IT-TIENI ITTRA TA' SAN ĠWANN
1. Tislima
[2Ġw:1:1] Il-presbiteru lis-Sinjura l-Magħżula u lil uliedha, li jiena nħobb
tassew, u mhux jiena biss, imma wkoll kull min għaraf il-verità, [2Ġw:1:2]
bis-saħħa tal-verità li tgħammar fina u li tibqa' magħna għal dejjem. [2Ġw:1:3]
Grazzja, ħniena u sliem ikunu magħna fil-verità u fl-imħabba, mingħand Alla l-Missier
u mingħand Ġesù Kristu Bin il-Missier.
L-imħabba u l-verità
[2Ġw:1:4] Ħassejt ferħ kbir li sibt 'il xi wħud minn uliedek miexja fil-verità,
kif ikkmandana nagħmlu l-Missier. [2Ġw:1:5] U issa, Sinjura, nitolbok li nħobbu
'l xulxin; dan li qiegħed niktiblek m'huwiex xi kmandament ġdid, għax ilu
għandna sa mill-bidu. [2Ġw:1:6] L-imħabba hija din: li nimxu skond
il-kmandamenti tiegħu. U dan il-kmandament, kif smajtu sa mill-bidu, huwa li
timxu fl-imħabba. [2Ġw:1:7] Għax ħarġu fid-dinja ħafna qarrieqa, nies li ma
jridux jistqarru li Ġesù Kristu ġie fil-ġisem; dawn huma l-qarrieqa u l-antikrist!
[2Ġw:1:8] Ħarsu rwieħkom, li ma tmorrux titilfu dak li għalih ħdimtu, imma li
tieħdu ħlas sħiħ. [2Ġw:1:9] Jekk xi ħadd jaqbeż 'il barra u ma jibqax fit-tagħlim
ta' Kristu, dan m'għandux lil Alla fih. Imma min jibqa' fit-tagħlim, għandu l-Missier
u l-Iben fih. [2Ġw:1:10] Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-tagħlim, la
tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux, [2Ġw:1:11] għax min isellimlu jkun qiegħed
jissieħeb miegħu fl-għemejjel ħżiena tiegħu.
L-aħħar tislijiet
[2Ġw:1:12] Għandi ħafna fuqiex niktbilkom, imma ma ridtx ninqeda b'karti u linka;
nittama li nkun magħkom u nkellimkom wiċċ imbwiċċ, u hekk il-ferħ tagħkom ikun
sħiħ.
[2Ġw:1:13] Ulied oħtok, il-Magħżula, jibagħtu jsellu għalik.