Ħabakkuk

Ħabakkuk

IL-KTIEB TAL-PROFETA ĦABAKKUK

1. [Ħab:1:1] L-Oraklu li kellu f’dehra l-profeta Ħabakkuk

Il-qerda tal-ġustizzja

[Ħab:1:2] Mulej, kemm se ndum nokrob
għall-għajnuna u int ma tismax!
Jew ngħajjat: “Vjolenza!”
u int ma ssalvax!
[Ħab:1:3] Għaliex turini l-ħażen,
u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?
Quddiemi qerda u vjolenza,
hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.
[Ħab:1:4] U b’hekk il-liġi sfat mingħajr saħħa,
qatt iżjed ma jsir ħaqq.
Għax il-ħażin idur madwar il-ġust,
għalhekk il-ħaqq li jsir ikun mgħawweġ.

Il-Kaldin bħala kastig ta’ Alla

[Ħab:1:5] Itfgħu ħarstkom fuq il-ġnus, araw,
stagħġbu, tbikkmu bl-għaġeb:
għaliex fi żmienkom stess għad issir ħaġa
li, jekk tingħad, ma temmnuhiex.
[Ħab:1:6] Għax, ara, jiena nqajjem il-Kaldin,
il-ġens qalil li jaħbat għal kulħadd,
u jaqsam l-art fil-wisa’ kollu tagħha,
jaħtaf imkejjen mgħammra m’humiex tiegħu.
[Ħab:1:7] Hu ġens li jwerwer, ta’ min jibża’ minnu;
il-ħaqq u l-qerda skond kif jidhirlu hu.
[Ħab:1:8] Iż-żwiemel tiegħu eħfef mil-ljupardi,
eħrex mil-lpup ta’ filgħaxija.
Ilebbtu r-rikkieba tiegħu,
ġejjin mill-bogħod ir-rikkieba tiegħu,
itiru b’ħeffa t’ajkla tfittex l-ikel.
[Ħab:1:9] Lkoll kemm huma ġejjin għall-vjolenza,
il-biża’ ta’ dehrithom jasal qabilhom;
il-priġunieri jiġimgħuhom daqs ir-ramel.
[Ħab:1:10] Dal-ġens iwaqqa’ s-slaten għaż-żufjett,
jidħak bil-prinċpijiet,
jiddieħak b’kull fortizza,
u jtalla’ gzuz ta’ terrapien u lilha jieħu!
[Ħab:1:11] Mbagħad jonfoħ bħar-riħ
u jibqa’ għaddej,
dal-ħati li qawwietu alla tiegħu!

Il-ħruxija ta’ l-għedewwa

[Ħab:1:12] Jaqaw m’intix minn dejjem int, Mulej?
M’intix Alla l-Qaddis tiegħi, li ma tmutx?
Mulej, dan minnek sar, biex tagħmel ħaqq,
u sħiħ daqs blata ridtu jkun, b’kastig!
[Ħab:1:13] Int għajnejk safja wisq biex tara l-ħażen,
inti ma tiflaħx tħares lejn id-deni;
l-għala nies mill-agħar tħobb tagħti kashom,
iżżomm is-skiet meta min hu ħażin
jibla’ lil min hu aktar minnu ġust?
[Ħab:1:14] Int tagħmel il-bnedmin bħall-ħut tal-baħar,
bħall-bhejjem ta’ fuq l-art, bla sid għalihom.
[Ħab:1:15] Huwa jtellagħhom kollha bis-sunnara,
u, wara li jressaqhom bix-xbiek tiegħu,
jiġborhom kollha bil-konz tiegħu:
u b’hekk jithenna u jifraħ.
[Ħab:1:16] Għalhekk lix-xbiek joffrilu sagrifiċċju,
jaħraq l-inċens quddiem il-konz tiegħu;
għax bihom sehmu joktor
u iklu jkun aktar utiq.
[Ħab:1:17] Se jibqa’ jferragħ ix-xibka tiegħu
u joqtol il-ġnus bla waqfien?

2. Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu

[Ħab:2:1] Se noqgħod għassa f’posti,
se nibqa’ wieqaf fuq it-torri tiegħi,
nistenna ħalli nara x’sejjer jgħidli,
u kif se jwieġeb għall-ilmenti tiegħi.
[Ħab:2:2] Mbagħad il-Mulej wieġeb:
“Ikteb id-dehra,” qalli,
“onqoxha fuq tavlozzi,
hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.
[Ħab:2:3] Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,
tistenna se ma ttemm, u ma tqarraqx.
Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,
għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!
[Ħab:2:4] Arah jinfena min m’hux ruħu sewwa,
iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.”

Is-saħtiet kontra l-għadu

[Ħab:2:5] Gwaj għall-bniedem qarrieq,
u ma jkun qatt fis-sliem il-bniedem kburi,
li jiftaħ ħalqu bħax-Xeol,
u hu bħall-mewt, għaliex ma jixba’ qatt;
jiġma’ għalih kull poplu,
jiġbor għalih kull ġens!
[Ħab:2:6] Tgħid huma lkoll ma jqabblulux taqbila,
għanja niggieża, kliem joqgħodlu sewwa?
U jgħidulu:

L-ewwel saħta

“Ħażin għalih min jiġma’
Dak li m’hux tiegħu
(kemm se jdum?)
Min jgħabbi lilu nnifsu b’ħafna djun!”
[Ħab:2:7] M’hux f’daqqa jqum min dejjnek?
Ma jistenbħux dawk li jġagħluk titriegħed,
u ssir il-priża tagħhom?
[Ħab:2:8] Talli ħarbatt il-ġid ta’ bosta ġnus,
il-popli l-oħra lkoll iħarbtu lilek;
għad iħallsuk ta’ demm in-nies li qridt,
tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż
u fuq il-belt u fuq kull min jgħammar fiha!

It-tieni saħta

[Ħab:2:9] Ħażin għalih min għal daru jagħmel
xi qligħ miksub ħażin,
biex il-bejta tiegħu jqiegħed fl-għoli,
u hekk ma jħallihiex tintmess mill-ħsara.
[Ħab:2:10] Qerried ta’ bosta popli,
b’għemilek stess waqqajt l-għajb fuq darek,
u tlift lilek innifsek.
[Ħab:2:11] Għaliex sal-ġebla minn ġol-ħajt għad
tgħajjat,
u travu mbagħad iwieġeb minn mas-saqaf.

It-tielet saħta

[Ħab:2:12] Ħażin għalih min jibni belt bid-demm,
italla’ belt fuq sisien il-ħażen!
[Ħab:2:13] Jaqaw m’hux mill-Mulej tal-qtajja’ ġej,
li l-popli jitgħabbew bix-xogħol għan-nar,
u l-ġnus jaħlu saħħithom għal xejn?
[Ħab:2:14] Għax l-art kollha kemm hi
għad tagħraf sewwa l-glorja tal-Mulej,
bħalma hu miksi l-baħar bl-ilmijiet!

Ir-raba’ saħta

[Ħab:2:15] Ħażin għalih min jisqi l-proxxmu tiegħu,
min iferragħlu s-semm sa jġagħlu jisker,
bil-ħsieb li jħares lejn għawaru!
[Ħab:2:16] Int bl-għajb timtela u tixba’, u mhux
bil-ġieħ.
Mel’ixrob int ukoll,
ħa turi ruħek bla ħtin!
Għad idur lejk il-kalċi
ta’ l-id il-leminija tal-Mulej,
u l-għajb jgħattilek ġieħek.
[Ħab:2:17] Id-deni li għamilt fil-Libanu
għad jgħarraq lilek;
il-qerda li ġibt inti fuq il-bhejjem
għad twerwer lilek;
għad iħallsuk ta’ demm in-nies li qridt,
tad-deni li ġibt int fuq il-pajjiż
u fuq il-belt u fuq kull min jgħammar fiha.

