IT-TIENI KTIEB TAL-KRONAKI
1. Salamun isaħħaħ is-saltna
[2Kron:1:1] U ssaħħaħ Salamun bin David fis-saltna tiegħu, u l-Mulej, Alla 
tiegħu, kien miegħu u kabbru bis-sħiħ. [2Kron:1:2] U Salamun kellem lil Iżrael 
kollu, u l-kmandanti ta' l-eluf, u tal-mijiet, u lill-imħallfin u 
lill-prinċpijiet ta' Iżrael kollu, u l-kapijiet tal-familji ta' missirijiethom. 
[2Kron:1:3] U marru Salamun u l-ġemgħa kollha miegħu lejn l-għolja li kien hemm 
f'Ġibgħon, fejn kien hemm it-tinda tal-laqgħa ta' Alla, li Mosè, il-qaddej 
tal-Mulej, kien għamel fid-deżert. [2Kron:1:4] Imma l-arka ta' Alla kien 
tellagħha David minn Kirjat-ġegħarim fejn kien ħejjielha postha, billi David 
kien tellgħalha tinda f'Ġerusalemm. [2Kron:1:5] L-artal tal-bronż, li kien 
għamel Besalel bin Uri, bin Ħur, kien hemm quddiem l-għamara tal-Mulej, u hawn 
ġew ifittxu l-Mulej Salamun u l-ġemgħa. [2Kron:1:6] U tala' Salamun quddiem l-artal 
tal-bronż quddiem il-Mulej, li kien fit-tinda tal-laqgħa, u offra fuqu elf 
sagrifiċċju tal-ħruq. [2Kron:1:7] Billejl deher Alla lil Salamun u qallu: 
“Itlobni x'nagħtik.” [2Kron:1:8] U Salamun wieġeb lil Alla: “Int urejt tjieba 
kbira ma' David missieri, u qegħedtni sultan floku. [2Kron:1:9] Issa, Mulej Alla, 
ħa sseħħ il-wegħda tiegħek lil David missieri. Għax int qegħedtni sultan fuq 
poplu kotran daqs it-trab ta' l-art. [2Kron:1:10] Agħtini mela issa għerf u 
dehen ħalli nagħraf noħroġ u nidħol f'ras dan il-poplu, għax min jista' jaħkem 
dan il-poplu tiegħek hekk kbir?” [2Kron:1:11] U Alla wieġeb lil Salamun: “Billi 
dan huwa għal qalbek u ma tlabtx għana, ġid u glorja; ma tlabtx il-ħajja ta' l-għedewwa 
tiegħek, u lanqas għomor twil, imma tlabt għalik għerf u dehen, biex tkun tista' 
tiggverna l-poplu tiegħi li fuqu jien għamiltek sultan, [2Kron:1:12] l-għerf u 
d-dehen huma mogħtija lilek; u nagħtik ukoll għana, ġid u glorja, li qatt 
bħalhom ma kellhom is-slaten ta' qablek, u lanqas ta' warajk qatt ma jkollhom.”
[2Kron:1:13] U Salamun ġie lura Ġerusalemm, mill-għolja li kien hemm f'Ġibgħon, 
minn quddiem it-tinda tal-laqgħa, u beda jsaltan fuq Iżrael.
[2Kron:1:14] U Salamun ġabar karrijiet u rikkieba; u kellu elf u erba' mitt 
karru u tnax-il elf rikkieb, u qassamhom fl-ibliet tal-karrijiet u f'Ġerusalemm 
madwar is-sultan. [2Kron:1:15] U l-fidda u d-deheb f'Ġerusalemm is-sultan 
ġiebhom bħall-ġebel; u l-injam taċ-ċedru għamlu bħall-injam tat-tin selvaġġ li 
hemm fis-Sefela. [2Kron:1:16] Kienu jġibu ż-żwiemel lil Salamun minn Musri u 
minn Kuwi; kienu jġibuhom in-neguzjanti tas-sultan minn Kuwi bil-prezz tas-suq. 
[2Kron:1:17] Kienu jitilgħu Musri u joħorġu karru bil-prezz ta' sitt mitt xekel 
u żiemel b'mija u ħamsin. Hekk ukoll permezz ta' dawn in-neguzjanti kienu 
jinbiegħu lis-slaten tal-Ħitten u lis-slaten ta' Aram.
2. Tħejjija għall-bini tat-tempju
[2Kron:1:18] U Salamun qatagħha li jibni tempju lil isem il-Mulej, u palazz ta' 
sultan għalih innifsu. [2Kron:2:1] U Salamun ġabar sebgħin elf raġel għall-ġarr 
tat-tagħbijiet, u tmenin elf raġel għall-qtugħ tal-ġebel mill-muntanja, u 
qiegħed fuqhom tlitt elef u sitt mitt suprentendent. 
[2Kron:2:2] Mbagħad Salamun bagħat jgħid lil Ħuram, sultan ta' Tir: “Bħalma 
għamilt ma' David missieri u bgħattlu ċ-ċedru biex jibni dar għalih biex 
jgħammar fiha, agħmel hekk issa ma' ibnu. [2Kron:2:3] Jien se nibni tempju lil 
isem il-Mulej, Alla tiegħi, biex nikkonsagrah lilu, biex naħraq quddiemu l-inċens 
tal-ħwawar ifuħu, biex inqiegħed il-ħobż tal-preżenza għal dejjem, biex noffri 
s-sagrifiċċji tal-ħruq fil-għodu u fil-għaxija, fis-Sibtijiet u fl-ewwel tax-xahar, 
u fil-festi tal-Mulej, Alla tagħna - kif inhu ordnat lil Iżrael għal dejjem. 
[2Kron:2:4] It-tempju li bi ħsiebni nibni hu kbir, għax kbir hu Alla tagħna 'l 
fuq mill-allat kollha. [2Kron:2:5] U min għandu l-ħila jibnilu dar, meta s-sema 
u s-sema tas-smewwiet ma jesgħuhx? U min jiena jien biex nibnilu dar? Post biss 
irrid biex naħraq fih l-inċens. 
[2Kron:2:6] “Mela issa ibgħatli bniedem imħarreġ fix-xogħol tad-deheb u l-fidda, 
tal-bronż u l-ħadid, tal-porpra u tal-kremżi u tal-vjola, li jaf inaqqax, biex 
jingħaqad man-nies tas-sengħa li hawn madwari f'Ġuda u f'Ġerusalemm, li kien 
ħejjiehom David missieri. [2Kron:2:7] Ibgħatli injam taċ-ċedru, taċ-ċipress, u 
tas-sandlu mil-Libanu, għax jien naf li l-qaddejja tiegħek jafu kif jaqtgħu s-siġar 
tal-Libanu, u l-qaddejja tiegħi ikunu ma' tiegħek, [2Kron:2:8] biex iħejjuli 
injam bil-kotra, għax kbir u ta' l-għaġeb it-tempju li bi ħsiebni nibni. 
[2Kron:2:9] U, ara, lil dawk li jaqtgħu l-injam, lill-qaddejja tiegħek, 
nagħtihom b'ikel għoxrin elf kor qamħ, għoxrin elf kor xgħir, għoxrin elf batt 
inbid u għoxrin elf batt żejt.” 
[2Kron:2:10] U Ħuram, is-sultan ta' Tir, wieġeb bil-miktub lil Salamun: “Billi 
l-Mulej iħobb lill-poplu tiegħu, qiegħdek sultan fuqhom.” [2Kron:2:11] U ssokta 
jgħidlu Ħuram: “Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li għamel is-sema u l-art, li 
ta lis-sultan David iben għaref, għaqli u dehni, biex jibni tempju għall-Mulej u 
palazz għas-sultan tiegħu. [2Kron:2:12] Issa nibgħatlek bniedem li jifhem u 
tas-sengħa, Ħuram-abi, [2Kron:2:13] bin mara mill-bniet ta' Dan, u missieru 
raġel minn Tir, li jaf jaħdem fid-deheb u l-fidda, fil-bronż u l-ħadid, 
fil-ġebel u l-injam, fil-porpra, fil-vjola, fl-għażel u fil-kremżi, u fl-inqix 
ta' kull xorta, u li jfassal kull xogħol li jingħatalu flimkien man-nies 
tas-sengħa tiegħek, u n-nies tas-sengħa ta' sidi David missierek. [2Kron:2:14] U 
l-qamħ, ix-xgħir, iż-żejt u l-inbid li semma sidi, ħa jibgħathom lill-qaddejja 
tiegħu, [2Kron:2:15] u aħna naqtgħu s-siġar mil-Libanu skond ma teħtieġ, u 
nġibuhomlok bil-baħar fuq iċ-ċattri sa Ġaffa, u int imbagħad tellagħhom 
Ġerusalemm.” 
[2Kron:2:16] U Salamun għadd l-irġiel kollha barranin li kien hemm jgħixu 
f'Iżrael, skond iċ-ċensiment li kien għamel missieru David, u sab li kienu mija 
u tlieta u ħamsin elf u sitt mitt wieħed. [2Kron:2:17] Sebgħin elf minnhom 
ħadhom għat-tagħbija u tmenin elf għall-qtugħ tal-ġebel minn fuq il-muntanja, u 
tlitt elef u sitt mija suprentendenti biex iżommu l-poplu fuq ix-xogħol.
3. Il-bini tat-tempju
[2Kron:3:1] U Salamun beda jibni t-tempju tal-Mulej f'Ġerusalemm, fuq l-għolja 
ta' Morija, fejn il-Mulej kien deher lil David missieru, fil-post li kien ħejja 
David fuq il-qiegħa ta' Ornan il-Ġebusi. [2Kron:3:2] U beda jibnih fit-tieni 
xahar tar-raba' sena tas-saltna tiegħu. [2Kron:3:3] Dawn huma l-qisien ta' 
Salamun għall-bini tat-tempju ta' Alla; sittin driegħ - fuq il-qjies il-qadim - 
tul; għoxrin driegħ wisa'. [2Kron:3:4] Il-portiku ta' quddiem it-tempju kien 
għoxrin driegħ tul mal-wisa' tat-tempju, u mija u għoxrin driegħ għoli. U ksieh 
minn ġewwa bid-deheb fin. [2Kron:3:5] Id-dar il-kbira ksieha bl-injam 
taċ-ċipress, li mbagħad ksieh b'deheb fin, u naqqax fuqu palm u girlandi madwaru. 
[2Kron:3:6] U kesa d-dar u żejjinha b'ħaġar prezzjuż - id-deheb kien deheb ta' 
Parwajm. [2Kron:3:7] U kesa d-dar - it-travi, l-għetiebi, il-ħitan u l-bibien 
tagħha - bid-deheb, u naqqax il-kerubini fuq il-ħitan.
[2Kron:3:8] U għamel il-kamra tal-post il-qaddis. It-tul tagħha skond il-wisa' 
tad-dar għoxrin driegħ u l-wisa' tagħha għoxrin driegħ, u ksieha b'sitt mitt 
talent deheb fin. [2Kron:3:9] L-użin ta' l-imsiemer kien ta' ħamsin xekel tad-deheb. 
U kesa wkoll bid-deheb il-kmamar ta' fuq.
[2Kron:3:10] U fil-post il-qaddis għamel żewġ kerubini, xogħol ta' l-iskultur, u 
ksiehom bid-deheb. [2Kron:3:11] U l-ġwienaħ tal-kerubini kienu wiesgħa għoxrin 
driegħ; il-ġewnaħ tal-wieħed, b'medda ta' ħamest idriegħ, kien jilħaq sal-ħajt 
tal-kamra, u l-ġewnaħ l-ieħor, b'medda ta' ħamest idriegħ, kien jilħaq il-ġewnaħ 
tal-kerubin l-ieħor. [2Kron:3:12] Il-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor b'medda ta' 
ħamest idriegħ, kien jilħaq sal-ħajt tal-kamra, u l-ġewnaħ l-ieħor b'medda ta' 
ħamest idriegħ, kien jilħaq mal-ġewnaħ tal-kerubin l-ieħor. [2Kron:3:13] Il-ġwienaħ 
miftuħa ta' dawn il-kerubini kellhom medda ta' għoxrin driegħ; kienu wieqfa fuq 
riġlejhom b'wiċċhom iħares lejn id-dar. [2Kron:3:14] Għamel imbagħad il-purtiera 
tal-porpra vjola, porpra ħamra u kremżi ta' l-għażel, u rrakkma fuqha l-kerubini.
[2Kron:3:15] U għamel żewġ kolonni quddiem id-dar, kull waħda ħamsa u tletin 
driegħ għoli, u l-kapitelli għal fuq ras kull waħda minnhom ħamest idriegħ għoli. 
[2Kron:3:16] U għamel girlandi bħal kullani, u dawwarhom ma' ras il-kolonni, u 
għamel ukoll mitt rummiena u dendilhom mal-girlandi. [2Kron:3:17] Mbagħad waqqaf 
il-kolonni quddiem it-tempju, waħda fuq il-lemin u l-oħra fuq ix-xellug, u l-leminija 
semmieha Ġakin u l-oħra semmieha Bogħaż.
4. It-tagħmir tat-tempju
[2Kron:4:1] U għamel artal tal-bronż, għoxrin driegħ twil, u għoxrin driegħ 
wiesa', u għaxart idriegħ għoli. 
[2Kron:4:2] U għamel ukoll vaska tal-bronż fondut għall-ilma; kienet tonda, 
għaxart idriegħ minn xifer sa xifer, u għolja ħamest idriegħ, b'dawra tal-qjies 
ta' tletin driegħ. [2Kron:4:3] Taħt ix-xifer kien hemm indana xbihat ta' gniedes, 
għaxra għal kull driegħ, iddur dawramejt mal-vaska kollha. U l-gniedes kienu 
f'żewġ saffi mdewwba biċċa waħda magħha.
[2Kron:4:4] Il-vaska kienet isserraħ fuq tnax-il gendus, tlieta jħarsu lejn it-tramuntana, 
tlieta lejn il-punent, tlieta lejn in-nofsinhar, u tlieta lejn il-lvant, u l-vaska 
kienet fuqhom; u l-warrani tagħhom kien iħares 'il ġewwa. [2Kron:4:5] Il-ħxuna 
tagħha kienet ta' erbat iswaba', u x-xifer kien qisu xifer ta' bieqja, u jixbaħ 
fl-għamla lill-warda tal-ġilju. Kienet tasa' tlitt elef batt ilma. 
[2Kron:4:6] Għamel ukoll għaxart injiebi, u qiegħed ħamsa fuq il-lemin u ħamsa 
fuq ix-xellug, biex jaħslu u jlaħalħu fihom il-meħtieġ għas-sagrifiċċju tal-ħruq. 
U l-vaska kienet isservi biex jinħaslu fiha l-qassisin. 
[2Kron:4:7] U għamel għaxar imnariet tad-deheb, skond ma kien ordnat dwarhom u 
qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin, u ħamsa fuq ix-xellug. 
[2Kron:4:8] U għamel għaxar imwejjed u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin, 
u ħamsa fuq ix-xellug; u għamel mitt bieqja tad-deheb. 
[2Kron:4:9] U għamel il-bitħa tal-qassisin, il-bitħa l-kbira, u l-bibien 
għall-bitħa, u dawn il-bibien ksiehom bil-bronż. [2Kron:4:10] U l-vaska qegħedha 
fil-ġenb tal-lemin, in-naħa tal-lvant lejn in-nofsinhar. 
[2Kron:4:11] U Ħuram għamel il-borom, il-pwali u l-bwieqi. 
Hemm Ħuram temm ix-xogħol kollu li kellu jagħmel lis-sultan Salamun għat-tempju 
ta’ Alla; [2Kron:4:12] iż-żewġ kolonni, il-kapitelli mżaqqin għal fuq ras 
iż-żewġ kolonni, u ż-żewġ girlandi biex jiksu ż-żewġ kapitelli mżaqqin ta' fuq 
il-kolonni; [2Kron:4:13] u l-erba' mitt rummiena għaż-żewġ girlandi, iż-żewġ 
indani ta' rummien għal kull girlanda li kienet tiksi ż-żaqq taż-żewġ kapitelli 
ta' fuq ras il-kolonni; [2Kron:4:14] l-għaxar imqagħad u l-għaxart injiebi għal 
fuq l-imqagħad; [2Kron:4:15] il-vaska waħdanija u t-tnax-il baqra għal taħtha 
[2Kron:4:16] u l-borom, il-pwali u l-bwieqi u l-frieket. U Ħuram-abi għamel it-tagħmir 
kollu tagħhom tal-bronż ileqq lis-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej. 
[2Kron:4:17] Is-sultan dewwibhom fil-wita tal-Ġordan, ħdejn il-mogħdija ta' 
Adama, bejn Sukkot u bejn Saretan. [2Kron:4:18] Salamun għamel dan it-tagħmir 
kollu b'kotra kbira, tant li l-użin baqa' ma tqiesx minħabba l-kotra kbira 
tal-bronż. 
[2Kron:4:19] Hekk Salamun għamel it-tagħmir kollu meħtieġ għat-tempju ta' Alla: 
l-artal tad-deheb, l-imwejjed li fuqhom kien jitqiegħed il-ħobż tal-preżenza, 
[2Kron:4:20] l-imnariet bl-imsiebaħ tad-deheb fin biex jinxtegħlu skond l-ordni 
quddiem is-santwarju, [2Kron:4:21] u l-ward, u l-imsiebaħ u l-imqassijiet mill-ifjen 
deheb. [2Kron:4:22] U l-imqassijiet, il-bwieqi, l-imgħaref u ċ-ċnieser, kollox 
kien tad-deheb fin; u d-dħul tat-tempju, u l-bibien ta' ġewwanett tal-post 
il-qaddis, u l-bibien tal-korsija tat-tempju, kollox kien tad-deheb.
5. It-tagħmir tat-tempju
[2Kron:5:1] Meta ntemm ix-xogħol kollu li għamel Salamun għat-tempju tal-Mulej, 
ġieb Salamun l-offerti li kien għamel David missieru - il-fidda, id-deheb u l-ħwejjeġ 
l-oħra kollha - u qiegħed kollox fl-imħażen tat-tempju ta' Alla.
L-arka fit-tempju
[2Kron:5:2] Salamun imbagħad laqqa' flimkien f'Ġerusalemm ix-xjuħ ta' Iżrael, u 
l-kapijiet tat-tribujiet, il-prinċpijiet tal-familji ta' wlied Iżrael, biex l-arka 
tal-patt tal-Mulej itellgħuha mill-belt ta' David, jiġifieri minn Sijon. 
[2Kron:5:3] Nġabru għal hekk madwar is-sultan l-irġiel kollha ta' Iżrael 
fil-festa li taħbat fis-seba' xahar. [2Kron:5:4] U kif ġew ix-xjuħ kollha ta' 
Iżrael, il-Leviti refgħu l-arka. [2Kron:5:5] U tellgħu l-arka u wkoll it-tinda 
tal-laqgħa flimkien ma' kull ħaġa mqaddsa, li kien hemm fit-tinda; tellgħuhom 
il-qassisin u l-Leviti. [2Kron:5:6] U s-sultan Salamun u l-ġemgħa kollha ta' 
Iżrael, miġbura madwaru quddiem l-arka, offrew sagrifiċċji ta' nagħaġ u baqar li 
ma kontx issib tarf tgħoddhom. [2Kron:5:7] Mbagħad il-qassisin wasslu l-arka 
tal-patt tal-Mulej f'postha fis-santwarju tat-tempju, jiġifieri fil-post 
il-qaddis, u qegħduha taħt il-ġwienaħ tal-kerubini, [2Kron:5:8] għax il-kerubini 
kellhom ġwenħajhom miftuħin fuq post l-arka, hekk li l-kerubini kienu jgħattu 
huma stess il-wiċċ ta' l-arka u l-lasti tagħha. [2Kron:5:9] Il-lasti kienu tant 
twal li rjushom kienu jidhru mill-post qaddis quddiem is-santwarju; imma ma 
kinux jidhru minn barra - u għadhom hemm sa llum. [2Kron:5:10] Xejn ma kien hemm 
ġo l-arka ħlief iż-żewġ twavel li kien qiegħed hemm Mosè meta kien Ħoreb; dawn 
kienu t-twavel tal-patt li bih il-Mulej intrabat ma' wlied Iżrael meta ħarġu 
mill-Eġittu. 
[2Kron:5:11] Ġara li l-qassisin ħarġu mill-post il-qaddis, wara li l-qassisin 
kollha li kien hemm tqaddsu bla ma taw kas tat-taqsimiet tagħhom; [2Kron:5:12] 
il-Leviti kantanti kollha, jiġifieri Asaf, Ħeman, Ġedutun, uliedhom u ħuthom, 
libsin l-għażel, kienu bilwieqfa n-naħa tal-lvant ta' l-artal, bil-platti u l-arpi 
u ċ-ċetri, u magħhom mija u għoxrin qassis idoqqu t-trombi. [2Kron:5:13] U kif 
it-trumbettieri u l-kantanti kollha bdew isemmgħu ħoss wieħed flimkien biex 
isebbħu u jfaħħru l-Mulej, kif kienu jsemmgħu d-daqq tat-trumbetti u l-platti u 
l-istrumenti tad-daqq biex isebbħu l-Mulej “għax hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba 
tiegħu,” ġara li t-tempju tal-Mulej imtela bi sħaba. [2Kron:5:14] U ma setgħux 
il-qassisin ikomplu s-servizz tagħhom minħabba s-sħaba, għax il-glorja tal-Mulej 
imliet id-dar ta' Alla.
6. Id-diskors ta' Salamun u t-talba
[2Kron:6:1] Mbagħad Salamun qal:
“Il-Mulej qal li jrid jgħammar fid-dlam. 
[2Kron:6:2] Imma jien bnejtlek dar fejn tgħammar, 
post fejn toqgħod għal dejjem.”
[2Kron:6:3] Mbagħad is-sultan dawwar wiċċu, u bierek il-ġemgħa kollha ta' Iżrael, 
waqt li l-ġemgħa kollha ta' Iżrael kienet bilwieqfa, [2Kron:6:4] u qal: “Mbierek 
il-Mulej, Alla ta' Iżrael, li temm b'idu kull ma kien qal b'fommu lil David 
missieri, meta qallu: [2Kron:6:5] 'Mindu ħriġt lill-poplu tiegħi mill-art ta' l-Eġittu 
ma għażilt ebda belt mit-tribujiet kollha ta' Iżrael, biex fiha nibni tempju li 
fih ikun hemm ismi, u lanqas ma għażilt bniedem li jkun prinċep fuq il-poplu 
tiegħi Iżrael, [2Kron:6:6] imma għażilt lil Ġerusalemm biex jgħammar ismi fiha, 
u għażilt lil David biex isaltan fuq il-poplu tiegħi Iżrael.'
[2Kron:6:7] “David missieri, kellu f'moħħu li jibni tempju lil isem il-Mulej, 
Alla ta' Iżrael. [2Kron:6:8] U l-Mulej qal lil David, missieri: 'Sewwa li kellek 
f'qalbek li tibni tempju lil ismi, tajjeb li ġiek f'rasek dan. 
[2Kron:6:9] “ 'Imma m'hux int tibnih it-tempju, imma ibnek li joħroġ mill-ġewwieni 
tiegħek, għad jibni tempju lil ismi.' [2Kron:6:10] U l-Mulej żamm kelmtu kif 
kien qal: lħaqt jien flok David missieri, u qgħadt fuq it-tron ta' Iżrael bħalma 
kien wiegħed il-Mulej, u bnejt it-tempju lil isem il-Mulej, Alla ta' Iżrael. 
[2Kron:6:11] U hemm qegħedt l-arka li fiha hemm il-patt tal-Mulej, li għamel ma' 
wlied Iżrael.”
It-talba ta' Salamun
[2Kron:6:12] Mbagħad qam bilwieqfa quddiem l-artal tal-Mulej quddiem il-ġemgħa 
kollha ta' Iżrael u fetaħ dirgħajh beraħ. [2Kron:6:13] Salamun kien għamel bħal 
palk tal-bronż twil ħamest idriegħ, wiesa' ħamest idriegħ, u għoli tlieta, u 
qiegħdu f'nofs il-bitħa, u tala' bilwieqfa fuqu, niżel għarkubbtejh quddiem 
il-ġemgħa kollha ta' Iżrael, fetaħ idejh lejn is-sema u qal: 
[2Kron:6:14] “Mulej, Alla ta' Iżrael, m'hawnx Alla ieħor bħalek, la fis-sema u 
lanqas fl-art, għaliex inti, lil dawk il-qaddejja tiegħek li jimxu fil-preżenza 
tiegħek b'qalbhom kollha, ma tiksrilhomx l-patt li int għamilt magħhom, lanqas 
ma tonqoshom mill-imħabba li dejjem urejthom. [2Kron:6:15] Int li żammejt 
il-wegħda li għamilt lill-qaddej tiegħek David missieri, u kull ma tkellimt 
b'fommok, issa temmejtu llum b'idek. [2Kron:6:16] U issa, Mulej, Alla ta' Iżrael, 
żomm il-wegħda li għamilt lill-qaddej tiegħek David meta għedtlu: 'Qatt ma 
jonqos minn nislek min joqgħod fuq it-tron ta' Iżrael kemm-il darba jżommu 
triqthom u jimxu skond il-liġi tiegħi, bħalma kont timxi int fil-preżenza tiegħi.' 
[2Kron:6:17] U issa, Alla ta' Iżrael, ħa sseħħ kelmtek, li għedt lill-qaddej 
tiegħek David. 
[2Kron:6:18] “Imma, tgħid, tassew li Alla se jibqa' jgħix fuq l-art mal-bnedmin? 
