L-EWWEL KTIEB TAL-MAKKABIN
1. Alessandru l-Kbir
[1Mak:1:1] Ġara li Alessandru l-Maċedoni bin Filippu, minn art il-Kittin, wara
li sar sultan fuq il-Greċja, ħareġ għall-gwerra, rebaħ lil Dariju, sultan
tal-Persjani u l-Medi, u beda jsaltan minn floku, ibda mill-Greċja. [1Mak:1:2]
Għamel ħafna gwerer, ħa f'idejh ħafna fortizzi, u qatel is-slaten ta' dawn l-artijiet.
[1Mak:1:3] Wasal sa truf id-dinja u ħa l-priża mingħand kotra ta' ġnus, u d-dinja
baqgħet issummata quddiemu; tkabbar bih innifsu u qalbu mtliet bis-suppervja.
[1Mak:1:4] Bena eżerċtu ta' qawwa bla qjies, u ġieb taħt il-ħakma tiegħu
artijiet, ġnus u slaten, u lkoll bdew iħallsu l-ħaraġ.
[1Mak:1:5] Wara dan kollu nxteħet fis-sodda u ntebaħ li kien wasal għall-mewt.
[1Mak:1:6] Għalhekk sejjaħ il-ġenerali tiegħu, nobbli li kienu trabbew miegħu sa
minn żgħożitu, u qassmilhom l-imperu tiegħu meta kien għadu ħaj. [1Mak:1:7]
Alessandru miet wara li dam isaltan tnax-il sena. [1Mak:1:8] U l-ġenerali tiegħu
ħadu s-setgħa f'idejhom, kull wieħed fil-qasma tiegħu. [1Mak:1:9] Meta miet
lkoll xiddew il-kuruna f'rashom, u hekk għamlu wliedhom għal bosta snin; u ġiebu
ħsara bla qjies fuq id-dinja.
Antijoku IV Epifani (175-163 QK) jaħqar lil-Lhud
[1Mak:1:10] Minn dawn ħareġ għerq mill-agħar, Antijoku Epifani, bin is-sultan
Antijoku; qabel ma beda jsaltan fis-sena 137 tas-saltna tal-Griegi kien miżmum
b'rahan f'Ruma.
[1Mak:1:11] Dik il-ħabta ħarġu minn Iżrael xi nies rinnegati u bdew ixewwxu lil
ħafna nies u jgħidulhom: "Ejja mmorru nagħmlu patt mal-Ġentili ta' madwarna,
għax kemm ilna li ksirnieha magħhom laħquna ħafna ħsarat." [1Mak:1:12] Dan id-diskors
ingħoġob, [1Mak:1:13] u ndaħlu xi wħud mill-poplu u marru għand is-sultan, u dan
tahom is-setgħa li jdaħħlu d-drawwiet tal-ġnus. [1Mak:1:14] Bnew ġinnasju
f'Ġerusalemm skond id-drawwa tal-Ġentili, [1Mak:1:15] neħħew is-sinjali
taċ-ċirkonċiżjoni u ċaħdu l-patt il-qaddis, bdew jitħalltu mal-Ġentili u biegħu
ruħhom għall-ħażen.
[1Mak:1:16] Malli deherlu li s-saltna tiegħu ssaħħet biżżejjed, Antijoku
waħħalha f'rasu li jsir sultan ta' l-Eġittu, u hekk jibda jsaltan fuq żewġ
saltniet. [1Mak:1:17] Daħal l-Eġittu b'eżerċtu qawwi, armat b'karrijiet,
ljunfanti, kavallerija u flotta kbira. [1Mak:1:18] U tqabad ma' Ptolomew, sultan
ta' l-Eġittu; Ptolomew infixel quddiemu u ħarab, u ħalla warajh ħafna midruba
għall-mewt. [1Mak:1:19] Antijoku ħataf f'idejh l-ibliet iffortifikati u neżża'
l-art ta' l-Eġittu.
Antijoku fl-Eġittu u f'Ġerusalemm ( 169-167 QK )
[1Mak:1:20] Wara li ta xebgħa lill-Eġittu, Antijoku raġa' lura fis-sena 143, u
tala' għal Iżrael u Ġerusalemm b'eżerċtu qawwi. [1Mak:1:21] Mbagħad daħal kollu
kburi fis-santwarju, ħataf l-artal tad-deheb, u l-imnara tad-dawl bit-tagħmir
kollu tagħha; [1Mak:1:22] il-mejda tal-ħobż tal-preżenza, il-bwieqi, l-injieb,
iċ-ċnieser tad-deheb u l-purtiera, id-dijademi, it-tiżjin kollu tad-deheb li
kien hemm mal-faċċata tat-tempju u żarma kollox. [1Mak:1:23] Ħa wkoll il-fidda u
d-deheb u t-tagħmir prezzjuż, u t-teżori moħbija li rnexxielu jsib. [1Mak:1:24]
Ħataf kollox u raġa' lura lejn pajjiżu, wara li kien xerred ħafna dmija. Tkabbar
u ftaħar b'li kien għamel.
[1Mak:1:25] U waqa' swied il-qalb kbir
fuq Iżrael ma' kullimkien.
[1Mak:1:26] Bkew il-kbarat u l-anzjani;
ntelqu x-xebbiet u l-ġuvintur;
u l-ġmiel tan-nisa dbiel.
[1Mak:1:27] Nfexx jibki kull għarus,
u baqgħet bid-dmugħ f'għajnejha
l-għarusa fl-għorfa tagħha.
[1Mak:1:28] Minħabba n-nies tagħha triegħdet l-art,
u d-dar kollha ta' Ġakobb inksiet bil-għajb.
[1Mak:1:29] Sentejn wara s-sultan bagħat l-uffiċjal inkarigat mill-ġbir
tal-ħaraġ fl-ibliet ta' Ġuda u wasal Ġerusalemm b'eżerċtu kbir. [1Mak:1:30] Lin-nies
kellimhom bi kliem is-sliem u b'qerq, u huma emmnuh. Mbagħad inxteħet għal fuq
il-belt għal għarrieda u ġieb qerda kbira fuqha, u qatel ħafna nies minn Iżrael.
[1Mak:1:31] Seraq kull ma kien hemm fil-belt, taha n-nar u ġarraf djarha u
swarha dawramejt. [1Mak:1:32] Mbagħad ħadu lsiera n-nisa u t-tfal; u l-bhejjem
ħaduhom għalihom. [1Mak:1:33] Il-belt ta' David iffortifikawha b'ħajt kbir u
qawwi u b'torrijiet b'saħħithom, u hekk biddluha f'fortizza għalihom.
[1Mak:1:34] U għammruha b'nies midinba u rinnegati; u żguraw ruħhom fiha.
[1Mak:1:35] Ħażnu armi u ikel, u rekknu fiha kull ma kienu serqu minn Ġerusalemm.
Minn hemm kienu jissajjaw [1Mak:1:36] u jgħassu t-tempju bil-moħbi; għedewwa
qliel għal Iżrael kull ħin.
[1Mak:1:37] Xerrdu demm bla ħtija madwar is-santwarju,
u niġġsu l-post imqaddes.
[1Mak:1:38] Minħabba fihom ħarġu dawk li kienu jgħammru
Ġerusalemm,
u saret bejta tal-barranin.
Il-belt saret barranija
għal nisilha, abbandunata minn uliedha.
[1Mak:1:39] It-tempju tagħha sar ħerba bħad-deżert;
il-festi tagħha nbidlu f'jiem il-vistu;
is-Sibtijiet inbidlu f'għajb,
u ġieħha fi stmerrir.
[1Mak:1:40] Daqs kemm kien kbir is-sebħ li kellha darba,
daqshekk ieħor issa kien kbir l-għajb;
u l-kburija tagħha nbidlet f'vistu.
[1Mak:1:41] Mbagħad is-sultan kiteb lis-saltna kollha tiegħu li lkoll kellhom
jiffurmaw poplu wieħed u kull wieħed iħalli l-liġi tiegħu. [1Mak:1:42] Il-ġnus
kollha qagħdu għad-digriet tas-sultan, [1Mak:1:43] u ħafna minn Iżrael
għoġbithom ir-reliġjon tiegħu u offrew is-sagrifiċċji lill-allat foloz u kisru
jum is-Sibt.
Il-persekuzzjoni
[1Mak:1:44] U s-sultan bagħat ittri mal-kurriera tiegħu f'Ġerusalemm u l-ibliet
l-oħra ta' Ġuda biex jordnalhom li jimxu skond użanzi barranin għall-pajjiż;
[1Mak:1:45] li jaqtgħu mit-tempju s-sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji oħra u l-libazzjonijiet;
li jipprofanaw is-Sibtijiet u l-festi; [1Mak:1:46] li jniġġsu t-tempju u l-qassisin
tiegħu; [1Mak:1:47] li jibnu artali, santwarji u tempji għall-idoli, u
jissagrifikaw ħnieżer u bhejjem oħra mniġġsa; [1Mak:1:48] li jħallu lil uliedhom
bla ċirkonċiżjoni, u jittebbgħu b'kull xorta ta' ħmieġ u nġies. [1Mak:1:49]
B'hekk jinsew il-liġi u jbiddlu l-kmandamenti kollha. [1Mak:1:50] Kull min ma
joqgħodx għad-digriet tas-sultan jagħtuh il-mewt.
[1Mak:1:51] Dan kollu kiteb is-sultan lis-saltna kollha tiegħu u qiegħed
suprentendenti fuq il-poplu kollu, u ġiegħel lill-ibliet ta' Ġuda, waħda waħda,
joffru s-sagrifiċċji. [1Mak:1:52] Ħafna mill-poplu marru għan-naħa tagħhom,
kollha nies li abbandunaw il-liġi, u għamlu d-deni fil-pajjiż, [1Mak:1:53] u
b'hekk ġiegħlu lil Iżrael jistaħbew f'kull kenn li kellhom.
Il-profanazzjoni tat-tempju (167 QK)
[1Mak:1:54] Fil-ħmistax tax-xahar ta' Kislew tas-sena 145 Antijoku talla' l-idolu,
profanazzjoni u ħerba, fuq l-artal, u hekk ukoll tellgħu artali fl-ibliet kollha
ta' Ġuda kif iddur. [1Mak:1:55] Ħarqu l-inċens fil-bibien ta' djarhom u
fil-pjazez. [1Mak:1:56] Il-Kotba tal-Liġi, li rnexxielhom isibu, għamluhom
bċejjeċ u ħarquhom. [1Mak:1:57] Kull min kienu jsibulu xi Ktieb tal-Patt,
jonkella kien iħares il-liġi, kienu jagħtuh il-mewt bis-saħħa tad-digriet tas-sultan.
[1Mak:1:58] Għax kellhom il-forza, hekk kienu jagħmlu ma' l-Iżraelin li kienu
jinqabdu fl-ibliet minn xahar għal xahar. [1Mak:1:59] Fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar
offrew sagrifiċċju fuq l-artal, li tellgħu fuq l-artal tal-ħruq.
[1Mak:1:60] U n-nisa li kienu jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lil uliedhom kienu
jagħtuhom il-mewt, [1Mak:1:61] bit-trabi mdendlin ma' għonqhom skond id-digriet
tas-sultan, u magħhom kienu joqtlu wkoll lil nieshom u lil dawk li kienu
jagħmlulhom iċ-ċirkonċiżjoni.
[1Mak:1:62] Imma ħafna minn Iżrael għamlu l-qalb u webbsu rashom li ma jiklux
ikel imniġġes; [1Mak:1:63] huma għażlu li jmutu, basta li ma jitniġġsux b'ikel
ipprojbit, u ma jipprofanawx il-patt qaddis; u mietu.
[1Mak:1:64] Kbira kienet il-korla fuq Iżrael.
2. Ir-reżistenza tal-Makkabin
[1Mak:2:1] F'dak iż-żmien kien hemm Mattatija bin Ġwanni, bin Xmun, qassis minn
nisel Ġojarib. Dan telaq minn Ġerusalemm, u mar joqgħod f'Modin. [1Mak:2:2]
Kellu ħamest itfal: Ġwanni li kienu jgħidulu l-Gaddi, [1Mak:2:3] Xmun jgħidulu
t-Tassi, [1Mak:2:4] Ġuda jgħidulu l-Makkabi, [1Mak:2:5] Elgħażar jgħidulu l-Awaran,
Ġonatan jgħidulu l-Affu.
[1Mak:2:6] Mattatija, meta ra l-profanazzjonijiet li kienu qegħdin isiru f'Ġuda
u f'Ġerusalemm, [1Mak:2:7] qal: "Jaħasra għalija! Għalhekk twelidt, biex nara l-qerda
tal-poplu u l-ħerba tal-belt imqaddsa? Se nibqa' hekk ma nagħmel xejn, meta hi
mitluqa f'idejn l-għedewwa, u t-tempju f'idejn il-barranin?
[1Mak:2:8] Is-santwarju tagħha sar bħal bniedem bla ġieħ,
[1Mak:2:9] it-tagħmir sabiħ tagħha, misruq u meħud
'il bogħod;
it-trabi tagħha mbiċċra fil-pjazez tagħha;
iż-żgħażagħ tagħha minfuda mis-sejf ta' l-għadu.
[1Mak:2:10] Liema ġens ma ħax saltnatha,
u ma ħatafx il-priża tagħha?
[1Mak:2:11] Tiżjinha kollu serquhulha,
minn belt ħielsa saret ilsira.
[1Mak:2:12] Ara, il-ħwejjeġ qaddisa tagħna,
ġmielna u sbuħitna u foħritna,
kollox sar ħerba,
il-ġnus niġġsuhom.
[1Mak:2:13] Għalfejn, mela, ngħixu aktar?"
[1Mak:2:14] U Mattatija u wliedu ċarrtu ħwejjiġhom u xiddu x-xkejjer, u bkew
biki kbir.
[1Mak:2:15] U waslu fil-belt ta' Modin il-messaġġiera tas-sultan bl-inkarigu li
jġiegħlu n-nies jitilqu r-reliġjon tagħhom u jordnawlhom li joffru s-sagrifiċċji.
[1Mak:2:16] U ħafna mill-Iżraelin resqu lejhom; imma Mattatija u wliedu nġemgħu
għalihom weħidhom.
[1Mak:2:17] Mbagħad il-messaġġiera tas-sultan daru lejn Mattatija u qalulu: "Inti
l-kap f'din il-belt, bniedem kbir u ta' ġieħ, mdawwar b'uliedek u ħutek.
[1Mak:2:18] Mela ibda int l-ewwel wieħed u agħmel dak li ordna s-sultan, bħalma
għamlu l-ġnus kollha, l-irġiel ta' Ġuda, u dawk li baqa' Ġerusalemm. Hekk tkun
int u wliedek fost Ħbieb is-Sultan, onorati b'rigali tad-deheb u l-fidda, u doni
oħra."
[1Mak:2:19] Imma Mattatija għolla leħnu u wieġeb: "Mqar jekk il-ġnus kollha, li
qegħdin taħt il-ħakma tas-sultan, jisimgħu minnu u kull wieħed minnhom iħalli r-reliġjon
ta' missirijietu u joqogħdu għall-ordnijiet tiegħu, [1Mak:2:20] jiena, uliedi u
ħuti, nibqgħu mexjin skond il-patt ta' missirijietna. [1Mak:2:21] Ħażin għalina
jekk nitilqu l-liġi u l-kmandamenti. [1Mak:2:22] Ma nisimgħu qatt minn kliem
is-sultan u ma nitbegħdux mir-reliġjon tagħna lejn ix-xellug jew lejn il-lemin!"
[1Mak:2:23] Kif temm dan id-diskors wieħed Lhudi ħareġ quddiem kulħadd biex
joffri s-sagrifiċċju fuq l-artal f'Modin skond id-digriet tas-sultan.
[1Mak:2:24] Malli rah Mattatija xegħel bil-għadab, u tqanqlu ġewwenih, u far
bil-qilla kif trid il-Liġi u b'ġirja waħda mar għal fuqu u qatlu fuq l-artal.
[1Mak:2:25] Fl-istess ħin qatel il-messaġġier tas-sultan li kien qiegħed
jisfurzahom biex jissagrifikaw, u ġarraf l-artal. [1Mak:2:26] U xegħel biz-zelu
għal-Liġi, bħalma kien għamel Fineħas lil Żimri bin Salu. [1Mak:2:27] U
Mattatija mbagħad beda jgħajjat mal-belt u jgħid b'leħen għoli: "Kull min hu
għajjur għal-Liġi u jrid jibqa' jżomm il-Patt, joħroġ warajja." [1Mak:2:28] U
ħarab hu u wliedu lejn il-muntanji u ħallew warajhom kull ma kellhom fil-belt.
[1Mak:2:29] Mbagħad ħafna, li kienu jħobbu s-sewwa u d-dritt, niżlu fid-deżert
biex joqogħdu hemmhekk, [1Mak:2:30] huma u wliedhom u n-nisa tagħhom bl-imrieħel
tagħhom, għax l-għawġ issokta dejjem jikber fuqhom.
L-ewwel battalja
[1Mak:2:31] Il-ministri tas-sultan u l-gwarniġjun li kien hemm f'Ġerusalemm fil-Belt
ta' David, waslitilhom l-aħbar li xi nies kisru l-ordni tas-sultan u marru
jinħbew fl-għerien fid-deżert. [1Mak:2:32] Ħafna marru jiġru warajhom u malli
laħquhom waqqfu l-kamp biswithom, u tħejjew biex jaħbtu għalihom f'jum is-Sibt.
[1Mak:2:33] U mbagħad qalulhom: "Issa biżżejjed. Oħorġu u agħmlu skond l-ordni
tas-sultan u tibqgħu ħajjin." [1Mak:2:34] U huma wieġbu: "Ma aħniex se noħorġu u
lanqas nagħmlu skond l-ordni tas-sultan u niksru jum is-Sibt." [1Mak:2:35] Dawk
ħabtu għalihom minnufih. [1Mak:2:36] Iżda huma ma weġbuhomx u la waddbu ġebla u
lanqas ma mbarraw l-għerien, [1Mak:2:37] għax qalu: "Ħa mmutu lkoll bla ħtija.
Jixhdulna s-sema u l-art li se teqirduna intortament." [1Mak:2:38] U ħabtu
għalihom f'jum is-Sibt, u mietu huma u n-nisa tagħhom u wliedhom bl-imrieħel,
b'kollox elf ruħ.
[1Mak:2:39] Malli sar jaf, Mattatija u sħabu bkewhom ħafna. [1Mak:2:40] U bdew
jgħidu lil xulxin; "Jekk ilkoll nagħmlu bħalma għamlu ħutna u ma nitqabdux mal-Ġentili
għal ħajjitna u għat-tradizzjonijiet tagħna, malajr jeqirduna lkoll minn fuq
wiċċ l-art." [1Mak:2:41] Għalhekk dakinhar stess iddeċidew u qalu: "Jiġi min
jiġi jaħbat għalina f'jum is-Sibt, nitqabdu kontrih biex b'hekk ma mmutux ilkoll
bħalma mietu ħutna fl-għerien."
[1Mak:2:42] Mbagħad ingħaqdu magħhom ġemgħa ta' Ħasidin, nies ta' ħila kbira
fost Iżrael, kull wieħed lest biex jiddefendi l-Liġi. [1Mak:2:43] U dawk kollha
li kienu ħarbu minħabba l-ħażen li kien hemm kienu jissieħbu magħhom, u hekk
kienet tiżdidilhom il-qawwa. [1Mak:2:44] U rawwmu eżerċtu u fis-saħna tagħhom
bdew jaħbtu għall-midinbin u r-rinnegati fil-qilla tagħhom; il-bqija ħarbu u
marru jistkennu fost il-Ġentili.
[1Mak:2:45] Mattatija u sħabu marru jduru mal-pajjiż u jġarrfu l-artali,
[1Mak:2:46] jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni bilfors lit-trabi li kienu sabu mingħajrha
fl-art ta' Iżrael, [1Mak:2:47] u għamlu għal wara l-kburin, u hekk ix-xogħol
mexa tajjeb f'idejhom. [1Mak:2:48] Hekk ħelsu l-Liġi minn idejn il-ġnus u s-slaten,
u lit-tradituri ħallewhom bla forza.
L-aħħar kelma u l-mewt ta' Mattatija ( 166 QK )
[1Mak:2:49] Meta qorob iż-żmien li fih kellu jmut, Mattatija kellem lil uliedu u
qalilhom: "Bħalissa jsaltnu s-suppervja u l-vjolenza, hu żmien it-taqlib u l-korla
qalila.
[1Mak:2:50] "Issa, uliedi, tħeġġu għal-Liġi u agħtu ħajjitkom għall-patt ta'
missirijietna. [1Mak:2:51] Ftakru fl-għemil ta' missirijietna, li għamlu fi
żmienhom, u tiksbu glorja kbira u isem li jkun għal dejjem. [1Mak:2:52] Abraham,
m'hux fil-prova kien misjub fidil, u dan ingħaddlu b'ġustizzja? [1Mak:2:53]
Ġużeppi fi żmien l-hemm tiegħu baqa' jħares il-Liġi u sar sid l-Eġittu.
[1Mak:2:54] Fineħas, missierna, għall-ħeġġa kbira li kellu, kiseb il-wegħda
tas-saċerdozju għal dejjem. [1Mak:2:55] Ġożwè, għaliex sama' mill-kelma
tal-Mulej, sar imħallef f'Iżrael. [1Mak:2:56] Kaleb, għall-istqarrija fil-ġemgħa,
kiseb sehem mill-wirt ta' l-art. [1Mak:2:57] David, minħabba t-tjieba tiegħu,
wiret it-tron ta' saltna għal dejjem. [1Mak:2:58] Elija, minħabba l-ħeġġa tiegħu
għal-Liġi, kien meħud fis-sema. [1Mak:2:59] Ħananija, Għażarija, Misael, għax
emmnu, kienu meħlusa min-nar. [1Mak:2:60] Danjel, minħabba l-innoċenza tiegħu,
kien meħlus minn ħalq l-iljuni. [1Mak:2:61] Għalhekk jekk tqisu ġenerazzjoni
wara oħra taraw li dawk li jittamaw fih ma jibqgħux minn taħt.
[1Mak:2:62] "Tibżgħux mit-theddid tal-bniedem midneb, għax il-glorja tiegħu
ħmieġ u dud. [1Mak:2:63] Illum fuq tiegħu u għada ma ssibux, għax ikun waqa' u
sar trab u fehmietu jkunu ntemmu fix-xejn.
[1Mak:2:64] "Uliedi, kunu rġiel u qalbiena fil-Liġi, għax hi għad tkun il-glorja
tagħkom. [1Mak:2:65] Hawn hu Xmun ħukom; naf li hu raġel għaqli, isimgħu minnu
tul għomorkom kollu, ħa jkun missierkom. [1Mak:2:66] U Ġuda l-Makkabi sa minn
żgħożitu kien dejjem ta' ħila u qawwa; ħa jkun il-kmandant ta' l-eżerċtu u
jmexxi l-gwerra kontra l-Ġentili. [1Mak:2:67] Iġbru madwarkom lil dawk kollha li
jħarsu l-Liġi u tħallsu ta' l-inġustizzji kontra l-poplu tagħkom. [1Mak:2:68]
Roddu lill-ġnus dak li ħaqqhom, u ħarsu l-preċetti tal-Liġi."
