Ġeremija

IL-KTIEB TAL-PROFETA ĠEREMIJA

1. Dħul

[Ġer:1:1] Il-kliem ta’ Ġeremija bin Ħilkija, mill-qassisin li kienu f’Għanatot, fl-art ta’ Benjamin. [Ġer:1:2] Il-kelma tal-Mulej ġietu fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta’ Ġuda, fis-sena tlittax tas-saltna tiegħu; [Ġer:1:3] ġietu wkoll fi żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, sa tmiem is-sena ħdax tas-saltna ta’ Sedekija bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, sa meta n-nies ta’ Ġerusalemm ġew eżiljati, fil-ħames xahar.

Is-sejħa ta’ Ġeremija

[Ġer:1:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
[Ġer:1:5] “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.”
[Ġer:1:6] Jien weġibt:
“Ah, Sidi Mulej, ma nafx nitkellem, għadni żgħir.”
[Ġer:1:7] U l-Mulej weġibni: “Tgħidx, ‘Għadni żgħir’.
Inti tmur kull fejn nibagħtek,
u tgħid kull ma nordnalek.
[Ġer:1:8] La tibżax minnhom, għax jien miegħek
biex neħilsek,”
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:1:9] U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi, u qalli l-Mulej: “Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok. [Ġer:1:10] Ara, jiena llum qegħedtek fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf, biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”

[Ġer:1:11] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: “X’inti tara, Ġeremija?” Jien weġibt: “Qiegħed nara fergħa ta’ lewża.” [Ġer:1:12] U l-Mulej weġibni: “Sewwa rajt, għax jien inħabrek biex kelmti sseħħ.”

[Ġer:1:13] U reġgħet ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: “X’inti tara?” U jien weġibt: “Qiegħed nara borma tagħli, u d-dehra tagħha min-naħa tat-tramuntana.” [Ġer:1:14] U l-Mulej weġibni: “Mit-tramuntana tfur il-ħsara fuq dawk kollha li jgħammru f’din l-art, [Ġer:1:15] għax, ara, jien se nsejjaħ is-saltniet kollha tat-tramuntana, oraklu tal-Mulej.
U jiġu u kull wieħed minnhom iwaqqaf it-tron tiegħu
quddiem il-bibien ta’ Ġerusalemm,
u quddiem is-swar tagħha dawramejt,
u quddiem il-bliet kollha ta’ Ġuda.
[Ġer:1:16] Jien se nagħmel ħaqq kontriehom
għall-ħażen kollu tagħhom, għaliex huma telquni
u ħarqu l-inċens lil allat oħra,
u taw qima lil għemil idejhom.
[Ġer:1:17] U int ħażżem ġenbejk,
qum u għidilhom kull ma nordnalek.
La tibżax minnhom, għax inkella nbeżżgħek jien
quddiemhom.
[Ġer:1:18] Arani llum se nagħmel minnek belt
fortizza,
kolonna tal-ħadid, ħajt tal-bronż,
kontra l-pajjiż kollu,
kontra s-slaten ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu,
kontra l-qassisin tiegħu u l-poplu tal-pajjiż.
[Ġer:1:19] Huma jeħduha kontrik, imma ma
jagħmlulek xejn,
għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej,
biex neħilsek minnhom.”

2. L-infedeltà ta’ Iżrael

[Ġer:2:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli: [Ġer:2:2] “Mur u għajjat f’widnejn Ġerusalemm, u għidilha:
‘Dan jgħid il-Mulej: ftakart fil-ħlewwa ta’ żgħożitek, fl-imħabba ta’ l-għerusija tiegħek, meta kont tiġri warajja fid-deżert, f’art mhux miżrugħa.

[Ġer:2:3] Iżrael kien ikkonsagrat lill-Mulej, l-ewwel frott tiegħu; dawk kollha li kienu jieklu minnu, kienu jiġbdu fuqhom il-kastig:
il-ħsara kienet taqa’ fuqhom,” oraklu tal-Mulej.
[Ġer:2:4] Isimgħu l-kelma tal-Mulej, dar Ġakobb, u intom il-familji kollha tad-dar ta’ Iżrael.
[Ġer:2:5] Dan jgħid il-Mulej:
“X’nuqqas sabu fija missirijietkom biex tbiegħdu
minni,
u mxew wara l-frugħa, u saru huma stess frugħa?
[Ġer:2:6] Ma qalux: ‘Fejn hu l-Mulej
li tellagħna mill-art ta’ l-Eġittu,
li mexxiena fid-deżert,
minn art niexfa u maħruqa,
minn art għatxana u mudlama,
minn art li minnha ħadd ma jgħaddi,
u fiha ma jgħammar ħadd?
[Ġer:2:7] Jien ġibtkom f’art qisha ġnien,
biex tieklu l-frott tagħha
u dduqu l-benna tagħha.
Imma ġejtu u tebbajtuli arti,
waqqajtuli l-wirt tiegħi f’għajb.
[Ġer:2:8] Il-qassisin ma staqsewx: ‘Fejn hu l-Mulej?’
L-għorrief tal-liġi ma għarfunix;
ir-rgħajja dinbu kontrija;
il-profeti ħabbru f’isem Bagħal,
u marru wara ħwejjeġ fiergħa.
[Ġer:2:9] Għaliex inżid nitlewwem magħkom,
oraklu tal-Mulej,
u ma’ wlied uliedkom.
[Ġer:2:10] Baħħru sal-gżejjer ta’ Kittim,
ibagħtu staqsu f’Kedar,
u araw jekk qatt saritx ħaġa bħal din.

[Ġer:2:11] Hemm xi ġens li qatt biddel l-allat tiegħu?
– U dawn m’humiex allat!
Iżda poplu tiegħi bidel il-glorja tiegħu max-xejn!
[Ġer:2:12] Stagħġbu smewwiet b’dan,
tkexkxu fuq li tkexkxu, oraklu tal-Mulej.
[Ġer:2:13] Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu
tiegħi:
telqu lili, l-għajn ta’ l-ilma ġieri,
biex ħaffru bjar għalihom,
bjar miksura li ma jżommux ilma.

[Ġer:2:14] Jaqaw Iżrael xi lsir jew qaddej imwieled
fid-dar?
Għaliex, mela, waqa’ priża,
[Ġer:2:15] li għaliha jgargru frieħ l-iljuni,
u jsemmgħu leħenhom?
Artu għamluhielu ħerba,
blietu ħarquhomlu, u sfaw bla nies.
[Ġer:2:16] Saħansitra ulied Nof u Taħfanħes
iqaxxrulek rasek.
[Ġer:2:17] Forsi dan ma ġralekx
għax tlaqt lill-Mulej Alla tiegħek,
meta kien qiegħed imexxik fit-triq?
[Ġer:2:18] U issa għalfejn trid tieħu triq l-Eġittu,
biex tixrob l-ilma tan-Nil?
Għalfejn trid taqbad triq l-Assirja,
biex tixrob l-ilma ta’ l-Ewfrat?
[Ġer:2:19] Il-ħażen tiegħek, il-kastig tiegħek;
u ċċanfrek l-infedeltà tiegħek.
Kun af u ara kemm hu ħażin u morr,
li int tlaqt il-Mulej Alla tiegħek;
li ma għandekx aktar twerwir minni,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej ta’ l-eżerċti.

[Ġer:2:20] Ilu żmien issa li int kissirt il-madmad
tiegħek,
u ħallejt l-irbit tiegħek,
u għedt: ‘Ma nagħtix qima.’
Għax tassew, fuq kull għolja mdaqqsa, taħt
kull siġra ħadra,
inti mteddejt u żnejt,
[Ġer:2:21] għad li kont ħawwiltek bħala dielja tajba,
bħala żarġun mill-aħjar.
Kif inbdiltli f’siġra ħażina, dielja bagħlija?
[Ġer:2:22] U jekk titnaddaf bis-soder u b’ħafna lissija,
quddiemi tibqa’ t-tebgħa ta’ dnubietek,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej.
[Ġer:2:23] Kif tista’ tgħid: ‘Jien ma tħammiġtx,
ma ġrejtx wara l-Bagħalim’?
ra, il-passi tiegħek fil-wied:
agħraf x’għamilt!
Ġemla ħafifa sserrep triqatha!
[Ġer:2:24] Ħmara selvaġġa mdorrija fid-deżert
b’leblieba fuqha xxomm ir-riħ;
min se jżommha fis-saħna tagħha?
Min ifittixha ma jitħabatx biex isibha:
malajr issibha fix-xahar tagħha!
[Ġer:2:25] Ħares riġlejk mill-ħafa, u griżmejk
mill-għatx!
Imm’int tgħid: ‘Ma jimpurtax!
Jien il-barranin inħobb u warajhom irrid immur!”

[Ġer:2:26] Bħalma jirgħex il-ħalliel meta jaqbduh,
hekk għad jiregħxu dar Iżrael:
huma, is-slaten tagħhom u prinċpijiethom,
il-qassisin u l-profeti tagħhom.
[Ġer:2:27] Lil biċċa għuda jgħidulha: ‘Int missieri!’
u lill-ġebla: ‘Int wilidtni!
Għax huma tawni daharhom,
u ma tawnix wiċċhom!
Imma fi żmien hemmhom jgħajjtu:
‘Qum u salvana!’
Ġer:2:28] Fejn huma l-allat li int għamilt?
Ħa jqumu jekk għandhom ħila
jsalvawk fi żmien hemmek!
Għax daqs għadd blietek, allatek, ja Ġuda!

[Ġer:2:29] “Għaliex toħduha miegħi?
Lkoll qomtu kontrija,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:2:30] Għalxejn jien drabt ‘l uliedek,
it-tagħlima ma ħaduhiex;
ix-xabla tagħkom stess qerditilkom il-profeti,
bħalma jeqred l-iljun il-priża.
[Ġer:2:31] Ja nisel li intom, araw il-kelma tal-Mulej.
Jaqaw kont jien xi deżert għal Iżrael?
Jew xi art mgħargħra fid-dlam?
Għax il-poplu tiegħi qalu:
‘Issa ħlisna, għandek aktar ma niġux.’
[Ġer:2:32] Forsi x-xbejba tinsa l-ġawhra tagħha?
jew l-għarusa l-faxxa tagħha?
Imma l-poplu tiegħi nsieni
għal żmien bla qjies.

[Ġer:2:33] Kemm taf issibha triqtek,
int u tfittex l-imħabba?
Saħansitra lin-nisa ħżiena
għandek ħila tgħallem triqtek.
[Ġer:2:34] Sa fil-kefef ta’ lbiesek
jinsab id-demm ta’ nies bla ħtija,
minkejja li ma qbadthomx jisirqu.
[Ġer:2:35] Mbagħad tgħid: ‘Jiena bla ħtija!
Iva, il-korla tiegħu tbiegħdet minni.’
Arani, se nġibek għall-ħaqq,
talli int għedt: ‘Ma dnibtx.’
[Ġer:2:36] Ah! Kemm waqajt fil-baxx
biex biddilt triqtek!
Quddiem l-Eġittu wkoll għad tħammar wiċċek,
bħalma tħammart quddiem l-Assirja!
[Ġer:2:37] Minn hemm ukoll b’idejk fuq rasek
għad terġa’ lura,
għax il-Mulej rema ‘l dawk
li fihom qegħedt it-tama tiegħek;
fihom ir-riżq ma ssibx.

3. [Ġer:3:1] “Jekk raġel ikeċċi ‘l martu,
u din titbiegħed minnu,
u ssir il-mara ta’ raġel ieħor,
jaqaw l-ewwel wieħed se jerġa’ lura lejha?
M’hijiex forsi mtebbgħa din l-art?
Int li żnejt ma’ ħafna ħbieb,
għandek il-ħila terġa’ għal għandi?
Oraklu tal-Mulej.
[Ġer:3:2] Erfa’ għajnejk lejn l-għoljiet għerja, u ħares:
fejn ma tbahradtx?
Fit-toroq kont tkun bilqiegħda tistenniehom,
bħal Għarbi fid-deżert.
Int ċappast l-art biż-żína u l-ħażen tiegħek.
[Ġer:3:3] Għalhekk inżammet ix-xita,
u xita mwaħħra naqset ukoll.
Ġbinek, ġbin ta’ mara żienja,
u l-mistħija ma ridthiex.
[Ġer:3:4] Mhux issa wkoll issejjaħli: ‘Missier!
Int il-ħabib ta’ żgħożiti!
[Ġer:3:5] Se tibqa’ mgħaddab għal dejjem u
mmasħan sa l-aħħar?’
Hekk titkellem, imma tibqa’ tagħmel ħażen kemm
tiflaħ.”

Ġuda, il-mara infidila

[Ġer:3:6] U l-Mulej kellimni fi żmien is-sultan Ġosija: “Rajt x’għamlet Iżrael ta’ rasha iebsa? Marret fuq kull muntanja għolja u qagħdet tiżni taħt kull siġra ħadra. [Ġer:3:7] U jien għedt:’Wara dan kollu li għamlet għad terġa’ lura għal għandi.’ Imma hi ma reġgħetx lura, u rat dan kollu oħtha Ġuda, l-infidila. [Ġer:3:8] Rat li, minħabba l-adulterji kollha li waqgħet fihom Iżrael ta’ rasha iebsa, jien bgħattha ‘l barra u tajtha l-kitba tad-divorzju. Madankollu oħtha, Ġuda l-infidila, ma beżgħetx; telqet u żniet hi wkoll. [Ġer:3:9] Miġbuda minn żinitha ħammġet l-art u żniet mal-ġebel u l-għewied. [Ġer:3:10] U wara dan kollu Ġuda l-infidila ma reġgħetx lura lejja minn qalbha, imma taparsi,” oraklu tal-Mulej.

Sejħa għall-konverżjoni

[Ġer:3:11] U l-Mulej qalli: “Iżrael, ta’ rasha iebsa, ġusta aktar minn Ġuda l-infidila! [Ġer:3:12] Mur u xandar dan il-kliem lejn it-tramuntana u għid:

‘Erġa’ lura, ja Iżrael ta’ rasha iebsa, oraklu tal-Mulej.
Ma nħarisx aktar b’wiċċ imqarras lejk,
għax jien ħanin,
oraklu tal-Mulej.
Ma nżommx il-korla għal dejjem.
[Ġer:3:13] Agħraf biss ħżunitek,
għax int qomt kontra l-Mulej, Alla tiegħek,
xerridt imħabbtek mal-barranin
taħt kull siġra tħaddar,
u minn kliemi ma ridtx tisma’!
Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:3:14] Erġgħu lura, ulied ribelli, oraklu tal-Mulej, għax jiena Sidkom. U neħodkom, wieħed minn belt u tnejn minn kull familja, u ndaħħalkom f’Sijon. [Ġer:3:15] U nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u l-għaqal.

[Ġer:3:16] Meta intom toktru u tnisslu fuq l-art f’dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ħadd ma jitkellem aktar fuq l-arka tal-patt tal-Mulej, ma jaħsibx aktar fuqha, u ma jiftakarx fiha, ma jibkuhiex, u ma jagħmlux oħra. [Ġer:3:17] F’dak iż-żmien isejjħu ‘l Ġerusalemm: ‘It-tron tal-Mulej’, u jinġabru fiha l-ġnus kollha għal isem il-Mulej, u ma jimxux aktar ma’ l-ebusija ta’ qalbhom il-ħażina.

[Ġer:3:18] Dak iż-żmien tmur dar Ġuda f’dar Iżrael, u flimkien jiġu mill-art tat-tramuntana fl-art li jien tajt b’wirt lill missirijiethom.

[Ġer:3:19] U jien għedt: ‘Kemm nixtieq inqiegħdek
fost uliedi,
u nagħtik art li tgħaxxaq,
l-isbaħ fost l-isbaħ wirt tal-ġnus.’
Jien għedt: ‘Missier issejjaħli, u minn warajja
ma twarrabx.’
[Ġer:3:20] Iżda bħalma mara tqarraq b’seħibha,
hekk intom, dar Iżrael, qarraqtu bija,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:3:21] Fuq l-għoljiet għerja jinstama’ leħen,
leħen il-biki u l-krib ta’ wlied Iżrael,
għax għawwġu triqithom,
nsew lill-Mulej Alla tagħhom.
[Ġer:3:22] Erġgħu lura, ulied ribelli,
jiena nfejjaqkom mill-ħsara tat-telfa tagħkom.’

‘Arana ġejjin għandek,
għax int il-Mulej Alla tagħna!
[Ġer:3:23] Tassew qerq huma l-għoljiet,
u t-tbahrid fuq il-muntanji.
Tassew, fil-Mulej Alla tagħna
hemm is-salvazzjoni ta’ Iżrael.
[Ġer:3:24] L-għajb ta’ l-allat sa minn żgħożitna
kiel il-frott ta’ xogħol missirijietna:
l-imrieħel tagħhom u l-baqar tagħhom,
is-subjien tagħhom u l-bniet tagħhom.
[Ġer:3:25] Ħa nimteddu fl-għajb tagħna, u ninksew
bil-mistħija,
għax dnibna kontra l-Mulej Alla tagħna,
aħna u missirijietna, sa minn żgħożitna sa llum.
Ma smajniex minn kelmet il-Mulej, Alla tagħna.’

4. [Ġer:4:1] Jekk trid terġa’ lura, Iżrael,
oraklu tal-Mulej,
erġa’ ejja għandi.
Jekk inti twarrab qżiżijietek minn quddiemi,
ma jkollokx għalfejn titbiegħed minni;
[Ġer:4:2] u jekk taħlef: ‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej’
il-verità, bis-sewwa u bil-ġustizzja,
mbagħad jitbierku bih il-ġnus u bih jiftaħru.

[Ġer:4:3] Għax dan jgħid il-Mulej lin-nies ta’ Ġuda u lil Ġerusalemm:
‘Aħdmu r-raba’ mitluq, u tiżirgħux qalb l-għollieq.
[Ġer:4:4] Inħatnu għall-Mulej, neħħu l-ħliefa ħażina ta’ qalbkom, nies ta’ Ġuda, u intom li tgħammru f’Ġerusalemm li ma toħroġx qillti bħan-nar, u tħeġġeġ bla ma jitfiha ħadd, minħabba l-ħażen ta’ għemilkom.’

Il-qerried mit-tramuntana: il-Kaldin

[Ġer:4:5] Ħabbru f’Ġuda, semmgħu f’Ġerusalemm,
u għidu:
Doqqu t-tromba fil-pajjiż,
għajjtu b’kemm għandkom ħila u għidu,
‘Inġabru ħalli nidħlu fi bliet bis-swat.’
[Ġer:4:6] Għollu bandiera lejn Sijon,
fittxu l-kenn, la titnikkrux,
għax se nġib il-ħsara mit-tramuntana,
u qerda kbira.
[Ġer:4:7] Qabeż l-iljun mill-masġar tiegħu,
qam il-qerried tal-ġnus u ħareġ mill-bejta tiegħu,
biex minn artek jagħmel ħerba,
jiġġarrfu blietek u jisfaw bla nies.
[Ġer:4:8] Għalhekk tħażżmu bix-xkejjer,
ibku u ixhru,
għax il-qilla ta’ għadab il-Mulej
ma warrbitx minn fuqna.

[Ġer:4:9] U jiġri dakinhar,
oraklu tal-Mulej,
jaqta’ qalbu s-sultan,
jaqtgħu qalbhom il-prinċpijiet,
jibqgħu miblugħa l-qassisin
u mistagħġba l-profeti.
[Ġer:4:10] Jien għedt: “Ah! Sidi Mulej!
Mela inti dħakt b’dan il-poplu u b’Ġerusalemm,
meta int għedtilhom: ‘Sliem ikollkom’,
waqt li nifditna sa ruħna x-xabla!”

[Ġer:4:11] Dak iż-żmien għad jgħidu lil dan il-poplu
u ‘l Ġerusalemm:
“Riħ jikwi ġej mill-għoljiet tad-deżert,
lejn bint il-poplu tiegħi,
mhux biex iderri, lanqas biex inaddaf.
[Ġer:4:12] Riħ qawwi jqum għall-kelma tiegħi;
u issa jien ukoll inlissnilkom is-sentenza.”
[Ġer:4:13] Arah tiela’ bħas-sħab,
bħar-riefnu l-imriekeb tiegħu;
eħfef mill-ajkli ż-żwiemel tiegħu.
Jaħasra għalina għax mitlufin.
[Ġer:4:14] Naddaf, Ġerusalemm, ‘il qalbek
mill-ħażen,
biex tkun tista’ ssalva.
Kemm se jdumu jbejjtu f’qalbek
il-ħsibijiet mgħawwġa tiegħek?
[Ġer:4:15] Għax hemm leħen iħabbar minn Dan,
u jxandar il-ħsara mill-għoljiet ta’ Efrajm.
[Ġer:4:16] Għidu lill-ġnus, araw, ħabbru dwar
Ġerusalemm:
“Minn art imbiegħda ġejjin jaħbtu għalik,
jgħajjtu kontra l-ibliet ta’ Ġuda;
[Ġer:4:17] għax bħal għases ir-raba’
dawwruha minn kull naħa
għax qamet kontra tiegħi,”
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:4:18] Mġibtek u għemilek għamlulek dan:
dan hu l-qligħ tal-ħażen tiegħek, kollu mrar;
u nifidlek sa ġo qalbek.

[Ġer:4:19] Ajma l-ġewwieni, il-ġewwieni tiegħi!
Ajma l-għeruq ta’ qalbi!
Qalbi tħabbat qawwi,
u niskot ma nistax.
Għax leħen it-tromba smajt,
is-sejħa għall-gwerra.
[Ġer:4:20] Qerda fuq qerda jħabbru.
L-art kollha ħerba,
f’waqt wieħed l-għerejjex tiegħi tħarbtu,
f’tebqa ta’ għajn it-tined tiegħi.

[Ġer:4:21] Kemm se ndum nara l-istendard,
nisma’ leħen it-tromba?
[Ġer:4:22] “Tassew bla moħħ il-poplu tiegħi,
lili ma jagħrfunix;
ulied boloh, ulied bla għaqal huma;
il-ħażen jinqalgħu biex jagħmluh;
jagħmlu t-tajjeb ma jafux.”
[Ġer:4:23] Ħarist lejn il-pajjiż,
u arah, taħwid u baħħ;
lejn is-smewwiet,
u ma kienx hemm dawl.
[Ġer:4:24] Ħarist lejn l-iġbla,
u arahom jitheżhżu,
u l-għoljiet kollha jitriegħdu,
[Ġer:4:25] Ħarist, u ara, ebda bniedem ma kien
hemm,
u t-tjur tas-sema kollha ħarbu.
[Ġer:4:26] Ħarist, u arah ir-raba’ jsir deżert,
u blietha kollha jiġġarrfu,
quddiem il-Mulej,
quddiem is-saħna ta’ għadbu.

[Ġer:4:27] Għax dan qal il-Mulej:
“Ħerba l-art kollha ssir,
imma għalkollox ma neqridhiex.
[Ġer:4:28] Għalhekk titnikket l-art,
u jiddallmu s-smewwiet fil-għoli,
għax jien tkellimt, u qtajtha,
ma nitbiddilx, ma nerġax lura.”
[Ġer:4:29] Mill-għajat tar-rikkieba u l-arċieri,
taħrab kull belt,
jinħbew fl-imsaġar,
u jixxabbtu mal-blat.
Kull belt mitluqa,
m’hemm ħadd li jgħammar fihom.

[Ġer:4:30] U int imħarbta x’se tagħmel?
Mqar jekk tilbes l-iskarlatt,
tiżżejjen bid-deheb, tkabbar għajnejk biż-żebgħa,
għal xejn tiżżejjen!
Ħbiebek stmerrewk,
lil ħajtek qegħdin ifittxu.
[Ġer:4:31] Iva, qiegħed nisma’ l-krib ta’ mara fil-ħlas,
l-għajta ta’ mara fl-ewwel ħlas,
l-għajta ta’ bint Sijon b’nifisha maqtugħ,
tgħolli dirgħajha: “Jaħasra għalija!
Mifnija qalbi quddiem il-qattiela.”

5. Il-korruzzjoni tal-poplu

[Ġer:5:1] Duru mat-triqat ta’ Ġerusalemm,
araw u ifhmu.
Fittxu fl-imsieraħ tagħha,
araw jekk issibux bniedem,
jekk hemmx min jagħmel is-sewwa,
li jfittex li jkun fidil, u jien naħfrilha.
[Ġer:5:2] Mqar jekk jgħidu: “Daqskemm hu ħaj
il-Mulej,”
xorta waħda jaħilfu fil-falz.
[Ġer:5:3] O Mulej, jaqaw għajnejk mhux is-sewwa
jfittxu?
Iva sawwatthom u ma ħassew xejn;
fnejthom u t-tagħlima ma ħaduhiex.
Webbsu wiċċhom aktar mill-blat,
u ma riedu jerġgħu lura b’xejn.
[Ġer:5:4] U jiena ħsibt:
‘Huma l-baxxi biss li tbellhu,
għax ma għarfux triq il-Mulej,
id-dritt ta’ Alla tagħhom.
[Ġer:5:5] Ħa ndur lejn l-għoljin
u nkellem lilhom.
Għax huma jafu triq il-Mulej,
id-dritt ta’ Alla tagħhom.’

Imma huma lkoll kissru l-madmad,
qattgħu l-irbit.
[Ġer:5:6] Għalhekk jidrobhom l-iljun mill-foresta;
jeqridhom il-lupu mid-deżert;
jissajjalhom il-ljupard madwar bliethom,
lil kull min joħroġ minnhom jiżbranah;
għax kotru żżejjed dnubiethom,
u rashom webbsu fit-tixwix tagħhom.

[Ġer:5:7] “Għax għandi naħfirlek dan?
Telquni wliedek,
u bdew jaħilfu b’min m’hux Alla.
Tmajthom u żnew,
u bi ħġarhom marru f’dar iż-żienja.
[Ġer:5:8] Saru bħal fħal mitmugħa u mlebilba,
kulħadd jingħi għal mart għajru.
[Ġer:5:9] Għal dan kollu ma nikkastigahomx?
Oraklu tal-Mulej.
Minn poplu bħal dan ma nitħallasx?
[Ġer:5:10] Itilgħu għall-indani tagħha,
ħarbtuhom, iżda mhux għalkollox;
aqilgħu ż-żraġen tagħha,
għax m’humiex tal-Mulej.
[Ġer:5:11] Għax qamu bil-kbir kontrija,
dar Iżrael u dar Ġuda,”
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:5:12] Gibbdu lill-Mulej u qalu:
“M’hu xejn!
Ebda ħsara ma tilħaqna,
xabla u ġuħ ma narawhomx.”
[Ġer:5:13] Riħ huma l-profeti,
kelma fihom m’hemmx.
Dan għad jiġrilhom!”

[Ġer:5:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej,
Alla ta’ l-eżerċti:
“Talli għedtu dal-kliem,
arani, se nagħmel nar minn kelmti fuq xufftejk,
u minn dan il-poplu l-ħatab biex jikkunsmah.
[Ġer:5:15] Arawni, se nġib fuqkom, Dar Iżrael,
ġens mill-bogħod,
oraklu tal-Mulej,
ġens li jibqa’, ġens li ilu,
ġens li int ma tafx ilsienu,
u ma tifhimx li jgħid.
[Ġer:5:16] Qabar miftuħ il-barżakka tiegħu,
kollu nies qalbiena.
[Ġer:5:17] U jikollok il-ħsad u l-ħobż,
jikollok is-subjien u l-bniet,
jikollok l-imrieħel u l-baqar
jikollok id-dwieli u t-tin.
Jeqirdulek bix-xabla l-ibliet imdawwra
li fihom int qegħedt tamietek.

[Ġer:5:18] “Imma lanqas f’dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ma neqridkom għalkollox. [Ġer:5:19] U meta jistaqsu: ‘Għaliex il-Mulej Alla tagħna għamlilna dan kollu,’ int tweġibhom: ‘Bħalma intom tlaqtuni u qdejtu allat barranin f’artkom, hekk issa intom taqdu l-barranin f’art m’hijiex tagħkom.’ ”

L-agħma spiritwali

[Ġer:5:20] Ħabbru dan f’dar Ġakobb,
u semmgħuh f’Ġuda, u għidu:
[Ġer:5:21] “Isimgħu dan, ja poplu iblah u bla moħħ!
Għandhom għajnejn u ma jarawx;
għandhom widnejn u ma jisimgħux.
[Ġer:5:22] Ma tibżgħux minni, oraklu tal-Mulej,
ma titregħdux quddiem wiċċi?
Jien li għamilt ir-ramel b’tarf il-baħar,
barriera għal dejjem li ma jaqbiżhiex;
jitqanqlu l-imwieġ bla ma jegħlbuha
u jgargru l-ħalel bla ma jaqbżuha.

[Ġer:5:23] Imma dan poplu stinat, ma jismax,
tawni daharhom u telquni.
[Ġer:5:24] Ma qalux f’qalbhom:
‘Ħa nibżgħu mill-Mulej, Alla tagħna,
li jagħtina x-xita f’waqtha,
l-ewwel xita u dik ta’ l-aħħar;
li waqqfilna l-ġimgħat tal-ħsad u ħarishomlna.’
[Ġer:5:25] Dan kollu begħduhulkom dnubietkom,
ħżunijietkom ċaħħdukom minn dan il-ġid.
[Ġer:5:26] Għax hemm il-ħżiena fost il-poplu tiegħi,
jissajjaw bħal nassâb,
u jqiegħdu n-nassa u n-nies jaqbdu.

[Ġer:5:27] Bħal qafas bl-għasafar mimli,
hekk djarhom mimlija serq.
Għalhekk kibru u stagħnew;
[Ġer:5:28] simnu u tlibbsu sabiħ.
Issa għamlu ż-żejjed ħażen;
ma jagħmlux il-ħaqq,
id-dritt ta’ l-iltim jisħqu,
u l-kawża tal-fqar ma jaqtgħux.

[Ġer:5:29] U għal dan kollu ma nikkastigahomx?
Oraklu tal-Mulej.
U minn poplu bħal dan ma nitħallasx?
[Ġer:5:30] Ħwejjeġ li jkexkxu u jwerwru ġraw fil-pajjiż:
[Ġer:5:31] Il-profeti jħabbru l-gideb,
u l-qassisin imexxu skond kapriċċihom,
u l-poplu tiegħi hekk iħobb!
X’se tagħmlu meta t-tmiem jasal?

6. L-għadu wara l-bieb

[Ġer:6:1] Oħorġu għall-kenn lil ulied Benjamin,
minn nofs Ġerusalemm!
Doqqu t-tromba f’Tekugħa,
u fuq Bet-kerem tellgħu sinjal,
għax ġejja l-ħsara mit-tramuntana,
u l-qerda kbira riesqa.
[Ġer:6:2] Neqridha ‘l Bint Sijon,
ix-xbejba mħejjma u sabiħa.
[Ġer:6:3] Jiġu r-rgħajja għaliha bl-imrieħel tagħhom;
kontrieha jwaqqfu l-għerejjex dawramejt,
kull wieħed jirgħa fil-qasam tiegħu.
[Ġer:6:4] “Tħejju għall-battalja kontrieha,
qumu u nitilgħu f’nofsinhar.
Jaħasra għalina, il-jum riesaq lejn tmiemu;
u d-dellijiet ta’ filgħaxija twalu.

[Ġer:6:5] Qumu u nitilgħu billejl
u neqirdulha l-palazzi!”
[Ġer:6:6] Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Qaċċtu s-siġar tagħha;
tellgħu ħajt madwar Ġerusalemm.
Din il-belt mogħtija għall-kastig;
fiha m’hemmx ħlief moħqrija.
[Ġer:6:7] Bħalma bir ifawwar ilmijietu,
hekk hi tfawwar ħżunietha.
Ma tismax fiha ħlief: ‘Vjolenza u moħqrija
quddiemi ma nilmaħx ħlief mard u ġrieħi.’

[Ġer:6:8] Tgħallem Ġerusalemm,
li ma tmurx qalbi titbiegħed minnek;
li ma nagħmilx minnek ħerba,
art li ma jgħammar fiha ħadd.”
[Ġer:6:9] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Laqqtu, laqqtu bħallikieku minn dielja,
il-fdal ta’ Iżrael,
midd idejk fuq il-friegħi bħal min jiġbor l-għeneb.”
[Ġer:6:10] Lil min se nkellem?
Lil min inwiddeb li jismagħni?
Bla ħtin widnejhom,
u ma jistgħux jisimgħu.
Araw, il-kelma tal-Mulej żebliħ għalihom,
gost biha ma jeħdux!

[Ġer:6:11] Jien nixgħel b’għadab il-Mulej,
ma niflaħx aktar!
“Ferrgħu fuq it-tfal fit-triq,
u fuq iż-żgħażagħ miġbura flimkien,
għax ir-raġel u l-mara jinħatfu f’salt,
ix-xiħ u l-mimli bl-għomor.
[Ġer:6:12] U djarhom jaqgħu f’idejn il-barranin
bir-raba’ u n-nisa tagħhom f’daqqa.
Għax immidd idejja
fuq in-nies ta’ dal-pajjiż,”
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:6:13] Miż-żgħir sal-kbir,
lkoll ħsiebhom fis-serq,
mill-profeta sal-qassis,
lkoll mogħtija għall-qerq.
[Ġer:6:14] U jippretendu li jdewwu l-ġerħa
tal-poplu tiegħi
bħallikieku xejn u jgħidu:
“Sliem, Sliem” u m’huwa sliem xejn.
[Ġer:6:15] Forsi stħaw meta għamlu l-qżiżijiet?
Ma stħaw xejn;
lanqas biss jafu jiħmaru.
Għalhekk għad jaqgħu ma’ dawk li diġà waqgħu,
jiġġarrfu f’jum kastighom,
jgħid il-Mulej.
[Ġer:6:16] Dan jgħid il-Mulej:
“Ieqfu fit-toroq u ħarsu,
staqsu għall-mogħdijiet ta’ dari,
fejn hi t-triq it-tajba u aqbdu lilha,
u hekk issibu l-mistrieħ għal ruħkom!”
Imma huma wieġbu: ‘Fiha ma nimxux.’
[Ġer:6:17] Jien qegħedt fuqhom l-għassies u għedtilhom:
Agħtu widen għal leħen it-tromba.’
U huma wieġbu: ‘Ma rridux nagħtu widen.’

[Ġer:6:18] Għalhekk ħa jisimgħu l-ġnus,
u tifhem il-ġemgħa x’se jiġri fosthom.
[Ġer:6:19] Isma’, art!
Arani, se nġib fuq dan il-poplu ħsara,
frott ta’ fehmiethom.
Għax ma tawx widen għal kliemi
u l-liġi tiegħi ċaħduha.
[Ġer:6:20] X’jiswieli l-inċens ġej minn Saba?
U l-kannella tfuħ minn art imbiegħda?
Is-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom ma jogħġbunix,
u l-vittmi tagħkom ma jgħaxxqunix.
[Ġer:6:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
‘Arawni: jien se nqiegħed it-tfixkil għal dan il-poplu,
biex fih jitfixklu żgur,
il-missirijiet u wliedhom flimkien,
il-ġar u sieħbu jinqerdu.’
[Ġer:6:22] Dan jgħid il-Mulej.
Araw! għad jiġi poplu mit-tramuntana,
u ġens kbir jitqanqal minn truf l-art.
[Ġer:6:23] Il-qaws u l-lanza jaqbdu,
qalila u bla ħniena huma;
ħosshom ikarwat bħal baħar,
riekba fuq iż-żwiemel,
lesti għat-taqtigħa
kontrik, Bint Sijon.
[Ġer:6:24] Smajna bil-fama tagħhom,
u idejna ntelqu,
u qabditna d-diqa,
u l-uġigħ ta’ mara fil-ħlas.
[Ġer:6:25] Toħorġux fir-raba’,
tmorrux fit-triq,
għax hemm ix-xabla ta’ l-għadu,
u t-twerwir ma’ kullimkien.
[Ġer:6:26] Bint il-poplu tiegħi, ilbes ix-xkora,
u tqalleb fl-irmied.
Agħmel il-luttu bħallikieku għal iben waħdieni,
ibki bl-imrar;
għax għal għarrieda fuqna
ġej il-qerried.
[Ġer:6:27] Jien qegħedtlek bħal ġarrâb fost il-poplu
tiegħi,
biex int tistħarreġ u ġġarrab imġibthom,
[Ġer:6:28] lkoll kemm huma ribelli fuq li ribelli,
mhux ħlief ixerrdu l-qlajja’.
Ram u ħadid, lkoll imħassra.
[Ġer:6:29] Jonfoħ bil-qawwa l-minfaħ,
u r-ram jintemm bin-nar;
xejn ma jiswa t-tidwib,
il-ħżiena ma tnaqqewx.
[Ġer:6:30] ‘Fidda mormija’ jsejjħulhom,
għax irmiehom il-Mulej.

7. It-tama fiergħa fit-tempju

[Ġer:7:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:7:2] “Mur oqgħod f’bieb it-tempju tal-Mulej u hemmhekk xandar din il-kelma u għid: ‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej, nies kollha ta’ Ġuda, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. [Ġer:7:3] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Tejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post. [Ġer:7:4] Isserrħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej. [Ġer:7:5] Għax jekk tassew ittejjbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn bniedem u sieħbu, [Ġer:7:6] jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma xxerrdux demm bla ħtija f’dan il-post, u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara għalikom stess, [Ġer:7:7] jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom minn dejjem għal dejjem.

[Ġer:7:8] “Imma intom isserrħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; [Ġer:7:9] tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żína, taħilfu fil-falz, taħarqu l-inċens quddiem Bagħal, tmorru wara allat oħra li ma tafuhomx, [Ġer:7:10] u mbagħad tiġu u tieqfu quddiemi f’din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, u tgħidu: ‘Aħna salvi,’ mhux ħlief biex tissuktaw f’dawn l-għemejjel mistkerrha kollha. [Ġer:7:11] Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom? Araw, dan rajtu jiena nnifsi, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:7:12] “Morru fil-post li kelli f’Silo, fejn fil-bidu qegħedt ismi jgħammar fih, araw x’għamiltilha minħabba l-ħażen tal-poplu tiegħi Iżrael! [Ġer:7:13] U issa, għax għamiltu dawn l-għemejjel kollha, oraklu tal-Mulej, u ma ridtux tisimgħu meta ħabrikt biex inkellimkom, u ma weġibtux meta sejjaħtilkom, [Ġer:7:14] jiena se nagħmel ma’ dan is-santwarju li jien tajt lilkom u lil missirijietkom, li fuqu ssejjaħ ismi, u li bih isserrħu raskom, dak li għamilt f’Silo. [Ġer:7:15] Nkeċċikom minn quddiemi, kif keċċejt lil ħutkom, in-nisel kollu ta’ Efrajm.

L-abbużi fit-tempju

[Ġer:7:16] “U int titlobx għal dan il-poplu, tgħollix leħnek u titlobx għalihom; tidħolx għalihom quddiemi, għax ma nisimgħekx. [Ġer:7:17] Ma tarax x’inhuma jagħmlu fl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm? [Ġer:7:18] It-tfal jiġbru l-ħatab, il-missirijiet iqabbdu n-nar, u n-nisa jagħġnu biex jagħmlu l-ftajjar għas-sultana tas-sema, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni. [Ġer:7:19] Huwa lili li jinku, oraklu tal-Mulej, jew lilhom infushom qegħdin jinku, għall-mistħija tagħhom? [Ġer:7:20] Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: ‘Araw, il-qilla tiegħi u l-għadab tiegħi jissawwbu fuq dan is-santwarju, fuq in-nies u fuq il-bhejjem, fuq is-siġar tar-raba’, u fuq il-frott ta’ l-art: jixgħel u ħadd ma jitfih.’ ”

[Ġer:7:21] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Żidu l-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji, kulu wkoll laħamhom. [Ġer:7:22] Dwar sagrifiċċji u vittmi, jien ma għedt xejn lil missirijietkom u lanqas ma ordnajtilhom xejn dakinhar li ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu. [Ġer:7:23] Dan hu l-kmand li tajt lill-poplu tiegħi u għedtilhom: ‘Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom.’ [Ġer:7:24] Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; mxew skond il-fehmiet tagħhom, skond l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flok ‘il quddiem. [Ġer:7:25] Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sa llum, bgħattilhom il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li nibgħathomlkom. [Ġer:7:26] B’danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom. [Ġer:7:27] U int tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejjħilhom, iżda ma jweġbukx. [Ġer:7:28] Inti tgħidilhom: ‘Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom.’

[Ġer:7:29] Aqta’ xagħrek u armih!
Għolli leħnek u okrob fuq l-għoljiet!
Għax rema l-Mulej u nesa
n-nisel li għaddbu.

Kastig tal-biża’

[Ġer:7:30] “Għax għamlu l-ħażen f’għajnejja wlied Ġuda, oraklu tal-Mulej. Qiegħdu l-allat moqżieża fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi biex ikasbruha. [Ġer:7:31] U bnew is-santwarju ta’ Tofet li hemm fil-wied ta’ Ben Ħinnom, u hemm ħarqu ‘l uliedhom subjien u bniet, ħaġa li jiena ma qabbadthomx, u lanqas qatt ma ġiet f’rasi. [Ġer:7:32] Għalhekk, araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, ma jissejjaħx aktar Tofet jew Wied Ben Ħinnom imma Wied il-Qatla. Għad jidfnu f’Tofet, għax ma jkunx hemm post ieħor. [Ġer:7:33] U l-iġsma mejta ta’ dan il-poplu jkunu ikel għat-tajr ta’ l-ajru u għall-bhejjem ta’ l-art, u ma jkunx hemm min igerrixhom. [Ġer:7:34] U jien insikket fl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm għajat il-ferħ u għajat l-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, għax ħerba ssir mill-pajjiż.

8. [Ġer:8:1] “Dakinhar, oraklu tal-Mulej, jaqilgħu mill-oqbra l-għadam tas-slaten ta’ Ġuda, u l-għadam tal-prinċpijiet, u l-għadam tal-qassisin, u l-għadam tal-profeti, u l-għadam tan-nies ta’ Ġerusalemm, [Ġer:8:2] u jperrċuh għax-xemx u l-qamar u l-qtajja’ kollha tas-smewwiet, li huma ħabbewhom u qdewhom u marru warajhom, u ħadu l-parir tagħhom u qimuhom. Ma jiġbruhomx, u ma jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel f’wiċċ l-art. [Ġer:8:3] Mbagħad jippreferu l-mewt mill-ħajja n-nies li jibqgħu ħajjin minn dan in-nisel ħażin fil-pajjiżi kollha kull fejn għad inxerridhom, oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti.

Ma jridux jafu

[Ġer:8:4] “Inti tgħidilhom, dan jgħid il-Mulej:
Jaqaw jekk xi ħadd jaqa’, ma jerġax iqum?
Jew jekk jitlef triqtu, ma jerġax lura?
[Ġer:8:5] Għaliex, mela, dan il-poplu ntilef
b’telfa għal dejjem?
Żammew sħiħ fil-qerq,
ma jridux jerġgħu lura.
[Ġer:8:6] Jien qgħadt attent u smajt,
u huma jgħidu dak li m’hux sewwa.
M’hemmx bniedem niedem minn ħżunitu
u jgħid: ‘X’għamilt?’
Lkoll qabdu l-ġirja tagħhom,
bħal żiemel imlebbet għat-taqtigħa.
[Ġer:8:7] Mqar il-laqlâq ta’ l-ajru
jagħraf żmienu;
il-gamiema, il-ħuttafa, u l-għarnuq
iħarsu ż-żmien tal-passa tagħhom.
Imma l-poplu tiegħi ma jagħrafx id-dritt tal-Mulej.
[Ġer:8:8] Kif tistgħu tgħidu: ‘Aħna għorrief
u l-liġi tal-Mulej magħna?’
Għax tassew gidba għamlet minnha
il-pinna giddieba ta’ l-iskribi.
[Ġer:8:9] L-għorrief jitħawwdu,
jitħabblu u jinqabdu.
Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej,
u issa x’għerf baqgħalhom?

Korruzzjoni kullimkien

[Ġer:8:10] “Għalhekk jien nerħi lin-nisa tagħhom
f’idejn ħaddieħor,
ir-raba’ tagħhom lil sidien oħra;
għax miż-żgħir sal-kbir,
kollha għatxana għas-serq;
mill-profeta sal-qassis
kollhom qerq f’għemilhom.
[Ġer:8:11] Idewwu l-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi
bħallikieku xejn u jgħidu:
“Sliem, Sliem,” u sliem m’hemmx!
[Ġer:8:12] Imisshom jistħu bil-qżież li għamlu;
imma huma ma jistħux
u anqas wiċċhom ma jafu jħammru.
Għalhekk għad jaqgħu
ma’ dawk li diġà waqgħu;
jiġġarrfu f’jum kastighom,
jgħid il-Mulej.
[Ġer:8:13] Għalkollox intemmhom,
oraklu tal-Mulej,
ma jibqax għeneb fid-dielja,
lanqas tin fit-tina,
sal-weraq jidbiel,
u nibagħtilhom min jgħaffiġhom.

[Ġer:8:14] “Għalfejn qegħdin hawn aħna?
Ħa ninġabru u nidħlu fl-ibliet armati,
u nintemmu hemm.
Għax il-Mulej, Alla tagħna,
se jeqridna!
Se jisqina ilma avvelenat,
għax dnibna kontra l-Mulej.
[Ġer:8:15] Stennejna s-sliem,
imma ma sibna ebda riżq;
is-siegħa tal-fejqan,
imma ma sibniex ħlief twerwir!
[Ġer:8:16] Minn Dan jinstema’ l-infiħ lehġien;
taż-żwiemel tiegħu
iż-żehir tal-qawwijin tiegħu
titriegħed l-art kollha kemm hi.
Jiġu u jibilgħu l-art b’kull ma fiha,
lill-belt u n-nies li jgħammru fiha.
[Ġer:8:17] Għax, arawni, sriep velenużi
se nitlaq f’nofskom,
li ebda seħer ma jagħmel bihom,
u għad jigdmukom,”
oraklu tal-Mulej.

L-għali tal-Profeta

[Ġer:8:18] M’hemmx fejqan għall-għali tiegħi,
qalbi nfniet!
[Ġer:8:19] Isimgħu! L-għajta mbikkija ta’ bint
il-poplu tiegħi,
l-għajta minn art imbiegħda!
“Ma għadux il-Mulej f’Sijon?
M’għadux hemm is-sultan tagħha?”
Għaliex inkewni bl-idoli tagħhom,
bil-frugħat tal-barranin?
[Ġer:8:20] “Għadda żmien il-ħsad,
intemm is-sajf,
u aħna għadna ma ħlisniex.”

[Ġer:8:21] Minħabba l-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi
jien miġruħ.
Qabadni swied il-qalb,
qabadni t-tkexkix.
[Ġer:8:22] M’hemmx aktar balzmu f’Gilgħad?
Ebda tabib ma hemm?
Għaliex, mela, ma għalqitx
il-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi?
[Ġer:8:23] M’hux li kien xi ħadd jagħmel minn rasi
għajn ta’ ilma,
u min għajnejja nixxiegħa ta’ dmugħ,
ħa nibki lejl u nhar
il-maqtulin ta’ bint il-poplu tiegħi!

9. Poplu mħassar

[Ġer:9:1] M’hux li kont insib fejn nistkenn fid-deżert,ħa nħalli l-poplu tiegħi, u nitbiegħed minnhom.
Għax ilkoll kemm huma adulteri,
qatgħa ta’ nies ribelli.
[Ġer:9:2] U għamlu minn ilsienhom qaws miġbud.
Il-qerq, u mhux is-sewwa,
isaltan fil-pajjiż.
Għax minn ħażen għal ħażen għaddejjin,
u bija ma jridux jafu,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:9:3] Oqogħdu attenti minn xulxin ilkoll;
u ħadd ma għandu jafda f’ħuh.
Għax l-aħwa jaqilgħu lill-aħwa ‘l barra,
u kull ħabib sejjer iqassas.
[Ġer:9:4] Wieħed iqarraq bl-ieħor
u s-sewwa ma jgħiduh qatt,
għax ilsienhom darrewh fi kliem il-gideb.
Għejew jidinbu, u ma jridu jindmu qatt.

[Ġer:9:5] Qalb il-qerq l-għamara tiegħek,
oraklu tal-Mulej,
u fil-qerq ma jridux jagħrfuni.
[Ġer:9:6] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Arani, jien indewwibhom u nġarrabhom.
Nista’ nagħmel mod ieħor
ma’ bint il-poplu tiegħi?
[Ġer:9:7] Lsienhom vleġġa misnuna,
ħlief qerq fommhom ma jlissinx.
“Sliem!” jgħid lill-għajru,
u f’qalbu jlestilu n-nasba.
[Ġer:9:8] U m’għandix nikkastigahom għal dan
kollu?
Oraklu tal-Mulej.
U minn poplu bħal dan
m’għandix nitħallas?”
[Ġer:9:9] Ngħolli leħen ta’ biki u tinwiħ
għall-muntanji,
għanja tal-mewt għall-mergħat tad-deżert.
Għax maħruqa huma,
u ħadd ma jgħaddi aktar minnhom,
u ma jisimgħux aktar leħen l-imrieħel;
mit-tajra ta’ l-ajru sal-bhejjem,
kollha ħarbu u telqu.
[Ġer:9:10] U nagħmel gozz ġebel minn Ġerusalemm,
u bejta tax-xakalli;
u ħerba mill-ibliet ta’ Ġuda
u ħadd ma jgħammar fihom.
[Ġer:9:11] Min hu l-għaref li jifhem dan?
U jgħid x’qallu fomm il-Mulej:
Għaliex l-art tħarbtet
u nħarqet bħad-deżert,
u ma jista’ jgħaddi minnha ħadd?

[Ġer:9:12] U l-Mulej wieġeb: “Għax telqu l-liġi tiegħi, li jien qegħedt quddiemhom, u ma semgħux minn kliemi, u ma mxewx fuqu, [Ġer:9:13] u marru wara l-ebusija ta’ qalbhom u wara l-Bagħalim, bħalma għallmuhom missirijiethom.”

[Ġer:9:14] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Arawni, se nitmagħhom l-absint u nisqihom l-ilma avvelenat. [Ġer:9:15] Nxerridhom qalb ġnus li, la huma u lanqas missirijiethom, qatt ma kienu jafu bihom; u nitlaq għal warajhom ix-xabla sa ma teqridhom.”

[Ġer:9:16] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Qisu li ssejjħu lill-bekkejja biex jiġu;
ibagħtu l-aħjar fosthom
ħa jgħaġġlu jiġu,
[Ġer:9:17] u jfittxu jgħannulna għanja ta’ tinwiħ.
Ħa jgelgel minn għajnejna d-dmugħ,
u minn xfarhom inixxi l-ilma!
[Ġer:9:18] Għax leħen it-tinwiħ
jinstama’ minn Sijon:
‘Ah! X’rovina ġietna,
x’għajb għalina.
Ikollna nitilqu artna,
u nħallu ‘l djarna.’

[Ġer:9:19] Iva, isimgħu, nisa, kelmet il-Mulej,
ħa jilqgħu widnejkom kelmet fommu;
għallmuha lil bnietkom it-tinwiħa,
u kull waħda lil seħbitha l-għanja tal-mewt.
[Ġer:9:20] ‘Għax telgħet il-mewt mit-twieqi
u daħlet fil-palazzi tagħna.
Qerdet it-tarbija fit-triq,
u ż-żgħażagħ fl-imsieraħ.’

[Ġer:9:21] Tkellem: ‘Dan jgħid il-Mulej:
L-iġsma tan-nies maqtula
bħad-demel fuq wiċċ ir-raba’,
u bħal għamra wara l-ħassad
bla ma ħadd jiġborha.’ ”

[Ġer:9:22] Dan jgħid il-Mulej:
“Ma għandux jiftaħar l-għaref b’għerfu,
u anqas ma għandu jiftaħar il-qalbieni bi qlubitu;
m’għandux jiftaħar l-għani b’ġidu.
[Ġer:9:23] Imma min irid jiftaħar,
b’dan għandu jiftaħar:
li għandu d-dehen biex jagħrafni,
għax jien hu l-Mulej,
li nagħmel it-tjieba, il-ħaqq,
u s-sewwa fuq l-art,
għax b’dawn nitgħaxxaq,
oraklu tal-Mulej.

Iċ-ċirkonċiżjoni weħidha ma tiswa xejn

[Ġer:9:24] Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien inħallas lil dawk li huma maħtunin biss f’ġisimhom: [Ġer:9:25] lill-Eġittu, lil Ġuda, lil Edom, lill-Għammonin, lill-Mowabin, u lil dawk kollha li jqaxxru xagħar ngħashom, u jgħammru fid-deżert. Għax dawn il-ġnus, għad-dar ta’ Iżrael, lkoll huma bla ħtin f’qalbhom.

10. Il-bluha ta’ l-idolatrija

[Ġer:10:1] Isimgħu, dar Iżrael, il-kelma li
jgħidilkom il-Mulej.
[Ġer:10:2] Dan jgħid il-Mulej:
“Drawwiet il-ġnus la titgħallmux,
u la tibżgħux mis-sinjali tas-smewwiet,
il-ġnus jitbeżżgħu minnhom.
[Ġer:10:3] Għax ir-reliġjon tal-popli hija frugħa,
għuda maqtugħa minn ġol-bosk,
xogħol idejn l-imgħallem bl-iskalpell.
[Ġer:10:4] Iżejjinha bid-deheb u l-fidda,
iwaħħluha bl-imsiemer u l-martell,
biex ma titħarrikx.
[Ġer:10:5] Bħan-nuffara f’għalqa ħjar,
l-idoli ma jitkellmux.
Trid terfagħhom, għax ma jimxux.
La tibżgħux minnhom,
għax deni ma jagħmlux,
u riżq ma fihom xejn.”

[Ġer:10:6] Ħadd m’hu bħalek, Mulej,
int kbir,
u kbir ismek f’qawwitu!
[Ġer:10:7] Min ma jibżax minnek,
Sultan tal-ġnus?
Hekk jistħoqqlok;
għax fost l-għorrief kollha tal-ġnus,
u f’saltniethom kollha,
m’hemm ħadd bħalek.
[Ġer:10:8] Nies boloh u bla moħħ;
tagħlim fieragħ, biċċa għuda.
[Ġer:10:9] Fidda maħduma miġjuba minn Tarsis,
u deheb minn Ofir.
Xogħol l-imgħallem u idejn l-arġentier,
mlibbsa l-vjola u l-iskarlatt;
kollox xogħol in-nies tas-sengħa.
[Ġer:10:10] Imma l-Mulej tassew hu Alla:
Alla ħaj u sultan ta’ dejjem.
Għall-għadab tiegħu titriegħed l-art,
u għall-qilla tiegħu l-ġnus ma jifilħux.

[Ġer:10:11] Hekk għandkom tgħidulhom: “L-allat li ma għamlux is-smewwiet u l-art għad jgħibu minn fuq l-art u minn taħt is-smewwiet.”

[Ġer:10:12] Bil-ħila tiegħu għamel l-art,
u d-dinja sejjes b’għerfu,
u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.
[Ġer:10:13] Iriegħed leħnu, jitqanqlu l-ilmijiet
tas-smewwiet;
itella’ s-sħab minn truf l-art,
iberraq biex tagħmel ix-xita;
u minn ħażnietu jitlaq l-irjieħ.
[Ġer:10:14] Jiblieh kull bniedem u jitlef dehnu;
l-arġentier jistħi mill-idolu tiegħu,
għax gidba hi x-xbieha mdewwba,
u fihom nifs ma hemmx.
[Ġer:10:15] Frugħa huma, xogħol ta’ xejn,
fi żmien ħlashom għad jintemmu.
[Ġer:10:16] Mhux hekk sehem Ġakobb,
Hu li għamel kull ma hu,
u t-tribù ta’ Iżrael il-wirt tiegħu,
“Jaħweh ta’ l-eżerċti” jismu.

Lesti għall-eżilju

[Ġer:10:17] Iġbor mill-art is-sorra tiegħek,
int, belt assedjata.
[Ġer:10:18] Għax dan jgħid il-Mulej:
“Arani, din id-darba nkeċċi ‘l barra bħal bi żbandola,
in-nies li jgħammru fil-pajjiż;
nross fuqhom biex isibuni.”
[Ġer:10:19] Ħasra għalija! Jien imġarraf,
il-ġerħa tiegħi bla fejqan.
Imma jien għedt: ‘Din il-marda tiegħi,
ikolli nitqanna biha.”
[Ġer:10:20] Għarixi tħarbat,
tqattgħu l-ħbula tiegħi.
Uliedi tbiegħdu minni,
u m’għadhomx iżjed.
Ma fadalx min itellagħli għarixi,
u jifrixli t-tined.
[Ġer:10:21] Iva! Ir-rgħajja tilfu rashom,
u l-Mulej ma fittxewhx.
Għalhekk ma kellhomx riżq,
u xterdu l-imrieħel tagħhom.
[Ġer:10:22] Nstama’ ħoss riesaq,
u għagħa kbira minn art it-tramuntana,
biex jagħmlu mill-ibliet ta’ Ġuda ħerba,
bejta tax-xakalli.

Talba ta’ Ġeremija

[Ġer:10:23] Jien naf, Mulej,
triq il-bniedem m’hijiex f’idejh,
anqas min jimxi ma jista’
jiddirieġi l-passi tiegħu.
[Ġer:10:24] Għakkisni Mulej, imma bil-qjies,
mhux f’għadbek,
inkella ġġibni fix-xejn.
[Ġer:10:25] Ferragħ għadbek fuq il-ġnus li ma
jagħrfukx,
fuq ir-razez li ismek ma jsejjħux.
Għax huma belgħu lil Ġakobb, u kkunsmawh
u għamartu ħarbtuhielu.

11. Il-ksur tal-Patt

[Ġer:11:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:11:2] “Isimgħu l-kelma ta’ dan il-patt u ħabbruha lin-nies ta’ Ġuda u lil dawk li jgħammru f’Ġerusalemm. [Ġer:11:3] Għidilhom: Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Misħut il-bniedem li ma jismax minn kliem dan il-patt, [Ġer:11:4] li jien ordnajt lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu, mill-forġa tal-ħadid, u għedtilhom: Isimgħu minn kliemi u għamlu skond ma kkmandajtkom, u tkunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħkom, [Ġer:11:5] biex jien inżomm il-ħalfa li ħlift lil missirijietkom li nagħtihom art tnixxi ħalib u għasel, bħalma taraw illum.” U jien weġibt u għedt: “Iva, Mulej.”

[Ġer:11:6] U l-Mulej qalli: “Xandar dan il-kliem kollu fl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm u għidilhom: ‘Isimgħu l-kliem ta’ dan il-patt u agħmluh. [Ġer:11:7] Għax jien widdibt fuq li widdibt lil missirijietkom dakinhar li tellajthom mill-art ta’ l-Eġittu sa llum stess u għedtilhom: ‘Isimgħu minn kliemi!’ [Ġer:11:8] Imma huma ma semgħux, u lanqas taw widen; u kull wieħed minnhom ġieb ruħu skond l-ebusija ta’ qalbu l-ħażina u ġibt fuqhom it-tehdid kollu ta’ dan il-patt, widdibthom li jħarsuh, u huma ma ħarsuhx.”

[Ġer:11:9] U l-Mulej qalli: “Saret konfoffa qalb in-nies ta’ Ġuda u dawk li jgħammru f’Ġerusalemm. [Ġer:11:10] Reġgħu lura għall-ħażen ta’ missirijiethom ta’ l-imgħoddi, li ma ridux jisimgħu kliemi, u marru wara allat oħra biex iservuhom. Id-dar ta’ Iżrael u d-dar ta’ Ġuda kisru l-patt li jien għamilt ma’ missirijiethom.

[Ġer:11:11] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: ‘Arawni se nġib fuqhom ħsara, li ma jkunux jistgħu jaħarbuha; għad jgħajjtuli, imma jien ma nismagħhomx. [Ġer:11:12] U jmorru l-ibliet ta’ Ġuda u dawk li jgħammru f’Ġerusalemm u jgħajjtu ‘l-allat li soltu jmorru jaħarqulhom l-inċens; imma f’jum hemmhom ma jsalvawhomx. [Ġer:11:13] Għaliex daqs kemm huma blietek, daqshekk ieħor huma allatek, Ġuda; u daqs kemm huma triqat Ġerusalemm, daqshekk ieħor huma l-artali li tellajtu lil dak l-għajb, biex taħirqu l-inċens lil Bagħal.

[Ġer:11:14] U int la titlobx għal dan il-poplu u tgħollix leħnek u titlobx għalihom, għax jien ma nismax meta jsejjħuli fi żmien hemmhom.

[Ġer:11:15] X’tistenna l-maħbuba tiegħi f’dari,
meta għamlet daqshekk ħażen?
Jaqaw il-wegħdi u l-laħam ikkonsagrat
se jbiegħdu minnek il-ħsara,
biex int tkun tista’ titferraħ,
malli tisma’ bl-invażjoni l-kbira?
[Ġer:11:16] “Żebbuġa tħaddar imżejjna bi frott sabiħ,”
semmiek il-Mulej.
Imma issa se jagħtiha n-nar,
u jinxfu l-friegħi tagħha.

[Ġer:11:17] U l-Mulej ta’ l-eżerċti li ħawwlek ħabbar il-ħsara għalik minħabba l-ħażen ta’ dar Iżrael u dar Ġuda, il-ħażen li għamlu biex jinkuni bl-inċens li ħarqu lil Bagħal.

Komplott kontra Ġeremija

[Ġer:11:18] Il-Mulej għarrafni, u jien sirt naf; inti wrejtni l-għemejjel tagħhom. [Ġer:11:19] U jien bħal ħaruf ġwejjed meħud għall-qatla, ma kontx naf li kienu jgħaddu kontrija u jgħidu: “Ħa noqtlu s-siġra bil-frott tagħha; nqaċċtuh mill-art tal-ħajjin, u ismu ma jiftakruhx aktar.”

[Ġer:11:20] Int, Mulej ta’ l-eżerċti, mħallef ġust li tifli l-qalb u l-moħħ, ħallini nara l-vendetta tiegħek minnhom, għaliex f’idejk irħejt il-kawża tiegħi!

[Ġer:11:21] Għalhekk dan jgħid il-Mulej lin-nies ta’ Għanatot li jfittxulek ħajtek u jgħidu: “La tħabbarx aktar f’isem il-Mulej, li ma tmutx b’idejna.”

[Ġer:11:22] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: “Arani, se nħallashom! Il-fjur tagħhom imutu bix-xabla, uliedhom, subjien u bniet, imutu bil-ġuħ. [Ġer:11:23] Ħadd ma jifdal minnhom, għax inġib l-hemm fuq in-nies ta’ Għanatot fis-sena tal-kastig tagħhom.”

12. L-ilmenti tal-Profeta

[Ġer:12:1] Ikollok raġun int, Mulej, meta niddiskuti
miegħek;
imma rrid inħaqqaqha miegħek:
Għaliex il-ħżiena jgawdu r-riżq,
u l-ħatjin kollha jgħixu fis-sliem?
[Ġer:12:2] Tħawwilhom u jniżżlu l-għeruq,
jikbru u jagħmlu l-frott.
Int qrib fuq fommhom,
mma ‘l bogħod minn qalbhom.
[Ġer:12:3] Int, Mulej, tafni u tarani,
u tiflili qalbi.
Iġbidhom bħal nagħaġ għall-mewt,
żommhom għall-qatla.
[Ġer:12:4] Kemm se ddum tinkedd l-art,
u l-ħaxix jinxef fir-raba’?
Minħabba l-ħażen ta’ min jgħammar fiha,
imutu l-bhejjem u t-tjur.
Għax huma jgħidu: “Ma jarax l-imġiba tagħna.”
[Ġer:12:5] “Jekk tegħja tiġri ma’ rġiel jiġru,
kif se ttellaq maż-żwiemel?
Jekk int tintreħa f’art is-sliem,
x’se tagħmel fil-masġar tal-Ġordan?
[Ġer:12:6] Mqar ħutek, dar missierek,
dawn ukoll iqarrqu bik;
dawn ukoll jgħajjtu warajk bis-sħiħ,
tafdahomx meta jkellmuk bi kliem sabiħ.
[Ġer:12:7] Ħallejt ‘il dari, tlaqt ‘il wirti,
ħallejt l-għaxqa ta’ qalbi f’idejn l-għedewwa tagħha.
[Ġer:12:8] Għax wirti sar għalija bħal iljun fil-masġar:
għolla leħnu għalija u jien għalhekk nobogħdu.
[Ġer:12:9] Għasfur ta’ lewn imżewwaq hu wirti għalija,
mdawwar mill-isqra minn kullimkien!
Ejjew inġemgħu, bhejjem kollha tax-xagħri,
ejjew għall-ikla!
[Ġer:12:10] Ħafna rgħajja ħarbtu l-għalqa tad-dwieli
tiegħi,
għaffġu fuq il-wirt tiegħi,
għamlu ħerba li twaħħax l-għalqa,
li kienet l-għaxqa tiegħi.

[Ġer:12:11] Ħartuha u għamluha tbikkik quddiemi;
il-pajjiż kollu sar ħerba u ħadd ma jimpurtah.
[Ġer:12:12] Fuq l-għoljiet għerja kollha tad-deżert
ġew il-qerrieda,
għax il-Mulej għandu sejf qerriedi;
minn tarf sa tarf ta’ l-art
ma hemmx sliem għal ebda ħaj.

[Ġer:12:13] Żergħu l-qamħ u ħasdu x-xewk;
tħabtu għal xejn; jistħu mill-ħsad tagħhom,
minħabba l-qilla ta’ għadab il-Mulej.”

[Ġer:12:14] Dan jgħid il-Mulej kontra l-ġirien ħżiena tiegħi, li messew il-wirt li jien tajt lill-poplu tiegħi Iżrael: “Arawni, se naqlagħhom minn arthom u d-dar ta’ Ġuda se naqlagħha minn nofshom. [Ġer:12:15] Mbagħad jiġri li wara li nkun qlajthom nerġa’ nħenn għalihom, nreġġagħhom lura ‘l kull wieħed lejn wirtu, lil kull wieħed lejn artu. [Ġer:12:16] U jiġri li jekk jitgħallmu sewwa d-drawwiet tal-poplu tiegħi u jaħilfu b’ismi, daqskemm hu ħaj il-Mulej, bħalma għallmu l-poplu tiegħi jaħlef b’Bagħal, huma jitrawwmu f’nofs il-poplu tiegħi. [Ġer:12:17] Imma jekk ma jisimgħux, naqla’ ‘l dan il-poplu, naqilgħu u neqirdu,” oraklu tal-Mulej.

13. Ix-xbieha tal-ħżiem

[Ġer:13:1] Dan qalli l-Mulej: “Mur u ixtri ħżiem ta’ l-għażel għal qaddek, u dawwru ma’ ġenbejk bla ma xxarrbu bl-ilma.” [Ġer:13:2] U jien mort nixtri l-ħżiem bħalma qalli l-Mulej, u dawwartu ma’ ġenbejja. [Ġer:13:3] Għat-tieni darba kellimni l-Mulej u qalli: [Ġer:13:4] “Aqbad il-ħżiem li xtrajt, li hemm ma’ ġenbejk; qum, mur ħdejn ix-xmara Ewfrat, u aħbih hemm f’xaqq ta’ blata.” [Ġer:13:5] U jien mort ħbejtu ħdejn l-Ewfrat, kif qalli l-Mulej. [Ġer:13:6] Wara ħafna żmien il-Mulej raġa’ kellimni u qalli: “Qum, mur ħdejn l-Ewfrat, u ħu minn hemm il-ħżiem li jien ikkmandajtek taħbi hemm.” [Ġer:13:7] U mort ħdejn l-Ewfrat, ħaffirt, u ġbart il-ħżiem minn fejn kont ħbejtu. U l-ħżiem sibtu mherri u ma jiswa għal xejn. [Ġer:13:8] U l-Mulej raġa’ kellimni u qalli. [Ġer:13:9] “Dan jgħid il-Mulej: Hekk inxejjen il-kburija ta’ Ġuda u l-kburija bla qjies ta’ Ġerusalemm. [Ġer:13:10] Dan il-poplu ħażin, li ma jridx jisma’ kliemi, li jrid bilfors jimxi ma’ l-ebusija ta’ qalbu, u mar jaqdi allat oħra u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom, dan il-poplu jiġrilu bħal dan il-ħżiem li ma jiswa għal xejn. [Ġer:13:11] Għax bħalma bniedem jorbot il-ħżiem ma’ ġenbejh, hekk jien irbatt miegħi d-dar kollha ta’ Iżrael, u d-dar kollha ta’ Ġuda, jgħid il-Mulej, biex tkun għalija poplu, isem, foħrija, sebħ; imma ma semgħux.”

Ix-xbieha tal-ġarra

[Ġer:13:12] “U int għidilhom ukoll dan il-kliem: ‘Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael: Kull ġarra timtela bl-inbid.’ U huma jweġbuk: ‘Ma nafux li kull ġarra timtela bl-inbid?’ [Ġer:13:13] U int tweġibhom: ‘Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se nimla bis-sokor in-nies kollha li jgħammru f’din l-art, u s-slaten li qegħdin fuq it-tron ta’ David u l-qassisin u l-profeti, u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm. [Ġer:13:14] Nħabbathom il-wieħed ma’ l-ieħor, il-missirijiet ma’ l-ulied, u nkissirhom f’salt wieħed, oraklu tal-Mulej, ma nitħassarhomx, ma nħossx għalihom, ma nħennx għalihom hekk li ma neqridhomx.’ ”

Sejħa għall-indiema

[Ġer:13:15] Isimgħu u agħtu widen, la titkabbrux,
għax il-Mulej tkellem.
[Ġer:13:16] Agħtu glorja lill-Mulej,
qabel ma jidlam
u qabel ma jitfixklu riġlejkom
fuq il-muntanji bejn dawl u dlam.
Intom tistennew id-dawl,
imma hu jibdlu fis-swied,
sa ma jagħmlu dlam.
[Ġer:13:17] Jekk intom ma tisimgħux,
nibki mqar bil-moħbi minħabba kburitkom.
Għajnejnna jiddemmgħu u jxerrdu d-dmugħ,
għax eżiljaw il-merħla tal-Mulej.

Tehdid ta’ eżilju

[Ġer:13:18] Għid lis-sultan u lir-reġina-omm:
“Inżlu u oqogħdu ‘l isfel,
għax waqgħet minn fuq raskom,
il-kuruna tal-glorja tagħkom.”
[Ġer:13:19] L-ibliet ta’ nofsinhar magħluqa,
ma hemmx min jiftaħ.
Ġuda kollu eżiljat,
eżiljat għalkollox.

L-għajb ta’ Ġerusalemm

[Ġer:13:20] Għollu għajnejkom u araw
min ġej mit-tramuntana.
Fejn hi l-merħla li ngħatat lilek,
in-nagħaġ sbieħ tiegħek?
[Ġer:13:21] Xi tgħid meta jqegħdulek fuqek
b’ħakkiema,
dawk li int stess darrejt għal miegħek?
Ma jaqbdekx uġigħ ta’ mara fil-ħlas?
[Ġer:13:22] Int tgħid f’qalbek:
‘Għaliex ġrali dan?”
Minħabba l-kobor tal-ħażen tiegħek,
refgħulek djulek u għarqbejk kixfulek.
[Ġer:13:23] Jaqaw ibiddel ġildu l-Kusi;
jew il-ljupard tbajjietu?
Daqshekk ieħor tistgħu tagħmlu t-tajjeb,
mdorrijin kif intom fil-ħażen.
[Ġer:13:24] Nxerridhom bħall-karfa
mtajjra mir-riħ tad-deżert.
[Ġer:13:25] Din hi xortik, is-sehem li jmissek minni,
oraklu tal-Mulej.
Għax inti nsejtni,
u ttamajt fil-gideb.
[Ġer:13:26] U jien ukoll nerfagħlek
djulek fuq wiċċek,
biex b’hekk għawarek jidher.
[Ġer:13:27] Jien rajt qżiżijietek:
l-adulterji u t-tnegħim tiegħek,
l-għajb taż-żína tiegħek
fuq l-għoljiet fil-beraħ.
Gwaj għalik Ġerusalemm!
Ma titnaddaf qatt!
Kemm se ddum hekk?

14. In-nixfa

[Ġer:14:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija minħabba n-nixfa:
[Ġer:14:2] “Ġuda bil-vistu,
u bwiebha bla ħajja.
Niesha lkoll mixħuta fl-art,
u għajta ta’ diqa tielgħa minn Ġerusalemm.
[Ġer:14:3] Il-kbarat bagħtu l-qaddejja għall-ilma,
marru sal-ġwiebi, imma ilma ma sabux.
Jerġgħu lura bil-ġarar battala.
Mtlew bil-mistħija;
nfixlu u għattew rashom.
[Ġer:14:4] Ix-xogħol tar-raba’ waqaf,
għax xita ma kienx hemm fil-pajjiż.
Il-bdiewa mtlew bil-mistħija,
regħxu u għattew rashom.
[Ġer:14:5] Għax imqar l-għażżiela wildet fir-raba’,
u telqet il-wild waħdu,
għax ħdura ma kienx hemm.
[Ġer:14:6] Il-ħmir selvaġġi waqfu fuq il-blat,
jilhġu għan-nifs bħax-xakalli,
b’għajnejhom mejta,
għax ma kienx hemm ħaxix.
[Ġer:14:7] Mqar jekk ħtijietna jixhdu kontrina,
Mulej, minħabba ismek qum,
għax ħafna huma ir-ribelljonijiet tagħna,
kontrik aħna dnibna.
[Ġer:14:8] Tama ta’ Iżrael,
Salvatur tiegħu fi żmien il-bżonn!
Għala qisek barrani fl-art,
jew vjaġġatur wieqaf għal-lejl.
[Ġer:14:9] Għala qisek bniedem mibluh,
bħal wieħed qalbieni ma jistax jgħin?
Imma inti f’nofsna Mulej,
u fuqna jissejjaħ ismek.
La titlaqniex!
[Ġer:14:10] Dan jgħid il-Mulej dwar dan il-poplu:
‘Iħobbu jiġġerrew ‘l hemm u ‘l hawn,
f’riġlejhom ma għandhomx kwiet.
Għalhekk il-Mulej ma għoġbuhx.
Issa jiftakar fi ħżunithom,
u jħallashom ta’ dnubiethom.”

[Ġer:14:11] U l-Mulej qalli: “Titlobx għall-ġid ta’ dan il-poplu. [Ġer:14:12] Jekk isumu ma nismax it-talb tagħhom, u mqar jekk joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq u jagħmlu l-offerti, ma nilqagħhomx, għax bi ħsiebni neqridhom bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta.”

[Ġer:14:13] U jien għedtlu: “Ah! Sidi l-Mulej, ara l-profeti qegħdin jgħidulhom: ‘Ma tarawx ix-xabla, u ma jkollkomx il-ġuħ, għax sliem sħiħ nagħtikom f’dan il-pajjiż.”

[Ġer:14:14] U l-Mulej qalli: “Il-gideb ħabbru f’ismi l-profeti, ma bgħatthomx, ma kkmandajthomx, ma kellimthomx. Viżjonijiet foloz, sħarijiet u tbatbit, u l-ħolma, ta’ moħħhom, dan ħabbrulkom.”

