L-EWWEL ITTRA LILL-KORINTIN
1. Tislima
[1Kor:1:1] Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta' Kristu Ġesù, u 
Sòsteni ħuna, [1Kor:1:2] lill-knisja ta' Alla li qiegħda f'Korintu; lil dawk li 
tqaddsu fi Kristu Ġesù, msejjħa biex ikunu qaddisin flimkien ma' dawk kollha li 
f'kull pajjiż isejjħu l-isem ta' Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: 
[1Kor:1:3] grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu. 
[1Kor:1:4] Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja 
li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; [1Kor:1:5] fih intom stagħnejtu f'kollox, 
f'kull kelma, f'kull għerf [1Kor:1:6] daqs kemm ix-xhieda ta' Kristu kienet 
imwettqa fikom. [1Kor:1:7] Għalhekk m'intom nieqsa minn ebda don, intom u 
tistennew id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu. [1Kor:1:8] Huwa hu li jwettaqkom sa l-aħħar 
biex tkunu bla ħtija fil-jum ta' Sidna Ġesù Kristu. [1Kor:1:9] Alla jżomm kelmtu, 
minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta' Ibnu Sidna Ġesù Kristu.
Firdiet fil-Knisja
[1Kor:1:10] Nitlobkom, ħuti, f'isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi 
kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed 
u fehma waħda. [1Kor:1:11] Ħuti, in-nies ta' Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm 
it-tilwim: [1Kor:1:12] irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, "Jiena 
ta' Pawlu," "U jiena ta' Apollo," "U jiena ta' Kefa," "U jiena ta' Kristu." 
[1Kor:1:13] Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f'isem 
Pawlu tgħammidtu? [1Kor:1:14] Niżżi ħajr lil Alla li ma għammidt lil ħadd, ħlief 
lil Krispu u lil Gaju, [1Kor:1:15] sabiex ħadd ma jgħid li tgħammidtu f'ismi. 
[1Kor:1:16] Għammidt ukoll lill-familja ta' Stefanas; mill-bqija ma nafx li 
għammidt lil ħaddieħor. [1Kor:1:17] Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex 
inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta' 
Kristu.
Kristu l-għerf u l-qawwa ta' Alla
[1Kor:1:18] Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma 
għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta' Alla. [1Kor:1:19] Bħalma hu miktub:
“Neqred l-għerf ta’ l-għorrief;
nwarrab id-dehen tad-dehnin.” 
[1Kor:1:20] Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu ta' din id-dinja? 
Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja? [1Kor:1:21] U billi, fl-għerf ta' Alla, 
id-dinja b'għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen 
bil-bluha tal-predikazzjoni. [1Kor:1:22] Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi 
jfittxu l-għerf, [1Kor:1:23] imma aħna nxandru 'l Kristu msallab, skandlu 
għal-Lhud u bluha għall-Griegi; [1Kor:1:24] iżda għal dawk li huma msejjħin, sew 
Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta' Alla u l-għerf ta' Alla. [1Kor:1:25] 
Għax il-bluha ta' Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta' Alla 
hija aqwa mill-bnedmin. 
[1Kor:1:26] Araw x'intom, li Alla sejjħilkom; għax m'humiex ħafna fostkom li 
huma għorrief skond il-qjies tad-dinja, m'humiex ħafna s-setgħana, m'humiex 
ħafna n-nobbli. [1Kor:1:27] Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex 
iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; 
[1Kor:1:28] għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib 
fix-xejn 'il dawk li huma xi ħaġa. [1Kor:1:29] Hekk ebda bniedem ma jkun jista' 
jiftaħar quddiem Alla. [1Kor:1:30] Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar 
għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa, [1Kor:1:31] biex 
bħalma hu miktub,"min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej."
2. Nippridkaw lil Kristu msallab
[1Kor:2:1] Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta' 
Alla bi kliem kbir jew għaref. [1Kor:2:2] Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa 
fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u 'l dan imsallab. [1Kor:2:3] U jiena ġejt 
għandkom dgħajjef, mbażża' u mriegħed; [1Kor:2:4] il-kelma u l-predikazzjoni 
tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi ta' l-għerf, imma bil-wiri ta' l-Ispirtu 
u l-qawwa, [1Kor:2:5] sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf 
tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta' Alla.
L-Ispirtu ta' Alla
[1Kor:2:6] Aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma perfetti, imma mhux l-għerf 
ta' din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta' din id-dinja, li se jintemmu 
fix-xejn. [1Kor:2:7] Ngħallmu l-għerf ta' Alla moħbi f'misteru, li Alla fassal 
qabel iż-żmien għall-glorja tagħna. [1Kor:2:8] Ebda wieħed mill-mexxejja ta' din 
id-dinja ma għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu l-Mulej tal-glorja. 
[1Kor:2:9] Imma, bħalma hu miktub, aħna nħabbru "dak li għajn qatt ma rat u 
widna qatt ma semgħet," u dak li qatt ma tnissel f'qalb il-bniedem, dak Alla 
lesta għal dawk li jħobbuh. [1Kor:2:10] Alla rrivelahulna permezz ta' l-Ispirtu; 
għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta' Alla. [1Kor:2:11] Min qatt 
għaraf dak li hemm moħbi fil-bniedem jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih? 
Hekk ukoll ħadd ma jagħraf dak li hemm f'Alla ħlief l-Ispirtu ta' Alla. 
[1Kor:2:12] Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta' din id-dinja, imma l-Ispirtu ta' Alla, 
biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. [1Kor:2:13] Dawn il-ħwejjeġ 
ħabbarnihomlkom bi kliem li ma tgħallimniehx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu, 
u fissirna ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali. [1Kor:2:14] Il-bniedem 
naturali ma jilqax il-ħwejjeġ ta' l-Ispirtu ta' Alla; għalih huma kollha bluha, 
ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista' jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. 
[1Kor:2:15] Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd.
[1Kor:2:16] Min hu dak li jista' jifhem il-ħsieb tal-Mulej
biex ikun jisra’ jgħallmu?
Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.
3. Ħaddiema lkoll għal Alla
[1Kor:3:1] Jien ukoll, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies spiritwali, iżda 
bħala nies tad-demm u l-laħam, bħal trabi fi Kristu. [1Kor:3:2] Ħalib sqejtkom, 
mhux ikel, għax ma kontux tifilħu għalih, u lanqas issa ma tistgħu għalih, 
[1Kor:3:3] għaliex għadkom tgħixu skond il-ġisem, la darba fostkom għad hemm l-għira 
u l-ġlied. Ma għadkomx forsi tgħixu skond il-ġisem, u ma għadkomx timxu ta' 
bnedmin [1Kor:3:4] meta hemm fostkom min jgħid: 'Jien ta' Pawlu,' u ieħor: 'Jien 
ta' Apollo'? M'intomx taħsbuha ta' bnedmin? [1Kor:3:5] U min hu Apollo? Min hu 
Pawlu? Huma l-ministri li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom 
skond ma tah il-Mulej. [1Kor:3:6] Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li 
kabbar. [1Kor:3:7] Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, 
li kabbar. [1Kor:3:8] Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed 
jieħu l-ħlas li ħaqqu skond ma ħadem. [1Kor:3:9] Aħna ħaddiema ma' Alla; u intom 
l-għalqa ta' Alla, intom il-bini ta' Alla.
[1Kor:3:10] Skond il-grazzja li tani Alla, bħala bennej għaqli, jiena qegħedt 
il-pedament. Ħaddieħor jibni fuqu; imma jqis kull wieħed kif jibni fuqu. 
[1Kor:3:11] Pedament ieħor ħadd ma jista' jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u 
dan hu Ġesù Kristu. [1Kor:3:12] Jibni x'jibni dak li jkun fuq dan il-pedament - 
deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben - [1Kor:3:13] ix-xogħol ta' 
kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x'jiswa x-xogħol 
ta' kull wieħed. [1Kor:3:14] Jekk il-bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min 
jagħmlu jieħu ħlasu; [1Kor:3:15] jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa 
jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar. [1Kor:3:16] Ma tafux li intom tempju ta' 
Alla, u li l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom? [1Kor:3:17] Jekk xi ħadd jeqred 
it-tempju ta' Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta' Alla, li huwa 
intom. 
[1Kor:3:18] Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref 
f'din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. [1Kor:3:19] Għax l-għerf ta' din 
id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: 
“Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”;
[1Kor:3:20] u terġa':
“Il-Mulej jaf fiergħa huma l-ħsibijiet ta’ l-għorrief.”
[1Kor:3:21] Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, 
[1Kor:3:22] sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, 
sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta' issa, sew jekk li ġej; 
kollox hu tagħkom, [1Kor:3:23] u intom ta' Kristu, u Kristu ta' Alla.
4. Il-ministeru ta' l-Appostli
[1Kor:4:1] In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta' Kristu u 
amministraturi tal-misteri ta' Alla. [1Kor:4:2] Issa barra minn dan, l-amministraturi 
wieħed jistenniehom li jkunu fidili. [1Kor:4:3] Iżda ngħid għalija, ftit li xejn 
jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas 
jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. [1Kor:4:4] Tassew li jiena stess ma nħoss 
xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b'daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej 
li jiġġudikani. [1Kor:4:5] Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: 
hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura 
tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.
[1Kor:4:6] Dan kollu, ħuti, għedtu għalija u għal Apollo minħabba fikom, biex 
minna intom titgħallmu x'jiġifieri: "Mhux iktar milli hemm miktub,” ħalli ħadd 
minnkom ma jintefaħ b'wieħed kontra l-ieħor. [1Kor:4:7] Int, min hu li għażlek? 
X'għandek li ma ngħatalikx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma 
ngħatalek xejn? [1Kor:4:8] Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu 
mingħajrna! Jalla ssaltnu ħa nsaltnu aħna wkoll magħkom. [1Kor:4:9] Jien naħseb 
li lilna l-appostli Alla xeħitna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna 
għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin. 
[1Kor:4:10] Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, 
u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. [1Kor:4:11] Sa issa stess 
aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; msawwta u bla dar; [1Kor:4:12] 
ninkeddu u naħdmu b'idejna stess. Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru; 
[1Kor:4:13] jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, 
ir-rimi ta' kulħadd sa llum.
[1Kor:4:14] M'iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, 
bħal uliedi għeżież. [1Kor:4:15] Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, 
ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi 
Kristu Ġesù. [1Kor:4:16] Bil-qawwa kollha nitlobkom: ixbhu lili. [1Kor:4:17] 
Għalhekk bgħattilkom lil Timotju, ibni l-għażiż u fidil fil-Mulej; huwa 
jfakkarkom fl-imġiba tiegħi fi Kristu Ġesù kif ngħallem f'kull Knisja kullimkien. 
[1Kor:4:18] Xi wħud tkabbru, bħallikieku m'iniex ġej għandkom. [1Kor:4:19] Imma 
ma ndumx ma niġi, jekk il-Mulej irid, u nkun naf mhux it-tpaċpiċ tagħhom, iżda 
x'qawwa għandhom dawn l-imkabbrin. [1Kor:4:20] Għax is-Saltna ta' Alla m'hijiex 
fit-tpaċpiċ, imma fil-qawwa. [1Kor:4:21] Xi tridu? Niġi għandkom bil-bastun, jew 
bl-imħabba u bl-ispirtu tal-ħlewwa?
5. Kundanna taż-żína
[1Kor:5:1] Kulħadd sama' li hemm iż-żína fostkom, u żína li anqas issibha fost 
il-pagani; jiġifieri li wieħed ikollu l-mara ta' missieru! [1Kor:5:2] U intom 
titkabbru! U mhux aħjar li bkejtu, biex dak li għamel dan il-ħażen jitwarrab 
minn fostkom? [1Kor:5:3] Jiena, ngħid għalija, mbiegħed mill-ġisem imma magħkom 
bl-ispirtu, ġa għamilt ħaqq minn min għamel dan, bħallikieku kont fostkom, 
[1Kor:5:4] fl-isem ta' Sidna Ġesù. Meta tiltaqgħu fil-ġemgħa, intom u l-ispirtu 
tiegħi bil-qawwa ta' Sidna Ġesù [1Kor:5:5] itilqu lil dan il-bniedem f'idejn ix-Xitan 
għall-qerda ta' ġismu, biex ruħu tkun salva f'Jum il-Mulej. [1Kor:5:6] Xejn ma 
hu sabiħ il-ftaħir tagħkom! Ma tafux li ftit ħmira ttalla' l-għaġna kollha? 
[1Kor:5:7] Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla 
ħmira. Il-Ħaruf ta' l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. [1Kor:5:8] Nagħmlu 
festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma 
bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.
[1Kor:5:9] Ktibtilkom fl-ittra li ma tagħmluhiex maż-żienja; [1Kor:5:10] mhux li 
ma jkollkom xejn x'taqsmu maż-żienja ta' din id-dinja, mar-rgħiba, jew ħallelin, 
jew idolatri; għax inkella jkollkom toħorġu mid-dinja. [1Kor:5:11] Imma bħalissa 
qiegħed niktbilkom biex ma tagħmluhiex ma' min jissejjaħ ħukom u jkun hu żieni, 
rgħib, idolatra jew insolenti, sikran jew ħalliel: ma' dan lanqas biss tieklu ma 
għandkom. [1Kor:5:12] Jaqaw jien għandi nagħmel ħaqq mill-barranin? M'hux minn 
dawk ta' ġewwa tagħmlu intom il-ħaqq? [1Kor:5:13] Il-barranin jagħmel ħaqq 
minnhom Alla. Neħħu l-bniedem il-ħażin minn ġo nofskom.
6. Quddiem il-qrati pagani
[1Kor:6:1] Hemm xi ħadd fostkom li, meta jkollu xi jgħid ma' ħaddieħor, għandu 
l-ħila jfittex il-ġustizzja għand il-pagani u mhux għand il-qaddisin? [1Kor:6:2] 
Jaqaw ma tafux li l-qaddisin għad jagħmlu ħaqq mid-dinja? U jekk id-dinja għad 
irid isirilha ħaqq minnkom, ma jixirqilkomx intom tagħmlu ħaqq minn ħwejjeġ ta' 
xejn? [1Kor:6:3] Ma tafux li aħna għad nagħmlu ħaqq mill-anġli? Kemm iktar, mela, 
mill-ħwejjeġ ta' din il-ħajja! [1Kor:6:4] Mela, meta intom ikollkom xi tgħidu 
bejnietkom fuq ħwejjeġ ta' din il-ħajja, tqegħdux imħallfin lil dawk li huma 
mistmerra mill-Knisja! [1Kor:6:5] Dan qiegħed ngħidu għall-mistħija tagħkom; 
jaqaw ma għandkomx fostkom xi ħadd għaref li jista' jagħmel ħaqq bejn l-aħwa? 
[1Kor:6:6] Imma l-aħwa jħarrku 'l xulxin, u dan quddiem il-pagani! [1Kor:6:7] U 
m'hux ġa nuqqas għalikom li jkollkom kawżi bejnietkom? L-għala ma ssofrux l-inġustizzja? 
L-għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom? [1Kor:6:8] Mhux dan biss, imma 
l-inġustizzja tagħmluha intom stess, u tqarrqu bl-oħrajn, u dan lil ħutkom! 
[1Kor:6:9] Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta' Alla? La titqarrqux! 
La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, [1Kor:6:10] 
la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu 
s-saltna ta' Alla! [1Kor:6:11] U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa 
tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta' Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu 
ta' Alla tagħna.
Sebbħu lil Alla b'ġisimkom
[1Kor:6:12] "Kollox jiswa għalija," iżda mhux kollox jaqbel. "Kollox jiswa 
għalija," iżda ma nħalli 'l xejn jaħkimni. [1Kor:6:13] "L-ikel għall-istonku, u 
l-istonku għall-ikel." Imma Alla jeqred sew lil wieħed sew lil ieħor. Il-ġisem 
m'huwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. [1Kor:6:14] U 
Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. [1Kor:6:15] Ma 
tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta' Kristu? Jaqaw għandi nagħmel mill-membri 
ta' Kristu membri ta' mara żienja? Ma jkun qatt! [1Kor:6:16] Ma tafux li min 
jingħaqad ma' mara żienja jsir ġisem wieħed magħha? Isiru, kif tgħid l-Iskrittura, 
it-tnejn ġisem wieħed. [1Kor:6:17] Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. 
[1Kor:6:18] Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu 'l barra minn ġismu, 
iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. [1Kor:6:19] Jew 
ma tafux li ġisimkom hu tempju ta' l-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, 
li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m'intomx tagħkom infuskom? [1Kor:6:20] 
Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta' ġisimkom.
7. Il-ħajja tal-miżżewwġin
[1Kor:7:1] Issa ngħidu xi ħaġa fuq li ktibtuli: tajjeb li raġel ma jmissx mara; 
[1Kor:7:2] imma minħabba ż-żína kull wieħed għandu jkollu martu u kull mara 
jkollha żewġha. [1Kor:7:3] Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk 
ukoll il-mara lil żewġha. [1Kor:7:4] Il-mara ma għandhiex dritt fuq ġisimha, 
iżda żewġha fuqha; hekk ukoll ir-raġel ma għandux dritt fuq ġismu, iżda martu 
fuqu. [1Kor:7:5] Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin, jekk ma tkunux ftehemtu minn 
qabel għal xi żmien, biex tagħtu ruħkom għat-talb u mbagħad terġgħu bħalma kontu 
qabel sabiex ma jittantakomx ix-Xitan jekk ma tkunux tifilħu żżommu. [1Kor:7:6] 
Dan qiegħed ngħidu bħala konċessjoni, u mhux b'ordni. [1Kor:7:7] Irrid li 
kulħadd ikun bħali; iżda kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla: min ħaġa 
u min oħra.
[1Kor:7:8] Lil dawk li m'humiex miżżewwġa jew huma romol, ngħidilhom li jkun 
tajjeb għalihom li jibqgħu bħali. [1Kor:7:9] Jekk imbagħad ma jifilħux jaħkmu 
lilhom infushom, ħalli jiżżewwġu; aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq 
bil-passjoni. [1Kor:7:10] Lil dawk li huma miżżewwġin nordnalhom, mhux jien, 
iżda l-Mulej, li l-mara ma għandhiex tħalli lil żewġha - [1Kor:7:11] jekk tiġi 
li tħallih, għandha tibqa' bla tiżżewweġ jew terġa' tagħmel paċi ma' żewġha - u 
r-raġel ma għandux jitlaq lil martu. 
[1Kor:7:12] Lill-oħrajn ngħidilhom jien, mhux il-Mulej: jekk wieħed mill-aħwa 
għandu martu ma temminx, u hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux jitlaqha. 
[1Kor:7:13] U l-mara, jekk għandha żewġha ma jemminx, u dan jogħġbu jgħammar 
magħha, ma għandhiex titilqu. [1Kor:7:14] Ir-raġel li ma jemminx jitqaddes 
permezz ta' martu, u l-mara li ma temminx titqaddes b'ħuha. Inkella wliedkom 
ikunu mniġġsa, iżda issa huma qaddisin. [1Kor:7:15] Jekk imbagħad min mit-tnejn 
ma jemminx, ħa jitlaq; l-aħwa nsara, rġiel jew nisa, f'dan il-każ m'humiex 
marbuta. Għax Alla sejjħilkom biex tgħixu fis-sliem. [1Kor:7:16] Tafx int, mara, 
jekk issalvax lil żewġek, jew int, raġel, jekk issalvax lil martek?
Il-ħajja li l-Mulej għażlilna
[1Kor:7:17] Mill-bqija, kull wieħed jibqa' fl-istat li l-Mulej kien tah meta 
sejjaħlu Alla. Hekk qiegħed nordna fil-knejjes kollha. [1Kor:7:18] Kellu xi ħadd 
iċ-ċirkonċiżjoni meta kien imsejjaħ? Ma għandux ineħħi l-marki tagħha; xi ħadd 
kien bla ċirkonċiżjoni? Ma jfittixx li jagħmilha. [1Kor:7:19] Iċ-ċirkonċiżjoni 
ma hi xejn; biha u mingħajrha xorta waħda; li jgħodd hu l-ħarsien 
tal-kmandamenti ta' Alla. [1Kor:7:20] Ħalli kulħadd jibqa' fl-istat li kien meta 
kien imsejjaħ. [1Kor:7:21] Kont ilsir meta kont imsejjaħ, tħabbilx rasek; eħles 
jekk tista', imma fittex l-aħjar. [1Kor:7:22] Dak li kien ilsir meta sejjaħlu l-Mulej, 
issa hu bniedem ħieles fil-Mulej. Hekk ukoll, jekk wieħed kien imsejjaħ meta 
kien ħieles, issa hu lsir ta' Kristu. [1Kor:7:23] Intom mixtrija bi prezz għoli; 
tkunux issa lsiera tal-bnedmin. [1Kor:7:24] Ħuti, ħalli jibqa' kulħadd quddiem 
Alla kif kien meta kien imsejjaħ.
Ix-xebbiet u r-romol
[1Kor:7:25] Dwar dawk li m'humiex miżżewwġin, ma għandi ebda preċett mill-Mulej, 
iżda nagħtikom parir bħala wieħed li, għall-ħniena tal-Mulej, hu bniedem ta' 
fiduċja. [1Kor:7:26] Jidhirli, mela, li, minħabba t-taħbit ta' llum, ikun sewwa 
għal dak li jkun jekk jibqa' kif inhu. [1Kor:7:27] Inti marbut ma' mara? 
Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara. [1Kor:7:28] Imma wkoll 
jekk tiżżewweġ, ma tidnibx; anqas jekk xebba tiżżewweġ, ma tidneb. Nies bħal 
dawn ikollhom it-taħbit tal-ħajja, u jiena rrid kieku neħliskom minnu. 
[1Kor:7:29] Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li 
għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; [1Kor:7:30] dawk li jibku, bħallikieku 
ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku 
ma għandhom xejn; [1Kor:7:31] dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; 
għax is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi! [1Kor:7:32] Iva, jiena rridkom bla 
ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif 
jogħġob lill-Mulej. [1Kor:7:33] Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, 
jiġifieri, kif jogħġob lil martu, [1Kor:7:34] u hu mifrud fih innifsu. Hekk 
ukoll il-mara mhix miżżewwġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, 
biex ikunu qaddisa f'ġisimhom u f'ruħhom. Iżda l-mara miżżewwġa ħsiebha 
fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha. [1Kor:7:35] Dan 
qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid 
tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta' moħħ. 
[1Kor:7:36] Imma jekk xi ħadd iħoss li m'huwiex miexi sewwa max-xebba li għandu 
miegħu minħabba l-passjoni qawwija tiegħu, u jħoss il-bżonn li jsir hekk, 
jagħmel li jogħġbu u ma jagħmel xejn ħażin: ħa jiżżewwġu. [1Kor:7:37] Imma min, 
jekk ikun sħiħ fil-fehma tiegħu u ma jkunx magħfus mill-bżonn u għandu l-ħila 
jimxi skond ir-rieda tiegħu u jkun qatagħha li jżomm ix-xebba miegħu, jagħmel 
ħaġa tajba. [1Kor:7:38] Hekk min jiżżewweġ ix-xebba li għandu miegħu jagħmel 
tajjeb; min ma jiżżewwiġhiex jagħmel aħjar. [1Kor:7:39] Il-mara tibqa' marbuta 
ma' żewġha sakemm jibqa' ħaj. Iżda jekk żewġha jmut tkun ħielsa u tkun tista' 
terġa' tiżżewweġ lil min trid, basta fil-Mulej. [1Kor:7:40] Skond il-fehma 
tiegħi tkun iktar hienja jekk tibqa' kif tkun; u jien naħseb li jien ukoll 
għandi l-Ispirtu ta' Alla.
8. L-offerti lill-idoli
[1Kor:8:1] Issa dwar il-laħam offert lill-idoli: nafu li lkoll għandna l-għerf; 
imma l-għerf jonfoħna; l-imħabba tibnina. [1Kor:8:2] Jekk xi ħadd jidhirlu li 
jaf xi ħaġa, għadu ma fehemx kif għandu jkun jaf. [1Kor:8:3] Jekk xi ħadd iħobb 
lil Alla, lil dan Alla jagħrfu. 
[1Kor:8:4] Mela dwar l-ikel tal-laħam offert lill-idoli: naf li l-idolu m'hu 
xejn fid-dinja; ħadd m'hu alla ħlief wieħed. [1Kor:8:5] Mqar jekk hemm l-hekk 
imsejjħa allat sew fis-sema sew fl-art, - u tassew hemm ħafna allat u ħafna 
sidien - [1Kor:8:6] għalina Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox u 
aħna bih neżistu, u wieħed Mulej: Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u 
aħna għalih neżistu. [1Kor:8:7] Iżda mhux kulħadd għandu l-għerf. Xi wħud, billi 
kienu mdorrija bl-idoli, jieklu l-laħam bħallikieku kien offert lill-idoli; u 
billi tkun dgħajfa, il-kuxjenza tagħhom tittabba.' [1Kor:8:8] L-ikel ma 
jressaqniex lejn Alla. La sa nnaqqsu jekk nieklu, u lanqas sa nżidu jekk ma 
niklux. [1Kor:8:9] Qisu li l-libertà tagħkom ma tkunx ta' tfixkil għad-dgħajfa. 
[1Kor:8:10] Jekk xi ħadd jara lilek, li int għaref, fuq il-mejda fit-tempju ta' 
l-idolu, ma jidhirlekx li fil-kuxjenza tiegħu dgħajfa jitħajjar jiekol l-ikel 
offert lill-idoli? [1Kor:8:11] Mela bl-għerf tiegħek jiġġarraf id-dgħajjef, ħuk, 
li għalih miet Kristu. [1Kor:8:12] Meta intom tidinbu b'dan il-mod kontra ħutkom 
u tfieru l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, kontra Kristu tkunu tidinbu. [1Kor:8:13] 
Mela jekk l-ikel jiskandalizza lil ħija, ma niekol qatt iżjed laħam biex ma 
niskandalizzax lil ħija.
9. Id-dritt ta' l-appostlu għall-għajxien
[1Kor:9:1] Jaqaw m'iniex ħieles jien? M'iniex appostlu? Ma rajtx lil Sidna Ġesù? 
M'intomx intom l-opra tiegħi fil-Mulej? [1Kor:9:2] Ukoll jekk stess għal 
ħaddieħor jien m'iniex appostlu, għalikom jien. Għax is-siġill ta' l-appostolat 
tiegħi huwa intom stess fil-Mulej.
[1Kor:9:3] Quddiem dawk li jakkużawni, id-difiża tiegħi hi din: [1Kor:9:4] ma 
għandniex il-jedd li nieklu u nixorbu? [1Kor:9:5] Ma għandniex id-dritt li 
jkollna mara nisranija magħna bħall-appostli l-oħra u l-aħwa tal-Mulej u Kefa? 
[1Kor:9:6] Jaqaw jien u Barnaba biss ma għandniex id-dritt li ma naħdmux? 
[1Kor:9:7] Min qatt imur suldat u jħallas l-ispejjeż hu? Min iħawwel dielja u ma 
jikolx il-frott minnha hu? Min jirgħa l-merħla u ma jixrobx il-ħalib tagħha hu? 
[1Kor:9:8] M'iniex ngħid dan bl-awtorità ta' bniedem. M'hux il-liġi stess tgħidu 
dan? [1Kor:9:9] Fil-Liġi ta' Mosè hemm miktub: "Tagħmilx is-sarima f'ħalq 
il-gendus li jkun jidres." Jaqaw Alla ħsiebu fil-gniedes? [1Kor:9:10] M'hux 
għalina biss qiegħed jgħid? Minħabba fina żgur inkiteb dan, biex min jaħrat, 
jaħrat bit-tama; u min jidres, jidres bit-tama li jkollu sehmu. [1Kor:9:11] Jekk 
aħna żrajna fostkom il-ħwejjeġ spiritwali, ħaġa kbira jekk naħsdu minn għandkom 
il-ħwejjeġ materjali? [1Kor:9:12] Jekk l-oħrajn għandhom id-dritt li jaqsmu 
ħwejjiġkom magħkom, mhux aktar minnhom aħna? 
[1Kor:9:13] Ma tafux li min iservi fit-tempju jiekol mit-tempju, u dawk li 
jservu l-artal jaqsmu ma' l-artal? [1Kor:9:14] Hekk ukoll il-Mulej ordna li dawk 
li jxandru l-Evanġelju jgħixu mill-Evanġelju. [1Kor:9:15] Jien iżda ma nqdejt 
bl-ebda wieħed minn dawn id-drittijiet. Ma ktibtx dan biex ninqeda bihom issa. 
Aħjar għalija li mmut milli... Ħadd ma hu sa jġibli fix-xejn il-ftaħir tiegħi. 
[1Kor:9:16] Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien 
obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju. [1Kor:9:17] 
Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax 
obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f'idejja. 
[1Kor:9:18] X'inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, nxandru 
b'xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess. 
[1Kor:9:19] Għax għad li ma jiena marbut ma' ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir 
ta' kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. [1Kor:9:20] Mal-Lhud, sirt Lhudi, biex nirbaħ 
il-Lhud; ma' dawk li huma taħt il-Liġi, qgħadt taħt il-Liġi - jien li m'iniex 
taħt il-Liġi - biex nirbaħ lil dawk li huma taħt il-Liġi. [1Kor:9:21] Bla Liġi 
ma' dawk li huma mingħajrha - mhux għax jien bla liġi ta' Alla, għax Kristu hu 
l-liġi tiegħi - biex nirbaħ lil dawk li huma barra l-Liġi. [1Kor:9:22] Sirt 
dgħajjef mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma' kulħadd, biex 
insalva lil kulħadd. [1Kor:9:23] Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex 
ikolli sehem minnu. [1Kor:9:24] Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, 
imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh. [1Kor:9:25] Kull atleta 
jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li 
ma tidbielx. [1Kor:9:26] Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax 
bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. [1Kor:9:27] Iżda ngħakkes bl-aħrax lil 
ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, 
jiena stess insib ruħi kkundannat.
10. L-idolatrija
[1Kor:10:1] Għax ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna lkoll kienu 
taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, [1Kor:10:2] lkoll kienu mgħammda f'Mosè 
fis-sħaba u fil-baħar, [1Kor:10:3] lkoll kielu mill-istess ikel spiritwali - 
[1Kor:10:4] xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din 
il-blata kienet Kristu - [1Kor:10:5] madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla 
ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert. [1Kor:10:6] Dan ġara b'eżempju 
għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. 
[1Kor:10:7] Tmorrux wara l-allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom, bħalma hemm 
miktub: "Il-poplu qagħad bilqiegħda jiekol u jixrob, u qamu jixxalaw." 
[1Kor:10:8] Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f'jum wieħed 
mietu tlieta u għoxrin elf ruħ. [1Kor:10:9] Anqas ma għandna nġarrbu l-Mulej, 
kif xi wħud minnhom ġarrbuh, u qerduhom is-sriep. [1Kor:10:10] Anqas ma għandkom 
tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-qerried. [1Kor:10:11] Dan 
kollu ġralhom b'eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem 
iż-żminijiet. [1Kor:10:12] Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. 
[1Kor:10:13] S'issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla 
hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib 
jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.
L-Ewkaristija
[1Kor:10:14] Għeżież tiegħi, aħarbu l-allat foloz. [1Kor:10:15] Lil nies għaqlin 
qiegħed inkellem; għarblu intom kull ma ngħid. [1Kor:10:16] Il-kalċi mbierek li 
fuqu ngħidu l-barka m'huwiex għaqda mad-demm ta' Kristu? U l-ħobż li naqsmu 
m'huwiex għaqda mal-ġisem ta' Kristu? [1Kor:10:17] Għax la l-ħobża hi waħda, 
aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; lkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża 
waħda. [1Kor:10:18] Ħarsu lejn Iżrael skond il-ġisem. Dawk li jieklu l-vittmi 
m'humiex f'għaqda ma' l-artal? [1Kor:10:19] X'irrid ngħid? Li l-ikel mogħti 
lill-allat foloz jiswa xi ħaġa? Jew li l-idoli huma xi ħaġa? [1Kor:10:20] Ngħid 
li s-sagrifiċċji li joffru l-pagani, lid-demonji joffruhom u mhux lil Alla; u 
jien ma rridx li intom tidħlu f'għaqda mad-demonji. [1Kor:10:21] Ma tistgħux 
tixorbu x-xorb tal-Mulej u x-xorb tad-demonji; ma tistgħux taqsmu fil-Mejda 
tal-Mulej u fil-mejda tad-demonji. [1Kor:10:22] Jew se nqajjmu l-għira tal-Mulej? 
Jaqaw aħna aqwa minnu?
Kollox għall-glorja ta' Alla
[1Kor:10:23] Kollox hu sewwa, iżda mhux kollox jaqbel; kollox jiswa, iżda mhux 
kollox jedifika. [1Kor:10:24] Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies 
ħaddieħor. [1Kor:10:25] Kollox tistgħu tixtru u tieklu mis-suq tal-laħam, bla ma 
tqisu xejn fil-kuxjenza tagħkom: [1Kor:10:26] "l-art b'kull ma hemm fiha hi 
tal-Mulej." 
[1Kor:10:27] Jekk xi ħadd li ma jemminx jistedinkom, jekk tridu, morru; kulu 
kull ma jkun lestielkom bla ma tqisu xejn fil-kuxjenza tagħkom. [1Kor:10:28] 
Jekk xi ħadd jgħidilkom: 'Dan kien offert lill-idoli,' allura tiklux minn dak l-ikel, 
minħabba dak li wissiek u minħabba l-kuxjenza; [1Kor:10:29] irrid ngħid, mhux 
il-kuxjenza tiegħek, imma ta' dak l-ieħor. Għaliex il-libertà tiegħi għandha 
tkun imxekkla mill-kuxjenza ta' ħaddieħor? [1Kor:10:30] Jekk jien niekol b'radd 
il-ħajr, għaliex għandi nkun mgħajjar b'dak li jien inrodd ħajr? [1Kor:10:31] 
Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x'tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja 
ta' Alla. [1Kor:10:32] Tkunux ta' tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u 
lanqas għall-Knisja ta' Alla. [1Kor:10:33] Hekk jiena nogħġob lil kulħadd 
f'kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex isalvaw.
11. [1Kor:11:1] Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.
In-nisa fil-laqgħat tal-Knisja
[1Kor:11:2] Nfaħħarkom għax tiftakru dejjem fija u żżommu t-tradizzjonijiet li 
jien għaddejtilkom. [1Kor:11:3] Irridkom tkunu tafu li r-ras ta' kull raġel huwa 
Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla. [1Kor:11:4] Kull raġel 
li jitlob jew jipprofetizza b'rasu mgħottija jagħmel għajb lil rasu. [1Kor:11:5] 
Kull mara li titlob jew tipprofetizza b'rasha mikxufa tagħmel għajb lil rasha; 
l-istess bħallikieku kellha xagħarha maqtugħ. [1Kor:11:6] Jekk il-mara ma 
tgħattix rasha, ħalliha taqta' xagħarha. Jekk hu għajb għall-mara li taqta' jew 
tqaxxar xagħarha, ħalliha tgħatti rasha. 
[1Kor:11:7] Raġel ma jixraqlux jgħatti rasu, għax hu xbieha u glorja ta' Alla; 
il-mara hi l-glorja tar-raġel. [1Kor:11:8] Mhux ir-raġel ġej mill-mara, imma l-mara 
ġejja mir-raġel. [1Kor:11:9] U mhux ir-raġel li kien maħluq għall-mara, imma l-mara 
li kienet maħluqa għar-raġel. [1Kor:11:10] Għalhekk il-mara għandha tinsatar 
biex turi li hemm is-setgħa ta' żewġha fuqha minħabba l-anġli. [1Kor:11:11] Imma 
la l-mara ma hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel mingħajr il-mara fil-Mulej. 
[1Kor:11:12] Kif il-mara saret mir-raġel, hekk ir-raġel sar permezz tal-mara. 
Kollox imbagħad minn Alla. [1Kor:11:13] Iġġudikaw intom! Jixraq li mara titlob 
xuxa lil Alla? [1Kor:11:14] Jaqaw ma tgħallimniex in-natura stess li x-xagħar 
twil hu għajb għar-raġel, [1Kor:11:15] imma għall-mara x-xagħar twil hu ġmielha? 
Ix-xagħar twil ngħata lilha bħala velu. [1Kor:11:16] Jekk xi ħadd irid jitlewwem 
fuq dan, ngħidulu: aħna ma aħniex imdorrijin hekk u lanqas il-knejjes ta' Alla.
Abbużi fil-laqgħat tal-Knisja
[1Kor:11:17] F'li sa ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux 
għall-ġid imma għad-deni. [1Kor:11:18] Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu 
fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom, u xi ħaġa nemmen. [1Kor:11:19] Għandu 
jkun hemm firdiet, biex jidhru fostkom il-ġusti. [1Kor:11:20] Meta tiltaqgħu 
f'post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. [1Kor:11:21] Għax kull 
wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor 
fis-sakra. [1Kor:11:22] Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu 
twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta' Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx? 
X'ngħidilkom? Nfaħħarkom? F'dan ma nfaħħarkomx.
It-twaqqif ta' l-Ewkaristija
[1Kor:11:23] Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, 
jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż 
[1Kor:11:24] u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: "Dan hu ġismi li jingħata 
għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:25] Hekk ukoll għamel bil-kalċi 
wara li kiel u qal: "Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b'demmi; agħmlu dan kull 
meta tixorbu, b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:26] Mela kull meta tieklu dan il-ħobż 
u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Tqarbin ħażin
[1Kor:11:27] Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma 
jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. [1Kor:11:28] Ħa jgħarbel 
il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. [1Kor:11:29] 
Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun 
jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess. [1Kor:11:30] Għalhekk ħafna fostkom 
huma bla saħħa u morda u oħrajn mejta. [1Kor:11:31] Jekk aħna ngħarblu lilna 
nfusna sewwa, ma nkunux ikkundannati. [1Kor:11:32] Meta jagħmel ħaqq minna l-Mulej, 
jagħmlu biex iwiddibna ħalli ma nkunux ikkundannati mad-dinja. [1Kor:11:33] 
Għalhekk mela, ħuti, meta tiltaqgħu biex tieklu, stennew lil xulxin. 
[1Kor:11:34] Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ ħa jiekol id-dar; biex ma tkunux iltqajtu 
għall-kundanna tagħkom. Mill-bqija, meta niġi ngħidilkom x'għandkom tagħmlu.
12. Id-doni spiritwali
[1Kor:12:1] Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, dwar id-doni ta' l-Ispirtu. 
[1Kor:12:2] Tafu li, meta kontu pagani, intom kontu mkaxkrin lejn l-idoli li ma 
jitkellmux, bla ma biss kontu tafu. [1Kor:12:3] Għalhekk ngħidilkom li ħadd, hu 
u jitkellem bl-Ispirtu ta' Alla, ma jista' jgħid: "Misħut Ġesù,” u ħadd ma jista' 
jgħid: "Ġesù hu l-Mulej" jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu.
[1Kor:12:4] Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; 
[1Kor:12:5] hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; [1Kor:12:6] 
hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f'kulħadd. 
[1Kor:12:7] Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni ta' l-Ispirtu għall-ġid ta' 
kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; [1Kor:12:8] lil ieħor 
il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; [1Kor:12:9] lil ieħor il-fidi mill-istess 
Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; [1Kor:12:10] lil ieħor 
is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don ta' l-għażla 
ta' l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir ta' l-ilsna. 
[1Kor:12:11] Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed 
kif jogħġbu.
Membri ta' ġisem wieħed
[1Kor:12:12] Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha 
tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. 
[1Kor:12:13] Għax aħna wkoll, lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu 
ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn 
Spirtu wieħed. 
[1Kor:12:14] Issa l-ġisem m'huwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. 
[1Kor:12:15] Kieku s-sieq kellha tgħid: "Ladarba m'iniex l-id, jien m'iniex 
biċċa mill-ġisem," b'daqshekk m'hijiex parti mill-ġisem? [1Kor:12:16] U kieku l-widna 
kellha tgħid: "Ladarba m'iniex l-għajn, jien m'iniex biċċa mill-ġisem,” ma jkunx 
ifisser b'daqshekk li hi m'hijiex biċċa mill-ġisem.
[1Kor:12:17] Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku 
kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm? [1Kor:12:18] Iżda Alla qiegħed 
il-membri fil-ġisem kull wieħed f'postu, kif għoġbu hu. [1Kor:12:19] Kieku 
kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? [1Kor:12:20] Imma ħafna, 
iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. [1Kor:12:21] L-għajn ma tistax tgħid 
lill-id: "Jiena ma għandix bżonnok,” anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: "Ma 
għandix bżonnkom.” [1Kor:12:22] Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li 
jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; [1Kor:12:23] u dawk li nqisu 
bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u 'l dawk li ma 
għandhomx ġmiel, nlibbsuhom b'aktar ġmiel; [1Kor:12:24] għax il-membri sbieħ ma 
għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b'mod li żejjen b'aktar ġieħ lil 
dawk li jeħtiġuh l-aktar. [1Kor:12:25] B'hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, 
imma l-membri kollha jaħsbu f'xulxin; [1Kor:12:26] jekk membru jbati, ibatu 
lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.
[1Kor:12:27] Intom il-ġisem ta' Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. 
[1Kor:12:28] Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, 
it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Mbagħad id-don tal-mirakli, 
mbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta' ilsna diversi. 
[1Kor:12:29] Jaqaw ilkoll appostli? Lkoll profeti? Lkoll għalliema? Lkoll 
bid-don tal-mirakli? [1Kor:12:30] Lkoll għandhom id-don tal-fejqan? Lkoll 
jitkellmu bl-ilsna? Lkoll ifissru? [1Kor:12:31] Intom ħabirku għal doni ogħla.
13. Il-glorja ta' l-imħabba
Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.
[1Kor:13:1] Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta' l- anġli bla ma kelli 
l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. 
[1Kor:13:2] U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il- 
misteri kollha u l-għerf kollu,
kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, 
imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.
[1Kor:13:3] U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità
u nagħti ġismi għall-ħruq 
bla ma jkolli mħabba, 
xejn ma jkun jiswieli ta' ġid. 
[1Kor:13:4] L-imħabba taf tistabar u tħenn; 
l-imħabba m'hijiex għajjura, ma tintefaħx 
biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; 
[1Kor:13:5] ma tagħmilx dak li m'hux xieraq; ma tfittixx 
dak li hu tagħha,
xejn ma tinkorla; ma żżommx f'qalbha għad-deni, 
[1Kor:13:6] ma tifraħx bl-inġustizzja, 
imma tifraħ bil-verità;
[1Kor:13:7] kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, 
kollox tissaporti.
[1Kor:13:8] L-imħabba ma tintemm qatt. 
Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. 
[1Kor:13:9] Għalissa nafu biċċa, 
u l-profezija tagħna hi nieqsa; 
[1Kor:13:10] imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ, 
jgħib dak li hu nieqes. 
[1Kor:13:11] Meta kont tarbija, kont nitkellem ta' tarbija, 
nħoss ta' tarbija, naħseb ta' tarbija. 
Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta' tarbija.
[1Kor:13:12] Bħalissa naraw bħallikieku f'mera, mċajpar,
imma mbagħad naraw wiċċ imbwiċċ. 
Issa nagħraf biċċa, 
mbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.
[1Kor:13:13] Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom 
l-imħabba.
14. Id-doni ta' l-ilsna u l-profezija
[1Kor:14:1] Fittxu l-imħabba; ixxennqu wkoll għad-doni ta' l-Ispirtu, l-aktar 
għad-don tal-profezija. [1Kor:14:2] Għax min jitkellem bl-ilsna ma jkunx 
jitkellem mal-bnedmin, iżda ma' Alla; lil dan ħadd ma jifhmu, għaliex ikun 
qiegħed jitkellem bl-Ispirtu fuq misteri. [1Kor:14:3] Imma dak li jipprofetizza 
jkun jitkellem mal-bnedmin, biex jibni u jħeġġeġ u jqawwi l-qalb. [1Kor:14:4] 
Min jitkellem bl-ilsna, lilu nnifsu jkun jibni; iżda min jipprofetizza jkun qed 
jibni l-Knisja. [1Kor:14:5] Lkoll kemm intom nixtieqkom titkellmu bl-ilsna, iżda 
aktar irridkom tipprofetizzaw; għax min jipprofetizza jiswa aktar minn min 
jitkellem bl-ilsna, jekk xi ħadd ma jfissirx x'ikun qiegħed jgħid, ħalli tinbena 
l-Knisja.
[1Kor:14:6] Issa, ħuti, kieku jiena kelli niġi fostkom nitkellem bl-ilsna, 
x'ikun jiswielkom jekk il-kliem li ngħidilkom ma jkunx fih xi rivelazzjoni jew 
għerf, jew profezija, jew tagħlim? [1Kor:14:7] L-istess bħal fl-istrumenti tad-daqq 
bla ħajja, flawt jew ċetra; kieku dawn ma jagħtux ilħna li jingħażlu minn xulxin, 
kif jista' wieħed jagħraf x'inhu jindaqq bil-flawt jew x'inhu jindaqq biċ-ċetra? 
[1Kor:14:8] U jekk it-trumbetta tagħti leħen li ma tagħrafx x'inhu, min iħejji 
ruħu għat-taqbida? [1Kor:14:9] Hekk ukoll intom: jekk bi lsienkom ma tlissnux 
kliem li jinftiehem, kif jista' wieħed jifhem xi tkunu tgħidu? Tkunu qegħdin 
titkellmu fl-ajru. [1Kor:14:10] Hemm bosta ilħna fid-dinja, u ebda wieħed 
minnhom ma hu bla sens. [1Kor:14:11] Imma jekk jiena ma nagħrafx is-sens 
tal-leħen, nkun barrani għal min jitkellem, u min jitkellem ikun barrani għalija. 
[1Kor:14:12] Hekk ukoll intom, ladarba intom imxennqin għad-doni spiritwali, 
fittxu li timtlew sewwa bihom, imma dejjem għall-bini tal-Knisja. 
[1Kor:14:13] Għalhekk, min jitkellem bl-ilsna għandu jitlob id-don tat-tifsir. 
[1Kor:14:14] Għax jekk jiena nitlob bl-ilsna, l-ispirtu tiegħi jkun jitlob, imma 
moħħi jibqa' bla frott. [1Kor:14:15] X'nagħmel mela? Nitlob bl-ispirtu; imma 
nitlob b'moħħi wkoll. Nkanta s-salmi bl-ispirtu; imma nkanta b'moħħi wkoll. 
[1Kor:14:16] Jekk inti tfaħħar bl-ispirtu, kif jista' wieħed li ma għandux din 
il-grazzja jgħid "Amen" għal radd il-ħajr tiegħek meta ma jafx x'inti tgħid? 
[1Kor:14:17] Inti tkun trodd il-ħajr sewwa, imma l-ieħor ma jedifikax ruħu. 
[1Kor:14:18] Niżżi ħajr lil Alla li jien nitkellem bl-ilsna aktar minnkom ilkoll; 
[1Kor:14:19] imma fil-ġemgħa tal-Knisja aktar irrid ħames kelmiet b'moħħi li 
jinftiehmu biex ngħallem lill-oħrajn, milli għaxart elef bl-ilsna.
[1Kor:14:20] Ħuti , tkunux bħat-tfal fi ħsiebkom; kunu tfal fil-ħażen, imma 
nkunu rġiel magħmula fi ħsibijietkom. [1Kor:14:21] Fil-Liġi hemm miktub: 
“Permezz ta’ nies b’ilsien barrani,
u b’xufftejn stranġieri
nkellem lil dan il-poplu ;
u b’dan kollu lanqas ma jisimgħuni,”
jgħid il-Mulej. [1Kor:14:22] Mela d-don ta' l-ilsna hu sinjal mhux għal min 
jemmen, iżda għal min ma jemminx; id-don tal-profezija mhux għal min ma jemminx, 
iżda għal min jemmen. [1Kor:14:23] Jekk, ngħidu aħna, il-Knisja kollha tiltaqa' 
f'post wieħed u kulħadd jitkellem bl-ilsna, u jidħlu xi katekumeni sempliċi jew 
nies li ma jemmnux, ma jgħidux li intom barra minn sensikom? [1Kor:14:24] Imma 
jekk ilkoll tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi katekumenu 
sempliċi, dan iħoss ruħu mwiddeb minn kulħadd, u ġġudikat minn kulħadd, 
[1Kor:14:25] jinkixfulu l-fehmiet moħbija ta' qalbu u b'hekk jixteħet wiċċu 
fl-art u jadura lil Alla u jistqarr: "Tassew li Alla f'nofskom!"
Kollox bl-ordni
[1Kor:14:26] Xi ngħidu, mela, ħuti? Meta intom tiltaqgħu, wieħed jista' jkollu 
xi salm, ieħor xi tagħlima, ieħor xi rivelazzjoni, ieħor xi kelma b'ilsien 
barrani, ieħor xi tifsira; kollox iservi għall-edifikazzjoni. [1Kor:14:27] Tridu 
titkellmu bl-ilsna? Ħalli jitkellmu tnejn jew l-aktar tlieta, imma wieħed wara 
l-ieħor u xi ħaddieħor ifisser xi jkun jingħad. [1Kor:14:28] Jekk ma jkunx hemm 
min ifisser, fil-ġemgħa ma għandu jitkellem ħadd; ħalli jitkellem għalih innifsu, 
bejnu u bejn Alla. [1Kor:14:29] Il-profeti jitkellmu, tnejn jew tlieta, u l-oħrajn 
iqisu dak li jingħad. [1Kor:14:30] Jekk xi ħadd bilqiegħda jkollu xi 
rivelazzjoni, l-ewwel wieħed għandu jiskot. [1Kor:14:31] Intom lkoll tistgħu 
tipprofetizzaw, imma wieħed wara l-ieħor, sabiex ilkoll titgħallmu u tagħmlu l-qalb. 
[1Kor:14:32] L-ispirti tal-profeti għandhom ikunu taħt il-ħakma tal-profeti, 
[1Kor:14:33] għax Alla m'hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem. 
[1Kor:14:34] Bħalma jsir fil-Knisja kollha tal-qaddisin, in-nisa għandhom iżommu 
s-skiet fil-laqgħa; ma għandhomx permess jitkellmu imma joqogħdu suġġetti, 
bħalma tgħid ukoll il-Liġi. [1Kor:14:35] Jekk ikunu jridu jitgħallmu xi ħaġa, 
jistaqsu lil żwieġhom id-dar; ma jixraqx li mara titkellem fil-ġemgħa tal-Knisja.
[1Kor:14:36] Jaqaw mingħandkom ħarġet il-kelma ta' Alla? Jew għandkom biss 
waslet?
[1Kor:14:37] Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew bniedem b'xi don spiritwali, 
kunu afu li dan li ktibtilkom hu preċett tal-Mulej. [1Kor:14:38] Jekk ma jagħtix 
kas ta' dan, tagħtux kasu intom. [1Kor:14:39] Mela, ħuti, fittxu li 
tipprofetizzaw, iżda żżommux lil min jitkellem bl-ilsna. 
[1Kor:14:40] Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.
15. Il-qawmien ta' Ġesù Kristu
[1Kor:15:1] Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom 
ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. [1Kor:15:2] Bih intom salvi bil-kelma li 
jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għal xejn. 
[1Kor:15:3] Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li 
Kristu miet minħabba dnubietna, skond l-Iskrittura; [1Kor:15:4] difnuh u qam 
mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. [1Kor:15:5] U deher lil Kefa, u 
mbagħad lit-Tnax. [1Kor:15:6] Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa 
flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. 
[1Kor:15:7] Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. [1Kor:15:8] Fl-aħħar 
deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, [1Kor:15:9] 
għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, 
għaliex kont naħqar il-Knisja ta' Alla. [1Kor:15:10] Imma bil-grazzja ta' Alla 
jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna 
iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta' Alla li hi miegħi. 
[1Kor:15:11] Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Il-qawmien tal-mejtin
[1Kor:15:12] Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud 
minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? [1Kor:15:13] Jekk ma hemmx qawmien 
tal-mejtin, anqas Kristu ma qam mill-imwiet. [1Kor:15:14] Imma jekk Kristu ma 
qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi 
tagħkom. [1Kor:15:15] U aħna noħorġu wkoll ta' xhieda foloz ta' Alla, għaliex 
inkunu tajna xhieda kontra Alla li huwa qajjem lil Kristu mill-imwiet, filwaqt 
li ma jkun qajjmu xejn, jekk hu tassew li l-mejtin ma jqumux. [1Kor:15:16] Għax 
jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. [1Kor:15:17] U jekk 
Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. 
[1Kor:15:18] U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. [1Kor:15:19] Jekk 
għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost 
kemm huma l-bnedmin. 
[1Kor:15:20] Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost 
dawk li raqdu. [1Kor:15:21] Għaliex, jekk permezz ta' bniedem feġġet il-mewt, bi 
bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. [1Kor:15:22] Għax bħalma l-bnedmin 
kollha jmutu f'Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. [1Kor:15:23] Imma 
kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma 
ta' Kristu, f'jum il-miġja tiegħu. [1Kor:15:24] Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu 
jerħi s-saltna f'idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull 
setgħa u kull qawwa. [1Kor:15:25] Għax jeħtieġ li hu jsaltan "sa ma jqiegħed l-għedewwa 
kollha taħt riġlejh.” [1Kor:15:26] L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt; 
[1Kor:15:27] għaliex Alla "qiegħed kollox taħt riġlejh.” Imma meta jgħid: "Tqiegħed 
kollox taħtu,” jidher ċar li kollox minn barra Dak li qiegħed kollox taħtu. 
[1Kor:15:28] U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, mbagħad l-Iben stess jitqiegħed 
taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f'kollox.
[1Kor:15:29] Inkella x'jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin, jekk 
il-mejtin ma jqumu bl-ebda mod? Għaliex jitgħammdu għalihom? [1Kor:15:30] U 
għaliex aħna ninsabu l-ħin kollu fil-periklu? [1Kor:15:31] Kuljum f'xifer 
il-mewt, daqs kemm hu tassew, ħuti, li intom il-ftaħir tiegħi fi Kristu Ġesù 
Sidna. [1Kor:15:32] X'jiswieli li jien tqabadt mal-bhejjem f'Efesu kieku 
għamiltu għal għajn in-nies? Jekk il-mejtin ma jqumux: 
“Nieklu u nixorbu,
għax għada mmutu!”
[1Kor:15:33] La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba. 
[1Kor:15:34] Erġgħu għal sensikom kif għandu jkun u tidinbux; u, b'għajb 
għalikom ngħidu, xi wħud minnkom ma jafux b'Alla.
Il-ġisem glorjuż
[1Kor:15:35] Għandu mnejn xi ħadd jgħid: "Kif iqumu l-mejtin? B'liema ġisem jiġu?" 
[1Kor:15:36] Iblah! Dak li inti tiżra' ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. 
[1Kor:15:37] U meta tiżra', ma tiżrax dak il-ġisem li għad ikun. Daqsxejn ta' 
żerriegħa, tista' tkun tal-qamħ jew xi żerriegħa oħra; [1Kor:15:38] Alla mbagħad 
jagħtiha ġisem kif jogħġbu hu, lil kull żerriegħa l-ġisem li hu tagħha. 
[1Kor:15:39] Mhux kull laħam hu l-istess laħam, iżda laħam il-bniedem hu xi ħaġa, 
u laħam il-bhejjem hu oħra; hemm laħam it-tjur, u hemm dak tal-ħut. [1Kor:15:40] 
Hemm iġsma tas-sema u hemm iġsma ta' l-art; iżda d-dija ta' l-iġsma tas-sema hi 
ħaġa, u dik ta' l-iġsma ta' l-art hi oħra. [1Kor:15:41] Hemm id-dija tax-xemx, u 
hemm id-dija tal-qamar, u hemm ukoll id-dija tal-kwiekeb; u kewkba tiddi aktar 
minn kewkba oħra. 
[1Kor:15:42] Hekk ukoll hu l-qawmien mill-imwiet; jinżera' ġisem li jitħassar, 
iqum ġisem li ma jitħassarx; [1Kor:15:43] jinżera' fl-għajb, iqum fil-ġieħ; 
jinżera' fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; [1Kor:15:44] jinżera' ġisem naturali, 
iqum ġisem spiritwali; jekk hemm ġisem naturali hemm ukoll ġisem spiritwali. 
[1Kor:15:45] L-Iskrittura tgħid: "L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja?" l-aħħar 
wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja. [1Kor:15:46] Mhux l-ispiritwali ġie l-ewwel, 
imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali. [1Kor:15:47] L-ewwel bniedem, 
mit-trab, hu ta' l-art; it-tieni bniedem, mis-sema. [1Kor:15:48] Bħalma hu l-bniedem 
ta' l-art, hekk ukoll huma l-bnedmin ta' l-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, 
hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema. [1Kor:15:49] Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha 
tal-bniedem ta' l-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema. 
[1Kor:15:50] Dan ngħidilkom, ħuti; id-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-saltna 
ta' Alla; lanqas it-taħsir in-nuqqas tat-taħsir. 
[1Kor:15:51] Sa nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-raqda tal-mewt, 
iżda lkoll nitbiddlu, [1Kor:15:52] f'waqt wieħed, f'teptipa ta' għajn, ma' l-aħħar 
tromba. Għax iddoqq it-tromba u l-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna 
nitbiddlu. [1Kor:15:53] Għax jeħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas 
ta' taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità. [1Kor:15:54] Meta 
dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta' taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, 
mbagħad iseħħ dak li hemm miktub,
“Nbelgħet il-mewt fir-rebħa.
[1Kor:15:55] Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?
Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”
[1Kor:15:56] In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi. 
[1Kor:15:57] Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta' Sidna Ġesù Kristu. 
[1Kor:15:58] Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem 
fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m'hijiex għalxejn.
16. Il-ġabra għall-fqar
[1Kor:16:1] Dwar il-ġabra għall-qaddisin, agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt 
lill-knejjes tal-Galazja. [1Kor:16:2] Kull wieħed minnkom, kull l-ewwel 
tal-ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jista' biex ma jkunx hemm ġbir 
meta niġi. [1Kor:16:3] Meta niġi, mbagħad, jien nibgħat nies li tkunu għażiltu, 
b'ittri ta' rakkomandazzjoni, biex jieħdu Ġerusalemm l-offerti tal-ħniena 
tagħkom. [1Kor:16:4] Jekk nara li jkun jaqbel, immur jien ukoll u neħodhom 
miegħi.
Il-programm ta' l-appostlu
[1Kor:16:5] Jien ngħaddi għandkom meta nkun għaddejt mill-Maċedonja, għax jien 
għandi f'moħħi li ngħaddi mill-Maċedonja. [1Kor:16:6] Għandi mnejn ukoll noqgħod 
magħkom għal xi żmien; jekk ma jkollix ngħaddi x-xitwa kollha magħkom; mbagħad 
intom tqabbduni t-triq għal fejn inkun sejjer. [1Kor:16:7] Ma rridx narakom 
bis-serqa jien u għaddej; nittama li noqgħod magħkom għal xi żmien, jekk 
il-Mulej iħallini. [1Kor:16:8] Nieqaf Efesu sa Għid il-Ħamsin. [1Kor:16:9] Hemm 
bieb kbir miftuħ għalija, fejn nista' naħdem sewwa, għad li hemm ħafna kontra 
tiegħi. 
[1Kor:16:10] Jekk Timotju jasal sa għandkom, qisu li ma jkollux għalfejn jibża' 
f'nofskom. Hu qiegħed jagħmel ix-xogħol tal-Mulej bħali; [1Kor:16:11] għalhekk 
ħadd ma għandu jonqsu. Mbagħad ibagħtuh bis-sliem, ħalli jiġi għandi, għax 
qiegħed nistenna lilu u l-aħwa miegħu.
[1Kor:16:12] Dwar ħuna Apollo, bosta drabi ħeġġiġtu biex jiġi sa għandkom 
flimkien ma' l-aħwa. Iżda qatt ma ried jiġi għalissa; imma jiġi meta jkun 
il-waqt li jiġi.
L-aħħar tislijiet
[1Kor:16:13] Ishru, żommu sħiħ fil-fidi, kunu qalbiena, saħħu ruħkom ilkoll. 
[1Kor:16:14] Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba. 
[1Kor:16:15] Jien inħeġġiġkom, ħuti. Intom tafu li l-familja ta' Stefanas huma 
l-ewwel frott fl-Akaja, u taw ruħhom għas-servizz tal-qaddisin. [1Kor:16:16] 
Nħeġġiġkom, għalhekk, biex toqogħdu għall-kelma ta' nies bħal dawn u kull min 
jitħabat u jaħdem magħhom. [1Kor:16:17] Nifraħ biż-żjara ta' Stefanas, Fortunatu 
u Akajku, għaliex b'hekk għamlu tajjeb għan-nuqqas tagħkom. [1Kor:16:18] Hekk 
serrħuli moħħi u moħħkom. Nies bħal dawn għożżuhom.
[1Kor:16:19] Isellmulkom il-knejjes ta' l-Asja. Isellmulkom ħafna fil-Mulej 
Akwila u Priska u l-knisja li tiltaqa' f'darhom. [1Kor:16:20] Isellmulkom l-aħwa 
kollha. Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa.
It-tislija ta' l-appostlu
[1Kor:16:21] Din hi t-tislija tiegħi b'idi stess, Pawlu . [1Kor:16:22] Ħa jkun 
misħut jekk xi ħadd ma jħobbx il-Mulej. Marana-ta!
[1Kor:16:23] Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom. [1Kor:16:24] L-imħabba 
tiegħi magħkom ilkoll fi Kristu Ġesù.