Il-Purgatorju: purifikazzjoni meħtieġa għal-laqgħa ma’ Alla

ĠWANNI PAWLU II. UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 4 ta’ Awwissu 1999

Qari: 1 Ġw 1, 5-9

  1. Bħal ma rajna fiż-żewġ katekeżi preċedenti, a bażi tal- opzjoni definittiva għal Alla jew kontra Alla, il-bniedem isib ruħu quddiem waħda mill-alternattivi: jew jgħix mal-Mulej fil-beatitudni eterna, inkella ‘l bogħod mill-preżenza tiegħu.Għal dawk li jsibu ruħhom f’kondizzjoni ta’ ftuħ għal Alla, imma b’mod imperfett, il-mixja lejn il-beatitudni sħiħa titlob purifikazzjoni li l-fidi tal-Knisja tispjega permezz tad-duttrina tal-“Purgatorju” (ref.Katekeżmu tal-Knisja Kattolika, 1030-1032).
  2. Fl-Iskrittura Mqaddsa jistgħu jinġabru xi elementi li jgħinu biex jiftiehem is-sens ta’ din id-duttrina, għalkemm mhix espressa b’mod formali. Dawn jesprimu l-konvinzjoni li wieħed ma jistax ikun ammess għand Alla mingħajr ma jgħaddi minn xi tip ta’ purifikazzjoni.

Skont il-leġislazzjoni reliġjuża tat-Testment il-Qadim, dak li huwa ddestinat għal Alla irid ikun perfett.  Bhala riżultat, l-integrità ukoll fiżika hija b’mod partikolari mitluba għar-realtajiet li jiġu f’kuntatt ma’ Alla fuq il-pjan sagrifikali, bħal per eżempju l-annimali  li se jiġu maqtula (cfr Lv 22, 22) jew dwar dak istituzzjonali, bħal fil-każ tas-saċerdoti, ministri tal-kult  (cfr Lv 21, 17-23). Għal din l-integrità fiżika trid tikkorrispondi  devozzjoni totali, tas-singuli u tal-kollettività  (cfr 1 Re 8 , 61), lil Alla tal-patt fil-linja tat-tagħlim il-kbir tad-Dewteronomju (cfr 6, 5). Dan huwa li tħobb lil Alla bl-esseri propju kollu tiegħek, b’purità tal-qalb u b’xhieda tal-opri (cfr Ivi, 10, 12s).

L-esiġenza tal-integrità timponi ruħha b’mod evidenti wara l-mewt, għad-dħul fil-komunjoni perfetta u definittiva ma’ Alla. Min m’għandux din l-integrità irid jgħaddi għall-purifikazzjoni. Test ta’ San Pawl jissuġġerixxi dan. L-Appostlu jitkellem dwar il-valur tal-opra ta’ kull wieħed u waħda, li tkun rivelata fil-jum tal-ġudizzju, u jgħid: “Jekk l-opra li wieħed bena fuq is-sies [li huwa Kristu] tirreżisti, dan jirċievi rikompensa: imma jekk l-opra tintemm maħruqa, ikun ikkastigat: madankollu huwa jsalva, però bħal permezz tan-nar ” (1 Kor 3, 14-15).

  1. Biex jintlaħaq stat ta’ integrità perfetta hija kull darba meħtieġa l-interċessjoni jew il-medjazzjoni ta’ persuna. Per eżempju, Mosè jikseb il-maħfra tal-poplu b’talba, li fiha jfakkar l-opra feddejja mwettqa minn Alla fl-imgħoddi u jitlob il-fedeltà tiegħu b’ġurament meħud minn missirijiethom (cfr Es 32, 30 e vv. 11-13). Il-figura tal-Qaddej tal-Mulej, deskritta fil-Ktieb ta’ Iżaija, tikkarettarizza ruħha wkoll għall-funzjoni ta’ interċessjoni u ta’ espijazzjoni favur ħafna; fi tmiem iż-żewġ tbatijiet huwa “jara d-dawl” u “jiġġustifika lil ħafna”, billi jieħu fuqu l-ħtijiet tagħhom (cfr  52, 13-53,12, speċ. 53, 11).

Is-Salm 51   meqjus, skont il-viżjoni tat-Testment il-Qadim, bħala ġabra fil-qosor tal-proċess tar-riintegrazzjoni: il-midneb jistqarr ħtijietu propja (v. 6), jitlob b’mod insistenti li jiġi ppurifikat jew  “maħsul” (vv. 4.9.12.16) biex ikun jistà jiddikjara t-tifħir divin (v. 17).

