MANTNI LILL-RUĦI

Anna Marija Fenech

 

Bl-Agape

Mulej Ġesù, meta naħseb fuq dirgħajk minxurin fuq l-għuda tas-salib, naħseb ukoll fuq il-qaddis ġismek mixħut fuq l-altar tas-sagrifiċċju. Kull darba li nieħu sehem fi-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, niġi mfakkra li l-imħabba tiegħek għalina hija veru agape – rigal tiegħek innifsek totali għalina. Ma tieqaf qatt tagħtina dak li għandna bżonn f’ħajjitna.

 

U din l-istess imħabba Int għidtilna biex naqsmuha flimkien ma xulxin. Mhijiex xi ħaġa maġika li teżisti f’dinjiet jew dimensjonijiet oħra. Issa u f’dal-waqt, l-imħabba tiegħek għandha bżonn tkun minquxha f’ġisimna, hekk kif ġiet minquxha f’ġismek fl-ewwel Ewkaristija. Għandha tidher fid-demm li nxerrdu u bid-dmugħ li nibku għal kull bniedem li jeżisti li aħna nistgħu nimmiljorawlu ħajtu.

 

Bħala katekista, għandi bżonn li nuri mħabbtek fl-għaraq li nergħeq biex nipprepara lezzjoni u biex nippreżentaha lil dawk it-tfal li Inti fdajtli f’idejja.

 

Ġesù ħanin u twajjeb, Ħaruf ta’ Alla, Ħobż tal-Ħajja, Nbid tas-Salvazzjoni tagħna – aqlali l-grazzja li fil-ħajja tiegħi u kif jiena ngħix nuri lill-oħrajn mqar traċċi tal-imħabba kbira u ġeneruża tiegħek.

 

 

Bil-Parir (Kunsill)

It-tradizzjoni Kattolika tgħidilna li l-Kunsill/Parir huwa rigal mill-Ispirtu s-Santu mogħti fis-Sagrament tal-Konfermazzjoni. Il-Kunsill/Parir huwa dik il-vuċi silenzjuża ta’ Alla ġo fina, tidderiġina kull ħin fid-deċiżjonijiet li nagħmlu.

 

Mulej Ġesù, il-Kunsill/Parir kien żgur jidher biċ-ċar fil-ħajja tiegħek, f’kull sitwazzjoni li Int sibt ruħek fiha sakemm kont f’din id-dinja. Minn dan ir-rigal tal-Parir, l-Ispirtu s-Santu mexxiek biex titlaq il-ħajja tiegħek ta’ Nazzaret u tmur il-Ġudea biex tirċievi il-magħmudija ta’ Ġwanni.

 

Minnha, l-Ispirtu s-Santu ħeġġek biex twieġeb pożitivament għat-talba li ommok stess għamlitlek dak inhar fit-tieġ ta’ Kana u tat-talba li għamlitlek dik il-mara barranija biex tfejqilha lil bintha.

 

Imbierek bir-rigal tal-Parir, kont taf x’kellek tgħid u twieġeb ‘iva’ għall-invit ta’ Żakkew biex tmur għandu d-dar għall-ikel.

 

Oh Spirtu s-Santu, li Inti dejjem ħaj u attiv fil-ħajja tal-Mulej Ġesù, dawwalni hekk kif diġà għaddejt kważi nofs is-sena kateketika mal-istudenti tiegħi. Għinni nagħraf x’għandi nbiddel jekk hemm bżonn fil-pjanijiet tiegħi u fl-għanijiet tiegħi għal matul ix-xhur li ġejjin. Dan qed nitlobulek f’isem Sidna Ġesù Kristu. Ammen.

 

 

Bil-Misteru

Darba Thomas Merton qal “ Il-Ħajja mhiex problema li trid tiġi solvuta iżda misteru li trid tingħex”. Daqshekk waħda is-Sagramenti.

 

Alla kbir u etern, jiena qatt m’jien ser nifhem kif u l-għala is-Sagramenti ‘jaħdmu’. Naf fiċ-ċert li jaħdmu. Verament, is-Sagramenti jippermettulna nipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja Tiegħek, u jgħarquna fl-imħabba kbira tiegħek. Jekk aħna ninfetħu għal qawwa misterjuża tagħhom, huma jmissulna lil qlubna u jħeġġulna lil ruħna. Huma jġeddulna l-fervur tagħna u jixprunaw l-enerġija tagħna biex nimxu dak il-mil iżjed li tant Ġesù kien jitkellem fuqu.

 

Is-Sagrament m’għandux jiġi analizzat qisu xi problema matematika, studjat taħt xi mikroskopju jew mgħallem bħal kif tinbena sentenza. Is-Sagrament irid jingħex – bħas-sbuħija tan-natura jew biċċa xogħol ta’ arti.

 

Grazzi, Mulej Ġesù, talli tajtna s-Sagramenti. Jalla li imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, jiena nersaq lejhom b’rispett u b’umiltà u qatt ma noħodhom xejn fatta (for granted). Ammen.