IT-TIENI ITTRA LIT-TESSALONKIN
1. Tislima
[2Tess:1:1] Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja tat-Tessalonikin li hi f'Alla
Missierna u l-Mulej Ġesł Kristu. [2Tess:1:2] Il-grazzja u s-sliem lilkom minn
Alla l-Missier u l-Mulej Ġesł Kristu.
Il-miġja ta' Kristu u l-ġudizzju
[2Tess:1:3] Aħna għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla, ħuti, minħabba fikom, u
hekk jixraq, għax il-fidi tagħkom qiegħda tikber fuq li tikber, u qiegħda toktor
fostkom ilkoll l-imħabba li kull wieħed minnkom għandu għall-ieħor. [2Tess:1:4]
Għalhekk aħna stess niftaħru bikom fil-knejjes ta' Alla għas-sabar tagħkom u
għall-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet kollha li intom
għaddejjin minnhom. [2Tess:1:5] Minn dan jidher il-ħaqq ġust ta' Alla, ħalli
b'hekk tkun tixirqilkom is-Saltna ta' Alla, li minħabba fiha qegħdin tbatu.
[2Tess:1:6] Alla għad jagħmel is-sewwa, u jrodd it-tbatija lil dawk li qegħdin
iġagħlukom issofru; [2Tess:1:7] u għad iserraħ lilkom li qegħdin issofru, kif
ukoll lilna, dak in-nhar li l-Mulej Ġesł jfeġġ mis-smewwiet imdawwar bl-anġli
tal-qawwa tiegħu b'nar iħeġġeġ, [2Tess:1:8] biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux
lil Alla, u 'l dawk li ma jobdux l-Evanġelju ta' Sidna Ġesł. [2Tess:1:9] Dawn
għad jitħallsu bil-piena tat-telfien ta' dejjem, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej u
mill-glorja tal-qawwa tiegħu, [2Tess:1:10] dakinhar li jiġi biex jieħu l-glorja
mingħand il-qaddisin tiegħu u l-ġieħ minn dawk kollha li jkunu emmnu, għax intom
emmintu x-xhieda tagħna fostkom. [2Tess:1:11] Għalhekk aħna dejjem nitolbu
għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li
bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi
tagħkom. [2Tess:1:12] U hekk l-isem ta' Sidna Ġesł Kristu jkun igglorifikat
fikom u intom fih skond il-grazzja ta' Alla tagħna u tal-Mulej Ġesł Kristu.
2. Il-bniedem bla liġi
[2Tess:2:1] Ħuti, għal dak li għandu x'jaqsam mal-miġja ta' Sidna Ġesł Kristu u
l-ġemgħa tagħna biex ningħaqdu miegħu, [2Tess:2:2] nitolbukom biex ma toqogħdux
tħawwdu raskom malajr u tinħasdu bħallikieku l-miġja ta' jum il-Mulej qorbot, u
la jekk tkunu mnebbħin mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw
xi ittra taparsi mingħandna. [2Tess:2:3] Tħallux 'il min iqarraq bikom, b'ebda
mod! L-aħħar jum ma jkunx magħna qabel ma tkun seħħet ir-rewwixta u jinkixef
il-Bniedem tad-dnub, ikkundannat għat-telfien; [2Tess:2:4] hu li jqum u jintrafa'
fuq kull ma jġib l-isem ta' Alla jew kull ma hu miqjum mill-bnedmin, sabiex hu
stess joqgħod bilqiegħda fit-tempju ta' Alla u jsejjaħ lilu nnifsu Alla.
[2Tess:2:5] Ma tiftakrux li dan kollu kont ngħidhulkom meta kont fostkom?
[2Tess:2:6] U issa intom tafu x'qiegħed iżomm li dan ma jseħħx għalissa qabel
żmienu. [2Tess:2:7] Tassew li l-misteru tal-ħażen ġa qiegħed jaħdem, imma kull
ma għandu jiġri ma jiġrix qabel ma jkun twarrab min-nofs dak li issa qiegħed
irażżnu. [2Tess:2:8] Mbagħad jinkixef il-Ħażin, u l-Mulej Ġesł joqtlu b'nifs
fommu u jeqirdu bid-dija tal-preżenza tiegħu.
