Il-Papa Franġisku waqt l-Angelus fis-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, fi tmiem iż-żmien liturġiku tal-Milied, niċċelebraw il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej.  Il-liturġija ssejħilna biex nagħrfu lil Ġesù bis-sħiħ, lil dak li ftit ilu ċċelebrajna t-twelid tiegħu.  Għaldaqstant, l-Evanġelju (cfr Lq 3, 15-16. 21-22) jiddeskrivielna żewġ elementi importanti: ir-relazzjoni ta’ Ġesù man-nies u r-relazzjoni ta’ Ġesù mal-Missier.

Fir-rakkont tal-Magħmudija, li Ġwanni l-Battista ta lil Ġesù fl-ilma ta-Ġordan, naraw, qabel xejn, l-irwol tal-poplu.  Dan mhux biss hu sfond tax-xena, imma hu element essenzjali tal-ġrajja. Qabel ma għodos fl-ilma, Ġesù “jogħdos” fil-folla, jingħaqad magħha billi jilbes għal kollox il-kundizzjoni umana, jaqsam kollox magħha minbarra d-dnub.  Fil-qdusija divina tiegħu, mimlija grazzja u ħniena, Iben Alla sar laħam propju biex jieħu fuq spallejh u jneħħi d-dnub tad-dinja: jerfa’ fuqu d-dgħufijiet tagħna, il-kundizzjoni umana tagħna.  Għalhekk din tal-lum hi Epifanija wkoll, għax  meta mar biex jitgħammed minn Ġwanni, qalb in-nies niedma tal-poplu tiegħu, Ġesù jimmanifesta l-loġika u s-sens tal-missjoni tiegħu.

Magħqud mal-poplu li qed jitlob il-Magħmudija tal-konverżjoni lil Ġwanni, Ġesù qed jaqsam miegħu ix-xewqa profonda ta’ tiġdid interjuri.  U l-Ispirtu s-Santu li jinżel fuqu “f’għamla ta’ ħamiema” (v. 22) hu s-sinjal li b’Ġesù inbdiet dinja ġdida, “ħolqien ġdid” li għandhom sehem minnu dawk kollha li jilqgħu lil Kristu f’ħajjithom.  Il-kliem tal-Missier: “Int Ibni l-għażiż li fih insib l-għaxqa tiegħi” (v. 22), jgħodd għalina wkoll, aħna li twelidna mill-ġdid ma’ Kristu fil-Magħmudija.  Din l-imħabba tal-Missier, li lkoll kemm aħna rċevejna fil-jum tal-Magħmudija tagħna, hi fjamma li nxtgħelet fi qlubna u titlob li tibqa’ ħajja bit-talb u l-karità.

It-tieni element li jurina l-evanġelista Luqa hu li wara li “għodos” mal-poplu u fl-ilma tal-Ġordan, Ġesù nġabar fit-talb, jiġifieri fl-għaqda mal-Missier.  Il-Magħmudija hi l-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, tal-missjoni fid-dinja bħala l-mibgħut tal-Missier biex juri t-tjubija tiegħu u mħabbtu lejn il-bnedmin.  Dil-missjoni titwettaq f’għaqda perfetta u bla heda mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.  Il-missjoni tal-Knisja wkoll, u dik ta’ kull wieħed u waħda minna, biex tkun fidila u għammiela, hi msejħa biex “titlaqqam” minn dik ta’ Ġesù.  Iffiser li tiġġedded il-ħin kollu bit-talb, bl-evanġeliżżazzjoni u bl-appostolat, biex tkun xhieda nisranija ċara mhux skont il-proġetti umani, iżda skont il-pjan u l-istil ta’ Alla.

Għeżież ħuti, il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej hi okkażjoni propizja biex bil-gratitudni u l-konvinzjoni nġeddu l-wegħdiet li għamilna fil-Magħmudija, u nimpenjaw ruħna biex fil-ħajja ta’ kuljum ngħexju bil-koerenza magħhom.  Huwa importanti ħafna, kif għidt diversi drabi, li nkunu nafu d-data tal-Magħmudija tagħna.  Jien nista’ nistaqsi: “Min minnkom jaf id-data tal-Magħmudija tiegħu?”.  Mhux kulħadd, żgur.  Jekk xi ħadd minnkom ma jafhiex, meta tmorru lura d-dar, staqsu lill-ġenituri tagħkom, lin-nanniet, liz-zijiet, lill-parrini, lill-ħbieb tal-familja…. Staqsi: “F’liema data kont mgħammed, mgħammda?”  U mbagħad ma ninsewhiex: ħalli tkun data mħarsa sew fi qlubna biex inkunu nistgħu niffesteġġjawha kull sena.

Jalla Ġesù li salvana mhux għall-merti tagħna imma biex iqiegħed fis-seħħ it-tjubija tal-Missier, jagħmel li aħna lkoll ikollna ħniena ma’ kulħadd. Il-Verġni Marija, Omm il-Ħniena, tkun il-gwida u l-mudell tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Lilkom ilkoll Rumani u pellegrini insellmilkom minn qiegħ qalbi.

Insellem lill-għalliema u l-istudenti minn Los Santos de Maimona u minn Talavera la Real, fi Spanja; lill-gruppi parrokkjali li ġew mill-Polonja u wkoll lin-neokatekumentali Pollakki – żgur li ġejtu tiffesteġġjaw għeluq snin Kiko! -; kif ukoll insellem lill-fidili minn Loreto u Vallemare, fil-provinċja ta’ Rieti.

Dalgħodu, skont id-drawwa ta’ dil-festa, b’ferħ għammidt grupp ta’ trabi.  Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom.  U, f’din l-okkażjoni, inġedded lil kulħadd l-istedina biex iżżommu dejjem ħajja u attwali t-tifkira tal-Magħmudija tagħkom.  Hemmhekk jinsabu l-għeruq tal-ħajja tagħna f’Alla; l-għeruq tal-ħajja ta’ dejjem li Ġesù tana bl-Inkarnazzjoni, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu.  Fil-Magħmudija hemm l-għeruq! U ma ninsew qatt id-data tal-Magħmudija tagħna.

Għada, issa li ntemm iż-żmien tal-Milied, fil-Liturġija nerġgħu nibdew il-mixja taż-żmien ordinarju.  Bħal Ġesù wara l-Magħmudija, inħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina f’kull ma’ nagħmlu.  Imma biex dan iseħħ irridu nitolbuh!  Nitgħallmu nduru lejh aktar spiss, matul jiemna, lill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu nistgħu ngħejxu bl-imħabba l-affarijiet ordinarji, u b’hekk nagħmluhom straordinarji.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber

 

Leave a Reply

Your email address will not be published.