Ġoel

IL-KTIEB TAL-PROFETA ĠOEL

1. [Ġoel:1:1] Il-kelma tal-Mulej, li ġiet lil Ġoel
bin Petwel.

Swied il-qalb għall-qerda tal-pajjiż

[Ġoel:1:2] Isimgħu dan, xjuħ,
agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru fil-pajjiż!
Ġrat xi ħaġa hekk fi żmienkom,
jew fi żmien missirijietkom?
[Ġoel:1:3] Għiduha lil uliedkom,
u wliedkom lil uliedhom,
u wliedhom lin-nisel ta’ warajhom.
[Ġoel:1:4] Dak li ħalla l-ġrad qattiegħ,
kielu l-ġrad gerriem.
Dak li ħalla l-ġrad gerriem
kielu l-ġrad qabbież.
Dak li ħalla l-ġrad qabbież
kielu l-ġrad qerried.
[Ġoel:1:5] Qumu mir-rqad, ja sakranazzi, u ibku!
Intom li tixorbu l-inbid, newwħu lkoll
għall-inbid ġdid, li twarrbilkom minn ma’ fommkom!
[Ġoel:1:6] Għaliex għall-pajjiż tiegħi tela’ poplu,
qawwi u bla għadd;
snienu, snien ta’ ljun,
u għandu d-dras ta’ ljunessa.
[Ġoel:1:7] Il-qasam tad-dwieli tiegħi għamlu ħerba,
is-siġar tiegħi tat-tin tertaqhom;
qaxqaxhom għalkollox u rmiehom,
il-friegħi tagħhom bjadu.
[Ġoel:1:8] Olfoq, kif tagħmel xebba liebsa x-xkejjer,
għall-għarus ta’ żgħożitha!
[Ġoel:1:9] L-offerta ta’ l-ikel u tax-xorb inqatgħet
minn dar il-Mulej.
Kollhom niket il-qassisin,
qaddejja tal-Mulej.
[Ġoel:1:10] Mħassar ir-raba’,
l-art tbikkik.
Għax inqered il-qamħ,
l-inbid ġdid nixef,
għosfor iż-żejt frisk.
[Ġoel:1:11] Infixlu, ħaddiema,
intom li tieħdu ħsieb id-dwieli,
newwħu għall-qamħ u x-xgħir,
għax intilef il-ħsad tar-raba’.
[Ġoel:1:12] Il-qasam tad-dwieli sfar,
u s-siġar tat-tin dbielu;
is-siġar tar-rummien, tal-palm u tat-tuffieħ,
u s-siġar kollha tar-raba’ nixfu.
Kif għeb il-ferħ minn fost il-bnedmin!

Sejħa għall-indiema u għat-talb

[Ġoel:1:13] Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu,
ixhru, qaddejja ta’ l-artal!
Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom,
qaddejja ta’ Alla tiegħi!
Għax miżmuma mid-dar ta’ Alla tagħkom
l-offerta ta’ l-ikel u tax-xorb.
[Ġoel:1:14] Ordnaw sawma;
sejjħu laqgħa mqaddsa;
morru iġbru x-xjuħ,
u n-nies kollha tal-pajjiż
fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom.
Għajjtu lill-Mulej:
[Ġoel:1:15] “Ah, x’jum dan!
Għax fil-qrib jum il-Mulej,
jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.”
[Ġoel:1:16] Forsi m’hux quddiem għajnejna
naqas l-ikel,
l-hena u l-ferħ
mid-dar ta’ Alla tagħna?
[Ġoel:1:17] Il-qamħ miżrugħ tħassar
taħt it-tub tiegħu;
il-matmuriet saru ħerba waħda,
l-imħażen tal-qamħ iġġarrfu,
għax il-qamħ nixef.
[Ġoel:1:18] X’jokorbu l-bhejjem!
Il-baqar jiġġerrew mifxula,
għax m’għandhomx fejn jirgħu.
Sa l-imrieħel tan-nagħaġ u l-mogħoż inqerdu.
[Ġoel:1:19] Jien ngħajjat lilek, Mulej!
Għax in-nar qered il-ħdura tar-raba’,
ilsna tan-nar ħarqu s-siġar kollha ta’ l-għelieqi.
[Ġoel:1:20] Sa l-bhejjem tar-raba’ mxennqin għalik,
għax nixfu n-nixxigħat ta’ l-ilma,
għax in-nar qered il-ħdura tal-kampanja.

