IL-ĦAMES STAZZJON - Iċ-Ċirinew jgħin lil Ġesù jerfa’ s-Salib

 

Nadurawk O Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt Tiegħek, inti fdejtna.

 

U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin; sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.”  (Matt: 27;32; 16:24)

 

Meditazzjoni

Xmun minn Ċireni qiegħed fi triqtu lejn daru, lura mix-xogħol, meta jiġi wiċċ’imb’wiċċ ma’ purċissjoni ta’ stkerrija, dik ta’ l-ikkundannati, xi ħaġa li għalih forsi kienet xi ftit komuni. Is-suldati jġegħlu lil dan il-kampanjol, raġel mibni saffejn, biex iġorr is-Salib fuq spallejh. Min jaf xi dwejjaq kbar għaddew minn moħħu meta kellu, bilfors, jagħti l-għajnuna tiegħu lil wieħed mill-ikkundannati. Fil-fatt kellu jagħmel li ma riedx, u jaċċetta. Biex jagħti aktar qawwa lil dak li  qed jiġri, San Mark, f’kapitlu 15 vers 21, mhux biss jagħtina isem iċ-Ċirenew, imma isem uliedu wkoll, ilkoll kemm huma Kristjani magħrufa u membri ta’ dik il-komunità. Minn din il-laqgħa twieldet il-Fidi. Iċ-Ċireni, miexi ma’ ġenb Ġesù u fl-istess waqt jaqsam miegħu il-piż tas-Salib, iħoss li kienet grazzja għalih li seta’ jgħinu u jimxi miegħu sa fejn kellhom isallbuh. Il-misteru ta’ Ġesù, batut u sieket, misslu qalbu. Ġesù, li l-imħabba divina tiegħu waħedha biss, tista’ tifdi lill-umanità kollha irid jaqsam is-Salib Tiegħu sabiex aħna ngħinu biex jintlaħaq dak li kien għadu nieqes mit-tbatija Tiegħu skond ma nsibu miktub fl-Ittra li Kolossin 1:24. Kull meta aħna nuru ħasra lill-batuti, lill-ippersegwitati, u lil dawk li m’għandhomx min jaqbeż għalihom, u naqsmu magħhom it-tbatijiet tagħhom, inkunu qegħdin inġorru l-istess Salib ta’ Ġesù. B’dan il-mod nakkwistaw is-salvazzjoni u nkunu qed nagħtu s-sehem tagħna għas-salvazzjoni tad-dinja.

 

Talba

Mulej, int ftaħt għajnejn u qalb Xmun minn Ċireni, u tagħjtu, billi qasam miegħek is-Salib tiegħek, il-grazzja tal-Fidi. Għinna biex ma nħallu xejn li jtellifna milli ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-bżonnijiet tagħhom. Għinna nifhmu li hija grazzja li nkunu kapaċi naqsmu ma’ l-oħrajn is-slaleb tagħhom, u b’dan il-mod inkunu qed nimxu flimkien Miegħek it-triq tas-salib. Għinna biex napprezzaw u nħossuna ferħanin li, meta naqsmu miegħek is-sofferenzi tiegħek u ta’ din id-dinja, insiru qaddejja tas-salvazzjoni u nkunu kapaċi nibnu l-Ġisem Tiegħek, li hu l-Knisja.

 

Ngħidu flimkien il-Missierna...

Min hu dak li ma jitnikkitx meta jħares lejn Omm Kristu tbati ma’ Binha?