L-EWWEL ITTRA TA' SAN ĠWANN
1. Il-kelma tal-ħajja 
[1Ġw:1:1] Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b'għajnejna, li 
lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin 
inxandrulkom. [1Ġw:1:2] Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu 
għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta' dejjem li kienet għand il-Missier u 
dehret lilna. [1Ġw:1:3] Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex 
intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma' Ibnu Ġesù 
Kristu. [1Ġw:1:4] U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
Alla hu dawl
[1Ġw:1:5] Din hi l-aħbar li smajna mingħandu u li qegħdin inxandrulkom: li Alla 
hu dawl u ebda dlam ma hemm fih. [1Ġw:1:6] Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu 
imma nimxu fid-dlam, nkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. [1Ġw:1:7] 
Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u 
d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub. [1Ġw:1:8] Jekk ngħidu li 
m'għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. 
[1Ġw:1:9] Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna 
u jnaddafna minn kull ħażen. [1Ġw:1:10] Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu 
qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.
2. Kristu d-difensur tagħna
[1Ġw:2:1] Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd 
jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. 
[1Ġw:2:2] U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal 
dawk tad-dinja kollha. [1Ġw:2:3] U b'dan nafu li nagħrfu 'l Ġesù: jekk inżommu 
l-kmandamenti tiegħu. [1Ġw:2:4] Min jgħid "Jiena nafu" u ma jżommx 
il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità m'hijiex fih. [1Ġw:2:5] Iżda kull 
min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta' Alla fil-milja tagħha. 
B'dan nagħrfu li aħna fih. [1Ġw:2:6] Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ 
li hu jgħix kif għex hu stess.
Il-kmandament il-ġdid
[1Ġw:2:7] Għeżież, m'iniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim 
li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hi l-kelma li intom smajtu. 
[1Ġw:2:8] Madankollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom, għax seħħ tassew fi 
Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew ġa qiegħed jiddi. [1Ġw:2:9] 
Min jgħid li qiegħed fid-dawl, u jobgħod 'il ħuh, għadu fid-dlam sa issa. 
[1Ġw:2:10] Min iħobb 'il ħuh, jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. 
[1Ġw:2:11] Iżda min jobgħod 'il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx 
fejn hu sejjer, għax id-dlam għemielu għajnejh.
[1Ġw:2:12] Qiegħed nikteb lilkom, uliedi, għax intom dnubietkom maħfura 
bis-saħħa ta' ismu.
[1Ġw:2:13] Qiegħed nikteb lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu 'l dak li hu 
sa mill-bidu. 
Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom għelibtu l-Ħażin. Ktibt lilkom, tfal, 
għax intom għaraftu lill-Missier.
[1Ġw:2:14] Ktibt lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu lil dak li hu sa mill-bidu.
Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta' Alla qiegħda tgħammar 
fikom u intom għelibtu l-Ħażin.
[1Ġw:2:15] Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, 
l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. [1Ġw:2:16] Kull ma fiha d-dinja, 
jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda ta' l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan 
m'huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. [1Ġw:2:17] U d-dinja bil-ġibdiet 
tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Alla jibqa' għal dejjem.
L-Antikrist
[1Ġw:2:18] Uliedi, waslet l-aħħar siegħa. Smajtu li għandu jiġi l-antikrist. 
Issa, araw, ħafna antikristi ġa dehru minn issa. U minn dan nagħrfu li waslet l-aħħar 
siegħa. [1Ġw:2:19] Dawn ħarġu minn fostna imma ma kinux minn tagħna; li kieku 
kienu minn tagħna kienu jibqgħu magħna. Għalhekk kien jeħtieġ li jkun magħruf li 
mhux kulħadd kien magħna. [1Ġw:2:20] Intom, iżda, għandkom id-dilka mill-Qaddis 
u dan tafuh ilkoll. [1Ġw:2:21] Ma ktibtilkomx bħallikieku ma tafux il-verità, 
imma għax tafuha, u tafu wkoll li ebda qerq ma jitnissel mill-verità. [1Ġw:2:22] 
Min hu l-giddieb jekk mhux min jiċħad li Ġesù hu l-Messija? Dan hu l-antikrist, 
li jiċħad lill-Missier u lill-Iben. [1Ġw:2:23] Kull min jiċħad lill-Iben, anqas 
lill-Missier ma għandu; min jistqarr lill-Iben, għandu lill-Missier ukoll. 
[1Ġw:2:24] Intom, iżda, jalla jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu; għax 
jekk jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu, intom ukoll tgħammru fl-Iben u 
fil-Missier. [1Ġw:2:25] Din hi l-wegħda li hu nnifsu għamlilna: il-wegħda 
tal-ħajja ta' dejjem.
[1Ġw:2:26] Ktibtilkom dan dwar dawk li jridu jqarrqu bikom. [1Ġw:2:27] 
Madankollu fikom qiegħda tgħammar id-dilka li rċevejtu mingħandu, u għalhekk 
intom ma għandkomx bżonn min joqgħod jgħallimkom. Għax id-dilka tiegħu 
tgħallimkom hi dwar kollox, u t-tagħlim tagħha hu veru, u m'huwiex xi gidba. U 
ladarba hu hekk, mela ibqgħu dejjem fih kif għallmitkom hi.
Ulied Alla
[1Ġw:2:28] U issa, uliedi, ibqgħu fih, ħalli nkunu qalbna qawwija meta huwa 
jidher, u ma nġarrbux il-mistħija li nitwarrbu minnu meta jiġi. [1Ġw:2:29] Jekk 
tafu li huwa ġust, tafu wkoll li dawk kollha li l-għemil tagħhom huwa ġust huma 
mnisslin minnu.
3. [1Ġw:3:1] Araw b'liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejjħu wlied Alla, 
u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu. 
[1Ġw:3:2] Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x'se nkunu 'l quddiem m'huwiex 
irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax 
narawh kif inhu. [1Ġw:3:3] Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi 
huwa Kristu. 
[1Ġw:3:4] Kull min jagħmel id-dnub jikser ukoll il-liġi; għax id-dnub huwa l-ksur 
tal-liġi. [1Ġw:3:5] U intom tafu li Ġesù deher biex ineħħi d-dnubiet, hu, li ma 
hemm ebda dnub fih. [1Ġw:3:6] Kull min jgħammar fih ma jidnibx; iżda kull min 
jidneb, lil Ġesù la rah u lanqas għarfu. [1Ġw:3:7] Uliedi, tħallux min iqarraq 
bikom. Min jagħmel il-ġustizzja, hu ġust fih innifsu, bħalma Kristu huwa ġust. 
[1Ġw:3:8] Iżda min jagħmel id-dnub ġej mix-Xitan, għax ix-Xitan dineb sa mill-bidu. 
Kien għalhekk li deher l-Iben ta' Alla, biex iħott kull ma għamel ix-Xitan. 
[1Ġw:3:9] Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta' 
Alla tibqa' fih; ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla. [1Ġw:3:10] B'dan 
jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx 
il-ġustizzja m'huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh.
3. Ħobbu lil xulxin
[1Ġw:3:11] Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. 
[1Ġw:3:12] Mhux bħal Kajin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh. U għaliex qatlu? 
Għax għemilu kien ħażin u dak ta' ħuh kien tajjeb.
[1Ġw:3:13] Ħuti, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom. [1Ġw:3:14] Nafu li 
għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx 
jinsab fil-mewt. [1Ġw:3:15] Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li 
ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta' dejjem. [1Ġw:3:16] B'dan naslu biex 
nagħrfu x'inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela 
għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. [1Ġw:3:17] Mela jekk wieħed għandu biex 
jgħix fid-dinja u jara 'l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista' l-imħabba 
ta' Alla tgħammar fih? [1Ġw:3:18] Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma 
bl-għemil u bis-sewwa.
Il-fiduċja f'Alla
[1Ġw:3:19] Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu 
l-kuxjenza tagħna, [1Ġw:3:20] jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa 
mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox. [1Ġw:3:21] Għeżież, jekk il-kuxjenza 
tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, [1Ġw:3:22] u kull ma 
nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu 
dak li jogħġob lilu. [1Ġw:3:23] Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta' 
Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu 'l xulxin, kif wissiena hu. [1Ġw:3:24] Min iżomm 
il-kmandamenti tiegħu jgħammar f'Alla u Alla fih. B'hekk nagħrfu li hu jgħammar 
fina: bl-Ispirtu li hu tana.
4. L-Ispirtu ta' Alla u l-ispirtu ta' l-antikrist
[1Ġw:4:1] Għeżież, mhux lil kull xorta ta' spirti għandkom temmnu. L-ispirti 
stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti 
foloz li ħarġu fid-dinja. [1Ġw:4:2] L-ispirtu ta' Alla tagħrfuh b'dan: kull 
spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla. [1Ġw:4:3] U kull 
spirtu, li ma jistqarrx lil Ġesù, m'huwiex minn Alla ; dan hu l-ispirtu ta' l-antikrist, 
li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-dinja. 
[1Ġw:4:4] Intom ġejjin minn Alla, uliedi, u ġa għelibtuhom, għax dak li hemm 
jgħammar fikom hu akbar minn dak li hemm fid-dinja. [1Ġw:4:5] Dawk huma mid-dinja; 
għalhekk jitkellmu skond id-dinja, u d-dinja lilhom tagħti widen. [1Ġw:4:6] Aħna, 
iżda, ġejjin minn Alla; mela min jagħraf 'l Alla jisma' lilna, u min m'huwiex 
minn Alla ma jagħtiniex widen. Minn dan nagħrfu liema hu l-ispirtu tal-verità u 
liema hu l-ispirtu tal-gideb.
Alla huwa mħabba
[1Ġw:4:7] Għeżież, ejjew inħobbu 'l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u 
kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. [1Ġw:4:8] Dak li ma 
jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. [1Ġw:4:9] B'dan dehret l-imħabba 
ta' Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. 
[1Ġw:4:10] U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna 'l Alla, imma għax 
ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta' tpattija għal dnubietna. [1Ġw:4:11] 
Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. 
[1Ġw:4:12] Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu 'l xulxin hu jgħammar 
fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
[1Ġw:4:13] B'hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu 
tiegħu. [1Ġw:4:14] Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur 
tad-dinja. [1Ġw:4:15] Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta' Alla, Alla 
jgħammar fih u hu f'Alla. [1Ġw:4:16] U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu 
għalina u emminnieha.
Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih. [1Ġw:4:17] 
U l-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal Jum il-ħaqq, għax 
saħansitra f'din id-dinja aħna sirna bħalu. [1Ġw:4:18] Fl-imħabba ma hemmx biża'; 
l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża' 'l barra, għax il-biża' għandu x'jaqsam mal-kastig. 
Min jibża' għadu ma sabx il-milja ta' l-imħabba. [1Ġw:4:19] Aħna nħobbu, għax hu 
ħabbna l-ewwel. [1Ġw:4:20] Jekk xi ħadd jgħid: "Jiena nħobb 'l Alla", u jobgħod 
lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista' jħobb 
lil Alla li hu qatt ma rah? [1Ġw:4:21] Dan hu l-kmandament li tana hu: li min 
iħobb 'l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.
5. Ir-rebħa tal-fidi
[1Ġw:5:1] Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min 
iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. [1Ġw:5:2] Minn dan nafu li 
nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu 'l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. 
[1Ġw:5:3] Għax din hi l-imħabba ta' Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti 
tiegħu m'humiex tqal; [1Ġw:5:4] għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. 
Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. [1Ġw:5:5] Għax min hu dak li 
jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta' Alla?
Ix-xhieda dwar l-Iben
[1Ġw:5:6] Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, 
iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu verità. 
[1Ġw:5:7] Tlieta huma dawk li jixhdu: [1Ġw:5:8] l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u t-tlieta 
jaqblu fix-xhieda tagħhom. [1Ġw:5:9] Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda 
ta' Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. [1Ġw:5:10] U min 
jemmen lill-Iben ta' Alla għandu din ix-xhieda fih innifsu, iżda min ma jemminx 
lil Alla jkun igiddeb lil Alla, għax ma jkunx jilqa' x-xhieda li Alla jagħti 
dwar Ibnu. [1Ġw:5:11] U x-xhieda hija din: li Alla tana l-ħajja ta' dejjem, u 
din il-ħajja tinsab f'Ibnu. [1Ġw:5:12] Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min ma 
għandux l-Iben ta' Alla ma għandux il-ħajja.
L-għarfien tal-ħajja ta' dejjem
[1Ġw:5:13] Dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem ta' l-Iben ta' Alla biex tkunu 
tafu li intom għandkom il-ħajja ta' dejjem. [1Ġw:5:14] Din hi l-fiduċja sħiħa li 
għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. 
[1Ġw:5:15] U ladarba nafu li hu jismagħna f'dak li nitolbu, mela nafu wkoll li 
kull ma tlabnieh jinsab diġà għandna.
[1Ġw:5:16] Jekk wieħed jara lil ħuh jaqa' f'xi dnub li ma jwassalx għall-mewt, 
wieħed għandu jitlob u Alla jagħtih il-ħajja. Dan qiegħed ngħidu għal min 
jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt. Għax hemm dnubiet li jwasslu għall-mewt, 
imma jien m'hux għal dawn qiegħed ngħid li wieħed għandu jitlob. [1Ġw:5:17] Kull 
inġustizzja hija dnub, imma mhux kull dnub iwassal għall-mewt.
[1Ġw:5:18] Aħna nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Imnissel 
minn Alla jħarsu mid-dnub, u l-Ħażin ma jmissux b'idejh. [1Ġw:5:19] Nafu li aħna 
ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin. [1Ġw:5:20] 
Imma nafu wkoll li l-Iben ta' Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu 'l Alla l-veru. 
U aħna ninsabu f'Alla l-veru, f'Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja 
ta' dejjem.
[1Ġw:5:21] Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli.