Tim:2:21] Jekk wieħed jissaffa minn dawn il-ħwejjeġ, huwa
jsir biċċa tagħmir għal għan ta' ġieħ, tagħmir imqaddes, ta' siwi għal sidu,
mħejji għal kull għemil tajjeb.
[2Tim:2:22] Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija; fittex bil-ħerqa s-sewwa, il-fidi, l-imħabba
u s-sliem, flimkien ma' dawk li jsejjħu 'l-Mulej b'qalb safja. [2Tim:2:23]
Tindaħalx fi kwistjonijiet boloh u bla għaqal, għax taf li dawn iġibu l-ġlied.
[2Tim:2:24] Min hu qaddej tal-Mulej m'għandux joqgħod jitlewwem; imma għandu
jkun ħlejju ma' kulħadd, jinqala' biex jgħallem, kollu sabar; [2Tim:2:25]
iwiddeb bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux miegħu; għandu mnejn Alla jagħtihom l-indiema,
u hekk jagħrfu l-veritą u jiġu f'sensihom, [2Tim:2:26] u jeħilsu mix-xbiek tax-Xitan
li kien qabadhom taħt idejh biex jagħmlu r-rieda tiegħu.
3. In-nies ta' l-aħħar żmien
[2Tim:3:1] Dan għandek tkun taf: li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes.
[2Tim:3:2] Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus;
faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla
tjieba; [2Tim:3:3] bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba
għat-tajjeb; [2Tim:3:4] tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu
aktar il-pjaċir milli 'l Alla; [2Tim:3:5] nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba,
minkejja li minn barra jagħmluha ta' tajbin. Nies bħal dawn aħrabhom. [2Tim:3:6]
Għax fosthom hemm xi wħud li jindiehsu fil-familji u jaħkmu taħt idejhom nisa
msejkna mgħobbijin bid-dnubiet u mkaxkrin minn kull xorta ta' xewqat, [2Tim:3:7]
li dejjem lesti biex jitgħallmu, imma li qatt ma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu
l-veritą. [2Tim:3:8] Bħalma Ġannes u Ġambri waqfu lil Mosč, hekk ukoll dawn
jieqfu lill-veritą; huma nies ta' moħħ mgħawweġ u ta' fidi mħassra. [2Tim:3:9]
Iżda m'humiex se jimxu aktar 'il quddiem, għax kulħadd għad isir jaf bil-bluha
tagħhom, kif ġara minn dawk it-tnejn.
L-aħħar twissijiet lil Timotju
[2Tim:3:10] Imma inti mxejt warajja fit-tagħlim tiegħi, fl-imġiba tiegħi,
fil-pjan u t-twemmin tiegħi; fis-sabar, fl-imħabba u fil-perseveranza tiegħi;
[2Tim:3:11] fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet li ġew fuqi f'Antijokja,
f'Ikonju u f'Listra. X'persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-Mulej
minnhom kollha. [2Tim:3:12] U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesł
lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni. [2Tim:3:13] Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuħ
b'oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu. [2Tim:3:14] Imma int
ibqa' miexi f'dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min
tgħallimtu, [2Tim:3:15] u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa,
li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi
Kristu Ġesł. [2Tim:3:16] L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa
biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, [2Tim:3:17] biex
hekk il-bniedem ta' Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.
4. [2Tim:4:1] Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesł, li għandu jagħmel
ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f'isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu:
[2Tim:4:2] xandar il-kelma, insisti f'waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb,
wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim. [2Tim:4:3] Għax għad jiġi żmien meta
għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, iżda widnejhom jikluhom u jiġbru
madwarhom qabda mgħallmin skond ma jixtiequ, [2Tim:4:4] u jwarrbu widnejhom
mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef. [2Tim:4:5] Imma int oqgħod dejjem
b'għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta' evanġelista, aqdi sewwa
l-ministeru tiegħek.
[2Tim:4:6] Ngħid għalija, demmi ġa mxerred b'sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi
wasal. [2Tim:4:7] Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.
[2Tim:4:8] Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha
f'dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll
lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.
Rakkomandazzjonijiet
[2Tim:4:9] Fittex ejja ħdejja malajr. [2Tim:4:10] Dema ħabb aktar lid-dinja, u
ħallieni, u mar it-Tessalonika; Krexxens mar il-Galazja, Titu d-Dalmazja.
[2Tim:4:11] Luqa waħdu baqa' miegħi. Ħu 'l Marku u ġibu miegħek, għax hu
jiswieli ħafna għall-ministeru. [2Tim:4:12] Tikiku bgħattu Efesu. [2Tim:4:13]
Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li jien ħallejt fi Troas għand Karpu; ġib
ukoll il-kotba, l-aktar il-parċmini. [2Tim:4:14] Alessandru l-brunżar għamilli
ħafna ħsara; il-Mulej iħallsu skond ma għamel. [2Tim:4:15] Oqgħod attent minnu
int ukoll, għax huwa fixkel ħafna l-kliem tagħna. [2Tim:4:16] Fl-ewwel difiża
tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom!
[2Tim:4:17] Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma
tixxandar sa l-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn
ħalq l-iljun. [2Tim:4:18] Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma
nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta' dejjem! Amen.
[2Tim:4:19] Sellili għal Priska u għal Akwila u għall-familja ta' Onesiforu.
[2Tim:4:20] Erastu baqa' Korintu, u 'l Trofimu ħallejtu marid f'Miletu.
[2Tim:4:21] Fittex ejja qabel ma tidħol ix-xitwa. Isellu għalik Ewbolu, Pudens,
Linu, Klawdja u l-aħwa kollha.
[2Tim:4:22] Il-Mulej miegħek. Il-grazzja magħkom.