IT-TIENI KTIEB TAS-SLATEN
1. Aħażija jfittex lil Bagħal-żebub
[2Slat:1:1] Wara l-mewt ta' Aħab, Mowab qam kontra Iżrael. [2Slat:1:2] Aħażija
waqa' mit-tieqa ta' l-għorfa tiegħu f'Samarija u weġġa'. U bagħat messaġġiera u
qalilhom: “Morru u staqsu lil Bagħal-żebub, alla ta' Għekron, jekk iniex se nfiq
minn din il-marda.” [2Slat:1:3] U l-anġlu tal-Mulej qal lil Elija, it-Tisbi:
“Qum u itla' ltaqa' mal-messaġġiera tas-sultan tas-Samarija, u għidilhom: 'Jaqaw
ma hemmx Alla f'Iżrael, biex intom sejrin tistaqsu lil Bagħal-żebub, alla ta'
Għekron? [2Slat:1:4] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Il-mitraħ li nxħett fuqu ma
tinżilx minnu, għax int se tmut żgur.' ” U Elija telaq. [2Slat:1:5] U l-messaġġiera
reġgħu lura u s-sultan staqsiehom: “Għala rġajtu lura?” [2Slat:1:6] U huma
weġbuh: “Ġie raġel jilqagħna u qalilna: 'Aqbdu u morru lura għand is-sultan li
bagħatkom u għidulu: 'Dan jgħid il-Mulej: Ma hemmx Alla, biex int bgħatt
tistaqsi lil Bagħal-żebub, alla ta' Għekron? Għalhekk il-mitraħ li nxħett fuqu
ma tinżilx minnu, għax se tmut żgur.' ” [2Slat:1:7] U staqsiehom: “X'bixra ta'
bniedem kien ir-raġel li ġie jilqagħkom u qalilkom dan il-kliem?” [2Slat:1:8] U
huma wieġbu: “Kien raġel liebes mantar tax-xagħar, u mħażżem bi ħżiem tal-ġild
ma' qaddu.” U hu qalilhom: “Elija, it-Tisbi!”
[2Slat:1:9] U bagħatlu fizzjal ta' ħamsin bil-ħamsin raġel miegħu; u tala'
għalih, u hemm kien Elija bilqiegħda fuq il-quċċata tal-muntanja, u dak qallu:
“Bniedem ta' Alla, is-sultan qallek: 'Inżel.' ” [2Slat:1:10] U Elija wieġeb
lill-fizzjal tal-ħamsin u qallu: “Jekk jien bniedem ta' Alla, ħa jinżel nar
mis-sema, u jibla' lilek u l-ħamsin tiegħek.” U niżel nar mis-sema u qered lilu
u l-ħamsin tiegħu.
[2Slat:1:11] U s-sultan raġa’ bagħatlu fizzjal ieħor ta' ħamsin, bil-ħamsin
raġel tiegħu, u dan tala' u qallu: “Bniedem ta' Alla, dan jgħid is-sultan: 'Fittex
inżel minn fuq il-muntanja.' ”
[2Slat:1:12] U Elija wieġeb u qallu: “Jekk jien bniedem ta' Alla, ħa jinżel nar
mis-sema, u jibla' lilek u l-ħamsin tiegħek.” U niżel in-nar ta' Alla mis-sema,
u qered lilu u l-ħamsin tiegħu.
[2Slat:1:13] U raġa’ bagħatlu t-tielet fizzjal ta' ħamsin bil-ħamsin tiegħu. U
t-tielet fizzjal tala', u malli wasal niżel għarkubbtejh quddiem Elija, u talbu
bil-ħniena u qallu: “Bniedem ta' Alla, ħa tkun għażiża f'għajnejk ħajti u ħajjet
dawn il-qaddejja tiegħek. [2Slat:1:14] Ara, niżel nar mis-sema u qered iż-żewġ
fizzjali tal-ħamsin li ġew qabli u l-ħamsinijiet tagħhom, imma issa ħa tkun
għażiża ħajti f'għajnejk.”
[2Slat:1:15] U l-anġlu tal-Mulej kellem lil Elija: “Inżel miegħu, tibżax minnu.”
U qam u niżel miegħu għal għand is-sultan. [2Slat:1:16] U Elija qallu: “Dan
jgħid il-Mulej: Int bgħatt messaġġiera jistaqsu lil Bagħal-żebub, alla ta'
Għekron, bħallikieku ma kienx hemm Alla f'Iżrael biex tistaqsuh kelmtu; għalhekk
il-mitraħ li nxħett fuqu ma tinżilx minnu, għax se tmut żgur.”
[2Slat:1:17] U Aħażija miet skond il-kelma tal-Mulej li qal Elija, u beda
jsaltan floku ħuh Ġeħoram, fit-tieni sena ta' Ġeħoram bin Ġosafat, sultan ta'
Ġuda, għax ma kellux ulied.
[2Slat:1:18] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Aħażija u kull ma għamel huma miktuba fi
Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.
2. Elija mtella' s-sema
[2Slat:2:1] Ġara li meta l-Mulej kien se jtalla' s-sema lil Elija ġor-riefnu,
Elija kien telaq ma' Eliżew minn Gilgal.
[2Slat:2:2] U Elija qal lil Eliżew: “Oqgħod hawn, għax il-Mulej bagħatni sa
Betel.” Imma Eliżew wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int,
ma nħallikx.” U niżlu t-tnejn Betel.
[2Slat:2:3] U wlied il-profeti, li kienu f'Betel, ħarġu jilqgħu lil Eliżew u
qalulu: “Taf int li llum il-Mulej se jieħu lil sidek minn miegħek?” U hu
qalilhom: “Naf jien ukoll. Oqogħdu bi kwietkom.”
[2Slat:2:4] U Elija qallu: “Eliżew, oqgħod hawn, nitolbok, għax il-Mulej
bagħatni Ġeriko.” U wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm int ħaj int,
ma nħallikx.” U marru Ġeriko. [2Slat:2:5] U wlied il-profeti li kienu f'Ġeriko
ħarġu jilqgħu lil Eliżew u qalulu: “Taf int li llum il-Mulej se jeħodlok lil
sidek minn miegħek.” U weġibha: “Naf jien ukoll. Oqogħdu bi kwietkom.”
[2Slat:2:6] U Elija qallu: “Oqgħod hawn, nitolbok, għax il-Mulej bagħatni lejn
il-Ġordan.” U wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej u daqs kemm int ħaj int, ma
nħallikx.” U telqu t-tnejn. [2Slat:2:7] U ħamsin wieħed minn ulied il-profeti
telqu magħhom, u qagħdu ftit 'il bogħod minn quddiemhom, u huma t-tnejn waqfu
ħdejn il-Ġordan.
[2Slat:2:8] U Elija qabad il-mantar tiegħu, kebbu, u ħabbtu ma' l-ilma; u dan
inferaq 'l hemm u 'l hawn. U qasmu huma t-tnejn fl-inxif. [2Slat:2:9] U ġara li
huma u jaqsmu, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni x'għandi nagħmillek qabel ma
nittieħed minn ħdejk.” U Eliżew wieġbu: “Ħa jkun hemm fija żewġ ishma mill-ispirtu
tiegħek!” [2Slat:2:10] U qallu: “Ħaġa iebsa tlabtni. Jekk tarani nittieħed minn
ħdejk, ikunlek hekk; jekk le, ma jkunlekx.”
[2Slat:2:11] U ġara li huma u sejrin, jimxu u jitkellmu, f'daqqa waħda karru
tan-nar bi żwiemel tan-nar firidhom minn xulxin, u Elija tala' s-sema fir-riefnu.
[2Slat:2:12] Eliżew baqa' jħares u jgħajjat: “Missieri, Missieri, il-karru ta'
Iżrael u r-rikkieb tiegħu.” U ma rahx iżjed; u qabad fi ħwejġu u ċarrathom
f'biċċtejn. [2Slat:2:13] Mbagħad ġabar il-mantar ta' Elija li kien waqa' minn
fuqu, u raġa’ lura u waqaf max-xatt tal-Ġordan. [2Slat:2:14] U ħa l-mantar ta'
Elija li kien waqa' minn fuqu u ħabbtu ma' l-ilma, u qal: “Fejn hu l-Mulej Alla
ta' Elija issa? Fejn hu?” U ta daqqa fuq l-ilma, u dan inferaq, 'l hawn u 'l
hemm, u Eliżew għadda għan-naħa l-oħra.
L-ewwel mirakli ta' Eliżew
[2Slat:2:15] Kif rawh ulied il-profeti, li kienu Ġeriko n-naħa l-oħra, qalu:
“L-ispirtu ta' Elija strieħ fuq Eliżew.” U marru jilqgħuh, u niżlu wiċċhom
fl-art quddiemu, [2Slat:2:16] u qalulu: “Ara, hawn mal-qaddejja tiegħek ħamsin
raġel b'saħħtu, ħa jmorru jfittxu lil sidek, għandu mnejn l-ispirtu ta' Alla
ħadu u xeħtu fuq xi waħda mill-muntanji, jew f'xi wieħed mill-widien.” U hu
weġibha: “Le, tibagħtuhomx!” [2Slat:2:17] U baqgħu jsusu warajh sa tħawwad, u
qalilhom: “Ibagħtuhom.” U bagħtu ħamsin raġel ifittxuh; u damu tlitt ijiem, u ma
sabuhx. [2Slat:2:18] U reġgħu lura għandu; hu kien Ġeriko u qalilhom: “Ma
għedtilkomx: la tmorrux?”
[2Slat:2:19] U n-nies tal-belt qalu lil Eliżew: “Ara, il-post tal-belt hu tajjeb,
kif jista' jara sidi, imma l-ilma ħażin, u l-art ħawlija.” [2Slat:2:20] U hu
qalilhom: “Ġibuli bieqja ġdida, u ixħtu ftit melħ fiha.” U ġibuhielu.
[2Slat:2:21] U ħareġ lejn l-għajn ta' l-ilma, u xeħet fiha l-melħ, u qal: “Dan
jgħid il-Mulej: 'Jien intejjeb dan l-ilma. Minn issa 'l quddiem ma jkunx hemm la
mewt u la ħwiel ta' l-art.” [2Slat:2:22] U l-ilma baqa' tajjeb sa llum, skond
il-kelma li qal Eliżew.
[2Slat:2:23] U minn hemm tala' Betel, u kif kien tiela' fit-triq ħarġu xi tfal
żgħar mill-belt u bdew jiddieħku bih u jgħidulu: “Itla', ja qargħi! Itla', ja
qargħi!” [2Slat:2:24] U hu dar lura, ħares lejhom, u seħithom f'isem il-Mulej. U
ħarġu żewġ orsijiet mill-foresta u żbranaw tnejn u erbgħin tifel minnhom.
[2Slat:2:25] Minn hemm Eliżew wasal sal-muntanja tal-Karmel mnejn raġa’ lura s-Samarija.
3. Ġoram sultan ta' Iżrael ( 851-843 QK )
[2Slat:3:1] Ġoram bin Aħab beda jsaltan fuq Iżrael f'Samarija fis-sena tmintax
ta' Ġosafat, sultan ta' Ġuda; u baqa' jsaltan tnax-il sena. [2Slat:3:2] U għamel
il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, imma mhux daqs missieru u ommu, għax hu qered
il-plier ta' Bagħal, li kien waqqaf missieru. [2Slat:3:3] Imma baqa' marbut mad-dnubiet
ta' Ġerobogħam bin Nebat, li fihom kien waqqa' lil Iżrael; baqa' ma warrabx
minnhom.
[2Slat:3:4] U Mesa, sultan ta' Mowab, kien irabbi l-bhejjem; u kien iħallas lis-sultan
ta' Iżrael it-tribut ta' mitt elf ħaruf u s-suf ta' mitt elf muntun. [2Slat:3:5]
U ġara li meta miet Aħab, is-sultan ta' Mowab kisirha mas-sultan ta' Iżrael.
[2Slat:3:6] Għalhekk dakinhar is-sultan Ġoram ħareġ mis-Samarija, u għadd lil
Iżrael kollu. [2Slat:3:7] U qabad u bagħat jgħid lil Ġosafat, sultan ta' Ġuda, u
qallu: “Is-sultan ta' Mowab kisirha miegħi: tiġi miegħi u naħbtu għal Mowab?” U
dak wieġbu: “Nitla'! Ikun minni li jkun minnek, mill-poplu tiegħi li jkun mill-poplu
tiegħek, miż-żwiemel tiegħi li jkun miż-żwiemel tiegħek.” [2Slat:3:8] U staqsieh:
“Minn liema triq nitilgħu?” U wieġbu: “Mit-triq tad-deżert ta' Edom.”
[2Slat:3:9] U telqu s-sultan ta' Iżrael u s-sultan ta' Ġuda u s-sultan ta' Edom.
Wara li kienu ilhom miexja sebat ijiem, naqashom l-ilma għall-eżerċtu u l-bhejjem
li kellhom magħhom. [2Slat:3:10] U s-sultan ta' Iżrael qal: “Jaħasra għalina!
Jaqaw il-Mulej sejjaħ lil dawn it-tliet Slaten biex jerħihom f'idejn Mowab?”
[2Slat:3:11] U Ġosafat qallu: “Ma hawnx xi profeta tal-Mulej hawnhekk, biex
nistħarrġu lill-Mulej permezz tiegħu?” U wieħed mill-qaddejja tas-sultan ta'
Iżrael wieġeb u qal: “Hawn il-profeta Eliżew bin Safat, li kien isawwab l-ilma
fuq idejn Elija.” [2Slat:3:12] U Ġosafat qal: “Għandu l-kelma tal-Mulej.” U
niżlu għandu s-sultan ta' Iżrael, Ġosafat, u s-sultan ta' Edom.
[2Slat:3:13] U Eliżew qal lis-sultan ta' Iżrael: “X'għandna x'naqsmu bejnietna,
jien u int? Mur għand il-profeti ta' missierek, u l-profeti ta' ommok.” U
s-sultan ta' Iżrael qallu: “Le! Għala l-Mulej sejjaħ lil dawn it-tliet Slaten?
Biex jerħihom f'idejn Mowab?” [2Slat:3:14] U Eliżew wieġeb: “Daqs kemm hu ħaj
il-Mulej ta' l-eżerċti li jien qiegħed naqdi, li ma kontx nirrispetta lil
Ġosafat, sultan ta' Ġuda, ma kontx nagħti kasek, u lanqas biss inħares lejk.
[2Slat:3:15] U issa ġibuli min idoqq l-arpa.”
Kif kien id-daqqaq idoqq l-arpa, ġara li niżlet id il-Mulej fuq Eliżew.
[2Slat:3:16] U dan qal: “Dan jgħid il-Mulej: 'Agħmel f'dan il-wied ġwiebi fuq
ġwiebi.' [2Slat:3:17] Għax dan jgħid il-Mulej: 'Ma tarawx riħ, u ma tarawx xita;
imma dan il-wied ifur bl-ilma, u tixorbu intom, l-imrieħel u l-bhejjem tagħkom.'
[2Slat:3:18] Iżda din ħaġa żgħira f'għajnejn il-Mulej; għad jerħi f'idejkom lil
Mowab. [2Slat:3:19] U intom iġġarrfu l-bliet kollha bis-swar, u l-aħjar bliet, u
tqaċċtu s-siġar kollha tal-frott, u ssoddu l-għejun kollha, u tħassru bil-ġebel
ir-raba' tajjeb kollu.” [2Slat:3:20] U fil-għodu, f'ħin l-offerta
tas-sagrifiċċju, beda ġej l-ilma mit-triq ta' Edom, u l-art imtliet kollha
bl-ilma.
[2Slat:3:21] U l-Mowabin ilkoll semgħu li s-Slaten telgħu jaħbtu għalihom, u
nġemgħu bin-nies kollha kapaċi jitħażżmu, u oħrajn magħhom, u marru qagħdu
jistennewhom fuq il-fruntiera. [2Slat:3:22] U bakkru kmieni, u malli x-xemx
bdiet tiddi fuq l-ilma, il-Mowabin raw quddiemhom l-ilma aħmar bħad-demm.
[2Slat:3:23] U qalu: “Dan demm! Żgur li s-Slaten tlewwmu bejniethom, u tqatlu, u
darbu lil xulxin; mela issa għall-priża, Mowabin!” [2Slat:3:24] U rħewlha lejn
il-kamp ta' Iżrael; u dawn ħarbu minn quddiemhom. U l-Iżraelin baqgħu sejrin
jidorbu lill-Mowabin. [2Slat:3:25] Ġarrfu l-ibliet, u fuq kull biċċa raba' tajba
waddbu l-ħaġar, kull wieħed waħda, sa ma mlewhom, u saddew l-għejun kollha ta'
l-ilma, u qaċċtu kull siġra tal-frott. Kien baqa' biss il-ħitan tal-ġebel ta'
Kirħarexet; u dawwruha l-arċieri, u ħabtu għaliha.
[2Slat:3:26] Meta s-sultan ta' Mowab ra li ma kienx jiflaħ għat-taqbida, ħa
miegħu seba' mitt raġel bix-xabla f'idejhom biex jiftaħ triq għal quddiem
is-sultan ta' Edom, imma ma rnexxilhomx. [2Slat:3:27] U qabad lil ibnu l-kbir,
li kellu jsaltan floku, u offrieh sagrifiċċju tal-ħruq fuq is-sur; u xegħlet
qilla kbira għal Iżrael; u dawn tbiegħdu minnu u reġgħu lura lejn arthom.
4. Mirakli oħra ta' Eliżew: iż-żejt ta' l-armla
[2Slat:4:1] Waħda mara min-nisa tal-profeti sejjħet lil Eliżew u qaltlu:
“Il-qaddej tiegħek żewġi miet, u inti taf li l-qaddej tiegħek kien jibża' mill-Mulej.
Issa dak li kien silfu ġie biex jeħodli ż-żewġ uliedi bi lsiera tiegħu.”
[2Slat:4:2] U Eliżew qalilha: “X'nista' nagħmillek? Għidli, x'għandek id-dar?” U
hi wieġbet: “Ma għandha xejn il-qaddejja tiegħek id-dar ħlief kus żejt.”
[2Slat:4:3] U hu qalilha: “Mur barra, u itlob kwies mingħand il-ġirien, kwies
vojta, u ġġibx ftit. [2Slat:4:4] U mbagħad idħol id-dar, sakkar il-bieb warajk u
wara wliedek, u sawwab iż-żejt f'dawk il-kwies kollha, u kull wieħed li jimtela
warrbu.” [2Slat:4:5] U telqet minn ħdejh, u sakkret il-bieb warajha u wara
wliedha; huma bdew inewwlulha u hi tferra'. [2Slat:4:6] U ġara li malli mliet
il-kwies qalet lil binha: “Newwilli kus ieħor.” U hu weġibha: “Ma fadalx aktar
kwies.” U ż-żejt waqaf. [2Slat:4:7] Mbagħad marret tgħarraf lill-bniedem ta'
Alla, u hu qalilha: “Mur, bigħ iż-żejt, u ħallas dejnek; u int u wliedek tgħixu
mill-bqija.”
Il-qawmien ta' bin is-Sunamija
[2Slat:4:8] Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod
mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi
minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm. [2Slat:4:9] U hi qalet lil
żewġha: “Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel
qaddis ta' Alla. [2Slat:4:10] Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu
fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, jkun jista' jidħol
fiha.” [2Slat:4:11] U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm.
[2Slat:4:12] U Eliżew qal lil Geħażi, il-qaddej tiegħu: “Sejjaħ lil din is-Sunamija.”
U hu sejjħilha, u ġiet quddiemu. [2Slat:4:13] U Eliżew qallu: “Għidilha: 'Ara,
int għamilt magħna dan kollu; issa x'nista' nagħmillek? Forsi nkellimlek lis-sultan,
jew lill-kap ta' l-eżerċtu?” U hi wieġbet: “Jien ngħammar ma' niesi.”
[2Slat:4:14] U Eliżew qal: “X'nistgħu nagħmlulha?” U Geħażi wieġbu: “Jaħasra, ma
għandhiex tfal, u żewġha xiħ!” [2Slat:4:15] U wieġbu: “Sejjħilha.” U dak
sejjħilha u ġiet fil-bieb. [2Slat:4:16] U Eliżew qalilha: “Bħal dan iż-żmien
sena, int tkun tħaddan iben.” U hi qaltlu: “Le, sidi, bniedem ta' Alla, la
tqarraqx bil-qaddejja tiegħek.” [2Slat:4:17] U l-mara tqalet, u wildet iben bħal
dak iż-żmien sena, kif kien qalilha Eliżew. [2Slat:4:18] U t-tifel kiber, u
ġurnata waħda ħareġ ħdejn missieru, li kien ħdejn il-ħassada. [2Slat:4:19] U qal
lil missieru: “Ajma rasi! Ajma rasi!” Il-missier qal lill-qaddej: “Ħudu għand
ommu.” [2Slat:4:20] Dak ħadu, u wasslu għand ommu, u t-tifel baqa' f'ħoġorha sa
nofsinhar, u mbagħad miet. [2Slat:4:21] Hi telgħet tmiddu fuq il-friex
tal-bniedem ta' Alla, għalqet warajha, u ħarġet. [2Slat:4:22] U sejjħet lil
żewġha u qaltlu: “Ibgħatli wieħed mill-qaddejja, u waħda mill-ħmir, ħa mmur
niġri sa għand il-bniedem ta' Alla, u nerġa’ lura.” [2Slat:4:23] U hu qalilha:
“Għalfejn sejra għandu? Illum la hu l-ewwel tax-xahar u lanqas is-Sibt!” U
qaltlu: “Ma jimpurtax.” [2Slat:4:24] U xiddet il-ħmara, u qalet lill-qaddej
tagħha: “Suq u imxi, u twaqqaflix fit-triq, jekk ma ngħidlikx.”
[2Slat:4:25] U telqet, u waslet għand il-bniedem ta' Alla fuq il-muntanja
tal-Karmel. U ġara li malli l-bniedem ta' Alla raha mill-bogħod qal lil Geħażi,
il-qaddej tiegħu: “Ara dik is-Sunamija. [2Slat:4:26] Mur iġri u ltaqa' magħha u
staqsiha: Intix tajba? Hux tajjeb żewġek? Hux tajjeb ibnek?” U hi wieġbet:
“Kollox sewwa.” [2Slat:4:27] U Xħin waslet ħdejn il-bniedem ta' Alla fuq
il-muntanja, qabdet ma' riġlejh. U Geħażi resaq biex iwarrabha, iżda l-bniedem
ta' Alla qallu: “Ħalliha għax qalbha kollha mrar, u l-Mulej ħbieli, u ma
għarrafnix fuqiex.” [2Slat:4:28] U hi qaltlu: “Qatt jien tlabt iben mingħand
sidi? Ma għedtlikx, la tqarraqx bija?”
[2Slat:4:29] U hu qal lil Geħażi: Ħażżem ġenbejk, ħu l-bastun tiegħi f'idek u
itlaq. Jekk tiltaqa' ma' xi ħadd, issellimlux; u jekk isellimlek xi ħadd,
tweġbux. U qiegħed il-bastun tiegħi fuq wiċċ it-tifel.”
[2Slat:4:30] U omm it-tifel qaltlu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u ħaj int, jien
ma nitilqekx.” U qabad u mar warajha. [2Slat:4:31] Geħażi telaq qabilhom u
qiegħed il-bastun fuq wiċċ it-tifel, imma ma ġara xejn; ebda leħen, u ebda
sinjal. U raġa’ lura jiltaqa' ma' Eliżew, u resaq quddiemu u qallu: “It-tifel ma
stenbaħx!” [2Slat:4:32] Mbagħad daħal Eliżew, il-profeta, u ara, it-tifel kien
mimdud mejjet fuq friexu. [2Slat:4:33] Daħal, għalaq il-bieb warajhom it-tnejn,
u beda jitlob lill-Mulej. [2Slat:4:34] Mbagħad tala', u mtedd fuq it-tifel,
qiegħed fommu fuq fommu, għajnejh fuq għajnejh, u idejh fuq idejh, u, kif kien
mixħut fuqu, ġisem it-tifel beda jisħon. [2Slat:4:35] Eliżew raġa’ qabad jimxi
'l hawn u 'l hemm mad-dar, u għal darba oħra mar u mtedd fuq it-tifel; u dan
għatas seba' darbiet, u bexxaq għajnejh. [2Slat:4:36] Eliżew imbagħad sejjaħ lil
Geħażi, u qallu: “Sejjħilha 'l din is-Sunamija.” Sejjħilha, u daħlet ħdejh.
“Ħudu lil ibnek,” qalilha. [2Slat:4:37] Hi resqet u nxteħtet f'riġlejh wiċċha
fl-art, mbagħad qabdet lil binha u ħarġet 'il barra.
L-ikel avvelenat
[2Slat:4:38] U Eliżew raġa’ lura lejn Gilgal, u kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż. U
kif kienu wlied il-profeti bilqiegħda quddiemu, Eliżew qal lill-qaddej tiegħu:
“Qiegħed il-borma l-kbira fuq in-nar, u sajjar l-ikel għal ulied il-profeti.”
[2Slat:4:39] U ħareġ wieħed mir-raba' jlaqqat xi ħaxixa, u sab bħal dielja
selvaġġa, u laqqat minnha ħjar selvaġġ. U mela l-mantar tiegħu. U mar u
qattagħhom fil-borma tat-tisjir, għax ma kinux jafu x'inhuma.
[2Slat:4:40] U mbagħad qassmu l-ikel lin-nies biex jieklu, u malli bdew jieklu
mit-tisjir infexxew jgħajjtu u jgħidu: “Hawn il-mewt fil-borma, bniedem ta' Alla.”
U ma setgħux jieklu. [2Slat:4:41] Eliżew qalilhom: “Ġibuli ftit dqiq.” U xeħet
minnu fil-borma, u qalilhom: “Qassmu lin-nies biex jieklu.” U ma kien hemm xejn
aktar ħażin fl-ikel.
Eliżew ikattar il-ħobż
[2Slat:4:42] U ġie għand Eliżew raġel minn Bagħal-salisa, u ġieb lir-raġel ta'
Alla ħobż tal-bikri: għoxrin ħobża tax-xgħir, u sbul mimli qamħ ġdid. Eliżew
qallu: “Agħtihom lin-nies ħa jieklu.” [2Slat:4:43] Imma l-qaddej tiegħu wieġeb:
“Kif nista' nqassam dawn lil mitt ruħ?” Raġa’ qallu Eliżew: “Agħti lin-nies ħa
jieklu; għax dan jgħid il-Mulej: 'Mhux biss jieklu, imma jifdal ukoll.' ”
[2Slat:4:44] Dak qassmilhom; u huma kielu, u kien għad fadal minnhom, bħalma qal
il-Mulej.
5. Nagħam u Eliżew
[2Slat:5:1] Nagħam, il-kmandant ta' l-eżerċtu tas-sultan ta' Aram, kien kbir
quddiem sidu, u dan kien iġibu ħafna, għax bih il-Mulej kien ta r-rebħa lil Aram.
Iżda r-raġel, għad li suldat qalbieni, kien imġiddem. [2Slat:5:2] Ħarġu l-Aramin
bil-ġgajtiet tagħhom, u mill-pajjiż ta' Iżrael ġiebu magħhom tfajla żagħżugħa,
li saret il-qaddejja ta' mart Nagħam.
[2Slat:5:3] Darba qalet lil sidtha: “M'hux li kien sidi quddiem il-profeta li
hemm f'Samarija! Għax kien ineħħilu il-lebbra li għandu!” [2Slat:5:4] Nagħam
daħal ikellem lil sidu u qallu: “Dan u dan ma qalet iż-żagħżugħa li ġibna mill-pajjiż
ta' Iżrael.” [2Slat:5:5] U s-sultan ta' Aram qallu: “Aqbad u mur. Issa nibgħat
ittra lis-sultan ta' Iżrael.” U mar, u ħa miegħu għaxar talenti tal-fidda, sitt
elef xekel tad-deheb, u għaxar tibdiliet ħwejjeġ. [2Slat:5:6] U lis-sultan ta'
Iżrael wassallu l-ittra, li kienet tgħid hekk: “Kif tasallek din l-ittra, ara,
nkun bgħattlek il-qaddej tiegħi Nagħam, biex tneħħilu il-lebbra li għandu.”
[2Slat:5:7] Malli qara l-ittra s-sultan ta' Iżrael ċarrat ilbiesu u qal: “Mela
jien xi alla, nagħti l-mewt u nagħti l-ħajja, biex dan bagħatli bniedem ħa
nneħħilu il-lebbra minn fuqu? Mela kunu afu u araw, li dan tassew qiegħed
ifittex li jaqbad miegħi!”
[2Slat:5:8] Issa ġara li Eliżew, il-bniedem ta' Alla, sama' li s-sultan ta'
Iżrael kien ċarrat ħwejġu minn fuqu; u għalhekk bagħat jgħidlu: “Dan għaliex
ċarratt ħwejġek minn fuqek? Ħa jiġi għandi, u jkun jaf li hemm profeta f'Iżrael.”
[2Slat:5:9] U mar Nagħam, biż-żwiemel u l-karrijiet tiegħu, u waqaf quddiem
il-bieb tad-dar ta' Eliżew. [2Slat:5:10] U Eliżew bagħatlu messaġġier jgħidlu:
“Mur inħasel seba' darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek.” [2Slat:5:11]
Nagħam iżda saħan u telaq. “Ara,” qal, “jien għedt bejni u bejn ruħi, li hu kien
se jaqbad u joħroġ, jieqaf quddiemi, u jsejjaħ isem il-Mulej, Alla tiegħu, u
jxejjer idu fuq il-ġrieħi, u jneħħili l-lebbra! [2Slat:5:12] Jaqaw Abana u
Farfar, ix-xmajjar ta' Damasku, m'humiex aħjar mill-ilmijiet kollha ta' Iżrael?
Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?” U dar u telaq b'saħna. [2Slat:5:13] Imma l-qaddejja
tiegħu resqu jkellmuh u qalulu: “Missier, li kieku l-profeta qallek xi ħaġa
kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek, 'Inħasel u tindaf'?”
[2Slat:5:14] Niżel fil-Ġordan, u għodos seba' darbiet, bħalma qallu Eliżew,
il-bniedem ta' Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta' tfajjel żagħżugħ, u
ndaf mil-lebbra tiegħu.
[2Slat:5:15] U raġa’ lura għand il-bniedem ta' Alla, hu u kull min kellu miegħu;
daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja
kollha, ħlief f'Iżrael. Ilqa', nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek.”
[2Slat:5:16] U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma
nieħu xejn.” U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. [2Slat:5:17]
Għalhekk Nagħam qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek
tagħbija ta' żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek m'huwiex se jagħmel
iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej.
[2Slat:5:18] Dan nixtiequ l-Mulej jaħfer lili, il-qaddej tiegħek; li meta sidi
jidħol fit-tempju ta' Rimmon biex jadura hemmhekk, u hu jistrieħ fuq driegħi, u
jien ukoll ninxteħet nadura fit-tempju ta' Rimmon, ħa jaħfer il-Mulej lili,
qaddej tiegħu, f'din il-ħaġa.” [2Slat:5:19] U Eliżew wieġbu: “Mur bis-sliem!” U
telaq minn ħdejh u tbiegħed xi ftit.
[2Slat:5:20] Mbagħad Geħażi, il-qaddej ta' Eliżew, il-bniedem ta' Alla, ħaseb u
qal: “Ara, sidi ħafirhielu lil Nagħam, dan l-Arami, u ma ħadlu xejn minn idu
milli ġieb miegħu. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ħa mmur niġri warajh u niddobba xi
ħaġa mingħandu.” [2Slat:5:21] U Geħażi mar jiġri wara Nagħam. U malli Nagħam
lemħu jiġri warajh, niżel mill-karru biex jilqgħu u staqsieh: “Kollox sewwa?”
[2Slat:5:22] U hu wieġbu: “Kollox sewwa, Sidi bagħatni ngħidlek: 'Ara, għadhom
kemm waslu għandi żewġ żgħażagħ mill-muntanji ta' Efrajm minn ulied il-profeti.
Agħtihom, jekk jogħġbok, talent fidda u żewġ tibdiliet ħwejjeġ. [2Slat:5:23] U
Nagħam qallu: “Isa, hu żewġ talenti!” U ssikkah, u sarrlu żewġ talenti tal-fidda
f'żewġ xkejjer, u żewġ tibdiliet ħwejjeġ. U bagħatlu żewġ qaddejja miegħu
jġorrulu kollox qablu.
[2Slat:5:24] Xħin wasal fuq l-għolja, ħa kollox minn idejhom, u daħal id-dar; u
l-qaddejja bagħathom, u huma telqu. [2Slat:5:25] Mbagħad hu mar u ppreżenta ruħu
quddiem sidu; u Eliżew qallu: “Mnejn ġej, Geħażi?” U wieġbu: “Mkien ma mar
il-qaddej tiegħek, la 'l hawn u la 'l hemm.” [2Slat:5:26] U Eliżew qallu: “Ma
ġejtx miegħek bl-ispirtu tiegħi meta r-raġel niżel mill-karru tiegħu biex
jiltaqa' miegħek? U dan kien il-waqt li tieħu l-fidda, u li tieħu l-ilbies, u
oqsma taż-żebbuġ u tad-dwieli, u nagħaġ u baqar, u qaddejja rġiel u nisa?
[2Slat:5:27] Għalhekk il-lebbra ta' Nagħam jaqbad miegħek u ma' nislek għal
dejjem.” U Geħażi ħareġ minn quddiemu abjad bħas-silġ bil-lebbra.
6. Il-ħadida f'wiċċ l-ilma
[2Slat:6:1] Ulied il-profeti qalu lil Eliżew: “Ara, il-post li qegħdin fih
miegħek żgħir wisq għalina. [2Slat:6:2] Ħa mmorru sal-Ġordan, u nieħdu minn hemm
zokk kull wieħed, u nibnu hemm post għalina fejn noqogħdu.” U hu weġibha: “Morru.”
[2Slat:6:3] U wieħed minnhom qallu: “Jekk jogħġbok, ejja mal-qaddejja tiegħek.”
U Eliżew wieġeb: “Niġi.”
[2Slat:6:4] U mar magħhom, u waslu sal-Ġordan, u bdew jaqtgħu l-injam.
[2Slat:6:5] Ġara li wieħed minnhom, hu u jqaċċat siġra, waqagħlu l-ħadid
tal-mannara fl-ilma, u beda jgħajjat u jgħid: “Ah, sidi, dik isselliftha!”
[2Slat:6:6] U l-bniedem ta' Alla staqsieh: “Fejn waqgħet?” U wrieh il-post,
Eliżew imbagħad qata' fergħa, u tefagħha hemm, u l-ħadid tala' fil-wiċċ.
[2Slat:6:7] U qallu: “Erfgħu!” U medd idu u refgħu.
Eliżew u l-Aramin
[2Slat:6:8] Is-sultan ta' Aram kien qiegħed jitqabad ma' Iżrael, u ta parir
lill-qaddejja tiegħu, u qalilhom: “Nistaħbew fit-tali u t-tali post.”
[2Slat:6:9] U l-bniedem ta' Alla bagħat jgħid lis-sultan ta' Iżrael: “Qis li ma
tgħaddix minn dak il-post, għax hemm l-Aramin moħbija.” [2Slat:6:10] U s-sultan
ta' Iżrael bagħat jitkixxef il-post li qallu bih u widdbu l-bniedem ta' Alla; u
qagħad jgħasses hemm mhux darba u tnejn. [2Slat:6:11] U s-sultan ta' Aram
tħawwad f'qalbu għal din il-ħaġa, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u qalilhom: “Ma
tafux tgħiduli min minna hu mas-sultan ta' Iżrael, hux?” [2Slat:6:12] U wieħed
mill-qaddejja wieġbu: “Ħadd, Sultan sidi! Imma Eliżew, il-profeta li hemm
f'Iżrael, jgħarraf lis-sultan ta' Iżrael bil-kliem li int tgħid fl-għorfa fejn
torqod!” [2Slat:6:13] U qalilhom: “Morru u araw fejn hu, ħa nibgħat naqbdu.” U
għarrfuh u qalulu: “Qiegħed f'Dotan.” [2Slat:6:14] U l-għada fil-għodu bagħat
żwiemel u karrijiet, u qatgħa kbira ta' nies armati; u waslu billejl u dawwru
l-belt. [2Slat:6:15] U l-qaddej tal-bniedem ta' Alla qam kmieni fil-għodu u
ħareġ barra, u ra eżerċtu sħiħ madwar il-belt, u żwiemel u karrijiet. U l-qaddej
tiegħu qallu: “Ah! sidi, x'se nagħmlu?” [2Slat:6:16] U wieġbu: “La tibżax! hemm
nies aktar magħna milli magħhom.” [2Slat:6:17] U Eliżew beda jitlob u jgħid:
“Mulej, iftaħlu għajnejh biex jara.” U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan
ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew. [2Slat:6:18]
Malli l-Aramin resqu lejh, Eliżew talab lill-Mulej u qallu: “Iddew! Olqot lil
dawn in-nies u agħmihom.” U laqathom bl-għama skond it-talba ta' Eliżew.
[2Slat:6:19] U Eliżew qalilhom: “M'hix din it-triq, lanqas ma hi din il-belt.
Ejjew warajja u neħodkom għand ir-raġel li qegħdin tfittxu.” U ħadhom f'Samarija.
[2Slat:6:20] U ġara li malli waslu s-Samarija Eliżew qal lill-Mulej: “Iftħilhom
għajnejhom ħalli jaraw.” U l-Mulej fetħilhom għajnejhom, u raw li kienu f'nofs
is-Samarija. [2Slat:6:21] U malli rahom is-sultan ta' Iżrael qal lil Eliżew:
“Nidrobhom, missier, nidrobhom?” [2Slat:6:22] U hu wieġbu: “La tidrobhomx!
Tidrob int lil dawk li ma qbadtx bix-xabla, jew bil-qaws tiegħek? Ġibilhom
quddiemhom ħobż u ilma ħa jieklu u jixorbu, u jmorru għand sidhom.” [2Slat:6:23]
U ħejjielhom ikla kbira, kielu u xorbu; u mbagħad bagħathom u marru għand sidhom.
U l-qtajja' ta' l-Aramin ma resqux iżjed lejn art Iżrael.
Il-ħelsien tas-Samarija
[2Slat:6:24] Wara dan ġara li Ben-ħadad, sultan ta' Aram, ġabar l-eżerċtu kollu
tiegħu, u tala' u dawwar lis-Samarija. [2Slat:6:25] U waqa' ġuħ kbir fuq is-Samarija;
u l-assedju tant dam li ras ta' ħmar saret tiswa tmenin xekel tal-fidda, u r-raba'
waħda ta' kâb ħmieġ tal-ħamiem ħames xwiekel tal-fidda. [2Slat:6:26] U s-sultan
ta' Iżrael kien għaddej fuq il-ħitan, u mara bdiet tgħajjatlu: “Għajnuna, sidi
s-sultan!” [2Slat:6:27] U hu weġibha: “Jekk ma jgħinekx il-Mulej, biex nista'
ngħinek jien? Mill-qiegħa jew mill-magħsar?” [2Slat:6:28] U żied jistaqsieha
s-sultan: “X'għandek int?” U l-mara qaltlu: “Din il-mara qaltli: 'Agħtini lil
ibnek, u nikluh illum; u lil ibni nikluh għada.' [2Slat:6:29] U sajjarna lil
ibni, u kilnieh. U l-għada għedtilha: 'Agħtini lil ibnek, u nikluh', imma hi lil
binha ħbietu.” [2Slat:6:30] Malli s-sultan sama' kliem il-mara ċarrat ħwejġu kif
kien fuq il-ħajt, u l-poplu kollu ra li kellu xkora minn ġewwa fuq il-laħam.
[2Slat:6:31] U qalilhom: “Dan jagħmilli l-Mulej u iżjed, jekk illum ras Eliżew
bin Safat tibqa' fuqu.”
[2Slat:6:32] U Eliżew kien qiegħed f'daru, u x-xjuħ kienu miegħu, u s-sultan
bagħat raġel minn għandu. Imma qabel ma wasal għandu l-messaġġier, Eliżew qal
lix-xjuħ: “Qegħdin taraw? Dan l-iben ta' qattiel bagħat ineħħili rasi. Oqogħdu
għassa! Malli jasal il-messaġġier agħlqu l-bieb u żommuh fil-bieb. M'intomx
tisimgħu ħoss il-passi ta' sidu warajh?” [2Slat:6:33] Kien għadu jkellimhom, u
hemm hu s-sultan, nieżel ħdejh. U qallu: “Ara, din il-ħsara kollha mingħand
il-Mulej. X'nistenna aktar mingħand il-Mulej?”
7. Il-ħelsien tas-Samarija
[2Slat:7:1] U Eliżew qallu: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej: Hekk jgħid il-Mulej: 'Għada
bħalissa fil-bieb tas-Samarija, sea smid tkun tiswa xekel, u sàtejn xgħir xekel.'
” [2Slat:7:2] U l-ajjutant, li fuq driegħu kien imwieżen is-sultan, wieġeb
lill-bniedem ta' Alla: “Tarax! Lanqas li kellu l-Mulej jiftaħ issa stess bwieb
is-sema! Kif jista' jkun dan?” U Eliżew wieġbu, “Dan tarah b'għajnejk, imma
minnu ma tikolx.”
[2Slat:7:3] Kien hemm erbgħa min-nies lebbrużi fid-daħla ta' bieb il-belt, u
bdew jgħidu lil xulxin: “X'aħna nagħmlu hawn sa ma mmutu? [2Slat:7:4] Jekk
ngħidu: 'Ħa nidħlu fil-belt', hemm il-ġuħ u mmutu hemm; u jekk nibqgħu hawn,
mmutu l-istess; mela issa ħa mmorru, u nidħlu fil-kamp ta' l-Aramin. Jekk
iħalluna ħajjin, ngħixu; jekk joqtluna, mmutu.” [2Slat:7:5] U qamu fil-għaxija
biex imorru fil-kamp ta' l-Aramin; imma malli waslu f'tarf il-kamp ta' l-Aramin;
ma kien hemm ħadd. [2Slat:7:6] Il-biċċa kienet, li l-Mulej kien samma'
lill-Aramin fil-kamp ħsejjes ta' karrijiet ta' żwiemel u ta' eżerċtu kbir, u
huma bdew jgħidu lil xulxin: “Ara, is-sultan ta' Iżrael kera s-Slaten tal-Ħittin,
u s-Slaten ta' l-Eġizzjani biex jiġu jaħbtu għalina.” [2Slat:7:7] U qamu u ħarbu
fil-għaxija, u ħallew it-tined tagħhom, u ż-żwiemel u l-ħmir tagħhom, u l-kamp
kif kien, u ħarbu u ħasbu għal rashom.
[2Slat:7:8] U dawk il-lebbrużi waslu f'tarf il-kamp, u daħlu f'waħda mit-tined;
u kielu u xorbu; u ħadu minn hemm fidda u deheb u lbies, u marru ħbew kollox.
Reġgħu lura u daħlu f'tinda oħra, u ħadu ħwejjeġ oħra, u marru ħbew kollox.
[2Slat:7:9] Mbagħad qalu wieħed lill-ieħor: “Ma nagħmlux hekk! Dan il-jum hu jum
ta' bxara tajba, u aħna bqajna sektin. Jekk nistennew sa ma jisbaħ fil-għodu,
ikollna ħtija. Mela issa ħa mmorru nagħtu l-aħbar lil dar is-sultan.”
[2Slat:7:10] U marru u sejjħu lill-għases ta' bieb il-belt, u tawhom l-aħbar, u
qalulhom: “Dħalna fil-kamp ta' l-Aramin, u ma kien hemm ħadd fih; lanqas ħoss ta'
bniedem. Hemm biss żwiemel u ħmir marbutin, u tined kif kienu.” [2Slat:7:11] U
l-għassiesa tal-bieb bdew jgħajjtu, u wasslu l-aħbar fil-palazz tas-sultan.
[2Slat:7:12] U s-sultan qam billejl u qal lill-qaddejja tiegħu: “Ħa ngħidilkom
x'għamlulna l-Aramin. Jafu li aħna bil-ġuħ, u ħarġu mill-kamp biex jinħbew fir-raba',
għax jgħidulek: 'Issa joħorġu mill-belt, u naqbduhom ħajjin, u nidħlu fil-belt.'
” [2Slat:7:13] U wieħed mill-qaddejja qallu: “Nieħdu ħames żwiemel milli baqa'
fil-belt - l-aktar jiġrilhom bħall-kotra ta' Iżrael, li għoddha ntemmet - u
nibagħtu naraw.” [2Slat:7:14] U ħadu żewġ karrijiet biż-żwiemel, u s-sultan
bagħathom għal wara l-eżerċtu ta' Aram u qalilhom: “Morru araw.” [2Slat:7:15] U
baqgħu sejrin warajhom sal-Ġordan, u raw it-triq kollha miżgħuda b'ilbies u
ħwejjeġ oħra, li ħallew warajhom l-Aramin bl-għaġla li kellhom. U l-messaġġiera
reġgħu lura u għarrfu b'dan lis-sultan.
[2Slat:7:16] U l-poplu ħareġ, u ħatfu kull ma sabu fil-kamp ta' l-Aramin; u sea
smid saret tiswa xekel, u sàtejn xgħir xekel, skond ma kien qal il-Mulej.
[2Slat:7:17] Is-sultan kien qiegħed għassa fil-bieb lill-ajjutant tiegħu, li fuq
driegħu kien jitwieżen; u l-poplu lil dan għaffġu fil-bieb, u miet, skond ma
kien qal il-bniedem ta' Alla meta s-sultan kien niżel għandu. [2Slat:7:18] Għax
meta l-bniedem ta' Alla kien kellem lis-sultan u qallu: 'Għada bħal issa
fil-bieb ta' Samarija sea smid tkun tiswa xekel, u sàtejn xgħir xekel,'
[2Slat:7:19] l-ajjutant wieġeb lill-bniedem ta' Alla u qal: “Tarax! Lanqas li
kellu l-Mulej jiftaħ issa stess bwieb is-sema! Kif jista' jkun dan?”
[2Slat:7:20] U hekk ġralu; u l-poplu għaffġu fil-bieb, u miet.
8. Eliżew u s-Sunamija
[2Slat:8:1] U Eliżew kellem lill-mara li kien qajjmilha lil binha mill-mewt, u
qalilha: “Qum u mur int u darek, u għammar fejn issib, għax il-Mulej sejjaħ
il-ġuħ li dalwaqt jaqa' fuq l-art għal seba' snin.” [2Slat:8:2] U l-mara qamet u
għamlet kif qalilha l-bniedem ta' Alla, u marret, hi u darha, tgħammar fl-art
tal-Filistin għal seba' snin.
[2Slat:8:3] U ġara li kif intemmu s-seba' snin il-mara reġgħet lura mill-art
tal-Filistin, u marret titlob lura lis-sultan darha u r-raba' tagħha.
[2Slat:8:4] U s-sultan kellem lil Geħażi, il-qaddej tal-bniedem ta' Alla, u
qallu: “Irrakkuntali l-ħwejjeġ kbar kollha li għamel Eliżew.” [2Slat:8:5] U kif
kien qiegħed jirrakkonta lis-sultan kif kien qajjem wieħed mejjet, tasal il-mara
li kien qajjmilha lil binha, biex titlob lura lis-sultan darha u r-raba' tagħha.
U Geħażi qallu: “Sultan sidi: Din hi l-mara, u dan hu binha, li qajjmilha Eliżew
mill-mewt.” [2Slat:8:6] U s-sultan staqsa lill-mara, u hi qaltlu kollox; u
mbagħad bagħat magħha wieħed minn ta' madwaru u qallu: “Ħa jingħata lura lil din
il-mara kull ma kellha, u l-frott kollu tar-raba' tagħha minn dak in-nhar li
ħalliet il-pajjiż sa llum.”
Eliżew u Ħażajel
[2Slat:8:7] Eliżew mar Damasku. Benħadad, is-sultan ta' Aram, kien marid, u tawh
l-aħbar, u qalulu: “Ġie l-bniedem ta' Alla sa hawn.” [2Slat:8:8] U s-sultan qal
lil Ħażajel: “Ħu f'idek rigali, u mur iltaqa' mal-bniedem ta' Alla, u staqsi
lill-Mulej permezz tiegħu biex jgħidli jekk iniex se nfiq minn din il-marda
tiegħi.”
[2Slat:8:9] U Ħażajel mar jiltaqa' miegħu, u ħa f'idu r-rigali, erbgħin ġemel
mgħobbija bil-ġid kollu ta' Damasku. U wasal u ppreżenta ruħu quddiemu u qallu:
“Ibnek Ben-ħadad, sultan ta' Aram, bagħatni għandek nistaqsik: 'Nfiq minn din
il-marda tiegħi?’ ” [2Slat:8:10] U Eliżew wieġbu: “Mur għidlu: 'Tfiq żgur.' Il-Mulej
iżda wrieni li jmut żgur.”
[2Slat:8:11] U waħħal ħarstu fih u baqa' ċass sakemm beda jistħi, u l-bniedem ta'
Alla nfexx jibki. [2Slat:8:12] U Ħażajel staqsieh: “Għala qiegħed jibki sidi?” U
dak wieġbu: “Għax sirt naf bil-ħsara li għad tagħmel int lil ulied Iżrael;
tagħti n-nar lill-fortizzi tagħhom; toqtlilhom lil uliedhom il-kbar bix-xabla;
tagħmlilhom tħin it-trabi tagħhom, u taqsmilhom in-nisa tqal tagħhom.”
[2Slat:8:13] U Ħażajel wieġeb: “X'inhu dan il-kelb tal-qaddej tiegħek biex
jagħmel ħaġa kbira bħal din?” U Eliżew wieġbu: “Il-Mulej urieni li int għad tkun
sultan ta' Aram.”
[2Slat:8:14] U telaq minn ħdejn Eliżew, u wasal għand sidu, u dan staqsieh:
“X'qallek Eliżew?” U wieġbu: “Qalli li int tgħix żgur.” [2Slat:8:15] U ġara li
l-għada qabad parkan, għaddsu fl-ilma, u firxu fuq wiċċ is-sultan, u dan miet. U
laħaq sultan floku Ħażajel.
Ġeħoram sultan ta' Ġuda ( 849-842 QK )
[2Slat:8:16] Fil-ħames sena ta' Ġoram bin Aħab, sultan ta' Iżrael, beda jsaltan
Ġeħoram bin Ġosafat, sultan ta' Ġuda. [2Slat:8:17] Kellu tnejn u tletin sena
meta laħaq sultan, u saltan għal tmien snin f'Ġerusalemm. [2Slat:8:18] Qabad l-istess
triq tas-Slaten ta' Iżrael bħalma kienu għamlu dawk tad-dar ta' Aħab, għax kellu
b'martu lil bint Aħab; u għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej. [2Slat:8:19] Imma
l-Mulej ma riedx jeqred lil Ġuda minħabba David, il-qaddej tiegħu, billi kien
wiegħdu li jħallilu xrara għal dejjem, lilu u lil uliedu.
[2Slat:8:20] Fi żmienu l-Edumin qamu kontra l-ħakma ta' Ġuda, u għamlu sultan
għalihom. [2Slat:8:21] Ġeħoram għadda għal Sagħir bil-karrijiet kollha miegħu;
qam billejl u ħabat għall-Edumin li kienu dawwru lilu u l-fizzjal tal-karrijiet;
imma l-eżerċtu ħarab lejn it-tined tiegħu. [2Slat:8:22] Hekk Edom ħeles minn
taħt idejn Ġuda sa llum; mbagħad f'dak iż-żmien stess ħelset Libna wkoll.
[2Slat:8:23] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġeħoram u kull ma għamel jinsabu miktuba
fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:8:24] U Ġeħoram strieħ ma'
missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David. Mbagħad beda jsaltan
floku Aħażija ibnu.
Aħażija sultan ta' Ġuda ( 843 QK )
[2Slat:8:25] Fis-sena tnax ta' Ġoram bin Aħab, sultan ta' Iżrael, beda jsaltan
Aħażija bin Ġeħoram, sultan ta' Ġuda. [2Slat:8:26] Aħażija kellu tnejn u għoxrin
sena meta laħaq sultan, u saltan sena f'Ġerusalemm. Ommu kien jisimha Għatalija,
mill-familja ta' Għomri, sultan ta' Iżrael. [2Slat:8:27] U qabad it-triq ta' dar
Aħab, u għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej bħad-dar ta' Aħab, għax kien
miżżewweġ għand il-familja ta' Aħab. [2Slat:8:28] U mar ma' Ġoram bin Aħab,
jitqabad ma' Ħażajel, sultan ta' Aram, f'Ramot-gilgħad. U l-Aramin darbu lil
Ġoram. [2Slat:8:29] Is-sultan Ġoram reġa' lura lejn Ġeżragħel biex jiddewwa
mill-ġrieħi li għamlulu l-Aramin f'Rama hu u jitqabad ma' Ħażajel, sultan ta'
Aram. U Aħażija bin Ġeħoram, sultan ta' Ġuda, niżel jara lil Ġoram bin Aħab,
f'Geżragħel, għax kien marid.
9. Ġeħu sultan ta' Iżrael ( 843-816 QK )
[2Slat:9:1] Eliżew, il-profeta, sejjaħ lil wieħed minn ulied il-profeti u qallu:
“Ħażżem ġenbejk, u ħu dan il-kus żejt f'idek, u mur Ramot-gilgħad. [2Slat:9:2]
Kif tasal hemm, ara tarax lil Ġeħu bin Ġosafat, bin Nimsi, u malli tidħol ħdejh
qajjmu minn fost sħabu u daħħlu fil-kamra ta' ġewwanett. [2Slat:9:3] Mbagħad
aqbad il-kus taż-żejt, sawwbu fuq rasu u għidlu: “Dan jgħid il-Mulej: 'Dliktek
sultan fuq Iżrael.' ” U iftaħ il-bieb, u aħrab; toqgħodx titnikker.
[2Slat:9:4] U ż-żagħżugħ - kien hu wkoll bin profeta - mar Ramot-gilgħad.
[2Slat:9:5] U wasal, u ra l-fizzjali ta' l-eżerċtu miġbura flimkien bilqiegħda,
u qalilhom: “Għandi messaġġ għalik, kmandant.” Ġeħu wieġbu: “Għal min minna?”
wieġbu: “Għalik, kmandant.” [2Slat:9:6] U qam u daħal id-dar, u sawwablu ż-żejt
fuq rasu u qallu: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Jien dliktek sultan fuq
il-poplu tal-Mulej, fuq Iżrael. [2Slat:9:7] Int tidrob lil dar Aħab, sidek, u
hekk nitħallas tad-demm tal-qaddejja tiegħi l-profeti, u tad-demm tal-qaddejja
kollha tal-Mulej minn id Ġeżabel. [2Slat:9:8] Id-dar kollha ta' Aħab tinqered u
neqred lil kull raġel, sew jekk ikun ilsir sew jekk ħieles, f'Iżrael.
[2Slat:9:9] U nagħmel minn dar Aħab bħalma għamilt minn dar Ġerobogħam bin Nebat
u mid-dar ta' Bagħsa bin Aħija. [2Slat:9:10] U lil Ġeżabel jikluha l-klieb
fil-qasam ta' Geżragħel, u ma jkun hemm ħadd biex jidfinha.’ ” U fetaħ il-bieb u
ħarab.
[2Slat:9:11] U Ġeħu ħareġ għal ħdejn il-qaddejja ta' sidu, u dawn qalulu:
“Kollox sewwa? Għalfejn ġie għalik dan il-miġnun?” U weġibha: “Intom tafuh lil
dak ir-raġel, u t-tpaċpiċ tiegħu.” [2Slat:9:12] U huma weġbuh: “M'hux tassew!
Għidilna!” U qalilhom: “Dan u dan qalli,” u żied: “Hekk qal il-Mulej: 'Dliktek
sultan fuq Iżrael.’ ”
[2Slat:9:13] Malajr malajr ħadu kull wieħed mantaru, u firxuh taħt riġlejh fuq
it-taraġ għeri, daqqew it-tromba u għajjtu: “Ġeħu Sultan!”
[2Slat:9:14] Ġeħu bin Ġosafat, bin Nimsi, beda jikkonfoffa kontra Ġoram; u Ġoram
kien jghasses f'Ramot-gilgħad, hu u Iżrael kollu, minħabba Ħażajel, sultan ta'
Aram. [2Slat:9:15] U Ġoram, is-sultan, kien raġa’ mar Ġeżragħel jiddewwa
mill-ġrieħi, li kienu għamlulu l-Aramin, meta kien jitqabad ma' Ħażajel,
is-sultan ta' Aram. U Ġeħu qal: “Jekk intom taħsbuha hekk, ħadd minnkom ma
għandu joħroġ mill-belt, u jmur iħabbar dan f'Ġeżragħel.” [2Slat:9:16] U Ġeħu
rikeb il-karru, u mar Ġeżragħel, għax Ġoram kien hemm mixħut fis-sodda, u kien
hemm ukoll Aħażija, sultan ta' Ġuda, billi kien niżel biex iżur lil Ġoram.
[2Slat:9:17] L-għassies kien fuq it-torri ta' Ġeżragħel, u lemaħ il-qatgħa ta'
Ġeħu riesqa, u qal: “Qiegħed nara qatgħa nies.” U Ġoram qallu: “Aqbad rikkieb, u
ibagħtu jiltaqa' magħhom, u jistaqsihom hux kollox sewwa.” [2Slat:9:18] U
r-rikkieb rikeb iż-żiemel, u mar jiltaqa' miegħu, u qallu: “Dan jgħid is-sultan:
'Kollox sewwa?’ ” U Ġeħu wieġeb: “X'għandek x'taqsam int jekk hux kollox sewwa?
Dur għal warajja.” U l-għassies ħabbar u qal: “ Il-messaġġier wasal sa ħdejhom,
imma ma ġiex lura.”
[2Slat:9:19] U Ġoram bagħat rikkieb ieħor fuq iż-żiemel, u dan wasal ħdejhom, u
qal: “Dan jgħid is-sultan: 'Kollox sewwa?' U Ġeħu wieġeb: “X'għandek x'taqsam
int jekk hux kollox sewwa? Dur għal warajja!” [2Slat:9:20] U l-għassies ħabbar u
qal: “Wasal sa ħdejhom, imma ma ġiex lura. Is-sewqan hu s-sewqan ta' Ġeħu bin
Nimsi, għax isuq bħal miġnun.”
[2Slat:9:21] Mbagħad Ġoram qalilhom: “Orbtu ż-żwiemel.” U rabtuhom mal-karru
tiegħu. U Ġoram, is-sultan ta' Iżrael, ħareġ, hu u Aħażija, sultan ta' Ġuda,
kull wieħed fuq il-karru tiegħu, jiltaqgħu ma' Ġeħu, u sabuh fl-għalqa ta'
Nabot, il-Ġeżragħeli. [2Slat:9:22] U ġara li malli Ġoram ra lil Ġeħu qallu:
“Sliem, Ġeħu?” U dak wieġbu: “Xi sliem, sakemm idumu ż-żína ta' ommok Ġeżabel u
l-qabda sħarijiet tagħha?” [2Slat:9:23] U Ġoram dawwar il-karru biex jaħrab, u
qal lil Aħażija: “Tradiment, Aħażija!” [2Slat:9:24] U Ġeħu qabad il-qaws f'idu,
u darab lil Ġoram bejn spallejh, u l-vleġġa ħarġet minn ġo qalbu, u miet fuq
il-karru. [2Slat:9:25] U mbagħad Ġeħu qal lil Bidkar, l-ajjutant tiegħu: “Aqbduh
u waddbuh f'xi naħa ta' l-għalqa ta' Nabot, il-Ġeżragħeli; għax għadni niftakar
li darba, meta jien u int konna rekbin wara Aħab missieru, il-Mulej xeħet fuqu
din it-theddida:
[2Slat:9:26] 'Ma rajtx jien ilbieraħ id-demm ta' Nabot,
u d-demm ta' wliedu?
oraklu tal-Mulej.
Hekk inħallsek f'din l-istess għalqa,
oraklu tal-Mulej.'
Mela issa aqbduh u waddbuh fil-qasam skond il-kelma tal-Mulej.”
[2Slat:9:27] U Aħażija, sultan ta' Ġuda, malli ra dan kollu, ħarab mit-triq ta'
Bet-ħaggan, imma Ġeħu għamel għal warajh, u ordna: “Idorbuh lilu wkoll fuq
il-karru.” U laqtuh fit-telgħa ta' Gur, li taħbat qrib Iblagħam, u ħarab lejn
Megiddu, u miet hemmhekk.
[2Slat:9:28] U l-qaddejja tiegħu għabbewh fuq karru, u ħaduh Ġerusalemm, u
difnuh ma' missirijietu f'qabru fil-belt ta' David. [2Slat:9:29] Aħażija beda
jsaltan fuq Ġuda fis-sena ħdax ta' Ġoram bin Aħab.
[2Slat:9:30] U Ġeħu ġie Ġeżragħel. Xħin Ġeżabel semgħet, żebgħet għajnejha
bl-ikħal, u żejjnet rasha, u telgħet tittawwal mit-tieqa. [2Slat:9:31] U kif
Ġeħu wasal fil-bieb qaltlu: “Kollox sewwa ma' Żimri, il-qattiel ta' sidu?”
[2Slat:9:32] U hu rafa' għajnejh lejn it-tieqa, u weġibha: “Min hawn miegħi?
Min?” U tnejn jew tliet uffiċjali ħarġu jittawwlu; [2Slat:9:33] u hu qalilhom:
“Waddbuha għal isfel!” U huma waddbuha għal isfel, u r-raxx ta' demmha ċappas
il-ħajt u ż-żwiemel, li għaddew jgħaffġu minn fuqha.
[2Slat:9:34] Mbagħad daħal il-belt, kiel u xorob, u qalilhom: “Morru araw lil
dik il-misħuta, u idfnuha, għax hi bint sultan.” [2Slat:9:35] U marru jidfnuha,
imma ma sabu xejn minnha ħlief il-qorriegħa, riġlejha u keffejn idejha.
[2Slat:9:36] U reġgħu lura jgħarrfu lil Ġeħu, u qalilhom: “Din hi l-kelma
tal-Mulej, li lissen permezz tal-qaddej tiegħu Elija, it-Tisbi, meta qal: 'Laħam
Ġeżabel jikluh il-klieb fl-għalqa ta' Ġeżragħel. [2Slat:9:37] U jkun bħad-demel
f'wiċċ l-art fl-għalqa ta' Ġeżragħel, il-ġisem mejjet ta' Ġeżabel, u ħadd ma
jkun jista' jgħid: 'Din hi Ġeżabel.’ ”
10. Ġeħu u wlied Aħab
[2Slat:10:1] Aħab kellu sebgħin tifel f'Samarija. U Ġeħu kiteb ittra u bagħatha
s-Samarija lill-kapijiet ta' Iżrael, lill-anzjani u lil dawk li kienu jrabbu
t-tfal ta' Aħab, u qalilhom: [2Slat:10:2] “Malli tasal għandkom din l-ittra,
intom, li għandkom ħsieb ulied sidkom u għandkom f'idejkom il-karrijiet u
ż-żwiemel u l-fortizzi u l-armi, [2Slat:10:3] araw min hu l-itjeb u l-aħjar fost
ulied is-sultan għal fuq it-tron ta' missieru, u tqabdu għal dar sidkom.”
[2Slat:10:4] Imma huma beżgħu ħafna, u qalu: “Ara, jekk żewġ Slaten ma setgħux
jiqfulu, kif nistgħu niqfulu aħna?” [2Slat:10:5] U s-suprentendent tal-palazz,
il-gvernatur tal-belt, l-anzjani u dawk li kienu jieħdu ħsieb it-tfal bagħtu
jgħidu lil Ġeħu: “Aħna l-qaddejja tiegħek, u kull ma tgħidilna nagħmluh. Ma aħna
ser nagħmlu lil ħadd sultan. Agħmel dak li jidhirlek li hu sewwa.” [2Slat:10:6]
U kitbilhom ittra oħra u qalilhom: “Jekk intom miegħi u lesti tisimgħu kliemi,
aqbdu rjus ulied sidkom, u għada, bħal issa, ejjew għandi f'Ġeżragħel.”
U wlied is-sultan, li kienu jlaħħqu sebgħin ruħ, kienu mqassmin għand il-kbarat
tal-belt biex irabbuhom. [2Slat:10:7] U ġara li malli waslitilhom l-ittra
għandhom qabdu lil ulied is-sultan, sebgħin wieħed, u qatluhom, u qiegħdu
rjushom fil-qfief, u bagħtuhom għand Ġeħu f'Ġeżragħel. [2Slat:10:8] U marru
jgħarrfu lis-sultan u jgħidulu: “Ġiebu rjus ulied is-sultan.” U hu weġibhom:
“Qegħduhom żewġ gzuz fid-daħla tal-bieb sa filgħodu.” [2Slat:10:9] Fil-għodu,
mbagħad, ħareġ u waqaf quddiem il-poplu kollu u qalilhom: “Intom bla ħtija.
Araw, jiena kkonfoffajt kontra sidi, u qtiltu. Imma dawn min qatilhom?
[2Slat:10:10] Kunu afu mela li xejn ma jaqa' fl-art minn kliem il-Mulej, li
tkellem dwar id-dar ta' Aħab. Il-Mulej għamel dak kollu li tkellem permezz
tal-qaddej tiegħu Elija.” [2Slat:10:11] U Ġeħu qatel f'Ġeżragħel lil dawk kollha
li kien fadal mid-dar ta' Aħab, u l-kbarat tiegħu, il-ħbieb u l-qassisin tiegħu,
sakemm ma ħallielu anqas wieħed.
[2Slat:10:12] Mbagħad qam u mar is-Samarija. Hu u sejjer wasal f'Bet-għeqed
tar-rgħajja. [2Slat:10:13] Ġeħu sab l-aħwa ta' Aħażija, is-sultan ta' Ġuda, u
staqsiehom: “Min intom?” u weġbuh: “Aħna ħut Aħażija, u nżilna biex naraw kif
inhuma wlied is-sultan u wlied is-sultana.” [2Slat:10:14] U hu qal: “Aqbduhom
ħajjin.” U qabduhom ħajjin u qatluhom ħdejn il-bir ta' Bet-għeqed, tnejn u
erbgħin raġel, u ma ħalla ebda wieħed minnhom.
Ġeħu u r-Rekabiti
[2Slat:10:15] U telaq minn hemm, u sab lil Ġeħonadab bin Rekab, li kien ġej
jiltaqa' miegħu. Sellimlu u qallu: “Qalbek sinċiera miegħi bħalma qalbi hi ma'
qalbek?” U Ġeħonadab wieġbu: “Hekk hi.” U qallu: “Jekk inhu hekk, agħtini idek.”
U tah idu. Mbagħad tellgħu ħdejh fuq il-karru.
[2Slat:10:16] Mbagħad qallu: “Ejja miegħi, u tara l-ħeġġa tiegħi għall-Mulej.” U
rikkbu fuq il-karru tiegħu. [2Slat:10:17] U wasal is-Samarija u qatel lil dawk
kollha li kien għad fadal f'Samarija minn dar Aħab, sa ma qeridha għalkollox,
skond il-kelma tal-Mulej, li kien qal lil Elija.
[2Slat:10:18] U Ġeħu laqqa' l-poplu kollu u qalilhom: “Aħab ftit weġġaħ lil
Bagħal: Ġeħu jweġgħu ħafna aktar minnu. [2Slat:10:19] Mela issa sejjħuli
lill-profeti kollha ta' Bagħal, u d-devoti kollha tiegħu, u l-qassisin kollha
tiegħu - ma għandu jonqos ħadd - għax irrid noffri sagrifiċċju kbir f'ġieħ
Bagħal. Min jonqos, ma jibqax ħaj.” U Ġeħu għamel dan bil-ħażen ta' moħħu biex
jeqred il-qaddejja ta' Bagħal. [2Slat:10:20] U Ġeħu qal: “Niedu laqgħa kbira
f'ġieħ Bagħal.” U niduha. [2Slat:10:21] U Ġeħu bagħat messaġġiera ma' Iżrael
kollu, u ġew il-qaddejja kollha ta' Bagħal, u ma kienx baqa' hemm wieħed li ma
ġiex; u waslu fit-tempju ta' Bagħal, u mlewh minn tarf sa tarf. [2Slat:10:22] U
Ġeħu qal lis-suprentendent ta' l-ilbies: “Oħroġ l-ilbiesi għall-qaddejja kollha
ta' Bagħal.” U ħarġilhom l-ilbies. [2Slat:10:23] U Ġeħu u Ġeħonadab bin Rekab
ġew fit-tempju ta' Bagħal, u qalu lill-qaddejja ta' Bagħal: “Fittxu u araw li ma
jkunx hemm magħkom xi ħadd mill-qaddejja tal-Mulej; qisu li jkun hemm biss
il-qaddejja ta' Bagħal.”
[2Slat:10:24] U ġew biex joffru vittmi u sagrifiċċji tal-ħruq. Ġeħu ħalla tmenin
raġel barra, u qalilhom: “Min iħalli jaħrab lil xi ħadd minn dawk li jien se
nħalli f'idejkom, iħallas b'ħajtu.” [2Slat:10:25] Ġara li, malli temm
is-sagrifiċċju tal-ħruq, Ġeħu qal lill-gwardji u lill-fizzjali: “Morru u
oqtluhom. Tħallu lil ħadd jaħrab.” U għaddewhom minn xifer ix-xabla. Mbagħad
il-gwardji u l-fizzjali ħarġuhom 'il barra, u huma daħlu fis-santwarju
tat-tempju ta' Bagħal. [2Slat:10:26] U ħarġu minn hemm ix-xbieha ta' l-Asera li
kien hemm fit-tempju ta' Bagħal u ħarquha. [2Slat:10:27] Qerdu wkoll il-plier
ta' Bagħal, u ħattew it-tempju ta' Bagħal, u għamlu floku latrina li għadha hemm
sa llum.
Is-saltna ta' Ġeħu
[2Slat:10:28] Ġeħu qered 'il Bagħal minn Iżrael. [2Slat:10:29] Iżda Ġeħu ma
warrabx mid-dnubiet li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmlu,
jiġifieri, l-għoġol tad-deheb li kien hemm f'Betel u f'Dan. [2Slat:10:30] U
l-Mulej qal lil Ġeħu: “Talli għamilt sewwa dak li jogħġobni, u għamilt lid-dar
ta' Aħab kull ma kelli f'qalbi, uliedek joqogħdu fuq it-tron ta' Iżrael
sar-raba' ġenerazzjoni.” [2Slat:10:31] Imma Ġeħu ma qiesx li jimxi b'qalbu
kollha fuq il-liġi tal-Mulej, Alla ta' Iżrael; ma warrabx mid-dnubiet li
Ġerobogħam ġagħal jagħmlu 'l-Iżraelin.
[2Slat:10:32] F'dawk il-jiem il-Mulej beda jnaqqas mill-fruntieri ta' Iżrael, u
Ħażajel beda jaħbat għal art Iżrael fil-medda kollha tagħha: [2Slat:10:33]
in-naħa tal-lvant tal-Ġordan, l-art kollha ta' Gilgħad, tal-Gadin, tar-Rubenin u
tal-Manassin, minn Għarogħer, li taħbat ħdejn l-Arnon, sa Gilgħad u Basan.
[2Slat:10:34] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġeħu u kull ma għamel, u kull ma wettaq,
kollha jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:10:35] U
Ġeħu strieħ ma' missirijietu, u difnuh f'Samarija; u saltan floku Ġeħowaħaż,
ibnu. [2Slat:10:36] U ż-żmien li fih saltan Ġeħu fuq Iżrael f'Samarija kien ta'
tmienja u għoxrin sena.
11. Għatalija sultana fuq Ġuda ( 843-838 QK )
[2Slat:11:1] Għatalija kienet omm Aħażija, u malli rat li miet binha, qabdet u
qatlet in-nisel kollu tas-sultan. [2Slat:11:2] U Ġeħoseba, bint is-sultan
Ġeħoram, u oħt Aħażija, ħadet lil Ġowas bin Aħażija - ħatfitu bil-moħbi, lilu u
l-imreddgħa tiegħu, minn qalb ulied is-sultan, li kienu se joqtluhom fil-kamra
tas-sodod - u ħbietu minn għajnejn Għatalija, u hekk ma qatluhx. [2Slat:11:3] U
dam moħbi magħha f'dar il-Mulej sitt snin, fil-waqt li Għatalija kienet issaltan
fuq il-pajjiż.
[2Slat:11:4] Fis-seba' sena Ġeħojada bagħat iġib il-kapijiet tal-mija tal-Karin
u tal-gwardji tal-korp, u daħħalhom miegħu f'dar il-Mulej, u għamel patt
magħhom, u ġagħalhom jaħilfu f'dar il-Mulej, u wriehom lil bin is-sultan.
[2Slat:11:5] U tahom dawn l-ordnijiet u qalilhom: “Dan għandkom tagħmlu: terz
minnkom li tidħlu s-Sibt għassu l-palazz, [2Slat:11:6] u terz fil-bieb ta' Sur,
u terz fil-bieb tal-Gwardji; hekk tagħmlu l-għassa tal-palazz. [2Slat:11:7] U
żewġ diviżjonijiet li joħorġu s-Sibt jgħassu t-Tempju tal-Mulej madwar
is-sultan. [2Slat:11:8] Iddawwru s-sultan dawramejt, kulħadd bl-armi f'idu, u
kull min jipprova jaqsam il-fili tagħkom, oqtluh. Ibqghu mas-sultan, imur fejn
imur.”
[2Slat:11:9] Il-kapijiet tal-mija għamlu kull ma kien ordnalhom Ġeħojada,
il-qassis, u kull wieħed ħa n-nies tiegħu - sew dawk li kienu deħlin is-Sibt,
kemm dawk li kienu ħerġin - u marru għand il-qassis Ġeħojada. [2Slat:11:10] U
dan ta lill-kapijiet tal-mija l-lanez u t-tarkiet tas-sultan David, li kien hemm
f'dar il-Mulej. [2Slat:11:11] U l-gwardji, kull wieħed bl-armi f'idu, qagħdu
min-naħa tan-nofsinhar tat-tempju san-naħa tat-tramuntana, iħarsu lejn l-artal u
t-tempju, madwar is-sultan. [2Slat:11:12] Ġeħojada mbagħad ħareġ lil bin
is-sultan u xeddlu l-kuruna, u tah l-insinja, u għamluh sultan; dilkuh, u bdew
iċapċpu idejhom u jgħajjtu “Viva s-sultan!”
[2Slat:11:13] U Għatalija, malli semgħet l-għajat tal-gwardji u tal-poplu,
marret għal fuq il-poplu f'dar il-Mulej. [2Slat:11:14] U ħarset, u hemm kien
is-sultan wieqaf fuq tribuna skond id-drawwa, u l-kantanti u t-trumbetti maġenb
is-sultan, u l-poplu kollu tal-pajjiż jifraħ u jdoqq it-trumbetti. Għatalija
ċarrtet ħwejjiġha u bdiet tgħajjat: “Tradiment! Tradiment!”
[2Slat:11:15] U Ġeħojada l-qassis ordna lill-kapijiet tal-mija u l-kapijiet
tal-mija ta' l-eżerċtu, u qalilhom: 'Oħorġuha 'l barra mill-palazz bejn żewġ
fillieri suldati, u kull min imur warajha, oqtluh bix-xabla.” Għax il-qassis
kien qal: “Ma joqtluhiex fid-dar tal-Mulej.” [2Slat:11:16] U meddew idejhom
fuqha, u kif waslet fid-daħla taż-żwiemel għal ġewwa l-palazz tas-sultan,
qatluha hemmhekk.
[2Slat:11:17] Ġeħojada għamel patt bejn il-Mulej u bejn is-sultan u bejn
il-poplu li jkunu poplu tal-Mulej, u bejn is-sultan u l-poplu. [2Slat:11:18] U
l-poplu kollu tal-pajjiż daħal fit-tempju ta' Bagħal, u ġarrfuh, u farrku
l-artali u x-xbihat tiegħu għalkollox, u 'l Mattan, qassis ta' Bagħal, qatluh
quddiem l-artal. Ġeħojada, il-qassis, qiegħed għases mat-tempju tal- Mulej.
[2Slat:11:19] Mbagħad laqqa' l-kapijiet tal-mija, il-Karin u l-gwardji u l-poplu
kollu tal-pajjiż, u niżżlu lis-sultan mit-tempju tal-Mulej u daħlu fil-palazz
mill-bieb tal-gwardji u s-sultan qagħad fuq it-tron irjali.
[2Slat:11:20] Feraħ il-poplu kollu tal-pajjiż; u l-belt strieħet; u 'l Għatalija
qatluha bix-xabla fil-palazz tas-sultan.
12. Ġeħowas sultan ta' Ġuda [ 838-800 QK ]
[2Slat:12:1] Ġeħowas kellu seba' snin meta sar sultan. [2Slat:12:2] Kienet
is-seba' sena ta' Ġeħu meta beda jsaltan Ġeħowas, u dam erbgħin sena jsaltan
f'Ġerusalemm; ommu kien jisimha Sibja, minn Birsaba. [2Slat:12:3] U Ġeħowas
għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej iż-żmien kollu li kien imexxih Ġeħojada,
il-qassis. [2Slat:12:4] Biss is-santwarji ma warrabhomx, għax il-poplu baqa'
joffri s-sagrifiċċji u l-inċens fis-santwarji.
[2Slat:12:5] U Ġeħowas qal lill-qassisin: “Il-fidda kollha kkonsagrata li jġibu
fit-tempju tal-Mulej - il-fidda mit-taxxi personali, il-fidda tar-riskatt, u
l-flus li wieħed kien iġib minn rajh f'dar il-Mulej - [2Slat:12:6] jeħduhom
il-qassisin, kull wieħed mingħand min kien jafu, u jsewwu l-ħsara tat-tempju,
kull fejn kien hemm xi konsentura.
[2Slat:12:7] Imma ġara li sas-sena tlieta u għoxrin tas-sultan Ġeħowas,
il-qassisin kienu għadhom ma sewwewx il-ħsara li kien hemm fit-tempju.
[2Slat:12:8] U s-sultan Ġeħowas sejjaħ lil Ġeħojada, il-qassis, u l-qassisin
l-oħra u qalilhom: “Għaliex ma sewwejtux il-ħsara li hemm fit-tempju? Minn issa
'l quddiem teħdux flus mingħand min tafuh, imma għadduh għat-tiswija tal-ħsara
fit-tempju.” [2Slat:12:9] Il-qassisin aċċettaw li ma jeħdux aktar flus mingħand
il-poplu, u li ma jsewwux huma l-ħsara tat-tempju.
[2Slat:12:10] Mbagħad Ġeħojada, il-qassis, ħa senduq, taqqablu l-għatu u qiegħdu
maġenb l-artal, fuq in-naħa tal-lemin int u dieħel fit-tempju tal-Mulej. U
l-qassisin, li kienu jgħassu l-bieb, kienu jixħtu fih il-flus kollha li n-nies
kienu jġibu fit-tempju tal-Mulej. [2Slat:12:11] Kull meta kienu jaraw li kien
hemm biżżejjed flus fis-senduq, l-iskriba tas-sultan, u l-qassis il-kbir, kienu
jiġu u jiġbruhom, u jgħoddu l-flus li kien hemm f'dar il-Mulej.
[2Slat:12:12] Mbagħad kienu jgħaddu l-flus magħduda f'idejn l-imgħallmin li
kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol tat-tempju tal-Mulej; u dawn kienu jħallsu
l-ħaddiema ta' l-injam, [2Slat:12:13] u l-bennejja li kienu jaħdmu f'dar
il-Mulej, il-bennejja tal-ħitan u n-naġġara għax-xiri ta' l-injam u tal-ġebel
għat-tiswija tal-ħsarat fil-ħitan u għall-ispejjeż għal tiswijiet oħra f'dar
il-Mulej. [2Slat:12:14] Imma b'dawn il-flus li nġiebu f'dar il-Mulej, ma għamlux
għal dar il-Mulej la lniebi tal-fidda, la mqassijiet, la bwieqi, la trombi, u
ebda ħaġa oħra tad-deheb jew tal-fidda; [2Slat:12:15] kienu jagħtu kollox
lill-ħaddiema biex bihom isewwu dar il-Mulej. [2Slat:12:16] Anqas ma kienu
jitolbu l-kontijiet mingħand in-nies li kienu jerħulhom il-flus f'idejhom biex
dawn jagħtuhom lill-ħaddiema, għaliex kienu jimxu bis-sewwa.
[2Slat:12:17] Imma l-flus tas-sagrifiċċji tar-riparazzjoni u s-sagrifiċċji
tal-purifikazzjoni, ma kinux imorru għat-tempju tal-Mulej, iżda għall-qassisin.
Ħażajel jaħbat għal Ġerusalemm
[2Slat:12:18] Ħażajel, sultan ta' Aram, tala' biex jaħbat għal Gatt, u rebaħha.
Mbagħad għamel il-ħsieb li jitla' għal Ġerusalemm. [2Slat:12:19] Imma Ġeħowas,
sultan ta' Ġuda, ħa l-offerti mqaddsa kollha li kienu kkonsagraw missirijietu
Ġosafat, Ġeħoram u Aħażija, Slaten ta' Ġuda, u kull ma kien ikkonsagra hu stess,
u d-deheb kollu li kien hemm fit-teżori tat-tempju tal-Mulej, u l-palazz
tas-sultan, u bagħat kollox lil Ħażajel, sultan ta' Aram, u dan warrab minn
Ġerusalemm.
[2Slat:12:20] U l-bqija tal-Ġrajja tas-sultan Ġeħowas, u ta' kull ma għamel,
kollha jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:12:21]
Il-qaddejja tiegħu qamu u għamlu konfoffa, u qatlu lil Ġowas fid-dar ta' Millu,
fin-niżla ta' Sella. [2Slat:12:22] Kienu darbuh Ġożakar bin Simgħat u Ġeħożabad
bin Somer, il-qaddejja tiegħu; u miet, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta'
David, u beda jsaltan floku Amasija, ibnu.
13. Ġeħowaħaż, sultan ta' Iżrael
[2Slat:13:1] Fis-sena tlieta u għoxrin ta' Ġowas bin Aħażija, sultan ta' Ġuda,
sar sultan ta' Iżrael Ġeħowaħaż bin Ġeħu, f'Samarija, u dam isaltan sbatax-il
sena. [2Slat:13:2] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, u mexa fuq id-dnubiet
ta' Ġerobogħam bin Nebat, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu, u ma warrabx
minnhom.
[2Slat:13:3] U xegħlet il-korla tal-Mulej kontra Iżrael, u rħiehom f'idejn
Ħażajel, is-sultan ta' Aram, u f'idejn Benħadad bin Ħażajel, għal dak iż-żmien
kollu. [2Slat:13:4] U Ġeħowaħaż talab ħniena lill-Mulej u l-Mulej semgħu għax ra
l-hemm ta' Iżrael, billi s-sultan ta' Aram kien qiegħed jgħakkishom.
[2Slat:13:5] U l-Mulej ta salvatur lil Iżrael u ħelishom minn taħt idejn Aram; u
wlied Iżrael għammru fi djarhom bħal qabel. [2Slat:13:6] Imma ma warrbux
mid-dnubiet ta' dar Ġerobogħam, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu; mxew fuqhom, u
waqqfu saħansitra x-xbihat ta' l-Asera f'Samarija. [2Slat:13:7] Għalhekk
Ġeħowaħaż ma kienx baqagħlu nies ħlief ħamsin rikkieba, għaxar karrijiet, u
għaxart elef fanterija, għaliex kien qeridhom is-sultan ta' Aram, u għamilhom
trab għall-irfis.
[2Slat:13:8] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġeħowaħaż, u kull ma għamel, u kemm wettaq
jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:13:9] U strieħ
Ġeħowaħaż ma' missirijietu, u difnuh f'Samarija; u beda jsaltan floku Ġowas,
ibnu.
Ġowas, sultan ta' Iżrael ( 801-786 QK )
[2Slat:13:10] Fis-sena sebgħa u tletin tas-sultan Ġowas, sultan ta' Ġuda, laħaq
sultan ta' Iżrael Ġeħowas bin Ġeħowaħaż f'Samarija, u saltan għal sittax-il
sena. [2Slat:13:11] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej u ma warrabx
mid-dnubiet kollha ta' Ġerobogħam bin Nebat, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu,
imma mexa fuqhom.
[2Slat:13:12] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġowas, u kull ma għamel, u kemm wettaq
meta tqabad ma' Amasija, sultan ta' Ġuda, jinsabu miktubin fi Ktieb il-Ġrajja
tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:13:13] U Ġowas strieħ ma' missirijietu; u
Ġerobogħam tela' fuq it-tron tiegħu. Ġowas difnuh f'Samarija mas-Slaten ta'
Iżrael.
Il-mewt ta' Eliżew
[2Slat:13:14] Eliżew marad b'marda li kellu jmut biha. U Ġowas sultan ta' Iżrael
niżel ħdejh, u beda jibki quddiemu u jgħajjat: “Missier, Missier! Il-karru ta'
Iżrael u r-rikkieb tiegħu!” [2Slat:13:15] U Eliżew qallu: “Ħu f'idejk qaws u
vleġeġ.” U ħa f'idu qaws u vleġeġ. [2Slat:13:16] U Eliżew qal lis-sultan ta'
Iżrael: “Qiegħed idek fuq il-qaws.” U dak qiegħed idu fuq il-qaws; u Eliżew
poġġa idejh fuq idejn is-sultan, [2Slat:13:17] u qallu: “Iftaħ it-tieqa n-naħa
tal-lvant.” U dak fetaħha. U Eliżew qallu: “Waddab vleġġa.” U dak waddabha, u
l-ieħor qallu: “Dik hi vleġġa ta' rebħa mingħand il-Mulej, u vleġġa ta' rebħa
fuq Aram; għax int għad tidrob lil Aram f'Afek sakemm teqirdu.” [2Slat:13:18]
Mbagħad qallu wkoll: “Ħu l-vleġeġ.” U dak ħadhom, u Eliżew qal lis-sultan ta'
Iżrael: “Idrob l-art!” U dak darab l-art għal tliet darbiet, u waqaf.
[2Slat:13:19] U l-bniedem ta' Alla għadab għalih, u qallu: “Li kieku drabt l-art
ħamsa jew sitt darbiet, kont tkisser l-Aramin sa ma teqridhom. Imma issa tliet
darbiet biss tista' tirbaħ lill-Aramin.”
[2Slat:13:20] U Eliżew miet u difnuh. Fi dħul is-sena qatgħa ħallelin minn Mowab
bdew deħlin fil-pajjiż. [2Slat:13:21] Darba, meta xi whud kienu qegħdin jidfnu
wieħed mejjet, raw qatgħa minnhom u xeħtu r-raġel fil-qabar ta' Eliżew u telqu.
Malli r-raġel mejjet mess ma' l-għadam ta' Eliżew, ħa l-ħajja, u qam fuq
riġlejh.
Gwerra bejn Iżrael u Aram
[2Slat:13:22] U Ħażajel, sultan ta' Aram, baqa' jgħakkes lil Iżrael iż-żmien
kollu ta' Ġeħowaħaż. [2Slat:13:23] U l-Mulej ħenn għalihom, u tħassarhom u dar
lejhom minħabba l-patt tiegħu ma' Abraham, Iżakk u Ġakobb. Ma riedx jeqridhom, u
anqas qatt sa llum ma warrabhom minn quddiemu.
[2Slat:13:24] Mbagħad miet Ħażajel, sultan ta' Aram, u daħal isaltan floku
Benħadad, ibnu. [2Slat:13:25] U Ġeħowas bin Ġeħowaħaż raġa’ ħa lura l-ibliet
minn id Benħadad bin Ħażajel, li dan kien ħa minn id Ġeħowaħaż missieru
fil-gwerra. Tliet darbiet Ġowas għelbu, u raġa’ ħa lura l-ibliet ta' Iżrael.
14. Amasija sultan ta' Ġuda
[2Slat:14:1] Fit-tieni sena ta' Ġowas bin Ġowaħaż, sultan ta' Iżrael, beda
jsaltan Amasija bin Ġowas sultan ta' Ġuda. [2Slat:14:2] Kellu ħamsa u għoxrin
sena meta sar sultan, u saltan f'Ġerusalemm għal disgħa u għoxrin sena; u ommu
kien jisimha Ġeħogħadin minn Ġerusalemm. [2Slat:14:3] U għamel is-sewwa
f'għajnejn il-Mulej, imma mhux bħal David missieru. Għamel kull ma kien għamel
Ġowas missieru. [2Slat:14:4] Biss ma warrabx is-santwarji, u l-poplu baqa'
joffri s-sagrifiċċji u jaħraq l-inċens fis-santwarji.
[2Slat:14:5] Ġara li malli saħħaħ is-saltna f'idejh, qatel il-qaddejja tiegħu,
li kienu qatlu lis-sultan missieru. [2Slat:14:6] Imma ma qatilx lil ulied
il-qattelin, skond ma hemm miktub fil-ktieb tal-liġi ta' Mosè, fejn il-Mulej
ordna u qal: “Ma jinqatlux il-missirijiet għall-ulied, u l-ulied
għall-missirijiet, imma kulħadd jinqatel għal dnubu.”
[2Slat:14:7] Hu għeleb lill-Edumin f'wied il-Melħ, għaxart elef b'kollox; ħa
Sela fil-ġlied, u semmieha Ġoktijel, kif għadu jisimha sa llum. [2Slat:14:8]
Mbagħad Amasija bagħat messaġġiera għand Ġeħowas bin Ġeħowaħaż, bin Ġeħu, sultan
ta' Iżrael, jgħidulu: “Ejja ħa niltaqgħu wiċċ imbwiċċ.” [2Slat:14:9] U Ġeħowas,
is-sultan ta' Iżrael, bagħat jgħid lil Amasija, sultan ta' Ġuda, u qallu:
“L-għollieq tal-Libanu bagħat jgħid liċ-ċedru li hemm fil-Libanu u qallu:
'Agħtini 'l bintek għal ibni b'martu.' Imma għaddew il-bhejjem selvaġġi li hemm
fil-Libanu u għaffġu l-għollieq. [2Slat:14:10] Int farrakt lil Edom, u qalbek
tkabbret. Ifraħ bil-glorja, u oqgħod f'darek. Għaliex tistieden il-gwaj, biex
titlef int u Ġuda miegħek?”
[2Slat:14:11] Imma Amasija ma samax; u Ġeħowas, sultan ta' Iżrael, tala' u
ltaqgħu wiċċ imbwiċċ għall-ġlied hu u Amasija, sultan ta' Ġuda, f'Bet-xemex li
hemm f'Ġuda. [2Slat:14:12] U Ġuda tħarbat quddiem Iżrael; u ħarbu, kulħadd lejn
l-għarix tiegħu. [2Slat:14:13] U Ġeħowas, sultan ta' Iżrael, qabad f'idejh
f'Bet-xemex lil Amasija, sultan ta' Ġuda, bin Ġeħowas, bin Aħażija, u ġew
Ġerusalemm. Hemm fetaħ tiċrita ta' erba' mitt driegh fil-ħajt ta' Ġerusalemm
minn bieb Efrajm sal-bieb tal-kantuniera.
[2Slat:14:14] U ħa d-deheb u l-fidda kollha, u t-tagħmir kollu li kien jinsab
fit-tempju tal-Mulej, u fl-imħażen tal-palazz tas-sultan, flimkien ma' xi rġiel
b'rahan, u raġa’ lura s-Samarija.
[2Slat:14:15] Il-bqija tal-Ġrajja ta' Ġeħowas u kull ma għamel, u kemm wettaq u
l-ġlied tiegħu ma' Amasija, sultan ta' Ġuda, jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja
tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:14:16] U Ġeħowas strieħ ma' missirijietu, u difnuh
f'Samarija mas-Slaten ta' Iżrael, u daħal isaltan floku Ġerobogħam ibnu.
[2Slat:14:17] Amasija bin Ġowas, sultan ta' Ġuda, għex ħmistax-il sena wara
l-mewt ta' Ġeħowas bin Ġeħowaħaż, sultan ta' Iżrael. [2Slat:14:18] Il-bqija
tal-Ġrajja ta' Amasija jinsabu miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda.
[2Slat:14:19] Għamlu konfoffa kontriħ f'Ġerusalemm, u hu ħarab f'Lakis; u bagħtu
nies warajh f'Lakis u qatluh hemm. [2Slat:14:20] Mbagħad ġarrewh fuq iż-żwiemel,
u difnuh f'Ġerusalemm ma' missirijietu fil-belt ta' David. [2Slat:14:21] U
l-poplu kollu ta' Ġuda qabdu lil Għażarija, li kellu sittax-il sena, u għamluh
sultan flok missieru Amasija. [2Slat:14:22] Hu bena Elat u ġiebha lura lil Ġuda,
wara li strieħ is-sultan ma' missirijietu.
Ġerobogħam sultan fuq Iżrael ( 786-746 QK )
[2Slat:14:23] Fis-sena ħmistax ta' Amasija bin Ġowas, sultan ta' Ġuda, beda
jsaltan Ġerobogħam bin Ġowas, sultan ta' Iżrael, f'Samarija u dam isaltan wieħed
u erbgħin sena. [2Slat:14:24] Għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, għax ma
warrabx mid-dnubiet ta' Ġerobogħam bin Nebat, li dan ġiegħel lil Iżrael jagħmlu.
[2Slat:14:25] Hu kien li raġa’ wassal il-fruntieri ta' Iżrael mid-daħla ta'
Ħamat sal-baħar ta' l-Għaraba, skond il-kelma tal-Mulej, Alla ta' Iżrael,
permezz tal-qaddej tiegħu, il-profeta Ġona bin Amittaj, li kien minn Gat-ħefer.
[2Slat:14:26] Għax kien ra l-Mulej id-diqa kbira u morra ta' Iżrael; ma kien
fadal ħadd, la lsir u la ħieles; u ma kien hemm ebda salvatur għal Iżrael.
[2Slat:14:27] Imma billi l-Mulej ma kienx qatagħha li jħassar isem Iżrael minn
taħt is-smewwiet, salvahom permezz ta' Ġerobogħam bin Ġowas.
[2Slat:14:28] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġerobogħam, u kull ma għamel, u kemm
wettaq, u l-gwerer tiegħu, u kif reġġa' lura għand Iżrael lil Damasku u lil
Ħemat, li kienu ta' Ġuda, huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.
[2Slat:14:29] Ġerobogħam strieħ ma' missirijietu mas-Slaten ta' Iżrael, u daħal
isaltan floku Żakkarija ibnu.
15. Għażarija sultan ta' Ġuda ( 783-742 QK )
[2Slat:15:1] Fis-sena sebgħa u għoxrin ta' Ġerobogħam, sultan ta' Iżrael, beda
jsaltan Għażarija bin Amasija, sultan ta' Ġuda. [2Slat:15:2] Kellu sittax-il
sena meta beda jsaltan, u saltan għal tnejn u ħamsin sena f'Ġerusalemm; ommu
kien jisimha Ġekolija minn Ġerusalemm. [2Slat:15:3] U għamel is-sewwa f'għajnejn
il-Mulej, bħalma kien għamel Amasija missieru. [2Slat:15:4] Imma s-santwarji ma
tneħħewx; il-poplu kien għadu joffri s-sagrifiċċji u jaħraq l-inċens
fis-santwarji. [2Slat:15:5] U l-Mulej darab lis-sultan, u dan baqa' lebbrus sa
jum mewtu; u kien jgħammar f'dar maqtugħa għaliha. U Ġotam, bin is-sultan, kien
jieħu ħsieb il-palazz u jamministra l-ġustizzja lill-poplu tal-pajjiż.
[2Slat:15:6] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Għażarija, u kull ma għamel, huma miktuba
fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:15:7] U Għażarija strieħ ma'
missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David; u beda jsaltan floku
ibnu Ġotam.
Żakkarija sultan ta' Iżrael ( 746 QK )
[2Slat:15:8] Fis-sena tmienja u tletin ta' Għażarija, sultan ta' Ġuda, beda
jsaltan fuq Iżrael Żakkarija bin Ġerobogħam f'Samarija għal sitt xhur.
[2Slat:15:9] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, bħalma kienu għamlu
missirijietu, u ma warrabx mid-dnubiet ta' Ġerobogħam bin Nebat, li ġagħal lil
Iżrael jagħmlu.
[2Slat:15:10] U kkonfoffa kontra tiegħu Sallum bin Ġabes, u darbu f'Iblagħam, u
qatlu; u beda jsaltan floku.
[2Slat:15:11] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Żakkarija jinsabu miktuba fil-Ktieb
il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:15:12] Dan kien kliem il-Mulej li kien
qal lil Ġeħu: “Uliedek joqogħdu fuq it-tron sar-raba' nisel.” U hekk kien.
Sallum sultan ta' Iżrael (746 QK )
[2Slat:15:13] Sallum bin Ġabes beda jsaltan fuq Iżrael fis-sena disgħa u tletin
ta' Għużżija, sultan ta' Ġuda, u baqa' jsaltan għal xahar f'Samarija.
[2Slat:15:14] U qam Menaħem bin Gadi minn Tirsa u maris-Samarija, u darab lil
Sallum bin Ġabes f'Samarija, u qatlu; u beda jsaltan floku.
[2Slat:15:15] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Sallum, u l-konfoffa li għamel, huma
kollha miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:15:16] Mbagħad
Menaħem ħarbat lil Tifsah u kull ma kien hemm fiha, u l-inħawi tagħha, ibda minn
Tirsa, għax din ma fetħitlux bibienha, u darabha u ħarbatha, u nifed in-nisa
tqal tagħha bix-xabla.
Menaħem sultan ta' Iżrael ( 745-737 QK )
[2Slat:15:17] Fis-sena disgħa u tletin ta' Għażarija, sultan ta' Ġuda, beda
jsaltan Menaħem bin Gadi fuq Iżrael, u dam isaltan għaxar snin f'Samarija.
[2Slat:15:18] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, ma warrabx mid-dnubiet ta'
Ġerobogħam bin Nebat, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu. [2Slat:15:19] Fi żmienu
ġie Pul, sultan ta' l-Assirja, fil-pajjiż; u Menaħem ta lil Pul elf talent fidda
biex dan jagħtih daqqa ta' id biex isaħħaħ is-saltna f'idejh. [2Slat:15:20] U
Menaħem xeħet il-ħlas ta' dawn il-flus fuq Iżrael; fuq l-għonja kollha, li
kellhom iħallsu ħamsin xekel tal-fidda kull wieħed lis-sultan ta' l-Assirja. U
s-sultan ta' l-Assirja raġa’ lura, u ma baqax aktar fil-pajjiż.
[2Slat:15:21] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Menaħem, u kull ma għamel, huma miktuba
fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Slat:15:22] Menaħem strieħ ma'
missirijietu; u daħal isaltan floku Pekaħija ibnu.
Pekaħija sultan ta' Iżrael ( 737-736 QK )
[2Slat:15:23] Fis-sena ħamsin ta' Għażarija, sultan ta' Ġuda, beda jsaltan
Pekaħija bin Menaħem fuq Iżrael f'Samarija, u dam isaltan sentejn. [2Slat:15:24]
U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej; ma warrabx mid-dnubiet ta' Ġerobogħam bin
Nebat, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu. [2Slat:15:25] U kkonfoffaw kontra
tiegħu Pekaħ bin Remalija, l-ajjutant tiegħu, u darbu f'Samarija, fit-torri
tal-palazz tas-sultan; miegħu kellu ħamsin raġel minn ulied il-Gilgħadin. Qatlu
u daħal isaltan floku.
[2Slat:15:26] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Pekaħija, u kull ma għamel, huma miktuba
fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.
Pekaħ sultan ta' Iżrael (736-734 QK )
[2Slat:15:27] Fis-sena tnejn u ħamsin ta' Għażarija, sultan ta' Ġuda, Pekaħ bin
Remalija beda jsaltan fuq Iżrael f'Samarija, u dam isaltan għoxrin sena.
[2Slat:15:28] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej; ma warrabx mid-dnubiet ta'
Ġerobogħam bin Nebat, li dan ġagħal lil Iżrael jagħmlu.
[2Slat:15:29] Fi żmien Pekaħ, sultan ta' Iżrael, Tiglat-pileser, sultan ta'
l-Assirja, ġie u ħa f'idejh Għijjon, Abel-bet-magħka, Ġanuħa, Kades, Ħasor,
Gilgħad u l-Galilija u l-art kollha ta' Naftali, u tturufnahom lejn l-Assirja.
[2Slat:15:30] Ħosegħa bin Ela kkonfoffa kontra Pekaħ bin Remalija, u darbu u
qatlu, u beda jsaltan floku fis-sena għoxrin ta' Ġotam bin Għużżija.
[2Slat:15:31] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Pekaħ, u kull ma għamel, huma kollha
miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael.
Ġotam sultan ta' Ġuda ( 742-735 QK )
[2Slat:15:32] Fit-tieni sena ta' Pekaħ bin Remalija, sultan ta' Iżrael, beda
jsaltan Ġotam bin Għużżija, sultan ta' Ġuda. [2Slat:15:33] Kellu ħamsa u għoxrin
sena meta beda jsaltan u dam isaltan sittax-il sena f'Ġerusalemm; u ommu kien
jisimha Ġerusa, bint Sadok. [2Slat:15:34] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej,
bħalma kien għamel Għużżija missieru. [2Slat:15:35] Imma ma tneħħewx
is-santwarji; il-poplu baqa' joffri s-sagrifiċċji u jaħraq l-inċens
fis-santwarji. Huwa bena wkoll il-Bieb il-Kbir tat-tempju tal-Mulej.
[2Slat:15:36] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġotam, u kull ma għamel, huma miktuba
kollha fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda.
[2Slat:15:37] F'dak iż-żmien il-Mulej beda jibgħat kontra Ġuda lil Resin, sultan
ta' Aram, u 'l Pekaħ bin Remalija. [2Slat:15:38] U Ġotam strieħ ma'
missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David missieru; u daħal
isaltan floku Aħaż ibnu.
16. Aħaż sultan ta' Ġuda ( 735-716 QK )
[2Slat:16:1] Fis-sena sbatax ta' Pekaħ bin Remalija, beda jsaltan Aħaż bin
Ġotam, sultan ta' Ġuda. [2Slat:16:2] Kellu għoxrin sena meta Aħaż beda jsaltan,
u dam isaltan sittax-il sena f'Ġerusalemm; u ma għamilx is-sewwa f'għajnejn
il-Mulej, Alla tiegħu, bħal David missieru. [2Slat:16:3] U qabad it-triq
tas-Slaten ta' Iżrael, u wasal biex għadda lil ibnu min-nar skond id-drawwa
moqżieża tal-ġnus, li l-Mulej kien keċċiehom minn quddiem ulied Iżrael.
[2Slat:16:4] U offra sagrifiċċji, u ħaraq l-inċens fuq l-għoljiet u l-għaqbiet,
u taħt kull siġra tħaddar.
[2Slat:16:5] Mbagħad Resin, sultan ta' Aram, u Pekaħ bin Remalija, sultan ta'
Iżrael, telgħu biex jaħbtu għal Ġerusalemm u dawwruha; imma lil Aħaż ma setgħux
jegħlbuh.
[2Slat:16:6] Dak iż-żmien is-sultan ta' Edom raġa’ ħa lil Elat għall-Edumin, u
keċċa lin-nies ta' Ġuda minn Elat; u ġew l-Edumin f'Elat u baqgħu jgħammru hemm
sa llum.
[2Slat:16:7] Aħaż bagħat messaġġiera lil Tiglat-pileser, sultan ta' l-Assirja,
jgħidulu: “Jiena l-qaddej tiegħek u ibnek. Itla', u ejja eħlisni minn id
is-sultan ta' Aram, u minn id is-sultan ta' Iżrael, għax qamu għalija.”
[2Slat:16:8] U Aħaż qabad il-fidda u d-deheb li kienu jinsabu fit-tempju
tal-Mulej, u fit-teżori tal-palazz tas-sultan, u bagħathom b'rigal lis-sultan
ta' l-Assirja. [2Slat:16:9] U s-sultan ta' l-Assirja ta widen għat-talba tiegħu.
U s-sultan ta' l-Assirja tala' għal Damasku, u ħadha f'idejh, u tturufna lil
niesha lejn Kir, u lil Resin qatlu.
[2Slat:16:10] U s-sultan Aħaż mar jiltaqa' ma' Tiglat-pileser, sultan ta'
l-Assirja, f'Damasku, u ra artal li kien hemm f'Damasku; u s-sultan Aħaż bagħat
lil Urija, il-qassis, il-qisien ta' l-artal, u l-mudell tiegħu bil-fattizzi
tiegħu kollha. [2Slat:16:11] U Urija, il-qassis, bena l-artal, kollox skond ma
kien bagħat jgħidlu Aħaż minn Damasku; hekk għamel Urija, il-qassis, sakemm kien
għadu ma wasalx is-sultan Aħaż minn Damasku.
[2Slat:16:12] U s-sultan wasal minn Damasku, u ra l-artal, u s-sultan resaq lejn
l-artal, u offra s-sagrifiċċji fuqu. [2Slat:16:13] U ħaraq il-vittma u l-offerti
tiegħu, u sawwab il-libazzjoni tiegħu, u xerred id-demm tal-vittmi tas-sliem
tiegħu fuq l-artal.
[2Slat:16:14] U l-artal tal-bronż li kien quddiem il-Mulej neħħieh minn bejn
l-artal tiegħu u t-tempju tal-Mulej, u poġġieh ħdejn l-artal fuq in-naħa
tat-tramuntana. [2Slat:16:15] U s-sultan Aħaż ordna lil Urija, il-qassis, u
qallu: “Is-sagrifiċċji tal-ħruq ta' filgħodu, u l-offerti ta' filgħaxija, u
s-sagrifiċċji tas-sultan u l-offerti tiegħu, u s-sagrifiċċji tal-ħruq tal-poplu
u l-offerti tagħhom, u l-libazzjonijiet tagħhom, u d-demm tal-vittmi maħruqa,
aħraqhom kollha fuq l-artal il-kbir, u roxx fuqu d-demm kollu tal-vittmi
tal-ħruq. L-artal tal-bronż ħallih fi ħsiebi.” [2Slat:16:16] U Urija, il-qassis,
għamel kollox skond ma ordnalu s-sultan Aħaż.
[2Slat:16:17] U s-sultan Aħaż qala' l-panewijiet ta' l-imqagħad, u neħħa minn
fuqhom il-lenbija; u l-vaska l-kbira niżżilha minn fuq il-baqar tal-bronż li
kienu taħtha, u qegħedha fuq ċangatura tal-ġebel. [2Slat:16:18] U l-mogħdija
tas-Sibt li kienu bnew fit-tempju, u d-dħul ta' barra tas-sultan fit-tempju
tal-Mulej, neħħiehom minħabba s-sultan ta' l-Assirja.
[2Slat:16:19] U l-bqija tal-Ġrajja tas-sultan Aħaż, u kull ma għamel, jinsabu
miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:16:20] U Aħaż strieħ ma'
missirijietu, u difnuh ma' missirijietu fil-belt ta' David; u daħal isaltan
floku Ħeżekija, ibnu.
17. Ħosegħa l-aħħar sultan ta' Iżrael ( 732-724 QK )
[2Slat:17:1] Fis-sena tnax ta' Aħaż, sultan ta' Ġuda, Ħosegħa bin Ela beda
jsaltan f'Samarija fuq Iżrael, u dam disa' snin. [2Slat:17:2] Għamel dak li hu
ħażin f'għajnejn il-Mulej, imma mhux daqs is-Slaten ta' Iżrael ta' qablu.
[2Slat:17:3] Salmaneser, sultan ta' l-Assirja, tala' għalih, u Ħosegħa sar
il-qaddej tiegħu, u beda jħallas il-ħaraġ. [2Slat:17:4] Imma s-sultan ta'
l-Assirja kixef konfoffa li Ħosegħa kien qiegħed iħejji; għax dan kien bagħat
messaġġiera għand Suwa, sultan ta' l-Eġittu, u ma kienx bagħat il-ħaraġ
lis-sultan ta' l-Assirja bħalma kien jagħmel is-soltu minn sena għal sena. U
s-sultan ta' l-Assirja qabdu u żammu marbut fil-ħabs.
