IS-SITT STAZZJON - Il-Veronika tixxotta wiċċ Ġesù

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, Inti fdejtna.

 

Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżebblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. (Is. 53:2-3)

”Ejja,” għidt f’qalbi, ”fittex ’il wiċċu”; jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bil-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallininix u titlaqnix. (Ktieb tas-Salmi. 27:8-9)

 

Meditazzjoni

”Jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni”, hekk għadna kif qrajna mill-Ktieb tas-Salmi. Il-Veronika – Bernice, fit-tradizzjoni Griega – tiġbor fiha x-xenqa ta’ l-irġiel u n-nisa twajbin tar-Rabta l-Qadima u ta’ dawk kollha li jemmnu, ix-xenqa li jaraw wiċċ Alla. Meta Ġesù kien fi triqtu lejn il-Golgota, għalkemm, għal l-ewwel hi m’għamlet xejn ħlief li uriet il-qalb tajba ta’ mara; għamlet biċċa tal-wiċċ quddiem wiċċ Kristu. Ma żammetx lura minkejja il-kefrija tas-suldati jew uriet il-biża’ li ħakmet lill-Appostli. Hija xbieha ta’ mara twajba, li, qalb dak it-taħwid u l-biża’ kollu, uriet il-kuraġġ li joħroġ mill-istess tjubija u ma ħallietx lill-qalba titħawwad. ”Imberkin dawk li huma safja f’qalbhom”, qal il-Mulej waqt id-Diskors tal-Muntanja, ”għax huma jaraw ’l Alla.” Għal l-ewwel, il-Veronika rat wiċċ imbikkem, muġugħ, imbenġel, u minfuħ bid-daqqiet li kien qala’. Madankollu dak l-att, li għamlet għax ħabbet, stampa l-veru xbieha ta’ Kristu f’qalbha; fuq dak il-wiċċ uman tiegħu, imbenġel u mimli dmija, rat wiċċ Alla u t-tjubija kollha Tiegħu, tjubija li tkun magħna anki fl-akbar dwejjaq li jkollna. L-imħabba biss tnaddafna u tagħtina l-kapaċità li naraw. L-imħabba biss tgħinna nagħrfu li Alla hu l-istess imħabba.

 

Talba

Mulej, agħtina qlub li qatt ma jehdew ifittxu lil wiċċek. Tħallix lil qlubna jaraw biss dak li jidher. Agħtina s-sempliċità u s-safà li jgħinnuna nagħrfu il-preżenza tiegħek f’din id-dinja. Meta aħna m’aħniex kapaċi nwettqu affarijiet kbar, agħtina l-kuraġġ li joħroġ mill-umiltà u mit-tjubija. Stampa wiċċek fi qlubna. Kemm nixtiequ  niltaqgħu Miegħek matul it-triq u nkunu kapaċi nuru x-xbieha tiegħek lid-dinja.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

 

Minħabba d-dnubiet tal-bnedmin Ġesù ġarrab it-tbatija ul-flaġellazzjoni.