ĠUŻEPPI HUWA L-GĦASSIES TAL-MISTERU

Riflessjoni mill-Kardinal Bergoglio, illum il-Papa Frangisku, dwar San Ġużepp.

 

San Ġużepp huwa ħaddiem, mastrudaxxa. Setgħa jgħix ħajja ferħana u trankwilla. Kellu l-ħsieb li jiżżewweġ tfajla sabiħa tal-Galileja, jkollu t-tfal u jgħallimhom is-sengħa tiegħu.  Imma ma ġarax hekk. 

 

Marija, l-għarusa tiegħu, kienet qed tistenna iben, li ma kienx tiegħu.  X’jagħmel? Kif setgħa jsalva lill-Marija, li hu kien iħobbha.  Skont id-drawwa ta’ żmienu, u skont il-liġi huwa suppost kellu jibgħatha.  Kif setgħa jħarisha?

 

Meta kien qed jaħseb dwar dawn il-ħwejjeġ, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm, u qallu biex ma jibżgħax jieħu f’daru lil Marija, għaliex l-iben li kienet qed iġġor f’ġufha kien imnissel mill-Ispirtu s-Santu.  X’ħin qam, Ġużeppi għamel dak li Alla kien ġie ordnalu. Alla kien jaf x’hemm fil-qalb ta’ Ġużeppi u lilu, irrivelalu l-misteru. 

 

Ġużeppi huwa l-għassies tal-misteru.  Alla, kemm kellu fiduċja fih biex uriehulu! Dan kien il-misteru li l-poplu ta’ Iżrael stenna t-twettiq tiegħu għal sekli, għal ġenerazzjonijiet.  U Alla, fdalu f’idu dak li kien meħtieġ għat-twettiq ta’ dan il-misteru fl-istorja tal-poplu ta’ Alla. 

 

Kien hekk li Ġużeppi sar il-bniedem  magħżul minn Alla,  il-bniedem li kien fdat b’mod partikulari. U Ġużeppi ħa fuqu dan ir-rwol privilleġat bis-sempliċità u l-miltà li fiha tidher il-profondità tal-ispiritwalità tal-bniedem.