ID-DULURI TA’ MARIJA

Anna Marija Fenech

 

L-EWWEL DULUR

IL-PROFEZIJA TA’ XMUN

(Qari minn Luqa Kapitlu 2 Versi 34-35)

Berikom Xmun u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan ikun tiġrif u qawmien għal ħafna f’Israel, u sinjal li jmeruh, u int ukoll is-sejf jinfidlek qalbek, biex jinkixfu l-ħsibijiet ta’ ħafna qlub.”

 

Min jaf x’ħassejt Marija, x’ħin Xmun qallek dak il-kliem! Kliem li ma stajtx tifhmu mill-ewwel żgur, speċjalment int u tħares lejn dik it-tarbija daqshekk ċkejkna, daqshekk innoċenti. Kif jista’ jkun li dan it-tifel seta’ jagħmel dan kollu f’ħajtu! Min jaf x’biża’ ħassejt għal dak il-kliem kemm għal ibnek kif ukoll għal familja tiegħek. Mela x’kien ġej! Iżda inti kont taf li dan huwa l-Iben t’Alla u żammejt kollox f’qalbek.

 

O Marija, nindunaw li aħna mhux dejjem nistgħu nifhmu kollox. Ġieli jiġru affarijiet f’ħajjitna li nħossuna li ma nifhmuhomx. Għinna nafdaw fl-imħabba t’Alla bħal ma żgur għamilt int u nitolbuk żomm idejk fuqna.

 

 

IT-TIENI DULUR

IL-ĦARBA LEJN L-EĠITTU

(Qari minn Mattew Kapitlu 2 Versi 13-15)

Deher anġlu tal-Mulej lil Ġużeppi fil-ħolm u qallu: “Qum, ħu t-tarbija u 'l ommu u aħrab lejn l-Eġittu u oqgħod hemm sa ma ngħidlek, għaliex Erodi sa jfittex it-tarbija biex joqtolha.” U qam u ħa t-tarbija u 'l ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u qagħad hemm sa mewt Erodi, biex iseħħ dak li ntqal mill-Mulej bil-profeta: “Mill-Eġittu sejjaħt 'l ibni.”

 

Ma nistgħu qatt nimmaġinaw l-inkwiet li setgħa ġab dan il-kliem tal-anġlu. Ġużeppi ried jieqaf mix-xogħol, li taqbdu ħwejjiġkom u taħarbu kemm jista’ jkun malajr, fid-dlam bil-biża’ li jista’ jaqbeż xiħadd fuqkom u biex tagħxaqha b’tarbija ċkejkna u vulnerabbli ma kinetx xi ħaġa faċli. Kellkom taqsmu fruntiera oħra mingħajr ma kontu tafu x’se ssibu. X’kuraġġ! X’fidi! X’aċċettazzjoni!

 

Marija għinna biex ikollna dan il-kuraġġ, din il-fidi lejn Alla. Għinna naċċettaw deċiżjonijiet diffiċli f’ħajjitna bla kundizzjoni.

 

 

IT-TIELET DULUR

IT-TELFA TA’ ĠESÙ FIT-TEMPJU

(Qari minn Luqa Kapitlu 2 Versi 43-51)

Meta għaddew dawk il-jiem u reġgħu lura, baqa’ t-tifel Ġesù Ġerusalemm, u l-ġenituri tiegħu ma kinux jafu. Billi minn għalihom hu kien ma’ dawk li kienu magħhom, wara jum mixi bdew ifittxuh qalb il-qraba u dawk li kienu jafuhom. Meta ma sabuhx, reġgħu lura lejn Ġerusalemm ifittxuh. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bil-qiegħda f’nofs il-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom. Dawk kollha li kienu jisimgħuh kienu mgħaġġbin bid-dehen u bit-tweġibiet tiegħu. Malli rawh, indiehxu, u qaltlu ommu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien mgħollijin qegħdin infittxuk.” Qalilhom: “Għaliex, qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jien għandi nkun fid-dar ta’ Missieri?” Iżda huma ma fehmux il-kelma li qalilhom. U niżel magħhom u ġie Nażaret, u kien taħthom. Ommu kienet iżżomm dan kollu f’qalbha.

 

Erġajt ħassejt dik il-biża’ Marija ta’ meta ltqajt ma Xmun. X’inkwiet titlef lil Iben t’Alla qalb il-folla! X’ġara minnu ma tafx. Min jaf kemm kiddejt lilek innifsek u għidt li tort tiegħek! U min jaf x’għidt bejnek u bejn ruħek meta tak tweġiba tqila bħal dik meta sibtu, għax ngħiduha kif inhi ma tantx ħadt il-proset meta sibtuh!

 

Mulej, dawk it-tlett ijiem nimmaġinhom it-tlett ijiem tad-difna tiegħek. Min jaf kemm il-darba ħsibna li tlifnik! Għinna dejjem insibuk ikun x’ikun iż-żmien f’ħajjitna.

 

 

IR-RABA’ DULUR

ĠESÙ U MARIJA JILTAQGĦU FIT-TRIQ LEJN IL-GOLGOTA

(Qari minn Luqa Kapitlu 23 Versi 27-28)

Kienu miexja warajh kotra kbira ta’ poplu u nisa, li kienu jibku u jnewħu warajh. Dar Ġesù lejhom u qal: “Ja bniet ta’ Ġerusalemm, la tibkux lili; ibku lilkom infuskom u 'l uliedkom...”

 

Marija, kemm kienet iebsa dik it-triq! Żgur li qatt ma ħsibt li qatt setgħat tasal ġurnata kerha bħal dik kemm f’ħajtek u kif ukoll f’ħajjit l-Iben t’Alla. X’ħassejt dak inhar qatt ħadd ma’ jista’ jimmaġina. Żgur li mhux kollox kont qed tifhem. Żgur li ħassejt uġieħ kbir f’qalbek speċjalment meta kont taf kemm dan il-bniedem kbir, ibnek, għamel ġid ma’ dan il-poplu. X’mistħija! X’uġieħ! X’biża’!

 

Marija għinna ngħarfu li aħna wkoll għandna s-salib tagħna x’inġorru. Għinna nħarsu lejn Ibnek redentur speċjalment meta nkunu taħt it-toqol tal-problemi u diffikultajiet li niltaqgħu f’ħajjitna. Nħarsu lejn ibnek u lejk fid-dulur tagħkom u npoġġu s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna f’idejkom.

 

 

IL-ĦAMES DULUR

ĠESÙ JMUT FUQ IS-SALIB

(Qari minn Luqa Kapitlu 23 Vers 46)

Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missieri, f’idejk jien nerħi ruħi.” U malli qal dan, radd ruħu.

 

Marija, x’dulur tara Ibnek imut! Fl-aħjar ta’ ħajtu, mimli enerġija biex jgħin, ifejjaq, iħobb, jispiċċa hekk msammar fuq għewda imneżża minn kollox anki mid-dinjità ta’ bniedem! Ibnek, li hu l-iben t’Alla u dawn qed jajruh, jissutawh, jidħqu bih u sammruh ma’ salib. L-għar mewta possibbli!

 

Marija tina l-kuraġġ naffrontaw il-mewt ta’ kuljum fid-dar meta mhux dejjem ikun ward u zagħar, fuq ix-xogħol meta ma nifthemux, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum meta insibu t-tentazzjonijiet u jkollna mmutu għall-imħabba ta’ Ibnek.

 

 

IS-SITT DULUR

ĠESÙ MEJJET F’DIRGĦAJN OMMU

(Qari minn Ġwanni Kapitlu 19 Vers 40)

Ħadu mela l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh fil-fsieqi bil-fwejjaħ, kif inhi drawwa tal-Lhud li jidfnu.

 

Marija, xi ħsibijiet ġewk kif kellek lill-ibnek f’idejk! Moħħok reġa’ ġera għal meta kont terfgħu ċkejken, vulnerabbli tarbija. U issa daqshekk vulnerabbli tawhulek f’idejk, imbiċċer u mejjet! Ma tistax temmen u tifhem il-keffrija tal-bnedmin fuq persuna tant ħanina u kollha mħabba, dik ta’ ibnek u iben t’Alla.

 

Għinna Marija, noħorġu mid-dlam tad-dnubiet tagħna, mil-kaos li jista’ jkollna f’ħajjitna. Niftħu idejna bħal dawk ta’ Ġesù msallab u nilqgħu l-imħabba tiegħu mingħajr kundizzjoni.

 

 

IS-SEBA’ DULUR

ID-DIFNA TA’ ĠESÙ

(Qari minn Ġwanni Kapitlu 19 Versi 41-42)

Fil-post fejn kien mislub hemm ġnien, u fil-ġnien kien hemm qabar ġdid, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. Hemm mela, minħabba t-Tħejjija tal-Lhud, billi l-qabar kien qrib, qiegħdu lil Ġesù.

 

Marija, min jaf kemm xtaqt tibqa’ b’Ibnek f’idejk, biex trossu miegħek u żżommu daqxejn oħra! Iżda il-ħin kien sar sew u kellu jiġi midfun. Tgħid ma xtaqtx tidħol miegħu f’dak il-qabar, tisar miegħu u tkompli timlih bil-fwejjaħ, dak l-Iben t’Alla.

Hu ġie midfun u qalbek indifnet miegħu.

 

Kemm hu ikrah id-dlam! Kemm hu ikraħ il-vojt! Kemm hi kera is-solitudni! Kemm ikollna minn dawn f’ħajjitna! Niftakru li kemm int kif ukoll Ibnek kollha ħassejtuhom dawn. Għamlu li f’dawn il-mumenti diffiċli f’ħajjitna niftakru f’dan u nitolbukom tgħinuna biex nissuperawhom.