FIT-TRIQ GĦAL ĠERUSALEMM

Marija Anna Fenech

 

 

Mixja ferħana jew mixja sfurzata?

Aħna, b’liema mod nidħlu fiż-żmien tar-Randan – u anki fil-ħajja tagħna ta’ kuljum – bħala Insara u dixxipli ta’ Ġesù? B’entużjażmu u ferħ? Jew wiċċna mqarras u b’sens ta’ “rġajna ir-Randan, m’hemmx li jispiċċa ħalli nerġgħu għalli konna”? Għalkemm ma niltaqgħux ma’ ħafna pittura fejn Ġesù qiegħed jitbissem, jekk naqraw l-Evanġelju aħna nistgħu nindunaw kemm il-ħajja u l-messaġġ ta’ Ġesù huma mimlija ħajja, tama, ottimiżmu, passjoni, eċitament u ferħ. Din hija is-sejħa ta’ Ġesù għalina – kull ġurnata ta’ ħajjitna, u waqt ir-Randan.

 

Ir-Randan huwa mixja ferħana meta:

Aħna nifhmu li r-Randan jerġa’ jdewwaqna l-magħmudija: ifakkarna fil-magħmudija ta Ġesù, meta Alla qal, “Int ibni il-maħbub; fik insib il-għaxqa tiegħi” (Luqa 4:22). X’jista jkun ta’ ferħ u isbaħ minn daqshekk! Dak il-misteru, dik l-affermazzjoni, dik il-magħmudija bgħatet lil Ġesù jgħix ħajtu għall-oħrajn.  L-istess tagħmel il-magħmudija tagħna lilna. Ir-Randan jiggarantilna l-ħin biex nerġgħu nidħlu fina nfusna, niġġeddu bil-ferħ il-wegħdiet tal-magħmudija tagħna, u ngħarfu l-identità tagħna biex ngħixu l-Evanġelju b’entużjażmu. Mixja ferħana li ġġib u tagħti l-ferħ.

 

Aħna naraw l-istampa sħiħa: Ir-Randan mhux biss perjodu ta’ erbgħin jum li jgħaddu. Ir-Randan jagħmel parti minn staġun ikbar – Randan/l-Għid/Pentekoste. Ir-Randan jagħmel sens biss jekk nibbilanċjawh mal-Għid u Pentekoste. Ir-Randan jeżisti għal biex tingħex ħajja ġdida, dik il-ħajja ta’ ferħ tal-Għid. Iżda ma tieqafx hemm, għax l-Għid jiġi għal Pentekoste. Dan l-Għid-il Ħamsin huwa l-missjoni, dik il-missjoni li tkompli ma dik ta’ Kristu fid-dinja, hija dik il-missjoni li ġġib il-paċi ta’ Kristu, il-maħfra, il-ħajja, il-ferħ u l-kompassjoni għal kull wieħed u waħda minna, aħna min aħna u ġejjin minn fejn ġejjin. Mixja ferħana li ġġib u tagħti l-ferħ.