Il-ħames saħta

[Ħab:2:18] Xbieha minquxa x’fejda jkun hemm fiha
biex min jonqoxha joqgħod isawwarha?
X’tiswa xbieha mdewwba,
u l-ħabbar giddieb,
biex jista’ jafda fiha min jagħmilha
u joqgħod jaħdem idoli mbikkmin?
[Ħab:2:19] Ħażin għalih min jgħid lil biċċa għuda:
“Stenbaħ min-ngħas, ” jew: “Qum” lil ġebla siekta!
Dan hu t-tagħlim!
Arah, xogħol intarsjat bid-deheb u l-fidda,
iżd’ebda nifs ta’ ħajja m’hemm ġo fih.
[Ħab:2:20] Iżda l-Mulej fit-tempju mqaddes tiegħu;
iskot quddiemu, art, kollok kemm int.

3. Sejħa għall-għajnuna tal-Mulej

[Ħab:3:1] Talba tal-profeta Ħabakkuk, fuq it-ton
ta’ l-għana ta’ niket.
[Ħab:3:2] Mulej, waslet f’widnejja l-fama tiegħek,
mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.
Sa ftit snin oħra ġeddu,
sa ftit snin oħra għarrfu!
Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.
Ħab:3:3] Alla ġej minn Teman,
mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.
Sebħu jiksi s-smewwiet, foħritu timla l-art.
[Ħab:3:4] Dijietu qisha dawl ix-xemx,
minn idu jleħħu r-raġġi:
hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.
[Ħab:3:5] Quddiemu timxi l-pesta,
u wara passih jiġi d-deni,
[Ħab:3:6] Jieqaf, u jriegħed l-art,
iħares, u jkexkex il-ġnus:
mbagħad il-muntanji dejjiema
jitqanqlu minn posthom,
l-għoljiet ta’ żmien il-qedem jitbaxxew,
triqatu sa minn dejjem.
[Ħab:3:7] It-tined ta’ Kusan rajthom jitbeżżgħu,
rajt l-għerejjex t’art Midjan jirtogħdu.
[Ħab:3:8] Jaqaw tixgħel il-korla tiegħek kontra
x-xmajjar
jew kontra l-baħar qilltek,
meta int, Mulej, tirkeb iż-żwiemel tiegħek
u l-karru tar-rebħ tiegħek?
[Ħab:3:9] Terfa’ l-qaws tiegħek għeri,
il-watar tiegħek timlieh sew bil-vleġeġ.
Int tofroq l-art bix-xmajjar,
[Ħab:3:10] jilmħuk il-muntanji, u jitheżhżu;
jitqalleb l-ilma b’saħħa kbira u jgħaddi;
jgħajjat l-abbiss u jerfa’ idejh fl-għoli.
[Ħab:3:11] Ix-xemx u l-qamar waqfu f’posthom,
ħarbu kif raw ileħħu l-vleġeġ tiegħek,
u l-lanza tiegħek toħroġ dawl li jgħammex.
[Ħab:3:12] Int b’korla fuqek tgħaddi minn nofs l-art,
u tgħaffeġ b’saħna l-ġnus.
[Ħab:3:13] Int ħriġt sabiex issalva l-poplu tiegħek,
issalva l-midluk tiegħek.
Dar il-ħażin ġarraftha mill-quċċata,
kxiftilha l-pedament sa deher il-blat.
[Ħab:3:14] Nfidt bix-xettru tiegħek
ras il-gwerriera tiegħu,
li nxteħtu fuqi b’ferħ biex jeqirduni,
bħalkieku biex jibilgħu ‘l min hu msejken,
f’xi mkien fis-satra,
[Ħab:3:15] Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq
il-baħar,
fuq it-tqalligħ ta’ l-ilmijiet kotrana.
[Ħab:3:16] Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira,
għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;
ħassejt għadmi jitmermer,
passija bdew jitriegħdu taħti.
Noqgħod bil-kwiet nistenna Jum l-għawġ
li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.
[Ħab:3:17] U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina,
u xejn ma jagħtu d-dwieli
u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq,
u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel,
u l-merħla tgħib mill-mandra,
u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,
[Ħab:3:18] jien xorta waħda nifraħ fil-Mulej,
nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!
[Ħab:3:19] Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi;
riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev
u fuq l-għoljiet jeħodni.
Lill-mexxej tal-kor; bid-daqq tal-kordi.