IT-TIENI ITTRA LILL-KORINTIN
1. Tislima
[2Kor:1:1] Pawlu, appostlu ta' Ġesù Kristu bir-rieda ta' Alla, u Timotju, ħija,
lill-Knisja ta' Alla li qiegħda f'Korintu, flimkien mal-qaddisin kollha li
qegħdin fl-Akaja: [2Kor:1:2] grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier
tagħna u l-Mulej Ġesù Kristu.
Radd il-ħajr fil-hemm
[2Kor:1:3] Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta'
kull faraġ. [2Kor:1:4] Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz
tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li
jinsabu f'kull xorta ta' hemm. [2Kor:1:5] Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta'
Kristu, hekk ukoll permezz ta' Kristu, joktor fina l-faraġ. [2Kor:1:6] In-niket
tagħna jservi għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; u jekk nitfarrġu, dan iservi
għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex ikollkom il-qawwa tissaportu s-sofferenzi
li nissaportu aħna wkoll. [2Kor:1:7] B'hekk, it-tama tagħna fikom hi dejjem
qawwija, għax aħna nafu li, kif intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk
ukoll taqsmu l-faraġ tagħna.
[2Kor:1:8] Ma rridukomx ma tkunux tafu, ħuti, bit-taħbit li ġie fuqna fl-Asja;
konna magħfusin iżżejjed li ma konniex nifilħu u konna qtajna jiesna minn
ħajjitna. [2Kor:1:9] Iżda ħassejna fina s-sentenza tal-mewt, biex ma nittamawx
fina nfusna, iżda f'Alla li jqajjem lill-mejtin. [2Kor:1:10] Kien hu li ħelisna
minn daqstant perikli tal-mewt u għad jeħlisna; fih nittamaw li jerġa' jeħlisna
[2Kor:1:11] bl-għajnuna tat-talb tagħkom għalina. Hekk ħafna, minħabba d-don li
rċevejna aħna, iroddu l-ħajr għall-grazzji li qlajna bis-saħħa tat-talb ta'
ħafna.
Għaliex ma marx iżurhom
[2Kor:1:12] Il-ftaħir tagħna hu dan: il-kuxjenza tagħna tixhdilna li aħna ġibna
ruħna fid-dinja bis-sempliċità u s-sinċerità li ġejjin minn Alla mhux bl-għaqal
tad-dinja, imma bil-grazzja ta' Alla, l-aktar fejn kelli x'naqsam magħkom.
[2Kor:1:13] Aħna ma niktbulkomx għajr dak li tistgħu taqraw u tifhmu. Nittamaw
li intom tifhmu kollox sewwa, [2Kor:1:14] bħalma ġa fhimtu xi ħaġa minna, sabiex
intom tiftaħru bina u aħna niftaħru bikom f'Jum Sidna Ġesù Kristu.
[2Kor:1:15] Jiena kont żgur minn dan, u għalhekk qabel ridt niġi għandkom, biex
terġgħu tifirħu [2Kor:1:16] u ngħaddi mingħandkom għall-Maċedonja, u mbagħad
nerġa' lura mill-Maċedonja għal għandkom u tqabbduni t-triq intom għal-Lhudija.
[2Kor:1:17] Meta ddeċidejna li nagħmlu dan, jaqaw għamilna hekk bla ħsieb? Jaqaw
dak li niddeċiedi, niddeċidih għall-interessi ta' din id-dinja, b'mod li jkun
hemm fija "iva, iva" u"le, le?" fl-istess ħin? [2Kor:1:18] Tassew, daqskemm
tassew hu fidil Alla, li l-kelma tagħna lilkom ma kinitx "iva" u "le".
[2Kor:1:19] L-Iben ta' Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom aħna, jiena u Silvanu
u Timotju, ma kienx "iva" u "le"; fih kien hemm l-"iva" weħidha. [2Kor:1:20]
Għax fih il-wegħdiet ta' Alla kollha saru "iva". Hu għalhekk li aħna, permezz
tiegħu, ngħidu l-"Amen" għall-glorja ta' Alla. [2Kor:1:21] Alla hu li jwettaq
kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu; [2Kor:1:22]
hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b'rahan l-Ispirtu fi qlubna.
[2Kor:1:23] Jiena nsejjaħ lil Alla xhud tiegħi fuq ruħi li ma rġajtx ġejt
Korintu biex naħfirhielkom. [2Kor:1:24] Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda
li naħdmu flimkien għall-ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-fidi.
2. [2Kor:2:1] Jien iddeċidejt li ma nerġax niġi għandkom bi swied ta' qalb.
[2Kor:2:2] Għax jekk jien insewwdilkom qalbkom, min se jferraħni, jekk mhux dawk
stess li sewwdu qalbhom minħabba fija? [2Kor:2:3] Jien ktibtilkom dan biex, meta
niġi għandkom, ma jkollix swied ta' qalb minħabba dawk li għandi nifraħ bihom.
Jien għandi fehma sħiħa li l-ferħ tiegħi hu l-ferħ tagħkom ilkoll. [2Kor:2:4]
Iva, jiena ktibtilkom b'għafsa ta' qalb u bid-dmugħ, mhux biex insewwdilkom
qalbkom, iżda biex inġagħalkom tifhmu l-imħabba bla tarf li għandi għalikom.
Maħfra
[2Kor:2:5] Jekk xi ħadd ġieb swied il-qalb, mhux lili nikket, imma b'xi mod -
bla ma nkabbarha - lilkom ilkoll. [2Kor:2:6] Biżżejjed għal dan il-kastig li
tatu l-biċċa l-kbira tagħkom. [2Kor:2:7] Mela issa intom għandkom tħennu għalih
u tfarrġuh, li ma jmurx jaqta' jiesu taħt it-toqol tan-niket. [2Kor:2:8]
Għalhekk nitlobkom turuh imħabbitkom għalih.
[2Kor:2:9] Għalhekk ktibtilkom dik l-ittra; sabiex nippruvakom u nara tisimgħux
minni f'kollox.
[2Kor:2:10] Meta intom taħfru lil xi ħadd, naħfirlu jiena wkoll. Meta jien
naħfer - jekk ħfirt xi ħaġa - ħfirtha minħabba fikom quddiem Kristu, [2Kor:2:11]
biex ma jegħlibnix ix-Xitan, għax nafu x'inhuma l-ħsibijiet tiegħu.
L-inkwiet ta' Pawlu
[2Kor:2:12] Meta wasalt Troas biex inxandar l-Evanġelju ta' Kristu, il-Mulej
fetaħli l-bibien kollha. [2Kor:2:13] Iżda ma kellix mistrieħ f'qalbi, għax ma
stajtx insib lil ħija Titu; għalhekk sellimt lin-nies li joqogħdu hemmhekk u
tlaqt lejn il-Maċedonja.
[2Kor:2:14] Niżżi ħajr lil Alla, għax hu li jmexxina dejjem fir-rebħ fi Kristu u
li jxerred ma' kullimkien permezz tagħna l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu.
[2Kor:2:15] Għaliex aħna nwasslu l-fwieħa ta' Kristu fost dawk li jsalvaw u fost
dawk li jintilfu. [2Kor:2:16] Lil dawn ta' l-aħħar din il-fwieħa twassalhom
għall-mewt, lil dawk twassalhom għall-ħajja. Min jinqala' għal din il-ħidma?
[2Kor:2:17] Aħna m'aħniex bħal ħafna li jinnegozjaw il-kelma ta' Alla, iżda bħal
nies b'qalbhom safja, bħal nies mibgħutin minn Alla, quddiem Alla nitkellmu fi
Kristu.
3. Il-ministri tal-Patt il-Ġdid
[2Kor:3:1] Nerġgħu nibdew nirrikkmandaw lilna nfusna? Għandna bżonn aħna, bħal
xi wħud, b'xhieda għalina, ittri ta' rakkomandazzjoni għalikom jew mingħandkom?
[2Kor:3:2] L-ittra tagħna hi intom, miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn
kulħadd. [2Kor:3:3] Intom tidhru li intom l-ittra ta' Kristu fdata f'idejna,
miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta' Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel
tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta' qalbkom.
[2Kor:3:4] Tant aħna għandna qalbna qawwija quddiem Alla permezz ta' Kristu!
[2Kor:3:5] Mhux li aħna minna nfusna għandna l-ħila naħsbu li xi ħaġa ġejja
minna nfusna; il-ħila tagħna ġejja mingħand Alla, [2Kor:3:6] li tana l-ħila li
nkunu ministri tal-patt il-ġdid, il-patt mhux ta' l-ittra imma ta' l-Ispirtu;
għax l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja.
[2Kor:3:7] Issa jekk il-ministeru tal-mewt imnaqqax fil-ġebel kien hekk imdawwal
bil-glorja li wlied Iżrael ma setgħux iżommu għajnejhom f'wiċċ Mosè minħabba
fid-dija ta' wiċċu - u din ma kinitx għal dejjem - [2Kor:3:8] kemm aktar ikun
imdawwal bil-glorja l-ministeru ta' l-Ispirtu! [2Kor:3:9] Jekk il-ministeru
tal-kundanna kien imdawwal bil-glorja, kemm aktar jiddi bil-glorja l-ministeru
tal-ġustifikazzjoni! [2Kor:3:10] Anzi, minn daqshekk, dak li darba kellu l-glorja
ma kellu glorja xejn ħdejn il-kobor bla qjies tal-glorja ta' issa. [2Kor:3:11]
Jekk kien imdawwal bil-glorja l-ministeru li kellu jgħaddi, kemm aktar hu
mdawwal bil-glorja dak li għandu jibqa'!
[2Kor:3:12] Meta għandna din it-tama, aħna nagħmlu tassew il-qalb, [2Kor:3:13] u
ma nagħmlux bħal Mosè, li xeħet velu fuq wiċċu biex ulied Iżrael ma jżommux
għajnejhom fuq it-tmiem ta' dak li kellu jgħaddi u jiġi fix-xejn. [2Kor:3:14]
Moħħhom iddallam, u sal-ġurnata ta' llum dak l-istess velu għadu fuqhom waqt
il-qari tal-Kotba tal-Patt il-Qadim; ma jitneħħiex, għax permexx ta' Kristu biss
jitneħħa. [2Kor:3:15] Sa llum stess, kull meta jaqraw il-Liġi ta' Mosè hemm velu
fuq qalbhom; [2Kor:3:16] dan il-velu jitneħħa meta jerġgħu lura lejn il-Mulej.
[2Kor:3:17] Għax il-Mulej huwa l-Ispirtu, u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm
il-ħelsien. [2Kor:3:18] Aħna lkoll, li b'wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f'mera
l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja
skond ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.