2. Jum il-Mulej

[Ġoel:2:1] Doqqu t-tromba f’Sijon,
semmgħu l-aħbar minn fuq il-muntanja mqaddsa
tiegħi!
Ħa jitriegħdu dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż,
għax Jum il-Mulej wasal,
għax hu fil-qrib!
[Ġoel:2:2] Jum ta’ dlam u ta’ swied,
jum ta’ sħab u ta’ ċpar magħqud.
Fuq il-muntanji jinfirex bħal sħaba sewda
poplu kotran u qawwi,
li bħalu ma kien hemm qatt fl-imgħoddi,
lanqas ma jkun hemm warajh
saż-żminijiet l-aktar imbiegħda.

L-armata ta’ l-invażjoni

[Ġoel:2:3] Quddiemu jiekol in-nar,
warajh iserrpu l-ilsna tan-nar,
quddiemu l-pajjiż qisu l-ġnien ta’ l-Għeden,
warajh ikun deżert bla ħajja.
Xejn ma jkun hemm li jaħrablu.
[Ġoel:2:4] Id-dehra tiegħu bħal dehra ta’ żwiemel;
u bħal żwiemel tal-ġiri, hekk ilebbtu.
[Ġoel:2:5] Bħal ħsejjes ta’ karrijiet
jaqbżu fuq qċaċet il-muntanji,
bħat-tfaqqigħ ta’ lsien in-nar
iqabbad il-qasbija,
bħal armata qawwija mqassma għall-battalja.
[Ġoel:2:6] Għad-dehra tagħha l-popli jitkexkxu,
l-uċuħ kollha jisfaru.
[Ġoel:2:7] Huma jinxteħtu bħal nies qalbiena,
jixxabbtu mas-swar bħal suldati.
Kull wieħed minnhom iżomm triqtu,
ħadd minnhom ma jitlifha.
[Ġoel:2:8] Ebda wieħed minnhom ma jross fuq ta’
ħdejh,
kull wieħed iżomm il-passi tiegħu;
u jinxteħtu qalb l-armi
bla ma jwarrbu minn posthom.
[Ġoel:2:9] Jintefgħu għal fuq is-swar,
jixxabbtu mal-ħitan tad-djar,
jidħlu mit-twieqi,
qishom ħallelin.

Dehra ta’ Jum il-Mulej

[Ġoel:2:10] Quddiemhom l-art titriegħed,
is-smewwiet jitqanqlu!
Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,
u l-kwiekeb jitilfu dijiethom!
[Ġoel:2:11] U l-Mulej isamma’ leħnu f’ras it-truppi
tiegħu.
Għax bla għadd qtajjietu,
għax hu qawwi dak li jagħmel l-ordni tiegħu,
għax Jum il-Mulej hu kbir,
tal-biża’ wisq, u min jiflaħ għalih?

Sejħa għall-indiema

[Ġoel:2:12] “Iżda mqar issa, oraklu tal-Mulej,
erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha,
bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq.
[Ġoel:2:13] ċarrtu qalbkom, u mhux ilbieskom,
u erġgħu duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom,
għax hu twajjeb u ħanin,
tqil biex jinkorla, u kollu tjieba;
u jisgħobbih għall-ħażen.
[Ġoel:2:14] Min jaf jerġax jibdielu u jisgħobbih,
u jħalli barka wrajh,
offerta ta’ l-ikel u tax-xorb
lill-Mulej, Alla tagħkom?
[Ġoel:2:15] Doqqu t-tromba f’Sijon!
Ordnaw sawma,
sejjħu laqgħa mqaddsa;
[Ġoel:2:16] iġbru l-poplu,
qaddsu l-ġemgħa
għajjtu x-xjuħ,
iġbru t-tfal,
u t-trabi tal-ħalib!
Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu
u l-għarusa mill-kmajra tagħha!
[Ġoel:2:17] Bejn il-portiku u bejn l-artal ħa jibku
l-qassisin, qaddejja tal-Mulej!
U ħa jgħidu:
“Ħenn għall-poplu tiegħek, Mulej,
u la tħallix il-wirt tiegħek jaqa’ għaż-żebliħ,
u jiġi fi lsien il-ġnus!
L-għala għandu jingħad fost il-popli:
“Fejn hu Alla tagħhom?”

