Laikos

 


         PDF

 

EN

 

INĠEDDU L-ART

L-ISTAZZJONIJIET TAL-VIA SAGRA

GWIDA GĦAT-TALB U RIFLESSJONI FIT-TRIQ MA’ ĠESÙ AĦNA U NITOLBU GĦAT-TIĠDID TAD-DINJA U GĦAL DAWK IMĠAGĦLIN JAĦARBU MILL-ĦERBA LI TINSAB FIHA

 

INTRODUZZJONI

L-effetti tat-tibdil fil-klima jolqtu lilna lkoll.  Għal uħud il-bidla hi gradwali u ma tinħassx għal kollox.  Għal oħrajn l-effetti huma immedjati tant li fi ftit siegħat, minuti jew sekondi, taqilbilhom ħajjithom ta’ taħt fuq.  Dawn id-diżastri ambjentali madwar id-dinja kollha ġagħlu miljuni jħallu djarhom u jmorru jfittxu kenn ximkien ieħor.  L-Istazzjonijiet tal-Via Sagra huma tradizzjoni antika u pellegrinaġġ spiritwali li jakkumpanja lil Ġesù waqt il-passjoni tiegħu.  Filwaqt li l-Passjoni ta’ Kristu hi ġrajja storika, il-Passjoni għadha magħna fiż-żminijiet moderni.  Ħutna li qed jaħarbu mill-ħsara li qed iġib dat-tibdil fil-klima jagħmlu sagrifiċċji kbar fil-vjaġġ lejn is-sigurtà.  Nistedinkom titolbu pemezz ta’ dawn l-Istazzjonijiet tal-Via Sagra bħala mixja flimkien ma’ Ġesù fit-toroq ta’ Ġerusalemm u wkoll bħala mixja ma’ dawk li sfaw itturufnati minħabba t-tibdil fil-klima tad-dinja.

 

TALBA TAL-BIDU

Mulej Ġesù, illum ningħaqdu miegħek fil-Passjoni, nakkumpanjawk fl-akbar prova.  Tina l-kuraġġ li nżommu għajnejna miftuħin, widnejna lesti biex jisimgħu u s-sensi tagħna konxji ta’ dak li ġarrabt inti.  Jalla nagħrfu kif il-Passjoni tiegħek għadha għaddejja fis-sitwazzjoni mwiegħra ta’ ħutna li jfittxu rifuġju f’dawn iż-żminijiet imqallba huma u jaħarbu mill-vjolenza, mill-kunflitti, mill-persekuzzjoni u mill-qerda ambjentali.  Irridu nibqgħu maġenbek anki jekk naqgħu miegħek.  Ħeġġeġ il-passi tagħna b’imħabbtek u t-tama tiegħek, minkejja li aħna m’aħniex ċerti fejn se jintemm il-vjaġġ.  Warrab minna l-biża’ u għinna nsiru konxji tal-preżenza tiegħek f’kull ħaġa.  Ammen.

«Persuna waħda mit-Trinità daħlet fil-kożmu maħluq tagħna, u twaħħdet miegħu sas-salib.  Sa mill-bidu tad-dinja, imma partikolarment permezz tal-inkarnazzjoni, il-misteru ta’ Kristu jaħdem bis-satra fin-natura…» (Il-Papa Franġisku - Laudato si’).

 

L-EWWEL STAZZJON: ĠESÙ KKUNDANNAT GĦALL-MEWT

Riflessjoni :  Aktar minn 800 miljun ruħ fid-dinja huma tturufnati minn djarhom u arthom.  Mis-Sirja sal-Venezwela, mill-Afghanistan sas-Sudan t’Isfel, in-nies għadhom jaħarbu minn djarhom minħabba kunflitti bl-armi u persekuzzjoni reliġjuża, politika u soċjali.  Minkejja s-sitwazzjoni ddisprata ta’ dawn ħutna li qed jaħarbu biex ifittxu l-kenn, bosta pajjiżi madwar il-globu għadhom iżommu jdejhom dwar l-ażil u jillimitaw id-dħul tar-rifuġjati.  Għandna qalb naħslu jdejna bħal Pilatu jew inkella jkun aħjar inħarrġu s-solidarjetà aħna u niftakru li hemm soluzzjoni għal dawn l-inġustizzji?  Mulej, jalla ma naħslux idejna minn dawn ħutna tturufnati madwar id-dinja kollha, u inti, xerred fuqhom l-imħabba kollha u l-paċi li ġejt imċaħħad minnhom meta kkundannawk.