[Ġer:14:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: “Il-Profeti li qegħdin iħabbru f’ismi bla ma jien bgħatthom, u qegħdin jgħidu: ‘Xabla u ġuħ ma jkunu qatt f’dan il-pajjiż,’ dawn il-profeti bix-xabla u bil-ġuħ għad jintemmu. [Ġer:14:16] U n-nies li huma qegħdin iħabbrulhom, ikunu minxura ma’ l-art fit-toroq ta’ Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u x-xabla; u ma jkun hemm ħadd min jidfen lilhom, lin-nisa tagħhom, lil uliedhom, subjien u bniet. Ħżunithom, fuqhom inferragħha.

[Ġer:14:17] “U int għidilhom dan il-kliem:
‘Għajnejja jxerrdu d-dmugħ,
lejl u nhar bla heda,
għax ix-xebba, bint il-poplu tiegħi,
ħadet daqqa kbira u tfarrket,
ġerħa bla fejqan ġarrbet.
[Ġer:14:18] Jekk noħroġ fir-raba’,
hemm insib il-mejtin bix-xabla.
Jekk nidħol fil-belt, nsib il-mifnija bil-ġuħ,
għax imqar il-profeta u l-qassis
jiġġerrew mitlufin fil-pajjiż.’ ”
[Ġer:14:19] Tlaqt int ‘il Ġuda għalkollox?
Stmellejt int ‘il Sijon?
Għaliex sawwattna bla ma hemm fejqan għalina?
Stennejna s-sliem u ma għandna ebda riżq;
żmien il-fejqan, u arana mwerwra.
[Ġer:14:20] Aħna nafu, Mulej, bi dnubietna,
bil-ħażen ta’ missirijietna,
għax dnibna kontrik.
[Ġer:14:21] Minħabba f’ismek tiċħadniex,
tkasbarx it-tron tal-glorja tiegħek,
ftakar! Tiksirx il-patt li għamilt magħna.
[Ġer:14:22] Hemm xi ħadd fost l-allat
fiergħa tal-ġnus,
li jista’ jibgħat ix-xita?
Jew jistgħu jagħtu weħidhom is-smewwiet
gliegel ta’ ilma?
M’hux inti l-Mulej, Alla tagħna?
Fik it-tama tagħna,
għax int għamilt dan kollu.”

15. It-tweġiba tal-Mulej

[Ġer:15:1] Il-Mulej qalli: “Mqar jekk jiġu quddiemi Mosè u Samwel, m’hijiex se ddur qalbi lejn dan il-poplu. Keċċihom minn quddiemi, ħa jitilqu ‘l barra! [Ġer:15:2] U jekk jistaqsuk Fejn se mmorru?, għidilhom: Dan jgħid il-Mulej:

‘Min tmissu l-mewt, għall-mewt;
Min tmissu x-xabla, għax-xabla;
Min imissu l-ġuħ, għall-ġuħ;
Min imissu l-jasar, għall-jasar.’

[Ġer:15:3] “Jiena rfajtilhom erba’ kastigi, oraklu tal-Mulej, ix-xabla biex toqtolhom, il-klieb biex ikaxkruhom, it-tajr ta’ l-ajru u l-bhejjem ta’ l-art biex jikluhom u jeqirduhom. [Ġer:15:4] U nagħmel minnhom waħx għas-saltniet kollha ta’ l-art, minħabba Manassi bin Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda, għal kull ma għamel f’Ġerusalemm.”

It-traġedja ta’ Ġerusalemm

[Ġer:15:5] “Min se jħenn għalik Ġerusalemm?
Min se jsewwed qalbu għalik?
Min se jdur u jistaqsik kif inti,
x’minnek, intix fis-sliem?
[Ġer:15:6] Int ċħadtni, oraklu tal-Mulej,
int inġbidt lura u tlaqt.
U jien erfajt idejja fuqek,
u ġibtek fix-xejn,
għax ma flaħtx iżjed inħenn għalik.
[Ġer:15:7] Derrejthom bil-midra fi bwieb l-art,
neżżajthom mit-tfal, u qridt il-poplu tiegħi,
imma huma ma darux minn triqathom.
[Ġer:15:8] Tkattru r-romol tagħhom aktar mir-ramel
tal-baħar;
jien ġibt fuq omm iż-żagħżugħ,
il-qerried f’nofsinhar;
u niżżilt fuqhom għal għarrieda
diqa u tnehid.
[Ġer:15:9] L-omm ta’ seba’ wlied infniet,
nifisha nqata’.
Ix-xemx tagħha niżlet,
meta kien għadu l-jum,
stħat u tħawwdet.
U ‘l min fadal minnhom nerħih għax-xabla
quddiem l-għedewwa tagħhom,”
oraklu tal-Mulej.

L-ilmenti ta’ Ġeremija

[Ġer:15:10] Msejken jien, omm! Għaliex ulidtni
bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu?
Jien la slift u lanqas issellift,
u madankollu kulħadd jisħetni’?
[Ġer:15:11] Jgħid il-Mulej,
“Tassew, qdejtek tajjeb!
Tassew, ħbatt l-għedewwa għalik,
fi żmien il-hemm, fi żmien id-dwejjaq!
[Ġer:15:12] Jista’ l-ħadid ifarrak il-ħadid u l-bronż
tat-tramuntana?
[Ġer:15:13] Ġidek u t-teżori tiegħek nagħti bi priża,
mhux bi ħlas,
għal dnubietek kollha fit-territorju kollu tiegħek.

[Ġer:15:14] U nibagħtek fost l-għedewwa tiegħek
f’art li int ma tafx
għaliex xegħel in-nar tal-korla tiegħi
u fuqkom iħeġġeġ.
[Ġer:15:15] Mulej, dan int tafu.
Ftakar fija u ejja żurni;
tħallas minn dawk li jiġru warajja.
Tħallinix ninqered minħabba sabrek.
Kun af li minħabba fik qgħadt għat-tagħjir.
[Ġer:15:16] Jien sibt kliemek, u kiltu;
u kelmtek saritli l-ferħ u l-hena ta’ qalbi;
għax ismek issejjaħ fuqi,
Mulej, Alla ta’ l-eżerċti.
[Ġer:15:17] Jien ma mortx fost iż-żufjettużi,
ma fraħtx magħhom;
jien qgħadt għalija waħdi quddiem qawwietek
għax inti mlejtni bil-korla.
[Ġer:15:18] Għaliex għandi nibqa’ mnikket għal
dejjem,
u l-marda kronika tiegħi ma tfiq qatt?
Se ssir int għalija
bħal nixxiegħa qarrieqa li tinxef?”

[Ġer:15:19] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
“Jekk iddur lejja,
nreġġgħek lejja biex tieqaf quddiemi;
jekk tagħżel dak li jiswa minn dak li ma jiswiex,
int tkun bħal fommi.
Jerġgħu lura huma lejk,
u mhux int terġa’ lura lejhom.
[Ġer:15:20] Nagħmlek sur qawwi tal-bronż
kontra dan il-poplu;
huma jaħbtu għalik,
iżda ma jkunux jifilħu għalik;
għax jiena miegħek,
biex neħilsek u nsalvak,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:15:21] Neħilsek mill-qawwa tal-ħżiena,
u nifdik minn id it-tiranni.”

16. Il-ħajja tal-profeta twiddiba għall-poplu

[Ġer:16:1] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:16:2] “La tiżżewwiġx, u ma jkollokx la subjien u lanqas bniet f’dan il-pajjiż. [Ġer:16:3] Għax dan jgħid il-Mulej għas-subjien u l-bniet li jitwieldu f’dan il-post, u dwar ommijiethom li jilduhom u għal missirijiethom li jnissluhom f’dan il-pajjiż: [Ġer:16:4] Għad imutu mifnija bil-mard, u ma jibkuhomx, ma jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel f’wiċċ ir-raba’. Jintemmu bix-xabla u bil-ġuħ, u l-iġsma tagħhom ikunu ikel għat-tajr ta’ l-ajru u l-bhejjem ta’ l-art.

[Ġer:16:5] “Għax dan jgħid il-Mulej: ‘La tmurx f’dar il-vistu, la tmurx tibkihom, la tħennx għalihom, għax jien warrabt il-ħbiberija tiegħi, oraklu tal-Mulej, it-tjieba tiegħi u l-ħniena tiegħi minn dan il-poplu.

[Ġer:16:6] “U jmutu l-kbar u ż-żgħar f’dan il-pajjiż; u ma jidfnuhomx, ma jibkuhomx, u ħadd ma jqatta’ ġismu u lanqas iqarweż rasu għalihom. [Ġer:16:7] Lanqas ħadd ma jaqsam il-ħobż ma’ min hu mnikket biex ifarrġuh minħabba l-mejjet. Lanqas ma jisquh il-kus tal-faraġ għall-mewt ta’ missieru jew ommu. [Ġer:16:8] U la tmurx f’dar il-festa biex toqgħod magħhom tiekol u tixrob.

[Ġer:16:9] “Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Arawni! Quddiem għajnejkom u fi żmienkom se nsikket f’dan il-post għajat il-ferħ u għajat il-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa.

[Ġer:16:10] “Jiġri li int tgħarraf ‘il dan il-poplu b’dan il-kliem u huma jgħidulek: ‘Għaliex il-Mulej iħabbrilna din il-ħsara kbira kollha? X’inhija ħżunitna? X’inhuwa dnubna li għamilna kontra l-Mulej, Alla tagħna?

[Ġer:16:11] “U inti tweġibhom: ‘Għaliex missirijietkom ħallewni, oraklu tal-Mulej, u marru wara allat oħra, u qdewhom u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemhom, u lili abbandunawni, u l-liġi tiegħi ma ħarsuhiex. [Ġer:16:12] U intom imbagħad għamiltu agħar minn missirijietkom, u, arakom, kull wieħed minnkom mexa wara l-ebusija ta’ qalbu ħażina u ma semax minni. [Ġer:16:13] Għalhekk inkeċċikom ‘il barra minn din l-art f’art oħra li la intom u la missirijietkom ma tafuha, u hemm taqdu allat oħra, lejl u nhar, għax jien ma nurix ħniena magħkom.

Il-wegħda tas-salvazzjoni

[Ġer:16:14] “Għalhekk għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta ma jgħidux aktar: ‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella’ lil ulied Iżrael mill-art ta’ l-Eġittu’, [Ġer:16:15] imma daqs kemm hu ħaj il-Mulej li tella’ lil ulied Iżrael mill-art tat-tramuntana u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.’ Għax jiena nreġġagħhom lura fl-art li kont tajt lil missirijiethom.

Kastig doppju

[Ġer:16:16] “Arawni! Jien nibgħat ħafna sajjieda, oraklu tal-Mulej, u jistaduhom. Mbagħad nibgħat ħafna kaċċaturi, u jmorru għalihom fuq kull muntanja u fuq kull għolja u f’kull xaqq blat. [Ġer:16:17] Għax għajnejja fuq triqathom kollha u huma ma jistgħux jinħbew minn quddiemi, u lanqas jinsatar dnubhom minn quddiem għajnejja. [Ġer:16:18] Qabelxejn inħallashom id-doppju għal ħżunithom u dnubhom, talli niġġsuli arti bil-bluhat moqżieża, u mlew ‘il wirti bl-għemejjel mistkerrha tagħhom.”

Il-konverżjoni tal-ġnus

[Ġer:16:19] Mulej, qawwa tiegħi, fortizza tiegħi!
kenn tiegħi f’jum l-hemm!
Għandek għad jiġu l-ġnus,
minn truf l-art u jgħidlu:
“Gideb biss wirtu missirijietna,
frugħa bla ebda fejda.

[Ġer:16:20] Jista’ l-bniedem jagħmel allat għalih
dawk li m’humiex allat?”
[Ġer:16:21] Għalhekk għad nurihom jien,
nurihom din id-darba,
idi u l-qawwa tiegħi,
u jkunu jafu li ismi hu Jaħweh!”

17. L-idolatrija d-dnub ta’ Ġuda

[Ġer:17:1] “Id-dnub ta’ Ġuda miktub
b’pinna tal-bronż,
u b’ponta tad-djamant minqux
fuq it-tavla ta’ qalbhom,
u fuq il-qrun ta’ l-artali tagħhom.
[Ġer:17:2] Biex jiftakru wliedhom fl-artali tagħhom,
u fl-artali tax-xbihat ta’ l-Asera, u s-siġar
iħaddru fuq l-għoljiet għolja
[Ġer:17:3] u l-muntanji fil-wita.
Ġidek u t-teżori tiegħek kollha
nagħtihom bi priża,
għad-dnub li għamilt fuq għoljietek
mal-medda kollha ta’ artek!
[Ġer:17:4] U inti minn jeddek terħi l-wirt li tajtek,
u nġiegħlek taqdi lill-għedewwa tiegħek
f’art li int ma tafx biha.
Għax in-nar tal-korla tiegħi intom xgħeltu,
u jibqa’ mqabbad għal dejjem.”

[Ġer:17:5] Dan jgħid il-Mulej:
“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,
li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,
u titbiegħed qalbu mill-Mulej.
[Ġer:17:6] Ikun bħal siġra ta’ l-għargħar fix-xagħri,
li ma tara ebda ġid ġej,
li tgħammar f’art tikwi fid-deżert,
art mielħa fejn ħadd ma jgħammar.

[Ġer:17:7] Mbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej,
u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej.
[Ġer:17:8] Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawwla,
b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;
ma tibżax meta tiġi s-sħana,
il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.
[Ġer:17:9] Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq
u mħassra. Min jifhimha?
[Ġer:17:10] Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb
u ngħarbel il-ġewwieni,
biex nagħti ‘l kull wieħed skond imġibtu,
skond ma jkun jistħoqq għemilu.”

Alla, it-tama ta’ Iżrael

[Ġer:17:11] Bħal-ħaġla li tfaqqas il-bajd
li ma tbidx hi;
hekk min jaħżen il-ġid,
imma mhux bis-sewwa;
f’għomru jkollu jħallih,
u fl-aħħar ta’ ħajtu jitqies bħall-iblah.
[Ġer:17:12] Tron ta’ glorja, fl-għoli sa mill-bidu,
hu l-post tal-maqdes tagħna.
[Ġer:17:13] It-tama ta’ Iżrael int, Mulej,
kull min jabbandunak jitħawwad.
Dawk li jitbiegħdu minnu
fit-trab jinkitbu,
għax telqu l-Mulej, l-għajn ta’ l-ilma ġieri.

[Ġer:17:14] Fejjaqni int, Mulej, u jien infiq,
salvani, u jien inkun salv,
għax int il-ftaħir tiegħi.
[Ġer:17:15] Ara x’qegħdin jgħiduli huma:
‘Fejn hi l-kelma tal-Mulej?
Ħa sseħħ!’

[Ġer:17:16] Jien ma qgħadtx inross fuqek għad-deni,
u jum l-hemm qatt ma xtaqtu.
Int taf x’ħareġ minn fommi,
kollox qiegħed quddiemek.
[Ġer:17:17] Tkunx waħx għalija,
int il-kenn tiegħi fi żmien l-hemm.
[Ġer:17:18] Ħa jitħawwdu dawk li jsusu warajja,
u ma nitħawwadx jien!
Ħa jitbeżżgħu huma,
u ma nitbeżżax jien!
Niżżel fuqhom Jum id-deni,
u kissirhom għal darba tnejn.

Il-ħarsien tas-Sibt

[Ġer:17:19] “Dan qalli l-Mulej: ‘Mur u oqgħod quddiem il-Bieb ta’ Benjamin mnejn jidħlu u joħorġu s-slaten ta’ Ġuda u f’kull bieb ieħor ta’ Ġerusalemm. [Ġer:17:20] U għidilhom: ‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej, slaten ta’ Ġuda u Ġuda kollha u intom ilkoll li tgħammru f’Ġerusalemm u tgħaddu minn dawn il-bwieb.

[Ġer:17:21] “Dan jgħid il-Mulej: ‘Qisu, b’riżq ħajjitkom, qisu li ma ġġorru ebda tagħbija nhar ta’ Sibt u ddaħħluha minn bwieb Ġerusalemm. [Ġer:17:22] La toħorġux tagħbijiet minn djarkom f’jum is-Sibt, u ma tagħmlu ebda xogħol, imma qaddsu jum is-Sibt, bħalma jien ordnajt lil missirijietkom.”

[Ġer:17:23] “Imma huma ma ridux jisimgħu u lanqas jagħtu widen, anzi webbsu rashom biex ma jisimgħux u ma jeħdux it-tagħlima.

[Ġer:17:24] “Jekk intom tassew tisimgħu minni, oraklu tal-Mulej, u ma ddaħħlu ebda tagħbija minn bwieb dil-belt f’jum is-Sibt, u tqaddsu jum is-Sibt, u ma tagħmlu ebda xogħol fih, [Ġer:17:25] jibqgħu jidħlu minn bwieb din il-belt rekbin fuq il-karrijiet u ż-żwiemel is-slaten u l-prinċpijiet, li joqogħdu fuq it-tron ta’ David, huma u n-nies ta’ Ġuda u n-nies li jgħammru f’Ġerusalemm. Il-belt tkun mgħammra għal dejjem. [Ġer:17:26] U jiġu mill-bliet ta’ Ġuda, u mill-inħawi ta’ madwar Ġerusalemm, u mill-art ta’ Benjamin, u mis-Sefela u mill-muntanji u min-nofsinhar u jġibu magħhom sagrifiċċji tal-ħruq, sagrifiċċji oħra, offerti tal-qmuħ u inċens, u joffru sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr f’dar il-Mulej.

[Ġer:17:27] “Imma jekk ma tisimgħux minni li tqaddsu jum is-Sibt u li ma ġġorrux tagħbijiet u ma tidħlux minn bwieb Ġerusalemm f’jum is-Sibt, jiena nqabbad nar f’dawn il-bwieb, li jibla’ l-palazzi ta’ Ġerusalemm, nar li ma jintefiex.”

18. Il-fuħħari u t-tafal

[Ġer:18:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:18:2] “Qum u inżel għand il-fuħħari: u hemm jiena nsemmgħek kliemi.” [Ġer:18:3] Jiena nżilt għand il-fuħħari, u sibtu qiegħed jaħdem fuq ir-rota. [Ġer:18:4] U hekk kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f’idejn il-fuħħari, dan raġa’ għamel oħra minnha kif għoġob lilu. [Ġer:18:5] Mbagħad il-Mulej kellimni u qalli: [Ġer:18:6] “Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-fuħħari?” Oraklu tal-Mulej.

“Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael. [Ġer:18:7] Hekk jien xi drabi naqtagħha li poplu jew saltna naqlagħha, nġarrafha u neqridha; [Ġer:18:8] jekk imbagħad dan il-ġens jindem mill-ħażen li kontrieh inkun tkellimt, jiena nindem mill-ħsara li nkun qtajt li nagħmillu.

[Ġer:18:9] “Drabi oħra naqtagħha li poplu jew saltna nibniha u nħawwilha; [Ġer:18:10] jekk imbagħad dan il-poplu jagħmel il-ħażen li ma jogħġobnix billi ma jismax kliemi, jiena nindem mill-ġid li nkun qtajt li nagħmillu.

[Ġer:18:11] “Issa mur kellem lin-nies ta’ Ġuda u n-nies li jgħammru f’Ġerusalemm u għidilhom: Dan jgħid il-Mulej, ‘Arawni, jien qiegħed inħejji ħsara għalikom u nfassal pjan kontrikom. Erġgħu lura, kull wieħed minn triqtu l-ħażina. Sewwu triqatkom u għemilkom!’

[Ġer:18:12] “U huma jwieġbu: ‘Kollu ta’ xejn! Skond fehmietna rridu nimxu, u kull wieħed jimxi skond l-ebusija ta’ qalbu l-ħażina.’ ”

Ġuda żnaturat

[Ġer:18:13] “Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
Stħarrġu fost il-ġnus.
Min qatt sama’ bi ħwejjeġ bħal dawn?
Għemil li jkexkex
għamlet ix-xbejba ta’ Iżrael!
[Ġer:18:14] Jaqaw jgħib mill-għoli tal-blat,
is-silġ tal-Libanu?
Jinxfu forsi l-ilmijiet kiesħa
li jgelglu ‘l isfel mill-muntanji?
[Ġer:18:15] Imma l-poplu tiegħi nsieni,
u marru joffru l-inċens lix-xejn.
Fixkluhom fi triqathom,
il-mogħdijiet ta’ dari,
biex qabdu s-sqaqien,
u mhux it-triq imbattma.
[Ġer:18:16] Biex għamlu ħerba minn arthom,
ħaġa taż-żuffjett għal dejjem.
Kull min jgħaddi jistagħġeb,
u jħarrek rasu.
[Ġer:18:17] Bħalma jagħmel ir-riħ mil-lvant,
jien inxerridhom quddiem l-għedewwa.
Nagħtihom dahri minflok wiċċi,
f’jum qerdithom!”

Il-komplott kontra l-Profeta

[Ġer:18:18] L-għedewwa tiegħi qalu: “Ejjew nonsbu nasba lil Ġeremija, għax il-liġi ma tonqosx lill-qassis, lanqas l-għaqal lill-għaref, jew il-kelma lill-profeta. Ejjew noqtluh bi lsienna, u ma nagħtux aktar kas ta’ kliemu.”

[Ġer:18:19] Agħtini widen, Mulej,
isma’ kliem dawk li huma kontrija.
[Ġer:18:20] Jaqaw il-ġid jitħallas bid-deni?
Għax huma ħaffru ħofra għal ħajti.
Ftakar kif jien waqaft quddiemek,
biex nitkellem għall-ġid tagħhom,
biex twarrab il-korla tiegħek minn fuqhom.
[Ġer:18:21] Għalhekk erħi ‘l uliedhom għall-ġuħ,
u itlaqhom f’idejn ix-xabla,
u jkunu bla tfal
u romol in-nisa tagħhom.
Ħa jmutu l-irġiel tagħhom bil-pesta,
u ż-żgħażagħ tagħhom midruba
bix-xabla fit-taqbida.
[Ġer:18:22] Ħa jinstama’ t-twerżiq minn djarhom,
meta għal għarrieda tibgħat fuqhom il-ħallelin.
Għax ħaffru ħofra biex jaqbduni,
u nasbu trabokk għal riġlejja.
[Ġer:18:23] U inti taf, Mulej,
fehmiethom kollha biex joqtluni;
la taħfrilhomx ħżunithom,
u la tħassarx ‘il dnubhom minn quddiemek.
Ħa jsabbtuhom ma’ l-art quddiemek;
agħmel għalihom
fi żmien il-korla tiegħek!

19. Il-ġarra tal-fuħħar simbolu tal-poplu midneb

[Ġer:19:1] Dan qal il-Mulej lil Ġeremija “Mur ixtri ġarra tal-fuħħar u ħu lil xi wħud mill-anzjani tal-poplu u mill-anzjani tal-qassisin, [Ġer:19:2] u mur oħroġ fil-wied ta’ Benħinnom li hemm biswit Bieb ix-Xaqquf, u hemm xandar il-kliem li se ngħidlek. [Ġer:19:3] Inti tgħid: ‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom slaten ta’ Ġuda u nies ta’ Ġerusalemm. Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Arawni se nġib il-ħsara fuq dan il-post, li kull min jisma’ biha jżarżru widnejh. [Ġer:19:4] Għax huma telquni u pprofanaw dan il-post billi ħarqu l-inċens lill-allat barranin li, la huma, la missirijiethom, u lanqas is-slaten ta’ Ġuda ma kienu jafu bihom. Mlew dan il-post bid-demm ta’ l-innoċenti. [Ġer:19:5] Bnew is-santwarji ta’ Bagħal, biex jaħarqu bin-nar lil uliedhom b’sagrifiċċji tal-ħruq lil Bagħal. Ħwejjeġ bħal dawn jien qatt ma kkmandajthom jagħmlu, lanqas biss semmejthom, u qatt ma għaddewli minn moħħi.

[Ġer:19:6] ‘Għalhekk għad jasal żmien, oraklu tal-Mulej, li dan il-post ma jissejjaħx aktar ‘Tofet’ jew ‘Wied Ben-ħinnom’, imma ‘Wied il-Qatla’. [Ġer:19:7] U hawn f’dan il-post jien inġib fix-xejn fehmiet Ġuda u Ġerusalemm, u nwaqqagħhom bix-xabla quddiem l-għedewwa tagħhom, u b’id dawk li jkunu jfittxulhom ħajjithom, u nħalli l-iġsma tagħhom għall-ikel tat-tjur ta’ l-ajru u l-bhejjem ta’ l-art. [Ġer:19:8] U nagħmel ħerba minn din il-belt u post għaż-żufjett; u kull min jgħaddi minnha jibqa’ mistagħġeb biha u jsaffrilha minħabba l-ġrieħi tagħha. [Ġer:19:9] Nġagħalhom jieklu laħam subjienhom u laħam bniethom, għax għad jieklu laħam xulxin fi żmien l-assedju u d-diqa li għad iġibu fuqhom l-għedewwa u dawk li għad ifittxulhom ħajjithom.’

[Ġer:19:10] “Inti mbagħad tkisser il-ġarra quddiem in-nies li jiġu miegħek, [Ġer:19:11] u tgħidilhom: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: Hekk għad inkisser dan il-poplu u din il-belt, bħalma titkisser ġarra tal-fuħħar, bla ma tkun tista’ tissewwa. U f’Tofet għad jidfnu għax ma jkunx hemm post ieħor fejn. [Ġer:19:12] Dan nagħmel lil dan il-post, oraklu tal-Mulej, u lil min jgħammar fih, u lil din il-belt nagħmilha bħal Tofet. [Ġer:19:13] U djar Ġerusalemm u djar is-slaten ta’ Ġuda jitniġġsu bħal Tofet, id-djar kollha li fuq bjuthom kienu jaħarqu l-inċens lill-eżerċti kollha tas-smewwiet u jsawwbu libazzjonijiet lill-allat barranin.’ ”

[Ġer:19:14] U Ġeremija telaq minn Tofet, fejn il-Mulej kien bagħtu jħabbar, u mar fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej u qal lill-poplu kollu: [Ġer:19:15] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Arawni, jien se nġib fuq din il-belt u fuq l-ibliet li jagħmlu minnha l-ħsara kollha li jien ħabbartilha, għax huma webbsu rashom, biex ma jisimgħux kliemi. ‘ ”

20. Ġeremija mixħut fil-ħabs

[Ġer:20:1] U Pasħur bin Immer, il-qassis, kap ta’ l-għassiesa fit-tempju tal-Mulej, sama’ lil Ġeremija jħabbar dan kollu. [Ġer:20:2] U Pasħur sawwat lil Ġeremija l-profeta, u tefgħu fiċ-ċipp li hemm fil-bieb l-għoli ta’ Benjamin, fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:20:3] U l-għada Pasħur ħareġ lil Ġeremija miċ-ċipp, u Ġeremija qallu: “Il-Mulej ma jsemmikx iżjed Pasħur, imma ‘Biża’-minn-kull-naħa.’ [Ġer:20:4] Għax dan jgħid il-Mulej: ‘Arani se nagħmlek waħx għalik innifsek u għal ħbiebek kollha; għad jaqgħu mejta bix-xabla ta’ l-għedewwa tagħhom, u int tarahom b’għajnejk. Jien nitlaq lil Ġuda kollu f’idejn is-sultan ta’ Babilonja, u hu jitturufnahom f’Babilonja, u jidrobhom bix-xabla. [Ġer:20:5] U nerħi l-ġid kollu ta’ din il-belt, u l-qligħ kollu tagħha, u l-ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħha, u t-teżori kollha tas-sultan ta’ Ġuda, kollox nerħi f’idejn l-għedewwa tagħhom; għad jisirquhom, jeħduhom u jġorruhom f’Babilonja. [Ġer:20:6] U inti, Pasħur, u kull min jgħammar f’darek, tmorru fil-jasar; tmur f’Babilonja, u hemm tmut u hemm tindifen, int u ħbiebek kollha, li lilhom kont tħabbar il-gideb.’ ”

Il-karba tal-Profeta

[Ġer:20:7] Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt:
kont aqwa minni, u għelibtni.
Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,
kulħadd jiddieħak bija.
[Ġer:20:8] Kull meta niġi biex nitkellem,
jien ngħajjat,
u nxandar, ‘Moħqrija u ħsara!’
Il-kelma tal-Mulej saret għalija
tagħjir u tmaqdir kuljum.
[Ġer:20:9] U jien għedt: ‘Ma nsemmihx aktar,
ma nitkellimx aktar f’ismu.’
Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,
magħluq f’għadmi.
Għejejt inżommu magħluq ġo fija,
ma niflaħx aktar għalih.

[Ġer:20:10] Ma nismax ħlief taqsis il-kotra;
biża’ madwari kollu!
“Ixluh! Ħa nixluh!”
Jgħajjtu saħansitra ħbiebi kollha,
jfittxu l-qerda tiegħi:
“Għandu mnejn jitqarraq u negħlbuh,
ta’ kollox nitħallsu minnu!”

[Ġer:20:11] Il-Mulej miegħi bħal raġel qalbieni,
għalhekk dawk li jagħmlu għalija
jogħtru, ma jagħmlu xejn,
jitħawwdu bis-sħiħ,
għax ħsiebhom ma jseħħx;
għajb għalihom li ma jintesa qatt.
[Ġer:20:12] Int, Mulej ta’ l-eżerċti, li ġġarrab il-ġust,
li tara l-ġewwieni u l-qalb,
ħallini nara l-vendetta tiegħek kontriehom,
għax f’idejk ħallejt il-kawża tiegħi.
[Ġer:20:13] Għannu lill-Mulej, faħħru lill-Mulej,
għaliex ħajjet l-imsejken ħelisha minn id il-ħżiena.

[Ġer:20:14] Saħta fuq il-jum li fih twelidt,
ebda barka fuq il-jum li fih wilditni ommi!
[Ġer:20:15] Saħta fuq ir-raġel li ħabbar lil missieri,
u qallu:
“Twelidlek tifel,”
u mlieħ il-ferħ.
[Ġer:20:16] Ħa jkun dar-raġel bħall-ibliet,
li ġarrafhom il-Mulej bla ma sogħob bih;
ħa jisma’ l-għajat fil-għodu u t-twerżiq f’nofsinhar.
[Ġer:20:17] Għax ma tanix il-mewt f’ġuf ommi?
Kienet tkun ommi l-qabar tiegħi
u jibqa’ ġufha bit-tqala għal dejjem.
[Ġer:20:18] Għaliex ħriġt mill-ġuf,
biex nara t-taħbit u t-tbatija,
u ntemm jiemi fl-għajb?

21. Ix-xorti ta’ Sedekija u Ġerusalemm

[Ġer:21:1] Il-kelma li waslet lil Ġeremija mingħand il-Mulej meta s-sultan Sedekija bagħatlu lil Pasħur bin Malkija, u ‘l Sefanija bin Magħxija l-qassis, jitolbuh: [Ġer:21:2] “Stħarreġ il-Mulej għalina, għax Nabukodonosor sar sultan ta’ Babilonja, ħabat għalina; għandu mnejn il-Mulej iġib ruħu magħna skond l-għemejjel tiegħu ta’ l-għaġeb u dan jitbiegħed minna.”

[Ġer:21:3] U Ġeremija weġibhom: “Dan għandkom tgħidu lil Sedekija: [Ġer:21:4] ‘Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Arawni, sa ndawwar l-armi li għandkom f’idejkom, li bihom qegħdin titqabdu mas-sultan ta’ Babilonja, u l-Kaldin li qegħdin jassedjawkom minn barra s-swar, u niġborhom f’nofs din il-belt. [Ġer:21:5] Jiena stess nitqabad kontrikom b’id merfugħa u bi driegħi qawwi, b’għadab, b’saħna u b’qilla kbira. [Ġer:21:6] U nidrob lil min jgħammar f’din il-belt, kemm in-nies u kemm il-bhejjem; imutu b’pesta kbira. [Ġer:21:7] U mbagħad, oraklu tal-Mulej, jien nitlaq f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u f’idejn l-għedewwa tagħhom, u f’idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u l-qaddejja tiegħu u l-poplu u ‘l min jeħles f’din il-belt mill-pesta, mix-xabla u mill-ġuħ, u hu jgħaddihom minn xifer ix-xabla; la jitħassarhom, la jħoss għalihom, u lanqas iħenn għalihom.’

[Ġer:21:8] “U lil dan il-poplu għandek tgħidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Arawni, se nqiegħed quddiemkom it-triq tal-ħajja u t-triq tal-mewt. [Ġer:21:9] In-nies li jifdal f’din il-belt se jmutu bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta; u min joħroġ u jagħti ruħu lill-Kaldin li qegħdin jassedjawkom jgħix, u jkollu ħajtu bħala priża. [Ġer:21:10] Għax jien dawwart wiċċi fuq din il-belt għad-deni u mhux għall-ġid, oraklu tal-Mulej, għad tingħata f’idejn is-sultan ta’ Babilonja u dan jagħtiha n-nar u jaħraqha.’

[Ġer:21:11] “ U lid-dar tas-sultan ta’ Ġuda għidilha:
‘Isimgħu l-kelma tal-Mulej,
[Ġer:21:12] dar David, dan jgħid il-Mulej:
Agħmlu ħaqq sa minn filgħodu,
eħilsu l-maħqur minn id min jgħakksu,
li ma tikbisx qillti bħan-nar,
u tibqa’ tħeġġeġ bla ma ħadd jitfiha,
minħabba l-ħażen ta’ għemilkom.
[Ġer:21:13] Arani kontrik, int li tgħammar fil-wied,
blata tal-wita, oraklu tal-Mulej.
Intom li tgħidu: ‘Min qatt se jinżel għalina,
u min qatt se jidħol ġo djarna?’
[Ġer:21:14] U jien inħallaskom
skond il-frott ta’ għemilkom,
oraklu tal-Mulej,
u nkebbes in-nar fil-masġar tagħha,
u jibla’ l-inħawi kollha ta’ madwarha! ‘ ”

22. Oraklu kontra s-slaten ta’ Ġuda

[Ġer:22:1] “Dan qalli l-Mulej: ‘Inżel id-dar tas-sultan ta’ Ġuda u hemm ħabbar dan il-kliem. [Ġer:22:2] Għidlu: ‘Isma’ l-kelma tal-Mulej, sultan ta’ Ġuda, int li qiegħed fuq it-tron ta’ David; int u l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, li jgħaddu minn dawn il-bwieb.

[Ġer:22:3] “Dan jgħid il-Mulej: ‘Agħmlu l-ħaqq u s-sewwa u eħilsu l-maħqur minn id l-oppressuri u l-barrani, l-iltim u l-armla la tgħakksuhomx, la tagħmlulhomx vjolenza. La xxerrdux demm l-innoċenti f’dan il-post.

[Ġer:22:4] ‘Għax jekk intom tassew tħarsu dan il-kliem, jibqgħu jidħlu minn dan il-bieb is-slaten, li qegħdin fuq it-tron ta’ David, rekbin fuq il-karrijiet u fuq iż-żwiemel, huma u l-qaddejja u l-poplu tagħhom. [Ġer:22:5] Imma jekk ma tisimgħux dan il-kliem, naħlef bija nnifsi, oraklu tal-Mulej, issir ħerba minn din id-dar.

[Ġer:22:6] “Għax dan jgħid il-Mulej għad-dar tas-sultan ta’ Ġuda:
‘Bħal Gilgħad int għalija,
bħall-quċċata tal-Libanu,
imma nagħmel minnek deżert,
belt bla nies.
[Ġer:22:7] Nħejji għalik nies qerrieda,
kull wieħed bl-armi tiegħu,
u jqaċċtu l-aħjar taċ-ċedri tiegħek
u jwaddbu kollox fin-nar.

[Ġer:22:8] ‘U minn din il-belt għad jgħaddu kotra ta’ ġnus u jistaqsu lil xulxin: ‘Għala l-Mulej għamlilha hekk lil din il-belt kbira?’ [Ġer:22:9] u jweġbuhom: ‘Għaliex abbandunaw il-patt tal-Mulej, Alla tagħhom, u niżlu wiċċhom fl-art quddiem allat oħra u qdewhom.’ ”

Is-sultan Sallum

[Ġer:22:10] La tibkux il-mejjet,
la tnewwħux għalih,
imma ibku sewwa għal min hu sejjer,
għax ma jerġa’ lura qatt,
u lanqas qatt ma jara art twelidu.

[Ġer:22:11] Għax dan jgħid il-Mulej lil Sallum bin Ġosija, sultan ta Ġuda, li kien isaltan flok Ġosija missieru, u ħareġ minn dan il-post: “M’hux se jerġa’ lura hawn, qatt iżjed. [Ġer:22:12] Għax fil-post fejn eżiljawh, priġunier hemm għad imur. U din l-art ma jaraha qatt iżjed.”

Ġeħojakim

[Ġer:22:13] Gwaj għal min jibni daru fuq il-ħażen,
u l-kmamar ta’ fuq bl-inġustizzja;
li jħaddem lil għajru għal xejn,
u ta’ xogħlu ma jħallsux;
[Ġer:22:14] li jgħid: ‘Ħa nibni dar għalija kbira,
bi kmamar fuq imrewwħa sewwa’;
li jiftaħ fiha twieqi kbar,
jiksiha biċ-ċedru u
jiżbogħha bl-aħmar.
[Ġer:22:15] Taħseb int li qiegħed issaltan,
għax miklub għaċ-ċedru?
Jaqaw missierek ma kienx jiekol u jixrob?
Ma kienx jagħmel il-ħaqq u s-sewwa,
u kellu r-riżq?
[Ġer:22:16] Kien jagħmel il-ħaqq mal-magħkus,
u kellu r-riżq
u mal-fqir;
M’hux dan ifisser tagħraf lili?
Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:22:17] Ma għandekx għajnejn u qalb
ħlief għall-qligħ tiegħek diżonest,
u għat-tixrid ta’ demm in-nies bla ħtija,
u għat-taqriq u t-tagħkis ta’ ħaddieħor.
[Ġer:22:18] Għalhekk dan jgħid il-Mulej
lil Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda;
“Ma jitnehdux għalih u jgħidu:
‘Jaħasra ħija!’ jew ‘Jaħasra oħti!’
Ma jitnehdux għalih u jgħidu:
‘Jaħasra sidi!’ jew ‘Jaħasra l-kobor tiegħu!’
[Ġer:22:19] Difna ta’ ħmar jidfnuh,
barra bwieb Ġerusalemm
għad ikaxkruh u jarmuh.”

Ġerusalemm Imħarbta

[Ġer:22:20] Itla’ fuq il-Libanu u għajjat,
u għolli leħnek f’Basan;
għajjat minn Għabarim,
għax ħbiebek ilkoll inqerdu.
[Ġer:22:21] Kellimtek meta int kont fir-riżq,
u int għedt: “Ma rridx nisma’ “.
Din kienet triqtek sa minn żgħożitek,
għax qatt ma smajt minn kliemi.
[Ġer:22:22] Ir-rgħajja tiegħek kollha jġorrhom ir-riħ,
u ħbiebek kollha jmorru fil-jasar.
Mbagħad tistħi u titħawwad,
minħabba l-ħażen kollu tiegħek.
[Ġer:22:23] U int li tgħammar fil-Libanu,
int li tbejjet fiċ-ċedri,
kemm għad trid tokrob,
meta jaqbdek l-uġigħ,
l-uġigħ u t-tkagħwiġ ta’ mara fil-ħlas.

Ġekonija

[Ġer:22:24] Daqs kemm jien ħaj, oraklu tal-Mulej, mqar kieku Konija bin Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, kien iċ-ċurkett tas-siġill f’idi l-leminija, minn hemm kont naqilgħek. [Ġer:22:25] Nitilqek f’idejn dawk li qegħdin ifittxulek ħajtek; f’idejn dawk li int tibża’ minnhom u f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u f’idejn il-Kaldin. [Ġer:22:26] U jien inwaddab lilek u lil ommok li wilditek, f’art oħra li intom ma twelidtux fiha, u hemm tmutu. [Ġer:22:27] U l-art, li jixtiequ jerġgħu lura fiha, qatt iżjed ma’ jerġgħu lura fiha.

[Ġer:22:28] X’inhu Konija?
Xi biċċa fuħħar għar-rimi u għat-tkissir?
Xi ħaġa ma togħġob lil ħadd?
Għala hu u nislu mkeċċija,
mitfugħa f’art li biha ma jafux?

[Ġer:22:29] O art, art, art,
isimgħu l-kelma tal-Mulej.
[Ġer:22:30] Dan jgħid il-Mulej:
“Iktbu ‘l dan ir-raġel
bħallikieku bla tfal,
bniedem bla riżq f’ħajtu.
Għax ħadd minn nislu ma jirnexxilu
jsib post fuq it-tron ta’ David,
u jerġa’ jsaltan fuq Ġuda.”

23. Is-saltna Messjanika

[Ġer:23:1] “Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu
l-merħla tal-mergħa tiegħi,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:23:2] Għalhekk dan jgħid il-Mulej,
Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja,
li jirgħu l-poplu tiegħi:
‘Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi,
gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom.
Arawni, se naħseb fikom jien
minħabba l-ħażen ta’ għemilkom,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:23:3] U jiena niġbor il-fdal tal-nagħaġ tiegħi
mill-artijiet kollha li xerridthom fihom,
u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom,
u jnisslu u joktru.
[Ġer:23:4] U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom,
u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux;
u ħadd minnhom ma jonqos,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:23:5] Araw, għad jasal żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta nqajjem lil David rimja ġusta,
li jsaltan ta’ sultan,
u jmexxi bil-għaqal
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.
[Ġer:23:6] Fi żmienu Ġuda jkun salv,
U Iżrael jgħammar fiż-żgur.
U dan hu l-isem li jsejjħulu:
‘Il-Mulej is-Sewwa tagħna.’
[Ġer:23:7] Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem,
oraklu tal-Mulej,
meta ma jgħidux iżjed
‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,
li tella’ ‘l ulied Iżrael mill-art ta’ l-Eġittu’
[Ġer:23:8] imma: ‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,
li tella’ u ħareġ in-nisel ta’ dar Iżrael
mill-art tat-tramuntana,
u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.’
Mbagħad jistgħu jgħammru f’arthom.”

Orakli kontra l-Profeti

[Ġer:23:9] Għall-profeti:
Qalbi nqasmet ġewwa fija;
għadmi kollu mkexkex;
sirt qisni bniedem fis-sakra,
bħal raġel ħadu l-inbid,
minħabba l-Mulej,
u minħabba l-kliem imqaddes tiegħu.
[Ġer:23:10] Għax il-pajjiż miżgħud bl-adulterji;
minħabba fihom l-art tbikkik,
u l-mergħat fid-deżert nixfu.
U l-ġiri tagħhom kollu ħażin,
u saħħithom l-inġustizzja.
[Ġer:23:11] Għax imqar il-profeta u l-qassis,
lkoll midgħajja.
Saħansitra f’dari sibt ħżunithom,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:23:12] Għalhekk triqthom tkunilhom
mogħdija kollha żliq,
fid-dlam jinxteħtu fiha u jogħtru,
għax inġib fuqhom il-ħsara
fis-sena ta’ kastighom,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:23:13] U fost il-profeti ta’ Samarija
rajt ukoll ħwejjeġ li jdardruk:
iħabbru f’isem Bagħal,
u jqarrqu b’Iżrael il-poplu tiegħi.
[Ġer:23:14] Fost il-profeti ta’ Ġerusalemm, mbagħad,
rajt ħwejjeġ ikexkxuk:
adulterji u mġiba giddieba;
isaħħu id il-ħżiena, biex ħadd minnhom
ma jerġa’ lura minn ħżunitu.
Lkoll għalija qishom Sodoma,
u n-nies tagħha bħal Gomorra.

[Ġer:23:15] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti kontra l-profeti:
“Arawni, sa nitmagħhom l-absint,
u nisqihom l-ilma avvelenat,
għax mingħand il-profeti ta’ Ġerusalemm
xtered il-ħażen ma’ l-art kollha.”

[Ġer:23:16] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“La tisimgħux kliem li jħabbrulkom il-profeti
biex jimlewlkom moħħkom bil-frugħat.
Jgħidulkom li jiġihom f’qalbhom,
u mhux li jiġihom minn fomm il-Mulej.
[Ġer:23:17] Qegħdin jgħidulhom lil dawk li jistmerru
l-kelma tal-Mulej:
‘Ikollkom is-sliem,’
u lil dawk li jagħmlu li jiġihom f’moħħhom
jgħidulhom: ‘Ebda deni m’hu se jilħaqkom!”
[Ġer:23:18] Min minnhom qagħad fil-kunsill
tal-Mulej,
u ra u sama’ kelmtu?
Min ta widen għal kelmtu biex isemmagħha?
[Ġer:23:19] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej!
Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija,
li se tfaqqa’ fuq ras il-ħżiena.
[Ġer:23:20] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,
qabel ma tkun għamlet u temmet
ħsieb moħħu.
Fl-aħħar jiem tifhmuh sewwa.
[Ġer:23:21] Ma bgħatthomx jien dawn il-profeti,
għalkemm huma marru jiġru!
Ma kellimthomx,
għalkemm huma marru jħabbru.
[Ġer:23:22] Kieku qagħdu fil-kunsill tiegħi,
kienu jsemmgħu kelmti lill-poplu tiegħi,
u jreġġgħuhom lura minn triqathom,
u mill-ħażen ta’ għemilhom.

Il-ħolm u l-qerq tal-profeti foloz

[Ġer:23:23] “Jaqaw jien Alla fil-qrib biss,
oraklu tal-Mulej,
m’hux ukoll Alla fil-bogħod?
[Ġer:23:24] Jista’ bniedem jistaħba fil-moħbiet,
u jien ma narahx?
Oraklu tal-Mulej.
Ma nimliex jiena
s-sema u l-art?
Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:25] “Jien smajt x’qalu l-profeti li jħabbru l-gideb f’ismi u jgħidulhom: ‘Kelli ħolma! Kelli ħolma!’ [Ġer:23:26] Kemm se jdum sejjer dan? Jaqaw jien f’qalb il-profeti li jħabbru l-gideb, li jħabbru t-thewdin ta’ moħħhom? [Ġer:23:27] Jaħsbu li bil-ħolm tagħhom, li jgħidu wieħed lil ieħor, se jnessu ismi lill-poplu, bħalma nsew ismi missirijiethom minħabba Bagħal? [Ġer:23:28] Ħalli l-profeta li jkollu xi ħolma, jirrakkonta l-ħolm, u min ikollu l-kelma tiegħi, ħa jxandarha bis-sewwa.
X’għandu x’jaqsam it-tiben mal-qamħ?
Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:29] Jaqaw m’hijiex kelmti bħan-nar,
jew bħal imterqa tfarrak il-blat?
Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:30] “Għalhekk jiena kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jisirqu kliemi mingħand xulxin. [Ġer:23:31] Arawni, jien kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jħaddmu lsienhom u jxandru l-orakli. [Ġer:23:32] Arawni, jien kontra l-profeti li jħabbru ħolm giddieb, oraklu tal-Mulej, jirrakkuntaw u jqarrqu bil-poplu tiegħi bil-gideb u l-ftaħir fieragħ tagħhom. Jien ma bgħatthomx u lanqas ordnajtilhom xejn, u m’huma jagħmlu ebda ġid lil dan il-poplu, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:23:33] “Meta jistaqsik dan il-poplu, jew xi profeta jew xi qassis, u jgħidlek: ‘X’inhu l-oraklu tal-Mulej?’ int għandek twieġeb: ‘Intom it-toqol tal-Mulej! Għalhekk jiena rmejtkom, jgħid il-Mulej.’

[Ġer:23:34] “U jekk xi profeta jew xi qassis jew xi ħadd mill-poplu jsemmi ‘l-oraklu tal-Mulej’, jien nikkastiga ‘l dak il-bniedem u l-familja tiegħu.

[Ġer:23:35] “Hekk għandkom tistaqsu wieħed lil ieħor bejnietkom: ‘X’wieġeb il-Mulej?’ jew ‘X’qal il-Mulej?’ [Ġer:23:36] Imma l-oraklu tal-Mulej m’għandkomx issemmuh aktar, għaliex għal dak li jkun, l-oraklu jkun kliemu stess. Intom qegħdin tgħawwġu l-kliem ta’ Alla l-ħaj, il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla tagħna.

[Ġer:23:37] Hekk għandkom tistaqsu lill-profeta: ‘X’wieġeb il-Mulej?’ jew ‘X’qal il-Mulej?’ [Ġer:23:38] Imma jekk tibqgħu tgħidu ‘l-oraklu tal-Mulej’, allura dan jgħid il-Mulej: ‘Talli intom bqajtu tgħidu din il-kelma: ‘oraklu tal-Mulej’, meta jien għedtilkom biex ma tgħidux: ‘oraklu tal-Mulej’, [Ġer:23:39] arawni, jien se nerfagħkom bħal toqol u nwaddabkom ‘il barra minn quddiemi, lilkom u lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom, [Ġer:23:40] inniżżel għajb fuqkom għal dejjem u mistħija għal dejjem li qatt ma jintesew.’ ”

24. Il-qfief bit-tin

[Ġer:24:1] Il-Mulej urieni żewġt iqfief mimlija tin, quddiem it-tempju tal-Mulej, wara li Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm lil Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet ta’ Ġuda, u n-nies tas-sengħa u l-ħaddieda, u ħadhom f’Babilonja.

[Ġer:24:2] Qoffa waħda kien fiha tin tajjeb ħafna, bħat-tin tal-bikri, u l-qoffa l-oħra kien fiha tin ħażin ħafna, li ma kontx tista’ tieklu minħabba ħżunitu.

[Ġer:24:3] U l-Mulej qalli: “X’inti tara, Ġeremija?” U jien weġibt: “Tin! It-tin it-tajjeb, tajjeb tassew; u t-tin il-ħażin, ħażin tassew, u ma tistax tieklu minħabba ħżunitu.”

[Ġer:24:4] U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:24:5] “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Bħal dan it-tin tajjeb, jien nitgħaxxaq bl-itturufnati ta’ Ġuda, li jien bgħatthom minn dan il-pajjiż fl-art tal-Kaldin. [Ġer:24:6] Nixħet għajnejja fuqhom għall-ġid tagħhom, u nreġġagħhom lura f’din l-art, u nibnihom mill-ġdid u ma nħotthomx; nħawwilhom u ma naqlagħhomx. [Ġer:24:7] Nagħtihom qalb li tagħrafni; għax jien il-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi, u jiena nkun Alla tagħhom, meta jerġgħu lura lejja b’qalbhom kollha.

[Ġer:24:8] “U bħat-tin il-ħażin li ma tistax tieklu minħabba ħżunitu, hekk jgħid il-Mulej, hekk nagħmel ma’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u mal-prinċpijiet, ma’ min fadal mill-poplu ta’ Ġerusalemm, li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż, u dawk li marru jgħammru fl-Eġittu. [Ġer:24:9] Jien nagħmel minnhom waħx għas-saltniet kollha ta’ l-art, għajb u taqbil, daħk u saħta għall-pajjiżi kollha li fihom inkun xerridthom. [Ġer:24:10] U nibgħat f’nofshom ix-xabla, il-ġuħ, il-pesta, sakemm ma ntemmhomx mill-art li jien tajt lilhom u lil missirijiethom.”

25. Sebgħin sena eżilju

[Ġer:25:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija, għall-poplu kollu ta’ Ġuda, fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, l-ewwel sena ta’ Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja – [Ġer:25:2] il-kelma li xandar Ġeremija lill-poplu kollu ta’ Ġuda u n-nies kollha li jgħammru f’Ġerusalemm u qalilhom:

[Ġer:25:3] “Mis-sena tlittax ta’ Ġosija bin Amon, sultan ta’ Ġuda, sa dan il-jum għaddew issa tlieta u għoxrin sena minn meta ġietni l-kelma tal-Mulej, u jien kellimtkom bla heda u intom ma smajtux. [Ġer:25:4] U l-Mulej bagħtilkom il-qaddejja tiegħu, il-profeti, bla heda bagħathomlkom, imma intom ma smajtux minnhom, u anqas tajtu widen biex tisimgħu. [Ġer:25:5] Dawn kienu jgħidulkom: ‘Erġgħu lura, kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħażen ta’ għemilkom, u tibqgħu fl-art li l-Mulej ta lilkom u lil missirijietkom minn dejjem u għal dejjem. [Ġer:25:6] Tmorrux wara allat oħra, taqduhomx, tadurawhomx; u la tinkunix b’għemil idejkom, u jien ma nagħmlilkomx ħsara.’ [Ġer:25:7] Imma intom ma smajtux minni, oraklu tal-Mulej, biex inkejtuni b’għemil idejkom bi ħsara għalikom stess.”

[Ġer:25:8] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: ‘Talli ma smajtux kelmti, [Ġer:25:9] arawni, se nibgħat inġib il-ġnus kollha tat-tramuntana, oraklu tal-Mulej, u Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, il-qaddej tiegħi, u nġibhom kontra din l-art u kontra min jgħammar fiha u kontra dawn il-ġnus kollha ta’ madwarha u nitlaqhom għall-qerda, u nagħmel minnhom waħx, daħk u tħarbit għal dejjem. [Ġer:25:10] Nsikket minn nofshom għajat il-ferħ u għajat il-hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, il-ħoss tal-mitħna u d-dawl tal-musbieħ. [Ġer:25:11] U din l-art kollha tkun ħerba u xagħra; u għal sebgħin sena jibqgħu dawn il-ġnus iservu lis-sultan ta’ Babilonja. [Ġer:25:12] U jiġri, mbagħad, li malli jintemmu s-sebgħin sena, jien nikkastiga għal dnubhom is-sultan u l-poplu ta’ Babilonja, oraklu tal-Mulej, u l-art tal-Kaldin, u nagħmel minnha tħarbit għal dejjem.

[Ġer:25:13] “U jien nagħmel li jseħħ kliemi li jien lissint kontra tagħha, kull ma hu miktub f’dan il-ktieb, li Ġeremija ħabbar kontra l-ġnus kollha. [Ġer:25:14] Għax għad jaħkmu fuqhom ħafna ġnus u slaten kbar u jien inħallashom skond xogħolhom u għemil idejhom.’ ”

It-tazza ta’ għadab il-Mulej

[Ġer:25:15] Dan qalli l-Mulej, Alla ta’ Iżrael: “Ħu minn idejja din it-tazza nbid, nbid ibaqbaq, u isqiha lill-ġnus li se nibagħtek għandhom. [Ġer:25:16] U huma jixorbu, jitbandlu u jitilfu moħħhom minħabba x-xabla li se nibgħat f’nofshom.”

[Ġer:25:17] U jien ħadt it-tazza minn idejn il-Mulej, u sqejtha lill-ġnus kollha li għandhom bagħatni l-Mulej: [Ġer:25:18] Ġerusalemm u l-ibliet kollha ta’ Ġuda, bis-slaten tagħha, u l-prinċpijiet tagħha, biex nagħmel minnhom ħerba u deżert, daħk u saħta bħalma huma llum; [Ġer:25:19] il-Fargħun, sultan ta’ l-Eġittu, u l-qaddejja, u l-prinċpijiet tiegħu, u l-poplu tiegħu kollu; [Ġer:25:20] u t-taħlit ta’ popli u s-slaten kollha ta’ art Għus; u s-slaten kollha ta’ art il-Filistin: Askalon, Gaża, Għekron u l-fdal ta’ Asdod; [Ġer:25:21] Edom u Mowab u wlied Għammon; [Ġer:25:22] u s-slaten kollha ta’ Tir, u s-slaten kollha ta’ Sidon, fil-qrib u s-slaten tal-gżejjer ‘il hinn mill-baħar; [Ġer:25:23] u Dedan, u Tema u Buż u ‘l dawk kollha li jqaxxru d-dawra ta’ rashom; [Ġer:25:24] u s-slaten kollha ta’ l-Għarab u s-slaten kollha tal-popli mħallta li jgħammru fid-deżert; [Ġer:25:25] u s-slaten kollha ta’ Żimri u s-slaten kollha ta’ Għelam u s-slaten kollha tal-Medja; [Ġer:25:26] u s-slaten kollha tat-tramuntana, fil-qrib u fil-bogħod, wieħed wara l-ieħor, u s-saltniet kollha fuq wiċċ l-art. U wara dawn kollha jixrob is-sultan ta’ Sesak.

[Ġer:25:27] “U int tgħidilhom: Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Ixorbu, iskru, tqallgħu, sa ma taqgħu fl-art u ma tqumux iżjed quddiem ix-xabla li se nibgħat f’nofskom.’ [Ġer:25:28] U jekk jirruftaw jieħdu t-tazza minn idejk biex jixorbuha, għidilhom: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: Tixorbuha żgur! [Ġer:25:29] Għax arawni, jien se nġib il-ħsara, u se nibda mill-belt li fuqha sejjaħ ismi. U taħsbu intom li se teħilsuha? Ma teħilsuhiex, għax jien se nsejjaħ ix-xabla għal fuq kull min jgħammar fl-art, oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti.

[Ġer:25:30] “U int ħabbrilhom dan kollu u għidilhom:
‘Il-Mulej għad jgħajjat mill-għoli;
mill-għamara mqaddsa tiegħu jgħolli leħnu;
jgħajjat bil-qawwi għal fuq il-mergħa tiegħu;
għajat bħal ta’ l-għassara jgħajjat,
għal kull min jgħammar fl-art.
[Ġer:25:31] Dan l-għajat jasal sa truf l-art;
għax għandu xi jgħid il-Mulej mal-ġnus,
u se jagħmel ħaqq minn kull bniedem,
u l-ħżiena se jerħilhom għax-xabla,’ ”
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:25:32] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Araw! Il-ħsara tgħaddi minn ġens għal ġens,
u riefnu kbir se jqum minn truf l-art.
[Ġer:25:33] U jkunu l-maqtulin mill-Mulej dakinhar,
mxerrda minn tarf sa tarf ta’ l-art.
Ma jibkuhomx, ma jiġbruhomx, ma jidfnuhomx;
u jsiru demel fuq wiċċ l-art.
[Ġer:25:34] Werżqu, rgħajja, u għajjtu,
tmiegħku fit-trab, mexxejja tal-merħla,
jiemkom magħduda għall-qatla,
bħall-aħjar imtaten għad taqgħu mejta.
[Ġer:25:35] U ma jkunx hemm kenn għar-rgħajja,
u anqas ħelsien għall-mexxejja tal-merħla.
[Ġer:25:36] Jidwi l-għajat tar-rgħajja,
u t-twerżiq tal-mexxejja tal-merħla,
għax iħarbat il-Mulej il-mergħat tagħhom;
[Ġer:25:37] u tħarbtu l-oqsma ħiemda
minħabba s-saħna tal-korla tal-Mulej.
[Ġer:25:38] L-iljun iħalli l-bejta tiegħu,
għax arthom saret ħerba,
minħabba x-xabla qerrieda,
u s-saħna ta’ l-għadab tiegħu.”

26. Id-diskors ta’ Ġeremija u l-arrest tal-Profeta

[Ġer:26:1] Fil-bidu tas-saltna ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:26:2] “Hekk jgħid il-Mulej: ‘Mur u oqgħod fil-bitħa tat-tempju tal-Mulej, kellem lill-ibliet kollha ta’ Ġuda, li jiġu biex iqimu fit-tempju tal-Mulej; għidilhom il-kliem kollu li ordnajtlek tgħidilhom, bla ma tħalli kelma waħda biss. [Ġer:26:3] Għandhom mnejn jisimgħu, u jerġgħu lura kull wieħed minnhom minn triqtu l-ħażina, u jiena nindem mill-ħsara li bi ħsiebni nagħmlilhom minħabba l-ħażen ta’ għemilhom.

[Ġer:26:4] “Għidilhom: ‘Dan jgħid il-Mulej: Jekk intom ma tisimgħux minni biex timxu fuq il-liġi tiegħi li tajtkom, [Ġer:26:5] jiġifieri, biex tisimgħu l-kliem tal-qaddejja tiegħi l-profeti li jiena bla heda bgħattilkom, imma li intom ma smajtux minnhom, [Ġer:26:6] jiena nagħmel minn dan it-tempju ħerba bħal Silo, u lil din il-belt nagħmel minnha wirja ta’ saħta għall-ġnus kollha tad-dinja.’ ”

[Ġer:26:7] Il-qassisin, il-profeti u l-poplu kollu semgħu lil Ġeremija jgħid dan il-kliem fit-tempju tal-Mulej. [Ġer:26:8] Malli Ġeremija temm jgħid kull ma l-Mulej kien ordnalu jgħid lill-poplu kollu, il-qassisin u l-profeti u l-poplu kollu, qabduh u bdew jgħajjtu: “Ħaqqu l-mewt. [Ġer:26:9] L-għala ħabbart f’isem il-Mulej u għedt li bħal Silo għad jiġrilu dan it-tempju, u li din il-belt għad issir ħerba bla nies?” U l-poplu kollu nġabar madwar Ġeremija fit-tempju tal-Mulej.

[Ġer:26:10] Il-kapijiet ta’ Ġuda semgħu b’dan kollu, u telgħu mill-palazz tas-sultan fit-tempju tal-Mulej u ħadu posthom fid-daħla tal-bieb il-ġdid tat-tempju tal-Mulej.

[Ġer:26:11] Il-qassisin u l-profeti kellmu lill-kapijiet u lill-poplu kollu, u qalulhom: “Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt, għax ħabbar kontra din il-belt, kif smajtuh b’widnejkom intom stess.”

[Ġer:26:12] Iżda Ġeremija qal lill-qassisin u lill-poplu kollu: “Il-Mulej bagħatni nħabbar kontra dan it-tempju u l-belt il-ħwejjeġ kollha li smajtu. [Ġer:26:13] Issa, mela, sewwu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u agħtu widen għas-sejħa tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-Mulej jindem mid-deni li qal kontra tagħkom. [Ġer:26:14] Ngħid għalija, arawni, ninsab f’idejkom: agħmlu bija dak li jidhrilkom tajjeb u sewwa. [Ġer:26:15] Imma kunu afu li, jekk intom toqtluni, tiċċappsu b’demm bla ħtija, intom u din il-belt u min jgħammar fiha, għax hu tassew il-Mulej li bagħatni għandkom biex insemmgħalkom f’widnejkom dawn il- ħwejjeġ kollha.”

[Ġer:26:16] Mbagħad il-kapijiet u l-poplu kollu qalu lill-qassisin u l-profeti: “Dan ir-raġel ma ħaqqu xejn il-mewt għax hu kellimna f’isem il-Mulej Alla tagħna.”

[Ġer:26:17] U qamu xi wħud mill-anzjani tal-pajjiż u kellmu lill-ġemgħa kollha tal-poplu u qalulhom: [Ġer:26:18] “Mika l-Morasti li kien ħabbar fi żmien Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda, kien kellem lill-poplu kollu ta’ Ġuda u qalilhom: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:

Sijon bħal għalqa għad tinħarat,
u borġ ġebel għad issir Ġerusalemm,
u l-għolja tat-tempju masġar għoli ssir.’

[Ġer:26:19] “Forsi Ħeżekija, sultan ta’ Ġuda, u l-poplu qatgħuhielu għall-mewt? Forsi ma beżgħux mill-Mulej u talbuh il-ħniena tal-Mulej u l-Mulej nidem mill-ħsara li kien heddidhom biha? Imma aħna se nagħmlu d-dnub kbir bi ħsara għalina stess.”

[Ġer:26:20] U kien hemm bniedem ieħor, li kien ħabbar f’isem il-Mulej, Urija bin Semajja minn Kirjat-jegħarim. U ħabbar kontra din il-belt u kontra din l-art bi kliem ta’ Ġeremija. [Ġer:26:21] U sama’ kliemu s-sultan Ġeħojakim, u l-qalbiena tiegħu, u l-prinċpijiet kollha, u s-sultan fittex li joqtlu, imma, malli Urija sama’, beża’, ħarab u mar jistkenn l-Eġittu. [Ġer:26:22] U s-sultan Ġeħojakim bagħat xi nies l-Eġittu, Elnatan bin Għakbor u oħrajn miegħu. [Ġer:26:23] U ħarġu lil Urija mill-Eġittu u ġibuh quddiem is-sultan Ġeħojakim. Dan qatlu bix-xabla u xeħet ‘il ġismu mejjet fil-midfna ta’ wlied il-poplu.

[Ġer:26:24] Iżda id Aħikam bin Safan, kienet ma’ Ġeremija biex ma jitilquhx f’idejn il-poplu u joqtluh.

27. Il-madmad ta’ Babilonja

[Ġer:27:1] Fil-bidu tas-saltna ta’ Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej: [Ġer:27:2] “Dan qalli l-Mulej: Agħmel ħbula u madmad, u qegħedhom fuq għonqok. [Ġer:27:3] U ibgħathom b’messaġġ lis-sultan ta’ Edom u s-sultan ta’ Mowab, u s-sultan ta’ wlied Għammon, u s-sultan ta’ Tir, u s-sultan ta’ Sidon, mal-messaġġiera li ġew Ġerusalemm għand Sedekija, sultan ta’ Ġuda. [Ġer:27:4] U ordnalhom dal-messaġġ għal sidienhom: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, dan għandkom tgħidu lis-sidien tagħkom: [Ġer:27:5] Jien huwa li għamilt l-art, il-bniedem u l-bhejjem, li jinsabu fuq wiċċ l-art, bil-qawwa kbira tiegħi u bi driegħi merfugħ, u nagħtiha lil min jogħġobni. [Ġer:27:6] U issa jien tajt dawn l-artijiet kollha f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, il-qaddej tiegħi; u sal-bhejjem tax-xagħri tajtu biex jaqduh. [Ġer:27:7] U l-ġnus kollha għad jaqdu lilu, u lil ibnu u ‘l bin ibnu, sakemm jasal żmien pajjiżu wkoll; meta jaħkmuh ħafna slaten qawwija. [Ġer:27:8] U jiġri li xi ġens jew xi saltna ma taqdihx lil Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u ma tmiddx għonqha għall-madmad tas-sultan ta’ Babilonja, jien nikkastiga ‘l dan il-ġens jew saltna bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta, oraklu tal-Mulej, sa ma ntemmhom b’idejh.

[Ġer:27:9] “Mela intom tisimgħux mill-profeti tagħkom, mill-bassara tagħkom, mill-ħalliema tagħkom, mill-ħabbara tagħkom u mis-saħħara tagħkom, li qegħdin jgħidulkom dan il-kliem: Ma taqdux is-sultan ta’ Babilonja. [Ġer:27:10] Għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom biex ibegħdukom minn artkom, għax jien inxerridkom, u intom tinqerdu.

[Ġer:27:11] “Imma l-ġens li jmidd għonqu għall-madmad tas-sultan ta’ Babilonja u jaqdih, jien inħallih bi kwietu f’artu, oraklu tal-Mulej, biex jaħdimha u jgħammar fiha.”

[Ġer:27:12] U lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, kellimtu u għedtlu dan kollu: “Middu għonqkom għall-madmad tas-sultan ta’ Babilonja u aqduh, lilu u l-poplu tiegħu, u tgħixu. [Ġer:27:13] Għaliex għandkom tmutu, inti u l-poplu tiegħek, bix-xabla u bil-ġuħ u bil-pesta bħalma hedded il-Mulej lil dak il-poplu li ma jaqdix lis-sultan ta’ Babilonja?

[Ġer:27:14] “La tisimgħux mill-kliem tal-profeti li qegħdin jgħidulkom: ‘Le, ma taqdux is-sultan ta’ Babilonja’, għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. [Ġer:27:15] Għax jien ma bgħatthomx, oraklu tal-Mulej, u qegħdin iħabbru l-gideb f’ismi biex jiena jkolli nxerridkom u tinqerdu intom u l-profeti li qegħdin iħabbrulkom.”

[Ġer:27:16] U lill-qassisin u lil dan il-poplu kollu kellimthom u għedtilhom: “Dan jgħid il-Mulej: La tisimgħux l-għajdut tal-profeti tagħkom li qegħdin iħabbrulkom u jgħidulkom: ‘Araw it-tagħmir tal-Mulej, dalwaqt jiġi lura minn Babilonja’, għax dan kollu gideb li qegħdin iħabbrulkom. [Ġer:27:17] La tagħtuhomx widen! Aqdu lis-sultan ta’ Babilonja u tgħixu. Għaliex għandha din il-belt issir ħerba? [Ġer:27:18] Jekk inhuma tassew profeti u għandhom il-kelma tal-Mulej magħhom, ħalli jitolbu lill-Mulej ta’ l-eżerċti biex it-tagħmir li għad baqa’ fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta’ Ġuda u f’Ġerusalemm ma jmorrux f’Babilonja.

[Ġer:27:19] “Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti dwar il-kolonni u l-ħawt tal-bronż u l-imqagħad u l-bqija tat-tagħmir li għad baqa’ f’din il-belt, [Ġer:27:20] li ma ħax Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, meta ħa lil Ġekonija bin Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, minn Ġerusalemm għal Babilonja, u l-kbarat kollha ta’ Ġuda u Ġerusalemm fl-eżilju.

[Ġer:27:21] “Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, dwar it-tagħmir li għad fadal fit-tempju tal-Mulej u fil-palazz tas-sultan ta’ Ġuda u Ġerusalemm: [Ġer:27:22] ‘Kollox għad jittieħed f’Babilonja u hemm jibqgħu saż-żmien meta nfittixhom jien, oraklu tal-Mulej, u ntellagħhom u nġibhom lura f’dan il-post.’ ”

28. Ġeremija u Ħananija l-profeta falz

[Ġer:28:1] F’dik is-sena, fil-bidu tas-saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, fil-ħames xahar tar-raba’ sena, Ħananija bin Għażżur, profeta minn Gibgħon, ġie fit-tempju tal-Mulej, u taħt għajnejn il-qassisin u l-poplu kollu qalli: [Ġer:28:2] “Hekk jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Jien kissirt il-madmad tas-sultan ta’ Babilonja. [Ġer:28:3] Sa sentejn oħra, nġib lura f’dan il-post it-tagħmir kollu tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, ħa minn dan il-post u ġarru fil-Babilonja. [Ġer:28:4] u nraġġa’ lura wkoll lejn dan il-post lil Ġekonija bin Ġeħojakim, is-sultan ta’ Ġuda, u wkoll l-itturufnati kollha ta’ Ġuda li marru f’Babilonja, oraklu tal-Mulej, għax se nkisser il-madmad ta’ Babilonja.”

[Ġer:28:5] Mbagħad il-profeta Ġeremija wieġeb lil Ħananija l-profeta taħt għajnejn il-qassisin u taħt għajnejn il-poplu kollu, li kienu qegħdin fit-tempju tal-Mulej; [Ġer:28:6] u l-profeta Ġeremija qallu: “Sewwa! Jalla l-Mulej jagħmel hekk! Jalla l-Mulej jagħmel li jseħħ dak li għadek kemm ħabbart, u jġib lura f’dan il-post it-tagħmir tat-tempju tal-Mulej u l-itturufnati kollha minn Babilonja. [Ġer:28:7] Madankollu nitolbok tisma’ dan li se ngħidlek f’widnejk u f’widnejn il-poplu kollu. [Ġer:28:8] Il-profeti li ġew qabli u qablek, sa minn żmien ilu, ħabbru gwerra, ġuħ u pesta għal ħafna pajjiżi u saltniet kbar. [Ġer:28:9] Imma l-profeta li jħabbar is-sliem ma jingħarafx li hu profeta mibgħut tassew mill-Mulej, jekk mhux meta sseħħ il-ħaġa li l-profeta jkun ħabbar.”

[Ġer:28:10] Mbagħad il-profeta Ħananija qabad il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija u kissru, [Ġer:28:11] u qal Ħannanija quddiem il-poplu kollu: “Hekk jgħid il-Mulej: Sa sentejn oħra, hekk se nkisser minn fuq għonq il-ġnus kollha l-madmad ta’ Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja.”

U l-profeta Ġeremija qabad triqtu u telaq.

[Ġer:28:12] Wara li Ħananija, il-profeta, kien kisser il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija, il-Mulej kellem lil Ġeremija u qallu: [Ġer:28:13] “Mur kellem lil Ħananija u għidlu: Hekk jgħid il-Mulej: ‘Int kissirt madmad tal-ħatab, iżda minfloku għad ikollok madmad tal-ħadid.’ [Ġer:28:14] Għax hekk jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Madmad tal-ħadid inqiegħed fuq għonq dawn il-ġnus kollha, ħalli jaqgħu lsiera ta’ Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, u jaqduh; għax jien tajtu saħansitra l-bhejjem tax-xagħri.’ ”

[Ġer:28:15] Il-profeta Ġeremija qal lil Ħananija l-profeta: “Ħananija, ismagħni, nitolbok: ma kienx il-Mulej li bagħtek, imma int ġagħalt lil dan il-poplu jittama f’gidba. [Ġer:28:16] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: ‘Ara, se nqaċċtek minn fuq wiċċ l-art, u inti tmut dis-sena stess għax bit-taħbir tiegħek ridt ixxewwex kontra l-Mulej!”

[Ġer:28:17] Ħananija l-profeta miet fis-seba’ xahar ta’ dik is-sena stess.

29. Ittra lill-itturufnati

[Ġer:29:1] Dan hu l-kliem ta’ l-ittra li bagħat Ġeremija l-profeta minn Ġerusalemm lill-bqija ta’ l-anzjani fl-eżilju u lill-qassisin u lill-profeti u lill-poplu kollu, li kien ħadhom Nabukodonosor fl-eżilju f’Babilonja minn Ġerusalemm, [Ġer:29:2] wara li kienu ħarġu Ġekonija, is-sultan, u r-reġina-omm u l-ewnuki u l-prinċpijiet ta’ Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa u l-ħaddieda. [Ġer:29:3] L-ittra ntbagħtet permezz ta’ Elgħaxa bin Safan, u Ġemarija bin Ħilkija, li kien bagħathom Sedekija, sultan ta’ Ġuda, lil Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, f’Babilonja. L-ittra kienet tgħid hekk:

[Ġer:29:4] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, lill-itturufnati li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: [Ġer:29:5] ‘Ibnu djar u għammru fihom; ħawwlu ġonna u kulu frotthom; [Ġer:29:6] iżżewwġu n-nisa u nisslu subjien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewwġu lill-bniet tagħkom, biex jildu subjien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd.

[Ġer:29:7] ‘Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom.’

[Ġer:29:8] “Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Tħalluhomx iqarrqu bikom il-profeti li hemm f’nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen għall-ħolm li qegħdin joħolmu. [Ġer:29:9] Għax m’hux veru li f’ismi qegħdin iħabbrulkom; jien ma bgħatthomx,’ oraklu tal-Mulej.

[Ġer:29:10] “Għax dan jgħid il-Mulej: ‘Malli jgħaddu s-sebgħin sena minn fuq Babilonja, jien inżurkom u ntemm il-wegħda t-tajba li nreġġagħkom lura lejn dan il-post. [Ġer:29:11] Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. [Ġer:29:12] Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, [Ġer:29:13] tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, [Ġer:29:14] issibuni, oraklu tal-Mulej, u jiena nbiddel xortikom u niġborkom minn fost il-ġnus u mill-artijiet kollha li xerridtkom fihom, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħkom lura lejn il-post li tturufnajtkom minnu.’ ”

[Ġer:29:15] “Billi intom għedtu: ‘Qajjmilna l-Mulej profeti f’Babilonja’, [Ġer:29:16] dan jgħid il-Mulej lis-sultan li qiegħed fuq it-tron ta’ David u l-poplu kollu, li jgħammar f’din il-belt, ħutkom li ma ħarġux magħkom itturufnati. [Ġer:29:17] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: Arawni, se nibgħat f’nofshom ix-xabla, il-ġuħ u l-pesta, u nagħmilhom bħat-tin imħassar li ma tiklux, tant kemm hu ħażin. [Ġer:29:18] U nsus għal warajhom bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta u nagħmel minnhom waħx għas-salniet kollha ta’ l-art, saħta, tkexkix, daħk u għajb għall-ġnus kollha li fosthom inxerridhom, [Ġer:29:19] minħabba li ma semgħux kliemi, oraklu tal-Mulej, li jien bgħattilhom bla heda permezz tal-qaddejja tiegħi, il-profeti. [Ġer:29:20] Intom, imma, isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom l-itturufnati kollha, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm f’Babilonja.

[Ġer:29:21] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti Alla ta’ Iżrael dwar Aħab bin Kolaja u dwar Sedekija bin Magħxija, li qegħdin iħabbrulkom il-gideb f’ismi: Arawni, se nerħihom f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u joqtolhom quddiemkom. [Ġer:29:22] U mħabba fihom tintuża dis-saħta mill-itturufnati ta’ Ġuda fil-Babilonja: ‘Jalla l-Mulej jagħmillek bħalma għamel ma’ Sedekija u ma’ Aħab, li s-sultan ta’ Babilonja xwiehom ħajjin bin-nar. [Ġer:29:23] Għax huma għamlu ħwejjeġ moqżieża f’Iżrael: żnew man-nisa ta’ għajrhom u xandru kliem il-gideb f’ismi li jien ma kkmandajthomx. Jien nafu u nixhdu, oraklu tal-Mulej.’

[Ġer:29:24] “U lil Semajja, in-Neħelami, għidlu: [Ġer:29:25] ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Int bgħatt f’ismek ittra lill-poplu kollu li jgħammar f’Ġerusalemm, u lil Sefanija bin Magħxija, il-qassis, u lill-qassisin kollha u għedtilhom: [Ġer:29:26] ‘Il-Mulej għamlek qassis minflok Ġeħojada, il-qassis, biex ikun hemm min jieħu ħsieb f’dar il-Mulej ta’ kull bniedem miġnun li jħabbar, u torbtu, u tixħtu l-ħabs. [Ġer:29:27] Għaliex mela ma ċanfartx lil Ġeremija minn Għanatot, li qiegħed iħabbar fostkom? [Ġer:29:28] Għax bagħat jgħidilna f’Babilonja: ‘Il-biċċa ġejja fit-tul. Ibnu djar u għammru fihom, xettlu ġonna u kulu frotthom.’ ”

[Ġer:29:29] Sefanija, il-qassis, qara din l-ittra lil Ġeremija. [Ġer:29:30] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:29:31] “Ibgħat għid lill-itturufnati kollha dan li ġej: ‘Dan jgħid il-Mulej għal Semajja, in-Neħelami. Talli ħabbrilkom Semajja bla ma jien bgħattu u ġagħalkom tittamaw f’gidba, [Ġer:29:32] għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani, jien se nieħu ħsieb Semajja, in-Neħelami, u nislu: ma jibqagħlu ‘l ħadd minnhom li jgħammar f’nofs dan il-poplu biex jara l-ġid li jien se nagħmel lill-poplu tiegħi, oraklu tal-Mulej, għax hu xandar it-tixwix kontra l-Mulej.”

30. Is-salvazzjoni ta’ Iżrael

[Ġer:30:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej: [Ġer:30:2] “Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael: ikteb fi ktieb il-kliem kollu li għedtlek. [Ġer:30:3] Għax, araw, ġejjin jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien inbiddel ix-xorti tal-poplu tiegħi, Iżrael u Ġuda, jgħid il-Mulej, u nreġġagħhom lura lejn l-art li jien tajt lil missirijiethom biex tkun tagħhom.”

[Ġer:30:4] Dan huwa l-kliem li qal il-Mulej għal Iżrael u għal Ġuda:

[Ġer:30:5] Dan jgħid il-Mulej:
“Smajna għajta tkexkxek,
għajta ta’ biża’, u mhux ta’ sliem!
Ġer:30:6] Stħarrġu u taraw,
jekk raġel jistax jiled.
Għala mela rajt l-irġiel b’saħħithom,
kollha b’idejhom fuq ġenbejhom,
bħal mara fil-ħlas?
Għala l-uċuħ kollha sfaru?
[Ġer:30:7] Ah! Għax kbir hu dak il-Jum,
u m’hemmx bħalu!
Żmien ta’ diqa jkun għal Ġakobb,
imma minnu joħroġ salv.

[Ġer:30:8] “U f’dak il-Jum, oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti, nkisser il-madmad tiegħu minn fuq għonqu u nżarrat l-irbit tiegħu, u ma jżommuhx aktar b’ilsir il-barranin. [Ġer:30:9] Huma jservu lill-Mulej Alla tagħhom u lil David, is-sultan tagħhom, li jien għad inqajjmilhom.

[Ġer:30:10] U int, Ġakobb il-qaddej tiegħi, la tibżax,
oraklu tal-Mulej,
u int Iżrael la titrigħedx.
Għax, arani, jien se neħilsek
minn pajjiż ‘il bogħod;
u lil nislek minn art jasarhom;
u jerġa’ lura Ġakobb, u jgħix fis-sliem,
u jkun fil-kwiet bla biża’ ta’ xejn.
[Ġer:30:11] Għax jiena miegħek,
oraklu tal-Mulej,
biex insalvak.
Għax nagħmel straġi mill-ġnus kollha,
li f’nofshom jien xerridtek.
Imma minnek ma nagħmilx straġi.
Nikkastigak skond ma ħaqqek;
b’xejn ma nħallikx żgur.
[Ġer:30:12] Għax dan jgħid il-Mulej: Ma hemmx
fejqan għalik;
il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex.
[Ġer:30:13] Ma hemmx min jieħu f’idejh il-kawża
tiegħek;
għal ġerħitek m’għandekx duwa u fejqan.
[Ġer:30:14] Ħbiebek kollha nsewk, m’humiex ifittxuk.
Għax minħabba l-kotra ta’ dnubietek
sawwattek bħallikieku kont l-għadu tiegħek,
widdibtek bl-aħrax,
għax kibru qatigħ ħtijietek.
[Ġer:30:15] Għalfejn tgħajjat bil-ġerħa tiegħek?
Ma tfiqx mit-tbenġil tiegħek;
minħabba l-kotra ta’ dnubietek;
għax kibru ħtijietek
jien ġibt dan fuqek.
[Ġer:30:16] Għalhekk dawk kollha li belgħuk,
għad jibilgħuhom;
u l-għedewwa tiegħek ilkoll,
għad jispiċċaw fl-eżilju.
Dawk li neżżgħuk
għad ineżżgħuhom;
u dawk li għamlu minnek priża,
għad nagħmel minnhom priża jien.
[Ġer:30:17] U nagħlaqlek ġerħatek,
u nfejjqek mit-tbenġil tiegħek,
oraklu tal-Mulej.
Għax sejjħulek: “L-abbandunata”,
“Dik Sijon, ħadd jfittixha”,
[Ġer:30:18] hekk jgħid il-Mulej:
Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb,
se nħenn għall-għerejjex tiegħu:
il-belt tinbena fuq l-għolja tagħha;
jerġa’ jitla’ l-palazz fejn kien,
[Ġer:30:19] u minnhom joħroġ għana ta’ radd il-ħajr
u għana ta’ ferħ.

Nkattarhom, u ma jkunux ftit;
nkabbarhom u ma jiċkinux.
[Ġer:30:20] U wliedhom ikunu bħal qabel,
u quddiemi tinġabar ġemgħathom.
Jien nikkastiga l-għakkiesa tagħhom.
[Ġer:30:21] U l-prinċep tagħhom ikun wieħed
minnhom;
u l-mexxej tagħhom joħroġ minn nofshom.
Jien inressqu lejja u hu jersaq lejja;
għax min se jissogra jersaq lejja minn rajh?
Oraklu tal-Mulej.
[Ġer:30:22] U intom tkunu l-poplu tiegħi,
u jien inkun l-Alla tagħkom.
[Ġer:30:23] Arawh, ir-riefnu tal-Mulej!
Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija,
li se tfaqqa’ fuq ras il-ħżiena.
[Ġer:30:24] Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,
qabel ma tkun għamlet u temmet
ħsieb moħħu.
Fl-aħħar jiem għad tifhmuh sewwa.”

31. Ir-restawrazzjoni tal-Poplu ta’ Iżrael

[Ġer:31:1] “F’dak iż-żmien, oraklu tal-Mulej, jien inkun Alla tat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, u huma jkunu l-poplu tiegħi.”

[Ġer:31:2] Dan jgħid il-Mulej: “Il-poplu li ħeles mis-sejf sab ħniena fid-deżert: Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu.”

[Ġer:31:3] Mill-bogħod il-Mulej deherlu: “Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik. [Ġer:31:4] Jien nerġa’ nwaqqfek fuq riġlejk, o xebba ta’ Iżrael, u inti tieqaf. Terġa’ tiżżejjen bit-tnabar tiegħek, u toħroġ tiżfen ferrieħa. [Ġer:31:5] Terġa’ tħawwel id-dwieli fuq il-muntanji tas-Samarija; il-bdiewa tiegħek iħawwlu u jiġbru l-ewwel frott. [Ġer:31:6] Għax jasal jum meta fuq il-muntanja ta’ Efrajm l-għassiesa jgħajjtu u jgħidu: ‘Qumu, ejjew nitilgħu Sijon għand il-Mulej, Alla tagħna.’ ”

[Ġer:31:7] Għax dan jgħid il-Mulej: “Għannu bil-ferħ għal Ġakobb, sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus. Xandru, faħħru u niedu: ‘Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, il-fdal ta’ Iżrael.’ [Ġer:31:8] Arani, se nġibhom minn art it-tramuntana, niġborhom minn truf l-art, lkoll kemm huma, l-għomja u z-zopop, in-nisa bit-tfal u n-nisa fil-ħlas: kotra kbira terġa’ lura hawn. [Ġer:31:9] Jiġu bil-biki, imma nfarraġhom jiena u nġibhom lura. Immexxihom lejn l-ilma ġieri, minn mogħdijiet watja biex ma jitfixklux. Għax jien missier għal Iżrael, u Efrajm hu ibni l-kbir.

[Ġer:31:10] “Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha ‘l bogħod fil-gżejjer:
għidu: ‘Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.’
[Ġer:31:11] Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
[Ġer:31:12] Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej;
minħabba l-qamħ, u l-inbid ġdid u ż-żejt,
u l-imrieħel tan-nagħaġ u l-baqar;
u huma jsiru bħal ġnien imsoqqi tajjeb,
ma jkunux iżjed mifnija.

[Ġer:31:13] “Mbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ;
u jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,
nfarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom.
[Ġer:31:14] Il-qassisin nimliehom bl-abbundanza,
u l-poplu tiegħi bil-ġid inxebbgħu,”
oraklu tal-Mulej.

Ir-restawrazzjoni ta’ Efrajm

[Ġer:31:15] Dan jgħid il-Mulej; “Nstama’ leħen f’Rama, lfiq u biki kollu mrar, Rakel titbekka għal uliedha, ma tridx taf b’sabar, għax iżjed m’humiex.”

[Ġer:31:16] Dan jgħid il-Mulej: “Żomm leħnek ‘il bogħod mill-biki, għajnejk ‘il bogħod mid-dmugħ, għax hemm ħlas għal taħbitek, oraklu tal-Mulej, għax huma għad jerġgħu lura minn pajjiż l-għadu. [Ġer:31:17] Hemm tama għall-ġejjieni, oraklu tal-Mulej, uliedek għad jerġgħu lejn arthom.

[Ġer:31:18] “Jien smajt tajjeb lil Efrajm jitkarrab: ‘Inti kkastigajtni, u jien ħadt il-kastig bħal għoġol bla taħriġ. Reġġagħni lura u jien nerġa’ lura, għax inti l-Mulej Alla tiegħi. [Ġer:31:19] Wara li tbigħedt u ndimt, wara li tgħallimt, jien ħabbatt fuq wirki. Jien stħajt u tħawwadt, għax inġib fuqi l-għajb ta’ żgħożiti.’

[Ġer:31:20] Jaqaw Efrajm l-iben għażiż! Jaqaw it-tfajjel ta’ l-għaxqa tiegħi? Għax kull meta nitkellem kontrieh, jien niftakar aktar fih. Għalhekk ġewwenija mqanqla għalih; u żgur li nħenn għalih, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:31:21] “Waqqaf għalik il-plieri, qiegħed għalik is-sinjali, moħħok hemm fuq il-mogħdija, it-triq li minnha għaddejt. Erġa’ lura, xbejba ta’ Iżrael, erġa’ lura lejn blietek. [Ġer:31:22] Kemm se ddum ittalla’ u tniżżel, ja bint xewwiexa? Il-Mulej ħalaq ħaġa ġdida fl-art: il-mara ddawwar ir-raġel.”

Ir-restawrazzjoni ta’ Ġuda

[Ġer:31:23] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Meta jien inkun biddiltilhom xortihom fl-art ta’ Ġuda u fi blietha, għad jerġgħu jgħidu dan il-kliem: ‘Jalla jbierkek il-Mulej, għamara tas-sewwa, għolja qaddisa!’ [Ġer:31:24] U għad jgħammru fiha Ġuda u blietha, il-bdiewa u dawk li jiġġerrew bl-imrieħel.

[Ġer:31:25] “Għax jien naħji kull ruħ mifnija, u nxabba’ kull ruħ għajjiena. [Ġer:31:26] Għalhekk stenbaħt u ħarist, u ngħasi ħassejtu ħelu.

[Ġer:31:27] “Araw, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta jien niżra’ d-dar ta’ Iżrael, u d-dar ta’ Ġuda, b’żerriegħa tal-bniedem u b’żerriegħa tal-bhejjem. [Ġer:31:28] U jiġri li bħalma għassist fuqhom biex naqla’ u nkisser, biex inġarraf u neqred, biex nagħmel il-ħsara, hekk ngħasses fuqhom biex nibni u nħawwel, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:31:29] “F’dawk il-jiem ma jgħidux iżjed: ‘il-missirijiet kielu l-għeneb qares, u ddarrsu snien l-ulied.’ [Ġer:31:30] Iżda kull wieħed imut għal dnubu; kull min jiekol l-għeneb qares, jiddarrsu snienu.”

Il-patt il-ġdid

[Ġer:31:31] “Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda; [Ġer:31:32] mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:31:33] “Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Nqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. [Ġer:31:34] Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: ‘Agħraf il-Mulej’, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.”

[Ġer:31:35] Dan jgħid il-Mulej,
li għamel ix-xemx għad-dawl binhar,
il-qamar u l-kwiekeb b’liġijiethom
għad-dawl billejl;
li jqanqal il-baħar u jgargru mwieġu,
Jaħweh ta’ l-eżerċti ismu:
[Ġer:31:36] “Daqskemm qatt jistgħu jitwarrbu minn
quddiemi
dawn il-liġijiet, oraklu tal-Mulej,
daqshekk nisel Iżrael jieqaf milli jkun
għal dejjem poplu quddiemi.”
[Ġer:31:37] Dan jgħid il-Mulej:
“Jekk is-smewwiet fl-għoli jistgħu jitkejjlu,
u jinkixfu s-sisien tad-dinja minn taħt,
jien inwarrab in-nisel kollu ta’ Iżrael,
għal kull ma għamlu,”
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:31:38] “Araw, għad jiġu l-jiem, oraklu tal-Mulej, meta l-belt terġa’ tinbena għall-Mulej, mit-torri ta’ Ħananel sa Bieb ix-Xewka. [Ġer:31:39] U l-ħabel tal-kejl iwassal aktar ‘il quddiem dritt sa l-għolja ta’ Gareb u mbagħad idur lejn Gogħa. [Ġer:31:40] U l-wied kollu tal-katavri u l-irmied, u r-raba’ kollu sal-wied ta’ Kedron sax-xewka ta’ Bieb iż-Żwiemel fuq il-lvant ikunu kkonsagrati lill-Mulej, u ma jkunu qatt iżjed imġarrfa jew meqruda.”

32. Ġeremija jixtri għalqa

[Ġer:32:1] Il-kelma li ġiet ‘il Ġeremija mingħand il-Mulej fl-għaxar sena ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, it-tmintax-il sena ta’ Nabukodonosor. [Ġer:32:2] F’dak iż-żmien l-eżerċtu tas-sultan ta’ Babilonja kien qiegħed jassedja ‘l Ġerusalemm, u Ġeremija kien magħluq fil-bitħa ta’ l-għassa li kien hemm fil-palazz tas-sultan ta’ Ġuda. [Ġer:32:3] Kien għalqu Sedekija u qallu: “Għaliex qiegħed tħabbar u tgħid: ‘Dan jgħid il-Mulej: Arani, sa nitlaq din il-belt f’idejn is-sultan ta’ Babilonja, u hu jaħtafha. [Ġer:32:4] U Sedekija, sultan ta’ Ġuda, ma jeħlishiex minn idejn il-Kaldin, għax se jkun mitluq żgur f’idejn is-sultan ta’ Babilonja. Għad jitkellmu fomm għal fomm u jaraw lil xulxin wiċċ imb wiċċ. [Ġer:32:5] U Sedekija jiħduh f’Babilonja u jibqa’ hemm sa ma nieħu ħsiebu jien, oraklu tal-Mulej. Għax jekk intom titqabdu mal-Kaldin, m’intom se tagħmlu xejn.’?”

[Ġer:32:6] U Ġeremija qal: “Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: [Ġer:32:7] Ara! Ħanamel bin Sallun, zijuk, ġej għandek biex jgħidlek: ‘Ixtri għalik l-għalqa tiegħi li hemm f’Għanatot, għax int għandek id-dritt li tixtriha u tifdiha.’ ”

[Ġer:32:8] U ġie għandi Ħanamel, bin zijuwi, bħalma kien qalli l-Mulej, fil-bitħa ta’ l-għassa u qalli: “Ixtri l-għalqa tiegħi li hemm f’Għanatot li tiġi fl-art ta’ Benjamin, għax int għandek id-dritt tal-propjetà u tifdiha. Ixtriha!” U għaraft li kienet il-kelma tal-Mulej.

[Ġer:32:9] U xtrajt l-għalqa mingħand Ħanamel, bin zijuwi, li kienet f’Għanatot, u wiżintlu l-flus, sbatax-il xekel tal-fidda.

[Ġer:32:10] U mbagħad ktibt il-kuntratt u ssiġillajtu, sejjaħt ix-xhieda u wiżint il-flus fil-miżien. [Ġer:32:11] U ħadt il-kitba tax-xiri ssiġillata li kien fiha l-ftehim u l-kundizzjonijiet, u l-kopja miftuħa. [Ġer:32:12] U tajt dan il-kuntratt tax-xiri lil Bàruk bin Nerija, bin Maħseja, quddiem Ħanamel bin zijuwi, u quddiem ix-xhieda, li kienu ffirmaw dan il-kuntratt tax-xiri, u quddiem il-Lhud kollha li kienu qegħdin fil-bitħa ta’ l-għassa. [Ġer:32:13] U ordnajt lil Bàruk quddiemhom u għedtlu: [Ġer:32:14] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Ħu dawn il-kitbiet, dan il-kuntratt tax-xiri, il-kopja ssiġillata u l-kopja l-miftuħa, u qegħedhom f’ġarra tal-fuħħar biex jibqgħu sħaħ għal ħafna żmien. [Ġer:32:15] Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Għad jerġgħu jinxtraw djar, raba’ u oqsma tad-dwieli f’dan il-pajjiż.’ ”

It-talba ta’ Ġeremija

[Ġer:32:16] U wara li tajt il-kuntratt tax-xiri lil Bàruk bin Nerija, tlabt lill-Mulej u għedtlu: [Ġer:32:17] “O Sidi, Mulej, ara, int għamilt is-smewwiet u l-art bil-qawwa kbira tiegħek u bi driegħek merfugħ, xejn m’hu impossibli għalik! [Ġer:32:18] Inti tagħmel il-ħniena għal elf ġenerazzjoni u tħallas il-ħażen tal-missirijiet f’ħoġor uliedhom warajhom. Int Alla kbir u qawwi, Jaħweh ta’ l-eżerċti ismek! [Ġer:32:19] Kbir fl-għaqal u setgħan fl-għemil, għajnejk miftuħa fuq it-triqat kollha tal-bnedmin biex tagħti lil kulħadd skond imġibtu u skond frott għemilu. [Ġer:32:20] Int għamilt sinjali u għeġubijiet fl-art ta’ l-Eġittu, u sa issa int għamilt isem fost Iżrael u l-bnedmin kollha, kif inhu llum. [Ġer:32:21] Int ħriġt il-poplu tiegħek Iżrael mill-art ta’ l-Eġittu b’sinjali u għeġubijiet, u b’id qawwija u bi driegħek merfugħ, u b’biża’ kbir. [Ġer:32:22] U inti tajthom din l-art li kont wegħedt u ħlift lil missirijiethom, li tagħtihom art tnixxi ħalib u għasel. [Ġer:32:23] U daħlu fiha, u ħaduha f’idejhom, imma ma semgħux minn kliemek, u ma mxewx skond il-liġi tiegħek, u kull ma int ordnajtilhom li jagħmlu ma għamluhx, u int ġibt fuqhom din il-ħsara kollha. [Ġer:32:24] Ara, issa r-rampi laħqu biex jieħdu l-belt, u l-belt tingħata f’idejn il-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għaliha, minħabba x-xabla, il-ġuħ u l-pesta. Kull ma ħabbartilna int, qiegħed iseħħ. [Ġer:32:25] U inti, Sidi l-Mulej, għedtli: ‘Ixtri għalik l-għalqa bil-flus, sejjaħ ix-xhieda’, għax il-belt se tingħata f’idejn il-Kaldin!”

It-tweġiba ta’ Alla

[Ġer:32:26] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:32:27] “Arani! Jien il-Mulej, Alla tal-bnedmin kollha: hemm xi ħaġa li ma tistax tkun għalija? [Ġer:32:28] Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani! Jien se nitlaq il-belt f’idejn il-Kaldin u f’idejn Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, u jaħtfuha. [Ġer:32:29] U jiġu l-Kaldin jaħbtu għal din il-belt, jagħtuha n-nar, u jaħarqu l-inċens lil Bagħal, u jsawwbu l-libazzjonijiet lil allat oħra biex jinkuni.

[Ġer:32:30] “Għax wlied Iżrael u wlied Ġuda m’għamlux ħlief ħażen taħt għajnejja sa minn żgħożithom; tassew, ulied Iżrael m’għamlux ħlief inkewni b’għemil idejhom, oraklu tal-Mulej. [Ġer:32:31] Għax din il-belt sa minn mindu bnewha sa llum kienet il-kaġun ta’ l-għadab u l-qilla tiegħi; għalhekk issa jkolli niknisha minn quddiemi [Ġer:32:32] minħabba l-ħażen kollu ta’ wlied Iżrael u wlied Ġuda li għamlu biex jinkuni, huma, is-slaten tagħhom, il-prinċpijiet tagħhom, il-qassisin tagħhom, il-profeti tagħhom u n-nies ta’ Ġuda u dawk li jgħammru f’Ġerusalemm. [Ġer:32:33] Huma dawwru wiċċhom minni u tawni daharhom. Jien għallimthom bla heda, imma huma ma semgħux, u ma kinux lesti jieħdu l-korrezzjoni. [Ġer:32:34] Anzi waslu saħansitra li jwaqqfu l-qżież ta’ l-idoli tagħhom fid-dar fejn jissejjaħ ismi, u jniġġsuha. [Ġer:32:35] U bnew is-santwarji ta’ Bagħal f’wied Ben Ħinnom biex jgħaddu min-nar lis-subjien u bniet tagħhom f’ġieħ Molok, ħaġa li jien ma ordnajthilhomx; qatt ma għaddieli minn moħħi li nagħmel ħaġa mistmella bħal din, li nwaqqa’ fid-dnub lil Ġuda.

[Ġer:32:36] “Issa għalhekk: Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael, dwar din il-belt, li intom qegħdin tgħidu li ‘se tintreħa f’idejn is-sultan ta’ Babilonja bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta’: [Ġer:32:37] Arawni, jien niġborhom mill-artijiet kollha li fihom xerridthom fl-għadab tiegħi, fis-saħna u l-qilla kbira tiegħi, u nġibhom lura f’dan il-post, u nagħmel li jgħammru fiż-żgur b’moħħhom mistrieħ. [Ġer:32:38] U huma jkunu l-poplu tiegħi, u jien inkun Alla tagħhom. [Ġer:32:39] U nagħtihom qalb waħda u nqabbadhom triq waħda, biex dejjem ikollhom il-biża’ tiegħi għall-ġid tagħhom u ta’ wliedhom warajhom. [Ġer:32:40] U nagħmel magħhom patt għal dejjem li ma niqafx milli nagħmlilhom il-ġid. U nqiegħed il-biża’ tiegħi f’qalbhom, biex ma jitbegħdux minni. [Ġer:32:41] L-għaxqa tiegħi tkun li nagħmlilhom il-ġid u nħawwilhom f’din l-art fis-sewwa, b’qalbi kollha u b’ruħi kollha.

[Ġer:32:42] “Għax dan jgħid il-Mulej: ‘Kif ġibt fuq dan il-poplu din il-ħsara kollha, hekk issa għad inġib fuqhom il-ġid kollu li jien wegħedthom. [Ġer:32:43] U jibqa’ jinxtara r-raba’ f’din l-art li intom qegħdin tgħidu li ‘se ssir ħerba, bla nies u bla bhejjem, u tingħata f’idejn il-Kaldin’. [Ġer:32:44] Jinxtara r-raba’ bil-flus, jinkitbu l-kuntratti, jissiġillawhom u jissejjħu x-xhieda fl-art ta’ Benjamin u fl-inħawi ta’ Ġerusalemm, fl-ibliet ta’ Ġuda u fl-ibliet tal-muntanji, u fl-ibliet tas-Sefela u fl-ibliet tan-Negeb, għax jien għad inbiddlilhom xortihom,’ oraklu tal-Mulej.”

33. Ir-restawrazzjoni ta’ Ġerusalemm

[Ġer:33:1] U ġiet il-kelma tal-Mulej għat-tieni darba lil Ġeremija, meta kien għadu magħluq fil-bitħa ta’ l-għassa u qallu: [Ġer:33:2] “Dan jgħid il-Mulej, li għamel l-art, sawwarha u wettaqha, Jaħweh ismu: [Ġer:33:3] ‘Sejjaħli u jien inwieġbek u ngħidlek bi ħwejjeġ kbar, ħwejjeġ mistura li int ma toħlomhomx.’

[Ġer:33:4] “Għax dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, dwar id-djar ta’ din il-belt u d-djar tas-sultan ta’ Ġuda mġarrfin minħabba l-assedju u x-xabla. [Ġer:33:5] Il-Kaldin ġejjin biex jissieltu u jimlewhom bl-iġsma mejta ta’ nies li jien drabt fl-għadab u l-qilla tas-saħna tiegħi. Jien ħbejt wiċċi minn din il-belt minħabba l-ħażen kollu tagħhom.

[Ġer:33:6] “Arawni, jien se nagħlqilhom il-ġerħa; ndewwihom u nfejjaqhom, u nurihom il-kotra tas-sliem sħiħ għal dejjem. [Ġer:33:7] U jien inbiddel ix-xorti ta’ Ġuda u x-xorti ta’ Iżrael, u nibnihom bħalma kienu fil-bidu. [Ġer:33:8] U nnaddafhom mill-ħażen kollu tagħhom li bih offendewni u naħfrilhom dnubiethom kollha li bihom offendewni u qamu kontrija. [Ġer:33:9] U din il-belt tkun għalija ferħ, tifħir, u glorja fost il-popli ta’ l-art, li għad jisimgħu bil-ġid li nkun għamilt magħhom. U dawn għad jitbeżżgħu u jitriegħdu minħabba l-ġid kollu u s-sliem li għad nagħmlilhom.

[Ġer:33:10] “Dan jgħid il-Mulej: F’dan il-post li intom qegħdin tgħidu: ‘Sar ħerba, bla nies li jgħixu fihom u bla bhejjem’, u bl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm, mħarbtin, bla nies u bla bhejjem, għad jinstema’ [Ġer:33:11] l-għajat ta’ ferħ u l-għajat ta’ hena, leħen l-għarus u leħen l-għarusa, l-għana ta’ dawk li jgħidu: ‘Faħħru lill-Mulej ta’ l-eżerċti, għax tajjeb il-Mulej, u l-ħniena tiegħu għal dejjem’, huma u jġibu f’dar il-Mulej l-offerti ta’ radd il-ħajr; għax jien inbiddel ix-xorti tal-pajjiż bħalma kien fil-bidu, jgħid il-Mulej.

[Ġer:33:12] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti: Għad ikun hawn f’dan il-post, mħarbat, bla nies u bla bhejjem, u fl-ibliet kollha tiegħu, mergħat fejn ir-rgħajja jserrħu l-imrieħel tagħhom. [Ġer:33:13] Fl-ibliet kollha tal-muntanji, fl-ibliet tas-Sefela, fl-ibliet tan-Negeb, fl-art ta’ Benjamin u fl-inħawi ta’ madwar Ġerusalemm, fl-ibliet ta’ Ġuda, għad jgħaddu l-imrieħel minn taħt idejn min jgħoddhom, jgħid il-Mulej.”

Restawrazzjoni tal-monarkija

[Ġer:33:14] “Ara, għad jiġu jiem, oraklu tal-Mulej, meta nġib fuq dar Iżrael u dar Ġuda l-ġid li wegħedthom. [Ġer:33:15] F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien intalla’ min-nisel ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. [Ġer:33:16] F’dawk il-jiem Ġuda jinħeles u Ġerusalemm tgħammar b’moħħha mistrieħ, u għalhekk isejjħulha: ‘Il-Mulej is-sewwa tagħna.’

[Ġer:33:17] “Għax dan jgħid il-Mulej; ‘Ma jonqos qatt bniedem min-nisel ta’ David biex joqgħod fuq it-tron ta’ dar Iżrael. [Ġer:33:18] U ma jonqosx bniedem min-nisel tal-qassisin ta’ Levi minn quddiemi biex joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq u jaħraq l-offerti u jagħmel is-sagrifiċċji kull jum.’ ”

[Ġer:33:19] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:20] “Dan jgħid il-Mulej: Jistax jinkiser il-patt tiegħi mal-jum u l-patt tiegħi mal-lejl, b’mod li ma jkunx hemm jum jew lejl f’waqthom? [Ġer:33:21] Daqshekk ieħor jista’ jinkiser il-patt tiegħi ma’ David, il-qaddej tiegħi, u ma jkun hemm ħadd minn uliedu li jsaltan fuq it-tron tiegħu, u mal-Leviti, il-qassisin, qaddejja tiegħi. [Ġer:33:22] Għax daqs kemm huma l-qtajja’ tas-smewwiet li ma jingħaddux u r-ramel tal-baħar li ma jitkejjilx, daqshekk ieħor għad inkattar nisel David u l-Leviti jservuni.”

[Ġer:33:23] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:33:24] “Ma rajtx x’inhu jgħid dan il-poplu: ‘Il-Mulej warrab iż-żewġ tribujiet li kien għażel?’ Hekk qegħdin imaqdru l-poplu tiegħi u ma jqisuhx aktar nazzjon f’għajnejhom.

[Ġer:33:25] “Dan jgħid il-Mulej: ‘Irid ma jkunx hemm aktar patt bejni u bejn il-jum u l-lejl, irid ma nżommx il-liġijiet tas-sema u l-art, [Ġer:33:26] biex tassew inwarrab nisel Ġakobb u David il-qaddej tiegħi u ma nagħżilx aktar min-nisel tiegħu nies li jsaltnu fuq nisel Abraham, Iżakk u Ġakobb. Għax jien għad inbiddlilhom xortihom u nħenn għalihom.’ ”

34. Ġeremija jwiddeb lil Sedekija

[Ġer:34:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej, meta Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, l-eżerċtu tiegħu kollu, is-saltniet kollha ta’ l-art taħt il-ħakma ta’idejh, u l-popli kollha kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u l-ibliet tagħha, u qallu: [Ġer:34:2] “Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael: mur u kellem lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u għidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Arani se nerħi din il-belt f’idejn is-sultan ta’ Babilonja, u dan jaħraqha bin-nar. [Ġer:34:3] U int ma teħlishiex minn idejh, għax jaqbduk żgur u jerħuk f’idejh, u s-sultan ta’ Babilonja tarah wiċċ imbwiċċ, u hu jkellmek minn fomm għal fomm. U int tmur Babilonja.

[Ġer:34:4] “Imma isma’ l-kelma tal-Mulej, inti Sedekija, sultan ta’ Ġuda; għax dan jgħidlek il-Mulej: Int ma tmutx bix-xabla! [Ġer:34:5] Tmut fis-sliem, u bħalma ħarqu l-bħur għal missirijietek li kienu qablek sa mill-bidu, hekk għad jaħarqu l-bħur għalik u jitniehdu għalik: ‘Jaħasra, sidi!’ Għax jien għedt din il-kelma.” Oraklu tal-Mulej.

[Ġer:34:6] U kellem il-profeta Ġeremija lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u qallu dan il-kliem kollu f’Ġerusalemm, [Ġer:34:7] meta l-eżerċti tas-sultan ta’ Babilonja kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm u għall-bqija kollha ta’ l-ibliet ta’ Ġuda – Lakis u Għażeka – għax dawn biss kien għad fadal mill-ibliet iffortifikati kollha ta’ Ġuda.

It-tradiment ta’ l-għonja

[Ġer:34:8] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li s-sultan Sedekija kien għamel patt mal-poplu li kien f’Ġerusalemm, meta kien nidielhom il-ħelsien, [Ġer:34:9] jiġifieri, li kulħadd jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu Lhudi u kull wieħed l-ilsira tiegħu Lhudija, u b’hekk ħadd aktar ma jżomm fil-jasar lil ħutu Lhud. [Ġer:34:10] U l-prinċpijiet u l-poplu li kienu daħlu f’dan il-patt li kull wieħed jibgħat ħieles l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira tiegħu, sabiex ma jżommhomx aktar fil-jasar, semgħu u bagħtuhom ħielsa. [Ġer:34:11] Imma mbagħad reġgħu lura minn kelmthom u reġgħu ħadu lura dawn l-ilsiera, rġiel u nisa, li kienu bagħtuhom ħielsa, u għamlu minnhom ilsiera, rġiel u nisa, mill-ġdid.

Kastig għal kulħadd

[Ġer:34:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:34:13] “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Jien kont dħalt f’patt ma’ missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar, u għedtilhom: [Ġer:34:14] ‘Fi tmiem is-seba’ snin int għandek tibgħat ħieles lil ħuk Lhudi, li jkun inbiegħ lilek; hu jaħdimlek għal sitt snin, mbagħad tibagħtu ħieles minn miegħek!’ Imma missirijietkom ma semgħux minni u anqas tawni widen.

[Ġer:34:15] “Intom illum indimtu, u għamiltu s-sewwa f’għajnejja, u nidejtu l-ħelsien kull wieħed lil għajru, u għamiltu patt quddiemi fid-dar li fuqha jissejjaħ ismi. [Ġer:34:16] Imma issa rġajtu lura minn kelmtkom, u kasbartu ismi; rġajtu ħadtu lura kull wieħed l-ilsir tiegħu u kull wieħed l-ilsira tiegħu, li kontu bgħattuhom ħielsa b’rajhom f’idejhom u ġegħeltuhom iservukom ta’ lsiera, rġiel u nisa.

[Ġer:34:17] “Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Intom ma smajtux minni li tniedu l-ħelsien, kull wieħed lil ħuh u kull wieħed li għajru. Arawni, issa nnidilkom il-ħelsien, oraklu tal-Mulej. Nerħikom għax-xabla, għall-pesta, u għall-ġuħ, u nagħmel minnkom waħx għas-saltniet kollha ta’ l-art. [Ġer:34:18] U dawk li kisru l-patt tiegħi, li ma żammewx il-kelma tal-patt li għamlu quddiemi, nagħmlilhom bħall-għoġol, li qasmu fi tnejn, u għaddew minn bejn il-bċejjeċ tiegħu.

[Ġer:34:19] “U l-prinċpijiet ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet ta’ Ġerusalemm, l-uffiċjali u l-qassisin, u l-poplu kollu ta’ l-art, li għaddew minn bejn il-bċejjeċ ta’ l-għoġol, [Ġer:34:20] lil dawn kollha se nerħihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u f’idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u l-iġsma mejta tagħhom ikunu ikel għat-tajr ta’ l-ajru, u l-bhejjem ta’ l-art. [Ġer:34:21] Lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u l-prinċpijiet tiegħu nerħihom f’idejn l-għedewwa tagħhom u f’idejn dawk li qegħdin ifittxulhom ħajjithom, u f’idejn l-eżerċtu tas- sultan ta’ Babilonja, li qegħdin jitbiegħdu minnkom.

[Ġer:34:22] “Arawni, se nagħti ordni, oraklu tal-Mulej, u nreġġagħhom lura għal din il-belt, jaħbtu għaliha, jaqbduha f’idejhom, u jaħarquha bin-nar. L-ibliet ta’ Ġuda ħerba nagħmel minnhom u ħadd ma jgħammar fihom.”

