L-EWWEL ITTRA TA' SAN PIETRU
1.Tislima
[1Pt:1:1] Pietru, appostlu ta' Ġesù Kristu, lil dawk li qegħdin jgħixu mxerrda
bħala pellegrini f'Pontu, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja u fil-Bitinja;
[1Pt:1:2] magħżulin minn qabel skond il-ħsieb ta' Alla l-Missier, mqaddsin
bl-Ispirtu s-Santu, biex joqogħdu għall-kelma ta' Ġesù Kristu u jkunu mraxxin
b'demmu. Lilkom grazzja u sliem bil-kotra.
Tama ħajja
[1Pt:1:3] Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira
tiegħu raġa' wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta' Ġesù Kristu mill-imwiet
[1Pt:1:4] u għal wirt li la jitħassar, la jittabba', u lanqas jinxef. Dan
il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema [1Pt:1:5] għax intom tinsabu taħt
il-ħarsien tal-qawwa ta' Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li
lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.
[1Pt:1:6] Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor,
jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. [1Pt:1:7] Bħalma d-deheb, li jintemm,
jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa
aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u
għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. [1Pt:1:8] Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom
tħobbuh; fih, għad li issa m'intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu
b'ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, [1Pt:1:9] waqt li tiksbu l-għan tal-fidi
tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom.
[1Pt:1:10] Il-profeti, li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom, stħarrġu u
tkixxfu fuq din is-salvazzjoni; [1Pt:1:11] huma kienu jitkixxfu l-mod u f'liema
żmien kien qiegħed jaħseb l-Ispirtu ta' Kristu, li kien fihom, meta kien
jixhdilhom minn qabel it-tbatijiet ta' Kristu u l-glorji tiegħu li kellhom jiġu
warajhom. [1Pt:1:12] Lilhom kien mgħarraf li mhux għalihom infushom, imma
għalikom, kien jiswa dak li huma kienu jħabbru, u li issa kien imxandar lilkom
minn dawk li, bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu mibgħut mis-sema, qegħdin
jagħtukom l-Evanġelju. Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess jixtiequ jifhmuhom
sewwa.
Sejħa għal ħajja qaddisa
[1Pt:1:13] Għalhekk kunu mħażżmin fir-ruħ u rżina f'kollox; ittamaw għalkollox
fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu.
[1Pt:1:14] Bħala wlied ubbidjenti, tgħixux skond il-ġibdiet ta' qabel, meta
kontu għadkom tgħixu fl-injuranza tagħkom; [1Pt:1:15] iżda, bħalma qaddis hu dak
li sejjħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha, [1Pt:1:16]
għax hu miktub: "Kunu qaddisin, għax qaddis jien."
[1Pt:1:17] Jekk intom issejjħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ,
jagħmel ħaqq minn kulħadd skond l-għemil ta' kull wieħed, għixu fil-biża' ż-żmien
tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f'art barranija. [1Pt:1:18] Kunu afu li intom kontu
mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b'xi
ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, [1Pt:1:19] imma bid-demm għażiż
ta' Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa. [1Pt:1:20] Hu kien
ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet
minħabba fikom. [1Pt:1:21] Bih intom temmnu f'Alla, li qajjmu mill-imwiet u tah
il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f'Alla.
[1Pt:1:22] Intom naddaftu rwieħkom billi qgħadtu għall-kelma tal-verità biex
ikollkom l-imħabba sinċiera ta' l-aħwa; ħobbu 'l xulxin b'qalbkom kollha u
bil-qawwa kollha. [1Pt:1:23] Ma twelidtux mill-ġdid minn nisel li jitħassar,
imma minn nisel li ma jitħassarx, bis-saħħa tal-kelma ta' Alla li tgħix u tibqa'
għal dejjem. [1Pt:1:24] Għax:
“Kull bniedem hu bħal ħaxix,
u l-glorja tiegħu kollha bħal ward ir-raba’;
il-ħaxix jinxef u l-ward jaqa’,
[1Pt:1:25] imma l-kelma tal-Mulej tibqa' għal dejjem."
Din hi l-kelma ta’ l-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
2. Il-ħaġra ħajja u l-poplu qaddis
[1Pt:2:1] Warrbu, mela, 'l bogħod minnkom kull ħażen u kull qerq; warrbu l-wiċċ
b'ieħor, u l-għira u kull xorta ta' tqassis. [1Pt:2:2] Bħal trabi tat-twelid,
ixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu
għas-salvazzjoni, [1Pt:2:3] jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej.