Ara! Lanqas is-smewwiet u s-smewwiet tas-smewwiet ma jesgħuk, aħseb u ara dan 
id-daqsxejn ta' tempju li bnejt jien! [2Kron:6:19] Agħti widen għalhekk, Mulej, 
Alla tiegħi, għat-talba tal-qaddej tiegħek u għas-supplika tiegħu; isma' l-għajta 
ta' ferħ u t-talba li l-qaddej tiegħek qiegħed iressaq illum quddiemek. 
[2Kron:6:20] Nhar u lejl ħarstek taqlagħhiex minn fuq dan it-tempju, minn fuq 
dan il-post, li għalih int kont għedt li tqiegħed ismek fih. Isma' t-talba li 
jagħmillek il-qaddej tiegħek għal dan il-post. [2Kron:6:21] Isma' mela din is-supplika 
li l-qaddej tiegħek mal-poplu tiegħek Iżrael, sewwasew f'dan il-post, qegħdin 
jagħmlulek. Ismagħna int, mis-sema fejn inti toqgħod, isma' u aħfer.
[2Kron:6:22] “Jekk xi ħadd ikun offenda lil għajru, u jkollu jaħlef, u jiġi 
jaħlef quddiem l-artal tiegħek f'dan it-tempju, [2Kron:6:23] isma' int mis-sema, 
qum u agħmel ħaqq mal-qaddejja tiegħek, billi tikkundanna lill-ħati u tniżżillu 
fuq rasu għemilu, u tagħmel il-ġustizzja mal-ġust, u tħallsu skond il-ġustizzja 
tiegħu. 
[2Kron:6:24] “Meta l-poplu tiegħek jitkisser quddiem l-għadu tiegħu minħabba li 
jkunu dinbu kontrik, u jerġgħu lura għal għandek, u jfaħħru ismek, jitolbu u 
jitkarrbu għall-ħniena tiegħek f'dan it-tempju, [2Kron:6:25] isma' int mis-sema 
u aħfer il-ħtija tal-poplu tiegħek Iżrael, u reġġgħu lura lejn l-art li int tajt 
lilhom u lil missirijiethom. 
[2Kron:6:26] “Meta jingħalqu s-smewwiet u tonqos ix-xita minħabba li Iżrael ikun 
dineb kontrik, u jiġu jitolbu f'dan il-post, u jfaħħru lil ismek, u jerġgħu lura 
minn dnubhom, għax int tkun għakkisthom, [2Kron:6:27] isma' int mis-sema, u 
aħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek Iżrael; urihom it-triq it-tajba 
li minnha għandhom jgħaddu, u agħti x-xita lil artek, li int tajt b'wirt 
lill-poplu tiegħek. 
[2Kron:6:28] “Meta jaqa' l-ġuħ fuq l-art, jitfaċċaw il-pesta, l-eħtrieq, it-tinwir 
tas-siġar, il-gradi u d-dud tal-farfett; meta l-għadu tiegħu jagħlqu fl-ibliet 
tiegħu fil-pajjiż; meta jfeġġ xi flaġell jew mard; [2Kron:6:29] mqar jekk 
bniedem waħdu jonkella l-poplu tiegħek kollu ta' Iżrael, jitlob u jitkarrab 
bil-ħniena; kull meta xi ħadd jistqarr il-ġrieħi ta' qalbu u n-niket tiegħu u 
jiftaħ idejh lejn din id-dar, [2Kron:6:30] isma' int mis-smewwiet fejn tgħammar, 
u aħfer, u agħti lil kulħadd skond imġibtu, għax tagħraf qalbu; int waħdek 
tagħraf il-qalb ta' kull bniedem. [2Kron:6:31] Hekk jibżgħu minnek u jimxu fi 
triqatek il-jiem kollha ta' ħajjithom fuq wiċċ l-art li int tajt lil 
missirijietna. 
[2Kron:6:32] “U 'l-barrani wkoll, li ma jkunx mill-poplu tiegħek ta' Iżrael, li 
għad jiġi minn art imbiegħda minħabba ismek - għax ikun sama' bl-isem kbir 
tiegħek, bil-qawwa ta' idek u bi driegħek merfugħ, - meta dan għad jiġi u jitlob 
f'dan it-tempju, [2Kron:6:33] isimgħu int mis-sema fejn tgħammar u agħmel kull 
ma jitolbok il-barrani, ħa jkunu jafu b'ismek il-ġnus kollha ta' l-art, u 
jibżgħu minnek bħall-poplu tiegħek Iżrael, u jagħrfu li ismek jissejjaħ fuq dan 
it-tempju li bnejt jien. 
[2Kron:6:34] “Meta l-poplu tiegħek joħroġ jitqabad kontra l-għedewwa tiegħu u 
jaqbad it-triq li int tkun urejthom, u jitolbok b'wiċċu lejn din il-belt li int 
għażilt u lejn it-tempju li jiena bnejt għal ismek, [2Kron:6:35] isma' int 
mis-sema fejn tgħammar, it-talb u s-suppliki tagħhom, u agħmel ġustizzja magħhom.
[2Kron:6:36] “Meta jidinbu kontrik - ma hemmx bniedem li ma jidnibx - u int 
tagħdab għalihom u terħihom f'idejn l-għadu u dawn jegħlbuhom u jeħduhom fl-eżilju 
f'art, fil-bogħod jew fil-qrib, [2Kron:6:37] u mbagħad ireġġgħu qalbhom lejk 
fl-art tal-jasar tagħhom, u jindmu u jitolbu l-ħniena fl-art fejn ikunu lsiera u 
jgħidulek: 'Ħatja aħna, dnibna u għamilna l-ħażin,' [2Kron:6:38] u jerġgħu lura 
għal għandek b'qalbhom kollha u b'ruħhom kollha f'art il-jasar tagħhom fejn 
ikunu jassruhom, u jitolbuk b'wiċċhom lejn arthom li int tajt lil missirijiethom, 
lejn il-belt li int ħtart, u lejn it-tempju li jien bnejt lil ismek; 
[2Kron:6:39] isma' int mis-sema fejn tgħammar it-talb u s-suppliki tagħhom, u 
agħmel ġustizzja magħhom. Aħfirlu l-poplu tiegħek il-ħtijiet kollha li jkunu 
għamlu kontra tiegħek.
[2Kron:6:40] “U issa, Alla tiegħi, ħa jkunu miftuħa għajnejk u widnejk attenti 
għat-talb li jsir f'dan il-post. 
[2Kron:6:41] ̋U issa, 
qum, Mulej Alla, lejn il-mistrieħ tiegħek, 
int u l-arka tal-qawwa tiegħek! 
Il-qassisin tiegħek, Mulej Alla, jilbsu s-salvazzjoni, 
u l-ħbieb tiegħek jifirħu bil-ġid. 
[2Kron:6:42] Mulej Alla, tiksirx wiċċ 
is-sultan, il-midluk tiegħek, 
ftakar fit-tjieba tiegħek lejn David, 
il-qaddej tiegħek.”
7. In-nar tal-Mulej
[2Kron:7:1] Xħin Salamun temm jitlob niżel nar mis-sema u kkonsma s-sagrifiċċju 
tal-ħruq, u l-vittmi; u l-glorja tal-Mulej imliet id-dar, [2Kron:7:2] u l-qassisin 
ma setgħux jidħlu f'dar il-Mulej, għax il-glorja tal-Mulej imliet dar il-Mulej. 
[2Kron:7:3] U wlied Iżrael malli raw in-nar nieżel u l-glorja tal-Mulej fuq id-dar 
inxteħtu lkoll wiċċhom għall-qiegħa ta' l-art, qiemu u faħħru lill-Mulej: 'Għax 
hu tajjeb u għal dejjem it-tjieba tiegħu.' 
[2Kron:7:4] U s-sultan u l-poplu kollu offrew sagrifiċċji quddiem il-Mulej. 
[2Kron:7:5] U s-sultan Salamun offra b'sagrifiċċju tnejn u għoxrin elf gendus, u 
mija u għoxrin elf nagħġa. Hekk is-sultan u l-poplu kollu kkonsagraw it-tempju 
ta' Alla. [2Kron:7:6] U l-qassisin kienu qegħdin jagħmlu s-servizz tagħhom 
f'posthom, u l-Leviti bl-istrumenti tad-daqq tal-Mulej, li kien għamel is-sultan 
David għat-tifħir tal-Mulej - 'għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.' Hekk David 
kien ifaħħar il-Mulej permezz tagħhom. Il-qassisin kienu jdoqqu t-trombi 
biswithom, u l-Iżraelin ilkoll kienu bilwieqfa.
[2Kron:7:7] U Salamun ikkonsagra l-biċċa tan-nofs tal-wesgħa li kienet quddiem 
dar il-Mulej, għax hemm offra s-sagrifiċċju u x-xaħam tas-sagrifiċċji tas-sliem, 
għax l-artal tal-bronż li kien għamel Salamun ma kienx jasa' l-vittmi 
tas-sagrifiċċji tal-ħruq u l-offerti tal-qmuħ u x-xaħam.
[2Kron:7:8] U Salamun f'dak iż-żmien għamel festa għal sebat ijiem, b'Iżrael 
kollu miegħu, ġemgħa kbira ħafna mid-dħul ta' Ħamat sal-wied ta' l-Eġittu. 
[2Kron:7:9] U fit-tmien jum għamlu l-festa ta' l-għeluq, għax il-konsagrazzjoni 
ta' l-artal ħadet sebat ijiem, u l-festa sebat ijiem oħra. [2Kron:7:10] U fit-tlieta 
u għoxrin jum tas-seba' xahar bagħat il-poplu lejn it-tined tiegħu, kollhom 
ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li kien għamel il-Mulej ma' David u ma' 
Salamun u ma' Iżrael, il-poplu tiegħu. 
[2Kron:7:11] Hekk temm Salamun it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan; u 
rnexxa f'dak kollu li kien ġieh f'moħħu li jagħmel fit-tempju tal-Mulej u 
fil-palazz tiegħu. 
[2Kron:7:12] Mbagħad il-Mulej deher lil Salamun billejl u qallu: “Jien smajt it-talba 
tiegħek, u ħtart għalija dan il-post bħala dar għas-sagrifiċċji. [2Kron:7:13] 
Jekk jien nagħlaq is-sema u ma jkunx hemm xita; jekk nordna lill-gradi li jieklu 
l-art; jekk il-poplu tiegħi nibgħatlu l-pesta; [2Kron:7:14] u l-poplu tiegħi, li 
fuqu jissejjaħ ismi, jumilja ruħu u jitlob u jfittex lil wiċċi, u jerġgħu lura 
mit-triq il-ħażina, jien nismagħhom mis-sema, u naħfrilhom dnubiethom u 
nfejjqilhom 'l arthom. [2Kron:7:15] U minn issa 'l quddiem għajnejja huma 
miftuħa u widnejja attenti għat-talb f'dan il-post. [2Kron:7:16] U issa jien 
għażilt u qaddist dan it-tempju biex jgħammar fih ismi għal dejjem: hemm ikunu 
għajnejja u qalbi għal dejjem. [2Kron:7:17] U issa, jekk inti timxi fil-preżenza 
tiegħi bħalma mexa David missierek, u tagħmel kull ma ordnajtlek, tħares 
il-liġijiet u d-diġrieti tiegħi, [2Kron:7:18] jien insaħħaħ it-tron tas-saltna 
tiegħek bħalma ntrabatt li nagħmel ma' David missierek, u għedtlu: 'Qatt ma 
jonqos minn nislek min isaltan fuq Iżrael.' [2Kron:7:19] Imma jekk intom terġgħu 
lura, u tħallu l-liġijiet u l-ordnijiet tiegħi li jien qegħedtilkom quddiemkom, 
u tmorru wara allat oħra, taqduhom u tadurawhom, [2Kron:7:20] jien neqridkom 
mill-art tiegħi li jien tajtkom, u dan it-tempju li jien ikkonsagrajt għal ismi 
narmih minn quddiemi, u nġibu f'ilsien in-nies u jaqa' għaż-żebliħ fost il-ġnus 
kollha. [2Kron:7:21] U dan it-tempju, li llum hu għoli fil-ġieħ, isir ħerba, u 
kull min jgħaddi minn ħdejh jibqa' mistagħġeb u jgħid: 'Għaliex il-Mulej 
għamlilhom hekk lil din l-art u lil dan it-tempju?' [2Kron:7:22] U jweġbuhom: 'Għaliex 
telqu lill-Mulej Alla ta' missirijiethom li ħariġhom mill-art ta' l-Eġittu, u 
qabdu ma' allat oħra, u adurawhom wiċċhom fl-art u qdewhom. Għalhekk il-Mulej 
ġieb fuqhom din il-ħerba kollha.’ ”
8. L-ibliet u l-imħażen ta' Salamun
[2Kron:8:1] Wara li kienu għaddew għoxrin sena biex Salamun bena t-tempju 
tal-Mulej u l-palazz tiegħu, [2Kron:8:2] Salamun bena l-ibliet li kien tah Ħuram, 
u bagħat l-Iżrael in jgħammru fihom. 
[2Kron:8:3] U mar Salamun Ħamat-soba u rebaħha. [2Kron:8:4] U bena Tadmor fid-deżert, 
u l-ibliet kollha ta' l-imħażen li hemm f'Ħamat. [2Kron:8:5] Bena wkoll Bet-ħoron 
ta' fuq u Bet-ħoron ta' isfel, bliet iffortifikati bis-swar, bwieb u żbarri; 
[2Kron:8:6] u Baghlat, u l-ibliet kollha ta' l-imħażen li kellu Salamun, u l-ibliet 
għall-karrijiet u l-ibliet għar-rikkieba u kull ma xtaq jibni Salamun 
f'Ġerusalemm u fil-Libanu, u fl-art kollha tas-saltna tiegħu. 
[2Kron:8:7] In-nies kollha li kien baqa' mill-Ħitten, l-Amurrin, il-Periżżin, 
il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, li ma kinux mill-Iżraelin, [2Kron:8:8] jiġifieri 
wliedhom li kienu baqgħu fil-pajjiż warajhom u li wlied Iżrael ma rnexxilhomx 
jeqirdu, Salamun ġagħalhom jaħdmu bħala lsiera, kif għadhom sa llum. [2Kron:8:9] 
Iżda minn ulied Iżrael Salamun ma qabbad lil ħadd b'ilsir għax-xogħol tiegħu, 
għax huma nies tal-gwerra u ministri tiegħu, u kmandanti tal-karrijiet u r-rikkieba 
tiegħu.
[2Kron:8:10] U dawn kienu l-kapijiet ewlenin tas-sultan Salamun: mitejn u ħamsin 
li kienu jikkmandaw il-poplu. 
[2Kron:8:11] U 'l bint il-Fargħun Salamun tellagħha mill-belt ta' David fid-dar 
li kien bnielha għax qal: “Ebda mara minn tiegħi ma għandha tgħammar fil-belt ta' 
David, sultan ta' Iżrael, għax qaddis il-post li daħlet fih l-arka tal-Mulej.”
L-offerta tas-sagrifiċċji
[2Kron:8:12] Mbagħad Salamun offra sagrifiċċji tal-ħruq fuq l-artal tal-Mulej, 
li kien bena quddiem il-portiku. [2Kron:8:13] U kien joffri, skond l-ordnijiet 
ta' Mosè, is-sagrifiċċju ta' kuljum, tas-Sibtijiet, ta' l-ewwel tax-xahar u tat-tliet 
festi matul is-sena: il-festa ta' l-Ażżmi, il-festa tal-Ġimgħat u l-festa ta' l-Għerejjex.
[2Kron:8:14] U waqqaf, skond l-ordnijiet ta' David missieru, it-taqsimiet 
tal-qassisin għas-servizz tagħhom, u l-Leviti skond is-servizz tagħhom mal-qassisin 
ta' kuljum, u l-purtinara skond it-taqsim tagħhom bieb bieb, għax hekk kienet l-ordni 
ta' David, bniedem ta' Alla. [2Kron:8:15] U ma warrbux l-ordnijiet tas-sultan 
dwar il-qassisin u l-Leviti fuq l-ebda ħaġa, anqas fuq it-teżori. 
[2Kron:8:16] U hekk intemm ix-xogħol kollu ta' Salamun minn jum it-tqegħid 
tas-sisien tad-dar tal-Mulej sakemm temmha. Hekk id-dar tal-Mulej kienet mitmuma 
għal kollox.
[2Kron:8:17] Mbagħad mar Salamun Għesjon-geber u Elat f'xatt il-baħar f'art 
Edom. [2Kron:8:18] U Ħuram bagħatlu, permezz tal-qaddejja tiegħu, ġfien u 
qaddejja jifhmu fil-baħar, u marru mal-qaddejja ta' Salamun f'Ofir, u ġiebu minn 
hemm erba' mija u ħamsin talent deheb u ġibuhom lis-sultan Salamun. 
9. Iż-żjara tas-sultana ta' Saba
[2Kron:9:1] U semgħet is-sultana ta' Saba, bil-fama ta' Salamun, u ġiet biex 
iġġarrbu b'mistoqsijiet tqal f'Ġerusalemm, b'qatgħa ġmielha ta' kbarat magħha, u 
b'iġmla mgħobbija bi ħwawar u ħafna deheb u ħaġar prezzjuż. U ġiet għand Salamun 
u qaltlu kull ma kellha maħżun f'qalbha. [2Kron:9:2] U Salamun wieġeb għal kull 
ma staqsietu: ma kien hemm xejn li ma kienx jista' jgħidilha. [2Kron:9:3] U meta 
s-sultana ta' Saba rat l-għerf kollu ta' Salamun u d-dar li kien bena, 
[2Kron:9:4] u l-ikel tal-mejda tiegħu, il-kunsill ta' madwaru, is-servizz 
tal-qaddejja u lbieshom, u l-kuppieri tiegħu u lbieshom, u s-sagrifiċċji 
tal-ħruq li kien joffri fit-tempju tal-Mulej, baqgħet miblugħa. [2Kron:9:5] U 
qalet lis-sultan: “Tassew kien minnu dak li smajt f'arti fuqek, u fuq għerfek; 
[2Kron:9:6] ma ridtx nemmen dawn il-ħwejjeġ qabel ma ġejt u rajt b'għajnejja. U 
ma kinux ħabbruli nofs il-kobor ta' għerfek. Akbar inti mill-aħbar li smajt. 
[2Kron:9:7] Henjin in-nies tiegħek, henjin il-qaddejja tiegħek, li qegħdin 
miegħek u jisimgħu dejjem l-għerf tiegħek! [2Kron:9:8] Ikun imbierek il-Mulej, 
Alla tiegħek, li tgħaxxaq bik, u qiegħdek fuq it-tron tiegħu, b'sultan tal-Mulej, 
Alla tiegħek; għax Alla tiegħek ħabb lil Iżrael, u jrid iżommu ħaj għal dejjem, 
u għamlek sultan fuqhom biex tagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja.” 
[2Kron:9:9] Mbagħad tat lis-sultan mija u għoxrin talent deheb, u kotra kbira ta' 
ħwawar u ħaġar prezzjuż; u qatt ma kien hemm kotra ta' ħwawar daqs dik li tat 
is-sultana ta' Saba lis-sultan Salamun. 
[2Kron:9:10] Il-qaddejja wkoll ta' Ħuram, mal-qaddejja ta' Salamun, li kienu 
jġibu d-deheb minn Ofir, ġiebu injam tas-sandal u ħaġar prezzjuż. [2Kron:9:11] U 
mill-injam tas-sandal is-sultan għamel taraġ għad-dar tal-Mulej, u għad-dar tas-sultan, 
u kitarri u arpi għall-kantanti. U qatt ħadd qabel ma kien ra bħalhom fl-art ta' 
Ġuda. 
[2Kron:9:12] U s-sultan Salamun ta lis-sultana ta' Saba kull ma kienet tixtieq u 
talbitu, aktar milli kienet ġiebet hi lis-sultan, u reġgħet marret lejn artha, 
hija u l-qaddejja tagħha.
L-għana u l-għerf ta' Salamun
[2Kron:9:13] U d-deheb li kien idaħħal kull sena Salamun kien ilaħħaq sitt mija 
u sitta u sittin talent deheb, [2Kron:9:14] barra dak li kienu jġibulu n-neguzjanti 
u l-bejjiegħa; u s-slaten kollha ta' l-Għarabja u l-gvernaturi tal-pajjiż kienu 
jġibu wkoll deheb u fidda lil Salamun. [2Kron:9:15] U s-sultan Salamun għamel 
ukoll mitejn tarka tad-deheb battut - u kull waħda ħadet sitt mitt xekel deheb 
battut - [2Kron:9:16] u tliet mitt tarka żgħira tad-deheb battut, li kull waħda 
ħadet tliet mitt xekel deheb, u qegħedhom is-sultan f'Dar il-Foresta tal-Libanu.
[2Kron:9:17] U s-sultan għamel tron kbir ta' l-avorju u ksieh b'deheb mill-ifjen. 
[2Kron:9:18] U t-tron kellu sitt tarġiet u mirfes tad-deheb imwaħħlin miegħu; u 
żewġ dirgħajn wieħed fuq kull naħa tal-maqgħad, u żewġ iljuni ħdejn id-dirgħajn; 
[2Kron:9:19] u tnax-il ljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed f'kull tarf ta' tarġa, 
'l hemm u 'l hawn; ħaġa bħal din qatt ma kienet saret, f'ebda saltna. 
[2Kron:9:20] U l-koppiet li kien jixrob minnhom is-sultan Salamun kienu kollha 
tad-deheb, u hekk ukoll kienu tad-deheb fin il-koppiet tad-dar tal-Foresta 
tal-Libanu. Xejn ma kien hemm tal-fidda, għax xejn ma kienu jqisuha l-fidda fi 
żmien Salamun. [2Kron:9:21] Għax l-iġfien tas-sultan kienu jmorru Tarsis mal-qaddejja 
ta' Ħuram; darba kull tliet snin l-iġfien ta' Tarsis kienu jerġgħu lura u jġibu 
deheb u fidda, avorju, xadini u paguni. 
[2Kron:9:22] U s-slaten ta' l-art għaddiehom ilkoll is-sultan Salamun fl-għana u 
fl-għerf. [2Kron:9:23] U s-slaten kollha ta' l-art kienu jfittxu wiċċ Salamun 
biex jisimgħu għerfu li Alla żejjinlu moħħu bih. [2Kron:9:24] U kulħadd kien 
iġiblu l-offerti tiegħu: oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb, lbies, armi u 
ħwawar, u żwiemel u bgħula, ta' kull sena. 
[2Kron:9:25] U kellu Salamun erbat elef stalla għaż-żwiemel u għall-karrijiet, u 
tnax-il elf rikkieb; u qassamhom fl-ibliet tal-karrijiet u f'Ġerusalemm madwar 
is-sultan. 
[2Kron:9:26] U hu kien jaħkem fuq is-slaten kollha mix-xmara sa l-art 
tal-Filistin u l-fruntieri ta' l-Eġittu. [2Kron:9:27] U l-fidda li kien hemm 
f'Ġerusalemm kattarha bħall-ġebel, u l-injam taċ-ċedru għamlu bħall-injam 
tat-tin selvaġġ li jikber fil-wita. [2Kron:9:28] U kienu joħorġu ż-żwiemel għal 
Salamun minn Musri u mill-artijiet kollha.
Tmiem is-saltna ta' Salamun
[2Kron:9:29] U l-bqija tal-ġrajja ta' Salamun, mill-ewwel sa l-aħħar, huma 
miktuba fil-Ġrajja ta' Natan il-Profeta, fil-Profeziji ta' Aħija s-Siluni, u 
fid-Dehra ta' Għiddu l-Veġġent dwar Ġerobogħam bin Nebat. [2Kron:9:30] U Salamun 
saltan f'Ġerusalemm fuq Iżrael kollu għal erbgħin sena. [2Kron:9:31] U Salamun 
strieħ ma' missirijietu, u difnuh fil-belt ta' David missieru; u floku beda 
jsaltan Reħobogħam.
10. Reħobogħam u Iżrael ( 930-913 QK )
[2Kron:10:1] Reħobogħam mar f'Sikem, għax f'Sikem kien iltaqa' Iżrael kollu biex 
jagħmluh sultan. [2Kron:10:2] Ġara li Ġerobogħam bin Nebat kien l-Eġittu, fejn 
kien ħarab minn quddiem is-sultan Salamun; malli sama' b'dan raġa’ lura mill-Eġittu. 
[2Kron:10:3] Mbagħad bagħtu jsejjħulu u hu ġie. U Ġerobogħam u Iżrael kollu ġew 
u qalu lil Reħobogħam: [2Kron:10:4] “Missierek qegħdilna madmad iebes fuqna; 
issa ħaffilna dan il-jasar ta' missierek u dan it-toqol ta' madmad, u aħna 
nservuk.” [2Kron:10:5] U hu weġibhom: “Morru u ħallu tlitt ijiem jgħaddu, u 
erġgħu ejjew għandi.” U l-poplu mar.
[2Kron:10:6] Mbagħad is-sultan Reħobogħam ħa parir mingħand ix-xjuħ tal-kunsill, 
li missieru Salamun, kemm dam ħaj, kien iżommhom madwaru biex jgħinuh. U 
Reħobogħam staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi nagħti lil dan il-poplu?” 
