AQSAM IL-FIDI TIEGĦEK

(Ħsieb għal katekisti)

 

Anna Marija Fenech

  

Ġesù mhuwiex xi ħaġa jew xi ħadd li aħna l-katekisti nistgħu ngħallmuh fuq il-ktieb biss. Hija x-xhieda tagħna tar-Reżurezzjoni Tiegħu li tgħina ngħallmu. Iġifieri għandna ngħallmu bl-eżempju tagħna.

·            Ieqaf u esplora fuq it-twemmin tiegħek personali u fuq l-esperjenza li għaddejt minnha f’ħajtek.

·            Eżamina xi tħoss waqt u fuq il-Liturġija u l-Ewkaristija.

·            Ipprattika billi titgħallem titkellem u taqsam din l-esperjenza u dak li tħoss mal-familja tiegħek, mad-direttur spiritwali tiegħek, mal-katekisti sħabek u mbagħad ma’ dawk li qed tgħallem.

 

Ma hemmx lezzjoni aqwa jew kliem li jqanqal iktar milli titkellem u taqsam mat-tfal, adoloxxenti, żgħażagħ jew ġenituri dak li int verament u bil-qawwa kollha temmen fih.

 

Qumu quddiem il-gruppi tagħkom, u għidu ċar u publikament li intom temmnu. Ejjew nemmnu bil-qawwa kollha li meta qed nitqarrbnu aħna qed nieħdu verament lil Ġesù Kristu f’qalbna, f’moħħna u f’ruħna. Ejjew nemmnu bil-qawwa kollha li fil-mument tar-Rikonċiljazzjoni aħna verament erġajna għamilna ħbieb ma’ Alla, u Alla bl-imħabba infinita tiegħu qiegħed jilqgħana lura għandu b’idejh miftuħa u qiegħed jaħfrilna kollox u kull ma’ għamilna. Ejjew ngħidulhom li meta nipparteċipaw f’dawn is-sagramenti b’sinċerità, aħna verament ninbidlu. M’għandniex naqtgħu qalbna ngħixu din ir-realtà u nużaw dawn ir-rigali li ħallilna Ġesù.

 

Fil-ħajja tallum mhux faċli turi li inti temmen. Xi kultant tħossok tibża’ jew tistħi, tqum u tgħid b’leħen għoli li int nisrani iżda żomm quddiem għajnejk u ftakar li meta tkun qed tgħamel hekk inti tkun qed tgħamel parti minn dak il-grupp imsejjaħ eċċellenti ta’ profeti, qaddisin u iktar.