 

IT-TIENI STAZZJONI: ĠESÙ MGĦOBBI BIS-SALIB

Fl-2020 madwar id-dinja kollha 30.7 miljun ruħ spiċċaw rifuġjati minħabba diżastri tat-temp, fosthom 1.7 miljun Amerikani.  Sal-2050, fid-dinja kollha, l-għadd tar-rifuġjati minħabba raġunijiet ta’ tibdil fil-klima jista’ jaqbez il-143 miljun.  Kif nistgħu nilqgħulha kriżi bħal din? Nerfgħuh das-salib jew indawru wiċċna?  Mulej, int stajt ħrabt minn dawk li riedu jippersegwitawk, imma minflok, b’rieda sħiħa ġarrejt is-salib.  Jalla aħna jkollna r-rieda naċċettaw l-isfida li neżaminaw ħajjitna u nsibu l-kuraġġ biex insewwu dak li qed ifarrak il-ħolqien tiegħek u l-poplu tiegħek.

 

IT-TIELET STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ GĦALL-EWWEL DARBA

Riflessjoni:  Meta jseħħ diżastru ħafna minna jistennew bit-tama li jirċievu xi forma ta’ għajnuna jew protezzjoni legali.  Għar-rifuġjati vittmi tat-tibdil fil-klima ftit li xejn hemm protezzjoni legali.  Fil-fatt, legalment mhumiex meqjusin bħala rifuġjati.  Kien hemm żjieda traġika fl-għadd tal-migranti li jippruvaw jaħarbu mill-faqar ħtija tad-degradazzjoni ambjentali.  M’għandhomx għarfien mill-ebda konvenzjoni internazzjonali; ikollhom iġorru l-piz tal-ħajjiet mitmuma li jkunu ħallew warajhom u jisfaw assolutament mingħajr ebda protezzjoni legali.  (Silta mill-Enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku): spiċċajtu tiġġerrew fit-toroq qieskom kriminali, bl-identità vera tagħkom injorata.  Jalla fl-uċuħ tagħkom naraw lil dawk li tkeċċew minn djarhom minħabba l-ħerba fil-klima u nkunu l-vuċi tagħhom f’dinja li ma tagħrafx id-drittijiet u d-dinjità tagħhom.

 

IR-RABA STAZZJON: ĠESÙ JILTAQA’ MA’ OMMU MARIJA

Riflessjoni:  Is-Sahel Ċentrali, reġjun fl-Afrika, ta’ kull sena jintlaqat ħażin mill-effetti tat-tibdil fil-klima, 14-il miljun mhumiex ċerti mill-ħobża ta’ kuljum, u 6.3 miljun tfal taħt il-5 snin ibatu min-nuqqas kbir ta’ nutrizzjoni.  Minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima, ommijiet u missirijiet huma mtaqqlin bl-istress biex jipprovdu l-ikel għal uliedhom, f’postijiet fil-fatt ftit li xejn hemm ikel għad-dispożizzjoni.  Mulej, Ommok akkumpanjatek fit-tbatijiet tiegħek u f’mewtek.  Kemm ġenituri jippreferu jmutu huma milli jaraw lil uliedhom ibatu?  Bħal Marija, m’għandniex indawru wiċċna minnek.  Għinna naġixxu bl-imħabba biex intaffu l-uġigħ ta miljuni ta’ ommijiet li jaraw lil ulliedhom ibatu bla bżonn.

