TGĦODDX IN-NUMRI

(Għal animaturi taż-żgħażagħ)

Anna Marija Fenech

 Kemm-il darba tiġina t-tentazzjoni li ngħoddu n-numri waqt xi attività li nkunu ppreparajna għaliha. Qed ngħid għan-numri ta’ kemm attendew nies jew f’dal-każ żgħażagħ. U kemm-il darba qalulna biex ma ninkwetawx meta naraw ftit nies waqt il-laqgħat jew seminars li norganizzaw. Meta ninkwetaw b’dan il-mod, id-definizzjoni tas-suċċess jinbidel. Nibdew naħsbu li dak li organizzajna ma kienx ta’ suċċess proprju għax m’attendewx nies. Hija ħaġa loġika f’għajnejn in-nies li tqabbel din il-ħaġa b’dan il-mod. Hija ħaġa umana! Kemm ġieli għidna kemm ħlejna ħin, enerġija, u kemm ppruvajna nagħmlu riklami biex nilħqu ħafna nies dejjem bil-biża’ li ma jmorrux ma jiġuniex u l-laqgħa ma tirnexxix.

Darba qrajt artiklu ta’ Patrick Mooney li ħadem professjonalment fil-Ministeru għaż-Żgħażagħ u li issa huwa direttur tal-parroċċi fi ħdan il-katekeżi fl-Istati Uniti. Huwa irrakkonta meta darba organizza kungress għaż-żgħażagħ fuq l-Iskrittura. Kemm ħadem u investa ħin għal xhur twal biex jiġbed kemm seta’ animaturi li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jattendu għal dan il-kungress! Kemm għamel iljieli ma jorqodx sakemm wasal l-imbierek jum tal-kungress! Kien eċċitat ħafna u mimli enerġija, iżda x’ħin raha l-attendenza, ma ħassux sodisfatt bin-numru u kien iddiżappuntat. Wara ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li attenda l-istess kungress u kif bdew jitkellmu ħabibu nduna bid-diżappunt ta’ Patrick. Dan qallu, “Imxi nieħdu kafè u nitkellmu ftit”. Meta poġġew bilqiegħda ħabibu tah tgħalima żgħira. Hu qallu, “Ieqaf inkwieta fuq in-numri. Kieku jien kont kalkolatur jew wieħed li s-suċċess tiegħi kien fuq in-numri biss kieku ilni li ġejt illiċenzjat! Aħna qed nippruvaw nimitaw lil Kristu u nimxu warajh. Ftakar li hu għażel u irnexxielu jżomm tnax, u wieħed minnhom ittradih. U aħna m’aħniex Kristu!” U nfaqaw jidħku. Wara Patrick ħaseb kemm kellu raġun ħabibu u kemm kienet verità. U x’messaġġ tajjeb u sabiħ qasam miegħu dak il-ħabib.

 Laħħam (ikkonkretizza) l-Evanġelju

Mela ejja nagħmlu bħal ma għamel Patrick Mooney, nibdlu il-perspettiva tagħna ta’ suċċess fil-ministeru tagħna u ma nimlewx rasna bin-numri.

 

Naħsbu ftit fuq dawn:

·            Li kieku neliminaw l-attivitajiet li nagħmlu liż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ, kif qatt nistgħu nwasslu u naqsmu l-Evanġelju magħhom?

·            Kif nistgħu nikkonkretizzaw il-messaġġ ta’ Kristu u nagħmluh ta’ veru għall-adoloxxenti tagħna? Il-fidi tagħna kif ġiet trasmessa u mgħoddija lil dawk ta’ qabilna u lilna?

·            Kemm verament għandna bżonn ta’ programmi, irtieri jew avvenimenti biex nikkomunikaw il-messaġġ ta’ l-Evanġelju b’mod effettiv?

 

Wara Pentekoste, id-dixxipli ta’ Ġesù irnexxielhom jkomplu fix-xogħol li tahom Kristu bil-ħila tal-Ispirtu s-Santu. Kemm qagħdu jipprogrammaw u jħabblu rashom għal dan? Ta’ min jistaqsiha din! Għax xi kultant iktar moħħna fil-preparazzjoni u pjanijiet u xi kultant nilħqu nejjew qabel il-waqt! Li tkun ippreparat u li jkollok pjan huwa tajjeb. Imma meta tkun ossessjonat fuq il-pjan u l-preparazzjoni b’tali mod li tinsa li l-Ispirtu s-Santu huwa dejjem miegħek, dan mhux tajjeb. Ftakar li l-Ispirtu s-Santu dejjem ikun miegħek u jaħdem b’mod li la jara u l-anqas jgħodd in-numri, iżda jgħaraf u jifhem il-qlub.