[2Kron:10:7] U huma weġbuh: “Jekk illum inti tkun twajjeb ma' dan il-poplu u 
tagħraf togħġobhom u tfittex tkellimhom bit-tajjeb, huma jkunu l-qaddejja 
tiegħek għal dejjem.” [2Kron:10:8] Iżda hu warrab fil-ġenb dan il-parir li tawh 
ix-xjuħ tal-kunsill, u fittex il-parir taż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu u 
kienu madwaru. [2Kron:10:9] U staqsiehom: “Xi tweġiba jidhrilkom li għandi 
nagħti lil dan il-poplu li kellmuni u qaluli, 'Ħaffilna l-madmad li qegħdilna 
missierek'?” [2Kron:10:10] U ż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu weġbuh u qalulu: 
“Hekk għid lil dan il-poplu, li kellmuk u qalulek: 'Missierek taqqal il-madmad 
fuqna, issa ħaffifhulna inti,' hekk għidilhom: “Sebgħi ż-żgħir eħxen minn 
ġenbejn missieri. [2Kron:10:11] Missieri taqqlilkom il-madmad u jien se nżid 
fuqu. Missieri kien isawwatkom bil-frosta, jien insawwatkom bl-iskorpjuni.” 
[2Kron:10:12] Fit-tielet jum ġie Ġerobogħam flimkien mal-poplu kollu għand 
Reħobogħam hekk kif kien ordnalhom is-sultan stess meta qalilhom: “Erġgħu ejjew 
għandi fit-tielet jum.” [2Kron:10:13] Iżda kiefra kienet it-tweġiba tas-sultan 
wara li s-sultan Reħobogħam kien warrab fil-ġenb il-parir tax-xjuħ tal-kunsill 
[2Kron:10:14] u qagħad għall-parir taż-żgħażagħ. Għal hekk qalilhom: “Missieri 
taqqlilkom il-madmad tagħkom u jien se nżid fuqu. Missieri kien isawwatkom 
bil-frosti, imma jien insawwatkom bl-iskorpjuni.” [2Kron:10:15] U hekk is-sultan 
baqa' ma tax widen lill-poplu, ladarba din il-ħaġa seħħet kif kien riedha Alla, 
biex il-Mulej isaħħaħ kelmtu, li kien qal lil Ġerobogħam bin Nebat permezz 
tal-profeta Aħija s-Siluni. [2Kron:10:16] Meta Iżrael kollu ra li s-sultan ma 
tahomx widen, il-poplu wieġeb lis-sultan u qallu: 
“Ebda sehem ma għandna ma' David; 
ebda wirt ma' bin Ġesse. 
Għat-tined tiegħek, Iżrael! 
Issa aħseb int għal darek, David!”
U Iżrael kollu telaq għat-tined tagħhom. [2Kron:10:17] Iżda Reħobogħam baqa' 
jsaltan fuq ulied Iżrael li kienu joqogħdu fl-ibliet ta' Ġuda. [2Kron:10:18] 
Meta mbagħad is-sultan Reħobogħam bagħat lil Ħadoram, dak li kien jieħu ħsieb 
ix-xogħol tal-lieva, ulied Iżrael ħaġġruh u qatluh. Mbagħad is-sultan Reħobogħam 
fittex jirkeb il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm. [2Kron:10:19] Hekk Iżrael 
inqata' minn David, u baqgħu mifrudin sa llum.
11. Il-profezija ta' Semajja
[2Kron:11:1] U Reħobogħam mar Ġerusalemm u laqqa' d-dar kollha ta' Ġuda u 
Benjamin, mija u tmenin elf gwerrier magħżul, biex jaħbtu għal Iżrael u jġibu 
lura s-saltna lil Reħobogħam. [2Kron:11:2] Imma l-Mulej kellem lil Semajja, 
bniedem ta' Alla, u qallu: [2Kron:11:3] “Kellem lil Reħobogħam bin Salamun, 
sultan ta' Ġuda, u lil Iżrael kollu li hemm f'Ġuda u f'Benjamin u għidilhom: 
[2Kron:11:4] 'Dan jgħid il-Mulej: La titilgħux u la tissiltux ma' ħutkom. 
Kulħadd imur lejn daru, għax minni ġej dan kollu.’ ” U huma semgħu dan il- kliem 
tal-Mulej, u reġgħu lura, u ma marrux kontra Ġerobogħam.
Il-fortifikazzjonijiet ta' Ġerobogħam
[2Kron:11:5] U Reħobogħam għammar f'Ġerusalemm, u bena bliet iffortifikati 
f'Ġuda. [2Kron:11:6] Bena lil Betlehem, lil Għetam, lil Tekugħa, [2Kron:11:7] 
lil Bet-sur, lil Xoku, lil Għadullam, [2Kron:11:8] lil Gatt, lil Maresa, lil Żif, 
[2Kron:11:9] lil Adorajm, lil Lakis, lil Għażeka, [2Kron:11:10] lil Sorgħa, lil 
Ajjalon, lil Ħebron, kollha bliet iffortifikati li kien hemm f'Ġuda u Benjamin. 
[2Kron:11:11] Saħħaħ il-fortifikazzjonijiet u qiegħed fihom kmandanti u ħażniet 
ta' l-ikel, żejt u nbid. [2Kron:11:12] U f'kull belt qiegħed tarki u lanez; u 
hekk saħħaħhom b'forzi kbar. Lilu baqgħulu biss Ġuda u Benjamin.
Qassisin u Leviti f'Ġerusalemm
[2Kron:11:13] U l-qassisin u l-Leviti li kienu f'Iżrael kollu nġabru madwaru 
mill-inħawi kollha. [2Kron:11:14] U l-Leviti ħallew il-mergħat u l-ġid tagħhom u 
marru Ġuda u Ġerusalemm. Għax Ġerobogħam u wliedu ma ħallewhomx jaqdu lill-Mulej 
bħala qassisin, [2Kron:11:15] imma għamel qassisin oħra għas-santwarji, 
għall-allat-mogħoż u għall-allat-għoġiela li hu stess kien għamel. [2Kron:11:16] 
U warajhom baqgħu ġejjin Ġerusalemm it-tribujiet kollha ta' Iżrael, dawk li 
baqgħu jfittxu minn qalbhom lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, u joffru s-sagrifiċċji 
lill-Mulej, Alla ta' missirijiethom. [2Kron:11:17] U saħħew is-saltna ta' Ġuda, 
u wettqu lil Reħobogħam bin Salamun għal tliet snin, għax għal tliet snin baqgħu 
miexja fit-triq ta' David u Salamun.
Il-familja ta' Reħobogħam
[2Kron:11:18] U Reħobogħam ħa b'martu lil Maħalat bint Ġerimot bin David u 
Abiħajl bint Elijab bin Ġessi [2Kron:11:19] u hi welditlu dawn is-subjien: 
Ġegħus, Semarija u Żaħam. [2Kron:11:20] U warajha ħa lil Magħka bint Absalom, u 
welditlu lil Abija, lil Għattaj, lil Żiża u lil Selomit. [2Kron:11:21] U 
Reħobogħam kien ħabbha lil Magħka bint Absalom aktar min-nisa u l-konkubini l-oħra 
tiegħu kollha - għax kien ħa tmintax-il mara u sittin konkubina, u nissel 
tmienja u għoxrin tifel u sittin tifla. [2Kron:11:22] Għalhekk Reħobogħam għamel 
lil Abija bin Magħka prinċep fuq ħutu, biex hekk ikun jista' jagħmlu sultan. 
[2Kron:11:23] U kien għaqli biżżejjed biex qassam lil uliedu ma' l-art kollha ta' 
Ġuda u Benjamin fl-ibliet kollha ffortifikati; u tahom ikel bl-abbundanza u 
kisbilhom ħafna nisa.
12. L-invażjoni ta' Ġerusalemm
[2Kron:12:1] Ġara li malli ssaħħet is-saltna tiegħu, Reħobogħam warrab il-liġi 
tal-Mulej u Iżrael kollu miegħu. [2Kron:12:2] Għalhekk fil-ħames sena tas-sultan 
Reħobogħam tala' Sisak, sultan ta' l-Eġittu, għal Ġerusalemm għax kienu dinbu 
kontra l-Mulej. [2Kron:12:3] Tala' b'elf u mitejn karru u b'sittin elf rikkieb, 
u kotra bla qjies ta' nies, li telgħu miegħu mill-Eġittu, Lubim, Sukkijjin u 
Kusim. [2Kron:12:4] U ħataf f'idejh l-ibliet iffortifikati ta' Ġuda u wasal sa 
Ġerusalemm. 
[2Kron:12:5] U l-profeta Semajja mar għand Reħobogħam u l-prinċpijiet ta' Ġuda 
li kienu nġabru f'Ġerusalemm minħabba Sisak. U l-profeta qalilhom: “Dan jgħid 
il-Mulej: 'Intom tlaqtuni u issa jien tlaqtkom f'idejn Sisak.' ” [2Kron:12:6] U 
l-prinċpijiet ta' Iżrael u s-sultan daħlu fihom infushom u qalu: “Ġust hu l-Mulej!” 
[2Kron:12:7] U meta l-Mulej rahom li daħlu fihom infushom waslet il-kelma 
tal-Mulej lil Semajja u qallu: “Daħlu fihom infushom, ma neqridhomx; imma ftit 
ieħor nagħtihom il-ħelsien, u ma jissawwabx l-għadab tiegħi fuq Ġerusalemm 
permezz ta' Sisak; [2Kron:12:8] imma jsiru suġġetti għalih, ħa jkunu jafu 
x'jiġifieri sservu lili u sservu s-slaten ta' l-art.” 
[2Kron:12:9] U Sisak, sultan ta' l-Eġittu, tala' għal Ġerusalemm, u ħataf 
f'idejh it-teżori tat-tempju tal-Mulej, u t-teżori tal-palazz tas-sultan; kollox 
ħa. Ħa wkoll it-tarkiet tad-deheb li kien għamel Salamun. [2Kron:12:10] Flokhom 
is-sultan Reħobogħam għamel tarki tal-bronż, u ħalliehom fil-ħsieb tal-kmandant 
tal-gwardji li kienu jgħassu f'bieb il-palazz tas-sultan. [2Kron:12:11] U kull 
meta s-sultan kien imur fit-tempju tal-Mulej, kienu jiġu l-gwardji u jeħduhom, u 
mbagħad kienu jerġgħu jqegħduhom fil-kamra tal-gwardji. 
[2Kron:12:12] U talli Reħobogħam daħal fih innifsu dar minn fuqu l-għadab 
tal-Mulej, u ma qerdux għal kollox; u f'Ġuda wkoll kien hemm ir-riżq tajjeb.
Is-saltna ta' Reħobogħam
[2Kron:12:13] U ssaħħaħ is-sultan Reħobogħam f'Ġerusalemm u baqa' jsaltan. Kellu 
wieħed u erbgħin sena meta beda jsaltan, u saltan sbatax-il sena f'Ġerusalemm, 
il-belt li l-Mulej għażel minn fost it-tribujiet kollha ta' Iżrael, biex fiha 
jqiegħed ismu. Ommu kien jisimha Nagħma l-Għammonija. [2Kron:12:14] Hu għamel 
il-ħażin, għax ma dawwarx qalbu biex ifittex il-Mulej. [2Kron:12:15] U l-ġrajja 
ta' Reħobogħam mill-bidu sa l-aħħar huma miktuba fil-Ġrajja ta' Semajja l-Profeta, 
u Għiddu l-Veġġent, fi ktieb in-nisel. U kien hemm dejjem il-gwerra bejn 
Reħobogħam u Ġerobogħam. [2Kron:12:16] U Reħobogħam strieħ ma' missirijietu, u 
difnuh fil-belt ta' David; u Abija, ibnu, beda jsaltan minfloku.
13. Abija sultan ta’ Ġuda ( 913-911 QK )
[2Kron:13:1] U fis-sena tmintax tas-sultan Ġerobogħam beda jsaltan Abija fuq 
Ġuda. [2Kron:13:2] Tliet snin dam isaltan f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha 
Mikija bint Urjel minn Ġibgħa; u kien hemm il-gwerra bejn Abija u bejn 
Ġerobogħam. [2Kron:13:3] Abija daħal għal l-gwerra b'eżerċtu ta' nies qalbiena 
għall-ġlied, erba' mitt elf raġel magħżul, u Ġerobogħam qassam kontrih 
għat-taqbida tmien mitt elf raġel magħżul, gwerriera qalbiena. 
[2Kron:13:4] U qam Abija fuq il-muntanja ta' Żemarajm li hemm il-muntanji ta' 
Efrajm u qal: “Ismagħni Ġerobogħam u Iżrael kollu. [2Kron:13:5] Ma tafuhiex 
jaqaw, li l-Mulej, Alla ta' Iżrael, ta lil David is-saltna fuq Iżrael għal 
dejjem, lilu u lil uliedu, b'patt li ma jitħassarx? [2Kron:13:6] U qam 
Ġerobogħam bin Nebat, qaddej ta' Salamun bin David, u rvilla kontra sidu. 
[2Kron:13:7] U nġabru madwaru nies ta' xejn, nies ta' qattagħni u għelbu lil 
Reħobogħam bin Salamun. Reħobogħam kien għadu żagħżugħ, bla ħila u ma felaħx 
jeqfilhom. [2Kron:13:8] U issa intom tgħidu li tifilħu għas-saltna tal-Mulej li 
qiegħda f'idejn ulied David, għax intom kotra kbira u magħkom hemm l-għoġiela 
tad-deheb li għamlilkom b'allat Ġerobogħam. [2Kron:13:9] Ma keċċejtux intom 
il-qassisin tal-Mulej, ulied Aron, u l-Leviti, u għamiltu għalikom qassisin 
bħall-popli ta' artijiet oħra? Kull min jiġi b'għoġol ta' seba' mtaten biex ikun 
ikkonsagrat, isir qassis ta' min m'hux Alla. [2Kron:13:10] Imma aħna, il-Mulej 
hu Alla tagħna, u aħna ma tlaqniehx. U l-qassisin li jservu lill-Mulej huma 
wlied Aron u l-Leviti fis-servizz tagħhom. [2Kron:13:11] Huma joffru lill-Mulej 
kull filgħodu u kull filgħaxija sagrifiċċji tal-ħruq u inċens tal-ħwawar ifuħu u 
jqiegħdu l-ħobż tal-preżenza fuq il-mejda safja u jixegħlu l-imnara tad-deheb u 
l-imsiebaħ tagħha, kull filgħaxija, għax aħna nħarsu l-ordnijiet tal-Mulej, Alla 
tagħna, imma intom tlaqtuh. [2Kron:13:12] Araw, magħna, fuq quddiem, hemm Alla u 
l-qassisin tiegħu bit-trombi biex jagħtu s-sinjal tal-battalja kontrikom. Wlied 
Iżrael, titqabdux kontra l-Mulej, Alla ta' missirijietkom, għax ma jirnexxilkomx.”
[2Kron:13:13] U Ġerobogħam kien bagħat nies bil-moħbi biex jieħdu l-għadu minn 
wara; u ġara li quddiem Ġuda kien hemm l-eżerċtu u minn warajhom in-nies moħbija. 
[2Kron:13:14] Malli Ġuda raw li kellhom jiġġieldu minn quddiem u minn wara, huma 
sejjħu lill-Mulej u l-qassisin daqqew it-trombi. [2Kron:13:15] In-nies ta' Ġuda 
għajjtu l-għajta tal-gwerra, u malli dan Alla darab lil Ġerobogħam u lil Iżrael 
kollu quddiem Abija u Ġuda. [2Kron:13:16] U ħarbu wlied Iżrael minn quddiem Ġuda 
u Alla rħiehom f'idejhom. [2Kron:13:17] U Abija u n-nies tiegħu tawhom xebgħa 
kbira u baqgħu mejta minn Iżrael ħames mitt elf raġel mill-aħjar. [2Kron:13:18] 
Hekk dakinhar ulied Iżrael kienu umiljati u wlied Ġuda msaħħa għax huma strieħu 
fuq il-Mulej, Alla ta' missirijiethom. [2Kron:13:19] U Abija għamel għal wara 
Ġerobogħam, u ħadlu l-ibliet ta' Betel u l-irħula tagħha, Ġesana bl-irħula 
tagħha, Efron bl-irħula tagħha. 
[2Kron:13:20] U Ġerobogħam qatt ma sata' jieħu ruħ fi żmien Abija. Mbagħad laqtu 
l-Mulej u miet. [2Kron:13:21] Imma Abija ssaħħaħ, u żżewweġ erbatax-il mara, u 
nissel tnejn u għoxrin tifel u sittax-il tifla. [2Kron:13:22] Il-bqija 
tal-ġrajja, l-imġiba tiegħu u l-għemejjel tiegħu huma kollha miktuba fl-Istorja 
ta' Għiddu l-profeta. [2Kron:13:23] U Abija strieħ ma' missirijietu u difnuh fil-belt 
ta' David. Daħal isaltan floku Asa, ibnu; u fi żmienu l-pajjiż kien fil-kwiet 
għal għaxar snin. 
14. Is-saltna ta' Asa ( 911-870 QK )
[2Kron:14:1] Asa għamel it-tajjeb u s-sewwa f'għajnejn il-Mulej Alla tiegħu. 
[2Kron:14:2] Neħħa l-artali barranin, u s-santwarji, u kisser il-plieri, u 
farrak ix-xbihat ta' l-Asera. [2Kron:14:3] U ordna lil Ġuda biex ifittxu 
lill-Mulej, Alla ta' missirijiethom, u li jħarsu l-liġi u l-kmandamenti. 
[2Kron:14:4] Neħħa mill-ibliet kollha ta' Ġuda s-santwarji, u l-artali ta' l-inċens, 
u s-saltna tiegħu kellha l-kwiet. [2Kron:14:5] U bena wkoll bliet iffortifikati 
f'Ġuda għax il-pajjiż kien kwiet u ma kellux gwerer f'dawk is-snin; għax 
il-Mulej kien tah il-mistrieħ. [2Kron:14:6] U qal lil Ġuda: “Ħa nibnu dawn l-ibliet, 
u ndawwruhom bis-swar, u t-torrijiet, bibien u żbarri, waqt li l-art għadha 
f'idejna. Aħna fittixna lill-Mulej, Alla tagħna, fittixnieh u hu tana l-mistrieħ 
madwarna.” U bnewhom u kellhom ir-riżq. 
[2Kron:14:7] Asa kellu eżerċtu ta' tliet mitt elf ruħ minn Ġuda, armati bit-tarkiet 
il-kbar u l-lanez, u mitejn u tmenin elf ruħ minn Benjamin armati b'tarkiet 
żgħar, u mħarrġa fil-ġbid tal-qaws, kollha rġiel qalbiena. 
[2Kron:14:8] U ħareġ għalihom Żeraħ il-Kusi, b'eżerċtu ta' miljun ruħ u tliet 
mitt karru; u waslu sa Maresa. [2Kron:14:9] U Asa ħareġ għalih, u tqassmu 
għall-battalja fil-wied ta' Sefata ħdejn Maresa. [2Kron:14:10] U sejjaħ Asa 
lill-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Mulej, m'hu xejn għalik tgħin wieħed qawwi u 
tgħin wieħed bla saħħa. Għinna, Mulej, Alla tagħna, fuqek nistrieħu; f'ismek 
ġejna kontra din il-kotra. Mulej inti Alla tagħna; ma jkunx hemm bniedem aqwa 
minnek!” 
[2Kron:14:11] U l-Mulej għeleb lill-Kusin quddiem Asa u Ġuda; u l-Kusin ħarbu. 
[2Kron:14:12] U għamel għal warajhom Asa u n-nies li kellu miegħu sa Gerar; u 
mill-Kusin tant waqgħu mejta li ma baqgħalhom ħadd ħaj, għax tkissru quddiem 
il-Mulej u quddiem l-eżerċtu tiegħu. U ħadu priża kbira ħafna. [2Kron:14:13] U 
ħarbtu l-ibliet kollha ta' madwar Gerar, għax waqa' fuqhom il-biża' tal-Mulej, u 
ħatfu kull ma kien hemm fl-ibliet, għax fihom kien hemm priża kbira. 
[2Kron:14:14] Ħabtu wkoll għal l-għerejjex ta' l-imrieħel, u ħadu ħafna nagħaġ u 
iġmla. U reġgħu lura lejn Ġerusalemm.
15. Il-parir ta' Għażarija 
[2Kron:15:1] U Għażarija bin Għoded niżel fuqu l-ispirtu tal-Mulej. [2Kron:15:2] 
U mar quddiem Asa u qallu: “Isimgħuni, Asa u intom ukoll, Ġuda u Benjamin: Il-Mulej 
ikun magħkom, meta intom tkunu miegħu; u meta intom tfittxuh, intom issibuh; u 
meta intom titilquh, hu jitlaqkom. [2Kron:15:3] Għal żmien twil Iżrael kien bla 
Alla veru, bla qassis għalliem, u bla liġi. [2Kron:15:4] Imma fid-dwejjaq tiegħu 
raġa’ lura għal għand il-Mulej, Alla ta' Iżrael, fittxewh u sabuh. [2Kron:15:5] 
Dak iż-żmien ma kienx hemm sliem għal min joħroġ u għal min jidħol, għaliex 
taħwid kbir kien hemm għal kull min kien jgħammar f'dawk l-artijiet. 
[2Kron:15:6] U kienu mfarrka bċejjeċ, ġens kontra ġens u belt kontra belt, għax 
Alla ħabbathom b'kull xorta ta' inkwiet. [2Kron:15:7] Imma intom agħmlu l-qalb! 
Tħallux li jintelqu idejkom, għax ikun hemm il-ħlas għal għemilkom.” 
[2Kron:15:8] Malli Asa sama' dan il-kliem u l-profezija ta' Għażarija bin Għoded, 
il-profeta, għamel il-qalb u neħħa l-idoli moqżieża mill-art kollha ta' Ġuda u 
Benjamin, u mill-ibliet li kien ħa f'idejh fuq il-muntanji ta' Efrajm, u ġedded 
l-artal tal-Mulej, li kien hemm quddiem il-portiku tal-Mulej. [2Kron:15:9] U 
ġama' lil Ġuda kollu u 'l Benjamin u l-barranin li kienu magħhom minn Efrajm u 
Manassi u Simgħon. Għax waqgħu f'idejh ħafna minn Iżrael, malli raw li l-Mulej, 
Alla tiegħu, kien miegħu. [2Kron:15:10] U nġemgħu f'Ġerusalemm fit-tielet xahar 
tas-sena ħmistax tas-saltna ta' Asa. [2Kron:15:11] U dakinhar offrew sagrifiċċji 
lill-Mulej mill-priża li kienu ġiebu: seba' mitt baqra u sebat elef nagħġa. 
[2Kron:15:12] U daħlu f'patt u wiegħdu li jfittxu l-Mulej, Alla ta' 
missirijiethom, b'qalbhom kollha u b'ruħhom kollha. [2Kron:15:13] U kull min ma 
fittixx lil Alla ta' Iżrael tawh il-mewt, miż-żgħir sal-kbir, raġel jew mara. 
[2Kron:15:14] U ħalfu lill-Mulej b'leħen għoli u b'għajta kbira bid-daqq tat-trombi 
u tal-kornu. [2Kron:15:15] U ferħu Ġuda bil-ħalfa, għax b'qalbhom kollha kienu 
ħalfu, u b'rieda sħiħa kienu fittxewh u sabuh; u l-Mulej tahom il-mistrieħ 
madwarhom kollu.
[2Kron:15:16] U saħansitra Magħka, omm is-sultan, Asa neħħieha minn reġina-omm 
għax kienet għamlet idolu moqżież lill Asera; u Asa kisser dan l-idolu tagħha, u 
għamlu trab, u ħarqu fil-wied ta' Kedron. [2Kron:15:17] Imma s-santwarji ma 
tneħħewx minn Iżrael. Biss qalb Asa kienet sħiħa mal-Mulej għal għomru kollu. 
[2Kron:15:18] U daħħal fit-templu ta' Alla l-offerti mqaddsa ta' missieru: fidda, 
deheb u ħwejjeġ oħra. [2Kron:15:19] U ma kien hemm qatt gwerra sal-ħamsa u 
tletin sena tas-saltna ta' Asa.
16. Asa u Benħadad
[2Kron:16:1] Fis-sena sitta u tletin tas-saltna ta' Asa, Bagħsa, sultan ta' 
Iżrael, tala' kontra Ġuda, u bena Rama biex ma jħalli lil ħadd joħroġ jew jidħol 
għand Asa, sultan ta' Ġuda. [2Kron:16:2] U Asa ħareġ il-fided u d-deheb mill-imħażen 
ta' dar il-Mulej, u mill-palazz tas-sultan, u bagħathom lil Benħadad, is-sultan 
ta' Aram, li kien jgħammar f'Damasku u qallu: [2Kron:16:3] “Ħa jkun hemm patt 
bejni u bejnek, bħalma kien hemm bejn missieri u bejn missierek. Hawn qiegħed 
nibgħatlek ir-rigali tal-fidda u d-deheb. Ħoll il-patt li għandek ma' Bagħsa, 
sultan ta' Iżrael, ħalli jwarrab minni.” 
[2Kron:16:4] U Benħadad sama' mis-sultan Asa, u bagħat il-kmandanti ta' l-eżerċtu 
li kellu biex jaħbtu għal l-ibliet ta' Iżrael, u ħarbtu l-ibliet ta' Għijjon, 
Dan, Abel-majm, u l-imħażen ta' l-ibliet ta' Naftali. [2Kron:16:5] U malli 
Bagħsa sama' b'dan kollu waqqaf il-bini ta' Rama u waqqaf ix-xogħol tiegħu kollu. 
[2Kron:16:6] U Asa s-sultan ħa 'l Ġuda kollu u ġarrew il-ġebel kollu u l-injam 
kollu ta' Rama, li bihom kien bnieha Bagħsa u bena bihom Geba u Misfa.
Il-veġġent Ħanani
[2Kron:16:7] F'dak iż-żmien ġie l-veġġent Ħanani għand Asa, sultan ta' Ġuda, u 
qallu: “Talli int striħajt fuq is-sultan ta' Aram u ma striħajtx fuq il-Mulej, 
Alla tiegħek, l-eżerċtu tas-sultan ta' Aram ħarab minn taħt idejk. [2Kron:16:8] 
Jaqaw ma kinux il-Kusin u l-Libin eżerċtu kbir b'ħafna karrijiet u rikkieba? 
Imma għax int striħajt fuq il-Mulej, hu rħiehom f'idejk. [2Kron:16:9] Għax 
għajnejh jiġru fuq l-art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ 
miegħu. Tbellaht f'dan, għax minn issa 'l quddiem ma jkollokx ħlief gwerer. 
[2Kron:16:10] U Asa għadab għall-veġġent, u xeħtu l-ħabs, għax kellu dagħdigħa 
fuqu minħabba dan. U dik il-ħabta Asa beda jgħakkes lil xi wħud mill-poplu. 
[2Kron:16:11] U l-ġrajja ta' Asa mill-bidu sa l-aħħar huma miktuba fi Ktieb is-Slaten 
ta' Ġuda u Iżrael. 
[2Kron:16:12] Fid-disgħa u tletin sena tas-saltna tiegħu, Asa marad b'riġlejh u 
l-marda għafsitu sewwa, u lanqas fil-mard ma fittex lill-Mulej, imma lit-tobba. 
[2Kron:16:13] U strieħ Asa ma' missirijietu, u miet fis-sena wieħed u erbgħin 
tas-saltna tiegħu. [2Kron:16:14] U difnuh fil-qabar li kien ħaffer fil-belt ta' 
David, u qegħduh fuq sodda mimlija fwejjaħ u ħafna ħwawar maħduma bis-sengħa 
tal-fewwieħ, u qabbdulu ħuġġiega kbira.
17. Ġosafat sultan ta' Ġuda ( 870-849 QK )
[2Kron:17:1] U daħal isaltan floku Ġosafat, ibnu; u rama ruħu kontra Iżrael. 
[2Kron:17:2] U qiegħed gwarniġjun fl-ibliet iffortifikati ta' Ġuda, u għases 
fl-art ta' Ġuda u fl-ibliet ta' Efrajm li kien ħa f'idejh Asa, missieru. 
[2Kron:17:3] U l-Mulej kien ma' Ġosafat għax kien miexi skond l-ewwel triqat ta' 
missieru, u ma fittixx lill-Bagħlim. [2Kron:17:4] Fittex tassew lil Alla ta' 
missirijietu, u mexa skond il-kmandamenti tiegħu, u mhux skond għemil Iżrael.
[2Kron:17:5] U l-Mulej wettaqlu s-saltna f'idejh, u Ġuda kollu kienu jġibu t-tribut 
lil Ġosafat, u hu kien igawdi ġid u ġieħ bix-xaba'. [2Kron:17:6] U qalbu kienet 
imkabbra bit-triqat tal-Mulej; u barra dan neħħa wkoll is-santwarji u l-artali 
ta' l-Asera minn Ġuda. 
[2Kron:17:7] Fit-tielet sena tas-saltna tiegħu bagħat lill-prinċpijiet tiegħu 
Benħajil, Għobadija, Żakkarija, Natanjel u Mika, biex jgħallmu fl-ibliet ta' 
Ġuda. [2Kron:17:8] U magħhom il-Leviti Semajja, Netanija, Żebadija, Għaxajel, 
Semiramot, Ġonatan, Adonija, Tobija, Tobadonija, u magħhom il-qassisin Elisama u 
Ġeħoram. [2Kron:17:9] U marru jgħallmu f'Ġuda bil-Ktieb tal-Liġi tal-Mulej 
f'idejhom, u daru l-ibliet kollha ta' Ġuda jgħallmu lill-poplu.
Il-qawwa ta' Ġosafat
[2Kron:17:10] Ġara li l-biża' tal-Mulej ħakem is-saltniet kollha ta' l-artijiet 
kollha ta' madwar Ġuda, u ħadd ma kien miġġieled ma' Ġosafat. [2Kron:17:11] U 
saħansitra minn fost il-Filistin kienu jġibu lil Ġosafat rigali u fidda bħala 
tribut; u l-Għarab ukoll kienu jġibulu mrieħel sħaħ; sebat elef u seba' mitt 
muntun, u sebat elef u seba' mitt bodbod. 
[2Kron:17:12] Hekk Ġosafat baqa' dejjem jikber u jogħla. U bena f'Ġuda fortizzi 
u bliet għall-imħażen. [2Kron:17:13] U kellu ħażniet kbar fl-ibliet ta' Ġuda, u 
gwerriera qalbiena f'Ġerusalemm. [2Kron:17:14] U dan hu l-għadd tagħhom skond 
djar missirijiethom. Mit-tribù ta' Ġuda l-kmandanti ta' l-eluf kienu: 
il-kmandant Għadna bi tliet mitt elf gwerrier qalbieni miegħu; [2Kron:17:15] u 
warajh il-kmandant Ġeħoħanan b'mitejn u tmenin elf ruħ miegħu; [2Kron:17:16] 
warajh Amasija bin Żikri li ta ruħu lill-Mulej minn rajh b'mitejn elf gwerrier 
qalbieni miegħu. [2Kron:17:17] Mit-tribù ta' Benjamin: Eljada, gwerrier qalbieni, 
b'mitejn elf ruħ armati bil-qaws u t-tarka. [2Kron:17:18] Warajh Ġeħożabad 
b'mija u tmenin elf armati għall-gwerra. 
[2Kron:17:19] Dawn kienu fis-servizz tas-sultan barra dawk li kienu mqassma 
mis-sultan fl-ibliet iffortifikati ma' l-art kollha ta' Ġuda.
18. Ftehim bejn Ġosafat u Aħab
[2Kron:18:1] Ġosafat kellu ġid bla qjies, u tħallat bi żwieġ ma' Aħab. 
[2Kron:18:2] Wara li għaddew xi snin niżel għand Aħab f'Samarija. Aħab offra 
b'sagrifiċċju kotra ta' baqar u nagħaġ, għalih u għan-nies li kellu miegħu, u 
ħajjru jitla' miegħu kontra Ramot-gilgħad. [2Kron:18:3] U Aħab, is-sultan ta' 
Iżrael, qal lil Ġosafat sultan ta' Ġuda: “Tiġi miegħi Ramot-gilgħad?” U dak 
wieġbu: “Lili qisni int; lill-poplu tiegħi qisu l-poplu tiegħek; u aħna miegħek 
għall-gwerra.” 
[2Kron:18:4] U Ġosafat qal lis-sultan ta' Iżrael: “Stħarreġ issa l-kelma 
tal-Mulej!” [2Kron:18:5] U s-sultan ta' Iżrael ġabar il-profeti, erba' mitt 
wieħed, u staqsiehom: “Immorru għal Ramot-gilgħad, jew nibqa' hawn?” U huma 
weġbuh: “Itla', u jerħilha Alla f'idejn is-sultan.” [2Kron:18:6] U Ġosafat qal: 
“Ma għadx baqa' xi profeta tal-Mulej biex nistaqsu lilu?” [2Kron:18:7] U 
s-sultan ta' Iżrael wieġeb lil Ġosafat: “Għad fadal ieħor biex nistaqsu 
lill-Mulej permezz tiegħu. Imma jiena nobogħdu għax qatt ma jħabbarli r-riżq 
imma dejjem id-deni - Mikaja bin Imla.” U Ġosafat wieġeb: “Ma għandux jgħid hekk 
is-sultan.” [2Kron:18:8] U s-sultan ta' Iżrael sejjaħ wieħed mill-uffiċjali u 
qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.” [2Kron:18:9] U s-sultan ta' Iżrael u 
Ġosafat, is-sultan ta' Ġuda, kienu qegħdin kull wieħed fuq it-tron tiegħu, 
libsin gala, fil-misraħ ħdejn id-daħla tal-bieb ta' Samarija, u l-profeti kollha 
jħabbru quddiemhom.
[2Kron:18:10] U Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Dan jgħid 
il-Mulej: B'dawn tidrob lil Aram sa ma ġġibhom fix-xejn.” [2Kron:18:11] U 
l-profeti lkoll ħabbru l-istess u bdew jgħidu: “Itla' għal Ramot-gilgħad u 
r-riżq miegħek, għax il-Mulej jerħiha f'idejn is-sultan.”
Il-profezija ta' Mikaja
[2Kron:18:12] U l-messaġġier li kien mar isejjaħ lil Mikaja, kellmu u qallu: 
“Ara, il-profeti lkoll kelma waħda jħabbru l-ġid lis-sultan. Tkun mela l-kelma 
tiegħek bħall-kelma ta' kull wieħed minnhom, u ħabbar il-ġid.” [2Kron:18:13] U 
Mikaja wieġbu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, dak li jgħidli Alla tiegħi, 
ngħidħulu!” 
[2Kron:18:14] U wasal għand is-sultan u s-sultan qallu: “Mikaja, mmorru naħbtu 
għal Ramot-gilgħad jew nibqa' hawn?” U dan wieġeb: “Itilgħu u r-riżq magħkom; 
għax jintreħew f'idejkom.” [2Kron:18:15] U s-sultan qallu: “Kemm-il darba għandi 
nġagħlek taħlef jien, biex ma tgħidx ħlief is-sewwa f'isem il-Mulej.” 
[2Kron:18:16] U l-profeta wieġbu: 
“Rajt lil Iżrael kollu mxerred fuq il-muntanji bħan-nagħaġ 
bla ragħaj. 
U l-Mulej qal: 'Ma għandhomx sidien dawn. 
Ħa jerġgħu bis-sliem kulħadd għal daru.' ” 
[2Kron:18:17] U s-sultan ta' Iżrael qal lil Ġosafat: “Ma għedtlikx jien li m'hux 
se jħabbarli r-riżq, imma d-deni?” [2Kron:18:18] Imma l-profeta qal: “Isimgħu 
l-kelma tal-Mulej: Jien rajt lill-Mulej bilqiegħda fuq it-tron tiegħu, u 
l-eżerċti kollha tas-sema qegħdin fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu. 
[2Kron:18:19] U qal il-Mulej: 'Min se jqarraq b'Aħab, sultan ta' Iżrael, biex 
jitla' u jibqa' mejjet f'Ramot-gilgħad?' U min wieġeb mod u min wieġeb ieħor. 
[2Kron:18:20] U mbagħad ħareġ spirtu u ppreżenta ruħu quddiem il-Mulej u qallu: 
'Jiena nqarraq bih.' U l-Mulej staqsieh: 'Biex?' [2Kron:18:21] U dak wieġeb: 
'Jien noħroġ u nkun l-ispirtu tal-gideb fuq fomm il-profeti tiegħu kollha.' U 
wieġbu: 'Int tqarraq bih u tirbaħ żgur. Mur u agħmel hekk.' [2Kron:18:22] U 
issa, ara, il-Mulej qiegħed l-ispirtu tal-gideb fuq fomm dawn il-profeti tiegħek 
u l-Mulej qatagħha li jibgħatlek id-deni.”
[2Kron:18:23] U resaq Sedekija bin Kengħana u ta daqqa ta' ħarta lil Mikaja u 
qallu: “Kif inhi din li l-ispirtu tal-Mulej għadda mingħandi biex ikellem 
lilek?” [2Kron:18:24] U Mikaja wieġbu: “Għad tarah int stess dakinhar li tibda 
tiġri minn kamra għal oħra tfittex tistaħba.” [2Kron:18:25] U s-sultan ta' 
Iżrael ordna: “Aqbdu lil Mikaja u ħuduh għand Amon, il-prinċep tal-belt, u għand 
Ġowas bin is-sultan. [2Kron:18:26] U għidilhom: 'Dan jordna s-sultan: ixħtu lil 
dan fil-ħabs u titimgħuh bi ftit ħobż u ilma sakemm nerġa’ lura bis-sliem.' ” 
[2Kron:18:27] U Mikaja qallu: “Jekk int terġa’ lura bis-sliema, ma jkunx tkellem 
il-Mulej bija.” U ssokta: “Isimgħu, ġnus, lkoll kemm intom.”
It-telfa u l-mewt ta' Aħab
[2Kron:18:28] U s-sultan ta' Iżrael u Ġosafat, sultan ta' Ġuda, telgħu għal 
Ramot-gilgħad. [2Kron:18:29] U s-sultan ta' Iżrael qal lil Ġosafat: “Se nbiddel 
ħwejġi qabel ma niġi għall-battalja, iżda inti tibqa' bi ħwejġek.” U s-sultan 
ta' Iżrael biddel ħwejġu, u marru għal l-battalja. [2Kron:18:30] U s-sultan ta' 
Aram ordna lill-fizzjali tal-karrijiet tiegħu u qalilhom: “Titqabdux maż-żgħir u 
l-kbir, imma fittxu lis-sultan ta' Iżrael biss.” [2Kron:18:31] U ġara li malli 
l-fizzjali lemħu lil Ġosafat qalu: “Dak hu s-sultan ta' Iżrael.” U daru biex 
jaħbtu għalih: imma Ġosafat beda jgħajjat, u l-Mulej għenu, u Alla begħedhom 
minnu. 
[2Kron:18:32] Xħin il-fizzjali tal-karrijiet raw li ma kienx is-sultan ta' 
Iżrael, reġgħu lura minnu. [2Kron:18:33] U wieħed ġibed il-qaws bl-addoċċ, u 
laqat is-sultan ta' Iżrael bejn il-malji u l-kurazza. U mbagħad is-sultan qal 
lis-sewwieq tal-karru: “Dawwar idek, u oħroġni barra mill-kamp, għax qiegħed 
inħossni ħażin.” [2Kron:18:34] U dakinhar il-battalja ħraxet, u s-sultan ta' 
Iżrael kien wieqaf fuq il-karru biswit Aram il-jum kollu, u miet hi u nieżla 
x-xemx. 
19. Ir-riforma ta' Ġosafat
[2Kron:19:1] Ġosafat, sultan ta' Ġuda, raġa’ lura bis-sliem lejn daru 
f'Ġerusalemm. [2Kron:19:2] U ħareġ jilqgħu Ġeħu bin Ħanani l-veġġent, u qal 
lis-sultan Ġosafat: “Kellek int tgħin lill-ħażin u tħobb lil min jobgħod 
il-Mulej? Minħabba f'hekk waqa' fuqek l-għadab minn quddiem il-Mulej. 
[2Kron:19:3] Imma fik instabu wkoll ħwejjeġ tajba, għaliex int neħħejt ix-xbihat 
ta' l-Asera mill-pajjiż, u dawwart 'il qalbek biex tfittex 'l Alla.” 
[2Kron:19:4] U għammar Ġosafat f'Ġerusalemm, u raġa’ beda dieħel u ħiereġ fost 
il-poplu minn Birsaba sal-muntanji ta' Efrajm u reġġagħhom lura għal għand 
il-Mulej, Alla ta' missirijiethom. [2Kron:19:5] U qiegħed imħallfin fil-pajjiż 
fl-ibliet kollha ffortifikati ta' Ġuda, belt belt. [2Kron:19:6] U Ġosafat qal 
lill-imħallfin: “Araw xi tkunu tagħmlu, għax m'intomx tiġġudikaw f'isem 
il-bnedmin, imma f'isem il-Mulej, u hu jkun magħkom meta tiġġudikaw. 
[2Kron:19:7] Ħa jkun il-biża' tal-Mulej fuqkom. Qisu x'tagħmlu, għax fil-Mulej, 
Alla tagħna, ma hemmx qerq; la jħares lejn l-uċuħ u lanqas jilqa' r-rigali.” 
[2Kron:19:8] F'Ġerusalemm ukoll Ġosafat qiegħed xi wħud mil-Leviti u l-qassisin 
u l-kapijiet tal-familji ta' Iżrael għall-ġudizzju tal-Mulej, u għat-tilwim bejn 
in-nies li jgħammru f'Ġerusalemm. [2Kron:19:9] U hu ordnalhom u qalilhom: “Hekk 
għandkom tagħmlu bil-biża' tal-Mulej, u bil-fedeltà u b'qalb sħiħa. 
[2Kron:19:10] F'kull tilwima li tiġi quddiemkom minn fost ħutkom li jgħammru fi 
bliethom, fuq tixrid ta' demm, liġi, kmandamenti, preċetti jew digrieti, 
wissuhom biex ma jkunux ħatja quddiem il-Mulej, u ma jaqax l-għadab fuqkom u fuq 
ħutkom. Agħmlu dan u ma tidinbux. [2Kron:19:11] U, araw, hemm Amarija, il-qassis 
il-kbir, fuqkom f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Mulej, u Żebadija bin 
Ismagħel, prinċep tad-dar ta' Ġuda, għal kull ma għandu x'jaqsam mas-sultan; 
il-Leviti jkunu għas-servizz tagħkom. Agħmlu l-qalb u aħdmu. Ikun il-Mulej 
mat-tajjeb.”
20. It-talba ta' Ġosafat
[2Kron:20:1] Wara dawn il-ġrajja ġew għal Ġosafat biex jitqabdu miegħu wlied 
Mowab u wlied Għammon flimkien ma' xi wħud mill-Megħunin. [2Kron:20:2] U ġew xi 
messaġġiera u qalu lil Ġosafat: “Ġejja għal fuqek kotra kbira min-naħa l-oħra 
tal-baħar, minn Edom, u qegħdin f’Ħasson-tamar, li hi Għajn-geddi.” [2Kron:20:3] 
U Ġosafat baża' u dawwar wiċċu biex jitlob il-Mulej, u nieda sawma għal Ġuda 
kollu. [2Kron:20:4] U Ġuda kollu nġama' biex jitolbu l-Mulej; mill-bliet kollha 
ta' Ġuda ġew jitolbu l-Mulej. 
[2Kron:20:5] Ġosafat waqaf f'nofs il-ġemgħa kollha ta' Ġuda u Ġerusalemm, 
fid-dar tal-Mulej, quddiem il-bitħa l-ġdida, [2Kron:20:6] u qal: “Mulej, Alla 
ta' missirijietna, m'hux int Alla fis-sema? M'hux int taħkem fuq is-saltniet 
kollha tal-ġnus? F'idejk il-qawwa u s-setgħa, u ħadd ma jista' jiqaflek. 
[2Kron:20:7] M'hux int, o Alla tagħna, keċċejt in-nies li kienu jgħammru f'din 
l-art minn quddiem il-poplu tiegħek Iżrael, u tajtha għal dejjem lil nisel 
Abraham ħabibek? [2Kron:20:8] Huma għammru fiha, u bnewlek fiha tempju lil 
ismek, u qalu: [2Kron:20:9] 'Jekk tiġi fuqna l-ħsara, is-sejf, il-ħaqq, 
il-pesta, jew il-ġuħ, aħna niġu u nieqfu quddiem din id-dar, quddiemek, għax 
ismek hu f'din id-dar; u nsejjħulek fl-hemm tagħna, u int tismagħna u ssalvana.' 
[2Kron:20:10] U issa, ara wlied Għammon u Mowab u n-nies tal-muntanji ta' 
Xegħir, l-artijiet li int ma ħallejtx lil Iżrael jidħol fihom meta ħarġu 
mill-Eġittu - għax huma daru magħhom u ma qerduhomx. [2Kron:20:11] Ara issa kif 
qegħdin iħallsuna, billi jiġu u jaqilgħuna mill-art tiegħek li int tajtna 
b'wirt. [2Kron:20:12] Alla tagħna, ma tagħmilx int ħaqq minnhom? Għax aħna ma 
għandniex saħħa quddiem din il-kotra hekk kbira li ġejja kontra tagħna, u aħna 
ma nafux x'għandna nagħmlu; imma għajnejna huma fik!” [2Kron:20:13] Ġuda kollu 
kienu weqfin quddiem il-Mulej bit-trabi tagħhom, u n-nisa tagħhom, u wliedhom.
Il-profezija ta' Ġaħżijel
[2Kron:20:14] U l-ispirtu tal-Mulej ġie fuq Ġaħżijel bin Żakkarija, bin Benajja, 
bin Ġegħijel, bin Mattanija, Levita minn ulied Asaf, f'nofs il-ġemgħa kollha, 
[2Kron:20:15] u qal: “Isimgħuni, intom nies ilkoll ta' Ġuda, intom li tgħammru 
f'Ġerusalemm, u int, o sultan Ġosafat! Dan jgħid il-Mulej: Tibżgħux! Titwerwrux 
quddiem din il-kotra kollha, għaliex it-taqbida m'hijiex tagħkom, imma ta' Alla. 
[2Kron:20:16] Għada inżlu għalihom; ara, huma jitilgħu mit-telgħa ta' Sis; 
issibuhom f'tarf il-wied, biswit id-deżert ta' Ġerwel. [2Kron:20:17] Intom ma 
tiġġildux f'din il-battalja; oqogħdu f'postkom, tiċċaqilqux, u taraw ir-rebħa 
tal-Mulej għalikom, o Ġuda u Ġerusalemm. Tibżgħux, titwerwrux; għada oħorġu 
għalihom, u l-Mulej ikun magħkom.” 
[2Kron:20:18] U Ġosafat niżel wiċċu fl-art; u Ġuda kollu, u dawk kollha li 
jgħammru f'Ġerusalemm inxteħtu quddiem il-Mulej biex jadurawh. [2Kron:20:19] U 
l-Leviti minn ulied Keħat u minn ulied Koraħ qamu jfaħħru l-Mulej, Alla ta' 
Iżrael, b'leħen qawwi u għoli. 
[2Kron:20:20] U fil-għodu bakkru u ħarġu lejn id-deżert ta' Tekugħa; u huma u 
sejrin, Ġosafat waqaf u qal: “Isimgħuni, intom nies ta' Ġuda, intom li tgħammru 
f'Ġerusalemm! Emmnu fil-Mulej, Alla tagħkom, u titwettqu; emmnu fil-profeti 
tiegħu u tirbħu.” [2Kron:20:21] Mbagħad, wara li ftiehem mal-poplu, għażel lil 
dawk li kellhom jgħannu u jfaħħru lill-Mulej, libsin ilbies sagru, u mixjin 
quddiem l-eżerċtu jgħidu: “Faħħru lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba 
tiegħu.” 
[2Kron:20:22] U meta bdew jgħannu u jfaħħru lil Alla, il-Mulej qiegħed nasba 
għal ulied Għammon u Mowab u għal dawk li jgħammru fuq il-muntanja ta' Xegħir, 
li ġew għal Ġuda; u sfaw mirbuħa. [2Kron:20:23] Għaliex in-nies ta' Għammon u 
ta' Mowab qamu għan-nies li jgħammru fuq il-muntanja ta' Xegħir, u qerduhom għal 
kollox. Wara li qerdu lin-nies ta' Xegħir, għenu lil xulxin biex jeqirdu wieħed 
lil ieħor. 
[2Kron:20:24] Xħin Ġuda waslu l-għolja li tħares fuq id-deżert, ħarsu lejn 
il-kotra, u rawhom mejtin fl-art: ħadd minnhom ma kien ħeles. 
[2Kron:20:25] U Ġosafat ġie bin-nies tiegħu biex jiġbru l-priża minn fuqhom u 
sabu kotra ta' bhejjem, u ġid, u lbies, u oġġetti oħra prezzjużi, u tant ħadu 
minnhom li ma setgħux iġorruhom. Damu tlitt ijiem sħaħ iġorru, tant kienet kbira 
l-priża. [2Kron:20:26] Fir-raba' jum inġabru Wied Berakah - għax hemm bierku 
l-Mulej; għal hekk dak il-post isejjħulu: Wied Berakah. [2Kron:20:27] Mbagħad 
reġgħu lura n-nies kollha ta' Ġuda u Ġerusalemm, bis-sultan Ġosafat quddiemhom, 
lejn Ġerusalemm kollha ferħana, għax il-Mulej ferraħhom bir-rebħa fuq l-għedewwa 
tagħhom. [2Kron:20:28] U daħlu Ġerusalemm u fid-dar tal-Mulej bid-daqq ta' 
l-arpi, iċ-ċetri u t-trombi. [2Kron:20:29] U l-biża' ta' Alla waqa' fuq 
is-saltniet kollha ta' l-art, meta semgħu kif il-Mulej tqabad ma' l-għedewwa ta' 
Iżrael. [2Kron:20:30] U s-saltna ta' Ġosafat sabet il-kwiet għaliex Alla tiegħu 
tah il-mistrieħ minn kull naħa.
Il-mewt ta' Ġosafat
[2Kron:20:31] U Ġosafat saltan fuq Ġuda; ħamsa u tletin sena kellu meta beda 
jsaltan, u saltan ħamsa u għoxrin sena f'Ġerusalemm; ommu kien jisimha Għażuba 
bint Silħi. [2Kron:20:32] U mexa fit-triq ta' missieru Asa bla ma tbiegħed xejn 
minnha, u għamel dak li jogħġob lill-Mulej. [2Kron:20:33] Imma ma qeridx 
is-santwarji u l-poplu kien għadu ma dawwarx qalbu lejn Alla ta' missirijiethom. 
[2Kron:20:34] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġosafat, mill-bidu sa l-aħħar, huma 
miktuba fil-Ktieb tal-Ġrajja ta' Ġeħu bin Ħanani, u mdaħħlin fi Ktieb is-Slaten 
ta' Iżrael. 
[2Kron:20:35] Wara dawn il-ġrajja Ġosafat, sultan ta' Ġuda, issieħeb ma' 
Aħażija, sultan ta' Iżrael, li kien qiegħed jagħmel il-ħażin. [2Kron:20:36] 
Issieħeb miegħu biex jibnu iġfna li jmorru Tarsis, u bnew iġfna f'Għesjon-geber. 
[2Kron:20:37] Imma Eligħeżer bin Dodawa, minn Maresa, beda jħabbar kontra 
Ġosafat u jgħid: “Talli int isseħibt ma' Aħażija, qered il-Mulej kull ma 
għamilt.” U l-iġfna tkissru u ma setgħux imorru Tarsis.
21. [2Kron:21:1] U Ġosafat strieħ ma' missirijietu, u difnuh ma' missirijietu 
fil-belt ta' David, u daħal isaltan floku Ġeħoram, ibnu.
Is-saltna ta' Ġeħoram (849-843 QK )
[2Kron:21:2] Ġeħoram kellu ħutu, ulied Ġosafat: Għażarija, Ġeħijel, Żakkarija, 
Għażrijaħu, Mikiel u Sefatija. Dawn kollha wlied Ġosafat, sultan ta' Iżrael. 
[2Kron:21:3] Missierhom kien tahom ħafna rigali, fidda, u deheb, u ħwejjeġ 
prezzjużi, u bliet iffortifikati f'Ġuda, imma s-saltna taha lil Ġeħoram, għax 
kien il-kbir. 
[2Kron:21:4] Meta Ġeħoram ħa s-saltna ta' missieru u ssaħħaħ sewwa, qatel lil 
ħutu kollha bix-xabla u lil xi wħud mill-prinċpijiet ta' Iżrael ukoll. 
[2Kron:21:5] Kellu tnejn u tletin sena meta Ġeħoram laħaq sultan, u saltan għal 
tmien snin f'Ġerusalemm. [2Kron:21:6] U qabad l-istess triq tas-slaten ta' 
Iżrael bħalma kienu għamlu dawk tad-dar ta' Aħab; għax kellu b'martu lil bint 
Aħab; u għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej. [2Kron:21:7] Imma l-Mulej ma riedx 
jeqred id-dar ta' David minħabba l-patt li kien għamel ma' David, u billi kien 
wiegħdu li jħallilu xrara għal dejjem, lilu u lil uliedu. [2Kron:21:8] Fi żmienu 
l-Edumin qamu kontra l-ħakma ta' Ġuda, u għamlu sultan għalihom. [2Kron:21:9] U 
Ġeħoram telaq bil-kmandanti u l-karrijiet kollha miegħu; u qam billejl u kisser 
lil Edom, li kienu dawwru lilu u l-kmandanti bil-karrijiet. [2Kron:21:10] Imma 
Edom ħeles minn idejn Ġuda sa llum. Mbagħad f'dak iż-żmien stess ħelset Libna 
wkoll minn taħt idejh, għax kien telaq lill-Mulej, Alla ta' missirijietu.
[2Kron:21:11] Saħansitra bena s-santwarji fuq l-għoljiet ta' Ġuda, u waqqa' 
fiż-żína lin-nies ta' Ġerusalemm, u xeħet lil Ġuda fid-dnub.
Elija jħabbar il-pesta
[2Kron:21:12] U waslitlu ittra mingħand Elija, il-profeta, fejn qallu: “Dan 
jgħid il-Mulej, Alla ta' David missierek: 'Talli int ma mxejtx fit-triqat ta' 
Ġosafat missierek, u fi triqat Asa, sultan ta' Ġuda, [2Kron:21:13] imma mxejt 
fit-triqat tas-slaten ta' Iżrael, u waqqajt fiż-żína lil Ġuda u n-nies ta' 
Ġerusalemm, bħalma waqqgħethom fiż-żína d-dar ta' Aħab, u qtilt ukoll lil ħutek, 
id-dar ta' missierek, li kienu aħjar minnek, [2Kron:21:14] ara, il-Mulej issa se 
jolqot bi flaġell kbir sewwa l-poplu tiegħek, 'l uliedek u n-nisa tiegħek, u 
kull ma għandek. [2Kron:21:15] U int tirkbek marda qalila, marda f'imsarnek 
sakemm joħorġu barra msarnek minħabba l-marda minn jum għal ieħor.' ” 
[2Kron:21:16] U l-Mulej qajjem kontra Ġeħoram il-korla tal-Filistin u ta' 
l-Għarab li jgħammru ħdejn il-Kusin, [2Kron:21:17] u telgħu kontra Ġuda, daħlu 
ġo fih u ħatfu l-ġid kollu li sabu f'dar is-sultan, u 'l uliedu u n-nisa tiegħu, 
u ma baqagħlu ebda tifel ħlief Ġeħowaħaż, l-iżgħar fost uliedu.
[2Kron:21:18] Wara dan kollu l-Mulej bagħatlu marda bla fejqan f'imsarnu. 
[2Kron:21:19] U ġara li jum wara ieħor, meta kienu għoddhom għaddew sentejn, 
ħarġulu msarnu barra minħabba l-marda li kellu, u miet b'uġigħ qalil. U l-poplu 
m'għamillux ħuġġieġa bħalma għamel ma' missirijietu. [2Kron:21:20] Kellu tnejn u 
tletin sena meta beda jsaltan, u għal tmien snin saltan f'Ġerusalemm. U mar bla 
ma tħassruh, u difnuh fil-belt ta' David, iżda mhux fl-oqbra tas-slaten.
22. Aħażija sultan ta' Ġuda ( 843 QK )
[2Kron:22:1] U n-nies ta' Ġerusalemm għamlu sultan floku lil Aħażija, ibnu 
ż-żgħir, għax l-oħrajn ta' qablu kollha qatlithom il-ġgajta li kienet daħlet ma' 
l-Għarab fil-kamp. U Aħażija bin Ġeħoram sar sultan ta' Ġuda. [2Kron:22:2] Kellu 
tnejn u erbgħin sena Aħażija meta beda jsaltan, u saltan għal sena f'Ġerusalemm. 
Ommu kien jisimha Għatalija bint Għomri. [2Kron:22:3] U hu wkoll qabad it-triq 
ta' dar Aħab, għax ommu kienet tagħtih pariri ħżiena. [2Kron:22:4] U għamel 
il-ħażin f'għajnejn il-Mulej bħad-dar ta' Aħab, għax wara l-mewt ta' missieru, 
kienu huma li kienu l-kunsillieri tiegħu għall-qerda tiegħu. [2Kron:22:5] Kien 
ukoll fuq il-parir tagħhom li qabad, u mar ma' Ġeħoram bin Aħab, sultan ta' 
Iżrael, biex jitqabad ma' Ħażajel, sultan ta' Aram f'Ramot-gilgħad. Imma 'l 
Ġoram darbuh l-Aramin. [2Kron:22:6] U hu raġa’ lura f’Ġeżragħel biex jiddewwa 
mill-ġrieħi li għamlulu f'Rama hu u jitqabad kontra Ħażajel, sultan ta' Aram. U 
Aħażija bin Ġeħoram, sultan ta' Ġuda, niżel jara lil Ġoram bin Aħab f’Ġeżragħel, 
għax kien marid.
Ġeħu joqtol lil Aħażija
[2Kron:22:7] Minn Alla kien ġej li Aħażija mar jara lil Ġoram, u hemm sab 
il-qerda tiegħu. Malli wasal ħareġ ma' Ġeħoram kontra Ġeħu bin Nimsi, li l-Mulej 
kien ikkonsagrah biex ikisser id-dar ta' Aħab; [2Kron:22:8] u ġara li wara li 
Ġeħu kien għamel il-kontijiet mad-dar ta' Aħab, sab il-prinċpijiet ta' Ġuda u 
wlied ħut Aħażija, li kienu jservu lil Aħażija, u qatilhom. [2Kron:22:9] Mbagħad 
beda jfittex lil Aħażija u sabu f'Samarija, fejn kien moħbi; u ġibuh quddiem 
Ġeħu, u qatluh, u difnuh, għax, qalu, dan hu bin Ġosafat, li kien ifittex 
il-Mulej b'qalbu kollha. U ma kien fadal ħadd mid-dar ta' Aħażija li seta' jżomm 
is-saltna sħiħa.
Il-qerda tal-familja rjali
[2Kron:22:10] U Għatalija, omm Aħażija, malli rat li miet binha, qamet u qerdet 
in-nisel kollu tas-saltna tad-dar ta' Ġuda. [2Kron:22:11] Imma Ġeħosabat bint 
is-sultan ħadet lil Ġowas bin Aħażija, ħatfitu minn nofs ulied is-sultan, li 
kienu lesti għal l-mewt, u qegħditu flimkien ma' l-imraddgħa tiegħu fil-kmamar 
tas-sodod. Hekk ħbietu Ġeħosabat, bint is-sultan Ġeħoram, mart il-qassis il-kbir 
Ġeħojada, li kienet oħt Aħażija, minn quddiem għajnejn Għatalija; u hekk din ma 
qatlitux. [2Kron:22:12] U dam magħhom moħbi fid-dar ta' Alla għal sitt snin, 
filwaqt li Għatalija kienet issaltan fuq il-pajjiż.
23. Ir-rewwixta
[2Kron:23:1] Fis-seba' sena, Ġeħojada għamel il-qalb u bagħat iġib kapijiet 
tal-mija: Għażarija bin Ġeroħam, Ismagħel bin Ġeħoħanan, Għażarija bin Għobed, 
Magħxija bin Għadajja, u Elisafat bin Żikri, u daħal f'patt magħhom. 
[2Kron:23:2] Daru ma' Ġuda kollu u ġabru l-Leviti mill-ibliet kollha ta'Ġuda, u 
l-kapijiet tal-familji ta' Iżrael, u ġew Ġerusalemm. [2Kron:23:3] U l-ġemgħa 
kollha ntrabtet b'patt mas-sultan f'dar Alla u qalilhom Ġeħojada: “Hawn hu bin 
is-sultan! Ħa jsaltan bħalma qal il-Mulej dwar ulied David. [2Kron:23:4] Dan li 
għandkom tagħmlu. Terz minnkom li tkunu għassa s-Sibt, qassisin u Leviti, 
oqogħdu ħdejn l-għetiebi tal-bibien; [2Kron:23:5] terz ieħor ħdejn il-palazz 
tas-sultan, u t-terz l-ieħor f'bieb Sur. U l-poplu kollu fil-bitħa ta' dar 
il-Mulej. [2Kron:23:6] U ħadd ma jidħol f'dar il-Mulej, ħlief il-qassisin u 
l-Leviti li jkunu fis-servizz; jidħlu huma biss għax huma kkonsagrati. U l-poplu 
kollu għandu jħares l-ordnijiet tal-Mulej. [2Kron:23:7] U l-Leviti jduru madwar 
is-sultan dawramejt, kulħadd bl-armi f'idu; u kull min jipprova jidħol fid-dar 
oqtluh. Ibqgħu mas-sultan, jidħol jew joħroġ.” 
[2Kron:23:8] U l-Leviti u l-poplu kollu ta' Ġuda għamlu kull ma ordnalhom 
Ġeħojada, il-qassis, u kull wieħed ħa n-nies tiegħu - sew dawk li kienu deħlin 
is-Sibt sew dawk li kienu ħerġin is-Sibt, għax Ġeħojada, il-qassis, ma ħalla 
ebda taqsima toħroġ. [2Kron:23:9] U Ġeħojada, il-qassis, ta lill-kapijiet 
tal-mija l-lanez, it-tarkiet il-kbar u t-tarkiet iż-żgħar tas-sultan David, li 
kien hemm fid-dar ta' Alla. [2Kron:23:10] Mbagħad qassam il-poplu kollu, kull 
wieħed bl-armi f'idu, min-naħa ta' nofsinhar tat-tempju għan-naħa 
tat-tramuntana, kollha jħarsu lejn l-artal u t-tempju madwar is-sultan. 
[2Kron:23:11] Mbagħad ħarġu 'l bin is-sultan, u xeddewlu l-kuruna u tawh 
il-proklama u hekk għamluh sultan; u dilkuh Ġeħojada u wliedu, u bdew jgħajjtu: 
“Viva s-Sultan”.
Il-qtil ta' Għatalija
[2Kron:23:12] U Għatalija, malli semgħet l-għajta tal-poplu jiġri u jfaħħar 
lis-sultan, marret għal fuq il-folla f'dar il-Mulej. [2Kron:23:13] U ħarset, u 
hemm kien is-sultan wieqaf fuq tribuna ħdejn id-dħul; u maġenb is-sultan 
il-prinċpijiet, u t-trumbettieri u l-poplu kollu tal-pajjiż kien ferħan u jdoqq 
it-trumbetti, filwaqt li l-kantanti bl-istrumenti tagħhom imexxu l-kant ta' 
tifħir. U Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u bdiet tgħajjat: “Tradiment, Tradiment”.
[2Kron:23:14] U Ġeħojada l-qassis ħareġ il-kapijiet tal-mija u l-fizzjali ta' 
l-eżerċtu u qalilhom: “Oħorġuha 'l barra mill-palazz bejn żewġ fillieri, u kull 
min imur warajha, agħtuh il-mewt bix-xabla.” Għax il-qassis kien qal: “La 
toqtluhiex f'dar il-Mulej.” [2Kron:23:15] U kif waslet fid-daħla taż-żwiemel 
għal ġewwa l-palazz tas-sultan, meddew idejhom fuqha u qatluha hemmhekk. 
[2Kron:23:16] U għamel Ġeħojada patt bejnu u bejn il-poplu kollu, u bejn 
is-sultan, li jkunu l-poplu tal-Mulej. [2Kron:23:17] U l-poplu kollu mar 
fit-tempju ta' Bagħal , u ġarrfuh u farrku għal kollox l-artali u x-xbihat 
tiegħu; u 'l Mattan, qassis ta' Bagħal, qatluh quddiem l-artali. [2Kron:23:18] U 
Ġeħojada, il-qassis, ħalla s-servizzi tat-tempju tal-Mulej f'idejn il-qassisin u 
l-Leviti, li David kien qassam fit-tempju tal-Mulej, biex joffru s-sagrifiċċji 
tal-ħruq lill-Mulej - kif inhu miktub fil-Liġi ta' Mosè - b'kant ferrieħi skond 
l-ordnijiet ta' David. [2Kron:23:19] Qiegħed ukoll purtinara fil-bibien 
tat-tempju tal-Mulej biex ebda ħaġa mniġġsa ma tidħol. [2Kron:23:20] Mbagħad ħa 
l-kapijiet tal-mija u l-kbarat u n-nies li kellhom xi setgħa fuq il-poplu, u 
l-poplu kollu tal-pajjiż, u niżżlu s-sultan mit-tempju tal-Mulej; u għaddewh 
mill-Bieb il-Kbir għall-palazz tas-sultan, u qegħduh fuq it-tron tas-saltna. 
[2Kron:23:21] Feraħ il-poplu kollu tal-pajjiż, u l-belt strieħet, u lil 
Għatalija qatluha bix-xabla. 
24. Is-saltna ta' Ġowas ( 838-800 QK )
[2Kron:24:1] Seba' snin kellu Ġowas meta sar sultan, u dam erbgħin sena jsaltan 
f'Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Sibja minn Birsaba. [2Kron:24:2] U Ġowas 
għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej sakemm dam ħaj Ġeħojada, il-qassis. 
[2Kron:24:3] U Ġeħojada sablu żewġ nisa, u kellu subjien u bniet.
It-tiġdid tat-tempju
[2Kron:24:4] Wara dan Ġowas ġieh f'moħħu li jirrestawra t-tempju tal-Mulej, 
[2Kron:24:5] u ġabar il-qassisin u l-Leviti u qalilhom: “Oħorġu fl-ibliet ta' 
Ġuda u iġbru l-flus mingħand Iżrael kollu biex insewwu t-tempju ta' Alla tagħkom 
minn sena għal sena, u qisu li tgħaġġlu f'din il-ħaġa.” Imma l-Leviti ma għaġġlu 
xejn. [2Kron:24:6] Għalhekk is-sultan sejjaħ lil Ġeħojada, il-kap, u qallu: 
“Għaliex ma ħadtx ħsieb li l-Leviti jġibu minn Ġuda u minn Ġerusalemm it-taxxa 
ordnata minn Mosè, il-qaddej tal-Mulej, lill-ġemgħa ta' Iżrael għat-tinda 
tax-xhieda miktuba?” [2Kron:24:7] Għax Għatalija, il-mara l-ħażina, u wliedha 
għamlu l-ħsara fit-tempju ta' Alla, u saħansitra nqdew bl-offerti mqaddsa 
għas-servizz tal-Bagħlim. 
[2Kron:24:8] Mbagħad ordnalhom is-sultan u għamlu senduq u qegħduh barra ħdejn 
il-bieb tat-tempju. [2Kron:24:9] U għamlu sejħa f'Ġuda u f'Ġerusalemm biex iġibu 
lill-Mulej it-taxxa li Mosè, il-qaddej ta' Alla, kien ordna lil Iżrael 
fid-deżert.
[2Kron:24:10] U ferħu l-prinċpijiet kollha u l-poplu kollu, u ġiebu l-flus u 
xeħtuhom fis-senduq sakemm imtela. [2Kron:24:11] Meta mbagħad kienu jieħdu 
s-senduq għand l-uffiċjali tas-sultan permezz tal-Leviti, u meta kienu jaraw li 
kien hemm ħafna flus, kien jiġi s-segretarju tas-sultan u l-ispettur tal-qassis 
kap, u jbattlu s-senduq u jerġgħu jqegħduh f'postu. U hekk kienu jagħmlu minn 
jum għal ieħor. U ġabru ħafna flus. [2Kron:24:12] U s-sultan u Ġeħojada tawhom 
lin-nies tas-sengħa li kellhom f'idejhom ix-xogħol tat-tempju tal-Mulej. U huma 
qabbdu bennejja u mastrudaxxi biex isewwu t-tempju tal-Mulej, u nies imħarrġa 
fix-xogħol tal-ħadid u l-bronż, biex isaħħu dar il-Mulej. [2Kron:24:13] U 
l-ħaddiema ħadmu, u x-xogħol tat-tiswija tala' f'idejhom, u waqqfu mill-ġdid 
it-tempju ta' Alla kif kellu jkun u ssudawh. [2Kron:24:14] U meta temmew 
ix-xogħol, ġiebu quddiem is-sultan u Ġeħojada l-flus li kien fadal, u bihom 
għamlu tagħmir għat-tempju tal-Mulej, tagħmir għas-servizz u għas-sagrifiċċji 
tal-ħruq, u bwieqi għal l-inċens, u oġġetti oħra tad-deheb u l-fidda. U kienu 
joffru dejjem sagrifiċċji fit-tempju tal-Mulej, sakemm baqa' ħaj Ġeħojada. 
[2Kron:24:15] Ġeħojada xjieħ u mtela bl-għomor, u miet; kellu mija u tletin sena 
meta miet. [2Kron:24:16] U difnuh fil-belt ta' David mas-slaten, għax għamel 
is-sewwa f'Iżrael ma' Alla u t-tempju tiegħu. 
[2Kron:24:17] Meta miet Ġeħojada l-prinċpijiet ta' Ġuda marru jsellmu lis-sultan 
b'wiċċhom fl-art, u mbagħad is-sultan tahom widen. [2Kron:24:18] Huma ħallew 
it-tempju tal-Mulej, Alla ta' missirijiethom, u marru jaqdu x-xbihat ta' l-Asera 
u l-idoli. U l-korla tal-Mulej xegħlet kontra Ġuda u Ġerusalemm minħabba din 
il-ħtija tagħhom. [2Kron:24:19] Hu bagħat profeti biex ireġġgħuhom lura għand 
il-Mulej; dawn widdbuhom, iżda huma ma tawx widen. [2Kron:24:20] Mbagħad 
l-ispirtu ta' Alla mela ruħ Żakkarija, bin il-qassis Ġeħojada, u qam f'nofs 
il-poplu u kellimhom hekk: “Dan jgħid Alla: 'Għala qegħdin tiksru l-kmandamenti 
tal-Mulej? Għalhekk ma tistgħux issibu riżq. Intom tlaqtu lill-Mulej, u hu telaq 
lilkom.' ” [2Kron:24:21] Iżda huma ftiehmu bejniethom, u bl-ordni tas-sultan 
ħaġġruh fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej. [2Kron:24:22] Is-sultan Ġowas nesa l-ġid 
li Ġeħojada, missier Żakkarija, kien għamel miegħu, qatillu lil ibnu li, hu u 
jmut, qal: “Ħa jara l-Mulej, u jitlob il-kont hu.”
Il-mewt ta' Ġowas
[2Kron:24:23] Ġara li f'għeluq is-sena, l-eżerċtu ta' Aram tala' għal Ġowas, 
daħlu f'Ġuda u f'Ġerusalemm, u qerdu mill-poplu l-prinċpijiet kollha tiegħu, u 
bagħtu l-priża tagħhom kollha lis-sultan f'Damasku. [2Kron:24:24] Għad li 
l-eżerċtu ta' Aram ġie bi ftit nies, il-Mulej telaq f'idejhom l-eżerċtu kbir 
ħafna, għaliex kienu telqu l-Mulej, Alla ta' missirijiethom. B'hekk għamlu ħaqq 
minn Ġowas. [2Kron:24:25] U wara li telqu minn ħdejh u ħallewh midrub sewwa, 
il-qaddejja tiegħu għamlu konfoffa kontrih biex jitħallsu minnu talli kien 
xerred demm bin Ġeħojada, il-qassis; u qatluh f'soddtu u hekk miet. U difnuh 
fil-belt ta' David, imma mhux fl-oqbra tas-slaten.
[2Kron:24:26] Dawk li kienu kkonfoffaw kontrih kienu: Żabad bin Simgħat, 
l-Għammonija; u Ġeħożabad bin Simrit, il-Mowabija. [2Kron:24:27] Dwar uliedu, 
l-orakli kontra tiegħu u t-tiġdid tat-tempju ta' Alla, kollox hu miktub 
fit-tagħlim tal-Ktieb tas-Slaten.
U Amasija, ibnu, beda jsaltan floku.
Is-saltna ta' Amasija (800-783 QK )
[2Kron:25:1] Amasija kellu ħamsa u għoxrin sena meta beda jsaltan; u saltan 
f'Ġerusalemm għal disgħa u għoxrin sena u ommu kien jisimha Ġeħogħaddan minn 
Ġerusalemm. [2Kron:25:2] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej, imma mhux 
b'qalbu kollha. 
[2Kron:25:3] Ġara li, malli saħħaħ is-saltna f'idejh, qatel il-qaddejja tiegħu 
li kienu qatlu lis-sultan missieru; [2Kron:25:4] imma lil uliedhom ma qatilhomx, 
skond ma hemm miktub fil-liġi fil-Ktieb ta' Mosè fejn il-Mulej ordna u qal: “Ma 
jmutux il-missirijiet għall-ulied, u l-ulied ma jmutux għall-missirijiet, imma 
kulħadd imut għal dnubu.”
Il-gwerra kontra Edom
[2Kron:25:5] U Amasija ġabar 'il Ġuda, u qassamhom skond id-djar ta' 
missirijiethom, bil-fizzjali ta' l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet għal Ġuda u 
Benjamin kollha; u għaddhom ilkoll minn għoxrin sena 'l fuq, u sab li kien hemm 
tliet mitt elf ruħ magħżula, tajbin għall-gwerra, li kellhom il-ħila jużaw 
il-lanza u t-tarka. [2Kron:25:6] U qabbad mitt elf gwerrier qalbieni minn Iżrael 
b'mitt talent tal-fidda. 
[2Kron:25:7] U ġie għandu bniedem ta' Alla u qallu: “O Sultan, tħallix jiġi 
miegħek l-eżerċtu ta' Iżrael għax il-Mulej m'huwiex ma' Iżrael, lkoll ulied 
Efrajm. [2Kron:25:8] Imma jekk inti tmur, agħmel il-ħila u tqabad waħdek, 
inkella Alla jixħtek fl-art quddiem l-għedewwa tiegħek, għax Alla għandu l-ħila 
li jgħin jew ifixkel.” [2Kron:25:9] U Amasija wieġeb lill-bniedem ta' Alla: “U 
x'nagħmel għall-mitt talent li tajt għall-eżerċtu ta' Iżrael?” U l-bniedem ta' 
Alla wieġbu: “Il-Mulej jista' jagħtik ħafna aktar minn dan.” [2Kron:25:10] 
Mbagħad Amasija bagħat lura l-eżerċtu li kien ġie għandu minn Efrajm. U xegħlu 
bl-għadab għal Ġuda, u marru lura f'pajjiżhom b'dagħdigħa u saħna fuqhom. 
[2Kron:25:11] U Amasija għamel il-qalb, u ħareġ bin-nies tiegħu, u telaq lejn 
Wied il-Melħ, u darab għaxart elef minn ulied Xegħir. [2Kron:25:12] U wlied Ġuda 
qabdu għaxart elef oħra ħajjin, u ħaduhom fuq il-quċċata ta' blata, u waddbuhom 
għal isfel minn fuq il-quċċata tal-blata, u tfarrku lkoll. [2Kron:25:13] U 
n-nies ta' l-eżerċtu, li Amasija kien bagħat lura biex ma jmorrux miegħu 
għall-gwerra, nxteħtu għal fuq l-ibliet ta' Ġuda mis-Samarija sa Bet-ħoron, u 
qatlu tlitt elef ruħ, u qabdu priża kbira.
[2Kron:25:14] Ġara li wara li Amasija kien ġie lura mill-qerda ta' l-Edumin, 
ġieb l-allat ta' wlied Xegħir u għamilhom allat tiegħu, u beda jadurahom u 
jaħraq l-inċens quddiemhom. [2Kron:25:15] U l-Mulej xegħel bil-korla għal 
Amasija, u bagħatlu profeta u qallu: “Għaliex fittixt l-allat tal-poplu li ma 
rnexxilhomx jeħilsu l-poplu tagħhom minn idejk?” [2Kron:25:16] Hu u jitkellem, 
Amasija qallu: “Jaqaw għamilniek kunsillier tas-sultan? Biżżejjed! Għax tridhom 
joqtluk?” U l-profeta ma tkellimx aktar, imma qallu: “Naf li Alla għamel 
il-ħsieb li jeqirdek għax għamilt dan, u ma smajtx mill-parir tiegħi.”
Gwerra bejn Ġuda u Iżrael
[2Kron:25:17] Mbagħad Amasija, sultan ta' Ġuda, ħa parir u bagħat jgħid lil 
Ġowas bin Ġeħowaħaż, bin Ġeħu, sultan ta' Iżrael: “Ejja ħa niltaqgħu wiċċ 
imbwiċċ.” [2Kron:25:18] U Ġowas, is-sultan ta' Iżrael, bagħat jgħid lil Amasija, 
sultan ta' Ġuda, u qallu: “Il-ħorfox tal-Libanu bagħat jgħid liċ- ċedru li hemm 
fil-Libanu u qallu: 'Agħtini 'l bintek għal ibni b'martu.' Imma għaddew 
il-bhejjem selvaġġi li hemm fil-Libanu u għaffġu l-ħorfox. [2Kron:25:19] Int 
għedt: 'Ara, jien kissirt lil Edom,' u qalbek tkabbret bil-glorja! Issa oqgħod 
f'darek. Għaliex tistieden il-gwaj biex titlef, int u Ġuda miegħek?” 
[2Kron:25:20] Imma Amasija ma semax; għax minn Alla kien ġej li jagħtihomlu 
f'idejh, għax kienu fittxew lill-allat ta' Edom. 
[2Kron:25:21] U Ġowas, sultan ta' Iżrael, tala' u ltaqgħu wiċċ imbwiċċ, hu u 
Amasija, sultan ta' Ġuda, f'Bet-xemex li hemm f'Ġuda. [2Kron:25:22] U Ġuda 
tħarbat quddiem Iżrael, u ħarbu, kulħadd lejn l-għarix tiegħu. [2Kron:25:23] U 
Ġowas, sultan ta' Iżrael, qabad f'idejh lil Amasija, sultan ta' Ġuda, bin Ġowas, 
bin Aħażija, f'Bet-xemex u ġiebu f'Ġerusalemm. Hemm fetaħ tiċrita ta' erba' mitt 
driegħ fil-ħajt ta' Ġerusalemm minn bieb Efrajm sal-bieb tal-kantuniera. 
[2Kron:25:24] U ħa d-deheb kollu, u l-fidda, u t-tagħmir kollu li kien jinsab 
fit-tempju ta' Alla, li kienu għand Għobededom, u t-teżori tal-palazz tas-sultan 
flimkien ma' xi rġiel b'rahan, u raġa’ lura lejn Samarija. 
[2Kron:25:25] U Amasija bin Ġowas, sultan ta' Ġuda, għex ħmistax-il sena wara 
l-mewt ta' Ġowas bin Ġeħowaħaż, sultan ta' Iżrael. [2Kron:25:26] U l-bqija 
tal-ġrajja ta' Amasija, mill-bidu sa l-aħħar, jinsabu miktuba fi Ktieb is-Slaten 
ta' Ġuda u Iżrael. [2Kron:25:27] U mindu warrab Amasija minn wara l-Mulej, 
għamlu konfoffa kontra tiegħu f'Ġerusalemm, u hu ħarab lejn Lakis, u bagħtu nies 
warajh f'Lakis u qatluh hemm. [2Kron:25:28] Ġarrewh fuq iż-żwiemel, u difnuh ma' 
missirijietu fil-belt ta' Ġuda.
26. Is-saltna ta' Għużżija (784-743 QK )
[2Kron:26:1] U l-poplu kollu ta' Ġuda qabad lil Għuzzija, li kellu sittax-il 
sena, u għamluh sultan flok missieru Amasija. [2Kron:26:2] Hu bena Elat, u 
ġiebha lura lil Ġuda, wara li strieħ is-sultan ma' missirijietu. 
[2Kron:26:3] Sittax-il sena kellu Għuzzija meta beda jsaltan, u saltan għal 
tnejn u ħamsin sena f'Ġerusalemm. Ommu kien jisimha Ġekalija minn Ġerusalemm. 
[2Kron:26:4] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej bħalma kien għamel Amasija 
missieru. [2Kron:26:5] Kien ifittex lil Alla sakemm dam ħaj Żakkarija, li kien 
jgħallmu jibża' minn Alla. U sakemm dam ifittex il-Mulej, Alla kien jagħtih 
ir-riżq. 
[2Kron:26:6] U ħareġ jitqabad mal-Filistin, u fetaħ tiċrita fil-ħitan ta' Gatt, 
u fil-ħitan ta' Ġabni, u fil-ħitan ta' Asdod; u bena bliet f'Asdod u bnadi oħra 
fost il-Filistin. [2Kron:26:7] U Alla kien jgħinu kontra l-Filistin u kontra 
l-Għarab li kienu jgħammru f'Gur-bagħal, u kontra l-Megħunin. [2Kron:26:8] U 
l-Għammonin kienu jħallsu t-tribut lil Għuzzija, u ismu wasal sa l-Eġittu, għax 
tqawwa fuq li tqawwa. 
[2Kron:26:9] U Għuzzija bena torrijiet f'Ġerusalemm fuq il-bieb tal-kantuniera, 
u fuq il-bieb tal-wied, u fil-kantuniera tas-sur, u ffortifikahom. [2Kron:26:10] 
Bena wkoll fortizzi fid-deżert, u ħaffer ħafna bjar, għax kellu ħafna mrieħel, 
sew fis-Sefela sew fl-għoljiet, u ħaddiema fir-raba' u ħaddiema fid-dwieli fuq 
l-għoljiet u fl-oqsma għammiela; għax kien iħobb ir-raba'.
[2Kron:26:11] U kellu wkoll Għuzzija eżerċtu ta' nies lesti għall-gwerra; kienu 
joħorġu qatgħa qatgħa, mqassmin skond l-għadd li għamel permezz ta' Ġegħijel 
il-kittieb, u Magħxija l-uffiċjal, taħt it-tmexxija ta' Ħananija, wieħed 
mill-uffiċjali tas-sultan. [2Kron:26:12] L-għadd kollu tal-kapijiet tal-familji 
tal-gwerriera qalbiena kien ta' elfejn u sitt mitt ruħ. [2Kron:26:13] Taħt 
idejhom kellhom eżerċtu ta' tliet mija u sebat elef u ħames mitt ruħ, kapaċi 
jitqabdu b'ħila kbira biex jgħinu lis-sultan kontra l-għedewwa tiegħu. 
[2Kron:26:14] U dan l-eżerċtu kollu Għuzzija armah b'tarkiet, lanez, elmijiet, 
kurazzi, qwas u ġebel għall-iżbandoli. [2Kron:26:15] F'Ġerusalemm imbagħad 
għamel inġenji, maħsuba min-nies tas-sengħa, għal fuq it-torrijiet u għal fuq 
il-kantunieri tas-swar biex iwaddbu vleġeġ u ġebel kbir. Hekk ismu xtered sa 
fil-bogħod, għax kellu għajnuna ta' l-għaġeb sa ma tqawwa sewwa.
Id-dnub u l-kastig ta' Għuzzija
[2Kron:26:16] Imma malli tqawwa, qalbu tkabbret sa tħassar, u dineb kontra 
l-Mulej, Alla tiegħu, u daħal fis-santwarju tal-Mulej biex jaħraq l-inċens fuq 
l-artal ta' l-inċens. [2Kron:26:17] U mar warajh Għażarija, il-qassis, b'xi 
qassisin tal-Mulej miegħu, tmenin raġel qalbieni. [2Kron:26:18] U waqfu quddiem 
Għuzzija, is-sultan, u qalulu: “Ma jmissx lilek, Għuzzija, li taħraq l-inċens 
lill-Mulej, iżda lill-qassisin, ulied Aron, ikkonsagrati biex jaħirqu l-inċens. 
Oħroġ 'il barra mis-santwarju, għax int dnibt u dan ma jagħmillek ebda ġieħ 
quddiem il-Mulej Alla.” 
[2Kron:26:19] U Għuzzija, li kellu f'idu ċ-ċensier għall-ħruq ta' l-inċens, 
xegħel bil-korla, u kif kien imdagħdagħ mal-qassisin, tfaċċat l-lebbra fuq ġbinu 
quddiem il-qassisin fid-dar tal-Mulej, ħdejn l-artal ta' l-inċens. 
[2Kron:26:20] U dar lejh Għażarija, il-qassis il-kbir, u l-qassisin kollha, u 
rawh bil-lebbra fuq ġbinu, u warrbuh minn hemm minnufih u hu stess fittex joħroġ 
għax il-Mulej kien darbu. 
[2Kron:26:21] U s-sultan Għuzzija baqa' marid bil-lebbra sa ma miet, u kien 
jgħammar f'dar ta' lebbruż maqtugħa għaliha, għax kien maqtugħ minn dar 
il-Mulej; u Ġotam, ibnu, kien jieħu ħsieb il-palazz u jamministra l-ġustizzja 
lill-poplu tal-pajjiż. 
[2Kron:26:22] U l-bqija tal-ġrajja ta' Għuzzija, mill-bidu sa l-aħħar, kitibhom 
il-profeta Isaija bin Għamos. [2Kron:26:23] U strieħ Għuzzija ma' missirijietu, 
u difnuh ma' missirijietu fl-għalqa ta' l-oqbra tas-slaten, għax qalu: “Hu marid 
bil-lebbra.” U beda jsaltan floku ibnu Ġotam.
27. Is-saltna ta' Ġotam ( 742-735 QK )
[2Kron:27:1] Kellu ħamsa u għoxrin sena Ġotam meta beda jsaltan, u dam isaltan 
sittax-il sena f'Ġerusalemm; u ommu kien jisimha Ġerusa bint Sadok. [2Kron:27:2] 
U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej bħalma kien għamel Għuzzija, missieru. 
Biss ma daħalx fis-santwarju tal-Mulej u l-poplu kompla jitħassar. [2Kron:27:3] 
Huwa bena l-Bieb il-Kbir tat-tempju tal-Mulej, u bena ħafna fis-swar ta' 
l-Għofel. [2Kron:27:4] Bena wkoll bliet fuq l-għoljiet ta' Ġuda; u fil-foresti 
bena fortizzi u torrijiet. [2Kron:27:5] U tqabad ukoll mas-sultan ta' wlied 
Għammon, u għalibhom; u tawh ulied Għammon dik is-sena mitt talent tal-fidda u 
għaxart elef kor qamħ u għaxart elef oħra xgħir. Dan it-tribut ġibuhulu wlied 
Għammon fit-tieni u t-tielet sena wkoll. [2Kron:27:6] U Ġotam kompla ssaħħaħ 
għax żamm sewwa fi triqtu quddiem il-Mulej, Alla tiegħu. 
[2Kron:27:7] Il-bqija tal-ġrajja ta' Ġotam, u l-gwerer u l-imġiba kollha tiegħu 
huma miktuba fi Ktieb is-Slaten ta' Iżrael u Ġuda. [2Kron:27:8] Kellu ħamsa u 
għoxrin sena meta beda jsaltan, u dam isaltan sittax-il sena f'Ġerusalemm. 
[2Kron:27:9] U strieħ Ġotam ma' missirijietu, u difnuh fil-belt ta' David; u 
daħal isaltan floku Aħaż ibnu.
28. Is-saltna ta' Aħaż ( 735-716 QK )
[2Kron:28:1] Għoxrin sena kellu Aħaż meta beda jsaltan, u dam isaltan sittax-il 
sena f'Ġerusalemm; u ma għamilx is-sewwa f'għajnejn il-Mulej, bħalma kien għamel 
David missieru. [2Kron:28:2] U qabad it-triq tas-slaten ta' Iżrael, u saħansitra 
għamel xbihat imdewwba lill-Bagħlim. [2Kron:28:3] U kien jaħraq l-inċens 
fil-wied ta' Ben-ħinnom, u kien jgħaddi lil uliedu min-nar skond id-drawwa kerha 
tal-ġnus, li l-Mulej kien keċċiehom minn quddiem ulied Iżrael. [2Kron:28:4] U 
offra sagrifiċċji u haraq l-inċens fuq l-għoljiet u l-għaqbiet, u taħt kull 
siġra tħaddar. 
[2Kron:28:5] Imma l-Mulej Alla tiegħu rħieh f'id is-sultan ta' Aram; kissruh u 
ħadulu ħafna priġunieri u ħaduhom Damasku. Kien mitluq ukoll f'idejn is-sultan 
ta' Iżrael, u dan tah xebgħa kbira. [2Kron:28:6] F'jum wieħed Pekaħ bin Remalija 
qatel mija u għoxrin elf ruħ f'Ġuda, lkoll nies ta' ħila, għax kienu telqu 
l-Mulej, Alla ta' missirijiethom. [2Kron:28:7] U Żikri, bniedem qalbieni minn 
Efrajm, qatel lil Magħxija bin is-sultan, u lil Għażrikam, l-inkarigat 
mill-palazz, u lil Elkana, it-tieni wara s-sultan. [2Kron:28:8] U wlied Iżrael 
ħadu mitejn elf ruħ priġunier minn ħuthom, nisa, subjien u bniet, u ħadulhom 
ukoll priża kbira, u ġiebu din il-priża f'Samarija. 
[2Kron:28:9] Hemm kien hemm profeta tal-Mulej, jismu Għoded, u ħareġ jiltaqa' 
ma' l-eżerċtu li kien wasal Samarija u qalilhom: “Araw, minħabba s-saħta tiegħu 
kontra Ġuda rħiehom f'idejkom il-Mulej, Alla ta' missirijietkom, u intom 
qtiltuhom b'qilla li waslet sas-sema. [2Kron:28:10] U issa intom ħsibtu biex 
tagħmlu lsiera tagħkom, rġiel u nisa, lil ulied Ġuda u Ġerusalemm. Jaqaw ma 
għandkomx intom ukoll dnubiet kontra l-Mulej, Alla tagħkom? [2Kron:28:11] Issa 
isimgħu minni, u ibagħtu lura l-priġunieri li intom qbadtu minn fost ħutkom, 
għax is-saħna tal-korla tal-Mulej hi fuqkom.” 
[2Kron:28:12] U qamu xi nies minn fost il-kapijiet ta' wlied Efrajm: Għażarija 
bin Ġoħanan, Barakija bin Mesillemot, Ħeżekija bin Sallum, u Għamaxa bin Ħadlaj 
għal dawk li kienu ġejjin mill-gwerra [2Kron:28:13] u qalulhom: “La ddaħħlux 
hawn il-priġunieri, għax nitgħabbew bid-dnub kontra l-Mulej. Intom qegħdin 
tfittxu biex iżżidu fuq ħtijietna u fuq dnubietna, meta dnubna diġà kbir 
biżżejjed u diġà hemm fuqna s-saħna tal-korla kontra Iżrael.” 
[2Kron:28:14] Mbagħad il-gwerriera telqu l-priġunieri u l-priża quddiem 
il-kapijiet u l-ġemgħa kollha. [2Kron:28:15] U qamu n-nies li kienu msejjħin 
b'isimhom u għamlu l-qalb lill-priġunieri, u libbsu lill-għarwenin bl-ilbies 
tal-priża, libbsuhom u xiddewlhom il-qrieq; temgħuhom u sqewhom u dilkuhom: u 'l 
dawk kollha li ma kinux jifilħu għabbewhom fuq il-ħmir u ħaduhom lejn Ġeriko, 
il-belt tat-tamar, ħdejn ħuthom, u mbagħad reġgħu lura lejn is-Samarija.
It-telf u l-mewt ta' Aħaż
[2Kron:28:16] Dak iż-żmien is-sultan Aħaż bagħat għand is-sultan ta' l-Assirja 
biex jgħinu. [2Kron:28:17] U l-Edumin ukoll ġew u ħabtu għal Ġuda u ħadu 
l-priġunieri. [2Kron:28:18] U l-Filistin għamlu ħerba mill-ibliet tas-Sefela u 
n-Negeb ta' Ġuda, u ħatfu f'idejhom lil Bet-xemex u Ajjalon, 'l Gederot, 'l Xoku 
bl-irħula tagħha, u 'l Timna bl-irħula tagħha u 'l Gimżu bl-irħula tagħha, u 
baqgħu fihom. [2Kron:28:19] Għax il-Mulej ġieb fix-xejn lil Ġuda minħabba Aħaż, 
sultan ta' Iżrael, għax ħalla 'l Ġuda jagħmlu li jridu, u mexa ta' infidil 
mal-Mulej.
[2Kron:28:20] U ġie għalih Tiglat-pileser, sultan ta' l-Assirja; imma minflok 
għenu, aktar għakksu. [2Kron:28:21] Għalkemm Aħaż neżża' t-tempju tal-Mulej u 
l-palazz tas-sultan u tal-prinċpijiet, u ta kollox lis-sultan ta' l-Assirja, 
minnu ma kellu ebda għajnuna. 
[2Kron:28:22] Madankollu mqar fi żmien l-għaks baqa' infidil lejn il-Mulej, hu, 
is-sultan Aħaż. [2Kron:28:23] Kien joffri s-sagrifiċċji lill-allat ta' Damasku, 
ta' dawk li kienu ħarbtuh, għax kien jgħid: “L-allat tas-slaten ta' Aram, lil 
dawn kienu jgħinuhom, għalhekk jien noffrilhom is-sagrifiċċji, ħalli jgħinuni.” 
Imma huma kienu l-qerda tiegħu u ta' Iżrael kollu. 
[2Kron:28:24] U Aħaż ġabar it-tagħmir kollu tat-tempju ta' Alla, u għamel 
bċejjeċ it-tagħmir tat-tempju ta' Alla, u sakkar il-bibien tat-tempju tal-Mulej, 
u għamel artali f'kull rokna ta' Ġerusalemm. [2Kron:28:25] U bena santwarji 
f'kull belt ta' Ġuda biex jaħarqu fuqhom l-inċens lil allat oħra, u hekk kompla 
saħħan il-korla tal-Mulej, Alla ta' missirijietu.
[2Kron:28:26] Il-bqija tal-ġrajja tiegħu u l-imġiba tiegħu kollha, mill-bidu sa 
l-aħħar, huma miktuba fi Ktieb is-Slaten ta' Ġuda u Iżrael. [2Kron:28:27] U Aħaż 
strieħ ma' missirijietu, u difnuh fil-belt f'Ġerusalemm, imma ma ħaduhx fl-oqbra 
tas-slaten ta' Iżrael; u daħal isaltan floku Ħeżekija, ibnu.
29. Is-saltna ta' Ħeżekija (716-687 QK )
[2Kron:29:1] Ħeżekija beda jsaltan meta kellu ħamsa u għoxrin sena u baqa' 
jsaltan Ġerusalemm għal disgħa u għoxrin sena, u ommu kien jisimha Abija, bint 
Żakkarija. [2Kron:29:2] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej bħal kull ma kien 
għamel David missieru. 
[2Kron:29:3] Fl-ewwel sena tas-saltna tiegħu, fl-ewwel xahar, fetaħ il-bibien 
tat-tempju tal-Mulej u sewwiehom. [2Kron:29:4] Ġieb il-qassisin u l-Leviti, u 
laqqagħhom fil-misraħ tal-lvant [2Kron:29:5] u qalilhom: “Isimgħuni, Leviti. 
Issa tqaddsu u qaddsu dar il-Mulej, Alla ta' missirijietkom, u oħorġu 'l barra 
t-tinġis mis-santwarju. [2Kron:29:6] Għax dinbu missirijietna, u għamlu l-ħażin 
f'għajnejn il-Mulej, Alla tagħna, telquh, u dawwru wiċċhom 'l hemm mill-għamara 
tal-Mulej, u tawh daharhom. [2Kron:29:7] U saħansitra sakkru l-bibien 
tal-portiku, tfew l-imnariet, u ma ħarqux aktar l-inċens, u ma offrewx aktar 
sagrifiċċji fis-santwarju lil Alla ta' Iżrael. [2Kron:29:8] Għalhekk għadab 
il-Mulej waqa' fuq Ġuda u Ġerusalemm, u għamel minnhom waħx u għaġeb u oġġett 
għat-tisfir, bħalma taraw b'għajnejkom. [2Kron:29:9] U araw, waqgħu 
missirijietna bix-xabla, u s-subjien u l-bniet u n-nisa tagħna spiċċaw fil-jasar 
minħabba dan. 
[2Kron:29:10] “Issa għamilt il-ħsieb li nagħmel patt mal-Mulej, Alla ta' Iżrael, 
biex iraġġa' lura s-saħna tiegħu 'l bogħod minna. [2Kron:29:11] Issa, uliedi, 
titnikkrux, għax il-Mulej għażilkom biex toqogħdu quddiemu u sservuh, u tkunu 
l-ministri tiegħu biex taħarqulu l-inċens.”
Il-Leviti jnaddfu t-tempju
[2Kron:29:12] U qamu l-Leviti: Maħat bin Għamaxaj, u Ġoel bin Għażarija, minn 
ulied il-Keħatin; u minn ulied Merari: Kis bin Għabdi u Għażarija bin 
Ġeħallelijel: u mill-Gersunin: Ġowaħ bin Żimma u Għeden bin Ġowaħ; [2Kron:29:13] 
minn ulied Elisafan: Simri u Ġegħijel; minn ulied Asaf: Żakkarija u Mattanija; 
[2Kron:29:14] minn ulied Ħeman: Ġeħijel u Simgħi; minn ulied Ġedutun: Semajja u 
Għużżijel. 
[2Kron:29:15] U ġemgħu lil ħuthom u tqaddsu, u ġew biex inaddfu dar il-Mulej, 
skond l-ordni tas-sultan fuq il-kelma tal-Mulej. [2Kron:29:16] U l-qassisin 
daħlu 'l ġewwanett fid-dar tal-Mulej biex inaddfuha, u ħarġu l-ħmieġ kollu li 
sabu fis-santwarju tal-Mulej, fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, u ħaduh il-Leviti 
biex jeħduh 'il barra lejn il-wied ta' Kedron. [2Kron:29:17] U bdew iqaddsuh 
fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar, u waslu ħdejn il-portiku tal-Mulej; u ħadu tmint 
ijiem oħra biex qaddsu dar il-Mulej, u spiċċaw fis-sittax-il jum ta' l-ewwel 
xahar. 
[2Kron:29:18] U mbagħad daħlu għand is-sultan Ħeżekija, u qalulu: “Naddafna 
t-tempju kollu tal-Mulej, u l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq bit-tagħmir kollu 
tiegħu, u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza bit-tagħmir kollu tagħha. [2Kron:29:19] 
U t-tagħmir kollu li Aħaż, is-sultan, kien warrab fis-saltna tiegħu minħabba 
dnubietu, lestejniehom u qaddisniehom; u hemm huma quddiem l-artal tal-Mulej.”
[2Kron:29:20] U s-sultan Ħeżekija qam kmieni u ġabar il-prinċpijiet tal-belt u 
tala' fid-dar tal-Mulej. [2Kron:29:21] Ġiebu seba' gniedes, u seba' mtaten, u 
sebat iħrief, u seba' bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni għas-saltna, 
għas-santwarju, u għal Ġuda. U ordna lil ulied Aron, il-qassisin, li joffru 
s-sagrifiċċji fuq l-artal tal-Mulej. [2Kron:29:22] U qatlu l-gniedes, u 
l-qassisin ħadu d-demm u raxxewh ma' l-artal; u qatlu l-imtaten u raxxew demmhom 
ma' l-artal; u qatlu l-ħrief u raxxew demmhom ma' l-artal; [2Kron:29:23] mbagħad 
ressqu l-bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni quddiem is-sultan u 
l-ġemgħa, u qiegħdu idejhom fuqhom. 
[2Kron:29:24] Mbagħad il-qassisin qatluhom, u offrew demmhom b'purifikazzjoni 
tad-dnub fuq l-artal, biex jaqilgħu l-maħfra għal Iżrael kollu, għax is-sultan 
kien ordna li jsiru sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-purifikazzjoni għal 
Iżrael kollu. 
[2Kron:29:25] U hu qiegħed il-Leviti f'dar il-Mulej biċ-ċnieċel, bl-arpi u 
biċ-ċetri, skond l-ordni ta' David, u Gad, il-veġġent tas-sultan, u Natan, 
il-profeta. Għax mingħand il-Mulej kien ġej l-ordni permezz tal-profeti. 
[2Kron:29:26] U l-Leviti qagħdu bl-istrumenti ta' David, u l-qassisin 
bit-trombi. [2Kron:29:27] U Ħeżekija ordna li joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq fuq 
l-artal. Malli beda s-sagrifiċċju, beda l-kant lill-Mulej, u d-daqq tat-trombi 
msieħba mill-istrumenti ta' David, is-sultan ta' Iżrael. [2Kron:29:28] U 
l-ġemgħa kollha niżlet wiċċha fl-art tadura, fost id-diwi tal-kant u d-daqq 
tat-trombi sa ma ntemm is-sagrifiċċju tal-ħruq. [2Kron:29:29] U xħin intemm 
is-sagrifiċċju tal-ħruq, is-sultan u dawk kollha li kienu miegħu niżlu wiċċhom 
fl-art jaduraw. [2Kron:29:30] U Ħeżekija u l-prinċpijiet ordnaw lil-Leviti li 
jfaħħru lill-Mulej bi kliem David u Asaf, il-veġġent; u bdew ikantaw għana ta' 
tifħir u ferħ, u jaduraw wiċċhom fl-art. 
[2Kron:29:31] U Ħeżekija beda jitkellem u jgħid: “Issa li tqaddistu għal 
l-Mulej, ersqu u ġibu vittmi u offerti ta' radd il-ħajr f'dar il-Mulej.” U 
l-ġemgħa ġiebu vittmi u offerti ta' radd il-ħajr, u xi wħud ta' qalb kbira ġiebu 
vittmi għas-sagrifiċċju tal-ħruq. [2Kron:29:32] U l-għadd tal-vittmi 
għas-sagrifiċċju tal-ħruq li ġiebet il-ġemgħa laħaq sebgħin gendus, mitt muntun, 
mitejn ħaruf - dawn kollha għas-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. [2Kron:29:33] 
L-offerti mqaddsa kienu sitt mitt gendus, u tlitt elef nagħġa. [2Kron:29:34] 
Imma l-qassisin kienu ftit u ma setgħux ilaħħqu biex jisolħu l-vittmi kollha 
tas-sagrifiċċju tal-ħruq; u ħuthom il-Leviti għenuhom sa ma ntemm ix-xogħol u 
l-qassisin laħqu tqaddsu - għax il-Leviti kienu aktar mill-qassisin qalbhom 
ħerqana biex jitqaddsu. [2Kron:29:35] U kien hemm abbundanza ta' vittmi 
għall-ħruq, u xaħam tal-vittmi tas-sliem u l-libazzjonijiet tas-sagrifiċċji 
tal-ħruq. Hekk is-servizz f'dar il-Mulej beda jseħħ mill-ġdid. [2Kron:29:36] U 
feraħ Ħeżekija u l-poplu kollu b'dak kollu li l-Mulej għamel għall-poplu, għax 
kollox sar malajr. 
30. Iċ-ċelebrazzjoni ta' l-Għid
[2Kron:30:1] U Ħeżekija bagħat messaġġiera ma' Iżrael u Ġuda kollu, u kiteb 
ittri wkoll lil Efrajm u Manassi, biex jiġu f'dar il-Mulej f'Ġerusalemm biex 
jagħmlu l-festa ta' l-Għid f'ġieħ il-Mulej, Alla ta' Iżrael. [2Kron:30:2] U 
s-sultan u l-prinċpijiet tiegħu u l-ġemgħa kollha f'Ġerusalemm ftiehmu biex 
jagħmlu l-festa ta' l-Għid fit-tieni xahar, [2Kron:30:3] għax ma setgħux 
jagħmluha fi żmienha billi ma kinux tqaddsu qassisin biżżejjed, u l-poplu ma 
laħaqx inġabar Ġerusalemm. [2Kron:30:4] U dan deher sewwa f'għajnejn is-sultan u 
f'għajnejn il-ġemgħa kollha. [2Kron:30:5] U ddeċidew li jniedu ma' Iżrael kollu, 
minn Birsaba sa Dan, biex jinġabru Ġerusalemm ħa jagħmlu l-festa ta' l-Għid 
f'ġieħ il-Mulej, Alla ta' Iżrael, għax kienet ilha ma ssir skond ma kien miktub. 
[2Kron:30:6] U l-messaġġiera marru bl-ittri minn id is-sultan u l-prinċpijiet 
tiegħu f'Iżrael kollu u Ġuda skond l-ordni tas-sultan, u qalulhom: “Ulied 
Iżrael, erġgħu lura għal għand il-Mulej, Alla ta' Abraham, Iżakk u Iżrael, u 
huwa jerġa’ lura lejn il-fdal li ħeles minn id is-sultan ta' l-Assirja. 
[2Kron:30:7] Tkunux bħal missirijietkom u ħutkom li qarrqu bil-Mulej, Alla ta' 
missirijiethom, u hu għamel minnhom ħerba kif intom qegħdin taraw. [2Kron:30:8] 
Issa la twebbsux raskom bħal missirijietkom; newwlu idejkom lill-Mulej, u ejjew 
fis-santwarju tiegħu, li hu qaddes għal dejjem, u aqdu lill-Mulej Alla tagħkom; 
u hekk titbiegħed minnkom is-saħna tal-korla tiegħu. [2Kron:30:9] Għax jekk 
intom terġgħu lura għal għand il-Mulej, ħutkom u wliedkom isibu ħniena quddiem 
dawk li ħaduhom ilsiera, u jerġgħu lura lejn din l-art. Għax ħanin u ta' qalb 
tajba hu l-Mulej, Alla tagħkom, u ma jdawwarx wiċċu minnkom jekk terġgħu għal 
għandu.” 
[2Kron:30:10] U l-messaġġiera għaddew minn belt għal belt, fl-art ta' Efrajm u 
Manassi sa Żebulun; iżda ħaduhom biċ-ċajt u ddieħku bihom. [2Kron:30:11] Imma xi 
nies minn Aser, Manassi u Żebulun umiljaw ruħhom, u ġew Ġerusalemm. 
[2Kron:30:12] U f'Ġuda wkoll l-id ta' Alla kienet magħhom biex tahom qalb waħda, 
biex jagħmlu skond l-ordni tas-sultan u l-prinċpijiet, skond il-kelma tal-Mulej.
[2Kron:30:13] U nġabar f'Ġerusalemm poplu kbir biex jagħmlu l-festa tal-ħobż 
ażżmu fit-tieni xahar; u kienet ġemgħa tassew kbira. [2Kron:30:14] U qamu u 
neħħew l-artali li kien hemm f'Ġerusalemm, u neħħew ukoll l-artali ta' l-inċens, 
u xeħtuhom fil-wied ta' Kedron. [2Kron:30:15] U qatlu l-ħaruf ta' l-Għid 
fl-erbatax tat-tieni xahar. Il-qassisin u l-Leviti stħaw u tqaddsu, u ġiebu 
vittmi għas-sagrifiċċju tal-ħruq f'dar il-Mulej. [2Kron:30:16] U ħadu posthom 
kif kien imisshom skond il-Liġi ta' Mosè, il-bniedem ta' Alla; u l-qassisin bdew 
iroxxu d-demm li ħadu minn idejn il-Leviti. [2Kron:30:17] Għax kien hemm ħafna 
fil-ġemgħa li ma kinux tqaddsu, u l-Leviti, għal hekk, bdew jieħdu ħsieb il-qtil 
tal-vittmi ta' l-Għid għal kull min ma kienx nadif, biex iqaddishom lill-Mulej. 
[2Kron:30:18] Billi kotra kbira mill-poplu, l-aktar minn Efrajm, Manassi, 
Issakar u Żebulun, ma kinux tnaddfu, imma kielu l-ħaruf ta' l-Għid mhux skond ma 
kien miktub, Ħeżekija talab għalihom u qal: “Jaħfer il-Mulej, li hu tajjeb, 
[2Kron:30:19] lil kull min minn qalbu qiegħed ifittex lil Alla l-Mulej, Alla ta' 
missirijietu, għal kemm m'hux nadif kif jixraq lis-santwarju.” [2Kron:30:20] U 
l-Mulej sama' 'l Ħeżekija u ħafer lill-poplu. [2Kron:30:21] U wlied Iżrael, li 
kienu jinsabu Ġerusalemm, għamlu l-festa tal-ħobż ażżmu għal sebat ijiem sħaħ 
b'festi kbar; u kull jum il-Leviti u l-qassisin kienu jfaħħru lill-Mulej b'kemm 
kellhom saħħa. 
2Kron:30:22] Ħeżekija mbagħad, lil-Leviti kollha li wrew għaqal u dehen tassew 
fis-servizz tal-Mulej, kellimhom b'mod li jmissilhom qalbhom. U temmew il-festa 
f'sebat ijiem, li fihom kienu joffru s-sagrifiċċji tas-sliem u jiżżu ħajr 
lill-Mulej, Alla ta' missirijiethom. 
2Kron:30:23] U l-ġemgħa kollha ftiehmu li jkomplu l-festa għal sebat ijiem oħra, 
u hekk baqgħu sejrin għal sebat ijiem oħra kollha ferħ. [2Kron:30:24] Għax 
Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, ta lill-ġemgħa elf gendus u sebat elef nagħġa; u 
l-prinċpijiet taw lill-ġemgħa elf gendus u għaxart elef nagħġa; u tqaddsu ħafna 
qassisin. [2Kron:30:25] U ferħet il-ġemgħa kollha ta' Ġuda, u l-qassisin u 
l-Leviti, u l-ġemgħa kollha li ġew minn Iżrael, u l-barranin li ġew mill-art ta' 
Iżrael, u dawk li kienu jgħammru f'Ġuda. [2Kron:30:26] U kien hemm ferħ kbir 
f'Ġerusalemm, għax sa minn żmien Salamun bin David, sultan ta' Iżrael, qatt ma 
kien hemm festa bħal din f'Ġerusalemm. 
[2Kron:30:27] U l-qassisin u l-Leviti qamu u bierku 'l poplu. U leħinhom 
instama', u t-talba tagħhom waslet fl-għamara qaddisa tiegħu fis-smewwiet.
31. Il-qerda tas-santwarji
[2Kron:31:1] Meta ntemm dan kollu, l-Iżraelin kollha li kienu preżenti telqu 
lejn l-ibliet ta' Ġuda, u kissru l-plieri wieqfa, u qaċċtu x-xbihat ta' l-Asera, 
u farrku s-santwarji u l-artali kollha mill-art ta' Ġuda u Benjamin, u f'Efrajm 
u Manassi, u qerduhom għal kollox. Mbagħad ulied Iżrael ilkoll reġgħu lura, kull 
wieħed lejn daru jew lejn beltu.
It-tqassim tal-Leviti
[2Kron:31:2] U Ħeżekija waqqaf it-taqsima tal-qassisin u l-Leviti, kulħadd 
fit-taqsima tiegħu skond is-servizz tiegħu, sew il-qassisin sew il-Leviti, 
għas-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji tas-sliem, biex jagħmlu s-servizz, u 
jroddu ħajr u tifħir fil-bibien tal-kamp tal-Mulej. [2Kron:31:3] U s-sultan kien 
jagħti sehem minn ġidu għas-sagrifiċċji; is-sagrifiċċji tal-ħruq ta' filgħodu u 
s-sagrifiċċji tal-ħruq ta' filgħaxija, u s-sagrifiċċji tal-ħruq tas-Sibtijiet u 
tal-qamar ġdid u tal-festi, skond ma hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej. 
[2Kron:31:4] U ordna lill-poplu li kien jgħammar f'Ġerusalemm, li jagħti sehmu 
lill-qassisin u lil-Leviti, biex iżommu sħiħ mal-liġi tal-Mulej. [2Kron:31:5] U 
malli ġriet l-ordni, ulied Iżrael ġiebu bl-abbundanza l-bikri tal-qmuħ, ta' 
l-inbid il-ġdid, taż-żejt u ta' l-għasel, u ta' l-uċuħ kollha tar-raba', u 
l-għexur ta' kollox bl-abbundanza. [2Kron:31:6] U wlied Iżrael u Ġuda li kienu 
jgħammru fl-ibliet ta' Ġuda, huma wkoll ġiebu l-għexur tal-baqar u ta' 
l-imrieħel u tal-ħwejjeġ imqaddsa, li kellhom jitqaddsu lill-Mulej, Alla 
tagħhom: ġiebu kollox u għamluhom gzuz gzuz. 
[2Kron:31:7] Fit-tielet xahar bdew jiġbru dawn il-gzuz, u temmewhom fis-seba' 
xahar. [2Kron:31:8] U ġew Ħeżekija u l-prinċpijiet, u raw dawn il-gzuz, u bierku 
l-Mulej u l-poplu tiegħu Iżrael. 
[2Kron:31:9] U Ħeżekija stħarreġ il-qassisin u l-Leviti dwar il-gzuz, 
[2Kron:31:10] u wieġbu Għażarija, il-qassis il-kbir, minn dar Sadok u qallu: “Sa 
minn meta bdew iġibu l-offerti f'dar il-Mulej, kilna u xbajna, u fadlilna ħafna 
għax il-Mulej bierek il-poplu tiegħu, u għalhekk dan il-fdal bl-abbundanza.”
[2Kron:31:11] U Ħeżekija ordna li jibnu mħażen f'dar il-Mulej, u bnewhom. 
[2Kron:31:12] U ġiebu l-offerti, u l-għexur, u l-ħwejjeġ imqaddsa bir-reqqa. U 
kien jieħu ħsiebhom Konanija l-Levita, u ħuh Simgħi kien jgħinu; [2Kron:31:13] u 
Ġeħijel, Għażażija, Naħat, Għaxajel, Ġerimot, Gożabad, Elijel, Ismakija, Maħat, 
Benajja, dawn kienu suprentendenti taħt is-setgħa ta' Konanija u ħuh Simgħi, 
skond ma qassam Ħeżekija, is-sultan, u Għażarija, il-kap tad-dar ta' Alla. 
[2Kron:31:14] U Kore bin Imna, il-Levita, il-purtinar tal-bieb tal-lvant, kellu 
jieħu ħsieb l-offerti volontarji lil Alla u jqassam il-porzjon merfugħ għal 
l-Mulej, u l-ħwejjeġ l-aktar qaddisa. [2Kron:31:15] Kellu jgħinuh lil Għeden, 
Minjamin, Ġożwè, Semajja, Amarija, u Sekanija fl-ibliet tal-qassisin, biex 
jagħtu bir-reqqa lil ħuthom kbar u żgħar, skond it-taqsim tagħhom. [2Kron:31:16] 
Kien hemm imniżżlin skond in-nisel tagħhom l-irġiel kollha minn tliet snin 'il 
fuq, fosthom dawk li kellhom jidħlu f'dar il-Mulej skond is-servizz tagħhom minn 
jum għal ieħor, biex jagħmlu x-xogħol tagħhom skond is-servizz u t-taqsim 
tagħhom. [2Kron:31:17] Ir-registrazzjoni tal-qassisin kienet skond id-djar ta' 
missirijiethom; filwaqt li dik tal-Leviti, minn għoxrin sena 'l fuq, skond 
is-servizz u t-taqsim tagħhom. [2Kron:31:18] U kienu jinkitbu bit-trabi u n-nisa 
tagħhom, u s-subjien u l-bniet tagħhom, il-ġemgħa kollha, għaliex kienu jaqdu 
bir-reqqa d-dmirijiet qaddisa. [2Kron:31:19] Il-qassisin, ulied Aron, li kienu 
jgħammru fir-raba' madwar bliethom, f'kull belt, kien hemm għalihom xi rġiel 
imsemmijin b'isimhom biex iqassmu l-porzjonijiet lil kull raġel fost il-qassisin 
u lil kull min kien miktub fost il-Leviti. 
[2Kron:31:20] Hekk għamel Ħeżekija f'Ġuda kollu; u għamel it-tajjeb, il-ħaqq u 
s-sewwa f'għajnejn il-Mulej, Alla tiegħu, [2Kron:31:21] u f'kull xogħol li daħal 
għalih għas-servizz tad-dar ta' Alla, għal-liġi u l-kmandamenti, kellu f'rasu li 
jfittex lil Alla tiegħu b'qalbu kollha, u għalhekk ħadem u kellu r-riżq.
32. L-invażjoni ta' Sanħerib
[2Kron:32:1] Wara dawn il-ġrajja u r-riżq ta' Ħeżekija, ġie Sanħerib, sultan ta' 
l-Assirja, u daħal Ġuda; u waqqaf il-kamp kontra l-ibliet iffortifikati u ried 
li jidħlu jeħduhom. [2Kron:32:2] U meta Ħeżekija ra li ġie Sanħerib u ħsiebu 
kien li jaħbat għal Ġerusalemm, [2Kron:32:3] ħa l-parir tal- prinċpijiet u 
tal-qalbenin tiegħu biex jagħlaq l-għejun ta' l-ilma li kienu barra l-belt; u 
huma qablu miegħu. [2Kron:32:4] U nġemgħet kotra kbira ta' nies, u għalqu 
l-għejun kollha u n-nixxigħat għaddejja minn nofs l-art għax qalu: “Għaliex 
is-slaten ta' l-Assirja għandhom jiġu, u jsibu ħafna ilma?” [2Kron:32:5] U 
għamel il-qalb, u bena l-ħajt kollu li kien iżżaqqaq, u talla' fuqu torrijiet, u 
ħajt ieħor fuq in-naħa ta' barra; u saħħaħ il-Millu tal-belt ta' David, u għamel 
għodod tal-gwerra u tarkiet bil-kotra. [2Kron:32:6] U qiegħed fizzjali 
tal-gwerra fuq il-poplu. U ġabarhom madwaru fil-misraħ ħdejn il-bieb tal-belt, u 
kellimhom b'mod li jmissilhom qalbhom u qalilhom: [2Kron:32:7] “Agħmlu l-ħila u 
qawwu qalbkom: la tibżgħux u la titwerwrux quddiem is-sultan ta' l-Assirja, u 
quddiem il-kotra li hemm miegħu, għax magħna hemm aktar milli hemm miegħu. 
[2Kron:32:8] Miegħu hemm id-driegħ tal-laħam, imma magħna hemm il-Mulej, Alla 
tagħna, biex jgħinna u jitqabad fit-taqbid tagħna.” U l-poplu qawwa qalbu bi 
kliem Ħeżekija, sultan ta' Ġuda. 
[2Kron:32:9] Wara dan kollu Sanħerib, is-sultan ta' l-Assirja, li kien ħdejn 
Lakis bl-eżerċtu tiegħu kollu miegħu, bagħat il-qaddejja tiegħu Ġerusalemm għand 
Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, u għand in-nies ta' Ġuda, u qalilhom: [2Kron:32:10] 
“Dan jgħid Sanħerib, sultan ta' l-Assirja: 'Fuqiex qegħdin isserrħu raskom intom 
l-assedjati f'Ġerusalemm? [2Kron:32:11] Jaqaw Ħeżekija m'hux iqarraq bikom biex 
jerħikom għal l-mewt bil-ġuħ u bil-għatx meta jgħidilkom: 'Il-Mulej Alla tagħna 
jeħlisna minn id is-sultan ta' l-Assirja?' [2Kron:32:12] M'hux Ħeżekija stess 
neħħielu s-santwarji u l-artali tiegħu, u ordna lil Ġuda u lil Ġerusalemm u 
qalilhom: 'Quddiem artal wieħed tinżlu taduraw u fuqu taħarqu l-inċens'? 
[2Kron:32:13] Jaqaw ma tafux x'għamilt jien u missirijieti lill-ġnus ta' 
l-artijiet kollha? Kellhom ħila l-allat tal-ġnus ta' l-artijiet jeħilsu 
l-artijiet tagħhom minn idejja? [2Kron:32:14] Fost l-allat kollha ta' dawn 
il-ġnus meqruda minn missirijieti, min minnhom kellu l-ħila jeħles il-poplu 
tiegħu minn idejja, biex issa Alla tagħkom jista' jeħles lilkom minn idejja? 
[2Kron:32:15] Mela issa tħallux lil Ħeżekija jqarraq u jidħak bikom b'dan 
il-mod; la temmnuhx, għax ebda alla minn ta' dawk il-popli jew saltniet ma kellu 
l-ħila jeħles il-poplu tiegħu minn idejja, u minn idejn missirijieti. Kemm anqas 
se jeħles lilkom Alla tagħkom, issa, minn idejja.” 
[2Kron:32:16] U l-messaġġiera ta' Sanħerib komplew jgħidu ħafna aktar kliem 
kontra l-Mulej Alla u kontra Ħeżekija, il-qaddej tiegħu. [2Kron:32:17] U 
saħansitra kitiblu ittri biex iżeblaħ lill-Mulej, Alla ta' Iżrael, u qallu: 
“Bħalma l-allat tal-ġnus ta' l-artijiet l-oħra ma ħelsux il-popli tagħhom minn 
idejja, hekk anqas jeħles minn idejja l-poplu tiegħu Alla ta' Ħeżekija.” 
[2Kron:32:18] U bdew jgħajjtu b'leħen għoli bil-Lhudi lill-poplu ta' Ġerusalemm, 
li kien hemm fuq il-ħajt, biex ibeżżgħuhom u jwerwruhom ħalli hekk jieħdu 
l-belt. [2Kron:32:19] U tkellmu minn Alla ta' Ġerusalemm bħallikieku mill-allat 
tal-ġnus, xogħol ta' idejn il-bniedem. 
[2Kron:32:20] U s-sultan Ħeżekija u l-profeta Isaija bin Amos bdew jitolbu 
minħabba dan u jgħajjtu lejn is-sema. [2Kron:32:21] U bagħat il-Mulej anġlu, u 
qered kull raġel qalbieni, u l-ġenerali u l-fizzjali fil-kamp tas-sultan ta' 
l-Assirja; u dan kellu jerġa’ lura kollu mistħi u daħal fid-dar ta' l-alla 
tiegħu, u hemm qatluh bix-xabla dawk stess li ħarġu mill-ġewwieni tiegħu. 
[2Kron:32:22] Hekk il-Mulej salva 'l Ħeżekija u n-nies li jgħammru f'Ġerusalemm 
minn id Sanħerib, sultan ta' l-Assirja, u minn id kulħadd; u tahom il-mistrieħ 
madwarhom. [2Kron:32:23] U ħafna bdew iġibu offerti lill-Mulej f'Ġerusalemm, u 
ħwejjeġ prezzjużi lil Ħeżekija, sultan ta' Ġuda, u dan għola ħafna f'għajnejn 
il-ġnus minn dakinhar 'il quddiem.
Il-marda u l-mewt ta' Ħeżekija
[2Kron:32:24] Dak iż-żmien Ħeżekija marad għal l-mewt, u talab lill-Mulej, u dan 
wieġbu u tah sinjal. [2Kron:32:25] Imma Ħeżekija ma raddx ħajr skond il-ġid li 
sarlu, għax qalbu tkabbret, u waqgħet il-korla tal-Mulej fuqu u fuq Ġuda u 
Ġerusalemm. [2Kron:32:26] Imma Ħeżekija umilja ruħu mill-kburija ta' qalbu, hu u 
miegħu n-nies ta' Ġerusalemm, u l-korla tal-Mulej ma laħqithomx fi żmien 
Ħeżekija.
[2Kron:32:27] U Ħeżekija kellu għana u ġieħ kbir; għamel imħażen għall-fidda u 
d-deheb, għall-ħaġar prezzjuż u l-fwejjaħ, għat-tarkiet u oġġetti oħra 
prezzjużi; [2Kron:32:28] u mħażen għall-ġabra tal-qamħ u għall-inbid ġdid u 
ż-żejt, mqawel għal kull xorta ta' bhejjem u oqsma għall-imrieħel. [2Kron:32:29] 
U għamel kwartieri u mandriet għall-imrieħel u l-baqar, għax Alla tah ġid 
bl-abbundanza. [2Kron:32:30] Kien hu, Ħeżekija, li sadd l-għajn ta' l-ilma ta' 
Giħon ta' fuq, u dawwru għan-naħa tal-punent tal-belt ta' David. U Ħeżekija sab 
ir-riżq f'kull ma kien jagħmel. [2Kron:32:31] Imma fil-każ tal-messaġġiera 
tal-prinċpijiet ta' Babilonja, li kienu mibgħuta għandu biex jistħarrġuh fuq 
il-ħwejjeġ ta' l-għaġeb li kienu saru fil-pajjiż, Alla telqu biex iġarrbu u 
jagħraf kull ma kellu f'qalbu. 
[2Kron:32:32] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ħeżekija u l-opri tajba tiegħu huma 
miktuba fid-dehriet ta' Isaija bin Amos, il-profeta, u fi Ktieb is-Slaten ta' 
Ġuda u Iżrael. [2Kron:32:33] U Ħeżekija strieħ ma' missirijietu, u difnuh 
fit-telgħa ta' l-oqbra ta' wlied David; u Ġuda kollu u dawk li kienu jgħammru 
f'Ġerusalemm tawh il-ġieħ f'mewtu. U beda jsaltan floku Manassi, ibnu.
33. Is-saltna ta' Manassi ( 693-639 QK )
[2Kron:33:1] Kellu tnax-il sena Manassi meta beda jsaltan, u dam isaltan ħamsa u 
ħamsin sena f'Ġerusalemm; [2Kron:33:2] u għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, 
bħall-qżiżijiet tal-ġnus li Alla kien keċċa minn quddiem ulied Iżrael. 
[2Kron:33:3] Bena s-santwarji li kien ġarraf Ħeżekija, missieru, u waqqaf artali 
lill-Bagħlim, u għamel ix-xbihat ta' l-Asera, u beda jqim l-eżerċti tas-sema u 
jaqdihom. 
[2Kron:33:4] U bena wkoll artali fit-tempju tal-Mulej minkejja li l-Mulej kien 
qalilhom: “F'Ġerusalemm ikun hemm ismi għal dejjem.” [2Kron:33:5] U bena artal 
lill-eżerċti kollha tas-sema fiż-żewġ btieħi tat-tempju tal-Mulej. [2Kron:33:6] 
U hu għadda lil uliedu min-nar b'sagrifiċċju fil-wied ta' Ben-ħinnom, u taha 
għat-teħbir u s-seħer u l-magħmul, u daħħal it-teħbir tal-mejtin u l-qari 
tal-ġejjieni. U għamel kemm felaħ il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, tant li nkurlah 
sewwa. [2Kron:33:7] Qiegħed saħansitra xbieha ta' l-idolu, li kien għamel, 
fit-tempju ta' Alla, li fuqu Alla kien qal lil David u Salamun, ibnu: “F'dan 
it-tempju u f'Ġerusalemm, li jien għażilt minn fost it-tribujiet kollha ta' 
Iżrael, jiena nqiegħed ismi għal dejjem. [2Kron:33:8] U ma nħallix iżjed li 
riġel Iżrael jitbiegħed mill-art li fiha jien qegħedt lil missirijietkom; imma 
dan iseħħ biss jekk iqisu li jħarsu kull ma ordnajtilhom skond il-liġi, 
il-kmandamenti u d-diġrieti permezz ta' Mosè.” [2Kron:33:9] U Manassi ħareġ 
mit-triq lil Ġuda u n-nies ta' Ġerusalemm u ġagħalhom jagħmlu agħar mill-ġnus li 
l-Mulej kien qered minn quddiem Iżrael. [2Kron:33:10] U l-Mulej kellem lil 
Manassi, u lill-poplu, imma dawn ma tawhx widen. 
[2Kron:33:11] U l-Mulej ġieb għalihom il-kmandanti ta' l-eżerċtu tas-sultan ta' 
l-Assirja, u qabdu 'l Manassi, għamlulu ħolqa, rabtuh b'żewġ ktajjen tar-ram, u 
ħaduh f'Babilonja. [2Kron:33:12] U kif kien fil-hemm talab il-ħniena mill-Mulej 
Alla tiegħu, u umilja ruħu sewwa quddiem Alla ta' missirijietu. [2Kron:33:13] U 
talbu, u Alla laqa' t-talba tiegħu, u sama' l-krib tiegħu u reġġgħu lura lejn 
Ġerusalemm f'saltnatu. U Manassi għaraf li l-Mulej hu Alla. 
[2Kron:33:14] U wara dan bena ħajt fuq in-naħa ta' barra tal-belt ta' David, fuq 
il-punent ta' Giħon, fil-wied sad-dħul tal-Bieb tal-Ħut, u madwar l-Għofel, u 
għamlu għoli ħafna. U qiegħed fizzjali ta' l-eżerċtu fl-ibliet kollha 
ffortifikati ta' Ġuda. [2Kron:33:15] U neħħa l-allat tal-barranin, u l-idolu 
mid-dar tal-Mulej, u l-artali kollha li kien bena fuq il-muntanja ta' dar 
il-Mulej u f'Ġerusalemm, u rmiehom 'il barra mill-belt. [2Kron:33:16] U raġa’ 
talla' l-artal tal-Mulej, u offra fuqu s-sagrifiċċji tas-sliem u radd il-ħajr. U 
ordna lil Ġuda li jaqdu l-Mulej, Alla ta' Iżrael. [2Kron:33:17] U l-poplu baqa' 
joffri s-sagrifiċċji fis-santwarji, iżda biss lill-Mulej, Alla tagħhom. 
[2Kron:33:18] U l-bqija tal-ġrajja ta' Manassi, u t-talba tiegħu lil Alla 
tiegħu, u l-kliem li qalulu l-veġġenti f'isem il-Mulej, Alla ta' Iżrael, jinsabu 
fil-Ġrajja tas-Slaten ta' Iżrael. [2Kron:33:19] U t-talba tiegħu, u kif Alla 
semgħu, u dnubietu kollha u ħtijietu, il-postijiet fejn bena s-santwarji u 
waqqaf ix-xbihat ta' l-Asera u l-idoli qabel ma umilja ruħu, dan kollu miktub 
fil-Ġrajja ta' Ħożaj. 
[2Kron:33:20] U Manassi strieħ ma' missirijietu, u difnuh f'daru. U beda jsaltan 
floku Amon, ibnu.
Is-saltna ta' Amon ( 643-640 QK )
[2Kron:33:21] Amon kellu tnejn u għoxrin sena meta beda jsaltan, u saltan 
sentejn f'Ġerusalemm. [2Kron:33:22] U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, 
bħalma kien għamel Manassi missieru. U l-idoli kollha li kien għamel Manassi, 
missieru, Amon beda joffrilhom is-sagrifiċċji u jaqdihom; [2Kron:33:23] u qatt 
ma umilja ruħu quddiem il-Mulej, bħalma kien umilja ruħu Manassi, missieru, imma 
hu, Amon, kompla jidneb kemm kien jiflaħ. 
[2Kron:33:24] U l-qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih, u qatluh f'daru. 
[2Kron:33:25] Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kienu kkonfoffaw 
kontra s-sultan Amon; u għamlu sultan floku lil Ġosija, ibnu.
34. Is-saltna ta' Ġosija ( 640-609 QK )
[2Kron:34:1] Ġosija kellu tmien snin meta beda jsaltan, u saltan wieħed u tletin 
sena f'Ġerusalemm. [2Kron:34:2] U għamel is-sewwa f'għajnejn il-Mulej, u mexa 
fit-triqat kollha ta' David, missieru, u ma kisirx la lejn il-lemin u lanqas 
lejn ix-xellug. 
[2Kron:34:3] Fit-tmien sena tas-saltna tiegħu, meta kien għadu żagħżugħ, beda 
jfittex lil Alla ta' David, missieru, u fit-tnax-il sena beda jnaddaf l-art ta' 
Ġuda u l-belt ta' Ġerusalemm mis-santwarji u mix-xbihat ta' l-Asera, mix-xbihat 
minquxa, mill-idoli mdewwba; [2Kron:34:4] u kisser l-artali tal-Bagħlim minn 
quddiemu, u ġarraf l-artali ta' l-inċens li kien hemm fuqhom. U x-xbihat ta' 
l-Asera u x-xbihat minquxa, u l-idoli mdewwba farrakhom, sahaqhom u xerridhom 
fuq l-oqbra ta' dawk li kienu joffrulhom sagrifiċċji; [2Kron:34:5] u ħaraq 
l-għadam tal-qassisin fuq l-artali tagħhom stess, u hekk naddaf lil Ġuda u lil 
Ġerusalemm.
[2Kron:34:6] U fl-ibliet ta' Manassi u Efrajm u Simgħon sa Naftali u fl-inħawi 
ta' madwarhom, [2Kron:34:7] kisser l-artali u x-xbihat ta' l-Asera, u farrak 
ix-xbihat u għamilhom trab, u ħatt l-artali ta' l-inċens fl-art kollha ta' 
Iżrael; mbagħad raġa’ lura Ġerusalemm.
It-tiswija tat-tempju
[2Kron:34:8] U fit-tmintax-il sena tas-saltna tiegħu, meta kien naddaf il-pajjiż 
u d-dar tal-Mulej, Ġosija bagħat lil Safan bin Asalija u 'l Magħxija, 
il-kmandant tal-belt, u 'l Ġowaħ bin Ġowaħas, il-kronista, biex isewwu d-dar 
tal-Mulej, Alla tiegħu. [2Kron:34:9] U huma marru għand Ħilkija, il-qassis 
il-kbir, u tawh il-flus li ġiebu fid-dar ta' Alla - li kienu ġabru l-Leviti, 
l-għassiesa tal-bieb, minn id Manassi u Efrajm, u mill-bqija ta' Iżrael, u minn 
Ġuda kollu, u Benjamin u min-nies li kienu jgħammru Ġerusalemm. [2Kron:34:10] U 
tawhom f'idejn is-suprentendenti fuq ix-xogħol fit-tempju tal-Mulej, u dawn 
kellhom jagħtuhom lill-ħaddiema li kienu jaħdmu f'dar il-Mulej, biex isewwu u 
jsaħħu t-tempju. [2Kron:34:11] Tawhom lill-mastrudaxxi u lill-bennejja biex 
jixtru l-ġebel maqtugħ u l-injam għat-travi u t-tisqif tal-kmamar, li s-slaten 
ta' Ġuda kienu ħallewhom ħerba. 
[2Kron:34:12] Dawn in-nies kienu jagħmlu x-xogħol sewwa, u fuqhom kellhom jieħdu 
ħsiebhom: Ġaħat, Għobadija, Leviti minn ulied Merari; Żakkarija u Mesullam, minn 
ulied Keħat, biex imexxu x-xogħol; u l-Leviti, li kienu mħarrġa fl-istrumenti 
tad-daqq, [2Kron:34:13] kienu mqegħdin fuq ir-reffiegħa tat-tagħbija, u kienu 
jmexxu l-ħaddiema kollha f'kull xorta ta' xogħol; u xi wħud mil-Leviti kienu 
kittieba, uffiċjali u purtinara. 
[2Kron:34:14] Huma u joħorġu l-flus li kienu ġiebu n-nies f'dar il-Mulej, 
Ħilkija, il-qassis, sab il-ktieb tal-liġi tal-Mulej mogħtija permezz ta' Mosè. 
[2Kron:34:15] qabad Ħilkija u qal lil Safan, is-segretarju: “Sibt il-ktieb 
tal-Liġi f'dar il-Mulej.” U Ħilkija ta l-ktieb lil Safan. [2Kron:34:16] U Safan 
ħa l-ktieb għand is-sultan, wassallu r-risposta, u qallu: “Kull ma kien fdat 
f'idejn il-qaddejja tiegħek, huma għamluh. [2Kron:34:17] Il-flus li kienu 
jinsabu f'dar il-Mulej ġabruhom u tawhom f'idejn is-suprentendenti u f'idejn 
il-ħaddiema.” [2Kron:34:18] U mbagħad Safan is-segretarju, qallu wkoll: 
“Ħilkija, il-qassis, tani ktieb.” U Safan qara minn quddiem is-sultan. 
[2Kron:34:19] Malli sama' kliem il-Liġi s-sultan ċarrat ħwejġu. [2Kron:34:20] 
Mbagħad is-sultan ordna lil Ħilkija u lil Aħikam bin Safan, u 'l Għabdon bin 
Mikija, u 'l Safan is-segretarju, u lil Għaxajja, qaddej tas-sultan, u qalilhom: 
[2Kron:34:21] “Morru stħarrġu l-Mulej għalija u għall-fdal f'Iżrael u Ġuda dwar 
il-kliem li hawn f'dan il-ktieb li nstab, għax kbira hi l-korla tal-Mulej li 
waqgħet fuqna, għax ma semgħux missirijietna l-kelma tal-Mulej, biex jagħmlu 
kull ma hu miktub f'dan il-ktieb.”
[2Kron:34:22] U mar Ħilkija u dawk li bagħat is-sultan għand Ħulda, 
il-profetissa, mart Sallum bin Tokat, bin Ħasra, li kien jieħu ħsieb l-ilbies; 
din kienet toqgħod Ġerusalemm fit-tieni kwartier, u qalulha b'dan; [2Kron:34:23] 
u hi weġbithom: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta' Iżrael: 'Għidu lil min bagħatkom 
għandi; [2Kron:34:24] dan jgħid il-Mulej: Arawni, se nġib il-ħsara fuq dan 
il-post u fuq kull min jgħammar fih is-saħtiet kollha miktuba fil-ktieb li qraw 
quddiem is-sultan ta' Ġuda. [2Kron:34:25] Għax huma telquni biex ħarqu l-inċens 
lil allat oħra, u nkurlawni b'kull ma għamlu idejhom, u għalhekk tixgħel 
il-korla tiegħi u ma tintefiex.' [2Kron:34:26] U lis-sultan ta' Ġuda li 
bagħatkom tistħarrġu lill-Mulej dan tgħidulu: 'Dan jgħid il-Mulej Alla ta' 
Iżrael: Dwar il-kliem li int smajt: [2Kron:34:27] billi trattbet qalbek, u 
umiljajt ruħek quddiem Alla malli smajt bi kliemu dwar dan il-post, u dwar dawk 
li jgħammru fih, u umiljajt ruħek quddiemi u ċarratt ħwejġek u bkejt quddiemi, 
jien ukoll smajtek. Oraklu tal-Mulej. [2Kron:34:28] Arawni, għalhekk jien 
niġbrok ma' missirijietek u tinżel f'qabrek bis-sliem. U għajnejk ma jarawx 
il-ħsara, li se nġib fuq dan il-post, u fuq min jgħammar fih.' ” U wasslu dan 
il-kliem lis-sultan. 
[2Kron:34:29] Mbagħad is-sultan bagħat jiġbor ix-xjuħ kollha ta' Ġuda u ta' 
Ġerusalemm. [2Kron:34:30] U s-sultan tala' fit-tempju tal-Mulej, u miegħu n-nies 
kollha ta' Ġuda u dawk kollha li kienu jgħammru Ġerusalemm, u l-qassisin u 
l-Leviti, u l-poplu kollu, mill-kbir saż-żgħir; u b'mod li jisimgħuh qara 
l-kliem kollu tal-ktieb tal-patt, li nstab fit-tempju tal-Mulej. [2Kron:34:31] U 
s-sultan wieqaf fuq it-tribuna għamel patt quddiem il-Mulej li jimxi wara 
l-Mulej, u jħares il-kmandamenti, il-preċetti u l-liġijiet, b'qalbu kollha u 
b'ruħu kollha, biex iżomm il-kliem kollu tal-patt li hu miktub fuq dan il-ktieb. 
[2Kron:34:32] U ġagħal joqgħod għal dan il-patt lil kull min kien jinsab 
f'Ġerusalemm u f'Benjamin. U n-nies ta' Ġerusalemm għamlu skond il-patt ta' 
Alla, Alla ta' missirijiethom. 
[2Kron:34:33] U Ġosija neħħa l-qżiżijiet kollha mill-artijiet kollha li kellhom 
ulied Iżrael, u ġagħal lil kull min kien jinsab f'Iżrael li jservi lill-Mulej, 
Alla tagħhom. Kemm dam ħaj hu ma warrbux mill-Mulej, Alla ta' missirijiethom.
35. Il-festa ta' l-Għid
[2Kron:35:1] U Ġosija għamel il-festa ta' l-Għid f'ġieħ il-Mulej f'Ġerusalemm; u 
qatlu l-ħaruf ta' l-Għid fl-erbatax ta' l-ewwel xahar. [2Kron:35:2] U l-qassisin 
qegħedhom f'posthom għas-servizz tagħhom, u għamlilhom il-qalb biex iservu 
fid-dar tal-Mulej. [2Kron:35:3] U l-Leviti, li kienu jgħallmu lil Iżrael kollu u 
kienu kkonsagrati lill-Mulej, qalilhom: “Qiegħdu l-arka mqaddsa fid-dar li bena 
Salamun, bin David, sultan ta' Iżrael. Ma ġġorruhiex aktar fuq spallejkom. Issa 
servu lill-Mulej Alla tagħkom, u l-poplu tiegħu Iżrael. [2Kron:35:4] Lestu 
ruħkom skond il-familji ta' djar missirijietkom, skond it-taqsimiet tagħkom, 
skond ma kiteb David, sultan ta' Iżrael, u l-kitba ta' Salamun, ibnu. 
[2Kron:35:5] Tqassmu fis-santwarju skond it-taqsim tad-djar ta' missirijiet 
ħutkom, ulied il-poplu, taqsima ta' dar il-missirijiet tal-Leviti għal kull 
taqsima; [2Kron:35:6] u oqtlu l-ħaruf ta' l-Għid, u tqaddsu intom u lestu għal 
ħutkom, ħalli jagħmlu skond il-kelma tal-Mulej permezz ta' Mosè.”
[2Kron:35:7] U Ġosija ta lil ulied il-poplu mill-imrieħel, ħrief u gidjien, 
kollha għal l-vittma ta' l-Għid, għal kull min kien hemm, b'kollox tletin elf; u 
tlitt elef gendus minn ħwejjeġ is-sultan. [2Kron:35:8] U l-prinċpijiet tiegħu, 
minn rajhom, taw offerti lill-poplu, lill-qassisin u lil-Leviti. Ħilkija, 
Żakkarija u Ġeħijel, prinċpijiet fid-dar ta' Alla, lill-qassisin tawhom elfejn u 
sitt mitt ħaruf u gidi għall-vittma ta' l-Għid; u tliet mitt gendus. 
[2Kron:35:9] U Konanija, Semajja u Netanjel, ħutu, u Ħasabija, u Ġegħijel u 
Ġożabad, prinċpijiet tal-Leviti, lil-Leviti tawhom ħamest elef ħaruf u gidi 
għall-vittma ta' l-Għid, u ħames mitt gendus. 
[2Kron:35:10] Malli kien kollox lest għas-servizz, il-qassisin ħadu posthom u 
l-Leviti qagħdu fit-taqsimiet tagħhom skond l-ordni tas-sultan. [2Kron:35:11] U 
qatlu l-vittmi ta' l-Għid: il-qassisin raxxew id-demm li kienu jieħdu minn 
idejhom, u l-Leviti kienu jisolħu l-vittmi. 
[2Kron:35:12] U warrbu l-vittmi għall-ħruq, biex iqassmuhom lil djar 
il-missirijiet ta' wlied il-poplu, biex joffruhom lill-Mulej kif inhu miktub 
fil-ktieb ta' Mosè; u hekk għamlu wkoll bil-gniedes. [2Kron:35:13] U huma xwew 
il-ħaruf ta' l-Għid bin-nar skond il-Liġi; imma l-offerti mqaddsa għallewhom 
fil-borom, kaldaruni u twaġen u qassmuhom malajr lil ulied il-poplu kollha. 
[2Kron:35:14] Mbagħad lestew għalihom stess u għall-qassisin; għax il-qassisin, 
ulied Aron, baqgħu joffru s-sagrifiċċju tal-ħruq u x-xaħmijiet sa billejl; u 
l-Leviti lestew għalihom stess u għall-qassisin, ulied Aron. 
[2Kron:35:15] Il-kantanti, ukoll, ulied Asaf, ħadu posthom skond l-ordni ta' 
David: Asaf, Ħeman, u Ġedutun, il-veġġent tas-sultan; u l-purtinara qagħdu 
f'kull bieb. Ħadd minnhom ma warrab is-servizz tiegħu għax ħuthom il-Leviti 
ħasbu għalihom. 
[2Kron:35:16] Hekk qassmu s-servizz tal-Mulej dakinhar biex jagħmlu l-festa ta' 
l-Għid, u biex joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq fuq l-artal tal-Mulej, skond 
l-ordni tas-sultan Ġosija. [2Kron:35:17] Hekk għamlu wlied Iżrael il-festa ta' 
l-Għid f'dak iż-żmien u l-festa ta' l-ażżmi għal sebat ijiem. [2Kron:35:18] Qatt 
ma saret f'Iżrael festa ta' l-Għid bħal dik sa minn żmien il-profeta Samwel; u 
ebda wieħed mis-slaten ta' Iżrael qatt ma għamel festa ta' l-Għid bħal dik li 
għamel Ġosija, il-qassisin u l-Leviti, u Ġuda u Iżrael kollu li kienu hemm u 
dawk li kienu jgħammru Ġerusalemm. 
[2Kron:35:19] Dan l-Għid sar fis-sena tmintax tas-saltna ta' Ġosija.
Il-mewt ta' Ġosija
[2Kron:35:20] Wara dan kollu, meta Ġosija kien sewwa d-dar tal-Mulej, Neko, 
is-sultan ta' l-Eġittu, tala' biex jitqabad f'Karkemis ħdejn l-Ewfrat, u Ġosija 
ħareġ iżommu. [2Kron:35:21] Imma dak bagħatlu messaġġiera jgħidulu: “X'hemm 
bejni u bejnek, sultan ta' Ġuda? M'iniex ġej għalik illum, imma ġej kontra d-dar 
li magħha qiegħed nagħmel gwerra, u Alla ordnali li ngħaġġel. Tiqafx lil Alla 
għax hu miegħi, li ma jeqirdikx.” [2Kron:35:22] U Ġosija ma dawwarx wiċċu minnu, 
imma għamel il-qalb biex jitqabad miegħu, u ma tax widen għal dak li Neko qallu 
minn fomm Alla, u mar jitqabad miegħu fil-wied ta' Megiddu. [2Kron:35:23] U 
l-arċieri ġibdu għal fuq is-sultan Ġosija, u s-sultan qal lill-qaddejja tiegħu: 
“Ħuduni minn hawn għaliex midrub sewwa!” [2Kron:35:24] U l-qaddejja tiegħu ħaduh 
minn fuq il-karru, u għabbewh fuq karru ieħor minn tiegħu, u ġibuh Ġerusalemm; u 
miet u difnuh fl-oqbra ta' missirijietu, u Ġuda kollu u Ġerusalemm għamlu 
l-vistu għal Ġosija. 
[2Kron:35:25] Ġeremija wkoll kiteb għanja ta' lamentazzjoni għal Ġosija; u 
l-kantanti kollha, nisa u rġiel, baqgħu sa llum isemmu lil Ġosija 
fil-lamentazzjonijiet tagħhom u ħaduha drawwa f'Iżrael; u dawn jinsabu miktuba 
fil-ktieb tal-lamentazzjonijiet. 
[2Kron:35:26] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġosija u l-opri tajba tiegħu skond ma 
hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej; [2Kron:35:27] il-ġrajja tiegħu, mill-bidu sa 
l-aħħar, huma miktubin fi Ktieb is-Slaten ta' Iżrael u Ġuda.
36. Is-saltna ta' Ġeħowaħaż ( 609 QK )
[2Kron:36:1] U l-poplu tal-pajjiż ħadu lil Ġeħowaħaż bin Ġosija u għamluh sultan 
flok missieru f'Ġerusalemm. [2Kron:36:2] Ġeħowaħaż kellu tlieta u għoxrin sena 
meta beda jsaltan, u baqa' jsaltan tliet xhur f'Ġerusalemm. [2Kron:36:3] Mbagħad 
is-sultan ta' l-Eġittu neħħieh mis-saltna f'Ġerusalemm, u għabba 'l pajjiż 
bil-piż ta' mitt talent tal-fidda u talent tad- deheb. [2Kron:36:4] U s-sultan 
ta' l-Eġittu għamel minn floku lil ħuh Elijakim, sultan fuq Ġuda u Ġerusalemm, u 
biddillu ismu f'Ġeħojakim. U lil ħuh Ġeħowaħaż, Neko qabdu u ħadu l-Eġittu.
Is-saltna ta' Ġeħojakim ( 609-598 QK )
[2Kron:36:5] Ġeħojakim kellu ħamsa u għoxrin sena meta beda jsaltan, u dam 
isaltan ħdax-il sena f'Ġerusalemm. U għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej, Alla 
tiegħu. [2Kron:36:6] U tala' għalih Nabukodonosor, sultan tal-Babilonja, u rabtu 
bil-ktajjen tal-bronż biex jieħdu f'Babilonja. [2Kron:36:7] U Nabukodonosor ħa 
mit-tagħmir ta' dar il-Mulej, u qiegħdu fit-tempju tiegħu f'Babilonja. 
[2Kron:36:8] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġeħojakim, u l-qżiżijiet li għamel u dak 
li ġralu, huma miktuba fi Ktieb is-Slaten ta' Iżrael u Ġuda. U beda jsaltan 
minfloku Ġeħojakin ibnu.
Is-saltna ta' Ġeħojakin ( 598-597 QK )
[2Kron:36:9] Ġeħojakin kellu tmien snin meta beda jsaltan, u dam isaltan tliet 
xhur u għaxart ijiem f'Ġerusalemm, u għamel il-ħażin f'għajnejn il-Mulej. 
[2Kron:36:10] Fil-bidu tas-sena s-sultan Nabukodonosor bagħat iġibu f'Babilonja, 
lilu u t-tagħmir prezzjuż tad-dar ta' Alla, u qiegħed sultan floku lil ħuh 
Sedekija fuq Ġuda u Ġerusalemm.
Is-saltna ta' Sedekija ( 597-587 QK )
[2Kron:36:11] Sedekija kellu wieħed u għoxrin sena meta beda jsaltan u dam 
ħdax-il sena jsaltan f'Ġerusalemm. [2Kron:36:12] U għamel il-ħażin f'għajnejn 
il-Mulej, Alla tiegħu. U ma umiljax ruħu quddiem Ġeremija l-profeta li kien 
jitkellem minn fomm Alla. [2Kron:36:13] U qam ukoll kontra Nabukodonosor, li 
kien ġagħlu jaħlef b'Alla, u rafa' rasu; u webbes qalbu biex ma jerġax lura għal 
għand il-Mulej, Alla ta' Iżrael. [2Kron:36:14] Il-kbarat kollha tal-qassisin u 
l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju 
tal-Mulej li hu kien qaddes f'Ġerusalemm. [2Kron:36:15] U billi ġietu ħasra 
mill-poplu tiegħu u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta' missirijiethom, kien 
ta' sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. [2Kron:36:16] Iżda huma 
kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti 
tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux 
jeħilsuha aktar.
Il-waqgħa ta' Ġerusalemm u l-eżilju (587 QK)
[2Kron:36:17] U l-Mulej talla' għalihom is-sultan tal-Kaldin; u dan qatlilhom 
l-aħjar irġiel tagħhom bix-xabla fid-dar tas-santwarju tagħhom; ma kellux ħniena 
la miż-żagħżugħ, la mix-xebba, la mix-xwejjaħ, u lanqas mix-xiħ, lkoll erħiehom 
f'idejh; [2Kron:36:18] u t-tagħmir kollu tat-tempju ta' Alla, kbir u żgħir, u 
t-teżori tad-dar tal-Mulej u t-teżori tas-sultan u tal-prinċpijiet, ħadhom 
kollha f'Babilonja. [2Kron:36:19] U ħarqulhom it-tempju ta' Alla, ġarrfu s-swar 
ta' Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kull ma 
kellha prezzjuż. [2Kron:36:20] U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, 
Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal 
uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. [2Kron:36:21] Hekk seħħ dak li qal 
Alla b'fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta' Sibtijietha, ma 
tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena.”
Il-ħelsien (538 QK)
[2Kron:36:22] Fl-ewwel sena ta' Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma 
tal-Mulej li kienet intqalet b'fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan 
tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra 
bil-miktub, li kienet tgħid: [2Kron:36:23] “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: 
'Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f'idejja s-saltniet kollha ta' l-art, u hu 
qabbadni nibnilu tempju f'Ġerusalemm, li hi f'Ġuda. Kull min minnkom hu 
mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla'.' ”