
Ara t-test bit-Taljan




Ħajr għar-ritratti
lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma.
|
Il-LAJĊI FIL-KNISJA
Mill-kollaborazzjoni
għall-korresponsabbiltà
Wara l-Konċilju Vatikan II,
il-Knisja ma tistax tikkuntenta ruħha biss
bil-kollaborazzjoni tal-lajċi, iżda trid tippromwovi
korresponsabbiltà li tkun effettiva. Hekk fakkar
Benedittu XVI, nhar it-Tlieta 26 ta’ Mejju, wara
nofs in-nhar, meta fil-Bażilika ta’ San Ġwann
Lateran ta bidu għall-konvenju ekkleżjali
fid-djoċesi ta’ Ruma.
Eċċellenza Kardinal,
venerati Ħuti fl-episkopat
u fis-Saċerdozju,
għeżież reliġjużi rġiel u nisa,
ħuti għeżież!
Kuntent li skont din id-drawwa
sabiħa anki din is-sena qed nagħti bidu għal din
il-laqgħa pastorali djoċesana. Minn qalbi nsellem
lilkom ilkoll li qed tirrappreżentaw il-komunità
djoċesana kollha kemm hi u nirringrazzjakom
għax-xogħol pastorali li tagħmlu. Nieħu din
l-okkażjoni biex minn qalbi nsellem lill-parroċċi
kollha bil-kliem ta’ l-Appostlu Pawlu:
“Lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu f’Ruma,
imsejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem
mingħand Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu”
(Rm 1:7). Nirringrazzja minn qalbi lill-Kardinal
Vigarju tal-kliem inkoraġġanti li qal fil-waqt li
esprima s-sentimenti tagħkom u tal-għajnuna li
f’għaqda mal-Isqfijiet Awżiljari qed jagħtini
fil-ħidma appostolika li Mulej sejjaħli għaliha
bħala Isqof ta’ Ruma.
Għadna kemm smajna li, matul dawn
l-aħħar għaxar snin, fl-ewwel tlieta, id-Djoċesi
kkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq il-familja.
Imbagħad fit-tliet snin ta’ wara intom fittixtu li
twieġbu għal dik “l-emerġenza edukattiva” li qed
toffri sfida iebsa billi kkonċentratu fuq
l-edukazzjoni għall-fidi tal-ġenerazzjonijiet
il-ġodda. Fl-aħħar snin, dejjem bil-ħarsa tagħkom
konċentrata fuq l-edukazzjoni u mqanqlin mill-Ittra
Enċiklika “Spe Salvi”, bdejtu taħdmu fuq
it-tema: nedukaw għat-tama. Fil-waqt li flimkien
magħkom inrodd ħajr lill-Mulej għal tant ġid li
għoġbu jafda f’idejna – b’mod partikulari
lill-kappillani u lis-saċerdoti li jagħmlu ħilithom
kollha biex imexxu l-komunitajiet fdati f’idejhom –
nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għażla
pastorali li għamiltu. Iddedikajtu ħin biex tkun
ivverifikata l-mixja li wieħed qed jagħmel, ħalli
fid-dawl ta’ l-esperjenza mgħejxa, jitqanqlu xi
punti fundamentali tal-pastorali ordinarja, biex
ikunu aktar ċari u anki biex jinqasmu ma’oħrajn.
Bħala bażi ta’ dan l-impenn, li issa ġa ilkom xi
xhur twettquh fil-parroċċi kollha u fir-realtajiet
ekkleżjali l-oħra, jeħtieġ li niġġeddu fl-għarfien
tagħna bħala Knisja u fil-korresponsabbiltà
pastorali li lkoll msejħin biex inwettqu f’isem
Kristu. U issa nixtieq li ngħid xi ħaġa aktar fuq
dan l-aspett.
Il-Konċilju Vatikan II ried li
jwassal b’mod sħiħ u bla mittiefes id-duttrina dwar
il-Knisja li mmaturat matul l-elfejn sena ta’
l-eżistenza tagħha u ddefinixxa lill-Knisja b’mod
“aktar meditat” fil-waqt li, qabel kollox, wera
n-natura mistika tagħha, jiġifieri dik “ ta’ realtà
mimlija bi preżenza divina, u għalhekk dejjem
kapaci li tiskopri affarijiet ġodda u aktar
profondi” (Pawlu VI, Diskors tal-ftuħ tat-tieni
sessjoni, 29 ta’ Settembru 1963). Il-Knisja li
għandha l-bidu tagħha f’Alla wieħed fi Tliet
Persuni hi misteru ta’ komunjoni. Bħala komunjoni,
il-Knisja mhijiex realtà spiritwali biss, imma hi
realtà li tgħix fl-istorja; hi, biex ngħid hekk,
tad-demm u l-laħam. Il-Konċilju Vatikan II
jiddeskriviha “bħala sagrament, jew sinjal u
strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda
tal-ġens tal-bnedmin” (Lumen Gentium n.1)
U l-essenza tas-sagrament hija
proprju din: is-sagrament iwassalna biex naraw dak
li ma jidhirx f’dak li jidher; dak li jidher u li
nistgħu nmissuh jiftaħ il-bieb għal Alla
nnifsu. Għidna li l-Knisja hi komunjoni,
komunjoni ta’ persuni li bil-ħidma ta’ l-Ispirtu
Santu jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla, li hu fl-istess
ħin il-Ġisem ta’ Kristu. Ejjew nirriflettu ftit
fuq dawn iż-żewġ key-words. Il-kunċett
“Poplu ta’ Alla” twieled u żviluppa fit-Testment
il-Qadim: biex jidħol fil-realtà tal-istorja umana,
Alla għażel poplu; Hu għażel il-poplu ta’ Iżrael
biex dan ikun il-poplu tiegħu. Ried jagħmel din
l-għażla partikulari biex permezz ta’ ftit jasal
għal ħafna, u mill-ħafna jasal għal kulħadd. Fi
kliem ieħor, din l-għażla partikulari kellha
twassal għall-universalità. Permezz ta’ dan il-Poplu
Alla daħal tassew b’mod konkret fl-istorja. U dan
il-ftuħ għall-universalità seħħ fis-salib u
l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Kif jgħid San Pawl,
bis-salib tiegħu Kristu waqqa’ l-ħajt tal-firda.
Bl-għotja ta’ Ġismu, Hu jgħaqqadna f’dan il-Ġisem
tiegħu, biex jagħmel minna ħaġa waħda.
Fil-komunjoni tal-“Ġisem ta’ Kristu” lkoll insiru
poplu wieħed, il-Poplu ta’ Alla, fejn – nerġa’
nsemmi dak li jgħid San Pawl – ilkoll inkunu ħaġa
waħda u fejn m’hemmx aktar distinzjoni jew
differenza, bejn Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew
mhux, Barbru jew Skita, ilsier jew ħieles, imma
fejn Kristu huwa kollox f’kulħadd. Kristu waqqa’
l-ħajt tad-distinzjoni bejn popli, razez u kulturi:
ilkoll aħna ħaġa waħda fi Kristu. U hekk naraw li
ż-żewġ kunċetti – “Poplu ta’ Alla” u “Ġisem ta’
Kristu” – imorru flimkien u jiffurmaw il-kunċett
tal-Knisja skont it-Testment il-Ġdid. U waqt li
f’“Poplu t’Alla” naraw il-kontinwità tal-istorja
tal-Knisja, f’“Ġisem ta’ Kristu” naraw
l-universalità tal-Knisja li bdiet bis-salib u
l-qawmien mill-mewt tal-Mulej. Mela, għalina
l-insara, “Ġisem ta’ Kristu” mhuwiex biss xbieha,
iżda kunċett tabilħaqq, għaliex Kristu jagħtina
r-rigal tal-veru Ġisem tiegħu, mhux biss ta’
xbieha. Kristu li qam mill-mewt jgħaqqadna lkoll
fis-Sagrament biex jagħmilna ġisem wieħed.
Għaldaqstant, “Poplu ta’ Alla” u “Ġisem ta’ Kristu”
jikkompletaw lil xulxin: fi Kristu nsiru tabilħaqq
il-Poplu ta’Alla. U għalhekk “Poplu ta’Alla”
jfisser “kulhadd”: mill-Papa sa l-iċken tarbija li
rċeviet il-magħmudija. F’dak li jissejjaħ
il-Kanoni Ruman, li nkiteb fir-raba’ seklu,
l-ewwel Talba Ewkaristika tiddistingwi bejn
qaddejja – “aħna, qaddejja tiegħek” – u “plebs
tua sancte” (l-poplu tiegħek qaddis);
mela jekk irridu niddistingwu, nitkellmu fuq
qaddejja u plebs sancta (poplu
qaddis), imma l-espressjoni “Poplu ta’ Alla” turi
lil kulħadd flimkien bħala Knisja.
Kif spiċċa l-Konċilju kien hemm
ħafna li laqgħu din id-duttrina ekkleżjoloġika, u
nirringrazzjaw lil Alla tal-frott tajjeb li
immatura fil-komunità nisranija. Imma tajjeb
niftakru li din id-duttrina, kemm fil-prassi u
allura anki fil-mod kif ġiet assimilata fin-nisġa
tal-ħajja ekkleżjali, mhux dejjem u kullimkien
kienet milqugħa bla diffikultà u b’interpretazzjoni
xierqa. Fid-diskors li għamilt lill-Kurja Rumana
fit-22 ta’ Diċembru 2005, kont iċċarajt li hemm
kurrent interpretattiv, li fil-waqt li jgħid li
jżomm “l-ispirtu tal-Konċilju”, dan irid
jistabbilixxi nuqqas ta’ kontinwità u saħansitra
jpoġġi l-Knisja ta’ qabel il-Konċilju f’pożizzjoni
kontra dik ta’ wara l-Konċilju, kultant anki billi
jaqbeż l-istess limiti li jeżistu oġġettivament bejn
il-ministeru ġerarkiku u r-responsabbiltjiet
tal-lajċi fil-Knisja.
Kien hemm xi wħud li interpretaw,
l-aktar l-idea ta’ “Poplu ta’ Alla”, b’viżjoni li
hi purament soċjoloġika, b’dimensjoni li hi kważi
orizzontali biss u ħallew barra dik vertikali,
lejn Alla. Dan imur kontra l-kelma u l-ispirtu
tal-Konċilju, li ma riedx iġib xi qasma, xi Knisja
oħra, imma ried tiġdid veru u profond fil-kontinwità
ta’ Knisja waħda li maż-żmien tikber u tiżviluppa,
filwaqt li tibqa’ dejjem l-istess, il-Poplu wieħed
ta’ Alla f’pellegrinaġġ.
It-tieni ħaġa li rridu naraw hi li
l-qawmien ta’ enerġiji spiritwali u pastorali li
seħħ f’dawn l-aħħar snin mhux dejjem ipproduċa
t-tisħiħ u l-iżvilupp mixtieq. Fil-fatt, jeħtieġ
ngħidu li għal xi komunitajiet ekkleżjali, wara
żmien ta’ ħeġġa u ta’ inizjattiva, wasal żmien ta’
nuqqas ta’ impenn, ta’ għeja; xi drabi kważi
waqfu għal kollox; kien hemm ukoll reżistenza u
kontraddizjoni bejn id-duttrina konċiljari u
d-diversi ideat li ġew formulati f’isem
il-Konċilju, imma li fil-fatt jmorru kontra
l-ispirtu u l-kelma tiegħu. Dan ukoll wassal biex
fl-1987 is-suġġett għall-Assemblea ordinarja
tas-Sinodu tal-Isqfijiet ikun il-vokazzjoni u
l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja u fid-dinja. U dan
il-fatt jurina li l-paġni mdawla li l-Konċilju
ddedika għall-lajkat kienu għadhom ma sabux posthom
biżżejjed fil-kuxjenza tal-kattoliċi u fil-prattika
pastorali.
Min-naħa l-waħda għada teżisti
t-tendenza li wieħed jidentifika l-Knisja
mal-ġerarkija biss u jinsa r-responsabbiltà u
l-missjoni komuni tal-Poplu ta’ Alla, li fih, fi
Kristu, hemm aħna lkoll. Min-naħa l-oħra, kif ġa
għidt, hemm ukoll it-tendenza li wieħed iħares lejn
il-Poplu ta’ Alla mil-lat purament soċjologiku jew
politiku, u jinsa n-novità u l-ispeċifiċità ta’
dan il-poplu, li jissawwar poplu biss fl-għaqda
tiegħu ma’ Kristu.
Għeziez ħuti, issa jeħtieġ li
nistaqsu: id-Djoċesi tagħna ta’ Ruma fejn waslet?
Kemm tagħraf u tiffavorixxi l-korresponsabbiltà
pastorali ta’ kulhadd, partikolarment tal-lajci?
Fis-sekli li għaddew il-komunità nisranija ħabbret
l-Evanġelju lin-nies ta’ Ruma bix-xhieda ġeneruża li
bosta mgħammdin taw matul ħajjithom fil-waqt li
edukaw lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-fidi,
ħadu ħsieb il-morda u taw l-għajnuna lill-foqra.
Din l-istess missjoni hi fdata f’idejna llum,
f’sitwazzjonijiet differenti, f’belt fejn numru
mhux żgħir ta’ mgħammdin tilfu t-triq tal-Knisja u
fejn dawk li mhumiex insara ma jafux dwar is-sbuħija
tal-fidi tagħna. Is-Sinodu Djoċesan, li sejjaħ
il-predeċessur maħbub tiegħi, Ġwann Pawlu II, kien
fil-fatt “receptio” tad-duttrina konċiljari.
U l-Ktieb tas-Sinodu ta impenn lid-Djoċesi
biex tkun dejjem iżjed Knisja ħajja li taħdem
fil-qalba tal-belt, permezz tal-azzjoni koordinata u
responsabbli ta’ dawk kollha li jagħmlu parti
minnha. Il-“Missjoni tal-belt” li saret wara
bi thejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000,
swiet biex il-komunità ekkleżjali tagħna tagħraf
li l-mandat tal-evanġelizazzjoni mhuwiex għal xi
wħud biss imma għall-imgħammdin kollha. Kienet
esperjenza siewja li tat kontribut biex il-parroċċi,
il-komunitajiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet u
l-movimenti jimmaturaw billi jagħrfu li huma parti
mill-Poplu wieħed ta’ Alla, poplu, li skont
il-kliem tal-Appostlu Pietru,“Alla kiseb għalih,
biex ixandar l-għemejjel tiegħu ta’ l-għaġeb.” (I
Pt 2:9). U ta dan il-lejla rridu nroddu hajr.
Madanakollu, għad hemm ħafna
x’isir. Bosta mgħammdin ma jħossuhomx parti
mill-komunità ekkleżjali u jgħixu ‘l bogħod
mill-komunità; ifittxu l-parroċċa biss f’ċerti
ċirkustanzi biex jirċievu servizzi reliġjużi. Meta
tqis in-numru ta’ nies f’kull parroċċa, issib li
għalkemm ħafna jistqarru li huma kattoliċi, ftit
huma dawk li lesti jaħdmu fid-diversi oqsma ta’
appostolat. Huwa veru li d-diffikultajiet ta’ natura
kulturali u soċjali ma jonqsux, imma b’fedelta’
għas-sejħa tal-Mulej, ma nistgħux nirrassenjaw
ruħna u kollox jibqa’ kif inhu. B’fiduċja
fil-grazzja ta’ l-Ispirtu, li Kristu Rxoxt
iggarantilna, jeħtieġ li b’ħeġġa mġedda nerġgħu
nibdew il-mixja tagħna.
Liema huma t-toroq li nistgħu
naqbdu? L-ewwelnett hemm bżonn nġeddu l-isforz biex
ikun hemm formazzjoni aktar attenta u puntwali dwar
il-viżjoni ta’ Knisja li għadni kemm semmejt, u dan
jgħodd għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u
għal-lajċi. Irridu nifhmu dejjem aħjar x’inhi din
il-Knisja, x’inhu dan il-Poplu ta’ Alla fil-Ġisem
ta’ Kristu. Fl-istess ħin, hemm bżonn intejbu
l-impostazzjoni pastorali, biex bil-mod il-mod
nippromwovu l-korresponsabbiltà li l-membri kollha
tal-Poplu ta’ Alla jridu jgħixu flimkien fil-waqt li
jrrispettaw il-vokazzjonijiet u r-rwoli
tal-konsagrati u tal-lajċi. Dan jitlob bidla ta’
mentalità, b’mod partikulari f’dak li għandu
x’jaqsam mal-lajċi biex dawn ma jibqgħux meqjusa
bħala “kollaboraturi” tal-kleru imma biex ikunu
rikonoxxuti verament bħala “korresponsabbli” għal
dak li hi u li tagħmel il-Knisja, ħalli b’hekk
jissaħħaħ lajkat matur u impenjat. Il-fatt li
l-imgħammdin kollha jagħrfu li huma Knisja bl-ebda
mod ma jnaqqas ir-responsabbiltà tal-kappillani.
Għeżież kappillani, tridu tkunu
propju intom li tqanqlu lil dawk li ġa huma
impenjati fil-parroċċa biex jikbru spiritwalment u
fil-ħidma appostolika li jwettqu: huma n-nukleju
tal-komunità li jservi bħala ħmira għall-oħrajn.
Biex dawn il-komunitajiet, li kultant huma żgħar
fin-numru, ma jitilfux l-identità u l-qawwa tagħhom,
jeħtieġ li jkunu mħarrġa fis-smigħ tal-Kelma ta’Alla
li jwassal għat-talb, permezz tal-lectio divina,
li s-Sinodu tal-Isqfijiet ta’ dan l-aħħar tant
ħeġġeġ biex issir. Ejjew nissaħħu tassew bis-smigħ,
bil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Dawn
il-komunitajiet jeħtieġ jagħrfu li huma “Knisja”
għaliex Kristu, Kelma eterna tal-Missier, isejħilhom
u jagħmilhom il-Poplu tiegħu.
Fil-fatt, il-fidi hi relazzjoni
personali u profonda ma’ Alla, imma fiha hemm
ukoll id-dimensjoni essenzjali ta’ komunità. Dawn
iż-żewġ dimensjonijiet ma tistax tifridhom minn
xulxin. B’hekk wieħed ikun jista’ jisperimenta
s-sbuħija u l-ferħ li tkun u li tħossok Knisja. Din
hi xi ħaġa li jkunu jistgħu jħossuha anki
ż-żgħażagħ, li tant huma esposti
għall-individwaliżmu tal-kultura ta’ żmienna,
individwaliżmu li dejjem qed jikber u li jġib miegħu
konsegwenzi inevitabbli bħad-dgħufija tar-rabtiet
interpersonali u n-nuqqas ta’ sens of belonging.
Il-fidi f’Alla tgħaqqadna fil-Ġisem ta’ Kristu u
nsiru lkoll ħaġa waħda fl-istess Ġisem, u hekk,
propju b’din il-fidi profonda nkunu nistgħu
nisperimentaw ukoll il-komunjoni ta’ bejnietna u
negħlbu s-solitudni li jġib miegħu l-individwaliżmu.
Jekk hi l-Kelma li ġġib flimkien
il-Komunità, hi l-Ewkaristija li tagħmilha ġisem:
għax kif jikteb San Pawl: “La l-ħobża hi waħda,
aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm
aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10:17).
Mela, il-Knisja mhijiex ir-riżultat li joħroġ minn
somma ta’ individwi, imma hi għaqda bejn dawk li
huma mitmugħa mill-Kelma unika ta’Alla u mill-
Ħobża unika tal-ħajja. Il-komunjoni u l-għaqda
tal-Knisja, li jitwieldu mill-Ewkaristija, huma
realtà li jeħtieġ nagħrfuha dejjem aktar, anki meta
nirċievu t-tqarbin mqaddes. Jeħtieġ nagħrfu dejjem
aktar li qed nidħlu f’għaqda ma’ Kristu u b’hekk
aħna, bejnietna, qed insiru ħaġa waħda. Jeħtieġ
dejjem nitgħallmu mill-ġdid ngħożżu din l-għaqda ta’
bejnietna u nħarsuha minn kull ġlied, tilwim, għira
li jistgħu jinbtu fil-komunitajiet ekkleżjali u
bejnithom.
Lill-movimenti u lill-komunitajiet,
b’mod speċjali lil dawk li twaqqfu wara l-Konċilju
Vatikan II, li huma wkoll don prezzjuż
għad-Djoċesi tagħna u li rridu nirringrazzjaw
lill-Mulej għalih, lil dawn il-movimenti, li nerġa’
ngħid huma don, nixtieq nitlobhom jieħdu ħsieb li
l-programmi formattivi li jħejju jgħinu
lill-membri tagħhom biex jimmaturaw u jħossu
fil-veru sens li huma jagħmlu parti mill-komunità
parrokjali. Kif ġa għidt, iċ-ċentru tal-ħajja
tal-parroċċa hi l-Ewkaristija, b’mod speċjali
ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd. Jekk l-għaqda tal-Knisja
titwieled mill-laqgħa mal-Mulej, allura m’għandhiex
titqies bħala xi ħaġa sekondarja li nagħtu l-kura
xierqa kollha lill-adorazzjoni u liċ-ċelebrazzjoni
ta’ l-Ewkaristija biex min jieħu sehem iħoss
il-ġmiel tal-misteru ta’ Kristu. U la l-ġmiel
tal-liturġija “mhux xi ħaġa sempliċiment estetika,
imma hu mezz li bih l-verità ta’ l-imħabba ta’
Alla fi Kristu tasal għandna, issaħħarna u tiġbidna
fi ħdanha” (Sacramentum caritatis, n.35), hu
importanti li, permezz tas-sinjali sagramentali,
iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika timmanifesta u
tikkomunika l-ħajja divina u turi lin-nies ta’ din
il-belt il-veru wiċċ tal-Knisja.
Imbagħad, l-iżvilupp spiritwali u
appostoliku tal-komunità jwassalha biex permezz
ta’ azzjoni missjunarja konvinta taħdem ħalli
tkabbar il-firxa tagħha. Mela, kienu ġenerużi
biex bħal fi żmien il-Missjoni tal-Belt,
f’kull parroċċa tingħata mill-ġdid ħajja
lill-gruppi żgħar jew ċentri fejn il-fidili jkunu
jistgħu jisimgħukom tħabbru lil Kristu u l-Kelma
tiegħu, fejn wieħed ikun jista’ jagħmel
esperjenza ta’ fidi, jeżerċita l-imħabba u
jorganizza t-tama. Meta l-parroċċi kbar fl-ibliet
jinqasmu f’dawn il-ħafna komunitajiet żgħar ikun
hemm aktar lok għall-ħidma missjunarja li tieħu
f’konsiderazzjoni l-kobor tal-popolazzjoni,
il-fiżonomija soċjali u kulturali tagħha, li spiss
tkun ta’ suriet differenti. Hu importanti li dan
il-metodu pastorali jitwettaq anki fil-postijiet
tax-xogħol, għax illum trid tevanġelizza
b’pastorali maħsuba tajjeb għall-ambjent, fejn
il-popolazzjoni tgħaddi parti kbira mill-ġurnata
minħabba l-mobbilità soċjali li dejjem qed tiżdied.
Fl-aħħarnett m’għandniex ninsew
ix-xhieda ta’ l-imħabba, li tgħaqqad il-qlub u
tiftaħ it-triq biex wieħed iħossu parti
mill-knisja. Meta wieħed jistaqsi x’kien li wassal
għas-suċċess tal-Kristjaneżmu fl-ewwel sekli,
x’kien li wassal lil dik li kienet meqjusa bħala
setta Lhudija biex issir ir-reliġjon ta’ l-imperu,
l-istudjużi tal-istorja jwieġbu li l-esperjenza ta’
l-imħabba li għexu l-insara kienet dik li b’mod
speċjali kkonvinċit lid-dinja. L-għixien ta’
l-imħabba hu l-forma primarja tal-ħidma
missjunarja. Il-Kelma mħabbra u mgħejxa ssir
kredibbli jekk tinkarna ruħha f’imġiba ta’
solidarjetà, ta’ qsim, ta’ ġesti li juru l-wiċċ
ta’ Kristu bħala l-veru Ħabib tal-bniedem. Jalla
x-xhieda silenzjuża ta’ l-imħabba fil-ħajja ta’
kuljum, li seħħ fil-parroċċi grazzi għall-impenn
ta’ ħafna fidili lajċi, tkompli tinfirex dejjem
aktar, biex min jgħix fit-tbatija jħoss il-Knisja
qrib tiegħu u jesperimenta l-imħabba tal-Missier,
għani fil-ħniena tiegħu. Kunu, ghalhekk,
“is-sammaritani t-twajba”, lesti li tikkuraw
il-ġrieħi materjali u spiritwali ta’ ħutkom.
Id-djakni, li l-ordinazzjoni tagħhom tagħmilhom
jixbhu lil Kristu qaddej, jistgħu jwettqu servizz
siewi billi jippromwovu attenzjoni ġdida lejn
l-anzjani u lejn l-forom ġodda tal-faqar. Qed
naħseb ukoll fiż-żgħażagħ: għeżież, nistedinkom
tpoġġu l-entużjażmu u l-kreatività tagħkom
għas-servizz ta’ Kristu u ta’ l-Evanġelju, billi
tkunu appostli għal sħabkom, lesti li twieġbu
b’ġenerożità jekk l-Mulej isejħilkom biex timxu
warajh mill-qrib fit-triq tas-saċerdozju jew
tal-ħajja konsagrata.
Għeżież ħuti, il-ġejjieni
tal-kristjanezimu u tal-Knisja f’Ruma jiddependi
ukoll mill-impenn u mix-xhieda ta’ kull wieħed u
waħda minnha. Nitlob għal dan bl-interċessjoni
ta’ Ommna l-Verġni Marija, li matul is-sekli kienet
meqjuma fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore bħala
Salus populi romani. Kif għamlet ma’
l-Appostli fiċ-Ċenaklu meta kienu jistennew il-
Pentecoste, hekk tagħmel magħna fil-waqt li
tikkumpanjana u tagħmlilna l-qalb biex inħarsu
b’tama lejn il-ġejjieni.
B’dawn is-sentimenti, fil-waqt li
nirringrazzjakom għax-xogħol siewi tagħkom, nagħti
lil kulħadd minn qalbi, Barka Appostolika speċjali.
|