  1. Fit-Testment il-Ġdid Kristu huwa ppreżentat bħala l-interċessur, li jassumi fih il-funzjonijiet tal-qassis il-kbir fil-jum tal-espijazzjoni (cfrLh5, 7; 7, 25). Imma fih is-saċerdozju jippreżenta konfigurazzjoni ġdida u definittiva. Huwa jidħol darba biss fis-satwarju ċelesti għall-iskop ta’ interċessjoni fil-preżenza ta’ Alla favur tagħna (cfr Lh 9, 23-26, speċ. 24). Huwa hu qassis u fl-istess ħin “vittma ta’ espijazzjoni” għad-dnubiet tad-dinja kollha (cfr 1 Ġw 2, 2).

Ġesù, bħala l-interċesseur il-kbir li jpatti għalina, jirrivela ruħu b’mod sħiħ għall-iskop ta’ ħajjitna, meta jesprimi ruħu mal-offertà tal-ħniena imma wkoll bil-ġudizzju inevitabbli għal min jirrifjuta l-imħabba u l-maħfra tal-Missier.

L-offertà tal-ħniena ma teskludix id-dmir li nippreżentaw rwieħna puri u integri fil-preżenza ta’ Alla, għonja b’dik il-karità, li Pawlu jsejjaħ  “rabta ta’ perfezzjoni” (Kol 3, 14).

  1. Tul ħajjitna terrena waqt li nsegwu l-eżortazzjoni evanġelika biex inkunu perfetti bħall-Missier ċelesti (cfrMt5,48), aħna msejħin biex nikbru fl-imħabba biex insibu ruħna sodi u bla ħtija quddiem Alla Missier, “fil-waqt tal-miġja tal-Mulej sidna Ġesù mal-qaddisin kollha tiegħu” (1 Ts 3, 12s.). Mill-banda l-oħra, aħna mistednin biex “nippurifikaw rwieħna minn kull tebgħa tal-ġisem u tar-ruħ” (2Kor 7, 1; cfr 1 Ġw 3, 3), għaliex il-laqgħa ma’ Alla titlob purezza assoluta.

Kull ħjiel ta’ attakament mal-ħażen irid jiġi eliminat; kull difett tar-riħ imsewwi. Il-purifikazzjoni hemm bżonn li tkun sħiħa, u dan huwa appuntu dak li hu mifhum mid-duttrina tal-Knisja dwar il-purgatorju. Dan it-terminu ma jindikax post, imma kundizzjoni ta’ ħajja. Dawk li wara l-mewt jgħixu fi stat ta’ purifikazzjoni huma diġa fl-imħabba ta’ Kristu, li jerfagħhom mill-fdal tal-imperfezzjoni (cfr Conc. Ecum. di Firenze, Decretum pro Graecis: DS 1304; Conc. Ecum. di Trento, Decretum de iustificatione: DS 1580; Decretum de purgatorio: DS 1820).

Jeħtieġ nippreċiżaw li l-istat ta’ purifikazzjoni mhuwiex titwil tas-sitwazzjoni terrena, kważi kienet mogħtija wara l-mewt possibiltà ulterjuri biex jinbidel id-destin propju. It-tagħlim tal-Knisja dwar dan huwa inekwivokabbli u ġie mtenni u mtellet mill-Konċilju Vatikan II, li jgħallem dan li ġej: “Ġaladarba mbagħad ma nafux la l-jum u linqas is-siegħa, hemm bżonn, bħal ma jwissina l-Mulej, li ngħassu assidwament, sabiex, mitmum l-uniku kors tal-ħajja terrena (cfr Lh 9, 27), nimmeritaw miegħU li nidħlu għall- festa tat-tieġ biex inkunu nnumerati fost il-beati, mhux ordnati, bħall-qaddejja ħżiena u għażżenin, biex inmorru fin-nar etern, fid-dlamijiet esterni, fejn ‘ikun hemm il-biki u t-theżżiż tas-snien ‘ (Mt 22, 13 e 25, 30)” (Lumen gentium, 48).

  1. Aspett aħħari mportanti li t-traadizzjoni tal-Knisja dejjem enfasizzat, illum qed jerġà jiġi ripropost: dan huwa dak tad-dimensjoni komunitarja. Infatti dawk li jkunu jinsabu fil-kondizzjoni tal-purifikazzjoni huma marbutin kemm mal-beati li diġa jgawdu għal kollox il-ħajja eterna kif ukoll magħna li għadna nimxu f’din id-dinja lejn id-dar tal-Missier (cfrCCC, 1032).

Bħal fil-ħajja terrena dawk li jemmnu huma magħqudin bejniethom fl-uniku Ġisem mistiku, hekk ukoll wara l-mewt dawk li jgħixu fl-istat tal-purifikazzjoni jisperimentaw l-istess solidarjetà ekkleżjali li topera fit-talb, fis-sufraġji u fil-karità tal-aħwa l-oħra fil-fidi. Il-purifikazzjoni hija migħuxa fir-rabta essenzjali li tinħoloq bejn dawk li jgħixu l-ħajja tas-seklu preżenti u dawk li diġa jgawdu l-beaitudni eterna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb