Għamos

IL-KTIEB TAL-PROFETA GĦAMOS

1. Il-ħaqq tal-Mulej kontra l-ġnus

[Għam:1:1] Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja ta’
Tekugħa.
Dak li ra dwar Iżrael fi żmien Għużżija,
sultan ta’ Ġuda,
u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas,
sultan ta’ Iżrael,
sentejn qabel it-terremot.
[Għam:1:2] Hu qal: “Il-Mulej iriegħed minn Sijon,
u jsamma’ leħnu minn Ġerusalemm;
dbielet il-ħdura tal-mergħat tar-rgħajja
u nixfet il-quċċata tal-Karmel.”

Damasku

[Għam:1:3] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Damasku,
erbgħa anzi,’
ma nreġġax lura kelmti,
għax dirsu lil Gilgħad bi xtabi tal-ħadid.
[Għam:1:4] Nibgħat in-nar fid-dar ta’ Ħażajel
u jeqred il-palazzi ta’ Benħadad;
[Għam:1:5] nkisser l-istaneg ta’ Damasku,
u neqred lil dawk li jgħammru f’wied Awen
u ‘l dak li jżomm ix-xettru f’Bet-għeden;
u l-poplu tas-Sirja jittieħed f’Kir,”
jgħid il-Mulej.

Gaza

[Għam:1:6] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Gaza,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ
biex jagħtuh f’idejn Edom;
[Għam:1:7] nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Gaza,
u jeqred il-palazzi kollha tagħha;
[Għam:1:8] neqred lil dawk li jgħammru f’Asdod,
u ‘l dak li jżomm ix-xettru f’Askalon;
u ndawwar idejja għal fuq Għekron,
u jintemmu l-fdal tal-Filistin,”
jgħid il-Mulej Alla.

Tir

[Għam:1:9] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Tir,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ
biex jagħtuh f’idejn Edom,
u ma ftakrux fil-patt ta’ l-aħwa;
[Għam:1:10] nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Tir,
u jeqred il-palazzi tagħha.”

Edom

[Għam:1:11] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Edom,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għaliex għamel għal ħuh bis-sejf,
u warrab kull ħniena,
u żamm għadbu għal dejjem,
u l-qilla tiegħu żammha sa l-aħħar;
[Għam:1:12] għalhekk nibgħat in-nar f’Teman
u jeqred il-palazzi ta’ Bosra.”

Għammon

[Għam:1:13] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ wlied Għammon,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għaliex ċarrtu ħdan in-nisa tqal ta’ Gilgħad,
biex iwessgħu trufijiet arthom;
[Għam:1:14] nqabbad in-nar fuq is-swar ta’ Rabba,
u neqred il-palazzi tagħha,
b’għajat f’jum it-taqbida,
u b’tempesta f’jum ir-riefnu;
[Għam:1:15] u s-sultan tagħhom imur fl-eżilju,
hu u l-prinċpijiet tiegħu miegħu,”
jgħid il-Mulej.

2. Mowab

[Għam:2:1] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Mowab,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għax għadam is-sultan ta’ Edom ħarquh irmied;
[Għam:2:2] nibgħat in-nar f’Mowab,
u jeqred il-palazzi ta’ Kerijjot,
u Mowab imut fost l-għajat,
u l-għagħa u d-daqq tat-tromba;
[Għam:2:3] neqred min-nofs ‘il min jaħkimha,
u miegħu noqtol il-prinċpijiet tagħha kollha,”
jgħid il-Mulej.