4. Teżori fil-fuħħar
[2Kor:4:1] Ladarba għall-ħniena ta' Alla aħna għandna dan il-ministeru, ma
naqtgħux qalbna; [2Kor:4:2] imma nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-qerq
u lanqas ngħawwġu l-kelma ta' Alla, iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza
ta' kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla. [2Kor:4:3] Jekk imbagħad l-Evanġelju
tagħna jibqa' mistur għal dawk li jintilfu; [2Kor:4:4] dawk li l-alla ta' din
id-dinja dallmilhom il-moħħ tagħhom nieqes mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl
ta' l-Evanġelju glorjuż ta' Kristu, li hu xbieha ta' Alla. [2Kor:4:5] Għax aħna
'l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m'aħniex ħlief
qaddejja tagħkom minħabba f'Ġesù Kristu. [2Kor:4:6] Dan Alla li qal: "Ħa jiddi
d-dawl mid-dlam", dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta' l-għarfien
tal-glorja ta' Alla, li tiddi f'wiċċ Kristu.
[2Kor:4:7] Dan it-teżor qiegħed għandna f'ġarar tal-fuħħar, ħalli b'hekk jidher
sewwa li l-kobor ta' din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. [2Kor:4:8] Aħna
minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m'aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma
għandniex qalbna maqtugħa; [2Kor:4:9] ippersegwitati, iżda m'aħniex abbandunati;
mixħutin ma' l-art, iżda m'aħniex meqrudin. [2Kor:4:10] F'ġisimna dejjem inġorru
l-mewt ta' Ġesù, biex f'ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta' Ġesù. [2Kor:4:11] Għax
aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f'Ġesù
biex il-ħajja ta' Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. [2Kor:4:12] U
b'hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja. [2Kor:4:13] Imma billi
aħna għandna l-istess spirtu ta' fidi li fuqu hemm miktub: "Emmint, u għalhekk
tkellimt," aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; [2Kor:4:14] għax nafu li
dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma' Ġesù u
jressaqna quddiemu flimkien magħkom. [2Kor:4:15] Għax dan kollu minħabba fikom,
biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b'hekk jitkattar ir-radd ta' ħajr,
għall-glorja ta' Alla.
Ngħix bil-fidi
[2Kor:4:16] Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta' barra
jitħassar, il-bniedem ta' ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. [2Kor:4:17] Id-daqsxejn
ta' tbatija tagħna ta' issa tħejjilna kobor ta' glorja bla qjies għal dejjem;
[2Kor:4:18] lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma
jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal
dejjem.
5. [2Kor:5:1] Aħna nafu li jekk din it-tinda ta' l-għamara tagħna fl-art
tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn, imma xogħol ta' Alla,
għal dejjem fis-sema. [2Kor:5:2] Aħna f'din nitniehdu, mxennqa li nilbsu fuq din
l-għamara tal-ġisem l-għamara l-oħra tas-sema. [2Kor:5:3] Għax jekk nilbsu din
ma ninstabux għarwenin. [2Kor:5:4] Aħna, li qegħdin f'din it-tinda, nitniehdu,
mgħobbija kif aħna; għalhekk ma rridux ninżgħu, iżda nilbsu oħra minn fuq biex
il-ġisem li jmut jinxtorob mill-ħajja. [2Kor:5:5] Alla stess sawwarna għal dan,
hu li tana r-rahan ta' l-Ispirtu.
[2Kor:5:6] Aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b'dan
il-ġisem, nibqgħu 'l bogħod mill-Mulej; ... [2Kor:5:7] aħna ngħixu bil-fidi u
mhux bil-viżjoni ... [2Kor:5:8] Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu
minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej. [2Kor:5:9] Għalhekk fuq
kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu
minn dan il-ġisem. [2Kor:5:10] Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem
it-tribunal ta' Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun
għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.
Il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni
[2Kor:5:11] Aħna li nafu x'jiġifieri l-biża' tal-Mulej, nipperswadu lill-bnedmin
għal magħna. Alla jafna; nittama li l-kuxjenza tagħkom tafna wkoll. [2Kor:5:12]
M'aħniex nerġgħu nirrikkmandaw ruħna lilkom, imma qegħdin nagħtukom raġun
tiftaħru bina, biex ikollkom xi twieġbu lil dawk kollhom ftaħir fil-wiċċ minn
barra, imma mhux mill-qalb. [2Kor:5:13] Jekk aħna boloh, aħna boloh għal Alla;
jekk aħna f'sensina, aħna f'sensina għalikom. [2Kor:5:14] L-imħabba ta' Kristu
ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet.
[2Kor:5:15] U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom,
imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.
[2Kor:5:16] Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skond il-ġisem. Jekk għarafna lil
Kristu skond il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. [2Kor:5:17] Meta wieħed
jingħaqad ma' Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.
[2Kor:5:18] Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta' Kristu u
tana l-ministeru ta' din il-ħbiberija tal-bnedmin ma' Alla. [2Kor:5:19] Alla
kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta' Kristu, bla ma qagħad iżomm
il-kont ta' dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta' din il-ħbiberija. [2Kor:5:20]
Aħna nagħmluha ta' ambaxxaturi ta' Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ
permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f'ġieħ Kristu: "Ħallu lil Alla jħabbibkom
miegħu." [2Kor:5:21] Dak li ma kienx jaf x'inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina
sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta' Alla.
6. [2Kor:6:1] Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma' Alla, aħna mela nħeġġukom biex
ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. [2Kor:6:2] Għax hu jgħid:
"Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
f’jum is-salvazzjoni għentek."
Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!
Pawlu jiftaħ qalbu
[2Kor:6:3] Aħna xejn ma nagħmlu li jista' jkun ta' tfixkil lil xi ħadd, biex
il-ministeru tagħna ma jaqax fl-għajb. [2Kor:6:4] F'kollox inqisu ruħna bħala
ministri ta' Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa,
[2Kor:6:5] fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla
rqad, fis-sawm; [2Kor:6:6] bis-safa tal-qalb, bl-għerf, is-sabar, bil-ħlewwa, bi
spirtu qaddis, bl-imħabba sinċiera, [2Kor:6:7] bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa
ta' Alla, bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug, [2Kor:6:8]
fil-ġieħ u fl-għajb, kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu t-tajjeb fuqna;
iżommuna bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; [2Kor:6:9] bħala nies li
ma jafhom ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f'xifer il-mewt, għad li aħna
ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m'aħniex mogħtijin għall-mewt;
[2Kor:6:10] bħala nies imdejjqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad
li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa
tagħna!
[2Kor:6:11] Ftaħna fommna għalikom, o Korintin, b'qalbna miftuħa beraħ!
[2Kor:6:12] Għalikom m'hemmx djieq f'qalbna; id-djieq qiegħed f'qalbkom.
[2Kor:6:13] Ħallsuna, qiegħed inkellimkom bħal uliedi, billi tiftħu qalbkom
beraħ intom ukoll!
Tempju ta' Alla l-ħaj
[2Kor:6:14] La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx.
X'għandhom x'jaqsmu bejniethom il-ġustizzja u l-ħażen? X'xirka hemm bejn id-dawl
u d-dlam? [2Kor:6:15] Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar? Jew x'għandu x'jaqsam
min jemmen ma' min ma jemminx? [2Kor:6:16] X'rabta hemm bejn it-tempju ta' Alla
ma' l-idoli? Aħna t-tempju ta' Alla l-ħaj. Kif jgħid Alla:
Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.
Nkun Alla tagħhom;
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
[2Kor:6:17] Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom,
u nfirdu minnhom, jgħid il-Mulej;
la tmissux l-imniġġes,
u jien nilqagħkom;
[2Kor:6:18] u nkun għalikom missier
u intom tkunu għalija wlied,
subjien u bniet,
jgħid il-Mulej, li jista’ kollox.
7. [2Kor:7:1] Meta għandna dawn il-wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn
kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna fil-biża' ta' Alla.
Il-ferħ ta' Pawlu u l-indiema tal-Korintin
[2Kor:7:2] Agħmlulna l-wisa' f'qalbkom! Ma nqasna lil ħadd; ma għamilna deni lil
ħadd; ma qarraqna b'ħadd! [2Kor:7:3] M'iniex ngħid dan biex nikkundannakom;
għaliex, kif għedt qabel, intom ilkoll qegħdin f'qalbi biex immutu u ngħixu
flimkien. [2Kor:7:4] Jien għandi qalbi qawwija minħabba fikom; nħossni kburi
ħafna bikom; kollni faraġ; mfawwar bil-ferħ fost id-djieqa kollha tagħna.
[2Kor:7:5] Meta morna l-Maċedonja, ma kellna ebda mistrieħ f'ġisimna, iżda
taħbit f'kollox - taqbid minn barra u biża' minn ġewwa. [2Kor:7:6] Imma Alla, li
jfarraġ lill-umli, farraġna bil-wasla ta' Titu. [2Kor:7:7] Mhux biss bil-wasla
ta' dan, iżda wkoll bil-faraġ li bih tfarraġ hu stess minħabba fikom; qalilna
bix-xewqa tagħkom, bil-biki tagħkom, biż-żelu tagħkom għalija; u hekk jien fraħt
iktar. [2Kor:7:8] Għax jekk sewwidtilkom qalbkom bl-ittra, ma għandix għax
nindem; u jekk nindem - qiegħed nara li b'din l-ittra sewwidtilkom qalbkom,
għalkemm għal ftit - [2Kor:7:9] issa nifraħ; mhux għax sewwidtilkom qalbkom imma
għax minn swied il-qalb wasaltu għall-indiema. Sewwidtilkom qalbkom kif irid
Alla, b'mod li m'għamilnielkom l-ebda ħsara. [2Kor:7:10] Swied il-qalb kif irid
Alla jnissel l-indiema għas-salvazzjoni, li minnha ħadd ma jibdielu; imma swied
il-qalb kif trid id-dinja jwassal għall-mewt. [2Kor:7:11] Araw dan is-swied
il-qalb kif irid Alla x'ħeġġa nissel fikom, x'ġustifikazzjoni tagħkom infuskom,
x'għadab, x'biża', x'xewqa, x'żelu, u x'xewqa biex issir ġustizzja. F'kull ma
ġara ġibtu ruħkom bla ħtija. [2Kor:7:12] Mela jekk ktibtilkom, ma ktibtilkomx
minħabba min għamel id-deni jew min sofra xi deni, iżda biex jidher iż-żelu li
għandkom għalina quddiem Alla. [2Kor:7:13] Minħabba dan tfarraġna.
Barra minn dan l-faraġ, fraħna aktar minħabba l-ferħ ta’ Titu, għaliex ilkoll
kemm intom ferraħtulu qalbu. [2Kor:7:14] Jekk ftaħart xi ftit bikom miegħu ma
kellix għax nistħi; imma kif dejjem għedtilkom il-verità, hekk ukoll il-ftaħir
tagħna ma' Titu deher li kien veru. [2Kor:7:15] U qalbu xegħlet aktar għalikom
meta ftakar fl-ubbidjenza tagħkom, kif ilqajtuh bil-biża' u t-tregħid.
[2Kor:7:16] Nifraħ għaliex għal kollox nista' norbot fuqkom.
8. L-għajnuna ġeneruża lill-foqra
[2Kor:8:1] Aħna għarrafnielkom, ħuti, il-grazzja ta' Alla li ngħatat
lill-knejjes tal-Maċedonja, [2Kor:8:2] għaliex fil-prova l-kbira tas-sofferenza,
il-ferħ tagħhom kien kbir u l-faqar bla tarf tagħhom safa ta' għana kbir biex
taw minn qalbhom. [2Kor:8:3] Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u, nixhdhulkom
jien, aktar milli setgħu. [2Kor:8:4] Talbuna b'ħeġġa kbira din il-grazzja,
jiġifieri, li jissieħbu f'dan il-ministeru ta' għajnuna lill-qaddisin,
[2Kor:8:5] u aktar milli ttamajna aħna, huma taw ruħhom l-ewwel lill-Mulej,
mbagħad lilna bir-rieda ta' Alla. [2Kor:8:6] U hekk tlabna lil Titu, li beda dan
ix-xogħol, biex itemm din il-ħidma ta' ħniena fostkom. [2Kor:8:7] Iżda bħalma
intom għonja f'kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu,
fl-imħabba li aħna rawwimna f'qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f'din il-ħidma
ta' ħniena.
[2Kor:8:8] M'iniex nordnalkom; iżda permezz tal-ħerqa li wera ħaddieħor, irrid
nipprova kemm hi sinċiera l-imħabba tagħkom. [2Kor:8:9] Intom tafu l-grazzja ta'
Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom
tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu. [2Kor:8:10] Jiena parir qiegħed nagħti
f'dan; għax dan ikun jaqblilkom, lilkom, li s-sena l-oħra kontu l-ewwel nies,
mhux biss li ndħaltu għal dan x-xogħol, imma li ridtuh ukoll. [2Kor:8:11] Issa
mela temmu dak li bdejtu tagħmlu, ħalli b'hekk, bħalma ridtuh minn qalbkom hekk
ukoll ittemmuh, kulħadd skond ma għandu. [2Kor:8:12] Jekk il-qalb tkun hemm, dak
li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux. [2Kor:8:13] Mhux
biex il-piż iħeff minn fuq l-oħrajn u jaqa' kollu fuqkom, imma kulħadd indaqs.
[2Kor:8:14] Bħalissa ħallu ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes ta' dawk
li ma għandhomx, biex iż-żejjed tagħhom għad ikun jista' jpatti għan-nieqes
tagħkom. U hekk ikun kulħadd indaqs, [2Kor:8:15] bħalma hu miktub:
"Min ġabar ħafna ma sabx iż-żejjed,
u min ġabar ftit ma baqax bin-nieqes."
Titu u sħabu
[2Kor:8:16] Ħajr lil Alla li nissel l-istess ħerqa f'qalb Titu għalikom.
[2Kor:8:17] Għaliex mhux biss laqa' t-talba tagħna, iżda minn qalbu ġej għandkom
minħabba ż-żelu li għandu għalikom. [2Kor:8:18] Miegħu qegħdin nibagħtu wkoll
lil ħuna li l-knejjes kollha jfaħħru minħabba x-xogħol tiegħu fix-xandir ta'
l-Evanġelju. [2Kor:8:19] Mhux biss dan, imma kien ukoll magħżul mill-knejjes
biex ikun is-sieħeb magħna fis-safar tagħna f'dan il-ministeru ta' karità
għall-glorja ta' Alla u xhieda tar-rieda tajba tagħna. [2Kor:8:20] Għax qegħdin
attenti li ħadd ma jkollu xi jgħid fina minħabba l-mod li bih sa nħaddmu din
il-ġabra kbira. [2Kor:8:21] Aħna nfittxu s-sewwa mhux biss quddiem Alla iżda
wkoll quddiem il-bnedmin. [2Kor:8:22] Qegħdin nibagħtu magħhom lil ħuna, li
l-ħeġġa tiegħu ppruvajnieha kemm-il darba b'ħafna manjieri u sibnieh dejjem
mimli ħeġġa, iżda issa mħeġġeġ aktar minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom.
[2Kor:8:23] Dwar Titu, mbagħad, ngħid biss li huwa sieħbi u ħaddiem miegħi
għalikom; u fl-aħħar dwar ħuti, dawn huma l-messaġġiera tal-knejjes, u l-glorja
ta' Kristu. [2Kor:8:24] Agħtuhom mela, xhieda ta' mħabbitkom quddiem il-knejjes
u tal-verità tal-ftaħir tagħna bikom.
9. L-offerta għall-insara
[2Kor:9:1] Dwar l-għajnuna li għandkom tagħtu lill-qaddisin, kollu żejjed li
niktbilkom. [2Kor:9:2] Naf ir-rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem
in-nies tal-Maċedonja u għedt: "In-nies ta' l-Akaja jinsabu lesti mis-sena
l-oħra"; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom. [2Kor:9:3] Madankollu jien
bgħatt lill-aħwa, biex il-ftaħir tagħna bikom ma jisfax fix-xejn f'din il-ħaġa
sabiex, kif għedtilkom, tkunu lesti, [2Kor:9:4] u hekk ma jmurx jiġri li jiġu xi
Maċedonin miegħi u jsibukom m'intomx lesti, u ġġegħluna nistħu, biex ma ngħidx
intom, minn din il-fiduċja tagħna fikom. [2Kor:9:5] Għalhekk aħna ħassejna
l-bżonn li nitolbu lil dawn l-aħwa biex jiġu għandkom qabilna u jlestu l-offerta
li kontu wegħedtu qabel; u hekk din tkun lesta, mhux bħala ħaġa bilfors, imma
bħala ħaġa ħierġa mill-qalb.
[2Kor:9:6] Jien dan ngħid: min jiżra' ftit, jaħsad ftit; u min jiżra' ħafna,
jaħsad ħafna. [2Kor:9:7] Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn
rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.
[2Kor:9:8] Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b'kull xorta ta' barka, hekk li
dejjem u f'kollox ikollkom kull ma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll
għal kull opra tajba. [2Kor:9:9] Bħalma hu miktub:
"Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar;
il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem. "
[2Kor:9:10] Dak li, lil min jiżra' jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel,
jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja
tagħkom. [2Kor:9:11] U intom tistagħnu b'kull ġid, ħalli turu kull xorta ta'
ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla' innu ta' radd il-ħajr quddiem Alla.
[2Kor:9:12] Għaliex il-ministeru ta' dan is-servizz mhux biss itaffi
l-bżonnijiet tal-qaddisin, imma wkoll inissel kotra ta' radd il-ħajr lil Alla;
[2Kor:9:13] dan il-ministeru juri x'intom, u huma jagħtu glorja lil Alla
minħabba l-ubbidjenza tagħkom għall-Evanġelju ta' Kristu u tal-ġenerożità ta'
l-għotja tagħkom lilhom u lil kulħadd; [2Kor:9:14] u t-talb tagħhom għalikom
juri l-imħabba kbira li għandhom għalikom minħabba l-grazzja bla qjies ta' Alla
għalikom. [2Kor:9:15] Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.
10. Pawlu jiddefendi l-ministeru tiegħu
[2Kor:10:1] Jiena, Pawlu, nitlobkom f'ġieħ l-umiltà u l-ħlewwa kollha ta' Kristu
- jien, li jien umli meta nkun fostkom, u qalbieni meta nkun 'il bogħod minnkom
- [2Kor:10:2] nitlobkom li ma jkollix għalfejn ninqeda b'din il-ħila, u
bil-qawwa li biha bi ħsiebni ninqeda ma' dawk li jaħsbu li aħna nimxu skond
id-dinja. [2Kor:10:3] Tassew li aħna ngħixu fid-dinja, imma ma nissarawx bl-armi
tad-dinja; [2Kor:10:4] l-armi tagħna għall-ġlied m'humiex tad-dinja; iżda
għandhom il-qawwa ta' Alla biex iġarrfu l-fortizzi. Aħna nwaqqgħu kull
raġunament [2Kor:10:5] u kull kburija li tqum kontra l-għarfien ta' Alla u
njassru kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu. [2Kor:10:6] Aħna lesti biex
nikkastigaw kull diżubbidjenza meta tkunu obdejtu għalkollox.
[2Kor:10:7] Intom qegħdin tħarsu fil-wiċċ. Jekk xi ħadd jaħseb li hu ta' Kristu,
ħa jaħseb ftit fih innifsu, għax aħna ta' Kristu bħalma hu hu. [2Kor:10:8] Jekk
ikolli niftaħar xi ftit iżżejjed bis-setgħa tagħna, is-setgħa li tana l-Mulej,
biex nibnukom u mhux biex inġarrfukom, ma jkollniex għax nistħu. [2Kor:10:9] Ma
rridx nidher qisni qiegħed inbeżżagħkom bl-ittri tiegħi. [2Kor:10:10] Xi ħadd
jgħid: 'L-ittri huma iebsa u qawwija; imma meta hu jkun hawn ikun qisu bla ħila
u kliemu ta' min jistmerru'. [2Kor:10:11] Dan għandu jdaħħal f'rasu li aħna
l-istess, sew fil-kelma ta' l-ittri sew f'għemilna meta nkunu fostkom.
[2Kor:10:12] Aħna ma nissugrawx niddaqqsu jew nitqabblu ma' dawk li jiftaħru
bihom infushom. Meta dawn iqisu ruħhom bihom infushom u jqabblu lil ruħhom
magħhom infushom ikunu bla moħħ. [2Kor:10:13] Aħna ma niftaħrux bla qjies, iżda
skond il-qjies tal-limiti li tana Alla bħala qjies, jiġifieri, li naslu sa
għandkom. [2Kor:10:14] Aħna ma morniex lil hemm milli jmissna, bħallikieku ma
ġejniex għandkom; għax aħna wasalna sa għandkom bl-Evanġelju ta' Kristu.
[2Kor:10:15] Aħna m'aħniex niftaħru barra mill-qjies, jiġifieri, bix-xogħol ta'
ħaddieħor; aħna għandna t-tama li l-fidi tagħkom tikber u nikbru aħna skond
il-qjies tagħna, [2Kor:10:16] billi nxandru l-Evanġelju lil hemm minnkom bla ma
nidħlu fil-qasam ta' ħaddieħor u niftaħru bix-xogħol li diġà jkun sar.
[2Kor:10:17] L-Iskrittura tgħid: Min irid jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.
[2Kor:10:18] Għax mhux dak li jiftaħar bih innifsu jkun jingħoġob, imma dak li
jfaħħru l-Mulej.
11. Pawlu u l-profeti foloz
[2Kor:11:1] M'hux li kontu tieħdu ftit paċenzja bil-bluha tiegħi! Naf, iva, li
tieħdu paċenzja bija. [2Kor:11:2] Jiena għajjur għalikom bl-istess għira ta'
Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja
biex inressaqkom quddiem Kristu. [2Kor:11:3] Jiena nibża' li, bħalma s-serp
qarraq b'Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa
tagħhom fi Kristu. [2Kor:11:4] Għax jekk xi ħadd jiġi jxandar Ġesù ieħor, mhux
dak li xandarnielkom aħna, jew tieħdu Spirtu ieħor, barra dak li ħadtu, jew xi
Evanġelju ieħor barra dak li lqajtu, intom kontu tistabru bih. [2Kor:11:5]
Naħseb li jien m'iniex inqas minn dawn l-appostli kbar. [2Kor:11:6] Jekk jien ma
ninqalax fil-kliem, ninqala' fl-għerf; dan aħna wrejnihulkom bid-dieher b'kull
mod u quddiem kulħadd.