 

IL-ĦAMES STAZZJON: XMUN MINN ĊIRENE JĠORR IS-SALIB TA’ ĠESÙ

Riflessjoni: Waqt li ħutna jaraw kif u jadattaw ruħhom mat-temperturi dejjem jogħlew u mat-temp estrem, aħna nibqgħu ċassi?  M’għandniex nerfgħu xi biċċa minn dal-piż?  “Qed nagħmlu sejħa lil kulħadd, hu x’inhu twemminu, biex jagħmel ħiltu u jisma’ l-karba tal-art u tal-foqra, billi jgħarbel lilu nnifsu u jwiegħed li jagħmel sagrifiċċji ta’ siwi veru favur id-dinja li tana Alla”. (Silta mill-messaġġ konġjunt bejn il-Papa Franġisku, l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby, u l-Arċisqof ta’ Kostantinopli u Patrijarka Ekumeniku Bartilmew).  Mulej x’ifisser iġġorr is-salib flimkien miegħek?  Il-ġurnata, il-pjanijiet u ħajjet Xmun tħarbtu meta kien imġiegħel jgħinek.  Għinna biex nimtlew bir-rieda  li nagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa biex ngħinu lil ħutna li qed ibatu minħabba d-diżastru ambjentali, anki meta l-prezz li jkollna nħallsu jkunu l-pjanijiet u l-kumditajiet tagħna.                           

 

IS-SITT STAZZJON: IL-VERONIKA TIXXOTTA WIĊĊ ĠESÙ

Riflessjoni: Dawk li joqgħodu f’pajjiżi affluwenti għandhom aċċess għall-kumditajiet u għar-riżorsi u jistgħu jtaffu, imqar temporanjament, l-inkonvenjenzi li jġib miegħu t-tibdil fil-klima.  Imma dawn il-kumditajiet, ħafna ħutna madwar id-dinja jħallsu qares għalihom.  Skont il-Ġnus Magħquda il-15-il pajjiż l-aktar vulnerabbli u li l-anqas qed jaddattaw ruħhom għall-bdil fil-klima jinsabu fi stat ta’ kunflitt jew soċjalment fraġli minkejja li r-responsabbiltà tagħhom f’dar-rigward hi minima għax fl-2019 is-sehem tagħhom fit-tniġġis tal-arja kien ta’ 0.2 fil-mija biss.  Mulej, id-dixxipli tiegħek ħarbu għax beżgħu għal rashom.  Ftit nisa neqsin minn kull setgħa li jgħinu, iżda b’kuraġġ ta’ ljun, akkumpanjawk u farrġuk.  Agħtina l-kuraġġ li nibqgħu qrib ħutek vulnerabbli li ma kinux huma li ħolqu l-problema iżda huma l-aktar li se jsofru mill-konsegwenzi traġiċi tagħha.

IS-SEBA’ STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIENI DARBA

Riflessjoni: Fl-2021 l-Isqfijiet tal-Kenya kitbu li nixfa kbira kienet qed tolqot bosta nħawi tal-pajjiż minħabba t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-ambjent.  Komplew jiktbu li donnu li l-mudell ta’ żvilupp kien qed iġib kultura ta’ degradazzjoni tal-ambjent u tnaqqis tar-riżorsi naturali.  Aħna konxji li d-drawwiet tagħna ta’ kuljum spiss huma eċċessivi, ħala u distruzzjoni?  Filwaqt li fiċ-ċirku tagħna dal-ħala ftit li xejn jidher, ma rridux ninsew li l-azzjonijiet tagħna huma biss parti mill-biljuni ta’ azzjonijiet li jitwettqu ta’ kuljum madwar id-dinja.  Mulej nitolbuk għan-nisa u t-tfal tad-dinja kollha.  Int għidtilna biex nitolbu għal min hu mjassar, nitolbu li fihom naraw il-ġid li jistgħu joffrulna, it-tajjeb tagħhom u l-kundizzjoni iebsa li jgħixu fiha, mil-lenti tiegħek.  Nitlobuk tagħtina l-għerf biex inkissru  l-istrutturi li għal dawn il-bnedmin ifissru jasar minħabba l-ġeneru u nitolbuk tħares lill-għadd bla qies ta’ bnedmin itturufnati.

 

IT-TMIEN STAZZJON: ĠESÙ JFARRAĠ LIN-NISA TA’ ĠERUSALEMM

Riflessjoni: Il-konsegwenzi tat-trawma li ġġib magħha l-konfużjoni fil-klima tħalli effett sproporzjonat fuq in-nisa u t-tfajliet.  Dawk li jgħixu fil-kampanja aktarx jiddependu mir-riżorsi naturali għall-għejxien tagħhom.  Bidla fil-klima teffettwa l-kapaċità tagħhom li jipprovdu għall-għejxien u jikber ir-riskju li jisfaw vittmi ta’ vjolenza tal-ġeneru.  Mulej, waqt it-tbatija ħarxa, int ma kontx qed taħseb dwar xortik imma dwar il-missjoni tiegħek biex tfarraġ lill-poplu tiegħek.  Aħna nafu li n-nisa u t-tfajliet għandhom doni li jistgħu jittrasformaw id-dinja, basta ntuhom ċans li jħaddmuhom.  Għinna nimitaw il-qalb tajba tiegħek biex il-vjolenza li tolqot lil tant ħajjiet innoċenti nilqgħulha minn qabel.

 

ID-DISA’ STAZZJON: ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIELET DARBA

Riflessjoni: “Aħna tqal wisq biex noħolqu istituzzjonijiet ekonomiċi u inizjattivi soċjali li bihom il-foqra jkollhom aċċess regolari għall-ħtiġijiet bażiċi.  M’aħniex naraw l-għeruq l-aktar profondi tal-fallimenti tagħna, f’dak li huma direzzjoni, miri, tifsir u implikazzjonijiet soċjali tat-teknoloġika u tat-tkabbir ekonomiku” (Laudato si’ tal-Papa Franġisku).  Mulej, għal darb’oħra int waqajt taħt it-toqol tas-salib.  Darba wara oħra aħna ma nagħtux widen għas-sejħa tiegħek biex inħarsu kif jixraq il-Ħolqien, inħobbu lill-foqra u naqdu lill-proxxmu.  Iftħilna għajnejna biex “nagħrfu sewwa l-għeruq l-aktar profondi tal-fallimenti tagħna”, biex inqumu fuq tagħna u nibqgħu għaddejjin minkejja d-dgħufija tagħna.

 

L-GĦAXAR STAZZJON: ĠESÙ MNEŻŻA’ MINN ĦWEJĠU

Riflessjoni: “Qatt ma kien hemm ħtieġa daqstant kbira għall-ħtiġijiet umanitarji daqs illum, ħtieġa li qed tkompli tikber.  Il-kriżijiet huma riżultat tad-dgħufija umana u tal-kunflitti li t-tibdil fil-klima u l-impatt tal-Covid-19 ħarrxu l-effetti tagħhom.  Fl-2021, madwar 237 miljun ruħ kienu jeħtieġu għajnuna umanitarja, 40% aktar mis-sena ta’ qabel, filwaqt li l-faqar estrem żdied għall-ewwel darba wara 22 sena” (OCHA).  Mulej, is-sitwazzjoni bħalissa qed tneżża’ mill-ftit li baqgħalhom lil dawk li jgħixu fil-faqar bħalma int kont imneżża’ minn ħwejġek imdemmija.  Ħafna ma jridux jammettu li hawn problema inkella jħarsu lejha b’mod superfiċjali.  Dawn ifakkruna kif Pilatu libbsek il-mant irjali biex jgħaddi ż-żmien bik.  Qanqal fina l-empatija biex qatt ma nkunu indifferenti lejn dawk li huma fil-bżonn.

 

IL-ĦDAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JISSAMMAR MAS-SALIB

Riflessjoni: Bħalma jdejn u riġlejn Ġesù kienu minfuda bl-imsiemer, bosta nies madwar id-dinja sfaw minfuda mill-effetti tat-tibdil fil-klima, mill-vjolenza u l-gwerra.  Inġibu quddiem għajnejna lil Ġesù miġruħ bl-imsiemer u jbati b’solidarjetà mal-vittmi innoċenti tal-vjolenza.  Mulej, hekk kif nikkuntemplawk miġruħ fuq is-salib, għinna nindunaw bil-ġrieħi ta’ ħutna kollha madwar id-dinja.  Nitolbu għall-paċi u l-fejqan tagħhom.