Il-ħaqq tal-Mulej għal Ġuda u Iżrael

[Għam:2:4] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Ġuda,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għax huma telqu l-liġi tal-Mulej,
u ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu;
ħarġuhom barra mit-triq l-idoli tagħhom,
li mxew warajhom missirijiethom;
[Għam:2:5] għalhekk jien nibgħat nar fuq Ġuda,
u naħraq il-palazzi ta’ Ġerusalemm.”
[Għam:2:6] Dan jgħid il-Mulej:
“Għal tliet dnubiet ta’ Iżrael,
erbgħa anzi,
ma nreġġax lura kelmti,
għax huma biegħu l-bniedem ġust għall-fidda,
u l-fqir għal żewġt iqrieq;
[Għam:2:7] saħqu ras l-imsejkna mat-trab ta’ l-art,
u għawwġu t-triq ta’ l-umli;
għax huma jidħlu għand l-istess żagħżugħa,
sew l-iben, sew missieru,
biex iżebilħu l-isem qaddis tiegħi;
[Għam:2:8] u għax ħdejn kull artal jimteddu
fl-art fuq ħwejjeġ mirhunin;
u fid-dar ta’ alla tagħhom ilegilgu
l-inbid ta’ dawk li huma jimmultaw.
[Għam:2:9] U safrattant kont jien li qridtilhom ġens
l-Amurrin,
minn quddiemhom, minkejja li kien għoli daqs
iċ-ċedri,
u l-qawwa tiegħu qawwa tal-ballut.
U qridtlu l-frott minn fuqu u sa l-għeruq minn taħtu.
[Għam:2:10] Kont jien li tellajtkom mill-Eġittu,
mexxejtkom erbgħin sena fid-deżert,
biex tieħdu art ġens l-Amurrin.
[Għam:2:11] Kont jien li għażilt profeti minn
uliedkom
u nażrin miż-żgħażagħ tagħkom.
Mhux hekk għamilt magħkom,
ulied Iżrael?” jgħid il-Mulej.
[Għam:2:12] “Iżda intom sqejtu l-inbid lin-nażrin,
u lill-profeti għedtulhom: ‘Tħabbrulniex!’
[Għam:2:13] Araw, se nrosskom ma’ l-art,
kif jintrass ‘l isfel karettun mgħobbi bil-qatet.
[Għam:2:14] Il-ħafif ma jibqagħlux ħila biex jaħrab,
il-qawwi ma jwettaqx saħħtu;
lanqas il-qalbieni ma jsalva ħajtu;
[Għam:2:15] min jaqbad l-ark ma jiqafx fuq riġlejh,
min hu riġlejh ħfief ma jsalvax,
lanqas ir-rikkieb ma jsalva ħajtu;
[Għam:2:16] u mqar l-aqwa wieħed fost il-qalbiena,
ikollu jaħrab għarwien dakinhar,”
jgħid il-Mulej.

3. Il-Mulej u Iżrael

[Għam:3:1] Ulied Iżrael, isimgħu din il-kelma,
li l-Mulej qal kontrikom,
u kontra t-tribujiet kollha,
li jien tellajt minn art l-Eġittu.
Huwa qal,
[Għam:3:2] “Mir-razez kollha ta’ l-art
ma ridt naf b’ħadd ħliefkom;
għalhekk se nikkastigakom
minħabba l-ħażen kollu tagħkom.
[Għam:3:3] Forsi tnejn min-nies
se jimxu flimkien jekk ma jiftehmux?
[Għam:3:4] L-iljun se jriegħed fil-foresta
jekk ma jsibx il-priża?
Il-ferħ tal-ljun
se jsamma’ leħnu fl-għar tiegħu
jekk ma jkun qabad xejn?
[Għam:3:5] L-għasfur se jaqa’ f’wiċċ l-art,
jekk ma jkunx hemm ix-xbiek?
Se jinqaleb il-mansab ma’ l-art,
jekk ma jkunx hemm x’jaqbad?
[Għam:3:6] Forsi tindaqq it-tromba fil-belt
u l-poplu ma jibżax?
Se tiġri xi ħsara f’belt,
jekk ma jkunx għamilha l-Mulej?
[Għam:3:7] Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej,
jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu
lill-qaddejja tiegħu l-profeti.
[Għam:3:8] L-iljun jgħajjat: min ma jibżax?
Sidi l-Mulej jitkellem: min ma jħabbarx?”

Id-dnubiet ta’ Samarija

[Għam:3:9] Ħabbru fil-fortizzi ta’ l-Assirja,
fil-palazzi ta’ l-art ta’ l-Eġittu,
u għidu:
“Inġabru fuq il-muntanji ta’ Samarija u araw:
it-taħwid kbir li hemm ġo fiha,
il-moħqrijiet f’nofsha.
[Għam:3:10] Jagħmlu s-sewwa ma jafux,
oraklu tal-Mulej,
nies li jrekknu l-vjolenza u s-serq
fil-palazzi tagħhom.”
[Għam:3:11] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej:
“L-għadu għad idawwarlek artek,
ineżżgħek minn qawwietek,
u jisraqlek il-palazzi tiegħek.”
[Għam:3:12] Dan jgħid il-Mulej:
“Bħalma r-ragħaj jaħtaf minn ħalq l-iljun
xi żewġ saqajn jew xi biċċa widna
tan-nagħaġ tiegħu,
daqshekk jeħilsu minn ulied Iżrael
minn dawk li jgħammru f’Samarija,
li jixxaħxħu fl-irkejjen tad-divani,
u s-sufanijiet ta’ Damasku.”
[Għam:3:13] “Isimgħu u ixhdu kontra dar Ġakobb,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti:
[Għam:3:14] Dakinhar li nikkastiga ‘l Iżrael għal
dnubietu,
nikkastiga wkoll l-artali ta’ Betel,
jitqaċċtu l-qrun ta’ l-artal tagħha,
u jiġġarrfu fl-art.
[Għam:3:15] Naħbat għad-dar tax-xitwa
u għad-dar tas-sajf;
u jiġġarrfu l-palazzi ta’ l-avorju,
u jispiċċaw id-djar il-kbar,”
oraklu tal-Mulej.

4. [Għam:4:1] Isimgħu din il-kelma,
intom baqar ta’ Basan,
li qegħdin fuq il-muntanja ta’ Samarija.
Intom li tgħakksu lill-imsejknin, u taħqru l-fqar;
li tgħidu lil żwieġkom:
‘Ġibulna x’nixorbu!’
[Għam:4:2] Sidi l-Mulej ħalef bi qdusitu:
‘Arahom ġejjin jiem fuqkom
u jeħdukom bis-snanar,
u bil-foxxni l-aħħar fostkom.
[Għam:4:3] U toħorġu mit-tiċrit tas-swar,
waħda wara l-oħra,
u jwaddbukom lejn Ħarmon,”
oraklu tal-Mulej.

Iżrael ma jindimx

[Għam:4:4] “Ejjew f’Betel u idinbu,
f’Gilgal u komplu idinbu;
offru s-sagrifiċċji fil-għodu,
u l-għexur kull tlitt ijiem.
[Għam:4:5] Aħarqu l-ħobż bil-ħmira b’radd il-ħajr;
ħabbru u xandru l-offerti minn rajkom.
Għax dan ħabbejtu, ulied Iżrael,”
oraklu ta’ Sidi l-Mulej.
[Għam:4:6] “Jien naddaftilkom snienkom
fl-ibliet kollha tagħkom,
u naqqastilkom il-ħobż
mill-għamajjar kollha tagħkom,
imma intom ma rġajtux lejja,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:4:7] “Jien żammejtilkom ukoll ix-xita,
meta l-ħsad kien għadu tliet xhur bogħod;
u bgħatt ix-xita fuq belt,
u fuq belt oħra ma bgħatthiex;
għalqa waħda ssaqqiet bix-xita,
u nixfet l-għalqa l-oħra,
għax xita ma bgħattx fuqha.
[Għam:4:8] Tnejn, tlitt ibliet ġew jixxenglu,
lejn belt waħda jixorbu l-ilma,
u ma xebgħux!
B’danakollu ma rġajtux għal għandi,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:4:9] “Jien ilqajtkom bir-riħ xlokk u bis-sadid,
qridtilkom il-ġonna tagħkom u l-oqsma tad-dwieli,
is-siġar tat-tin u taż-żebbuġ tagħkom
kilhomlkom il-ġrad.
Imma intom ma rġajtux għal għandi,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:4:10] “Bgħattilkom il-pesta bħal ta’ l-Eġittu,
qtiltilkom bix-xabla ż-żgħażagħ tagħkom,
u ħallejt jinqabdu ż-żwiemel tagħkom
u tellajt fi mnifsejkom
l-intiena tal-kamp tagħkom;
imma intom ma rġajtux għal għandi,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:4:11] “Jiena qlibtkom ta’ taħt fuq,
kif Alla qaleb lil Sodoma u Gomorra;
kontu bħal ħerba meħlusa minn ħuġġieġa,
imma intom ma rġajtux għal għandi,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:4:12] “Mela dan se nagħmillek, Iżrael;
u la darba se nagħmillek hekk, ħejji ruħek,
biex tiltaqa’ ma’ Alla tiegħek, O Iżrael.”
[Għam:4:13] Dak li sawwar il-muntanji,
u joħloq l-irjieħ,
juri lill-bniedem kif hu jaħsibha,
jagħmel is-sebħ u d-dlam,
u jimxi fuq il-qċaċet ta’ l-art,
Jaħweh, Alla ta’ l-eżerċti, jismu.

5. F’alla hemm il-ħajja

[Għam:5:1] Isimgħu din il-kelma,
li jien se nlissen għalikom,
għanja ta’ biki, O Iżrael.
[Għam:5:2] “Waqgħet biex ma terġax tqum,
ix-xbejba ta’ Iżrael.
Minxura fl-art, ħadd ma jqajjimha.”
[Għam:5:3] Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:
“Il-belt li ħarġet b’elf ruħ,
tibqa’ b’mija,
u dik li ħarġet b’mija,
tibqa’ b’għaxra,
għad-dar ta’ Iżrael.”
[Għam:5:4] Għax dan jgħid il-Mulej lil dar Iżrael:
“Fittxuni u tgħixu.
[Għam:5:5] La tfittxux lil Betel,
la tmorrux f’Gilgal,
la tgħaddux lejn Birsaba.
Għax Gilgal tittieħed fl-eżilju,
u Betel issir ħerba.”
[Għam:5:6] Fittxu lill-Mulej u tgħixu.
Li ma joħroġx bħan-nar għal dar Ġużeppi,
jibla’ kollox u ma jkunx hemm min jitfih,
għad-dar ta’ Iżrael.
[Għam:5:7] Intom li tibdlu l-ġustizzja fi mrar,
u tixħtu s-sewwa ma’ l-art!
[Għam:5:8] Hu li għamel il-Plejadi u l-Orjon,
li jibdel id-dlam fis-sebħ,
u l-jiem fil-lejl mudlam;
li jsejjaħ ilmijiet il-baħar,
u jsawwabhom fuq wiċċ l-art,
Jaħweh jismu.
[Għam:5:9] Li jġiegħel tleħħ il-qerda fuq il-qawwi,
u l-qerda jġib fuq il-fortizza.
[Għam:5:10] Jobogħdu ‘l min iwiddeb fil-bieb,
u jistmerru ‘l min jgħid is-sewwa.
[Għam:5:11] Għax intom għakkistu l-fqir,
u teħdulu t-taxxa minn fuq il-qamħ.
Intom bnejtu djar b’ġebel minġur,
imma intom fihom ma tgħammrux.
Xettiltu oqsma sbieħ tad-dwieli,
imma l-inbid ma tixorbuhx.
[Għam:5:12] Għax naf kemm huma dnubietkom,
u ħtijietkom kemm huma kbar.
Intom tgħakksu l-bniedem sewwa,
tieħdu r-rigali,
u twarrbu l-ġustizzja mill-imsejknin fil-bieb.
[Għam:5:13] Min hu għaqli jibqa’ sieket
fi żmien bħal dan,
għax huwa żmien ħażin.
[Għam:5:14] Fittxu l-ġid, u mhux id-deni,
jekk tridu tgħixu,
u l-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti,
ikun magħkom, bħalma għedtu.
[Għam:5:15] Obogħdu d-deni u ħobbu l-ġid,
saħħu l-ġustizzja f’bieb il-belt;
u l-Mulej Alla ta’ l-eżerċti
għandu mnejn iħenn għal fdal Ġużeppi.
[Għam:5:16] Għalhekk jgħid il-Mulej,
Alla ta’ l-eżerċti, Sidi:
“Tinwiħ fil-pjazez kollha,
u fit-triqat kollha jgħajjtu:
‘Jaħasra! Jaħasra!’
Isejjħu lill-bidwi biex isewwed qalbu,
u l-bekkejja biex inewwħu.
[Għam:5:17] Tinwiħ f’kull għalqa tad-dwieli,
għax jien se ngħaddi minn ġo nofsok,”
jgħid il-Mulej.

L-eżilju ta’ Iżrael

[Għam:5:18] Jaħasra għalikom li tixtiequ Jum il-Mulej!
L-għala triduh Jum il-Mulej?
Dlam hu, u mhux dawl.
[Għam:5:19] Bħal meta wieħed jaħrab minn quddiem
l-iljun,
u jiltaqa’ miegħu l-ors,
jew jidħol id-dar u jqiegħed idu mal-ħajt,
u jigdmu s-serp.
[Għam:5:20] Jaqaw m’hux tassew li Jum il-Mulej
dlam u mhux dawl?
M’huwiex swied bla ebda dija?
[Għam:5:21] Il-festi tagħkom sirt nobgħodhom
u nistmerrhom,
ebda gost ma nsib fil-laqgħat tagħkom.
[Għam:5:22] Meta tressquli quddiemi
l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tagħkom,
ma jogħġbunix,
u anqas biss inħares lejn l-offerti tas-sliem
tal-bhejjem imsemmna tagħkom.
[Għam:5:23] Warrbu minni l-għajat ta’ l-għana tagħkom,
ma rridx nisma’ bid-daqq ta’ l-arpi tagħkom.
[Għam:5:24] Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma,
u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem.
[Għam:5:25] Ressaqtuli, forsi, vittmi u offerti
għall-erbgħin sena fid-deżert, dar ta’ Iżrael?
[Għam:5:26] Intom iġġorru ‘l Sikkut, is-sultan
tagħkom,
u l-kewkba ta’ Kewan, alla tagħkom,
l-idoli li intom għamiltu għalikom.
[Għam:5:27] Imma jien neżiljakom ‘l hemm minn
Damasku.”
Dan jgħid il-Mulej,
Alla ta’ l-eżerċti jismu.

6. Ix-xorti ta’ ġnus oħra

[Għam:6:1] Ħażin għalihom dawk li f’Sijon
għandhom moħħhom mistrieħ,
dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija,
il-kbarat ta’ l-ewwel fost il-ġnus,
li għandhom jiġu n-nies ta’ Iżrael.
[Għam:6:2] Għaddu għal Kalni u taraw,
morru minn hemm għal Ħamat il-kbira,
u inżlu lejn Gatt tal-Filistin.
Jaqaw intom aħjar minn dawn is-saltniet?
Jonkella usa’ minn tagħhom il-fruntieri tagħkom?
[Għam:6:3] Mingħalihom ‘il bogħod jum il-ħsara,
waqt li qegħdin iqarrbu l-ħakma tal-vjolenza.
[Għam:6:4] Fuq sodod ta’ l-avorju mimduda,
jitmattru fuq il-friex;
u ħrief il-merħla jieklu,
għoġiela mill-istalla;
[Għam:6:5] ma’ l-arpa jqabblu l-għana,
bħal David strumenti jivvintaw.
[Għam:6:6] L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,
u bl-ifjen żjut jindilku,
bla xejn ma jsewwdu qalbhom
għall-qerda ta’ Ġużeppi.
[Għam:6:7] Għalhekk ikunu l-ewwel
fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,
u tintemm imbagħad l-għajta ta’ l-imhejjmin.
[Għam:6:8] Ħalef il-Mulej bih innifsu,
oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Nistmerr jien il-kburija ta’ Ġakobb,
nobgħod il-fortizzi tiegħu.
Għalhekk il-belt se nitlaqha b’kull ma fiha.”
[Għam:6:9] Għad jiġri li jekk f’dar waħda jifdal
għaxra min-nies ħajjin,
dawn ukoll imutu.
[Għam:6:10] U meta qarib ta’ xi ħadd mejjet, dak li
jaħarqu,
jiġbru biex iġorr għadmu ‘l barra mid-dar,
u jgħid lil min ikun ġewwa fid-dar:
‘Hemm xi ħadd ieħor miegħek?’ u dak
iwieġbu: ‘Le’, jgħidlu:
‘Iskot, għax m’għandniex insemmu isem il-Mulej.’
[Għam:6:11] Għaliex, ara, il-Mulej jikkmanda,
u jaħbat għad-dar il-kbira u jagħmilha frak,
u d-dar iż-żgħira laqx.
[Għam:6:12] Jaqaw iż-żwiemel jiġru fuq il-blat?
Jaqaw jaħartu l-baħar bil-baqar?
Intom biddiltu l-ġustizzja f’velenu,
u f’imrar il-frott tal-ġustizzja.
[Għam:6:13] Intom li fraħtu b’Lo-debar,
intom li għedtu:
“Jaqaw m’hux b’ħilitna li rbaħna Karnajm?”
[Għam:6:14] “Arawni: Jien inqajjem kontrikom,
dar Iżrael, ġens u jgħakksukom
mill-mogħdija ta’ Ħamat
sal-wied ta’ l-Għaraba,”
oraklu tal-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti.

7. Id-dehriet ta’ Għamos

[Għam:7:1] Dan urieni Sidi l-Mulej: Arah isawwar qatgħa ġradijiet, meta beda jinbet il-ħaxix imwaħħar; il-ħaxix imwaħħar wara l-ħsad tas-sultan.

[Għam:7:2] Meta kielu l-ħaxix ta’ l-art jien għedt:
“Sidi Mulej, aħfer, nitolbok!
Kif se jżomm Ġakobb? Daqs kemm hu żgħir!”
[Għam:7:3] U l-Mulej sogħob bih ta’ dan.
“Ma jkunx dan,” qal il-Mulej.

[Għam:7:4] Dan urieni Sidi l-Mulej: Ara, Sidi l-Mulej sejjaħ fjamma nar, u nixef il-qiegħ il-kbir u r-raba’ nħaraq.

[Għam:7:5] U jien għedt: “Sidi Mulej, ieqaf, nitolbok! Kif jista’ jżomm Ġakobb? Daqs kemm hu żgħir!”

[Għam:7:6] U l-Mulej sogħob bih għal dan. “Lanqas dan ma jkun,” qal il-Mulej.

[Għam:7:7] Dan urieni Sidi l-Mulej: Ara Sidi wieqaf maġenb ħajt u f’idu ċ-ċomb tal-bennejja.

[Għam:7:8] U qalli l-Mulej: “X’qiegħed tara, Għamos?” U jien weġibt: “Iċ-ċomb tal-bennejja.” U qal Sidi: “Ara, se nqiegħed iċ-ċomb tal-bennejja f’nofs il-poplu tiegħi Iżrael; m’iniex se naħfrilhom aktar; [Għam:7:9] l-għoljiet ta’ Iżakk se jsiru ħerba u jiġġarrfu s-santwarji ta’ Iżrael, u nqum bis-sejf għal dar Ġerobogħam.”

Għamos u Amasija

[Għam:7:10] U Amasija, il-qassis ta’ Betel, bagħat jgħid lil Ġerobogħam, is-sultan ta’ Iżrael: “Għamos għamel konfoffa kontrik fid-dar stess ta’ Iżrael. Il-pajjiż ma jiflaħx iżjed għal kull ma qiegħed jgħid. [Għam:7:11] Għax hekk qal Għamos: ‘Ġerobogħam imut bis-sejf u Iżrael ikun itturufnat minn artu.’ ”

[Għam:7:12] Amasija qal lil Għamos: “Mur, bniedem veġġenti, itlaq lejn l-art ta’ Ġuda, u ħobżok kulu hemm, u ħabbar hemm; [Għam:7:13] u tkomplix iżjed tħabbar ġo Betel, għaliex Betel santwarju tas-sultan, it-tempju tas-saltna.”

[Għam:7:14] Wieġeb imbagħad Għamos u qal lil Amasija: “Jien m’iniex profeta, lanqas bin profeta; jiena biss ragħaj u niżbor il-ġummajż; [Għam:7:15] iżda l-Mulej qabadni minn wara l-merħla, u l-Mulej qalli: ‘Mur, ħabbar lill-poplu tiegħi, Iżrael.’

[Għam:7:16] “U issa, isma’ xi jgħid il-Mulej. Inti tgħidli: ‘Tħabbarx kontra Iżrael, tbassarx kontra d-dar ta’ Iżakk.’

[Għam:7:17] “Mela dan jgħid il-Mulej: ‘Martek għad tintelaq għaż-żína fil-belt; uliedek, subjien u bniet, imutu bis-sejf, u artek tinqasam f’oqsma; inti tmut f’art imniġġsa, u Iżrael ikun żgur itturufnat minn artu.’ ”

8. Id-dehra tal-qoffa bil-frott

[Għam:8:1] Dan li wrieni Sidi l-Mulej:
qoffa bil-frott tas-sajf.
[Għam:8:2] U qalli: “X’inti tara, Għamos?”
U weġibt: “Qoffa bil-frott tas-sajf,”
u l-Mulej qalli:
“Wasal it-tmiem għall-poplu tiegħi Iżrael.
Ma naħfirlux iżjed.
[Għam:8:3] L-għana fit-tempju dakinhar
jitbiddel fi twerżiq,
oraklu tal-Mulej.
Ħafna jkunu l-katavri
mixħutin ma’ kullimkien.”

Ir-regħba għall-flus

[Għam:8:4] Isimgħu dan,
intom li tikkalpestaw l-imsejken,
intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,
[Għam:8:5] u tgħidu: “Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,
ħa nbigħu l-qamħ.
Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir?
Nċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,
u nqarrqu b’miżien falz.
[Għam:8:6] Nixtru bil-flus il-foqra,
u b’żewġt iqrieq l-imsejken,
u nbigħu sal-karfa tal-qamħ.”
[Għam:8:7] Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta’ Ġakobb:
“Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!”
[Għam:8:8] Ma titregħidx l-art minħabba dan?
U ma jibkix min jgħammar fiha?
Ma jkollhiex titla’ bħan-Nil,
u tinżel bħax-xmara ta’ l-Eġittu?
[Għam:8:9] Jiġri f’dak il-jum,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej,
li jiena nniżżel ix-xemx f’nofsinhar,
u ndallam l-art binhar.
[Għam:8:10] Għad inbiddel il-festi tagħkom f’jiem
ta’ vistu,
u l-għana kollu tagħkom fi krib;
nlibbes il-ġenbejn bl-ixkejjer,
u nqarweż l-irjus kollha.
Dak il-Jum nagħmlu bħal jum ta’ vistu
għall-iben il-waħdieni,
u jibqa’ sa l-aħħar bħal jum ta’ mrar.

Il-ġuħ tal-kelma ta’ Alla

[Għam:8:11] “Ara, għad jiġi żmien,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej,
meta nibgħat il-ġuħ fl-art;
mhux il-ġuħ tal-ħobż,
lanqas l-għatx għall-ilma,
iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.
[Għam:8:12] Jibdew iduru minn baħar għal ieħor,
u jiġġerrew mit-tramuntana għal-lvant,
ifittxu l-kelma tal-Mulej,
u ma jsibuhiex.
[Għam:8:13] Dakinhar jinfnew bil-għatx
ix-xebbiet sbieħ u ż-żgħażagħ qalbiena.
[Għam:8:14] Dawk li jaħilfu bl-Għajb ta’ Samarija,
u jgħidu”Daqs kemm hu ħaj alla tiegħek, Dan’,
u ‘Daqs kemm hu ħaj il-maħbub tiegħek, Birsaba’.
Jaqgħu u qatt iżjed ma jqumu.”