[2Kor:11:7] Jaqaw għamilt xi dnub meta jien ċekkint lili nnifsi biex intom
togħlew? Meta ħabbartilkom l-Evanġelju ta' Alla b'xejn? [2Kor:11:8] Neżżajt
il-knejjes l-oħra, billi ħadt mingħandhom l-għajxien tiegħi biex naqdi lilkom;
[2Kor:11:9] u meta ġejt għandkom u ġejt fil-bżonn, ma dejjaqt lil ħadd.
Għall-ħtiġiet tiegħi ħasbu fuq li ħasbu l-aħwa li ġew mill-Maċedonja. F'kollox
ġibt ruħi b'mod li ma nkunx ta' piż għalikom, u hekk nibqa' nġib ruħi.
[2Kor:11:10] Fuq il-verità ta' Kristu li hemm fija, din ir-raġuni għall-ftaħir
tiegħi ma jeħodhieli ħadd fl-inħawi ta' l-Akaja. [2Kor:11:11] Għaliex? Għax ma
nħobbkomx? Alla jaf li jien inħobbkom.
[2Kor:11:12] Dak li qiegħed nagħmel, nibqa' nagħmlu, sabiex naqta' l-okkażjoni
lil dawk li qegħdin ifittxu okkażjoni biex f'dak li huma jiftaħru bih jinstabu
bħalma aħna aħna. [2Kor:11:13] Dawk l-appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, ibiddlu
lilhom infushom f'appostli ta' Kristu. [2Kor:11:14] M'hux għaġeb, għax Satana
stess jitbiddel f'anġlu tad-dawl. [2Kor:11:15] M'hijiex ħaġa kbira, mela, jekk
il-qaddejja tiegħu jitbiddlulek bħallikieku kienu qaddejja tal-ġustizzja. Iżda
tmiemhom ikun skond għemilhom.
X'għadda minn għala Pawlu
[2Kor:11:16] Nerġa' ngħidilkom, ħadd ma għandu jaħseb li jien xi iblah. Jekk le,
ma jkun ġara xejn li tgħodduni bħala wieħed iblah sabiex inkun nista' niftaħar
xi ftit. [2Kor:11:17] Li sa ngħid issa mhux skond il-Mulej, iżda bħallikieku
f'ġenn, b'rasi mimlija li niftaħar. [2Kor:11:18] Jekk ħafna jiftaħru ta'
bnedmin, ħa niftaħar jien. [2Kor:11:19] Intom, li intom kemm intom għaqlin,
bil-qalb it-tajba tieħdu paċenzja bil-boloh. [2Kor:11:20] Iva, intom tieħdu
kollox bis-sabar jekk xi ħadd ijassarkom, jekk xi ħadd jikolkom, jekk xi ħadd
jisraqkom, jekk xi ħadd jitkabbar magħkom, jekk xi ħadd jagħtikom bil-ħarta.
[2Kor:11:21] B'għajb għalija ngħidu, li minn daqshekk aħna konna nies bla ħila
ta' xejn. Imma - biex nitkellem ta' iblah - f'dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu,
nagħmel wiċċi jiena wkoll. [2Kor:11:22] Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin?
Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. [2Kor:11:23] Huma ministri ta'
Kristu? Jiena - ħa nitkellem ta' iblah! - jiena aktar minnhom. Ħafna aktar
minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom
fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imbwiċċ mal-mewt. [2Kor:11:24] Ħames
darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; [2Kor:11:25] tliet
darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb'oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa;
għaddejt lejl u jum f'nofs ta' baħar. [2Kor:11:26] Għamilt safar bla għadd; sibt
ruħi f'perikli ta' xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta' ġensi,
perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar,
perikli mill-aħwa qarrieqa. [2Kor:11:27] Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba
kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi
fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! [2Kor:11:28] U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra,
dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta' kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes
kollha! [2Kor:11:29] Min hu marid u m'iniex marid miegħu jien? Min hu dak li
jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq?
[2Kor:11:30] Jekk għandi niftaħar, niftaħar b'dak li hu dgħajjef fija.
[2Kor:11:31] Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu - li hu mbierek għal dejjem - jaf
li m'iniex nigdeb. [2Kor:11:32] Meta kont f'Damasku, il-gvernatur tas-Sultan
Areta qiegħed l-għases mal-belt ta' Damasku biex jaqbadni, [2Kor:11:33] iżda
niżżluni ġo qoffa minn tieqa fil-ħitan tal-belt, u ħrabt minn taħt idejh.
12. Viżjonijiet u rivelazzjonijiet
[2Kor:12:1] Ikolli niftaħar. Tassew li xejn m'hu se jiswieli, imma niġu
għall-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet tal-Mulej. [2Kor:12:2] Naf wieħed, jemmen
fi Kristu, li erbatax-il sena ilu kien meħud sat-tielet sema - jekk hux
bil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu. [2Kor:12:3] U naf
li dan il-bniedem kien meħud fil-ġenna - jekk hux fil-ġisem jew mingħajr
il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu - [2Kor:12:4] u sama' jingħadu ħwejjeġ li
ma jitfissrux bil-kliem u li ebda bniedem ma jista' jgħidhom. [2Kor:12:5] B'dan
niftaħar jien, imma bija nnifsi ma niftaħarx ħlief b'dak li hu dgħajjef fija.
[2Kor:12:6] Għax kieku rrid niftaħar, ma nkunx qed nitbellah, għax inkun qed
ngħid is-sewwa. Imma nżomm ruħi lura, biex ma jkunx hemm min jaħseb li jien xi
ħaġa aktar minn dak li jilmaħ fija jew minn dak li jismagħni ngħid. [2Kor:12:7]
U li ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet,
tqegħditli xewka f'ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma
nintefaħx. [2Kor:12:8] Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed
minni. [2Kor:12:9] Iżda hu weġibni: "Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax
il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef." Għalhekk niftaħar
minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta' Kristu tgħammar fija.
[2Kor:12:10] Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir,
bl-għaks, il-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun
dgħajjef, nkun qawwi.
Pawlu jaħseb fil-Korintin
[2Kor:12:11] Tbellaht! Imma intom ġegħeltuni. Intom kien imisskom faħħartuni!
F'xejn ma jien inqas minn dawn l-appostli l-kbar, għalkemm ma jien xejn.
[2Kor:12:12] Is-sinjali ta' l-appostlu jien għamilthom f'nofskom bis-sabar
kollu, b'sinjali u għeġubijiet u għemejjel ta' qawwa. [2Kor:12:13] Fiex intom
inqas mill-knejjes l-oħra, ħlief li jien qatt ma kont piż għalikom! Aħfruli din
il-ħtija.
[2Kor:12:14] Araw, jien lest biex niġi għat-tielet darba għandkom u ma nkunx ta'
piż għalikom; m'iniex infittex ħwejjiġkom, iżda lilkom; għax mhux sewwa li
l-ulied ifaddlu għall-ġenituri, iżda l-ġenituri jfaddlu għal uliedhom.
[2Kor:12:15] Jiena bil-qalb kollha nonfoq u nintefaq għall-ġid ta' rwieħkom.
Tħobbuni inqas għax jien inħobbkom daqshekk? [2Kor:12:16] Hu x'inhu, jien ma
kontx ta' piż għalikom. Imma billi jien għaqli, ħtaftkom bil-qerq. Ta' ħażin li
kont qarraqt bikom. [2Kor:12:17] Jaqaw fittixt li naqla' xi ħaġa minn fuqkom
b'xi ħadd minn dawk li bgħatt għandkom? [2Kor:12:18] Jien tlabt lil Titu u
bgħatt miegħu wieħed mill-aħwa. Jaqaw Titu qala' xi ħaġa mingħandkom? Jaqaw ma
ġibniex ruħna t-tnejn bl-istess spirtu? Ma mxejniex fl-istess triq?
[2Kor:12:19] Intom minn żmien ilu kontu taħsbu li jien qiegħed niddefendi ruħi
quddiemkom. Quddiem Alla fi Kristu qegħdin nitkellmu, u dan nagħmlu, għeżież
tiegħi, għall-edifikazzjoni tagħkom. [2Kor:12:20] Nibża' li meta nerġa' niġi
għandkom, ma nsibkomx kif nixtieq, u intom issibu lili mhux kif tixtiequ; nibża'
li nsib ġlied, għira, korla, partiti, tqassis, qlajja', tagħjir, u taħwid.
[2Kor:12:21] Nibża' li meta nerġa' niġi għandkom, Alla tiegħi jċekkinni minħabba
fikom, u nibki minħabba ħafna minnkom li dinbu u ma kkonvertewx mill-faħx u
ż-żína u t-tbahrid li għamlu.
13. L-aħħar twiddib u tislijiet
[2Kor:13:1] Din hi t-tielet darba li ġej għandkom. Fuq il-kelma ta' żewġ xhieda
jew tlieta titwettaq kull kelma. [2Kor:13:2] Għidthulkom minn qabel u nerġa'
ngħidhulkom, bħal meta kont għandkom it-tieni darba u issa li m'iniex hemm, lil
dawk li kienu dinbu u lill-oħrajn ilkoll: li jekk nerġa' niġi ma naħfrilhomx.
[2Kor:13:3] Għax intom tridu l-prova li Kristu jitkellem fija, hu, li m'huwiex
dgħajjef għalikom, iżda juri qawwietu fikom. [2Kor:13:4] Kien imsallab minħabba
d-dgħufija tiegħu, iżda issa jgħix bil-qawwa ta' Alla. U aħna wkoll dgħajfa fih,
iżda ngħixu miegħu bil-qawwa ta' Alla għalikom.
[2Kor:13:5] Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom
infuskom. Ma tafux intom li Kristu Ġesù jinsab fikom? Jekk imbagħad intom ma
ħżintux għall-aħħar! [2Kor:13:6] Nittama li intom tafu li aħna m'aħniex ħżiena
għall-aħħar. [2Kor:13:7] Nitolbu lil Alla li ma tagħmlu ebda deni, mhux biex
aħna nidhru approvati, iżda biex intom tagħmlu t-tajjeb; mqar jekk aħna nitqiesu
bla setgħa. [2Kor:13:8] Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, iżda
għall-verità. [2Kor:13:9] Nifirħu kull meta aħna nkunu dgħajfa, u intom
setgħana. Dan kollu nitolbuh, jiġifieri, li intom tkunu perfetti. [2Kor:13:10]
Għalhekk qiegħed nikteb dan, issa li jien imbiegħed, sabiex meta nkun hemm ma
nkunx iebes skond is-setgħa li l-Mulej tani biex nibni, u mhux biex inħott.
[2Kor:13:11] Mill-bqija, ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli
wieħed jgħidilkom, kunu ta' fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta' l-imħabba u
s-sliem ikun magħkom. [2Kor:13:12] Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa.
Il-qaddisin kollha jsellmulkom. [2Kor:13:13] Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu,
l-imħabba ta' Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.