 

IT-TNAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JMUT FUQ IS-SALIB

Riflessjoni: Għadd dejjem jiżdied ta’ persuni qed jispiċċaw itturufnati minħabba diżastri naturali u qerda ambjentali.  Ħafna nies qed ikollhom sehem minn dil-qerda bla ma biss jindunaw jew imqar jaħsbu fiha.  Aħna u nassistu għall-mewt ta’ Ġesù, aħna wkoll għandna nerfgħu r-responsabbiltà tal-kontribut tagħna lejn il-mewt u l-qerda tad-dar komuni tagħna.  Mulej, aħfrilna dak li għamilna u tas-sehem tagħna għat-turufnament ta’ ħutna bil-qerda tal-ambjent u għinna nfejqu d-dinja ħalli ħadd aktar minn ħutna ma jispiċċaw itturufnati minħabba l-aġir tagħna.

 

IT-TLETTAX-IL STAZZJON: ĠESÙ MNIŻŻEL MINN FUQ IS-SALIB

Riflessjoni: Fuq id-dinja jaqa’ d-dlam xħin lil Ġesù jniżżluh minn fuq is-salib, għax Iben Alla safa maqtul.  Id-dlam għadu magħna u f’ħajjitna għax iċ-ċikli ta’ vjolenza, oppressjoni u diżastri klimatiċi għadhom għaddejjin. Minkejja, anki fil-qalba tad-dlam, aħna xhieda tal-preżenza t’Alla fin-nies imkeċċijin minn djarhom minħabba l-kunflitti, id-diżastri naturali, inġustizzji ekonomiċi jew vjolazzjoni tad-drittijiet umani. Kuljum nassistu għar-reżiljenza tar-rifuġjati li jsibu l-ħila jaffaċċjaw iċ-ċirkustanzi, iebsin kemm huma iebsin.  Mulej, f’dawn il-waqtiet ta’ dlam, għinna biex ma niddisprawx.  Minflok ningħalqu fina nfusna u fil-weġgħat tagħna, għinna noffru jdejna u ngħinu lil xulxin aħna u nibku t-telfiet tagħna.  Bħala komunità li fiha kulħadd jagħti d-daqqa t’id lil kulħadd, nistgħu nsibu t-triq biex nimxu ‘l quddiem.

 

L-ERBATAX-IL STAZZJON: ĠESÙ JINDIFEN F’QABAR ĠDID

 

Riflessjoni:  It-tama u d-dawl tad-dinja ndifen u n-nisa tal-Galilija, dixxipli fidili, issa bdew jimxu waħedhom mingħajr il-kumpanija ta’ Ġesù.  Kull sena, miljuni fost ħutna jitilqu lejn artijiet ġodda li mhux dejjem jilqgħuhom.  Kull fejn hemm it-tbatija f’din id-dinja, hemmhekk hemm il-preżenza misterjuża tas-salib ta’ Kristu.  Hu permezz ta’ das-salib li d-dawl jinfed id-dlam u min ibati jistenna bit-tama l-miġja ferrieħa tal-Mulej.  Mulej, dawn huma żminijiet diffiċli ħafna u għal ħutna turufnati żminijiet ta’ frustrazzjoni.  Ipprovdi d-dawl u t-tama lil min qed ifittex u qed jistenna mkien li fih iħossu mkennen u żgur.  Jalla mħabbtek, bis-saħħa tas-solidarjetà tagħna, tkun balzmu għal min jibki u ttihom il-faraġ u l-paċi li jiġi minnek biex ma jħossuhomx waħedhom.

 

TALBA TAL-GĦELUQ

Mulej Ġesù, illum qed inħalluk fid-dlam tal-qabar imma nistennewk bit-tama tal-Qawmien tiegħek.  Sawwab fina l-Ispirtu tal-ħajja tiegħek sabiex aħna wkoll nirxuxtaw fik, ħalli l-ħolqien tiegħek jiġġedded.  Għinna narawk dejjem fl-aktar vulnerabbli u emarġinati, speċjalment il-migranti u r-rifuġjati.  Ħarishom fil-vjaġġi tagħhom l-istess bħalma tħares mixjietna.  Għallimna ningħadu flimkien u miegħek bħala Poplu Wieħed, Mulej waħdieni tagħna u Alla migrant, Ġesù Kristu.  Ammen

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber