mexxi l-mouse fuq l-istampa

 

Via Dolorosa

 

It-Triq tad-Tbatija

It-triq li elfejn sena ilu, għadda minnha s-Salvatur tad-dinja.

B’salib fuq spaltu.

B’kuruna tax-xewk fuq rasu.

U ġismu ġerħa waħda.

Għalija. Għalik. Għalina.

 

"Hu rafa' fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna."

Il-mixja tagħna wara l-ikkundannat. Bla ħtija imma ħaqqu l-mewt. Il-ġustizzja mgħaffġa taħt is-saqajn minħabba d-dgħjufija u l-viljakkerija. Il-leħen kwiet tal-kuxjenza huwa mgħarraq fl-agħjat tal-folla għax spiss jiġri li l-poter, f’idejn is-setgħana tad-dinja, isir insult lill-verità, lill-ġustizzja, u lid-dinjità tal-bniedem.

F’dan it-test, mirqum b’Malti mexxej mis-Sur Harry Agius Ordway u f’kitba tal-Kardinal Joseph Ratzinger, propju ftit jiem biss qabel kien elett bħala l-Papa Benedittu XVI, nilmħu lil Kristu, li llum għadu miexi l-kalvarju tad-dinja moderna.  Fil-waqgħat tiegħu jidher il-bniedem, li bid-dnub m’għadux aktar xbieha ta’ Alla imma karikatura tiegħu nnifsu u dehra redikola tal-Ħallieq. Jidher il-Kristjaneżmu għajjien mill-fidi, li jinstab jitmiegħek ma’ l-art f’sekulariżmu mingħajr Alla. Jidher Kristu jbati saħansitra fil-ħmieġ tal-Knisja tiegħu, anki qalb dawk, li bħala saċerdoti, imisshom ikunu tiegħu biss.  It-tradiment tad-dixxipli tiegħu stess, li ma kienux denn li rċevew Ġismu u Demmu.

Imma matul it-triq lejn il-Qorriegħa hemm wkoll Marija.  Id-dixxipli ħarbu, imma hi le. Żammet fidila mal-kelma tal-anġlu: “Tibżax, Marija”  U jekk għal Ġesù, il-ħarba tad-dixxipli kienet weġgħa li nifditlu qalbu, il-fidi ta’ Marija kienet konsolazzjoni f’din is-siegħa tiegħu.

Bħal fi żmienna hemm oħrajn; iċ-Ċirinew, li jimxi ma’ min qed isofri u jaqsam miegħu il-piż, il-Veronika li fil-batut tara wiċċ Alla, u n-nisa, li bħal bosta minna llum, nibku għat-tbatija imma kollox jibqa’ għaddej.

F’tarf it-triq, Ġesù huwa mneżża minn ħwejġu biex id-dinjità tiegħu noħduha aħna u b’hekk inkunu nistgħu niksbu lura dak li tlifna bid-dnub tagħna.  U l-Mulej tagħna ma użax il-qawwa tiegħu biex jinżel, imma bata sa’ l-aħħar. Did-dehra ta’ Kristu msallab tqanqalna biex aħna wkoll nissammru miegħu għax b’hekk biss inkunu nifilħu negħlbu t-tentazzjonijiet, li jġgħeluna ningħaqdu ma’ dawk li jwaqqgħu lill-imsallab għaż-żufjett.

Fl-aħħar hemm iċ-Ċenturjun Ruman, il-bniedem bla fidi li jibda jemmen, “Dan hu tassew l-Iben t’Alla.” Il-ġnien tad-difna jfakkarna fi ġnien ieħor mnejn l-ewwel bniedem kien tkeċċa. B’Ġesù fih, iċ-ċimiterju sar ġnien.  Il-qabar mhux aktar it-tmiem ta’ kollox imma il-bidu tal-qawmien.