[1Mak:2:69] Mbagħad berikhom, u nġabar ma' missirijietu. [1Mak:2:70] U miet
fis-sena 146, u difnuh fil-qabar ta' missirijietu f'Modin. U Iżrael kollu bkieh
biki kbir.
3. Taħt il-kmand ta' Ġuda l-Makkabi ( 165-160 QK )
[1Mak:3:1] Ġuda ibnu, li kienu jsejjħulu l-Makkabi, laħaq floku. [1Mak:3:2] U
nġabru miegħu ħutu lkoll u dawk kollha li kienu ma' missieru, u ġġieldu l-battalji
ta' Iżrael kollhom ferħana.
[1Mak:3:3] Għolla l-ġieħ tal-poplu tiegħu;
xedd il-kurazza bħal ġgant;
tħażżem bit-tagħmir tal-gwerra;
nxteħet għall-battalji,
u bix-xabla tiegħu kien iħares il-kamp.
[1Mak:3:4] F'għemilu kien qisu ljun,
bħal ferħ ta' ljun iriegħed għall-priża.
[1Mak:3:5] Għamel għal wara r-rinnegati u qabadhom,
u l-ħawwada tal-poplu tahom n-nar.
[1Mak:3:6] U r-rinnegati triegħdu quddiemu bil-biża'
u nfixlu dawk kollha li kienu jagħmlu l-ħażen,
u bis-saħħa tiegħu seħħet is-salvazzjoni.
[1Mak:3:7] U kedd ħafna slaten,
imma ferraħ lil Ġakobb b'għemilu.
Mbierka tifkirtu li tibqa' għal dejjem.
[1Mak:3:8] U ġġerra ma' l-ibliet kollha ta' Ġuda,
u qered minnha l-ħżiena,
u hekk warrab il-korla minn fuq Iżrael.
[1Mak:3:9] Ismu wasal sa truf id-dinja;
u ġabar flimkien il-mitlufin.
L-ewwel rebħa
[1Mak:3:10] Apollonju ġabar nies Ġentili u eżerċtu qawwi mis-Samarija biex
jiġġieled kontra Iżrael. [1Mak:3:11] Malli Ġuda sar jaf, ħareġ għalih, għelbu u
qatlu; ħafna min-nies tiegħu waqgħu midruba għall-mewt u l-bqija ħarbu.
[1Mak:3:12] Il-Lhud ħadu l-priża; Ġuda ħa x-xabla ta' Apollonju, u biha baqa'
jiġġieled għomru kollu.
[1Mak:3:13] Seron, il-kmandant ta' l-eżerċtu tas-Sirja, sama' li Ġuda kien ġama'
madwaru kotra kbira ta' nies, li kien fiha għadd ta' nies leali u lesti
għall-ġlied. [1Mak:3:14] U hu qal: "Ħa nagħmel isem għalija u jkolli unur
mas-saltna kollha, u naħbat għal Ġuda u n-nies li għandu miegħu, li sfidaw id-digriet
tas-sultan."
[1Mak:3:15] U ċċaqlaq u marret miegħu kotra qawwija ta' nies midgħajja biex
tgħinu jitħallas minn ulied Iżrael. [1Mak:3:16] U hu wasal sat-telgħa ta' Bet-ħoron,
u Ġuda ħareġ għalih bi ftit nies. [1Mak:3:17] Dawn malli raw dak l-eżerċtu
riesaq lejhom qalu lil Ġuda: "Kif nistgħu, il-ftit li aħna, neħduha ma' kotra
qawwija bħal din? Barra dan, illum għadna ma trejjaqniex, u nħossuna mifnija."
[1Mak:3:18] Ġuda weġibhom: "Ħaġa ħafifa li ħafna jaqgħu f'idejn il-ftit;
għas-Sema kollu xorta li ssalvana bil-ħafna jew bil-ftit. [1Mak:3:19] Ir-rebħa
fil-gwerra ma sseħħx bil-kotra ta' l-eżerċtu, għax mis-Sema tiġi l-forza.
[1Mak:3:20] Huma ġejjin għalina mimlija bihom infushom u kollhom ħażen biex
jisirquna u jeqirduna, lilna, lin-nisa tagħna u lil uliedna. [1Mak:3:21] Imma
aħna qegħdin niġġieldu għal ħajjitna u l-liġijiet tagħna. 1Mak:3:22] Alla stess
għad ifarrakhom quddiemna. Ma għandkomx għax tibżgħu minnhom!"
[1Mak:3:23] Malli temm kliemu, nxteħet għal fuqhom għal għarrieda, u Seron u l-eżerċtu
tiegħu tħarbtu quddiemu. [1Mak:3:24] U Ġuda baqa' jiġri għal warajh man-niżla ta'
Bet-ħoron sal-wita ta' taħtha. U mietu xi tmien mitt wieħed, u l-bqija ħarbu
lejn art il-Filistin.
[1Mak:3:25] Il-biża' ta' Ġuda u ħutu beda jixtered, u bdew jitkexkxu l-Ġentili
ta' madwarhom. [1Mak:3:26] Il-fama tiegħu waslet sa għand is-saltna, u l-ġnus
kollha bdew jitkellmu fuq il-battalji tiegħu.
Antijoku jħejji għall-ġlied
[1Mak:3:27] Malli s-sultan Antijoku sama' b'dawn il-ġrajja xegħel bil-qilla u
bagħat jiġbor il-forzi kollha tas-saltna, eżerċtu ta' qawwa kbira. [1Mak:3:28] U
fetaħ it-teżor u ta lis-suldati l-ħlas ta' sena u ordnalhom li jkunu lesti għal
kull ma jkun hemm bżonn. [1Mak:3:29] Mbagħad intebaħ li l-flus naqsu mit-teżor u
li d-dħul tal-ħaraġ mill-pajjiż kien ċkien minħabba t-tħarbit u l-ħsara, li hu
stess kien ġieb fuq il-pajjiż, biex ineħħi l-użanzi li kienu ġejjin minn żmien
il-qedem. [1Mak:3:30] Għalhekk beża' li jiġrilu bħalma ġralu darba jew darbtejn
qabel, ma jkollux biżżejjed għall-ispejjeż u r-rigali, li kien jagħti qabel b'id
miftuħa u ħafna aktar mis-slaten ta' qablu.
[1Mak:3:31] Għamel f'qalbu u qatagħha li jmur il-Persja, jiġbor it-taxxi minn
dawk il-provinċji u jdaħħal kemxa flus. [1Mak:3:32] U ħalla lil Lisja, bniedem
nobbli u ta' nisel is-slaten, biex jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tas-saltna
mix-xmara ta' l-Ewfrat sal-fruntiera ta' l-Eġittu, [1Mak:3:33] u jieħu wkoll
ħsieb ibnu Antijoku sa ma jerġa' lura. [1Mak:3:34] Ħalla f'idejh ukoll nofs
l-eżerċtu u l-iljunfanti u ta l-ordnijiet fuq kull ma xtaq, l-aktar dwar
il-poplu tal-Lhudija u Ġerusalemm. [1Mak:3:35] Kontra dawn Lisja kellu jibgħat
eżerċtu biex ikisser u jeqred il-forza ta' Iżrael u kull ma kien fadal minnha
f'Ġerusalemm, iħassar tifkirithom minn dak il-post, [1Mak:3:36] u jgħammar dawn
l-inħawi b'nies barranin u jqassmilhom l-art bejniethom. [1Mak:3:37] U s-sultan
ħa miegħu n-nofs l-ieħor ta' l-eżerċtu u telaq minn Antjokja, il-belt tas-saltna
tiegħu, fis-sena 147, u qasam ix-xmara ta' l-Ewfrat u dar ma' l-inħawi kollha
tat-tramuntana.
Il-battalja ta' Emmaws ( 165 QK )
[1Mak:3:38] Lisja ħatar lil Ptolomew bin Dorimeni u lil Nikanor u Gorġja, nies
ta' ħila u ħbieb tas-sultan. [1Mak:3:39] U bagħat magħhom erbgħin elf fanterija
u sebat elef kavallerija biex imorru f'art Ġuda u jħarbtuha skond l-ordni
tas-sultan. [1Mak:3:40] U telqu bl-eżerċtu kollu magħhom u waslu u waqqfu l-kamp
fil-wita ħdejn Emmaws. [1Mak:3:41] Malli semgħu bihom in-neguzjanti ta' dawk
l-inħawi qabdu kemxa flus tal-fidda u d-deheb u ċippijiet, u rħewlha lejn
il-kamp biex jixtru lil ulied Iżrael b'ilsiera. Magħhom żdiedu wkoll truppi
mis-Sirja u mill-Filistin.
[1Mak:3:42] Ġuda u ħutu raw li l-periklu kien qiegħed jikber u li l-eżerċtu kien
waqqaf il-kamp f'arthom; saru jafu wkoll bl-ordni tas-sultan, li kien qatagħha
li jeqred u jtemm il-poplu għalkollox. [1Mak:3:43] U bdew jgħidu lil xulxin: "Ħa
nwaqqfu l-ħerba tal-poplu tagħna u nitqabdu għall-poplu tagħna u għat-tempju."
[1Mak:3:44] U laqqgħu l-ġemgħa kollha biex iħejju ruħhom għall-gwerra u jitolbu
lil Alla biex jaqilgħu l-ħniena u l-mogħdrija.
[1Mak:3:45] Ġerusalemm kienet bħal deżert bla nies;
ħadd minn uliedha ma kien jidħol jew joħroġ.
It-tempju mixħut taħt is-saqajn.
Il-fortizza kienet f'idejn il-barranin
u kenn għall-Ġentili.
Il-ferħ kien għab mingħand Ġakobb,
u siktu l-flawt u l-arpa.
[1Mak:3:46] U huma nġabru u marru f'Misfa biswit Ġerusalemm, għax Misfa
fl-imgħoddi kienet post tat-talb għal Iżrael. [1Mak:3:47] Dakinhar samu, u libsu
x-xkejjer u tefgħu l-irmied fuq rashom u ċarrtu ħwejjiġhom. [1Mak:3:48] U fetħu
l-Ktieb tal-Liġi biex ifittxu fih dak li l-Ġentili jfittxu mix-xbihat ta'
l-allat tagħhom. [1Mak:3:49] Ġiebu wkoll l-ilbies tal-qassisin, il-frott
tal-bikri u l-għexur; ġabru lin-Nażrin, li kienu għalqu ż-żmien, [1Mak:3:50] u
għollew leħinhom u bdew jgħajjtu lejn is-sema u jgħidu: "X'se nagħmlu b'dawn?
Fejn se neħduhom? [1Mak:3:51] It-tempju tiegħek mixħut taħt is-saqajn u mkasbar,
il-qassisin tiegħek imnikkta u umiljati. [1Mak:3:52] U ara issa l-Ġentili
miftiehma bejniethom biex jeqirduna. Int taf x'għandhom f'rashom għalina.
[1Mak:3:53] Kif nistgħu aħna nżommulhom jekk int ma tgħinniex?" [1Mak:3:54] U
daqqew it-trombi u bdew jgħajjtu b'leħen qawwi.
[1Mak:3:55] Mbagħad wara dan Ġuda għażel il-kmandanti tal-poplu, fizzjal ta'
eluf, mijiet, ħamsinijiet, u għaxriet. [1Mak:3:56] U dawk li kienu qegħdin jibnu
djar, jew mgħarrsa ma' mara, jew iħawwlu d-dwieli jew beżżiegħa, ordnalhom li
jerġgħu lejn djarhom skond ma tgħid il-Liġi. [1Mak:3:57] Mbagħad l-eżerċtu
telaq, u waqqfu l-kamp lejn in-nofsinhar ta' Emmaws.
[1Mak:3:58] "Tħażżmu," qalilhom Ġuda, "u kunu nies ta' ħila, kunu lesti għal
għada fil-għodu biex titqabdu ma' dawn il-Ġentili li nġemgħu kontrina biex
jeqirdu lilna u t-tempju tagħna. [1Mak:3:59] Ikun aħjar għalina li mmutu
fil-gwerra, milli naraw il-ħerba ta' ġensna u t-tempju tagħna. [1Mak:3:60]
Mbagħad irid xi jrid is-sema, ħa jagħmel hu.
4. "[1Mak:4:1] Gorġja ħa miegħu ħamest elef fanterija u elf kavallier magħżula,
u l-istakkament telaq billejl [1Mak:4:2] biex jintefgħu fuq il-kamp tal-Lhud u
jaħbtu għalihom għal għarrieda: xi nies mill-Akra kienu juruhom it-triq.
[1Mak:4:3] Ġuda, malli sama', telaq bil-qalbiena tiegħu biex jaħbat
għall-eżerċtu tas-sultan, li kien ħdejn Emmaws, [1Mak:4:4] waqt li l-istakkament
kien għadu 'l bogħod mill-kamp. [1Mak:4:5] U Gorġja wasal fil-kamp ta' Ġuda u ma
sab lil ħadd, u telaq ifittixhom fuq l-għoljiet, għax qal: "Ħarbu minn
quddiemna." [1Mak:4:6] Mas-sebħ deher Ġuda fil-wita bi tlitt elef raġel, imma ma
kellhomx tarkiet u xwabel kemm kienu jridu. [1Mak:4:7] U raw il-kamp tal-Ġentili
qawwi u ffortifikat b'parapett madwaru u bil-kavallerija dawramejt miegħu,
kollha nies imħarrġa fil-ġlied. [1Mak:4:8] Ġuda mbagħad kellem lill-irġiel li
kellu miegħu: "La tibżgħux mill-kotra tagħhom, u la tinħasdux meta jaħbtu
għalikom. [1Mak:4:9] Ftakru kif kienu meħlusa missirijietna fil-Baħar l-Aħmar,
meta l-Fargħun għamel għal warajhom bl-eżerċtu tiegħu. [1Mak:4:10] U issa
ngħollu leħenna lejn is-sema! Għandu mnejn iħenn għalina u jiftakar fil-Patt ma'
missirijietna u jfarrak dan l-eżerċtu llum quddiemna. [1Mak:4:11] U l-Ġentili
kollha jkunu jafu li hawn min jifdi u jsalva lil Iżrael."
[1Mak:4:12] Meta l-barranin refgħu għajnejhom u rawhom resqin għal fuqhom,
[1Mak:4:13] ħarġu mill-kamp għall-battalja. In-nies ta' Ġuda daqqew it-trombi,
[1Mak:4:14] u bdew jitqabdu, u l-Ġentili tkissru u ħarbu lejn il-wita;
[1Mak:4:15] u dawk li kienu fuq wara nqerdu bix-xabla. U baqgħu sejrin warajhom
sa Geżer u sal-witat ta' l-Idumija, Ażotu u Ġamnija; u nqerdu minnhom xi tlitt
elef raġel.
[1Mak:4:16] Meta Ġuda raġa' lura bl-eżerċtu tiegħu mill-ġiri warajhom
[1Mak:4:17] qal lill-poplu: "Tfittxux il-priża, għax hemm battalja oħra lesta
għalina. [1Mak:4:18] Gorġja bl-eżerċtu tiegħu fuq l-għoljiet hu qribna. Mela
issa żommu sħiħ kontra l-għedewwa tagħna u ġġildulhom, u wara dan ħudu l-priża
b'moħħkom mistrieħ." [1Mak:4:19] Kien għadu jitkellem meta dehret qatgħa suldati
jitkixxfu minn fuq l-għolja. [1Mak:4:20] U raw li sħabhom kienu ħarbu, u l-kamp
mogħti n-nar, għax id-duħħan li raw kien biżżejjed biex jurihom x'kien ġara.
[1Mak:4:21] Malli raw dan qabadhom biża' kbir, u xħin intebħu bl-eżerċtu ta'
Ġuda fil-wita lest għal taqbida [1Mak:4:22] ħarbu lkoll lejn art il-Filistin.
[1Mak:4:23] Mbagħad Ġuda raġa' lura għall-priża fil-kamp, u ħadu ħafna deheb u
fidda, drapp ta' lwien vjola, qroll u ġid kbir. [1Mak:4:24] Huma u rieġgħa lura
bdew ikantaw u jfaħħru s-sema "għax hu tajjeb u l-ħniena tiegħu għal dejjem."
[1Mak:4:25] Kienet rebħa kbira għal Iżrael dakinhar.
Il-battalja ta' Bet-sur ( 164 QK )
[1Mak:4:26] Dawk il-barranin li rnexxielhom isalvaw, marru għand Lisja u
għarrfuh b'kull ma kien ġara. [1Mak:4:27] Malli sama' b'dan tħawwad u qata'
qalbu, għaliex ma ġarax f'Iżrael dak li kien jixtieq, u ma seħħx dak li kien
ordna hu s-sultan.
[1Mak:4:28] Fis-sena ta' wara ġabar sittin elf raġel magħżula u ħamest elef
kavallier biex jaħbat għalihom. [1Mak:4:29] U telaq għall-Idumija u waqqaf
il-kamp f'Bet-sur; u Ġuda ħareġ għalihom b'għaxart elef ruħ. [1Mak:4:30] Kif ra
l-qawwa ta' l-eżerċtu beda jitlob u jgħid: "Mbierek int, is-Salvatur ta' Iżrael,
li ġibt fix-xejn l-attakk tal-ġgant permezz ta' David, il-qaddej tiegħek, u
rħejt l-eżerċtu tal-Filistin f'idejn Ġonatan bin Sawl u t-tarkier tiegħu.
[1Mak:4:31] Hekk erħi lil dan l-eżerċtu f'idejn Iżrael, il-poplu tiegħek, ħa
jitħawwdu bil-forzi u l-kavallerija tagħhom kolllha. [1Mak:4:32] Imliehom
bil-biża' u neħħilhom il-fiduċja li għandhom fil-forza tagħhom, ħa jitriegħdu
bit-telfa tagħhom. [1Mak:4:33] Middhom fl-art bix-xabla ta' dawk li jħobbuk,
biex jgħannu tifħirek dawk kollha li jagħrfu ismek."
[1Mak:4:34] U ħabtu għal xulxin, u mill-eżerċtu ta' Lisja waqgħu madwar ħamest
elef raġel, u mietu quddiemhom. [1Mak:4:35] Malli Lisja ra l-eżerċtu tiegħu
maħrub, u għaraf il-kuraġġ ta' l-eżerċtu ta' Ġuda, u kif dawn kienu lesti li
jgħixu jew imutu bl-unur, raġa' lura lejn Antjokja. Hemmhekk hu qabbad
merċenarji oħra bil-ħsieb li jerġa' jmur il-Lhudija b'eżerċtu akbar minn ta'
qabel.
Il-purifikazzjoni tat-tempju ( 164 QK )
[1Mak:4:36] Ġuda u ħutu qalu: "Araw, l-għedewwa tagħna tkissru, ħa nitilgħu
nnaddfu t-tempju u nerġgħu nikkonsagrawh." [1Mak:4:37] U nġabar l-eżerċtu kollu
u telgħu fuq l-għolja ta' Sijon. [1Mak:4:38] U raw it-tempju ħerba waħda,
l-artal imniġġes, il-bwieb maħruqa, il-ħaxix iħaddar fil-btieħi qisu f'masġar
jew fuq xi għolja, u l-kmamar imġarrfa. 1Mak:4:39] U ċarrtu ħwejjiġhom, bkew
biki kbir, u tefgħu l-irmied fuq rashom, [1Mak:4:40] u nxteħtu wiċċhom fl-art;
mbagħad mas-sinjal tat-trombi bdew jgħajjtu lejn is-sema. [1Mak:4:41] Ġuda ta
l-ordni lit-truppi biex jaħbtu għal dawk li kienu fl-Akra, sa ma jnaddfu
t-tempju.
[1Mak:4:42] Mbagħad Ġuda għażel qassisin bla difett li jħobbu l-Liġi,
[1Mak:4:43] u naddaf it-tempju, u warrbu l-ġebel ipprofanat f'post imniġġes.
[1Mak:4:44] Mbagħad bdew jaħsbu x'se jagħmlu bl-artal imniġġes tas-sagrifiċċji
tal-ħruq. [1Mak:4:45] Ġiehom il-ħsieb għaqli li jħottuh, biex ma jibqax ta'
għajb għalihom, billi kienu niġġsuh il-Ġentili. Ġarrfu l-artal [1Mak:4:46] u
poġġew il-ġebel fuq l-għolja tat-tempju, f'post xieraq, sa ma jiġi profeta
jgħidilhom x'jagħmlu bih.
[1Mak:4:47] U ħadu ġebel mhux minġur skond il-Liġi, u bnew artal ġdid bħal dak
ta' qabel [1Mak:4:48] u rrestawraw is-santwarju u l-inħawi ta' ġewwa tat-tempju,
u l-btieħi kkonsagrawhom. [1Mak:4:49] U għamlu tagħmir ġdid ikkonsagrat u
qiegħdu l-imnara, u l-artal ta' l-inċens, u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza
fis-santwarju. [1Mak:4:50] Ħarqu l-inċens fuq l-artal u xegħlu l-imsiebaħ ta'
l-imnara u dawn bdew jiddu fis-santwarju. [1Mak:4:51] U poġġew il-ħobż fuq
il-mejda, u dendlu l-purtieri. Hekk temmew ix-xogħol kollu li kienu ndaħlu
għalih.
[1Mak:4:52] U bakkru mas-sebħ tal-ħamsa u għoxrin tad-disa' xahar, ix-xahar ta'
Kaslew, tas-sena 148. [1Mak:4:53] U offrew sagrifiċċju skond ma titlob il-Liġi
fuq l-artal il-ġdid tas-sagrifiċċju tal-ħruq, li kienu għamlu. [1Mak:4:54]
Sewwasew fl-istess żmien u fl-istess jum li fih il-Ġentili kienu niġġsuh,
l-artal kien ikkonsagrat bil-kant u d-daqq taċ-ċetri, l-arpi u ċ-ċnieċel.
[1Mak:4:55] U l-poplu kollu nxteħet wiċċu fl-art u taw qima u bdew ibierku
s-sema li tahom ir-riżq. [1Mak:4:56] U ċċelebraw il-festa tal-konsagrazzjoni
mill-ġdid ta' l-artal għal tmint ijiem, u offrew ferħana sagrifiċċji tal-ħruq,
sagrifiċċji tas-sliem u sagrifiċċji ta' radd il-ħajr. [1Mak:4:57] U żejjnu
l-faċċata tat-tempju b'kuruni tad-deheb u tarki żgħar; ġeddew il-bibien u
l-kmamar u qegħdulhom il-bibien. [1Mak:4:58] Kien hemm ferħ kbir fost il-poplu
għax tħassar l-għajb tal-Ġentili.
[1Mak:4:59] Ġuda u ħutu mal-ġemgħa kollha ta' Iżrael qatgħuha li jiem
il-konsagrazzjoni ta' l-artal ikunu ċċelebrati f'waqthom bil-ferħ u l-hena kull
sena, għal tmint ijiem mill-ħamsa u għoxrin ta' Kislew 'il quddiem.
[1Mak:4:60] Dak iż-żmien bnew madwar l-għolja ta' Sijon ħitan għolja u torrijiet
qawwijin, biex ma jerġgħux jiġu l-Ġentili jitfgħuha taħt is-saqajn bħal qabel.
[1Mak:4:61] Ġuda mbagħad ħalla l-għases biex iħarsuha; iffortifika wkoll
Bet-sur, biex il-poplu jkollu fortizza biswit l-Idumija.
5. Ġuda fl-Idumija u t-Trasġordanja
[1Mak:5:1] Ġara li meta l-Ġentili ta' madwarhom semgħu li nbena l-artal u
t-tempju kien ikkonsagrat kif kien qabel, nkurlaw sewwa, [1Mak:5:2] u qatgħuha
li jeqirdu n-nisel ta' Ġakobb, li kienu joqogħdu f'nofshom, u bdew joqtlu u
jeqirdu wħud mill-poplu.
[1Mak:5:3] U Ġuda ħareġ jagħmel gwerra kontra wlied Għesaw fl-Idumija,
fl-Akrabatteni, għax kienu qegħdin jagħfsu fuq Iżrael, u tahom xebgħa kbira u
rażżanhom, u ħa l-priża mingħandhom. [1Mak:5:4] Ftakar ukoll fil-ħażen ta' wlied
Bajan, li kienu nasba u tfixkil għall-poplu, billi kienu jissajjawlhom
fit-toroq. [1Mak:5:5] Għalaqhom fit-torrijiet tagħhom, u waqqaf il-kamp
madwarhom, u qatagħhielhom għall-mewt, u ħarqilhom it-torrijiet b'kull ma kien
fihom. [1Mak:5:6] Għadda mbagħad għal ulied Għammon, u hemm sab eżerċtu qawwi u
poplu kotran taħt il-kmand ta' Timotju. [1Mak:5:7] U tqabad ħafna battalji
kontrihom, kissirhom u għamel straġi minnhom. [1Mak:5:8] Ħa f'idejh lil Ġagħżer
u l-irħula ta' madwarha, u raġa' lura lejn il-Lhudija.
[1Mak:5:9] Mbagħad inġemgħu l-Ġentili li kienu f'Gilgħad kontra Iżrael, li kienu
jgħammru f'artijiethom, biex jeqirduhom. Imma dawn ħarbu fil-fortizza ta'
Datema, [1Mak:5:10] u bagħtu ittra lil Ġuda u lil ħutu u qalulhom: "Inġemgħu
l-Ġentili ta' madwarna kontrina biex jeqirduna. [1Mak:5:11] U qegħdin ilestu
biex jiġu u jaqbdu l-fortizza fejn stkennejna. Timotju hu l-kmandant ta'
l-eżerċtu tagħhom. [1Mak:5:12] Issa, mela, ejja u eħlisna minn taħt idejhom,
għax ħafna minna ġa spiċċaw. [1Mak:5:13] Ħutna lkoll li kienu fl-art ta' Tubi
sfaw maqtula, u n-nisa tagħhom b'uliedhom magħhom maqbuda lsiera, u ġidhom
misruq; qatlu hemm madwar elf raġel."
[1Mak:5:14] Kif kienu għadhom jaqraw din l-ittra waslu messaġġiera oħra
mill-Galilija, bi ħwejjiġhom imċarrta, u tawhom aħbarijiet oħra bħal dawn.
[1Mak:5:15] Qalulhom kif inġemgħu nies minn Ptolemajs u Tir u Sidon u
mill-Galilija kollha tal-ġnus, biex jeqirduhom.
[1Mak:5:16] Meta Ġuda u l-poplu semgħu dan il-kliem, laqqgħu ġemgħa kbira ħalli
jiddeċiedu x'se jagħmlu biex jgħinu lil ħuthom li kienu fl-għawġ u mħabbtin
mill-għedewwa tagħhom. [1Mak:5:17] Mbagħad Ġuda qal lil Xmun, ħuh: "Agħżel
irġiel għal miegħek, u mur u eħles lil ħutek li hemm fil-Galilija, jiena u
Ġonatan ħija mmorru f'Gilgħad." [1Mak:5:18] U ħalla lil Ġużeppi bin Żakkarija, u
lil Għażarija, kap tal-poplu, bil-bqija ta' l-eżerċtu biex iħares il-Lhudija;
[1Mak:5:19] u tahom din l-ordni u qalilhom: "Ħudu ħsieb dan il-poplu, u tagħmlux
gwerra kontra l-Ġentili qabel ma nerġgħu lura aħna." [1Mak:5:20] U l-irġiel
tqassmu hekk: tlitt elef lil Xmun għall-Galilija u tmint elef lil Ġuda għal
Gilgħad.
[1Mak:5:21] Xmun mar il-Galilija u tqabad ħafna battalji kontra l-Ġentili, u
l-Ġentili tfarrku quddiemu, [1Mak:5:22] u baqa' jiġri warajhom sal-bieb ta'
Ptolemajs; mill-Ġentili mietu madwar tlitt elef raġel, u Xmun ħa l-priża
tagħhom. [1Mak:5:23] Ġabar il-Lhud li kienu mill-Galilija u Arbatta bin-nisa u
t-tfal tagħhom u b'kull ma kellhom, u ħadhom b'ferħ kbir fil-Lhudija.
[1Mak:5:24] U Ġuda l-Makkabi u ħuh Ġonatan qasmu l-Ġordan u mxew tlitt ijiem
fid-deżert. [1Mak:5:25] Mbagħad iltaqgħu man-Nabatin, li laqgħuhom bis-sliem, u
qalulhom kull ma ġralhom ħuthom f'Gilgħad; [1Mak:5:26] ħafna minnhom kienu
magħluqin f'Bosra, Busor, Għalema, Kasfur, Maked, u Karnajn, kollha bliet kbar
iffortifikati, [1Mak:5:27] u fl-ibliet l-oħra ta' Gilgħad kien hemm oħrajn
magħluqin."U għal għada," qalulhom, "iddeċidew li jaħbtu għall-fortizzi tagħhom,
u jaqbduhom f'idejhom u jeqirdu f'jum wieħed lil dawk kollha li hemm fihom."
[1Mak:5:28] Ġuda mbagħad, ma' l-eżerċtu tiegħu, malajr malajr, raġa' lura u
qabad it-triq fid-deżert lejn Bosra, qabad il-belt u għadda l-irġiel kollha minn
xifer ix-xabla, ħadilhom ġidhom kollu, u ta n-nar lill-belt; [1Mak:5:29] u
mbagħad telaq minn hemm billejl u rħielha lejn il-fortizza. [1Mak:5:30] Mas-sebħ
refgħu għajnejhom u raw kotra bla qjies ta' nies, iġorru slielem u magni biex
jaħtfu l-fortizza, u kienu qed jaħbtu għaliha. [1Mak:5:31] Ġuda malli ra li
l-attakk kien ġa beda, u li l-għajat tal-belt bit-trombi u t-twerżiq kien kbir
li kien jilħaq is-sema, [1Mak:5:32] qal lin-nies ta' l-eżerċtu: "Tqabdu llum
għal ħutna." [1Mak:5:33] U marrilhom minn wara fi tliet taqsimiet, mbagħad
daqqew it-trombi u bdew jgħajjtu u jitolbu. [1Mak:5:34] Malli l-eżerċtu ta'
Timotju ntebaħ li kien Ġuda l-Makkabi, ħarbu minn quddiemu, u hu tahom xebgħa
kbira, u minnhom baqgħu mejta dakinhar madwar tmint elef raġel. [1Mak:5:35]
Mbagħad Ġuda lewa lejn Għalema u ħabat għaliha, qabadha u qatel l-irġiel li kien
hemm fiha, u ħa l-ġid kollu tagħha, u taha n-nar. [1Mak:5:36] Telaq minn hemm u
qabad lil Kasfu, Maked, u Busor, u l-ibliet l-oħra kollha ta' Gilgħad.
[1Mak:5:37] Wara dan kollu Timotju ġabar eżerċtu ieħor, u waqqaf il-kamp biswit
Rafun lil hemm mill-wied. [1Mak:5:38] Ġuda bagħat jitkixxef il-kamp, u ħabbrulu
u qalulu: "Ngħaqdu miegħu l-Ġentili kollha ta' madwarna, eżerċtu bla qjies.
[1Mak:5:39] Qabbdu wkoll merċenarji Għarab biex jgħinuhom u waqqfu l-kamp
in-naħa l-oħra tal-wied, lesti biex jiġu jaħbtu għalik." U Ġuda ħareġ għalihom.
[1Mak:5:40] U Timotju kellem lill-fizzjali ta' l-eżerċtu tiegħu waqt li kien
riesaq Ġuda u l-eżerċtu tiegħu lejn il-wied: "Jekk jgħaddi għalina qabilna, ma
nkunux nistgħu niqfulu, għax żgur li jegħlibna; [1Mak:5:41] imma jekk jibża' u
jwaqqaf il-kamp 'l hemm mix-xmara, naqsmu aħna u negħlbuh."
[1Mak:5:42] Malli qorob lejn ix-xmara Ġuda waqqaf il-kittieba tat-truppi ħdejn
ix-xmara u ordnalhom u qalilhom: "Tħallu lil ħadd iwaqqaf il-kamp, imma qisu li
kulħadd jiġi għat-taqbida." [1Mak:5:43] Mbagħad għadda hu l-ewwel u l-eżerċtu
kollu warajh; u l-Ġentili tħarbtu quddiemu, rmew l-armi li kellhom, u ħarbu lejn
it-tempju f'Karnajn. [1Mak:5:44] Imma Ġuda ħataf il-belt u ta n-nar lit-tempju
b'kull min kien hemm fih. U hekk Karnajn kienet megħluba u ma felħitx tieqaf lil
Ġuda.
[1Mak:5:45] Mbagħad Ġuda ġabar l-Iżraelin kollha li kienu jgħammru f'Gilgħad,
mill-kbir saż-żgħir, bin-nisa u t-tfal tagħhom u b'ġidhom kollu, kotra kbira
sewwa, biex imorru fl-art ta' Ġuda. [1Mak:5:46] U waslu sa Efron, belt kbira u
qawwija ħafna. Din kienet fuq it-triq hekk li ma kontx tista' ddur magħha la
min-naħa tal-lemin lanqas min-naħa tax-xellug, bilfors ikollok tgħaddi minn ġo
nofsha. [1Mak:5:47] Dawk li kienu fil-belt għalquhom barra u mbarraw il-bibien
bil-ġebel. [1Mak:5:48] U Ġuda bagħat ikellimhom bil-kwiet u jgħidilhom: "Ħa
ngħaddu minn artkom biex immorru f'artna, u ħadd ma jagħmlilkom ħsara; ngħaddu
biss bil-mixi." Imma ma ridux jiftħulu.
[1Mak:5:49] Mbagħad Ġuda ta ordni lil dawk li kienu fil-kamp biex kulħadd jibqa'
fejn kien. [1Mak:5:50] U l-irġiel ta' l-eżerċtu ħadu posthom, u Ġuda ħabat
għall-belt il-ġurnata kollha u l-lejl kollu, u l-belt waqgħet f'idejh.
[1Mak:5:51] U għadda lill-irġiel kollha minn xifer ix-xabla u qered il-belt minn
għeruqha; ħa ġidha kollu u għadda minnha minn fuq l-iġsma tal-mejtin.
[1Mak:5:52] Mbagħad qasam il-Ġordan għall-wita l-kbira biswit Betsan.
[1Mak:5:53] U Ġuda baqa' jżomm flimkien lil dawk li baqgħu lura u jagħmel
il-qalb lill-poplu t-triq kollha sakemm waslu fl-art ta' Ġuda. [1Mak:5:54] U
telgħu ferħana u hienja fuq l-għolja ta' Sijon u offrew sagrifiċċji tal-ħruq,
kuntenti li kienu reġgħu lura bis-sliem bla ma naqas ħadd minnhom.
It-telfa ta' Għażarija u Ġużeppi
[1Mak:5:55] F'dak iż-żmien li Ġonatan u Ġuda kienu fl-art ta' Gilgħad, u Xmun,
ħuh, fil-Galilija quddiem Ptolemajs, [1Mak:5:56] Ġużeppi bin Żakkarija, u
Għażarija, il-kmandanti ta' l-eżerċtu, semgħu bl-għemejjel ta' ħila u l-battalji
li dawk daħlu għalihom [1Mak:5:57] u qalu: "Ħa nagħmlu isem għalina wkoll u
noħorġu niġġieldu kontra l-Ġentili ta' madwarna." [1Mak:5:58] U taw l-ordni
lin-nies ta' l-eżerċtu li kellhom magħhom u telqu lejn Ġamnija. [1Mak:5:59] U
Gorġjas ħareġ mill-belt bin-nies tiegħu u baqa' miexi għal fuqhom biex
jiġġildilhom. [1Mak:5:60] Ġużeppi u Għażarija ħarbu, u l-Ġentili baqgħu jiġru
warajhom sat-trufijiet ta' Ġuda; u dakinhar mill-poplu ta' Iżrael waqgħu mejta
elfejn ruħ. [1Mak:5:61] U din il-ħerba kollha ġiet fuq il-poplu, għax ma semgħux
minn Ġuda u minn ħutu, u ħasbu li kellhom il-ħila juru qlubithom. [1Mak:5:62]
Imma huma ma kinux mir-razza ta' dawn il-qalbiena, li bil-ħila tagħhom Iżrael
kiseb il-ħelsien. [1Mak:5:63] Ġuda, il-qalbieni, u ħutu kisbu ġieħ kbir quddiem
Iżrael kollu u quddiem il-Ġentili kollha li semgħu b'isimhom. [1Mak:5:64] U
kulħadd kien ġej għandhom jifirħilhom.
[1Mak:5:65] Mbagħad Ġuda u ħutu ħarġu u marru jitqabdu ma' wlied Għesaw fl-art
tan-naħa tan-nofsinhar u ħatfu f'idejhom lil Ħebron u l-irħula li kienet tagħmel
minnhom, ġarraf il-fortifikazzjonijiet tagħha u t-torrijiet tagħha dawramejt u
tahom in-nar. [1Mak:5:66] U qabad u mar lejn art il-Filistin u għadda minn
Marisa. [1Mak:5:67] Dakinhar waqgħu mejta waqt il-ġlied xi qassisin, li riedu
juru l-ħila tagħhom u ħarġu jitqabdu bla ħsieb ta' xejn. [1Mak:5:68] Ġuda
rħielha lejn Ażotu tal-Filistin, qered l-artali tagħhom, ħaraq ix-xbihat ta'
l-allat tagħhom, u ħa l-priża mill-ibliet u raġa' lura lejn art Ġuda.
6. Il-mewt ta' Antijoku IV Epifani ( 163 QK )
[1Mak:6:1] Is-sultan Antijoku kien għaddej mill-provinċja tan-naħa ta' fuq, meta
sama' li Elimajs, belt fil-Persja, kienet magħrufa għall-għana, għall-fided u
d-dehbijiet li kellha. [1Mak:6:2] It-tempju li kien hemm fiha kien fih bosta
ġid: kellu tarki tad-deheb, kurazzi u armi mħollijin hemm minn Alessandru bin
Filippu, li kien l-ewwel wieħed minn fost is-slaten tal-Maċedonja, li saltan fuq
il-Griegi.
[1Mak:6:3] Mar, għalhekk, biex jara jiħux il-belt u jisraq kull ma jsib fiha,
iżda ma seħħlux, għaliex in-nies tal-belt saru jafu x'kellu f'moħħu; [1Mak:6:4]
u ġġildulu u waqfulu. Kellu, mela, jaħrab u jitlaq minn hemm, qalbu sewda, lura
lejn il-Babilonja.
[1Mak:6:5] Fil-Persja mbagħad wasal xi ħadd għandu u qallu li l-eżerċti li kienu
daħlu f'art Ġuda sfaw mirbuħa. [1Mak:6:6] Qallu wkoll li Lisja kien minn ta'
l-ewwel li mar bil-qawwa kollha, iżda malajr raġa' lura u ħarab meta sab ruħu
wiċċ imbwiċċ mal-Lhud. U żied jgħidlu li l-Lhud ħadu saħħithom minħabba l-għodod
u l-armi u l-priżi kbar li seħħilhom jaħtfu minn taħt idejn is-suldati li huma
qerdu. [1Mak:6:7] Barra minn dan, semmielu li l-idolu, li hu kien tella' fuq
l-artal f'Ġerusalemm, il-Lhud ġarrfuh, u s-santwarju dawwruh b'ħitan għolja bħal
qabel, u għamlu l-istess lill-belt tiegħu ta' Bet-sur.
[1Mak:6:8] Is-sultan, meta ħa dawn l-aħbarijiet, nħasad u beda jirtogħod
bil-biża'. Mar fis-sodda, u xejn ma ħassu f'sikktu bis-swied ta' qalb li qabdu,
għax ma kienx seħħlu t-tir ta' moħħu. [1Mak:6:9] Baqa' ġranet sħaħ fis-sodda,
għaliex niket kbir kien jaħkmu mill-ġdid kull darba, u ħaseb li kien wasal biex
imut.
[1Mak:6:10] Sejjaħ, għalhekk, lil ħbiebu kollha u qalilhom: "In-ngħas ħarab minn
xfar għajnejja, għax qalbi sewda għall-aħħar bid-dwejjaq li għandi fuqi.
[1Mak:6:11] Għedt bejni u bejn ruħi: Ara, x'diqa ġejt fiha, u x'baħar issa sibt
ruħi fih! Jiena, fis-setgħa tiegħi, kont dejjem ferħan u kont maħbub.
[1Mak:6:12] Iżda issa m'iniex ħlief niftakar fid-deni li għamilt f'Ġerusalemm:
ġarrejt il-ħwejjeġ kollha li kellha, sew tal-fidda u sew tad-deheb, u għal xejn
b'xejn bgħatt noqtol lil kull min joqgħod f'art Ġuda. [1Mak:6:13] Qed nara li
minħabba f'hekk ġiet fuqi dil-ħsara kollha, u ara, qed immut mifni bis-swied ta'
qalb f'art barranija."
[1Mak:6:14] Mbagħad sejjaħ lil Filippu, wieħed minn ħbiebu, u qiegħdu kap fuq
is-saltna tiegħu kollha. [1Mak:6:15] Tah il-kuruna u l-mant tiegħu, u ċ-ċurkett
u inkarigah li jrabbi lil ibnu Antijoku, u jħarrġu biex ikun sultan.
[1Mak:6:16] U Antijoku, is-sultan, miet fis-sena 149.
[1Mak:6:17] Malli sama' Lisja li miet is-sultan Antijoku, għamel sultan lil ibnu
Antijoku, li kien rabbieh minn ċkunitu u semmieh Ewpator.
Spedizzjoni ta' Antijoku V Ewpator ( 163 QK )
[1Mak:6:18] Dawk li kienu fl-Akra għalqu l-Iżraelin madwar it-tempju u kienu
jfittxu li jagħmlulhom il-ħsara u jgħinu lill-Ġentili. [1Mak:6:19] Ġuda,
għalhekk, qatagħha li jqaċċathom min-nofs u ġabar il-poplu kollu biex
jassedjahom; [1Mak:6:20] nġabru u bdew l-assedju fis-sena 150. Bnew torrijiet u
magni oħra. [1Mak:6:21] Imma xi wħud mill-assedjati rnexxielhom joħorġu, u
ngħaqdu magħhom xi midgħajja minn Iżrael [1Mak:6:22] u marru jgħidu lis-sultan:
"Kemm se ddum ma tivvendika ruħek u tagħmel ħaqq lil ħutna? [1Mak:6:23] Minn
rajna aħna konna aċċettajna li nservu lil missierek u li nimxu skond ma
jgħidilna u noqogħdu għall-ordnijiet tiegħu. [1Mak:6:24] U minħabba f'hekk ulied
il-poplu tagħna dawwru l-Akra u nqatgħu minnha. Mhux biss, imma qegħdin joqtlu
lil kull min isibu minna u jisirqulna ġidna. [1Mak:6:25] U meddew idejhom mhux
fuqna biss, imma fuq il-ġirien tagħhom kollha. [1Mak:6:26] U, ara, illum waqqfu
l-kamp madwar l-Akra f'Ġerusalemm biex jaħtfuha, u ffortifikaw it-tempju u 'l
Bet-sur. [1Mak:6:27] Jekk int ma tfittixx tilħaq qabilhom mill-aktar fis,
jagħmlu agħar minn hekk, u ma tkunx tista' trażżanhom."
[1Mak:6:28] Is-sultan, malli sama' b'dan, inkorla u ġabar il-ħbieb tiegħu
kollha, kapijiet ta' l-eżerċtu tiegħu u l-uffiċjali tal-kavallerija tiegħu.
[1Mak:6:29] U waslu għandu wkoll truppi merċenarji minn saltniet oħra, u
mill-gżejjer tal-baħar. [1Mak:6:30] U l-għadd tat-truppi tiegħu kien ilaħħaq
mitt elf fanterija, għoxrin elf kavallerija u tnejn u tletin iljunfant imħarrġa
għall-gwerra.
[1Mak:6:31] Qasmu l-Idumija u waqqfu l-kamp kontra Bet-sur; ħejjew għodod
tal-gwerra u damu jaħbtu għaliha għal żmien twil, iżda l-assedjati ħarġu u
ħarqulhom kollox u tqabdu b'ħila kbira. [1Mak:6:32] Ġuda mbagħad telaq minn
ħdejn l-Akra u waqqaf il-kamp ħdejn Bet-żakkarija biswit il-kamp tas-sultan.
[1Mak:6:33] Is-sultan bakkar fil-għodu kmieni u mar jiġri bl-eżerċtu tiegħu lejn
Bet-żakkarija; u l-forzi tqassmu għall-battalja u daqqew it-trombi [1Mak:6:34] u
lill-iljunfanti wrewhom l-għasir ta' l-għeneb u t-tut biex isaħħnuhom
għall-battalja.[1Mak:6:35] Qassmu l-bhejjem bejn il-qtajja', u ma' kull
iljunfant qiegħdu elf raġel lebsin kurazza minsuġa f'malji u bl-elmi tal-bronż
fuq rashom. Barra dawn kien hemm ħames mitt kavallier magħżul, mqassma ma' kull
bhima. [1Mak:6:36] Dawn kienu ħadu posthom minn qabel kull fejn kienet il-bhima,
u kull fejn kienet tmur kienu jmorru magħha u ma jitbegħdux minnha. [1Mak:6:37]
Fuq kull bhima kien hemm torrijiet qawwijin ta' l-injam mgħottijin u marbutin
magħhom b'xedd apposta, u f'kull torri kien hemm erbgħa min-nies għall-ġlied u
l-Indjan li jsuqu. [1Mak:6:38] Is-sultan qassam il-bqija tal-kavallerija 'l hemm
u 'l hawn fuq iż-żewġt iġnub ta' l-eżerċtu biex ibeżżgħu l-għadu u jħarsu
l-battaljuni tagħhom. [1Mak:6:39] Malli x-xemx bdiet tiddi fuq it-tarki miksija
bid-deheb u l-bronż, l-għoljiet xegħlu bihom u bdew jilmaw qishom ħġejjeġ
tan-nar. [1Mak:6:40] Biċċa mill-eżerċtu tas-sultan tqassmet fuq l-għoljiet u
l-oħra fil-wita. Hekk avanzaw bl-ordni, żguri minnhom infushom. [1Mak:6:41] U
kull min kien jisma' l-ħoss tal-kotra tagħhom, il-mixi ta' dawn in-nies kollha,
u l-armi jħabbtu ma' xulxin kien jitkexkex, għax l-eżerċtu kien kbir u qawwi.
