BIZZILLA

Anna Marija Fenech

 

Waqaft inħares lejha. Propjament waqaft inħares lejn idejha ħfief jiġru fuq it-trajbu. Taqbad iċ-ċombini daqqa waħda daqqa tnejn u tilgħab bihom qisu xejn. Innutajt li ġieli idejha kienu jaqbdu ċombina jew tnejn u jaħdmu disinn u f’daqqa waħda jitilquhom f’ġenb bħal donnu insewhom u jaqbdu tnejn oħra u jerġgħu ikomplu d-disinn.

 

Il-mara kienet kwieta, għajnejha ma jitilqux minn fuq it-trajbu u mid-disinn li kienet qegħda tagħmel minn moħħa beda ħiereġ kapolavur. U waqt li ċ-ċombini bdew jiġru f’idejha irriflettejt li jien ukoll ċombina, ċombina f’idejn Alla. Ikkumparajt lil dik il-mara silenzjuża imma attenta għal kull ċombina li kienet tiġi taħt idejha ma’ Alla silenzjuż imma attent għal kull bniedem maħluq minnhu; ħsibt fuq iċ-ċombina, fuq kull ċombina li kien hemm fuq it-trajbu u stħajjilthom jien u l-bnedmin. Kull ċombina hija importanti għad-disinn, m’hemmx ċombina aqwa minn oħra u mingħajra id-disinn ma joħroġx sabiħ. Tista’ għal mument ssib ruħha fil-ġenb għal ftit taż-żmien imma dan ma jfissirx li l-mara insitha, xejn minn dan għax wara ftit ħin terġa’ taqbadha f’idejha u tkompli d-disinn. Imma ċombina waħedha ma tagħmel xejn jekk ma jkunx hemm ċombini oħra. Flimkien u għax jaħdmu flimkien biss jista’ jinħareġ disinn fenomenali bħal dak tal-bizzilla fuq it-trajbu.

 

U għidt bejni u bejn ruħi, jien ċombina f’idejn il-Mulej, Huwa jaħdem bija u jien f’idejh, Huwa jħares lejja attent, silenzjuż u f’moħħu għandu disinn li mingħajri ma jistax jinħadem. Ħuti l-bnedmin huma ċ-ċombini l-oħra li kollha flimkien qegħdin fuq it-trajbu, kollha importanti fis-sejħa li qed jagħmlilna Alla. Jista’ jiġi mument li nħossuna li ħallina ftit, imma mhux għax mhux ħsiebu fina iżda għax ma jkunx il-mument opportun għad-disinn. M’għandniex għax nibżgħu għax malajr bħal dik il-mara tal-bizzilla, jerġa’ joħodna f’idejh u jkompli l-kapolavur li għandu f’moħħu. Bħal dik il-bizzilla li tgħaxqek tħares lejha għax perfetta, nara l-ħajja tiegħi issa, u fl-inzul u tlugħ ta’ ħajti nara bizzilla tinħadem li għall-ewwel ma tifhimx id-disinn tagħha imma meta tarha lesta ssir l-aqwa kapolavur f’idejn Alla.