IT-TIENI KTIEB TAL-MAKKABIN

L-ewwel waħda ( 125-124 QK )

[2Mak:1:1] Lill-aħwa, il-Lhud ta' l-Eġittu, saħħa. L-aħwa, il-Lhud ta' Ġerusalemm u dawk tal-Lhudija, ir-riżq it-tajjeb. [2Mak:1:2] Ħa jagħmlilkom il-ġid Alla u jiftakar fil-patt tiegħu ma' Abraham, ma' Iżakk u ma' Ġakobb, il-qaddejja fidili tiegħu. [2Mak:1:3] U jagħtikom ilkoll qalb biex tadurawh u tagħmlu r-rieda tiegħu b'qalb kbira u fehma sħiħa. [2Mak:1:4] Ħa jiftħilkom qalbkom għal-liġi u l-preċetti tiegħu, u jagħtikom is-sliem. [2Mak:1:5] Ħa jisma' talbkom, jitħabbeb magħkom, u ma jitlaqkomx fi żmien l-hemm. [2Mak:1:6] U issa aħna hawn nitolbu għalikom.

[2Mak:1:7] Meta kien isaltan Demetriju fis-sena 169 aħna l-Lhud konna ktibnielkom: 'Fl-eqqel ta' l-hemm li kien waqa' fuqna f'dawk is-snin minn mindu Ġason u sħabu qamu kontra l-art imqaddsa u s-saltna, [2Mak:1:8] u taw in-nar lill-bibien u xerrdu d-demm ta' nies bla ħtija, aħna tlabna lill-Mulej u semagħna. Għalhekk stajna noffru s-sagrifiċċju u nagħmlu l-offerta tas-smid, nixegħlu d-dawl u nippreżentaw il-ħobż. [2Mak:1:9] U issa qegħdin niktbulkom biex tiċċelebraw il-festa ta' l-Għerejjex fix-xahar ta' Kislew. Is-sena 188."

It-tieni ittra ( 124 QK )

[2Mak:1:10] "Il-Lhud ta' Ġerusalemm u l-Lhudija, il-Kunsill ta' l-anzjani u Ġuda lil Aristobolu, is-surmast tas-sultan, min-nisel tal-qassisin ikkonsagrati, u lil-Lhud li hemm fl-Eġittu, sliem u saħħa!

[2Mak:1:11] Meħlusin bl-għajnuna ta' Alla minn ħafna tiġrib, aħna raddejnielu ħajr mill-aħjar li stajna, għax hu kien li tqabad għalina meta konna lesti neħduha kontra s-sultan. [2Mak:1:12] Ħu kien li ħareġ 'il barra lil dawk li kienu lesti għall-ġlied fil-belt imqaddsa. [2Mak:1:13] Għax meta l-ġeneral u l-eżerċtu tiegħu li kienu jaħsbu li ma jista' għalihom ħadd kienu fil-Persja, qarrqu bihom il-qassisin tat-tempju ta' Nanija u qattgħuhom bċejjeċ. [2Mak:1:14] Antijoku flimkien ma' ħbiebu marru fil-post taparsi biex jiżżewweġ lil din alla-mara bil-ħsieb li jieħu ġidha bħala dota. [2Mak:1:15] Il-qassisin ta' Nanija wrewh dan il-ġid; imma malli Antijoku, bi ftit nies miegħu, daħal fil-post qaddis għalqu t-tempju. [2Mak:1:16] Mbagħad fetħu bieb moħbi fis-saqaf, bdew iwaddbu l-ġebel u qatlu l-ġeneral u 'l sħabu qattgħuhom bċejjeċ, qatgħulhom rashom u waddbuhom lil dawk li kienu barra. [2Mak:1:17] Ikun imbierek Alla għal dan kollu, hu li telaq il-ħżiena għall-mewt.

[2Mak:1:18] Billi aħna fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar ta' Kislew se niċċelebraw it-tindif tat-tempju, ħassejnieh dmir tagħna li ngħarrfukom, biex intom ukoll tagħmlu l-festa ta' l-Għerejjex u tan-nar li kien deher meta Neħemija kien bena t-tempju u l-artal, u kien qiegħed joffri s-sagrifiċċji. [2Mak:1:19] Meta missirijietna ħaduhom il-Persja, xi qassisin twajba ħadu min-nar ta' l-artal u ħbewh f'ħofra ta' bir bla ilma, u ħbewh hekk tajjeb li l-post baqa' ma ntebaħ bih ħadd. [2Mak:1:20] Meta kienu għaddew ħafna snin u għoġob lil Alla, Neħemija, mibgħut mis-sultan tal-Persja, bagħat lil xi wħud minn nisel il-qassisin, li kienu ħbewh, biex iġibu n-nar. Meta għarrfuna li n-nar ma sabuhx, imma ilma mdardar, ordnalhom jimlew u jġibu minnu. [2Mak:1:21] Meta kien kollox lest għas-sagrifiċċju, Neħemija ordna lill-qassisin biex ibixxu b'dan l-ilma l-ħatab u kull ma kien hemm fuqu. [2Mak:1:22] Malli sar dan u għadda ftit tal-ħin, ix-xemx, li qabel kienet mgħottija bis-sħab, ħarġet tiddi u qabbdet ħuġġieġa, b'għaġeb ta' kulħadd. [2Mak:1:23] Waqt li s-sagrifiċċju kien jaqbad, il-qassisin u l-oħrajn kollha, bdew jitolbu. Ġonatan kien jibda u l-oħrajn, b'Neħemija magħhom, ikomplu miegħu.

[2Mak:1:24] It-talba kienet imfassla b'dan il-mod: Mulej, Mulej Alla, il-ħallieq ta' kollox, int tal-biża' u qawwi, ġust u ħanin, int waħdek sultan, int waħdek tajjeb, [2Mak:1:25] int waħdek tipprovdi, int waħdek ġust, int waħdek tista' kollox u etern, int issalva lil Iżrael minn kull deni, int għażilt lil missirijietna u qaddisthom. [2Mak:1:26] Ilqa' dan is-sagrifiċċju għall-poplu kollu tiegħek ta' Iżrael, u ħares u qaddes lil wirtek. [2Mak:1:27] Iġma' lil dawk minna mxerrdin, eħles lill-imjassrin fost il-Ġentili, ħares lil dawk li huma mistmerra u mżebilħa, ħa jkunu jafu l-ġnus li int Alla tagħna. [2Mak:1:28] Rażżan lil dawk li jgħakksuna u jaħqruna bis-suppervja tagħhom. [2Mak:1:29] Xettel lill-poplu tiegħek fl-art imqaddsa tiegħek, bħalma wegħedna Mosč.

[2Mak:1:30] Il-qassisin imbagħad bdew ikantaw l-innijiet. [2Mak:1:31] Malli ntemm is-sagrifiċċju Neħemija ordna li jsawwbu l-ilma li kien baqa' fuq ġebel kbir. [2Mak:1:32] Malli sar dan, qabżet fjamma li nbelgħet mid-dawl li kien hemm fuq l-artal. [2Mak:1:33] Malli l-aħbar ta' din il-ġrajja xterdet, għarrfu lis-sultan tal-Persja li fil-post fejn kienu ħbew in-nar il-qassisin li kienu tturufnati, deher l-ilma li bih Neħemija u ta' madwaru kienu naddfu t-tagħmir għas-sagrifiċċju. [2Mak:1:34] Is-sultan, malli kien żgur minn dan, għalaq dak il-post u ddikjarah post qaddis. [2Mak:1:35] Minn dan il-post is-sultan kien idaħħal ħafna, u l-ħafna offerti li kien idaħħal is-sultan kien iqassamhom lil min kien jogħġbu. [2Mak:1:36] In-nies ta' madwar Neħemija bdew isejjħu l-post 'Neftar', li tfisser purifikazzjoni; imma l-kotra bdiet issejjaħlu 'Neftaj'.

2. Ġeremija jaħbi l-arka u t-tagħmir sagru

[2Mak:2:1] "Hemm miktub fl-arkivji li Ġeremija, il-profeta, kien ordna lill-itturufnati li jieħdu magħhom in-nar imqaddes kif ingħad hawn fuq. [2Mak:2:2] U wissa wkoll lill-itturufnati, hu u jagħtihom il-Liġi, biex ma jinsewx il-kmandamenti tal-Mulej, u biex ma jitħawwdux f'moħħhom meta jaraw l-idoli tad-deheb u l-fidda biż-żķna tagħhom. [2Mak:2:3] U bi kliem ieħor bħal dan ħeġġiġhom biex ma jwarrbux il-Liġi minn ġo qalbhom.

[2Mak:2:4] "Barra dan, kien hemm miktub f'dan id-dokument li l-profeta, mqanqal minn rivelazzjoni, ordna li t-tinda u l-arka jmorru warajh, u li hu ħareġ għal fuq l-għolja, fejn kien tela' Mosč biex jara l-wirt ta' Alla. [2Mak:2:5] Malli wasal hemm fuq, Ġeremija sab dar għamla ta' għar, u fiha ħeba t-tinda, l-arka u l-artal ta' l-inċens u għalaq id-daħla. [2Mak:2:6] Xi wħud minn dawk li kienu miegħu ppruvaw jimmarkaw it-triq iżda ma setgħux isibuha. [2Mak:2:7] Malli sar jaf, Ġeremija ċanfarhom u qalilhom: 'Il-post ma jkun jaf bih ħadd sa ma Alla jiġbor il-poplu u jħenn għalih. [2Mak:2:8] Mbagħad il-Mulej jerġa' juri dawn il-ħwejjeġ, tidher il-glorja tal-Mulej u s-sħaba, kif kienet tidher fi żmien Mosč u bħal meta Salamun kien talab biex il-post ikun ikkonsagrat bis-solennitą kollha.' [2Mak:2:9] Jirrakkuntaw ukoll kif hu, li kien mimli bl-għerf, offra s-sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni u tat-tmiem tat-tempju. [2Mak:2:10] Kif Mosč talab lill-Mulej u niżel nar mis-sema u kkonsma s-sagrifiċċju, hekk ukoll Salamun talab u niżel in-nar mis-sema u kkonsma l-vittmi. [2Mak:2:11] U Mosč qal: 'Billi s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni ma ttikilx, dan ġie kkunsmat bin-nar.' [2Mak:2:12] Hekk ukoll Salamun iċċelebra t-tmint ijiem tal-festa.

[2Mak:2:13] Dawn l-istess ħwejjeġ jinqraw ukoll fil-kitba u t-tifkiriet ta' Neħemija u wkoll kif dan waqqaf bibljoteka u ġabar fiha l-kotba tal-Ġrajja tas-Slaten, il-Kotba tal-Profeti, il- Kotba ta' David, u l-ittri tas-slaten dwar l-offerti għat-tempju. [2Mak:2:14] Hekk ukoll Ġuda ġabar il-kotba kollha li kienu ntilfu minħabba l-gwerra li kellna; u għadhom għandna. [2Mak:2:15] Jekk intom għandkom bżonnhom, ibagħtu lil min iġibhomlkom.

[2Mak:2:16] Qegħdin niktbulkom għax sejrin nagħmlu l-festa tal-purifikazzjoni. Tagħmlu tajjeb jekk tiċċelebraw dawn il-jiem intom ukoll. [2Mak:2:17] Alla kien li salva l-poplu kollu tiegħu, u ta lura l-wirt lil kulħadd u s-saltna u s-saċerdozju u l-konsagrazzjoni, [2Mak:2:18] bħalma wiegħed fil-Liġi. Aħna nittamaw f'Alla li mill-aktar fis għad iħenn għalina u jiġborna minn kull pajjiż taħt is-sema fil-post qaddis, għax hu ħelisna minn ħsarat kbar u naddaf it-tempju."

Dħul il-ktieb

[2Mak:2:19] Il-ġrajja ta' Ġuda l-Makkabi u ħutu, il-purifikazzjoni tat-tempju u l-konsagrazzjoni ta' l-artal, [2Mak:2:20] il-gwerer kontra Antijoku Epifani u ibnu Ewpator, [2Mak:2:21] u d-dehriet mis-sema li kellhom dawk li tqabdu b'ħeġġa u b'ħila ta' rġiel għall-Ġudaiżmu biex reġgħu rebħu l-art kollha, għalkemm kienu ftit, u għamlu għal wara l-kotra tal-barbari, [2Mak:2:22] u kif reġgħu ħadu f'idejhom it-tempju msemmi mad-dinja kollha, u ħelsu l-belt u daħħlu l-liġijiet li kienu se jitneħħew, għax il-Mulej bit-tjubija tiegħu kollha ħenn għalihom. [2Mak:2:23] Dan kollu kien miġbur f'ħames kotba minn Ġason iċ-Ċirinew u aħna issa fittixna li niġbruh fil-qosor fi ktieb wieħed.

[2Mak:2:24] Meta rajna l-kotra ta' numri u t-tfixkil għal dawk li jridu jduru dawra mar-rakkonti ta' l-istorja minħabba l-ħafna materjal li hemm, [2Mak:2:25] ħsibna u rajna li nagħmlu xogħol li jogħġob lil min irid jaqra, ħafif għal min jixtieq iżomm f'moħħu l-ġrajja, u ta' ġid għall-qarrejja huma min huma.

[2Mak:2:26] Għalina li ndħalna għal dan ix-xogħol iebes ta' taqsir, ma kinitx ħaġa ħafifa; kien xogħol li swielna għaraq u sahra, [2Mak:2:27] xogħol ta' taħbit bħal ta' min jiġi biex iħejji mejda u jfittex li jogħġob lill-oħrajn. B'danakollu aħna minn qalbna tgħabbejna b'dan ix-xogħol biex nisfaw ta' ġid għal ħafna. [2Mak:2:28] Minn għalina, nħallu għall-awtur oriġinali r-reqqa ta' kull ħaġa partikulari. U aħna nfittxu li nimxu mar-regoli tal-kitba fil-qosor.

[2Mak:2:29] Bħalma l-arkitett ta' dar ġdida għandu jaħseb fil-bini kollu, waqt li min imidd idejh biex ipitter bl-inkawst jaħseb biss għad-dekorazzjoni, hekk għandu wieħed iqis lilna. [2Mak:2:30] Tistħarreġ il-ġrajja u ddur magħhom minn kull naħa, tgħarbel l-irqaqat kollha, dan kollu jmiss lill-awtur ta' l-istorja. [2Mak:2:31] Imma min jagħmel kompendju, ifittex il-qosor tar-rakkont mingħajr ma jfittex li jagħti tagħrif sħiħ dwar il-ġrajja.

[2Mak:2:32] Nibdew mela r-rakkont, issa li għedna dan kollu minn qabel. Għaliex tkun bluha li tiġbed fit-tul fil-bidu, biex imbagħad tqassar l-istorja.

3. It-tradiment ta' Xmun

[2Mak:3:1] In-nies kienu jgħammru fil-belt imqaddsa fis-sliem sħiħ u l-Liġi kienet imħarsa mill-aħjar minħabba t-tjieba ta' Onija, il-qassis il-kbir, u l-mibegħda li kellu għall-ħażen. [2Mak:3:2] U ġara wkoll li s-slaten stess kienu jirrispettaw il-qdusija tal-post u sebbħu t-tempju b'rigali mill-isbaħ, [2Mak:3:3] li saħansitra Selewku, sultan ta' l-Asja, kien iħallas minn butu n-nefqa kollha għas-servizz tas-sagrifiċċji.

[2Mak:3:4] Imma wieħed jismu Xmun, mit-tribł ta' Benjamin, li kienu għamluh amministratur tat-tempju, tlewwem mal-qassis il-kbir fuq l-amministrazzjoni tal-belt. [2Mak:3:5] Imma billi ma setgħetx tgħaddi tiegħu ma' Onija, mar għand Apollonju ta' Tarsu, li dak iż-żmien kien il-gvernatur taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, [2Mak:3:6] u għarrfu li t-teżor li hemm f'Ġerusalemm kien mimli b'ġid bla tarf, li l-kwantitą ta' flus li kien hemm ma tgħoddhiex, u li ma kinux meħtieġa għan-nefqa tas-sagrifiċċju, u li dan kollu sata' jaqa' f'idejn is-sultan.

[2Mak:3:7] Meta Apollonju ltaqa' mas-sultan, għarrfu bil-ġid li kienu qalulu bih. Dan għażel lil Eljodoru, il-ministru tiegħu, u bagħtu bl-ordni li jaqbad u jġorr il-ġid li semmejna. [2Mak:3:8] Minnufih Eljodoru qabad triqtu, taparsi se jdur il-bliet taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, imma fil-fatt biex itemm ir-rieda tas-sultan.

[2Mak:3:9] Malli wasal Ġerusalemm u kellu laqgħa ta' ħabib mill-qassis il-kbir u l-belt, Eljodoru qallu bit-tagħrif li kien wasallu u wrieh għalfejn kien hemm, u mbagħad staqsieh jekk kienx tassew minnu dan kollu. [2Mak:3:10] Il-qassis il-kbir għarrfu li dawk il-flus merfugħa hemm kienu tar-romol u ta' l-iltiema; [2Mak:3:11] li biċċa minnhom kienu ta' Irkanu bin Tobija, bniedem ta' pożizzjoni għolja, u li dak il-misħut ta' Xmun kien qiegħed iqarraq bih. B'kollox kien hemm erba' mitt talent tal-fidda u mitejn talent tad-deheb; [2Mak:3:12] ma jista' jkun qatt li ssir ħsara lil dawk li kellhom fiduċja fil-qdusija tal-post u fil-ġieħ u s-sigurtą tat-tempju stmat mad-dinja kollha. [2Mak:3:13] Imma Eljodoru, bis-saħħa ta' l-ordnijiet tas-sultan li kellu, qal li kollox kellu jinġabar fit-teżor tas-sultan.

[2Mak:3:14] Fil-jum iffissat daħal jara u jagħmel l-inventarju. Fil-belt kien hemm diqa mhux żgħira. [2Mak:3:15] Il-qassisin, libsin ilbies sagru, nxteħtu wiċċhom fl-art quddiem l-artal, u jgħollu leħenhom lejn is-sema biex dak li kien ta l-liġi dwar id-depożitu jżommhom sħaħ għal dawk li kienu ddepożitawhom. [2Mak:3:16] Min kien iħares lejn wiċċ il-qassis il-kbir kien iħoss għafsa ta' qalb, għax ħarstu u l-bidla ta' kuluru kienu juru weġgħet qalbu. [2Mak:3:17] Waqgħu fuq dan il-bniedem biża' u rogħda f'ġismu, li kull min kien iħares lejh sewwa kien jintebaħ bl-uġigħ ta' qalb li kellu. [2Mak:3:18] In-nies bdew ħierġa minn djarhom qtajja' qtajja' biex jitolbu fil-pubbliku għax il-post imqaddes kien se jiġi mkasbar. [2Mak:3:19] In-nisa mħażżmin bix-xkejjer taħt sidirhom, mlew it-toroq; ix-xebbiet, li kienu magħluqa f'darhom, ħarġu fil-bibien, oħrajn fuq il-ħitan, oħrajn jittawwlu mit-twieqi. [2Mak:3:20] Lkoll, b'idejhom merfugħa lejn is-sema, bdew jitolbu bil-ħerqa. [2Mak:3:21] Kienet dehra taqsamlek qalbek: dik il-folla mitluqa bl-addoċċ wiċċha fl-art, u l-qassis il-kbir qalbu ttaqtaq bil-kbir. [2Mak:3:22] Dawn in-nies kienu qegħdin jitolbu l-Mulej li jista' kollox, biex iħares u jżomm sħaħ u fiż-żgur id-depożiti għal dawk li kienu ddepożitawhom.

[2Mak:3:23] Eljodoru sadattant beda jagħmel kull ma kien iddeċieda. [2Mak:3:24] Imma malli sab ruħu fil-kamra tat-teżor flimkien ma' l-għases tiegħu, Sid l-ispirti u kull setgħa għamel għaġeb kbir u dawk li kellhom il-ħila jidħlu hemm ġew laqtithom il-qawwa ta' Alla, u tmewwtu bil-biża' li qabadhom. [2Mak:3:25] Dehrilhom żiemel imżejjen b'sarġ mill-isbaħ u b'kavallier tal-biża' fuqu, riesaq imlebbet lejn Eljodoru, u jagħtih b'saqajh ta' quddiem. Il-kavallier deher liebes armatura tad-deheb. [2Mak:3:26] Dehrulu wkoll żewġ żgħażagħ, mimlija saħħa, jilmu bil-ġmiel, u mlibbsin ilbies sabiħ. Kienu qegħdin wieħed kull naħa tiegħu, u bdew isawwtuh bla heda u jagħtuh daqqiet bla qjies. [2Mak:3:27] Eljodoru waqa' b'sabta fl-art, b'dalma kbira fuqu, u qabduh u qegħduh f'lettiga. [2Mak:3:28] Mbagħad lil dan il-bniedem, li ftit qabel daħal imdawwar b'segwitu kotran ta' nies u ħafna għassiesa fil-kamra tat-teżor, issa ħarġuh bla ma jista' jgħin ruħu; u kellu jagħraf fil-beraħ il-qawwa ta' Alla.

[2Mak:3:29] Waqt li dak kien jinsab mixħut imbikkem milqut mill-qawwa ta' Alla, bla tama ta' fejqan, [2Mak:3:30] il-Lhud bdew ifaħħru lill-Mulej li gglorifika d-dar tiegħu; u t-tempju, li ftit qabel kien maħkum mill-biża' u l-konfużjoni, mtela bil-ferħ u l-hena mad-dehra tal-Mulej li jista' kollox.

[2Mak:3:31] Minnufih xi wħud minn ta' madwar Eljodoru talbu lil Onija biex jitlob 'l Alla l-Għoli li jagħtihom il-grazzja u jżomm ħaj lil dak li kien fl-aħħar nifs. [2Mak:3:32] Il-qassis il-kbir, mħasseb li s-sultan jista' jgħaddilu minn rasu li l-Lhud nasbu xi waħda lil Eljodoru, offra sagrifiċċju għall-fejqan ta' dan il-bniedem.

[2Mak:3:33] Waqt li l-qassis il-kbir kien qiegħed joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, l-istess żgħażagħ dehru lil Eljodoru libsin l-istess ilbies, waqfu quddiemu u qalulu: "Rodd ħajr kbir lil Onija, il-qassis il-kbir, għax minħabba fih il-Mulej għoġbu jagħtik il-ħajja. [2Mak:3:34] Int li kont imsawwat mis-Sema, ħabbar lil kulħadd is-setgħa kbira ta' Alla." Malli qalu dan, ma dehrux aktar.

[2Mak:3:35] Eljodoru, mbagħad, offra sagrifiċċju lill-Mulej u għamel wegħdiet mill-akbar lil Dak li żammu ħaj, u ta idu lil Onija, u raġa' lura għal għand is-sultan. [2Mak:3:36] Lil kulħadd ta xbieha ta' l-opri ta' Alla l-Kbir, li rahom b'għajnejh.

[2Mak:3:37] Meta s-sultan staqsa lil Eljodoru min sata' kien tajjeb biex jerġa' jintbagħat għat-tieni darba Ġerusalemm, dan wieġeb: [2Mak:3:38] "Jekk għandek xi għadu jew xi xewwiexi kontra l-gvern ibagħtu hemm, u jekk joħroġ ħaj ikollok tilqgħu lura msawwat, għax hemm tassew xi qawwa ta' Alla. [2Mak:3:39] Dak li jgħammar fis-sema jgħasses u jħares dak il-post. Hu jidrob u jġib fix-xejn lil min jersaq 'l hemm biex jagħmel il-ħsara."

[2Mak:3:40] U hekk spiċċat l-istorja ta' Eljodoru u l-ħarsien tat-teżor.

4. Xmun jixli lil Onija

[2Mak:4:1] Xmun, li semmejna aktar 'il fuq, li kien ittradixxa t-teżor u art twelidu, beda jqassas kontra Onija, u jgħid li kien hu li xewwex kontra Eljodoru, u l-ħtija tal-ħsara li ġrat. [2Mak:4:2] U kellu l-ħila wkoll isejjaħ xewwiex kontra l-gvern lill-benefattur tal-belt, id-difensur ta' nies pajjiżu, u l-ħabrieki għal-liġijiet. [2Mak:4:3] U din il-mibegħda tant kibret li wieħed midħla ta' Xmun wasal biex joqtol. [2Mak:4:4] Meta Onija ra l-ħsara li jista' jġib dan il-ġlied u kif Apollonju bin Menestew, il-gvernatur taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, kien qiegħed jgħin il-ħżunija ta' Xmun, [2Mak:4:5] mar għand is-sultan, mhux biex jixli nies pajjiżu, imma bil-ħsieb li jġib 'il quddiem il-ġid tal-kotra tal-poplu kollu u ta' kull wieħed minnhom. [2Mak:4:6] Huwa ra li jekk ma jindaħalx is-sultan, ma jistax ikun hemm paċi fl-amministrazzjoni u li Xmun iħalli l-ġenn tiegħu.

Ġason il-qassis il-kbir ( 175-172 QK )

[2Mak:4:7] Wara li miet Selewku s-saltna ħadha Antijoku, jgħidulu Epifani. Ġason, ħu Onija, daħħalha f'rasu li jaħtaf il-post ta' qassis il-kbir: [2Mak:4:8] ressaq petizzjoni quddiem is-sultan u wiegħdu tliet mija u sittin talent tal-fidda u tmenin talent ieħor minn dħul ieħor. [2Mak:4:9] Barra dan wiegħdu wkoll li joħroġ mija u ħamsin talent ieħor jekk jagħtih is-setgħa li jibni ġinnasju u stadju fejn jitħarrġu ż-żgħażagħ, u li n-nies ta' Ġerusalemm jinkitbu bħala ċittadini ta' Antjokja.

[2Mak:4:10] Is-sultan qallu iva. Malli ħa l-kariga f'idejh minnufih beda jdawwar lil niesu għad-drawwiet tal-Griegi. [2Mak:4:11] Neħħa l-privileġġi li s-slaten kienu taw lil-Lhud bis-saħħa ta' Ġwanni, missier Ewpolemu, li kien intbagħat ambaxxatur biex jagħmel patt ta' alleanza u ħbiberija mar-Rumani; ħassar il-liġijiet ċivili u daħħal drawwiet kontra l-Liġi. [2Mak:4:12] Minn rajh bena ġinnasju taħt l-Akra u darra l-aħjar fost iż-żgħażagħ jilbsu l-kappell ta' l-atleti Griegi. [2Mak:4:13] B'hekk l-Elleniżmu laħaq il-quċċata tiegħu u saret bidla sħiħa għad-drawwiet tal-barranin bis-saħħa tal-ħażen bla qjies ta' Ġason, li ma kienx jixraqlu jkun il-qassis il-kbir. [2Mak:4:14] Il-qassisin ma baqgħux aktar ħsiebhom fis-servizz ta' l-artal, imma, bla ma kienu jqisu xejn it-tempju u bla ma jħabblu rashom bis-sagrifiċċji, mas-sinjal għal-logħba tad-disk kienu jmorru jiġru lejn il-palestra biex jieħdu sehem fil-logħob ikkundannat mil-Liġi. [2Mak:4:15] L-unuri li wirtu mingħand missirijiethom ma qisuhomx aktar, imma kienu jgħożżu l-unuri tal-Griegi fuq kollox. [2Mak:4:16] U sewwasew minħabba dawn il-ħwejjeġ sabu ruħhom f'għawġ mill-akbar, billi dawk stess li huma fittxew li jgħixu bħalhom u jixbhuhom f'kollox, saru l-għedewwa u t-tiranni tagħhom. [2Mak:4:17] Għax il-ksur tal-liġijiet ta' Alla ma tgħaddihx ħafif, u dan jurih iż-żmien li jiġi wara.

[2Mak:4:18] Meta kien hemm il-logħob tas-sarār ta' kull ħames snin fil-belt ta' Tir quddiem is-sultan, [2Mak:4:19] dak l-imniġġes ta' Ġason bagħat minn Ġerusalemm xi nies, ċittadini ta' Antjokja, biex jaraw il-logħob u jieħdu magħhom tliet mitt drakma tal-fidda għas-sagrifiċċju lil Erkole. Imma dawk li ħaduhom dehrilhom li ma kienx xieraq li jintefqu għas-sagrifiċċju imma li jmorru għal xi nefqa oħra. [2Mak:4:20] Ġara għalhekk li dawn il-flus li min bagħathom ried li jmorru għas-sagrifiċċju lil Erkole, marru għat-tagħmir tal-ġfien tal-gwerra bis-saħħa ta' dawk li kienu ħaduhom.

[2Mak:4:21] Is-sultan Antijoku kien bagħat lil Apollonju bin Menestew l-Eġittu għall-intronizzazzjoni tas-sultan Tolemew Filometor, u b'hekk sar jaf li dan ma kienx jaqbel mal-politika tiegħu. Għalhekk ħaseb għal rasu u telaq lejn Ġaffa u minn hemm tela' Ġerusalemm. [2Mak:4:22] Ġason u n-nies tal-belt laqgħuh bil-kbir, u daħħluh bid-dawl tat-torċi u b'għajat ta' ferħ. Minn hemm telaq bl-eżerċtu għall-Feniċja.

Menelaw jaqla' 'l barra lil Ġason ( 172 QK )

[2Mak:4:23] Wara tliet snin Ġason bagħat lil Menelaw, ħu Xmun, li semmejna qabel, biex iwassal il-flus lis-sultan u jfakkru fi ħwejjeġ urġenti. [2Mak:4:24] Dan indiehes mas-sultan u ġieb ruħu miegħu bħallikieku kien xi persuna setgħana, u hekk kiseb għalih innifsu l-post ta' qassis il-kbir, billi żied fuq Ġason tliet mitt talent tal-fidda. [2Mak:4:25] Malli ħa f'idejh l-ittri tal-ħatra tiegħu minn idejn is-sultan, raġa' lura. Ma kellu xejn li jistħoqqlu l-post ta' qassis il-kbir ħlief il-qilla ta' tirann bla qalb u l-qalb ta' bhima selvaġġa. [2Mak:4:26] U Ġason, li qabel kien qala' 'l barra lil ħuh, issa sab ruħu maqlugħ 'il barra minn ħaddieħor, u kellu jitlaq maħrub lejn art l-Għammonin.

[2Mak:4:27] Menelaw ħa l-ħakma f'idejh, imma ma ħallas xejn mill-flus li kien wiegħed lis-sultan, [2Mak:4:28] minkejja li Sostratu, il-kmandant ta' l-Akra, l-inkarigat biex jiġbor it-taxxi, kien jitlobhomlu ta' spiss. Għalhekk it-tnejn li kienu ssejjħu quddiem is-sultan. [2Mak:4:29] Menelaw ħalla deputat floku, bħala l-qassis il-kbir, lil ħuh Lisimaku; u Sostratu ħalla lil Krateti kmandant taċ-Ċiprijotti.

[2Mak:4:30] Wara li sar dan kollu, in-nies ta' Tarsu u ta' Mallu rvillaw, għax dawn l-ibliet ngħataw b'rigal lil Antijokidi, konkubina tas-sultan. [2Mak:4:31] Is-sultan telaq jgħaġġel biex jirranġa u ħalla deputat floku lil Androniku, wieħed mill-ogħla kbarat. [2Mak:4:32] Menelaw ħaseb li ġieħ il-waqt, u seraq xi tagħmir tad-deheb mit-tempju u tah rigal lil Androniku; tagħmir ieħor irnexxielu jbigħu f'Tir u l-ibliet ta' madwarha.

L-assassinju ta' Onija

[2Mak:4:33] Onija, malli sar jaf bi żgur, bagħat iċanfru u mar f'post tal-kenn ħdejn Dafni qrib Antjokja. [2Mak:4:34] Menelaw, mbagħad, mar għand Androniku, u ħeġġu biex imidd idejh fuq Onija. Dan mar għand Onija, u wara li qarraq bih rebaħ il-fiduċja tiegħu, ħadlu b'idejh, ħaliflu, u pperswadih joħroġ, għalkemm imħasseb, mill-kenn tiegħu. Minnufih qatlu, bla ma qies xejn il-ġustizzja. [2Mak:4:35] Mhux biss il-Lhud, imma wkoll ħafna oħrajn mill-ġnus l-oħra, ħaduha bi kbira u għelew bis-sħiħ għall-qtil inġust ta' dan il-bniedem. [2Mak:4:36] Malli s-sultan raġa' lura mill-inħawi taċ-Ċiliċja, il-Lhud li kienu fil-belt, flimkien ma' xi Griegi li kienu wkoll tkexkxu bid-delitt, marru għandu biex jipprotestaw għall-qtil ta' Onija. [2Mak:4:37] Antijoku ħadha fih, ħass għalih u tħassru u bkieh minħabba l-għaqal u l-imġiba mill-aħjar tal-mejjet. [2Mak:4:38] Xegħel bil-qilla, u minnufih neħħa l-porpra minn fuq Androniku, ċarratlu lbiesu u ġagħalhom idawwruh mal-belt kollha, u hemm stess fejn kien qarraq b'Onija, lil dan il-qattiel neħħieh mid-dinja. Hekk il-Mulej raddlu l-kastig li kien jixraqlu.

L-irvell kontra Lisimaku

[2Mak:4:39] Fil-belt, Lisimaku, bi ftehim ma' Menelaw, kien għamel ħafna serq mit-tempju. Kienu diġą ġarrew ħafna dehbijiet meta xterdet ix-xniegħa; imma l-poplu qam kontra Lisimaku. [2Mak:4:40] Kif kienet il-kotra mqanqla u mixgħula bil-korla, Lisimaku rama xi tlitt elef raġel taħt il-kmand ta' Arawnu, bniedem imdaħħal fiż-żmien u xejn anqas fil-ġenn, u beda jaħbat għalihom inġustament. [2Mak:4:41] Malli ntebħu bil-ħbit ta' Lisimaku, xi wħud qabdu l-ġebel, oħrajn il-bsaten bl-għekiesi, oħrajn it-trab milli kien hemm miġmugħ, u bdew iwaddbuh bl-addoċċ fuq in-nies ta' Lisimaku. [2Mak:4:42] B'dan il-mod darbu 'l ħafna minnhom, oħrajn waqqgħuhom ma' l-art u mbagħad ħarrbuhom ilkoll, u l-ħalliel tat-tempju wkoll qatluh ħdejn il-kamra tat-teżor.

[2Mak:4:43] U minħabba dawn il-ġrajjiet saret kawża kontra Menelaw. [2Mak:4:44] Meta s-sultan ġie Tir, tlieta min-nies mibgħuta mill-Kunsill ressqu l-akkuża quddiemu. [2Mak:4:45] Menelaw, meta ra li kien għoddu mitluf, wiegħed kemxa flus sewwa lil Tolemew bin Dorimeni, biex idawwar lejh is-sultan. [2Mak:4:46] Tolemew, mbagħad, ħa s-sultan taħt il-kolonnat, taparsi għall-arja, u dawwarlu fehemtu. [2Mak:4:47] U dan ħeles mill-akkuża lil Menelaw, li kien ġieb dik il-ħsara kollha; u dawk l-imsejkna, li, ukoll kieku ddefendew il-kawża tagħhom imqar quddiem l-Iskiti, kienu joħorġu bla ħtija, qatagħhielhom għall-mewt. [2Mak:4:48] U hekk minnufih tħallsu b'piena inġusta dawk li qabżu għall-belt, għall-poplu u għat-tagħmir sagru. [2Mak:4:49] U n-nies ta' Tir stess tant ħaduha bi kbira, li tawhom difna bl-aqwa gieħ.

[2Mak:4:50] Menelaw, bis-saħħa tar-regħba ta' min kellu s-setgħa, baqa' fil-ħakma, dejjem iżid fi ħżunitu u jnassas kontra nies pajjiżu stess.

5. Taħwid fil-belt ( 168 QK )

[2Mak:5:1] Dik il-ħabta Antijoku kien qiegħed iħejji t-tieni spedizzjoni lejn l-Eġittu. [2Mak:5:2] Ġara li għal madwar erbgħin jum dehru jiġġerrew fl-arja mal-belt kollha kavallieri libsin ilbies minsuġ bid-deheb, qtajja' nies bil-lanez, lesti għall-battalja u bis-sjuf misnunin, [2Mak:5:3] qtajja' ta' żwiemel imqassma għat-taqbid, ħbit minn naħa u ħbit minn oħra; tixjir ta' xwabel, twaddib ta' vleġeġ u l-leħħa tad-deheb u l-kurazzi ta' kull xorta. [2Mak:5:4] U lkoll bdew jitolbu li din id-dehra ġġibilhom il-ġid.

[2Mak:5:5] Meta xterdet ix-xniegħa mhux minnha li kien miet Antijoku, Ġason ġabar madwaru mhux anqas min elf raġel u ħabat għall-belt għal għarrieda. In-nies fuq is-swar kienu megħluba u fl-aħħar il-belt inqabdet. Menelaw ħarab fil-fortizza; [2Mak:5:6] u Ġason għamel straġi bla ħniena min-nies beltu bla ma qagħad jaħseb li rebħa fuq niesu kienet l-akbar telfa; ħaseb li kellu rebħa fuq l-għedewwa u mhux fuq in-nies ta' ġensu stess. [2Mak:5:7] Madankollu f'idejh il-ħakma ma ħadhiex, imma rnexxielu biss jitgħabba bl-għajb minħabba t-tnassis tiegħu, u kellu jaħrab mill-ġdid lejn art l-Għammonin. [2Mak:5:8] U fl-aħħar spiċċa ħażin. Wara li kien priġunier ta' Areta, il-mexxej ta' l-Għarab, ħarab u mar jiġġerra minn belt għal oħra, b'kull ħadd jiġri warajh, mibgħud minn kulħadd bħal wieħed li telaq il-liġijiet, misħut bħala assassin ta' pajjiżu u nies pajjiżu, sakemm fl-aħħar sab il-kenn fl-Eġittu. [2Mak:5:9] Il-bniedem li keċċa ħafna nies 'il barra minn pajjiżhom, miet f'art barranija għand l-Ispartani, għax mar għandhom bit-tama li jsib il-kenn, għax kienu ta' razza waħda. [2Mak:5:10] Dak li ħalla fit-toroq ħafna nies bla difna spiċċa biex ħadd ma bkieh, u ma kellu ebda xorta ta' funeral u lanqas post f'qabar missirijietu.

Il-qerda tal-poplu u l-profanazzjoni tat-tempju ( 167 QK )

[2Mak:5:11] Meta l-aħbar ta' dawn il-ġrajjiet laħqet is-sultan, dan ħaseb li l-Lhudija kienet irvellat. Għalhekk telaq mill-Eġittu mgħaddab bħal bhima selvaġġa; ħa l-belt f'idejh bis-saħħa ta' l-armi; [2Mak:5:12] ordna lis-suldati joqtlu bla ħniena lil kull min kienu jiltaqgħu miegħu u li jqattgħu bċejjeċ lil dawk li jidħlu jistkennu fi djarhom. [2Mak:5:13] Kien hemm għalhekk straġi sħiħa ta' żgħażagħ u xjuħ; qerda ta' rġiel, nisa, tfal, u biċċerija ta' xebbiet u trabi. [2Mak:5:14] Fi tlitt ijiem sħaħ inqerdu tmenin elf ruħ, erbgħin elf inqerdu fil-ġlied, u mhux inqas mill-maqtulin inbiegħu lsiera.

[2Mak:5:15] Is-sultan ma kienx kuntent b'dan, imma kellu l-wiċċ ukoll jidħol fit-tempju, l-eqdes post fid-dinja kollha, mmexxi minn Menelaw, traditur tal-liġi u ta' pajjiżu. [2Mak:5:16] B'idejh moqżieża qabad it-tagħmir sagru u kines b'idejh maħmuġa l-oġġetti li kienu offrew slaten oħra għall-kobor u l-ġieħ tat-tempju.

[2Mak:5:17] Antijoku tant issuppervja li ma fehemx li kien għal ftit taż-żmien li l-Mulej inkorla għan-nies tal-belt minħabba dnubiethom, u għalhekk kien warrab ħarstu minn fuq il-post. [2Mak:5:18] Li kieku ma kienx minħabba l-ħafna dnubiet tal-poplu, dan ukoll kien ikun imsawwat u mraġġa' lura mill-għemil sfiq tiegħu minnufih malli daħal, bħalma kien ġralu Eljodoru, mibgħut mis-sultan Selewku biex jara l-kamra tat-teżor. [2Mak:5:19] Għax il-Mulej ma għażilx in-nazzjon minħabba l-post, iżda l-post minħabba n-nazzjon. [2Mak:5:20] Għalhekk il-post ukoll kellu jaqsam l-għawġ mal-poplu, biex wara jaqsam ukoll miegħu fil-ġid mill-Mulej. Wara li kien abbandunat fil-korla ta' dak li jista' kollox, kien imġedded mill-ġdid bil-glorja kollha tiegħu fil-maħfra tas-Sid il-kbir.

[2Mak:5:21] Antijoku ħa mit-tempju elf u tmien mitt talent u raġa' lura mgħaġġel lejn Antjokja. Tant tkabbar bih innifsu li kien jistħajjel li jista' jbaħħar fuq l-art u jterraq fuq il-baħar. [2Mak:5:22] Ħalla warajh uffiċjali biex jgħakksu l-poplu: f'Ġerusalemm ħalla lil Filippu, mnissel mill-Friġja, selvaġġ f'imġibtu aktar minn min ħallieh hemm, [2Mak:5:23] u f'Gariżim lil Androniku. Barra minn dawn ħalla wkoll lil Menelaw; dan, aktar mill-oħrajn kollha, qam fuq tiegħu kontra ċ-ċittadini, għax kellu qalbu mikula bil-mibegħda għaċ-ċittadini Lhud.

[2Mak:5:24] Mbagħad bagħat lil Apollonju, xellerat prim, b'eżerċtu ta' tnejn u għoxrin elf ruħ bl-ordni li joqtol l-irġiel kollha fl-aħjar tagħhom, u n-nisa u t-tfal ibigħhom ilsiera. [2Mak:5:25] Meta wasal Ġerusalemm, taparsi bis-sliem, qagħad bi kwietu sal-jum qaddis tas-Sibt. Mbagħad, meta kien żgur li l-Lhud kienu mistrieħa, ordna lin-nies tiegħu jimmarċjaw bl-armi. [2Mak:5:26] U dawk kollha li ħarġu jaraw il-parata qatilhom f'salt wieħed, u mbagħad ħareġ idur mal-belt u qatel kotra kbira.

[2Mak:5:27] Imma Ġuda, jgħidulu l-Makkabi, flimkien ma' disgħa oħra, rħielha lejn id-deżert, u hemm fuq il-muntanji kien jgħix ma' sħabu bħall-bhejjem, jieklu l-ħaxix biss, basta ma jiċċappsux bit-tinġis tal-pajjiż.

6. L-editt ta' Antijoku ( 166 QK )

[2Mak:6:1] Ma kienx għadda ħafna żmien, meta s-sultan bagħat wieħed anzjan minn Ateni biex iġiegħel lil-Lhud iħallu l-liġijiet ta' missirijiethom u ma jgħixux aktar skond il-liġijiet ta' Alla; [2Mak:6:2] kellu wkoll jipprofana t-tempju ta' Ġerusalemm u jsemmih għal Żews ta' Olimpu, u dak ta' Gariżim għal Żews Ospitalier kif kien jixraq lin-nies ta' dak il-post.

[2Mak:6:3] Iebes u kiefer kien għal kulħadd l-għawġ li laħaqhom. [2Mak:6:4] Għax it-tempju mtela bit-tbaħrid u l-ikel żejjed tal-Ġentili; hawn kienu jgħaddu ż-żmien mal-prostituti u jitwaħħdu man-nisa fil-wesgħat qaddisa tat-tempju, u daħħlu wkoll ħwejjeġ mhux xierqa. [2Mak:6:5] L-artal imtela b'vittmi moqżieża pprojbiti mil-liġijiet. [2Mak:6:6] U ħadd ma kien jista' u la jħares is-Sibt u la jiċċelebra l-festi ta' missirijietu u lanqas juri fil-beraħ li kien Lhudi. [2Mak:6:7] F'jum it-twelid tas-sultan b'għafsa ta' qalb kienu mġiegħla ta' kull xahar imorru għas-sagrifiċċju, u fil-festa ta' Dijonisju kienu mġiegħla jduru mat-triqat bil-liedna mdawwra ma' ġbinhom f'ġieħ Dijonisju.

[2Mak:6:8] Mbagħad, mġiegħel min-nies ta' Ptolemajs, is-sultan ħareġ digriet għall-ibliet Griegi tal-qrib biex jagħmlu l-istess kontra l-Lhud, u jġagħluhom jieklu mill-vittmi tas-sagrifiċċji, [2Mak:6:9] u 'l dawk li jirruftaw jaqilbu għad-drawwiet Griegi, joqtluhom.

U s-sofferenza kienet hemm taraha b’għajnejk. [2Mak:6:10] Żewġ nisa ġibuhom quddiem it-tribunal, u xlewhom li kienu għamlu ċ-ċirkonċiżjoni lil uliedhom. Dendlulhom it-trabi ma' sidirhom, dawwruhom mal-belt quddiem kulħadd, u mbagħad waddbuhom minn fuq is-swar għal isfel. [2Mak:6:11] Oħrajn li kienu nġemgħu fl-għerien biex jiċċelebraw is-Sibt bil-moħbi, xlewhom lil Filippu, u ħarquhom kollha f'daqqa, għax beżgħu jiddefendu ruħhom minħabba l-ġieħ ta' dak il-jum qaddis.

Il-ġudizzju ta' Alla

[2Mak:6:12] Jiena nitlob lil kull min jiġi f'idejh dan il-ktieb biex ma jaqtax qalbu minħabba dawn il-ħsarat, imma jifhem li dawn il-kastigi ma seħħewx għall-qerda, imma għall-korrezzjoni ta' ġensna. [2Mak:6:13] Għaliex li l-midinbin ma jitħallewx bla kastig għal żmien twil, imma li fis jiġi fuqhom il-ħlas li jkun ħaqqhom, hu sinjal ta' tjieba kbira. [2Mak:6:14] Mal-ġnus l-oħra l-Mulej, qabel ma jikkastigahom, jistenna bis-sabar sakemm jimlew sax-xfar kejl dnubiethom; imma magħna ma jġibx ruħu hekk, [2Mak:6:15] ma joqgħodx jistenna li dnubietna jkunu waslu fl-aqwa tagħhom biex jikkastigana. [2Mak:6:16] Għalhekk, mqar meta jkun ikkastigana bid-deni, ma jkunx qiegħed ibiegħed il-ħniena tiegħu minna: għax hu ma jitlaq qatt il-poplu tiegħu.

[2Mak:6:17] Dan għednieh biex infakkru din il-veritą; wara dan il-ftit kliem, ħa nerġgħu għar-rakkont.

Il-martirju ta' Elgħażar

[2Mak:6:18] Elgħażar, wieħed mill-ewlenin fost l-iskribi, bniedem imdaħħal fiż-żmien, raġel iġiblek suġġizzjoni, kienu qegħdin iġagħluh jiftaħ ħalqu bilfors biex jiekol il-laħam tal-majjal. [2Mak:6:19] Iżda hu għażel mewt ta' ġieħ minflok ħajja ta' għajb; beżaq il-laħam u minn rajh resaq lejn il-kavallett [2Mak:6:20] kif għandhom jagħmlu dawk li għandhom il-kuraġġ li jiċċaħħdu minn dak li ma jiswiex wieħed iduq, mqar għall-imħabba naturali ta' ħajtu. [2Mak:6:21] Dawk li kienu mqabbdin li jagħmlu din l-ikla tas-sagrifiċċju kontra l-Liġi, billi kien ilhom żmien twil jafuh, warrbuh fil-ġenb u bdew iħajjruh iġib hu stess laħam li jkun jista' jittiekel u jħejjih hu stess, mbagħad jagħmel ta' bir-ruħu qiegħed jiekol mil-laħam tas-sagrifiċċju skond l-ordni tas-sultan; [2Mak:6:22] jekk jagħmel hekk jeħles mill-mewt u jkun ittrattat tajjeb minħabba l-ħbiberija tagħhom minn żmien twil. [2Mak:6:23] Imma hu ħa deċiżjoni nobbli tixraq lis-snin tiegħu, lid-dinjitą kbira ta' xjuħitu u l-bjuda ta' xagħru, u lis-safa ta' ħajtu sa minn tfulitu, imma fuq kollox deċiżjoni li kienet taqbel mal-liġi qaddisa mogħtija minn Alla stess. Bla telf ta' żmien stqarr x'kien, u qalilhom li jistgħu jibagħtuh lejn art l-imwiet.

[2Mak:6:24] "Ma jixraqx," qalilhom, "lis-snin tagħna li nimxu wiċċ b'ieħor, biex imbagħad ħafna miż-żgħażagħ jaħsbu li Elgħażar, ta' disgħin sena, qaleb għal mal-barrani. [2Mak:6:25] U huma mbagħad, minħabba l-wiċċ b'ieħor tiegħi u l-ġibda għal daqsxejn ta' ftit ħajja oħra, jintilfu u jien niġbed fuq xjuħiti l-għajb u s-saħta. [2Mak:6:26] Mqar jekk għalissa neħles mill-kastig tal-bnedmin, ma nistax naħrabhom minn idejn Dak li jista' kollox, sew jekk nibqa' ħaj sew jekk immut. [2Mak:6:27] Jekk issa, ta' raġel li jien, nagħti ħajti, nkun qiegħed nuri li jien denn ta' xjuħiti, [2Mak:6:28] u nħalli liż-żgħażagħ eżempju sabiħ ta' kif għandhom minn rajhom imutu qalbiena għall-ġieħ tal-liġijiet qaddisa."

Malli temm kliemu mar jiġri minnufuh lejn kavallett. [2Mak:6:29] U dawk li ftit qabel kienu tħassruh, issa ħraxu miegħu, għax dan id-diskors tiegħu dehrilhom li kien ġenn. [2Mak:6:30] Meta mbagħad wasal biex imut taħt is-swat tniehed u qal: "Il-Mulej, li għandu għerf qaddis, jaf li jiena stajt neħles mill-mewt, u li qiegħed inġarrab taħt is-swat uġigħ tal-biża' f'ġismi, imma f'ruħi qiegħed insofrih bil-qalb minħabba l-biża' tiegħu."

[2Mak:6:31] Hekk b'dan il-mod għadda minn din il-ħajja u ħalla b'mewtu, mhux biss liż-żgħażagħ, imma wkoll lill-kotra l-kbira ta' ġensu, eżempju ta' qlubija u tifkira ta' qawwa.

7. Il-martirju tas-sebat aħwa u ommhom

[2Mak:7:1] Ġara li qabdu wkoll sebat aħwa u 'l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex. [2Mak:7:2] Wieħed minnhom beda jitkellem f'isem l-oħrajn u qal: "X'int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m'aħniex lesti niksru l-liġijiet ta' missirijietna."

[2Mak:7:3] Is-sultan intilef f'dagħdigħa, u ordna li jsaħħnu l-gradilji u l-kaldaruni. [2Mak:7:4] Kif saru ġamra nar, ordna li jaqtgħu lsien dak li tkellem f'isimhom, iqaxxrulu l-ġilda ta' rasu, u jaqtgħulu idejh u riġlejh taħt għajnejn ommu u ħutu l-oħra. [2Mak:7:5] Meta ġibuh ma jiswa għal xejn ordnalhom li jwaddbuh fin-nar, kif kien għadu jieħu n-nifs, u jixwuh fuq il-gradilja. Waqt li minn fuq il-gradilja l-fwar kien jimla kullimkien, l-oħrajn flimkien ma' ommhom bdew jagħmlu l-qalb lil xulxin biex imutu ta' qalbiena, u bdew jgħidu: [2Mak:7:6] "Il-Mulej Alla jara mill-għoli u żgur għad ikollu ħniena minna bħalma ddikjara Mosč fl-għanja tiegħu u qalilhom f'wiċċhom: 'Il-qaddejja tiegħu jħenn għalihom.' "

[2Mak:7:7] Malli miet l-ewwel wieħed b'dan il-mod, ġiebu t-tieni għat-tortura. Qalgħulu l-ġilda ta' rasu bix-xagħar b'kollox u staqsewh: "Trid tiekol qabel ma ntertqulek ġismek kollu biċċa biċċa?" [2Mak:7:8] U hu weġibhom b'ilsien missirijietu u qalilhom: "Ma jkun qatt." U għalhekk wara l-ewwel wieħed dan ukoll ħa t-tortura bħalu. [2Mak:7:9] Kif kien fl-aħħar nifs qallu: "Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta' issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta' dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu."

[2Mak:7:10] Mbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza' ta' xejn midd idejh [2Mak:7:11] u ta' qalbieni li kien għajjat: "Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa' niksibhom." [2Mak:7:12] Saħansitra s-sultan u dawk ta' madwaru stagħġbu bil-qawwa ta' dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn.

[2Mak:7:13] Meta miet dan bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba' wieħed bl-istess mod. [2Mak:7:14] Meta wasal fl-aħħar qal: "Aħjar li wieħed imut b'idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajjmu mill-ġdid. Imma għalik m'hemmx qawmien għall-ħajja."

[2Mak:7:15] Mbagħad ġiebu l-ħames wieħed u bdew jittorturawh. [2Mak:7:16] Iżda hu ħares lejn is-sultan u qallu: "Int għandek is-setgħa fost il-bnedmin u tista' tagħmel li trid, imma int ukoll għad tmut. Iżda taħsibx li l-ġens tagħna Alla abbandunah. [2Mak:7:17] Stenna, u int għad tara l-qawwa kbira tiegħu, kif hu għad jikkastiga lilek u lil nislek."

[2Mak:7:18] Wara dan ġiebu s-sitt wieħed, u meta ġie biex imut qal: "Timliex rasek għal xejn; aħna qegħdin insofru dan għax dnibna kontra Alla tagħna stess. Għalhekk saru dawn il-ħwejjeġ ta' l-għaġeb. [2Mak:7:19] Int, imma, wara li rfajt idejk biex teħodha kontra Alla, taħsibx li se tibqa' bla kastig."

[2Mak:7:20] Imma ta' l-għaġeb bla qjies kienet l-omm, u ta' min ifakkarha u jfaħħarha. Rat is-seba' wliedha jinqerdu fi żmien jum wieħed u sofriet minn qalbha, minħabba t-tama li kellha fil-Mulej. [2Mak:7:21] Mimlija bi ħsibijiet kbar, qawwiet bil-ħila ta' raġel il-qalb tagħha ta' mara u b'ilsien missirijietha, wieħed wara l-ieħor, qawwitilhom qalbhom bi kliemha. [2Mak:7:22] "Jien ma nafx kif feġġejtu f'ġufi, ma kontx jien li tajtkom in-nifs u l-ħajja, lanqas ma kont jien li għaqqadtilkom il-bċejjeċ ta' ġisimkom. [2Mak:7:23] Il-ħallieq tad-dinja, li sawwar in-nisel tal-bniedem u fassal il-bidu ta' kollox għad iroddilkom lura n-nifs u l-ħajja fil-ħniena tiegħu, bħalma issa ma intom tqisu xejn lilkom infuskom minħabba l-liġijiet tiegħu."

[2Mak:7:24] Antijoku ħass u ħaseb li kienet qiegħda tgħajjru u żżebilħu bi kliemha. Billi kien għad baqa' l-iżgħar wieħed, mhux biss ħeġġu bi kliemu, imma wkoll beda jaħliflu u jwiegħdu li jagħnih u jagħmlu l-aktar bniedem hieni jekk iħalli l-liġijiet ta' missirijietu, u li jgħodd u bħala ħabibu u jafdalu f'idejh uffiċċji pubbliċi. [2Mak:7:25] Billi ż-żagħżugħ ma tahx widen, is-sultan sejjaħ lil ommu u talabha tagħti parir lit-tifel għall-ġid tiegħu. [2Mak:7:26] Wara li dam jgħidilha ħafna, aċċettat li ddawwar lil binha. [2Mak:7:27] Mielet lejh u hi u tiddieħak bit-tirann kiefer, bdiet tkellmu b'ilsien missirijietha: "Ibni, ħenn għalija, li għal disa' xhur sħaħ ġarrejtek f'ġufi, u għal tliet snin reddajtek, rabbejtek u wassaltek sa din l-etą, u tmajtek. [2Mak:7:28] Nitolbok, ibni, ħares lejn is-sema u l-art, u ara kull ma fihom. Kun af li mix-xejn għamilhom Alla; hekk ukoll sar ġens il-bniedem. [2Mak:7:29] Tibżax minn dan il-biċċier, imma kun ta' ġieħ għal ħutek u ilqa' l-mewt, sabiex jien niksbek mill-ġdid fi żmien il-ħniena flimkien ma' ħutek."

[2Mak:7:30] Hi u titkellem, iż-żgħażugħ qal: "X'intom tistennew? M'iniex se nobdi d-digriet tas-sultan; nobdi biss id-digriet tal-Liġi mogħtija lil missirijietna permezz ta' Mosč. [2Mak:7:31] U int li vvintajt kull xorta ta' deni kontra l-Għebrej, m'intix se taħrab idejn Alla. [2Mak:7:32] Aħna qegħdin insofru minħabba ħtijietna. [2Mak:7:33] Jekk il-Mulej ħaj hu inkurlat għalina, dan għal ftit taż-żmien biex jikkastigana u jwiddibna, imma mill-ġdid għad jerġa' jitħabbeb mal-qaddejja tiegħu. [2Mak:7:34] Iżda inti, ja midgħi u bniedem mill-agħar fost il-bnedmin, la titkabbarx fil-vojt u tintefaħx b'tamiet fiergħa, int u terfa' idejk fuq ulied is-sema. [2Mak:7:35] Għadek ma ħlistx mill-ħaqq ta' Alla li jista' kollox u kollox jara. [2Mak:7:36] Ħutna, wara li sofrew it-tbatija għal ftit taż-żmien, issa laħqu l-ħajja ta' dejjem permezz tal-wegħda ta' Alla. Imma int, permezz tal-ġudizzju ta' Alla, għad tieħu l-ħlas ġust li jmiss lil kburitek. [2Mak:7:37] Jiena issa, bħal ħuti, se nagħti ġismi u ħajti għal-liġijiet ta' missirijieti, u nitlob lil Alla li jħenn mill-aktar fis għall-ġens tiegħu u lilek bl-uġigħ u bis-swat iġagħlek tistqarr li hu waħdu Alla. [2Mak:7:38] U jalla l-korla ta' dak li jista' kollox, li bir-raġun kollu waqgħet fuq il-ġens tagħna, tintemm fija u f'ħuti."

[2Mak:7:39] Is-sultan, mitluf f'dagħdigħa, ifferoċja għalih, aktar milli għall-oħrajn, għax ma felaħx għal ilsienu. [2Mak:7:40] U dan ukoll miet, bla tebgħa u b'fiduċja sħiħa f'kollox fil-Mulej. [2Mak:7:41] Fl-aħħar, mbagħad, wara wliedha, nqerdet l-omm ukoll.

[2Mak:7:42] U issa għedna biżżejjed fuq l-ikel tal-vittmi tas-sagrifiċċji u l-ħruxija bla qjies.

8. L-ewwel rebħiet ta' Ġuda ( 166-165 QK )

[2Mak:8:1] Ġuda l-Makkabi u dawk li kienu miegħu daħlu bil-moħbi fl-irħula u bdew isejjħu lil nieshom; u sejjħu lil dawk li baqgħu fidili għall-Ġudaiżmu sa ma ġemgħu sitt elef ruħ. [2Mak:8:2] U talbu lill-Mulej li jħares fuq il-poplu maħqur minn kulħadd; li jkollu ħniena mit-tempju mkasbar minn nies midgħajja; [2Mak:8:3] li jitħassar il-belt imħarbta u li kienet għoddha ġġarrfet; li jagħti widen għad-demm li qiegħed jitlob vendetta quddiemu; [2Mak:8:4] li jiftakar ukoll fil-qerda kiefra tat-trabi bla ħtija, u fid-dagħa li sar kontra ismu; u li juri l-mibegħda tiegħu kontra l-ħażen.

[2Mak:8:5] Il-Makkabi f'ras it-truppi tiegħu ħadd mill- Ġentili ma sata' jiqaflu, għax għadab il-Mulej inbidel fi ħniena. [2Mak:8:6] Kien jinxteħet fuq bliet u rħula għal għarrieda u jagħtihom in-nar; jaħtaf f'idejh l-aħjar postijiet u jħarrab mhux ftit mill-għedewwa; [2Mak:8:7] u għal dawn l-ispedizzjonijiet l-aħjar li kien isib kien il-lejl. Il-fama tal-ħila tiegħu xterdet ma' kullimkien.

[2Mak:8:8] Meta Filippu ra li dal-bniedem ftit ftit kien miexi 'l quddiem, u li kien qiegħed jitqawwa dejjem iżjed minħabba r-rebħiet tiegħu, kiteb lil Tolemew, il-gvernatur taċ-Ċelesirja u l-Feniċja, biex jieħdu ħsieb l-interessi tas-sultan. [2Mak:8:9] Dan minnufih għażel lil Nikanor bin Patroklu, wieħed mill-ħbieb ewlenin tas-sultan, u bagħtu b'mhux anqas minn għoxrin elf suldat minn kull ġens biex jeqred in-nisel kollu tal-Lhud. Bagħatlu wkoll miegħu l-ġeneral Gorġja, bniedem ta' esperjenza kbira fis-sengħa tal-gwerra.

[2Mak:8:10] Nikanor kellu f'rasu li jiġbor elfejn talent mill-bejgħ ta' l-ilsiera Lhud billi s-sultan kellu jagħti t-tribut lir-Rumani.

[2Mak:8:11] Għalhekk bagħat jistieden lill-ibliet tax-xtajta biex jixtru l-ilsiera Lhud u wegħedhom li jagħtihom disgħin wieħed għal kull talent, bla ma qagħad iġib quddiem għajnejh il-ġudizzju li kien hemm lest għalih mingħand Alla li jista' kollox.

[2Mak:8:12] Malli Ġuda sar jaf bl-avvanzata ta' Nikanor, għarraf lin-nies tiegħu bil-wasla ta' l-eżerċtu. [2Mak:8:13] Il-beżżiegħa u dawk li ma kinux jafdaw fil-ġustizzja ta' Alla ħarbu u tbiegħdu mill-post. [2Mak:8:14] L-oħrajn biegħu kull ma kien baqgħalhom, u fl-istess ħin talbu lill-Mulej biex jeħles lil dawk li dak ix-xellerat ta' Nikanor kien diġą biegħ qabel ma bdew jissieltu. [2Mak:8:15] Jekk ma jismagħhomx minħabba fihom infushom, għallinqas jismagħhom f'ġieħ il-patt ma' missirijiethom u f'ġieħ l-isem il-qaddis u kbir tiegħu li minnu ħadu isimhom.

[2Mak:8:16] Ġuda l-Makkabi, mbagħad, ġabar madwaru n-nies tiegħu, sitt elef ruħ b'kollox, u ħeġġiġhom biex ma jibżgħux quddiem l-għedewwa, u lanqas ma jaqtgħu qalbhom quddiem il-kotra tal-ġnus, li inġustament kienu riesqa għal fuqhom, imma għandhom jissieltu ta' rġiel [2Mak:8:17] u jżommu quddiem għajnejhom il-vjolazzjoni sagrilega li għamlu kontra l-post imqaddes, u ż-żebliħ tal-belt imħarbta, u t-tneħħija tad-drawwiet ta' missirijiethom.

[2Mak:8:18] "Huma jafdaw fl-armi u fil-qlubija tagħhom," qalilhom, "imma aħna nafdaw f'Alla li jista' kollox, li jista' jeqred b'nifs wieħed lil dawn li ġejjin għalina u d-dinja kollha." [2Mak:8:19] Fakkarhom f'kemm-il darba Alla għen lil missirijiethom, kif fi żmien Sanħerib kienu nqerdu mija u ħamsa u tmenin elf raġel, [2Mak:8:20] u fit-taqbida li saret fil-Babilonja kontra l-Galatin, meta l-Lhud, tmint elef ruħ b'kollox, bl-għajnuna ta' erbat elef Maċedoni, marru għat-taqbida; u meta l-Maċedonin sabu ruħhom fit-tiġrib, it-tmint elef, bl-għajnuna tas-sema, qerdu mija u għoxrin elf mill-għadu, u qabdulhom priża kbira.

[2Mak:8:21] B'dan il-kliem qawwielhom qalbhom u ħejjiehom biex imutu għal-liġijiet u għal art twelidhom; mbagħad qassam l-eżerċtu f'erba' taqsimiet, [2Mak:8:22] u qiegħed lil ħutu, Xmun, Ġużeppi, Ġonatan, kapijiet fuqhom, wieħed għal kull taqsima b'elf u ħames mitt ruħ kull waħda. [2Mak:8:23] Mbagħad qal lil Elgħażar jaqra l-Ktieb Imqaddes u tahom il-kelma tal-qaddis: "Bl-għajnuna ta' Alla", u hu stess mar f'ras l-ewwel taqsima u ħabat għal Nikanor.

[2Mak:8:24] Bl-għajnuna ta' Dak li jista' kollox li kien magħhom qatlu aktar minn disat elef ruħ, darbu u qattgħu bċejjeċ il-biċċa l-kbira ta' l-eżerċtu ta' Nikanor, u ġagħluhom jaħarbu lkoll. [2Mak:8:25] Qabdu f'idejhom il-flus ta' dawk li kienu ġew biex jixtruhom; u għamlu għal warajhom għal triq twila, imma kellhom jerġgħu lura minħabba li kien daħal il-ħin, [2Mak:8:26] u ma baqgħux jitbiegħdu aktar għal warajhom għax kien lejlet is-Sibt. [2Mak:8:27] Mbagħad ġabru l-armi u neżżgħu l-għedewwa milli kellhom fuqhom, iċċelebraw is-Sibt, ibierku u jfaħħru lill-Mulej kemm jifilħu talli salvahom dakinhar u beda juri l-ħniena magħhom. [2Mak:8:28] Meta għadda s-Sibt qassmu biċċa mill-priża lill-midrubin, lir-romol u lill-iltiema, u l-bqija qassmuh bejniethom u bejn uliedhom. [2Mak:8:29] Meta temmew dan kollu, talbu lkoll flimkien lill-Mulej ħanin li jitħabbeb mill-ġdid għalkollox mal-qaddejja tiegħu.

Kontra Timotju u Bakkidi

[2Mak:8:30] Tqabdu wkoll mat-truppi ta' Timotju u Bakkidi, u minnhom qerdu aktar minn għoxrin elf ruħ; u mbagħad ħatfu f'idejhom fortizzi fl-għoli u qassmu priża kbira bejniethom: u taw sehem daqs tagħhom lill-midrubin, lill-iltiema, lir-romol u lix-xjuħ ukoll. [2Mak:8:31] Mbagħad ġabru l-armi ta' l-għedewwa, qiegħdu kollox bil-galbu f'postijiet żguri, u ħadu l-bqija tal-priża Ġerusalemm. [2Mak:8:32] Qatlu wkoll lill-fizzjal ta' l-għases ta' madwar Timotju, bniedem mill-agħar, li għamel ħsara kbira lil-Lhud. [2Mak:8:33] Mbagħad, meta kienu qegħdin jagħmlu l-festa tar-rebħa f'art twelidhom, ħarqu ħajjin lil dawk li kienu taw in-nar lill-bibien imqaddsa, u magħhom lil Kallisteni, li lkoll kienu ħarbu f'daqsxejn ta' dar; u hekk dan ukoll ħa l-ħlas li kien ħaqqu għall-ħażen tiegħu.

Nikanor jitlef ġieħu

[2Mak:8:34] Nikanor, dak il-midneb fuq li midneb, li kien ġieb miegħu elf neguzjant biex jixtru l-Lhud, [2Mak:8:35] ġibuh fix-xejn bl-għajnuna tal-Mulej dawk stess li hu ma kien iqishom xejn. Kellu jneħħi minn fuqu l-ilbies għani u sabiħ, u jaħrab waħdu minn qalb ir-raba', bħallikieku kien xi lsir maħrub; u kellu xorti li wasal Antjokja wara li ma kien irnexxielu xejn ħlief li jeqred l-eżerċtu tiegħu. [2Mak:8:36] Hekk dak li kien wiegħed li jħallas it-tribut lir-Rumani minn fuq l-ilsiera minn Ġerusalemm, issa beda jxerridha li l-Lhud kellhom min jaqbeż għalihom, u ħadd ma kien jista' għalihom, għax huma kienu jħarsu l-liġijiet li kien tahom Alla stess.

9. Il-mewt ta' Antijoku ( 163 QK )

[2Mak:9:1] Għall-ħabta ta' dak iż-żmien ġara li Antijoku kien raġa' lura mħawwad mill-inħawi tal-Persja. [2Mak:9:2] Kien daħal fil-belt jisimha Persepoli u medd idu biex jisraq it-tempju u jaħtaf il-belt f'idejh; imma l-kotra qamet u qabdet l-armi biex tiddefendihom, u dak kellu jaħrab. U hekk ġara li Antijoku, mġiegħel jaħrab min-nies tal-belt, kellu jerġa' lura mimli bl-għajb.

[2Mak:9:3] Meta kien f'Ekbatana sar jaf b'dak li ġara lil Nikanor, u lin-nies ta' madwar Timotju. [2Mak:9:4] Mitluf minn sensih bl-għadab, waħħalha f'rasu li jitħallas mil-Lhud ta' l-għajb li ġiebu fuqu dawk li ġegħluh jaħrab, u għalhekk ordna lis-sewwieq li jġerri kemm jiflaħ bla ma jieqaf sa ma jtemm il-vjaġġ. Imma l-ġudizzju tas-sema kien diġą laħqu. Minfuħ bih innifsu qal: "Malli nasal Ġerusalemm nagħmel minnha ċimiterju tal- Lhud." [2Mak:9:5] Imma l-Mulej, Alla ta' Iżrael, li jara kollox, laqtu b'marda bla fejqan li ma tidhirx. Malli temm dan il-kliem qabdu wġigħ ma jittaffiex kbir f'imsarnu u turmenti ħorox minn ġewwa. [2Mak:9:6] U hekk kien ħaqqu, għax hu kien ġiegħel l-imsaren ta' oħrajn isofru torturi bla għadd, li qatt ħadd ma kien sama' bihom.

[2Mak:9:7] Iżda hu ma naqqas xejn mis-suppervja tiegħu, imma kollu mkabbar bih innifsu, mixgħul b'nar ta' qilla kontra l-Lhud, ġagħalhom isuqu aktar. Ġara mbagħad li hu tgerbeb minn fuq il-karru kif kien imlibbet, u ħa tisbita hekk qawwija li kisser ġismu kollu. [2Mak:9:8] U dak li ftit qabel bis-suppervja bla qjies 'il fuq minn ta' kull bniedem kien jaħseb li jista' jikkmanda l-ħalel tal-baħar u jiżen fl-istasija l-qċaċet tal-muntanji, sab ruħu mitfugħ fl-art u kellhom iġorruh fuq lettiga. U hekk wera biċ-ċar lil kulħadd il-qawwa ta' Alla. [2Mak:9:9] U d-dud beda ħiereġ mill-ġisem ta' dan il-midgħi u, kif kien għadu ħaj, laħmu beda jaqa' biċċa biċċa, fost uġigħ u tbatijiet mill-eħrex; u r-riħa u l-intiena tal-ġrieħi tiegħu, l-eżerċtu ma felaħx għalihom. [2Mak:9:10] U dak li ftit qabel kien ħaseb li laħaq b'idejh il-kwiekeb tas-sema, ħadd issa ma' kellu l-ħila jġorru minħabba l-intiena li ebda bniedem ma kien jista' għaliha.

[2Mak:9:11] Kif kien daqshekk imfarrak, beda jfarfar minn fuqu s-suppervja kbira tiegħu u jasal biex jagħraf lilu nnifsu taħt is-sawt ta' Alla u bl-uġigħ jiżdied minn waqt għal ieħor. [2Mak:9:12] U fl-aħħar, meta lanqas hu stess ma sata' jżomm bl-intiena tiegħu nnifsu, stqarr u qal dan: "Sewwa li wieħed joqgħod għar-rieda ta' Alla u li bniedem suġġett għall-mewt ma jqisx ruħu daqs Alla." [2Mak:9:13] Mbagħad dan il-bniedem mill-agħar beda jitlob lis-Sid, li għalih ma kellux ħniena, u jwiegħed [2Mak:9:14] li l-belt imqaddsa, fejn kien sejjer mgħaġġel biex iwittiha u jbiddilha f'ċimiterju għal niesha, jagħmel minnha belt ħielsa; [2Mak:9:15] li l-Lhud kollha jagħmilhom daqs in-nies ta' Ateni - il-Lhud, li sa ftit qabel kien jaħseb li lanqas difna ma tixirqilhom, imma li jwaddabhom bit-trabi b'kollox b'għalf għall-bhejjem tax-xagħri u għat-tjur ta' l-ajru; [2Mak:9:16] li jżejjen b'offerti mill-isbaħ it-tempju li qabel kien serqu; u li jroddilhom it-tagħmir imqaddes kollu u jagħtihom ħafna aktar milli kellhom; li jħallas mid-dħul tiegħu n-nefqa għas-sagrifiċċju, [2Mak:9:17] u fl-aħħar li hu stess isir Lhudi u jdur mad-dinja kollha fejn jgħammru n-nies u jxandar il-qawwa ta' Alla ma' kullimkien.

[2Mak:9:18] Imma l-uġigħ ma naqasx; kienet diġą laħqitu s-sentenza ġusta ta' Alla, u b'jiesu maqtugħ kiteb lil-Lhud din l-ittra li ġejja; kienet qisha talba u kienet tgħid hekk:

[2Mak:9:19] "Is-sultan u ġeneral Antijoku lil-Lhud, ċittadini tiegħu mill-aħjar, sliem, saħħa u riżq bil-kotra. [2Mak:9:20] Niżżi ħajr lil Alla, mill-aktar, u nqiegħed fis-sema t-tama tiegħi talli intom u wliedkom tinsabu tajbin, u kollox sejjer skond qalbkom. [2Mak:9:21] Mixħut marid kif jien, niftakar minn qalbi fil-ġieħ u t-tjieba li wrejtu miegħi. Jien u rieġa' lura mill-inħawi tal-Persja ġiet fuqi marda qalila u deherli li jenħtieġ naħseb għall-ġid ta' kulħadd. [2Mak:9:22] Jien ma qtajtx qalbi minni nnifsi; għad għandi tama sħiħa li neħles minn din il-marda. [2Mak:9:23] Imma rajt li missieri wkoll, kull meta kien joħroġ għall-gwerra fl-inħawi tat-tramuntana, kien jaħtar lil min kellu jilħaq floku, [2Mak:9:24] biex, jekk tinqala' xi ħaġa minn taħt ir-riħ jew tixtered xi aħbar ħażina, in-nies tas-sultan ikunu jafu f'idejn min tħalliet l-amministrazzjoni u hekk ma jitħawwdux. [2Mak:9:25] Barra dan qist ukoll li s-slaten ġirien tagħna u l-prinċpijiet qrib tas-saltna tagħna dejjem jistennew il-waqt u jgħassu x'se jiġri, għalhekk ħtart sultan għal warajja lil ibni Antijoku, li bosta drabi meta kont noħroġ għall-gwerra fl-inħawi ta' fuq, rħejt f'idejkom u tlabtkom teħduli ħsiebu. Jien ktibtlu dawn id-deċiżjonijiet.

[2Mak:9:26] "Jien inħeġġiġkom u nitlobkom li tiftakru fil-ġid li għamilt lilkom, lkoll kemm intom, u lil kull wieħed minnkom sabiex ilkoll, wieħed wieħed, turu dejjem dik it-tjieba li diġą wrejtu miegħi u ma' ibni. [2Mak:9:27] U jiena żgur li fuq il-parir tiegħi jimxi bil-qjies u t-tjieba u jkun jinġieb magħkom."

[2Mak:9:28] U hekk temm ħajtu dan il-bniedem qattiel u midgħi, hemm fuq il-muntanja f'art barranija, b'mewt mill-agħar, fost l-eħrex turmenti, bħalma hu kien ġiegħel lil ħaddieħor ibati. [2Mak:9:29] U Filippu li kien trabba miegħu, ġarr il-katavru, u billi baża' minn ibnu Antijoku, mar jistkenn fl-Eġittu għand Tolemew Filometor.

10. Il-purifikazzjoni tat-tempju ( 164 QK )

[2Mak:10:1] Il-Makkabi u n-nies tiegħu mmexxija mill-Mulej, reġgħu ħadu f'idejhom it-tempju u l-belt; [2Mak:10:2] ħattew l-artali mwaqqfa mill-barranin fil-pjazza, u s-santwarji. [2Mak:10:3] Naddfu t-tempju, u bnew artal ieħor. Mbagħad kebbsu n-nar biż-żnied, ħadu n-nar minnu u offrew is-sagrifiċċju wara waqfien ta' sentejn, ħarqu l-inċens, xegħlu l-imsiebaħ u reġgħu qiegħdu l-ħobż tal-preżenza. [2Mak:10:4] Wara li għamlu dan kollu, talbu mixħutin wiċċhom fl-art lill-Mulej, li ma jħallix iżjed jiġu fuqhom dawn il-ħsarat, imma, jekk qatt jerġgħu jaqgħu fid-dnub, ħa jikkastigahom hu fil-ħniena tiegħu, u ma jitlaqhomx f'idejn il-ġnus midgħajja u barbari. [2Mak:10:5] Ħabat li t-tempju naddfuh sewwasew fil-jum meta kienu niġġsuh il-barranin, nhar il-ħamsa u għoxrin ta' l-istess xahar ta' Kislew. [2Mak:10:6] Għal tmint ijiem sħaħ iċċelebraw ferħana l-festa bħalma jagħmlu fil-festa ta' l-Għerejjex, u ftakru li ftit żmien qabel kienu għaddew il-festa ta' l-Għerejjex fuq il-muntanji u fl-għerien bħal bhejjem selvaġġi. [2Mak:10:7] U għalhekk bil-liedna u l-friegħi ħodor u l-palm f'idejhom bdew jgħannu u jfaħħru lil Dak li wassalhom bis-sliema biex inaddfu l-post imqaddes tiegħu. [2Mak:10:8] U ordnaw b'digriet u editt tagħhom ilkoll li l-poplu kollu Lhudi ta' kull sena jagħmel festa f'dawn il-ġranet.

[2Mak:10:9] Dawn kienu l-ġrajja ta' tmiem Antijoku, msejjaħ Epifani.

Żmien Antijoku V Ewpator ( 163-162 QK )

[2Mak:10:10] Issa nirrakkuntaw il-ġrajja ta' żmien Antijoku Ewpator, bin dak ix-xellerat, u ngħidu xi ħaġa fil-qosor dwar il-ħsarat li ġiebu magħhom il-gwerer.

[2Mak:10:11] Malli ħa l-poter f'idejh telaq l-amministrazzjoni tas-saltna f'idejn wieħed jismu Lisja, il-gvernatur ġenerali taċ-Ċelesirja u l-Feniċja. [2Mak:10:12] Tolemew, jgħidulu Makron, beda jimxi bis-sewwa mal-Lhud, minħabba l-inġustizzji li kienu saru magħhom qabel, u fittex li jmur tajjeb magħhom. [2Mak:10:13] U minħabba f'hekk, il-ħbieb akkużawh quddiem Ewpator. Barra dan kien jisma' lil kulħadd isejjaħlu traditur; għax kien telaq lil Ċipru li Filometor kien ħalla f'idejh, u mar għal ma' Antijoku Epifani. Minħabba f'hekk ma setax iżomm aktar il-kariga għolja li kellu, u xorob il-velenu u temm ħajtu.

[2Mak:10:14] Gorġja, li kien laħaq gvernatur ta' dawk l-inħawi, beda jiġbor truppi barranin u jfittex kull okkażjoni biex jaħbat għal-Lhud. [2Mak:10:15] U fl-istess ħin l-Edomin ukoll, li kellhom f'idejhom l-aħjar fortizzi, kienu jħabbtu lil-Lhud u jilqgħu l-maħrubin minn Ġerusalemm, u jfittxu li jżommu ħajja l-gwerra.

[2Mak:10:16] Il-Makkabi u n-nies tiegħu għamlu supplika u talbu lil Alla li jkun alleat tagħhom u ħabtu għall-fortizzi ta' l-Edomin. [2Mak:10:17] Attakkawhom b'ħilithom kollha u ħatfuhom f'idejhom, għelbu 'l dawk kollha li kienu jiġġieldu fuq is-swar, qatlu lil kull min iltaqgħu miegħu, u qerdu mhux inqas minn għoxrin elf ruħ. [2Mak:10:18] Mhux inqas minn disat elef marru jistkennu f'żewġ torrijiet iffortifikati mgħammra b'kull ma kien jenħtieġ għal assedju. [2Mak:10:19] Il-Makkabi, mbagħad, wara li ħalla hemm lil Xmun u lil Ġużeppi u wkoll lil Żakkew u n-nies tiegħu li kienu biżżejjed għall-assedju, mar fejn l-aktar kien meħtieġ. [2Mak:10:20] Imma n-nies ta' Xmun, mirgħuba għall-flus, ħallew ruħhom jinxtraw min-nies li kienu fit-torrijiet u wara li qabdu f'idejhom sebgħin elf drakma, ħallew lil xi wħud minnhom jaħarbu. [2Mak:10:21] Il-Makkabi, malli qalulu b'li ġara, sejjaħ il-kapijiet tal-poplu u akkużahom li biegħu lil ħuthom għall-flus billi ħallew l-għedewwa tagħhom jaħarbu. [2Mak:10:22] Mbagħad qatel lit-tradituri u minnufih ħa f'idejh iż-żewġ torrijiet. [2Mak:10:23] Mar tajjeb f'kull impriża ta' l-armi li daħal għaliha, u qered aktar minn għoxrin elf ruħ fil-fortizzi.

Ir-rebħa fuq Timotju

[2Mak:10:24] Timotju, li qabel kienu għelbuh il-Lhud, ġama' kotra kbira ta' truppi barranin u ġabar kavallerija kbira mill-Asja, u ġie biex jaħtaf il-Lhudija bl-armi. [2Mak:10:25] Meta dan kien riesaq lejhom, il-Makkabi u n-nies tiegħu bdew jitolbu lil Alla, bl-irmied fuq rashom u xkejjer ma' qaddhom. [2Mak:10:26] Mixħuta wiċċhom fl-art quddiem l-artal talbu lill-Mulej iħenn għalihom u li jsir għadu ta' l-għedewwa tagħhom u jeħodha ma' dawk li qamu għalihom, skond ma kienet tgħid il-Liġi.

[2Mak:10:27] Wara li kienu talbu qabdu l-armi, u tbiegħdu biċċa sewwa mill-belt. Kif qorbu lejn l-għedewwa waqfu biswithom. [2Mak:10:28] Ma' tlugħ ix-xemx, ġew fl-idejn. Bħala rahan tar-riżq u r-rebħa, barra l-ħila tagħhom, min-naħa l-waħda kellhom il-fiduċja tagħhom fil-Mulej u min-naħa l-oħra d-dagħdigħa li kellhom fuqhom fit-taqbida.

[2Mak:10:29] Kif leħqet fl-eqqel tagħha l-battalja, dehru lill-għedewwa mis-sema ħamest irġiel jiddu fuq iż-żwiemel bl-ilġiem tad-deheb imexxu l-Lhud. [2Mak:10:30] Dawn qiegħdu lill-Makkabi f'nofshom, satruh bl-armi tagħhom, u dawwruh b'mod li ma setax jindarab; imma fuq l-għedewwa bdew iwaddbu vleġeġ u sajjetti, u billi dawn waqa' għama sħiħ fuqhom, tħabblu u tħawwdu, u bdew jaqgħu. [2Mak:10:31] Minnhom inqerdu għoxrin elf u ħames mitt suldat u sitt mitt kavallier.

[2Mak:10:32] Timotju ħarab fil-fortizza jgħidulha Geżer, armata sewwa, taħt il-kmand ta' Kereja. [2Mak:10:33] In-nies tal-Makkabi kollhom ħeġġa assedjaw il-fortizza għal erbat ijiem. [2Mak:10:34] Dawk li kienu ġewwa b'moħħhom mimli bil-qawwa tal-post bdew jidgħu kemm jifilħu u jwaddbu kliem faħxi. [2Mak:10:35] Malli sebaħ il-ħames jum għoxrin żagħżugħ minn madwar il-Makkabi, mixgħula bil-qilla minħabba d-dagħa, nxteħtu għal fuq is-sur b'ħila ta' rġiel u b'saħna ta' bhejjem selvaġġi, u qatlu kemm waqgħu taħt idejhom. [2Mak:10:36] L-oħrajn imbagħad f'din il-konfużjoni telgħu għall-assedjati minn naħa oħra u ħabtu għalihom; taw in-nar lit-torrijiet, qabbdu l-ħġejjeġ u lill-midgħajja ħarquhom ħajjin. Oħrajn imbagħad sfrundaw il-bibien, daħħlu l-bqija ta' l-eżerċtu, u ħatfu l-belt f'idejhom. [2Mak:10:37] Fl-aħħar imbagħad qatlu lil Timotju li kien moħbi f'bir, u lil ħuh Kereja u lil Apollofani.

[2Mak:10:38] X'ħin temmew dan kollu bdew ifaħħru lill-Mulej b'innijiet u għana ta' radd il-ħajr, għax kien għamel ġid kbir ma' Iżrael u tahom ir-rebħa.

11. Ir-rebħa fuq Lisja ( 165 QK )

[2Mak:11:1] Ftit taż-żmien biss wara, Lisja, qarib is-sultan u tutur tiegħu, u inkarigat mill-amministrazzjoni, ma felaħx aktar għal li ġara. [2Mak:11:2] Ġabar madwar tmenin elf ruħ u l-kavallerija kollha u ħareġ għal-Lhud bil-ħsieb li jgħammar il-belt bil-Griegi, [2Mak:11:3] jgħabbi t-tempju bit-taxxi bħas-santwarji l-oħra tal-ġnus, u jirkanta kull sena l-kariga ta' qassis il-kbir. [2Mak:11:4] Ma qies xejn il-qawwa ta' Alla, minfuħ kif kien bl-eluf kbar tal-fanterija, bl-eluf tal-kavallerija, u bit-tmenin iljunfant li kellu. [2Mak:11:5] Daħal fil-Lhudija, u qorob lejn Bet-zur, belt iffortifikata tajjeb, xi ħames stadji 'l bogħod minn Ġerusalemm, u assedjaha. [2Mak:11:6] Meta n-nies tal-Makkabi saru jafu li kien qiegħed jassedja l-fortizzi tagħhom, huma u l-kotra bdew jitolbu, inewwħu u jibku, quddiem il-Mulej, biex jibgħat anġlu tajjeb għas-salvazzjoni ta' Iżrael.

[2Mak:11:7] Il-Makkabi mbagħad qabad hu l-ewwel wieħed l-armi u beda jħeġġeġ lill-oħrajn biex flimkien miegħu jtarrfu ħajjithom u jgħinu lil ħuthom; u hekk ħarġu flimkien kollhom ħeġġa. [2Mak:11:8] Kif kienu għadhom ħdejn Ġerusalemm, dehrilhom kavallier liebes l-abjad, miexi u jvenven l-armi tad-deheb quddiemhom. [2Mak:11:9] Lkoll flimkien bdew ifaħħru lil Alla l-ħanin, qawwew qalbhom u ħejjew ruħhom biex jaħbtu, mhux biss għan-nies iżda wkoll għall-bhejjem feroċi u s-swar tal-ħadid. [2Mak:11:10] Baqgħu javanzaw imqassmin għat-taqbida bl-alleat mis-sema magħhom, għax Alla ħenn għalihom. [2Mak:11:11] Ħebbu għall-għedewwa bħal iljuni u meddew minnhom fl-art ħdax-il elf ruħ u elf u sitt mitt kavallier, u l-bqija ħarrbuhom. [2Mak:11:12] Il-biċċa l-kbira tagħhom baqgħu midruba iżda ħelsuha għerja. Lisja stess ħelisha b'ħarba bla ġieħ.

[2Mak:11:13] Imma hu, billi qagħad jaħseb bejnu u bejn ruħu fuq it-telfa li ġarrab u billi ma kienx iblah, fehem li l-Għebrej ħadd ma kien jista' għalihom, la darba kellhom magħhom l-għajnuna ta' Alla. [2Mak:11:14] Għalhekk bagħat iħajjarhom jiftiehmu bejniethom b'kondizzjonijiet xierqa, u wegħedhom li jipperswadi u jġiegħel lis-sultan jagħmel ħbieb magħhom. [2Mak:11:15] Il-Makkabi, li kellu fi ħsiebu l-ġid ta' kulħadd, qagħad għal kull ma talab Lisja. Kull ma l-Makkabi talab bil-miktub lil Lisja dwar il-Lhud, is-sultan tahulu.

L-ittri uffiċjali ( 164 QK )

[2Mak:11:16] L-ittra miktuba minn Lisja lil-Lhud kienet tgħid hekk:

"Lisja lill-poplu Lhudi, sliem! [2Mak:11:17] "Ġwanni u Absalom, li intom bgħattu għandi, tawni din l-ittra kkupjata hawnhekk u talbuni nwettaq kull ma fiha. [2Mak:11:18] Jiena għarraft lis-sultan b'kull ma kien jeħtieġ jitressaq quddiemu, u hu takom dak li sata' jagħtikom. [2Mak:11:19] Jekk intom, mela, tkunu leali lejn l-imperu, jiena nfittex naqlgħalkom benefiċċji għal li ġej. [2Mak:11:20] Ordnajt ukoll lil dawk mibgħutin minnkom u minni li jitħaddtu magħkom fuq dawn il-ħwejjeġ, fl-irqaqat kollha. [2Mak:11:21] Saħħa. Is-sena 148, nhar l-erbgħa u għoxrin tax-xahar ta' Dijoskorintu."

[2Mak:11:22] U l-ittra tas-sultan kienet tgħid hekk:

“Is-sultan Antijoku lil ħuh Lisja, sliem. [2Mak:11:23] Wara li missierna ttieħed għand l-allat, irridu li n-nies tas-saltna jieħdu ħsieb ħwejjiġhom bla tfixkil. [2Mak:11:24] Smajna li l-Lhud ma jridux jaqilbu għad-drawwiet tal-Griegi, bħalma kien jixtieq missierna, imma għażlu li jżommu d-drawwiet tagħhom u talbu għalhekk li nħalluhom jgħixu skond il-liġijiet tagħhom. [2Mak:11:25] Billi aħna rridu li dan il-poplu wkoll jgħix fil-kwiet, iddeċidejna li t-tempju jingħatalhom lura u li jkunu ggvernati skond il-liġijiet ta' missirijiethom. [2Mak:11:26] Tagħmel tajjeb mela jekk tibgħat tiftiehem magħhom u hekk ikunu jafu bil-fehma tagħna, jifirħu u jagħtu ruħhom minn qalbhom biex jieħdu ħsieb ħwejjiġhom."

[2Mak:11:27] U din kienet l-ittra tas-sultan lill-poplu:

"Is-sultan Antijoku lill-Kunsill tal-Lhud u lil-Lhud l-oħra, sliem. [2Mak:11:28] Jalla tinsabu tajbin, bħalma nixtiqukom, kif ninsabu aħna wkoll. [2Mak:11:29] Menelaw għarrafna li intom tridu terġgħu tmorru lura lejn djarkom. [2Mak:11:30] Mela dawk li jitilqu sat-tletin tax-xahar ta' Ksantiku jkollhom is-sliem bl-assigurazzjoni [2Mak:11:31] li l-Lhud iżommu d-drawwiet tagħhom dwar l-ikel u jimxu skond il-liġijiet tagħhom bħal qabel, u ħadd minnhom b'ebda mod ma jkun imħabbat għal li sata' naqas fl-imgħoddi bla ma kien jaf. [2Mak:11:32] Bgħattilkom ukoll lil Menelaw biex isserrħilkom raskom. [2Mak:11:33] Saħħa. Is-sena 148, nhar il-ħmistax tax-xahar ta' Ksantiku."

[2Mak:11:34] Ir-Rumani wkoll bagħtulhom ittra li kienet tgħid hekk:

“Kwintu Memmju u Titu Manju, ambaxxaturi tar-Rumani, lill-poplu Lhudi, sliem. [2Mak:11:35] Dwar dak li takom Lisja qarib tas-sultan naqblu aħna wkoll. [2Mak:11:36] Għal dak li hu deherlu li kellu jressaq quddiem is-sultan, aħsbuha sewwa fuqu, u ibagħtu lil xi ħadd malajr, biex aħna mbagħad nagħmlu li jaqblilkom, għax aħna sejrin Antjokja. [2Mak:11:37] Għalhekk fittxu ibagħtu lil xi wħud biex aħna nkunu nafu kif taħsbuha. [2Mak:11:38] Saħħa.

“Is-sena 148, nhar il-ħmistax tax-xahar ta’ Ksantiku.”

12. Ġuda jaħbat għal Ġaffa u postijiet oħra

[2Mak:12:1] Wara li saru dawn il-pattijiet Lisja mar għand is-sultan, u l-Lhud marru jaħdmu r-raba' [2Mak:12:2] Imma minn fost il-gvernaturi ta' dawk l-inħawi, Timotju u Apollonju bin Gennew, u wkoll Ġilormu u Demofon, u magħhom Nikanor, iċ-Ċiprijott, ma ħallewhomx jgħixu bi kwiethom u fis-sliem.

[2Mak:12:3] In-nies ta' Ġaffa mbagħad għamlu delitt faħxi. Stiednu l-Lhud kollha li kienu jgħammru f'nofshom biex jitilgħu bin-nisa u t-tfal fuq id-dgħajjes li kienu ħejjewlhom, bħallikieku ma kellhom ebda ħsieb ħażin kontrihom, [2Mak:12:4] skond deċiżjoni tal-ġemgħa tal-belt. Il-Lhud, billi riedu jgħixu fis-sliem magħhom u ma kellhom ebda suspett, laqgħu l-istedina, imma meta ħarġuhom 'il barra, għarrquhom. Kienu mhux anqas minn mitejn ruħ.

[2Mak:12:5] Ġuda malli sar jaf b'din il-kefrija man-nies ta' ġensu ta l-ordnijiet lin-nies ta' madwaru [2Mak:12:6] u sejjaħ lil Alla, l-imħallef ġust, mbagħad telaq għall-assassini ta' ħutu, ta n-nar billejl lill-port, ħaraq id-dgħajjes, u għadda minn xifer ix-xabla lil dawk li marru jistkennu fihom. [2Mak:12:7] U billi l-belt kienet magħluqa, telaq minn hemm bil-ħsieb li jerġa' jiġi u jeqred in-nies ta' Ġaffa.

[2Mak:12:8] Sar jaf ukoll li n-nies ta' Ġamnija riedu jimxu bl-istess mod mal-Lhud li kienu jgħammru f'nofshom; [2Mak:12:9] billejl inxteħet għal fuq in-nies ta' Ġamnija, ta n-nar lill-port bix-xwieni b'kollox, tant li d-dawl tal-ħġejjeġ kien jidher sa minn Ġerusalemm, mitejn u erbgħin stadju 'l bogħod.

[2Mak:12:10] Malli tbiegħdu xi disa' stadji minn hemm u kienu sejrin għal Timotju, qabżu fuqhom mhux anqas minn ħamest elef suldat u ħames mitt kavallier Għarbi. [2Mak:12:11] U xegħlet battalja qalila u n-nies ta' Ġuda bl-għajnuna ta' Alla marru tajjeb, u n-nomadi, mirbuħa kif kienu, talbu lil Ġuda jagħmel paċi magħhom, u wegħduhom li jagħtuhom il-bhejjem u jibqgħu jiswewlu fi ħwejjeġ oħra. [2Mak:12:12] Ġuda fehem li setgħu jiswewlu tassew f'ħafna ħwejjeġ, aċċetta li jagħmel paċi magħhom, ħadu b'id xulxin u telqu lejn it-tined tagħhom.

[2Mak:12:13] Ġuda ħabat għal belt iffortifikata jisimha Kaspin, mdawwra b'ħitan u swar u mgħammra b'taħlita ta' nies minn ħafna ġnus. [2Mak:12:14] In-nies li kienu ġewwa kellhom moħħhom mistrieħ bil-qawwa tas-swar u bil-ħażna ta' l-ikel, ħaduha man-nies ta' Ġuda, bdew jgħajjruhom, u fuq kollox jidgħu u jkellmuhom ħażin.

[2Mak:12:15] Imma n-nies ta' Ġuda sejjħu lis-Sid il-kbir tad-dinja, li mingħajr kbiex u għodod oħra tal-gwerra ġarraf il-belt ta' Ġeriko fi żmien Ġożwč, u nxteħtu għal fuq is-sur qishom bhejjem feroċi. [2Mak:12:16] Malli ħatfu f'idejhom il-belt bir-rieda ta' Alla, għamlu straġi sħiħa, tant li l-għadira tal-qrib, wiesgħa żewġ stadji, dehret tbaqbaq bid-demm.

[2Mak:12:17] Minn hemm imbagħad tbiegħdu xi seba' mija u ħamsin stadju u għaddew Karaks; hawn kien hawn il-Lhud, jgħidulhom it-Tubjanin. [2Mak:12:18] Lil Timotju ma sabuhx f'dawk l-inħawi, għax kien telaq minn hemm bla ma rnexxielu jagħmel xejn, imma ħalla gwarniġjun qawwi sewwa fl-inħawi ta' hemm.

[2Mak:12:19] Dositew u Sosipater, ġenerali ta' madwar il-Makkabi, ħarġu għall-battalja u qatlu n-nies li Timotju kien ħalla fil-fortizza, 'il fuq minn għaxart elef ruħ.

[2Mak:12:20] Imma l-Makkabi qassam l-eżerċtu qatgħa qatgħa, u qiegħed kmandanti, wieħed għal kull waħda minnhom; u hu rħielha għal Timotju, li kellu miegħu fanterija ta' mija u għoxrin elf ruħ u elfejn u ħames mitt kavallier. [2Mak:12:21] Malli sar jaf bl-avanzata ta' Ġuda, Timotju bagħat quddiem in-nisa u t-tfal u t-tagħbijiet li kellhom f'post imsejjaħ Karnajm. Din kienet fortizza diffiċli taħbat għaliha jew tilħaqha minħabba d-djuq tal-mogħdijiet li jagħtu għaliha. [2Mak:12:22] Malli dehret l-ewwel qatgħa ta' Ġuda l-għedewwa twerwru u ħakimhom il-biża' għad-dehra ta' Dak li jara kollox, u ħarbu min 'l hemm u min 'l hawn, tant li ħafna minnhom darbuhom sħabhom stess u nifduhom bix-xwabel tagħhom. [2Mak:12:23] Ġuda mbagħad għamel għal warajhom b'dagħdigħa kbira fuqu u nifed lil dawk ix-xellerati u qered minnhom madwar tletin elf ruħ. [2Mak:12:24] Timotju nnifsu waqa' f'idejn in-nies ta' Dositew u Sosipater; u beda jitlobhom li jitilquh qawwi u sħiħ, għax, qalilhom bil-ħażen ta' moħħu, kellu f'idejh il-ġenituri ta' ħafna minnhom, u l-aħwa ta' l-oħrajn, u dawn imorru ħażin jekk joqtluh. [2Mak:12:25] Wara li żgurahom b'ħafna tpaċpiċ li jibgħathom lura qawwijin u sħaħ, telquh bit-tama li jsalvaw lil ħuthom.

[2Mak:12:26] Ġuda mbagħad ħareġ għal Karnajm u t-tempju ta' Atargati, u hemm qatel ħamsa u għoxrin elf ruħ. [2Mak:12:27] Wara t-tħarbita u l-qerda ta' dawn, mar bl-eżerċtu lejn Għefron, belt iffortifikata, li fiha kien joqgħod Lisja u kotra ta' nies minn ħafna ġnus. Kien hemm ħafna żgħażagħ b'saħħithom imqassma quddiem is-swar li bdew jiġġieldu b'ħilithom kollha; kellhom tagħmira kbira ta' magni tal-gwerra u vleġeġ. [2Mak:12:28] Imma wara li sejjħu s-Sid, li bil-qawwa tiegħu jkisser il-forzi ta' l-għedewwa, ħatfu l-belt f'idejhom u qatlu xi ħamsa u għoxrin elf minn dawk li kienu ġo fiha.

[2Mak:12:29] Mbagħad telqu minn hemm u rħewlha lejn Xitopoli, belt 'il bogħod minn Ġerusalemm xi sitt mitt stadju. [2Mak:12:30] Billi l-Lhud li kienu joqogħdu hemm xehdu kemm in-nies ta' Xitopoli kienu jinġiebu magħhom u li
fi żminijiet koroh ħennew għalihom, [2Mak:12:31] irringrazzjawhom u talbuhom li għall-quddiem jibqgħu ħbieb mal-ġens tagħhom, mbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm, għax il-festa tal-Ġimgħat kienet fil-qrib.

[2Mak:12:32] Wara l-festa ta' Għid il-Ħamsin il-Lhud ħarġu għal Gorġja, il-gvernatur ta' l-Idumija, [2Mak:12:33] li kien qiegħed javanza bi tlitt elef fanterija u erba' mitt kavallier. [2Mak:12:34] Ġara li fil-battalja waqgħu mejta xi wħud mil-Lhud. [2Mak:12:35] Wieħed raġel jismu Dositew, min-nies ta' Bakimor, kavallier qalbieni, qabad lil Gorġja mill-mantar tiegħu u beda jiġbdu b'kemm kellu saħħa, għax lil dan il-misħut ried jaqbdu ħaj, imma kavallier mit-Traċja qabeż fuqu u qatagħlu driegħu. U hekk Gorġja ħarab lejn Marisa. [2Mak:12:36] Dawk tal-qatgħa ta' Esdri għejew għax kienu ilhom ħafna jitqabdu; għalhekk Ġuda talab il-Mulej jitqabad magħhom u jmexxi hu l-battalja. [2Mak:12:37] Mbagħad b'leħen għoli u b'ilsien missirijietu intona innijiet tal-gwerra u ħebb għal għarrieda għat-truppi ta' Gorġja u ġagħalhom jaħarbu.

[2Mak:12:38] Ġuda mbagħad ġabar l-eżerċtu u mar fil-belt ta' Għadullam. Kif qorob is-seba' jum, issaffew skond id-drawwa tagħhom, u ċċelebraw is-Sibt hemmhekk. [2Mak:12:39] L-għada n-nies ta' Ġuda marru jiġbru l-iġsma tal-mejtin, ħaġa li kellha ssir, biex jidfnuhom ma' qrabathom fl-oqbra ta' missirijiethom. [2Mak:12:40] Imma taħt l-ilbies ta' kull wieħed mill-mejtin sabulhom xi oġġetti kkonsagrati lill-idoli ta' Ġamnija, ħaġa li skond il-Liġi ma kinitx tiswa għal-Lhud. Hekk deher ċar lil kulħadd għala dawn in-nies baqgħu mejta. [2Mak:12:41] Lkoll imbagħad bdew ibierku lill-Mulej, l-imħallef ġust, li jikxef il-ħwejjeġ moħbija, [2Mak:12:42] u marru jitolbu; u talbu li d-dnub li għamlu jkun maħfur għalkollox. U Ġuda, ta' qalb nobbli, widdeb lis-suldati li jżommu ruħhom ħielsa mid-dnub għax kienu raw b'għajnejhom x'kien ġara minħabba d-dnub ta' dawk li kienu baqgħu mejta. [2Mak:12:43] Ġuda l-Makkabi għamel ġabra minn fost in-nies tiegħu u bagħat Ġerusalemm is-somma ta' elfejn drakma tal-fidda biex isir sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; għamel ħaġa sabiħa u sewwa billi ħaseb fil-qawmien mill-imwiet. [2Mak:12:44] Li kieku ma kienx jemmen li l-mejtin jerġgħu jqumu, kienet tkun bluha u ħaġa żejda titlob għall-mejtin. [2Mak:12:45] Iżda billi hu ġieb quddiem għajnejh il-ġmiel tal-ħlas li hemm lest għal dawk li jorqdu r-raqda tal-mewt fil-ħbiberija ma' Alla, il-ħsieb tiegħu kien qaddis u twajjeb. Għalhekk offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom.

13. Ir-rebħa fuq Lisja u l-mewt ta' Menelaw ( 163 QK )

[2Mak:13:1] Fis-sena 149 waslet l-aħbar għand in-nies ta' Ġuda li Antijoku Ewpator kien ġej b'kotra kbira ta' nies lejn il-Lhudija. [2Mak:13:2] Miegħu kien hemm ukoll Lisja u t-tutur u l-amministratur tiegħu, kull wieħed b'eżerċtu Grieg ta' mija u għaxart elef fanterija, ħamest elef u tliet mija kavallerija, tnejn u għoxrin iljunfant, u tliet mitt karru bl-imnieġel kull wieħed.

[2Mak:13:3] Magħhom kien hemm ukoll Menelaw, li kien qiegħed iqarraq b'Antijoku u jsus fuqu, mhux għall-ġid ta' pajjiżu imma biex iżomm il-poter f'idejh. [2Mak:13:4] Iżda s-Sultan tas-slaten xegħel il-korla ta' Antijoku kontra dan il-misħut, u meta Lisja wrieh li dan kien il-ħtija ta' din il-ħsara kollha, is-sultan ordna li jeħduh f'Berija, u joqtluh skond id-drawwa ta' dak il-post. [2Mak:13:5] Kien hemm f'dan il-post torri ħamsin driegħ għoli u mimli rmied. Kellu magna ddur fuqu li minn kull naħa kienet iżżerżaq kollox minn fuqha fl-irmied. [2Mak:13:6] Hawn kienu jieħdu lil kull min kien ħati ta' xi sagrileġġ jew li jkun għamel xi delitt ieħor kbir, u jwaddbuh għall-qerda. [2Mak:13:7] B'dan il-mod kellu jmut dan il-midgħi ta' Menelaw bla ma kellu difna fl-art. [2Mak:13:8] U hekk kien jixraqlu! Kien hu li għamel ħafna delitti kontra l-artal, li n-nar u l-irmied tiegħu huma ħwejjeġ qaddisa. U fl-irmied kellu jsib mewtu!

[2Mak:13:9] Is-sultan, mela, ġie b'rasu mimlija b'fehmiet selvaġġi bil-ħsieb li juri lil-Lhud ħwejjeġ agħar minn dawk li ġraw fi żmien missieru. [2Mak:13:10] Malli Ġuda sar jaf b'dan, ordna lill-kotra biex jitolbu, binhar u billejl, lill-Mulej, ħalli, bħal drabi oħra, hekk issa jgħin lil dawk li kienu se jkunu mċaħħdin mil-Liġi, minn art twelidhom u mit-tempju mqaddes; [2Mak:13:11] li ma jħallix li l-poplu, li kien għadu kif beda jieħu r-ruħ, jaqa' f'idejn il-ġnus midgħajja. [2Mak:13:12] Hekk għamlu lkoll flimkien u għal tlitt ijiem sħaħ talbu bla waqfien lill-Mulej ħanin, mixħutin wiċċhom fl-art, jibku u jsumu. Mbagħad Ġuda għamlilhom il-qalb u ordnalhom iħejju ruħhom.

[2Mak:13:13] Wara laqgħa li kellu ma' l-anzjani ddeċieda li joħroġ u jaqtagħha bl-għajnuna ta' Alla qabel ma' l-eżerċtu tas-sultan jilħaq jidħol fil-Lhudija u jaħtaf il-belt f'idejh. [2Mak:13:14] Għalhekk telaq xortih f'idejn il-Ħallieq tad-dinja, ħeġġeġ lin-nies tiegħu biex jitqabdu qalbiena sal-mewt għal-liġijiet, it-tempju, il-belt, art twelidhom, u l-istituzzjonijiet tagħhom. Waqqaf il-kamp ħdejn Modin. [2Mak:13:15] Mbagħad lin-nies tiegħu tahom il-kelma tal-qaddis: "Ir-rebħa ta' Alla!" Għażel xi żgħażagħ mill-aktar qalbiena, u nxteħet billejl fuq it-tinda tas-sultan u qered ma' l-elfejn raġel fil-kamp u nifdu wkoll l-aqwa wieħed fost l-iljunfanti bis-sewwieq tiegħu b'kollox li kien fuq it-torri. [2Mak:13:16] U fl-aħħar imbagħad waqa' biża' kbir fuq il-kamp u taħwida sħiħa, u l-Lhud reġgħu lura rebbieħa. [2Mak:13:17] Dan kollu ġara ma' sbiħ il-jum bl-għajnuna u l-ħarsien tal-Mulej li kien miegħu.

[2Mak:13:18] Is-sultan, wara li daq il-ħila tal-Lhud, beda jara jaħtafx bil-qerq il-postijiet iffortifikati. [2Mak:13:19] Għalhekk resaq lejn Bet-zur, fortizza mħarsa tajjeb mil-Lhud, imma tefgħuh lura; raġa' attakka, u raġa' ġarrab it-telf. [2Mak:13:20] Lil dawk li kienu ġewwa, Ġuda kien jibagħtilhom kull ma kien jenħtieġ. [2Mak:13:21] Rodoku, wieħed mill-eżerċtu Lhudi, kixef xi sigrieti militari lill-għedewwa, imma fittxewh, qabduh, u tefgħuh il-ħabs.

[2Mak:13:22] Għat-tieni darba s-sultan beda t-taħditiet man-nies ta' Bet-zur, newwlilhom idu, ftiehmu u telaq. Mbagħad ħabat għan-nies ta' Ġuda, u mar minn taħt.

[2Mak:13:23] Iżda malli sar jaf li Filippu, li kien ħalla f'Antjokja bħala amministratur, rvella kontrih, is-sultan inkwieta. Tkellem mal-Lhud, qagħad għal li talbuh, u ħalef li jirrispetta l-pattijiet ġusti kollha. Irranġa magħhom u offra sagrifiċċju, mar iqim it-tempju u wera r-rispett tiegħu lejn il-post. [2Mak:13:24] Għamel laqgħa sabiħa lill-Makkabi, u ħalla lil Ħegemonidi gvernatur tad-distrett minn Tolemajs sa art il-Gerrenin. [2Mak:13:25] Mbagħad mar Tolemajs; in-nies ta' Tolemajs urewh li xejn ma għoġbuhom il-pattijiet, inkurlaw u riedu li jitħassru. [2Mak:13:26] Għalhekk Lisja tala' fuq palk u ddefenda kemm felaħ kull ma kien miftiehem, ipperswadiehom u ġiebhom f'sensihom. Mbagħad telaq għal Antjokja. Dan hu li ġara meta s-sultan ħabat għall-pajjiż u raġa' lura.

14. L-għawi ta' Alċimu ( 161 QK )

[2Mak:14:1] Tliet snin wara waslet l-aħbar għand in-nies ta' Ġuda li Demetriju bin Selewku niżel fil-port ta' Tripli b'eżerċtu qawwi u iġfna, [2Mak:14:2] u ħa f'idejh il-pajjiż, u ħeles minn Antijoku u Lisja, it-tutur tiegħu.

[2Mak:14:3] Kien hemm wieħed jismu Alċimu, li qabel kien laħaq qassis il-kbir, iżda li kien tniġġes minn rajh fi żmien ir-rewwixta; meta fehem li ma kien baqagħlu ebda mezz ta' ħelsien u anqas triq miftuħa għall-artal imqaddes, [2Mak:14:4] mar għand is-sultan Demetriju għall-ħabta tas-sena 151, u ħadlu kuruna tad-deheb, palma, u magħhom friegħi taż-żebbuġ minn dawk li soltu joffru fit-tempju, u dakinhar ma għamel xejn iżjed.

[2Mak:14:5] Imma fl-aħħar sab iż-żmien jgħinu fil-ġenn tiegħu. Meta Demetriju sejjaħlu għal-laqgħa tal-Kunsill u stħarrġu x'kienu jħossu u jaħsbu l-Lhud, hu wieġeb: [2Mak:14:6] "Il-Lhud, li jgħidulhom il-Ħasidin, b'kap tagħhom Ġuda l-Makkabi, qegħdin iqanqlu l-gwerer u jxewwxu; is-saltna ma tistax issib kwiet bihom. [2Mak:14:7] Ngħid għalija serquni mill-ġieħ ta' missirijieti, jiġifieri mid-dinjitą ta' qassis il-kbir, għalhekk ġejt hawnhekk, [2Mak:14:8] qabel xejn imqanqal mill-ħeġġa sinċiera li għandi għall-ġid tas-sultan, u t-tieni, mbagħad, biex infittex il-ġid ta' nies pajjiżna, għax minħabba l-ġenn ta' dawn in-nies li semmejtlek, il-poplu kollu tiegħi qiegħed ibati mhux ftit. [2Mak:14:9] Jalla tistħarreġ dan kollu ħaġa ħaġa, o sultan, u mbagħad taħseb fil-pajjiż u l-poplu tagħna magħfus minn kullimkien, skond kif jixraq lill-ħlewwa u t-tjieba li għandek ma' kulħadd. [2Mak:14:10] Għaliex sakemm jibqa' ħaj Ġuda, ma jistax ikun li s-saltna jkollha s-sliem."

[2Mak:14:11] Malli temm dan il-kliem, il-ħbieb l-oħra li kellhom għal Ġuda malajr komplew saħħnu lil Demetriju. [2Mak:14:12] Dak il-ħin stess għażel lil Nikanor, li qabel kien kmandant tat-taqsima bl-iljunfanti, għamlu ġeneral għal-Lhudija, u bagħtu [2Mak:14:13] bl-ordni li jeqred lil Ġuda, ixerred lil niesu, u jqiegħed lil Alċimu qassis il-kbir fl-aqwa tempju. [2Mak:14:14] Mbagħad il-Ġentili li kienu ħarbu mil-Lhudija minħabba Ġuda, marru bil-ġmiegħi tagħhom ma' Nikanor, għax kienu jaħsbu li l-iżventuri u l-ħsarat tal-Lhud se jkunu ta' ġid għalihom.

[2Mak:14:15] Malli l-Lhud semgħu bl-avanzata ta' Nikanor u r-rewwixta tal-Ġentili, xeħtu t-trab fuq rashom, bdew jitolbu lil Dak li waqqaf il-poplu tiegħu għal dejjem, u li bid-dieher dejjem ħares il-wirt tiegħu. [2Mak:14:16] Ma' l-ordni tal-kap tagħhom iċċaqalqu minn hemm u ġew fl-idejn ma' l-għadu ħdejn ir-raħal ta' Dessaw. [2Mak:14:17] Xmun, ħu Ġuda, kien jissielet ma' Nikanor, imma minħabba li tfaċċa l-għadu għal għarrieda mar xi ftit minn taħt. [2Mak:14:18] B'danakollu, malli Nikanor sama' bil-qlubija li kellhom Ġuda u n-nies ta' madwaru u b'liema kuraġġ kienu jitqabdu għal art twelidhom, beża' jaqta' l-kwistjoni bit-tixrid tad-demm. [2Mak:14:19] Għalhekk bagħat lil Posidonju, Teodotu u Mattatija biex jittrattaw għall-paċi u jieħdu b'idejn xulxin. [2Mak:14:20] Wara li sar ħafna stħarriġ fuq dan, il-kmandant għarraf lill-kotra u deher li kulħadd kien jaqbel, u aċċettaw li jiftiehmu. [2Mak:14:21] Iffissaw il-jum li fih kellhom jiltaqgħu l-kapijiet weħidhom. Ġie karru minn kull naħa u qiegħdu siġġijiet għalihom. [2Mak:14:22] Ġuda kien ħalla nies armati f'postijiet strateġiċi, li ma jmurx l-għadu jqarraq bih u jieħdu għal għarrieda; imma t-taħditiet bejniethom marru tajjeb.

[2Mak:14:23] Nikanor baqa' Ġerusalemm bla ma għamel xejn ħażin, u l-kotra tan-nies li nġabru bi ħġarhom bagħathom lura. [2Mak:14:24] Lil Ġuda mbagħad żammu dejjem qrib tiegħu għax tassew inġibed lejh. [2Mak:14:25] Ħajjru jiżżewweġ u jnissel l-ulied; u hu żżewweġ, strieħ, u għex fis-sliem.

[2Mak:14:26] Alċimu, malli ntebaħ bil-ħbiberija ta' bejniethom u kiseb kopja tal-pattijiet li kienu saru, mar għand Demetriju u qallu li Nikanor kien qiegħed jaħdem kontra l-interessi ta' l-imperu, għaliex kien għażel lil Ġuda, traditur tas-saltna, b'suċċessur tiegħu. [2Mak:14:27] Is-sultan xegħel bil-korla u, mxewwex kif kien mill-akkużi foloz ta' dan il-bniedem ħażin, kiteb lil Nikanor u qallu li ma jistax joqgħod għal dawn il-pattijiet, u ordnalu li jibgħat minnufih lill-Makkabi marbut priġunier lejn Antjokja. [2Mak:14:28] Malli waslulu dawn l-aħbarijiet, Nikanor tħawwad għax ħassha bi tqila li jikser dawn il-pattijiet ta' ħbiberija, meta Ġuda ma kien jaħti xejn. [2Mak:14:29] Imma billi ma setax jeħodha kontra s-sultan, stenna l-waqt, biex itemm l-affari b'biċċa ħżunija.

[2Mak:14:30] Il-Makkabi, min-naħa tiegħu, induna li Nikanor kien qiegħed iġib ruħu iebes miegħu u ra li l-manjieri tiegħu fil-laqgħat tas-soltu saru żorri. Billi fehem li din l-imġiba ma kinitx tfisser ġid, ġabar mhux ftit min-nies ta' madwaru u nħeba minn Nikanor. [2Mak:14:31] Malli dan induna li kien milgħub mill-għaqal ta' Ġuda, mar fit-tempju, kbir u qaddis, waqt li l-qassisin kienu qegħdin joffru s-sagrifiċċji tas-soltu u ordnalhom li jagħtuh f'idejh lil dan il-bniedem. [2Mak:14:32] Ħalfulu u qalulu li ma kinux jafu fejn qiegħed ir-raġel li kien qiegħed ifittex; [2Mak:14:33] u hu mbagħad għolla idu lejn is-santwarju u ħalef: "Jekk ma tagħtunix 'il Ġuda marbut, nwitti din id-dar ta' Alla u nħott l-artal, u ntalla' tempju l-ġmiel tiegħu lil Dijonisju."

[2Mak:14:34] Kif qalilhom dan telaq. Mbagħad il-qassisin għollew idejhom lejn is-sema u talbu 'l Dak li dejjem deher jitqabad għall-poplu tagħna u bdew jgħidu: [2Mak:14:35] "Int, Sid li ma għandek bżonn xejn, għoġbok li jkollok tempju u għamara tiegħek fostna. [2Mak:14:36] Issa Mulej, qaddis mimli b'kull qdusija, żomm għal dejjem safja din id-dar, mnaddfa ftit taż-żmien ilu."

Il-mewt ta' Rażis

[2Mak:14:37] Kien hemm wieħed jismu Rażis, wieħed mill-anzjani ta' Ġerusalemm, li xlewh quddiem Nikanor; kien bniedem li kien iħobb in-nies ta' pajjiżu u kien stmat ħafna; kienu jgħidulu Missier il-Lhud, minħabba l-qalb tajba tiegħu. [2Mak:14:38] Fl-imgħoddi fi żmien ir-rewwixta kien imtalla' l-qorti minħabba l-Ġudaiżmu u b'qalbu kollha ttarraf b'ruħu u ġismu għalih. [2Mak:14:39] Billi Nikanor ried juri l-odju li kellu għal-Lhud, bagħat ħames mitt suldat biex jaqbduh. [2Mak:14:40] Ħaseb li jekk jaqbad lil dan, ikun ta daqqa sewwa lill-oħrajn. [2Mak:14:41] It-truppi kien għoddhom ħadu t-torri f'idejhom u kienu diġą sfurzaw il-bieb tal-bitħa u ordnaw li jinġieb in-nar u jqabbdu l-bibien, meta Rażis, kif kien imdawwar minn kullimkien, daħħal is-sejf fih innifsu, [2Mak:14:42] għax ipprefera jmut ta' qalbieni milli jiġi f'idejn dawk il-misħutin, u jkollu joqgħod għaż-żebliħ li ma kienx jixraq lin-nobbiltą tiegħu. [2Mak:14:43] Imma billi f'dik l-għaġla u l-fixla ma tax id-daqqa sewwa, u s-suldati kienu deħlin mill-bibien, mar jiġri b'saħħtu għal fuq is-sur u ntafa' b'kuraġġ għal fuq il-folla. [2Mak:14:44] Minnufih warrbu lura u għamlu l-wisa', u hu ġie fil-vojt f'nofshom. [2Mak:14:45] Kif kien għadu jieħu n-nifs, mixgħul u mgħaddab, qam bid-demm igelgel miegħu u, minkejja l-uġigħ tal-ġrieħi, mar jiġri minn nofs il-folla u tela' fuq blata maqtugħa għad-dritt. [2Mak:14:46] Mbagħad, meta kien tilef demmu kollu, ħareġ imsarnu, qabadhom b'idejh it-tnejn u waddabhom għal fuq il-folla. Fl-istess ħin talab lil Sid il-ħajja u r-ruħ li jroddhomlu lura; u b'dan il-mod miet.

15. It-tmiem ta' Nikanor

[2Mak:15:1] Meta Nikanor sar jaf li Ġuda u n-nies ta' madwaru kienu fl-inħawi tas-Samarija, qatagħha li jaqbeż fuqhom b'moħħu kwiet f'jum is-Sibt. [2Mak:15:2] Il-Lhud li kienu mġagħlin imorru warajh qalulu: "Iġġibx din il-qerda b'mod hekk selvaġġ u barbru. Agħti ġieħ lill-jum li Dak li jara kollox sebbaħ u qaddes." [2Mak:15:3] Imma dak, midgħi fuq li midgħi, staqsa jekk hemmx fis-sema xi setgħan li kkmanda li jkun iċċelebrat jum is-Sibt. [2Mak:15:4] U huma weġbuh: "Hemm il-Mulej ħaj, setgħan fis-sema, li ordna li jitħares is-seba' jum." [2Mak:15:5] U dak wieġeb: "U jien is-setgħan fuq l-art, li qiegħed nordna li taqbdu l-armi u tħarsu l-interessi tas-sultan." Imma ma rnexxilux itemm il-ħsieb kiefer li kellu.

[2Mak:15:6] Nikanor laħaq il-quċċata tas-suppervja tiegħu u ddeċieda li jibni monument pubbliku tar-rebħa fuq in-nies ta' Ġuda. [2Mak:15:7] Imma l-Makkabi, min-naħa tiegħu, baqa' dejjem sħiħ fil-fehma tiegħu u kellu tama qawwija li għad jaqla' l-għajnuna mingħand il-Mulej. [2Mak:15:8] Għalhekk beda jħeġġeġ lin-nies tiegħu biex ma jibżgħux mill-ħbit tal-Ġentili u jiftakru fl-għajnuna li ġiethom mis-sema fl-imgħoddi, anzi għandhom jistennew issa wkoll li r-rebħa tkun tagħhom bis-saħħa ta' Dak li jista' kollox. [2Mak:15:9] U ssokta jħeġġiġhom bil-Liġi u bil-profeti, fakkarhom ukoll fil-battalji li kienu diġą rebħu u hekk għamlilhom aktar il-qalb. [2Mak:15:10] Wara li qanqalhom mill-qiegħ ta' ruħhom
tahom l-ordnijiet u kixfilhom il-qerq tal-Ġentili u l-ksur tal-ġuramenti tagħhom. [2Mak:15:11] Lil kull wieħed minnhom armah, mhux bil-qawwa tat-tarki u l-lanez, daqs kemm bit-tħeġġiġ ta' kliem magħżul; mbagħad fl-aħħar irrakkuntalhom ħolma ta' min jemminha, dehra li mliethom ilkoll bil-ferħ.

[2Mak:15:12] Il-viżjoni kienet din: "Onija, li darba kien il-qassis il-kbir, raġel sabiħ u twajjeb, rżin fil-bixra u dħuli fl-imġiba, mżejjen bil-kelma f'postha, mrawwem sa minn ċkunitu f'kull virtł, deher b'idejh miftuħa jitlob għall-poplu Lhudi kollu. [2Mak:15:13] Mbagħad deher raġel ieħor, b'xagħru abjad u mżejjen b'dinjitą, mdawwar b'għaġeb ta' maestą mill-aqwa. [2Mak:15:14] U Onija beda jitkellem u jgħid: 'Dan hu l-ħabib ta' ħutu, il-bniedem li jitlob dejjem għall-poplu u l-belt qaddisa, Ġeremija, il-profeta ta' Alla.'

[2Mak:15:15] "Mbagħad Ġeremija ħareġ idu l-leminija u newwel xabla tad-deheb lil Ġuda, u hu u jagħtihielu qallu: [2Mak:15:16] 'Ħu din ix-xabla qaddisa, rigal ta' Alla. Biha għad tagħmel bċejjeċ l-għedewwa tiegħek.' "

[2Mak:15:17] Wara li Ġuda ħeġġiġhom bi kliem sabiħ u rnexxielu jqanqlilhom qlubithom u jagħmel irġiel minn dawn iż-żgħażagħ, qatgħuha li ma jibqgħux fil-kamp, imma li jinxteħtu b'ħilithom kollha għall-ġlied u hekk jeħilsuha darba għal dejjem, għax il-belt, il-ħwejjeġ sagri u t-tempju kienu fil-periklu. [2Mak:15:18] L-inqas li kienu jaħsbu kien fin-nisa, it-tfal, ħuthom u qrabathom, għax l-ikbar u l-ewwel biża' tagħhom kien għat-tempju kkonsagrat. [2Mak:15:19] U dawk ukoll li baqgħu fil-belt kienu qalbhom ittaqtaq minħabba l-battalja li kienet se ssir fil-kampanja.

[2Mak:15:20] Waqt li lkoll kienu qegħdin jistennew kif se tintemm il-biċċa, l-għedewwa kienu diġą nġemgħu, l- eżerċtu tqassam, l-iljunfanti sabu posthom u l-kavallerija mqassma fil-ġnub. [2Mak:15:21] Malli l-Makkabi ra dik il-kotra ta' armi u l-qilla tal-bhejjem, għolla idejh lejn is-sema u talab lill-Mulej jagħmel l-għeġubijiet, għax kien jaf li r-rebħa ma tinkisibx bl-armi, imma jagħtiha Hu lil min jistħoqqlu.

[2Mak:15:22] U beda jitlob u jgħid: "Int, o Sidi, bgħatt l-anġlu tiegħek fi żmien Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, u qered mill-kamp ta' Sanħerib mija u ħamsa u tmenin elf ruħ. [2Mak:15:23] Issa mela, o Sid tas-smewwiet, ibgħat quddiemna l-anġlu tajjeb tiegħek biex ibeżżagħhom u jregħedhom. [2Mak:15:24] Ħa jitkissru bil-qawwa ta' driegħek dawk li ġew jidgħu għal fuq il-poplu qaddis tiegħek." U hekk temm kliemu.

[2Mak:15:25] Malli dan, in-nies ta' Nikanor bdew resqin bid-daqq tat-trombi u bl-għajat tal-gwerra. [2Mak:15:26] U n-nies ta' Ġuda ħabtu għall-għedewwa jsejjħu 'l Alla u jitolbuh. [2Mak:15:27] Kienu jitqabdu bl-idejn, u jitolbu lil Alla f'qalbhom; u meddew ma' l-art mhux anqas minn ħamsa u tletin elf ruħ, u ferħu għall-aħħar bid-dehra ta' Alla.

[2Mak:15:28] Meta spiċċaw mill-ġlied u kienu rieġgħa lura ferħana, ntebħu li Nikanor ukoll baqa' mejjet fl-art bl-armatura b'kollox. [2Mak:15:29] Bdew jgħajjtu fost għagħa kbira u bdew ifaħħru lill-Mulej b'ilsien missirijiethom. [2Mak:15:30] Mbagħad dak li dejjem kien minn ta' quddiem b'ruħu u b'ġismu biex jiġġieled għal nies pajjiżu, u għomru kollu żamm il-ħeġġa taż-żgħożija għan-nies ta' ġensu, ordnalhom li jaqtgħu ras Nikanor u idu flimkien ma' driegħu u jeħduhom Ġerusalemm.

[2Mak:15:31] Kif wasal hemm sejjaħ in-nies ta' ġensu u qiegħed il-qassisin quddiem l-artal u bagħat għal dawk li kienu fl-Akra. [2Mak:15:32] Mbagħad uriehom ir-ras ta' dak il-vili ta' Nikanor u d-driegħ ta' dak il-midgħi supperv, li medd idu kontra t-tempju ta' Dak li jista' kollox. [2Mak:15:33] Qata' lsien Nikanor il-midgħi u ordnalhom jitfgħuh biċċa biċċa lill-għasafar; u jdendlu quddiem it-tempju l-ħlas tal-ġenn tiegħu. [2Mak:15:34] Lkoll, mbagħad, għollew it-tifħir tagħhom lejn is-sema f'ġieħ il-Mulej li wera l-qawwa tiegħu u qalu: "Mbierek Dak li żamm l-għamara tiegħu 'l bogħod mit-tinġis."

[2Mak:15:35] Ġuda mbagħad dendel ir-ras ta' Nikanor ma' l-Akra, bħala sinjal ċar ta' l-għajnuna tal-Mulej, biex jaraha kulħadd. [2Mak:15:36] U lkoll b'fehma waħda ddeċidew li ma jħallux jgħaddi dak il-jum bla ma jagħmlu festa, imma li jiċċelebraw it-tlittax tat-tnax-il xahar, bis-Sirjak jgħidulu Adar, jum wieħed qabel jum Mordekaj.

Għeluq: Dan li stajt nagħmel!

[2Mak:15:37] Dawn kienu l-ġrajja li għaddew minn għala Nikanor; minn dakinhar il-belt baqgħet f'idejn l-Għebrej; u hawn jien ukoll nieqaf bl-istorja tiegħi. [2Mak:15:38] Jekk inhi miktuba tajjeb u mqassma bis-sengħa, dan li kont nixtieq; jekk ħarġet kajmana u nofs kedda, dan li stajt nagħmel. [2Mak:15:39] Għaliex bħalma m'hux tajjeb tixrob inbid waħdu jew ilma waħdu, tajjeb li tħallat l-inbid bl-ilma biex ipaxxik, hekk is-sengħa li tinseġ sewwa l-ġrajja tpaxxi l-widnejn ta' min se jaqra l-istorja. Hawn hu t-tmiem.