[1Pt:2:4] Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja,
imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. [1Pt:2:5] U intom ukoll, bħal ġebel
ħaj, inbnew f'dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji
spiritwali li jogħġbu 'l Alla permezz ta' Ġesù Kristu. [1Pt:2:6] Għax hekk hemm
miktub fl-Iskrittura:
“Jien inqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka,
magħżula u għażiża;
min jemmen fiha ma jkollux għax jitħawwad.”
[1Pt:2:7] Għalikom, mela, li temmnu, dan huwa ġieħ! Għal dawk li ma jemmnux, din
l-istess ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka u [1Pt:2:8] ġebla
ta’ tiġrif u tfixkil; tfixklu għax ma qagħdux għall-kelma ta’ Alla; għal dan
kienu ddestinati.
[1Pt:2:9] Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li
Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta' dak li sejjħilkom mid-dlam
għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb. [1Pt:2:10] Intom li darba ma kontux poplu, issa
sirtu l-poplu ta' Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena
tiegħu.
Ngħixu bħala qaddejja ta' Alla
[1Pt:2:11] Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat
tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ. [1Pt:2:12] Ġibu rwieħkom sewwa qalb
il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw
sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu 'l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.
[1Pt:2:13] Għall-imħabba tal-Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-bnedmin:
kemm għas-sultan bħala l-aqwa wieħed, [1Pt:2:14] u kemm għall-gvernaturi, li hu
qiegħed biex jikkastigaw lil min jagħmel il-ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-tajjeb.
[1Pt:2:15] Għax din hija r-rieda ta' Alla: li bl-għemil tajjeb tagħkom issikktu
fomm l-injuranza ta' nies bla għaqal. [1Pt:2:16] Għixu bħala nies ħielsa, mhux
li tinqdew bil-ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-ħażen, imma bħala
qaddejja ta' Alla. [1Pt:2:17] Agħtu ġieħ lil kulħadd. Ħobbu lill-aħwa, qimu lil
Alla, weġġħu lis-sultan.
L-eżempju u s-sofferenzi ta' Ġesù
[1Pt:2:18] Intom, qaddejja, oqogħdu bir-rispett kollu għas-sidien tagħkom; mhux
biss għal dawk li huma twajbin u dħulin, imma wkoll għal dawk li huma ħorox.
[1Pt:2:19] Għax din hi grazzja li wieħed ibati bla ħtija għal Alla, u jieħu
bis-sabar it-tbatija. [1Pt:2:20] X'mertu jkollkom li tieħdu bis-sabar is-swat
meta tkunu għamiltu l-ħażen? Imma jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru t-tbatija
bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla. [1Pt:2:21] Għal dan intom kontu
msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq
il-passi tiegħu. [1Pt:2:22] Hu li ma kien għamel ebda dnub, [1Pt:2:23] meta
għajjruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f'idejn l-Imħallef
ġust. [1Pt:2:24] Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu
għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. [1Pt:2:25]
Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa, imma issa rġajtu lura għand ir-Ragħaj u l-Għassies
ta' ruħkom.
3. Il-ħajja tal-miżżewwġin
[1Pt:3:1] Hekk ukoll, intom in-nisa oqogħdu għas-setgħa ta' żwieġkom biex, jekk
ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-kelma ta' l-Evanġelju, jintrebħu,
mhux bil-kliem, imma bl-imġiba tan-nisa tagħhom, [1Pt:3:2] xħin jarawkom iġġibu
ruħkom kif jixraq magħhom u bir-rispett. [1Pt:3:3] Ħa tkun is-sbuħija tagħkom
mhux dik li tidher minn barra bħad-dafra tax-xagħar u t-tiżjin tad-deheb u l-ilbies
ilellex, [1Pt:3:4] imma dik li hi moħbija f'qalbkom, mlibbsa b'tiżjin li ma
jitħassarx; hi l-qalb ħelwa u twajba tagħkom; dan hu li Alla jgħożż ħafna.
[1Pt:3:5] Hekk dari kienu jiżżejjnu dawk in-nisa qaddisa li kienu jittamaw
f'Alla; kienu joqogħdu għas-setgħa ta' żwieġhom. [1Pt:3:6] Hekk kienet tagħmel
Sara li kienet tisma' minn Abraham u kienet issejjaħlu "Sidi". U intom sirtu
wliedha, jekk tagħmlu s-sewwa bla ma tibżgħu minn xejn.
[1Pt:3:7] Intom ukoll, rġiel, għammru bl-għaqal man-nisa tagħkom; agħtuhom
il-ġieħ li ħaqqhom, kemm għax huma aktar dgħajfa minnkom u kemm għax huma wkoll
imsejjħa għall-grazzja tal-ħajja. Hekk ma ssibux tfixkil fit-talb tagħkom.
Nbatu għall-ġustizzja
[1Pt:3:8] Fl-aħħarnett ngħidilkom, kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin,
inħabbu bħal aħwa b'qalb ħanina u umli. [1Pt:3:9] La troddux deni b'deni jew
tagħjir b'tagħjir; imma għall-kuntrarju, wieġbu bil-barka tagħkom, għax għal dan
intom kontu msejjħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta' Alla. [1Pt:3:10] Għax kif
hemm miktub:
“Min irid iħobb 'il-ħajtu u jara jiem ħienja
ħa jħares ilsienu mill-ħażen
u x-xufftejh mill-qerq;
[1Pt:3:11] ħa jaħrab il-ħażen u jagħmel it-tajjeb,
ifittex is-sliem u jqis li jiksbu.
[1Pt:3:12] Għax għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti
u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom.
Imma l-Mulej ħarstu fuq dawk li jagħmlu l-ħażen.”
[1Pt:3:13] Min jista' jagħmlilkom il-ħsara jekk tkunu ħerqana għat-tajjeb?
[1Pt:3:14] Jekk stess tbatu minħabba s-sewwa, henjin intom! Tibżgħux minnhom u
titħawwdux. [1Pt:3:15] Lill-Mulej Kristu qaddsu f'qalbkom. Kunu dejjem lesti
biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom;
[1Pt:3:16] imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom
biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu
jkollhom għalxiex jistħu. [1Pt:3:17] Jekk din tkun ir-rieda ta' Alla, aħjar
tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin. [1Pt:3:18]
Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust,
miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma
ħa l-ħajja fl-ispirtu, [1Pt:3:19] li bih mar ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ
li kienu magħluqa fil-ħabs. [1Pt:3:20] Dawn kienu l-erwieħ ta' dawk li darba ma
ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni
l-arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa ta' l-ilma. [1Pt:3:21]
Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax
tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza
safja bis-saħħa tal-qawmien ta' Ġesù Kristu, [1Pt:3:22] li tela' s-sema u
qiegħed fuq il-lemin ta' Alla u għandu taħtu s-Setgħat u l-Qawwiet ta' l-anġli.
4. Amministraturi tal-grazzja ta' Alla
[1Pt:4:1] Ladarba Kristu bata f'ġismu, intom ukoll armaw ruħkom bl-istess ħsieb,
jiġifieri li kull min bata f'ġismu ma għandux x'jaqsam iżjed mad-dnub [1Pt:4:2]
kemm itul iż-żmien li għad baqagħlu fil-ħajja tal-ġisem; ma jgħix skond
il-passjonijiet tal-bnedmin, imma skond ir-rieda ta' Alla. [1Pt:4:3] Biżżejjed
li fl-imgħoddi kontu tagħmlu r-rieda tal-pagani u tgħixu ħajja żienja f'passjoni
bla lġiem, f'sokor, fi tbahrid sfrenat, f'xorb żejjed u fl-idolatrija moqżieża
ta' l-allat. [1Pt:4:4] Issa li ma għadkomx titħalltu magħhom f'dan il-ġenn ta'
żina jistagħġbu bikom u jistkerrhukom. [1Pt:4:5] Imma ta' dan għad iridu jagħtu
kont lil dak li qiegħed hemm biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
[1Pt:4:6] Kien għalhekk li l-Evanġelju kien imxandar lill-mejtin ukoll, biex
għalkemm skond il-bnedmin kienu kkundannati fil-ġisem, issa jgħixu skond Alla
fl-ispirtu.
[1Pt:4:7] Qrib hu t-tmiem ta' kollox; għalhekk kunu għaqlin u meqjusin biex
tagħtu ruħkom għat-talb. [1Pt:4:8] Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn
xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta' dnubiet. [1Pt:4:9] Ilqgħu 'l xulxin bla
tgergir. [1Pt:4:10] Kull wieħed minnkom jgħix skond id-don li rċieva u jinqeda
bih għall-ġid ta' l-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta'
Alla, li hi ta' ħafna xorta. [1Pt:4:11] Jekk xi ħadd għandu d-don tal-kelma,
jippriedka l-kliem ta' Alla; jekk xi ħadd għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu
bis-setgħa li Alla tah, u hekk f'kollox ikun igglorifikat Alla b'Ġesù Kristu, li
tiegħu huma l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta' dejjem! Amen.
Is-sofferenza tan-nisrani
[1Pt:4:12] Ħuti għeżież, tistagħġbux għax tinsabu fil-forġa qalila tan-nar, li
ġiet fuqkom biex iġġarrabkom, bħallikieku ġratilkom xi ħaġa mhux tas-soltu.
[1Pt:4:13] Imma ifirħu, għax b'hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta'
Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu. [1Pt:4:14]
Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta' Kristu, henjin intom! Fuqkom għandkom l-Ispirtu
tal-glorja, li hu l-Ispirtu ta' Alla. [1Pt:4:15] Jalla ma jkun hemm ħadd minnkom
li jkollu jbati għax qattiel jew ħalliel, jew jagħmel id-deni jew jindaħal fejn
ma jesgħux. [1Pt:4:16] Imma jekk wieħed isofri għax hu nisrani, m'għandux mniex
jistħi, ħa jfaħħar lil Alla b'dan l-isem.
[1Pt:4:17] Għax issa wasal iż-żmien tal-ġudizzju, li jibda mid-dar ta' Alla. U
jekk l-ewwel jibda minna, kif sa jeħilsuha dawk li ma jridux joqogħdu
għall-Evanġelju ta' Alla? [1Pt:4:18] U jekk
“il-ġust bilkemm isalva,
x’se jsir mill-ħażin u mill-midneb?”
[1Pt:4:19] Mela, dawk li jbatu skond ir-rieda ta' Alla, għandhom iħallu ruħhom
f'idejn il-Ħallieq tagħhom, li hu ta' kelmtu, u jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.
5. Ir-rgħajja u l-merħla ta' Alla
[1Pt:5:1] Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u
xhud tat-tbatijiet ta' Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mill-glorja li
għad trid tidher: [1Pt:5:2] irgħu l-merħla ta' Alla fdata f'idejkom. Ħudu
ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx,
imma bil-ħeġġa ta' l-imħabba; [1Pt:5:3] mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq
dawk li messewkom b'xortikom, imma billi tkunu eżempju tal-merħla. [1Pt:5:4]
Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn
ward li ma jidbielx.
[1Pt:5:5] Hekk ukoll intom iż-żgħażagħ, oqogħdu għall-kelma tal-presbiteri.
Lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-umiltà ma' xulxin għax
“Alla jeqfilhom lill-kburin,
imma lill-umli jagħtihom il-grazzja.”
[1Pt:5:6] Kunu mela umli taħt l-id setgħana ta' Alla, biex hu jerfagħkom meta
jkun il-waqt. [1Pt:5:7] Ixħtu fuqu l-ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb
fikom. [1Pt:5:8] Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun
jgħajjat, idur u jfittex 'il min se jibla'. [1Pt:5:9] Iqfulu, sħaħ fil-fidi.
Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess
tbatijiet tagħkom. [1Pt:5:10] Mbagħad, wara li tkunu batejtu għal ftit żmien,
Alla li jagħti kull grazzja, li sejjħilkom għall-glorja tiegħu ta' dejjem fi
Kristu, hu nnifsu jerġa' jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod.
[1Pt:5:11] Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem! Amen.
L-aħħar tislijiet
[1Pt:5:12] Ktibtilkom dan il-ftit kliem permezz ta' Silvanu, li għalija hu ħija
fidil, biex inħeġġiġkom u nixhdilkom li din hi tassew il-grazzja ta' Alla. Żommu
sħiħ fiha! [1Pt:5:13] Il-knisja, li hi f'Babilonja, magħżula bħalkom, isselli
għalikom. Iselli wkoll għalikom Marku, ibni. [1Pt:5:14] Sellmu lil xulxin
b'bewsa ta' mħabba.
Is-sliem lilkom ilkoll, li intom fi Kristu!