35. Ir-Rekabin

[Ġer:35:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej fi żmien Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, u qallu: [Ġer:35:2] “Mur fid-dar tar-Rekabin, kellimhom u ġibhom f’dar il-Mulej f’waħda mill-kmamar, u isqihom l-inbid.”

[Ġer:35:3] Jiena għalhekk ħadt lil Ġażanija bin Ġeremija, bin Ħabassinija, u ‘l ħuh, u ‘l uliedu kollha, u d-dar kollha tar-Rekabin, [Ġer:35:4] u daħħalthom fid-dar tal-Mulej fil-kamra ta’ wlied Ħanan bin Igdalija, bniedem ta’ Alla, li kien qrib il-kamra tal-prinċpijiet fuq il-kamra ta’ Magħxija bin Sallum, Għassies l-Għatba.

[Ġer:35:5] U jien qegħedt quddiem il-familja tar- Rekabin tazzi u kwies mimlijin bl-inbid u għedtilhom: “Ixorbu l-inbid.” [Ġer:35:6] U huma qaluli: “Ma nixorbux inbid! Għax Ġeħonadab bin Rekab ordnalna u qalilna: La tixorbu qatt inbid, la intom u lanqas uliedkom. [Ġer:35:7] Tibnux djar, u tiżirgħux żerriegħa, ixxettlux dwieli, u ma jkollkom anqas waħda, għaliex intom tgħixu fit-tined għomorkom kollu, biex tgħixu għal ħafna żmien fuq wiċċ l-art li intom fiha nies stranġiera. [Ġer:35:8] Aħna smajna mill-kelma ta’ Ġeħonadab bin Rekab, missierna, u qgħadna għal kull ma ordnalna, jiġifieri li ma nixorbux inbid ħajjitna kollha, aħna, niesna, in-nisa tagħna, is-subjien u l-bniet tagħna; [Ġer:35:9] li ma nibnux djar biex ngħammru fihom u li ma jkollniex dwieli, raba’ jew għelieqi għaż-żrigħ. [Ġer:35:10] Aħna ngħixu fit-tined u smajna u għamilna kull ma ordnalna Ġeħonadab, missierna. [Ġer:35:11] Meta, mbagħad, Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, tela’ għall-pajjiż għedna: Ejjew ħa mmorru Ġerusalemm biex neħilsu mill-eżerċtu tal-Kaldin u mill-eżerċtu ta’ l-Aramin; u hekk bqajna ngħammru f’Ġerusalemm.”

Id-diżubbidjenza ta’ Ġuda

[Ġer:35:12] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:35:13] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, mur u għid lin-nies ta’ Ġuda u n-nies li joqogħdu Ġerusalemm: ‘Ma teħdux intom it-tagħlima u tisimgħu minn kliemi? Oraklu tal-Mulej.’

[Ġer:35:14] “Kliem Ġeħonadab bin Rekab seħħ, li bih ordna lil uliedu li ma jixorbux inbid; u huma ma xorbuhx sa llum, għax qagħdu għall-ordni ta’ missierhom. U jiena kellimtkom fuq li kellimtkom bla heda, u intom ma smajtux minni. [Ġer:35:15] U jien bgħattilkom fuq li bgħattilkom bla heda l-qaddejja tiegħi l-profeti biex jgħidulkom: ‘Erġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u tejjbu għemilkom, u la tmorrux wara allat oħra biex isservuhom, u hekk tkunu tistgħu tgħammru fl-art li tajt lilkom u lil missirijietkom’; u intom la tajtuni widen u lanqas smajtu minni.

[Ġer:35:16] “Għax tassew żammew ulied Ġeħonadab bin Rekab, l-ordni li tahom missierhom, imma minni dan il-poplu ma semax. [Ġer:35:17] Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Arawni, se nġib fuq Ġuda u fuq in-nies li jgħammru f’Ġerusalemm il-ħsara kollha li semmejtilhom għax jien kellimthom u huma ma semgħux, sejjaħtilhom u huma ma weġbux.’ ”

[Ġer:35:18] U kellem Ġeremija lid-dar tar-Rekabin: “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Talli intom obdejtu l-ordni ta’ Ġeħonadab missierkom, u ħaristu l-preċetti tiegħu, u għamiltu kollox skond ma ordnalkom, [Ġer:35:19] għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Ma jonqos qatt li xi ħadd min-nisel ta’ Ġeħonadab bin Rekab ikun dejjem quddiemi.’ ”

36. Il-Profeta jikteb l-orakli tiegħu

[Ġer:36:1] U ġara li fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, ġiet din il-kelma lil Ġeremija mingħand il-Mulej u qallu: [Ġer:36:2] “Ħu romblu tal-kitba, u ikteb fuqu l-kliem kollu li jien għedtlek dwar Iżrael, u dwar Ġuda, u dwar il-ġnus kollha minn mindu kellimtek fi żmien Ġosija sa dan il-jum. [Ġer:36:3] Għandu mnejn id-dar ta’ Ġuda, meta jisimgħu bil-ħsara li għandi f’rasi li nagħmlilhom, jerġgħu kull wieħed lura minn triqtu l-ħażina, u jien naħfrilhom ħżunithom u dnubiethom.”

[Ġer:36:4] U Ġeremija sejjaħ lil Bàruk bin Nerija, u Bàruk beda jikteb minn fomm Ġeremija l-kliem kollu tal-Mulej, li l-Mulej kien qallu, fuq ir-romblu tal-kitba.

Il-qari ta’ l-orakli fit-tempju

[Ġer:36:5] U Ġeremija ordna lil Bàruk u qallu: “Miżmum kif jien, ma nistax immur f’dar il-Mulej. [Ġer:36:6] Mur int u aqra mill-ktieb kull ma ktibt minn fommi, il-kliem tal-Mulej, f’widnejn il-poplu, f’dar il-Mulej, f’jum ta’ sawm. Aqrah ukoll f’widnejn in-nies ta’ Ġuda li jiġu minn blietha. [Ġer:36:7] Għandu mnejn it-talb tagħhom jasal sa quddiem il-Mulej, u jerġgħu, kull wieħed minnhom, lura minn triqtu l-ħażina għax kbira hija l-korla u s-saħna tal-Mulej li bihom hedded lil dan il-poplu.”

[Ġer:36:8] U Bàruk bin Nerija għamel kollox skond ma ordnalu Ġeremija, il-profeta, u qara mill-ktieb il-kliem tal-Mulej f’dar il-Mulej.

[Ġer:36:9] Ġara li fil-ħames sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, fid-disa’ xahar, nidew sawma quddiem il-Mulej għan-nies ta’ Ġerusalemm, u għall-poplu kollu ta’ l-ibliet ta’ Ġuda, li kien tela’ Ġerusalemm.

[Ġer:36:10] U Bàruk qara mill-ktieb f’widnejn il-poplu kollu l-kliem ta’ Ġeremija f’dar il-Mulej, fil-kamra ta’ Ġemarija bin Safan, il-kittieb, fil-bitħa ta’ fuq, fid-daħla ta’ Bieb il-Ġdid ta’ dar il-Mulej.

Il-qari fil-kamra ta’ l-iskriba

[Ġer:36:11] U sama’ Mikija bin Ġemarija, bin Safan, il-kliem kollu tal-Mulej minn fuq il-ktieb. [Ġer:36:12] U niżel fil-palazz tas-sultan, fil-kamra tal-kittieb, u kienu hemm il-prinċpijiet kollha: Elisama, il-kittieb, u Delaja bin Samajja, Elnatan bin Għakbor, u Ġemarija bin Safan, u Sedekija bin Ħananija u l-prinċpijiet l-oħra kollha. [Ġer:36:13] U Mikija għarrafhom bil-kliem kollu li kien sama’ meta Bàruk kien qiegħed jaqra mill-ktieb f’widnejn il-poplu.

[Ġer:36:14] Mbagħad il-ġemgħa tal-prinċpijiet bagħtu lil Ġeħudi bin Netanija, bin Selemija, bin Kusi, għand Bàruk biex jgħidlu: “Aqbad f’idejk il-ktieb li kont taqra minn fuqu f’widnejn il-poplu, u ejja.” U Bàruk bin Nerija qabad il-ktieb f’idejh u mar għandhom. [Ġer:36:15] U qalulu: “Oqgħod bilqiegħda u aqra minnu li nisimgħuk.” U Bàruk beda jaqra li jisimgħuh. [Ġer:36:16] U ġara li malli semgħu dan il-kliem kollu beżgħu, u bdew iħarsu lejn xulxin, u jgħidu lil Bàruk: “Ikollna ngħarrfu lis-sultan b’dan kollu.”

[Ġer:36:17] U Bàruk bdew jistħarrġuh u staqsewh: “Għidilna, jekk jogħġbok, kif ktibt dan il-kliem? Minn fommu?” [Ġer:36:18] U Bàruk weġibhom: “Hu beda jgħidli dan il-kliem b’fommu, u jiena kont nikteb bil-linka fuq dan il-ktieb.” [Ġer:36:19] U l-prinċpijiet wieġbu lil Bàruk: “Mur u nħeba, int u Ġeremija, u ħadd m’għandu jkun jaf fejn intom.”

Is-sultan jaħraq il-ktieb

[Ġer:36:20] Huma mbagħad marru għand is-sultan, f’daru, fil-kamra tiegħu, wara li ħallew ir-romblu fil-kamra ta’ Elisama l-kittieb, u għarrfu lis-sultan b’kull ma kien ġara.

[Ġer:36:21] U s-sultan bagħat lil Ġeħudi jġib il-ktieb, u dan ħadu mill-kamra ta’ Elisama l-kittieb. U Ġeħudi beda jaqrah f’widnejn is-sultan u f’widnejn il-prinċpijiet li kienu ħdejn is-sultan. [Ġer:36:22] Is-sultan kien qiegħed fil-palazz tax-xitwa; kien id-disa’ xahar, u quddiemu kien hemm kenur imkebbes. [Ġer:36:23] U ġara li kull meta Ġeħudi kien jaqra tlieta jew erba’ kolonni, is-sultan kien iqattagħhom b’mus ta’ l-iskriba, iwaddabhom fin-nar fil-kenur, sakemm il-ktieb kollu ntemm fin-nar li kien hemm fil-kenur. [Ġer:36:24] U ma beżgħux, u anqas ċarrtu ħwejjiġhom, la s-sultan u lanqas il-qaddejja tiegħu li kienu semgħu dan il-kliem kollu. [Ġer:36:25] Għalkemm Elnatan, Delaja, u Ġemarija għafsu fuq is-sultan biex ma jaħraqx il-ktieb, hu ma semax minnhom. [Ġer:36:26] Anzi s-sultan ordna lil Ġeraħmijel, bin is-sultan, u lil Xeraja bin Għażrijel, u lil Selemija bin Għabdel, li jaqbdu lil Bàruk, il-kittieb, u lil Ġeremija l-profeta; imma l-Mulej kien ħbiehom.

It-tieni edizzjoni tal-ktieb

[Ġer:36:27] U wara li s-sultan kien ħaraq il-ktieb u l-kliem li kien kiteb Bàruk minn fomm Ġeremija, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: [Ġer:36:28] “Erġa’ ħu romblu ieħor u ikteb fuqu l-kliem kollu ta’ qabel li kien hemm fil-ktieb ta’ qabel, li ħaraq Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda. [Ġer:36:29] U lis-sultan Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, tgħidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Int ħraqt dan il-ktieb u għedt: Għala ktibt fuqu u għedt: Għad jiġi s-sultan ta’ Babilonja u jħarbat dan il-pajjiż u jeqred minnu bnedmin u bhejjem? [Ġer:36:30] Għalhekk dan jgħid il-Mulej dwar Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda: ma jkollu ‘l ħadd minn nislu li joqgħod fuq it-tron ta’ David, u l-katavru tiegħu jintrema barra għas-sħana binhar u għall-ksieħ billejl. [Ġer:36:31] Jiena nikkastiga lilu u lil nislu, u l-qaddejja tiegħu għal ħżunithom, u nġib fuqhom u fuq min jgħammar f’Ġerusalemm u fuq in-nies ta’ Ġuda, il-ħsara kollha li heddidthom biha, u ma semgħux.”

[Ġer:36:32] U Ġeremija ħa romblu ieħor u tah lil Bàruk bin Nerija, il-kittieb, u kiteb fuqu minn fomm Ġeremija l-kliem kollu li kien hemm fil-ktieb li kien ħaraq fin-nar Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda; u żied magħhom ħafna kliem ieħor bħal dan.

37. Sedekija u l-Profeta

[Ġer:37:1] Kien isaltan is-sultan Sedekija bin Ġosija minflok Konija bin Ġeħojakim, li kien għamlu sultan fuq l-art ta’ Ġuda Nabukodonosor is-sultan ta’ Babilonja. [Ġer:37:2] U ma semgħux minn kliem il-Mulej, li kien qalilhom permezz ta’ Ġeremija, la hu, la l-qaddejja tiegħu u lanqas il-poplu tal-pajjiż.

[Ġer:37:3] U bagħat is-sultan Sedekija lil Ġeħukal bin Selemija u ‘l Sefanija bin Magħxija, il-qassis, għand Ġeremija l-profeta biex jgħidulu: “Itlob għalina l-Mulej, Alla tagħna.” [Ġer:37:4] U l-profeta Ġeremija kien dieħel u ħiereġ f’nofs il-poplu, għax kien għadhom ma tefgħuhx il-ħabs. [Ġer:37:5] L-eżerċtu tal-Fargħun kien ħareġ mill-Eġittu, u malli semgħu b’din l-aħbar, il-Kaldin, li kienu qegħdin jaħbtu għal Ġerusalemm, qabdu u telqu minn madwar Ġerusalemm.

[Ġer:37:6] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija l-profeta u qallu: [Ġer:37:7] “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Dan għandkom tgħidulu lis-sultan ta’ Ġuda, li bagħatkom għandi tistħarrġuni: Ara l-eżerċtu tal-Fargħun, li ħareġ biex jgħinkom, se jerġa’ lura lejn pajjiżu fl-Eġittu; [Ġer:37:8] u l-Kaldin jerġgħu lura biex jaħbtu għal din il-belt, u jaħtfuha, u jagħtuha n-nar.”

[Ġer:37:9] Dan jgħid il-Mulej: “La titqarrqux u tgħidu: ‘Jitilqu żgur minn madwarna l-Kaldin’, għax ma jitilqux. [Ġer:37:10] Lanqas jekk tkissru l-eżerċtu kollu tal-Kaldin, li qegħdin jaħbtu għalikom, u jibqa’ minnhom biss miġruħin, kull wieħed fit-tinda tiegħu, dawn iqumu u ‘l din il-belt jagħtuha n-nar.”

[Ġer:37:11] Ġara, mbagħad, li malli l-Kaldin refgħu l-kamp minn madwar Ġerusalemm minħabba l-eżerċtu tal-Fargħun, [Ġer:37:12] Ġeremija ħareġ minn Ġerusalemm biex imur fl-art ta’ Benjamin ħalli jaqsam il-wirt ma’ niesu. [Ġer:37:13] U kif Ġeremija kien fil-Bieb ta’ Benjamin, u kien hemm il-kap ta’ l-għassa jismu Irija bin Selemija, bin Ħananija, u dan waqqaf lil Ġeremija l-profeta u qallu: “Int sejjer mal-Kaldin!” [Ġer:37:14] U Ġeremija qallu: “M’hux veru. M’iniex sejjer għand il-Kaldin.” Imma dan ma emmnux. Mbagħad Irija qabad lil Ġeremija u ħadu għand il-prinċpijiet. [Ġer:37:15] Dawn xegħlu għal Ġeremija, u ħabtu għalih, u xeħtuh fil-ħabs fid-dar ta’ Ġonatan, il-kittieb, li kienu għamluha ħabs. [Ġer:37:16] U lil Ġeremija niżżluh f’ġiebja bil- ħnejjiet, u dam hemm għal ħafna żmien.

[Ġer:37:17] U s-sultan Sedekija bagħat iġibu u beda jistħarrġu f’daru bil-moħbi u jgħidlu: “Hemm xi kelma mingħand il-Mulej?” U Ġeremija kien iwieġeb: “Hemm,” u qallu: “Int tkun mogħti f’idejn is-sultan ta’ Babilonja.”

[Ġer:37:18] U Ġeremija qal ukoll lis-sultan Sedekija: “Fiex inqast jien kontra tiegħek, jew kontra dan il-poplu, biex xħettuni l-ħabs? [Ġer:37:19] U fejn huma l-profeti tagħkom li kienu jħabbrulkom u jgħidulkom: ‘Ma jiġix is-sultan ta’ Babilonja għalikom u għal dan il-pajjiż?’ [Ġer:37:20] Issa ismagħni, jekk jogħġbok, sultan sidi; ħa tasal għandek it-talba tiegħi; terġax tibgħatni f’dar Ġonatan il-kittieb, li ma mmutx hemm.” [Ġer:37:21] Is-sultan Sedekija ta ordni, u lil Ġeremija għalquh fil-bitħa ta’ l-għassa; u kienu jagħtuh ħobża kuljum mit-triq tal-furnara, sakemm kien għad fadal ħobż fil-belt. U Ġeremija baqa’ fil-bitħa ta’ l-għassa.

38.Ġeremija mixħut f’bir

[Ġer:38:1] U Sefatija bin Mattan, u Gedalija bin Pasħur, u Ġukal bin Selemija u Pasħur bin Malakija semgħu l-kliem li Ġeremija kien jgħid lill-poplu kollu: [Ġer:38:2] “Dan jgħid il-Mulej: ‘Min jibqa’ f’din il-belt għad imut bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta. U min joħroġ għal mal-Kaldin jgħix u jikseb ħajtu daqs li kieku kienet priża, imma jibqa’ ħaj. [Ġer:38:3] Dan jgħid il-Mulej: ‘Żgur li din il-belt tingħata f’idejn l-eżerċtu tas-sultan ta’ Babilonja u dan jaħtafha f’idejh.’ ”

[Ġer:38:4] Il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: “Ħalli jiġi maqtul dal-bniedem, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan m’huwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu.”

[Ġer:38:5] U s-sultan Sedekija qalilhom: “Araw, f’idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom!” [Ġer:38:6] U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa ta’ l-għassa; mbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

Għebed-melek italla’ lill-profeta mill-bir

[Ġer:38:7] Għebed-melek, il-Kusi, fizzjal, kien qiegħed fil-palazz tas-sultan meta sama’ li kienu tefgħu lil Ġeremija fil-bir. Issa s-sultan kien bilqiegħda ħdejn il-Bieb ta’ Benjamin. [Ġer:38:8] Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu: [Ġer:38:9] “Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kull ma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt.”

[Ġer:38:10] Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: “Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut.”

[Ġer:38:11] U Għebed-melek ħa dawn it-tlieta min-nies miegħu, u mar fil-palazz tas-sultan fil-maħżen tal-ħwejjeġ, u minn hemm ħa xi ċraret qodma u lbiesi mqattgħin, u niżżilhom bil-ħbula fil-bir lil Ġeremija.

[Ġer:38:12] U Għebed-melek, il-Kusi, qal lil Ġeremija: “Isa, qiegħed dawn iċ-ċraret qodma taħt abtek minn taħt il-ħbula.” U hekk għamel Ġeremija. [Ġer:38:13] U ġibdu lil Ġeremija bil-ħbula u tellgħuh mill-bir. U baqa’ Ġeremija fil-bitħa ta’ l-għassa.

[Ġer:38:14] Is-sultan Sedekija bagħat iġib għandu lil Ġeremija, il-profeta, fit-tielet daħla li hemm f’dar il-Mulej, u s-sultan qal lil Ġeremija: “Se nistaqsik ħaġa, u taħbili ebda kelma.” [Ġer:38:15] U Ġeremija wieġeb lil Sedekija: “Forsi ma tagħtinix il-mewt jekk ngħidlek? U jekk nagħtik parir se tisma’ minni?” [Ġer:38:16] U s-sultan Sedekija ħalef lil Ġeremija bil-moħbi u qallu: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li ħalqilna din il-ħajja, ma noqtlokx u ma nagħtikx f’idejn in-nies li qegħdin ifittxulek ħajtek.”

Ġeremija jwiddeb lil Sedekija

[Ġer:38:17] U Ġeremija qal lil Sedekija: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Jekk int toħroġ għal għand il-fizzjali tas-sultan ta’ Babilonja, ħajtek tkun salva u din il-belt ma jagħtuhiex in-nar, u tibqa’ ħaj, int u darek. [Ġer:38:18] Imma jekk ma toħroġx tilqa’ l-fizzjali tas-sultan ta’ Babilonja, jien nitlaq din il-belt f’idejh il-Kaldin u jagħtuha n-nar, u int ma teħlishiex minn idejhom. ‘ ”

[Ġer:38:19] U s-sultan Sedekija qal lil Ġeremija: “Jiena nibża’ mil-Lhud li qalbu għal mal-Kaldin, li ma jmorrux jagħtuni f’idejhom u jżebilħuni.” [Ġer:38:20] U Ġeremija wieġeb: Ma jitilqukx! Isma’ mill-kelma tal-Mulej li jien qiegħed ngħidlek, u jkollok ir-riżq u ħajtek tibqa’ salva. [Ġer:38:21] Jekk int ma tridx toħroġ, dan hu li wrieni l-Mulej: [Ġer:38:22] Ara, in-nisa kollha li jibqgħu f’dar is-sultan ta’ Ġuda joħorġuhom għal għand il-fizzjali tas-sultan ta’ Babilonja, u l-istess nisa jgħidulek: ‘Qarrqu bik u għelbuk il-ħbieb li int kont tafda fihom; issa li riġlek għodos fit-tajn, huma reġgħu lura minnek.’

[Ġer:38:23] U n-nisa kollha tiegħek, u wliedek, joħorġuhom għal għand il-Kaldin, u int ma teħlishiex minn taħt idejhom; għad jaqbdek f’idejh is-sultan ta’ Babilonja, u din il-belt jagħtuha n-nar.”

[Ġer:38:24] U Sedekija qal lil Ġeremija: “Qis li ma jkun jaf ħadd b’dan il-kliem, li ma tmutx. [Ġer:38:25] Jekk il-prinċpijiet jisimgħu li jien tkellimt miegħek u jiġu għandek u jistaqsuk: ‘X’għedt lis-sultan? Taħbilna xejn, inkella noqtluk. Is-sultan x’qallek?’, [Ġer:38:26] għidilhom: ‘Ressaqt it-talba tiegħi quddiem is-sultan, biex ma jerġax jibgħatni fid-dar ta’ Ġonatan, biex immut hemm.’ ”

[Ġer:38:27] U l-prinċpijiet marru għand Ġeremija u staqsewh, u hu weġibhom sewwasew kif ordnalu s-sultan, u ħallewh bi kwietu, għaliex it-taħdita bejniethom ma kinitx instemgħet. [Ġer:38:28] U Ġeremija baqa’ fil-bitħa ta’ l-għassa sa dakinhar li nqabdet Ġerusalemm.

39. Il-waqgħa u l-qerda ta’ Ġerusalemm

[Ġer:39:1] Fid-disa’ sena ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, fl-għaxar xahar, ġie Nabukodonosor sultan ta’ Babilonja, u l-eżerċtu tiegħu għal Ġerusalemm u assedjaha; [Ġer:39:2] u fil-ħdax-il sena ta’ Sedekija, fir-raba’ xahar, fid-disa’ jum tax-xahar, saret tiċrita fis-swar tal-belt.

[Ġer:39:3] Meta ttieħdet Ġerusalemm daħlu fiha l-prinċpijiet kollha tas-sultan ta’ Babilonja u qagħdu fil-Bieb tan-Nofs: Nergalsarser, prinċep ta’ Simmagir, il-fizzjal il-kbir, u Nebusażban, fizzjal għoli, u l-bqija tal-prinċpijiet l-oħra kollha tas-sultan ta’ Babilonja.

[Ġer:39:4] U ġara li malli rawhom Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u n-nies kollha ta’ l-eżerċtu, ħarbu u ħarġu billejl mill-belt, mit-triq ta’ ġnien is-sultan, mill-bieb ta’ bejn iż-żewġ ħitan, u qabdu t-triq ta’ l-Għaraba.

[Ġer:39:5] Imma l-eżerċtu tal-Kaldin telqulha għal warajhom, u laħqu ‘l Sedekija fix-xagħri ta’ Ġeriko, qabduh u tellgħuh quddiem Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, f’Ribla, fl-art ta’ Ħamat fejn is-sultan qatagħlu s-sentenza.

[Ġer:39:6] U s-sultan ta’ Babilonja qatel lil ulied Sedekija f’Ribla taħt għajnejh, u qatel ukoll is-sultan ta’ Babilonja l-kbarat kollha ta’ Ġuda. [Ġer:39:7] Mbagħad ‘il Sedekija qalagħlu għajnejh, u rabtu bil-ktajjen biex jieħdu lejn Babilonja.

[Ġer:39:8] U l-palazz tas-sultan u d-djar tal-poplu, il-Kaldin tawhom in-nar, u s-swar ta’ Ġerusalemm ġarrfuhom. [Ġer:39:9] U l-bqija tal-poplu, li kien fadal fil-belt, u dawk li kienu ċedew, u l-bqija tal-poplu li kien fadal, Nebużaradan, kmandant ta’ l-għases, ħadhom fl-eżilju f’Babilonja. [Ġer:39:10] U Nebużaradan, il-kmandant ta’ l-għases, ħalla fl-art ta’ Ġuda l-fqar tal-poplu, li ma kellhom xejn, u dakinhar tahom oqsma tad-dwieli u raba’.

[Ġer:39:11] Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, lil Nebużaradan, kmandant ta’ l-għases, dwar Ġeremija kien ordnalu u qallu: [Ġer:39:12] “Ħudu u żommu taħt għajnejk, u tagħmillu ebda ħsara, imma agħmel miegħu kif jgħidlek hu.” [Ġer:39:13] Għalhekk Nebużaradan, kmandant ta’ l-għases, u Nebużardan, fizzjal għoli, u Nergalsareser, il-fizzjal il-kbir, u l-prinċpijiet kollha tas-sultan ta’ Babilonja [Ġer:39:14] bagħtu jġibu lil Ġeremija mill-bitħa ta’ l-għassa u tawh f’idejn Gedalija bin Aħikam, bin Safan, biex joħorġu u jieħdu f’daru u jibqa’ f’nofs il-poplu.

[Ġer:39:15] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija, meta kien għadu fil-bitħa ta’ l-għassa, u qallu: [Ġer:39:16] “Mur u għid lil Għebed-melek, il-Kusi: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Arani, sa ntemm kliemi fuq din il-belt għall-ħsara tagħha u mhux għar-riżq, u dan se jseħħ taħt għajnejk stess. [Ġer:39:17] Imma jien dakinhar neħilsek, oraklu tal-Mulej, u ma tingħatax f’idejn dawk in-nies li minnhom qiegħed tibża’. [Ġer:39:18] Għax insalvak żgur, ma taqax taħt ix-xabla, tkun għalik ħajtek bi priża, talli int ittamajt fija, oraklu tal-Mulej.’ ”

40. Ġeremija meħlus

[Ġer:40:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mingħand il-Mulej wara li Nebużaradan, kmandant ta’ l-għases, bagħtu ħieles minn Rama, għax kien sabu marbut bil-ktajjen f’nofs l-eżiljati minn Ġerusalemm u Ġuda, li kienu sejrin fl-eżilju fil-Babilonja.

[Ġer:40:2] U l-kmandant ta’ l-għases qabad lil Ġeremija u qallu: “Il-Mulej Alla tiegħek kien ħabbar din il-ħsara fuq dan il-post. [Ġer:40:3] U l-Mulej ġiebha u temm kull ma kien ħabbar għax intom dnibtu kontra l-Mulej; u ma smajtux minn kelmtu, u għalhekk ġralkom dan kollu. [Ġer:40:4] U issa, arani, jiena neħilsek mill-ktajjen li għandek ma’ idejk. Jekk jogħġbok tiġi Babilonja, ejja, u jien inżomm għajnejja fuqek; jekk ma jogħġbokx tiġi miegħi Babilonja, oqgħod hawn. Ara, l-art kollha quddiemek, ara fejn jogħġbok u jaqbillek tmur, u mur hemm. [Ġer:40:5] Jekk le, erġa’ lura u mur oqgħod ma’ Gedalija bin Aħikam, bin Safan, li s-sultan ta’ Babilonja għamlu gvernatur fuq l-ibliet ta’ Ġuda, u oqgħod miegħu f’nofs il-poplu, jonkella mur fejn jidhirlek l-aħjar li għandek tmur.” U l-kmandant ta’ l-għases tah l-ikel u rigal, u bagħtu.

[Ġer:40:6] U Ġeremija mar għand Gedalija bin Aħikam f’Misfa, u baqa’ miegħu f’nofs il-poplu li kien baqa’ fil-pajjiż.

Gedalija gvernatur tal-pajjiż

[Ġer:40:7] Il-fizzjali ta’ l-eżerċtu li kienu mxerrdin fil-kampanja semgħu, huma u n-nies tagħhom, li s-sultan ta’ Babilonja kien qiegħed lil Gedalija bin Aħikam, gvernatur fuq il-pajjiż, u fdalu f’idejh l-irġiel, in-nisa, it-tfal u l-fqar tal-pajjiż, li ma kinux ħaduhom fl-eżilju f’Babilonja. [Ġer:40:8] U ġew għand Gedalija, f’Mifsa: Ismagħel bin Netanija, u Ġoħanan u Ġonatat ulied Kareħa, u Xeraja bin Tanħumet, u wlied Għefaj in-Netufi, u Ġeżanija bin Magħka, huma u n-nies tagħhom.

[Ġer:40:9] U Gedalija bin Aħikam, bin Safan, ħalfilhom, lilhom u lin-nies tagħhom, u qalilhom: “La tibżgħux isservu lill-Kaldin: oqogħdu fil-pajjiż u servu lis-sultan ta’ Babilonja, u jkollkom ir-riżq. [Ġer:40:10] U jiena qiegħed f’Misfa biex nidher quddiem il-Kaldin li jiġu għandna. U intom, mela, iġbru l-inbid, il-frott u ż-żejt, aħżnuhom fil-ġarar, u oqogħdu fl-ibliet li ħadtu f’idejkom.”

[Ġer:40:11] U l-Lhud kollha li kienu f’Mowab, u fost ulied Għammon, u f’Edom u fl-artijiet l-oħra kollha, semgħu li s-sultan ta’ Babilonja kien ħalla xi fdal f’Ġuda, u li kien qiegħed fuqhom lil Gedalija bin Aħikam, bin Safan. [Ġer:40:12] Dawn il-Lhud kollha reġgħu lura minn kull art li fihom kienu mxerrda, u ġew fl-art ta’ Ġuda, għand Gedalija f’Misfa, u ġabru kotra kbira ta’ nbid u frott.

[Ġer:40:13] Ġeħonan bin Kareħa u l-kapijiet ta’ l-eżerċtu, li kienu fil-kampanja, marru għand Gedalija f’Misfa [Ġer:40:14] u qalulu: “Għandek tkun taf li Bagħlis, is-sultan ta’ wlied Għammon, bagħat lil Ismagħel bin Netanija, biex joqtlok.” Imma Gedalija bin Aħikam ma emminhomx.

[Ġer:40:15] Ġeħonan bin Kareħa kellem bil-moħbi lil Gedalija f’Misfa u qallu: “Ħalli mmur u noqtol lil Ismagħel bin Netanija, bla ma ħadd ikun jaf. Għala għandu jneħħilek ħajtek, u hekk jixxerrdu l-Lhud kollha li nġabru madwarek, u jinqered dak li fadal minn Ġuda?” [Ġer:40:16] Imma Gedalija bin Aħikam wieġeb lil Ġoħanan bin Kareħa: “La tagħmilx din il-ħaġa għax din hi gidba li qiegħed tgħid fuq Ismagħel.”

41. Il-qtil ta’ Gedalija

[Ġer:41:1] U ġara li, fis-seba’ xahar, ġie Ismagħel bin Netanija, bin Elisama, minn nisel is-slaten u l-kbarat tas-sultan, u għaxra min-nies miegħu, għand Gedalija bin Aħikma, f’Misfa, u lkoll flimkien kielu l-ħobż f’Mifsa. [Ġer:41:2] U Ismagħel bin Netanija ma’ l-għaxra min-nies li kellu miegħu qamu għal Gedalija bin Aħikam, bin Safan, li s-sultan ta’ Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq il-pajjiż, darbuh bix-xabla, u qatluh.

[Ġer:41:3] U Ismagħel qatel ukoll il-Lhud kollha li kienu ma’ Gedalija f’Mifsa, u lill-Kaldin li nzertaw hemm, suldati wkoll.

[Ġer:41:4] U ġara li fit-tieni jum wara l-qtil ta’ Gedalija – u ħadd ma kien għadu jaf – [Ġer:41:5] ġew xi nies minn Sikem, minn Silo u minn Samarija; kienu tmenin raġel, bil-leħja mqaxxra, u b’ilbieshom imċarrat, u b’ġisimhom imqatta’, b’offerti u inċens f’idejhom biex jeħduhom f’dar il-Mulej.

[Ġer:41:6] U Ismagħel bin Netanija ħareġ jilqagħhom minn Misfa; huma kienu resqin u jibku. Malli laħaqhom qalilhom: “Ejjew għand Gedalija bin Aħikam!” [Ġer:41:7] U ġara li malli daħlu f’nofs il-belt, Ismagħel bin Netanija u n-nies li kellu miegħu qatluhom, u xeħtuhom ġo ġiebja; kienet il-ġiebja kbira.

[Ġer:41:8] Fosthom kien hemm għaxart irġiel, u dawn qalu lil Ismagħel: “La toqtolniex, għax għandna moħbija fir-raba’ ħażniet ta’ qamħ, xgħir, żejt u għasel.” U hu waqaf u ma qatilhomx ma’ ħuthom. [Ġer:41:9] U l-ġiebja, li fiha Ismagħel xeħet l-iġsma mejta tan-nies li qatel, kienet il-ġiebja l-kbira li kien ħaffer s-sultan Asa minħabba Bagħsa, sultan ta’ Iżrael. Din il-ġiebja Ismagħel bin Netanija mlieha bil-maqtulin.

[Ġer:41:10] Ismagħel imbagħad qabad b’ilsiera n-nies li kien fadal mill-poplu, li kien hemm f’Misfa – il-bniet tas-sultan u l-bqija tal-poplu li kien f’Mifsa, li Nabużaradan, kmandant ta’ l-għases, kien ħalla f’idejn Gedalija bin Aħikam.

Ismagħel bin Netalija qabadhom b’ilsiera u telaq biex jgħaddi għal għand ulied Għammon.

Ġoħanan iħarbat lil Ismagħel

[Ġer:41:11] Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjal tan-nies armati li kellu miegħu, semgħu bil-ħsara kollha li kien għamel Ismagħel bin Netanija. [Ġer:41:12] Ġabru n-nies kollha tagħhom, u marru jaħbtu għal Ismagħel bin Netanija, u sabuh ħdejn l-għadira l-kbira ta’ Gibgħon. [Ġer:41:13] Ġara li malli n-nies li kienu ma’ Ismagħel raw lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta’ l-eżerċtu miegħu, ferħu. [Ġer:41:14] U n-nies kollha, li Ismagħel kien qabad b’ilsiera minn Misfa, daru u telqu għal ma’ Ġoħanan bin Kareħa.

[Ġer:41:15] Imma Ismagħel bin Netanija, bi tmienja min-nies li kellu miegħu, ħarab minn idejn Ġoħanan, u mar għal għand ulied Għammon.

[Ġer:41:16] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta’ l-eżerċtu li kellu miegħu, ħadu taħt idejhom il-bqija tan-nies li Ismagħel bin Netanija kien ħa b’ilsiera minn Misfa wara l-qtil ta’ Gedalija bin Aħikam, rġiel, nies tal-gwerra, nisa, tfal, uffiċjali – li Ġoħanan kien ġieb lura minn ħdejn Gibgħon. [Ġer:41:17] U telqu u waqfu f’Gerut-kimħam, li taħbat maġenb Betlehem, biex jibqgħu sejrin l-Eġittu [Ġer:41:18] minħabba l-Kaldin; għax bdew jibżgħu minnhom billi Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam, li s-sultan ta’ Babilonja kien qiegħed gvernatur fuq il-pajjiż.

42. Il-parir ta’ Ġeremija

[Ġer:42:1] Mbagħad il-fizzjali kollha ta’ l-eżerċtu u Ġoħanan bin Kareħa, Ġeżanija bin Ħosajja u l-poplu kollu, miż-żgħir sal-kbir, resqu lejn [Ġer:42:2] Ġeremija l-profeta u qalulu: “Ilqa’ t-talba tagħna! Idħol għalina u għal dan il-fdal quddiem il-Mulej, Alla tiegħek, għax, kif tista’ tara b’għajnejk, ftit bqajna mill-kotra li konna. [Ġer:42:3] Jalla jurina l-Mulej, Alla tiegħek, it-triq li għandna naqbdu, u x’għandna nagħmlu.”

[Ġer:42:4] U Ġeremija, il-profeta, qalilhom: “Smajtkom u hawn jien se nitlob lill-Mulej Alla tagħkom kif għedtuli u kull ma jweġibkom il-Mulej ngħidulkom; ebda kelma ma naħbilkom.” [Ġer:42:5] U huma qalu lil Ġeremija: “Ħa jkun xhud sinċier u fidil il-Mulej kontrina jekk ma nagħmlux kollox skond ma jibagħtek tgħidilna l-Mulej. [Ġer:42:6] Tajjeb u ħażin, aħna noqogħodu għall-kelma tal-Mulej, Alla tagħna, li għandu qegħdin nibagħtuk, sabiex ikollna r-riżq, għax inkunu smajna minn kelmet il-Mulej, Alla tagħna.”

[Ġer:42:7] Meta kienu għaddew għaxart ijiem ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija. [Ġer:42:8] U dan sejjaħ lil Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali ta’ l-eżerċtu li kienu miegħu, u l-poplu kollu, mill-kbir saż-żgħir, [Ġer:42:9] u qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li intom bgħattuni għandu biex nitolbu għalikom. [Ġer:42:10] Jekk intom tibqgħu tgħammru f’dan il-pajjiż, jien nibnikom mill-ġdid u ma nħottkomx; nħawwilkom u ma naqlagħkomx, għax jien indimt mill-ħsara li għamiltilkom. [Ġer:42:11] La tibżgħux mis-sultan ta’ Babilonja li minnu intom imbeżżgħin. La tibżgħux minnu, oraklu tal-Mulej, għax jien magħkom biex insalvakom u neħliskom minn idejh. [Ġer:42:12] U nqanqlu għall-ħniena lejkom u jħenn għalikom, u jħallikom tgħammru f’artkom. [Ġer:42:13] Imma jekk tgħidu ma ngħammrux f’dan il-pajjiż, u hekk ma tisimgħux minn kliem il-Mulej, Alla tagħkom, [Ġer:42:14] u tibdew tgħidu: ‘Le, mmorru fl-art ta’ l-Eġittu fejn ma narawx gwerer, lanqas nisimgħu d-daqq tat-tromba, u ma mmutux bil-ġuħ minħabba nuqqas ta’ ikel, u hemm ngħammru’, [Ġer:42:15] issa, mela isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom il-fdal ta’ Ġuda: Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Jekk intom tal-fehma soda li tmorru l-Eġittu, u tmorru biex tgħixu hemm, [Ġer:42:16] ix-xabla li minnha qegħdin tibżgħu, tilħaqkom hemm fl-art ta’ l-Eġittu, u l-ġuħ li minnu qegħdin titkexkxu jaqbad magħkom hemm fl-Eġittu, u hemm tmutu. [Ġer:42:17] In-nies kollha li għandhom il-fehma li jmorru l-Eġittu biex jgħixu hemm, hemm imutu bix-xabla, bil-ġuħ, bil-pesta u ħadd minnhom ma jibqa’ ħaj jew jeħles mill-ħsara li jien inġib fuqhom.’ [Ġer:42:18] Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Bħalma l-għadab u s-saħna tiegħi ferrajthom fuq in-nies li kienu jgħammru f’Ġerusalemm, hekk is-saħna tiegħi titferragħ fuqkom jekk tmorru l-Eġittu. Intom issiru dagħa u waħx, saħta u għajb, u ma taraw qatt iżjed dan il-post.’

[Ġer:42:19] “Il-Mulej kellimkom, lilkom il-fdal ta’ Ġuda: ‘La tmorrux l-Eġittu. Intom tafu ben tajjeb li jien xhud kontrikom illum. [Ġer:42:20] Għax intom lgħabtu b’ħajjitkom meta intom bgħattuni għand il-Mulej Alla tagħkom u għedtuli: ‘Itlob lill-Mulej, Alla tagħna, għalina u kull ma jgħid il-Mulej, Alla tagħna, ħabbarhulna u aħna nagħmluh.’ [Ġer:42:21] Jien ħabbarthulkom illum, u ma smajtux minn kliem il-Mulej, Alla tagħkom, u minn dak kollu li bagħatni ngħidilkom. [Ġer:42:22] Mela issa kunu afu sewwa li bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta għad tmutu fil-pajjiż, fejn ħsibtu li tmorru tgħixu.”

43. Il-ħarba lejn l-Eġittu

[Ġer:43:1] U ġara li malli Ġeremija temm jgħid lill-poplu kollu l-kliem kollu tal-Mulej Alla tagħhom, dan il-kliem kollu li l-Mulej Alla tagħhom bagħtu jgħidilhom [Ġer:43:2] Għażarija bin Ħosagħaja, Ġoħanan bin Kareħa, u n-nies kollha, kburin u xewwiexa, qalu lil Ġeremija: “Int qiegħed tigdbilna! Ma bagħtikx il-Mulej, Alla tagħna, tgħidilna: ‘La tmorrux l-Eġittu biex tgħammru hemm.’ [Ġer:43:3] Bàruk bin Nerija qiegħed jgħawwik għalina biex jerħina f’idejn il-Kaldin ħalli joqtluna jew jeħduna fl-eżilju f’Babilonja.”

[Ġer:43:4] U Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta’ l-eżerċtu, u l-poplu kollu ma semgħux minn kelmet il-Mulej biex joqogħdu fl-art ta’ Ġuda. [Ġer:43:5] Ġoħanan bin Kareħa, u l-fizzjali kollha ta’ l-eżerċtu, qabdu l-fdal ta’ Ġuda, li kienu ġew lura minn fost il-ġnus li xterdu fihom biex jgħammru fl-art ta’ Ġuda, [Ġer:43:6] rġiel, nisa, tfal, il-bniet tas-sultan u n-nies kollha, li Nebużaradan, il-kmandant ta’ l-għases, kien ħalla ma’ Gedalija bin Aħikam, bin Safan, u ‘l Ġeremija, il-profeta, u ‘l Bàruk bin Nerija; [Ġer:43:7] u marru fl-art ta’ l-Eġittu, għax ma semgħux minn kelmet il-Mulej, u waslu sa fl-inħawi ta’ Taħfanħes.

Nabukodonosor u l-Eġittu

[Ġer:43:8] U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija f’Taħfanħes u qallu: [Ġer:43:9] “Ħu f’idejk ġebel kbir u waħħlu fit-tajn fil-misraħ ta’ ħdejn bieb id-dar tal-Fargħun f’Taħfanħes, taħt għajnejn il-Lhud [Ġer:43:10] u għidilhom: ‘Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Arawni, jien se nibgħat inġib lil Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, il-qaddej tiegħi. U hu jqiegħed it-tron tiegħu fuq dan il-ġebel li int waħħalt u jifrex il-baldakkin tiegħu fuqu. [Ġer:43:11] U jiġi, u jaħbat għall-art ta’ l-Eġittu; u min hu għall-mewt, għall-mewt; min hu għall-eżilju, għall-eżilju; u min hu għax-xabla, għax-xabla.

[Ġer:43:12] ‘U t-tempji ta’ l-allat ta’ l-Eġittu jagħtihom in-nar u jaħraqhom; iġorrhom fl-eżilju; u jifli l-art ta’ l-Eġittu, bħalma jifli r-ragħaj mantaru, u joħroġ minn hemm rebbieħ. [Ġer:43:13] U jkisser il-plieri ta’ Belt ix-Xemx, li hemm fl-art ta’ l-Eġittu; u d-djar ta’ l-allat ta’ l-Eġittu jagħtihom in-nar u jaħraqhom.’ ”

44. L-aħħar parir tal-Profeta

[Ġer:44:1] Il-kelma li ġiet lil Ġeremija għal-Lhud li kienu jgħammru fl-art ta’ l-Eġittu u joqogħdu f’Migdol, f’Taħfanħes, f’Nof, u fl-art ta’ Patros u qalilhom: [Ġer:44:2] “Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Intom rajtu l-ħsara kollha li jiena ġibt fuq Ġerusalemm u fuq l-ibliet kollha ta’ Ġuda. Arawhom, illum saru ħerba u ħadd ma hemm jgħammar fihom. [Ġer:44:3] Minħabba l-ħażen tagħhom li għamlu biex jinkuni u jinkurlawni billi marru jaħarqu l-inċens u jservu allat oħra, li ma kinux jafu bihom, la huma u la intom, u lanqas missirijiethom.

[Ġer:44:4] “U jien kont nibagħtilkom bla heda l-qaddejja tiegħi l-profeti biex jgħidulkom: ‘Isaw, tagħmlux dawn il-ħwejjeġ moqżieża li jien nistkerrah.’ [Ġer:44:5] Imma ma semgħux u lanqas taw widen biex jerġgħu lura minn ħżunithom, u ma joffrux aktar inċens lil allat oħra. [Ġer:44:6] U xegħlu s-saħna u l-għadab tiegħi; xegħlu fuq l-ibliet ta’ Ġuda u fuq it- toroq ta’ Ġerusalemm, u saret minnhom ħerba u xagħra kif għandhom sa llum.

[Ġer:44:7] “U issa dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: għala qegħdin tagħmlu din il-ħsara kbira lilkom infuskom, billi teqirdu minn nofs Ġuda rġiel u nisa, tfal u trabi, u m’hu se jibqa’ ħadd minnkom? [Ġer:44:8] Għala qegħdin tinkuni b’għemil idejkom u taħarqu l-inċens lil allat oħra fl-art ta’ l-Eġittu fejn intom ġejtu tgħammru, biex se tinqerdu, u se tkunu saħta u għajb fost il-ġnus kollha ta’ l-art. [Ġer:44:9] Jaqaw insejtu l-ħażen ta’ missirijietkom, u l-ħażen tas-slaten ta’ Ġuda, u l-ħażen tan-nisa tagħhom, u l-ħażen tagħkom u tan-nisa tagħkom, li għamlu fl-art ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm. [Ġer:44:10] Sa llum għadhom ma nidmux, ma beżgħux, u ma mxewx skond il-liġi tiegħi u l-preċetti li jien qegħedt quddiemkom u quddiem missirijietkom.

[Ġer:44:11] “Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Arawni, se ndawwar wiċċi għal fuqkom biex nagħmlilkom il-ħsara u biex neqred ‘il Ġuda kollu. [Ġer:44:12] U naqbad il-fdal ta’ Ġuda li dawwru wiċċhom biex imorru lejn l-Eġittu u jgħammru hemm. Għad jintemmu lkoll fl-art ta’ l-Eġittu; u jmutu bix-xabla u bil-ġuħ; jintemmu miż-żgħir sal-kbir; imutu bix-xabla u bil-ġuħ; u jsiru dagħa u waħx, saħta u għajb. [Ġer:44:13] U għad nikkastiga lil kull min jgħammar fl-art ta’ l-Eġittu, bħalma kkastigajt lil Ġerusalemm bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta. [Ġer:44:14] U ma jkun hemm ħadd li jeħles jew jaħrab mill-fdal ta’ Ġuda, li ġew jgħammru fl-art ta’ l-Eġittu bit-tama li jmorru lura lejn l-art ta’ Ġuda, li għaliha mxennqin li jerġgħu lura fiha u jgħammru hemm. Ma jerġgħux lura, ħlief xi maħrubin.”

[Ġer:44:15] U wieġbu lil Ġeremija l-irġiel kollha, li kienu jafu li n-nisa tagħhom kienu qegħdin jaħarqu l-inċens lil allat oħra, u n-nisa kollha li kienu miġbura f’ġemgħa kbira, u l-poplu kollu li kien jgħammar fl-art ta’ l-Eġittu f’Patros u qalulu: [Ġer:44:16] “Dak li għedtilna f’isem il-Mulej, m’aħniex se nisimgħu minnek. [Ġer:44:17] Għax aħna rridu nagħmlu dak li ħareġ minn fommna, u naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha libazzjonijiet bħalma konna nagħmlu, aħna u missirijietna, is-slaten u l-prinċpijiet tagħna, fl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm; u għalhekk konna mxebbgħin bil-ħobż, konna qegħdin tajjeb, u ħsara ma rajniex. [Ġer:44:18] Imma minn mindu waqafna milli naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha l-libazzjonijiet, naqasna kollox, u ntemmejna bix-xabla u l-pesta.” [Ġer:44:19] U n-nisa qalulu: “U meta aħna konna naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u noffrulha l-libazzjonijiet jew meta konna nagħmlulha l-kagħak xbieha tagħha u sawwabnielha l-libazzjonijiet, jaqaw dan konna nagħmluh bla ma kienu jriduna żwieġna?”

[Ġer:44:20] U Ġeremija wieġeb lill-poplu kollu, rġiel u nisa, il-kotra kollha, li kienu wieġbu b’dan il-mod u qalilhom: [Ġer:44:21] “Jaqaw il-Mulej ma jiftakarx u ma jiġihx f’moħħu l-inċens li intom kontu taħarqu fl-ibliet ta’ Ġuda u fit-toroq ta’ Ġerusalemm, intom u missirijietkom, is-slaten u l-prinċpijiet tagħkom u l-poplu tal-pajjiż? [Ġer:44:22] Il-Mulej ma felaħx iżjed iġerragħkom minħabba l-ħażen ta’ għemilkom u l-qżiżijiet li kontu tagħmlu; għalhekk artkom saret ħerba, u xagħri, u saħta bla ma ħadd joqgħod fiha, kif inhi llum. [Ġer:44:23] Għax intom ħraqtu l-inċens, u dnibtu kontra l-Mulej, u ma smajtux minn kliem il-Mulej, u ma mxejtux skond il-liġi, il-preċetti u d-digrieti tiegħu; għalhekk laħqitkom din il-ħsara kollha, kif inhi llum.”

[Ġer:44:24] U Ġeremija qal lill-poplu kollu, l-aktar lin-nisa: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom in-nies ta’ Ġuda, lkoll kemm intom, li qegħdin fl-art ta’ l-Eġittu: [Ġer:44:25] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Intom u n-nisa tagħkom tgħiduh b’fommkom u tagħmluh b’idejkom, u tgħidu: ‘Aħna rridu ntemmu l-wegħdiet tagħna, rridu li naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet u li nsawwbulha l-libazzjonijiet.’ Żommu l-għewiedi tagħkom u sawwbu l-libazzjonijiet tagħkom.”

[Ġer:44:26] Imma isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom ilkoll, nies ta’ Ġuda li qegħdin tgħammru fl-Eġittu: ‘Arawni, jien naħlef b’ismi l-kbir, jgħid il-Mulej, li qatt iżjed, bl-ebda fomm ta’ ħadd min-nies ta’ Ġuda, ma jissemma ismi u jgħidu: ‘Daqskemm hu ħaj il-Mulej’ fl-art kollha ta’ l-Eġittu.’ [Ġer:44:27] Arawni, jien nixħet għajnejja fuqhom għad-deni u mhux għall-ġid tagħhom. U sa l-inqas wieħed minn Ġuda li hemm fl-art ta’ l-Eġittu jintemmu bix-xabla u bil-ġuħ. [Ġer:44:28] U dawk li jeħilsuha mix-xabla u jerġgħu lura mill-art ta’ l-Eġittu lejn l-art ta’ Ġuda, ikunu ftit fl-għadd. U jkunu jafu l-fdal ta’ Ġuda, li ġew biex jgħammru fl-Eġittu, il-kelma ta’ min isseħħ, tiegħi jew tagħhom.’

[Ġer:44:29] “Dan ikunilkom ta’ sinjal, oraklu tal-Mulej, li ser nikkastigakom f’dan il-pajjiż, sabiex tkunu tafu li t-tehdid tiegħi kontrikom iseħħ żgur.

[Ġer:44:30] “Dan jgħid il-Mulej: ‘Arani, se nerħi lill-Fargħun Ħofra, sultan ta’ l-Eġittu, f’idejn l-għedewwa tiegħu u f’idejn dawk li qegħdin ifittxulu ħajtu bħalma jien erħejt lil Sedekija, sultan ta’ Ġuda, f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, l-għadu tiegħu li kien qiegħed ifittixlu ħajtu.”

45. Kelma lil Bàruk

[Ġer:45:1] Il-kelma li qal Ġeremija, il-profeta, lil Bàruk bin Nerija, meta dan kiteb fi ktieb dan il-kliem minn fomm Ġeremija fir-raba’ sena tas-sultan Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda, u qallu: [Ġer:45:2] “Dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael lilek, Bàruk. [Ġer:45:3] Inti tgħid: ‘Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-Mulej l-għali man-niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.’ [Ġer:45:4] Hekk tgħidlu: ‘Dan jgħid il-Mulej: Arani, dak li jiena bnejt, nħottu, u dak li jiena ħawwilt, naqilgħu, jiġifieri l-art kollha. [Ġer:45:5] Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx, għax, arani, se nġib il-ħsara fuq kull bniedem, oraklu tal-Mulej, imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-gwerra, kull fejn tmur.”

46. L-orakli kontra l-ġnus

[Ġer:46:1] Il-Kelma tal-Mulej dwar il-ġnus li ġiet lil Ġeremija l-profeta.

Oraklu għall-Eġittu

[Ġer:46:2] Għall-Eġittu. Dwar l-eżerċtu tal-Fargħun Neko, sultan ta’ l-Eġittu li kien biswit ix-xmara Ewfrat ħdejn Karkemis u li kissru Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda:

[Ġer:46:3] “Ħejju t-tarka l-kbira u ż-żgħira,
u ersqu għat-taqtigħa.
[Ġer:46:4] Xiddu ż-żwiemel, u irkbu,
intom rikkieba!
Ħudu postkom bl-elmu f’raskom,
sinnu l-lanez,
ilbsu l-kurazzi.
[Ġer:46:5] X’qiegħed nara?
Reġgħu lura kollha mwerwrin;
il-qalbiena tagħhom imkissra,
maħruba u mitlufa, ma jħarsux lura,
biża’ ma’ kullimkien,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:46:6] Ma jaħrabx il-ħafif,
u l-qalbieni ma jeħlishiex.
Lejn it-tramuntana, ħdejn xatt l-Ewfrat,
jitfixklu u jaqgħu.
[Ġer:46:7] Min hu tiela’ bħan-Nil,
bħal xmajjar ilmijietu mqanqla.
[Ġer:46:8] L-Eġittu tiela’ bħan-Nil,
b’ilmijietu mqanqla bħal xmajjar,
u hu jgħid: ‘Jien nitla’,
ngħatti l-art,
u neqred il-belt u lil min jgħammar fiha.’
[Ġer:46:9] Itilgħu, żwiemel,
lebbtu ‘l quddiem, mriekeb!
Oħorġu, qalbiena!
Nies minn Kus u Put, intom li taqbdu t-tarka,
nies minn Lud, li tħaddmu l-qaws.
[Ġer:46:10] Dak il-Jum għal Sidi l-Mulej ta’ l-eżerċti,
Jum il-vendetta,
ħa jitħallas mill-għedewwa tiegħu.
Ix-xabla għad tibla’, għad tixba’
u tisker f’demmhom:
tassew sagrifiċċju għal Sidi l-Mulej,
fl-inħawi tat-tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.
[Ġer:46:11] Itla’ f’Gilgħad, u ħu l-balzmu,
xbejba bint l-Eġittu.
Għalxejn tkattar id-dwiet,
m’hemmx fejqan għalik.
[Ġer:46:12] Il-ġnus semgħu b’għajbek,
u l-karba tiegħek dwiet ma’ l-art,
għax qalbieni jitfixkel f’qalbieni ieħor,
u t-tnejn flimkien jaqgħu fl-art.”

Oraklu għal Nabukodonosor

[Ġer:46:13] Il-kelma li l-Mulej qal lill-profeta Ġeremija, meta Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, ġie biex jaħbat għall-art ta’ l-Eġittu:

[Ġer:46:14] “Ħabbru fl-Eġittu,
u semmgħuh f’Migdol,
xandruh f’Nof u Taħfanħes.
Għidulu: ‘Qum fuq tiegħek u ħejji ruħek,
għax ix-xabla qiegħda tibla’ kollox madwarek.
[Ġer:46:15] Għaliex ħarab Afi?
Għaliex il-gendus tiegħek ma waqafx?
Għax il-Mulej xeħtu ma’ l-art.
[Ġer:46:16] Il-kotra tiegħek tfixklet u waqgħet,
u bdew jgħidu lil xulxin:
‘Qum, ħa mmorru lura ma’ niesna,
u f’art twelidna,
‘il bogħod mix-xabla qerrieda.’
[Ġer:46:17] Agħtu dan l-isem lill-Fargħun,
sultan ta’ l-Eġittu:
‘Ħsejjes waħdu, ħalla ż-żmien jgħaddi!’

[Ġer:46:18] Daqs kemm jien ħaj,
oraklu tas-Sultan,
Jaħweh ta’ l-eżerċti ismu,
bħat-Tabor fost il-muntanji għad jiġi,
bħall-Karmel fuq il-baħar.
[Ġer:46:19] Lesti s-soror għall-eżilju,
xbejba, li tgħammar f’bint l-Eġittu.
Għax Nof ħerba għad issir,
rmied, mingħajr ħadd ma jgħammar fiha.
[Ġer:46:20] Erħa sabiħa l-Eġittu,
xidja mit-tramuntana ġiet fuqu.
[Ġer:46:21] Sa l-mikrija li għandu f’nofsu
qishom għoġiela għas-simna.
Saħansitra huma
daru u ħarbu lura,
u ma żammewx iebes;
għax jum it-telfien waslilhom,
is-siegħa ta’ kastighom.
[Ġer:46:22] Leħnu bħal serp isaffar,
għax ġejjin bil-qawwa ta’ l-eżerċtu;
bl-imnajjar ġejjin għalih,
bħal dawk li jqaċċtu s-siġar.
[Ġer:46:23] Iqaċċtulu l-masġar tiegħu,
oraklu tal-Mulej,
għalkemm ma tgħaddix minnu,
għax kotrana huma aktar mill-ġradijiet,
ma jingħaddux.
[Ġer:46:24] Bint l-Eġittu ġiet fl-għajb,
mitluqa f’idejn poplu tat-tramuntana.”

Oraklu għal Iżrael

[Ġer:46:25] Il-kelma tal-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Arawni! Jien nikkastiga lil Amon ta’ No, l-Eġittu, lill-allat tiegħu u s-slaten tiegħu, u lill-Fargħun, u ‘l dawk li jafdaw fih. [Ġer:46:26] U nerħihom f’idejn dawk li jfittxulhom ħajjithom, u f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u f’idejn il-qaddejja tiegħu, u wara dan l-Eġittu jitgħammar bħal fi żmien il-qedem, oraklu tal-Mulej.

[Ġer:46:27] “U int la tibżax, Ġakobb,
il-qaddej tiegħi;
u la titwerwirx, o Iżrael;
għax, arani, jien insalvak mill-bogħod,
u lil nislek minn art l-eżilju tagħhom.
Ġakobb jerġa’ lura u jgħix fil-kwiet,
fiż-żgur, bla ħadd ma jbeżżgħu.
[Ġer:46:28] Int, Ġakobb il-qaddej tiegħi,
la tibżax,
oraklu tal-Mulej,
għax miegħek jien;
jien neqred il-ġnus kollha,
li fosthom jien xerridtek;
imma minnek ma nagħmilx qerda;
nikkastigak kemm jistħoqqlok,
bla kastig għalkollox ma nħallikx.”

47. Oraklu għall-Filistja

[Ġer:47:1] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lill-profeta Ġeremija għall-Filistin, qabel ma l-Fargħun kien ħabat għal Gaża:

[Ġer:47:2] “Dan jgħid il-Mulej:
Araw, l-ilmijiet telgħin mit-tramuntana
u se jsiru xmara mfawwra.
Se jgħarrqu l-art u kull ma fiha,
il-belt u n-nies li jgħixu fiha.
Jgħajjtu n-nies u jwerżqu,
dawk kollha li jgħammru fil-pajjiż.
[Ġer:47:3] Għat-tqawqib taż-żwiemel qawwija tiegħu;
għall-ħsejjes kbar tal-karrijiet,
u l-irbumbjar tar-roti tiegħu,
il-missirijiet ma jdurux lejn uliedhom
minħabba t-telqa ta’ idejhom.
[Ġer:47:4] Għax wasal jum il-qerda
tal-Filistin ilkoll kemm huma,
biex jinqered għal Tir u għal Sidon,
kull min għad fadal jgħinhom.
Għax il-Mulej se jeqred il-Filistin,
il-bqija tal-gżira ta’ Kaftor.
[Ġer:47:5] Qriegħet Gaża,
ntemmet Askalon.
Int Asdod, fdal l-Għanakin,
kemm se ddum tqatta’ ġismek?
[Ġer:47:6] Ah, ix-xabla tal-Mulej,
kemm se ddum ma tieqaf?
Erġa’ idħol f’għantek,
strieħ u iskot!
[Ġer:47:7] Kif tista’ tieqaf
jekk jikkmandaha l-Mulej?
Askalon u x-xtajta tal-baħar,
għal hemm hu bagħatha?

48. Oraklu għal Mowab

[Ġer:48:1] Għal Mowab: dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael:

“Gwaj għal Nebu, saret ħerba,
waqgħet fl-għajb, nqabdet Kirjatajm;
mgħajjba u mirbuħa l-fortizza.
[Ġer:48:2] Ma għadhiex aktar il-foħrija ta’ Mowab,
f’Ħesbon ifasslu l-ħażen kontrieh:
“Ejjew ħa neqirduh minn fost il-ġnus.’
U int ukoll, Madmèn, għad isikktuk;
għal warajk għad tiġri x-xabla.
[Ġer:48:3] Isma’ l-għajat minn Ħoronajm!
Ħerba u tkissir bil-kbir!
[Ġer:48:4] Tfarrak Mowab,
l-għajat jinstama’ sa minn Segor.
[Ġer:48:5] Għax it-telgħa ta’ Luħit
imbikkija jitilgħuha.
Għax fin-niżla ta’ Ħoronajm
jisimgħu l-għajta tal-qerda.
[Ġer:48:6] Aħarbu! Salvaw ħajjitkom,
kunu bħal ħmar selvaġġ fix-xagħri.
[Ġer:48:7] Għax int qegħedt it-tama tiegħek
fix-xogħol ta’idejk u t-teżori tiegħek,
int ukoll għad jaqbduk.
U Kemos jitlaq għall-eżilju
bil-qassisin u l-prinċpijiet tiegħu.
[Ġer:48:8] U l-qerried jilħaq ‘il kull belt,
u ebda belt ma teħlisha;
jitħarbat il-wied,
tinqered il-wita,
bħalma qal il-Mulej.
[Ġer:48:9] Agħti l-ġwienaħ lil Mowab ħalli jtir,
għax blietu jsiru ħerba,
u ħadd aktar ma jgħammar fihom.
[Ġer:48:10] Misħut il-bniedem li jagħmel xogħol
il-Mulej b’nofs kedda;
U misħut hu min iżomm ix-xabla ‘l bogħod
mid-demm.
[Ġer:48:11] Mowab kien bi kwietu sa minn żgħożitu,
u mistrieħ fil-bittija
u qatt ma tferragħ minn ġarra għal ġarra,
u fl-eżilju qatt ma mar.
Għalhekk dejjem baqgħetlu t-togħma tiegħu,
u r-riħa tiegħu qatt ma nbidlet.
[Ġer:48:12] Għalhekk arahom ġejjin jiem,
oraklu tal-Mulej,
meta nibgħat nies li jqallbu l-ġarar,
u jqallbuh, u jferrgħu l-ġarar kollha tiegħu,
u jitħnu l-qolol tagħhom.

[Ġer:48:13] U Mowab għad jistħi minn Kemos
bħalma stħaw dar Iżrael
minn Betel, it-tama tagħhom.
[Ġer:48:14] Kif tistgħu tgħidu:
‘Qalbiena aħna u rġiel ta’ ħila għall-ġlied’?
[Ġer:48:15] Il-qerried ta’ Mowab u blietu tela’,
u l-aħjar taż-żgħażagħ tiegħu niżlu għall-qatla,
oraklu tas-Sultan,
Jaħweh ta’ l-eżerċti ismu.
[Ġer:48:16] Għoddha waslet il-qerda ta’ Mowab,
ġejja bl-għaġla l-ħsara tiegħu.
[Ġer:48:17] Ibkuh intom ilkoll ġirien madwaru,
u intom li tafu b’ismu u għidu:
‘Kif tkisser ix-xettru setgħan,
ix-xettru glorjuż!”
[Ġer:48:18] Inżel mill-glorja tiegħek,
oqgħod fuq l-art niexfa,
int li tgħammar f’Dibon,
għax il-qerried ta’ Mowab tela’ għalik,
ħa jġarraf il-fortizzi tiegħek.
[Ġer:48:19] Oħroġ fit-triq u ħares,
int li tgħammar f’Għarogħer.
Stħarreġ il-maħrub u l-meħlus;
staqsieh: ‘X’inhu li ġara?’
[Ġer:48:20] Mowab waqqgħuh fl-għajb,
għax tfarrak.
Ixhru u għajjtu,
xandruha ma’ xtut l-Arnon
li tkisser Mowab.
[Ġer:48:21] Wasal il-ħaqq fuq art il-wita;
fuq Ħolon u fuq Ġaħsa, u fuq Mefagħat,
[Ġer:48:22] fuq Dibon u fuq Nebu,
u fuq Bet-diblatajm;
[Ġer:48:23] fuq Kirjatajm, u fuq Bet-gamul,
u fuq Bel-megħon;
[Ġer:48:24] fuq Kirjot u fuq Bosra,
u fuq kull belt ta’ art Mowab,
tal-qrib u tal-bogħod.
[Ġer:48:25] Il-qawwa ta’ Mowab tfarrket
u driegħu tkisser,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:48:26] Sakkruh għax tkabbar quddiem il-Mulej;
ħa jitmiegħek fit-taqligħ tiegħu,
ħa jaqa’ għaż-żufjett.
[Ġer:48:27] Ma waqqajtx lil Iżrael għaż-żufjett?
Kien jaqaw maqbud fost il-ħallelin,
biex kull meta kont titkellem fuqu,
ixxejjer rasek?

[Ġer:48:28] Ħallu l-ibliet
u morru għammru fil-blat,
intom li tgħammru f’Mowab.
Kunu bħall-ħamiema,
li tbejjet f’xifer l-irdum.
[Ġer:48:29] Smajna bil-kburija ta’ Mowab,
mkabbar bil-bosta:
kemm tgħolla, tkabbar u żżarġan!
Kemm intefħet qalbu!

[Ġer:48:30] Jien naf tajjeb kburitu,
oraklu tal-Mulej,
bi ftaħiru fil-vojt,
b’għemilu fieragħ.
[Ġer:48:31] Għalhekk jien nixher għal Mowab,
għal Mowab kollu ngħajjat,
għan-nies ta’ Kir-ħeres jien nibki.

[Ġer:48:32] Nibkik aktar minn Ġagħżer,
ja dielja ta’ Sibma!
Feragħtek waslu ‘l hemm mill-baħar,
laħqu sa Ġagħżer.
Fuq il-frott u l-ġabra ta’ l-għeneb tiegħek
se jinxteħet il-qerried.

[Ġer:48:33] Għelbu l-ferħ u l-hena,
mill-art għammiela ta’ Mowab.
Jien nixxift l-inbid mill-magħsar,
l-għassar ma jagħsarx aktar;
l-għana ferrieħ m’għadux għana ta’ ferħ.

[Ġer:48:34] L-għajat ta’ Ħesbon jasal sa Elgħali,
sa Ġaħas tasal l-għajta tagħhom,
minn Sogħar jinstama’ l-għajat tagħhom,
sa Ħoronajm u Għeglat-selisija,
saħansitra l-ilmijiet ta’ Nimrin nixfu.

[Ġer:48:35] Jiena ntemm minn Mowab,
oraklu tal-Mulej,
lil min joffri s-sagrifiċċji fuq l-għoljiet,
u jaħraq l-inċens lill-allat tiegħu.

[Ġer:48:36] Għalhekk qalbi tokrob bħall-flawt għal
Mowab;
tingħi qalbi bħall-flawt
għan-nies ta’ Kir-ħeres;
għax il-qligħ li għamlu mar fix-xejn.

[Ġer:48:37] Kull ras tqarwżet, kull leħja tqaxxret;
u idejhom kollha mqattgħin,
u l-ġenbejn miksija bix-xkora.
[Ġer:48:38] Fuq il-bjut kollha ta’ Mowab,
u fil-pjazez kollha,
kullimkien biki,
għax jien kissirt ‘il Mowab bħal ġarra li ma
togħġobnix,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:48:39] “Kif tfarrak! Xi jwerżqu!
Kif dawwar dahru Mowab kollu għajb;
Mowab waqa’ għaż-żufjett,
u sar waħx u twerwir għall-ġirien madwaru.
[Ġer:48:40] Għax dan jgħid il-Mulej:
“Araw, bħal ajkla jittajjar,
u jifrex ġwenħajh għal fuq Mowab.
[Ġer:48:41] Jinqabdu l-ibliet,
jintrebħu l-fortizzi.
F’dak il-jum qalb il-qalbiena ta’ Mowab,
tkun bħal qalb mara fil-ħlas.
[Ġer:48:42] Ma jibqax poplu Mowab, jinqered,
għax tkabbar kontra l-Mulej.
[Ġer:48:43] Għalik li tgħammar f’Mowab
m’hemmx ħlief biża’, ħofra u nassa,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:48:44] Min jaħrab mill-biża’
jaqa’ fil-ħofra;
u min jitla’ mill-ħofra
jinqabad fin-nassa.
Jien inġib dan kollu fuq Mowab
fis-sena ta’ kastighom,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:48:45] Għad-dell ta’ Ħesbon jistrieħu
bla saħħa l-maħrubin;
imma nar joħroġ minn Ħesbon,
u ilsna tan-nar mill-palazz ta’ Siħon,
u jibilgħu ġbin Mowab
u l-qorriegħa tan-nies imkabbra.

[Ġer:48:46] Gwaj għalik Mowab,
ntemm il-poplu ta’ Kemos,
għax is-subjien tiegħek ittieħdu fil-jasar,
u bnietek fl-eżilju.
[Ġer:48:47] Imma jien inbiddel ix-xorti ta’ Mowab,
fl-aħħar jiem,”
oraklu tal-Mulej.

Sa hawn il-ġudizzju fuq Mowab.

49. Oraklu għal Għammon

[Ġer:49:1] Għal ulied Għammon dan jgħid il-Mulej:
“Ma għandux forsi wliedu Iżrael?
Ma għandux forsi werrieta?
Mela għaliex Milkom wiret lil Gad,
u l-poplu tiegħu jgħammar fi blietu?
[Ġer:49:2] Għalhekk, araw, għad jiġu jiem,
oraklu tal-Mulej,
meta jien insamma’ l-għajta tal-gwerra
għal Rabba ta’ wlied Għammon,
u ssir borġ ħerba,
u blietha n-nar jaħraqhom,
u Iżrael jiret lil min kien wirtu,
il-kelma tal-Mulej.

[Ġer:49:3] Għajjat, Ħesbon, għax wasal il-qerried!
Werżqu, bniet ta’ Rabba.
Tħażżmu bix-xkejjer, u ibku,
morru ġġerrew b’ġildkom imqatta’.
Għax Mikom sejjer fl-eżilju,
bil-qassisin u l-kbarat miegħu.
[Ġer:49:4] X’int tiftaħar bil-widien għammiela,
tfajla infidila!
Qalbek qawwija bil-ħażniet tiegħek tgħid:
‘Min se jiġi għalija?’
[Ġer:49:5] Arani se nġib fuqek il-biża’,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej ta’ l-eżerċti,
minn kull naħa ta’ madwarek.
Isuqukom ‘il barra
kulħadd għal rasu,
u ma jkun hemm ħadd li jiġbor il-maħrubin.
[Ġer:49:6] Imma mbagħad inraġġa’ lura
x-xorti ta’ wlied Għammon,”
oraklu tal-Mulej.

Oraklu għal Edom

[Ġer:49:7] U lil Edom dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Forsi m’hemmx aktar għerf f’Teman?
Jaqaw għab l-għaqal mid-dehnin?
Ntemm l-għerf tagħhom?

[Ġer:49:8] Aħarbu, erġgħu lura,
morru inħbew fil-qiegħ,
intom li tgħammru f’Dedan.
Għax se nġib fuq Għesaw il-qerda tiegħu
fi żmien kastigu.
[Ġer:49:9] Jekk l-għassara jiġu għandek,
jaqaw ma jħallux xi fdal warajhom?
Jekk billejl jiġu l-ħallelin,
jaqaw ma jeqirdux biss kemm ikollhom bżonn?
[Ġer:49:10] Hekk jien innażża’ lil Għesaw,
nikxiflu l-moħbiet tiegħu,
bla ma jkun jista’ jinħeba.
Jinqerdu nislu, u ħutu, u ġirienu,
u hu ma jibqax iżjed.
[Ġer:49:11] Ħalli l-iltiema tiegħek,
u jien ngħajjixhom
u ħalli r-romol tiegħek jafdaw fija.”

[Ġer:49:12] Għax dan jgħid il-Mulej:
“Araw, jekk dawk li ma kellhomx jixorbu l-kalċi issa jkollhom jixorbuh, jaqaw se tibqa’ int bla kastig? Int ma teħlishiex, għax ikollok tixrob żgur! [Ġer:49:13] Għax jien ħlift bija nnifsi, oraklu tal-Mulej, li Bosra ssir ħerba, għajb, waħx, saħta, u blietha jkunu kollha ħerba għal dejjem.”

[Ġer:49:14] Jien smajt aħbar mingħand il-Mulej,
messaġġ intbagħat lill-ġnus:
“Inġabru u morru għaliha
u ħejju ruħkom għat-taqtigħa!
[Ġer:49:15] Arani, se nċekknek fost il-ġnus,
nagħmlek għajb fost il-bnedmin.
[Ġer:49:16] Il-biża’ li kont iġġib qarraq bik, il-kburija ta’ qalbek,
int li tgħammar fi xquq il-blat,
tixxabbat ma’ l-ogħla qċaċet.
Mqar jekk tagħmel il-bejta tiegħek
ogħla minn dik ta’ l-ajkla,
jien inniżżlek minn hemm,
oraklu tal -Mulej.

[Ġer:49:17] Edom għad issir waħx. Kull min jgħaddi minnha jibqa’ mistagħġeb u bla nifs għall-ġerħiet li ġarrbet. [Ġer:49:18] Bħal meta ġġarrfu Sodoma u Gomorra u l-ġirien tagħhom, jgħid il-Mulej, ħadd iżjed ma jgħammar hemm, ebda bniedem ma jmur joqgħod fiha.

[Ġer:49:19] Ara, bħal iljun tiela’
mill-masġar tal-Ġordan,
għall-mergħat dejjiema,
hekk f’tebqa t’għajn jiena nħarrbu minnu,
u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi.
Għax min hu bħali?
Min se jħarrikni?
Min hu r-ragħaj li jiqafli?
[Ġer:49:20] Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej,
li għamel għal Edom,
u l-ħsieb li għandu għal dawk li
jgħammru f’Teman.
Iva, ikaxkrulhom sa ż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom,
ħerba ssirilhom il-mergħa tagħhom.
[Ġer:49:21] Titheżheż l-art għall-ħoss tal-waqgħa
tagħhom;
sa minn Baħar il-Qasab jinstama’ twerżiqhom.
[Ġer:49:22] Arawh! Bħal ajkla jitla’ u jittajjar ħafif,
għal fuq Bosra jifrex ġwenħajh,
u qalb il-qalbenin ta’ Edom dakinhar,
bħal qalb mara fil-ħlas issir.”

Oraklu għal Damasku

[Ġer:49:23] Dwar Damasku:
“Mħawwda Ħamat u Arfad,
għax aħbar ħażina semgħu;
mqallba bħall-baħar,
tqanqlu u m’għandhomx kwiet.
[Ġer:49:24] Nfniet Damasku, daret biex taħrab,
qabditha r-rogħda;
id-diqa u l-uġigħ,
bħal mara fil-ħlas ħakmuha.
[Ġer:49:25] Kif telquha, belt it-tifħir,
belt l-għaxqa!
[Ġer:49:26] Iż-żgħażagħ tagħha
għad jaqgħu mejta fil-pjazez tagħha,
u jinqerdu l-gwerriera dakinhar,
oraklu tal-Mulej ta’ l-eżerċti.
[Ġer:49:27] Nkebbes in-nar fuq swar Damasku,
u l-palazzi ta’ Benħadad jiblagħhom.

Oraklu għal Kedar

[Ġer:49:28] Għal Kedar u s-saltniet ta’ Ħażor, li rebaħhom Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja.

Dan jgħid il-Mulej:
“Qumu u itilgħu għal Kedar
u ħarbtu n-nies tal-lvant.
[Ġer:49:29] Ħa jeħdulhom l-għerejjex u l-imrieħel
tagħhom,
ix-xaqaq u tagħmirhom kollu;
ħa jaqbdulhom l-iġmla tagħhom.
Ħa jgħajjtu minħabba fihom:
‘Biża’ minn kullimkien.’

[Ġer:49:30] Aħarbu, morru ‘l bogħod, għammru
f’qiegħ l-art,
intom li tgħammru f’Ħażor!”
Oraklu tal-Mulej.
Għax Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja,
għandu pjan kontrikom,
fassal ħsieb kontrikom.

[Ġer:49:31] Qumu u itilgħu kontra ġens bi kwietu,
li jgħammar fiż-żgur,
oraklu tal-Mulej,
la għandu bwieb u anqas żbarri,
u waħdu jgħammar.
[Ġer:49:32] U l-iġmla tiegħu jaqbduhom priża,
u jeħdulu l-kotra ta’ l-imrieħel tiegħu;
u jien inxerred ma’ kull riħ
lil dawk li jqarwżu ngħashom.
u minn kull naħa l-ħsara nġib fuqhom,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:49:33] Bejta tax-xakalli ssir Ħażor,
ħerba għal dejjem.
Ħadd ma jgħammar fiha
u ebda bniedem ma joqgħod hemm.”

Oraklu għal Għelam

[Ġer:49:34] Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Ġeremija, il-profeta, fuq Għelam, fil-bidu tas-saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, u qallu:
[Ġer:49:35] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Arani, se nfarrak qaws Għelam,
sies qawwietu.

[Ġer:49:36] U nġib fuq Għelam l-erbat irjieħ
mill-erbat itruf tas-sema,
u nxerridhom ma’ l-irjieħ kollha,
u ma jkunx hemm ġens fejn
ma jaslux fih il-maħrubin minn Għelam.

[Ġer:49:37] Jien inwerwer lil Għelam quddiem
l-għedewwa tiegħu,
u quddiem dawk li jfittxulu ħajtu;
u nġib fuqhom il-ħsara,
is-saħna tal-korla tiegħi,
oraklu tal-Mulej.
Nibgħat warajhom ix-xabla
sakemm inkun qridthom.

[Ġer:49:38] U jien inqiegħed it-tron tiegħi f’Għelam,
u nqaċċat minn hemm
is-sultan u l-prinċpijiet,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:49:39] U jiġri fl-aħħar jiem, nraġġa’ x-xorti ta’
Għelam,
oraklu tal-Mulej.”

50. Oraklu għal Babilonja

[Ġer:50:1] Il-kelma li qal il-Mulej għal Babilonja u art il-Kaldin permezz tal-profeta Ġeremija:

[Ġer:50:2] “Ħabbru lill-ġnus u xandru,
għollu stendard u xandru,
taħbu xejn imma għidu:
‘Babilonja ttieħdet,
Bel mistħi,
Merodak imħawwad,
allatha mistħija;
l-idoli tagħha mkissra.’
[Ġer:50:3] Għax tiela’ għaliha poplu mit-tramuntana,
u minn artha jagħmel ħerba.
Ma jkun hemm ħadd jgħammar fiha;
bnedmin u bhejjem telqu u ħarbu.
[Ġer:50:4] F’dawk il-jiem u f’dak il-waqt,
oraklu tal-Mulej,
ulied Iżrael flimkien ma’ wlied Ġuda
jibku huma u ġejjin, għad jiġu jfittxu
lill-Mulej Alla tagħhom.

[Ġer:50:5] Għal Sijon jistaqsu,
lejha jdawwru wiċċhom:
“Ejjew nintrabtu mal-Mulej
b’patt għal dejjem ma jintesa qatt.’
[Ġer:50:6] Merħla nagħaġ mitlufa l-poplu tiegħi;
ħarġuhom mit-triq ir-rgħajja tagħhom;
rħewlhom jiġġerrew fuq l-għoljiet,
minn muntanja għal għolja dejjem sejrin,
sa nsew il-maqjel tagħhom.
[Ġer:50:7] Kien jiblagħhom kull min kien isibhom,
l-għedewwa tagħhom kienu jgħidu:
‘Aħna ma naħtu xejn għax huma dinbu kontra
l-Mulej.
Mergħa tas-sewwa l-Mulej,
u t-tama ta’ missirijiethom.’
[Ġer:50:8] Aħarbu minn nofs Babilonja,
mill-art tal-Kaldin, oħorġu
u kunu bħall-bdabad f’ras il-merħla.
[Ġer:50:9] Għax, arani, se nqajjem u ntella’ għal
Babilonja
ġemgħa ta’ ġnus kbar
mill-art tat-tramuntana;
dawn jitqassmu kontra tagħha,
minn hemm jaħtfuha,
il-vleġeġ tagħhom bħal ta’ gwerrier tas-sengħa,
li qatt ma jerġa’ lura idu f’idu.
[Ġer:50:10] U tkun il-kadilja priża,
u jixbgħu dawk li jisirquha,
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:50:11] Ifirħu! Aqbżu bil-ferħ!
Intom li sraqtu ‘l wirti.
Iva! Aqbżu bħal għoġol fuq il-mergħa,
u iżhru bħal fħal.
[Ġer:50:12] Imma ommkom waqgħet f’mistħija kbira,
dik li wilditkom waqqgħuha fl-għajb.
Arawha, ġiet l-aħħar fost il-ġnus,
saret deżert, art niexfa u xagħra.
[Ġer:50:13] Minħabba l-għadab tal-Mulej,
ħadd ma jgħammar fiha;
kollha kemm hi tkun ħerba.
Kull min jgħaddi minn ħdejn Babilonja,
jibqa’ mistagħġeb u bla nifs
għall-ġerħiet li ġarrbet.

[Ġer:50:14] Tqassmu kontra Babilonja dawramejt,
intom ilkoll li tiġbdu l-qaws.
Waddbulha l-vleġeġ; tibżgħux għalihom,
għax dinbet kontra l-Mulej.
[Ġer:50:15] Għajjtu kontriha minn kull naħa,
refgħet idejha,
waqgħu torrijietha,
ġġarrfu ħitanha.
Tassew, il-Mulej qed jitħallas minnha,
tħallsu minnha,
bħalma għamlet hi, agħmlu lilha.
[Ġer:50:16] Eqirdu minn Babilonja lil min jiżra’,
lil min jaqbad il-minġel fi żmien il-ħsad.
Minn quddiem ix-xabla qattiela,
idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu,
u kulħadd jaħrab lejn artu.

Iżrael jerġa’ lura lejn artu

[Ġer:50:17] Nagħġa mitlufa kien Iżrael,
bl-iljuni jiġru warajha.
L-ewwel belagħha s-sultan ta’ l-Assirja;
mbagħad Nabukodonosor,
sultan ta’ Babilonja, gerrmilha għadamha.”
[Ġer:50:18] Għalhekk dan jgħid il-Mulej ta’
l-eżerċti, Alla ta’ Iżrael:
“Arani, se nikkastiga s-sultan ta’ Babilonja u ‘l artu, bħalma kkastigajt is-sultan ta’ l-Assirja.

[Ġer:50:19] Imma nraġġa’ lura ‘l Iżrael
lejn meragħtu.
Għad jirgħa fuq il-Karmel u f’Basan,
u fuq il-muntanji ta’ Efrajm u Gilgħad għad jixba’.
[Ġer:50:20] F’dawk il-jiem u f’dak iż-żmien,
oralu tal-Mulej,
ifittxu l-ħażen ta’ Iżrael, u ma jsibuhx,
u d-dnubiet ta’ Ġuda, u ma jsibuhomx,
għax jien naħfer lil min inħalli ħaj.
[Ġer:50:21] Itla’ għall-art ta’ Meratajm,
għaliha u għal min jgħammar f’Fekod.
Oqtol u eqred li jibqa’,
oraklu tal-Mulej,
u agħmel kull ma ordnajtlek.
[Ġer:50:22] Ħsejjes ta’ gwerra fil-pajjiż,
u qerda kbira.
[Ġer:50:23] Kif tkisser u tfarrrak il-martell ta’ l-art
kollha!
Kif saret waħx Babilonja fost il-ġnus!
[Ġer:50:24] Nsabtlek, u int inqbadt,
Babilonja, u int ma ntbaħtx.
Sibtek u qbadtek,
għax int ħadtha kontra l-Mulej.
[Ġer:50:25] Il-Mulej fetaħ il-maħżen tiegħu,
u ħareġ l-armi tal-korla tiegħu,
għax għandu x’jagħmel il-Mulej
f’art il-Kaldin.
[Ġer:50:26] Ejjew għaliha minn truf l-art,
u iftħu mħażen qmuħha.
Geddsu kollox bħal munzell,
u eqirdu kollox, li minnha ma jibqa’ xejn.
[Ġer:50:27] Oqtlu l-gniedes kollha,
ħa jinżlu għall-biċċerija.
Gwaj għalihom,
għax waslilhom il-Jum,
żmien il-kastig.

[Ġer:50:28] Isma’! Il-maħrubin
u l-meħlusin minn art Babilonja,
marru jħabbru f’Sijon
il-vendetta tal-Mulej, Alla tagħna,
il-vendetta għat-tempju tiegħu.
[Ġer:50:29] Sejjħu l-arċieri kontra Babilonja,
lil dawk kollha li jiġbdu l-qaws;
waqqfu l-kamp madwarha,
biex ħadd ma jeħles minnha.
Ħallsuha skond ma għamlet,
għamlulha skond għemilha.
Għax iżżarġnet kontra l-Mulej;
kontra l-Qaddis ta’ Iżrael.
[Ġer:50:30] Għalhekk jaqgħu ż-żgħażagħ tagħha
mejta fil-pjazez tagħha,
u jintemmu l-gwerriera dakinhar,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:50:31] Arani, wieqaf quddiemek, ja mżarġna,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej ta’ l-eżerċti.
Wasal il-Jum tiegħek,
żmien kastigek.
[Ġer:50:32] U l-imżarġna togħtor u titgerbeb,
u ma jkunx hemm min iqajjimha.
Nagħti n-nar lil blietha,
u jibla’ l-inħawi kollha ta’ madwarha.
[Ġer:50:33] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
‘Mgħakksin ulied Iżrael,
u wlied Ġuda magħhom.
Dawk kollha li ħaduhom fl-eżilju,
jgħassu fuqhom, ma jridux jitilquhom.’
[Ġer:50:34] Imma l-Feddej tagħhom b’saħħtu,
Jaħweh ta’ l-eżerċti jismu.
Jiddefendi l-kawża tagħhom,
biex jikkwieta d-dinja,
imma jħawwad in-nies ta’ Babilonja.
[Ġer:50:35] Xabla għal fuq il-Kaldin,
oraklu tal-Mulej,
u għal fuq in-nies ta’ Babilonja;
u għal fuq il-prinċpijiet
u l-għorrief tagħha.
[Ġer:50:36] Xabla għal fuq dawk li jeħbru
ħalli jiġġennu.
Xabla għal fuq il-gwerriera tagħha,
ħalli jitwerwru.
[Ġer:50:37] Xabla għal fuq iż-żwiemel
u l-imriekeb tagħha;
u għal fuq il-poplu mħallat
li hemm f’nofsha;
ħa jsiru bħan-nisa.
Xabla għal fuq l-imħażen tagħha,
ħa jisirquhom.
[Ġer:50:38] Xabla għal fuq l-ilmijiet ħalli jinxfu.
Għax art l-idoli hi,
u jiftaħru bil-babaw.
[Ġer:50:39] Għalhekk għad jgħammru fiha
l-bhejjem tax-xagħri u x-xakalli,
u hemm joqogħdu n-ngħam.
Qatt iżjed ma tkun mgħammra,
u aktar fiha ma joqgħod ħadd,
minn żmien għal żmien.
[Ġer:50:40] Bħal meta Alla qered lil Sodoma u lil
Gomorra,
u l-ibliet tal-qrib,
oraklu tal-Mulej,
hekk ħadd iżjed ma jgħammar hemm,
u ebda bniedem ma joqgħod fiha.
[Ġer:50:41] Araw, poplu ġej mit-tramuntana,
ġens kbir u kotra slaten
jitqanqlu minn truf id-dinja.
[Ġer:50:42] Il-qaws u l-vleġeġ jaqbdu;
kiefra, nies bla ħniena,
għajathom ikarwat bħall-baħar,
u ż-żwiemel jirkbu.
Lesti bħal bniedem wieħed għat-taqtigħa,
għalik, bint Babilonja!
[Ġer:50:43] Sama’ s-sultan ta’ Babilonja b’aħbarhom,
u ntelqu idejh,
qabditu d-diqa,
l-uġigħ ta’ mara fil-ħlas.
[Ġer:50:44] Arah, bħal iljun tiela’
mill-masġar tal-Ġordan,
għall-mergħat dejjiema,
hekk f’tebqa t’għajn jiena nħarrbu minnu,
u nqiegħed fuqu l-maħtur tiegħi.
Għax min hu bħali?
Min se jħarrikni?
Min hu r-ragħaj li se jiqafli?
[Ġer:50:45] Għalhekk isimgħu fehmet il-Mulej
li għamel għal Babilonja,
u l-ħsieb li għandu
għal dawk li jgħammru f’art il-Kaldin.
Iva, ikaxkrulhom iż-żgħar tan-nagħaġ tagħhom.
Iva, ħerba ssirilhom mergħathom.
[Ġer:50:46] Titheżheż l-art mal-ħoss
tal-waqgħa ta’ Babilonja,
u l-għajta tagħha tinstama’ fost il-ġnus.”

51. Il-kastig ta’ Babilonja

[Ġer:51:1] Dan jgħid il-Mulej:
“Arani, se nqajjem
kontra Babilonja u kontra n-nies tal-Kaldija,
riħ qerried.
[Ġer:51:2] Nibgħat f’Babilonja nies derrejja;
iderruha u jneżżgħulha artha,
għax jinżlu għaliha minn kull naħa
f’jum il-ħsara.
[Ġer:51:3] Ma jiġbidx l-arċier il-qaws,
ma jiżżarġanx bil-kurazza tiegħu!
Taħfruhiex liż-żgħażagħ tagħha,
eqirdulha l-eżerċtu kollu tagħha.
[Ġer:51:4] Ħa jaqgħu mejta n-nies f’art il-Kaldin,
u miġruħin fit-toroq tagħha.
[Ġer:51:5] Imma Iżrael m’hijiex xi armla, anqas Ġuda,
m’hija mitluqa minn Alla tagħhom,
l-Mulej ta’ l-eżerċti,
minkejja li arthom mimlija dnubiet
kontra l-Qaddis ta’ Iżrael.
[Ġer:51:6] Aħarbu minn nofs Babilonja,
u jaħseb kulħadd għal ħajtu.
La tinqerdux minħabba ħżunitha;
għax hu żmien il-vendetta għall-Mulej,
se jroddilha kull ma ħaqqha,
[Ġer:51:7] Kalċi tad-deheb kienet Babilonja f’id
il-Mulej,
u bih sakkar l-art kollha.
Il-ġnus xorbu minn inbidha,
u għalhekk bliehu l-ġnus.
[Ġer:51:8] Għal għarrieda waqgħet
Babilonja, tfarrket.
Ibkuha!
Ġibu l-balzmu għall-uġigħ tagħha,
għandha mnejn tfiq.
[Ġer:51:9] Konna nfejjquha ‘l Babilonja,
imma hija ma fiqitx.
Ħalluha, immorru kulħadd lejn artu,
għax il-ħaqq tagħha laħaq sas-sema,
u għola sa ġos-sħab.
[Ġer:51:10] Għax il-Mulej ħareġ is-sewwa tagħna
għad-dawl.
Ejjew u nxandru f’Sijon,
għemil il-Mulej Alla tagħna.”

Il-Medi jitħallsu

[Ġer:51:11] “Sinnu l-vleġeġ!
Imlew il-barżakki!
Għax il-Mulej qajjem ruħ is-slaten tal-Medja,
għamel il-ħsieb li ‘l Babilonja jfarrakha;
għax din hi l-vendetta tal-Mulej,
il-vendetta għat-tempju tiegħu.
[Ġer:51:12] Biswit il-ħitan ta’ Babilonja
għollu l-istendard, saħħu l-għases,
qiegħdu l-għassiesa,
onsbu n-nases.
Għax dak li l-Mulej ħaseb, dak għamel,
dak li kien qal għan-nies ta’ Babilonja.
[Ġer:51:13] Int li toqgħod ħdejn il-gliegel ta’ l-ilma,
li għandek teżori kbar,
wasal tmiemek,
waslet għall-qtugħ il-medda tiegħek.
[Ġer:51:14] Il-Mulej ta’ l-eżerċti ħalef bih innifsu:
‘Nimliek bin-nies kotrana bħal ġradijiet,
u jgħollu kontrik l-għajta tar-rebħa.’
[Ġer:51:15] Għamel l-art bil-ħila tiegħu;
issoda d-dinja bl-għerf tiegħu,
u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.
[Ġer:51:16] Mal-ħoss ta’ leħnu,
jitqanqlu l-ilmijiet tas-sema,
u jtella’ s-sħab minn truf l-art;
jagħmel il-beraq għax-xita,
u mill-imħażen tiegħu joħroġ l-irjieħ.
[Ġer:51:17] Iblah il-bniedem u bla għerf;
l-arġentier jistħi għall-idolu tiegħu.
Għax gidba x-xbieha mdewwba,
ma fiha ebda ruħ.
[Ġer:51:18] Frugħat huma u xogħol taċ-ċajt;
f’jum kastighom jintemmu lkoll.

[Ġer:51:19] M’hux bħalhom sehem Ġakobb,
għax hu għamel kull ma hu.
Iżrael hu t-tribù tal-wirt tiegħu,
Jaħweh ta’ l-eżerċti jismu.
[Ġer:51:20] Il-martell kont int għalija,
l-għodda tal-gwerra.
Bik kissirt il-ġnus;
bik ħarbatt is-saltniet;
[Ġer:51:21] bik kissirt iż-żiemel u r-rikkieb;
bik kissirt il-mirkeb u s-sewwieq,
[Ġer:51:22] bik kissirt ir-raġel u l-mara;
bik kissirt ix-xiħ u t-tifel;
bik kissirt iż-żagħżugħ u x-xebba;
[Ġer:51:23] bik kissirt ir-ragħaj u l-merħla;
bik kissirt il-bidwi u l-gniedes;
bik kissirt gvernaturi u kmandanti.
[Ġer:51:24] Lil Babilonja taħt għajnejkom inħallasha,
lilha u n-nies kollha tal-Kaldija,
għad-deni kollu li għamlu lil Sijon,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:51:25] Arani kontrik, muntanja qerrieda,
oraklu tal-Mulej,
li qridt l-art kollha.
Jien immidd idejja għal fuqek,
u ngerbek minn fuq il-blat,
u nagħmel minnek muntanja nar.
[Ġer:51:26] U minnek ma jiħdux la l-ġebla
tax-xewka,
u anqas ħaġar għas-sisien.
Għax issir ħerba għal dejjem,
oraklu tal-Mulej.
[Ġer:51:27] Għollu stendard fuq l-art,
doqqu l-kornu fost il-ġnus.
Lestu l-ġnus għaliha,
sejjħu s-saltniet kontrieha:
Ararat, Minni u Askenaż.
Ibagħtu kontrieha l-kittieba ta’ l-eżerċti,
tellgħu ż-żwiemel bħal ġradijiet bix-xwiek.
[Ġer:51:28] Ħejju l-ġnus għaliha,
is-slaten tal-Medja,
bil-gvernaturi u l-maġistrati tagħhom
bl-art kollha taħt ħakmithom.
[Ġer:51:29] Titkexkex l-art u titriegħed,
għax iseħħ ħsieb il-Mulej għal Babilonja,
li jagħmel ħerba minn art Babilonja,
u ħadd iżjed ma jgħammar fiha.

[Ġer:51:30] Waqfu mill-ġlied il-qalbenin ta’ Babilonja,
u baqgħu fil-fortizzi;
naqsithom il-qlubija u saru qishom nisa.
Id-djar tagħha tawhom in-nar,
tkissru l-iżbarri tagħha.
[Ġer:51:31] Kurrier jiġri wara kurrier,
messaġġier biex jilħaq messaġġier ieħor,
biex jgħarraf lis-sultan ta’ Babilonja,
li beltu ttieħdet minn kullimkien.
[Ġer:51:32] Il-mogħdijiet inqabdu,
u l-fortizzi tawhom in-nar,
u l-gwerriera tilfu rashom.
[Ġer:51:33] Għax dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti,
Alla ta’ Iżrael:
‘Bint Babilonja qisha l-qiegħa
fi żmien id-dris tagħha.
Ftit ieħor u jaslilha jum il-ħsad.’

Babilonja ħerba

[Ġer:51:34] “Belagħni, ġiebni fix-xejn,
Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja;
għamel minni ġarra fiergħa.
Belagħni bħal dragun,
żaqqu mela bl-aħjar li kelli,
u mbagħad irmieni ‘l barra.
[Ġer:51:35] ‘Ħa tilħaq ‘il Babilonja
l-moħqrija li laħqet lili u ‘l qrabati,’
jgħidu n-nies li jgħammru f’Sijon.
‘Ħa jaqa’ demmi fuq in-nies,
li jgħammru fil-Kaldija,’
tgħid Ġerusalemm.
[Ġer:51:36] Għalhekk dan jgħid il-Mulej:
“Arani, se niddefendi l-kawża tiegħek,
u nitħallas għalik.
Nnixxef il-baħar tagħha,
u nqaxqxilha l-għejun tagħha.
[Ġer:51:37] Babilonja ssir borġ ħerba,
bejta għax-xakalli,
waħx u tmaqdir,
għax ħadd ma jkollha jgħammar fiha,
[Ġer:51:38] Lkoll flimkien jgħajjtu bħal iljuni,
bħal frieħ ta’ ljuni jgargru.
[Ġer:51:39] Meta jkunu fis-sħana nħejjilhom festa,
nsakkarhom sakemm jistordu,
u jorqdu raqda għal dejjem,
bla ma qatt iżjed jistenbħu,
oraklu tal-Mulej.

[Ġer:51:40] Nniżżilhom bħall-ħrief għall-qatla
bħall-bdabad u l-imtaten.
[Ġer:51:41] Kif inħatfet Sesak,
u ntrebħet il-foħrija tad-dinja!
Kif saret Babilonja waħx fost il-popli!
[Ġer:51:42] Babilonja tela’ l-baħar għaliha!
u għerqet taħt il-qawwa tal-ħalel tiegħu.
[Ġer:51:43] Blietha saru ħerba,
art niexfa u xagħra,
u ħadd ma jgħammar fihom,
u ebda bniedem ma jgħaddi minnhom.
[Ġer:51:44] Jien nikkastiga ‘l Bel f’Babilonja,
noħroġlu minn ħalqu kull ma bela’;
il-ġnus ma jiġrux aktar lejh.
Sa s-swar ukoll ta’ Babilonja ġġarrfu.

Il-poplu jaħrab

[Ġer:51:45] Oħorġu minn nofsha, poplu tiegħi!
Ħa jsalva kull wieħed ħajtu
minn qillet il-korla tal-Mulej.
[Ġer:51:46] Taqtgħux qalbkom u la tibżgħux
bl-aħbar li xterdet fil-pajjiż.
Is-sena tasal aħbar,
u oħra s-sena ta’ wara.
Moħqrija jkun hawn fl-art,
u tirann kontra tirann.
[Ġer:51:47] Għalhekk għad jiġi żmien,
meta jien niġi nżur l-idoli ta’ Babilonja;
u l-pajjiż kollu tagħha għad jistħi,
u l-midrubin kollha jaqgħu mejta f’nofsha.
[Ġer:51:48] U għad jgħajjtu bil-ferħ għal Babilonja
s-sema u l-art u kull ma fihom,
għax mit-tramuntana għad jiġu għaliha l-qerrieda,
oraklu al-Mulej.

[Ġer:51:49] Babilonja wkoll għad taqa’,
minħabba l-midrubin ta’ Iżrael;
bħalma waqgħu għal Babilonja
l-midrubin tad-dinja kollha.

[Ġer:51:50] Intom li ħlistuha mix-xabla,
itilqu, la tiqfux.
Ftakru fil-Mulej mill-bogħod,
u ħallu ‘l Ġerusalemm tfeġġ f’qalbkom.

[Ġer:51:51] Tħawwadna bl-għajb li smajna,
wiċċna nkesa bil-mistħija,
għax daħlu l-barranin
fis-santwarju ta’ dar il-Mulej.

[Ġer:51:52] Għalhekk, araw, għad jiġu jiem,
oraklu tal-Mulej,
u jien nagħmel ħaqq mill-idoli tagħha,
u f’artha kollha jokorbu l-midrubin.

[Ġer:51:53] Mqar jekk Babilonja togħla sas-smewwiet,
u ssaħħaħ l-għoli ta’ qawwietha
mingħandi jaslulha l-qerrieda,
oraklu tal-Mulej.

Il-qerda

[Ġer:51:54] Isimgħu! Twerżiq u għajat minn
Babilonja,
tkissir kbir minn art il-Kaldin!
[Ġer:51:55] Għax il-Mulej qiegħed iħarbat lil
Babilonja,
u jsikket l-għajat kbir tagħha.
Igargru l-ħalel tagħhom bħal ilmijiet kotrana
u jidwu l-ħsejjes tagħhom ma’ kullimkien.
[Ġer:51:56] Għax wasal fuq Babilonja l-qerried;
qabduhom il-qalbiena tagħha,
u tkissru l-qwies tagħhom.
Għax Alla li jħallsu hu l-Mulej,
u jħallas fuq li jħallas.
[Ġer:51:57] Nsakkar il-prinċpijiet u l-għorrief tagħha,
il-gvernaturi, il-kmandanti u l-gwerriera tagħha;
jorqdu raqda għal dejjem
u ma jistenbħu qatt minnha aktar,
oraklu tas-Sultan,
Jaħweh ta’ l-eżerċti ismu.

[Ġer:51:58] Dan jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti:
“Is-sur wiesa’ ta’ Babilonja jiġġarraf sal-qiegħ,
u bibienha l-għolja n-nar jaħraqhom.
Għax-xejn jitħabtu l-ġnus,
u l-popli jinfnew għan-nar.

Il-messaġġ ta’ Ġeremija

[Ġer:51:59] Dan hu l-messaġġ li ta Ġeremija, il-profeta, lil Xeraja bin Nerija, bin Maħseja, meta dan mar Babilonja ma’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, fir-raba’ sena tas-saltna tiegħu. Xeraja kien l-uffiċjal li kien ħa ħsieb l-alloġġi.

[Ġer:51:60] Ġeremija kiteb fi ktieb wieħed il-ħsara kollha li kellha taqa’ fuq Babilonja: dan il-kliem kollu miktub kontra Babilonja.

[Ġer:51:61] U Ġeremija qal lil Xeraja: “Meta tasal Babilonja qis li taqra dan il-kliem kollu [Ġer:51:62] u għid: ‘Mulej, int għedt li trid teqred dan il-pajjiż u ma jkun hemm ħadd li jgħammar fih, u la nies u lanqas bhejjem, imma jkun ħerba għal dejjem.’

[Ġer:51:63] Meta tispiċċa taqra dan il-ktieb orbotlu ġebla miegħu u waddbu f’nofs l-Ewfrat [Ġer:51:64] u għid: ‘Hekk għad tegħreq Babilonja u ma tqum qatt iżjed minħabba l-ħsara li jien inkun ġibt fuqha.’ ”

Sa hawn kliem Ġeremija.

52. L-assedju u l-waqgħa ta’ Ġerusalemm

[Ġer:52:1] Sedekija kellu wieħed u għoxrin sena meta beda jsaltan u dam isaltan ħdax-il sena f’Ġerusalemm, u ommu kien jisimha Ħamutal, bint Ġeremija minn Libna. [Ġer:52:2] U għamel il-ħażin f’għajnejn il-Mulej bħal kull ma kien għamel Ġeħojakin. [Ġer:52:3] Dan ġara minħabba l-korla tal-Mulej kontra Ġerusalemm u Ġuda, sa ma warrabhom minn quddiem wiċċu. Sedekija qam kontra s-sultan ta’ Babilonja.

[Ġer:52:4] Fid-disa’ sena tas-saltna tiegħu, fl-għaxar xahar, fl-għaxra tax-xahar, Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, tela’ għal Ġerusalemm, hu u l-eżerċtu tiegħu kollu, u waqqfu l-kamp quddiemha, u tella’ ħajt dawramejt magħha. [Ġer:52:5] U l-belt damet magħluqa f’assedju sal-ħdax-il sena tas-sultan Sedekija. [Ġer:52:6] Fir-raba’ xahar, id-disgħa tax-xahar, meta l-ġuħ kien qabad jaħkem sewwa fuq il-belt u ma kienx hemm iżjed ħobż għan-nies tal-pajjiż, [Ġer:52:7] nfetħet tiċrita fis-swar tal-belt, u s-sultan, bis-suldati kollha miegħu ħarbu u ħarġu mill-belt billejl, u għaddew mill-bieb ta’ bejn iż-żewġ ħitan, li kien jagħti għall-ġnien tas-sultan, u, waqt li l-Kaldin kienu jdawwru l-belt minn kull naħa, hu qabad it-triq ta’ l-Għaraba,

[Ġer:52:8] Is-suldati Kaldin telqulha għal wara s-sultan, u laħqu ‘l Sedekija fix-xagħri ta’ Ġeriko, fejn l-eżerċtu kollu tiegħu tferrex ‘il bogħod minnu. [Ġer:52:9] U qabdu s-sultan, u ħaduh f’Ribla, għand is-sultan ta’ Babilonja fil-pajjiż ta’ Ħamat, u dan qatagħlu s-sentenza. [Ġer:52:10] U s-sultan ta’ Babilonja qatel ‘l ulied Sedekija quddiemu stess, u qatel ukoll il-prinċpijiet ta’ Ġuda f’Ribla. [Ġer:52:11] U lil Sedekija għamieh, rabtu bil-ktajjen, u ħadu Babilonja, u għalqu l-ħabs sa jiem mewtu.

[Ġer:52:12] Fil-ħames xahar l-għaxra tax-xahar – kienet id-dsatax-il sena tas-sultan Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja – Nebużardan, kmandant ta’ l-għases, wieħed minn ta’ madwar is-sultan ta’ Babilonja, daħal Ġerusalemm. [Ġer:52:13] Ħaraq it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u d-djar kbar kollha ta’ Ġerusalemm. [Ġer:52:14] U s-suldati kollha tal-Kaldin, li kienu mal-kmandant ta’ l-għases, ġarrfu s-swar kollha ta’ madwar Ġerusalemm.

[Ġer:52:15] U kull min kien fadal mill-poplu, li kienu baqgħu fil-belt, u dawk li kienu ċedew u għaddew għal mas-sultan ta’ Babilonja, u l-bqija kollha tan-nies, Nebużardan, il-kmandant ta’ l-għases ħadhom fl-eżilju. [Ġer:52:16] Nebużardan, il-kmandant ta’ l-għases, ħalla xi wħud minn fost il-fqar tal-pajjiż biex jaħdmu d-dwieli u r-raba’.

[Ġer:52:17] U l-Kaldin kissru l-kolonni tal-bronż, li kien hemm fit-tempju tal-Mulej, u l-maqgħad u l-vaska tal-bronż li kienet fit-tempju tal-Mulej, u ġarrew il-bronż tagħhom lejn Babilonja. [Ġer:52:18] U ħadu l-borom, u l-pwali, u l-imqassijiet, u l-bwieqi, u t-tagħmir kollu tal-bronż li kienu jinqdew bihom fit-tempju. [Ġer:52:19] U l-kmandant ta’ l-għases ħa wkoll il-kwies, il-kwiener, il-baċili, il-borom, l-imnajjar, it-tazez u l-kalċijiet, u kull ma kien tad-deheb, b’deheb, u kull ma kien tal-fidda, b’fidda. [Ġer:52:20] U ż-żewġ kolonni, u l-vaska, u t-tnax-il barri tal-bronż li kienu taħtha, u l-imqagħad li kien għamel is-sultan Salamun għat-tempju tal-Mulej: il-bronż tagħhom ma kontx tiżnu. [Ġer:52:21] Iż-żewġ kolonni, mbagħad, kull waħda kienet tmintax-il driegħ għolja, u ħajta ta’ tnax-il driegħ kienet id-dawra tagħhom, u l-ħxuna tagħha kienet ta’ erba’ swaba’ u vojta minn ġewwa. [Ġer:52:22] Fuqha kellha kapitell tal-bronż, li kien għoli ħamest idriegħ, u madwar il-kapitell kien hemm girlanda u rummien madwaru, kollox tal-bronż; u l-istess il-kolonna l-oħra: kellha girlanda, iddur magħha u mżejjna bir-rummien ukoll. [Ġer:52:23] Ir-rummien kienu sitta u disgħin waħda maqlugħa ‘l barra; b’kollox mitt rummiena madwar il-girlanda.

[Ġer:52:24] Il-kmandant ta’ l-għassiesa ħa wkoll lil Xeraja, il-qassis il-kbir, u lil Sefonija, il-qassis ta’ warajh, u t-tliet għassiesa tal-bieb. [Ġer:52:25] U mill-belt ħa wieħed uffiċjal, li kien jieħu ħsieb in-nies tal-gwerra; u sebat irġiel oħra li kienu midħla tas-sultan, li kienu jinsabu l-belt; u s-segretarju tal-kmandant ta’ l-eżerċtu, li kien idaħħal in-nies tal-pajjiż fl-eżerċtu; u sittin raġel tal-pajjiż li kienu nstabu f’nofs il-belt. [Ġer:52:26] Lil dawn ilkoll Nebużardan, il-kmandant ta’ l-għases, ħadhom u ġiebhom għand is-sultan ta’ Babilonja f’Ribla. [Ġer:52:27] U s-sultan ta’ Babilonja darabhom u qatilhom f’Ribla fl-art ta’ Ħamat.

Hekk Ġuda ġie tturufnat ‘il bogħod minn artu.

[Ġer:52:28] Dan hu l-poplu li eżilja Nabukodonosor: Fis-sena sebgħa, tlitt elef u tlieta u għoxrin minn nies Ġuda. [Ġer:52:29] Fis-sena tmintax, mbagħad, ta’ Nabukodonosor, kienu tturufnati tmien mija u tnejn u tletin ruħ minn Ġerusalemm. [Ġer:52:30] Fis-sena tlieta u għoxrin ta’ Nabukodonosor, Nebużardan, il-kmandant ta’ l-għases, eżilja seba’ mija u ħamsa u erbgħin minn nies Ġuda, b’kollox erbat elef u sitt mitt ruħ.

[Ġer:52:31] U ġara li fis-sena sebgħa u tletin ta’ l-eżilju ta’ Ġeħojakin, sultan ta’ Ġuda, fit-tnax-il xahar, fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar, Evil-merodak, sultan ta’ Babilonja, fis-sena li laħaq sultan, rafa’ ras Ġeħojakin, sultan ta’ Ġuda, u ħarġu mill-ħabs [Ġer:52:32] U beda jkellmu bil-ħlewwa u qegħedlu t-tron ‘il fuq mit-tronijiet tas-slaten l-oħra li kienu miegħu f’Babilonja.

[Ġer:52:33] B’hekk Ġeħojakin sata’ jbiddel ħwejġu li kellu fil-ħabs, u beda jiekol kuljum miegħu tul għomru kollu. [Ġer:52:34] U l-ikel tiegħu ta’ kuljum kien jingħatalu mingħand is-sultan ta’ Babilonja, is-sehem ta’ kuljum f’jiemu, tul il-jiem kollha ta’ ħajtu.