IS-SEBA’ STAZZJON - Ġesù jaqa’ għat-tieni darba

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

Jiena l-bniedem li ġarrabt il-hemm taħt il-ħatar tal-qilla tiegħu. Lili sâqni u mexxini, fid-dlam bla ebda dawl. Imbarrali t-triq b’ġebel minġur, għawwiġli mogħdijieti. Taħanli biż-żrar snini, u ġagħalni nitmiegħek fl-irmied. (Mill-Ktieb tal-Lamentazjonijiet. 3:1-2, 9, 16)

 

Meditazzjoni

Li Ġesù waqa’ tliet darbiet taħt it-toqol tas-Salib ifakkarna fil-waqgħa ta’ Adam – l-istat tal-waqgħa ta’ l-umanità – u l-misteru ta’ kif Ġesù jaqsam magħna

l-waqgħat tagħna. Matul l-istorja tad-dinja il-waqgħa tal-bniedem tieħu diversi forom. Fl-Ewwel Ittra tiegħu, San Ġwann jitkellem dwar tliet waqgħat: ix-xewqa żienja tal-ġisem, ix-xewqa żienja ta’ l-għajnejn, u x-xenqat tal-ħajja. B’hekk hu qed ifisser il-waqgħa tal-bniedem u ta’ l-umanità minħabba il-mod pervers u ta’ bla rażan li kienu qegħdin jgħixu n-nies ta’ żmienu. Madankollu min-naħa tagħna nafu li fi żminijiet aktar riċenti, naraw  li l-Kristjaneżmu għeja mill-Fidi u beda jitlaq lil Alla. Dan jidher ċar fl-ideoloġiji, u l-eżistenza banali ta’ dawk li ma jemmnu f’xejn u sempliċiment jaqdfu fil-ħajja, ħajja mibnija fuq paganiżmu ġdid u sfrenat, bil-ħsieb li jwarrab lil Alla għal kollox, darba għal dejjem, u fl-istess waqt spiċċaw biex anki tbegħdu minn ħuthom il-bnedmin. U għaldaqstant il-bniedem jinstab jitmiegħek ma’ l-art. Is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu ma jieqafx jġorr dan il-piż u l-waqgħat kollha tagħna, u dan jagħmlu biex jiltaqa’ magħna. Hu jieħu ħsiebna, imissilna qalbna; Hu jaqa’ biex jerġa’ jqajjimna.

 

Talba

Sinjur tagħna Ġesù Kristu, int erfajt u għadek terfa’ l-piżijiet kollha tagħna.

Il-piżijiet tagħna ġelgħuk taqa’. Erfagħna, għax waħedna ma nifilħux inqumu mill-qiegħa ta’ l-art. Eħlisna mill-irbit tax-xewqat żienja. Ibdel il-qalb tal-granit tagħna, f’qalb tal-laħam, biex inkunu nistgħu naraw u nagħrfu. Warrab minn quddiem moħħna l-qawwa ta’ l-ideoloġiji, tħalliniex aktar maqbuda fl-għanqbut tagħhom mimlija gideb. Tħallix il-ħajt tal-materjaliżmu jostrilna d-dehra ta’ quddiemna. Għinna nħossu l-preżenza Tiegħek. Żommna sodi u attenti u kapaċi nirreżistu l-qawwa tad-dlamijiet. Għinna nagħrfu il-bżonnijiet spiritwali u materjali ta’ l-oħrajn, biex ngħinnuhom f’dak li jkollhom bżonn. Għinna nqumu, biex inkunu kapaċi ngħinnu lil l-oħrajn iqumu. Agħtina t-tama kull meta niltaqgħu mad-dlamijiet, biex it-tama fik ngħadduha lid-dinja!

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

Min ma jitnikkitx meta jħares lejn Omm Kristu tbati ma’ Binha?