[2Tess:2:9] Il-Ħażin għad jiġi bil-qawwa tax-Xitan, u jagħmel kull xorta ta'
mirakli u sinjali u għeġubijiet foloz, [2Tess:2:10] u jinqeda b'kull xorta ta'
qerq u ħażen fuq dawk li huma kkundannati għall-qerda għax ma ħabbewx u ma
laqgħux il-veritą biex isalvaw.
[2Tess:2:11] Għalhekk Alla qed jibagħtilhom kontrihom qawwa qarrieqa biex jemmnu
l-gideb, [2Tess:2:12] ħalli b'hekk dawk kollha li ma jemmnux il-veritą, imma
jogħġobhom il-ħażen, ikunu kkundannati.
Il-maħturin għas-salvazzjoni
[2Tess:2:13] Aħna għandna niżżu ħajr dejjem 'l Alla minħabba fikom, ħuti
maħbubin mill-Mulej, għaliex Alla għażilkom biex tkunu l-ewwel frott tal-fidwa
bil-qdusija ta' l-Ispirtu s-Santu u l-fidi fil-veritą. [2Tess:2:14] Għal dan
Alla sejjħilkom permezz ta' l-Evanġelju tagħna, biex ikollkom sehem fil-glorja
ta' Ġesł Kristu. [2Tess:2:15] Mela, ħuti, żommu ruħkom wieqfa u sħaħ fit-tradizzjonijiet
li intom tgħallimtu sew bil-kelma sew bl-ittra tagħna. [2Tess:2:16] Sidna Ġesł
Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta' dejjem u t-tama
sħiħa bil-grazzja, [2Tess:2:17] jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f'kull għemil u
kelma tajba.
3. Itolbu għalina
[2Tess:3:1] Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja
tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. [2Tess:3:2] Itolbu biex
inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi
[2Tess:3:3] iżda l-Mulej hu fidil; hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin.
[2Tess:3:4] Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u
għad tagħmlu dak li ordnajnielkom. [2Tess:3:5] Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom
għall-imħabba ta' Alla u s-sabar ta' Kristu.
Tkunux għażżenin
[2Tess:3:6] Ħuti, fl-isem tal-Mulej Ġesł Kristu nordnawlkom li żżommu ruħkom 'il
bogħod mill-aħwa kollha li jgħixu fl-għażż u li m'humiex jimxu skond it-tradizzjoni
li ħadtu mingħandna. [2Tess:3:7] Intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju
tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; [2Tess:3:8] il-ħobż li kilna,
ħadd ma tahulna b'xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma
nkunu ta' piż għal ħadd minnkom. [2Tess:3:9] Mxejna hekk mhux għax ma għandniex
dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu.
[2Tess:3:10] Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx
jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. [2Tess:3:11] Issa aħna smajna li hemm xi
wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; m'humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn.
[2Tess:3:12] Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f'isem il-Mulej Ġesł
Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh. [2Tess:3:13] U intom, ħuti,
agħmlu l-ġid bla qatt ma tegħjew. [2Tess:3:14] Jekk ikun hemm xi ħadd fostkom li
ma jagħtix widen għall-kliem li qiegħed ngħidilkom f'din l-ittra, immarkawh u
nqatgħu minnu, ħalli jistħi; [2Tess:3:15] mhux li tħarsu lejh bħala għadu, imma
li twiddbuh bħala ħukom.
Il-barka ta' l-aħħar
[2Tess:3:16] Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f'kollox.
Il-Mulej magħkom ilkoll. [2Tess:3:17] Din hi t-tislima tiegħi b'idi stess, Pawlu;
din hi l-firma f'kull ittra tiegħi kif nikteb jien. [2Tess:3:18] Il-grazzja ta'
Sidna Ġesł Kristu tkun magħkom ilkoll.