Tmiem il-kastig u l-bidu tal-ħelsien

[Ġoel:2:18] U l-Mulej ġietu għira għall-art tiegħu,
għader il-poplu tiegħu.
[Ġoel:2:19] Il-Mulej wieġeb u qal lill-poplu tiegħu:
“Ara, jiena se nibagħtilkom
il-qamħ u l-inbid ġdid u ż-żejt,
u jkollkom minnhom bix-xaba’.
U ma nħallikomx iżjed
taqgħu għaż-żebliħ tal-ġnus.
[Ġoel:2:20] Nbiegħed minnkom lil tat-tramuntana
u nixħtu f’post niexef u d-deżert,
il-quddiemi tiegħu lejn il-baħar tal-lvant,
u l-warrani lejn il-baħar tal-punent.
U titla’ minnu ntiena,
riħa tinten titla’ minnu
għax għamel ħsara kbira.”

Jidher ġid bil-kotra

[Ġoel:2:21] Tibżax, art,
ifraħ u thenna,
għax ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej!
[Ġoel:2:22] La tibżgħux, bhejjem tar-raba’!
Għax il-ħdura tal-kampanja reġgħet nibtet,
is-siġar qed jitqalu bil-frott tagħhom,
it-tina u d-dielja qed iroddu l-ġid tagħhom.
[Ġoel:2:23] Ulied Sijon, ifirħu,
thennew fil-Mulej, Alla tagħkom!
Għaliex hu takom ilma bikri kif imiss,
bagħtilkom ix-xita bikrija,
u x-xita mwaħħra, bħal fl-imgħoddi.
[Ġoel:2:24] L-andrijiet jimtlew bil-qmuħ,
l-imgħasar ifuru bi nbid ġdid u żejt.
[Ġoel:2:25] U nerġa’ nagħtikom l-annati
li ttieklu mill-ġrad qattiegħ u l-ġrad gerriem,
u mill-ġrad qerried u l-ġrad qabbież,
l-armata kbira tiegħi,
li jien bgħatt kontrikom.”
[Ġoel:2:26] U tieklu sewwa u tixbgħu,
u tfaħħru isem il-Mulej, Alla tagħkom,
li jkun għamel għeġubijiet.
Il-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!
[Ġoel:2:27] U tagħrfu li jien ninsab f’nofs Iżrael,
u li jiena l-Mulej, Alla tagħkom, u m’hemmx ħliefi!
U l-poplu tiegħi ma jkollu qatt iżjed mniex jistħi!

3.Il-Mulej isawwab l-Ispirtu tiegħu

[Ġoel:3:1] “Wara dan, jiġri
li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.
Uliedkom iħabbru, subjien u bniet,
ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,
iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.
[Ġoel:3:2] U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa,
nsawwab l-ispirtu tiegħi f’dawk il-jiem.
[Ġoel:3:3] Fis-sema u l-art nuri sinjali,
demm u nar u kolonni ta’ duħħan!
[Ġoel:3:4] Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar f’demm,
qabel ma jasal Jum il-Mulej,
kbir u tal-biża’!
[Ġoel:3:5] U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,
għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm
is-salvazzjoni,
kif qal il-Mulej,
u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.

4. Fuqiex isir il-ħaqq

[Ġoel:4:1] “Għax, ara, f’dawk il-jiem, f’dak iż-żmien,
li fih inġedded ‘il Ġuda u ‘l Ġerusalemm,
[Ġoel:4:2] jiena niġbor il-ġnus kollha,
u nniżżilhom fil-Wied ta’ Ġosafat;
hemmhekk nagħmel ħaqq minnhom
minħabba f’Iżrael, il-poplu u l-wirt tiegħi,
li huma xerrdu fost il-ġnus,
u għax il-pajjiż tiegħi qassmuh bejniethom,
[Ġoel:4:3] u tefgħu x-xorti fuq il-poplu tiegħi;
‘l uliedhom subjien bidluhom man-nisa żienja,
u ‘l uliedhom bniet biegħuhom għall-inbid biex
xorbuh”.

Tehdid kontra l-Feniċi u l-Filistej

[Ġoel:4:4] “U intom ukoll, Tir u Sidon, x’intom
għalija?
U l-inħawi kollha tal-Filistja?
Se tagħmlu vendetta intom minni?
Imma jekk tagħmlu vendetta intom minni,
fis ngħaġġel inroddhielkom fuq irjuskom!
[Ġoel:4:5] Intom ħtaftu l-fidda u d-deheb tiegħi,
ħadtu l-egħżeż u l-aħjar minn ħwejġi
għat-tempji tagħkom,
[Ġoel:4:6] intom lil ulied Ġuda u Ġerusalemm
begħtuhom lil ulied il-Griegi,
bl-għan li tbegħduhom minn arthom!
[Ġoel:4:7] Ara, se nqanqalhom minn fejn begħtuhom
intom,
u d-deni tagħkom inroddhulkom fuq irjuskom.
[Ġoel:4:8] U lil uliedkom, kemm subjien kemm bniet,
nbigħhom jien f’idejn ulied Ġuda;
u huma jbigħuhom lin-nies ta’ Saba,
lil ġens imbiegħed;
hekk tkellem il-Mulej!”

Sejħa tal-ġnus

[Ġoel:4:9] Xandru dan fost il-ġnus:
Ħejju għall-gwerra qaddisa!
Qajjmu l-qalbenin!
Ħa jersqu, ħa jitilgħu
l-irġiel kollha tal-gwerra!
[Ġoel:4:10] Is-sikek tagħkom dewwbuhom fi sjuf,
l-imnieġel tagħkom f’lanez.
Ħa jgħid id-dgħajjef: “Jien qalbieni!”
[Ġoel:4:11] Ħaffu u ejjew,
intom ġnus kollha ta’ madwar,
u nġabru hemm!
Niżżel, Mulej, il-qalbenin tiegħek!
[Ġoel:4:12] Ħa jitqanqlu l-ġnus u jmorru
fil-Wied ta’ Ġosafat!
Għax hemm se noqgħod biex nagħmel ħaqq
mill-ġnus kollha ta’ madwar.
[Ġoel:4:13] Ressqu l-minġel;
għax laħaq il-ħsad!
Ejjew, isħqu b’riġlejkom,
għax mimli l-magħsar;
il-btieti mfawwrin,
għax kbira ħżunithom!

Jum il-Mulej

[Ġoel:4:14] Rassa bla qjies
f’wied is-sentenza!
Għax Jum il-Mulej fil-qrib
f’wied is-sentenza.
[Ġoel:4:15] Ix-xemx u l-qamar jiddallmu,
u l-kwiekeb jitilfu dijiethom.
[Ġoel:4:16] Il-Mulej iriegħed minn Sijon,
isamma’ leħnu minn Ġerusalemm;
u s-smewwiet u l-art jitriegħdu!
Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn,
ikun fortizza għal ulied Iżrael!
[Ġoel:4:17] “Mbagħad tagħrfu li jien il-Mulej,
Alla tagħkom,
li ngħammar f’Sijon, il-muntanja mqaddsa tiegħi!
Ġerusalemm tkun post qaddis,
qatt iżjed ma jgħaddu minnha l-barranin!

Żmien l-hena tat-tiġdid ta’ Iżrael

[Ġoel:4:18] U jiġri dakinhar,
il-muntanji jqattru l-inbid ġdid,
l-għoljiet inixxu l-ħalib,
u l-widien kollha ta’ Ġuda
ifuru bl-ilmijiet.
U minn dar il-Mulej tnixxi għajn
Li ssaqqi Wied Sittim.
[Ġoel:4:19] L-Eġittu jsir ħerba waħda,
Edom jinbidel f’deżert li jbikki,
minħabba fil-moħqrija li wrew ma’ wlied Ġuda
meta xerrdu demmhom bla ħtija f’arthom.
[Ġoel:4:20] Imma art Ġuda tkum mgħammra
għal dejjem,
u Ġerusalemm għal dejjem ta’ dejjem.
[Ġoel:4:21] U nitħallas minn demmhom
li s’issa għadni ma tħallastx minnu
u l-Mulej jgħammar f’Sijon.”