[1Mak:6:42] Ġuda avanza bl-eżerċtu tiegħu u ħabat għalihom; u mill-eżerċtu
tas-sultan waqgħu mejta fl-art sitt mitt raġel. [1Mak:6:43] Elgħażar, mlaqqam
l-Awwaran, ra waħda mill-bhejjem miksija b'armatura ta' sultan u ogħla
mill-bhejjem l-oħra; ħaseb li fuqha kien hemm is-sultan, [1Mak:6:44] u ta ħajtu
biex jeħles il-poplu tiegħu u jikseb għalih innifsu isem għal dejjem.
[1Mak:6:45] B'kuraġġ kbir telaq bil-ġirja lejha minn ġo nofs il-battaljuni,
joqtol max-xellug u mal-lemin, u bdew iwarrbulu minn naħa u minn oħra.
[1Mak:6:46] Mbagħad daħal taħt l-iljunfant, nifdu u qatlu. Imma l-bhima waqgħet
fuqu u hu baqa' mejjet taħtha. [1Mak:6:47] Il-Lhud, malli raw il-forzi
tas-sultan u l-qawwa ta' l-eżerċtu, tbiegħdu minnhom.
[1Mak:6:48] Mbagħad it-truppi ta' l-eżerċtu tas-sultan telgħu għalihom
f'Ġerusalemm, u s-sultan waqqaf il-kamp kontra l-Lhudija u l-għolja ta' Sijon.
[1Mak:6:49] Għamel il-paċi man-nies ta' Bet-sur, li ħarġu mill-belt, għax ma
kienx fadlilhom ikel biżżejjed biex iżommu sħiħ f'assedju, billi dik is-sena
ħabtet sena ta' mistrieħ għar-raba'. [1Mak:6:50] Hekk is-sultan ħa f'idejh
Bet-sur u ħalla fiha gwarniġjun biex iħarisha.
[1Mak:6:51] Mbagħad dawwar il-kamp għal fuq it-tempju għal żmien twil, u waqqaf
batteriji u magni, għodod għat-tfigħ tan-nar u l-ġebel, inġenji għat-twaddib
tal-vleġeġ u żbandoli. [1Mak:6:52] Il-Lhud ukoll, min-naħa tagħhom, għamlu magni
kontra l-magni tagħhom u damu jitqabdu żmien twil. [1Mak:6:53] Imma ikel
fl-imħażen ma kienx hemm, għax ħabtet is-seba' sena u r-rifuġjati li kienu ħarbu
lejn il-Lhudija minn fost il-Ġentili kielu kull ma kien daħal fl-imħażen.
[1Mak:6:54] Għalhekk il-Lhud ħallew ftit nies fit-tempju, u xterdu 'l hemm u 'l
hawn, kulħadd lejn pajjiżu, għax il-ġuħ kien għafashom.
[1Mak:6:55] Sadattant Lisja sama' li Filippu, li s-sultan Antijoku, meta kien
għadu ħaj, kien fdalu f'idejh lil ibnu Antijoku biex iħejjih ħalli jsaltan
floku, [1Mak:6:56] kien raġa' lura mill-Persja u l-Medja bl-eżerċtu tas-sultan
li kien mar miegħu; u li kien qiegħed ifittex jieħu l-amministrazzjoni f'idejh.
[1Mak:6:57] U malajr malajr għamel il-ħsieb li jitlaq u qal lis-sultan,
lill-kapijiet ta' l-eżerċtu u lit-truppi: "Qegħdin nonqsu kull jum; ikel ftit
fadlilna, u l-post li qegħdin nassedjaw hu qawwi, u rridu naħsbu wkoll
fl-imperu. [1Mak:6:58] Mela issa ejjew noffru l-leminija lil dawn in-nies,
nagħmlu paċi magħhom u mal-ġens tagħhom kollu, [1Mak:6:59] u nħalluhom jimxu
skond id-drawwiet tagħhom bħal qabel. Għaliex minħabba d-drawwiet tagħhom, li
aħna neħħejnielhom, huma inkurlaw għalina u għamlu dan kollu." [1Mak:6:60] Dan
il-kliem għoġob lis-sultan u lill-kapijiet, u bagħat jittratta l-paċi magħhom u
ftiehmu. [1Mak:6:61] Is-sultan flimkien mal-kapijiet ħalfulhom, u mbagħad
l-assedjati ħarġu mill-Akra. [1Mak:6:62] U s-sultan mar fuq l-għolja ta' Sijon,
u malli ra kemm kien iffortifikat sewwa, kiser il-ħalfa li kien ħalef, u ordna
li jħottu l-ħitan dawramejt. [1Mak:6:63] Mbagħad telaq mgħaġġel, u raġa' lura
lejn Antjokja, u sab lil Filippu jaħkem il-belt; attakkah u ħadlu l-belt
bil-forza.
Demetriju I Soter, sultan ta' l-Asja ( 162-150 QK )
[1Mak:7:1] Fis-sena 151 Demetriju bin Selewku, telaq minn Ruma u żbarka bi ftit
irġiel f'belt f'xatt il-baħar, u hemm ipproklama ruħu sultan.
[1Mak:7:2] Ġara li malli daħal fil-palazz irjali ta' missirijietu, is-suldati
qabdu lil Antijoku u 'l Lisja biex iressquhom quddiemu. [1Mak:7:3] Imma malli
sar jaf b'dan qalilhom: "Tħallunix nara 'l wiċċhom." [1Mak:7:4] U s-suldati
qatluhom, u Demetriju qagħad fuq it-tron tas-saltna tiegħu.
Spedizzjoni ta' Bakkidi fil-Lhudija ( 161 QK )
[1Mak:7:5] U marru għandu r-rinnegati u l-midgħajja minn fost Iżrael, mmexxija
minn Alċimu, li kien jixtieq il-post ta' qassis il-kbir. [1Mak:7:6] Dawn xlew
lill-poplu quddiem is-sultan u qalulu: "Ġuda u ħutu qerdu 'l ħbiebek kollha, u
lilna xerrduna 'l bogħod minn artna. [1Mak:7:7] Issa, mela, ibgħat bniedem ta'
fiduċja; biex jiġi u jara l-ħsara kollha li għamel lilna u lil art is-sultan, u
jikkastiga lilhom u 'l dawk li għenuhom."
[1Mak:7:8] Is-sultan għażel lil Bakkidi, wieħed mill-ħbieb tas-sultan, kmandant
ta' l-art 'l hemm mix-Xmara, bniedem kbir fis-saltna, leali lejn is-sultan.
[1Mak:7:9] U bagħtu flimkien ma' Alċimu, il-midgħi, li kien għamlu l-qassis
il-kbir u tah is-setgħa li jivvendika ruħu minn ulied Iżrael.
[1Mak:7:10] Dawn telqu u marru b'eżerċtu kbir lejn l-art ta' Ġuda; u bagħtu
messaġġiera għand Ġuda u ħutu biex jingannawhom bi kliem ta' ħbieb. [1Mak:7:11]
Imma dawn ma fdawx fi kliemhom għax kienu raw li ġew b'eżerċtu kbir.
[1Mak:7:12] Mbagħad inġemgħu ma' Alċimu u Bakkidi ġemgħa kittieba jitolbu ftehim
ġust. [1Mak:7:13] Il-Ħasidin kienu l-ewwel fost ulied Iżrael li talbuhom
il-paċi. [1Mak:7:14] Għax qalu: "Qassis min-nisel ta' Aron ġie ma' l-eżerċtu, u
dan ma jagħmlilniex ħsara." [1Mak:7:15] U hu kellimhom u qalilhom kliem ta'
ħbieb u ħalfilhom u qalilhom: "Ma nagħmlulkomx ħsara, la lilkom u lanqas lil
ħbiebkom." [1Mak:7:16] U huma emmnuh; imma mbagħad hu qabad sittin raġel
minnhom, u qatilhom f'jum wieħed, skond ma hu miktub:
[1Mak:7:17] "L-iġsma tal-qaddisin tiegħek u demmhom
xerrduhom madwar Ġerusalemm,
u ma kien hemm ħadd biex jidfinhom."
[1Mak:7:18] U waqa' biża' kbir u twerwir fuq il-poplu kollu, għax bdew jgħidu:
"M'hemmx sewwa u ġustizzja fihom, la darba kisru l-ftehim u l-ħalfa li ħalfu."
[1Mak:7:19] Bakkidi, mbagħad, tbiegħed minn Ġerusalemm u waqqaf il-kamp
f'Bet-żajt u bagħat jarresta ħafna minn dawk li kienu marru miegħu u xi wħud
mill-poplu, qatilhom u xeħithom f'ġiebja kbira. [1Mak:7:20] U ħalla l-pajjiż
f'idejn Alċimu, u ħallielu eżerċtu biex jgħinuh. Bakkidi mbagħad telaq għal
għand is-sultan. [1Mak:7:21] Alċimu beda jitħabat biex iżomm il-pożizzjoni
tiegħu ta' qassis il-kbir, [1Mak:7:22] u ngħaqdu miegħu dawk li xewwxu l-poplu
tagħhom; qabdu taħt idejhom l-art ta' Ġuda, u għamlu ħsara kbira f'Iżrael.
[1Mak:7:23] Meta Ġuda ra li l-ħsara, li kienu qegħdin jagħmlu Alċimu u sħabu lil
ulied Iżrael, kienet akbar minn dik li kienu għamlu l-Ġentili, [1Mak:7:24] ħareġ
idur ma' l-art kollha tal-Lhudija u tħallas min-nies li kienu telquh, u għalhekk
ma ssugrawx jiġġerrew aktar fil-kampanja. [1Mak:7:25] Meta Alċimu ra li Ġuda u
sħabu kienu minn fuq u fehem li ma setax ilaħħaq magħhom, raġa' mar għand
is-sultan u xliehom b'delitti kbar.
L-ispedizzjoni ta' Nikanor
[1Mak:7:26] Is-sultan bagħat lil Nikanor, wieħed mill-aktar ġenerali magħrufa
tiegħu, u għadu kollu mibegħda għal Iżrael, u ordnalu li jeqred il-poplu.
[1Mak:7:27] Nikanor mar Ġerusalemm b'eżerċtu kbir u bagħat jinganna lil Ġuda u
'l ħutu b'messaġġ ta' ħbieb u qallu: [1Mak:7:28] "Ma jkunx hemm ġlied bejni u
bejnkom. Jien ġejt bi ftit nies biex nara 'l wiċċkom ta' ħbieb." [1Mak:7:29] U
ġie għand Ġuda, u sellmu lil xulxin ta' ħbieb, waqt li l-għedewwa kienu lesti
jaħtfu lil Ġuda. [1Mak:7:30] Imma malli Ġuda ntebaħ li ġie biex jingannah, Ġuda
warrab minnu mbażża' u ma riedx jara 'l wiċċu iżjed. [1Mak:7:31] Nikanor fehem
li ħsiebu nkixef; għalhekk ħareġ jitqabad ma' Ġuda ħdejn Kafar-salama.
[1Mak:7:32] U waqgħu mejta min-naħa ta' Nikanor ħames mitt raġel, u l-bqija
ħarbu lejn il-belt ta' David.
[1Mak:7:33] Wara dawn il-ġrajja Nikanor mar fuq l-għolja ta' Sijon. Xi wħud
mill-qassisin ħarġu mis-santwarju flimkien ma' xi wħud mill-anzjani tal-poplu
jsellmulu ta' ħbieb u wrewh is-sagrifiċċju li kienu qed joffru għas-sultan.
[1Mak:7:34] Imma hu beda jwaqqagħhom għaż-żufjett u jiddieħak bihom, ikasbarhom
u jkellimhom bil-herra, [1Mak:7:35] u b'saħna fuqu ħalfilhom u qal: "Jekk ma
tagħtunix f'idejja minnufih lil Ġuda u l-eżerċtu tiegħu meta nerġa' lura
mir-rebħa, lil dan il-bini nagħtih in-nar." U telaq b'rabja kbira fuqu.
[1Mak:7:36] Il-qassisin, mbagħad, daħlu u waqfu quddiem l-artal u s-santwarju u
bdew jibku u jgħidu: [1Mak:7:37] "Inti għażilt lil din id-dar biex tissemma
b'ismek, li tkun dar tat-talb u l-orazzjoni għall-poplu tiegħek. [1Mak:7:38]
Tħallas minn dan il-bniedem u mill-eżerċtu tiegħu, ħallihom jaqgħu mejtin
bix-xabla. Ftakar fid-dagħa tagħhom, u tħallihomx aktar ħajjin."
[1Mak:7:39] Nikanor ħareġ minn Ġerusalemm u waqqaf il-kamp f'Bet-ħoron; hawn
ingħaqad miegħu l-eżerċtu tas-Sirja. [1Mak:7:40] Ġuda waqqaf il-kamp f'Adasa, bi
tlitt elef raġel; u Ġuda beda jitlob u jgħid: [1Mak:7:41] "Meta l-messaġġiera
tas-sultan dgħaw, ħareġ l-anġlu tiegħek u darab minnhom mija u ħamsa u tmenin
elf. [1Mak:7:42] Hekk issa, mela, kisser dan l-eżerċtu llum quddiemna, ħalli
jkunu jafu dawk li jibqgħu ħajjin li żeblaħ bi kliemu t-tempju tiegħek; agħmel
ħaqq minnu skond ħżunitu."
[1Mak:7:43] Fit-tlittax ta' Adar iż-żewġ eżerċti ħabtu għal xulxin, u l-eżerċtu
ta' Nikanor tkisser, u hu kien l-ewwel wieħed li waqa' mejjet fil-battalja.
[1Mak:7:44] Malli t-truppi tiegħu raw li Nikanor kien baqa' mejjet, rmew l-armi
u ħarbu. [1Mak:7:45] Il-Lhud għamlu għal warajhom tul jum sħiħ minn Adasa sa ma
tilħaq Geżer, huma u jdoqqu t-trombi ta' l-allarm. [1Mak:7:46] U n-nies ħarġet
mill-irħula kollha tal-Lhudija dawramejt u dawwruhom: il-maħrubin u dawn
intefgħu lura fuq l-għedewwa ta' warajhom, u mietu kollha bix-xabla, u anqas
wieħed ma baqa' minnhom. [1Mak:7:47] U l-Lhud ħadu l-priża u kull ma sabu,
qatgħu ras Nikanor u l-leminija tiegħu, li hu kien rafa' kollu mkabbar, u ħaduha
Ġerusalemm u dendluha hemm. [1Mak:7:48] Il-poplu ġġennen bil-ferħ, u għaddew dak
il-jum bħal jum ta' ferħ kbir. [1Mak:7:49] U qatgħuha li jiċċelebraw kull sena
dan il-jum tat-tlittax tax-xahar ta' Adar.
[1Mak:7:50] U għal ftit taż-żmien kien hemm il-mistrieħ fl-art ta' Ġuda.
8. Il-ftehim mar-Rumani
[1Mak:8:1] Ġuda sama' b'isem ir-Rumani x'qawwa militari kellhom, u kemm kienu
jġibu lil min jinġibed lejhom; li kienu wkoll lesti jagħmlu ħbieb ma' dawk li
jersqu lejhom, u li għalhekk kisbu dik il-qawwa kollha. [1Mak:8:2] Qalulu wkoll
bil-gwerer li kellhom u bl-għemejjel qalbiena li għamlu fil-Galazja, jiġifieri
kif irnexxielhom jegħlbu lil dan il-poplu u jġagħluh iħallas it-tribut;
[1Mak:8:3] u x'għamlu fl-art ta' Spanja biex jaħtfu taħt idejhom il-minjieri
tal-fidda u tad-deheb li hemm fiha. [1Mak:8:4] Għax huma rnexxielhom jirbħu
l-pajjiż kollu bl-għaqal u s-sabar tagħhom, minkejja li l-pajjiż kien ħafna 'l
bogħod minnhom, u kif għelbu s-slaten li ħabtu għalihom minn truf l-art sakemm
tawhom xebgħa kbira, u kif il-bqija jagħtuhom it-tribut kull sena.
[1Mak:8:5] Qalulu wkoll kif kien għelbu fil-gwerra lil Filippu u lil Persew,
sultan tal-Kittin, u 'l kull min qam kontrihom, u ġibuhom taħt il-ħakma tagħhom.
[1Mak:8:6] Kif rebħu lil Antijoku, is-sultan il-kbir ta' l-Asja, li ħareġ jaħbat
għalihom b'mija u għoxrin iljunfant, kavallerija u karrijiet u eżerċtu kbir
ħafna, u huma għelbuh; [1Mak:8:7] u kif qabduh ħaj u ġagħlu lilu u s-suċċessuri
tiegħu jħallsu tribut kbir u jħallilhom nies b'rahan, u jċiedi [1Mak:8:8] 'l art
ta' l-Indja, il-Medja, u l-Lidja, l-aħjar fost il-provinċji tagħhom. U wara li
ħaduhom mingħandu tawhom lis-sultan Ewmeni. [1Mak:8:9] Qalulu wkoll kif
il-Griegi riedu joħorġu u jeqirduhom, [1Mak:8:10] u malli r-Rumani saru jafu
b'dan, bagħtu kontrihom ġeneral wieħed jagħmlilhom gwerra; qatlu ħafna minnhom,
ħadulhom in-nisa u t-tfal ilsiera, serqulhom ġidhom, ħatfulhom arthom,
ġarrfulhom il-fortizzi, u żammewhom b'ilsiera sa llum. [1Mak:8:11] U kif
is-saltniet l-oħra u l-gżejjer li xi darba qamu għalihom qerduhom u jassruhom.
[1Mak:8:12] Imma ma' ħbiebhom u dawk li kienu jafdaw fihom kienu jimxu ta'
ħbieb. Għelbu slaten, mill-qrib u mill-bogħod, u dawk kollha li kienu semgħu
b'isimhom kienu jibżgħu minnhom. [1Mak:8:13] U lil dawk li kienu jridu jgħinuhom
isaltnu, kienu jsaltnu; u lil dawk li kienu jridu jneħħu, kienu jneħħuhom; u
hekk kibru ħafna.
[1Mak:8:14] Minkejja dan kollu ħadd minnhom ma qiegħed il-kuruna fuq rasu,
lanqas ma libes il-porpra biex jitkabbar biha. [1Mak:8:15] Huma waqqfu senat,
fejn kuljum tliet mija u għoxrin membru jiddiskutu bejniethom biex kollox jimxi
sewwa għall-ġid tal-poplu. [1Mak:8:16] U ta' kull sena jafdaw il-ħakma f'idejn
wieħed u dan jiggverna l-art kollha tagħhom; u lkoll jisimgħu minn wieħed, u la
hemm mibegħda u lanqas għira bejniethom.
[1Mak:8:17] Ġuda għażel lil Ewpolemu bin Ġwanni, bin Akku, u Ġason bin Elgħażar,
u bagħathom Ruma biex jagħmlu ftehim ta' ħbiberija u alleanza magħhom,
[1Mak:8:18] u biex ineħħu l-madmad tal-Griegi, għax raw li l-ħakma tal-Griegi
kienet qiegħda ġġib lil Iżrael fil-jasar. [1Mak:8:19] U marru Ruma - it-triq
kienet twila ħafna - u daħlu fis-Senat, u qabdu u qalulhom: [1Mak:8:20] "Ġuda
l-Makkabi u ħutu u l-kotra kollha tal-Lhud bagħtuna biex nagħmlu alleanza u paċi
magħkom, u li nkunu miktubin fost l-alleati u ħbiebkom." [1Mak:8:21] U dan
il-kliem għoġobhom.
[1Mak:8:22] Din hi l-kopja ta' l-ittra, li naqqxu fuq twavel tal-bronż u
bagħtuha Ġerusalemm biex tibqgħalhom hemmhekk b'tifkira tal-paċi u l-alleanza:
[1Mak:8:23] "Jalla r-riżq lir-Rumani u lill-ġens Lhudi, fuq il-baħar u fuq
l-art, għal dejjem. Jalla x-xabla u l-għadu jkunu 'l bogħod minnhom. [1Mak:8:24]
Jekk tinqala' gwerra kontra Ruma l-ewwel jew kontra l-alleati tagħhom
f'artijiethom kollha, [1Mak:8:25] il-ġens Lhudi jgħinhom minn qalbhom skond ma
jkun jitlob iż-żmien. [1Mak:8:26] U lill-għedewwa la jagħtuhom u lanqas
ifornulhom qamħ, la armi, la flus, u la ġfien, skond ma jogħġob lil Ruma; u
għandhom iħarsu l-obbligazzjonijiet tagħhom mingħajr ma jieħdu xejn. [1Mak:8:27]
Hekk ukoll jekk il-ġens Lhudi jkun attakkat l-ewwel, ir-Rumani jgħinuhom
fil-ġlied minn qalbhom, skond ma ż-żmien ikun jitlob. [1Mak:8:28] U ma jagħtux
lill-għedewwa tagħhom la qamħ, la armi, la flus u la ġfien, kif jogħġob lil
Ruma, u jħarsu dawn l-obbligazzjonijiet mingħajr ebda ingann. [1Mak:8:29] Hekk
ir-Rumani ntrabtu mal-poplu Lhudi skond dan il-ftehim.
[1Mak:8:30] "Jekk imbagħad wara dan il-ftehim ikunu jridu, naħa u oħra, iżidu
jew inaqqsu xi ħaġa, jagħmlu kif ikun jogħġobhom; kull ma jiżdied jew jitnaqqas,
iseħħ. [1Mak:8:31] Dwar il-ħsarat li għamel is-sultan Demetriju lil-Lhud,
ktibnielu u għidnielu: 'Għaliex għabbejt bil-piż tal-madmad tiegħek lil ħbiebna
u l-alleati tagħna l-Lhud? [1Mak:8:32] Jekk huma jerġgħu jipprotestaw kontrik,
aħna nfittxu li nagħmlulhom ġustizzja, u lilek nagħmlulek gwerra fuq l-art u
l-baħar.' "
9. Spedizzjoni oħra ta' Bakkidi u l-mewt ta' Ġuda ( 160 QK )
[1Mak:9:1] Meta Demetriju sama' li Nikanor bl-eżerċtu tiegħu baqa' mejjet
fil-battalja, qatagħha li jerġa' jibgħat lil Bakkidi u lil Alċimu fl-art ta'
Ġuda bit-taqsima l-leminija ta' l-eżerċtu magħhom. [1Mak:9:2] Qabdu t-triq ta'
Gilgal u waqqfu l-kamp f'Mesalot ħdejn Arbela; qabduha u qatlu ħafna nies.
[1Mak:9:3] Fl-ewwel xahar tas-sena 152 waqqfu l-kamp ħdejn Ġerusalemm.
[1Mak:9:4] Mbagħad telqu u marru Berija b'għoxrin elf raġel u elfejn żiemel.
[1Mak:9:5] Ġuda kien waqqaf il-kamp f'Elasa bi tlitt elef raġel magħżula.
[1Mak:9:6] Malli dawn raw li l-forzi ta' l-eżerċtu kienu kbar ħafna qabadhom
biża' kbir ħafna u ħarbu mill-kamp, u ma baqgħux miegħu ħlief tmien mitt ruħ.
[1Mak:9:7] Kif ra Ġuda li l-eżerċtu tiegħu sfaxxalu, u l-battalja kienet waslet
biex tibda minn mument għal ieħor, ħass għafsa ta' qalb għax ma kellux żmien
biex jiġborhom. [1Mak:9:8] B'jiesu maqtugħ kellem lil dawk li kien fadal: "Isaw,
qumu ħa naħbtu għall-għedewwa tagħna, ħa naraw għandniex il-ħila negħlbuhom."
[1Mak:9:9] Iżda huma ppruvaw idawwruh u qalulu: "Għalissa ma nistgħu nagħmlu
xejn ħlief insalvaw ħajjitna, mbagħad nerġgħu lura ma' ħutna, u niġġildulhom;
bħalissa aħna ftit wisq." [1Mak:9:10] U Ġuda wieġeb: "Ma jkun qatt li jien
nagħmel dan, li naħrab minnhom! Jekk is-siegħa tagħna waslet, ħa mmutu ta' rġiel
li aħna għal ħutna, u ma nħallu qatt li jittabba' ġieħna!"
[1Mak:9:11] L-eżerċtu ta' l-għadu ħareġ mill-kamp u ħadu posthom kontrihom.
Il-kavallerija tqassmet fi tnejn; quddiem l-eżerċtu kienu miexja l-waddaba ta'
l-iżbandoli u l-vleġeġ, u fl-ewwel filliera kien hemm l-aqwa gwerriera. Bakkidi
kien fil-ġenb tal-lemin. [1Mak:9:12] L-eżerċtu avanza f'żewġ taqsimiet, huma u
jdoqqu t-trombi; u daqqew it-trombi wkoll in-nies ta' Ġuda. [1Mak:9:13] L-art
triegħdet bil-ħsejjes ta' l-eżerċti, u l-battalja damet sejra minn filgħodu sa
filgħaxija.
[1Mak:9:14] Xħin Ġuda ntebaħ li Bakkidi u l-aqwa ta' l-eżerċtu kienu fuq
il-lemin, nġabru l-qalbenin kollha miegħu, [1Mak:9:15] u kisser il-qtajja'
tal-lemin, u għamel għal warajhom sa taħt il-muntanja Ażotu. [1Mak:9:16] Dawk li
kienu fuq ix-xellug, mbagħad, meta raw li n-naħa tal-lemin tħarbtet, daru minn
wara għal Ġuda u n-nies li kienu miegħu; [1Mak:9:17] u l-battalja qlielet u
waqgħu ħafna midrubin minn naħa u minn oħra; [1Mak:9:18] u baqa' mejjet ukoll
Ġuda, u l-bqija ħarbu.
[1Mak:9:19] Ġonatan u Xmun imbagħad ħadu 'l Ġuda ħuhom u difnuh fil-qabar ta'
missirijiethom f'Modin. [1Mak:9:20] U bkewh u xehru għalih l-Iżraelin kollha u
għamlu l-vistu għal ħafna jiem. U bdew jgħidu: [1Mak:9:21] "Kif waqa'
l-qalbieni, is-salvatur ta' Iżrael!"
[1Mak:9:22] Il-bqija ta' kull ma għamel Ġuda, il-gwerer u l-għemejjel qalbiena u
l-kobor tiegħu ma nkitbux, għax kienu ħafna.
Ġonatan jidħol flok Ġuda ( 160-142 QK )
[1Mak:9:23] Ġara li wara l-mewt ta' Ġuda r-rinnegati reġgħu refgħu rashom fl-art
kollha ta' Iżrael, u tfaċċaw mill-ġdid dawk kollha li kienu jagħmlu d-deni.
[1Mak:9:24] F'dak iż-żmien waqa' għaks kbir sewwa, u l-art donnha daret għal
magħhom. [1Mak:9:25] Bakkidi għażel nies midgħajja u għamilhom kapijiet
tal-pajjiż. [1Mak:9:26] Dawn bdew ifittxu u jitkixxfu fuq il-ħbieb ta' Ġuda u
jġibuhom quddiem Bakkidi. U hu kien jivvendika ruħu minnhom u jwaqqagħhom
għaż-żufjett. [1Mak:9:27] Kien waqa' għalhekk hemm kbir f'Iżrael, li qatt ma
kien hemm bħalu minn meta deher profeta fosthom.
[1Mak:9:28] Mbagħad iltaqgħu l-ħbieb kollha ta' Ġuda u qalu lil Ġonatan:
[1Mak:9:29] "Minn mindu miet ħuk Ġuda, m'hawnx bniedem bħalu biex imexxina
kontra l-għedewwa u Bakkidi u kontra dawk minn ġensna li jobogħduna. [1Mak:9:30]
Issa, mela, ħa nagħżluk illum kap tagħna floku u mexxej tagħna biex tmexxi
t-taqbid u l-battalji tagħna." [1Mak:9:31] U Ġonatan dakinhar aċċetta l-kmand u
laħaq flok ħuh Ġuda.
L-ewwel battalja ta' Ġonatan ( 160 QK )
[1Mak:9:32] Malli sar jaf b'dan, Bakkidi beda jfittxu biex joqtlu. [1Mak:9:33]
Iżda Ġonatan, Xmun ħuh, u dawk kollha li kienu miegħu indunaw, ħarbu lejn
id-deżert ta' Tekugħa, u waqqfu l-kamp ħdejn il-ġiebja ta' Asfar. [1Mak:9:34]
Bakkidi sar jaf b'dan f'jum is-Sibt, u telaq bl-eżerċtu tiegħu kollu u qasam
il-Ġordan. [1Mak:9:35] Ġonatan imbagħad bagħat lil ħuh Ġwanni, il-kmandant
tal-kotra, biex jitlob lin-Nabatin ħbiebu, biex iħalli għandhom il-ħafna tagħmir
li kellhom.
[1Mak:9:36] Imma minn Medeba ħarġu wlied Ġambri u ħatfu lil Ġwanni b'kull ma
kellu, u telqu b'kollox. [1Mak:9:37] Wara din il-ġrajja ħabbru lil Ġonatan u lil
Xmun li wlied Ġambri kienu qegħdin jagħmlu tieġ kbir u kellhom iwasslu
lill-għarusa, bint wieħed mill-kbarat ta' Kangħan, minn Nadabat, b'kotra kbira
ta' ħaddara. [1Mak:9:38] U ftakru fid-demm ta' ħuhom Ġwanni, u telgħu u nħbew
għall-irdoss ta' għolja. [1Mak:9:39] U refgħu għajnejhom, taw ħarsa madwarhom, u
lemħu kortew b'ħamba kbira u tagħmira sħiħa; u l-għarus kien riesaq lejhom ma'
ħbiebu u qrabatu fost id-daqq tat-tnabar u ħafna armar.
[1Mak:9:40] U l-Lhud inxteħtu għal fuqhom mill-moħba u għamlu ħerba minnhom; u
l-bqija ħarbu lejn l-għoljiet; u ħadulhom il-priża. [1Mak:9:41] U t-tieġ inbidel
f'vistu u d-daqq tagħhom f'tinwiħ. [1Mak:9:42] Hekk tħallsu għad-demm ta' ħuhom,
u reġgħu lura lejn l-għadajjar tal-Ġordan.
[1Mak:9:43] U sama' Bakkidi u mar f'jum is-Sibt sa xatt il-Ġordan b'eżerċtu
qawwi. [1Mak:9:44] U Ġonatan qal lin-nies tiegħu: "Ħa nqumu u nitqabdu għal
ħajjitna, għax illum mhux bħal-lbieraħ u lbieraħtlula. [1Mak:9:45] Araw l-għadu
ġej minn quddiemna u minn warajna, l-ilma tal-Ġordan minn naħa u minn oħra
għadajjar u masġar, ma hemmx mnejn wieħed jiżgiċċa. [1Mak:9:46] Mela issa għollu
leħinkom lejn is-sema, biex jeħliskom minn idejn l-għedewwa tagħkom."
[1Mak:9:47] U l-battalja ħadet sewwa. U Ġonatan medd idu biex jidrob lil
Bakkidi, imma dan dar lura u żgiċċalu. [1Mak:9:48] U Ġonatan u sħabu qabżu
fil-Ġordan u għamu għan-naħa l-oħra, imma l-għedewwa ma qasmux il-Ġordan għal
warajhom. [1Mak:9:49] Dakinhar baqgħu mejta xi elf ruħ min-nies ta' Bakkidi.
[1Mak:9:50] U Bakkidi raġa' lura lejn Ġerusalemm, bena bliet iffortifikati
fil-Lhudija, jiġifieri l-fortizza ta' Ġeriko, Emmaws, Bet-ħoron, Betel, Tamnata,
Faratun, u Tefon bi swar għolja, bibien u żbarri. [1Mak:9:51] U qiegħed fihom
għases biex iħabbtu lil Iżrael. [1Mak:9:52] Saħħaħ ukoll il-belt ta' Bet-sur u
Geżer, u l-Akra, u qiegħed fihom suldati u ħażniet ta' l-ikel. [1Mak:9:53] Ħa
b'rahan ukoll it-tfal tal-kapijiet tal-pajjiż u ħalliehom fil-fortizza ta'
Ġerusalemm bl-għassa magħhom.
[1Mak:9:54] Fit-tieni xahar tas-sena 153 Alċimu ordna li jħottu l-ħajt tal-bitħa
ta' ġewwa tas-santwarju, u b'hekk jeqred xogħol il-profeti. [1Mak:9:55] Imma
meta kienu diġà bdew iħottu, Alċimu ħassu ħażin u x-xogħol kellu jieqaf. Fommu
ntebaq, ġismu bbies, u ma setax jgħid kelma, u jagħti ordnijiet dwar daru.
[1Mak:9:56] U Alċimu miet dak in-nhar fost tbatijiet kbar. [1Mak:9:57] Malli
Bakkidi ra li miet Alċimu raġa' lura għand is-sultan; u l-art ta' Ġuda baqgħet
mistrieħa għal sentejn.
Taqbid ieħor ta' Bakkidi ( 157 QK )
[1Mak:9:58] F'dak iż-żmien ir-rinnegati ftiehmu lkoll u qalu: "Araw, Ġonatan u
sħabu qegħdin jgħixu bi kwiethom kollhom fiduċja. Ħa nġibu lil Bakkidi; f'lejl
wieħed jaqbadhom ilkoll." [1Mak:9:59] U marru u ftiehmu miegħu. [1Mak:9:60] U
Bakkidi qabad u telaq b'eżerċtu qawwi; bagħat ittri bil-moħbi lil sħabu
fil-Lhudija biex jaqbdu lil Ġonatan u lil sħabu. Imma ma setgħux għax dawn saru
jafu x'kellhom f'rashom. [1Mak:9:61] Anzi n-nies ta' Ġonatan qabdulhom xi ħamsin
raġel minn fost in-nies tal-pajjiż, li kienu l-aqwa fost ix-xewwiexa, u
qatluhom. [1Mak:9:62] Mbagħad Ġonatan u Xmun u sħabhom ħarbu lejn Bet-basi li
hemm fid-deżert, sewwew il-ħsara li kien hemm fiha u ffortifikawha.
[1Mak:9:63] Meta sar jaf Bakkidi, ġabar l-eżerċtu tiegħu kollu u bagħat jgħarraf
lil dawk tal-Lhudija. [1Mak:9:64] Ġie u waqqaf il-kamp madwar Bet-basi u ħabat
għaliha għal ħafna żmien u tella' xi magni kontriha. [1Mak:9:65] Ġonatan ħalla
lil ħuh Xmun fil-belt, u hu ħareġ fil-kampanja bi ftit nies. [1Mak:9:66] U ħabat
għal Odomera u għal ħutu u għal ulied Fasiron fit-tined tagħhom. U beda jirbaħ u
jissaħħaħ fil-forzi. [1Mak:9:67] U Xmun u n-nies tiegħu ħarġu mill-belt u ħarqu
l-magni. [1Mak:9:68] U ħabtu għal Bakkidi, u kissruh, u kiddewh bl-għali, għax
il-ħsieb u l-ispedizzjoni tiegħu ġew fix-xejn. [1Mak:9:69] U għadab għall-aħħar
għal dawk l-irġiel rinnegati li tawh il-parir li jiġi fil-pajjiż, u qatel ħafna
minnhom. Mbagħad qatagħha li jerġa' lura lejn pajjiżu.
[1Mak:9:70] U Ġonatan sar jaf u minnufih bagħatlu messaġġiera biex jagħmel
il-paċi miegħu u jroddlu l-priġunieri. [1Mak:9:71] U Bakkidi laqa' l-proposti u
għamel skond ma qallu, u ħalef lil Ġonatan li ma jagħmillu ebda deni kemm idum
ħaj. [1Mak:9:72] Mbagħad tah lura l-priġunieri, li qabel kien qabad minn art
Ġuda, u dar u raġa' lura lejn pajjiżu, u qatt iżjed ma ġieħ f'rasu li jerġa'
jmur f'arthom.
[1Mak:9:73] B'hekk ix-xabla strieħet f'Iżrael, u Ġonatan kien joqgħod f'Mikmas,
u beda jiggverna lill-poplu u jneħħi l-midgħajja minn nofs Iżrael.
10. Ġonatan u l-prinċpijiet Sirjani ( 152-145 QK )
[1Mak:10:1] Fis-sena 160 Alessandru Epifani bin Antijoku ġie u ħa l-belt ta'
Ptolemajs; u laqgħuh u beda jsaltan hemm. [1Mak:10:2] U s-sultan Demetriju
sama', ġabar eżerċtu kbir ħafna, u telaq biex jaħbat għalih. [1Mak:10:3]
Demetriju bagħat ittra lil Ġonatan bi kliem ta' ħbieb biex ikabbarlu ġieħu
[1Mak:10:4] għax ħaseb: 'Ħa nfittxu nagħmlu l-paċi magħhom qabel ma jagħmilha hu
ma' Alessandru kontra tagħna. [1Mak:10:5] Għax żgur li jiftakar fil-ħsara
kollha, li għamilna lilu, lil ħutu u lil ġensu.' [1Mak:10:6] U tah is-setgħa li
jiġbor eżerċtu u jħejji l-armi u jkun alleat tiegħu; u ordna wkoll li jagħtuh
lura lil dawk li kienu miżmuma b'rahan fl-Akra.
[1Mak:10:7] U Ġonatan tela' Ġerusalemm u qara l-ittra b'mod li jisimgħu l-poplu
kollu u dawk li kienu fl-Akra. [1Mak:10:8] U dawn qabadhom biża' kbir malli
semgħu li s-sultan tah is-setgħa li jiġbor eżerċtu. [1Mak:10:9] Mbagħad dawn taw
f'idejn Ġonatan iż-żgħażagħ ostaġġi; u hu tahom lura lill-ġenituri tagħhom.
[1Mak:10:10] Ġonatan beda jgħammar f'Ġerusalemm u jibni u jġedded il-belt.
[1Mak:10:11] U ta l-ordni lill-bennejja biex jibnu s-swar u jdawwru l-għolja ta'
Sijon b'ġebel kwadru biex tissaħħaħ, u hekk għamlu.
[1Mak:10:12] U l-barranin li kienu fil-fortizzi li kien bena Bakkidi ħarbu;
[1Mak:10:13] u lkoll, wieħed wieħed, ħallew posthom, u marru kulħadd lejn
pajjiżu. [1Mak:10:14] Baqgħu biss f'Bet-sur xi wħud li kienu telqu l-Liġi u
l-kmandamenti; għalihom kienet belt tal-kenn.
[1Mak:10:15] Is-sultan Alessandru sama' bil-wegħdiet li Demetriju kien bagħat
jagħmel lil Ġonatan, u qalulu wkoll bil-battalji li għamel u l-qlubija li wera,
hu u ħutu, u kemm batew. [1Mak:10:16] Għalhekk ħaseb: 'Fejn se nsibu bniedem
bħal dan? Ħa nagħmlu minnu ħabib u alleat tagħna.' [1Mak:10:17] U kitiblu ittra
u bagħat jgħidlu dan il-kliem: [1Mak:10:18] "Is-sultan Alessandru lil Ġonatan
ħuh, sliem. [1Mak:10:19] Smajna li inti bniedem qalbieni u b'saħħtek, u li
jistħoqqlok li tkun ħabib tagħna. [1Mak:10:20] Mela llum nagħmluk il-qassis
il-kbir tan-nazzjon tiegħek u nagħtuk it-titolu ta' ħabib tas-sultan biex iżżomm
magħna u tkun ħabibna." U bagħatlu wkoll il-porpra u l-kuruna tad-deheb.
[1Mak:10:21] U Ġonatan xedd l-ilbies sagru fis-seba' xahar tas-sena 160
fil-festa ta' l-Għerejjex. Hu ġabar eżerċtu u kiseb ħafna armi.
[1Mak:10:22] Demetriju sama' b'dan kollu, u għamel f'qalbu, u qal: [1Mak:10:23]
"X'għamilna? Għaliex ħallejna lil Alessandru jitħabbeb mal-Lhud qabilna
b'vantaġġ tiegħu? [1Mak:10:24] Niktbilhom jien ukoll u nħajjarhom bi kliemi, u
nwegħedhom ġieħ u doni biex iżommu miegħi u jgħinuni." [1Mak:10:25] U kitbilhom
skond dan il-kliem:
"Is-sultan Demetriju lin-nazzjon tal-Lhud, sliem. [1Mak:10:26] Smajna u fraħna
li intom żammejtu l-ftehim magħna u bqajtu ħbieb tagħna u ma mortux ma'
l-għedewwa tagħna. [1Mak:10:27] Ibqgħu, mela, sħaħ fil-fedeltà tagħkom lejna, u
aħna nroddulkom il-ġid għal li tagħmlu magħna. [1Mak:10:28] Nikkonċedulkom ħafna
eżenzjonijiet u npattulkom b'rigali. [1Mak:10:29] Minn issa stess naħfrilkom u
neħles il-Lhud kollha mit-tributi, mit-taxxa fuq il-melħ u l-kuruni.
[1Mak:10:30] It-terz ta' l-uċuħ tar-raba' u n-nofs tal-frott tas-siġar li
jmissni nieħu, nċedihom, minn issa stess u għal li ġej, lill-art ta' Ġuda u
lit-tliet distretti li żdiedu magħha mis-Samarija u l-Galilija; dan jgħodd
mil-lum u għal dejjem. [1Mak:10:31] Ġerusalemm tkun belt qaddisa u flimkien ma'
l-inħawi tagħha meħlusa mid-dieċmi u t-taxxi. [1Mak:10:32] Nċedi wkoll id-dritt
fuq il-fortizza ta' l-Akra li hemm f'Ġerusalemm u nerħiha f'idejn il-qassis
il-kbir, biex iqiegħed fiha rġiel magħżula minnu biex iħarsuha. [1Mak:10:33] U
lil kull Lhudi li jinsab itturufnat 'il bogħod minn art il-Lhudija
fit-territorji kollha tas-saltna tiegħi nibagħtu ħieles b'xejn. U naħfer lil
kulħadd it-tribut tal-bhejjem ukoll.
[1Mak:10:34] "U l-festi kollha, u s-Sibt, u l-qamar ġdid, u l-festi fissi, u
t-tlitt ijiem ta' qabel il-festa, u t-tlitt ijiem ta' wara l-festa, dawn ikunu
kollha jiem franki u liberi għal-Lhud kollha li jinsabu fis-saltna tiegħi,
[1Mak:10:35] u ħadd ma jkollu s-setgħa li jagħmel xi ħaġa jew ifixkel lil xi
ħadd minnhom għal ebda raġuni.
[1Mak:10:36] "U jinkitbu madwar tletin elf ruħ minn fost il-Lhud fl-eżerċtu
tas-sultan, u jitħallsu bħalma jitħallsu t-truppi kollha tas-sultan.
[1Mak:10:37] Xi wħud minnhom jitqiegħdu fl-aqwa fortizzi tas-sultan, u oħrajn
ikollhom postijiet ta' fiduċja fis-saltna. Il-kmandanti u l-fizzjali jkunu
magħżula minn fosthom u jkunu ggvernati skond il-liġijiet tagħhom, bħalma ordna
s-sultan għall-art tal-Lhudija. [1Mak:10:38] U t-tliet distretti miżjuda
mal-Lhudija mill-art tas-Samarija jingħaqdu mal-Lhudija b'mod li jkunu meqjusa
ħaġa waħda magħha, u li fuqhom ħadd ma jkollu setgħa ħlief il-qassis il-kbir.
[1Mak:10:39] "Ptolemajs bl-inħawi tagħha nagħtiha b'rigal lit-tempju ta'
Ġerusalemm għall-ispejjeż li jkun hemm bżonn għas-santwarju. [1Mak:10:40] U jien
nagħti wkoll kull sena ħmistax-il elf xekel tal-fidda mit-teżor tas-sultan
mid-dħul tal-postijiet li jkun jaqbel l-aktar. [1Mak:10:41] U ż-żejjed kollu li
fis-snin ta' qabel ma ħallsux l-inkarigati, minn issa 'l quddiem imur
għat-tempju. [1Mak:10:42] Barra minn dan, naħfru wkoll il-ħamest elef xekel
tal-fidda li kienu jittieħdu kull sena mid-dħul tat-tempju, għax dawn imissu
lill-qassisin li jservu fih. [1Mak:10:43] U dawk li jistkennu fit-tempju ta'
Ġerusalemm u fl-inħawi kollha tiegħu, jekk ikollhom id-dejn mas-sultan jew għal
kull ħaġa oħra, jinħelsu huma u kull ma jkollhom fis-saltna tiegħi. [1Mak:10:44]
L-ispejjeż għall-bini u t-tiswijiet fit-tempju jitħallsu mid-dħul tas-sultan.
[1Mak:10:45] Jitħallsu wkoll mit-teżor tas-sultan l-ispejjeż għall-bini tas-swar
ta' Ġerusalemm u għat-tisħiħ tal-fortizza ta' madwarha u wkoll biex jinbnew
is-swar fil-bqija tal-Lhudija."
[1Mak:10:46] Xħin semgħu dan il-kliem, Ġonatan u l-poplu ma emmnuhx u lanqas
aċċettawh, għax ftakru fil-ħsara kbira li kien għamel f'Iżrael u l-moħqrija
kbira li kien ħaqarhom. [1Mak:10:47] Imma għoġobhom Alessandru, għaliex kien hu
l-ewwel li offrielhom il-paċi, u baqgħu l-alleati tiegħu sa l-aħħar.
[1Mak:10:48] U Alessandru ġabar eżerċtu kbir u waqqaf il-kamp biswit Demetriju.
[1Mak:10:49] Iż-żewġ slaten ħabtu għal xulxin: l-eżerċtu ta' Demetriju ħarab, u
Alessandru għamel għal warajh u għelibhom. [1Mak:10:50] U saħnet sewwa
l-battalja u damet sejra sa nżul ix-xemx. Dak in-nhar Demetriju baqa' mejjet
hemm.
[1Mak:10:51] Mbagħad Alessandru bagħat messaġġiera għand is-sultan Ptolomew ta'
l-Eġittu jgħidulu hekk: [1Mak:10:52] "Jien erġajt lura fis-saltna tiegħi u
qgħadt fuq it-tron ta' missirijieti u ħadt il-gvern f'idejja; kissirt lil
Demetriju u dħalt fl-artijiet tagħna. - [1Mak:10:53] Dħalt f'battalja miegħu, u
tkisser minna hu u l-eżerċtu tiegħu, u qgħadna fuq it-tron tas-saltna tiegħu. -
[1Mak:10:54] U issa ħa nagħmlu ħbieb. Agħtini lil bintek b'marti, u jien inkun
ħatnek, u nagħti lilek u lilha rigali li jixirqulek."
[1Mak:10:55] U Ptolomew, is-sultan, wieġbu u qallu: "Mbierka l-ġurnata li fiha
rġajt dħalt f'art missirijietek, u qgħadt fuq it-tron tagħhom. [1Mak:10:56] Issa
nagħmel miegħek dak li ktibtli, imma ħa niltaqgħu fi Ptolemajs biex naraw lil
xulxin, u nsir ħatnek bħalma għedt int."
[1Mak:10:57] Ptolomew telaq mill-Eġittu, hu u Kleopatra bintu, u mar Ptolemajs
fis-sena 162. [1Mak:10:58] U mar jiltaqa' miegħu Alessandru, is-sultan, u tah
lil Kleopatra bintu, u għamlilha tieġ fi Ptolemajs b'lussu kbir kif jixraq
lis-slaten.
Ġonatan u Alessandru ( 152 QK )
[1Mak:10:59] Alessandru kiteb lil Ġonatan biex imur jiltaqa' miegħu.
[1Mak:10:60] U mar b'solennità kbira Ptolemajs u ltaqa' maż-żewġ slaten. U tahom
rigali tal-fidda u d-deheb, lilhom u lil ħbiebhom, u ħafna doni oħra, u sab
laqgħa tajba minnhom.
[1Mak:10:61] U kien hemm xi rġiel rinnegati minn Iżrael, nies mill-agħar, li
kkonfoffaw kontra tiegħu biex jixluh, imma s-sultan ma tahomx widen.
[1Mak:10:62] U s-sultan ordna li jneżżgħuh minn ħwejġu u jlibbsuh il-porpra; u
hekk għamlu. [1Mak:10:63] U s-sultan qiegħdu bilqiegħda ħdejh u qal
lill-uffiċjali tiegħu: "Oħorġu miegħu f'nofs il-belt u xandru li ħadd ma għandu
jixlih fuq xejn jew ifittxu fuq xi ħaġa." [1Mak:10:64] U ġara li kif dawk li
xlewh raw li kien mogħti l-ġieħ kif kien imxandar, u li kienu xiddulu l-porpra,
ħarbu lkoll. [1Mak:10:65] U s-sultan tah il-ġieħ u kitbu fost l-aqwa ħbieb
tiegħu u għamlu ġeneral u gvernatur provinċjali. [1Mak:10:66] U Ġonatan raġa'
lura lejn Ġerusalemm kollu ferħ u sliem.
Ir-rebħa ta' Ġonatan (147 QK)
[1Mak:10:67] Fis-sena 165 Demetriju bin Demetriju mar minn Kreta lejn art
missirijietu. [1Mak:10:68] Malli sama' Alessandru għamel f'qalbu u raġa' lura
lejn Antjokja. [1Mak:10:69] Demetriju mbagħad għamel lil Apollonju gvernatur
taċ-Ċelesirja, u dan ġabar eżerċtu kbir u waqqaf il-kamp ħdejn Ġamnija. Lil
Ġonatan, il-qassis il-kbir, bagħat jgħidlu: [1Mak:10:70] "Inti waħdek qomt
kontra tagħna; u jien, minħabba fik, iddieħku bija u waqqgħuni għaż-żufjett. Dan
għala qiegħed tħossok qawwi kontrina fuq l-għoljiet? [1Mak:10:71] Jekk inti
għandek fiduċja fil-forzi tiegħek, ejja għalina fil-wita, u nitqiesu ma' xulxin,
għax jien għandi miegħi l-forzi ta' l-ibliet. [1Mak:10:72] Staqsi u tkun taf min
aħna, jien u l-oħrajn li qegħdin jgħinuna, u jgħidulek li intom ma tistgħux
tiqfulna; għax darbtejn missirijietek tħarbtu f'arthom stess. [1Mak:10:73] Inti
ma tistax tirreżisti l-kavallerija u dan l-eżerċtu f'din il-wita, fejn ma hawnx
ġebel u lanqas blat u mkien ieħor fejn taħrab."
[1Mak:10:74] Malli sama' dan il-kliem ta' Apollonju, Ġonatan ħa għalih. Għażel
għaxart elef raġel u ħareġ minn Ġerusalemm; u Xmun ħuh mar jiltaqa' miegħu biex
jgħinu. [1Mak:10:75] Waqqaf il-kamp ħdejn Ġaffa, imma n-nies tal-belt għalquh
barra, għaliex kien hemm l-għases ta' Apollonju f'Ġaffa; imma huma ħabtu
għaliha. [1Mak:10:76] In-nies tal-belt beżgħu u fetħulhom; u hekk Ġonatan rebaħ
Ġaffa.
[1Mak:10:77] Kif sama' Apollonju ħa tlitt elef kavallier u kotra kbira ta'
fanterija u telaq lejn Ażotu taparsi kien se jgħaddi minn hemm, imma fl-istess
ħin avanza lejn il-wita, għax kellu kavallerija kbira u kellu fiduċja sħiħa
fiha. [1Mak:10:78] Ġonatan mar għal warajh sa Ażotu, u ż-żewġ eżerċti ħabtu għal
xulxin. [1Mak:10:79] Apollonju kien ħalla elf kavallier moħbijin warajhom.
[1Mak:10:80] U Ġonatan sar jaf li kien hemm l-għassa moħbija warajh; imma dawn
dawwru l-eżerċtu tiegħu u damu jwaddbu l-vleġeġ fuq it-truppi tiegħu minn
filgħodu sa filgħaxija. [1Mak:10:81] Iżda t-truppi żammew iebes, skond ma kien
ordnalhom Ġonatan, sakemm għejew iż-żwiemel tagħhom.
[1Mak:10:82] Mbagħad Xmun ħareġ bl-eżerċtu tiegħu u ħabat għall-fanterija, waqt
li l-kavallerija kienet għajjiena, għelibhom u ħarbu. [1Mak:10:83]
Il-kavallerija xterdet fil-wita u ħarbet lejn Ażotu, u daħlu fit-tempju ta'
Dagon, l-idolu tagħhom, biex isalvaw ħajjithom. [1Mak:10:84] Ġonatan, iżda, ta
n-nar lil Ażotu u l-irħula ta' madwarha, ħa l-priża, u ħaraq bin-nar it-tempju
ta' Dagon u n-nies li kienu stkennew fih. [1Mak:10:85] Bejn il-maqtulin
bix-xabla u l-maħruqin kienu jlaħħqu mat-tmint elef ruħ.
[1Mak:10:86] Minn hemm Ġonatan telaq u waqqaf il-kamp ħdejn Askalon; u n-nies
ħarġu jilqgħuh mill-belt b'ġieħ kbir. [1Mak:10:87] Mbagħad Ġonatan raġa' lura
bin-nies tiegħu lejn Ġerusalemm bi priża kbira magħhom. [1Mak:10:88] U ġara li
malli sama' Alessandru b'dawn il-ġrajja, lil Ġonatan kompla jżidlu l-unuri.
[1Mak:10:89] Bagħatlu bokkla tad-deheb, bħalma kienet id-drawwa li jagħtu
lill-qraba tas-slaten, u tah ukoll Għekron u l-inħawi tagħha bi proprjetà
tiegħu.
11. Alessandru Bala (150-145 ) u Ptolomew VI ( 145 QK )
[1Mak:11:1] Is-sultan ta' l-Eġittu ġabar eżerċtu kotran daqs ir-ramel f'xatt
il-baħar u bosta iġfna bil-ħsieb li jinganna lil Alessandru u jaħtaflu s-saltna
tiegħu u jżidha ma' tiegħu. [1Mak:11:2] Hu mar is-Sirja bi kliem is-sliem u
n-nies ta' l-ibliet fetħulu l-bibien u laqgħuh, għax l-ordni ta' Alessandru kien
li jilqgħuh billi kien ħatnu. [1Mak:11:3] Imma kull meta kien jidħol fl-ibliet,
Ptolomew kien iħalli xi truppi għassa f'kull belt. [1Mak:11:4] Meta wasal
f'Ażotu, wrewh it-tempju ta' Dagon maħruq, Ażotu u l-inħawi tagħha ħerba, u
l-katavri mitfugħin 'l hemm u 'l hawn u l-iġsma maħruqin, li kienu ħarquhom
fil-gwerra; dawn kollha ċ-ċittadini għamluhom gzuz mat-triq tas-sultan.
[1Mak:11:5] U s-sultan qalulu kull ma kien għamel Ġonatan biex iċekknuh; imma
s-sultan baqa' sieket.
[1Mak:11:6] Ġonatan mar jilqa' s-sultan f'Ġaffa bis-solennità kollha, sellmu lil
xulxin, u għaddew il-lejl hemmhekk. [1Mak:11:7] Mbagħad Ġonatan wassal
lis-sultan sax-xmara jgħidulha Elewteru, u raġa' lura lejn Ġerusalemm.
[1Mak:11:8] Is-sultan Ptolomew ħa f'idejh l-ibliet tax-xatt sa Selewċja li hemm
ħdejn il-baħar u beda jfassal proġetti ta' ħsara kontra Alessandru. [1Mak:11:9]
U bagħat messaġġiera għand Demetriju s-sultan biex jgħidulu: "Ejja ħa nagħmlu
alleanza bejnietna, u nagħtik lil binti li għandu Alessandru, u int issaltan fuq
is-saltna ta' missirijietek. [1Mak:11:10] Għelejt li tajtu 'l binti, biex issa
qiegħed ifittex li joqtolni." [1Mak:11:11] U b'hekk ċekknu bi kliemu għax kien
jixtieq jeħodlu s-saltna. [1Mak:11:12] Ħadlu lil bintu u taha lil Demetriju,
kisirha ma' Alessandru, u hekk il-ġlieda bejniethom ħarġet fil-beraħ.
[1Mak:11:13] Mbagħad Ptolomew daħal f'Antjokja u xedd il-kuruna ta' l-Asja, u
hekk kellu żewġ kuruni: il-kuruna ta' l-Asja u dik ta' l-Eġittu. [1Mak:11:14]
Dak iż-żmien Alessandru kien iċ-Ċiliċja, għaliex in-nies ta' dan il-pajjiż kienu
rvillaw. [1Mak:11:15] Alessandru, malli sama', ħareġ għalih għall-ġlied;
Ptolomew min-naħa tiegħu ħareġ għalih b'qawwa kbira, ħabat għalih u ħarbtu.
[1Mak:11:16] Alessandru ħarab lejn l-Għarabja biex jistkenn hemm; u s-sultan
Ptolomew kien minn fuq. [1Mak:11:17] U Żabdijel l-Għarbi, qata' ras Alessandru u
bagħatha lil Ptolomew. [1Mak:11:18] Iżda s-sultan Ptolomew miet tlitt ijiem
wara, u dawk li kienu fil-fortizzi qatluhom in-nies tal-post.
[1Mak:11:19] Hekk fis-sena 167 beda jsaltan Demetriju.
Ġonatan u Demetriju II Nikator ( 145-138 QK )
[1Mak:11:20] Dak iż-żmien Ġonatan ġabar in-nies tal-Lhudija biex jaħbat
għall-Arka f'Ġerusalemm, u tellgħu ħafna magni għal fuqha. [1Mak:11:21] U xi
nies rinnegati, li kienu jobogħdu lil ġenshom, marru għand is-sultan jgħarrfuh
li Ġonatan kien assedja l-fortizza.
[1Mak:11:22] Malli sama' dan, is-sultan saħan bl-għadab. Tkixxef sewwa u rafa'
l-kamp u mar Ptolemajs; u kiteb lil Ġonatan biex ma jkomplix l-assedju u jmur
mill-aktar fis jiltaqa' miegħu Ptolemajs biex jitħaddtu.
[1Mak:11:23] Kif sama' dan Ġonatan ordna li jibqa' sejjer l-assedju; mbagħad
għażel xi wħud mill-anzjani ta' Iżrael u mill-qassisin, u ntelaq għall-periklu.
[1Mak:11:24] Ħa fided u deheb u lbies prezzjuż u ħafna rigali oħra, u telaq għal
għand is-sultan Ptolemajs, fejn sab laqgħa sabiħa ħafna.
[1Mak:11:25] Għalkemm xi nies rinnegati mill-poplu tiegħu bdew jixluh,
[1Mak:11:26] is-sultan ġieb ruħu miegħu bħalma kienu ġiebu ruħhom dawk ta'
qablu, u tah l-unuri kollha quddiem ħbiebu kollha. [1Mak:11:27] Wettqu bħala
l-qassis il-kbir u ħallielu l-privileġġi kollha li kellu qabel, u tah post fost
l-aqwa ħbieb tiegħu. [1Mak:11:28] Ġonatan imbagħad talab lis-sultan li jeħles
mit-tribut lil-Lhudija, u t-tliet distretti tas-Samarija, u min-naħa tiegħu
wiegħdu tliet mitt talent. [1Mak:11:29] Is-sultan għoġbitu l-proposta u kiteb
ittra lil Ġonatan dwar dan kollu, li kien fiha dan il-kliem:
[1Mak:11:30] "Is-Sultan Demetriju lil Ġonatan, ħuh, u lill-ġens Lhudi, sliem!
[1Mak:11:31] "Qegħdin niktbu lilkom ukoll kopja ta' l-ittra li ktibna dwarkom
lil Lasteni, qarib tagħna, sabiex tkunu tafu biha.
[1Mak:11:32] "Is-sultan Demetriju lil Lasteni, missieru, sliem! [1Mak:11:33]
Qtajnieha li nagħmlu l-ġid lill-ġens Lhudi, ħbieb tagħna, li baqgħu leali
għall-obligazzjonijiet li għandhom lejna minħabba s-sentimenti tajba tagħhom
għalina. [1Mak:11:34] Iddeċidejna li nagħtuhom l-art tal-Lhudija u t-tliet
distretti ta' Aferima [1Mak:11:35] Minn issa 'l quddiem naħfrulhom ukoll kull ma
kien imissna mill-għexur u mit-tribut, mis-salini tal-melħ u l-kuruni. Kollox
naħfrulhom. [1Mak:11:36] U minn dan kollu xejn ma jkun imneħħi, la issa u lanqas
qatt. [1Mak:11:37] Issa mela ħudu ħsieb agħmlu kopja ta' din l-ittra, u agħtuha
lil Ġonatan biex iqegħduha fuq l-għolja mqaddsa fejn tidher."
[1Mak:11:38] Meta Demetriju ra li l-pajjiż kien ikkwieta taħt it-treġija tiegħu
u xejn ma kien ifixklu, żarma l-eżerċtu tiegħu kollu u bagħat lil kulħadd lejn
daru, minbarra t-truppi stranġieri li kien ġabar mill-gżejjer tal-Ġentili.
Għalhekk it-truppi kollha ta' missirijietu daru kontrih.
[1Mak:11:39] Trifon, li darba kien iżomm ma' Alessandru, meta ra li t-truppi
kollha bdew igemgmu kontra Demetriju, mar għand Ġamliku l-Għarbi, li kien
qiegħed irabbi lil Antijoku, it-tifel ta' Alessandru. [1Mak:11:40] U beda jsus
fuqu biex jagħtihulu biex jibda jsaltan flok missieru. Għarrfu wkoll b'kull ma
kien qiegħed jagħmel Demetriju u bil-mibegħda li t-truppi kellhom għalih. U
baqa' hemmhekk għal ħafna żmien.
[1Mak:11:41] Ġonatan bagħat jitlob lil Demetriju biex ineħħi lil dawk li kienu
fl-Akra f'Ġerusalemm u lil dawk li kienu fil-fortizzi, għax kienu qegħdin jaħbtu
għal Iżrael. [1Mak:11:42] Demetriju bagħat jgħid lil Ġonatan: "Mhux dan biss
nagħmel lilek u lil ġensek, imma nżejjen b'kull ġieħ lilek u lil ġensek, f'waqtu
u f'ħinu. [1Mak:11:43] Issa tagħmel tajjeb jekk tibgħatli xi rġiel biex jgħinuni
fil-ġlied, għax telquni t-truppi li kelli."
[1Mak:11:44] U Ġonatan bagħtlu f'Antjokja tlitt elef raġel b'saħħithom u
qalbiena; u waslu għand is-sultan u dan feraħ bil-miġja tagħhom. [1Mak:11:45]
Issa dawk li kienu fil-belt, u kienu jlaħħqu madwar mija u għoxrin elf inġabru
f'nofs il-belt, għax riedu joqtlu s-sultan. [1Mak:11:46] Is-sultan mar jistkenn
fil-palazz, filwaqt li n-nies tal-belt qabdu t-toroq f'idejhom u bdew jitqabdu.
[1Mak:11:47] Is-sultan sejjaħ lil-Lhud biex jgħinuh; dawn inġabru f'daqqa
madwaru u xterdu mal-belt, u dakinhar qatlu madwar mitt elf ruħ. [1Mak:11:48]
Il-belt tawha n-nar u ħadu priża kbira u salvaw is-sultan.
[1Mak:11:49] Meta n-nies tal-belt raw li l-Lhud ħadu l-belt f'idejhom u bdew
jagħmlu li jogħġobhom, qatgħu qalbhom u marru jitolbu s-sultan iħenn għalihom u
jgħidulu: [1Mak:11:50] "Agħtina idek il-leminija u jieqfu l-Lhud mill-ġlied
magħna u mal-belt." [1Mak:11:51] U rmew l-armi u għamlu paċi. U l-Lhud kibru
sewwa fil-ġieħ quddiem is-sultan u quddiem in-nies kollha tas-saltna tiegħu, u
reġgħu lura lejn Ġerusalemm mgħobbija bi priża kbira.
[1Mak:11:52] U s-sultan Demetriju qagħad fuq it-tron tas-saltna tiegħu, u
l-pajjiż ikkwieta. [1Mak:11:53] Iżda ċaħad kull ma kien wiegħed, kisirha ma'
Ġonatan, u ma ħallsux tal-ġid li għamel miegħu, u beda jħabbtu ħafna.
Ġonatan u Antijoku VI Djonisju ( 145-141 QK )
[1Mak:11:54] Wara dawn il-ġrajja Trifon raġa' lura b'Antijoku, daqsxejn ta'
tifel, miegħu. Ipproklamawh sultan u xiddulu l-kuruna f'rasu. [1Mak:11:55] U
mbagħad inġemgħu madwaru t-truppi kollha u ħabtu għal Demetriju, li kien tahom
is-sensja; u dan tfarrak u ħarab. [1Mak:11:56] Trifon ħataf l-iljunfanti u qabad
f'idejh lil Antjokja.
[1Mak:11:57] Mbagħad iż-żagħżugħ Antijoku kiteb lil Ġonatan u qallu: "Jien
inħallik u nwettqek fil-kariga tiegħek ta' qassis il-kbir u nagħmlek kap fuq
l-erba' distretti; u int tkun wieħed mill-ħbieb tas-sultan."
[1Mak:11:58] U bagħatlu tagħmir tad-deheb għall-mejda u tah is-setgħa li jixrob
minn kalċijiet tad-deheb, li jilbes il-porpra u li jġib fuqu l-bokkla tad-deheb.
[1Mak:11:59] U 'l Xmun ħuh għamlu ġeneral kmandant fuq l-art mit-Taraġ ta' Tir
sa truf l-Eġittu.
[1Mak:11:60] Ġonatan ħareġ idur l-art in-naħa l-oħra tax-xmara u l-ibliet, u
miegħu ngħaqad l-eżerċtu kollu tas-Sirja biex jgħinu. Wasal f'Askalon, u n-nies
tal-belt laqgħuh b'ħafna unuri. [1Mak:11:61] Minn hemm baqa' sejjer Gaża; hawn
in-nies ta' Gaża għalqulu l-bieb. Għalhekk assedjaha, ħaraq l-inħawi tagħha, u
ħadilhom il-priża. [1Mak:11:62] Mbagħad in-nies ta' Gaża għamlu talba lil
Ġonatan għal ftehim u hu tahom idu; u wlied il-kbarat tagħhom ħadhom ostaġġi u
bagħathom Ġerusalemm. U baqa' jdur mal-pajjiż sa Damasku.
[Mak:11:63] Ġonatan sama' li l-ġenerali ta' Demetriju kienu qegħdin b'eżerċtu
kbir ħdejn Kades fil-Galilija biex ireġġgħuh lura mill-impriża. [1Mak:11:64]
Ġonatan ħareġ għalihom u ħalla lil ħuh Xmun fil-pajjiż. [1Mak:11:65] Xmun waqqaf
il-kamp biswit Bet-sur u, wara li dam jaħbat għaliha għal ħafna żmien, għalaqha
minn kullimkien. [1Mak:11:66] Mbagħad talbuh jagħtihom idu b'sinjal ta' paċi, u
hu tahielhom, imma qalagħhom 'il barra mill-belt, ħadha f'idejh, u poġġa
l-għases fiha.
[1Mak:11:67] Ġonatan u l-eżerċtu tiegħu waqqfu l-kamp ħdejn l-għadira ta'
Ġennesaret, u fil-għodu kmieni, qabel is-sebħ, rħewlha lejn il-wita ta' Ħasor.
[1Mak:11:68] U f'daqqa waħda l-eżerċtu tal-barranin ħareġ għalih fil-wita,
filwaqt li kien hemm għases moħbija jissajjaw fl-għoljiet. L-eżerċtu mar għalih
minn quddiem, [1Mak:11:69] u l-għases ħarġu mill-moħbiet tagħhom, u beda
l-ġlied.
[1Mak:11:70] In-nies ta' Ġonatan ħarbu lkoll; ħadd minnhom ma baqa' ħlief
Mattatija bin Absalom u Ġuda bin Kalfi, it-tnejn kapijiet ta' l-eżerċtu.
[1Mak:11:71] Ġonatan ċarrat ħwejġu, u xeħet it-trab fuq rasu, u beda jitlob.
[1Mak:11:72] Mbagħad raġa' dar għal fuqhom, ħabat għalihom, kissirhom, u
ġagħalhom jaħarbu. [1Mak:11:73] Meta dawk li kienu telquh raw x'ġara reġgħu għal
miegħu, u għamlu għal warajhom sa Kades, sal-kamp tagħhom, u waqfu hemm.
[1Mak:11:74] Mill-barranin dakinhar baqgħu mejta madwar tlitt elef ruħ. U
Ġonatan raġa' lura lejn Ġerusalemm.
12. Il-ħbiberija mar-Rumani u l-Ispartani
[1Mak:12:1] Meta Ġonatan ra li ż-żmien kien favur tiegħu, għażel xi rġiel u
bagħathom Ruma biex iwettqu u jġeddu l-ħbiberija magħhom. [1Mak:12:2] Bagħat
ukoll ittri lill-Ispartani u nħawi oħra bl-istess ħsieb. [1Mak:12:3] U marru
Ruma u kif waslu daħlu fis-Senat u qalulhom: "Ġonatan, il-qassis il-kbir, u
l-ġens Lhudi bagħtuna nġeddu l-ħbiberija magħkom, u l-alleanza bħal qabel."
[1Mak:12:4] U r-Rumani tawhom ittri għall-awtoritajiet ta' kull pajjiż biex
iwassluhom bis-sliema f'art Ġuda.
[1Mak:12:5] Din hi l-kopja ta' l-ittra, li Ġonatan kiteb lill-Ispartani:
[1Mak:12:6] "Ġonatan, il-qassis il-kbir, is-senat tal-poplu, il-qassisin u
l-bqija tal-poplu Lhudi lil ħuthom l-Ispartani, sliem.
[1Mak:12:7] "Sa minn żmien ilu Arju, sultan tagħkom, bagħat ittra lil Onija,
il-qassis il-kbir, fejn qallu li intom ħutna, kif jidher mill-kopja li hawn ma'
din l-ittra. [1Mak:12:8] Onija kien laqa' l-messaġġier li kontu bgħattu bl-unuri
kollha u aċċetta l-ittra, li kienet titkellem fuq alleanza u ħbiberija.
[1Mak:12:9] Aħna għalhekk, għalkemm ma neħtiġux dan kollu, la darba għandna
l-faraġ tal-Kotba Mqaddsa li għandna f'idejna, [1Mak:12:10] madankollu ħabrikna
li nibagħtulkom biex inġeddu l-patt ta' aħwa u ħbiberija, u ma nsirux barranin
għalikom, billi għadda żmien twil minn mindu ktibtulna l-aħħar.
[1Mak:12:11] "Aħna niftakru dejjem fikom bla heda fil-festi u
fiċ-ċelebrazzjonijiet l-oħra fl-offerta tas-sagrifiċċji u fit-talb, kif inhu
sewwa u xieraq li niftakru fl-aħwa. [1Mak:12:12] Nifirħu bl-unur tagħkom.
[1Mak:12:13] "Aħna laħaqna ħafna għawġ minn kull naħa u ħafna gwerer, għax ħabtu
għalina s-slaten ta' madwarna. [1Mak:12:14] F'dawn il-gwerer ma ridna nissikkaw
lil ħadd, la lilkom u lanqas l-alleati l-oħra u l-ħbiebna. [1Mak:12:15] Kellna
l-għajnuna tas-sema, konna meħlusa mill-għedewwa tagħna, u l-għedewwa ġew
umiljati.
[1Mak:12:16] "Issa għażilna lil Numenju bin Antijoku u lil Antipater bin Ġason,
u bgħatniehom għand ir-Rumani jġeddu l-ħbiberija magħhom u l-alleanza bħal
qabel. [1Mak:12:17] Ordnajnielhom ukoll li jgħaddu għandkom u jsellmulkom u
jagħtukom l-ittra tagħna dwar it-tiġdid tal-ftehim ta' aħwa bejnietna.
[1Mak:12:18] "U issa tagħmlu sewwa jekk tweġbuna dwar dan."
[1Mak:12:19] U din hi l-kopja ta' l-ittra li bagħtu lil Onija:
[1Mak:12:20] "Arju, sultan ta' l-Ispartani, lil Onija, il-qassis il-kbir, sliem.
[1Mak:12:21] Nstab dokument li jgħid li l-Ispartani u l-Lhud huma aħwa, it-tnejn
minn nisel Abraham. [1Mak:12:22] Issa la sirna nafu b'dan, tagħmlu sewwa jekk
tiktbulna u tgħidulna kif intom sejrin. [1Mak:12:23] U aħna qegħdin niktbulkom:
l-imrieħel tagħkom u kull ma għandkom huma tagħna, u tagħna tagħkom. Dan nordnaw
li jgħarrfukom il-messaġġiera tagħna."
Ġonatan jeħodha kontra Demetriju II Nikator u l-Filistin
[1Mak:12:24] U Ġonatan sama' li l-ġenerali ta' Demetriju reġgħu ġew b'eżerċtu
akbar minn qabel biex jaħbtu għalih. [1Mak:12:25] U ħareġ minn Ġerusalemm u mar
għalihom fl-art ta' Ħamat, bla ma tahom żmien jidħlulu f'artu. [1Mak:12:26]
Mbagħad bagħat l-ispiji fil-kamp tagħhom, u meta reġgħu lura għarrfuh li
l-għedewwa kienu lesti jaħbtu għalihom bil-lejl. [1Mak:12:27] Ma' nżul ix-xemx
Ġonatan ordna lin-nies tiegħu jishru u joqogħdu armati, lesti għall-ġlied
il-lejl kollu; u qiegħed l-għases madwar il-kamp kollu.
[1Mak:12:28] Malli l-għedewwa ntebħu li Ġonatan u n-nies tiegħu kienu lesti
għat-taqbid, beżgħu u qatgħu qalbhom u qabbdu l-ħġejjeġ fil-kamp tagħhom u
telqu. [1Mak:12:29] Ġonatan u n-nies tiegħu ma ntebħux qabel is-sebħ, għax kienu
raw id-dawl tal-ħġejjeġ. [1Mak:12:30] Ġonatan għamel għal warajhom imma ma
laħaqhomx, għax kienu diġà qasmu x-xmara Elewteru. [1Mak:12:31] Minn hemm
Ġonatan erħielha kontra l-Għarab, jgħidulhom iż-Żabadin, għelibhom u ħadilhom
il-priża. [1Mak:12:32] Mbagħad telaq minn hemm lejn Damasku, u qasam l-art
kollha.
[1Mak:12:33] Xmun ħareġ ukoll u wasal sa Askalon u l-fortizzi tal-qrib; minn
hemm kiser lejn Ġaffa u ħatafha f'idejh, [1Mak:12:34] għax kien sama' li riedu
jerħu din il-fortizza f'idejn in-nies ta' Demetriju. Fiha ħalla l-għases biex
iħarsuha.
[1Mak:12:35] Malli raġa' lura, Ġonatan laqqa' l-anzjani tal-poplu u ftiehem
magħhom li jibnu fortizzi fil-Lhudija, [1Mak:12:36] jgħollu l-ħitan ta'
Ġerusalemm, itellgħu ħajt għoli sewwa bejn l-Akra u l-belt biex jifirduha
minnha, u hekk tibqa' maqtugħa għaliha, u n-nies fiha ma jkunux jistgħu u la
jixtru u lanqas ibigħu. [1Mak:12:37] U nġemgħu biex jibnu l-belt. Billi kienet
waqgħet biċċa mill-ħajt tal-lvant in-naħa tal-wied, Ġonatan sewwieh billi tella'
l-ħajt li jgħidulu Kafenata. [1Mak:12:38] U Xmun bena 'l Adida fis-Sefela u
saħħaħha bil-bibien u l-iżbarri.
Ġonatan priġunier ( 142 QK )
[1Mak:12:39] Issa Trifon kien qiegħed jirsisti li jsir sultan ta' l-Asja, ixidd
il-kuruna u jmidd idejh fuq is-sultan Antijoku. [1Mak:12:40] Imma kien jibża' li
Ġonatan ma jħallihx u jaħbat għalih; għalhekk beda jfittex li jaqbdu f'idejh u
joqtlu; u qabad u telaq lejn Betsan. [1Mak:12:41] Ġonatan ħareġ jilqgħu
b'erbgħin elf raġel magħżul għall-ġlied, u ġibed lejn Betsan.
[1Mak:12:42] Trifon, malli ra li kien ġie b'eżerċtu kbir beża' jmidd idejh fuqu.
[1Mak:12:43] Għalhekk laqgħu bl-unuri, faħħru quddiem ħbiebu kollha, tah
ir-rigali, u ordna lil ħbiebu u lit-truppi tiegħu jobduh bħallikieku kien hu
stess. [1Mak:12:44] Mbagħad qal lil Ġonatan: "Għalfejn qlajt dawn in-nies
kollha, la darba m'aħniex fi gwerra bejnietna? [1Mak:12:45] Mela ibgħathom lejn
djarhom, agħżel ftit nies għalik biex jibqgħu miegħek, u ejja miegħi fi
Ptolemajs, u nagħtihielek bil-fortizzi l-oħra wkoll u t-truppi u l-uffiċjali
l-oħra kollha; u mbagħad nerġa' lura u nitlaq, għax għalhekk ġejt jien."
[1Mak:12:46] U Ġonatan emmnu u għamel kif qallu: bagħat it-truppi, u reġgħu lura
lejn art Ġuda. [1Mak:12:47] Hu żamm miegħu tlitt elef ruħ, elfejn minnhom
ħalliehom fil-Galilija, u elf oħra marru miegħu. [1Mak:12:48] Kif Ġonatan daħal
Ptolemajs, in-nies ta' Ptolemajs għalqu l-bibien u qabduh f'idejhom, u lil dawk
li kienu daħlu miegħu qatluhom bix-xabla.
[1Mak:12:49] Mbagħad Trifon bagħat truppi u kavallerija fil-Galilija u fil-wita
kbira biex jeqirdu n-nies kollha ta' Ġonatan. [1Mak:12:50] Malli dawn saru jafu
li Ġonatan kienu qabduh, u hu u n-nies li kellu miegħu kienu mitlufa, għamlu
l-qalb lil xulxin u telqu bl-ordni lesti għall-ġlied. [1Mak:12:51] Malli dawk li
għamlu għal warajhom raw li kienu lesti jiġġieldu għal ħajjithom, reġgħu lura.
[1Mak:12:52] U huma waslu f'art Ġuda bis-sliem. U bkew lil Ġonatan u 'l sħabu u
qabadhom biża' kbir. U Iżrael kollu beka biki kbir.
[1Mak:12:53] Il-ġnus kollha ta' madwarhom bdew ifittxu li jeqirduhom u kienu
jgħidu: "Ma għandhomx kap jew min jgħinhom! Ejjew nagħmlulhom gwerra u neqirdu
t-tifkira tagħhom minn fost il-bnedmin."
13. Xmun il-kap tal-Lhud ( 142-135 QK )
[1Mak:13:1] Xmun sama' li Trifon kien ġabar eżerċtu kbir biex jidħol f'art Ġuda
u jagħmilha ħerba. [1Mak:13:2] Kif ra l-poplu mwerwer u maħkum mill-biża', tela'
Ġerusalemm, ġabar il-poplu kollu [1Mak:13:3] u għamlilhom il-qalb u qalilhom:
"Intom stess tafu x'għamilna aħna, jiena u ħuti, u dar missieri għal-liġijiet u
t-tempju mqaddes, u l-gwerer u t-taħbit li rajna ma' wiċċna. [1Mak:13:4]
Minħabba dan kollu ħuti kollha mietu għal Iżrael, u bqajt jien waħdi.
[1Mak:13:5] Issa, mela, ma jkun qatt minni li nibża' għal ħajti f'dan iż-żmien
kollu ta' hemm. Għax jien m'iniex aħjar minn ħuti. [1Mak:13:6] Jien irrid
nitħallas għal li sar lil ġensi, lit-tempju mqaddes, lin-nisa u t-tfal tagħkom,
għaliex il-Ġentili kollha ftiehmu bejniethom biex jeqirduna għax jobogħduna."
[1Mak:13:7] U reġgħet xegħlet qalb il-poplu malli semgħu dan il-kliem,
[1Mak:13:8] u wieġbu b'leħen għoli u qalulu: "Kun int il-mexxej tagħna minflok
Ġuda u ħuk Ġonatan. [1Mak:13:9] Iġġieled il-battalji tagħna, u aħna nagħmlu kull
ma tgħidilna." [1Mak:13:10] U ġabar l-irġiel kollha tal-gwerra, ħaffef biex
ilesti s-swar ta' Ġerusalemm, u saħħaħha dawramejt. [1Mak:13:11] Mbagħad bagħat
lil Ġonatan bin Absalom b'eżerċtu qawwi biżżejjed Ġaffa, u dan keċċa n-nies
tagħha 'l barra u baqa' fiha hu.
[1Mak:13:12] Trifon telaq b'eżerċtu kbir minn Ptolemajs biex jidħol f'art Ġuda,
b'Ġonatan priġunier miegħu. [1Mak:13:13] Xmun waqqaf il-kamp f'Adida biswit
il-wita. [1Mak:13:14] Trifon, malli sar jaf li Xmun laħaq flok ħuh Ġonatan u li
kien lest jaħbat għalih, bagħat messaġġiera jgħidulu: [1Mak:13:15] "Lil ħuk
Ġonatan żammejnieh f'idejna minħabba l-flus li kellu jagħti lit-teżor tas-sultan
ta' l-uffiċċji li kellu. [1Mak:13:16] Mela issa ibgħat mitt talent tal-fidda u
tnejn minn uliedu b'rahan biex ma jmurx idur kontrina wara li nkunu ħlisnieh.
Mbagħad nitilquh."
[1Mak:13:17] Xmun induna li dan kien kliem biex jingannah, imma bagħat iġib
il-flus u t-tfal, biex ma jnissilx mibegħda bejnu u bejn il- poplu u jgħidu:
[1Mak:13:18] "Nqered Ġonatan għax ma bagħatlux il-flus u t-tfal." [1Mak:13:19] U
bagħatlu t-tfal u l-mitt talent, imma dak kiser kelmtu, u ma telaqx lil Ġonatan
minn taħt idejh.
[1Mak:13:20] Wara dawn il-ġrajja Trifon ġie biex jidħol fil-pajjiż u jagħmel
ħerba minnu; u daru miegħu u qabdu t-triq lejn Adora, imma Xmun u l-eżerċtu
tiegħu baqgħu jsusu warajh kull fejn imur. [1Mak:13:21] Dawk li kienu fl-Akra
bagħtu messaġġiera lil Trifon biex jgħaġġluh jiġi għandhom mid-deżert u
jibagħtilhom l-ikel. [1Mak:13:22] Trifon ħejja l-kavallerija kollha biex imur,
imma dak il-lejl għamel ħafna silġ, u minħabba fih ma setax imur. Għalhekk rafa'
l-kamp u telaq lejn Gilgħad. [1Mak:13:23] Xħin qorob lejn Baskama qatel lil
Ġonatan, u difnu hemm.
[1Mak:13:24] Trifon, mbagħad, dar lura u mar lejn pajjiżu.
Id-difna ta' Ġonatan ( 142 QK )
[1Mak:13:25] Mbagħad Xmun bagħat iġib l-għadam ta' ħuh Ġonatan, u difnu f'Modin,
il-belt ta' missirijietu. [1Mak:13:26] U Iżrael kollu bkieh biki kbir u għamlu
luttu sħiħ għal ħafna ġranet. [1Mak:13:27] U Xmun tella' fuq il-qabar ta'
missieru u ħutu monument għoli li jidher mill-bogħod, b'ġebel minġur minn wara u
minn quddiem. [1Mak:13:28] Waqqaf seba' piramidi, waħda biswit l-oħra, għal
missieru, għal ommu u għall-erba' ħutu. [1Mak:13:29] U dawn il-piramidi
żejjinhom bis-sengħa: dawwarhom b'kolonni kbar u mal-kolonni dendel trofej
tal-gwerra b'tifkira għal dejjem, u qrib it-trofej naqqax ġfien li jistgħu
jarawhom dawk kollha li jkunu jbaħħru.
[1Mak:13:30] Dan hu l-musulew li bena f'Modin, u li għadu hemm sa llum.
Ir-rebħa ta' l-indipendenza tal-Lhudija ( 142 QK )
[1Mak:13:31] Trifon mexa bl-ingann mas-sultan żagħżugħ Antijoku u qatlu.
[1Mak:13:32] U beda jsaltan floku u xidd il-kuruna ta' l-Asja f'rasu u ġieb
ħsara kbira fuq l-art.
[1Mak:13:33] Xmun bena l-fortizzi tal-Lhudija, dawwarhom b'torrijiet għolja u
swar kbar, bibien u żbarri, u qiegħed fihom provvisti ta' l-ikel. [1Mak:13:34]
Mbagħad Xmun għażel lil xi wħud u bagħathom għand is-sultan Demetriju jitolbuh
jaħfrilhom it-tribut fuq il-pajjiż, għax kull ma kien għamel Trifon ma kienx
ħlief serq. [1Mak:13:35] U għal dawn il-proposti s-sultan Demetriju bagħat
iwieġbu u kitiblu din l-ittra:
[1Mak:13:36] "Is-sultan Demetriju lil Xmun, qassis il-kbir u l-ħabib ta' slaten,
u lill-anzjani u l-ġens tal-Lhud, sliem. [1Mak:13:37] Aħna lqajna l-kuruna
tad-deheb u l-palma li intom bgħattulna. Aħna lesti li nagħmlu paċi għal dejjem
magħkom u niktbu lill-uffiċjali inkarigati jaħfrulkom it-tribut. [1Mak:13:38] U
kull ma ddeċidejna għalikom jibqa' jseħħ, u l-fortizzi li bnejtu jkunu tagħkom.
[1Mak:13:39] Naħfrulkom kull ma nsejtu u kull ma nqastu tħallsu sa llum u
t-taxxa tal-kuruna li għandkom tagħtuna; jekk imbagħad hemm xi piż ieħor fuq
Ġerusalemm ma jitħallasx iżjed. [1Mak:13:40] Jekk hemm xi wħud fostkom tajbin
biex jinkitbu ma' l-għases tagħna, ħa jinkitbu, u jkun hemm is-sliem bejnietna."
[1Mak:13:41] Hekk fis-sena 170 tneħħa l-madmad tal-ġnus minn fuq Iżrael,
[1Mak:13:42] u l-poplu beda jikteb fid-dokumenti u fil-kuntratti: "Fl-ewwel sena
ta' Xmun, il-qassis il-kbir, ġeneral u kap tal-Lhud."
Ir-rebħiet ta' Xmun ( 141 QK )
[1Mak:13:43] F'dak iż-żmien Xmun waqqaf il-kamp f'Geżer, u dawwarha bl-eżerċtu.
Bena magna tal-gwerra, ressaqha lejn il-belt, fetaħ selħa f'torri u ħatfu
f'idejh. [1Mak:13:44] U dawk li kienu fil-magna qabżu għal ġol-belt, u qamet
taħbila kbira fiha. 1Mak:13:45] In-nies tal-belt telgħu bin-nisa u t-tfal
tagħhom fuq is-swar, bi lbieshom imċarrat, u bdew jgħajjtu b'leħen qawwi u
jitolbu lil Xmun jagħtihom idu [1Mak:13:46] u jgħidu: "Iġġibx ruħek magħna skond
ħżunitna, iżda skond il-ħniena tiegħek." [1Mak:13:47] Xmun ġietu ħniena minnhom
u waqqaf il-ġlied. Imma keċċiehom mill-belt, saffa d-djar fejn kien hemm
l-idoli, mbagħad daħal fiha bl-għana ta' innijiet u radd il-ħajr. [1Mak:13:48] U
neħħa minnha kull xorta ta' tinġis u ġieb jgħammru fiha nies li kienu jħarsu
l-liġi, iffortifikaha u bena fiha dar għalih.
[1Mak:13:49] Dawk li kienu fl-Akra, Ġerusalemm, ma setgħux joqogħdu jiġġerrew 'l
hemm u 'l hawn mal-pajjiż, jixtru u jbigħu, u għalhekk għafashom l-għaks u ħafna
minnhom mietu bil-ġuħ. [1Mak:13:50] Għalhekk talbu lil Xmun jagħtihom idu, u hu
tahielhom. Imma keċċiehom 'il barra minn hemm u naddaf l-Akra mill-qżiżijiet
tagħhom. [1Mak:13:51] U daħlu fiha fit-tlieta u għoxrin tat-tieni xahar tas-sena
171 bl-għana ta' tifħir, bil-palm, biċ-ċetri, biċ-ċimbali, bl-arpi, bl-innijiet
u għana għax kien inqered għadu kbir minn ġo Iżrael. [1Mak:13:52] U Xmun ordna
li kull sena jgħaddu dan il-jum fil-ferħ. U saħħaħ l-għolja tat-tempju ħdejn
l-Akra, u beda jgħammar fiha hu u niesu.
[1Mak:13:53] U Xmun ra li ibnu Ġwanni sar raġel, u għamlu kap ta' l-eżerċtu. Dan
mar jgħammar f'Geżer.
14. Demetriju II Nikator priġunier ( 140 QK )
[1Mak:14:1] Fis-sena 172 is-sultan Demetriju ġabar l-eżerċtu tiegħu u telaq lejn
il-Medja biex jikseb l-għajnuna ħalli jaħbat għal Trifon. [1Mak:14:2] Malli
Arsaki, is-sultan tal-Persja u l-Medja, sama' li Demetriju kien daħal f'pajjiżu,
bagħat wieħed mill-ġenerali tiegħu biex jaqbdu ħaj. [1Mak:14:3] Dan mar u kisser
l-eżerċtu ta' Demetriju; u 'l dan qabdu u ħadu quddiem Arsaki, u dan tefgħu
l-ħabs.
Sliem fi żmien Xmun ( 142-135 QK )
[1Mak:14:4] Kemm dam ħaj Xmun,
il-Lhudija kollha kienet tgawdi s-sliem;
u hu kien ifittex il-ġid ta' ġensu,
u għal qalbhom kien il-gvern tiegħu,
u għaż-żmien kollu l-glorja tiegħu.
[1Mak:14:5] U żied kattar il-glorja tiegħu,
meta ħa 'l Ġaffa u għamel port minnha,
u triq għall-gżejjer tal-baħar.
[1Mak:14:6] Wessa' l-fruntieri tan-nazzjon tiegħu,
u ħakem fuq il-pajjiż.
[1Mak:14:7] Ġabar 'il ħafna priġunieri tal-gwerra
u ħa f'idejh 'il Geżer, 'il Bet-sur u 'l Akra,
neħħa minnha kull tinġis,
u ħadd ma kellu l-ħila jżommlu.
[1Mak:14:8] Kulħadd kien jaħdem ir-raba' fis-sliem,
u kienet tagħti l-art l-għelejjel tagħha,
u s-siġar tal-wita frotthom.
[1Mak:14:9] L-anzjani jqattgħu ż-żmien fil-pjazez,
jitħaddtu fuq il-ġid ta' l-art,
u ż-żgħażagħ lebsin ilbies sabiħ tal-gwerra.
[1Mak:14:10] L-ibliet ħasbilhom għall-ikel,
u għammarhom b'armi għall-ħarsien tagħhom.
U l-isem glorjuż tiegħu wasal sa truf l-art,
[1Mak:14:11] Ġieb is-sliem fuq il-pajjiż,
u l-ferħ ta' Iżrael kien bla qjies.
[1Mak:14:12] Kulħadd kien joqgħod għad-dell
tad-dielja u t-tina tiegħu;
ibeżżagħhom ma kien hemm ħadd.
[1Mak:14:13] Għeb kull għadu mill-pajjiż,
u s-slaten tkissru wkoll f'dawk il-jiem.
[1Mak:14:14] Ħeja lill-fqar kollha tal-poplu tiegħu;
fittex il-liġi bil-ħrara kollha,
u r-rinnegati u l-ħżiena lkoll qeridhom.
[1Mak:14:15] Żejjen it-tempju,
u kattar it-tagħmir tas-santwarju.
Alleanza mar-Rumani u l-Ispartani
[1Mak:14:16] Meta Ruma u Sparta semgħu li kien miet Ġonatan, għelew ħafna
għalih. [1Mak:14:17] Imma meta semgħu li Xmun ħuh sar il-qassis il-kbir minn
floku u li kien qiegħed jaħkem fuq il-pajjiż u l-ibliet li hemm fih,
[1Mak:14:18] kitbulu fuq twavel tal-bronż biex iġeddu l-ħbiberija miegħu u
l-alleanza, li kienu għamlu ma' Ġuda u Ġonatan ħutu. [1Mak:14:19] U qrawhom
quddiem il-ġemgħa f'Ġerusalemm.
[1Mak:14:20] Din hi l-kopja ta' l-ittra li bagħtu l-Ispartani:
"Il-kapijiet ta’ l-Ispartani u n-nies tal-belt lil Xmun, il-qassis il-Kbir, u
lill-anzjani u l-qassisin, u l-bqija tal-poplu tal-Lhudija ħutna, sliem.
[1Mak:14:21] "L-ambaxxaturi li bgħattu lill-poplu tagħna ħabbrulna bil-glorja u
l-ġieħ tagħkom, u fraħna ħafna bil-miġja tagħhom. [1Mak:14:22] Aħna niżżilna
fl-atti pubbliċi kull ma qalulna hekk: 'Numenju bin Antijoku u Antipater bin
Ġason, ambaxxaturi tal-Lhud, ġew għandna jġeddu l-ħbiberija magħna. [1Mak:14:23]
Il-poplu għoġbu jilqagħhom bl-unuri kollha, għoġbitu li tinżamm kopja ta' kull
ma qalu fl-arkivji pubbliċi biex il-poplu ta' l-Ispartani jkollu tifkira.
Għamilna kopja ta' dan id-dokument lil Xmun, il-qassis il-kbir.' "
[1Mak:14:24] Mbagħad Xmun bagħat lil Numenju Ruma b'tarka kbira tad-deheb tiswa
elf mina biex iwettaq l-alleanza magħhom.
Ġieħ lil Xmun mill-poplu ( 140 QK )
[1Mak:14:25] Meta l-poplu sama' b'dan qal: "Kif se niżżu ħajr lil Xmun u lil
uliedu? [1Mak:14:26] Għax sew hu sew ħutu u dar missieru, wrew ħila kbira,
tqabdu ma' l-għedewwa ta' Iżrael u tefgħuhom 'il barra, u kisbulu l-ħelsien." U
kitbu dan fuq twavel tal-bronż u waħħluhom ma' kolonni fuq l-għolja ta' Sijon.
[1Mak:14:27] Din hi l-kopja ta' dan id-digriet:
It-18 ta’ Elul tas-sena 172, it-tielet sena ta' Xmun, il-qassis il-kbir,
f'Asaramel, [1Mak:14:28] f'laqgħa kbira tal-qassisin, tal-poplu, tal-kbarat
tan-nazzjon, u ta' l-anzjani tal-pajjiż, kien mgħarraf lilna dan li ġej:
[1Mak:14:29] 'Billi qamu bosta drabi gwerer fil-pajjiż, Xmun bin Mattatija,
il-qassis, bin ulied Ġojarib u ħutu tarrfu ħajjithom u żammew iebes
lill-għedewwa tan-nazzjon, biex jibqgħu sħaħ it-tempju tagħhom u l-Liġi; b'hekk
għamlu unur kbir lil ġenshom. [1Mak:14:30] Ġonatan ġabar lill-ġens tagħhom, sar
il-qassis il-kbir tagħhom, mbagħad inġabar ma' niesu. [1Mak:14:31] L-għedewwa
tagħhom għamluha f'rashom li jidħlu fil-pajjiż biex iħarbtuh, u jmiddu idejhom
fuq it-tempju tagħhom. [1Mak:14:32] Mbagħad qam Xmun biex jitqabad għall-ġens
tiegħu u ħareġ ħafna flus minn tiegħu u għammar bl-armi l-irġiel ta' l-eżerċtu
tal-poplu tiegħu u ħallashom. [1Mak:14:33] Iffortifika l-ibliet tal-Lhudija u 'l
Bet-sur fi truf il-Lhudija, fejn qabel kien hemm l-armi ta' l-għedewwa, u
qiegħed fiha għases Lhud. [1Mak:14:34] Iffortifika lil Ġaffa f'xatt il-baħar u
lil Geżer fi truf Ażotu, fejn qabel kienu jgħammru l-għedewwa, u qiegħed hemm
Lhud biex jgħammru fihom; u ħalla ħażniet fihom ta' kull ma kien meħtieġ
għall-għajxien tagħhom. [1Mak:14:35] Il-poplu ra l-lealtà ta' Xmun u l-ġieħ li
ried jikseb għall-poplu tiegħu, u għalhekk dan ħatru b'kap u qassis il-kbir
talli kien għamel dan kollu, u minħabba l-ġustizzja u l-lealtà li wera mal-ġens
tiegħu b'kull mod biex jgħolli l-poplu tiegħu. [1Mak:14:36] Fi żmienu bil-ħila
tiegħu rnexxielu jeqred il-Ġentili minn artna, u lil dawk li kienu fil-Belt ta'
David, f'Ġerusalemm. Dawn kienu bnew il-fortizza ta' l-Akra, mnejn kienu joħorġu
u jniġġsu l-inħawi tas-santwarju, u jagħmlu ħsara kbira lill-qdusija tiegħu.
[1Mak:14:37] U ġieb Lhud jgħammru fiha u ffortifikaha għall-ħarsien tal-pajjiż u
tal-belt, u għolla s-swar ta' Ġerusalemm. [1Mak:14:38] Għalhekk is-sultan
Demetriju wettqu fid-dinjità ta' qassis il-kbir [1Mak:14:39] u għamlu wieħed
mill-ħbieb tiegħu u mlieh b'unuri kbar. [1Mak:14:40] Għax kien sama' li r-Rumani
lil-Lhud bdew isejjħulhom ħbieb, alleati u aħwa, u li kienu laqgħu l-ambaxxaturi
ta' Xmun bl-unuri kollha; [1Mak:14:41] u li l-Lhud u l-qassisin għoġobhom li
Xmun ikun il-kap u l-qassis il-kbir għal dejjem sakemm ma jitfaċċax xi profeta
ta' min joqgħod fuqu; [1Mak:14:42] u li jkun ġeneral tagħhom u li jieħu ħsieb
it-tempju u jaħtar in-nies li jieħdu ħsieb ix-xogħlijiet, il-pajjiż, l-armi u
l-fortizzi. [1Mak:14:43] Kellu jisma' minnu kulħadd, u l-kuntratti kollha
fil-pajjiż kellhom jinkitbu f'ismu; u jkollu d-dritt jilbes il-porpra u li jġib
bokkla tad-deheb.
[1Mak:14:44] "Ħadd mill-poplu u l-qassisin ma jista' jħassar xejn minn dan kollu
jew ma joqgħodx għal li jgħid hu, jew ilaqqa' xi laqgħa fil-pajjiż mingħajr
il-permess tiegħu, jew jilbes il-porpra, jew iġib il-bokkla tad-deheb.
[1Mak:14:45] Kull min imur kontra dawn id-deċiżjonijiet jew iħalli xi waħda
minnhom barra, ikun jistħoqqlu l-kastig.
[1Mak:14:46] "U hekk għoġob lill-poplu kollu li jagħti lil Xmun is-setgħa li
jagħmel skond dan id-digriet."
[1Mak:14:47] Xmun aċċetta u qabel li jkun il-qassis il-kbir, ġeneral u etnarka
tan-nazzjon tal-Lhud u tal-qassisn, u li jkun hu fuq kollox.
[1Mak:14:48] U ordnaw li din il-kitba titnaqqax fuq twavel tal-bronż u titwaħħal
mal-ħajt ta' madwar is-santwarju f'post li jidher. [1Mak:14:49] U li kopja
tagħha titqiegħed fit-teżor, biex tkun f'idejn Xmun u wliedu.
15. Xmun u Antijoku VII Sideti ( 138-129 QK )
[1Mak:15:1] Antijoku bin Demetriju, is-sultan, bagħat ittra mill-gżejjer
tal-baħar lil Xmun, il-qassis il-kbir u etnarka tal-Lhud, u lill-poplu kollu,
[1Mak:15:2] li kien fiha dan:
"Is-sultan Antijoku lil Xmun, il-qassis il-kbir u etnarka, u lill-poplu Lhudi,
sliem! [1Mak:15:3] Billi xi nies tradituri ħatfu s-saltna ta' missirijietna,
rrid nerġa' nieħu lura din is-saltna f'idejja u nġibha għal li kienet qabel.
Għalhekk jien ġbart kotra kbira ta' nies armati u ħejjejt ġfien tal-gwerra.
[1Mak:15:4] Għandi l-ħsieb li ninżel l-art ħalli nitħallas minn dawk li ħarbtu
artna u li għamlu ħerba mill-ħafna bliet fis-saltna tiegħi.
[1Mak:15:5] "Issa jien inwettaq l-eżenzjonijiet kollha mit-tribut li kienu
ħafrulek is-slaten ta' qabli, u neħilsek mill-ħlasijiet kollha li minnhom kienu
ħelsuk, [1Mak:15:6] u nagħtik il-permess li tistampa l-flus, li jkunu jiswew
f'artek. [1Mak:15:7] Ġerusalemm u t-tempju jkunu ħielsa. U l-armi kollha, li int
ħejjejt, il-fortizzi li inti bnejt u li għandek f'idejk jibqgħu għandek.
[1Mak:15:8] Id-djun kollha li għandek mas-sultan u li jista' jkollok tagħtih 'il
quddiem, ikunu maħfura issa u għal dejjem.
[1Mak:15:9] "Meta mbagħad inkunu rġajna ħadna s-saltna f'idejna, nimlew b'unuri
kbar lilek u lil ġensek u lit-tempju, biex ġieħkom ikun magħruf mad-dinja
kollha."
[1Mak:15:10] Fis-sena 174 Antijoku rħielha lejn art missirijietu, u ngħaqdu
miegħu t-truppi kollha; u ma' Trifon baqgħu l-ftit. [1Mak:15:11] Antijoku
mbagħad għamel għal warajh, waqt li dan ħarab u wasal ħdejn Dor f'xatt il-baħar.
[1Mak:15:12] Hu kien jaf biżżejjed bil-ħsara li kienet qiegħda tinġema' għal
fuqu, ladarba kienu telquh it-truppi. [1Mak:15:13] Antijoku waqqaf il-kamp
madwar Dor; kellu miegħu mija u għoxrin elf gwerrier u tmint elef kavallerija.
[1Mak:15:14] U dawwar il-belt, waqt li l-iġfna resqu min-naħa tal-baħar, u hekk
għalaq il-belt mill-art u mill-baħar, u ma ħalla lil ħadd jidħol jew joħroġ
minnha.
L-alleanza bejn ir-Rumani u Xmun
[1Mak:15:15] Mbagħad Numenju u sħabu waslu lura minn Ruma b'ittri lis-slaten u
lill-artijiet, li kien fihom miktub dan:
[1Mak:15:16] "Luċju, konslu tar-Rumani, lis-sultan Ptolomew, sliem! [1Mak:15:17]
L-ambaxxaturi tal-Lhud ġew għandna bħala ħbieb u alleati tagħna, biex iġeddu
l-ħbiberija u l-alleanza ta' qabel. Bagħtuhom Xmun, il-qassis il-kbir, u l-poplu
tal-Lhud. [1Mak:15:18] Ġiebu magħhom tarka ta' elf mina deheb.
[1Mak:15:19] "Għalhekk dehrilna xieraq li niktbu lis-slaten u lill-artijiet li
ma għandhom jagħmlulhom ebda ħsara, li ma jaħbtux la għalihom, la għal bliethom
u lanqas għal arthom. Lanqas ma jkunu alleati ma' dawk li jaħbtu għalihom.
[1Mak:15:20] "Aħna dehrilna sewwa li nilqgħu t-tarka mingħandhom. [1Mak:15:21]
Jekk xi nies ħżiena minnhom jaħarbu f'pajjiżkom, agħtuhom f'idejn Xmun,
il-qassis il-kbir, biex jikkastigahom skond il-liġi tagħhom."
[1Mak:15:22] Hekk ukoll kiteb lis-sultan Demetriju, lil Attalu, li Arjarati, u
lil Arsaki, [1Mak:15:23] u lill-artijiet kollha, lil Sampsamu, lill-Ispartani,
lil Delu, lil Mindu, lil Sikjon, lil Karja, lil Samos, lill-Pamfilja, lil Liċja,
lil Ħalikarnassu, lil Rodi, lil Faseli, lil Kos, lil Sidi, lil Aradu, lil
Gortina, lil Knidu, lil Ċipru u lil Ċireni. [1Mak:15:24] U għamlu kopja ta' dawn
lil Xmun, il-qassis il-kbir.
Xmun jiksirha ma' Antijoku VII Sideti ( 138 QK )
[1Mak:15:25] Is-sultan Antijoku waqqaf il-kamp fis-subborg ta' Dor; u baqa'
jross bla heda għal fuqha bit-truppi; għamel magni, u għalaq fiha lil Trifon, li
la seta' joħroġ u lanqas jidħol. [1Mak:15:26] U Xmun bagħat lil Antijoku elfejn
raġel magħżul biex jgħinuh, u fidda u deheb, u ħafna tagħmir. [1Mak:15:27] Imma
hu ma aċċettahomx, anzi ħassar kull ma kien ftiehem miegħu qabel, u kisirha
miegħu.
[1Mak:15:28] Is-sultan bagħatlu lil Antenobju, wieħed mill-Ħbieb tiegħu, biex
jiftiehem miegħu u jgħidlu: "Intom għandkom f'idejkom Ġaffa, Geżer u l-Akra
f'Ġerusalemm, kollha bliet tas-saltna tiegħi. [1Mak:15:29] Għamiltu ħerba minn
arthom u għamiltu ħsara kbira f'pajjiżi, ħtaftu f'idejkom ħafna nħawi fis-saltna
tiegħi. [1Mak:15:30] Issa mela roddu lura l-ibliet li ħtaftu, u t-tribut ta'
l-artijiet li ħadtu 'l barra mill-fruntieri tal-Lhudija: [1Mak:15:31] inkella
agħtu flokhom ħames mitt talent tal-fidda. U biex tpattu għall-ħsara li
għamiltu, ħames mitt talent ieħor għat-tribut ta' l-ibliet; jekk le niġu u
naħbtu għalikom."
[1Mak:15:32] U Atenobju, il-Ħabib tas-sultan, mar Ġerusalemm u ra l-kobor ta'
Xmun, u t-tagħmir tal-mejda tad-deheb u l-fidda, u l-għamara ta' madwaru u baqa'
mistagħġeb u ħabbarlu kliem is-sultan. [1Mak:15:33] U Xmun wieġbu: "Aħna ma
ħadna ebda art ta' ħadd u lanqas għandna f'idejna ħwejjeġ ħaddieħor, imma wirt
missirijietna li għal xi żmien kien f'idejn l-għedewwa tagħna bla ma kellhom
dritt għalih. [1Mak:15:34] Minn għalina, xħin kien il-waqt fdejna wirt
missirijietna. [1Mak:15:35] Għal li għedt dwar Ġaffa u Geżer, li int qiegħed
titlobni, ngħidlek li kienu huma li għamlu ħsara kbira lill-poplu u l-art
tagħna. Madankollu tagħhom nagħtu mitt talent."
[1Mak:15:36] Atenobju ma wieġbu xejn, imma raġa' lura mmasħan għand is-sultan u
ħabbarlu dan il-kliem kollu, il-kobor ta' Xmun u kull ma kien ra; u s-sultan
għadab bis-sħiħ.
[1Mak:15:37] Trifon, mbagħad, imbarka fuq ġifen u ħarab lejn Ortosija.
[1Mak:15:38] Is-sultan min-naħa tiegħu għamel lil Kendebew kmandant tax-xtajta,
u tah eżerċtu ta' fanterija u l-kavallerija. [1Mak:15:39] U ordnalu li jwaqqfu
l-kamp biswit il-Lhudija, u ordnalu wkoll jiffortifika l-Kedron, isaħħaħ
il-bwieb, u jaħbat għall-poplu. Is-sultan għamel għal wara Trifon. [1Mak:15:40]
Kendebew wasal Ġamnija, beda jissikka lill-poplu, u jidħol fil-Lhudija, jaqbad
nies ilsiera u joqtol mill-poplu. [1Mak:15:41] Iffortifika 'l Kedron u qiegħed
fiha kavallerija u fanterija biex joħorġu jduru mat-toroq tal-Lhudija, skond ma
ordnalu s-sultan.
16. Ġwanni u Kendebew
[1Mak:16:1] Ġwanni tela' minn Geżer u għarraf lil missieru Xmun b'kull ma kien
qiegħed jagħmel Kendebew. [1Mak:16:2] Xmun sejjaħ liż-żewġ uliedu l-kbar, Ġuda u
Ġwanni, u qalilhom: "Jiena u ħuti u d-dar ta' missieri tqabadna ma' l-għedewwa
ta' Iżrael minn żgħożitna sal-ġurnata ta' llum, u rnexxielna bil-ħila tagħna
neħilsu lil Iżrael ħafna drabi. [1Mak:16:3] Issa jiena xjeħt u intom bi ħniena
kbirtu biżżejjed. Idħlu mela minn floki u minn flok ħija u morru tqabdu
għan-nazzjon tagħna. L-għajnuna tas-sema tkun magħkom."
[1Mak:16:4] Mbagħad Ġwanni għażel mill-pajjiż għoxrin elf raġel gwerrier u
kavallieri, u dawn telqu għal Kendebew u għaddew il-lejl f'Modin. [1Mak:16:5]
Fil-għodu qamu u marru fil-wita, u jaraw eżerċtu kbir, fanterija u kavallerija,
ġej għalihom; wied biss kien hemm bejniethom. [1Mak:16:6] U waqqaf il-kamp
quddiemhom, hu u n-nies tiegħu. Xħin ra l-poplu mbażża' li jaqsam il-wied, qasam
hu l-ewwel; malli n-nies rawh, qasmu huma wkoll warajh. [1Mak:16:7] Qassam
in-nies tiegħu u qiegħed il-kavallerija f'nofs il-fanterija, għax il-kavallerija
ta' l-għadu kienet kotrana wisq.
[1Mak:16:8] Mbagħad daqqew it-trombi, u 'l Kendebew u l-eżerċtu tiegħu ħarrbuhom
u ħafna minnhom waqgħu midrubin, u l-bqija ħarbu lejn il-fortizza. [1Mak:16:9]
Dakinhar baqa' midrub ukoll Ġuda, ħu Ġwanni. Ġwanni baqa' sejjer għal warajhom
sa ma wasal Kedron, li kien bena Kendebew. [1Mak:16:10] U l-għedewwa baqgħu
sejrin maħrubin sat-torrijiet fl-inħawi ta' Ażotu, u Ġwanni taha n-nar. Minnhom
inqerdu madwar elfejn raġel, u hu raġa' lura lejn il-Lhudija bis-sliem.
Il-mewt ta' Xmun ( 135 QK )
[1Mak:16:11] Ptolomew bin Abub kien sar gvernatur tal-wita ta' Ġeriko; u kellu
ħafna fidda u deheb [1Mak:16:12] għax kien ħaten il-qassis il-kbir. [1Mak:16:13]
Imma hu tkabbar f'qalbu u ried jiggverna l-pajjiż kollu u beda jaħseb biex
iqarraq bi Xmun u wliedu ħalli jeħles minnhom.
[1Mak:16:14] Xmun kien qiegħed idur l-ibliet imxerrda mal-pajjiż biex jaħsbilhom
għall-bżonnijiet tagħhom, u niżel Ġeriko b'uliedu Mattatija u Ġuda fil-ħdax-il
xahar, ix-xahar ta' Sebat, tas-sena 177. [1Mak:16:15] Bin Abub qarraq bihom u
laqagħhom ġo fortizza żgħira jisimha Dok, li kien bena hu, u għamlilhom ikla
kbira; u kien ħeba xi nies hemmhekk.
[1Mak:16:16] Xħin Xmun u wliedu kienu xurbana, Ptolomew u n-nies li kellu miegħu
qamu, qabdu l-armi, u daħlu għal fuq Xmun fil-kamra ta' l-ikel u qatluhom, lilu
u ż-żewġ uliedu u xi wħud mill-qaddejja tiegħu. [1Mak:16:17] U dan hu d-delitt
kbir li għamel: ħallas il-ġid bid-deni!
[1Mak:16:18] Mbagħad Ptolomew kiteb dan kollu lis- sultan, u bagħat jitolbu biex
jibgħatlu eżerċtu biex jgħinu u jħalli l-pajjiż u l-ibliet f'idejh. [1Mak:16:19]
U bagħat nies oħra f'Geżer biex joqtlu lil Ġwanni; bagħat ukoll ittri
lill-ġenerali biex imorru għandu u wegħedhom fidda u deheb u rigali.
[1Mak:16:20] U bagħat ukoll oħrajn biex jaħtfu 'l Ġerusalemm u l-għolja
tat-tempju.
[1Mak:16:21] Xi ħadd mar jiġri quddiem, biex jagħti l-aħbar lil Ġwanni f'Geżer
li kienu qatlu lil missieru u lil ħutu, u li"Bagħat joqtol lilek ukoll."
[1Mak:16:22] Malli sama' dan, nħasad. Qabad in-nies li ġew jeqirduh, u qatilhom.
Induna li kienu ġew biex jeqirduh.
[1Mak:16:23] U l-bqija tal-ġrajja ta' Ġwanni u l-gwerer tiegħu u r-rebħiet kbar
tiegħu, il-bini tas-swar li tella', u l-għemil tiegħu, [1Mak:16:24] dan kollu
jinsab miktub fil-Ktieb tal-Ġrajja tas-saċerdozju tiegħu mindu kien laħaq qassis
il-kbir flok missieru.