L-AKBAR ĦAMES MITI FUQ IL-VOLONTARJAT FIL-KNISJA

Anna Maria Fenech

 

 

Aħseb fuq xi ministeru fil-parroċċa tiegħek. Wieħed li int tapprezza u li tarah ta’ valur. Forsi xi ikla Maltija jew xi festival tal-kant magħmulha mill-parroċċa. Jew xi laqgħat għal miżżewġin b’xi trattament wara l-laqgħa. Tista’ taħseb fuq xi ħaġa? Tajjeb. Issa niżżel fuq lista l-ismijiet ta’ dawk in-nies kollha li vvolontarjaw biex jagħmlu dawn l-attivitajiet possibbli. Jekk ismek mhux imniżżel ma dik il-lista, aħseb ftit il-għala.

 

L-Ewwel Mit: ‘Ma ninqalax għal dawn l-affarijiet’.

Meta naħsbu fuq il-volontarjat fil-knisja, l-ewwel ma jiġuna f’moħħna huma dawk il-ministeri li ‘jidhru’ bħal il-kant fil-kor, jew il-qari u l-animazzjoni waqt il-quddies. Iżda mhux bil-fors trid tkun ħiereġ minn xi università biex tkun ministru straordinarju tat-tqarbin, u hemm ħafna nies Kattoliċi miżżewġin tajba li qatt ma jaħsbu jew qatt ma tiġihom f’rashom il-bżonn li jgħinu fil-programm ta’ preparazzjoni għaż-żwieġ li jsir fil-parroċċa. Kulħadd għandu xi talent! Mela qum fuq saqajk u għati xi ħaġa int ukoll!

 

It-Tieni Mit: ‘M’għandhomx bżonn l-għajnuna tiegħi’.

Jista’ jkun li fil-parroċċa tiegħek hemm l-aqwa voluntiera u staff li jaħdmu u li huma ħafna efiċjenti fix-xogħol tagħhom. Dan jista’ jkun kemm ta’ profitt jew inkella ta’ dettriment għall-parroċċa. Xi kultant il-problema hi li tant kollox hu miexi sew! B’hekk jidher li ma jkunx hemm bżonn għajnuna. Voluntieri ġodda ma jersqux biex jgħinu għax jaħsbu li m’hemmx bżonnhom u ngħiduha kif inhi xi kultant ma jkunx faċli biex tidħol ġdid fi grupp ta’ volontiera li jkunu ilhom is-snin jaħdmu flimkien. Forsi nibżgħu li ma nkunux milqugħin. Il-parroċċa għandha tkun attenta għal dan għax ħadd mhu għal dejjem u jista’ jkun li jispiċċawlek ħafna volontieri f’daqqa. Għamel pjaċir lilek innifsek u lil parruċċani tiegħek, għati sehem int ukoll anki meta forsi jidhru li m’għandhomx bżonnok!

 

It-Tielet Mit: ‘M’għandiex żmien’.

Meta ngħidu m’għandniex ħin biex nagħmlu xi ħaġa dan ifisser li dik mhix importanti għalina. Hemm ħafna nies li jgħatu ħin biex jgħallmu l-katekeżi lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna minn Ottubru sa Ġunju. Anki jekk ikollok ftit ħin biss fil-ġurnata xorta tista’ tara hemmx bżonn ta’ għajnuna lil xi mara anzjana, jew taqsam ftit ħsibijiet ma xi marid fit-triq tiegħek stess. Tista’ tgħin ukoll fil-quddies li int tieħu sehem fih. Din hi l-komunità tiegħek, agħti każha u ħu ħsiebha!

 

 

Ir-Raba’ Mit: ‘Jiena dejjem nagħti l-flus waqt l-offertorju’.

Il-knisja dejjem tapprezza u tapprezza bil-kbir il-ġabriet li jsiru waqt il-quddies u xi offerti oħra, speċjalment bħalissa f’dawn il-mumenti diffiċli fejn jidħol dawl u ilma. Iżda il-knejjes m’humiex mibnija mil-flus biss, imma huma mgħamulha ukoll min-nies. Il-ħin, it-talent u t-teżor huma mportanti ħafna, it-tlieta jaqbdu id f’id. Titfa’ envelope jew xi munita kull nhar ta’ Ħadd fl-offertorju huwa bidu tajjeb iżda li kieku kulħadd jitfa’ flus biss u ma jagħti każ xejn aktar, inkunu qegħdin niltaqgħu f’bini kbir u sabiħ iżda nħossuna barranin għal xulxin. Agħti każ li ma titraskurax il-ħin u t-talent, użahom!

 

Il-Ħames Mit: ‘Ma jixraqlix nkun volontier’.

Meta l-kappillan jgħid li għandu bżonn il-volontiera dan ikun qed isejjaħ lilek. M’hemmx volontiera perfetti! U ħadd m’għandu jippretendi li hawn xi volontiera perfetti. M’hemmx xi rekwiżiti speċjali bħal ngħidu aħna l-iktar smart, l-iktar b’saħħtu, l-isbaħ jew l-iktar qaddis. L-anqas dak li l-iktar għandu mertu. Ġesù qal li ma ġiex biex isejjaħ lit-tajbin iżda ġie għal midinbin (Mt 9:13). Dawn huma aħna. U jekk din hi kwalifikazzjoni biżżejjed biex tkun appostlu hija probabbilment biżżejjed biex isservi xi kafè u panina waqt xi trattament fil-parroċċa tiegħek!