[2Slat:17:5] Is-sultan ta' l-Assirja tala' għalihom, u dar il-pajjiż kollu,
ħabat għas-Samarija, u għalaqha minn kullimkien għal tliet snin.
[2Slat:17:6] Fid-disa' sena ta' Ħosegħa, is-sultan ta' l-Assirja qabad f'idejh
is-Samarija, karkar l-Iżraelin lejn l-Assirja u ġagħalhom jgħammru f'Ħalah u
matul il-Ħabor, xmara ta' Ġożan, u fl-ibliet tal-Medja.
[2Slat:17:7] Dan kollu ġralhom għaliex ulied Iżrael kienu dinbu kontra l-Mulej,
Alla tagħhom, li kien tellagħhom mill-Eġittu minn taħt idejn il-Fargħun,
is-sultan ta' l-Eġittu. Iżda huma bdew iqimu allat oħra; [2Slat:17:8] mxew fuq
id-drawwiet tal-ġnus li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael, u fuq
id-drawwiet li kienu daħħlu s-Slaten ta' Iżrael.
[2Slat:17:9] Ulied Iżrael għamlu bil-moħbi dawk il-ħwejjeġ li ma kinux sewwa
kontra l-Mulej, Alla tagħhom; bnew is-santwarji fl-ibliet kollha tagħhom,
mit-torrijiet ta' l-għassa sa l-ibliet iffortifikati. [2Slat:17:10] Waqqfu
l-plieri u x-xbihat ta' l-Asera fuq kull għolja u taħt kull siġra tħaddar.
[2Slat:17:11] U hemm kienu jaħarqu l-inċens fuq kull għolja bħall-ġnus li
l-Mulej kien keċċa minn quddiemhom. Għamlu ħwejjeġ ħżiena, u inkurlaw
lill-Mulej. [2Slat:17:12] Servew lill-allat foloz, li l-Mulej kien qalilhom
fuqhom: “La tagħmlux hekk.”
[2Slat:17:13] Il-Mulej kien iwiddeb lil Iżrael u lil Ġuda permezz ta' kull
profeta u ta' kull veġġent, u jgħidilhom: “Erġgħu lura minn triqatkom il-ħżiena,
u ħarsu l-ordnijiet tiegħi, u d-diġrieti u l-liġi kollha li jien ordnajt lil
missirijietkom, u li jien bgħattilkom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti.”
[2Slat:17:14] Imma huma ma semgħux, u webbsu rashom bħal missirijiethom, li ma
emmnux fil-Mulej, Alla tagħhom. [2Slat:17:15] U warrbu l-liġijiet tiegħu u
l-patt tiegħu, li kien għamel ma' missirijiethom, u t-twiddib tiegħu li kien
ghamlilhom; marru wara l-frugħa u tħassru bil-frugħat tal-ġnus ta' madwarhom,
filwaqt li l-Mulej kien ordnalhom biex ma jagħmlux bħalhom. [2Slat:17:16] U
abbandunaw kull ordni tal-Mulej, Alla tagħhom, u għamlu żewġ għoġiela, idoli
tal-metall imdewweb. U waqqfu x-xbihat ta' l-Asera u bdew jaduraw il-qtajja'
kollha tas-smewwiet, u jqimu lil Bagħal. [2Slat:17:17] U kienu jgħaddu lil
uliedhom, subjien u bniet, min-nar, u ntelqu għat-taħbir u s-sħarijiet, u
nbiegħu biex jagħmlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej, biex jinkurlawh.
[2Slat:17:18] Għalhekk il-Mulej inkorla sewwa għal Iżrael, u warrabhom minn
quddiem wiċċu, u baqgħet weħidha t-tribù ta' Ġuda.
[2Slat:17:19] Lanqas Ġuda ma ħarsu l-ordnijiet tal-Mulej, Alla tagħhom, u mxew
skond id-drawwiet li kienu daħħlu Iżrael. [2Slat:17:20] U l-Mulej tafa' n-nisel
ta' Iżrael 'il barra, għakkishom u telaqhom f'idejn il-ħallelin, sa ma warrabhom
minn quddiem wiċċu.
[2Slat:17:21] Għax hu kien li qata' lil Iżrael mid-dar ta' David, u huma għamlu
sultan lil Ġerobogħam bin Nebat; u dan begħedhom minn wara l-Mulej, u ġagħalhom
jidinbu dnub kbir. [2Slat:17:22] U wlied Iżrael imxew fid-dnubiet kollha li kien
għamel Ġerobogħam u ma tbegħdux minnhom, [2Slat:17:23] sa ma warrab il-Mulej lil
Iżrael minn quddiem wiċċu bħalma kien qalilhom permezz tal-qaddejja kollha
tiegħu l-profeti. U Iżrael ittieħdu fil-jasar, 'il bogħod minn arthom,
fl-Assirja, fejn għadhom hemm sa llum.
Is-Samaritani
[2Slat:17:24] U s-sultan ta' l-Assirja ġieb nies minn Babilonja, minn Kut, minn
Għawwa, minn Ħamat u minn Sefarwajjim, u qegħedhom fl-ibliet tas-Samarija
minflok ulied Iżrael; u għamlu lis-Samarija b'tagħhom u bdew jgħammru fi
blietha.
[2Slat:17:25] Ġara li meta bdew jgħammru hemm, ma kinux jibżgħu mill-Mulej, u
l-Mulej bagħat kontrihom l-iljuni u dawn qatlu lil xi whud minnhom.
[2Slat:17:26] U qalu lis-sultan ta' l-Assirja: “In-nies, li int kaxkart u
qegħedthom f'Samarija, ma jafux kif iqimu lill-alla tal-pajjiż, u għalhekk
bagħtilhom l-iljuni kontrihom u, ara, qegħdin joqtluhom, għax ma hemmx fosthom
nies li jafu kif iqimu lill-alla tal-pajjiż.”
[2Slat:17:27] U s-sultan ta' l-Assirja ordnalhom, u qalilhom: “Ibagħtu hemm
wieħed mill-qassisin li ġarrejtu minn hemm, ħa jmur jgħammar hemm, u jurihom kif
iqimu lill-alla tal-pajjiż.” [2Slat:17:28] U ġie wieħed mill-qassisin li kienu
ġarrew mis-Samarija, u beda jgħammar f'Betel, u jgħallimhom kif iqimu l-Mulej.
[2Slat:17:29] Ġara li kull ġens għamel l-allat tiegħu u qegħduhom fid-djar
tas-santwarji li s-Samaritani kienu għamlu, kull ġens fil-belt li kien jgħammar
fiha. [2Slat:17:30] In-nies ta' Babilonja għamlu lil Sukkot-benot; in-nies ta'
Kut għamlu 'l Nergal; in-nies ta' Ħamat għamlu 'l Asima; [2Slat:17:31] l-Għawwin
għamlu 'l Nibħaż u 'l Tartak; u s-Sefarwajjin kienu jgħaddu lil uliedhom min-nar
f'ġieħ Adrammelek u Għannammelek, allat tas-Sefarwajjin.
[2Slat:17:32] U kienu wkoll iqimu lill-Mulej, u għamlu għalihom minn fosthom
qassisin għas-santwarji, u kienu jservu fihom. [2Slat:17:33] Huma kienu jaduraw
lill-Mulej, imma kienu wkoll iservu 'l allat tagħhom skond id-drawwa tal-ġnus,
li minnhom ġew eżiljati. [2Slat:17:34] U sa llum għadhom jagħmlu hekk skond
id-drawwiet li kellhom sa minn qabel.
Huma ma kinux iqimu lill-Mulej, u ma kinux jagħmlu skond il-liġijiet u
d-digrieti, il-preċetti u l-ordnijiet li Alla kien ta lil ulied Ġakobb, li kien
semmieh Iżrael. [2Slat:17:35] U l-Mulej kien għamel patt magħhom, u qalilhom:
“La tqimux allat oħra, u la tinxteħtux għarkubbtejkom quddiemhom, u la
sservuhomx, u lanqas toffrulhom sagrifiċċji. [2Slat:17:36] Imma l-Mulej li
tellagħkom mill-art ta' l-Eġittu b'qawwa kbira u bi driegħu merfugħ, minnu
għandkom tibżgħu, u quddiemu tinxteħtu għarkubbtejkom, u lilu toffru
s-sagrifiċċji. [2Slat:17:37] U l-istatuti, id-diġrieti, u l-liġijiet u
l-ordnijiet li kitbilkom għandkom tqisu li tħarsuhom għomorkom kollu. Ma
għandkomx tibżgħu minn allat oħra. [2Slat:17:38] U l-patt li għamilt magħkom la
tinsewhx u la tibżgħux minn allat oħra. [2Slat:17:39] Għax jekk intom tibżgħu
mill-Mulej Alla tagħkom, hu jeħliskom minn id l-għedewwa kollha tagħkom.”
[2Slat:17:40] Iżda huma ma semgħux, imma baqgħu jagħmlu skond id-drawwiet
tagħhom ta' qabel. [2Slat:17:41] U hekk dawn il-ġnus kienu jibżgħu mill-Mulej, u
jservu lix-xbihat ta' l-allat tagħhom, u saħansitra wliedhom u wlied uliedhom
baqgħu jagħmlu bħalma għamlu missirijiethom u għadhom jagħmlu hekk sa llum.
18. Ħeżekija sultan ta' Ġuda ( 716-687 QK )
[2Slat:18:1] Fit-tielet sena ta' Ħosegħa bin Ela, sultan ta' Iżrael, beda
jsaltan Ħeżekija bin Aħaż, sultan ta' Ġuda. [2Slat:18:2] Kellu ħamsa u għoxrin
sena meta beda jsaltan, u dam isaltan disgħa u għoxrin sena f'Ġerusalemm; ommu
kien jisimha Abi, bint Żakkarija. [2Slat:18:3] U għamel is-sewwa f'għajnejn
il-Mulej, bħalma kien għamel David, missieru. [2Slat:18:4] Neħħa s-santwarji,
kisser il-plieri, u qaċcat ix-xbieha ta' l-Asera, farrak is-serp tal-bronż li
kien għamel Mosè, għax sa dak iż-żmien ulied Iżrael kienu għadhom jaħarqu
l-inċens quddiemu, u kienu semmewh Neħustan.
[2Slat:18:5] Kien jittama fil-Mulej, Alla ta' Iżrael, u warajh ma kien hemm ħadd
bħalu fost is-Slaten kollha ta' Ġuda, la ta' warajh u lanqas ta' qablu.
[2Slat:18:6] Kien miġbud lejn il-Mulej, u ma warrab qatt minn warajh; u kien
iħares l-ordnijiet tiegħu, li l-Mulej kien ordna lil Mosè. [2Slat:18:7] U
l-Mulej kien miegħu u kellu r-riżq f'kull ma kien jidħol għalih. U qam kontra
s-sultan ta' l-Assirja u ma baqax iservih; [2Slat:18:8] u ħarbat lill-Filistin
sa Gaża u l-inħawi tagħha, mit-torrijiet ta' l-għassiesa sa l-ibliet
iffortifikati.
[2Slat:18:9] Ġara li fir-raba' sena tas-sultan Ħeżekija, li kienet is-seba' sena
ta' Ħosegħa bin Ela, sultan ta' Iżrael, Salmaneser, sultan ta' Assirja, tala'
għal Samarija, u dawwarha minn kullimkien. [2Slat:18:10] U ħadha f'idejh wara
tliet snin. Kienet is-sitt sena ta' Ħeżekija u d-disa' sena ta' Ħosegħa, sultan
ta' Iżrael, meta ttieħdet is-Samarija. [2Slat:18:11] U s-sultan ta' l-Assirja
karkar fl-eżilju lil Iżrael fl-Assirja u qegħedhom f'Ħalah, u ħdejn il-Ħabur,
xmara tal-Ġożan, u fl-ibliet tal-Medja; [2Slat:18:12] għax huma ma semgħux
mill-kelma tal-Mulej, Alla tagħhom, kisru l-patt, u ma semgħux u lanqas għamlu
dak kollu li kien ordnalhom Mosè, il-qaddej tal-Mulej.
Sanħerib jaħbat għal Ġuda
[2Slat:18:13] Fis-sena erbatax tas-sultan Ħeżekija, Sanħerib, sultan ta'
l-Assirja, tala' jaħbat għall-ibliet kollha ffortifikati ta' Ġuda, u ħadhom
f'idejh. [2Slat:18:14] U Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, bagħat jgħid lis-sultan ta'
l-Assirja f'Lakis: “Ħtija tiegħi! Erġa’ lura minni; u kull ma tgħidli noqgħod
għalih.” U s-sultan ta' l-Assirja ġagħal lil Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, iħallas
tliet mitt talent fidda u tletin talent deheb.
[2Slat:18:15] U Ħeżekija tah il-fidda kollha li kienet tinsab fit-tempju
tal-Mulej u fit-teżor tal-palazz tas-sultan. [2Slat:18:16] Kienet dik il-ħabta
meta Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, qala' l-pjanċi tad-deheb li bihom kien kesa
l-battenti u l-pilastri tal-bibien tat-tempju tal-Mulej, u tahom lis-sultan ta'
l-Assirja. [2Slat:18:17] U s-sultan ta' l-Assirja bagħat minn Lakis il-kmandant
ta' l-eżerċtu, il-kap ta' l-uffiċjali, u l-grankuppier b'eżerċtu kbir
f'Ġerusalemm kontra Ħeżekija. U telgħu, u waslu Ġerusalemm, u waqfu ħdejn
l-akwedott ta' l-għadira l-fuqanija, li taħbat fuq it-triq ta' l-għalqa
tal-Ħassiel. [2Slat:18:18] Mbagħad sejjħu lis-sultan, u ħareġ Eljakim bin
Ħilkija, li kien jagħmel mill-palazz, u Sebna, is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf,
il-kronista. [2Slat:18:19] U l-grankuppier qalilhom: “Għidu lil Ħeżekija: 'Dan
jgħid is-sultan il-Kbir, is-sultan ta' l-Assirja: ̋X'inhi din it-tama li int
qiegħed tittama? [2Slat:18:20] Taħseb int, jaqaw, li l-kliem waħdu jfisser
għaqal u qawwa għall-gwerra? Issa int f'min qiegħed tittama biex irvellajt
kontrija? [2Slat:18:21] Bħalissa int qiegħed isserraħ rasek bl-Eġittu, dik
il-qasba mxaqqa li tidħol f'id min jistrieħ fuqha u ttaqqabhielu. Dan hu
l-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, għal kull min jittama fih. [2Slat:18:22]
Tgħiduli intom: 'Fil-Mulej, Alla tagħna, nittamaw aħna.' M'hux hu kien li
Ħeżekija neħħielu s-santwarji u l-artali tiegħu, u ordna lil Ġuda u 'l
Ġerusalemm: 'Quddiem dan l-artal taduraw f'Ġerusalemm'? [2Slat:18:23] U issa
agħmel imħatra ma' sidi s-sultan ta' l-Assirja, u jien nagħtik elfejn żiemel,
jekk inti għandek il-ħila ssib rikkieba għalihom. [2Slat:18:24] Kif tista', mela
treġġa' lura lil wieħed mill-iċken qaddejja ta' sidi? U mbagħad int tistenna
ż-żwiemel u r-rikkieba mill-Eġittu! [2Slat:18:25] U issa jaqaw jien tlajt biex
inħarbat dan il-pajjiż mingħajr ir-rieda tal-Mulej? Il-Mulej qalli: 'Itla' għal
din l-art u ħarbatha.' ”
[2Slat:18:26] U Eljakim bin Ħelkija, u Sebna, u Ġowaħ wieġbu lill-grankuppier:
“Kellem lill-qaddejja tiegħek bl-Arami, għax aħna nifhmuh. Tkellimniex
bil-Lhudi, għax jisma' l-poplu li qiegħed fuq il-ħajt.”
[2Slat:18:27] U l-grankuppier wieġeb: “Jaqaw sidna bagħatna ngħidu dan il-kliem
lilek jew lil sidek? M'hux lill-irġiel li hemm fuq il-ħajt, li għad jieklu
ħmieġhom u jixorbu ilmiethom magħkom?”
[2Slat:18:28] U l-grankuppier baqa' hemm u beda jgħajjat b'leħen għoli u jgħid
bil-Lhudi: “Isimgħu l-kelma tas-sultan il-kbir, is-sultan ta' l-Assirja.
[2Slat:18:29] Dan jgħid is-sultan: 'Ma jqarraqx bikom is-sultan Ħeżekija, għax
ma jistax jeħliskom minn idejja. [2Slat:18:30] Ma jittamakomx Ħeżekija fil-Mulej
u jgħidilkom: 'Il-Mulej jeħlisna żgur, u din il-belt ma tingħatax f'idejn
is-sultan ta' l-Assirja'. [2Slat:18:31] La tisimgħux minn Ħeżekija, għax dan
jgħid is-sultan ta' l-Assirja: 'Agħmlu paċi miegħi, u ersqu lejja, u tieklu,
kull wieħed mid-dielja tiegħu u kull wieħed mit-tina tiegħu, u jixrob kull
wieħed mill-bir tiegħu. [2Slat:18:32] Sakemm niġi u neħodkom f'art bħal artkom,
art tal-qmuħ u ta' l-inbid, art tal-ħobż u tad-dwieli, art taż-żebbuġ u ta'
l-għasel; u hemm tgħixu u ma tmutux. La tisimgħux minn Ħeżekija, għax ikun
qiegħed iqarraq bikom meta jgħidilkom: 'Il-Mulej jeħlisna!' [2Slat:18:33] Jaqaw
allat il-ġnus ħelsu lil pajjiżhom minn id is-sultan ta' l-Assirja? [2Slat:18:34]
Fejn huma l-allat ta' Ħamat u Arfad? Fejn huma l-allat ta' Sefarwajjin, ta' Ħena
u Għiwwa? Ħelsu huma lis-Samarija minn idejja? [2Slat:18:35] Min huma fost
l-allat kollha ta' dawn l-artijiet li ħelsu lil arthom minn idejja, biex issa
jeħles il-Mulej lil Ġerusalemm minn idejja?
[2Slat:18:36] U l-poplu baqa' sieket u ma weġbux, għax is-sultan kien ordnalhom:
“La tweġbuhx.”
[2Slat:18:37] U Eljakim bin Ħilkija, li kien jagħmel mill-palazz, u Sebna,
is-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf il-kronista, marru għand Ħeżekija bi ħwejjiġhom
imċarrta, u għarrfuh b'kull ma kien qalilhom il-grankuppier.
19. It-telfa ta' Sanħerib
[2Slat:19:1] Malli s-sultan Ħeżekija sama' b'dan ċarrat ilbiesu, u nkesa bi
xkora, u mar fit-tempju tal-Mulej. [2Slat:19:2] U bagħat lil Eljakim, li kien
jagħmel mill-palazz, lil Sebna, is-segretarju, u x-xjuħ tal-qassisin liebsa
x-xkejjer għand il-profeta Isaija bin Amos.
[2Slat:19:3] U qalulu: “Dan jgħid Ħeżekija: 'Jum ta' diqa u kastig u għajb
illum; l-ulied waslu għat-twelid, imma n-nisa bla saħħa. [2Slat:19:4] Għandu
mnejn jisma' l-Mulej, Alla tiegħek, il-kliem kollu tal-grankuppier, mibgħut minn
sidu s-sultan ta' l-Assirja, biex iżeblaħ lil Alla l-ħaj, u jrażżnu għall-kliem
li sama' l-Mulej, Alla tiegħek. Itlob bil-qawwa għall-bqija li għad fadal.’ ”
[2Slat:19:5] U l-qaddejja ta' Ħeżekija marru għand Isaija. [2Slat:19:6] U Isaija
qalilhom: “Dan għidu lil sidkom: 'Dan jgħid il-Mulej: La tibżax mill-kliem li
smajt, li bih il-qaddejja tas-sultan ta' l-Assirja żebilħuni. [2Slat:19:7]
Arawni, se nqajjem spirtu fih, u malli jisma' aħbar jerġa’ lura lejn artu, u
hemm f'pajjiżu neqirdu bix-xabla.’ ”
[2Slat:19:8] Il-grankuppier raġa’ lura, u sab lis-sultan ta' l-Assirja jitqabad
kontra Libna, għax dan kien sama' li dan kien tbiegħed minn Lakis.
[2Slat:19:9] U Sanħerib sama' lil min jgħid dwar Tirħaka, sultan ta' Kus: 'Ara,
ħareġ jiġġieled miegħek.' Għalhekk raġa’ bagħat xi messaġġiera għand Ħeżekija u
qalilhom: [2Slat:19:10] “Dan għidulu lil Ħeżekija, sultan ta' Ġuda: 'Lil Alla
tiegħek, li fih int tqiegħed it-tama tiegħek, tħallihx iqarraq bik, billi
jgħidlek li Ġerusalemm ma tistax tingħata f'idejn is-sultan ta' l-Assirja!
[2Slat:19:11] Inti smajt x'għamlu s-Slaten ta' l-Assirja lill-pajjiżi l-oħra
kollha, kif qerduhom għalkollox. Int waħdek se teħles? [2Slat:19:12] Jaqaw
il-ġnus li missirijieti qerdu, Ġożan, Ħaran, Resef, u l-poplu ta' Għeden, li
kienu jgħammru f'Telaxxar, ħelsuhom l-allat tagħhom? [2Slat:19:13] Fejn hu
s-sultan ta' Ħamat, u s-sultan ta' Arfad, u s-sultan tal-belt ta' Sefarwajjin,
ta' Ħena u ta' Għiwwa?’ ”
[2Slat:19:14] Ħeżekija ħa l-ittra minn id il-messaġġiera, u qraha. Mbagħad tala'
fit-tempju tal-Mulej, u firixha quddiem il-Mulej. [2Slat:19:15] U Ħeżekija talab
quddiem il-Mulej b'dan il-kliem: “Mulej, Alla ta' Iżrael, li qiegħed fuq
il-kerubini, int waħdek Alla fuq is-saltniet kollha ta' l-art, int għamilt
is-smewwiet u l-art. [2Slat:19:16] Agħti widen, Mulej, u isma'; iftaħ għajnejk,
Mulej, u ara! Isma' l-kliem ta' Sanħerib, li bih bagħat iżeblaħ lil Alla l-ħaj.
[2Slat:19:17] Kollu minnu, Mulej, li s-Slaten ta' l-Assirja ħarbtu l-ġnus u
artijiethom, [2Slat:19:18] u xeħtu l-allat tagħhom fin-nar; imma dawk ma kinux
allat, għax m'humiex ħlief ħatab u ġebel, xogħol ta' id il-bniedem u għalhekk
setgħu jġibuhom fix-xejn. [2Slat:19:19] Issa, Mulej, Alla tagħna, salvana minn
idu, u jkunu jafu s-saltniet kollha ta' l-art li inti waħdek Alla, il-Mulej.”
[2Slat:19:20] Mbagħad Isaija bin Amos, bagħat jgħid lil Ħeżekija: “Dan jgħid
il-Mulej, Alla ta' Iżrael. Kull ma tlabtni dwar is-sultan Sanħerib, sultan ta'
l-Assirja, jiena smajtu. [2Slat:19:21] Dan jgħid il-Mulej kontrieh:
“Tistmerrek, tiddieħak bik,
ix-xebba bint Sijon.
Minn warajk tħarrek rasha,
bint Ġerusalemm!
[2Slat:19:22] Lil min għajjart u lil min żeblaħt?
Kontra min għollejt leħnek,
u rfajt għajnejk fil-għoli?
Kontra l-Qaddis ta' Iżrael!
[2Slat:19:23] Bil-messaġġiera tiegħek għajjart is-Sid,
u għedt: 'Bil-kotra tal-karrijiet tiegħi,
jien tlajt fil-għoli fuq il-muntanji,
fuq il-qċaċet tal-Libanu.
Qaċċatt l-ogħla ċedri tiegħu,
l-isbaħ fost iċ-ċipress tiegħu;
dħalt fl-ibgħad irkejjen tiegħu,
il-foresti tiegħu qishom ġonna.
[2Slat:19:24] Jiena ħaffirt u xrobt
l-ilma tal-barrani;
jiena nixxift b'qiegħ saqajja
l-widien kollha ta' l-Eġittu.'
[2Slat:19:25] Ma smajtx jaqaw li sa minn żmien ilu, dan
jien ħejjejtu?
Minn żmien il-qedem jien kont sawwartu
u issa temmejtu?
Int kellek tagħmel gods ħerba
bliet bis-swar.
[2Slat:19:26] U nieshom, bla ħila,
tħawwdu u twerwru,
saru bħal ħaxix tar-raba',
bħal inbiet tari,
bħal ħażiż tal-bjut,
u sbul maħruq mir-riħ tal-lvant.
[2Slat:19:27] Kull meta int toqgħod,
jew toħroġ, jonkella tidħol,
jiena nkun naf.
[2Slat:19:28] Ladarba żżarġant kontrija,
u l-kburija tiegħek waslet f'widnejja,
jiena ngħaddi ħolqti minn imnifsejk,
u lġiem minn xufftejk,
u nreġġgħek lura fi triqtek
li minnha ġejt.
[2Slat:19:29] “U dan ikun is-sinjal: Din is-sena tiekol milli jinbet waħdu, sena
oħra dak li jinbet minn dan, u fit-tielet sena tiżirgħu u taħsdu u tħawwlu
d-dwieli, u tieklu mill-għelejjel tagħhom. [2Slat:19:30] U l-fdal li jkun ħeles
mid-dar ta' Ġuda jibqgħu u jxenxlu għeruqhom fil-fond, u jagħmlu l-frott
fil-wiċċ. [2Slat:19:31] Għax minn Ġerusalemm joħroġ il-fdal, u mill-muntanja ta'
Sijon il-meħlusin. Il-ħeġġa tal-Mulej tagħmel dan.
[2Slat:19:32] “Għalhekk dan jgħid il-Mulej ghas-sultan ta' l-Assirja:
'F'din il-belt ma jidħolx;
ebda vleġġa ma jwaddab fiha;
ebda tarka ma jressaq quddiemha;
ebda ħajt ma jtella' madwarha.
[2Slat:19:33] Mit-triq li minnha ġie,
minnha jerġa’ lura.
U f'din il-belt ma jidħolx,
oraklu tal-Mulej.
[2Slat:19:34] Jiena nħares din il-belt u nsalvaha
minħabba fija nnifsi,
u minħabba David, il-qaddej tiegħi.’ ”
[2Slat:19:35] Ġara li dak il-lejl stess, ħareġ l-anġlu tal-Mulej fil-kamp ta'
l-Assiri u qered mija u ħamsa u tmenin elf ruħ. Xħin qamu l-oħrajn fil-għodu,
hemm isibuhom ilkoll iġsma mejta.
[2Slat:19:36] Mbagħad Sanħerib, sultan ta' l-Assirja, rafa' l-kamp u telaq u
raġa’ lura, u baqa' f'Ninwè. [2Slat:19:37] U kif kien mixħut fl-art fit-tempju
ta' Nisrok, alla tiegħu, Adrammelek u Sareser, uliedu, darbuh bix-xabla, u huma
ħarbu lejn l-art ta' Ararat. U laħaq sultan floku Esarħaddun, ibnu.
20. Il-marda u l-fejqan ta' Ħeżekija
[2Slat:20:1] F'dak iż-żmien Ħeżekija marad għall-mewt. U ġie għandu l-profeta
Isaija bin Amos, u qallu: “Dan jgħid il-Mulej: 'Aħseb għal darek, għax se tmut u
ma tgħix.’ ” [2Slat:20:2] U Ħeżekija dawwar wiċċu lejn il-ħajt, u beda jitlob
lill-Mulej u jgħid: [2Slat:20:3] “Iddew Mulej, ftakar kif jien imxejt quddiemek
b'fedeltà u b'qalb sħiħa u għamilt it-tajjeb f'għajnejk.” U beka Ħeżekija biki
kbir.
[2Slat:20:4] Ġara li anqas kien għadu ħareġ fil-bitħa tan-nofs li ma ġietx fuq
Isaija l-kelma tal-Mulej, u qallu: [2Slat:20:5] “Erġa’ lura u għid lil Ħeżekija,
il-prinċep tal-poplu tiegħi: 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' David missierek: Jien
smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se nfejjqek u
fit-tielet jum int titla' fit-tempju tal-Mulej. [2Slat:20:6] U ntawwal għomrok
bi ħmistax-il sena oħra, u neħilsek minn idejn is-sultan ta' l-Assirja, lilek u
lil din il-belt minħabba fija nnifsi, u minħabba David, il-qaddej tiegħi.' ”
[2Slat:20:7] U Isaija qallu: “Ġibuli ċappa tin.” U ġibuhielu u qegħduhielu fuq
il-ġerħa; u Ħeżekija fieq.
[2Slat:20:8] U Ħeżekija staqsa lil Isaija: “Liema hu s-sinjal li se nfiq, u
tlitt ijiem oħra nitla' fit-tempju tal-Mulej?” [2Slat:20:9] U Isaija wieġbu:
“Dan hu s-sinjal mill-Mulej li l-Mulej jagħmel dan li qallek: Trid li d-dell
jimxi 'l quddiem għaxar tarġiet jew li jerġa’ lura għaxar tarġiet?”
[2Slat:20:10] U Ħeżekija wieġbu: “Ħaġa ħafifa li d-dell jitwal għaxar tarġiet.
Le, ħa jerġa’ lura għaxar tarġiet.” [2Slat:20:11] U Isaija, il-profeta, talab
lill-Mulej, u raġġa' lura għaxar tarġiet id-dell, li kien niżel mat-taraġ ta'
Aħaż.
Ħeżekija u s-sultan ta' Babilonja
[2Slat:20:12] Dak iż-żmien Merodak-baladan bin Baladan, sultan ta' Babilonja,
bagħat ittra u rigal lil Ħeżekija, għax kien sama' li Ħeżekija kien marad.
[2Slat:20:13] Ħeżekija feraħ bihom u wriehom id-dar tat-teżor b'kull ma kien
hemm fiha: il-fidda u d-deheb, il-fwejjaħ u ż-żejt fin, l-armerija u kull ma
kien jinsab fl-imħażen tiegħu; ma kien hemm xejn f'daru u f'saltnatu li Ħeżekija
ma wrihomlhomx.
[2Slat:20:14] U l-profeta Isaija ġie għand is-sultan Ħeżekija u qallu:
“X'qalulek dawk in-nies? Mnejn ġew għandek?” U Ħeżekija wieġbu: “Minn art
imbiegħda, ġew minn Babilonja.” [2Slat:20:15] U qallu: “X'raw fil-palazz
tiegħek?” U Ħeżekija wieġbu: “Raw kull ma jinsab fil-palazz tiegħi; ma kien hemm
xejn fl-imħażen tiegħi li ma wrejthulhomx.” [2Slat:20:16] U Isaija wieġeb lil
Ħeżekija: Isma' l-kelma tal-Mulej: [2Slat:20:17] “Ara, għad jiġi żmien li
jinġarr f'Babilonja kull ma jinsab f'darek u kull ma ħażnu s'issa missirijietek,
xejn ma jibqa'. Il-kelma tal-Mulej. [2Slat:20:18] U minn fost uliedek li għad
joħorġu minnek, li int għad tnissel, jittieħdu u jkunu uffiċjali fil-palazz
tas-sultan ta' Babilonja.” [2Slat:20:19] U Ħeżekija qal lil Isaija: “Sewwa
l-kelma tal-Mulej, li għedt,” għax ħaseb: “Għallinqas fi żmieni jkun hemm
il-paċi u s-sigurtà.”
[2Slat:20:20] Il-bqija tal-Ġrajja ta' Ħeżekija, kemm wettaq, u kif għamel
il-menqgħa u l-kanal, u wassal l-ilma fil-belt, jinsabu miktuba fi Ktieb
il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:20:21] U Ħeżekija strieħ ma' missirijietu,
u daħal isaltan floku ibnu Manassi.
21. Manassi sultan ta' Ġuda ( 687-632 QK )
[2Slat:21:1] Kellu tnax-il sena Manassi meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u
ħamsin sena f'Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Ħefsiba. [2Slat:21:2] U għamel
il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, bħall-qżiżijiet tal-ġnus li Alla kien keċċa minn
quddiem ulied Iżrael. [2Slat:21:3] Bena s-santwarji li Ħeżekija missieru kien
qered, u waqqaf artali lil Bagħal, u għamel ix-xbihat ta' l-Asera bħalma kien
għamel Aħab, sultan ta' Iżrael; u beda jqim l-eżerċti tas-sema u jaqdihom.
[2Slat:21:4] U bena wkoll artali fit-tempju tal-Mulej, minkejja li l-Mulej kien
qalilhom: “F'Ġerusalemm inqiegħed ismi.” [2Slat:21:5] U bena artali lill-eżerċti
kollha tas-sema fiż-żewġ btieħi tat-tempju tal-Mulej. [2Slat:21:6] U għadda lil
ibnu min-nar, taha għat-teħbir u s-seħer, u daħħal it-teħbir bil-mejtin u l-qari
tal-ġejjieni, u għamel kemm felaħ ħażen f'għajnejn il-Mulej, tant li nkurlah
sewwa. [2Slat:21:7] U qiegħed saħansitra xbieha ta' l-Asera, li kien għamel,
fit-tempju, li l-Mulej kien ordna lil David u lil Salamun ibnu: “F'dan it-tempju
u f'Ġerusalemm li jien għażilt minn fost it-tribujiet kollha ta' Iżrael,
nqiegħed ismi għal dejjem. [2Slat:21:8] U ma nħallix iżjed li riġel Iżrael
jitħarrek mill-art li jien tajt lil missirijiethom; imma dan iseħħ biss jekk
iqisu li jħarsu kull ma ordnajtilhom skond il-liġi li tahom il-qaddej tiegħi
Mosè.” [2Slat:21:9] Iżda huma ma semgħux, u Manassi ħariġhom mit-triq u
ġagħalhom jagħmlu agħar mill-ġnus li Alla kien qered minn quddiem ulied Iżrael.
[2Slat:21:10] U l-Mulej tkellem permezz tal-qaddejja tiegħu l-profeti, u
qalilhom: [2Slat:21:11] “Ladarba Manassi, sultan ta' Ġuda, għamel dawn
il-qżiżijiet, u agħar milli qatt għamlu l-Amurrin, li kien hemm qablu, u talli
ġagħal lil Ġuda jidneb b'allatu, [2Slat:21:12] dan jgħid il-Mulej, Alla ta'
Iżrael: 'Arani, se nġib id-deni fuq Ġerusalemm u Ġuda, u kull min jisma' biha
jibdew itextxu widnejh. [2Slat:21:13] Immidd fuq Ġerusalemm il-ħabel
tas-Samarija, u ċ-ċomb ta' dar Aħab, u nnaddaf lil Ġerusalemm bħalma tnaddaf
platt, tnaddfu u taqilbu wiċċu 'l isfel. [2Slat:21:14] U jiena nitlaq il-fdal
tal-wirt tiegħi, u nerħihom f'idejn l-għedewwa tagħhom, u huma jkunu priża u
ħatfa ta' l-għedewwa tagħhom kollha. [2Slat:21:15] Għax huma għamlu l-ħażin
f'għajnejja, u kienu jsaħħnuni sa minn meta missirijiethom ħarġu mill-Eġittu
sal-ġurnata ta' llum.”
[2Slat:21:16] U Manassi wkoll xerred kotra kbira ta' demm bla ħtija, u mela bih
lil Ġerusalemm minn tarf sa tarf, minbarra dnubietu li bihom ġagħal lil Ġuda
jagħmlu l-ħażin f'għajnejn il-Mulej.
[2Slat:21:17] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Manassi, u kull ma għamel, u l-ħtijiet
tiegħu li għamel, huma miktuba fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda.
[2Slat:21:18] U strieħ Manassi ma' missirijietu, u difnuh fil-ġnien ta' daru,
il-ġnien ta' Għużżija; u daħal isaltan floku Amon ibnu.
Amon sultan ta' Ġuda (642-640 QK )
[2Slat:21:19] Amon kellu tnejn u għoxrin sena meta beda jsaltan, u saltan
sentejn f'Ġerusalemm; ommu kien jisimha Mesullemet bint Ħarus, minn Gotba.
[2Slat:21:20] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, bħalma kien għamel Manassi,
missieru. [2Slat:21:21] U qabad it-triq kollha li mexa fiha missieru, u kien
iqim lill-allat foloz li missieru kien iservi u jqim. [2Slat:21:22] U telaq
lill-Mulej Alla ta' missirijietu, u ma mexiex fit-triq tal-Mulej.
[2Slat:21:23] U l-qaddejja ta' Amon ikkonfoffaw kontrih, u qatluh f'daru.
[2Slat:21:24] Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kkonfoffaw kontra
s-sultan Amon, u għamlu sultan floku lil Ġosija, ibnu.
[2Slat:21:25] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Amon, u ta' kull ma għamel huma miktuba
fi Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:21:26] U difnuh f'qabru fil-ġnien
ta' Għużżija; u daħal isaltan minfloku Ġosija ibnu.
22. Ġosija sultan ta' Ġuda ( 640-609 QK )
[2Slat:22:1] Ġosija kellu tmien snin meta beda jsaltan, u saltan wieħed u tletin
sena f'Ġerusalemm. Ommu kien jisimha Ġedida bint Għadajja, minn Boskat.
[2Slat:22:2] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej u mexa fit-triqat kollha ta'
David missieru, u ma kisirx la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug.
[2Slat:22:3] Ġara li fit-tmintax-il sena tas-sultan Ġosija, is-sultan bagħat
lis-segretarju Safan bin Asalija, bin Mesullam, fit-tempju tal-Mulej, u qallu:
[2Slat:22:4] “Itla' għand Ħilkija, il-qassis il-kbir, ħa jgħodd il-flus kollha
miġbura f'dar il-Mulej, li ġabru l-għassiesa tal-bieb mingħand il-poplu.
[2Slat:22:5] U jagħtuhom f'idejn l-imgħallmin li jieħdu ħsieb ix-xogħol
fit-tempju tal-Mulej, u dawn jgħadduhom lill-ħaddiema tat-tempju tal-Mulej biex
isewwu l-ħsara fit-tempju; [2Slat:22:6] jgħadduhom lill-mastrudaxxi, lin-naġġara
u lill-bennejja, biex jixtru l-injam u l-ġebel minġur għat-tiswija tat-tempju.
[2Slat:22:7] Imma ma għandhomx jitolbuhom kontijiet tan-nefqa tal-flus għax
qegħdin jaħdmu bis-sewwa.”
[2Slat:22:8] U Ħilkija, il-qassis il-kbir, qal lil Safan, is-segretarju: “Sibt
il-ktieb tal-liġi fit-tempju tal-Mulej.” U Ħilkija ta l-ktieb lil Safan, u dan
qrah. [2Slat:22:9] Safan, is-segretarju, mar għand is-sultan, wassallu
r-risposta, u qallu: “Il-qaddejja tiegħek ġabru l-flus li sabu fit-tempju u
tawhom f'idejn l-imgħallmin, li jieħdu ħsieb ix-xogħol fit-tempju tal-Mulej.”
[2Slat:22:10] U Safan, is-segretarju, qallu wkoll: “Ħilkija, il-qassis, tani dan
il-ktieb.” U Safan qrah quddiem is-sultan. [2Slat:22:11] Malli sama' l-kliem
tal-ktieb tal-liġi, is-sultan ċarrat ħwejġu. [2Slat:22:12] Mbagħad is-sultan
ordna lil Ħilkija, il-qassis, lil Aħikam bin Safan, u lil Għakbor bin Mikija,
lil Safan, is-segretarju, u lil Għaxajja, qaddej tas-sultan, u qalilhom:
[2Slat:22:13] “Morru staqsu 'l-Mulej għalija, u għall-poplu, u għal Ġuda kollu
dwar il-kliem li hawn f'dan il-ktieb li nstab, għax kbira hi l-korla tal-Mulej
li xegħlet għalina, għax missirijietna ma semgħux minn kliem dan il-ktieb, u ma
għamlux kull ma hawn miktub fih għalina.”
[2Slat:22:14] U Ħilkija, il-qassis, u Aħikam u Għakbor u Safan u Għaxajja marru
għand Ħulda, il-profetessa, mart Sallum bin Tikwa, bin Ħarħas, li kien jieħu
ħsieb l-ilbies. Kienet toqgħod fit-tieni kwartier ta' Ġerusalemm. Meta kellmuha
[2Slat:22:15] qaltilhom, “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Għidu lil min
bagħatkom għandi: [2Slat:22:16] Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se nġib il-ħsara fuq
dan il-post, u fuq kull min jgħammar fih; il-kliem kollu li s-sultan ta' Ġuda
qara f'dan il-ktieb, [2Slat:22:17] għax huma telquni biex ħarqu l-inċens lil
allat oħra, u nkurlawni b'kull ma għamlu idejhom, u jixgħel għadbi għal dan
il-post, u ma jintefiex.' [2Slat:22:18] U lis-sultan ta' Ġuda li bagħatkom
tistħarrġu lill-Mulej dan tgħidulu: 'Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: Dwar
il-kliem li int smajt, [2Slat:22:19] billi trattbet qalbek u umiljajt ruħek
quddiem il-Mulej meta smajt x'għedt dwar dan il-post u dwar dawk li jgħammru
fih, jiġifieri, li jkunu ta' biża' u ta' saħta; talli int ċarratt ħwejġek u
bkejt quddiemi, jien ukoll smajtek. Oraklu tal-Mulej. [2Slat:22:20] 'Arawni,
għalhekk jien niġbrok ma' missirijietek, u tinġabar f'qabrek bis-sliem. U
għajnejk ma jarawx il-ħsara kollha li se nġib fuq dan il-post.’ ” U wasslu dan
il-kliem lis-sultan.
23. Ir-riforma ta' Ġosija ( 622 QK )
[2Slat:23:1] Mbagħad is-sultan bagħat jiġbor madwaru x-xjuħ kollha ta' Ġuda u
ta' Ġerusalemm. [2Slat:23:2] U s-sultan tala' fit-tempju tal-Mulej, u miegħu
n-nies kollha ta' Ġuda, u dawk kollha li kienu jgħammru f'Ġerusalemm, u
l-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, miż-żgħir sal-kbir. U b'mod li jisimgħuh
qara l-kliem kollu tal-ktieb tal-patt, li kien instab fit-tempju tal-Mulej.
[2Slat:23:3] Is-sultan, wieqaf ħdejn il-pilastru, għamel patt quddiem il-Mulej
li jimxi wara l-Mulej u jħares il- kmandamenti u l-preċetti u l-liġijiet tiegħu
b'qalbu kollha u b'ruħu kollha, u jżomm il-kliem ta' dan il-patt, miktub f'dan
il-ktieb. U l-poplu kollu qagħad għal dan il-patt.
[2Slat:23:4] U s-sultan ordna lil Ħilkija, il-qassis il-kbir, u lill-qassis
tat-tieni grad u lill-għassiesa tal-bieb biex joħorġu mit-tempju tal-Mulej
it-tagħmir kollu magħmul f’ġieħ Bagħal u l-Asera u l-eżerċti kollha tas-sema. U
ħaraqhom barra Ġerusalemm fir-raba' ta' Kedron, u xerred irmiedhom f'Betel.
[2Slat:23:5] U neħħa l-qassisin ta' l-allat foloz li s-Slaten ta' Ġuda kienu
għamlu, u li kienu jaħarqu l-inċens fis-santwarji ta' l-ibliet ta' Ġuda, u
fl-inħawi ta' Ġerusalemm; neħħa wkoll lil dawk li kienu jaħarqu l-inċens lil
Bagħal, lix-xemx, lill-qamar u lill-kostellazzjonijiet tal-kwiekeb, u l-eżerċti
kollha tas-sema. [2Slat:23:6] U ħareġ, mid-dar tal-Mulej, 'il barra minn
Ġerusalemm, l-Asera fil-wied ta' Kedron, u ħaraqha fil-wied ta' Kedron, u
għamilha rmied, u xerred irmiedha fuq l-oqbra ta' wlied il-poplu. [2Slat:23:7] U
ħatt id-djar tar-rġiel prostituti tas-santwarji li kien hemm fit-tempju
tal-Mulej, u li fihom in-nisa kienu jinsġu lbies għall-Asera. [2Slat:23:8] U
ġieb il-qassisin kollha mill-ibliet ta' Ġuda, u niġġes is-santwarji fejn
il-qassisin kienu jaħarqu l-inċens, minn Geba sa Birsaba. U ġarraf is-santwarji
f'ġieħ l-allat mogħoż li kien hemm fid-daħla tal-bieb ta' Ġożwè, gvernatur
tal-belt, int u dieħel, fuq ix-xellug. [2Slat:23:9] Imma l-qassisin
tas-santwarji ma kinux jitilgħu fuq l-artal tal-Mulej f'Ġerusalemm, imma kienu
jieklu l-ħobż ażżmu f'nofs ħuthom. [2Slat:23:10] U niġġes ukoll it-Tofet, li
kien hemm fil-wied ta' Ben-ħinnom, biex ħadd ma jgħaddi lil ibnu jew lil bintu
min-nar f'ġieħ Molok. [2Slat:23:11] Neħħa wkoll iż-żwiemel li kienu qiegħdu
s-Slaten ta' Ġuda f'ġieħ ix-xemx fi dħul dar il-Mulej, ħdejn l-għorfa ta'
Natanmelek, l-ewnuku, li kienet fil-bini ta' madwar it-tempju, u ħaraq fin-nar
l-imriekeb tax-xemx. [2Slat:23:12] Is-sultan qered l-artali li kien hemm
fis-setaħ ta' l-għorfa ta' Aħaż, li kienu għamlu s-Slaten ta' Ġuda; u l-artali
li kien għamel Manassi fiż-żewġ btieħi ta' dar il-Mulej, għamilhom frak u waddab
trabhom fil-wied ta' Kedron. [2Slat:23:13] Is-sultan niġġes ukoll is-santwarji
li kien hemm fuq il-lvant ta' Ġerusalemm, u fuq in-naħa tan-nofsinhar ta'
l-għolja taż-żebbuġ li kien bena Salamun, is-sultan ta' Iżrael, f'ġieħ
Għastarot, l-għajb tas-Sidonin, u f'Kemos, l-għajb ta' Mowab, u f'ġieħ Milkom,
il-qżież ta' wlied Għammon. [2Slat:23:14] U kisser il-plieri, u qaċċat ix-xbihat
ta' l-Asera, u mela l-post bl-għadam tan-nies. [2Slat:23:15] U ġarraf ukoll
l-artal li kien hemm f'Betel, u s-santwarju li kien għamel Ġerobogħam bin Nebat,
li kien waqqa' lil Iżrael fid-dnub; dan l-artal u dan is-santwarju qeridhom.
Ħaraq is-santwarju u kisser il-ġebel tiegħu, u għamlu trab, u ħaraq ix-xbihat
ta' l-Asera.
[2Slat:23:16] Ġosija dar dawra madwaru, u ra l-oqbra li kien hemm fuq l-għolja,
u bagħat iġib l-għadam mill-oqbra, u xerrdu fuq l-artali u niġġishom skond
il-kelma tal-Mulej, mxandra mill-bniedem ta' Alla, meta Ġerobogħam kien ħdejn
l-artal nhar il-festa. Mbagħad is-sultan ħares madwaru, u xeħet għajnejh fuq
il-qabar tal-bniedem ta' Alla, li kien ħabbar dawn il-ħwejjeġ. [2Slat:23:17]
Ġosija qal: “X'inhu dak il-borġ ġebel li qiegħed nara?” U weġbuh in-nies
tal-belt: “Il-qabar tal-bniedem ta' Alla li kien ġie minn Ġuda u ħabbar dawn
il-ħwejjeġ li int għamilt issa, kontra l-artal ta' Betel.” [2Slat:23:18] U hu
wieġeb: “Ħalluh, ħadd ma għandu jħarrek għadmu.” Hekk għadmu baqa' sħiħ flimkien
ma' l-għadam tal-profeta li kien ġie mis-Samarija.
[2Slat:23:19] U Ġosija ġarraf il-bini kollu tas-santwarji li kien hemm fil-belt
ta' Samarija, li kienu bnew is-Slaten ta' Iżrael, biex inkurlaw lill-Mulej, u
għamlilhom bħalma kien għamel f'Betel. [2Slat:23:20] U qatel fuq l-artali
lill-qassisin kollha tas-santwarji li kien hemm, u ħaraq fuqhom l-għadam
tan-nies. U raġa’ lura Ġerusalemm.
Il-festa ta' l-Għid
[2Slat:23:21] Mbagħad is-sultan ordna lill-poplu kollu: “Agħmlu l-Għid
lill-Mulej, Alla taghkom, skond ma hemm miktub f'dan il-ktieb tal-patt.”
[2Slat:23:22] Għax ma kien sar ebda Għid bħal dan sa minn żmien l-imħallfin li
kienu jaħkmu fuq Iżrael u ż-żmien kollu tas-Slaten ta' Iżrael u s-Slaten ta'
Ġuda. [2Slat:23:23] Kien fit-tmintax-il sena tas-sultan Ġosija li sar dan l-Għid
f'ġieħ il-Mulej f'Ġerusalemm.
[2Slat:23:24] U Ġosija qered ukoll lil dawk li kienu jsejjħu l-erwieħ, u
l-bassara, u t-terafim u l-idoli u l-qżiżijiet kollha li kont tara f'art Ġuda u
Ġerusalemm, biex iħares il-kliem tal-liġi miktuba fil-ktieb li kien sab Ħilkija,
il-qassis, fit-tempju tal-Mulej.
[2Slat:23:25] U la qablu u lanqas qatt warajh ma kien hemm jew tfaċċa sultan li
raġa’ bħalu għal għand il-Mulej b'qalbu kollha, u b'ruħu kollha, u b'ħiltu
kollha, biex iħares il-liġi ta' Mosè.
[2Slat:23:26] Imma l-Mulej ma raġax lura mis-saħna kbira ta' għadbu li biha
saħan għal Ġuda. Għax xegħel għadbu minħabba l-inkejja li biha kien inkieh
Manassi. [2Slat:23:27] U għalhekk il-Mulej kien qal: “Jiena nwarrab lil Ġuda
wkoll minn quddiemi, bħalma warrabt lil Iżrael, u nwarrab lil din il-belt, lil
Ġerusalemm li jien għażilt, u t-tempju li jien għedt, fih ikun jgħammar ismi.”
[2Slat:23:28] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġosija, u kull ma għamel huma miktuba fi
Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda.
[2Slat:23:29] Fi żmienu l-Fargħun Neko, sultan ta' l-Eġittu, tala' kontra
s-sultan ta' l-Assirja fuq ix-xmara ta' l-Ewfrat; u s-sultan Ġosija ħareġ iżommu
f'Megiddu, imma l-Fargħun qatlu malli rah. [2Slat:23:30] U l-qaddejja tiegħu
ġarrewh mejjet minn Megiddu, u wassluh Ġerusalemm, u difnuh f'qabru. U l-poplu
tal-pajjiż ħadu lil Ġeħowaħaż bin Ġosija, u dilkuh u għamluh sultan minflok
missieru.
Ġeħowaħaż sultan ta' Ġuda ( 609 QK )
[2Slat:23:31] Ġeħowaħaż kellu tlieta u għoxrin sena meta beda jsaltan, u baqa'
jsaltan tliet xhur f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Ħamutal bint Ġeremija, minn
Libna. [2Slat:23:32] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, bħalma kienu għamlu
missirijietu. [2Slat:23:33] Il-Fargħun Neko rabtu bil-ktajjen f'Ribla fil-pajjiż
ta' Ħamat biex ma jsaltanx f'Ġerusalemm, u għabba lill-pajjiż bil-piż ta' mitt
talent fidda u talent deheb. [2Slat:23:34] U Neko għamel sultan lil Eljakim bin
Ġosija flok Ġosija, missieru, u bidillu ismu f'Ġeħojakim. U 'l Ġeħowaħaż qabdu u
ħadu l-Eġittu, u dan miet hemmhekk. [2Slat:23:35] Ġeħojakim ħallas il-fidda u
d-deheb lill-Fargħun, imma biex għamel dan kellu jġiegħel lill-pajjiż iħallas
skond ma kien ordna l-Fargħun, kull wieħed kemm kien imissu, u hekk ġabar
mingħand il-poplu l-fidda u d-deheb, biex iħallas lill-Fargħun Neko.
Ġeħojakim sultan ta' Ġuda ( 609-598 QK )
[2Slat:23:36] Ġeħojakim kellu ħamsa u għoxrin sena meta beda jsaltan, u dam
isaltan ħdax-il sena f'Ġerusalemm; ommu kien jisimha Żebidda bint Pedaja, minn
Rumah. [2Slat:23:37] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, kif kienu għamlu
missirijietu.
24. L-ewwel invażjoni tal-Babiloniżi ( 605 QK )
[2Slat:24:1] Fi żmienu Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, tala' kontra tiegħu;
u Ġeħojakim dam taħt il-ħakma tiegħu għal tliet snin, imma mbagħad qam kontrieh.
[2Slat:24:2] U l-Mulej bagħatlu l-eżerċti tal-Kaldin, u l-eżerċti ta' Aram, u
l-eżerċti ta' Mowab, u l-eżerċti ta' wlied Għammon, u bagħathom kontra l-art ta'
Ġuda biex jeqirduha skond ma kien tkellem il-Mulej permezz tal-qaddejja tiegħu,
il-profeti. [2Slat:24:3] Dan seħħ kontra Ġuda b'ordni tal-Mulej, biex iwarrabhom
minn quddiem wiċċ u minħabba d-dnubiet kollha li kien għamel Manassi.
[2Slat:24:4] U minħabba d-demm bla ħtija li kien xerred; għax kien mela
Ġerusalemm b'demm bla ħtija. Il-Mulej ma riedx jaħfer.
[2Slat:24:5] U l-bqija tal-Ġrajja ta' Ġeħojakim u kull ma għamel huma miktuba fi
Ktieb il-Ġrajja tas-Slaten ta' Ġuda. [2Slat:24:6] U Ġeħojakim strieħ ma'
missirijietu; u beda jsaltan floku Ġeħojakin, ibnu. [2Slat:24:7] U s-sultan ta'
l-Eġittu ma ħariġx aktar mill-art ta' l-Eġittu, għaliex is-sultan ta' Babilonja
ħa f'idejh kull ma kellu s-sultan ta' l-Eġittu, mix-xmara ta' l-Eġittu sax-xmara
ta' l-Ewfrat.
Ġeħojakin sultan ta' Ġuda ( 598-597 QK )
[2Slat:24:8] Ġeħojakin kellu tmintax-il sena meta sar sultan, u dam isaltan
tliet xhur f'Ġerusalemm; ommu kien jisimha Neħusta bint Elnatan, minn
Ġerusalemm. [2Slat:24:9] Huwa għamel il-ħażin quddiem il-Mulej, bħal dak kollu
li għamel missieru.
It-tieni invażjoni tal-Babiloniżi ( 598-597 QK )
[2Slat:24:10] F'dik il-ħabta l-qaddejja ta' Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja,
telgħu għal Ġerusalemm, u l-belt għalquha f'assedju.
[2Slat:24:11] Nabukodonosor resaq huwa wkoll għall-belt, waqt li l-qaddejja
tiegħu kienu qegħdin idawwruha minn kullimkien. [2Slat:24:12] Mbagħad Ġeħojakin,
sultan ta' Ġuda, mar quddiem is-sultan ta' Babilonja, hu, ommu, il-qaddejja
tiegħu, u l-kbarat u l-fizzjali tiegħu; u s-sultan ta' Babilonja qabdu prigunier
fit-tmien sena tas-saltna tiegħu.
[2Slat:24:13] Dan ġarr minn hemm it-teżori kollha tat-tempju tal-Mulej u
t-teżori tal-palazz tas- sultan, u farrak it-tagħmir kollu tad-deheb li Salamun,
sultan ta' Iżrael, kien għamel fit-tempju tal-Mulej; hekk seħħet il-kelma
tal-Mulej. [2Slat:24:14] U ġarr fil-jasar lil Ġerusalemm kollha, il-kapijiet u
l-qalbenin kollha ta' l-eżerċtu, għaxart elef ilsir, u l-ħaddieda u
l-mastrudaxxi kollha; min-nies tal-pajjiż ma kienx fadal ħlief il-fqar.
[2Slat:24:15] U ġarr fil-jasar f'Babilonja lil Ġeħojakin, lil omm is-sultan,
in-nisa tas-sultan, il-fizzjali tiegħu u l-kbarat tal-pajjiż; ħadhom fl-eżilju
minn Ġerusalemm f'Babilonja. [2Slat:24:16] Is-suldati kollha, sebat elef raġel;
u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha, elf ruħ; u l-qalbenin kollha tajbin
għall-gwerra; lkoll ġarrhom is-sultan ta' Babilonja fl-eżilju ta' Babilonja.
[2Slat:24:17] Minflok Ġeħojakin, is-sultan ta' Babilonja għamel sultan lil
Mattanija, zijuh, u bidillu ismu f'Sedekija.
Sedekija l-aħħar sultan ta' Ġuda ( 597-587 QK )
[2Slat:24:18] Sedekija kellu wieħed u għoxrin sena meta beda jsaltan, u dam
isaltan ħdax-il sena f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Ħamutal bint Ġeremija,
minn Libna. [2Slat:24:19] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej bħal kull ma
kien għamel Ġeħojakim. [2Slat:24:20] Dan ġara minħabba l-korla tal-Mulej kontra
Ġerusalemm u Ġuda, sa ma warrabhom minn quddiem wiċċu. U Sedekija qam kontra
s-sultan ta' Babilonja.
25. Il-qerda ta' Ġerusalemm u l-eżilju ta' Ġuda ( 587 QK )
[2Slat:25:1] Fid-disa' sena tas-sultan ta' Sedekija fl-għaxar xahar, fl-għaxra
tax-xahar, Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja, tala' għal Ġerusalemm, hu u
l-eżerċtu tiegħu kollu, waqqaf il-kamp quddiemha, u tella' ħajt dawramejt
magħha. [2Slat:25:2] U l-belt damet magħluqa f'assedju sal-ħdax-il sena
tas-sultan Sedekija. [2Slat:25:3] Fir-raba' xahar, fid-disgħa tax-xahar, meta
l-ġuħ kien qabad jaħkem sewwa fuq il-belt, u ma kienx hemm aktar ħobż għan-nies
tal-pajjiż, [2Slat:25:4] nfetħet tiċrita fis-swar tal-belt, u s-sultan,
bis-suldati kollha miegħu, ħarab billejl billi għadda mill-bieb ta' bejn iż-żewġ
ħitan li kien jagħti għall-ġnien tas-sultan; u, waqt li l-Kaldin kienu jdawwru
l-belt minn kull naħa, hu qabad it-triq ta' l-Għaraba. [2Slat:25:5] Is-suldati
Kaldin telqulha għal wara s-sultan, u qabduh fil-wita ta' Ġeriko, fejn l-eżerċtu
kollu tiegħu tferrex 'il bogħod minnu. [2Slat:25:6] Is-sultan qabduh u ħaduh
f'Ribla għand is-sultan ta' Babilonja, u dan qatagħlu s-sentenza. [2Slat:25:7]
Lil ulied Sedekija qatilhom quddiemu stess, u lil Sedekija għamieh, rabtu
bil-ktajjen u ħadu Babilonja.
[2Slat:25:8] Fil-ħames xahar, fis-sebgħa tax-xahar - kienet id-dsatax-il sena
tas-sultan Nabukodonosor, sultan ta' Babilonja - Nebużaradan, kmandant ta'
l-għases, fizzjal tas-sultan ta' Babilonja, daħal Ġerusalemm. [2Slat:25:9] Ħaraq
it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u d-djar kollha kbar ta' Ġerusalemm.
[2Slat:25:10] U s-suldati kollha tal-Kaldin, li kienu mal-kmandant ta' l-għases,
ġarrfu s-swar ta' madwar Ġerusalemm. [2Slat:25:11] U kull min kien fadal
mill-poplu li kienu baqgħu fil-belt, u dawk li kienu ċedew u għaddew għal
mas-sultan ta' Babilonja, u l-bqija kollha tan-nies, Nebużaradan, il-kmandant
ta' l-għases, ħadhom fl-eżilju. [2Slat:25:12] Il-kmandant ta' l-għases ħalla 'l
xi wħud minn fost il-fqar tal-pajjiż biex jaħdmu l-oqsma tad-dwieli u r-raba'.
[2Slat:25:13] U l-Kaldin kissru l-kolonni tal-bronż li kien hemm fit-tempju
tal-Mulej, u l-imqagħad u l-vaska tal-bronż li kienet fit-tempju tal-Mulej, u
ġarrew il-bronż tagħhom lejn Babilonja. [2Slat:25:14] U ħadu l-borom, u l-pwali
u l-imqassijiet, u l-bwieqi, u t-tagħmir kollu tal-bronż li kienu jinqdew bihom
fit-tempju, [2Slat:25:15] u ċ-ċnieser u t-twaġen. U l-kmandant ta' l-għases ħa
l-ħwejjeġ tad-deheb b'deheb, u l-ħwejjeġ tal-fidda b'fidda. [2Slat:25:16] U
ż-żewġ kolonni, u l-vaska l-waħda, u l-imqagħad li kien għamel Salamun
għat-tempju tal-Mulej, il-bronż tagħhom ma kontx tiżnu. [2Slat:25:17] Kolonna
waħda kienet tmintax-il driegħ għolja, u kellha fuqha kapitell tal-bronż, li
kien għoli ħamest idriegħ; u l-kapitell kien hemm girlanda u rummien madwaru,
kollox tal-bronż; u l-kolonna l-oħra bil-girlanda kienet l-istess.
[2Slat:25:18] U l-kmandant ta' l-għases ħa wkoll lil Xeraja, il-qassis il-kbir,
u lil Sefonija, il-qassis ta' warajh, u tliet għassiesa tal-bieb. [2Slat:25:19]
U mill-belt ħa wieħed uffiċjal, li kien jieħu ħsieb in-nies tal-gwerra, u ħamest
irġiel li kienu midħla tas-sultan li kienu jinsabu l-belt, u s-segretarju
tal-kmandant ta' l-eżerċtu li kien jikteb in-nies tal-pajjiż fl-eżerċtu, u
sittin raġel tal-pajjiż, li kienu nstabu fil-belt mill-poplu. [2Slat:25:20] Lil
dawn ilkoll Nebużaradan, il-kmandant ta' l-għases, ħadhom u ġiebhom għand
is-sultan ta' Babilonja f'Ribla. [2Slat:25:21] U s-sultan ta' Babilonja
darabhom, u qatilhom f'Ribla fl-art ta' Ħamat. Hekk Ġuda kien itturufnat 'il
bogħod minn artu.
Gedalija gvernatur ta' Ġuda ( 587 QK )
[2Slat:25:22] Il-poplu li baqa' f'art Ġuda, li kien ħalla Nabukodonosor, sultan
ta' Babilonja, għamlilhom fuqhom gvernatur lil Gedalija bin Aħikam, bin Safan.
[2Slat:25:23] Il-fizzjali ta' l-eżerċtu semgħu, huma u n-nies tagħhom, li
s-sultan ta' Babilonja qiegħed lil Gedalija gvernatur, u ġew għand Gedalija
f'Misfa: Ismagħel bin Netanija, Ġoħanan bin Kareja, Xeraja bin Tanħumet minn
Netufa, Ġeżanija bin wieħed Magħkti, huma u n-nies tagħhom.
[2Slat:25:24] U Gedalija ħalfilhom, lilhom u n-nies tagħhom, u qalilhom: “La
tibżgħux mill-qaddejja tal-Kaldin; oqogħdu fil-pajjiż; u servu lis-sultan ta'
Babilonja, u jkollkom ir-riżq.”
[2Slat:25:25] Imma fis-seba' xahar ġie Ismagħel bin Netanija, bin Elisama, minn
nisel is-sultan, b'għaxart irġiel miegħu, u darbu lil Gedalija u dan miet, hu u
l-Lhud, u l-Kaldin li kienu miegħu f'Misfa. [2Slat:25:26] U l-poplu kollu,
mill-kbir saż-żgħir, u l-fizzjali ta' l-eżerċtu qabdu u rħewlha lejn l-Eġittu
għax beżgħu mill-Kaldin.
Is-sultan Ġeħojakin f'Babilonja ( 587-561 QK )
[2Slat:25:27] U ġara li fis-sena sebgħa u tletin ta' l-eżilju ta' Ġeħojakin,
sultan ta' Ġuda, fit-tnax-il xahar, fis-sebgħa u għoxrin tax-xahar, Ewilmerodak,
is-sultan ta' Babilonja, fis-sena li laħaq sultan, rafa' ras is-sultan Ġeħojakin
u ħarġu mill-ħabs. [2Slat:25:28] U beda jkellmu bil-ħlewwa u qegħedlu t-tron 'il
fuq mit-tronijiet tas-Slaten l-oħra, li kienu miegħu f'Babilonja. [2Slat:25:29]
B'hekk Ġeħojakin seta' jbiddel ħwejġu li kellu fil-ħabs, u beda jiekol kuljum
miegħu tul għomru kollu. [2Slat:25:30] U l-ikel tiegħu ta' kuljum kien
jingħatalu mingħand is-sultan, is-sehem ta' kuljum f'jiemu, tul il-jiem kollha
ta' ħajtu.