9. Is-salvazzjoni tal-ġusti

[Għam:9:1] Rajt lil Sidi wieqaf ħdejn l-artal u qalli:
“Ħabbat fuq il-kaptelli sa ma jitheżhżu l-għatbiet,
u ġarrafhom fuq irjus in-nies kollha;
min jibqa’ ħaj minnhom neqirdu bix-xabla:
ħadd minnhom ma jaħrab,
ħadd minnhom ma jeħles.
[Għam:9:2] Jekk iħaffru f’Qiegħ l-Art,
minn hemm taħtafhom idi;
jekk jitilgħu fis-smewwiet,
minn hemm inniżżilhom;
[Għam:9:3] jekk jinħbew fuq il-quċċata tal-Karmel,
hemm infittixhom,
u minn hemm naqbadhom;
u jekk jinħbew minn quddiem għajnejja f’qiegħ
il-baħar,
nordna lis-serp jigdimhom;
[Għam:9:4] u jekk imorru fl-eżilju quddiem
l-għedewwa tagħhom,
hemm nordna lix-xabla toqtolhom:
għajnejja jkunu fuqhom għad-deni
u mhux għall-ġid.”
[Għam:9:5] U Sidi l-Mulej ta’ l-eżerċti
li jmiss l-art u din iddub,
u jibku dawk kollha li jgħammru fiha,
u togħla bħan-Nil,
u terġa’ tinżel bħax-xmara ta’ l-Eġittu;
[Għam:9:6] li jibni l-għamara tiegħu fl-għoli
tas-smewwiet,
u jwaqqaf fuq l-art is-sisien tal-wesgħa
tas-smewwiet;
li jsejjaħ l-ilmijiet tal-baħar,
u jferragħhom fuq wiċċ l-art: Jaħweh hu ismu.
[Għam:9:7] “M’hux bħal ulied Kus intom għalija,
ulied Iżrael?”
Oraklu tal-Mulej.
“Ma ħriġtx jien lil Iżrael mill-Eġittu,
u l-Filistin minn Kaftor,
u n-nies tas-Sirja minn Kir?
[Għam:9:8] Ara, għajnejn Sidi l-Mulej fuq is-saltna
ħatja,
u jien neqridha minn wiċċ l-art,
iżda ma neqridx għalkollox lil dar Ġakobb,”
oraklu tal-Mulej.
[Għam:9:9] “Ara, jiena nordna, u nqalleb lil dar Iżrael
fost il-ġnus,
bħalma jqallbu t-terrapien f’għarbiel,
imma ebda żrara ma taqa’ fl-art.
[Għam:9:10] Bix-xabla jmutu l-ħatja kollha fost
il-poplu,
dawk li jgħidu: ‘Id-deni ma jmissniex, ma jilħaqniex.’
[Għam:9:11] Dakinhar intalla’ mill-ġdid l-għarix ta’
David,
li sar ħerba waħda,
u nraqqa’ t-tiċrit tiegħu;
nerġa’ ntellagħlu dak li ġġarraf minnu,
u nibnih kif kien fl-imgħoddi,
[Għam:9:12] biex huma jirtu l-fdal ta’ Edom,
u l-ġnus kollha msemmija għalija,”
oraklu tal-Mulej li għad jagħmel dan.
[Għam:9:13] “Araw, għad jiġi żmien,”
oraklu tal-Mulej,
“meta min jaħrat jilħaq fuq min jaħsad,
min jagħsar l-għeneb jilħaq fuq min jiżra’;
u l-inbid ġdid iqattar mill-muntanji,
l-għoljiet kollha jkunu jnixxu minnu.
[Għam:9:14] Nreġġa’ l-poplu tiegħi Iżrael għal li kien;
jibnu l-ibliet meqruda u jgħammru fihom;
iħawwlu d-dwieli u jixorbu l-inbid tagħhom;
u jxettlu ġonna u jieklu mill-frott tagħhom.
[Għam:9:15] U nħawwilhom f’arthom,
u qatt iżjed ma jinqalgħu mill-art li tajthom,”
jgħid il-Mulej, Alla tiegħek.